EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AR0200

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal u Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi

ĠU C 141, 29.5.2010, p. 50–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/50


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal u Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi

2010/C 141/10

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jaqbel mal-fehma li l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inkluża l-pornografija tat-tfal, fil-kuntest tat-traffikar tal-bnedmin ma’ forom oħrajn ta’ sfruttament bħal dak tat-tallaba, l-involviment f’netwerks tal-kriminalità minuri (petty crime) jew it-tneħħija tal-organi, huma ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u b’mod speċjali tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet tat-tfal, u jeħtieġ li jkun hemm approċċ konġunt li ma jafx kompromessi min-naħa tal-UE;

huwa konxju li immaġnijiet pornografiċi tal-abbuż sesswali tat-tfal, u forom oħra ta’ sfruttament sesswali tat-tfal, qed jiżdiedu u jinfirxu permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda u għadhom ma ttiħdux miżuri rapidi u effettivi biżżejjed b’risposta għal dan. Għaldaqstant jeħtieġ rispons xieraq fil-livelli kollha, inkluż l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet għal persunal rilevanti tal-aġenzija fil-livell lokali u reġjonali, sabiex dawn l-attivitajiet jiġu identifikati u evitati;

jaqbel li l-pieni għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati mal-gravità tar-reat, anke bil-għan li l-proċeduri ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni jkunu iktar effettivi, u jitjiebu l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali;

jappoġġja l-fehma li reati kriminali serji bħall-abbuż sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, u forom oħra ta’ sfruttament marbuta mat-traffikar, jesiġu approċċ komprensiv li jkopri l-prosekuzzjoni ta’ min jikser il-liġi, il-ħarsien tat-tfal vittmi, u l-prevenzjoni u l-monitoraġġ ta’ dan il-fenomenu, inklużi miżuri ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u miżuri edukattivi;

ifakkar li t-traffikar tal-bnedmin hija kemm kwistjoni globali kif ukoll problema lokali; għalhekk huwa importanti ħafna li l-aġenziji lokali jkunu fuq quddiem f’din il-ġlieda. L-infurzar tal-liġi u l-politiki tal-prosekuzzjoni jistgħu jkunu effettivi biss jekk ikun hemm sħubija estensiva li taħdem bil-parteċipazzjoni tal-livelli kollha tal-gvern, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, is-settur privat, l-għaqdiet tal-ħaddiema u l-NGOs.

Relatur

:

Is-Sur Ján Oravec (SK/PPE), Sindku ta’ Štúrovo

Dokumenti ta’ referenza

Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal li tħassar id-Deċiżjoni-Qafas 2004/68/JHA

COM(2009) 135 finali

Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi li tirrevoka d-Deċiżjoni Kwadru 2002/629/JHA

COM(2009) 136 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jaqbel mal-fehma li l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inkluża l-pornografija tat-tfal, fil-kuntest tat-traffikar tal-bnedmin ma’ forom oħrajn ta’ sfruttament bħal dak tat-tallaba, l-involviment f’netwerks tal-kriminalità minuri (petty crime) jew it-tneħħija tal-organi, huma ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u b’mod speċjali tad-dinjità tal-bniedem (Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) u tad-Drittijiet tat-Tfal (Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni ta’ New York dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989), u jeħtieġ li jkun hemm approċċ konġunt li ma jafx kompromessi min-naħa tal-UE;

2.

jisħaq li peress li l-livelli lokali u reġjonali huma l-eqreb għaċ-ċittadini jistgħu jkunu l-ewwel punt ta’ kuntatt għall-vittmi tal-abbuż sesswali. Allokazzjoni mtejba tar-riżorsi tikkontribwixxi lejn parteċipazzjoni aktar komprensiva fil-politika, flimkien ma’ strateġiji li jiġġieldu dan il-fenomenu;

3.

huwa konxju li immaġnijiet pornografiċi tal-abbuż sesswali tat-tfal, u forom oħra ta’ sfruttament sesswali tat-tfal, qed jiżdiedu u jinfirxu permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda u għadhom ma ttiħdux miżuri rapidi u effettivi biżżejjed bħala rispons għal dan. Għaldaqstant jeħtieġ rispons xieraq fil-livelli kollha, inkluż l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet għal persunal rilevanti tal-aġenzija fil-livell lokali u reġjonali, sabiex dawn l-attivitajiet jiġu identifikati u evitati;

4.

id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/JHA dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali u l-pornografija tat-tfal, li għandhom dimensjoni transkonfinali mdaqqsa, tqarreb il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri sabiex jiġu kkriminalizzati l-forom l-iktar serji ta’ abbuż u sfruttament sesswali tat-tfal u biex tiġi estiża l-ġuriżdizzjoni lokali u jingħata livell minimu ta’ għajnuna għall-vittmi – wara, kif ukoll qabel, ma tgħaddi s-sentenza;

5.

huwa tal-fehma li l-Protokoll mhux obbligatorju tan-NU tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-Bejgħ tat-Tfal, il-Prostituzzjoni tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal, u b’mod partikolari l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħarsien tat-Tfal mill-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali huma passi kruċjali fil-proċess tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam. Għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħu miżuri iktar attivi biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa;

6.

jappoġġja l-fehma li reati kriminali serji bħall-abbuż sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, u forom oħra ta’ sfruttament marbuta mat-traffikar, jesiġu approċċ komprensiv li jkopri l-prosekuzzjoni ta’ min jikser il-liġi, il-ħarsien tat-tfal vittmi, u l-prevenzjoni u l-monitoraġġ ta’ dan il-fenomenu, inklużi miżuri ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u miżuri edukattivi. Kwalunkwe miżura sabiex jiġu miġġielda dawn ir-reati għandha ssir fl-aħjar interess u b’rispett tad-drittijiet tat-tfal. Id-Deċiżjoni Qafas 2004/68/JHA trid tiġi sostitwita minn strument ġdid li jipprovdi qafas legali komprensiv sabiex jintlaħaq dan il-għan u jipproteġi lit-tfal fl-Istati Membri kollha minn kriminali mill-Istati Membri kollha;

7.

jappoġġja l-fehma li forom serji ta’ abbuż u sfruttament sesswali tat-tfal għandhom ikunu soġġetti għal pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawn jinkludu, b’mod partikulari, forom ġodda ta’ abbuż u sfruttament sesswali li jiġu faċilitati mill-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni. Id-definizzjoni tal-pornografija tat-tfal trid tiġi kkjarifikata wkoll biex titqarreb lejn dik li tinstab fl-istrumenti internazzjonali. Ir-regoli ta’ proċedura jridu jiġu armonizzati wkoll sabiex jiġi żgurat li l-kriminali jiġu ttrattati l-istess, u fuq kollox, jiġi evitat dewmien mhux neċessarju li jista’ jdgħajjef id-dimensjoni ta’ riabilitazzjoni tas-sentenza;

8.

għandhom jiġu faċilitati l-investigar tar-reati u t-tressiq ta’ proċeduri kriminali, u għandha titqies id-diffikultà li jiffaċċjaw it-tfal vittmi biex jirrappurtaw abbuż, barra mill-anonimità tal-persuni ħatja fl-ispazju ċibernetiku. Għandu jiġi stabbilit mandat ċar għall-investigar, bil-materjal u l-ġurisdizzjoni territorjali ddefiniti b’mod ċar;

9.

huwa tal-fehma li biex ikunu jistgħu jagħtu kontribut effettiv f’din il-ġlieda, il-pulizija muniċipali u komunali, li għandhom fehim sod tal-kuntest lokali u li jistgħu jaqdu rwol deċiżiv fit-tkixxif ta’ din l-attività kriminali, għandu jkollhom aċċess għall-bażijiet tad-data, għandhom ikunu mħarrġa biex jidentifikaw dan it-tip ta’ attività kriminali u fl-aħħar mill-aħħar għandhom jingħataw poteri adegwati;

10.

jaqbel li regoli dwar il-ġurisdizzjoni għandhom jiġu emendati sabiex ikun żgurat li dawk li jabbużaw jew jisfruttaw sesswalment mit-tfal li huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea jitressqu quddiem il-qorti anke jekk wettqu r-reati tagħhom barra mill-Unjoni Ewropea, b’mod partikulari fil-kuntest tal-hekk imsejjaħ turiżmu sesswali. Madankollu, l-UE trid teżerċita wkoll l-influwenza politika u ekonomika tagħha sabiex ikun hemm ambjent legali simili fil-pajjiżi li mhumiex fl-UE;

11.

jaqbel li t-tfal vittmi għandu jkollhom aċċess faċli għal rimedji legali u m’għandhomx ibatu għax jipparteċipaw fi proċeduri kriminali. It-teknoloġiji varji disponibbli għall-ġbir tax-xhieda tal-vittmi għalhekk għandhom jintużaw bħala proċedura normali, b’mod speċjali fil-każ tat-tfal. Dan se jnaqqas il-bżonn ta’ dikjarazzjonijiet ripetuti jew kuntatt dirett bejn il-vittmi u min wettaq ir-reat;

12.

jirrikonoxxi li, sabiex tiġi evitata u minimizzata r-reċidività, dawk li jikkommettu dawn ir-reati għandhom dejjem ikunu soġġetti għal evalwazzjoni ta’ kemm huma perikolużi u tar-riskji possibbli li jirrepetu reati sesswali kontra t-tfal, barra milli għandu jkollhom aċċess għal programmi jew miżuri ta’ intervenzjoni effettivi fuq bażi volontarja, li fihom l-awtoritajiet lokali wkoll għandhom ikunu involuti b’mod attiv;

13.

jipproponi li, fejn il-ħatja huma perikolużi u fejn hemm ir-riskju li dawn iwettqu reati oħra, huma għandhom jitwaqqfu, b’mod temporanju jew permanenti, milli jipparteċipaw f’attivitajiet li jinvolvu kuntatt regolari mat-tfal. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-projbizzjonijiet fl-UE għandha tiġi faċilitata u l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti fil-proċess;

14.

sabiex tiġi miġġielda l-pornografija tat-tfal, speċjalment fejn il-materjal oriġinali ma joriġinax fl-UE, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jwaqqfu l-aċċess, fit-territorju tal-Unjoni, għal paġni tal-internet li huma identifikati bħala paġni li fihom jew li minnhom tixxerred il-pornografija tat-tfal;

15.

b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, din id-Deċiżjoni Qafas tillimita lilha nnifisha għall-minimu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi fil-livell Ewropew u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan il-għan;

16.

jinnota li din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u notevolment id-dinjità tal-bniedem, il-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattament u l-pieni inumani jew degradanti, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt tal-libertà u s-sigurtà, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-ħarsien tad-data personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess legali ġust u l-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità fil-każ ta’ reati kriminali u pieni. B’mod partikulari, din id-Deċiżjoni Qafas tfittex li tiżgura rispett sħiħ lejn dawn id-drittijiet. Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandiex l-għan li tirregola l-attivitajiet sesswali konsenswali bejn persuni minorenni;

17.

ifakkar li t-traffikar tal-bnedmin hija kemm kwistjoni globali kif ukoll problema lokali; għalhekk huwa importanti ħafna li l-aġenziji lokali jkunu fuq quddiem f’din il-ġlieda. L-infurzar tal-liġi u l-politiki tal-prosekuzzjoni jistgħu jkunu effettivi biss jekk ikun hemm sħubija estensiva li taħdem bil-parteċipazzjoni tal-livelli kollha tal-gvern, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, is-settur privat, l-għaqdiet tal-ħaddiema u l-NGOs;

18.

jaqbel li t-traffikar tal-bnedmin huwa reat serju, li ta’ sikwit jitwettaq fil-qafas tal-kriminalità organizzata, u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Għaldaqstant jappoġġja approċċ olistiku, komuni u bla kompromessi tal-UE, u jikkunsidra li dan huwa wieħed mill-ħidmiet prijoritarji tiegħu;

19.

jappoġġja l-impenn tal-Unjoni Ewropew lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-ħarsien tad-drittijiet ta’ persuni li jiġu ttraffikati. Għal dan il-għan, ġew adottati d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/JHA tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-Pjan tal-UE dwar l-aħjar prattiki, standards u proċeduri għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-prevenzjoni tiegħu (2005/C311/01);

20.

jilqa’ l-fatt li din id-Deċiżjoni Qafas tadotta approċċ integrat u olistiku għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Prevenzjoni, prosekuzzjoni u ħarsien tad-drittijiet tal-vittmi iktar rigorużi, huma objettivi ewlenin ta’ din id-Deċiżjoni Qafas. Minħabba l-età tagħhom, it-tfal jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet ta’ periklu, għax huma iktar vulnerabbli u għalhekk iktar fir-riskju li jisfaw vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu applikati fid-dawl tal-aħjar interessi tat-tfal, b’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989;

21.

huwa konxju li l-Protokoll għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u tat-Tfal, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Tranżnazzjonali Organizzatau l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2005 kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, huma passi kruċjali fil-proċess tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin. Sabiex jissaħħaħ il-proċess ta’ tqarrib tal-leġiżlazzjoni, din id-Deċiżjoni Qafas tadotta d-definizzjoni wiesgħa tar-reat inkluża fl-istrumenti tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa msemmija hawn fuq. Id-definizzjoni tkopri t-tipi differenti ta’ vittma – mhux biss nisa iżda wkoll tfal u anke rġiel, flimkien mal-forom varji ta’ sfruttament – mhux biss sesswali iżda wkoll marbuta max-xogħol, id-drawwa li wieħed jittallab u l-involviment f’netwerks tal-kriminalità minuri (petty crime) taż-żgħażagħ, kif ukoll it-traffikar tal-bnedmin għal finijiet tat-tneħħija tal-organi, li jista’ jkollu rabta mat-traffikar tal-organi u jikkostitwixxi ksur serju tad-dinjità tal-bniedem u tal-integrità fiżika;

22.

jaqbel li l-pieni għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati mal-gravità tar-reat, anke bil-għan li l-proċeduri ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni jkunu iktar effettivi, u jitjiebu l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali. Ċirkustanzi aggravanti għandhom iqisu l-ħtieġa biex jiġu protetti b’mod partikolari vittmi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli inklużi t-tfal vittmi u l-adulti li huma vulnerabbli minħabba ċirkostanzi personali, jew il-konsegwenzi fiżiċi jew psikoloġiċi tar-reat; fi kwalunkwe każ, tinħtieġ il-kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet kollha li jaħdmu għall-protezzjoni tal-minorenni u ta’ dawk li huma attivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u hemm bżonn ukoll investigazzjoni effiċjenti min-naħa tal-awtoritajiet li jinfurzaw il-liġi u qrati effettivi;

23.

jappoġġja l-fehma li l-vittmi għandhom ikunu protetti mill-prosekuzzjoni u minn pieni, wara deċiżjoni tal-awtorità kompetenti, għal attivitajiet kontra l-liġi li kienu involuti fihom b’konsegwenza diretta tal-fatt li kienu soġġetti għal kwalunkwe mezz illegali li jintuża mit-traffikanti, bħall-ksur tal-liġijiet tal-immigrazzjoni, l-użu ta’ dokumenti foloz jew reati stipulati mil-liġijiet tal-prostituzzjoni. Madankollu, iċ-ċirkostanzi għandhom jiġu ġġudikati b’mod konsistenti u b’sensittività. Għan addizzjonali ta’ din il-protezzjoni huwa li huma jiġu mħeġġa jkunu xhieda fi proċeduri kriminali;

24.

waqt li d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2001 dwar il-parteċipazzjoni tal-vittmi fi proċeduri kriminali (2001/220/JHA) tistabbilixxi sensiela ta’ drittijiet tal-vittmi fi proċeduri kriminali, inkluż id-dritt għall-protezzjoni u l-kumpens, il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin bl-istess mod jinsabu f’sitwazzjoni vulnerabbli u għalhekk hemm bżonn ta’ miżuri speċfiċi fir-rigward tagħhom. Dawn il-vittmi, li jbatu mill-konsegwenzi tal-attivitajiet kriminali relatati mat-traffikar tal-bnedmin, inkluża t-tneħħija tal-organi, għandhom ikunu protetti mill-intimidazzjoni u minn vittimizzazzjoni sekondarja, jiġifieri aktar vittimizzazzjoni jew trawmi minħabba l-mod kif il-proċedura kriminali titwettaq. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti mezzi speċifiċi sabiex jiġu żgurati protezzjoni u kumpens effettivi;

25.

jemmen li l-vittmi għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv. Għalhekk lill-vittmi għandha tingħatalhom għajnuna xierqa – f’xi każijiet obbligatorja b’mod universali – qabel, matul u wara l-proċeduri kriminali. Id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi obbligu fuq l-Istati Membri biex jipprovdu l-għajnuna lil kull vittma, li għandha twassalhom sal-irkupru u għall-protezzjoni tagħhom;

26.

jinsab konvint li t-traffikar tal-bnedmin iġib miegħu ħafna flus u jakkumula ġid kbir għall-kriminali involuti f’din l-attività illegali u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw l-assi kkonfiskati mingħand il-kriminali biex iħallsu għal servizzi terapewtiċi u ta’ integrazzjoni addizzjonali għal dawn it-tfal;

27.

waqt li d-Direttiva 2004/81/KE tagħti dispożizzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li huma ta’ nazzjonalità minn pajjiż terz, u d-Direttiva 2004/38/KE tirregola l-eżerċizzju tad-dritt li ċittadini tal-Unjoni u l-familji tagħhom ikunu ħielesa jiċċaqlaqu u jgħixu fit-territorju tal-Istati Membri, inkluż il-protezzjoni mill-espulsjoni, din id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixi miżuri protettivi speċifiċi għal kull vittma tat-traffika tal-bnedmin u ma tittrattax il-kundizzjonijiet tar-residenza tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri jew kwalunkwe kwistjoni oħra li hija kompetenza Komunitarja;

28.

huwa tal-fehma li barra minn miżuri disponibbli għall-adulti, kull Stat Membru għandu jiżgura li miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni jkunu disponibbli għat-tfal vittmi;

29.

jilqa’ l-inizjattiva li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u/jew isaħħaħ il-politiki għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, inklużi miżuri li jiskoraġġixxu d-domanda għal kull tip ta’ sfruttament, permezz tar-riċerka, l-informazzjoni, l-edukazzjoni ta’ sensibilizzazzjoni u kampanji tal-mezzi tax-xandir fl-Ewropa kollha li jippromovu definizzjoni olistika tat-traffikar u jiġġieldu l-“vittimizzazzjoni sekondarja”. Fi ħdan dawn l-inizjattivi kull Stat Membru għandu jadotta perspettiva msejsa fuq is-sess tal-persuna kkonċernata u approċċ li jqis sew id-drittijiet tat-tfal;

30.

[Id-Direttiva 2009/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- … li tagħti dispożizzjoni għal standards minimi fuq sanzjonijiet kontra dawk li jimpjegaw persuni ta’ minn pajjiżi terzi li huma fil-pajjiż illegalment] tagħti dispożizzjoni għal pieni għal dawk li jimpjegaw persuni minn pajjiż terzi li huma fil-pajjiż illegalment li, minkejja li mhumiex ħatja ta’ traffikar tal-bnedmin, jużaw ix-xogħol jew is-servizzi ta’ persuna meta jkunu jafu li din il-persuna kienet vittma tat-traffikar. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom iqisu l-possibilità li jimponu sanzjonijiet fuq dawk li jużaw kwalunkwe servizz li jingħata minn vittma, meta wieħed kien jaf li l-persuna ġiet ittraffikata;

31.

jaqbel mal-proposta li permezz tagħha għandhom jiġu stabbiliti sistemi nazzjonali ta’ monitoraġġ bħal Relaturi Nazzjonali jew mekkaniżmi ekwivalenti li jiġbru d-data u jwettqu evalwazzjonijiet dwar it-tendenzi fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin, ikejlu r-riżultati tal-politika kontra t-traffikar, u joffru servizz ta’ konsulenza lill-gvernijiet u lill-parlamenti dwar l-iżvilupp ta’ azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin;

32.

jinnota l-ħtieġa li jiġu indirizzati wkoll ir-raġunijiet għalfejn gruppi organizzati jistgħu jittraffikaw il-bnedmin. Dawn ir-raġunijiet huma prinċipalment id-disperazzjoni u s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali li ta’ sikwit ma tkunx sostenibbli fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Ħafna vittmi huma litteralment mogħtija lil dawn il-gruppi organizzati bil-prospett ta’ titjib fis-sitwazzjoni tagħhom. Il-gruppi mbagħad jisfruttaw il-vittmi tagħhom bħala ħaddiema illegali, prostituti, tallaba, u għat-teħid ta’ organi tal-ġisem u attivitajiet illegali oħrajn;

33.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-identifikazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet kriminali u l-orġini tagħhom kif ukoll il-monitoraġġ tal-ambjent kriminali jistgħu jiġu ffaċilitati sew mill-pulizija muniċipali u komunali li għandhom fehim iddettaljat tal-ambjent lokali. Iżda biex dan isir, dawn għandu jkollhom aċċess għall-bażijiet tad-data, għandhom jitħarrġu biex jidentifikaw dan it-tip ta’ attivitajiet kriminali u għandhom jingħataw poteri adegwati;

34.

jappoġġja bil-qawwa l-miżuri tal-Unjoni Ewropea biex twaqqaf l-immigrazzjoni illegali, peress li l-immigranti illegali huma vittmi potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin;

35.

jirrikonoxxi li peress li l-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, jiġifieri l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri waħedhom, u għalhekk, jista’ jintlaħaq aħjar, minħabba l-iskala u l-effetti, fil-livell tal-Unjoni, l-UE tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 2 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. B’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni Qafas ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan l-objettiv;

36.

jinnota li din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u notevolment id-dinjità tal-bniedem, il-projbizzjoni tal-iskjavitù, ix-xogħol sfurzat u t-traffikar tal-bnedmin, il-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattament u l-pieni inumani jew degradanti, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt tal-libertà u s-sigurtà, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-ħarsien tad-data personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess legali ġust u l-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità fil-każ ta’ reati kriminali u pieni;

37.

jirrikonoxxi l-fatt li persuni ttraffikati huma invarjabbilment trawmatizzati u stigmatizzati mill-esperjenzi tagħhom u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali bosta drabi jġorru l-piż tar-responsabbiltà għas-servizzi ta’ rijabilitazzjoni u rilokazzjoni. Dan ir-rwol għandu jiġi rikonoxxut u għandhom isiru disponibbli riżorsi adegwati sabiex jgħinu fil-proċess.

II.   RAKKOMANDAZZJONI SABIEX TITRESSAQ EMENDA

Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi, Artikolu 10(4)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-vittmi għandhom ikunu mogħtija l-għajnuna u l-appoġġ meħtieġ mill-Istati Membri, fil-qafas tal-proċeduri kriminali, biex ikunu jistgħu jirkupraw u jaħarbu mill-influwenza ta’ min wettaq ir-reat, inkluż billi jkunu pprovduti b’akkomodazzjoni sikura u għajnuna materjali, il-kura medika meħtieġa, inkluż għajnuna psikoloġika, counselling u tagħrif, għajnuna biex tippermetti li d-drittijiet u l-interessi tagħhom ikunu ppreżentati u kkunsidrati fil-proċeduri kriminali u servizzi ta’ traduzzjoni u interpretazzjoni fejn xieraq. L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb il-bżonnijiet speċjali ta’ min hu l-iktar vulnerabbli.

Il-vittmi għandhom jingħataw l-għajnuna u l-appoġġ meħtieġ mill-Istati Membri fil-qafas tal-proċeduri kriminali, L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb il-bżonnijiet speċjali ta’ min hu l-iktar vulnerabbli.

Brussell, 3 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


Top