EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IE0985

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 44, 11.2.2011, p. 110–117 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/110


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 44/18

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar is-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Ġunju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’146 vot favur, 4 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   L-opinjoni fil-qosor

1.1   “Nixtieq nagħmilha ċara li b’investiment f’teknoloġiji li għandhom inqas impatt fuq il-klima u effiċjenza għolja fl-użu tal-enerġija, inkunu qed niksbu vantaġġ ekonomiku. L-opportunitajiet huma enormi.”

Connie Hedegaard, Kummissarju għall-Azzjoni dwar il-Klima

1.2   L-ewwel parti tat-tielet millenju bdiet b’mistoqsijiet ġodda dwar il-ġejjieni tal-pjaneta. Minħabba r-riskji marbutin mat-tibdil fil-klima li għaddej bħalissa, iż-żieda fid-domanda dinjija għall-enerġija, il-fatt li s-sorsi tradizzjonali qed jispiċċaw fi żmien relattivament qasir, il-fatt li ċ-ċittadini huma aktar konxji u qed jitolbu miżuri adegwati li jilqgħu u jtaffu l-effetti negattivi tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, hemm il-ħtieġa li jiġi rivedut il-mudell ta’ żvilupp, li jonqos il-konsum u li jiżdied l-użu ta’ sorsi alternattivi u rinnovabbli li jgħinu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-politiki Ewropej għandhom jiffukaw fuq l-iżvilupp ta’ Ewropa ħadra, soċjali u kompetittiva.

1.3   Il-bżonn li tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u li titnaqqas id-dipendenza minn żoni politikament instabbli jew pajjiżi kompetituri, flimkien ma’ bidla progressiva fit-taħlita tal-enerġija lejn enerġiji nodfa u rinnovabbli, iwasslu biex l-ekonomija l-ħadra ġdida tkun fattur ta’ żvilupp sostenibbli u ta’ tkabbir tal-impjiegi filwaqt li tikkontribwixxi għal bilanċ ekonomiku, soċjali u ambjentali ġdid.

1.4   L-għan ta’ din l-opinjoni għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa li janalizza l-prospetti għall-“impjiegi ħodor u sostenibbli” u jidentifika l-istrumenti adatti biex dawn jiġu appoġġjati u promossi.

1.5   Biex jitkejlu l-effetti ta’ dawn il-politiki ġodda, hemm bżonn li nżommu quddiem għajnejna “il-bilanċ” bejn l-impjiegi l-ġodda maħluqa u l-impjiegi l-qodma li ntilfu, jiġifieri dawk l-hekk imsejħa “impjiegi suwed” (minjieri tal-faħam, bini u manutenzjoni tal-power stations tradizzjonali, eċċ.). Dawn il-proċessi ta’ tibdil iridu jkunu akkumpanjati minn politiki mmirati għall-ħarsien tad-dħul, tat-taħriġ u tal-kwalifikazzjoni professjonali mill-ġdid. L-ekonomija ħadra ġdida trid tiġi esperjenzata mill-ħaddiema u miċ-ċittadini bħala opportunità kbira, u għandha tinkludi l-prinċipji tax-xogħol deċenti u tixpruna żvilupp soċjalment, ambjentalment u ekonomikament sostenibbli.

1.6   L-istrateġija Ewropea ta’ transizzjoni lejn politika ekonomika u industrijali bi ftit emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għandha tkun ibbażata fuq djalogu bejn il-gvernijiet, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili dwar it-tibdil ekonomiku u industrijali u dwar l-investiment fit-teknoloġiji adatti għal impjiegi ħodor ġodda u deċenti kif ukoll f’kompetenzi ħodor ġodda.

1.7   Biex din l-istrateġija tirnexxi, huwa indispensabbli li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali, l-intrapriżi u l-għaqdiet tal-ħaddiema jkunu involuti fi djalogu kostanti, biex jiġi verifikat l-impatt fuq l-impjiegi u fuq is-suq tax-xogħol. Mhu ser ikun hemm l-ebda progress mingħajr l-involviment tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien ta’ Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni dwar il-Klima (CLIM) li għandu jikkoordina kemm il-politiki interni kif ukoll dawk esterni tal-Unjoni marbutin mal-fatt li jittaffew l-effetti u jsir adattament għat-tibdil fil-klima.

1.8   Il-KESE jqis li huwa indispensabbli li jinħoloq strument permanenti ta’ konsultazzjoni, biex jiġu antiċipati l-waqgħat mill-ġdid fit-transizzjoni soċjoekonomika, biex jiġu kkoordinati l-attivitajiet tal-kunsilli settorjali, u biex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi. L-aġenzija għall-ambjent għandha tingħata r-responsabbiltà wkoll għat-“traċċabilità” effettiva tal-emissjonijiet, li tkopri kull livell tal-produzzjoni u tat-trasport, skont il-metodu LCA, b’konformità mal-istandards ISO tas-serje 14040 u kif definit fil-Green Paper COM(2001)68 finali u fil-Komunikazzjoni COM(2003) 302 finali dwar il-Politika Integrata tal-Prodotti, u kif inhu ssuġġerit ukoll, almenu b’mod indirett, fir-Regolamenti Ewropej EMAS (761/2001/KE) u Ecolabel (1980/2000/KE).

1.9   L-Unjoni għandha rwol kruċjali fil-promozzjoni tal-impjiegi ħodor. Mil-lat tal-investimenti, din għandha tħeġġeġ politika li tappoġġja l-attivitajiet u s-setturi, u tassumi l-impenn konġunt mal-Istati Membri għal leġislazzjoni stabbli, li tnaqqas b’mod konsiderevoli l-piżijiet amministrattivi u li dejjem tqis il-ħtiġijiet tal-SMEs. Fir-rigward tas-suq tax-xogħol, din għandha tħeġġeġ it-tnedija ta’ programmi speċifiċi għall-appoġġ tat-taħriġ professjonali, iżda l-aktar tal-kwalifikazzjoni mill-ġdid ta’ dawk il-ħaddiema mhedda mit-tibdil industrijali, li jistgħu jitilfu l-impjieg attwali tagħhom jew il-livelli tad-dħul tagħhom. L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-investimenti fl-enerġiji rinnovabbli u fir-riċerka u l-iżvilupp permezz ta’ inċentivi fiskali maħsuba għall-intrapriżi u l-utenti u permezz tal-użu tal-fondi mill-irkant tal-kwoti tal-ETS. B’mod speċjali f’dan il-mument ta’ kriżi, politika bħal din hija urġenti u neċessarja.

1.10   Il-kuntratti tal-akkwist pubbliku għandhom rwol importanti x’jaqdu. Aktar minn 15 % tal-PDG tal-Ewropa jiġi mill-kuntratti ta’ akkwist pubbliku. Il-klawżoli preferenzjali għal oġġetti u servizzi li huma ekosostenibbli jistgħu jwasslu biex is-suq ikabbar aktar malajr l-investimenti fl-innovazzjoni teknoloġika.

1.11   L-Unjoni, bħala entità sħiħa, tonfoq ftit wisq fuq ir-riċerka, kemm fil-livell Komunitarju kif ukoll f’dak nazzjonali: inqas minn 2 % tal-PDG, meta mqabbel mat-2,6 % tal-Istati Uniti u l-4 % tal-Ġappun. L-Ewropa għandha bżonn ta’ investimenti kbar fir-R&Ż u huwa fundamentali li din ir-riċerka tkun immirata lejn soċjetà b’emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra.

1.12   L-akbar potenzjal ta’ żvilupp jinsab fl-attivitajiet u x-xogħlijiet tradizzjonali kollha, li jistgħu isiru aktar ekoloġiċi. Għal dan il-għan, ir-rwol tas-soċjetà ċivili huwa fundamentali. L-edukazzjoni dwar l-ambjent għall-ġenerazzjoni żgħażugħa, it-taħriġ professjonali, il-komunikazzjoni u l-informazzjoni għall-intrapriżi, għall-ħaddiema u għaċ-ċittadini huma l-ewwel passi fundamentali fil-mixja lejn l-iżvilupp ta’ ekonomija ħadra ġdida. Il-KESE huwa impenjat b’mod attiv fl-appoġġ ta’ dawn l-attivitajiet permezz tal-proġett Pinokkju.

1.13   Is-settur agrikolu min-naħa tiegħu jista’ jagħti kontribut estremament importanti, kemm fit-trasformazzjoni tal-mudelli ta’ produzzjoni, kif ukoll fl-iżvilupp tal-agrotisġir u fil-kultivazzjoni tal-bijomassi. L-isforzi għall-ħarsien tal-art u tal-ambjent ifissru li l-biedja u l-organizzazzjonijiet tagħha jistgħu jkunu minn ta’ quddiem f’kampanja ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni dwar il-vantaġġi ta’ ekonomija ħadra ġdida.

1.14   Il-bijomassa hija bla dubju ta’ xejn l-iktar sors ta’ enerġija rinnovabbli importanti - id-data tal-2008 turi b’mod ċar, fil-livell Ewropew, il-prevalenza deċiżiva tas-sorsi ta’ enerġija bijoġenika fuq l-enerġiji rinnovabbli l-oħrajn kollha. Fl-UE-27, żewġ terzi tal-enerġija primarja rinnovabbli - jew 66,1 % fuq total ta’ madwar 6 200 PJ - ġew prodotti permezz tal-bijomassa.

1.15   F’dan iż-żmien ta’ diffikultajiet ekonomiċi u kapital disponibbli limitat, hemm bżonn li l-isforzi jiġu ffukati fuq għadd limitat ta’ prijoritajiet, li huma kruċjali għall-Ewropa mil-lat tal-kompetizzjoni globali, għall-ħarsien tal-ambjent u biex ma jintilfux postijiet tax-xogħol fis-snin li ġejjin. L-enerġiji rinnovabbli, it-trasport sostenibbli u d-djar b’emissjonijiet tas-CO2 baxxi ħafna huma l-oqsma li l-KESE jqis li huma prijoritarji.

1.16   Matul il-fażi ta’ transizzjoni, is-settur pubbliku jrid jagħti l-ikbar appoġġ possibbli lil dawn is-setturi. Il-politiki “stop-go”, qafas leġislattiv mhux stabbli u koerenti, u l-burokrazija amministrattiva huma l-ostakli ewlenin għall-iżvilupp tal-attivitajiet u ta’ impjiegi ħodor tajbin u deċenti.

2.   Daħla

2.1   Is-suq tal-enerġija

2.1.1   Il-kriżi finanzjarja u ekonomika żgur li naqqset ir-ritmu tal-iżvilupp tal-attivitajiet marbutin mas-settur kollu tal-enerġiji ġodda.

2.1.2   Fl-2009 rajna waqgħa qawwija fit-transazzjonijiet tas-suq tal-gass u ż-żejt. Fil-fatt ġie rreġistrat tnaqqis ta’ 19 %, li jammonta għal aktar minn 90 miljun dollaru (il-World Energy Outlook 2009 tal-AIE). Minkejja l-iffriżar fil-konsum, għall-2030 hija prevista żieda fid-domanda għall-enerġija ta’ madwar 40 %, jiġifieri l-ekwivalenti ta’ 16,8 biljun tunnellata ta’ żejt (toe).

2.1.3   Is-sorsi tal-enerġija fossili ser ikomplu jirrappreżentaw aktar minn 77 % taż-żieda fid-domanda fil-perijodu 2007–2010, filwaqt li d-domanda għaż-żejt li se tikber minn 85 Mb/d (miljun barmil kull jum) ta’ bħalissa għal 88 Mb/d fl-2015 sa 105 Mb/d fl-2030.

2.1.4   Skont il-World Energy Outlook tal-2009, it-tibdil fil-klima jista’ jingħeleb u jiġi kkontrollat, iżda biss jekk is-settur tal-enerġija jiġi ttrasformat fil-fond. Ir-rapport jipproponi l-“450 Scenario” b’azzjonijiet radikali fi skeda stretta biex fit-tul jiġu limitati l-konċentrazzjonijiet ta’ CO2 fl-arja għal 450 parti għal kull miljun u biex iż-żieda fit-temperatura globali tinżamm għal madwar 2 gradi ogħla mil-livelli preindustrijali. Skont l-International Energy Agency, biex dan ix-xenarju jinkiseb, id-domanda għall-fjuwils fossili trid tilħaq il-quċċata tagħha sal-2020 u l-emissjonijiet tas-CO2 marbutin mal-enerġija jridu jinżlu għal 26,4 Gt (gigatunnellati) fl-2030 mit-28,8 Gt tal-2007.

2.2   L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija

2.2.1   Il-programmi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea għandhom l-għan li jnaqqsu l-intensità enerġetika bi 3,3 % fis-sena għall-perijodu 2005–2020, u dan għandu jwassal għal iffrankar tal-enerġija ta’ 860 Mtoe per annum (miljun tunnellata ta’ ekwivalenza taż-żejt fis-sena). Din hija mira ambizzjuża, li safejn possibbli għandha tkun soġġetta għal miżuri obbligatorji. Hija mira li titlob investimenti sostanzjali, li min-naħa tagħhom għandhom iwasslu għal iffrankar kbir, li l-Kummissjoni tikkalkula li hu madwar EUR 100 miljun fis-sena (Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Pjan ta’ Azzjoni għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija: it-twettiq tal-potenzjal, COM(2006) 545 finali (mhux disponibbli bil-Malti).

2.2.2   F’diversi opinjonijiet il-KESE stqarr li hu favorevoli ħafna għall-inizjattivi Ewropej għat-tixrid tal-programmi dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (1). B’xorti ħażina, huwa nnota wkoll nuqqas ta’ entużjażmu simili min-naħa tal-Istati Membri (2). Il-KESE jtenni li “wieħed mill-aspetti tal-politiki ekoloġiċi li sikwit jiġi injorat huwa l-benefiċċju ekonomiku tagħhom”. Iżda fir-realtà “l-ekonomija ħadra” hija waħda mill-mezzi biex tintemm il-kriżi dinjija u l-forom emerġenti tagħha qed jiġġeneraw opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda. Il-Kummissarju Dimas iddikjara li “l-investimenti ħodor” se joħolqu żewġ miljuni impjiegi fl-UE fl-għaxar snin li ġejjin. Għalhekk “l-ekonomija ħadra” mhijiex lussu. (3)

2.2.3   Il-Kummissjoni għandha tkun lesta biex tniedi reviżjoni tal-istrateġija għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Il-progress li tkejjel s’issa ma ġabx il-benefiċċji mistennija. L-istabilizzazzjoni relattiva tal-prezz taż-żejt, li minn prezz rekord ta’ $147,27 fil-11 ta’ Lulju 2008 għadda għal medja ta’ $53,56 fl-2009 (fl-2008 kien ta’ $91,48 il-barmil) (WTRG Economics), żgur li ma għenitx l-investimenti.

2.2.4   Ir-reviżjoni tad-direttiva dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tad-djar u tal-uffiċċji, li ser twessa’ konsiderevolment ir-rekwiżit biex isir xogħol strutturali fuq djar ġodda u fuq dawk li jridu jinbnew mill-ġdid, kif ukoll ir-regolamenti dwar l-emissjonijiet tal-karozzi u l-leġislazzjoni pendenti dwar l-emissjonijiet minn vetturi ħfief tat-trasport, jitolbu sforz kbir mill-industrija biex jintlaħqu l-għanijiet tal-emissjonijiet previsti, li mbagħad jiġu tradotti fi profitt notevoli fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u b’hekk jitnaqqas il-konsum.

2.2.5   Ir-rapport tal-EurObserv’ER tal-2009 (EurObserv’ER 2009 - The State of Renewable Energies in Europe. 9th EurObserv’ER Report) analizza l-effetti diretti fuq l-impjiegi kkawżati mid-diversi teknoloġiji marbutin mal-enerġiji rinnovabbli f’14-il Stat Membru tal-UE (il-Ġermanja, Franza, Spanja, id-Danimarka, l-Isvezja, l-Awstrija, il-Polonja, il-Finlandja, ir-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Lussemburgu). Fl-2008, permezz tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli nħolqu jew inżammu total ta’ 660 000 post tax-xogħol. Fost dawn, aktar minn 42 % (madwar 278 000) ġejjin mis-sorsi tal-enerġija bijoġenika (aktar speċifikament, il-bijomassa). L-investiment fil-bijomassa jġib miegħu xogħol għal tul ta’ żmien, tnaqqis tad-dipendenza enerġetika tal-Ewropa u titjib sinifikanti fil-livell tal-emissjonijiet tas-CO2.

3.   Il-kriżi u l-impjiegi ħodor

3.1   Il-kriżi ekonomika tat daqqa ta’ ħarta lill-finanzi pubbliċi. Id-defiċit aggregat taż-żona tal-euro kien ta’ 6,4 % fl-2009 u ġie stmat mill-Kummissjoni għal 6,9 % fl-2010. Dan ifisser li se jkun hemm bżonn ta’ pjani ta’ tnaqqis tad-dejn ħorox biex fi żmien qasir il-livelli tad-defiċit jitnaqqsu għal-livelli tat-trattat ta’ stabbiltà. Il-KESE javża li m’għandux ikun hemm retorika u nuqqas ta’ azzjoni politika meta niġu għall-ixprunar tat-tkabbir aħdar.

3.2   Ir-riżorsi disponibbli biex jitkomplew il-pjani ta’ inċentivar tal-enerġiji rinnovabbli u l-programmi ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija qed ikomplu jonqsu. L-Istati Membri għandhom jallokaw aktar mill-50 % previst tad-dħul mill-irkant tal-ETS għall-programmi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u għall-investimenti fl-enerġiji rinnovabbli fil-mobbiltà sostenibbli u għat-trasport inġenerali.

3.3   Hemm ir-riskju li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tiġi perċepita b’mod ħażin li hi limitata biss għat-tnaqqis fil-konsum. Irid jitqies ir-ritorn enerġetiku mill-investimenti (EROI), filwaqt li l-kunċett tas-sostenibbiltà jrid jintrabat ma’ dak tal-iżvilupp, jiġifieri ekonomija ġdida li ma timmirax għal “riċessjoni sostenibbli” u “qgħad kompatibbli” li bla dubju jwasslu għal tnaqqis fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies, mingħajr ma jġibu magħhom tibdil importanti għas-saħħa tal-pjaneta.

3.4   Barra minn hekk, l-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs, qed jiffaċċjaw tnaqqis qawwi fl-aċċess għall-finanzjament. Inqas riżorsi disponibbli għall-attivitajiet ordinarji jagħmluha kważi impossibbli li jsiru investimenti fir-ristrutturar li xi kultant ikun jiswa ħafna flus u li d-dħul minnu jasal biss wara ftit snin. Hemm bżonn ta’ politiki mmirati ta’ appoġġ.

3.5   Fil-preżentazzjoni tal-fehma tagħha dwar inizjattiva reċenti tal-Kummissjoni (Duncan Campbell, Director, Department Of Economic and Labour Market Analysis), l-ILO pproponiet definizzjoni:

“L-impjiegi ħodor jistgħu jiġu definiti bħala dawk li jnaqqsu l-impatt ambjentali billi:

inaqqsu l-konsum tal-enerġija, tal-ilma u tal-iskart,

jiddekarbonizzaw u jiddematerjalizzaw l-ekonomija,

inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra,

jadottaw politika ta’ adattament għat-tibdil fil-klima,

iħarsu u jerġgħu jagħtu s-saħħa lill-ekosistema.”

3.6   Skont l-ILO, li għal dawn l-aħħar snin wettqet studji settorjali fil-fond fil-qasam tax-xogħlijiet ħodor, b’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-intraprendituri u tat-trade unions, is-setturi li għandhom ikunu interessati aktar minn kulħadd huma:

Enerġija

Ċiklu integrat tal-gassifikazzjoni/qbid tas-CO2

Koġenerazzjoni (sħana/enerġija)

Enerġiji rinnovabbli (ir-riħ, ix-xemx, il-bijokarburanti, il-ġeotermika, l-idroelettriċità fuq skala żgħira); ċelluli tal-fjuwil

Trasport

Vetturi b’magni aktar effiċjenti

Vetturi elettriċi ibridi u vetturi li jaħdmu biċ-ċelluli tal-fjuwil

Użu kondiviż tal-karozzi

Trasport pubbliku

Trasport li m’għandux magni (roti, mixi), u bidliet fil-politiki tal-użu tal-art u mudelli ta' fejn tistabbilixxi ruħha l-popolazzjoni urbana (tnaqqis tad-distanzi u tad-dipendenza mit-trasport bil-magni)

Intrapriżi

Kontroll tat-tniġġis (filtri u teknoloġiji oħra ta' filtraġġ)

Effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-materjali

Tekniki ta' produzzjoni nadifa (fejn jiġu evitati s-sustanzi tossiċi)

Ċikli ta' produzzjoni bil-metodu: “min-niqa għan-niqa” (sistemi b’ċiklu magħluq kif definiti minn William McDonough u Michael Braungart)

Bini

Dawl, apparati domestiċi u tagħmir għall-uffiċċju b’effiċjenza għolja fl-użu tal-enerġija

Tisħin u tkessiħ b’enerġija mix-xemx, pannelli solari

Restawr ta' bini antik b’teknoloġiji ġodda

Bini ekoloġiku (twieqi li jużaw l-enerġija b’mod effiċjenti, l-insulazzjoni, il-materjal tal-bini, it-tisħin, il-ventilazzjoni u l-arja kkundizzjonata)

Djar passivi li jieħdu l-enerġija mix-xemx, bini mingħajr ebda emissjoni

Immaniġġjar tal-materjali

Riċiklaġġ

Twessigħ tar-responsabbiltà tal-produttur, irtirar tal-prodotti u manifattura mill-ġdid

Dematerjalizzazzjoni

Durabilità u tiswija tal-prodotti

Bejgħ bl-imnut

Promozzjoni ta' prodotti b’effiċjenza għolja u użu ta' ekotikketti

Ħwienet li jkunu eqreb taż-żoni residenzjali

Tnaqqis għall-aktar livell minimu tad-distanza għat-trasport (mill-oriġini tal-prodotti sal-ħwienet)

Ekonomija ġdida tas-servizzi (bejgħ ta' servizzi, mhux ta' prodotti)

Biedja

Konservazzjoni tal-ħamrija

Effiċjenza fl-ilmijiet

Metodi ta' tkabbir organiċi

Tnaqqis tad-distanza bejn il-bdiewa u s-suq

Tisġir

Tisġir u proġetti ta' tisġir

Agritisġir

Ġestjoni sostenibbli tal-foresti u skemi ta' ċertifikazzjoni

Twaqqif tal-qtugħ tas-siġar

3.7   Fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-impjiegi ħodor għandhom ikunu kkaratterizzati minn livelli għoljin ta’ ħiliet u ta’ taħriġ professjonali.

4.   L-atturi ewlenin u l-eżempji tajbin

4.1   Matul seduta tal-KESE (KESE, 23 ta’ Marzu 2010), uħud mill-personalitajiet ewlenin mill-qasam tal-assoċjazzjonijiet taw il-kontribut tagħhom fid-dibattitu.

4.2   Il-President tal-Confartigianato ta’ Bergamo (federazzjoni ġenerali tal-artiġġjanat Taljan) tkellem dwar il-ġimgħa ekoloġika għall-enerġija: 16-il avveniment ta’ sensibilizzazzjoni u diskussjoni, 80 relatur, mijiet ta’ parteċipanti biex jiġu approfonditi l-kwistjonijiet regolatorji u tekniċi tal-iffrankar tal-enerġija u tas-sostenibbiltà ambjentali. Dan kien eżempju tajjeb tar-rwol li l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ jistgħu u jmisshom ikollhom biex ixerrdu kultura. Ġew ippreżentati servizzi ġodda ddedikati għall-enerġija, fosthom: “punt ta’ kuntatt għall-enerġija” li għandu joffri konsulenza speċjalizzata għall-intrapriżi; “appoġġ għall-kreditu” għas-sostenn tal-investimenti anke permezz tal-konsorzju tal-kreditu tal-assoċjazzjoni; u “t-taħriġ tekniku”, b’kooperazzjoni mal-fakultà tal-inġinerija tal-Università ta’ Bergamo.

4.3   Fl-intervent tiegħu, ir-rappreżentant tad-WWF, responsabbli għall-politika dwar il-klima u l-enerġija tal-Ewropa, enfasizza l-impatt pożittiv previst tal-istudji li saru mill-organizzazzjoni tiegħu fuq l-impjiegi permezz tal-ekonomija ħadra. Naturalment, l-organizzazzjonijiet ambjentalisti huma favur politika ta’ appoġġ għall-enerġija b’livelli baxxi ta’ CO2, jew, terġa’ aħjar minn hekk, bl-ebda emissjoni.

4.4   Il-President tat-trade union Pollakka NSZZ Solidarnosc (trade union tal-minjieri u tal-enerġija) enfasizza r-riskji ta’ politika li tikkastiga b’mod eċċessiv l-“impjiegi suwed”. Huwa indispensabbli li jiġu mħarsa l-impjiegi permezz ta’ inizjattivi immirati biex joħolqu impjiegi ġodda li għandhom jassorbu dawk li se jintilfu. Hemm bżonn li naħsbu għal “bilanċ” bejn l-impjiegi ġodda maħluqa u l-impjiegi qodma li ntilfu. Hemm bżonn li tingħata attenzjoni kbira wkoll lill-pagi: xi impjiegi ħodor ġodda huma mħallsa inqas u n-nefqa għal kull KW prodott mill-karbonju huwa nofs dak prodott minn sorsi rinnovabbli. Mingħajr politiki ta’ appoġġ adegwati għall-impjiegi, hemm ir-riskju reali li l-qgħad jirdoppja fi żmien qasir. Iridu jiġu previsti wkoll miżuri ta’ appoġġ għall-mobbiltà tal-ħaddiema.

4.5   Il-President tal-Federazzjoni Ewropea tal-Bini enfasizza l-involviment u l-interess qawwi tal-intrapriżi Ewropej biex jappoġġjaw il-modernizzazzjoni u t-titjib fl-effiċjenza tad-djar u tal-postijiet pubbliċi u privati li fihom isiru attivitajiet ta’ xogħol. Is-settur ma jitlobx għajnuniet ekonomiċi partikolari, iżda pjuttost leġislazzjoni stabbli, garantita għal numru ta’ snin, biex ikunu jistgħu jiġu pprogrammati investimenti u pjani industrijali. L-industrija tal-bini titlob fluss finanzjarju adegwat u kostanti fuq xiex tistrieħ, u mhux sussidji għal żmien qasir. Politika tat-taxxi adegwata tista’ tgħin lill-familji jersqu lejn dan it-tip ta’ investiment. L-intrapriżi huma lesti jagħtu sehemhom għat-tħarriġ indispensabbli tal-ħaddiema tagħhom.

4.6   Il-President tal-Kunsill tal-Arkitetti tal-Ewropa (ACE) enfasizza l-ħtieġa li jkompli jiġi żviluppat it-taħriġ għal arkitettura stabbli fl-Ewropa, billi tinxtered viżjoni olistika tal-programmazzjoni tal-miżuri territorjali; dan ikun jeħtieġ bidla totali tal-professjoni. Fil-fehma tal-ACE, bi ftehim mal-assoċjazzjonijiet tal-industrija tal-bini, hemm bżonn jitwaqqfu għanijiet ambizzjużi li jtejbu l-kwalità u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini. L-ACE esprima ċerti dubji dwar ir-riżultat tas-sħubijiet pubbliċi-privati (PPP) fl-akkwisti pubbliċi, abbażi tal-esperjenzi negattivi reċenti.

4.7   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni enfasizza l-potenzjal għoli ta’ xogħlijiet ġodda li jistgħu jinħolqu. Huwa stmat li hemm aktar minn miljun post tax-xogħol ġdid. Is-suċċess tat-Tieni Kungress Ġeotermiku juri l-evoluzzjonijiet possibbli. Fl-Isvezja pereżempju, hemm 33 pompa għat-tisħin imwaħħla għal 1 000 abitant, filwaqt li Spanja hemm 0,1. L-ostakli amministrattivi huma pjaga għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli. L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija l-bażi tas-sistema kollha, b’mod partikolari fil-bini. L-impjiegi ħodor li ser jiġu stimolati bil-pjani ta’ azzjoni nazzjonali ser ikunu sostenibbli u kompetittivi.

4.8   Il-kelliem mill-Università għall-Ekonomija u t-Teknoloġija ta’ Berlin ta ħafna tagħrif u spunti ta’ riflessjoni: huwa nnota l-kompetizzjoni internazzjonali qawwija fis-suq tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, li huma l-ikbar kompetituri. Iċ-Ċina u t-Tajwan laħqu kważi 50 % tal-esportazzjoni tal-pannelli solari.

4.9   Ir-rappreżentant ta’ waħda mill-ikbar kumpaniji Spanjoli ta’ turbini tar-riħ enfasizza l-importanza strateġika tas-settur tiegħu, li jaf l-iżvilupp tiegħu għal politiki intelliġenti u kuraġġużi li ħeġġew l-investimenti u żiedu l-valur tal-ekonomija. Minkejja l-kriżi, il-prospetti futuri huma pożittivi jekk il-politiki favur l-enerġiji rinnovabbli jkomplu. Matul id-diskors tiegħu, huwa kkwota lill-President Obama: “Il-pajjiż li se jmexxi l-ħolqien ta’ ekonomija bbażata fuq l-enerġija nadifa huwa l-pajjiż li se jmexxi l-ekonomija globali” (diskors “State of Union”, Barack Obama, 27 ta’ Jannar 2010).

4.10   Fl-aħħar nett, waħda mill-maniġers tal-KETU enfasizzat l-impenn tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions fl-appoġġ tal-politika tal-promozzjoni u l-appoġġ tal-impjiegi ħodor, li jridu jirrispettaw id-dinjità tal-ħaddiema, id-drittijiet tagħhom u l-livelli tal-pagi tagħhom. Impjieg aħdar, skont id-definizzjoni tiegħu, huwa impjieg deċenti. Il-KETU tqis li huwa indispensabbli li jitwettqu politiki ta’ transizzjoni, ta’ appoġġ għat-taħriġ u ta’ antiċipazzjoni tat-tibdil industrijali.

5.   X’inhuma l-prospetti?

5.1   F’dawn l-aħħar snin feġġew ċifri, differenti ħafna minn xulxin, dwar il-benefiċċji possibbli għax-xogħol minħabba l-impjiegi ħodor, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-inizjattivi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-għadd ta’ xogħlijiet ġodda ġew stmati għal mijiet ta’ eluf iżda dawn qed idumu biex jaslu. Il-valutazzjoni taż-żieda netta, jiġifieri meta jiġi kkumpensat għall-impjiegi mitlufa fl-istess settur, hija diffiċli ħafna.

5.2   Bħalissa hemm 4,6 miljun impjieg “aħdar”, jekk nikkunsidraw l-ekoattivitajiet fil-veru sens tal-kelma. Iżda dawn jilħqu t-8,67 miljuni, li jammontaw għal 6 % tal-impjegati fl-UE27, jekk nirreferu għall-attivitajiet marbutin mar-riżorsi ambjentali, bħat-tisġir jew l-ekoturiżmu. In-numru jikber ħafna jekk tintuża definizzjoni usa’, li twassal għaċ-ċifra ta’ 36,4 miljun, jew 17 % tal-forza tax-xogħol, jekk jitqies ukoll ix-xogħol indirett u x-xogħlijiet relatati (GHK et al. (2007)). Fid-dokument reċenti tagħha dwar ix-xogħol fl-Ewropa (Employment in Europe 2009), il-Kummissjoni enfasizzat tajjeb dawn id-differenzi. It-tkabbir ikkonċerna b’mod partikolari lis-settur tal-enerġija rinnovabbli, l-agrikoltura organika u sa ċertu punt, l-attivitajiet marbuta mat-titjib tal-patrimonju tal-bini.

5.3   L-oqsma ewlenin ta’ attività - il-bini

5.3.1   B’16,3 miljun ħaddiem, li jgħoddu għal 7,6 % tat-total tal-impjiegi, l-industrija tal-bini hija l-iktar industrija li tħaddem nies fl-Ewropa: fl-2008, id-dħul kien ta’ EUR 1 305 biljuni, jew 10,4 % tal-PDG. Ix-xogħol relatat jammonta għal 32 miljun ħaddiem (Rapport annwali tal-FIEC, il-Federazzjoni tal-Industrija Ewropea tal-Kostruzzjoni, 2009).

5.3.2   L-industrija Ewropea tal-bini hija impenjata b’mod attiv fi proġetti u inizjattivi mmirati biex jintlaħqu standards ogħla ta’ effiċjenza u ta’ ffrankar tal-enerġija. Xi eżempji jinkludu: il-proġetti Sunrise (fil-qafas tal-FP7) għall-integrazzjoni tal-fotovoltajk fil-bini, is-Cygnum, għall-produzzjoni ta’ oqfsa tal-injam preinsulati bl-użu ta’ materjal riċiklat bi ftit flus, li permezz tagħhom ser ikun hemm aktar aċċess għal djar b’konsum baxx tal-enerġija, u Mobi3con, sistema operattiva 3D li tintuża fejn ikun qed isir bini, għall-prevenzjoni ta’ żbalji bejn id-disinn u t-twettiq, li skont l-FIEC (il-Federazzjoni tal-Industrija Ewropea tal-Kostruzzjoni) għandha tiffranka madwar EUR 6,2 biljun.

5.3.3   Minkejja r-riperkussjonijiet gravi tal-kriżi finanzjarja, li f’xi pajjiżi bħal Spanja u l-Irlanda ffriżaw is-suq, is-settur jemmen li fis-snin li ġejjin ser ikun hemm bżonn ta’ mill-inqas 800 000 post tax-xogħol ġdid għal tekniki speċjalizzati u inġiniera fi programmi biex il-bini isir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Fi Franza biss, huwa stmat li mill-2007 sal-2012 il-postijiet tax-xogħol fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ser jgħaddu minn 169 000 ħaddiem għal 320 000 (Studju minn Ademe, Aġenzija franċiża tal-ambjent u tal-ġestjoni tal-enerġija, 2008).

5.3.4   Settur ieħor li hu mistenni joħloq aktar impjiegi huwa dak tal-ESCO (Energy Service Company). Dawn huma kumpaniji li jwettqu interventi biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jieħdu r-riskju tal-inizjattiva u jeħilsu lill-klijent finali minn kull piż organizzattiv jew ta’ investiment. F’xi pajjiżi ż-żieda fl-ammont ta’ dawn il-kumpaniji ma ntlaqgħetx tajjeb mill-produtturi kbar, li beżgħu minn tnaqqis drastiku fil-konsum (4).

5.3.5   It-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ tul il-ħajja huma indispensabbli biex il-bidliet industrijali jkunu jistgħu jiġu mmaniġġjati tajjeb: l-FIEC u l-EFBWW (il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tal-Kostruzzjoni u l-Injam) qed jikkollaboraw b’mod attiv biex jiżviluppaw inizjattivi konġunti fil-qasam tal-kwalifiki professjonali u proġetti ta’ taħriġ transkonfinali.

5.4   L-enerġiji rinnovabbli

5.4.1   Fl-2008, is-settur fotovoltajku kien jimpjega 190 000 persuna (130 000 direttament u 60 000 indirettament). Bl-appoġġ għas-suq tal-UE-27, l-industrija qed timmira li toħloq madwar 2,2 miljun impjieg sal-2030, iżda b’effett nett limitat: fuq l-ipoteżi li se jkun hemm esportazzjoni ta’ 15 %, il-bilanċ nett sal-2030 għall-UE-27 ser ikun ta’ madwar 162 000 impjieg (20 000 fl-2010 u 49 000 fl-2020) (EPIA – European Photovoltaic Industry Association, 2009).

5.4.2   Is-settur fotovoltajku jeħtieġ ħaddiema speċjalizzati ħafna, kemm għar-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll għall-manutenzjoni; l-arkitetti u l-inġiniera ser ikollhom jistudjaw mod kif idaħħlu l-pannelli solari f’kuntesti urbani, ikkaratterizzati minn ċentri storiċi ta’ valur estetiku u artistiku kbir. Fl-Ewropa l-kapaċità installata kumulattiva telgħet minn 1 981 MW fl-2005 għal 9 405 fl-2008, u kważi rduppjat bejn l-2007 u l-2008 (EPIA – Global Market Outlook for Photovoltaics until 2013, 2009 A.T. Kearney analysis). Hemm bżonn ta’ korsijiet speċjalizzati biex iħejju għall-50 000 impjieg ġdid fis-sena li se jinħoloq minn issa sal-2030. S’issa għadhom mhux biżżejjed il-Masters u l-korsijiet postuniversitarji ddedikati għat-tħejjija speċifika għall-użu tal-fotovoltajk.

5.4.3   B’64 935 MW ta’ kapaċità installata sal-aħħar tal-2008, l-enerġija mir-riħ hija l-ikbar sors ta’ enerġija elettrika rinnovabbli. Fl-2007, is-settur tal-enerġija mir-riħ impjega direttament 108 600 persuna, filwaqt li jekk ngħoddu wkoll l-impjiegi indiretti t-total jilħaq il-154 000. L-industriji tat-turbini tar-riħ u tal-produzzjoni tal-komponenti jimpjegaw 59 % tal-impjiegi diretti. Il-Ġermanja, Spanja u d-Danimarka huma l-pajjiżi bl-ogħla konċentrazzjoni ta’ ħaddiema (EWEA – European Wind Association, 2009). L-assoċjazzjoni Ewropea tas-settur tikkalkula li fl-2020 l-għadd ta’ ħaddiema fis-settur jista’ jitla’ għal madwar 330 000, jiġifieri aktar mid-doppju.

5.4.4   Skont studju li sar fi Spanja - pajjiż li investa ħafna fl-enerġiji alternattivi - l-għadd ta’ impjiegi għandu jiżdied minn aktar minn 89 001 fl-2007 għal bejn 228 000 u 270 000, skont liema miż-żewġ xenarji differenti jitqies (ISTAS – Instituto Sindical de Trabajo Ambiente y Salud, 2009).

5.5   It-trasport

5.5.1   Fl-industrija tal-karozzi u tal-mezzi ta’ trasport bit-triq hemm impjegati madwar 2,2 miljun ħaddiem, li jitilgħu għal 9,8 miljuni jekk jitqiesu l-impjiegi relatati (FIEC – Federazzjoni tal-Industrija Ewropea tal-Kostruzzjoni); ma’ dawn jiżdiedu l-ħaddiema tat-trasport pubbliku u l-impjegati fit-trasport privat. It-total globali huwa ta’ iktar minn 16-il miljun persuna, jekk inqisu l-ferroviji, il-kumpaniji tat-tbaħħir, l-industrija u s-servizzi marbuta mal-avjazzjoni u t-trasport tal-merkanzija bit-triq.

5.5.2   F’dan is-settur il-kriżi nħasset ħafna, bi tnaqqis tal-produzzjoni li kienet ta’ 7,6 % għall-karozzi tal-linja, 21,6 % għall-karozzi, 48,9 % għall-minibuses u 62,6 % għat-trakkijiet. Dan kien tassew diżastru għall-produzzjoni. Is-sitwazzjoni mhijiex wisq aħjar għas-setturi l-oħra tal-industrija tat-trasport, bi tnaqqis ġenerali tal-ordnijiet u tal-attivitajiet.

5.5.3   Aktar minn industriji oħrajn, is-settur tat-trasport ser iħoss l-isfidi tat-teknoloġija li ġejjin mill-pakkett dwar il-klima u mir-regolamenti marbuta ma’ dan dwar l-emissjonijiet tas-CO2. L-inklużjoni tal-emissjonijiet mit-trasport tal-ajru fis-sistema taċ-ċertifikati Ewropej dwar l-emissjonijiet (ETS) ser joħloq diffikultajiet għall-flotot l-antiki, li ser ikollhom iħallsu penali kbar għall-emissjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, kif mistqarr diġà mill-KESE (5)“L-applikazzjoni tal-ETS hija konsiderevolment aktar ikkumplikata għat-trasport marittimu milli għall-avjazzjoni, u l-aktar għal bastimenti mingħajr korsa regolari, minħabba fil-prattiċitajiet tad-dinja tal-kummerċ marittimu li jagħmilha diffiċli li l-ETS jiġu kalkolati”.

5.5.4   Huwa mistenni tkabbir sostnut (u mixtieq) tal-attivitajiet ferrovjarji, kemm dawk tal-passiġġieri kif ukoll tat-trasport tal-merkanzija. Sal-2030, huwa mistenni li jinħolqu 1 200 000 impjieg fit-trasport tal-passiġġieri u 270 000 fit-trasport tal-merkanzija, filwaqt li jitnaqqsu madwar 700 000 impjieg fit-trasport bit-triq (Syndex Etuc Istas research, 2007).

5.5.5   Il-mobbiltà urbana sostenibbli, permezz ta’ politika ċara favur trasport li ma jużax magni bħar-roti u l-mixi, ser ittejjeb il-kwalità tal-ħajja u tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra.

6.   Miżuri pożittivi għall-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor

6.1   Biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed niffaċċjaw, hemm bżonn kruċjali ta’ intervent sinifikanti, kemm pubbliku, privat, kif ukoll pubbliku-privat: irridu ngħaqqdu l-iżvilupp ekonomiku ma’ tnaqqis sinifikanti ta’ emissjonijiet li jagħmlu l-ħsara u mal-possibbiltà li jinħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar.

6.2   Bħalissa l-istat tal-finanzi pubbliċi ma jagħtix x’jifhem li hemm wisq lok għal flessibbiltà, wara l-miżuri li ttieħdu għall-appoġġ ta’ sistema finanzjarja fi kriżi profonda u l-kriżi ekonomika li segwiet li naqqset id-dħul mit-taxxi fl-Istati Membri kollha.

6.3   Il-KESE jipproponi l-adozzjoni ta’ Fond Sovran Ewropew, garantit mill-Bank Ewropew għall-Investiment u minn riżorsi speċifiċi li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-sistemi tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-effiċjenza fl-użu u l-iffrankar tal-enerġija. Hemm bżonn ta’ “Marshall Plan” Ewropew biex l-esiġenzi finanzjarji li tippreżenta l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jiġu indirizzati b’ċertezza.

6.4   Il-Bank Ewropew għall-Investimenti - li ta’ min ifaħħar il-fatt li diġà huwa involut fil-finanzjament ta’ attivitajiet immirati għall-iżvilupp ta’ strateġija għall-enerġija rinnovabbli - jista’ jamministra l-Fond u juża r-riżorsi permezz tal-kanali tas-sistema bankarja Ewropea.

6.5   L-ikbar problema hija kif ser jitqassmu r-riżorsi. Huwa importanti ħafna li l-Fondi Strutturali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-fondi tas-7FP jiġu kkontrollati u kkoordinati. Il-Kummissjoni tista’ tiżgura dan il-koordinament permezz tad-DĠ il-ġdid għall-Enerġija.

6.6   Hemm bżonn ta’ riżorsi finanzjarji privati. L-inizjattivi ta’ sħubijiet pubbliċi-privati għandu jkollhom inċentivi operattivi u fiskali, f’qafas ta’ referenza stabbli u għat-tul.

6.7   L-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi u tal-ħaddiema, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili impenjati f’dawn l-oqsma, għandhom iċ-ċans jaqdu rwol importanti fit-tixrid ta’ ħiliet, opportunitajiet, is-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ. Is-soċjetà ċivili dejjem għandha tkun involuta fi proġetti ta’ dan it-tip.

6.8   L-applikazzjonijiet tal-ICT għandhom rwol importanti x’jaqdu biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi. Fi studju reċenti tal-Kummissjoni (The implications of ICT for Energy Consumption, e-Business Watch, Study report no 09/2008, http://www.ebusiness-watch.org/studies/special_topics/2007/documents/Study_09-2008_Energy.pdf), ħareġ il-bżonn li jintuża kemm jista’ jkun il-potenzjal kollu tal-ICT (6). Dan jista’ jkollu impatt pożittiv ħafna fuq il-ħolqien ta’ impjiegi ħodor ġodda.

6.9   Għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tad-djar, f’waħda mill-opinjonijiet tiegħu (7) l-KESE identifika l-politiki li jistgħu jiġu applikati biex jiġu ffaċilitati l-kontrolli fuq l-istandards tal-enerġija tad-djar, b’inċentivi biex l-utenti finali jixtru u jwaħħlu tagħmir adegwat, u jwettqu xogħol ta’ rinnovazzjoni għall-insulazzjoni.

6.10   Fir-rigward tal-enerġiji rinnovabbli, il-Kumitat jipproponi l-promozzjoni ta’ appoġġ għar-R&Ż u programmi għall-ħolqien ta’ suq stabbli u awtosuffiċjenti, l-għajnuna għall-intrapriżi u l-utenti finali permezz ta’ għajnuniet fiskali u inċentivi għall-produzzjoni u għall-konsum tal-enerġiji rinnovabbli. Dawn il-programmi għandhom ikunu fit-tul u bbażati fuq il-mudell adottat fil-Ġermanja, li għandu jnaqqas l-għajnuna pubblika progressivament filwaqt li n-negozji u l-pubbliku jkunu jistgħu jippjanaw l-investimenti tagħhom stess.

6.11   Għandu jiġi ddedikat kapitlu speċifiku għall-edukazzjoni u t-taħriġ (8). L-edukazzjoni hija indispensabbli għat-tixrid tal-għarfien u s-sensibilizzazzjoni tal-ġenerazzjonijiet futuri, u t-taħriġ huwa kruċjali biex ikomplu javvanzaw it-teknoloġiji ġodda maħsuba għall-iżvilupp tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 10, 15.1.2008, p. 22-35.

(2)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 54-59; ĠU C 318, 23.12.2009, p. 39-42.

(3)  ĠU C 27, 17.11.2009, p. 20 paragrafu 5.8, relatur: Bredima.

(4)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 54-59; ĠU C 318, 23.12.2009, p. 39-42.

(5)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 20 paragrafu 5.8, relatur Bredima

(6)  ĠU C 175, 28.7.2009 p. 87-91.

(7)  ĠU C 162, 25.6.2008 p. 62-71.

(8)  ĠU C 277, 17.11.2009 p. 15-19.


Top