EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0471

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Jannar 2021.
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Esso Raffinage.
Appell – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH) – Artikoli 5 u 6 – Obbligu ġenerali ta’ reġistrazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Artikoli 41 u 42 – Valutazzjoni tal-fajls ta’ reġistrazzjoni u kontroll tal-konformità tal-informazzjoni sottomessa mir-reġistranti – Dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità – Att li jista’ jiġi kkontestat – Interess ġuridiku – Locus standi – Kompetenzi rispettivi tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u tal-awtoritajiet nazzjonali – Obbligu, għall-ECHA, li tikkontrolla l-konformità tal-informazzjoni addizzjonali sottomessa, fuq talba tagħha, mir-reġistranti – Setgħa tal-ECHA li tadotta deċiżjoni opportuna dwar dan – Artikolu 1 – Għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent – Artikoli 13 u 25 – Użu ta’ ttestjar fuq annimali – Promozzjoni ta’ metodi alternattivi.
Kawża C-471/18 P.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:48

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Jannar 2021 ( *1 )

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tal‑4 ta’ Marzu 2021]

“Appell – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH) – Artikoli 5 u 6 – Obbligu ġenerali ta’ reġistrazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Artikoli 41 u 42 – Valutazzjoni tal-fajls ta’ reġistrazzjoni u kontroll tal-konformità tal-informazzjoni sottomessa mir-reġistranti – Dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità – Att li jista’ jiġi kkontestat – Interess ġuridiku – Locus standi – Kompetenzi rispettivi tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u tal-awtoritajiet nazzjonali – Obbligu, għall-ECHA, li tikkontrolla l-konformità tal-informazzjoni addizzjonali sottomessa, fuq talba tagħha, mir-reġistranti – Setgħa tal-ECHA li tadotta deċiżjoni opportuna dwar dan – Artikolu 1 – Għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent – Artikoli 13 u 25 – Użu ta’ ttestjar fuq annimali – Promozzjoni ta’ metodi alternattivi”

Fil-Kawża C‑471/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑18 ta’ Lulju 2018,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata inizjalment minn T. Henze u D. Klebs, sussegwentement minn D. Klebs u J. Möller, bħala aġenti,

appellanti

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Esso Raffinage, stabbilita f’Courbevoie (Franza), irrappreżentata inizjalment minn H. Estreicher, Rechtsanwalt, u N. Navin‑Jones, solicitor, sussegwentement minn H. Estreicher, Rechtsanwalt, A. Kołtunowska, adwokat, K. Merten‑Lentz, avocate, u N. Navin‑Jones, solicitor, u fl-aħħar minn H. Estreicher, Rechtsanwalt, A. Kołtunowska, adwokat, u K. Merten-Lentz, avocate,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn W. Broere, C. Jacquet u M. Heikkilä, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn D. Colas, J. Traband u A.‑L. Desjonquères, sussegwentement minn E. Leclerc, J. Traband, W. Zemamta u A.‑L. Desjonquères, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman u M. L. Noort, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

[kif rettifikat permezz ta’ digriet tal‑4 ta’ Marzu 2021] European Coalition to End Animal Experiments, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn D. Thomas, solicitor,

Higher Olefins and Poly Alpha Olefins REACH Consortium, stabbilit fi Brussell (il-Belġju),

Higher Olefins & Poly Alpha Olefins vzw, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

irrappreżentati inizjalment minn E. Vermulst, advocaat, sussegwentement minn P. Kugel, advocaat,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, N. Wahl, F. Biltgen u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Mejju 2018, Esso Raffinage vs ECHA (T‑283/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:263), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat l-ittra tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), tal‑1 ta’ April 2015, indirizzata lill-ministère de l’Écologie, du Développement durable, des Transports et du Logement (il-Ministeru għall-Ekoloġija, għall-Iżvilupp Sostenibbli, għat-Trasport u għad-Djar, Franza) u intitolata “Dikjarazzjoni ta’ Nuqqas ta’ Konformità Sussegwentement għal Deċiżjoni ta’ Valutazzjoni tal-Fajl Skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006” (iktar ’il quddiem l-“ittra kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Il-premessi 15, 18 sa 20, 44, 47, 66, 121 u 122 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22, u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2019, L 117, p. 8, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1, fil-ĠU 2011, L 16, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”) jipprovdu:

“(15)

Hemm il-bżonn li jkun żgurat l-immaniġġar effettiv ta’ l-aspetti tekniċi, xjentifiċi u amministrattivi ta’ dan ir-Regolament fil-livell [tal-Unjoni Ewropea]. Għaldaqstant għandha tinħoloq entità ċentrali sabiex twettaq dan ir-rwol. Studju ta’ fattibbiltà dwar ir-rekwiżiti tar-riżorsi għal entità ċentrali kkonkluda li entità ċentrali indipendenti kienet toffri numru ta’ vantaġġi għall-perjodu fit-tul fuq l-għażliet l-oħra. Għandha għaldaqstant tiġi stabbilita Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-[ECHA]”).

[…]

(18)

Ir-responsabbiltà għall-immaniġġar tar-riskji tas-sustanzi għandha tkun fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jimmanifatturaw, jimportaw, iqiegħdu fis-suq jew jużaw dawn is-sustanzi. […]

(19)

Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tar-reġistrazzjoni jeħtieġu li l-manifatturi u l-importaturi jiġġeneraw data dwar is-sustanzi li huma jiffabrikaw jew jimportaw, li jużaw din id-data sabiex jagħmlu stima tar-riskji relatati ma’ dawn is-sustanzi u li jiżviluppaw u jirrakkomandaw miżuri adatti ta’ l-immaniġġar tar-riskji. Sabiex jiġi żgurat li huma fil-fatt jissodisfaw dawn l-obbligi, kif ukoll għal raġunijiet ta’ trasparenza, ir-reġistrazzjoni għandha teħtieġ li huma jippreżentaw dossier li jkun fih din l-informazzjoni kollha lill-[ECHA]. […]

(20)

Huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni jipprovdu għal segwitu tar-reġistrazzjoni, billi jippermettu kontrolli dwar jekk ir-reġistrazzjonijiet ikunux konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u jekk ikun meħtieġ billi jippermettu l-ġenerazzjoni ta’ aktar informazzjoni dwar il-proprjetajiet tas-sustanzi. Huwa meħtieġ li jekk l-[ECHA] f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri tikkonsidra li hemm raġunijiet sabiex sustanza tkun kunsidrata bħala waħda li tikkostitwixxi riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, l-Aġenzija tassigura, wara li tkun inkludiet is-sustanza fil-pjan ta’ azzjoni [tal-Unjoni] rikorrenti għall-valutazzjoni ta’ sustanzi, filwaqt li sserraħ fuq l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, li din is-sustanza tiġi valutata.

[…]

(44)

Sabiex tiġi provduta sistema armonizzata u sempliċi, ir-reġistrazzjonijiet kollha għandhom jiġu preżentati lill-[ECHA]. Sabiex ikun żgurat approċċ konsistenti u użu effiċjenti tar-riżorsi, din għandha twettaq kontroll tal-kompletezza fuq ir-reġistrazzjonijiet kollha u tieħu responsabbiltà għal kwalunkwe rifjut finali tar-reġistrazzjonijiet.

[…]

(47)

Skond id-Direttiva 86/609/KEE [tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 1986 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali użati għall-għanijiet sperimentali u għanijiet oħra xjentifiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 292)] huwa meħtieġ li jiġi sostitwit, imnaqqas jew perfezzjonat l-ittestjar fuq annimali vertebrati. L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tkun ibbażata fuq l-użu ta’ metodi ta’ ttestjar alternattivi li jkunu adatti għall-istima ta’ perikli għas-saħħa u għall-ambjent ta’ kimiki, kull meta jkun possibbli. L-użu ta’ annimali għandu jiġi evitat billi jsir użu ta’ metodi alternattivi validati mill-Kummissjoni [Ewropea] jew minn korpi internazzjonali, jew rikonoxxuti mill-Kummissjoni jew mill-[ECHA] bħala adegwati sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni skond dan ir-Regolament. […]

[…]

(66)

L-[ECHA] għandha jkollha wkoll is-setgħa li titlob aktar informazzjoni mill-manifatturi, mill-importaturi u mill-utenti ‘downstream’ dwar is-sustanzi suspettati li jkunu ta’ riskju għas-saħħa jew għall-ambjent, […] abbażi ta’ valutazzjonijiet li jkunu saru. Abbażi tal-kriterji għall-prijoritizzazzjoni tas-sustanzi żviluppati mill-[ECHA] f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri għandu jiġi stabbilit pjan ta’ azzjoni rikorrenti [tal-Unjoni] għall-valutazzjoni tas-sustanzi, ibbażat fuq il-valutazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri tas-sustanzi inklużi fih. […]

[…]

(121)

Sabiex tkun żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri effettivi ta’ monitoraġġ u kontroll. L-ispezzjonijiet neċessarji għandhom ikunu ppjanati, imwettqa u r-riżultati tagħhom għandhom ikunu rapportati.

(122)

Sabiex ikunu żgurati t-trasparenza, l-imparzjalità u l-konsistenza fil-livell ta’ l-attivitajiet ta’ l-infurzar mill-Istati Membri, jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu qafas xieraq għal sanzjonijiet bl-iskop li jiġu imposti sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u disważivi, peress li n-nuqqas ta’ konformità jista’ jirriżulta fi ħsara lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent.”

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament REACH, bit-titolu “Għan u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, inkluża l-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-istima ta’ perikli ta’ sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni.”

4

It-Titolu II tar-Regolament REACH, bit-titolu “Reġistrazzjoni ta’ sustanzi”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 5, 6, 13, 20 u 22 tiegħu.

5

Skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Ebda data, ebda suq”:

“Suġġett għall-Artikoli 6, 7, 21 u 23, is-sustanzi waħedhom, fi preparati jew f’oġġetti ma għandhomx jiġu manifatturati [fl-Unjoni] jew imqegħdin fis-suq sakemm ma jkunux ġew reġistrati skond id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dan it-Titolu fejn dan ikun meħtieġ.”

6

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Obbligu ġenerali sabiex ikunu reġistrati sustanzi waħedhom jew fi preparati”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ħlief fejn dan ir-Regolament jgħid mod ieħor, kull manifattur jew importatur ta’ sustanza, waħidha jew fi preparat wieħed jew aktar, fi kwantitajiet ta’ tunnellata metrika jew aktar kull sena għandu jippreżenta reġistrazzjoni lill-[ECHA].”

7

L-Artikolu 13 tal-istess regolament, bit-titolu “Rekwiżiti ġenerali għall-ġenerazzjoni ta’ informazzjon dwar il-proprjetajiet intrinsiċi ta’ sustanzi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Minbarra b’testijiet, l-informazzjoni dwar il-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi tista’ tiġi ġenerata permezz ta’ mezzi oħra, sakemm jintlaħqu l-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness XI. B’mod partikolari għat-tossiċità fir-rigward tal-bniedem, għandha tkun ġenerata informazzjoni kull meta jkun possibbli permezz ta’ mezzi diversi minn testijiet fuq l-annimali vertebrati, permezz ta’ l-użu ta’ metodi alternattivi, pereżempju metodi in vitro, jew ta’ mudelli tar-relazzjoni struttura‑attività kwalitattiva jew kwantitattiva jew minn informazzjoni minn sustanzi relatati strutturalment (raggruppament jew read‑across) […]”

8

Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament REACH, bit-titolu “Dmirijiet ta’ l-[ECHA]”:

“1.   L-[ECHA] għandha tassenja numru ta’ preżentazzjoni lil kull reġistrazzjoni […]

2.   L-[ECHA] għandha twettaq kontroll tal-kompletezza ta’ kull reġistrazzjoni sabiex tiżgura li l-elementi kollha meħtieġa […] ġew provduti. Il-kontroll tal-kompletezza ma għandux jinkludi valutazzjoni tal-kwalità jew adegwatezza ta’ kwalunkwe data jew ġustifikazzjoni mogħtija.

[…]

Jekk ir-reġistrazzjoni ma tkunx kompleta, l-[ECHA] għandha tavża lir-reġistrant […] rigward liema informazzjoni oħra tkun meħtieġa sabiex ir-reġistrazzjoni titlesta, filwaqt li tistabbilixxi terminu perentorju raġonevoli għal dan. Ir-reġistrant għandu jlesti r-reġistrazzjoni tiegħu u jibgħatha lill-[ECHA] fit-terminu perentorju stabbilit. L-[ECHA] […] għandha twettaq kontroll tal-kompletezza ulterjuri, filwaqt li tikkonsidra l-informazzjoni ulterjuri li tkun ingħatat.

L-[ECHA] Aġenzija għandha tiċħad ir-reġistrazzjoni jekk ir-reġistrant jonqos li jlesti r-reġistrazzjoni fit-terminu perentorju stabbilit. […]

3.   Ladarba r-reġistrazzjoni tkun kompletata, l-[ECHA] għandha tassenja numru ta’ reġistrazzjoni lis-sustanza konċernata […]

[…]

5.   Jista’ jitressaq appell, skond l-Artikoli 91, 92 u 93, mid-deċiżjonijiet ta’ l-Aġenzija taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

[…]”

9

L-Artikolu 22 tar-Regolament REACH, bit-titolu “Obbligi ulterjuri tar-reġistranti”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Reġistrant għandu jippreżenta lill-[ECHA] aġġornament tar-reġistrazzjoni li jkun fih l-informazzjoni meħtieġa mid-deċiżjoni li tkun saret skond l-Artikoli 40, 41 jew 46 […]

3.   L-[ECHA] għandha twettaq kontroll tal-kompletezza skond l-Artikolu 20(2) l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ kull reġistrazzjoni aġġornata. […]”

10

It-Titolu III tar-Regolament REACH, bit-titolu “Il-kondiviżjoni ta’ data u l-evitar ta’ ttestjar bla bżonn”, jibda bl-Artikolu 25, bit-titolu “Objettivi u regoli ġenerali”, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Sabiex ikun evitat l-ittestjar fuq l-annimali, l-ittestjar fuq annimali vertebrati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandu jsir biss meta ma jkunx hemm għażla oħra. […]”

11

It-Titolu VI tar-Regolament REACH, bit-titolu “Valutazzjoni”, fih erba’ kapitoli. Il-Kapitoli 1, 2 u 4, bit-titoli “Valutazzjoni tad-dossier”, “Valutazzjoni tas-sustanza” u “Dispożizzjonijiet komuni”, jinkludu, rispettivament, l-Artikoli 40 sa 43, 44 sa 48 u 50 sa 54 ta’ dan ir-regolament.

12

L-Artikolu 41 tar-Regolament REACH, bit-titolu “Kontroll tal-konformità tar-reġistrazzjonijiet” jipprevedi:

“1.   L-[ECHA] tista’ teżamina kwalunkwe reġistrazzjoni sabiex tivverifika xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

li l-informazzjoni fid-dossier jew dossiers tekniċi preżentata skond l-Artikolu 10 tikkonforma mar-rekwiżiti fl-Artikoli 10, 12 u 13 u ma’ l-Annessi III u VI sa X;

(b)

li l-adattamenti tar-rekwiżiti standard ta’ l-informazzjoni u l-ġustifikazzjonijiet relatati preżentati fid-dossier jew dossiers tekniċi jikkonformaw mar-regoli li jirregolaw tali adattamenti previsti fl-Annessi VII sa X u mar-regoli ġenerali disposti fl-Anness XI;

[…]

3.   Abbażi ta’ l-eżami li jsir skond il-paragrafu 1, l-[ECHA], fi żmien tnax‑il xahar mill-bidu tal-verifika ta’ konformità, tista’ tipprepara abbozz ta’ deċiżjoni li teżiġi li r-reġistrant jew reġistranti jagħtu kwalunkwe informazzjoni meħtieġa sabiex iġibu r-reġistrazzjoni jew reġistrazzjonijiet konformi mar-rekwiżiti relevanti ta’ informazzjoni u li tispeċifika termini perentorji adegwati għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni ulterjuri. Tali deċiżjoni għandha tittieħed skond il-proċedura prevista fl-Artikoli 50 u 51.

4.   Ir-reġistrant għandu jippreżenta l-informazzjoni meħtieġa lill-[ECHA] sa l-iskadenza tat-terminu perentorju stabbilit.

5.   Sabiex ikun żgurat li d-dossiers tar-reġistrazzjoni jikkonformaw ma[d-dispożizzjonijiet ta’] dan ir-Regolament, l-[ECHA] għandha tagħżel perċentwali ta’ dawk id-dossiers, mhux aktar baxx minn 5 % tat-total li l-[ECHA] tkun irċeviet […] għall-kontroll tal-konformità. […]

[…]”

13

L-Artikolu 42 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Il-verifika ta’ l-informazzjoni preżentata u s-segwitu tal-valutazzjoni tad-dossier”, jipprovdi:

“1.   L-[ECHA] għandha teżamina kwalunkwe informazzjoni preżentata bħala konsegwenza tad-deċiżjoni meħuda taħt l-Artikolu 40 jew l-Artikolu 41, u għandha tagħmel abbozz ta’ kwalunkwe deċiżjoni opportuna skond dawn l-Artikoli, jekk ikun meħtieġ.

2.   Meta l-valutazzjoni tad-dossier titlesta, l-[ECHA] għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri dwar l-informazzjoni miksuba u dwar kwalunkwe konklużjoni li tkun saret. […]”

14

L-Artikolu 45 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Awtorità kompetenti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-[ECHA] għandha tkun responsabbli sabiex tikkoordina l-proċess ta’ valutazzjoni tas-sustanza u tiżgura li s-sustanzi fil-pjan ta’ azzjoni [tal-Unjoni] rikorrenti jiġu valutati. Meta tagħmel dan, l-[ECHA] għandha tiddipendi fuq l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri. Fit-twettiq ta’ valutazzjoni ta’ sustanza, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaħtru korp ieħor sabiex jaġixxi għan-nom tagħhom.

2.   Stat Membru jista’ jagħżel sustanza jew sustanzi mill-abbozz ta’ pjan ta’ azzjoni [tal-Unjoni] rikorrenti, bil-ħsieb li jsir awtorità kompetenti […]

3.   F’każijiet fejn żewġ Stati Membri jew aktar ikunu esprimew interess fil-valutazzjoni ta’ l-istess sustanza u ma jistgħux jaqblu dwar min għandu jkun l-awtorità kompetenti, l-awtorità kompetenti għall-finijiet ta’ l-Artikoli 46, 47 u 48 għandha tiġi determinata skond il-proċedura li ġejja.

[…]

4.   L-awtorità kompetenti identifikata skond il-paragrafi 2 u 3 għandha tivvaluta s-sustanzi allokati skond dan il-Kapitolu.

[…]”

15

L-Artikolu 50 tal-istess regolament, bit-titolu “Id-drittijiet tar-reġistranti u ta’ l-utenti downstream”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-[ECHA] għandha tinnotifika kwalunkwe abbozz ta’ deċiżjoni taħt l-Artikoli 40, 41 jew 46 lir-reġistrant(i) jew lill-utent(i) ‘downstream’ konċernati, u tgħarrafhom dwar id-dritt tagħhom li jikkummentaw fi żmien 30 jum minn meta jirċevuha. Jekk ir-reġistrant(i) jew l-utent(i) ‘downstream’ konċernati jixtiequ jikkummentaw, għandhom jipprovdu l-kummenti tagħhom lill-[ECHA]. L-[ECHA] mbagħad għandha tinforma lill-awtorità kompetenti dwar il-preżentazzjoni tal-kummenti mingħajr dewmien. L-awtorità kompetenti (għal deċiżjonijiet meħuda taħt l-Artikolu 46) u l-[ECHA] (għal deċiżjonijiet meħuda taħt l-Artikoli 40 u 41) għandhom jikkunsidraw kwalunkwe kumment riċevut u jistgħu jemendaw l-abbozz ta’ deċiżjoni skond il-każ.”

16

Skont l-Artikolu 51 tar-Regolament REACH, bit-titolu “L-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ dossier”:

“1.   L-[ECHA] għandha tinnotifika l-abbozz tagħha ta’ deċiżjoni skond l-Artikoli 40 jew 41, flimkien mal-kummenti tar-reġistrant, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri.

2.   Fi żmien 30 jum miċ-ċirkolazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipproponu emendi għall-abbozz ta’ deċiżjoni lill-[ECHA].

3.   Jekk l-[ECHA] ma tirċievi ebda proposta, hija għandha tieħu d-deċiżjoni fil-verżjoni notifikata taħt il-paragrafu 1.

4.   Jekk l-[ECHA] tirċievi proposta għal emenda, hija tista’ timmodifika l-abbozz ta’ deċiżjoni. L-[ECHA] għandha tirriferi abbozz ta’ deċiżjoni, flimkien ma’ kwalunkwe emenda proposta, lill-Kumitat ta’ l-Istati Membri fi żmien ħmistax‑il jum mit-tmiem tal-perjodu ta’ 30 jum imsemmi fil-paragrafu 2.

[…]

6.   Jekk, fi żmien 60 jum mir-riferiment, il-Kumitat ta’ l-Istati Membri jilħaq ftehim unanimu dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni, l-[ECHA] għandha tieħu d-deċiżjoni skond il-każ.

7.   Jekk il-Kumitat ta’ l-Istati Membri ma jirnexxilux jasal għal ftehim unanimu, il-Kummissjoni għandha tipprepara abbozz ta’ deċiżjoni li għandha tittieħed […].

8.   Jista’ jitressaq appell, skond l-Artikoli 91, 92 u 93, mid-deċiżjonijiet ta’ l-[ECHA] skond il-paragrafi 3 u 6 ta’ dan l-Artikolu.”

17

It-Titolu X tar-Regolament REACH, bit-titolu “L-Aġenzija”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 75 u 77 tiegħu.

18

L-Artikolu 75 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Stabbiliment u reviżjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-ECHA hija stabbilita “għall-finijiet tal-ġestjoni u f’xi każijiet għat-twettiq ta’ l-aspetti tekniċi, xjentifiċi u amministrattivi ta’ [l-imsemmi] Regolament u sabiex tiġi żgurata konsistenza fil-livell [tal-Unjoni] fir-rigward ta’ dawn l-aspetti”.

19

L-Artikolu 77 tal-istess regolament, bit-titolu “Kompiti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu li l-ECHA “għandha tipprovdi lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] bl-aqwa parir xjentifiku u tekniku possibbli għal kwistjonijiet dwar sustanzi kimiċi li jaqgħu fl-ambitu tal-mandat tagħha u li jiġu riferiti lilha skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament”.

20

Ir-Regolament REACH iwaqqaf, fl-Artikolu 89 tiegħu, Bord tal-Appell fi ħdan l-ECHA, jipprevedi, fl-Artikolu 91 tiegħu, li ċerti kategoriji ta’ deċiżjonijiet tal-ECHA jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem dan il-bord tal-appell u jipprovdi, fl-Artikolu 94 tiegħu, li l-Qorti Ġenerali tista’ tiġi adita b’kontestazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Appell jew, fil-każ li ma jkunx jeżisti dritt ta’ appell quddiem dan il-bord, ta’ deċiżjoni tal-ECHA.

21

It-Titolu XIV tar-Regolament REACH, bit-titolu “Infurzar”, jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 125 u 126 tiegħu.

22

Skont l-Artikolu 125 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Kompiti ta’ l-Istati Membri”, l-Istati Membri “għandhom iżommu sistema ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet oħrajn kif xieraq għaċ-ċirkostanzi”.

23

L-Artikolu 126 tal-isemmi regolament, bit-titolu “Penali għan-nuqqas ta’ konformità”, jipprovdi, fl-ewwel żewġ sentenzi tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet dwar il-penali li japplikaw għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn ikunu implementati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

24

Il-fatti li wasslu għall-kawża, hekk kif ippreżentati fil-punti 1 sa 19 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu miġbura fil-qosor kif ġej.

25

F’data mhux ippreċiżata mill-Qorti Ġenerali, Esso Raffinage (iktar ’il quddiem “Esso”) ippreżentat lill-ECHA applikazzjoni għal reġistrazzjoni li tirrigwarda sustanza kimika li hija tipproduċi (iktar ’il quddiem is-“sustanza kimika inkwistjoni”). Sussegwentement ir-reġistrazzjoni ġiet iddikjarata kompleta skont l-Artikolu 20(3) tar-Regolament REACH.

26

Fid‑9 ta’ Lulju 2010, l-ECHA bdiet il-valutazzjoni tal-fajl li jikkorrispondi għal din ir-reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 41(1) tar-Regolament REACH, bil-għan li tikkontrolla l-konformità tal-informazzjoni li tinsab fih mar-rekwiżiti preskritti minn dan ir-regolament.

27

Fis-6 ta’ Novembru 2012, l-ECHA adottat, konformement mal-proċedura prevista fl-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament REACH, deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 41(3) ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2012”), li fiha hija kkonkludiet li parti mill-informazzjoni li tinsab f’dan il-fajl ta’ reġistrazzjoni ma kinitx konformi u talbet lil Esso tissottomettilha, f’terminu ta’ sena, l-informazzjoni neċessarja sabiex tirrimedja din is-sitwazzjoni. L-informazzjoni mitluba kienet tinkludi b’mod partikolari “studju tat-tossiċità [tas-sustanza kimika inkwistjoni] fl-iżvilupp prenatali tal-fniek, rotta orali”.

28

Fis‑6 ta’ Novembru 2013, Esso bagħtet lill-ECHA, minflok l-istudju ta’ tossiċità mitlub minnha, dokumenti li jinkludu data li l-preparazzjoni u l-kumpilazzjoni tagħha ma kinux ħtieġu t-twettiq ta’ ttestjar fuq l-annimali. Din il-kumpannija spjegat li d-data sottomessa b’dan il-mod kienet tikkostitwixxi informazzjoni alternattiva għal dan l-istudju.

29

Fl‑1 ta’ April 2015, l-ECHA indirizzat l-ittra kontenzjuża lill-Ministeru għall-Ekoloġija, għall-Iżvilupp Sostenibbli, għat-Trasport u għad-Djar, flimkien ma’ dokument bit-titolu “Anness għad-Dikjarazzjoni ta’ Nuqqas ta’ Konformità Sussegwentement għal Deċiżjoni ta’ Valutazzjoni tal-Fajl Skont ir-Regolament [REACH]”.

30

Din l-ittra hija fformulata kif ġej:

“Konformement mal-Artikolu 41(3) tar-Regolament [REACH], l-[ECHA] wettqet kontroll ta’ konformità fir-rigward tal-fajl li jirrigwarda [s-sustanza kimika inkwistjoni]. L-ECHA tat id-deċiżjoni [tas‑6 ta’ Novembru 2012], annessa ma’ din l-ittra, b’mod konformi mal-proċedura prevista fl-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament REACH.

Din id-deċiżjoni stabbilixxiet terminu sabiex [Esso] tissottometti lill-ECHA l-informazzjoni mitluba f’din id-deċiżjoni fil-forma ta’ aġġornament tal-fajl sas‑6 ta’ Novembru 2013. Verżjoni aġġornata tal-fajl intbagħtet fis‑6 ta’ Novembru 2013 […]

L-ECHA eżaminat l-informazzjoni sottomessa fil-fajl aġġornat. Bħala konklużjoni, il-fajl ta’ reġistrazzjoni aġġornat ma jinkludix l-informazzjoni kollha mitluba fid-deċiżjoni tal-ECHA. Analiżi speċifika tar-raġunijiet għal din il-konklużjoni hija mehmuża. […]

Fuq din il-bażi, l-ECHA tiddikjara:

1.

[Esso] ma ssodisfa[t]x l-obbligi li jirriżultaw mid-[deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2012];

2.

il-fajl ta’ reġistrazzjoni ma josservax l-Artikolu 5 tar-Regolament REACH;

3.

[Esso] [t]ikser l-Artikolu 41(4) tar-Regolament REACH.

In-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni tal-ECHA u tar-Regolament REACH jista’ jkun is-suġġett ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni forzata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, hekk kif previst fl-Artikolu 126 tar-Regolament REACH.

Fuq din il-punt, inti għaldaqstant mitluba tieħu l-miżuri ta’ eżekuzzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħek stess sabiex tiġi implimentata d-deċiżjoni tal-ECHA.

[…]

L-ECHA tistenna r-reazzjoni tiegħek dwar il-miżuri nazzjonali meħuda f’dan il-każ ta’ nuqqas ta’ konformità.”

31

Fl-anness għal din l-ittra, l-ECHA ppreċiżat li hija ma kinitx ġiet ikkonvinċuta mill-argument ta’ Esso li l-provi prodotti minnha fis‑6 ta’ Novembru 2013 kienu jikkostitwixxu informazzjoni alternattiva sodisfaċenti għall-istudju ta’ tossiċità mitlub fid-deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2012.

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

32

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Mejju 2015, Esso ppreżentat rikors intiż għall-annullament tal-ittra kontenzjuża.

33

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fil‑5 u fl‑24 ta’ Novembru 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn naħa, u r-Repubblika Franċiża, min-naħa l-oħra, talbu jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-ECHA, talbiet li l-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ permezz ta’ digrieti tas‑7 ta’ Ġunju 2016.

34

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat l-ittra kontenzjuża.

35

Fil-punti 33 sa 37 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset, fl-ewwel lok, li l-ittra kontenzjuża ma kinitx deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata quddiem il-Bord tal-Appell imwaqqaf fl-Artikolu 89 tar-Regolament REACH. Minn dan, din il-qorti ddeduċiet li hija kellha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni, fl-ewwel istanza, tar-rikors għal annullament ippreżentat minn Esso, konformement mal-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament.

36

Fil-punti 49 sa 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fit-tieni lok, qieset li l-ittra kontenzjuża kienet tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, inkwantu l-analiżi tal-kontenut tagħha, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet applikabbli u tas-setgħat li dawn jagħtu lill-ECHA, kienet turi li din kienet intiża li tipproduċi effetti legali vinkolanti, l-ewwel, billi twettaq valutazzjoni definittiva tal-fajl ta’ reġistrazzjoni ta’ Esso u, b’mod iktar preċiż, tal-informazzjoni sottomessa minn Esso bi tweġiba għad-deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2012, it-tieni, billi tikkonstata li parti minn din l-informazzjoni ma kinitx konformi mar-rekwiżiti previsti mir-Regolament REACH u li ESSO kienet, minħabba dan, naqset milli tosserva xi wħud mill-obbligi stabbiliti minn dan ir-regolament, u, it-tielet, billi tistieden lill-awtoritajiet Franċiżi kompetenti jadottaw il-miżuri li din is-sitwazzjoni kienet teħtieġ.

37

Fil-punti 86 sa 97 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fit-tielet lok, iddeċidiet li Esso kellha titqies bħala li għandha locus standi sabiex titlob l-annullament tal-ittra kontenzjuża sa fejn din kienet tirrigwardaha direttament u individwalment, fis-sens tal-ewwel parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

38

Fil-punti 101 sa 117 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fir-raba’ u l-aħħar lok, eżaminat l-ewwel wieħed mit-tmien motivi mressqa minn Esso insostenn tar-rikors tagħha għal annullament, li kien ibbażat fuq il-fatt li l-ittra kontenzjuża kienet ultra vires jew bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH applikabbli għall-adozzjoni tagħha. Peress li qieset, fit-tmiem tal-eżami tagħha, li dan il-motiv kien fondat inkwantu l-ECHA kienet eżerċitat il-kompetenzi tagħha mingħajr ma osservat il-modalitajiet relatati magħhom, kif previsti fl-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament REACH, din il-qorti minn dan ikkonkludiet li l-ittra kontenzjuża kellha tiġi annullata, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mressqa minn Esso insostenn tar-rikors tagħha għal annullament.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

39

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Diċembru 2018 abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-European Coalition to End Animal Experiments (iktar ’il quddiem l-“ECEAE”) talbet tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ Esso.

40

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Diċembru 2018 fuq l-istess bażi, il-Higher Olefins and Poly Alpha Olefins REACH Consortium (iktar ’il quddiem il-“HOPA REACH”) u l-Higher Olefins & Poly Alpha Olefins vzw (iktar ’il quddiem il-“HOPA”) ukoll talbu jintervjenu insostenn tat-talbiet ta’ Esso.

41

Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Marzu 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza lill-ECEAE, lill-HOPA u lill-HOPA REACH jintervjenu fil-kawża.

42

Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Frar 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja informat lill-partijiet li hija kellha l-intenzjoni żżomm seduta għas-sottomissjonijiet orali u stednithom iwieġbu, matul din is-seduta, għal ċerti mistoqsijiet.

43

Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ April 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet jindikawlha jekk kellhomx l-intenzjoni jirrinunzjaw għaż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali, fid-dawl tal-kriżi sanitarja.

44

Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ April 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja informat lill-partijiet li, peress li huma kienu esprimew l-intenzjoni tagħhom li jirrinunzjaw għaż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali, fid-dawl tal-kriżi sanitarja, din kienet annullata. Hija stiednet ukoll lill-partijiet iwieġbu bil-miktub għall-mistoqsijiet li kienu sarulhom fid-dawl ta’ din is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, stedina li ġiet milqugħa fit-termini mogħtija għal dan il-għan.

It-talbiet tal-partijiet

45

Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi definittivament it-tilwima billi tiċħad ir-rikors, u

tikkundanna lil Esso għall-ispejjeż sostnuti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-istadju tal-appell.

46

Esso, sostnuta mill-ECEAE, mill-HOPA u mill-HOPA REACH, kif ukoll l-ECHA jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż korrispondenti.

Fuq l-appell

47

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mir-Repubblika Franċiża, tinvoka żewġ aggravji li jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar, rispettivament, l-ammissibbiltà u l-fondatezza tar-rikors għal annullament ippreżentat minn Esso.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

48

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet tliet settijiet ta’ żbalji ta’ liġi billi ddikjarat ammissibbli r-rikors għal annullament ta’ Esso.

49

Fl-ewwel lok, l-ittra kontenzjuża ma tikkostitwixxix att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali qieset fil-punt 72 tas-sentenza appellata. Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tafferma, qabelxejn, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti, fil-punti 74, 75 u 80 ta’ din is-sentenza, il-fatt li l-ECHA ma kellhiex l-intenzjoni li din l-ittra tipproduċi effetti legali vinkolanti. Sussegwentement, hija tallega li t-titolu u l-formulazzjoni tal-imsemmija ittra, hekk kif eżaminati fil-punti 64 sa 71 tal-imsemmija sentenza, juru n-natura ġuridikament mhux vinkolanti tagħha għal Esso u għall-awtoritajiet Franċiżi kompetenti, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti billi qieset il-kuntrarju. Fl-aħħar nett, hija tqis, fi kwalunkwe każ, li d-dispożizzjonijiet legali rilevanti tar-Regolament REACH ġew interpretati b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 53 sa 63 tal-istess sentenza u li l-eżami tagħhom kellu jwassal lil dik il-qorti għall-konklużjoni li l-ittra kontenzjuża ma setgħetx, indipendentement mill-kliem tagħha, tipproduċi effetti legali vinkolanti.

50

F’dan l-aħħar rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta, essenzjalment, li l-ittra kontenzjuża għandha tinftiehem bħala opinjoni intiża għall-awtoritajiet Franċiżi kompetenti, li fiha l-ECHA sempliċement wettqet valutazzjoni informali tal-informazzjoni pprovduta minn Esso, u mhux bħala att ibbażat fuq l-Artikolu 42 tar-Regolament REACH u li huwa ta’ natura ġuridikament vinkolanti għal dawn l-awtoritajiet kif ukoll għal Esso, hekk kif qieset il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, dan l-artikolu ma jawtorizzax lill-ECHA twettaq valutazzjonijiet li jipproduċu effetti legali vinkolanti għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati u għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Għall-kuntrarju, huma esklużivament dawn tal-aħħar li għandhom jiddeterminaw, fid-dawl tal-valutazzjoni mwettqa mill-ECHA f’każ partikolari, jekk huma għandhomx l-intenzjoni jadottaw miżuri applikabbli għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati, u jekk ikun il-każ, liema, konformement mal-Artikoli 125 u 126 tal-imsemmi regolament.

51

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li Esso ma kellhiex interess ġuridiku fil-konfront tal-ittra kontenzjuża, peress li din l-ittra ma kienet timponi fir-rigward tagħha ebda obbligu legali ġdid meta mqabbla ma’ dawk li kienu diġà jirriżultaw mid-deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2012, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punti 81 u 82 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, skont din id-deċiżjoni, Esso kienet obbligata tissottometti lill-ECHA, f’terminu partikolari, informazzjoni sħiħa intiża li tqiegħed il-fajl ta’ reġistrazzjoni tagħha f’konformità mar-rekwiżiti previsti mir-Regolament REACH. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu joħloq, fih innifsu, sitwazzjoni ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, li tesponi lil Esso għall-possibbiltà li l-awtoritajiet Franċiżi kompetenti jadottaw il-miżuri opportuni. Konsegwentement, id-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità u l-konstatazzjonijiet ta’ ksur inklużi fl-ittra kontenzjuża ma kinux, indipendentement min-natura mhux vinkolanti tagħhom għall-awtoritajiet kompetenti Franċiżi, bidlu bl-ebda mod is-sitwazzjoni ġuridika ta’ Esso, hekk kif din kienet diġà tirriżulta mid-deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2012.

52

Fit-tielet u l-aħħar lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, fil-każ li l-ittra kontenzjuża kellha tiġi kklassifikata bħala att li jista’ jiġi kkontestat, li kontrih Esso kellha interess ġuridiku, xorta jibqa’ l-fatt li Esso ma kellhiex locus standi sabiex titlob l-annullament ta’ din l-ittra peress li din ma kinitx tirrigwardaha direttament, fis-sens tal-ewwel parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punti 91 sa 94 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn l-ECHA tiddeċiedi li titlob informazzjoni mingħand operatur ekonomiku abbażi tal-Artikolu 41(3) tar-Regolament REACH, u sussegwentement tikkonstata li l-informazzjoni sottomessa ma hijiex konformi mar-rekwiżiti previsti minn dan ir-regolament, huma biss l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u għalhekk f’dan il-każ l-awtoritajiet Franċiżi, li għandhom jisiltu l-konsegwenzi minn din il-konstatazzjoni, konformement mal-Artikoli 125 u 126 tal-imsemmi regolament.

53

Fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid, b’mod partikolari, li l-adozzjoni ta’ miżura bħall-ittra kontenzjuża ma teħtieġx bażi legali speċifika, peress li din il-miżura taqa’ fil-kuntest tal-kompitu ta’ għoti ta’ parir li l-Artikolu 77(1) tar-Regolament REACH jagħti lill-ECHA.

54

Esso, sostnuta mill-ECEAE, mill-HOPA u mill-HOPA REACH, tikkontesta, fl-ewwel lok, li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-ittra kontenzjuża hija intiża li tipproduċi effetti legali vinkolanti hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi.

55

Fit-tieni lok, Esso ssostni li l-Qorti Ġenerali qieset, korrettament, li dawn l-effetti legali vinkolanti jmorru lil hinn minn dawk prodotti mid-deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2012.

56

Fit-tielet u l-aħħar lok, Esso tiċħad l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi dwar il-locus standi tagħha, billi ssostni, essenzjalment, li l-ittra kontenzjuża taffettwa direttament is-sitwazzjoni ġuridika tagħha inkwantu din fiha konstatazzjoni ta’ ksur li hija imposta wkoll fuq l-awtoritajiet Franċiżi kompetenti.

57

L-ECHA titlob ukoll iċ-ċaħda tal-aggravju.

58

Fil-fatt, fl-ewwel lok, huwa billi bbażat ruħha fuq analiżi korretta tal-kuntest ġuridiku applikabbli u tal-kompetenzi tal-ECHA li l-Qorti Ġenerali kkaratterizzat l-eżistenza ta’ effetti legali vinkolanti prodotti mill-ittra kontenzjuża.

59

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ metodu jew ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti meta qieset, fid-dawl tal-kontenut ta’ din l-ittra, li din kienet tirrigwarda direttament lil Esso.

60

Fit-tielet u l-aħħar lok, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali hija koerenti mal-għanijiet imfittxija mir-Regolament REACH.

Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

61

Hekk kif jirriżulta mill-punti 48 sa 52 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta qieset, l-ewwel, fil-punti 49 sa 80 tas-sentenza appellata, li l-ittra kontenzjuża kienet tikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, it-tieni, fil-punti 81 u 82 ta’ dik is-sentenza, li din l-ittra kienet tikkostitwixxi att li fir-rigward tiegħu Esso kellha interess ġuridiku u, it-tielet, fil-punti 91 sa 94 tal-imsemmija sentenza, li l-imsemmija ittra kienet tirrigwarda direttament lil Esso.

62

Dawn it-tliet ilmenti għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.

– Fuq l-eżistenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat

63

Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li rikors għal annullament jista’ jiġi ppreżentat, abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kontra kull dispożizzjoni jew miżura adottata mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħha, li hija intiża li tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ persuna fiżika jew ġuridika, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika tagħha (sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 54; kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2019, International Management Group vs Il‑Kummissjoni, C‑183/17 P u C‑184/17 P, EU:C:2019:78 punt 51).

64

Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat, f’każ speċifiku, jekk l-att ikkontestat huwiex intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti, għandu jsir riferiment għas-sustanza tiegħu u għandhom jiġu evalwati l-effetti tiegħu fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-att inkwistjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni tiegħu kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni li jkunu l-awturi tiegħu (sentenzi tat‑13 ta’ Frar 2014, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 55, u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 47). Dawn is-setgħat għandhom jinftiehmu mhux b’mod astratt, iżda bħala elementi ta’ natura li jiċċaraw l-analiżi konkreta tal-kontenut tal-imsemmi att, li għandha natura ċentrali u indispensabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, C‑599/15 P, EU:C:2017:801, punti 49, 51 sa 5255).

65

Fl-aħħar, għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jista’ wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni kriterju suġġettiv relatat mal-intenzjoni li wasslet lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu tal-Unjoni li huma l-awturi tal-att ikkontestat jadottawh (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 42, u tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 52), mill-punt preċedenti jirriżulta li dan il-kriterju suġġettiv jista’ jkollu biss rwol kumplimentari meta mqabbel mal-kriterji oġġettivi msemmija fl-imsemmi punt u, konsegwentement, li dan la jista’ jingħata importanza ikbar minn dawn tal-aħħar u lanqas jikkontesta l-evalwazzjoni tal-effetti tal-att ikkontestat li tirriżulta.

