EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015CJ0076

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2016.
Paul Vervloet et vs Ministerraad.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Grondwettelijk Hof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna implementata mir-Renju tal-Belġju favur il-kooperattivi finanzjarji tal-grupp ARCO – Skemi ta’ garanzija għal depożiti – Direttiva 94/19/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Skema ta’ garanzija li tipproteġi l-ishma tas-soċji, persuni fiżiċi, tal-kooperattivi attivi fis-settur finanzjarju – Esklużjoni – Artikoli 107 u 108 TFUE – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern.
Kawża C-76/15.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2016:975

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Għajnuna mill-Istat — Għajnuna implementata mir-Renju tal-Belġju favur il-kooperattivi finanzjarji tal-grupp ARCO — Skemi ta’ garanzija għal depożiti — Direttiva 94/19/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Skema ta’ garanzija li tipproteġi l-ishma tas-soċji, persuni fiżiċi, tal-kooperattivi attivi fis-settur finanzjarju — Esklużjoni — Artikoli 107 u 108 TFUE — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern”

Fil-Kawża C‑76/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Grondwettelijk Hof (qorti kostituzzjonali, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Frar 2015, fil-proċedura

Paul Vervloet,

Marc De Wit,

Edgard Timperman,

Godelieve Van Braekel,

Patrick Beckx,

Marc De Schryver,

Guy Deneire,

Steve Van Hoof,

Organisme voor de financiering van pensioenen Ogeo Fund,

Gemeente Schaarbeek,

Frédéric Ensch Famenne

vs

Ministerraad,

fil-preżenza ta’:

Arcofin CVBA,

Arcopar CVBA,

Arcoplus CVBA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ April 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Vervloet, De Wit, Timperman, Van Braekel, Beckx, De Schryver, Deneire u Van Hoof, minn K. Geelen, E. Monard u W. Moonen, advocaten,

għall-Organisme voor de financiering van pensioenen Ogeo Fund, minn J. Bourtembourg u F. Belleflamme, avukati,

għal Arcofin CVBA, Arcopar CVBA u Arcoplus CVBA, minn A. Verlinden, R. Martens u C. Maczkovics, advocaten,

għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn S. Ryelandt u P. De Bock, advocaten,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P.-J. Loewenthal, L. Flynn u A. Nijenhuis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 1994, dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 252), kif emendata permezz tad-Direttiva 2005/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2005 (ĠU 2005, L 79, p. 9) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 94/19”), u, min-naħa l-oħra, il-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/686/UE, tat-3 ta’ Lulju 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33927 (12/C) (ex 11/NN) implimentata mill-Belġju - Skema ta’ garanzija li tipproteġi l-ishma ta’ membri individwali ta’ kooperattivi finanzjarji (ĠU 2014 L 284, p. 53, iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014”), kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Paul Vervloet, Marc De Wit, Edgard Timperman, Godelieve Van Braekel, Patrick Beckx, Marc De Schryver, Guy Deneire u Steve Van Hoof, l-Organisme voor de financiering van pensioenen Ogeo Fund (organu għall-finanzjament tal-pensjonijiet Ogeo Fund), il-Gemeente Schaarbeek (komun ta’ Schaerbeek, Belgique) u Frédéric Ensch Famenne u, min-naħa l-oħra, il-Ministerraad (il-Kunsill tal-Ministri, il-Belġju), rigward il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ garanzija tal-ishma f’kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, stabbilita taħt l-Artikolu 36/24, § 1, paragrafu 1, Nru 3 tal-wet tot vaststelling van het organiek statuut van de Nationale Bank van België (liġi li tistabbilixxi l-istatut organiku tal-Bank Nazzjonali tal-Belġju), tat-22 ta’ Frar 1998 (Belgisch Staatsblad, 28 ta’ Marzu 1998, p. 9377), kif emendata permezz tal-koninklijk besluit betreffende de evolutie van de toezichtsarchitectuur voor de financiële sector (digriet irjali li jimplementa l-evoluzzjoni tal-istrutturi ta’ kontroll għas-settur finanzjarju), tat-3 ta’ Marzu 2011 (Belgisch Staatsblad, 9 ta’ Marzu 2011, p. 15623) (iktar ’il quddiem, il-“liġi tat-22 ta’ Frar 1998”), mal-prinċipju ta’ ugwaljanza stabbilit mill-Kostituzzjoni tal-Belġju.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 94/19

3

Id-Direttiva 94/19 tħassret bid-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ April 2014, dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149). Billi dan it-tħassir daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Lulju 2015, id-Direttiva 94/19 tibqa’ applikabbli għall-kawża prinċipali.

4

L-ewwel, it-tmien, is-sittax u s-sbatax-il premessa tad-Direttiva 94/19 kienu jistipulaw:

“Billi, bi qbil ma’ l-għanijiet tat-Trattat [KE], żvilupp armonizzat ta’ l-attivitajiet ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Kommunità kollha għandu jkun imħeġġeġ permezz ta’ l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kollha tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jkunu ipprovduti servizzi, waqt li tiżdied l-istabbilità tas-sistema bankarja u tal-protezzjoni ta’ dawk li jfaddlu;

[…]

Billi armoniżazzjoni għandha tkun illimitata għall-elementi ewlenija ta’ skemi ta’ garanzija ta’ depożiti u, fi żmien qasir, għandha tassigura pagamenti permezz ta’ garanzija ikkalkolati fuq il-bażi ta’ livell minimu armonizzat;

[…]

Billi, minn naħa waħda, il-livell minimu ta’ garanzija preskritt f’din id-Direttiva m’għandux iħalli proporzjon kbir ta’ depożiti mingħajr protezzjoni fl-interess kemm tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-istabbilità tas-sistema finanzjarja; billi, min-naħa l-oħra, ma jkunx xieraq li jkun imponut matul il-Komunità kollha livell ta’ protezzjoni li jista f’ċerti każi li jkollu l-effett li jinkoraġixxi amministrazzjoni mhix soda ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu; billi l-ispiża għal fondi ta’ din l-iskema għandha tkun ikkunsidrata; billi għandu jidher raġjonevoli li jkun eżiġit livell minimu ta’ garanzija armonizzata fi [EUR] 20000; billi arranġamenti tranżizzjonali illimitati jistgħu ikunu meħtieġa biex jiffaċilitaw li skemi jkunu konformi ma dik il-figura;

Billi uħud mill-Istati Membri joffru kopertura lid-depożitaturi għad-depożiti tagħhom li huma ogħla mill-livell minimu ta’ garanzija armonizzata li hemm dispożizzjoni dwarha f’din id-Direttiva; billi ma jidhirx li huwa xieraq li jkun meħtieġ li skemi bħal dawk, li uħud minnhom kienu ġew introdotti biss riċentament bis-saħħa tar-rakommandazzjoni 87/63/KEE, [tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Diċembru 1986, dwar l-introduzzjoni ta’ skemi ta’ garanzija ta’ depożiti fil-Komunità (ĠU 1987, L 33, p. 16)], li jkunu emendati f’dan il-waqt”.

5

L-Artikolu 1(1) u (4) ta’ din id-direttiva kien jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1)

‘depożitu’ għandha tfisser xi bilanċ ta’ kreditu li jirriżulta minn fondi li jitħallew f’kont jew minn sitwazzjonijiet temporanji li joħorġu minn transazzjonijiet bankarji normali u li l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tħallas skond il-kondizzjonijiet legali u kontrattwali applikabbli, u xi dejn b’xhieda ta’ ċertifikat maħruġ mill-istituzzjoni ta’ kreditu.

Ishma f’building societies fir-Renju Unit u l-Irlanda apparti minn dawk ta’ natura kapitali koperti bl-Artikolu 2 għandhom ikunu meqjusa bħala depożiti.

Bonds (titoli) li jissodisfaw il-kundizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 22(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward intrapriżi għal investiment kollettiv f’sigurtajiet trasferibbli (Ucits) [(ĠU 1985, L 375, p. 3)] m’għandhomx ikunu meqjusa bħala depożiti.

[…]

[…]

4)

‘istituzzjonijiet ta’ kreditu’ għandha tfisser intrapriża li n-negozju tagħha jkun li tirċievi depożiti jew fondi oħra ri-pagabbli mill-pubbliku u li tagħti krediti mill-kont tagħha”.

6

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 94/19:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu esklużi minn xi skemi ta’ garanzija ta’ pagament lura:

[…]

l-istrumenti kollha li jidħlu fid-definizzjoni ta’ ‘fondi tagħha [proprji]’ fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/299/KEE tas-17 ta’ April 1989 dwar il-fondi tagħhom ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu [(ĠU 1989, L 124, p. 16)],

[…]”.

7

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/19 kien jipprevedi:

“Kull Stat Membru għandu jassigura li fit-territorju tiegħu, waħda jew aktar skemi ta’ garanzija ta’ depożitu jkunu introdotti u uffiċjalment rikonoxxuti. Ħlief f’ċirkostanzi maħsuba fit-tieni sub-paragrafu u l-paragrafu 4, l-ebda istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata f’dak l-Istat Membru bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 ta[l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 77/780/KEE, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu mal-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 1977, L 322, p. 30)] ma tista’ tieħu depożiti sakemm ma tkunx membru ta’ skema bħal dik”.

Id-Direttivi 77/780 u 89/299

8

Id-Direttivi 77/780 u 89/299 tħassru u ġew issostitwiti permezz tad-Direttiva 2000/12/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 272), li tħassret u ġiet issostitwita permezz tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2006, L 177, p. 1), li ġiet hija nnifisha mħassra u ssostitwita, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, permezz tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338).

9

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/780 kien ifformulat kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

‘istituzzjonijiet ta’ kreditu’ għandha tfisser intrapriża li n-negozju tagħha jkun li tirċievi depożiti jew fondi oħra ripagabbli mill-pubbliku u li tagħti krediti mill-kont tagħha,

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 89/299 kien jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-direttiva, istituzzjonijiet ta’ kreditu tfisser l-istituzzjonijiet li għalihom tapplika d-Direttiva 77/780 […], kif emendata l-aħħar permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 86/524/KEE, tas-27 ta’ Ottubru 1986 (ĠU 1986, L 309, p. 15)].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/299 kien jipprevedi:

“1.   Suġġetti għal-limiti imposti fl-Artikolu 6, il-fondi proprji mhux ikkonsolidati ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jikkonsistu mill-elementi li ġejjin:

1)

il-kapital, fit-tifsira tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 86/635/KEE [tal-Kunsill, tat-8 ta’ Diċembru 1986, dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 157)], sakemm dan ikun tħallas kollu, kif ukoll kontijiet premium tal-ishma imma esklużi ishma preferenzjali kumulattivi;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-Direttiva 2006/48

12

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48, kif emendata, b’effett mis-7 ta’ Diċembru 2009, permezz tad-Direttiva 2009/111/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 302, p. 97) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 2006/48”), kien jipprevedi:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘istituzzjoni ta’ kreditu’ tfisser: intrapriża li n-negozju tagħha jkun li tirċievi depożiti jew fondi ripagabbli oħra mill-pubbliku u li tagħti kreditu mill-kont tagħha;

[…]”

13

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2006/48 kien jipprevedi:

“Suġġetti għal-limiti imposti fl-Artikolu 66, il-fondi proprji mhux ikkonsolidati ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jikkonsistu mill-elementi li ġejjin:

a)

kapital fit-tifsira tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 86/635/KEE, sakemm dan ikun tħallas u miegħu jkunu tħallsu wkoll il-kontijiet primjum tal-ishma relatati, sakemm jassorbi kompletament it-telf f’sitwazzjonijiet ta’ negozju attiv, u sakemm fil-każ ta’ falliment jew likwidazzjoni jkun ikklassifikat wara l-pretensjonijiet l-oħra kollha;

[…]”

Id-Direttiva 86/635

14

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 86/635, intitolat “Passiv: Il-Punt 9 – Kapital sottoskritt”, huwa redatt kif ġej:

“Dan il-punt għandu jinkludi l-ammonti kollha, indipendentement mid-deskrizzjonijiet attwali tagħhom, li, skond l-istruttura legali ta’ l-istituzzjoni kkonċernata, huma meqjusa taħt il-liġi nazzjonali bħala kapital ta’ ekwità sottoskritt mis-sħab jew mill-propjetarji l-oħrajn.”

Id-dritt Belġjan

15

L-Artikolu 36/24, § 1, tal-liġi tat-22 ta’ Frar 1998 jipprevedi:

“Ir-Re jista’, fuq opinjoni tal-bank fil-każ li f’daqqa waħda jkun hemm kriżi fis-swieq finanzjarji jew fil-każ li jkun hemm theddida serja ta’ kriżi sistemika, bl-għan li jillimita l-portata jew l-effetti tagħhom:

jadotta regolamenti komplementari jew derogatorji għal-liġi tad-9 ta’ Lulju 1975, rigward il-kontroll tal-impriżi ta’ assigurazzjonijiet, għal-liġi tat-2 ta’ Jannar 1991, rigward is-suq tat-titoli tad-dejn sovran u l-instrumenti tal-politika monetarja, għal-liġi tat-22 ta’ Marzju 1993, rigward l-istatut u l-kontroll tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, għal-liġi tas-6 ta’ April 1995, rigward l-istatut u l-kontroll tal-impriżi ta’ investiment, għal-liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002, rigward is-sorveljanza tas-settur finanzjarju u s-servizzi finanzjarji, għall-Ktieb VIII, Titolu III, Kapitolu II, Sezzjoni III, tal-Kodiċi tal-kumpanniji, u għad-digriet Irjali Nru°62, rigward id-depożitu ta’ strumenti finanzjarji funġibbli u l-istralċ tal-operazzjonijiet fuq dawn l-istrumenti, ikkonsolidat permezz tad-digriet Irjali tas-27 ta’ Jannar 2004;

jistabbilixxi skema ta’ għoti tal-garanzija tal-Istat għal impenji meħuda mill-istituzzjonijiet kkontrollati abbażi tal-liġijiet iċċitati hawn fuq, li huwa jiddetermina, jew jagħti l-garanzija tal-Istat għal ċerti debiti miżmuma minn dawn l-istituzzjonijiet;

jistabbilixxi, fejn ikun il-każ permezz ta’ regolamenti, adottati skont Nru.1°, skema ta’ għoti tal-garanzija tal-Istat għar-rimbors lis-soċji li huma persuni fiżiċi tal-parti tagħhom fil-kapital ta’ kooperattivi, li huma awtorizzati skont id-digriet Irjali tat-8 ta’ Jannar 1962 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ gruppi nazzjonali ta’ kooperattivi u ta’ kooperattivi, li huma istituzzjonijiet ikkontrollati skont il-liġijiet iċċitati iktar ’il fuq jew li mill-inqas nofs il-patrimonju tagħhom huwa investit f’tali istituzzjonijiet;

[…]”

16

L-Artikolu 3 tal-koninklijk besluit tot uitvoering van de wet van 15 oktober 2008 houdende maatregelen ter bevordering van de financiële stabiliteit en inzonderheid tot instelling van een staatsgarantie voor verstrekte kredieten en andere verrichtingen in het kader van de financiële stabiliteit, voor wat betreft de bescherming van de deposito’s, de levensverzekeringen en het kapitaal van erkende coöperatieve vennootschappen, en tot wijziging van de wet van 2 augustus 2002 betreffende het toezicht op de financiële sector en de financiële diensten (digriet irjali li jimplementa l-liġi tal-15 ta’ Ottubru 2008 rigward miżuri intiżi sabiex tiġi promossa l-istabbiltà finanzjarja u li tistabbilixxi b’mod partikolari garanzija tal-Istat rigward il-krediti mogħtija u operazzjonijiet oħra mwettqa fil-kuntest tal-istabbiltà finanzjarja, f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-depożiti, tal-assigurazzjonijiet għall-ħajja u tal-kapital ta’ kooperattivi awtorizzati, u li temenda l-liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 dwar is-sorveljanza tas-settur finanzjarju u dwar is-servizzi finanzjarji), tal-14 ta’ Novembru 2008 (Belgisch Staatsblad, 17 ta’ Novembru 2008, p. 61285), kif emendat bil-koninklijk besluit (digriet irjali) tal-10 ta’ Ottubru 2011 (Belgisch Staatsblad, 12 ta’ Ottubru 2011, p. 62641) (iktar ’il quddiem, id-“digriet Irjali tal-14 ta’ Novembru 2008”), jipprevedi:

“Fi ħdan il-Caisse des Dépôts et Consignations, jinħoloq fond imsemmi ‘Fond speċjali ta’ protezzjoni tad-depożiti, tal-assigurazzjonijiet għall-ħajja u tal-kapital ta’ kooperattivi awtorizzati’.

Ir-Re jirregola l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-fond imsemmi fil-paragrafu 1.”

17

L-Artikolu 4(3) tad-digriet irjali tal-14 ta’ Novembru 2008 jipprevedi:

“Jistgħu jipparteċipaw fih, fuq talba tagħhom, il-kooperattivi, awtorizzati skont id-digriet Irjali tat-8 ta’ Jannar 1962 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ gruppi nazzjonali ta’ kooperattivi u ta’ kooperattivi, li huma istituzzjonijiet ikkontrollati msemmija fl-Artikolu 36/24, § 2, tal-liġi tat-22 ta’ Frar 1998 jew li mill-inqas nofs il-patrimonju tagħhom huwa investit f’tali istituzzjonijiet.

It-talba msemmija fl-ewwel subparagrafu, għandha tintbagħat b’ittra rreġistrata lill-Ministru tal-Finanzi.

[…]”

18

L-Artikolu 1(1) tal-koninklijk besluit tot toekenning van een garantie tot bescherming van het kapitaal van erkende coöperatieve vennootschapen (digriet irjali li jagħti garanzija sabiex jiġi protett il-kapital ta’ kooperattivi awtorizzati), tas-7 ta’ Novembru 2011 (Belgisch Staatsblad, 18 ta’ Novembru 2011, p. 68640, iktar ’il quddiem, id-“digriet Irjali tas-7 ta’ Novembru 2011”), jipprevedi:

“Skont l-Artikolu 4(3) tad-digriet Irjali tal-14 ta’ Novembru 2008, it-talba għal protezzjoni tal-kapital tal-kooperattivi awtorizzati li ġejjin hija aċċettata:

[Arcopar];

[Arcofin];

[Arcoplus].

[…]”

19

Skont l-Artikolu 3 tad-digriet irjali tas-7 ta’ Novembru 2011, dan tal-aħħar daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Ottubru 2011.

Id-deċiżjoni tat-3 ta ’ Lulju 2014

20

Fil-premessa 1 tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni Ewropea tesponi li, b’ittra tas-7 ta’ Novembru 2011, “l-Istat Belġjan innotifika lill-Kummissjoni li huwa adotta skema ta’ garanzija […] biex ikopri l-ishma tal-azzjonisti individwali f’dawk il-kooperattivi rikonoxxuti li jew jinsabu taħt superviżjoni prudenzjali tal-Bank Nazzjonali tal-Belġju […] jew inkella li investew minn tal-inqas nofs l-assi tagħhom f’istituzzjoni soġġetta għal tali superviżjoni (‘kooperattivi finanzjarji’)”.

21

Il-premessa 8 ta’ din id-deċiżjoni tagħmel parti mill-introduzzjoni tad-deskrizzjoni, magħmula mill-Kummissjoni, tal-“ħolqien tal-miżura notifikata”. Hija tgħid:

“Fit-30 ta’ Settembru 2008, Dexia ħabbret żieda kapitali ta’ EUR 6,4 biljun, sottoskritta mill-azzjonisti eżistenti tagħha (li wieħed minnhom kien ARCO) u mill-awtoritajiet tal-Belġju, Franza u l-Lussemburgu. Quddiem il-Kummissjoni Speċjali tal-Parlament Belġjan inkarigata mill-analiżi taċ-ċirkostanzi taż-żarmar ta’ Dexia […], il-Ministru tal-Finanzi Belġjan kompetenti fi żmien l-għoti tal-għajnuna mill-Istat lill-Dexia fl-2008 spjega li, b’segwitu għat-talbiet ta’ intervent favur ARCO, f’Settembru/Ottubru 2008 kienet diġà ttieħdet deċiżjoni politika biex tiġi adottata skema ta’ garanzija għall-kooperattivi. Huwa spjega li, sabiex jintlaħaq ftehim dwar Dexia, il-gvern kellu fl-istess ħin jieħu deċiżjoni [b’mod partikolari] dwar ARCO […].Mid-dikjarazzjonijiet tal-Ministru tal-Finanzi Belġjan attwali, jidher biċ-ċar ukoll li l-impenn tal-2008 kien ittieħed biex jiġi żgurat li ARCO jaqbel li jieħu sehem fis-salvataġġ ta’ Dexia […]”

22

Fil-premessa 9 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni tesponi li, fl-10 ta’ Ottubru 2008, il-Gvern tal-Belġju ħabbar, permezz ta’ stqarrija għall-istampa mis-servizzi tal-Ministru tal-Finanzi, li kien ħa fost l-oħrajn id-deċiżjoni li jistabbilixxi skema analoga għall-iskema eżistenti ta’ garanzija għal depożiti għal prodotti finanzjarji oħrajn, b’mod partikolari, l-ishma f’kooperattivi finanzjarji.

23

Il-premessa 10 tal-istess deċiżjoni hija redatta kif ġej:

“Fil-21 ta’ Jannar 2009, il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Finanzi kkonfermaw fi stqarrija għall-istampa konġunta, l-impenn li ħa l-gvern preċedenti […] biex jintroduċi skema ta’ garanzija għall-kooperattivi […] Fl-istess jum, ARCO ppubblika l-istqarrija għall-istampa tal-gvern Belġjan fuq il-websajt tiegħu. B’kuntrast ma’ dan, kooperattivi finanzjarji oħrajn tbiegħdu mill-analoġija bejn id-depożiti u l-ishma fil-kooperattivi finanzjarji li tirfed l-iskema ta’ garanzija għall-kooperattivi. […]”

24

Fil-premessi 11 sa 15 tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tal-miżura nnotifikata bil-mod li ġej:

“(11)

Fil-15 ta’ Ottubru 2008, il-Parlament Belġjan approva liġi […]li tippermetti lill-gvern Belġjan jieħu miżuri biex jippreserva l-istabbiltà finanzjarja. Fl-14 ta’ Novembru 2008 […], l-Istat Belġjan ippubblika Digriet Irjali li żied il-livell ta’ kopertura fil-qafas tal-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu għal EUR 100000, filwaqt li introduċa skema ta’ garanzija tal-assigurazzjoni għall-prodotti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja tal-‘fergħa 21’ […]

(12)

Fl-14 ta’ April 2009 […], l-Istat Belġjan emenda l-Liġi tal-15 ta’ Ottubru 2008, li awtorizzat lill-gvern jadotta, permezz tad-Digriet Irjali, sistema ta’ garanzija tal-kapital imħallas għal rimborż lill-azzjonisti individwali tas-sehem tagħhom fil-kapital tal-kooperattivi finanzjarji. Permezz tad-Digriet Irjali tal-10 ta’ Ottubru 2011 […], l-awtoritajiet Belġjani mmodifikaw id-Digriet Irjali tal-14 ta’ Novembru 2008. Id-Digriet Irjali tal-10 ta’ Ottubru 2011 fih dettalji oħra dwar l-iskema ta’ garanzija għall-kooperattivi.

[…]

(14)

Fit-13 ta’ Ottubru 2011, it-tliet impriżi kooperattivi ta’ ARCO […] applikaw biex jieħdu sehem fl-iskema ta’ garanzija għall-kooperattivi. Il-gvern Belġjan approva t-talba tagħhom permezz tad-Digriet Irjali tas-7 ta’ Novembru 2011 […]

[…]”

25

Fil-premessa 80 u dawk segwenti ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tesponi l-evalwazzjoni tagħha tal-miżura nnotifikata.

26

Rigward il-benefiċjarju ta’ din il-miżura, il-Kummissjoni tosserva, fil-premessa 81 tal-imsemmija deċiżjoni, li teżisti differenza kbira bejn il-grupp ARCO, li jinkludi fih il-kooperattivi awtorizzati Arcopar, Arcoplus u Arcofin (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji tal-grupp ARCO”), u li sar mis-sena 2001 l-azzjonist prinċipali ta’ Dexia, u l-kooperattivi finanzjarji l-oħra li potenzjalment huma ammissibbli għall-benefiċċju tal-iskema ta’ garanzija għall-kooperattivi.

27

Il-premessi 82 sa 84 tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014 jgħidu:

“(82)

Mid-deskrizzjoni tal-fatti, […] jidher biċ-ċar li l-iskema ta’ garanzija għall-kooperattivi mill-bidu kienet magħmula apposta għal ARCO, li kien daħal fl-inkwiet minħabba l-investimenti li kien għamel f’Dexia. Fl-aħħar mill-aħħar, ARCO kien l-unika kooperattiva finanzjarja li applikat biex tipparteċipa fil-miżura.

(83)

F’dak li jirrigwarda l-kooperattivi finanzjarji l-oħrajn, il-Kummissjoni tinnota li l-iskema ta’ garanzija għall-kooperattivi hija skema volontarja, li l-Kunsill tal-Ministri kellu d-diskrezzjoni fuq l-ammissjoni jew le ta’ kooperattiva finanzjarja fl-iskema ta’ garanzija għall-kooperattivi, u fejn xieraq, abbażi ta’ liema kundizzjonijiet; hija tinnota wkoll li l-ebda kooperattiva finanzjarja oħra ma applikat biex tissieħeb mal-iskema ta’ garanzija għall-kooperattivi u li uħud minnhom tbiegħdu minnha b’mod attiv. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-ebda kooperattiva finanzjarja oħra ma kellha problemi marbuta mal-investimenti tagħha bħalma kellu ARCO ma’ Dexia.

(84)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-uniku benefiċjarju reali tal-iskema ta’ garanzija għall-kooperattivi, li jwettaq attivitajiet ekonomiċi, huwa ARCO.”

28

Fil-premessa 90 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi t-tħabbir u l-implementazzjoni tal-iskema ta’ garanzija għall-kooperattivi għandhom jitqiesu bħala miżura unika, għar-raġunijiet esposti fil-premessi 85 sa 89 tal-imsemmija deċiżjoni, bil-mod li ġej:

“(85)

Il-Kummissjoni tosserva li l-miżura ġiet deċiża u mħabbra mill-gvern fl-10 ta’ Ottubru 2008. […] Jidher biċ-ċar li l-gvern Belġjan kien ħa d-deċiżjoni li joffri lil ARCO l-benefiċċju ta’ skema ta’ garanzija għall-kooperattivi fl-istess waqt meta tfasslet il-miżura favur Dexia fl-2008 […] Stqarrija oħra mill-istampa, tal-21 ta’ Jannar 2009, kompliet tagħti iktar dettalji dwar il-miżura u wara dan inbdiet it-traspożizzjoni legali tal-impenn tal-gvern.

(86)

Il-Kummissjoni tinnota li l-lingwaġġ u t-tip ta’ termini (bħal ‘décidé’ u ’l’engagement’) użati fl-istqarrijiet għall-istampa tal-10 ta’ Ottubru 2008 u tal-21 ta’ Jannar 2009, li jixhdu natura vinkolanti u mhux ambigwa, ħolqu aspettattiva leġittima li l-miżura kienet se tiġi implimentata.

(87)

L-istqarrijiet għall-istampa ntbagħtu wkoll permezz tal-kanali uffiċjali: l-istqarrija għall-istampa tal-10 ta’ Ottubru 2008 intbagħtet mis-servizzi tal-Ministru tal-Finanzi, filwaqt li l-istqarrija għall-istampa tal-10 ta’ Jannar 2009 intbagħtet f’isem il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Finanzi. In-natura repetittiva ta’ dawn il-komunikazzjonijiet għall-istampa rrinfurzaw il-messaġġ sottostanti.

(88)

Il-Kummissjoni tinnota li sa minn meta ħarġet l-istqarrija għall-istampa tal-10 ta’ Ottubru 2008 diġà kien jidher biċ-ċar li l-iskema ta’ garanzija għall-kooperattivi kienet se tkun imfassla bħala estensjoni tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti. L-istqarrija għall-istampa tal-21 ta’ Jannar 2009 fiha dettalji tekniċi oħrajn. Hekk kif l-istqarrija għall-istampa tal-21 ta’ Jannar 2009 ġiet ippubblikata, ARCO ppubblikaha fuq il-websajt tiegħu. Jidher ċar li dan il-pass ittieħed bil-ħsieb li l-azzjonisti individwali tiegħu jserrħu moħħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota l-konsistenza tal-miżura tul iż-żmien, minħabba li l-miżura ma nbidlitx materjalment bejn it-tħabbira inizjali tagħha fl-10 ta’ Ottubru 2008 u d-Digriet Irjali finali.

(89)

Fis-sentenza tagħha [tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et (C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175)], il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li t-tħabbira ta’ miżura u l-implimentazzjoni effettiva tagħha jistgħu jiġu analizzati bħala intervent uniku, jekk dan seta’ jiġi ġġustifikat mill-kronoloġija u mill-iskop tat-tħabbira u tal-implimentazzjoni u miċ-ċirkostanzi tal-impriża fi żmien li seħħ tali intervent. Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda lil din il-miżura, fl-10 ta’ Ottubru 2008, l-Istat Belġjan iddeċieda u ħabbar miżura li aktar tard ġiet implimentata għall-istess skop fir-rigward tal-benefiċjarju intiż oriġinarjament. Barra minn hekk, fid-deċiżjonijiet tagħha stess, il-Kummissjoni kkunsidrat it-tħabbira u l-implimentazzjoni bħala miżura waħda u qieset li l-miżura ħolqot vantaġġ sa mid-data li fiha ġiet imħabbra […] Tabilħaqq, il-Ministru tal-Finanzi Belġjan attwali kkwalifika l-miżura inkwistjoni bħala impenn li ttieħed fl-2008 […]”

29

L-eżami tal-eżistenza ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huwa espost fil-premessi 91 sa 110 tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014. Il-premessa 99 ta’ din, rigward il-kundizzjoni għall-użu ta’ riżorsi tal-Istat, tgħid hekk:

“(99)

Fir-rigward tal-imputabbiltà tal-miżura għall-Istat Belġjan, jidher biċ-ċar li l-iskema ta’ garanzija għall-kooperattivi ma tistax titqies bħala traspożizzjoni tad-Direttiva [94/19]. Id-Direttiva [94/19] tobbliga biss lill-Istati Membri jintroduċu skema ta’ garanzija tad-depożiti għad-depożiti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva espliċitament jipprevedi li l-istrumenti kollha li jaqgħu fit-tifsira ta’ fondi proprji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu huma esklużi minn kwalunkwe ripagament mill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jistabbilixxi skemi oħra ta’ ripagament li jiggarantixxu prodotti finanzjarji oħra, deċiżjoni bħal din ma tkunx toriġina mil-liġi tal-Unjoni iżda tikkostitwixxi inizjattiva tal-Istat Membru stess. […]”

30

Il-premessi 101 sa 107 ta’ din id-deċiżjoni, rigward l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, jgħidu:

“(101)

Jidher b’mod ċar ukoll illi l-miżura hija selettiva. L-ewwel nett, tapplika biss għad-detenturi ta’ ishma ta’ kooperattiva finanzjarja u mhux għal persuni li għandhom prodotti ta’ investiment maħruġa minn impriżi kompetituri. Għaldaqstant l-atturi finanzjarji li pproponew fondi ta’ bonds konservattivi jew fondi tas-suq monetarju jew inkella fondi mutwi li jiggarantixxu kapital, setgħu joffru lill-klijenti tagħhom garanzija simili. L-Istat Belġjan isostni illi l-ishma individwali ta’ kooperattivi finanzjarji huma, fis-sustanza tagħhom, simili għad-depożiti. […] Madankollu, diversi elementi li semma l-Istat Belġjan jirreferu għal kooperattivi inġenerali u mhux għall-kooperattivi finanzjarji. Barra minn dan, id-deskrizzjoni tal-ishma ta’ kooperattiva finanzjarja li ta l-Istat Belġjan ma fihiex referenzi għal informazzjoni rilevanti, bħalma huma r-riskji ta’ investiment f’dawn l-istrumenti […], li mhumiex tipiċi għad-depożiti.

(102)

In-natura selettiva tal-miżura tidher ukoll meta wieħed iqabbel it-trattament maħsub għall-kooperattivi finanzjarji ma’ dak marbut ma’ kooperattivi rikonoxxuti oħrajn li mhumiex finanzjarji. L-Istat Belġjan serraħ fuq is-sentenza [tat-8 ta’ Settembru 2011,] Paint Graphos [et (C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550),] biex jiffavorixxi trattament speċjali li minnu jibbenefikaw azzjonisti individwali ta’ kooperattivi finanzjarji […]

(103)

Il-Kummissjoni tqis li l-argument tal-Istat Belġjan ma jistax jiġi aċċettat għax in-natura tal-vantaġġ ikkonferit mill-miżura hija differenti f’termini kwalitattiv minn dik li ġiet eżaminata mill-Qorti fil-Kawża Paint Graphos [et (C‑78/08 sa C‑80/08)]. Il-miżura adottata mill-Belġju tinvolvi l-ħolqien ta’ benefiċċju pożittiv u mhux eżenzjoni minn piż fiskali jew minn obbligu ta’ ħlas ta’ xi imposta. Konsegwentement, l-analiżi standard maqsuma fi tliet stadji li l-qrati tal-Unjoni kienu approvaw meta eżaminaw jekk vantaġġ fiskali jew eżenzjoni minn xi imposta humiex selettivi jew le, ma tistax tiġi applikata għall-miżura.

(104)

Fi kwalunkwe każ, anke kieku l-analiżi Paint Graphos [et (C-78/08 sa C-80/08)] setgħet tiġi applikata għall-miżura inkwistjoni, il-karatteristiċi speċifiċi ta’ din tal-aħħar huma tali li hija tibqa’ ta natura selettiva.

(105)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li l-Kawża Paint Graphos [et (C‑78/08 sa C‑80/08)] tirreferi għall-kooperattivi kollha tal-produtturi u tal-ħaddiema u mhux għal subsettur relattivament żgħir bħalma huma l-kooperattivi finanzjarji. Jekk, kif qed jiddikjara l-Belġju, għandu jkun hemm trattament speċjali għall-kooperattivi ‘ġenwini’, dak it-trattament speċjali għandu japplika għall-kooperattivi rikonoxxuti kollha. Għalhekk, l-enfasi limitata tal-miżura fuq il-kooperattivi finanzjarji biss, fiha nnifisha, hija biżżejjed biex tistabbilixxi n-natura selettiva tal-miżura.

(106)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tosserva li, fil-fehma tal-Istat Belġjan, il-kooperattivi finanzjarji dehru li jistħoqqilhom privileġġi addizzjonali sa mill-10 ta’ Ottubru 2008. Il-Kummissjoni tosserva li qabel dik id-data, il-kooperattivi rikonoxxuti ngħataw tip ta’ trattamet favorevoli b’riżultat tal-istatus speċjali tagħhom, fl-għamla ta’ eżenżjoni mit-taxxa minn ras il-għajn. […] Il-Kummissjoni ma tiħux pożizzjoni f’din id-Deċiżjoni dwar jekk il-vantaġġ tat-taxxa huwiex proporzjonat, iżda temmen li ma kien hemm l-ebda raġuni biex f’daqqa waħda fl-10 ta’ Ottubru 2008, jiġi introdott kumpens addizzjonali jew tingħata protezzjoni ulterjuri lill-kumpaniji li għandhom status ta’ kooperattivi finanzjarji.

(107)

Fl-aħħar nett, anke kieku l-Kummissjoni kellha twettaq analiżi ispirata mill-Kawża [tat-8 ta’ Settembru 2011,] Paint Graphos [et (C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550)], hija temmen li xejn ma jiġġustifika l-għoti ta’ garanzija ta’ 100 % lill-azzjonisti individwali ta’ ARCO […] li l-entitajiet tiegħu kienu kumpaniji b’responsabbiltà limitata. Minħabba n-natura ta’ kumpaniji bħal dawn, hekk kif iddeterminat mir-regoli ġenerali tal-Belġju dwar il-liġi tal-kumpaniji, l-azzjonisti individwali ta’ ARCO kellhom ikunu konxji li setgħu jitilfu l-kapital kollu tagħhom f’każ ta’ likwidazzjoni. […] Barra minn hekk, il-protezzjoni ta’ 100 % tal-kapital sottoskritt mill-azzjonisti individwali tal-kooperattivi finanzjarji mhijiex miżura proporzjonata […] billi b’hekk dawn l-azzjonisti kienu se jkunu mħarsa minn kwalunkwe riskju, u dan joħloq vantaġġ indebitu għall-impriżi li huma azzjonisti tagħhom […]”

31

L-eżami tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-fatt li l-kummerċ bejn Stati Membri ġie affettwat ġie espost fil-premessi 108 u 109 tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014. Dawn il-premessi huma fformulati kif ġej:

“(108)

L-iskema ta’ garanzija għall-kooperattivi tipprovdi lill-kooperattivi finanzjarji b’vantaġġ li atturi oħrajn li joffru prodotti ta’ investiment għall-konsumatur u kooperattivi mhux finanzjarji rikonoxxuti oħrajn ma għandhomx. Bis-saħħa tal-miżura, ARCO rnexxielu jippreserva s-sehem mis-suq għal perjodu ta’ żmien itwal. ARCO ma batiex minn ħruġ ta’ kapital, jew inkella dan seħħ aktar tard u b’livell aktar baxx milli kieku kien jiġri fin-nuqqas tal-miżura. Konsegwentement, dawn l-atturi l-oħrajn, li kellhom jiffaċċjaw il-kompetizzjoni abbażi tal-merti tagħhom u li ma setgħux iserrħu fuq l-iskema ta’ garanzija għall-kooperattivi, ma setgħux jibbenefikaw mill-kapital illi seta’ kien disponibbli għall-investiment. Għalhekk, l-iskema ta’ garanzija għall-kooperattivi toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni […]

(109)

Meta Stat Membru jagħti l-għajnuna lil xi impriża, l-attività interna tista’ tiġi miżmuma jew miżjuda b’konsegwenza ta’ dan, b’tali mod li jonqsu l-opportunitajiet għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn li jippenetraw (ulterjorment) fis-suq. […]Billi hemm bosta fornituri internazzjonali tal-prodotti ta’ investiment attivi fis-suq Belġjan, il-miżura bla ebda dubju għandha effett fuq il-kummerċ madwar l-Unjoni kollha.”

32

Abbażi tal-analiżi mwettqa fil-premessi 91 sa 109 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-premessa 110 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-iskema ta’ garanzija għall-kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali “tinvolvi r-riżorsi tal-Istat, tirrappreżenta vantaġġ selettiv għal ARCO, toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u tolqot il-kummerċ intern tal-Unjoni” u li “għaldaqstant tissodisfa l-kriterji kollha ta’ għajnuna mill-Istat”. Il-Kummissjoni tqis ukoll li “[d]awn l-elementi kollha kienu preżenti sa mhux aktar tard minn meta ġie adottat id-Digriet Irjali tal-10 ta’ Ottubru 2011, iżda l-vantaġġ maħluq mill-miżura kien jeżisti diġà minn meta l-awtoritajiet Belġjani ħabbru, fl-10 ta’ Ottubru 2008, il-ħolqien ta’ tali miżura”.

33

Fil-premessi 111 sa 128 tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni tevalwa l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern. Hija tikkonkludi, fil-premessa 129 ta’ din id-deċiżjoni, li l-imsemmija għajnuna “ma tistax titqies kompatibbli mas-suq intern għax la hija xierqa, la neċessarja u lanqas proporzjonata għall-finijiet tal-Artikolu 107(3)(b) [TFUE], u ma [tidħolx fil]-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra li tirregola l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat”.

34

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tikkonstata, fil-premessa 143 tal-imsemmija deċiżjoni, li “l-iskema ta’ garanzija għall-kooperattivi tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur ARCOPAR, ARCOFIN u ARCOPLUS implimentata b’mod illeċitu mill-Belġju, bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE]”. Fl-istess premessa, hija tqis li “[l-]Istat Belġjan għandu jirtira l-leġiżlazzjoni li fuqha tissejjes l-iskema ta’ garanzija għall-kooperattivi (b’mod partikolari l-Liġi tal-14 ta’ April 2009 u d-Digriet Irjali tal-10 ta’ Ottubru 2011) u għandu jirkupra l-vantaġġ mingħand ARCOPAR, ARCOFIN u ARCOPLUS”.

35

L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014 jiddikjara “[l-]iskema ta’ garanzija li ġiet adottata b’mod illeċitu mill-Belġju għall-kooperattivi finanzjarji [tal-grupp] […] ARCO, […] bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE] hija inkompatibbli mas-suq intern”.

36

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-deċiżjoni jeżiġi li r-Renju tal-Belġju jirkupra din l-għajnuna mill-benefiċjarji, skont kalkoli previsti mill-Kummissjoni. L-Artikolu 2(4) tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi li “[l-]Belġju jkompli jżomm lura milli jagħmel kwalunkwe pagament skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1, b’effett mid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

37

Fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u b’mod partikolari fil-kuntest tal-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-bank Franċiż-Belġjan Dexia, l-awtoritajiet Belġjani stabbilixxew, bis-saħħa tal-Artikolu 36/24 tal-liġi tat-22 ta’ Frar 1998, skema ta’ garanzija li tipprevedi r-rimbors, minn fondi ta’ protezzjoni speċjali għal depożiti, sal-ammont ta’ EUR 100000, tal-fondi investiti minn persuni fiżiċi f’ishma maħruġa minn kooperattivi finanzjarji li jkunu aderixxew ma’ din l-iskema ta’ garanzija fil-każ tal-falliment ta’ dawn il-kooperattivi. Skont id-digriet irjali tal-14 ta’ Novembru 2008, kif emendat bid-digriet irjali tal-10 ta’ Ottubru 2011, il-kumpanniji tal-grupp ARCO, wieħed mill-azzjonisti prinċipali ta’ Dexia, ġew ammessi, bid-digriet irjali tas-7 ta’ Novembru 2011, f’din l-iskema.

38

Bejn ix-xahar ta’ Diċembru 2011 u x-xahar ta’ Jannar 2012, P. Vervloet, M. De Wit, E. Timperman, G. Van Braekel, P. Beckx, M. De Schryver, G. Deneire u S. Van Hoof., l-organu ta’ finanzjament tal-pensjonijiet Ogeo Fund, il-Komun ta’ Schaarbeek u Ensch Famenne ppreżentaw quddiem ir-Raad van State (kunsill tal-istat, il-Belġju) rikorsi intiżi għall-annullament tad-digrieti Irjali tal-10 ta’ Ottubru 2011 u tas-7 ta’ Novembru 2011. Għal dan l-iskop, huma sostnew, essenzjalment, li dawn id-digrieti Irjali jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza stabbilit permezz tal-Kostituzzjoni tal-Belġju, sa fejn huma jistabbilixxu differenza fit-trattament bejn l-azzjonisti, persuni fiżiċi, ta’ kooperattivi, li jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ garanzija stabbilta fost l-oħrajn permezz tal-imsemmija digrieti Irjali, u l-azzjonisti, persuni fiżiċi, ta’ kumpanniji oħra qrib is-settur finanzjarju, li huma esklużi mill-imsemmija skema.

39

Peress li qies li l-imsemmija digrieti Irjali huma bbażati fuq l-Artikolu 36/24 tal-liġi tat-22 ta’ Frar 1998, li, għaldaqstant, huma jaqgħu taħt limitazzjonijiet li l-leġiżlatur Belġjan innifsu stabbilixxa u li d-differenza fit-trattament invokata tirriżulta minn norma leġiżlattiva, ir-Raad van State (kunsill tal-istat) għamel lill-Grondwettelijk Hof (qorti kostituzzjonali, il-Belġju) diversi domandi preliminari rigward il-kompatibbiltà ta’ dan l-artikolu mal-Kostituzzjoni tal-Belġju.

40

Il-Grondwettelijk Hof (qorti kostituzzjonali) tesponi, fl-ewwel lok, li l-Kunsill tal-Ministri jsostni, sabiex jiġġustifika din id-differenza fit-trattament, li l-ishma ta’ kooperattiva awtorizzata attiva fis-settur finanzjarju huma analogi għad-depożiti bankarji fir-rigward ta’ liema d-Direttiva 94/19 tobbliga lill-Istati Membri jipprevedu skema ta’ garanzija. Il-kumpanniji tal-grupp ARCO, intervenjenti fil-proċedura quddiem ir-Raad van State (kunsill tal-istat), isostnu li l-Artikolu 36/24, § 1, paragrafu 1, Nru 3 tal-liġi tat-22 ta’ Frar 1998 jikkostitwixxi traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, sa fejn l-ishma tal-kooperattivi juru l-karatteristiċi ta’ prodott ta’ tfaddil.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex jiġi stabbilit jekk il-leġiżlatur Belġjan setax, mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza stabbilit mill-Kostituzzjoni tal-Belġju, jawtorizza lir-Re sabiex jintroduċi skema intiża sabiex tiggarantixxi, minbarra d-depożiti bankarji, il-valur tal-ishma li persuna fiżika, fil-kwalità tagħha ta’ soċju, għandha f’kooperattivi awtorizzata attiva fis-settur finanzjarju, għandu jiġi stabbilit jekk dan il-leġiżlatur kienx awtorizzat, jew saħansitra mġiegħel, jaġixxi b’tali mod skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 94/19, moqri fid-dawl, fejn xieraq, tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”) u fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament.

42

Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Lulju 2014, il-Grondwettelijk Hof (qorti kostituzzjonali) tosserva li l-eżami tal-eventwali natura selettiva ta’ miżura, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE, jippreżenta ċerti analoġiji mal-eżami tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni ggarantit permezz tal-Kostituzzjoni tal-Belġju. Din il-qorti tispeċifika li l-Istat Belġjan u l-kumpanniji tal-grupp ARCO, li jikkontestaw, quddiemha, il-validità ta’ din id-deċiżjoni, ippreżentaw rikorsi għall-annullament ta’ din quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-argumenti mressqa quddiemha minn dawn il-kumpanniji huma affermati mill-ġdid u żviluppati fil-kuntest tar-rikors għal annullament ippreżentat minn dawn quddiem il-Qorti Ġenerali, li għalih l-imsemmija kumpanniji għamlu rinviju.

43

F’dan ir-rigward, l-istess kumpanniji jikkritikaw, skont il-Grondwettelijk Hof (qorti kostituzzjonali), lill-Kummissjoni minħabba ksur, b’mod partikolari, tal-Artikolu 107(1), tal-Artikolu 108(2), u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE kif ukoll tar-regoli proċedurali li jirregolaw l-oneru u l-produzzjoni tal-prova, billi jinvokaw żewġ motivi marbuta mal-validità tal-parti tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014 li tikklassifika l-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat ġdida. Huma jsostnu, minn naħa, li huma ma bbenefikawx minn vantaġġ selettiv u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija miżura ma hijiex kapaċi toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, u lanqas ma għandha mnejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

44

Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħhom, dawn il-kumpanniji jikkontestaw, l-ewwel nett, il-konklużjoni tal-Kummissjoni skont liema huma l-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat ikkonstatata fid-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014. Il-benefiċjarji diretti tal-miżura inkwistjoni huma s-soċji, persuni, fiżiċi tal-kooperattivi attivi fis-settur finanzjarju u Dexia, li fiha investew il-kumpanniji tal-grupp ARCO. L-għajnuna mogħtija lil Dexia ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni.

45

Il-kumpanniji tal-grupp ARCO jikkontestaw, it-tieni nett, il-konklużjoni tal-Kummissjoni skont liema d-dikjarazzjonijiet tal-10 ta’ Ottubru 2008 u tal-21 ta’ Jannar 2009 kif ukoll id-digriet irjali tas-7 ta’ Novembru 2011 jikkostitwixxu intervent uniku tal-Istat. Huma jenfasizzaw, f’dan ir-rigward, li l-istqarrija għall-istampa tal-10 ta’ Ottubru 2008 ma kinitx tindikahom b’isimhom.

46

Dawn il-kumpanniji jikkontestaw, it-tielet nett, il-konklużjoni tal-Kummissjoni skont liema vantaġġ għall-imsemmi kumpanniji jirriżulta mill-fatt li s-soċji tagħhom, persuni fiżiċi, ġew żgurati, mill-10 ta’ Ottubru 2008, li l-ishma tagħhom ser jiġi protetti mill-Istat Belġjan. Il-Kummissjoni ma ġabitx il-provi li jistabbilixxu din il-konklużjoni. Il-miżura inkwistjoni ma tatx lill-kumpanniji tal-grupp ARCO aċċess aħjar għas-suq tal-kapital. Id-dikjarazzjonijiet tal-Gvern Belġjan magħmula fl-2008 u fl-2009 ma kellhom l-ebda impatt fuq il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dawn il-kumpanniji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ vantaġġ, peress li l-garanzija mogħtija mill-Istat Belġjan la hija illimitata u lanqas ma hija bla ħlas.

47

Il-kumpanniji tal-grupp ARCO jsostnu, ir-raba’ nett, li l-miżura inkwistjoni bl-ebda mod ma hija selettiva. Il-Kummissjoni ma ġabitx ġustifikazzjoni għat-tqabbil li hija tagħmel bejn il-kooperattivi finanzjarji, minn naħa, u l-kooperattivi mhux finanzjarji u l-kumpanniji finanzjarji l-oħra, min-naħa l-oħra. Hija ma pprovatx differenza fit-trattament bejn impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli u naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni. Is-sitwazzjoni tal-kooperattivi finanzjarji hija speċifika fir-rigward, b’mod partikolari, tal-azzjonisti tagħhom, li huma magħmula f’99 % minnhom minn faddala żgħar, fir-rigward tal-eżistenza ta’ approvazzjoni li telimina kull attitudni spekulattiva, fir-rigward tal-limitazzjonijiet tad-dividendi li jistgħu jiġu rċevuti u fir-rigward tat-trattament fiskali ta’ dawn, li huwa komparabbli għal dawk tad-dħul iġġenerat bid-depożiti ta’ tfaddil. Fi kwalunkwe każ, eventwali differenza fit-trattament hija ġġustifikata bin-natura jew l-istruttura ġenerali tal-iskema inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-kumpanniji tal-grupp ARCO jirreferu għas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et (C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550).

48

L-imsemmija kumpanniji jsostnu, il-ħames nett, li d-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014 ma hijiex immotivata korrettament. Il-Kummissjoni ma tatx motivazzjoni xierqa rigward l-eżistenza ta’ vantaġġ.

49

Insostenn tat-tieni motiv tagħhom, il-kumpanniji tal-grupp ARCO jikkontestaw, minn naħa, il-konklużjoni tal-Kummissjoni, skont liema l-miżura inkwistjoni għandha mnejn toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra b’mod validu li l-kapital tal-kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju kien disponibbli għal fornituri ta’ prodotti ta’ investiment jew għal kooperattivi awtorizzati mhux finanzjarji. Min-naħa l-oħra, dawn il-kumpanniji jsostnu li l-Kummissjoni ma sostnietx il-konklużjoni li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jkun mhedded.

50

Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-validità tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014, fid-dawl tal-Artikoli 107 u 296 TFUE.

51

L-imsemmija qorti tqis, fit-tielet lok, li, jekk jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li din id-deċiżjoni hija invalida minħabba li l-Kummissjoni ma ġġustifikatx korrettament il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat ġdida tal-iskema prevista fl-Artikolu 36/24, § 1, paragrafu 1, Nru 3 tal-liġi tat-22 ta’ Frar 1998, għandu jiġi żgurat li l-ebda raġunament ieħor ma jippermetti li l-imsemmija skema tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat ġdida, li kien ikollha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

52

Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi d-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014 hija valida, ikollha tiġi stabbilita d-data minn meta l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni ġiet implementata. Din id-deċiżjoni ma tidentifikax b’mod espliċitu din id-data. F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva, minn naħa, li mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-iskema ta’ garanzija inkwistjoni ġiet innotifikata lill-Kummissjoni b’ittra tas-7 ta’ Novembru 2011 u, min-naħa l-oħra, li d-digriet irjali tat-3 ta’ Marzu 2011, li bl-applikazzjoni tiegħu l-Artikolu 36/24, § 1, paragrafu 1, Nru 3 tal-liġi tat-22 ta’ Frar 1998 kiseb valur leġiżlattiv, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2011. Jekk l-imsemmija għajnuna mill-Istat ma setgħetx titqies li ġiet implementata fid-data tal-adozzjoni jew tad-dħul fis-seħħ tad-digriet irjali tat-3 ta’ Marzu 2011, ikun jeżisti dubju rigward il-kwistjoni dwar jekk l-Istat Belġjan naqasx milli jwettaq l-obbligu tiegħu previst fl-Artikolu 108(3) TFUE. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 36/24, § 1, paragrafu 1, Nru 3 sempliċement jawtorizza lir-Re sabiex jistabbilixxi l-iskema ta’ garanzija inkwistjoni u huwa biss bid-digriet irjali tas-7 ta’ Novembru 2011 li tali garanzija ġiet effettivament mogħtija, abbażi tad-digriet irjali tal-10 ta’ Ottubru 2011. Minbarra dan, jeżistu dubji rigward il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonkludi, fil-premessa 110 tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014, li l-elementi kollha li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kienu preżenti mhux iktar tard mid-data tal-adozzjoni tad-digriet irjali tal-10 ta’ Ottubru 2011, iżda li l-vantaġġ li nħoloq permezz tal-miżura inkwistjoni kien jeżisti diġà wara t-tħabbir magħmul fl-10 ta’ Ottubru 2008.

53

Fl-aħħar nett, skont il-Grondwettelijk Hof (qorti kostituzzjonali), mid-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014 ma jirriżultax biċ-ċar li l-Kummissjoni qieset li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni ġiet implementata fid-data tal-adozzjoni jew f’dik tad-dħul fis-seħħ tad-digriet irjali tat-3 ta’ Marzu 2011 jew f’data preċedenti għal dawn jew inkella li din l-istituzzjoni qieset li l-imsemmija għajnuna ġiet implementata f’data posterjuri għall-imsemmija dati. Fl-ewwel waħda minn dawn l-ipoteżi, għandu jiġi kkonfermat li l-Artikolu 108(3) TFUE kien jipprekludi l-adozzjoni ta’ dan id-digriet irjali. Fit-tieni waħda minn dawn l-ipoteżi, għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-perijodu ta’ żmien li għadda bejn id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi digriet irjali u l-adozzjoni tad-digrieti Irjali ta’ eżekuzzjoni ta’ dan, l-Artikolu 108(3) TFUE kienx jipprekludi l-adozzjoni tad-digriet irjali tat-3 ta’ Marzu 2011, sa fejn din id-dispożizzjoni teżiġi li l-Kummissjoni tiġi informata “mingħajr dewmien”.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Grondwettelijk Hof (qorti kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva [94/19], flimkien, jekk ikun il-każ, mal-Artikoli 20 u 21 tal-[Karta] u l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

a)

jimponu lill-Istati Membri li jiggarantixxu l-ishma tal-kooperattivi rikonoxxuti li joperaw fis-settur finanzjarju bl-istess mod bħad-depożiti?

b)

jipprekludu Stat Membru milli jafda lil entità parzjalment inkarigata mill-garanzija tad-depożiti li hemm riferiment għaliha f’din id-direttiva, bil-funzjoni li tiggarantixxi wkoll, sal-ammont ta’ EUR 100000, il-valur tal-ishma tal-membri, persuni fiżiċi, ta’ kooperattiva rikonoxxuta li topera fis-settur finanzjarju?

2)

Id-[deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014] hija kompatibbli mal-Artikoli 107 u 296 TFUE sa fejn tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat ġdida s-sistema ta’ garanzija li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, l-Artikolu 107 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li sistema ta’ garanzija tal-Istat mogħtija lill-membri, persuni fiżiċi, ta’ kooperattivi rikonoxxuti li joperaw fis-settur finanzjarju, skont l-ewwel subparagrafu 1(3) tal-Artikolu 36/24 tal-Liġi tat-22 ta’ Frar 1998 […], tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ġdida li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni […]?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni […] hija kompatibbli mal-Artikolu 108(3) TFUE jekk tiġi interpretata fis-sens li tikkunsidra li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni ġiet implementata qabel it-3 ta’ Marzu 2011 jew l-1 ta’ April 2011 jew f’waħda minn dawn iż-żewġ dati jew, inversament, jekk tiġi interpretata fis-sens li tikkunsidra li l-għajnuna tal-Istat inkwistjoni ġiet implementata f’data sussegwenti?

5)

L-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jadotta miżura bħal dik inkluża fit-tielet punt tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 36/24 tal-Liġi tat-22 ta’ Frar 1998 […], jekk din il-miżura timplementa għajnuna mill-Istat jew tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li diġà ġiet implementata u li din l-għajnuna mill-Istat għadha ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni […]?

6)

L-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jadotta, mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni […], miżura bħal dik inkluża fit-tielet punt tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 36/24 tal-Liġi tat-22 ta’ Frar 1998 […], jekk din il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li għadha ma ġietx implementata?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

55

Xi wħud mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja esprimew dubji rigward l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, għaliex ma għandhomx rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, peress li din it-tilwima taqa’ biss taħt id-dritt kostituzzjonali Belġjan, id-Direttiva 94/19 kif ukoll l-Artikoli 107 u 108 TFUE ma għandhomx x’jaqsmu magħha.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha qiegħda tinstema’ l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress illi d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-prinċipju, għandha l-obbligu li tagħti deċiżjoni (sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 53, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 54, kif ukoll tat-30 ta’ Mejju 2013, Halaf, C‑528/11, EU:C:2013:342, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Grondwettelijk Hof (qorti kostituzzjonali) għandha quddiemha l-mistoqsija dwar jekk l-Artikolu 36/24, § 1, paragrafu 1, Nru 3 tal-liġi tat-22 ta’ Frar 1998 jiksrix il-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni ggarantit permezz tal-Artikoli 10 u 11 tal-Kostituzzjoni tal-Belġju, sa fejn huwa jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn l-azzjonisti, persuni fiżiċi, ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, u l-azzjonisti, persuni fiżiċi, ta’ kumpanniji oħra attivi f’dan is-settur.

59

Kif osservat, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 30 u 31 tal-konklużjonijiet tagħha, jirriżulta kemm minn din id-deċiżjoni kif ukoll mir-risposta tal-qorti tar-rinviju għat-talba għal kjarifika indirizzata lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li din il-qorti tqis li, qabel ma tiddikjara ruħha fuq il-kompatibbiltà mal-Kostituzzjoni tal-Belġju tal-iskema ta’ garanzija favur is-sehem tas-soċji, persuni fiżiċi, ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, awtorizzata permezz tal-Artikolu 36/24, § 1, paragrafu 1, Nru 3 tal-liġi tat-22 ta’ Frar 1998, hija għandha tivverifika l-konformità ta’ din id-dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni. B’dan il-mod, jekk jirriżulta li l-iskema ta’ garanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet imposta mid-Direttiva 94/19, differenza fit-trattament bejn l-azzjonisti, persuni fiżiċi, ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, minn naħa, u l-azzjonisti, persuni fiżiċi, ta’ kumpanniji oħra attivi f’dan is-settur, min-naħa l-oħra, tkun tista’ tiġi ġġustifikata. Jekk jirriżulta, min-naħa l-oħra, li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi tali skema ta’ garanzija, minħabba li ma hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/19 jew mal-Artikoli 107 u 108 TFUE, differenza fit-trattament bejn dawn l-azzjonisti ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata.

60

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

61

Għaldaqstant, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

62

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 94/19, moqrija, fejn xieraq, flimkien mal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta u l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jeżiġu li l-Istati Membri jadottaw skema ta’ garanzija tal-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, jekk jipprekludux li Stat Membru jadotta tali skema.

63

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/19, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jintroduċu u jirrikonoxxu uffiċjalment fit-territorju tagħhom skema jew diversi skemi ta’ garanzija għal depożiti.

64

Sabiex tiġi evalwata l-portata tal-obbligu li din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit jekk dan l-obbligu jinkludix dak li tiġi adottata skema ta’ garanzija tal-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi eżaminat jekk tali ishma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u dak ratione personae tad-Direttiva 94/19.

65

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 94/19, mit-titolu nnifsu ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tikkonċerna skemi ta’ garanzija ta’ “depożiti”. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, “depożitu”, għall-finijiet ta’ din ifisser, minn naħa, kull bilanċ ta’ kreditu li jirriżulta minn fondi li jitħallew f’kont jew minn sitwazzjonijiet temporanji li ġejjin minn tranżazzjonijiet bankarji normali, li istituzzjoni ta’ kreditu għandha tħallas lura skont il-kundizzjonijiet legali u kuntrattwali applikabbli, kif ukoll, min-naħa l-oħra, kull dejn li huwa rrappreżentat f’ċertifikat maħruġ minn din l-istituzzjoni.

66

Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ishma ta’ kumpanniji bħalma huma dawk ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt din id-definizzjoni. Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-fatt jidher li tali ishma fundamentalment huma sehem fil-kapital proprju ta’ kumpannija, filwaqt li d-depożiti msemmija mid-Direttiva 94/19 huma differenti minnhom sa fejn jagħmlu parti mid-djun ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

67

Barra minn hekk, jekk id-depożiti għandhom, skont id-definizzjoni li jagħti tagħhom l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19, jitħallsu lura lill-proprjetarju tagħhom skont il-kundizzjonijiet legali u kuntrattwali applikabbli, l-ammont rċevut, fil-każ tal-irtirar, mill-proprjetarju ta’ ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirrifletti l-evoluzzjoni tad-dħul ta’ dawn il-kumpanniji. L-akkwist ta’ tali ishma jixbah b’dan il-mod iktar l-akkwist ta’ azzjonijiet ta’ kumpanniji, fir-rigward ta’ liema d-Direttiva 94/19 ma tipprevedi l-ebda garanzija, milli depożitu fuq kont bankarju.

68

Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li donnu jqis il-Gvern Belġjan, ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistgħux jitqabblu mal-ishma f’building societies Brittaniċi jew Irlandiżi, li jitqiesu bħala depożiti, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19.

69

Fil-fatt, minn naħa, din l-estensjoni partikolari tal-kunċett ta’ “depożitu” tirreferi esklużivament, skont il-kliem innifsu tagħha, għall-ishma f’building societies Brittaniċi jew Irlandiżi, u mhux għall-ishma ta’ kooperattivi Belġjani awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju. L-ebda element, fil-formulazzjoni jew fil-ġenesi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19, ma jindika li din id-dispożizzjoni hija intiża li tinkludi strumenti oħra għajr dawk indikati b’mod espliċitu fiha. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni teskludi b’mod espliċitu mill-imsemmija estensjoni l-ishma f’dawn il-building societies li jikkostitwixxu element ta’ kapital. Ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu, kif jirriżulta mill-punt 66 ta’ din is-sentenza, sehem fil-kapital proprju ta’ kumpannija.

70

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 94/19, għandu jiġi osservat li ż-żewġ tipi ta’ depożiti koperti mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva għandhom bħala punt komuni li jkunu saru f’istituzzjoni ta’ kreditu. Għaldaqstant, sabiex l-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju jkunu jistgħu jitqiesu bħala “depożiti”, fis-sens tad-Direttiva 94/19, huwa, f’kull każ, meħtieġ li dawn il-kumpanniji jkunu jistgħu jitqiesu li huma “istituzzjonijiet ta’ kreditu” fis-sens ta’ din id-direttiva.

71

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 94/19 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “istituzzjoni ta’ kreditu” fis-sens li tirreferi għall-impriżi li l-attività tagħhom tikkonsisti f’li jirċievu depożiti jew fondi oħra ripagabbli mill-pubbliku u li jagħtu krediti mill-kont tagħhom. Madankollu, ma jirriżulta la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-attività tal-imsemmija kumpanniji tikkonsisti fl-għoti ta’ krediti mill-kont tagħhom. Ma jidhirx li tali kumpanniji jirċievu depożiti mill-pubbliku jew li jagħtu regolarment, bħall-banek, krediti mill-kont tagħhom.

72

Minn dan jirriżulta li ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, la jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u lanqas taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione tad-Direttiva 94/19. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/19 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw skema ta’ garanzija tal-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

73

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, imsemmi wkoll mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha.

74

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit permezz tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni et, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punti 5455 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

75

Kif jirriżulta mill-punti 65 sa 72 ta’ din is-sentenza u kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma distinti, mill-perspettiva tas-suġġett tal-garanzija għal depożiti prevista mid-dritt tal-Unjoni, minn depożiti mwettqa f’istituzzjonijiet ta’ kreditu, u dan anki jekk minn diversi aspetti huma jistgħu jixbhu prodotti ta’ depożitu klassiċi, b’mod partikolari fir-rigward tat-tassazzjoni tagħhom, tal-leġiżlazzjoni li għaliha l-Istat Belġjan jissuġġettahom u l-popolarità tagħhom mal-pubbliku.

76

Għaldaqstant għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 94/19 tipprekludix li Stat Membru jadotta skema ta’ garanzija f’dak li jirrigwarda ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

77

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 94/19, huma esklużi minn kwalunkwe rimbors taħt l-iskemi ta’ garanzija l-istrumenti kollha li jidħlu fid-definizzjoni ta’ “fondi tagħha [proprji]”, kif tinsab fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/299.

78

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/299 jirreferi biss għall-fondi proprji mhux ikkonsolidati “tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu”, li huma ddefiniti, b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, li jirreferi għall-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/780, kif emendata permezz tad-Direttiva 86/524, bħala impriżi li l-attività tagħhom tikkonsisti f’li jirċievu depożiti jew fondi oħra ripagabbli mill-pubbliku u li jagħtu krediti mill-kont tagħhom. Din id-definizzjoni tikkoinċidi, barra minn hekk, ma’ dik li tinsab fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 94/19.

79

Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 71 ta’ din is-sentenza, kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqgħux taħt l-imsemmija definizzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.

80

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 57 tad-Direttiva 2006/48, li ssostitwixxiet id-Direttiva 89/299, jirreferi wkoll għall-fondi proprji mhux ikkonsolidati tal-“istituzzjonijiet ta’ kreditu”, li huma wkoll iddefiniti, fl-Artikolu 4(1) tal-ewwel waħda minn dawn id-direttivi, bl-istess mod bħalma huma l-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija mid-Direttiva 94/19.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li skema ta’ garanzija għal depożiti, bħal dik prevista mid-dritt Belġjan, tiġi estiża għal ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jidhirx, minnu nnifsu, inkompatibbli mat-tieni inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 94/19.

82

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li d-Direttiva 94/19 tipproċedi biss, kif jirriżulta mit-tmien, mis-sittax, u mis-sbatax-il premessa tagħha, għal armonizzazzjoni minima fil-qasam ta’ garanzija għal depożiti.

83

Għalkemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/19 ma jipprekludux, għaldaqstant, lill-Istati Membri milli jestendu għall-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju l-iskema ta’ garanzija għal depożiti prevista permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, tali estensjoni ma tistax, madankollu, tikkomprometti l-effikaċja prattika tal-iskema ta’ garanzija għal depożiti li l-imsemmija direttiva teżiġi li huma jistabbilixxu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Lidl Italia, C‑315/05, EU:C:2006:736, punt 48) u lanqas tmur kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-Artikoli 107 u 108 TFUE.

84

Kif osservat, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tagħha, ma jistax jiġi eskluż li l-effikaċja prattika tal-garanzija ta’ depożiti imposta mid-dritt tal-Unjoni tiġi kompromessa jekk Stat Membru jtaqqal kunsiderevolment b’riskji l-iskema nazzjonali tiegħu ta’ garanzija għal depożiti, riskji li ma humiex marbuta direttament mal-għan ta’ din l-iskema. Fil-fatt, iktar ma jkunu għoljin ir-riskji assigurati, iktar tiġi dilwita l-garanzija għal depożiti u inqas l-iskema ta’ garanzija għal depożiti tista’ tikkontribwixxi – b’mezzi sostanzjalment kostanti – għat-twettiq tal-għan tad-Direttiva 94/19, li huwa, kif jirriżulta mill-ewwel premessa ta’ din id-direttiva, li tingħata garanzija lil dawk li jfaddlu fil-każ tal-indisponibbiltà tad-depożiti fdati lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u sabiex tissaħħaħ l-istabbiltà tas-sistema bankarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2015, Surmačs, C‑127/14, EU:C:2015:522, punt 21).

85

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-adozzjoni ta’ skema ta’ garanzija f’dak li jirrigwarda l-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhiex mnejn tikkompromessi l-effikaċja prattika tal-iskema ta’ garanzija għal depożiti prevista mid-dritt Belġjan b’mod konformi mad-Direttiva 94/19.

86

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-adozzjoni ta’ tali skema f’dak li jirrigwarda l-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tagħmel ta’ benefiċċju, f’dan il-każ, għal numru kbir ta’ investituri żgħar fl-iskema Belġjana ta’ garanzija għal depożiti, kif ukoll il-fatt li l-kumpanniji tal-grupp ARCO, li aderixxew ma’ din l-iskema ta’ garanzija ftit taż-żmien qabel ma ġiet invokata l-garanzija prevista minn din, ma tawx kontribut fil-passat għall-finanzjament ta’ din l-iskema.

87

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 94/19 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jeżiġux li l-Istati Membri jadottaw skema ta’ garanzija għall-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u lanqas ma jipprekludu li Stat Membru jadotta tali skema, sakemm din l-iskema ma tikkompromettix l-effikaċja prattika tal-iskema ta’ garanzija għal depożiti li din id-direttiva tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, u sakemm l-imsemmija skema tkun konformi mat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-Artikoli 107 u 108 TFUE.

Fuq it-tieni domanda

88

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014 tiksirx l-Artikolu 107 TFUE, minn naħa, u l-Artikolu 296 TFUE, min-naħa l-oħra, sa fejn din id-deċiżjoni tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat ġdida l-iskema ta’ garanzija għall-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

89

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 107 TFUE, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni teżiġi li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkollu l-potenzjal li jaffetwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, huwa għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C‑140/09, EU:C:2010:335, punt 31, u tad-29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia, C‑417/10, EU:C:2012:184, punt 37).

90

Għalkemm il-fatt li l-iskema ta’ garanzija għall-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija attribwibbli lill-Istat u li dan juża riżorsi tal-Istat ma huwiex ikkontestat inkwantu tali, il-kumpanniji tal-grupp ARCO u l-Gvern Belġjan iqisu, min-naħa l-oħra, li t-tliet kundizzjonijiet l-oħra li jippermettu li din l-iskema ta’ garanzija tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat” ma humiex issodisfatti. Huma jikkontestaw, fil-fatt, il-fatt li l-imsemmija skema tagħti vantaġġ selettiv lill-kumpanniji tal-grupp ARCO, li hija taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li hija toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. B’dan il-mod, hemm lok li jiġi eżaminat jekk dawn it-tliet kundizzjonijiet humiex issodisfatti, sabiex jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni setgħetx tikklassifika b’mod validu din l-iskema bħala “għajnuna mill-Istat” fid-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014.

91

F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni marbuta mal-vantaġġ mogħti permezz tal-iskema ta’ garanzija għall-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali lill-kumpanniji tal-grupp ARCO, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, fil-premessi 82 sa 84 tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni qieset li ARCO kien l-uniku benefiċjarju veru ta’ din l-iskema.

92

Skont il-kumpanniji tal-grupp ARCO, l-imsemmija skema ma tibbenefikahomx, iżda hija intiża sabiex tqiegħed f’vantaġġ is-soċji, persuni fiżiċi, tal-kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju kif ukoll lill-bank Dexia, li dan il-grupp kien wieħed mill-azzjonisti prinċipali tiegħu u li l-iskema ta’ garanzija għall-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha tikkontribwixxi sabiex dan jiġi salvat.

93

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li jitqiesu bħala għajnuna l-interventi tal-Istat kollha li, taħt kwalunkwe forma li huma jkunu fiha, għandhom mnejn jiffavorixxu direttament ċerti impriżi jew li għandhom jitqiesu bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma tkunx kisbet f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 83, kif ukoll tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 74 sa 76 tal-konklużjonijiet tagħha, ma hemm l-ebda dubju li l-grupp ARCO huwa ffavorit mill-iskema ta’ garanzija għall-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-kumpanniji tal-grupp ARCO mill-bqija, bil-kontra tal-kooperattivi l-oħra awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, huma nnifishom talbu u, sussegwentement, kisbu l-benefiċċju tagħha. Fil-fatt, permezz ta’ din l-iskema ta’ garanzija, il-grupp ARCO ġie protett minn irtirar imminenti tal-investituri privati tal-kumpanniji ta’ dan il-grupp u b’dan il-mod seta’, fl-istess waqt, jikkontribwixxi, inkwantu azzjonist prinċipali, fil-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-bank Dexia.

95

Il-fatt li persuni oħra kkonċernati, jiġifieri l-individwi detenturi ta’ ishma tal-kumpanniji tal-grupp ARCO kif ukoll il-bank Dexia, setgħu wkoll jibbenefikaw minn ċerti vantaġġi bis-saħħa tal-imsemmija skema ta’ garanzija ma huwiex tali li jeskludi li l-imsemmi grupp għandu jitqies bħala benefiċjarju ta’ din.

96

It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 107(1) TFUE jipprojbixxi l-għajnuna li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti”, jiġifieri l-għajnuna selettiva (is-sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il-Kummissjoni, C‑403/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:533, punt 36, u tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 54).

97

F’dan il-każ, minkejja li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 101 tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014, li l-iskema ta’ garanzija għall-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi miżura “b’mod ċar […] selettiva”, il-kumpanniji tal-grupp ARCO jikkontestaw in-natura selettiva ta’ din l-iskema ta’ garanzija.

98

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 107(1) TFUE jeżiġi li jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali speċifika, miżura nazzjonali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jinsabu, fid-dawl tal-għan segwit permezz tal-imsemmija skema, f’sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi komparabbli (sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il-Kummissjoni, C‑403/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:533, punt 36; tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 55; ta’ din il-ġurnata, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, punt 41, u ta’ din il-ġurnata, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, punt 54).

99

Kif jirriżulta mill-punti 65 sa 83 ta’ din is-sentenza, ir-Renju tal-Belġju estenda l-iskema ta’ garanzija għal depożiti prevista mid-dritt Belġjan għall-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-benefiċċju ta’ din l-iskema ta’ garanzija jagħti vantaġġ ekonomiku lil dawn il-kumpanniji meta mqabbla ma’ operaturi ekonomiċi li joffru għall-bejgħ l-ishma tagħhom fil-forma ta’ azzjonijiet mingħajr ma jibbenefikaw minn tali skema ta’ garanzija.

100

Kif osservat, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, bħall-kumpanniji tal-grupp ARCO, huma, fid-dawl tal-għan segwit permezz tal-iskema ta’ garanzija għal depożiti u li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-ewwel premessa tad-Direttiva 94/19, fl-għoti ta’ garanzija lil dawk li jfaddlu fil-każ tal-indisponibbiltà tad-depożiti fdati lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u fit-tisħiħ tal-istabbiltà tas-sistema bankarja, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, minkejja ċerti karatteristiċi partikolari li jirriżultaw mill-forma ġuridika tal-imsemmija kumpanniji, għal dik ta’ operaturi ekonomiċi oħra, kemm jekk huma kooperattivi jew le, li joffru għall-bejgħ l-ishma tagħhom fil-forma ta’ azzjonijiet, billi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku forma ta’ investiment ta’ kapital li ma jaqax taħt l-iskema ta’ garanzija għal depożiti.

101

Għaldaqstant, l-estensjoni tal-iskema ta’ garanzija prevista mid-dritt Belġjan għall-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju għandha l-effett li tagħti vantaġġ ekonomiku lil dawn il-kumpanniji meta mqabbla ma’ operaturi ekonomiċi oħra li jinsabu, fid-dawl tal-għan segwit permezz tal-imsemmija skema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli għal dik tal-imsemmija kooperattivi, u għaldaqstant, hija ta’ natura selettiva.

102

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet marbuta mal-effett tal-iskema ta’ garanzija għall-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li għandha mnejn twassal għalihom din l-iskema, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, hemm lok mhux li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna għandhiex mnejn taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑372/97, EU:C:2004:234, punt 44; tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, EU:C:2005:774, punt 54, u tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 54).

103

F’dan il-każ, jidher, minn naħa, li l-Kummissjoni setgħet tqis, fil-punt 108 tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014, li, permezz tal-iskema ta’ garanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-grupp ARCO seta’ jippreżerva s-sehem tiegħu mis-suq għal perijodu itwal u ma batiex minn ħruġ ta’ kapital, ħlief iktar tard u b’livell iktar baxx milli kieku kien ikun il-każ kieku ma kienx jibbenefika minn din l-iskema, u li, għaldaqstant, l-atturi l-oħra, li kellhom jiffaċċjaw il-kompetizzjoni billi jistrieħu biss fuq il-merti tagħhom u ma setgħux jistrieħu fuq l-imsemmija skema ta’ garanzija, ma setgħux jibbenefikaw mill-kapital li kien ikun disponibbli għall-investiment.

104

Min-naħa l-oħra, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ dik ta’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, dan għandu jitqies bħala influwenzat mill-għajnuna (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 141, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 77). F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-impriża benefiċjarja tipparteċipa hija nnifisha fil-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriża, l-attività interna tista’ ssib ruħha miżmuma jew miżjuda, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw is-suq ta’ dan l-Istat Membru jonqsu (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li l-fatt li settur ekonomiku, bħal dak tas-servizzi finanzjarji, kien is-suġġett ta’ proċess importanti ta’ liberalizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni, li żied il-kompetizzjoni li diġà setgħet tirriżulta mill-moviment liberu tal-kapital previst mit-Trattat, huwa tali li jistabbilixxi li l-għajnuna għandha effett reali jew potenzjali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punti 142145, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 51).

106

Il-fatt, invokat mill-Gvern Belġjan u mill-kumpanniji tal-grupp ARCO, li l-valur tal-ishma miżmuma mis-soċji, persuni fiżiċi, tal-kooperattivi attivi fis-settur finanzjarju huwa ġeneralment baxx ma huwiex tali li jeskludi li l-iskema ta’ garanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

107

L-effetti tal-iskema ta’ garanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri għandhom, fil-fatt, jiġu evalwati fir-rigward tat-totalità tal-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju li hija tkopri u mhux biss fir-rigward tal-kapital iggarantit ta’ soċju, persuna fiżika, speċifika. F’kull każ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ammont relattivament baxx ta’ għajnuna jew id-daqs relattivament żgħir tal-impriża benefiċjarja ma jeskludux a priori l-eventwalità li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun affettwat (is-sentenzi tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 81, kif ukoll tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 68).

108

Għaldaqstant il-Kummissjoni kellha raġun tqis li l-kundizzjonijiet marbuta mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u mal-fatt li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun affettwat kienu ssodisfatti f’dan il-każ.

109

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikolu 296 TFUE, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tal-iskema ta’ garanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex immotivata suffiċjentement fid-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014.

110

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni mitluba fl-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 79, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 44).

111

Peress li l-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teżiġi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi tali klassifikazzjoni għandha tesponi l-motivi li għalihom din l-istituzzjoni tqis li l-miżura Statali kkonċernata tissodisfa t-totalità tal-imsemmija kundizzjonijiet (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112

F’dan il-każ, id-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014 tissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

113

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni hija mmotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt sa fejn hija turi b’mod ċar u mhux ekwivoku, fil-premessi 91 sa 110, ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li kull waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 107(1) TFUE kienet teżisti f’dan il-każ.

114

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li ma huwiex meħtieġ li l‑motivazzjoni tispeċifika l‑punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il‑kwistjoni ta’ jekk il‑motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir‑rekwiżiti tal‑Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid‑dawl tal‑formulazzjoni tal‑att, iżda wkoll fid‑dawl tal‑kuntest tiegħu u tal‑ġabra ta’ regoli legali li jirregolaw il‑qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑138/03, C‑324/03 u C‑431/03, EU:C:2005:714, punt 55, kif ukoll tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 94).

115

Mill-bqija, kif osservat il-Kummissjoni, jidher li xi wħud mill-argumenti mqajma mill-kumpanniji tal-grupp ARCO insostenn ta’ allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, kif esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju, huma intiżi pjuttost sabiex jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014 milli l-motivazzjoni tagħha. L-istess jgħodd għall-argument invokat minn dawn il-kumpanniji kontra l-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni insostenn tal-eżistenza ta’ vantaġġ, kif ukoll għal dawk ippreżentati mill-imsemmija kumpanniji f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet marbuta mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u mal-fatt li l-kummerċ bejn l-Istati Membri ġie affettwat.

116

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-Unjoni previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità materjali tal-att kontenzjuż (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Total vs Il-Kummissjoni, C‑597/13 P, EU:C:2015:613, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117

Minn dan isegwi li l-eżami tat-tieni domanda ma żvela l-ebda element ta’ natura tali li jaffettwa l-validità tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014.

Fuq it-tielet domanda

118

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq ir-raba ’ sas-sitt domanda

119

Bir-raba’ sas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk l-Artikolu 108(3) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-implementazzjoni tal-iskema ta’ garanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, jekk id-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014 tmurx kontra din id-dispożizzjoni f’dak li jirrigwarda d-data li fiha l-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mill-Istat li hija tikkonstata ġiet implementata.

120

Għandu jitfakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE jistabbilixxi, għall-Istati Membri, obbligu ta’ notifika tal-proġetti intiżi sabiex jistabbilixxu jew jemendaw għajnuna. Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, l-Istat Membru li għandu l-intenzjoni jagħti għajnuna ma jistax jimplementa l-miżuri ppjanati qabel ma l-imsemmija proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali tal-Kummissjoni. Il-projbizzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi li l-effetti ta’ għajnuna ma jseħħux qabel ma l-Kummissjoni kellha terminu raġonevoli sabiex teżamina l-proġett fid-dettall u, jekk ikun il-każ, tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121

L-Artikolu 108(3) TFUE jistabbilixxi b’dan il-mod kontroll ta’ prevenzjoni fuq il-proġetti ta’ għajnuna ġodda (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz, 120/73, EU:C:1973:152, punt 2; tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 25, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 58).

122

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura ta’ għajnuna implementata bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 108(3) TFUE hija illegali (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

123

F’dan il-każ, mill-premessa 1 tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014 jirriżulta li l-iskema ta’ garanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet innotifikata lill-Kummissjoni biss fis-7 ta’ Novembru 2011, jiġifieri fid-data li fiha l-applikazzjoni għal protezzjoni tal-kapital tal-kumpanniji tal-grupp ARCO permezz ta’ din l-iskema ta’ garanzija ġiet aċċettata permezz tad-digriet irjali tal-istess data.

124

Ma jistax jitqies li notifika magħmula fi stadju tant avvanzat seħħet “fil-ħin [xieraq]”, fis-sens tal-Artikolu 108(3) TFUE.

125

Huwa minnu li l-premessa 110 tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014, li tindika li l-elementi li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kienu preżenti mhux iktar tard minn meta d-digriet Irjali tal-10 ta’ Ottubru 2011 ġie adottat, iżda li l-vantaġġ li nħoloq permezz tal-iskema ta’ garanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jeżisti diġà wara t-tħabbir tal-implementazzjoni ta’ din il-miżura mill-Gvern Belġjan, fl-10 ta’ Ottubru 2008, ma tippermettix li jiġi stabbilit mingħajr ekwivoku d-data li fiha l-Kummissjoni tqis li l-iskema ta’ garanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet implementata.

126

Madankollu, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-għajnuna mill-Istat ikkonstatata permezz tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014 ġietx implementata mill-ewwel tħabbir permezz ta’ stqarrija għall-istampa mill-Gvern Belġjan, fl-10 ta’ Ottubru 2008, jew biss permezz tad-digriet irjali tas-7 ta’ Novembru 2011 jew inkella f’waħda mid-dati li l-qorti tar-rinviju ssemmi bejn dawn iż-żewġ dati, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn il-benefiċjarji tal-iskema ta’ garanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kisbu d-dritt li jaderixxu mal-imsemmija skema mill-iktar tard bis-saħħa tad-digriet irjali tas-7 ta’ Novembru 2011, in-notifika ta’ din l-iskema fid-data msemmija l-aħħar, f’kull każ, seħħet meta din ma baqgħetx tinsab fl-istadju ta’ “proġett” fis-sens tal-Artikolu 108(3) TFUE. Għaldaqstant, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 118 tal-konklużjonijiet tagħha, il-prinċipju ta’ kontroll ta’ prevenzjoni tal-Kummissjoni ġie miksur.

127

Għaldaqstant il-Kummissjoni setgħet, f’kull każ, tikkonkludi ġustament, fil-premessa 143 tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014, li l-iskema ta’ garanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet ġiet “implimentata b’mod illeċitu [mir-Renju tal-]Belġju, bis ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE]”.

128

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għar-raba’ sas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi skema ta’ garanzija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tal-aħħar tkun ġiet implementata bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni.

129

L-eżami ta’ dawn id-domandi ma żvela l-ebda element ta’ natura tali li jaffettwa l-validità tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014.

Fuq l-ispejjeż

130

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 1994, dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti, kif emendata permezz tad-Direttiva 2005/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2005, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jeżiġux li l-Istati Membri jadottaw skema ta’ garanzija għall-ishma ta’ kooperattivi awtorizzati attivi fis-settur finanzjarju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u lanqas ma jipprekludu li Stat Membru jadotta tali skema, sakemm din l-iskema ma tikkompromettix l-effikaċja prattika tal-iskema ta’ garanzija għal depożiti li din id-direttiva tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, u sakemm l-imsemmija skema tkun konformi mat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-Artikoli 107 u 108 TFUE.

 

2)

L-eżami tad-domandi preliminari magħmula mill-Grondwettelijk Hof (qorti kostituzzjonali, il-Belġju) ma żvela l-ebda element ta’ natura tali li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/686/UE, tat-3 ta’ Lulju 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33927 (12/C) (ex 11/NN) implimentata mill-Belġju - Skema ta’ garanzija li tipproteġi l-ishma ta’ membri individwali ta’ kooperattivi finanzjarji.

 

3)

L-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi skema ta’ garanzija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tal-aħħar tkun ġiet implementata bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq