EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0230

Il-kwalità tad-data statistika fl-Unjoni u s-setgħat imsaħħa ta’ verifika mill-Kummissjoni (Eurostat) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ Ġunju 2010 dwar il-kwalità tad-data statistika fl-Unjoni u s-setgħat imsaħħa ta’ verifika mill-Kummissjoni (Eurostat)

ĠU C 236E, 12.8.2011, p. 76–79 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 236/76


Il-Ħamis 17 ta’ Ġunju 2010
Il-kwalità tad-data statistika fl-Unjoni u s-setgħat imsaħħa ta’ verifika mill-Kummissjoni (Eurostat)

P7_TA(2010)0230

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar il-kwalità tad-data statistika fl-Unjoni u s-setgħat imsaħħa ta’ verifika mill-Kummissjoni (Eurostat)

2011/C 236 E/11

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2010)0053),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni (COM(2005)0071 – 2005/0013(CNS)),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tal-31 ta’ Marzu 2010 (CON/2010/28),

wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni dwar l-Istatistika tad-Defiċit u tad-Dejn tal-Gvern Grieg (COM(2010)0001),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0227/2009),

wara li kkunsidra l-mistoqsija tal-4 ta’ Ġunju 2010 lill-Kummissjoni dwar il-kwalità tad-data statistika fl-Unjoni u s-setgħat imsaħħa tal-verifika mill-Kummissjoni (Eurostat) (O-0080/2010 – B7-0314/2010),

wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Kummissjoni (Eurostat) s'issa ma kellhiex is-setgħat investigattivi neċessarji biex ittejjeb il-kwalità tal-istatistika Ewropea,

B.

billi l-avvenimenti reċenti wrew li sistema tal-istatistika li taħdem kif suppost hija prekundizzjoni għal data affidabbli, billi kien hemm in-nuqqas tar-rieda politika biex ikun hemm konformità mar-regoli komuni u biex isir progress reali lejn governanza statistika aktar b'saħħitha,

C.

billi l-każ tal-Greċja huwa illustrazzjoni ċara tan-nuqqas ta’ statistika fiskali ta’ kwalità fl-Unjoni, huwa juri li l-progress mill-2005 'l hawn ma kienx biżżejjed biex iressaq il-kwalità tad-data fiskali Griega lejn il-livell li ntlaħaq minn Stati Membri oħrajn,

D.

billi l-proposta tal-Kummissjoni tal-2005 kienet diġà talbet għal aktar setgħat tat-tip ta’ verifika għall-Kummissjoni (Eurostat) u għal standards minimi miftiehma b'mod komuni għal data statistika,

E.

billi fl-2005, ħafna Stati Membri kienu kontra t-tisħiħ tas-setgħat tal-Eurostat, minkejja l-evidenza diġà ċara li r-regoli u l-implimentazzjoni tagħhom ma kinux adegwati,

F.

billi huwa ta’ spiss mifhum li s-sitwazzjoni attwali trid titjieb u li l-Kummissjoni (Eurostat) għandha bżonn tingħatalha aktar setgħat investigattivi, billi jidher li hemm nuqqas ta’ rieda politika, b'mod partikolari fil-Kunsill, biex jittieħdu l-passi neċessarji biex jissaħħu s-setgħat tal-Kummissjoni (Eurostat),

G.

billi jidher ċar li r-riżorsi umani meħtieġa biex tiġi provduta ħarsa komprensiva u dettaljata tal-istatistika nazzjonali huma neqsin, problema li għandha bżonn tiġi indirizzata kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali,

H.

billi deher ċar li data affidabbli dwar il-fondi tas-sigurtà soċjali, l-arretrati tal-isptarijiet u t-transazzjonijiet bejn il-gvernijiet u l-impriżi pubbliċi hija kruċjali,

1.

Jitlob lill-Kunsill biex jiżgura li l-impriżi politiċi fil-qasam tal-istatistika jiġu onorati u biex jaċċetta għal kollox il-proposta tal-Kummissjoni (COM(2010)0053 finali) u l-emendi relevanti mressqa mill-BĊE u l-Parlament;

2.

Jitlob lill-Kunsill biex isaħħaħ ir-rwol u l-indipendenza tal-Kummissjoni (Eurostat);

3.

Jitlob lill-Kunsill u l-Istati Membri biex jaċċettaw li l-Kummissjoni (Eurostat) tingħata r-responsabilità li tagħmel spezzjonijiet mhux mgħarrfa minn qabel fl-Istati Membri biex tivverifika d-data statistika;

4.

Iqis il-proposta tal-Kummissjoni bħala l-minimu meħtieġ fid-dawl tal-każ tal-Greċja; jenfasizza li l-obbligi tar-rappurtar għandhom bżonn jiġu infurzati fl-Istati Membri kollha u li r-rappurtar għandu jinkludi dettalji ta’ kwalunkwe attività preċedenti li ma tkunx tidher fuq il-karta tal-bilanċ;

5.

Jitlob lill-Istati Membri biex jieqfu jużaw kwalunkwe tip ta’ strutturi ta’ dejn li ma jkunx jidher fuq il-karta tal-bilanċ; jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri legali li jorbtu li jobbligaw lill-Istati Membri biex jieqfu mill-prattika li jużaw kwalunkwe tip ta’ strutturi ta’ dejn li ma jkunx jidher fuq il-karta tal-bilanċ;

6.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tiddikjara liema setgħat u staff għandha bżonn biex twettaq immoniterjar effettiv u reali tal-istatistika nazzjonali fuq tul ta’ żmien medju u twil;

7.

Jiġbed l-attenzjoni għat-tendenza fost l-Istati Membri li jevitaw ċertu responsabilitajiet mill-karti tal-bilanċ tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħlasijiet futuri mitluba minn pensjonijiet tas-settur pubbliku u mill-kuntratti fuq tul ta’ żmien twil mas-settur privat għas-self jew l-għoti tal-faċilitajiet pubbliċi; jitlob għal soluzzjoni li tiżgura l-iżvelar konsistenti u miftuħ ta’ responsabilitajiet bħal dawn fl-istatistika nazzjonali;

8.

Jitlob lill-BĊE biex jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni (Eurostat) ħalli jiżgura l-konsistenza tal-istatistika tal-Istati Membri;

9.

Jitlob lill-Kummissjoni (Eurostat) biex tagħmel l-almu tagħha ħalli tevita n-nuqqasijiet metodoloġiċi u l-problemi amministrattivi mhux sodisfaċenti, bħal fil-każ tal-Greċja, milli jerġgħu joħorġu f'xi Stat Membru;

10.

Jitlob lill-Kunsill u l-Istati Membri biex jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'data tal-finanzi pubbliċi bbażata fuq metodu ta’ verifika standardizzat u aċċettat internazzjonalment;

11.

Jitlob lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) u l-istituzzjonijiet tal-istatistika nazzjonali bl-aċċess neċessarju u r-riżorsi sabiex isiru kontrolli reali fuq id-data ta’ bażi possibbli;

12.

Jitlob lill-Istati Membri li diġà qegħdin fiż-żona tal-euro jew li qed japplikaw biex jidħlu fiż-żona tal-euro ħalli jippermettu lill-BĊE jieħu sehem fi spezzjonijiet mhux mgħarrfa minn qabel u biex l-istaff tiegħu jingħata s-setgħa li jkollu aċċess għal kwalunkwe statistika tagħhom;

13.

Jitlob lill-Istati Membri biex jistabbilixxu responsabilitajiet ċari fir-rigward tal-produzzjoni u l-kompilazzjoni tad-data statistika; ir-responsabilitajiet nazzjonali ċari, inklużi r-responsabilitajiet personali, huma rekwiżit neċessarju għall-ħidma tal-Kummissjoni (Eurostat);

14.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tissika l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prassi tal-Istatistika Ewropea, li ssaħħaħ l-indipendenza, l-integrità u l-kontabilità tal-Istituti Statistiċi Nazzjonali u tal-Kummissjoni (Eurostat) bil-għan li titħeġġeġ l-applikazzjoni tal-aħjar prinċipji, metodi u prattiki statistiċi internazzjonali mill-produtturi kollha tal-istatistika Ewropea sabiex tiġi ottimizzata l-kwalità tagħhom;

15.

Jitlob lill-Kunsill u l-Istati Membri biex jaċċettaw mingħajr riżervi l-bżonn għal djalogu regolari u ż-żjarat għall-immoniterjar fid-dettall mill-Kummissjoni (Eurostat) sabiex jitħeġġeġ l-immoniterjar tad-data rrappurtata u tiġi provduta l-assigurazzjoni permanenti tad-data;

16.

Jitlob lill-Kunsill biex iżid l-appoġġ għall-ħidma tal-OLAF, li l-Parlament iqis li għandu rwol essenzjali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u, b'hekk taċ-ċittadini tal-UE, kif ukoll rwol ewlieni biex jipproteġi r-reputazzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej; iqis, għalhekk, li għandha titfassal strateġija tar-riżorsi umani li tgħolli l-livelli tal-persunal u tiżgura li l-livell għoli kwalitattiv attwali tal-persunal jinżamm;

17.

Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jinvolvu aktar mill-qrib il-Bord Ewropew Konsultattiv tal-Governanza tal-Istatistika bħala konsulent indipendenti; Il-Bord Konsultattiv jista' jgħin lill-Kummissjoni (Eurostat) matul iż-żjarat tagħha fl-Istati Membri;

18.

Jisħaq fuq il-fatt li, jekk is-sorveljanza mtejba trid tkun effettiva, l-istatistika preċiża u l-verifika mtejba tal-affidabilità ta’ data aggregata provduta lill-Eurostat huma prerekwiżit essenzjali;

19.

Jenfasizza li s-setgħat tal-Eurostat għandhom jissaħħu;

20.

Iqis li informazzjoni statistika miftuħa u trasparenti għandha tkun prerekwiżit għar-riċeviment ta’ appoġġ tal-Fondi Strutturali;

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Eurogroup u lill-Bank Ċentrali Ewropew.


Top