EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AR0094

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-litteriżmu medjatiku u l-kontenut kreattiv onlajn

ĠU C 325, 19.12.2008, p. 70–75 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 325/70


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-litteriżmu medjatiku u l-kontenut kreattiv onlajn

(2008/C 325/12)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jitlob lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex ikomplu jiżviluppaw il-politika tal-litteriżmu medjatiku tal-UE (b'għanijiet strateġiċi u l-monitoraġġ tal-progress) u biex jadottaw Rakkomandazzjoni dwar il-litteriżmu medjatiku, li tikkunsidra l-opinjoni tal-KtR u l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Għandu jiżdied pilastru mal-programm futur MEDIA speċifikament għal-litteriżmu medjatiku. Flimkien ma' dan jew bħala alternattiva, għandhom jitniedu programmi pilota li jkunu jirċievu l-fondi tal-UE;

jisħaq li r-rapporti, kif stipulati fl-Artikolu 26 tad-Direttiva l-ġdida dwar is-servizzi tal-midja awdjoviżivi, u l-attivitajiet marbuta miegħu, tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, iridu jqisu d-differenzi u l-progress li jkun sar fl-edukazzjoni dwar il-midja fil-livell reġjonali fl-Ewropa u jagħti eżempji ta' prattiki tajbin mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet interessati oħra;

iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jappoġġjaw il-litteriżmu medjatiku u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili b'mod partikolari. Jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiżviluppaw proġetti kollaborattivi ta' litteriżmu medjatiku fl-edukazzjoni formali u mhux formali u fit-taħriġ li jkunu mmirati lejn iċ-ċittadini, speċjalment it-tfal u ż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabbiltà u l-gruppi soċjali li huma f'riskju ta' esklużjoni;

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jieħdu rwol ewlieni fil-ġestjoni tal-wirt kulturali u lingwistiku tagħhom permezz tal-kontenut kreattiv onlajn — filwaqt li jippromovu mudelli ta' negozju ġodda fl-industrija tal-kreattività u fil-mezzi tax-xandir, billi jġibu 'l quddiem xogħlijiet kreattivi li huma (ko)finanzjati mill-organizzazzjonijiet tal-mezzi tax-xandir kif ukoll fil-prattika tal-Gvern elettroniku;

huwa kritiku tal-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ma rnexxilhiex tagħti kas tal-implikazzjonijiet kulturali u soċjali tas-settur tal-kontenut kreattiv onlajn li qed jiżviluppa: hemm bżonn li tiżdied id-diversità kulturali fl-ambitu tar-Rakkomandazzjoni proposta u tal-“Pjattaforma tal-kontenut onlajn”.

Rapporteur

:

Is-Sinjura SCHOINARAKI-ILIAKI (EL/PSE), Prefett ta' Heraklion

Dokumenti ta' referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali

COM (2007) 833 finali

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Kontenut Kreattiv Onlajn fis-Suq Uniku.

COM(2007) 836 finali

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

A.   Litteriżmu medjatiku (1)

1.

minħabba fil-ħidma tiegħu favur il-koeżjoni soċjali fil-livell reġjonali, li aspett ewlieni minnu hija l-konverġenza diġitali, jilqa' l-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-litteriżmu medjatiku fl-ambjent diġitali u b'mod partikolari d-definizzjoni komprensiva tal-litteriżmu medjatiku li tinkludi l-kapaċità u l-opportunità ta' aċċess u użu tal-midja kif ukoll l-akkwist tal-għarfien dwar kif jaħdmu u l-valutazzjoni kritika tal-kontenut;

2.

jaqbel mall-miri u l-prioritajiet stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha u jinnota b'mod partikolari li għall-KtR il-litteriżmu medjatiku jfisser:

a)

appoġġ għall-użu attiv u kreattiv tal-midja miċ-ċittadini, speċjalment fost-iż-żgħażagħ fir-rwol doppju tagħhom ta' konsumaturi u produtturi ta' kontenut kreattiv u l-iżvilupp u ż-żamma tal-litteriżmu medjatiku fost in-nies ta' età aktar avvanzata u n-nies fl-età tax-xogħol;

b)

appoġġja għal approċċ kritiku lejn il-midja kollha min-naħa tal-pubbliku ġenerali;

c)

promozzjoni tal-perspettivi differenti fost il-midja;

d)

kontribut lejn id-dibattitu dwar ir-reklamar u l-kwistjonijiet tar-rispett u l-ħarsien tal-ħajja privata;

e)

promozzjoni tal-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini filwaqt li wieħed iqis li l-midja għandha rwol deċiżiv fil-preżentazzjoni tal-wirt awdjoviżiv Ewropew, l-identità lokali u reġjonali, id-djalogu interkulturali u d-demokrazija;

f)

promozzjoni tal-inklużjoni soċjali;

g)

żgurar ta' aċċess ugwali għall-midja u t-teknoloġiji l-ġodda, peress li t-telekomunikazzjonijiet u l-midja qed jakkwistaw u jiksbu rwol ikbar f'ħafna oqsma tal-ħajja;

3.

Jirreferi għall-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 (2), f'dan il-kuntest:

ifakkar li l-promozzjoni tal-litteriżmu medjatiku ilha prijorità għall-KtR sa mill-2004;

jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-Kunsill għall-promozzjoni tal-litteriżmu medjatiku minkejja d-differenzi fil-prattiki u l-progress tal-Istati Membri;

jaqbel mal-Kunsill dwar l-importanza li l-informazzjoni u l-prattiki tajbin dwar l-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku jsiru aċċessibbli, u jinnota wkoll li dan jista' jintrabat ma' miżuri li jittieħdu mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jista' jkollhom rwol importanti f'dan il-qasam;

jemmen li l-litteriżmu medjatiku jista' jiġi promoss permezz ta' fondi ulterjuri għal inizjattivi ġodda u eżistenti;

Promozzjoni tal-litteriżmu medjatiku fil-livell tal-UE

4.

jinnota li fl-2004 (3) il-KtR kien talab lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lill-promozzjoni tal-litteriżmu medjatiku fl-Istati Membri kollha tal-UE u li tiżgura livell minimu ta' kontenut ta' informazzjoni għal kull wieħed minnhom. F'din il-perspettiva huwa jfaħħar lill-Kummissjoni talli bdiet politika Komunitarja dwar il-midja b'din il-komunikazzjoni;

5.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni li tkompli tiżviluppa l-politika tagħha ta' litteriżmu medjatiku (programmi b'objettivi strateġiċi u monitoraġġ tal-progress) b'kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u li ttejjeb il-kooperazzjoni tagħha mal-UNESCO u l-Kunsill tal-Ewropa f'dan il-qasam;

6.

jitlob lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jadottaw rakkomandazzjoni dwar il-litteriżmu medjatiku, kif hemm imsemmi fil-komunikazzjoni, filwaqt li jqisu l-opinjoni tal-KtR, il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u l-oqsma ta' responsabbiltà stabbilti fil-livell lokali u reġjonali fl-UE b'rabta mal-litteriżmu medjatiku;

7.

huwa sodisfatt li l-Kummissjoni trid tressaq rapport, kif stipulat fl-Artikolu 26 tad-Direttiva l-ġdida dwar is-servizzi tal-midja awdjoviżivi, iżda jinnota li dawn ir-rapporti u l-attivitajiet marbuta miegħu, tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, iridu jqisu d-differenzi u l-progress li jkun sar fl-edukazzjoni dwar il-midja fil-livell reġjonali fl-Ewropa u jagħti eżempji ta' prattiki tajbin mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet interessati oħra;

8.

ifaħħar it-titjib fl-azzjoni tal-Kummissjoni mmirata lejn l-użu tal-ħiliet tekniċi miksuba permezz ta' programmi lokali u reġjonali dwar kwistjonijiet ta' litteriżmu medjatiku madwar l-UE bil-promozzjoni ta' pjattaformi ta' djalogu, preżentazzjonijiet u netwerks għall-iskambju tal-aħjar prattiki;

9.

jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex iżidu pilastru mal-programm futur MEDIA speċifikament għal-litteriżmu medjatiku, peress li l-verżjoni attwali ta' dan il-programm jagħti biss kontribut żgħir f'dan il-qasam. B'mod parallel jew bħala alternattiva, il-Kummissjoni hija mitluba tniedi programmi pilota għal-litteriżmu medjatiku li jirċievu l-fondi tal-UE;

10.

jisħaq li l-programmi u l-inizjattivi eżistenti tal-UE, pereżempju biex itejbu s-sikurezza fuq l-internet, huma limitati ħafna fl-effett tagħhom fuq l-iżvilupp u l-iskambju ta' prattiki tajbin fil-litteriżmu medjatiku u jappella lill-Kummissjoni biex meta ġġedded dawn il-programmi tadattahom sabiex jinkludu kwistjonijiet tal-edukazzjoni dwar il-midja;

Il-promozzjoni tal-litteriżmu medjatiku fil-livell reġjonali u lokali

11.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jappoġġjaw pjanijiet, programmi u inizjattivi marbuta mal-litteriżmu medjatiku li jkollhom l-objettivi li ġejjin:

a)

il-kollaborazzjoni bejn il-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari l-industrija awdjo-viżiva (iċ-ċinema, it-televiżjoni, ir-radju, il-fornituri u l-produtturi tal-kontenut tal-internet), l-organizzazzjonijiet tal-midja, il-korpi edukattivi, l-awtoritajiet regolatorji, l-istituti tar-riċerka u l-politika, u l-organizzazzjonijiet soċjali;

b)

it-tħaddim ta' servizzi li jippromovu l-litteriżmu medjatiku;

c)

il-valutazzjoni tal-progress fil-litteriżmu medjatiku fil-livell lokali u reġjonali;

d)

l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' litteriżmu medjatiku, li jippromovu “media desks” (ċentri ta' informazzjoni dwar il-programmi tal-MEDIA) u t-twaqqif ta' ċentri ta' informazzjoni għall-kwistjonijiet marbuta mal-litteriżmu medjatiku li jaħdmu fil-livell reġjonali);

e)

id-dispożizzjoni ta' inċentivi u l-promozzjoni ta' politiki dwar il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta' kontenut Ewropew u l-iżvilupp tal-midja mis-soċjetà ċivili;

f)

parteċipazzjoni f'netwerks ta' kooperazzjoni nazzjonali u Komunitarji;

12.

jappella lill-awtoritajiet pubbliċi b'mod partikolari biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, peress li n-numru ta' organizzazzjonijet tas-soċjetà ċivili li qed jieħdu sehem fid-dibattitu dwar il-litteriżmu medjatiku huwa żgħir, filwaqt li jappoġġja wkoll parteċipazzjoni akbar min-naħa tal-awtoritajiet regolatorji fl-Istati Membri u fir-reġjuni;

13.

jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għar-referenza espliċita li għamlet il-Kummissjoni għar-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-appoġġ tagħhom għal inizjattivi fis-settur non-formali tal-edukazzjoni, filwaqt li jżid li f'ħafna każijiet l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli wkoll li jdaħħlu l-litteriżmu medjatiku u l-edukazzjoni dwar il-midja fis-sistema formali tal-edukazzjoni fil-livelli kollha;

14.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jinkludu kwistjonijiet ta' litteriżmu medjatiku u edukazzjoni dwar il-midja fit-taħriġ tal-għalliema u dawk li jħarrġu, fil-programmi tal-iskola u fit-tagħlim tul il-ħajja, u li jippromovu midja u ħiliet edukattivi fl-użu u l-produzzjoni tal-multimidja fost it-tfal tal-iskola u l-istudenti;

15.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw proġetti ta' kollaborazzjoni fit-tul dwar il-litteriżmu medjatiku bejn il-partijiet interessati mis-settur pubbliku u dak privat fis-setturi formali u non-formali tal-edukazzjoni u t-taħriġ (pereżempju dawk li jippubblikaw il-gazzetti lokali u reġjonali jippromovu l-edukazzjoni dwar il-ġurnaliżmu tal-istampa u dak elettroniku fl-iskejjel; festivals taċ-ċinema li fihom attivitajiet u kampanji edukattivi dwar kwistjonijiet ta' litteriżmu medjatiku u edukazzjoni dwar il-midja minn kanali pubbliċi awdjoviżivi u kumpaniji tal-hardware u tas-software);

16.

iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromovu iktar il-litteriżmu medjatiku billi jimplimentaw r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-wirt ċinematografiku u l-kompetittività ta' attivitajiet relatati tal-industrija tal-films (4), u r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħarsien tal-minuri u tad-dinjità umana u d-dritt tar-risposta dwar il-kompetittività tal-industija Ewropea tas-servizzi tal-informazzjoni awdjonviżivi u onlajn (5);

L-edukazzjoni dwar il-midja fil-komunikazzjonijiet kummerċjali (ir-reklamar)

17.

ifakkar il-pożizzjoni tiegħu li spjega fl-opinjoni dwar id-Direttiva l-ġdida dwar is-servizzi tal-midja awdjoviżivi (6), fejn talab għall-possibbiltà li ma jkunx permess reklamar waqt il-programmi tat-tfal u l-aħbarijiet, sfortunatament din il-pożizzjoni ma ġietx inkluża, filwaqt li ma jaqbilx mal-approċċ tal-Kummissjoni, li tisħaq li l-promozzjoni tal-litteriżmu medjatiku hija approċċ aktar xieraq mill-projbizzjoni tar-reklamar (7); Ovvjament hemm bżonn ta' edukazzjoni aħjar tal-pubbliku, speċjalment tat-tfal u taż-żgħażagħ, biex jiġi żviluppat approċċ korrett u kritiku lejn il-midja, iżda l-KtR għandu dubju kemm it-tfal huma kapaċi jiddistingwu l-programmi mir-riklami jew jivvalutaw ir-riklami b'mod korrett, u għalhekk huwa favur l-għażla li d-dispożizzjonijiet regolatorji fl-Istati Membri jitjiebu u jiżdiedu;

18.

huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni illi hemm bżonn urġenti li jiżviluppaw u jkun hemm skambju ta' prattiki tajbin f'dan il-qasam. Dan japplika kemm għall-iżvilupp kif ukoll għall-implimentazzjoni ta' kodiċi ta' prattika u, fejn ikun applikabbli, oqfsa ta' awtoregolamentazzjoni u ko-regolamentazzjoni. Fl-istess waqt hemm bżonn li jitħarsu d-drittijiet tal-konsumaturi marbuta mas-servizzi tal-kontenut, sabiex il-kwalità tas-servizzi tirrifletti l-kriterji tal-affidabbiltà u l-validità;

19.

jixtieq jara programmi ta' litteriżmu medjatiku u ta' edukazzjoni dwar il-midja fil-livelli kollha ta' gvernanza b'fondi pubbliċi u privati, sakemm ikunu trasparenti, sabiex l-interessi ta' dawk li jkunu qed jieħdu sehem (speċjalment is-suġġetti mis-settur privat) ikunu jistgħu jiġu magħrufa malajr;

Il-litteriżmu medjatiku b'rabta max-xogħlijiet awdjoviżivi u l-kontenut tal-internet

20.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, appoġġjati mill-Istati Membri u l-UE, biex jippromovu l-attivitajiet ibbażati fuq il-prijoritajiet stabbiliti mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Dawn l-attivitajiet huma mmirati lejn iċ-ċittadini, speċjalment it-tfal u ż-żgħażagħ, in-nies b'diżabbiltà u l-gruppi soċjali li huma f'riskju ta' esklużjoni:

a)

familjarizzazzjoni tan-nies mal-wirt kulturali Ewropew u interess akbar fix-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej;

b)

opportunitajiet għaċ-ċittadini biex jitgħallmu dwar il-produzzjoni ta' servizzi u x-xogħlijiet awdjoviżivi mill-viċin, jiksbu ħiliet kreattivi, u jesprimu l-fehmiet tagħhom u jirriflettu dwar l-identità kulturali tagħhom;

c)

fehma tas-sinifikat tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

d)

valutazzjoni kritika tal-kontenut tal-internet u użu aħjar tal-magni tat-tfittxija (search engines) mill-utenti;

e)

promozzjoni tal-inklużjoni diġitali, kif ġie enfasizzat mill-KtR fl-opinjoni tiegħu dwar is-suġġett (8);

21.

enfasi tal-ħtieġa li l-wirt kulturali awdjoviżiv Ewropew jiġi kkunsidrat fil-politiki edukattivi u kulturali tal-Istati Membri, il-bliet u r-reġjuni, u li ż-żgħażagħ li joħolqu l-kontenut jiġu appoġġjati u mħeġġa, peress li fil-fatt huma l-futur tas-settur awdjoviżiv tal-Ewropa. F'dan il-kuntest il-KtR diġà ħa pożizzjoni b'rakkomandazzjonijiet (9) preċedenti, biex jiżdiedu l-appoġġ finanzjarju u l-promozzjoni tal-festivals awdjoviżivi reġjonali u lokali sabiex jiżviluppaw aktar ix-xogħlijiet minn żgħażagħ Ewropej li joħolqu l-kontenut u jtejbu t-taħriġ tal-professjonisti fil-qasam awdjoviżiv f'pajjiżi u reġjuni bi produzzjoni awdjoviżiva baxxa jew li għandhom firxa ġeografika u lingwistika limitata;

B.   Kontenut kreattiv onlajn fis-suq uniku (10)

22.

jilqa' l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kontenut kreattiv onlajn fis-suq uniku u jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li t-trasferiment tas-servizzi tal-kontenut kreattiv fl-ambjent tal-internet huwa sfida kbira; it-teknoloġiji diġitali jiffaċilitaw il-ħolqien ta' xogħlijiet awdjoviżivi u jagħmluha possibbli li jxerrdu kontenut kreattiv f'suq awdjoviżiv mingħajr fruntieri, filwaqt li fl-istess ħin jiżdied l-aċċess għall-kontenut kreattiv permezz tal-għodod, in-netwerks u s-servizzi. Dan il-kontenut ikopri xogħlijiet kreattivi awdjoviżivi onlajn bħalma huma ċ-ċinematografija, it-televiżjoni, il-mużika, ir-radju, il-logħob tal-internet, il-pubblikazzjonijiet fuq l-internet, il-kontenut kreattiv onlajn, u l-kontenut maħluq mill-utenti;

23.

jisħaq li hemm bżonn li jittieħdu aktar miżuri biex il-potenzjal tal-kontenut kreattiv Ewropew jiġi attivat kompletament, bil-għan li titjieb il-produzzjoni, id-disponibbiltà u ċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet innovattivi Ewropej ta' kwalità għolja, li tiżdied id-diversità kulturali u l-kompetittività Ewropea;

24.

jinnota li l-isfidi eżistenti jridu jingħelbu mhux biss mill-UE, l-Istati Membri, il-kumpaniji li jipproduċu u jqassmu l-kontenut, l-operaturi tan-netwerk, dawk li għandhom id-drittijiet, il-konsumaturi u l-awtoritajiet regolatorji indipendenti, iżda wkoll mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

25.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jieħdu rwol ewlieni fil-ġestjoni tal-wirt kulturali u lingwistiku tagħhom permezz tal-kontenut kreattiv onlajn — filwaqt li jippromovu mudelli ta' negozju ġodda fl-industrija tal-kreattività u fil-mezzi tax-xandir, billi jġibu 'l quddiem xogħlijiet kreattivi li huma (ko)finanzjati mill-organizzazzjonijiet tal-mezzi tax-xandir kif ukoll fil-prattika tal-Gvern elettroniku b'servizz ta' twassil b'kanali diversi;

26.

jappoġġja ż-żewġ inizjattivi ewlenin imħabbra mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha, (a) il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Kontenut Kreattiv Onlajn u (b) il-ħolqien ta' pjattaforma ta' diskussjoni u kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati, “il-Pjattaforma tal-Kontenut Onlajn”, sabiex jiġi żviluppat id-djalogu dwar kif din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata, u jitlob li r-rappreżentazzjoni tal-lokalitajiet u r-reġjuni tiġi ggarantita;

Il-kontenut kreattiv onlajn u d-diversità kulturali

27.

huwa kritiku tal-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ma rnexxilhiex tagħti kas tal-implikazzjonijiet kulturali u soċjali tas-settur tal-kontenut kreattiv onlajn li qed jiżviluppa u li tipproponi miżuri li huma essenzjali biex jippromovu d-diversità kulturali u jiżguraw l-aċċess universali għall-benefiċċji tal-ICTs. kif diġà ġie indikat fl-opinjoni dwar l-istrateġija i2010 (11), il-KtR iqis li l-politiki marbuta mas-servizzi l-ġodda u l-midja diġitali l-ġdida, kif ukoll il-kontenut kreattiv, ma jridux jiffokaw biss fuq il-kriterji ekonomiċi, iżda għandhom iqisu wkoll il-fatturi kulturali u soċjali. B'konsegwenza, il-kontenut kreattiv u innovattiv irid jiffavorixxi l-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni, u b'hekk jiffoka b'mod partikolari fuq kategoriji partikolari li huma f'riskju ta' esklużjoni (nisa', żgħażagħ, u nies b'diżabbiltà);

28.

josserva li fejn jidħlu l-politiki u l-leġiżlazzjoni dwar il-kontenut kreattiv onlajn, irid jinstab bilanċ bejn l-importanza tiegħu bħala oġġett kulturali kif ukoll bħala assi ekonomiku. L-interazzjoni li qed tiżdied bejn il-kultura, il-midja awdjoviżiva u l-ICT tagħmel l-iżvilupp ta' politika koeżiva għall-industrija, in-negozju tal-kontenut kreattiv u l-kontenut onlajn ħaġa aktar bżonnjuża;

29.

jitlob lill-Kummissjoni li tinkludi l-ħarsien tad-diversità kulturali taħt l-intestatura kontenut onlajn, u li b'hekk tikkonsidra:

a)

li twessa' l-firxa tar-rakkomandazzjoni proposta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontenut kreattiv onlajn u “l-Pjattaforma tal-Kontenut Onlajn” biex tinkludi d-diversità kulturali;

b)

il-mod li bih l-UE fi ħsiebha timplimenta l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Ħarsien u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali f'dan il-kuntest. Fl-Opinjoni tiegħu dwar Aġenda Ewropea għall-kultura, il-KtR kien appella lill-Kummissjoni biex tagħmel progress — fuq il-bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà — biex tieħu miżuri biex timplimenta din il-konvenzjoni dinjija (12);

c)

il-mod kif l-UE tapplika l-klawsola tal-kompatibbiltà kulturali (Artikolu 151(4) TKE) f'dan il-qasam ta' politika;

d)

il-qsim tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-iskambju tal-aħjar prattiki f'din l-isfera;

30.

jixtieq jippreżerva d-diversità kulturali u l-identità f'soċjetà Ewropea pluralista fid-dinja diġitali tal-ġejjieni, u għalhekk jisħaq fuq it-talba preċendenti (13) tiegħu dwar:

a)

żamma tal-kontenut u s-servizzi fil-lingwi kollha, minħabba fiż-żieda tal-użu ta' lingwa waħda fil-kontenut kreattiv onlajn;

b)

appoġġ għad-diġitalizzazzjoni, id-dubbing, l-użu tas-sotto titoli u kopji multilingwi tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej;

c)

garanzija li l-fornituri tas-servizzi tal-midja offlajn jippromovu l-produzzjoni ta' u l-aċċess għal, xogħlijiet Ewropej u indipendenti;

d)

“diskriminazzjoni pożittiva” fil-miżuri ta' appoġġ tal-UE favur pajjiżi b'kapaċità żgħira għall-kontenut kreattiv onlajn u/jew firxa ġeografika u lingwistika limitata;

e)

kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tal-utenti fl-oqsma tal-lingwi differenti fl-iżvilupp ta' libreriji diġitali, li d-data diġitali tagħhom għandha tkun aċċessibbli lil hinn mill-fruntieri nazzjonali minkejja d-drittijiet għall-użu;

Azzjonijiet speċifiċi

31.

jaqbel mat-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni tax-xogħlijiet orfni u l-fatt li ħafna artisti għadhom mhumiex komdi li jagħtu d-drittijiet tagħhom għad-distribuzzjoni fuq l-internet minħabba l-biża' li jitilfu l-kontroll b'riżultat ta' kkuppjar illegali. Dan hu ostaklu għall-ħolqien ta' swieq ġodda għax-xogħlijiet kreattivi Ewropej u d-diversità kulturali fl-ambjent diġitali, il-Kumitat għalhekk jappella lill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiffaċilitaw id-djalogu bejn il-partijiet interessati bl-iskop li jinstabu soluzzjonijiet xierqa għat-termini tal-kuntratti bejn il-proprjetarji tad-drittijiet u d-distributuri fuq l-internet, u biex jissaħħaħ l-impenn tagħhom dwar l-implimentazzjoni tal-Karta taċ-Ċinematografija Ewropea Onlajn tal-2006;

32.

jara kuntradizzjoni bejn il-possibbiltà li dawk li jipprovdu l-kontenut tas-servizzi onlajn jilħqu l-pubbliku ġenerali fil-livell globali u l-assoċjazzjoni tradizzjonali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma' firxa territorjali limitata, u s-similarità bejn l-objettivi ta' politika kulturali ta' skambju u distribuzzjoni aktar mifruxa tal-kontenut kreattiv onlajn u l-fatt li ħafna proprjetarji tad-drittijiet jippruvaw jiksbu liċenzji fi ftit Stati Membri biss fejn il-liċenzja hija għalihom ekonomikament interessanti;

33.

jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni li tkompli tiċċara l-għażliet biex jitjiebu l-mekkaniżmi eżistenti, inkluż il-liċenzjar li jkopri diversi territorji, qabel ma tittratta din il-kwistjoni kumplessa fil-proposta ta' Rakkomandazzjoni mħabbra;

34.

jirrikonoxxi — kif għamel fl-opinjoni preċedenti (14) — il-Kontribut tal-Kummissjoni lejn l-iżvilupp ta' qafas tal-ġestjoni tad-drittijiet diġitali (DRM) u l-istedina tagħha lill-partijiet interessati biex jingħaqdu f'diskussjonijiet konġunti, fejn il-proprjetarji tad-drittijiet diġitali huma mħeġġa li jaqblu dwar il-grad ta' interoperabbiltà;

35.

jikkunsidra li filwaqt li l-parti l-kbira tal-wirt kulturali Ewropew aktar antik huwa diġà ħieles minn restrizzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur u għalhekk huwa disponibbli onlajn, riforma tal-leġiżlazzjoni tad-drittijiet tal-awtur dwar wirt kulturali aktar riċenti hija relevanti ħafna (15);

36.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex tibda l-proċeduri ta' kooperazzjoni (“kodiċi ta' kondotta”) bejn il-fornituri tal-aċċess/servizz, il-produtturi tal-kontenut, il-propretarji tad-drittijiet, u b'mod partikolari l-konsumaturi, sabiex ikun hemm garanzija ta' miżuri li jiffaċilitaw lill-konsumatur għal ħarsien adegwat tax-xogħlijiet marbuta bid-drittijiet tal-awtur u l-ġlieda kontra l-piraterija u l-ikkuppjar illegali;

37.

jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jappoġġjaw l-edukazzjoni formali u informali u l-attivitajiet ta' tqajjim ta' kuxjenza dwar l-importanza tad-drittijiet tal-awtur għall-kontenut kreattiv;

38.

jirrakkomanda li bħala parti mis-Sena għall-Kreattività u l-Innovazzjoni (2009) għandhom jiġu ppjanati miżuri fil-livell lokali u reġjonali biex iqajmu kuxjenza dwar u jiġu mifhumal-aċċess għall-kontenut kreattiv onlajn, ir-rispett lejn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-ġlieda kontra l-piraterija;

39.

jemmen li miżuri mnedija mill-istituzzjonijiet Ewropej biex isaħħu u jippromovu l-produzzjoni u d-disponibbiltà tal-kontenut kreattiv onlajn għandhom jiġu akkumpanjati minn inizjattivi korrispondenti b'rabta mal-litteriżmu medjatiku.

Brussell, id-9 ta' Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  Wara li kkonsultat ma numru kbir ta' ċittadini u korpi speċjalizzati, ir-rapporteur tikkonsidra li t-traduzzjoni Griega tat-terminu “media literacy”“γραμματισμος” mhix sodisfaċenti, peress li ma tirrendix is-sens tat-terminu b'mod ċar għan-nies ordinarji. Għalhekk hija tipproponi li t-terminu jinbidel fit-test ta' l-opinjoni b'“αγωγή”, jew “media education” fl-ambjent diġitali. Fil-verżjoni Maltija ser jinżamm it-terminu “litteriżmu medjatiku” sabiex tkun konsistenti mat-termimu użatt fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

(2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Approċċ Ewropew lejn il-litteriżmu medjatiku f'ambjent diġitali — l-2868 laqgħa tal-Kunsill għall-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Kultura, Brussell, 21.5.2008.

(3)  CdR 67/2004 finali.

(4)  Rakkomandazzjoni Nru 2005/865/KE.

(5)  Rakkomandazzjoni Nru 2006/952/KE.

(6)  Ara l-istqarrija mill-Kummissarju Reding u l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni IP/07/1970.

(7)  CdR 106/2006 finali.

(8)  CdR 5/2008 finali.

(9)  CdR 303/2004 finali.

(10)  Wara li kkonsultat ma' numru kbir ta' ċittadini u korpi speċjalizzati, ir-rapporteur tikkonsidra li t-traduzzjoni Griega tat-terminu “onlajn” bħala“γραμματισμος” mhix sodisfaċenti, peress li ma tirrendix is-sens tat-terminu b'mod ċar għan-nies ordinarji. Għalhekk hija tipproponi li t-terminu jinbidel fit-test ta' l-opinjoni b'“διαδικτυακό” (“internet”). (Nota tat-traduttur: fil-verżjoni Maltija ser tinżamm il-kelma onlajn).

(11)  CdR 252/2005 finali.

(12)  CdR 172/2007 finali.

(13)  CoR 106/2006 finali, CdR 33/2006 finali, CdR 252/2005 finali, CdR 303/2004 finali and CdR 67/2004 finali.

(14)  CdR 252/2005 finali.

(15)  CdR 32/2006 finali.


Top