EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0460

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019.
HK vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Servizz pubbliku – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 1d – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII – Pensjoni tas-superstiti – Kundizzjonijiet għall-għoti – Kunċett ta’ ‘konjuġi superstiti’ ta’ uffiċjal tal-Unjoni – Żwieġ u sħubija mhux matrimonjali – Konkubinaġġ – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Sitwazzjoni paragunabbli – Assenza – Kundizzjoni ta’ anzjanità taż-żwieġ – Ġlieda kontra l-frodi – Ġustifikazzjoni.
Kawża C-460/18 P.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:1119

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Appell – Servizz pubbliku – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 1d – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII – Pensjoni tas-superstiti – Kundizzjonijiet għall-għoti – Kunċett ta’ ‘konjuġi superstiti’ ta’ uffiċjal tal-Unjoni – Żwieġ u sħubija mhux matrimonjali – Konkubinaġġ – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Sitwazzjoni paragunabbli – Assenza – Kundizzjoni ta’ anzjanità taż-żwieġ – Ġlieda kontra l-frodi – Ġustifikazzjoni”

Fil-Kawża C‑460/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑12 ta’ Lulju 2018,

HK, residenti f’Espartinas-Sevilla (Spanja), irrappreżentat minn S. Rodrigues u A. Champetier, avukati,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-proċedura li huma:

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara u B. Mongin, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u R. Meyer, bħala aġenti,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan (Relatur), L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: V. Giacobbo‑Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, HK jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑3 ta’ Mejju 2018, HK vs Il‑Kummissjoni (T‑574/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:252), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirrifjutalu l-benefiċċju tal-pensjoni tas-superstiti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) u, fejn meħtieġ, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-ilment tiegħu kif ukoll, min-naħa l-oħra, sabiex jikseb kumpens għad-danni materjali u morali allegatament imġarrba.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2000/78/KE

2

L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), intitolat “Skop”, jistabbilixxi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

3

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[…]”

Ir-Regolamenti tal-Persunal

4

Skont l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”):

“1.   Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq kull raġuni, bħas-sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fatturi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kull opinjoni oħra, sħubija f’minorita nazzjonali, proprjetà, twelid, disabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali, hija pprojbita.

Għall-iskopijiet ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, sħubija mhux maritali [matrimonjali] għandha tkun ittrattata bħala żwieġ sakemm il-kondizzjonijiet kollha mniżżla fl-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII jitħarsu.

[…]

5.   Meta persuni koperti minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, li jikkunsidraw li saret inġustizzja magħhom għax il-prinċipju tat-trattament indaqs kif ipreżentat hawn fuq ma kienx applikat magħhom, jistabbilixxu l-fatti li jista’ jkun presunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ikun fuq l-istituzzjoni li tipprova li ma kienx hemm ksur fil-prinċipju tat-trattament indaqs. Din id-disposizzjoni ma tgħoddx fil-proċeduri dixxiplinarji.

6.   Waqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal. It-tali oġġettivi jistgħu partikolarment jiġġustifikaw li tkun stipulata età mandatarja ta’ rtirar u età minima biex tieħu pensjoni ta’ rtirar.”

5

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi:

“Is-sieħba li tibqa’ ħajja ta’ uffiċjal jew ta’ dak li qabel kien uffiċjal għandha tkun intitolata, fil-mod ipprovdut fil-Kapitolu 4 ta’ l-Anness VIII, għal pensjoni għal min jibqa’ ħaj [pensjoni tas-superstiti] daqs 60 % tal-pensjoni ta’ l-irtirar jew il-benefiċċju ta’ l-invalidità li kienet titħallas lill-mejjet, jew li, jkun xi jkun it-tul tas-servizz jew ta’ l-età, kieku kieket titħallas lilu li kieku kkwalifika għaliha meta miet.”

6

L-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“Appell lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jintlaqa’ biss jekk:

l-awtorità tal-ħatra qabel kienet irċevit ilment mitfugħ skond l-Artikolu 90(2) fil-perjodu preskritt fih, u

l-ilment ma kienx aċċettat b’deċiżjonijiet espressi jew b’deċiżjoni taċita.”

7

L-Artikolu 1(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“L-allowance tal-familja għand[ha] [t]ingħata lil:

[…]

(ċ)

uffiċjal li huwa rreġistrat bħala sieħeb stabbli, mhux miżżewweġ, sakemm:

(i)

il-koppja tipproduċi dokument legali, rikonoxxut bħal tali minn Stat Membru, jew kull awtorità kompetenti ta’ Stat Membri, li tirrikonoxxi l-istat[us] tagħhom bħala sħab [imsieħba] mhux miżżewġa;

(ii)

l-ebda sieħeb m’hu qiegħed f’relazzjoni maritali [matrimonjali], jew f’xi relazzjoni oħra mhux maritali;

(iii)

l-imsieħba ma jiġux min[n] xulxin b’xi mod li ġej: ġenitur, iben/bint, nannu/nanna, neputi tan-nanniet, ħu, oħt, ziju, zij[a], neputi, neputija, ħaten, ħtint;

(iv)

il-koppja m’għandhiex aċċess għal żwieġ legali fi Stat Membru, il-koppja għandha titqies li għandha aċċess għal żwieġ legali għall-iskopijiet ta’ dan il-punt biss fejn il-membri tal-koppja jħarsu l-kondizzjonijiet kollha mniżżla mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li jippermetti ż-żwieġ tat-tali koppja;

[…]”

8

L-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat kif ġej:

“Meta uffiċjali imut waqt li jkollu wieħed mill-istatus amministrattivi mniżżla fl-Artikolu 35 tar-Regolament tal-Persunal, is-sieħeb li jibqa’ ħaj għandu jkun intitolat, sakemm il-koppja kienu miżżewġin għall-anqas sena fil-ħin tal-mewt tiegħu u suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(1) u 22, għal pensjoni tas-sieħeb li għadu ħaj daqs 60 % tal-pensjoni ta’ l-irtirar li l-uffiċjali ikun jiġi mħallas kieku kien kwalifikat, irrispettivament mid-dewmien tas-servizz jew l-età, għal tali pensjoni fil-ħin tal-mewt tiegħu.

Id-dewmien taż-żwieġ m’għandhux jittieħed in konsiderazzjoni jekk hemm wild wieħed jew aktar miż-żwieġ jew minn żwieġ ieħor ta’ l-uffiċjal sakemm is-sieħeb li jibqa’ ħaj imantni jew kien imantni dawk l-ulied, jew jekk il-mewt ta’ l-uffiċjal tirriżulta jew minn disabilta fiżika jew mard li ġie waqt it-twettiq tad-doveri tiegħu jew minn aċċident.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

9

HK, l-appellant, u s-Sinjura N bdew il-ħajja komuni tagħhom fis-sena 1994, billi kienu ddomiċiljati f’Liège (il-Belġju).

10

Is-Sinjura N kienet uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u kienet ġiet assenjata liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) f’Sevilla (Spanja) mis‑16 ta’ Mejju 2005.

11

Minħabba l-problemi tas-saħħa tiegħu, l-appellant ġie prekluż milli jaħdem jew milli jsegwi taħriġ. Huwa regolarment irċieva l-flus mis-Sinjura N.

12

L-appellant u s-Sinjura N iżżewġu f’Liège fid‑9 ta’ Mejju 2014.

13

Is-Sinjura N mietet fil‑11 ta’ April 2015.

14

Wara l-mewt tas-Sinjura N, il-Kummissjoni informat lill-appellant bil-fomm li huwa ma kellux dritt għal pensjoni tas-superstiti.

15

Fil‑15 ta’ Ġunju 2015, l-appellant ressaq ilment amministrattiv minn qabel kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Settembru 2015, dan l-ilment ġie miċħud.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

16

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit‑23 ta’ Diċembru 2015, l-appellant ressaq kawża intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u għall-kumpens għad-danni materjali u morali allegatament imġarrba.

17

Permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit‑18 ta’ Frar 2016, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab li jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Il-President tal-Ewwel Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa’ din it-talba permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ April 2016.

18

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Lulju 2016 dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137), l-imsemmija kawża ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fl-istat li din kienet tinsab fid-data tal‑31 ta’ Awwissu 2016.

19

Insostenn tat-talbiet tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, “fejn meħtieġ”, tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tal‑15 ta’ Ġunju 2015, l-appellant qajjem, permezz ta’ eċċezzjoni, l-illegalità tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, billi invoka, minn naħa, li l-kriterju taż-żwieġ jew tas-sħubija mhux matrimonjali, ta’ tul ta’ iktar minn sena, huwa arbitrarju u inadegwat fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mill-pensjoni tas-superstiti, u, min-naħa l-oħra, li din id-dispożizzjoni hija illegali peress li tikser l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78.

20

L-appellant talab ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni għall-kumpens għad-dannu materjali tiegħu kif ukoll għad-dannu morali evalwat ex aequo et bono għal EUR 5000.

21

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellant kollu kemm hu u kkundannatu għall-ispejjeż.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22

Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tevoka l-kawża għal deċiżjoni billi tilqa’ t-talbiet tal-appellant ifformulati fl-ewwel istanza, inkluża l-kundanna għall-ispejjeż tal-Kummissjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan,

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi, fejn l-ispejjeż tal-appell għandhom għalhekk jiġu rregolati konformement mal-Artikolu 184 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż kollha.

Fuq l-appell

24

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iqajjem żewġ aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll motivazzjoni ekwivoka, inkoerenti u kontradittorja tas-sentenza appellata u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti tal-imsemmija sentenza.

Fuq l-ammissibbiltà

25

Il-Kummissjoni u l-Kunsill sostnew, waqt is-seduta, li, fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellant invoka, permezz ta’ eċċezzjoni, motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li permezz tiegħu huwa sostna li din id-dispożizzjoni hija ta’ natura diskriminatorja minħabba li l-għoti tal-pensjoni tas-superstiti huwa suġġett għall-eżistenza ta’ rabta matrimonjali bejn il-persuni kkonċernati. Issa, insostenn tal-ewwel aggravju tal-appell, l-appellant issa jallega li skont dan l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 il-pensjoni tas-superstiti ma hijiex irriżervata għall-koppji miżżewġa. Dan ma kienx ġie diskuss quddiem il-Qorti Ġenerali u minħabba dan il-fatt huwa ta’ natura ġdida, li tirrendih inammissibbli.

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv u argumenti li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, ikun ifisser li dik il-parti tkun awtorizzata tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fejn jidħol appell hija limitata, tilwima iktar estiża minn dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li tkun ingħatat lill-motivi u lill-argumenti li jkunu ġew diskussi quddiem l-ewwel qrati (sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, EU:C:1994:211, punt 59, kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2016, BSH vs EUIPO, C‑43/15 P, EU:C:2016:837, punt 43).

27

Madankollu, fil-kuntest ta’ motiv li huwa ammissibbli, bħala prinċipju huwa r-rikorrent li għandu jiżviluppa l-argumenti insostenn ta’ dan il-motiv kif huwa jidhirlu xieraq, jew billi jibbaża ruħu fuq argumenti użati diġà quddiem il-Qorti Ġenerali jew billi jiżviluppa argumenti ġodda, b’mod partikolari fir-rigward tal-pożizzjoni meħuda mill-Qorti Ġenerali. Jekk ikun mod ieħor, il-proċedura ta’ appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u l-applikazzjoni tiegħu għas-sitwazzjoni tal-appellant kienu ġew diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali matul il-proċedura fl-ewwel istanza. Dan l-aggravju huwa intiż li jikkontesta b’mod iddettaljat l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali ta’ din id-dispożizzjoni u ma jikkostitwixxix motiv ġdid li l-produzzjoni tiegħu fl-istadju tal-appell hija pprojbita.

29

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju tal-appell huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

30

L-appellant isostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’motivazzjoni ekwivoka, inkoerenti u kontradittorja. F’dan ir-rigward, huwa jqis li, bi tweġiba għall-ewwel aggravju tiegħu li l-kriterju taż-żwieġ jew tas-sħubija mhux matrimonjali kien arbitrarju u inadegwat, il-Qorti Ġenerali adottat raġunament żbaljat meta stabbilixxiet rabta “bla riżerva” bejn il-kunċett ta’ “konjuġi”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, u dak ta’ “żwieġ”. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali żiedet kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li ma tissuġġettax il-benefiċċju tal-pensjoni tas-superstiti favur il-konjuġi superstiti ta’ uffiċjal deċedut għall-eżistenza ta’ rabta matrimonjali bejn dawn iż-żewġ persuni. L-appellant isostni li d-dritt pożittiv evolva, peress li diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali kienu jqarrbu lejn is-sistema ta’ żwieġ dik ta’ forom oħra ta’ unjoni, bħalma huma l-konkubinaġġ jew is-sħubija mhux matrimonjali.

31

Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess evolviet, b’mod partikolari fil-kuntest tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal li seħħet matul is-sena 2004, bil-modifika, b’mod partikolari, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1d tiegħu. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni żied l-indikazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali, li tippermetti lill-imsieħba tal-istess sess irreġistrati uffiċjalment jibbenefikaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, bl-istess mod bħall-persuni miżżewġa, mill-vantaġġi mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal.

32

Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx għaldaqstant validament tqis, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima, fosthom l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII, jinkludu kunċetti tad-dritt tal-Unjoni bħal dawk ta’ “żwieġ” u ta’ “konjuġi” li jirrigwardaw esklużivament relazzjoni bbażata fuq iż-żwieġ ċivili, fis-sens tradizzjonali tal-kelma.

33

Barra minn hekk, is-sentenza appellata hija kontradittorja sa fejn il-Qorti Ġenerali enfasizzat ukoll, fil-punt 28 ta’ dik is-sentenza, li ż-żwieġ ma huwiex “bħala prinċipju” paragunabbli mal-konkubinaġġ jew ma’ sitwazzjonijiet oħra ta’ fatt. Il-Qorti Ġenerali għalhekk tirrikonoxxi li jeżistu sitwazzjonijiet li fihom iż-żwieġ jista’ jkun paragunabbli għal dawn it-tipi l-oħra ta’ unjoni. Madankollu, hija ma tużax il-konsegwenzi ta’ din il-possibbiltà sabiex tevalwa jekk, f’dan il-każ, l-unjoni li minnha jista’ jibbaża ruħu l-appellant mal-uffiċjal deċedut kinitx paragunabbli ma’ unjoni matrimonjali u jekk dan setax jitqies li huwa “konjuġi superstiti”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, a fortiori sa fejn huwa seta’ jipprova l-eżistenza u t-tul tal-unjoni tul il-ħajja tiegħu mas-Sinjura N.

34

Barra minn hekk, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tiddeduċi, mill-punt 22 ta’ dik is-sentenza, li l-kundizzjoni ta’ għoti tal-pensjoni tas-superstiti hija bbażata mhux fuq it-telf tar-remunerazzjoni tal-uffiċjal deċedut, iżda fuq in-natura legali tar-rabtiet li jgħaqqdu lil dan l-uffiċjal mal-konjuġi tiegħu jew mas-sieħeb superstiti tiegħu. Billi ddeċidiet hekk, il-Qorti Ġenerali qieset, ġustament, li l-kunċetti ta’ “konjuġi” u ta’ “sieħeb” huma ekwivalenti.

35

Il-Kummissjoni toġġezzjona li l-interpretazzjoni ta’ kunċetti li jinsabu fir-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tobbliga lill-qorti tal-Unjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Hija ssostni li s-sħubiji mhux matrimonjali jistgħu, f’ċerti każijiet, iwasslu għal drittijiet għall-benefiċċju tas-sieħeb mhux miżżewweġ, iżda dan jista’ jseħħ biss meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal. Dan jissuġġetta r-rikonoxximent ta’ “sħubija mhux matrimonjali” għall-prova ta’ unjoni tul il-ħajja kkaratterizzata minn ċerta stabbiltà kif ukoll għall-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari l-impossibbiltà li jiżżewweġ. Huwa biss jekk jiġu osservati l-kundizzjonijiet kollha elenkati f’din id-dispożizzjoni li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, is-sħubiji mhux matrimonjali jkollhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħaż-żwieġ. Issa, l-appellant ma jurix li huwa jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha.

36

Fir-rigward tal-allegati difetti ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tqis li l-punt 47 ta’ dik is-sentenza la huwa ekwivoku u lanqas kontradittorju. B’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali teżiġi li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura legali tar-rabtiet eżistenti bejn l-imsieħba, jiġifieri jew l-eżistenza ta’ żwieġ, li jippermetti li wieħed jirċievi l-pensjoni tas-superstiti, jew inkella l-eżistenza ta’ sħubija, kif tindika l-konġunzjoni “jew”. L-interpretazzjoni li tgħid li l-Qorti Ġenerali, fl-imsemmi punt, assimilat is-“sieħeb superstiti” mal-“konjuġi” hija kkontradetta mill-imsemmija sentenza meħuda kollha kemm hi.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

37

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant isostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’motivazzjoni ekwivoka, inkoerenti u kontradittorja. Fil-fatt, filwaqt li f’ċerti punti ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “konjuġi”, imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jirreferi biss għall-persuna miżżewġa, il-Qorti Ġenerali applikat, f’punti oħra tal-imsemmija sentenza, dan il-kunċett ukoll għas-“sieħeb”.

38

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha tiżvela b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tagħha, sabiex il-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni meħuda u l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punti 135136, kif ukoll id-digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2019, Aldo Supermarkets vs EUIPO, C‑822/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:466, punt 18).

39

Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li tista’, bħala tali, tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 25, u tat‑23 ta’ Jannar 2019, Klement vs EUIPO, C‑698/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:48, punt 29).

40

Fir-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellant qajjem, permezz ta’ eċċezzjoni, żewġ motivi bbażati fuq l-illegalità tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn dan l-artikolu, minn naħa, jipprevedi kriterju allegatament “arbitrarju u inadegwat” sabiex jiddetermina d-dritt għall-pensjoni tas-superstiti u, min-naħa l-oħra, jikser l-Artikolu 21 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78.

41

Sabiex tiddeċiedi fuq dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

42

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 22 tas-sentenza appellata, li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, “minn naħa, kundizzjoni dwar l-istatus matrimonjali li huwa dak li wieħed ikun il-konjuġi superstiti tal-uffiċjal deċedut, u, min-naħa l-oħra, kundizzjoni marbuta mat-tul ta’ dan l-istatus, jiġifieri li din kienet il-konjuġi tiegħu għal mill-inqas sena”.

43

Il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 23 ta’ dik is-sentenza, li d-“dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huma ċari u preċiżi u jesponu, mingħajr ambigwità, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex wieħed jibbenefika minn pensjoni tas-superstiti, jiġifieri li kienu miżżewġin għal mill-inqas sena fil-ħin tal-mewt tal-uffiċjal”. Fil-punt 25 tal-imsemmija sentenza, hija ppreċiżat li, “[s]kont id-definizzjoni legali tagħha kif ukoll skont is-sens ordinarju tagħha, il-kelma ‘konjuġi’ tirreferi għal persuna li kkuntrattat formalment ‘żwieġ’ ċivili rrikonoxxut mil-liġi, bid-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw minnha”.

44

Il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, li l-“kunċetti ta’ ‘sħubija mhux matrimonjali’ jew ta’ ‘konkubinaġġ’ huma differenti minn dak ta’ ‘żwieġ’, li d-delimitazzjoni tiegħu hija ddeterminata b’mod ċar fl-Istati Membri kollha”.

45

Għaldaqstant, fil-punt 30 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima, fosthom l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, “jinkludu kunċetti Komunitarji bħal dawk ta’ ‘żwieġ’ u ta’ ‘konjuġi’ li jirrigwardaw esklużivament relazzjoni bbażata fuq iż-żwieġ ċivili fis-sens tradizzjonali tal-kelma”.

46

Għalhekk, għal dawn id-diversi punti tal-motivi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kien japplika biss għal persuna li tkun ikkuntrattat żwieġ ċivili rrikonoxxut mil-liġi.

47

Madankollu, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, “billi jillimita l-għoti tal-pensjoni tas-superstiti lill-persuni miżżewġa ċivilment kif ukoll lill-imsieħba rreġistrati u li ma għandhomx aċċess għaż-żwieġ, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma aġixxiex b’mod arbitrarju”.

48

Konsegwentement, f’dan il-punt tal-motivi tas-sentenza appellata, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet fil-punt 30 ta’ din tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali qieset, mingħajr ma mmotivat l-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienx jirrigwarda biss lill-persuni miżżewġa, iżda wkoll lill-imsieħba rreġistrati.

49

Barra minn hekk, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li mill-punt 22 ta’ dik is-sentenza jirriżulta li “ma huwiex it-telf tar-remunerazzjoni tal-uffiċjal deċedut li jikkostitwixxi l-kundizzjoni ta’ għoti tal-pensjoni tas-superstiti, iżda n-natura legali tar-rabtiet li jgħaqqduh mal-konjuġi jew mas-sieħeb superstiti”.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma turix b’mod ċar u li jinftiehem ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

51

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-dispożizzjoni hija strettament marbuta ma’ dik tan-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet meqjusa għall-finijiet tal-eżami tal-konformità tal-imsemmija dispożizzjoni mal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni.

52

Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-motivi ekwivoċi tas-sentenza appellata ma jippermettux, minn naħa, lill-appellant jifhem ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha.

53

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ewwel aggravju mqajjem mill-appellant għandu jintlaqa’ u, għaldaqstant, li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat it-tieni aggravju tal-appell.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

54

Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun tinsab fi stadju li tista’ tiġi deċiża.

55

Dan huwa l-każ f’din il-kawża.

Fuq l-ammissibbiltà

56

Fir-risposta tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni invokat l-inammissibbiltà tal-motivi mqajma mill-appellant minħabba li dawn huma differenti minn dawk invokati insostenn tal-ilment amministrattiv li kellu jitressaq qabel u li, minħabba f’hekk, ir-“regola ta’ konkordanza” bejn tali lment amministrattiv li kellu jitressaq qabel u r-rikors kontenzjuż konsekuttiv kienet ser tiġi injorata.

57

Madankollu, waqt is-seduta li nżammet fid‑19 ta’ Ottubru 2017 quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni rrinunzjat milli tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dawn il-motivi.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fuq il-mertu

Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża

– L-argumenti tal-partijiet

59

Insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament, l-appellant isostni, l-ewwel nett, li l-pensjoni tas-superstiti għandha l-għan li tippermetti lill-persuna li tkun ibbenefikat mid-dħul ta’ uffiċjal tal-Unjoni, matul il-ħajja li huwa jaqsam ma’ dan tal-aħħar, li tikkumpensa parzjalment it-telf ta’ dħul ikkawżat mill-mewt tal-uffiċjal. L-appellant jirrikonoxxi li l-fatt li wieħed ikun miżżewweġ jew li kkonkluda sħubija mhux matrimonjali ma jimplikax neċessarjament li l-konjuġi jew is-sieħeb superstiti jkun ibbenefika mid-dħul tal-uffiċjal deċedut matul il-ħajja komuni tagħhom u għalhekk li jkollu bżonn dħul ta’ sostituzzjoni.

60

Huwa jindika li dan huwa madankollu l-każ meta, bħal f’dan il-każ, il-konjuġi jew is-sieħeb superstiti kien jiddependi mid-dħul tal-uffiċjal deċedut. Huwa jsostni wkoll li, peress li kien isofri minn problemi tas-saħħa, huwa kien prekluż milli jaħdem jew milli jsegwi taħriġ mis-sena 2013 u li huwa kien jiddependi esklużivament mid-dħul tas-Sinjura N.

61

L-appellant isostni li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa illegali sa fejn, skont il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-pensjoni tas-superstiti, huwa jipprevedi li l-applikant għandu jkun miżżewweġ jew fi sħubija mhux matrimonjali mal-uffiċjal deċedut għal mill-inqas sena. Dawn il-kundizzjonijiet huma arbitrarji u inadegwati fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mill-pensjoni tas-superstiti. B’hekk, konjuġi superstiti li kien miżżewweġ għal perijodu ta’ sena u ġurnata jibbenefika mill-pensjoni tas-superstiti, filwaqt li konkubin superstiti li kien qasam, għal għexieren ta’ snin, il-ħajja u d-dħul ta’ uffiċjal ma jkollux dritt għal din il-pensjoni.

62

It-tieni nett, l-appellant jenfasizza x-xebh tal-unjonijiet ta’ fatt u tal-unjonijiet legali. Parti mid-duttrina u mill-ġurisprudenza Belġjani tqis li jeżistu obbligi naturali bejn il-konkubini. Ir-rikonoxximent ta’ dawn l-obbligi, li jistgħu jsiru obbligi ċivili, jippermetti li jitqies li s-sitwazzjoni tal-koppji miżżewġa u dik tal-konkubini huma simili, tal-inqas jekk tkun teżisti assistenza finanzjarja minn waħda mill-konkubini favur l-oħra, matul relazzjoni stabbli u fit-tul, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża.

63

Konsegwentement, id-differenza fit-trattament li teżisti bejn il-konjuġi superstiti u l-konkubini superstiti, kif previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, hija diskriminatorja. F’dan ir-rigward, l-appellant jirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ April 2008, Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179).

64

Għaldaqstant, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jikser l-Artikolu 21 tal-Karta u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 u, konsegwentement, hemm lok li d-deċiżjoni kontenzjuża, adottata abbażi tiegħu, tiġi annullata.

65

Il-Kummissjoni u l-Kunsill, intervenjent, isostnu li l-aggravji mqajma mill-appellant għandhom jiġu miċħuda.

– L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

66

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Ustariz Aróstegui, C‑72/18, EU:C:2019:516, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

In-natura paragunabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26, kif ukoll tas‑6 ta’ Ġunju 2019, P. M. et, C‑264/18, EU:C:2019:472, punt 29).

68

F’dan il-każ, l-għan tal-pensjoni tas-superstiti msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li jingħata l-benefiċċju lill-“konjuġi superstiti” ta’ dħul ta’ sostituzzjoni intiż li jikkumpensa parzjalment it-telf tad-dħul tal-konjuġi deċedut.

69

Kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-formulazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u mal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jirriżulta li d-dritt għall-pensjoni tas-superstiti ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ riżorsi jew ta’ patrimonju li għandhom jikkaratterizzaw l-inkapaċità tal-konjuġi superstiti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu u li juru għalhekk id-dipendenza finanzjarja preċedenti tiegħu fuq il-mejjet.

70

Madankollu, l-għoti tal-pensjoni tas-superstiti jiddependi biss fuq in-natura legali tar-rabtiet li jgħaqqdu l-persuna kkonċernata mal-uffiċjal deċedut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2001, D u L‑Isvezja vs Il‑Kunsill, C‑122/99 P u C‑125/99 P, EU:C:2001:304, punt 47).

71

Għalhekk, il-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-fatt li wieħed ikun il-“konjuġi” tal-uffiċjal deċedut, timplika li l-benefiċjarju tal-pensjoni tas-superstiti kellu jkun marbut mal-uffiċjal deċedut, fil-kuntest ta’ relazzjoni ċivili li tkun ħolqot sett ta’ drittijiet u ta’ obbligi bejniethom.

72

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għalkemm, f’ċerti aspetti, l-unjonijiet ta’ fatt u l-unjonijiet legali, bħaż-żwieġ, jistgħu jixxiebhu, dawn ma jistgħux neċessarjament iwasslu għal assimilazzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ unjoni (sentenza tal‑15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il‑Kummissjoni, C‑485/08 P, EU:C:2010:188, punt 75).

73

Fil-fatt, iż-żwieġ huwa kkaratterizzat minn formaliżmu rigoruż u joħloq drittijiet u obbligi reċiproki bejn il-konjuġi, ta’ livell għoli, fosthom id-dmirijiet ta’ assistenza u ta’ solidarjetà.

74

Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni espliċitament estenda l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-persuni miżżewġa, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-persuni marbuta bi sħubija mhux matrimonjali rreġistrata.

75

Għalhekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-finijiet ta’ dan tal-aħħar, is-sħubiji mhux matrimonjali għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħaż-żwieġ, sakemm il-kundizzjonijiet kollha elenkati fl-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ikunu ssodisfatti. Il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jinkludu b’mod partikolari l-fatt li l-koppja jkollha tipprovdi dokument uffiċjali rrikonoxxut bħala tali minn Stat Membru jew minn kwalunkwe awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, li jirrikonoxxi l-istatus tagħhom bħala msieħba mhux miżżewġa, u li l-koppja ma jkollhiex aċċess għaż-żwieġ ċivili fi Stat Membru.

76

Konsegwentement, din id-dispożizzjoni teżiġi, sabiex sħubija mhux matrimonjali rreġistrata tiġi assimilata maż-żwieġ fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-uffiċjal irreġistrat bħala sieħeb stabbli, mhux miżżewweġ, jissodisfa l-kundizzjonijiet legali stabbiliti mill-imsemmija dispożizzjoni.

77

Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1d(1) tiegħu, jirriżulta li, meta l-kundizzjonijiet previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, sieħeb mhux miżżewweġ jista’ jitlob il-benefiċċju tal-pensjoni tas-superstiti wara l-mewt tas-sieħeb tiegħu.

78

Madankollu, unjoni ta’ fatt, bħalma huwa l-konkubinaġġ, ma tissodisfax dawn il-karatteristiċi peress li, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, din, bħala prinċipju, ma hijiex is-suġġett ta’ status stabbilit mil-liġi.

79

Fir-rikors tiegħu, l-appellant isostni, minn naħa, li s-sitwazzjoni tal-koppji miżżewġa u dik tal-konkubini huma simili, peress li parti mid-duttrina u mill-ġurisprudenza Belġjani tqis li hemm lok li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ obbligi naturali bejn il-konkubini, li għandhom tendenza li jsiru obbligi ċivili.

80

F’dan ir-rigward, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-eżistenza ta’ tali obbligi naturali taħt id-dritt Belġjan, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-appellant ma jsostnix, fi kwalunkwe każ, li l-konkubinaġġ joħloq, f’dan id-dritt nazzjonali, obbligi tal-istess natura bħal dawk li jirriżultaw miż-żwieġ.

81

Għaldaqstant, ma jistax jitqies li mill-argument invokat jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma setax validament jiddeċiedi li jissuġġetta s-sitwazzjonijiet ta’ konkubinaġġ u ta’ żwieġ għal sistema distinta.

82

Min-naħa l-oħra, l-appellant jirreferi għas-sentenza tal‑1 ta’ April 2008, Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179), li abbażi tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78 jipprekludu leġiżlazzjoni li permezz tagħha, wara l-mewt tas-sieħeb tul il-ħajja tiegħu, is-sieħeb superstiti ma jirċevix benefiċċju tas-superstiti bħal dak mogħti lil konjuġi superstiti, minkejja li, fid-dritt nazzjonali applikabbli, l-unjoni tul il-ħajja tpoġġi lill-persuni tal-istess sess f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-miżżewġin f’dak li jirrigwarda l-imsemmi benefiċċju tas-superstiti u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk sieħeb tul il-ħajja superstiti jkunx f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ konjuġi superstiti benefiċjarju tal-benefiċċju tas-superstiti previst mill-iskema ta’ sigurtà soċjali professjonali kkonċernata.

83

Madankollu, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, kienet inkwistjoni unjoni tul il-ħajja rreġistrata fi Stat Membru u mhux, bħal f’dan il-każ, konkubinaġġ. Għalhekk ma jistax jiġi dedott minn din is-sentenza li l-konkubinaġġ għandu jiġi assimilat maż-żwieġ għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

84

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-pensjoni tas-superstiti, il-konkubini ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-persuni miżżewġa u lanqas dik tal-imsieħba li kkonkludew unjoni rreġistrata li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika mill-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

85

Għalhekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn jeskludi l-konkubini mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, ma jidhirx li huwa manifestament inadegwat fir-rigward tal-għan tal-pensjoni tas-superstiti u ma jiksirx il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni.

86

Barra minn hekk, l-appellant isostni li l-kundizzjoni dwar it-tul minimu taż-żwieġ għal sena sabiex wieħed jibbenefika mill-pensjoni tas-superstiti hija arbitrarja, inadegwata u diskriminatorja. Peress li kien miżżewweġ mas-Sinjura N għal kważi sena, huwa għalhekk kellu jibbenefika mid-dritt għall-pensjoni tas-superstiti.

87

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżit ta’ tul minimu ta’ żwieġ fid-data tal-mewt għandu l-għan li jevita li dan ikun biss ftehim fuq suċċessjonijiet futuri, iktar motivat minn kunsiderazzjonijiet finanzjarji milli minn pjan ta’ ħajja flimkien. Din il-kundizzjoni ta’ tul ta’ żmien tippermetti b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-frodi.

88

Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-frodi u tal-abbuż tad-dritt jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu hija meħtieġa mill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

89

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex jiġu miġġielda l-abbużi, u saħansitra l-frodi, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu marġni ta’ diskrezzjoni fl-istabbiliment tad-dritt għal pensjoni tas-superstiti. F’dan il-każ, il-kundizzjoni li ż-żwieġ għandu jkun dam għal mill-inqas sena sabiex il-konjuġi superstiti jibbenefika mill-pensjoni tas-superstiti hija intiża li tiżgura r-realtà u l-istabbiltà tar-relazzjonijiet bejn il-persuni kkonċernati.

90

Tali kundizzjoni ma tidhirx li hija diskriminatorja jew manifestament inadegwata fir-rigward tal-għan tal-pensjoni tas-superstiti.

91

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, it-talbiet għal annullament imressqa mill-appellant kontra d-deċiżjoni kontenzjuża għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq it-talbiet għad-danni

92

L-appellant isostni li d-deċiżjoni kontenzjuża kkawżatlu danni materjali u morali.

93

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-qasam tas-servizz pubbliku, it-talbiet intiżi għall-kumpens ta’ dannu materjali jew morali għandhom jiġu miċħuda meta jkunu marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament li, huma stess, ikunu ġew miċħuda bħala infondati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 129).

94

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-talbiet għad-danni huma marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament.

95

Peress li t-talbiet għal annullament ġew miċħuda, it-talbiet għal kumpens għandhom ukoll jiġu miċħuda.

96

Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta li r-rikors tal-ewwel istanza għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

97

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

98

Skont l-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament wieħed jew iktar mill-kapijiet, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

99

F’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li s-sentenza appellata hija annullata, iżda li r-rikors tal-ewwel istanza huwa miċħud, l-appellant kif ukoll il-Kummissjoni għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċeduri tal-ewwel istanza u mal-appell.

100

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli wkoll għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

101

Konsegwentement, bħala intervenjent fl-ewwel istanza, il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑3 ta’ Mejju 2018, HK vs Il‑Kummissjoni (T‑574/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:252), hija annullata.

 

2)

Ir-rikors ippreżentat minn HK intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirrifjutalu l-benefiċċju tal-pensjoni tas-superstiti u sabiex jikseb kumpens għad-danni materjali u morali allegatament imġarrba huwa miċħud.

 

3)

HK, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Franċiż.

Fuq