EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1714

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini” COM(2009) 262 finali

ĠU C 128, 18.5.2010, p. 80–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/80


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini”

COM(2009) 262 finali

(2010/C 128/14)

Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS

Korelatur: is-Sur PÎRVULESCU

Nhar l-10 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini

COM(2009) 262 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ Ottubru 2009. Ir-relatur kien is-Sur Pariza Castaños u l-korelatur kien is-Sur Pîrvulescu.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’152 voti favur u astensjoni waħda.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1.   Fis-snin riċenti d-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem iżżerżqu ’l isfel fl-aġenda tal-UE. Is-sigurtà tal-istat kienet il-prijorità politika u din tqieset bħala inkompatibbli ma’ aktar libertà u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

1.2.   Il-politiki tas-sigurtà u l-ġustizzja għandhom iħarsu l-valuri tal-libertà. Il-KESE jqis li l-punt tat-tluq għal dawn il-politiki għandu jkun il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

1.3.   Il-politiki tas-sigurtà m’għandhomx jipperikolaw il-valuri fundamentali (id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet pubbliċi) jew il-prinċipji demokratiċi (l-istat tad-dritt) li huma komuni fl-Unjoni kollha. Il-libertà tal-persuna m’għandhiex tonqos minħabba l-għan tas-sigurtà kollettiva u tal-istat. Ċerti proposti ta’ politika jirrepetu żball li kien isir fiż-żminijiet tal-bidu: li tiġi ssagrifikata l-libertà biex titjieb is-sigurtà.

1.4.   Il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali għandha tissaħħaħ permezz ta’ awtorità politika viżibbli u b’saħħitha fil-livell Ewropew. Għalhekk il-KESE jappoġġja l-proposta tal-President Barroso li jinħoloq post għal Kummissarju Ewropew responsabbli mill-qasam tal-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u l-Libertajiet Ċivili. Il-Kumitat huwa fiduċjuż li dan id-dipartiment se jkun mogħni bl-għodda politiċi u r-riżorsi organizzattivi u finanzjarji meħtieġa biex tiġi eżerċitata din ir-responsabbiltà kbira.

1.5.   Il-Kumitat jiddispjaċih, iżda, li l-immigrazzjoni u l-asil huma inklużi fil-kwistjonijiet tas-sigurtà interna taħt ir-responsabbiltà ta’ Kummissarju ieħor. Ir-rabta bejn l-immigrazzjoni u s-sigurtà, u s-separazzjoni tagħha mill-ħarsien tad-drittijiet, jgħaddu messaġġ politiku ħażin. Il-KESE jipproponi li fil-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, il-politiki tal-immigrazzjoni u l-asil ikunu assoċjati mill-qrib mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali bħala parti minn approċċ politiku wieħed.

1.6.   Meta jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, il-politiki dwar iż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja ser ikunu jserrħu fuq pedament legali usa’: għalhekk il-KESE iqis li l-Unjoni Ewropea tista’ tikseb għanijiet li huma aktar ambizzjużi minn dawk proposti mill-Kummissjoni.

1.7.   Il-Kumitat jirrakkomanda li ssir evalwazzjoni mill-ġdid tal-leġiżlazzjoni marbuta mal-libertà tal-moviment, u minħabba f’hekk ir-Regolament CE/2252/2004 irid jiġi emendat.

2.   Iż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

2.1.   Iż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tal-UE miexja lejn fażi kritika. Mill-1999, il-Kunsill adotta żewġ programmi ta’ ħames snin: il-Programm ta’ Tampere (1999-2004) u l-programm tal-Aja (2004-2009).

2.2.   Għaxar snin wara, l-għanijiet oriġinali ta’ Tampere għadhom ma ntlaħqux. L-UE għadha mhijiex żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-progress matul is-snin la kien biżżejjed (1) u lanqas kostanti. Il-Kunsill Ewropew ta’ Stokkolma qed joffri opportunità ġdida biex l-ispirtu ta’ Tampere jerġa’ jingħata l-ħajja.

2.3.   Sar progress konsiderevoli dwar il-politika komuni fl-oqsma tal-immigrazzjoni, l-asil u l-fruntieri; l-eċċezzjonijiet huma l-immigrazzjoni legali u tax-xogħol, li jibqgħu soġġetti għar-regola tal-unanimità fil-Kunsill.

2.4.   Il-politiki marbuta mal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija dwar kwistjonijiet kriminali tmexxew skont approċċ intergovernattiv, fi klima ta’ nuqqas ta’ fiduċja qawwi u b’konformità mar-regola tal-unanimità, u dan kollu jagħmel l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni komuni fil-livell Ewropew kumplikata ħafna.

2.5.   Il-programm ta’ Stokkolma x’aktarx se jkun implimentat ladarba t-Trattat ta’ Lisbona jidħol fis-seħħ. Ħafna mill-politiki tiegħu mbagħad ser jiġu adottati mill-Kunsill skont il-proċedura ordinarja jew taħt il-proċedura leġiżlattiva tal-kodeċiżjoni tal-Parlament, biex b’hekk l-UE tkun tista’ twaqqaf għanijiet aktar ambizzjużi, minkejja li t-trattat attwali wkoll jippermetti l-iżvilupp taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li l-Ewropa teħtieġ.

2.6.   Il-proċess li se jwassal għall-adozzjoni tal-programm ta’ Stokkolma diġà ġie mogħni b’għadd ta’ kontributi, fosthom il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (2), ir-rapporti tal-gruppi konsultattivi dwar il-futur tal-politika Ewropea fil-qasam tal-affarijiet interni u l-ġustizzja (3) kif ukoll il-kontributi mill-Kummissjoni Ewropea bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika dwar “il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja: X’futur? Konsultazzjoni dwar il-prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin”, f’Settembru u Novembru 2008 (4).

2.7.   F’Ġunju 2009, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni bl-isem ta’ “Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadin: aktar libertà f’ambjent aktar sikur” (5); din tifforma l-bażi għal din l-opinjoni li tippreżenta l-fehma u r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE dwar il-proċess ta’ Stokkolma.

2.8.   Il-Kumitat jinsab ukoll fil-proċess li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja (6) li tipproponi li l-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-fruntieri, kif inhu xieraq, tkun tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u tpoġġi l-libertà u s-sigurtà fil-qalba tagħha. Din l-opinjoni tifforma parti wkoll mill-kontribut tal-KESE fit-tħejjija għall-programm ta’ Stokkolma.

3.   Kummenti Ġenerali

3.1.   Il-Kumitat japprova u jappoġġja l-prinċipju li l-prijorità politika tal-aġenda ta’ Stokkolma jkunu msejsa fuq l-istabbiliment ta’ żona Ewropea ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li tkun għas-servizz tal-pubbliku. Waħda mill-isfidi l-aktar importanti tal-ħames snin li ġejjin, speċjalment wara l-approvazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, se tkun li tinbena l-Ewropa taċ-ċittadini, u għalhekk il-prijoritajiet politiċi tal-UE ser ikollhom jiġu adattati għal dan il-għan. Tliet snin ilu, il-Kumitat adotta opinjoni fuq inizjattiva proprja bil-għan li ċ-ċittadinanza Ewropea ssir aktar viżibbli u effettiva (7). Hemm bżonn li titjieb il-kwalità taċ-ċittadinanza Ewropea sabiex din issir aktar miftuħa, ġusta u li twassal għall-integrazzjoni, li tevita kull forma ta’ diskriminazzjoni.

3.2.   Il-KESE jilqa’ bi pjaċir ukoll il-prijorità li l-komunikazzjoni tagħti lill-bini ta’ Ewropa tad-drittijiet, għax il-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali huwa valur essenzjali tal-UE (8).

3.3.   Għalkemm is-sistema Ewropea għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali hija avvanzata sew, dawn id-drittijiet mhumiex rispettati kompletament madwar l-UE, b’mod partikolari fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġijiet Komunitarji fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-programm ta’ Stokkolma għandu jinkludi strateġija ċara, ambizzjuża u komprensiva għall-ħarsien u s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali fiż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u jiżgura “Ewropa tad-drittijiet” li jkollha għeruq fondi u li tkun universali fil-livelli kollha ta’ governanza.

3.4.   Fis-snin riċenti, l-UE tat il-prijorità lis-sigurtà fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja u l-libertà. Il-Kumitat jemmen li biex tiġi stabbilita żona ġenwina ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, irid ikun hemm bilanċ ġust bejn dawn it-tliet aspetti. Il-politiki li ser jiġu adottati fil-qasam tas-sigurtà għandhom iħarsu l-valuri tal-libertà u l-istat tad-dritt. Dawn il-politiki għandhom ikollhom il-pedament fil-ħarsien tad-drittijiet fundamentali kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

3.5.   Id-drittijiet tal-bniedem huma universali u ma jistgħux jinqasmu, u għalhekk iridu jitħarsu u jkunu garantiti għan-nies kollha, u mhux biss għaċ-ċittadini tal-UE. “Ewropa tad-drittijiet u tal-ġustizzja” ma tistax tiġi limitata għan-nies li għandhom in-nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri, iżda trid tkopri lil kull min jgħix fit-territorju tal-Unjoni. Jekk dan ma jseħħx, l-ambitu personali taż-żona ta’ libertà, siġurtà u ġustizzja ma jkunx kompatibbli mal-valuri u l-prinċipji, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, it-trattament ugwali u s-solidarjetà li fuqhom twaqqfet l-Unjoni Ewropea. Il-programm ta’ Stokkolma ser ikollu bżonn jikkunsidra l-fatt li ħafna mid-drittijiet u l-libertajiet imsemmija fil-konvenzjonijiet u t-trattati Ewropej u internazzjonali japplikaw għal kulħadd, irrispettivament min-nazzjonalità, iċ-ċittadinanza jew l-istatus ta’ migrazzjoni.

3.6.   Il-programm għandu jkun imnebbaħ mill-programm ta’ Tampere tal-1999, li taħtu l-Kunsill kien adotta l-prinċipju tat-trattament ġust u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE u dawk ta’ pajjiżi terzi bħala l-prinċipju ta’ gwida tiegħu. Dan il-prinċipju jista’ jissaħħaħ bit-trattat il-ġdid, li se jagħmel il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE bħala legalment vinkolanti u ser jiftaħ il-bieb għall-UE biex taderixxi mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

3.7.   Il-KESE jemmen li wara l-2011, ir-rwol tal-Aġenzija dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-UE għandu jitwessa’ billi jiżdied il-baġit għaliha u billi jingħatawlha aktar setgħat fil-qasam tal-evalwazzjoni u t-titjib tal-kooperazzjoni ma’ aġenziji u korpi Ewropej oħrajn, bħalma huma l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) u l-Ombudsman Ewropew. Sadanittant, l-indipendenza tal-aġenzija mill-gvernijiet għandha tiżdied u l-KESE għandu jiġi involut biex jieħu sehem bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili.

3.8.   Il-KESE jappoġġja l-metodu f’ħames taqsimiet propost mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat is-suċċess tal-programm ta’ Stokkolma: (1) li l-politiki dwar il-ġustizzja u l-affarijiet interni jiġu integrati b’mod adegwat mal-politiki l-oħra tal-UE; (2) li jitnaqqsu d-differenzi bejn ir-regoli approvati fil-livell Ewropew u l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali, u li jiġu żviluppati miżuri prattiċi; (3) li titjieb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni Ewropea u l-impatt tagħha; (4) li jitjieb l-użu li jsir mill-evalwazzjonijiet tal-mekkaniżmi li jkunu nħolqu u tal-aġenziji li jkunu twaqqfu; (5) li jiġi żgurat li l-prijoritajiet ikunu akkumpanjati minn riżorsi finanzjarji adegwati.

3.9.   Bħala istituzzjoni, il-KESE ser ikompli jikkoopera b’mod attiv ħafna fl-evalwazzjoni tal-kwalità u tal-valur miżjud tal-politiki Ewropej, tal-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali u l-prinċipju tal-proporzjonalità u tal-effetti etiċi, soċjali u ekonomiċi tagħhom.

3.10.   Għaldaqstant il-Kumitat jista’ jkompli jkun parti minn strateġija Ewropea għal leġiżlazzjoni aħjar u għal evalwazzjoni tal-kwalità u tal-amministrazzjoni tajba tas-sistema legali Ewropea u tal-applikazzjoni u l-effetti tal-liġijiet adottati li huma marbuta magħha.

3.11.   Permezz tal-programm ta’ Stokkolma, l-UE trid iżżid u tiċċara l-impenji tagħha fir-rigward tal-għanijiet u l-miri li jridu jintlaħqu. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu identifikati għadd ta’ indikaturi ewlenin u lista inizjali ta’ miri li, matul il-programm u fit-tmiem tiegħu, jagħmluha possibbli li ssir evalwazzjoni oġġettiva tal-progress li jkun sar.

3.12.   Il-KESE japprova l-linji ta’ azzjoni adottati, iżda jirrakkomanda li l-prijoritajiet tal-programm jiġu identifikati b’mod aktar ċar, u li jiġu appoġġjati b’impenji finanzjarji.

3.13.   Il-KESE jagħraf il-kontribut importanti ħafna li għamel il-Kunsill tal-Ewropa fil-ħafna riżoluzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-effiċjenza u l-applikazzjoni tajba tal-ġustizzja, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkludihom fi żviluppi futuri fil-qasam tal-ġustizzja ċivili u kriminali fl-Unjoni Ewropea. (9)

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem: Ewropa bbażata fuq id-drittijiet u l-istat tad-dritt

4.1.1.   Id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata fl-1948 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU, tiddikjara n-natura universali ta’ sistema komuni ta’ prinċipji u valuri; il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, iffirmata f’Ruma fl-1950 u li tagħha l-Istati Membri kollha huma firmatarji, u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, huma l-bażi u l-garanzija li dawn il-prinċipji u d-drittijiet qed jiġu rispettati madwar it-territorju kollu tal-UE.

4.1.2.   Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tinkludi drittijiet ġodda li mhumiex inklużi fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Karta ser iżżid iċ-ċertezza legali fil-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u ser tapplika għall-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri, speċjalment meta dawn ikunu qed japplikaw il-liġi Komunitarja.

4.1.3.   Id-dritt għall-moviment ħieles tal-persuni huwa wieħed mid-drittijiet bażiċi taċ-ċittadinanza Ewropea. It-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni u l-libertà tal-moviment u r-residenza fiż-żona Schengen huma fost il-kisbiet ewlenin ta’ dawn l-aħħar 10 snin fl-integrazzjoni Ewropea.

4.1.4.   Minkejja dan, il-KESE jixtieq jesprimi t-tħassib tiegħu fuq il-fatt li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt fil-prattika qed jiġi mtellef mid-diversi ostakli u barrieri li jeżistu fil-biċċa l-kbira tal-UE. Il-Kumitat iqis li d-Direttiva 2004/38 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri għadha ma ġietx trasposta b’mod adegwat. Il-Kummissjoni (10), il-Parlament Ewropew u għadd ta’ rapporti ta’ esperti sabu li t-traspożizzjoni tagħha mhijiex sodisfaċenti, apparti l-fatt li ma ġietx implimentata fl-iskadenzi stabbiliti (11).

4.1.5.   Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida għat-titjib tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Id-derogi u l-eċċezzjonijiet kollha applikabbli mill-awtoritajiet nazzjonali għad-dritt fundamentali tal-moviment ħieles tal-persuni għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett u b’konformità sħiħa mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (12). Il-ħarsien tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol tal-ħaddiema transkonfinali għandhom jitjiebu, kif propost mill-Kumitat f’diversi opinjonijiet (13).

4.1.6.   Għal dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, il-KESE adotta diversi opinjonijiet (14) li fihom jirrakkomanda li l-UE tadotta t-trattati internazzjonali u timplimenta strateġija biex tiżgura li l-Istati Membri jieħdu azzjoni malajr biex jirrispettaw l-impenji li jkunu ħadu fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet fil-livell Ewropew u internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

4.1.7.   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza li tiġi rispettata id-diversità u l-ħarsien tal-persuni vulnerabbli. Diversi minoritajiet (pereżempju r-Roma) u ħafna nies ta’ oriġini immigranti huma affettwati mill-isfidi marbutin mad-diversità.

4.1.8.   Dan l-aħħar il-Kumitat adotta għadd ta’ opinjonijiet li kellhom l-għan li jsaħħu l-leġiżlazzjoni għal kontra d-diskriminazzjoni (15), billi ppropona modi kif jistgħu jitjiebu l-għodda użati fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, il-vjolenza, l-omofobija u l-ksenofobija. Is-soċjetà ċivili tista’ tilgħab rwol essenzjali biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tiġi applikata b’mod tajjeb fil-prattika.

4.1.9.   Meta l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tidħol fis-seħħ, l-Unjoni Ewropea se jkollha pedamenti legali ġodda għall-ħarsien tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol. Fil-futur, il-Kumitat se jieħu aktar inizjattivi biex jimplimenta l-politiki Ewropej li jsaħħu l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet u jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tinkludi d-drittijiet soċjali u tax-xogħol fost il-prijoritajiet tagħha.

4.1.10.   Bħalissa l-UE qed tiffinalizza l-politiki għall-kontroll tas-sigurtà u tal-fruntieri bbażati fuq l-użu ta’ teknoloġiji u sistemi ta’ informazzjoni ġodda. Għandhom jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi etiċi u legali ta’ dawn il-politiki f’termini ta’ protezzjoni tad-data personali u tal-ħajja privata tal-persuna.

4.1.11.   Il-KESE jemmen li s-soċjetà ċivili organizzata tista’ tieħu sehem f’evalwazzjonijiet biex jiġi żgurat li l-prinċipji tal-iskop, il-proporzjonalità, il-leġittimità, is-sigurtà u l-kunfidenzjalità jkunu qed jiġu rispettati, f’kollaborazzjoni stretta mal-awtoritajiet fil-livelli nazzjonali u Ewropej li huma responsabbli mill-protezzjoni tad-data u mill-medjazzjoni.

4.1.12.   Ħafna konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili Ewropea wrew li l-libertà tal-moviment hija mxekkla b’miżuri sproporzjonati ta’ sigurtà, bħalma hu l-użu tal-bijometrika u t-teknoloġiji ta’ identifikazzjoni permezz tal-Frekwenza tar-Radju (RFID) fid-dokumenti tal-ivvjaġġar. Fl-opinjoni tiegħu (16), il-Kumitat iddikjara li t-teknoloġija tal-RFID għadha mhijiex “matura” u tista’ tikser il-libertajiet fundamentali tan-nies.

4.1.13.   Fil-programm ta’ Stokkolma għandu jitqies il-fatt li l-iżvilupp rapidu ta’ dawn it-teknoloġiji jista’ jwassal għall-bżonn li jiġu adottati inizjattivi politiċi u leġiżlattivi ġodda għal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni tad-data. Il-Kummissjoni trid tniedi kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u r-riskji li jġib miegħu l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni.

4.1.14.   In-numru baxx ta’ votanti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew riċenti jenfasizza l-fatt li ħafna Ewropej mhumiex sodisfatti bil-kwalità taċ-ċittadinanza tagħhom jew b’uħud mill-politiki tal-UE. Il-Kumitat japprova l-għan tal-Kummissjoni li ttejjeb il-ħajja demokratika u l-parteċipazzjoni attiva tal-pubbliku Ewropew. B’rispons għan-nuqqas ta’ interess li qed jikber min-naħa taċ-ċittadini tal-Istati Membri fil-politika Ewropea, il-KESE jirrakkomanda li jitnieda pakkett ta’ miżuri biex jistimola ċ-ċittadinanza Ewropea attiva. Il-Kumitat huwa favur il-fatt li l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew isiru fil-ġimgħa tad-9 ta’ Mejju u li l-kandidaturi, il-kampanji u l-manifesti elettorali jingħataw xejra inqas nazzjonali u aktar Ewropea.

4.1.15.   Il-KESE jemmen li hemm bżonn li jitwessgħu s-sisien tad-demokraziji tagħna, mhux inqas billi jiġu inklużi ċittadini ġodda u li dawn jingħataw l-ugwaljanza kemm fid-drittijiet kif ukoll fl-obbligi. Id-drittijiet taċ-ċittadinanza nazzjonali u Ewropea għandhom ikopru l-firxa kollha tal-oriġini nazzjonali, etniċi, reliġjużi u kulturali li parti minnhom toħroġ mill-immigrazzjoni.

4.1.16.   Il-KESE ħejja abbozz ta’ opinjoni (17) fuq inizjattiva proprja għall-Konvenzjoni, li hi favur il-fatt li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi bi status ta’ residenza għal tul ta’ żmien jingħataw iċ-ċittadinanza Ewropea. Il-Kumitat jipproponi li l-istituzzjonijiet tal-UE jikkunsidraw din il-proposta fil-programm ta’ Stokkolma.

4.2.   Nagħmlu l-ħajja aktar faċli għaċ-ċittadini: Ewropa bbażata fuq il-liġi u l-ġustizzja – niżguraw l-istat tad-dritt u l-ġustizzja f’Ewropa li hija miftuħa għad-dinja

4.2.1.   Ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet tal-qrati

4.2.1.1.   Il-KESE jilqa’ b’ferħ l-isforzi lejn ir-rikonoxximent reċiproku, li huwa l-bażi tal-integrazzjoni fiż-żona ġudizzjarja Ewropea. Din tal-aħħar għandha teżisti flimkien mat-tradizzjonijiet ġudizzjarji ta’ kull Stat Membru u tiggarantixxi l-iżvilupp imsaħħaħ ta’ żona ta’ libertà u responsabbiltà. L-Unjoni għandha tistabbilixxi bażi ta’ standards komuni. Min-naħa l-oħra, is-sistema kollha ta’ infurzar, fir-rigward tal-bażi ta’ standards komuni kif ukoll tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandha tkun soġġetta għal restrizzjonijiet legali sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ abbuż: ir-regoli m’għandhom bl-ebda mod jikkompromettu l-libertajiet u d-drittijiet tal-bniedem u għandhom jiggarantixxu l-ħarsien tad-drittijiet ċivili u soċjali.

4.2.1.2.   Ir-rikonoxximent reċiproku jista’ jiġi estiż għal oqsma li għadhom mhumiex koperti, bħalma huma s-suċċessjoni u t-testmenti, is-sistemi li jirregolaw il-proprjetà fi sħubija ċivili jew iż-żwieġ u l-konsegwenzi patrimonjali tas-separazzjoni tal-koppji, u li huma essenzjali fil-ħajja ta’ kuljum. Ir-rikonoxximent reċiproku għandu jkopri l-forom kollha ta’ sħubijiet ċivili li huma legalment rikonoxxuti mill-Istati Membri.

4.2.1.3.   Fi kwistjonijiet ċivili, il-proċedura tal-exequatur li taħtha l-Istati Membri jinfurzaw id-deċiżjonijiet ċivili u kummerċjali għandha tiġi abolita b’mod ġenerali u r-rikonoxximent reċiproku għandu jiġi estiż għal oqsma li għadhom mhumiex koperti. Fil-qasam kriminali, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għandu dejjem japplika għall-istadji kollha tal-proċedura. Ir-rikonoxximent reċiproku għandu japplika wkoll għal skemi ta’ protezzjoni tal-vittmi u tax-xhieda anke fil-każ fejn jintilfu d-drittijiet.

4.2.2.   It-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka

4.2.2.1.   Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn is-sistemi ġudiżżjarji, għandu jiżdied it-taħriġ għall-professjonijiet legali u jiġi appoġġjat permezz ta’ strumenti komuni. L-iskambju bejn uffiċjali li jaħdmu fis-sistema ġudizzjarja għandhom jiġu mħeġġa u appoġġjati, mhux biss permezz tal-Forum tal-Ġustizzja u l-attivitajiet tan-netwerks professjonali iżda wkoll billi tiġi stabbilita sistema tat-tip “Erasmus”. Bl-intenzjoni li jittejbu l-komunikazzjoni u l-iskambju tal-prattiki tajbin, il-KESE jirrakkomanda li jissaħħaħ il-Forum Ewropew tal-Ġustizzja.

4.2.2.2.   Għandu jkompli t-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka billi jiġi pprovdut appoġġ aktar qawwi, speċjalment finanzjarju, għat-taħriġ tal-professjonijiet legali u għall-iżvilupp tan-netwerks professjonali. Dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn skambji ta’ prattiki tajba u l-iżvilupp ta’ proġetti innovattivi għall-immodernizzar tal-ġustizzja.

4.2.3.   L-iffaċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja: prijorità

4.2.3.1.   L-azzjoni tal-UE fil-qasam kriminali għat-titjib tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet m’għandhiex tkun ristretta biss għat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-attakki fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għandha tkopri wkoll il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Il-mobilità li qed tikber taċ-ċittadini tal-Istati Membri fi ħdan l-UE tagħmilhom aktar vulnerabbli għal diskriminazzjoni u abbuż fil-ħajja privata u tax-xogħol tagħhom.

4.2.3.2.   L-UE għandha twettaq ħidma favur it-tisħiħ tal-istrumenti ta’ għajnuna legali eżistenti, tuża l-mezzi elettroniċi (e-justice) (18), f’każijiet fejn dan ikun meħtieġ, u tagħmel sforz partikolari biex iċ-ċittadini jkollhom aċċess għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni ġudizzjarja. Għandha tieħu wkoll passi għas-semplifikazzjoni tal-formalitajiet għal-legalizzazzjoni ta’ dokumenti. Ser ikun hemm bżonn li jsir titjib tal-appoġġ għall-vittmi, speċjalment f’każ ta’ transazzjonijiet transkonfinali.

4.2.4.   Ir-rwol tal-professjonijiet legali fl-appoġġ tal-attività ekonomika

4.2.4.1.   L-infurzar tas-sentenzi ġudizzjarji għandu jitjieb, speċjalment bil-ħolqien ta’ proċedura Ewropea dwar is-sekwestru ta’ kontijiet tal-bank. Il-ħidma fir-rigward tal-ħolqien ta’ qafas komuni ta’ referenza fil-qasam tal-liġi kuntrattwali tista’ tintuża għal proposti leġiżlattivi futuri, jistgħu jiġu żviluppati mudelli ta’ kuntratti, u jiġu introdotti sistemi fakultattivi Ewropej f’oqsma tas-suq intern li jkunu definiti b’mod ċar (it-28 reġim). Hemm bżonn ta’ sforzi akbar biex ikun hemm armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-liġi applikabbli fil-qasam tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni u tal-liġi tal-kumpaniji.

4.2.4.2.   Iż-żona ġudizzjarja Ewropea, partikolarment f’perijodu ta’ kriżi, m’għandhiex isservi biss tappoġġja l-attività ekonomika fis-suq uniku, iżda tħeġġeġ ukoll l-aġenti ekonomiċi biex jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom lejn is-soċjetà u l-impjegati tagħhom stess. Fi żmien ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja, huwa importanti li tissaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati, l-aġenti ekonomiċi, u ċ-ċittadini u r-rispett tad-dinjità u d-drittijiet taċ-ċittadini.

4.2.5.   It-tisħiħ tal-preżenza internazzjonali tal-Unjoni Ewropea fil-qasam legali

Għandha tingħata prijorità għall-promozzjoni tal-istat tad-dritt madwar id-dinja, speċjalment f’pajjiżi ġirien u pajjiżi li għandhom l-istess programm ekonomiku, soċjali u tas-sigurtà komuni mal-UE, u sabiex jissaħħu b’mod sinifikanti l-istrumenti għall-assistenza ġudizzjarja u l-kooperazzjoni li l-UE tuża fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi.

4.3.   Ewropa li tipproteġi: qafas u prinċipji regolatorji għal Ewropa miftuħa li tipproteġi ċ-ċittadini tagħha.

Il-KESE jilqa’ b’ferħ l-iżvilupp ta’ strateġija għas-sigurtà interna għall-Unjoni. Firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati għandhom jiġu involuti f’dan il-proċess (19). Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili għandha tiggarantixxi l-prevalenza ta’ approċċ ibbażat fuq it-tolleranza, id-djalogu u l-kooperazzjoni, u mhux l-esklużjoni, il-biża’ u n-nuqqas ta’ fiduċja fiċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew ta’ pajjiżi terzi. Dan jiżgura wkoll il-protezzjoni tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-aktar nies vulnerabbli għall-miżuri ta’ kontroll u nfurzar: fl-assenza ta’ soċjetà ċivili demokratika, dawn il-miżuri jistgħu jintużaw b’mod abbużiv jew diskriminatorju. L-istrateġija dwar is-sigurtà interna għandha tkun appoġġjata minn strateġija Ewropea għall-evalwazzjoni tas-sistemi legali Ewropej.

4.3.1.   Mezzi msaħħa

4.3.1.1.   Il-kooperazzjoni mal-pulizija għandha tinkludi element sostanzjali ta’ taħriġ intern u edukazzjoni. L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali qalet li l-imġiba ħarxa u aggressiva tal-forzi tal-pulizija hija sors ewlieni ta’ diskriminazzjoni. Sabiex dawn il-prattiċi jiġu limitati, għandhom jittieħdu passi biex tingħeleb din l-imġiba u tintrebaħ lura mill-ġdid il-kunfidenza fl-integrità tal-pulizija (20).

4.3.1.2.   L-għodda teknoloġiċi meħtieġa biex jiggarantixxu s-sigurtà interna ma jistgħux jiġu mobilizzati mingħajr ma jiġi żgurat l-użu trasparenti u responsabbli tagħhom f’kooperazzjoni maċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili.

4.3.2.   Politiki effettivi

4.3.2.1.   Il-prijoritajiet fil-qasam tal-kriminalità transkonfinali għandhom ukoll isaħħu d-drittijiet tad-difiża billi l-garanziji minimi komuni jiġu estiżi għall-protezzjoni tal-preżunzjoni tal-innoċenza u d-detenzjoni provviżorja (dewmien u reviżjoni tar-raġunijiet għad-detenzjoni). Il-miżuri għall-ġlieda kontra l-kriminalità għandhom jikkonformaw mal-prinċipju ta’ proporzonalità. Dawn l-inizjattivi għandhom jiġu żviluppati u appoġġjati permezz ta’ mezzi xierqa, l-aktar permezz ta’ pjan ta’ azzjoni li jkollu segwitu, speċjalment f’sitwazzjonijiet li s’issa kienu problematiċi (it-trattatment tal-persuni suspettati li huma involuti f’attivitajiet terroristiċi).

4.3.2.1.1.   Fir-rigward tal-kontroll u s-sorveljanza marittima, u speċifikament il-protezzjoni tan-nies u l-gruppi l-aktar vulnerabbli, l-obbligu fundamentali tal-Istati Membri għas-salvataġġ fil-baħar għandu jieħu prijorità fuq dawk dwar il-kontroll u s-sorveljanza marittima.

4.3.2.1.2.   Il-ħolqien ta’ Viża Ewropea Komuni għax-Schengen, li possibilment tingħata minn awtorità konsulari komuni, tista’ tiżgura li jkun hemm trattament ugwali għall-applikanti kollha għall-asil. Minkejja dan, xorta waħda għandu jkun hemm bidla gradwali mill-preżunzjoni ta’ riskju marbut man-nazzjonalità tal-applikant għal evalwazzjoni tar-riskju individwali. Dan ikun pass pożittiv ’il quddiem, u li se jipprevjeni l-prattiki abbużivi u diskriminatorji fil-konfront tal-applikanti.

4.3.3.   Għanijiet komuni

4.3.3.1.   L-istrateġija għas-sigurtà interna għandha tiffoka fuq it-theddid li għadu ma ngħatalux attenzjoni biżżejjed. Il-miżuri għall-ġlieda kontra l-kriminalità ta’ mibegħda, ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-antisemitiżmu għandhom jingħataw prijorità ċara. L-istrumenti użati m’għandhomx jitfasslu biss għall-finijiet tas-sigurtà iżda għandhom ikopru wkoll l-oqsma ekonomiċi, soċjali, kulturali u edukattivi, u jintużaw għall-prevenzjoni.

L-istrateġija għas-sigurtà interna għandha tagħti prijorità lit-trasparenza u lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li thedded il-kunfidenza taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet pubbliċi u l-proċess demokratiku fil-livelli nazzjonali u tal-UE.

4.3.3.2.   Sabiex titnaqqas it-theddida ta’ terroriżmu, l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha għall-promozzjoni ta’ mudelli Ewropej ta’ djalogu interkulturali u bejn nies bi twemmin differenti li jkun jista’ jpatti għall-iżolament u r-radikalizzazzjoni tal-komunitajiet, il-gruppi u l-organizzazzjonijiet fl-UE u lil hinn mill-fruntieri tagħha. Huma kemm huma effettivi, il-miżuri ta’ sigurtà interna jindirizzaw biss l-effetti u mhux il-kawżi tat-terroriżmu. Għalhekk huwa essenzjali li jitnieda djalogu pan-Ewropew li jidentifika dawn il-mudelli sabiex l-Unjoni tkun tista’ tippromovihom f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

4.4.   Politika dinamika tal-immigrazzjoni

4.4.1.   L-implimentazzjoni ta’ politika dwar l-immigrazzjoni ser tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin għas-snin li ġejjin, fuq il-bażi tal-għanijiet imfissra fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil. Il-prijoritajiet definiti mill-Kummissjoni jinkludu l-konsolidazzjoni ta’ approċċ globali għall-immigrazzjoni.

4.4.2.   L-UE għandha ttejjeb id-djalogu u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi tal-oriġini. Il-KESE ppropona (21) li, fil-kuntest tal-politika esterna, l-UE tippromovi qafas legali internazzjonali għall-migrazzjoni, fuq il-bażi tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali. Dan il-qafas legali internazzjonali għandu jinkludi l-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO u tal-Konvenzjoni Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom, li għadha ma ġietx irratifikata mill-Istati Membri tal-UE, minkejja l-fatt li l-KESE adotta opinjoni fuq inizjattiva proprja (22) fejn ippropona li dan għandu jsir.

4.4.3.   Sabiex il-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni tkun ta’ kontribut għall-iżvilupp tal-pajjiżi tal-oriġini, il-ftehimiet tal-UE ma’ dawn il-pajjiżi għandhom jiġu konklużi taħt kundizzjonijiet ta’ interess reċiproku u b’konformità mad-drittijiet tal-migranti. Il-KESE jemmen li l-ftehimiet dwar il-mobilità għandhom jipprevjenu li jkun hemm eżodu ta’ mħuħ u jikkumpensaw għalih. Sabiex il-migrazzjoni ċirkolari tinteraġixxi b’mod pożittiv mal-iżvilupp, il-liġijiet dwar id-dħul f’pajjiż u dawk dwar ir-residenza għal tul ta’ żmien għandhom isiru aktar flessibbli sabiex jiġi ffaċilitat ir-ritorn volontarju mingħajr ma l-immigranti jitilfu d-dritt tagħhom li jibqgħu fil-pajjiż.

4.4.4.   Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi m’għandix tkun ibbażata esklussivament fuq il-ġestjoni tal-migrazzjoni illegali, il-kontrolli tar-ritorn u tal-fruntieri, minkejja l-importanza tagħhom. Il-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi għandhom iqisu l-interessi tal-partijiet kollha: l-immigranti, biex jiġu ggarantiti d-drittijiet fundamentali tagħhom u t-trattament ġust; il-pajjiżi tal-oriġini, sabiex il-migrazzjoni tkun ta’ benefiċċju għall-iżvilupp tal-oqsma tax-xogħol u soċjali tagħhom; u l-komunitajiet ospitanti Ewropej.

4.4.5.   Il-KESE jemmen li waħda mid-dgħufijiet tal-approċċ komprensiv għall-immigrazzjoni jiġi direttament mid-diffikultajiet tal-UE li tagħmel progress mid-diskussjonijiet ġenerali dwar il-politika għall-adozzjoni ta’ inizjattivi leġiżlattivi konkreti li huma bbażati fuq il-metodu tal-Komunità u li jikkonformaw mad-diviżjoni tal-kompetenzi kif imniżżla fit-trattati.

4.4.6.   Il-Kumitat mhuwiex tal-fehma li l-politika dwar l-immigrazzjoni Ewropea għandha tkun ibbażata fuq il-migrazzjoni ċirkulari. M’għandniex għalfejn ngħidu li ċerti deċiżjonijiet huma temporanji u xi kultant ċirkulari, iżda l-esperjenza wriet li l-biċċa l-kbira ta’ dawn hija permanenti jew għal tul ta’ żmien. Minħabba f’hekk, il-politiki u l-leġiżlazzjoni Ewropej dejjem għandhom jippromovu d-drittijiet tal-bniedem, status legali sikur għall-immigranti, integrazzjoni u għaqda tal-familja.

4.4.7.   F’opinjoni riċenti (23), il-Kumitat wera li l-politika u l-leġiżlazzjoni tal-immigrazzjoni għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha, it-trattament ugwali u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni.

4.4.8.   Il-KESE huwa kontra l-użu tat-terminu “migrazzjoni illegali” u jaqbel mal-fehma ta’ korpi Ewropej oħrajn, inkluż l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Parlament Ewropew, li jippreferu t-terminu “migrazzjoni irregolari” u “migranti mhux dokumentati” sabiex jiġu evitati assoċjazzjonijiet foloz bejn l-immigrazzjoni u l-kriminalità.

4.4.9.   Minkejja li l-fatt li persuna li tidħol fi Stat mingħajr id-dokumentazzjoni u l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa ma tkunx qed tobdi l-liġi, xorta waħda din il-persuna mhijiex kriminali. Ir-rabta bejn il-migrazzjoni illegali u l-kriminalità, li ta’ spiss issir mill-mezzi tax-xandir u f’dibattiti politiċi, ma tirriflettix ir-realtà u tqajjem il-biża’ u l-ksenofobija fil-pajjiż ospitanti.

4.4.10.   Il-KESE japprova l-prijorità tal-Kummissjoni li tissorvelja l-applikazzjoni nazzjonali tad-drittijiet u l-garanzija kif imniżżla fid-Direttiva dwar ir-ritorn (Direttiva 2008/115/KE), li se tidħol fis-seħħ f’Diċembru 2010.

4.4.11.   Il-Kumitat japprova wkoll il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu stabbiliti standards komuni biex jiġu indirizzati l-immigranti illegali li ma jistgħux jiġu deportati, kif ukoll il-proposta dwar ir-regolarizzazzjonijiet li dwarhom għandhom jitfasslu linji gwida għall-implimentazzjoni tagħhom. Ir-regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ dawk ikkonċernati tinvolvi li jitqiesu l-integrazzjoni soċjali tagħhom u dik fis-suq tax-xogħol, b’konformità mal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil.

4.4.12.   Għandu jkun hemm politika Ewropea speċifika għall-protezzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet irregolari.

4.4.13.   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-UE għandha titgħammar b’qafas komuni fis-sura ta’ sistema ta’ ammissjoni flessibbli għall-immigranti, li tkun taħseb għall-ħtiġijiet tas-swieq nazzjonali tax-xogħol. Minkejja dan, il-KESE jħoss li l-leġiżlazzjoni Ewropea għandha tevita politiki bbażati biss fuq il-bżonnijiet tas-swieq tax-xogħol f’sitwazzjoni jew perijodu partikolari li jittrattaw lill-immigrant bħala unità ta’ xogħol minflok persuna li għandha d-drittijiet u li teħtieġ il-protezzjoni u s-sigurtà.

4.4.14.   Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li titwaqqaf pjattaforma Ewropea ta’ djalogu li tmexxi l-immigrazzjoni tax-xogħol b’mod aħjar, bl-involviment ta’ min iħaddem, il-unjins, is-servizzi pubbliċi tal-Istati Membri, l-aġenziji ta’ reklutaġġ u partijiet ikkonċernati oħra. Il-KESE jista’ jkun l-istituzzjoni Ewropea li tospita l-attivitajiet tal-pjattaforma, b’mod simili għall-arranġamenti għall-Forum Ewropew dwar l-Immigrazzjoni.

4.4.15.   Il-KESE enfasizza diversi drabi li l-leġiżlazzjoni Ewropea konġunta dwar l-ammissjoni imissha inkludiet qafas leġiżlattiv orizzontali ġenerali aktar milli leġiżlazzjoni settorjali (24).

4.4.16.   Madanakollu l-Kummissjoni bħalissa qed tfassal diversi proposti għal direttivi settorjali. Il-Kunsill Ewropew riċentement adotta id-Direttiva dwar il-Karta Blu  (25), li tipprevedi sistema ta’ ammissjoni flessibbli u ta’ malajr li tapplika biss għal ħaddiema migranti li jitqiesu li għandhom livell għoli ta’ sengħa u l-membri tal-familji tagħhom, u dan jista’ jwassal għal diskriminazzjoni bejn dawk li għandhom livell għoli ta’ sengħa u oħrajn (li se jkunu koperti minn direttivi speċifiċi). Barra minn hekk, id-direttiva tagħti wisq libertà lill-Istati Membri biex jiddefinixxu u jispeċifikaw il-kundizzjonijiet biex jingħataw il-karta blu u d-drittijiet li din iġġib magħha.

4.4.17.   Il-KESE jemmen li l-approċċ settorjali tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni għandu jimxi id f’id ma’ qafas komuni tad-drittijiet (status Ewropew) li jiżgura r-rispett u l-protezzjoni għad-drittijiet tal-immigranti u l-libertajiet fl-Ewropa, irrispettivament mit-tip ta’ xogħol li jagħmlu jew mill-istatus legali jew is-sitwazzjoni amministrattiva tagħhom.

4.4.18.   Il-Kummissjoni fasslet abbozz ta’ proposta għal direttiva qafas dwar id-drittijiet tal-immigranti li għad trid tiġi adottata mill-Kunsill. Il-KESE adotta opinjoni (26) dwar il-proposta u qed jittama li tiġi kkunsidrata matul ix-xogħol tal-Kunsill.

4.4.19.   Il-KESE ser jiddiskuti l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi adottat kodiċi għall-immigrazzjoni sabiex jiġi żgurat sett ta’ drittijiet uniformi u komparabbli għall-immigranti fl-Ewropa, iżda jiddispjaċih li l-proposta se tinvolvi l-irtirar tad-direttiva qafas; għalhekk iħeġġeġ lill-presidenzi futuri tal-Kunsill biex jibqgħu jaħdmu sakemm din id-direttiva tiġi adottata.

Fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familji, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li “għandha ssir reviżjoni tad-Direttiva wara konsultazzjoni wiesgħa”.

4.4.20.   Il-KESE jittama li l-Kummissjoni ma ddumx ma toħroġ Green Paper bil-għan li jitnieda dibattitu dwar il-bidliet li għandhom isiru lil din id-direttiva, peress li n-natura minimalista tad-Direttiva 2003/86 tippermetti li ċerti liġijiet nazzjonali ma jiggarantux b’mod sħiħ dan id-dritt lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kif ġie kkonfermat mir-rapport tal-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tagħha f’liġi nazzjonali (27).

4.4.21.   Il-KESE qed jaħdem sod biex jippromovi l-integrazzjoni u adotta diversi opinjonijiet fuq inizjattiva proprja li jagħmlu sejħa biex fl-UE jiġu implimentati politiki ta’ integrazzjoni proattivi li jiffukaw fuq żewġ affarijiet, li jkunu mmirati kemm għas-soċjetajiet ospitanti kif ukoll għall-immigranti. Dan huwa approċċ pożittiv għall-integrazzjoni li huwa differenti minn dak negattiv li adottaw xi gvernijiet, li jħarsu lejn l-integrazzjoni bħala ostaklu ieħor għall-ugwaljanza u mezz ieħor ta’ diskriminazzjoni.

4.4.22.   Kif tgħid il-Kummissjoni, hemm bżonn ta’ sforzi akbar mill-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, iżda wkoll impenn akbar mis-soċjetà ospitanti, kif ukoll mill-immigranti nfushom. Dan l-aħħar twaqqaf Forum Ewropew għall-Integrazzjoni, li kien ir-riżultat ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-KESE. Din il-pjattaforma tinvolvi lis-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-immigranti fil-politika Ewropea li tippromovi l-integrazzjoni.

4.4.23.   Il-KESE jappoġġja l-proposta li jiġi stabbilit metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni għall-integrazzjoni u huwa impenjat li jħejji aktar abbozzi ta’ opinjonijiet biex jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni għandha l-viżjoni ta’ “mekkaniżmu konġunt ta’ koordinazzjoni li jappoġġja l-azzjoni tal-Istati Membri, l-ewwel nett permezz ta’ qafas ta’ referenza komuni” li jkun jinkludi d-definizzjoni tal-aħjar prattiki, l-iżvilupp ta’ indikaturi, rabtiet ma’ politiki oħra u l-involviment tas-soċjetà ċivili permezz tal-portal tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni.

4.4.24.   Il-Forum jista’ jagħti kontribut ukoll għall-prattiċi ta’ evalwazzjoni, l-iżvilupp ta’ indikaturi u li jorbot l-integrazzjoni ma’ politiki oħra tal-UE.

4.5.   Asil: żona komuni ta’ protezzjoni u solidarjetà

4.5.1.   L-Ewropa għandha tkun lesta tilqa’ lil dawk li jagħmlu talba għall-asil b’mod diċenti, permezz ta’ leġiżlazzjoni li tipproteġihom u ta’ politika li turi aktar solidarjetà. Ħafna nies li jkollhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jaslu fil-fruntieri esterni b’mod klandestin. L-awtoritajiet għandhom jiżguraw li dawn il-persuni jkunu jistgħu jressqu t-talbiet tagħhom għall-protezzjoni, u li t-talbiet tagħhom jiġu eżaminati b’konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali u Ewropej u mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali.

4.5.2.   Fis-snin riċenti, il-KESE adotta għadd ta’ opinjonijiet li jitkellmu favur l-iżvilupp ta’ sistema komuni tal-asil (28). Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (CEAS) għandha tiġi implimentata b’mod li jiżgura livell għoli ta’ kwalità mingħajr ma jitbaxxew il-livelli ta’ protezzjoni internazzjonali. L-armonizzazzjoni m’għandha qatt tintuża biex jitbaxxew il-livelli ta’ protezzjoni li attwalment jipprovdu l-Istati Membri, iżda għandha sservi biex tittejjeb il-leġiżlazzjoni f’dawk l-Istati Membri fejn il-protezzjoni mhijiex adegwata.

4.5.3.   Biex titwaqqaf is-CEAS, hemm bżonn li l-armonizzazzjoni leġiżlattiva tkun akkumpanjata minn kooperazzjoni sostanzjali bejn l-Istati Membri. Din il-kooperazzjoni u s-solidarjetà ser jitjiebu bit-twaqqif tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Asil (UEAA) propost mill-Kummissjoni, u appoġġjat mill-KESE.

4.5.4.   Il-leġiżlazzjoni l-ġdida għandha tippermetti lil dawk li jagħmlu talba għall-asil li jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol u t-taħriġ, tagħraf ix-xogħol tal-NGOs speċjalizzati u tagħti lil dawn l-NGOs aċċess sħiħ għall-proċeduri u l-postijiet li huma rilevanti għal xogħolhom.

4.5.5.   Il-proċeduri mniżżla fir-Regolament ta’ Dublinu għandhom jiġu emendati biex dawk li jagħmlu talba għall-asil ikunu liberi li jagħżlu f’liema pajjiż jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għall-asil, billi jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet umanitarji kif ukoll ir-rabtiet familjari, kulturali u soċjali.

4.5.6.   Ser ikun possibbli li jsiru appelli għal deċiżjonijiet dwar dawn l-applikazzjonijiet, u dawn l-appelli għandu jkollhom effett ta’ sospensjoni b’konformità mal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

4.5.7.   Id-detenzjoni ta’ dawk li jagħmlu talba għall-asil u l-immigranti irregolari f’ċentri ta’ detenzjoni għadha prattika komuni f’għadd ta’ Stati Membri tal-UE. Il-KESE huwa kontra dawn il-prattiki u jemmen li ż-żamma f’ċentri ta’ detenzjoni għandha tkun miżura f’każijiet ta’ eċċezzjoni.

4.5.8.   Il-KESE jemmen li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem huwa kundizzjoni essenzjali biex jiġu konklużi ftehimiet għad-dħul mill-ġdid ma’ pajjiżi terzi, u huwa kontra l-fatt li l-UE jew l-Istati Membri jikkonkludu ftehimiet dwar ir-ripatrijazzjoni jew il-kontrolli fil-fruntieri ma’ pajjiżi li ma ffirmawx l-istrumenti legali internazzjonali ewlenin għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem.

4.5.9.   Il-KESE jemmen li s-solidarjetà finanzarja intra-Ewropea għall-asil għandha tiżdied; għal dan il-għan, il-Fond Ewropew għar-Refuġjati għandu jiżdied u jinbidel.

Brussell, 4 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Is-Sur Frattini, Viċi President preċedenti, qal li 58 % biss tal-għanijiet intlaħqu.

(2)  Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Brussell, 13440/08, 24 ta’ Settembru 2008.

(3)  Rapport tal-Grupp Konsultattiv Informali ta’ Livell Għoli dwar il-Futur tal-Politika għall-Affarijiet Interni “il-Libertà, is-Sigurtà, il-Ħajja Privata: l-Affarijiet Interni Ewropej f’Dinja Miftuħa”, Ġunju 2008.

(4)  http://ec.europa.eu/justice_home/news/consulting_public/news_consulting_0001_en.htm

(5)  COM(2009) 262.

(6)  Opinjoni tal-KESE tal-4.9.2009 dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-politiki u l-leġiżlazzjoni Ewropej dwar l-immigrazzjoni. Relatur: is-Sur Pariza Castaños (mhux disponibbli bil-Malti) (ara paġna 29 tal-edizzjoni attwali tal-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 163 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 60.

(9)  Ara “Relevant Council of Europe Resolutions and Recommendations in the field of efficiency and fairness of justice” (Riżoluzzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam tal-effiċjenza u l-imparzjalità fil-ġustizzja) (CEPEJ(2003)7 rev. tat-13 ta’ Novembru 2003)

(10)  COM(2008) 840.

(11)  30 ta’ April 2006.

(12)  COM(2009) 313.

(13)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 14 u ĠU C 325, 30.12.2006, p. 43 (mhux disponibbli bil-Malti).

(14)  ĠU C 325, 30.12.2006, p. 65 (mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 19 u ĠU C 77, 31.3.2009, p. 102.

(16)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 66.

(17)  ĠU C 208, 3.9.2003, p. 76 (mhux disponibbli bil-Malti)

(18)  Opinjoni dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Lejn Strateġija Ewropea dwar l-e-Ġustizzja”, relatur is-Sur. Pegado Liz (ĠU C 318, 23.12.2009, p. 69).

(19)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 147 (mhux disponibbli bil-Malti) u ĠU C 211, 19.8.2008, p. 61.

(20)  L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 2009, il-Programm ta’ Stokkolma: opportunità biex il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali titqiegħed fiċ-ċentru tal-Aġenda Ewropea, pp. 6 u 7.

(21)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 91.

(22)  ĠU C 302, 7.12.2004, p. 49.

(23)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 69.

(24)  ĠU C 286, 17.11.2005, p. 20 (mhux disponibbli bil-Malti).

(25)  Direttiva EC/50/2009

(26)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 114.

(27)  COM(2008) 610 finali.

(28)  ĠU C 204, 9.8.2008, p. 77, ĠU C 218, 11.9.2009, p. 78 u l-opinjonijiet tal-KESE tas-16.7.2009 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas-27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-ażil (riformulazzjoni), Relatur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière (ĠU C 317, 23.12.2009, p. 110), u tas-16.7.2009 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (riformulazzjoni). Relatur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière (ĠU C 317, 23.12.2009, p. 115).


Top