EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE0990

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-faqar fl-enerġija fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni u l-kriżi ekonomika” (opinjoni esploratorja)

ĠU C 44, 11.2.2011, p. 53–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-faqar fl-enerġija fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni u l-kriżi ekonomika” (opinjoni esploratorja)

2011/C 44/09

Relatur ġenerali: Sergio SANTILLÁN CABEZA

Nhar id-9 ta' Frar 2010, bi tħejjija għall-Presidenza li jmiss tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-gvern Belġjan iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-faqar fl-enerġija fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni u l-kriżi ekonomika

(opinjoni esploratorja).

Fis-16 ta' Frar 2010, il-Bureau tal-Kumitat talab lis-Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni biex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-14 ta' Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jaħtar lis-Sur SANTILLÁN CABEZA bħala relatur ġenerali u adotta din l-opinjoni b’124 vot favur u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-prezzijiet tal-gass, tal-elettriku u ta' karburanti oħra bħall-faħam għadhom qed jogħlew u jidher li din it-tendenza ser tissokta fis-snin li ġejjin. Dan ifisser li sakemm ma tittiħiedx azzjoni effettiva minnufih, l-għadd ta' konsumaturi vulnerabbli wkoll ser jibqa’ jiżdied b’mod konsiderevoli. L-għan ta' din l-opinjoni mhuwiex li tikkunsidra l-kawżi taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija iżda li tenfasizza l-bżonn li jitħarsu l-konsumaturi vulnerabbli, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta' faqar fl-enerġija.

1.2

Il-glieda kontra l-faqar fl-enerġija hija prijorità soċjali ġdida li għandha tiġi indirizzata fil-livelli kollha ta' governanza u l-UE għandha tipprovdi linji gwida komuni biex tiżgura li l-Istati Membri kollha jadottaw l-istess approċċ għall-eliminazzjoni ta' dan il-fenomenu. Jeħtieġ li tiġi enfasizzata l-ħidma tal-UE tul dawn l-aħħar sentejn għall-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli. Madankollu, ħafna Stati Membri għadhom mhux qed jissodisfaw l-obbligi tagħhom u, b’riżultat ta' dan, l-UE jkollha tieħu azzjoni, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif definit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, meta l-Istati Membri ma jirrispettawx il-miżuri li jkunu ġew stabbiliti.

1.3

Il-faqar fl-enerġija jaffettwa s-settur tal-enerġija u għandu impatt ukoll fuq setturi oħra bħas-saħħa, l-affarijiet tal-konsumatur u l-akkomodazzjoni.

1.4

Il-KESE jissuġġerixxi li l-UE tadotta definizzjoni ġenerali komuni għall-faqar fl-enerġija li mbagħad tkun tista’ tiġi adattata minn kull Stat Membru. Il-faqar fl-enerġija jista’ jiġi definit meta wieħed isibha diffiċli jew impossibbli biex jiżgura tisħin adegwat fid-dar u li jkollu aċċess għal servizzi essenzjali oħra tal-enerġija bi prezz raġonevoli. Għalkemm din hija definizzjoni ġenerali, jistgħu jiżdiedu kriterji oħra bil-għan li l-kunċett ikun konformi mal-iżviluppi fis-soċjetà. Dan jgħin biex il-faqar fl-enerġija jiġi kkwantifikat u indirizzat b’mod aktar effettiv.

1.5

Fil-fehma tal-Kumitat, ikun utli li l-istatistika eżistenti tiġi armonizzata sabiex tkun tista’ ssir l-aktar valutazzjoni rigoruża possibbli tas-sitwazzjoni tal-faqar fl-enerġija fl-Ewropa. Fid-dawl ta' dan, ġie suġġerit li l-Eurostat u l-uffiċċji tal-istatistika tal-Istati Membri jadottaw metodi statistiċi omoġenji biex ikunu jistgħu jikkwantifikaw il-medda tal-faqar fl-enerġija.

1.6

Fil-fehma tal-KESE u filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-eżistenza tal-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija (Londra), ikun loġiku li jiġi stabbilit Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Faqar fl-Enerġija, li jista’ jiġi integrat fi ħdan korp eżistenti bħall-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija jew kwalunkwe korp ieħor li jista’ jinvolvi l-partijiet interessati ekonomiċi u soċjali kollha li għandhom rabta, diretta jew indiretta, mal-faqar fl-enerġija, bħal pereżempju l-provvedituri tal-enerġija, il-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet tas-saħħa u dawk ambjentali, it-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet tal-kumpaniji tal-provvista tal-enerġija u tal-kostruzzjoni. Dan il-grupp ikun utli ħafna biex jidentifika prattiki tajbin attwali fl-Istati Membri, bil-għan li jagħmel użu minn mekkaniżmi ġodda biex jindirizza l-faqar fl-enerġija u jippromovi l-objettiv li l-effetti tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija fuq il-konsumaturi vulnerabbli jiġu analizzati b’mod preċiż.

1.7

Il-Kumitat jipproponi li jiġi kkunsidrat il-faqar fl-enerġija meta titfassal proposta dwar il-politika tal-enerġija.

1.8

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-bżonn ta' innovazzjonijiet teknoloġiċi li jagħmlu l-aħjar użu mill-enerġija għall-konsumaturi vulnerabbli, li huma dawk li l-aktar għandhom bżonnhom.

1.9

Huwa importanti li jiġu implimentati miżuri approvati relatati mal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini u, f’dan il-każ, ta' djar privati. Minħabba d-diffikultajiet li d-djar bi dħul baxx jistgħu jiffaċċjaw, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri ta' għajnuna kif u meta jkun possibbli.

1.10

Il-produzzjoni tal-enerġija deċentralizzata, f’ċerti każijiet, tista’ tgħin biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti f’din l-opinjoni (ara punt 6.8).

2.   Il-faqar fl-enerġija fl-UE

2.1

L-użu tal-enerġija u l-aċċess għaliha huma marbuta mal-benesseri tal-individwi u tal-komunitajiet. Fost il-bosta applikazzjonijiet tagħha, l-enerġija hija kruċjali għall-mobbiltà, it-tisħin u t-tidwil f’oqsma bħall-industrija, is-saħħa, il-biedja kif ukoll fil-ħajja tal-familja u l-attivitajiet fil-ħin liberu.

2.2

Għaldaqstant, iil-kunċett tal-faqar fl-enerġija jista’ jiġi kkunsidrat f’termini makro u mikroekonomiċi. L-aċċess għal biżżejjed enerġija ta' kwalità għolja għall-industrija, il-biedja u setturi oħra huwa essenzjali għall-prosperità u l-kompetittività tal-pajjiż filwaqt li n-nuqqas ta' aċċess għall-enerġija jista’ jwassal għal kriżi ekonomika, qgħad u faqar fuq skala wiesgħa. Madankollu, din l-opinjoni tiffoka primarjament fuq il-politika tal-enerġija li tolqot l-użu domestiku.

2.3

Ikun hem faqar fl-enerġija meta dar issibha diffiċli jew impossibbli biex tiżgura tisħin adegwat bi prezz li jista’ jintlaħaq (bħala referenza, ta' min jadotta d-definizzjoni li tintuża mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li tqis 21 °C fis-salott u 18 °C fil-kmamar okkupati l-oħra bħala standards adegwati ta' tisħin, jew kwalunkwe definizzjoni oħra meqjusa bħala teknikament adatta) u biex ikollha aċċess għal servizzi oħra relatati mal-enerġija, bħat-tidwil, it-trasport jew l-elettriku għall-użu tal-Internet jew ta' tagħmir ieħor bi prezz raġonevoli. Għalkemm din hija definizzjoni ġenerali, jistgħu jiżdiedu kriterji oħra sabiex il-kunċett ikun konformi mal-iżvilupp fis-soċjetà.

2.4

Il-faqar fl-enerġija mhuwiex fenomenu li jista’ jiġi kkwantifikat faċilment, għalkemm jista’ jitkejjel abbażi ta' varjabbli bħan-nuqqas ta' kapaċità li dar iżżomm il-bini msaħħan b’mod adegwat (21 % fl-UE-27, Eurostat), il-perċentwali tal-popolazzjoni li għadha lura fil-ħlas ta' kontijiet (7 % tal-UE-27 fl-2007), jew in-numru ta' djar li għandhom problemi ta' nixxija, xquq u problemi oħra li jaffettwaw il-bini (18 % tal-UE-25 fl-2007, Stħarriġ UE-SILC 2007). Għalkemm in-nuqqas ta' statistika u studji rilevanti jfisser li m’hemmx data affidabbli dwar in-numru ta' individwi milquta, meta jitqabblu l-varjabbli magħrufa u jitqies in-numru ta' studji li ġew ippubblikati, huwa stmat li, fl-Ewropa, tal-anqas 50 miljun persuna huma milquta mill-faqar fl-enerġija (Tackling Fuel Poverty in Europe. Recommendations Guide for Policy Makers. (Nindirizzaw il-faqar fl-enerġija fl-Ewropa. Gwida ta' rakkomandazzjonijiet għall-politiki.) www.fuel-poverty.org.) Madankollu, xi stimi jsostnu li ċ-ċifri huma ħafna ogħla.

2.5

Mhux biss huwa diffiċli li tiġi kkwantifikata l-firxa ta' din il-problema iżda hemm ukoll kontradizzjonijiet bejn l-istatistika Ewropea u dik nazzjonali. Pereżempju, skont id-data tal-UE-SILC, m’hemm ħadd fir-Renju Unit li għadu lura fil-ħlas ta' kontijiet tal-enerġija, filwaqt li r-regolatur nazzjonali tal-enerġija (Ofgem) jistma li hemm madwar 5 % (www.fuel-poverty.org).

2.6

In-numru ta' familji milquta mill-faqar fl-enerġija fl-Ewropa jista’ jiżdied peress li:

madwar 16 % tal-Ewropej qegħdin f’riskju ta' faqar (Rapport Konġunt dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali. Kummissjoni Ewropea, 2009);

bejn l-2005 u l-2007, il-prezz tal-gass għad-djar żdied b’medja ta' 18 % (Eurostat 2007);

bejn l-2005 u l-2007, il-prezz tal-elettriku għad-djar żdied b’medja ta' 14 % (Stħarriġ UE-SILC 2007);

aktar minn 60 % tad-djar tal-UE nbnew mingħajr kunsiderazzjoni għall-istandards tar-regolament dwar it-tisħin.

2.7

Il-faqar fl-enerġija huwa kkawżat minn tliet fatturi: dħul baxx, kwalità mhux adegwata tal-bini u prezzijiet għoljin tal-enerġija.

2.8

L-effetti sekondarji tal-faqar fl-enerġija jistgħu jinkludu problemi tas-saħħa, skonnessjoni min-netwerk mill-provveditur tal-enerġija, użu tal-enerġija inferjuri meta mqabbel mal-istandards u l-akkumulazzjoni tad-dejn.

2.9

L-aktar gruppi soċjali vulnerabbli huma wkoll dawk bl-aktar dħul baxx, bħal dawk li għandhom aktar minn 65 sena, il-familji b’ġenitur wieħed, il-qiegħda, u dawk li jirċievu benefiċċji tas-sigurtà soċjali. Ħafna minn dawk bi dħul baxx jgħixu wkoll f’bini b’iżolament termali mhux adegwat, (Housing Quality Deficiencies and the Link to Income in the EU (In-nuqqasijiet fil-kwalità tal-akkomodazzjoni u r-rabta mad-dħul finanzjarju fl-UE), Orsolya Lelkes. Ċentru Ewropew, Marzu 2010), li jkompli jżid il-faqar fl-enerġija tagħhom

2.10

Xi Stati Membri diġà adottaw miżuri (Good practices experienced in Belgium, Spain, France, Italy and United Kingdom to tackle fuel poverty (Prattiki tajbin fil-Belġju, Spanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit biex jiġi indirizzat il-faqar fl-enerġija) ippubblikat mill-grupp ta' ħidma tal-EPEE) biex inaqqsu n-numru ta' persuni milquta mill-faqar fl-enerġija. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-prattiki tajbin jiffokaw fuq il-kawżi li ġejjin:

il-prezzijiet tal-enerġija (pereżempju tariffi soċjali jew sussidjati);

il-kwalità tal-bini (pereżempju l-promozzjoni ta' effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija fir-residenzi privati u pubbliċi);

id-dħul baxx (pereżempju l-għajnuna finanzjarja).

Bl-istess mod, xi Stati Membri ħadu miżuri korrettivi biex itaffu l-konsegwenzi tal-faqar fl-enerġija, bħal pereżempju l-fatt li l-familji vulnerabbli ma jistgħux jiġu skonnessi fi żminijiet kritiċi.

2.11

It-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija fil-bini huwa aspett ewlieni biex jiġi indirizzat il-faqar fl-enerġija. Il-proposta biex terġa’ titfassal mill-ġdid id-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (COM(2008) 780 finali) tista’ tirrappreżenta opportunità f’dan il-qasam.

3.   Il-kriżi ekonomika u finanzjarja hija riflessa fit-23 miljun individwu qiegħda

3.1

L-ekonomija Ewropea għaddejja mill-aktar reċessjoni qawwija mill-1930 ’il quddiem. Fl-2009, il-PDG tal-UE-27 kien 4,2 % inqas minn dak tal-2008, sena li matulha t-tkabbir diġà kien baxx (+0,8 %). Kien hemm żieda qawwija fil-qgħad, li f’Jannar 2010 kien jammonta għal 9,5 % tal-popolazzjoni attiva (1,5 punti perċentwali aktar mill-istess xahar tas-sena ta' qabel). B’riżultat ta' dan, fl-ewwel xahar tal-2010, 22 979 000 raġel u mara ma kellhomx xogħol. F’termini ta' perċentwali, il-Pajjiżi l-Baxxi (4,2 %) u l-Awstrija (5,3 %) irreġistraw l-aktar ċifri baxxi ta' qgħad; il-Litwanja (22,9 %) u Spanja (18,8 %) irreġistraw l-aktar ċifri għolja (Eurostat).

3.2

Il-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku tal-aħħar tal-2008 ma tax ir-riżultati mistennija. Hekk kif hija ta’ tħassib id-data dwar is-sitwazzjoni attwali, huwa ta' tħassib il-fatt li l-pronjosijiet li saru sal-lum il-ġurnata (inklużi dawk li saru mill-Kummissjoni) jipprevedu rkupru “dgħajjef” fil-futur qarib. Għalkemm tnedew stimuli fiskali li huma ekwivalenti għal 5 % tal-PDG (għall-UE-27), huwa ċar li dawn mhumiex biżżejjed u, speċjalment, li ma teżisti l-ebda “strateġija tal-ħruġ” ikkoordinata tajjeb biex tiġi indirizzata l-kriżi.

3.3

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja li bdiet fl-2007 seħħet fi sfond ta' staġnar jew tnaqqis tal-paga tal-ħaddiema Ewropej. Barra minn hekk, il-miżuri ekonomiċi li pproponew xi Stati Membri biex jonqos il-livell għoli ta' dejn u d-defiċit pubbliku għandhom effett fuq il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali (bħal pereżempju l-pensjonijiet u l-benefiċċji tal-qgħad) u fuq is-servizzi pubbliċi.

3.4

Dan kollu joħloq prospettiva ta' tħassib għall-aktar djar vulnerabbli fil-kuntest ta' prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-enerġija.

4.   Il-politika Ewropea tal-enerġija

4.1

Ix-xewqa li jiġu liberalizzati s-swieq tal-enerġija ilha waħda mill-politiki ewlenin tal-UE tul dawn l-aħħar għoxrin sena. Wara l-Kunsill tal-Enerġija f’Ġunju 1987, li ta spinta ’l quddiem lill-proċess, ġew ippubblikati l-ewwel direttivi dwar il-ftuħ tas-swieq tal-gass u tal-elettriku fl-aħħar tad-disgħinijiet u minn hemm ’il quddiem ittieħdu bosta passi f’din id-direzzjoni.

4.2

B’mod ġenerali, l-għanijiet mixtieqa tal-proċess ta' liberalizzazzjoni kienu l-ksib ta' settur tal-enerġija aktar effiċjenti u ekonomija Ewropea aktar kompetittiva. Madankollu, mhux l-Istati Membri kollha qablu mal-miżuri adottati u, fil-fatt, xi wħud qed jopponu bis-saħħa l-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki.

4.3

Attwalment, hemm konċentrazzjoni konsiderevoli ta' provvista fis-suq tal-operaturi kemm tal-gass (f’10 Stati Membri, l-akbar tliet provvedituri jikkontrollaw 90 % jew aktar tas-suq) kif ukoll tal-elettriku (aktar minn 80 % f’14-il Stat Membru) (COM(2009) 115 finali).

4.4

Il-liberalizzazzjoni hija ta' benefiċċju għall-konsumaturi jekk tippromovi b’mod ġenwin il-kompetizzjoni, iżda f’għadd ta' Stati Membri l-oligopolji privati ħadu post il-monopolji pubbliċi u, b’riżultat ta' dan, jeħtieġ li jiżdiedu l-miżuri li jippromovu t-trasparenza u l-kompetizzjoni fis-settur tal-enerġija.

4.5

Għaldaqstant, ta' min jenfasizza l-bżonn li jiġu implimentati l-miżuri li jinsabu fit-Tielet Pakkett tal-Enerġija. Dawn għandhom l-għan li jistabbilixxu suq ġenwin tal-enerġija bbażat fuq il-kooperazzjoni bejn l-Istati u jinkludu interkonnessjoni bejn in-netwerks, koordinazzjoni aħjar bejn l-operaturi u aktar setgħat għar-regolaturi nazzjonali.

5.   Il-liberalizzazzjoni għandha tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi

5.1

Il-liberalizzazzjoni tippromovi d-deċentralizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-enerġija u għandha tkun mezz kif jinkisbu xi benefiċċji ewlenin, bħal pereżempju prezzijiet aktar baxxi u provvista garantita tal-enerġija, kwalità mtejba tas-servizzi, għażla ikbar, u għażla li hija adatta għall-ħtiġijiet tal-konsumatur b’mod ġenerali u tal-konsumatur vulnerabbli b’mod partikolari. Madankollu, l-esperjenzi inizjali tal-Istati Membri kixfu ċerti problemi minħabba n-nuqqas ta' trasparenza fit-tariffi u l-prezzijiet għoljin, fost affarijiet oħra.

5.2

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-prezzijiet fl-ewwel nofs tal-2009 kienu ogħla mill-2008, għalkemm it-tendenza fir-rigward tal-prezzijiet taż-żejt tindika tnaqqis aktar sinifikanti fil-prezzijiet tal-utent aħħari. Dan jista’ jkun, parzjalment, minħabba d-dewmien taż-żmien li t-tibdil tal-prezzijiet fis-suq taż-żejt jeħtieġ li jiġi inkluż fil-prezzijiet tal-utent aħħari. Madankollu, jidher li t-tnaqqis li kien hemm fin-nefqa tal-operaturi tal-enerġija ma ġiex rifless bis-sħiħ fil-prezzijiet tal-utent aħħari (ara COM(2009) 115 finali).

5.3

B’konsegwenza t’hekk, is-servizzi tal-provvista tal-elettriku u tal-gass qed ikollhom impatt mhux sodisfaċenti fuq il-baġits tad-djar. 60 % tal-konsumaturi stqarru li l-provveditur tal-enerġija tagħhom żied il-prezzijiet, filwaqt li 3-4 % biss osservaw tnaqqis. Is-servizzi tal-provvista tal-elettriku u l-gass kellhom riżultati partikolarment ħżiena f’termini ta' tqabbil tas-servizzi u l-faċilità li jinbidel il-provveditur. Is-settur tal-enerġija huwa settur fejn il-konsumatur l-anqas li jbiddel il-provveditur: 7 % biss tal-konsumaturi bidlu l-provveditur tal-gass tagħhom, u 8 % biss bidlu l-provveditur tal-elettriku tagħhom. (Il-Kummissjoni Ewropea, It-Tieni Rapport Annwali tal-UE dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumaturi, 2 ta' Frar 2009).

6.   L-azzjoni tal-Ewropa fir-rigward tal-faqar fl-enerġija

6.1

Il-faqar fl-enerġija huwa prijorità soċjali ġdida li teħtieġ appoġġ fil-livelli kollha. Għalkemm id-dokumenti legali ppreżentati mill-UE huma tajbin (1), ir-reazzjoni tal-Istati Membri sal-lum ma kinitx adegwata. Pereżempju, minkejja l-fatt li d-direttivi dwar il-gass u l-elettriku (l-ewwel Direttiva 2003/53/KE u mbagħad Direttiva 2009/72/KE) saru obbligatorji fis-suq komuni, 10 mis-27 Stat Membru biss jipprovdu tariffi soċjali għall-konsumaturi vulnerabbli u t-terminu “konsumatur vulnerabbli” jintuża b’mod komuni fi 8 Stati Membri biss (Status Review of the definitions of vulnerable customer, default supplier and supplier of last resort. (Reviżjoni tal-istatus tad-definizzjonijiet ta' konsumatur vulnerabbli, ta' provveditur b’kontumaċja u provveditur tal-aħħar għażla) (ERGEG, 2009).

6.2

Mhux l-Istati Membri kollha qed jindirizzaw din il-problema u dawk li qed jindirizzawha qed jaġixxu għal rashom mingħajr ma jfittxu li jistabbilixxu sinerġiji ma' oħrajn, u dan jagħmilha aktar diffiċli biex jiġi identifikat, evalwat u indirizzat il-faqar fl-enerġija fil-livell Ewropew. Biex nagħtu eżempju wieħed, id-definizzjoni tar-Renju Unit hija differenti minn dik li tintuża fl-Istati Membri l-oħra u tqis li jkun hemm faqar fl-enerġija meta familja jkollha bżonn tonfoq aktar minn 10 % tad-dħul tagħha biex issaħħan id-dar sa standard adegwat ta' sħana. Anke fid-dokumenti tal-UE, id-definizzjoni tvarja.

6.3

Kull Stat Membru li jkun qed jaġixxi fil-qafas tar-regoli stabbiliti tal-kompetizzjoni (nazzjonali, reġjonali jew lokali) huwa responsabbli biex jindirizza l-faqar fl-enerġija, però fin-nuqqas ta' leġislazzjoni nazzjonali effettiva dwar il-gass u l-elettriku, l-UE għandha tieħu azzjoni, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif definit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Fir-rigward ta' karburanti oħra, bħall-faħam, ir-responsabbiltà hija biss f’idejn l-Istati Membri.

6.4

L-Unjoni Ewropea toħroġ liġijiet dwar il-politika tal-enerġija, għandha setgħat f’dan il-qasam u għaldaqstant għandha impatt, kemm dirett kif ukoll indirett, fuq il-faqar fl-enerġija fl-Istati Membri. Għaldaqstant, l-UE għandha taġixxi u tfassal politiki fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha.

6.5

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi tal-Enerġija (COM(2007) 386 finali) “Lejn l-adozzjoni ta' Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi tal-Enerġija” u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2008 (P6 – TA(2008) 0306), li dwarha l-KESE stqarr (2) li tinħtieġ forma legali vinkolanti biex jiġu garantiti d-drittijiet tal-pubbliku, kif sar f’okkażjonijiet oħra (3). Il-Kummissjoni rtirat din il-Karta u inkludiet xi punti fit-Tielet Pakkett tagħha, fid-dawl tal-fatt li dan jista’ jkollu impatt akbar (pereżempju, Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 2009/72/KE).

6.6

Fir-rigward tas-suġġett ta' din l-opinjoni, ta' min ifakkar li t-test tal-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali, li tiddikjara li “[s]abiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti, skont ir-regoli stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiki nazzjonali” (Artikolu 34) u l-obbligu li tiżgura livelli għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur (Artikolu 38).

6.7

Il-KESE jtenni l-importanza li jiġi żgurat li tiġi implimentata l-garanzija ta' servizz universali, li jiġu rrispettati l-obbligi tas-servizz pubbliku, il-protezzjoni tal-gruppi soċjali li huma ekonomikament żvantaġġati u li jiffaċċjaw il-faqar fl-enerġija, pereżempju billi tiġi pprojbita l-iskonnessjoni fi żminijiet kritiċi, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u prezzijiet li jkunu raġonevoli, li jkunu jistgħu jitqabblu b’mod faċli u ċar u li jkunu trasparenti. (4)

6.8

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-benefiċċji potenzjali tal-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija f’xi każijiet għall-konsumaturi – inklużi l-aktar konsumaturi vulnerabbli – peress li b’hekk:

il-produzzjoni tkun aktar qrib iċ-ċentri tal-konsum, billi jiġu installati unitajiet iżgħar, u b’hekk jonqos it-telf tal-enerġija minħabba t-trasport (fil-każ tal-elettriku, dan huwa stmat għal madwar 7 % u 10 %);

tiġi promossa l-ġenerazzjoni ta' enerġiji rinnovabbli;

tingħata spinta lill-iżvilupp teknoloġiku;

ikun hemm il-potenzjal li jinħolqu l-impjiegi u tiġi kkomplementata l-produzzjoni tal-enerġija.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p.55, Artikolu 7.

(2)  ĠU C 151, 17.6.2008, p. 27.

(3)  ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti)

(4)  ĠU C 151, 17.6.2008, p. 27.


Top