EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AR0146

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar futur sostenibbli għat-trasport: lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista' tintuża faċilment

ĠU C 141, 29.5.2010, p. 31–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/31


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar futur sostenibbli għat-trasport: lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista' tintuża faċilment

2010/C 141/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li sabiex tinkiseb sistema ta’ trasport sostenibbli s-soluzzjoni mhix li titpoġġa restrizzjoni fuq is-servizzi tat-trasport; il-kwistjoni mhix l-ammont ta’ passiġġieri jew oġġetti li jiġu trasportati, iżda l-mod kif jiġu trasportati. Id-drawwiet fil-qasam tat-trasport li mhumiex ibbażati fuq is-sostenibbiltà jistgħu jinqerdu biss permezz ta’ politika tal-prezzijiet adegwata fis-settur tat-trasport, għalhekk importanti li tinstab soluzzjoni ġusta u trasparenti għall-allokazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport għall-mezzi ta’ trasport kollha;

jenfasizza li sabiex is-sistema tat-trasport issir iktar sostenibbli jeħtieġ li tiġi indirizzata l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku. Dan ma jistax iseħħ permezz ta’ żieda fil-kapaċità tan-netwerks tat-trasport biss għax l-impatt ambjentali tan-netwerks kbar faċilment jilħaq livelli li mhumiex aċċettabbli; għaldaqstant għandha tissaħħaħ il-kompetittività tas-sistemi tat-trasport sostenibbli;

jistqarr li huwa fl-interess tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jappoġġjaw alternattivi għat-trasport bit-triq, b’mod partikolari f’każijiet ta’ konġestjoni u speċjalment fir-reġjuni sensittivi u f’żoni b’kundizzjonijiet naturali ħorox, billi dawn iwasslu għal problemi serji ta’ storbju, egżost, tniġġis, dewmien, deterjorazzjoni rapida tat-toroq u jikkawżaw infiq kbir għall-manutenzjoni tat-toroq;

jenfasizza li n-netwerks tat-trasport fiż-żoni urbani, periurbani u reġjonali huma komponenti prinċipali tan-netwerks tat-trasport u l-katina tal-provvista globali u jirrikjedu attenzjoni partikolari;

jitlob li l-White Paper dwar it-Trasport tibgħat sinjal politiku qawwi lejn ir-reviżjoni tal-baġit tal-UE li jmiss sabiex l-allokazzjonijiet finanzjarji futuri tal-UE għat-trasport ikunu jaqblu mal-miri ddikjarati tal-UE u viċi versa.

Relatur

:

Is-Sur Väino Hallikmägi, membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Pärnu, l-Estonja, (EE/ALDE)

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Futur sostenibbli għat-trasport: Lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista’ tintuża faċilment”

COM(2009) 279 finali.

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar futur sostenibbli għat-trasport li hija l-ewwel pass lejn reviżjoni tal-politika tat-trasport tal-UE għas-snin li ġejjin;

2.

huwa jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-politika tat-trasport għandha tkun ibbażata fuq viżjoni twila u sostenibbli għall-mobilità tal-persuni u tal-oġġetti. Sabiex il-politika tat-trasport tinbena fid-dawl ta’ din il-viżjoni, kundizzjoni bażika hija stima korretta tat-tendenzi li jolqtu lis-settur tat-traffiku;

3.

huwa tal-fehma li n-netwerks tat-trasport tal-ġejjieni għandhom joffru aċċess tajjeb għar-reġjuni tal-Ewropa kollha. Din hija waħda mill-prerekwiżiti bażiċi sabiex tkun tista’ tiġi żgurata l-koeżjoni territorjali tal-UE. Dan jolqot b’mod kruċjali t-tisħiħ tal-integrazzjoni soċjali u ekonomika u l-garanzija ta’ żvilupp sostenibbli. L-implimentazzjoni tal-politika tat-trasport titlob li l-Istati Membri juru rieda akbar u iktar appoġġ għall-istrateġiji sostenibbli u innovattivi tat-trasport;

