EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE0987

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima: ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE” COM(2009) 538 finali

ĠU C 44, 11.2.2011, p. 173–177 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/173


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima: ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE”

COM(2009) 538 finali

2011/C 44/32

Relatur: is-Sur LIOLIOS

Nhar il-15 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima: Ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE

COM(2009) 538 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Ġunju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’164 vot favur, vot wieħed kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni u jappoġġja l-firxa ta’ miżuri possibbli għas-sorveljanza marittima integrata lejn il-fehim effettiv tal-attivitajiet kollha mwettqa fuq il-baħar li jista’ jkollhom impatt fuq is-sigurtà, is-sikurezza, l-ekonomija, jew l-ambjent tal-Unjoni Ewropea (UE) u tal-Istati Membri tagħha.

1.2   Il-KESE, fit-teorija, jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet li saru fil-Komunikazzjoni hawn fuq imsemmija u jemmen li l-inklużjoni ta’ regoli dwar it-tixrid u t-trattament tad-data kif ukoll l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll kemm mill-organizzazzjonijiet kollha li qed jipparteċipaw kif ukoll lejn dawn l-istess organizzazzjonijiet ser ittejjeb l-għarfien tal-qagħda fil-qasam marittimu.

1.3   Il-KESE jinnota li l-komunikazzjoni tas-sorveljanza hija kontribut pożittiv għall-problemi ta’ sigurtà li qed jiżdiedu u li qed tiffaċċja l-UE, inklużi l-immigrazzjoni illegali, it-traffikar, il-bejgħ tad-drogi kif ukoll il-protezzjoni effiċjenti u effettiva tal-ambjent u tal-ħajja u l-ġid taċ-ċittadini tal-UE.

1.4   Il-KESE jirrikonoxxi li s-sostenibbiltà tal-politika marittima integrata għall-UE tiddependi mis-sostenibbiltà tal-azzjonijiet ta’ politika tagħha, u fosthom is-sorveljanza marittima integrata mhijiex eċċezzjoni. Għaldaqstant, is-sistema proposta ta’ sorveljanza marittima integrata għandha tinbena b’mod li tipprovdi b’mod sostenibbli data preċiża, fil-ħin, ta’ kwalità u kost effettiva meta u fejn ikun meħtieġ u għar-raġuni preċiża li hi meħtieġa. Għalhekk għandha titqies ukoll l-espansjoni tas-sistema ta’ sorveljanza marittima integrata.

1.5   Il-KESE jappoġġja mekkaniżmu komuni ta’ sorveljanza għall-UE kollha bbażat fuq qafas legali armonizzat bil-għan li jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva u mhux sensittiva bejn l-awtoritajiet, l-aġenziji u l-utenti tal-Istati Membri tal-UE.

1.6   Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tad-dimensjoni internazzjonali tal-qasam marittimu u jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ standards tekniċi u legali u li jiġu esplorati opportunitajiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.

1.7   Il-KESE jemmen li l-interkonnessjoni tas-sistemi ta’ sorveljanza marittima teħtieġ kunsiderazzjoni profonda tad-diversi kwistjonijiet legali relatati mal-iskambju tal-informazzjoni miġbura għal skopijiet differenti u minn sorsi differenti. L-Istati Membri għandhom obbligi differenti, u l-kunfidenzjalità tad-data u l-protezzjoni tad-data personali huma kwistjonijiet ewlenin. Għad trid tiġi definita n-natura tad-data involuta, l-iskopijiet (u l-metodi) tal-iskambju u r-riċevituri potenzjali tad-data, is-salvagwardji meħtieġa fir-rigward tal-kunfidenzjalità u s-sigurtà tad-data u l-protezzjoni tad-data personali, fejn ikun rilevanti.

1.8   Il-KESE jissuġġerixxi li d-data għandha tixxerred “fuq il-bażi tal-ħtieġa tal-għarfien” sabiex jiġu salvagwardjati l-protezzjoni u l-proliferazzjoni żejda tad-data. Huwa imperattiv ukoll li jiġu definiti l-livelli ta’ kunfidenzjalità kif ukoll il-livell awtoritattiv għall-użu tad-data, permezz tal-iżvilupp ta’ skemi konkreti u trasparenti għall-għoti tad-dritt tal-aċċess.

