EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0498

Kawża C-498/09 P: Appell ippreżentat fit- 3 ta’ Diċembru 2009 minn Thomson Sales Europe mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla), tad- 29 ta’ Settembru 2009 , fil-Kawżi Magħquda T-225/07 u T-364/07, Thomson Sales Europe vs Il-Kummissjoni

ĠU C 80, 27.3.2010, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 80/7


Appell ippreżentat fit-3 ta’ Diċembru 2009 minn Thomson Sales Europe mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla), tad-29 ta’ Settembru 2009, fil-Kawżi Magħquda T-225/07 u T-364/07, Thomson Sales Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-498/09 P)

2010/C 80/13

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Thomson Sales Europe (rappreżentanti: F. Goguel u F. Foucault, avukati)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Settembru 2009,

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea REM Nru 03/05, tas-7 ta’ Mejju 2007,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti essenzjalment tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali injorat ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 225 KE peress li ddeċidiet fuq il-mertu t-talba tagħha għall-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Lulju 2007, li ma tikkonfermax il-ksib tal-benefiċċju tan-nuqqas ta’ rkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni fir-rigward ta’ riċevituri tat-televiżjonijiet bil-kulur iffabbrikati fit-Tajlandja, filwaqt li hija kienet preċedentement iddeċidiet li din it-talba kienet inammissibbli peress li l-ittra inkwistjoni ma setgħetx tipproduċi effetti legali.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża u wettqet żball manifest ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti peress li, minn naħa, ċaħdet it-talba tagħha sabiex il-provi prodotti kollha jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-partijiet u, min-naħa l-oħra, peress li ddeċidiet li Thomson kienet manifestament traskurata sa fejn, inkwantu operatur ta’ esperjenza, hija kellha titlob informazzjoni preċiża lill-Kummissjoni fir-rigward tal-possibbiltà li tkompli tiddikjara t-televiżjonijiet bil-kulur iffabbrikati fit-Tajlandja bħala li joriġinaw mit-Tajlandja wara li kienet bdiet tissupplixxi ruħha b’tubi li joriġinaw mill-Korea u mill-Malasja.

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, li huwa kompost minn żewġ partijiet, Thomson tinvoka l-ksur, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali (1) fir-rigward tal-possibbiltà ta’ ħlas lura totali jew parzjali tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni mħallsa jew ta’ remissjoni ta’ ammont ta’ dejn doganali. L-appellanti ssostni, minn naħa, li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi sa fejn ċaħdet ir-rikors tagħha billi eżaminat biss ir-rekwiżit ta’ nuqqas ta’ ingann jew traskuraġni, mingħajr ma l-ewwel ivverifikat ir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti, u għalhekk żball ta’ liġi, meta kkunsidrat li r-rekwiżiti għal remissjoni stabbiliti fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali ma kinux sodisfatti. Skont l-appellanti, hija tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni peress li ċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari sa fejn il-Kummissjoni bidlet il-prassi tagħha fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti mingħajr ma avżat, b’mod suffiċjenti, lill-operaturi.

Thomson barra minn hekk issostni li hija ma kellha ebda dubju dwar ir-regolarità tal-operazzjonijiet tagħha, peress li kienet konvinta li fir-rigward tal-prodotti kollha tagħha kellu jiġi applikat biss dazju antidumping wieħed, li kien ġie prattikament stabbilit bi fteħim mal-Kummissjoni. Għaldaqstant hija ma tistax tiġi kkunsidrata li kienet traskurata.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 4, p. 307)


Top