EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62016CJ0558

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-1 ta’ Marzu 2018.
Kawża mressqa minn Doris Margret Lisette Mahnkopf.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kammergericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Suċċessjonijiet u ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Possibbiltà li jiġi indikat is-sehem tal-konjuġi superstiti fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.
Kawża C-558/16.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:138

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

1 ta’ Marzu 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Suċċessjonijiet u ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Possibbiltà li jiġi indikat is-sehem tal-konjuġi superstiti fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”

Fil-Kawża C-558/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Novembru 2016, fil-kawża mressqa minn

Doris Margret Lisette Mahnkopf

fil-preżenza ta’:

Sven Mahnkopf,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Ottubru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u M. Hellmann, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, J. Van Holm u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn G. Papadaki u K. Karavasili, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn V. Ester Casas, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Di Matteo, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Diċembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1), tal-Artikolu 67(1) u tal-Artikolu 68(l) tar-Regolament (UE) tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 650/2012 tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri dwar applikazzjoni għal Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni mressqa minn Doris Margret Lisette Mahnkopf wara l-mewt tal-konjuġi tagħha, u li kienet tirrigwarda s-suċċessjoni ta’ dan tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 650/2012

3

Il-premessi 7, 9, 11, 12 u 71 tar-Regolament Nru 650/2012 huma fformulati kif ġej:

“(7)

Hemm lok li jiġi ffaċilitat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il-ġurnata jiġu affaċċjati b’diffikultajiet biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali. Fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, iċ-ċittadini għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jorganizzaw is-suċċessjoni tagħhom bil-quddiem. Id-drittijiet tal-werrieta u l-legatarji, tal-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom ikunu garantiti b’mod effettiv.

[…]

(9)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jestendi għall-aspetti kollha tal-liġi ċivili tas-suċċessjoni għall-patrimonju ta’ persuna deċeduta, jiġifieri kull forma ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, sew jekk permezz ta’ trasferiment volontarju taħt trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato.

[…]

(11)

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal oqsma tal-liġi ċivili għajr is-suċċessjoni. Għal finijiet ta’ ċarezza, għadd ta’ kwistjonijiet li jistgħu jitqiesu li għandhom rabta ma’ kwistjonijiet ta’ suċċessjoni għandhom jiġu espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(12)

Għalhekk, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal kwistjonijiet relatati ma’ sistemi ta’ proprjetà [reġimi] matrimonjali, li jinkludu kuntratti ta’ żwieġ kif huma magħrufin f’xi sistemi legali sal-punt li tali kuntratti ma jittrattawx kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, u s-sistemi ta’ proprjetà ta’ relazzjonijiet meqjusin li għandhom effetti komparabbli maż-żwieġ. L-awtoritajiet li jittrattaw suċċessjoni speċifika skont dan ir-Regolament għandhom madankollu, skont is-sitwazzjoni, jieħdu kont tal-istralċ tas-sistema ta’ proprjetà matrimonjali jew sistema simili ta’ proprjetà tad-deċedut meta jiddeterminaw il-patrimonju tad-deċedut u l-ishma rispettivi tal-benefiċjarji.

[…]

(71)

Iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-istess effetti fl-Istati Membri kollha. Ma għandux ikun titolu ta’ infurzar fih innifsu iżda għandu jkollu effett evidenzjarju u għandu jkun preżunt li juri b’mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi, bħal ma hija l-validità sostantiva ta’ trasferiment causa mortis. […]”

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-suċċessjoni għall-patrimonji tad-deċeduti. Ma japplikax għall-materji fiskali, doganali u amministrattivi.

2.   Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

[…]

d)

kwistjonijiet relatati ma’ sistemi [reġimi] ta’ proprjetà matrimonjali u sistemi ta’ proprjetà ta’ relazzjonijiet meqjusin mil-liġi applikabbli għal tali relazzjonijiet bħala li għandhom effetti paragunabbli maż-żwieġ;

[…]”.

5

L-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “suċċessjoni” bħala wieħed li jkopri “l-forom kollha ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, kemm jekk dan ikun trasferiment volontarju skont trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato”.

6

L-Artikolu 21 tal-istess regolament, li jipprevedi regola ġenerali dwar il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dment li ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tad-deċedut fl-intier tagħha għandha tkun il-liġi tal-Istat li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt.”

7

L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Għażla ta’ liġi”, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Persuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla.”

8

L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli”, jipprovdi:

“1.   Il-liġi determinata skont l-Artikolu 21 jew l-Artikolu 22 għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha.

2.   Dik il-liġi tirregola, b’mod partikolari:

[…]

b)

id-determinazzjoni tal-benefiċjarji, tas-sehem rispettiv tagħhom u tal-obbligi li jistgħu jiġu imposti fuqhom mid-deċedut, u d-determinazzjoni ta’ drittijiet oħra ta’ suċċessjoni, inklużi d-drittijiet ta’ suċċessjoni ta’ mart/żewġ jew tas-sieħba/sieħeb superstiti;

[…]”

9

Il-Kapitolu VI tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”, huwa magħmul mill-Artikoli 62 sa 73 tiegħu. L-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 650/2012 jiddikjara:

“1.   Dan ir-Regolament joħloq Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (minn hawn ’il quddiem “iċ-Ċertifikat”) li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor u għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69.

2.   L-użu taċ-Ċertifikat ma għandux ikun mandatorju.

3.   Iċ-Ċertifikat ma għandux jieħu l-post tad-dokumenti interni li jintużaw għal finijiet simili fl-Istati Membri. Madankollu, ladarba jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor, iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69 fl-Istat Membru li l-awtoritajiet tiegħu jkunu ħarġuh f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.”

10

L-Artikolu 63 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Fini taċ-Ċertifikat”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Iċ-Ċertifikat hu għall-użu minn werrieta, legatarji li għandhom drittijiet diretti fis-suċċessjoni u […] li, fi Stat Membru ieħor, jkunu jeħtieġu jinvokaw l-istatus tagħhom jew li jeżerċitaw rispettivament id-drittijiet tagħhom bħala werrieta jew legatarji, […]

2.   Iċ-Ċertifikat jista’ jintuża, b’mod partikolari, biex jiġi muri wieħed jew iżjed minn dawn li ġejjin:

a)

l-istatus u/jew id-drittijiet ta’ kull werriet, jew skont il-każ, ta’ kull legatarju msemmi fiċ-Ċertifikat u s-sehem rispettiv tagħhom tal-patrimonju;

b)

l-attribuzzjoni ta’ ass speċifiku jew assi speċifiċi li jagħmlu parti mill-patrimonju għall-werriet(a), jew skont il-każ, għal-legatarju/i msemmi(ja) fiċ-Ċertifikat;

[…]”

11

Skont l-Artikolu 65(3)(d) tal-imsemmi regolament:

“L-applikazzjoni [għal Ċertifikat] għandu jkun fiha l-informazzjoni elenkata hawn isfel, safejn l-applikant ikun jaf b’din l-informazzjoni u safejn hija tkun meħtieġa sabiex l-awtorità emittenti tkun tista’ tiċċertifika l-elementi li l-applikant irid li jiġu ċertifikati, u għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti rilevanti kollha jew fl-oriġinali jew kopji li jissodisfaw il-kondizzjonijiet neċessarji biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 66(2):

[…]

d)

dettalji tal-mart/żewġ jew tas-sieħeb/sieħba tad-deċedut u, jekk applikabbli l-ex mart/żewġ jew l-ex konjuġi jew l-ex sieħeb/sieħba jew l-ex sħab: il-kunjom (jekk applikabbli, il-kunjom tat-twelid), l-isem/ismijiet, is-sess, id-data u l-post tat-twelid, l-istat ċivili, iċ-ċittadinanza, in-numru ta’ identifikazzjoni (jekk applikabbli), u l-indirizz;

[…]”

12

L-Artikolu 67(1) tal-istess regolament jipprevedi:

“L-awtorità emittenti għandha toħroġ iċ-Ċertifikat mingħajr dewmien f’konformità mal-proċedura stabbilita f’dan il-Kapitolu meta l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Hija għandha tuża l-formola stabbilita skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 81(2). […]”

13

L-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 650/2012, li jirregola l-kontenut taċ-Ċertifikat, jipprevedi:

“Iċ-Ċertifikat għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja sa fejn meħtieġ għall-fini li għalih jinħareġ:

