EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0243

Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ Ġunju 2010 dwar spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea (2009/2107(INI))

ĠU C 236E, 12.8.2011, p. 132–141 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 236/132


Il-Ħamis 17 ta’ Ġunju 2010
Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea

P7_TA(2010)0243

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea (2009/2107(INI))

2011/C 236 E/24

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Il-bini ta’ futur sostenibbli għall-akkwakultura: Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea (COM(2009)0162),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 710/2009 tal-5 ta’ Awwissu 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, f’dak li għandu x’jaqsam mal-iffissar ta’ regoli ddettaljati dwar il-produzzjoni organika tal-annimali tal-akkwakultura u tal-alka tal-baħar (1),

wara li kkunsidra l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta’ speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura (COM(2009)0541),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 257/2009 tal- 24 ta’ Marzu 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 dwar il-folja ta’ informazzjoni supplimentari għan-notifikazzjoni tal-għajnuna għas-sajd u l-akkwakultura (2),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 248/2009 tad-19 ta’ Marzu 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 fejn jirrigwarda n-notifiki li jikkonċernaw l-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-iffissar tal-prezzijiet u l-intervent fi ħdan l-iskop tal-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (Riformulazzjoni) (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa ta’ l-annimali għall-annimali ta’ l-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f'annimali akkwatiċi (4), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/946/KE tat-12 ta’ Diċembru 2008 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE dwar ir-rekwiżiti għall-kwarantina tal-annimali tal-akkwakultura (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (7),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi (8),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 271/2010 tal-24 ta’ Marzu 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, f’dak li għandu x’jaqsam mal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea (9),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1251/2008 tat-12 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għat-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali tal-akkwakultura u tal-prodotti tagħhom u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet li jgħaddu l-mard (10),

wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni bit-titlu “Linjigwida għal Strateġija Integrata għall-Politika Marittima: Lejn l-aqwa prassi fil-governanza marittima integrata u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati” (COM(2008)0395), “Pjan ta’ Tmexxija għall-Ippjanar Spazjali Marittimu: Il-ksib ta’ Prinċipji Komuni fl-UE” (COM(2008)0791) u “Niżviluppaw id-dimensjoni internazzjonali tal-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea” (COM(2009)0536), u r-Rapport tal-Progress tal-Politika Marittima Integrata tal-UE (COM(2009)0540),

wara li kkunsidra r-Rapporti u l-Opinjonijiet Xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tal-2008 dwar sitta mill-ispeċijiet ewlenin tal-ħut li jitrabbew għall-ikel fl-UE u l-Opinjonijiet Xjentifiċi tal-EFSA tal-2009 dwar il-benessri fil-punt tal-qatla ta’ tmien speċijiet ta’ ħut li jitrabbew għall-ikel,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Frar 2010 (11) dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-politika komuni tas-sajd (COM(2009)0163),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Diċembru 2008 (12) dwar l-adozzjoni ta’ Pjan Ewropew ta’ Kontroll tal-Istokkijiet tal-Marguni,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ Settembru 2008 (13) dwar is-Sajd u l-Akkwakultura fil-kuntest ta’ Amministrazzjoni Integrata taż-Żona Kostali fl-Ewropa,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-31 ta’ Jannar 2008 (14) dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiki mill-Istati Membri dwar l-akkwakultura,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2007 (15) dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2006 (16) dwar it-tnedija ta’ dibattitu dwar approċċ Komunitarju rigward skemi ta’ ekotikkettar għall-prodotti tas-sajd,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Jannar 2003 (17) dwar l-akkwakultura fl-Unjoni Ewropea: il-preżent u l-futur,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-eżaminar tal-għajnuna mill-Istat għas-sajd u għall-akkwakultura (18) u l-aċċettazzjoni tal-Linji Gwida mill-Istati Membri (19),

wara li kkunsidra t-Trattat FUE u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2009 dwar l-irwol u r-responsabilitajiet ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona (20),

wara li kkunsidra r-rapport tar-raba' Sessjoni tas-Sottokumitat tal-FAO dwar l-Akkwakultura (21),

wara li kkunsidra l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO għal Sajd Responsabbli (22),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0150/2010),

A.

billi fil-preżent mhemmx qafas leġiżlattiv speċifiku u armonizzat għas-settur tal-akkwakultura: billi minflok, dan is-settur huwa kopert minn diversi testi leġiżlattivi tal-UE f'oqsma differenti (l-ambjent, is-saħħa pubblika, eċċ.) u minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tista' tvarja b'mod notevoli minn Stat Membru għal ieħor, u b'hekk tinħoloq konfużjoni bejn l-operaturi fis-settur, apparti li tikkawża diskriminazzjoni u tgħawwiġ fis-suq,

B.

billi, f’dan il-kuntest, l-aktar pass xieraq hu li l-Kummissjoni tipproponi regolament li jistipula r-regoli għas-settur tal-akkwakultura u b’hekk iddaħħal iċ-ċarezza leġiżlattiva meħtieġa,

C.

billi s-settur tal-akkwakultura huwa settur ekonomiku, innovattiv u potenzjalment ta’ teknoloġika sofistikata li jirrikjedi investiment strutturali u riċerka intensiva u ppjanar għal żmien twil operattiv u finanzjarju, u għaldaqstant jeħtieġ ukoll ċertezza legali u oqsfa leġiżlattivi ċari u stabbli,

D.

billi s-settur tal-akkwakultura jinteraġixxi b'mod dirett ma’ oqsma tal-politika li huma importanti ħafna għas-soċjetà tagħna, bħall-ambjent, it-turiżmu, l-ippjanar urban, l-iżvilupp reġjonali, is-saħħa pubblika u l-ħarsien tal-konsumatur; billi għaldaqstant huwa essenzjali li jitqiesu sewwa l-interessi tas-settur u li dan is-settur jiġi ttrattat b'mod ġust,