1.9   Il-KESE jifhem li l-ivvalidar tad-data miġbura huwa kompitu kritiku u diffiċli, u jipproponi l-iżvilupp ta’ qafas li ser jiġbor id-data u jivverifika l-korrettezza tagħha, kif ukoll l-iżgurar tas-sigurtà tal-informazzjoni waqt il-proċess ta’ tixrid.

1.10   Il-KESE jirrakkomanda li għandu jiġu segwit pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tas-sorveljanza marittima integrata, li juża l-esperjenza ta’ proġetti pilota, gruppi ta’ esperti, u valutazzjoni tal-impatt fit-trattament tal-aspetti legali u tekniċi tal-integrazzjoni tal-informazzjoni.

1.11   Il-KESE jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni nazzjonali uniċi u ta’ ċentru ta’ informazzjoni wieħed għal kull grupp nazzjonali ta’ utenti (komunità) sabiex jiġu ffaċilitati l-iżvilupp u l-operabbiltà tas-sorveljanza marittima integrata.

1.12   Filwaqt li jikkunsidra l-bosta sistemi eżistenti, il-KESE jipproponi li jiġi evitat li s-sistemi eżistenti jikkoinċidu sabiex is-sorveljanza marittima integrata ma tibdilx il-mod kif tinġabar l-informazzjoni iżda l-mod kif din tixxered.

1.13   Il-KESE jistieden lill-UE tadotta approċċ ta’ netwerk b’ġestjoni aktar ċentrali fejn il-koordinazzjoni tinkiseb permezz tal-istruttura formali tan-netwerk u komunikazzjoni ċentrali.

1.14   Sabiex ikun salvagwardjat il-proċess ta’ interkonnessjoni tal-komunitajiet tal-utenti, il-KESE jissuġġerixxi li l-UE għandha tiddefinixxi pjattaforma ċara u robusta fir-rigward tal-iskema tal-għoti tal-aċċess, ibbażata fuq fehim komuni tal-UE tal-fehmiet politiċi differenti kif ukoll fuq effettività operattiva. Il-benefiċjarji tad-dritt tal-aċċess provdut għandhom ikunu regolati mir-Regolament tal-UE dwar it-Trasparenza.

1.15   L-arkitettura tas-sistema adottata għandu jkollha linji ta’ reazzjoni (feedback loops) sabiex din tippermetti aġġustamenti u aġġornament billi tuża fost oħrajn il-qafas legali li qed jevolvi.

1.16   Il-KESE jirrakkomanda li l-ġestjoni avvanzata tar-riskju tas-sigurtà għandha tibqa’ prijorità għolja għall-qasam marittimu Ewropew. Għal dan il-għan hija ppreferuta arkitettura mtarrġa li tiżgura l-validità u s-sigurtà tad-data.

2.   Daħla

2.1   Fil-15 ta’ Ottubru 2009 il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni “Lejn l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima: Ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE” (COM(2009)538 finali) u b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jagħti opinjoni dwar din il-kwistjoni.

2.2   Fil-Komunikazzjoni tagħha “Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea” il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li qabel l-2013 “tieħu miżuri biex is-sistema ta’ sorveljanza tkun aktar interoperabbli, ħalli s-sistemi ta’ monitoraġġ u traċċar eżistenti li jintużaw għas-sikurezza u s-sigurtà marittima, għall-ħarsien tal-ambjent tal-ibħra, għall-kontroll tas-sajd, għall-kontroll ta’ fruntieri esterni u għal attivitajiet oħrajn ta’ infurzar tal-liġi jintużaw aktar flimkien”.

2.3   L-UE diġà stabbilixxiet numru ta’ inizjattivi ta’ sorveljanza li jintegraw aktar minn attività settorjali waħda: il-Monitoraġġ tat-Traffiku tal-Bastimenti li jinkludi d-data dwar il-movimenti tal-bastimenti u t-tagħbija jinġabar u jiġi skambjat bejn l-Istati Membri, is-SafeSeaNet (Direttiva 2002/59/KE) (1), li hija skambju ta’ data marittima bejn l-awtoritajiet marittimi tal-Istati Membri bil-għan li jiġu evitati aċċidenti u t-tniġġis tal-baħar kif ukoll li żżid l-effiċjenza fir-rispons meta jkun hemm inċidenti jew aċċidenti fuq il-baħar.

2.4   Għal dan il-għan jitħaddem il-European Index Server (EIS) filwaqt li bħalissa qed tiġi żviluppata s-sistema STIRES (SafeSeaNet Traffic Information Relay and Exchange System). Barra minn hekk, id-data relatata mat-traffiku marittimu fuq medda qasira qed tinġabar diġà, u fil-futur id-data fuq medda twila ser tkun disponibbli fuq talba miċ-ċentru tal-UE għall-identifikazzjoni fuq medda twila u għall-intraċċar tad-data (EU Long Range Identification and Tracking Data Centre – EU LRIT DC) b’kooperazzjoni mal-Istati Membri (ara r-Riżoluzzjonijiet MSC 202(81) u 211(81) tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-IMO (Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali), li jemendaw il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar tal-1974 (SOLAS). Barra minn hekk, bl-iżvilupp tas-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) qed tiġi mbassra soluzzjoni ta’ sorveljanza integrata għall-UE.

2.5   Fl-aħħar nett, din il-Komunikazzjoni tikkunsidra l-azzjonijiet l-oħra kollha rilevanti meħuda mill-UE, inkluż il-ħolqien tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni (FRONTEX), l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), u l-Blue Book għat-Trasport. Fl-istess ħin qed jitniedu żewġ proġetti pilota sabiex, f’reġjun fejn għaddejjin ħidmiet militari attivi, jiġi eżaminat kif l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima tista’ taħdem fil-prattika: wieħed fil-baċir tal-Mediterran u l-ieħor fil-baċir tal-ibħra tal-Ewropa tat-Tramuntana.

2.6   L-għan tal-politika proposta tas-sorveljanza marittima integrata mhuwiex li tinħoloq sistema ta’ sorveljanza oħra, iżda li jitwaqqfu punti ta’ konnessjoni biex imbagħad jiġu integrati s-sistemi eżistenti min-naħa għall-oħra tas-setturi u l-konfini, sabiex titjieb l-effettività tal-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ sorveljanza u tiżdied il-kost effettività tal-azzjonijiet imwettqa fuq il-baħar. Jeħtieġ li l-ħidma lejn l-iżvilupp ta’ netwerk transsettorjali sigur li jista’ jissodisfa r-rekwiżiti li dejjem jiżdiedu għall-provvediment ta’ stampa komuni u rikonoxxuta tħejji bir-reqqa d-drittijiet għall-aċċess u d-dispożizzjonijiet tas-sigurtà għall-utenti.

2.7   Il-KESE jagħraf li t-twettiq ta’ sorveljanza marittima integrata jinkludi għadd kbir ta’ attivitajiet kumplessi b’għadd ta’ attributi li ħafna drabi jikkoinċidu flimkien, iżda li huma ta’ interess għall-UE kollha kemm hi.

2.8   Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni bħala bażi għall-integrazzjoni tas-sistemi awtonomi eżistenti f’Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni li ser ikun jista’ jappoġġja l-politika futura Ewropea tat-trasport marittimu, jissalvagwardja l-ambjent u s-servizzi tat-tbaħħir għall-kummerċ dinji u dak Ewropew kif ukoll itejjeb il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-UE, b’mod speċjali dawk li jgħixu fiż-żoni konfinali esterni tal-baħar tal-UE.

2.9   Il-KESE juri li din il-Komunikazzjoni waslet fi żmien kritiku mimli sfidi serji li qed jaffettwaw it-trasport marittimu: a) il-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija qed tiggrava l-kriżi strutturali u ċiklika tat-tbaħħir, b) l-immigrazzjoni illegali qed isseħħ b’mod speċjali fil-konfini tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-UE, c) l-attivitajiet illegali inklużi t-traffikar, u l-kummerċ tad-drogi u l-armamenti, (d) il-materjal sensittiv għall-installazzjonijiet militari u nukleari – dawn kollha jridu jiġu mmoniterjati u konfrontati.

2.10   Il-KESE jenfasizza wkoll il-fatt li l-kwistjonijiet tas-sigurtà u l-piraterija li qed jaffettwaw lis-servizzi marittimi tal-UE u li qed iseħħu f’ibħra mhux tal-UE (jiġifieri l-Afrika tal-Lvant, l-Indonesja, eċċ.) għandhom jiġu indirizzati u kkontrollati.

3.   Komunikazzjoni dwar l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima permezz ta’ ambjent komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni għall-qasam marittimu tal-UE

3.1   Kif hemm imsemmi f’opinjoni preċedenti (2), il-KESE “japprova l-proposti li jirrigwardaw in-netwerk Ewropew għas-sorveljanza marittima u l-kooperazzjoni mtejba bejn il-gwardji tal-kosta tal-Istati Membri. Miżuri bħal dawn jippromovu s-sigurtà u s-sikurezza marittima, il-kontroll tas-sajd u l-kontroll tal-fruntieri esterni u jħarsu l-ambjent tal-baħar. […] Il-KESE jtenni li approċċ ikkoordinat fir-rigward tal-ftehim bilaterali tal-imbark tal-bastimenti ma’ pajjiżi terzi huwa mixtieq sabiex jittejbu l-konsiderazzjonijiet tas-sigurtà. Iħeġġeġ ukoll l-azzjoni mill-UE dwar il-proliferazzjoni ta’ inċidenti ta’ serq armat u l-piraterija fil-baħar tal-bastimenti fix-Xlokk tal-Ażja u fl-Afrika”.

3.2   Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni u jappoġġja l-firxa ta’ miżuri possibbli li bihom l-UE tkun tista’ tikkontribwixxi għall-provvediment ta’ servizzi aktar siguri fil-qasam marittimu. Il-KESE, fit-teorija, jaqbel ma’ din il-komunikazzjoni u jilqa’ aktar irfinar li jista’ jwassal għat-twettiq malajr ta’ sorveljanza marittima integrata.

3.3   Il-Komunikazzjoni dwar strateġija tal-UE għal integrazzjoni aħjar tas-sistemi ta’ sorveljanza tistipula erba’ prinċipji gwida għal żvilupp ta’ ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni, li huma: (1) approċċ li jorbot flimkien il-komunitajiet kollha tal-utenti, (2) il-bini ta’ qafas tekniku għall-interoperabbiltà u l-integrazzjoni futura, (3) skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet pajżana u militari, u (4) dispożizzjonijiet legali speċifiċi biex jitwettaq dan l-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni. Peress li din il-komunikazzjoni hija fil-livell ta’ prinċipji, l-opinjoni ser tkun limitata għal sett ta’ prinċipji proposti. Madankollu, jibqa’ l-fatt li jkun meħtieġ aktar irfinar biex dawn il-prinċipji jsiru azzjonijiet leġislattivi.

3.4   Il-KESE jirrikonoxxi l-fatt li minħabba n-natura globali tat-tbaħħir Ewropew, l-għarfien tal-qagħda huwa ta’ importanza sinifikanti minħabba li (a) il-moviment tal-bastiment huwa sistema dinamika spazjali u temporali, (b) l-aspetti ta’ sigurtà, sikurezza, u dawk ambjentali mhumiex limitati għall-konfini, u (c) id-deċiżjonijiet meħudin minn entità waħda jistgħu jaffettwaw sistemi oħra.

3.5   Ta’ min jinnotali hemm żewġ problemi li jridu jiġu solvuti: il-qafas tal-politika pubblika u l-operabilità tas-sistema. L-implimentazzjoni ta’ sorveljanza marittima integrata tista’ tiġi ostakolata minn kunfidenzjalità jew tħassib ieħor fil-livell tal-Istati Membri, u għalhekk is-sorveljanza marittima integrata trid tiġi rfinata biex tkun applikazzjoni li topera sew.

3.6   Il-KESE jikkunsidra li hemm tliet kwistjonijiet kbar fit-twettiq tas-sorveljanza marittima integrata: il-kwistjonijiet legali, dawk tekniċi/teknoloġiċi u dawk maniġerjali. L-iktar kwistjonijiet legali importanti jidhru li huma relatati mal-kunfidenzjalità, fir-rigward tat-taħlita ta’ data personali, ta’ negozju u dik militari. Barra minn hekk il-politiki dwar is-sikurezza tad-data jistgħu jipprojbixxu jew jillimitaw l-iskambju (jew użu ulterjuri) ta’ ċertu data.

3.7   Fir-rigward tal-kunfidenzjalità, id-dispożizzjonijiet tal-istrumenti ewlenin ta’ monitoraġġ u sorveljanza jikkwalifikaw bħala (kummerċjalment) konfidenzjali ammont sinifikanti ta’ data ta’ rappurtaġġ u sorveljanza marittima. B’konsegwenza ta’ dan, l-ipproċessar ta’ din id-data ser jiġi affettwat mid-dover ta’ kunfidenzjalità u s-sigriet professjonali tal-persuni awtorizzati li jkollhom aċċess għal din id-data.

3.8   Is-sistemi attwali huma ta’ natura unisettorjali iżda huma mfixkla minn kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità. Jekk il-qsim tad-data jiġi estiż lil hinn mis-settur dan jista’ joħloq sfidi u kwistjonijiet ġodda li jirrigwardaw il-kunfidenzjalità minħabba l-firxa ta’ atturi oħra involuti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-KESE jaqbel u jappoġġja l-prinċipji stipulati fil-Komunikazzjoni dwar is-sorveljanza marittima integrata.

4.2   Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa għal aktar analiżi mill-perspettivi ta’ politika, legali, tas-suq u dawk teknoloġiċi li tista’ twassal għal pjan ta’ azzjoni speċifiku għall-implimentazzjoni tas-sorveljanza marittima integrata, b’enfasi fuq l-isfidi legali u teknoloġiċi. Din l-analiżi ser tiżviluppa pjan direzzjonali speċifiku ta’ implimentazzjoni bi skadenzi preċiżi u tista’ tkun ibbażata fuq esperjenza rilevanti miksuba minn proġetti bħalma huma s-SafeSeaNet, il-Freightwise, l-e-Freight u l-AIS kif ukoll mill-inizjattivi rilevanti kollha.

4.3   Il-KESE jtenni l-importanza tal-analiżi tar-riżultati tal-proġetti pilota li għaddejjin bħalissa qabel ma jittieħdu ċerti deċiżjonijiet. Il-proġetti pilota jridu jkunu mmirati kemm għall-ambjenti ta’ negozju kif ukoll għall-amministrazzjonijiet li joperaw fl-oqsma marittimi rappreżentattivi tal-UE. Barra minn hekk, dawn il-proġetti pilota għandhom ukoll jagħtu rendikont dwar is-sostenibbiltà fuq medda twila ta’ żmien tas-sorveljanza marittima integrata. Għal dan il-għan, it-tnedija ta’ iktar proġetti pilota ser tkun ta’ benefiċċju għall-fehim tagħna tal-kwistjonijiet fl-iżvilupp tas-sorveljanza marittima integrata. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti skadenzi speċifiċi u dawn għandhom jiġu moniterjati sabiex dawn il-proġetti pilota jitlestew fil-ħin.

4.4   Il-KESE jixtieq juri li l-istrateġija għas-sorveljanza marittima integrata tista’ tislet tagħlimiet dwar l-implimentazzjoni tal-iskambju tad-data minn prattiki oħrajn fis-settur tat-trasport, inkluż id-Dokument tat-Trasport Waħdieni1,, li huwa meqjus bħala skema ta’ skambjar ta’ informazzjoni ekwivalenti mill-perspettiva tan-negozju (bħalissa jinħtieġ dokument tat-trasport għall-ġarr tal-oġġetti, (Regolament (KEE) 11/1960 u Direttiva 92/106/KEE); skont il-Pjan ta’ Azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija ser jitwaqqaf Dokument tat-Trasport Waħdieni Ewropew li jkun jista’ jintuża fil-modi kollha tat-trasport u b’hekk jissaħħaħ il-qafas offrut mill-poloz tat-tagħbija multimodali jew manifesti multimodali). Barra minn hekk, l-iskambju tal-informazzjoni għandu jkun ibbażat fuq il-lingwa li tintuża l-aktar fis-settur marittimu.

4.5   Is-sostenibbiltà tas-sorveljanza marittima integrata għandha tiġi żgurata permezz tad-dispożizzjoni dwar l-espansjoni inerenti sabiex tqis l-integrazzjoni ta’ sistemi awtonomi futuri ta’ sorveljanza.

4.6   Fir-rigward tal-iskambju tal-informazzjoni, il-KESE huwa favur il-prinċipju ta’ “ammont ta’ informazzjoni kemm hemm bżonn abbażi tal-ħtieġa tal-għarfien b’konformità mal-kundizzonijiet tal-użu” minflok “ammont ta’ informazzjoni kemm hu possibli”. L-informazzjoni għandha titqassam lill-komunitajiet tal-utenti kollha f’qafas ċar filwaqt li tkun żgurata l-protezzjoni tad-data personali u ta’ data sensittiva oħra wkoll. Barra minn hekk, huwa imperattiv li l-għoti ta’ informazzjoni jkun ikkontrollat lil hinn mill-organizzazzjoni li tingħata l-informazzjoni, jiġifieri li jiġu segwiti l-oqfsa legali tal-UE.

4.7   Fir-rigward tal-aspetti tekniċi, il-KESE jirrakkomanda pjattaformi b’sors miftuħ biex jappoġġjaw it-tfassil, l-iżvilupp, l-iskjerament u l-manutenzjoni ta’ soluzzjonijiet rilevanti. Il-qofol tas-sistema għandu jipprovdi: a) ontoloġija tal-qasam marittimu għall-iskambju awtomatizzat tad-data; b) għodod għat-tfassil, is-simulazzjoni, l-analiżi tal-prestazzjoni u l-ottimizzazzjoni tas-soluzzjonijiet tas-sorveljanza; c) ir-reġistrar tas-servizzi; d) għodod li jgħinu fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti ta’ interoperabbiltà; e) mekkaniżmi għall-iskoperta awtomatizzata u l-integrazzjoni ta’ servizzi adatti; f) interoperabbiltà sigura; u g) mekkaniżmi ta’ kontroll u verifika.

4.8   Il-KESE jaqbel mal-arkitettura mtarrġa proposta tas-sistema. Dan l-approċċ ser jippermetti l-użu tal-arkitettura moderna magħrufa bħala “arkitettura sħaba” (cloud architecture) li bħalissa qed tintuża mill-iżviluppaturi kollha tal-IT. Madankollu, wieħed għandu jiftakar li hemm tendenza li jkun hemm ksur fis-sigurtà ta’ dawn l-arkitetturi u għalhekk għandhom jiġu adottati mekkaniżi addizzjonali ta’ sigurtà. Però, qafas ta’ teħid ta’ deċiżjoni u ta’ aċċess tad-data ġerarkiku intraorganizzattiv jista’ jtejjeb il-kunfidenzjalità tad-data.

4.9   Il-KESE jirrikonoxxi d-disponibbiltà ta’ mezzi teknoloġiċi għall-ġbir, l-omoġenizzazzjoni u d-disseminazzjoni ta’ data sinifikanti lill-partijiet interessati kollha u jħeġġeġ lill-UE biex tiddefinixxi pjattaformi komuni biex jintużaw b’mod effettiv mill-partijiet interessati kollha fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, fir-rigward tal-prevenzjoni tad-duplikazzjoni tal-ġbir u l-ħżin tad-data, għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi biex jiġu evitati l-problemi.

4.10   Fir-rigward tal-ewwel prinċipju stipulat fil-Komunikazzjoni, il-KESE jipproponi impenn attiv biex jiġu stabbiliti standards u regoli dwar id-data komuni kemm fil-livell settorjali kif ukoll dak funzjonali sabiex tittejjeb il-kwalità tad-data.

4.11   Minħabba l-fatt li l-qasam marittimu huwa wiesa’, is-sigurtà tad-data tista’ tiddgħajjef potenzjalment minn ambjent flessibbli ta’ skambju ta’ informazzjoni u t-theddida potenzjali li dan jimplika.

4.12   Il-KESE jikkunsidra li l-interoperabbiltà teknika hija importanti u għandha twassal għall-iffaċilitar tal-iskambju tad-data mill-partijiet interessati kollha kemm dawk industrijali kif ukoll dawk governattivi (inklużi l-komunikazzjonijiet minn amministrazzjoni għal amministrazzjoni (Administration to Administration - A2A), minn amministrazzjoni għal negozju (Administration to Business – A2B), u minn negozju għal negozju (Business to Business - B2B)).

4.13   Fir-rigward tat-tielet prinċipju stipulat fil-Komunikazzjoni, il-KESE jagħraf li jeħtieġ li ssir aktar analiżi għall-integrazzjoni tal-interkonnessjoni pajżana u militari sabiex id-data tiġi integrata aħjar u jkun iffaċilitat użu aħjar tal-informazzjoni. Il-KESE jaqbel li l-informazzjoni ta’ sorveljanza għandha tinqasam bejn l-awtoritajiet pajżana u dawk militari. Il-KESE jtenni l-ħtieġa għat-twaqqif tal-mandati bażi; għandhom jiġu implimentati standards komuni u proċeduri ta’ operat għall-aċċess għall-informazzjoni rilevanti u għall-użu tagħha sabiex dawn jippermettu li jkun hemm skambju legali ta’ informazzjoni bidirezzjonali fejn l-użu tad-data jkun irregolat mil-liġijiet komunitarji.

4.14   Fir-rigward tar-raba’ prinċipju stipulat fil-Komunikazzjoni, il-KESE jixtieq jenfasizza l-ħtieġa għal aktar analiżi dwar il-protezzjoni tad-data personali fl-ambitu ta’ dan id-dokument u jħeġġeġ lill-UE biex tikkunsidra mill-ġdid u tadotta l-azzjonijiet kollha meħtieġa sabiex tiżgura s-sigurtà tad-data sensittiva. Għalkemm dan jimplika piż fuq dan il-proċess, jiġifieri l-bini ta’ sistema bħal din, huwa meqjus bħala prinċipju essenzjali.

4.15   Il-KESE jaqbel mal-approċċ settorjali għall-iskambju ta’ informazzjoni propost fid-Direttiva. Fi kwalunkwe każ għandhom jiġu stabbiliti linji gwida speċifiċi għall-għoti tad-drittijiet ta’ aċċess lill-awtoritajiet kompetenti u lill-persunal awtorizzat.

4.16   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga iktar l-eżistenza ta’ ftehimiet bilaterali dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi u, jekk ikun meħtieġ, tattiva l-infurzar tal-acquis communautaire (ir-Regolament 4055/86 u 4058/86).

4.17   Fir-rigward tal-kwistjoni tad-data ġġenerata mill-ispazju, qed jissemma b’mod speċjali l-GMES (il-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà). Barra minn hekk, il-KESE jixtieq jara wkoll speċifikament imsemmi fil-Komunikazzjoni l-użu tas-sistema ta’ navigazzjoni Galileo.

4.18   Il-KESE jifhem li l-ipproċessar ta’ data personali għall-militar, is-sigurtà tal-istat u l-infurzar tal-liġi kriminali attwalment għad mhuwiex fil-qafas legali ġenerali għall-protezzjoni tad-data. Il-KESE jaqbel mal-konklużjonijiet ta’ studju dwar l-aspetti legali tal-monitoraġġ marittimu u d-data ta’ sorveljanza (Legal Aspects Of Maritime Monitoring & Surveillance Data – kuntratt finali tar-rapport qafas tas-servizzi, Nru FISH/2006/09 – LOT2), ikkummissjonat mill-Kummissjoni dwar aspetti legali tad-data tas-sorveljanza marittima, li jistqarr b’mod ċar li l-protezzjoni tad-data hija obbligu ta’ importanza estrema għall-UE u li din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata kemm fil-livell Komunitarju kif ukoll f’dak tal-Istati Membri. Huwa mistenni li ser ikunu meħtieġa salvagwardji avvanzati fil-każ li jkun ikkunsidrat l-iskambju ta’ data personali bejn awtoritajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-qafas legali eżistenti għall-protezzjoni tad-data (eż. l-awtoritajiet tas-sajd) u awtoritajiet li (attwalment) jaqgħu barra minn dak l-ambitu (eż. l-awtoritajiet militari, tas-sigurtà tal-istat jew tal-infurzar tal-liġi).

4.19   Il-KESE jikkunsidra bħala importanti ħafna l-iżvilupp ta’ qafas legali li jindirizza kwistjonijiet bħalma huma, fost oħrajn, il-kwalità tad-data, użu ulterjuri tad-data, is-sigurtà tad-data, mekkaniżmi ta’ għoti ta’ aċċess, in-natura tad-data involuta, l-iskopijiet (u l-metodi) tal-iskambju, riċevituri potenzjali tad-data, salvagwardji meħtieġa li jirrispettaw il-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ ċertu data, il-protezzjoni tad-data personali u l-proċeduri rilevanti.

4.20   Il-KESE jemmen li d-data għandha tiġi skambjata fuq il-prinċipju ta’ “xiex, għalfejn, għal kemm u ma’ min”. B’mod speċjali għall-ewwel waħda, huwa importanit li jiġu definiti l-awtoritajiet maħtura li ser ikunu inkarigati mill-kontroll, mit-tqassim u mir-riċeviment tad-data kemm fi ħdan l-UE u b’aktar kawtela mal-awtoritajiet barra mill-UE.

4.21   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tippubblika rapport annwali dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet ta’ sorveljanza marittima tagħha.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10-27 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea,”ĠU C 211, 19.08.2008, p. 31-36.


Top