EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019CJ0540

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Settembru 2020.
WV vs Landkreis Harburg.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Artikolu 3(b) – Qorti tal-post tar-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment – Azzjoni għall-irkupru mressqa minn organu pubbliku ssurrogat fid-drittijiet tal-kreditur ta’ manteniment.
Kawża C-540/19.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2020:732

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Artikolu 3(b) – Qorti tal-post tar-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment – Azzjoni għall-irkupru mressqa minn organu pubbliku ssurrogat fid-drittijiet tal-kreditur ta’ manteniment”

Fil-Kawża C‑540/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

WV

vs

Landkreis Harburg

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaqdi l-funzjoni ta’ Mħallef tat-Tielet Awla, L. S. Rossi (Relatur), F. Biltgen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann, U. Bartl u E. Lankenau, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1, rettifiki ĠU 2011, L 131, p. 26; ĠU 2013, L 8, p. 19; ĠU 2013, L 281, p. 29).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn WV, residenti fi Vjenna (l-Awstrija), u l-Landkreis Harburg (distrett ta’ Harburg, il-Ġermanja) (iktar’ il quddiem “l-organu applikant”) dwar il-ħlas ta’ kreditu ta’ manteniment favur omm WV, li tirrisjedi fil-Ġermanja u li fid-drittijiet tagħha din l-entità hija legalment issurrogata.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Konvenzjoni ta’ Brussell

3

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), jistabbilixxi:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, il-persuni ddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat kontraenti għandhom jitressqu, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat.”

4

Il-punt 2 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jipprevedi:

“Il-konvenut domiċiljat fit-territorju ta’ Stat kontraenti jista’ jitressaq fi Stat kontraenti ieħor:

[…]

2)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ manteniment, fil-qorti tal-post fejn il-kreditur tal-manteniment ikun domiċiljat jew abitwalment residenti”.

Il-Protokoll ta’ Aja [Den Haag]

5

Il-Protokoll ta’ Aja [Den Haag] tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment, ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 331, p. 17) (iktar’ il quddiem il- “Protokoll ta’ Den Haag”).

6

L-Artikolu 3 ta’ dan il-protokoll, intitolat “Regola ġenerali dwar il-liġi applikabbli”, jipprovdi:

“1.   L-obbligi ta’ manteniment għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur, sakemm il-Protokoll ma jipprevedix mod ieħor.

2.   F’każ ta’ bidla fir-residenza abitwali tal-kreditur, il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida għandha tapplika mill-mument ta’ meta sseħħ il-bidla.”

7

L-Artikolu 10 tal-Protokoll ta’ Den Haag jipprevedi li d-dritt li korp pubbliku jitlob rimborż ta’ benefiċċji pprovdut lill-kreditur minflok il-manteniment għandu jkun irregolat mil-liġi li għalija huwa suġġett dak il-korp.

Ir-Regolament Nru 4/2009

8

Il-premessi 8, 9, 10, 11, 14, 15, 44 u 45 tar-Regolament Nru 4/2009 huma redatti kif ġej:

“(8)

Fil-qafas tal-Konferenza tal-Aja [Den Haag] dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, il-Komunità [Ewropea] u l-Istati Membri tagħha ħadu sehem f’negozjati li, fit-23 ta’ Novembru 2007, wasslu għall-adozzjoni […] tal-[Protokoll tal-Aja [Den Haag]]. Għaldaqstant, ikun xieraq li jittieħed kont ta’ [dan] […] [l-att] fil-qafas ta’ dan ir-Regolament.

(9)

Kreditur ta’ manteniment għandu jkun jista’ jikseb faċilment, fi Stat Membru, deċiżjoni li tkun awtomatikament eżegwibbli fi Stat Membru ieħor mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda formalità oħra.

(10)

Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, huwa xieraq li jiġi stabbilit att komunitarju fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment li jiġbor id-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitti ta’ ġurisdizzjonijiet, il-kunflitti ta’ liġijiet, ir-rikonoxximent u leżekutorjetà, l-eżekuzzjoni, l-għajnuna legali u l-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali.

(11)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkun estiż għall-obbligi ta’ manteniment kollha li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja, tal-parentela, taż-żwieġ jew ta’ affinità, u dan, sabiex tkun garantita ugwaljanza fit-trattament bejn il-kredituri ta’ manteniment kollha. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “obbligu ta’ manteniment” għandu jinftiehem b’mod awtonomu.

[…]

(14)

Dan ir-Regolament għandu jipprevedi li t-terminu “kreditur” għandu jinkludi, għall-finijiet ta’ talba ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment, il-korpi pubbliċi li għandhom id-dritt li jaġixxu minflok persuna li lilha huwa dovut manteniment jew li jitolbu r-rimborż tal-benefiċċji pprovduti lill-kreditur minflok il-manteniment. Meta korp [organu] pubbliku jaġixxi b’dan il-mod, għandu jkollu d-dritt għall-istess servizzi u għall-istess għajnuna ġudizzjarja bħal kreditur.

(15)

Sabiex jiġu protetti l-interessi tal-kredituri ta’ manteniment u tiġi promossa l-amministrazzjoni ġusta tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu adattati r-regoli relatati mal-ġurisdizzjoni, kif jirriżultaw mir-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)]. Il-fatt li konvenut ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Terz m’għandux jibqa’ fattur għall-esklużjoni ta’ l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetenza, u m’għandhiex tibqa’ ssir l-ebda referenza għal-liġi nazzjonali. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jiddetermina l-każijiet li fihom qorti ta’ Stat Membru tista’ teżerċita kompetenza sussidjarja.

[…]

(44)

Dan ir-Regolament għandu jemenda r-Regolament [Nru 44/2001] billi jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet li japplikaw fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment. Soġġett għad-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom, fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar il-kompetenza, ir-rikonoxximent, eżekutorjetà u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-għajnuna ġudizzjarja minflok dawk tar-Regolament [Nru 44/2001] mid-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Peress li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ sensiela ta’ miżuri li jippermettu li jiġi żgurat l-irkupru effettiv tat-talbiet ta’ manteniment f’sitwazzjonijiet transkonfinali u biex jiffaċilita l-moviment ħieles tal-persuni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ dan ir-Regolament, ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tieħu miżuri, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. […]”

9

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4/2009 jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-obbligi ta’ manteniment li ġejjin minn relazzjonijiet tal-familja, parentela, żwieġ jew affinità.”

10

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1.

‘deċiżjoni’: għandha tfisser deċiżjoni fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment mogħtija minn ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru, tkun xi tkun id-denomenazzjoni, jiġifieri digriet, ordni, sentenza jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll id-deċiżjoni minn uffiċjal tal-qorti li tiddetermina l-infiq jew l-ispejjeż. Għall-finijiet tal-Kapitoli VII u VIII, ‘deċiżjoni’ għandha tfisser ukoll deċiżjoni fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment mogħtija fi Stat terz;

[…]

‘kreditur’: għandha tfisser kwalunkwe individwu li huwa dovut manteniment jew li jallega li huwa dovut;

[…]”

11

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 huwa fformulat kif ġej:

“Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:

(a)

il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(b)

il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(ċ)

il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess, għandha l-ġurisdizzjoni biex twettaq proċedimenti li jikkonċernaw l-istatus ta’ persuna jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċedimenti, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq iċ-ċittadinanza ta’ waħda mill-partijiet, jew

(d)

il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess għandha l-ġurisdizzjoni biex iżżomm proċeduri li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ ġenitur jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċeduri, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet.”

12

L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Determinazzjoni tal-liġi applikabbli”, jipprovdi:

“Il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment għandha tiġi determinata skont il-[Protokoll tal-Aja [Den Haag]] fl-Istati Membri marbutin b’dak l-istrument.”

13

L-Artikolu 64 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Korpi [organi] pubbliċi bħala applikanti”, jistabbilixxi:

“1.   1. Għall-finijiet tal-applikazzjoni għar-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni tal-eżekutorjetà ta’ deċiżjonijiet jew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet, ‘kreditur’ għandha tinkludi korp [organu] pubbliku li jaġixxi minflok individwu li lilu huwa dovut manteniment jew korp [organu] li lilu huwa dovut rimborż għal benefiċċji pprovduti minflok manteniment.

2.   Id-dritt ta’ korp [organu] pubbliku li jaġixxi minflok individwu li lilu huwa dovut manteniment jew li jfittex ir-rimborż ta’ benefiċċji pprovduti lill-kreditur minflok manteniment għandu jkun irregolat mil-liġi li għaliha huwa soġġett il-korp [organu].

3.   Korp [organu] pubbliku jista’ jitlob ir-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni ta’ eżekutorjetà jew jitlob l-eżekuzzjoni ta’:

(a)

deċiżjoni mogħtija kontra debitur wara l-applikazzjoni ta’ korp [organu] pubbliku li jitlob il-ħlas ta’ benefiċċji pprovduti minflok manteniment;

(b)

deċiżjoni mogħtija bejn kreditur u debitur fir-rigward tal-benefiċċji pprovduti lill-kreditur minflok manteniment.

4.   Il-korp [L-organu] pubbliku li jkun qed jitlob ir-rikonoxximent u dikjarazzjoni ta’ eżekutorjetà jew li jkun qed jitlob l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni għandu, fuq talba, jipprovdi kwalunkwe dokument meħtieġ biex jistabbilixxi d-dritt tiegħu skont il-paragrafu 2 u biex jistabbilixxi li l-benefiċċji kienu provduti lill-kreditur.”

Id-dritt Ġermaniż

14

L-Artikolu 1601 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), intitolat “Debituri ta’ mantenimenti”, jipprovdi:

“Il-ġenituri f’linja diretta huma reċiprokament marbuta b’obbligu ta’ manteniment.”

15

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(1) tas-Sozialgesetzbuch XII (it-tnax-il ktieb tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem is- “SGB XII”), intitolat “Trasferiment ta’ drittijiet kontra persuna marbuta, skont id-dritt ċivili, ma’ obbligu ta’ manteniment”, tistabbilixxi:

“Jekk il-pretendenti tibbenefika, skont id-dritt ċivili, għall-perijodu li matulu tħallsu l-benefiċċji, ta’ kreditu ta’ manteniment, dan għandu jiġi ttrasferit, flimkien mad-dritt għall-informazzjoni fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, lill-organu tal-għajnuna soċjali sal-ammont tas-somom imħallsa.”

16

Skont it-tielet sentenza tal-paragrafu 5 tal-Artikolu 94 tas-SGB XII, id-drittijiet ittrasferiti skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandhom jiġu eżerċitati quddiem il-qrati ċivili.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Omm WV, li tinsab fi stabbiliment ta’ kura għall-persuni anzjani f’Köln (il-Ġermanja), hija intitolata għal pensjoni tal-manteniment bħala axxendent fil-linja diretta, skont l-Artikolu 1601 tal-Kodiċi Ċivili, li hija obbligata tħallas lil WV, li tirrisjedi fi Vjenna (l-Awstrija). Madankollu, omm WV tirċievi regolarment mingħand l-organu li titlob għajnuna soċjali skont is-SGB XII. Dan l-organu jsostni li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(1) tas-SGB XII, hija ġiet issurrogata fid-dritt tal-benefiċjarju tal-għajnuna soċjali fir-rigward ta’ WV, għall-benefiċċji tal-ikel li hija assumiet favur l-omm WV sa mix-xahar ta’ April 2017.

18

Adita b’azzjoni għall-irkupru kontra WV fil-qasam tal-manteniment mill-organu applikant, l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja) qieset, fl-ewwel istanza, li l-qrati Ġermaniżi ma kellhomx ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jiddeċiedu dwar din l-azzjoni. Skont din il-qorti, il-ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 tista’ tiġi invokata biss mill-persuna fiżika li lilha huwa dovut ikel.

19

Fil-proċedura tal-appell, l-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja) annullat is-sentenza tal-ewwel istanza. Din il-qorti qieset li l-għażla mogħtija lill-kreditur tal-manteniment mill-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 4/2009 setgħet tiġi eżerċitata wkoll mill-organu applikant bħala ċessjonarju tad-drittijiet ta’ manteniment.

20

Adita b’appell għal reviżjoni ppreżentat minn WV kontra d-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln), il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tistaqsi jekk l-organu pubbliku li ħallas l-għajnuna soċjali jistax jinvoka l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009, meta, permezz ta’ surroga legali, dan l-organu jinvoka fil-konfront tad-debitur tal-manteniment kreditu bbażat fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili nazzjonali dwar il-pensjonijiet tal-manteniment.

21

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesponi, preliminarjament, li l-kreditu li fih l-organu applikant huwa ssurrogat jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jikkostitwixxi obbligu ta’ manteniment fis-sens tar-Regolament Nru 4/2009, u li dan l-organu għandu jinvoka tali kreditu b’mezz ċivili.

22

Peress li l-azzjoni għal irkupru ta’mantenimenti mressqa mill-organu applikant taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009, il-qorti tar-rinviju tindika li għalkemm, fir-rigward ta’ dan ir-regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni esposta fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, id-duttrina Ġermaniża hija maqsuma fuq ir-risposta li għandha tingħata. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, ċerti awturi jirrispondu fl-affermattiv għal din id-domanda billi jinvokaw preokkupazzjoni ta’ effettività tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, sabiex b’mod partikolari jiġi evitat li d-debitur tal-manteniment residenti barra mill-pajjiż ikun jista’ jibbenefika minn trattament preferenzjali li jirriżulta mill-intervent min-naħa ta’ organu pubbliku. Awturi oħra, għall-kuntrarju, isostnu s-soluzzjoni kuntrarja, kif stabbilita fis-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2004, Blijdenstein (C‑433/01, EU:C:2004:21), dwar l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, u li hija intiża wkoll sabiex tapplika fil-kuntest tar-Regolament Nru 4/2009, li jkollha bħala konsegwenza li organu pubbliku li jsegwi, permezz ta’ azzjoni għall-irkupru, l-irkupru ta’ dejn ta’ manteniment ma jkunx jista’ jinvoka, kontra d-debitur tal-manteniment, il-possibbiltà li jinvoka l-ġurisdizzjoni tal-qrati tar-residenza abitwali tal-imsemmi kreditur.

23

Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li, b’differenza mir-rapport tat-tip “regola/eċċezzjoni” li jipprevali fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 huma regoli ta’ ġurisdizzjoni ġenerali u alternattivi u għalhekk ta’ livell identiku. Barra minn hekk, u minkejja li l-punt 10 tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 4/2009 jindika lill-kreditur bħala persuna fiżika, l-imsemmija qorti tqis li, kemm id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar l-eżekuzzjoni ta’ talbiet ta’ manteniment, b’mod partikolari l-Artikolu 64 tiegħu, kif ukoll l-għanijiet imfittxija mill-imsemmi regolament jimmilitaw favur soluzzjoni li tiżgura l-effettività tal-irkupru tat-talbiet ta’ manteniment, billi tagħti lill-korp pubbliku legalment issurrogat fid-drittijiet tal-kreditur ta’ manteniment il-possibbiltà li jinvoka r-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009.

24

Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni li hija tissuġġerixxi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Organu pubbliku li pprovda lil kreditur ta’ manteniment b’benefiċċji ta’ għajnuna soċjali skont dispożizzjonijiet tad-dritt pubbliku jista’ jipprevalixxi ruħu mill-qorti tal-post fejn il-kreditur ta’ manteniment għandu r-residenza abitwali tiegħu skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 fil-każ li jeżiġi, fuq bażi surrogatorja, kontra d-debitur ta’ manteniment, il-kreditu ta’ manteniment ta’ natura ċivili tal-kreditur ta’ manteniment li, minħabba l-għoti tal-għajnuna soċjali, ġie ttrasferit lilu permezz ta’ surroga legali?”

Fuq id-domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk organu pubbliku li jfittex, permezz ta’ azzjoni għall-irkupru, l-irkupru ta’ somom imħallsa bħala manteniment lil kreditur ta’ manteniment, li fid-drittijiet tiegħu huwa ssurrogat fil-konfront tad-debitur tal-manteniment, huwiex iġġustifikat li jinvoka l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post tar-residenza abitwali tal-imsemmi kreditur, prevista fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009.

26

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jippermettu li jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4/2009 huma applikabbli fil-kuntest ta’ azzjoni għall-irkupru mressqa minn organu pubbliku, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

27

Fil-fatt, kif josservaw il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea, id-dritt tal-organu pubbliku li jaġixxi bħala applikant joriġina mill-obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw mir-relazzjonijiet tal-familja u ta’ parentela u li, fil-kawża prinċipali, jaqgħu fuq WV fir-rigward ta’ ommu. L-eżerċizzju ta’ tali dritt jimplika, fil-konfront tad-debitur, obbligi ta’ manteniment li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4/2009.

28

Madankollu, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu b’riferiment b’mod partikolari għall-għanijiet u għas-sistema tar-Regolament ikkunsidrat, hemm lok li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 jiġi interpretat fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, tal-għanijiet tiegħu kif ukoll tas-sistema li fi ħdanha jaqa’(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber, C-400/13 u C-408/13, EU:C:2014:2461, punti 2425).

29

Mill-kliem tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali” jirriżulta li dan jistabbilixxi kriterji ġenerali ta’ għoti ta’ ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istati Membri li jiddeċiedu fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment. B’differenza mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li ġew eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2004, Blijdenstein (C‑433/01, EU:C:2004:21), l-imsemmi Artikolu 3 ma jinkludix la prinċipju ġenerali, bħalma huwa l-ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tal-konvenut, u lanqas regoli derogatorji, li għandhom jiġu interpretati b’mod strett, bħal dak previst fl-Artikolu 5(2) ta’ din il-konvenzjoni, iżda pluralità ta’ kriterji, ta’ livell ugwali u li huma alternattivi, hekk kif juri l-użu tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew” wara r-riferiment ta’ kull wieħed minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-5 ta’ Settembru 2019, R (Ġurisdizzjoni ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u obbligu ta’ manteniment), C‑468/18, EU:C:2019:666, punt 29).

30

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 joffri għalhekk lill-kreditur tal-manteniment, meta jaġixxi bħala rikorrent, il-possibbiltà li jressaq it-talba tiegħu dwar obbligu ta’ manteniment abbażi ta’ diversi titoli ta’ ġurisdizzjoni, b’mod partikolari, jew quddiem il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, skont l-Artikolu 3(a), jew quddiem il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, konformement mal-punt (b) tal-imsemmi artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-5 ta’ Settembru 2019, R (Ġurisdizzjoni ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u obbligu ta’ manteniment), C‑468/18, EU:C:2019:666, punti 3031).

31

Madankollu, peress li l-kliem tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 ma jispeċifikax li l-qrati msemmija fil-punt (a) u (b) tiegħu għandhom jiġu aditi mill-kreditur tal-manteniment stess, dan l-artikolu ma jipprekludix, bla ħsara għall-osservanza tal-għanijiet u tas-sistema ta’ dan ir-regolament, li talba dwar obbligu ta’ manteniment tkun tista’ titressaq minn organu pubbliku legalment issurrogat fid-drittijiet tal-imsemmi kreditur quddiem waħda jew l-oħra minn dawn il-qrati.

32

Issa, kif sostnew kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-partijiet ikkonċernati kollha f’din il-kawża, la l-għanijiet u lanqas is-sistema tar-Regolament Nru 4/2009 ma jipprekludu li l-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba dwar obbligu ta’ manteniment imressqa minn tali organu pubbliku, skont l-Artikolu 3(b) ta’ dan ir-regolament.

33

Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-ammissjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti msemmija fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba hija konformi mal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, li fosthom hemm, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza, kemm il-prossimità bejn il-qorti li għandha ġurisdizzjoni u l-kreditur ta’ manteniment kif ukoll l-għan, imfakkar fil-premessa 45 tal-imsemmi regolament, li jiġi ffaċilitat kemm jista’ jkun l-irkupru ta’ talbiet ta’ manteniment internazzjonali.(ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber, C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2461, punti 26, 28, 4041, kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2020, FX (Oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ dejn ta’ manteniment), C‑41/19, EU:C:2020:425, punti 4041).

34

B’mod partikolari, l-għoti lill-organu pubbliku ssurrogat fid-drittijiet tal-kreditur ta’ manteniment il-possibbiltà li jressaq kawża quddiem il-qorti tal-post tar-residenza abitwali ta’ dan il-kreditur huwa ta’ natura li jiżgura l-effikaċja tal-irkupru ta’ talbiet ta’ manteniment internazzjonali, għan li, min-naħa l-oħra, jiġi mdgħajjef jekk tali organu pubbliku jiġi mċaħħad mid-dritt li jinvoka kriterji alternattivi ta’ ġurisdizzjoni previsti, favur ir-rikorrent fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, fl-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 4/2009, kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll, jekk ikun il-każ, fil-każ ta’ residenza tal-konvenut fi Stat terz.

35

F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 38 u 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, sa fejn l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 4/2009 ma jissuġġettax l-applikabbiltà tar-regoli tiegħu fil-qasam tal-ġurisdizzjoni internazzjonali għall-kundizzjoni li l-konvenut ikun iddomiċiljat fi Stat Membru, ma jawtorizzax lill-organu pubbliku ssurrogat fid-drittijiet tal-kreditur li jadixxi lill-qorti tal-post tar-residenza abitwali ta’ dan tal-aħħar, meta d-debitur tal-manteniment ikun iddomiċiljat fi Stat terz, iwassal wisq probabbli li jobbliga dan l-organu pubbliku li jsostni l-azzjoni tiegħu barra mill-Unjoni. Din is-sitwazzjoni, kif ukoll id-diffikultajiet legali u prattiċi li jirriżultaw minnha, bħal dawk enfasizzati mill-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, jistgħu jikkompromettu l-irkupru effettiv tal-krediti ta’ manteniment.

36

Barra minn hekk, l-ammissjoni li l-organu pubbliku ssurrogat fid-drittijiet tal-kreditur ta’ manteniment jista’ validament iressaq kawża quddiem il-qorti msemmija fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 bl-ebda mod ma jbiddel l-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li dan ir-regolament ukoll ifittex li jilħaq.

37

F’dan ir-rigward, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-għan għandu jinftiehem mhux biss mill-perspettiva ta’ ottimizzazzjoni tal-organizzazzjoni ġudizzjarja iżda wkoll fir-rigward tal-interess tal-partijiet, kemm jekk ikun ir-rikorrent jew il-konvenut fl-azzjoni ġudizzjarja, li għandhom ikollhom il-possibbiltà li jibbenefikaw, b’mod partikolari, minn aċċess iffaċilitat għall-ġustizzja u minn prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber, C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2461, punt 29, kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2020, FX (Oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ dejn ta’ manteniment), C-41/19, EU:C:2020:425, punt 40).

38

Issa, it-trasferiment tad-drittijiet tal-kreditur ta’ manteniment favur tali organu pubbliku la jaffettwa l-interessi tad-debitur tal-manteniment u lanqas il-prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli, peress li dan tal-aħħar għandu, fil-fatt, jistenna, fi kwalunkwe każ, li jitressaq jew quddiem il-qorti tal-post fejn huwa għandu r-residenza abitwali tiegħu jew quddiem dik tal-post tar-residenza abitwali tal-kreditur.

39

Fit-tieni lok, il-fatt li l-organu pubbliku ssurrogat legalment fid-drittijiet tal-kreditur ta’ manteniment huwa awtorizzat iressaq kawża quddiem il-qorti tal-post ta’ residenza abitwali ta’ dan tal-aħħar huwa wkoll koerenti mas-sistema tar-Regolament Nru 4/2009 kif ukoll mal-istruttura tiegħu, kif riflessi b’mod partikolari fil-premessa 14 tiegħu.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 4/2009 jipprevedi preċiżament l-intervent ta’ organu pubbliku, bħala applikant, li jaġixxi minflok persuna li lilha huwa dovut manteniment jew li għaliha huwa dovut ir-rimbors ta’ servizzi pprovduti bħala manteniment. Għalhekk, skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 4/2009, tali organu huwa inkluż fid-definizzjoni tat-terminu “kreditur” għall-finijiet ta’ talba għal rikonoxximent u għal dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjonijiet jew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, terminu li, skont il-punt 10 tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament, jindika biss, bħala prinċipju, persuna fiżika li lilha huwa dovut jew allegat li huwa dovut manteniment. Barra minn hekk u fuq kollox, l-Artikolu 64(3)(a) ta’ dan l-istess regolament jippreċiża li dan l-organu pubbliku għandu d-dritt li jitlob ir-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva jew li jitlob l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija kontra debitur fuq talba ta’ organu pubbliku, li huwa intiż għall-ħlas ta’ servizzi pprovduti bħala manteniment.

41

Din id-dispożizzjoni timplika li tali organu pubbliku jkun qabel tqiegħed f’pożizzjoni li jadixxi l-qorti indikata skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 sabiex din tkun tista’ tadotta deċiżjoni fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament.

42

Mid-dispożizzjonijiet kollha ċċitati iktar ’il fuq jirriżulta li, filwaqt li organu pubbliku ssurrogat legalment fid-drittijiet ta’ kreditur ta’ manteniment ma jistax huwa stess jinvoka l-istatus ta’ “kreditur” sabiex jikkonstata l-eżistenza ta’ obbligu ta’ manteniment, huwa għandu madankollu jitqiegħed f’pożizzjoni li jadixxi, għal dan il-għan, lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni tar-residenza abitwali tal-kreditur ta’ manteniment, skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009. Ladarba d-deċiżjoni tingħata minn din il-qorti fl-Istat ta’ oriġini, tali organu pubbliku jkollu d-dritt li jiġi rrikonoxxut lilu l-istatus ta’ kreditur għall-finijiet, jekk ikun il-każ, ta’ talba għal rikonoxximent, għal dikjarazzjoni tas-saħħa eżekuttiva jew ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni fl-Istat fejn issir it-talba, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 64 tal-imsemmi regolament.

43

Fl-aħħar nett, l-ammissjoni li l-organu pubbliku ssurrogat fid-drittijiet tal-kreditur ta’ manteniment għandu l-possibbiltà li jinvoka l-forum previst fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 huwa wkoll koerenti mal-Protokoll ta’ Den Haag, li għalih isir riferiment fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment. Fil-fatt, sa fejn, minn naħa, l-Artikolu 3(1) ta’ dan il-protokoll jipprevedi li, bħala prinċipju, il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur tirregola l-obbligi ta’ manteniment u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10 tal-imsemmi protokoll, li ġie riprodott fl-Artikolu 64(2) tal-imsemmi regolament, jistabbilixxi li d-dritt għar-rimbors tal-organu pubbliku li jkun ħallas benefiċċju lill-kreditur minflok manteniment huwa suġġett għal-liġi li tirregola l-imsemmi organu, tali possibbiltà tippermetti li jiġi żgurat, fil-parti l-kbira tal-każijiet, li huma dawk li fihom jinsabu s-sede tal-organu pubbliku u r-residenza abitwali tal-kreditur fl-istess Stat Membru, paralleliżmu bejn ir-regoli tal-indikazzjoni tal-forum u dawk relatati mad-dritt materjali applikabbli, li jwassal għar-regolament tal-każijiet fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li organu pubbliku li jfittex, permezz ta’ azzjoni għall-irkupru, l-irkupru ta’ somom imħallsa bħala manteniment lil kreditur ta’ manteniment, li fid-drittijiet tiegħu huwa ssurrogat fil-konfront tad-debitur tal-manteniment, huwa ġġustifikat li jinvoka l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post tar-residenza abitwali tal-imsemmi kreditur, prevista fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Organu pubbliku li jfittex, permezz ta’ azzjoni għall-irkupru, l-irkupru ta’ somom imħallsa bħala manteniment lil kreditur ta’ manteniment, li fid-drittijiet tiegħu huwa ssurrogat fil-konfront tad-debitur tal-manteniment, huwa ġġustifikat li jinvoka l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post tar-residenza abitwali tal-imsemmi kreditur, prevista fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq