EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IE0991

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) tal-Unjoni Ewropea: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali”

ĠU C 44, 11.2.2011, p. 123–128 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/123


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) tal-Unjoni Ewropea: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali”

2011/C 44/20

Relatur: is-Sur IULIANO

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Strument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) tal-Unjoni Ewropea

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Ġunju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (sessjoni tal-15 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’123 vot favur, l-ebda vot kontra u l-ebda astensjoni.

1.   Rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet

Xogħol diċenti fil-politiki ta’ kooperazzjoni tal-UE u appoġġ aktar b’saħħtu għall-imsieħba soċjali

1.1

Il-KESE għandu impressjoni ġenerali tajba tal-Istrument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) il-ġdid, li bla ebda dubju huwa ta’ importanza biex tiġi appoġġjata l-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE madwar id-dinja kollha. Madankollu, l-KESE jirrakkomanda li l-politiki ta’ kooperazzjoni jingħatawlhom bażi istituzzjonali aktar solida taħt it-Trattat il-ġdid ta’ Lisbona, filwaqt li jinżammu r-rwol ċentrali u r-responsabbiltà primarja tal-Kummissjoni għall-ipprogrammar ta’ politiki/strateġiji ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, u li jiġġedded l-appoġġ tagħha għar-rwol tal-Parlament Ewropew permezz tat-tisħiħ tal-proċedura ta’ skrutinju demokratiku u kontroll baġitarju.

1.2

Il-KESE juri l-ħtieġa li titħeġġeġ ħafna aktar l-applikazzjoni prattika tal-objettivi miġbura fil-kunċett tax-xogħol diċenti. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod speċjali lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, biex jappoġġjaw konkretament l-implimentazzjoni tax-xogħol diċenti fi ħdan il-politiki ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, u b’mod aktar speċifiku li x-xogħol diċenti jiddaħħal fil-pjan ta’ azzjoni għall-ksib tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju.

1.3

L-imsieħba soċjali (l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ dawk li jħaddmu) huma impenjati attivament fi djalogu soċjali, element ewlieni tax-xogħol diċenti, u għalhekk f’dan il-kuntest għandhom jitqiesu bħala atturi kruċjali u msieħba tal-UE. L-imsieħba soċjali jridu jiġu involuti għalkollox fid-djalogu politiku u għandhom ikunu intitolati għal appoġġ dirett.

1.4

Il-KESE jenfasizza l-importanza tar-rwol tas-settur privat fl-iżvilupp. F’dan ir-rigward, il-KESE jsemmi l-kunċett tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji li, peress li huwa bbażat fuq il-konformità mal-istandards bażiċi tax-xogħol u tal-protezzjoni ambjentali, jagħti aktar trasparenza lill-impenji soċjali u ambjentali tal-kumpaniji sabiex ikun żgurat żvilupp ġust fil-pajjiż fejn dawn joperaw.

1.5

Il-KESE jirrakkomanda programmar li huwa maħsub aktar biex jinkludi lill-imsieħba soċjali, approċċ li għandu jestendi għall-proċeduri tal-akkwist tas-servizz f’oqsma li huma parti inerenti tat-appoġġ għad-drittijiet ekonomiċi u soċjali.

Ir-rwol u r-rappreżentazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fl-istrument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (DCI)

1.6

Il-KESE jenfasizza b’mod ġenerali r-rwol kruċjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tal-iżvilupp demokratiku tan-nies u l-istati li jirċievu l-għajnuna, b’mod kompletament indipendenti mill-approċċi politiċi tal-gvernijiet. B’konsegwenza ta’ dan, il-KESE jitlob li jiġu allokati aktar riżorsi biex jappoġġjaw lis-soċjetà ċivili u lill-imsieħba soċjali permezz ta’ programmi tematiċi tad-DCI, u jħeġġeġ ukoll li tissaħħaħ il-komplementarità ta’ dawn tal-aħħar mal-programmi ġeografiċi taħt l-istess strument, b’mod speċjali fil-każ tal-appoġġ baġitarju.

1.7

Dawn il-mekkaniżmi ta’ appoġġ tad-DCI għas-soċjetà ċivili għandhom jissaħħu jekk is-soċjetà ċivili trid taġixxi skont ir-rwol tagħha fil-livelli kollha: fid-definizzjoni u l-monitoraġġ tal-prijoritajiet ta’ politika u fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi għall-iżvilupp. Konsegwentement, il-KESE jissuġġerixxi l-evalwazzjoni u t-tħejjija tal-modalitajiet ta’ konsultazzjoni u ta’ tħaddim għall-programmi tal-Kummissjoni. Dawn il-modalitajiet għandhom jirriflettu l-karatteristiċi u l-ħtiġijiet tal-atturi rilevanti (approċċ ibbażat fuq l-atturi).

1.8

F’dan ir-rigward, il-KESE jaċċetta l-ħtieġa li tiġi rikonoxxuta d-dimensjoni internazzjonali tas-soċjetà ċivili kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak operattiv. Dan huwa espress b’mod tassew effettiv fl-organizzazzjonijiet li għandhom bażi ta’ msieħba kemm fit-Tramuntana kif ukoll fin-Nofsinhar tad-dinja: pereżempju, l-imsieħba soċjali, il-moviment kooperattiv, eċċ. Peress li dawn l-organizzazzjonijiet jirrappreżentaw korpi dinjija, għandu jkun possibbli għalihom li jiġu kkonsultati uffiċjalment bħala parti mill-proċess ta’ programmazzjoni tal-prijoritajiet tal-politika ta’ kooperazzjoni tal-UE fuq bażi permanenti. F’dan il-kuntest, il-KESE jista’ jipproponi li jservi bħala istituzzjoni li tiffaċilita l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-UE rigward il-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

1.9

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-atturi tas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi terzi, mhux l-inqas permezz tal-appoġġ dirett għan-netwerks tas-soċjetà ċivili reġjonali fin-Nofsinhar. Il-KESE jipproponi li għal dan il-għan għandhom jiġu inklużi riżorsi biex isostnu l-attivitajiet relatati mal-koordinazzjoni tan-netwerks u l-iżvilupp tal-kapaċità fin-Nofsinhar, flimkien ma’ dawk li diġà qed joperaw fit-Tramuntana, taħt l-Objettiv 3 tal-programm tal-Atturi Mhux Statali tad-DCI, biex ikun possibbli li tiġi żgurata l-konsistenza ġenerali tal-politiki u l-inizjattivi.

Żieda fl-effiċjenza tad-DCI

1.10

Il-KESE jilqa’ l-kummenti tal-Qorti tal-Awdituri tal-UE u jirrakkomanda li jiġu appoġġjati programmi fuq medda itwal ta’ żmien, magħrufa bħala ftehimiet qafas, li huma l-aktar maħsuba għal objettivi strateġiċi, u mmirati lejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

1.11

Il-KESE jissuġġerixxi wkoll il-possibbiltà li jitwessgħu l-kriterji għall-użu ta’ għotjiet sussidjarji (sub-granting) li huwa funzjonali u jikkomplementa lill-programmi fuq ftehimiet qafas u mmirati lejn ġestjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi disponibbli.

1.12

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied is-sostenibbiltà tal-proġetti tal-iżvilupp u jissuġġerixxi:

li jiġi inkluż il-bini tal-kapaċità organizzattiva/l-iżvilupp tal-kapaċità għall-organizzazzjonijiet fin-Nofsinhar bħala komponent transsettorjali tal-proġġetti kollha ta’ żvilupp;

il-possibbiltà li jiġu appoġġjati studji ta’ fattibbiltà minn qabel dwar il-proġetti kkonċernati.

1.13

Il-KESE jikkunsidra li għandhom jissaħħu l-fażijiet tas-selezzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni sabiex tiżdied l-effiċjenza tagħhom. Il-KESE juri li jeħtieġ, b’mod partikolari:

li jiġu stabbiliti relazzjoni aktar diretta u djalogu aktar strateġiku bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-organizzazzjonijiet applikanti, kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f’dak periferali;

li titħeġġeġ parteċipazzjoni diretta (strateġikament u finanzjarjament) akbar tal-partijiet interessati tal-programm tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet, kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f’dak periferali;

li jinħatar uffiċjal li jkun inkarigat mir-relazzjonijiet mas-soċjetà ċivili fi ħdan id-delegazzjonijiet tal-UE.

2.   Strumenti u programmi tal-UE għall-assistenza esterna

2.1

Beda proċess fit-tul għar-riorganizzazzjoni tal-programmi finanzjarji għall-assistenza esterna tal-UE fid-dawl tal-perspettiva finanzjarja tal-2007-2013. Il-qafas li rriżulta jinkludi strumenti ġeografiċi: l-IPA (strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni li jkopri l-pajjiżi kandidati kif ukoll il-pajjiżi kandidati potenzjali), l-ENPI (strument ta’ viċinat għall-pajjiżi tal-Kawkażu, l-Ewropa tal-Lvant u l-Mediterran), id-DCI (strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp), l-ICI (kooperazzjoni mal-Pajjiżi Industrijalizzati) – u strumenti tematiċi: l-EIDHR (Inizjattiva Ewropea għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem) (1), l-IfS (Strument għall-Istabbiltà) u l-INSC (Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari, sabiex titjieb is-sigurtà tar-reatturi nukleari mad-dinja kollha). L-istrumenti tematiċi ma jeħtiġux qbil mill-awtoritjiet tal-pajjiżi terzi biex jiġu implimentati.

2.2

B’din id-diviżjoni tal-kompiti, id-DCI huwa strument speċifiku għall-koperazzjoni għall-iżvilupp (2). Dan imbagħad huwa suddiviż fi programmi ġeografiċi u tematiċi (3) li l-fondi tagħhom huma mqassma b’modi differenti li jvarjaw, pereżempju, mill-appoġġ tal-baġits, għotjiet u kuntratti sal-appoġġ għall-organizzazzjonijiet internazzjonali.

2.3

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-kategoriji tal-atturi, il-benefiċjarji potenzjali tar-riżorsi tad-DCI, twessgħu sew, b’mod partikolari fejn huma kkonċernati l-għotjiet. Kien hemm ċaqliq ’il bogħod mill-idea tradizzjonali li kienet tqis lill-NGOs għall-iżvilupp bħala l-atturi prinċipali tas-soċjetà ċivili fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, lejn viżjoni b’aktar sfumaturi fejn l-imsieħba soċjali, u b’mod speċjali t-trade unions, qed jitqiesu bħala l-atturi l-ġodda eliġibbli biex jaħdmu b’dan l-istrument (4).

2.4

Il-KESE ħa l-inizjattiva li jippreżenta din l-opinjoni bħala tweġiba għar-reviżjoni attwali ta’ nofs it-term tad-DCI, flimkien mal-proċess attwali tad-Djalogu Strutturat (5), bil-għan li jsiru rakkomandazzjonijiet li jappoġġjaw ir-rwol fundamentali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-kooperazzjoni (6), b’attenzjoni partikolari għall-kontribut li l-imsieħba soċjali jagħmlu għall-iżvilupp.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Ta’ min isemmi wkoll l-iżviluppi riċenti dwar il-qafas ġenerali tal-UE u tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp li jinsabu fit-Trattat ta’ Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009. L-elementi innovattivi skont il-perspettiva istituzzjonali tat-Trattat jinkludu l-ħatra ta’ Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, u t-twaqqif ta’ Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (7), li jopera taħt id-direzzjoni tar-Rappreżentant Għoli. Id-delegazzjonijiet tal-UE, li huma tabilħaqq rappreżentanzi diplomatiċi, ukoll jaqgħu taħt id-direzzjoni tar-Rappreżentant Għoli u se jkunu parti mis-SEAE. Għalkemm it-Trattat jalloka responsabbiltà għall-politiki tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-Kummissarju għall-Iżvilupp, il-mandat tar-Rappreżentant Għoli jibqa’ li dan jiżgura li l-azzjoni esterna tal-Unjoni tkun konsistenti u koordinata. Skont il-proposta riċenti mressqa mir-Rappreżentant Għoli (8), it-tħejjija tad-dokumenti ta’ programmazzjoni għall-istrumenti ta’ kooperazzjoni ewlenin (kemm dawk tematiċi kif ukoll dawk ġeografiċi) ser taqa’ taħt ir-responsabbiltà tas-SEAE (taħt is-superviżjoni tal-Kummissarju responsabbli għall-politika tal-iżvilupp). Dan l-approċċ jista’ jinvolvi r-riskju li tiġi kompromessa l-indipendenza tal-politiki tal-iżvilupp, u b’dal-mod dawn jistgħu jiġu influwenzati mill-objettivi tal-politika esterna tal-UE u tal-Istati Membri kif ukoll subordinati għalihom. Għalhekk, il-KESE jtenni r-rwol ċentrali u r-responsabbiltà primarja tal-Kummissjoni għall-ipprogrammar tal-politiki/strateġiji tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u jġedded l-appoġġ tiegħu għar-rwol tal-Parlament Ewropew billi tissaħħaħ il-proċedura ta’ skrutinju demokratiku u kontroll baġitarju.

3.2

Il-KESE għandu impressjoni ġenerali tajba tad-DCI il-ġdid, li bla ebda dubju huwa ta’ importanza biex tiġi appoġġjata l-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE madwar id-dinja kollha. Huwa jilqa’ wkoll il-fatt li programmi differenti preeżistenti issa ġew miġbura flimkien taħt Regolament waħdieni tad-DCI, u dan iwassal għal aktar trasparenza fl-ipprogrammar u l-ġestjoni tar-riżorsi. Barra minn hekk, il-KESE jieħu nota tar-riżorsi finanzjarji dejjem jikbru li qed jiġu allokati għal dan is-settur, u li jwasslu biex l-Unjoni Ewropea tkun waħda mill-akbar finanzjaturi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Il-KESE jilqa’ wkoll l-inklużjoni tal-imsieħba soċjali bħala msieħba ġodda eleġibbli għad-DCI. Fl-aħħar nett, il-KESE huwa tal-fehma li t-temi koperti mill-istrument jaqblu ħafna mal-prijoritajiet strateġiċi identifikati mis-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni tiegħu (9).

3.3

Madankollu l-KESE beħsiebu jenfasizza għadd ta’ rekwiżiti ġenerali dwar l-applikazzjoni effettiva tal-objettivi tad-DCI u r-rwol li għandhom is-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

3.4

Il-KESE juri l-ħtieġa għal inkoraġġiment ħafna akbar għall-applikazzjoni prattika tal-objettivi miġbura fil-kunċett tax-xogħol diċenti. Fil-livell internazzjonali, ix-xogħol diċenti huwa inkluż espliċitament fost l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDG) stabbiliti bħala parti mill-isforzi tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-faqar u konsegwentement bħala strument tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Fil-livell Ewropew, ix-xogħol diċenti tqiegħed formalment fost il-politiki tal-iżvilupp fl-2006 (10) u ġie inkluż fost l-objettivi tad-DCI. Xorta jibqgħu jippersistu d-diffikultajiet biex ix-xogħol diċenti jiġi applikat fil-prattika fl-ipprogrammar u fin-negozjati tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi terzi. Għalhekk, huwa ta’ stagħġib li l-Kummissjoni Ewropea ma semmiet xejn dwar ix-xogħol diċenti fil-Komunikazzjoni “Pakkett tar-Rebbiegħa dwar l-Iżvilupp” tal-2010 (11). B’konsegwenza ta’ dan, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex ix-xogħol diċenti jerġa’ jiġi introdott fil-politiki tal-iżvilupp u biex fil-prattika dan jingħata post aktar prominenti.

3.5

Il-KESE jfakkar li l-liberta’ ta’ assoċjazzjoni tan-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali huma elementi kruċjali fl-implimentazzjoni tal-politiki biex jiġi appoġġjat ix-xogħol diċenti, permezz tal-imsieħba soċjali. Kif tfakkar l-istess Kummissjoni Ewropea: “L-UE tqis li r-rispett tad-drittijiet soċjali u tal-istandards tax-xogħol iwasslu għal żvilupp soċjali u ekonomiku ekwu u li jtul” u, bħala konsegwenza, li “l-atturi ewlenin huma l-partijiet soċjali (l-intrapriżi u l-għaqdiet tal-ħaddiema). L-għaqdiet tal-ħaddiema huma spiss l-organizzazzjonijiet tal-massa l-aktar b’saħħithom fil-pajjiżi msieħba u li jgħassu fuq l-istandards tax-xogħol internazzjonali” (12). Barra minn hekk, fl-2005 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea esprima l-istess kunċett fid-dikjarazzjoni konġunta tiegħu dwar il-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp: “l-imsieħba ekonomiċi u soċjali bħalma huma t-trade unions għandhom rwol vitali bħala promoturi tad-demokrazija, il-ġustizzja soċjali u d-drittijiet tal-bniedem” (13). Għalhekk il-KESE jenfasizza li f’dan il-kuntest l-imsieħba soċjali għandhom jitqiesu bħala atturi u msieħba ewlenin tal-UE. L-imsieħba soċjali jridu jiġu involuti għalkollox fid-djalogu politiku u għandhom ikunu jistgħu jirċievu appoġġ dirett.

3.6

Il-KESE jenfasizza l-importanza tas-settur privat, ispirat mill-prinċipji tal-libertà imprenditorjali fid-dinamiki tal-iżvilupp, sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni adegwata tal-pajjiżi terzi fl-ekonomija globali. Il-KESE jenfasizza li, sussegwentement, ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji (CSR) tkun tista’ tagħmel is-settur privat responsabbli għal żvilupp aktar ġust fil-pajjiżi fejn joperaw il-kumpaniji. Fuq bażi tal-konformità mal-istandards bażiċi tax-xogħol u l-prijoritajiet dinjija għall-ħarsien tal-ambjent, is-CSR issaħħaħ l-aspetti soċjali u ambjentali fil-qafas tal-attivitajiet tad-DCI.

3.7

Il-KESE jirrakkomanda programmar li huwa maħsub aktar biex jinkludi lill-imsieħba soċjali, fost aspetti oħra, fil-proċeduri tal-akkwist f’oqsma li huma parti inerenti tal-appoġġ għad-drittijiet ekonomiċi u soċjali. Il-KESE jinnota li ħafna drabi l-kuntratti għas-servizzi jittrattaw temi bħalma huma d-djalogu soċjali, id-drittijiet tax-xogħol u d-drittijiet soċjali. Madankollu, il-kriterji attwali ta’ selezzjoni (rekwiżiti organizzattivi u finanzjarji tal-organizzazzjonijiet applikanti) ħafna drabi jkunu ta’ ostaklu għall-parteċipazzjoni ġusta u bbilanċjata mill-istess imsieħba soċjali li fil-fatt għandhom jitqiesu bħala l-atturi ewlenin f’dan is-settur.

3.8

It-tendenza tal-UE li talloka parti konsiderevoli tar-riżorsi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-appoġġ tal-baġit qed issir konsolidata (14). Għalkemm dan il-metodu jista’ jirrifletti approċċ pożittiv bil-ħsieb li l-pajjiżi benefiċjarji jsiru aktar proattivi u, fl-istess ħin, jassumu aktar responsabbiltà fil-proċessi ta’ żvilupp tagħhom, dan qiegħed ukoll fir-riskju li jillimta l-kontribut fundamentali mis-soċjetà ċivili lill-iżvilupp demokratiku reali tal-popli u l-gvernijiet li qed jirċievu l-għajnuna (15). It-tisħiħ tal-indipendenza tas-soċjetà ċivili hija garanzija ta’ żvilupp sostenibbli u b’hekk għandha tkun objettiv ta’ prijorità tal-politiki tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Għalhekk, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi allokati għall-appoġġ tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali (programmi tematiċi) (16) sabiex tiġi ssodisfata funzjoni doppja: il-monitoraġġ effettiv tal-appoġġ baġitarju (17) u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet komplementari li kieku ma jkunux prattikabbli permezz ta’ kooperazzjoni fil-livell tal-gvern biss (18). L-istess japplika għall-programmi ġeografiċi (19), fejn l-appoġġ għas-soċjetà ċivili għandu jiġi inkluż skont il-kriterji tat-trasparenza, programmar adegwat u d-definizzjoni tal-objettivi speċifiċi, b’konformità mad-dritt tal-inizjattiva proprja u għas-salvagwardja ta’ dan l-istess dritt.

3.9

Minn din il-perspettiva, ir-rwol tal-imsieħba soċjali huwa essenzjali fir-rigward tal-programmi tematiċi (apparti “l-atturi mhux statali”) bħalma huma “l-investiment fin-nies”(li jkopru oqsma relatati mal-koeżjoni soċjali, l-iżvilupp uman u soċjali, l-ugwaljanza u s-saħħa ġenerali), “il-migrazzjoni u l-asil” (maħsuba biex jiġu konsolidati rotot legali għall-migrazzjoni tax-xogħol), jew “l-ambjent u r-riżorsi naturali” (li jippromovu wkoll il-monitoraġġ tas-sostenibbiltà ambjentali mis-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw) u “s-sigurtà alimentari”. B’mod partikolari, it-tema tal-“impjiegi, il-koeżjoni soċjali u x-xogħol diċenti” (20) (inkluża fil-programm Investiment fin-Nies) għandha tirrifletti aktar mill-viċin ir-rwol tal-imsieħba soċjali u d-djalogu soċjali. Bl-istess mod, l-iżvilupp tal-agrikoltura bażika għandu jiġi inkluż b’mod espliċitu fost il-prijoritajiet tal-programm dwar “is-sigurtà alimentari” (21).

3.10

Fuq il-bażi tal-objettivi tad-DCI, hemm ħtieġa evidenti li jiġu adottati strateġiji globali għat-twettiq tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. L-istess japplika għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-aktar fejn dawn ikollhom dimensjoni internazzjonali. Id-dimensjoni internazzjonali tas-soċjetà ċivili hija espressa b’mod tassew effettiv fl-organizzazzjonijiet li għandhom bażi ta’ msieħba fit-Tramuntana u n-Nofsinhar tad-dinja (pereżempju l-imsieħba soċjali, il-moviment kooperattiv, eċċ. (22). Dawn l-organizzazzjonijiet jirrappreżentaw korpi dinjija u għalhekk għandu jkun possibbli għalihom li jiġu kkonsultati uffiċjalment bħala parti mill-proċess tal-ipprogrammar tal-prijoritajiet tal-politika ta’ kooperazzjoni fir-rigward tal-gvernijiet benefiċjarji. B’konnessjoni ma’ dan, il-KESE jħares lejn il-makkinarju tal-konsultazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet implimentat fl-OECD u l-Kunsill tal-Ewropa (23).

3.11

Il-KESE jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-atturi tas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi terzi, parzjalment permezz tal-appoġġ dirett għan-netwerks tas-soċjetà ċivili reġjonali fin-Nofsinhar. Il-KESE jipproponi li għal dan il-għan għandhom jiġu inklużi riżorsi biex isostnu l-attivitajiet għall-koordinazzjoni tan-netwerks fin-Nofsinhar (bil-għan li tiġi kkonsolidata l-kapaċità rappreżentattiva tagħhom), flimkien ma’ dawk li diġà qed joperaw fit-Tramuntana, taħt l-Objettiv 3 tal-programm tal-“Atturi Mhux Statali” tad-DCI. L-appoġġ għan-netwerks internazzjonali u reġjonali għandu jgħin sabiex tiżdied il-konsistenza ġenerali tal-politiki u l-inizjattivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

3.12

Għalhekk, jidher li dawn il-mekkaniżmi ta’ appoġġ għas-soċjetà ċivili fil-qafas tad-DCI għandhom bżonn jissaħħu, jekk is-soċjetà ċivili trid taġixxi skont ir-rwol tagħha fil-livelli kollha: fid-definizzjoni u l-monitoraġġ tal-prijoritajiet ta’ politika, u fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi għall-iżvilupp. Konsegwentement, il-KESE jissuġġerixxi evalwazzjoni u tħejjija ta’ modalitajiet ta’ konsultazzjoni u tħaddim tal-programmi tal-Kummissjoni li jirriflettu l-karatteristiċi u l-ħtiġijiet tal-atturi rilevanti (approċċ ibbażat fuq l-atturi). Evidentement, fil-preżent hemm varjetà viżibbli ta’ atturi ta’ kooperazzjoni fil-livell internazzjonali, karatterizzati mill-oqsma tagħhom ta’ azzjoni, objettivi, strateġiji, u sistemi organizzattivi u operattivi.

4.   Kummenti Speċifiċi

4.1

Fir-rapport riċenti tagħha dwar l-involviment tal-atturi mhux statali (24), il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ffukat fuq il-ħtieġa li jiġi introdott il-finanzjament fuq medda itwal ta’ żmien tal-programmi, magħrufa bħala ftehimiet qafas, li huma mmirati lejn l-objettivi strateġiċi, għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jaqbel ma’ dan l-approċċ u jappoġġjah.

4.2

Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li l-kriterji għall-użu ta’ għotjiet sussidjari jistgħu jitwessgħu, f’dan il-każ, ikunu komplementari fil-funzjoni mal-programmi qafas fuq bażi ta’ ftehim sabiex jintlaħqu b’mod aktar effettiv l-organizzazzjonijiet lokali. Dan ikun jirrappreżenta wkoll sistema aktar effettiva għall-ġestjoni tar-riżorsi disponibbli min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, u b’hekk tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-inizjattivi.

4.3

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied is-sostenibbiltà tal-programmi tal-iżvilupp, u jissuġġerixxi:

li jiġi inkluż il-bini tal-kapaċità għall-organizzazzjonijiet fin-Nofsinhar (jiġifieri mhux limitata għall-kapaċità tal-ġestjoni għall-attivitajiet fuq bażi tal-proġetti) bħala element settorjali fil-proġetti kollha ta’ żvilupp;

il-possibbiltà li jitwettqu studji avvanzati ta’ fattibbiltà fuq il-proġetti nnifishom: kif juri r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri, id-dewmien fit-tħaddim tal-proġetti ħafna drabi jiġi kkawżat minn analiżi inadegwata tal-ħtiġijiet fil-mument (25). Il-finanzjament preventiv ta’ dawn l-istudji jgħin biex ikun żgurat li l-proġetti jkunu operattivi mill-bidu nett (26).

4.4

Il-KESE jikkunsidra li għandhom jissaħħu l-fażijiet tas-selezzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni sabiex tiżdied l-effiċjenza tagħhom. Il-KESE juri li jeħtieġ, b’mod partikolari:

li tiġi riveduta l-proċedura ta’ selezzjoni tal-proġett attwali fejn il-burokrazija ħafna drabi tipprevjeni milli tintagħżel l-aħjar proposta. Għandu jkun hemm relazzjoni aktar diretta u djalogu strateġiku bejn l-Unjoni Ewropea u l-organizzazzjonijiet applikanti fil-livell ċentrali u dak periferali, fejn jiġi adottat mudell parteċipatorju għall-inizjattivi li jridu jittieħdu;

li titħeġġeġ parteċipazzjoni diretta (strateġikament u finanzjarjament) akbar tal-partijiet interessati tal-programm tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet. Dan ser jippermetti l-monitoraġġ effettiv tar-riżultati, li jiffaċilita r-relazzjoni bejn il-finanzjatur u l-benefiċjarju fil-fażi finali, u l-evalwazzjoni reali tal-impatt tal-proġett fil-livell ċentrali u dak periferali;

li jinħatar uffiċjal responsabbli inkarigat mir-relazzjonijiet mas-soċjetà ċivili f’kull delegazzjoni tal-UE. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, id-delegazzjonijiet saru tassew rappreżentanzi diplomatiċi tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif naraw hawn fuq, id-delegazzjonijiet ser ikunu parti mis-SEAE u ser ikollhom jaħdmu aktar flimkien mar-rappreżentanti tal-Istati Membri individwali. Għalhekk jidher li huwa essenzjali li jissaħħu uffiċjalment il-punti ta’ referenza tas-soċjetà ċivili fi ħdan id-delegazzjonijiet.

Brussell, 15 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, REX/263, 2009.

(2)  Il-baġit għad-DCI għall-perijodu tal-2007-13 huwa ta’ EUR 16 897 biljun: www.developmentportal.eu/wcm/subsite/snv1v2/content/view/58/31/ Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għall-Pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku wkoll huwa fost l-istrumenti ta’ kooperazzjoni, għalkemm dan ma jaqax taħt il-baġit tal-UE. L-għaxar FEŻ għandu baġit ta’ EUR 22 682 miljun li jkopri l-perijodu tal-2008-13: http://europa.eu/legislation_summaries/development/overseas_countries_territories/r12102_en.htm

(3)  Programmi ġeografiċi: l-Amerika Latina, l-Asja, l-Asja Ċentrali, il-Lvant Nofsani u l-Afrika t’isfel; Programmi tematiċi: is-sigurtà alimentari, l-investiment fin-nies, il-migrazzjoni u l-asil, l-atturi mhux statali u l-awtoritajiet lokali, u l-ambjent u r-riżorsi naturali. Ara dan is-sit: http://ec.europa.eu/europeaid/infopoint/publications/europeaid/153a_en.htm. Għall-istess perijodu tal-2007-13, kien hemm allokat EUR 10,57 biljun għall-programmi ġeografiċi (60 %) u EUR 5,596 biljun għall-programmi tematiċi (33 %).

(4)  Ara r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument finanzjarju għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, ĠU L 379, 27.12.2006 (il-verżjoni bil-Malti mhijiex disponibbli).

(5)  Id-Djalogu Strutturat għall-inklużjoni tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp huwa inizjattiva mnedija mill-Kummissjoni Ewropea fl-2009 sabiex jiġi diskuss ir-rwol tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali fil-kooperazzjoni. Għalkemm id-Djalogu mhuwiex proċess ta’ negozjar, dan għandu l-għan li jidentifika ideat komuni dwar il-kwistjonijiet rilevanti, filwaqt li jiġbor flimkien lill-Istati Membri tal-UE u l-Parlament Ewropew kif ukoll ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Ara dan is-sit: http://ec.europa.eu/europeaid/who/partners/civil-society/structured-dialogue_en.htm.

(6)  F’dan ir-rigward, il-KESE jfakkar li wara l-Forum ta’ Accra, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ġew rikonoxxuti bis-sħiħ bħala “atturi indipendenti għall-iżvilupp għalihom”, fuq bażi ugwali mal-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, punt 20 tal-Aġenda ta’ Akkra għall-Azzjoni: http://siteresources.worldbank.org/ACCRAEXT/Resources/4700790-1217425866038/AAA-4-SEPTEMBER-FINAL-16h00.pdf.

(7)  Il-persunal tas-SEAE ser jinkludi persunal mid-dipartiment rilevanti tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea, flimkien mas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri. Is-SEAE huwa servizz uniku, indipendenti u separat kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Kunsill: http://eeas.europa.eu/background/index_en.htm.

(8)  Artikolu 8: http://eeas.europa.eu/docs/eeas_draft_decision_250310_en.pdf.

(9)  Il-Kumitat ta’ Segwitu tal-AKP tal-KESE huwa responsabbli għar-relazzjonijiet ma’ dawn il-pajjiżi. Ara l-biblijografija tal-opinjonijiet tal-KESE relatata mal-Istrument Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ).

(10)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd (COM(2006) 249 finali).

(11)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE fuq tnax-il punt b’sostenn għall-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju – (COM 2010 159 finali)

(12)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew – Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fil-pajjiżi terzi (COM(2001) 252 finali). Traduzzjoni libera – il-verżjoni bil-Malti mhijiex disponibbli.

(13)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1, paragrafu 18. Traduzzjoni libera – il-verżjoni bil-Malti mhijiex disponibbli.

(14)  L-appoġġ baġitarju jinvolvi t-trasferiment dirett tar-riżorsi finanzjarji mill-UE lill-pajjiż benefiċjarji permezz tal-korpi finanzjarji preeżistenti. L-appoġġ baġitarju jista’ jkun ġenerali, għall-appoġġ tal-istrateġija tal-iżvilupp nazzjonali, jew settorjali, fejn jiġi direzzjonat lejn oqsma tematiċi speċifiċi bħalma huma s-saħħa, l-edukazzjoni, eċċ. http://ec.europa.eu/europeaid/how/delivering-aid/budget-support/index_en.htm.

(15)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-istrateġija Ewropea ġdida għall-Balkani tal-Punent, ĠU C 80, 30.3.2004. Il-verżjoni Maltiji mhijiex disponibbli.

(16)  Il-programmi tematiċi, b’differenza minn dawk ġeografiċi, ma jeħtiġux il-qbil tal-istat benefiċjarju biex jiġu implimentati.

(17)  Dan jirreferi għar-rwol ewlieni li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista’ jkollhom fil-monitoraġġ u l-kontroll tar-riżorsi allokati għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, sabiex tiġi eliminata kull forma ta’ korruzzjoni.

(18)  Bħalissa l-EuropeAid qed tagħmel studju dwar dan l-aspett. Aqra dwar l-impenn tal-atturi mhux statali fil-modalitajiet il-ġodda tal-għajnuna (Engaging Non-state actors in new aid modalities) fis-sit: https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/mwikis/aidco/index.php/WG2:_T1:_New_aid_modalities_and_CSOs_and_LAs_challenges_and_opportunities%3F u dwar il-komplementarità tal-istrumenti finanzjarji tal-KE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija (Complementarity of EC financial instruments in the field of human rights and democracy), Nota informattiva, aidco.e.4 (2009)338553, 29.10.2009.

(19)  Il-biċċa l-kbira tal-appoġġ finanzjarju għall-programmi ġeografiċi s’issa tidher li ngħatat fil-forma ta’ “appoġġ baġitarju”, fejn l-appoġġ għas-soċjetà ċivili fil-livell lokali tħalla barra. Wieħed għandu jiftakar li l-programmi ġeografiċi jeħtieġu l-qbil mill-istat benefiċjarju.

(20)  Ta’ min jinnota li r-riżorsi finanzjarji allokati għal din it-tema jammontaw biss għal 21 % tal-appoġġ finanzjarju ġenerali għall-programm Investiment fin-Nies tal-2007-2013. Ara r-Reviżjoni ta’ Nofs it-Term tad-Dokument ta’ Strateġija għall-Programmi Tematiċi (2007-2013).

(21)  Opinjoni tal-KESE, ir-relatur kien is-Sur Campli: REX/273 2009, Il-Kummerċ u s-Sigurtà Alimentari.

(22)  L-imsieħba soċjali (l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem) huma organizzati kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali. Fl-Ewropa: il-BUSINESSEUROPE għal min iħaddem, u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU) għall-ħaddiema. Fil-livell internazzjonali: l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ min Iħaddem (International Organisation of Employers – IOE) u l-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions (KITU) Il-moviment kooperattiv ukoll għandu organizzazzjonijiet ta’ livell Ewropew u dak internazzjonali: il-Cooperatives Europe u l-Alleanza Kooperattiva Internazzjonali (International Co-operative Alliance). Ma’ dawn wieħed għandu jżid il-kostellazzjoni ta’ organizzazzjonijiet, kooperattivi u mutwalitajiet li jiffurmaw l-ekonomija soċjali kif definit waqt il-konferenza tal-ILO f’Johannesburg tad-19-21 ta’ Ottubru 2009 (L-ekonomija soċjali: it-tweġiba tal-Afrika għall-Kriżi Globali).

(23)  Ara r-rwol tat-TUAC u tal-Forum taż-Żgħażagħ Ewropej rispettivament.

(24)  The Commission’s management of Non-State Actors’ involvement in EC Development Cooperation (Il-ġestjoni tal-Kummissjoni tal-involviment tal-Atturi Mhux Statali fil-kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-KE), Rapport Speċjali Nru 7/2009.

(25)  Idem, p. 21, paragrafu 41.

(26)  Jista’ jitwaqqaf fond ta’ rotazzjoni għall-finanzjament ta’ dawn l-istudji, fejn il-Kummissjoni tantiċipa l-ħlasijiet li mbagħad jitnaqqsu mill-ammont totali ta’ proġett, fil-każ li dan jintgħażel.


Top