EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0244

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Marzu 2013.
Salzburger Flughafen GmbH vs Umweltsenat.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 85/337/KEE – Artikoli 2(1) u 4(2) – Proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II – Xogħlijiet ta’ estensjoni tal-infrastruttura ta’ ajruport – Eżami fuq il-bażi ta’ livelli jew ta’ kriterji – Artikolu 4(3) – Kriterji ta’ selezzjoni – Punt 2(g) tal-Anness III – Żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni.
Kawża C‑244/12.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:203

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Marzu 2013 ( *1 )

“Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 85/337/KEE — Artikoli 2(1) u 4(2) — Proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II — Xogħlijiet ta’ estensjoni tal-infrastruttura ta’ ajruport — Eżami fuq il-bażi ta’ livelli jew ta’ kriterji — Artikolu 4(3) — Kriterji ta’ selezzjoni — Punt 2(g) tal-Anness III — Żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni”

Fil-Kawża C-244/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Mejju 2012, fil-proċedura

SalzburgerFlughafen GmbH

vs

Umweltsenat,

fil-preżenza ta’:

Landesumweltanwaltschaft von Salzburg,

Bundesministerin für Verkehr, Innovation und Technologie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász (Relatur), D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Salzburger Flughafen GmbH, minn G. Lebitsch, Rechtsanwalt,

għal-Landesumweltanwaltschaft Salzburg, minn W. Wiener, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Oliver u D. Düsterhaus, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 1, p. 248) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 3, p. 151, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Salzburger Flughafen GmbH (iktar ’il quddiem “Salzburger Flughafen”) u l-Umweltsenat (Kamra Amministrattiva responsabbli fil-qasam tal-ambjent), dwar l-obbligu li ċerti proġetti dwar l-estensjoni tal-infrastruttura tal-ajruport ta’ Salzburg (l-Awstrija) jiġu suġġetta għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/337 jistabbilixxi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istima ta’ l-effetti ambjentali ta’ dawk il-proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

‘proġett’ tfisser:

l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazjonijiet jew skemi oħra,

interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;

[...]”

4

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.”

5

Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

“L-istima ta’ l-impatt ambjentali għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u skond l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti tal-proġett fuq dawn il-fatturi:

bnedmin, fawna u flora,

ħamrija, ilma, arja, klima u l-pajsaġġ,

assi materjali u wirt kulturali,

l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi.”

6

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva huwa redatt kif ġej:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-evalwazzjoni b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta’:

a)

eżami każ b’każ,

jew

b)

l-għetiebi jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru,

jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal evalwazzjoni b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b).

3.   Meta jiġi mwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-għetiebi jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji rilevanti tal-għażla ddikjarati fl-Anness III.

[...]”.

7

L-Anness I tad-Direttiva 85/337 jinkludi l-proġetti msemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, li għandhom obbligatorjament jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali. Il-punt 7(a) tal-Anness jirrigwarda l-“bini ta’ […] ajruporti b’tul bażiku tar-runway ta’ 2100 m jew iktar”.

8

L-Anness II tal-imsemmija direttiva jinkludi l-proġetti msemmija fl-Artikolu 4(2) tagħha, li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri jżommu setgħa diskrezzjonali, skont il-kundizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, dwar it-twettiq ta’ evalwazzjoni ambjentali. Il-punt 10(d) ta’ dan l-anness jirrigwarda l-“bini ta’ ajrudromi (proġetti mhux inklużi fl-Anness I)” u l-ewwel inċiż tal-punt 13 tal-istess anness jirreferi għal “[k]ull bidla jew estenzjoni tal-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness I jew l-Anness II, diġà aworizzati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq, li jista’ jkollhom effetti avversi sinifikanti fuq l-ambjent”.

9

L-Anness III tad-Direttiva 85/337, li jirreferi għall-kriterji ta’ selezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(3) tagħha, jistabbilixxi fil-punt 2 tiegħu, intitolat “il-lokazzjoni tal-proġetti”:

“Trid tiġi kkunsidrata s-sensittività ambjentali ta’ ż-żoni ġeografiċi li x’aktarx jiġu affettwati mill-proġetti, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari:

[...]

il-kapaċità dwar kemm jixrob l-ambjent naturali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil żoni li ġejjin:

[...]

g)

iż-żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni;

[...]”

Id-dritt Awstrijak

10

Id-Direttiva 85/337 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Awstrijak permezz tal-liġi tal-2000 dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (Umweltverträglichkeitsprüfungsgesetz 2000), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (BGBl. I, 50/2002, iktar ’il quddiem l-“UVP-G 2000”).

11

L-Artikoli 1, 3 u 3a tal-UVO-G 2000 jinkludu d-dispożizzjonijiet dwar l-għan u l-kontenut tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, il-prinċipju li abbażi tiegħu l-proġetti elenkati fl-Anness 1 ta’ din il-liġi għandhom jiġu suġġetta għal din l-evalwazzjoni, il-proċedura u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati f’dan ir-rigward kif ukoll il-persuni jew entitajiet li huma awtorizzati li jitolbu t-twettiq ta’ evalwazzjoni.

12

Għalhekk, fl-Anness I tal-UVP-G 2000 hemm elenkat il-proġetti li jeħtieġu evalwazzjoni, skont il-prinċipju stabbilit fid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. F’dak li jikkonċerna l-bdil ta’ tali proġetti, għandu jsir eżami każ b’każ skont il-livell indikat, sabiex titwettaq evalwazzjoni. Il-kolonna 1 tal-imsemmi anness, fil-punt Z 14(d), tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-proġetti segwenti:

“Bdil ta’ ajruporti li l-attività tal-ajru tagħhom jista’ jikber (ajruplani bil-mutur, gliders bil-mutur fl-ajru jew elikotteri) tal-inqas għal 20 000 fis-sena jew iktar.”

13

L-operat ta’ ajruport ċivili u kull bdil għal-limiti tal-operat stabbilit fil-liċenzja jeħtieġ “liċenzja ta’ ajruport ċivili”, kif stabbilit fl-Artikolu 68(1) tal-liġi dwar l-avjazzjoni (Luftfahrtgesetz), kif ukoll “liċenzja ta’ operat” skont l-Artikolu 73(1) ta’ din il-liġi. Barra minn hekk, il-kostruzzjoni, l-użu u l-bdil sostanzjali ta’ installazzjonijiet ċivili fl-art jeħtieġu permess, kif stabbilit fl-Artikolu 78(1) tal-istess liġi.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Salzburger Flughafen topera l-ajruport ta’ Salzburg, li r-runway tiegħu jisboq l-2 100 metru. Fit-30 ta’ Lulju 2002, din il-kumpannija talbet permess ta’ bini għal terminal addizjonali, fejn il-ġustifikazzjoni għal dan kienet essenzjalment ibbażata fuq il-fatt li l-ħtieġa li jiġi żgurat il-kontroll ta’ bagalji tqal ma kinitx għadha tippermetti li jiġu kkontrollati ż-żidiet qawwija ta’ passiġġieri fis-sala ta’ reġistrazzjoni eżistenti. B’deċiżjoni tat-2 ta’ April 2003, il-Landeshauptfrau von Salzburg, awtorità amministrattiva kompetenti, ħarġet permess ta’ bini. Dan it-terrminal addizzjonali nbena matul is-snin 2003 u 2004. Ilu jopera minn dan iż-żmien.

15

Fl-2004 Salzburger Flughafen ippreżentat talbiet ġodda biex tkabbar l-infrastruttura tal-ajruport. Dawn it-talbiet kienu jikkonċernaw, minn naħa, art ta’ madwar 90000 m2 fil-parti lbiċ tal-ajruport eżistenti u jirrigwardaw il-kostruzzjoni ta’ binjiet annessi, b’mod partikolari mħażen, u t-tkabbir taż-żona ta’ parkeġġ għal vetturi u għal ajruplani. Min-naħa l-oħra, din il-kumpannija talbet li jiġu inklużi fl-estensjoni ta’ artijiet oħra ta’ madwar 120 000 m2, li jaqgħu fil-majjistral tal-ajruport, li kienu maħsuba għal żoni intiżi għall-avjazzjoni ġenerali, ta’ hangars kif ukoll żoni ta’ parkeġġ għal vetturi u ajruplani. Salzburger Flughafen talbet ukoll li tiġi awtorizzata li tbiddel ir-rotot tat-traffiku. Il-parti prinċipali tat-talba tagħha ma kinitx tirrigwarda bdil fir-runway innifisha.

16

Il-lok tal-ajruport f’żona urbana, ikkaratterizzat barra minn hekk minn tniġġiż għoli tal-ajru, u l-effetti mistennija fuq l-ambjent wasslu lil-Landesumweltanwaltschaft von Salzburg (kummissarjat lokali responsabbli fil-qasam tal-ambjent) biex titlob, fit-13 ta’ Marzu 2006, lil Amt der Salzburger Landesregierung (Uffiċċju tal-Gvern Federali ta’ Salzburg) li jiġi stabbilit l-obbligu ta’ studju ambjentali dwar kemm it-terminal addizzjonali kif ukoll ix-xogħlijiet ta’ estensjoni tal-infrastruttura tal-ajruport. Peress li l-awtorità adita ċaħdet it-talba, il-Landesumweltanwaltschaft von Salzburg appellat kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Umweltsenat.

17

Fid-deċiżjoni tagħha, l-Umweltsenat ikkonstatat li kemm l-estensjoni tal-infrastruttura tal-ajruport diġà mibdija, wara l-kostruzzjoni u d-dħul fis-servizz tat-terminal addizjonali, kif ukoll l-estensjoni maħsuba fit-talbiet għal permess jeħtieġu evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UVP-G 2000, moqrija flimkien mad-Direttiva 85/337.

18

Sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha, din l-awtorità rrilevat li, għalkemm, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma teħtieġ ebda evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, sal-limitu stabbilit, jiġifieri li ż-żieda tan-numru tal-attività tal-ajru li tkun tal-inqas 20 000 fis-sena ma tinqabiżx, dan ir-regolament jittrasponi biss b’mod imperfett id-Direttiva 85/337. Fil-fatt l-UVP-G 2000 tistabbilixxi livell għoli wisq, b’mod li l-bdil magħmul fl-infrastrutturi tal-ajruporti ta’ daqs żgħir jew medju fil-prattika qatt ma għandu jagħti lok għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. L-Umweltsenat barra minn hekk osservat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tindikax siti li jeħtieġu protezzjoni speċifika, filwaqt li d-Direttiva 85/337 teżiġi, skont il-punt 2(g) tal-Anness III tagħha, li tingħata attenzjoni partikolari għaż-żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni. Issa, l-ajruport taħt kunsiderazzjoni huwa viċin il-belt ta’ Salzburg.

19

L-Umweltsenat għalhekk qieset li kellha tiġi applikata direttament id-Direttiva 85/337, minħabba l-fatt li l-bdil tal-infrastruttura tal-ajruport seta’ jitqies, b’mod partikolari minħabba n-natura tiegħu, l-importanza tiegħu u l-karatteristiċi tiegħu, bħala bdil tal-ajruport stess, li jista’ jżied l-attività u t-traffiku tal-ajru.

20

Din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata minn Salzburger Flughafen quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (Qorti amministrattiva suprema).

21

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti li tirriżulta mis-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C-2/07, Ġabra p. I-1197) kif ukoll tas-17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C-275/09, Ġabra p. I-1753), id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Anness II tad-Direttiva 85/337, moqri flimkien ma’ dawk tal-Anness I tagħha, jirrigwardaw ukoll ix-xogħlijiet ta’ bdil magħmula lill-infrastrutturi ta’ ajruport eżistenti. Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiġi injorata permezz ta’ fragmentazzjoni tal-proġetti li, globalment, jistgħu jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent, huwa meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti akkumulati ta’ tali proġetti li għandhom bejniethom rabta fl-għan u fil-kronoloġija. Għalhekk, il-Verwaltungsgerichtshof tqis li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett ulterjuri, jiġifieri l-estensjoni taż-żona tal-ajruport, għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-proġetti preċedenti, jiġifieri l-kostruzzjoni tat-terminal addizzjonali.

22

Fir-rigward tal-fatt li l-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meħud globalment, jidher li għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/337 filwaqt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma teħtieġx tali evalwazzjoni, il-Verwaltungsgerichtshof tosserva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 hija limitata bl-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, li proġetti li jistgħu jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni, b’mod partikolari minħabba n-natura, il-kobor u l-post tagħhom. Għalhekk, Stat Membru li jistabbilixxi kriterji jew livelli mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-post tal-proġetti jew li jistabbilixxihom f’tali livell li, fil-prattika, it-totalità ta’ tip ta’ proġetti ser jevitaw l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti, jmur lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu (sentenzi Abraham et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37; tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 53, kif ukoll tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, C-435/97, Ġabra p. I-5613, punt 38).

23

Fir-rigward tal-kontroll tal-osservanza ta’ din il-marġni ta’ diskrezzjoni u tal-konsegwenzi meta din tinqabeż, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-awtoritajiet leġiżlattivi jew amministrattivi ta’ Stat Membru jmorru lil hinn minn din il-marġni, l-individwi jistgħu jinvokaw l-Artikoli 2(1) u 4(2) tad-Direttiva 85/337 quddiem il-qorti ta’ Stat Membru kontra l-awtoritajiet nazzjonali u jiksbu għalhekk mingħand din tal-aħħar li r-regoli jew il-miżuri nazzjonali inkompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu injorati. F’tali każ, mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kraaijeveld et (punti 59 sa 61) u WWF et (punt 5 tad-dispożittiv) jirriżulta li huma l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li għandhom jieħdu, fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tagħhom, kull miżura meħtieġa, ġenerali jew partikolari, sabiex il-proġetti jiġu eżaminati, sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn jistgħux ikollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent u, jekk iva, li dawn jiġu suġġetti għal studju tal-effetti.

24

F’dak li jirrigwarda l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 85/337, il-qorti tar-rinviju tqis li, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, dawn id-dispożizzjonijiet huma inkundizzjonali. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dawn humiex ukoll biżżejjed preċiżi biex jiġu applikati direttament, hija tosserva li l-kriterji ta’ selezjoni stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 85/337 jfasslu, fi kwalunkwe każ, il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva. Issa, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kriterju tal-lok tal-proġetti previsti fil-punt 2(g) tal-Anness III tad-Direttiva 85/337. Barra minn hekk, il-livell stabbilit f’dan ir-regolament iwassal biex evalwazzjoni ambjentali ma hija prattikament qatt fattibbli għal ajruporti ta’ daqs medju jew żgħir. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju, mhux biss il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tittrasponi b’mod inkomplut id-Direttiva 85/337, iżda, barra minn hekk, manifestament ma tiħux inkunsiderazzjoni kriterji ċari u suffiċjentement preċiżi stabbiliti fl-Anness III ta’ din id-direttiva.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-fatt li qed tiddeċiedi fl-aħħar istanza, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-Direttiva 85/337 [...] tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li l-istima tal-effetti fuq l-ambjent tax-xogħlijiet infrastrutturali f’ajruport (li ma jinvolvux ir-runway), b’mod partikolari, il-kostruzzjoni ta’ terminal u l-estensjoni tas-sit tal-ajruport għall-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet addizzjonali (speċjalment ta’ hangars, imħażen għat-tagħmir u żoni ta’ parkeġġ) titwettaq biss fil-każ li dan mistenni li jżid il-movimenti bl-ajru b’mhux inqas minn 20000 fis-sena?

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2)

Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, id-Direttiva 85/337 tirrikjedi u tippermetti l-applikazzjoni diretta tagħha sabiex tiġi effettwata (fid-dawl tal-għanijiet u tal-kriterji stabiliti fl-Anness III) l-istima tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett, speċifikat fl-ewwel domanda, li jaqa’ taħt l-Anness II?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/337 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta proġetti li jbiddlu l-infrastruttura ta’ ajruport u jaqgħu taħt l-Anness II ta’ din id-direttiva għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent biss jekk dawn il-proġetti jistgħu jżiedu n-numru tal-attivitajiet tal-ajru b’tal-inqas 20 000 fis-sena.

27

Sabiex din id-domanda tingħata risposta, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 u tal-ewwel inċiż tal-punt 13 tal-Anness II ta’ din tal-aħħar, għal kull bdil jew estensjoni ta’ proġetti diġà awtorizzati, imwettqa jew li qed jitwettqu, li jirrigwardaw ajruporti u li jistgħu jkollhom effetti negattivi kunsiderevoli fuq l-ambjent, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, fuq il-bażi ta’ eżami każ b’każ jew fuq il-bażi ta’ livelli jew kriterji stabbiliti minnhom, jekk tali proġett għandux jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, xogħlijiet ta’ modifika mwettqa lill-infrastruttura ta’ ajruport eżistenti mingħajr ma tiġi mtawla r-runway jistgħu jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-punt 13 tal-Anness II tad-Direttiva 85/337, kemm-il darba jistgħu jitqiesu, b’mod partikolari min-natura, mill-importanza u mill-karatteristiċi tagħhom, bħala modifka tal-ajruport stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brussels Hoofdstedelijk Gewest et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dak li jirrigwarda l-iffissar ta’ livelli jew ta’ kriterji biex jiġi ddeterminat jekk tali proġett għandux jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, għandu jitfakkar li, ċertament, l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 85/337 jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, tali marġni ta’ diskrezzjoni hija limitata bl-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, li proġetti li jistgħu jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-daqs jew il-post tagħhom jiġu suġġetti għal studju dwar l-effetti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza WWF et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Għalhekk, il-kriterji u/jew il-livelli msemmija fl-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 85/337 għandhom bħala għan li jiffaċilitaw l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi konkreti li proġett għandu sabiex jiġi ddeterminat jekk għandux jiġi suġġett għall-obbligu ta’ evalwazzjoni u mhux biex ċerti klassijiet sħaħ ta’ proġetti elenkati fl-Anness II ta’ din id-direttiva, ippjanati fit-territorju ta’ Stat Membru, jevitaw bil-quddiem dan l-obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza WWF et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li Stat Membru li jiffissa l-kriterji u/jew il-limiti f’tali livell li, fil-prattika, it-totalità ta’ klassi ta’ proġetti tkun eżentata bil-quddiem mill-obbligu li jsir studju tal-effetti jaqbeż il-marġni ta’ diskrezzjoni li jiddisponi minnu bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, ħlief jekk it-totalità tal-proġetti esklużi tista’ tiġi kkunsidrata, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni globali, bħala li ma jkunx jista’ jkollha effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza WWF et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 85/337 jirriżulta li, għall-iffissar tal-livelli jew tal-kriterji skont il-paragrafu 2(b) ta’ dan l-artikolu, għandom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji ta’ selezzjoni rilevanti stabbiliti fl-Anness III tal-imsemmija direttiva. Issa, fost dawn il-kriterji hemm b’mod partikolari l-kapaċità tal-ambjent naturali u, f’dan ir-rigward, attenzjoni partikolari għandha tingħata liż-żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni.

33

Għandu jiġi kkonstatat li livell, bħal dak stabbilit fil-kawża prinċipali, huwa inkompatibbli mal-obbligu ġenerali stabbilit fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, għall-finijiet ta’ identifikazzjoni korretta tal-proġetti li jistgħu jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent.

34

Fil-fatt, kif tikkonstata l-qorti tar-rinviju, l-iffissar ta’ livell daqshekk għoli għandu bħala konsegwenza li l-bdil magħmul lill-infrastruttura tal-ajruporti ta’ daqs żgħir jew medju fil-prattika qatt ma jista’ jwassal għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, filwaqt li bl-ebda mod ma jista’ jiġi eskluż, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni Ewropea, li tali xogħlijiet għandhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent.

35

Barra minn hekk, permezz tal-iffissar ta’ tali livell għall-finijiet li tittieħed deċiżjoni dwar il-ħtieġa tat-twettiq ta’ evalwazzjoni ambjentali ta’ proġetti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, minkejja l-obbligu impost fuq l-Istati Membri bl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 85/337, tieħu biss inkunsiderazzjoni l-aspett kwantitattivi tal-konsegwenzi ta’ proġett, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni kriterji oħra ta’ selezzjoni tal-Anness III ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari dawk stabbiliti fil-punt 2(g) ta’ dan l-anness, jiġifieri d-densità tal-popolazzjoni taż-żona kkonċernata mill-proġett. Issa, huwa paċifiku li l-ajruport li l-infrastruttura tiegħu hija suġġetta għall-bdil inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinsab viċin il-belt ta’ Salzburg.

36

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, sabiex jiġi deċiż jekk hemmx bżonn ta’ evalwazzjoni ambjentali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti fuq l-ambjent kemm tal-proġett preċedenti dwar il-kostruzzjoni ta’ terminal addizzjonali kif ukoll tal-proġett ulterjuri dwar l-estensjoni ta’ żona tal-ajruport.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali teħid inkunsiderazzjoni kumulattiv jista’ jkun meħtieġ biex jiġi evitat li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiġi evitata permezz tal-fragmentazzjoni ta’ proġetti li globlament jistgħu jkunu suġġett għal effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brussels Hoofdstedelijk Gewest et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jekk u sa fejn għandhom jiġu eżaminati globalment l-effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti inkwistjoni fil-punt 15 ta’ din is-sentenza u ta’ proġetti diġà mwettqa matul is-snin 2003 u 2004.

38

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 2(1) kif ukoll 4(2)(b) u (3) tad-Direttiva 85/337 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta proġetti dwar bdil tal-infrastruttura ta’ ajruport u li jaqgħu taħt l-Anness II ta’ din id-direttiva għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent biss jekk dawn il-proġetti jkunu jistgħu jkabbru n-numru ta’ attività tal-arju b’tal-inqas 20 000 fis-sena.

Fuq it-tieni domanda

39

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, meta Stat Membru jkun ittraspona b’mod inkorrett id-Direttiva 85/337, din id-direttiva teħtieġx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġetti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jaqgħu taħt l-Anness II ta’ din tal-aħħar.

40

Id-domanda magħmula għandha tinftiehem bħala li tistaqsi jekk, meta Stat Membru, skont l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 85/337, dwar il-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II tagħha, jistabbilixxi livell li huwa inkompatibbli mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 2(1) u 4(3) ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2(1) kif ukoll 4(2)(a) u (3) tal-imsemmija direttiva għandhomx effett dirett li jimplika li l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati għandhom jiżguraw li l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk il-proġetti kkonċernati jistgħux ikollhom effett kunsiderevoli fuq l-ambjent u, jekk iva, li sussegwentement issir evalwazzjoni ta’ tali effetti.

41

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri bl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tagħha, tinqabeż, huma l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni li għandhom, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, ġenerali jew partikolari, sabiex il-proġetti kkonċernati jiġu eżaminati sabiex jiġi ddeterminat jekk għandhomx effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent u, jekk iva, li jiġu suġġetti għal studju tal-effetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kraaijeveld et, punt 61, kif ukoll WWF et, punti 70 u 71).

42

L-istess konklużjoni hija meħtieġa f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni bil-kawża prinċipali, ekwivalenti mill-perspettiva tal-effetti tagħha għal dik deskritta fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, li fih il-livell stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għandu bħala konsegwenza t-traspożizzjoni inkorretta tal-Artikolu 4(2)(b), moqri flimkien mal-Artikoli 2(1) u 4(3) tad-Direttiva 85/337.

43

Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, meta Stat Membru jkun stabbilixxa, taħt l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 85/337, livell li jista’ jwassal biex tipi sħaħ ta’ proġetti jevitaw evalwazzjoni ambjentali, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom l-obbligu li jiżguraw, skont l-Artikolu 2(1) kif ukoll l-Artikolu 4(2)(a) u (3) tal-imsemmija direttiva, li jiġi ddeterminat, f’kull każ individwali, jekk tali evalwazzjoni għandhiex tittwettaq u, jekk iva, li din tittwettaq.

44

Il-Gvern Awstrijak u Salzburger Flughafen jikkontestaw, madankollu, din il-konklużjoni, billi jirreferu għas-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C-201/02, Ġabra p. I-723), li tipprovdi li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li direttiva tkun tista’ tiġi invokata kontra Stat Membru meta jkun hemm involut obbligu tal-Istat li huwa marbut direttament mal-eżekuzzjoni ta’ obbligu ieħor impost, skont din id-direttiva, fuq terz.

45

Din l-oġġezzjoni ma tistax tintlaqa’.

46

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Wells, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, minn naħa, li l-possibbiltà, għal individwu, li jinvoka d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/337 għandha tiġi rrikonoxxuta u, min-naħa l-oħra, li l-proprjetarji tal-artijiet inkwistjoni għandhom ibatu l-konsegwenzi tat-twettiq tardiv tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat li jirriżultaw minn din id-direttiva.

47

Għalhekk, fil-kawża prinċipali, sa fejn deċiżjoni tikkonstata l-ħtieġa ta’ studju ambjentali, Salzbuger Flughafen, bħala utenti tal-artijiet inkwistjoni, għandha wkoll tbati l-konsegwenzi ta’ tali deċiżjoni.

48

Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, meta Stat Membru, skont l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 85/337, li jikkonċerna proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II ta’ din tal-aħħar, jistabbilixxi livell, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa inkompatibbli mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 2(1) u 4(3) ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) kif ukoll tal-Artikolu 4(2)(a) u (3) tal-imsemmija direttiva għandhom effett dirett li jimplika li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li qabelxejn jiġi eżaminat jekk il-proġetti kkonċernati jistgħux ikollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent u, jekk iva, li sussegwentement tittwettaq evalwazzjoni ta’ tali effetti.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(1) kif ukoll l-Artikolu 4(2)(b) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta proġetti dwar bdil tal-infrastruttura ta’ ajruport u li jaqgħu taħt l-Anness II ta’ din id-direttiva għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent biss jekk dawn il-proġetti jkunu jistgħu jkabbru n-numru ta’ attività tal-arju b’tal-inqas 20 000 fis-sena.

 

2)

Meta Stat Membru, skont l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, li jikkonċerna proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II ta’ din tal-aħħar, jistabbilixxi livell, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa inkompatibbli mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 2(1) u 4(3) ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) kif ukoll tal-Artikolu 4(2)(a) u (3) tal-imsemmija direttiva għandhom effett dirett li jimplika li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li qabelxejn jiġi eżaminat jekk il-proġetti kkonċernati jistgħux ikollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent u, jekk iva, li sussegwentement tittwettaq evalwazzjoni ta’ tali effetti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq