EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1672

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-sigurtà sanitarja tal-importazzjonijiet agrikoli u alimentari

ĠU C 100, 30.4.2009, p. 60–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/60


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-sigurtà sanitarja tal-importazzjonijiet agrikoli u alimentari

2009/C 100/10

B’ittra ddatata tat-3 ta’ Lulju 2008, il-Presidenza Franċiża ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Is-sigurtà sanitarja tal-importazzjonijiet agrikoli u alimentari (opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur BROS.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-21, fit-22 u tat-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 92 vot favur, vot kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Wara l-kriżijiet alimentari serji, l-Unjoni Ewropea adottat mekkaniżmu sofistikat ta’ sigurtà sanitarja, bl-għan li jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi, kif ukoll tas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti. F’kuntest ta’ żjieda fil-kummerċ globali tal-prodotti agrikoli u alimentari, ir-riskji għas-saħħa qegħdin jiżdiedu u fl-UE, il-kriżijiet tas-saħħa marbutin mal-importazzjonijiet għadhom iseħħu. Dawn il-kriżijiet tas-saħħa jirrappreżentaw riskji għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti, u jinvolvu spejjeż konsiderevoli għas-soċjetà.

1.2   Il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli l-memorandum approvat mill-15-il Stat Membru tal-Kunsill għall-Agrikoltura ta’ Ġunju 2008 intitolat “Importazzjoni tal-ikel, tal-annimali u tal-pjanti: sigurtà sanitarja u konformità għar-regoli Komunitarji” (1). Permezz ta’ din l-opinjoni, il-Kumitat jixtieq jikkontribwixxi għad-dibattitu dwar l-iskop li jittejjeb il-mekkaniżmu Ewropew tas-sigurtà sanitarja. Il-WTO tipprovdi qafas legali indispensabbli sabiex jiġu evitati l-ostakoli mhux ġustifikati għall-kummerċ. Il-KESE huwa impenjat li jirrispetta dawn ir-regoli, iżda jixtieq ukoll jipproponi numru ta’ emendi.

1.3   Il-KESE jikkunsidra li d-differenzi fil-prattiċi bejn l-Istati Membri marbuta mal-kontrolli tal-importazzjonijiet jagħmlu ħafna ħsara u jirrakkomanda s-segwitu u l-implimentazzjoni kemm jista’ jkun malajr tal-armonizzazzjoni ta’ dawn il-prattiki.

1.4   Waqt li jinnota li bosta miżuri effiċjenti ta’ ġestjoni sanitarja tal-importazzjonijiet jolqtu biss il-prodotti li ġejjin mill-annimali, il-KESE jikkunsidra li xi wħud minn dawn il-miżuri għandhom jiġu estiżi sabiex ikopru wkoll il-prodotti li ġejjin mill-pjanti. Dan jgħin sabiex ir-riskji tar-residwi tal-pestiċidi u tal-kontaminazzjonijiet mill-aġenti tossiċi jew il-mard tal-pjanti jiġu ssorveljati aħjar. B’mod partikulari, il-KESE jirrakkomanda li jiżdied in-numru ta’ spezzjonijiet għall-prodotti tal-pjanti u li l-importazzjonijiet tagħhom jitniżżlu f’listi mħejjija minn korpi akkreditati u jgħaddu minn kontrolli sistematiċi fil-punt tad-dħul.

1.5   Fil-fehma tal-KESE, id-deċiżjonijiet dwar il-miżuri ta’ importazzjoni jridu jkunu kemm jista’ jkun ibbażati fuq data oġġettiva. Għal dan, il-Kumitat jixtieq li l-prinċipji tal-analiżi tar-riskju jkunu applikati sistematikament, u li l-livelli adegwati ta’ protezzjoni, stabbiliti fil-Ftehim dwar l-Applikazzjoni ta’ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji, jitfissru aħjar.

1.6   Il-fatturi soċjoekonomiċi bħall-impatti ekonomiċi ta’ deċiżjoni, jew l-aċċettabilità tagħha fuq il-livell soċjali, għandhom jiġu evalwati b’mod indipendenti u b’mod rigoruż daqs l-evalwazzjoni tar-riskju sanitarju. Numru ta’ pajjiżi bħall-Kanada u r-Renju Unit diġà għandhom unitajiet ta’ esperti soċjoekonomiċi fi ħdan l-aġenziji tagħhom dwar is-sigurtà alimentari. Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li titwaqqaf aġenzija indipendenti ta’ analiżi soċjoekonomika.

1.7   Il-KESE jemmen li s-sistema tat-traċċabilità, li hija l-bażi tal-mudell Ewropew tas-sigurtà sanitarja, u li tagħmilha possibbli li tinkiseb informazzjoni ta’ prodott “mill-farm għall-mejda”, għandha tiġi applikata wkoll għall-prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi. Din it-tema għandha tkun prijorità fin-negozjati bilaterali kif ukoll fil-programmi ta’ għajnuna teknika fil-pajjiżi l-anqas żviluppati.

1.8   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn id-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-produtturi mill-pajjiżi l-anqas żviluppati sabiex japplikaw l-istandards sanitarji Ewropej. Huwa jħeġġeġ l-iżvilupp tal-għajnuna teknika għall-kummerċ, tat-trasferiment ta’ teknoloġiji u tal-appoġġ għat-twaqqif ta’ sistemi ta’ traċċabilità u ta’ twissija bikrija f’dawn il-pajjiżi.

1.9   Ir-rekwiżiti li huma applikati għall-prodotti agrikoli u alimentari importati huma inferjuri għal dawk li huma applikati għall-prodotti li ġejjin mill-Komunità, f’oqsma bħat-traċċabilità, il-benesseri tal-annimali jew b’mod aktar ġenerali l-istandards ambjentali. Waqt li jqis li r-regoli internazzjonali kummerċjali llum ma jipprovdux biżżejjed opportunitajiet sabiex jitqajmu kwistjonijiet importanti għall-UE, il-KESE tassew jixtieq li l-Kummissjoni tipproponi strateġija sabiex jiġu protetti dawn il-preferenzi kollettivi Ewropej. Il-KESE jikkunsidra li l-UE għandha tkun fuq quddiem sabiex fatturi leġittimi oħrajn jitqiesu fil-kummerċ internazzjonali. Għal dan il-għan trid tassumi l-preferenzi kollettivi tagħha, tiddefendi l-“fatturi leġittimi l-oħra” fl-awtoritajiet internazzjonali, u terġa’ tniedi d-dibattiti dwar ir-rabta bejn il-WTO u l-ftehimiet internazzjonali l-oħra.

2.   Kummenti ġenerali

2.1   Wara l-kriżijiet sanitarji li laqtu lill-UE, il-Kummissjoni Ewropea fasslet mill-ġdid il-leġiżlazzjoni alimentari. Twaqqaf qafas istituzzjonali u leġiżlattiv elaborat ħafna u dan irrappreżenta progress reali.

2.2   Ir-Regolament 178/2002 jippreċiża li “l-Komunità għażlet livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa” u jżid li l-leġiżlazzjoni tiġi applikata “b’mod mhux diskriminatorju sew għal ikel u għalf negozjat fis-suq intern u kemm internazzjonalment” (2).

2.3   Il-mudell Ewropew huwa bbażat fuq għadd ta’ prinċipji sodi:

it-traċċabilità “mill-farm għall-mejda”: “il-kapaċità li jiġi ntraċċat u segwit l-ikel matul l-istadji kollha ta’ produzzjoni, ipproċessar u tqassim (3)

is-separazzjoni bejn l-istima tar-riskji u l-ġestjoni tar-riskji

ir-responsabbiltà ġuridika tal-atturi kollha fil-katina alimentari

sistema ta’ twissija effiċjenti.

2.4   Madankollu, illum-il-ġurnata, il-kriżijiet sanitarji marbutin ma’ prodotti importati għadhom iseħħu ta’ spiss. Fl-aħħar snin, l-UE rat residwi tal-pestiċida fil-frott importat, l-aflatossiċi fil-frott bil-qoxra u l-qamħirrun, ir-residwi ta’ mediċini veterinarji fil-prodotti li ġejjin mill-annimali, il-marda tal-ilsien u d-dwiefer, eċċ. Fl-2007, 314-il twissija li saru mis-sistema ta’ twissija bikrija kienu dwar prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi (4), jiġifieri 32 % tat-total. Dawn il-problemi rikurrenti juru ċerti numru ta’ problemi li għandhom bżonn jiġu solvuti.

2.5   Il-kriżijiet sanitarji marbutin mal-importazzjonijiet jikkostitwixxu kemm theddida għas-sigurtà tal-konsumaturi Ewropej kif ukoll spiża għolja għas-soċjetà. Meta joħroġ allert, il-kompitu li jiġi mwissi l-pubbliku jew li xi prodott tal-ikel jitneħħa mis-suq huma spiża konsiderevoli għall-intrapriżi kkonċernati. Bl-istess mod, il-miżuri sanitarji maħsuba sabiex jeqirdu marda ta’ annimali jew ta’ pjanti minn żona, bħal pereżempju l-obbligu li jitlaqqmu l-merħliet jew li jintużaw l-insettiċidi fuq reġjun kollu, għandhom impatti importanti, li jistgħu jkunu dejjiema.

3.   Antiċipazzjoni aħjar tar-riskji sanitarji

3.1   Sabiex dawn il-kriżijiet sanitarji ma jseħħux tant ta’ spiss, ir-riskji sanitarji jistgħu jiġu antiċipati aħjar.

3.2   Qiegħda ssir l-armonizzazzjoni Komunitarja tal-prattiki tal-kontroll tal-importazzjonijiet u din għandha tkun prijorità. Id-differenzi fil-prattiki bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kontrolli għall-importazzjoni jagħmlu ħafna ħsara. Mhux aċċettabbli li operaturi kummerċjali jistgħu jagħżlu li jdaħħlu l-merkanziji tagħhom fis-suq uniku minn pajjiż li l-kontrolli tiegħu huma inqas sfieqa. Pereżempju, ġie rrapportat li l-importaturi tal-frott taċ-ċitru għandhom tendenza jevitaw il-portijiet Spanjoli, peress li hemmhekk hemm l-aktar laboratorji speċjalizzati fil-qasam tal-mard li jolqot lill-pjanti ta’ dan it-tip.

3.3   Illum, numru tajjeb ta’ miżuri ta’ ġestjoni ta’ sigurtà sanitarja tal-importazzjonijiet japplikaw biss għall-annimali ħajjin u għall-prodotti li ġejjin mill-annimali. Ċerti riskji bħar-residwi tal-pestiċidi, il-kontaminazzjoni fiżika jew kimika minn aġenti karċinoġeniċi jew tossiċi (bħal metalli tqal, biotossini, kuluri, eċċ. ) jew il-mard tal-pjanti għandhom jiġu ssorveljati aħjar. Għalhekk, miżuri effettivi għandhom jiġu estiżi sabiex ikopru prodotti li ġejjin mill-pjanti.

3.4   L-ewwel nett, jistgħu jiżdiedu l-ispezzjonijiet għal ċerti kategoriji ta’ prodotti veġetali. Fil-fatt, mill-ispezzjonijiet ippjanati tal-Uffiċċju Veterinarju u tal-Ikel (FVO) għall-2008, waħda minn tlieta biss jikkonċernaw il-prodotti veġetali.

3.5   Barra minn hekk, l-importazzjonijiet ta’ prodotti li ġejjin mill-pjanti għandhom jitniżżlu f’lista ta’ pajjiżi u stabbilimenti approvati, bħal ma jsir għal madwar ħmistax-il kategorija ta’ prodotti tal-annimali.

3.6   L-importazzjonijiet tal-prodotti veġetali wkoll iridu jgħaddu minn kontrolli sistematiċi mill-punt inizjali ta’ dħul, li mhuwiex qed isir bħalissa. Għall-prodotti li ġejjin mill-annimali, il-Punti Konfinali ta’ Spezzjoni wrew li huma effiċjenti. Barra minn hekk għandha tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-korpi ta’ kontroll min-naħa tal-Istat u l-ispetturi privati tal-importaturi. Spiss l-importaturi jagħmlu analiżi fuq il-post ta’ produzzjoni. L-awtoritajiet responsabbli mill-kontrolli tal-prodotti alimentari għandhom ikollhom aċċess għar-riżultati ta’ dawn l-analiżi

3.7   Fl-aħħar, il-bażi ta’ data TRACES, li tippermetti li tiġi reġistrata u skambjata l-informazzjoni relatata mal-iskambji u l-importazzjoni ta’ annimali ħajjin u l-għalf, tista’ tiġi estiża sabiex tkopri l-qasam tas-saħħa tal-pjanti, b’rabta mas-sistema EUROPHYT.

4.   Applikazzjoni aħjar tal-prinċipji tal-analiżi tar-riskju

4.1   Il-prinċipji tal-analiżi tar-riskju huma mfissra mill-organizzazzjonijiet internazzjonali rikonoxxuti mill-WTO bħala proċess fuq tliet stadji: l-istima tar-riskji, il-ġestjoni tar-riskji u l-komunikazzjoni tar-riskji. Ir-riforma tal-leġiżlazzjoni alimentari Ewropea hija l-ewwel pass lejn l-applikazzjoni tal-analiżi tar-riskju. Il-ħolqien tal-EFSA għamlitha possibbli li ssir separazzjoni bejn l-istima tar-riskji u l-ġestjoni tar-riskji, li hija fundamentali. Ibbażata fuq testijiet xjentifiċi u “mwettqa b’mod indipendenti, oġġettiv u trasparenti” (5), l-istima tar-riskji li ssir mill-EFSA tippermetti lil dak li jieħu ħsieb ir-riskju, jiġifieri l-Kummissjoni jew l-Istati Membri, li jiddeċiedi dwar il-miżuri meħtieġa.

4.2   Madankollu, il-miżuri għall-importazzjoni li jiġu deċiżi mill-Kummissjoni, kemm jekk ikunu sabiex jiġi sospiż il-fluss tal-importazzjoni jew li jinżamm, xi kultant ma jinftehmux mill-UE jew mill-pajjiżi terzi. Id-diskussjonijiet imqanqla li tqajmu dwar is-suġġett tal-importazzjoni tat-tiġieġa klorinata Amerikana jew tal-laħam Brażiljan huma eżempji reċenti. F’ċerti każi, il-Kummissjoni tiġi akkużata li tagħti prijorità lill-interessi kummerċjali għad-detriment tal-konsumaturi. Fil-fehma tal-KESE, id-deċiżjonijiet dwar il-miżuri tal-importazzjoni jridu jkunu kemm jista’ jkun ibbażati fuq data oġġettiva.

4.3   Iżda spiss ikun hemm kunflitti bejn objettivi differenti, li għaldaqstant jeħtieġ illi jitqiesu sewwa. Jeħtieġ li jkun żgurat li dan il-proċess ikun trasparenti għall-konsumaturi.

4.4   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tapplika b’mod aktar sistematiku l-prinċipji tal-analiżi tar-riskju, billi tagħti l-mezzi lill-EFSA sabiex tistabbilixxi l-metodoloġija.

4.5   Fl-Artikolu 5.7, il-ftehim SPS jippermetti li jintużaw miżuri provviżorji, meta t-testijiet xjentifiċi dwar il-ħsara ta’ prodott jew ta’ proċess ma jkunux biżżejjed. Ir-regoli internazzjonali għalhekk jagħrfu l-prinċipju tal-prekawzjoni kif imfisser mil-liġi Komunitarja. Il-ftehim SPS jippermetti wkoll li jiġu applikati standards aktar ibsin mill-istandards internazzjonali, b’kundizzjoni li jitfisser il-“livell adegwat ta’ protezzjoni”. L-UE għandha tistinka sabiex tfisser aħjar il-livelli proprji adegwati tagħha ta’ protezzjoni, sabiex tkun tista’ ssir referenza għalihom fl-analiżi tar-riskju.

4.6   Min-naħa l-oħra, bħalma jippreċiża r-Regolament, “l-istima xjentifika tar-riskju weħidha ma tistax, f’xi każi, tipprovdi t-tagħrif kollu li fuqu d-deċiżjoni tal-immaniġġjar tar-riskju għandha tkun ibbażata, u li fatturi oħra relevanti għall-kwistjoni taħt konsiderazzjoni għandu b’mod leġittimu jingħata kont tagħhom” (6). Dawn il-fatturi, li huma wkoll rikonoxxuti mill-ftehim SPS, jistgħu jikkonċernaw l-impatt ekonomiku, l-aċċettabilità soċjali jew ir-rabta bejn il-kost u l-benefiċċju ta’ deċiżjoni. Illum dawn huma evalwati mill-istudji ta’ impatt tal-Kummissjoni jew mill-konsultazzjonijiet.

4.7   Il-fatturi soċjoekonomiċi jridu jiġu vvalutati b’mod oġġettiv u indipendenti, bl-istess infurzar xjentifiku tal-istima tar-riskju sanitarju, u bl-għajnuna ta’ esperti fl-oqsma bħall-ekonomija, is-soċjoloġija u l-liġi. Pajjiżi differenti bħall-Kanada u r-Renju Unit diġà għandhom unitajiet ta’ esperti soċjoekonomiċi fi ħdan l-aġenziji tagħhom dwar is-sigurtà sanitarja (7). Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li titwaqqaf aġenzija indipendenti li tipprovdi l-għarfien soċjoekonomiku.

5.   Il-problemi tar-rekwiżiti differenti għall-prodotti importati

5.1   F’ħafna oqsma, ir-rekwiżiti li huma applikati għall-prodotti agrikoli u alimentari importati huma inferjuri għal dawk li huma applikati għall-prodotti li ġejjin mill-Komunità. Dan ma japplikax għall-istandards privati li l-industrija timponi fuq il-provvedituri kollha tagħha, iżda japplika għal ċerti rekwiżiti regolatorji. Pereżempju, l-obbligu li l-annimali jiġu ttraċċati mit-twelid, li jiġu rispettati l-kondizzjonijiet li jiżguraw il-benesseri tal-annimali, jew il-projbizzjoni li jintużaw ċerti pestiċidi ma japplikawx għall-prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi.

5.2   Regolament Ewropew, bħal dak dwar is-sigurtà sanitarja, kemm jekk huwa meqjus bħala ġustifikat jew le, jirrifletti preferenza kollettiva tal-UE. Il-proċess istituzzjonali li wassal għal din ir-regola, permezz tad-diskussjonijiet fil-Parlament, fil-Kunsill u mas-soċjetà ċivili, suppost huwa l-espressjoni leġittima tal-għażla tal-Ewropej. Il-miżuri imposti fuq il-produtturi huma r-riżultat ta’ din l-għażla kollettiva u japplikaw fuq kulħadd fi ħdan l-UE. Peress li dawn il-miżuri mhumiex imposti fuq il-produtturi minn pajjiżi terzi, fis-suq uniku nsibu kemm prodotti li rrispettaw dawn il-kondizzjonijiet kif ukoll prodotti li ma rrispettawhomx.

5.3   Din il-problema, li teżisti f’oqsma oħra (standards ambjentali, drittijiet soċjali, eċċ.) mhix aċċettabbli għall-konsumaturi. Dawn mingħajr ma jkunu jafu jistgħu jixtru prodotti li ma jirriflettux l-għażliet tal-Ewropej. Pereżempju, fis-suq illum il-konsumatur jista’ jsib b’manjiera legali larinġ li ġej minn pajjiżi terzi li ġie ttrattat bil-Lebaicid, insettiċida qawwija li l-aġent attiv tagħha huwa l-Fention. Dan il-prodott madankollu ilu pprojbit mill-użu fl-UE għal diversi snin minħabba raġunijiet ambjentali. Il-preferenzi kollettivi tal-Ewropej għalhekk xi kultant jiġu abbużati, u l-konsumaturi jiġu mqarrqa.

5.4   L-istandards Ewropej li mhumiex applikati għall-prodotti importati huma wkoll sors ta’ xkiel għall-kompetizzjoni għall-produtturi Ewropej. L-Istitut Franċiż tat-Trobbija tal-Annimali pprova jikkalkula wħud minn dawn l-ispejjeż. Fir-rigward tat-traċċabilità, pereżempju, saru sforzi konsiderevoli fl-Ewropa sabiex tiġi implimentata l-identifikazzjoni tal-annimali. Għat-trobbija tal-bovini, dawn l-investimenti jirrappreżentaw EUR 0.4 / 100 kg ta’ karkassa, jew kważi EUR 32 miljun għall-UE-25. Fir-rigward tal-benesseri tal-annimali, l-obbligu li jinżammu mqawel kollettivi għall-għoġġiela li ser jinqatlu jirrappreżenta spiża ta’ EUR 0.4 / 100 kg ta’ karkassa, jew kważi EUR 31 miljun għall-UE-25.

6.   L-impatt tal-istandards Ewropej għall-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw

6.1   L-UE hija l-importatur prinċipali tal-prodotti tal-ikel li ġejjin minn pajjiżi li għadhom qed jiżvillupaw, b’mod partikulari minħabba l-konċessjonijiet kummerċjali sostanzjali li ngħataw fil-passat. Il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Kummerċ u l-Iżvilupp ta’ spiss twissi dwar il-konsegwenzi tal-istandards sanitarji Ewropej fuq il-produtturi u l-intrapriżi tal-pajjiżi lanqas avvanzati.

6.2   L-UE ma tistax tilħaq kompromessi dwar is-sigurtà sanitarja. Madankollu, waqt li jinsab konxju tal-importanza tal-kwistjoni, il-KESE jħeġġeġ l-għajnuna teknika, id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-imsieħba kummerċjali l-aktar vulnerabbli. Iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni sabiex issegwi l-inizjattiva tagħha li tappoġġja t-twaqqif tas-sistemi ta’ traċċabilità u ta’ twissija bikrija fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.

7.   Il-prinċipju tal-ekwivalenza u traċċabilità

7.1   Għall-membri tal-WTO, il-ftehimiet SPS u TBT (Technical Barriers to Trade – Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ) jikkostitwixxu qafas ġuridiku indispensabbli sabiex jiġu evitati restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq l-importazzjonijiet u sabiex ikun hemm aktar trasparenza fil-kondizzjonijiet għall-aċċess tas-suq.

7.2   Il-liġi Komunitarja tippreċiża li l-ikel importat irid jirrispetta l-leġiżlazzjoni alimentari Ewropea, “jew kondizzjonijiet li għandhom l-għarfien mill-Komunità li jkunu ta’ lanqas ekwivalenti” (8). Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni lejn ir-riskji li l-UE tinterpreta b’mod vast ħafna l-prinċipju ta’ ekwivalenza rikonoxxut fir-regoli internazzjonali.

7.3   Fl-Ewropa, it-traċċabilità tal-ikel tinsab fil-qalba tal-mudell tas-sigurtà sanitarja. Dan ġie implimentat “mill-produzzjoni primarja (...) sal-bejgħ jew il-provvista lill-konsumatur” (mill-farm sal-mejda) minħabba li “kull element jista’ jkollu impatt potenzjali fuq is-sigurtà tal-ikel” (9). Għall-maġġoranza tal-prodotti importati, it-traċċabilità tenħtieġ biss mill-esportatur ’il quddiem. Minkejja r-rwol li jista’ jaqdi s-settur privat, il-KESE għandu dubju li l-prattiki f’ċerti pajjiżi terzi jistgħu jitqiesu bħala “ekwivalenti” mil-lat tas-sigurtà. Il-KESE jsejjaħ għal approċċ proattiv fil-qasam tat-traċċabilità, billi jagħti l-prijorità lil din il-kwistjoni fin-negozjati bilaterali, u fl-għajnuna teknika fil-pajjiżi l-anqas żviluppati.

8.   Fatturi oħra leġittimi u żviluppi fil-liġi internazzjonali

8.1   It-testijiet tal-GATT (General Agreement on Tariffs and Trade) u l-ftehimiet differenti tal-WTO jipprevedu li jitqiesu “fatturi oħra leġittimi” apparti l-fatturi sanitarji meta jiġi rregolat l-kummerċ internazzjonali. L-iżvilupp tal-liġi internazzjonali madankollu sar ħafna aktar bil-mod f’dan il-qasam. L-għażliet tal-UE mhux dejjem huma ġustifikati mil-lat strettament sanitarju. Fil-każ tat-tiġieġ ikklorinat, il-Kummissjoni sabet diffikultajiet sabiex tipprova li l-prattika tal-Istati Uniti li jgħaddu t-tiġieġ minn banju ta’ dekontaminazzjoni, li fih l-ilma kklorinat, tista’ tkun ta’ ħsara għas-saħħa tal-konsumaturi Ewropej. Il-fatt huwa li l-perċezzjoni tal-kwalità tal-ikel hija differenti bejn iż-żewġ kontinenti. F’qasam ieħor, id-deċiżjoni li tiġi pprojbita l-importazzjoni tal-ġilda tal-foki mhix ibbażata fuq raġunijiet sanitarji iżda minħabba l-benesseri tal-annimali. Bħalissa għaddejja diskussjoni internazzjonali taħraq dwar jekk dawn il-miżuri humiex kompatibbli mar-regoli tal-WTO.

8.2   Madankollu, il-każista tal-Korp tas-Soluzzjoni tat-Tilwim turi sinjali pożittivi. Pereżempju, fil-każ tal-fkieren/gambli, fejn l-Istati Uniti kienet kontra l-Malażja, l-esperti tal-Bord taw verdett favur l-Istati Uniti, fejn ikkunsidraw li l-projbizzjoni tal-importazzjoni tal-gambli kienet iġġustifikata minħabba l-ftehim internazzjonali dwar il-protezzjoni tal-biodiversità. Is-sajjieda Malażjani kienu obbligati jbiddlu t-tekniċi tagħhom tas-sajd sabiex ma jaqbdux il-fkieren li kienu protetti minn din il-Konvenzjoni. Il-kjarifika tar-rabtiet bejn ir-regoli tal-WTO u l-ftehimiet internazzjonali l-oħrajn hija wkoll kwistjoni ta’ interess kbir bħalissa.

8.3   L-UE għandha taqdi rwol mexxej fid-diskussjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet. Għal dan il-għan trid tassumi l-preferenzi kollettivi tagħha, tiddefendi l-“fatturi leġittimi l-oħra” fl-awtoritajiet internazzjonali, u terġa’ tniedi d-dibattiti dwar ir-rabta bejn il-WTO u l-ftehimiet internazzjonali l-oħra. Barra minn hekk għandha tiġi promossa r-riċerka fil-metodi sabiex jiġu assigurati l-preferenzi kollettivi u l-fatturi leġittimi sabiex jiġi żgurat li dawn jiġu rikonoxxuti internazzjonalment.

9.   Informazzjoni lill-konsumaturi

9.1   Il-konsumaturi Ewropej jixtiequ jiġu infurmati aktar minn qabel dwar il-kondizzjonijiet ta’ kif jiġi prodott l-ikel tagħhom. Is-settur privat żviluppa numru ta’ inizjattivi sabiex jintlaħqu dawn ix-xewqat. Barra minn hekk, bħalissa qegħdin jiġu diskussi ideat differenti, bħal tikketta tal-UE jew tikketta dwar il-benesseri tal-annimali. Jista’ jiġi propost li organizzazzjoni internazzjonali tipprovdi lill-konsumaturi bl-informazzjoni indipendenti dwar il-metodi ta’ produzzjoni fil-pajjiżi differenti. Xogħol dan iċ-ċentru ta’ informazzjoni independenti għandu jkun ukoll li jagħti informazzjoni fil-kuntest ta’ sistema globali ta’ twissija bikrija li bħalissa għadha ma teżistix.

9.2   Madankollu, l-informazzjoni lill-konsumaturi ma tistax tkun l-unika risposta għall-kwistjonijiet li tqajmu f’dan ir-rapport. Għall-prodotti proċessati, li dejjem aktar qegħdin ikunu l-bażi tal-ikel, it-tikkettar dwar l-oriġini qed isir aktar kumpless kemm għall-intrapriżi kif ukoll għall-konsumaturi. Għalhekk għandha tkun ir-responsabbilità tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiggarantixxu li l-prodotti kollha li jiċċirkulaw fis-suq uniku jirriflettu l-għażla taċ-ċittadini Ewropej. Il-konsumaturi jistennew li din l-għażla ma tiġix sagrifikata fi proċessi politiċi (bħal, pereżempju, id-djalogu transatlantiku) li jservu biss sabiex tinkiseb aktar viżibilità jew sabiex jinħoloq ambjent favorevoli ma’ msieħba kummerċjali individwali.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Dok tal-Kunsill 10698/08 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Ir-Regolament (KE) 178/2002, punt 8.

(3)  Regolament (KE) 178/2002, Art. 3.

(4)  Rapport Annwali 2007 tar-RASFF.

(5)  Regolament (KE) 178/2002, Art. 6.

(6)  Regolament (KE) 178/2002, punt 19.

(7)  OECD 2003, “Kunsiderazzjoni tal-aspetti soċjoekonomiċi tas-sigurtà alimentari: studju tal-miżuri innovattivi adottati minn ċerti pajjiżi”.

(8)  Regolament (KE) 178/2002, Art. 11.

(9)  Regolament (KE) 178/2002, Art. 3.16,.punt 12.


Top