European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/886

19.3.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/886 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Marzu 2024

li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 260/2012 u (UE) 2021/1230 u d-Direttivi 98/26/KE u (UE) 2015/2366 fir-rigward ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jipprovdi l-bażi għaż-żona unika ta’ pagamenti bl-euro (SEPA). Sabiex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għal żieda fil-kompetizzjoni, b’mod partikolari għall-pagamenti fil-punt tal-interazzjoni (POI), jenħtieġ li l-proġett SEPA jiġi aġġornat kontinwament biex jirrifletti l-innovazzjoni u l-iżviluppi tas-suq fil-pagamenti, jippromwovi l-iżvilupp ta’ prodotti ta’ pagament ġodda għall-Unjoni kollha, u jiffaċilita l-aċċess għal parteċipanti ġodda fis-suq.

(2)

Fl-2017, ġiet miftiehma skema għall-Unjoni kollha għall-eżekuzzjoni immedjata ta’ trasferimenti ta’ kreditu f’euro bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament (PSPs) taħt l-awspiċi tal-Kunsill Ewropew tal-Pagamenti. L-isforzi tal-industrija Ewropea tal-pagamenti ma kinux biżżejjed biex jiżguraw użu għoli ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro fil-livell tal-Unjoni. Hija biss żieda mifruxa u rapida f’użu bħal dan li tista’ tillibera l-effetti tan-network fuq skala sħiħa ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro, li jwasslu għal benefiċċji u gwadanji fl-effiċjenza ekonomika għall-utenti ta’ servizzi ta’ pagament (PSUs) u għall-PSPs, konċentrazzjoni tas-suq imnaqqsa, u żieda fil-kompetizzjoni u għażla ta’ pagamenti elettroniċi, b’mod partikolari għal pagamenti transfruntiera fil-POI.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 stabbilixxa rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti f’euro. It-trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro huma kategorija relattivament ġdida ta’ trasferimenti ta’ kreditu f’euro li tfaċċaw fis-suq biss wara l-adozzjoni ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi applikabbli għal trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro, minbarra r-rekwiżiti ġenerali applikabbli għat-trasferimenti ta’ kreditu kollha, biex jiġu żgurati l-funzjonament u l-integrazzjoni xierqa tas-suq intern.

(4)

Sabiex it-trasferimenti ta’ kreditu istantanji jsiru aktar aċċessibbli u biex jitwessgħu l-benefiċċji tagħhom għall-PSUs, jenħtieġ li l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jkunu jistgħu japplikaw regoli ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament emendatorju għat-trasferimenti ta’ kreditu istantanji domestiċi fil-munita tagħhom stess.

(5)

Diġà ġew adottati jew proposti għadd ta’ soluzzjonijiet regolatorji nazzjonali biex jiżdied l-użu ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro, inkluż billi tissaħħaħ il-protezzjoni tal-PSUs milli jintbagħtu fondi lil benefiċjarju mhux intenzjonat u billi jiġi speċifikat il-proċess ta’ konformità mal-obbligi li jirriżultaw minn miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni. Id-differenzi fost dawk is-soluzzjonijiet regolatorji nazzjonali joħolqu riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq intern li jirriżulta f’żieda fil-kostijiet tal-konformità minħabba settijiet differenti ta’ rekwiżiti regolatorji nazzjonali u eżekuzzjoni aktar diffiċli ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji transfruntiera. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu introdotti regoli uniformi dwar trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro, inkluż trasferimenti ta’ kreditu istantanji transfruntiera, sabiex jiġi evitat li jinħolqu ostakli bħal dawn.

(6)

Qabel ma tfaċċaw trasferimenti ta’ kreditu istantanji, it-tranżazzjonijiet ta’ pagament kienu ġeneralment raggruppati minn PSPs u sottomessi għal sistema ta’ pagament bl-imnut għall-finijiet ta’ proċessar, ikklerjar u saldu fi żminijiet speċifikati minn qabel. Madankollu, fis-sistemi ta’ pagament bl-imnut li bħalissa jintużaw biex jiġu pproċessati trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro, it-tranżazzjonijiet ta’ pagament jiġu sottomessi individwalment u pproċessati 24 siegħa kuljum u f’ħin reali. Biex dan jiġi rifless, huwa meħtieġ li tiġi emendata d-definizzjoni tat-terminu “sistema ta’ pagament bl-imnut” fir-Regolament (UE) Nru 260/2012.

(7)

L-iżgurar li l-PSUs kollha fl-Unjoni jkunu jistgħu jagħmlu ordnijiet ta’ pagament għal, u jirċievu, trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro huwa prekundizzjoni għal użu akbar ta’ tali tranżazzjonijiet. Bħalissa, mill-inqas terz tal-PSPs fl-Unjoni ma joffrux s-servizz ta’ pagament biex jintbagħtu u jiġu riċevuti trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro. Barra minn hekk, ir-rata li biha l-PSPs kienu qed jintroduċu trasferimenti ta’ kreditu istantanji fil-firxa ta’ servizzi tagħhom kienet, matul dawn l-aħħar ftit snin, bil-mod wisq, u dan ixekkel l-integrazzjoni ulterjuri tas-suq intern, jimmina l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni u jillimita l-benefiċċji potenzjali għall-PSUs. Għalhekk, jenħtieġ li l-PSPs li jipprovdu s-servizz ta’ pagament biex jintbagħtu u jiġu riċevuti trasferimenti ta’ kreditu f’euro lill-PSUs tagħhom jkunu rikjesti joffru s-servizz ta’ pagament biex jintbagħtu u jiġu riċevuti trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro lill-PSUs kollha tagħhom. Jenħtieġ li dak ir-rekwiżit japplika fir-rigward tal-kontijiet tal-pagament kollha li l-PSPs iżommu għall-PSUs tagħhom, inkluż kontijiet tal-pagament b’karatteristiċi bażiċi msemmija fid-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(8)

Sabiex jinħoloq suq integrat għat-trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro, huwa essenzjali li tali tranżazzjonijiet jiġu pproċessati skont sett komuni ta’ regoli u rekwiżiti. Trasferiment ta’ kreditu istantanju f’euro jippermetti li l-fondi jiġu kkreditati fil-kont tal-benefiċjarju fi żmien sekondi u 24 siegħa kuljum. Id-disponibbiltà 24 siegħa kull jum tas-sena hija karatteristika intrinsika tat-trasferimenti ta’ kreditu istantanji, li jenħtieġ li tissodisfa kundizzjonijiet speċifiċi, inkluż fir-rigward tal-ħin tar-riċevuta tal-ordnijiet ta’ pagament, l-ipproċessar, l-ikkreditar u d-data ta’ valur.

(9)

Jenħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali, meta ma jaġixxux fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji jew awtoritajiet pubbliċi oħra, ikunu jistgħu jillimitaw l-offerta ta’ servizz ta’ pagament biex jintbagħtu trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro għall-perjodu ta’ żmien li matulu l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali joffru s-servizz ta’ pagament biex jintbagħtu u jiġu riċevuti trasferimenti ta’ kreditu mhux istantanji f’euro. Ir-raġuni li tippermetti dik il-limitazzjoni hija li din tista’ tkun meħtieġa sabiex il-BĊE jew bank ċentrali nazzjonali, minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-arranġamenti operazzjonali interni tiegħu, jikkonforma mal-Artikolu 123 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) f’kull ħin.

(10)

Il-PSPs li jinsabu fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro jista’ jkollhom aċċess limitat għal-likwidità f’euro barra mill-ħinijiet tax-xogħol. Għalhekk, huwa proporzjonat li tiġi prevista l-possibbiltà li tali PSPs jitolbu l-permess minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex jipprovdu s-servizz ta’ pagament biex jintbagħtu trasferimenti ta’ kreditu istantanji minn kontijiet denominati fil-munita nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru barra mill-ħinijiet tax-xogħol sa ċertu limitu għal kull tranżazzjoni biss. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jagħtu tali permess abbażi tal-valutazzjoni tagħhom tal-aċċess ta’ PSP għal-likwidità f’euro.

(11)

Teżisti varjetà ta’ mezzi ta’ bidu ta’ pagament fl-Istati Membri li permezz tagħhom il-PSUs jistgħu jagħmlu ordni ta’ pagament għal trasferiment ta’ kreditu f’euro, pereżempju, permezz ta’ servizzi bankarji online, applikazzjoni mobbli, magna awtomatizzata għall-ġbid tal-flus, terminal self-service, f’fergħa jew bit-telefown. Sabiex jiġi żgurat li l-PSUs kollha jkollhom aċċess għal trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda differenza f’termini tal-mezzi ta’ bidu ta’ pagament li permezz tagħhom il-PSUs jistgħu jagħmlu ordnijiet ta’ pagament għal trasferimenti ta’ kreditu istantanji u trasferimenti ta’ kreditu oħra. Barra minn hekk, fejn ikun possibbli għal PSU li jissottometti ordnijiet ta’ ħlas multipli għal trasferimenti ta’ kreditu f’euro bħala pakkett lil PSP, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li jiġu ppreżentati ordnijiet ta’ pagament multipli għal trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro f’pakkett. Jenħtieġ li l-PSPs ikunu jistgħu joffru t-trasferimenti ta’ kreditu kollha f’euro mibdija mill-PSUs tagħhom bħala trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro b’mod awtomatiku.

(12)

Peress li xi mezzi ta’ bidu ta’ pagament, bħal postijiet għal operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur, mhumiex disponibbli 24 kuljum, jenħtieġ li l-ħin tar-riċevuta ta’ ordni ta’ pagament stampata għal trasferiment ta’ kreditu istantanju jkun il-mument meta l-ordni ta’ pagament stampata tiġi introdotta fis-sistema interna tal-PSP tal-pagatur, li jenħtieġ li sseħħ hekk kif tali mezzi ta’ bidu ta’ pagament ikunu disponibbli.

(13)

Meta PSU jippreżenta ordnijiet ta’ pagament multipli għal trasferimenti ta’ kreditu istantanji bħala pakkett lill-PSP tiegħu, jenħtieġ li dak il-PSP jibda minnufih jżarma dak il-pakkett sabiex jikkonvertih fi tranżazzjonijiet individwali ta’ trasferiment ta’ kreditu istantanju. Jenħtieġ li l-ħin tar-riċevuta ta’ ordni ta’ pagament għal trasferiment ta’ kreditu istantanju ppreżentat f’pakkett ta’ ordnijiet ta’ pagament multipli jkun il-mument meta t-tranżazzjoni individwali ta’ trasferiment ta’ kreditu istantanju sussegwenti tinħareġ mill-pakkett, filwaqt li titqies kwalunkwe restrizzjoni tal-kapaċità ta’ sistema ta’ pagament bl-imnut li tkun ġiet ikkomunikata lill-PSP tal-pagatur. Immedjatament malli tinħareġ mill-pakkett, jenħtieġ li l-PSP tal-pagatur jittrażmetti dik it-tranżazzjoni individwali ta’ trasferiment ta’ kreditu istantanju lill-PSP tal-benefiċjarju. Jenħtieġ li dik it-trażmissjoni sseħħ mingħajr preġudizzju għal soluzzjonijiet possibbli li għandhom jiġu pprovduti minn sistemi ta’ pagament bl-imnut li jippermettu l-konverżjoni ta’ ordnijiet ta’ pagament multipli għal trasferimenti ta’ kreditu istantanji bħala pakkett fi tranżazzjonijiet individwali ta’ trasferiment ta’ kreditu istantanju.

(14)

Meta ordni ta’ pagament għal trasferiment ta’ kreditu istantanju f’euro tiġi ppreżentata minn kont ta’ pagament li ma jkunx denominat f’euro, jenħtieġ li l-ħin tar-riċevuta ta’ dik l-ordni ta’ pagament jkun il-mument meta l-PSP tal-pagatur, immedjatament wara dik l-ordni ta’ pagament għal trasferiment ta’ kreditu istantanju f’euro tkun saret miegħu, jikkonverti l-ammont tat-tranżazzjoni f’euro mill-munita li fiha jkun denominat il-kont ta’ pagament.

(15)

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ pagament u l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jikkontribwixxu għall-faċilitazzjoni tal-użu ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro u għalhekk jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament emendatorju. Madankollu, l-istituzzjonijiet ta’ pagament u l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi mhumiex inklużi fil-lista ta’ entitajiet li jaqgħu taħt id-definizzjoni tat-terminu “istituzzjoni” fid-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Konsegwentement, l-istituzzjonijiet ta’ pagament u l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi effettivament ma jitħallewx jipparteċipaw f’sistemi ddeżinjati mill-Istati Membri skont dik id-Direttiva. L-inabbiltà li tirriżulta ta’ parteċipazzjoni f’sistemi ta’ pagament bħal dawn tista’ timpedixxi lill-istituzzjonijiet ta’ pagament u lill-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi milli jipprovdu trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro b’mod effiċjenti u kompetittiv. Għalhekk huwa ġġustifikat li tiġi emendata d-Direttiva 98/26/KE sabiex jiġu inklużi istituzzjonijiet ta’ pagament u istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi fil-lista ta’ entitajiet li jaqgħu taħt id-definizzjoni tat-terminu “istituzzjoni” f’dik id-Direttiva, iżda għall-fini biss li jiġu definiti l-parteċipanti ta’ sistema ta’ pagament.

(16)

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ pagament u l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jissodisfaw ir-rekwiżiti u jirrispettaw ir-regoli tas-sistemi ta’ pagament ddeżinjata mill-Istati Membri skont id-Direttiva 98/26/KE biex jitħallew jipparteċipaw f’dawk is-sistemi. Minħabba l-importanza tal-kontribut potenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ pagament u tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi biex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro, u l-importanza li jitreġġgħu lura l-kundizzjonijiet ekwi bejn il-banek u dawk l-istituzzjonijiet malajr kemm jista’ jkun, hemm bżonn li l-Istati Membri jingħataw skadenza qasira għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-emendi għad-Direttiva 98/26/KE, u skadenzi xierqa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament emendatorju għall-istituzzjonijiet ta’ pagament u għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipanti fis-sistemi ddeżinjati mill-Istati Membri skont dik id-Direttiva, biex tinżamm l-istabbiltà u l-integrità ta’ dawk is-sistemi u biex tiġi żgurata ġestjoni komprensiva tar-riskju mill-istituzzjonijiet ta’ pagament u mill-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, huwa neċessarju li jiġu elaborati aktar, għall-istituzzjonijiet ta’ pagament u l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li jitolbu l-parteċipazzjoni u li jipparteċipaw f’sistemi ddeżinjati mill-Istati Membri skont id-Direttiva 98/26/KE, ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Dawk id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw is-salvagwardja tal-fondi tal-utenti, l-arranġamenti ta’ governanza u l-arranġamenti għall-kontinwità tal-operat. Huwa antiċipat li l-emendi għad-Direttiva (UE) 2015/2366 ser jiġu riveduti aktar mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill meta jikkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ pagament u s-servizzi ta’ flus elettroniċi fis-Suq Intern li temenda d-Direttiva 98/26/KE u li tħassar id-Direttivi (UE) 2015/2366 u 2009/110/KE u l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(17)

Il-PSUs huma sensittivi ħafna għal-livell ta’ imposti għal metodi ta’ pagament sostitwibbli. Għalhekk, il-livell tal-imposti jista’ jmexxihom lejn metodu ta’ pagament partikolari jew ’il bogħod minnu. Fis-swieq nazzjonali fejn ġew applikati imposti ogħla fil-livell tat-tranżazzjonijiet għal trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro, meta mqabbla ma’ imposti għal trasferimenti ta’ kreditu oħra f’euro, l-użu ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji huwa baxx. Dan impedixxa l-kisba tal-massa kritika ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro li hija meħtieġa biex jinkisbu l-effetti kollha tan-network kemm għall-PSPs kif ukoll għall-PSUs. Għaldaqstant, it-tipi kollha ta’ imposti applikati lill-pagaturi u lill-benefiċjarji għall-eżekuzzjoni ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro, inkluż imposti għal kull tranżazzjoni jew imposti ta’ somma f’daqqa, jenħtieġ li ma jaqbżux tali imposti applikati għall-istess PSU għal tipi korrispondenti ta’ trasferimenti oħra ta’ kreditu f’euro. Ma jkunx mixtieq li l-PSPs jevitaw l-għan ta’ dak ir-rekwiżit. Meta jiġu identifikati tipi korrispondenti ta’ trasferimenti ta’ kreditu, jenħtieġ li jkun possibbli li jintużaw kriterji inkluż il-mezz ta’ bidu ta’ pagament jew l-istrument ta’ pagament użat biex jinbeda l-pagament, l-istatus tal-klijent, u karatteristiċi jew servizzi addizzjonali.

(18)

Trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro minn kull lok joffru opportunitajiet għall-PSPs biex jiżviluppaw soluzzjonijiet ġodda ta’ pagament, bħal applikazzjonijiet ta’ pagament mobbli, li jiffaċilitaw l-użu ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro għal pagamenti fil-POI. Tali soluzzjonijiet ta’ pagament jistgħu jinkludu karatteristiċi jew servizzi addizzjonali offruti lill-pagaturi u lill-benefiċjarji, bħall-bidu ta’ pagament, is-soluzzjoni ta’ tilwim jew ir-rifużjonijiet. Jenħtieġ li l-PSPs ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar l-imposti għal tali karatteristiċi jew servizzi addizzjonali minbarra t-trasferiment ta’ kreditu istantanju sottostanti. Jenħtieġ li soluzzjoni ta’ pagament ibbażata fuq trasferiment ta’ kreditu istantanju li tinkludi karatteristiċi jew servizzi addizzjonali ma titqiesx li hija ta’ natura korrispondenti għal trasferiment ta’ kreditu mhux istantanju offrut mingħajr l-istess karatteristiċi jew servizzi addizzjonali. Meta jkun possibbli li PSU jippreżenta ordnijiet ta’ pagament għal trasferimenti ta’ kreditu mhux istantanji mingħajr ebda karatteristika jew servizz addizzjonali, jenħtieġ li l-istess possibbiltà tkun disponibbli wkoll għal trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro. Jenħtieġ li jiġi żgurat li, mill-perspettiva tal-PSU, ma jkunx aktar għali li jintbagħat jew jiġi riċevut trasferiment ta’ kreditu istantanju f’euro milli jintbagħat jew jiġi riċevut trasferiment ta’ kreditu mhux istantanju f’euro pprovdut bl-istess karatteristiċi jew servizzi addizzjonali. B’mod partikolari, il-PSPs li joffru varjanti differenti ta’ soluzzjoni ta’ pagament fejn l-unika karatteristika distintiva bejniethom tkun l-użu ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’wieħed u mhux istantanju fl-ieħor, jenħtieġ li jiżguraw li l-imposta totali għall-varjant bi trasferiment ta’ kreditu istantanju f’euro ma tkunx ogħla mill-imposta għall-varjant bi trasferiment ta’ kreditu mhux istantanju f’euro.

(19)

Sabiex il-PSUs jingħataw diskrezzjoni akbar meta jagħmlu użu minn trasferimenti ta’ kreditu istantanji, jenħtieġ li l-PSU jkun jista’ jistabbilixxi limitu individwali li jistabbilixxi ammont massimu, fuq bażi ta’ kuljum jew għal kull tranżazzjoni, li jista’ jibagħt permezz ta’ trasferiment ta’ kreditu istantanju. Jenħtieġ li l-PSUs ikunu jistgħu jimmodifikaw jew ineħħu dawk il-limiti individwali fi kwalunkwe ħin, mingħajr diffikultà u b’effett immedjat.

(20)

Is-sigurtà tat-trasferimenti ta’ kreditu f’euro, kemm istantanji kif ukoll mhux istantanji, hija fundamentali biex tiżdied il-fiduċja tal-PSUs fis-servizz ta’ pagament biex jintbagħtu u jiġu riċevuti trasferimenti ta’ kreditu u jiżgura l-użu tiegħu. Skont id-Direttiva (UE) 2015/2366, l-uniku determinant tal-eżekuzzjoni korretta tat-tranżazzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju huwa l-identifikatur uniku, kif definit f’dik id-Direttiva, u l-PSPs mhumiex meħtieġa jivverifikaw l-isem tal-benefiċjarju. Jenħtieġ li l-PSPs ikollhom fis-seħħ miżuri robusti u aġġornati ta’ detezzjoni u prevenzjoni tal-frodi, imfassla biex jipprevjenu trasferiment ta’ kreditu milli jintbagħat lil benefiċjarju mhux intenzjonat bħala riżultat ta’ frodi jew żball, minħabba li jista’ ma jkunx possibbli għall-pagatur li jirkupra l-fondi qabel ma dawk il-fondi jiġu kkreditati fil-kont tal-benefiċjarju. Jenħtieġ li l-PSPs ikollhom ċertu grad ta’ flessibbiltà fit-tfassil tal-aktar miżuri xierqa biex jiġu ttrattati għażliet differenti ta’ bidu ta’ pagament. Jenħtieġ li dawn il-miżuri ma jirriżultawx f’li l-PSUs iġarrbu xi imposti jew tariffi addizzjonali. Jenħtieġ għalhekk li l-PSPs jipprovdu servizz li jiżgura l-verifika tal-benefiċjarju li lilu l-pagatur biħsiebu jibgħat trasferiment ta’ kreditu (servizz li jiżgura l-verifika). Sabiex jiġu evitati problemi jew dewmien bla bżonn fl-ipproċessar tat-tranżazzjoni, jenħtieġ li l-PSP tal-pagatur iwettaq tali servizz minnufih wara li l-pagatur jipprovdi l-informazzjoni rilevanti dwar il-benefiċjarju u qabel ma l-pagatur jiġi offrut il-possibbiltà li jawtorizza t-trasferiment ta’ kreditu.

(21)

Xi attributi tal-isem tal-benefiċjarju li l-pagatur jixtieq jagħmel trasferiment ta’ kreditu fil-kont tiegħu, bħall-preżenza ta’ dijakritiċi jew traslitterazzjonijiet possibbli differenti ta’ ismijiet f’alfabeti differenti, differenzi bejn ismijiet użati abitwalment u ismijiet indikati fuq dokumenti formali, tista’ tirriżulta f’sitwazzjoni fejn l-isem tal-benefiċjarju fornut mill-pagatur u l-isem assoċjat mal-identifikatur tal-kont ta’ pagament, speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 (identifikatur tal-kont ta’ pagament), li kien fornut mill-pagatur, ma jaqblux bl-eżatt iżda madankollu kważi jaqblu. F’każijiet bħal dawn, sabiex tiġi evitata frizzjoni bla bżonn fl-ipproċessar ta’ trasferimenti ta’ kreditu f’euro u tiġi ffaċilitata d-deċiżjoni tal-pagatur dwar jekk jipproċedix bit-tranżazzjoni maħsuba, jenħtieġ lil-PSP jindika lill-pagatur l-isem tal-benefiċjarju assoċjat mal-identifikatur tal-kont ta’ pagament provdut mill-pagatur b’mod li jiżgura l-konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(22)

L-awtorizzazzjoni ta’ trasferiment ta’ kreditu fejn il-benefiċjarju ma jkunx ġie vverifikat tista’ tirriżulta fit-trasferiment tal-fondi lil benefiċjarju mhux intenzjonat. Jenħtieġ li l-PSPs ma jinżammux responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni lil benefiċjarju mhux intenzjonat abbażi ta’ identifikatur uniku żbaljat, kif stabbilit fl-Artikolu 88 tad-Direttiva (UE) 2015/2366, dment li l-PSPs iwettqu b’mod korrett is-servizz li jiżgura l-verifika. Madankollu, meta l-PSPs, inkluż il-fornituri ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament, jonqsu milli jwettqu tali servizz b’mod korrett u meta tali nuqqas jirriżulta fi tranżazzjoni ta’ pagament eżegwita b’mod difettuż, jenħtieġ li tali PSPs iħallsu lura lill-pagatur l-ammont trasferit mingħajr dewmien u, fejn applikabbli, ireġġgħu lura l-kont ta’ pagament iddebitat għall-istat li fih kien ikun li kieku t-tranżazzjoni ta’ pagament ma seħħitx. Jenħtieġ li l-PSPs jinfurmaw lill-PSUs dwar l-implikazzjonijiet għar-responsabbiltà tal-PSP u d-drittijiet ta’ rifużjoni tal-PSU tal-għażla tal-PSUs li jinjoraw notifika pprovduta f’konformità ma’ dan ir-Regolament emendatorju.

(23)

Is-servizz li jiżgura l-verifika jenħtieġ li kemm jista’ jkun jitwettaq f’konformità ma’ sett ta’ regoli u standards fl-Unjoni kollha sabiex titħeġġeġ implimentazzjoni bla xkiel u interoperabbli. Dak is-sett ta’ regoli u standards jista’ jiġi żviluppat minn organizzazzjonijiet magħmula minn, jew li jirrappreżentaw, il-PSPs.

(24)

Jenħtieġ li l-PSUs li mhumiex konsumaturi u li jippreżentaw ordnijiet ta’ ħlas multipli bħala pakkett ikunu jistgħu jagħżlu li ma jirċevux is-servizz li jiżgura l-verifika fi kwalunkwe ħin matul ir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom mal-PSP. Wara li jagħżlu li ma jirċevux is-servizz li jiżgura l-verifika, jenħtieġ li dawk il-PSUs ikunu jistgħu jagħżlu li jerġgħu jagħmlu użu mis-servizz li jiżgura l-verifika.

(25)

Huwa ta’ importanza kritika li l-PSPs jikkonformaw b’mod effettiv mal-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 215 TFUE fir-rigward ta’ persuna, korp jew entità soġġetta għal iffriżar tal-assi jew projbizzjoni li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha, jew għall-benefiċċju tagħha, fondi jew riżorsi ekonomiċi, direttament jew indirettament (miżuri restrittivi finanzjarji mmirati). Madankollu, il-liġi tal-Unjoni ma jistabbilixxix regoli dwar il-proċedura jew l-għodod li għandhom jintużaw mill-PSPs biex jiżguraw il-konformità tagħhom ma’ dawk l-obbligi. Il-PSPs għalhekk japplikaw diversi metodi, ibbażati fuq l-għażla individwali tagħhom jew fuq il-gwida pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati. Il-prattika tal-konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-miżuri restrittivi finanzjarji mmirati billi jiġu skrinjati l-pagatur u l-benefiċjarju involuti f’kull tranżazzjoni ta’ trasferiment tal-kreditu, kemm nazzjonali kif ukoll transfruntiera, twassal biex għadd kbir ħafna ta’ trasferimenti ta’ kreditu jiġu mmarkati bħala li potenzjalment jinvolvu persuni jew entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi finanzjarji mmirati. Madankollu, wara l-verifika jirriżulta li l-maġġoranza l-kbira ta’ tali tranżazzjonijiet mmarkati ma jinvolvu ebda persuna jew entità soġġetta għal miżuri restrittivi finanzjarji mmirati. Minħabba n-natura tat-trasferimenti ta’ kreditu istantanji, huwa impossibbli għall-PSPs li jivverifikaw, fil-limitu ta’ żmien qasir meħtieġ, dawk it-tranżazzjonijiet immarkati u, b’riżultat ta’ dan, jiġu rrifjutati. Dik is-sitwazzjoni toħloq sfidi operazzjonali għall-PSPs biex joffru s-servizz ta’ pagament biex jintbagħtu u jiġu riċevuti trasferimenti ta’ kreditu istantanji lill-PSUs tagħhom madwar l-Unjoni b’mod affidabbli u prevedibbli. Sabiex tiġi prevista ċertezza legali akbar, tiżdied l-effiċjenza tal-isforzi tal-PSPs biex jikkonformaw, fil-kuntest tat-trasferimenti ta’ kreditu istantanji fl-euro, mal-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn miżuri restrittivi finanzjarji mmirati u biex jiġi evitat tfixkil bla bżonn biex jintbagħtu u jiġu riċevuti trasferimenti ta’ kreditu istantanji, jenħtieġ li l-PSPs perjodikament u tal-inqas kuljum, jivverifikaw jekk il-PSUs tagħhom humiex persuni jew entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi finanzjarji mmirati, u jenħtieġ li ma jibqgħux japplikaw skrinjar ibbażat fuq it-tranżazzjonijiet f’dak il-kuntest speċifiku. L-obbligu tal-PSPs li jivverifikaw perjodikament il-PSUs tagħhom huwa relatat biss ma’ persuni jew entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi finanzjarji mmirati. Tipi oħra ta’ miżuri restrittivi adottati f’konformità mal-Artikolu 215 TFUE jew miżuri restrittivi li ma humiex adottati f’konformità mal-Artikolu 215 TFUE jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-obbligu.

(26)

Sabiex jiġi evitat il-bidu ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji minn kontijiet ta’ pagament li jappartjenu lil persuni jew entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi finanzjarji mmirati u biex jiġu ffriżati immedjatament fondi mibgħuta lil tali kontijiet ta’ pagament, jenħtieġ li l-PSPs iwettqu verifiki tal-PSUs tagħhom immedjatament wara d-dħul fis-seħħ ta’ miżura restrittiva finanzjarja mmirata ġdida. Jenħtieġ li dak l-obbligu japplika għall-PSPs kollha li jibagħtu jew jirċievu trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro, b’hekk filwaqt li jiġi żgurat li l-PSPs kollha jikkonformaw b’mod effettiv mal-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn miżuri restrittivi finanzjarji mmirati. L-obbligu tal-PSPs li jivverifikaw perjodikament jekk il-PSUs tagħhom humiex persuni jew entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi finanzjarji mmirati ma jinterferixxix ma’ azzjonijiet li l-PSPs jenħtieġ li jkunu jistgħu jieħdu biex jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, b’mod partikolari mar-rekwiżiti tiegħu bbażati fuq ir-riskju, biex jikkonformaw ma’ miżuri restrittivi, għajr iffriżar tal-assi jew projbizzjoni fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi, li huma adottati f’konformità mal-Artikolu 215 TFUE, jew li jikkonformaw ma’ miżuri restrittivi li mhumiex adottati f’konformità mal-Artikolu 215 TFUE.

(27)

Jenħtieġ li ksur tad-dispożizzjonijiet introdotti minn dan ir-Regolament emendatorju jkun soġġett għal penalitajiet, imposti mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri. Jenħtieġ li dawn il-penalitajiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Sabiex tiġi ffaċilitata fiduċja reċiproka fost il-PSPs u fost l-awtoritajiet kompetenti rilevanti fl-implimentazzjoni uniformi u bir-reqqa ta’ approċċ armonizzat għal konformità mal-obbligi tal-PSP li jirriżultaw minn miżuri restrittivi finanzjarji mmirati, huwa partikolarment xieraq li jiġi armonizzat standard reċiproku fl-Unjoni kollha għal-limitu tal-penalitajiet li għandhom jiġu imposti għall-ksur mill-PSPs tal-obbligi tagħhom li jivverifikaw jekk il-PSUs tagħhom humiex persuni jew entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi finanzjarji mmirati. Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu imposti penalitajiet mhux biss fuq il-PSPs, iżda wkoll fuq persuni fiżiċi li huma membri tal-maniġment superjuri jew tal-korp maniġerjali ta’ PSP.

(28)

Il-PSPs jeħtieġu biżżejjed żmien biex jissodisfaw l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament emendatorju. Huwa għalhekk xieraq li dawk l-obbligi jiġu introdotti gradwalment, li jippermettu lill-PSPs użu aktar effiċjenti tar-riżorsi tagħhom. Jenħtieġ għalhekk li l-obbligu li jiġi offrut is-servizz ta’ pagament biex jintbagħtu trasferimenti ta’ kreditu istantanji japplika aktar tard, preċedut mill-obbligu li jiġi offrut is-servizz ta’ pagament biex jiġu riċevuti trasferimenti ta’ kreditu istantanji, peress li miż-żewġ servizzi, is-servizz biex jintbagħtu trasferimenti ta’ kreditu istantanji għandu tendenza jkun l-aktar wieħed għali u kumpless biex jiġi implimentat u għalhekk jirrikjedi aktar żmien għall-implimentazzjoni tiegħu. Is-servizz li jiżgura l-verifika huwa rilevanti għall-PSPs li joffru s-servizz ta’ pagament li jibagħtu trasferimenti ta’ kreditu.

Jenħtieġ li għalhekk l-obbligu li jiġi offrut dak is-servizz li jiżgura l-verifika japplika mill-istess żmien bħall-obbligu li jiġi offrut is-servizz ta’ pagament biex jintbagħtu trasferimenti ta’ kreditu istantanji. Jenħtieġ li l-obbligi relatati mal-imposti u l-proċedura armonizzata biex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi li jirriżultaw minn miżuri restrittivi finanzjarji mmirati japplikaw hekk kif il-PSPs ikunu obbligati joffru s-servizz ta’ pagament biex jiġu riċevuti trasferimenti ta’ kreditu istantanji. Sabiex il-PSPs li jinsabu fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jkunu jistgħu jallokaw b’mod effiċjenti r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro, jenħtieġ li l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament emendatorju japplikaw għal dawn il-PSPs minn dati aktar tard minn dawk għal PSPs li jinsabu fi Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Jenħtieġ li l-introduzzjoni tad-diversi obbligi tkun gradwali bħal fil-każ tal-PSPs li jinsabu fiż-żona tal-euro. Jekk l-euro jiġi introdott bħala l-munita ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu mhix l-euro qabel dawk id-dati aktar tard, jenħtieġ li l-PSPs f’dak l-Istat Membru jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament emendatorju fi żmien sena mid-data tad-dħul fiż-żona tal-euro u mhux aktar tard mid-dati rispettivi speċifikati għall-PSPs fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro. Madankollu, tali PSPs jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament emendatorju iktar kmieni mid-dati rispettivi speċifikati għall-PSPs fi Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

(29)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jevalwa l-iżvilupp ta’ imposti għall-kontijiet ta’ pagament kif ukoll għal trasferimenti ta’ kreditu nazzjonali u transfruntiera u għal trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro u f’muniti oħra mid-data tal-adozzjoni tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni għal dan ir-Regolament emendatorju, fi kliem ieħor is-26 ta’ Ottubru 2022, sabiex ikun sorveljat kwalunkwe effett ta’ dan ir-Regolament emendatorju fuq l-ipprezzar tal-kontijiet, it-trasferimenti ta’ kreditu mhux istantanji u t-trasferimenti ta’ kreditu istantanji. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni u l-effettività tal-obbligu ta’ PSP li jivverifika perjodikament jekk il-PSUs tiegħu humiex persuni jew entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi finanzjarji mmirati fil-prevenzjoni ta’ tfixkil bla bżonn meta jintbagħtu u jiġu riċevuti trasferimenti ta’ kreditu istantanji. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jivvaluta l-ostakli li jifdal għat-twettiq ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’diversi ċirkostanzi, inkluż pagamenti fil-POI. Jenħtieġ li dak ir-rapport jivvaluta l-livell ta’ standardizzazzjoni tat-teknoloġiji li huma rilevanti għall-użu ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji, bħall-kodiċi QR, il-komunikazzjoni b’kamp fil-qrib (NFC) u l-Bluetooth.

(30)

Skont ir-Regolament (UE) 2021/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), l-imposti applikati minn PSP li jinsab fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro fir-rigward ta’ trasferimenti transfruntiera ta’ kreditu f’euro għandhom ikunu l-istess bħall-imposti applikati minn dak il-PSP fir-rigward ta’ trasferimenti nazzjonali ta’ kreditu fil-munita nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. F’sitwazzjonijiet fejn tali PSP japplika imposti ogħla għal trasferimenti ta’ kreditu istantanji nazzjonali fil-munita nazzjonali milli għal trasferimenti ta’ kreditu mhux istantanji nazzjonali fil-munita nazzjonali, u għalhekk anki imposti ogħla milli għal trasferimenti ta’ kreditu mhux istantanji transfruntiera f’euro, il-livell ta’ imposti li tali PSP ikun meħtieġ japplika skont ir-Regolament (UE) 2021/1230 fir-rigward ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji transfruntiera f’euro jkun ogħla mill-imposti għal trasferimenti ta’ kreditu mhux istantanji transfruntiera f’euro. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, sabiex jiġu evitati rekwiżiti konfliġġenti u filwaqt li jitqies l-objettiv ewlieni li l-PSUs jiġu ggwidati lejn trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro, huwa xieraq li jkun meħtieġ li l-imposti applikati lill-pagaturi u lill-benefiċjarji għal trasferimenti ta’ kreditu istantanji transfruntiera f’euro ma jaqbżux l-imposti applikati għal trasferimenti ta’ kreditu mhux istantanji transfruntiera f’euro.

(31)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) Nru 260/2012 u (UE) 2021/1230 u d-Direttivi 98/26/KE u (UE) 2015/2366 jiġu emendati skont dan.

(32)

Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-forniment ta’ trasferimenti ta’ kreditu, jew is-servizz li jiżgura l-verifika, kif ukoll il-verifika ta’ jekk PSUs humiex persuni jew entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi finanzjarji mmirati, jenħtieġ li jkunu konformi mar-Regolament (UE) 2016/679. L-ipproċessar tal-ismijiet u tal-identifikaturi tal-kont ta’ pagament ta’ persuni fiżiċi huwa proporzjonat u meħtieġ biex jipprevjeni tranżazzjonijiet frawdolenti, jinstabu żbalji, u tiġi żgurata l-konformità ma’ miżuri restrittivi finanzjarji mmirati.

(33)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu pprovduti r-regoli uniformi meħtieġa għat-trasferimenti ta’ kreditu istantanji transfruntiera f’euro fil-livell tal-Unjoni u li jiżdied l-użu ġenerali tat-trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li ma jistgħux jimponu obbligi fuq il-PSPs li jinsabu fi Stati Membri oħra, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(34)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u ta opinjoni fid-19 ta’ Diċembru 2022 (11),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 260/2012

Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(1a)

‘trasferiment ta’ kreditu istantanju’ tfisser trasferiment ta’ kreditu li jiġi eżegwit immedjatament, 24 siegħa kuljum u fi kwalunkwe jum kalendarju;

(1b)

‘mezz ta’ bidu ta’ pagament’ tfisser kwalunkwe metodu, apparat jew proċedura li permezz tagħhom pagaturi jistgħu jagħmlu ordnijiet ta’ ħlas mal-PSP tagħhom għal trasferiment ta’ kreditu, inkluż servizzi bankarji online, applikazzjoni bankarja mobbli, magna awtomatizzata għall-ġbid tal-flus, jew bi kwalunkwe mod ieħor fil-bini tal-PSP;

(1c)

‘fornitur ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament’ tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (18), tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(1d)

‘isem il-benefiċjarju’ tfisser, fir-rigward ta’ persuna fiżika, l-isem u l-kunjom u, fir-rigward ta’ persuna ġuridika, l-isem kummerċjali jew ġuridiku;

(1e)

‘miżura restrittiva finanzjarja mmirata’ tfisser iffriżar tal-assi impost fuq persuna, korp jew entita’ jew projbizzjoni fuq it-tqegħid ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tal-persuna, korp jew entita, jew għall-benefiċċju tagħha, direttament jew indirettament, skont miżuri restrittivi adottati f’konformità mal-Artikolu 215 TFUE;

(1f)

‘Identifikatur ta’ Entità Ġuridika’ jew ‘LEI’ tfisser kodiċi uniku ta’ referenza alfanumeriku skont l-istandard ISO 17442 mogħti lil entità ġuridika;

(*1)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).”;"

(b)

il-punt (5) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(5)

‘kont tal-pagament’ tfisser kont ta’ pagament kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (12), tad-Direttiva (UE) 2015/2366;”;

(c)

il-punt (22) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(22)

‘sistema ta’ pagament bl-imnut’ tfisser sistema ta’ pagament li l-għan ewlieni tagħha huwa li tipproċessa, tikklerja jew issalda trasferimenti ta’ kreditu jew debiti diretti li huma primarjament ta’ ammont żgħir, u li mhijiex sistema ta’ pagament ta’ valur għoli;”;

(2)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 5a

Tranżazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ kreditu istantanji

1.   Il-PSPs li joffru lill-PSUs tagħhom servizz ta’ pagament biex jintbagħtu u jiġu riċevuti trasferimenti ta’ kreditu għandhom joffru lill-PSUs kollha tagħhom servizz ta’ pagament biex jintbagħtu u jiġu riċevuti trasferimenti ta’ kreditu istantanji.

Il-PSPs kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiżguraw li l-kontijiet ta’ pagament kollha li jkunu aċċessibbli għal trasferimenti ta’ kreditu jkunu aċċessibbli wkoll għal trasferimenti ta’ kreditu istantanji 24 siegħa kuljum u fi kwalunkwe jum kalendarju.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, u soġġett għall-kisba tal-permess minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu abbażi tal-valutazzjoni minn dawk l-awtoritajiet tal-aċċess tiegħu għal-likwidità f’euro, PSP li jinsab fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro ma għandux ikun obbligat joffri lill-PSUs is-servizz ta’ pagament biex jintbagħtu trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro lil hinn minn limitu għal kull tranżazzjoni, minn kontijiet ta’ pagament denominati fil-munita nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru, matul iż-żmien meta dak il-PSP la jibgħat u lanqas jirċievi tranżazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ kreditu mhux istantanji f’euro fir-rigward ta’ tali kontijiet ta’ pagament. Dak il-limitu għandu jiġi stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti u ma għandux ikun inqas minn EUR 25 000. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu permess minn qabel fuq talba tal-PSP għal perjodu ta’ sena. Fuq talba tal-PSP, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jestendu dak il-permess minn qabel b’perjodi ulterjuri ta’ sena wara rivalutazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-aċċess tal-PSP għal-likwidità f’euro. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni fuq bażi annwali dwar il-permessi u l-estensjonijiet preċedenti mogħtija skont dan il-paragrafu.

Il-BĊE u kwalunkwe bank ċentrali nazzjonali, meta ma jaġixxix fil-kapaċità tiegħu ta’ awtorità monetarja jew awtorità pubblika oħra, jista’ jillimita l-offerta tiegħu ta’ servizz ta’ pagament biex jintbagħtu trasferimenti ta’ kreditu istantanji għall-perjodu ta’ żmien li matulu joffri servizz ta’ pagament biex jintbagħtu u jiġu riċevuti trasferimenti ta’ kreditu mhux istantanji.

3.   Minkejja l-Artikolu 78(1), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2015/2366, il-ħin tar-riċevuta ta’ ordni ta’ pagament għal trasferiment ta’ kreditu istantanju għandu jkun il-mument meta din tkun ġiet riċevuta mill-PSP tal-pagatur, irrispettivament mis-siegħa jew mill-jum kalendarju.

Minkejja l-Artikolu 78(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, jekk il-pagatur u l-PSP tal-pagatur jaqblu li l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ pagament għal trasferiment ta’ kreditu istantanju għandha sseħħ f’ħin speċifiku f’jum speċifiku jew fil-mument meta l-pagatur ikun poġġa fondi għad-dispożizzjoni tal-PSP, il-ħin tar-riċevuta tal-ordni ta’ pagament għal trasferiment ta’ kreditu istantanju għandu jitqies li huwa l-ħin miftiehem, irrispettivament mis-siegħa jew mill-jum kalendarju.

B’deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu, il-ħin tar-riċevuta tal-ordni ta’ pagament għal trasferiment ta’ kreditu istantanju għandu jkun:

(a)

għal ordni ta’ pagament mhux elettronika għal trasferiment ta’ kreditu istantanju, il-mument meta l-PSP tal-pagatur ikun introduċa l-informazzjoni dwar l-ordni ta’ pagament fis-sistema interna tiegħu, li għandu jseħħ malajr kemm jista’ jkun wara li l-ordni ta’ pagament mhux elettronika għal trasferiment ta’ kreditu istantanju tkun saret mill-pagatur mal-PSP tal-pagatur;

(b)

għal ordni ta’ pagament individwali għal trasferiment ta’ kreditu istantanju li jappartjeni għal pakkett kif imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, fejn il-konverżjoni ta’ dak il-pakkett fi tranżazzjonijiet ta’ pagament individwali titwettaq mill-PSP tal-pagatur, il-mument meta t-tranżazzjoni ta’ pagament sussegwenti tkun inħarġet mill-pakkett mill-PSP tal-pagatur; il-PSP tal-pagatur għandu jibda l-konverżjoni tal-pakkett minnufih wara li dan ikun tqiegħed mill-pagatur mal-PSP tal-pagatur u jlesti dik il-konverżjoni malajr kemm jista’ jkun;

(c)

għal ordni ta’ pagament għal trasferiment ta’ kreditu istantanju minn kontijiet ta’ pagament li mhumiex denominati f’euro, il-mument meta l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ pagament ikun ġie kkonvertit f’euro; tali kambju tal-munita għandu jsir minnufih wara li l-ordni ta’ pagament għal trasferiment ta’ kreditu istantanju tkun saret mill-pagatur mal-PSP tal-pagatur.

4.   Meta jwettqu trasferimenti ta’ kreditu istantanji, il-PSPs għandhom, minbarra r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5, jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-PSPs għandhom jieħdu ħsieb li l-pagaturi jkunu jistgħu jagħmlu ordni ta’ pagament għal trasferiment ta’ kreditu istantanju bl-istess mezzi ta’ bidu ta’ pagament, kollha kemm huma, bħal dawk li permezz tagħhom dawk il-pagaturi jkunu jistgħu jagħmlu ordni ta’ pagament għal trasferimenti ta’ kreditu oħra;

(b)

minkejja l-Artikolu 83 tad-Direttiva (UE) 2015/2366, minnufih wara l-ħin tar-riċevuta ta’ ordni ta’ pagament għal trasferiment ta’ kreditu istantanju, il-PSP tal-pagatur għandu jivverifika jekk ikunux issodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa kollha għall-ipproċessar tat-tranżazzjoni ta’ pagament u jekk ikunux disponibbli l-fondi meħtieġa, jirriżerva jew jiddebita l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ pagament mill-kont tal-pagatur, u minnufih jibgħat it-tranżazzjoni ta’ pagament lill-PSP tal-benefiċjarju;

(c)

minkejja l-Artikolu 83 u l-Artikolu 87(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, il-PSP tal-benefiċjarju għandu, fi żmien 10 sekondi mill-ħin tar-riċevuta tal-ordni ta’ pagament għal trasferiment ta’ kreditu istantanju mill-PSP tal-pagatur, jagħmel l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ pagament disponibbli fil-kont ta’ pagament tal-benefiċjarju fil-munita li fiha jkun denominat il-kont tal-benefiċjarju u jikkonferma t-tlestija tat-tranżazzjoni ta’ pagament lill-PSP tal-pagatur;

(d)

minkejja l-Artikolu 87(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, il-PSP tal-benefiċjarju għandu jieħu ħsieb li d-data tal-valur tal-kreditu għall-kont ta’ pagament tal-benefiċjarju tkun l-istess data bħal dik meta l-kont ta’ pagament tal-benefiċjarju jiġi kkreditat mill-PSP tal-benefiċjarju bl-ammont tat-tranżazzjoni ta’ pagament; u

(e)

minnufih malli jirċievi l-konferma tat-tlestija msemmija fil-punt (c), jew meta ma tasal ebda konferma tat-tlestija bħal din mill-PSP tal-pagatur fi żmien 10 sekondi mill-ħin tar-riċevuta tal-ordni ta’ pagament għal trasferiment ta’ kreditu istantanju, il-PSP tal-pagatur għandu, mingħajr ħlas, jinforma lill-pagatur, kif ukoll, fejn applikabbli, lill-fornitur ta’ servizz ta’ bidu ta’ pagament, jekk l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ pagament ikunx ġie magħmul disponibbli fil-kont ta’ pagament tal-benefiċjarju.

5.   Minkejja l-Artikolu 89 tad-Direttiva (UE) 2015/2366, meta l-PSP tal-pagatur ma jkunx irċieva messaġġ mill-PSP tal-benefiċjarju li jikkonferma li l-fondi ġew magħmula disponibbli fil-kont tal-pagament tal-benefiċjarju fi żmien 10 sekondi mill-ħin tar-riċevuta, il-PSP tal-pagatur għandu immedjatament ireġġa’ lura l-kont tal-pagament tal-pagatur għall-istat li kien ikun fih li kieku t-tranżazzjoni ma seħħitx.

6.   Mat-talba tal-PSU, PSP għandu joffri lil PSU l-possibbiltà li jistabbilixxi limitu li jiffissa ammont massimu li jista’ jiġi mibgħut permezz ta’ trasferiment ta’ kreditu istantanju. Dak il-limitu jista’ jkun fuq bażi ta’ kull jum jew kull tranżazzjoni, fid-diskrezzjoni unika tal-PSU. Il-PSPs għandhom jiżguraw li l-PSUs ikunu jistgħu jimmodifikaw dak l-ammont massimu fi kwalunkwe ħin qabel it-tqegħid ta’ ordni ta’ pagament għal trasferiment ta’ kreditu istantanju. Meta ordni ta’ pagament ta’ PSU għal trasferiment ta’ kreditu istantanju taqbeż, jew twassal biex taqbeż, l-ammont massimu, il-PSP tal-pagatur ma għandux jeżegwixxi l-ordni ta’ pagament għat-trasferiment ta’ kreditu istantanju, għandu jinnotifika lill-PSU b’dan u għandu jinforma lill-PSU dwar kif għandu jimmodifika l-ammont massimu.

7.   Meta joffru s-servizz ta’ pagament biex jintbagħtu u jiġu riċevuti trasferimenti ta’ kreditu istantanji, il-PSPs għandhom joffru lill-PSUs tagħhom il-possibbiltà li jissottomettu ordnijiet ta’ ħlas multipli bħala pakkett jekk il-PSPs joffru dik il-possibbiltà lill-PSUs tagħhom għal trasferimenti ta’ kreditu oħra.

Il-PSPs ma għandhomx jimponu limiti fuq l-għadd ta’ ordnijiet ta’ pagament li jistgħu jiġu sottomessi f’pakkett ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji li jkunu aktar baxxi mil-limiti li huma jimponu fir-rigward ta’ pakketti ta’ trasferimenti ta’ kreditu oħra.

8.   Il-PSPs kif imsemmija fil-paragrafu 1 li jkunu jinsabu fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro għandhom joffru lil PSUs is-servizz ta’ pagament biex jiġu riċevuti trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro kif stabbilit f’dan l-Artikolu sad-9 ta’ Jannar 2025, u s-servizz ta’ pagament biex jintbagħtu trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro kif stabbilit f’dan l-Artikolu sad-9 ta’ Ottubru 2025.

Il-PSPs kif imsemmija fil-paragrafu 1 li jkunu jinsabu fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro għandhom joffru lil PSUs is-servizz ta’ pagament biex jiġu riċevuti trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro kif stabbilit f’dan l-Artikolu sad-9 ta’ Jannar 2027, u s-servizz ta’ pagament biex jintbagħtu trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro kif stabbilit f’dan l-Artikolu sad-9 ta’ Lulju 2027.

B’deroga mit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, sad-9 ta’ Ġunju 2028 il-PSPs kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li jkunu jinsabu fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro ma għandhomx ikunu obbligati joffru lil PSUs is-servizz ta’ pagament biex jintbagħtu trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro minn kontijiet ta’ pagament denominati fil-munita nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru, matul iż-żmien meta dawk il-PSPs la jibagħtu u lanqas jirċievu trasferimenti ta’ kreditu mhux istantanji f’euro fir-rigward ta’ tali kontijiet.

Minkejja l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-PSPs li huma istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva 2009/110/KE jew istituzzjonijiet ta’ pagament kif definiti fl-Artikolu 4, il-punt (4), tad-Direttiva (UE) 2015/2366 u li jinsabu fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro għandhom joffru lil PSUs is-servizz ta’ pagament biex jintbagħtu u jiġu riċevuti trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro kif stabbilit f’dan l-Artikolu sad-9 ta’ April 2027.

Minkejja t-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-PSPs li huma istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva 2009/110/KE jew istituzzjonijiet ta’ pagament kif definiti fl-Artikolu 4, il-punt (4), tad-Direttiva (UE) 2015/2366 u li jinsabu fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro għandhom joffru lil PSUs is-servizz ta’ pagament biex jiġu riċevuti trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro kif stabbilit f’dan l-Artikolu sad-9 ta’ April 2027 u s-servizz ta’ pagament biex jintbagħtu trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro kif stabbilit f’dan l-Artikolu sad-9 ta’ Lulju 2027.

Artikolu 5b

Bidliet rigward it-trasferimenti ta’ kreditu u l-verifika tal-benefiċjarju

1.   Kwalunkwe imposta minn PSP fuq pagaturi u benefiċjarji fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji ma għandhiex tkun ogħla mill-imposti minn dak il-PSP fir-rigward li jintbagħtu u jiġu riċevuti tipi korrispondenti ta’ trasferimenti oħra ta’ kreditu.

2.   Is-servizzi msemmija fl-Artikolu 5c għandhom jingħataw lill-PSUs kollha mingħajr ħlas.

3.   Il-PSPs li jinsabu fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro għandhom jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu sad-9 ta’ Jannar 2025.

Il-PSPs li jinsabu fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro għandhom jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu sad-9 ta’ Jannar 2027.

Artikolu 5c

Verifika tal-benefiċjarju fil-każ ta’ trasferimenti ta’ kreditu

1.   Il-PSP tal-pagatur għandu joffri lill-pagatur servizz li jiżgura l-verifika tal-benefiċjarju li lilu l-pagatur biħsiebu jibgħat trasferiment ta’ kreditu (servizz li jiżgura l-verifika). Il-PSP tal-pagatur għandu jwettaq is-servizz filwaqt li jiżgura l-verifika immedjatament wara li l-pagatur jipprovdi informazzjoni rilevanti dwar il-benefiċjarju u qabel ma l-pagatur jiġi offrut il-possibbiltà li jawtorizza dak it-trasferiment ta’ kreditu. Il-PSP tal-pagatur għandu joffri s-servizz li jiżgura l-verifika irrispettivament mill-mezz ta’ bidu ta’ pagament użat mill-pagatur biex jagħmel ordni ta’ pagament għat-trasferiment ta’ kreditu. Is-servizz li jiżgura l-verifika għandu jiġi pprovdut skont dan li ġej:

(a)

meta l-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness u l-isem tal-benefiċjarju jkunu ddaħħlu fl-ordni ta’ pagament għat-trasferiment ta’ kreditu mill-pagatur, il-PSP tal-pagatur għandu jipprovdi servizz biex jitqabbel l-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness mal-isem tal-benefiċjarju. Fuq talba tal-PSP tal-pagatur, il-PSP tal-benefiċjarju għandu jivverifika jekk l-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness u l-isem tal-benefiċjarju pprovdut mill-pagatur jaqblux. Fejn ma jaqblux, il-PSP tal-pagatur għandu, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-PSP tal-benefiċjarju, jinnotifika lill-pagatur b’dan u jinforma lill-pagatur li l-awtorizzazzjoni tat-trasferiment ta’ kreditu tista’ twassal għat-trasferiment tal-fondi f’kont ta’ pagament mhux miżmum mill-benefiċjarju indikat mill-pagatur. Meta l-isem tal-benefiċjarju pprovdut mill-pagatur u l-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness kważi jaqblu, il-PSP tal-pagatur għandu jindika lill-pagatur l-isem tal-benefiċjarju assoċjat mal-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness ipprovdut mill-pagatur;

(b)

meta l-benefiċjarju jkun persuna ġuridika u l-PSP tal-pagatur joffri mezz ta’ bidu ta’ pagament li jippermetti lill-pagatur jagħmel ordni ta’ pagament billi jipprovdi l-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness ta’ dan ir-Regolament flimkien ma’ elementi tad-data għajr l-isem tal-benefiċjarju li jidentifikaw mingħajr ambigwità lill-benefiċjarju, bħal numru fiskali, identifikatur uniku Ewropew kif imsemmi fl-Artikolu 16(1), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) jew LEI, u fejn dawk l-istess elementi tad-data jkunu disponibbli fis-sistema interna tal-PSP tal-benefiċjarju, dak il-PSP, fuq talba tal-PSP tal-pagatur, għandu jivverifika jekk l-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness ta’ dan ir-Regolament u l-element tad-data pprovdut mill-pagatur jaqblux. Meta l-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness ta’ dan ir-Regolament u l-element tad-data pprovdut mill-pagatur ma jaqblux, il-PSP tal-pagatur għandu, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-PSP tal-benefiċjarju, jinnotifika lil pagatur b’dan;

(c)

meta kont ta’ pagament identifikat permezz ta’ identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness ipprovdut mill-pagatur jinżamm minn PSP f’isem benefiċjarji multipli, informazzjoni addizzjonali li tippermetti li l-benefiċjarju jiġi identifikat mingħajr ambigwità tista’ tiġi pprovduta mill-pagatur lill-PSP tal-pagatur. Il-PSP li jżomm dak il-kont ta’ pagament f’isem benefiċjarji multipli jew, fejn xieraq, il-PSP li jkollu dak il-kont ta’ pagament, għandu, fuq talba tal-PSP tal-pagatur, jikkonferma jekk il-benefiċjarju indikat mill-pagatur huwiex fost il-benefiċjarji multipli li f’isimhom jinżamm il-kont ta’ pagament. Il-PSP tal-pagatur għandu jinnotifika lill-pagatur jekk il-benefiċjarju indikat mill-pagatur ma jkunx fost il-benefiċjarji multipli li f’isimhom jinżamm il-kont ta’ pagament;

(d)

f’każijiet għajr dawk deskritti fil-punti (a), (b) u (c) ta’ dan il-paragrafu, u, b’mod partikolari, fejn PSP jipprovdi mezz ta’ bidu ta’ pagament li ma jirrikjedix li l-pagatur idaħħal kemm l-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness kif ukoll l-isem tal-benefiċjarju, il-PSP għandu jiżgura li l-benefiċjarju li l-pagatur biħsiebu jibgħatlu trasferiment ta’ kreditu jiġi identifikat b’mod korrett. Għal dak il-għan, il-PSP għandu jinforma lill-pagatur b’mod li jippermetti lill-pagatur jivvalida l-benefiċjarju qabel ma jawtorizza t-trasferiment ta’ kreditu.

2.   Meta l-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness jew l-isem tal-benefiċjarju jiġi pprovdut minn fornitur ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament, minflok mill-pagatur, dak il-fornitur ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament għandu jiżgura li l-informazzjoni dwar il-benefiċjarju tkun korretta.

3.   Il-PSPs, għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (d), u l-fornituri ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament, għall-finijiet tal-paragrafu 2, għandhom iżommu proċeduri interni robusti biex jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji tkun korretta.

4.   Fil-każ ta’ ordnijiet ta’ pagament stampati, il-PSP tal-pagatur għandu jwettaq is-servizz li jiżgura l-verifika fil-ħin tar-riċevuta tal-ordni ta’ pagament, sakemm il-pagatur ma jkunx preżenti fil-ħin tar-riċevuta.

5.   Il-PSPs għandhom jiżguraw li l-prestazzjoni tas-servizz li jiżgura l-verifika u tas-servizz deskritt fil-paragrafu 2 ma jwaqqfux lill-pagaturi milli jawtorizzaw it-trasferiment ta’ kreditu istantanju kkonċernat.

6.   Il-PSPs għandhom jipprovdu lill-PSUs li mhumiex konsumaturi bil-mezzi li jagħżlu li ma jirċevux is-servizz li jiżgura l-verifika meta jissottomettu ordnijiet ta’ pagament multipli bħala pakkett.

Il-PSPs għandhom jiżguraw li l-PSUs li jagħżlu li ma jirċevux is-servizz li jiżgura l-verifika jkollhom id-dritt li fi kwalunkwe ħin jagħżlu li jirċievu dak is-servizz.

7.   Kull meta l-PSP tal-pagatur jinnotifika lill-pagatur f’konformità mal-paragrafu 1, il-punt (a), (b) jew (c), dak il-PSP għandu fl-istess ħin jinforma lill-pagatur li l-awtorizzazzjoni tat-trasferiment ta’ kreditu tista’ twassal għat-trasferiment tal-fondi għal kont ta’ pagament mhux miżmum mill-benefiċjarju indikat mill-pagatur. PSP għandu jipprovdi dik l-informazzjoni lill-PSU li mhuwiex konsumatur meta dak il-PSU jagħżel li ma jirċevix is-servizz li jiżgura l-verifika meta jissottometti ordnijiet ta’ ħlas multipli bħala pakkett. Il-PSPs għandhom jinfurmaw lill-PSUs tagħhom dwar l-implikazzjonijiet għad-drittijiet tar-responsabbiltà tal-PSP u tar-rifużjonijiet tal-PSU bħala riżultat ta’ għażla tal-PSUs biex jinjoraw notifika kif imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b) u (c).

8.   PSP ma għandux jinżamm responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ trasferiment ta’ kreditu lil benefiċjarju mhux intenzjonat abbażi ta’ identifikatur uniku żbaljat, kif stabbilit fl-Artikolu 88 tad-Direttiva (UE) 2015/2366, dment li jkun issodisfa r-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu.

Meta l-PSP tal-pagatur jonqos milli jikkonforma mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament jonqos milli jikkonforma mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u meta dak in-nuqqas jirriżulta fi tranżazzjoni ta’ pagament eżegwita b’mod difettuż, il-PSP tal-pagatur għandu iħallas lura mingħajr dewmien lill-pagatur l-ammont ittrasferit u, fejn applikabbli, ireġġa’ lura l-kont ta’ pagament iddebitat fl-istat li kien fih li kieku t-tranżazzjoni ma seħħitx.

Meta n-nuqqas ta’ konformità jseħħ minħabba li l-PSP tal-pagatur, jew il-fornitur ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament, ikunu naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont dan l-Artikolu, il-PSP tal-benefiċjarju jew, fejn rilevanti, il-fornitur ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament, għandhom jikkumpensaw lill-PSP tal-pagatur għad-dannu finanzjarju kkawżat lill-PSP tal-pagatur b’dak in-nuqqas.

Kwalunkwe telf finanzjarju ulterjuri kkawżat lill-pagatur jista’ jiġi kkumpensat f’konformità mal-liġi applikabbli għall-kuntratt konkluż bejn il-pagatur u l-PSP rilevanti.

9.   Il-PSPs li jinsabu fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro għandhom jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu sad-9 ta’ Ottubru 2025.

Il-PSPs li jinsabu fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro għandhom jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu sad-9 ta’ Lulju 2027.

Artikolu 5d

Skrinjar tal-PSUs mill-PSPs li joffru trasferimenti ta’ kreditu istantanji biex jiġi vverifikat jekk PSU huwiex persuna jew entità soġġetta għal miżuri restrittivi finanzjarji mmirati

1.   Il-PSPs li joffru trasferimenti ta’ kreditu istantanji għandhom jivverifikaw jekk kwalunkwe wieħed mill-PSUs tagħhom huwiex persuna jew entita’ soġġetta għal miżuri restrittivi finanzjarji mmirati.

Il-PSPs għandhom iwettqu tali verifiki immedjatament wara d-dħul fis-seħħ ta’ kwalunkwe miżura restrittiva finanzjarja mmirata ġdida, u immedjatament wara d-dħul fis-seħħ ta’ kwalunkwe emenda għal tali miżuri restrittivi finanzjarji mmirati, u mill-inqas darba kull jum kalendarju.

2.   Matul l-eżekuzzjoni ta’ trasferiment ta’ kreditu istantanju, il-PSP tal-pagatur u l-PSP tal-benefiċjarju involuti fl-eżekuzzjoni ta’ dak it-trasferiment ta’ kreditu instantanju ma għandhomx jivverifikaw jekk il-pagatur jew il-benefiċjarju li l-kontijiet ta’ pagament tiegħu jintużaw għall-eżekuzzjoni ta’ dak it-trasferiment ta’ kreditu istantanju humiex persuni jew entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi finanzjarji mmirati minbarra li jwettqu verifiki skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet meħuda mill-PSPs sabiex jikkonformaw ma’ miżuri restrittivi, għajr miżuri restrittivi finanzjarji mmirati, adottati f’konformità mal-Artikolu 215 TFUE, ma’ miżuri restrittivi li mhumiex adottati f’konformità mal-Artikolu 215 TFUE, jew mal-liġi tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

3.   Il-PSPs għandhom jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu sad-9 ta’ Jannar 2025.

(*2)  Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).”;"

(3)

fl-Artikolu 11, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom, sad-9 ta’ April 2025, jistabbilixxu regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tal-Artikoli 5a sa 5d u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Dawn il-penalitajiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, sad-9 ta’ April 2025, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

1b.   Fir-rigward tal-penalitajiet applikabbli għall-ksur tal-Artikolu 5d, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali penalitajiet jinkludu:

(a)

fil-każ ta’ persuna ġuridika, multi amministrattivi massimi sa mill-inqas 10 % tal-fatturat nett annwali totali tal-persuna ġuridika fis-sena kummerċjali preċedenti;

(b)

fil-każ ta’ persuna fiżika, multi amministrattivi massimi ta’ mill-inqas EUR 5 000 000, jew l-ammont ekwivalenti fil-munita nazzjonali fl-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro fid-8 ta’ April 2024.

Għall-finijiet tal-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, meta l-persuna ġuridika tkun sussidjarja ta’ impriża prinċipali, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (9), tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), jew ta’ kwalunkwe impriża li effettivament teżerċita influwenza dominanti fuq dik il-persuna ġuridika, il-fatturat rilevanti għandu jkun il-fatturat li jirriżulta mill-kontijiet konsolidati tal-impriża prinċipali aħħarija fis-sena kummerċjali preċedenti.

1c.   Il-penalitajiet imsemmija fil-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jiġu applikati fir-rigward tal-ksur tar-rekwiżit tal-aċċessibbiltà fl-Artikolu 5a(1), it-tieni subparagrafu, meta l-kontijiet ta’ pagament miżmuma mill-PSPs ma jkunux aċċessibbli għal trasferimenti ta’ kreditu istantanji minħabba manutenzjoni ppjanata meta l-perjodi ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà jkunu kemm prevedibbli kif ukoll qosra jew għal perjodu ta’ qtugħ ippjanat tat-trasferimenti ta’ kreditu istantanji kollha skont l-iskema ta’ pagament rilevanti, dment li l-PSUs ikunu ġew infurmati minn qabel dwar dawk il-perjodi ta’ manutenzjoni ppjanata jew ta’ qtugħ ippjanat.

1d.   B’deroga mill-paragrafu 1b, meta s-sistema legali tal-Istat Membru ma tipprevedix penalitajiet amministrattivi, dan l-Artikolu jista’ jiġi applikat b’tali mod li l-penali tinbeda mill-awtorità kompetenti u tiġi imposta mill-awtoritajiet ġudizzjarji, filwaqt li jiġi żgurat li dik il-penali tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva, u jkollha effett ekwivalenti għall-penalitajiet amministrattivi imposti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li s-sistema legali tagħhom tipprevedi penalitajiet amministrattivi. Fi kwalunkwe każ, il-penalitajiet imposti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri li s-sistema legali tagħhom ma tipprevedix penalitajiet amministrattivi għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-penalitajiet tagħhom sad-9 ta’ April 2025 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

(*3)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ intrapriżi, li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).”;"

(4)

L-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 15

Rieżami

1.   Sal-1 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-BĊE u l-ABE rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament akkompanjat, jekk ikun xieraq, bi proposta.

2.   Sad-9 ta’ Ottubru 2028, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva. Ir-rapport għandu jkun fih evalwazzjoni ta’:

(a)

l-iżvilupp ta’ imposti għall-kontijiet ta’ pagament kif ukoll għat-trasferimenti ta’ kreditu nazzjonali u transfruntiera u t-trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro u fil-munita nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro mis-26 ta’ Ottubru 2022, inkluż l-impatt tal-Artikolu 5b(1) fuq dawk l-imposti; kif ukoll

(b)

il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5d u l-effettività tiegħu fil-prevenzjoni ta’ tfixkil bla bżonn ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji.

3.   Il-PSPs għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom dwar:

(a)

il-livell ta’ imposti għat-trasferimenti ta’ kreditu, trasferimenti ta’ kreditu istantanji u kontijiet ta’ pagament;

(b)

is-sehem ta’ rifjuti, separatament għal tranżazzjonijiet ta’ pagament nazzjonali u transfruntiera, minħabba l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi finanzjarji mmirati.

Il-PSPs għandhom jissottomettu tali rapporti kull 12-il xahar. L-ewwel rapport għandu jiġi ppreżentat fid-9 ta’ April 2025 u għandu jinkludi informazzjoni dwar il-livell tal-imposti u dwar ir-rifjuti matul il-perjodu li jibda fis-26 ta’ Ottubru 2022 sal-aħħar tas-sena kalendarja preċedenti.

4.   Sad-9 ta’ Ottubru 2025, u kull sena minn hemm ’il quddiem, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-EBA l-informazzjoni rrapportata lilhom mill-PSPs skont il-paragrafu 3, u l-informazzjoni dwar il-volum u l-valur tat-trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro li jkunu ntbagħtu, kemm nazzjonali kif ukoll transfruntiera, mill-PSPs stabbiliti fl-Istat Membru tagħhom matul is-sena kalendarja preċedenti.

5.   L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika mudelli ta’ rapportar, struzzjonijiet u metodoloġija uniformi dwar kif jintużaw dawk il-mudelli ta’ rapportar għall-finijiet tar-rapportar kif imsemmi fil-paragrafu 3.

L-EBA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu lill-Kummissjoni sad-9 ta’ Ġunju 2024.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi implimentattivi msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

6.   Il-Kummissjoni għandha, sad-9 ta’ April 2027, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-ostakli li jifdal għad-disponibbiltà u l-użu ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji. Dak ir-rapport għandu jivvaluta l-livell ta’ standardizzazzjoni tat-teknoloġiji li huma rilevanti għall-użu ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji. Ir-rapport jista’ jiġi akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva.”

;

(5)

Fl-Artikolu 16, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“9.   Jekk l-euro jiġi introdott bħala l-munita ta’ Stat Membru qabel id-9 ta’ April 2027, il-PSPs f’dak l-Istat Membru għandhom jikkonformaw mal-Artikoli 5a, 5b u 5c fi żmien sena mid-data li fiha l-euro jkun ġie introdott bħala l-munita ta’ dak l-Istat Membru u mhux aktar tard mid-dati rispettivi speċifikati f’dawk l-Artikoli għall-PSPs fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro. Madankollu, tali PSPs ma għandhomx ikunu meħtieġa jikkonformaw mal-Artikolu 5a, 5b u 5c qabel id-dati rispettivi speċifikati f’dawk l-Artikoli għall-PSPs fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.”

.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/1230

Ir-Regolament (UE) 2021/1230 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika meta l-Artikolu 5b(1) tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) ikun jeħtieġ li fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jinsab fi Stat Membru li ma għandux l-euro bħala l-munita tiegħu, fir-rigward ta’ trasferiment ta’ kreditu istantanju, jimponi imposta li tkun aktar baxxa mill-imposta li tkun imposta, fir-rigward tal-istess trasferiment ta’ kreditu istantanju, li kieku kellu jiġi applikat il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, it-terminu ‘trasferiment ta’ kreditu istantanju’ jfisser trasferiment ta’ kreditu istantanju kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1a), tar-Regolament (UE) Nru 260/2012, li jkun f’euro u transfruntier.

(*4)  Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).”;"

(2)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jista’ jimponi imposti addizzjonali ma’ dawk diġà applikati skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament fuq l-utent ta’ servizzi ta’ pagament meta dak l-utent jinforma lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament biex jesegwixxi pagament transfruntier mingħajr ma jikkomunika l-IBAN u, meta jkun xieraq u skont ir-Regolament (UE) Nru 260/2012, il-BIC relatat mal-kont ta’ pagament fl-Istat Membru l-ieħor. Dawk l-imposti għandhom ikunu adatti u konformi mal-ispejjeż. Huma għandhom jiġu miftiehma bejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament u l-utent ta’ servizzi ta’ pagament. Il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għandu jinforma lill-utent ta’ servizzi ta’ pagament dwar l-ammont tal-imposti addizzjonali fi żmien kmieni biżżejjed qabel ma l-utent ta’ servizzi ta’ pagament jintrabat bi ftehim bħal dan.”

.

Artikolu 3

Emendi għad-Direttiva (UE) 2015/2366

Id-Direttiva (UE) 2015/2366 hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 10(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżiġu li l-istituzzjonijiet ta’ pagament li jipprovdu servizzi ta’ pagament kif imsemmi fil-punti (1) sa (6) tal-Anness I ta’ din id-Direttiva u l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva 2009/110/KE jissalvagwardjaw il-fondi kollha li ġew riċevuti mill-utenti ta’ servizzi ta’ pagament jew permezz ta’ fornitur ieħor ta’ servizzi ta’ pagament għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament, b’wieħed mill-modi li ġejjin:

(a)

fl-ebda ħin il-fondi ma għandhom jitħalltu mal-fondi ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minbarra l-utenti ta’ servizzi ta’ pagament li f’isimhom ikunu miżmuma l-fondi u, meta jkunu għadhom miżmuma mill-istituzzjoni ta’ pagament jew mill-istituzzjoni tal-flus elettroniċi u jkunu għadhom ma ngħatawx lill-benefiċjarju jew trasferiti lil fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ieħor sa tmiem il-jum ta’ negozju wara l-jum meta l-fondi jkun ġew riċevuti, għandhom jiġu depożitati f’kont separat f’istituzzjoni ta’ kreditu jew f’bank ċentrali fid-diskrezzjoni ta’ dak il-bank ċentrali, jew investiti f’assi likwidi siguri u b’riskju baxx kif definit mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju; u għandhom jiġu protetti f’konformità mal-liġi nazzjonali fl-interess tal-utenti ta’ servizzi ta’ pagament kontra pretensjonijiet ta’ kredituri oħra tal-istituzzjoni ta’ pagament jew tal-istituzzjoni tal-flus elettroniċi, b’mod partikolari f’każ ta’ insolvenza;

(b)

il-fondi għandhom ikunu koperti minn polza ta’ assigurazzjoni jew minn xi garanzija komparabbli oħra minn kumpanija tal-assigurazzjoni jew istituzzjoni tal-kreditu, li ma tagħmilx parti mill-istess grupp bħall-istituzzjoni ta’ pagament jew istituzzjoni tal-flus elettroniċi innifisha, għal ammont ekwivalenti għal dak li jkun ġie segregat fin-nuqqas ta’ polza tal-assigurazzjoni jew garanzija komparabbli oħra, pagabbli fil-każ li l-istituzzjoni ta’ pagament jew l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi ma tkunx tista’ tissodisfa l-obbligi finanzjarji tagħha.”

;

(2)

L-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal sistemi ta’ pagament magħmula esklużivament minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jappartjenu għal grupp.”

;

b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta parteċipant f’sistema ta’ pagament maħtura skont id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5) jippermetti li fornitur awtorizzat jew reġistrat ta’ servizzi ta’ pagament li mhux parteċipant fis-sistema jgħaddi ordnijiet ta’ trasferiment permezz tas-sistema dak il-parteċipant għandu, meta jintalab, jagħti l-istess opportunità b’mod oġġettiv, proporzjonat u nondiskriminatorju lil fornituri awtorizzati jew reġistrati oħrajn ta’ servizzi ta’ pagament skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Il-parteċipant għandu jagħti r-raġunijiet sħaħ għal kwalunkwe ċaħda lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jkun qed jagħmel talba.

(*5)  Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).”;"

(3)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 35a

Kundizzjonijiet għat-talba ta’ parteċipazzjoni f’sistemi ta’ pagament deżinjati

1.   Bħala salvagwardja għall-istabbiltà u l-integrità tas-sistemi ta’ pagament, l-istituzzjonijiet ta’ pagament u l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li jitolbu l-parteċipazzjoni u li jipparteċipaw f’sistemi deżinjati skont id-Direttiva 98/26/KE għandu jkollhom fis-seħħ dan li ġej:

(a)

deskrizzjoni tal-miżuri meħuda għas-salvagwardja tal-fondi tal-utenti ta’ servizzi ta’ pagament;

(b)

deskrizzjoni tal-arranġamenti ta’ governanza u l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern għas-servizzi ta’ pagament jew għas-servizzi tal-flus elettroniċi li jkun beħsiebu jipprovdi, inkluż il-proċeduri amministrattivi, tal-ġestjoni tar-riskju u kontabilistiċi, tal-istituzzjoni ta’ pagament jew tal-istituzzjoni tal-flus elettroniċi u deskrizzjoni tal-arranġamenti għall-użu ta’ servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni tal-istituzzjoni ta’ pagament jew tal-istituzzjoni tal-flus elettroniċi, relatati mal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6); u

(c)

pjan ta’ stralċ f’każ ta’ falliment.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (a), ta’ dan il-paragrafu:

(a)

meta l-istituzzjoni ta’ pagament jew l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi tissalvagwardja l-fondi tal-utenti ta’ servizzi ta’ pagament billi tiddepożita fondi f’kont separat f’istituzzjoni ta’ kreditu jew permezz ta’ investiment f’assi siguri, likwidi u b’riskju baxx kif definit mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju, id-deskrizzjoni tal-miżuri meħuda għal tali salvagwardja għandu jkun fiha, kif applikabbli:

(i)

deskrizzjoni tal-politika ta’ investiment biex jiġi żgurat li l-assi li jintgħażlu jkunu likwidi, siguri u b’riskju baxx;

(ii)

in-numru ta’ persuni li għandhom aċċess għall-kont ta’ salvagwardja u l-funzjonijiet tagħhom;

(iii)

deskrizzjoni tal-proċess amministrattiv u ta’ rikonċiljazzjoni biex jiġi żgurat li l-fondi tal-utenti ta’ servizzi ta’ pagament ikunu protetti fl-interess tal-utenti ta’ servizzi ta’ pagament kontra pretensjonijiet ta’ kredituri oħra tal-istituzzjoni ta’ pagament jew tal-istituzzjoni tal-flus elettroniċi, b’mod partikolari f’każ ta’ insolvenza;

(iv)

kopja tal-abbozz ta’ kuntratt mal-istituzzjoni ta’ kreditu;

(v)

dikjarazzjoni espliċita mill-istituzzjoni ta’ pagament jew l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi ta’ konformità mal-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva;

(b)

meta l-istituzzjoni ta’ pagament jew l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi tissalvagwardja l-fondi tal-utenti ta’ servizzi ta’ pagament permezz ta’ polza tal-assigurazzjoni jew garanzija komparabbli minn kumpanija tal-assigurazzjoni jew istituzzjoni ta’ kreditu, id-deskrizzjoni tal-miżuri meħuda għal tali salvagwardja għandu jkun fiha dan li ġej:

(i)

konferma li l-polza tal-assigurazzjoni jew garanzija komparabbli minn kumpanija tal-assigurazzjoni jew istituzzjoni ta’ kreditu hija minn entità li mhijiex parti mill-istess grupp ta’ ditti bħall-istituzzjoni ta’ pagament jew l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi;

(ii)

dettalji tal-proċess ta’ rikonċiljazzjoni fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-polza tal-assigurazzjoni jew il-garanzija komparabbli tkun biżżejjed biex tissodisfa l-obbligi ta’ salvagwardja tal-istituzzjoni ta’ pagament jew tal-istituzzjoni tal-flus elettroniċi f’kull ħin;

(iii)

it-tul ta’ żmien u t-termini tat-tiġdid tal-kopertura;

(iv)

kopja tal-ftehim ta’ assigurazzjoni jew tal-garanzija komparabbli, jew abbozzi tagħhom.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (b), id-deskrizzjoni għandha turi li l-arranġamenti ta’ governanza, il-mekkaniżmi ta’ kontroll intern u l-arranġamenti għall-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni kif imsemmi f’dak il-punt huma proporzjonati, xierqa, sodi u adegwati. Barra minn hekk, l-arranġamenti ta’ governanza u l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern għandhom jinkludu:

(a)

immappjar tar-riskji identifikati mill-istituzzjoni ta’ pagament jew l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi, inkluż it-tip ta’ riskji u l-proċeduri li l-istituzzjoni ta’ pagament jew l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi għandhom fis-seħħ jew ser jistabbilixxu biex jivvalutaw u jipprevjenu tali riskji;

(b)

il-proċeduri differenti sabiex jitwettqu kontrolli perjodiċi u permanenti, inkluż il-frekwenza u r-riżorsi umani allokati;

(c)

il-proċeduri kontabilistiċi li bihom l-istituzzjoni ta’ pagament jew l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi tirreġistra u tirrapporta l-informazzjoni finanzjarja tagħha;

(d)

l-identità tal-persuna jew tal-persuni responsabbli għall-funzjonijiet ta’ kontroll intern, inkluż għall-kontroll perjodiku, permanenti u tal-konformità, kif ukoll curriculum vitae aġġornata ta’ dik il-persuna jew dawk il-persuni;

(e)

l-identità ta’ kwalunkwe awditur li ma jkunx awditur statutorju kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 2, tad-Direttiva 2006/43/KE;

(f)

il-kompożizzjoni tal-korp maniġerjali u, jekk applikabbli, ta’ kwalunkwe korp jew kumitat ta’ sorveljanza ieħor;

(g)

deskrizzjoni tal-mod kif il-funzjonijiet esternalizzati jiġu mmonitorjati u kkontrollati sabiex jiġi evitat tfixkil fil-kwalità tal-kontrolli interni tal-istituzzjoni ta’ pagament jew tal-istituzzjoni tal-flus elettroniċi;

(h)

deskrizzjoni tal-mod li bih kwalunkwe aġent u fergħa huma mmonitorjati u kkontrollati fi ħdan il-qafas tal-kontrolli interni tal-istituzzjoni ta’ pagament jew tal-istituzzjoni tal-flus elettroniċi;

(i)

meta l-istituzzjoni ta’ pagament jew l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi tkun is-sussidjarju ta’ entità regolata fi Stat Membru ieħor, deskrizzjoni tal-governanza tal-grupp.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (c), il-pjan ta’ stralċ għandu jiġi adattat għad-daqs u l-mudell tan-negozju previst tal-istituzzjoni ta’ pagament jew tal-istituzzjoni tal-flus elettroniċi u għandu jinkludi deskrizzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni li għandhom jiġu adottati mill-istituzzjoni ta’ pagament jew l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi fil-każ tat-terminazzjoni tas-servizzi ta’ pagament tiegħu, li jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament pendenti u t-terminazzjoni ta’ kuntratti eżistenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-proċedura li biha tiġi vvalutata l-konformità mal-paragrafu 1. Dik il-proċedura tista’ tieħu l-forma ta’ awtovalutazzjoni, ta’ rekwiżit għal deċiżjoni espliċita mill-awtorità kompetenti, jew ta’ kwalunkwe proċedura oħra li għandha l-għan li tiżgura li l-istituzzjonijiet ta’ pagament u l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi kkonċernati jikkonformaw mal-paragrafu 1.

(*6)  Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1).”."

Artikolu 4

Emendi għad-Direttiva 98/26/KE

Fid-Direttiva 98/26/KE, l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

‘istituzzjoni’ għandha tfisser:

istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fl-Artikolu 4(1), il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7), inkluż l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36/UE;

ditta tal-investiment kif definita fl-Artikolu 4(1), il-punt (1), tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*8), minbarra l-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tagħha;

awtoritajiet pubbliċi u impriżi b’garanzija pubblika; jew

kwalunkwe impriża li l-uffiċċju prinċipali tagħha jkun barra mill-Unjoni u li l-funzjonijiet tagħha jkunu jikkorrispondu ma’ dawk tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Unjoni jew tad-ditti tal-investiment definiti fl-ewwel u t-tieni inċiż,

li tipparteċipa f’sistema u li tkun responsabbli għat-twettiq tal-obbligi finanzjarji li jiġu minn ordnijiet ta’ trasferiment f’dik is-sistema;

istituzzjoni ta’ pagament kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (4), tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*9), bl-eċċezzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika li tibbenefika minn eżenzjoni skont l-Artikolu 32 jew 33 ta’ dik id-Direttiva; jew

istituzzjoni tal-flus elettroniċi kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*10), bl-eċċezzjoni ta’ persuna ġuridika li tibbenefika minn eżenzjoni skont l-Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva,

li tipparteċipa f’sistema li n-negozju tagħha jikkonsisti fl-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ trasferiment kif definit fil-punt (i), l-ewwel inċiż, u li tkun responsabbli għat-twettiq tal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn tali ordnijiet ta’ trasferiment f’dik is-sistema.

Jekk sistema hija sorveljata f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u teżegwixxi ordnijiet ta’ trasferiment biss kif definit fil-punt (i), it-tieni inċiż, kif ukoll pagamenti li jirriżultaw minn ordnijiet bħal dawn, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li impriżi li jieħdu sehem f’sistema bħal din u li għandhom ir-responsabbiltà li jwettqu l-obbligi finanzjarji li joriġinaw minn ordnijiet ta’ trasferiment fi ħdan is-sistema, jistgħu jkunu meqjusa bħala istituzzjonijiet, dment li tal-inqas tliet parteċipanti ta’ din is-sistema huma koperti mill-kategoriji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-punt u li t-tali deċiżjoni tingħata s-setgħa abbażi ta’ riskju sistematiku;

(*7)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1)."

(*8)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349)."

(*9)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE, 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35)."

(*10)  Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).”;"

(2)

il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

‘parteċipant’ għandu jfisser istituzzjoni, CCP, aġent għall-ħlas, stabbiliment ta’ rilaxx, operatur ta’ sistema jew membru tal-ikklirjar ta’ CCP awtorizzata skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Skont ir-regoli tas-sistema, l-istess parteċipant jista’ jaġixxi bħala CCP, aġent għall-ħlas jew stabbiliment ta’ rilaxx jew iwettaq dawn il-ħidmiet kollha jew parti minnhom.

Stat Membru jista’, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jikkunsidra parteċipant indirett bħala parteċipant meta dan ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ riskju sistemiku, li, madankollu, ma għandux jillimita r-responsabbiltà tal-parteċipant li permezz tiegħu l-parteċipant indirett jgħaddi l-ordnijiet ta’ trasferiment lis-sistema;”.

Artikolu 5

Traspożizzjoni tal-emendi għad-Direttivi (UE) 2015/2366 u 98/26/KE

L-Istati Membri għandhom jadottaw, jippubblikaw u japplikaw, sad-9 ta’ April 2025, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 3 u 4. Huma għandhom minnufih jgħarrfu it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal dan ir-Regolament jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment.Il-metodi ta’ kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Marzu 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C 146, 27.4.2023, p. 23.

(2)   ĠU C 106, 22.3.2023, p. 2.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Frar 2024 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2024.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).

(5)  Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214).

(6)  Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2021/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 dwar il-ħlas transkonfinali fl-Unjoni (ĠU L 274, 30.7.2021, p. 20).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(11)   ĠU C 60, 17.2.2023, p. 12.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/886/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)