EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AE1452

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta' sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) COM(2007) 480 finali — 2007/0174 (COD)

ĠU C 44, 16.2.2008, p. 50–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/50


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta' sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS)”

COM(2007) 480 finali — 2007/0174 (COD)

(2008/C 44/13)

Nhar is-7 ta' Settembru 2005, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta' sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS).

Nhar il-25 ta' Settembru 2007 is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni ġiet inkarigata mill-Bureau tal-Kumitat sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

Minħabba l-urġenza ta' din il-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħatar lis-Sur Opran bħala rapporteur ġenerali fl-439 sessjoni plenarju tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta tal-25 ta' Ottubru), u adotta din l-opinjoni b' 119-il vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE japprova l-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta' sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) u jirrakkomanda l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tagħha minnufih.

1.2.

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-objettiv prijoritarju tal-proposta għal deċiżjoni mressqa għal dibattitu hekk kif ġiet ifformolata fit-Titolu 1, Artikolu 1(1): il-ħolqien ta' proċedura Komunitarja għall-għażla komuni ta' l-operaturi ta' sistemi mobbli permezz tas-satellita u […] għall-awtorizzazzjoni kkoordinata mill-Istati Membri.

1.3.

Il-KESE jemmen li l-adozzjoni immedjata ta' din id-deċiżjoni hija meħtieġa minħabba:

a.

il-kapaċità naturali li għandhom is-sistemi ta' komunikazzjoni bis-satellita biex ikopru reġjuni kbar ta' l-Ewropa u bosta Stati Membri ta' l-Unjoni simultanjament,

b.

in-numru relattivament limitat tal-frekwenzi tar-radju disponibbli għal dan it-tip ta' komunikazzjoni,

c.

is-soluzzjonijiet diverġenti li huma fis-seħħ attwalment fil-livell ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' l-għażla u l-awtorizzazzjoni,

d.

l-effikaċja attwalment imnaqqsa tal-frekwenzi tar-radju disponibbli.

1.4.

Il-KESE jenfasizza l-fatt li t-twettiq u l-użu ta' sistemi ta' komunikazzjoni bis-satellita jikkostitwixxu, minħabba d-daqs tat-territorju kopert, inizjattiva essenzjali li tassigura l-espansjoni ta' l-industrija spazjali Ewropea u l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet speċifiċi tas-settur tal-komunikazzjoni u li tmur id f'id ma' l-istrateġija ta' Lisbona ta' promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikulari għaliex tikkontribwixxi direttament għall-ħolqien ta' xogħlijiet ġodda fil-kuntest ta' kompetittività ikbar.

1.5.

Il-Kumitat jinnota bi pjaċir l-eżistenza, fil-livell Ewropew, ta' tagħmir tekniku sinifikanti f'dan il-qasam, fatt li jappoġġja l-proposta kkonċernata. Fil-fatt, tlieta mill-ikbar operaturi ta' sistemi ta' satellita fid-dinja huma Ewropej u l-komunikazzjonijiet bis-satellita jirrappreżentaw 40 % tad-dħul attwali tas-settur spazjali Ewropew.

1.6.

Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-kunsens tal-Kummissjoni fil-qafas tal-promozzjoni ta' din il-proposta li minkejja li għandha fil-fażi bikrija ta' proġett diġà għandha l-appoġġ tal-partijiet kollha li ġew ikkonsultati: is-settur tas-satelliti, l-operaturi tan-netwerks u t-telekomunikazzjonijiet, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mir-regolamentazzjoni fl-Istati Membri.

1.7.

Fl-istess ħin, il-Kumitat iqis li d-deċiżjoni, fil-verżjoni finali tagħha li qiegħda tiġi eżaminata bħalissa, tiġbor fiha b'mod bilanċjat l-opinjonijiet diverġenti espressi matul il-proċess ta' konsultazzjoni. Dawn jinkludu b'mod partikulari l-metodi u l-kriterji ta' għażla, il-bżonn li tittejjeb il-flessibbiltà fil-livell nazzjonali — minn banda fir-rigward taż-żmien neċessarju għall-ksib ta' l-awtorizzazzjoni u mill-banda l-oħra fir-rigward tal-perijodu ta' validità ta' din l-awtorizzazzjoni — u koordinazzjoni iktar dettaljata tal-proċeduri nazzjonali għall-awtorizzazzjoni.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda li d-deċiżjoni tiġi adottata hekk kif ġiet proposta. Fir-rigward tal-metodoloġija għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni, ikun utli li tiġi definita regolamentazzjoni li tħares l-interessi privati taċ-ċittadini u tassigura r-rispett tal-ħajja privata ta' l-utenti tat-tagħmir finali tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita.

2.   Introduzzjoni

2.1

It-tħejjija u t-twettiq ta' sistema pan-Ewropea ta' komunikazzjoni bis-satellita jikkostitwixxu bażi alternattiva u innovattiva għal diversi servizzi ta' dan it-tip ta' telekomunikazzjoni u ta' broadcasting/multicasting, mingħajr rabta ma' fejn jinsabu l-utenti finali, u għas-servizzi bħall-aċċess għall-Internet/Intranet ta' veloċità għolja, is-servizzi multimedja mobbli, il-protezzjoni ċivili, il-ġestjoni ta' kriżi non-militari (id-diżastri naturali u umanitarji), il-garanzija tas-sigurtà u ta' l-ordni interna, l-applikazzjonijiet bħall-ġestjoni tal-flotot (fleet management), l-assistenza medika mill-bogħod, eċċ.

2.2

Is-sistema hija maħsuba b'tali mod li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' suq intern, it-titjib tal-kompetittività permezz taż-żjieda fid-disponibbiltà tas-servizzi pan-Ewropej u l-promozzjoni ta' l-investimenti effikaċi, fuq kollox bis-saħħa ta' l-introduzzjoni ta' servizzi innovattivi mmirati lejn il-kopertura u l-provvista tal-kapaċità ta' komunikazzjoni fiż-żoni terrestri fil-periferija u ż-żona marittima.

2.3

Il-ħolqien ta' proċedura Komunitarja għall-għażla ta' l-operaturi ta' sistemi mobbli permezz tas-satellita u l-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni kkoordinata fil-livell nazzjonali ta' l-operaturi magħżula huma neċessarji fuq kollox fil-każ tas-sistemi pan-Ewropej. Bis-saħħa ta' l-armonizzazzjoni tal-kriterji ta' għażla għas-sistemi mobbli ta' komunikazzjoni bis-satellita huwa possibbli li f'dan il-qasam tiġi applikata politika komuni fil-livell Ewropew. Hemm ir-riskju li l-għażla mill-Istati Membri ta' operaturi differenti ta' sistemi mobbli ta' komunikazzjoni, li jużaw satelliti differenti, toħloq kampi ta' perturbazzjoni kumplessi minħabba l-interferenzi, jew li saħansitra tipperikola l-ħidma tas-sistema b'mod ġenerali jekk operatur jingħata frekwenzi tar-radju differenti f'kull Stat Membru fejn huwa jopera. Dan it-theddid potenzjali huwa r-raġuni għaliex, sabiex tiġi assigurata koerenza fl-approċċ tad-diversi Stati Membri fil-qasam ta' l-awtorizzazzjoni, huwa essenzjali li jiġu definiti dispożizzjonijiet Komunitarji għall-allokazzjoni sinkronizzata tal-frekwenzi tar-radju u l-kondizzjonijiet armonizzati ta' awtorizzazzjoni, mingħajr ħsara għall-kondizzjonijiet nazzjonali partikulari li huma kompatibbli mal-liġi Komunitarja.

2.4

Il-komunikazzjonijiet bis-satellita, li jirrappreżentaw element essenzjali tas-suq intern, jaqbżu l-fruntieri nazzjonali u għalhekk huma soġġetti għar-regolamentazzjoni internazzjonali, u jikkontribwixxu b'mod importanti għat-twettiq ta' ċerti objettivi ta' l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' l-espansjoni taż-żona ġeografika koperta mill-ispektrum fuq medda kbira.

3.   Proposta tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill

3.1.

Id-deċiżjoni proposta fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95 tat-Trattat għandha tipprovdi qafas ġuridiku għall-għażla u l-awtorizzazzjoni tas-servizzi ta' komunikazzjoni mobbli permezz tas-satellita. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed b'konsistenza ma' l-għanijiet ġenerali u skond il-proċedura ta' għażla komparattiva deskritta fil-proposta. Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet, għandha tkun involuta fit-teħid ta' din id-deċiżjoni. L-awtorizzazzjoni (drittijiet għall-użu ta' l-ispektrum tar-radju) ta' l-operaturi magħżula għandha tingħata fuq skala nazzjonali, u tkun soġġetta wkoll għal sett minimu ta' kundizzjonijiet armonizzati li jkun stipulat fil-proposta.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-Kummissjoni tipproponi l-implimentazzjoni ta' deċiżjoni li tqis l-evalwazzjoni ta' l-aspetti li ġejjin:

l-operaturi ta' sistemi mobbli permezz tas-satellita għandhom jintgħażlu permezz ta' proċedura Komunitarja;

l-operaturi magħżula ta' sistemi mobbli permezz tas-satellita għandhom jirċievu l-awtorizzazzjoni mill-Istati Membri;

l-operaturi magħżula tal-komponenti terrestri komplementari tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita għandhom jirċievu l-awtorizzazzjoni mill-Istati Membri;

4.2.

Il-KESE jqis li l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta' l-ewwel żewġ jew tliet operaturi tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita, provvedituri tas-servizzi pan-Ewropej fil-medda ta' frekwenza ta' 2 GHz, għandhom jiġu kkompletati sa l-aħħar ta' l-2008 jew il-bidu ta' l-2009.

4.3.

Il-Kumitat jikkunsidra li d-data ta' għeluq għat-tħaddim tas-servizzi pan-Ewropej għall-individwi u l-kumpaniji u dik għas-servizzi mobbli permezz tas-satallita — inklużi l-aċċess għall-Internet ta' veloċità għolja, is-servizzi mobbli tal-multimedja, il-protezzjoni ċivili, is-sigurtà interna u d-difiża — m'għandhiex tmur lil hinn mill-ewwel tliet xhur ta' l-2011.

4.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-finalizzazzjoni tax-xogħlijiet ta' tħejjija għat-tħaddim tas-sistemi Ewropej ta' pożizzjonament globali bis-satellita għandha tkun prijorità assoluta tal-Kummissjoni.

4.4.1

Il-Kumitat jinnota b'dispjaċir li f'dan is-settur essenzjali, il-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita Galileo u Egnos huma 5 snin lura fir-rigward ta' l-aġenda stabbilita inizjalment u qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' ħafna diffikultajiet kbar li jeħtieġu azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni sabiex jinstabu soluzzjonijiet għas-sitwazzjoni ta' blukkaġġ attwali.

4.4.2

In-numru ta' attivitajiet ekonomiċi moderni li jużaw id-data ta' pożizzjonament marbuta ma' l-użu ta' bażi temporali ta' preċiżjoni għolja dejjem qiegħed jiżdied.

4.4.3

Il-Kumitat ifakkar li l-ikkompletar tas-sistema ta' navigazzjoni bis-satellita Galileo ser tkun determinanti għall-implimentazzjoni ta' għadd kbir ta' politiki Komunitarji f'oqsma differenti bħall-ġestjoni tat-trasport, it-trasport ta' sustanzi perikolużi, is-servizzi ta' emerġenza, in-navigazzjoni marittima u interna, it-trasport bl-ajru, il-protezzjoni ċivili u l-missjonijiet umanitarji, l-agrikoltura, is-sajd u l-ambjent, il-problemi relatati mad-difiża u s-sigurtà interna, u wkoll sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà ta' l-iskambji fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u bankarji.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Din il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta' sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita tinkludi fit-Titolu I “Għan, Ambitu u Definizzjonijiet”, Titolu II “Il-Proċedura ta' l-Għażla” u Titolu III “Awtorizzazzjoni”, proposti għal proċeduri u attivitajiet partikulari mmirati lejn l-objettiv tal-proġett.

5.2.

Il-KESE jirrakkomanda li d-deċiżjoni tiġi adottata hekk kif ġiet proposta. Fl-istess ħin għandhom jiġu definiti proċeduri għall-allokazzjoni primarja tal-frekwenzi tar-radju użati mis-servizzi mobbli permezz tas-satellita fir-reġjuni ġeografiċi fejn hemm koeżistenza ta' sistemi ta' komunikazzjoni differenti li jiġġeneraw interferenzi noċivi.

5.3.

Il-Kumitat jikkunsidra li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (2007/98/KE) ta' l-14 ta' Frar 2007 dwar l-użu armonizzat ta' l-ispektrum radju-elettriku fil-meded ta' frekwenza ta' 2 GHz għall-implimentazzjoni ta' sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-twettiq ta' l-għanijiet tad-dokument li qiegħed jiġi eżaminat, hekk kif huma definiti fl-Artikolu 1(1). F'dan ir-rigward, huwa xieraq li wieħed jikkompleta d-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni li jirreferu għall-obligazzjoni li l-Istati Membri joffru dawn il-meded ta' frekwenza lis-sistemi li jipprovdu s-servizzi mobbli permezz tas-satellita fil-Komunità mill-1 ta' Lulju 2007 'l quddiem u jispeċifikaw il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti sabiex ikun hemm monitoraġġ u evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' din il-miżura.

Brussell, il-25 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


Top