EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0190

Kawża C-190/09: Rikors ippreżentat fit- 28 ta’ Mejju 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika ta’ Ċipru

ĠU C 180, 1.8.2009, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 180/33


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Mejju 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika ta’ Ċipru

(Kawża C-190/09)

2009/C 180/57

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet (rappreżentanti: I. Chatzigiannis u A. Margelis)

Konvenuta: Ir-Repubblika ta’ Ċipru

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li, billi pprekludiet id-distribuzzjoni u l-bejgħ ta’ bijokarburanti prodotti minn pjanti ġenetikament modifikati u billi adottat id-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 66(I) tal-2005 mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika ta’ Ċipru naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE u taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34/KE (1);

tikkundanna lir-Repubblika ta’ Ċipru għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Liġi Ċiprijotta Nru 66(I) tal-2005 “dwar il-promozzjoni tal-użu ta’ bijokarburanti jew karburanti oħra rinovabbli għat-trasport” tittrasponi fid-dritt Ċiprijott id-Direttiva 2003/30/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport. Madankollu, it-Taqsima 6 ta’ din il-liġi tinkludi klawżola li bis-saħħa tagħha huma pprojbiti d-distribuzzjoni u l-bejgħ ta’ bijokarburanti prodotti minn pjanti ġenetikament immodifikati.

Il-kultivazzjoni ta’ varjetajiet approvati ta’ pjanti ġenetikament immodifikati hija legali fl-Unjoni Ewropea bis-saħħa tad-Direttiva 2001/18/KE u tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. Mandakollu, il-bijokarburanti ipproċessati, li huma prodotti minn pjanti ġenetikament immodifikati, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-atti leġiżlattivi u, konsegwentement, għandu jsir eżami tal-konformità tal-klawżola mal-Artikoli 28 sa 30 KE.

Fir-rigward tal-ksur tal-Artikoli 28 sa 30 KE, il-Kummissjoni tqis, l-ewwel nett, li l-projbizzjoni Ċiprijotta mhijiex indispensabbli sabiex jiġi protett interess ġenerali tkun xi tkun in-natura tiegħu u, it-tieni nett, ir-regoli nazzjonali li jipprojbixxu b’mod assolut prodott huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fir-rigward tal-ksur tad-Direttiva 98/384/KE, il-Kummissjoni tqis li t-Taqsima 6 tal-Liġi Nru 66(I) tal-2005 hija regolament tekniku fis-sens tal-Artikolu 1 tagħha, li ma taqax taħt l-eċċezzjoni li tinsab fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 10(1) tal-istess direttiva. Konsegwentement, l-awtoritajiet Ċiprijotti kellhom jinnotifikaw id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq lill-Kummissjoni. Peress li huma adottaw id-dispożizzjoni mingħajr notifika minn qabel, huma naqsu milli jwettqu l-obbligu tagħhom taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34/KE.


(1)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37


Top