EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1682

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud biex tiġġieled il-frodi fiskali marbuta mat-transazzjonijiet intra-Komunitarji u l-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 biex jiġġieled il-frodi fiskali marbuta mat-transazzjonijiet intra-Komunitarji COM(2008) 147 finali – 2008/0058 (CNS) 2008/0059 (CNS)

ĠU C 100, 30.4.2009, p. 150–152 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/150


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud biex tiġġieled il-frodi fiskali marbuta mat-transazzjonijiet intra-Komunitarji u l-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 biex jiġġieled il-frodi fiskali marbuta mat-transazzjonijiet intra-Komunitarji

COM(2008) 147 finali – 2008/0058 (CNS) 2008/0059 (CNS)

2009/C 100/28

Nhar it-3 ta’ April 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud biex tiġġieled il-frodi fiskali marbuta mat-transazzjonijiet intra-Komunitarji u

il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 biex jiġġieled il-frodi fiskali marbuta mat-transazzjonijiet intra-Komunitarji

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur SALVATORE.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’114-il vot favur, vot kontra u astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda s-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud biex tiġġieled il-frodi fiskali marbuta mat-transazzjonijiet intra-Komunitarji u l-proposta relatata għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003.

1.2.   L-emendi proposti jissodisfaw id-domanda - li kulma jmur qed tikber - għas-semplifikazzjoni, l-effettività, u l-effiċjenza u jiggarantixxu rabta aktar evidenti bejn il-miżuri ta’ semplifikazz-joni amministrattiva u l-kapaċità tal-Istati Membri li jiġġieldu u jrażżnu l-fenomenu tal-frodi intra-Komunitarji.

2.   Introduzzjoni

2.1.   Il-proposta sabiex jiġu emendati d-Direttiva u r-Regolament li qed jiġu analizzati hawnhekk, li hija r-riżultat ta’ diskussjonijiet fit-tul fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE, għandha l-għan espliċitu li tipprovdi lill-awtoritajiet bi strumenti effettivi u vinkolanti li permezz tagħhom jistgħu jeliminaw jew għall-anqas irażżnu l-kondotti frodulenti li ta’ spiss jintużaw bl-iskop li jfixklu t-tħaddim normali u korrett tas-suq intern.

2.2.   Fuq dan il-punt, huwa tajjeb li nżommu f’moħħna li n-natura speċifika tal-frodi illegali Komunitarja tidher taħt diversi forom u oqsma ta’ attività, mill-iffalsifikar kriminali tal-alkoħol u t-tabakk, u l-kuntrabandu, sa reati li jolqtu direttament il-fiskalità, u l-evażjoni tal-VAT, li huwa reat komuni ħafna.

2.3.   L-evażjoni tal-VAT ingħatat attenzjoni partikulari; fl-isfond hemm l-idea li ssir bidla radikali fis-sistema attwali tal-VAT għall-kummerċ Komunitarju, li, skont il-prinċipju tat-trattament indaqs fir-rigward tal-merkanzija nazzjonali u merkanzija ġejja mill-Istati Membri l-oħra, hija bbażata fuq is-sistema ta’ taxxa li tiġi applikata skont id-destinazzjoni, fi kliem ieħor, fl-Istat Membru li fih huwa rreġistrat ix-xerrej għall-iskopijiet tal-VAT.

2.4.   Dan l-aħħar prinċipju, li fil-fatt irregola b’mod transitorju s-sistema tal-kummerċ Komunitarju, fuq naħa ppermetta li l-merkanzija tiċċaqlaq bejn il-pajjiżi tal-UE mingħajr ma tiġi intaxxata u għalhekk assigurat iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-merkanzija, u fuq in-naħa l-oħra, ikkawża ħsara konsiderevoli lill-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea. Irridu biss naħsbu fuq il-prattika stabbilita ta’ frodi fl-UE msejħa “il-katina tal-evażjoni” li ġiet deskritta fil-qosor b’mod ċar u sempliċi fil-“Komunikazzjoni [tal-2006] tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa” (1), u ngħatat id-definizzjoni li ġejja: “Teżisti evażjoni partikulari msejħa ‘il-katina tal-evażjoni’ li tuża l-aktar il-kombinazzjonijiet tal-ħidmiet interni fi Stat Membru (bir-radd lura tal-VAT) u l-ħidmiet intra-Komunitarji (mingħajr ir-radd lura tal-VAT bejn il-kuntrattanti).”

2.5.   Il-KESE diġà ttratta l-kwistjoni diversi drabi u pprovda indikazzjonijiet utli li ġew evalwati b’attenzjoni matul it-tħejjija ta’ din l-opinjoni (2).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Minħabba l-bżonn li jiġi miġġieled il-fenomenu li issa nfirex sew, li huwa stmat li jiswa bejn it-2 u t-2.5 % tal-PGD tal-UE, il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud biex tiġġieled il-frodi fiskali marbuta mat-transazz-jonijiet intra-Komunitarji, flimkien mal-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 biex jiġġieled il-frodi fiskali marbuta mat-transazzjonijiet intra-Komunitarji, jappoġġjaw l-impenn ikkonfermat f’komunikazzjoni preċedenti u komprensiva: “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill li tikkonċerna wħud mill-elementi ewlenin li jikkontribwixxu biex tiġi stabbilita l-istrateġija kontra l-frodi tal-VAT fi ħdan l-UE” (3), waqt li tistabbilixxi b’mod ċar il-miżuri konkreti li għandhom jiġu adottati.

3.2.   Dan l-approċċ fil-fatt kien diġà jidher fil-komunikazzjoni msemmija hawn fuq, li enfasizzat li “Minkejja l-impenn tagħha li tikkompleta analiżi tal-bidliet potenzjali fis-sistema tal-VAT, il-Kummissjoni ma tara l-ebda kontradizzjoni filli tkompli parallelament dibattitu dwar dawk li jissejħu l-miżuri konvenzjonali. Li l-awtoritajiet fiskali jkunu pprovduti b’għodod aktar moderni u effiċjenti sabiex jiġġieldu l-frodi fiskali huwa għan li għandu jiġi segwit ikun xi jkun il-każ, indipendentement mid-deċiżjonijiet li ser jittieħdu dwar il-miżuri aktar mifruxa.”

3.3.   Fil-fatt, peress li l-proposta twarrbet għal perijodu medju sabiex isiru bidliet sostanzjali għas-sistema tal-VAT, inkluża l-idea li s-sistema tal-ġbir tal-VAT tinbidel radikalment, il-Kumitat jilqa’ l-inizjattiva tal-Kunsill li jintroduċi miżuri inqas ambizzjużi, iżda xorta waħda effettivi, fil-qafas tal-leġislazzjoni attwali tal-VAT.

3.4.   Il-KESE jilqa’ l-emendi proposti; jindika li dawn il-korrezzjonijiet speċifiċi għad-Direttiva tal-VAT jissodisfaw il-ħtiġiet ta’ semplifikazzjoni u effiċjenza invokati anke matul il-ħidma preparatorja fuq il-proposta. Dawn l-emendi jiggarantixxu wkoll rabta aktar evidenti bejn il-miżuri maħsuba għal semplifikazzjoni amministrattiva u l-kapaċità tal-Istati Membri li jiġġieldu u jrażżnu dan il-fenomenu transnazzjonali.

3.5.   B’mod aktar speċifiku, ir-rieda li jitnaqqas, hekk kif jissemma fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni inkorporat fil-proposta ta’ Direttiva, “iż-żmien bejn il-waqt li fih issir transazzjoni u bejn il-waqt li fih l-informazzjoni rilevanti titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istat Membru” – jiġifieri li jitnaqqas għal xahar il-perijodu għad-dikjarazzjoni tat-transazzjonijiet intra-Komunitarji fid-dikjarazzjonijiet ta’ rikapitulazzjoni, flimkien mal-proposta li jitnaqqas minn tliet xhur għal xahar il-perijodu tal-bgħit ta’ din l-informazzjoni bejn l-Istat Membri - tesprimi b’mod legali l-idea li ma jiġux iġġenerati obbligi amministrattivi sproporzjonati. Dan madankollu għandu jimxi id f’id ma’ kapaċità akbar ta’ investigazzjoni u ġestjoni aħjar tar-riskji min-naħa tal-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri, fil-ġlieda tagħhom kontra l-frodi Komunitarja.

3.6.   Iċ-ċarezza legali, is-semplifikazzjoni tal-obbligi u użu akbar tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni amministrattiva jidhru li jikkaratterizzaw id-dispożizzjonijiet l-oħra li jemendaw id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE.

3.7.   Fost dawn, apparti l-fatt li qed ikun hemm skambju ta’ informazzjoni aktar ta’ spiss, hemm il-proposta li fl-informazzjoni miġbura sabiex tiġi miġġielda l-frodi tiġi inkluża l-informazzjoni dwar l-akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija u servizzi minn provveditur stabbilit fi Stat Membru ieħor, li fuqhom il-klijent huwa obbligat iħallas il-VAT, kif ukoll id-dispożizzjoni li x-xerrejja jew il-klijenti li jwettqu transazzjonijiet għal ammont ogħla minn EUR 200 000 huma obbligati li jibagħtu d-dikjarazzjonijiet tagħhom tal-VAT kull xahar. Hemm ukoll l-emenda li tarmonizza r-regoli dwar il-VAT fuq is-servizzi sabiex it-transazzjonijiet jiġu ddikjarati fl-istess perijodu mill-bejjiegħ u mix-xerrej.

3.8.   Fil-fehma tal-Kumitat, dawn l-aħħar dispożizzjonijiet regolatorji, b’mod partikulari, ifissru fil-qosor ir-raġuni wara l-modifika tad-Direttiva, u jsibu kompromess bejn il-ħtiġiet ta’ obbligi addizzjonali, ir-raġunijiet għat-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi (parti żgħira tal-intrapriżi ser tkun ikkonċernata) u l-provvista ta’ aktar informazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet finanzjarji.

3.9.   Fi kliem ieħor, ir-ritmu aktar sostnut tal-bgħit tal-informazzjoni dwar l-iskambji kummerċjali għandu jkun ibbilanċjat mill-kapaċità tal-awtoritajiet fiskali li jittrattaw volumi akbar ta’ informazzjoni, li jwasslu għal mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni aktar effiċjenti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Il-Kumitat jaqbel mal-emenda tal-Artikolu 250(2), li tippermetti li l-kumpaniji jressqu d-dikjarazzjonijiet b’sistema elettronika. Dan il-mod, apparti li jnaqqas il-marġni ta’ żball fil-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni, inaqqas l-ispejjeż kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-awtoritajiet.

4.2.   Il-Kumitat japprova d-dispożizzjoni li tipprevedi deroga għall-kumpaniji li jintlaqtu b’mod okkażjonali jew eċċezzjonali mid-dispożizzjonijiet emendati.

4.3.   Il-Kumitat jilqa’ wkoll l-Artikolu 251(f) il-ġdid, li apparti li jkopri l-ġbir tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT fuq l-oġġetti, issa jkopri wkoll il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet għall-akkwist ta’ servizzi li jippermetti valutazzjoni aktar effettiva tal-informazzjoni skambjata u jgħin sabiex tiġi evitata l-evażjoni tal-VAT anke fil-qasam tas-servizzi.

4.4.   It-tnaqqis għal xahar tal-perijodu ta’ taxxa, minkejja li ma jistax jitqies bħala deterrent totali, ċertament huwa titjib sostjanzjali bil-għan li jiġu armonizzati r-regoli għall-iċċarġjar tal-VAT fuq is-servizzi sabiex l-informazzjoni mressqa mill-bejjiegħ u mix-xerrej tkun tista’ titqabbel.

4.5.   Il-konswegwenza ta’ dawn ir-regoli għat-tressiq tad-dikjarazzjoni tal-VAT hija l-perijodu ta’ żmien disponibbli sabiex jitressqu d-dikjarazzjonijiet ta’ rikapitulazzjoni.

4.6.   Hija importanti wkoll id-dispożizzjoni suċċessiva li tawtorizza anke f’dan il-każ il-bgħit tal-informazzjoni b’mod elettroniku.

4.7.   It-talba għal tabella ta’ korrelazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u d-Direttiva nnifisha hija meqjusa bħala utli, peress li hija inizjattiva maħsuba sabiex tivverifika b’mod aktar profond il-firxa estensiva ta’ informazzjoni li attwalment tiġi pprovduta mill-kumpaniji lill-awtoritajiet fiskali, anke minħabba d-diversi bidliet li ser iseħħu fil-ġejjieni.

4.8.   Fl-aħħar, għandu jiġi nnotat li l-emenda tad-Direttiva teħtieġ li r-Regolament relatat ikun emendat ukoll.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2006) 254 finali.

(2)  Opinjonijiet tal-KESE dwar “Proposta ta’ Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (tiswir mill-ġdid)”ĠU C 74, 23.3.2005, p. 21 u dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa”, ĠU C 161, 13.7.2007, p. 8.

(3)  COM(2007) 758 finali.


Top