E.

billi l-forom kollha tal-akkwakultura għandhom ikunu sostenibbli u ġusti soċjalment u, b’konsegwenza ta’ dan, m’għandha ssir l-ebda ħsara lill-ekosistemi biż-żieda fil-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi naturali u fil-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi li jiġu prodotti mill-bniedem, bħal kimiċi mhux degradabbli u diossidu tal-karbonju, u permezz ta’ tfixkil fiżiku,

F.

billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Settembru 2002 (COM(2002)0511) tal-2002 uriet ċar li mhix adegwata biex tinkuraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jagħtu spinta sinifikanti lill-iżvilupp tas-settur tal-akkwakultura tal-UE, filwaqt li f'dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm tkabbir sostanzjali tas-settur mad-dinja kollha, flimkien ma’ tkabbir fid-domanda għall-prodotti tas-sajd, kemm għal dawk tal-akkwakultura u kemm għall-ħut selvaġġ, b'żieda kbira fl-importazzjoni ta’ prodotti bħal dawn minn pajjiżi ta’ barra l-UE,

G.

billi l-UE hija importatur nett tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, u d-domanda għal dawn il-prodotti qed tiżdied kemm globalment, minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni dinjija, kif ukoll fuq livell Komunitarju minħabba l-adeżjonijiet tal-imgħoddi u ġejjiena fl-UE ta’ pajjiżi li fihom din it-tendenza ta’ domanda hija aktar aċċentwata, kif ukoll minħabba li x-xejriet tal-konsum qed jinbidlu lejn ikel ibbażat fuq prodotti aktar tajbin għas-saħħa,

H.

billi, barra minn hekk, hemm bżonn ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni affidabbli għall-prodotti tal-akkwakultura,

I.

billi s-settur tal-akkwakultura sostenibbli tal-Komunità jista' jagħti kontribut kbir biex jiżgura provvisti tal-ikel ta’ kwalità għolja fir-rigward tal-prodotti tal-ħut u b'hekk inaqqas il-pressjoni fuq l-ispeċijiet selvaġġi billi jiddiversifika l-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, apparti li għandu rwol importanti fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel, tal-attivitajiet ekonomiċi u tal-impjiegi, b'mod speċjali f'reġjuni rurali u tal-kosta,

J.

billi l-UE għandha għaldaqstant tagħti importanza strateġika akbar lis-settur tal-akkwakultura sostenibbli u lill-iżvilupp tiegħu, filwaqt li tipprovdi lis-settur bl-għajnuna finanzjarja meħtieġa, filwaqt li jibqa’ jitqies li t-teknoloġija għolja meħtieġa mill-attivitajiet tal-akkwakultura spiss tinvolvi investiment sostanzjali minn kumpaniji, ikunu ta’ liema daqs ikunu,

K.

billi, minħabba l-importanza li jiġi żviluppat settur tal-akkwakultura, il-Kummissjoni hija mħeġġa li tiddedika parti mill-Fond Ewropew għas-Sajd għal dan il-għan; billi l-istrumenti relevanti jeħtieġ li jkunu flessibbli u effikaċi biżżejjed biex jiggarntixxu l-iżvilupp tas-settur, inkluża r-riċerka xjentifika,

L.

billi r-riċerka kunsiderevoli u l-innovazzjoni teknoloġika meħtieġa biex tkun żgurata l-kompetittività u s-sostenibilità tal-akkwakultura u biex ikun possibbli li l-operaturi jagħmlu suċċess fis-settur jinsabu lil hinn mill-possibilitajiet ta’ bosta kumpaniji fis-settur, irrelevanti jekk dawn ikunux SMEs jew impriżi kbar,

M.

billi, biex tkun effettiva, politika tal-akkwakultura sostenibbli jeħtieġ tkun strutturata b'mod li tgawdi u tippromwovi l-involviment multidixxiplinarju u kkoordinat tas-setturi kollha relatati mal-attività,

N.

billi l-UE diġà qed tapplika politika ta’ appoġġ għall-agrikoltura organika u għall-prodotti tal-akkwakultura orġaniċi permezz tal-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 834/2007, 889/2008 u 710/2009, bħala ċ-ċavetta għal settur tal-akkwakultura Ewropew, li jkun sostenibbli, li hija marbuta mill-qrib mal-idea li l-prodott jitjieb kemm jista' jkun ħalli jsir aktar kompetittiv u titjieb il-ħarsien tal-konsumaturi u anke l-informazzjoni u l-libertà tal-għażla tal-konsumaturi,

O.

billi kwalunkwe politika tal-akkwakultura sostenibbli, fil-livell Komunitarju u kemm fil-livell lokali, trid tqis id-distinzjonijiet bejn id-diversi tipi ta’ prodotti tal-akkwakultura (il-ħut tal-ilma baħar, il-ħut tal-ilma ħelu, il-molluski, il-krustaċji, l-algi u l-ekinodermi), b'miżuri adatti kif jixraq għall-istrutturi u għall-kwistjonijiet tas-swieq u tal-kompetizzjoni,

P.

billi l-miżuri għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-akkwakultura sostenibbli għandhom f’xi każijiet iqisu l-ħtieġa li jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-livelli ta’ stress ikkawżati mid-densità tal-farm jew tat-trasport u li jinstabu metodi ta’ qtil inqas krudili, u l-benessri tal-ħut b'mod ġenerali,

Q.

