EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0643

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/643 tat-3 ta’ Frar 2021 li, għall-finijiet tal-adattament tagħha għall-progress tekniku u xjentifiku, jemenda l-Parti 1 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/441

ĠU L 133, 20.4.2021, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/643/oj

20.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 133/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/643

tat-3 ta’ Frar 2021

li, għall-finijiet tal-adattament tagħha għall-progress tekniku u xjentifiku, jemenda l-Parti 1 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati talbu li jiġu emendati diversi noti stabbiliti fis-sottotaqsima 1.1.3 tal-Parti 1 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(2)

Il-Kummissjoni taċċetta li l-formulazzjoni ta’ dawk in-noti jeħtieġ tittejjeb. Uħud min-noti marbuta mas-sustanzi mhumiex preċiżi u jġibu magħhom xi inċertezzi dwar l-interpretazzjoni korretta tal-obbligi ġuridiċi. B’mod partikolari, uħud minn dawk in-noti jistgħu jiġu interpretati bħallikieku f’ċerti kundizzjonijiet ma hemmx bżonn li jiġu kklassifikati s-sustanzi li għalihom japplikaw l-istess noti, mentri fil-fatt jenħtieġ li dawn ma jkunux koperti mill-klassifikazzjoni u mit-tikkettar armonizzati iżda xorta jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-klassifikazzjoni f’konformità mat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (awtoklassifikazzjoni).

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008

Il-Parti 1 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 hija emendata kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Frar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.


ANNESS

Il-Parti 1 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, hija emendata kif ġej:

(1)

fil-punt 1.1.3.1, in-noti J sa R huma sostitwiti b’li ġej:

 

“Nota J:

Il-klassifikazzjoni armonizzata bħala karċinoġenu jew mutaġenu tapplika sakemm ma jistax jintwera li s-sustanza fiha inqas minn 0,1 % piż skont il-piż ta’ benżen (EINECS Nru 200-753-7), u f’dak il-każ għandha ssir ukoll klassifikazzjoni f’konformità mat-Titolu II ta’ dan ir-Regolament għal dawk il-klassijiet ta’ periklu.

 

Nota K:

Il-klassifikazzjoni armonizzata bħala karċinoġenu jew mutaġenu tapplika sakemm ma jistax jintwera li s-sustanza fiha inqas minn 0,1 % piż skont il-piż ta’ 1,3-butadien (EINECS Nru 203-450-8), u f’dak il-każ għandha ssir ukoll klassifikazzjoni f’konformità mat-Titolu II ta’ dan ir-Regolament għal dawk il-klassijiet ta’ periklu. Meta s-sustanza ma tkunx ikklassifikata bħala karċinoġenu jew mutaġenu, minn tal-inqas għandhom japplikaw id-dikjarazzjonijiet ta’ prekawzjoni (P102-)P210-P403.

 

Nota L:

Il-klassifikazzjoni armonizzata bħala karċinoġenu tapplika sakemm ma jkunx jista’ jintwera li s-sustanza fiha inqas minn 3 % estratt tad-dimetil sulfossidu kif imkejjel mill-IP 346 (‘Determination of polycyclic aromatics in unused lubricating base oils and asphaltene free petroleum fractions - Dimethyl sulphoxide extraction refractive index method’ — “Determinazzjoni ta’ sustanzi aromatiċi poliċikliċi fi żjut bażi ta’ lubrifikazzjoni mhux użati u fi frazzjonijiet tal-petroleum ħielsa mill-asfalten — Metodu tal-indiċi rifrattiv għall-estrazzjoni tad-dimetil sulfossidu”, l-Istitut tal-Petroleum, Londra), u f’dak il-każ għandha ssir ukoll klassifikazzjoni f’konformità mat-Titolu II ta’ dan ir-Regolament għal dik il-klassi ta’ periklu.

 

Nota M:

Il-klassifikazzjoni armonizzata bħala karċinoġenu tapplika sakemm ma jistax jintwera li s-sustanza fiha inqas minn 0,005 % piż skont il-piż ta’ benżo[a]-piren (EINECS Nru 200-028-5), u f’dak il-każ għandha ssir ukoll klassifikazzjoni f’konformità mat-Titolu II ta’ dan ir-Regolament għal dik il-klassi ta’ periklu.

 

Nota N:

Il-klassifikazzjoni armonizzata bħala karċinoġenu tapplika sakemm ma tkunx magħrufa l-istorja sħiħa tar-raffinar u ma jkunx jista’ jintwera li s-sustanza li minnha ġiet prodotta dik is-sustanza mhijiex karċinoġenu, u f’dak il-każ għandha ssir ukoll klassifikazzjoni f’konformità mat-Titolu II ta’ dan ir-Regolament għal dik il-klassi ta’ periklu.

 

Nota P:

Il-klassifikazzjoni armonizzata bħala karċinoġenu jew mutaġenu tapplika sakemm ma jistax jintwera li s-sustanza fiha inqas minn 0,1 % piż skont il-piż ta’ benżen (EINECS Nru 200-753-7), u f’dak il-każ għandha ssir ukoll klassifikazzjoni f’konformità mat-Titolu II ta’ dan ir-Regolament għal dawk il-klassijiet ta’ periklu. Meta s-sustanza ma tkunx ikklassifikata bħala karċinoġenu jew mutaġenu, minn tal-inqas għandhom japplikaw id-dikjarazzjonijiet ta’ prekawzjoni (P102-)P260-P262-P301 + P310-P331.

 

Nota Q:

Il-klassifikazzjoni armonizzata bħala karċinoġenu tapplika sakemm ma tiġix issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

test tal-bijopersistenza f’terminu qasir bil-ġbid tan-nifs ikun wera li l-fibri itwal minn 20 μm ikollhom nofs ħajja ponderata ta’ inqas minn għaxart ijiem; jew

test tal-bijopersistenza f’terminu qasir b’instillazzjoni intratrakeali jkun wera li l-fibri itwal minn 20 μm ikollhom nofs ħajja ponderata ta’ inqas minn 40

jum; jew

test intraperitoneali xieraq ma jkun ipprovda l-ebda evidenza ta’ eċċess ta’ karċinoġeniċità; jew

ma tkun ġiet innutata l-ebda patoġeniċità jew bidla neoplastika f’test adattat tal-ġbid tan-nifs f’terminu twil

 

Nota R:

Il-klassifikazzjoni armonizzata bħala karċinoġenu tapplika għajr fil-każ ta’ fibri b’Dijametru Medju Ġeometriku Ponderat skont it-Tul (LWGMD) bit-tnaqqis ta’ żewġ żbalji standard ġeometriċi ikbar minn 6 μm, kif imkejjel f’konformità mal-Metodu ta’ ttestjar A.22 fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 440/2008 (*1)

(*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 440/2008 tat-30 ta’ Mejju 2008 li jistabbilixxi metodi ta’ ttestjar skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) (ĠU L 142, 31.5.2008, p. 1).”"

(2)

fil-punt 1.1.3.2., in-noti 8 u 9 huma sostitwiti b’li ġej:

 

“Nota 8:

Il-klassifikazzjoni bħala karċinoġenu għandha tapplika sakemm ikun jista’ jintwera li l-konċentrazzjoni teorika massima ta’ formaldeid rilaxxabbli, irrispettivament mis-sors, fit-taħlita kif imqiegħda fis-suq tkun inqas minn 0,1 %.

 

Nota 9:

Il-klassifikazzjoni bħala mutaġenu għandha tapplika sakemm ikun jista’ jintwera li l-konċentrazzjoni teorika massima ta’ formaldeid rilaxxabbli, irrispettivament mis-sors, fit-taħlita kif imqiegħda fis-suq tkun inqas minn 1 %.”


(*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 440/2008 tat-30 ta’ Mejju 2008 li jistabbilixxi metodi ta’ ttestjar skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) (ĠU L 142, 31.5.2008, p. 1).”’


Top