EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1722

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010” (opinjoni esploratorja)

ĠU C 128, 18.5.2010, p. 3–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/3


L-457 SESSJONI PLENARJA FL-4 U L-5 TA’ NOVEMBRU 2009

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010”

(opinjoni esploratorja)

(2010/C 128/02)

Relatur Ġenerali: Is-Sur GREIF

F’ittra datata t-23 ta’ Lulju 2009, is-Sur Diego Lopez, is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni ta’ Spanja u membru tal-gvern Spanjol, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, ifassal opinjoni esploratorja dwar

L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Kooperazzjoni Ekonomika u Soċjali (l-Osservatorju tal-Istrateġija ta’ Lisbona) ġiet inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Fid-dawl tal-natura tal-ħidma, il-Kumitat ħatar lis-Sur Greif bħala relatur ġenerali matul l-457 sessjoni plenarja tal-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru 2009) u adotta din l-opinjoni b’178 vot favur, 6 voti kontra u 15-il astensjoni.

1.   Daħla

1.1.   F’din l-opinjoni qed jiġu ppreżentati rakkomandazzjonijiet ta’ politika li fil-fehma tal-KESE għandhom jingħataw prijorità hija u titfassal strateġija Ewropea ġdida għal wara l-2010. Hija u titfassal l-istrateġija għandhom jiġu kkunsidrati l-implikazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi profondi tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali. Jeħtieġ li jiġu identifikati l-elementi prinċipali tal-bidliet fil-politika. Dan huwa pass essenzjali sabiex “wara l-kriżi” tiġi żgurata dinamika ta’ tkabbir sostenibbli, impjieg, u koeżjoni soċjali u li din il-kriżi ma terġax isseħħ.

1.2.   Din l-opinjoni tfasslet mill-Osservatorju tal-Istrateġija ta’ Lisbona tal-KESE bil-parteċipazzjoni attiva tal-kunsilli nazzjonali ekonomiċi u soċjali (KES). Id-diversi kontributi, ħafna drabi kontroversjali, fid-diskussjonijiet ta’ matul il-laqgħat konġunti, jenfassizzaw il-kwalità politika tar-rakkomandazzjonijiet tad-dokument u r-rilevanza tagħhom għas-soċjetà ċivili.

1.3.   Flimkien mal-perspettiva pan-Ewropea li qed tiġi ppreżentata fl-opinjoni, hemm ukoll kapitoli nazzjonali bbażati fuq katalogu ta’ mistoqsijiet li jikkonċernaw a) analiżi taċ-ċiklu ta’ Lisbona attwali (2008–2010) u b) il-ġejjieni tal-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010 li tfasslu mid-delegazzjonijiet nazzjonali (1). In-netwerk interattiv li l-KESE żviluppa mal-KES nazzjonali u organizzazzjonijiet tal-imsieħba simili qed jippreżenta mill-ġdid (2) Rapport Integrat li għandu jikkontribwixxi għat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi tal-istituzzjonijiet Ewropej b’rabta mas-Summit tar-Rebbiegħa tal-Kunsill Ewropew fl-2010.

2.   Evalwazzjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona

2.1.   Lisbona 2000 – approċċ integrat li sab appoġġ mifrux

2.1.1.   F’Marzu 2000, il-Kunsill Ewropew ippreżenta programm ta’ riforma ambizzjuż għall-Ewropa. L-għan tal-Aġenda ta’ Lisbona kien li sal-2010 l-UE ssir l-aktar ekonomija kompetittiva u dinamika bbażata fuq l-għarfien tad-dinja – żona ekonomika kapaċi tikseb tkabbir ekonomiku fuq perijodu twil b’aktar impjiegi u impjiegi aħjar u iktar koeżjoni soċjali.

2.1.2.   Flimien mad-dimensjoni tal-iżvilupp sostenibbli (l-Istrateġija ta’ Göteborg) ġiet żviluppata strateġija usa’. F’bosta oqsma ta’ politika tfasslu għanijiet kwantifikabbli li kellhom jiġu implimentati fl-Istati Membri permezz tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (MMK).

2.1.3.   Il-KESE dejjem għaraf dan l-approċċ ta’ politika integrata bħala l-vantaġġ partikolari tal-Istrateġija ta’ Lisbona, wissa kontra interpretazzjoni limitata tiegħu u sejjaħ minflok għal relazzjoni bilanċjati bejn it-tliet pilastri.

2.2.   Rilanċ 2005 – konċentrazzjoni fuq il-kontenut u l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali

2.2.1.   Bosta Stati Membri rnexxielhom itejbu l-prestazzjoni tagħhom f’xi setturi. B’mod ġenerali, żdied l-impjieg u sar progress ukoll fl-estensjoni tal-broadband, fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni kontinwa, fil-livell ta’ tagħlim fost iż-żgħażagħ u oqsma oħra (3). Madanakollu f’nofs il-perijodu stabbilit, ħafna pajjiżi kienu għadhom lura ħafna milli jiksbu l-għanijiet stabbiliti f’diversi oqsma.

2.2.2.   F’dan il-kuntest, fl-2005 saret valutazzjoni kritika li ffokat fuq l-approċċ tas-sħubija bejn l-atturi Ewropej u nazzjonali. L-attenzjoni bdiet tingħata lill-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali kif ukoll lit-“tkabbir u l-impjiegi”. Dan fisser li parti mil-lista ġenerali ta’ għanijiet, pereżempju l-pilastru soċjali, sa ċertu punt tpoġġew fuq wara tal-lista ta’ prijoritajiet sabiex l-enfasi tkun fuq iż-żieda tal-kapaċità tal-impjieg u approċċ ekonomiku iktar rigoruż. L-approċċ li l-Istati Membri jingħataw iktar responsabbiltà li jiddeterminaw il-pjani nazzjonali speċifiċi tagħhom, u b’riżultat ta’ dan li titpoġġa iktar enfasi fuq ir-riformi nazzjonali, ma ġiex akkumpanjat minn passi li jippromovu qafas ekonomiku u soċjali adegwat fil-livell Ewropew.

2.2.3.   Minkejja l-progress (4) li sar dan l-aħħar, bosta pajjiżi għadhom lura milli jilħqu r-rekwiżiti stabbiliti. F’bosta oqsma, l-għanijiet mistennija jintlaħqu, fuq medja tal-UE, sal-2010 iżda mhux fl-Istati Membri kollha. Dan jikkonċerna pereżempju l-mira ta’ 3 % fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp fejn il-maġġoranza tal-Istati Membri u l-UE inġenerali ftit li xejn għadhom għamlu progress. L-istess jgħodd għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Fir-rigward tal-għanijiet fil-qasam tal-impjieg, sar progress limitat ukoll pereżempju fl-impjieg tan-nisa. Kien hemm żieda sinifikanti fl-ammont ta’ xogħol part-time (f’xi każijiet kontra r-rieda tal-impjegat) (5), xogħol temporanju u fl-istess waqt xogħol imħallas ftit u ħafna drabi mingħajr kuntratt tax-xogħol standardizzat.

2.3.   Inkomplu mexjin fl-istess triq jew neħtieġu aġenda ġdida għall-Ewropa?

2.3.1.   L-opinjoni ġenerali hija li l-għanijiet ta’ Lisbona ma ntlaħqux l-ewwel u qabel kollox minħabba nuqqas ta’ politika konsistenti fl-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti, u minħabba li l-MMK ma rnexxilux joħloq inċentivi adegwati għall-parteċipazzjoni nazzjonali u Komunitarja. Kawża importanti oħra hija n-nuqqas ta’ qafas rilevanti Ewropew għall-politika makroekonomika u soċjali li jeħtieġu l-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw ir-riformi t-tajba b’mod koordinat, jilħqu l-miri stabbiliti u jevitaw sitwazzjoni fejn ir-riformi nazzjonali jispiċċaw f’kompetizzjoni bejniethom. Barra minn hekk, il-KESE kemm-il darba nnota n-nuqqas ta’ responsabbiltà konġunta, li huwa jassoċja mal-fatt li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili ma ġewx involuti.

2.3.2.   Il-KESE jitlob li tkompli tiġi applikata strateġija globali u integrata wara l-2010. Madanakollu, huwa tal-fehma li la approċċ li jmur lura għall-Istrateġija ta’ Lisbona 2000, u lanqas approċċ li jinvolvi iktar mill-istess sempliċement, fejn meħtieġ enfasi msaħħha fuq l-ambjent, ma huma r-risposta t-tajba għall-isfidi attwali. Il-prijorità attwali għandha tkun li jiġu adottati approċċi fuq perijodu twil li jippermettu li l-kompetittività, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni jintrabtu mal-potenzjal innovattiv ta’ Ewropa soċjalment responsabbli u li qed tiżviluppa b’mod sostenibbli, u l-kunċett ta’ “xogħol tajjeb” (6). Barra minn hekk il-kriżi attwali hija forma ta’ distakk li jitlob għażliet ġodda bħal regolamentazzjoni effettiva tas-swieq finanzjarji, aġġustament radikali fil-qasam tar-riżorsi, tal-produzzjoni u tal-konsum baxx tas-CO2 u investiment fis-servizzi pubbliċi innovattivi, sabiex in-nies jingħataw sens ta’ sigurtà u sabiex l-UE tkun tista’ terġa’ tirbaħ il-fiduċja tagħhom.

2.3.3.   L-isfidi attwali bħall-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-problemi soċjali li ġabet magħha, il-globalizzazzjoni tal-ekonomija, il-bżonn li jittejjeb it-tħaddim tas-suq uniku, il-politika tal-enerġija u t-tibdil fil-klima, it-tendenzi demografiċi u l-migrazzjoni, jitolbu strateġija komprensiva u globali fil-livell Ewropew għal wara l-2010 li a) tindirizza dawn l-isfidi, b) tikkoreġi l-iżbalji li saru fl-implimentazzjoni c) hija appoġġjata minn sens ta’ responsabbiltà Ewropea maqsuma u d) hija kapaċi torbot l-istrateġiji kollha tal-UE b’mod koerenti (l-Istrateġija tar-Rilanċ, l-Istrateġija ta’ Lisbona, l-iżvilupp sostenibbli, it-tibdil fil-klima). Il-KESE jipproponi li din l-orjentazzjoni strateġika ġdida tiġi ċċarata fost affarijiet oħra permezz ta’ isem ġdid għall-istrateġija Ewropea ġdida.

3.   Rakkomandazzjonijiet ta’ politika: naħsbu u naġixxu b’mod Ewropew bi proġetti Ewropej

3.1.   Qafas Ewropew għal programmi ta’ riforma ta’ suċċess: Minkejja li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà prinċipali tal-implimentazzjoni, hemm bżonn ta’ qafas Ewropew sabiex ir-riformi strutturali jiġu implimentati b’mod koordinat u konsistenti. Hemm bżonn ta’ evalwazzjoni tar-riformi nazzjonali fil-livell Ewropew u l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp ekonomiku, id-distribuzzjoni tal-ġid u l-qligħ u l-koeżjoni soċjali. B’rabta ma’ dan hemm bżonn ta’ studju dettaljat ta’ xi deċiżjonijiet speċifiċi tal-QĠE (Vaxholm, Viking, Rüffert u Luxembourg) u eventwalment li jiġu introdotti miżuri adatti u konkreti għall-ħarsien tal-ħaddiema sabiex b’hekk jiġi ċċarat il-fatt li l-libertajiet ekonomiċi u r-regoli tal-kompetizzjoni bl-ebda mod ma jheddu d-drittijiet soċjali bażiċi.

Enfasi fuq it-tkabbir fil-politika tal-UE permezz ta’ qafas adegwat għall-politika ekonomika: il-mira ta’ tkabbir ta’ 3 %, li hija l-bażi integrali tal-istrateġija, intlaħqet biss darbtejn. Il-kriżi finanzjarja u n-nuqqas ta’ reżistenza tal-ekonomija tal-UE jindikaw il-bżonn ta’ orjentazzjoni ġdida tal-politika makroekonomika. Fil-fehma tal-KESE taħlita makroekonomika bilanċjata li tiġbor fiha b’mod ekwilibrat politika Ewropea tal-provvista u dik tad-domanda għandha tagħmel parti integrali mill-istrateġija ta’ wara l-2010. Il-kwalità tat-tkabbir li għandna nimmiraw għalih hija importanti wkoll. L-għan fundamentali huwa t-tkabbir tal-benesseri. Il-PGD waħdu mhuwiex kejl adegwat tal-benesseri, u hemm bżonn li jintuża indikatur aħjar (jew sett ta’ indikaturi) tal-benesseri sabiex ikun jista’ jiġi definit u kalibrat objettiv għat-tkabbir li jkun aktar sodisfaċenti u koerenti għall-istrateġija l-ġdida.

3.2.1.   Soluzzjoni għall-kriżi fis-suq finanzjarju u sfidi soċjali: L-UE hija mitluba taqdi rwol koordinat, deċisiv u mexxej sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-kriżi attwali b’mod partikolari fil-ħolqien ta’ orjentazzjoni ġdida għas-sistema finanzjarja. Sistema finanzjarja globali ġdida (li tinkludi primarjament regolamentazzjoni effettiva tas-sistemi bankarji iżda anki tal-hedge funds u l-intrapriżi tal-private equity) għandha tiffaċilita l-iżvilupp u d-disponibbiltà ta’ strumenti finanzjarji b’saħħithom li jappoġġjaw l-ekonomija reali u li jaqdu liċ-ċittadini. Il-kriżi attwali mhijiex riżultat tal-problemi fis-suq finanzjarju biss. Hija ġiet ikkawżata wkoll minn numru ta’ żbilanċi makro– u mikroekonomiċi bħad-diskrepanzi bejn id-dħul, b’mod partikolari fl-Istati Uniti. Għalhekk, sabiex noħorġu mill-kriżi hemm bżonn li jiġi evitat it-tkabbir ibbażat parzjalment fuq “bżieżaq ta’ spekulazzjoni” u nibnu fuq investiment b’mod partikolari fis-setturi innovattivi tal-ekonomija reali, id-distribuzzjoni ekwa, il-ħolqien ta’ impjieg ta’ kwalità għolja u produttiv u s-sostenibbiltà ambjentali.

3.3.   It-titjib tat-tħaddim tas-suq intern permezz ta’ bilanċ bejn id-dimensjoni ekonomika, soċjali u ambjentali. Sabiex jintlaħaq dan l-għan hemm bżonn tal-applikazzjoni korretta u eventwalment titjib tal-acquis soċjali tas-suq intern, regolamentazzjoni aħjar, kif ukoll il-ħolqien ta’ ambjent makroekonomiku b’suċċess u ta’ biżżejjed opportunitajiet għall-investimenti privati. Jeħtieġ madanakollu li jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri fis-suq komuni tkun orjentata lejn l-innovazzjoni u la hija kontraproduttiva u lanqas ta’ ħsara għall-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà ambjentali.

Il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali bħala fattur ta’ ekonomija stabbli u dinamika: Il-KESE jemmen li politika soċjali żviluppata tajjeb, li tinkludi politika komprensiva għall-ħolqien ta’ “impjiegi ta’ kwalità” u li tistabbilixxi miri ambizzjużi fil-qasam tal-edukazzjoni inizjali u kontinwa, kemm ġenerali kif ukoll vokazzjonali, kif ukoll it-tagħlim tul il-ħajja, tista’ tagħti spinta qawwija lit-tkabbir u l-produttività. It-triq ’il barra mill-kriżi għandha tiġi appoġġjata mill-investimenti adatti.

3.4.1.    Il-ġlieda kontra l-inugwaljanza u l-faqar li qed ikomplu jiżdiedu : Ġiet stabbilita l-mira li sal-2010 għandu jkun hemm tnaqqis sinifikanti fin-numru ta’ nies fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar ir-realtà soċjali (2007) wera madanakollu li l-Ewropa għadha qed tiffaċċja problemi serji li qed jiżdiedu f’ħafna pajjiżi u reġjuni tagħha. Għalhekk, l-istrateġija ta’ wara l-2010 għandha tkun immirata lejn il-progress soċjali, it-tisħiħ u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ħarsien soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u l-prevenzjoni tad-distribuzzjoni inugwali tal-ġid. Is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar (2010) hija l-opportunità ideali sabiex noħolqu għanijiet effiċjenti inklużi limiti taż-żmien għall-ġlieda kontra l-faqar (pereżempju dħul minimu u sistemi ta’ sostituzzjoni għad-dħul (7)). Inizjattiva bħal din sabiex tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali, tista’ tkun pass importanti sabiex terġa’ tintrebaħ il-fiduċja taċ-ċittadin fl-integrazzjoni Ewropea.

Il-ħolqien ta’ suq tax-xogħol inklussiv : Minkejja l-progress li sar, fuq medja Ewropea, l-għanijiet tal-impjieg għall-2010 mhux ser jintlaħqu. Fid-dawl tal-kriżi attwali li laħqet il-quċċata tagħha iżda li għadha ma għaddietx totalment, u li żiedet l-inugwaljanzi u heddet l-għajxien ta’ ħafna, dan għandu jkun sors ta’ tħassib. Skont il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku  (8) , sabiex jerġa’ jkun hemm it-tkabbir kemm jista’ jkun malajr u, b’riżultat ta’ dan, jerġa’ jkun hemm stabbiltà fis-suq tax-xogħol, hemm bżonn li tissaħħaħ id-domanda domestika permezz ta’ miżuri li jtejbu l-istruttura. Hemm bżonn li jiġu stabbiliti kunċetti effettivi għat-taħriġ inizjali u kontinwu, jinħolqu l-impjiegi b’mod partikolari għal dawk li huma esklużi mis-suq tax-xogħol minħabba pereżempju nuqqasijiet fl-edukazzjoni tagħhom u li jittieħdu l-passi effettivi sabiex titneħħa d-diskriminazzjoni fl-aċċess għas-suq tax-xogħol u għall-kapaċità li wieħed jibqa’ fih. Il-forom differenti ta’ ekonomija soċjali tal-Istati Membri jistgħu jaqdu rwol eżemplari hija u tiġi indirizzata l-kriżi, b’mod partikolari sabiex jinħoloq l-impjieg u fil-qasam tal-attivitajiet tas-servizzi soċjali. Il-KESE huwa tal-fehma li l-impjieg u l-produttività għandhom jiżdiedu b’mod parallel. L-UE għandha timmira li tintroduċi regoli adegwati għall-impjieg mhux standardizzat assoċjat ma’ livell baxx ta’ ħarsien soċjali u f’dan il-proċess tinkludi l-imsieħba soċjali nazzjonali u Ewropej, b’kunsiderazzjoni tal-awtonomija tagħhom  (9).

3.4.2.1.   L-intrapriżi tal-Ekonomija Soċjali, li huma preżenti fis-setturi kollha tal-attività u li jikkumbinaw qligħ ekonomiku ma’ interess ġenerali u kunsiderazzjonijiet soċjali, huma eżempju tajjeb ta’ forom speċifiċi ta’ intraprenditorija u governanza korporattiva li se jikkontribwixxu għall-ksib tal-objettivi tal-Istrateġija ta’ Lisbona riveduta. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew qed jitlob lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw proposti maħsuba għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet politiċi (10) magħmula mill-Parlament Ewropew biex jiżguraw li l-intrapriżi tal-Ekonomija Soċjali jkunu jistgħu jikkompetu fuq l-istess livell ma’ intrapriżi oħra.

3.4.3.    Il-flessigurtà għandha toħloq sigurtà effettiva fil-proċess ta’ bidla : Il-kondizzjonijiet ekonomiċi li qed jinbidlu jitolbu livell għoli ta’ adattament innovattiv anki fis-swieq tax-xogħol. L-istrutturi li jinbidlu malajr jirrikjedu reazzjoni intelliġenti. Permezz tal-kunċett tal-flessigurtà għandu jiġi żgurat li l-ħaddiema huma preparati għall-isfidi ġodda fid-dinja tax-xogħol. Il-kunċett tal-flessigurtà għandu jiżgura sigurtà effettiva fil-proċess ta’ bidla fejn tingħata prijorità ugwali lis-sigurtà fis-suq tax-xogħol, impjieg u xogħol stabbli, iż-żamma tal-kapaċità tal-impjieg, is-sigurtà soċjali u l-mobbiltà tax-xogħol bil-għan li jinħolqu impjiegi tajba u produttivi (“make transition pay”). Għalhekk, huwa importanti b’mod partikolari li jiġi żgurat li l-acquis tal-Komunità fil-qasam soċjali jiġi implimentat u jitqiegħed fil-prattika bis-sħiħ u li jiġi estiż ukoll għall-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni eventwali inġusta fil-qasam tal-istandards tax-xogħol.

3.4.4.    Koordinazzjoni mtejba tal-politika fiskali: B’konformità mat-Trattati tal-UE, hemm bżonn li jsir sforz għal iktar koordinazzjoni bejn il-politiki fiskali fl-Istati Membri (inklużi bażijiet tat-taxxa armonizzati u rati minimi), b’mod partikolari f’dawk l-oqsma fejn il-bażijiet tat-taxxa huma mobbli fil-livell internazzjonali u r-riskju tal-evażjoni tat-taxxa u l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri huwa l-ogħla. L-għan ta’ din il-koordinazzjoni Ewropea għandu jkun li jiġu żgurati l-baġits pubbliċi u li jiġu promossi s-sistemi tat-taxxi iktar ġusti (fost affarijiet oħra billi tissaħħaħ il-bażi tad-dħul mit-taxxi, billi jitneħħew ir-rifuġji tat-taxxa u billi tittieħed azzjoni sabiex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa).

3.4.5.    Il-BĊE għandu jimxi mal-mandat ekonomiku ġenerali : Jeħtieġ li l-istrateġija ta’ wara l-2010 toħloq bilanċ adegwat u sostenibbli bejn it-tkabbir u l-għanijiiet tal-istabbiltà għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-BĊE għandu jassumi r-resposabbiltà sħiħa, b’konformità mat-Trattati u flimkien mal-għan prijoritarju tiegħu li jiggarantixxi stabbiltà fil-prezzijiet u jqis ukoll l-għanijiet l-oħra tal-Komunità inklużi livelli ogħla ta’ impjieg, ħarsien soċjali u tkabbir sostenibbli.

3.4.6.    Iż-żamma ta’ lok għall-politika fiskali għall-investiment: Jeħtieġ li jittieħdu passi sabiex jiżdied l-iskop tal-politika ekonomika permezz ta’ restrizzjoni fuq il-baġits bl-użu u l-kunsiderazzjoni tal-mekkaniżmi tal-flessibbiltà li jipprovdi l-patt tal-istabbiltà u t-tkabbir li qiegħed hemm għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi sabiex l-investiment pubbliku rilevanti għall-Istrateġija ta’ Lisbona (inklużi s-servizzi pubbliċi affordabbli u effiċjenti, ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni) u l-investiment produttiv mis-settur pirvat, saħansitra fil-produzzjoni baxxa tas-CO2, jingħataw spinta. B’rabta ma’ dan, l-idea ta’ bond Ewropew minn fond statali Ewropew għandha tkompli tiġi żviluppata  (11) .

3.5.   Il-promozzjoni tal-politika industrijali u l-ispirtu intraprenditorjali u l-ħolqien ta’ kondizzjonijiet qafas adegwati għall-SMEs: It-tkabbir ekonomiku u ambjent li jiffavorixxi l-investiment huma prerekwiżiti essenzjali għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u ż-żamma ta’ dawk li diġà jeżistu. Il-kumpaniji l-kbar jagħtu kontribut kbir f’dan il-qasam u l-istess jgħodd, sa ċertu punt, għall-SMEs. L-SMEs, b’mod partikolari, huma marbuta mal-ekonomija lokali u għalhekk jibbenefikaw b’mod speċjali minn domanda domestika stabbli u li qed tikber. Il-KESE stqarr diversi drabi li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-iżvilupp addizzjonali tal-politika industrijali Ewropea b’mod partikolari t-teknoloġiji li jiffavorixxu l-ambjent (green technologies), in-nanoteknoloġija u l-ICT u li tingħata spinta lill-intraprenditorija b’responsabbiltà soċjali, kif ukoll li jiġu promossi l-istart-ups u tingħata għajnuna lin-negozji li diġà jeżistu sabiex jibqgħu fis-suq. It-tnaqqis tal-burokrazija eċċessiva u t-titjib tal-qafas tal-finanzjament tal-kumpaniji huma prijorità għall-ekonomija u kruċjali kemm għall-kompetittività Ewropea kif ukoll sabiex jinħoloq ambjent li jiffavorixxi l-investiment produttiv. Għalhekk, il-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-impjegati u tal-konsumaturi m’għandhiex titpoġġa f'riskju. Peress li l-produzzjoni ekonomika, l-innovazzjoni u l-impjieg qed jiddependu dejjem iktar mill-SMEs, waħda mill-prijoritajiet għandha tkun l-iżvilupp tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ.

3.6.    Nindirizzaw l-isfida tat-tibdil demografiku u nsibu soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni : Il-punti tat-tluq huma u jiġu indirizzati l-isfidi ta’ soċjetà li qed tixjieħ huma u ser jibqgħu t-tkabbir u l-impjieg. Dan jgħodd ukoll kemm għall-ġenerazzjoni ta’ età iżgħar kif ukoll dik ta’ età ikbar. Flimkien mal-ġlieda kontra l-qgħad u l-ħolqien ta’ iktar impjiegi u impjiegi aħjar, jeħtieġ li ssir aktar ħidma fejn jidħlu r-rati tat-twelid u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Soluzzjonijiet ta’ suċċess fil-qasam tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni li jippromovu l-potenzjal tal-Ewropa għall-iżvilupp u ma jheddux il-koeżjoni soċjali huma fost l-isfidi prinċipali tal-perijodu ta’ wara l-2010  (12).

Tkompli l-promozzjoni tat-trijanglu tal-għarfien (l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni): L-Ewropa għandha ssaħħaħ il-potenzjal tagħha fejn jidħlu l-ħaddiema kwalifikati, ix-xjenza, ir-riċerka u t-teknoloġija u b’hekk issaħħaħ il-kapaċità tagħha għall-innovazzjoni bħala element prinċipali tal-kompetizzjoni. It-trijanglu tal-għarfien għandu jibqa’ fil-qalba tal-istrateġija ta’ wara l-2010. F’dan il-kuntest l-idea tal-innovazzjoni trid titwessa’ sabiex tinkludi wkoll “l-innovazzjoni soċjali”, biex b’hekk jiżdied il-kapital soċjali li huwa importanti kemm għall-kompetittività kif ukoll għall-koeżjoni soċjali.

3.7.1.   Sabiex niżguraw il-bażi tal-innovazzjonijiet futuri, ix-xjenza u r-riċerka u l-applikazzjoni tagħhom għandhom jingħataw prijorità kbira. L-għan ta’ Bolonja li tinħoloq żona ikbar tal-edukazzjoni fl-Ewropa għandu jiġi implimentat fi stadji konkreti u hemm bżonn iktar impenn politiku sabiex ikun hemm koordinazzjoni bejn l-oqsma ta’ politika. Investiment insuffiċjenti fl-innovazzjoni u l-edukazzjoni kontinwa qed joħolqu iktar problemi ekonomiċi u jolqtu l-produttività fix-xogħol. Billi jaqdu rwol prinċipali fit-trijanglu tal-għarfien tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom jieħdu r-responsabbiltà li jżidu l-isforzi li jiżviluppaw dimensjoni Ewropea. Pereżempju, fil-qasam transkonfinali, il-kollaborazzjonijiet multilaterali ta’ riċerka għandhom jiġu appoġġjati. L-Ewropa nieqsa wkoll minn kumpaniji ta’ livelli teknoloġiku għoli (high-tech) li jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp. In-negozji għandhom joħolqu l-inċentivi sabiex iżidu l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u sabiex joħolqu impjiegi produttivi.

3.7.2.   Ħaddiema b’edukazzjoni tajba, b’mod partikolari fl-oqsma xjentifiċi u tekniċi u l-kapaċità tal-innovazzjoni, huma elementi prinċipali tal-kompetizzjoni u prerekwiżit għall-prosperità. Dawn għandhom jiġu akkumpanjati mill-ħolqien ta’ impjiegi produttivi, li jitolbu kwalifiki għolja u li huma mħallsa tajjeb. Anki matul il-kriżi għandhom isiru l-isforzi sabiex tingħata għajnuna lill-gradwati żgħażagħ sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol bil-ħiliet meħtieġa u jiżviluppaw karrieri li joffru prospetti tajba.

Il-ġestjoni tat-tibdil fil-klima bħala element prinċipali tal-istrateġija ta’ wara l-2010 titlob bidla f’bosta oqsma: L-appoġġ tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli flimkien mal-użu tas-settur ambjentali, ser ikunu element prinċipali tal-istrateġija ta’ wara l-2010. L-istrateġija mġedda għandha tinkludi pjan ta’ azzjoni għal ekonomija li tuża livell ta’ karbonju baxx. Issa li ħolqot qafas leġiżlattiv komprensiv għall-enerġija u t-tibdil fil-klima, l-UE għandha tikkonċentra fuq l-implimentazzjoni prattika. Il-miżuri ta’ politika effettiva għandhom jiġu integrati f’linji gwida integrati, rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż u programmi nazzjonali ta’ riforma.

3.8.1.    Jeħtieġ li l-UE ssir l-iktar żona ekomika effiċjenti fil-qasam tal-enerġija u r-riżorsi : Il-politika tal-klima, li tnaqqas kemm l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u d-dipendenza fuq il-karburanti fossili u l-importazzjonijiet tal-enerġija, għandha tkun immirata lejn is-sostenibbiltà, jiġifieri l-għanijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali għandhom jingħataw konsiderazzjoni xierqa. Jeħtieġ li jiġi eżawrit il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija kollu u għandhom jintużaw l-istrutturi lokali, rinnovabbli u reġjonali. It-titjib tal-effiċjenza fl-oqsma tal-enerġija u r-riżorsi ser issir waħda mill-elementi prinċipali ta’ strateġija ġdida. Għan strateġiku ieħor tal-UE għandu jkun li bħala Komunità ssirl-iktar żona ekonomika effiċjenti fil-qasam tal-enerġija u r-riżorsi”. Sabiex tinkiseb din il-bidla jeħtieġ li l-Ewropa tassumi responsabbiltà kbira fit-tnaqqis tas-CO2. Hemm bżonn li ssir ħidma mas-setturi individwali kkonċernati sabiex jitwaqqfu l-miri speċifiċi u l-perijodi ta’ żmien.

3.8.2.   “ New Green Deal ”: Bħala parti min-“New Green Deal” hemm bżonn li jiġi sfruttat il-potenzjal tas-settur tal-ambjent bħala mutur tat-tkabbir, l-impjieg u l-innovazzjoni. Hemm bżonn ta’ rwol ta’ tmexxija fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ekoloġiċi innovattivi u għandhom jiġu ffrankati l-ispejjeż mingħajr ma jonqsu l-ġid, il-kwalità tal-ħajja u l-kompetittività globali. L-iżvilupp tar-riċerka u t-teknoloġija u l-implimentazzjoni tal-iżviluppi fi prodotti u servizzi ġodda li jistgħu jitqiegħdu fis-suq u l-ħolqien tal-impjiegi li dawn iġibu magħhom ser jaqdu rwol essenzjali f’dan il-proċess importanti ta’ innovazzjoni.

It-titjib tal-bażi finanzjarja tal-Istrateġija ta’ Lisbona: Sabiex nindirizzaw l-isfidi tal-ġejjieni hemm bżonn ukoll ta’ diskussjoni strateġika ġdida dwar il-baġit futur tal-UE.

3.9.1.    Ir-riforma tal-baġit tal-UE b’konformità ma’ Lisbona : B’mod ġenerali, il-baġits għall-politiki individwali għandhom jerġgħu jiġu evalwati skont l-Istrateġija ta’ Lisbona u mmirati lejn ir-riċerka u l-kompetittività, l-ambjent u l-klima, l-investiment fl-użu sostenibbli tal-enerġija, l-infiq pubbliku kostruttiv fil-post tan-negozju, il-politika tas-suq tax-xogħol attiva, il-bilanċ bejn il-ħajja u l-familja, il-koeżjoni soċjali, il-prevenzjoni tal-faqar u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u ta’ kwalità għolja. B’rabta ma’ dan, fil-qafas finanzjarju li jmiss 2014–2020 jeħtieġ li jitqies dibattitu bbażat fuq ir-riforma dwar il-baġit tal-UE relatat mal-Istrateġija taLisbona  (13). Implimentazzjoni effettiva tal-miri tal-UE ser titlob ukoll li t-tisħiħ tad-dimensjoni reġjonali jiġi inkluż bħala tema prinċipali fid-diskussjoni dwar il-finanzjament tal-politika strutturali u ta’ koeżjoni wara l-2013.

3.9.2.    Evalwazzjoni tal-alternattivi ta’ finanzjament tal-UE : Jeżistu bosta sfidi transkonfinali li jitolbu t-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tal-azzjoni politika. Għall-proġetti Ewropej, hemm bżonn li jiġu diskussi l-għażliet ta’ finanzjament alternattivi, u l-possibbiltajiet ta’ baġit tal-UE estiż għandhom jiġu diskussi flimkien ma’ opportunitajiet ta’ ristrutturar u ffrankar. B’rabta ma’ dan il-KESE jipproponi li tiġi eżaminata l-possibbiltà li jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ finanzjament mifruxa mal-UE (inkluż fil-qasam tat-taxxa). B’hekk l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji tista’ pereżempju tillimita l-attività spekulattiva. Il-possibbiltà li tiġi introdotta taxxa fuq il-karbonju għanda tiġi eżaminata wkoll.

3.10.   It-tisħiħ tad-dimensjoni esterna: Il-prosperità tal-Ewropa hija bbażata fost affarijiet oħra fuq kemm hi miftuħa għad-dinja. Bħala l-ikbar poter ekonomiku fid-dinja u l-ikbar esportatur u importatur tal-prodotti u s-servizzi, it-tieni l-ikbar sors u riċevitur tal-investiment barrani dirett u l-iktar żona li tagħti għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja, it-tisħiħ tal-aġenda internazzjonali tal-Ewropa f’termini ta’ għanijiet ċari u fuq perijodu twil huwa importanti ħafna. Fid-dawl ta’ poteri ekonomiċi globali ġodda u l-impatt tal-kriżi ekonomika internazzjonali, huwa iktar importanti għall-UE li jkollha qafas ġdid, uniformi u b’saħħtu għall-attivitajiet esterni tagħha sabiex tiżgura ftuħ tas-swieq adegwat, ġust u sostenibbli, tgħolli l-istandards normattivi abbażi tad-drittijiet involuti, tħeġġeġ il-multilateraliżmu u d-djalogu mal-imsieħba prinċipali u toħloq żona benefiċjali ta’ progress għaż-żewġ naħat li tinkludi wkoll ir-reġjun tal-Mediterran u l-Afrika. Jekk dan iseħħ, l-Ewropa u l-mudell tagħha tal-ekonomija soċjali tas-suq ser tibqa’ mudell eżemplari għall-bqija tad-dinja u ser tkun tista’ żżomm il-pożizzjoni tagħha fil-livell internazzjonali b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għas-swieq u l-materja prima filwaqt li tiżgura li l-kundizzjonijiet internazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu ġusti, li l-iżvilupp sostenibbli jista’ jaqbad tajjeb u li kulħadd ikun jista’ jgawdi mill-benefiċċji tal-globalizzazzjoni.

4.   Rakkomandazzjonijiet dwar l-għanijiet ta’ Lisbona

4.1.   Li jinżammu l-miri attwli u jiżdiedu fuq il-perijodu medju: Minkejja l-isfidi l-ġodda u l-ostakli assoċjati mal-kriżi attwali, l-aġenda ta’ wara l-2010 m’għandhiex tinjora l-miri attwali. Il-KESE jipproponi li l-miri komuni tal-istrateġija attwali għandhom jinżammu iżda li jiġu stabbiliti wkoll għanijiet ambizzjużi li għandhom jiġu implimentati sal-2015. Għalhekk pereżempju r-rati tar-riċerka għandhom jiżdiedu b’ 3,5 % (fejn adatt, flimkien ma’ għan iktar mifrux għall-investiment fl-innovazzjoni) u l-għanijiet ta’ iktar impjiegi u impjiegi aħjar u għall-edukazzjoni inizjali u kontinwa għandhom ikomplu jiżdiedu.

4.2.   Jitqies il-punt tat-tluq tal-pajjiżi individwali tal-UE skont il-kontribut nazzjonali tagħhom: il-kapaċitajiet ekonomiċi jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor. Il-KESE jipproponi, hekk kif sar meta ġew stabbiliti l-miri kwantitattivi tal-Istrateġija ta’ Lisbona, li s-sitwazzjoni fl-Istati Membri individwali tiġi kkunsidrata u li l-kontributi nazzjonali ambizzjużi fil-linji gwida tal-istrateġija jiġu evalwati u diskussi fil-qafas tal-UE-27.

4.3.   L-introduzzjoni mill-ġdid ta’ għanijiet kwalitattivi: Barra minn hekk l-aġenda futura għandha tinkludi l-għanijiet kwalitattivi li matul dawn l-aħħar snin, matul ir-rilanċ tal-Israteġija taLisbona ngħataw il-ġenb (pereżempju l-indikaturi ta’ Laeken li jkejlu l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja (14)).

4.4.   Il-ħolqien ta’ għanijiet ġodda fejn hemm lakuni: Barra minn hekk, fil-qafas tal-linji gwida integrati, hemm bżonn li jinħolqu għanijiet ġodda jew speċifiċi b’mod partikolari fl-oqsma fejn kien hemm progress limitat jew lakuni fil-politika ta’ riforma ta’ qabel. Għalhekk, il-KESE jipproponi l-linji gwida tiegħu b’għanijiet li jistgħu jitkejlu fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi fejn jidħlu impjiegi li ma jipprovdux ħarsien soċjali adegwat, it-transizzjoni lejn ekonomija li tuża livell baxx tal-karbonju, il-ġlieda kontra l-faqar (inkluż dawk li jbatu l-faqar minkejja li għandhom xogħol) u l-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali (pereżempju appoġġ adegwat fil-każ ta’ qgħad jew fejn bniedem ma jistax jaħdem, kif ukoll l-aċċess għas-servizzi pubbliċi).

5.   Rakkomandazzjonijiet dwar il-governanza

5.1.   It-tisħiħ tar-rwol tal-istituzzjonijiet Ewropej: L-istrateġija l-ġdida jeħtieġ li tkun iktar inċiżiva. It-tisħiħ tar-rwol tal-istituzzjonijiet Ewropej huwa importanti ħafna fid-dawl tal-kriżi attwali. Sa mill-ispinta li ngħatat l-Istrateġija ta’ Lisbona fl-2005, l-azzjoni tal-Kummissjoni saret iktar viżibbli b’mod partikolari fil-qasam tal-pubblikazzjoni u t-tixrid tal-linji gwida speċifiċi għall-pajjiżi kif ukoll l-eżempji tal-aħjar prattika. Saret sejħa għal diskussjoni pubblika fil-Kunsill sabiex jinżamm ir-ritmu li nkiseb fil-proċess sħiħ. Fl-istrateġija mġedda dawn l-elementi għandhom jiġu eżaminati iktar bir-reqqa u jiġu żviluppati. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforz mill-ġdid sabiex itejbu l-implimentazzjoni u l-promozzjoni ta’ skambji transkonfinali tal-aħjar prattika permezz tal-metodi ta’ komunikazzjoni elettroniċi. Dawn il-metodi madanakollu jiddependu minn kemm l-Istati Membri ser jingħataw qafas Ewropew li fih jistgħu jiksbu l-miri Komunitarji. Fejn ikun hemm bżonn, għandhom jiġu żviluppati strumenti ġodda u innovattivi.

5.2.   It-tisħiħ tal-effettività tal-MMK fl-Istati Membri: Il-MMK bħala s-“sinsla metodika” tal-Istrateġija ta’ Lisbona ser jiġi ssuġġerit għal oqsma oħra fit-Trattat ta’ Riforma tal-UE. Għall-KESE, il-problema tal-MMK, apparti l-profil baxx, hija n-nuqqas ta’ effettività tiegħu fil-livell nazzjonali. Għalhekk huwa importanti li l-miri ma jkomplux jitqiesu kif ħafna drabi kienu jitqiesu s'issa, jiġifieri bħala “punti mixtieqa” iżda jsiru obbligi politiċi. Għalhekk, jeħtieġ li jinsabu mezzi u strumenti li permezz tagħhom dawn il-miri jsiru iktar vinkolanti u joħolqu inċentivi għall-Istati Membri sabiex jippruvaw jilħqu l-impenji stabbiliti li dwarhom qablu b’mod iktar konsistenti. Sabiex jiġi żgurat bilanċ aħjar, fl-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida, għandhom jiġu involuti mhux biss il-ministri ekonomiċi u tal-finanzi iżda anki ministri oħra b’mod partikolari tax-xogħol u l-ministri soċjali. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jingħataw spinta r-rwol u l-viżibilità tal-imsieħba soċjali Ewropej billi r-riżultati tad-djalogu makroekonomiku tripartitiku jintehmżu f’anness mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa.

5.3.   Il-monitoraġġ tal-għanijiet ta’ Lisbona permezz tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri: Ir-rwol speċjali tal-KES nazzjonali u organizzazzjonijiet simili tas-soċjetà ċivili għandu jkompli jissaħħaħ fil-qafas tal-proċeduri konsultattivi u l-kompetenzi tal-imsieħba soċjali fl-Istati Membri individwali (15). Ir-rapporti rilevanti li għandhom jitfasslu mill-KES għandhom jinkludu analiżi tal-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Lisbona li għandhom jitressqu għand il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet Ewropej, li mbagħad għandhom jiġu mħeġġa jfasslu l-konklużjonijiet tagħhom. Il-KES u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jistiednu lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni sabiex jiddiskutu ċ-ċirkustanzi speċifiċi nazzjonali. Barra minn hekk il-KES għandhom ikunu involuti fil-konsultazzjonijiet attwali tal-Kummissjoni. Iż-żamma tal-iskambju tal-fehmiet u l-esperjenza bejn il-KESE u l-KES nazzjonali dwar il-pjanijiet nazzjonali ta’ riforma u l-aġenda ta’ Lisbona għandhom importanza partikolari f’dan il-qasam.

5.4.   Iktar kredibbiltà permezz ta’ pareċipazzjoni mtejba tas-soċjetà ċivili u t-tisħiħ tad-dimensjoni reġjonali: Il-KESE kemm-il darba ġibed l-attenzjoni għall-fatt li sabiex l-Istrateġija ta’ Lisbona tiġi implimentata b’mod iktar effettiv, hemm bżonn mhux biss li l-istituzzjonijiet Ewropea jassumu r-responsabbiltà sħiħa iżda anki li jitqiesu b’mod sħiħ l-interessi tas-soċjetà u jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn il-gvern, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali fl-Istati Membri (16).

Matul it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma, il-koordinaturi nazzjonali ta’ Lisbona għandhom jaħdmu flimkien b’mod konsistenti mal-partijiet interessati kollha.

Hemm bżonn li jittieħdu iktar passi sabiex fil-qafas tal-proċeduri ta’ konsultazzjani u tal-kompetenzi tal-imsieħba soċjali, jiġi appoġġjat id-djalogu li għaddej fl-Istati Membri. Dan id-djalogu għandu jinkludi wkoll lill-KES nazzjonali u jiġbor fih potenzjalment ukoll partijiet interessati tas-soċjetà ċivili oħra (NGOs, organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali eċċ.) u r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u t-think thanks.

Kull ċiklu tal-Istrateġija ta’ Lisbona jista’ jintemm b’konferenza li tinvolvi lill-partijiet interessati prinċipali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha sabiex jitqiesu s-suċċessi u d-diffikultajiet.

L-ostakli strutturali għall-inklużjoni effettiva tal-parlamenti nazzjonali u għal djalogu ġenwin mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu eliminati. Dan jinkludi, pereżempju, l-evitar tal-limiti taż-żmien stretti, li diġà saret norma għat-tfassil tal-programmi nazzjonali ta’ riforma fix-xhur tas-sajf, u li jinħatru individwi responsabbli mill-Istrateġija ta’ Lisbona li f’ħafna mill-pajjiżi tal-UE ftit li xejn huma midħla tad-djalogu soċjali.

Il-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom ixerrdu iktar informazzjoni dwar ir-riżultati tad-djalogu ċivili u soċjali dwar l-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Lisbona.

Sabiex jiġi ggarantit approċċ uniformi fil-qasam tal-koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika, il-prinċipji ta’ sħubija tal-Fondi Strutturali għandhom jiġu implimentati bis-sħiħ fl-Istati Membri u l-istrumenti tal-MMK għandhom jintużaw b’mod iktar konsistenti.

Brussell, 4 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Jeżistu differenzi konsiderevoli fir-rigward tal-qafas istituzzjonali għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika nazzjonali: F’bosta pajjiżi tal-UE hemm KES. F’ħafna mill-Istati Membri ġodda jeżistu kumitati tripartitiċi (imsieħba soċjali u rappreżentanti tal-gvern), pajiżi oħra m’għandhomx KESE iżda għandhom mezzi oħra ta’ kif jintegraw l-interessi tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jixtieq jiġbor il-kontribut tal-ikbar numru possibbli ta’ korpi rappreżentattivi.

(2)  Ara CESE 1468/2005 riv “L-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona – Rapport ta’ sintesi għall-Kunsill Ewropew”, 23-24.03.2006; CESE 40/2008 “L-istrateġija mġedda ta’ Lisbona 2008–2010: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata”, il-Kunsill Ewropew, 13–14.03.2008.

(3)  Dwar is-suċċess relattiv u l-fallimenti fil-ksib tal-għanijiet ta’ Lisbona, ara s-sintesi ta’ M.J. Rodrigues, “Europe, Globalisation and the Lisbon Agenda (2009)”, p. 16.

(4)  Ara nota 2 f’qiegħ il-paġna u l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Governanza effettiva tal-Istrateġija ta’ Lisbona mġedda”, ĠU C 175, 28.7.2009, p. 13.

(5)  Ara http://www.eurofound.europa.eu/ewco/reports/TN0403TR01/TN0403TR01_3.htm, Part-time work in Europe, Dublin-Foundation, 2004.

(6)  Ara s-sett ta’ indikaturi dwar il-kwalità tax-xogħol adottati mill-Kunsill Ewropew ta’ Laeken fl-2001: COM(2001) 313 finali “L-impjieg u l-politiki soċjali: qafas sabiex ninvestu fil-kwalità” (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, PT_TA(2008)0467, 9.10.2008.

(8)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew, “Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku”, COM(2008) 800 finali, 16 ta’ Novembru 2008.

(9)  Sinteżi tal-ftehimiet rilevanti bejn l-imsieħba soċjali Ewropej: http://europa.eu/legislation_summaries/employment_and_social_policy/social_dialogue/c10132_en.htm.

(10)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali (2008/2250(INI).

(11)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-“Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku”ĠU C 182, 4.8.2009, p.71, Punt 5.4.

(12)  B’rabta ma’dan, ikun utli ħafna li jitwaqqaf forum dwar l-integrazzjoni Ewropea li jlaqqa’ l-istituzzjonijiet tal-UE, il-partijiet interessati u l-NGOs taħt il-patroċinju tal-KESE.

(13)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Ir-riforma fil-baġit tal-UE u l-finanzjament tiegħu fil-futur”ĠU C 204, 9.8.2008, p. 113.

(14)  Ara COM(2001) 313 finali “Il-politika tax-xogħol u l-politika soċjali: qafas għall-investimenti fil-kwalità” (mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  Il-KESE jisħaq li dan bl-ebda mod ma jinterferixxi mal-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni, ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tal–imsieħba soċjali fl-Istati Membri individwali li jeżistu.

(16)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Gvernanza effettiva tal-Istrateġija ta’ Lisbona mġedda”, ĠU C 175, 28.07.2009, p.13.


Top