[…]

f)

dettalji rigward id-deċedut: il-kunjom (jekk applikabbli, il-kunjom tat-twelid), l-isem/ismijiet, is-sess, id-data u l-post tat-twelid, l-istat ċivili, iċ-ċittadinanza, in-numru ta’ identifikazzjoni (jekk applikabbli), l-indirizz fil-ħin tal-mewt, id-data u l-post tal-mewt;

[…]

h)

informazzjoni dwar kuntratt taż-żwieġ li jkun daħal għalih id-deċedut jew, jekk applikabbli, kuntratt li jkun daħal għalih id-deċedut fil-kuntest ta’ relazzjoni meqjusa mil-liġi li tkun applikabbli għal tali relazzjoni li jkollha effetti komparabbli għal żwieġ u informazzjoni rigward is-sistema ta’ proprjetà matrimonjali jew sistema ta’ proprjetà ekwivalenti;

[…]

l)

is-sehem ta’ kull eredi u, jekk applikabbli, il-lista ta’ drittijiet u/jew assi għal kwalunkwe werriet partikolari;

[…]”

14

L-Artikolu 69 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Effetti taċ-Ċertifikat”, jiddikjara:

“1.   Iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti tiegħu fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtiega ta’ xi proċedura speċjali.

2.   Għandu jkun preżunt li ċ-Ċertifikat juri b’mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Il-persuna msemmija fiċ-Ċertifikat bħala l-werrieta, il-legatarju, […] għandha titqies li għandha l-istatus imsemmi fiċ-Ċertifikat u/jew li għandha d-drittijiet jew is-setgħat imsemmijin fiċ-Ċertifikat bl-ebda kondizzjoni u/jew restrizzjoni marbuta ma’ dawk id-drittijiet jew setgħat ħlief minn dawk iddikjarati fiċ-Ċertifikat.

[…]”

Ir-Regolament (UE) 2016/1103

15

Il-premessi 18 u 22 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1103 tal‑24 ta’ Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali (ĠU 2016, L 183, p. 1), huma fformulati kif ġej:

“(18)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jinkludi l-aspetti kollha tal-liġi ċivili tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, kemm il-ġestjoni ta’ kuljum tal-proprjetà matrimonjali kif ukoll il-likwidazzjoni tar-reġim, li tirriżulta b’mod partikolari mis-separazzjoni tal-koppja jew mill-mewt ta’ konjuġi.. […]

[…]

(22)

Minħabba li l-obbligi ta’ manteniment bejn il-konjuġi huma regolati bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009,[dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1)], dawn għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll kwistjonijiet relatati ma’ suċċessjoni fir-rigward tal-patrimonju ta’ konjuġi deċedut, billi huma koperti bir-Regolament [Nru 650/2012].”

16

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 2(d) tiegħu:

“Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

[…]

d)

is-suċċessjoni għall-patrimonju ta’ konjuġi deċedut”.

17

L-Artikolu 70 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dħul fis-seħħ”, jipprevedi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu, li dan huwa applikabbli biss mid‑29 ta’ Jannar 2019, ħlief fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet ġenerali u finali.

Id-dritt Ġermaniż

18

Skont l-Artikolu 1371(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”):

“Meta r-reġim matrimonjali jiġi tterminat minħabba l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi, it-tqassim tal-assi għandha ssir permezz tal-inkrementazzjoni tas-sehem legali tal-konjuġi superstiti bi kwart tal-wirt; il-fatt li l-miżżewġin effettivament ikunu żiedu l-valur tal-assi tagħhom huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.”

19

L-Artikolu 1931 tal-BGB jipprovdi:

“(1)

Fil-każ li l-wirt jinqasam ma’ qraba familjari tal-ewwel grad, il-konjuġi superstiti għandu d-dritt, inkwantu werriet bil-liġi, għal kwart tal-wirt; fil-każ li l-wirt jinqasam ma’ qraba familjari tat-tieni grad jew ma’ axxendenti, il-konjuġi superstiti għandu d-dritt, inkwantu werriet bil-liġi, għal nofs il-wirt. Fil-każ li l-wirt jinqasam ma’ qraba axxendenti u dixxendenti ta’ qraba axxendenti, il-konjuġi superstiti għandu d-dritt għall-parti tan-nofs l-ieħor tal-wirt tad-dixxendenti li l-pretensjoni tagħhom għalih tkun skadiet b’applikazzjoni tal-Artikolu 1926.

[…]

(3)

Ir-regola stabbilita fl-Artikolu 1371 tal-BGB għandha tibqa’ applikabbli.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Lutz G. Mahnkopf miet fid‑29 ta’ Awwissu 2015. Fid-data tal-mewt tiegħu, huwa kien miżżewweġ ma’ Doris M. L. Mahnkopf. Iż-żewġ konjuġi, li kienu ta’ nazzjonalità Ġermaniża, kellhom ir-residenza abitwali tagħhom f’Berlin (il-Ġermanja). Id-deċedut, li ma kien ħalla ebda dispożizzjoni fil-każ tal-mewt tiegħu, kellu bħala uniċi werrieta lil martu u lill-iben uniku tal-koppja.

21

Il-konjuġi kienu suġġetti għar-reġim legali tal-komunità limitata għall-valur residwu tal-akkwisti u ma kinux ikkonkludew kuntratt taż-żwieġ. Minbarra l-assi li l-persuna ddeċeduta kienet tippossjedi fil-Ġermanja, il-wirt kien jinkludi wkoll il-koproprjetà bin-nofs ta’ proprjetà immobbli li tinsab fl-Isvezja.

22

Fuq talba ta’ D. M. L. Mahnkopf, l-Amtsgericht Schöneberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Schöneberg, il-Ġermanja), il-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tirregola s-suċċessjoni ta’ L. G. Mahnkopf, ħarġet ċertifikat nazzjonali ta’ suċċessjoni fit‑30 ta’ Mejju 2016, li kien jiddikjara li l-konjuġi supestiti u d-dixxendent kellhom jirtu 50 % rispettivament tal-proprjetà tal-persuna ddeċeduta b’applikazzjoni tat-trasferiment legali previst mid-dritt Ġermaniż. Il-qorti tar-rinviju tesponi li s-sehem mill-wirt attribwit lill-konjuġi jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 1931(1) tal-BGB, li skontu s-sehem legali tal-konjuġi superstiti, li huwa ta’ kwart, għandu jiġi inkrementat bi kwart addizzjonali meta l-konjuġi jkunu jgħidu taħt ir-reġim legali tal-komunità limitata għall-valur residwu tal-akkwisti, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1371(1) tal-BGB.

23

Fis‑16 ta’ Ġunju 2016, D. M. L. Mahnkopf talbet ukoll lil nutar joħorġilha, taħt ir-Regolament Nru 650/2012, Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li jindika lilha u lil binha bħala l-werrieta f’partijiet ugwali tal-wirt konformement mar-regola nazzjonali ta’ trasferiment legali. Hija xtaqet tuża dan iċ-ċertifikat sabiex tniżżel fih id-dritt ta’ proprjetà tagħhom fuq il-proprjetà immobbli fl-Isvezja. Dan in-nutar ittrażmetta t-talba ta’ D. M. L. Mahnkopf lill-Amtsgericht Schöneberg (il-Qorti Distrettwali ta’ Schöneberg).

24

Din il-qorti ċaħdet l-applikazzjoni għal Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, minħabba li kwart mis-sehem allokat lill-konjuġi tal-persuna ddeċeduta kien ibbażat, fir-rigward ta’ kwart tas-suċċessjoni tal-persuna ddeċeduta, fuq reġim irregolat mil-liġi tas-suċċessjoni u fir-rigward tal-kwart l-ieħor tas-suċċessjoni tal-persuna ddeċeduta, fuq ir-reġim matrimonjali previst fl-Artikolu 1371(1) tal-BGB. Issa, ir-regola li skontha dan l-aħħar kwart ġie allokat, li jirrigwarda reġim matrimonjali u mhux reġim irregolat mil-liġi tas-suċċessjoni, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012.

25

D. M. L. Mahnkopf ippreżentat rikors quddiem din id-deċiżjoni quddiem il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja). Permezz ta’ dan ir-rikors, hija kkompletat ukoll it-talba inizjali tagħha billi talbet, sussidjarjament, li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jinħareġ bl-indikazzjoni tad-drittijiet ta’ suċċessjoni bbażati, fir-rigward ta’ kwart tas-suċċessjoni tal-persuna ddeċeduta, fuq il-komunità tal-akkwisti, bħala informazzjoni.

26

Il-qorti tar-rinviju tesponi li d-duttrina hija maqsuma fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-regola ddikjarata fl-Artikolu 1371(1) tal-BGB hija regola li taqa’ taħt id-dritt tas-suċċessjoni jew regola li taqa’ taħt id-dritt tar-reġimi matrimonjali. Hija tqis li, fid-dawl tal-għan tagħha, jiġifieri d-diviżjoni tal-assi meta l-komunità ta’ oġġetti tiġi xolta minħabba l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi, l-Artikolu 1371(1) tal-BGB ma hijiex regola ta’ suċċessjoni “għall-patrimonji tad-deċeduti”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 650/2012. Fil-fehma tagħha, ir-regola prevista f’din id-dispożizzjoni għandha tapplika dejjem meta l-effetti taż-żwieġ, inklużi l-kwistjonijiet tar-reġim matrimonjali, ikunu rregolati mid-dritt Ġermaniż. Din l-applikazzjoni ma tkunx iggarantita li kieku din ir-regola kienet ikklassifikata bħala regola li taqa’ taħt id-dritt tas-suċċessjoni, ġaladarba f’każ bħal dan il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha tkun limitata għas-sitwazzjonijiet fejn is-suċċessjoni tkun irregolata mid-dritt Ġermaniż, konformement mal-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Nru 650/2012.

27

Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li, minħabba l-assenza ta’ armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet marbuta mar-reġimi matrimonjali fl-Unjoni, l-inkrementazzjoni tas-sehem dovut mis-suċċessjoni legali tal-konjuġi superstiti, li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ regola li taqa’ taħt ir-reġimi matrimonjali, f’dan il-każ l-Artikolu 1371(1) tal-BGB, ma tistax, bħala regola ġenerali, titniżżel, anki b’mod purament informattiv, fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

28

Madankollu hija tqis li din l-inkrementazzjoni tista’ tiġi indikata fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni meta l-liġi ta’ suċċessjoni applikabbli, konformement mal-Artikolu 21 jew mal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 650/2012, kif ukoll il-liġi fuq ir-reġim matrimonjali tal-konjuġi huma ddeterminati b’applikazzjoni tad-dritt tal-istess uniku Stat Membru, tkun liema tkun ir-regola ta’ kunflitt li għandha tiġi applikata. F’dan il-każ, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni u l-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali huma ddeterminati esklużivament konformement mad-dritt Ġermaniż.

29

F’dan ir-rigward, din il-qorti ssostni li l-kliem użat fl-Artikolu 67(1) u l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 650/2012, li skontu l-elementi għaċ-ċertifikazzjoni ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni “jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi”, jippermetti tali interpretazzjoni. Hija ssostni li hija ġġustifikata wkoll fir-rigward tat-tieni sentenza tal-premessa 12 tar-Regolament Nru 650/2012 u tal-għan taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni intiż li jissemplifika u li jaċċelera l-eżekuzzjoni transkonfinali tad-drittijiet ta’ suċċessjoni.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament [Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament (“suċċessjonijiet minħabba mewt”) ikopri wkoll dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li, bħall-Artikolu 1371(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (BGB) (kodiċi ċivili Ġermaniż), jirregolaw kwistjonijiet patrimonjali wara l-mewt ta’ konjuġi billi jżidu s-sehem legali tal-konjuġi l-ieħor?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikoli 68(l) u 67(1) tar-regolament [Nru 650/2012] għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sehem tal-konjuġi superstiti jista’ jitniżżel integralment fiċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni anki meta dan is-sehem jirriżulta parzjalment minn żieda tas-sehem legali applikabbli skont regola patrimonjali bħall-Artikolu 1371(1) BGB?

Fil-każ li r-risposta għandha, fil-prinċipju, tkun negattiva, huwa madankollu possibbli li, eċċezzjonalment, tingħata risposta fl-affermattiv [:]

a)

meta ċ-ċertifikat tas-suċċessjoni jkun limitat għall-invokazzjoni tad-drittijiet tal-werrieta fi Stat Membru ieħor partikolari, fir-rigward ta’ beni tad-deċedut li jkunu jinsabu f’dan l-Istat Membru u

b)

meta d-deċiżjoni dwar is-suċċessjoni (Artikoli 4 u 21 tar-Regolament [Nru 650/2012]) u, indipendentement mir-regoli ta’ kunflitt applikabbli, il-kwistjonijiet dwar ir-reġim patrimonjali tal-konjuġi jkollhom jiġu deċiżi konformement mal-istess dritt nazzjonali?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u għat-tieni domandi, l-Artikolu 68(l) tar-Regolament [Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sehem tas-suċċessjoni tal-konjuġi superstiti miżjud skont regola tar-reġim patrimonjali [matrimonjali] tal-konjuġi jista’ jitniżżel integralment fiċ-ċertifikat ta’ suċċessjoni Ewropew, iżda, minħabba din iż-żieda, biss bħala informazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

31

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 650/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, meta jmut wieħed mill-konjuġi, diviżjoni fissa tal-akkwisti b’inkrementazzjoni tas-sehem tas-suċċessjoni tal-konjuġi superstiti, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

32

Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tikkomporta ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri għad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tagħha, għandhom normalment ikunu suġġetti għal interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Nikiforidis, C‑135/15, EU:C:2016:774, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), li għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan li r-regolament inkwistjoni jixtieq jilħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Hummel Holding, C‑617/15, EU:C:2017:390, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Skont il-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 650/2012 jipprevedi li dan għandu japplika għas-suċċessjonijiet minħabba mewt. L-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament jelenka b’mod eżawrjenti l-oqsma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, fejn fosthom hemm il-punt (d) ta’ din id-dispożizzjoni, “kwistjonijiet relatati ma’ sistemi ta’ proprjetà matrimonjali”. L-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmi regolament jippreċiża li dawn is-suċċessjonijiet ikopru “l-forom kollha ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, kemm jekk dan ikun trasferiment volontarju skont trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato”.

34

Mill-premessa 9 tar-Regolament Nru 650/2012 jirriżulta wkoll li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għandu jiġi estiż għall-aspetti kollha ta’ suċċessjoni minħabba mewt li jaqgħu taħt id-dritt ċivili.

35

Fir-rigward tal-għanijiet li jridu jintlaħqu mir-Regolament Nru 650/2012, jeħtieġ li jiġi osservat li, skont il-premessa 7 tiegħu, dan huwa intiż li jiffaċilita l-funzjonament it-tajjeb tas-suq intern billi jelimina l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni li jridu jinvokaw id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw minn suċċessjoni transkonfinali. B’mod partikolari, fl-ispazju Ewropew ta’ ġustizzja, id-drittijiet tal-werrieta u tal-legatarji, tal-persuni l-oħra qraba tal-persuna ddeċeduta kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom jiġu ggarantiti b’mod effettiv.

36

Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 650/2012 jipprevedi l-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li għandu jippermetti lil kull werriet, legatarju jew aventi kawża msemmi f’dan iċ-ċertifikat, li jipprova fi Stat Membru ieħor il-kwalità tiegħu u d-drittijiet ta’ suċċessjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka, C‑218/16, EU:C:2017:755, punt 59).

37

Fir-rigward tal-kuntest tad-dispożizzjoni inkwistjoni, mill-premessi 11 u 12 tar-Regolament Nru 650/2012 jirriżulta li dan ma għandux japplika għall-oqsma rregolati mid-dritt ċivili minbarra għas-suċċessjonijiet u, b’mod partikolari, għall-kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-reġimi matrimonjali, inklużi l-ftehimiet matrimonjali rrikonoxxuti minn ċerti sistemi legali, inkwantu dawn ma jirrigwardawx kwistjonijiet marbuta ma’ suċċessjoni.

38

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 1371(1) tal-BGB, fil-każ ta’ xoljiment tar-reġim tal-komunità limitata għall-valur residwu tal-akkwisti (Zugewinngemeinschaft), is-sehem legali tal-konjuġi superstiti waqt id-diviżjoni tal-assi għandu jiġi inkrementat bi kwart addizzjonali.

