EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IE1669

Opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lil hinn mill-PGD – Indikaturi għal żvilupp sostenibbli

ĠU C 100, 30.4.2009, p. 53–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/53


Opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lil hinn mill-PGD – Indikaturi għal żvilupp sostenibbli”

2009/C 100/09

Nhar is-16 u s-17 ta’ Jannar 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mar-Regola 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Lil hinn mill-PGD – Indikaturi għal żvilupp sostenibbli

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, (f’dan il-każ l-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur SIECKER.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u tat-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’114 vot favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-PGD huwa indikatur importanti tat-tkabbir ekonomiku, iżda mhuwiex biżżejjed għat-tfassil tal-linja politika li għandha tittieħed sabiex negħlbu l-isfidi tas-seklu 21. Għal dan il-għan hemm bżonn ta’ indikaturi komplementari oħra. Din kienet il-konklużjoni tal-konferenza tal-Kummissjoni Ewropea tad-19 u l-20 ta’ Novembru 2007 fi Brussell bit-tema “Lil hinn mill-PGD”, u tal-konferenza tal-10 ta’ Jannar 2008 f’Tilburg intitolata “Een comfortabele waarheid” (Verità Konvenjenti).

1.2   Il-PGD huwa indikatur tajjeb tar-ritmu tal-ekonomija, li juri l-isforzi li qed nagħmlu biex naqilgħu l-flus, mingħajr ma jqis jekk dan qiegħedx jiġġenera prodotti u servizzi siewja jew jekk huwiex ta’ ħsara għall-bniedem u l-ambjent. Dak li għandna bżonn fuq kollox huma indikaturi li juruna kemm għadna ’l bogħod minn ekonomija sostenibbli u solidarja.

1.3   Peress li dawn huma żewġ approċċi differenti (is-sostenibbiltà u l-benesseri), għandna bżonn żewġ indikaturi differenti. Is-sostenibbiltà tirreferi għal ambjent f’saħħtu attwali u fil-ġejjieni, għas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u hija rekwiżit filwaqt li l-benesseri huwa marbut mal-iżvilupp soċjali u huwa objettiv varjabbli. Fir-rigward tas-sostenibbiltà, ikun biżżejjed li tiġi garantita ż-żamma ta’ stil ta’ ħajja fuq perijodu fit-tul fil-livell dinji. Jekk dan il-kriterju jiġi rrispettat, ma jkunx hemm bżonn li tissaħħaħ aktar is-sostenibbiltà. Il-każ tal-benesseri huwa differenti: iktar ma jkun tajjeb iktar aħjar; għalhekk, jixraq li jittejjeb b’mod kontinwu.

1.4   Jeżisti indikatur tas-sostenibbiltà u tal-bidla f’dan il-qasam: li huwa l-marka tal-karbonju (carbon footprint), li, minkejja n-nuqqasijiet tiegħu, huwa l-aqwa indikatur ġenerali li jeżisti tal-iżvilupp sostenibbli tal-ambjent.

1.5   Il-marka tal-karbonju hija għodda eċċellenti ta’ komunikazzjoni u hija waħda mill-ftit – jekk mhux l-unika – li tqis l-impatti ambjentali tat-tendenzi tal-konsum u l-produzzjoni tagħna (l-importazzjoni u l-esportazzjoni) fuq pajjiżi oħra. Jekk nużawha, tista’ tiġi rfinata u jekk u meta jinstab indikatur aqwa fil-ġejjieni dan jista’ jieħu postha.

1.6   L-isfida qiegħda fil-ħolqien ta’ indikatur tal-iżvilupp soċjali li jkejjel l-aspetti differenti tal-kwalità ta’ ħajja b’mod li jagħti stampa realistika. Din l-opinjoni hija ddedikata għal dan l-indikatur tal-kwalità ta’ ħajja peress li (għalissa) m’hemmx strument politiku ta’ din ix-xorta li huwa effettiv.

1.7   Indikatur tal-kwalità ta’ ħajja li jista’ jintuża fil-prattika u li jkun affidabbli fil-livell xjentifiku għandu jkopri oqsma kruċjali għall-kwalità ta’ ħajja u jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

magħmul minn fatturi oġġettivi li jiddeterminaw il-kapaċitajiet tal-individwi

jikkunsidra l-effett tal-politika

l-informazzjoni tkun disponibbli fil-ħin

jippermetti tqabbil minn pajjiż għal ieħor

jippermetti tqabbil bejn iż-żminijiet

jinftiehem minn udjenza wiesgħa

1.8   Is-sitt oqsma li ġejjin huma ġeneralment meqjusa importanti għall-kwalità ta’ ħajja.

l-integrità fiżika u s-saħħa

il-ġid materjali

l-aċċess għas-servizzi pubbliċi

l-attivitajiet soċjali u l-integrazzjoni tal-immigranti

ir-rikreazzjoni

il-kwalità tal-ambjent

L-informazzjoni bażika meħtieġa sabiex titkejjel il-bidla f’dawn l-oqsma fil-livell nazzjonali hija disponibbli fl-Istati Membri tal-UE. Madankollu, jaqbel li din l-informazzjoni tiġi ċċarata (il-frekwenza, il-ġbir u l-ipproċessar).

1.9   L-indikatur deskritt hawnhekk mhuwiex perfett. M’għandux jitqies bħala proposta iżda bħala kontribut għad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa dwar is-suġġett. Il-kejl huwa proċess dinamiku: fil-fatt, qegħdin inkejlu l-bidla fis-soċjetà. Din il-bidla tista’ twassal għal bżonn ta’ aktar informazzjoni jew ta’ informazzjoni aktar dettaljata. It-tfassil ta’ indikatur huwa wkoll proċess dinamiku u għandu jkun preċedut minn dibattiti u diskussjonijiet, kif hu xieraq f’soċjetà demokratika.

1.10   It-transizzjoni lejn politika li mhijiex biss ibbażata fuq it-tkabbir ekonomiku iżda wkoll fuq l-effett ta’ fatturi soċjali u ambjentali tista’ twassal għal ekonomija aktar sostenibbli u solidarja. Dan mhuwiex proġett fuq il-perijodu qasir: għandu miri usa’. Biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tiegħu, jinħtieġ li nillimitaw ruħna għall-Istati Membri tal-UE, u ninkludu wkoll il-pajjiżi kandidati tal-Kroazja u t-Turkija u l-pajjiżi fejn l-iżvilupp ekonomiku jista’ jitqabbel bħall-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja, in-New Zealand u l-Ġappun. Id-differenzi l-kbar fl-iżvilupp ekonomiku jxekklu l-ħolqien ta’ indikatur uniku li jinftiehem minn kulħadd u li jkejjel il-bidla fil-pajjiżi żviluppati bl-istess mod kif ikejjel dik tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

2.   Il-limiti tal-PGD

2.1   Il-kuntentizza hija l-għan aħħari ta’ kull individwu. Il-kompitu ewlieni tal-awtoritajiet huwa li joħolqu l-kondizzjonijiet li joffru lil kull wieħed u waħda minnha l-aqwa possibbiltà biex insibu din il-kuntentizza. Dan ifisser li l-awtoritajiet għandhom dejjem iħossu l-polz tas-soċjetà sabiex jiġbru l-informazzjoni dwar l-istat li tinsab fih. Il-kejl jgħallimna: huwa meta wieħed ikun jaf x’qiegħed idejjaq lill-bniedem u għaliex li jkun jista’ jipprova jieħu l-passi biex jindirizza s-sitwazzjoni.

2.2   Bħalissa, l-awtoritajiet jużaw il-Prodott Gross Domestiku (PGD) biex juru kif inhi sejra s-soċjetà. Il-PGD kien introdott bħala indikatur wara r-reċessjoni l-kbira u t-Tieni Gwerra Dinjija li segwit fis-seklu li għadda. Għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ politika, huwa l-indikatur ewlieni, biex ma ngħidux l-uniku indikatur, li jkejjel il-prestazzjonijiet u l-attivitajiet ekonomiċi. Huwa bbażat fuq sistema rikonoxxuta mad-dinja kollha, ta’ kontijiet nazzjonali mwaqqfa skont proċedura waħda. Barra minn hekk, kollox huwa mfisser f’unità ta’ kejl waħda u unika: il-flus. Dan jispjega għaliex l-PGD huwa indikatur tajjeb għat-tqabbil bejn il-pajjiżi differenti.

2.3   Madankollu, ma jagħtix informazzjoni dwar il-benesseri (il-kuntentizza) tan-nies jew dwar il-livell ta’ sostenibbiltà tal-iżvilupp tas-soċjetà. Il-PGD per capita tal-Istati Uniti huwa wieħed mill-ogħla fid-dinja, iżda ma jfissirx li l-Amerikani huma aktar kuntenti miċ-ċittadini ta’ pajjiżi oħra, biex ma nsemmux kemm hi sostenibbli s-soċjetà Amerikana. Fil-livell internazzjonali, il-PGD per capita huwa ogħla minn dak ta’ 60 sena ilu. Madankollu, dan it-tkabbir ma sarrafx f’żieda sostanzjali fil-kuntentizza tan-nies. Fil-fatt, minn barra t-tnehid ta’ dispjaċir li tisma’ kullimkien għall-imgħoddi meta kollox kien aħjar, fl-2008 ġie rreġistrat numru rekord ta’ 900 miljun persuna bil-ġuħ, jiġifieri 900 miljun persuna mhux kuntenta.

2.4   L-iżviluppi attwali tas-soċjetà u r-rapporti ekonomiċi eżistenti huma fundamentalment differenti mis-sitwazzjoni li kienet teżisti fin-nofs tas-seklu li għadda. Il-pajjiżi żviluppati, b’mod partikolari, kulma jmur iħossu l-bżonn li jkejlu l-aspetti li ma jirriżultawx minn tranżazzjonijiet kummerċjali jew minn proċeduri ekonomiċi formali. Il-PGD ma jqisx biżżejjed, jew lanqas xejn, ħafna minn dawn l-aspetti u l-ħtiġijiet.

2.5   PGD li qiegħed jikber jista’ jaħbi tnaqqis fil-prosperità u l-benesseri. Pereżempju, jekk pajjiż iqaċċat il-foresti kollha, ibiegħ l-injam u jħaddem it-tfal minflok ma jedukahom, il-PGD ser jittejjeb peress li ċ-ċifri tat-tkabbir ekonomiku juru ġid materjali akbar. Dan it-tkabbir mhuwiex sostenibbli u n-nies - speċjalment it-tfal - ma jkunux (aktar) kuntenti.

2.6   Id-diżastri naturali u politiċi jista’ wkoll ikollhom effett pożittiv fuq il-PGD. L-uragan Katrina kien barka għall-PGD tal-Louisiana peress li nibtu ħafna sforzi u attivitajiet ekonomiċi għar-rikostruzzjoni. Dan il-punt jgħodd ukoll għall-PGD ta’ sensiela ta’ pajjiżi Ażjatiċi u Afrikani wara t-tsunami u għall-PGD ta’ kważi kull ekonomija Ewropea wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Barra mill-fatt li żgur mhux id-dinja kollha gawdiet b’mod proporzjonali minn din iż-żieda fil-ġid, dawn id-diżastri ma għinux sabiex jittejbu l-benesseri tal-popolazzjoni jew is-sostenibbiltà tas-soċjetà.

2.7   Eżempji oħra, inqas estremi, juru l-limiti tal-PGD bħala indikatur. Ġid materjali akbar iżid il-bejgħ tal-karozzi u l-kostruzzjoni ta’ aktar toroq. Dan ukoll iwassal għal żieda fl-aċċidenti u fl-ispejjeż (il-bdil/it-tiswija tal-karozza, spejjeż għall-kura tal-feruti u tal-invalidi, żieda fil-primjums tal-assigurazzjoni), kif ukoll għal ċerti abbużi bħall-kummerċ tal-armi u l-bejgħ tal-antidipressanti lit-tfal. Dan kollu jwassal għal tneffiħ tal-PGD iżda mhux għall-ksib tal-għan aħħari ta’ kull bniedem li huwa l-kuntentizza, ħlief ta’ dawk in-nies li jgħixu minn fuq dawn l-attivitajiet.

2.8   Id-dominanza tal-PGD toħroġ l-iktar meta jonqos: imbagħad, jaħkem il-paniku, li mhux dejjem huwa ġġustifikat. It-tnaqqis fil-PGD jista’ jkun riżultat ta’ żvilupp pożittiv. Jekk ġurnata waħda, in-nies jibdew jużaw bozoz LED minflok il-bozoz tradizzjonali, jiġi rreġistrat infiq ta’ darba għal dawn il-bozoz ġodda iżda wkoll tnaqqis strutturali sostanzjali fil-konsum tal-enerġija, u għalhekk fil-PGD, minħabba l-fatt li dawn il-bozoz jużaw inqas elettriku meta mqabbel mal-bozoz tradizzjonali.

2.9   Fil-qosor, il-PGD huwa indikatur tajjeb tal-prestazzjoni ekonomika, iżda ma teżisti l-ebda rabta diretta bejn it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp miksub f’oqsma oħra tas-soċjetà. Sabiex l-istampa tkun kompluta, jinħtieġ li jkun hemm indikaturi li jirriflettu l-iżvilupp f’aspetti oħra, b’mod partikolari, dawk soċjali u ambjentali.

3.   Fatturi oħra tal-benesseri

3.1   Id-diskussjoni dwar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti indikaturi oħra barra l-PGD qed issir simultanjament fuq diversi fronti. Fil-fatt, minn barra l-konferenza “Lil hinn mill-PGD” organizzata mill-Kummissjoni Ewropea fi Brussell (1) fid-19 u l-20 ta’ Novembru 2007, fl-10 ta’ Jannar ta’ din is-sena nżammet konferenza dwar it-tema “Een comfortabele waarheid” (Verità Konvenjenti) fl-Università ta’ Tilburg (2). Dawn iż-żewġ konferenzi ppreżentaw b’mod ċar riżultati simili, li jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ fatturi indikattivi oħra minn barra t-tkabbir ekonomiku. Il-PGD huwa indikatur tajjeb tar-ritmu tal-ekonomija, li juri l-isforzi li qed nagħmlu biex naqilgħu l-flus, mingħajr ma jqis jekk qiegħedx jiġġenera prodotti u servizzi siewja jew jekk huwiex ta’ ħsara għall-bniedem u l-ambjent. Dak li għandna bżonn fuq kollox huma indikaturi li juruna kemm għadna ’l bogħod minn ekonomija sostenibbli u solidarja. Ftit wara t-tfassil tal-PGD, ekonomisti magħrufa bħal Samuelson (3) bdew jaħsbu sabiex jintroduċu aspetti mhux materjali fil-Prodott Gross Domestiku bħall-ambjent u l-valuri naturali sabiex l-ambitu tal-PGD jikber u jinkludi aspetti oħra li mhumiex purament ekonomiċi. Madankollu dawn it-tentattivi ma rnexxilhomx iwasslu għall-adozzjoni ta’ verżjoni adattata tal-PGD, li jfisser li l-PGD tradizzjonali għadu dominanti sal-lum il-ġurnata. Xi xjentisti studjaw din il-kwistjoni fil-fond. Sommarju tal-ideat tagħhom jinsab hawn taħt.

3.2   Richard Layard, għalliem Ingliż tal-ekonomija tax-xogħol, jinnota fil-ktieb tiegħu “Happiness” (“Il-Kuntentizza”) (4) li minkejja ġid materjali akbar, il-Punent ma rnexxilux isib aktar kuntentizza tul dawn l-aħħar ħamsin sena. Skont Richard Layard, dan hu minħabba l-kompetizzjoni kbira fid-dinja kollha, kull wieħed u waħda minnha jrid jaqla’ aktar minn ħadd ieħor. Din il-fissazzjoni unilaterali wasslet għal tnaqqis f’ċerti oqsma aktar importanti għall-benesseri tal-bniedem: l-istabbiltà tal-familja, il-gost tax-xogħol u r-relazzjonijiet tajba mal-ħbieb u l-komunità. Dan joħroġ mill-istatistika dwar in-numru ta’ divorzji li kulma jmur dejjem jikber, iż-żieda fit-tensjoni fuq il-post tax-xogħol u ż-żieda fil-kriminalità. Biex jinkiseb bilanċ, jinħtieġ li tiġi enfasizzata l-ugwaljanza tal-possibbiltà li wieħed ikollu dħul finanzjarju u mhux l-ugwaljanza tad-dħul finanzjarju.

3.3   Fit-teorija tiegħu dwar l-ekonomija tal-benesseri, l-ekonomista Indjan Amartya Sen  (5) jenfasizza l-fatt li l-prosperità ma tinvolvix il-ġid, iżda l-attivitajiet li jwasslu għal dan il-ġid. Id-dħul finanzjarju joffri l-opportunitajiet lill-individwi sabiex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet. Dawn l-opportunitajiet – li Sen isejjaħ “kapaċitajiet” – jiddependu wkoll minn fatturi bħas-saħħa u t-tul tal-ħajja li wieħed mistenni jgħix. L-informazzjoni dwar ir-rati ta’ mortalità hija importanti l-aktar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw peress li hija indikatur tajjeb, speċjalment fir-rigward tal-inugwaljanza soċjali u tal-kwalità ta’ ħajja.

3.4   Fil-pubblikazzjoni l-ġdida tagħha bit-titolu “Frontiers of Justice” (Il-fruntieri tal-ġustizzja), il-filosfa Amerikana Martha Nussbaum  (6) tiddeskrivi għaxar drittijiet soċjali minimi li huma meħtieġa biex wieħed jgħix ħajja deċenti. Hija tisħaq li soċjetà tonqos mid-dmirijiet tagħha u ma tkun xejn ġusta jekk ma tistax tiggarantixxi livell minimu adegwat tad-drittijiet u tal-libertajiet għaċ-ċittadini tagħha. F’termini aktar preċiżi, titkellem dwar il-kapaċità li wieħed jgħix ħajja ta’ tul normali, li jkun b’saħħtu, li jiċċaqlaq liberament, li wieħed juża l-intelliġenza tiegħu, li joħloq rabtiet ma’ affarijiet u nies oħra, li jkollu idea ċara ta’ x’inhu tajjeb, li jgħix ma’ u għal nies oħrajn mingħajr ebda forma ta’ diskriminazzjoni, li jgħix ħajtu filwaqt li jirrispetta l-annimali u l-ambjent, li jidħak u jilgħab, li jieħu sehem fl-għażliet politiċi u li jixtri l-proprjetà. Din il-lista mhijiex kompluta u tista’ tiżdied.

4.   Indikaturi oħra

4.1   Minn barra l-PGD, jeżistu diversi inizjattivi sabiex jitkejlu elementi importanti oħra bil-għan li tiġi evalwata s-soċjetà. Għall-informazzjoni, qed nagħtu idea ġenerali u deskrizzjoni qasira tal-erba’ indikaturi li jintużaw għal dan l-iskop. Nistgħu nsemmu oħrajn, bħal pereżempju l-inizjattiva tal-Kunsill Federali għall-iżvilupp sostenibbli fil-Belġju (7), l-indiċi Kanadiż tal-benesseri (ICME) (8), il-kuntentizza nazzjonali gross fil-Butan (9), l-inizjattiva Quars fl-Italja (10), il-kummissjoni Stiglitz fi Franza (11), il-proġett dinji tal-OECD (12) intiż biex ikejjel il-progress, kif ukoll l-informazzjoni disponibbli tal-Eurofound (13). Madankollu ma nistgħux insemmuhom kollha hawnhekk.

4.2   L-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem (HDI) (14) huwa indikatur li jkejjel l-iżvilupp tas-soċjetà u tal-gruppi li jifformawha. Dan il-metodu ilu jintuża mill-1993 mill-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) sabiex jitfassal rapport annwali dwar is-sitwazzjoni skont il-pajjiżi. Barra d-dħul finanzjarju, dan l-indikatur jagħti każ ukoll tal-medja tat-tul ta’ ħajja, r-rata tal-alfabetiżmu u l-livell ta’ edukazzjoni. Barra minn hekk, mill-1977 ’il quddiem, beda jiġi ppubblikat Indiċi tal-Faqar tal-Bniedem (15) li jqis l-aċċess għat-tagħlim, l-aċċess għall-ikel u l-ilma nadif kif ukoll l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa. L-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem (HDI) huwa bbażat b’mod partikolari fuq it-teoriji ta’ Amartya Sen. L-HDI jaħdem tajjeb ħafna fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżda mhuwiex daqstant adattat sabiex jevalwa l-iżvilupp fil-pajjiżi żviluppati.

4.3   Il-marka tal-karbonju  (16) hija bbażata fuq il-prinċipju li l-konsum jista’ jissarraf f’wesgħa tal-wiċċ meħtieġa għall-produzzjoni tar-riżorsi kkonsmati. Permezz tagħha, ikun jista’ jsir tqabbil tal-impatt ambjentali tal-imġieba differenti tal-konsumaturi (l-istil ta’ ħajja) jew tal-gruppi differenti tal-popolazzjoni (il-pajjiżi). Fid-dinja hemm 1.8 ettaru ta’ art biex jissodisfa l-konsum individwali ta’ kull persuna. Bħalissa madwar id-dinja qed nużaw 2.2 ettaru għal kull persuna, li jfisser li l-umanità qed teżawrixxi r-riżorsi tad-dinja b’rata mgħaġġla. Madankollu, id-differenzi huma kbar: fl-Istati Uniti, il-marka tal-karbonju medja hija ta’ 9.6 etaru għal kull abitant meta mqabbla mal-0.5 ettaru fil-Bangladexx. Jekk il-politika tagħna mhux ser tinbidel, dawn il-problemi ser jikbru. L-erożjoni u d-deżertifikazzjoni jwasslu għal inqas u inqas art fertili disponibbli u t-tkabbir demografiku jfisser li numru akbar ta’ nies għandhom jaqsmu medda ta’ art li dejjem tiċkien. Barra minn hekk, id-domanda dejjem tikber, peress li prosperità akbar iżżid il-konsum. Il-marka tal-karbonju hija indikatur tajjeb tal-iżvilupp sostenibbli, iżda ma tagħti l-ebda informazzjoni dwar il-benesseri tal-individwi.

4.4   L-Indiċi tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja  (17) (Leefsituatie Index) jagħti deskrizzjoni u analiżi sistematiċi tal-kondizzjonijiet tal-ħajja tal-popolazzjoni Olandiża. Dan l-indiċi huwa wkoll imsejjaħ sociale staat van Nederland – SSN (l-istat soċjali tal-Olanda). Dan jiddeskrivi l-iżvilupp tal-kondizzjonijiet tal-ħajja fuq perijodu ta’ madwar għaxar snin. Is-suġġetti studjati huma d-dħul finanzjarju, ix-xogħol, it-tagħlim, is-saħħa, ir-rikreazzjoni, il-mobbiltà, il-kriminalità, l-akkomodazzjoni u l-ambjent residenzjali. Barra mill-kapitli dwar il-kwistjonijiet soċjali differenti, jingħata wkoll indiċi li jagħti sommarju tal-indikaturi soċjali kollha. Tingħata wkoll informazzjoni dwar l-opinjoni pubblika fir-rigward tal-politika u tal-awtoritajiet. L-istħarriġ huwa ppubblikat kull sentejn min-Nederlandse Sociaal Cultureel Planbureau (il-Bureau tal-ippjanar soċjali u kulturali tal-Olanda). L-indiċi tal-kondizzjonijiet tal-ħajja qatt ma kellu saħħa fl-Olanda: l-ewwel u qabel kollox huwa magħmul minn taħlita ta’ diversi elementi varjati u ma jagħtix stampa koerenti u affidabbli tal-benesseri ġenerali.

4.5   Ruut Veenhoven, għalliem fl-Università Erasmus ta’ Rotterdam ilu dawn l-aħħar tletin sena jirriċerka l-kuntentizza madwar id-dinja. F’World Database of Happiness  (18) (bażi tad-data dinjija dwar il-kuntentizza) jikkonkludi li hemm relazzjonijiet dgħajfa ħafna bejn il-flus u l-kuntentizza. In-nies li jaqilgħu ħafna flus jgħixu perijodu qasir ta’ kuntentizza, li jispiċċa wara sena. Ġeneralment, l-individwi li għandhom ħin liberu u li jistgħu jagħmlu għażliet liberi huma aktar kuntenti. Barra minn hekk, Ruut Veenhoven joħloq distinzjoni ċara bejn il-pajjiżi żviluppati u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Żieda fid-dħul finanzjarju fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw tagħti kuntentizza aktar qawwija u aktar fit-tul milli fil-pajjiżi żviluppati. Din id-differenza ma tibqax tgħodd meta l-PGD per capita jaqbeż il-livell minimu ta’ bejn USD 20 000 u USD 25 000. L-iżvantaġġ ta’ din il-bażi ta’ data qiegħed fil-fatt li d-differenzi bejn il-preferenzi individwali jista’ jkollu effett fuq l-evalwazzjoni tal-kuntentizza. Barra minn hekk, il-politika pubblika ma tantx tista’ taffettwa l-kuntentizza.

5.   Indikaturi potenzjali

5.1   Hemm żewġ possibbiltajiet sabiex tintemm id-dominanza tal-PGD fil-politika soċjoekonomika. L-ewwel soluzzjoni hija t-tfassil ta’ sensiela ta’ indikaturi oħrajn marbuta mas-sostenibbiltà u l-benesseri (jew xi wħud mill-aspetti tagħhom) li għandhom l-istess importanza politika daqs il-PGD. It-tieni soluzzjoni hija li l-PGD jiġi sostitwit minn indikatur ġenerali ieħor li jinkludi fih l-elementi rilevanti kollha tas-sostenibbiltà u l-benesseri. Dan l-indikatur il-ġdid isir għalhekk l-indikatur ewlieni tal-politika soċjoekonomika.

5.2   L-ewwel possibbiltà, jiġifieri s-sensiela ta’ indikaturi oħrajn minn barra l-PGD, kienet implimentata iżda ma tat l-ebda riżultat konklużiv. Jeżistu bosta indikaturi li jippermettu li jitkejlu diversi aspetti tas-sostenibbiltà u tal-benesseri: l-indikaturi tad-demokrazija, tal-kuntentizza u tas-sodisfazzjoni ġenerali, tas-saħħa, tal-livell ta’ edukazzjoni, tal-livell ta’ kultura, tal-libertà ta’ espressjoni, tal-kriminalità, tal-kwalità tal-ambjent, tal-emissjonijiet tas-CO2, tal-marka tal-karbonju, eċċ. Madankollu, dawn l-indikaturi mhumiex importanti daqs il-PGD, li huwa dejjem meqjus bħala l-indikatur tal-benesseri tagħna l-aktar komplut u l-inqas ikkontestat.

5.3   It-tieni possibbiltà, jiġifieri l-indikatur ġenerali li jieħu post il-PGD, hija kkomplikata għax tikkonċerna żewġ kwistjonijiet li huma fundamentalment differenti: is-sostenibbiltà u l-benesseri. Is-sostenibbiltà hija rekwiżit, filwaqt li l-benesseri huwa objettiv varjabbli. Fir-rigward tas-sostenibbiltà, ikun biżżejjed li tiġi garantita ż-żamma ta’ stil ta’ ħajja fuq perijodu fit-tul fil-livell dinji. Jekk dan il-kriterju jiġi rrispettat, ma jkunx hemm bżonn li tissaħħaħ aktar is-sostennibbiltà. Il-każ tal-benesseri huwa differenti, dejjem jaqbel li jkollna l-aqwa benesseri possibbli; għalhekk, jixraq li jittejjeb b’mod kontinwu.

5.4   Peress li huwa diffiċli li dawn iż-żewġ kwistjonijiet jingħaqdu, tista’ tiġi kkunsidrata t-tielet possibbiltà: li żewġ indikaturi oħra minbarra l-PGD, indikatur tas-sostenibbiltà u indikatur tal-kwalità ta’ ħajja. Jeżisti indikatur tajjeb ħafna tas-sostenibbiltà u tal-bidla f’dan il-qasam: jiġifieri, il-marka tal-karbonju, li minkejja n-nuqqasijiet tiegħu, huwa l-aqwa indikatur ġenerali li jeżisti tal-iżvilupp sostenibbli tal-ambjent. Il-marka tal-karbonju hija għodda eċċellenti ta’ komunikazzjoni u hija waħda mill-ftit – jekk mhux l-unika – li tqis l-impatti ambjentali tat-tendenzi tal-konsum u l-produzzjoni tagħna (l-importazzjoni u l-esportazzjoni) fuq pajjiżi oħra. Jekk nużawha, tista’ tiġi rfinata u jekk u meta jinstab indikatur aqwa fil-ġejjieni dan jista’ jieħu postha. Għad m’hemm l-ebda indikatur tal-iżvilupp soċjali li jkejjel aspetti differenti tal-kwalità ta’ ħajja b’mod effettiv u li jagħti stampa realistika. Din l-opinjoni hija ddedikata biss għal dan l-indikatur tal-kwalità ta’ ħajja.

6.   Indikatur tal-kwalità ta’ ħajja

6.1   Indikatur tal-kwalità ta’ ħajja li jista’ jintuża fil-prattika u li jkun affidabbli fil-livell xjentifiku għandu jkopri oqsma kruċjali għall-kwalità ta’ ħajja u jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

magħmul minn fatturi oġġettivi li jiddeterminaw il-kapaċitajiet tal-individwi

jikkunsidra l-effett tal-politika

l-informazzjoni tkun disponibbli fil-ħin

jippermetti tqabbil minn pajjiż għal ieħor

jippermetti tqabbil bejn iż-żminijiet

jinftiehem minn udjenza wiesgħa

6.2   L-oqsma tal-ħajja li, fi ħdan l-UE, huma ġeneralment meqjusa importanti għall-kwalità ta’ ħajja u li jissodisfaw dawn il-kritejrji huma dawn li ġejjin:

L-integrità fiżika u s-saħħa. Dan l-indikatur ikejjel il-persentaġġ tal-popolazzjoni li la għandha ostakoli ‘interni’ (mard, diżabbiltà) u lanqas ‘esterni’ (kriminalità u ħabs) sabiex tiffunzjona.

Il-ġid materjali. Jiġifieri d-dħul medju disponibbli standard imfisser f’paritajiet tal-poter tal-akkwist, li huwa l-aqwa kriterju ġenerali tal-poter ta’ akkwist effettiv taċ-ċittadin. Permezz ta’ korrezzjoni fil-livell tal-prezzijiet lokali, il-poter tal-akkwist ta’ pajjiżi differenti jkun jista’ jitqabbel.

L-aċċess għas-servizzi pubbliċi. Il-persentaġġ tal-PGD dedikat għall-kura medika, it-tagħlim, it-trasport pubbliku, l-akkomodazzjoni u l-kultura.

L-attivitajiet soċjali. Il-persentaġġ tal-popolazzjoni bejn l-20 u l-65 sena li taħdem bi ħlas u l-persentaġġ tal-popolazzjoni li għandha aktar minn 20 sena u li tagħmel xogħol volontarju. Ġeneralment, li jkollok xogħol imħallas huwa kkunsidrat bħala waħda mill-forom ewlenin ta’ parteċipazzjoni u integrazzjoni soċjali. Barra minn hekk, il-volontarjat huwa importanti għaż-żamma ta’ varjetà kbira fl-istrutturi soċjali fi ħdan soċjetà li tiġġieled kontra d-dominazzjoni tal-isfera ekonomika. Biż-żieda fil-mobilità tan-nies, huwa importanti li nilqgħu lill-immigranti u nappoġġjaw l-integrazzjoni kulturali u soċjali tagħhom fi ħdan il-komunitajiet eżistenti.

Ir-rikreazzjoni. In-numru medju ta’ sigħat ta’ rikreazzjoni tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-65 sena li mhumiex dedikati għat-tagħlim, u lanqas għax-xogħol imħallas jew mhux imħallas (inklużi l-ivvjaġġar, ix-xogħol tad-dar u l-ħin li wieħed iqatta’ jieħu ħsieb lil xi ħadd ieħor). Il-ħin liberu minħabba perijodu ta’ qagħad mhux mixtieq għandu jitnaqqas mill-ammont globali. Huwa importanti li wieħed ikollu biżżejjed ħin ta’ rikreazzjoni minn barra x-xogħol bi ħlas sabiex ikun jista’ jwettaq ix-xewqat tal-ħajja tiegħu.

Il-kwalità tal-ambjent. Il-persentaġġ ta’ art naturali meta mqabbla mal-bqija tal-art ta’ pajjiż u l-persentaġġ tal-popolazzjoni li mhijiex esposta għat-tniġġis tal-arja. Dan m’għandux x’jaqsam mas-sehem tan-natura u tal-ambjent fis-sostenibbiltà tal-iżvilupp soċjoekonomiku (il-marka tal-karbonju hija indikattur maħsub speċifikament għal dan il-għan), iżda mal-kwalità ta’ ħajja taċ-ċittadini. Għalhekk, l-indikatur huwa llimitat għal żewġ aspetti tan-natura u l-ambjent li ċ-ċittadini jistgħu jesperjenzaw b’mod pożittiv jew negattiv.

6.3   Jintużaw bosta unitajiet għall-kejl ta’ dawn is-sitt oqsma. Sabiex dawn l-evalwazzjonijiet jingħaqdu f’indikatur wieħed ġenerali, hemm bżonn li l-ewwel isiru komparabbli. L-iktar metodu sempliċi (u l-aktar effettiv) huwa li għal kull indikatur individwali jiġi kkalkolat, skont metodu statistiku magħruf u użat f’livell internazzjonali, numru ta’ punti standardizzat (Z-score). In-numru ta’ punti standardizzat (Z-score) huwa kalkolu varjabbli, b’medja ta’ 0 u devjazzjoni standard ta’ 1. Dan ifisser li bejn wieħed u ieħor terz mill-pajjiżi iġibu kalkolu bejn 0 u + 1, terz ieħor bejn 0 u - 1 u wieħed minn sitta taħt - 1. Imbagħad l-indikatur ġenerali jista’ jiġi kkalkolat: huwa l-medja tat-total taz-Z-Score fis-sitt oqsma.

6.4   Biex jitkejlu l-bidliet tul perijodu ta’ żmien, m’għandhomx jerġgħu jiġu kkalkolati l-punti standardizzati (Z-Score) abbażi tal-medju u d-devjazzjoni standard ta’ dik is-sena. Jekk isir hekk, ikun ifisser li l-kwalità ta’ ħajja medja tkun l-istess kull sena. Għal din ir-raġuni, il-medju u d-devjazzjoni standard tas-sena ta’ meta jkun intuża l-indikatur għall-ewwel darba għandu jiġi applikat waqt il-kalkolazzjoni tal-punti standardizzati (Z-Score) tas-snin ta’ wara. Jekk il-medju huwa ogħla minn dak tas-sena ta’ qabel, dan ikun ifisser li l-kwalità ta’ ħajja medja tkun ittejbet b’mod ġenwin.

6.5   Għall-pubbliku ġenerali li mhuwiex midħla tal-kunċetti matematiċi użati fl-istatistika, ir-riżultat ta’ din il-kalkolazzjoni ma jfissirx wisq. Sabiex jintlaħaq is-sitt kriterju (li jintfiehem minn udjenza wiesgħa), ikun aħjar jekk titfassal klassifikazzjoni annwali sabiex kulħadd ikun jista’ jara r-riżultati tajba (jew ħżiena) tal-pajjiż tiegħu meta mqabbla ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra u mar-riżultati tas-sena ta’ qabel. Ġeneralment, dawn il-klassifikazzjonijiet huma ċari ħafna u jistgħu jsaħħu l-popolarità tal-indikatur u jippromovu titjib fil-kwalità ta’ ħajja.

7.   Għal politika aktar ibbilanċjata

7.1   L-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi determinat l-iżvilupp f’dawn is-sitt oqsma hija ġeneralment disponibbli fl-Istati Membri kollha, anke jekk il-frekwenza u l-kwalità (għalissa) tista’ tvarja. Ir-rappurtaġġ finanzjarju u ekonomiku huwa prattika stabbilita; l-informazzjoni rilevanti hija disponibbli ta’ kuljum f’forma ta’ indiċi tal-Borża. Ir-rappurtaġġ dwar l-ambjent u l-kwalità ta’ ħajja għadu relattivament ġdid, li jispjega l-fatt li m’hemmx ħafna informazzjoni disponibbli. L-istatistika ambjentali u soċ ilha teżisti biss għal sentejn jew tlieta. Prerekwiżit importanti għal indikatur komplut u ta’ kwalità huwa l-ksib ta’ ċerta koerenza fil-kwalità u d-disponibbiltà tal-informazzjoni. Iżda l-bażi hemm qiegħda: fil-prinċipju, dalwaqt ser inkunu nistgħu nibdew infasslu dan l-indikatur, jekk jintlaħaq ftehim politiku. Fuq livell politiku, dan l-indikatur jista’ jkun ta’ importanza minħabba l-potenzjal li għandu għat-tkabbir meta mqabbel mal-PGD, fil-futur qarib fi ħdan l-UE.

7.2   Mhuwiex biżżejjed li jkun hemm il-kalkoli, jinħtieġ ukoll li r-riżultati miksuba jintużaw waqt it-tfassil tal-politika. Is-seklu 21 qiegħed jiffaċċja sensiela ta’ problemi li għalihom għad m’hemmx soluzzjonijiet peress li għandhom reċenti. Jinħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet strutturali mill-aktar fis, għaliex sadattant ser nilħqu neżawrixxu r-riżorsi tad-dinja. Jekk nagħżlu li nħaddnu politika li mhijiex biss ibbażata fuq it-tkabbir ekonomiku, iżda wkoll fuq l-iżvilupp sostenibbli fil-livell ekonomiku (il-kontinwità tal-attività ekonomika), soċjali (li l-individwi jkunu jistgħu jgħixu ħajja b’saħħithom u li jdaħħlu l-flus, u li dawk li ma jistgħux jaqilgħu l-għajxien tagħhom ikunu garantiti livell adegwat ta’ sigurtà soċjali) u ambjentali (il-protezzjoni tal-bijodiversità, bidla lejn produzzjoni u konsum sostenibbli), ser ikun possibbli li nindirizzaw sensiela ta’ kwistjonijiet kruċjali (ix-xogħol, l-inugwaljanza, l-edukazzjoni, il-faqar, il-migrazzjoni, il-kuntentizza, il-bidla fil-klima, it-tnaqqis tar-riżorsi tad-dinja).

7.3   L-indikatur deskritt hawnhekk mhuwiex perfett. M’għandux jitqies bħala proposta iżda bħala kontribut għad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa dwar is-suġġett. Jista’ jkun li jrid jiżdied in-numru ta’ oqsma, jew li l-kriterji li l-oqsma jridu jissodisfaw għandhom jiġu definiti b’mod aktar preċiż. Dan it-tip ta’ indikatur qatt mhu komplut. Il-kejl huwa proċess dinamiku peress li l-oġġett li qiegħed jitkejjel huwa l-iżvilupp tas-soċjetà. Dawn il-bidliet jistgħu jwasslu għall-ħtieġa ta’ indikaturi differenti jew ta’ indikaturi aktar preċiżi. Id-definizzjoni ta’ indikatur huwa wkoll proċess dinamiku u għandu jkun preċedut minn dibattiti u diskussjonijiet, kif hu xieraq f’soċjetà demokratika.

7.4   Dan mhuwiex proġett fuq il-perijodu qasir: għandu miri usa’. Biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tiegħu, jinħtieġ li nillimitaw ruħna għall-Istati Membri tal-UE, u ninkludu wkoll il-pajjiżi kandidati tal-Kroazja u t-Turkija u l-pajjiżi fejn l-iżvilupp ekonomiku jista’ jitqabbel bħall-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja, in-New Zealand u l-Ġappun. Id-differenzi kbar fl-iżvilupp ekonomiku jxekklu l-ħolqien ta’ indikatur wieħed li jin·ftiehem u li jkejjel il-bidla fil-pajjiżi żviluppati bl-istess mod kif ikejjel dik tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-ftehim bejn is-sistemi politiċi ta’ dawn il-pajjiżi ma jqisx l-indikatur tal-libertà demokratika bħala qasam importanti għall-kwalità ta’ ħajja għaliex dan huwa meqjus bħala evidenti fi ħdan dan il-grupp ta’ pajjiżi.

7.5   Politika li mhijiex biss ibbażata fuq l-importanza unilaterali tat-tkabbir ekonomiku iżda wkoll fuq il-fatturi soċjali u ambjentali tista’ twassal għal għażliet politiċi mtejba u aktar ibbilanċjati u b’hekk għal ekonomija aktar sostenibbli u bbażata fuq is-solidarjetà. Il-Kumitat jittama li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel dikjarazzjoni ċara f’dan ir-rigward fir-rapport tagħha dwar l-istrateġija Ewropea favur l-iżvilupp sostenibbli li ser tippubblika f’Ġunju tal-2009. L-objettiv jista’ jkun il-mudell soċjali Ewropew imfisser f’opinjoni preċedenti tal-Kumitat (19). Dan il-mudell għandu l-għan li jwitti t-triq għal spazju ta’ prosperità demokratika, ekoloġika, kompetittiva u magħquda u sors ta’ integrazzjoni soċjali għaċ-ċittadini kollha tal-Ewropa.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  www.beyond-GDP.eu

(2)  www.economischegroei.net

(3)  P. Samuelson, “Evaluation of real national income”, Oxford Economic papers, 1950: 1-29.

(4)  R. Layard, “Il-Kuntentizza. Lezzjonijiet ta’ xjenza ġdida”, Armand Colin, 2007.

(5)  A. Sen, “Commodities and capabilities”, Amsterdam North Holland, 1985.

(6)  M. Nussbaum, “Frontiers of justice”, Harvard University Press, 2005.

(7)  www.developpementdurable.be

(8)  www.statcan.ca

(9)  www.bhutanstudies.org.bt

(10)  www.sbilanciamoci.org

(11)  http://stiglitz-sen-fitoussi.fr/fr/index.htm

(12)  http://www.oecd.org/statsportal

(13)  http://www.eurofound.europa.eu/

(14)  www.eurofound.europa.eu/

(15)  http://hdr.undp.org/en/statistics/

(16)  www.footprintnetwork.org

(17)  http://hdr.undp.org/en/statistics/indices/hpi/

(18)  http://worlddatabaseofhappiness.eur.nl/

(19)  ĠU C 309, 16.12.2006, p. 119.


Top