EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0531

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Frar 2015.
Marktgemeinde Straßwalchen et vs Bundesminister für Wirtschaft, Familie und Jugend u Rohöl-Aufsuchungs AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill- Verwaltungsgerichtshof.
Ambjent — Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Proġetti li jeħtieġ jew le li jiġu suġġetti għal evalwazzjoni — Tħaffir esploratorju — Punt 14 tal-Anness I — Kunċett ta’ ‘estrazzjoni tal-petrolju [żejt mhux maħdum] u tal-gass naturali għal għanijiet kummerċjali’ — Obbligu ta’ evalwazzjoni fil-każ ta’ estrazzjoni ta’ ċerta kwantità ta’ gass — Punt 2(d) tal-Anness II — Kunċett ta’ ‘tħaffir fil-fond’ — Punt 1 tal-Anness III — Kunċett ta’ ‘kumulazzjoni ma’ proġetti oħra’.
Kawża C-531/13.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:79

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Frar 2015 ( *1 )

“Ambjent — Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Proġetti li jeħtieġ jew le li jiġu suġġetti għal evalwazzjoni — Tħaffir esploratorju — Punt 14 tal-Anness I — Kunċett ta’ ‘estrazzjoni tal-petrolju [żejt mhux maħdum] u tal-gass naturali għal għanijiet kummerċjali’ — Obbligu ta’ evalwazzjoni fil-każ ta’ estrazzjoni ta’ ċerta kwantità ta’ gass — Punt 2(d) tal-Anness II — Kunċett ta’ ‘tħaffir fil-fond’ — Punt 1 tal-Anness III — Kunċett ta’ ‘kumulazzjoni ma’ proġetti oħra’”

Fil-Kawża C‑531/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura

Marktgemeinde Straßwalchen et

vs

Bundesminister für Wirtschaft, Familie und Jugend,

fil-preżenza ta’:

Rohöl-Aufsuchungs AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Settembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Marktgemeinde Straßwalchen et, minn G. Lebitsch, avukat,

għal Rohöl-Aufsuchungs AG, minn C. Onz, avukat, assistit minn H.‑J. Handler,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u M. Lais, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, A. Lippstreu u A. Wiedmann, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, D. Krawczyk u M. Rzotkiewicz, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wilms u C. Hermes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009 (ĠU L 140, p. 114, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-Marktgemeinde Straßwalchen (Komun ta’ Straßwalchen) u 59 rikorrenti prinċipali oħra, u, min-naħa l-oħra, il-Bundesminister für Wirtschaft, Familie und Jugend (Ministru Federali tal-Ekonomija, tal-Familja u taż-Żgħażagħ) dwar deċiżjoni li tawtorizza lil Rohöl-Aufsuchungs AG twettaq tħaffir esploratorju fit-territorju tal-Marktgemeinde Straßwalchen.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 85/337 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta’:

(a)

eżami każ b’każ,

jew

(b)

l-għetiebi [livelli] jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru

jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b).”

4

L-Anness I tad-Direttiva 85/337, intitolat “Proġetti soġġetti għall-Artikolu 4(1)”, jipprovdi, fil-punt 14 tiegħu:

“L-estrazzjoni tal-petrolju (‘petroleum’) [‘żejt mhux maħdum’] u tal-gass naturali għal għanijiet kummerċjali fejn l-ammont estratt jaqbeż il-500 tunnellata metrika kuljum fil-każ tal-petrolju (‘petroleum’) u l-500 000 m3 kuljum fil-każ tal-gass.”

5

L-Anness II tad-Direttiva 85/337, intitolat “Il-proġetti soġġetti għall-Artikolu 4(2)”, jipprovdi, fil-punt 2(d) tiegħu:

“L-industrija ta’ l-estrazzjoni

[...]

(d)

Tħaffir fil-fond bil-berrini, b’mod partikolari:

tħaffir ġeotermiku,

tħaffir għall-ħażna ta’ materjal ta’ skart nukleari,

tħaffir għall-provvista ta’ l-ilma,

minbarra tħaffir sabiex tiġi investigata l-istabbilità tal-ħamrija”.

6

L-Anness III tad-Direttiva 85/337, intitolat “Il-kriterji ta’ l-għażla msemmija fl-Artikolu 4(3)”, huwa fformulat kif ġej:

“1. Karatteristiċi tal-proġetti

Il-karatteristiċi tal-proġetti għandhom jiġu kkunsidrati billi jitqiesu, b’mod partikolari:

id-daqs tal-proġett,

il-kumulazzjoni ma’ proġetti oħra,

l-użu tar-riżorsi naturali,

il-produzzjoni ta’ l-iskart,

it-tniġġis u l-irritazzjonijiet,

ir-riskju ta’ inċidenti, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari s-sustanzi u l-metodi ta’ teknika użati.

2. Il-lokazzjoni [is-sit] tal-proġetti

Trid tiġi kkunsidrata s-sensittività ambjentali ta’ ż-żoni ġeografiċi li x’aktarx jiġu affettwati mill-proġetti, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari:

l-użu eżistenti ta’ l-art;

l-abbundanza relattiva, il-kwalità u l-ħila tar-riġenerazzjoni tar-riżorsi naturali fiż-żona;

il-kapaċità dwar kemm jixrob l-ambjent naturali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil żoni li ġejjin:

(a)

l-artijiet mistgħadra;

(b)

iż-żoni kostali;

(ċ)

il-firxiet ta’ art muntanjuża u miksija bil-foresti;

(d)

ir-riservi naturali u ġonna kbar;

(e)

iż-żoni kklassifikati jew protetti skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri; żoni ta’ protezzjoni speċjali ddisinjati mill-Istati Membri skond id-Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE;

(f)

iż-żoni li fihom il-livelli stabbiliti ambjentali ta’ kwalità preskritti mil-liġijiet Komunitarji jkunu diġà ġew maqbuża;

(g)

iż-żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni;

([h])

il-pajsaġġi ta’ sinifikat storiku, kulturali jew arkeoloġiku.

3.   Il-karatteristiċi ta’ l-impatt potenzjali

L-effetti sinifikanti potenzjali tal-proġetti għandhom jiġu kkunsidrati f’relazzjoni mal-kriterji ddikjarati taħt l-1 u t-2 ta’ hawn fuq, u billi jitqiesu b’mod partikolari:

il-kobor ta’ l-impatt (iż-żona ġeografika u d-daqs tal-popolazzjoni affettwata),

in-natura li taqsam il-fruntieri ta’ l-impatt,

il-kobor u l-kumplessità ta’ l-impatt,

il-probabbilità ta’ l-impatt,

it-tul taż-żmien, il-frekwenza u r-riversibbilità ta’ l-impatt (kemm jista’ jitreġġa’ lura).”

Id-dritt Awstrijak

7

L-Anness I tal-Liġi Awstrijaka tal-2000 dwar l-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali (Umweltverträglichkeitsprüfungsgesetzes 2000, BGB1., 697/1993), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (BGB1. I, 87/2009, iktar ’il quddiem l-“UVP-G”), huwa fformulat kif ġej:

“L-anness jinkludi l-proġetti li jeħtieġu evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent taħt l-Artikolu 3.

Fil-kolonni 1 u 2 huma inklużi l-proġetti li jeħtieġu f’kull każ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u li huma suġġetti għal proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (kolonna 1) jew għal proċedura ssemplifikata (kolonna 2). L-emendi msemmija fl-Anness I jeħtieġu eżami każ b’każ mil-livell indikat; altrimenti japplika l-Artikolu 3a(2) u (3), sakemm ma jkunux imsemmija espliċitament il-kostruzzjonijiet ġodda, il-bini ġdid jew l-esplojtazzjonijiet ġodda biss.

Fil-kolonna 3 huma inklużi l-proġetti li jeħtieġu evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fil-każ biss li jkunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet partikolari. Dawn il-proġetti għandhom ikunu suġġetti għal eżami każ b’każ mil-livell minimu indikat. Jekk dan l-eżami każ b’każ jeżiġi l-evalwazzjoni meħtieġa tal-effetti fuq l-ambjent, għandha tiġi applikata l-proċedura ssemplifikata.

Il-kategoriji ta’ siti li għandhom jiġu protetti indikati fil-kolonna 3 huma ddefiniti fl-Anness 2. Madankollu, is-siti tal-kategoriji A, C, D u E għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni meħtieġa tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent fil-każ biss li jkunu ġew identifikati fid-data li fiha titressaq l-applikazzjoni.

Image

[...]

8

L-Artikolu 1 tal-Liġi Awstrijaka tal-1999 dwar ir-riżorsi minerali (Mineralrohstoffgesetz 1999, BGBl. I, 38/1999), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (BGBl. I, 111/2010, iktar ’il quddiem il-“MinroG”), jipprovdi:

“Skont it-tifsira ta’ din il-Liġi Federali japplikaw id-definizzjonijiet segwenti:

1.

‘Tiftix’ tfisser kull tfittxija diretta u indiretta għar-riżorsi minerali, inklużi l-attivitajiet preparatorji relatati kif ukoll l-isfruttament u l-esplorazzjoni ta’ sorsi minerali naturali u dawk li fihom miżbliet abbandunati għad-determinazzjoni tal-vijabbiltà;

2.

‘estrazzjoni’ tfisser it-tneħħija jew ir-rilaxx (l-isfruttament) ta’ materja prima minerali u attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ akkumpanjament u attivitajiet sussegwenti relatati;

[...]”

9

L-Artikolu 119 tal-MinroG, intitolat “Awtorizzazzjoni għal xogħlijiet tal-industrija tal-estrazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Hija meħtieġa awtorizzazzjoni amministrattiva għall-kostruzzjoni (żvilupp) ta’ installazzjoni tal-industrija tal-estrazzjoni fuq wiċċ l-art u, meta mibdija minn fuq wiċċ l-art, ta’ mini, ta’ xaftijiet u ta’ tħaffir ieħor utli għall-imsemmija installazzjoni, u li fir-rigward tagħhom il-fond tat-tħaffir u tax-xaftijiet ikun minn tal-inqas 300 metru. [...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Bundesminister für Wirtschaft, Familie und Jugend tad-29 ta’ Awwissu 2011, Rohöl-Aufsuchungs AG kisbet, bis-saħħa tal-Artikolu 119 tal-MinroG, awtorizzazzjoni sabiex twettaq tħaffir esploratorju fit-territorju tal-Marktgemeinde Straßwalchen, f’fond ta’ 4 150 metru, mingħajr evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan it-tħaffir fuq l-ambjent. Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Verwaltungsgerichtshof, ippreżentat mill-Marktgemeinde Straßwalchen u minn 59 persuni oħra.

11

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtorizzazzjoni kontenzjuża tkopri diversi xogħlijiet u attivitajiet, b’mod partikolari l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet neċessarji għall-installazzjoni tal-impjant tat-tħaffir u, fil-każ li l-esplorazzjoni ma jkollhiex eżitu pożittiv, ir-riabilitazzjoni taż-żona kkonċernata.

12

Fil-każ li jinstab depożitu ta’ idrokarboni, ir-Rohöl-Aufsuchungs AG kienet awtorizata sabiex twettaq tentattiv ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali ta’ ammont totali li ma jaqbiżx l-1 000 000 m3, sabiex tiġi stabbilita l-vijabbiltà tat-tħaffir. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa previst li jiġu estratti bejn 150 000 m3 u 250 000 m3 ta’ gass kuljum u, fl-istess ħin, massimu ta’ 150 m3 ta’ żejt mhux maħdum u ta’ 18 900 m3 ta’ gass naturali assoċjat kuljum. Id-depożiti ta’ idrokarboni estratti għandhom jitqabbdu fix-xifer tas-sit tat-tħaffir. Ma hijiex prevista konnessjoni ma’ pajp tal-gass naturali ta’ pressjoni għolja.

13

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qegħdin jikkontestaw il-validità tal-awtorizzazzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari minħabba li t-tħaffir esploratorju kien imissu ġie suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, inkonformità mal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337, li jipprovdi li l-estrazzjoni taż-żejt mhux maħdum u tal-gass naturali għandha tkun suġġetta għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, minn naħa, meta din issir “għal għanijiet kummerċjali” u, min-naħa l-oħra, meta l-kwantitajiet estratti jaqbżu l-limiti indikati f’dan il-punt.

14

Il-qorti tar-rinviju għandha dubju, fl-ewwel lok, dwar il-kwistjoni ta’ jekk tħaffir esploratorju jitwettaqx “għal għanijiet kummerċjali” meta jkun maħsub biss li jivverifika l-profittabbiltà ta’ ħażna ta’ riżorsi naturali. Barra minn hekk, hija tqis li l-volum totali ta’ idrokarboni li jistgħu jiġu estratti f’dan il-kuntest huwa relattivament limitat peress li l-kwantità ta’ gass naturali li l-estrazzjoni tiegħu kienet awtorizzata f’dan il-każ hija limitata għal volum ekwivalenti għal darbtejn biss il-limitu ta’ kuljum previst fil-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337.

15

Fit-tieni lok, il-Verwaltungsgerichtshof tosserva li, jekk jiġi aċċettat li t-tħaffir esploratorju jitwettaq għal għanijiet kummerċjali fis-sens tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337, il-kwantitajiet ta’ idrokarboni li hija prevista l-estrazzjoni kuljum tagħhom huma inqas mil-livelli ffissati mill-UVP-G bħala l-livelli li meta jinqabżu jkun meħtieġ li proġett issirlu evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent. Fil-fatt, l-awtorizzazzjoni inkwistjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-idrokarboni estratti fil-kuntest ta’ tħaffir ieħor fir-reġjun, iżda hija bbażata biss fuq it-tħaffir esploratorju msemmi fl-applikazzjoni mressqa minn Rohöl‑Aufsuchungs AG.

16

Il-Verwaltungsgerichtshof tindika li dan l-approċċ huwa konformi mad-dritt Awstrijak sa fejn il-punt 29(a) tal-Anness I tal-UVP-G jispeċifika li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kwantitajiet ta’ żejt mhux maħdum u ta’ gass naturali estratti minn “kull xaft” sabiex jiġi evalwat jekk huwiex meħtieġ li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Madankollu, peress li l-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 ma jinkludix tali preċiżazzjoni, tqum il-kwistjoni ta’ jekk din id-dispożizzjoni kinitx trasposta b’mod korrett mil-leġiżlatur Awstrijak.

17

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-awtoritajiet Awstrijaki kinux obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni, meta ġie awtorizzat it-tħaffir esploratorju inkwistjoni, l-effetti kumulattivi tal-proġetti kollha tal-“istess natura”. F’dan ir-rigward, hija tosserva li, fit-territorju tal-Marktgemeinde Straßwalchen, jinsabu madwar 30 xaft għall-estrazzjoni ta’ gass naturali li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni mill-Bundesminister für Wirtschaft, Familie und Jugend fid-deċiżjoni kontenzjuża meta, mis-sentenzi Umweltanwalt von Kärnten (C‑205/08, EU:C:2009:767, punt 53) kif ukoll Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 36) jirriżulta li l-għan tad-Direttiva 85/337 ma jistax jiġi evitat permezz ta’ separazzjoni ta’ proġetti.

18

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Tentattiv ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali, għal perijodu limitat u fi kwantitajiet limitati, imwettaq fil-kuntest ta’ tħaffir esploratorju intiż sabiex tiġi stabbilita l-profittabbiltà minn sfruttament fit-tul ta’ gass naturali, jikkostitwixxi ‘estrazzjoni […] tal-gass naturali għal għanijiet kummerċjali’ fis-sens tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva [85/337]?

Jekk l-ewwel domanda preliminari tingħata risposta fl-affermattiv:

2)

Il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, fil-qasam ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali, tassoċja l-limiti indikati f’dan l-anness, mhux mal-estrazzjoni inkwantu tali, iżda mal-‘produzzjoni għal kull xaft’?

3)

Id-Direttiva 85/337 għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, jiġifieri quddiem talba għal awtorizzazzjoni ta’ tentattiv ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali fil-kuntest ta’ tħaffir esploratorju, l-amministrazzjoni, sabiex tistabbilixxi jekk jeżistix obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, hija obbligata biss li teżamina l-proġetti kollha tal-istess natura mill-perspettiva tal-effett kumulattiv tagħhom, f’dan il-każ it-tħaffir kollu operat fit-territorju tal-komun?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

19

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tkun taf jekk il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 għandux jiġi interpretat fis-sens li tħaffir esploratorju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tiegħu jkun previst tentattiv ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali u ta’ żejt mhux maħdum sabiex tiġi ddeterminata l-vijabbiltà kummerċjali ta’ ħażna ta’ riżorsi naturali, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

20

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 85/337, u bla ħsara għall-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, il-proġetti elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. B’hekk, skont il-punt 14 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva, l-estrazzjoni ta’ żejt mhux maħdum u ta’ gass naturali għal għanijiet kummerċjali għandha tkun suġġetta għal tali evalwazzjoni meta l-kwantitajiet estratti jaqbżu 500 tunnellata ta’ żejt mhux maħdum u 500 000 m3 ta’ gass kuljum.

21

Għandu jitfakkar ukoll li, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u kemm mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tintlaħaq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan segwit (ara s-sentenza Edwards u Pallikaropoulos, C‑260/11, EU:C:2013:221, punt 29).

22

Huwa minnu li tħaffir esploratorju mwettaq sabiex tiġi vverifikata l-vijabbiltà u għalhekk il-profittabbiltà ta’ ħażna ta’ riżorsi naturali huwa, mid-definizzjoni tiegħu stess, operazzjoni mwettqa għal għanijiet kummerċjali. Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tagħha, kien ikun differenti biss fil-każ ta’ tħaffir għal skopijiet ta’ riċerka xjentifika biss u mhux għat-tħejjija ta’ attività kummerċjali.

23

Madankollu, mill-kuntest u mill-għan tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jkoprix it-tħaffir esploratorju. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni torbot l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent mal-kwantitajiet ta’ żejt mhux maħdum u ta’ gass naturali li tkun prevista l-estrazzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward din id-dispożizzjoni tipprevedi limiti li għandhom jinqabżu kuljum, u dan jindika li din tkopri proġetti ta’ ċertu tul ta’ żmien li jippermettu l-estrazzjoni kontinwa ta’ kwantitajiet relattivament kbar ta’ idrokarboni.

24

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-applikazzjoni diretta għal tħaffir esploratorju tal-kriterji previsti fil-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 ftit li xejn tagħmel sens peress li l-limitu previst f’din id-dispożizzjoni huwa, fir-rigward tal-estrazzjoni ta’ żejt mhux maħdum, ta’ 500 tunnella kuljum u, fir-rigward tal-estrazzjoni ta’ gass naturali, ta’ 500 000 m3 kuljum, filwaqt li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali, li tawtorizza l-estrazzjoni ta’ kwantità totali ta’ miljun m3 ta’ gass naturali, il-limitu assenjat għal tħaffir esploratorju ma għandu ebda relazzjoni ma’ tali limitu.

25

Barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija kemm fid-deċiżjoni tar-rinviju u kemm matul is-seduta, jirriżulta li l-eżistenza effettiva ta’ idrokarboni ma tistax tiġi ddeterminata b’ċertezza qabel ma jsir tħaffir esploratorju. Tali tħaffir jitwettaq sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ idrokarboni u, jekk ikun il-każ, sabiex tiġi ddeterminata l-kwantità tagħhom u sabiex jiġi vverifikat, permezz ta’ tentattiv ta’ estrazzjoni, jekk dawn l-idrokarboni jistgħux ikunu sfruttati b’mod kummerċjali. B’hekk, huwa biss fuq il-bażi ta’ tħaffir esploratorju li tista’ tiġi ddeterminata l-kwantità ta’ idrokarboni li tkun tista’ tiġi estratta kuljum. Barra minn hekk, il-kwantità ta’ idrokarboni li tkun prevista l-estrazzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ tali tentattiv kif ukoll it-tul tiegħu huma limitati għall-ħtiġijiet tekniċi li jirriżultaw mill-għan li tiġi pprovata l-vijabbiltà ta’ ħażna ta’ riżorsi naturali.

26

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mis-sistema tad-Direttiva 85/337. Fil-fatt, il-punt 2(d) tal-Anness II tagħha jista’ japplika għat-tħaffir esploratorju, b’tali mod li t-tħaffir esploratorju b’mod ġenerali ma huwiex eskluż a priori mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, jew fuq il-bażi ta’ eżami każ b’każ, jew fuq il-bażi ta’ limiti jew ta’ kriterji ffissati minnhom, jekk il-proġetti li huma koperti mill-Anness II ta’ din id-direttiva għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

28

Fost dawn il-proġetti huma inklużi, fil-punt 2(d) ta’ dan l-anness, it-tħaffir fil-fond, li jinkludi, b’mod partikolari, it-tħaffir ġeotermiku, it-tħaffir għall-ħażna ta’ materjal ta’ skart nukleari u t-tħaffir għall-provvista tal-ilma, minbarra t-tħaffir sabiex tiġi investigata l-istabbiltà tal-ħamrija.

29

Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din ma hijiex qiegħda telenka b’mod eżawrjenti t-tipi differenti ta’ tħaffir koperti minnha iżda li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jinkludi kull tħaffir fil-fond, minbarra dak li jitwettaq sabiex tiġi investigata l-istabbiltà tal-ħamrija.

30

B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn it-tħaffir esploratorju jikkostitwixxi tħaffir fil-fond, tali tħaffir jaqa’ taħt il-punt 2(d) tal-Anness II tad-Direttiva 85/337.

31

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li tħaffir esploratorju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkun intiż li tiġi ddeterminata l-vijabbiltà kummerċjali ta’ ħażna ta’ riżorsi naturali u li jista’ jilħaq fond ta’ 4 150 metru, jikkostitwixxi tħaffir fil-fond fis-sens tal-punt 2(d) tal-Anness II tal-imsemmija direttiva.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 għandu jiġi interpretat fis-sens li tħaffir esploratorju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tiegħu jkun previst tentattiv ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali u ta’ żejt mhux maħdum sabiex tiġi ddeterminata l-vijabbiltà kummerċjali ta’ ħażna ta’ riżorsi naturali, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni domanda

33

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it-tielet domanda

34

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf essenzjalment jekk id-Direttiva 85/337 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit jekk tħaffir esploratorju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex suġġett għall-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, l-awtorità kompetenti hija meħtieġa li tieħu inkunsiderazzjoni biss l-effetti kumulattivi ta’ proġetti tal-istess natura, f’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, tat-tħaffir kollu operat fit-territorju tal-komun.

35

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tagħha, peress li din id-domanda qed issir biss fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tidher li qiegħda tibbaża ruħha fuq il-premessa li, fil-kawża li għandha quddiemha, obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jista’ jirriżulta biss mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 85/337, moqri flimkien mal-punt 14 tal-Anness I ta’ din id-direttiva.

36

Madankollu, din il-premessa hija żbaljata peress li, kif jirriżulta mill-punti 27 u 30 ta’ din is-sentenza, tali obbligu jista’ jirriżulta mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, moqri flimkien mal-punt 2(d) tal-Anness II ta’ din id-direttiva.

37

B’dan premess, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ t-tilwima li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Barra minn hekk, jista’ jkun meħtieġ għall-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti tar-rinviju ma tkunx għamlet riferiment fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha.

38

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tingħata fid-dawl tal-obbligi li jistgħu jirriżultaw mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, moqri flimkien mal-punt 2(d) tal-Anness II ta’ din id-direttiva.

39

Fil-punt 27 ta’ din is-sentenza tfakkar li, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, jew fuq il-bażi ta’ eżami każ b’każ, jew fuq il-bażi ta’ limiti jew ta’ kriterji ffissati minnhom, jekk il-proġetti li huma koperti mill-Anness II ta’ din id-direttiva għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

40

Fir-rigward tal-iffissar ta’ dawn il-limiti jew kriterji, għandu jitfakkar li huwa minnu li l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 85/337 jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, tali marġni ta’ diskrezzjoni huwa llimitat mill-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, li jiġu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent il-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-daqs jew is-sit tagħhom (sentenza Salzburger Flughafen, C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 29).

41

B’hekk, l-għan tal-kriterji u tal-livelli msemmija fl-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 85/337 huwa li jiffaċilitaw l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi konkreti ta’ proġett sabiex jiġi ddeterminat jekk dan il-proġett huwiex suġġett għall-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent (sentenza Salzburger Flughafen, EU:C:2013:203, punt 30).

42

Minn dan isegwi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta ssirilhom applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett li jaqa’ fl-Anness II ta’ din id-direttiva, għandhom iwettqu eżami partikolari tal-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-kriterji li jinsabu fl-Anness III tal-imsemmija direttiva, għandhiex titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mellor, C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 51).

43

F’dan ir-rigward, mill-punt 1 ta’ dan l-anness III jirriżulta li għandhom jiġu evalwati l-karatteristiċi ta’ proġett, b’mod partikolari, fir-rigward tal-effetti kumulattivi ma’ proġetti oħra. Fil-fatt, il-fatt li ma jittiħidx inkunsiderazzjoni l-effett kumulattiv ta’ proġett ma’ proġetti oħra jista’ fil-prattika jwassal għall-konsegwenza li dan il-proġett ma jkunx suġġett għall-obbligu ta’ evalwazzjoni meta, ikkunsidrat flimkien ma’ proġetti oħra, jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brussels Hoofdstedelijk Gewest et, EU:C:2011:154, punt 36).

44

Dan ir-rekwiżit għandu jinqara fid-dawl tal-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva 85/337, li jipprovdi li l-effetti sinjifikattivi li jista’ jkollu proġett għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-kriterji elenkati fil-punti 1 u 2 tal-istess anness, b’mod partikolari fir-rigward tal-probabbiltà, tal-firxa, tal-portata, tat-tul u tar-riversibbiltà tal-impatt ta’ dan il-proġett.

45

Minn dan isegwi li, meta tkun qiegħda tivverifika jekk proġett għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, awtorità nazzjonali għandha teżamina l-impatt li dan jista’ jkollu flimkien ma’ proġetti oħra. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ preċiżazzjoni, dan l-obbligu ma huwiex limitat biss għall-proġetti tal-istess natura. Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-kuntest ta’ dan l-eżami preliminari, għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ jekk l-effetti fuq l-ambjent tat-tħaffir esploratorju jistgħux, minħabba l-effetti ta’ proġetti oħra, ikunu iktar sinjifikattivi milli fl-assenza tagħhom.

46

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-effettività tad-Direttiva 85/337 tkun fil-fatt kompromessa b’mod gravi jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jkunu jistgħu, sabiex jiddeċiedu dwar il-kwistjoni ta’ jekk proġett huwiex suġġett għall-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, jinjoraw il-parti tal-proġett li jkun maħsub li titwettaq fi Stat Membru ieħor (sentenza Umweltanwalt von Kärnten, EU:C:2009:767, punt 55). Għall-istess raġuni, l-evalwazzjoni li għandha titwettaq fir-rigward tal-effetti ta’ proġetti oħra ma tistax tiddependi mil-limiti tal-komun.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, moqri flimkien mal-punt 2(d) tal-Anness II ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ tħaffir fil-fond, bħalma huwa t-tħaffir esploratorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jirriżulta minn din id-dispożizzjoni. Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iwettqu eżami partikolari tal-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-kriterji li jinsabu fl-Anness III tal-imsemmija direttiva, għandhiex titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat b’mod partikolari jekk l-effetti fuq l-ambjent tat-tħaffir esploratorju jistgħux, minħabba l-effetti ta’ proġetti oħra, ikunu iktar sinjifikattivi milli fl-assenza ta’ tali proġetti. Din l-evalwazzjoni ma tistax tiddependi mil-limiti tal-komun.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li tħaffir esploratorju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tiegħu jkun previst tentattiv ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali u ta’ żejt mhux maħdum sabiex tiġi ddeterminata l-vijabbiltà kummerċjali ta’ ħażna ta’ riżorsi naturali, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, kif emendata bid-Direttiva 2009/31, moqri flimkien mal-punt 2(d) tal-Anness II tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ tħaffir fil-fond, bħalma huwa t-tħaffir esploratorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jirriżulta minn din id-dispożizzjoni. Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iwettqu eżami partikolari tal-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-kriterji li jinsabu fl-Anness III tad-Direttiva 85/337, kif emendata bid-Direttiva 2009/31, għandhiex titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat b’mod partikolari jekk l-effetti fuq l-ambjent tat-tħaffir esploratorju jistgħux, minħabba l-effetti ta’ proġetti oħra, ikunu iktar sinjifikattivi milli fl-assenza ta’ tali proġetti. Din l-evalwazzjoni ma tistax tiddependi mil-limiti tal-komun.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq