European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/210

4.1.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/210

tat-30 ta’ Diċembru 2023

dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Att ta’ Adeżjoni tal-2005, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen mhux imsemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ dak l-Att għandhom japplikaw biss f’kull wieħed minn dawk l-Istati Membri skont deċiżjoni tal-Kunsill għal dan l-għan, wara verifika f’konformità mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli, li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis ikkonċernati jkunu ġew issodisfati f’dawk l-Istati Membri.

(2)

Bid-Deċiżjoni 2010/365/UE (2) tiegħu, il-Kunsill, wara verifika tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-parti dwar il-protezzjoni tad-data tal-acquis ta’ Schengen kienu ġew issodisfati mill-Bulgarija u r-Rumanija, għamel id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li jirrigwardaw is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) applikabbli għall-Bulgarija u r-Rumanija mill-15 ta’ Ottubru 2010, bl-eċċezzjoni tal-obbligu li jiġi rrifjutat id-dħul jew is-soġġorn fit-territorji tagħhom lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għalihom ikun inħareġ allert tas-SIS minn Stat Membru ieħor għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul jew soġġorn f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u bl-obbligu li ma joħorġux allerti tas-SIS u ma jdaħħlux informazzjoni addizzjonali u li ma jiskambjawx informazzjoni supplimentari dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul jew soġġorn f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (id-“dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta’ Schengen li jirrigwardaw is-SIS”).

(3)

Il-Kunsill ivverifika, skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 (4), li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen ġew issodisfati fl-oqsma kollha li fadal tal-acquis ta’ Schengen, jiġifieri l-fruntieri tal-ajru, il-fruntieri fuq l-art, il-kooperazzjoni tal-pulizija, il-protezzjoni tad-data, is-SIS, il-fruntieri tal-baħar u l-viżi, fil-Bulgarija u r-Rumanija.

(4)

Fid-9 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill ikkonkluda li l-kundizzjonijiet f’kull wieħed mill-oqsma li fadal tal-acquis ta’ Schengen kienu ġew issodisfati mill-Bulgarija u r-Rumanija.

(5)

Għaldaqstant, huwa possibbli li jiġu stabbiliti d-dati għall-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen mill-Bulgarija u r-Rumanija, li minnhom jenħtieġ li jitneħħew il-kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni ma’ dawk l-Istati Membri.

(6)

Fit-12 ta’ Ottubru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2017/1908 (5) li tapplika ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li jirrigwardaw is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (“VIS”) fil-Bulgarija u r-Rumanija.

(7)

Fil-25 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2018/934 (6) li tapplika d-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta’ Schengen li jirrigwardaw is-SIS fil-Bulgarija u fir-Rumanija.

(8)

Ir-reġim simplifikat għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkollhom viża nazzjonali għal soġġorn qasir maħruġa mill-Bulgarija jew ir-Rumanija għat-tranżitu fit-territorju tagħhom jew għal soġġorn intiż li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, introdott bid-Deċiżjoni Nru 565/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), jenħtieġ li jinżamm sabiex jiġi evitat li l-ivvjaġġar isir aktar diffiċli għal ċerti kategoriji ta’ persuni. Konsegwentement, ċerti dispożizzjonijiet ta’ dik id-Deċiżjoni jenħtieġ li jkomplu japplikaw għal perjodu tranżitorju limitat.

(9)

Huwa xieraq, għal raġunijiet tekniċi u operazzjonali, li l-ewwel jitneħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni tal-ajru u tal-baħar kemm jista’ jkun malajr fl-2024. Jenħtieġ li dawk il-kontrolli jitneħħew fl-ewwel data possibbli li tikkorrispondi għall-bidla staġonali tal-iskeda tal-IATA.

(10)

Jenħtieġ li tittieħed deċiżjoni ulterjuri mill-Kunsill li jaġixxi b’unanimità skont l-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, biex tiġi stabbilita data xierqa għat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, filwaqt li jitqiesu l-arranġamenti tekniċi u operazzjonali rilevanti f’dawk il-fruntieri u l-istat attwali tal-kooperazzjoni reċiproka msemmija fil-premessa 11. Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jaħdmu biex jippermettu lill-Kunsill jieħu tali deċiżjoni.

(11)

Il-Kunsill jieħu nota li hemm fehim reċiproku dwar il-kooperazzjoni futura bejn ċerti Stati Membri bl-appoġġ tal-Kummissjoni. Il-miżuri u l-impenji komplementari deskritti fid-dikjarazzjonijiet għar-rekords tal-Kunsill ser jikkontribwixxu għall-fiduċja u l-kooperazzjoni reċiproċi bejn dawk l-Istati Membri u għalhekk huma fatturi importanti li wasslu lill-Kunsill biex jieħu din id-Deċiżjoni.

(12)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (8) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punti B, C, D u F, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (9).

(13)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (10) ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punti B, C, D u F, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (11).

(14)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (12) ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punti B, C, D u F, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (13),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Mill-31 ta’ Marzu 2024, ser jitneħħew il-kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni tal-ajru u tal-baħar mal-Bulgarija u r-Rumanija u fil-fruntieri ta’ bejniethom u d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen kif imsemmi fl-Anness għandhom japplikaw għall-Bulgarija u r-Rumanija bejniethom u fir-relazzjonijiet tagħhom mar-Renju tal-Belġju, mar-Repubblika Ċeka, mar-Renju tad-Danimarka, mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mar-Repubblika tal-Estonja, mar-Repubblika Ellenika, mar-Renju ta’ Spanja, mar-Repubblika ta’ Franza, mar-Repubblika tal-Kroazja, mar-Repubblika Taljana, mar-Repubblika tal-Latvja, mar-Repubblika tal-Litwanja, mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mal-Ungerija, ma’ Malta, mar-Renju tan-Netherlands, mar-Repubblika tal-Awstrija, mar-Repubblika tal-Polonja, mar-Repubblika tal-Portugall, mar-Repubblika tas-Slovenja, mar-Repubblika Slovakka, mar-Repubblika tal-Finlandja u mar-Renju tal-Iżvezja kif ukoll mal-Iżlanda, mal-Prinċipat tal-Liechtenstein, mar-Renju tan-Norveġja u mal-Konfederazzjoni Żvizzera.

Il-Kunsill għandu jagħmel ħiltu biex jieħu deċiżjoni li tneħħi l-kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni fuq l-art. Dik id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-Kunsill li jaġixxi b’unanimità skont l-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija.

Artikolu 2

Il-viżi nazzjonali għal soġġorn qasir maħruġa mill-Bulgarija u r-Rumanija qabel il-31 ta’ Marzu 2024 għandhom jibqgħu validi matul il-perjodu ta’ validità tagħhom, għall-fini ta’ tranżitu mit-territorju ta’ Stati Membri oħra jew għal soġġorn intiż fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, sa fejn huma jkunu rrikonoxxew tali viżi għal soġġorn qasir għal dawk il-finijiet skont id-Deċiżjoni Nru 565/2014/UE. Għandhom japplikaw il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)   ĠU C 380E, 11.12.2012, p. 160.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/365/UE tad-29 ta’ Ġunju 2010 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 166, 1.7.2010, p. 17).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-istema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 għall-istabbiliment ta’ Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (SCH/Com-ex (98)26 def.) (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 138).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1908 tat-12 ta’ Ottubru 2017 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li jirrigwardaw is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 269, 19.10.2017, p. 39).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/934 tal-25 ta’ Ġunju 2018 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta’ Schengen marbuta mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija (ĠU L 165, 2.7.2018, p. 37).

(7)  Id-Deċiżjoni Nru 565/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tintroduċi reġim simplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew permanenzi intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum u li tħassar id-Deċiżjonijiet Nru 895/2006/KE u Nru 582/2008/KE (ĠU L 157, 27.5.2014, p. 23).

(8)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(10)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(12)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


ANNESS

LISTA TAD-DISPOŻIZZJONIJIET TAL-ACQUIS TA’ SCHENGEN FIS-SENS TAL-ARTIKOLU 4(2) TAL-ATT TA’ ADEŻJONI TAL-2005 LI GĦANDHOM ISIRU APPLIKABBLI GĦALL-BULGARIJA U R-RUMANIJA BEJNIETHOM U FIR-RELAZZJONIJIET TAGĦHOM MAL-ISTATI MEMBRI LI JAPPLIKAW L-ACQUIS KOLLU TA’ SCHENGEN KIF UKOLL L-IŻLANDA, IL-PRINĊIPAT TAL-LIECHTENSTEIN, IR-RENJU TAN-NORVEĠJA U L-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA

A.

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Konvenzjoni ffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19):

L-Artikolu 1 sa fejn jirrigwarda dispożizzjonijiet oħra msemmija f’dan il-punt, l-Artikolu 18, l-Artikolu 19(1),(3) u (4), l-Artikoli 20, 21 u 22, l-Artikoli 40 sa 43 u l-Artikoli 126 sa 130 sa fejn jirrigwardaw dispożizzjonijiet oħra msemmija f’dan il-punt; barra minn hekk, l-Artikolu 1 u l-Artikoli 126 sa 130 sa fejn mhumiex koperti mid-Deċiżjoni (UE) 2017/1908.

B.

L-atti legali l-oħra li ġejjin tal-Unjoni, flimkien mal-atti li jimplimentawhom:

1.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ĠU L 149, 2.6.2001, p. 34);

2.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE tat-23 ta’ Frar 2004 li tistabbilixxi l-kriterji u l-arranġamenti prattiċi għall-kumpens tal-iżbilanċi finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/40/KE dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet dwar it-tkeċċija ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz (ĠU L 60, 27.2.2004, p. 55);

3.

L-Artikolu 4, il-punt (b) u l-Artikolu 9, il-punt (c) tar-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (ĠU L 405, 30.12.2006, p. 1);

4.

Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema ta’ l-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60), sa fejn mhux kopert mid-Deċiżjoni (UE) 2017/1908;

5.

Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1), bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 3, sa fejn mhux kopert mid-Deċiżjoni (UE) 2017/1908;

6.

Ir-Regolament (UE) Nru 265/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2010 li jemenda l-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolament (KE) Nru 562/2006 fir-rigward tal-moviment tal-persuni li jkollhom viża għal soġġorn fit-tul (ĠU L 85, 31.3.2010, p. 1);

7.

Id-Deċiżjoni Nru 1105/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati b’viża u dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-istabbiliment ta’ din il-lista (ĠU L 287, 4.11.2011, p. 9);

8.

Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 u (KE) Nru 539/2001, u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 1), sa fejn jirrigwarda dispożizzjonijiet oħra msemmija f’dan l-Anness;

9.

L-Artikolu 1, l-Artikolu 6(5), il-punt (a), it-Titolu III u d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II u l-annessi tiegħu msemmija fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1), sa fejn mhux kopert mid-Deċiżjoni (UE) 2017/1908;

10.

Ir-Regolament (UE) 2017/2225 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 fir-rigward tal-użu tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 1), sa fejn għadu mhuwiex applikabbli f’konformità mal-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226;

11.

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20), sa fejn jirrigwarda s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 767/2008 u sa fejn għadu mhux applikabbli f’konformità mal-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226;

12.

Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99), sa fejn jirrigwarda s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 767/2008 u mhux kopert mid-Deċiżjoni (UE) 2017/1908 u s-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ kif stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/2226 u kif msemmi f’dan l-Anness;

13.

Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27), sa fejn jirrigwarda s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 767/2008 u mhux kopert mid-Deċiżjoni (UE) 2017/1908 u s-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ kif stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/2226 u kif imsemmi f’dan l-Anness;

14.

Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85), sa fejn jirrigwarda s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 767/2008 u mhux kopert mid-Deċiżjoni (UE) 2017/1908 u s-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ kif stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/2226 u kif msemmi f’dan l-Anness;

15.

Ir-Regolament (UE) 2019/1155 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 25);

16.

Ir-Regolament (UE) 2021/1133 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 603/2013, (UE) 2016/794, (UE) 2018/1862, (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess għal sistemi oħra ta’ informazzjoni tal-UE għall-finijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L 248, 13.7.2021, p. 1);

17.

Ir-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (KE) Nru 810/2009, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI, għall-fini tar-riforma tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L 248, 13.7.2021, p. 11), sa fejn mhux kopert mid-Deċiżjoni (UE) 2017/1908;

18.

Ir-Regolament (UE) 2021/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861 u (UE) 2019/817 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta’ sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ĠU L 249, 14.7.2021, p. 15), sa fejn jirrigwarda s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 767/2008 u s-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ kif stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/2226, u għadu ma japplikax f’konformità mal-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226;

19.

L-Artikolu 1, il-punt (a) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2512 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar in-nonaċċettazzjoni ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar tal-Federazzjoni Russa maħruġa fl-Ukrajna u l-Georgia (ĠU L 326, 21.12.2022, p. 1);

20.

Ir-Regolament (UE) 2023/2667 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (KE) Nru 810/2009 u (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 693/2003 u (KE) Nru 694/2003 u l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tal-proċedura tal-viża (ĠU L, 2023/2667, 7.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2667/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/210/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)