EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0001

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew - Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa {SEG (2007) 12}

/* KUMM/2007/0001 finali */

52007DC0001

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew - Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa {SEG (2007) 12} /* KUMM/2007/0001 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.1.2007

KUMM(2007) 1 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-PARLAMENT EWROPEW

POLITIKA DWAR L-ENERĠIJA GĦALL-EWROPA

{SEG (2007) 12}

WERREJ

1. L-Isfidi 3

1.1. Is-sostenibbiltà. 3

1.2. Is-sigurtà tal-provvista 3

1.3. Il-kompetittività 4

2. Għan Strateġiku li jiggwida l-Politika Ewropea ta' l-Enerġija 5

3. Il-Pjan ta' Azzjoni 6

3.1. Is-Suq Intern ta' l-Enerġija 6

3.2. Is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u s-sigurtà tal-provvista għaż-żejt, il-gass u l-elettriku 11

3.3. Impenn fit-tul lejn it-tnaqqis tal-gassijiet b'effet ta' serra u s-sistema ta' l-UE ta' l-Iskambju ta' l-Emissjonijiet 12

3.4. Programm ambizzjuż ta' miżuri għall-effiċjenza enerġetika fuq il-livell Komunitarju, nazzjonali, lokali u dak internazzjonali 12

3.5. Mira aktar fit-tul għall-enerġija li tiġġedded 13

3.6. Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija 15

3.7. Lejn ġejjieni ta' fjuwils fossili b'emissjonijiet baxxi ta' CO2 16

3.8. Il-futur ta' l-enerġija nukleari 17

3.9. Politika ta' l-Enerġija Internazzjonali li attivament tħares l-interessi Ewropej 18

3.10. Monitoraġġ u rappurtar effettiv 21

4. Tmexxija tax-xogħol 'il quddiem 21

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-PARLAMENT EWROPEW

POLITIKA DWAR L-ENERĠIJA GĦALL-EWROPA

" Għal dawn il-finijiet, il-ministri qablu dwar l-għanijiet li ġejjin: …li jagħmlu mezz sabiex enerġija aktar abbundanti bi prezzijiet orħos tkun disponibbli għall-ekonomiji Ewropej…"

Id-dikjarazzjoni ta' Messina, 1955

L-Isfidi

L-enerġija hija essenzjali sabiex l-Ewropa taħdem. Iżda jidher li għadda ż-żmien ta' enerġija rħisa għall-Ewropa. Il-membri kollha ta' l-UE qed iħabbtu wiċċhom ma' l-isfidi tat-tibdil fil-klima, dipendenza dejjem akbar fuq l-importazzjoni u prezzijiet ogħla ta' l-enerġija. Barra minn hekk, l-interdipendenza ta' l-Istati Membri ta' l-UE fl-enerġija, kif ukoll f'ħafna oqsma oħra, qed tikber – qtugħ tal-provvista f'pajjiż wieħed għandu effetti immedjati fuq l-oħrajn.

L-Ewropa jeħtieġ li taġixxi issa, flimkien, sabiex twassal enerġija sostenibbli, sikura u kompetittiva. Meta tagħmel dan, il-Komunità tkun qed terġa' lura għal għeruqha. Fl-1952 bit-Trattat tal-Faħam u l-Azzar u l-1957 bit-Trattat tal-Euratom, l-Istati Membri fundaturi raw il-ħtieġa għal approċċ komuni lejn l-enerġija. Is-swieq ta' l-enerġija u l-konsiderazzjonijiet ġeopolitiċi nbidlu b'mod sinifikanti minn dak iż-żmien. Iżda l-ħtieġa għal azzjoni mill-UE hija aktar b'saħħitha issa minn qatt qabel. Mingħajr dan, l-għanijiet ta' l-UE f'oqsma oħra, fosthom l-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi u l-Għanijiet għall-Iżvilupp tal-Millennju wkoll jintlaħqu b'aktar diffikultà. Politika ġdida Ewropea dwar l-Enerġija jeħtieġ li tkun ambizzjuża, kompetittiva u maħsuba għat-tul – u għandhom jibbenefikaw minnha l-Ewropej kollha.

Is-sostenibbiltà

L-Enerġija hija responsabbli għal 80% ta' gassijiet serra fl-UE[1]; hija l-għerq tat-tibdil fil-klima u l-biċċa l-kbira tat-tniġġis ta' l-arja. L-UE hija impenjata li tindirizza dan il-punt – billi tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra ta' l-UE u dawk madwar id-dinja għal livell globali li ma jaqbiżx b'aktar minn 2°C il-livelli pre-industrijali. Madankollu, il-politiki attwali ta' l-enerġija u t-trasport ikunu jsarrfu f'żieda ta' 5% ta' emissjonijiet ta' CO2 mill-UE sa l-2030 u l-emissjonijiet globali jiżdiedu b'55%. Il-politiki attwali ta' l-UE dwar l-enerġija mhumiex sostenibbli.

Is-sigurtà tal-provvista

L-Ewropa qed issir dejjem aktar dipendenti fuq l-idrokarboni impurtati. Jekk nibqgħu sejrin kif aħna, id-dipendenza ta' l-UE fuq l-importazzjoni ta' l-enerġija taqbeż minn 50% tal-konsum totali ta' l-enerġija fl-UE għal 65% fl-2030. Id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-gass mistennija tiżdied minn 57% għal 84% sa l-2030, u fuq iż-żejt minn 82% għal 93%.

Dan jimplika riskji politiċi u ekonomiċi. Il-pressjoni fuq ir-riżorsi globali ta' l-enerġija hija kbira ħafna. L-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija (IEA) tipprevedi li d-domanda globali għaż-żejt għandha tikber b'41% sa l-2030. Mhux magħruf kif il-provvista se tlaħħaq mad-domanda: l-IEA fil- World Energy Outlook għall-2006 stqarret li "il-kapaċità u r-rieda ta' produtturi ewlenin taż-żejt u l-gass sabiex iżidu l-investiment u b'hekk jissodisfaw id-domanda globali dejjem tikber huma partikolarment dubjużi"[2]. Ir-riskju ta' falliment tal-provvista qed jikber.

Barra minn hekk, il-mekkaniżmi sabiex tiġi żgurata s-solidarjetà bejn l-Istati Membri fil-każ ta' kriżi ta' l-enerġija għadhom ma jeżistux u diversi Stati Membri huma kważi totalment jew saħansitra kompletament dipendenti fuq fornitur wieħed tal-gass.

Fl-istess ħin, id-domanda għall-elettriku fl-UE, fix-xenarju fejn jibqa' kollox għaddej kif inhu, qed tiżdied b'madwar 1.5% fis-sena. Anke b'politika effettiva ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija, fil-25 sena li ġejjin, fil-ġenerazzjoni biss, se jkun meħtieġ investiment ta' madwar €900 biljun. Il-prevedibbiltà u swieq interni effettivi fil-gass u l-elettriku huma essenzjali sabiex ikunu jistgħu iseħħu l-investimenti fit-tul li huma meħtieġa kif ukoll sabiex il-prezzijiet għall-konsumaturi jkunu kompetittivi. Dawn għadhom ma jeżistux.

Il-kompetittività

L-UE qed issir dejjem aktar esposta għall-effetti tal-volatilità tal-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet fis-swieq internazzjonali ta' l-enerġija u l-konsegwenzi tal-konċentrazzjoni progressiva tar-riżervi ta' l-idrokarboni f'idejn ftit proprjetarji. L-effetti potenzjali huma sinifikanti: li kieku, pereżempju, il-prezz taż-żejt kellu jiżdied għal 100$/barmil fl-2030, l-ispiża ta' l-enerġija importata għall-UE-27 tkun ta' madwar €170 biljun, żieda annwali ta' €350 għal kull ċittadin ta' l-UE.[3] Dan it-trasferiment ta' ġid ftit li xejn jirriżulta f'aktar impjiegi fl-UE.

Ladarba l-oqfsa xierqa ta' politika u ta' leġiżlazzjoni jkunu fis-seħħ, is-Suq Intern ta' l-Enerġija jistimula prezzijiet ta' l-enerġija ġusti u kompetittivi kif ukoll iffrankar ta' l-enerġija, u wkoll investiment ogħla. Madankollu, għadhom ma jeżistux il-kundizzjonijiet kollha sabiex iseħħ dan. Minħabba f'hekk iċ-ċittadini u l-ekonomija ta' l-UE ma jistgħux igawdu l-benefiċċji kollha mil-liberalizzazzjoni ta' l-enerġija. Fil-qasam tar-restrizzjonijiet fuq il-karbonju huwa meħtieġ orizzont ta' żmien itwal sabiex jingħata biżżejjed żmien għall-promozzjoni ta' l-investimenti meħtieġa fis-settur ta' l-elettriku.

It-titjib ta' l-investiment, partikolarment fl-effiċjenza ta' l-enerġija u l-enerġija li tiġġedded għandu joħloq l-impjiegi, jippromwovi l-innovazzjoni u l-ekonomija msejsa fuq l-għarfien fl-UE. L-Unjoni Ewropea diġà hija mexxejja globali fit-teknoloġiji dwar l-enerġija li tiġġedded, u dawn jirrappreżentaw introjtu ta' €20 biljun u t-tħaddim ta' 300,000 persuna[4]. Għandha l-potenzjal li tmexxi s-suq globali, tat-teknoloġiji b'livelli baxxi ta' karbonju, li qed jikber b'rata mgħaġġla . Fil-qasam ta' l-enerġija mir-riħ, pereżempju, il-kumpaniji ta' l-UE għandhom 60% mill-ishma tas-suq dinji. Id-determinazzjoni ta' l-Ewropa li tmexxi l-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima toħloqilna opportunità sabiex tiġi xprunata l-aġenda globali tar-riċerka. Għandhom jinżammu miftuħa l-bibien kollha sabiex niżguraw l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda.

Fl-istess ħin, id-dimensjoni soċjali tal-politika Ewropea ta' l-enerġija teħtieġ li titqies fl-istadji kollha tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri individwali. Filwaqt li din il-politika għandha fuq kollox tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa fil-medda t-twila, jista' jkollha impatt sinifikanti fuq ċerti prodotti u proċessi kummerċjati internazzjonalment, partikolarment fil-qasam ta' industriji b'konsum għoli ta' enerġija.

Għan Strateġiku li jiggwida l-Politika Ewropea ta' l-Enerġija

Il-punt tat-tluq għal politika Ewropea ta' l-enerġija għandu tliet orjentazzjonijiet: il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-limitazzjoni tal-vulnerabbiltà esterna ta' l-UE minħabba l-idrokarboni impurtati u l-promozzjoni ta' l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku, biex b'hekk tiġi pprovduta enerġija sikura u ekonomikament aċċessibbli għall-konsumaturi.

Fid-dawl tal-ħafna sottomissjonijiet li daħlu matul il-perjodu ta' konsultazzjoni fuq il- Green Paper [5] tagħha, f'din l-Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija, il-Kummissjoni tipproponi li l-Politika Ewropea ta' l-Enerġija tkun xprunata b'li ġej:

- Għan ta' l-UE fin-negozjati internazzjonali ta' tnaqqis ta' 30% fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn pajjiżi żviluppati sa l-2020 meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990. Barra minn hekk, sa l-2050, l-emissjonijiet globali jridu jitnaqqsu sa 50% tal-livelli ta' l-1990, u dan jimplika tnaqqis fil-pajjiżi industrijalizzati ta' 60-80% sa l-2050;

- Impenn ta' l-UE biex jintlaħaq akkost ta' kollox ta' lanqas 20% tnaqqis tal-gassijiet serra sa l-2020 meta mqabbla ma' l-1990.

Dawn huma parti ċentrali tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni " Nillimitaw it-Tibdil fil-Klima għal 2° - l-Għażliet ta' Politika għall-UE u d-Dinja għall-2020 u lil hinn"[6] .

L-impenn ta' l-UE sabiex tittieħed azzjoni minnufih rigward il-gassijiet b'effett ta' serra għandu jkun il-qofol tal-Politika Ewropea ta' l-Enerġija għal tliet raġunijiet. (i) L-emissjonijiet tas-CO2 mill-enerġija jammontaw għal 80 % ta' l-emissjonijiet ta' GHG ta' l-UE. It-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ifisser li nużaw anqas enerġija u li nużaw enerġija aktar nadifa u prodotta lokalment, (ii) il-limitazzjoni ta' l-esponiment dejjem jikber ta' l-UE għall-volatilità u prezzijiet ogħla taż-żejt u l-gass, u (iii) potenzjalment il-kisba ta' suq ta' l-enerġija ta' l-UE aktar kompetittiv, l-istimolazzjoni tat-teknoloġija innovattiva u l-impjiegi.

Meqjusa flimkien, dan l-għan strateġiku flimkien mal-miżuri konkreti proposti hawn taħt sabiex isir realtà, jirrappreżentaw il-qalba ta' Politika Ewropea ġdida għall-Enerġija.

Il-Pjan ta' Azzjoni

Il-kisba ta' l-għan strateġiku ta' l-enerġija msemmi hawn fuq timplika t-trasformazzjoni ta' l-Ewropa f'ekonomija b'effiċjenza enerġetika għolja b'livelli baxxi ta' CO2, permezz ta' revoluzzjoni industrijali ġdida , l-aċċellerazzjoni tal-bidla lejn żidiet baxxi fil-livelli tal-karbonju, u fuq perjodu ta' snin, żieda drammatika fl-ammont ta' l-enerġija lokali b'emissjonijiet baxxi li nipproduċu u nużaw. L-isfida involuta hija li dan isir b'tali mod li l-potenzjal tal-kisbiet fil-kompetittività jiġu massimizzati għall-Ewropa u li l-ispejjeż potenzjali jiġu limitati.

Il-miżuri eżistenti f'oqsma bħall-elettriku li jiġġedded, il-bijofjuwils, l-effiċjenza ta' l-enerġija u s-Suq Intern ta' l-Enerġija kisbu riżultati importanti, iżda tonqoshom il-koerenza meħtieġa li twassal għas-sostenibbiltà, is-sigurtà tal-provvista u l-kompetittività. L-ebda element wieħed tal-politika ma jipprovdi t-tweġibiet kollha, iridu jitqiesu kollha flimkien bħala unità waħda. Il-Politika ta' l-enerġija għandha tiġi indirizzata minn ħafna oqsma ta' politika. Pereżempju, kif issemma' hawn fuq, id-dimensjoni soċjali tal-politika Ewropea ta' l-enerġija jeħtieġ li titqies matul l-istadji kollha tad-disiinn u l-implimentazzjoni tal-miżuri individwali[7] u se jkun meħtieġ li jiġi żviluppat l-użu ulterjuri ta' l-oċeani u l-ibħra għall-promozzjoni ta' l-għanijiet ta' l-UE fil-qasam ta' l-enerġija, fid-dawl tal-potenzjal tagħhom li jgħinu l-ġenerazzjoni ta' l-enerġija u d-diversifikazzjoni tar-rotot u l-metodi tat-trasport ta' l-enerġija[8]. L-ewwel pass huwa li l-Istati Membri jappoġġaw viżjoni strateġika u Pjan ta' Azzjoni għat-tliet snin li ġejjin: bl-għan espliċitu li jimxu lejn alleanza internazzjonali ta' pajjiżi żviluppat għall-inqas bil-għan li sa l-2020 l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra jitnaqqsu bi 30% u li jagħtu kontribut sinifikanti għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' l-UE tal-gassijiet b'effett ta' serra jintaqqsu b'20% sa l-2020. Dan se jkun appoġġat minn monitoraġġ u rappurtar bil-għaqal tal-progress, kif ukoll l-iskambju effettiv ta' l-aqwa prassi u kontinwità fit-trasparenza – permezz tal-preżentazzjoni regolari mill-Kummissjoni ta' Analiżi Strateġika ta' l-Enerġija.

Il-miżuri msemmija hawn taħt mhux biss se jqiegħdu lill-UE fit-triq li ssir ekonomija ta' enerġija b'livell ta' karbonju baxx u msejsa fuq l-għarfien, iżda fl-istess ħin ittejjeb is-sigurtà tal-provvista u progressivament tagħti kontribut aktar sinifikanti għall-kompetittività.

Is-Suq Intern ta' l-Enerġija

Suq Intern reali fl-Enerġija huwa essenzjali sabiex jintlaħqu t-tliet sfidi li għandha l-Ewropa fir-rigward ta' l-enerġija:

- Il-kompetittività: suq kompetittiv inaqqas l-ispejjeż għaċ-ċittadini u l-kumpaniji u jistimola l-effiċjenza fl-enerġija u l-investiment;

- Is-sostennibiltà: suq kompetittiv huwa vitali sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati effettivament l-istrumenti ekonomiċi, fosthom il-mekkaniżmu ta' l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet. Barra minn hekk, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jrid ikollhom interess fil-promozzjoni ta' konnessjonijiet ma' provvisti li jiġġeddu, kombinazzjonijiet ta' sħana u elettriku u l-mikroġenerazzjoni, kif ukoll l-istimular ta' l-innovazzjoni u l-inkoraġġiment għal kumpaniji żgħar u individwi sabiex jikkunsidraw provvisti mhux konvenzjonali.

- Is-sigurtà tal-provvista: Suq Intern ta' l-Enerġija li jkun qed jaħdem sewwa u li jkun kompetittiv jista' jipprovdi vantaġġi kbar f'termini ta' sigurtà tal-provvista u standards għoljin tas-servizz pubbliku. Is-separazzjoni effettiva tan-netwerks mill-partijiet kompetittivi tas-suq fl-elettriku u l-gass tirriżulta f'inċentivi reali sabiex il-kumpaniji jinvestu f'infrastruttura ġdida, kapaċità għall-interkonnessjoni u kapaċità ta' ġenerazzjoni ġdida, biex b'hekk jiġi evitat il-qtugħ tad-dawl u żidiet mhux meħtieġa fil-prezzijiet. Suq uniku veru jippromwovi d-diversità.

Il-KE diġà adottat sensila ta' miżuri[9] sabiex toħloq Suq Intern ta' l-Enerġija, maħsub sabiex iwassal għażla reali għall-konsumaturi ta' l-UE, ikunux ċittadini jew impriżi, kif ukoll opportunitajiet ta' negozju ġodda u volumi akbar ta' kummerċ transkonfinali.

Il-Komunikazzjoni dwar is-Suq Intern ta' l-Enerġija[10] u r-Rapport finali dwar l-Inkjesta Settorjali tal-Kompetizzjoni[11] juru li r-regoli u l-miżuri attwali għadhom ma kisbux dawn l-għanijiet. Hemm sinjali li dan in-nuqqas ta' progress qed iwassal lill-Istati Membri sabiex jimponu limiti ġeneralizzati fuq il-prezzijiet ta' l-elettriku u tal-gass. Skond il-livell li fih jiġu ffissati limiti bħal dawn fuq il-prezzijiet u jekk humiex ta' natura ġeneralizzata jistgħu jxekklu l-ħidma tas-Suq Intern ta' l-Enerġija kif ukoll jostor sinjali tal-prezzijiet li jkunu qed jindikaw li tkun meħtieġa kapaċità ġdida, u jwassal għal nuqqas ta' investiment u nuqqasijiet fil-provvista fil-ġejjieni. Jistgħu ukoll, taħt ċirkostanzi bħal dawn jirriżultaw f'diffikultajiet fil-penetrazzjoni tas-suq minn entranti ġodda, fosthom dawk li joffru enerġija nadifa.

Fid-dawl tal-ħafna proposti li tressqu matul il-perjodu ta' konsultazzjoni tal- Green Paper, il-Kummissjoni tqis li din is-sitwazzjoni ma tistax tibqa' għaddejja kif inhi. Sensiela koerenti ta' miżuri issa jeħtieġ li jittieħdu bil-għan li fi żmien tliet snin tinħoloq Grid Ewropea tal-Gass u l-Elettriku u suq ta' l-enerġija madwar l-Ewropa li jkun verament kompetittiv.

Sabiex dan jinkiseb, il-Kummissjoni identifikat ir-rekwiżiti li ġejjin:

Separazzjoni (Unbundling)

Ir-Rapport u l-Inkjesta tas-Settur dwar is-Suq Intern juru l-periklu tad-diskriminazzjoni u l-abbuż meta l-kumpaniji jikkontrollaw in-netwerks ta' l-enerġija kif ukoll il-produzzjoni jew il-bejgħ, il-protezzjoni tas-swieq nazzjonali u l-prevenzjoni tal-kompetizzjoni. Sitwazzjoni bħal din toħloq ukoll diżinċentiv fuq kumpaniji integrati vertikalment milli jinvestu adegwatament fin-netwerks tagħhom, peress li aktar kemm iżidu l-kapaċità tan-netwerk, aktar tikber il-kompetizzjoni li teżisti fis- "suq domestiku tagħhom" u aktar ikun baxx il-prezz tas-suq.

Il-Kummissjoni hi tal-fehma li jistgħu jitqiesu żewġ alternattivi sabiex dan jiġi indirizzat: Operatur tas-Sistema Indipendenti (fejn il-kumpanija integrata vertikalment tibqa' s-sid ta' l-assi tan-netwerk u tirċievi introjtu regolat fuqhom, iżda fejn ma tkunx responsabbli għat-tħaddim, il-manutenzjoni jew l-iżvilupp tagħhom) jew il-firda tas-sidien (fejn il-kumpaniji tan-netwerk jkunu kompletament separati mill-kumpaniji ta' provvista u ġenerazzjoni)[12].

L-evidenza ekonomika turi li s-separazzjoni tas-sjieda ( ownership unbundling ) hija l-aktar mod effettiv sabiex tiġi żgurata l-għażla għall-konsumaturi ta' l-enerġija u sabiex jitħeġġeġ l-investiment. Dan huwa għaliex kumpaniji ta' netwerks separati mhumiex influwenzati minn interessi ta' provvista/ġġenerazzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta' investiment. Jevita wkoll regolazzjoni dettaljata żżejjed u kumplessa wisq kif ukoll piżijiet amministrattivi sproporzjonati.

L-approċċ ta' l-operaturi independenti tas-sistema jtejjeb il-qagħda preżenti, iżda jkun jesiġi regolazzjoni aktar dettaljata, preskrittiva u għalja u jkun anqas effettiv fl-indirizzar tad-diżinċentivi għall-investiment fin-netwerks.

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet dwar l-separazzjoni ta' l-attivitajiet ta' distribuzzjoni - li attwalment jeżentaw lid-distributuri b'anqas minn 100,000 klijent mill-maġġoranza tar-rekwiżiti ta' separazzjoni - jeħtieġ li jerġgħu jiġu eżaminati.

Regolazzjoni effettiva

L-ewwelnett, il-livelli kollha ta' setgħa u ta' indipendenza tar-regolaturi ta' l-enerġija jeħtieġ li jiġu armonizzati abbażi ta' l-ogħla denominatur komuni fl-UE, u mhux l-aktar wieħed baxx. It-tieninett, iridu jingħataw mhux biss il-kompitu li jippromwovu l-iżvilupp effettiv tas-suq nazzjonali tagħhom, iżda wkoll dak li jippromwovu l-iżvilupp tas-Suq Intern ta' l-Enerġija.

Barra minn hekk, l-istandards tekniċi meħtieġa għat-tħaddim effettiv tal-kummerċ transkonfinali jeħtieġ li jiġu armonizzati. Il-progress li sar sa llum huwa ferm 'il bogħod minn dan. Il-ħolqien tal-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass (ERGEG) u r-regolamenti dwar l-elettriku u l-gass, ma pprovdewx il-governanza meħtieġa. Il-maġġoranza ta' l-istandards tekniċi rilevanti għadhom differenti f'kull Stat Membru, u għalhekk il-kummerċ transkonfinali huwa diffiċli u kemm-il darba impossibbli. Tliet għażliet ewlenin jistħoqqilhom li jitqiesu:

- Evoluzzjoni gradwali ta' l-approċċ attwali: It-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn ir-regolaturi nazzjonali partikolarment billi wieħed jesiġi li l-Istati Membri jagħtu għan Komunitarju lir-regolaturi nazzjonali, u l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu li permezz tiegħu il-Kummissjoni tista' tirrevedi xi wħud mid-deċiżjonijiet tar-regolaturi nazzjonali li jaffettwaw is-Suq Intern ta' l-Enerġija.[13]

- Netwerk Ewropew ta' regolaturi indipendenti ("ERGEG+"): Skond dan il-mekkaniżmu, ir-rwol ta' l-ERGEG se jkun formalizzat, u jingħata l-kompitu li jistruttura deċiżjonijiet li jorbtu lir-regolaturi u lill-atturi rilevanti fis-suq, bħalma huma l-operaturi tan-netwerks, l-iskambji jew il-ġeneraturi ta' l-enerġija, fir-rigward ta' ċerti kwistjonijiet tekniċi definiti preċiżament kif ukoll mekkaniżmi marbuta ma' kwistjonijiet transkonfinali. Ikun meħtieġ l-involviment xieraq tal-Kummissjoni, fejn jixraq, sabiex jiġi żgurat li jitqies kif suppost l-interess Komunitarju.

- Jitwaqqaf korp uniku ġdid fuq il-livell Komunitarju . Dan partikolarment jingħata r-responsabbiltà li jadotta deċiżjonijiet individwali għas-suq ta' l-UE ta' l-elettriku u l-gass li jkopru kwistjonijiet regolatorji u tekniċi rilevanti għat-tħaddim fil-prattika tal-kummerċ transkonfinali[14].

Teżisti relazzjoni bejn is-separazzjoni u r-regolazzjoni. Is-swieq li fihom hemm anqas mis-separazzjoni tas-sjieda jirrikjedu regolazzjoni aktar dettaljata, kumplessa u preskrittiva. F'ċirkostanzi bħal dawn ir-Regolaturi nazzjonali jeħtieġu partikolarment setgħat aktar qawwija sabiex jiġġieldu d-diskriminazzjoni. Madankollu, id-diżinċentivi sabiex isir investiment adegwat fin-netwerks mingħajr separazzjoni tas-sjieda ma jistgħu fi kwalunkwe każ ikunu kompletament indirizzati mir-Regolaturi.

Mit-tliet alternattivi l-Kummissjoni tqis li l-ewwel waħda, l-iżvilupp gradwali ta' l-approċċ attwali ma tkunx biżżejjed, notevolment għaliex il-progress ikompli jkun ibbażat fuq il-qbil volontarju bejn 27 regolatur nazzjonali, li kemm-il darba jkollhom interessi differenti. B'hekk, l-approċċ minimu x'aktar jagħmel progress rapidu u effettiv fl-armonizzazzjoni tal-kwistjonijiet tekniċi meħtieġ sabiex il-kummerċ transkonfinali jkun jista' jaħdem tajjeb, ikun l-approċċ ERGEG+.

B'antiċipazzjoni għat-teħid u l-implimentazzjoni ta' deċiżjoni formali ir-Regolaturi għandhom ikunu mħeġġa jaħdmu aktar fil-qrib bejniethom sabiex jużaw is-setgħat eżistenti b'mod aktar effettiv fuq bażi volontarja.

Trasparenza

It-trasparenza hija essenzjali sabiex is-suq ikun jista' jaħdem tajjeb. Attwalment, l-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni jipprovdu livelli varji ta' informazzjoni, u għalhekk huwa eħfef li l-entrati l-ġodda jikkompetu f'ċerti swieq milli f'oħrajn. Barra minn hekk, ċerti regolaturi jirrikjedu li l-ġeneraturi jkunu aktar trasparenti rigward id-disponibbiltà tal-ġenerazzjoni minn oħrajn, u dan jista' jgħin fil-prevenzjoni tal-manipulazzjoni tal-prezzijiet. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi li jiġu rispettati mill-kumpaniji kollha fl-UE, bl-istess mod ta' dik li diġà ġiet adottata għat-telekomunikazzjoni[15].

Infrastruttura

Il-Pjan ta' l-Interkonnessjonijiet ta' Prijorità[16] jidentifika ħames prijoritajiet:

- Li sa l-2013 jiġu identifikati l-aktar infrastrutturi sinifikanti nieqsa u li jiġi żgurat appoġġ madwar l-Ewropa sabiex in-nuqqasijiet jiġu indirizzati;

- Il-ħatra ta' erba' koordinaturi Ewropej sabiex isegwu l-erba' proġetti ta' prijorità l-aktar importanti: il-Konnessjoni ta' l-Elettriku bejn il-Ġermanja, il-Polonja u l-Litwanja; konnessjonijiet ma' impjanti ta' enerġija mir-riħ 'il barra mill-kosta fl-Ewropa ta' Fuq; interkonnessjonijiet ta' l-elettriku bejn Franza u Spanja; u l-linja tal-pajpjiet Nabucco, li twassal il-gass mill-baħar Kaspju għall-Ewropa ċentrali;

- Li jintlaħaq qbil għal massimu ta' 5 snin li fihom il-proċeduri ta' ppjanar u approvazzjoni jridu jitlestew għal proġetti definiti "ta' interess Ewropew" skond il-Linji ta' Gwida Ewropej għall-Enerġija;

- L-eżaminazzjoni tal-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament għan-netwerks Trans-Ewropej ta' l-Enerġija, partikolarment sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni fis-sistema, ta' l-elettriku li jiġġedded; kif ukoll

- L-istabbiliment ta' mekkaniżmu Komunitarju u struttutura ġodda għall-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni (TSOs), responsabbli għal pjanar koordinat għan-netwerks.

Sigurtà tan-Netwerks

Sabiex tiżdied l-affidabilità tas-sistema ta' l-elettriku ta' l-UE u bħala prevenzjoni mill-qtugħ tal-provvista ta' l-elettriku, l-esperjenza reċenti wriet li standards ta' sigurtà vinkolanti komuni minimi huma meħtieġa fl-UE. Il-mekkaniżmu Komunitarju ġdid kif ukoll l-istruttura għall-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni wkoll għandhom jingħataw il-kompitu li jipproponu standards komuni minimi ta' sigurtà. Dawn isiru jorbtu wara l-approvazzjoni mir-regolaturi ta' l-enerġija.

Adegwatezza tal-ġenerazzjoni ta' l-elettriku u l-kapaċità tal-provvista tal-gass

Matul il-ħamsa u għoxrin sena li ġejjin, l-Ewropa se jeħtieġ tinvesti €900 biljun għal sistemi ġodda ta' ġenerazzjoni ta' l-enerġija. Il-gass jibqa' l-aħjar għażla ta' fjuwil minħabba l-effiċjenza għolja tiegħu, iżda anke dan se jeħtieġ investiment ta' €150 biljun f'impjant ta' l-enerġija mħaddem bil-gass u €220 biljun addizzjonali għall-infrastruttura tal-gass. Il-prijorità ewlenija, f'termini ta' garanzija ta' investiment ġdid, hija Suq Intern ta' l-Enerġija li jaħdem kif suppost, u li jipprovdi s-sinjali korretti għall-investiment. Barra minn hekk, il-monitoraġġ mill-qrib tal-bilanċ bejn id-domanda u l-provvista wkoll huwa meħtieġ, sabiex jiġi identifikat kwalunkwe nuqqas potenzjali. Dan se jkun rwol ċentrali għall-Uffiċċju ta' l-Osservatorju ta' l-Enerġija (ara taħt).

L-enerġija bħala servizz pubbliku

L-Enerġija hija essenzjali għal kull Ewropew. Il-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti diġà tesiġi r-rispett għall-Obbligi tas-Servizz Pubbliku. Iżda l-UE jeħtieġ li taħdem aktar sabiex tindirizza l-faqar fl-enerġija. Il-Kummissjoni se tiżviluppa Karti għall-Konsumaturi ta' l-Enerġija b'erba' għanijiet ewlenin:

- Li tgħin sabiex jiġu stabbiliti skemi bħala għajnuna għall-aktar ċittadini vulnerabbli ta' l-UE fil-konfront ta' żidiet fil-prezzijiet ta' l-enerġija;

- ittejjeb il-livell minimu ta' informazzjoni disponibbli għaċ-ċittadini sabiex ikunu jistgħu jagħżlu bejn il-fornituri u l-għażliet tal-provvista;

- tnaqqas il-burokrazija meta l-klijenti jibdlu l-fornitur, u

- tħares il-klijenti minn prassi ta' bejgħ inġusti.

Is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u s-sigurtà tal-provvista għaż-żejt, il-gass u l-elettriku

Is-Suq Intern ta' l-Enerġija jżid l-interdipendenza ta' l-Istati Membri fil-provvista ta' l-enerġija kemm għall-elettriku kif ukoll għall-gass. Ukoll bil-miri fuq l-effiċjenza ta' l-enerġija u s-sorsi li jiġġeddu, iż-żejt u l-gass se jibqgħu jissodisfaw aktar minn nofs il-ħtieġa ta' l-enerġija ta' l-UE, u fiż-żewġ setturi d-dipendenza fuq l-importazzjoni hija għolja (aktar minn 90% għaż-żejt u madwar 80% għall-gass fl-2030). Il-ġenerazzjoni ta' l-elettriku se tiddependi ħafna fuq il-gass. Mingħajr skopri sinifikanti fit-teknoloġija, iż-żejt se jibqa' jiddomina t-trasport. Għalhekk, is-sigurtà tal-provvista ta' dawn il-fjuwils se tibqa' ta' l-iprem importanza għall-ekonomija ta' l-UE.

L-UE għandha relazzjonijiet effettivi rigward l-enerġija ma' fornituri tradizzjonali tal-gass li jinsabu ġewwa ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), notevolment in-Norveġja u barra, ir-Russja u l-Alġerija. L-UE hija kunfidenti li dawn ir-relazzjonijiet se jissaħħu fil-ġejjieni. Barra minn hekk, jibqa' importanti għall-UE li tippromwovi d-diversità fir-rigward tas-sors, il-fornitur u r-rotta u l-metodu tat-trasport. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitwaqqfu mekkaniżmi effettivi sabiex tiġi żgurata s-solidarjetà bejn l-Istati Membri fil-każ ta' kriżi ta' l-enerġija. Dan huwa partikolarment importanti meta wieħed iqis li għadd ta' Stati Membri huma totalment jew kompletament dipendenti fuq fornitur wieħed tal-gass.

Is-sigurtà ta' l-enerġija għandha tiġi promossa b'modi differenti:

- Jinħtieġu miżuri bħala għajnuna għall-Istati Membri li huma dipendenti wisq fuq fornitur wieħed tal-gass, sabiex dawn jiddiversifiikaw. Il-Kummissjoni se tissorvelja l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tal-Gass[17], li ġiet trasposta dan l-aħħar mill-Istati Membri, u b'hekk tevalwa kemm din hija effettiva. Għandhom jiġu żviluppati proġetti sabiex jitwassal il-gass minn reġjuni ġodda, jitwaqqfu ċentri ġodda tal-gass fl-Ewropa ċentrali u l-pajjiżi Baltiċi, sabiex jintużaw aħjar possibilitajiet strateġiċi ta' ħżin, u sabiex jiġi ffaċilitat il-bini ta' terminals ġodda tal-gass likwidu naturali. Għandhom jiġu eżaminati wkoll mezzi sabiex jissaħħu l-mekkaniżmi għas-solidarjetà fi żminijiet ta' kriżi bħan-Netwerk ta' Korrispondenti dwar l-Enerġija u l-Grupp ta' Koordinazzjoni fil-qasam tal-Gass. Barra minn hekk, stokkijiet strateġiċi ta' gass jgħinu lis-sigurtà tal-provvista tal-gass. L-investimenti ġodda konsiderevoli, f'kapaċità ġdida għall-ħżin u għal-linji tal-pajpijiet , li jkunu meħtieġa sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta' sigurtà, ikun jeħtieġ li jiġu bbilanċjati kontra l-ispejjeż li dan ikun jimplika għall-konsumaturi.

- Il-mekkaniżmu ta' l-UE għall-ħażniet strateġiċi taż-żejt, ikkoordinat effettivament mal-ħażniet ta' pajjiżi oħra ta' l-OECD permezz ta' l-IEA, ħadem tajjeb u għandu jinżamm. Il-mod li bih l-UE tieħu ħsieb il-kontribut tagħha għal dan il-mekkaniżmu, madankollu jista' jittejjeb. Ir-rekwiżiti ta' rappurtar mill-Istati Membri għandu jissaħħaħ, għandha ssir analiżi aktar fil-fond ta' l-adegwatezza tal-ħażniet, u għandu jkun hemm koordinazzjoni aħjar jekk l-IEA titlob li l-ħażniet jiġu rilaxxati. Il-Kummissjoni, matul l-2007 se tanalizza dawn il-kwistjonijiet.

- Interkonnessjonijiet ta' l-elettriku (ara 3.1.4. hawn fuq) u standards infurzabbli ta' affidabilità se jiffurmaw it-tielet element ta' dan l-approċċ. Dan se jgħin partikolarment sabiex jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-sikurezza tal-provvista ta' l-elettriku.

Impenn fit-tul lejn it-tnaqqis tal-gassijiet b'effet ta' serra u s-sistema ta' l-UE ta' l-Iskambju ta' l-Emissjonijiet

L-UE tradizzjonalment tiffavorixxi l-użu ta' strumenti ekonomiċi sabiex jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni għaliex jippermettu lis-suq jiddetermina kif jirreaġixxi bl-aktar mod effiċjenti u bi spejjeż limitati. B'mod aktar partikolari, fil-Komunikazzjoni tagħha Nillimitaw it-Tibdil fil-Klima għal 2° - l-Għażliet ta' Politika għall-UE u d-Dinja għall-2020 u lil hinn, il-Kummissjoni stipulat kif il-mekkaniżmu għall-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet huwa u għandu jibqa' mekkaniżmu ewlieni sabiex jiġi stimulat tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju u kif dan jista' jintuża bħala l-bażi għal sforzi internazzjonali kontra t-tibdil fil-klima. Il-Kummissjoni qed tirrevedi l-ETS ta' l-UE sabiex jiġi żgurat li l-iskambju ta' l-emissjonijiet jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu: dan huwa kruċjali sabiex jinħolqu l-inċentivi sabiex jiġi stimulat it-tibdil f'kif l-Ewropa tiġġenera u tuża l-enerġija tagħha.

Programm ambizzjuż ta' miżuri għall-effiċjenza enerġetika fuq il-livell Komunitarju, nazzjonali, lokali u dak internazzjonali

Għaċ-ċittadini ta' l-Ewropa, l-effiċjenza fl-enerġija hija l-aktar element immedjat fil-Politika Ewropea għall-Enerġija. Effiċjenza mtejba fl-enerġija għandha l-potenzjal li tagħmel l-aktar kontribut deċiżiv sabiex jinkisbu s-sostenibbiltà, il-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista.

Fid-19 ta' Ottubru 2006, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Enerġija[18], li fih il-prijoritajiet u lista twila ta' miżuri speċifiċi li jiggwidaw lill-UE fit-triq it-tajba sabiex tilħaq l-għan tagħha li tnaqqas l-użu globali ta' l-enerġija primarja b'20% sa l-2020. Jekk ikollha suċċess f'dan, ikun ifisser li sa l-2020, l-UE tuża bejn wieħed u ieħor 13% anqas enerġija milli tuża llum, u tiffranka €100 bljun u madwar 780 miljun tunnellata ta' CO2 fis-sena. Madankollu, dan se jesiġi sforzi sinifikanti kemm f'termini ta' tibdil fl-imġiba kif ukoll investiment addizzjonali.

Il-miżuri ewlenin jinkludu:

- Aktar ħeffa fl-adozzjoni ta' vetturi b'konsum aktar effiċjenti ta' fjuwil, użu aħjar tat-trasport pubbliku, u l-iżgurar li l-konsumaturi jiffaċċaw l-ispejjeż reali tat-trasport[19];

- Standards aktar stretti u tikkettjar aħjar ta' l- appliances;

- Titjib mgħaġġel tar-rendiment ta' l-enerġija fil-bini eżistenti ta' l-UE u inizjattiva sabiex in-norma tkun li l-bini ġdid jikkonsma ftit enerġija kemm jista' jkun;

- Użu koerenti tat-tassazzjoni sabiex jinkiseb użu aktar effiċjenti ta' l-enerġija;

- It-titjib ta' l-effiċjenza tal-ġenerazzjoni tas-sħana u l-elettriku, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni;

- Ftehim internazzjonali ġdid dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija sabiex jiġi promoss sforz komuni.

Ftehim internazzjonali ġdid dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija

Dan jista' jgħaqqad il-pajjiżi ta' l-OECD u pajjiżi oħra ewlenin li qed jiżviluppaw (bħaċ-Ċina, l-Indja, u l-Brażil) sabiex jillimitaw l-użu ta' prodotti li ma jissodisfawx l-istandards minimi u jaqblu dwar approċċi komuni għall-iffrankar ta' l-enerġija. L-UE tista' formalment tagħmel proposta fl-2007 li mbagħad tista' tiġi diskussa u segwita matul konferenza internazzjonali kbira dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija matul il-presidenza Ġermaniża tal-G8. L-għan jista' jkun li l-ftehim jiġi ffirmat fil-Logħob Olimpiku ta' Bejġing. Il-potenzjal għall-iffrankar ta' l-enerġija u t-tnaqqis tas-CO 2 huwa enormi – it-titjib fl-effiċjenza ta' l-enerġija waħdu jista' jnaqqas, skond l-IEA, madwar 20% ta' l-emissjonijiet attwali tas-CO 2.

Mira aktar fit-tul għall-enerġija li tiġġedded

Fl-1997, l-Unjoni Ewropea bdiet taħdem biex fil-provvista tagħha ta' l-enerġija tilħaq mira ta' 12% enerġija li tiġġedded sa l-2010, id-doppju tal-livelli ta' l-1997. Minn dak iż-żmien, il-produzzjoni ta' l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu żdiedet b'55%. Madankollu, hu maħsub li l-UE ma tilħaqx il-mira tagħha. Is-sehem ta' l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu ma jidhirx li se jaqbeż l-10% sa l-2010. Ir-raġuni prinċipali għal dan in-nuqqas li jintlaħqu l-miri maqbula għall-enerġija li tiġġedded – apparti l-ispejjeż ogħla tas-sorsi ta' l-enerġija li tiġġedded illum meta mqabbla mas-sorsi ta' l-enerġijja "tradizzjonali" - hija n-nuqqas ta' qafas ta' politika koerenti u effettiv madwar l-UE u viżjoni stabbli fit-tul. Konsegwentement, għadd limitat biss ta' Stati Membri għamlu progress serju f'dan il-qasam u l-massa kritika ma ntlaħqitx biex i l-produzzjoni ta' l-enerġija minn sorsi speċjalizzati li jiġġeddu tkun tista' tiddaħħal ma' dawk ewlenin.

L-UE teħtieġ bidla fil-pass biex tipprovdi viżjoni kredibbli fit-tul għall-ġejjieni ta' l-enerġija li tiġġedded fl-UE, li tibni fuq l-istrumenti eżistenti, partikolarment id-Direttiva dwar l-Elettriku minn Sorsi li Jiġġeddu Dan huwa essenzjali biex jintlaħqu l-miri attwali[20] u biex jinħolqu aktar investiment, innovazzjoni u impjiegi. L-isfida għall-politika dwar is-sorsi li jiġġeddu hija li jinsab bilanċ xieraq bejn l-installazzjoni ta' kapaċità ta' enerġija li tiġġedded fuq skala kbira llum, u l-istennija sakemm bir-riċerka jitnaqqas l-infiq fuqhom fil-futur. Li jinstab il-bilanċ xieraq ifisser li jitqiesu l-fatturi li ġejjin:

- L-użu ta' l-enerġija li tiġġedded llum ġeneralment jiswa aktar mill-użu ta' l-idrokarboni, imma d-differenzi qed jixxejnu – partikolarment meta jitqiesu l-ispejjeż tat-tibdil fil-klima;

- Ekonomiji fil-kobor jnaqqsu l-ispejjeż għas-sorsi li jiġġeddu, imma dan jeħtieġ investiment kbir illum.

- L-enerġija li tiġġedded tgħin ittejjeb is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija ta' l-UE billi żżid is-sehem ta' l-enerġija prodotta internament, tiddiversifika t-taħlita tal-fjuwil u s-sorsi ta' l-importazzjonijiet ta' l-enerġija, u żżid is-sehem ta' l-enerġija minn reġjuni politikament stabbli, kif ukoll toħloq impiegi ġodda fl-Ewropa;

- Is-sorsi ta' enerġija li jiġġeddu jemettu ftit jew xejn gassijiet serra, u bosta minnhom huma ta benefiċċju konsiderevoli għall-kwalità ta' l-arja.

Fid-dawl ta' l-informazzjoni li daħlet tul il-konsultazzjoni pubblika u l-valutazzjoni ta' l-impatt, il-Kummissjoni tipproponi fil-Gwida dwar l-Enerġija li Tiġġedded[21] mira vinkolanti biex jiżdied l-ammont ta' enerġija li tiġġedded fit-taħlita enerġetika globali ta' l-UE minn 7% tal-lum għal 20% sa l-2020. Miri għal wara l-2020 jiġu vvalutati fid-dawl tal-progress teknoloġiku.

Kif se nilħqu dawn l-miri?

L-ilħuq tal-mira ta' 20% jeħtieġ tkabbir enormi fit-tliet setturi ta' l-eneġija li tiġġedded: l-elettriku, il-bijofjuwils u t-tisħin u tkessiħ. Imma fis-setturi kollha, l-oqfsa ta' politika mwaqqfa fi Stat Membru partikolari kisbu riżultati li juru kif dan huwa possibli.

Is-sorsi li jiġġeddu għandhom potenzjali li jipprovdu madwar terz ta' l-elettriċita ta' l-UE sa l-2020. L-enerġija mir-riħ tipprovdi madwar 20% ta' l-elettriku meħtieġ fid-Danimarka, illum, kif ukoll 8% fi Spanja u 6% fil-Ġermanja. L-ispejjeż ta' teknoloġiji ġodda oħra – enerġija fotovaltajka, enerġija solari termali, u enerġija mill-mewġ u l-marea – huma maħsuba li jinżlu mil-livelli għolja attwali.

Fis-settur tat-tisħin u tkessiħ, il-progress hu mistenni li jsir f'għadd ta' teknoloġiji. L-Iżvezja, pereżempju, għandha aktar minn 185,000 pompi tas-sħana ġeotermali installati. Il-Ġermanja u l-Awstrija kienu pijunieri fit-tisħin fl-enerġija solari. Jekk Stati Membri oħra jilħqu dawn il-livelli, is-sehem ta' l-enerġija li tiġġedded fit-tisħin u t-tkessiħ jiżdied b'50%.

Fil-każ ta' bijofjuwils, l-Iżvezja diġà laħqet 4% tas-suq tal-petrol għal bijoetanol, u l-Ġermanja hija fuq quddiem fid-dinja fil-bijodijżil, b'6% tas-suq tad-dijżil. Il-bijofjuwils jistgħu jlaħħqu l-14% tal-fjuwils għat-trasport sa l-2020.

Din il-mira ta' 20% hija tassew ambizzjuża u teħtieġ sforzi kbar mill-Istati Membri kollha. Il-kontribut ta' kull Stat Membru biex tintlaħaq il-mira ta' l-Unjoni jeħtieġ li jqis iċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-punt tat-tluq differenti, inkluż in-natura tat-taħlita ta' l-enerġija. L-Istati Membri għandhom jkunu flessibli biex jippromwovu l-enerġiji li tiġġedded l-aktar xierqa għall-potenzjali u l-prijoritajiet speċifiċi tagħhom. Il-mod li bih l-Istati Membri se jilħqu l-miri tagħhom għandu jkun stipulat fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali li jkunu notifikati lill-Kummissjoni. Il-Pjanijiet għandhom jinkludu miri u miżuri settorali konsistenti ma' l-ilħuq tal-miri nazzjonali kumplessivi miftehma. Fil-prattika, waqt l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet tagħhom l-Istati Membri se jkunu jeħtieġu jistipulaw l-għanijiet speċifiċi tagħhom stess għall-elettriku, bijofjuwils, tisħin u tkessiħ, li jiġu verifikati mill-Kummissjoni biex ikun żgurat li tintlaħaq il-mira kumplessiva. Il-Kummissjoni se tistabilixxi fl-2007 din l-istruttura f'pakkett leġiżlattiv ġdid dwar l-enerġija li tiġġedded.

Aspett partikolari ta' dan il-qafas huwa meħtieġ għal żvilupp minimu u koordinat tal bijofjuwils fl-UE. Filwaqt li bijofjuwils llum u fil-futur qrib jiswew aktar minn forom oħra ta' enerġija li tiġġedded, huma l-unika mod biex titnaqqas konsiderevolment id-dipendenza fuq iż-żejt fis-settur tat-trasport tul il-ħmistax-il sena li ġejjin. Fil-Gwida dwar l-Enerġija li Tiġġedded u r-Rapport dwar il-Progress fil-Bijofjuwils[22] maħruġa minnha, il-Kummissjoni għalhekk tipproponi biex jiġu ffissati mira minima vinkolanti għall-bijofjuwils ta' 10% għall-fjuwil tal-karozzi sa l-2020, u jiġu żgurati li l-bijofjuwils użati huma ta' natura sostenibbli, fi ħdan u barra mill-UE. L-UE għandha tinkludi pajjiżi terzi u l-produtturi tagħhom biex jintlaħaq dan. Barra minn hekk, fl-2007 il-pakkett leġiżlattiv dwar is-sorsi li jiġġeddu se jinkludi miżuri speċifiċi biex jiffaċilitaw l-penetrazzjoni fis-suq kemm tal-bijofjuwils kif ukoll tat-tisħin u tkessiħ mis-sorsi li jiġġeddu. Il-Kummissjoni se tkompli u tintensifika wkoll l-użu ta' l-enerġija li tiġġedded permezz ta' politiki u miżuri rilevanti oħra bl-għan li jinħoloq suq intern reali għas-sorsi li jiġġeddu fl-UE.

Dan kemm se jqum?

Biex tintlaħaq mira ta' 20% għas-sorsi li jiġġeddu se tinħoloq spiża annwali medja adizzjonali ta' €18 biljun – madwar 6% aktar fuq it-total tal-kont mistenni għall-importazzjoni ta' l-enerġija fl-UE fl-2020. Imma dan qed isir bil-kalkolu ta' $48/barmil għall-prezzijiet taż-żejt sa l-2020. Jekk dawn jiżdiedu għal $78/barmil, l-ispiża annwali medja tinżel għal €10.6 biljun. Jekk jiddaħħal prezz tal-karbonju ta' aktar minn €20, il- mira ta' 20% ma tiġix tqum aktar milli kieku wieħed jiddependi mis-sorsi "tradizzjonali" ta' l-enerġija, imma toħloq ħafna impiegi fl-Ewropa u tiżviluppa kumpaniji Ewropej ġodda, fil-qasam tat-teknoloġija.

Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija

L-Ewropa għandha żewġ għanijiet ta' qofol għat-teknoloġija enerġetika: li tbaxxi l-ispiża ta' l-enerġija nadifa u li tpoġġi l-industrija ta' l-UE fuq quddiem fis-settur, li qed jikber rapidament, tat-teknoloġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet fl-2007 il-Kummissjoni se tippreżenta Pjan Strateġiku Ewropew dwar it-Teknoloġija[23]. Dan il-Pjan jeħtieġ viżjoni fit-tul biex tilqa' għall-isfida dejjiema li noqorbu għal sistema ta' l-enerġija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju b'mod kompetittiv.

- Sa l-2020, it-teknoloġiji se jkollhom jilħqu l-mira ta' 20% għas-sorsi li jiġġeddu billi jippermettu żieda qawwija fis-sehem li jkollhom is-sorsi li jiġġeddu li jqumu anqas (inkluż l-iżvilupp ta' l-impanti tar-riħ 'il barra mill-kosta u bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni);

- Sa 2030, l-elettriku u s-sħana se jkunu jeħtieġu dejjem aktar li jiġu prodotti minn sorsi b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u minn impjanti ta' l-enerġija mill-fjuwil fossili estensivi bi kważi l-ebda emissjoni, b'tagħmir għall-ġbir u l-ħżin tas-CO2. It-trasport se jkun meħtieġ aktar minn qatt qabel jadatta għall-użu ta' bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni u ċelloli tal-fjuwil ta' l-idroġenu;

- Għall-2050 u wara, il-qlib għal sistema enerġetika Ewropea b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju għandu jkun totali, b'taħlita kumplessiva ta' enerġija Ewropea li tinkludi partijiet kbar minnha jkunu sorsi li jiġġeddu, faħam u gass sostenibbli, idroġenu sostenibbli, u, għal dawk l-Istati Membri li jridu, enerġija fissiva u enerġija fużiva tar-IV Ġenerazzjoni.

Din hija viżjoni ta' Ewropa b'ekonomija ta' l-enerġija vitali u sostenibbli, li ħatfet l-opportunitajiet mit-theddid tat-tibdil fil-klima u l-globalizzazzjoni, li kisbet it-tmexxija dinjija f'taħlita ta' teknoloġiji enerġetiċi nodfa, effiċjenti u b'emissjonijiet baxxi, u li ssir mutur għall-ħolqien tal-ġid u kontributur ewlieni għat-tkabbir u l-impiegi. Biex tikseb din il-viżjoni l-Unjoni Ewropea għandha taġixxi flimkien u malajr, bi qbil u implimentazzjoni ta' Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija Enerġetika sostnut b'riżorsi meħtieġa. Taħt is-7 Programm ta' Qafas għar-Riċerka, in-nefqa annwali fuq ir-riċerka għall-enerġija tul is-7 snin li ġejjin fil-livell ta' l-UE se tiżdied b'50%, imma anki dan mhux se jġib il-progress meħtieġ. Il-Pjan Teknoloġiku għandu jkun ambizzjuż; jeħtieġ li jikkoordina aħjar l-infiq fil-livell Komunitarju u nazzjonali, u jistabilixxi miri ċari bi gwidi u riżultati mistennija preċiżi. Għandu juża l-għodda kollha disponibbli ta' l-UE, inkluż l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti u l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija.

Prijoritajiet għal tali inizjattiva mmirata jinkludu:

- Aktar bini, apparat, appliances , proċessi industrijali u sistemi tat-trasport li jkunu enerġetikament effiċjenti;

- L-iżvilupp ta' bijofjuwils, partikolarment bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni, biex ikunu ta' alternattivi kompetittivi għall-idrokarboni;

- L-enerġija mir-riħ 'il barra mill-kosta fuq skala kbira ssir kompetittiva għaż-żmien qasir u titwitta t-triq għal supergrid Ewropea kompetittiva 'il barra mill-kosta;

- L-elettriku fotovoltajku jsir kompetittiv biex tiġi sfruttata l-enerġija solari;

- L-użu tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u ta' l-idroġenu biex jiġu sfruttati il-benefiċċji ta' ġenerazzjoni u trasport deċentralizzati.

- Teknologiji tal-faħam u gass sostenibbli, partikolarment l-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (ara hawn taħt);

- L-UE għandha żżomm it-tmexxija teknoloġika tagħha fir-raba' ġenerazzjoni ta' reatturi nukleari fissivi u t-teknoloġija fużiva futura biex iżidu il-kompetittività, s-sikurezza u s-sigurtà ta' l-elettriku nukleari, kif ukoll biex tnaqqas il-livelli ta' skart.

Dawn l-għanijiet settorjali għandhom ikunu bbażati fuq riżultati speċifiċi u żieda fl-infiq għar-riċerka fl-enerġija. Il-Kummissjoni se tipproponi Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija Enerġetika konkret lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' l-2008.

Lejn ġejjieni ta' fjuwils fossili b'emissjonijiet baxxi ta' CO 2

Il-faħam u gass jikkostitwixxu 50% tal-provvista ta' l-elettriku fl-UE u bla dubju se jibqgħu parti importanti mit-taħlita tagħna ta' l-enerġija. Il-ħażniet fit-tul huma sostanzjali. Imma l-faħam jipproduċi madwar id-doppju ta' l-emissjonijiet tas-CO2 meta mqabbel mal-gass. Se jkunu meħtieġa ġenerazzjoni aktar nadifa mill-faħam u tnaqqis tas-CO2. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta' faħam nadif, u l-ġbir u l-ħżin tal-karbonju huwa kruċjali fuq livell internazzjonali: l-IEA jassumi li l-elettriku prodott mill-faħam jirdoppja sa l-2030. Dan ifisser emissjoni ta' madwar 5bn tunnellata ta' CO2, li jirrappreżentaw 40% taż-żieda mistennija fl-emissjonijiet globali tas-CO2 b'rabta ma' l-enerġija. Barra l-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija Enerġetika, se tkun meħtieġa aktar ħidma biex issostni riċerka internazzjonali u azzjoni dwar l-ġbir u l-ħżin tas-CO2.

Biex tkun mexxeja globali, l-UE għandha tipprovdi viżjoni ċara dwar l-introduzzjoni tal-ġbir u l-ħżin tas-CO2 fl-UE, tistabilixxi qafas regolatorju favorevoli għall-iżvilupp tagħha, tinvesti aktar, u b'mod aktar effettiv, fir-riċerka, kif ukoll tieħu azzjoni internazzjonali. Is-Sistema ta' l-UE tan-Negozjar ta' l-Emissjonijiet fil-ġejjieni se tkun meħtieġa wkoll tinkorpora fiha l-ġbir u l-ħżin.

Kif stipulat fil-Komunikazzjoni dwar il-Ġenerazzjoni ta' Enerġija Sostenibbli[24] maħruġa minnha, fl-2007 il-Kummissjoni se tibda ħidma biex:

- Tiddiżinja mekkaniżmi biex jiġi stimulat, sa l-2015, il-bini u t-tħaddim sa tnax-il mudell fuq skala kbira ta' teknoloġiji sostenibbli ta' fjuwils fossili fis-settur tal-ġenerazzjoni ta' l-enerġija kummerċjali fl-UE[25].

- Tipprovdi perspettiva ċara dwar meta impjanti mħaddma bil-faħam jew gass se jinħtieġu li jinstallaw tagħmir għall-ġbir u l-ħżin tas-CO2. Abbażi ta' l-informazzjoni eżistenti, il-Kummissjoni temmen li sa l-2020 l-impjanti kollha ġodda mħaddma bil-faħam għandhom jinstallaw tagħmir għall-ġbir u l-ħżin tas-CO2 u impjanti eżistenti għandhom gradwalment isegwu dan l-eżempju. Filwaqt li għadu wisq kmieni biex tintlaħaq pożizzjoni finali dwar dan, il-Kummissjoni tittama li tkun kapaċi tagħmel rakkomandazzjonijiet sodi kemm jista' jkun malajr.

Il-futur ta' l-enerġija nukleari

Attwalment madwar terz ta' l-elettriku u 15% ta' l-enerġija kkonsmata fl-UE ġejja min-nukleari li huwa wieħed mill-akbar sorsi ta' enerġija ħielsa mid-dijossidu tal-karbonju (CO2) fl-Ewropa. L-enerġija nukleari hija waħda mill-modi biex jitrażżnu l-emissjonijiet tas-CO2 fl-UE u, għall-Istati Membri li jkunu jixtiequ, tista' wkoll tkun parti mix-xenarju ta' l-enerġija fejn se jkun meħtieġ tnaqqis konsiderevoli fl-emissjonijiet tul id-deċenni li ġejjin.

L-enerġija nukleari hija anqas vulnerabbli għal bidliet fil-prezzijiet taż-żejt mill-ġenerażżjoni ta' l-enerġija bil-faħam u bil-gass, billi l-uranju jirrappreżenta parti limitata ta' l-ispiża totali tal-ġenerazzjoni nukleari ta' l-elettriku u huwa bbażat fuq sorsi li huma suffiċjenti għal bosta deċenni u mifrux sew madwar id-dinja.

Kif jidher fit-tabella mehmuża ma' dan id-dokument li turi l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' sorsi differenti ta' l-enerġija, l-enerġija nukleari hija waħda mill-orħos sorsi ta' enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju li hija attwalment prodotta fl-UE u kif ukoll l-ispejjeż tagħha huma relattivament stabbli[26]. Il-ġenerazzjoni li jmiss ta' reatturi nukleari għandha terġa' tnaqqas dawn l-ispejjeż.

Huwa f'idejn kull Stat Membru biex jiddeċiedi jekk joqgħodx jew le fuq l-użu ta' l-elettriku nukleari. Madankollu, fil-każ li l-livell ta' l-enerġija nukleari tonqos fl-UE, huwa essenzjali li dan it-tnaqqis isir gradwalment bl-introduzzjoni ta' produzzjoni oħra ta' l-elettriku supplimentari minn sorsi ta' enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, inkella l-għanijiet li jitnaqqsu l-emissjonijiet GHG u li tittejjeb is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija ma jintlaħqux.

Fil-kuntest attwali ta' l-enerġija, l-IEA tistenna li l-użu ta' l-enerġija nukleari madwar id-dinja tiżdied minn 369 GW fl-2005 għal 416 GW fl-2030. Għalhekk hemm benefiċċji ekonomiċi fiż-żamma u l-iżvilupp ta' tmexxija teknoloġika ta' l-UE f'dan il-qasam.

Kif stipulat fi Programm Nukleari Illustrattiv[27] ġdid, fil-livell ta' l-UE, ir-rwol għandu jkun li jiġi żviluppat aktar, skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja, l-aktar qafas avvanzat għall-enerġija nukleari f'dawk l-Istati Membri li jistgħu jagħżlu l-enerġija nukleari, b'konformità ma' l-ogħla standards ta' sikurezza, sigurtà u non-proliferazzjoni kif rekwiżit fit-Trattat tal-Euratom. Madankollu, l-enerġija nukleari tqajjem ukoll kwistjonijiet importanti dwar l-iskart u d-diżattivazzjoni, għaldaqstant l-immaniġġar u d-diżattivar ta' l-iskart nukleari għandu jkun inkluż fil-ħidma Komunitarja tal-ġejjieni. L-UE għandha wkoll tkompli fl-isforzi tagħha biex tiżgura li tali standards għolja jitħarsu internazzjonalment. Sabiex isir progress f'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi Grupp ta' l-UE fuq Livell Għoli għas-Sikurezza u s-Sigurtà Nukleari bil-mandat li gradwalment jiżviluppa ftehim komuni u, eventwalment, regoli adizzjonali Ewropej dwar is-sigurtà u s-sikurezza nukleari.

Politika ta' l-Enerġija Internazzjonali li attivament tħares l-interessi Ewropej

L-UE ma tistax tilħaq weħidha l-għanijiet tagħha rigward l-enerġija u t-tibdil fil-klima. L-UE fil-futur se tirrappreżenta 15% biss ta' l-emissjonijiet ġodda tas-CO2. Barra minn hekk sa 2030, bl-għanijiet il-ġodda, l-UE se tikkonsma anqas minn 10% ta' l-enerġija dinjija. Għalhekk l-isfida għas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija u t-tibdil fil-klima ma jistgħu jingħelbu mill-KE jew mill-Istati Membri individwalment. Hu meħtieġ li dan jinħadem flimkien ma' pajjiżi żviluppati jew li qed jiżviluppaw, konsumaturi u produtturi ta' l-enerġija, biex tiġi żgurata enerġija kompetittiva, sostenibbli u sikura.

L-UE u l-Istati Membri għandhom isostnu dawn l-għanijiet b'vuċi komuni, bi tħaddim ta' partenarjat effettiv biex isarrfuhom f'politika esterna li tagħmel sens. Tabilħaqq, l-enerġija għandha tkun parti ċentrali mir-relazzjonijiet esterni kollha ta' l-UE, minħabba li hija kruċjali għas-sigurtà ġeopolitika, l-istabbiltà ekonomika, l-iżvilupp soċjali u l-isforzi internazzjonali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-UE għandha għalhekk tiżviluppa relazzjonijiet effettivi dwar l-enerġija ma' l-imsieħba internazzjonali kollha tagħha, imsejsa fuq fiduċja reċiproka, kooperazzjoni u interdependenza. Dan ifisser relazzjonijiet aktar miftuħa f'sens ġeografiku u eqreb abbażi ta' ftehimiet b'dispożizzjonijiet sostanzjali dwar l-enerġija.

Il-Kunsill Ewropew ikkonferma l-viżjoni għal qafas fit-tul għad-dimensjoni esterna ta' l-enerġija stipulata flimkien mill-Kummissjoni u l-Kunsill[28] u qabel li jistabilixxi netwerk ta' korrispondenti dwar is-sigurtà ta' l-enerġija li se jipprovdi sistema ta' avviż bikri u jtejjeb il-kapaċità ta' l-UE biex tirrispondi f'mumenti ta' pressjoni esterna fuq is-sigurtà ta' l-enerġija.

L-UE diġà titkellem b'vuċi waħda f'negozjati ta' ftehimiet internazzjonali, partikolarment fil-qasam tal-kummerċ. Ftehimiet internazzjonali kontinwi u futuri, kemm jekk bilaterali jew multilaterali, jistgħu jintużaw b'mod aktar effettiv biex jiġu stabbiliti impenji vinkolanti legalment. Dawn jistgħu jiġu estiżi għal-liberazzjoni reċiproka tal-kundizzjonijiet tal-kummerċ u l-investimet fis-swieq upstream u downstream , u għall-għoti ta' l-aċċess għal-linji tal-pajpijiet lill-pajjiżi li jinsabu f'żoni ta' tranżitu jew tul il-katina tat-trasport. Bl-istess mod, jistgħu jintużaw biex jiġi promoss il-kummerċ internazzjonali tal-bijofjuwils prodotti b'mod sostenibbli jew ta' l-oġġetti ambjentali, jew għall-valutazzjoni internazzjonali ta' l-emissjonijiet tal-karbonju.

L-UE issa għandha għalhekk tara li dawk il-prinċipji jissarfu f'azzjoni. L-ewwel pass biex "nitkellmu b'vuċi waħda" huwa li jiġu stabbiliti għanijiet ċari, u l-mezzi għall-koordinazzjoni effettiva. L-Analiżi Strateġiċi dwar l-Enerġija regolari se jipprovdu qafas għad-diskussjoni frekwenti dwar kwistjonijiet esterni ta' l-enerġija, fi ħdan l-istituzzjonijiet ta' l-UE. Il-prioritajiet li għandhom jiġu segwiti minn Politika ta' l-UE esterna u effettiva dwar l-Enerġija tul it-tliet snin li ġejjin huma:

- Il-KE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikun mutur ewlieni fit-tfassil ta' ftehimiet internazzjonali, inkluż il-futur tat-Trattat dwar il-Karta ta' l-Enerġija u r-reġim dwar il-klima wara l-2012.

- Ir-relazzjonijiet dwar l-enerġija ta' l-UE mal-ġirien tagħha huma fundamentali għas-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea. L-għan huwa l-ħolqien ta' sistema wiesgħa ta' pajjiżi madwar l-UE, li jaġixxu fuq il-bażi ta' regoli ta' tqassim jew prinċipji derivati mis-suq intern.

- It-titjib tar-relazzjonijiet mal-fornituri esterni ta' l-enerġija ta' l-UE, biex jiġu żviluppati aktar partenarjati komprensivi bbażati fuq l-interess reċiproku, it-trasparenza, il-prevedibbiltà u r-reċiproċità.

- It-tkomplija ta' l-iżvilupp ta' relazzjonijiet eqreb dwar l-enerġija ma' konsumaturi prinċipali oħra, partikolarment permezz ta' l-IEA u l-G8 jew permezz ta' kooperazzjoni bilaterali intensifikata.

- L-iżvilupp ta' l-użu ta' strumenti finanzjarji, permezz ta' koperazzjoni mtejba ma' l-EIB u l-EBRD u t-twaqqif ta' Fond għall-Investiment għall-Viċinat, biex tittejjeb is-sigurtà ta' l-enerġija ta' l-UE.

- It-titjib tal-kundizzjonijiet għall-investimenti fi proġetti internazzjonali, f'ħidma pereżempju biex tiżgura qafas legali definit kjarament u trasparenti, bil-ħatra ta' koordinaturi Ewropej biex jirrappreżentaw l-interessi ta' l-UE fi proġetti internazzjonali ewlenin.

- Il-promozzjoni tan-non-proliferazzjoni, sikurezza u siġurtà nukleari, partikolarment permezz ta' kooperazzjoni msaħħa ma' l-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika.

Il-mod dettaljat li bih dawn l-għanijiet issa se jiġu segwiti, kif diskuss fid-dettall fil-Kunsill Ewropew fis-Samit ta' Laht u fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006, jinsab fl-Anness għal din l-Analiżi. Iżda aktar minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li żewġ azzjonijiet prijoritarji adizzjonali għandhom jiġu segwiti.

- Partenarjat koprensiv Afrika-Ewropa dwar l-Enerġija. L-importanza ta' l-Afrika bħala fornitur ta' l-enerġija żdiedet bil-bosta fl-aħħar snin, imma l-potenzjal tagħha huwa saħansitra akbar. Id-djalogu għandu jinkludi s-sigurtà tal-provvista, it-trasferiment tat-teknoloġija għall-enerġija minn sorsi li jiġġeddu, l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi, it-trasparenza tas-swieq ta' l-enerġija u r-rispett għat-tmexxija xierqa. Id-djalogu għandu jitnieda f'attività konġunta fl-ogħla livell.

- Kif diġà msemmi hawn fuq, ftehim internazzjonali dwar l-effiċjenza enerġetika.

L-integrazzjoni tal-Politiki Ewropej dwar l-Enerġija u l-Iżvilupp: fejn jirbaħ kulħadd

Prezzijiet għolja ta' l-enerġija huma ta' ħsara partikolarment għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Filwaqt li ftit pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu igawdu bħal produtturi, oħrajn jistgħu jsibu li l-ispejjeż ogħla għall-importazzjonijiet ta' l-enerġija huma aktar mill-għajnuniet li jirċievu għall-iżvilupp[29]. L-Afrika u reġjuni li qed jiżviluppaw oħrajn għandhom interess qawwi, bħall-Ewropa, biex jippromwovu d-diversifikazzjoni u l-effiċjenża enerġetika – dan jista' jagħti kontribut qawwi għall-Miri tal-Millennju għall-Iżvilupp. L-UE hija għalhekk impenjata biex tappoġġa l-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jippromwovu l-provvista u l-użu sostenibbli u sikur ta' l-enerġija.

Biex jitwettaq l-impenn imsemmi, l-UE għandha tiffoka fuq id-distribuzzjoni ta' serviżżi ta' l-enerġija finanzjarjament aċċessibli, affidabbli u sostenibbli lill-foqra, partikolarment minn sorsi li jiġġeddu kif ukoll għall-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-produzzjoni tal-gass u taż-żejt nodfa u effiċjenti. L-Afrika toffri opporunità unika biex tinstalla teknoloġija ta' l-enerġija li tiġġedded b'mod kompetittiv. Tista' tgħaddi mingħajr il-bżonn li tibni grids tat-trażmissjoni li jiswew ħafna flus u "taqbeż" għal ġenerazzjoni ġdida ta' sorsi u teknoloġiji lokali ta' l-enerġija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju – bħal ma diġà ġara fit-telefonija mobbli. Din hija tassew opportunità "fejn jirbaħ kulħadd," fejn tiżdied il-penetrazzjoni ta' l-enerġija li tiġġedded nadifa u jitwassal l-elettriku lil uħud mill-ifqar ċittadini tad-dinja. Sforz speċjali jkun meħtieġ fl-Afrika fin-nofsinhar għas-Saħara, fejn ir-rati ta' aċċess għall-elettriku huma fost l-aktar baxxi fid-dinja.

L-UE se tuża wkoll l-istrumenti differenti li għandha disponibbli għal dan il-għan: l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp, il-Partenarjat UE-Afrika dwar l-Infrastruttura mmirat għal proġetti reġjonali għall-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni ta' l-elettriku, il-Faċilità ta' l-Enerġija AKP-UE, u l-programm KE COOPENER u s-suċċessur tiegħu kif ukoll il-programm EUROSOLAR għall-Amerka Latina.

Monitoraġġ u rappurtar effettiv

Is-sorveljanza, it-trasparenza u r-rapportar se jkunu elementi essenzjali fl-iżvilupp gradwali ta' politika Ewropea effettiva dwar l-enerġija. Il-Kummissjoni tipproponi li twaqqaf Uffiċċju ta' l-Osservatorju dwar l-Enerġija fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija u t-Trasport. Dan l-Uffiċċju għandu jaqdi l-funzjonijiet ta' qofol fir-rigward tad-domanda u provvista l-enerġija fl-Ewropa, partikolarment fiż-żieda tat-trasparenza rigward il-bżonnijiet futuri ta' l-investiment fl-UE għall-infrastruttura ta' l-elettriku u l-gass u l-faċilitajiet ta' ġenerazzjoni u, permezz ta' analiżi komparattiva u l-iskambju ta' l-aqwa prassi, kemm l-Istati Membri jirnexxielhom jiżguraw li t-taħlita ta' l-enerġija tagħhom tevolvi b'mod li jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-miri ta' l-UE dwar l-enerġija.

Il-Kummissjoni se tistipula r-responsabbiltajiet speċifiċi ta' l-Osservatorju u fl-2007 tipproponi bażi legali għall-finanzjament ta' l-attivitajiet tiegħu. B'dan il-mod, teżamina u tirrazzjonalizza informazzjoni eżistenti b'rabta ma' l-enerġija u obbligi ta' rapportar tal-Kummissjoni u l-Istati Membri.

Tmexxija tax-xogħol 'il quddiem

Din l-Analiżi Strateġika stipulat ġabra ta' politiki meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet ta' enerġija sostenibbli, sikura u kompetittiva. L-ewwel pass huwa li jiġu żgurati deċiżjonijiet ċari mill-Kunsill Ewropew u mill-Parlament Ewropew dwar l-approċċ strateġiku, Pjan ta' Azzjoni biex jippermetti lill-UE biex tilħaq miri ambizzjużi, wiesgħa u fit-tul. Analiżi Strateġiċi futuri jistgħu jgħinu lill-UE tirfina u taġġorna l-Pjan ta' Azzjoni tagħha biex jitqies t-tibdil – l-aktar ovvju, l-avvanz teknoloġiku u l-azzjoni internazzjonali komuni biex tiġi indirizzata t-tibdil fil-klima. L-impenn għat-trażżin ta' l-emissjonijiet fl-Ewropa u madwar id-dinja ma jistax jinfired mill-Politika Ewropea dwar l-Enerġija.

Kieku l-UE jirnexxielha tilħaq għanijiet speċifiċi proposti rigward l-effiċjenza enerġetika u s-sorsi li jiġġeddu, dan ipoġġiha fit-triq lejn l-ilħuq tal-mira ta' tnaqqis ta' 20% gass serra sa l-2020, u jservi ta' katalist biex jintlaħaq tnaqqis konsiderevoli skond il-miri sa l-2050. Azzjoni b'determinazzjoni issa se ssarraf fi progress lejn l-istabilizzar tad-dipendenza ta' l-UE fuq l-importazzjoni, l-investiment opportun, impiegi ġodda u tmexxija teknoloġika għall-Ewropa fit-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju. L-UE se tkun wittiet it-triq għal rivoluzzjoni globali industrijali ġdida.

Il-Kummissjoni għalhekk tappella lill-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew biex:

- jikkonfermaw mira ta' l-UE, għan-negozjati internazzjonali, ta' 30% tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-pajjiżi żviluppati sa l-2020 meta mqabbla ma' l-1990;

- jikkonfermaw minn issa impenn ta' l-UE biex jintlaħaq akkost ta' kollox ta' lanqas 20% tnaqqis tal-gassijiet serra sa l-2020 meta mqabbla ma' l-1990;

- jikkonfermaw li miżuri adizzjonali huma meħtieġa biex jiġu realizzati l-benefiċji potenzjali tas- Swieq Interni ta' l-Elettriku u l-Gass għaċ-ċittadini u n-negozji kollha ta' l-UE u speċifikament:

- impenn għal aktar separazzjoni biex ikun hemm aktar kompetizzjoni, investiment u għażla għall-konsumaturi ta' l-enerġija, idealment permezz ta' separazzjoni tas-sjieda, jew permezz ta' Operatur kompletament Indipendenti tas-Sistema. Fid-dawl ta' l-evidenza l-Kummissjoni tikkunsidra li s-separazzjoni tas-sjieda hija l-aktar mod effettiv biex tkun żgurata l-għażla għall-konsumaturi ta' l-enerġija u biex jitħeġġeġ l-investiment. abbażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Marzu u l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni se tressaq minnufih proposta leġiżlattiva;

- jiżguraw regolazzjoni effettiva f'kull Stat Membru permezz ta' l-armonizzazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza tar-regolaturi ta' l-enerġija bbażati fuq l-ogħla denominatur komuni fl-UE u l-inkarigu tar-regolaturi bl-iżvilupp tas-Suq Intern ta' l-Enerġija kif ukoll l-iżvilupp effettiv tas-swieq nazzjonali;

- titħaffef l-armonizzazzjoni ta' l-istandards tekniċi meħtieġa biex tippermetti kummerċ transkonfinali jaħdem effettivament, u biex tiġi żgurata l-promozzjoni tas-suq Ewropew bit-twaqqif ta' korp ġdid fil-livell ta' l-UE jew, ta' lanqas, permezz ta' netwerk Ewropew ta' regolaturi indipendenti li jkunu meħtieġa jqisu l-interessi Ewropej u jinvolvu kif xieraq lill-Kummissjoni.

- fl-2007 jitwaqqaf mekkaniżmu u struttura Komunitarja ġdida għall-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni, responsabbli mill-ippjanar tan-netwerk koordinat, li jirrappurtaw għand ir-regolaturi nazzjonali u l-Kummissjoni. Din għandha wkoll tkun inkarigata li tipproponi standards minimi għas-sigurtà tan-netwerk, li ladarba jkunu approvati mir-Regolaturi u l-Kummissjoni, jkunu proposti bħala legalment vinkolanti;

- jikkonfermaw fl-2007 it-tressiq mill-Kummissjoni ta' standards minimi rigward it-trasparenza;

- jilqgħu Karta ġdida dwar il-Konsumaturi ta' l-Enerġija;

- jagħmlu aktar progress fit-twettiq tal-kostruzzjoni ta' interkonnetturi essenzjali ġodda; jikkonfermaw il-ħtieġa tal-ħatra ta' koordinaturi Ewropej biex isegwu l-aktar proġetti problematiċi ta' prijorità u l-istedina lill-Kummissjoni biex fl-2007 tressaq proposta formali leġiżlattiva li tiddefinixxi sa massimu ta' 5 snin li tulhom il-proċeduri ta' l-ippjanar u l-approvazzjoni għadhom jitlestew għall-proġetti ta' interess Ewropew;

- jikkonfermaw il-ħtieġa li jsir aktar progress fl-iżgurar tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri fil-każ ta' kriżi ta' l-enerġija jew ta' twaqqif fil-provvista. jitwaqqaf mekkaniżmu effettiv b'dan il-għan; jilqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li fl-2007 tressaq Komunikazzjoni dwar r-riżervi strateġiċi b'miżuri msaħħa fejn xieraq;

- jenfasizzaw il-prijorità li l-UE ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex toħloq azzjoni dinjija kontra t-tibdil fil-klima. jilqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tieħu kull opportunità għal negozjati bilaterali u multilaterali internazzjonali biex tippromwovi l-glieda kontra t-tibdil fil-klima, tikkoordina l-politiki dwar l-enerġija u ssaħħaħ il-kooperazzjoni dwar it-teknoloġiji ndaf;

- jikkonfermaw l-għan ta' l-iffrankar ta' 20% mill-konsum ta' l-enerġija fl-UE b'effiċjenza fl-infiq sa l-2020, kif preżentat fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Effiċjenza Enerġetika, u jilqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tieħu miżuri konkreti biex dan iseħħ, partikolarment sabiex:

- twaqqaf u taġġorna fuq bażi regolari, rekwiżiti minimi għall-effiċjenza għat-tagħmir li juża l-enerġija;

- ikun hemm aktar frankar ta' enerġija minn bini, bl-użu u l-iżvilupp ta' qafas previst mid-Direttiva dwar ir-Rendiment ta' l-Enerġija fil-Bini;

- jiġi sfruttat il-potenzjat konsiderevoli ta' l-effiċjenza enerġetika fit-trasport, bl-użu ta' miżuri varji, inkluż leġiżlazzjoni kif meħtieġ;

- tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u d-disponibbiltà għall-iffrankar ta' l-enerġija tal-konsumaturi kollha, inkluż bl-espożizzjoni tal-benefiċċji tat-teknologija u l-imġieba enerġetikament effiċjenti disponibbli;

- tibqa' tittejjeb l-effiċjenza fil-ġenerazzjoni ta' l-enerġija, partikolarment bil-promozzjoni ta' teknoloġiji li jgħaqqdu s-sħana ma' l-enerġija;

- jikkonfermaw il-mira ta' 20 % għas-sehem ta' l-enerġija li tiġġedded mill-konsum kumplessiv ta' l-enerġija fl-UE sa l-2020 u minimu ta' 10% bijofjuwils; jistiednu lill-Kummissjoni biex tressaq Direttiva ġdida biex twettaq dan tul l-2007, li tispeċifika miri nazzjonali tagħhom u l-proċeduri għall-iżvilupp ta' Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali biex dawn jintlaħqu;

- jikkonfermaw il-ħtieġa għal Pjan Ewropew Strateġiku dwar it-Teknoloġija ta' l-Enerġija ambizzjuż u mmirat, u jilqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li formalment tipproponi tali Pjan fl-2007;

- jikkonfermaw il-prijorità li jsir progress rapidu fit-tfassil ta' perspettiva ċara meta l-impjanti mħaddma bil-faħam jew bil-gass ikunu jeħtieġu li l-installazzjoni ta' tagħmir għall-ġbir u l-ħżin tas-CO2 fl-UE, u li jitwaqqaf mekkaniżmu biex jistimula sa l-2015 il-bini u t-tħaddim sa tnax-il eżemplar fuq skala kbira ta' teknoloġiji sostenibbli ta' fjuwils fossili fis-settur tal-ġenerazzjoni ta' l-enerġija kummerċjali fl-UE;

- jilqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf ta' Grupp ta' l-UE fuq Livell Għoli għas-Sikurezza u s-Sigurtà Nukleari bil-mandat li gradwalment jiżviluppa ftehim komuni u, eventwalment, regoli adizzjonali Ewropej dwar is-sigurtà u s-sikurezza nukleari b'appoġġ għall-isforzi ta' dawk l-Istati Membri li għażlu li jkomplu jiddependu fuq l-enerġija nukleari;

- jikkonfermaw l-importanza li l-UE "titkellem b'vuċi waħda" dwar kwistjonijiet internazzjonali ta' l-enerġija; barra mill-ħtieġa li issa jissegwew fil-prattika l-konklużjonijiet li joħorġu mis-samit ta' Lahti u l-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006 dwar din il-kwistjoni, (i) jikkonfermaw il-proposta għall-iżvilupp ta' partenarjat komprensiv Afrika-Ewropa dwar l-Enerġija u jilqgħu l-inizzjattiva tal-Kummissjoni li tniedi dan permezz ta' avveniment konġunt fl-ogħla livell fl-2007 u (ii) jilqgħu l-għan li jiġi konkluż ftehim internazzjonali dwar l-effiċjenza enerġetika u l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq il-bazi ta' tali ftehim tul l-ewwel parti ta' l-2007 għall-kunsiderazzjoni tal-Kunsill u l-Parlament;

- jużaw in-negozjati internazzjonali biex jippromwovu metodi sostenibbli tal-produzzjoni u biex jippromwovu l-kummerċ internazzjonali f'oġġetti u servizzi ambjentali u enerġetikament effiċjenti.

- jilqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija kull sentejn u li tipproponi fl-2007, bażi legali formali għall-Uffiċċju ta' l-Osservatorju dwar l-Enerġija fi ħdan il-Kummissjoni biex jikkoordina u jtejjeb it-trasparenza dwar is-swieq ta' l-enerġija fl-UE;

Anness 1: Prijoritajiet ta' l-UE tal-Politika Internazzjonali dwar l-Enerġija

Anness 2: Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' sorsi differenti ta' enerġija elettrika, bbażata fuq il-prezzijiet attwali taż-żejt, gass u faħam

Anness 3: Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' sorsi differenti ta' l-enerġija għat-tisħin

Anness 4: Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' sorsi differenti ta' l-enerġija għat-trasport bit-triq

Sorsi għal-grafiċi inklużi fl-annessi jinsabu fid-Dokument ta' Ħidma ta' l-Impjegati tal-Kummissjoni: Data dwar il-Politika ta' l-UE dwar l-Enerġija[30].

Anness 1

Prijoritajiet ta' l-UE tal-Politika Internazzjonali dwar l-Enerġija

Il-prioritajiet li għandhom jiġu segwiti minn Politika esterna ta' l-UE dwar l-Enerġija tul it-tliet snin li ġejjin huma:

- It-tmexxija 'l quddiem ta' ftehimiet internazzjonali , inkluż ir-reġim dwar il-klima ta' wara l-2012, l-estensjoni ta' l-iskambju ta' l-emissjonijiet ma' msieħba globali u l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji ta' l-enerġija nadifa u li tiġġedded. Dan ifisser li tiżdied il-koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri f'fora internazzjonali u li titjieb il-kollaborazzjoni ma' l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija. L-UE għandha wkoll tkun involuta f'inizjattivi multilaterali bħall-Partenarjat tal-Bank Dinji għat-Tnaqqis Globali ta' l-Ivvampjar tal-Gass u l-Inizjattiva dwar it-Trasparenza ta' l-Industriji Estrattivi. Sabiex titjieb aktar il-koerenza l-UE għandha wkoll tfittex, fejn xieraq, sħubija f'organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti;

- Il-bini ta' relazzjonijiet dwar l-enerġija mal-ġirien ta' l-UE , b'kontigwità mal-proposta riċenti tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ il-Politika Ewropea dwar il-Viċinat (PEV)[31] fis-settur ta' l-enerġija wkoll, bil-possibiltà ta' Trattat ta' l-Enerġija UE-PEV, 'il quddiem, possibilment mal-ġirien kollha rilevanti ta' l-UE. It-Trattat Komunitarju dwar l-Enerġija diġà jservi bħala l-bażi għal suq reġjonali ġdid ta' l-enerġija, u għandu jara li gradwalment jestendi lil hinn mill-UE u l-Balkani tal-Punent biex jinkludi ġirien bħal Moldova, in-Norveġja, it-Turkija u l-Ukraina. Relazzjonijiet imtejba dwar l-enerġija ma' fornituri ta' l-enerġija mill-Eġittu u pajjiżi tal-Maxrek/Magreb oħrajn u pajjiżi ta' tranżitu, kif ukoll mal-Libja, jeħtieġu li jiġu żviluppati. Kemm in-Norveġja u l-Alġerija jixraqilhom attenzjoni speċjali u relazzjonijiet speċjali.

- It-tnaqqis tat-theddid ta' qtugħ possibli jew qerda fiżika ta' infrastruttura ta' l-enerġija kruċjali lil hinn mill-fruntieri ta' l-UE permezz ta' skambju ta' l-aqwa prassi ma' l-imsieħba ta' l-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha ta' l-UE bbażati fuq l-azzjonijiet għall-infrastruttura interna mfissra fil-Komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni dwar il-Programm Ewropew għall-Ħarsien ta' l-Infrastruttura Kruċjali.

- It-titjib tar-relazzjonjiet mar- Russja permezz tan-negozjar ta' ftehim ta' qafas ġdid, sod u komprensiv, inkluż paternarjat komprensiv dwar l-enerġija li minnhu jibbenefikaw iż-żewġ partijiet u li joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għal investimenti ġodda. Dan għandu jenfasizza l-benefiċċji reċiproċi fit-tul kemm għar-Russja kif ukoll għall-UE, u jkun ibbażat fuq il-prinċipji tas-suq u dawk tat-Trattat dwar il-Karta ta' l-Enerġija u l-abbozz tal-Protokoll dwar it-Tranżitu;

- L-approfondiment tad-djalogu u r-relazzjonijiet ma' produtturi ta' l-enerġija u pajjiżi ta' tranżitu ewlenin , kemm jekk permezz ta' organizzazzjonijiet bħall-OPEC u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf jew l-implimentazzjoni sħiħa tal-Memoranda ta' ftehim ma' l-Ażerbajġan u l-Każakastan u progress lejn it-twaqqif ta' rabtiet ġodda ma' produtturi importanti oħra fiċ-Ċentru ta' l-Ażja bħal fit-Turkmenistan u l-Użbekistan. Barra minn hekk, huwa neċessarju li jkun faċilitat it-trasport tar-riżorsi enerġetiċi tal-Kaspju lejn l-UE. Il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Baħar l-Iswed fir-Rebbiegħa 2007. Dan l-aspett ta' l-istrateġija għandu wkoll iħares fil-bogħod biex jimmassimizza d-diversità ġeografika tal-provvista ta' l-eneġija fl-UE ma' l-Amerika Latina u l-Karibew. Għandha wkoll tħares lejn sorsi ġodda ta' l-enerġija, u tiżviluppa djalogu mal-Brażil li jinkludi l-bijofjuwils u fl-2007 torganizza konferenza internazzjonali dwar il-bijofjuwils.

- L-iżvilupp ta' partenarjat ġdid Afrika-Ewropa dwar l-Enerġija . L-importanza ta' l-Afrika bħala produttur ta' l-enerġija għadha qed tikber, u r-relazzjonijiet magħha jixraqilhom djalogu komprensiv li jinkludi s-sigurtà tal-provvista, it-trasferiment tat-teknoloġija għall-enerġija li tiġġedded, l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi, it-trasparenza tas-swieq ta' l-enerġija u r-rispett lejn tmexxija xierqa. Id-djalogu għandu jitnieda f'attività konġunta fl-ogħla livell.

- It-titjib tar-relazzjonijiet ma' konsumaturi ewlenin oħra ta' l-enerġija . Partikolarment, l-iskop tar-relazzjonijiet ma' l-imsieħba bħal l-Istati Uniti għandhom jibqgħu jkopru oqsma bħall-promozzjoni ta' swieq globali miftuħa u kompetittivi ta' l-enerġija, l-effiċjenza enerġetika u l-kooperazzjoni u r-riċerka regolatorja. Il-passi diġà meħuda maċ-Ċina għandhom jiġu żviluppati b'attenzjoni għat-teknoloġiji avvanzati ta' faħam nadif "bi kważi l-ebda emissjoni," kif ukoll għall-effiċjenza, l-iffrankar u s-sorsi enerġetiċi li jiġġeddu. Approċċ simili għandu jinħadem ma' l-Indja.

- Il-promozzjoni tan-non-proliferazzjoni, sikurezza u siġurtà nukleari , partikolarment permezz ta' kooperazzjoni msaħħa mal-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika u permezz ta' l-Istrument ta' Kooperazzjoni ġdid dwar is-Sikurezza Nukleari.

L-isforz sabiex dawn il-miri jintlaħqu jfisser li r-relazzjonijiet ma' dawn is-sħab jiġu definiti mill-ġdid, b'tali mod li l-enerġija titqiegħed fiċ-ċentru ta' l-attenzjoni. Barra mill-promozzjoni tal-miri ta' l-UE dwar l-enerġija permezz ta' djalogu u negozjati internazzjonali, għandhom jintużaw bl-aktar mod effettiv strumenti varji disponibbli għall-UE, li jinkludu:

- Fin-negozjati kummerċjali, l-UE diġà titkellem b'vuċi waħda, u għaldaqstant il-ħiliet meħtieġa diġà jeżistu. Ftehimiet internazzjonali kummerċjali u ta' investiment, kemm jekk negozjati bilaterali jew multilaterali fl-istess waqt, jistgħu jintużaw b'mod aktar effettiv biex jiġu stabbiliti impenji vinkolanti legalment. Dawn jistgħu jgħinu biex joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal aktar investiment, produzzjoni sostenibbli u kompetizzjoni. Mgħamra bl-istrumenti u mandati xierqa, l-UE pereżempju se tkun kapaċi ssegwi aħjar il-liberalizzazzjoni reċiproka tal-kundizzjonijiet ta' l-investiment u l-kummerċ fis-swieq upstream u downstream , kif ukoll possibilment aċċess għal-linji tal-pajpijiet. L-istess japplika għall-promozzjoni tal-valutazzjoni internazzjonali ta' l-emissjonijiet tal-karbonju jew il-kummerċ tal-bijofjuwils.

- It-titjib tal-kooperazzjoni ma' l-EIB u l-EBRD biex jintużaw l-istrumenti finanzjarji biex jissostnew partenarjati fl-enerġija b'azzjonijiet konkreti b'finanzjament ta' proġetti importanti bħal-linja ta' l-enerġija li taqsam il-Kaspju jew il-proġetti bejn l-UE, is-Sub-Saħara u l-Magreb. Il-proġetti ta' l-enerġija jistgħu jkunu element importanti fil-Fond għall-Investiment għall-Viċinat propost, immirati biex tgħolli b'erba' jew ħames darbiet l-ammont ta' l-għotjiet finanzjarji disponibbli fl-Istrument tal-Politika Ewropea dwar il-Viċinat.

- Il-promozzjoni ta' kundizzjonijiet imtejba għall-investimenti fi proġetti internazzjonali, b'qafas legali kjarament definit u trasparenti, u bl-appoġġ tal-koordinaturi Ewropej. Bħala l-ewwel pass, Koordinatur Ewropew għandu jinħatar għal-linja tal-gass Nabucco mill-Kaspju għall-Awstrija u l-Ungerija. Alternattivi għall-futur jistgħu jinkludu l-ħatra ta' koordinaturi għall-proġetti li jwasslu provvisti ta' enerġija minn imsieħba bħat-Turkija, iċ-Ċentru ta' l-Ażja u t-Tramuntana ta' l-Afrika.

Anness 2: Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' sorsi differenti ta' l-enerġija elettrika

2005 | 2030 |

Fjuwils fossili | Fjuwil gass għat-tisħin | 20% | 525 (€0.45/l) | 300-1300 | 3.1 | 82% | 93% |

Gass naturali | 33% | 230 – 340 (€20-30/MWh) | 2.1 | 57% | 84% |

Faħam | 1.8% | 70 (€100/tce) | 4 | 39% | 59% |

Bijomassa | Injam imqatta' | 5.7% | 280 | 545-1300 | 0.4 | 0 | ? |

Pellets | 540 | 630-1300 | 0.4 | 0 | ? |

Elettriku | 31% | 550 - 660 (€50-60/MWh) | 550 - 660 | 0 to 12 | <1% | ? |

Solari | 0.2% | / | 680-2320 | Baxxi ħafna | 0 | 0 |

Ġeotermali | 0.4% | / | 230-1450 | Baxxi ħafna | 0 | 0 |

Anness 4: Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' sorsi differenti ta' l-enerġija għat-trasport bit-triq

Prezz fis-suq (€/toe) | Emissjonijiet CO2 (t CO2ek/toe)[32] | Dipendenza fuq l-importazzjoni |

2005 | 2030 |

Petrol u dijżil | 398-582[33] | 3.6–3.7 | 82% | 93% |

Gass naturali | 230–340 (NB: jeħtieġ vettura speċifikament adattata u sistema tad-distribuzzjoni dedikata) | 3.0 | 57% | 84% |

Bijofjuwil lokali | 609-742 | 1.9–2.4 | 0% | 0% |

Bijoetanol tropikali | 327-540 | 0.4 | 100% | 100% |

Bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni | 898–1 109 | 0.3–0.9 | / | 15% |

[1] Sors – l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Data oħra ġejja mill-Kummissjoni Ewropea sakemm mhux indikat mod ieħor

[2] IEA World Energy Outlook 2006

[3] Abbażi ta' rata ta' kambju mad-dollaru ta' 1.25$ kull € u mqabbel ma' prezz taż-żejt ta' 60$ (il-flus ta' llum) fl-2030.

[4] Il-Kunsill Ewropew għall-Enerġija li Tiġġedded: “Renewable Energy Targets for Europe: 20% sa l-2020”.

[5] Strateġija Ewropea għal Enerġija Sostenibbli, Kompetittiva u Sikura, COM (2006) 105 finali, 8.03.2006; Dokument ta' Ħidma għall-Istaff tal-Kummissjoni, Rapport ta' sinteżi dwar l-analiżi tad-dibattitu dwar il- green paper "Strateġija Ewropea għal Enerġija Sostenibbli, Kompetittiva u Sikura", SEC(2006) 1500

[6] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, COM(2007) 2

[7] Il-Komunikazzjoni dwar ir-ristrutturar - 31 ta' Marzu 2005, COM (2005) 120

[8] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-Titlu: Lejn politika marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra, COM (2006) 275

[9] Fosthom id-Direttivi dwar il-ftuħ tat-tieni suq, ir-Regolamenti mmirati lejn l-armonizzazzjoni ta' l-istandards tekniċi meħtieġa sabiex ikun jista' jaħdem fil-prattika il-kummerċ transkonfinali, u d-Direttivi dwar is-sigurtà tal-provvistà

[10] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-prospetti għas-suq intern fil-gass u fl-elettriku, COM (2006) 841

[11] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Sector Enquiry under Art. 17 of Regulation 1/2003 on the gas and markets (rapport finali)", COM (2006) 581

[12] Dan diġà jeżisti għall-elettriku fid-Danimarka, il-Finlandja, l-Italja, l-Olanda, l-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit. U għall-gass fid-Danimarka, l-Olanda, l-Portugall, ir-Rumanija, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit. It-TSO sseparat huwa wkoll sid in-network.

[13] Kif indikat hawn fuq, dan huwa bbażat fuq l-approċċ li diġà jintuża fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u fir-rigward ta' l-eżenzjoni għall-aċċess ta' partijiet terzi għal infrastrutturi ġodda tal-gass u l-elettriku.

[14] Skond l-Abbozz tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-qafas operattiv għall-aġenziji regolatorji Ewropej (COM(2005)59 finali), korp bħal dan jista' partikolarment ikun inkarigat bil-kompitu li japplika l-istandards Komunitarji għal każijiet speċifiċi, li jinkludi s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet individwali li jorbtu legalment lil partijiet terzi (artikolu 4).

[15] Id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għal komunikazzjonijiet elettroniċi.

[16] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill: Pjan ta' l-interkonnessjonijiet ta' prijorità, , COM (2006) 846

[17] Id-Direttiva tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew 2004/67/KE tas-26 ta' April 2004 li għandha x'taqsam mal-miżuri biex tissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista ta' gass naturali ĠU L 127, 29.4.2004, p. 92–96

[18] Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Enerġija: Nirrealizzaw il-Potenzjal COM(2006)545 19 ta' Ottubru 2006

[19] Ara wkoll: Keep Europe moving -Sustainable mobility for our continent - Mid-term review of the European Commission’s 2001 Transport White Paper COM(2006)314 tat-22 ta' Ġunju 2006

[20] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill: azzjonijiet ta' segwiment għall- Green Paper : rapport dwar il-progress fl-elettriku inn sorsi li jiġġeddu COM(2006) 849

[21] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill: Gwida għall-Enerġija li Tiġġedded: L-Enerġiji li Tiġġedded fis-seklu 21; lejn futur sostenibbli, COM(2006) 848

[22] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill: Rapport dwar il-progress fil-Bijofjuwils COM(2006) 845

[23] Ara wkoll il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Lejn Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija, COM(2006) 847

[24] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Ġenerazzjoni ta' Enerġija Sostenibbli mill-karburanti fossili: bil-mira għal kważi ebda emissjoni sa l-2020 COM(2006) 843

[25] Il-Pjattaforma tat-Teknoloġija Ewropea għall-impjant ta' l-enerġija tal-fjuwils fossili mingħajr emissjonijiet (ZEP TP) tinkludi, fir-Rakkomandazzjonijiet ta' Qofol għall-Agenda tar-Riċerka Strateġika (SRA) tagħha adottata tard fl-2006, appell għal implimentazzjoni bikrija ta' 10 sa 12-il proġett ta' impjant ta' l-enerġija eżemplari CCC integrat u fuq skala kbira fl-Ewropa.

[26] Skond it- 2006 World Energy Outlook ta' l-IEA "l-impjanti ta' l-enerġija nukleari l-ġodda jistgħu jipproduċu elettriku b'4.9 sa 5.7 ċenteżmi ta' dollaru għal kull kWh [3,9 sa 4.5 ċenteżmi ta' Euro skond ir-rati tal-kambju ta' nofs Novembru 2006] jekk ir-riskji tal-bini u t-tħaddim jitrażżnu" u dan kollu, b' "10$ kull tunnellata ta' CO2 emess ipoġġi n-nukleari f'pożizzjoni kompetittiva ma' l-impjanti ta' l-enerġija mħaddma bil-faħam."

[27] Abbozz tal-Programm Nukleari Illustrattiv, COM(2006) 844

[28] Id-dokument tal-Kummissjoni Ewropea/tar-Rappreżentazzjoni Għolja: Politika esterna biex taqdi l-interessi ta' l-Ewropa dwar l-enerġija, Ġunju 2006, S160/06; segwit minn Relazzjonijiet Esterni dwar l-Enerġija – mill-prinċipji għall-azzjoni, COM(2006)590 finali

[29] 137 biljun US$ annwali għall-impurtaturi taż-żejt li qed jiżviluppaw kontra ODA ta' 84 biljun US$ fl-2005, netti mill-ħfir adizzjonali ta' dejn. Ara " The Vulnerability of African Countries to Oil Price Shocks: Major factors and Policy Options. The Case of Oil Importing Countries ". ESMAP Report 308/05 , Bank Dinji, Awissu 2005.

[30] SEC(2007)12, sit elettroniku: http://ec.europa.eu/energy/energy_policy/index_en.htm

[31] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea dwar il-Viċinat, COM(2006) 726 finali ta' l-4.12.2006

[32] Iċ-ċifri mogħtija għall-bijofjuwils huma għall-orħos tekniki tal-produzzjoni

[33] Jekk wieħed jassumi prezzijiet taż-żejt ta' $48/barmil u $70/barmil rispettivament

Top