billi l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħraf lill-ħut bħala ħlejjaq senzjenti u jipprevedi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, meta jfasslu u jimplimentaw il-politiki tagħhom dwar is-sajd, iqisu bis-sħiħ il-ħtiġijiet ta’ benessri tal-annimali,

R.

billi f'ħafna pajjiżi tal-UE, l-operaturi tal-akkwakultura huma mtaqqla minn ostakli burokratiċi eċċessivi u piżijiet amministrattivi li jirriżultaw mill-qafas legali eżistenti, li jillimitaw il-produttività u l-kompetittività tal-impriżi tagħhom, u b'hekk jiskuraġġixxu lill-investituri,

S.

billi l-ħut huma d-dieta naturali ta’ ħafna speċijiet ta’ ħut imrobbija fil-farms u l-biċċa l-kbira tal-farms jiddependu fuq dieti li fihom xi ikel mill-ħut jew żejt tal-ħut,

T.

billi fl-istess waqt, ħafna pajjiżi tal-UE mgħandhomx pjanijiet tal-iżvilupp nazzjonali jew reġjonali speċifiċi li jirregolaw l-impjanti f'żoni kontinentali, kostali jew marittimi u li jiddefinixxu b'mod ċar iż-żoni disponibbli għall-impjanti tal-akkwakultura, bil-għan li jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess faċilment prevedibbli mal-politiki tal-ħarsien ambjentali u setturi ekonomiċi oħra, bħat-turiżmu, l-agrikoltura u s-sajd mal-kosta,

U.

billi politika tal-akkwakultura sostenibbli tista' teżisti flimkien ma’ żoni Natura 2000 u tista' anke tikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-ġestjoni tagħhom f'każijiet fejn l-għanijiet tal-konservazzjoni tas-sit jippermettu, u għall-benessri tal-popolazzjonijiet ikkonċernati meta tittratta attivitajiet tradizzjonali tas-sajd għall-frott tal-baħar jew meta tipprovdi għal impjanti tal-akkwakultura ta’ daqs xieraq li għalihom mhemmx siti alternattivi, li jirrispettaw ir-regoli Komunitarji dwar l-istimi tal-impatt ambjentali u huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet dwar il-ħarsien tal-ħabitats,

V.

billi l-prodotti tal-UE fil-mument qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ kompetizzjoni qawwija minħabba l-importazzjonijiet minn pajjiżi ta’ barra l-UE, b'mod speċjali mit-Turkija, miċ-Ċilì, mill-Vjetnam u miċ-Ċina, fejn il-kumpaniji jistgħu joperaw b'ħafna inqas spejjeż peress li mhumiex soġġetti għall-istess limitazzjonijiet legali, għall-istess liġijiet ambjentali u fitosanitarji stretti, u jistgħu iħallsu salarji baxxi (dumping soċjali), u b'hekk ipoġġu lis-settur tal-akkwakultura tal-UE taħt aktar pressjoni, u dan jaffettwa l-kwalità tal-ikel u jipperikola s-saħħa tal-konsumaturi,

W.

billi l-attivitajiet tal-akkwakultura għandhom impatt ambjentali aktar baxx minn ta’ setturi primarji oħrajn, u għaldaqstant il-prodotti tal-akkwakultura huma aktar sostenibbli; billi sezzjoni tas-soċjetà ċivili Ewropea mhix konxja ta’ dan il-fatt, li jista’ jwassal għal preġudizzji bla bażi dwar dawn il-prodotti,

X.

billi l-ħsara minħabba l-marguni qed thedded, f’ħafna żoni, l-attività tradizzjonali u naturali tas-sajd fl-għadajjar tal-ħut,

Ġenerali

1.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tressaq il-Komunikazzjoni COM(2009)0162 imsemmija hawn fuq, bħala indikazzjoni li qiegħda tingħata aktar attenzjoni lis-settur tal-akkwakultura sostenibbli, u jittama li din se twassal għal reviżjoni leġiżlattiva li tkun aktar adatta għall-ħtiġiet u l-isfidi li qiegħed iħabbat wiċċu magħhom is-settur, bil-għan li jiġi kkonsolidat fil-livell globali;

2.

Jirrimarka li bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament Ewropew ma għadux entità konsultattiva fis-settur tas-sajd, u li sar koleġiżlatur fis-settur tal-akkwakultura wkoll;

3.

Iqis li kwalunkwe riforma leġiżlattiva tas-settur tal-akkwakultura għandha tkun kumpatibbli, b'mod faċli u kumplimentari, mal-proċess attwali tar-riforma tal-PKS;

4.

Jindika li l-Parlament fil-imgħoddi diġà kien ġibed l-attenzjoni rigward il-ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni aktar konċiża, konsistenti u trasparenti dwar l-akkwakultura;

5.

Jesprimi l-fehma li settur tal-akkwakultura sostenibbli u b'saħħtu jista' jkun katalist għall-iżvilupp ta’ ħafna nħawi remoti, kostali u rurali fl-Istati Membri u jgħin fl-iżvilupp tal-produzzjoni relatati, b’benefiċċji sinifikanti għall-konsumaturi wkoll, f’sura ta’ prodotti tal-ikel ta’ kwalità għolja, tajbin għas-saħħa u prodotti b’mod sostenibbli;

6.

Iqis li l-kompetittività tal-akkwakultura tal-Komunità għandha tissaħħaħ permezz ta’ appoġġ qawwi, attiv, kostanti u li jkun iffukat għar-riċerka u għall-iżvilupp teknoloġiku, li hu prerekwiżit essenzjali għall-iżvilupp ta’ settur tal-akkwakultura li jkun sostenibbli, modern, effiċjenti, ekonomikament vijabbli u b'kuxjenza ambjentali; jinnota wkoll li n-netwerks ta’ riċerka, il-gruppi ta’ riċerka multidixxiplinarji, it-trasferiment tat-teknoloġija u l-koordinament bejn is-settur u x-xjenzjati permezz ta’ pjattaformi tat-teknoloġija huma essenzjali biex jiggarantixxu li l-investiment fl-R&Ż jagħtu riżultati tajbin;

7.

Jilqa’ l-ħolqien tal-Pjattaforma Ewropea għat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni fl-Akkwakultura, filwaqt li titqies il-ħtieġa li s-settur tal-akkwakultura jkun appoġġjat bl-eċċellenza fir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jirrispondi għall-isfidi li jinħolqu;

8.

Iqis li s-suċċess tas-settur tal-akkwakultura sostenibbli Ewropew se jiddependi ħafna mill-bini, fil-livell nazzjonali u lokali, ta’ ambjent li jiffaċilita aktar in-negozju, u għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri biex, mingħajr dewmien iħaffu f’xogħolhom għal dan il-għan u jippromwovu l-iskambji tal-esperjenzi u tal-aħjar prattiki fil-livell tal-UE;

9.

Jenfasizza li t-tnaqqas tal-burokrazija jinkuraġġixxi l-investiment fis-settur u jqis li hu essenzjali li l-Istati Membri, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali, jimplimentaw proċeduri ta’ simplifikazzjoni amministrattiva malajr kemm jista' jkun, filwaqt li jintroduċu proċeduri ta’ konċessjoni trasparenti u standardizzati fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-ħolqien ta’ impjanti ġodda tal-akkwakultura;

10.

Iqis li settur tal-akkwakultura sostenibbli u organiku għandu jkun f'pożizzjoni li jipprovdi lill-konsumaturi prodotti tal-ikel ta’ kwalità għolja li jiżguraw nutriment tajjeb għas-saħħa u bbilanċjat;

11.

Iqis li s-sistemi tal-akkwakultura li jnaqqsu l-istokkijiet tal-ħut selvaġġ jew li jniġġsu l-baħar max-xtut għandhom jitqiesu bħala mhux sostenibbli u li l-akkwakultura Ewropea għandha tagħti prijorità lil speċijiet erbivori u lil speċijiet karnivori li jistgħu jgħixu fuq konsum imnaqqas ta’ ikel li ġej mill-ħut u ta’ żejt tal-ħut;

12.

Jenfasizza li, sabiex tikber l-industrija tal-akkwakultura fl-Ewropa, is-settur jiddependi minn żvilupp kontinwu biex il-fattur tal-konverżjoni tal-għalf għall-prodott (FCR) tal-proteina miksuba mis-sajd fis-selvaġġ; isemmi l-fatt li l-istokkijiet tal-ħut selvaġġ adatt għall-produzzjoni tal-għalf huma limitati u f’ħafna każijiet isir wisq sajd fihom u għaldaqstant, l-iżvilupp tal-akkwakultura għandu jiffoka aktar fuq l-ispeċijiet erbivori u fuq l-ispeċijiet li jieklu l-ħut, biex b’hekk jonqos aktar il-fattur tal-għalf;

13.

Iqis li huwa urġenti u indispensabbli li jiġu introdotti u msaħħa l-kriterji rigorużi u trasparenti dwar il-kwalità u t-traċċabilità tal-prodotti tal-akkwakultura tal-UE, li jitjieb l-għalf, u li jiddaħħlu u jissaħħu l-kriterji tat-tikkettar għall-prodotti tal-akkwakultura ta’ kwalità għolja u għall-produzzjoni tal-akkwakultura organika;

14.

Iqis li l-għan prijoritarju taċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità ambjentali għall-prodotti tal-akkwakultura għandu jkun li l-promozzjoni tal-użu b'kuxjenza ambjentali tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin fil-kuntest ta’ żvilupp sostenibbli li jqis il-fatturi ambjentali, ekonomiċi u soċjali, bir-rispett dovut għall-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Kondotta għal Sajd Responsabbli (23) u għal-linji gwida ġejjiena tal-FAO;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi programm Ewropew ta’ tikkettar ekoloġiku għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura li jsegwi l-linji gwida tal-Komunità dwar it-tikkettar ekoloġiku; jenfasizza li t-tikkettar ekoloġiku mhux biss jagħti vantaġġ kompetittiv lill-prodotti tal-akkwakultura Ewropej, iżda wkoll jagħti trasparenza lil suq fejn il-proliferazzjoni ta’ ċertifikazzjonijiet privati jistgħu jfixklu lill-konsumaturi;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni sabiex tiżgura li l-istokkjar tal-farms tal-akkwakultura ma jolqotx l-istatus naturali jew il-vijabilità tal-popolazzjonijiet selvaġġi, tal-ekosistemi tal-baħar u tal-bijodiversità b’mod ġenerali;

17.

Iqis l-assistenza finanzjarja ta’ kumpens għall-ħsara kkawżata minn annimali mħarsa bil-liġi bħala prekundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp ta’ settur sostenibbli, modern u effiċjenti tal-akkwakultura;

18.

Huwa tal-fehma li, filwaqt li kwalunkwe leġiżlazzjoni proposta tal-UE għandha tindirizza aspetti ġenerali bħall-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, l-użu u l-ħarsien tal-ilma u t-traċċabilità tal-prodott, m'għandux jiġi adottat approċċ ġeneriku u mhux divrenzjat f'dik il-leġiżlazzjoni;

19.

Jenfasizza l-ħtieġa għal impenn aktar sod mill-UE favur investimenti fl-akkwakultura sostenibbli, billi jingħata finanzjament addizzjonali mill-Fond Komunitarju għas-Sajd, u tingħata preferenza għall-aħjar prattika ambjentali; isemmi, madankollu, li l-finanzjament ġejjieni tal-attivitajiet relatati mal-akkwakultura għandhom ikunu possibbli biss bl-implimentazzjoni effikaċi tad-Direttiva dwar l-Istima tal-Impatt Ambjentali (EIA) (24), biex jiġi żgurat li l-proġetti ffinanzjati ma jwasslux għal degradazzjoni tal-ambjent jew tal-istokkijiet tal-ħut u tal-frott tal-baħar selvaġġ;

20.

Jisħaq li r-rispett għall-bijodiversità għandu jkun stabbilit bħala prinċipju bażiku tal-politika tal-akkwakultura tal-UE, kemm għall-ibħra domestiċi kif ukoll għad-dimensjoni esterna tal-istrateġija tal-akkwakultura, u l-appoġġ jingħata lit-trobbija tal-ħut fil-każijiet biss fejn l-ispeċijiet involuti jkunu jew lokali jew ġa stabbiliti sew; jitlob li jkun hemm valutazzjoni xjentifika tar-riskju għal kull introduzzjoni non-nattiva u għal miżuri li jikkontjenu u jimmonitoraw l-ispeċijiet dannużi għall-ekoloġija;

21.

Itenni l-ħtieġa li l-attivitajiet tas-sajd tradizzjonali tal-frott tal-baħar jiġu inklużi mal-bqija tas-settur tal-akkwakultura fil-Politika Komuni dwar is-Sajd, biex tiġi żgurata s-sostenibilità ekonomika, soċjali u ambjentali u biex dawn ikunu ggarantiti aċċess non-diskriminatorju għall-finanzjament Ewropew;

22.

Iqis li huwa essenzjali li jittieħdu l-passi kollha xierqa biex jiġi żgurat li kwalunkwe prodott tal-akkwakultura li jkun importat fl-UE minn pajjiż terz, kemm għall-konsum kif ukoll għall-ipproċessar, ikun konformi bis-sħiħ mal-istess standards tas-saħħa pubblika u tas-sikurezza tal-ikel daqs prodott ekwivalenti tal-Komunità, u li kontrolli bir-reqqa fis-siti xierqa jgħinu b'mod effettiv biex jintlaħaq dan il-għan, mingħajr ma joħolqu ostakli ġodda għall-kummerċ u billi jħeġġu l-iskambju tal-aħjar prattiki mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

23.

Jenfasizza li l-akkwakultura għandha tiġi meqjusa li hi kumplimentari għas-settur tal-qbid, b'mod partikolari rigward il-provvista tas-suq u l-impjegabilità;

Kunsiderazzjonijiet speċifiċi

Qafas leġiżlattiv, amministrattiv u finanzjarju

24.

Jistieden lill-Kummissjoni li b'ħeffa tippreżenta proposta għal regolament li jikkonsolida f'test wieħed il-leġiżlazzjoni tal-UE li tirregola s-settur tal-akkwakultura, u sabiex tippromwovi l-koordinazzjoni bejn id-diversi Direttorati Ġenerali li għandhom responsabilità f’dan il-qasam;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni biex f'dak ir-regolament tistabbilixxi l-kriterji speċifiċi u r-regoli ġenerali bażiċi Ewropej għad-diversi kategoriji ta’ prodotti, li jrid ikunu konformi magħhom kull stabbiliment tal-akkwakultura fil-Komunità, flimkien mad-dispożizzjonijiet għal armonizzazzjoni massima tal-kriterji tal-impatt ambjentali fil-livell Komunitarju sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri, filwaqt li tiġi ddelega r-responsabbiltà tal-fażi tal-implimentazzjoni u l-kontrolli tal-operat tal-istabbilimenti lill-awtoritajiet territorjali kompetenti, b'konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; pereżempju l-parametri tal-impatt ambjentali, l-użu tar-riżorsi tal-ilma, it-tagħlif tal-ħut, tal-molluski u tal-krustaċji tat-trobbija fl-unitajiet tal-produzzjoni, it-traċċabilità u l-ittikkettar tal-prodott, kif ukoll l-istandards tas-saħħa u tal-benessri tal-ħut eċċ;

26.

Jemmen li s-settur tal-akkwakultura għandu jkun sorveljat kif xieraq u għandu jkopri medda usa’ ta’ attivitajiet tal-baħar, bħat-trasport marittimu, it-turiżmu nawtiku, il-farms tal-enerġija mir-riħ offshore, is-sajd, eċċ.;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni taħdem biex tiżgura li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod formali biex jiddokumentaw u japplikaw il-leġiżlazzjoni eżistenti rigward l-ambjent u l-ħarsien tat-turiżmu tal-pajjiżi tagħhom u - fir-rigward ta’ dawk iż-żoni li mhumiex soġġetti għal restrizzjonijiet - li jadottaw il-pjanijiet għall-iżvilupp meħtieġa għat-tmexxija taż-żoni tal-baħar, tal-kosta u tal-ilmijiet interni, b'mod li l-pjanijiet settorjali għall-akkwakultura jkunu jistgħu jiġu stabbiliti, filwaqt li jkunu identifikati biċ-ċar iż-żoni disponibbli għall-istabbiliment ta’ impjanti fis-settur;

28.

Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu favur “pjan ta’ żvilupp marittimu” u l-ġestjoni integrata taż-żoni tal-kosta, kif previst mill-politika marittima ġdida tal-UE u b'mod konformi mal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, li tkopri l-kategoriji differenti kollha tal-prodotti fis-settur, bħas-sajd tal-frott tal-baħar, l-akkwakultura subkostali, l-akkwakultura tal-baħar u l-akkwakultura tal-ilma ħelu, u biex jimpenjaw ruħhom ħalli jnaqqsu l-ostakli burokratiċi eżistenti għall-kisba tal-permessi u tal-konċessjonijiet meħtieġa biex jibdew attività tal-akkwakultura sostenibbli, possibbilment billi joħolqu “one-stop shops” li jiċċentralizzaw il-formalitajiet amministrattivi li jkollhom jagħmlu l-operaturi f'post wieħed; jistieden ukoll lill-Istati Membri sabiex ifasslu pjanijiet strateġiċi fuq żmien fit-tul biex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli ta’ din l-attività u lill-Kummissjoni abiex tressaq proposti għall-miżuri kollha meħtieġa biex tkun promossa l-kompetittività fis-settur, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull Stat Membru;

29.

Jittama li l-Fond tas-Sajd Ewropew tal-ġejjieni b'appoġġ għall-Politika Komuni tas-Sajd riformata se jipprevedi linji baġitarji speċifiċi għall-iżvilupp ta’ akkwakultura sostenibbli u appoġġ għall-investiment f'dak is-settur, li jsegwi l-aħjar prattika ambjentali, u li jippromwovi l-attività ekonomika u l-ambjent b'attenzjoni partikulari fuq impjanti teknoloġikament innovattivi li jkollhom inqas impatt ambjentali (pereżempju sistemi tat-tisfija tal-ilma biex jitneħħew ir-residwi u l-elementi niġġiesa), farms li jippromwovu s-saħħa u l-benessri tal-ħut u forom sostenibbli ta’ akkwakultura;

30.

Jittama li dan il-Fond se jqis il-ħtieġa li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju għall-impriżi fis-settur, b'mod partikolari lill-SMEs u lill-impriżi familjari, abbażi tal-kontribut tagħhom għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-inħawi kostali u b’enfasi fuq l-inħawi remoti jew tal-konfini;

31.

Jappoġġja lill-Istati Membri fis-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-għoti ta’ liċenzji li jinkuraġġixxu l-aċċess fit-tul għas-siti eżistenti, speċjalment fis-siti fejn joperaw l-SMEs u l-impriżi mmexxija mill-familji;

32.

Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jkunu żgurati kontribuzzjonijiet finanzjarji ikbar għar-riċerka xjentifika, għall-innovazzjoni u għat-trasferiment tat-teknoloġija fil-qasam tal-akkwakultura tal-baħar u tal-ilma ħelu li tkun sostenibbli u organika, u għall-impriżi li jridu jikkonvertu l-produzzjoni konvenzjonali kollha tagħhom, jew parti minnha, għal produzzjoni organika, permezz ta’ politiki settorjali li jkopru l-aspetti ewlenin kollha, mill-katina tal-provvista għall-ottimizzazzjoni u l-promozzjoni tal-prodotti fis-suq, b'ġestjoni aħjar ta’ dawk l-aspetti fl-assi tematiċi stipulati mill-Fondi Strutturali u minn programmi Komunitarji;

33.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi lis-settur tal-akkwakultura strument ekonomiku reali għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi u sabiex tidentifika sistemi ta’ appoġġ f’każ ta’ diżastri bijoloġiċi naturali (bħall-proliferazzjoni tal-fitoplankton tossiku), diżastri li ġejjin mill-bniedem (bħall-“Erika” u l-“Prestige”) jew fenomeni meteoroloġiċi estremi (ċikluni, għargħar, eċċ.);

34.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw it-trobbija sperimentali ta’ speċijiet awtoktoni, teknoloġiji għall-produzzjoni ta’ ħut b’saħħtu u sforzi biex jiġġieldu l-mard assoċjat mal-akkwakultura, fl-interess tad-diversifikazzjoni tal-produzzjoni tal-akkwakultura Komunitarja, biex din tkun tista' toffri prodotti ta’ kwalità għolja u ta’ valur miżjud ogħla, billi jitħeġġu r-riċerka u l-iskambji tal-aħjar prattiki fuq dawk l-ispeċijiet u fuq il-metodi ta’ produzzjoni konċernati, sabiex il-prodotti tal-akkwakultura jkunu jistgħu jikkompetu aħjar ma’ prodotti tal-ikel innovattivi oħra;

35.

Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri biex jiżguraw li l-istokks tal-ispeċijiet li qed isiru aktar skarsi fix-xmajjar jerġgħu lura għal-livelli ta’ qabel, b’mod partikulari l-ispeċijiet migratorji tradizzjonali b’impatt ekonomiku sinifikanti fuq il-popolazzjonijiet lokali (l-istorjun, l-alosa alosa, is-salamun, eċċ.) u ċerti speċijiet tal-baħar, u jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għall-ħtieġa li jiġi ggarantit il-finanzjament meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis it-tendenza lejn l-iżvilupp ta’ faċilitajiet ta’ akkwakultura offshore bħala soluzzjoni potenzjali għall-problema tad-disponibilità tal-ispazju fuq ix-xtut Ewropej, u sabiex tqis il-kundizzjonijiet ambjentali u klimatiċi diffiċli li fihom dan it-tip ta’ akkwakultura jitwettaq;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu taħriġ professjonali xieraq fil-qasam tal-akkwakultura, jagħtu spinta lill-kompetittività fis-settur, u jinkuraġġixxu l-possibilità ta’ taħriġ mill-ġdid għall-membri professjonali tal-industrija tas-sajd f'metodi alternattivi tal-ġestjoni ta’ ambjenti akkwatiċi, biex b’hekk jgħinu wkoll fil-ħolqien ta’ impjiegi sikuri għaż-żgħażagħ f'żoni rurali u tal-kosta u fir-reġjuni l-aktar periferiċi, u b'mod speċjali fir-reġjuni li jiddependu ħafna mill-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura;

38.

Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-ħolqien ta’ organizzazzjonijiet li jispeċjalizzaw fil-promozzjoni tal-prodotti tal-akkwakultura; jistieden ukoll lill-Kummissjoni testendi r-regoli dwar l-organizzazzjoni tas-suq komuni tas-settur tal-akkwakultura sostenibbli u tappoġġja u toffri inċentivi għal kampanji promozzjonali fil-livell tal-UE u tas-swieq esterni;

Politika tal-kwalità u tal-ħarsien tal-konsumatur

39.

Huwa tal-fehma li l-iżvilupp tal-akkwakultura sostenibbli ma jistax jieħu preċedenza fuq politika tal-kwalità stretta, metodi tal-produzzjoni b'kuxjenza ambjentali li jirrispettaw il-benessri tal-annimali – fir-rigward tat-trasport tal-istokk tal-akkwakultura, tal-metodi tat-tbiċċir u tal-bejgħ ta’ ħut ħaj – standards tas-saħħa rigurużi u livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tiżviluppa tikketta tal-kwalità speċifika tal-UE għall-prodotti tal-akkwakultura, flimkien ma’ tikketta speċifika għall-akkwakultura organika, filwaqt li tistabbilixxi regoli stretti skont il-prinċipji tal-UE għall-produzzjoni organika ta’ kwalità għolja, biex il-konsumatur ikun jista' jkun żgur mill-affidabilità tas-sistema tal-produzzjoni, tal-kontroll u tat-traċċabilità sħiħa tal-prodotti tal-akkwakultura; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tuża strutturi ta’ tikkettar diġà eżistenti għall-produzzjoni ta’ akkwakultura organika ta’ kwalità għolja;

41.

Huwa tal-fehma li l-produzzjoni responsabbli ta’ ingredjenti għall-għalf tal-ħut, inklużi ingredjenti mill-baħar, hija kundizzjoni għas-sostenibilità tal-akkwakultura;

42.

Jistieden lill-Kummissjni torganizza u tippromwovi, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, kampanji ta’ informazzjoni istituzzjonali ħalli tippromwovi l-prodotti tal-akkwakultura, inklużi prodotti tal-akkwakultura organika;

43.

Itenni l-fehmiet li diġà esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Diċembru 2008 (25) dwar l-adozzjoni ta’ Pjan Ewropew ta’ Kontroll tal-Marguni, u jindika li t-tnaqqis fil-ħsarat ikkawżati mill-marguni u minn tajr ieħor tal-priża lid-ditti tal-akkwakultura huwa fattur importanti fl-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħhom u għaldaqstant għas-sopravivenza u għall-kompetittività tagħhom; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu stmati l-ħsarat ikkawżati mill-marguni u tajr ieħor tal-priża fis-settur tal-akkwakultura u sabiex jitfasslu pjanijiet għal azzjoni korrettiva f’dan is-settur;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-azzjonijiet mitluba fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta’ Diċembru 2008, l-aktar fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ kontroll tal-popolazzjoni tal-marguni fuq diversi stadji, ikkoordinat fuq livell Ewropew, u l-ġbir ta’ dejta xjentifika dwar id-daqs tal-popolazzjonijiet tal-margun; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti għal-leġiżlazzjoni komprensiva f’dan il-qasam;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u wara li tkun ikkunsidrat id-diversi kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatoloġiċi, it-tekniki ta’ produzzjoni użati u n-natura partikulari tal-ispeċijiet imrobbija, tipproponi kriterji sostenibbli speċifiċi rigward il-benessri tal-ħut tat-trobbija, bħal livelli massimi ta’ densità tat-trobbija, il-kwantità ta’ proteini veġetali u annimali li jistgħu jintużaw f'għalf għall-ħut tat-trobbija fit-tipi differenti ta’ fish farms, u li jqisu l-fatturi speċifiċi relatati mat-trobbija ta’ speċijiet individwali, ir-rekwiżiti nutrittivi tal-ispeċijiet tal-ħut imrobbija, il-fażijiet taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u l-kundizzjonijiet ambjentali, u biex tippromwovi prattiki tat-trasport u tal-qtil li jillimitaw l-elementi li joħolqu l-istress u t-tibdil tal-ilma fl-għadajjar tal-ħut b'mod li ma jkunx iddisturbat il-ħut li jitrabba fihom; jifhem li l-għan fit-tul irid ikun is-sostituzzjoni tal-proteini annimali bi proteini veġetali għall-ispeċi kollha fejn ikun possibbli, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet nutrittivi tagħhom, u li r-riċerka strateġika dwar is-sostituzzjoni għall-ingredjenti essenzjali għandha tkun l-ogħla prijorità, meta wieħed iqis li r-riċerka dwar in-nutrijenti essenzjali u dwar il-produzzjoni tagħhom minn sorsi alternattivi bħall-alka mikroskopika u l-ħmira jnaqqas il-ħtieġa ta’ għalf magħmul mill-ħut fuq żmien twil;

46.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 dwar il-ħarsien tal-annimali waqt it-trasport (26) sabiex jiġi limitat it-trasport tal-ħut fuq distanzi twal, u b’hekk jiġu promossi l-impjanti lokali tal-trobbija tal-ħut u biċċeriji qrib il-farms tal-ħut;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni biex taċċerta li l-provvista ta’ materja prima użata għal-għalf tal-ħut tkun tirrispetta prattika ambjentali aċċettabbli u ma jkollhiex impatti ħżiena fuq l-ekosistemi li minnhom jinġiebu l-ingredjenti;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-proċeduri ta’ qabel il-qatla li huma klassifikati mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) bħala ta’ ħsara għal benessri tal-ħut jiġu evitati; ċerti metodi ta’ qatla li, skont l-EFSA, iżommu lil ħut f’sensih għal ħin twil qabel ma jmut, bħall-asfissjazzjoni f’taħlita tas-silġ, għandhom jiġu pprojbiti;

49.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toħroġ linji gwida tekniċi speċifiċi dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ għalf sostenibbli tal-ħut;

Relazzjonijiet barranin

50.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistinkaw ħalli jiżguraw li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tkun applikata b'mod rigoruż matul il-katina kollha tal-prodotti tal-akkwakultura, fosthom l-għalf u l-materja prima għall-għalf, li jiġu importati minn pajjiżi terzi;

51.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga hi stess u mhux permezz ta’ partijiet terzi l-metodi ta’ produzzjoni tal-fish farms barra mill-Unjoni Ewropea u tirrapporta dwar kwalunkwe periklu għas-saħħa;

52.

Jisħaq dwar il-ħtieġa li l-prodotti tal-ikel akkwatiċi mmanifatturati fl-UE jew importati fl-UE jottemperaw ma’ standards għoljin ta’ ħarsien ambjentali u ta’ saħħet il-konsumatur u tas-sigurtà;

53.

Jistieden lill-Kummissjoni tistinka ħalli tiżgura li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u l-moviment ħieles tal-prodotti jiġi applikat għall-farmaċewtiċi ta’ kura kif ukoll preventivi użati fl-akkwakultura, biex tippromwovi ftehimiet reċiproċi dwar għarfien avvanzat ma’ pajjiżi terzi, u biex tippromwovi li pajjiżi oħra u entitajiet internazzjonali jintroduċu l-aħjar prattiki;

54.

Itenni l-importanza li jsiru kontrolli sistematiċi fil-postijiet li joffru aċċess għas-suq intern u l-punti importanti tal-importazzjoni li jagħtu aċċess għas-suq intern ħalli l-konsumatur jingħata garanzija assoluta li l-prodotti tal-akkwakultura impurtati minn pajjiżi oħra jkunu soġġetti b'mod sistematiku għal kontrolli tal-kwalità stretti u li għaldaqstant ikunu konformi għalkollox mar-regoli tal-UE fil-qasam tal-iġjene u tas-saħħa pubblika;

55.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu dawn il-prinċipji kemm fl-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ u kemm fil-fora istituzzjonali rilevanti kollha;

56.

Jistieden lill-Kummissjoni tisponsorja, bħala parti mill-politika tal-UE ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, miżuri ta’ appoġġ u ta’ taħriġ maħsuba biex jgħinu fil-promozzjoni tal-akkwakultura sostenibbli u ħalli l-kuxjenza tal-akkwakulturisti f'dawk il-pajjiżi titressaq lejn politika dwar kwalità u standards ogħla ta’ produzzjoni, b'mod partikulari fir-rigward tal-ambjent, tal-iġjene u dawk soċjali fl-industrija;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-istandards ambjentali u soċjali fl-industrija tal-akkwakultura barra l-UE u sabiex tesplora metodi biex ittejjeb l-għoti ta’ informazzjoni lill-konsumaturi;

58.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi stimi ta’ impatt ambjentali dwar l-effetti li l-ftehimiet kummerċjali tal-Komunità jista’ jkollhom fuq is-settur tal-akkwakultura;

*

* *

59.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 204, 6.8.2009, p. 15.

(2)  ĠU L 81, 27.3.2009, p. 15.

(3)  ĠU L 79, 25.3.2009, p. 7.

(4)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

(5)  ĠU L 337, 16.12.2008, p. 94.

(6)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(7)  ĠU L 27, 31.1.2010, p. 1.

(8)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(9)  ĠU L 84, 31.3.2010, p. 19.

(10)  ĠU L 337, 16.12.2008, p. 41.

(11)  Testi adottati, P7_TA(2010)0039.

(12)  ĠU C 21 E, 28.1.2010, p. 11.

(13)  ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 1.

(14)  ĠU C 68 E, 21.3.2009, p. 39.

(15)  ĠU C 323 E, 18.12.2008, p. 271.

(16)  ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 233.

(17)  ĠU C 38 E, 12.2.2004, p. 318.

(18)  ĠU C 84, 3.4.2008, p. 10.

(19)  ĠU C 115, 20.5.2009, p. 15.

(20)  Testi adottati, P6_TA(2009)0373.

(21)  Laqgħa fi Puerto Varas (Iċ-Ċilì) bejn is-6 u l-10 ta’ Ottubru 2008, http://www.fao.org/fishery/nems/36393/en

(22)  Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO adottat fil-31 ta’ Ottubru 1995.

(23)  Adottati mill-FAO fil-31 ta’ Ottubru 1995.

(24)  Direttiva 85/337/KEE, (ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40) kif emendata mid-Direttiva 97/11/KE u 2003/35/KE (id-Direttiva dwar l-EIAs).

(25)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-4 ta’ Diċembru 2008 dwar l-adozzjoni ta’ “Pjan Ewropew ta’ kontroll tal-istokkijiet tal-marguni” sabiex jitnaqqas l-effett dejjem jiżdied tal-marguni fuq l-istokkijiet tal-ħut, is-sajd u l-akwakultura, (Testi adottati, P6_TA(2008)0583).

(26)  ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1.


Top