39

Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Ġermaniż enfasizza f’dan ir-rigward li din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali dwar il-likwidazzjoni ta’ komunità konjugali għandha tapplika biss fil-każ ta’ terminazzjoni taż-żwieġ minħabba mewt. Hija għandha bħala għan id-diviżjoni fissa tal-akkwisti matul iż-żwieġ, billi tpaċi s-sitwazzjoni ta’ żvantaġġ li tirriżulta mill-interruzzjoni tar-reġim legali tal-komunità limitata għall-valur residwu tal-akkwisti bil-mewt ta’ konjuġi, sabiex b’dan il-mod tevita li jkollha tiddetermina bi preċiżjoni l-kompożizzjoni tal-valur tal-patrimonju fil-bidu u fi tmiem iż-żwieġ.

40

Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 78 u 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 1371(1) tal-BGB, skont l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jirrigwardax id-diviżjoni ta’ elementi patrimonjali, iżda jirrigwarda l-kwistjoni tad-drittijiet tal-konjuġi superstiti fir-rigward tal-elementi diġà llikwidati fi ħdan il-patrimonju li huwa suġġett għal suċċessjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-dispożizzjoni ma tidhirx li għandha bħala għan prinċipali d-diviżjoni tal-elementi tal-patrimonju jew il-likwidazzjoni tar-reġim matrimonjali iżda pjuttost id-determinazzjoni tal-quantum tas-sehem mis-suċċessjoni li huwa dovut lill-konjuġi superstiti b’relazzjoni mal-werrieta l-oħra. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda, għalhekk, prinċipalment is-suċċessjoni tal-konjuġi ddeċedut u mhux ir-reġim matrimonjali. Konsegwentement, regola tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija marbuta mal-patrimonju li huwa suġġett għal suċċessjoni għall-finijiet tar-Regolament Nru 650/2012.

41

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/1103. Fil-fatt, minkejja li dan ir-regolament ġie adottat bil-għan li jkopri, konformement mal-premessa 18 tiegħu, l-aspetti kollha tad-dritt ċivili tar-reġimi matrimonjali, kemm fir-rigward tal-ġestjoni ta’ kuljum tal-beni tal-kunjuġi kif ukoll tal-likwidazzjoni tar-reġim matrimonjali, li jirriżultaw b’mod partikolari mis-separazzjoni tal-koppja jew mill-mewt ta’ wieħed mill-koppja, huwa jeskludi b’mod espliċitu mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, konformement mal-Artikolu 1(2)(d) tiegħu, is-“suċċessjoni għall-patrimonju ta’ konjuġi deċedut”.

42

Fl-aħħar nett, hekk kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-klassifikazzjoni bħala kwistjoni rregolata mid-dritt tas-suċċessjoni tas-sehem dovut lill-konjuġi superstiti bis-saħħa ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 1371(1) tal-BGB, tippermetti li l-informazzjoni dwar l-imsemmi sehem jiġi indikat fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, bl-effetti kollha deskritti fl-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 650/2012. Skont l-Artikolu 69(1) ta’ dan ir-regolament, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jipproduċi effetti fl-Istati Membri kollha, mingħajr ma jkun neċessarju li wieħed jirrikorri għal ebda proċedura. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li l-persuna indikata fih bħala l-legatarja titqies li għandha l-kwalità u d-drittijiet iddikjarati f’dan iċ-ċertifikat mingħajr ma jkunu marbuta magħhom kundizzjonijiet u/jew restrizzjonijiet minbarra dawk iddikjarati fl-imsemmi ċertifikat (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka, C‑218/16, EU:C:2017:755, punt 60).

43

Għalhekk jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kisba tal-għanijiet taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni tiġi ostakolata b’mod kunsiderevoli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kieku l-imsemmi ċertifikat ma kellux jinkludi l-informazzjoni kompleta dwar id-drittijiet tal-konjuġi superstiti fir-rigward tal-patrimonju li huwa suġġett għal suċċessjoni.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula preċedentement, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, meta jmut wieħed mill-konjuġi, diviżjoni fissa tal-akkwisti bl-inkrementazzjoni tas-sehem tas-suċċessjoni tal-konjuġi superstiti taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

45

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domandi.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 650/2012 tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, meta jmut wieħed mill-konjuġi, diviżjoni fissa tal-akkwisti bl-inkrementazzjoni tas-sehem tas-suċċessjoni tal-konjuġi superstiti taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq