EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0201

It-trasparenza fil-politika reġjonali u l-iffinanzjar tagħha Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 15 ta’ Ġunju 2010 dwar it-trasparenza fil-politika reġjonali u l-finanzjament tagħha (2009/2232(INI))

ĠU C 236E, 12.8.2011, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 236/1


It-Tlieta 15 ta’ Ġunju 2010
It-trasparenza fil-politika reġjonali u l-iffinanzjar tagħha

P7_TA(2010)0201

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar it-trasparenza fil-politika reġjonali u l-finanzjament tagħha (2009/2232(INI))

2011/C 236 E/01

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 174-178 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006 tat-8 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (2),

wara li kkunsidra r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 284/2009 tas-7 ta’ April 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni, rigward ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 397/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà ta’ investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġija rinovabbli fid-djar (4),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ April 2008 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2006, Taqsima III – Kummissjoni (5),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima III – Kummissjoni (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Frar 2008 dwar it-trasparenza fil-kwistjonijiet finanzjarji (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ottubru 2008 dwar il-governanza u s-sħubija fuq livelli nazzjonali u reġjonali u bażi għal proġetti fl-isfera tal-politika reġjonali (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Fondi Strutturali 2007-2013: ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji tal-koeżjoni nazzjonali u l-programmi operattivi (9),

wara li kkunsidra l-istudju ppublikat mill-Parlament Ewropew bl-isem “L-Inizjattiva għat-Trasparenza tad-Dejta u l-Impatt tagħha fuq il-Politika ta’ Koeżjoni”,

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Mejju 2006 dwar l-Inizjattiva Ewropea favur it-Trasparenza (COM(2006)0194),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-21 ta’ Diċembru 2009 bl-isem “L-20 rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-fondi strutturali (2008)” (COM(2009)0617/2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0139/2010),

A.

billi l-inizjattiva Ewropea Favur it-Trasparenza (ETI) ġiet adottata mill-Kummissjoni fl-2005, segwita mill-pubblikazzjoni tal-Green Paper fl-2006 bil-għan li jiġu mtejba t-trasparenza, il-ftuħ, il-kontabilità tal-governanza tal-UE, u billi l-għoti ta’ informazzjoni pubblika dwar ir-riċevituri tal-Fondi tal-UE hija element fundamentali tal-ETI,

B.

billi, skont is-sistema ta’ ġestjoni konġunta, l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE hija ġestita fil-livell tal-Istat Membru, u li fl-assenza ta’ obbligu speċifiku tal-UE jew “steer” b’saħħtu mill-Kummissjoni, il-livell ta’ pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni jvarja minn Stat Membru għall-ieħor, li jagħmel diffiċli l-paragun bejn l-Istati Membri,

C.

billi l-iżvelar tal-benefiċjarji tal-fondi tal-UE jippermetti l-parteċipazzjoni pubblika f’dibattitu kostruttiv dwar kif għandhom jintefqu l-flus pubbliċi, li huwa essenzjali għal demokraziji li jiffunzjonaw,

D.

billi ebda rabta ma ġiet stabbilita bejn l-ETI u l-kwistjonijiet li huma aktar regolati u li jorbtu fil-kontrolli finanzjarji u l-verifika,

E.

billi l-ETI għandha jkollha effett sinifikanti f’termini li jiggarantixxu sħubija fil-fażijiet ’l fuq u ’l isfel taċ-ċiklu tal-programmazzjoni ta’ koeżjoni, billi, madankollu, ir-regolamenti ma jispeċifikawx f’liema miżura l-imsieħba għandhom ikunu assoċjati għad-diversi proċessi ta’ programmazzjoni u ma jispeċifikax l-arranġamenti involuti għal dan it-tip ta’ involviment,

F.

billi mhemmx biżżejjed informazzjoni minn qabel dwar id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-iffinanzjar tal-progetti l-kbar, u għaldaqstant nuqqas ta’ trasparenza, u billi għandha tinstab soluzzjoni,

G.

billi l-loġika tat-trasparenza għandha tmur id f’id mal-proċess tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-kisba ta’ Fondi Strutturali;

1.

Iqis li t-trasparenza fir-rigward tal-politika ta’ koeżjoni u ċ-ċiklu tal-ipprogrammar tagħha, l-allokazzjoni tal-infiq u l-aċċess għall-informazzjoni għall-benefiċjarji potenzjali tal-Fondi Strutturali huma prerekwiżiti ewlenin sabiex jintlaħqu l-objettivi b’mod ġenerali tal-politika ta’ koeżjoni, u li t-trasparenza għandha għaldaqstant tiġi introdotta bħala prinċipju ta’ gwida transettorjali fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjoni u tal-programmazzjoni ta’ koeżjoni;

L-iżvelar tad-data dwar il-benefiċjarji tal-fondi ta’ koeżjoni

2.

Jinnota b’sodisfazzjoni li, b’konformità mal-ħtiġijiet tal-ETI, il-mapep interattivi li jipprovdu rabta mal-listi tal-ERDF u l-benefiċjarji tal-Fond ta’ Koeżjoni disponibbli fis-siti elettroniċi nazzjonali jew reġjonali rispettivi jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali tal-Kummissjoni; jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu, billi jużaw il-mezzi xierqa, il-websajt tad-DG REGIO bil-għan li jiffaċilitaw l-aktar aċċess wiesa’ possibbli għal dik il-bażi ta’ data; jinnota li għaldaqstant jibqa’ ferm diffiċli għall-partijiet interessati biex jibqgħu aġġornati dwar kif qed jintużaw il-flus pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonsulta dawn il-partijiet kemm jista’ jkun dwar rimedji possibbli għal din is-sitwazzjoni;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu dawn il-bażi tad-data tal-Istati Membri kompletament kompatibbli u li fihom jista’ jsir tiftix, sabiex tiġi ffaċilitata l-ħarsa ġenerali tad-data ppreżentata madwar l-UE, filwaqt li tiġi ppreservata r-relevanza lokali tagħhom; hu tal-opinjoni li, f’dan ir-rigward, hemm ħtieġa urġenti għal verżjonijiet b’żewġ lingwi (il-lingwa(i) lokali – waħda mil-lingwa ta’ ħidma tal-Kummissjoni);

4.

Jenfasizza li l-utilità tad-data mogħtija dwar il-benefiċjarji għandha tiġi mtejba f’termini tal-kontenut u tal-preżentazzjoni; jistieden, għaldaqstant lill-Kummissjoni biex tidentifika format aktar iddettaljat u preskrittiv li jispeċifika l-istruttura, il-forma u l-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta; jemmen li l-għoti tal-informazzjoni neċessarja għandu jiffaċilita wkoll it-tiftix abbażi ta’ kriterji bl-għan li tittieħed stampa immedjata tal-elementi mfittxija;

5.

Jitlob biex jiġi pprovdut tagħrif essenzjali addizzjonali meta jiġu ppublikati l-listi tal-benefiċjarji; u meta jkun hemm bżonn il-listi ta’ korpi konsultattivi; jirrakkomanda, għaldaqstant, li apparti l-ħtiġijiet minimi attwali, għandha tingħata konsiderazzjoni għall-inklużjoni tal-lok, sommarji tal-proġetti approvati, tipi ta’ appoġġ u deskrizzjoni tal-imsieħba tal-proġetti bħala elementi tal-iżvelar tal-benefiċjarji; jitlob li d-data li tinġabar għandha tidher u għandha tiġi kkontrollata b’mod strutturat u komparabbli sabiex jiġi żgurat l-utilità bis-sħiħ tagħha u fl-interess ta’ trasparenza ġenwina; iqis li dan jista’ jsir mingħajr spejjeż addizzjonali;

6.

Jitlob sabiex, il-programmi taħt l-objettiv tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, il-benefiċjarji kollha – u mhux biss il-benefiċjarji ewlenin – jiġu elenkati;

7.

Jenfasizza li konformità sħiħa mal-ħtiġijiet tal-ETI hija meħtieġa permezz ta’ regolamenti xierqa, gwida aħjar, mekkaniżmu ta’ twissija u sanzjonijiet f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità bħala l-aħħar rimedju;

It-trasparenza u l-ġestjoni kondiviża

8.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara kif il-prinċipji tal-ETI għandhom jiġu attwati f’termini operattivi fil-livell tal-programmi operattivi u l-pjanijiet tal-komunikazzoni tagħhom; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa tal-introduzzjoni ta’ regoli iktar ċari li jirrigwardaw l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi taħt ġestjoni kondiviża;

9.

Jenfasizza l-bżonn li jiġu fformulati r-regolamenti u r-regoli ta’ implimentazzjoni b’mod li l-proċeduri jkunu trasparenti, jipprovdu aċċess aħjar għall-Fondi Strutturali għall-benefiċjarji potenzjali u jnaqqsu l-piż amministrattiv minn fuq il-parteċipanti, partikolarment permezz ta’ għadd ta’ miżuri ewlenin bħal pereżempju li jsiru disponibbli għall-pubbliku n-noti ta’ gwida dwar l-implimentazzjoni maqbula bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri; jistieden lill-awtoritajiet amministrattivi fl-Istati Membri biex jippreżentaw, b’mod trasparenti, l-istadji kollha tal-proġetti finanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-opinjoni tiegħu li t-trasparenza u l-proċeduri ċara huma fatturi ta’ governanza aħjar, u jilqa’ f’dan il-kuntest l-isforzi li saru mill-Kummissjoni biex jippreżenta l-proposti ssimplifikati;

10.

Jinnota li programmi transkonfinali u transnazzjonali jiltaqgħu ma’ diffikultajiet speċifiċi minħabba d-differenzi fil-kultura amministrattiva, fir-regolamenti nazzjonali u fil-lingwi użati fl-Istati Membri, li jaffettwaw mhux biss l-aspetti kwantitattivi iżda wkoll dawk kwalitattivi ta’ tali inizjattivi; iqis għalhekk l-iżvilupp ta’ regoli speċifiċi li jirrigwardaw it-trasparenza fil-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn awtoritajiet amministrattivi differenti jista’ jkun ferm importanti;

11.

Jenfasizza li, skont l-istudju tal-PE dwar l-ETI u l-impatt tagħha fuq il-Politika ta’ Koeżjoni, in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti minimi tal-ETI jirrelata man-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva min-naħa tal-Awtoritajiet Amministrattivi pjuttost milli nuqqas ta’ rieda li tiġi pprovduta tali data; f’dan il-qafas jinnota l-bżonn li jiġi żgurat li l-għoti ta’ data addizzjonali u l-informazzjoni ma tirriżultax f’piż amministrattiv addizzjonali għall-benefiċjarji potenzjali, b’mod partikulari għal dawk li diġà għandhom diffikultà jkunu konformi mal-ħtiġijiet amministrattivi u finanzjarji eżistenti għall-għotjiet u l-kuntratti pubbliċi;

12.

Jinnota li r-rekwiżiti għal informazzjoni u data addizzjonali għandhom ikunu akkompanjati min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, mill-għoti ta’ appoġġ tekniku addizzjonali (gruppi ta’ ħidma bil-parteċipazzjoni tal-uffiċjali tal-Kummissjoni u persunal lokali/reġjonali responsabbli għall-ġestjoni tal-fondi strutturali, skambju tal-aqwa prattiki bejn l-Awtoritajiet Amministrattivi, pubblikazzjoni ta’ linji gwida konkreti) lil benefiċjarji potenzjali li m’għandhomx il-kapaċità teknika neċessarja; iqis li b’dan il-mod biss jista’ jiġi żgurat li l-isforzi tal-parteċipanti sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti addizzjonali fit-termini ta’ dejta u informazzjoni pprovduta ma jirriżultax f’tagħwiġ tal-fondi mill-attivitajiet ta’ implimentazzjoni tal-proġett bħala tali;

13.

Jenfasizza l-importanza ta’ informazzjoni preċiża u fil-ħin mogħtija mill-Istati Membri fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll, u għaldaqstant il-bżonn li tiġi stabbilita rabta bejn l-ETI u l-kontrolli finanzjarji u ta’ verifika; itenni l-opinjoni tiegħu li sistema ta’ twissija bikrija (EWS) għandha taħdem mill-qrib ukoll mal-Bażi tad-Data Ċentrali tal-Esklużjoni;

14.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-użu ta’ ħlasijiet addizzjonali avvanzati rċivuti mill-Istati Membri skont is-simplifikazzjonijiet tal-2009 marbuta mar-Regolament (KE) Nru1083/2006;

15.

Itenni t-talba tiegħu għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni rigward l-irkupru u t-twettiq skont l-ETI; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu din l-informazzjoni b’mod sħiħ, u lill-Kummissjoni biex tagħmilha disponibbli għall-awtorità baġitarja u l-pubbliku flimkien ma’ informazzjoni dwar il-korrezzjoni finanzjarja u l-frodi, u b’hekk jiġu żgurati standards għoljin ta’ kredibilità u responsabilità fir-rigward tal-pubbliku Ewropew;

16.

Iħeġġeġ lill-awdituri biex ikunu aktar ibsin fuq il-ħtiġijiet ta’ komunikazzjoni u informazzjoni, inkluża “naming and shaming” – partikolarment jekk jkun involut attur governattiv – u l-użu ta’ korrezzjonijiet finanzjarji f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità;

17.

Jilqa’ l-isforzi li saru mill-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri biex jiġu armonizzati l-metidoloġiji ta’ verifika;

It-trasparenza u s-sħubija

18.

Jenfasizza l-fatt li standards minimi ta’ konsultazzjoni huma kompetenza tal-ETI, u jilqa’ l-fatt li dawn l-istandards ġew promossi u applikati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-politika ta’ koeżjoni; jistieden, madankollu, lill-Kummissjoni biex jħallu lill-partijiet involuti biex jagħtu rispons dwar il-kwalità tal-proċess tal-konsultazzoni; jistiden lir-reġjuni u lill-Istati Membri biex ikomplu fuq esperjenzi eżistenti tal-UE għall-konsultazzoni mal-partijiet interessati;

19.

Itenni l-opinjoni tiegħu li s-sħubija hija prerekwiżit għat-trasparenza, l-effiċjenza u l-leġittimità fil-fażijiet kollha tal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tista’ wkoll iżżid l-impenn għall-outputs tal-programmi kif ukoll għas-sjieda pubbliċi tagħhom; jistieden, għaldaqstant lill-Istati Membri u l-awtoritajiet amministrattivi biex jinvolvu b’mod sħiħ lill-imsieħba lokali u reġjonali aktar mill-qrib fil-fażijiet kollha tal-ipprogrammar u l-implimetazzjoni tal-koeżjoni, inkluż permezz ta’ pjattaforma tal-internet f’livell nazzjonali li tipprovdi viżibilità fir-rigward tal-fondi eżistenti u programmi operazzjonali u permezz tal-promozzjoni tal-prattiki tajba u mezzi oħra, u biex jingħatalhom aċċess sħiħ għad-dokumenti tal-proġetti kollha, bil-għan li jsir użu aħjar tal-esperjenza u l-għarfien tagħhom;

20.

Jitlob għal aktar gwida mill-Kummissjoni dwar kif il-klawżola tas-sħubija tiġi mwettqa skont il-programmi attwali, u għal-regoli vinkolanti suffiċjenti dwar is-sħubija fit-testi regolatorji ġejjiena; partikolarment fir-rigward tal-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, jiġifieri l-korpi eletti, li huma msieħba essenzjali fil-proċess kollu;

21.

Jitlob għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni mmirata aħjar u informazzjoni regolari u fil-ħin għall-organizzazzjonijiet imsieħba, partikolarment dawk li huma membri tal-istrutturi tal-amministrazzjoni, u għall-użu aħjar tal-għajnuna teknika biex jappoġġja s-sħubija, inter alia permezz tal-għoti tal-opportunità lill-organizzazzjonijiet imsieħba f’avvenimenti ta’ taħriġ organizzat għall-entitajiet ta’ tqassim; jappella li dawn l-avvenimenti ta’ taħriġ ikunu aċċessibbli fil-verżjonijiet multimedjali sabiex iwessgħu l-udjenza fil-mira u sabiex jippermettu konsultazzjoni ex-post tal-organizzazzjonijiet tal-imsieħba; jenfasizza l-utilità ta’ tali miżura għall-imsieħba tal-aktar reġjuni mbiegħda fl-Unjoni, bħar-reġjuni l-aktar periferiċi;

It-titjib fit-trasparenza fir-rigward tal-iffinanzjar ta’ proġetti maġġuri tal-UE

22.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tippublika fil-ħin informazzjoni online, u biex tiggarantixxi l-aċċess dirett għad-dokumentazzjoni tal-proġett, inkluż il-proġetti ta’ JASPERS (l-applikazzjoni, l-istudju ta’ probbabilità, l-analiżi tal-benefiċċju tal-ispejjeż, l-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali, eċċ.) fuq proġetti maġġuri, mill-aktar fis possibbli wara li l-Kummissjoni tirċievi applikazzjoni għall-iffinanzjar mill-Istati Membri u qabel ma tieħu kwalunkwe deċiżjoni dwar l-iffinanzjar; dan is-sit elettroniku tal-Kummissjoni għandu jippermetti s-sottomissjoni tal-kummenti rigward dawn il-proġetti;

23.

Jappella biex l-informazzjoni dwar proġetti ewlenin approvati jew imressqa għall-approvazjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 tiġi ppubblikata fuq l-internet b’effett retroattiv;

24.

Jipproponi li jiġi stabbilit f’liema sitwazzjonijiet fondi mhux użati ikunu jistgħu jintużaw mill-ġdid, u xi jkunu r-responsibilitajiet tal-istituzzjoni li tiddeċiedi li tirrialloka fondi bħal dawn;

*

* *

25.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

(2)  ĠU L 371, 27.12.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 94, 8.4.2009, p. 10.

(4)  ĠU L 126, 21.5.2009, p. 3.

(5)  ĠU L 88, 31.3.2009, p. 23.

(6)  ĠU L 255, 26.9.2009, p. 24.

(7)  ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 1.

(8)  Testi adottati, P6_TA(2008)0492.

(9)  Testi adottati, P6_TA(2009)0165.


Top