EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0235

Operazzjoni militari Iżraeljana kontra l-flottilla umanitarja u l-imblokk ta’ Gaża Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ Ġunju 2010 dwar l-operazzjoni militari Iżraeljana kontra l-flottilla umanitarja u l-imblokk ta’ Gaża

ĠU C 236E, 12.8.2011, p. 105–107 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 236/105


Il-Ħamis 17 ta’ Ġunju 2010
Operazzjoni militari Iżraeljana kontra l-flottilla umanitarja u l-imblokk ta’ Gaża

P7_TA(2010)0235

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar l-operazzjoni militari Iżraeljana kontra l-flottilla umanitarja u l-imblokk ta’ Gaża

2011/C 236 E/16

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Gaża, b'mod partikolari dawk tal-15 ta’ Jannar 2009 dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta’ Gaża (1) u tat-18 ta’ Frar 2009 dwar għajnuna umanitarja lejn il-Medda ta’ Gaża (2),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Venezja tal-1980,

wara li kkunsidra l-istqarrijiet preċedenti dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, b'mod partikulari dik tad-19 ta’ Marzu 2010 li affermat mill-ġdid il-prinċipji fundamentali stipulati fi Trieste fis-26 ta’ Ġunju 2009, u dik tal-11 ta’ Mejju 2010 dwar it-tiġdid tat-taħditiet ta’ tqarrib bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 1860 tat-8 ta’ Jannar 2009 (S/RES/1860(2009) u Nru 1850 tas-16 ta’ Diċembru 2008 (S/RES/1850 (2008),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-31 ta’ Mejju 2010 mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni Catherine Ashton f'isem l-UE dwar l-operazzjoni militarji Iżraeljana kontra l-flottilla umanitarja,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-31 ta’ Mejju 2010 (S/9940) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta’ Paċi tal-Lvant Nofsani tat-8 ta’ Diċembru 2009,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-31 ta’ Mejju 2010 tal-President tal-Parlament Ewropew, Jerzy Buzek,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Attakki Gravi mill-Forzi Iżraeljani kontra l-Konvoj Umanitarju ta’ Bastimenti tat-2 ta’ Ġunju 2010,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-WHO fit-18 ta’ Mejju 2010,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Programm Dinji tal-Ikel u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU (FAO), ippubblikat f'Novembru 2009 dwar is-sitwazzjoni f'Gaża,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-operazzjoni militari Iżraeljana tal-31 ta’ Mejju 2010, f'ibħra internazzjonali, kontra flottilla ta’ għajnuna umanitarja destinata għal Gaża wasslet biex disa' ċivili sfaw maqtula, u 38 ċivili u seba' suldati Iżraeljani sfaw midruba,

B.

billi l-postijiet ta’ qsim tal-fruntiera lejn u 'l barra minn Gaża ilhom magħluqa minn Ġunju 2007, wara li l-Ħamas ħadet il-poter b'mezzi militari, u billi l-imblokk fuq il-moviment ta’ persuni u merkanzija żied il-faqar, ipparalizza r-rikostruzzjoni u qered l-ekonomija fil-Medda ta’ Gaża, u nħoloq suq rampanti tal-kuntrabandu kkontrollat mill-Ħamas, fost l-oħrajn; billi dan l-imblokk ma wassalx għall-ħelsien ta’ Gilad Shalit, kif mistenni mill-awtoritajiet Iżraeljani, ħelsien li l-PE kemm-il darba talab; billi dan l-imblokk ma kisibx l-għan tiegħu li jdgħajjef lill-estremisti u, billi l-aktar li jolqot huwa lill-aktar partijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni, qed twassal għal radikalizzazzjoni dejjem tikber,

C.

billi skont id-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-organi tan-NU, l-imblokk tal-Medda ta’ Gaża jirrappreżenta kastig kollettiv li jikser id-dritt umanitarju internazzjonali,

D.

billi 80 % tal-popolazzjoni ta’ Gaża tiddependi mill-għajnuna tal-ikel, aktar minn 60 % huma milquta min-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel, il-qgħad hu ta’ madwar 50 % u l-kundizzjonijiet sanitarji u ambjentali marru sew għall-agħar,

E.

billi 3 600 trakk ta’ għajnuna tal-ikel biss daħlu f'Gaża fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, meta jitqabblu ma’ 36 000 fl-ewwel tliet xhur tal-2007, u billi 81prodott biss jitħallew jidħlu Gaża filwaqt li l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Għajnuna u x-Xogħlijiet għar-Refuġjati Palestinjani fil-Lvant Qarib (UNRWA) tikkalkula li l-għadd minimu ta’ prodotti meħtieġa biex jissodisfaw il-bżonnijiet umanitarji bażiċi hu ta’ 6 000,

F.

billi t-Territorji Palestinjani huma t-tielet l-akbar fost il-pajjiżi terzi li jirċievu fondi tal-UE u dan l-appoġġ kellu sehem importanti biex itaffi d-diżastru umanitarju fil-Medda ta’ Gaża; billi l-UE qiegħda tkompli tipprovdi l-għajnuna umanitarja essenzjali fil-Medda ta’ Gaża, fosthom permezz tal-UNRWA,

G.

billi s-soluzzjoni ta’ żewġ stati tibqa' l-bażi essenzjali għall-paċi dejjiema bejn l-Iżraeljani u Palestinjani, u għalhekk kull azzjoni unilaterali li tista' timmina din il-prospettiva għandha tiġi evitata; billi t-taħditiet ta’ tqarrib li għadhom għaddejjin jistgħu jwasslu għat-tkomplija ta’ negozjati ta’ paċi diretti bil-ħsieb li jiġi stabbilit stat Palestinjan vijabbli li jgħix fil-paċi u s-sigurtà mal-Istat ta’ Iżrael bħala ġar,

H.

billi sal-ġurnata tal-lum il-Ħamas għadha mhix tħalli d-dħul tal-merkanzija umanitarja tal-flottilla f'Gaża,

1.

Iwassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi;

2.

Jikkundanna l-attakk Iżraeljan kontra l-flottilla fl-ibħra internazzjonali, bi ksur tal-liġi internazzjonali;

3.

Jappella biex minnufih ikun hemm inkjesta sħiħa u imparzjali dwar dan l-attakk, jinsisti li jiġu rispettati l-prinċipji tar-responsabbilizzazzjoni u tal-obbligazzjoni u jħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli/Viċi-President u lill-Istati Membri tal-UE biex jieħdu azzjoni biex jiżguraw li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex din it-talba tkun effettiva;

4.

Iħeġġeġ lill-Iżrael biex b'mod immedjat itemm l-imblokk ta’ Gaża, li wassal għal diżastru umanitarju u żied ir-radikalizzjoni, li saret għajn ta’ insikurezza għall-Iżrael u għar-reġjun kollu;

5.

Jesiġi li l-attakki kollha kontra l-Iżrael jintemmu minnufih u jwissi li dawk li jwettquhom iridu jiffaċċjaw ir-responsabilità kollha tagħhom;

6.

Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President u l-Istati Membri biex jieħdu passi biex jiżguraw il-ftuħ sostenibbli tal-postijiet kollha tal-qsim tal-fruntiera lejn u minn Gaża, inkluż il-port ta’ Gaża, b'monitoraġġ internazzjonali adegwat tal-użu finali, li jippermetti l-fluss mingħajr xkiel ta’ prodotti umanitarji u kummerċjali meħtieġa għar-rikostruzzjoni u ekonomija li ssostni lilha nnifisha, kif ukoll il-fluss tal-valuta u l-moviment ħieles mingħajr xkiel tal-persuni;

7.

Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President biex minnufih tieħu l-inizjattiva billi tippreżenta pjan tal-UE lill-Kwartett bil-għan li jintemm l-imblokk ta’ Gaża u li jindirizza t-tħassib Iżraeljan dwar is-sigurtà billi jkun żgurat monitoraġġ internazzjonali tal-postijiet tal-qsim tal-fruntiera, inkluża l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-mandat tal-Missjoni ta’ Assistenza fil-Fruntieri (UE-BAM), potenzjalment b'dimensjoni marittima, kif ukoll l-attivazzjoni mill-ġdid tagħha, u t-tqegħid ta’ forza navali internazzjonali għall-monitoraġġ tax-xtut ta’ Gaża;

8.

Ifakkar li anke jekk l-UE hija lesta li testendi l-pakkett ta’ assitenza lill-Palestinjani, dan l-impenn mhuwiex illimitat fiż-żmien, u jinsisti li filwaqt li l-għajnuna umanitarja għandha tibqa' bla kundizzjonijiet, l-UE għandu jkoll rwol politiku li jagħti riżultati tanġibbli lejn il-ħolqien ta’ stat Palestinjan vijabbli li jkunu konsistenti mal-assistenza finanzjarja sinifikanti tagħha u l-piż ekonomiku tagħha fir-reġjun;

9.

Jesprimi l-appoġġ tiegħu għat-taħditiet ta’ tqarrib bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana u jenfasizza l-ħtieġa li dawn jitkomplew bil-ħsieb li jerġgħu lura għan-negozjati diretti;

10.

Jinsab konvint li hemm ħtieġa urġenti għal tiswir mill-ġdid komprensiv tal-politika tal-UE lejn il-Lvant Nofsani biex twettaq rwol politiku deċiżiv u koerenti, akkumpanjat minn għodod diplomatiċi effettivi, fl-interess tal-paċi u s-sigurtà f'dan ir-reġjun qarib ta’ interess strateġiku vitali għall-UE; iqis li din għandha tkun estiża għall-politiki kollha tal-UE, inklużi, fost l-oħrajn, il-politiki tal-kummerċ u tal-iżvilupp;

11.

Ifaħħar il-ħidma mwettqa mill-UNRWA u jistieden lill-komunità ta’ donaturi internazzjonali, għalkemm konxju mid-defiċit finanzjarju li din se tiffaċċja sa tmiem din is-sena, biex tonora l-wegħdiet eżistenti tagħha u biex iżżid il-kontribuzzjonijiet tagħha;

12.

Jinnota li l-avvenimenti reċenti għamlu ħsara konsiderevoli lir-relazzjonijiet bejn it-Turkija u Iżrael; iħeġġeġ lill-Gvern Tork biex jiffoka l-isforzi diplomatiċi u politiċi tiegħu biex itaffi l-qagħda tal-poplu Palestinjan u jagħti kontribut għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani;

13.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftuħ riċenti tal-post ta’ qsim tal-fruntiera ta’ Rafaħ mill-awtoritajiet Eġizzjani;

14.

Jappella għall-ħelsien immedjat tas-surġent Iżraeljan Gilad Shalit, li nħataf mill-Ħamas f'art Iżraeljana fil-25 ta’ Ġunju 2006 u li ilu minn dakinhar miżmum incommunicado f'Gaża;

15.

Iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jieħu passi biex mingħajr dewmien ilaqqa' lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael sabiex tiġi diskussa s-sitwazzjoni attwali;

16.

Iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jieħu passi biex ilaqqa' l-Kumitat Konġunt UE-Awtorità Palestinjana;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, is-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Kneset, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern u l-Parlament tat-Turkija, u lill-Gvern u l-Parlament tal-Eġittu.


(1)  ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 100.

(2)  ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 1.


Top