EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AR0159

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-emissjonijiet industrijali

ĠU C 325, 19.12.2008, p. 60–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 325/60


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-emissjonijiet industrijali

(2008/C 325/10)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li t-tnaqqis tal-emissjonijiet industrijali hi l-aktar importanti fir-rigward tat-tniġġis tal-arja; id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali hi miżura importanti Ewropea li tippermetti l-Istati Membri jilħqu l-miri tal-emissjonijiet sal-2020;

jemmen li d-Direttiva mhijiex ambizzjuża biżejjed fir-rigward tat-tniġġis tal-arja u hu diżappuntat bil-valuri limitu dgħajfa tal-emissjonijiet (ara l-Appendiċi I) tal-impjanti ta' kombustjoni kbar; il-Kumitat jinnota wkoll li hemm differenza sinifikanti bejn il-valuri limitu tal-emissjonijiet tal-proposta u dak tad-dokument tal-BREF għall-Impjanti ta' Kombustjoni Kbar (Dokument ta' Referenza tal-Aħjar Tekniki Disponibbli għall-impjanti ta' kombustjoni kbar, ara l-Appendiċi 1). Dawn il-valuri għandhom jiġu sinkronizzati u msaħħa;

jirrakkomanda bil-qawwi l-inklużjoni ta' sistema prattika ta' reviżjoni li tippermetti r-reviżjoni parzjali tad-Direttiva (pereżempju. il-kapitoli tekniċi u l-valuri limitu tal-emissjonijiet) permezz tal-proċedura ta' ko-deċiżjoni. Barra minn hekk hu mħasseb ukoll bl-adattamenti futuri tal-leġiżlazzjoni li ser jitwettqu skont il-proċess ta' Sevilja (ara l-Appendiċi I), li mhijiex proċedura legali stipulata bit-Trattat u mhijiex suġġetta għal skrutinju demokratiku;

ma jaqbilx bil-qawwi mal-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi kriterji għall-għoti tad-deroga fuq il-bażi ta' kondizzjonijiet lokali bi qbil mal-proċedura ta' komitoloġija;

il-kriterji għall-għoti tad-deroga kellhom ikunu definiti fid-Direttiva nnifisha (u għalhekk deċiżi bi proċedura ta' kodeċiżjoni) u fil-futur m'għandhomx ikunu definiti fil-livell tal-UE permezz tal-proċedura ta' komitoloġija li fiha l-Kumitat tar-Reġjuni u rappreżentanti oħrajn tal-awtoritajiet lokali u reġjonali mhumiex ikkonsultati;

b'referenza għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-valutazzjoni tal-kondizzjonijiet ambjentali lokali meta mqabbla mal-ispejjeż ambjentali u l-benefiċċji, kif ukoll il-fattibbiltà teknika għandhom jiġu definiti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz ta' proċessi demokratiċi lokali u reġjonali.

Rapporteur

:

Is-Sur LAMERS (NL/PPE), Sindku ta' Houten

Dokumenti ta' referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Lejn politika mtejba dwar l-emissjonijiet industrijali

COM(2007) 843 finali

u

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis)

COM(2007) 844 finali — 2007/0286/COD

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri differenti tal-UE għandhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni ta' politiki ambjentali u industrijali, u għandhom firxa wiesgħa ta' kompetenzi f'politiki ta' prevenzjoni u fl-infurzar tal-kontroll tat-tniġġis.

2.

jappoġġja bil-qawwi l-prevenzjoni tat-tniġġis u l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, u għalhekk japprezza din il-mira tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali.

3.

jenfasizza l-importanza tal-miżuri msejsa fuq is-sors. Hu kruċjali li, bl-aktar mod ekonomikament u ambjentalment favorevoli jiġu identifikati l-kawżi tat-tniġġis u li l-emissjonijiet jiġu trattati f'ras il-għajn.

4.

jinnota li l-kwalità tal-arja, l-ilma u l-ħamrija fiż-żoni urbani u rurali hi kwistjoni li taffettwa b'mod dirett il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini. L-installazzjonijiet industrijali l-kbar fl-UE għadhom responsabbli mill-emissjoni ta' proporzjon konsiderevoli ta' inkwinanti ewlenin.

5.

jinnota li l-politiki dwar l-arja nadifa u l-ilma għandhom dimensjoni transkonfinali u għalhekk jeħtieġu azzjoni fil-livell tal-UE. għalhekk jilqa' d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali għaliex hi strument biex jitnaqqsu l-emissjonijiet industrijali f'ras il-għajn.

Benefiċċji ambjentali

6.

jemmen bil-qawwi li l-proposta tinkludi miżuri meħtieġa u li għandhom potenzjal konsiderevoli biex jinkisbu benefiċċji ambjentali. F'dan il-kuntest japprezza l-użu mtejjeb tad-dokumenti tal-BREF (Dokumenti ta' referenza tal-Aħjar Tekniki Disponibbli, ara l-Appendiċi 1) hekk kif proposti mid-Direttiva, għaliex dan ser iwassal għal żieda fil-benefiċċji ambjentali.

7.

jenfasizza li t-tnaqqis tal-emissjonijiet industrijali hi l-aktar importanti fir-rigward tat-tniġġis tal-arja. Id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali hi miżura importanti Ewropea li tippermetti l-Istati Membri jilħqu l-miri tal-emissjonijiet sal-2020. Għalhekk l-inklużjoni ta' kategorija aktar baxxa ta' impjanti ta' kombustjoni kbar, minn 20 sa 50 megawatt (MW) hi aspett importanti tad-Direttiva l-ġdida.

8.

jemmen li d-Direttiva mhijiex ambizzjuża biżejjed fir-rigward tat-tniġġis tal-arja:

hu diżappuntat bil-valuri limitu dgħajfa tal-emissjonijiet (ara l-Appendiċi I) tal-impjanti ta' kombustjoni kbar. Nixtiequ ninnutaw ukoll li hemm differenza sinifikanti bejn il-valuri limitu tal-emissjonijiet tal-proposta u dak tad-dokument tal-BREF għall-Impjanti ta' Kombustjoni Kbar (Dokument ta' Referenza tal-Aħjar Tekniki Disponibbli għall-impjanti ta' kombustjoni kbar, ara l-Appendiċi 1). Dawn il-valuri għandhom jiġu sinkronizzati u msaħħa,

ma jaqbilx mal-pjan ta' implimentazzjoni ta' ħames snin għall-impjanti ta' kombustjoni kbar u jipproponi perijodu ta' implimentazzjoni ta' tliet snin li hu simili għall-kapitoli l-oħra tad-Direttiva.

9.

għalhekk hu mħasseb li d-Direttiva tista' twassal l-aktar għal benefiċċji temporanji. Hu mħasseb ħafna dwar il-possibbiltà ta' benefiċċji għat-tul (ara l-paragrafu 17).

Is-sistema tal-IPPC attwali

10.

jenfasizza li l-permessi (ara Appendiċi I) tal-IPPC (Tniġġis Integrat u Kontroll ta' Prevenzjoni) għandu jibqa msejjes fuq approċċ integrat li jqis l-ambjent, il-produzzjoni, il-fattibbiltà teknika, il-kost effettività u importanti ukoll, il-kondizzjonijiet lokali.

11.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li, attwalment, id-Direttiva tal-IPPC mhijiex implimentata tajjeb f'kull Stat Membru. Id-Direttiva tal-IPPC kienet kemxejn diffiċli biex tiġi implimentata u d-dokumenti tal-BREF mhux dejjem intużaw, anke minħabba n-natura kemxejn teknika u diffiċli tagħhom.

12.

jinnota li l-permessi jirriflettu aktar l-istandards u r-rekwiżiti ċentralizzati u omoġenizzati dikjarati. Madankollu, għalkemm jidher li dan hu pożittiv, qed isir aktar diffiċli li mill-analiżi tal-permessi wieħed jiskopri x'jagħmlu l-kumpaniji biex jipproduċu, jittrattaw jew jottimizzaw.

13.

jemmen li d-Direttiva għall-Emissjonijiet Industrijali (li tinkludi evalwazzjoni tad-Direttiva tal-IPPC) ġiet imressqa ftit ġimgħat biss wara l-iskadenza għall-implimentazzzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali tal-IPPC stabbilità għall-31 ta' Ottubru 2007. Għalhekk l-evalwazzjoni qed isseħħ qabel ma l-leġiżlazzjoni tal-IPPC attwali kellha ċ-ċans li turi l-prattiċità u l-effiċjenza tagħha, u aktar minn hekk, qabel ma ġie evalwat bis-sħiħ l-impatt tagħha fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

Il-konsolidazzjoni ta' seba' Direttivi f'waħda

14.

jemmen li l-konsolidazzjoni ta' seba' Direttivi f'Direttiva waħda hu approċċ ambizzjuż ħafna, forsi kien ikun aħjar approċċ meqjus fi stadji differenti jew qafas ta' Direttiva b'direttivi filjali. Direttiva ta' qafas tippreżenta wkoll opportunità għal Direttivi oħrajn b'rabta diretta, bħad-Direttiva għad-Drenaġġ Urban, li għandha tiġi inkluża mingħajr ma tipperikola r-reviżjonijiet futuri tad-Direttiva ta' qafas.

15.

hu favur il-prinċipju ta' Regolamentazzjoni Aħjar. Il-proposta tal-Kummissjoni sabiex tikkonsolida seba' Direttivi tidher li taqbel ma' dan il-prinċipju. Sa ċertu punt, id-Direttiva l-ġdida tissemplifika l-proċeduri għall-ħruġ ta' permessi. Madankollu jemmen, li l-partijiet differenti tad-Direttiva ma ġewx ikkonsolidati kompletament u minħabba li għad hemm differenzi konsiderevoli bejn id-Direttiva u d-dokumenti tal-BREF, mhux ser jissolvu d-diffikultajiet prattiċi kollha.

16.

jistaqsi jekk l-inkonsistenzi attwali u d-diskrepanzi fid-definizjonijiet humiex ser jissolvew f'din il-proposta. Pereżempju, mhuwiex ċar x'effett ser ikollha d-definizzjoni l-ġdida tal-BAT (minn l-aħjar teknoloġija disponibbli għall-aħjar teknika disponibbli). Meta wieħed iqis il-firxa usa' ta' teknoloġija minflok teknika waħda, dan jgħin biex issir konnessjoni aħjar mal-investiment kummerċjali, biex jibbenefika minn kondizzjonijiet ekwi u dan iwassal għal aktar soluzzjonijiet kreattivi għall-isfidi ambjentali.

17.

jinsab imħasseb ħafna dwar il-konsegwenzi li l-konsolidazzjoni jista' jkollha fuq l-evalwazzjonijiet futuri. Il-proposta issa tinkludi bosta oqsma ta' għarfien espert differenti. It-tul u b'mod speċjali l-kumplessità tad-Direttiva ser jagħmluha diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, li din tiġi riveduta fil-ġejjieni, u biex tiġi adattata l-leġiżlazzjoni għall-ħtiġijiet tal-ġejjieni u għall-iżviluppi teknoloġiċi billi jiġu stipulati ħtiġijiet operazzjonali aktar stretti, eż, valuri limitu tal-emissjonijiet.

18.

jifhem li l-Kummissjoni qed tipproponi li tiffaċċja l-problema ta' reviżjonijiet diffiċli fil-ġejjieni permezz tar-rabta bejn id-Direttiva u d-dokumenti tal-BREF. Id-Direttiva tistipula standards minimi li jridu jintlaħqu u d-dokumenti tal-BREF, li jistgħu jiġu riveduti faċilment, ser iżommu s-sistema aġġornata skont l-iżviluppi teknoloġiċi u livelli ta' limitu aktar stretti tal-emissjonijiet assoċjati (BAT-AEL, ara l-Appendiċi I). Għandu tħassib serju dwar id-differenzi futuri li jistgħu jinħolqu bejn il-BAT-AELs (fid-dokumenti tal-BREF li jistgħu jiġu riveduti) u l-valuri limitu tal-emissjonijiet (fid-Direttiva). Hemm riskju sostanzjali li s-sistema tista' ssir obsoleta u għalhekk ftit li xejn tkun tista' toffri kontribut għall-iżviluppi ambjentali fil-ġejjieni.

19.

jirrakkomanda bil-qawwi l-inklużjoni ta' sistema prattika ta' reviżjoni li tippermetti r-reviżjoni parzjali tad-Direttiva (pereżempju. il-kapitoli tekniċi u l-valuri limitu tal-emissjonijiet) permezz tal-proċedura ta' ko-deċiżjoni. Barra minn hekk hu mħasseb ukoll bl-adattamenti futuri tal-leġiżlazzjoni li ser jitwettqu skont il-proċess ta' Sevilja (ara l-Appendiċi I), li mhijiex proċedura legali stipulata bit-Trattat u mhijiex suġġetta għal skrutinju demokratiku.

L-istatus il-ġdid tad-dokumenti tal-BREF

20.

hu sodisfatt bit-titjib reċenti tad-dokumenti tal-BREF u tikkunsidrahom bħala dokumenti utli ta' referenza. Madankollu, il-parti ewlenija tad-dokumenti tal-BREF hi disponibbli biss bl-Ingliż, u dan jista' joħloq diffikultajiet għall-awtoritajiet reġjonali u lokali li joħorġu l-permessi. Għalhekk jitlob għal traduzzjoni tal-kapitoli essenzjali tad-dokumenti tal-BREF (pereżempju dawk li jistabbilixxu l-aħjar teknika disponibbli (BAT, ara Appendiċi I) għal industrija speċifika) fil-lingwi kollha tal-UE.

21.

jikkunsidra mhux ġustifikat li d-dokumenti tal-BREF mhumiex użati aktar ta' spiss fl-UE, u jirrakkomanda titjib fl-użu tagħhom. Għalhekk aħna naqblu mal-istatus il-ġdid tad-dokumenti tal-BREF, kif ukoll mal-obbligu miżjud li jintużaw fil-proċedura ta' permessi. Jinterpreta l-istatus il-ġdid tad-dokumenti tal-BREF bħala aktar vinkolanti, minħabba li dawn id-dokumenti (li attwalment huma biss dokumenti ta' referenza, li għandhom jiġu konsultati iżda li mhumiex obbligatorji) ser isiru realment obbligatorji.

22.

jemmen li hemm possibbilitajiet għal titjib fid-dokumenti tal-BREF. Xi drabi l-innovazzjonijiet u t-titjib skont il-proċess ta' produzzjoni huwa nieqes. Pereżempju, il-monitoraġġ tal-varjazzjonijiet fil-kampjunar, attwalment jintużaw biex jiġu penalizzati l-kumpaniji, filwaqt li jistgħu jintużaw ukoll biex jittejbu t-tekniki. Eżempju ieħor hu n-nuqqas ta' qbil bejn il-kapitolu tad-Direttiva dwar il-komposti organiċi volatili u d-dokumenti ekwivalenti tal-BREF. Hemm il-biża' li bħala riżultat ta' dan l-approċċ l-aktar nadif mhux dejjem jingħata prijorità. Jekk hu possibbli, l-innovazzjonijiet sabiex jittejjeb l-ambjent lokali għandhom dejjem jiġu promossi mill-awtoritajiet lokali u l-kwalità tad-dokumenti tal-BREF għandha tkun tajba biżżejjed biex tgħin lill-awtoritajiet kompetenti.

23.

jemmen li l-istatus tad-dokumenti tal-BREF ser isaħħaħ il-konsistenza politika bil-għan li jinħarġu l-permessi għat-tniġġis u b'konsegwenza ser jikkontribwixxi għal ħolqien ta' sitwazzjoni ekwa għall-kumpaniji Ewropej li qed jikkompetu.

24.

jikkonsidra l-proċess ta' Sevilja (ara l-Appendiċi I) bħala wieħed meħtieġ u stabbilit sew. Id-dokumenti tal-BREF ta' Sevilja huma maħluqa u aġġornati fuq il-bażi ta' laqgħat bejn l-uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea u esperti minn Stati Membri, industriji u NGOs. Il-kooperazzjoni bejn dawn il-partijiet hi essenzjali biex jiġu stabbiliti l-aħjar tekniki disponibbli u sabiex jinħolqu dokumenti tal-BREF ġodda jew riveduti. Għalhekk, bħal ma qed jiġri issa, dan il-proċess għandu jkun estiż aktar fid-Direttiva.

25.

jinnota li r-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali mhumiex parti mill-proċess ta' Sevilja u jitlob li dawn ir-rappreżentanti jiġu mistiedna għall-proċess ta' Sevilja. Bħala awtoritajiet li joħorġu l-permessi u/jew korpi b'responsabbiltà għall-ispezzjonijiet, l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom għarfien importanti dwar l-aħjar tekniki disponibbli, u b'konsegwenza l-proċess ta' Sevilja jista' jittejjeb bil-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

26.

jixtieq jindika li l-istatus il-ġdid tad-dokumenti tal-BREF jista' jkollu impatt negattiv fuq il-proċess ta' Sevilja (ara l-Appendiċi I). Qbil dwar l-aħjar tekniki disponibbli ser ikun aktar ta' sfida minħabba n-natura l-ġdida tad-dokumenti tal-BREF, minħabba li l-Istati Membri, l-industriji u l-NGOs jistgħu jadottaw imġiba aktar strateġika meta jiġi determinat il-BREF. Minħabba l-ispejjeż ta' produzzjoni, l-industriji jibbenefikaw minn standards anqas innovattivi fid-dokumenti tal-BREF. F'dan il-każ, il-proċess ta' Sevilja jista' jsir proċess politiku dgħajjef u sfukat aktar milli proċess ta' riċerka għall-aħjar soluzzjonijiet tekniċi.

27.

jemmen li din is-sitwazzjoni tista' twassal għal dokumenti aktar dgħajfa. Bħala riżultat ta' dan ser nispiċċaw bi strument skadut u dgħajjef li ma jagħtix spinta lill-innovazzjoni jew itejjeb il-kwalità ambjentali, iżda saħansitra jdgħajjef l-implimentazzjoni tad-Direttiva l-ġdida tal-Emissjonijiet Industrijali.

It-tfassil ta' politika: Flessibbiltà u kondizzjonjiet ambjentali lokali

28.

jaqbel mal-miri tad-direttiva l-ġdida dwar l-emissjonijiet industrijali li ttejjeb l-konsistenza politika bil-għan li jinħarġu permessi għat-tniġġis.

29.

jixtieq jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenzi li jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor fil-ħruġ tal-permessi. Pereżempju fid-Danimarka, kemm l-awtoritajiet lokali kif ukoll il-gvern nazzjonali huma responsabbli mill-ħruġ tal-permessi. Fl-Olanda, il-muniċipalitajiet u l-provinċji joħorġu liċenzji lil min iniġġes, filwaqt li fir-Renju Unit, t-tniġġis tal-arja minn sorsi ewlenin hi responsabbiltà tal-Gvern ċentrali. It-tendenza ewlenija fl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'din il-politika madwar l-UE hu li t-tfassil tal-istandards iseħħ f'livell nazzjonali u l-infurzar f'livell sotto-nazzjonali.

30.

jinnota li fil-komunitajiet lokali qed isseħħ l-innovazzjoni ta' produzzjoni aktar nadifa. L-iżvilupp ta' produzzjoni aktar nadifa sseħħ bejn gruppi differenti, bħall-NGOs, il-kumpaniji u l-awtoritajiet kompetenti. Attwalment l-awtoritajiet lokali jimmonitorjaw biss. Id-Direttiva għandha toffri wkoll possibbilitajiet għal kooperazzjoni bejn il-gruppi differenti (l-amministrazzjonijiet u l-kumpaniji lokali) li jippermettulhom jistimulaw l-innovazzjoni. jistgħu jinstabu eżempji tajbin ta' dan kemm fl-Olanda u fid-Danimarka, kif ukoll fil-pajjiżi Ewropej tal-Lvant bħar-Rumanija.

31.

jenfasizza l-ħtieġa għal xi flessibbiltà. Iċ-ċirkostanzi lokali jvarjaw u l-installazzjonijiet, anke meta jsiru prodotti simili, joperaw b'mod differenti madwar l-UE, minħabba d-differenzi fil-kondizzjonijiet lokali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali joħolqu soluzzjonijiet speċjalizzati għaż-żona ġeografika tagħhom. Fil-livell reġjonali u lokali, dejjem hemm tħassib dwar il-ħolqien ta' bilanċ bejn il-protezzjoni adegwata tal-motivazzjonijiet ambjentali u ekonomiċi. Anke jekk it-titjib tal-ambjent hu l-objettiv ġenerali tal-politika, normalment huma l-awtoritajiet reġjonali u lokali li jiddeċiedu bejn il-parametri ambjentali differenti u ħafna drabi jagħtu kumpensi bejn l-impatti ambjentali ta' miżuri differenti. Fil-ħruġ tal-permessi, il-flessibbiltà fl-għoti tad-derogi mill-valuri limitu tal-emissjonijiet ibbażati fuq l-aħjar teknoloġiji disponibbli (BATs) hu importanti, speċjalment għal dawk ir-reġjuni f'dawk l-Istati Membri fejn kien hemm tradizzjoni ta' ftehimiet volontarji mal-industrija u fejn id-diskrezzjoni amministrattiva ma ixxekklitx bil-leġiżlazzjoni.

32.

madankollu, jemmen bil-qawwi, li l-flessibbiltà għandha tiġi limitata; għandu jkun hemm bilanċ bejn iż-żamma tal-ekwità u t-teħid ta' deċiżjoni lokali. Għalhekk hu kuntent bl-inklużjoni ta' valuri limitu tal-emissjonijiet fid-Direttiva nnifisha, li ser iwasslu għal protezzjoni ġenerali tal-ambjent madwar l-UE. Il-flessibbiltà tista' twassal għal użu ħażin, u għalhekk hu kuntent ħafna li l-proċedura għall-konsiderazzjoni lokali tinkludi biżżejjed garanziji biex dan ma jseħħx, peress li dawk li joħorġu l-permessi jistgħu biss jagħtu deroga fuq il-bażi ta' stima ta' impatt (Artikolu 16(3)) u huma obbligati li jagħmlu l-ġustifikazzjoni disponibbli għall-pubbliku (Artikolu 26(3f)).

33.

ma jaqbilx bil-qawwi mal-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi kriterji għall-għoti tad-deroga fuq il-bażi ta' kondizzjonijiet lokali bi qbil mal-proċedura ta' komitoloġija (Artikolu 16(3)) minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

Kriterji għall-għoti tad-deroga kellhom ikunu definiti fid-Direttiva nnifisha (u għalhekk deċiżi bi proċedura ta' ko-deċiżjoni) u fil-futur m'għandhomx ikunu definiti fil-livell tal-UE permezz tal-proċedura ta' komitoloġija li fiha l-Kumitat tar-Reġjuni u rappreżentanti oħrajn tal-awtoritajiet lokali u reġjonali mhumiex ikkonsultati.

Minħabba l-varjetà wiesgħa ta' kondizzjonijiet lokali u reġjonali, hu diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, li jiġu stabbiliti kriterji uniformi fil-livell tal-UE.

Jemmen bil-qawwi li l-proċedura għad-deroga, kif imsemmija fil-paragrafu 29, tinkludi biżżejjed garanziji biex tevita l-użu ħażin.

B'referenza għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-valutazzjoni tal-kondizzjonijiet ambjentali lokali meta mqabbla mal-ispejjeż ambjentali u l-benefiċċji, kif ukoll il-fattibbiltà teknika għandhom jiġu definiti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz ta' proċessi demokratiċi lokali u reġjonali.

L-Innovazzjoni u teknoloġiji aktar nodfa

34.

jappoġġja l-idea ta' stimolu tal-innovazzjoni, iżda jiddubita jekk id-Direttiva l-ġdida tistipulax bażi soda għal dan it-tip ta' żvilupp.

35.

jilqa' l-fatt li l-permessi iridu jiġu riveduti ta' spiss. Adattament progressiv ta' ħtiġijiet għall-permessi ser jikkontribwixxi għall-użu ta' teknoloġiji aktar nodfa u b'hekk jitnaqqsu l-impatti ambjentali tal-emissjonijiet industrijali. Iridu jintlaħqu żewġ kondizzjonijiet biex jiżguraw li l-innovazzjoni sseħħ tassew. L-ewwel kondizzjoni hi realtà legali biex tiżgura li l-investiment kapitali hu disponibbli. Iċ-ċikli tan-negozju għandhom ikunu rispettati u l-prattika normali fl-Istati Membri hi dik li l-kondizzjonijiet għall-permessi jinżammu għal perijodu ta' tmien snin. Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-adattament ta' kondizzjonijiet għall-permessi għal dokumenti tal-BREF ġodda jew aġġornati (Artikolu 22(3)) jridu jirriflettu dan. It-tieni kondizzjoni ser tkun li jiġu żgurati opportunitajiet ta' deroga li jippermettu t-testjar adegwat ta' teknoloġiji li qed jinħolqu dan l-aħħar jew ġodda. Hu tal-opinjoni li r-restrizzjoni ta' żmien imposta fl-Artikolu 16(5) tista' tkun riġida wisq f'xi każijiet, tal-inqas fi żmien erba' snin wara li dokument ġdid tal-BREF ikun sar disponibbli.

36.

hu mħasseb li l-istatus il-ġdid tad-dokumenti tal-BREF jista' jxekkel l-innovazzjoni industrijali minħabba l-limitazzjoni ta' premijiet għas-sostenibbiltà. L-industriji Ewropej mhux ser jitħeġġu jsiru jew jibqgħu ta' quddiem fid-dinja fit-teknoloġiji nodfa l-ġodda u ser ikun aktar diffiċli li jiġu indirizzati l-problemi ambjentali Ewropej li fadal fl-UE.

37.

jippreferi li d-Direttiva tiġi implimentata b'mod li indirettament ma tinkoraġixxix rilokazzjonijiet sinifikanti tal-industrija eżistenti lejn “żoni kennija ta' tniġġis” barra mill-Ewropa.

38.

jixtieq jinnota li għalkemm l-inklużjoni ta' kategorija aktar baxxa ta' impjanti kbar ta' kombustjoni, minn 20 sa 50 megawatt (MW), hi aspett importanti tad-Direttiva l-ġdida fir-rigward tal-irziezet, madankollu hemm dubji serji jekk l-inklużjoni tal-irziezet iż-żgħar għat-trobbija tal-annimali hux ser iwassal għal biżżejjed benefiċċji ambjentali biex jiġġustifika l-piż amministrattiv.

Spejjeż amministrattivi

39.

jemmen li r-Regolamentazzjoni Aħjar, flimkien mas-semplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, ukoll jeħtieġu kost-effettività u tnaqqis ta' piżjiet amministrattivi. Jistaqsi jekk il-proposta attwali tilqax dawn ir-rekwiżiti tal-aħħar.

40.

hu mħasseb bil-ħafna dispożizzjonijiet fir-rigward tal-ispezzjoni, il-monitoraġġ, u l-evalwazzjoni tal-kondizzjonijiet għall-permess u r-rappurtaġġ tal-konformità.

41.

jqis l-ispezzjonijiet bħala parti importanti tal-implimentazzjoni tajba tad-Direttiva. Jilqa' l-fatt li dan hu rikonoxxut fid-Direttiva. Madankollu hemm dubji dwar kemm dan għandu jkun imfisser fid-dettall fid-Direttiva nnifisha minflok fir-Rakkomandazzjoni għal Kriterji Minimi ta' Spezzjonijiet Ambjentali (RMCEI). Dan ukoll inaqqas il-possibbiltà ta' differenzi bejn id-Direttiva u l-RMCEI (li qed tiġi riveduta).

42.

jemmen li l-proposta tindika li r-rapurtaġġ annwali dwar il-konformità mal-aħjar tekniki possibbli (Artikolu 8) għandu jinkludi paragun bejn l-aħjar tekniki disponibbli (Artikolu 24). Din tidher li hi burokrazija żejda. Peress illi l-ħtiġijiet għall-permessi jridu jiġu bbażati fuq l-aħjar tekniki disponibbli, ikun biżejjed li jsir rapurtaġġ dwar il-konformità mal-ħtiġijiet għall-permessi. Ħafna mid-data ta' monitoraġġ hi mimlija b'inċertezzi u r-rapurtaġġ fuq din id-data mhux ser iwassal għal titjib kostruttiv fit-tekniki użati. Għalhekk hemm dubji dwar jekk dan jikkontribwixxi għal Regolamentazzjoni Aħjar.

43.

jinnota li l-Istati Membri kull tliet snin jirrapportaw dwar il-konformità mad-Direttiva. Dan hu piż amministrattiv żejjed għall-awtoritajiet lokali u reġjonali anke jekk dan iseħħ biss darba kull tliet snin. Għalhekk nirrakkomandaw bis-saħħa li l-Istati Membri jżommu fajl intern ta' data bid-data relevanti li l-Kummissjoni tkun tista' tikkonsulta f'kull ħin. Dan għandu jidħol minflok is-sistema ta' rapurtaġġ u jikkonforma aktar mar-Regolamentazzjoni Aħjar.

44.

jinnota li mat-tmiem definittiv tal-attivitajiet, l-operatur ser ireġġa' lura s-sit għall-istat oriġinali tiegħu kif stipulat fir-rapport ta' standards minimi (Artikolu 23). Jinterpreta dan bħala stat aktar nadif tal-ħamrija meta mqabbel ma' qabel il-bidu tal-attività. Jikkonsidra ukoll li l-kontaminazzjonijiet tal-ħamrija għandhom jitranġaw bi qbil mal-livell li jmiss tal-użu operazzjonali futur tas-sit. Dan jikkonforma iktar ukoll mal-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas”.

45.

jemmen li l-proposta titlob għal monitoraġġ regolari tal-ħamrija u l-ilma tal-art kemm qabel kif ukoll matul iż-żmien li tkun qed topera l-istallazzjoni. Madankollu, il-permess ser ikun diġà msejjes fuq protezzjoni adegwata tal-ħamrija u l-ilma tal-art. F'każijiet partikolari jista' u għandu jkun hemm raġunar għal monitoraġġ addizzjonali, iżda dan m'għandux ikun obbligatorju għall-każijiet kollha.

46.

jaqbel li l-pubbliku għandu jingħata biżżejjed informazzjoni dwar l-istallazzjonijiet tal-IPPC. Jenfasizza li l-informazzjoni għandha tkun dejjem disponibbli, iżda biss jekk tintalab.

47.

ma jistax japprova l-użu propost tal-komitoloġija biex jiġu stabbiliti ħafna kriterji, bħall-monitoraġġ tal-ħamrija u l-art u kriterji għal analiżi bbażati fuq ir-riskju. Hu tal-opinjoni li dawn il-kriterji għandhom jiġu stabbiliti fid-Direttiva nnifisha u diskussi b'rabta mal-proċedura leġiżlattiva li għaddejja.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET GĦALL-EMENDI

Emenda 1

Artikolu 6

Il-ħruġ ta' permessi

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-awtorità kompetenti għandha tagħti permess jekk impjant jikkonforma mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

L-awtorità kompetenti għandha tagħti permess jekk impjant jikkonforma mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

Irrispettivament minn rekwiżiti oħrajn stipulati minn dispożizzjonijiet nazzjonali jew komunitarji, l-awtoritajiet kompetenti jagħtu permess li jinkludi l-kundizzjonijiet li jistipulaw li l-impjant jikkonforma mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

Raġuni

L-approċċ adottat fil-proposta ta' modifika tad-Direttiva tal-IPPC jikkuntradixxi d-dispożizzjonijiet tal-qafas ta' Direttiva dwar l-ilmijiet u għalhekk ma jaqbilx mad-Direttiva komunitarja attwali. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) ta' din id-direttiva jimplikaw id-dritt ta' ġestjoni ġenerali tal-Istati Membri.

Emenda 2

Artikolu 16(3)

Valuri limitu tal-emissjonijiet, parametri ekwivalenti u miżuri tekniċi

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

B'deroga mit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti tista', f'każijiet speċifiċi, fuq il-bażi ta' evalwazzjoni tal-ispejjeż ambjentali u ekonomiċi u benefiċċji li jikkunsidraw il-karatteristiċi tekniċi tal-istallazzjoni konċernata, il-pożizzjoni ġeografika tagħha u l-kondizzjonijiet ambjentali lokali, tfassal valuri limitu tal-emissjonijiet li jeċċedu l-livelli tal-emissjonijiet marbuta mal-aħjar tekniċi disponibbli kif stipulat fin-noti ta' referenza tal-BAT.

Madankollu, fejn hu applikabbli dawn il-valuri limitu tal-emissjonijiet ma jistgħux jeċċedu l-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati fl-Annessi V sa VIII.

IL-Kummissjoni tista' tistabbilixxi kriterji għall-għoti ta' deroga msemmija f'dan il-paragrafu.

Dawk il-miżuri, mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, billi Jissupplimentawha, ser jiġu adottati bi qbil mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 69(2).

B'deroga mit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti tista', f'każijiet speċifiċi, fuq il-bażi ta' evalwazzjoni tal-ispejjeż ambjentali u ekonomiċi u benefiċċji li jikkunsidraw il-karatteristiċi tekniċi tal-istallazzjoni konċernata, il-pożizzjoni ġeografika tagħha u l-kondizzjonijiet ambjentali lokali, tfassal valuri limitu tal-emissjonijiet li jeċċedu l-livelli tal-emissjonijiet marbuta mal-aħjar tekniċi disponibbli kif stipulat fin-noti ta' referenza tal-BAT.

Madankollu, fejn hu applikabbli dawn il-valuri limitu tal-emissjonijiet ma jistgħux jeċċedu l-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati fl-Annessi V sa VIII.

IL-Kummissjoni tista' tistabbilixxi kriterji għall-għoti ta' deroga msemmija f'dan il-paragrafu.

Dawk il-miżuri, mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, billi Jissupplimentawha, ser jiġu adottati bi qbil mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 69(2).

Raġuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni ma jaqbilx bil-qawwi mal-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi kriterji għall-għoti tad-deroga fuq il-bażi ta' kondizzjonijiet lokali bi qbil mal-proċedura ta' komitoloġija (Artikolu 16(3)). Kriterji għall-għoti tad-deroga kellhom ikunu definiti fid-Direttiva nnifisha (u għalhekk deċiżi bi proċedura ta' ko-deċiżjoni) u fil-futur m'għandux ikunu definiti fil-livell tal-UE permezz tal-proċedura ta' komitoloġija li fiha l-Kumitat tar-Reġjuni u rappreżentanti oħrajn tal-awtoritajiet lokali u reġjonali mhumiex ikkonsultati. Minħabba l-varjetà wiesa' ta' kondizzjonijiet lokali u reġjonali, hu diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, li jiġu stabbiliti kriterji ugwali fil-livell tal-UE. Il-proċedura ta' deroga tinkludi biżżejjed garanziji biex ma tħallix użu ħażin, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet li joħorġu l-permessi jistgħu biss jagħtu deroga fuq il-bażi ta' stima ta' impatt (Artikolu 16(3)) u huma obbligati li jagħmlu l-ġustifikazzjoni disponibbli għall-pubbliku (Artikolu 26(3f)). B'referenza għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-valutazzjoni tal-kondizzjonijiet ambjentali lokali kontra l-ispejjeż ambjentali u l-benefiċċji, kif ukoll il-fattibbiltà teknika għandhom jiġu definiti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz ta' proċessi demokratiċi lokali u reġjonali.

Brussell, id-9 ta' Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


Top