EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AR0236

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran, xi jsarraf għall-awtoritajiet lokali u reġjonali?

ĠU C 325, 19.12.2008, p. 52–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 325/52


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran, xi jsarraf għall-awtoritajiet lokali u reġjonali?

(2008/C 325/08)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran, li reġgħet qiegħdet il-Mediterran fil-quċċata tal-aġenda Ewropea u qajmet dibattitu u ispirat riflessjonijiet dwar l-isfidi li l-Mediterran qiegħed jiffaċċja;

huwa konvint li l-inizjattivi min-naħa jew oħra tal-Mediterran li jikkonċernaw unikament l-approċċ diplomatiku mhux ser jagħtu soluzzjonijiet sostenibbli sakemm id-demokrazija lokali ma titqiegħedx fil-qalba tad-dibattitu, kemm fir-rigward tat-tisħiħ tagħha, kif ukoll fir-rigward tal-kooperazzjoni diretta bejn ir-reġjuni u l-bliet taż-żewġ ixtut tal-Mediterran fl-ambitu tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran;

ifakkar li l-livell reġjonali huwa livell ta' gvernanza li jista' jfassal soluzzjonijiet sabiex ikun hemm adattament u reazzjoni għall-isfidi tal-globalizzazzjoni b'kooperazzjoni mill-qrib mal-livelli istituzzjonali l-oħra. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, b'mod partikolari fl-Ewropa kulma jmur qed jaffermaw ruħhom bħala livell rilevanti fit-tfassil ta' dawn is-soluzzjonijiet;

konsegwentement, itenni s-sejħa tiegħu sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu rikonoxxuti bħala msieħba ewlenin fil-Proċess ta' Barċellona u fil-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja;

beħsiebu jippromovi t-twaqqif ta' Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) magħmula minn membri tal-Kumitat tar-Regjuni, minn rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet Ewropej u internazzjonali impenjati fil-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja u minn numru ndaqs ta' rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-ixtut tan-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran bħala pjattaforma permanenti ta' djalogu, ta' skambju u ta' kooperazzjoni. Huwa jsejjaħ ukoll sabiex din il-pjattaforma tiġi rikonoxxuta bħala korp konsultattiv fi ħdan il-gvernanza futura tal-Proċcess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran, hekk kif seħħ fil-każ tal-EMPA fil-livell tal-parlamenti nazzjonali.

Rapporteur ġenerali

:

is-Sur Isidoro GOTTARDO, Membru tal-Kunsill ta' Sacile

Dokumenti ta' referenza

Konsultazzjoni tal-Presidenza Franċiża mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta' Ġunju 2008 dwar il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran — xi jsarraf għall-awtoritajiet lokali u reġjonali? u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran

COM(2008) 319 finali

I.   KUMMENTI ĠENERALI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran, li reġgħet qiegħdet il-Mediterran fil-quċċata tal-aġenda Ewropea u qajmet dibattitu u ispirat riflessjonijiet dwar l-isfidi li l-Mediterran qiegħed jiffaċċja; jilqa' kemm id-dimensjoni pragmatika kif ukoll il-viżjoni politika tal-proġett imniedi mill-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li hu appoġġjat minn 16-il membru tal-pajjiżi msieħba tan-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran;

2.

huwa kuntent bis-suċċess li kisbu sal-lum xi wħud mill-miżuri u l-inizjattivi tal-Proċess ta' Barċellona; madankollu, jiddispjaċih bin-nuqqas ta' progress sinifikanti fl-oqsma tal-paċi, tas-sigurtà u tal-iżvilupp umani u soċjali, kif ukoll bin-nuqqas ta' parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

3.

jenfasizza li bil-format il-ġdid tiegħu, il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran għandu jippermetti li s-sistema ta' kooperazzjoni purament intergovernattiva tinbidel fi proġett ta' djalogu bejn iċ-ċittadini tat-tlitt ixtut, u b'mod partikolari, ta' kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran, filwaqt li jgħaqqad lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom permezz ta' qafas ta' proġetti konkreti u miftehma li jidħlu fl-istrateġija globali bbażata fuq il-bżonnijiet taċ-ċittadini u fuq is-solidarjetà;

4.

jikkunsidra li waħda mill-kondizzjonijiet għas-suċċess tal-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewro-Mediterranji għat-tisħiħ tas-sħubijia permezz tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran hija li jiġu identifikati suġġetti interessanti ġodda sabiex il-benefiċċji prattiċi tagħha jkunu mifhuma miċ-ċittadini u dan billi d-dikjarazzjonijiet ta' prinċipju jsiru miżuri tanġibbli. Dan kollu jirrikjedi involviment qawwi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u komunikazzjoni ċara u tinftiehem malajr;

5.

jinnota li azzjoni aktar b'saħħitha min-naħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili għall-politika pubblika hija sikwit illimitata minħabba d-dgħufija tad-demokrazija lokali u n-nuqqas ta' proċess ġenwin ta' deċentralizzazzjoni fil-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran;

6.

bl-istess mod, jinnota li d-deċentralizzazzjoni u l-gvernanza lokali u parteċipattiva mhux dejjem imorru flimkien b'mod sistematiku. F'xi Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffaċċjaw sfidi simili: iż-żieda tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet, il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, u t-tisħiħ tal-involviment tal-assoċjazzjonijiet fit-tfassil ta' strateġiji u fit-tħejjija ta' proġetti kbar, urbani jew reġjonali;

7.

huwa konvint li l-inizjattivi min-naħa jew oħra tal-Mediterran li jikkonċernaw unikament l-approċċ diplomatiku mhux ser jagħtu soluzzjonijiet sostenibbli sakemm id-demokrazija lokali ma titqiegħedx fil-qalba tad-dibattitu, kemm fir-rigward tat-tisħiħ tagħha, kif ukoll fir-rigward tal-kooperazzjoni diretta bejn ir-reġjuni u l-bliet taż-żewġ ixtut tal-Mediterran fl-ambitu tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran;

8.

f'dan il-kuntest, jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kapijiet tal-Istat u l-Gvernijiet tal-Isħubija Ewro-Mediterranja, li ltaqgħu f'Pariġi fit-13 ta' Lulju, li tenfasizza li huwa importanti li s-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-settur privat jipparteċipaw b'mod attiv fl-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran;

9.

madankollu, ma jħossx li huwa xieraq li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma demokratikament leġittimi, u s-soċjetà ċivili u s-settur privat, li mhumiex demokratikament leġittimi, jitpoġġew fuq l-istess livell;

10.

jaqbel ukoll mal-istqarrija tal-Kapijiet tal-Istat u l-Gvernijiet tal-Isħubija Ewro-Mediterranja li jekk ikun hemm tqassim akbar tar-responsabbiltà tal-proċess, jekk il-gvernanza tiġi bbazżata fuq l-ugwaljanza bejn il-partijiet kollha u jekk mill-proċess joħorġu proġetti konkreti li jkunu aktar viżibbli għaċ-ċittadini, dan kollu jippermetti li r-relazzjonijiet bejn it-tliet ixtut tal-Mediterran isiru aktar sodi u aktar viżibbli bis-saħħa ta' proġetti reġjonali u subreġjonali addizzjonali rilevanti għaċ-ċittadini tar-reġjun;

11.

jinnota r-rieda u l-impenn tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex isaħħu l-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran li jippromovi id-demokrazija lokali u l-kooperazzjoni deċentralizzata;

12.

ifakkar l-esperjenza tal-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej li numru kbir minnhom jirrikjedu l-impenn, ir-riżorsi u l-azzjoni tal-awtoritajiet lokali għall-implimentazzjoni tagħhom u jenfasizza wkoll l-esperjenza sħiħa u l-għarfien espert tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej fit-trattament u l-ġestjoni tal-kwistjonijiet urbani u rurali marbuta mal-ambjent, l-enerġija, it-trasport, il-protezzjoni ċivili, il-migrazzjoni, l-iżvilupp ekonomiku u għadd ta' prijoritajiet oħra tal-Proċess ta' Barċellona li jibqaw validi, bħad-djalogu interkulturali, l-edukazzjoni, id-dimensjoni umana u soċjali; għalhekk, jiddispjaċih li ma kienx hemm konsultazzjoni minn qabel mal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-proġetti ta' żvilupp annessi mal-konklużjonijiet tas-summit ta' Pariġi minkejja l-ħtieġa tal-involviment tagħhom fl-implimentazzjoni futura ta' dawn il-proġetti u jenfasizza l-ħtieġa li dan l-approċċ intergovernattiv jiġi rivedut sabiex kull livell ta' gvernanza kkonċernat jiġi involut;

13.

fid-dawl tal-opinjonijiet preċedenti dwar din il-kwistjoni, jenfasizza l-importanza tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali mhux biss fil-fażi tal-implimentazzjoni iżda wkoll tul il-proċess kollu ta' kooperazzjoni li jibda bit-tfassil tal-istrateġiji, jkompli bl-implimentazzjoni tal-programmi u tal-proġetti u jintemm bil-monitoraġġ tal-istrateġiji u l-evalwazzjoni tar-riżultati. Dan japplika b'mod partikolari meta l-inizjattivi jkunu marbuta ma' oqsma fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom kompetenzi wiesa' u diretti, fost l-oħrajn, pereżempju l-ippjanar tal-bliet u l-kampanja, il-ġestjoni tal-ilma, il-ġestjoni u l-ipproċessar tal-iskart, l-ambjent u l-konsegwenzi lokali tal-bidla fil-klima, l-iżvilupp ekonomiku lokali, il-ġestjoni u t-tisħiħ tal-wirt kulturali u storiku, l-iżvilupp tat-turiżmu lokali, is-saħħa tal-bniedem, il-politiki ta' integrazzjoni u tal-koeżjoni soċjali;

14.

jilqa' t-tnedija imminenti tal-programm CIUDAD il-ġdid fi ħdan l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija attwali, li jfittex li jippromovi l-kooperazzjoni fl-iżvilupp urban u d-djalogu fir-reġjun tal-Mediterran. Jaqbel li l-oqsma ta' prijorità jinkludu s-sostenibbiltà ambjentali, l-effiċjenza enerġetika, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u t-tnaqqis tad-differenzi soċjali, oqsma fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom poteri mifruxa u diretti, u fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej jistgħu joffru esperjenza u għarfien prattiku;

15.

jinnota li, sal-lum, l-aspetti finanzjarji tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran għadhom ma ġewx speċifikati u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jkunu kemm imsieħba politiċi, kif ukoll imsieħba tekniċi u finanzjarji fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-proġetti li min-naħa jissodisfaw l-bżonnijiet reali taċ-ċittadini u minn oħra jilħqu l-objettivi tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran; jinnota ukoll li l-inizjattiva l-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran ma tbiddel xejn, f'termini programmatiċi u finanzjarji, mid-dimensjoni mediterranja tal-politika Ewropea tal-viċinat;

16.

ifakkar li l-livell reġjonali huwa livell ta' gvernanza li jista' jfassal soluzzjonijiet sabiex ikun hemm adattament u reazzjoni għall-isfidi tal-globalizzazzjoni b'kooperazzjoni mill-qrib mal-livelli istituzzjonali l-oħra. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, b'mod partikolari fl-Ewropa kulma jmur qed jaffermaw ruħhom bħala livell rilevanti fit-tfassil ta' dawn is-soluzzjonijiet;

17.

konsegwentement, itenni s-sejħa tiegħu sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu rikonoxxuti bħala msieħba ewlenin fil-Proċess ta' Barċellona u fil-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja;

18.

jirrikonoxxi r-rwol u l-esperjenza tad-diversi netwerks u assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropej u internazzjonali li qegħdin jaħdmu għall-kooperazzjoni deċentralizzata Ewro-Mediterranja, u jirrikonoxxi wkoll il-kompetenza esperta u l-għarfien tat-territorju tagħhom (1). Għalhekk hemm bżonn li jkun hemm aktar kooperazzjoni u li l-objettivi tal-proġetti ta' kooperazzjoni deċentralizzata jingħaqdu ma' dawk tal-isħubija Ewro-Mediterranja sabiex jinkisbu l-aħjar riżultati possibbli;

19.

itenni l-appoġġ tiegħu għad-dikjarazzjoni tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Mediterran u l-Ewropa li ltaqgħu fit-23 ta' Ġunju 2008 waqt Forum tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Mediterran f'Marsilja;

20.

u f'dan il-kuntest, jaqsam ir-rieda tar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti u tal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom sabiex joħolqu strument istituzzjonali li jiżgura r-rappreżentanza politika permanenti u l-kontribut attiv tagħhom għall-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran, strument rilevanti għat-territorjalizzazzjoni; u jtenni li l-Kumitat tar-Reġjuni diġà ressaq din it-talba f'opinjonijiet preċedenti b'rabta ma' din it-tema;

21.

għalhekk, beħsiebu jwaqqaf Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) magħmula minn numru ugwali ta' rappreżentanti lokali u reġjonali eletti tal-Unjoni Ewropea u rappreżentati eletti tal-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, u dan fid-dawl tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (EMPA) li twaqqfet biex tirrapreżenta d-dimensjoni parlamentari;

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

22.

iħeġġeġ lill-korpi governattivi tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran sabiex minbarra li jirrikonoxxu politikament lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jinkorporawhom b'mod formali u effettiv fil-proċess ta' kooperazzjoni u fil-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran;

23.

għalhekk, isejjaħ għat-tfassil ta' dokumenti ta' ħidma ġodda li jiddefinixxu r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala msieħba sħaħ tal-proċess ta' kooperazzjoni fl-ambitu tat-tnedija mill-ġdid tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran;

24.

iħeġġeġ bis-saħħa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex flimkien mal-gvernijiet ċentrali jipparteċipaw sa mill-ewwel fażi fit-tfassil ta' ftehim bejn l-assoċjazzjonijiet, ta' dokumenti strateġiċi u ta' pjanijiet ta' azzjoni li huma mfassla b'mod bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi msieħba tan-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran b'mod partikolari fl-ambitu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

25.

għalhekk, isejjaħ lill-gvernijiet Ewro-Mediterranji sabiex iwaqqfu mekkaniżmi ta' djalogu nazzjonali strutturat u ta' konsultazzjoni bejn l-atturi sottonazzjonali (lokali u reġjonali), l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili billi jagħqdu n-netwerks u l-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

26.

beħsiebu jippromovi t-twaqqif ta' Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) magħmula minn membri tal-Kumitat tar-Regjuni, minn rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet Ewropej u internazzjonali impenjati fil-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja u minn numru ndaqs ta' rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-ixtut tan-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran bħala pjattaforma permanenti ta' djalogu, ta' skambju u ta' kooperazzjoni. Huwa jsejjaħ ukoll sabiex din il-pjattaforma tiġi rikonoxxuta bħala korp konsultattiv fi ħdan il-gvernanza futura tal-Proċcess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran, hekk kif seħħ fil-każ tal-EMPA fil-livell tal-parlamenti nazzjonali;

27.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tarmonizza, tikkoordina u torbot sew flimkien l-approċċ il-ġdid mal-programmi differenti, l-proġetti u l-istrumenti Komunitarji (2) u ma' dawk il-programmi, il-proġetti u l-istrumenti korrispondenti tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja li diġà qegħdin fis-seħħ (3), bil-għan li tapprofitta mill-esperjenzi, li tevita r-ripetizzjoni tal-attivitajiet u li takkumula l-progress;

28.

jipproponi lijsir studju ta' fattibbiltà sabiex jiġu adattati l-istrumenti ta' appoġġ strutturali eżistenti għall-kuntest tal-Mediterran — dan jinvolvi politika ta' koeżjoni ekonomika u soċjali li tippermetti kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Mediterran ibbażata fuq dimensjoni reġjonali;

29.

iħeġġeġ lill-korpi governattivi tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran sabiex tapprofitta mill-okkazzjoni ta' din it-tnedija mill-ġdid tal-proċess sabiex timxi pass 'l quddiem fir-riforma tal-gvernanza lokali u d-deċentralizzazzjoni fil-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran u sabiex tniedi l-proċess ta' deċentralizzazzjoni f'pajjiżi oħra;

30.

għalhekk, jipproponi li tingħata prijorità lill-istrateġiji ta' tisħiħ istituzzjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u li jitniedu programmi għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet u proġetti ta' taħriġ dwar ir-riżorsi umani lokali u reġjonali;

31.

jikkunsidra li jekk tingħata responsabbiltà akbar lir-rappreżentanti eletti fil-livell lokali u reġjonali tinħoloq gvernanza fuq diversi livelli li tgħaqqad livelli istituzzjonali differenti fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, tat-tfassil, u tal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki pubbliċi u l-politiki ta' żvilupp;

32.

jissuġġerixxi l-użu tar-riżorsi umani lokali, tekniċi u akkademiċi għat-twaqqif ta' proġetti u li jkun hemm parteċipazzjoni kbira kemm jista' jkun taċ-ċittadini sabiex jieħdu f'idejhom is-sjieda tal-proċess ta' kooperazzjoni u l-proġetti sussegwenti;

33.

fl-aħħar nett, jikkunsidra li d-dinamika tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran tista' toffri lill-atturi, f'diversi livelli, opportunitajiet ta' tagħlim, relazzjonijiet ġodda, mezzi ta' rikonoxximent reċiproku u fl-istess ħin tippromovi t-tagħlim ta' approċċ ġdid għall-iżvilupp u d-demokrazija lokali fost l-atturi differenti involuti (l-amministrazzjoni ċentrali u deċentralizzata, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, s-soċjetà ċivili eċċ.);

34.

jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din l-opinjoni lill-Presidenza Franċiża tal-UE, lill-Ko-Presidenza tal-Unjoni għall-Mediterran, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja u lill-Kapijiet tal-Istat tal-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran.

Brussell, id-9 ta' Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  Għadd ta' netwerks, assoċjazzjonijiet u ċentri huma involuti f'azzjonijiet prattiċi, fi studji u riċerka dwar il-pajjiżi u l-kooperazzjoni ewro-Mediterranja. Jeħtieġ li x-xogħol tagħhom jitniżżel f'katalogu sabiex in-nies issir taf bih u titgħallem minnu bil-għan li kull inizjattiva ġdida tkun ibbażata fuq dawn il-kisbiet. Pereżempju r-“Rapport Dinji tal-Bliet u l-Gvernijiet Lokali Magħquda favur id-Deċentralizzazzjoni u d-Demokrazija Lokali” li jiddeskrivi s-sitwazzjoni ġewwa l-pajjiżi msieħba tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran.

(2)  Pereżempju, il-fondi ta' kooperazzjoni interreġjonali, il-politika tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-kandidati għall-isħubija bħall-Kroazja u t-Turkija.

(3)  Pereżempju, il-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-programmi Komunitarji bħal Erasmus Mundus jew il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp; id-djalogu 5 + 5 bejn il-pajjiżi Mediterranji tal-Unjoni Ewropea u l-pajjizi tal-Magreb.


Top