ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2012.094.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 94

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 55
30 ta' Marzu 2012


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-transitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni

1

 

*

Regolament (UE) Nru 259/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 648/2004 fir-rigward ta’ użu ta’ fosfati u komposti ta’ fosfru ieħor fid-diterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur u fid-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur ( 1 )

16

 

*

Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 ( 1 )

22

 

*

Regolament (UE) Nru 261/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

38

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini ( ĠU L 65, 11.3.2011 )

49

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

30.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/1


REGOLAMENT (UE) Nru 258/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Marzu 2012

li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-transitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/748/KE tas-16 ta’ Ottubru 2001 dwar l-iffirmar f’isem il-Komunità Ewropea tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-iffabrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, anness mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata transnazzjonali (2), il-Kummissjoni f’isem il-Komunità, iffirmat il-Protokoll (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar”) fis-16 ta’ Jannar 2002.

(2)

Il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar, li għandu l-għan li jippromwovi, jiffaċilita u jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet bil-għan li jipprevjeni, jiġġieled u jeqred l-iffabrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni, daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Lulju 2005.

(3)

Sabiex ikun faċilitat l-ittraċċar tal-armi tan-nar u sabiex jiġi miġġieled b’mod effiċjenti t-traffikar illegali tal-armi tan-nar, tal-partijiet u tal-komponenti essenzjali u l-ammunizzjoni tagħhom, jeħtieġ li jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tal-użu aħjar tal-mezzi ta’ komunikazzjoni eżistenti.

(4)

L-ipproċessar tad-data personali għandu jkun skont ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (3) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (4).

(5)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-18 ta’ Lulju 2005 dwar miżuri biex tiġi żgurata sigurtà akbar fl-isplussivi, detonaturi, tagħmir għall-produzzjoni tal-bombi u armi tan-nar (5), il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li timplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar bħala parti mill-miżuri li jeħtieġ jittieħdu sabiex l-Unjoni tkun fil-qagħda li tikkonkludi dak il-Protokoll.

(6)

Il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar jeħtieġ li l-Partijiet jistabbilixxu jew itejbu l-proċeduri amministrattivi jew is-sistemi biex iħaddmu l-kontroll effettiv fuq il-manifattura, l-immarkar, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-armi tan-nar.

(7)

Il-konformità mal-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar teħtieġ ukoll li l-manifattura jew it-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali u l-ammunizzjoni tagħhom jiġu stabbiliti bħala reati kriminali, u li jittieħdu miżuri li jawtorizzaw il-konfiska tal-oġġetti li jiġu mmanufatturati jew ittraffikati b’dan il-mod.

(8)

Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom jew l-ammunizzjoni li huma intiżi speċifikament għal għanijiet militari. Il-miżuri jeħtieġu jissodisfaw il-ħtiġiet tal-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar għandu jiġi adattat biex jipprovdi għal proċeduri ssimplifikati għal armi tan-nar għal użu ċivili. B’riżultat ta’ dan, għandu jiġi żgurat l-iffaċilitar rigward l-awtorizzazzjoni għal spedizzjonijiet multipli, miżuri ta’ transitu u esportazzjonijiet temporanji għal għanijiet legali.

(9)

Dan ir-Regolament la jaffettwa l-applikazzjoni tal-Artikolu 346 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jirreferi għal interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istati Membri, u lanqas m’għandu dan ir-Regolemant kwlunkwe impatt fuq id-Direttiva 2009/43/KE tas-6 ta’ Mejju 2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (6), jew fuq id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess tal-armi (7). Barra minn hekk, il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar, u għaldaqstant dan ir-Regolament, ma japplikawx għal tranżazzjonijiet bejn Stat u Stat jew għal trasferimenti Statali f’każi fejn l-applikazzjoni tal-Protokoll tippreġudika d-dritt li Stat li hu Parti jieħu azzjoni fl-interess tas-sigurtà nazzjonali konsistenti mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

(10)

Id-Direttiva 91/477/KEE tindirizza t-trasferimenti ta’ armi tan-nar għal użu ċivili fit-territorju tal-Unjoni, waqt li dan ir-Regolament jiffoka fuq miżuri fir-rigward tal-esportazzjoni mit-territorju doganali tal-Unjoni lejn jew minn pajjiżi terzi.

(11)

L-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni meta jkunu importati minn pajjiżi terzi huma soġġetti għal-liġi tal-Unjoni u, b’mod partikolari, għar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/477/KEE.

(12)

Il-konsistenza rigward id-dispożizzjonijiet dwar iż-żamma tar-rekords fis-seħħ taħt il-liġi tal-Unjoni għandha tiġi żgurata.

(13)

Sabiex ikun żgurat li dan ir-Regolament jiġi applikat kif suppost, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri li jagħtu setgħat adatti lill-awtoritajiet kompetenti.

(14)

Sabiex tinżamm il-lista tal-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni li għalihom hija meħtieġa awtorizzazzjoni skont dan ir-Regolament, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-allinjament tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament mal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (8), u mal-Anness I tad-Direttiva 91/477/KEE. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(15)

L-Unjoni adottat korp ta’ regoli doganali, inkorporati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (9) u d-dispożizzjonijiet implimentattivi tiegħu kif stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (10). Għandu jiġi kkunsidrat ukoll ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (11) li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma applikabbli f’fażijiet differenti skont l-Artikolu 188 tiegħu. M’hemm xejn f’dan ir-Regolament li jikkostrinġi kwalunkwe setgħa taħt u skont il-Kodiċi Doganali Komunitarju u d-dispożizzjonijiet implimentattivi tiegħu.

(16)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli fuq ksur ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn ikunu implimentati. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(17)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u transitu ta’ oġġetti b’użu doppju stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 (12).

(18)

Dan ir-Regolament huwa konsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti oħra dwar l-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti essenzjali u ammunizzjoni tagħhom għal użu militari, strateġiji ta’ sigurtà, traffikar illeċitu ta’ armi żgħar u armi leġġeri u l-esportazzjoni ta’ teknoloġija militari, inkluża l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (13).

(19)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda fil-qafas ta’ dan ir-Regolament u dwar informazzjoni oħra rilevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom dwar dan ir-Regolament.

(20)

Dan ir-Regolament ma jimpedixxix l-Istati Membri milli japplikaw ir-regoli kostituzzjonali tagħhom rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti uffiċjali, b’kunsiderazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (14),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, DEFINIZZJONIJIET U KAMP TA' APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar l-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, u l-miżuri ta’ importazzjoni u transitu ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni, bil-għan li jiġi implimentat l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl–Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Ammunizzjoni tagħhom, u jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (“il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar”).

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

“arma tan-nar” tfisser kull arma b’kanna portabbli li titfa’ ’l barra, hija disinnjata biex tispara jew tista’ tiġi konvertita biex tispara tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta’ splussiv (combustible propellant) kif imsemmi fl-Anness I;

Oġġett għandu jitqies bħala kapaċi li jiġi konvertit biex jispara pretkuni, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta’ splussiv (combustible propellant) jekk:

ikollu l-apparenza ta’ arma tan-nar, u

bħala riżultat tal-kostruzzjoni tiegħu jew tal-materjal li jkun magħmul minnu jkun jista’ jiġi konvertit hekk;

(2)

“partijiet “ tfisser kwalunkwe element jew element ta’ sostituzzjoni kif imsemmi fl-Anness I iddisinjat apposta għal arma tan-nar u li jkun essenzjali sabiex din taħdem, inklużi l-kanna, il-frame jew ir-receiver, is-slide jew iċ-ċilindru, il-bolt jew il-breech block, u kwalunkwe apparat iddisinjat jew adattat biex inaqqas il-ħoss ikkawżat mill-isparar ta’ arma tan-nar;

(3)

“komponenti essenzjali” tfisser il-mekkaniżmu tal-għeluq tal-breech, iċ-chamber u l-kanna tal-arma tan-nar, li filwaqt li huma separati, huma inklużi fil-kategorija tal-armi tan-nar fejn huma mmuntati jew huma maħsuba li jiġu mmuntati;

(4)

“ammunizzjoni” tfisser ir-round sħiħ jew il-komponenti tiegħu, inklużi l-kontenituri tal-iskrataċ, il-kaps, il-porvli ta’ splussiv (propellant powder), il-balal jew il-projettili, li jintużaw f’arma tan-nar, kif imsemmi fl-Anness I, sakemm dawk il-komponenti stess ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni fl-Istat Membru rilevanti;

(5)

“armi tan-nar diżattivati” tfisser oġġetti li b’xi mod jew ieħor jikkorrispondu għad-definizzjoni ta’ arma tan-nar li jkunu saru definittivament mhux tajba għall-użu permezz ta’ diżattivazzjoni, li tiżgura li l-partijiet kollha essenzjali tal-arma tan-nar ikunu saru għal kollox mhux utilizzabbli u li ma jkunux jistgħu jiġu maqlugħa, sostitwiti jew mibdula bil-għan ta’ kwalunkwe riattivazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti biex dawn il-miżuri ta’ diżattivazzjoni jiġu verifikati minn awtorità kompetenti. L-Istati Membri għandhom jipprovdu, fil-kuntest ta’ dik il-verifika, għall-ħruġ ta’ ċertifikat jew ta’ dokument li jixhed li l-arma tan-nar tkun ġiet diżattivata jew li saret marka viżibbli b’mod ċar għal dak il-għan fuq l-arma tan-nar;

(6)

“esportazzjoni” tfisser:

(a)

proċedura ta’ esportazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 161 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92;

(b)

riesportazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 182 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 iżda ma tinkludix prodotti li jiċċaqalqu skont il-proċedura esterna ta’ transitu, kif imsemmi fl-Artikolu 91 ta’ dak ir-Regolament fejn l-ebda formalità ta’ riesportazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 182(2) tiegħu ma tkun ġiet osservata;

(7)

“persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u, meta l-possibbiltà hija pprovduta skont ir-regoli li hemm fis-seħħ, assoċjazzjoni ta’ persuni rikonoxxuta bħala li għandha l-kapaċità li teżegwixxi atti legali iżda li jonqosha l-istat legali ta’ persuna ġuridika;

(8)

“esportatur” tfisser kwalunkwe persuna, stabbilita fl-Unjoni, li tagħmel jew li jsir f’isimha dikjarazzjoni tal-esportazzjoni, jiġifieri l-persuna li, fil-ħin meta d-dikjarazzjoni hi aċċettata, iżżomm il-kuntratt mal-kunsinnatarju fil-pajjiż terz u għandha l-poter li tiddetermina l-kunsinja tal-oġġett barra t-territorju doganali tal-Unjoni. Jekk ma kien konkluż l-ebda kuntratt ta’ esportazzjoni jew jekk id-detentur tal-kuntratt ma jaġixxix għan-nom tiegħu, l-esportatur għandha tfisser il-persuna li għandha s-setgħa li tiddetermina jekk l-oġġett jintbagħatx barra t-territorju doganali tal-Unjoni.

Fejn il-benefiċċju ta’ dritt li wieħed juża armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom jew ammunizzjoni jaqa’ fuq persuna stabbilita barra l-Unjoni skont il-kuntratt li fuqu hija bbażata l-esportazzjoni, l-esportatur għandu jkun ikkunsidrat bħala l-parti kontraenti stabbilita fl-Unjoni;

(9)

“territorju doganali tal-Unjoni” tfisser it-territorju msemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92;

(10)

“dikjarazzjoni tal-esportazzjoni” tfisser l-azzjoni li biha persuna tindika fil-forma u manjiera preskritta l-intenzjoni tagħha li tqiegħed l-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom, u l-ammunizzjoni taħt proċedura tal-esportazzjoni;

(11)

“esportazzjoni temporanja” tfisser iċ-ċaqliq ta’ armi tan-nar li jitilqu mit-territorju doganali tal-Unjoni u jkunu intiżi għall-importazzjoni mill-ġdid fi żmien perjodu li ma jaqbiżx l-24 xahar;

(12)

“transitu” tfisser l-operazzjoni tat-trasport ta’ oġġetti li jitilqu mit-territorju doganali tal-Unjoni u li jgħaddu mit-territorju ta’ pajjiż terz jew aktar bid-destinazzjoni finali f’pajjiż terz ieħor;

(13)

“trasbord” tfisser transitu li jinvolvi l-operazzjoni fiżika tal-ħatt ta’ merkanzija mill-mezz ta’ trasport ta’ importazzjoni li jkun segwit minn tagħbija mill-ġdid għall-iskop ta’ esportazzjoni mill-ġdid, ġeneralment fuq mezz ieħor ta’ trasport;

(14)

“awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni” tfisser:

(a)

awtorizzazzjoni unika jew liċenzja mogħtija lil esportatur speċifiku għal spedizzjoni waħda ta’ arma tan-nar waħda jew aktar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni lil utent jew kunsinnatarju wieħed finali identifikat f’pajjiż terz jew;

(b)

awtorizzazzjoni multipla jew liċenzja mogħtija lil esportatur wieħed speċifiku għal spedizzjonijiet multipli ta’ arma jew armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni għal utent jew kunsinnatarju wieħed finali identifikat f’pajjiż terz jew;

(c)

awtorizzazzjoni globali jew liċenzja mogħtija lil esportatur wieħed speċifiku għal spedizzjonijiet multipli ta’ arma jew armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni għal diversi utenti jew kunsinnatarji finali identifikati f’pajjiżi terz wieħed jew iktar;

(15)

“traffikar illegali” tfisser l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-bejgħ, il-konsenja, iċ-ċaqliq jew it-trasferiment tal-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom jew l-ammunizzjoni minn jew madwar it-territorju ta’ Stat Membru lejn dak il-pajjiż terz, jekk tkun tapplika kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat ma jawtorizzax dan skont it-termini ta’ dan ir-Regolament;

(b)

l-armi tan-nar ma jkunux immarkati skont l-Artikoli 4(1) u (2) tad-Direttiva 91/477/KEE;

(c)

l-armi tan-nar importati ma jkunux immarkati fil-waqt tal-importazzjoni mill-inqas b’marka sempliċi li tippermetti l-identifikazzjoni tal-ewwel pajjiż tal-importazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, jew, fejn l-armi tan-nar ma jkollhomx tali marka, marka unika li tidentifika l-armi tan-nar importati;

(16)

“traċċar” tfisser traċċar sistematiku tal-armi tan-nar u, fejn possibbli, tal-partijiet u l-ammunizzjoni tagħhom mill-manifattur sax-xerrej bil-għan li tingħata għajnuna lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jiskopru, jinvestigaw u janalizzaw il-manifattura illeċita u t-traffikar illegali.

Artikolu 3

1.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

(a)

Tranżazzjonijiet minn Stat għal Stat ieħor jew trasferimenti tal-Istat;

(b)

armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni jekk ikunu intiżi speċifikament għal użu militari u, f’kull każ, armi tan-nar li jisparaw b’mod kompletament awtomatiku;

(c)

armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni meta jkunu intiżi għall-forzi armati, il-pulizija, jew l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri;

(d)

kollezzjonisti u korpi kkonċernati mill-aspetti kulturali u storiċi tal-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni u rikonoxxuti bħala tali għall-iskop ta’ dan ir-Regolament mill-Istat Membru fejn huma stabbiliti, sakemm ikunu żgurati miżuri ta’ traċċar;

(e)

armi tan-nar deattivati;

(f)

armi tan-nar li huma antikità u r-repliki tagħhom kif definiti skont il-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm armi ta’ nar li huma antikità ma jinkludux armi tan-nar manifatturati wara l-1899.

2.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 (il-Kodiċi Doganali tal-Komunità), ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 (li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità) ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 “(il-Kodiċi Doganali Modernizzat)”, u r-reġim għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 428/2009 (Regolament dwar l-Użu Doppju).

KAPITOLU II

AWTORIZZAZZJONI TAL-ESPORTAZZJONI, PROĊEDURI U KONTROLLI U MIŻURI TA’ IMPORTAZZJONI U TRANSITU

Artikolu 4

1.   Awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni stabbilita b’konformità mal-formula stipulata fl-Anness II għandha tkun meħtiega għall-esportazzjoni ta’ armi tan-nar, il-partijiet u komponenti essenzjali tagħhom u ammunizzjoni elenkati fl-Anness I. Tali awtorizzazzjoni għandha tingħata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn l-esportatur huwa stabbilit u għandha tinħareġ bil-miktub jew b’mezz elettroniku.

2.   Meta l-esportazzjoni ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni teħtieġ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni skont dan ir-Regolament u dik l-esportazzjoni tkun ukoll soġġetta għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni skont il-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, l-Istati Membri jistgħu jużaw proċedura unika biex iwettqu l-obbligi imposti fuqhom minn dan ir-Regolament u minn dik il-Pożizzjoni Komuni.

3.   Jekk l-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni ikunu jinsabu fi Stat Membru wieħed jew aktar għajr dak fejn saret l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, dan il-fatt għandu jiġi indikat fuq dik l-applikazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li saritilhom l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni għandhom immedjatament jikkonsultaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat jew l-Istati Membri inkwistjoni u jipprovdu l-informazzjoni rilevanti. L-Istat jew l-Istati Membri kkonsultati għandhom jgħarrfu fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol kwalunkwe oġġezzjoni li huwa jew huma jista’ jkollhom għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni bħal din, li għandha torbot lill-Istat Membru fejn saret l-applikazzjoni.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 6 biex temenda l-Anness I fuq il-bażi tal-emendi għall-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 u abbażi tal-emendi għall-Anness I tad-Direttiva 91/477/KEE.

Artikolu 6

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 5 għandha tiġi mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 5 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 7

1.   Qabel ma toħroġ awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u ammunizzjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jivverifika li:

(a)

il-pajjiż terz li jimporta jkun awtorizza l-importazzjoni relevanti u,

(b)

il-pajjiżi terzi ta’ transitu, jekk hemm, ikunu taw in-notifika bil-miktub – u qrib id-data tal-ispedizzjoni – li ma għandhom ebda oġġezzjoni għat-transitu. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal:

spedizzjonijiet bil-baħar jew bl-ajru u minn ġo portijiet jew ajruporti ta’ pajjiżi terzi, sakemm ma jkunx hemm trasbordi jew tibdil fil-mezz ta’ trasport;

fil-każ ta’ esportazzjonijiet temporanji għal skopijiet legali verifikabbli, li jinkludu kaċċa, sparar minn dilettanti, evalwazzjoni minn esperti, wirjiet mingħajr bejgħ, u tiswija.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, jekk ma tasal ebda oġġezzjoni għat-transitu fi żmien 20 jum ta’ xogħol mill-jum tat-talba bil-miktub għall-approvazzjoni għat-transitu ppreżentata mill-esportatur, il-pajjiż terz ta’ transitu kkonsultat għandu jiġi kkunsidrat bħala li ma għandu ebda oġġezzjoni għat-transitu.

3.   L-esportatur għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru responsabbli biex joħroġ l-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni bid-dokumenti meħtieġa li jikkonfermaw li l-pajjiż terz li qed jimporta awtorizza l-importazzjoni u li l-pajjiż terz ta’ transitu ma għandu ebda oġġezzjoni għat-transitu.

4.   L-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni f’perjodu taż-żmien determinat mil-liġi jew il-prattika tal-pajjiż, li m’għandux jaqbeż is-60 jum ta’ xogħol, mid-data li fiha lill-awtoritajiet kompetenti tkun ingħatatilhom l-informazzjoni kollha rikjesta. F’ċirkustanzi eċċezzjonali u minħabba raġunijiet iġġustifikati kif xieraq, dak il-perjodu jista’ jiġi estiż għal 90 jum ta’ xogħol.

5.   Il-perjodu ta’ validità ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni m’għandux jaqbeż il-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni. Fejn l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni ma tispeċifikax perjodu ta’ validità, ħlief f’ċerti ċirkustanzi straordinarji u minħabba raġunijiet iġġustifikati b’mod xieraq, il-perjodu ta’ validità ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni għandu jkun ta’ mhux inqas minn disa’ xhur.

6.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu użu minn dokumenti elettroniċi għall-għan ta’ pproċessar tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni.

Artikolu 8

1.   Għall-fini ta’ traċċar, l-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni u l-liċenzja tal-importazzjoni jew l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni maħruġa mill-pajjiż terz importatur u dokumentazzjoni mehmuża għandhom flimkien ikollhom informazzjoni li tinkludi:

(a)

id-dati tal-ħruġ u ta’ skadenza;

(b)

il-post tal-ħruġ;

(c)

il-pajjiż esportatur;

(d)

il-pajjiż importatur;

(e)

fejn applikabbli, il-pajjiż jew pajjiżi terzi ta’ transitu;

(f)

il-kunsinnatarju;

(g)

id-destinatarju finali, jekk magħruf fil-ħin tal-ispedizzjoni;

(h)

il-partikularitajiet li jippermettu l-identifikazzjoni tal-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni, u l-kwantità tagħhom, inkluża l-marka applikata mal-armi tan-nar, sa mhux aktar tard minn qabel l-ispedizzjoni.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, jekk inkluża fil-liċenzja tal-importazzjoni jew fl-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni, għandha tiġi pprovduta mill-esportatur bil-quddiem lill-pajjiżi terzi ta’ transitu, sa mhux aktar tard minn qabel l-ispedizzjoni.

Artikolu 9

1.   Proċeduri ssimplifikati għall-esportazzjoni temporanja jew ir-riesportazzjoni ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni għandhom japplikaw kif ġej:

(a)

ebda awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni m’għandha tkun meħtieġa għal

(i)

esportazzjoni temporanja minn kaċċaturi jew dilettanti tal-isparar bħala parti mill-effetti personali li jieħdu magħhom, matul vjaġġ lejn pajjiż terz, sakemm huma jissostanzjaw lill-awtoritajiet kompetenti r-raġunijiet tal-vjaġġ, b’mod partikolari billi jipperżentaw stedina jew prova oħra tal-attivitajiet ta’ kaċċa jew sparar bħala sport fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni, ta’:

arma jew armi tan-nar;

il-komponenti essenzjali tagħhom, jekk immarkati, kif ukoll il-partijiet;

l-ammunizzjoni relatat tagħhom, limitat għal massimu ta’ 800 round għall-kaċċaturi u massimu ta’ 1 200 round għad-dilettanti tal-isparar.

(ii)

ir-riesportazzjoni minn kaċċaturi jew dilettanti tal-isparar bħala parti mill-effetti personali li jieħdu magħhom wara l-ammissjoni temporanja għal attivitajiet ta’ kaċċa jew sparar bħala sport, sakemm l-armi tan-nar jibqgħu l-proprjetà ta’ persuna stabbilita barra t-territorju doganali tal-Unjoni u l-armi tan-nar jiġu riesportati lil dik il-persuna.

(b)

Meta jitilqu t-territorju doganali tal-Unjoni permezz ta’ Stat Membru li mhux l-Istat Membru tar-residenza tagħhom, il-kaċċaturi u d-dilettanti tal-isparar għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti l-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar skont l-Artikoli 1 u 12 tad-Direttiva 91/477/KEE. Fil-każ ta’ vjaġġi bl-ajru, il-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar għandu jiġi pprovdut lill-awtoritajiet kompetenti meta l-oġġetti rilevanti jingħataw lill-kumpanija tal-ajru għat-trasport barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.

Meta jitilqu t-territorju doganali tal-Unjoni mill-Istat Membru tar-residenza tagħhom, il-kaċċaturi u d-dilettanti tal-isparar jistgħu minflok il-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar, jagħżlu li jipprovdu dokument ieħor ikkunsidrat validu għal dan l-iskop mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru.

(c)

L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhom, għal perjodu li ma jaqbiżx l-10 ijiem, jissospendu l-proċess ta’ esportazzjoni jew, jekk ikun meħtieġ, jipprevjenu l-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom jew l-ammunizzjoni milli jitilqu t-territorju doganali tal-Unjoni minn dak l-Istat Membru, meta jkollhom raġunijiet għal suspett li r-raġunijiet ipprovduti mill-kaċċaturi jew dilettanti tal-isparar ma jkunux konformi mal-konsiderazzjonijiet u l-obbligi rilevanti stipulati fl-Artikolu 10. F’ċirkustanzi straordinarji u minħabba raġunijiet iġġustifikati kif xieraq, il-perjodu msemmi f’dan il-punt jista’ jiġi estiż għal 30 jum.

2.   L-Istati Membri għandhom, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, jistabbilixxu proċeduri ssimplifikati għal:

(a)

ir-riesportazzjoni tal-armi tan-nar wara ammissjoni temporanja għall-evalwazzjoni jew għall-wiri mingħajr bejgħ, jew ipproċessar intern għat-tiswija, sakemm l-armi tan-nar jibqgħu l-proprjetà ta’ persuna stabbilita barra mit-territorju doganali tal-Unjoni u jiġu riesportati lil dik il-persuna;

(b)

ir-riesportazzjoni tal-armi tan-nar, il-partijiet tagħhom u l-komponenti essenzjali u l-ammunizzjoni jekk ikunu miżmuma f’ħażna temporanja mill-mument meta jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni sakemm joħorġu;

(c)

l-esportazzjoni temporanja tal-armi tan-nar għall-iskop ta’ evalwazzjoni u tiswija u wiri mingħajr bejgħ, sakemm l-esportatur jissostanzja l-pussess legali ta’ dawn l-armi tan-nar u jesportahom skont il-proċeduri doganali ta’ pproċessar estern jew esportazzjoni temporanja.

Artikolu 10

1.   F’deċiżjoni ta’ jekk għandhiex tingħata awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-konsiderazzjonijiet rilevanti kollha inklużi, fejn xieraq:

(a)

l-obbligi u l-impenji tagħhom bħala partijiet għal arranġamenti internazzjonali rilevanti tal-kontroll tal-esportazzjoni jew trattati internazzjonali rilevanti;

(b)

kunsiderazzjonijiet ta’ politika barranija u ta’ sigurtà nazzjonali, inklużi dawk koperti mill-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK;

(c)

kunsiderazzjonijiet fuq użu finali intenzjonat, il-kunsinnatarju, id-destinatarju finali identifikat u r-riskju ta’ devjazzjoni.

2.   Barra l-kunsiderazzjonijiet rilevanti stipulati fil-paragrafu 1, meta jkunu qed jivvalutaw applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għal esportazzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-applikazzjoni mill-esportatur ta’ mezzi u proċeduri proporzjonati u adegwati biex tkun żgurata konformità mad-dispożizzjonijiet u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni.

Meta jiddeċiedu li jagħtu awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-obbligi tagħhom rigward is-sanzjonijiet imposti permezz ta’ deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill jew b’deċiżjoni tal-Organizzazzjoni tas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) jew b’riżoluzzjoni vinkolanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari fir-rigward tal-embargoes tal-armi.

Artikolu 11

1.   L-Istati Membri għandhom:

(a)

jirrifjutaw li joħorġu awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni jekk l-applikant jkollu rekords kriminali rigward kondotta li tikkostitwixxi reat imniżżel fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (15) jew rigward kwalunkwe kondotta oħra, sakemm tkun tikkostitwixxi reat punibbli bid-deprivazzjoni massima tal-libertà ta’ mill-anqas erba’ snin jew piena aktar serja;

(b)

iħassru, jissospendu, jimmodifikaw jew jirrevokaw awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni jekk il-kundizzjonijiet biex din tingħata ma jiġux sodisfatti jew ma jibqgħux issodisfati.

Dan il-paragrafu huwa mingħajr ħsara għal regoli aktar stretti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

2.   Meta Stati Membri jirrifjutaw, iħassru, jissospendu, jimmodifikaw jew jirrevokaw awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, dawn għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kkonċernati u jaqsmu l-informazzjoni relevanti magħhom. Fejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jkunu ssospendew awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, l-evalwazzjoni finali tagħhom għandha tkun ikkomunikata lill-Istati Membri l-oħra fl-aħħar tal-perjodu ta’ sospensjoni.

3.   Qabel ma l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, joħorġu awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni skont dan ir-Regolament, dawn għandhom jikkunsidraw ir-rifjuti kollha skont dan ir-Regolament li dwarhom ġew notifikati, sabiex jiżguraw jekk awtorizzazzjoni ġietx irrifjutata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jew Stati Membri għal tranżazzjoni essenzjalment identika (dwar oġġett essenzjalment bl-istess parametri jew karatteristiċi tekniċi u fir-rigward tal-istess importatur jew kunsinnatarju).

Huma l-ewwel jistgħu jikkonsultaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew Stati Membri li jkunu ħarġu rifjut, annulamenti, sosspensjonijiet, modifikazzjonijiet jew revokazzjonijiet taħt il-paragrafi 1 u 2. Jekk, wara konsultazzjoni bħal din, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jiddeċiedu li jagħtu awtorizzazzjoni, huma għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra billi, jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha biex jispjegaw id-deċiżjoni.

4.   L-informazzjoni kollha kkondiviża skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandha tkun f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(2) rigward il-konfidenzjalità tagħha.

Artikolu 12

Skont il-liġi nazzjonali jew il-prattika fis-seħħ tagħhom, l-Istati Membri għandhom iżommu – għal mhux inqas minn 20 sena – l-informazzjoni kollha rigward l-armi tan-nar u, fejn xieraq u fattibbli, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni, li hija neċessarja għat-traċċar u l-identifikazzjoni ta’ dawk l-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni, u għall-prevenzjoni u s-sejbien tat-traffiku illegali fi ħdanhom. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi l-post, id-dati tal-ħruġ u tal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni; il-pajjiż esportatur; il-pajjiż importatur; fejn appikabbli, il-pajjiż terz ta’ transitu; il-kunsinnatarju; id-destinatarju finali jekk magħruf fil-ħin tal-esportazzjoni; u d-deskrizzjoni u l-kwantità tal-oġġetti, inkluż kwalunkwe marka applikata fuqhom.

Dan l-Artikolu ma għandux jgħodd għal esportazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 9.

Artikolu 13

1.   L-Istati Membri għandhom, fil-każ ta’ suspett, jitolbu lill-pajjiż terz importatur biex jikkonferma li l-kunsinja li tkun telqet ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-kompenenti essenzjali tagħhom jew l-ammunizzjoni tkun waslet.

2.   Fuq talba ta’ pajjiż terz tal-esportazzjoni li huwa parti mil-Protokoll tal-NU tal-Armi tan-Nar fil-ħin tal-esportazzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkonfermaw bil-wasla fi ħdan it-territorju doganali tal-Unjoni tal-kunsinja tal-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom jew l-ammunizzjoni, li fi prinċipju għandha tiġi żgurata billi jippreżentaw id-dokumenti doganali rilevanti ta’ importazzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom josservaw paragrafi 1 u 2 skont il-liġijiet jew prattika nazzjonali li jkunu fis-seħħ. B’mod partikolari, rigward l-esportazzjonijiet, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tista’ tiddeċiedi jew li tindirizza lill-esportatur jew li tagħmel kuntatt dirett mal-pajjiż terz importatur.

Artikolu 14

L-Istati Membri għandhom jieħdu tali miżuri kif meħtieġ biex jiżguraw li l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tagħhom ikunu siguri u li l-awtentiċità tad-dokumenti ta’ awtorizzazzjoni tista’ tkun ivverifikata jew ivvalidata.

Il-verifika u l-validazzjoni jistgħu wkoll, fejn xieraq, jiġu żgurati permezz tal-mezzi diplomatiċi.

Artikolu 15

Sabiex ikun assigurat li dan ir-Regolament huwa applikat kif suppost, l-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa biex ikun permess lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom li:

(a)

jiġbru informazzjoni dwar kwalunkwe ordni jew tranżazzjoni li tinvolvi l-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni; u

(b)

jistabbilixxu li l-miżuri ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni huma applikati kif suppost, li jistgħu, b’mod partikolari, jinkludu l-poter għad-dħul fil-postijiet ta’ persuni b’interess fi tranżazzjoni ta’ esportazzjoni.

Artikolu 16

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament, u jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

KAPITOLU III

FORMALITAJIET DOGANALI

Artikolu 17

1.   Meta jikkompleta l-formalitajiet doganali għall-esportazzjoni ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom jew l-ammunizzjoni fl-uffiċċju doganali tal-esportazzjoni, l-esportatur għandu jagħti prova li kiseb kwalunkwe awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni meħtieġa.

2.   L-esportatur jista’ jintalab jipprovdi traduzzjoni f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn id-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni ġiet ippreżentata ta’ kwalunkwe dokument mogħti bħala prova.

3.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe setgħa mogħtija lilhom skont ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92, l-Istati Membri għandhom, għal perjodu li ma jeċċedix 10 ijiem, jissospendu l-proċess ta’ esportazzjoni mit-territorju tagħhom, jew, jekk meħtieġ, b’mod ieħor jipprevjenu armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom jew l-ammunizzjoni li huma koperti minn awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni valida milli joħorġu mit-territorju doganali tal-Unjoni mit-territorju tagħhom, fejn ikollhom raġunijiet biex jissuspettaw li:

(a)

ma tteħidx kont ta’ informazzjoni rilevanti meta ngħatat l-awtorizzazzjoni, jew

(b)

iċ-ċirkustanzi nbidlu materjalment minn meta ngħatat l-awtorizzazzjoni.

F’ċirkustanzi straordinarji u minħabba raġunijiet issostanzjati kif xieraq, dak il-perjodu jista’ jiġi estiż għal 30 jum.

4.   Matul il-perjodu jew il-perjodu estiż msemmi fil-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jew jirrilaxxa l-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom jew l-ammunizzjoni jew jieħu azzjoni skont l-Artikolu 11(1)(b).

Artikolu 18

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-formalitajiet tad-dwana għall-esportazzjoni tal-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom jew l-ammunizzjoni jistgħu jitlestew biss f’uffiċċji tad-dwana mogħtija s-setgħa għal dik il-fini.

2.   L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-għażla stipulata fil-paragrafu 1 għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-uffiċċji doganali debitament mogħtija s-setgħa jew dwar bidliet f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna dik l-informazzjoni kull sena fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

KAPITOLU IV

KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 19

1.   L-Istati Membri għandhom, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u skont l-Artikolu 21(2), jieħdu l-miżuri kollha adatti biex ikunu stabbiliti kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni diretti bejn l-awtoritajiet kompetenti bil-ħsieb li tissaħħaħ l-effiċjenza tal-miżuri stabbiliti minn dan ir-Regolament. Informazzjoni bħal din tista’ tinkludi:

(a)

dettalji tal-esportaturi li l-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni ġiet rifjutata, jew esportaturi li huma s-soġġett ta’ deċiżjonijiet li jkunu ħadu Stati Membri skont l-Artikolu 11;

(b)

data dwar kunsinnatarji jew atturi oħra involuti f’attivitajiet suspettużi, u, fejn disponibbli, ir-rotot użati.

2.   Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 (16) dwar għajnuna reċiproka, u b’mod partikulari d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, għandhom japplikaw mutatis mutandis għal miżuri skont dan l-Artikolu, mingħajr ħsara għall-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 20

1.   Għandu jitwaqqaf Grupp ta’ Koordinazzjoni għall-Esportazzjoni tal-Armi tan-Nar (“Grupp ta’ Koordinazzjoni”) ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant għalih.

Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni għandu jeżamina kwalunkwe kwistjoni rigward l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li tista’ titqajjem jew mill-president jew minn rappreżentant ta’ Stat Membru. Dan għandu jkun marbut bir-regoli tal-kunfidenzjalità tar-Regolament (KE) Nru 515/97.

2.   Il-President tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni jew il-Grupp ta’ Koordinazzjoni għandu, kull meta jkun meħtieġ, jikkonsulta lill-partijiet interessati, ikkonċernati minn dan ir-Regolament.

Artikolu 21

1.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati biex ikun implimentat dan ir-Regolament, inklużi l-miżuri msemmija fl-Artikolu 16.

2.   Sad-19 ta' April 2012, kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 7, 9, 11 u 17. Abbażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna lista ta’ dawk l-awtoritajiet kull sena fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Sad-19 ta' April 2017, u minn dak inhar il-quddiem fuq talba tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni u fi kwalunkwe każ kull għaxar snin, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tiegħu, li jista’ jinkludi proposti biex jiġi emendat. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha adatta għat-tħejjija tar-rapport, inkluża l-informazzjoni dwar l-użu tal-proċedura unika provduta fl-Artikolu 4(2).

Artikolu 22

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mit-30 ta' Settembru 2013.

Madankollu, il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 13 għandhom japplikaw mit-tletint-il jum wara d-data li fiha l-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar jidħol fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea, wara li dan jiġi konkluż skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Marzu 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Ottubru 2011 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Marzu 2012.

(2)  ĠU L 280, 24.10.2001, p. 5.

(3)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(5)  COM(2005) 329. Il-Komunikazzjoni ħabbret ukoll il-modifika teknika tad-Direttiva 91/477/KEE bil-għan li tintegra d-dispożizzjonijiet xierqa rikjesti mill-Protokoll tan-NU rigward it-trasferimenti fi ħdan il-Komunità tal-armi msemmija fid-Direttiva, kif emendata fl-aħħar bid-Direttiva 2008/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 (ĠU L 179, 8.7.2008, p. 5).

(6)  ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.

(7)  ĠU L 256, 13.9.1991, p. 51.

(8)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(9)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(10)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.

(11)  ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.

(12)  ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.

(13)  ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

(14)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(15)  ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1).


ANNESS I (1)

Lista ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali u l-ammunizzjoni tagħhom

 

Deskrizzjoni

KODIĊI NM (2)

1

Armi tan-nar qosra semiawtomatiċi jew li jirrepetu.

ex 9302 00 00

2

Armi tan-nar qosra b’tir wieħed b’centre-fire percussion.

ex 9302 00 00

3

Armi tan-nar qosra b’tir wieħed b’rim fire percussion li t-tul kollu tagħhom huwa inqas minn 28 cm.

ex 9302 00 00

4

Armi tan-nar semiawtomatiċi li l-kompartiment għall-iskrataċ u r-rukkell tagħhom flimkien jieħdu aktar minn tliet tiri.

ex 9303 20 10

ex 9303 20 95

ex 9303 30 00

ex 9303 90 00

5

Armi tan-nar twal u semiawtomatiċi li l-kompartiment għall-iskrataċ u r-rukkell tagħhom flimkien ma jeħdux aktar minn tliet tiri, fejn il-mezz sabiex l-arma tiġi kkargata jista’ jitneħħa jew fejn mhux żgur jekk l-arma tistax tinbidel jew le b’ għodda normali f’arma li l-kompartiment għall-iskrataċ u r-rukkell tagħha flimkien jieħdu aktar minn tliet tiri.

ex 9303 20 10

ex 9303 20 95

ex 9303 30 00

ex 9303 90 00

6

Armi tan-nar twal li jirrepetu t-tiri u li huma semiawtomatiċi b’kanen lixxi li ma jaqbżux is-60 cm tul.

ex 9303 20 10

ex 9303 20 95

7

Armi tan-nar semiawtomatiċi li jixbħu lill-armi b’mekkaniżmi semiawtomatiċi għal użu ċivili.

ex 9302 00 00

ex 9303 20 10

ex 9303 20 95

ex 9303 30 00

ex 9303 90 00

8

Armi tan-nar twal li jirrepetu, barra dawk imniżżla fil-punt 6.

ex 9303 20 95

ex 9303 30 00

ex 9303 90 00

9

Armi tan-nar twal b’kanen li jisparaw tir wieħed.

ex 9303 30 00

ex 9303 90 00

10

Armi tan-nar twal u semiawtomatiċi barra dawk tal-punti 4 sa 7.

ex 9303 90 00

11

Armi tan-nar qosra b’tir wieħed b’rimfire percussion li t-tul kollu tagħhom huwa inqas minn 28 cm.

ex 9302 00 00

12

Armi tan-nar twal b’tir wieħed u kanen lixxi.

9303 10 00

ex 9303 20 10

ex 9303 20 95

13

Partijiet imfassla apposta għal arma tan-nar u li jkunu essenzjali sabiex din taħdem, inklużi l-kanna, il-frame jew ir-receiver, is-slide jew iċ-ċilindru, il-bolt jew il-breech block, u kwalunkwe apparat imfassal jew adattat biex inaqqas il-ħoss ikkawżat mill-isparar ta’ arma tan-nar.

Kull komponent essenzjali ta’ dawn l-armi: il-mekkaniżmu tal-għeluq, ir-rukkell u l-kanna tal-arma tan-nar, li filwaqt li huma separati, huma inklużi fil-kategorija tal-armi tan-nar fejn huma jew huma maħsuba li jiġu mmuntati

ex 9305 10 00

ex 9305 21 00

ex 9305 29 00

ex 9305 99 00

14

Ammunizzjoni: ir-round sħiħ jew il-komponenti tiegħu, inklużi l-kontenituri tal-iskrataċ, il-kaps, il-porvli ta’ splussiv (propellant powder), il-balal jew il-projettili, li jintużaw f’arma tan-nar, sakemm dawk il-komponenti stess ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni fl-Istat Membru rilevanti

ex 3601 00 00

ex 3603 00 90

ex 9306 21 00

ex 9306 29 00

ex 9306 30 10

ex 9306 30 90

ex 9306 90 90

15

Kollezzjonijiet u oġġetti tal-kollezzjoni ta’ interess storiku

Antikitajiet ta’ ’l fuq minn mitt sena

ex 9705 00 00

ex 9706 00 00

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness:

(a)

“arma tan-nar qasira” tfisser arma tan-nar b’kanna li ma taqbiżx it-30 ċentimetri jew li t-tul kollu tagħha ma jaqbiżx is-60 ċentimetri;

(b)

“arma tan-nar twila” tfisser kull arma tan-nar għajr arma tan-nar qasira;

(c)

“arma tan-nar awtomatika” tfisser arma tan-nar li terġa’ tikkarga b’mod awtomatiku kull darba li jiġi sparat tir u li tista’ tispara aktar minn tir wieħed b’għafsa waħda tal-grillu;

(d)

“arma tan-nar semiawtomatika” tfisser arma tan-nar li terġa’ tikkarga b’mod awtomatiku kull darba li jiġi sparat tir u li tista’ tispara tir wieħed biss b’għafsa waħda tal-grillu;

(e)

“arma tan-nar li tirrepeti” tfisser arma tan-nar li wara li jiġi sparat tir hija ddisinjata sabiex terġa’ tiġi kkargata minn kompartiment għall-iskrataċ jew ċilindru permezz ta’ azzjoni li ssir manwalment;

(f)

“arma tan-nar b’tir wieħed” tfisser arma tan-nar mingħajr kompartiment għall-iskrataċ li tikkarga qabel kull tir billi wieħed bl-id idaħħal tir fir-rukkell jew rokna għall-ikkargar fil-breech tal-kanna.


(1)  Ibbażat fuq in-Nomenklatura Magħquda tal-oġġetti kif stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni.

(2)  Fejn jidher il-kodiċi l-“ex”, l-ambitu għandu jiġi stabbilit permezz tal-applikazzjoni tal-kodiċi tan-NM u d-deskrizzjoni li tikkorrispondi magħha meħudin flimkien.


ANNESS II

(mudell għall-formoli tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni)

(imsemmi fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament)

Meta jagħtu awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni, l-Istati Membri għandhom jirsistu biex jiżguraw il-viżibbiltà tan-natura tal-awtorizzazzjoni fuq il-formola maħruġa.

Din hija awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni valida fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea sad-data ta’ skadenza tagħha.

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

30.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/16


REGOLAMENT (UE) Nru 259/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Marzu 2012

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 648/2004 fir-rigward ta’ użu ta’ fosfati u komposti ta’ fosfru ieħor fid-diterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur u fid-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-atti leġislattivi ntbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fir-Rapport tagħha tal-4 ta’ Mejju 2007 lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni evalwat, skont ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-użu tal-fosfati fid-diterġenti. Wara aktar analiżi, ġie konkluż li l-użu tal-fosfati fid-diterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur u fid-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur għandu jkun limitat sabiex titnaqqas il-kontribuzzjoni tal-fosfati fid-diterġenti għal riskji tal-ewtrofikazzjoni u jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tneħħija tal-fosfati fl-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi. Dan l-iffrankar tal-ispejjeż huwa ferm akbar mill-ispiża tar-riformulazzjoni tad-diterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur bl-alternattivi għall-fosfati.

(2)

Alternattivi effiċjenti għad-diterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur ibbażati fuq il-fosfat għandhom bżonn ammonti żgħar ta’ komposti oħra tal-fosfru, bażikament fosfonati li, jekk użati fi kwantitajiet akbar jistgħu jkunu ta’ tħassib għall-ambjent. Filwaqt li huwa importanti li jitħeġġeġ l-użu ta’ sustanzi alternattivi bi profil ambjentali aktar favorevoli mill-fosfati u minn prodotti oħra tal-fosfru fil-manifattura tad-diterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur u tad-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur, tali sustanzi għandhom, taħt kundizzjonijiet normali tal-użu tagħhom, ma jippreżentaw l-ebda riskju, jew riskju iżgħar, għall-bnedmin u/jew għall-ambjent. Għalhekk is-sistema REACH (4) għandha, meta jkun xieraq, tintuża biex tali sustanzi jiġu evalwati.

(3)

L-interazzjoni bejn il-fosfati u komposti oħra tal-fosfru teħtieġ għażla għaqlija tal-ambitu u l-livell tal-limitazzjoni fl-użu tal-fosfati fid-diterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur u fid-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur. Il-limitazzjoni għandha tapplika mhux biss għal fosfati, imma wkoll għal komposti tal-fosfru kollha sabiex tipprekludi sostituzzjoni sempliċi ta’ komposti tal-fosforu oħra għall-fosfati. Il-limitu tal-kontenut tal-fosfru għandha tkun baxxa biżżejjed li effettivament tipprevjeni l-marketing ta’ formulazzjonijiet tad-diterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur ibbażati fuq il-fosfat, filwaqt li tkun għolja biżżejjed li tippermetti l-kwantità minima tal-fosfati meħtieġa għall-formulazzjonijiet alternattivi.

(4)

Attwalment mhux sewwa li jkunu estiżi l-limitazzjonijiet fuq l-użu tal-fosfati u komposti oħra tal-fosfru fid-diterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur u fid-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur għad-diterġenti industrijali u istituzzjonali fil-livell tal-Unjoni minħabba li alternattivi teknikament u ekonomikament vijabbli għall-użu tal-fosfati f’dawk id-diterġenti għadhom mhumiex disponibbli. Fir-rigward tad-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur, x’aktarx li fil-futur qarib l-alternattivi jkunu ħafna aktar disponibbli. Huwa għalhekk xieraq li titwaqqaf restrizzjoni fuq l-użu tal-fosfati f’dawk id-diterġenti. Tali restrizzjoni għandha tapplika minn data futura sakemm alternattivi għall-fosfati jkunu ħafna aktar disponibbli, sabiex jiġi stimulat l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda. Huwa xieraq ukoll li jiġi speċifikat kontenut massimu permessibli ta’ fosfru, ibbażat fuq evidenza li tinkludi restrizzjonijiet nazzjonali eżistenti għall-fosfru fid-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur. Madankollu, jeħtieġ ukoll li jiġi stipulat li l-Kummissjoni, qabel ma dik ir-restrizzjoni tibda tapplika fl-Unjoni kollha, għandha twettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-valur limitu abbażi tad-data disponibbli l-aktar reċenti u, jekk ikun ġustifikat, tippreżenta proposta leġiżlattiva. Dik il-valutazzjoni għandha tkopri l-impatt fuq l-ambjent, l-industrija u l-konsumaturi ta’ diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur b’livelli ta’ fosfru ogħla u aktar baxxi mill-valur limitu stabbilit fl-Anness VIa u alternattivi, filwaqt li jitqiesu kwistjonijiet fosthom il-kost tagħhom, id-disponibbiltà, l-effiċjenza tal-ħasil u l-impatt fuq it-trattament tal-ilma mormi.

(5)

Wieħed mill-għanijiet ta’ dan ir-Regolament huwa li jitħares l-ambjent billi titnaqqas l-ewtrofikazzjoni kkawżata mill-fosfru fid-diterġenti użati mill-konsumaturi. Għalhekk, ma jkunx xieraq li l-Istati Membri li diġà għandhom restrizzjonijiet rigward il-fosfru fid-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur, jiġu sfurzati jadottaw dawk ir-restrizzjonijiet qabel ma tibda tapplika ir-restrizzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, ikun xieraq li l-Istati Membri jitħallew idaħħlu bil-mod ir-restrizzjonijiet kif stabbiliti f’dan ir-Regolament l-iktar kmieni possibbli.

(6)

Definizzjoni ta’ “ħasil” għandha tkun inkluża fir-Regolament (KE) Nru 648/2004 minflok referenza għall-istandard relevanti tal-ISO biex jitħaffef il-qari, u definizzjonijiet ta’ “diterġent tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur” u “diterġent tal-magni tal-ħasil awtomatiċi tal-platti għall-konsumatur” għandhom ikunu inklużi wkoll. Barra minn hekk, ikun xieraq li tiġi ċċarata d-definizzjoni ta’ “tqegħid fis-suq” u li tiddaħħal definizzjoni ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq”.

(7)

Sabiex tingħata informazzjoni eżatta fl-iqsar skala ta’ żmien possibbli, ikun xieraq li jiġi modernizzat il-mod li bih il-Kummissjoni tippubblika l-listi ta’ awtoritajiet kompetenti u laboratorji approvati.

(8)

Sabiex ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 jiġi adattat għall-progress xjentifiku u tekniku, biex jiddaħħlu dispożizzjonijiet dwar diterġenti bbażati fuq solventi u biex jiddaħħlu limiti ta’ konċentrazzjoni xierqa individwali bbażati fuq ir-riskju għall-allerġeni ta’ fwieħa, il-poter li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi delegat lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ emendi għall-Annessi ta’ dak ir-Regolament li jkunu meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-objettivi. Hu ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa tul il-ħidma preparatorja, anke fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(9)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli fuq ksur tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 u jiżguraw li dawn ikunu implimentati. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(10)

Hu xieraq li jkun hemm provediment għad-differiment tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament sabiex jippermetti l-operaturi, b’mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jifformulaw mill-ġdid id-diterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur u d-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur ibbażati fuq il-fosfat billi jużaw alternattivi matul iċ-ċiklu ta’ riformulazzjoni normali sabiex ikunu minimizzati l-ispejjeż tagħhom.

(11)

Ġaladarba l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li titnaqqas il-kontribuzzjoni tal-fosfati mid-diterġenti għal riskji tal-ewtrofikazzjoni, li tnaqqas l-ispejjeż tat-tneħħija tal-fosfati fl-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi kif ukoll li tiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern tad-diterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur u tad-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li l-miżuri nazzjonali bi speċifikazzjonijiet tekniċi differenti ma jistgħux jiżguraw avvanz komprensiv fil-kwalità tal-ilma li jaqsam il-fruntieri nazzjonali, u għalhekk jistgħu jinkisbu aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ taddotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Konfermement mall-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanjiet.

(12)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 għandu jkun emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(2), it-tielet u r-raba’ inċiżi huma sostitwiti b’dan li ġej, u għandu jiżdied il-ħames inċiż:

“—

it-tikkettjar addizzjonali ta’ diterġenti, inklużi allerġeni ta’ fwieħa;

l-informazzjoni li l-manifatturi għandhom jagħmlu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti u l-persunal mediku tal-Istati Membri;

il-limitazzjonijiet tal-kontenut tal-fosfati u komposti oħra tal-fosfru fid-diterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur u fid-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur.”;

(2)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

għandhom jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“1a.

‘Diterġent tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur’ tfisser diterġent għall-ħwejjeġ li jitqiegħed fis-suq għall-użu minn persuni mhux professjonisti, inkluż fil-laundrettes pubbliċi.

1b.

‘Diterġent tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur’ tfisser diterġent imqiegħed fis-suq għall-użu f’magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi minn persuni mhux professjonali.”;

(b)

il-punt 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3.

‘Ħasil’ tfisser il-proċess li bih residwu mhux mixtieq jitneħħa minn substrat jew minn ġo substrat u jinġieb fi stat ta’ taħlil jew tifrix.”;

(c)

il-punt 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“9.

‘Tqegħid fis-suq’ tfisser l-ewwel tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni. Importazzjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni għandu jitqies li hu tqegħid fis-suq.

9a.

‘Tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq’ tfisser kwalunkwe provvista għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu fis-suq tal-Unjoni tul attività kummerċjali, kemm jekk issir bi ħlas kif ukoll jekk tkun mingħajr ħlas.”;

(3)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“L-Artikolu 4a

Il-limitazzjonijiet tal-kontenut tal-fosfati u komposti oħra tal-fosfru

Id-diterġenti elenkati fl-Anness VIa li ma jikkonformawx mal-limitazzjonijiet tal-kontenut tal-fosfati u ta’ komposti oħra tal-fosfru stabbiliti f’dak l-Anness m’għandhomx jitqegħdu fis-suq mid-dati ffissati fih.”;

(4)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-Kummissjoni għandha tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-listi tal-awtoritajiet kompetenti, imsemmija fil-paragrafu 1, u tal-laboratorji approvati, imsemmija fil-paragrafu 2.”;

(5)

fl-Artikolu 11, paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Barra minn hekk, il-pakketti tad-diterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur u tad-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur għandu jkollhom l-informazzjoni stipulata fit-taqsima B tal-Anness VII.”;

(6)

l-Artikolu 12, paragrafu 3 tħassar;

(7)

l-Artikoli 13 u 14 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“L-Artikolu 13

Adattament tal-Annessi

1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata l-poter li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 13a sabiex tintroduċi l-emendi meħtieġa biex l-Annessi I sa VII u VIII jiġu adattati għall-progress xjentifiku u tekniku. Fejn hu possibbli, il-Kummissjoni għandha tuża standards Ewropej.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delagati skont l-Artikolu 13a, sabiex tintroduċi emendi fl-Annessi ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ diterġenti bbażati fuq solventi.

3.   Fejn il-limiti individwali ta’ konċentrazzjoni bbażati fuq ir-riskju għall-allerġeni ta’ fwieħa huma stabbiliti mill-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sigurtà tal-Konsumatur, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 13a sabiex tadatta l-limitu ta’ 0,01 % iffissat fit-taqsima A tal-Anness VII kif inhu xieraq.

L-Artikolu 13a

L-eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati huwa mogħti lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 13 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mid-19 ta’ April 2012. Sat-19 ta’ Lulju 2016 il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal aktar perjodi ta’ ħames snin, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu..

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 13 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ atti delegati diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 13 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

L-Artikolu 14

Klawsola dwar il-moviment liberu

1.   L-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu t-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ diterġenti, u/jew ta’ surfactants għal diterġenti, li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, għal raġunijiet trattati f’dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jistabbilixxu regoli nazzjonali li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet tal-kontenut tal-fosfati u ta’ komposti oħra tal-fosfru fid-diterġenti li għalihom ma ġewx stabbiliti restrizzjonijiet tal-kotenut fl-Anness VIa fejn iġġustifikat, b’mod partikolari, għal raġunijiet bħall-protezzjoni tas-saħħa pubblika jew tal-ambjent u fejn alternattivi teknikament u ekonomikament vijabbli huma disponibbli.

3.   L-Istati Membri jistgħu jżommu regoli nazzjonali li kienu fis-seħħ fid-19 ta’ Marzu 2012 rigward restrizzjonijiet fuq il-kontenut tal-fosfati u ta’ komposti oħra tal-fosfru fid-diterġenti li għalihom għadhom ma bdewx japplikaw restrizzjonijiet stipulati fl-Anness VIa. Tali miżuri nazzjonali eżistenti għandhom ikunu rrappurtati lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012 u jistgħu jibqgħu fis-seħħ sad-data meta japplikaw ir-restrizzjonijiet stipulati fl-Anness VIa.

4.   Mid-19 ta’ Marzu 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2016 l-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli nazzjonali li jimplimentaw ir-restrizzjoni fuq il-kontenut tal-fosfati u ta’ komposti oħra tal-fosfru stipulati fil-punt 2 tal-Anness VIa, meta jkun ġustifikat, b’mod partikolari, għal raġunijiet bħall-protezzjoni tas-saħħa pubblika jew tal-ambjent u meta jkunu hemm alternattivi teknikament u ekonomikament fattibli u disponibbli. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw tali miżuri lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u dwar regoli fuq is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (*).

5.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-lista tal-miżuri nazzjonali msemmija fil-paragrafi 3 u 4.

(*)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.”;"

(8)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Meta Stat Membru jkollu raġunijiet ġustifikabbli biex jaħseb li diterġent speċifiku, għalkemm jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, jikkostitwixxi riskju għas-sikurezza jew għas-saħħa tal-bnedmin jew tal-annimali jew riskju għall-ambjent, jista’ jieħu l-miżuri provviżorji xierqa kollha skont in-natura tar-riskju, sabiex jiżgura li d-diterġent konċernat ma jibqax ikun ta’ riskju, jitneħħa mis-suq jew jiġi rtirat f’perjodu raġonevoli ta’ żmien jew li d-disponibbiltà tiegħu tiġi ristretta.

L-Istat Membru għandu jinforma minnufih b’dan lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, waqt li jagħti r-raġunijiet tiegħu għal din id-deċiżjoni.”;

(9)

l-Artikolu 16 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Artikolu 16

Rapport

1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha, filwaqt li tqis informazzjoni mill-Istati Membri dwar il-kontenut tal-fosfru fid-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur mqiegħda fis-suq fit-territorji tagħhom u fid-dawl ta’ kull informazzjoni xjentifika ġdida jew eżistenti li jkollha għad-dispożizzjoni fir-rigward ta’ sustanzi użati li fihom il-fosfati u f’formulazzjonijiet alternattivi, tevalwa permezz ta’ evalwazzjoni fid-dettal jekk ir-restrizzjoni stipulata fil-punt 2 tal-Anness VIa għandhiex tiġi modifikata. Dik il-valutazzjoni għandha tinkludi analiżi tal-impatt fuq l-ambjent, l-industrija u l-konsumaturi tad-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur b’livelli ta’ fosfru ogħla u aktar baxxi mill-valur limitu imniżżla fl-Anness VIa, filwaqt li jitqiesu kwistjonijiet fosthom il-kost, id-disponibbiltà, l-effiċjenza tal-ħasil u l-impatti fuq it-trattament tal-ilma mormi. Il-Kummissjoni għandha tissottometti dik il-valutazzjoni bir-reqqa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.   Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni, abbażi ta’ din il-valutazzjoni dettaljata imsemmija fil-paragrafu 1, tqis lir-restrizzjoni tal-fosfati u komposti oħra tal-fosfru użati fid-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur teħtieġ reviżjoni, hija għandha, sal-1 ta’ Lulju 2015, tippreżenta, proposta leġiżlattiva xierqa. Kull tali proposta għandu jkollha l-għan li timminimizza l-impatt negattiv mill-prodotti kollha tad-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur fuq l-ambjent usa’, filwaqt li jitqies kull kost ekonomiku kif identifikat f’dik il-valutazzjoni bir-reqqa. Sakemm il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, abbażi ta’ tali proposta, ma jiddeċidux xort’oħra sal-31 ta’ Diċembru 2016, il-valur limitu stipulata fil-punt 2 tal-Anness VIa għandu jsir il-limitu għall-kontenut tal-fosfru fid-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur mid-data stipulata f’dak il-punt.”;

(10)

l-Artikolu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Artikolu 18

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli fuq ksur ta’ dan ir-Regolament u jieħdu il-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn ikunu implimentati. Dan jista’ jinkludi wkoll miżuri xierqa li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jipprevjenu t-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ diterġenti jew surfactants għal diterġenti li ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament. Il-penali provduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet jew kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwa dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

Dawn ir-regoli għandhom jinkludu miżuri li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jżommu konsenji ta’ diterġenti li ma jħarsux dan ir-Regolament.”;

(11)

it-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament jiddaħħal bħala Anness VIa għar-Regolament (KE) Nru 648/2004;

(12)

l-Anness VII għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fit-taqsima A, it-test li ġej ġie imħassar:

“Jekk limiti individwali ta’ konċentrazzjonijiet ibbażati fuq riskji għall-allerġeni ta’ fwieħa jiġu sussegwentement stabbiliti mill-SCCNFP, il-Kummissjoni għandha tipproponi l-adozzjoni ta’ tali limiti biex jissostitwixxu l-limitu ta’ 0,01 % msemmi hawn fuq. Dawk il-miżuri, imfasslin biex jemedaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 12(3).”,

(b)

it-taqsima B hija sostitwita b’dan li ġej:

“B.   Tikketti b’informazzjoni dwar id-dożaġġ

Kif preskritt fl-Artikolu 11(4), id-dispożizzjonijiet li ġejjin dwar it-tikketti għandhom japplikaw għall-ipakkettar ta’ diterġenti mibjugħa lill-pubbliku ġenerali.

Diterġenti tal-Ħasil tal-Ħwejjeġ għall-Konsumatur

Il-pakketti ta’ diterġenti mibjugħa lill-pubbliku ġenerali maħsuba għall-użu bħala diterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għandu jkollhom l-informazzjoni li ġejja:

il-kwantitajiet rakkomandati u/jew l-istruzzjonijiet dwar dożaġġi espressi f’millilitri jew grammi xierqa għal ħasla waħda b’magna tal-ħasil standard, għal livelli ta’ ilma ħafif, ftit tqil u pjuttost tqil u tagħmel provvediment għal proċess ta’ ħasliet f’ċiklu wieħed jew tnejn,

għal diterġenti magħmula għal xogħol iebes, in-numru ta’ ħasliet b’magna tal-ħasil standard ta’ tgħabija ta’ drapp “maħmuġ ftit”, u għal diterġenti għal drapp delikat, in-numru ta’ ħasliet b’magna tal-ħasil standard ta’ ħasla ta’ drapp “kemm kemm maħmuġin”, li jistgħu jinħaslu b’kontenut ta’ pakkett f’ilma ftit tqil, li jikkorrispondi għal 2,5 millimoli CaCO3/l,

kemm tesa’ kull kikkra ta’ kejl, jekk tkun mogħtija, għandu jkun indikat f’millimetri jew grammi, u għandu jkun hemm marki biex jindikaw id-doża xierqa ta’ diterġent għal ħasla b’magna tal-ħasil standard b’livelli ta’ ilma ħafif, ftit tqil u pjuttost tqil.

It-tagħbija għal magni tal-ħasil standard huma ta’ 4,5 kg ta’ drapp xott għal diterġenti magħmula għal xogħol iebes u 2,5 kg ta’ drapp xott għal diterġenti magħmula għal xogħol inqas iebes, bi qbil mad-definizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/476/KE tal-10 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi Kriterji Ekoloġiċi għall-għoti tal-Eko-tikketta Komunitarja għad-Diterġenti tal-Ħasil (**). Diterġent għandu jitqies diterġent għal xogħol iebes sakemm id-dikjarazzjonijiet tal-manifattur jipromwovu b’enfasi qawwija l-kura tad-drapp, fi kliem ieħor, ħasil b’temperatura baxxa, fibri u kuluri delikati.

Diterġenti tal-Magni tal-Ħasil tal-Platti Awtomatiċi għall-Konsumatur

L-ipakkettar ta’ diterġenti mibjugħa lill-pubbliku ġenerali maħsuba għall-użu bħala diterġenti tal-magani tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għandu jkollhom l-informazzjoni li ġejja:

id-dożaġġ standard espress fi grammi jew f’ml jew f’numru ta’ pilloli għaċ-ċiklu ta’ ħasil ewlieni għal reċipjenti ta’ fuq il-mejda maħmuġin ftit f’tgħabija mimlija b’montatura ta’ 12-il post f’magna tal-ħasil tal-platti, u tagħmel provvediment, fejn rilevanti, għal livelli ta’ ilma ħafif, ftit tqil u pjuttost tqil.

(**)  ĠU L 187, 20.7.1999, p. 52. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/264/UE (ĠU L 111, 30.4.2011, p. 34).”."

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Marzu 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 71

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2012.

(3)  ĠU L 104, 8.4.2004, p. 1.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS

“ANNESS VIa

IL-LIMITAZZJONIJIET TAL-KONTENUT TAL-FOSFATI U KOMPOSTI OĦRA TAL-FOSFRU

Diterġent

Limitazzjonijiet

Data li fiha l-limitazzjoni tibda tgħodd

1.

Diterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur

M’għandhomx jitqiegħdu fis-suq jekk il-kontenut totali tal-fosfru huwa ugwali għal jew akbar minn 0,5 grammi fil-kwantità rakkomandata tad-diterġent li għandu jintuża fiċ-ċiklu ewlieni tal-proċess ta’ ħasil għal ħasla waħda b’magna tal-ħasil standard kif definit fit-taqsima B tal-Anness VII għal ilma pjuttost tqil

għal drapp ‘maħmuġ ftit’ fil-każ ta’ diterġenti magħmula għal xogħol iebes;

għal drapp ‘kemm kemm maħmuġ’ fil-każ ta’ diterġenti magħmula għal drapp delikat.

fit-30 ta’ Ġunju 2013.

2.

Diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur

M’għandhomx jitqiegħdu fis-suq jekk il-kontenut totali tal-fosfru huwa ugwali għal jew akbar minn 0,3 grammi fid-dożaġġ standard kif definit fit-taqsima B tal-Anness VII

l-1 ta’ Jannar 2017”


30.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/22


REGOLAMENT (UE) Nru 260/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Marzu 2012

li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta’ att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-ħolqien ta’ suq integrat għall-pagamenti elettroniċi bl-euro, mingħajr l-ebda distinzjoni bejn pagamenti nazzjonali u transkonfinali hu meħtieġ għall-funzjonament xieraq tas-Suq Intern. Għal dak il-għan, il-proġett taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (“is-SEPA”) għandu l-għan li jiżviluppa servizzi ta’ pagamenti komuni għall-Unjoni kollha biex jieħdu post is-servizzi attwali ta’ pagament nazzjonali. B’konsegwenza tal-introduzzjoni ta’ standards, regoli u prassi komuni u miftuħa tal-pagamenti, u permezz tal-ipproċessar integrat tal-pagamenti, is-SEPA għandha tipprovdi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lin-negozji b’servizzi ta’ pagament bl-euro sikuri, bi prezzijiet kompetittivi, faċli jintużaw u affidabbli. Dan għandu japplika għall-pagamenti SEPA fi ħdan u bejn il-fruntieri nazzjonali taħt l-istess kundizzjonijiet bażiċi u skont l-istess drittijiet u obbligi, jkunu fejn ikunu fl-Unjoni. Is-SEPA għandha titlesta b’tali mod li tiffaċilita l-aċċess għal dawk il-persuni ġodda li jidħlu fis-suq u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda, u għandha toħloq kundizzjonijiet favorevoli għal aktar kompetizzjoni fis-servizzi ta’ pagament u għall-iżvilupp mhux ostakolat u veloċi, tal-implimentazzjoni fl-Unjoni kollha ta’ innovazzjonijiet relatati mal-pagamenti. Konsegwentament, l-ekonomija ta’ skala imtejba, l-effiċjenza akbar tal-operat u l-kompetizzjoni msaħħa, għandhom iwasslu għal pressjoni ‘l isfel fuq il-prezzijiet fis-servizzi ta’ pagament elettroniċi bl-euro f’kull qasam abbażi “tal-aqwa fost l-aħjar”. L-effett ta’ dan għandu jkun sinifikanti b’mod partikolari fl-Istati Membri fejn il-pagamenti huma relattivament għaljin meta komparat ma Stati membri oħra. It-tranżizzjoni lejn is-SEPA għalhekk ma għandhiex tkun akkompanjata b’żidiet fil-prezzijiet ġenerali għall-utenti tas-servizzi tal-pagament (“PSUs”(payment service users)) inġenerali u għall-konsumaturi, b’mod partikolari. Minflok, fejn il-PSU jkun il-konsumatur, il-prinċipju li ma jiġux imposti tariffi ogħla għandu jiġi mħeġġeġ. Il-Kummissjoni għandha tkompli tissorvelja l-iżviluppi tal-prezzijiet fis-settur tal-pagament u għandha tipprovdi analiżi annwali ta’ dawn.

(2)

Is-suċċess tas-SEPA hu verament importanti fuq livell ekonomiku, u politiku. SEPA hija kompletament konformi mal-istrateġija tal-Europa 2020 li għandha l-għan li toħloq ekonomija aktar intelliġenti li fiha l-prosperità tirriżulta mill-innovazzjoni u minn użu iżjed effiċjenti tar-riżorsi disponibbli. Kemm il-Parlament Ewropew permezz tar-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2009 (4) u l-10 ta’ Marzu 2010 (5) dwar l-implimentazzjoni tas-SEPA, kif ukoll il-Kunsill fil-konklużjonijiet adottati fit-2 ta’ Diċembru 2009, issottolinjaw l-importanza tal-kisba rapida tal-migrazzjoni lejn is-SEPA.

(3)

Id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Europew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern (6) tipprovdi bażi legali moderna għall-ħolqien ta’ suq intern għall-pagamenti, li minnhom is-SEPA hija element fundamentali.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità (7) jipprovdi wkoll għadd ta’ miżuri li jiffaċilitaw is-suċċess tas-SEPA bħall-estensjoni tal-prinċipju ta’ imposti ugwali għal debiti diretti transkonfinali u l-aċċessibilità għal debiti diretti.

(5)

L-isforzi awtoregolatorji tas-settur bankarju Ewropew permezz tal-inizjattiva tas-SEPA wrew li ma kinux suffiċjenti biex imexxu ’il quddiem b’mod mifthiem il-migrazzjoni lejn skemi għall-Unjoni kollha tat-trasferimenti tal-kreditu u tad-debiti diretti kemm fuq in-naħa tal-provvista kif ukoll tad-domanda. B’mod partikolari, l-interessi tal-konsumatur u ta’ utenti oħra ma ttiħdux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti u trasparenti. Il-vuċi tal-partijiet interessati kollha għandha tinstema’. Barra minn hekk, dak il-proċess awtoregolatorju ma kienx soġġett għal mekkaniżmi ta’ governanza xierqa, ħaġa li tista’ parzjalment tispjega l-adozzjoni kajmana min-naħa tad-domanda. Filwaqt li t-twaqqif riċenti tal-Kunsill tas-SEPA jirrappreżenta titjib sinifikanti tal-governanza tal-proġett tas-SEPA, fundamentalment u formalment il-governanza xorta għadha, fil-maġġor parti f’idejn il-Kunsill Ewropew tal-Pagamenti (EPC). Il-Kummissjoni għandha għalhekk teżamina mill-ġdid l-arranġamenti ta’ governanza tal-proġett tas-SEPA kollu qabel tmiem l-2012 u, fejn ikun meħtieg, tagħmel proposta. Dak ir-rieżami għandu jeżamina, fost oħrajn, il-kompożizzjoni tal-EPC, l-interazzjoni bejn l-EPC u struttura globali ta’ governanza, bħall-Kunsill tas-SEPA, u r-rwol ta’ dik l-istuttura globali.

(6)

Hija biss migrazzjoni rapida u komprensiva lejn it-trasferimenti tal-krediti u d-debiti diretti fl-Unjoni kollha li se tiġġenera l-benefiċċji sħaħ ta’ suq tal-pagamenti integrat, sabiex l-ispejjeż għolja tat-tħaddim b’mod parallel tal-prodotti “li ilhom jintużaw” kif ukoll tas-SEPA jkunu jistgħu jiġu eliminati. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti regoli sabiex ikopru t-twettiq tat-trasferimenti tal-krediti kollha u t-tranżazzjonijiet tad-debiti diretti denominati fl-euro fl-Unjoni. Madankollu, tranżazzjonijiet bil-kards m’għandhomx ikunu koperti f’dan l-istadju, peress li l-istandards komuni għall-pagamenti bil-kard fl-Unjoni għadhom qed jiġu żviluppati. Rimessa ta’ flus, il-pagamenti pproċessati internament, tranżazzjonijiet ta’ pagament ta’ valur għoli, pagamenti bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament (PSPs) akkont tagħhom u l-pagamenti permezz tal-mowbajl jew ta’ kwalunkwe mezz ieħor ta’ telekomunikazzjoni jew, permezz ta’ strument diġitali jew tal-IT ma għandhomx jaqgħu taħt l-ambitu ta’ dawn ir-regoli peress li dawk is-servizzi ta’ pagament mhumiex komparabbli ma’ trasferimenti ta’ kreditu jew debiti diretti. Fejn kard ta’ pagament fil-punt tal-bejgħ jew xi mezz ieħor bħal mowbajl jintuża bħala l-mezz li tinbeda tranżazzjoni ta’ pagament, jew fil-post tal-bejgħ jew mill-bogħod, li tirriżulta direttament fi trasferiment ta’ kreditu jew debitu dirett għal u minn kont tal-pagament identifikat minn numru bażiku tal-kont bankarju nazzjonali eżistenti (BBAN) jew minn numru tal-kont bankarju internazzjonali (IBAN), dik it-tranżazzjoni ta’ pagament għandha, madanakollu, tkun inkluża. Barra minn hekk, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ pagamenti ipproċessati permezz ta’ sistemi ta’ pagament ta’ valur kbir, jiġifieri l-prijorità għolja, l-urġenza, u primarjament l-ammont kbir tagħhom, mhuwiex xieraq li tali pagamenti jkunu koperti b’dan ir-Regolament. Dik l-esklużjoni ma għandhiex tinkludi pagamenti ta’ debitu dirett, sakemm min iħallas ma jitlobx espressament li l-ħlas jingħadda minn sistema ta’ pagamenti ta’ valur kbir.

(7)

Attwalment jeżistu diversi servizzi tal-pagament, l-iżjed għal pagamenti permezz tal-Internet, li jużaw ukoll l-IBAN u l-kodiċi tal-identifikazzjoni tan-negozju (BIC) u huma bbażati fuq trasferimenti tal-kreditu jew debiti diretti li għandhom karatteristiċi addizzjonali. Huwa mistenni li dawk is-servizzi jespandu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali attwali u jistgħu jissodisfaw id-domanda tal-konsumatur għal servizzi tal-pagament innovattivi, sikuri u rħas. Sabiex ma jiġux esklużi dawn is-servizzi mis-suq, ir-regolament tad-dati finali għat-trasferimenti tal-kreditu u debiti diretti previsti f’dan ir-regolament għandhom japplikaw biss għat-trasferimenti tal-kreditu jew id-debitu dirett sottostanti dawk it-tranżazzjonijiet.

(8)

Fil-parti l-kbira tat-tranżazzjonijiet tal-Unjoni, huwa possibbli li wieħed jidentifika kont tal-pagament uniku bl-użu biss tal-IBAN mingħajr ma jispeċifika wkoll il-BIC. B’riflessjoni ta’ din ir-realtà, il-banek f’għadd ta’ Stati Membri diġà stabbilixxew direttorju, bażi ta’ data jew mezzi tekniċi oħra għall-identifikazzjoni tal-BIC korrispondenti għal IBAN speċifiku. Il-BIC huwa meħtieġ biss f’għadd żgħir ħafna ta’ każijiet residwali. Jidher mhux ġustifikat u eċċessivament oneruż li tpoġġi obbligu fuq kull min iħallas u min jitħallas madwar l-Unjoni li jipprovdi l-BIC flimkien mal-IBAN għan-numru żgħir ta’ każijiet fejn dan huwa attwalment meħtieġ. Approċċ aktar sempliċi jkun li l-PSPs u partijiet oħra jsolvu u jeliminaw dawk il-każijiet fejn kont tal-ħlas ma jistax ikun identifikat mingħajr ambigwità minn IBAN speċifiku. Għalhekk għandhom jiġu żviluppati l-mezzi tekniċi neċessarji biex jgħinu lill-utenti kollha jidentifikaw mingħajr ambigwità kont tal-pagament mill-IBAN biss.

(9)

Għat-twettiq ta’ trasferiment tal-kreditu, il-kont ta’ pagament tal-benefiċjarju għandu jkun aċċessibbli. Għaldaqstant, sabiex tiġi inkoraġġita l-adozzjoni b’suċċess madwar l-Unjoni kollha ta’ servizzi ta’ trasferiment ta’ kreditu u ta’ debitu dirett, għandu jiġi stabbilit obbligu tal-aċċessibbiltà fl-Unjoni kollha. Sabiex titjieb it-trasparenza, huwa wkoll xieraq li jiġu kkonsolidati f’att uniku dak l-obbligu u l-obbligu tal-aċċessibbiltà għad-debiti diretti li diġà huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 924/2009. Il-kontijet ta’ pagament tal-benefiċjarju kollha aċċessibbli għal trasferiment ta’ kreditu nazzjonali għandhom ikunu aċċessibbli wkoll permezz ta’ skema ta’ trasferiment ta’ kreditu applikabbli fl-Unjoni kollha. Il-kontijiet kollha ta’ pagament ta’ min iħallas aċċessibbli għal trasferiment ta’ debitu dirett nazzjonali għandhom ikunu aċċessibbli wkoll permezz ta’ skema ta’ debitu dirett applikabbli fl-Unjoni kollha. Dan għandu japplika ukoll jekk il-PSP jiddeċidi li jipparteċipa jew le għal skema partikulari ta’ trasferiment ta’ kreditu jew ta’ debitu dirett.

(10)

L-interoperabilità teknika hi prerekwiżit għall-kompetizzjoni. Sabiex jinħoloq suq integrat għas-sistemi ta’ pagament elettroniċi bl-euro, hu essenzjali li l-ipproċessar tat-trasferimenti tal-kreditu u d-debiti diretti ma jkunx imfixkel minn regoli tan-negozju jew ostakli tekniċi bħall-adeżjoni obbligatorja għal iktar minn sistema waħda għas-saldu ta’ pagamenti transkonfinali. Trasferiment ta’ kreditu u debiti diretti għandhom jitwettqu skont skema li r-regoli bażiċi tagħha għandhom jiġu addottati mill-PSPs li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-PSPs fil-maġġoranza tal-Istati Membri u jikkostitwixxu il-maġġoranza tal-PSPs fl-Unjoni u li jkunu l-istess għat-trasferimenti tal-krediti u għat-tranżazzjonijiet tad-debiti diretti, kemm transkonfinali kif ukoll purament nazzjonali. Meta jkun hemm iżjed minn sistema waħda ta’ pagament għall-ipproċessar ta’ dawn il-pagamenti, dawk is-sistemi ta’ pagament għandhom ikunu interoperabbli permezz tal-użu ta’ standards għall-Unjoni kollha u internazzjonali sabiex il-PSUs u l-PSPs kollha jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tal-pagamenti bl-imnut bl-euro bla intoppi fl-Unjoni.

(11)

Minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-suq tan-negozju, filwaqt li skemi ta’ trasferimenti tal-kreditu jew debiti diretti bejn negozju u ieħor iridu jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet l-oħra kollha ta’ dan ir-Regolament, fosthom li jkun hemm l-istess regoli għal tranżazzjonijiet transkonfinali u nazzjonali, ir-rekwiżit li l-parteċipanti li jirrappreżentaw maġġoranza ta’ PSPs fi ħdan il-maġġoranza tal-Istati Membri għandu japplika biss safejn dawk il-PSPs li jipprovdu servizzi ta’ trasferimenti tal-kreditu jew debiti diretti bejn negozju u ieħor jirrappreżentaw maġġoranza ta’ PSPs fil-maġġoranza tal-Istati Membri fejn tali servizzi huma disponibbli, u jikkostitwixxu il-maġġoranza ta’ PSPs li qed jipprovdu servizzi bħal dawn fl-Unjoni.

(12)

Sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ pagament, huwa kruċjali li jiġu identifikati rekwiżiti tekniċi li bla ebda ambigwità jiddeterminaw il-karatteristiċi li għandhom jiġu rrispettati mill-iskemi ta’ pagament għall-Unjoni kollha li se jiġu żviluppati skont arranġamenti ta’ governanza xierqa. Dawn ir-rekwiżiti tekniċi ma għandhomx jirristrinġu l-flessibbiltà u l-innovazzjoni iżda għandhom ikunu miftuħa kif ukoll newtrali għal żviluppi ġodda u titjib potenzjali fis-suq tal-pagamenti. Rekwiżiti tekniċi għandhom jiġu ddisinjati biex iqisu l-karatteristiċi speċjali tat-trasferimenti tal-kreditu u d-debiti diretti, b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi tad-data li jkun hemm fil-messaġġ tal-pagament.

(13)

Huwa importanti li jittieħdu miżuri biex tissaħħaħ il-fiduċja tal-PSUs fl-użu ta’ servizzi bħal dawn, speċjalment għal debiti diretti. Tali miżuri għandhom jippermettu lil dawk li jħallsu li jagħtu istruzzjonijiet lill-PSPs tagħhom biex jillimitaw il-ġbir tad-debitu dirett għal ċertu ammont jew għal ċerta perjodiċità u biex jistabbilixxu listi speċifiċi pożittivi jew negattivi ta’ min iħallas. Fil-qafas tal-istabbiliment ta’ skemi ta’ debitu dirett madwar l-Unjoni kollha, huwa xieraq li l-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-verifiki. Madankollu għall-implimentazzjoni prattika ta’ tali kontrolli fuq il-benefiċjarju, huwa importanti li l-PSPs ikunu kapaċi jagħmlu tali verifiki fuq il-bażi tal-IBAN, u, għal perijodu transitorju iżda biss fejn meħtieġ, il-BIC, jew xi identifikatur uniku ieħor tal-kreditur ta’ persuni speċifiċi li għandhom jitħallsu. Drittijiet oħra rilevanti tal-utenti huma diġà stabbiliti fid-Direttiva 2007/64/KE u għandhom ikunu żgurati b’mod sħiħ.

(14)

L-istandardizzazzjoni teknika hija pass importanti fl-integrazzjoni tan-netwerks, bħas-suq tal-pagamenti tal-Unjoni. L-użu ta’ standards żviluppati minn korpi tal-istandardizzazzjoni internazzjonali jew Ewropej għandu jkun mandatorju minn data indikata għat-tranżazzjonijiet rilevanti kollha. Fil-kuntest tal-pagamenti, tali standards mandartorji jkunu l-IBAN, il-BIC, u l-istandard “ISO 20022 XML” għall-messaġġi tas-servizzi finanzjarji. L-użu ta’ dawk l-istandards mill-PSPs kollha hu għaldaqstant rekwiżit għall-interoperabilità sħiħa fl-Unjoni kollha. B’ mod partikolari, l-użu mandatorju tal-IBAN u l-BIC, fejn meħtieġ għandu jiġi promoss fl-Istati Membri permezz ta’ komunikazzjoni komprensiva u miżuri ta’ faċilitazzjoni ħalli t-tranżizzjoni lejn it-trasferimenti tal-krediti u d-debitti diretti fl-Unjoni kollha tkun tista’ ssir bla intoppi u b’mod faċli, partikolarment għall-konsumaturi. Il-PSPs għandhom ikunu jistgħu jaqblu, bilateralment jew multilateralment, fuq l-espansjoni tal-karattri Latini bażiċi stabbilita biex issostni varjazzjonijiet reġjonali ta’ messaġġi SEPA standard.

(15)

Huwa assolutament kruċjali li l-atturi kollha, u partikolarment iċ-ċittadini tal-Unjoni, ikunu informati kif suppost, b’mod f’waqtu, sabiex ikunu ppreparati bis-sħiħ għall-bidliet li se ġġib magħha s-SEPA. Partijiet interessati ewlenin bħall-PSPs, amministrazzjonijiet pubbliċi u banek ċentrali nazzjonali kif ukoll utenti oħra li jagħmlu użu kbir minn pagamenti regolari għandhom għalhekk iwettqu kampanji ta’ informazzjoni speċifiċi u estensivi, proporzjonati għall-ħtieġa u mfassla għall-udjenza tagħhom kif jista’ jkun meħtieġ, sabiex jissensibilizzaw lill-pubbliku u jippreparaw liċ-ċittadini għal migrazzjoni lejn is-SEPA. B’mod partikolari, hemm il-ħtieġa li ċ-ċittadini jiffamiljarizzaw ruħhom mal-migrazzjoni minn BBAN għall-IBAN. Il-kumitati nazzjonali ta’ koordinazzjoni tas-SEPA huma l-iktar indikati biex jikkoordinaw tali kampanji ta’ informazzjoni.

(16)

Sabiex ikun jista’ jkun hemm proċess ta’ tranżizzjoni miftiehem fl-interess taċ-ċarezza u s-sempliċità għall-konsumaturi, hu xieraq li tiġi stabbilita skadenza unika għall-migrazzjoni sa meta t-trasferimenti tal-kreditu u t-tranżazzjonijiet tad-debiti diretti kollha għandhom jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti tekniċi, filwaqt li jħallu s-suq miftuħ għal iżjed żvilupp u innovazzjoni.

(17)

Għal perijodu transitorju, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jippermettu lill-PSPs li jħallu lill-konsumaturi jkomplu jużaw il-BBAN għal tranżazzjonijiet nazzjonali ta’ pagament bil-kundizzjoni li l-interoperabilità tkun żgurata bil-konverżjoni tal-BBAN teknikament u b’mod sikur fl-identifikatur uniku tal-kont ta’ pagament rispettiv mill-PSP kkonċernat. Il-PSP m’għandux jimponi mposti diretti jew indiretti jew kwalunkwe tariffa oħra b’rabta ma’ dak is-servizz.

(18)

Għalkemm il-livell ta’ żvilupp ta’ servizzi ta’ trasferimenti tal-kreditu u debiti diretti jvarja minn Stat Membru għal ieħor, data ta’ skadenza komuni fl-aħħar ta’ perijodu ta’ żmien adegwat għall-implimentazzjoni, li tippermetti li l-proċessi kollha meħtieġa jseħħu tkun tikkontribwixxi għal migrazzjoni koordinata, koerenti u integrata għas-SEPA u tgħin fil-prevenzjoni tas-SEPA b’żewġ veloċitajiet, li tista’ toħloq konfużjoni akbar fost il-konsumaturi.

(19)

Il-PSPs u l-PSU għandu jkollhom ħin biżżejjed biex jadattaw għar-rekwiżiti tekniċi. Iżda, dan il-perijodu ta’ żmien ta’ adattament m’għandux mingħajr raġuni jittardja l-benefiċċji għall-konsumaturi jew jikkastiga l-isforz ta’ operaturi proattivi li diġà qalbu għall-SEPA. Fil-każ ta’ tranżazzjonijiet nazzjonali u transkonfinali ta’ pagament, il-PSPs għandhom jipprovdu s-servizzi tekniċi neċessarji lill-klijent bl-imnut sabiex jiżguraw konverżjoni bla tfixkil u sikura għar-rekwiżiti tekniċi stipulati f’dan ir-Regolament.

(20)

Huwa importanti li tkun ipprovduta ċ-ċertezza legali għall-industrija tal-pagamenti fuq mudelli tan-negozju għad-debiti diretti. Ir-regolamentazzjoni ta’ tariffi multilaterali tal-interkambju (MIFs) għal debiti diretti hija essenzjali għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet newtrali tal-kompetizzjoni bejn PSPs u biex jippermetti l-iżvilupp ta’ suq uniku għad-debiti diretti. Tariffi bħal dawn għat-tranżazzjonijiet li jkunu rrifjutati, ma jiġux aċċettati, irritornati jew jiġu rriversjati minħabba li ma jkunux jistgħu jiġu eżekwiti sew jew jirriżultaw fi proċessar ta’ eċċezzjoni (l-hekk imsejħa “transazzjonjiet-R” fejn l-ittra R tista’ tfisser “twarrib”, “rifjut”, “ritorn lura”, “riversjar”, “revoka” jew “talbiet għall-kanċellazzjoni”), jistgħu jgħinu biex l-ispejjeż jiġu allokati b’mod effiċjenti fi ħdan is-suq intern. Għalhekk, jidher li jkun ta’ benefiċċju għall-ħolqien ta’ suq Ewropew effikaċi tad-debiti diretti li jiġu pprojbiti l-MIFs għal kull tranżazzjoni. Madanakollu, it-tariffi għat-tranżazzjonijiet-R għandhom ikunu permessi, sakemm ikunu konformi ma’ ċerti kundizzjonjiet. Il-PSPs iridu jipprovdu informazzjoni ċara u li tiftiehem lill-konsumaturi dwar it-tariffi għat-tranżazzjonijiet-R fl-interess tat-trasparenza u tal-protezzjoni tal-konsumatur. Fi kwalunkwe każ, ir-regoli tat-tranżazzjonijiet-R huma bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Barra minn hekk, ta’ min jinnota li b’mod ġenerali d-debiti diretti u l-ħlasijiet bil-kards għandhom karatteristiċi differenti, b’mod partikolari f’termini ta’ potenzjal ogħli għal benefiċjarju li jipprovdu inċentivi għall-użu tad-debitu dirett mingħand min iħallas permezz ta’ kuntratt pre-eżistenti bejn il-benefiċjarju u min iħallas, filwaqt li fil-pagamenti bil-kards ma jeżisti l-ebda kuntratt minn qabel bħal dan u t-tranżazzjoni ta’ pagament hija sikwit avveniment iżolat u irregolari. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet dwar l-MIFs għad-debiti diretti huma mingħajr preġudizzju għall-analiżi taħt ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għall-MIFs għal tranżazzjonijiet ta’ pagament bil-kard. Servizzi obbligatorji addizzjonali mhumiex koperti mill-projbizzjoni taħt dan ir-Regolament fejn dawn ikunu distinti b’mod ċar u inekwivoku mis-servizzi ċentrali ta’ debitu dirett u fejn il-PSPs u l-PSUs huma kompletament liberi li joffru jew jużaw servizzi bħal dawn. Madankollu, dawn jibqgħu suġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u dawk nazzjonali.

(21)

Għaldaqstant, il-possibbiltà li tiġi applikata MIF għal kull tranżazzjoni nazzjonali jew transkonfinali ta’ debiti diretti għandha tkun limitata fiż-żmien u għandhom jiġu stipulati kundizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni ta’ tariffi għall-interkambju għat-tranżazzjonijiet-R.

(22)

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja il-livell tat-tariffi tat-tranżazzjonijiet-R fl-Unjoni kollha. It-tariffi tat-tranżazzjonijiet-R fis-suq intern għandhom jikkonverġu maż-żmien sabiex ma jvarjawx minn Stat Membru għal ieħor sa ċertu punt li jheddu il-bażi komuni.

(23)

F’xi Stati Membri, hemm ċerti servizzi li ilhom jintużaw ta’ pagament li huma trasferimenti ta’ krediti jew debiti diretti iżda li għandhom funzjonalitajiet speċifiċi ħafna ta’ spiss minħabba raġunijiet storiċi jew legali. Il-volum tat-tranżazzjonijiet ta’ dawn is-servizzi huwa normalment marġinali. Tali servizzi jistgħu għaldaqstant jiġu kklassifikati bħala prodotti niċċa. Perjiodu tranżizzjonali għal dawn il-prodotti niċċa, twil biżżejjed biex jimminimizza l-impatt tal-migrazzjoni fuq l-PSUs, għandu jgħin liż-żewġ naħat tas-suq biex jiffukaw l-ewwel fuq il-migrazzjoni tal-biċċa l-kbira tat-trasferimenti tal-krediti u d-debiti diretti, biex b’hekk jippermetti li l-maġġoranza tal-benefiċċji potenzjali ta’ suq integrat tal-pagamenti fl-Unjoni jinkisbu qabel. F’xi Stati Membri jeżistu strumenti speċifiċi ta’ debitu dirett li jidhru simili ħafna għat-tranżazzjonijiet bil-kard tal-pagament peress li min iħallas juża l-kard fil-punt tal-bejgħ biex jibda t-tranżazzjoni ta’ pagament imma t-tranżazzjoni ta’ pagament sottostanti hija debitu dirett. F’każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament bħal dawn il-kard tintuża biss għal rendikont sabiex tiffaċilita l-produzzjoni elettronika tal-mandat, li jrid jiġi ffirmat minn min iħallas fil-punt tal-bejgħ. Għalkemm servizz ta’ pagament bħal dan ma jistax jiġi kklassifikat bħala prodott niċċa, hemm bżonn ta’ perijodu tranżizzjonali fir-rigward ta’ servizzi ta’ pagament bħal dawn minnħabba l-volum sostanzjali tat-tranżazzjonijiet involuti. Sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jimplimentaw sostitut adegwat għas-SEPA, dak il-perijodu ta’ tranżizzjoni għandu jkun twil biżżejjed.

(24)

Għall-funzjonament propju tas-suq intern għal-pagamenti hu essenzjali li jiġi żgurat li dawk li jħallsu bħal konsumaturi, negozji jew awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jibagħtu trasferimenti tal-kreditu għal kontijet ta’ pagament li l-benefiċjarji jkollhom għand PSPs li jinsabu fi Stati Membri oħra u li jkunu aċċessibbli skont dan ir-Regolament.

(25)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għas-SEPA, kwalunkwe awtorizzazzjoni valida min-naħa tal-benefiċjarju biex jinġabru debiti diretti rikorrenti fi skema li ilha tintuża għandha tibqa’ valida wara d-data għall-migrazzjoni stabbilita f’dan ir-Regolament. Awtorizzazzjoni bħal din għandha titqies li tirrappreżenta l-kunsens lill-PSP ta’ min irid iħallas biex iħallas id-debiti diretti rikorrenti miġbura mill-benefiċjarju b’konformità ma’ dan ir-Regolament, fin-nuqqas ta’ liġi nazzjonali relatata mal-validità kontinwa tal-mandat jew ta’ ftehimiet tal-konsumatur li jbiddlu l-mandati ta’ debiti diretti biex jippermettu l-kontinwità tagħhom. Madankollu, id-drittijiet tal-konsumatur iridu jkunu mħarsa u fejn mandati ta’ debitu dirett eżistenti għandhom drittijiet bla kundizzjonijiet ta’ rimessa, tali drittjiet għandhom jinżammu.

(26)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħa biex iwettqu dmirijiet tagħhom ta’ sorveljanza b’mod effikaċi u biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa inkluża l-kunsiderazzjoni ta’ lmenti sabiex jiżguraw li l-PSPs jkunu konformi ma’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilmenti kontra l-PSPs għar-raġuni li ma jikkonformawx ma dan ir-Regolament jistgħu jiġu ppreżentati u li dan ir-Regolament jista’ jiġi nfurzat b’mod effettiv u effiċjenti permezz ta’ meżżi amministrattivi jew ġuridiċi. Sabiex titrawwem konformità ma’ dan ir-Regolament l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti għandhom jikkooperaw bejniethom u, fejn xieraq, mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri u awtoritajiet kompetenti rilevanti oħra, bħall-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (ABE), maħtura skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali bħala applikabbli għall-PSPs.

(27)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jiżguraw li dawn il-penalitajiet ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi u li jiġu applikati. Dawk il-penalitajiet m’għandhomx ikunu applikati fil-konfront tal-konsumaturi.

(28)

Sabiex jiżguraw il-possibbilità ta’ rimedju meta dan ir-Regolament ma jiġix applikat sew, jew meta jinħoloq tilwim bejn il-PSUs u l-PSPs li jikkonċerna drittijiet u obbligi li joħorgu minn dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri lil hinn mill-qrati għall-ilmenti u għar-rimedji li huma xierqa u effikaċi. Għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jiddeċiedu li dawk l-Artikoli japplikaw biss għall-konsumaturi jew għall-konsumaturi u l-mikrointrapriżi.

(29)

Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-ABE u lill-BĊE dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, minn proposta għall-emendar ta’ dan ir-Regolament.

(30)

Sabiex ikun żgurat li dawk ir-rekwiżiti tekniċi għat-trasferimenti tal-kreditu u d-debitu dirett bl-euro jibqgħu aġġornati, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE għanda tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawk ir-rekwiżiti tekniċi. Fid-Dikjarazzjoni (Nru 39) dwar l-Artikolu 290 TFUE, annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, il-Konferenza ħadet nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tikkonsulta mal-esperti maħtura mill-Istati Membri fit-tħejjija ta’ abbozzi ta’ atti delegati fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, f’konformità mal-prattika stabbilita tagħha. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjoni xierqa u trasparenti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż mal-BĊE u l-partijiet interessati relevanti kollha. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal l-atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(31)

Peress li l-PSPs li jinsabu fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jkollhom iwettqu xogħol preparatorju speċjali barra s-suq tal-pagamenti għall-munita nazzjonali tagħhom, dawn il-PSPs għandhom jitħallew jiddifferixxu l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi għal ċertu perijodu. L-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro għandhom, madankollu, jikkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi sabiex tinħoloq żona Ewropea ta’ pagament ta’ vera, li ssaħħaħ is-suq intern.

(32)

Sabiex jiġi żgurat appoġġ pubbliku wiesa’ għas-SEPA, huwa essenzjali li jkun hemm livell għoli ta’ protezzjoni għal min iħallas, b’mod partikolari għal tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett. L-unika skema ta’ debitu dirett għall-konsumaturi pan-Ewropea kurrenti żviluppata mill-EPC tipprovdi għal dritt ta’ rifużjoni “mingħajr mistoqsijiet”, bla kundizzjonijiet għall-pagamenti awtorizzati f’perijodu ta’ tmien ġimgħat mid-data li fiha l-fondi kienu debitati, waqt li dak id-dritt ta’ rifużjoni huwa suġġett għal diversi kondizzjonijiet skont l-Artikoli 62 u 63 tad-Direttiva 2007/64/KE. Fid-dawl tas-sitwazzjoni prevalenti tas-suq u tal-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, l-impatt ta’ dawk id-dispożizzjonijiet għandu jkun evalwat fir-rapport li, skont l-Artikolu 87 tad-Direttiva 2007/64/KE, il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Novembru 2012, tressaq quddiem il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-BĊE akkumpanjat, fejn ikun xieraq, minn proposta għar-reviżjoni tiegħu.

(33)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (9) tirregola l-ipproċessar tad-data personali mwettqa skont dan ir-Regolament. Il-migrazzjoni għas-SEPA u l-introduzzjoni ta’ standards u regoli komuni għall-pagamenti għandhom ikunu bbażati fuq il-konformità mal-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ data personali sensittiva fl-Istati Membri u għandha tissalvagwardja l-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni.

(34)

Il-messaġġi finanzjarji relatati mal-pagamenti u t-trasferimenti fis-SEPA huma barra mill-ambitu tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika tat-28 ta’ Ġunju 2010 dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (10).

(35)

Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant jista’, minħabba l-qies jew l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(36)

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 924/2009, l-Istati Membri għandhom ineħħu l-obbligi tar-rappurtar nazzjonali abbażi tas-saldi fuq PSPs, għall-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti li jirrelataw ma’ tranżazzjonijiet ta’ pagament tal-klijenti tagħhom sa EUR 50 000. Il-ġbir ta’ statisika dwar il-bilanċ tal-pagamenti abbażi tas-saldi ħareġ wara t-tmiem tal-kontrolli tal-kambju estern u sal-lum, ikkostitwixxa sors ewlieni tad-data flimkien ma’ oħrajn bħal stħarriġ dirett, b’hekk jikkontribwixxi għal statistika ta’ kwalità tajba. Mill-bidu tas-snin disgħin xi Stati Membri għażlu li jistrieħu aktar fuq informazzjoni rrappurtata direttament minn kumpaniji u familji milli fuq data rrappurtata permezz ta’ banek f’isem il-klijenti tagħhom. Għalkemm ir-rappurtar abbażi tas-saldi jirrappreżenta soluzzjoni li, f’termini tas-soċjetà kollha kemm hi, tnaqqas l-ispiża tal-kumpilazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti filwaqt li tiżgura statistika ta’ kwalità tajba, f’termini stretti ta’ pagamenti transkonfinali ż-żamma ta’ dan it-tip ta’ rappurtar f’xi Stati Membri jista’ jnaqqas l-effiċjenza u jżid l-ispejjeż. Peress li wieħed mill-għanijiet tas-SEPA huwa t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-pagamenti transkonfinali, ir-rappurtar tal-bilanċ tal-pagamenti abbażi tas-saldi għandu jkun abolit kompletament.

(37)

Sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali huwa xieraq li l-iskadenzi tat-tariffi tal-interkambju stipulati fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 924/2009 jiġu allinjati mad-dispożizzjonijet stipulati f’dan ir-Regolament.

(38)

Ir-Regolment (KE) Nru 924/2009 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għat-tranżazzjonijiet ta’ trasferiment tal-kreditu u ta’ debiti diretti denominati fl-euro fi ħdan l-Unjoni meta kemm il-fornitur tas-servizz ta’ pagament ta’ min iħallas kif ukoll il-fornitur tas-servizz ta’ pagament tal-benefiċjarju jkunu jinsabu fl-Unjoni, jew fejn il-fornitur tas-servizz ta’ pagament uniku (PSP) involut fit-tranżazzjoni tal-pagament ikun jinsab fl-Unjoni.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal dawn li ġejjin:

(a)

tranżazzjonijiet ta’ pagament imwettqa bejn u fi ħdan PSPs, inklużi l-aġenti u l-fergħat tagħhom, akkont tagħhom;

(b)

tranżazzjonijiet ta’ pagamenti proċessati u mħallsa permezz ta’ sistemi ta’ pagament ta’ valur għoli, esklużi t-tranżazzjonijiet ta’ pagament ta’ debitu dirett li min iħallas ma talabx espliċitament li jgħaddu minn sistema ta’ pagament ta’ valur għoli;

(c)

tranżazzjonijiet ta’ pagamenti permezz ta’ kard ta’ pagament jew strument simili, inkluż il-ġbid ta’ kontanti, sakemm il-kard ta’ pagament jew strument simili jintuża biss biex jiġġenera l-informazzjoni rikjesta biex jagħmel b’mod dirett trasferiment ta’ kreditu jew debitu dirett ġo u minn kont tal-pagament identifikat minn BBAN jew IBAN;

(d)

tranżazzjonijiet ta’ pagamenti bi kwalunkwe strument tat-telekomunikazzjoni, diġitali jew tal-IT, jekk tali tranżazzjonijiet ta’ pagament ma jirriżultawx fi trasferiment ta’ kreditu jew debitu dirett minn ġo u lejn kont tal-pagament identifikat minn BBAN jew IBAN;

(e)

tranżazzjonijiet ta’ ħlas ta’ flus kif iddefiniti fl-Artikolu 4(13) tad-Direttiva 2007/64/KE;

(f)

tranżazzjonijiet ta’ pagamenti li jittrasferixxu flus elettroniċi skont il-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi (11), sakemm tranżazzjonijiet bħal dawn ma jirriżultawx fi trasferiment tal-kreditu jew debitu dirett minn jew ġo kont ta’ pagament identifikat minn BBAN jew IBAN.

3.   Fejn l-iskemi ta’ pagament jkunu bbażati fuq it-tranżazzjonijiet ta’ pagament minn trasferimenti tal-kreditu jew debiti diretti iżda jkollhom karatteristiċi jew servizzi addizzjonali mhux obbligatorji, dan ir-Regolament japplika biss għat-trasferimenti tal-kreditu jew d-debiti diretti sottostanti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“trasferiment ta’ kreditu” tfisser servizz ta’ pagament nazzjonali jew transkonfinali għall-ikkreditjar tal-kont tal-pagament ta’ benefiċjarju bi tranżazzjoni ta’ pagament jew sensiliet ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament mill-kont tal-pagament ta’ min iħallas mill-PSP li jżomm il-kont ta’ pagament ta’ min iħallas, fuq il-bażi ta’ struzzjoni mogħtija minn min iħallas;

(2)

“debitu dirett” tfisser servizz ta’ pagament nazzjonali jew transkonfinali għad-debitu ta’ kont ta’ pagament ta’ min iħallas, meta tranżazzjoni ta’ pagament tinbeda mill-benefiċjarju abbażi tal-kunsens ta’ min iħallas;

(3)

“min iħallas” tfisser pesuna fiżika jew ġuridika li jkollha kont ta’ pagament u tippermetti ordni ta’ pagament minn dak il-kont ta’ pagament, jew, kont ta’ pagament fejn ma jkun hemm l-ebda kont ta’ pagament ta’ min iħallas, tkun persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel ordni ta’ pagament għall-kont ta’ pagament ta’ benefiċjarju;

(4)

“benefiċjarju” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont tal-pagament u li tkun ir-reċipjent intiż tal-fondi li kienu s-suġġett tat-tranżazzjoni ta’ pagamenti;

(5)

“kont ta’ pagament” tfisser kont miżmum f’isem ta’ utent wieħed jew iżjed tas-servizz ta’ pagament li jintuża għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagamenti;

(6)

“sistema ta’ pagament” tfisser sistema ta’ trasferiment ta’ fondi b’arranġamenti formali u standardizzati u regoli komuni għall-ipproċessar, l-ikklerjar jew saldu ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament;

(7)

“skema ta’ pagamenti” tfisser sett uniku ta’ regoli, prassi u standards u/jew linji gwida ta’ implimentazzjoni miftiehma bejn il-PSPs għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagamenti madwar l-Unjoni u fl-Istati Membri, u li tkun separata minn kwalunkwe infrastruttura jew sistema ta’ pagament li ssostni t-tħaddim tagħha;

(8)

“PSP” tfisser fornitur tas-servizzi ta’ pagament li jaqa’ taħt kwalunkwe waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2007/64/KE u l-persuni ġuridiċi u fiżiċi msemmija fl-Artikolu 26 tad-Direttiva 2007/64/KE, iżda esklużi l-korpi elenkati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Europew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (12) li jibbenefikaw minn rinunzja skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2007/64/KE;

(9)

“PSU” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel użu minn servizz ta’ pagament fil-kapaċità ta’ min iħallas jew ta’ benefiċjarju;

(10)

“tranżazzjoni ta’ pagament” tfisser azzjoni ta’ trasferiment ta’ fondi bejn kontijiet tal-pagament fl-Unjoni, mibdija minn min iħallas jew mill-benefiċjarju, irrispettivament minn kwalunkwe obbligu sottostanti bejn min iħallas u l-benefiċjarju;

(11)

“ordni ta’ pagament” tfisser struzzjoni minn min iħallas jew mill-benefiċjarju lill-PSP tiegħu li titlob it-twettiq ta’ tranżazzjoni ta’ pagament;

(12)

“tariffa tal-interkambju” tfisser tariffa mħallsa bejn il-PSPs ta’ min iħallas u l-PSP tal-benefiċjarju għal tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett;

(13)

“MIF” tfisser tariffa tal-interkambju multilaterali li hija suġġetta għal arranġament bejn iktar minn żewġ PSPs;

(14)

“BBAN” tfisser identifikatur tan-numru tal-kont tal-pagament, li mingħajr ambigwità jidentifika kont ta’ pagament individwali b’PSP fi Stat Membru u li jista’ jintuża biss għal tranżazzjonijiet nazzjonali ta’ pagament filwaqt li l-istess kont ta’ pagament ikun identifikat mill-IBAN għal tranżazzjonijiet ta’ pagament transkonfinali;

(15)

“IBAN” tfisser identifikatur tan-numru tal-kont ta’ pagament internazzjonali, li mingħajr ambigwità jidentifika kont tal-pagament individwali fi Stat Membru, li l-elementi tiegħu huma speċifikati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO);

(16)

“BIC” tfisser kodiċi tal-identifikazzjoni tan-negozju li b’mod mhux ambigwu jidentifika PSP, li l-elementi tiegħu huma speċifikati bl-ISO;

(17)

“L-istandard ISO 20022 XML” tfisser standard għall-iżvilupp ta’ messaġġi finanzjarji elettroniċi kif definiti mill-ISO, li jkopri r-rappreżentazzjoni fiżika tat-tranżazzjonijiet ta’ pagament fis-sintassi XML, skont ir-regoli tan-negozju u l-linji gwida tal-implimentazzjoni ta’ skemi għall-Unjoni kollha għal tranżazzjonijiet ta’ pagament li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament;

(18)

“sistema ta’ pagament ta’ valur għoli” tfisser sistema ta’ pagament li l-għan ewlieni tagħha hu li tipproċessa, tiklerja jew tħallas tranżazzjonijiet ta’ pagament ta’ prijorità għolja u ta’ urġenza, u primarjament ta’ kwantità kbira;

(19)

“id-data tal-ħlas” tfisser data li fiha l-obbligi rigward it-trasferiment ta’ fondi jitwettqu bejn il-PSP ta’ min iħallas u l-PSP tal-benefiċjarju;

(20)

“ġbir” tfisser parti minn debitu dirett li tibda mill-inizjazzjoni tiegħu mill-benefiċjarju sa tmiem it-tranżazzjoni permezz ta’ debitu normali tal-kont ta’ pagament ta’ min iħallas;

(21)

“mandat” tfisser l-espressjoni ta’ kunsens u awtorizzazzjoni mogħtija minn min iħallas lill-benefiċjarju u (direttament jew indirettament permezz tal-benefiċjarju) lill-PSP ta’ min iħallas biex jippermetti lill-benefiċjarju jibda jiġbor id-debitu tal-kont tal-pagament speċifikat ta’ min iħallas u biex il-PSP ta’ min iħallas ikun jista’ jikkonforma ma’ tali istruzzjonijiet;

(22)

“sistema ta’ pagament bl-imnut” tfisser sistema ta’ pagament li l-għan ewlieni tagħha huwa li tipproċessa, tikklerja jew tħallas trasferimenti ta’ kreditu jew debiti diretti, li ġeneralment jinġabru flimkien għat-trażmissjoni u primarjament huma ta’ ammont żgħir u għandhom prijorità baxxa, u mhijiex sistema ta’ pagament li tkopri valuri għoljin;

(23)

“mikrointrapriża” tfisser intrapriża, li fil-waqt tal-konklużjoni tal-kuntratt tas-servizz tal-pagament, tkun intrapriża kif definita fl-Artikolu 1 u fl-Artikolu 2(1) u (3) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE (13);

(24)

“konsumatur” tfisser persuna naturali li taġixxi għal għanijiet li mhumiex ta’ kummerċ, negozju jew professjoni fil-kuntratti ta’ servizz ta’ pagament;

(25)

“tranżazzjoni-R” tfisser tranżazzjoni ta’ pagament li ma tistax tkun eżegwita kif suppost minn PSP jew li tirriżulta fi proċessar ta’ eċċezzjoni, inter alia minħabba nuqqas ta’ fondi, revoka, ammont ħażin jew data ħażina, nuqqas ta’ mandat jew kont ħażin jew magħluq;

(26)

“tranżazzjoni ta’ pagament transkonfinali” tfisser tranżazzjoni ta’ pagament mibdija minn min se jħallas jew minn benefiċjarju fejn il-PSP ta’ min se jħallas u l-PSP tal-benefiċjarju jinsabu fi Stati Membri differenti;

(27)

“tranżazzjoni ta’ pagament nazzjonali” tfisser tranżazzjoni ta’ pagament mibdija minn min se jħallas jew minn benefiċjarju, fejn il-PSP ta’ min se jħallas u l-PSP tal-benefiċjarju jinsabu fl-istess Stat Membru;

(28)

“parti ta’ referenza” tfisser persuna naturali jew legali li f’ isimha, min iħallas jagħmel pagament jew benefiċjarju jirċievi pagament.

Artikolu 3

Aċċessibbiltà

1.   Il-PSP tal-benefiċjarju li huwa aċċessibbli għal trasferiment taħt skema ta’ pagament għandu jkun aċċessibbli, skont ir-regoli tal-iskema ta’ pagament applikabbli madwar l-Unjoni kollha, għat-trasferimenti tal-krediti mibdija minn min iħallas permezz ta’ PSP li jinsab fi kwalunkwe Stat Membru.

2.   Il-PSP ta’ min iħallas li huwa aċċessibbli għal debitu dirett nazzjonali taħt skema ta’ pagament għandu jkun aċċessibbli, skont ir-regoli tal-iskema ta’ pagament applikabbli madwar l-Unjoni kollha, għat-trasferimenti tad-debiti mibdija minn benefiċjarju permezz ta’ PSP li jinsab fi kwalunkwe Stat Membru.

3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika biss għad-debiti diretti li huma disponibbli għal min iħallas skont l-iskema ta’ pagament.

Artikolu 4

Interoperabilità

1.   L-iskemi ta’ pagament li se jintużaw mill-PSPs bl-iskop li jitwettqu trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti għandhom ikunu konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-regoli tagħhom ikunu l-istess għat-tranżazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ kreditu fl-Unjoni u b’ mod simili għal tranżazzjonijiet nazzjonali jew transkonfinali ta’ debiti diretti fl-Unjoni; u

(b)

il-parteċipanti fl-iskema ta’ pagament jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-PSPs fi ħdan il-maġġoranza tal-Istati Membri, u jikkostitwixxu maġġoranza tal-PSPs fl-Unjoni, filwaqt li jitqiesu biss il-PSPs li jipprovdu trasferimenti ta’ kreditu jew debiti diretti rispettivament.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, fejn la min iħallas u lanqas il-benefiċjarju mhu konsumatur, huma biss l-Istati Membri fejn tali servizzi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-PSPs u PSPs biss li jipprovdu servizzi bħal dawn għandhom jitqiesu.

2.   L-operatur jew, fin-nuqqas ta’ operatur formali, il-parteċipanti f’sistema ta’ pagamenti bl-imnut fl-Unjoni għandhom jiżguraw li s-sistema ta’ pagament tagħhom tkun teknikament interoperabbli ma’ sistemi oħra ta’ pagament tal-konsumatur fl-Unjoni permezz tal-użu ta’ standards żviluppati minn korpi tal-istandardizzazzjoni internazzjonali jew Ewropej. Barra minn hekk, huma m’għandhomx jadottaw regoli tan-negozju li jirrestrinġu l-interoperabilità ma’ sistemi oħra ta’ pagament bl-imnut fl-Unjoni. Is-sistemi ta ’ pagament imsemmija fid-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (14) għandhom ikunu obbligati biss jiżguraw l-interoperabilità teknika ma’ sistemi ta’ pagament oħra magħżula taħt l-istess Direttiva.

3.   L-ipproċessar tat-trasferimenti tal-kreditu u d-debiti diretti ma għandux jiġi mfixkel b’ostakli tekniċi.

4.   Is-sid tal-iskema ta’ pagament, jew fejn ma jkunx hemm sid formali tal-iskema ta’ pagament, il-parteċipant ewlieni ta’ skema ta’ pagament bl-imnut ġdida li qed tidħol fis-suq li jkollha parteċipanti f’tal-inqas tmien Stati Membri, jista’ japplika lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn is-sid jew il-parteċipant ewlieni tal-iskema ta’ pagament jkun jinsab għal eżenzjoni temporanja mill-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1. Dawk l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri l-oħra fejn l-iskema l-ġdida li dieħla fis-suq għandha parteċipant, il-Kummissjoni u l-BĊE, tali eżenzjoni għal massimu ta’ tliet snin. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq il-potenzjal tal-iskema l-ġdida li dieħla fis-suq li tiżviluppa fi skema ta’ pagament pan-Ewropea sħiħa u fuq il-kontribut tagħha biex ittejjeb il-kompetizzjoni jew tippromwovi l-innovazzjoni.

5.   Bl-eċċezzjoni tas-servizzi ta’ pagament li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 16(4), dan l-Artikolu għandu jidħol fis-seħħ sal-1 ta’ Frar 2014.

Artikolu 5

Rekwiżiti għat-trasferiment ta’ kreditu u għat-tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett

1.   Il-PSPs għandhom iwettqu t-trasferiment tal-kreditu u tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett skont ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

huma iridu jużaw l-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness għall-identifikazzjoni tal-kontijiet tal-pagament tkun fejn tkun il-lokazzjoni tal-PSP kkonċernat;

(b)

huma iridu jużaw il-formati tal-messaġġi speċifikati fil-punt (1)(b) tal-Anness, meta jittrasmettu tranżazzjonijiet ta’ pagament lil PSP ieħor jew permezz ta’ sistema ta’ pagament bl-imnut;

(c)

huma iridu jiżguraw li l-PSUs jużaw l-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness għall-identifikazzjoni tal-kontijet ta’ pagament kemm jekk il-PSP ta’ min iħallas u kemm jekk il-PSP tal-benefiċjarju jew l-uniku PSP fit-tranżazzjoni ta’ pagament jinsabux fl-istess Stat Membru jew fi Stati Membri differenti;

(d)

huma jridu jiżguraw li fejn PSU li mhux konsumatur jew mikrointrapriża, jibda jew jirċievi trasferimenti ta’ kreditu individwali jew debiti diretti individwali li ma jkunux trasmessi individwalment, iżda jkunu mgħaqqda flimkien għat-trasmissjoni, jintużaw il-formati tal-messaġġi speċifikati f’punt (1)(b) tal-Anness.

Mingħajr preġudizzju għall-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, il-PSPs għandhom, fuq talba speċifika tal-PSU, jużaw il-formati tal-messaġġi speċifikati fil-punt (1)(b) tal-Anness fir-rigward ta’ dak il-PSU.

2.   Il-PSPs għandhom jagħmlu trasferimenti ta’ kreditu skont ir-rekwiżiti li ġejjin, suġġett għal kwalunkwe obbligu stipulat fil-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 95/46/KE:

(a)

il-PSP ta’ min iħallas irid jiżgura li min iħallas jipprovdi l-elementi tad-data speċifikati fil-punt (2)(a) tal-Anness;

(b)

il-PSP ta’ min iħallas irid jipprovdi l-elementi tad-data speċifikati fil-punt (2)(b) tal-Anness lill-PSP tal-benefiċjarju;

(c)

il-PSP tal-benefiċjarju irid jipprovdi jew iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju l-elementi tad-data speċifikati fil-punt (2)(d) tal-Anness.

3.   Il-PSPs għandhom iwettqu debiti diretti skont ir-rekwiżiti li ġejjin, suġġett għal kwalunkwe obbligu stipulat fil-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 95/46/KE:

(a)

il-PSP tal-benefiċjarju irid jiżgura li:

(i)

il-benefiċjarju jipprovdi l-elementi tad-data speċifikati fil-punt (3)(a) tal-Anness mal-ewwel debitu dirett u ma’ debitu dirett ta’ darba u ma’ kull tranżazzjoni ta’ pagament sussegwenti,

(ii)

min iħallas jagħti l-kunsens tiegħu kemm lill-benefiċjarju u kemm lill-PSP ta’ min iħallas (direttament jew indirettament permezz tal-benefiċjarju); il-mandati, flimkien ma’ modifiki li jsiru iktar tard jew kanċellazzjonijiet, jintrefgħu mill-benefiċjarju jew minn parti terza f’isem il-benefiċjarju u il-benefiċjarju jiġi nfurmat dwar dan l-obbligu mill-PSP tiegħu skont l-Artikoli 41 u 42 tad-Direttiva 2007/64/KE;

(b)

il-PSP tal-benefiċjarju irid jipprovdi lill-PSP ta’ min iħallas bl-elementi tad-data speċifikati fil-punt (3)(b) tal-Anness;

(c)

il-PSP ta’ min iħallas irid jipprovdi jew iqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ min iħallas l-elementi tad-data speċifikati fil-punt (3)(c) tal-Anness;

(d)

min iħallas irid ikollu d-dritt jagħti istruzzjonijiet lill-PSP tiegħu:

(i)

biex jillimita l-ġbir tad-debitu dirett għal ċertu ammont jew perjodiċità jew it-tnejn,

(ii)

meta mandat taħt skema ta’ pagament ma jipprovdix għall-dritt ta’ rifużjoni, li jivverifika kull tranżazzjoni ta’ debitu dirett, u li jiċċekkja jekk l-ammont u l-perjodiċità tat-tranżazzjoni ta’ debitu dirett sottomessa hix ugwali għall-ammont u l-perjodiċità maqbula fil-mandat, qabel ma jiddebita l-kont ta’ pagament tiegħu, fuq il-bażi ta’ informazzjoni marbuta mal-mandat;

(iii)

biex jimblokka kwalunkwe debitu dirett fil-kont ta’ pagament ta’ min iħallas jew li jimblokka kwalunkwe debitu dirett inizjat minn benefiċjarju speċifikat wieħed jew aktar jew li jawtorizza biss dawk id-debiti diretti mibdija minn benefiċjarju speċifikat wieħed jew aktar.

Meta la min iħallas u lanqas il-benefiċjarju ma jkun konsumatur, il-PSPs m’għandhomx l-obbligu li jikkonformaw mal-punti (d)(i), (ii) jew (iii).

Il-PSP ta’ min iħallas għandu jinforma lill min iħallas dwar id-drittijiet imsemmija fil-punt (d) skont l-Artikoli 41 u 42 tad-Direttiva 2007/64/KE.

Mal-ewwel tranżazzjoni ta’ debitu dirett jew tranżazzjoni ta’ debitu dirett ta’ darba u ma’ kull tranżazzjoni ta’ debitu dirett sussegwenti, il-benefiċjarju għandu jibgħat l-informazzjoni relatata mal-mandat lill-PSP tiegħu jew tagħha u l-PSP tal-benefiċjarju għandu jittrażmetti dik l-informazzjoni relatata mal-mandat lill-PSP ta’ min iħallas ma’ kull debitu dirett.

4.   Barra mir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1, il-benefiċjarju li jaċċetta trasferimenti ta’ kreditu għandu jikkomunika l-identifikatur tal-kont ta’ pagament tiegħu speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness u, sal-1 ta’ Frar 2014 għal tranżazzjonijiet ta’ pagament nazzjonali u sal-1 ta’ Frar 2016 għal tranżazzjonijiet ta’ pagamenti transkonfinali, iżda biss fejn ikun xieraq, il-BIC tal-PSP tiegħu lil min qed iħallsu, meta trasferiment ta’ kreditu jkun mitlub.

5.   Qabel l-ewwel transazzjoni ta’ debitu dirett, min iħallas għandu jikkomunika l-identifikatur tal-kont tal-pagament tiegħu speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness. Il-BIC ta’ PSP ta’ min iħallas għandu jkun ikkomunikat sal-1 ta’ Frar 2014 għal tranżazzjonijiet ta’ pagament nazzjonali u sal-1 ta’ Frar 2016 għal tranżazzjonijiet ta’ pagament transkonfinali minn min iħallas imma biss fejn ikun meħtieġ.

6.   Meta l-qafas ta’ ftehim bejn min iħallas u l-PSP ta’ min iħallas ma jipprovdix għad-dritt ta’ rifużjoni, il-PSP ta’ min iħallas għandu, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu (3)(a)(ii), jivverifika kull tranżazzjoni ta’ debitu dirett, biex jara jekk l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ debitu dirett sottomessa huwiex ugwali għall-ammont u l-perjodiċità miftehmin fil-mandat qabel ma jiġi ddebitat il-kont ta’ pagament ta’ min iħallas, fuq il-bażi tal-informazzjoni relatata mal-mandat.

7.   Wara l-1 ta’ Frar 2014, għal tranżazzjonijiet ta’ pagamenti nazzjonali u wara l-1 ta’ Frar 2016 għal tranżazzjonijiet ta’ pagamenti transkonfinali l-PSPs m’għandhomx jirrikjedu l-PSUs biex jindikaw il-BIC tal-PSP ta’ min iħallas jew tal-PSP tal-benefiċjarju.

8.   Il-PSPs ta’ min iħallas u l-PSP tal-benefiċjarju m’għandhomx jitolbu ħlasijiet jew tariffi addizzjonali fuq il-proċess tal-qari biex ikun awtomatikament iġġenerat mandat għal dwak it-tranżazzjonijiet ta’ pagament mibdija permezz jew bl-użu ta’ kard tal-pagament fil-punt tal-bejgħ, li jirriżultaw f’debitu dirett.

Artikolu 6

Skadenzi

1.   Sal-1 ta’ Frar 2014, it-trasferimenti tal-kreditu jridu jibdew jitwettqu skont ir-rekwiżiti tekniċi stipulati fl-Artikolu 5(1), (2) u (4) u fil-punti 1 u 2 tal-Anness.

2.   Sal-1 ta’ Frar 2014, id-debiti diretti jridu jibdew jitwettqu skont l-Artikolu 8(2) u (3) u skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1), (3), (5), (6) u (8) u fil-punti 1 u 3 tal-Anness.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, debiti diretti jridu jibdew jitwettqu skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 8(1) sal-1 ta’ Frar 2017 għal-pagamenti nazzjonali u sal-1 ta’ Novembru 2012 għal-pagamenti transkonfinali.

4.   Għall-tranżazzjonijet ta’ pagament nazzjonali Stat Membru jew, bl-approvazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, il-PSPs ta’ Stat Membru jistgħu, wara li jqisu u jevalwaw kemm huma mħejjija u lesti ċ-ċittadini tagħhom, jistabbilixxu dati aktar kmieni minn dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 7

Il-validità tal-mandati u dritt għal rifużjoni

1.   Awtorizzazjoni valida min-naħa tal-benefiċjarju biex jinġabru debiti diretti rikorrenti fi skema ta’ pagament li ilha tintuża qabel l-1 ta’ Frar 2014 għandha tibqa’ valida wara dik id-data u għandha titqies li tirrappreżenta l-kunsens lill-PSP ta’ min iħallas biex jeżegwixxi id-debiti diretti rikorrenti li nġabru minn dak il-benefiċjarju b’konformità ma’ dan ir-Regolament fin-nuqqas ta’ liġi nazzjonali jew ftehimiet tal-konsumatur li bihom jibqgħu validi l-mandati ta’ debitu dirett.

2.   Mandati kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhu jippermetti rifużjonijiet mingħajr kundizzjonijiet u rifużjonijiet bid-data b’lura għad-data ta’ meta ngħatat ir-rifużjoni tal-pagament fejn tali rifużjonijiet kienu previsti fil-qafas tal-mandat eżistenti.

Artikolu 8

Tariffi tal-interkambju għal tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-ebda MIF għal kull tranżazzjoni ta’ debitu dirett jew rimunerazzjoni oħra miftiehma b’għan jew effett ekwivalenti ma għandha tapplika għal tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett.

2.   Għat-tranżazzjonijiet-R tista’ tiġi applikata MIF sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-arranġament jimmira li l-ispejjeż jiġu allokati b’mod effiċjenti lill-PSP li, jew lill-PSU tiegħu, li jkun ikkawża t-tranżazzjoni-R, kif meħtieġ, filwaqt li titqies l-eżistenza tal-ispejjeż tat-tranżazzjoni u jiżgura li min iħallas ma jkunx iċċarġjat awtomatikament, u il-PSP jiġi projbit milli jimponi tariffa fuq il-PSU rigward ċertu tip ta’ tranżazzjoni-R li jeċċedu l-ispiża li jkun għamel il-PSP għal tranżazzjonijiet bħal dawn;

(b)

it-tariffi huma bbażati strettament fuq l-ispejjeż;

(c)

il-livell tat-tariffi ma jaqbiżx l-ispejjeż attwali tat-trattament ta’ tranżazzjoni-R mill-PSP komparabbli l-iżjed effiċenti meta mqabbel mal-ispejjeż li jkun parti rappreżentattiva fl-arranġament f’termini ta’ volum ta’ tranżazzjonijiet u n-natura tas-servizzi;

(d)

l-applikazzjoni tat-tariffi skont il-punti (a), (b) u (c) tipprevjeni lill-PSP milli jimponi tariffi addizzjonali relatati mal-ispejjeż koperti minn dawk it-tariffi tal-interkambju fuq il-PSUs rispettivi tagħhom;

(e)

m’ hemm l-ebda alternattiva prattika u ekonomikament vijabbli għall-arranġament li tista’ twassal għal trattament ugwalment effikaċi jew aktar tat-tranżazzjonijiet-R bi spejjeż indaqs jew anqas għall-konsumaturi.

Għall-iskopijiet tal-ewwel subparagrafu, kategoriji tal-ispejjeż li huma biss direttament u b’mod inekwivoku rilevanti għat-trattament tat-tranżazzjoni-R għandhom jitqiesu fil-kalkolu tat-tariffi tat-tranżazzjoni-R. Dawk l-ispejjeż għandhom jiġu ddeterminati b’mod preċiż. It-tqassim tal-ammont tal-ispejjeż, inkluża l-identifikazzjoni separata ta’ kull waħda mill-komponenti tiegħu, għandhom jiffurmaw parti mill-arranġament sabiex jippermettu verifika u sorveljanza faċli.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-arranġamenti unilaterali minn PSP u għall-arranġamenti bilaterali bejn il-PSPs li għandhom għan jew effett ekwivalenti għal dak ta’ arranġament multilaterali.

Artikolu 9

Aċċessibbiltà tal-pagamenti

1.   Persuna li tagħmel trasferimenti ta’ kreditu lill-benefiċjarju li għandu kont ta’ pagament fl-Unjoni ma għandhiex tispeċifika l-Istat Membru li fih dak il-kont ta’ pagament għandu jkollu l-lokazzjoni tiegħu sakemm dak il-kont ta’ pagament ikun aċċessibbli skont l-Artikolu 3.

2.   Benefiċjarju li jaċċetta trasferimenti ta’ kreditu jew juża’ debitu dirett biex jiġbor il-fondi minn min irid iħallas li għandu kont ta’ pagament fl-Unjoni ma għandhux jispeċifika l-Istat Membru li fih dak il-kont ta’ pagament għandu jinstab, sakemm dak il-kont ta’ pagament ikun aċċessibbli skont l-Artikolu 3.

Artikolu 10

Awtoritajiet kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw bħala l-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament awtoritajiet pubbliċi, korpi rikonnoxxuti mil-liġi nazzjonali jew awtoritajiet pubbliċi li espliċitament tingħatalhom is-setgħa għal dak il-għan mil-liġi nazzjonali, inklużi banek ċentrali nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jinnominaw korpi eżistenti biex jaġixxu ta’ awtoritajiet kompetenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-korpi maħtura skont il-paragrafu 1 sal-1 ta’ Frar 2013. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (“ABE”) mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla sussegwenti li tikkonċerna lil dawn l-awtoritajiet.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ikollhom il-poteri kollha meħtieġa biex iwettqu dmirijiethom. Meta fuq it-territorju tagħhom ikun hemm aktar minn awtorità kompetenti waħda għall-kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn l-awtoritajiet jikkooperaw mill-qrib ħalli jkunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet rispettivi tagħhom b’mod effikaċi.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jissorveljaw il-konformità bil-PSPs ma’ dan ir-Regolament b’mod effettiv u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw din il-konformità. Huma għandhom jikkooperaw bejniethom b’konformità mal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2007/64/KE u mal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Artikolu 11

Penalitajiet

1.   L-Istati Membri għandhom, sal-1 ta’ Frar 2013, jistabbilixxu regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawn il-penalitajiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u miżuri sal-1 ta’ Awwissu 2013 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

2.   Il-penalitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għall-konsumaturi.

Artikolu 12

Proċeduri ta’ lmenti u rimedju barra mill-Qorti

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri xierqa u effettivi ta’ lmenti u rimedji barra mill-Qorti għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar id-drittijiet u l-obbligi li joħorġu minn dan ir-Regolament bejn il-PSUs u l-PSPs tagħhom. Għal dawn il-finijiet, l-Istati Membri għandhom jinnominaw korpi eżistenti jew fejn xieraq, jistabbilixxu korpi ġodda.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-korpi msemmija fil-paragrafu 1 sal-1 ta’ Frar 2013. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla sussegwenti li tikkonċerna lil dawn il-korpi.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li dan l-Artikolu japplika biss għall-PSUs li jkunu konsumaturi jew biss għal dawk li jkunu konsumaturi u mikrointrapriżi. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tali dispożizzjoni sal-1 ta’ Awwissu 2013.

Artikolu 13

Id-delega tas-setgħa

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14 biex temenda l-Anness, sabiex jitqies il-progress tekniku u l-iżviluppi tas-suq.

Artikolu 14

Eżerċizzju ta’ setgħat delegati

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Id-delega tas-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti msemmija fl-Artikolu 13 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mill-31 ta’ Marzu 2012. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 13 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 13 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’i żmien perijodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 15

Rieżami

Sal-1 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-BĊE u l-ABE rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament akkompanjat, jekk ikun xieraq, bi proposta.

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   B’ deroga mill-Artikoli 6(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu, sal-1 ta’ Frar 2016, jħallu lill-PSPs jipprovdu lill-PSUs, b’servizzi ta’ konverżjoni għal tranżazzjonijiet ta’ pagament nazzjonali, li jippermettu lill-PSUs li jkunu konsumaturi jkomplu jużaw BBAN minflok l-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness bil-kundizzjoni li l-interoperabilità tiġi żgurata billi jiġi konvertit il-BBAN ta’ min iħallas u tal-benefiċjarju b’mod tekniku u sikur fl-identifikatur tal-kont ta’ pagament rispettiv speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness. Dak l-identifikatur tal-kont ta’ pagament għandu jingħata lill-PSU inizjali, meta jkun xieraq qabel ma jsir il-pagament. F’każ bħal dan, il-PSPs m’għandhom jimponu l-ebda imposta jew tariffa oħra fuq il-PSU marbuta direttament jew indirettament ma’ dawn is-servizzi ta’ konverżjoni.

2.   Il-PSPs li joffru servizzi ta’ pagament denominati fl-euro u dak li jinsabu fi Stat Membru li ma għandux l-euro bħala l-munita tiegħu għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 3 meta jkunu qegħdin joffru servizzi ta’ pagament f’euro sal-31 ta’ Ottubru 2016. Jekk, madankollu, l-euro jiġi introdott bħala l-munita ta’ kwalunkwe minn dawn l-Istati Membri qabel il-31 ta’ Ottubru 2015, il-PSP li jinsab f’dak l-Istat Membru għandu jikkonforma mal-Artikolu 3 fi żmien sena mid-data li fiha l-Istat Membru konċernat jidħol fiż-żona euro.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom li jirrinunzjaw għar-rekwiżiti kollha jew uħud minnhom imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) għal dawk it-trasferimenti ta’ kreditu u tranżazzjoniijiet ta’ debitu dirett b’sehem kumulattiv fis-suq, fuq il-bażi tal-istatistika uffiċjali tal-pagamenti ppubblikata annwalment mill-BĊE, ta’ inqas minn 10 % tal-għadd totali tat-trasferimenti tal-kreditu jew ta’ tranżazzjoniijiet ta’ debitu dirett rispettivament, f’dak l-Istat Membru sal-1 ta’ Frar 2016.

4.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom li jirrinunzjaw għar-rekwiżiti kollha, jew uħud minnhom imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) għal dawk it-tranżazzjonijiet ta’ pagament ġġenerati bl-użu ta’ kard ta’ pagament fil-punt fejn sar il-bejgħ li jirriżulta f’debitu dirett lejn u minn kont ta’ pagament identifikat minn BBAN jew IBAN sal-1 ta’ Frar 2016.

5.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 6(1) u (2) l-Istati Membri jistgħu, sal-1 ta’ Frar 2016, jħallu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom jirrinunzjaw għar-rekwiżit speċifiku li jużaw il-formati tal-messaġġi speċifikati fil-punt (1)(b) tal-Anness stipulat fl-Artikolu 5(1)(d) għal PSUs li jagħtu bidu jew jirċievu trasferimenti individwali ta’ kreditu jew debiti diretti li jiġu trażmessi flimkien. Minkejja rinunzja possibbli, il-PSPs għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(d) meta PSU jitlob tali servizz.

6.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 6(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jiddeferixxu r-rekwiżiti rigward l-għoti ta’ BIC għal tranżazzjonijiet ta’ pagament nazzjonali fl-Artikolu 5(4), (5) u (7) sal-1 ta’ Frar 2016.

7.   Meta Stat Membru jkun biħsiebu juża deroga kif previst fil-paragrafi 1, 3, 4, 5 jew 6, dak l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan sal-1 ta’ Frar 2013, u għandu sussegwentement jippermetti lill-awtorità kompetenti tiegħu jirrevoka, kif rilevanti, ir-rekwiżiti kollha jew uħud mir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6(1) jew (2) u fl-Anness, għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament rilevanti msemmija fil-paragrafi jew fis-subparagrafi rispettivi u għal perijodu mhux itwal minn dak tad-deroga. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bit-tranżazzjonijiet ta’ pagament soġġetti għad-deroga u b’kull bidla sussegwenti.

8.   Il-PSPs li jinsabu fi, u l-PSUs li jużaw servizz ta’ pagament fi Stat Membru li m’għandux l-euro bħala l-munita tiegħu għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikoli 4 u 5 sal-31 ta’ Ottubru 2016. L-operaturi tas-sistemi ta’ pagament bl-imnut għal Stat Membru li ma għandux l-euro bħala l-munita tiegħu għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(2) sal-31 ta’ Ottubru 2016.

Jekk, madankollu, l-euro jiġi introdott bħala l-munita ta’ kwalunkwe minn dawn l-Istati Membri qabel il-31 ta’ Ottubru 2015, il-PSPs jew meta jkun rilevanti l-operaturi tas-sistemi ta’ pagamenti bl-imnut li jinsabu f’dak l-Istat Membru u l-PSUs li jużaw servizz ta’ pagament f’dak l-Istat Membru għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rispettivi fi żmien sena mid-data li fiha l-Istat Membru konċernat ikun daħal fiż-żona euro, iżda mhux qabel id-dati rispettivi speċifikati għall-Istati Membri li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom fil-31 ta’ Marzu 2012.

Artikolu 17

Emendi tar-Regolament (KE) Nru 924/2009

Ir-Regolment (KE) Nru 924/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-punt (10) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“10.

‘fondi’ tfisser karti tal-flus u muniti, flus skritturali u flus elettroniċi kif definiti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, it-tkomplija u s-superviżjoni prudenti tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi (*).

(*)  ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7”;"

(2)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-imposti mitluba minn fornitur tas-servizz ta’ pagament mill-utent tas-servizz ta’ pagament fir-rigward ta’ pagamenti transkonfinali għandhom ikunu l-istess daqs l-imposti mitluba minn dak il-fornitur tas-servizz ta’ pagament fuq dak l-utent tas-servizz ta’ pagament għal pagamenti nazzjonali korrispondenti tal-istess valur u fl-istess munita.”;

(3)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 għandu jitħassar;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-fornitur tas-servizz ta’ pagament jista’ jimponi mposti addizzjonali ma’ dawk diġà applikati skont l-Artikolu 3(1) fuq l-utent tas-servizz ta’ pagament meta dak l-utent jinforma lill-fornitur tas-servizz ta’ pagament biex jesegwixxi l-pagament transkonfinali mingħajr ma jikkomunika l-IBAN u, meta jkun xieraq u skont ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (**), il-BIC relatat mal-kont ta’ pagament fl-Istat Membru l-ieħor. Dawk l-imposti għandhom ikunu adatti u konformi mal-ispejjeż. Huma għandhom jiġu miftiehma bejn il-fornitur tas-servizz ta’ pagament u l-utent tas-servizz ta’ pagament. Il-fornitur tas-servizz ta’ pagament għandu jinforma lill-utent tas-servizz ta’ pagament dwar l-ammont tal-imposti addizzjonali fi żmien kmieni biżżejjed qabel ma l-utent tas-servizz ta’ pagament jintrabat bi ftehim bħal dan.

(**)  ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22.”."

(4)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   B’effett mill-1 ta’ Frar 2016, l-Istati Membri għandhom ineħħu l-obbligi tar-rappurtar nazzjonali abbażi tas-saldu fuq il-fornituri tas-servizz ta’ pagament, għall-istatistika tal-bilanċ ta’ pagamenti relatati ma’ tranżazzjonijiet ta’ pagament tal-klijenti tagħhom.”.

(5)

L-Artikolu 7 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, id-data “l-1 ta’ Novembru 2012” hi sostitwita bi “l-1 ta’ Frar 2017”.

(b)

fil-paragrafu 2, id-data “l-1 ta’ Novembru 2012” hi sostitwita bi “l-1 ta’ Frar 2017”.

(c)

fil-paragrafu 3, id-data “l-1 ta’ Novembru 2012” hi sostitwita bi “l-1 ta’ Frar 2017”.

(6)

L-Artikolu 8 huwa mħassar.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Marzu 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  ĠU C 155, 25.5.2011, p. 1.

(2)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 74.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Frar 2012 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2012.

(4)  ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 166.

(5)  ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 43.

(6)  ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.

(7)  ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11.

(8)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

(9)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(10)  ĠU L 195, 27.7.2010, p. 5.

(11)  ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7.

(12)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

(13)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(14)  ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45.


ANNESS

REKWIŻITI TEKNIĊI (ARTIKOLU 5)

(1)

Barra mir-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 5, ir-rekwiżiti tekniċi li ġejjin għandhom japplikaw għat-trasferiment ta’ krediti u ta’ tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett:

(a)

L-identifikatur tal-kont ta’ pagament msemmi fl-Artikolu 5(1)(a) u (c) irid ikun l-IBAN.

(b)

L-istandard għall-format tal-messaġġi msemmi fl-Artikolu 5(1)(b) u (d) irid ikun l-istandard ISO 20022 XML.

(c)

Il-kaxxa tad-data tar-rimessa trid tippermetti 140 karattru. L-iskemi ta’ pagament jistgħu jippermettu għal għadd ogħla ta’ karattri, ħlief jekk it-tagħmir użat għall-informazzjoni tar-rimessa jkollu limitazzjonijiet tekniċi relatati man-numru ta’ karattri, f’liema każ japplika l-limitu tekniku tat-tagħmir.

(d)

L-informazzjoni ta’ referenza tar-rimessa u l-elementi tad-data l-oħra kollha pprovduti skont il-punti 2 u 3 ta’ dan l-Anness, irid jgħaddi bejn il-PSPs b’mod sħiħ u mingħajr alterazzjoni fil-katina tal-pagamenti.

(e)

Ladarba d-data meħtieġa tkun disponibbli f’forma elettronika, it-tranżazzjonijiet ta’ pagament iridu jippermettu pproċessar awtomatizzat u elettroniku sħiħ fl-istadji kollha tal-proċess tul il-katina tal-pagamenti (ipproċessar awtomatiku mill-bidu sal-aħħar), li jippermetti li l-proċess sħiħ tal-pagamenti jitwettaq elettronikament mingħajr il-bżonn ta’ dħul mill-ġdid ta’ data jew intervent manwali. Dan irid japplika wkoll għall-immaniġġjar eċċezzjonali ta’ trasferiment tal-kreditu u ta’ tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett, kull fejn hu possibbli.

(f)

L-iskemi ta’ pagament ma għandhomx jistabbilixxu l-ebda livell minimu għall-ammont tat-tranżazzjoni ta’ pagament li jippermettu trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti iżda ma għandhomx l-obbligu li jipproċessaw tranżazzjonijiet ta’ pagament b’ammont żero.

(g)

L-iskemi ta’ pagament m’ humiex obbligati jwettqu trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti li jaqbżu l-ammont ta’ EUR 999 999 999,99.

(2)

Minbarra r-rekwiżiti msemmija fil-punt (1), ir-rekwiżiti li ġejjin għandhom japplikaw għal tranżazzjonijiet ta’ trasferiment tal-kreditu:

(a)

L-elementi tad-data msemmijia fl-Artikolu 5(2)(a) huma dawn li ġejjin:

(i)

l-isem ta’ min iħallas u/jew l-IBAN tal-kont ta’ pagament ta’ min iħallas,

(ii)

l-ammont tat-trasferiment ta’ kreditu,

(iii)

l-IBAN tal-kont ta’ pagament tal-benifiċjarju,

(iv)

meta jkun disponibbli, l-isem tal-benefiċjarju,

(v)

kwalunkwe informazzjoni tar-rimessa.

(b)

L-elementi tad-data msemmijia fl-Artikolu 5(2)(b) huma dawn li ġejjin:

(i)

l-isem ta’ min iħallas,

(ii)

l-IBAN tal-kont ta’ pagament ta’ min iħallas,

(iii)

l-ammont tat-trasferiment ta’ kreditu,

(iv)

l-IBAN tal-kont ta’ pagament tal-benifiċjarju,

(v)

kwalunkwe informazzjoni tar-rimessa,

(vi)

kwalunkwe kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-benefiċjarju,

(vii)

l-isem ta’ kwalunkwe parti ta’ referenza tal-benefiċjarju,

(viii)

kwalunkwe fini tat-trasferiment ta’ kreditu,

(ix)

kwalunkwe kategorija tal-fini tat-trasferiment ta’ kreditu.

(c)

Barra minn hekk, l-elementi tad-data obbligatorja li ġejjin għandhom jiġu pprovduti mill-PSPs ta’ min iħallas lill-PSP tal-benefiċjarju:

(i)

il-BIC tal-PSP ta’ min iħallas (jekk mhux miftiehem mod ieħor mill-PSPs involuti fit-tranżazzjoni tal-pagament),

(ii)

il-BIC tal-PSP tal-benefiċjarju (jekk mhux miftiehem mod ieħor mill-PSPs involuti fit-tranżazzjoni tal-pagament),

(iii)

il-kodiċi tal-identifikazzjoni tal-iskema ta’ pagament,

(iv)

id-data tas-saldu tat-trasferiment tal-kreditu,

(v)

in-numru ta’ referenza tal-messaġġ tat-trasferiment tal-kreditu tal-PSP ta’ min iħallas.

(d)

L-elementi tad-data msemmijia fl-Artikolu 5(2)(c) għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(i)

l-isem ta’ min iħallas,

(ii)

l-ammont tat-trasferiment ta’ kreditu,

(iii)

kwalunkwe informazzjoni tar-rimessa.

(3)

Barra mir-rekwiżiti msemmija fil-punt (1), ir-rekwiżiti li ġejjin għandhom japplikaw għal tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett:

(a)

L-elementi tad-data msemmijia fl-Artikolu 5(3)(a)(i) huma dawn li ġejjin:

(i)

it-tip ta’ debitu dirett (rikorrenza, ta’ darba, l-ewwel, l-aħħar jew irriversjar),

(ii)

l-isem tal-benefiċjarju,

(iii)

l-IBAN tal-kont ta’ pagament tal-benefiċjarju li għandu jiġi kkreditat għall-ġbir,

(iv)

meta jkun disponibbli, l-isem ta’ min iħallas,

(v)

l-IBAN tal-kont ta’ pagament ta’ min iħallas li għandu jiġi ddebitat għall-ġbir,

(vi)

ir-referenza unika tal-mandat,

(vii)

meta l-mandat ta’ min iħallas jingħata wara 31 ta’ Marzu 2012, id-data li fiha ġie ffirmat,

(viii)

l-ammont tal-ġbir,

(ix)

meta l-mandat jittieħed minn benefiċjarju għajr il-benefiċjarju li ħareġ il-mandat, ir-referenza unika tal-mandat kif mogħtija mill-benefiċjarju oriġinali li ħareġ il-mandat,

(x)

l-identifikatur tal-benefiċjarju,

(xi)

meta l-mandat jittieħed minn benefiċjarju li mhuwiex il-benefiċjarju li jkun ħareġ il-mandat, l-identifikatur tal-benefiċjaru oriġinali li ħareġ il-mandat,

(xii)

kwalunkwe informazzjoni ta’ rimessa mingħand il-benefiċjarju lil min iħallas,

(xiii)

kwalunkwe fini ta’ ġbir,

(xiv)

kwalunkwe kategorija tal-fini ta’ ġbir.

(b)

L-elementi tad-data msemmijia fl-Artikolu 5(3)(b) għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(i)

il-BIC tal-PSP tal-benefiċjarju (jekk mhux miftiehem mod ieħor mill-PSPs involuti fit-tranżazzjoni tal-pagament),

(ii)

l-BIC tal-PSP ta’ min iħallas (jekk mhux miftiehem mod ieħor mill-PSPs involuti fit-tranżazzjoni tal-pagament),

(iii)

l-isem tal-parti ta’ referenza ta’ min iħallas (jekk preżenti fil-mandat dematerjalizzat),

(iv)

il-kodiċi tal-identifikazzjoni tal-parti ta’ referenza ta’ min iħallas (jekk preżenti fil-mandat dematerjalizzat),

(v)

l-isem tal-parti ta’ referenza tal-benefiċjarju (jekk preżenti fil-mandat dematerjalizzat),

(vi)

il-kodiċi tal-identifikazzjoni tal-parti ta’ referenza tal-benefiċjarju (jekk preżenti fil-mandat dematerjalizzat),

(vii)

il-kodiċi tal-identifikazzjoni tal-iskema ta’ pagament,

(viii)

id-data tas-saldu tal-ġbir,

(ix)

ir-referenza tal-PSP tal-benefiċjarju għall-ġbir,

(x)

it-tip ta’ mandat,

(xi)

it-tip ta’ debitu dirett (rikorrenza, ta’ darba, l-ewwel, l-aħħar jew irriversjar),

(xii)

l-isem tal-benefiċjarju,

(xiii)

l-IBAN tal-kont ta’ pagament tal-benefiċjarju li għandu jiġi kkreditat għall-ġbir,

(xiv)

meta jkun disponibbli, l-isem ta’ min iħallas,

(xv)

l-IBAN tal-kont ta’ pagament ta’ min iħallas li għandu jiġi ddebitat għall-ġbir,

(xvi)

ir-referenza unika tal-mandat,

(xvii)

id-data tal-iffirmar tal-mandat jekk il-mandat jingħata minn min iħallas wara 31 ta’ Marzu 2012,

(xviii)

l-ammont tal-ġbir,

(xix)

ir-referenza unika tal-mandat kif mogħtija mill-benefiċjarju oriġinali li ħareġ il-mandat (jekk il-mandat ikun għadda għand benefiċjarju ieħor li mhuwiex il-benefiċjaru li jkun ħareġ il-mandat),

(xx)

l-identifikatur tal-benefiċjarju,

(xxi)

l-identifikatur tal-benefiċjaru oriġinali li ħareġ il-mandat (jekk il-mandat ikun għadda għand benefiċjarju ieħor li mhuwiex il-benefiċjarju li jkun ħareġ il-mandat),

(xxii)

kwalunkwe informazzjoni ta’ rimessa mingħand il-benefiċjarju lil min iħallas.

(c)

L-elementi tad-data msemmijia fl-Artikolu 5(3)(c) huma dawn li ġejjin:

(i)

ir-referenza unika tal-mandat,

(ii)

l-identifikatur tal-benefiċjarju,

(iii)

l-isem tal-benefiċjarju,

(iv)

l-ammont tal-ġbir,

(v)

kwalunkwe informazzjoni tar-rimessa,

(vi)

il-kodiċi tal-identifikazzjoni tal-iskema ta’ pagament.


30.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/38


REGOLAMENT (UE) Nru 261/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Marzu 2012

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Riformi suċċessivi tal-organizzazzjoni komuni tas-suq li jkopru l-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, li bħalissa jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (4), ġew immirati lejn l-orjentazzjoni tas-suq, jiġifieri, li s-sinjali tal-prezzijiet jitħallew jiggwidaw id-deċiżjonijiet tar-raħħala fit-termini ta’ x’jipproduċu u kemm jipproduċu, sabiex tissaħħaħ is-sitwazzjoni kompetittiva tas-settur tal-prodotti tal-ħalib u s-sostenibbiltà tiegħu fil-kuntest tal-kummerċ globalizzat. Kien għalhekk deċiż, li jiżdiedu l-kwoti gradwalment bl-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 dwar modifiki għall-Politika Agrikola Komuni billi jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 320/2006, (KE) Nru 1405/2006, (KE) Nru 1234/2007, (KE) Nru 3/2008 u (KE) Nru 479/2008 u jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 1883/78, (KEE) Nru 1254/89, (KEE) Nru 2247/89, (KEE) Nru 2055/93, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 2596/97, (KE) Nru 1182/2005 u (KE) Nru 315/2007 (5), (ir-riforma ‘l-Verifika tas-Saħħa’ tal-2008-2009), sabiex tiġi żgurata t-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema ta’ kwoti tal-ħalib sal-2015.

(2)

Fil-perijodu mill-2007 sal-2009, seħħew żviluppi eċċezzjonali fis-swieq tas-setturi tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, li fl-aħħar irriżultaw f’kollass tal-prezzijiet fl-2008/09. Inizjalment, il-kundizzjonijiet estremi tat-temp fl-Oċeanja ġabu tnaqqis sinifikanti fil-provvisti, li wasslu għal żieda malajr u sinifikanti fil-prezzijiet. Għalkemm il-provvisti fid-dinja bdew jirkupraw, u l-prezzijiet bdew jirritornaw għal livelli aktar normali, il-kriżi finanzjarja u ekonomika sussegwenti affettwat b’mod negattiv lill-produtturi tal-prodotti tal-ħalib tal-Unjoni, u aggravat il-volatilità tal-prezzijiet. Żieda fil-prezzijiet tal-prodotti rriżultaw f’żieda sinifikanti tal-ispejjeż tal-għalf u spejjeż oħra ta’ input inkluż l-enerġija. Sussegwentement, tnaqqis fid-domanda madwar id-dinja, kif ukoll fl-Unjoni, inkluż id-domanda għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, f’perijodu li matulu l-produzzjoni tal-Unjoni baqgħet stabbli, wasslet għal waqgħa fil-prezzijiet tal-Unjoni sal-livell l-aktar baxx tax-xibka tas-sikurezza. Dan it-tnaqqis drastiku fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib ma rriżultax fi prezzijiet aktar baxxi tal-prodotti tal-ħalib fil-livell tal-konsumatur, u ġġenera, għas-setturi fi tmiem il-katina, twessigħ fil-marġni gross għal ħafna mill-ħalib u prodotti u pajjiżi fis-settur tal-ħalib, u b’hekk żamm lid-domanda tagħhom milli taġġusta għall-prezzijiet baxxi tal-prodott, b’hekk naqqas l-irkupru tal-prezzijiet u ħarrax l-impatt tal-prezzijiet baxxi fuq il-produtturi tal-ħalib bil-vijabilità ta’ ħafna minnhom tpoġġiet f’riskju serju.

(3)

Bħala reazzjoni għal din is-sitwazzjoni diffiċli fis-suq tal-ħalib, f’Ottubru 2009 twaqqaf Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Esperti dwar il-Ħalib (HLG), bil-għan li jiddiskuti l-arranġamenti għal żmien medju u fit-tul għas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib li, fil-kuntest tal-għeluq tal-kwoti tal-prodotti tal-ħalib fl-2015, kellhom jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni tas-suq u d-dħul tal-produtturi tal-ħalib u t-tisħiħ tat-trasparenza tiegħu.

(4)

L-HLG kiseb kontribut orali u bil-miktub minn gruppi kbar Ewropej interessati fil-katina tal-provvista tal-prodotti tal-ħalib li jirrappreżentaw lir-raħħala, lill-proċessuri tal-prodotti tal-ħalib, lin-negozjanti tal-prodotti tal-ħalib, lill-bejjiegħa bl-imnut u lill-konsumaturi. Barra minn hekk, l-HLG irċieva kontibuzzjonijiet minn esperti akkademiċi mistiedna, rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi, awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u mis-servizzi tal-Kummissjoni. Saret ukoll konferenza tal-partijiet interessati dwar il-ħalib fis-26 ta’ Marzu 2010 li awtorizzat li firxa usa’ ta’ atturi fil-katina tal-provvista jesprimu l-fehmiet tagħhom. L-HLG ippreżenta r-rapport tiegħu fil-15 ta’ Ġunju 2010. Ir-rapport kien fih analiżi tal-istat attwali tas-settur tal-prodotti tal-ħalib u numru ta’ rakkomandazzjonijiet li ffukaw fuq ir-relazzjonijiet kuntrattwali, is-saħħa ta’ negozjar tal-produtturi, l-organizzazzjonijiet interprofessjonali jew ta’ bejn il-fergħat, it-trasparenza (inkluż aktar elaborazzjoni tal-Għodda Ewropea għall-Monitoraġġ tal-Prezzijiet), il-miżuri tas-suq u l-futures, l-istandards tal-ikkummerċjar u t-tikkettar tal-oriġini u l-innovazzjoni u r-riċerka. Bħala l-ewwel pass, dan ir-Regolament jindirizza l-ewwel erbgħa minn dawn il-kwestjonijiet.

(5)

L-HLG innota li s-setturi li jipproduċu u li jipproċessaw il-prodotti tal-ħalib huma differenti ħafna bejn l-Istati Membri. Hemm ukoll sitwazzjoni varjabbli ħafna bejn l-operaturi u t-tipi ta’ operaturi fi Stati Membri individwali. Madankollu f’ħafna każijiet il-konċentrazzjoni tal-provvista hija baxxa li tirriżulta fi żbilanċ fis-saħħa tan-negozjar fil-katina tal-provvista bejn ir-raħħala u l-imħaleb. Dan l-iżbilanċ jista’ jwassal għal prattiki kummerċjali mhux ġusti; b’mod partikolari, ir-raħħala jistgħu ma jkunux jafu fil-mument tal-kunsinja liema prezz ikunu sejrin jirċievu għall-ħalib tagħhom minħabba li l-prezz huwa spiss iffissat ħafna aktar tard mill-imħaleb fuq il-bażi tal-valur miżjud miksub, li huwa ħafna drabi lil hinn mill-kontroll tar-raħħala.

(6)

Hemm għalhekk problema ta’ trażmissjoni tal-prezz tul il-katina, b’mod partikolari rigward il-prezzijiet tal-prodott meta jitlaq mir-razzett, li l-livell tagħhom ġeneralment ma jevolvix skont l-ispejjeż tal-produzzjoni li qed jiżdiedu. Min-naħa l-oħra, matul l-2009, il-provvista tal-ħalib ma ġietx aġġustata fil-pront għal domanda aktar baxxa. Fil-fatt, f’xi Stati Membri produtturi kbar, ir-raħħala irreagixxew għal prezzijiet aktar baxxi, billi pproduċew aktar milli fis-sena preċedenti. Il-valur miżjud fil-katina tal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib sar dejjem aktar ikkonċentrat fis-setturi aktar ‘l isfel fil-katina, speċjalment fl-imħaleb u l-bejjiegħa bl-imnut, bi prezz finali għall-konsumatur li ma jkunx rifless fil-prezz imħallas lill-produtturi tal-ħalib. L-atturi kollha fil-katina tal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib, inkluż is-settur tad-distribuzzjoni, għandhom jiġu inkuraġġiti jikkollaboraw biex jindirizzaw dan l-iżbilanċ.

(7)

Fil-każ tal-imħaleb, il-volum ta’ ħalib li jiġi kkunsinjat lilhom matul l-istaġun mhux dejjem ikun ippjanat sew. Anke fil-każ ta’ kooperattivi tal-prodotti tal-ħalib li huma proprjetà tar-raħħala, li għandhom l-faċilitajiet tal-ipproċessar, u jipproċessaw 58 % tal-ħalib mhux ipproċessat tal-Unjoni, hemm nuqqas potenzjali ta’ addattament tal-provvista għad-domanda: ir-raħħala huma obbligati li jikkunsinjaw il-ħalib tagħhom kollu għall-kooperattiva tagħhom u l-kooperattiva hija obbligata li taċċetta dak il-ħalib kollu.

(8)

L-użu ta’ kuntratti formalizzati u bil-miktub li jinkludu elementi bażiċi konklużi qabel il-kunsinja mhuwiex mifrux. Madankollu, tali kuntratti jistgħu jgħinu biex tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-operaturi fil-katina tal-prodotti tal-ħalib u sabiex iżidu l-kuxjenza dwar il-bżonn li jittieħed kont aħjar tas-sinjali tas-suq, biex titjieb it-trażmissjoni tal-prezzijiet u biex jaddattaw il-provvista mad-domanda, kif ukoll biex jgħinu biex jiġu evitati ċerti prattiki kummerċjali mhux ġusti.

(9)

Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar tali kuntratti, l-Istati Membri jistgħu, fis-sistemi tagħhom tal-liġi kuntrattwali, jiddeċiedu li jagħmlu użu ta’ dawn il-kuntratti obbligatorji sakemm jagħmlu dan b’mod konformi mal-liġi tal-Unjoni u jirrispettaw il-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-organizzazzjoni tas-suq komuni. Fid-dawl tad-diversità tas-sitwazzjonijiet li jeżistu madwar l-Unjoni fir-rigward tas-sistemi tagħhom tal-liġi tal-kuntratti, fl-interessi tas-sussidjarjetà, deċiżjoni bħal din għandha tibqa’ f’idejn l-Istati Membri. Għandhom japplikaw kundizzjonijiet ugwali għall-kunsinji kollha ta’ ħalib mhux ipproċessat f’territorju partikolari. Għalhekk, jekk Stat Membru jiddeċiedi li kull kunsinja ta’ ħalib mhux ipproċessat fit-territorju tiegħu, minn raħħal lil proċessur tal-ħalib għandha tiġi koperta minn kuntratt bil-miktub bejn il-partijiet, dan l-obbligu għandu japplika wkoll għall-kunsinji ta’ ħalib mhux ipproċessat li jkun ġej minn Stati Membri oħra iżda mhux neċessarju li tapplika għall-kunsinji lil Stati Membri oħra. Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jitħalla f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jirrikjedux l-ewwel xerrej jagħmel offerta bil-miktub lir-raħħal biex jidħol f’tali kuntratt.

(10)

Sabiex jiġu żgurati standards minimi xierqa għal kuntratti bħal dawn u biex jiġi żgurat li l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-organizzazzjoni tas-suq komuni jaħdmu sew, għandhom jiġu stabbiliti xi kundizzjonijiet bażiċi għall-użu ta’ kuntratti bħal dawn fuq il-livell tal-Unjoni. Dawn il-kundizzjonijiet bażiċi kollha għandhom, madankollu, jiġu nnegozjati bil-libertà. Madankollu, bil-għan li tissaħħaħ l-istabilità tas-suq tal-prodotti tal-ħalib u s-suq għall-produtturi tal-ħalib f’ċerti Stati Membri fejn l-użu ta’ kuntratti estremament qosra hu mifrux mhux ħażin, l-Istati Membri għandhom jitħallew jistabbilixxu tul ta’ żmien minimu għal kuntratti li għandu jiġi inkluż f’ tali kuntratti u/jew offerti. Tali tul ta’ żmien minimu għandu madankollu jiġi impost biss fuq kuntratti bejn l-ewwel xerrejja u l-produtturi tal-ħalib jew fl-offerti li jsiru mill-ewwel xerrejja lill-produtturi tal-ħalib. Barra minn hekk, m’għandux ixekkel il-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-produtturi tal-ħalib għandhom ikunu ħielsa li jagħżlu li ma jidħlux f’dan it-tul ta’ żmien minimu jew li jirrifjutawh. Fost il-kundizzjonijiet bażiċi, huwa importanti li l-prezz pagabbli għall-kunsinja ikun jista’ jiġi stabbilit fil-kuntratt, skont l-għażla tal-partijiet kontrattanti, bħala prezz statiku jew prezz li jvarja li jiddependi fuq fatturi ddefiniti, bħall-volum u l-kwalità jew il-kompożizzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat ikkunsinjat, mingħajr ma tiġi eskluża l-possibilità ta’ kumbinazzjoni ta’ prezz statiku għal ċertu volum u prezz ta’ formula għal volum addizzjonali ta’ ħalib mhux ipproċessat ikkunsinjat f’kuntratt wieħed.

(11)

Kooperattivi tal-prodotti tal-ħalib li jkollhom fl-istatuti tagħhom jew fir-regoli u deċiżjonijiet ibbażati fuqhom, dispożizzjonijiet b’effetti simili għal dawk tal-kundizzjonijiet bażiċi għall-kuntratti mniżżla f’dan ir-Regolament għandhom, għal raġunijiet ta’ sempliċità, jiġu eżentati mill-ħtieġa li jsir kuntratt bil-miktub.

(12)

Sabiex tissaħħaħ l-effettività tas-sistema bbażata fuq kuntratti stipulata hawn fuq, meta partijiet intermedjarji jiġbru l-ħalib mingħand ir-raħħala biex jgħadduh lill-proċessuri, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibilità li japplikaw dik is-sistema ukoll lill-dawk l-intermedjarji

(13)

L-Artikolu 42 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi li r-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni japplikaw għall-produzzjoni u l-kummerċ ta’ prodotti agrikoli biss safejn ikun determinat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont il-qafas tal-Artikolu 43(2) tat-TFUE, li jipprovdi għall-istabbiliment ta’ organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli.

(14)

Sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp vijabbli tal-produzzjoni u sabiex jiġi żgurat standard ta’ għajxien ġust għar-raħħala tal-prodotti tal-ħalib, is-saħħa tan-negozjar tagħhom vis-à-vis il-proċessuri tal-ħalib għandha tissaħħaħ u għalhekk għandha tirriżulta fi tqassim aktar ġust tal-valur miżjud tul il-katina tal-provvista. Għalhekk, sabiex jitwettqu dawn l-għanijiet tal-politika agrikola komuni, għandha tiġi adottata dispożizzjoni skont l-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tat-TFUE sabiex tippermetti lil organizzazzjonijiet ta’ produtturi magħmula unikament minn raħħala tal-prodotti tal-ħalib jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom biex jinnegozjaw b’mod konġunt it-termini tal-kuntratt, inkluż il-prezz, għal parti mill-produzzjoni jew għall-produzzjoni kollha tal-membri tagħha mal-imħaleb. Madankollu, huma biss l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jfittxu u jakkwistaw rikonoxximent skont l-Artikolu 122 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom ikunu eliġibbli biex jibbenefikaw mill-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, dik id-dispożizzjoni m’għandhiex tapplika għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, inklużi l-kooperattivi, li jipproċessaw il-ħalib mhux ipproċessat kollu tal-membri tagħhom billi l-ebda kunsinja ta’ ħalib mhux ipproċessat lil proċessuri oħra ma hi involuta. Barra minn hekk, għandha ssir dispożizzjoni għall-possibilità ta’ rikonoxximent de facto taħt dan ir-Regolament għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi eżistenti rikonoxxuti skont il-liġi nazzjonali.

(15)

Sabiex ma jiddgħajjifx il-funzjonament effikaċi tal-kooperattivi u fl-interess taċ-ċarezza, għandu jiġi speċifikat li meta sħubija ta’ raħħal f’kooperattiva tinvolvi obbligu, fir-rigward tal-produzzjoni tal-ħalib kollha tar-raħħal jew parti minnha, li jiġi kkunsinjat ħalib mhux ipproċessat, li għalih dawk il-kundizzjonijiet huma stipulati fl-istatut tal-kooperattiva jew fir-regoli u deċiżjonijiet ibbażati fuqhom, dawk il-kundizzjonijiet m’għandhomx ikunu soġġetti għal negozjar min-naħa ta’ organizzazzjoni tal-produtturi.

(16)

Barra minn hekk, sabiex tinżamm kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-prodotti tal-ħalib, din il-possibbiltà għandha tkun soġġetta għal limiti adatti espressi f’termini ta’ persentaġġ tal-produzzjoni tal-Unjoni u tal-produzzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru kopert minn tali negozjati. Il-limitu espress f’termini ta’ persentaġġ tal-produzzjoni nazzjonali għandu japplika l-ewwel għall-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat fl-Istat Membru produttur jew f’kull wieħed mill-Istati Membri produtturi. L-istess limitu ta’ persentaġġ għandu japplika wkoll għall-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat li jiġi kkunsinjat lil kwalunkwe Stat Membru partikolari ta’ destinazzjoni.

(17)

Minħabba l-importanza tad-denominazzjoni protetta ta’ oriġini (DPO) u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) b’mod partikolari għar-reġjuni rurali vulnerabbli, u bil-għan li jiġi żgurat il-valur miżjud u biex tinżamm il-kwalità, partikolarment, tal-varjetajiet ta’ ġobon li jibbenefikaw minn DPO jew IĠP, u fil-kuntest tal-fatt li s-sistema tal-kwoti tal-ħalib qiegħda tiskadi, l-Istati Membri għandhom jitħallew japplikaw regoli biex jirregolaw il-provvista ta’ tali ġobon prodott fiż-żona ġeografika definita. Ir-regoli għandhom ikopru l-produzzjoni kollha kemm hi tal-ġobon ikkonċernat u għandhom jintalbu minn organizzazzjoni interprofessjonali, organizzazzjoni tal-produtturi jew grupp kif definit fir-Regolament (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġni għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (6). Tali talba għandha tkun appoġġjata minn maġġoranza kbira ta’ produtturi tal-ħalib li tirrappreżenta l-maġġorparti l-kbira tal-volum tal-ħalib użat għal dak il-ġobon u, fil-każ ta’ organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat u ta’ gruppi, mill-maġġorparti l-kbira tal-produtturi tal-ġobon li jirrappreżentaw il-maġġoranza kbira tal-produzzjoni ta’ dak il-ġobon. Barra minn hekk, dawn ir-regoli għandhom jiġu soġġetti għal kundizzjonijiet stretti, b’mod partikolari bil-għan li jiġi evitat li ssir ħsara lill-kummerċ tal-prodotti fi swieq oħra u biex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-minoranzi. Stati Membri għandhom immedjatament jippubblikaw u jinnotifikaw lill-Kummissjoni r-regoli adottati, jiżguraw li jsiru spezzjonijiet regolari, u jirrevokaw ir-regoli f’każ li ma jkunx hemm konformità.

(18)

F’xi setturi ġew introdotti regoli fuq il-livell tal-Unjoni għal organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat. Dawn l-organizzazzjonijiet jista’ jkollhom rwoli utli sabiex jippermettu djalogu bejn l-atturi fil-katina tal-provvista u fil-promozzjoni tal-aħjar prattiki u tat-trasparenza tas-suq. Dawn ir-regoli għandhom jiġu applikati wkoll fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, flimkien mad-dispożizzjonijiet li jiċċaraw il-pożizzjoni ta’ dawn l-organizzazzjonijiet skont il-liġi tal-kompetizzjoni, sakemm l-attivitajiet ta’ dawk l-organizzazzjonijiet ma jgħawġux il-kompetizzjoni jew is-suq intern jew jaffettwaw b’mod ħażin il-funzjonament tajjeb tal-organizzazzjoni komuni tas-suq agrikolu. L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-atturi relevanti kollha jieħdu sehem fl-organizzazzjonijiet interprofessjonali.

(19)

Sabiex issegwi l-iżviluppi fis-suq, il-Kummissjoni teħtieġ informazzjoni f’waqtha dwar il-volumi tal-ħalib mhux ipproċessat ikkunsinjat. Għalhekk, għandha ssir dispożizzjoni biex tiżgura li l-ewwel xerrej jikkomunika din l-informazzjoni lill-Istati Membri b’mod regolari u li l-Istat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan.

(20)

Il-Kummissjoni għandha bżonn ukoll ta’ notifiki mill-Istati Membri fir-rigward tan-negozjati kuntrattwali, ir-rikonoxximent tal-organizzazzjoni tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom u l-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat kif ukoll ir-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, għall-fini li tiġi mmonitorjata u analizzata l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari bil-ħsieb li tipprepara r-rapporti li għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-suq tal-prodotti tal-ħalib.

(21)

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma ġġustifikati fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi attwali tas-suq tal-prodotti tal-ħalib u l-istruttura tal-katina tal-provvista. Huma għandhom għalhekk jiġu applikati għal perijodu twil biżżejjed li jippermettilhom li jkollhom effett totali. Madankollu, minħabba n-natura wiesgħa tagħhom, huma għandhom ikunu temporanji u soġġetti għal reviżjoni bil-għan li wieħed ikun jista’ jara kif tħaddmu u jekk għandhomx ikomplu japplikaw. Dan għandu jiġi ttrattat f’żewġ rapporti tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tas-suq tal-prodotti tal-ħalib, li partikolarment ikopru inċentivi potenzjali biex ir-raħħala jkunu mħeġġa jidħlu għal ftehimiet ta’ produzzjoni konġunta li għandhom jiġu sottomessi sat-30 ta’ Ġunju 2014 u sal-31 ta’ Diċembru 2018 rispettivament.

(22)

L-ekonomija ta’ ċerti reġjuni żvantaġġjati fl-Unjoni tiddependi b’mod qawwi fuq il-produzzjoni tal-ħalib. Minħabba l-ispeċifiċitajiet ta’ dawn ir-reġjuni, il-politiki ġenerali jeħtieġ li jiġu adattati biex jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet tagħhom. Il-politika agrikola komuni diġà fiha miżuri speċifiċi għal dawk ir-reġjuni żvantaġġjati. Miżuri ta’ politika addizzjonali stabbiliti f’dan ir-Regolament jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-produtturi tal-ħalib f’ tali reġjuni. Dawn l-effetti għandhom madankollu jiġu evalwati fir-rapporti msemmija hawn fuq fuq il-bażi li l-Kummissjoni għandha, fejn meħtieġ, tkun tista’ tissottometti proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(23)

Bil-għan li jiġi żgurat li l-objettivi u r-responsabilitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib jiġu definiti b’mod ċar, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandu jkun delegat lill-Kummissjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi transnazzjonali u tal-assoċjazzjonijiet transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, ir-regoli dwar l-istabbiliment u l-kundizzjonijiet tal-għajnuna amministrattiva fil-każ ta’ kooperazzjoni transnazzjonali u l-kalkolu tal-volum tal-ħalib mhux ipproċessat koperti min-negozjati minn organizzazzjoni tal-produtturi. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha, inkluż fuq il-livell tal-għarfien espert. Il-Kummissjoni, fil-preparazzjoni u t-tfassil tal-atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(24)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni fuq il-Kummissjoni. Is-setgħat ta’ implimentazzjoni relatati mal-implimentazzjoni ta’ kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom u l-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat, in-notifikazzjonijiet minn dawk l-organizzazzjonijiet tal-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat kopert minn negozjati, in-notifikazzjonijiet li jridu jsiru mill-Istati Membri lill-Kummissjoni rigward dawk l-organizzazzjonijiet u r-regoli għar-regolamentazzjoni tal-provvista tal-ġobon li tibbenefika minn DPO jew minn IĠP, f’regoli dettaljati rigward ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, il-kontenut, il-format u l-iskedar tad-dikjarazzjonijiet obbligatorji f’dak is-settur, ċerti aspetti tal-kuntratti għall-kunsinja mir-raħħala ta’ ħalib mhux ipproċessat u n-notifika, lill-Kummissjoni, tal-għażliet meħuda mill-Istat Membru f’dan ir-rigward għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (7).

(25)

Fid-dawl tas-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u minħabba n-natura speċjali ta’ dawk l-atti, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi mingħajr ma tapplika r-Regolament (UE) Nru 182/2011 jekk ċerti ftehimiet u prattiki miftiehma fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib humiex inkompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jekk in-negozjati minn organizzazzjoni tal-produtturi rigward iktar minn Stat Membru wieħed jistgħux isiru u jekk ċerti regoli stabbiliti mill-Istati Membri biex jirregolaw il-provvista ta’ tali varjetajiet ta’ ġobon b’DPO jew minn IĠP għandhomx jiġu rrevokati.

(26)

Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007

Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122, il-punt li ġej ġie miżjud:

‘(iiia)

ħalib u prodotti tal-ħalib;’;.

(2)

fl-Artikolu 123, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

‘4.   L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu wkoll organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat li:

(a)

ikunu talbu formalment ir-rikonoxximent u huma magħmulin minn rappreżentanti ta’ attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-produzzjoni ta’ ħalib mhux ipproċessat u marbut ma’ tal-anqas wieħed mill-istadji li ġejjin tal-katina ta’ provvista: l-ipproċessar jew il-kummerċ, inkluża d-distribuzzjoni, tal-prodotti tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib;

(b)

ikunu ffurmati fuq l-inizjattiva tar-rappreżentanti kollha jew xi wħud minn dawk imsemmija fil-punt (a);

(c)

iwettqu f’reġjun wieħed jew aktar tal-Unjoni, b’kont meħud tal-interessi tal-membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat u tal-konsumaturi, attività waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(i)

ikunu jtejbu l-għarfien u t-trasparenza tal-produzzjoni u s-suq, inkluż permezz tal-pubblikazzjoni ta’ data statistika fuq il-prezzijiet, volumi u tul ta’ kuntratti għall-kunsinja ta’ ħalib mhux ipproċessat li kienu diġà ġew konklużi preċedentement, u permezz tal-provvista ta’ analiżi ta’ żviluppi potenzjali futuri tas-suq fuq livell reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali;

(ii)

ikunu jgħinu l-koordinazzjoni aħjar tal-mod li bih il-prodotti tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib jitpoġġew fis-suq, b’mod partikolari permezz ta’ riċerka u studji tas-suq;

(iii)

jippromwovu l-konsum u l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib kemm fis-suq intern kif ukoll f’dak estern;

(iv)

jesploraw is-swieq potenzjali għall-esportazzjoni;

(v)

ifasslu formoli standard ta’ kuntratt kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni għall-bejgħ ta’ ħalib mhux ipproċessat lix-xerrejja u/jew il-forniment ta’ prodotti pproċessati lid-distributuri u lill-bejjiegħa bl-imnut, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jintlaħqu kundizzonijiet kompetittivi ġusti u li jiġi evitat it-tagħwiġ tas-suq;

(vi)

jagħtu informazzjoni u jwettqu r-riċerka meħtieġa sabiex il-produzzjoni tiġi aġġustata favur prodotti aktar xierqa għall-ħtiġijiet tas-suq u l-gosti u l-aspettattivi tal-konsumatur, b’mod partikolari rigward il-kwalità tal-prodott u ħarsien tal-ambjent;

(vii)

isostnu u jiżviluppaw il-potenzjali tal-produzzjoni tas-settur tal-ħalib, inter alia billi tiġi promossal-innovazzjoni u jiġu appoġġati programmi għar-riċerka u l-iżvilupp applikati sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, speċjalment sabiex jinħolqu prodotti b’valur miżjud li jkunu aktar attraenti għall-konsumatur;

(viii)

ifittxu metodi li jillimitaw l-użu ta’ prodotti tas-saħħa tal-annimali filwaqt li jtejbu l-ġestjoni ta’ kontributi oħra u jtejbu s-sikurezza tal-ikel u s-saħħa tal-annimali;

(ix)

jiżviluppaw metodi u strumenti għat-titjib tal-kwalità tal-prodott fl-istadji kollha tal-produzzjoni u tqegħid fis-suq;

(x)

jisfruttaw il-potenzjal tal-biedja organika u l-protezzjoni u l-promozzjoni ta’ din il-biedja kif ukoll il-produzzjoni tal-prodotti b’denominazzjonijiet ta’ oriġini, tikketti ta’ kwalità u indikazzjonijiet ġeografiċi; kif ukoll

(xi)

jipromwovu l-produzzjoni integrata jew metodi oħra ta’ produzzjoni ambjentalment tajbin.’;

(3)

fil-Kapitolu II tat-Titolu II tal-Parti II, it-Taqsima li ġejja hija miżjuda:

Taqsima IIA

Regoli li jikkonċernaw organizzazzjonijiet ta’ produtturi u organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

Artikolu 126a

Ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib l-entitajiet legali kollha jew partijiet definiti b’mod ċar tal-entitajiet legali li japplikaw għal tali rikonoxximent, sakemm:

(a)

jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (b) u (c) fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122;

(b)

ikollhom numru minimu ta’ membri u/jew ikopru volum minimu ta’ produzzjoni kummerċjabbli, li għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat, fiż-żona fejn joperaw;

(c)

ikun hemm evidenza suffiċjenti li jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom b’mod xieraq, kemm tul iż-żmien u kemm mil-lat tal-effettività u l-konċentrazzjoni tal-provvista;

(d)

ikollhom statut li hu konsistenti mal-punti (a), (b) u (c) ta’ dan il-paragrafu.

2.   Bħala reazzjoni għal applikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib jekk l-Istat Membru kkonċernat iqis li din l-assoċjazzjoni tkun kapaċi twettaq b’mod effikaċi kwalunkwe mill-attivitajiet ta’ organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi li ġew rikonoxxuti qabel it-2 ta’ April 2012 fuq il-bażi ta’ liġi nazzjonali u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragarafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jitqiesu rikonoxxuti bħala organizzazzjonijiet tal-prodotturi skont il-punt (iiia) tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122.

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi li kienu rikonoxxuti qabel 2 ta’ April 2012 fuq il-bażi tal-liġi nazzjonali u li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jkomplu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom skont il-liġi nazzjonali sat-3 ta’ Ottubru 2012.

4.   L-Istati Membri għandhom:

(a)

jiddeċiedu jekk jagħtux rikonoxximent lil organizzazzjoni tal-produtturi fi żmien erba’ xhur minn meta titressaq applikazzjoni akkumpanjata mill-evidenza ta’ appoġġ rilevanti kollha; din l-applikazzjoni għandha titressaq lill-Istati Membri fejn l-organizzazzjoni jkollha l-kwartieri ġenerali tagħha;

(b)

iwettqu, f’intervalli li għandhom jiġu stabbiliti minnhom, kontrolli biex jiġi aċċertat li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkunu qed jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu;

(c)

f’każ ta’ nonkonformità jew irregolaritajiet fl-implimentazzjoni tal-miżuri provduti f’dan il-Kapitolu, jimponu fuq dawk l-organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet il-pieni applikabbli li jkunu stabbilixxew u jiddeċiedu għandux, jekk ikun meħtieġ, jiġi rtirat ir-rikonoxximent;

(d)

jinfurmaw lill-Kummissjoni darba fis-sena u mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu b’kull deċiżjoni għall-għoti, iċ-ċaħda jew l-irtirar ta’ rikonoxximent li jkun ħadu matul is-sena kalendarja preċedenti.

Artikolu 126b

Ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

1.   L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu lill-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib kemm-il darba dawn it-tali organizzazzjonijiet:

(a)

jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 123(4);

(b)

iwettqu l-attivitajiet tagħhom f’wieħed jew aktar mir-reġjuni tat-territorju kkonċernat;

(c)

jiffurmaw sehem sinifikanti mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 123(4)(a);

(d)

ma jkunux huma stess li jwettqu l-produzzjoni, l-ipproċessar jew l-ikkummerċjar ta’ prodotti fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat li ġew rikonoxxuti qabel it-2 ta’ April 2012 fuq il-bażi ta’ liġi nazzjonali u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragarafu 1 għandhom jitqiesu bħala rikonoxxuti bħala organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat skont l-Artikolu 123(4).

3.   Fejn l-Istati Membri jagħmlu użu mill-għażla li jirrikonoxxu organizzazzjoni ta’ bejn fergħat skont il-paragrafu 1 u/jew 2, għandhom:

(a)

jiddeċiedu jekk jagħtux rikonoxximent lil organizzazzjoni ta’ bejn fergħat fi żmien erba’ xhur minn meta titressaq applikazzjoni akkumpanjata mill-evidenza ta’ appoġġ rilevanti kollha; din l-applikazzjoni għandha titressaq lill-Istati Membri fejn l-organizzazzjoni jkollha l-kwartieri ġenerali tagħha;

(b)

iwettqu, f’intervalli li għandhom jiġu determinati minnhom, kontrolli biex jivverifikaw li l-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat ikunu qed jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-rikonoxximent tagħhom;

(c)

f’każ ta’ nonkonformità jew irregolaritajiet fl-implimentazzjoni tal-miżuri li hemm dispożizzjoni għalihom f’dan ir-Regolament, jimponu fuq dawk l-organizzazzjonijiet il-pieni applikabbli li jkunu stabbilixxew u jiddeċiedu għandux, jekk ikun meħtieġ, jiġi rtirat ir-rikonoxximent;

(d)

jirtiraw ir-rikonoxximent jekk:

(i)

ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent stabbiliti f’dan l-Artikolu ma jibqgħux jiġu ssodisfati;

(ii)

l-organizzazzjoni interprofessjonali tkun involuta fi kwalunkwe ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma msemmija fl-Artikolu 177a(4), bla ħsara għal kwalunkwe piena oħra li għandha tiġi imposta skont il-liġi nazzjonali;

(iii)

l-organizzazzjoni ta’ bejn fergħat ma tikkonformax mal-obbligu tan-notifika msemmi fl-Artikolu 177a(2);

(e)

jinfurmaw lill-Kummissjoni darba fis-sena u mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu b’kull deċiżjoni għall-għoti, iċ-ċaħda jew l-irtirar ta’ rikonoxximent meħuda matul is-sena kalendarja preċedenti.

Artikolu 126c

Negozjati kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

1.   Organizzazzjoni tal-produtturi fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib rikonoxxuta skont l-Artikolu 122, tista’ tinnegozja f’isem il-membri raħħala tagħha, rigward parti mill-produzzjoni konġunta tagħhom jew għal din il-produzzjoni kollha, kuntratti għall-kunsinja ta’ ħalib mhux ipproċessat minn raħħal lil proċessur ta’ ħalib mhux ipproċessat, jew lil kollettur skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 185f(1).

2.   In-negozjati mill-organizzazzjoni ta’ produttur jistgħu isseħħu:

(a)

kemm jekk ikun hemm kif ukoll jekk ma jkunx hemm trasferiment tal-proprjetà tal-ħalib mhux ipproċessat mir-raħħala lill-organizzazzjoni tal-produtturi;

(b)

kemm jekk il-prezz innegozjat ikunx l-istess jew le rigward il-produzzjoni konġunta għal uħud jew għall-membri raħħala kollha;

(c)

sakemm, għal organizzazzjoni ta’ produtturi partikolari:

(i)

il-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat kopert minn tali negozjati ma jaqbiżx it-3,5 % tat-total tal-produzzjoni tal-Unjoni; u

(ii)

il-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat kopert minn tali negozjati li jiġi prodott fi kwalunkwe Stat Membru partikolari ma jaqbiżx it-33 % tal-produzzjoni nazzjonali totali ta’ dak l-Istat Membru; u

(iii)

il-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat kopert minn tali negozjati li jiġi kunsinjat fi kwalunkwe Stat Membru partikolari ma jaqbiżx it-33 % tal-produzzjoni nazzjonali totali ta’ dak l-Istat Membru;

(d)

sakemm ir-raħħala kkonċernati ma jkunux membri ta’ xi organizzazzjoni oħra ta’ produtturi li tinnegozja wkoll kuntratti bħal dawn f’isimhom; madankollu, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn din il-kundizzjoni f’każi ġġustifikati kif dovut fejn ir-raħħala jkollhom żewġ unitajiet distinti ta’ produzzjoni li jkunu jinsabu f’żoni ġeografiċi differenti;

(e)

sakemm il-ħalib mhux ipproċessat mhuwiex kopert minn obbligu ta’ kunsinja li jirriżulta mis-sħubija li raħħal ikollu f’kooperattiva skont il-kundizzjonijiet spjegati fl-istatuti tal-kooperattiva jew ir-regoli u d-deċiżjonijiet previsti f’dawn l-istatuti jew derivati minnhom; u

(f)

sakemm l-organizzazzjoni tal-produtturi tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew l-Istati Membri li topera fihom dwar il-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat kopert minn tali negozjati.

3.   Minkejja l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (ii) u (iii) tal-punt (c) tal-paragrafu 2, organizzazzjoni tal-produtturi tista’ tinnegozja skont il-paragrafu 1 sakemm, fir-rigward ta’ dik l-organizzazzjoni tal-produtturi, il-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat kopert minn dawk in-negozjati li huwa prodott jew ikkunsinjat fi Stat Membru li għandu produzzjoni annwali totali ta’ ħalib mhux ipproċessat ta’ anqas minn 500 000 tunnellata ma jaqbiżx il-45 % tal-produzzjoni nazzjonali totali ta’ dak l-Istat Membru.

4.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, referenzi għal organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jinkludu wkoll assoċjazzjonijiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

5.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt (c) tal-paragrafu 2 u l-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tippubblika, b’mezzi li tikkunsidra xierqa, l-ammonti ta’ produzzjoni ta’ ħalib mhux ipproċessat fl-Unjoni u fl-Istati Membri billi tuża l-iktar informazzjoni aġġornata disponibbli.

6.   B’deroga mill-punt (c) tal-paragrafu 2 u l-paragrafu 3, anki meta l-limiti stabbiliti hemmhekk ma jinqabżux, l-awtorità tal-kompetizzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu tista’ tiddeċiedi f’każ individwali li n-negozjati partikolari magħmula mill-organizzazzjoni produttriċi għandu jew jinfetaħ mill-ġdid jew ma għandux iseħħ bl-ebda mod jekk tqis li dan meħtieġ sabiex iżżomm milli l-kompetizzjoni tkun eskluża jew sabiex tevita li jkun hemm ħsara serja għall-proċessuri SME tal-ħalib mhux ipproċessat fit-territorju tagħha.

Għal negozjati li jkopru iktar minn Stat Membru wieħed, id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tittieħed mill-Kummissjoni mingħajr ma tiġi applikata l-proċedura msemmija fl-Artikoli 195(2) jew 196b(2). F’każijiet oħrajn, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru li magħha huma relatati n-negozjati.

Id-deċiżjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu m’għandhomx japplikaw aktar kmieni mid-data tan-notifika tagħhom lill-impriżi kkonċernati.

7.   Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu:

(a)

“awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni” tfisser l-awtorità msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat (*);

(b)

“SME” tfisser mikroimpriża, impriża żgħira jew impriża medja skont it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 li tikkonċerna d-definzzjoni ta’ mikroimpriża, impriża żgħira jew medja (**).

8.   L-Istati Membri li fihom isiru n-negozjati skont dan l-Artikolu għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-punt (f) tal-paragrafu 2 u paragrafu 6.

Artikolu 126d

Regolamentazzjoni tal-provvista għall-ġobon b’denominazzjoni tal-oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta

1.   Fuq talba ta’ organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122, organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat rikonoxxuta skont l-Artikolu 123(4) jew grupp ta’ operaturi msemmi fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal perijodu ta’ żmien limitat, regoli vinkolanti għar-regolamentazzjoni tal-provvista ta’ ġobon li jibbenefika minn denominazzjoni tal-oriġini protetta jew minn indikazzjoni ġeografika protetta skont l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

2.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 u għandhom ikunu soġġetti għall-eżistenza ta’ ftehim minn qabel bejn il-partijiet fiż-żona ġeografika msemmija fl-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Tali ftehim għandu jiġi konkluż bejn tal-anqas żewġ terzi tal-produtturi tal-ħalib jew ir-rappreżentanti tagħhom li jirrappreżentaw tal-anqas żewġ terzi tal-ħalib mhux ipproċessat użat għall-produzzjoni tal-ġobon imsemmi fil-paragrafu 1 u, jekk ikun xieraq, tal-anqas żewġ terzi tal-produtturi ta’ dak il-ġobon li jirrappreżentaw tal-anqas żewġ terzi tal-produzzjoni ta’ dak il-ġobon fiż-żona ġeografika msemmija fl-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

3.   Għall-fini tal-paragrafu 1, li jikkonċerna l-ġobon li jibbenefika minn indikazzjoni ġeografika protetta, ż-żona ġeografika ta’ oriġini tal-ħalib mhux ipproċessat kif stabbilit fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-ġobon għandha tkun l-istess bħaż-żona ġeografika msemmija fl-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 relatata ma’ dak il-ġobon.

4.   Ir-regoli msemmijin fil-paragrafu 1:

(a)

għandhom ikopru biss ir-regolamentazzjoni tal-provvista tal-prodott ikkonċernat u għandu jkollhom il-għan li jadattaw il-provvista ta’ dak il-ġobon skont id-domanda;

(b)

għandu jkollhom effett biss fuq il-prodott ikkonċernat;

(c)

jistgħu jsiru vinkolanti għal mhux aktar minn tliet snin u jiġġeddu wara dan il-perijodu wara li tkun saret talba ġdida, kif imsemmi fil-paragrafu 1;

(d)

m’għandhomx jagħmlu ħsara lill-kummerċ ta’ prodotti ħlief dawk ikkonċernati mir-regoli msemmija fil-paragrafu 1;

(e)

m’għandhomx ikunu jirrigwardaw l-ebda transazzjoni wara l-ewwel darba li l-ġobon ikkonċernat jiġi kkummerċjalizzat;

(f)

m’għandhomx jippermettu l-iffissar tal-prezzijiet, inkluż fejn il-prezzijiet jiġu stabbiliti bħala gwida jew bħala rakkomandazzjoni;

(g)

m’għandhomx irendu bħala mhux disponibbli proporzjon eċċessiv ta’ dak il-prodott ikkonċernat li altrimenti jkun disponibbli;

(h)

m’għandhomx joħolqu diskriminazzjoni, jikkostitwixxu ostaklu biex jidħlu persuni ġodda fis-suq, jew iwasslu għal effetti ħżiena fuq il-produtturi żgħar;

(i)

għandhom jikkontribwixxu għas-sostenn tal-kwalità u/jew l-iżvilupp tal-prodott ikkonċernat.

(j)

għandhom ikunu mingħajr ħsara għall-Artikolu 126c.

5.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppubblikati f’pubblikazzjoni uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat.

6.   L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli bil-għan li jiżguraw li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 huma rrispettati, u fejn ikun instab mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li tali kundizzjonijiet ma jkunux ġew irrispettati, għandhom jirrevokaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1.

7.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mill-ewwel dwar ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 li jkunu adottaw. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar kwalunkwe notifika ta’ tali regoli.

8.   Il-Kummissjoni tista’ fi kwalunkwe ħin taddotta atti ta’ implimentazzjoni li jirrikjedu li Stat Membru jirrevoka r-regoli stabbiliti minn dak l-Istat Membru skont il-paragrafu 1 jekk il-Kummissjoni ssib li dawk ir-regoli ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4, jipprevjenu jew jgħawġu l-kompetizzjoni f’parti sostanzjali tas-suq intern jew jipperikolaw il-kummerċ ħieles jew li l-kisba tal-objettivi tal-Artikolu 39 tat-TFUE jkun kompromess. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati mingħajr ma tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(2) jew fl-Artikolu 196b(2).

Artikolu 126e

Is-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

1.   Sabiex jiġi żgurat li l-objettivi u r-responsabilitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib ikunu ddefiniti b’mod ċar, sabiex jikkontribwixxu għall-effettività tal-azzjonijiet ta’ tali organizzazzjonijiet mingħajr xkiel żejjed, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 196a li jistipula:

(a)

il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi transnazzjonali u assoċjazzjonijiet transnazzjonali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi;

(b)

regoli relatati mal-istabbiliment u l-kundizzjonijiet tal-għajnuna amministrattiva li għandha tingħata mill-awtoritajiet kompetenti relevanti fil-każ ta’ kooperazzjoni transnazzjonali;

(c)

regoli addizzjonali rigward il-kalkolu tal-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat kopert min-negozjati msemmija fl-Artikolu 126c(2)(c) u l-Artikolu 126c(3).

2.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati meħtieġa għal:

(a)

l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom u l-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat spjegati fl-Artikoli 126a u 126b;

(b)

in-notifika msemmija fl-Artikolu 126c(2)(f);

(c)

in-notifiki li għandhom isiru mill-Istati Membri lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 126a(4)(d), l-Artikolu 126b(3)(e), l-Artikolu 126c(8) u l-Artikolu 126d(7);

(d)

il-proċeduri relatati mal-għajnuna amministrattiva fil-każ ta’ kooperazzjoni transnazzjonali.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 196b(2).

(*)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Nota editorjali: It-titolu tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ġie aġġustat biex jieħu kont tar-remunerazzjoni tal-artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, skont l-Artikolu 5 tat-Trattat ta’ Liżbona; ir-referenza oriġinali kienet għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat."

(**)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.’;"

(4)

fl-Artikolu 175 il-kliem ‘skont l-Artikoli 176 sa 177 ta’ dan ir-Regolament’ huwa sostitwit bil-kliem ‘soġġett għall-Artikoli 176 sa 177a ta’ dan ir-Regolament’;

(5)

l-Artikolu li ġej ġie miżjud:

“Artikolu 177a

Ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

1.   L-Artikolu 101(1) tat-TFUE m’għandux japplika għall-ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma ta’ organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat rikonoxxuti bl-iskop li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 123(4)(c) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika biss jekk:

(a)

il-ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma jkunu ġew innotifikati lill-Kummissjoni; u

(b)

fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi d-dettalji kollha meħtieġa, il-Kummissjoni, mingħajr ma tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(2) jew l-Artikolu 196b(2), ma tkunx sabet li l-ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki miftiehma huma inkompatibbli mar-regoli tal-Unjoni.

3.   Il-ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma ma jistgħux jidħlu fis-seħħ qabel il-perijodu msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2 jiskadi.

4.   Il-ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma li ġejjin għandhom f’kull każ ikunu ddikjarati inkompatibbli mar-regoli tal-Unjoni jekk dawn:

(a)

jistgħu jwasslu għal diviżjoni ta’ kwalunkwe għamla fis-swieq tal-Unjoni;

(b)

jistgħu jaffettwaw it-tħaddim korrett tal-organizzazzjoni tas-suq;

(c)

jistgħu joħolqu tgħawwiġ fil-kompetizzjoni, u mhumiex essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika agrikola komuni segwita mill-attività tal-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat;

(d)

jinvolvu l-iffissar tal-prezzijiet;

(e)

jistgħu joħolqu diskriminazzjoni jew jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ proporzjon sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni.

5.   Jekk, wara l-iskadenza tal-perijodu msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2, il-Kummissjoni ssib li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ma ġewx issodisfati, hija għandha, mingħajr ma tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(2) jew l-Artikolu 196b(2), tadotta deċiżjoni li tiddikjara li l-Artikolu 101(1) TFUE japplika għall-ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma in kwistjoni.

Dik id-deċiżjoni tal-Kummissjoni m’għandhiex tapplika qabel id-data tan-notifika tagħha lill-organizzazzjoni ta’ bejn fergħat ikkonċernata, sakemm dik l-organizzazzjoni ta’ bejn fergħat ma tkunx tat informazzjoni inkorretta jew tkun abbużat mill-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

6.   Fil-każ ta’ ftehimiet pluriennali, in-notifika għall-ewwel sena għandha tkun valida għas-snin sussegwenti tal-ftehim. Madankollu, il-Kummissjoni tista’, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ Stat Membru ieħor, toħroġ dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà fi kwalunkwe ħin.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 196b(2).’;

(6)

L-Artikolu 184, huwa emendat kif ġej:

(a)

punt 6 ġie sostitwit b’dan li ġej:

‘6.

qabel il-31 ta’ Diċembru 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2012 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib, flimkien, jekk ikunu meħtieġa, ma’ proposti adatti;’;

(b)

il-punt li ġej ġie miżjud:

‘9.

sat-30 ta’ Ġunju 2014 u sal-31 ta’ Diċembru 2018 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fis-suq tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u b’mod partikolari dwar il-funzjonament tal-punt (iiia) tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 u tal-Artikolu 123(4) u tal-Artikoli 126c, 126d, 177a, 185e u 185f, li jivvaluta, partikolarment, l-effetti fuq il-produtturi tal-ħalib u l-produzzjoni tal-ħalib fir-reġjuni żvantaġġjati, f’rabta mal-objettiv ġenerali li tiġi sostnuta l-produzzjoni f’tali reġjuni, u li jkopri inċentivi potenzjali biex ir-raħħala jkunu mħeġġa jidħlu għal ftehimiet ta’ produzzjoni konġunta flimkien ma’ kwalunwke proposta xierqa.’,

(7)

L-Artikoli li ġejjin ġew imdaħħla:

‘Artikolu 185e

Dikjarazzjonijiet obbligatorji fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

Mill-1 ta’ April 2015, l-ewwel xerrejja tal-ħalib mhux ipproċessat għandhom jiddikjaraw lill-awtorità nazzjonali kompetenti l-kwantità ta’ ħalib mhux ipproċessat li ġie ikkunsinjat lilhom kull xahar.

Għall-fini ta’ dan l-Artikolu u tal-Artikolu 185f, ‘l-ewwel xerrej’ tfisser impriża jew grupp li jixtri l-ħalib mill-produtturi biex:

(a)

jissoġġettawh għall-ġbir, l-ippakkjar, il-ħażna, it-tkessiħ jew l-ipproċessar, inkluż skont kuntratt;

(b)

ibigħuh lil impriża waħda jew aktar li tittratta jew tipproċessal-ħalib jew prodotti oħra tal-ħalib.

Stati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-kwantità ta’ ħalib mhux ipproċessat imsemmija fl-ewwel subparagrafu.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dwar il-kontenut, il-format u l-iskeda ta’ meta għandhom isiru tali dikjarazzjonijiet u miżuri rigward in-notifiki li jridu jsiru mill-Istati Membri skont dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 196b(2).

Artikolu 185f

Relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

1.   Jekk Stat Membru jiddeċiedi li kull kunsinja ta’ ħalib mhux ipproċessat fit-territorju tiegħu minn raħħal lil proċessur tal-ħalib mhux ipproċessat għandha tiġi koperta minn kuntratt bil-miktub bejn il-partijiet, u/jew jiddeċiedi li l-ewwel xerrejja jridu jagħmlu offerta bil-miktub għal kuntratt għall-kunsinja mir-raħħala ta’ ħalib mhux ipproċessat, tali kuntratt u/jew tali offerta għal kuntratt għandhom ikunu konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.

Fejn l-Istat Membru jiddeċiedi li l-kunsinji, minn raħħal, ta’ ħalib mhux ipproċessat lil proċessur ta’ ħalib mhux ipproċessat iridu jkunu koperti minn kuntratt miktub bejn il-partijiet, huwa għandu wkoll jiddeċiedi liema stadju jew stadji tal-kunsinja għandha/għandhom jiġu koperti minn tali kuntratt jekk il-kunsinja tal-ħalib mhux ipproċessat issir permezz ta’ kollettur wieħed jew aktar. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘kollettur’ tfisser intrapriża li tittrasporta l-ħalib mhux ipproċessat minn bidwi jew kollettur ieħor lil proċessur tal-ħalib mhux ipproċessat jew kollettur ieħor, fejn il-proprjetà tal-ħalib mhux ipproċessat tiġi trasferita f’kull każ.

2.   Il-kuntratt u/jew l-offerta għal kuntratt għandhom:

(a)

isiru qabel ma ssir il-kunsinja,

(b)

ikunu bil-miktub, u

(c)

jinkludu, b’mod partikolari, l-elementi li ġejjin:

(i)

il-prezz li għandu jitħallas għall-kunsinja, li għandu:

ikun statiku u jiġi stabbilit fil-kuntratt, u/jew

jiġi kkalkulat billi jiġu kkumbinati diversi fatturi stabbiliti fil-kuntratt, li jistgħu jinkludu indikaturi tas-suq li jirriflettu l-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq, il-volum ikkunsinjat u l-kwalità jew il-kompożizzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat ikkunsinjat;

(ii)

il-volum tal-ħalib mhux ipproċessat li jista’ u/jew għandu jiġi kkunsinjat u l-ħin ta’ dawn il-kunsinji;

(iii)

it-tul ta’ żmien tal-kuntratt, li jista’ jinkludi jew tul ta’ żmien definit jew ta’ tul indefinit bi klawsoli ta’ terminazzjoni;

(iv)

id-dettalji rigward il-perijodi u l-proċeduri ta’ ħlas;

(v)

l-arranġamenti għall-ġbir jew il-kunsinja tal-ħalib mhux ipproċessat; u

(vi)

regoli applikabbli fil-każ ta’ force majeure.

3.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, ma jkunx hemm għalfejn kuntratt u/jew offerta għal kuntratt fejn il-ħalib mhux ipproċessat huwa kkunsinjat minn raħħal lil kooperattiva li r-raħħal huwa membru tagħha jekk l-istatuti ta’ din il-kooperattiva jew ir-regoli u d-deċiżjonijiet previsti jew li huma derivati minn dawn l-istatuti jinkludu dispożizzjonijiet li għandhom effetti simili bħal dawk id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 2.

4.   L-elementi kollha tal-kuntratti għall-kunsinja ta’ ħalib mhux ipproċessat konkluż mir-raħħala, il-kolletturi jew il-proċessuri tal-ħalib mhux ipproċessat, inkluż l-elementi msemmija fil-paragrafu 2(c), għandhom jiġu nnegozjati liberament bejn il-partijiet.

Minkejja l-ewwel subparagrafu,

(i)

meta Stat Membru jiddeċiedi li jagħmel il-kuntratti bil-miktub għall-kunsinja ta’ ħalib mhux ipproċessat obbligatorji skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jista’ jistabbilixxi tul ta’ żmien minimu, applikabbli biss f’kuntratti bil-miktub bejn ir-raħħal u l-ewwel xerrej tal-ħalib mhux ipproċessat. Tali tul ta’ żmien minimu għandu jkun ta’ mill-anqas sitt xhur u m’għandux ixekkel il-funzjonament xieraq tas-suq intern; u/jew

(ii)

meta Stat Membru jiddeċiedi li l-ewwel xerrej tal-ħalib mhux ipproċessat irid jagħmel offerta bil-miktub għal kuntratt lir-raħħal skont il-paragrafu 1, huwa jista’ jagħmel dispożizzjoni li l-offerta trid tinkludi tul ta’ żmien minimu tal-kuntratt, kif stabbilit mil-liġi nazzjonali għal dan il-għan. Tali tul ta’ żmien minimu għandu jkun ta’ mill-anqas sitt xhur u m’għandux ixekkel il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

It-tieni subparagrafu għandu jkun mingħajr ħsara għad-driitt tar-raħħal li jirrifjuta tali tul ta’ żmien minimu sakemm jagħmel dan bil-miktub. F’dan il-każ, il-partijiet għandhom ikunu ħielsa li jinnegozjaw l-elementi kollha tal-kuntratt, inklużi dawk l-elementi msemmija fil-paragrafu 2(c).

5.   L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-għażliet imsemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom.

6.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni uniformi tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 u l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u miżuri relatati man-notifiki li jridu jsiru mill-Istati Membri skont dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 196b(2).’;

(8)

fil-Kapitolu I tal-Parti VII, l-Artikoli li ġejjin huma miżjuda:

‘Artikolu 196a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa biex jiġu adottati atti delegati tiġi kkonferita fuq il-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li taddotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 126e(1) għandha tiġi kkonferita fuq il-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-2 ta’ April 2012. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġġedded b’mod taċitu għal perijodi ta’ tul ta’ żmien identiku, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 126e(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni biex tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din m’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti ddelegati li huma diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 126e(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 196b

Il-proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għajnuna ta’ kumitat li għandu jkun magħruf bħala l-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni ta’ Swieq Agrikoli. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal- eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni. (***)

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(***)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.’,"

(9)

fl-Artikolu 204, jiżdied il-paragrafu li ġej:

‘7.   F’dak li jirrigwarda s-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, il-punt (iiia) tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122, l-Artikolu 123(4) u l-Artikoli 126a, 126b, 126e u 177a għandhom japplikaw mit-2 ta’ April 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2020 u l-Artikoli 126c, 126d, 185e u 185f għandhom japplikaw mit-3 ta’ Ottubru 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2020.’.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika mit-2 ta’ April 2012.

Madankollu, l-Artikoli 126c, 126d, 185e u 185f tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 kif imdaħħla minn dan ir-Regolament, għandhom japplikaw mit-3 ta’ Ottubru 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Marzu 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 110.

(2)  ĠU C 192, 1.7.2011, p. 36.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Frar 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2012.

(4)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(5)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 1.

(6)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(7)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.


Rettifika

30.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/49


Rettifika għar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 65 tal-11 ta' Marzu 2011 )

F'paġna 13, fl-Anness III, fil-kaxxa, ir-raba’ linja:

minflok:

“għall-għan tal-proċeduri”,

aqra:

“għall-fini ta’ proċedimenti”.

F'paġna 15, fl-Anness III, fil-kaxxa, it-tieni linja:

minflok:

“ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u korpi Komunitarji u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data”,

aqra:

“ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data”.

F'paġna 15, fl-Anness III, fil-kaxxa, ir-raba’ linja:

minflok:

“għall-għan tal-proċeduri”,

aqra:

“għall-fini ta’ proċedimenti”.