EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0242

Taħriġ ġudizzjarju Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ Ġunju 2010 dwar it-taħriġ ġudizzjarju – Il-Programm ta’ Stokkolma

ĠU C 236E, 12.8.2011, p. 130–131 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 236/130


Il-Ħamis 17 ta’ Ġunju 2010
Taħriġ ġudizzjarju

P7_TA(2010)0242

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar it-taħriġ ġudizzjarju – Il-Programm ta’ Stokkolma

2011/C 236 E/23

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar l-irwol tal-imħallef nazzjonali fis-sistema ġudizzjarja Ewropea (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-programm ta’ Stokkolma (3),

wara li kkunsidra l-mistoqsija tal-10 ta’ Mejju 2010 lill-Kummissjoni dwar it-Taħriġ Ġudizzjarju - il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Stokkolma (O-0063/2010 – B7-0306/2010),

wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdu għall-adozzjoni, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, ta’ miżuri li jkollhom l-għan li jiżguraw “appoġġ fit-taħriġ tal-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju”,

B.

billi fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha li Jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma, il-Kummissjoni ħabbret li se tippreżenta komunikazzjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar taħriġ Ewropew għall-professjonijiet legali kollha fl-2011 u li se tniedi proġetti pilota dwar programmi ta’ skambju “Stil Erasmus” għall-awtoritajiet ġudizzjarji u l-professjonisti legali fl-2010-2012,

C.

billi għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet partikolari tal-ġudikatura fir-rigward ta’ taħriġ fil-forma ta’ korsijiet ta’ familjarizzazzjoni mad-dritt nazzjonali, kumparattiv u Ewropew u s-sensittività li jeħtieġ li tintwera fl-organizzazzjoni ta’ korsijiet bħal dawn,

D.

billi huwa partikolarment diffiċli li jiġi organizzat taħriġ għall-membri tal-ġudikatura meta jitqiesu r-restrizzjonijiet fuq il-ħin u d-disponibilità tagħhom, l-indipendenza tagħhom u l-bżonn li l-korsijiet ikunu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom f'termini ta’ problemi ġuridiċi attwali,

E.

billi dawn il-korsijiet għandu jkollhom l-għan ukoll li joħolqu linji ta’ komunikazzjoni bejn il-parteċipanti u b'hekk irawmu kultura ġudizzjarja Ewropea bbażata fuq il-fehim reċiproku biex b'hekk tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka li fuqha hija bbażata s-sistema tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi,

F.

billi, minkejja l-pressjoni fuq il-baġits nazzjonali, l-Istati Membri għad għandhom ir-responsabilità primarja għat-taħriġ ġudizzjarju u għandhom jaċċettawha,

G.

billi madankollu huwa essenzjali li jkun hemm finanzjament tal-UE għal korsijiet ta’ taħriġ ġudizzjarju bħal dawn imfassla biex irawmu kultura ġudizzjarja Ewropea,

H.

billi taħriġ ġudizzjarju xieraq u l-ħolqien ta’ kultura ġudizzjarja Ewropea jistgħu jħaffu l-proċeduri ġudizzjarji f'każijiet transkonfinali u għalhekk jagħtu kontribut sinifikanti sabiex jittejjeb it-tħaddim tas-suq intern kemm għan-negozji kif ukoll għaċ-ċittadini u sabiex ikun aktar faċli għaċ-ċittadini li eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu li jkollhom aċċess għall-ġustizzja,

I.

billi l-Kummissjoni għandha tagħmel inventarju tal-programmi u l-iskejjel nazzjonali ta’ taħriġ għall-ġudikatura bil-ħsieb ukoll li jiġu identifikati l-aħjar prattiki f'dan is-settur,

J.

billi huwa neċessarju li wieħed ikompli jibni fuq l-istrutturi u n-netwerks eżistenti, b'mod partikolari n-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju u l-Akkademja tad-Dritt Ewropew, u li jiġu involuti n-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi, in-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikaturi, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi u n-netwerk Eurojustice tal-Prosekuturi Ġenerali Ewropej fit-twaqqif tal-proġetti pilota għat-taħriġ ġudizzjarju,

1.

Jilqa' r-reazzjoni fil-pront tal-Kummissjoni għas-suġġerimenti inklużi fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta’ Novembru 2009;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li l-Parlament ikun involut b'mod sħiħ fit-tfassil u l-approvazzjoni tal-arranġamenti għat-taħriġ ġudizzjarju, b'mod partikolari l-proġetti pilota previsti fil-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.

Iqis li l-proġetti pilota proposti m'għandhomx ikunu ristretti, f'dak li jirrigwarda l-membri tal-ġudikatura, għal programmi ta’ skambju “stil Erasmus”;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tibda l-konsultazzjonijiet, b'mod partikolari mal-Parlament, bil-ħsieb li jitfasslu u jitħejjew il-proġetti pilota futuri malajr kemm jista' jkun;

5.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri fil-Kunsill, biex tipproduċi proposti malajr kemm jista' jkun għall-ħolqien ta’ netwerk ta’ korpi tat-taħriġ legali fl-Unjoni kollha akkreditati biex jipprovdu korsijiet ta’ familjarizzazzjoni fid-dritt nazzjonali, kumparattiv u Ewropew għall-membri tal-ġudikatura fuq bażi stabbli u kontinwa;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonsulta mal-Parlament rigward pjanijiet separati għall-ħolqien ta’ istituzzjoni li tibni fuq strutturi u netwerks eżistenti, b'mod partikolari n-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju u l-Akkademja tad-Dritt Ewropew;

7.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti għall-finanzjament tal-Pjan ta’ Azzjoni futur dwar it-taħriġ ġudizzjarju;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.


(1)  COM(2010)0171.

(2)  Testi adottati, P6_TA(2008)0352.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2009)0090.


Top