EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IE1686

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar: Ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 100, 30.4.2009, p. 100–108 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/100


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar: Ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2009/C 100/16

Fis-sessjoni plenarja tiegħu tat-12 u t-13 ta’ Diċembru 2007, b’konformità mar-Regola 19(1) tar-Regolament Intern tiegħu, il-KESE stabbilixxa sottokumitat inkarigat mit-tfassil ta’ opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq

Is-Sottokumitat dwar “Ir-rwol tal-UE fil-Proċess ta’ Paċi fl-Irlanda ta’ Fuq”, li kien responsabbli għat-tħejjija tal-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adotta din l-opinjoni nhar it-23 ta’ Settembru 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura MORRICE.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’151 voti favur, vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Hemm ħafna x’wieħed jista’ jitgħallem mill-involviment tal-UE fil-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq (NI). Il-progress li sar mill-ikreh mumenti tal-passat mimli inkwiet tar-reġjun lil hawn huwa eċċezzjonali f’termini soċjali, ekonomiċi u b’mod partikolari f’termini politiċi. Tjieb l-istat ta’ sigurtà, l-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika miexja ’l quddiem, il-wasla ta’ nies ġodda minn barra, bħala migranti u turisti, mhux biss tagħti spinta lill-ekonomija iżda tgħin ukoll biex tisfida l-ħsieb settorjali tradizzjonali, il-kooperazzjoni transkonfinali qed tmur lil hinn minn dak li kien mistenni u l-qsim tal-poter bejn dawk li qabel kienu avversarji issa qed jiġi aċċettat bħala “politikament korrett”.

1.2   Madankollu, f’dan il-mument, il-kompjaċenza żgur mhijiex idea tajba. Il-“ħitan ta’ paċi” inkwetanti li jisseparaw il-komunitajiet Kattoliċi u Protestanti f’Belfast huma tfakkira ta’ swied il-qalb iżda reali tad-diffikultajiet serji li għadu qed jiffaċċja l-proċess ta’ paċi, b’mod partikolari f’termini ta’ rikonċiljazzjoni transkomunitarja, u ta’ kemm għad fadal xi jsir. Deċennji ta’ vjolenza, mibegħda, suspetti, injoranza u intolleranza wasslu għal separazzjoni bla preċedent tal-komunitajiet fl-Irlanda ta’ Fuq. Filwaqt li n-nies jistgħu jgħixu f’“livell aċċettabbli” ta’ paċi wara l-ħitan tagħhom, fid-djar, fl-irħula, fil-knejjes, fl-iskejjel u fl-istadiums sportivi tagħhom, dan l-“għajxien parallel” jista’ jirrappreżenta biss fażi tranżitorja fil-proċess lejn ir-rispett, il-fehim u l-armonija reċiproċi li jista’ jieħu ġenerazzjonijiet sħaħ qabel ma jitwettaq.

1.3   Ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq kien u jibqa’ bla preċedent fl-istorja tagħha. Il-fatt li l-istorja tal-għajnuna tal-UE għal dan il-proċess mhijiex magħrufa hu prova ta’ kemm dan l-approċċ huwa adegwat. Dan ma kienx sforz fieragħ biex l-UE tindaħal f’sitwazzjoni li hija lil hinn mill-kontroll tagħha jew li traqqa’ l-pannu bil-qara’ aħmar. Il-mudell tat-tisħiħ tal-paċi tal-UE fl-Irlanda ta’ Fuq jirrappreżenta impenn uniku u fit-tul, b’riżorsi sostanzjali, li ġie ppjanat u eżegwit b’mod strateġiku, imsejjes fuq il-prinċipji tas-sħubija soċjali u s-sussidjarjetà u mmexxi f’kull fażi b’konsultazzjoni lokali inklużiva.

1.4   Permezz ta’ taħlita ta’ intervent indirett u dirett, l-UE għenet lill-proċess ta’ paċi joħloq ambjent ideali għal soluzzjoni pożittiva, ġaladarba l-kundizzjonijiet politiċi ngħataw il-prijorità, u serviet ta’ katalist għal impatt ta’ tisħiħ tal-paċi reali, li l-effetti sħaħ tiegħu għad iridu jitwettqu.

1.5   L-UE ma għamlet l-ebda tentattiv ovvju biex tieħu l-mertu kollu għas-suċċess tal-proċess ta’ paċi. Madankollu l-istorja tkun qed tonqos jekk ma tirrikonoxxix il-valur u l-importanza tar-rwol tal-UE. Dan mhuwiex biss minħabba li l-appoġġ tal-UE b’mod partikolari għar-rikonċiljazzjoni għandu jkompli fis-snin li ġejjin, iżda wkoll minħabba l-fatt li dak li tgħallimna mill-Programmi PEACE tal-UE jista’ jgħin fl-isforzi għall-promozzjoni tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni f’partijiet oħra tad-dinja. L-UE qatt mhu ser ikollha r-risposti kollha, iżda, kif muri fl-Irlanda ta’ Fuq, żgur għandha l-mezzi u l-esperjenza biex tgħin lill-oħrajn isibuhom.

1.6   Bħala l-ikbar eżempju ta’ tisħiħ ta’ paċi, l-UE, flimkien mal-Istati Membri tagħha, għandha l-għarfien, l-esperjenza, id-diversità, ir-riżorsi u r-reputazzjoni biex tgħin fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tal-paċi fejn meħtieġ fid-dinja. Iżda barra minn dan għandha wkoll id-dmir u l-obbligu li tqiegħed it-tisħiħ tal-paċi fil-qalba tad-direzzjoni strateġika futura tagħha.

2.   Rakkomandazzjonijiet

2.1   Ir-rakkomandazzjonijiet jinqasmu f’żewġ sezzjonijiet separati: l-ewwel waħda tkopri dawk l-oqsma ta’ ħidma fl-Irlanda ta’ Fuq u fil-kontej tal-fruntiera li fuqhom ser tiġi ffukata l-għajnuna tal-UE għat-tisħiħ ulterjuri tal-proċess ta’ rikonċiljazz-joni. It-tieni sezzjoni tkopri l-kuntest aktar wiesa’ tal-għajnuna tal-UE għat-tisħiħ tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni f’oqsma oħra ta’ kunflitt bl-użu tal-lezzjonijiet mitgħallma fl-Irlanda ta’ Fuq u deskritti fil-pakkett ta’ għodod għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt li jidher hawn taħt.

2.2   Il-kuntest tal-Irlanda ta’ Fuq

2.2.1   Il-lezzjonijiet mitgħallma mill-esperjenza Irlandiża jixhdu li t-tisħiħ tal-paċi hu proċess strateġiku twil. Jibda bil-għan li tintemm il-vjolenza u jimxi pass pass lejn stabbiltà ekonomika, koeżistenza paċifika, rikonċiljazzjoni u fl-aħħar nett lejn armonija soċjali, prosperità ekonomika u “soċjetà komuni”. Għalhekk jeħtieġ li l-appoġġ tal-UE għal dan il-proċess ikun wieħed fit-tul, konxju tan-natura fraġli tal-fażijiet inizjali u taż-żmien meħtieġ biex tinkiseb rikonċiljazzjoni reali. Filwaqt li l-ammont ta’ assistenza finanzjarja mill-UE jista’ jonqos u jsir aktar immirat hekk kif ir-reġjun joħroġ mill-kunflitt, għandu jkompli jikber is-sinifikat tar-rwol tal-UE bħala sieħba fil-proċess u fil-kapaċità tagħha li tiżviluppa ir-relazzjonijiet tagħha mar-reġjun b’mezzi kreattivi oħra.

2.3   Rakkomandazzjoni 1: L-UE għandha żżomm l-appoġġ fit-tul tagħha għat-tisħiħ tal-paċi fl-Irlanda ta’ Fuq, u b’hekk għandha tiffoka aktar fuq:

ir-rikonċiljazzjoni transkomunitarja f’oqsma bħall-kultura, l-arti, l-isport, id-divertiment, id-djar u l-edukazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi u l-provvista ta’ servizzi pubbliċi;

il-gruppi marġinalizzati li qed jaħdmu f’kapaċità transkomunitarja bħala l-benefiċarji ewlenin tal-għajnuna, billi l-provvista ta’ għajnuna lil gruppi li jaħdmu ma’ identità unika (jew Protestanta jew Kattolika) illum hija biss possibbli f’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn hi prerekwiżit ewlieni għat-tisħiħ tal-kapaċità transkomunitarja;

il-vittmi tal-“Inkwiet” (“Troubles”) sabiex jibnu ħajjithom mill-ġdid, jgħixu bit-trawma u jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma’ gruppi simili minn komunitajiet oħra f’żoni oħra ta’ kunflitt;

l-appoġġ ta’ inizjattivi li jwasslu għal “soċjetà komuni” sabiex jgħinu t-tnaqqis tal-ħtieġa għal duplikazzjoni tas-servizzi fid-djar, is-saħħa, l-edukazzjoni u f’faċilitajiet ta’ divertiment u sportivi;

l-inklużjoni ta’ organizzazzjonijiet volontarji u komunitarji, trejdjunjins u negozji fil-livelli kollha tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-fondi PEACE tal-UE;

ir-restawrazzjoni ta’ dawk l-istrutturi ta’ sħubija lokali li għenu sabiex iressqu lill-imsieħba soċjali u l-politiċi flimkien fl-istadji inizjali tal-programm PEACE;

it-tnaqqis tal-burokrazija, partikolarment għall-proġetti fuq skala żgħira fil-komunitajiet rurali u urbani, bl-evalwazzjoni tal-proġett li titkejjel kemm f’termini soċjali kif ukoll ekonomiċi;

2.4   Rakkomandazzjoni 2: It-Task Force tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Irlanda ta’ Fuq għandha tkompli tiffoka fuq l-iggwidar, l-iffaċilitar u l-appoġġ ta’ mezzi kreattivi u innovattivi għall-iżvillup tar-reġjun barra minn dawk li jiddependu fuq il-finanzjament tal-PEACE, bħar-riċerka, it-trasferiment tal-għarfien, l-edukazzjoni u l-iffaċilitar ta’ netwerks internazzjonali għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti.

2.5   Il-kuntest globali aktar wiesa’

2.6   L-UE mhux biss għandha d-dmir li titgħallem mill-esperjenzi tagħha fl-Irlanda ta’ Fuq iżda li tgħaddi dan it-tagħlim lill-oħrajn li qed jesperjenzaw livelli ta’ kunflitt differenti kemm jekk huma fi ħdanha, mal-fruntieri tagħha jew fil-bqija tad-dinja. Dan jgħin biex jiġi massimizzat ir-rwol pożittiv li l-UE jista’ jkollha fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti globali.

2.7   Rakkomandazzjoni 3: Għandu jkun hemm skambju ta’ tagħlimiet ewlenin bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u fix-xena internazzjonali. Dan għandu jiġi ffaċilitat permezz ta’:

bażi tad-data komprensiva tal-aħjar prattika fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti (proposta tal-PE);

kompendju ta’ evalwazzjonijiet tal-programm PEACE u proġetti ta’ suċċess;

aktar riċerka dwar ir-rwol tal-UE f’għadd ta’ oqsma (sitwazz-jonijiet ta’ kunflitt intern, transkonfinali u estern).

2.8   Rakkomandazzjoni 4: Dan jista’ jiġi ffaċilitat bil-ħolqien ta’ faċilità istituzzjonali Ewropea għar-Riżoluzzjoni tal-Kunflitt fl-Irlanda ta’ Fuq, li tislet mill-ħidma lokali u internazzjonali eżistenti fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti. Id-detall ta’ dan għandu jkun is-suġġett ta’ dibattitu mal-imsieħba soċjali mifrux mal-UE kollha u mibdi mill-KESE, li jfittex l-aħjar mezz kif tista’ tiġi żviluppata faċilità għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti b’dimensjoni Ewropea.

2.9   Rakkomandazzjoni 5: Il-pakkett ta’ għodod li jidher hawn taħt għandu jiġi adottat u żviluppat aktar sabiex jgħin fl-analiżi ta’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u biex jinforma l-intervent meħtieġ tal-UE meta u kif meħtieġ. Il-pakkett ta’ għodod jiġbor flimkien firxa ta’ strumenti użati mill-UE li jistgħu jservu ta’ punt ta’ referenza u riżorsa għall-ħidma li tinvolvi l-protezzjoni tal-minoranzi, l-ugwaljanza, it-tisħiħ tal-kapaċità, il-kooperazz-joni transkomunitarja u transkonfinali u l-iżvilupp soċjoekonomiku f’oqsma oħra fi ħdan l-UE, mal-fruntieri tagħha u f’żoni ta’ kunflitt lil hinn mill-fruntiera territorjali tagħha.

Pakkett ta’ għodod tal-UE għar-Riżoluzzjoni tal-Kunflitti

Kitt ta’ dijanjosi:

Analiżi soċjoekonomika u politika

Manwali ta’ Referenza:

Esperjenzi minn postijiet oħra (eż. minn faċilitajiet għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti)

Kompendju/bażi tad-data ta’ programmi/proġetti

Konsiderazzjoni tat-teoriji għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti

Viżwalizzazzjoni strateġika:

Aspetti oġġettivi (sopranazzjonali) fit-tul, flimkien ma’ approċċ għat-teħid tar-riskju

Applikazzjoni ta’ tagħlimiet miksuba

Għarfien miksub u żviluppat

Valutazzjoni tal-istadju tal-kunflitt

Identifikazzjoni tal-metodu ta’ intervent, skont l-istadju u l-post tal-kunflitt (fi ħdan l-UE, mal-fruntieri tagħha jew lil hinn minnhom)

 

GĦODOD FINANZJARJI

GĦODOD MHUX FINANZJARJI

Għodod kbar

(fil-livell makro)

Netwerks iffinanzjati mill-UE li jiffukaw fuq it-trasformazzjoni tal-kunflitt

Istituzzjonijiet, politiki u opportunitajiet tal-UE

Etos, metodoloġija u eżempju tal-UE

Ewropeanizzazzjoni (fil-livell nazzjonali), normi, valuri, istituzzjonijiet u proċeduri tal-UE (inkluża l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali)

Spazju Newtrali li jiffaċilita d-djalogu/il-bini ta’ kunsens

Approċċ ekwu li jiġġenera l-fiduċja

Mudell għall-ħolqien tal-paċi tal-UE – immexxu bl-eżempju

Sħubija mill-qrib mad-donaturi ewlenin

Kalibrar u Regolamentazzjoni

(fil-livell meso)

Programmi apposta PEACE tal-UE

Fondi Strutturali – Imfassla b’mod li jimmiraw għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti (iddefiniti permezz ta’ kriterji xierqa ta’ “karattru distintiv”)_

Kooperazzjoni bilaterli/transkonfinali

Ftehimiet u inizjattivi

Mudell ta’ sħubija soċjali

Evalwazzjoni tal-livell tal-Programm

Task Force (ġbir ta’ informazzjoni lokali, identifikazzjoni ta’ opportunitajiet u oqsma għall-kooperazzjoni, it-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni fi programmi mifruxa mal-UE)

Approċċ ta’ sħubija b’ħidma mal-imsieħba politiċi u soċjali lokali

Konsultazzjoni lokali li twassal għas-sjieda lokali ta’ tfassil u żvilupp ta’ programm

Inklużjoni tal-istituzzjonijiet lokali

Tneħħija ta’ ostakoli permezz tal-politiki tal-UE

Strumenti ta’ perfezzjonament/ rfinar

(fil-livell mikro)

Aġenti ta’ kunsinna lokali biex jilħqu liċ-ċittadini

Għotjiet globali biex jiżguraw sensittività lokali u biex jintlaħqu miri xierqa

Finanzjament kondizzjonali għall-promozzjoni tal-aħjar prattika

Monitoraġġ għal tagħlim kontinwu

Għajnuna għat-tisħiħ tal-kapaċità u l-kollaborazzjoni/kooperazzjoni

Kooperazzjoni transkonfinali “bottom up”, – ekonomika, soċjali u kulturali

Awtoevalwazzjoni

Ewropeanizzazzjoni (fil-livell lokali) parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, parteċipazzjoni taċ-Ċittadini, parteċipazzjoni tal-Komunità, Tqassim tal-Uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea

Ċelebrazzjoni tas-suċċess

Tkabbir tal-għarfien permezz tal-istampa u r-riklamar

3.   Introduzzjoni

3.1   Din l-Opinjoni tfittex li tirrakkonta l-istorja “minsija” tas-suċċess tal-għajnuna tal-UE fil-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq, sabiex ittejjeb il-fehim tal-esperjenza tal-Irlanda ta’ Fuq fost is-soċjetà ċivili Ewropea u sabiex jitfassal “pakkett ta’ għodod” ibbażat fuq il-metodi użati mill-UE għall-promozzjoni tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni li jkun jista’ jintuża f’żoni oħrajn ta’ kunflitt, skont il-bżonn.

3.2   L-Opinjoni tiffoka fuq l-għajnuna pprovduta mill-UE permezz tal-Programmi PEACE, il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (IFI) u l-INTERREG. Teżamina kif tfasslu l-fondi u l-impatt li kellhom fuq il-ħajja soċjali, ekonomika u politika tar-reġjun, b’enfasi fuq l-għajnuna għas-soċjetà ċivili (negozji, trejdunjins, settur tal-volontarjat).

3.3   Teżamina wkoll l-opportunitajiet mifruxa pprovduti mill-UE għal kooperazzjoni politika, diplomatika u amministrattiva Anglo-Irlandiża u kemm il-“mudell ta’ ħolqien ta’ paċi Ewropew” intuża bħala sinjal qawwi għall-bidla pożittiva fl-Irlanda ta’ Fuq.

4.   Metodu

4.1   Ġew organizzati erba’ laqgħat ta’ ħidma. Waħda minnhom kienet il-Konferenza Konsultattiva ta’ April 2008 fl-Irlanda ta’ Fuq. Il-Konferenza ġabret informazzjoni mill-parteċipanti u mill-esperti permezz ta’ kwestjonarji u konsultazzjoni elettronika, li ppermettew li jinsiltu konklużjonijiet msejsa fuq l-esperjenza diretta tal-programmi u l-politiki tal-UE. B’żieda ma’ dan, il-membri tas-Sottokumitat wettqu żjara ta’ studju f’Belfast li fiha żaru l-proġetti ffinanzjati mill-UE.

4.2   Il-Konferenza kkoinċidiet ma’ avvenimenti li fissru progress politiku sinifikanti fl-Irlanda ta’ Fuq, u li għalihom attendew il-Prim Ministru u l-Viċi Prim Ministru, il-Ministru tal-Istat Irlandiż u rappreżentanti anzjani tal-UE li pparteċipaw fil-ħolqien tal-Programm PEACE.

4.3   Element ewlieni ta’ din l-Opinjoni kienet il-kooperazz-joni siewja bejn it-tliet gruppi tal-KESE, l-esperti tagħhom u l-membri tas-Sottokumitat minn Franza, Spanja, l-Italja, l-Irlanda u r-Renju Unit, il-Parlament Ewropew (rapport de Brún) u l-Kummissjoni Ewropea.

5.   Sfond

5.1   Ġeoġrafija/ekonomija

5.1.1   L-Irlanda ta’ Fuq tinsab fil-grigal tal-gżira tal-Irlanda. Tkopri territorju ta’ 5 500 mil kwardu, u skont l-aħħar ċensiment (2001), għandha popolazzjoni ta’ 1 685 000 persuna, li minnhom 53,1 % huma Protestanti, 43,8 % Kattoliċi, 0,4 % “Oħrajn ” u 2,7 % ma jipprattikaw l-ebda reliġjon. Din il-popolazzjoni hi fost l-iktar żagħżugħa fl-Ewropa, b’aktar minn 40 % taħt id-29 sena. Għalkemm baqgħet statika sa ftit taż-żmien ilu minħabba l-migrazzjoni globali ’l barra, il-popolazzjoni hija mistennija li taqbeż il-1,8 miljun sal-2011.

5.1.2   L-ekonomija qed tinbidel minn manifattura tradizzjonali (il-bini ta’ vapuri u t-tessili) għal waħda aktar immexxija mis-servizzi u l-esportazzjoni. Mill-2004/05, il-Valur Gross Miżjud (GVA) żdied bi 3,5 % f’termini reali, ftit inqas mill-medja tar-Renju Unit, iżda ħafna anqas mit-tkabbir tal-PGD Irlandiż ta’ madwar 10 % fis-sena matul is-snin tat-“Tigra Keltika”. Il-GVA per capita hu ta’ madwar 80 % tal-medja tar-Renju Unit u l-qgħad waqa’ għal 3,6 % mill-ogħla rata ta’ 17,2 % fl-1986. Madankollu, dawn l-istatistiċi jaħbu numru ta’ sfidi serji, bħal-livell għoli ta’ nuqqas ta’ attività ekonomika, li tinsab wieqfa b’26,9 %, u li hi l-ogħla fost ir-reġjuni kollha tar-Renju Unit, u dipendenza qawwija fuq il-fondi pubbliċi għall-għajnuna lis-setturi pubbliċi u privati, ħaġa li xekklet l-ispirtu intraprenditorjali (il-fondi pubbliċi jirrappreżentaw 62 % tal-GVA).

5.2   Sfond storiku/politiku reċenti

5.2.1   L-Irlanda ta’ Fuq saret reġjun tar-Renju Unit fl-1921 wara l-“Att tal-Gvern tal-Irlanda” li wassal għad-diviżjoni tal-Irlanda ta’ Fuq u t’Isfel. Dan ħoloq reġjun konfinali fuq il-gżira u mmarka l-bidu ta’ proċess ta’ diviżjoni f’termini soċjali, ekonomiċi u politiċi. Sa minn dak iż-żmien din id-diviżjoni kienet is-sors ta’ kunflitt bejn in-Nazzjonalisti tal-Irlanda ta’ Fuq (Kattoliċi fil-maġġoranza tagħhom) u l-Unjonisti (Protestanti fil-maġġoranza tagħhom). B’mod ġenerali, in-Nazzjonalisti jixtiequ Irlanda magħquda filwaqt li l-Unjonisti jridu li l-Irlanda ta’ Fuq tibqa’ parti mir-Renju Unit.

5.2.2   Fl-1921, 60 % tal-popolazzjoni kienu Protestanti u 40 % kienu Kattoliċi. Il-maġġoranza tal-komunità Unjonista żammet il-poter f’idejha għal madwar nofs seklu. Fl-aħħar tas-sittinijiet kien hemm dimostrazzjonijiet favur id-drittijiet ċivili u t-tmiem tad-diskriminazzjoni. Segwew konfrontazzjonijiet vjolenti u rvelli li ħafna jqisu bħala l-bidu tal-“Inkwiet” reċenti tal-Irlanda ta’ Fuq. Fl-1972, fil-quċċata tal-“Inkwiet”, il-Parlament tal-Irlanda ta’ Fuq ġie xolt u ġiet stabbilita “Tmexxija Diretta” minn Londra.

5.2.3   Fid-deċennji ta’ wara saru ħafna sforzi ta’ stabbilzzazz-joni tas-sitwazzjoni, inklużi inizjattivi ta’ rikonċiljazzjoni promossi l-iktar mill-organizzazz-jonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi t-trejdunjins. Iżda fl-istess perijodu kien hemm vjolenza qawwija, li f’35 sena wasslet għall-mewt ta’ aktar minn 3 500 persuna, u li ħalliet eluf ta’ persuni oħra b’diżabilità fiżika jew mentali permanenti.

5.2.4   Il-waqfien mill-ġlied paramilitari tal-1994 witta t-triq għal taħditiet bejn il-partiti politiċi. Fl-1998 intlaħaq il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira (Good Friday Agreement) f’Belfast u ġie rratfikat mill-maġġoranza l-kbira tan-nies f’referenda separati li saru fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera. Matul is-sena ta’ wara nħolqu l-Eżekuttiv u l-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq, flimkien ma’ numru ta’ korpi miż-żewġ naħat tal-fruntiera u fl-aħħar ġimgħat tal-millennju reġgħet iddaħħlet id-devoluzzjoni.

5.2.5   Fl-2002, l-Assemblea ġiet sospiża u l-Eżekuttiv b’poter devolut, immexxi mid-DUP (Unjonista) u mis-Sinn Fein (Repubblikan) ma reġax iddaħħal qabel Mejju 2007. Bħalissa r-reġjun qiegħed jesperjenza l-itwal perijodu ta’ stabbiltà politika f’iktar minn erba’ deċennji.

5.3   L-involviment tal-UE fil-proċess ta’ paċi

5.3.1   Ir-Renju Unit u l-Irlanda ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1973 fil-quċċata tal-“Inkwiet” u l-Irlanda ta’ Fuq ingħatat “status speċjali” bl-għoti tal-istatus ta’ “Objective One”, għalkemm mhux dejjem “ikkonformat” mar-rekwiżiti ekonomiċi. Dan wassal għal finanzjament akbar għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Dan kien maħsub bħala finanzjament addizzjonali tal-Gvern tar-Renju Unit għalkemm ħafna sostnew li kien qed jintuża biex jitnaqqsu r-rekwiżiti ta’ finanzjament.

5.3.2   Fl-ewwel elezzjonijiet diretti tal-Parlament Ewropew (1979) ġew eletti tliet Membri tal-Parlament Ewropew mill-Irlanda ta’ Fuq (Ian Paisley, John Hume u John Taylor). Fl-1984 il-PE ppubblika r-“Rapport Haagerup” dwar l-Irlanda ta’ Fuq u l-Viċi President tal-Komunità Ewropea, Lorenzo Natali, wiegħed li jeżamina, b’attitudni favorevoli, is-suġġeriment ta’ pjan integrat għall-Irlanda ta’ Fuq u ż-żoni ta’ fruntiera. Madankollu, huwa enfasizza li kien jeħtieġ permess mill-Gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Irlanda.

5.3.3   Fl-1986 il-Gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Irlanda ħolqu l-Fond Internazzjonali għall-Irlanda għall-promozzjoni tal-avvanz soċjali u ekonomiku u għat-tħeġġiġ tar-rikonċiljazzjoni bejn in-Nazzjonalisti u l-Unjonisti fil-gżira tal-Irlanda. L-UE hi waħda mill-ikbar donaturi, flimkien mal-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja u n-New Zealand, tal-EUR 849 miljun li appoġġjaw aktar minn 5 700 proġett fl-Irlanda ta’ Fuq u l-kontej konfinali tal-Irlanda għal aktar minn 20 sena. Sal-2013, il-fondi tal-UE lill-IFI ser ikunu telgħu għal total ta’ EUR 349 miljun.

5.3.4   Iż-żjara fl-Irlanda ta’ Fuq tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jacques Delors fl-1992, għal konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti lokali, saħħet l-impenn tiegħu għall-kawża tal-paċi fir-reġjun. Dik is-sena tneħħew l-ostakoli ekonomiċi għall-kummerċ bejn iż-żewġ naħat tal-fruntiera, bit-twettiq tas-Suq Uniku li biż-żmien fetaħ opportunitajiet importanti għall-kummerċ u n-negozju transkonfinali.

5.3.5   Fl-1994, eżatt wara l-waqfien mill-ġlied paramilitari, Delors iltaqa’ mat-tliet MPE tal-Irlanda ta’ Fuq (li kienu Ian Paisley, John Hume u Jim Nicholson) u laħaq ftehim magħhom dwar il-pjanijiet għal pakkett importanti ġdid tal-UE. Ħoloq Task Force u, wara konsultazzjoni lokali wiesgħa, intlaħaq qbil, fis-Summit tal-UE fl-1994, dwar il-proposta għal allokazzjoni ta’ EUR 300 miljun għal Programm PEACE ta’ tliet snin, ftit ġimgħat biss qabel it-tmiem tal-mandat presidenzjali ta’ Delors. Il-finanzjament ġie estiż għal sentejn oħra b’finanzjament addizzjonali mill-UE ta’ EUR 204 miljun.

5.3.6   Dan sar l-ewwel Programm Speċjali ta’ Appoġġ għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq u fil-Kontej Konfinali tal-Irlanda, jew PEACE I. Il-konsultazzjoni wiesgħa dwar il-Programm inkludiet Opinjoni li tfasslet mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-1995 (1), li laqgħet l-inizjattiva u enfasizzat il-ħtieġa kemm għal approċċ fit-tul kif ukoll għal flessibilità fl-allokazzjoni tal-fondi.

5.3.7   Fis-sena 2000, PEACE I ġie segwit b’PEACE II, li kien innegozjat mill-partiti lill-Eżekuttiv il-ġdid tal-Irlanda ta’ Fuq b’finanzjament tal-UE ta’ EUR 531 miljun. Dan ġie estiż fl-2005/06 b’fondi mill-UE ta’ EUR 78 miljun. Il-KESE fassal it-tieni Opinjoni dwar il-Finanzjament tal-PEACE (Rapporteur is-Sur Simpson), li talab li l-finanzjament ta’ PEACE II ikun aktar immirat lejn proġetti li jippromwovu r-rikonċiljazzjoni u lejn il-problemi ffaċċjati mill-ħaddiema migranti. Fl-2007 daħal fis-seħħ PEACE III għall-perijodu 2007-2013 b’finanzjament ta’ EUR 225 miljun mill-UE. B’kollox l-UE ikkontribwiet ’il fuq minn EUR 1.3 biljun għal dawn il-Programmi.

5.3.8   Wara d-devoluzzjoni tal-2007, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jose Manuel Barroso, waqqaf Task Force ġdida mmexxija mill-Kummissarju għall-Affarijiet Reġjonali Danuta Hübner, sabiex tirrifletti dwar il-ġejjieni tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Irlanda ta’ Fuq. Ir-Rapport, li ġie ppubblikat f’April 2008, jipproponi numru ta’ metodi sabiex ir-reġjun ikun iktar involut fil-politiki tal-UE u jinnota l-interess muri mill-awtoritajiet tal-Irlanda ta’ Fuq fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ faċilità istituzzjonali Ewropea għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti sabiex tipprovdi riċerka, pariri u skambju ta’ esperjenzi.

6.   L-impatt tal-involviment tal-UE

6.1   L-involviment tal-UE fil-proċess ta’ paċi ħa suriet differenti, mill-appoġġ politiku f’livell għoli sa appoġġ għall-intervent finanzjarju fil-livell lokali. Din l-attività laħqet il-quċċata tagħha fis-snin disgħin bl-appoġġ tal-progress politiku mwettaq b’konsegwenza tal-waqfien mill-ġlied u l-konklużjoni tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira/ta’ Belfast u għadha għaddejja sal-lum permezz tat-Task Force tal-Kummissjoni Ewropea li qed tiffoka fuq oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni, PEACE III, l-IFI u l-INTERREG.

6.2   Il-finanzjament tal-UE għat-tisħiħ tal-paċi kien element essenzjali tal-appoġġ għall-proċess ta’ paċi tal-UE. Madankollu, il-fatturi mhux finanzjarji, wirt awtomatiku tas-sħubija mal-UE, kellhom effett qawwi fuq il-promozzjoni ta’ bidla pożittiva. Għaldaqstant l-“isfera ta’ influwenza” tal-UE tista’ tinqasam f’żewġ fatturi, finanzjarji u mhux finanzjarji, li huma separati iżda li jikkoinċidu.

6.3   Fatturi mhux finanzjarji

6.3.1   Wara l-adeżjoni, l-UE pprovdiet “spazju newtrali” għall-iffaċilitar tad-djalogu bejn il-politiċi Brittaniċi u Irlandiżi, li offra opportunitajiet ġodda għal laqgħat regolari fi spazju newtrali. Dan kien utli ukoll għall-MPE tal-Irlanda ta’ Fuq. L-aħjar eżempju ta’ dan kienet il-laqgħa fl-1994 bejn Paisley, Hume, Nicholson u Delors, li wasslet għall-ewwel programm PEACE, u li Paisley kien iddeskriva bħala waħda mill-aktar laqgħat produttivi tal-karriera tiegħu. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-uffiċjali tar-Renju Unit u dawk Irlandiżi fuq kwistjonijiet ta’ kuljum ressqet lill-amministrazzjonijiet iktar lejn xulxun, ħaġa li mingħajr dubju kellha effett pożittiv fuq il-proċess ta’ paċi.

6.3.2   Dan l-“ispazju newtrali” kellu valur saħansitra akbar fil-kuntest tal-appoġġ tal-UE għall-proċess ta’ paċi fi-livell lokali. L-inklużjoni, il-parteċipazzjoni u l-għoti tas-setgħa lis-soċjetà ċivili kien iffaċilitat mill-istituzzjonijiet u mit-tqassim tal-persunal li ħadem biex jiżgura approċċ “ugwali” u inklużiv.

6.3.3   Element mhux finanzjarju ieħor importanti kienet l-opportunità pprovduta għall-mexxejja tar-Renju Unit u tal-Irlanda, sabiex jesperjenzaw l-istil ta’ ħolqien ta’ kunsens tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE. Fin-negozjati tal-Kunsill, l-Istati Membri użaw stil ġdid ta’ djalogu multilaterali, għażla tat-triq tan-nofs u kompromess, li kienu għodda utli fit-taħditiet politiċi lokali.

6.3.4   Id-dħul fis-seħħ tas-Suq Uniku Ewropew fl-1992 kellu impatt mhux finanzjarju sinifikanti fuq il-proċess ta’ paċi. It-tneħħija tal-ostakoli amministrattivi għall-kummerċ transkonfinali ħeġġet kooperazzjoni akbar bejn l-organizzazzjonijiet tan-negozju fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera u tat spinta lill-attivitajiet li l-moviment tat-trejdjunijins ilu jwettaq fil-qasam tal-kooperazzjoni transkonfinali. Madankollu, il-kontrolli tas-sigurtà transkonfinali komplew ixekklu l-avvanzi ewlenin fil-kooperazz-joni ekonomika u soċjali.

6.3.5   Fattur mhux finanzjarju b’impatt limitat fil-bidu kien il-Mudell Ewropew għall-ħolqien tal-paċi, li kien eżempju għar-reġjun. Meta l-Irlanda ta’ Fuq issieħbet fl-UE fl-1973, ħafna ttamaw li l-effett ta’ stabbilizzazzjoni tal-adeżjoni kien se jkun kważi immedjat. Madankollu, il-mudell Ewropew ħa ż-żmien biex iħalli impatt fuq il-proċess minħabba l-firdiet qawwija li kien hemm fil-komunità.

6.3.6   Anke illum, wara 35 sena ta’ sħubija fl-UE, f’Belfast għad għandha l-hekk imsejħa “ħitan ta’ paċi” li jisseparaw il-komunitajiet Kattoliċi u Protestanti. Il-maġġoranza tat-tfal jattendu skejjel “separati” u 90 % tan-nies jgħixu f’komunitajiet “separati”.

6.4   Impatt finanzjarju

6.4.1   L-impatt finanzjarju ta’ PEACE I fuq il-proċess ta’ paċi kien sinifikanti għaliex kien uniku u innovattiv – kienet l-ewwel darba li l-UE użat strument bħal dan. B’appoġġ ta’ EUR 500 miljun (1995-1999) għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni, dan il-programm kien ukoll l-ikbar għotja ta’ għajnuna mmirata għal dan il-għan speċifiku. Dan irrappreżenta 73 % tal-investiment totali; il-bqija nħareġ mill-awtoritajiet fiż-żewġ pajjiżi u mis-settur mhux governattiv.

6.4.2   Fattur ewlieni li kkontribwixxa għall-impatt pożittiv ta’ PEACE I kien il-proċess ta’ konsultazzjoni mifruxa li ġie inkluż fit-tfassil tal-programm. Is-soċjetà ċivili organizzata, inklużi l-NGOs, it-trejdjunjins u n-negozji, ħassewhom involuti għaliex il-kontribut tagħhom ġie rikonoxxut. Il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Irlanda ta’ Fuq ukoll ġew involuti. PEACE I ġie reklamat ħafna u għalhekk kien magħruf sew fiż-żona ta’ mira tiegħu. Dan ir-“rikonoxximent” għadu validu sal-lum. L-istatistika tixhed li kważi nofs il-popolazzjoni bbenefikat mill-Programmi PEACE.

6.4.3   L-oriġinalità tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-PEACE kienu wkoll kruċjali għas-suċċess tiegħu. Il-Korpi Intermedjarji ta’ Finanzjament kienu mezz inġenjuż kif tinqasam ir-reponsabbiltà u fl-istess ħin issaħħaħ il-kapaċità fil-livell lokali. Is-Sħubijiet Distrettwali, magħmulin minn rappreżentanti tas-setturi tan-negozju, tal-biedja, tal-volontarjat u tal-komunità kif ukoll mit-trejdjunjins u mill-membri eletti tal-gvern lokali, kienu xi ħaġa ġdida għall-Irlanda ta’ Fuq. Dan l-approċċ ta’ sħubija għat-teħid ta’ deċiżjonijiet kien parti mill-proċess għat-tisħiħ tal-paċi daqs kemm kien parti mill-finanzjament innifsu.

6.4.4   Huwa rikonoxxut sew li dan l-approċċ “bottom up” fisser finanzjament iktar aċċessibbli għal dawk li jinsabu fil-limiti tal-ħajja lokali, ekonomika u soċjali. B’mod partikolari, kien immirat lejn gruppi li s’issa ftit li xejn kienu rċevew appoġġ, bħall-vittmi u l-ex-ħabsin, u żied il-finanzjament għal oħrajn, inklużi organizzazzjonijiet transkomunitarji u transkonfinali, gruppi tan-nisa u taż-żgħażagħ.

6.4.5   L-impatt finanzjarju ta’ dawn il-programmi kien ikbar mill-finanzjament preċedenti tal-UE għaliex kien garantit bħala “addizzjonali”. Dan il-fattur wassal biex ikun aktar siewi u viżibbli għaliex “mar lil hinn” mill-finanzjament tal-Gvern għar-reġjun. Spiss jingħad li l-istess ma sarx għall-programmi l-oħra tal-Fondi Strutturali tal-UE.

6.4.6   Il-bidla fil-mira bejn il-programmi kellha impatt ukoll. “L-inklużjoni soċjali” ħadet l-akbar sehem minn PEACE I u t-“tiġdid ekonomiku” rċieva l-aktar fondi taħt PEACE II. F’PEACE III, il-mira inbidlet għar-“rikonċiljazzjoni” li hi rikonoxxuta bħala l-aħjar mezz biex jingħelbu l-problemi ta’ firda settorjali li għad fadal.

6.4.7   Barra minn hekk, ir-responsabbiltà għal PEACE II/III għaddiet f’idejn il-Korp ta’ Programmi Speċjali tal-UE (SEUPB) li għadu kif ġie maħluq. Xi partijiet mill-ħidma tiegħu qed jiġu megħjuna mill-Kumitati ta’ Monitoraġġ, li jinkludu l-interessi tas-settur pubbliku, tat-trejdjunjins u privat mill-Irlanda ta’ Fuq u l-Kontej tal-fruntiera. Filwaqt li xi wħud jargumentaw li l-impatt ta’ din il-bidla kien li jitnaqqas il-livell ta’ involviment tal-livell lokali, oħrajn jarawha bħala “one stop shop” siewi għall-aspetti kollha ta’ finanzjament tal-Programmi PEACE u transkonfinali tal-UE.

6.4.8   L-impatt tal-IFI fuq il-proċess ta’ paċi, kemm fir-rigward tal-proġetti kif ukoll fil-kompożizzjoni tiegħu, kien sinjifikanti ħafna ukoll. L-IFI jiġbor flimkien ir-rappreżentanti mill-pajjiżi donaturi u din il-forma unika ta’ kooperazzjoni, l-aktar dik bejn l-UE u l-Istati Uniti, tista’ tkun eżempju validu ta’ prattika tajba f’żoni oħra ta’ kunflitt.

6.4.9   Filwaqt li l-INTERREG jopera madwar l-UE kollha, l-impatt speċifiku tiegħu fuq il-gżira tal-Irlanda kien ukoll siewi ħafna fir-rigward tal-proċess ta’ paċi. Bħala appoġġ tal-elementi transkonfinali tal-Programmi PEACE, l-INTERREG investa kemm f’infrastruttura transkonfinali kif ukoll fi programmi soċjoekonomiċi u għen lill-komunitajiet mifrudin sabiex jaħdmu flimkien.

6.4.10   Inizjattivi oħra tal-UE, bħal URBAN, EQUAL u LEADER, kellhom u għad għandhom influwenza inqas diretta iżda madankollu importanti fuq il-proċess ta’ paċi tal-Irlanda ta’ Fuq.

6.5   Impatt fuq il-kooperazzjoni transkonfinali

6.5.1   Wara d-diviżjoni tal-gżira fl-1921, iż-żewġ ġurisdizzjonijiet evolvew b’mod separat u apparti. L-impatt ta’ din il-qagħda “kunflittwali” kien evidenti qabel l-“Inkwiet” u ħrax wara 35 sena ta’ vjolenza. L-interazzjoni transkonfinali kienet limitata minħabba l-perikli u d-diffikultajiet u l-kummerċ transkonfinali kien l-iktar wieħed baxx fil-fruntieri interni tal-UE.

6.5.2   Il-politiki tal-UE stimolaw u ffaċilitaw bidla fundamentali fil-kooperazzjoni transkonfinali. Din kienet megħjuna mill-fatt li kemm l-Irlanda kif ukoll ir-Renju Unit kienu membri tal-Komunità Ewropea. Fl-isfera ekonomika, l-impatt “top down” tas-Suq Uniku kien partikolarment siewi, filwaqt li fl-isfera soċjali u kulturali, l-impatt “bottom up” tal-Programmi PEACE I, li kien jinkludi s-sitt kontej konfinali tan-Nofsinhar, kien katalizzatur għal azzjoni reċiproka transkonfinali li ma kenitx konċepibbli qabel.

6.5.3   Il-miri komuni inkludew it-tkabbir fin-negozju, l-interazzjoni soċjali u kooperazzjoni eqreb bejn il-gvernijiet rispettivi. Element fundamentali tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira/ta’ Belfast kien il-ħolqien ta’ Kunsill Ministerjali tal-Irlanda ta’ Fuq u t’Isfel u l-Korpi Transkonfinali. Dawn l-istituzzjonijiet b’finanzjament konġunt kienu ġodda fl-UE. Barra minn hekk, l-idea ta’ “ekonomija ta’ gżira” nbidlet minn kunċett radikali għal wieħed aċċettat mill-maġġoranza bħala strument utli u ta’ benefiċċju.

6.5.4   Din iż-żieda fil-kooperazzjoni transkonfinali spiss tmexxiet mill-Imsieħba Soċjali. Il-ħidma bikrija tagħhom żgurat li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet miż-żewġ naħat tal-fruntiera kkooperaw sabiex itejbu l-fehim, l-apprezzament u l-fiduċja transkonfinali. Il-kooperazzjoni “spalla ma’ spalla” ta’ wara ħadmet f’ħafna oqsma differenti iżda hija l-iktar evidenti fl-isfera ekonomika u fis-saħħa u fl-edukazzjoni.

6.5.5   Il-ħafna riżultati pożittivi ta’ din il-ħidma jinkludu Programm ta’ seba’ snin għall-Iżvilupp tal-Kummerċ u n-Negozju bejn żewġ raggruppamenti ta’ negozju tat-Tramuntana u n-Nofsinhar (CBI-IBEC) iffinanzjati mill-IFI, PEACE u INTERREG u li jinvolvu aktar minn 300 laqgħa bejn xerrejja/ fornituri. Il-kummerċ irdoppja għal iktar minn £2 biljun matul dan il-perijodu (1991-1997).

6.5.6   Il-ħidma tal-moviment trejdjunjonista għat-tħeġġiġ tar-rabtiet transkonfinali u transkomunitarji kienet ukoll utli ħafna. Il-Kungress Irlandiż tat-Trejdjunjins (ICTU) hu korp mill-Irlanda kollha, li matul l-“Inkwiet” ħadem bla heda sabiex jippromwovi relazzjonijiet komunitarji aħjar. Il-Kungress ma talabx finanzjament għal ħidmietu, iżda xi korpi assoċjati mat-trejdjunjins irċevew appoġġ mill-UE.

6.5.7   Fir-rigward tal-firxa transkonfinali tal-Programm PEACE, il-fatt li sitt kontej biss setgħu jibbenefikaw b’mod dirett mill-fondi tal-PEACE fisser li l-firxa tiegħu kienet limitata, speċjalment fir-rigward tal-iżvilupp tan-negozju, f’mument meta l-akbar potenzjal kien jinsab fiż-żona tan-Nofsinhar.

6.5.8   Il-kooperazzjoni transkonfinali għoliet għal livell ġdid u usa’ u aktar dettaljat minn qabel. Bit-tneħħija ta’ ħafna mill-ostakoli fiżiċi, fiskali, tekniċi u ta’ sigurtà, li jippermettu u jħeġġu ammonti kbar ta’ kummerċ transkonfinali, interazzjoni u kooperazzjoni, l-isfida kienet li jitkomplew jiġu indirizzati l-ostakoli kulturali u soċjali dejjiema li kienu għadhom hemm.

6.5.9   B’mod kruċjali, il-metodi użati mill-UE għall-appoġġ tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni fil-livell ekonomiku u soċjali u mal-komunitajiet jipprovdu mudell reġjonali uniku, żviluppat sewwa u ppruvat tajjeb għall-implimentazzjoni tal-filosofija, l-esperjenza u l-metodoloġija partikolari tal-UE.

6.6   L-impatt tal-iżvilupp ekonomiku

6.6.1   Bl-għajnuna fil-proċess tal-konsolidazzjoni tal-paċi, l-UE ikkontribwiet għaż-żieda fil-pass lejn l-iżvilupp ekonomiku tal-Irlanda ta’ Fuq u l-kontej tal-Fruntiera. L-impatt dirett tal-PEACE I u II fuq l-iżvilupp ekonomiku ġie rikonoxxut bħala impatt sinifikanti f’numru ta’ valutazzjonijiet ex post. L-effett indirett ewlieni kien li r-rwol tal-UE fl-appoġġ għall-progress politiku u t-tisħiħ ta’ paċi wassal għal żvilupp soċjali u ekonomiku mgħaġġel.

6.6.2   Miġburin flimkien, il-Programmi PEACE, IFI u INTERREG ħolqu żvilupp sostenibbli, titjib ambjentali u infrastruttuali, b’mod partikolari fiż-żoni milquta mill-kunflitt. Wasslu għal żvilupp u kapaċità intraprenditorjali fi gruppi u komunitajiet marġinali u kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tkabbir mgħaġġel fil-kummerċ transkonfinali matul l-aħħar deċennju.

6.6.3   Fir-rigward tal-kwalità tal-impatt, l-opinjoni ġenerali hi li l-programmi taw kontribut sostanzjali għall-bini ta’ soċjetà paċifika u stabbli. Essenzjalment, dan inkiseb bit-tisħiħ tal-kapaċità fil-komunità u fis-settur tal-volontarjat sabiex dawn isostnu l-proċess ta’ rikonċiljazzjoni.

6.6.4   “Is-Sħubija Soċjali” hi pilastru ewlieni tal-mod kif l-UE tinnegozja, u dawn l-elementi partikolari tal-approċċ tal-UE għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni għenu biex jiġu stimolati u mħeġġa metodi ġodda sabiex l-interessi ekonomiċi u politiċi jinteraġixxu ma’ xulxin għall-benefiċċju reċiproku tas-soċjetà kollha.

6.6.5   Il-kontribut tal-UE għen biex tiġi żviluppata viżjoni strateġika għall-ekonomija f’ambjent post-kunflittwali. Fit-triq ’il quddiem, hemm ħafna opportunitajiet ġodda u eċitanti għar-reġjun, inklużi dawk marbutin ma’ kooperazzjoni eqreb mal-UE f’oqsma bħar-riċerka, l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien, kollha rakkomandati mit-Task Force l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea, u bl-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet tan-negozju tiegħu maż-Żona Euro.

6.7   L-impatt fuq l-inklużjoni soċjali

6.7.1   L-inklużjoni soċjali tibqa’ l-etos fundamentali u dominanti tal-approċċ tal-UE għat-tisħiħ tal-paċi, u r-riċerka tikkonferma dawk il-gruppi megħjuna mill-Programm PEACE li ma ġewx ikkunsidrati qabel jew li rċevew biss appoġġ minimu. L-inklużjoni soċjali appoġġjat l-integrazzjoni tal-gruppi etniċi minoritarji, il-kunfidenza u t-tisħiħ tal-kapaċità, l-emanċipazz-joni lokali fis-soċjetà ċivili u inkludiet lil dawk li qabel kienu mwarrba.

6.7.2   Filwaqt li effettwa lil iktar minn nofs il-popolazzjoni tar-reġjun bħala parteċipanti tal-proġett, il-Programm PEACE ġab lill-UE fil-livell taċ-ċittadin, fatt li ġie deskritt bħala “involviment fil-livell lokali bla preċedent”. Ġew identifikati, mogħtija s-setgħa u megħjuna dawk li jaħdmu għall-bidla b’mod volontarju fi ħdan il-komunitajiet tagħhom. Dan ir-rikonoxximent kien mekkaniżmu utli ta’ bini tal-kunfidenza.

6.7.3   Il-programm uża metodi innovattivi ta’ finanzjament, bħall-Korpi Intermedjarji ta’ Finanzjament u s-Sħubijiet Distrettwali li saru s-Sħubijiet Strateġiċi Lokali (LSPs), immirati għal-livell lokali u biex jilħqu żoni li ma ntlaħqux minn inizjattivi oħrajn. L-iżvilupp tat-teħid ta’ deċiżjonijiel finanzjarji favur l-organizzazzjonijiet lokali għen fit-tisħiħ tal-kapaċità u żgura l-parteċipazzjoni tal-livell lokali kemm fit-tfassil kif ukoll fit-twassil tal-programmi.

6.7.4   Il-partikularità tal-approċċ tal-UE deher ukoll fl-użu tal-Mudell Ewropew ta’ Sħubija Soċjali fil-Programmi PEACE. Rappreżentanti min-negozji, it-trejdunjins u s-settur tal-volontarjat u “interessi oħrajn” ġew ikkonsultati u inklużi. Filwaqt li dan il-prinċipju jibqa’ wieħed ċentrali, ħafna mill-istrutturi oriġinali ta’ sħubija ma ġewx sostnuti. Dan huwa kawża ta’ tħassib għaliex il-ġabra flimkien tal-imsieħba soċjali flimkien mal-politiċi sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet kienet u għandha tibqa’ parti integrali tal-proċess ta’ paċi.

6.7.5   Huwa rikonoxxut li ħafna nies fl-iktar żoni mifrudin u mitluqa bbenefikaw mill-finanzjament tal-UE mill-Programmi PEACE, INTERREG u IFI u l-konsultazzjonijiet juru livell għoli ta’ apprezzament għar-rwol tal-UE f’dan ir-rigward.

6.8   L-impatt fuq il-paċi u r-rikonċiljazzjoni

6.8.1   F’termini ta’ tisħiħ tal-paċi, l-intervent tal-UE, għen biex il-proċess ta’ paċi jinżamm ħaj, u biex jiġi sostnut l-impetu lejn l-istabbiltà politika. Ta sens ta’ setgħa lill-komunitajiet lokali fi żmien ta’ inċertezza politika. L-evidenza miġbura mill-KESE waqt il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati tappoġġja bil-qawwi l-konklużjoni li l-UE u l-programmi ta’ finanzjament tagħha għenu biex tinħoloq il-paċi attwali.

6.8.2   F’termini ta’ proċess itwal ta’ rikonċiljazzjoni komunitarja, jeżistu ħafna eżempji siewja tal-impatt pożittiv li l-kuntatt u l-kooperazzjoni “bottom up” kellu fil-livell lokali fuq bażi transkomunitarja u transkonfinali. Il-Programmi PEACE u IFI wettqu miżuri importanti sabiex id-diversi sezzjonijiet tal-komunità jersqu iktar viċin ta’ xulxin. Dawn il-kuntatti wasslu għal għarfien u fiduċja reċiproka, iżda ma kinux biżżejjed biex iwaqqfu s-suspett u n-nuqqas ta’ fiduċja milli jibqgħu jeżistu.

6.8.3   Għalhekk hemm appoġġ ġenerali għal deċiżjoni biex il-programmi ta’ finanzjament tal-UE jiġu adattati biex tikber il-mira fuq ir-rikonċiljazzjoni tal-komunitajiet. Dan għandu jwassal lill-komunitajiet għal livell fejn dawk li jgħixu wara l-ħitan ikunu biżżejjed kunfidenti, komdi fir-relazzjonijiet tagħhom mal-oħrajn u fuq kollox sikuri fis-sitwazzjoni tagħhom, biex jgħixu mingħajr il-ħitan li jisseparawhom. Iżda din trid tkun deċiżjoni tagħhom. L-appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċità f’oqsma ta’ “identità unika” tqies bħala mezz biex jinkiseb dan il-għan. Madankollu, dan jista’ jkollu xi żvantaġġi għaliex jista’ jikkontribwixxi għas-separazzjoni billi jgħin lill-gruppi biex jieħdu ħsieb lil nieshom biss. Minħabba li xi wħud huma mħejjija aħjar minn oħrajn biex jużaw il-fondi, dan jista’ wkoll iwassal għal sens ta’ trattament inġust bejn is-sezzjonijiet differenti tas-soċjetà.

6.8.4   Madankollu l-progress lejn “soċjetà komuni” kien limitat ukoll. Rapport reċenti jenfasizza l-prezz għoli tas-segregazzjoni, l-iktar minħabba l-irduppjar tas-servizzi biex il-komunitajiet Kattoliċi u Protestanti jgħixu separatament. Is-segregazzjoni tas-servizzi pubbliċi għall-benefiċċju tal-biżgħat u n-nuqqas ta’ sigurtà komunitarji żiedet man-nixfa tal-fondi pubbliċi f’oqsma bħad-djar, is-saħħa, id-divertiment u l-faċilitajiet sportivi. Fl-edukazzjoni, 6 % biss tat-tfal jattendu l-iskola b’etos Kattoliku/ Protestant realment integrat.

6.8.5   L-istabbiltà u l-prosperità jsaħħu lil xulxin u l-programmi ta’ finanzjament tal-UE għenu biex jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi li kienu riżultat ta’ u wkoll xprun għall-kunflitt. Iżda l-UE qatt ma kienet f’pożizzjoni li tindirizza l-kawżi tal-kunflitt politiċi jew kostituzzjonali profondi. Tista’ taġixxi biss biex tiffaċilita dak il-għan u sservi ta’ eżempju.

Brussell, 23 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Opinjonijiet tal-KESE fuq l-Abbozz ta’ Avviż lill-Istati Membri li jistipula linji gwida għal Inizjattiva fil-qafas waqt il-programm speċjali ta’ appoġġ għall-paċi u rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq u fil-kontej tal-fruntiera tal-Irlanda COM(1995) 279 finali; ĠU C 155,21.6.95 u ĠU C 236,11.9.95.


Top