Rakkomandazzjonijiet ta’ politika

4.

jemmen li fir-reviżjoni tal-White Paper dwar il-politika tat-trasport hemm bżonn li l-fatturi esterni u l-iżvilupp fis-settur tat-trasport, il-konsegwenzi tagħhom u l-kooperazzjoni bejniethom jiġu analizzati b’mod iktar sistematiku u iktar fid-dettall minn qabel. Barra minn hekk jeħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll l-effetti tat-tibdil fil-klima u fl-ekonomija fuq is-settur tat-trasport u l-fatturi li jinfluwenzawh;

5.

huwa tal-fehma li d-dokument strateġiku dwar l-iżvilupp għandu jiġi akkumpanjat minn analiżi (komparattiva) tal-effetti soċjoekonomiċi u ambjentali tad-deċiżjonijiet politiċi u l-miżuri pjanati. Idealment, ir-riżultati tal-analiżi għandhom jaslu għand l-Istati Membri u r-reġjuni sabiex ikunu jistgħu jiġu stmati d-differenzi possibbli fl-effetti tal-politika komuni tat-trasport. Huwa importanti li jitqiesu l-approċċi ta’ direzzjoni konċettwali kollha għall-politika tat-trasport li huma rilevanti għal dibattitu dwar il-ġejjieni tat-trasport;

6.

jemmen li huwa importanti li meta tkun qed titfassal il-politika Ewropea tat-trasport l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri individwali jkunu jistgħu jkollhom influwenza akbar fil-proċess ta’ tħejjija tal-pjani strateġiċi u tat-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex jiġi żgurat qafas regolatorju u tal-ippjanar li jippermetti l-implimentazzjoni tal-inizjattivi u l-miżuri fis-settur tat-trasport. Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali u reġjonali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jiġġudikaw liema miżuri jinħtieġu sabiex jiġu solvuti l-problemi tat-trasport lokali u reġjonali. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jiġi rispettat meta l-livell nazzjonali u l-UE jappoġġjaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

7.

jenfasizza li fl-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-prijoritajiet fir-rigward ta’ netwerks jew proġetti. Sabiex l-infrastrutturi prijoritarji jkunu jistgħu jinbnew malajr jeħtieġ li jiġi żgurat l-appoġġ politiku u finanzjarju tal-istituzzjonijiet ċentrali tal-UE u tal-gvernijiet nazzjonali;

8.

jenfasizza li matul l-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, fejn l-approċċ preċedenti bbażat fuq il-proġetti (30 proġett prijoritarju) ser jiġi sostitwit minn approċċ li jiddistingwi bejn in-netwerk globali u n-netwerk prinċipali TEN-T, hemm bżonn li r-reġjuni periferiċi, ir-reġjuni ta’ mal-fruntieri u r-reġjuni b’kundizzjonijiet naturali diffiċli tal-UE jingħataw biżżejjed attenzjoni u appoġġ għat-titjib tal-konnessjonijiet tat-trasport bejn iż-żona ċentrali tal-UE u l-pajjiżi ġirien. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-koeżjoni territorjali interna u esterna tal-UE hemm bżonn li jitqies ukoll pereżempju d-divrenzjar tal-konnessjonijiet u l-katini ta’ prijorità tal-politika Ewropea tat-trasport, inklużi l-mekkaniżmi ta’ finanzjament rilevanti. Jeħtieġ li tinħoloq sistema li tagħti indikazzjoni ċara tal-prinċipji u l-modi li skonthom ser jiġu stabbiliti u, jekk ikun hemm bżonn, mibdula jew estiżi n-netwerks TEN-T; il-proġetti prijoritarji li diġà nbdew fil-qasam tat-TEN-T għandhom jintemmu. Għandhom jiġu inklużi wkoll żidiet u estensjonijiet li jipprovdu konnessjonijiet man-netwerk fin-netwerk prinċipali tat-TEN-T. Fl-istess ħin għandha titħeġġeġ koordinazzjoni aħjar tal-proġetti bejn l-Istati Membri sabiex jiġu evitati diskrepanzi fis-sinkronizzazzjoni tal-ippjanar u l-implimentazzjoni, u l-partijiet transkonfinali għandhom jingħataw prijorità;

9.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ċentrali li għandu t-trasport tal-merkanzija sabiex tkun tista’ tiffunzjona l-ekonomija Ewropea. Fl-istess waqt, fis-sistema tat-trasport Ewropea qed jikber dejjem iktar il-piż tal-konġestjoni tat-traffiku, l-aktar minħabba l-iżbilanċ fid-distribuzzjoni bejn il-mezzi ta’ trasport differenti (fil-kundizzjonijiet attwali tas-suq, it-trasport bit-triq għandu vantaġġi kompetittivi sproporzjonati), l-infrastruttura inadegwata u n-nuqqas ta’ interoprabilità bejn il-mezzi ta’ trasport. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa tal-fehma li għal integrazzjoni msaħħa tal-infrastrutturi speċifiċi tat-trasport, jeħtieġ li tingħata prijorità ogħla lill-koordinazzjoni u l-garanzija tal-koerenza tas-soluzzjonijiet adegwati fil-qafas tad-deċiżjonijiet li ser jittieħdu dwar it-TEN-T dwar il-kwistjonijiet relatati mal-mobilità urbana meta jiġu stabbiliti l-prijoritajiet ta’ finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni;

10.

jenfasizza li l-bliet huma element essenzjali u integrali tan-netwerk tat-trasport. Il-bliet huma l-intersezzjonijiet ta’ komunikazzjoni li jgħaqqdu mezzi ta’ trasport differenti u ġeneralment il-post minn fejn tibda jew tispiċċa rotta tat-trasport. Għalhekk it-trasport fil-bliet għandu jingħata l-istess attenzjoni daqs in-netwerks tat-trasport;

11.

jitlob li jkomplu jiġu ssemplifikati l-proċeduri ta’ finanzjament tal-UE u jemmen li l-konsistenza bejn il-programmi ta’ finanzjament tal-UE u dawk nazzjonali hija neċessarja;

12.

jitlob li l-White Paper dwar it-Trasport tibgħat sinjal politiku qawwi lejn ir-reviżjoni tal-baġit tal-UE li jmiss sabiex l-allokazzjonijiet finanzjarji futuri tal-UE għat-trasport ikunu jaqblu mal-miri ddikjarati tal-UE u viċi versa;

It-trasport ferrovjarju, marittimu u tax-xmajjar

13.

huwa tal-fehma li l-frammentazzjoni tas-suq ferrovjarju hija problema kbira; jeħtieġ ukoll li jiġu eliminati s-sitwazzjonijiet ta’ konġestjoni fl-infrastruttura eżistenti, speċjalment dawk li jinħolqu fil-partijiet transkonfinali jew minħabba ostakli naturali. Sabiex jinħoloq netwerk ferrovjarju mifrux mal-Ewropa kollha li jaħdem tajjeb u li joffri servizzi ta’ kwalità għolja f’termini taż-żmien tal-vjaġġ, l-affidabbiltà iżda anki l-kapaċità, hemm bżonn li tiġi żviluppata soluzzjoni sostenibbli u effiċjenti li tippermetti żieda fit-trasferiment tat-traffiku tal-oġġetti mit-trasport bit-triq għat-trasport ferrovjarju;

14.

jirrikonoxxi li l-istandards differenti fl-infrastrutturi tal-Istati Membri individwali, bħal pereżempju d-differenzi fil-wisa’ tal-linji ferrovjarji u s-sistemi tal-elettriku u ta’ sikurezza jkomplu jżidu l-frammentazzjoni tas-settur tat-trasport. L-armonizzazzjoni tal-istandards tekniċi u, għalhekk, l-investiment fl-infrastruttura huma meħtieġa sabiex jiġu armonizzati t-tagħmir u l-ħtiġijiet tekniċi.Jeħtieġ ukoll li jiġu armonizzati r-regoli differenti marbuta mat-taħriġ tax-xufiera tal-ferroviji kif ukoll id-dispożizzjonijiet tas-sigurtà u tal-merkanzija u li, kif diġà hemm fis-settur tal-avjazzjoni, tiġi introdotta lingwa komuni fil-qasam tal-ġestjoni tat-trasport għat-traffiku internazzjonali, b’mod partikolari għat-traffiku minn pajjiżi mhux fl-UE. Permezz ta’ dan għandha tissaħħaħ il-kompetittività tat-trasport bil-ferrovija meta mqabbel mat-trasport bit-triq. Fil-partijiet tan-netwerk fejn hemm konġestjoni għandhom jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex it-traffiku tal-passiġġieri u tal-oġġetti jkunu jistgħu jużaw linji komuni mingħajr interferenza reċiproka, jew biex ikunu jistgħu jinbnew rotot ferrovjarji ġodda u sabiex it-trasport tal-oġġetti u t-trasport tal-persuni jiġu separati skont kemm huwa teknikament possibbli u ekonomikament vijabbli;

15.

huwa tal-fehma li l-infrastruttura addizzjonali għat-trasport tal-merkanzija għandha tiżgura konnessjonijiet maċ-ċentri urbani, iżda m’għandhiex twassal għal żieda fil-volum tat-trasport fiċ-ċentri urbani li żżid il-konġestjoni;

16.

jemmen li sabiex tittejjeb il-konnessjoni ekonomika tar-reġjuni tal-periferija maż-żoni ċentrali Ewropej, hemm bżonn li fiż-żoni importanti jinħolqu portijiet marbuta tajjeb man-netwerk ferrovjarju b’konnessjonijiet tat-trasport multimodali tajba. Il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li hemm bżonn li jiġu żgurati konnessjonijiet tat-trasport multimodali mar-reġjuni fejn it-trasport marittimu jaqdi rwol ċentrali;

17.

jenfasizza li t-trasport marittimu u tax-xmajjar għandu jiġi appoġġjat għax dan jista’ jaqdi rwol prinċipali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, għandu jkun hemm ħafna iktar programmi bħal “l-awtostradi tal-baħar” għax dawn jagħtu kontribut lill-miri kemm tat-trasport kif ukoll tal-koeżjoni territorjali tal-UE. Bl-istess mod it-trasport marittimu u tax-xmajjar jista’ jagħti kontribut sabiex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tikber fil-qasam tat-trasport tal-persuni u tal-merkanzija. Fl-istess waqt jeħtieġ li jkomplu jitnaqqsu l-effetti negattivi tat-trasport marittimu, tal-portijiet u taċ-ċentri loġistiċi fuq l-ambjent; għalhekk il-KtR jiddispjaċih li t-trasport marittimu internazzjonali għadu mhux inkluż fil-mekkaniżmi tal-protokoll ta’ Kyoto u fil-kalendarju għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Madankollu, sabiex kemm jista’ jkun tevita li tpoġġi lill-industrija marittima Ewropea fi żvantaġġ ekonomiku, l-Unjoni Ewropea għandha toqgħod attenta li r-regolamenti vinkolanti jiġu adottati fil-livell internazzjonali. Barra minn hekk, wieħed għandu jeżamina l-effetti li ġġib magħha l-introduzzjoni ta’ taxxi tal-portijiet li jvarjaw skont l-impatt ambjentali;

18.

huwa konvint li l-iżvilupp ta’ ċentri multimodali tat-trasport għandu jkun prijorità tal-politika komuni tat-trasport. Hekk kif għat-trasport tal-merkanzija jibda bil-mod il-mod jintuża dejjem iktar it-trasport ferrovjarju, għandu jiġi żgurat li l-eżiġenzi ambjentali u ta’ sigurtà jiġu ssodisfati u li l-effetti fuq it-trasport tal-persuni jinżammu kemm jista’ jkun minimi;

It-trasport tal-ajru

19.

jemmen li fl-iżvilupp tat-trasport tal-ajru għandu jiġi kkunsidrat it-tnaqqis tal-effetti ambjentali negattivi, bħall-istorbju u t-tniġġis tal-arja, permezz ta’ soluzzjonijiet tekniċi u soluzzjonijiet relatati mal-ippjanar tal-art. Fl-inklużi tal-ispejjeż ambjentali fil-prezz tal-biljetti tal-ajru madanakollu, ma jistax jintesa li t-trasport tal-ajru jaqdi rwol differenti fir-reġjuni individwali u li jiżgura konnessjoni tajba fiż-żoni remoti tal-Ewropa. Il-bliet ta’ daqs medju u r-reġjuni gżejjer b’mod partikolari jiddependu mill-appoġġ tal-UE sabiex jiżviluppaw l-infrastruttura tal-ajruporti tagħhom għas-sigurtà tat-trasport tal-ajru u s-sodisfazzjon tal-klijenti;

20.

huwa tal-fehma li għandha tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta bejn l-ajruporti billi jiġu stabbiliti regoli komuni għall-kalkolu u l-istabbiliment tat-tariffi tal-ajruporti;

L-ispejjeż tat-trasport u l-investiment

21.

jisħaq li l-investiment irid ikun koordinat aħjar. Pereżempju, il-finanzjament tat-TEN-T għandu jkompli jippromovi proġetti ferrovjarji bbażati fuq is-suq u l-għajnuna reġjonali għandha tkun immirata aħjar lejn mezzi tat-trasport li jirrispettaw l-ambjent; dan sabiex titjieb il-koeżjoni territorjali tal-UE;

22.

jiġbed attenzjoni għall-fatt li użu bilanċjat u sostenibbli tal-mezzi differenti ta’ trasport jirrikjedi li l-ispejjeż esterni (għat-tniġġis tal-ambjent, il-ħsara kkawżata minn inċidenti, iż-żmien) jiġu inklużi fl-ispejjeż tat-trasport u l-applikazzjoni komprensiva tal-prinċipju “l-utent iħallas”. Fl-istess waqt id-dħul iġġenerat minn din is-sistema għandu jiġi investiti f’mezzi ta’ trasport li jirrispettaw l-ambjent biex b’hekk jiżdiedu l-mezzi ekoloġiċi ta’ trasport, tiġi żgurata l-effiċjenza tal-mezzi ta’ trasport u tiżdied l-interoperabilità bejniethom. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet li fuqhom huma mibnija dawn il-kalkoli jeħtieġ li jqisu kemm huma finanzjarjament vijabbli għaż-żona soċjoekonomika kkonċernata. Jekk dan ma jsirx, is-setturi ekonomiċi u l-intrapriżi li jiddependu mill-konnessjonijiet tat-trasport jitilfu s-saħħa kompetittiva tagħhom fil-pajjiż u fl-Ewropa;

23.

jisħaq li m’għandux ikun hemm dubju dwar l-għan importanti u fundamentali tat-trasparenza tal-ispejjeż m’għandux jiġi dubitat. Jekk il-biċċa l-kbira tal-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju tal-utent iħallas, kultant jista’ jkun hemm xi ċaqliq fl-istruttura ekonomika u soċjali f’reġjuni individwali. L-Istati Membri li jikkunsidraw l-introduzzjoni jew l-adattament tal-ispejjeż relatati mat-traffiku bbażati fuq aproċċi moderni ta’ trasparenza tal-ispejjeż huma rrakkomandati jevalwaw l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali ta’ din il-miżura. B’hekk ikun possibbli, fejn ikun hemm bżonn, li jitħejjew miżuri laterali adegwati fuq medda medja jew twila ta’ żmien ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet strateġiċi, bħal pereżempju l-orjentament mill-ġdid ta’ appoġġ reġjonali ekonomiku b’għanijiet speċifiċi;

24.

ifakkar fl-opinjonijiet tal-KtR dwar il-Green Paper dwar it-trasport urban (CdR 236/2007) u dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-mobilità urbana (CdR 417/2008) li l-pubblikazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni f’Settembru 2009 ser isseħħ wara talba mill-Kumitat tar-Reġjuni u mill-Parlament Ewropew;

It-trasport urban

25.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-iżvilupp tat-trasport urban peress li l-bliet huma partijiet integrali tan-netwerks u ċ-ċentri tal-mezzi differenti ta’ trasport. L-isfidi l-kbar fir-rigward tat-trasport urban huma li tingħata prijorità lit-trasport pubbliku billi jinħolqu kundizzjonijiet adatti u b’hekk tittejjeb il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri, li jinbidlu l-kundizzjonijiet tat-trasport urban b’tali mod li jonqos kemm jista’ jkun it-traffiku fiċ-ċentru tal-bliet, li n-netwerk jiġi estiż għan-nies u ċ-ċiklisti u li jiżdiedu l-mezzi ta’ trasport li jaħdmu bl-elettriku u jiżdied ukoll l-użu ta’ mezzi ta’ trasport li jirrispettaw iktar l-ambjent;

26.

jirrakkomanda lill-bliet jieħdu miżuri iktar stretti sabiex inaqqsu l-effetti negattivi tat-trasport urban fuq l-ambjent u li jappoġġjaw mezzi ta’ trasport nodfa; huwa importanti li l-UE tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti jassumu din ir-responsabbiltà;

27.

jemmen li l-politika tat-trasport tal-UE għandha titfassal b’tali mod li tappoġġja l-iżvilupp ta’ sistemi tat-trasport lokali komuni għaċ-ċentri tal-bliet, iż-żoni urbani u ż-żoni rurali; u li tgħaqqad is-sistemi differenti tat-trasport ferrovjarju – il-ferroviji, il-ferroviji lokali u t-tramm – f’sistema ġdida ta’ ferroviji reġjonali;

28.

jemmen li skambju kontinwu tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-iżvilupp u l-użu tat-trasport urban b’kunsiderazzjoni ta’ dawn it-temi huwa importanti: Park-and-Ride, Park-and-Walk, l-iżvilupp ta’ mezzi ta’ trasport li jaħdmu bl-elettriku, il-bini ta’ netwerk għall-vetturi ħfief, sistemi ta’ rotot partikolari għat-trasport pubbliku, terminals multimodali fir-rotot ta’ aċċess għall-bliet, l-iżvilupp tas-servizzi ta’ carsharing, bidla fl-imġiba fir-rigward tat-trasport permezz ta’ miżuri li jiggwidaw (miżuri ta’ taħriġ, pubbliċità) u restrizzjonijiet (ħlas tal-konġestjoni u tal-parking). L-UE għandha toħloq u tkompli tiżviluppa mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-proġetti ta’ kooperazzjoni li huma bbażati fuq ħidma ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet u t-trasferiment tal-esperjenzi;

L-iżvilupp teknoloġiku

29.

jemmen li huma u jiġu żviluppati l-mezzi multimodali tat-trasport pubbliku, is-sistemi elettroniċi tal-biljetti għandhom jingħataw prijorità għax permezz tagħhom tista’ tiġi kkalkulata l-ispiża eżatta tar-rotta u tiġi ppjanata r-rotta skont il-ħtiġijiet tal-klijent, u t-trasport pubbliku jsir aktar konvenjenti għall-utent. L-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni ġodda għandu jappoġġja l-iżvilupp ta’ sistemi intelliġenti intermodali tat-trasport u l-UE għandha tiffaċilita l-espansjoni tal-użu tagħhom;

30.

huwa tal-fehma li l-iżvilupp teknoloġiku għandu jappoġġja t-trasferiment tat-teknoloġiji bejn ir-reġjuni u bejn il-livelli reġjonali differenti. Il-finanzjament tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi m’għandux jiġi kkonċentrat fuq it-teknoloġiji li huma magħmulin għall-bliet il-kbar biss. L-iżvilupp u l-finanzjament għandhom jaħdmu b’tali mod li parti sinifikattiva tal-fondi għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet adattati u sostenibbli imorru għall-bliet ta’ daqs medju, il-bliet iż-żgħar u ż-żoni ta’ madwarhom;

31.

jenfasizza li sabiex titnaqqas id-dipendenza tas-settur tat-trasport miż-żejt hemm bżonn li l-livell ta’ taxxi fuq l-użu tal-karburanti, li ġejjin minn materja prima oħra, jiġu stabbiliti għalihom u li fejn hemm bżonn jitnaqqsu anki l-livelli komuni li hemm qbil dwarhom fl-UE;

32.

jemmen li l-armonizzazzjoni u t-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ kontroll u monitoraġġ jaqdu rwol ċentrali fil-promozzjoni tas-sigurtà tat-trasport. L-armonizzazzjoni tal-istandards tas-sigurtà għandha tqis il-kundizzjonijiet naturali, it-tip ta’ toroq u t-tradizzjonijiet kulturali tal-post. L-integrazzjoni tal-bażi ta’ data dwar l-inċidenti tat-traffiku teħtieġ mill-inqas l- istandardizzazzjoni parzjali tal-kodiċi użati fl-bażi ta’ data nazzjonali;

33.

huwa tal-fehma li fil-qasam tal-kontroll tat-traffiku, jeħtieġ li jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji li jippermettu t-tfassil u l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet komuni bbażati fuq it-teknoloġiji tal-informazzjoni u s-Sistema ta’ Pożizzjonament Globali (GPS). Apparti mir-rwol importanti li taqdi l-UE fl-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp, hija taqdi rwol importanti fl-iżvilupp ta’ standards komuni li jippermettu kontroll sħiħ tal-flussi transkonfinali tat-traffiku fl-Istati Membri;

L-edukazzjoni dwar it-trasport

34.

jenfasizza li l-istituzzjonijiet edukattivi jadqu rwol ċentrali fl-iżvilupp ta’ mġiba tat-traffiku sigura u li tirrispetta l-ambjent. Jeħtieġ li jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex l-edukazzjoni fil-qasam tat-trasport tiġi inkluża fil-programmi kurrikuli tal-pajjiżi kollha. Fil-qasam tal-edukazzjoni l-UE tista’ tinkoraġġixxi studji bbażati fuq il-prattika li jservu ta’ bażi għar-rakkomandazzjonijiet fil-forma ta’ materjal u lezzjonijiet fil-kindergartens u l-iskejjel;

Konnessjoni mal-pajjiżi ġirien, attivitajiet transkonfinali

35.

jemmen li l-ħolqien ta’ konnessjonijiet aħjar mal-pajjiżi ġirien huwa partikolarment importanti. Dan jitlob investiment komuni mill-istituzzjonijiet ċentrali tal-UE, mill-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi fil-faċilitajiet transkonfinali (terminals, toroq, pontijiet) sabiex ikun possibli li jsiru vjaġġi transkonfinali kemm tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri rapidi u li jirrispettaw l-ambjent. Importanti wkoll li jsir progress fl-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta’ tranżitu u tad-dwana u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam;

36.

iqis li huwa importanti li l-politika tat-trasport tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-kuntesti ġeografiċi speċifiċi tagħhom, filwaqt li tappoġġja t-tnedija ta’ servizzi tat-trasport bil-baħar u bl-ajru li jirrispettaw l-ambjent u li jgħaqqduhom mal-pajjiżi fir-reġjun tagħhom u fl-istess ħin tippromovi l-intermodalità;

37.

huwa tal-fehma li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jimmirraw li, fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u fin-negozjati dwar kwistjonijiet tat-trasport mal-pajjiżi terzi, jassiguraw kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ġusti għal kull mezz ta’ trasport għall-intrapriżi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi fuq iż-żejt, taxxi tal-portijiet, tal-ajruporti u tal-ferroviji, diversi ħtiġijiet ambjentali, eċċ. Dawn huma kwistjonijiet importanti b’mod partikolari fir-rigward tal-ekonomija tal-pajjiżi li jinsabu fil-fruntieri esterni tal-UE. Il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni differenti għandhom jitqiesu wkoll l-ispejjeż esterni tat-trasport jiġu kkunsidrati fl-ispejjeż tat-trasport;

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

38.

jenfasizza li l-moviment liberu huwa dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni u prinċipju fundamentali tal-UE. Fl-istess waqt il-prinċipju tal-moviment ħieles tal-merkanzija huwa wieħed mill-pilastri tas-suq intern. Iċ-ċavetta għal trasport sostenibbli ma tinsabx fir-restrizzjoni tad-domanda għas-servizzi tat-trasport;

39.

jenfasizza li l-kwistjoni mhix l-ammont ta’ passiġġieri jew oġġetti li jiġu trasportati, iżda l-mod kif jiġu trasportati. Id-drawwiet fil-qasam tat-trasport li mhumiex ibbażati fuq is-sostenibbiltà jistgħu jinqerdu biss permezz ta’ politika tal-prezzijiet adegwata fis-settur tat-trasport. Hemm bżonn ukoll li tinstab soluzzjoni ġusta u trasparenti għall-allokazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport għall-mezzi ta’ trasport kollha;

40.

jenfasizza li sabiex is-sistema tat-trasport issir iktar sostenibbli jeħtieġ li tiġi indirizzata l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku. L-Istati Membri għandhom jieħdu fuqhom l-impenn li jinvestu fl-infrastruttura li tirrispetta l-ambjent li telimina toroq maħnuqa bit-traffiku. Fl-istess waqt dan ma jistax iseħħ permezz ta’ żieda fil-kapaċità tan-netwerks tat-trasport biss għax l-impatt ambjentali tan-netwerks kbar faċilment jilħaq livelli li mhumiex aċċettabbli; għaldaqstant għandha tissaħħaħ il-kompetittività tas-sistemi tat-trasport sostenibbli;

41.

jistqarr li huwa fl-interess tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jappoġġjaw alternattivi għat-trasport bit-triq, b’mod partikolari f’każijiet ta’ konġestjoni u speċjalment fir-reġjuni sensittivi u f’żoni b’kundizzjonijiet naturali ħorox, billi dawn iwasslu għal problemi serji ta’ storbju, egżost, tniġġis, dewmien, deterjorazzjoni rapida tat-toroq u jikkawżaw infiq kbir għall-manutenzjoni tat-toroq;

42.

huwa tal-fehma li għandha tissaħħaħ il-kompetittività tat-trasport marittimu u ferrovjarju. Sabiex jinħoloq netwerk ferrovjarju li jaħdem tajjeb u joffri servizzi ta’ kwalità għolja fir-rigward tad-dewmien tal-vjaġġ u l-affidabbiltà u f’termini ta’ kapaċità, għandha tonqos il-frammentazzjoni tas-suq ferrovjarju Ewropew. Fl-istess waqt għandu jinħoloq spazju marittimu komuni u l-investimenti fil-portijiet u l-ħolqien ta’ netwerks tekniċi tat-trasport f’dan ir-rigward għandhom jingħataw prijorità;

43.

jenfasizza li s-sistema tat-trasport tal-bliet u r-reġjuni għandha influwenza importanti fuq l-iżvilupp reġjonali. In-netwerks tat-trasport fiż-żoni urbani, periurbani u reġjonali huma komponenti prinċipali tan-netwerks tat-trasport u l-katina tal-provvista u jirrikjedu attenzjoni partikolari;

44.

huwa tal-fehma li n-netwerks tat-trasport tal-ġejjieni għandhom jiżguraw aċċess tajjeb għar-reġjuni tal-Ewropa kollha. Fl-istess waqt l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-atturi kkonċernati l-oħra fil-livell lokali u reġjonali għandhom jiġu kkonsultati dwar l-inizjattivi kollha li jistgħu jinfluwenzaw il-ġejjieni tan-netwerks tat-trasport Ewropej skont ir-rwol tal-awtorità jew tal-atturi kkonċernati fl-implimetazzjoni tal-miżuri fil-qasam tat-trasport u tal-garanzija ta’ qafas regolatorju u tal-ippjanar għall-implimentazzjoni tal-inizjattivi tat-trasport.

Brussell, 4 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


Top