66

F’dan il-każ, b’rigward għall-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja mfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, għandu, fl-ewwel lok, jiġi kkonstatat li mill-punti 74, 75 u 80 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-intenzjoni li wasslet lill-ECHA tadotta l-ittra kontenzjuża, filwaqt li tat lil dan il-kriterju suġġettiv inqas importanza milli lill-kriterji oġġettivi, relatati mal-kontenut ta’ din l-ittra u mas-setgħat mogħtija lill-ECHA mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament REACH, li din il-qorti kienet preċedentement eżaminat.

67

Din l-evalwazzjoni dwar l-imsemmija kriterji suġġettiv u oġġettivi ma tistax titqies li hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 ta’ din is-sentenza.

68

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 64 sa 71 tas-sentenza appellata, li l-ittra kontenzjuża kellha titqies, minħabba l-kontenut tagħha, bħala att intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ Esso. B’mod iktar preċiż, hija qieset, essenzjalment, li din l-ittra kienet ta’ natura li tbiddel b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni ġuridika ta’ Esso inkwantu din kienet tinkludi, qabelxejn, valutazzjoni definittiva tal-fajl ta’ reġistrazzjoni ta’ Esso u kontroll definittiv tal-informazzjoni sottomessa lill-ECHA bil-għan li dan jiġi kkompletat, sussegwentement, dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ parti minn din l-informazzjoni mal-ħtiġijiet jew mar-rekwiżiti tar-Regolament REACH u, fl-aħħar, diversi konstatazzjonijiet ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament fil-konfront ta’ Esso. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-imsemmija ittra stiednet lill-awtoritajiet Franċiżi kompetenti jieħdu l-miżuri meħtieġa minn din is-sitwazzjoni.

69

Fid-dawl tal-kliem li bih huma fformulati l-ittra kontenzjuża u d-dokument anness magħha, kif imfakkar fil-punti 29 sa 31 ta’ din is-sentenza, dawn l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-kontenut ta’ din l-ittra ma jistgħux jitqiesu li huma vvizzjati bi żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti. Fil-fatt, dan il-kliem juri li l-imsemmija ittra kienet intiża li tipproduċi mhux biss effetti legali vinkolanti ta’ natura li jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika ta’ Esso, għar-raġunijiet indikati ġustament mill-Qorti Ġenerali, iżda wkoll effetti legali vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet Franċiżi kompetenti, billi tistieden lil dawn tal-aħħar jadottaw il-miżuri li din is-sitwazzjoni ġuridika kienet tirrikjedi.

70

Fit-tielet u l-aħħar lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni essenzjalment li, tkun xi tkun l-evalwazzjoni li tista’ tirriżulta minn teħid inkunsiderazzjoni iżolat tal-kontenut tal-ittra kontenzjuża, din għandha fil-verità tinftiehem, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH dwar is-setgħat tal-ECHA f’dan il-qasam, bħala opinjoni intiża għall-awtoritajiet Franċiżi kompetenti u nieqsa, bħala tali, minn effetti legali vinkolanti ta’ kwalunkwe tip.

71

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li l-ittra kontenzjuża kienet tikkorrispondi, permezz tal-kontenut tagħha, kif imqassar fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, għal deċiżjoni li għandha tiġi ppreparata u adottata mill-ECHA skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament REACH, fil-kuntest ta’ valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament.

72

Hekk kif stabbilit fil-punti 54 sa 58 u 60 sa 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-kuntest li dawn jagħmlu parti minnu, fis-sens li l-ECHA ngħatat esklużivament, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, kompetenza ta’ valutazzjoni tal-fajls ta’ reġistrazzjoni li l-Artikolu 6 tar-Regolament REACH jimponi lill-manifatturi u lill-importaturi ta’ sustanzi kimiċi li l-kwantità tagħhom hija ugwali jew superjuri għal tunnellata fis-sena jissottomettu lil dan l-organu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li, għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-ECHA għandha mhux biss is-setgħa li tikkontrolla l-konformità tal-informazzjoni sottomessa mir-reġistranti mal-ħtiġijiet jew mar-rekwiżiti tar-Regolament REACH, iżda wkoll dik li tislet konsegwenzi ġuridikament vinkolanti minn din il-valutazzjoni u minn dan il-kontroll. Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li tali konsegwenzi ġuridikament vinkolanti jistgħu jieħdu l-forma, l-ewwel, ta’ dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità tal-informazzjoni kollha jew ta’ parti minnha sottomessa mir-reġistrant, it-tieni, ta’ konstatazzjonijiet ta’ ksur, fil-konfront tiegħu, tal-ħtiġijiet jew tar-rekwiżiti tar-Regolament REACH f’dan il-qasam, u, it-tielet, ta’ stedina magħmula lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jadottaw il-miżuri meħtieġa minn din is-sitwazzjoni.

73

Korrelattivament, il-Qorti Ġenerali affermat, fil-punti 59 u 61 tas-sentenza appellata, li dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħtu lill-Istati Membri ebda kompetenza fil-qasam ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-fajls ta’ reġistrazzjoni, inkwantu dawn huma biss awtorizzati, skont l-Artikoli 125 u 126 tar-Regolament REACH, iwettqu kontrolli u jimponu sanzjonijiet bil-għan li tiġi żgurata l-osservanza tad-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità u tal-konstatazzjonijiet ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament imwettqa preċedentement mill-ECHA.

74

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 41(1) tar-Regolament REACH jirriżulta li l-ECHA hija kompetenti sabiex tivvaluta l-fajls ta’ reġistrazzjoni ta’ sustanzi kimiċi li għandhom jiġu sottomessi lilha mill-manifatturi jew mill-importaturi ta’ dawn is-sustanzi, hekk kif irrilevat korrettament il-Qorti Ġenerali fil-punti 53 u 54 tas-sentenza appellata.

75

B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni, tali valutazzjoni hija intiża li tirrigwarda, b’mod partikolari, il-punt dwar jekk l-informazzjoni li tinsab fil-fajls ta’ reġistrazzjoni hijiex konformi mal-ħtiġijiet jew mar-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament u, meta r-reġistrant ikun issottometta informazzjoni alternattiva għal dik prevista, imsejħa “adattamenti”, jekk dawn tal-aħħar humiex konformi mar-regoli li jirregolawhom.

76

Fl-ipoteżi fejn l-imsemmija valutazzjoni twassal lill-ECHA tqis li ċerta informazzjoni li tinsab fil-fajl ta’ reġistrazzjoni ma hijiex konformi mal-ħtiġijiet jew mar-rekwiżiti tar-Regolament REACH, din hija awtorizzata tadotta, abbażi tal-Artikolu 41(3) ta’ dan ir-regolament, deċiżjoni li titlob lir-reġistrant jissottomettilha informazzjoni speċifika, fit-terminu stabbilit għal dan il-għan, sabiex il-fajl ta’ reġistrazzjoni tagħha jitqiegħed f’konformità, hekk kif stabbilit korrettament fil-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata.

77

Fir-rigward tas-segwitu tal-proċedura, l-Artikolu 42(1) tar-Regolament REACH jipprevedi li l-ECHA għandha teżamina kull informazzjoni sottomessa mir-reġistrant sussegwentement għal tali deċiżjoni u għandha tipprepara, jekk ikun il-każ, kull deċiżjoni opportuna, hekk kif indikat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 57 tas-sentenza appellata.

78

Mill-kliem ċar ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li l-ECHA mhux biss għandha s-setgħa iżda wkoll l-obbligu li teżamina kull informazzjoni sottomessa mir-reġistrant wara deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 41(3) tar-Regolament REACH.

79

Mill-Artikolu 42(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta wkoll li, wara tali eżami, l-ECHA hija awtorizzata “tagħmel abbozz ta’ kwalunkwe deċiżjoni opportuna skond […] l-Artikoli [40 u 41 tal-imsemmi regolament], jekk ikun meħtieġ”.

80

Għall-kuntrarju, la l-Artikolu 42(1) tar-Regolament REACH u lanqas l-artikoli li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni ma jispeċifikaw espliċitament dak li għandu jinftiehem b’“deċiżjoni opportuna”.

81

Konsegwentement, hemm lok, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dispożizzjoni inkwistjoni tiġi interpretata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha din tifforma parti (sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41, kif ukoll tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 124), kif iċċarati, skont kif meħtieġ, permezz tax-xogħol preparatorju ta’ din tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 56, kif ukoll tal‑11 ta’ Marzu 2020, Baltic Cable, C‑454/18, EU:C:2020:189, punt 48).

82

F’dan ir-rigward, qabelxejn, mill-espressjoni “kwalunkwe deċiżjoni opportuna” li tinsab fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament REACH jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta lill-ECHA s-setgħa li tislet, wara l-eżami tal-informazzjoni sottomessa minn reġistrant li lilu tkun ġiet innotifikata deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 41(3) ta’ dan ir-regolament, konsegwenzi ġuridikament vinkolanti minn tali eżami, sa fejn dawn jidhru opportuni.

83

Meta tali att isegwi deċiżjoni li teħtieġ lil reġistrant iqiegħed l-informazzjoni li tinsab fil-fajl ta’ reġistrazzjoni tiegħu f’konformità mal-ħtiġijiet jew mar-rekwiżiti tar-Regolament REACH, kif stabbilit fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, dan l-att huwa intiż li jiddetermina, fl-ewwel lok, jekk l-informazzjoni sottomessa hijiex konformi mal-ħtiġijiet jew mar-rekwiżiti inkwistjoni u, konsegwentement, jekk ir-reġistrant osservax l-obbligi korrispondenti. Hekk kif qieset il-Qorti Ġenerali, dawn l-obbligi ma humiex limitati għal dak li jikkonsisti fl-osservanza tad-deċiżjoni li titlob is-sottomissjoni tal-imsemmija informazzjoni, iżda jinkludu wkoll, b’mod definittiv, l-obbligu impost fuq il-manifatturi u l-importaturi ta’ sustanzi kimiċi ta’ kwantità ugwali jew superjuri għal tunnellata fis-sena, skont l-Artikolu 5 u l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, li jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti kollha applikabbli għar-reġistrazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa l-proċedura ta’ reġistrazzjoni u ta’ valutazzjoni prevista mill-imsemmi regolament bil-għan li jipperemtti lill-ECHA tivverifika li l-industrija tosserva l-obbligi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2015, FCD u FMB, C‑106/14, EU:C:2015:576, punt 32, kif ukoll tas‑17 ta’ Marzu 2016, Canadian Oil Company Sweden u Rantén, C‑472/14, EU:C:2016:171, punt 25), li l-ewwel wieħed fosthom huwa dak stabbilit fl-Artikolu 5, li l-ksur tiegħu jirrendi lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati suġġetti għal sanzjonijiet, konformement mal-Artikolu 126 tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Pinckernelle, C‑535/15, EU:C:2017:315, punt 46).

84

Sussegwentement, l-eżami tal-kuntest li taħtu jaqa’ l-Artikolu 42(1) tar-Regolament REACH juri li, fil-każ li l-ECHA tiddikjara li informazzjoni sottomessa wara deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 41(3) ta’ dan ir-regolament ma hijiex konformi mal-ħtiġijiet jew mar-rekwiżiti tiegħu u tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet korrispondenti fil-konfront tar-reġistrant ikkonċernat, tali dikjarazzjoni u tali konstatazzjoni japplikaw mhux biss għal dan ir-reġistrant iżda wkoll għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

85

Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 42(2) tar-Regolament REACH jipprovdi li, meta l-valutazzjoni tal-fajl titlesta, l-ECHA għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kemm l-informazzjoni miksuba kif ukoll “kwalunkwe konklużjoni li tkun saret”, inklużi l-imsemmija dikjarazzjoni u l-imsemmija konstatazzjoni. F’dan il-każ, l-ECHA wettqet tali notifika billi bagħtet l-ittra kontenzjuża lill-awtoritajiet Franċiżi kompetenti, hekk kif irrilevat korrettament il-Qorti Ġenerali fil-punti 64, 67 u 70 tas-sentenza appellata.

86

Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 125 u 126 tar-Regolament REACH, li għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-premessi 121 u 122 ta’ dan ir-regolament, jobbligaw lill-Istati Membri jistabbilixxu s-sistema ta’ sanzjonijiet “li japplikaw għall-ksur tad-dispożizzjonijiet” tal-imsemmi regolament u jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom. Issa, tali implimentazzjoni, f’każ speċifiku, tippreżupponi neċessarjament li tkun teżisti konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li taqa’, hekk kif għadu kif tfakkar, taħt il-kompetenza esklużiva tal-ECHA, bla ħsara għall-każ, previst fl-Artikolu 51 tal-istess regolament u msemmi mill-Qorti Ġenerali fil-punt 60 tas-sentenza appellata, fejn din il-kompetenza tkun ittrasferita lill-Kummissjoni.

87

B’hekk, mill-eżami tal-kliem li bih huwa redatt l-Artikolu 42(1) tar-Regolament REACH, mifhum fid-dawl tal-kuntest li taħtu taqa’ din id-dispożizzjoni, jirriżulta li din tagħti lill-ECHA, u mhux lill-awtoritajiet nazzjonali inkarigati milli jiżguraw l-osservanza ta’ dan ir-regolament, is-setgħa li tadotta deċiżjoni bħal dik inkluża fl-ittra kontenzjuża, hekk kif qieset korrettament il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

88

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-għanijiet segwiti mir-Regolament REACH, li l-Qorti Ġenerali ma rreferietx għalihom f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li dawn jinkludu, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, dak li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent permezz ta’ sistema integrata ta’ kontroll tas-sustanzi kimiċi mmanifatturati, importati jew imqiegħda fis-suq fl-Unjoni, li hija bbażata fuq ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ dawn is-sustanzi kif ukoll fuq eventwali restrizzjonijiet fir-rigward tal-użu tagħhom (sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2015, FCD u FMB, C‑106/14, EU:C:2015:576, punti 3132; tas‑17 ta’ Marzu 2016, Canadian Oil Company Sweden u Rantén, C‑472/14, EU:C:2016:171, punti 2425; u tal‑15 ta’ Marzu 2017, Polynt vs ECHA, C‑323/15 P, EU:C:2017:207, punt 20).

89

Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 75 u mill-premessa 15 tar-Regolament REACH, wieħed mill-elementi essenzjali ta’ din is-sistema huwa l-istabbiliment, bħala organu tal-Unjoni, ta’ entità ċentrali u indipendenti inkarigata li tiżgura l-ġestjoni effikaċi ta’ wħud mill-aspetti amministrattivi, tekniċi u xjentifiċi ta’ dan ir-regolament.

90

B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 6, 20, 22, 41 u 42 tar-Regolament REACH kif ukoll mill-premessi 19, 20 u 44 tiegħu, li fid-dawl tagħhom dawn l-artikoli għandhom jinftiehmu, hija lill-ECHA li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkonferixxa l-kompetenza, qabel kollox, li tirċievi l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ sustanzi kimiċi kif ukoll l-aġġornamenti għal dawn l-applikazzjonijiet, sussegwentement, li tivverifika n-natura kompleta tagħhom kif ukoll li tiċħadhom fil-każ ta’ inkompletezza u, fl-aħħar, li tikkontrolla l-konformità tal-informazzjoni inkluża fihom, jekk ikun il-każ wara li dawn ikunu ġew ikkompletati, mal-ħtiġijiet u mar-rekwiżiti applikabbli fil-qasam.

91

Din il-proċedura ċċentralizzata ta’ reġistrazzjoni ta’ sustanzi kimiċi u ta’ valutazzjoni tal-fajls korrispondenti, imqiegħda taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-ECHA, hija differenti mill-valutazzjoni tas-sustanzi kimiċi stess, li r-responsabbiltà primarja għaliha taqa’ taħt l-Istati Membri, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 45 tar-Regolament REACH u mill-premessi 20 u 66 ta’ dan ir-regolament, bla ħsara għar-rwol ta’ koordinazzjoni li dan l-artikolu jattribwixxi lill-ECHA, bħala entità indipendenti, u għas-setgħat marbuta miegħu.

92

Hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-qsim tar-rwoli kif ukoll it-tqassim tal-kompetenzi u tas-setgħat li jirriżulta minnu jirriżultaw minn għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni, hekk kif ikkonfermat mix-xogħol preparatorju tar-Regolament REACH.

93

Għalhekk, l-għanijiet segwiti mir-Regolament REACH jikkorroboraw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42(1) ta’ dan ir-regolament li tinsab fil-punt 87 ta’ din is-sentenza.

94

Minn dan isegwi li, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-setgħat li għandha l-ECHA skont ir-Regolament REACH, mifhuma fid-dawl tal-kuntest li taħtu dawn jaqgħu u tal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, huwa b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li l-ittra kontenzjuża kienet tikkorrispondi, permezz tal-kontenut tagħha, għal deċiżjoni li timplimenta l-Artikolu 42(1) tal-imsemmi regolament u intiża, bħala tali, li tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jbiddlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni ġuridika ta’ Esso.

95

Konsegwentement, din l-ittra ma tistax titqies bħala opinjoni intiża għall-awtoritajiet Franċiżi kompetenti, mogħtija fil-kuntest tal-kompitu ta’ għoti ta’ parir li l-Artikolu 77(1) tar-Regolament REACH jattribwixxi lill-ECHA.

96

Għaldaqstant, l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja intiżi li jikkontestaw l-eżistenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

– Fuq l-eżistenza ta’ interess ġuridiku

97

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilmenta formalment li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat l-eżistenza ta’ interess ġuridiku fil-konfront ta’ Esso fil-punti 81 u 82 tas-sentenza appellata, dawn il-punti ma jieħdux pożizzjoni fuq din il-kwistjoni. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tillimita ruħha tiddikjara fihom, essenzjalment, li l-ittra kontenzjuża tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat sa fejn din tinkludi punti ta’ fatt u ta’ liġi ġodda meta mqabbla ma’ dawk inklużi fid-deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2012 u li għalhekk din ma tistax tiġi kklassifikata bħala “att konfermattiv” ta’ din id-deċiżjoni.

98

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha l-intenzjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kien imissha kklassifikat l-ittra kontenzjuża bħala att konfermattiv tad-deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2012, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li att għandu jitqies bħala tali meta dan ma jkun fih ebda punt ta’ liġi jew ta’ fatt ġdid meta mqabbel ma’ att preċedenti (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, International Management Group vs Il‑Kummissjoni, C‑183/17 P u C‑184/17 P, EU:C:2019:78, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Issa, f’dan il-każ, hekk kif il-Qorti Ġenerali affermat fil-punti 81 u 82 tas-sentenza appellata, l-ittra kontenzjuża kien fiha evalwazzjonijiet u konklużjonijiet ġodda min-naħa tal-ECHA, ifformulati minnha wara l-eżami tal-informazzjoni li kienet ġiet sottomessa lilha minn Esso bi tweġiba għad-deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2012.

100

Tali punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda kienu jiġġustifikaw li l-ittra kontenzjuża ma tistax titqies bħala att konfermattiv tad-deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2012.

101

Fit-tieni lok, sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha l-intenzjoni tibbaża ruħha fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku ta’ Esso, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika għandu jkun ibbażat fuq interess ġuridiku min-naħa tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑24 ta’ Settembru 1987, Vlachou vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 134/87, EU:C:1987:388, punt 8) u li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-kundizzjoni essenzjali, li għandha tiġi stabbilita minn tali persuna fiżika jew ġuridika, jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li tista’, f’kull mument, titqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tas‑7 ta’ Ottubru 1987, G. d. M. vs Il‑Kunsill u CES, 108/86, EU:C:1987:426, punt 10, kif ukoll tal‑21 ta’ Lulju 2020, Abaco Energy et vs Il‑Kummissjoni, C-436/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:606, punt 80), bħall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fl-Artikolu 263 TFUE (digriet tal‑15 ta’ April 2010, Makhteshim‑Agan Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:190, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

Konsegwentement, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ ssostni, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li Esso ma kellhiex interess ġuridiku, quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-konfront tal-ittra kontenzjuża.

103

Hekk kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tippresupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’, fih innifsu, jagħti benefiċċju lill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun ippreżentat ir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C‑519/07 P, EU:C:2009:556, punt 63, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2019, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il‑Kunsill, C‑225/17 P, EU:C:2019:82, punt 30).

104

F’dan il-każ, mill-punti 68 u 69 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ittra kontenzjuża, li ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament REACH, ipproduċiet effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ Esso, sa fejn l-ECHA fiha qieset li l-informazzjoni li din il-kumpannija kienet issottomettitilha ma kinitx konformi mal-ħtiġijiet jew mar-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament u imputatilha, konsegwentement, sensiela ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-imsemmi regolament.

105

Minn dan isegwi li l-annullament ta’ din l-ittra, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dikjarazzjoni u tal-konstatazzjonijiet ġuridikament vinkolanti inklużi fiha, jista’, fih innifsu, jagħti benefiċċju lil Esso.

106

Għaldaqstant, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tinvoka assenza ta’ interess ġuridiku fil-konfront ta’ Esso.

– Fuq l-eżistenza ta’ locus standi

107

Fir-rigward tal-punt dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-ittra kontenzjuża kienet tirrigwarda direttament lil Esso, fis-sens tal-ewwel parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, skont ġurisprudenza stabbilita r-rekwiżit li att tal-Unjoni għandu jirrigwarda direttament lill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun qiegħda tikkontestah jeħtieġ li jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv żewġ kriterji, jiġifieri li dan l-att, minn naħa, jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli mill-implimentazzjoni tiegħu, li għandha tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni, C‑386/96 P, EU:C:1998:193, punt 43, u tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punt 66).

108

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset, minn naħa, li l-ittra kontenzjuża kienet tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta’ Esso billi tikkonstata li hija kienet kisret uħud mill-obbligi tagħha taħt ir-Regolament REACH, billi ssottomettiet lill-ECHA informazzjoni mhux konformi mal-ħtiġijiet jew mar-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament, hekk kif jirriżulta mill-punt 92 tas-sentenza appellata u mill-punti li għalihom din tirreferi.

109

Issa, din l-evalwazzjoni hija eżenti minn żball ta’ liġi, hekk kif jirriżulta mill-punti 104 u 105 ta’ din is-sentenza.

110

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li l-konstatazzjoni mwettqa mill-ECHA kienet imposta fuq l-awtoritajiet Franċiżi kompetenti, peress li dawn tal-aħħar għandhom marġni ta’ diskrezzjoni biss f’dak li jirrigwarda n-natura u l-quantum tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq Esso minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH li ġie imputat lilha.

111

Hekk kif jirriżulta mill-punti 84 sa 87 ta’ din is-sentenza, din l-evalwazzjoni hija konformi mat-tqassim tal-kompetenzi mwettaq mir-Regolament REACH bejn l-ECHA u l-awtoritajiet nazzjonali. Fil-fatt, deċiżjoni bħall-ittra kontenzjuża hija imposta, b’mod awtomatiku u mingħajr ma teħtieġ l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra, fuq l-Istat Membru li huwa d-destinatarju tagħha u, fi ħdan dan tal-aħħar, fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inkwantu dawn tal-aħħar huma esklużivament imsejħa jadottaw miżuri intiżi li jiżguraw l-osservanza tagħha, skont l-Artikoli 125 u 126 tal-imsemmi regolament.

112

Għaldaqstant, l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-ittra kontenzjuża kienet tirrigwarda direttament lil Esso, fis-sens tal-ewwel parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

113

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

114

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament REACH. Hija tirreferi, f’dan il-kuntest, għall-punti 57, 58, 60 sa 63, 71, 78, 108 u 112 tas-sentenza appellata.

115

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hija tqis li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Artikolu 42(1) tar-Regolament REACH kien applikabbli f’dan il-każ, billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni li skontha din timponi bħala prinċipju lill-ECHA twettaq, permezz ta’ deċiżjoni, kontroll tal-konformità tal-informazzjoni kollha sottomessa lilha mill-operaturi ekonomiċi wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 41(3) ta’ dan ir-regolament, sakemm din l-informazzjoni ma tkunx manifestament irrilevanti. Fil-fatt, mill-kliem li fih dawn id-dispożizzjonijiet huma fformulati għandu jiġi dedott, b’mod partikolari, li, fil-każ li l-ECHA tinnotifika lil operatur ekonomiku deċiżjoni li titolbu jissottometti informazzjoni speċifika u li dan l-operatur jissottomettilha informazzjoni alternattiva, din tista’ tillimita ruħha tikkonstata li l-persuna kkonċernata ma osservatx id-deċiżjoni tagħha, mingħajr ma jkun neċessarju li twettaq ebda kontroll tal-konformità tal-informazzjoni alternattiva inkwistjoni. Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat espliċitament li Esso ma kinitx issottomettiet lill-ECHA l-informazzjoni mitluba bid-deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2012, iżda informazzjoni alternattiva, filwaqt li naqset milli tislet minn din il-konstatazzjoni l-konsegwenza legali li ma kien hemm lok li jsir ebda kontroll ta’ konformità.

116

Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali hija wkoll inkompatibbli mal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent imfittex mir-Regolament REACH kif ukoll mal-kuntest leġiżlattiv li taħtu jaqa’ l-Artikolu 42(1) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, minn naħa, din ikollha l-konsegwenza li timponi fuq l-ECHA twettaq kontroll tal-konformità tal-informazzjoni sottomessa lilha mill-operaturi ekonomiċi, anki jekk din tkun differenti minn dik li ntalbet speċifikament lil dawn tal-aħħar, permezz ta’ proċedura tedjanti li twassal għal dewmien twil li matulu sustanzi kimiċi potenzjalment perikolużi għas-saħħa tal-bniedem ikunu jistgħu jkomplu jiġu mmanifatturati, importati jew imqiegħda fis-suq fl-Unjoni. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH ma jippermettux lill-operaturi ekonomiċi li jkunu ġew speċifikament mitluba jipproduċu studju li jinvolvi t-twettiq ta’ ttestjar fuq annimali, permezz ta’ deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 41(3) ta’ dan ir-regolament, jisottomettu informazzjoni alternattiva lill-ECHA.

117

Fit-tielet lok, id-dritt amministrattiv ġenerali tal-Unjoni jipprekludi li l-ECHA tiġi meħtieġa, hekk kif għamlet il-Qorti Ġenerali, tikkontrolla l-konformità tal-informazzjoni sottomessa lilha mill-operaturi ekonomiċi fil-każ li din l-informazzjoni tkun differenti minn dik li ntalbet speċifikament lilhom permezz ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 41(3) tar-Regolament REACH. Fil-fatt, dan ir-rekwiżit ikun jammonta għal kontestazzjoni ta’ tali deċiżjoni.

118

Fir-raba’ u l-aħħar lok, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tista’ testendi b’mod infinit l-ipproċessar tal-fajls ta’ reġistrazzjoni li l-ECHA tagħżel skont l-Artikolu 41(5) tar-Regolament REACH, bil-għan li tikkontrolla l-konformità tagħhom mal-ħtiġijiet jew mar-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, din hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju tal-kompetenzi li l-Artikoli 125 u 126 tal-imsemmi regolament jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali.

119

Esso u l-ECHA, sostnuti mill-ECEAE, mill-HOPA u mill-HOPA REACH, jenfasizzaw, essenzjalment, li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament REACH proposta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tmur kontra t-titolu u l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament.

120

Barra minn hekk, l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażati fuq id-dritt amministrattiv ġenerali tal-Unjoni u fuq in-neċessità li tiġi żgurata l-effettività tal-proċedura ta’ valutazzjoni tal-fajls ta’ reġistrazzjoni stabbilita mir-Regolament REACH ma humiex fondati.

Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

121

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni essenzjalment li, anki jekk ir-rikors ta’ Esso jitqies ammissibbli, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta laqgħet l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-ECHA ma kinitx osservat il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-kompetenza deċiżjonali prevista fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament REACH, u meta annullat, konsegwentement, l-ittra kontenzjuża.

122

Fil-fatt, hija tqis li, fil-każ li l-ECHA tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 41(3) tar-Regolament REACH, li fiha hija titlob lil operatur ekonomiku jissottomettilha studju li jinvolvi t-twettiq ta’ ttestjar fuq annimali, u l-persuna kkonċernata tissottomettilha informazzjoni alternattiva għal tali studju, l-ECHA għandha tillimita ruħha tikkonstata li l-informazzjoni sottomessa ma hijiex dik mitluba u ma tistax tikkontrolla l-konformità tagħha mal-ħtiġijiet jew mar-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament.

123

F’dan ir-rigward, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 78 u 79 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 42(1) tar-Regolament REACH jirriżulta li, fil-każ li l-ECHA tkun adottat, skont l-Artikolu 41(3) ta’ dan ir-regolament, deċiżjoni li fiha hija talbet lil reġistrant jissottomettilha informazzjoni, hija għandha, fl-ewwel lok, “teżamina kwalunkwe informazzjoni preżentata” minn dan ir-reġistrant wara din id-deċiżjoni, bil-għan li tikkontrolla l-konformità tagħha mal-ħtiġijiet jew mar-rekwiżiti tal-imsemmi regolament f’dan il-qasam, u, fit-tieni lok, “tagħmel abbozz ta’ kwalunkwe deċiżjoni opportuna […] jekk ikun meħtieġ” dwar dan.

124

Għalkemm l-ewwel wieħed minn dawn l-obbligi huwa ta’ natura ġenerali, inkwantu dan japplika għal “kwalunkwe informazzjoni preżentata” lill-ECHA, it-test tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament REACH ma jeskludix li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata, hekk kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fis-sens li tali obbligu ġenerali japplika biss fil-każ li l-informazzjoni sottomessa mir-reġistrant tikkorrispondi għal dik mitluba lilu mill-ECHA, u mhux, konsegwentement, f’dak li din tal-aħħar talbet speċifikament li jiġi sottomess lilha studju li jinvolvi t-twettiq ta’ ttestjar fuq annimali u r-reġistrant issottomettilha, bi tweġiba, informazzjoni alternattiva għal tali studju.

125

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, li l-imsemmija dispożizzjoni tinftiehem fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet segwiti mir-Regolament REACH.

126

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest li taħtu jaqa’ l-Artikolu 42(1) tar-Regolament REACH, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, konformement mal-Artikolu 41(1)(a) u (b) ta’ dan ir-regolament, l-obbligu tal-ECHA li tivvaluta l-fajls ta’ reġistrazzjoni ta’ sustanzi kimiċi li huma sottomessi lilha u li tikkontrolla l-konformità tal-informazzjoni li dawn jinkludu jirrigwarda mhux biss il-kwistjoni dwar jekk din l-informazzjoni hijiex konformi mar-“rekwiżiti” previsti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi regolament, iżda wkoll, fil-każ li reġistrant ikun issottometta “adattamenti tar-rekwiżiti standard ta’ l-informazzjoni u l-ġustifikazzjonijiet relatati”, jekk dawn l-adattamenti u l-ġustifikazzjonijiet relatati humiex konformi mar-regoli li jirregolawhom, hekk kif previsti mill-annessi tal-istess regolament.

127

Dan l-obbligu ta’ valutazzjoni u ta’ kontroll jirrifletti l-possibbiltà li għandu kull reġistrant, skont dawn l-annessi, li jippreżenta, fil-fajl ta’ reġistrazzjoni tiegħu, informazzjoni alternattiva, imsejħa “adattamenti”, għall-“informazzjoni standard” preskritta mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament REACH, bil-kundizzjoni li jiġu osservati r-rekwiżiti li jirregolaw dawn l-adattamenti. Din il-possibbiltà tirrifletti hija stess, hekk kif jirriżulta mill-premessi 18 u 19 ta’ dan ir-regolament, l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jistabbilixxi sistema ta’ reġistrazzjoni u ta’ valutazzjoni tas-sustanzi kimiċi li fiha r-responsabbiltà għar-riskji marbuta ma’ dawn is-sustanzi u l-obbligu li tiġi ppreżentata l-informazzjoni kollha neċessarja għar-reġistrazzjoni tagħhom kif ukoll għall-valutazzjoni tagħhom jaqgħu fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jimmanifatturaw, jimportaw jew iqiegħdu l-imsemmija sustanzi fis-suq fl-Unjoni.

128

Sussegwentement, huwa minnu li ebda dispożizzjoni speċifika tar-Regolament REACH ma tippreċiża jekk il-possibbiltà hekk mogħtija lir-reġistranti li jirrikorru għal “adattamenti” fl-istadju inizjali tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni u ta’ valutazzjoni tas-sustanzi kimiċi li tikkostitwixxi s-sottomissjoni ta’ fajl ta’ reġistrazzjoni lill-ECHA tapplikax ukoll għall-istadji ulterjuri ta’ din il-proċedura, b’mod partikolari meta l-ECHA tkun adottat, abbażi tal-Artikolu 41(3) ta’ dan ir-regolament, deċiżjoni li titlob lil reġistrant jikkompleta l-fajl ta’ reġistrazzjoni tiegħu permezz ta’ studju li jinvolvi t-twettiq ta’ ttestjar fuq annimali.

129

Madankollu, din il-possibbiltà tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ġenerali rilevanti tar-Regolament REACH u mill-prinċipju gwida ta’ limitazzjoni tal-ittestjar fuq l-annimali li dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali jirriflettu, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 153 tal-konklużjonijiet tiegħu.

130

B’mod partikolari, l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Rekwiżiti ġenerali għall-ġenerazzjoni ta’ informazzjon dwar il-proprjetajiet intrinsiċi ta’ sustanzi”, jipprevedi espressament, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[m]inbarra b’testijiet [fuq l-annimali], l-informazzjoni dwar il-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi tista’ tiġi ġenerata permezz ta’ mezzi oħra, sakemm jintlaħqu l-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness XI [tal-imsemmi regolament]”. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tippreċiża li, “[b]’mod partikolari għat-tossiċità fir-rigward tal-bniedem, għandha tkun ġenerata informazzjoni kull meta jkun possibbli permezz ta’ mezzi diversi minn testijiet fuq l-annimali vertebrati, permezz ta’ l-użu ta’ metodi alternattivi, pereżempju metodi in vitro, jew ta’ mudelli tar-relazzjoni struttura attività kwalitattiva jew kwantitattiva jew minn informazzjoni minn sustanzi relatati strutturalment (raggruppament jew read across)”.

131

Bl-istess mod, l-Artikolu 25 tar-Regolament REACH, bit-titolu “Objettivi u regoli ġenerali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu, li, “[s]abiex ikun evitat l-ittestjar fuq l-annimali, l-ittestjar fuq annimali vertebrati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandu jsir biss meta ma jkunx hemm għażla oħra”.

132

Minn dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali, li għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-premessa 47 tar-Regolament REACH, li tipprovdi li “huwa meħtieġ li jiġi sostitwit, imnaqqas jew perfezzjonat l-ittestjar fuq annimali vertebrati”, jirriżulta li reġistrant għandu, b’mod ġenerali u għalhekk b’mod partikolari fil-każ li l-ECHA tindirizzalu deċiżjoni li titlobu jikkompleta l-fajl ta’ reġistrazzjoni tiegħu permezz ta’ studju li jinvolvi t-twettiq ta’ ttestjar fuq annimali, mhux sempliċement il-possibbiltà iżda tassew l-obbligu li jiġġenera “kull meta jkun possibbli” informazzjoni miksuba permezz ta’ mezzi għajr ittestjar fuq annimali u li jwettaq tali ttestjar “biss meta ma jkunx hemm għażla oħra”.

133

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-għanijiet segwiti mir-Regolament REACH, dawn jinkludu, b’mod partikolari, l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluża l-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-valutazzjoni tal-perikoli marbuta mas-sustanzi kimiċi, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament.

134

Issa, din id-dispożizzjoni tirrileva li l-użu ta’ metodi alternattivi għat-twettiq ta’ ttestjar fuq annimali jikkostitwixxi wieħed mill-mezzi ffavoriti mir-Regolament REACH sabiex tiġi vvalutata t-tossiċità tas-sustanzi kimiċi għall-ispeċi umana (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 108) u li dan jikkontribwixxi, f’dan ir-rigward, għat-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent li fuqu hija bbażata l-proċedura kollha ta’ reġistrazzjoni u ta’ valutazzjoni stabbilita minn dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et, C‑558/07, EU:C:2009:430, punti 45 sa 47).

135

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, kien b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali rreferiet, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, għall-possibbiltà li għandu reġistrant li lilu l-ECHA talbet jikkompleta l-fajl ta’ reġistrazzjoni tiegħu permezz ta’ studju li jinvolvi t-twettiq ta’ ttestjar fuq l-annimali li jikkonforma ruħu mal-obbligu li jirriżulta mill-Artikoli 13 u 25 tar-Regolament REACH billi jissottometti, bi tweġiba għal din it-talba, informazzjoni alternattiva għal tali studju.

136

Bl-istess mod, kien b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata kif ukoll, b’riferiment, fil-punt 108 ta’ dik is-sentenza, li l-ECHA hija suġġetta għall-obbligu korrispondenti li tikkontrolla l-konformità ta’ din l-informazzjoni alternattiva mar-rekwiżiti applikabbli u, b’mod iktar preċiż, li tiddetermina jekk din għandhiex tiġi kklassifikata bħala adattamenti konformi mar-regoli previsti mill-annessi rilevanti tar-Regolament REACH.

137

Fl-aħħar, huwa b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 108, 109 u 112 tas-sentenza appellata, li l-ECHA għandha l-obbligu, meta jirriżulta “opportun” li tipprepara deċiżjoni skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament REACH, li tosserva r-rekwiżiti applikabbli f’dan il-qasam, hekk kif previsti fl-Artikoli 50 u 51 ta’ dan ir-regolament.

138

Għaldaqstant, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma hijiex fondata ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi interpretat l-Artikolu 42(1) tar-Regolament REACH b’mod inkompatibbli mal-kuntest li taħtu taqa’ din id-dispożizzjoni u mal-għanijiet ta’ dan ir-regolament kif ukoll billi ddeċidiet, fuq il-bażi ta’ din l-interpretazzjoni, li l-ewwel motiv imressaq minn Esso kien fondat.

139

Fid-dawl tal-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja mqassra fil-punti 117 u 118 ta’ din is-sentenza, għandu jingħad ukoll, minn naħa, li l-imsemmija interpretazzjoni lanqas ma tikser id-dritt amministrattiv ġenerali tal-Unjoni. Fil-fatt, peress li mir-Regolament REACH jirriżulta li reġistrant għandu l-obbligu, b’mod ġenerali, li jirrikorri biss fl-aħħar lok għal ittestjar fuq l-annimali u li huwa jista’, fil-każ li l-ECHA tkun iddeċidiet li titolbu studju li jinvolvi t-twettiq ta’ tali ittestjar, jikkonforma ruħu ma’ dan l-obbligu billi jipprovdi informazzjoni alternattiva, l-użu ta’ din il-possibbiltà ma jistax jitqies bħala li jikkontesta tali deċiżjoni. Għall-kuntrarju, ir-reġistrant jibqa’ obbligat, skont din tal-aħħar, jissottometti l-istudju meħtieġ fit-terminu previst għal dan il-għan, ħlief jekk ikun jista’ jipproduċi informazzjoni li, filwaqt li tkun ta’ natura alternattiva, tissodisfa r-rekwiżiti li jippermettu li tiġi kklassifikata bħala “adattamenti”, fis-sens tal-annessi rilevanti tar-Regolament REACH.

140

Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni inkwistjoni la għandha l-konsegwenza li ttawwal b’mod infinit l-ipproċessar tal-fajls ta’ reġistrazzjoni li l-ECHA tagħżel skont l-Artikolu 41(5) tar-Regolament REACH bil-għan li tikkontrolla l-konformità tagħhom mal-ħtiġijiet jew mar-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament u lanqas li tostakola l-eżerċizzju tal-kompetenzi li l-Artikoli 125 u 126 tal-imsemmi regolament jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali.

141

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 79, 82 u 83 ta’ din is-sentenza, l-ECHA għandha s-setgħa, fi tmiem dan il-kontroll, mhux biss li tikkonstata b’mod definittiv li l-informazzjoni li ġiet sottomessa lilha ma hijiex konformi mar-rekwiżiti applikabbli, iżda wkoll li tiddeċiedi li r-reġistrant kiser, minħabba dan il-fatt, uħud mill-obbligi tiegħu taħt ir-Regolament REACH, b’mod partikolari l-obbligu tiegħu li jirreġistra, konformement mal-imsemmija rekwiżiti, is-sustanza kimika li huwa jimmanifattura, jimporta jew iqiegħed fis-suq fl-Unjoni. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, l-osservanza ta’ dan l-obbligu tikkundizzjona t-tkomplija tal-manifattura, tal-importazzjoni jew tat-tqegħid fis-suq, fl-Unjoni, tas-sustanza kimika inkwistjoni.

142

Dan huwa, barra minn hekk, dak li għamlet l-ECHA meta adottat l-ittra kontenzjuża.

143

Min-naħa tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, skont l-Artikoli 125 u 126 tar-Regolament REACH, id-dmir li jiżguraw l-eżekuzzjoni u l-osservanza ta’ tali deċiżjoni u, għal dan il-għan, b’mod partikolari, li jwettqu kontrolli kif ukoll li jimponu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Pinckernelle, C‑535/15, EU:C:2017:315, punt 46).

144

Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti kollha, it-tieni aggravju ma huwiex fondat.

145

Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

146

L-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi b’mod partikolari li, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

147

L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, jipprovdi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

148

F’dan il-każ, peress li Esso u l-ECHA talbu li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi kkundannata għall-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn dawn iż-żewġ partijiet.

149

Skont l-Artikolu 184(4) tal-istess regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent fl-ewwel istanza li jipparteċipa fil-proċedura ta’ appell għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

150

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li r-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

151

L-Artikolu 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent minbarra Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

152

F’dan il-każ, għandu jiġi deċiż li l-ECEAE, il-HOPA u l-HOPA REACH għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati dawk sostnuti minn Esso Raffinage kif ukoll mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA).

 

3)

Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-European Coalition to End Animal Experiments, il-Higher Olefins and Poly Alpha Olefins REACH Consortium u l-Higher Olefins & Poly Alpha Olefins vzw għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq