EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62014CJ0184

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015.
A vs B.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Artikolu 3(ċ) u (d) – Talba dwar obbligu ta’ manteniment favur ulied minuri simultanja għal proċedura ta’ separazzjoni tal-ġenituri, imressqa fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih l-ulied għandhom ir-residenza abitwali tagħhom.
Kawża C-184/14.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2015:479

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali — Ġurisdizzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment — Regolament (KE) Nru 4/2009 — Artikolu 3(ċ) u (d) — Talba dwar obbligu ta’ manteniment favur ulied minuri simultanja għal proċedura ta’ separazzjoni tal-ġenituri, imressqa fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih l-ulied għandhom ir-residenza abitwali tagħhom”

Fil-Kawża C‑184/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (l‑Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ April 2014, fil-proċedura

A

vs

B,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur), E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A, minn C. Rimini, avvocato,

għal B, minn S. Callegaro, avvocato,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Grieg, minn M. Germani u I. Kotsoni, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Moro u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(ċ) u (d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A u martu, B, dwar talba li tirrigwarda obbligu ta’ manteniment favur iż-żewġ uliedhom minuri, imressqa fi Stat Membru li ma huwiex dak fejn dawn tal-aħħar għandhom ir-residenza abitwali tagħhom, b’mod simultanju għal proċedura ta’ separazzjoni legali bejn il-ġenituri.

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Konvenzjoni dwar l-Irkupru Internazzjonali ta ’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta ’ Manteniment tal-Familja

3

Il-preambolu tal-Konvenzjoni dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja, konkluża f’Den Haag fit-23 ta’ Novembru 2007 (iktar ’il quddiem “Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-2007”), approvata, f’isem l-Unjoni Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/432/UE, tad-9 ta’ Ġunju 2011 (ĠU L 192, p. 39), ifakkar li l-aħjar interess tal-wild għandu jkun kunsiderazzjoni primarja fid-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal.

4

L-Artikolu 20(1)(f) ta’ din il-Konvenzjoni jipprovdi li:

“Deċiżjoni li tittieħed fi Stat Kontraenti wieħed (“l-Istat tal-oriġini”) għandha tiġi rrikonoxxuta u infurzata fi Stati Kontraenti oħrajn jekk:

[...]

f)

id-deċiżjoni ttieħdet minn awtorità li teżerċita ġuriżdizzjoni fuq kwistjoni tal-istat personali jew ir-responsabbiltà tal-ġenituri, sakemm dik il-ġuriżdizzjoni kienet ibbażata biss fuq iċ-ċittadinanza ta’ waħda mill-partijiet.”

Il-Konvenzjoni tas-27 ta ’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali

5

L-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 1972 L 299, p. 32), kif emendata bil-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), kienet ifformulata kif ġej:

“Il-konvenut iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat kontraenti jista’ jitħarrek fi Stat kontraenti ieħor:

[...]

2)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ manteniment, fil-qrati tal-post ta’ fejn il-kreditur tal-manteniment ikollu d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu jew, jekk din tkun kwistjoni anċillari għal azzjoni li tikkonċerna l-istatus ta’ persuna, quddiem il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni, skont il-lex fori, li tieħu konjizzjoni ta’ dik l-azzjoni, ħlief jekk dik il-ġurisdizzjoni tkun ibbażata biss fuq in-nazzjonalità ta’ wieħed mill-partijiet;

[...]”

Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001

6

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), jinsab taħt is-Sezzjoni 2 ta’ dan ir-regolament, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”. Dan l-artikolu jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[...]

2)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ manteniment, fil-qrati tal-post ta’ fejn il-kreditur tal-manteniment ikollu d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu jew, jekk il-materja tagħmel parti minn proċedimenti li jikkonċernaw l-istatus ta’ persuna, fil-qorti li, skond il-liġi tagħha, jkollha l-ġurisdizzjoni li tilqa’ dawk il-proċedimenti, sa kemm dik il-ġurisdizzjoni tkun ibbażata biss fuq in-nazzjonalità ta’ wieħed mill-partijiet;

[...]”

Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003

7

Il-premessi 5 u 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243), jistipulaw:

“(5)

Sabiex l-ugwaljanza għal minuri kollha tkun assigurata, dan ir-Regolament ikopri d-deċizjonijiet kollha dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, inkluzi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri, indipendentement minn xi konnessjoni ma’ xi proċedura matrimonjali.

[...]

(12)

Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.”

8

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

a)

id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ;

b)

l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

[...]

3.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[...]

e)

l-obbliġazzjonijiet ta’ manteniment;

[...]”.

9

L-Artikolu 2(7) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi r-responsabbiltà tal-ġenituri bħala “d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali”, u dawn id-drittijiet u r-responsabbiltajiet kollha jinkludu b’mod partikolari “d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess”.

10

L-Artikolu 8(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [tkun ġiet adita].”

Ir-Regolament Nru 4/2009

11

Skont il-premessi 1 sa 3 tar-Regolament Nru 4/2009, dan kif ukoll, b’mod partikolari, ir-Regolamenti Nru 44/2001 u 2201/2003 huma intiżi għall-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu taħt il-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali u intiżi, fost oħrajn, li jiffavorizzaw il-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri fil-qasam tal-kunflitt tal-liġijiet u tal-ġurisdizzjoni.

12

Il-premessa 8 tar-Regolament Nru 4/2009 tfakkar li fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, għandu jittieħed kont, fost oħrajn, tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑2007.

13

Il-premessa 15 ta’ dan ir-regolament hija fformulata kif ġej:

“Sabiex jiġu protetti l-interessi tal-kredituri ta’ manteniment u tiġi promossa l-amministrazzjoni ġusta tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu adattati r-regoli relatati mal-ġurisdizzjoni, kif jirriżultaw mir-Regolament [Nru 44/2001]. [...]

14

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, li jinsab taħt il-Kapitolu II intitolat “Ġurisdizzjoni”, jipprovdi:

“Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:

a)

il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

b)

il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

ċ)

il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess, għandha l-ġurisdizzjoni biex twettaq [tieħu konjizzjoni ta’] proċedimenti li jikkonċernaw l-istatus ta’ persuna jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċedimenti, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq iċ-ċittadinanza ta’ waħda mill-partijiet, jew

d)

il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess għandha l-ġurisdizzjoni biex iżżomm [tieħu konjizzjoni ta’] proċeduri li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ ġenitur jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċeduri, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

A u martu, B, kif ukoll iż-żewġ uliedhom minuri huma ċittadini Taljani u jgħixu b’mod permanenti Londra (Ir-Renju Unit). It-tfal twieldu f’din il-belt fl-4 ta’ Marzu 2004 u fil-5 ta’ Awwissu 2008 rispettivament.

16

Permezz ta’ rikors tat-28 ta’ Frar 2012, A ppreżenta, quddiem it-Tribunale di Milano (tribunal ta’ Milan, l-Italja), azzjoni kontra B, intiża sabiex tiġi ordnata s-separazzjoni tagħhom minħabba nuqqasijiet ta’ din tal-aħħar u li l-kustodja ta’ uliedhom minuri tkun maqsuma bejniethom, bl-istabbiliment tal-post tar-residenza tagħhom għand ommhom, u A ppropona li jħallas, bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-edukazzjoni u tal-kura tal-ulied, is-somma ta’ EUR 4000 fix-xahar.

17

B ippreżentat kontrotalba intiża wkoll sabiex tiġi deċiża s-separazzjoni minn ma’ żewġha, minħabba nuqqasijiet ta’ dan tal-aħħar, u l-għoti ta’ vitalizju mensili ta’ EUR 18700, filwaqt li madankollu eċċepixxiet in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti Taljana għal dak li jirrigwarda s-sistema tad-dritt ta’ kustodja, tal-post tar-residenza, tad-dritt għaż-żamma ta’ relazzjonijiet u kuntatti u tal-kontribuzzjoni għall-manteniment tal-ulied, sa fejn, skont B, hija qorti Britannika li għandha tiġi rrikonoxxuta bil-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet, abbażi tar-Regolament Nru 2201/2003, peress li A u B dejjem għexu Londra, u hemmhekk twieldu u trabbew l-ulied minuri tagħhom.

18

Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Novembru 2012, it-Tribunale di Milano ddikjara ruħu bħala li għandu ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni tat-talba dwar is-separazzjoni legali, abbażi tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003.

19

Għall-kuntrarju, din il-qorti ddeduċiet mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 li l-qrati Britanniċi biss kellhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ kwistjonijiet marbuta mar-“responsabbiltà tal-ġenituri”, fis-sens tal-Artikolu 2(7) ta’ dan ir-regolament, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li t-tfal jirrisjedu b’mod abitwali f’Londra.

20

Barra minn hekk, A ressaq azzjoni quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, f’Londra (Ir-Renju Unit), intiża sabiex jiġu ddefiniti l-modalitajiet tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

21

Fir-rigward tal-pensjonijiet ta’ manteniment favur, minn naħa, B u, min-naħa l-oħra, l-ulied minuri, it-Tribunale di Milano ukoll għamel distinzjoni. Għalhekk, huwa qies ruħu li għandu ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni tat-talba għal vitalizju favur B minħabba li din hija kwistjoni anċillari għal azzjoni dwar l-istatus ta’ persuna, u saħansitra għat-talba għal separazzjoni legali, fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) tar-Regolament Nru 4/2009. Abbażi tal-Artikolu 3(d) tal-istess regolament, għall-kuntrarju din il-qorti ddeċidiet li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba relatata mal-manteniment tal-ulied minuri, peress li din kienet anċillari għall-azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Il-ġurisdizzjoni sabiex tingħata deċiżjoni dwar din l-aħħar talba għaldaqstant taqa’ wkoll f’idejn il-qrati Britanniċi.

22

A ressaq appell quddiem il-Corte suprema di cassazione (Qorti tal-Kassazzjoni) minn din id-deċiżjoni tat-Tribunale di Milano, billi bbaża ruħu fuq motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(ċ) tar-Regolament Nru 4/2009, sa fejn il-qrati Taljani għandhom ġurisdizzjoni anki fir-rigward tal-kwistjonijiet dwar l-obbligi ta’ manteniment fir-rigward tal-ulied.

23

Skont A, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 4/2009 adottata mit-Tribunale di Milano u li kienet ta’ bażi għad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar sabiex jiddikjara ruħu li ma għandux ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni tat-talba dwar l-obbligi ta’ manteniment fir-rigward tal-ulied hija żbaljata, sa fejn tali esklużjoni tal-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi dedotta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

24

Skont il-qorti tar-rinviju, id-deċiżjoni dwar l-appell teħtieġ li jiġi ddeterminat il-mod li bih id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 jirrelataw waħda mal-oħra, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 3(ċ) u (d) ta’ dan l-aħħar regolament.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte Suprema di Cassazione ddeċidiet li tissospendi ż-żewġ proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Talba għall-manteniment tat-tfal, imressqa fil-kuntest ta’ proceduri ta’ separazzjoni personali [legali] tal-konjuġi, tista’ tiġi deċiża, peress li hija ancillari għal dawn il-proċeduri, kemm mill-qorti li quddiemha jkunu pendenti l-proċeduri ta’ separazzjoni kif ukoll mill-qorti li quddiemha jkunu pendenti l-proċeduri dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, abbażi tal-kriterju tal-prevenzjoni, jew għandha neċessarjament tiġi deċiża minn din tal-aħħar, billi ż-żewġ kriterji distinti previsti fil-punti (ċ) u (d) [tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009] huma alternattivi (fis-sens li wieħed neċessarjament jeskludi lill-ieħor)?”

Fuq id-domanda preliminari

26

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 3(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 4/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta qorti ta’ Stat Membru tkun adita b’azzjoni dwar is-separazzjoni jew it-tmiem tar-rabta konjugali bejn il-ġenituri ta’ wild minuri u qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun adita b’azzjoni għar-responsabbiltà tal-ġenituri li tikkonċerna dan il-wild, talba dwar obbligu ta’ manteniment li tikkonċerna dan l-istess wild tistax tiġi deċiża kemm mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni dwar is-separazzjoni jew it-tmiem tar-rabta konjugali, bħala kwistjoni anċillari għall-azzjoni dwar l-istatus ta’ persuna, fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, bħala kwistjoni anċillari għaliha, fis-sens tal-Artikolu 3(d) tal-imsemmi regolament, jew jekk tabilħaqq din it-talba bilfors għandha tiġi deċiża minn din l-aħħar qorti.

27

Fi kliem ieħor, din il-qorti għandha l-intenzjoni li tiddetermina jekk il-kriterji ta’ attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni msemmija fl-Artikolu 3(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 4/2009, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-konġunzjoni “jew” li tinsab fih, jeskludux lil xulxin jew jekk din il-konġunzjoni tfissirx li l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-azzjoni għas-separazzjoni legali u tal-azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri rispettivament jistgħu jkunu, kemm waħda kif ukoll l-oħra, aditi b’mod validu b’talba dwar l-obbligu ta’ manteniment li jikkonċerna ulied minuri.

28

F’dan ir-rigward, wieħed għandu josserva li tali kwistjoni madankollu tqum biss jekk talba dwar obbligu ta’ manteniment li tikkonċerna wild minuri titqies bħala anċillari kemm għal “azzjoni dwar l-istatus ta’ persuna” kif ukoll għal “azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u mhux biss għal waħda minn dawn l-azzjonijiet.

29

Għaldaqstant, għandha tiġi ddeterminata l-portata tal-kunċett ta’ “kwistjoni anċillari” li jinsab fl-Artikolu 3(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 4/2009.

30

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, minkejja li dawn id-dispożizzjonijiet b’mod espliċitu jippermettu lill-qorti nazzjonali li tiddikjara ruħha li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba dwar obbligu ta’ manteniment f’kuntest transkonfinali meta l-lex fori tirrikonoxxilha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’, rispettivament, azzjonijiet dwar l-istatus ta’ persuna jew azzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, il-portata tal-kunċett ta’ “kwistjoni anċillari”, imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, madankollu ma titħalliex għall-evalwazzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru skont id-dritt nazzjonali tagħhom.

31

Fil-fatt, mill-ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li, sa fejn l-Artikolu 3(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 4/2009 ma jagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri għad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata ta’ dan il-kunċett, dan tal-aħħar għandu jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 37).

32

Din l-interpretazzjoni għandha titfittex billi jittieħed kont tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni kif ukoll tal-kuntest tagħha u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza A, C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Abbażi ta’ interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 4/2009, għandu jiġi kkonstatat li dawn jiddistingwu l-azzjonijiet dwar l-istatus ta’ persuni mill-azzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

34

Meta l-kriterji ta’ attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni previsti hemmhekk ikunu alternattivi, sa fejn huma ma jkunux marbuta bil-konġunzjoni “jew”, din il-formulazzjoni madankollu ma tippermettix li jiġi stabbilit mingħajr ekwivoċi jekk in-natura alternattiva tagħhom timplikax li t-talbiet dwar l-obbligi ta’ manteniment għal wild huma biss anċillari għal azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, jew tabilħaqq jekk l-imsemmija talbiet jistgħux jitqiesu bħala anċillari anki għal azzjoni dwar l-istatus ta’ persuna.

35

F’dak li jikkonċerna l-kuntest li tidħol fih din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li d-distinzjoni li tirriżulta mill-formulazzjoni tagħha tirrifletti dik magħmula mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003.

36

Dan l-aħħar regolament, li jistipula, fil-premessa 5 tiegħu, li jkopri d-deċiżjonijiet kollha dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, inklużi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri, indipendentement minn xi konnessjoni ma’ xi proċedura matrimonjali, u dan bl-għan li jiggarantixxi l-ugwaljanza lit-tfal kollha, jagħmel distinzjoni espliċita bejn il-kawżi dwar id-divorzju, dwar is-separazzjoni legali u l-annullament taż-żwieġ, minn naħa, u dawk li jikkonċernaw l-attribuzzjoni, l-eżerċizzju, id-delega, it-tneħħija totali jew parzjali tar-responsabbiltà tal-ġenituri, min-naħa l-oħra.

37

Fil-fatt, il-ġurisdizzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali u għall-annullament taż-żwieġ hija mqassma, skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, abbażi ta’ kriterji li jieħdu kont, prinċipalment, tar-residenza attwali tal-konjuġi jew tar-residenza li kellhom qabel, jew dik attwali jew preċedenti ta’ wieħed fosthom, filwaqt li fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, ir-regoli tal-ġurisdizzjoni huma, skont il-premessa 12 tal-imsemmi regolament, maħsuba skont l-aħjar interess tal-wild u, b’mod partikolari, il-kriterju ta’ qrubija.

38

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 4/2009 jagħmlu distinzjoni, fir-rigward tal-kriterji ta’ attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fih, il-proċeduri ġudizzjarji li skonthom huma jikkonċernaw id-drittijiet u l-obbligi bejn il-konjuġi jew id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri fir-rigward ta’ wieħed jew ta’ wħud minn uliedhom.

39

Issa, talba dwar l-obbligi ta’ manteniment li jikkonċernaw ulied minuri tirrigwarda dan l-aħħar tip ta’ proċedura, peress li din tikkonċerna l-istabbiliment tal-obbligi ta’ manteniment li wieħed mill-ġenituri għandu fir-rigward ta’ wliedhom sabiex jiżguraw l-ispejjeż ta’ manteniment u tal-edukazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

40

Min-natura tagħha, talba dwar l-obbligi ta’ manteniment li jikkonċernaw l-ulied minuri hija għaldaqstant intrinsikament marbuta mal-azzjoni għar-responsabbiltà tal-ġenituri.

41

F’dak li jikkonċerna l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 4/2009, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 15 tiegħu, ir-regolament huwa intiż li jipproteġi l-interessi tal-kredituri ta’ manteniment u li jiffavorizza l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni.

42

Fir-rigward tal-għan relatat mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, għandu jiġi osservat li talba dwar l-obbligi ta’ manteniment favur ulied minuri ma hijiex neċessarjament marbuta ma’ azzjoni dwar id-divorzju jew is-separazzjoni. Barra minn hekk, tali proċedura mhux neċessarjament twassal għall-iffissar ta’ obbligi ta’ manteniment fir-rigward ta’ wild minuri.

43

Għall-kuntrarju, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tieħu konjizzjoni ta’ azzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, kif iddefinita fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 2201/2003, tkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa in concreto il-kwistjonijiet li jqumu mit-talba dwar obbligu ta’ manteniment favur wild, tiffissa l-ammont tal-imsemmi obbligu intiż sabiex jikkontribwixxi għall-ispejjeż ta’ manteniment u tal-edukazzjoni tal-wild, billi tadattah skont il-metodu ta’ kustodja stabbilit, konġunta jew esklużiva, skont id-dritt ta’ żjara, it-tul ta’ dan id-dritt u l-elementi l-oħra ta’ natura fattwali relatati mal-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri mressqa quddiemha.

44

L-interess tal-kreditur ta’ manteniment huwa għaldaqstant ukoll iggarantit, sa fejn, minn naħa, il-wild minuri jista’ faċilment jikseb deċiżjoni dwar il-pretensjoni ta’ manteniment mill-qorti li jkollha l-aħjar għarfien tal-elementi essenzjali għall-evalwazzjoni tat-talba tiegħu.

45

Min-naħa l-oħra, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba dwar tali pretensjoni ta’ manteniment hija maħtura skont ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tad-dritt tal-Unjoni previsti bir-Regolament Nru 2201/2003 għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-qorti li b’mod validu tista’ tiġi adita bl-azzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, li huma maħsuba, hekk kif tfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, skont l-aħjar interess tal-wild.

46

Fil-fatt, għandha tiġi enfasizzata l-ħtieġa li, fl-interpretazzjoni tar-regoli tal-ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 3(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 4/2009, jittieħed kont tal-aħjar interess tal-wild. Dan huwa minnu iktar u iktar peress li l-implementazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 għandu jsir skont l-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jgħid li, fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.

47

Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-għanijiet imfittxija u mill-kuntest li jidħol fih l-Artikolu 3(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 4/2009 jirriżulta li meta jiġu aditi żewġ qrati, waħda dwar azzjoni dwar is-separazzjoni jew it-tmiem tar-rabta konjugali bejn il-konjuġi ġenituri ta’ wlied minuri u l-oħra dwar azzjoni li tirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri ta’ dawn l-ulied, talba għal obbligu ta’ manteniment favur dawn tal-aħħar ma tistax titqies bħala anċillari kemm għall-azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, fis-sens tal-Artikolu 3(d) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll għall-azzjoni dwar l-istatus ta’ persuna, fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) tal-imsemmi regolament. Hija tista’ titqies anċillari biss għall-azzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

48

Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 4/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn qorti ta’ Stat Membru tkun adita b’azzjoni dwar is-separazzjoni jew it-tmiem tar-rabta konjugali bejn il-ġenituri ta’ wild minuri u qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun adita b’azzjoni għar-responsabbiltà tal-ġenituri li tikkonċerna lil dan il-wild, talba dwar obbligu ta’ manteniment li tikkonċerna lil dan l-istess wild hija anċillari biss għall-azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, fis-sens tal-Artikolu 3(d) ta’ dan ir-regolament.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(ċ) u (d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn qorti ta’ Stat Membru tkun adita b’azzjoni dwar is-separazzjoni jew it-tmiem tar-rabta konjugali bejn il-ġenituri ta’ wild minuri u qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun adita b’azzjoni għar-responsabbiltà tal-ġenituri li tikkonċerna lil dan il-wild, talba dwar obbligu ta’ manteniment li tikkonċerna lil dan l-istess wild hija anċillari biss għall-azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, fis-sens tal-Artikolu 3(d) ta’ dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Fuq