EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0030

Kawża T-30/10: Rikors ippreżentat fid- 29 ta’ Jannar 2010 — Reagens vs Il-Kummissjoni

ĠU C 80, 27.3.2010, p. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 80/39


Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2010 — Reagens vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-30/10)

2010/C 80/64

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Reagens SpA (San Giorgio di Piano, l-Italja) (rappreżentanti: B. O’Connor, L. Toffoletti, D. Gullo u E. De Giorgi, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, (Każ COMP/38.589 — Stabilizzaturi Termiċi), fir-rigward tal-Istabilizzaturi tal-Landa, fl-intier tagħha jew sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti;

tiddikjara li japplikaw il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003, b’mod li jipprekludu l-impożizzjoni ta’ multa fuq ir-rikorrenti;

sussidjarjament, tiddikjara li l-Kummissjoni żbaljat meta ffissat multa fuq ir-rikorrenti f’ammont ta’ EUR 10 791 000, u jekk meħtieġ, tvarja dik il-multa għal livell li huwa xieraq fid-dawl tan-natura limitata tal-involviment possibbli tar-rikorrenti fil-ksur tal-Artikolu 101 TFUE wara l-1996;

tagħti bidu għal miżura istruttorja dwar l-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-Linji Gwida dwar il-multi fir-rigward ta’ Chemson u Baerlocher u fir-rigward tal-osservazzjonijiet kollha ppreżentati mill-persuni milquta mid-deċiżjoni dwar l-istabilizzaturi tal-landa wara n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C (2009) 8682 finali, tal-11 Novembru 2009, sa fejn din sabet lir-rikorrenti responsabbli għall-ksur tal-Artikoli 81 KE u 53 ŻEE (Każ COMP/38.589 — Stabilizzaturi Termiċi), u sa fejn din timponi multa fuqha.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti:

 

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti relatati mal-istabilizzaturi tal-landa, sa fejn jingħad li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur tal-Artikolu 81 KE (issa Artikolu 101 TFUE) wara l-perijodu 1996/1997.

 

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (1) għall-fatti tas-suq tal-istabilizzaturi tal-landa, u b’mod partikolari, meta sabet li l-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dan l-artikolu kienu ġew osservati. Skont ir-rikorrenti, in-nuqqas milli jiġi pprovat ksur wara l-1996/1997 ifisser li deċiżjoni li r-rikorrenti tiġi mmultata hija preskritta abbażi tar-regoli tal-ħames snin jew tal-għaxar snin stabbiliti f’dan l-artikolu.

 

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u tal-aspettativi leġittimi tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kienet ser twettaq investigazzjoni bl-aħjar kapaċità tagħha, b’mod rigoruż u diliġenti, u li ma kinitx ser tinjora provi ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, peress li ma eżaminatx b’mod xieraq il-provi ppreżentati mir-rikorrenti b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u waqt is-smigħ tal-partijiet, u lanqas ma ppermettiet li r-rikorrenti jerġa’ jkollha aċċess għall-fajl mhux kunfidenzjali għall-investigazzjoni.

 

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-impriżi kollha quddiem il-liġi, peress li applikat b’mod żbaljat il-Linji Gwida dwar il-multi (2). Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-proporzjonalità peress li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti kienet sproporzjonata fir-rigward tal-persuni milquta mid-deċiżjoni dwar l-istabilizzaturi tal-landa u, b’mod partikolari, Baerlocher.

 

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod li ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE sa fejn applikat b’mod żbaljat il-Linji Gwida dwar il-multi.

 

Finalment, ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta ma wettqitx l-investigazzjoni b’mod diliġenti u f’waqtu, kif ukoll kisret id-dritt tad-difiża tar-rikorrenti meta ma komplietx l-investigazzjoni matul il-perijodu tar-rikorsi (3)“kunfidenzjalità Akzo” quddiem il-Qorti Ġenerali.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003 L 1, p. 1) (ĠU 2003 L 1, p. 1)

(2)  Linji Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006 C 210, p. 2)

(3)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, fil-Kawżi magħquda T-125/03 u T-253/03, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, Ġabra 2007, p. II-3523


Top