EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1658

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-akkwist pubbliku prekummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta’ kwalità għolja fl-Ewropa COM(2007) 799 finali

ĠU C 100, 30.4.2009, p. 6–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/6


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-akkwist pubbliku prekummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta’ kwalità għolja fl-Ewropa

COM(2007) 799 finali

2009/C 100/02

Nhar l-14 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-akkwist pubbliku prekummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta’ kwalità għolja fl-Ewropa

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur VAN IERSEL.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-21, it-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’70 vot favur u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-għan tal-Kummissjoni li tippromovi inċentivi għall-innovazzjoni fl-akkwist pubbliku madwar l-Ewropa. Jekk l-Ewropa trid tibqa’ fuq quddiem fil-provvista ta’ servizzi pubbliċi li huma tal-aqwa kwalità u kost-effettivi liċ-ċittadini tagħha, għall-ġid tal-ekonomija, l-ambjent soċjali u dak ekoloġiku, trid tfittex li tagħmel l-aħjar użu mill-innovazzjonijiet u l-progress teknoloġiku fis-servizzi pubbliċi tagħha.

1.2.   Huwa jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar “il-Klijent Intelliġenti” bħala prekursur essenzjali ta’ attitudni aktar proattiva lejn it-tendenzi moderni fix-xiri mill-Awtoritajiet pubbliċi. Bħala regola l-kwalità tal-kuntratti ma’ fornituri privati ser tgawdi minn livell ogħla ta’ impenn “intelliġenti” min-naħa tax-xerrej pubbliku.

1.3.   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li t-trawwim ta’ opportunitajiet għall-innovazzjoni u t-teknoloġija applikata fl-akkwist pubbliku ser jagħti l-frott b’żewġ modi fl-Ewropa. L-ewwel, billi jtejjeb il-kwalità tas-servizzi pubbliċi u l-użu aktar effettiv tal-flus, b’hekk igawdu dawk li jħallsu t-taxxa; u t-tieni billi jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni fin-negozju, b’hekk jagħti kontribut għall-prestazzjoni fl-innovazzjoni u l-kompetittività globali tal-Ewropa.

1.4.   Il-KESE jenfasizza li, huma x’inhuma l-benefiċċji potenzjali ta’ approċċi ġodda jew differenti fl-akkwist pubbliku, tibqa’ prijorità t-traspożizzjoni korretta u l-implimentazzjoni tad-Direttivi tal-2004 (1) (“id-Direttivi”). L-atteġġjamenti tradizzjonali u kulturali ta’ spiss għandhom għeruq fondi. L-evidenza prattika tindika li l-implimentazzjoni korretta fl-Istati Membri teħtieġ monitoraġġ mill-qrib u kontinwu flimkien ma skambji tal-esperjenza u l-aħjar prattika.

1.4.1.   Daż-żminijiet l-akkwist pubbliku jkopri oqsma mifruxa ħafna u paradigmi ġodda. Il-KESE jisħaq li trid issir distinzjoni ċara bejn l-akkwisti mill-Awtoritajiet pubbliċi u dawk mis-servizzi importanti pubbliċi, speċjalment fil-promozzjoni tal-innovazzjoni. Is-servizzi importanti, li ħafna minnhom ilhom jipparteċipaw f’proġetti innovattivi għal aktar minn mitt sena, għandhom ħiliet u esperjenza aktar professjonali bi proġetti ta’ tekonoliġija avvanzata, li jgħinuhom jiġġestixxu l-innovazzjonijiet il-ġodda. L-istess jgħodd għad-Difiża, għalkemm l-Ewropa, meta mqabbla mal-Istati Uniti, tbagħti minn nuqqas ta’ baġits kbar u bażi ta’ provvista għall-kontinent kollu korrispondenti. Hija għal din ir-raġuni li din l-Opinjoni qed tiffoka fuq l-Awtoritajiet, peress li s-Servizzi Importanti huma kapaċi jiġġestixxu r-riċerka u l-iżvilupp.

1.5.   Jidher li l-Kummissjoni hija fiduċjuża ħafna li l-esperjenzi utli tal-Istati Uniti fir-rigward tar-rabta bejn it-teknoloġija, l-innovazzjoni u l-akkwist pubbliku jistgħu jiġu trasposti fl-ambitu Ewropew. Il-KESE jibża’ li mhuwiex daqshekk faċli li jiġu maħluqa opportunitajiet komparabbli. Bħalissa is-swieq tas-Servizzi Importanti u d-Difiża, l-akkwist tagħhom u l-innovazzjonijiet marbutin magħhom fl-Ewropa żviluppaw l-aktar skont il-kondizzjonijiet u l-kompetenzi nazzjonali.

1.6.   B’mod ġenerali, id-differenzi mill-Istati Uniti fl-akkwist pubbliku huma li l-Ewropa m’għandiex:

suq wieħed kbir u kundizzjonijiet simili madwar il-kontinent għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju ta’ teknoloġija avvanzata;

lingwa komuni;

ir-relazzjoni speċjali bejn il-Pentagonu u l-kumpaniji bbażati fuq it-teknoloġija; u

it-trasferiment mill-prodotti u l-applikazzjonijiet militari għal dawk ċivili.

1.7.   Il-KESE jixtieq jiċċara li huwa jaqbel mal-Kummissjoni li rridu nieħdu kull opportunità biex nistimolaw l-innovazzjoni ħalli niżviluppaw servizzi pubbliċi ta’ kwalità u valur aħjar. Għal dan il-għan il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ ukoll lill-Awtoritajiet pubbliċi biex ifittxu li jitgħallmu mill-aħjar prattiki ta’ xulxin.

1.8.   Ix-xerrejja pubbliċi għandhom jiġu mħajra li jkunu miftuħa għal soluzzjonijiet innovattivi u alternattivi (“varjanti”), u mhux bilfors jibqgħu jixtru l-istess kif kienu qabel. Għandhom iħarsu lejn il-valur u mhux biss lejn l-orħos prezz. Skambji bejn ċentri ta’ konoxxenza f’dan il-qasam f’xi Stati Membri jistgħu jgħinu biex jagħtu eżempju madwar l-Ewropa. B’dan il-mod ix-xerrejja jistgħu jiġu mħeġġa jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa biex ikunu Klijenti Intelliġenti u biż-żmien jiksbu l-esperjenza. Dawn il-ħiliet u l-esperjenzi huma kundizzjonijiet essenzjali.

1.9.   Rigward l-innovazzjoni, ix-xerrejja pubbliċi għandhom bżonn jibdew djalogu tekniku trasparenti minn ħafna qabel ma joħorġu s-sejħa għall-offerti sabiex jifhmu x’inhi l-aqwa kwalità li joffri s-suq u biex jagħtu lis-suq l-opportunità li jifhem aħjar il-problema li trid tiġi indirizzata u b’hekk ikun jista’ joffri l-aqwa soluzzjonijiet.

1.10.   Il-KESE jirrakkomanda l-prudenza fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-maġġoranza tal-Awtoritajiet pubbliċi fi proċessi innovattivi jew bħala dawk li jadottaw l-ewwel soluzzjonijiet. Ġara wisq ta’ spiss li l-Awtoritajiet pubbliċi ma kellhomx l-opportunità li jiżviluppaw il-ħila u l-esperjenza li jipparteċipaw fi proġetti verament innovattivi; ir-riskji huma kbar u jeħtieġu tmexxija tal-ogħla kwalità, minħabba li l-possibbiltà ta’ falliment hija reali ħafna.

1.11.   Għandu jitwaqqaf netwerk ta’ nies u organizzazzjonijiet professjonisti u li għandhom l-esperjenza fl-Istati Membri biex ikun jista’ jsaħħaħ ir-riżorsi tax-xerrej fil-każ ta’ proġetti innovattivi li huma aktar avvanzati.

1.12.   Għalkemm l-Anness jindika l-proċeduri għall-kuntratti ta’ akkwisti prekummerċjali, li filwaqt li joħorġu barra mill-ambitu tad-Direttivi minħabba l-Esklużjoni (2), xorta jibqgħu konformi mal-qafas legali eżistenti, għad hemm il-possibbiltà ta’ ksur tal-liġi, anke jekk dan ma jkunx intenzjonat. Il-KESE jirrakkomanda li x-xerrejja jistudjaw l-Anness u jsegwu r-rakkomandazzjonijiet b’attenzjoni. Jekk ikun hemm l-iċken dubju, kemm f’moħħ l-Awtorità li qed takkwista kif ukoll f’dak ta’ xi fornituri potenzjali, il-KESE jirrakkomanda b’ċerta qawwa li l-Awtorità għandha tfittex il-konferma minn qabel tal-Kummissjoni li m’hemmx infrazzjonijiet possibbli dwar l-għajnuna mill-Istat jew l-Esklużjoni mid-Direttivi u għandha tagħti prova ta’ dan lill-fornituri potenzjali.

1.13.   Bir-raġun il-Kummissjoni tenfasizza s-sinifikat tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Il-KESE jżid li hemm bżonn ta’ attenzjoni kbira fit-twaqqif, l-allokazzjoni u t-tmexxija tagħhom. Dan il-qasam tal-attività mhuwiex wieħed sempliċi.

2.   Sfond u kuntest

2.1.   Fl-2004 il-Kunsill adotta d-Direttivi preżenti dwar l-akkwist pubbliku mis-Servizzi pubbliċi (3) u l-Awtoritajiet pubbliċi (4) li flimkien jammontaw għal madwar 16 % tal-PGD Ewropew.

2.2.   L-għan tad-Direttivi kien li jiddefinixxi ġabra ta’ regoli koerenti, li ma jiddiskriminawx u li huma trasparenti, li jagħtu garanzija li jinfetħu swieq li s’issa kienu magħluqin għal kollox jew parzjalment biex b’hekk titrawwem il-kompetizzjoni fost il-fornituri kif ukoll bilanċ bejn il-prezz u l-benefiċċju li jkun jaqbel iktar lill-gvernijiet u liċ-ċittadini.

2.3.   Saru diskussjonijiet wiesgħa u li għandhom effett fit-tul waqt l-abbozzar tal-proposti finali biex jiġi żgurat li d-Direttivi jkunu prattiċi u adattati biex jilħqu l-iskop.

2.4.   Sadanittant id-Direttivi qed jiġu trasposti fil-leġislazzjoni nazzjonali. Madankollu fil-prattika l-implimentazzjoni fil-livelli nazzjonali u reġjonali mhijiex faċli. Il-proċeduri jitolbu ħila, professjonalità u esperjenza li spiss mhumiex żviluppati tajjeb fost l-awtoritajiet tax-xiri. F’bosta każijiet, il-proċess ta’ tagħlim huwa twil.

2.5.   Peress li l-innovazzjoni hija tema ċentrali tal-Istrateġija ta’ Liżbona, qed jittieħdu inizjattivi varji mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni biex jeżaminaw u jifhmu kif l-innovazzjoni tista’ titrawwem fil-prattiki tal-akkwist pubbliku fuq il-bażi tad-Direttivi.

2.6.   Fost l-oħrajn, inizjattivi reċenti mill-Kummissjoni jinkludu:

għaxar rakkomandazzjonijiet ta’ prattika tajba, bżonnjużi biex l-akkwist pubbliku jsir b’suċċess (5) (“il-Gwida tal-10 Punti”);

dikussjonijiet bejn l-uffiċjali tal-Kummissjoni u d-Diretturi tar-Riċerka fl-ICT (6) Nazzjonali fl-Istati Membri wasslu għal proposti konkreti dwar l-akkwisti prekummerċjali (7) li ser jiġu diskussi f’Sezzjoni 4 ta’ din l-opinjoni;

fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar it-Teknoloġija Ambjentali (8), l-inizjattiva tad-DĠ tal-Ambjent dwar il-verifika teknoloġika u ċ-ċertifikati korrispondenti;

grupp ta’ esperti dwar il-ġestjoni tar-riskju fl-akkwist pubbliku mid-DĠ tar-Riċerka għadu kemm beda l-ħidma tiegħu

2.7.   L-inizjattivi tal-Kummissjoni bbażati fuq u ispirati minn rapporti pioniristiċi bħalma huwa r-rapport Aho “Noħolqu Ewropa Innovattiva” (9) u l-Komunikazzjoni “Inizjattiva ta’ swieq pilota għall-Ewropa” (10). Iż-żewġ dokumenti jindikaw b’mod espliċitu li l-akkwist pubbliku jista’ u għandu jkun sors imprezzabbli ta’ xogħol, oġġetti u servizzi innovattivi (11). F’ħamsa mis-sitt (12) setturi li ġew identifikati mill-inizjattiva ta’ swieq pilota bħala partikolarment adattati għall-proġetti innovattivi, hemm ħafna lok għall-innovazzjoni fl-isfera pubblika.

2.8.   Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati identifikaw sett ta’ kriterji għas-swieq pilota, fosthom il-kriterji “mmexxija mit-talba minflok imbuttati mit-teknoloġija” u “l-interess strateġiku u ekonomiku”, it-tnejn li huma huma ta’ interess speċjali għax-xerrejja pubbliċi. Il-konsultazzjonijiet kollha jenfasizzaw il-ħtieġa li qed tinħass b’mod mifrux, li l-akkwist pubbliku għandu, aktar milli kien fil-passat, jappoġġja xogħlijiet, prodotti u servizzi innovattivi fl-Ewropa.

2.9.   Il-Gwida tal-10 Punti, ppubblikata f’Marzu 2007, ħarġet mir-rapport Aho u tistabbilixxi l-prattika tajba tagħna dwar kif nittrattaw s-soluzzjonijiet innovattivi fl-akkwist pubbliku, billi telenka għaxar punti importanti dwar kif wieħed jista’ jirnexxielu jsir Klijent Intelliġenti (13). Il-Klijent Intelliġenti jiġi diskuss ukoll fil-paragrafu 3.14.

2.10.   Fil-Komunikazzjoni dwar l-akkwist pubbliku prekummerċjali (14) il-Kummissjoni introduċiet strument ġdid li jattiva l-innovazzjoni fl-akkwist pubbliku. Fir-rispett tar-regoli tad-Direttivi tal-2004, il-Kummissjoni trid tippromovi kuntratti ta’ servizzi ta’ riċerka u żvilupp bejn ix-xerrejja pubbliċi u l-fornituri potenzjali li jkopru l-istadji tar-riċerka u l-iżvilupp qabel il-fażi ta’ kummerċjalizzazzjoni; jiġifieri d-disinn, il-prototipar, l-ittestjar u l-fażijiet tal-preproduzzjoni, sal-fażi eżatt qabel il-produzzjoni u l-bejgħ kummerċjali.

2.11.   Il-KESE jilqa’ kull sforz li jippromovi l-innovazzjoni fl-akkwist pubbliku. B’dan il-mod il-KESE jilqa’ d-dokumenti kollha u l-konsultazzjonijiet u d-diskussjonijiet li jsegwu fost dawk li jfasslu l-politiki u x-xerrejja li jikkontribwixxu fil-preparazzjoni tal-bażi għat-titjib fil-potenzjal tal-innovazzjoni tal-industrija fl-UE għall-benefiċċju tas-soċjetà.

2.12.   Madankollu l-iskop ta’ din l-Opinjoni huwa li tanalizza:

il-kunċett tal-akkwist prekummerċjali kif ddaħħal fil-Komunikazzjoni u l-anness tagħha;

kif l-akkwist prekummerċjali fost inizjattivi oħra jista’ jikkontribwixxi lejn it-titjib ta’ klima li tippromovi xogħlijiet, prodotti u servizzi innovattivi li huma mixtieqa;

sa liema punt u b’liema mod l-akkwist pubbliku għandu l-għodod adattati għad-dispożizzjoni tiegħu biex irawwem l-innovazzjoni fis-servizzi pubbliċi; u

b’mod attent, fejn huma l-limitazzjonijiet u r-riskji.

3.   Kummenti

3.1.   Il-Gwida tal-10 Punti (15) tindika b’mod ċar għaxar prattiki tajbin li jistgħu jgħinu lill-Awtoritajiet pubbliċi biex jittrattaw b’mod effettiv mas-soluzzjonijiet innovattivi fl-akkwist pubbliku; hija toffri bażi soda li fuqha jistgħu jsiru l-iżviluppi. Iżda hemm bżonn li jsir ħafna aktar biex il-Gwida titħaddem fil-prattika. F’xi oqsma hemm bżonn ta’ azzjoni aktar pożittiva; f’oħrajn hemm bżonn tal-prudenza.

3.2.   Akkwist pubbliku ta’ suċċess jiddependi minn prattika tajba li hi konsistenti mad-Direttivi. Id-Direttivi jippromovu s-Suq Uniku, u b’hekk jgħinu lill-Ewropa biex tikkompeti ma’ żoni oħra ta’ kummerċ li għandhom swieq interni kbar. Il-prattiki tajbin u d-Direttivi huma inseparabbli.

3.3.   Xi Stati Membri għadhom fil-proċess li jittrasponu d-Direttivi 2004 (ara punt 2.4) u f’oħrajn hemm inkonsistenzi fil-liġijiet nazzjonali. Dawn in-nuqqasijiet jagħmluha aktar diffiċli biex jitgawdu l-benefiċċji kollha tad-Direttivi.

3.4.   F’livell prattiku, minħabba l-kumplessità li qed tiżdied b’mod ġenereali fil-kuntratti tal-akkwisti pubbliċi, hemm ħtieġa ovvja li jitjiebu l-ħiliet u l-esperjenza ta’ dawk kollha li huma involuti. B’mod partikulari, hemm bżonn li tiġi promossa kultura li hija adattata għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ proġetti kumplessi fl-organizzazzjoni kollha tax-xerrej.

3.5.   Huwa essenzjali li jkun hemm suq kbir u aċċessibbli biex l-innovazzjoni tiżviluppa. Huwa b’hekk biss li l-ispejjeż tal-innovazzjoni – il-flus, il-ħin u l-isforz – jiġu irkuprati. L-innvoazzjoni hija essenzjali jekk l-ekonomija trid tikber u tissaħħaħ.

3.6.   Wara l-aġenda ta’ Liżbona tal-2000, ittieħdet deċiżjoni li l-akkwisti pubbliċi għandhom jinkoraġġixxu u jappoġġjaw l-innovazzjoni.

3.7.   Filwaqt li d-dokumenti ewlenin tal-Kummissjoni dwar l-innovazzjoni, msemmija fit-tieni Sezzjoni, huma b’mod ġenerali relatati maż-żewġ setturi pubbliċi, l-Awtoritajiet u s-Servizzi Importanti, mingħajr distinzjoni, il-KESE jiġbed l-attenzjoni b’ċerta enfażi li fil-preżent hemm differenzi fil-karattru tal-organizzazzjonijiet taż-żewġ setturi.

3.8.   Is-Servizzi Importanti ilhom jisponsorizzaw, jużaw, jixtru u jiżviluppaw proġetti innovattivi, l-istess bħall-militar u sezzjonijiet mis-servizzi tas-saħħa, u dan tahom il-ħiliet u l-esperjenza li jeħtieġu. L-esperjenza tagħhom fil-ġestjoni tar-riskji u l-kumplessità tal-innovazzjoni m’għandix tiġi injorata.

3.9.   L-Awtoritajiet Pubbliċi jistgħu jitgħallmu mis-Servizzi Importanti, il-militar u setturi oħra li għandhom esperjenza fit-tmexxija b’suċċess ta’ proġetti ta’ innovazzjoni. Mill-inqas, jistgħu jifhmu aħjar ir-riżorsi mill-organizzazzjoni kollha li jridu jiġu ddedikati lilha. Jista’ jkun li, fuq perjodu qasir, ir-reklutaġġ minn dipartimenti rilevanti ta’ persuni rtirati li jkunu jridu jibqgħu jaħdmu għal ftit snin oħra, ,joffri sors imprezzabbli ta’ esperjenza.

3.10.   L-innovazzjoni hija l-applikazzjoni ta’ metodi ġodda ta’ kif isiru l-affarijiet. Tista’ tiġi implimentata fix-Xogħol, fil-Provvista jew f’Servizz. Ir-riċerka u l-iżvilupp huma prekursuri essenzjali ta’ proġett innovattiv. Id-distinzjoni bejn ir-riċerka pura u applikata trid tinżamm ċara: ir-riċerka pura ssir l-aktar mill-universitajiet u l-istabbilimenti tar-riċerka; hija tipprovdi il-bażi teoretika u prattika li fuqha jibbażaw ir-riċerka applikata u l-iżvilupp. Ir-riċerka applikata tikkonsisti f’ħidma ta’ natura teoretika u prattika bil-għan li tistabbilixxi bażi għall-iżvilupp ta’ proġett jew iktar. Din l-Opinjoni ma tikkunsidrax ir-riċerka pura ħlief fil-każ li l-akkwist prekummerċjali kif inhu diskuss fis-Sezzjoni 4, ikun jista’ jiġi deskritt b’dan il-mod.

3.11.   Fil-prinċipju m’hemm l-ebda differenza kbira fil-mod kif proġett innovatti jiġi trattat fis-settur pubbliku u dak kummerċjali. Naturalment hemm differenzi żgħar: is-settur pubbliku huwa suġġett għal livell ta’ skrutinju li s-settur kummerċjali fil-parti l-kbira mhuwiex. F’kull żvilupp maġġuri ser ikun hemm il-fallimenti; dak hu l-prezz tal-progress. Filwaqt li dixxipplina xierqa għandha tfittex li tnaqqas il-fallimenti u titgħallem minnhom, li wieħed jieqaf wisq fuqhom, ikun ta’ xkiel għal aktar iżvilupp.

3.12.   Il-verżjoni tal-2004 tad-Direttivi kienet diġà tikkontempla kuntratti li jinvolvu l-innovazzjoni. M’hemm bżonn tal- tal-ebda liġi oħra ħlief li wieħed jifhem kif imexxi proġett innovattiv fi ħdanhom.

3.13.   Fil-proġetti kollha fejn hemm l-innovazzjoni – kif ukoll, f’ħafna oħrajn – ix-xerrej għandu bżonn li jkollu l-karatteristiċi ta’ Klijent Intelliġenti. Dawn il-karatteristiċi ġew diskussi b’mod wiesgħa fil-Gwida tal-10 Punti u din l-Opinjoni tenfasizza l-importanza essenzjali tagħhom.

3.14.   Fi ftit kliem, il-Klijent Intelliġenti għandu bżonn ikun miftuħ għall-ideat ġodda iżda jkollu d-dixxiplina biex iġestihom. Hemm bżonn ta’ nies bl-esperjenza u l-ħiliet li jkunu kisbu biex imexxu proġetti innovattivi. Iżda fuq kollox, l-organizzazzjoni, sa fuq nett, trid tkun f’armonija mal-ħtiġijiet ta’ proġetti innovattivi. Mingħajr dik il-kultura, dawk li jkunu qed jaħdmu fil-qasam ma jistax ikollhom suċċess.

3.15.   Il-proġetti innovattivi, jistgħu jinqasmu b’mod konvenjenti fi tliet kategoriji, kull kategorija bil-karatteristiċi speċifiċi tagħha, kif ukoll xi aspetti komuni għalihom kollha. F’din l-Opinjoni, jekk m’hemmx indikazzjoni oħra, it-terminu “Prodotti” jinkludi xogħlijiet, provvisti u servizzi.

3.16.   It-tliet kategoriji:

(a)

L-aċċettazzjoni ta’ prodotti innovattivi biex jissodisfaw ħtieġa stabbilita, imma li ftit għandhom jew li m’għandhom l-ebda effett fuq il-metodu tal-operat tax-xerrej. Dan joffri benefiċċji bi ftit riskju u taqlib.

(b)

L-adozzjoni ta’ prodott innovattiv li jeħtieġ li x-xerrej jaddatta għall-metodu ta’ tħaddim tiegħu. Dan joffri potenzjal sustanzjali ta’ benefiċċju b’xi riskju u l-ħtieġa ta’ żvilupp ta’ proċeduri ġodda u taħriġ tal-persunal.

(ċ)

Il-parteċipazzjoni fi proġett innovattiv. Il-parteċipazzjoni tax-xerrej tista’ tkun iktar jew inqas, minn proġett konġunt fil-veru sens tal-kelma sa mid-definizzjoni tal-proġett, għal li wieħed ikun adotta l-ewwel soluzzjonijiet fil-fażi beta (16) tal-provi u ix-xiri ta’ unitajiet ta’ preproduzzjoni kmieni.

3.17.   L-aktar waħda li hi importanti immedjatament – u l-aktar waħda li hi effettiva fil-promozzjoni tal-innovazzjoni - għall-parteċipazzjoni tax-xerrejja pubbliċi fl-innovazzjoni, u l-eħfef waħda biex tiġi implimentat hija (a). Din teħtieġ li x-xerrej ikun miftuħ għall-varjanti (17) - soluzzjonijiet alternattivi - u li jkollu nies kapaċi li jivvalutaw offerti differenti fuq il-bażi tal-“aktar ekonomikament vantaġġjuża”.

3.18.   Kategorija (b) hija ta’ valur għal xerrej li jfittex titjib fil-ħidmiet tiegħu permezz tal-użu ta’ prodotti innovattivi, li ta’ spiss jeħtieġu xi ħidma ta’ żvilupp biex il-prodott il-ġdid jintegra fil-ħidma tiegħu. Hemm bżonn ta’ ħila fl-istabbiliment tar-rekwiżiti f’termini ċari li mhumiex restrittivi bla bżonn u hemm bżonn tal-parteċipazzjoni ta’ nies mid-dipartimenti tal-utenti u dawk tekniċi tax-xerrej. Ir-riżorsi li x-xerrej irid jinvesti mhumiex irrelevanti iżda, jekk il-proġett huwa mmexxi tajjeb, ir-riskji ta’ integrazzjoni jistgħu jiġu ġestiti u l-benefiċċji huma akbar mill-isforz meħtieġ.

3.19.   Il-kategorija (ċ) hija l-aktar waħda diffiċli. Id-definizzjoni u l-iżvilupp totali ta’ soluzzjonijiet ġodda mill-bidu, fihom nfushom jippreżentaw riskji teknoloġiċi ogħla minn bidliet progressivi biex jiġu adattati jew integrati prodotti li huma ġodda għas-suq fi proċessi (b) li diġà jeżistu. Ftit huma l-organizzazzjonijiet – ħlief għal dawk imsemmija f’sezzjoni 3.8 (il-militar eċċ) - għandhom il-ħila u l-esperjenza li jipparteċipaw bis-sħiħ f’tip ta’ proġett li jidħol fil-kategorija (ċ) li hi verament innovattiva. Ir-riskji huma kbar u jeħtieġu ġestjoni tal-ogħla kwalità. Filwaqt li l-gwadann jista’ jkun sostanzjali – m’hemmx raġuni għalfejn wieħed għandu jidħol għal progrett li kieku ma kienux – il-possibbiltà ta’ falliment hija reali ħafna. It-tip ta’ proġett ikkunsidrat mill-Komunikazzjoni jaqa’ taħt il-kategorija (ċ).

3.20.   Il-Komunikazzjoni timplika li x-xerrej jkun jista’ jwettaq proġett innovattiv bħala akkwist ta’ riċerka u żvilupp sal-punt oriġinali tal-iżvilupp tal-ewwel prodotti. Għal kull segwitu tal-akkwist tal-volumi kummerċjali tal-prodotti finali, il-ħtieġa għal sejħa għall-offerti kompetittiva trid tiġi vvalutata każ b’każ skont id-Direttivi tal-Akkwist Pubbliku. Id-ditti normalment jagħmlu l-oġġetti li jiddisinjaw, tal-anqas sal-punt fejn il-manifattura liċenzjata ssir possibbiltà prattika. Il-KESE huwa tal-fehma li l-allokazzjoni ta’ kwalunkwe drittijiet tal-proprjetà li toħroġ mill-proġett, u arranġamenti għal ġestjoni tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati b’attenzjoni fuq il-bażi prattika u kummerċjali qabel ma jibda l-proġett.

3.21.   Hemm provi li proċedura bħal dik ikkunsidrata mill-Komunikazzjoni qed tiġi użata fl-Istati Uniti. Filwaqt li hemm eżempji fil-qasam militari ġenerali (il-kuntratt tat-Tanker tal-Ajru Amerikan li jista’ jinqasam bejn il-Boeing u l-Airbus), l-aktar qasam fejn wieħed jista’ jsib eżempji ta’ dan huwa f’dak tal-elettronika. F’dak il-qasam, b’eċċezzjonijiet bħal dak tat-twebbis taċ-ċirkwiti integrati kontra l-polz elettrikumanjetiku, l-oqsma kummerċjali u militari huma ħafna eqreb lejn xulxin milli huma f’ħafna oqsma oħra.

3.22.   Fil-paraguni mal-Istati Uniti, wieħed irid jiftakar fid-differenzi strutturali mal-Ewropa. L-Istati Uniti ilhom pajjiż omoġenju li kiber fuq il-bażi ta’ riżorsi fiżiċi li huma kważi bla limitu – agrikoltura, deheb, żejt, nies – u bl-eċċezzjoni tal-era ta’ wara l-1929, il-kapital. Dan wassal – ħlief, reċentement, fis-settur bankarju – għall-iżvilupp ta’ suq uniku stabbli fiż-żmien u l-infrastruttura li taqdih. L-Ewropa għad fadlilha x’timxi biex tgawdi dawn l-istess vantaġġi. Wara dan kollu, u minkejja s-saħħa ċara tal-Istati Uniti, hemm xi oqsma li fihom huma ma jilħqux mal-istat attwali fl-Ewropa, fosthom b’mod partikolari huwa n-nuqqas ta’ aċċessibbiltà universali għall-kura tas-saħħa.

3.23.   Barra mir-riskji ta’ falliment tekniku – integrali f’kull proġett li huwa verament innovattiv – trid tingħata attenzjoni lir-riskji finanzjarji li jirriżultaw min-nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, it-trasparenza, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttivi, dawn jiġu diskussi iktar fis-sezzjoni 4.3: L-Għajnuna mill-Istat.

4.   Anness – SEC(2007) 1668 – għall-Komunikazzjoni: “L-Akkwist Prekummerċjali – Dokument tal-Ħidma tal-Persunal”

4.1.   L-iskema proposta (“l-Iskema”)

4.1.1.   Il-prinċipju bażi: Meta x-xerrej japplika l-qsim tar-riskju u l-benefiċċju bil-prezz tas-suq, is-servizzi tar-riċerka u l-iżvilupp jistgħu jinxtraw skont l-Esklużjoni (18) fi ħdan id-Direttivi (19) u jistgħu jintużaw biex jitfittxu soluzzjonijiet innovattivi għall-ħtiġijiet (bħala prekursuri għas-sejħa għall-offerti għal volumi kummerċjali tal-prodotti finali), u għalhekk jiġi simulat il-ħolqien ta’ ideat innovattivi b’mod ġenerali.

4.1.2.   Prekursur essenzjali: Ix-xerrej għandu bżonn li jkun midħla tal-attivitajiet u l-kapaċitajiet ta’ fornituri potenzjali, u li jiddefinixxi l-ħtiġijiet tiegħu f’termini ċari ta’ produzzjoni mingħajr ma jkun restrittiv iżżejjed.

4.1.3.   Kondotta: Ladarba r-rekwiżit ikun stabbilit u l-fornituri potenzjali identifikati, qed jiġi ssuġġerit li x-xerrej għandu jmexxi proġett ta’ riċerka u żvilupp fuq tliet stadji li jibdew min-numru raġonevoli tagħhom (qed jiġi suġġerit ħamsa) li jonqsu bil-mod il-mod għal tnejn li jtemmu l-fażi tal-preproduzzjoni u l-provi beta. Wara r-rekwiżit tal-produzzjoni għandu joħroġ għall-offerti skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi.

4.2.   Kummenti

4.2.1.   L-iskema hija bbażata b’mod wiesgħa fuq prattiki użati fl-akkwisit tad-Difiża f’ħafna pajjiżi; huma simili ħafna madwar id-dinja kollha u huma mifhuma tajjeb.

4.2.2.   L-industrija tad-Difiża hija partikulari peress li trid tħares ’il bogħod fil-futur fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet politiċi u tattiċi li minħabba fin-natura tagħhom ma jistgħux jiġu ddikjarati b’mod preċiż. Isiru ħafna riċerka u żvilupp limitat – kif ikkunsidrat fl-Iskema – li minnhom huma biss ftit il-programmi li jfeġġu. Il-proġetti ta’ riċerka u żvilupp, kif ukoll il-kuntratti ta’ produzzjoni, ta’ spiss huma suġġetti għal fluss kontinwu ta’ emendi hekk kif tidħol informazzjoni ġdida dwar it-tattika u l-politika li tikkonċerna l-firxa twila ta’ żmien; għalhekk spejjeż ikbar minn dawk stmati huma endemiċi. L-iżviluppi li jsiru mill-Awtoritajiet pubbliċi ċivili m’għandhomx, jekk ikunu ġestiti sew, ikunu suġġetti għall-istess flussi ta’ emendi.

4.2.3.   Wieħed irid jistaqsi jekk Skema bħal din hijiex xierqa għal sezzjonijiet mis-settur pubbliku li għandhom inqas esperjenza fi proġetti ta’ riċerka u żvilupp li huma tekniċi ħafna.

4.2.4.   Hemm preokkupazzjoni ovvja li l-eżenzjoni pprovduta fid-Direttivi għall-kuntratti ta’ servizz għar-riċerka u l-iżvilupp li mhumiex għall-użu esklussiv tax-xerrej jistgħu jintużaw b’mod li jmur kontra l-kompetizzjoni biex jiġu żviluppati kampjuni nazzjonali, u b’hekk ifallu l-għanijiet tad-Direttivi li jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp ta’ suq uniku panEwropew.

4.2.5.   Jekk wieħed jassumi li jsiru proġetti taħt l-Iskema, hemm bżonn li tingħata aktar attenzjoni lil xi aspetti ddettalljati.

4.3.   Għajnuna mill-Istat

4.3.1.   Fil-bidu ta’ kull akkwist skont l-Iskema, trid tqum il-kwistjoni tal-għajnuna mill-Istat, kif hemm innotat fl-Anness. Mhux fl-ambitu tal-Opinjoni li jiġi diskuss jekk hemmx element ta’ għajnuna mill-Istat f’xi proġett partikolari u jekk hemm, huwiex iġġustifikat. Iżda l-effetti ta’ kwalunkwe inċertezza fuq proġett taħt l-Iskema żgur li jaqgħu fl-ambitu tagħha.

4.3.2.   Kif iddefinit fil-Komunikazzjoni, l-akkwist pubbliku prekummerċjali huwa strateġija għall-akkwist ta’ servizzi tar-riċerka u l-iżvilupp li tinvolvi l-qsim tar-riskji u l-benefiċċji bejn min qed jixtri u min qed iforni u mhijiex għajnuna mill-Istat. Il-KESE jirrakkomanda li x-xerrejja janalizzaw b’mod attent l-Anness li jagħti eżempju tal-implimentazzjoni ta’ akkwist prekummerċjali skont il-qafas legali eżistenti. F’każijiet ta’ dubju meta jkunu qed isiru l-ewwel proġetti pilota ta’ akkwist prekummerċjali jkun xieraq li wieħed jikseb konferma minn qabel mill-Kummissjoni li m’hemmx għajnuna mill-Istat jew xi ksur ieħor u li jipprovdi evidenza ta’ dan lill-fornitur potenzjali. Huwa żgur li hija ħaġa kumplessa ħafna li jiġi deċiż jekk hemmx għajnuna mill-Istat.

4.3.3.   Jekk jirriżulta li kien hemm għajnuna mill-Istat u li din hija illegali, il-fornitur jista’ jintalab li jħallas lura iżda m’għandu l-ebda rikors għal kumpens mix-xerrej li ffirma l-kuntratt tar-riċerka u l-iżvilupp. Il-fornitur għalhekk ikun qed jitpoġġa f’riksju materjali li probabbilment ma jistax jiġi assigurat għalih. Naturalment il-fatt li l-benefiċċjarju (l-fornitur) ta’ kwalunkwe għajnuna mill-Istat li hija illegali jrid iħallas lura l-flus li rċieva, mingħajr rikors għax-xerrej, mhijiex xi ħaġa partikulari għall-kuntratti ta’ riċerka u żvilupp biss. l-istess regoli japplikaw għal kwalunkwe kuntratt ta’ akkwist. Il-fatt li tintuża proċedura ta’ akkwist validata (pereżempju proċedura tad-Direttivi) mhijiex garanzija assoluta li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat, peress li l-favoreġġjament ta’ fornitur jista’ jsir b’ħafna modi diretti u indiretti. L-użu tal-Esklużjoni mhux neċessarjament jipprovdi riskju ikbar jew iżgħar lix-xiri ma jsirx b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju bil-prezz tas-suq.

4.3.4.   Hija ħaġa mixtieqa ħafna li jikber il-livell ta’ esperjenza fid-dipartimenti kollha tax-xiri pubbliku sabiex ikunu jistgħu japplikaw il-kriterji b’mod korrett biex ikunu jistgħu jaċċertaw li m’hemmx għajnuna mill-Istat. Dawn il-kriterji jinvolvu x-xiri b’mod trasparenti u bla diskriminazzjoni bil-prezz tas-suq. Din l-esperjenza hija importanti kullimkien peress li dawn il-kriterji mhumiex biss għall-kuntratti tar-riċerka u l-iżvilupp; huma l-istess kriterji li japplikaw għal kwalunkwe tip ta’ kuntratt ta’ akkwist, anke jekk ir-riskji f’kuntratt ta’ akkwist prekuntrattwali jistgħu jkunu akbar.

4.3.5.   L-anness jidentifika l-kriterji biex dawk involuti jserħu rashom li proġett ta’ akkwist prekuntrattwali mhuwiex forma ta’ għajnuna mill-Istat. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkunsidraw il-promozzjoni tal-qsim tat-taħriġ u l-għarfien dwar it-twaqqif tal-proġetti ta’ akkwist prekummerċjali skont il-qafas legali biex jiġi evitat ir-riskju li l-Awtoritajiet pubbliċi – u l-fornituri tagħhom – jispiċċaw fi problemi marbuta mal-għajnuna mill-Istat, aktar tard.

4.3.6.   Għalkemm il-kwistjoni ma tkunx ta’ għajununa mill-Istat, jekk l-Esklużjoni mid-Direttiva pprovduta għal-ċerti tipi ta’ servizzi ta’ riċerka u żvilupp jirriżultaw li mhumiex validi, dan iwassal biex il-kuntratt jerġa’ jidħol fil-qafas tad-Direttivi. Skont id-direttiva tar-Rimedji, il-kuntratt li wieħed jassumi li ma ġiex irreklamat b’mod xieraq jew suġġet għal “waqfien”, isir “mhux effettiv” (20). F’dawk iċ-ċirkostanzi l-fornitur jkun f’riskju li ma jitħallas tax-xogħol li jkun sar. Dan ir-riskju li probabbliment m’hemmx assigurazzjoni għalih, mhuwiex biss għall-kuntratti tar-riċerka u l-iżvilupp iżda jikber bl-użu tal-Esklużjoni fid-Direttivi għas-servizzi tar-riċerka u l-iżvilupp. Wieħed għandu juża l-prudenza u jfittex parir.

4.4.   Riskji

4.4.1.   Fi kwalunkwe programm ta’ riċerka u żvilupp hemm ir-riskji; mhux il-proġetti innovattivi kollha ser ikollhom ir-riżultati mixtieqa. L-Iskema tistabbilixxi b’mod xieraq li r-riskji u l-benefiċċji jridu jinqasmu bejn ix-xerrej u l-fornitur. Madankollu, hemm enfażi dwar li jiġu meqjusa l-għajnuna mill-Istat u l-prinċipji tat-Trattat li filwaqt li probabbilment ma jistgħux jiġu evitati, idaħħlu saff ieħor ta’ kumplessità f’qasam li hu diġà kumpless.

4.4.2.   Bħal fil-każ ta’ kwalunkwe ġestjoni tar-riskju, il-partijiet għandhom jaqblu li jerfgħu r-responsabbiltà għal riskji li kull wieħed huwa fl-aħjar pożizzjoni li jiġġestixxi, u li jżommu kuntatt kontinwu biex jiżguraw li l-ebda riskju ma jqum jew jikber mingħajr ma jiġi identifikat u mnaqqas.

4.4.3.   Hemm diskussjoni fl-Anness dwar kuntratti bi prezzijiet fissi fejn l-Awtoritajiet pubbliċi jistabbilixxu massimu u joħorġu sejħa għall-offerti f’dak il-livell jew inqas minnu bil-ħsieb li l-fornituri jissussidjaw il-proġett bi ftit jew iktar talli jkollhom id-drittijiet tal-esplojtazzjoni. Arranġament ta’ dan it-tip jista’ jkun attraenti għal dawk il-fornituri li diġà għandhom aċċess għal suq aktar mifrux għar-riżultati tal-iżvilupp, iżda jdaħħal element ta’ kumplessità fil-każijiet fejn l-opportunità għal esplojtazzjoni aktar mifruxa mhijiex ovvja, iżda fejn il-benefiċċji għax-xerrej huma kbar. F’każijiet bħal dawn ix-xerrej probabbilment għandu jikkunsidra azzjonijiet oħra.

4.5.   Proprjetà Intelletwali

4.5.1.   Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw huma parti importanti mill-Iskema. Min għandu d-drittijiet u sa liema punt dan jaffettwa l-bażi legali għall-proġett kif ukoll ir-riżultat prattiku fil-gwadann mir-riċerka u l-iżvilupp.

4.5.2.   Hemm essenzjalment tliet modi kif il-proprjetà intellettwali tiġi mħarsa:

Brevetti – monopolju statutorju;

Drittijiet tal-Awtur – li teżisti fix-xogħol kollu oriġinali

Segretezza – fejn la l-brevett u l-anqas id-dritt tal-awtur ma joffru ħarsien effettiv.

4.5.3.   Il-brevetti huma l-aktar ħarsien b’saħħtu u kummerċjalment użat għal invenzjonijiet verament fundamentali li jistgħu jiġu liċenzjati lil persuni terzi. Huma wkoll l-aktar għoljin. Jekk l-invenzjoni ma tissodisfax il-kriterji jew il-proġett huwa f’settur industrijali fejn il-brevetti jintużaw bħala arma kompetittiva, il-brevett probabbilment huwa ħela ta’ flus. Id-difiża tal-brevetti tiswa’ wkoll ħafna flus.

4.5.4.   Id-drittijiet tal-awtur ma jiswew xejn; sempliċement jeżistu. Madankollu, għall-kuntrarju tal-brevett, is-sid tad-drittijiet tal-awtur irid jipprova li min kiser id-drittijiet tiegħu kien jaf bil-materjal kopert bid-drittijiet tal-awtur u ikkuppjah. Ir-replika indipendenti ta’ materjal kopert bid-drittijiet tal-awtur fejn min irreplika ma rahx u għalhekk ma kkupjahx ma jistax jiġi akkużat.

4.5.5.   Is-sigriet jintuża ħafna fis-settur kummerċjali biex iħares il-vantaġġ kompetittiv. Huwa importanti ħafna li invenzjoni li ser tiġi brevettata tinżamm sigrieta; jekk tinkixef malajr tista’ tiġi skwalifikata milli tkun brevettata. Fejn la l-brevett u lanqas id-drittijiet tal-awtur ma joffru ħarsien effettiv għal invenzjoni li hi kummerċjalment ta’ valur, l-unika ħaġa li tista’ ssir hi li tinżamm sigrieta. Il-Coca-Cola tħares il-formula għax-xarba eponima tagħha b’għejra.

4.5.6.   Filwaqt li s-sigriet huwa mezz effettiv biex titħares il-proprjetà intellettwali u, f’xi ċirkustanzi, tista’ tkun l-uniku mezz disponibbli, ma tidħolx b’mod komdu f’kuntest ta’ trasparenza.

4.5.7.   Jekk l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti għal xiri ta’ segwitu ta’ prodotti finali kummerċjali jsiru f’termini tal-ispeċifikazzjonijiet funzjonali flok preskrittivi għall-prodott, dawn jistgħu jissudisfaw il-ħtiġijiet ta’ trasparenza għall-offerenti kompetituri mingħajr ma jikxfu d-dettalji tal-implimentazzjoni teknika tas-soluzzjonijiet individwali żviluppati fil-fażi pre-kummerċjali.

4.5.8.   Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma ovvjament parti importanti ħafna mill-proġetti ta’ riċerka u żvilupp kif ikkunsidrati mill-Iskema. Iżda hemm bżonn ta’ attenzjoni kbira u l-użu tal-ġudizzju fit-twaqqif, l-allokazzjoni u t-tmexxija tagħhom. Dan il-qasam tal-attività mhuwiex wieħed sempliċi.

4.5.9.   Fl-akkwist prekummerċjali, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jinqasmu bejn ix-xerrejja u l-fornituri: il-fornituri jżommu s-sjieda tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ix-xerrejja jżommu d-dritt tal-użu bla bżonn ta’ liċenzja kif ukoll id-dritt li jeħtieġu li l-kumpaniji li jipparteċipaw jilliċenzjaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali lill-fornituri li huma partijiet terzi b’kundizzjonijiet li huma ġusti u raġonevoli. Id-dritt tal-użu bla bżonn ta’ liċenzja jippermetti lix-xerrej pubbliku li juża’ r-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp għall-użu intern mingħajr ma jkollu jħallas l-ispejjeż tal-liċenzji lill-kumpaniji parteċipanti. Id-dritt li l-kumpaniji parteċipanti jiġu meħtieġa li jilliċenzjaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali lil fornituri terzi bil-prezz tas-suq jippermetti lix-xerrej pubbliku li jiżgura li jkollu aċċess għal katina ta’ provvista li tkun kbira u kompetittiva biżżejjed filwaqt li jippermetti li l-kumpaniji li jipparteċipaw idaħħlu l-qliegħ fuq id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jkunu kisbu waqt il-proġett ta’ akkwist prekummerċjali. Fl-Ewropa x-xerrejja pubbliċi tista’ tonqoshom l-esperjenza fil-valutazzjoni tal-valur tas-suq tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u għalhekk huwa rakkommandat li jsir taħriġ u jingħataw esperjenzi dwar il-qsim tar-riskju u l-benefiċċju b’rabta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

4.5.10.   L-Awtoritajiet Pubbliċi jridu jitgħallmu mill-aħjar prattiki fix-xiri u l-bejgħ tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jeżistu fis-settur privat, kif ukoll mill-klawsoli tipiċi tal-kuntratti tal-gvern standard għall-qsim tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mal-fornituri fl-akkwist pubbliku li huma użati madwar id-dinja kollha.

4.6.   Kwalifiki tal-fornituri u x-xerrej

4.6.1.   Ovvjament, il-fornituri potenzjali għandhom bżonn il-ħiliet biex imexxu proġetti innovattivi; l-esperjenza tagħhom tista’ tiġi stabbilita b’mod relattivament faċli minn Klijent Intelliġenti.

4.6.2.   Ix-xerrejja potenzjali wkoll għandhom bżonn il-ħiliet biex imexxu proġetti ta’ dan it-tip. Il-kisba tal-għarfien dwar l-aqwa kwalità li joffri s-suq relevanti, preparazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa f’termini ta’ produttività, in-negozjati ma’ u l-għażla tal-fornituri, il-ġestjoni tal-proġett u tar-riskji marbuta miegħu, kollha jeħtieġu ħiliet u esperjenza fil-fond min-naħa tal-organizzazzjoni tax-xerrej. Jekk l-organizzazzjoni m’għandiex kultura – minn fuq sa isfel nett – li taqbel mal-ġestjoni ta’ proġeti ta’ dan it-tip, qed tirriskja li jkollha falliment li jiswiha ħafna. Dawn il-karatteristiċi naturalment huma dawk tal-Klijent Intelliġenti.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Id-Direttivi tal-2004: Servizzi importanti 2004/17/KE; Awtoritajiet 2004/18/KE.

(2)  Il-Klawsoli ta’ Esklużjoni:

Servizzi importanti Art 24(e) Kuntratti relatati ma’ ċerti servizzi esklużi mill-iskop ta’ din id-Direttiva. Din id-Direttiva ma tapplikax għal-kuntratti ta’ servizzi għal: (e) servizzi ta’ riċerka u żvilupp minbarra dawk fejn il-benefiċċji għandhom jingħaddu esklussivament mill-awtorità kontrattwanti għal użu tagħha fit-tmexxija tal-affarijiet tagħha, bil-kondizzjoni li s-servizz provdut jiġi mħallas kollu mill-awtorità kontrattwanti.

Awtoritajiet Artikolu 16(f) - Esklużjonijiet Speċifiċi. Din id-Direttiva ma tapplikax għal-kuntratti ta’ servizzi pubbliċi għal: (f) servizzi ta’ riċerka u żvilupp minbarra dawk fejn il-benefiċċji għandhom jingħaddu esklussivament mill-awtorità kontrattwanti għal użu tagħha fit-tmexxija tal-affarijiet tagħha, bil-kondizzjoni li s-servizz provdut jiġi mħallas kollu mill-awtorità kontrattwanti.

(3)  2004/17/KE.

(4)  2004/18/KE.

(5)  Il-Gwida tal-10 Punti: “Gwida dwar kif tittratta soluzzjonijiet innovattivi fl-akkwist pubbliku, 10 elementi ta’ prattika tajba”, SEC(2007) 280. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  It-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT)

(7)  “L-akkwist pubbliku pre-kummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta’ kwalità għolja fl-Ewropa” COM (2007) 799 finali u l-Annessi tiegħu. SEC(2007) 1668.

(8)  L-azzjonijiet ta’ prijorità tal-ETAP huma: il-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp; il-mobilitazzjoni tal-fondi; l-għajnuna biex it-talba timxi u l-kundizzjonijiet tas-suq jitjiebu.

(9)  “Noħolqu Ewropa Innovattiva”, Rapport tal-Grupp Indipendenti tal-Esperti dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni mlaħħaq mis-Summit Hampton Court, Jannar 2006.

(10)  “Inizjattiva ta’ suq pilota fl-Ewropa”: COM(2007) 860 finali.

(11)  Ta’ min wieħed jinnota dokumenti oħra tal-Kummissjoni, pereżempju il-Komunikazzjoni “Iktar Riċerka u Innovazzjoni – Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi:Approċċ Komuni”. Ippublikat 2005 (ISBN: 92-894-9417-4.)

(12)  Saħħa-e, tessili protettivi, bini sostenibbli, riċiklaġġ, prodotti ta’ bażi bioloġika, enerġija rinnovabbli.

(13)  Gwida dwar kif tittratta soluzzjonijiet innovattivi fl-akkwist pubbliku, 10 element ta' prattika tajba, SEC(2007) 280. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(14)  “L-akkwist pubbliku pre-kummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta’ kwalità għolja fl-Ewropa” COM (2007) 799 finali u l-Annessi tiegħu. SEC(2007) 1668.

(15)  Gwida dwar kif tittratta soluzzjonijiet innovattivi fl-akkwist pubbliku, 10 elementi ta’ prattika tajba, SEC(2007) 280. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(16)  Il-provi Alpha u Beta joriġinaw mill-industrija tas-software.

Il-provi Alpha huma provi simulati jew operazzjonali minn utent potenzjali jew tim indipendenti tat-testjar, is-soltu fis-sit tal-iżviluppatur

Il-provi Beta jiġu wara l-provi Alpha. Il-verżjonijiet tas-software, magħrufa bħala verżjonijiet Beta, jinħarġu għal udjenza limitata ta’ utenti barra mit-tim ta’ programmazzjoni sabiex isiru provi oħra indipendenti li jiżguraw li l-prodott għandu ftit difetti residwi.

(17)  Direttiva tal-Awtoritajiet 2004/18/KE, Artikolu 24, Varjanti.

1.

Fejn il-kriterju tal-għażla huwa dak tal-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jawtorizzaw offerti biex jiġu sottomessi varjanti.

2.

L-awtoritajiet kontraenti għandhom jindikaw fil-kuntest tan-notifika jekk jawtorizzawx varjanti: il-varjanti ma jistgħux jiġu awtorizzati mingħajr din l-indikazzjoni.

3.

L-awtoritajiet kontraenti li jawtorizzaw il-varjanti għandhom jiddikjaraw fid-dokumenti tal-kuntratt ir-rekwiżiti minimi li jridu jiġu sodisfatti mill-varjanti u kwalunkwe speċifikazzjonijiet partikolari għall-preżentazzjoni tagħhom.

4.

Huma biss il-varjanti li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi stabbiliti minn dawn l-awtoritajiet kontraenti li jiġu kkunsidrati. Fil-proċeduri għall-għoti ta’ provvista pubblika jew kuntratti ta’ servizzi, l-awtoritajiet kontraenti li jkunu awtorizzaw varjanti ma jistgħux jiċħdu varjant biss fuq il-bażi li jekk ikollu suċċess iwassal għal kuntratt ta’ servizz flok kuntratt pubbliku ta’ servizz jew kuntratt ta’ provvista flok kuntratt pubbliku ta’ provvista.

(18)  Il-Gwida tal-10 Punti: “Gwida dwar kif tittratta soluzzjonijiet innovattivi fl-akkwist pubbliku, 10 elementi ta’ prattika tajba”, SEC(2007) 280. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(19)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(20)  Direttiva 2007/66/KE (“Rimedji”) Artikolu 2d, Ineffettività (L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każi li ġejjin: (a) jekk l-awtorità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea meta dan ma jkunx permissibbli skont id-Direttiva).


Top