EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0473

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta’ imgħax u ta’ royalties bejn kumpaniji assoċjati ta’ Stati Membri differenti” (riformulazzjoni) COM(2011) 714 finali — 2011/0314 (CNS)

ĠU C 143, 22.5.2012, p. 46–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 143/46


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta’ imgħax u ta’ royalties bejn kumpaniji assoċjati ta’ Stati Membri differenti” (riformulazzjoni)

COM(2011) 714 finali — 2011/0314 (CNS)

2012/C 143/10

Rapporteur: is-Sur MORGAN

Nhar l-20 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta’ imgħax u ta’ royalties bejn kumpaniji assoċjati ta’ Stati Membri differenti (riformulazzjoni)

COM(2011) 714 final – 2011/0314 (CNS).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2012.

Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-22 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’230 vot favur, 4 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-ambitu tal-proposta ta’ emenda għad-Direttiva. Il-Kumitat jinsab kuntent li d-Direttiva emendata u d-Direttiva dwar il-kumpaniji prinċipali u dawk sussidjarji issa ser ikunu allinjati. Jilqa’ b’sodisfazzjon partikolari l-limitu fil-parteċipazzjoni fl-ishma ta’ 10 % meħtieġ biex tiġi stabbilita assoċjazzjoni bejn il-kumpaniji. Il-Kumitat kien diġà enfasizza din l-esiġenza f’Lulju 1998 (1).

1.2

Il-Kumitat jinnota li ħafna Stati Membri ser jitnaqqsilhom id-dħul mit-taxxi minħabba din il-Proposta. F’dan il-perjodu ta’ kriżi fiskali fl-Istati Membri, wieħed irid jassumi li l-approvazzjoni tas-27 Stat Membru ser tirrikjedi ż-żmien. Biex ġiet adottata mill-Kunsill, id-Direttiva ta’ qabel kellha ddum ħames snin wara li l-Proposta ġiet ippubblikata.

1.3

Il-KESE jappoġġja din il-Proposta u jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu l-approvazzjoni tagħhom mill-aktar fis sabiex it-taxxi minn ras il-għajn ikunu jistgħu jiġu razzjonalizzati u sabiex ikun jista’ jiġi eliminat ostaklu ieħor għall-operat tajjeb tas-suq intern.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fl-Unjoni Ewropea, kien hemm żewġ sensiliet paralleli ta’ leġislazzjoni dwar l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja bejn il-kumpaniji prinċipali u l-kumpaniji sussidjarji transkonfinali. Id-Direttivi dwar il-kumpaniji prinċipali u dawk sussidjarji indirizzaw it-tassazzjoni doppja tad-dividendi. It-tieni sensiela ta’ leġislazzjoni tfasslet biex telimina t-tassazzjoni doppja fuq il-pagamenti ta’ imgħax u ta’ royalties. Iż-żewġ sensiliet għadhom ma ġewx issinkronizzati.

2.2

L-ewwel Direttiva dwar il-kumpaniji prinċipali u dawk sussidjarji (90/345/KEE) ġiet adottata fl-1990. Il-punt ewlieni kien li l-kumpanija prinċipali jrid ikollha tal-anqas 25 % tal-ishma f’kumpanija sussidjarja biex tapplika l-eżenzjoni. Fi tmiem l-2003, il-Kunsill adotta emenda għad-Direttiva (2003/123/KE), li naqqset għal 10 % l-limitu tal-parteċipazzjoni fl-ishma meħtieġ biex kumpanija tikkwalifika għal eżenzjoni sa Jannar 2009. L-emenda għad-Direttiva aġġornat ukoll il-lista tal-kumpaniji koperti mid-Direttiva.

2.3

Saret proposta biex l-imgħax u r-royalties jiddaħħlu fl-istess qafas ta’ żmien użat fid-Direttiva dwar il-kumpaniji prinċipali u dawk sussidjarji. Fil-fatt, din kienet kwistjoni prijoritarja fir-rapport Ruding tal-1992 (2). Madankollu, ma seta’ jintlaħaq l-ebda kunsens qabel ma l-Kummissjoni ppubblikat il-proposti tagħha fl-1998 (COM(1998) 67). Il-kwistjoni xorta waħda baqgħet kontroversjali – fost l-Istati Membri kien hemm min iggwadanja u kien hemm min mar minn taħt – u b’hekk il-Kunsill ma rnexxilux jadotta d-Direttiva (2003/49/KE) qabel Ġunju 2003. Minħabba l-polemika involuta, ġew stabbiliti perjodi ta’ tranżizzjoni kemm għall-imgħax u kemm għar-royalties għall-Greċja, Spanja u l-Portugall. Direttiva oħra tal-2004 estendiet l-arranġamenti ta’ tranżizzjoni għal uħud mill-Istati Membri l-ġodda (ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja, bi protokoll tal-2005 li inkluda l-Bulgarija u r-Rumanija).

2.4

Il-KESE approva l-Proposta tal-1998 dwar l-imgħax u r-royalties fl-opinjoni tiegħu li ġiet adottata waqt is-sessjoni plenarja tiegħu li saret f’Lulju 1998 (3). L-opinjoni kienet tinkludi erba’ kummenti speċifiċi: wieħed minnhom kien jikkonsisti fi proposta li l-limitu ta’ 25 % jitnaqqas għal 10 %, filwaqt li t-tlieta l-oħra kienu kummenti ta’ kjarifika.

2.5

F’Ġunju 2006, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat stħarriġ dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Wara dan l-istħarriġ, fil-11 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat Proposta ġdida għar-riformulazzjoni tad-Direttiva bil-għan li tifrex l-ambitu tagħha. Dan ser jallinja d-dispożizzjonijiet dwar l-imgħax u r-royalties mad-Direttiva dwar il-kumpaniji prinċipali u dawk sussidjarji.

2.6

Twettqet valutazzjoni tal-impatt dwar għadd ta’ għażliet qabel ma l-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi l-għażla li tikkonsisti fl-allinjament tad-Direttiva dwar l-imgħax u r-royalties mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kumpaniji prinċipali u dawk sussidjarji fir-rigward tal-pagamenti ta’ imgħax.

2.7

Skont il-valutazzjoni tal-impatt:

rigward il-pagamenti ta’ imgħax, it-telf ma għandux jaqbeż il-EUR 200 sat-EUR 300 miljun u jkun jaffettwa lit-13-il Stat Membru li għadhom japplikaw it-taxxa minn ras il-għajn fuq pagamenti ta’ imgħax li joħorġu mill-pajjiż - il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u r-Renju Unit;

rigward il-pagamenti ta’ royalties, it-telf ma għandux jaqbeż il-EUR 100 sal-EUR 200 miljun u jaffettwa lis-seba’ pajjiżi bl-akbar bilanċi negattivi tal-pagamenti ta’ royalties bħala sehem mill-PDG – il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovakkja. Din hija l-għażla ppreferuta mill-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati li rrispondew għall-konsultazzjoni pubblika.

2.8

Skont il-valutazzjoni tal-impatt, l-inizjattivi inklużi f’din il-Proposta għal riformulazzjoni maħsuba biex jiġu eliminati t-taxxi minn ras il-għajn f’numru kbir ta’ każijiet tinvolvi ffrankar tal-ispejjeż marbuta mal-konformità għall-kumpaniji, liema spejjeż huma stmati bejn EUR 38,4 u EUR 58,8 miljun.

3.   Il-qofol tal-Proposta

3.1

Il-Proposta tal-11 ta’ Novembru 2011 ġiet adottata mill-Kummissjoni bil-għan li:

tibdel l-ambitu tad-Direttiva billi testendi l-lista tal-kumpaniji li tapplika għalihom;

tnaqqas l-esiġenzi ta’ parteċipazzjoni fl-ishma meħtieġa biex tiġi stabbilita assoċjazzjoni bejn il-kumpaniji, minn parteċipazzjoni diretta ta’ 25 % għal waħda ta’ 10 %;

twessa’ d-definizzjoni ta’ “kumpanija assoċjata” b’mod li tinkludi l-parteċipazzjoni fl-ishma indiretta;

tagħmilha ċara li l-Istati Membri jridu jiggarantixxu l-benefiċċji tad-Direttiva lill-kumpaniji rilevanti ta’ Stat Membru biss meta l-pagamenti ta’ imgħax jew ta’ royalties ikkonċernati ma jkunux eżenti minn tassazzjoni korporattiva. B’mod partikolari, dan jindirizza s-sitwazzjoni fejn kumpanija, filwaqt li tħallas it-taxxa korporattiva, tibbenefika wkoll minn skema nazzjonali speċjali tat-taxxa li teżenta l-pagamenti ta’ imgħax jew ta’ royalties minn barra l-pajjiż. F’tali każijiet, l-Istat sors ma jkunx obbligat jeżentahom mit-taxxa minn ras il-għajn skont id-Direttiva;

il-perjodi ta’ tranżizzjoni jibqgħu kif inhuma.

3.2

Bħalma jiġri fil-każ tad-Direttiva dwar il-fużjonijiet u d-Direttiva dwar il-kumpaniji prinċipali u dawk sussidjarji, il-benefiċċji tad-Direttiva dwar il-pagamenti ta’ imgħax u ta’ royalties ikopru biss il-kumpaniji li huma soġġetti għat-taxxa korporattiva fl-UE, li huma residenti fiskali fi Stat Membru tal-UE u li huma ta’ wieħed mit-tipi elenkati fl-Anness għad-Direttiva. Peress li l-Anness għad-Direttiva jinkludi biss it-tipi ta’ kumpaniji li jeżistu fil-15-il Stat Membru li diġà kienu membri tal-UE qabel l-1 ta’ Mejju 2004, it-tipi ta’ kumpaniji fl-Istati Membri l-ġodda issa ġew inklużi fid-Direttiva tal-Kunsill 2004/66/KE tas-26 ta’ April 2004.

3.3

Il-Proposta ġdida għal emenda adottata mill-Kummissjoni tirriformula dawn id-Direttivi kollha biex tipprovdi aġġornament tal-lista ta’ kumpaniji inkluża fl-Anness għad-Direttiva. Il-lista l-ġdida proposta tinkludi wkoll:

il-kumpanija Ewropea (Regolament tal-Kunsill (KE) 2157/2001 u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE) li tista’ tinħoloq sa mill-2004, u

il-kumpanija kooperattiva Ewropea (Regolament tal-Kunsill (KE) 1435/2003 u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE) li tista’ tinħoloq sa mill-2006.

3.4

Id-Direttiva riveduta għandha tapplika b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013.

Brussell, 22 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta’ imgħax u ta’ royalties li jsiru bejn kumpaniji assoċjati ta’ Stati Membri differenti, ĠU C 284, 14.09.1998, p. 50 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  “Rapport tal-Kumitat ta’ Esperti Indipendenti għat-Tassazzjoni tal-Kumpaniji”, Marzu 1992.

(3)  ĠU C 284, 14.09.1998, p. 50 (mhux disponibbli bil-Malti).


Top