EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IR0336

Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-intensifikar tal-ġlieda kontra t-terroriżmu: l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali

ĠU C 325, 19.12.2008, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 325/1


Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-intensifikar tal-ġlieda kontra t-terroriżmu: l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali

(2008/C 325/01)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI:

jaqbel bis-sħiħ li t-theddida globali tat-terroriżmu li qed niffaċċjaw hija theddida serja għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-komunità internazzjonali kollha kemm hi;

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ser ikunu ċentrali għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu. B'mod partikulari, dawn l-awtoritajiet ser imexxu l-element tal-Prevenzjoni u l-inizjattivi tal-ġejjieni kontra t-terroriżmu u d-deradikalizzazzjoni fl-Istati Membri;

jagħraf l-importanza tal-istrateġija tal-UE kontra r-radikalizzazzjoni li hija implimentata flimkien mal-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu, iżda jenfasizza li dawn l-istrateġiji għandhom iqisu l-implimentazzjoni lokalizzata, jużaw l-esperjenza u l-fehim lokali, jiżviluppaw qafas ċar għall-informazzjoni komunitarja u jipprovdu l-appoġġ u r-riżorsi għall-awtoritajiet lokali sabiex, fejn hemm bżonn, iwettqu proġetti kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti; jenfasizza li l-iżvilupp ta' rwol ta' amministrazzjoni pubblika reġjonali u lokali fil-prevenzjoni tat-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni vjolenti għandu jitwettaq fi sħubija mal-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri;

jirrakkomanda li fl-Istati Membri ssir konsultazzjoni fil-livell lokali sabiex jiġi stabbilit fehim tad-diversi aspetti tal-esperjenzi u l-kunċetti tat-terroriżmu lokali u l-motivazzjonijiet għall-estremiżmu. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-konsultazzjoni u l-impenn jiftħu l-parteċipazzjoni għal dawk li s-soltu ma jkollhomx interazzjoni mad-demokrazija lokali;

jilqa' t-tieni evalwazzjoni bejn il-pari (peer review) tal-pjanijiet ta' ġestjoni tal-kriżi li qiegħda ssir bħalissa mill-Kummissjoni; madankollu, isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tassigura li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol sħiħ u attiv fir-reviżjoni;

isejjaħ lill-Unjoni sabiex tassigura li kull politika kontra t-terroriżmu jkollha konsiderazzjoni diretta għad-drittijiet tal-ugwaljanza u tal-bniedem u tassigura li l-interventi ma jirriżultawx f'esperjenza negattiva għal ċerti komunitajiet, li twassal għall-aljenazzjoni jew tħeġġeġ l-estremiżmu

Rapporteur

:

Lord Graham TOPE (UK/ALDE), Membru tal-muniċipju ta' Sutton, Londra, u tal-Awtorità tal-Pulizija Metropolitana (Metropolitan Police Authority)

Dokumenti ta' referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: L-intensifikar tal-ġlieda kontra t-terroriżmu

COM(2007) 649 finali

Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Qafas 2002/475/JHA tat-13.6.2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu

COM(2007) 650 finali

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-tisħiħ tal-element ta' “Prevenzjoni”

1.

jaqbel bis-sħiħ li t-theddida globali tat-terroriżmu li qed niffaċċjaw hija theddida serja għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-komunità internazzjonali kollha kemm hi;

2.

jagħraf li, inevitabbilment, l-attenzjoni ser tiffoka fuq it-terroriżmu ispirat mill-Al Qaeda u r-radikalizzazzjoni fil-komunitajiet tagħna lejn l-estremiżmu vjolenti; madankollu, ifakkar li ħafna atti ta' terroriżmu reċenti saru minn persuni li twieldu u trabbew fil-pajjiż fejn twettaq l-att jew f'xi pajjiż ieħor tal-UE, ħafna drabi bħala reazzjoni għas-sitwazzjoni interna tal-pajjiż fejn twettaq l-att, u jista' jkun li l-motivazzjoni prinċipali tagħhom ma kenitx ir-reliġjon. Madankollu, il-KtR jagħraf li t-theddida tat-terroriżmu ispirat mill-Al Qaeda llum hija kwistjoni ewlenija li qiegħda tiffaċċja l-UE fl-ambitu tas-sigurtà;

3.

huwa tal-fehma li l-ħidma tal-UE kontra t-terroriżmu għandha tiffoka fuq żewġ aspetti: (i) attakk dirett fuq l-attivitajiet terroristiċi; u (ii) azzjoni ta' prevenzjoni. Aktar ma l-ħoloq fil-katina tal-kawżi li jwasslu għall-attività terroristika jinħallu malajr, aktar aħjar. F'dan ir-rigward, ir-riċerka dwar il-kawżi u l-motivazzjoni li jwasslu lin-nies biex jappoġġjaw, jiffinanzjaw jew jieħdu sehem f' attivitajiet terroristiċi tista' tkun utli ħafna;

4.

huwa tal-fehma li l-fatturi reliġjużi marbuta mat-terrorizmu m'għandhomx jiġu injorati. Jeħtieġ li l-messaġġ li l-attività terroristika ma tista' tiġi ġġustifikata bl-ebda mod jixxerred aktar;

5.

għalhekk jemmen li l-UE għandha tieħu l-inizjattiva u tappoġġja miżuri maħsuba għat-tnaqqis tat-terroriżmu permezz tad-djalogu reliġjuż u kulturali;

6.

huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi li mhumiex imsieħba fl-UE hija strument importanti ħafna għall-prevenzjoni tat-terroriżmu. Għandhom jittieħdu passi biex tingħata spinta lill-istrateġiji għall-kooperazzjoni esterna ta' dan it-tip bl-għan kemm li jiġi promoss l-iskambju ta' informazzjoni kif ukoll li titħeġġeġ aktar il-kooperazzjoni prattika fi ħdan il-korpi tal-pulizija u fl-amministrazzjonijiet tad-dwana;

7.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ser ikunu ċentrali għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu. B'mod partikulari, dawn l-awtoritajiet, flimkien mal-imsieħba nazzjonali u reġjonali tal-infurzar tal-liġi li għandhom is-setgħa biex jipproteġu l-persuni u l-proprjetà, ser ikunu l-istrument li jimplimenta l-element tal-Prevenzjoni u l-inizjattivi tal-ġejjieni kontra t-terroriżmu u d-deradikalizzazzjoni fl-Istati Membri;

8.

jiġbed l-attenzjoni lejn il-progress konsiderevoli li sar fit-twettiq tat-tliet elementi l-oħra: il-Ħarsien, il-Prosekuzzjoni u r-Reazzjoni fl-Istati Membri minn meta twaqqfet il-leġiżlazzjoni qafas tal-2002. Barra minn hekk, jilqa' l-proposti fi ħdan l-inizjattiva attwali għall-intensifikar tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; għat-twaqqif ta' bażi legali għal xi aspetti tal-istrateġija kontra t-terroriżmu, inklużi l-kriminalizzazzjoni tat-taħriġ, ir-reklutaġġ terroristiku u l-provokazzjoni pubblika li twassal għal reati terroristiċi, il-prevenzjoni tal-użu tal-isplużivi minn terroristi u l-użu tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri tal-ajruplani fl-investigazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi, il-prevenzjoni u l-penalizzazzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll ir-rikonoxximent tal-ħtieġa għar-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġija sabiex din tikkontribwixxi għas-sorveljanza fl-Unjoni għall-protezzjoni taċ-ċittadini minn attakki terroristiċi;

9.

madankollu jistqarr li, għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-UE għandha tintensifika l-investiment fl-iżvilupp tal-element tal-Prevenzjoni fi sħubija mal-Istati Membri, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, flimkien mal-korpi ta' infurzar tal-liġi li jiddependu minnhom. Il-prevenzjoni tat-terroriżmu u tal-estremiżmu vjolenti ma tistax tinkiseb bil-mezzi leġiżlattivi u l-infurzar waħedhom. Barra minn hekk, il-miżuri punittivi waħedhom mhux ser ikunu effettivi u l-isforzi għandhom jiffukaw fuq l-għoti ta' prospetti pożittivi u post fis-soċjetà lill-persuni li huma partikularment suxxettibbli għar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ tat-terroriżmu;

10.

jemmen li approċċ essenzjali sabiex jiġi indirizzat it-terroriżmu jikkonsisti mill-prevenzjoni bbażata fuq il-ġlieda kontra l-fatturi li huma marbutin mill-qrib ma' u li jħeġġu r-radikalizzazzjoni u li jistgħu jwasslu għat-terroriżmu;

11.

jirrikonoxxi li t-terroriżmu huwa ħafna drabi ta' natura u ispirazzjoni globali. Madankollu, jistqarr li l-impatt tat-terroriżmu huwa esperjenzat direttament miċ-ċittadini u l-komunitajiet b'mod reali u individwali. Dawk li qegħdin jippjanaw u jappoġġjaw reati ta' estremiżmu vjolenti jgħixu u jaġixxu b'mod ħieles fil-komunitajiet tagħna, jagħmlu użu u jinteraġixxu mal-provvedituri ta' servizzi lokali, id-demokrazija lokali u n-nies lokali bħala ċittadini ħielsa. Għaldaqstant, b'riżultat tal-esperjenzi miksuba madwar l-UE, l-Istati Membri jagħrfu l-bżonn li janalizzaw bis-sħiħ, jiċċaraw u jindirizzaw ir-raġunijiet u l-proċessi li jwasslu liċ-ċittadini Ewropej biex jaqbdu t-triq tal-estremiżmu vjolenti u jissieħbu fil-moviment tal-Al Qaeda;

12.

jemmen li l-indirizzar tar-radikalizzazzjoni jeħtieġ azzjoni mmirata fil-livell lokali. Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma eqreb tal-gruppi suxxettibbli, huwa importanti, b'mod partikulari biex jassigura li l-persuni residenti fl-UE jkunu integrati soċjalment bl-aqwa mod possibbli, mingħajr diskriminazzjoni u f'kundizzjonijiet ta' paċi u demokrazija;

13.

ifakkar li fl-2003 il-Kungress tal-Kunsill tal-Ewropa adotta rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

Pjan ta' Azzjoni: ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali

14.

jilqa' l-isforzi li saru mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq l-element tal-Prevenzjoni tal-istrateġija kontra t-terroriżmu u jilqa' l-pjanijiet għall-pubblikazzjoni ta' Komunikazzjoni dwar il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti fl-2008. Madankollu, jinnota li l-Prevenzjoni hija bidla kulturali sinifikanti għall-aġenziji kontra t-terroriżmu u teħtieġ l-għarfien, l-esperjenza u l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

15.

jilqa' l-inizjattiva tal-UE li tiddikjara l-2008 bħala s-Sena Ewropea għad-Djalogu Interkulturali, billi dan huwa mod eċċellenti sabiex jitħeġġeġ id-djalogu effettiv, it-tolleranza u l-fehim bejn kulturi u twemmin differenti;

16.

jenfasizza li l-iżvilupp ta' rwol ta' amministrazzjoni pubblika reġjonali u lokali fil-prevenzjoni tat-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni vjolenti għandu jitwettaq fi sħubija mal-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri. Għalhekk jirrakkomanda li titwaqqaf sistema ta' netwerks ta' awtoritajiet lokali u reġjonali f'kull Stat Membru fi sħubija mal-gvernijiet nazzjonali, il-pulizija (bil-parteċipazzjoni tal-korpi reġjonali b'poteri esklużivi fil-qasam tal-ħarsien tal-persuni u l-proprjetà) u l-komunitajiet lokali sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-prattika t-tajba fir-rigward tal-integrazzjoni soċjali, it-tagħlim professjonali u l-fehim tal-estremiżmu vjolenti li jinbet fid-distretti u nħawi lokali;

17.

jirrakkomanda li l-konsultazzjoni fil-livell lokali titwettaq fl-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit fehim tad-diversi aspetti tal-esperjenzi u l-kunċetti tat-terroriżmu lokali u l-motivazzjonijiet għall-estremiżmu. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-konsultazzjoni u l-impenn jiftħu l-parteċipazzjoni għal dawk li normalment ma jkollhomx interazzjoni mad-demokrazija lokali;

18.

għandu l-intenzjoni li jżid ma' din l-opinjoni billi jappoġġja lill-Kummissjoni u lill-Koordinatur għall-azzjoni kontra t-terroriżmu fit-tfassil ta' gwida prattika li tinkorpora l-aħjar prattika miż-żoni li jwettqu l-proġetti ta' impenn u sħubija kontra r-radikalizzazzjoni;

19.

jirrakkomanda li l-KtR jorganizza avveniment annwali għall-iffaċilitar tat-tagħlim strateġiku permezz tal-iskambju tal-esperjenzi bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fuq livell pan-Ewropew u li jipprovdi appoġġ għall-iżvilupp addizzjonali ta' interventi lokali għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u t-toroq li jwasslu għall-estremiżmu vjolenti;

Implimentazzjoni

Nitgħallmu mill-impenn u l-ħidma fi sħubija

20.

jagħraf l-importanza tal-istrateġija tal-UE kontra r-radikalizzazzjoni li hija implimentata flimkien mal-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu, iżda jenfasizza li dawn l-istrateġiji għandhom iqisu l-implimentazzjoni lokalizzata, jużaw l-esperjenza u l-fehim lokali, jiżviluppaw qafas ċar għall-informazzjoni komunitarja u jipprovdu l-appoġġ u r-riżorsi għall-awtoritajiet lokali sabiex, fejn hemm bżonn, iwettqu proġetti kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti;

21.

jirrakkomanda l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Prüm dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu;

Informazzjoni komunitarja

22.

isejjaħ lill-Istati Membri u lill-pulizija sabiex jiżviluppaw sistemi ċari u sikuri għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-imsieħba lokali u reġjonali (li jinkludu unitajiet tal-pulizija lokali u reġjonali) mal-unitajiet kontra t-terroristi u kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti;

23.

jenfasizza li s-sistemi għall-ġbir tal-informazzjoni komunitarja għandhom iqisu b'mod ċar l-implikazzjonijiet għas-sigurtà, il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini fl-iskambju ta' kull informazzjoni bejn l-imsieħba lokali u l-pulizija. Iċ-ċittadini għandhom jingħataw il-possibbiltà li jinfurmaw lill-awtoritajiet muniċipali u lill-pulizija b'mod anonimu b'attakki terroristiċi potenzjali;

24.

barra minn hekk, jikkunsidra li huwa essenzjali li r-rwol preċiż tal-pulizija, l-aġenziji tal-pulizija u l-awtoritajiet lokali fl-ambitu tal-informazzjoni komunitarja jkun definit b'mod ċar; li jiġu stabbiliti sistemi għall-provvista ta' msieħba lokali u reġjonali bl-assigurazzjoni li l-parteċipazzjoni ma tkunx ta' ħsara għar-relazzjonijiet komunitarji; li s-sorsi ta' informazzjoni jkunu mħarsa u li l-imsieħba li mhumiex pulizija jkollhom rwol volontarju supplimentari;

25.

jipproponi li l-linji gwida jitfasslu mill-Unjoni Ewropea sabiex ikun hemm appoġġ għall-iżvilupp tal-iskambju tal-informazzjoni u jiġi assigurat li s-sistemi jkunu sodi, ġusti u sikuri;

Il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni

26.

isejjaħ lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw lill-awtoritajiet lokali biex jistabbilixxu relazzjonijiet ta' ħidma iktar sodi mal-pulizija (inklużi l-korpi nazzjonali kif ukoll dawk reġjonali) u l-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali bil-għan li jwettqu proġetti kontra r-radikalizzazzjoni; u li jitwaqqfu u jiġu identifikati proġetti bbażati fuq informazzjoni ċara mħejjija permezz tal-informazzjoni tal-pulizija u l-għarfien u l-esperjenzi lokali u reġjonali;

27.

jissuġġerixxi li jingħata appoġġ lid-djalogu interkulturali u lit-twaqqif ta' pjanijiet ta' integrazzjoni soċjali fil-livell lokali, sabiex jiġu evitati r-radikalizzazzjoni u l-użu tal-forza;

28.

jagħraf li r-riżorsi użati mill-Istati Membri ser ivarjaw skont ix-xena tal-informazzjoni. Madankollu, jenfasizza li r-rabtiet mal-komunitajiet għadhom meħtieġa sabiex tiġi analizzata l-effikaċja tal-proġetti attwali, tinbena relazzjoni fit-tul bejn iċ-ċittadini, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-gvernijiet fl-ambitu tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, u sabiex jiġu kkunsidrati l-bidliet fil-fehmiet u d-demografija. Għaldaqstant, l-enfasi tar-riżorsi u l-proġetti għandha tiġi adattata skont dawn il-kunsiderazzjonijiet;

29.

jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiżviluppaw proġetti mal-komunitajiet sabiex ixekklu l-ideoloġija tal-estremiżmu vjolenti u jappoġġjaw l-ideoloġija tradizzjonali. Proġetti bħal dawn għandhom jiġu appoġġjati minn parir professjonali sod u għandhom jiġu evalwati b'mod indipendenti sabiex tiġi analizzata l-effikaċja tagħhom. Għaldaqstant, il-KtR jipproponi li l-Istati Membri u l-korpi lokali u reġjonali flimkien jidentifikaw mexxejja aċċettati fil-komunità sabiex titnaqqas il-kredibilità tal-elementi vjolenti radikali u jiġu appoġġjati messaġġi kredibbli bħala alternattiva għal dawk ta' dawn l-estremisti;

30.

jinnota l-fenomenu magħruf li t-terroriżmu jsib art għammiela fejn in-nies ikunu diżappuntati bis-soċjetà u jħossu li huma esklużi u li m'għandhom l-ebda poter. F'soċjetà demokratika li taħdem tajjeb, hemm inqas riskju li l-ideat terroristiċi u n-netwerks terroristiċi jrabbu l-għeruq u jikbru. Għalhekk, il-KtR jemmen li huwa importanti ħafna li l-promozzjoni tad-demokrazija u tar-rispett tad-drittijiet ċivili u politiċi tkun element prinċipali ta' kwalunkwe azzjoni kontra t-terroriżmu;

31.

jagħraf li t-terminoloġija hija kwistjoni kumplessa u sensittiva, li teħtieġ għarfien u riċerka konsiderevoli min-naħa ta' dawk inkarigati mill-ġestjoni tal-inizjattivi kontra r-radikalizzazzjoni;

32.

jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali jappoġġjaw lill-istituzzjonijiet lokali vulnerabbli bħall-iskejjel, iċ-ċentri tal-edukazzjoni kontinwa, l-universitajiet, il-moskej u l-istituzzjonijiet reliġjużi, sabiex jiġu identifikati l-attivitajiet tar-radikalizzazzjoni vjolenti fil-post tat-tagħlim, bil-għan li r-“radikalizzaturi” jitwaqqfu u li dawk li huma vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni vjolenti jiġu megħjuna biex ma jagħtux widen lill-messaġġi estremisti billi jiġu pprovduti b'alternattivi pożittivi u konvinċenti;

33.

jirrakkomanda li l-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mas-servizzi tal-ħabs u tal- probazzjoni/riabilitazzjoni sabiex jidentifikaw, ifixklu u jiskoraġġixxu r-“radikalizzaturi” vjolenti li qegħdin jinżammu fid-detenzjoni;

34.

jemmen li t-twettiq ta' proġetti bħal dawn għandu jiġi kkoordinat fil-livell reġjonali mal-pulizija u l-aġenziji tal-pulizija u għandu jiġi ssorveljat mill-awtoritajiet lokali u reġjonali jew l-ekwivalenti tagħhom, li imbagħad iħejju rapport għall-awtorità ċentrali sabiex jiġi evalwat l-iżvilupp;

35.

jikkunsidra li sabiex jiġu appoġġjati proġetti bħal dawn, huwa essenzjali li l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-pulizija jiżviluppaw in-netwerks tal-UE — li jinkludu l-unitajiet tal-pulizija dipendenti mir-reġjuni b'kompetenzi fil-ħarsien tal-persuni u tal-proprjetà jew unitajiet ta' azzjoni kontra l-attività terroristika — bil-għan li jiġu stabbiliti l-aħjar prattiki, il-linji gwida, l-appoġġ u t-taħriġ għal dawk inkarigati mit-twettiq fil-livell lokali;

L-impenn u t-tmexxija ċivika

36.

jagħraf li r-rwol tat-tmexxija tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa essenzjali għat-twettiq tal-prevenzjoni tal-istrateġiji tat-terroriżmu fl-Istati Membri;

37.

jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jsaħħu r-reżistenza tal-komunità kontra l-estremisti vjolenti permezz ta' tmexxija qawwija. Għaldaqstant, jirrakkomanda li l-awtoritajiet għandhom ifittxu li:

juru l-valuri komuni fil-komunitajiet lokali, jaħdmu mal-gruppi, is-sħubijiet u l-mexxejja komunitarji sabiex jibnu l-koeżjoni komunitarja;

jiffaċilitaw mezzi li jwieġbu, jew jagħrfu u jindirizzaw, l-ilmenti li jistgħu jwasslu għall-aljenazzjoni u l-motivazzjonijiet għall-estremiżmu vjolenti;

jindirizzaw b'mod effettiv il-kriminalità tal-mibegħda billi jaħdmu mill-qrib mal-pulizija u mal-proġetti ta' appoġġ komunitarju;

jipprovdu rwol ta' medjazzjoni komunitarja waqt azzjonijiet ta' sigurtà;

jipprovdu l-appoġġ u l-parir lill-gruppi u l-organizzazzjonijiet komunitarji li jaħdmu sabiex jisfidaw l-ideoloġija tal-vjolenza estremista;

38.

jemmen li servizz tal-pulizija trasparenti u responsabbli huwa fundamentali għall-iżvilupp tal-kunfidenza u l-fiduċja fil-pulizija tal-antiterroriżmu u l-appoġġ pubbliku għall-operazzjonijiet kontra t-terroristi u interventi nazzjonali u lokali kontra l-estremiżmu vjolenti. Għaldaqstant, il-KtR jipproponi li kemm l-Istati Membri kif ukoll l-awtoritajiet reġjonali b'kompetenza fis-sigurtà u l-ħarsien tal-persuni u l-proprjetà li għandhom unitajiet speċjalizzati fil-ġlieda kontra t-terroriżmu jikkunsidraw mezzi li bihom tista' tissaħħaħ ir-responsabbiltà lokali tal-pulizija, billi jfittxu l-appoġġ u t-tagħlim mill-imsieħba Ewropej u internazzjonali fejn dan ikun xieraq;

39.

isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tipproponi mezzi li bihom tista' tappoġġja lill-Istati Membri sabiex janalizzaw kif il-pulizija tal-antiterroriżmu jistgħu jiġu integrati fis-servizz tal-pulizija u b'hekk jiġi ffaċilitat it-tagħlim bejn l-Istati Membri u l-forzi fejn dan ikun xieraq;

40.

jagħraf l-importanza ta' servizz tal-pulizija li jirrifletti d-diversità tal-popolazzjoni għall-iżvilupp tal-fiduċja u l-kunfidenza u għall-ftuħ ta' mezzi ta' komunikazzjoni pożittivi bejn il-pulizija u l-pubbliku. Għaldaqstant, il-KtR jemmen li d-diskussjonijiet pożittivi għall-promozzjoni tad-diversità u l-ugwaljanza tal-opportunitajiet fil-pulizija għandhom jiġu ffaċilitati fil-livell lokali fl-Istati Membri kollha;

Il-livell ta' tħejjija u l-kontinġenzi ċivili

41.

jilqa' t-tieni evalwazzjoni bejn il-pari (peer review) tal-pjanijiet ta' ġestjoni tal-kriżi li qegħdin jitwettqu bħalissa mill-Kummissjoni;

42.

madankollu, isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tassigura li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol sħiħ u attiv fir-reviżjoni. Fid-dawl tar-riżultat tal-analiżi tal-bombi ta' Londra ta' Lulju 2005, il-Kummissjoni għandha tassigura li tiġi stabbilita, b'mod urġenti, diviżjoni ċara tar-responsabbiltà u l-ġerarkija tal-kmand bejn id-diversi aġenziji u korpi inkarigati mit-tħejjija tal-pjanijiet ta' kontinġenza u li jipprovdu s-servizzi ta' emerġenza;

43.

jappoġġja bis-sħiħ it-twaqqif ta' netwerks ta' assoċjazzjonijiet li jipprovdu l-appoġġ għall-vittmi tal-attakki terroristiċi u jagħraf ir-rwol tal-KtR fl-iffaċilitar tal-iskambju ta' għarfien bejn l-Istati Membri.

44.

jilqa' l-pjanijiet għall-provvista ta' appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi li jgħinu lill-pulizija madwar l-Unjoni biex iħarsu liċ-ċittadini minn attakki terroristiċi; isejjaħ lill-Unjoni sabiex tappoġġja s-soluzzjonijiet teknoloġiċi fl-erba' elementi. F'dan il-kuntest l-Internet għandu jsir post ostili għall-estremisti; dan huwa eżempju ta' kif l-iżviluppi jistgħu jmorru lil hinn mill-qasam tal-infurzar tal-liġi. Għaldaqstant, il-KtR isejjaħ lill-Istati Membri sabiex jipprovdu r-riżorsi adattati għal proġetti ta' żvilupp bħal dawn;

45.

isejjaħ lill-Istati Membri sabiex iwaqqfu mekkaniżmi ta' koordinazzjoni b'konformità mal-poteri ta' infurzar tal-liġi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex, fil-limiti tal-kompetenza tagħhom, ikunu jistgħu jassiguraw is-sigurtà pubblika f'postijiet iffullati, partikularment fir-rigward tal-użu tal-ippjanar urban fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

46.

isejjaħ lill-Unjoni sabiex tassigura li kull politika kontra t-terroriżmu jkollha konsiderazzjoni diretta għad-drittijiet tal-ugwaljanza u tal-bniedem u tassigura li l-interventi ma jirriżultawx f'esperjenza negattiva għal ċerti komunitajiet, li twassal għall-aljenazzjoni jew tħeġġeġ l-estremiżmu.

Brussell, it-8 ta' Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


Top