ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2012.191.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 191

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 55
29 ta' Ġunju 2012


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-480 sessjoni plenarja fil-25 u s-26 ta’ April 2012

2012/C 191/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u segwitu tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (opinjoni esploratorja)

1

2012/C 191/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli fl-UE (opinjoni esploratorja)

6

2012/C 191/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-edukazzjoni dwar l-enerġija (opinjoni esploratorja)

11

2012/C 191/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-industrija tal-pubblikazzjoni tal-kotba u l-bidliet li għaddejja minnhom (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

18

2012/C 191/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-kooperattivi u r-ristrutturar (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

24

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

L-480 sessjoni plenarja fil-25 u s-26 ta’ April 2012

2012/C 191/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006COM(2011) 615 final — 2011/0276 (COD)

30

2012/C 191/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006COM(2011) 612 final — 2011/0274 (COD)

38

2012/C 191/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006COM(2011) 614 final — 2011/0275 (COD)

44

2012/C 191/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali EwropeaCOM(2011) 611 final — 2011/0273 (COD)

49

2012/C 191/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward taċ-ċarezza, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-implimentazzjoni ta’ tali gruppiCOM(2011) 610 final — 2011/0272 (COD)

53

2012/C 191/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li joħloq Ordni Ewropea tal-Priżervazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f’materji ċivili u kummerċjaliCOM(2011) 445 final — 2011/0204 (COD)

57

2012/C 191/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidatiCOM(2011) 778 final — 2011/0389 (COD) u Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubblikuCOM(2011) 779 final — 2011/0359 (COD)

61

2012/C 191/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Fondi Ewropej ta’ Kapital ta’ RiskjuCOM(2011) 860 final — 2011/0417 (COD)

72

2012/C 191/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell ta’ ħoss tal-vetturi bil-muturCOM(2011) 856 final — 2011/0409 (COD)

76

2012/C 191/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li tirrevoka d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Riformulazzjoni) COM(2011) 656 final — 2011/0298 (COD)

80

2012/C 191/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postaliCOM(2011) 895 final — 2011/0439 (COD),Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubblikuCOM(2011) 896 final — 2011/0438 (COD),Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoniCOM(2011) 897 final — 2011/0437 (COD)

84

2012/C 191/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Politika Kriminali tal-UE: L-iżgurar ta’ implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminaliCOM(2011) 573 final

97

2012/C 191/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali u r-Regolament […] dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq InternCOM(2011) 883 final — 2011/0435 (COD)

103

2012/C 191/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għall-perjodu 2014 sa 2020 il-Programm tad-Drittijiet u ċ-ĊittadinanzaCOM(2011) 758 final — 2011/0344 (COD)

108

2012/C 191/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE)COM(2011) 874 final

111

2012/C 191/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-pagamenti diretti lill-bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuniCOM(2011) 625 final — 2011/0280 (COD),Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS Unika)COM(2011) 626 final — 2011/0281 (COD) (A-21),Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)COM(2011) 627 final — 2011/0282 (COD),Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, l-immaniġġjar u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuniCOM(2011) 628 final — 2011/0288 (COD),Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 dwar l-applikazzjoni ta’ pagamenti diretti lill-bdiewa fir-rigward tas-sena 2013COM(2011) 630 final — 2011/0286 (COD) uIl-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-reġim tal-iskema ta’ pagament uniku u ta’ appoġġ għal min ikabbar id-dwieliCOM (2011) 631 final — 2011/0285 (COD)

116

2012/C 191/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubblikuCOM(2011) 877 final — 2011/0430 (COD)

129

2012/C 191/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-MobilitàCOM(2011) 743 final

134

2012/C 191/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm ta’ tikkettar tal-effiċjenza tal-enerġija għat-tagħmir fl-uffiċini li jemenda r-Regolament (KE) Nru 106/2008 dwar programm Komunitarju ta’ tikkettar tal-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċjuCOM(2012) 109 final

142

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-480 sessjoni plenarja fil-25 u s-26 ta’ April 2012

29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “is-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u segwitu tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali” (opinjoni esploratorja)

2012/C 191/01

Relatur: is-Sur RIBBE

Nhar il-11 ta’ Jannar 2012, il-Presidenza Daniża tal-Kunsill iddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

is-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u segwitu tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'129 vot favur, 2 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Sommarju tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat

1.1   L-aħħar sitt Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP) qdew rwol importanti fit-tfassil tal-politika ambjentali Ewropea, madanakollu ma ppermettewx li tinstab soluzzjoni għall-ħafna problemi ambjentali fl-Ewropa li għadhom pendenti. Ir-raġuni għal dan mhix nuqqas ta’ għarfien dwar x'qed jikkawża l-problemi jew in-nuqqas ta’ soluzzjonijiet iżda n-nuqqas ta’ rieda politika favur l-implimentazzjoni.

1.2   Is-sitt EAP (li japplika sa nofs l-2012) tfassal fl-2001 bħala rispons prattiku ta’ politika ambjentali għall-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli; l-Istrateġija ta’ Lisbona kienet il-pilastru tal-politika ekonomika tiegħu. Il-Kummissjoni tal-UE, mingħajr deċiżjoni korrispondenti min-naħa tal-Kunsill, ħalliet l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli tintesa bil-mod. Hija issa tqis l-Istrateġija Ewropa 2020 bħala l-istrument politiku u strateġiku l-ġdid tagħha u tqis li l-politika ambjentali għandha tiġi kkoordinata fil-qafas ta’ dan l-istrument permezz tal-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi”.

1.3   Il-KESE ma jara l-ebda sens li, flimkien mal-inizjattiva ewlenija, jiġi implimentat strument ieħor tal-politika ambjentali fil-forma tas-seba' EAP li fih ser jiġu integrati s-setturi ambjentali li mhumiex indirizzati b'mod adegwat fi ħdan l-Istrateġija Ewropa 2020. Ir-rabta ta’ dan is-seba' EAP mal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi” mhix ċara.

1.4   Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-PE li jagħtu ħajja ġdida lill-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli, li jagħżlu s-seba' EAP komprensiv u orjentat fuq l-implimentazzjoni sabiex ikun l-istrateġija tal-politika ambjentali li tiġi implimentata, li l-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi” tiġi integrata fl-inizjattivi separati kollha u li jiżguraw koordinazzjoni mill-qrib bejn il-kunsiderazzjonijiet tal-politika ambjentali u dik ekonomika. F'dan il-kuntest, l-Istrateġija Ewropa 2020 ikollha r-rwol importanti li tħejji u timplimenta l-orjentazzjonijiet ta’ politika ekonomiċi u finanzjarji fil-perjodu qasir u medju, li huma meħtieġa fit-triq lejn żvilupp sostenibbli fit-tul.

2.   Ir-rwol tal-Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP) preċedenti tal-UE

2.1   Matul is-summit ta’ Pariġi fl-1972, il-Kunsill Ewropew iddeċieda dwar miżuri li jtejjbu l-istandard, il-kwalità u l-kundizzjonijiet tal-ħajja fl-Ewropa. B'riżultat ta’ dan, fl-1973, il-Komunità Ekonomika Ewropea ta’ dak iż-żmien adottat l-ewwel Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (perjodu: 1974-75). Is-suċċess partikolari tal-ewwel EAP kien ġej mill-fatt li huwa stabbilixxa l-prinċipju tal-prekawzjoni. Dan jagħti prijorità lill-prevenzjoni tat-tniġġis ambjentali iktar milli l-ġlieda tal-konsegwenzi tiegħu.

2.2   It-tieni EAP (perjodu: 1977-1981) żied ħames prinċipji gwida mal-għanijiet tal-ewwel EAP. Dawn kienu: a) il-kontinwità tal-politika ambjentali, b) il-ħolqien ta’ mekkaniżmi għal azzjoni ta’ prevenzjoni b'mod partikolari fejn jidħol it-tniġġis, l-użu tal-art, il-ġestjoni tal-iskart, c) il-ħarsien u l-ġestjoni razzjonali tal-ispazju, d) il-prijoritizzazzjoni tal-miżuri tal-protezzjoni tal-ilma frisk u l-ilma tal-baħar u l-ġlieda kontra t-tniġġis fl-atmosfera u l-istorbju u e) il-kunsiderazzjoni tal-aspetti ambjentali fil-politika ta’ kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

2.2.1   It-tieni EAP għalhekk kien l-ewwel bażi importanti għall-oqsma iktar mifruxa tal-politika ambjentali li għadhom rilevanti sal-lum, bħall-ħarsien tal-ilmijiet, il-politika tal-iskart u l-kooperazzjoni internazzjonali.

2.3   Fit-tielet EAP (perjodu: 1982-1986), l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali ġie adottat għall-ewwel darba bħala għan tal-politika ambjentali tal-Ewropa.

2.4   Ir-raba' EAP (perjodu: 1987-1992) ġie adottat fl-1987, is-Sena Ewropea tal-Ħarsien tal-Ambjent. Kien influwenzat mir-ratifikazzjoni li seħħet ftit żmien qabel tal-Att Uniku Ewropew li espanda s-setgħat tal-Komunità Ewropea fir-rigward tal-politika ambjentali b'mod konsiderevoli filwaqt li l-istandards ambjentali nazzjonali u l-valuri limiti ġew restritti fl-istess ħin bl-implimentazzjoni tas-Suq Uniku Ewropew. Id-dibattitu dwar il-politika ambjentali kien intensiv ħafna dak iż-żmien u hekk kif kien wasal fi tmiemu r-raba' EAP saret il-konferenza ta’ Rio dwar is-“sostenibbiltà globali”.

2.4.1   Fir-rapport ippubblikat fl-1992 dwar l-“Istat tal-Ambjent” ġie ċċarat il-fatt li minkejja l-isforzi li saru s'issa u l-erba' Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali, il-maġġoranza tal-oqsma tal-politika ambjentali wrew sinjali ta’ jew potenzjal ta’ deterjorazzjoni sħiħa; l-oqsma msemmija kienu l-kwalità tal-ilma u tal-arja u l-bijodiversità (dak iż-żmien konna nitkellmu dwar id-diversità tal-ispeċi).

2.5   B'reazzjoni għall-konferenza ta’ Rio u dan l-istat serju tal-ambjent, fil-bidu tal-1993 ġie adottat il-ħames EAP għall-perjodu 1992-2000.

2.5.1   B'konformità mad-dibattiti ta’ dak iż-żmien tal-konferenza ta’ Rio, l-għan ta’ dan il-programm kien it-“trasformazzjoni tul-mudell tat-tkabbir tal-Komunità b'tali mod li nimxu fit-triq tal-iżvilupp sostenibbli” – għan ta’ dak iż-żmien li qatt ma tilef ir-rilevanza politika tiegħu. Il-ħames EAP jista' jitqies bħala wieħed mill-ewwel inizjattivi tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli, hekk kif juri s-sottotitolu tiegħu “Lejn żvilupp sostenibbli u ekoloġiku”

2.5.2   Il-ħames EAP propona strateġiji għal seba' oqsma:

it-tisħin globali

l-aċidifikazzjoni

il-protezzjoni tal-ispeċi

il-ġestjoni tal-ilma

l-ambjent urban

iż-żoni tal-kosta

il-ġestjoni tal-iskart.

Uħud minn dawn l-oqsma kienu diġà ssemmew fl-EAP ta’ qabel.

2.5.2   Fir-reviżjoni tal-ħames EAP li saret fl-1996 il-Kummissjoni Ewropea identifikat in-nuqqas ta’ miri konkreti u n-nuqqas ta’ impenn mill-Istati Membri bħala l-ikbar dgħufijiet tal-programm. Fl-opinjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2000, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew osserva wkoll li l-“programm produċa numru ta’ riżultati pożittivi” iżda żied jgħid li huwa “kien jinsab inkwetat ħafna fuq id-deterjorazzjoni kontinwa tal-kwalità tal-ambjent fl-Ewropa li huwa jqis bħala l-iktar kriterju importanti għall-evalwazzjoni tal-effettività tal-programmi ta’ azzjoni ambjentali suċċessivi u l-politika ambjentali tal-Ewropa b'mod ġenerali”.

2.5.3   Il-ħames EAP kien il-programm li witta t-triq politika u strateġika għall-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli li ġiet adottata f'Göteborg fl-2001 mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern.

2.6   L-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli kellha tieħu l-forma konkreta ta’ politika ambjentali fis-sitt EAP (perjodu: 2002 sa 21.7.2012) u l-forma ta’ politika ekonomika tagħha fl-Istrateġija ta’ Lisbona.

2.6.1   Is-sitt EAP kellu sottotitolu wkoll (Il-ġejjieni tagħna, l-għażla tagħna). Issemmew erba' temi prijoritarji għall-politika ambjentali Ewropea: 1) il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, 2) il-ħarsien tan-natura u tad-diversità bijoloġika, 3) l-ambjent, is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja u 4) l-użu u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-iskart.

2.6.2   Barra minn hekk bħal ma sar fil-qafas tal-ħames EAP ġew iddikjarati u wara adottati seba' strateġiji tematiċi dwar:

it-tniġġis tal-arja,

l-ambjent marittimu,

il-prevenzjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ,

l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali,

l-ambjent urban,

il-ħarsien tal-ħamrija u

l-użu sostenibbli tal-pestiċidi.

2.6.3   Fis-sitt EAP ukoll dehru temi li kienu ġà dehru fl-EAP preċedenti.

3.   Il-qagħda tal-politika ambjentali/tad-dibattitu dwar is-sostenibbiltà fl-Ewropa fi tmiem is-sitt EAP

3.1   L-ewwel u qabel kollox huwa ċar li anki fi tmiem is-sitt EAP bosta oqsma tal-politika ambjentali li kienu ilhom fuq l-aġenda tal-EAP għal numru ta’ snin ġew indirizzati b'mod inadegwat jew ma ġewx indirizzati. Dawn huma żewġ eżempji:

il-“ħarsien tal-ħamrija” ilu żmien tema prijoritarja f'diversi programmi ta’ azzjoni ambjentali iżda l-ebda “azzjoni” ġenwina ma ttieħdet f'dan ir-rigward fil-livell tal-UE; waħda mir-raġunijiet għal dan hija li ma ntlaħaqx kunsens fil-Kunsill dwar l-abbozz ta’ Direttiva propost mill-Kummissjoni.

it-tema tal-“protezzjoni tal-ispeċi/bijodiversità” hija element komuni tal-EAP kollha. Fl-2001 il-Kunsill Ewropew wiegħed li sal-2010 iwaqqaf it-telf tal-bijodiversità, iżda anki l-Programm ta’ Azzjoni għall-Bijodiversità li fih 160 miżura ma kienx biżżejjed biex jintlaħaq dan l-għan. Fl-2011 ħarġet strateġija dwar il-bijodiversità ġdida bil-għan li tikseb l-għan oriġinali għaxar snin wara.

3.2   Fl-opinjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2012 (NAT/528, CESE 152/2012: “Is-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Komunità – Valutazzjoni Finali”), il-KESE indirizza mill-ġdid ir-riżultati tas-sitt EAP. L-opinjoni tiddiskuti wkoll rapport ġdid dwar l-“Istat tal-Ambjent” li essenzjalment jagħti riżultat xejn pożittiv dwar il-politika ambjentali tal-UE.

3.3   L-UE għadha la rrispondiet u lanqas tat spjegazzjoni għalfejn bosta problemi ambjentali għadhom ma ġewx solvuti minkejja l-ħafna EAP matul is-snin. Fil-fehma tal-KESE ir-risposta hija ċara: mhijiex nuqqas ta’ għarfien dwar il-problemi jew is-soluzzjonijiet possibbli iżda nuqqas ta’ rieda li tittieħed azzjoni deċiżiva. Hemm nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-għarfien, kultant anki ta’ deċiżjonijiet politiċi. Ir-raġuni għal dan tista' tkun li meta jinqalgħu kunflitti bejn il-miżuri politiki ambjentali u l-interessi ekonomiċi fuq perjodu qasir, dawn tal-aħħar jirbħu fuq ta’ qabel.

3.4   Fi tmiem il-perjodu tas-sitt EAP, il-KESE jqis importanti l-osservazzjoni li l-Kummissjoni qisha abbandunat l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli li l-pilastru tal-politika ambjentali tagħha kien is-sitt EAP.

3.5   Filwaqt li preċedentement il-Kummissjoni u l-Kunsill kienu jirreferu għall-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli bħala l-qafas tal-istrateġiji l-oħra kollha inkluż l-Istrateġija ta’ Lisbona, issa jeżisti silenzju kbir dwar il-kwistjoni. M'għadhiex tidher fil-programmi ta’ ħidma tal-Kummissjoni (minkejja li l-Kunsill Ewropew ma ħariġx deċiżjoni formali dwar dan). Il-KESE kemm-il darba kritika din il-kwistjoni. Huwa jerġa' jressaq il-kritika tiegħu għal darba oħra hawnhekk u jiċċara l-fatt li huwa jqis bħala żball li l-Istrateġja għal Żvilupp Sostenibbli tiġi kważi integrata fl-Istrateġija Ewropa 2020. Huwa kemm-il darba ressaq ir-raġunijiet tiegħu għal dan mingħajr l-ebda risposta min-naħa tal-Kummissjoni, il-Kunsill jew tal-Parlament.

3.6   Konsegwentement l-isforzi li għamlet l-UE fil-passat sabiex tikkoordina t-tliet pilastri tal-ekonomija, l-ekoloġija u l-kooperazzjoni soċjali fi ħdan l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli ġew sospiżi. B'hekk tqum il-mistoqsija dwar taħt liema qafas il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament jixtiequ jikkoordinaw il-politika tas-sostenibbiltà u tal-ambjent fil-futur.

4.   L-Istrateġija Ewropa 2020 u l-prospett tas-seba' EAP

4.1   L-Istrateġija Ewropa 2020 tagħti idea ftit jew wisq ċara tal-pożizzjoni li mid-dehra adottat il-Kummissjoni, li tikkunsidra din l-Istrateġija bħala l-iktar element importanti tal-ippjanar u l-governanza politika tagħha.

4.2   L-Istrateġija Ewropa 2020 tispeċifika seba' inizjattivi ewlenin:

Unjoni ta’ Innovazzjoni

Żgħażagħ mobbli

Aġenda diġitali għall-Ewropa

Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi

Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni

Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda

Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar.

4.3   Bla dubju ta’ xejn, il-Kummissjoni tħares lejn l-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi” bħala l-EAP il-“ġdid” u l-fatt li s'issa għad ma jeżistix abbozz tas-seba' EAP, minkejja li s-sitt EAP ser jiskadi f'Lulju, huwa probabbilment riżultat ta’ dan.

4.4   Għalhekk mhix koinċidenza li l-Kummissjoni Ewropea bdiet tipprepara s-seba' EAP wara li l-Kunsill (Ambjent) u l-PE ressqu l-kritika tagħhom dwar xi rwol ser ikollu s-seba' EAP.

4.5   Il-Kummissjoni għamlet l-Istrateġija Ewropa 2020 l-“arkitettura l-ġdida” tagħha tal-pjanifikazzjoni politika u l-programmazzjoni, għażlitha bħala l-istrateġija suprema tagħha fejn l-implimentazzjoni għandha tiġi żgurata mis-seba' inizjattivi ewlenin u fejn il-politika ambjentali ser tiġi indirizzata taħt l-inizjattiva “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi”.

4.6   Jidher iktar u iktar ċar li

minn naħa ċerti setturi prinċipali partikolari li qabel kienu koperti mill-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli (pereżempju t-tema tal-ugwaljanza globali u bejn il-ġenerazzjonijiet) mhumiex indirizzati biżżjjed fl-Istrateġija Ewropa 2020 u li

min-naħa l-oħra, temi partikolari tal-politika ambjentali mhumiex indirizzati fl-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi”.

4.7   Fost l-20 inizjattiva ta’ politika ambjentali individwali li għandhom jagħtu l-ħajja lill-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi” hemm bosta elementi li diġà dehru fl-EAP ta’ qabel bħall-politika favur il-bijodiversità, il-politika tal-ilma u l-politika tal-ġlieda kontra t-tniġġis tal-atmosfera (inkluż il-politika tat-trasport) iżda tema bħal “l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem” ftit li xejn hija kkunsidrata, l-istess bħall-politika tal-prodotti kimiċi jew in-nanoteknoloġija.

4.8   Il-KESE kkummenta kemm dwar l-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi” kif ukoll dwar il-pjan direzzjonali tagħha u rrefera b'mod espliċitu għan-nuqqasijiet tal-EAP preċedenti: bosta għanijiet u wegħdiet, ftit miżuri tanġibbli, kwazi l-ebda indikatur u ftit implimentazzjoni konkreta.

4.9   Huwa talab lill-Kummissjoni sabiex “fl-għoxrin inizjattiva individwali mħabbra jiġi deskritt bir-reqqa:

x'inhu intiż b'effiċjenza fl-użu tar-riżorsi;

x'jista' jinkiseb bit-titjib teknoloġiku;

f'liema setturi għandha ssir ‘ir-riforma strutturali’, x'xeħta għandha tieħu u b'liema għodda għandha tintlaħaq;

liema bidliet fl-imġiba huma kkunsidrati bħala meħtieġa fost il-produtturi u l-konsumaturi u kif dawn il-bidliet jistgħu jiġu aċċellerati.”  (1)

Madanakollu, il-Kummissjoni ma tatx risposta għal dan iżda żammet ma’ lingwaġġ vag u mhux vinkolanti.

4.10   Għall-KESE dan jikkonferma li l-approċċ li għażlet il-Kummissjoni sa issa ma jissodisfax l-eżiġenzi kollha tal-politika ambjentali u fuq kollox tal-iżvilupp sostenibbli. X'jista' jġib miegħu s-seba' EAP?

4.11   Iż-żmien meta l-EAP kienu neċessarji sabiex jiġi determinat u deskritt x'għandu jsir għadda. Dawk li huma responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Ewropa jafu sew x'għandu jsir. Huma ftit l-oqsma l-ġodda li jirrikjedu l-iżvilupp ta’ ideat ġodda, pereżempju n-nanoteknoloġija. Dan madanakollu ma jitlobx EAP separat.

4.12   Fl-Ewropa l-ewwel u qabel kollox hemm nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-għarfien. Jeżisti defiċit kbir fejn tidħol l-implimentazzjoni fil-livelli kollha (UE, Stati Membri, reġjuni, lokalitajiet u ċittadini). F'dan ir-rigward il-KESE jixtieq li jiċċara dan: il-Kummissjoni tista' tfassal programmi tajbin u tressaq id-dikjarazzjonijiet tagħha, iżda l-biċċa l-kbira tax-xogħol irid isir mill-korpi politiċi tal-Istati Membri li għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw l-azzjoni konkreta.

4.13   Fil-fehma tal-KESE li jitressaq is-seba' EAP sabiex joffri saqaf għall-oqsma tal-politika ambjentali li mhux koperti mill-inizjattiva “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi” mhix soluzzjoni vijabbli. Ir-rabta bejn is-seba' EAP u a) l-inizjattiva ewlenija iżda wkoll b) l-Istrateġija Ewropa 2020 għadha mhix ċara.

4.14   Madanakollu l-Kumitat lest jaqbel mat-tnedija tas-seba' EAP jekk ikun ċar x'mistenni jikseb, kif jista' jiġi żgurat li jintemm b'iktar suċċess mill-programmi preċedenti u, ferm importanti, jekk jiġi ċċarat liema politika prinċipali ser ikun qed jaqdi.

4.15   Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-PE li jagħtu ħajja ġdida lill-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli, li jagħżlu s-seba' EAP komprensiv u orjentat fuq l-implimentazzjoni sabiex ikun l-istrateġija tal-politika ambjentali li tiġi implimentata, li l-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi” tiġi integrata fl-inizjattivi separati kollha u li jiżguraw koordinazzjoni mill-qrib bejn bejn il-kunsiderazzjonijiet tal-politika ambjentali u dik ekonomika. F'dan il-kuntest, l-Istrateġija Ewropa 2020 ikollha r-rwol importanti li tħejji u timplimenta l-orjentazzjonijiet ta’ politika ekonomiċi u finanzjarji fil-perjodu qasir u medju li huma meħtieġa fit-triq lejn żvilupp sostenibbli fit-tul.

4.16   Fil-fehma tal-KESE is-seba' EAP għandu jiffoka wkoll fuq l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet assolutament vinkolanti dwar kwistjonijiet li ħafna drabi ilhom miftuħin bosta snin.

4.17   Il-kwistjoni issa hija jekk l-Ewropa hix lesta u kapaċi tagħmel dan. Ma jistax jiġi injorat il-fatt li fil-politika ripetutament jiġu stabbiliti għanijiet ambizzjużi u inizjattivi. Meta dan isir, pereżempju mill-Kummissjoni, ikunu mbagħad l-istess politiċi li jsibu r-raġunijiet kontra l-adozzjoni jew l-implimentazzjoni tagħhom. Il-lista ta’ eżempji ta’ dan hija twila. Kemm jekk hija d-Direttiva dwar l-Użu Effiċjenti tal-Enerġija li waqfet għand il-Kunsill jew il-fatt li l-wegħdiet li saru fil-passat ma mmaterjalizzawx (elenkati fl-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli) bħal li titfassal lista tas-sussidji li huma ta’ ħsara ambjentali u li dawn jiġu eliminati: jeżistu lakuni kbar bejn il-kelma u l-att u l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament huma mitluba jispjegaw lill-pubbliku kif ser jeliminawhom.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-opinjoni ĠU C 376 tat-22/12/2011, p. 97, Punt 1.2.


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/6


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli fl-UE” (opinjoni esploratorja)

2012/C 191/02

Relatur: is-Sinjura LE NOUAIL-MARLIÈRE

Nhar il-11 ta’ Jannar 2012, il-Presidenza Daniża tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli fl-UE

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tas-26 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'124 vot favur, 8 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   B'konformità mal-istedina li saritlu mill-Presidenza Daniża, il-KESE evalwa l-istrumenti u l-miżuri neċessarji biex jibdew jintużaw modi ta’ produzzjoni u ta’ konsum sostenibbli. Huwa u jilqa' l-impenji tal-istituzzjonijiet Ewropej u s-sensibilizzazzjoni tagħhom, f'dan ir-rigward u bil-għan li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta, il-KESE jirrakkomanda li tiġi stabbilita viżjoni komuni mġedda tal-mudell ekonomiku billi jiġu involuti l-partijiet kollha tas-soċjetà ċivili organizzata fi ħdan forum ta’ konsultazzjoni speċjalizzat, bil-għan li jiġu definiti l-objettivi u l-miri u jitfassal proċess ta’ segwitu aġġornat.

1.2   Ikun ta’ benefiċċju li:

jiġu integrati mill-qrib il-politiki favur il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, minn naħa, u l-implimentazzjoni tal-“Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi” (1), min-naħa l-oħra; l-Istati Membri jitħeġġu jimplimentaw dawn il-politiki permezz tal-Pjan Direzzjonali u s-Semestru Ewropew;

tintuża firxa ta’ għodod trasversali għall-implimentazzjoni u t-tħeġġiġ, bħal pereżempju għall-eliminazzjoni gradwali tal-prodotti mhux sostenibbli, l-iżvilupp ta’ politika fiskali aktar ġusta, il-promozzjoni ta’ akkwist pubbliku ekoloġiku, it-tneħħija gradwali tas-sussidji li ma jqisux l-effetti negattivi fuq l-ambjent, l-appoġġ tar-riċerka u l-ekoinnovazzjoni, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż ambjentali, l-innovazzjoni ta’ miżuri oħra ta’ inċentiv ibbażati fuq is-suq, it-tħeġġiġ ta’ parteċipazzjoni attiva tal-konsumaturi u l-ħaddiema fil-proċess ta’ tranżizzjoni.

1.3   Neħtieġu wkoll sistema finanzjarja (2) biex tkun għas-servizz ta’ ekonomija ta’ produzzjoni u ta’ konsum sostenibbli, billi tikkonċentra fuq l-oqsma li għandhom l-akbar marka tal-karbonju, bħall-industrija agroalimentari, l-agrikoltura, id-djar, l-infrastrutturi u t-trasport.

1.4   Barra minn hekk, jeħtieġ li mmorru lil hinn mill-oqsma stretti tal-enerġija u tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra u nikkonċentraw ukoll fuq riżorsi u impatti oħra fuq l-ambjent, bħall-ġestjoni u l-protezzjoni tal-ilma, l-użu tal-art, it-tniġġis tal-arja u l-kunsiderazzjoni tal-impatt ambjentali globali tal-prodotti.

1.5   Billi nappoġġjaw it-titjib tal-proċessi ta’ produzzjoni u tal-prodotti nkunu nistgħu noffru lill-konsumaturi u lill-utenti l-prodotti u s-servizzi li jixtiequ jadottaw permezz ta’ bidla fl-imġiba jew l-opinjoni tagħhom.

1.6   Fl-aħħar, biex nippromovu mudelli ta’ konsum u stili ta’ ħajja sostenibbli jeħtieġ li, billi nsaħħu r-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur u tal-produtturi tal-kummerċ ġust, nippromovu u nipproteġu inizjattivi alternattivi għal mod ta’ konsum predatorju u nappoġġjaw l-aqwa prattiki.

2.   Introduzzjoni

2.1   F'Diċembru 2011, bil-għan li jirrikonċilja l-ħruġ mill-kriżi, l-irkupru u l-impenji tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-gvern Daniż talab lill-KESE jfassal opinjoni esploratorja dwar il-promozzjoni tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli. Huwa u jirreferi għall-“Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi” u l-punti ewlenin li jinkludi dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli (3), il-gvern Daniż jistieden lill-KESE jevalwa l-istrumenti neċessarji biex jiżgura t-trasformazzjoni tal-ekonomija Ewropea lejn konsum u produzzjoni sostenibbli fl-UE.

2.2   S'issa l-iżvilupp ekonomiku kien ibbażat fuq l-enerġiji u r-riżorsi bażiċi mhux rinnovabbli, b'konformità mal-paradigma essenzjali tal-“bniedem bħala l-kap u s-sid tan-natura”. Il-produzzjoni tal-prodotti u s-servizzi għadha kkaratterizzata mill-esternalizzazzjoni tal-ispejjeż li għandhom ikunu relatati mat-taxxi fuq ir-riżorsi naturali mhux rinnovabbli u mal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra u ta’ sustanzi li jniġġsu l-ambjent. Fl-ekonomiji tas-suq, l-internalizzazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż għandha tkun imposta fuq l-aġenti ekonomiċi permezz ta’ regoli obbligatorji li, kemm jista' jkun, għandhom japplikaw b'mod universali.

2.3   Il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli f'termini ta’ użu ta’ servizzi u prodotti li joffru aktar valur u jużaw ir-riżorsi naturali mill-inqas jinsabu fil-qalba tal-istrateġiji intiżi biex iżidu l-effikaċja tar-riżorsi u jippromovu ekonomija ekoloġika. Fl-2008, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli li jinkludi għadd ta’ politiki li jippromovu l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli (4). Fid-dawl ta’ dawn il-punti, il-Kummissjoni qed tirrevedi l-politiki tagħha għall-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għall-2012.

3.   Il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli: politiki u strumenti neċessarji

3.1   Noħolqu viżjoni komuni mġedda tal-mudell ekonomiku

3.1.1   Waħda mir-raġunijiet tal-impatt limitat li kellhom sal-lum il-ġurnata l-politiki dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli tikkonċerna l-fatt li, għalkemm il-kunċett tas-sostenibbiltà huwa integrat tajjeb fl-Istrateġija Ewropa 2020, sikwit jitwarrab fl-applikazzjoni prattika tal-politiki. Fil-mudell ekonomiku attwali, l-objettiv prinċipali għadu t-tkabbir u t-tħeġġiġ tal-konsum. Il-prestazzjonijiet globali jiġu valutati abbażi tal-PDG. It-tranżizzjoni lejn konsum u produzzjoni sostenibbli ser tirrekjedi li jiġi organizzat dibattitu miftuħ u trasparenti dwar mudell ekonomiku awtosuffiċjenti u li l-prestazzjoni tiegħu ser tiġi valutata permezz ta’ indikaturi li “jmorru lil hinn mill-PDG”, li jkejlu l-marka tal-karbonju, il-benesseri tal-bniedem u dak soċjali u l-ġid. F'opinjonijiet preċedenti, il-KESE ppropona lill-Kummissjoni biex tikkollabora bil-għan li jiġi stabbilit forum dwar il-konsum sostenibbli li jippermetti li jiġu studjati l-valuri li fuqhom tista' tiġi bbażata ekonomija sostenibbli u l-fatturi li jxekklu liċ-ċittadini milli jagħżlu mudelli ta’ konsum sostenibbli, u l-esperjenzi miksuba fir-rigward ta’ modi ta’ ħajja b'impatt ekoloġiku limitat (5).

3.2   Niddefinixxu l-objettivi u l-miri u nfasslu proċess ta’ segwitu

3.2.1   Bosta oqsma politiċi huma kkonċernati. Biex jiġi segwit il-progress li sar fil-ksib ta’ dawn l-objettivi għall-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u biex tiġi valutata s-sitwazzjoni attwali, għandha tiġi implimentata bażi tad-data soda dwar l-effetti ambjentali tal-produzzjoni u l-konsum bil-għan li titkejjel l-effikaċja tal-istrumenti politiċi, jissaħħu l-istrateġiji u l-objettivi u jerġgħu jiġu aġġustati l-prijoritajiet u jiġi stabbilit proċess ta’ segwitu.

3.3   Ninvolvu s-soċjetà ċivili

3.3.1   L-involviment tas-soċjetà ċivili fil-livell dinji, nazzjonali u lokali huwa kruċjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni ta’ suċċess lejn ekonomija ekoloġika u sostenibbli. Tali tranżizzjoni tista' tirnexxi jekk l-intrapriżi, il-konsumaturi u l-ħaddiema jikkunsidraw il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli bħala opportunità u objettiv mixtieqa. Għandhom jiġu stabbiliti sistemi adatti ta’ djalogu u ta’ parteċipazzjoni demokratika fil-livelli kollha (6).

3.3.2   F'dan ir-rigward, jeħtieġ li ma nkomplux inqiegħdu l-investiment industrijali, il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej u l-poter tal-akkwist tal-konsumaturi kontra xulxin. Jekk insaħħu l-livell ta’ eżiġenza tal-konsumaturi, inkunu qed nistimolaw bl-aktar mod sigur is-suq intern Ewropew filwaqt li nivvalorizzaw ir-riżultati tar-riċerka Ewropea u nwettqu l-objettivi ta’ preservazzjoni tal-ambjent. Dan jirrikjedi wkoll li l-investiment jibqa' fl-Ewropa.

3.4   Nintegraw mill-qrib il-politiki tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u l-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi

3.4.1   Bl-inizjattiva ewlenija tagħha u l-“Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi” (7), il-Kummissjoni għamlet il-promozzjoni ta’ użu effikaċi tar-riżorsi kwistjoni ta’ importanza prinċipali għall-ekonomiji Ewropej. L-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali hija integrata fl-Istrateġija Ewropa 2020 u s-Semestru Ewropew. Il-KESE jirrakkomanda li r-reviżjoni tal-pjan ta’ azzjoni għal konsum u produzzjoni sostenibbli tkun marbuta mill-qrib mal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali u s-Seba' Programm ta’ Azzjoni għall-Ambjent (8) bil-għan li l-politiki tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-importanza politika akbar tal-użu effikaċi tar-riżorsi u tal-qafas ta’ segwitu tas-Semestru Ewropew. Il-fatt li jiżdiedu xi indikaturi tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli mal-indikaturi tal-użu effikaċi tar-riżorsi jipprovdi bażi għall-objettivi u s-sistemi ta’ segwitu fir-rigward tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli.

3.5   Inħeġġu lill-Istati Membri

3.5.1   L-objettivi tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli suġġeriti preċedentement jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-politiki fl-Istati Membri f'dan ir-rigward. Dawn jistgħu jibbenefikaw minn integrazzjoni tal-politiki tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli mal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali u l-proċess ta’ segwitu provdut mis-Semestru Ewropew.

3.6   Nirrikorru għal firxa wiesgħa ta’ għodda ta’ politika tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli

3.6.1   Fid-dawl tan-natura trasversali tal-politiki favur il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u d-diversi aspetti li għandhom jiġu kkunsidrati, jeħtieġ li tiġi stabbilita jew mobilizzata firxa wiesgħa ta’ strumenti politiċi f'diversi livelli bil-għan li l-mudelli ta’ produzzjoni u ta’ konsum jevolvu lejn is-sostenibbiltà. L-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali għandhom jiżviluppaw politiki attivi fil-livell Ewropew. L-istrumenti magħżula għandhom jinkludu miżuri regolatorji u volontarji, b'mod partikolari miżuri regolatorji intiżi biex jeliminaw gradwalment il-prodotti mhux sostenibbli, strumenti għal politika fiskali aktar ġusta, il-promozzjoni ta’ akkwist pubbliku ekoloġiku, it-tneħħija gradwali tas-sussidji li ma jqisux l-effetti negattivi fuq l-ambjent, ir-riċerka u l-ekoinnovazzjoni, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż ambjentali u miżuri oħra ta’ inċentiv ibbażati fuq is-suq, u parteċipazzjoni attiva tal-konsumaturi u l-ħaddiema fil-proċess ta’ tranżizzjoni (9).

3.6.2   Il-pjan ta’ azzjoni tal-2008 tal-Kummmissjoni Ewropea għal konsum u produzzjoni sostenibbli kien ibbażat fuq dan l-approċċ politiku mħallat u għandu jinżamm fil-kuntest tal-proċess ta’ reviżjoni. Madankollu, nistgħu insaħħu l-ambizzjonijiet u naġġustaw mill-ġdid l-istrumenti fid-dawl tal-objettivi li għandhom jinkisbu, il-progress limitat li nkiseb sal-lum il-ġurnata u l-opportunità ta’ ħruġ mill-kriżi li toffri t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u b'użu mill-inqas tar-riżorsi mhux rinnovabbli.

3.6.3   Il-biċċa l-kbira tal-istrumenti li jintużaw fil-qafas tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli huma volontarji u bbażati fuq it-tixrid tal-informazzjoni (l-ekotikketta, EMAS, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi, eċċ.). L-intrapriżi u l-konsumaturi jużaw dawn l-istrumenti mill-inqas, u l-użu tagħhom huwa limitat għal ċerti setturi u gruppi soċjali. Mhux ser ikun faċli li jiżdied jekk inkomplu għaddejjin kif aħna. L-użu ta’ strumenti regolatorji huwa indispensabbli biex jiġu eliminati gradwalment prodotti u mudelli ta’ konsum mhux sostenibbli.

3.7   Nikkonċentraw fuq l-oqsma bl-akbar marka tal-karbonju

3.7.1   Il-biċċa l-kbira tal-effetti negattivi fuq l-ambjent huma kkaġunati mill-konsum ta’ prodotti tal-ikel u tax-xorb, id-djar, l-infrastrutturi u l-mobbiltà kif ukoll il-produzzjoni industrijali u tal-enerġija. Il-politiki futuri dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għalhekk ser ikollhom jiffokaw fuq dawn l-oqsma differenti kollha. Peress li l-impatt ambjentali kbir tal-konsum tal-prodotti tal-ikel u tax-xorb huwa marbut ħafna mas-settur agrikolu, il-politiki f'dan ir-rigward għandhom ikunu marbutin mill-qrib mal-politiki favur agrikoltura sostenibbli.

3.7.2   Agrikoltura sostenibbli timplika użu raġonevoli ta’ inputs naturali, l-appoġġ għall-agrikoltura bijoloġika u industrija agroalimentari li tiggarantixxi l-provvista ta’ ikel san u mhux imniġġes għall-konsumaturi intermedjarji u dawk finali. Il-KESE jemmen li s-soluzzjoni għal agrikoltura sostenibbli – kullimkien u fuq skala suffiċjenti – tinsab fi produzzjoni tal-ikel ta’ kwalità għolja, varjata skont ir-reġjuni u rispettuża tal-ambjent, li tħares liż-żoni rurali, tissalvagwardja d-diversità u l-ispeċifiċità tal-prodotti kkonċernati u tippromovi l-pajsaġġi u ż-żoni rurali Ewropej li huma diversi u rikki fl-ispeċijiet (10).

3.8   Immorru lil hinn mill-oqsma stretti tal-enerġija u tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra biex niffokaw ukoll fuq riżorsi oħra u impatti fuq l-ambjent

3.8.1   Dawn l-aħħar snin, ingħatat attenzjoni partikolari fil-qafas tal-politiki favur il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli lill-kwistjonijiet tal-konsum tal-enerġija u tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra. Madankollu, il-produzzjoni u l-konsum jiġġeneraw konsegwenzi oħra li ma jistgħux jiġu injorati f'oqsma bħall-ġestjoni u l-protezzjoni tal-ilma, l-użu tal-art u t-tniġġis tal-arja. Il-politiki futuri favur il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għalhekk għandhom jestendu l-applikazzjoni tal-istrumenti politiċi għall-konsum ta’ riżorsi oħra apparti l-elettriku u għandhom jikkunsidraw l-impatt ambjentali globali.

3.9   Intejbu l-proċessi ta’ produzzjoni u l-prodotti

3.9.1   Biex inħeġġu l-produtturi jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti tagħhom matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja, jeħtieġ li nirrikonoxxu l-prinċipju tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi kif introdott f'ċerti atti leġislattivi bħala prinċipju ġenerali u bażi tar-responsabbiltà legali tal-intrapriżi.

3.9.2   Jeħtieġ li niffavorixxu approċċ doppju biex inkunu nistgħu nibdew nużaw prodotti sostenibbli. Ir-riċerka dwar prodotti li jirrispettaw l-ambjent u l-iżvilupp tagħhom għandhom jiġu promossi permezz ta’ finanzjament pubbliku għar-riċerka u l-adozzjoni ta’ inċentivi adegwati li jippromovu l-innovazzjoni. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li nużaw strumenti regolatorji, bħad-direttiva dwar l-ekodisinn, biex jiġu eliminati gradwalment il-prodotti mhux sostenibbli. Għal dan il-għan, l-ambitu ta’ din id-direttiva għandu jiġi estiż u l-implimentazzjoni tagħha għandha titħaffef.

3.9.3   Jeħtieġ li tiġi żgurata t-trasparenza fir-rigward tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u s-servizzi jekk irridu li l-intrapriżi u l-konsumaturi jimxu lejn aktar sostenibbiltà. Il-proposta tal-Kummissjoni fil-konsultazzjoni dwar il-politiki tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, jiġifieri li għal dan il-għan tintuża metodoloġija li tista' tiddetermina l-marka tal-karbonju tal-prodotti tidher li tikkostitwixxi approċċ adegwat. Madankollu, din għandha tkun akkumpanjata minn strumenti oħra (pereżempju kriterji soċjali li jmorru lill hinn mill-PDG) bil-għan li titjieb il-komunikazzjoni tal-informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà tul il-katina kollha tal-provvista.

3.9.4   Għandhom jiġu promossi mudelli kummerċjali ġodda biex jissostitwixxu l-enfasi li qed titqiegħed bħalissa fuq il-flussi tal-materjali permezz tal-ħolqien tal-valur u l-benesseri, billi jiġi promoss pereżempju l-kiri minflok ix-xiri, il-kunċett ta’ car-sharing u l-kunċetti loġistiċi bil-għan li jiġi evitat li trakkijiet jivvjaġġaw “vojta” permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-intrapriżi.

3.10   Nippromovu l-mudelli ta’ konsum u ta’ stili ta’ ħajja sostenibbli

3.10.1   It-tibdil tal-modi ta’ konsum għandu jingħata aktar attenzjoni mill-passat. Il-kompitu hu li b'mod progressiv il-konsum jiġi separat mill-impatt negattiv fuq l-ambjent. Jeħtieġ li tiġi implimentata taħlita ta’ strumenti politiċi bil-għan li tiġi promossa mġiba ta’ konsum sostenibbli, li tqis it-tul taċ-ċikli ta’ tiġdid tar-riżorsi u l-limiti tagħhom kif ukoll l-impatt globali (importazzjoni u esportazzjoni) tas-suq intern Ewropew.

3.10.2   Il-politiki favur il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għandhom iqisu l-fatt li l-għażliet sostenibbli tal-konsumatur jirrikjedu li l-prodotti u s-servizzi sostenibbli jkunu disponibbli fis-suq bi prezzijiet affordabbli, li tingħata informazzjoni ċara u affidabbli lill-konsumaturi u li jkun hemm inċentivi ekonomiċi adegwati. Jeħtieġ li jittieħdu miżuri bil-għan li titjieb l-informazzjoni għall-konsumaturi u jiġi evitat li jkun hemm informazzjoni li tqarraq u l-“green-washing”.

3.10.3   Il-miżuri adottati għandhom isaħħu r-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi bħala xpruni tal-bidla u jippromovu djalogu dwar l-istili ta’ ħajja sostenibbli fil-livell tas-soċjetà ċivili billi joħolqu pjattaformi ta’ diskussjoni ta’ fehmiet dwar il-kwistjoni u ta’ skambju ta’ esperjenzi u tal-aqwa prattiki.

3.10.4   Il-bidla lejn stil ta’ ħajja sostenibbli tirrikjedi wkoll investiment fl-infrastruttura pubblika adatta. Pereżempju, il-promozzjoni tat-trasport pubbliku bħala alternattiva għall-karozza privata tirrikjedi l-implimentazzjoni ta’ sistema tat-trasport pubbliku moderna, it-trasport sostenibbli jeħtieġ infrastruttura għall-elettriku u l-bijokarburanti, u ekonomija ċirkulari tirrikjedi sistemi ta’ ritorn effikaċi u siti ta’ ġbir tal-iskart għall-prodotti li jkunu skadew.

3.10.5   F'bosta okkażjonijiet, il-KESE enfasizza l-importanza tal-programmi edukattivi għal imġiba sostenibbli effettiva. Il-KESE jtenni li tali programmi m'għandhomx jimmiraw biss l-iskejjel u ż-żgħażagħ, li bla dubju huma importanti, iżda għandhom jindirizzaw ukoll liċ-ċittadini b'mod ġenerali, tkun xi tkun l-età jew is-sitwazzjoni soċjali tagħhom, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-inugwaljanzi fir-rigward tar-riskji u l-ħsara ekoloġika.

3.10.6   L-influwenza tal-ispedituri, tan-negozjanti u ta’ atturi oħrajn fil-katina tal-forniment fuq l-għażla tal-konsum sostenibbli hija konsiderevoli minħabba l-ħtiġiet tagħhom għal produzzjoni globali, il-loġistika eċċ. Fil-passat, il-Kummissjoni ħadmet mal-aktar negozjanti Ewropej importanti fil-kuntest ta’ forum-round table dwar il-kummerċ. Din l-istrateġija tista' titwessa' għal spedituri, operaturi loġistiċi, eċċ. oħrajn.

3.10.7   Is-suq pubbliku ekoloġiku huwa mutur importanti tal-iżvilupp tas-swieq għall-prodotti sostenibbli. Jeħtieġ li jiġi analizzat kif tista' tiżdied l-effikaċja tal-politiki fir-rigward tas-suq pubbliku ekoloġiku.

3.11   Nintroduċu miżuri ta’ inċentiv ekonomiku fil-politiki fiskali

3.11.1   Il-miżuri ta’ promozzjoni tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli msemmija preċedentement jistgħu jisssaħħu jekk l-intrapriżi u l-konsumaturi jitħeġġu jadottaw imġiba sostenibbli permezz ta’ miżuri ta’ inċentiv ekonomiku li, kif jaf kulħadd, mhumiex riflessi biss fil-prezz tas-suq. Il-politiki tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għaldaqstant għandhom jiġu akkumpanjati minn approċċ ekoloġiku tas-sistema fiskali li jissarraf fl-adozzjoni ta’ inċentivi ekonomiċi bil-għan li jitqassam b'mod ġust l-isforz ta’ tranżizzjoni bejn l-intrapriżi l-kbar u l-SMEs, bejn iċ-ċittadini, l-intrapriżi u l-konsumaturi u bl-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Madankollu, dawn l-isforzi ser ikunu għalxejn jekk il-finanzjament tal-mudell soċjali Ewropew jiġi sostitwit b'taxxa ġdida fuq ir-riżorsi mhux rinnovabbli bl-ebda garanzija li din it-taxxa imbagħad tiġi allokata għall-finanzjament tal-protezzjoni soċjali. Dan ikun perikoluż, għali u inutli. Fi kwalunkwe każ, il-fiskalità hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri u f'perspettiva ta’ sostenibbiltà u ta’ sostenn ma jaqbilx li tiżdied il-kompetizzjoni fiskali bejn l-Istati Membri.

3.12   Niżguraw tranżizzjoni ġusta

3.12.1   It-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika ser tkun sostenibbli jekk tiġġenera impjiegi msejħa “ekoloġiċi” u jekk tagħti xeħta ekoloġika lill-impjiegi fi proċess ta’ produzzjoni li jirrispetta aktar l-ambjent bħal fil-każ tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, it-trasport sostenibbli u d-djar effikaċi mill-perspettiva tal-użu tal-enerġija. Madankollu, biex inkunu nistgħu nibbenefikaw minn din it-tranżizzjoni jeħtieġ li nadottaw miżuri ta’ politika attiva bbażati fuq id-djalogu soċjali, li jikkonċernaw aspetti soċjali u għandhom l-għan li joħolqu impjiegi deċenti u ta’ kwalità għall-ħaddiema (pagi, kundizzjonijiet tax-xogħol u prospetti ta’ progress). L-attivitajiet ekonomiċi u s-swieq ekoloġiċi għandhom jiġu żviluppati b'mod attiv u l-kompetenzi professjonali korrispondenti għandhom jiġu stimolati permezz ta’ appoġġ adatt u miżuri adottati fil-qasam tat-taħriġ u t-taħriġ professjonali mill-ġdid (11) għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-parteċipazzjoni tagħhom b'mod ugwali fil-proċess ta’ tranżizzjoni.

Brussell, 26 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 571 final.

(2)  Opinjoni tal-Kumitat dwar “Ir-regolazzjoni tas-servizzi finanzjarji għat-tkabbir sostenibbli”, relatur: is-Sur Iozia. ĠU C 107, 6.4.2011, p. 21; u Opinjoni tal-Kumitat dwar “It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi - Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ”, relatur: is-Sur Palmieri, ĠU C 107, 6.4.2011, p. 7.

(3)  COM(2011) 571 final, p. 6 u 7.

(4)  COM/2008/0397 final.

(5)  Opinjoni tal-Kumitat dwar “Nibnu ekonomija sostenibbli billi nittrasformaw il-mudell tagħna ta’ konsum”, relatur: is-Sinjura Darmanin, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 57; u Opinjoni tal-KESE (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU) dwar “Il-PDG u lil hinn minnu – l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-għażla ta’ indikaturi komplementari” (opinjoni fuq inizjattiva proprja), relatur: is-Sur Palmieri.

(6)  ĠU C 44, 11.2.2012, p. 57.

(7)  COM/2011/0571 final; u Opinjoni tal-KESE dwar Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar is-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u segwitu tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, relatur: is-Sur Ribbe (Ara paġna 1ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(9)  Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-pożizzjoni tal-KESE dwar it-tħejjija tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20)”, relatur: is-Sur Wilms, ĠU C 143, 22.5.2012 p. 39.

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar Rio+20: lejn l-ekonomija ekoloġika u governanza aħjar, relatur: is-Sur Wilms, ĠU C 376, 22.12.2011, p. 102-109.

(11)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima”, relatur: is-Sur Iozia, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 110.


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/11


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-edukazzjoni dwar l-enerġija” (opinjoni esploratorja)

2012/C 191/03

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar il-11 ta’ Jannar 2012, il-Presidenza Daniża tal-Kunsill tal-UE ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

L-edukazzjoni dwar l-enerġija

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni unanimament.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kummissarju għall-Azzjoni dwar il-Klima Connie Hedegaard qalet: “Ma nistgħux negħlbu l-isfidi tal-iżvilupp globali jekk is-setgħat ekonomiċi dinjija ma jikkunsidrawx mill-ġdid il-mudell ta’ żvilupp tagħhom”.

1.2   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa konxju tar-rwol strateġiku tal-edukazzjoni dwar l-enerġija. Tinħtieġ bidla sostanzjali fl-imġiba biex issir it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, prevista wkoll fil-Pjan direzzjonali għall-2050 tal-Kummissjoni Ewropea. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili hija indispensabbli biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE, b’mod partikolari dak fuq perjodu medju ta’ żmien dwar it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija b’mill-inqas 20 % sal-2020.

1.3   L-għanijiet prinċipali tal-edukazzjoni dwar l-enerġija jikkonċernaw il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u li tintradd lura l-armonija bejn il-bniedem u n-natura. Jinħtieġ nerfgħu r-responsabbiltà li nħarsu ’l quddiem, nifhmu u nantiċipaw il-bżonnijiet tas-soċjetà tal-ġejjieni. Għaddejjin minn żmien estremament importanti u deċiżiv, li fih l-Unjoni Ewropea, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet lokali, l-iskejjel, l-universitajiet, iċ-ċentri tar-riċerka, l-intrapriżi, l-industriji, il-banek, it-trejdjunjins, l-NGOs u l-mezzi tax-xandir huma involuti f’approċċ integrat f’diversi livelli.

1.4   L-esperjenza miksuba mill-NGOs huma u japprofondixxu l-mudelli u l-istrumenti fil-qasam tal-edukazzjoni dwar l-enerġija huma ta’ importanza kbira ħafna. L-iskambji bejn il-korpi professjonali mill-qasam varjat ħafna tal-assoċjazzjonijiet fil-livell lokali u l-għalliema f’livelli differenti tas-sistema edukattiva ser jagħmlu l-edukazzjoni dwar l-enerġija partikolarment effettiva. L-aħjar mod kif nistgħu niksbu riżultati ta’ kwalità għolja huwa li jkun hemm taħlita ta’ prattiki tajbin u esperjenza fit-tagħlim.

1.5   Fil-fehma tal-KESE, jinħtieġ li jiġu żviluppati metodi innovattivi ta’ edukazzjoni, tagħlim u taħriġ li għandhom jiġu kkombinati ma’ metodi eżistenti li taw prova tal-effiċjenza tagħhom. It-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni ser jaqdu rwol fundamentali f’dan il-qasam.

1.6   Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva l-ġdida tas-SET-Plan “Energy Education and Training Initiative”, li tlaqqa’ flimkien korpi mill-qasam akkademiku, mill-istituti tar-riċerka u mill-industrija. Il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat, b’mod partikolari fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni, wasslet għal riżultati eċċellenti u għandha tkompli tiġi appoġġjata fil-ġejjieni. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni ma tonqosx li tappoġġja dawn l-inizjattivi.

1.7   L-edukazzjoni dwar l-enerġija tista’ tgħin biex jissolvew kwistjonijiet marbutin mal-faqar u l-faqar enerġetiku. Iċ-ċittadini kollha għandu jkollhom id-dritt għal enerġija bi prezzijiet raġonevoli.

1.8   Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni adegwata lill-prijorità tal-edukazzjoni dwar l-enerġija, u għandha tiddedika riżorsi adatti fil-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss.

1.9   F’din l-opinjoni, il-KESE jemmen li hemm bżonn dejjem ikbar li l-EDEN jiġi appoġġjat, in-netwerk Ewropew ta’ forums nazzjonali għall-edukazzjoni dwar l-enerġija u l-ambjent, fuq il-bażi ta’ inizjattivi eżistenti fil-livell lokali, nazzjonali, internazzjonali u Ewropew.

2.   Introduzzjoni

2.1   L-edukazzjoni hija waħda mill-fatturi prinċipali fil-bidla fl-imġiba. Din l-opinjoni tenfasizza r-rwol vitali f’dan il-proċess u ssaħħaħ il-kunċett “l-aħjar enerġija hija dik li ma tintużax” (1).

2.2   Fl-2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kien ġa fassal opinjoni esploratorja mitluba mill-Kummissarju għall-Enerġija dwar “Il-ħtieġa tal-edukazzjoni u t-taħriġ għal soċjetà tal-enerġija mingħajr karbonju” (2). Illum il-KESE jtenni r-rakkomandazzjonijiet li għamel f’dik l-opinjoni u jipproponi argumenti oħra fid-dawl tal-iżviluppi li saru minn dak iż-żmien ’l hawn.

2.3   Il-bidla radikali li qed nesperjenzaw bħalissa u li se jesperjenzaw il-ġenerazzjonijiet futuri fil-livell globali tpoġġi t-tema tal-enerġija sostenibbli f’kuntest dejjem iktar rilevanti għall-għażliet politiċi, industrijali, kollettivi u individwali. Dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kważi rivoluzzjonarju, se jwassal għall-ħolqien ta’ sistema li fiha l-użanzi tagħna u l-mod kif naħsbuha ser jinbidlu għalkollox. Iż-żmien li għandna biex niksbu din it-tranżizzjoni huwa limitat u għaldaqstant hija meħtieġa t-tnedija ta’ programmi u inizjattivi fuq perjodu twil ta’ żmien mill-aktar fis possibbli.

2.4   L-enerġija u l-ambjent

2.4.1   L-enerġija dejjem kienet element fundamentali fil-ħajja tal-bniedem. B’mod partikolari, il-bidla radikali fl-istil tal-ħajja u l-konsum taċ-ċittadini kkontribwixxiet għal żieda fid-domanda għall-enerġija. Fid-deċenji li ġejjien, l-Ewropa trid tiffaċċja bosta sfidi relatati mal-enerġija, pereżempju:

il-konvivenza mal-effetti tat-tibdil fil-klima,

iż-żieda u t-tixjiħ tal-popolazzjoni,

il-migrazzjoni;

is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija,

it-tnaqqis fid-dipendenza fuq l-importazzjonijiet,

l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija,

il-ġlieda kontra l-faqar u l-faqar enerġetiku,

il-garanzija ta’ aċċess għall-enerġija għall-konsumaturi kollha (privati u industriji),

il-mobbiltà sostenibbli,

id-diżastri naturali (għargħar, terremoti, maremoti, eċċ.),

l-iskarsezza tar-riżorsi (enerġija, ilma, materja prima),

iż-żieda fid-domanda globali għall-enerġija,

il-promozzjoni tas-sorsi rinnovabbli,

l-ICT (netwerks intelliġenti, eċċ.),

il-fattur uman (edukazzjoni, imġiba/drawwiet),

il-globalizzazzjoni,

is-sikurezza,

il-kompetittività.

2.5   Il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea u l-edukazzjoni dwar l-enerġija

2.5.1   Sabiex tilħaq l-għanijiet prinċipali tal-politika Ewropea fil-qasam tal-enerġija, bħas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, il-kompetittività u s-sostenibbiltà, l-Unjoni Ewropea għandha tikkunsidra bl-akbar reqqa dawn il-fatturi li jirrappreżentaw sfidi futuri u tagħmel it-tibdil meħtieġ.

2.5.2   Għaldaqstant, jeħtieġ li tingħata spinta ġdida lil dan il-proċess. Iċ-ċittadini kollha jridu jkunu konxji mill-kwistjonijiet dwar l-enerġija u r-riskji relatati jekk ma jintlaħqux l-għanijiet stabbiliti. L-edukazzjoni intelliġenti dwar l-enerġija hi ċentrali għall-bidla fl-imġiba, pereżempju fil-qasam tar-radjazzjoni jonizzanti li ġejja mill-iskart radjuattiv u li tista’ tagħmel ħsara lill-bniedem u lill-ambjent (3). Huwa indispensabbli li jitfasslu azzjonijiet speċifiċi għall-azzjonijiet dwar l-enerġija.

3.   L-edukazzjoni dwar l-enerġija – xi konsiderazzjonijiet

3.1   L-edukazzjoni dwar l-enerġija hija waħda mill-istrumenti importanti għall-ħolqien ta’ mudell ġdid ta’ żvilupp sostenibbli u għall-promozzjoni ta’ kultura ġdida. Barra minn hekk, it-trasversalità tas-suġġett titlob approċċ integrat li jinkludi l-aspetti differenti tal-ħajja moderna u tas-soċjetà ċivili li jinvolvi s-setturi kollha (l-agrikoltura, is-servizzi, l-industrija, il-bini) u ċ-ċittadini kollha.

3.2   Illum il-ġurnata, il-ħtieġa ta’ edukazzjoni permanenti, bħala proċess ta’ edukazzjoni tal-individwu li jiżviluppa tul ħajtu kollha, kemm fiż-żmien tal-iskola u anke wara, hija ikbar minn qatt qabel. Il-KESE jenfasizza l-importanza li titfassal triq għall-edukazzjoni intelliġenti dwar l-enerġija li tlaqqa’ flimkien l-aspetti differenti tal-ħajja soċjali, bħall-familja, l-iskola, il-post tax-xogħol u l-istituzzjonijiet kulturali u ta’ rikreazzjoni.

3.3   Imġiba razzjonali u responsabbli teħtieġ interventi sabiex jiġi ffaċilitat, inkoraġġut u msaħħaħ użu iktar effiċjenti tal-enerġija. Hija meħtieġa informazzjoni ċara, kredibbli u li tinftiehem sewwa u, b’mod partikolari, aċċessibbli dwar teknoloġiji li jeħtieġu l-użu tal-enerġija. L-edukazzjoni taqdi rwol vitali bħala prerekwiżit indispensabbli sabiex ikun hemm kunsens ġenerali fost il-pubbliku dwar il-leġislazzjoni dwar l-iffrankar tal-enerġija u l-miżuri dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri individwali.

3.4   L-edukazzjoni dwar l-enerġija trid tibda min-nursery school u l-primarja. It-tfal huma konxji mit-temi marbuta mal-enerġija u jħaddnu malajr ideat u drawwiet ġodda. Dawn jistgħu jinfluwenzaw il-viżjoni u l-azzjonijiet tal-ġenituri u tan-nies madwarhom. L-istudenti tal-lum se jkunu l-ħaddiema, l-impjegati, l-għalliema, l-inġiniera, il-periti, il-politiċi u l-intraprendituri ta’ għada. Id-deċiżjonijiet li ser jieħdu tul ħajjithom jinfluwenzaw b’mod drastiku l-użu tar-riżorsi tas-soċjetà tagħna.

3.5   It-temi dwar l-aspetti kollha relatati mal-enerġija u t-tibdil fil-klima għandhom jiġu inklużi fil-kurrikuli tal-Istati Membri kollha, mill-iskola primarja u sekondarja, kif ukoll l-università u mbagħad l-ispeċjalizzazzjoni. Hija ta’ importanza fundamentali li ż-żgħażagħ tal-lum jitħarrġu fil-professjonijiet il-ġodda. L-edukazzjoni dwar l-enerġija tista’ tipprovdi kompetenzi prattiċi li jistgħu jiġu applikati għar-rekwiżiti futuri tas-settur tal-enerġija u għaldaqstant jiġi megħjun il-ħolqien tal-impjiegi fuq perjodu qasir u twil ta’ żmien.

3.6   Il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija u t-teknoloġiji l-ġodda ta’ dan is-settur jippreżentaw sfidi ġodda għall-konsumaturi li s’issa akkwista l-enerġija mingħand intrapriżi monopolistiċi. L-edukazzjoni u t-taħriġ dwar l-enerġija għandhom jinkludu kunċetti oħra, pereżempju: “Kif jistgħu jintużaw miters intelliġenti b’tali mod li tiġi ffrankata l-enerġija?”, “X’inhuma d-drittijiet tal-konsumatur u l-obbligi meta jiġi ffirmat kuntratt ma’ fornitur tal-enerġija?”, “Kif tiġi kkalkulata l-marka tal-karbonju tagħna?” u “l-ekotikketta”. Is-sejbiet tal-proġett Dolceta (www.dolceta.eu) kienu estremament importanti u l-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li ma jinħlewx, iżda li jibqgħu viżibbli għall-pubbliku inġenerali.

3.7   L-edukazzjoni dwar l-enerġija tkompli anke barra l-iskola. It-tfal u ż-żgħażagħ jistgħu jinfluwenzaw il-komunità soċjali kollha permezz tal-familja u l-ħbieb u b’dan il-mod l-adulti jiġu sensibilizzati dwar l-adozzjoni ta’ drawwiet tajbin. Sabiex jinkisbu riżultati sinifikanti għaldaqstant huwa importanti ħafna li jkun hemm kontinwità fl-azzjoni edukattiva u li tkun garantita liċ-ċittadini kollha. Tajjeb li wieħed jestendi u jsaħħaħ ħafna t-taħriġ sabiex tintlaħaq firxa wiesgħa ta’ persuni, adulti u professjonisti (pereżempju inġiniera, periti u dawk li jfasslu l-opinjoni pubblika). Hija meħtieġa wkoll politika mmirata fil-qasam tat-taħriġ tal-persunal li jħarreġ.

3.8   Il-proċess ta’ tagħlim huwa kumpless ħafna. Hemm bosta partijiet interessati involuti fil-proċess, kull parti bi rwoli prinċipali differenti. Il-KESE jenfasizza l-importanza li, għal kull grupp ta’ riferiment, jiġi eżaminat l-aħjar metodu ta’ edukazzjoni u għaldaqstant it-tfassil ta’ programmi edukattivi u ta’ taħriġ adatti filwaqt li jitqiesu l-età, is-sess, id-differenzi kulturali u l-livell ta’ taħriġ. Għandhom jiġu eżaminati u żviluppati, bi prudenza, mezzi ġodda bħan-netwerks soċjali.

4.   Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea

4.1   L-Unjoni Ewropea tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kwalità tat-tagħlim u tat-taħriġ, filwaqt li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk meħtieġ, tappoġġja u tintegra l-attivitajiet tagħhom (Artikoli 149 u 150 tat-Trattat). Flimkien mal-bżonn kroniku li jogħlew l-istandards edukattivi fl-oqsma kollha, l-Unjoni Ewropea għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-ħtieġa ta’ għarfien u ħiliet fis-settur tal-enerġija. Is-sit tal-internet www.energy.eu diġà jipprovdi kontribut importanti. L-Ewropa teħtieġ xjenzati tal-kimika li jaħdmu fil-qasam tal-ġbir tal-enerġija solari u ta’ inġiniera li jfasslu u jibnu netwerks intelliġenti, u mhux hekk biss. Barra minn hekk, fil-livell Ewropew għandu jiġi evitat li nagħmlu bħan-nagħaġ ta’ Bendu,bħalma ġara fil-każ tas-sussidji fuq il-produzzjoni tal-bijokarburanti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li wasslu għal effetti mhux mixtieqa, l-istess bħall-każ tal-kultivazzjoni tal-jatropha, pjanta oleaġinuża spontanja li tikber fid-deżert, f’ċerti pajjiżi Afrikani.

4.1.1   Għall-KESE huwa fundamentali li, fl-ambitu tat-tfassil tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss, il-Kummissjoni tqis l-edukazzjoni dwar l-enerġija bħala parti integrali mill-istrateġija Ewropea sabiex jintlaħqu l-għanijiet fil-qasam tal-enerġija u tal-klima li l-Unjoni stabbilixxiet għall-2020 u għall-2050.

4.2   Ir-rwol tal-amministrazzjonijiet pubbliċi

4.2.1   Abbażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-edukazzjoni hija settur fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, li jerfgħu r-responsabbiltà sħiħa tal-kontenut u l-organizzazzjoni tas-sistemi tagħhom ta’ edukazzjoni u taħriġ. Il-Gvernijiet tal-Istati Membri għandhom iħeġġu l-parteċipazzjoni tal-atturi soċjali kollha tas-soċjetà fid-definizzjoni tal-prijoritajiet u fil-ħolqien ta’ programmi ddedikati għall-enerġija. Barra minn hekk, għandhom jissorveljaw l-informazzjoni u jagħmlu disponibbli għadd ta’ strumenti lill-konsumatur, pereżempju siti tal-internet sabiex jitqabblu l-prezzijiet u/jew fejn tinkiseb informazzjoni aġġornata dwar diversi aspetti dwar l-enerġija.

4.2.2   L-amministrazzjoni pubblika trid tagħti eżempju tajjeb. Ir-reġjuni, flimkien mal-provinċji u l-entitajiet lokali, għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni effikaċi tal-attivitajiet sabiex jagħtu kontribut għall-bini ta’ kultura mifruxa dwar l-iffrankar tal-enerġija. L-għarfien dwar il-bidla meħtieġa, it-tekniki għal enerġija effiċjenti u l-użu tas-sorsi rinnovabbli jrid isir patrimonju taċ-ċittadini kollha. Għal din ir-raġuni, flimkien mal-interventi leġislattivi u tekniċi, l-istituzzjonijiet iridu jfasslu azzjonijiet mifruxa ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni maħsuba għaċ-ċittadini kollha, l-intrapriżi u l-assoċjazzjonijiet f’din il-kategorija. F’dan il-qasam, il-KESE jagħti eżempju permezz tal-programm intern tiegħu EMAS (Eco-Management and Audit Scheme), li bis-saħħa tiegħu kiseb l-ogħla livell taċ-ċertifikazzjoni li tagħti l-Aġenzija għall-Ambjent tar-Reġjun ta’ Brussell (IBGE “Ecodynamic Enterprise label”).

4.3   Ir-rwol tal-iskejjel

4.3.1   Ħafna mill-ideat u l-għarfien tagħna jiġu mill-iskola. Illum l-iskola hi mibnija fuq sistema tradizzjonali ta’ tagħlim li għandha xi nuqqasijiet fil-livell nazzjonali. Ħlief għal ftit eċċezzjonijiet, ma jeżistux programmi ddedikati għall-edukazzjoni dwar l-enerġija u l-ambjent u ta’ sikwit ma hemmx għalliema b’taħriġ formali adegwat dwar dawn is-suġġetti. Għal din ir-raġuni u oħrajn, l-iskejjel tal-futur għandhom joffru l-opportunità li jiġi intensifikat l-għarfien dwar l-iffrankar tal-enerġija, l-enerġija, ix-xjenza, l-ambjent u l-klima, u b’hekk jikkontribwixxu għas-sensibilizzazzjoni dwar is-suġġett tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-istudenti jingħataw kompetenzi soċjali u analitiċi bil-għan li jkunu jistgħu jagħmlu valutazzjoni razzjonali li twassal għal bidla fl-imġiba fil-futur. L-għarfien dwar l-enerġija u l-ambjent jista’ jiġi inkluż fost il-ħiliet prinċipali tal-qafas ta’ referenza Ewropew għat-tagħlim tul il-ħajja. L-għalliema jaqdu rwol deċiżament importanti u jeħtieġu materjal edukattiv adattat għal-livell ta’ tagħlim u s-suġġett mgħallem. L-użu ta’ riżorsi aġġornati u d-definizzjoni ta’ attivitajiet ta’ taħriġ adegwati u ta’ appoġġ għall-għalliema għandhom jiġu inklużi f’kull programm edukattiv. L-universitajiet jaqdu rwol fundamentali, kif previst fil-proċess ta’ Bolonja li, fost l-għanijiet tiegħu, jistabbilixxi t-twaqqif ta’ organizzazzjoni edukattiva li dejjem tirrifletti iżjed mill-qrib ir-ritmu mgħaġġel dinji u l-interessi tal-Komunità, bil-għan li tiżgura, min-naħa tagħha, li l-kwalifiki jiġu riflessi aħjar fis-suq tax-xogħol fi ħdan iż-żona Ewropea kollha.

4.4   Ir-rwol tal-intrapriżi

4.4.1   Is-sħubija bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u l-intrapriżi, li kienet appoġġjata mill-KESE fl-2009 (4), għandha rwol fundamentali importanti. Bis-saħħa tal-flessibbiltà tipika tas-setturi professjonali, u b’mod partikolari tal-SMEs, is-sħubija tista’ tkun waħda mir-riżorsi prinċipali għall-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol fi żmien ta’ kriżi u tagħti spinta qawwija lill-iżvilupp tal-ispirtu intraprenditorjali u l-kreattività. Ir-riċerka u l-iżvilupp għandhom ikunu parti integrali f’din is-sħubija b’tali mod li jiffavorixxu t-trasferiment rapidu tat-teknoloġiji l-ġodda. Il-professjonisti (inġiniera, periti, eċċ.) għandhom jiġu edukati b’mod permanenti dwar l-iżviluppi l-ġodda tas-settur rilevanti. Għandhom isiru wkoll seminars speċjalizzati fil-post tax-xogħol dwar kif tiġi ffrankata l-enerġija.

4.5   Ir-rwol tal-banek

4.5.1   Ir-rwol tas-settur bankarju huwa importanti ħafna għall-ekonomija u s-soċjetà. Il-banek huma preżenti f’ħafna mill-fażijiet tal-ħajja ta’ kuljum tal-persuni u, minbarra li huma intermedjarji finanzjarji, għandhom ikunu wkoll intermedjarji ta’ fiduċja. Permezz tal-għoti ta’ self b’imgħax baxx, flimkien ma’ informazzjoni adegwata, jistgħu jappoġġjaw l-attivitajiet marbuta mal-edukazzjoni dwar l-enerġija u l-ambjent, billi jiffaċilitaw l-investiment ekoloġiku f’għadd ta’ setturi tal-ekonomija (bini, trasport, eċċ.).

4.6   Ir-rwol tat-trejdjunjins

4.6.1   L-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins jistgħu jagħtu kontribut kbir għat-twettiq ta’ proċess li fih l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali huma strumenti ta’ pjan uniku ta’ ċiviltà u żvilupp sostenibbli. L-ekonomija ekoloġika, pereżempju, teħtieġ persunal kwalifikat li hu kapaċi jadatta ruħu skont il-bidliet li jġibu magħhom l-iżvilupp teknoloġiku, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Anke fil-livell tal-imġiba individwali, ir-rwol tat-trejdjunjins jista’ jkun wieħed strateġiku permezz ta’ azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-membri nnifishom, possibbilment ta’ natura kuntrattwali, li jippremjaw l-imġiba tajba u l-iffrankar tal-enerġija miksub. Il-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins f’dan il-qasam tista’ tagħti riżultati sostanzjali.

4.7   Ir-rwol tas-soċjetà ċivili (NGOs)

4.7.1   L-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-organizzazzjonijiet ambjentalisti għandhom rwol importanti ħafna meta titqies il-funzjoni straordinarja li jwettqu fit-trasferiment tal-kompetenzi u l-għarfien. Dawn għandhom jiġu involuti fis-sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjonijiet tal-konsum u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-livelli kollha: programmazzjoni, tfassil, deċiżjoni dwar il-kontenut, tqassim tal-informazzjoni, suġġerimenti, tixrid, valutazzjoni tar-riżultati.

4.7.2   L-NGOs għandhom ikunu l-interlokuturi naturali tal-awtoritajiet nazzjonali u għandhom jiġu appoġġjati fl-azzjonijiet ta’ edukazzjoni tagħhom, li l-benefiċċji tagħhom jinħassu mis-soċjetà kollha. Programmi ta’ edukazzjoni informali, komunikazzjoni mal-għalliema, l-organizzazzjoni ta’ żjajjar edukattivi fil-post, mini campuses speċjalizzati, pubblikazzjonijiet adegwati għal kull età huma lkoll attivitajiet li għandhom jingħataw lill-organizzazzjonijiet attivi u esperti fil-qasam tal-edukazzjoni dwar l-enerġija.

4.8   Ir-rwol tal-mezzi tax-xandir u tan-netwerks soċjali

4.8.1   Il-mezzi tax-xandir jaqdu rwol strateġiku u siewi fit-tixrid ta’ informazzjoni korretta u fil-forniment ta’ edukazzjoni tal-massa għall-etajiet kollha. Il-messaġġi fil-programmi li jindirizzaw suġġetti marbutin mal-enerġija u l-ambjent għandhom dejjem ikunu ta’ ċertu kalibru xjentifiku u newtrali mill-perspettiva kulturali. Il-kontenut tal-informazzjoni pprovduta għandu jkun suġġett għal analiżi rigoruża qabel ma jiġu użati l-għodod tal-mezzi tax-xandir, b’mod partikolari t-televiżjoni. L-interessi preżenti fl-oqsma tal-ambjent u tal-enerġija huma enormi u jistgħu jinfluwenzaw, f’naħa jew oħra, il-persuni li ma għandhomx l-għarfien jew l-għodod konoxxittivi u kritiċi biex jagħmlu valutazzjoni ġusta tal-informazzjoni li jirċievu.

4.8.2   In-netwerks soċjali jaqdu rwol daqstant importanti u delikat, fid-dawl tal-fatt li huma maħsuba l-iżjed għaż żgħażagħ, li jemozzjonaw ruħhom faċilment u għandhom it-tendenza li jiddedikaw ruħhom bis-sħiħ għal kwistjonijiet tant importanti. Kull min juża dawn il-mezzi għandu jirrispetta kodiċi ta’ mġiba u jaqbel li jiġi “ssorveljat” u, f’każ ta’ bżonn, jibdel l-informazzjoni li tkun ambigwa jew preġudikata.

4.8.3   Ma hemm l-ebda dubju li, fil-ġejjieni, dawn l-istrumenti ser isiru dejjem iżjed importanti. (Illum il-ġurnata, hemm iżjed persuni msieħba f’netwerks soċjali minn kemm kien hemm nies jgħixu fid-dinja fil-bidu tas-Seklu 20). L-ammont kbir ta’ informazzjoni disponibbli ser jibdel il-lingwaġġ u t-tipi tal-informazzjoni. L-edukazzjoni ser tintlaqat minn dan it-tibdil, u jeħtieġ li nitgħallmu nsarrfu l-messaġġi multidimensjonali u kumplessi f’messaġġi konċiżi u sempliċi li jkunu aċċessibbli għal kulħadd. http://en.wikipedia.org/wiki/List_of_social_networking_websites.

5.   Il-prijoritajiet tal-Kumitat

Il-KESE huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-prijoritajiet li ġejjin:

5.1

Konvivenza mal-effetti tat-tibdil fil-klima, l-adattament u l-bżonn ta’ profili professjonali adegwati. Teżisti evidenza tat-tibdil fil-klima fid-dawl ta’ provi xjentifiċi u hija rikonoxxuta fil-livell globali. Xi avvenimenti, bħall-għargħar, se jkollhom influwenza dejjem ikbar. L-adattament għal dawn il-fenomenti se jkun aspett kruċjali għas-sopravivenza tagħna. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ professjonisti adatti jista’ jipperikola serjament li jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea fuq perjodu qasir, medju u twil ta’ żmien.

5.2

Effiċjenza fl-użu tal-enerġija. L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija qiegħda fil-qalba tal-Istrateġija Ewropa 2020. L-effetti kollha flimkien tal-implimentazzoni bis-sħiħ tal-miżuri eżistenti u dawk ġodda se jittrasformaw il-ħajja ta’ kuljum tagħna u, skont il-Kummissjoni, jistgħu jiġġeneraw iffrankar ta’ EUR 1 000 fis-sena għal kull unità domestika; itejbu l-kompettività industrijali tal-Ewropa; joħolqu sa 2 miljun impjieg; u jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’740 miljun tunnellata fis-sena (5). Ix-xerrejja kollha tal-enerġija jaqdu rwol importanti biex isostnu dan il-proċess, Jeħtieġ li llkoll kemm aħna, inklużi l-adulti, nibdlu l-imġiba tagħna, u għalhekk hemm bżonn li tingħata informazzjoni adegwata u affidabbli dwar l-enerġija.

5.3

Ġlieda kontra l-faqar u l-faqar enerġetiku. Il-ġlieda kontra l-faqar u l-faqar enerġetiku huma prijoritajiet li jridu jiġu indirizzati fil-livelli kollha. Il-prezzijiet tal-karburanti fossili prinċipali għadhom qed jogħlew u jidher li din it-tendenza ser tissokta fis-snin li ġejjin. Sakemm ma tittiħidx azzjoni effettiva minnufih, l-għadd ta’ konsumaturi vulnerabbli wkoll ser jibqa’ jiżdied b’mod konsiderevoli (6).

5.4

Garanzija ta’ aċċess għall-enerġija għall-konsumaturi kollha (privati u industriji). L-enerġija hija risors komuni li għandu rwol ċentrali sabiex jiġi garantit il-benesseri ekonomiku ta’ Stat partikolari. Huwa ta’ importanza fundamentali li tiġi garantita d-disponibbiltà tal-enerġija bi prezzijiet raġonevoli li ma jvarjawx ħafna u b’mod mhux prevedibbli fis-snin li ġejjin u b’hekk jiġi garantit aċċess għall-enerġija għaċ-ċittadini u l-konsumaturi kollha.

5.5

Mobbiltà sostenibbli. Il-bżonn dejjem jikber li jiġu ttrasportati persuni u oġġetti jaggrava l-periklu tat-tniġġis u l-konġestjoni, speċjalment fiż-żoni urbani. Jeħtieġ li tiġi żviluppata forma ta’ mobbiltà li tkun sostenibbli, li tirrispetta l-ambjent u tkun effiċjenti fl-użu tal-enerġija. L-aspett tal-komodalità huwa importanti ħafna f’dan is-settur.

5.6

Skarsezza tar-riżorsi (enerġija, ilma, materja prima). Iż-żieda fil-popolazzjoni tad-dinja minn 6 biljuni għal 9 biljuni ser tintensifika l-kompetizzjoni globali għar-riżorsi naturali, u tagħmel pressjoni fuq l-ambjent (7). Għaldaqstant, is-salvagwardja tar-riżorsi fundamentali, bħall-arja, l-ilma, l-art, il-foresti u l-ikel, hija fattur essenzjali għall-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta’ ekonomija moderna.

5.7

L-ICT. Illum il-ġurnata, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni huma parti integrali mis-soċjetà tal-informazzjoni u tal-għarfien. Pereżempju, it-tqassim intelliġenti tal-enerġija bi prezzijiet ekonomikament sostenibbli ser jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tibdil fl-imġiba tal-ġenerazzjonijiet futuri.

6.   Xi esperjenzi…

6.1   Hemm bosta inizjattivi u prattiki tajbin fl-Ewropa u fid-dinja dwar l-attività edukattiva sabiex titħeġġeġ l-edukazzjoni dwar l-enerġija u l-protezzjoni tal-ambjent, spiss marbuta mat-tnaqqis tal-gassijiet li jniġġsu.

6.2   Il-proġett Défi Énergie, ikkoordinat minn Bruxelles Environnement bħala parti mill-kampanja Sustainable Energy Europe, jinvolvi madwar 4 000 persuna f’1 400 familja, bit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 ekwivalenti għal tunnellata fis-sena, jew EUR 380 inqas fil-kont tal-enerġija (www.ibgebim.be).

6.3   Il-Fondazzjoni Taljana Carlo Collodi nediet il-proġett “Pinocchio ripensa il mondo” maħsub għat-tfal tal-primarja u mqassam fi tliet fażijiet: ġbir divrenzjat tal-iskart, iffrankar tal-enerġija u għażliet etiċi marbutin mas-sostenibbiltà. (http://www.pinocchio.it/fondazionecollodi/).

6.4   Il-Fondazzjoni Internazzjonali Yehudi Menuhin, permezz tal-programm tagħha MUS-E® Arts at School, li jiffoka fuq l-użu tal-arti – mużika, żfin, kant, teatru u arti viżivi – tiżviluppa proċessi ġodda ta’ tagħlim. Il-proġett huwa attiv fi 11-il pajjiż b’1 026 artist li jaħdmu ma’ 59 189 tifel u tifla f’623 skola primarja. (www.menuhin-foundation.com/).

6.5   Il-Forum Spanjol għad-djalogu soċjali dwar it-taħlita enerġetika (Spanish Energy Mix Forum, SEMF) hu miftuħ għall-atturi fil-qasam tal-enerġija u jorganizza dibattiti dwar is-sorsi diversi tal-enerġija fi Spanja. (http://www.semforum.org/).

6.6   L-Università Mediterranja tas-Sajf (UMET) dwar l-enerġija sostenibbli fil-Mediterran tinvolvi l-universitajiet ta’ Franza, l-Italja, il-Portugall, Spanja, il-Greċja, u anke l-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija, l-Eġittu, it-Turkija, eċċ. Fis-snin li ġejjin, din l-università beħsiebha testendi l-attivitajiet tagħha għal bliet oħra. (http://www.ome.org/index.php).

6.7   “La Belle Verte” huwa film tal-1996 dirett minn Coline Serreau li jittratta l-problemi tad-dinja tal-Punent, pereżempju l-pass frenetiku tal-ħajja, l-abbuż tal-poter, it-tniġġis jew l-isfruttament bla rażan tar-riżorsi naturali u l-art. (http://www.youtube.com/watch?v=TTvoZkHugr0).

6.8   Il-programm Enerġija Intelliġenti għall-Ewropa tal-Kummissjoni ilu jappoġġja proġetti fil-qasam tal-edukazzjoni dwar l-enerġija sa mill-2004. Fost proġetti oħrajn, insibu KidsCorner, U4energy, Flick the Switch, Kids4future, Rainmakers, Young Energy People u My Friend Boo. Rigward it-taħriġ professjonali għas-settur tal-bini, ta’ min insemmu l-proġett BUILD UP Skills. (http://ec.europa.eu/energy/intelligent/).

6.9   My Friend Boo, serje animata simpatika appoġġjata mill-programm IEE li hu l-ewwel fit-tip tiegħu fl-Ewropa, għandha l-għan li tgħin liż-żgħażagħ jifhmu suġġetti bħall-enerġija, it-tibdil fil-klima, l-ambjent, il-konservazzjoni u s-saħħa: http://www.myfriendboo.com/.

6.10   Inizjattivi oħra f’livell Ewropew jinkludu l-Patt tas-Sindki, b’iktar minn tlett elef belt firmatarja. Sa mill-bidu nett, il-KESE appoġġja t-tixrid ta’ dan l-istrument fl-ikbar numru ta’ komuni Ewropej possibbli (8). Concerto, Civitas u l-inizjattiva ġdida “Bliet intelliġenti u komunitajiet intelliġenti” huma strumenti għall-iskambju ta’ prattiki tajbin fil-qasam tat-trasport sostenibbli u għall-użu adatt u intelliġenti tal-enerġija. L-inizjattiva SET-Plan Energy Education and Training Initiative tipprovdi valur miżjud importanti lill-proġett kollu tas-SET-Plan.

6.11   Fil-livell internazzjonali, ġa tnedew bosta inizjattivi bħan-NEED (National Energy Education Development Project), netwerk ta’ studenti, għalliema, impriżi, gvernijiet u komunitajiet, li bdiet xi 30 sena ilu fl-Istati Uniti (http://www.need.org/); il-programm “Energy Education and Workforce Development” tad-dipartiment tal-enerġija fl-Istati Uniti (http://www1.eere.energy.gov/education/); is-sit EnergyQuest dedikat għall-edukazzjoni dwar l-enerġija (http://www.energyquest.ca.gov/).

7.   Seduta pubblika rigward l-edukazzjoni dwar l-enerġija

7.1   Matul is-seduta pubblika organizzata mill-KESE, ġew preżentati bosta esperjenzi interessati ġodda fil-qasam tal-edukazzjoni dwar l-enerġija u l-ambjent.

7.2   Rappreżentanti tal-EACI, l-EU-ASE (European Alliance to Save Energy), il-Fondazzjoni Carlo Collodi, il-Fondazzjoni Yehudi Menuhin, Solvay, is-CIRCE, il-Business Solutions Europa u n-netwerk ELISAN, u r-rappreżentant tad-DĠ tal-Enerġija tal-Patt tas-Sindki, kull wieħed minnhom bil-fehmiet speċifiċi tagħhom, enfasizzaw bil-qawwa n-natura fundamentali ta’ din il-kwistjoni.

7.3   Fost is-suġġetti indirizzati fid-dibattitu nsibu r-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, it-tħejjija ta’ persunal tekniku u gradwati fid-dixxiplini tax-xjenza, il-bżonn li tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-universitajiet, ir-riċerka u l-industrija, il-prijorità li għandhom jagħtu l-awtoritajiet pubbliċi lill-ġlieda kontra l-faqar u l-faqar enerġetiku, il-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali biex jiżviluppaw inizjattivi u jissensibilizzaw il-pubbliku dwar l-użu intelliġenti u sostenibbli tal-enerġija u l-istrumenti innovattivi użati fit-taħriġ ekstrakurrikulari, kemm dak informali kif ukoll dak formali.

7.4   Wieħed mis-suġġerimenti li tqajmu jikkonċerna l-bżonn li tiġi adottata sistema unika u li tinftiehem sewwa għall-valutazzjoni tal-enerġija, pereżempju permezz tal-użu tal-EUR/MWh bħala unità ta’ kejl għall-prodotti kollha li jikkunsmaw l-enerġija, sabiex titkejjel immedjatament il-kosteffiċjenza tagħhom.

7.5   Il-kwalità tal-informazzjoni u tal-kontenut tal-edukazzjoni hija estremament importanti. Jeżisti l-periklu reali li din tista’ tiġi manipulata b’mod li tħares l-interessi pjuttost milli tagħti lok għal għażliet infurmati. Għalhekk, jeħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu attenzjoni partikolari sabiex jiżguraw l-indipendenza u l-korrettezza tal-proċessi informattivi u edukattivi.

7.6   Wieħed mill-iżjed punti importanti jikkonċerna d-diffikultà li l-materjal edukattiv dwar l-enerġija jiġi integrat b’mod sistematiku fil-kurrikuli tal-iskejjel minħabba nuqqas ta’ ħin, programmi intensivi wisq u prijoritajiet diversi.

8.   EDEN: in-netwerk Ewropew tal-edukazzjoni dwar l-enerġija u l-ambjent. Il-Protokoll KESE-Fondazzjoni Nazzjonali Carlo Collodi

8.1   L-EDEN, in-netwerk Ewropew ta’ forums nazzjonali għall-edukazzjoni dwar l-enerġija u l-ambjent, kif ġa kien propost fl-opinjoni esploratorja “Il-ħtieġa tal-edukazzjoni u t-taħriġ għal soċjetà tal-enerġija mingħajr karbonju”, jista’ jgħin sabiex jitneħħew in-nuqqasijiet eżistenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE għall-iffrankar tal-enerġija b’mill-inqas 20 %, sabiex jikkontribwixxi għall-kisba tal-viżjoni Ewropea għall-2050 ta’ ekonomija bbażata fuq użu effiċjenti tar-riżorsi u emissjonijiet baxxi tal-karbonju u għat-tisħiħ tal-indipendenza mill-enerġija u s-sigurtà tal-provvista.

8.2   Sabiex il-proposti fl-opinjoni jiġu implimentati b’mod konkret u sabiex jiġi appoġġjat it-twaqqif ta’ netwerk Ewropew, il-KESE u l-Fondazzjoni Collodi ffirmaw protokoll ta’ kooperazzjoni fis-26 ta’ Marzu 2010 li fih impenjaw ruħhom b’mod reċiproku li jwettqu ħidma komuni. Pinokkju, il-personaġġ magħruf universalment fil-ktieb ta’ Carlo Collodi, intgħażel bħala maskot u testimonjal tal-inizjattiva.

8.3   Dan in-netwerk Ewropew, ibbażat fuq l-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-edukazzjoni dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u l-ambjent, jaħdem bħala mezz għat-tixrid, fil-livell nazzjonali, ta’ programmi u materjal adatti, sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-enerġija nadifa, l-użu iżjed effiċjenti tar-riżorsi naturali kollha, u jiġu żgurati standards għoljin dwar il-protezzjoni ambjentali fil-kurrikuli tal-iskejjel nazzjonali.

8.4   Sal-lum il-ġurnata, għadd ta’ organizzazzjonijiet issieħbu f’dan in-netwerk. Minbarra l-KESE u l-Fondazzjoni Nazzjonali Carlo Collodi (IT), li huma membri fundaturi, dawn li ġejjin huma attwalment imsieħba fin-netwerk: il-Fondazzjoni Terra Mileniul III (RO), l-Arene île-de-France (FR), Les Péniches du Val de Rhône (FR), il-Muniċipalità tal-Groenlandja (il-Groenlandja), il-Climate Action Network (RO), il-Mosaic Art and Sound (UK), l-Art for Green Life (UK/BE), is-CECE (ES), l-Intercollege (CY), il-Business Solutions Europa (BE), l-EU-ASE (BE), is-CIRCE (ES) u l-Fondazzjoni Menuhin (BE).

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 54-59.

(2)  GU C 277, 17.11.2009, p. 15.

(3)  GU C 218, 23.7.2011, p. 136.

(4)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 9-13.

(5)  COM(2011) 109 final.

(6)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 53.

(7)  COM(2010) 2020 final.

(8)  ĠU C 10, 15.1.2008, p. 22


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/18


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-industrija tal-pubblikazzjoni tal-kotba u l-bidliet li għaddejja minnhom” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 191/04

Relatur: is-Sinjura ATTARD

Korelatur: is-Sinjura VAN LAERE

Nhar l-14 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-industrija tal-pubblikazzjoni tal-kotba u l-bidliet li għaddejja minnhom

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ April 2012. Ir-relatur kienet is-Sinjura Attard u l-korelatur kienet is-Sinjura Van Laere.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu, li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’156 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-industrija tal-pubblikazzjoni tal-kotba għaddejja minn proċess li qed jevolvi ta’ modernizzazzjoni li jġib miegħu konsegwenzi importanti fl-era diġitali.

1.2   Il-KESE jenfasizza li fil-livell tal-UE, għandha tkun prijorità immedjata l-analiżi ġenerali tar-rwol tal-industrija tal-pubblikazzjoni tal-kotba fl-iżvilupp soċjali, ekonomiku, kulturali, xjentifiku u artistiku tal-Ewropa, filwaqt li jiġu indirizzati d-drittijiet u l-ħtiġijiet ta’ partijiet interessati oħrajn, inklużi l-bejjiegħa tal-kotba, l-awturi, ix-xjentisti, l-illustraturi, l-industriji tal-istampar u alleati, il-libreriji u organizzazzjonijiet tad-drittijiet tar-riproduzzjoni u l-konsumaturi. L-industrija tal-pubblikazzjoni għandha tiġi inkluża mill-Kummissjoni Ewropea fil-ġabra sħiħa tal-industriji kulturali u kreattivi hija u tirrifletti dwar strateġiji għall-Ewropa Diġitali.

1.3   Il-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi indirizzata l-ħtieġa għal leġislazzjoni u politiki tal-UE adegwati li jkollhom impatt fuq l-industrija tal-pubblikazzjoni: il-proprjetà intellettwali (b’mod partikolari d-dritt tal-awtur) u l-infurzar tagħha, it-tassazzjoni, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-politiki kulturali.

1.4   Il-KESE jtenni l-ħtieġa li fil-livell tal-UE tiġi eliminata s-sistema diskriminatorja attwalment fis-seħħ kemm fl-UE – fejn il-verżjonijiet onlajn tal-istess prodotti kulturali bħalissa qed jiġu intaxxati b’rati standard, li joħloq distorsjoni mhux iġġustifikata bejn il-kontenut komparabbli – u meta mqabbla mal-Istati Uniti fejn il-pubblikazzjoni onlajn hija ħielsa mit-taxxi u għalhekk toħloq kundizzjonijiet mhux ekwivalenti u kompetizzjoni inġusta.

1.5   Il-KESE jemmen li, b’konformità mal-pjan Ewropew tal-istampar, is-settur tal-istampar għandu jiġi inkoraġġut jibdel il-mudelli ekonomiċi u teknoloġiċi li kkaratterizzaw l-iżvilupp tiegħu, billi jieħu postu fil-qalba tal-ġestjoni u tad-distribuzzjoni tal-informazzjoni, minflok ma jkun limitat għar-rwol ta’ fornitur tas-servizzi.

1.6   Il-KESE jtenni li għandu jitwaqqaf Osservatorju fil-livell Ewropew biex ikejjel il-ħiliet li ser ikollu bżonn is-settur tal-istampar fil-futur sabiex jinkoraġġixxi t-taħriġ professjonali, il-bidla fil-karrieri u t-taħriġ mill-ġdid permezz ta’ finanzjament pubbliku għas-settur speċjalment permezz tal-FSE, il-FEŻR u l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni, inkluża r-riċerka permezz tas-Seba’ Programm Kwadru u l-inizjattiva Orizzont 2020 sabiex l-industrija tal-istampar tibqa’ kompetittiva.

1.7   Il-KESE jenfasizza li l-governanza tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) hija kruċjali sabiex il-kultura, ix-xjenza u l-arti Ewropea kif ukoll il-kwalità tal-ħajja li jgawdu ċ-ċittadini Ewropej jiffjorixxu, barra milli hija fattur ewlieni għall-innovazzjoni teknoloġika u kummerċjali.

1.8   Il-Kumitat jemmen li jekk il-konsumaturi jingħataw ambjent diġitali sigur, inkluż il-kontroll effettiv tad-data personali u l-privatezza tagħhom, is-swieq diġitali ser jaħdmu għall-benefiċċju tal-utenti.

1.9   Il-Kumitat jenfasizza l-obbligi soċjali u ekonomiċi waqt l-indirizzar tal-bidla diġitali b’tali mod li jiġi żgurat li l-akbar numru possibbli ta’ persuni f’kull Stat Membru jkunu jistgħu jgawdu mir-rivoluzzjoni diġitali.

1.10   Il-KESE jenfasizza li għandu jiġi żgurat xogħol deċenti għall-ħaddiema, inklużi l-ħaddiema indipendenti u l-ħaddiema li jwettqu xogħol esternalizzat, u dan għandu jkun is-suġġett ta’ djalogu soċjali u ta’ ftehimiet kollettivi fil-livell nazzjonali u Ewropew.

1.11   L-adozzjoni ta’ standards elettroniċi miftuħa u interoperabbli hija essenzjali sabiex tiżdied il-kompetizzjoni u tipprevjeni l-għeluq tas-swieq u l-ħolqien ta’ pożizzjonijiet dominanti.

1.12   Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ suq uniku aktar integrat għas-servizzi fl-Istrateġija Ewropa 2020 (1) biex l-atturi u l-partijiet interessati kollha fl-industrija tal-pubblikazzjoni tal-kotba jikbru u joħolqu impjiegi.

1.13   Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-professjonisti fl-oqsma tal-pubblikazzjoni u tal-istampar biex jissoktaw bl-isforzi tagħhom favur mudell aktar parteċipattiv, u biex jorganizzaw lilhom innifishom f’qafas komuni trasparenti li bis-saħħa tiegħu tkun tista’ toħroġ aktar ir-rabta bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali, teknoloġiċi u ambjentali.

1.14   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tniedi djalogu strateġiku mal-industrija Ewropea tal-pubblikazzjoni sabiex tasal għal konklużjonijiet dwar strateġiji li jindirizzaw konkretament il-ħtiġijiet tal-kotba stampati u l-kotba elettroniċi fl-era diġitali biex b’hekk tissaħħaħ ukoll il-kompetittività globali ta’ dan is-settur. Il-KESE jerġa’ jinsisti mal-Kummissjoni biex toħloq grupp ta’ livell għoli li jinkludi, fost oħrajn, rappreżentanti tas-settur tal-pubblikazzjoni, tal-industrija tal-istampar u tal-industrija tal-karti, sabiex janalizza l-prospetti ta’ investiment u ta’ impjieg li għandhom dawn is-setturi fil-kuntest tar-rivoluzzjoni multimedjali.

2.   Introduzzjoni u sfond

2.1   Bħala l-akbar industrija kulturali fl-Ewropa, is-settur tal-pubblikazzjoni tal-kotba huwa attur ewlieni fl-iżvilupp ekonomiku, soċjali, politiku, etiku, edukattiv, artistiku u xjentifiku tal-Ewropa. Il-letteratura Ewropea hija waħda mill-wirtijiet artistiċi u kulturali ewlenin tal-Ewropa. Hija tirrappreżenta d-diversità kbira ta’ kull pajjiż hekk kif kull lingwa, reġjun u minorità tal-Ewropa huma rappreżentati u reġistrati għall-posterità fil-kotba u tippromovi d-djalogu interkulturali.

2.2   Il-pubblikaturi Ewropej (l-Istati Membri tal-UE flimkien man-Norveġja u l-Islanda) iġġeneraw qligħ ta’ madwar EUR 23,5 biljun (2010), ippubblikaw total ta’ 525 000 titlu ġdid u impjegaw madwar 135 000 persuna fuq bażi full-time. Kważi 7,5 miljun titlu kienu disponibbli għall-bejgħ. Il-pubblikazzjoni tal-kotba tikkontribwixxi wkoll indirettament għall-ħolqien ta’ impjiegi: aktar minn 100 000 awtur, illustratur u traduttur letterarju fl-Ewropa, kif ukoll aktar minn 25 000 ħanut tal-kotba individwali. Jeħtieġ li tinġabar data aktar speċifika sabiex ikollna stampa aktar dettaljata tas-settur.

2.3   Matul is-sekli, il-proċessi tal-produzzjoni tal-kotba, mill-ikkummissjunar, għall-editjar, l-istampar u d-distribuzzjoni, esperjenzaw bidliet konsiderevoli fl-eżekuzzjoni tagħhom għalkemm mhux fil-kunċett, minkejja li l-ktieb fih innifsu bħala artefatt kreattiv essenzjalment baqa’ ma nbidilx. Huwa permezz tal-iżvilupp tal-pubblikazzjoni diġitali li dawn il-proċessi qed jerġgħu jitfasslu.

2.4   L-industriji kreattivi ewlenin ikkontribwixxew 4,5 % għall-PDG tal-UE fl-2008, li jirrappreżenta 8,5 miljun impjieg (2), filwaqt li l-industriji kreattivi kollha kemm huma taw kontribut ta’ 6,9 % għall-PDG tal-UE fl-istess sena. Fi ħdan dawn l-industriji, is-setturi tal-pubblikazzjoni kkontribwixxew 1,07 % għall-PDG tal-UE fl-2003, meta mqabbel maż-0,41 % mis-setturi tar-radju/televixin/film/vidjow u 0,06 % mill-industrija tal-mużika.

2.5   Fil-livell internazzjonali, l-industrija Ewropea tal-kotba tiswa aktar minn dik tal-Istati Uniti, li ġġenerat qligħ annwali ta’ USD 24 sa 25 biljun f’dawn l-aħħar snin (EUR 17 sa 19-il biljun). Barra minn hekk, kull sena bejn 6 u 8 kumpaniji Ewropej jidhru fost l-akbar 10 gruppi ta’ pubblikaturi fid-dinja. L-akbar tliet fieri tal-kotba internazzjonali wkoll isiru f’pajjiżi tal-UE: Frankfurt, Londra u Bologna.

2.6   L-impatt pożittiv tal-qari fis-soċjetà ġie enfasizzat mill-OECD fejn il-qari huwa l-aħjar indikatur għall-opportunitajiet fil-ħajja tat-tfal. Il-pubblikazzjoni trawwem ukoll il-pluraliżmu fil-fehmiet, l-iskambju u d-djalogu, u l-libertà tal-espressjoni – pedament ewlieni ta’ soċjetà demokratika.

3.   It-Tranżizzjoni Diġitali

3.1   It-tranżizzjoni diġitali fis-settur tal-pubblikazzjoni qed terġa’ taġġusta ħafna mid-dinamika, ir-relazzjonijiet u l-mudelli ekonomiċi kif ukoll kulturali tal-pubblikazzjoni tal-kotba.

3.2   Is-swieq Ewropej tal-kotba elettroniċi jippreżentaw stampa frammentata u varjata. Ir-rati tat-tkabbir fis-swieq żviluppati huma għoljin ħafna, iżda anki hemmhekk, id-daqs globali tal-pubblikazzjoni diġitali meta mqabbel mas-suq tal-ktieb stampat huwa żgħir ħafna (dan ivarja minn inqas minn 1 % sa 5 % tas-suq tal-kotba). In-nuqqas ta’ apparat għall-qari li jista’ jinġarr ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għal dan l-iżvilupp kajman sa ftit snin ilu.

3.3   Madankollu, aktar u aktar pubblikaturi qed joffru l-kotba tagħhom f’format elettroniku f’oqsma oħrajn. Inħolqot firxa vasta ta’ mudelli ta’ negozju differenti għall-għoti ta’ aċċess għall-kontenut tal-kotba diġitali wara xi snin ta’ esperimenti bit-teknoloġija u l-innovazzjoni. Il-qarrejja jkollhom aċċess għall-kotba permezz tal-kompjuters, apparat għall-qari tal-kotba ddisinjat apposta (e-readers), tablets kif ukoll smartphones li qed isiru dejjem aktar sofistikati u faċli biex jintużaw, iżda fuq kollox, aċċessibbli ekonomikament. It-tendenza li jkomplu jonqsu l-prezzijiet tal-e-readers x’aktarx li ser tkompli twessa’ s-suq.

3.4   Qed jidħlu atturi ġodda fil-katina minħabba r-rwoli ewlenin tagħhom b’rabta mal-utenti finali jew il-konsumaturi f’oqsma oħrajn: muturi ta’ riċerka/portali bħall-Google, atturi tal-internet inkluż kull tip ta’ ħwienet fuq l-internet bħall-Amazon li wkoll jimmanifattura l-Kindle; il-produtturi ta’ apparat elettroniku bħall-Apple, qed jersqu lejn is-suq tal-kontenut għat-tagħmir tagħhom, u b’hekk qed jipprovdu ħwienet tal-kotba fuq l-internet tagħhom stess kif ukoll mobile carriers jew fornituri tal-aċċess għall-internet.

3.5   Il-kotba elettroniċi joffru aċċess faċli għall-għarfien, attivitajiet ta’ kultura u ħin liberu għal gruppi vulnerabbli li għandhom diffikultajiet biex jaqraw; pereżempju persuni anzjani, persuni b’diżabbiltà fiżika, u persuni li ma jkunux qed jaqraw fil-lingwa nattiva tagħhom.

3.6   Il-ktieb diġitali jiddefinixxi mill-ġdid l-impatt ekoloġiku tal-industrija tal-pubblikazzjoni. Filwaqt li l-karta hija materjal rinnovabbli u riċiklabbli, l-impatt ambjentali ta’ apparat elettroniku inklużi metalli mhux maħduma, u l-użu tal-elettriku, għad irid jitkejjel aktar.

3.7   Ir-rwol tal-pubblikatur fl-era diġitali jibqa’ wieħed kruċjali: l-għażla u t-tgħarbil tal-manuskritt hija funzjoni importanti ħafna tal-pubblikaturi, ikun xi jkun il-format ta’ kif ser jitwassal, biex tiġi żgurata l-kwalità. L-editjar u l-kummerċjalizzazzjoni huma funzjonijiet oħra importanti ħafna fejn l-għarfien espert tal-pubblikaturi ma jistax jitneħħa.

3.8   L-ispejjeż involuti meta tiġi indirizzata vjolazzjoni tad-dritt tal-awtur fuq l-internet, l-investiment f’sistemi ta’ diġitalizzazzjoni, persunal u teknoloġija, u l-ispejjeż tal-konverżjonijiet tal-fajls f’formati speċifiċi huma kollha spejjeż ġodda li ġġib magħha l-pubblikazzjoni elettronika. L-ispejjeż qed jiġu ffrankati fuq l-istampar, il-ħżin fiżiku u d-distribuzzjoni fiżika, li tradizzjonalment kienu jirrappreżentaw parti waħda minn kull sitta tat-total, peress li r-royalties, ix-xogħol editorjali, il-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni, il-ħżin diġitali u l-ispejjeż tal-arkivjar kollha jibqgħu preżenti fid-dinja diġitali.

4.   Sfidi għall-industrija tal-pubblikazzjoni tal-kotba fl-era diġitali

4.1   Fl-2009, il-Kunsill (3) u l-Kummissjoni (4) waqqfu Osservatorju Ewropew tal-Falsifikazzjoni u l-Piraterija biex itejbu l-fehim dwar il-ksur tad-DPI (5).

4.2   Għal industrija kulturali bħal dik tal-pubblikazzjoni, id-dritt tal-awtur huwa l-pedament għar-rikonoxximent legali tal-valur li toħloq. Sistema ta’ dritt tal-awtur ibbilanċjata għalhekk hija importanti għall-appoġġ tal-investiment filwaqt li tistimola awturi joħolqu xogħlijiet ġodda.

4.3   Il-KESE jenfasizza l-bżonn tal-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kemm onlajn kif ukoll offlajn – il-piraterija ddgħajjef il-kultura, il-kreattività u l-ħolqien ta’ mudelli ta’ negozju ġodda u ttellef l-iżvilupp tas-suq billi tnaqqas il-fiduċja tal-pubblikaturi u l-awturi li jirkupraw l-investimenti finanzjarji u intellettwali tagħhom (6).

4.4   Il-leġislazzjoni dwar id-dritt tal-awtur seħħet qabel ir-rivoluzzjoni diġitali, filwaqt li r-realtajiet tat-tniżżil ta’ fajls, l-iskambju ta’ fajls bejn il-pari u l-Ġestjoni tad-Drittijiet Diġitali (DRM – Digital Rights Management) mhux dejjem huma koperti, kif ġie rikonoxxut mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, li għandha l-għan li taġġorna r-regoli tas-Suq Uniku tal-UE għall-era diġitali (7). Hemm bżonn ta’ regolamentazzjoni komprensiva tal-UE, li attwalment qed tiġi diskussa, sabiex jiġu indirizzati l-prattiki tar-regolamentazzjoni u l-infurzar li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor.

4.5   Ir-riżoluzzjoni malajr u konsistenti tat-tilwim, li jinvolvi akkużi ta’ falsifikazzjoni jew piraterija permezz tal-infurzar qawwi, iżżid il-fiduċja tal-konsumaturi. Il-leġislazzjoni Ewropea tipprovdi għal infurzar permezz tal-Artikolu 8.3 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur (2001/29/KE), li tippermetti li d-detenturi tad-drittijiet japplikaw għal inġunzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom qed jintużaw minn partijiet terzi biex issir vjolazzjoni tad-drittijiet tal-awtur, flimkien mal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-Infurzar (2004/48/KE) li tagħti d-detenturi tad-drittijiet id-dritt għal kwalunkwe informazzjoni rigward l-identità tal-kontraventur.

5.   L-isfidi tad-diġitalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni għall-Industrija tal-Istampar fl-Ewropa

5.1   L-industrija Ewropea tal-istampar qed tikkonfronta sfidi kbar minħabba l-użu li dejjem qed jiżdied u mifrux tal-Internet u l-attrazzjoni tal-mezzi tax-xandir il-ġodda li bil-mod il-mod qed jibdlu s-sura tas-suq bħala sors ta’ informazzjoni u reklamar.

5.2   Fatturi oħrajn sinifikanti li jinfluwenzaw il-kompetizzjoni huma, minn naħa, l-importazzjonijiet tal-kotba minn pajjiżi bi prezzijiet baxxi (pereżempju ċ-Ċina) fejn jistgħu jiġu stampati mingħajr restrizzjonijiet speċifiċi ta’ ħin, u min-naħa l-oħra, il-konċentrazzjoni għolja ta’ kumpaniji li jipproduċu l-karta u l-linka, li qed joħolqu kompetizzjoni globali qawwija, b’mod partikolari mill-Indja u ċ-Ċina fejn jistgħu jiġu żgurati l-aktar prezzijiet baxxi. Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu rispettati standards soċjali u ambjentali simili fil-pajjiżi kollha tal-produzzjoni.

5.3   Dawn il-fatturi u l-klima ekonomika diffiċli xi kultant irriżultaw f’waqgħa f’daqqa fil-prezzijiet u qed ikollhom influwenza sinifikanti fuq l-impjiegi fl-industrija.

5.4   Skont iċ-ċifri ppubblikati mill-Eurostat għall-2009, l-industrija Ewropea tal-istampar hija magħmula minn 119 000 kumpanija (tnaqqis mill-ammont ta’ 132 571 fl-2007), timpjega aktar minn 735 000 persuna (tnaqqis mill-ammont ta’ 853 672 fl-2007) u tiġġenera qligħ ta’ ’l fuq minn EUR 88 biljun (tnaqqis mill-ammont ta’ EUR 110 biljun fl-2007).

5.5   Madankollu, l-introduzzjoni tal-istampar diġitali ppermettiet l-innovazzjoni fil-kooperazzjoni bejn il-pubblikatur, l-istampatur u l-utenti, fejn il-kotba jistgħu jiġu stampati fuq talba sa kopja waħda biss.

5.6   Il-kumpaniji tal-istampar qed jieħdu passi biex jintegraw servizzi fil-katina ta’ valur bħall-ħżin, il-ġestjoni tal-bażi tad-data, disinn għal kotba elettroniċi fuq l-internet jew stampati kif ukoll billi jiżviluppaw dipartiment ta’ qabel l-istampar.

5.7   Il-KESE jappoġġja l-proposti tar-rapport tal-Kummissjoni tal-2007 dwar il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-istampar; madankollu, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxi kumitat tad-djalogu soċjali Ewropew għal dan is-settur kollu kemm hu; attwalment id-djalogu soċjali formali bejn min iħaddem u t-trejdjunjins jeżisti biss fuq il-livell tal-kumpaniji u dak nazzjonali.

5.8   Il-KESE jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Intergraf, b’mod partikolari għal studju indipendenti dwar l-iżvilupp tat-teknoloġija (it-teknoloġija tal-istampar kif ukoll it-teknoloġija mobbli u tal-Internet), l-influwenzi demografiċi u l-imġiba tal-konsumatur.

6.   L-isfidi tal-bejjiegħa tal-kotba

6.1   Qamu diffikultajiet minħabba bejjiegħa kbar bl-imnut li jimponu limiti territorjali fuq il-bejgħ onlajn tagħhom. B’mod kruċjali, sistemi ta’ distribuzzjoni stabbiliti qed jinqabżu hekk kif qed tifforma eġemonija ta’ bejjiegħa tal-kotba diġitali onlajn.

6.2   Il-bejjiegħa tal-kotba tradizzjonali huma kulturalment importanti; dawn iżommu kuntatt/relazzjoni personali diretti mal-konsumaturi anki onlajn u joffru servizzi li l-internet ma jistax joffri.

6.3   Illum il-ħwienet tal-kotba qed jintużaw bħala vetrini għal kotba li mbagħad jinxtraw mill-konsumatur minn fuq l-internet – u għalhekk qed jipprovdu kummerċjalizzazzjoni u promozzjoni b’xejn lill-kompetitturi tagħhom li jbiegħu minn fuq l-internet. Madankollu xi bejjiegħa tal-kotba tradizzjonali jeħtieġu li jitħarrġu mill-ġdid minħabba n-nuqqas ta’ għarfien tagħhom dwar il-midja soċjali onlajn u jeħtieġ li jkunu innovattivi fil-kummerċjalizzazzjoni u l-għażla tal-prodott. L-istandards fid-dinja diġitali għadhom dgħajfa: pereżempju, filwaqt li prattikament il-kotba kollha stampati għandhom ISBN, mhux il-kotba elettroniċi kollha għandhom dan.

6.4   Għandhom jiġu mfittxija u mħeġġa sinerġiji bejn l-Assoċjazzjonijiet tal-Libreriji Ewropej u l-bejjiegħa tal-kotba. Id-diġitalizzazzjoni qed toħloq livell ta’ twegħir bejn il-bejjiegħa tal-kotba u l-pubblikaturi li huma mħassba dwar, minn naħa l-piraterija tal-kotba elettroniċi, u min-naħa l-oħra l-entużjażmu tal-libreriji biex jippromovu s-self tal-kotba elettroniċi. Jeħtieġ li d-distinzjonijiet legali bejn is-self ta’ kotba stampati u s-self elettroniku jiġu enfasizzati, ipprattikati u infurzati mill-partijiet kollha. Għandha tiġi eżaminata mill-partijiet interessati struttura ta’ organizzazzjoni li tgħaqqad salvagwardji stabbiliti kontra l-piraterija u l-faċilitazzjoni tas-self elettroniku għas-self leġittimu tal-libreriji.

6.5   Bid-dominanza doppja tagħhom fis-suq fil-pjattaforma tal-bejgħ u bl-e-reader (Kindle u iPad), l-Amazon u l-Apple kisbu pożizzjoni fuq quddiem li qed tippermettilhom jiddikjaraw il-prezzijiet u t-termini u l-kundizzjonijiet lill-atturi l-oħrajn kollha fl-industrija. Din id-dominanza non-Ewropea qed ikollha effett negattiv ukoll fuq pubblikaturi iżgħar, li m’għandhomx is-setgħa li jinnegozjaw termini imposti mill-Amazon u mill-Apple.

6.6   L-adozzjoni ta’ standards miftuħa u interoperabbli ser tipprevjeni milli jingħalqu s-swieq u jinħolqu pożizzjonijiet dominanti minn uħud mill-atturi kbar li attwalment qed jużaw teknoloġiji proprjetarji magħluqa li jorbtu l-użu ta’ xi apparati mal-aċċess għall-katalogi tagħhom stess jew viċeversa, u b’hekk tiżdied il-kompetizzjoni.

7.   It-tassazzjoni u l-ipprezzar

7.1   Maġġoranza vasta ta’ pajjiżi fl-UE u madwar id-dinja japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għall-bejgħ ta’ kotba stampati, minħabba l-għarfien tal-benefiċċji li l-qari jġib kulturalment, għall-edukazzjoni u x-xjenza, u għas-soċjetà kollha kemm hi.

7.2   Madankollu, attwalment fl-UE hemm stabbilita sistema diskriminatorja, hekk kif il-verżjonijiet elettroniċi tal-istess prodotti kulturali bħalissa qed jiġu intaxxati b’rati standard, u dan joħloq distorsjoni mhux ġustifikata bejn il-kontenut komparabbli.

8.   Il-preservazzjoni ta’ xogħlijiet orfni u xogħlijiet li m’għadhomx jiġu stampati  (8)

8.1   Il-KESE ġeneralment jaqbel mad-direttiva proposta għal qafas legali li jiżgura l-aċċess onlajn transkonfinali legali għal xogħlijiet orfni (9).

8.2   Ftit ħafna mill-Istati Membri implimentaw leġislazzjoni dwar ix-xogħlijiet orfni, u anki fejn teżisti qed tillimita l-aċċess għal ċittadini li jkunu joqogħdu fit-territorju nazzjonali tagħhom.

8.3   L-Artikolu 5(2)(c) tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur tippermetti li l-libreriji aċċessibbli għall-pubbliku, l-istabbilimenti edukattivi, il-mużewijiet u l-arkivji jirriproduċu xogħlijiet imħarsa mid-dritt tal-awtur mingħajr ma jitolbu permess minn qabel, sakemm dawk l-istituzzjonijiet ma jkunu għall-ebda vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett u sakemm il-proċess ikun josserva t-test fi tliet stadji ta’ Berne; madankollu kull tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz tal-internet jeħtieġ approvazzjoni tad-dritt minn qabel.

8.4   F’termini ta’ xogħlijiet li m’għadhomx fis-suq, il-pubblikaturi tal-kotba bdew djalogu li wassal għall-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Qbil dwar “Prinċipji ewlenin dwar id-diġitalizzazzjoni u d-disponibbiltà ta’ xogħlijiet li m’għadhomx fis-suq” mill-partijiet interessati kollha. S’issa ma teżisti l-ebda struttura legali biex il-ftehimiet volontarji bejn il-partijiet interessati varji dwar xogħlijiet li m’għadhomx kummerċjalment disponibbli jiġu rikonoxxuti lil hinn mill-fruntieri.

8.5   It-tlestija b’suċċess ta’ dan id-djalogu se tagħti spinta lill-iżvilupp ta’ libreriji diġitali bħal Europeana u ta’ istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn li jwettqu missjonijiet ta’ interess pubbliku.

8.6   Is-sistema ARROW, li hija mibnija minn konsorzju ta’ partijiet interessati fis-settur tal-kotba u bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, tipprovdi soluzzjoni prattika billi toħloq għodda kosteffettiva li tippermetti lill-utenti biex isibu l-informazzjoni malajr u b’mod effettiv dwar l-istatus tad-drittijiet ta’ xogħol u d-detenturi tad-dritt tiegħu.

8.7   Is-sħubija pubblika-privata bejn il-libreriji u l-pubblikaturi tista’ żżid l-aċċess għal kotba fis-suq permezz ta’ libreriji diġitali. Diġà hawn stabbiliti diversi sħubiji ta’ dan it-tip.

8.8   Il-kwistjoni tad-depożitu legali tal-kotba elettroniċi jeħtieġ li tiġi diskussa bejn il-partijiet interessati kollha biex jiġu bbilanċjati l-interessi tal-libreriji li jiġbru, jippreservaw u jagħmlu disponibbli dawn il-kotba elettroniċi, b’garanziji kontra t-tixrid elettroniku abbużiv.

9.   Il-lingwa u l-mobilità

9.1   Peress li l-lingwa hija parti intrinsika tal-pubblikazzjoni, jeżistu kwistjonijiet ta’ mobilità inerenti fl-industrija tal-pubblikazzjoni tal-kotba, speċjalment fejn huma kkonċernati l-pubblikaturi li jkunu intrapriża żgħira jew medja.

9.2   Bl-eċċezzjoni tal-pubblikaturi li jippubblikaw bl-Ingliż, il-pubblikaturi tal-kotba u l-impjegati qed jikkonfrontaw sfidi konsiderevoli biex jiċċaqalqu minn Stat Membru għal ieħor, peress li ħafna pubblikaturi li jkunu intrapriża żgħira jew medja għandhom tendenza li jkunu negozju ta’ daqs medju li jippubblika f’lingwa waħda (10).

9.3   Xi wħud mill-pjattaformi għall-kotba elettroniċi li qed jiżviluppaw qed iservu bħala ostakli għall-mobilità tal-lingwa. L-akbar produttur ta’ apparat għall-qari tal-ktieb elettroniku – Amazon, kumpanija Amerikana – qed jirrifjuta l-aċċess għal-lingwi minoritarji kollha, inklużi 18 mit-23 lingwa uffiċjali tal-UE, mill-apparat għall-qari Kindle, u għalhekk qed jipprojbixxi l-letteratura ta’ 18-il lingwa uffiċjali mill-akbar pjattaforma tal-kotba elettroniċi fid-dinja.

10.   Lejn konsumatur fiduċjuż u infurmat

10.1   Ir-relazzjoni tal-konsumaturi mal-ktieb qed tinbidel hekk kif il-ħżin tal-ktieb diġitali ma jħalli l-ebda traċċa fiżika, u x-xiri tal-kotba huwa istantanju.

10.2   Il-KESE jemmen li jeħtieġ li l-inizjattivi ta’ politika kollha dwar id-DPI jirrikonoxxu l-konsumaturi bħala partijiet interessati rilevanti fid-dibattitu dwar id-DPI.

10.3   L-iżvilupp tal-eżistenza doppja ta’ kotba diġitali u fiżiċi għandha tkun gradwali u komplementari għas-sostenibbiltà tal-pubblikazzjoni stampata. Għadd ta’ ċittadini Ewropej għadhom mhumiex komdi bit-tranżazzjonijiet elettroniċi, u/jew biex jaċċessaw u jikkunsmaw il-kontenut b’mod diġitali. Miżuri li jistgħu jwasslu biex tinkiseb fiduċja u tonqos il-qasma diġitali jistgħu jgħinu biex tiżdied l-inklużjoni soċjali.

10.4   Il-KESE jappoġġja l-Organizzazzjoni tal-Konsumaturi Ewropej (BEUC) għar-rikonoxximent tan-newtralità tan-netwerk bħala prinċipju regolatorju. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tibni fuq ix-xogħol attwali tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u tadotta strument vinkolanti li jiżgura l-protezzjoni koerenti u effettiva tan-newtralità tan-netwerk madwar l-Ewropa.

11.   Aċċess għas-suq għall-SMEs

11.1   Id-dominanza tal-ktajjen ta’ ħwienet tal-kotba mal-Ewropa kollha pprovdiet xi restrizzjonijiet għall-aċċess għas-suq għal pubblikaturi iżgħar. Pubblikaturi mingħajr is-saħħa finanzjarja meħtieġa biex jinnegozjaw il-preżenza tagħhom fil-ktajjen ta’ ħwienet tal-kotba qed isibu l-biċċa l-kbira tal-aċċess tagħhom għall-konsumaturi ostakolat mis-sottorappreżentazzjoni tagħhom fuq l-ixkafef tal-kotba.

11.2   Tradizzjonalment, fl-industrija tal-pubblikazzjoni, il-pubblikaturi ż-żgħar kienu l-punt li jistimola l-innovazzjoni u l-kreattività, u l-aċċess limitat tagħhom għas-suq jista’ jkollu konsegwenzi serji fuq is-saħħa tal-industrija kreattiva.

11.3   Il-pubblikaturi tal-kotba speċjalizzati spiss jiddependu fuq finanzjament u sussidji għat-tkomplija tal-eżistenza finanzjarja tagħhom.

11.4   Jeħtieġ li n-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, jinvestu fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (11) sostnuti minn kundizzjonijiet legali, amministrattivi, fiskali u finanzjarji adegwati.

11.5   Illum, 8 % biss tal-SMEs Ewropej jinnegozjaw fi Stati Membri oħra. 92 % tan-negozji huma mikrointrapriżi (12) li joperaw fuq medda diversa ħafna ta’ swieq; għalhekk għandha titqiegħed aktar attenzjoni ffukata fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

11.6   L-industrija tal-pubblikazzjoni tal-kotba hija pekuljari minħabba li tiddependi fuq l-indipendenza finanzjarja ta’ għadd żgħir ta’ bestsellers. Dawn min-naħa tagħhom jissussidjaw il-ġeneri letterarji li huma inqas vijabbli kummerċjalment iżda essenzjali kulturalment u soċjalment.

11.7   Il-pubblikaturi li huma intrapriżi żgħar u medji jeħtieġu għajnuna finanzjarja u organizzattiva peress li l-mudell ta’ spejjeż għal-letteratura inqas popolari rari jkun finanzjarjament vijabbli. Barra minn hekk, ħafna pubblikaturi li huma intrapriżi żgħar u medji m’għandhomx ir-riżorsi biex ifasslu proposti vijabbli għall-aċċess għal finanzjament tal-UE għar-R&Ż.

11.8   Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ suq uniku aktar integrat għal servizzi fl-Istrateġija Ewropa 2020 (13). Dan huwa meħtieġ sabiex in-negozji, inklużi SMEs, fl-industrija tal-pubblikazzjoni tal-kotba jiġu megħjuna jikbru u joħolqu l-impjiegi.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2010) 2020 final.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali/UASI”, ĠU C 376, 22.12.2011, p. 62.

(3)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill, 25.9.2008 (ĠU C 253, 4.10.2008).

(4)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Settembru 2009 “It-tisħiħ tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern COM(2009) 467 final.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali/UASI”, ĠU C 376, 22.12.2011, p. 62.

(6)  Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali tat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, “Rapport dwar l-infurzar doganali tal-UE tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali - 2009”, http://ec.europa.eu/taxation_customs/resources/documents/customs/customs_controls/counterfeit_piracy/statistics/statistics_2009.pdf. Technopolis (2007), Effects of counterfeiting on EU SMEs, http://ec.europa.eu/enterprise/enterprise_policy/industry/doc/Counterfeiting_Main%20Report_Final.pdf. http://counterfeiting.unicri.it/report2008.php. Opinjoni tal-KESE dwar “Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali/UASI”, ĠU C 376, 22.12.2011, p. 62.

(7)  Ewropa 2020: Strateġija għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, 3.3.2010.

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill dwar ċerti użijiet permessi ta’ xogħlijiet orfni”, ĠU C 376 of 22.12.2011, p. 66.

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali/UASI”, ĠU C 376, 22.12.2011, p. 62.

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar “Kif għandhom jiġu appoġġjati l-SMEs biex jadattaw għall-bidliet fis-swieq globali”, ĠU C 255 of 22.9.2010, p. 24–30.

(11)  Opinjoni tal-KESE dwar “Investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni”, ĠU C 256, 27.10.2007, p. 17.

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-Reviżjoni tal- ‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ ”, ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar “Suq Uniku għas-servizzi”, ĠU 318, 29.10.2011, p. 109-112.


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kooperattivi u r-ristrutturar” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 191/05

Relatur: is-Sinjura ZVOLSKÁ

Korelatur: is-Sur OLSSON

Nhar l-14 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-kooperattivi u r-ristrutturar.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ April 2012. Ir-relatur kienet is-Sinjura ZVOLSKÁ u l-korelatur kien is-Sur OLSSON.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’148 vot favur, l-ebda (0) vot kontra u astenzjoniji waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.1

Fl-istess natura tagħhom u fid-dawl tal-mudell ta’ negozju li jipprovdu, il-kooperattivi jikkontribwixxu għall-Istrateġija UE 2020. Jiġġestixxu t-tibdil b’mod ekonomikament effiċjenti u soċjalment responsabbli. Jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u territorjali. Jorganizzaw mudelli ta’ negozju ġodda u innovattivi biex iżidu l-kompetittività. Dan kollu għandu jiġi enfasizzat fl-2012, li hija s-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi.

1.2

Bl-eċċezzjoni notevoli ta’ xi setturi, il-kooperattivi jirrappreżentaw parti limitata mill-ekonomija Ewropea. Madankollu xi data rrapportata f’din l-opinjoni turi li fi żminijiet ta’ kriżi l-kooperattivi huma aktar reżiljenti u stabbli minn forom oħra ta’ intrapriżi u jiżviluppaw ukoll inizjattivi intraprenditorjali ġodda. Dan jista’ jiġi attribwit għall-ispeċifiċità tal-intrapriżi kooperattivi: l-approċċ fit-tul tagħhom, l-għeruq territorjali sodi tagħhom, il-promozzjoni tal-interessi tal-membri tagħhom, u l-enfasi tagħhom fuq il-kooperazzjoni bejniethom. L-eċċellenza kooperattiva li tirriżulta hija importanti biex tinxtered u tiġi żviluppata fil-politiki nazzjonali u tal-UE.

1.3

Id-diversità tal-intrapriża hija rikonoxxuta mit-Trattat u l-ispeċifiċitajiet tal-mudell kooperattiv dan l-aħħar ġew rikonoxxuti mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (Sentenza tal-Qorti (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Settembru 2011 – Kawżi magħquda C-78/08 sa C-80/08) li tilleġitimizza l-politiki mmirati.

Rakkomandazzjonijiet għall-politiki tal-UE

1.4

Għaldaqstant, il-kooperattivi għandhom jiġu kkunsidrati fil-politiki kollha tal-UE li jikkontribwixxu għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv kif ukoll fl-inizjattivi ewlenin rilevanti tal-Istrateġija UE2020. Għandhom jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-kooperattivi u forom oħra ta’ intrapriżi filwaqt li jiġu ppreżervati l-għanijiet u l-metodi ta’ ħidma tal-kooperattivi.

1.5

Sabiex tiġi enfasizzata l-esperjenza partikolari tal-kooperattivi fir-ristrutturar, l-intrapriżi kooperattivi għandhom jieħdu sehem fl-għanijiet u l-azzjonijiet tal-politika industrijali tal-UE, inkluża l-Inizjattiva Ewlenija speċifika.

1.6

Il-Kummissjoni Ewropea u l-BEI/FEI għandhom jiżguraw li l-mekkaniżmi finanzjarji fil-livell tal-UE – inkluż il-pjan ta’ azzjoni għall-finanzjament tal-SMEs suġġerit fl-Att dwar is-Suq Uniku – għandhom ikunu aċċessibbli għall-intrapriżi kooperattivi u għandhom jagħmlu sforz speċjali flimkien mas-settur tal-banek kooperattivi biex jaraw li dan huwa verament il-każ anke fl-identifikazzjoni ta’ strumenti speċifiċi. Ir-rwol ta’ medjazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-BEI għal banek kooperattivi iżgħar għandu wkoll isir aktar faċli, speċjalment permezz ta’ rekwiżiti amministrattivi ssemplifikati.

1.7

Ir-regoli ġodda dwar l-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat (il-pakkett Alumnia) għandhom jidħlu fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun. Dawn ir-regoli u l-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri għandhom jigu ssimplifikati u jinkorporaw miżuri speċifiċi biex itejbu l-opportunitajiet għall-kooperattivi soċjali li jimpjegaw persuni b’diżabbiltà jew li jagħmlu parti minn gruppi oħra żvantaġġjati. Dawn għandhom ikopru wkoll l-esperjenza tal-kooperattivi li jamministraw proprjetajiet li jkunu ġew ikkonfiskati minn attivitajiet illegali (ara l-kawża Taljana tal-proprjetà tal-mafja).

1.8

B’segwitu tal-proposta tal-KESE rigward qafas li jiffaċilita l-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati, għandhom jiġu introdotti miżuri li jiffaċilitaw it-trasferiment ta’ negozju lill-impjegati. Il-kooperattivi tal-ħaddiema/il-buy-outs tal-ħaddiema għandhom ikunu appoġġjati minn linja baġitarja speċifika tal-UE li tinkludi wkoll strumenti finanzjarji.

1.9

Il-programmi u l-fondi li huma stabbiliti għall-perjodu li jmiss tal-baġit tal-UE 2014-2020 għandhom isiru strumenti importanti għall-appoġġ tal-kooperattivi, b’mod partikolari l-Fondi Strutturali. Meta l-programmi operattivi jkunu qed jiġu definiti, il-prijoritajiet u l-miżuri għandhom jiffukaw fuq l-appoġġ li jingħata għall-iżvilupp sostenibbli tal-intrapriża u r-ristrutturar responsabbli u għandhom jinkludu miżuri bħat-trasferiment ta’ negozju lill-impjegati, il-kooperattivi soċjali, l-iżvilupp lokali u l-innovazzjoni soċjali permezz tal-użu ta’ għotjiet globali u strumenti finanzjarji oħrajn.

1.10

Il-KESE jitlob li fl-2012 jiġi adottat regolament issimplifikat dwar is-Soċjetà Kooperattiva Ewropea. Dan għandu jiġi kkompletat b’aġġornament tal-mod kif il-prinċipji kooperattivi jiġu implimentati fil-liġijiet nazzjonali.

1.11

Il-KESE iħeġġeġ lill-Eurofound (Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol), u b’mod partikolari ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Bidliet tiegħu biex jikkollabora mas-settur kooperattiv, biex jeżamina fid-dettall ir-rwol tal-kooperattivi fir-ristrutturar.

1.12

Il-programm ta’ riċerka tal-UE li jmiss Orizzont 2020 għandu jinkludi wkoll referenzi speċifiċi għal fatturi ta’ studji li jsejsu r-reżiljenza waqt il-kriżijiet.

1.13

Permezz tal-objettivi u l-mudell ta’ governanza tagħhom, il-kooperattivi huma parti interessata naturali fl-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali mnedija dan l-aħħar mill-Kummissjoni Ewropea. Għalhekk, l-azzjonijiet ewlenin proposti għandhom jimmiraw ukoll lejn is-settur kooperattiv. L-esperjenza tal-kooperattivi fl-istrumenti finanzjarji mfassla apposta għandha tiġi kkunsidrata b’mod urġenti wkoll fil-proposta reċenti dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej.

Rakkomandazzjonijiet għall-politiki tal-Istati Membri

1.14

B’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-ILO 193/2002 dwar il-Promozzjoni tal-Kooperattivi l-Istati Membri kollha għandhom joħolqu ambjent li jqawwi l-kapaċità għar-rikonoxximent u l-iżvilupp tal-kooperattivi fl-oqsma u s-setturi kollha u għandhom jadottaw politika komprensiva li tappoġġja l-mudell ta’ negozju kooperattiv. B’mod partikolari, għandhom iħeġġu l-edukazzjoni u t-taħriġ dwar il-kooperattivi kemm għall-istudenti kif ukoll għall-ħaddiema, itejbu l-istatistika biex jidenfitifkaw u jagħmlu s-settur kooperattiv akbar viżibbli, jimmodernizzaw il-leġislazzjoni dwar il-kooperattivi, jintroduċu għodod finanzjarji adegwati u jirrikonoxxu r-rwol tal-kooperattivi fid-djalogu soċjali nazzjonali. Għandhom jistudjaw il-possibbiltà li fil-leġislazzjoni tagħhom jintroduċu sistema ta’ riżervi indiviżibbli jew “imblukkar tal-assijiet” (“asset lock”) għall-kooperattivi, li diġà teżisti f’parti sostanzjali mill-Istati Membri tal-UE, u li rriżultat bħala għodda importanti għall-iżvilupp.

1.15

Il-KESE jirrakkomanda li l-KES nazzjonali jadottaw opinjonijiet fil-qafas tas-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi.

Rakkomandazzjonijiet għall-Kooperattivi

1.16

Il-kooperattivi għandhom isiru aktar viżibbli u jirrinfurzaw it-tagħlim reċiproku kemm ġewwa kif ukoll barra l-moviment kooperattiv. Fuq ġewwa, għandhom jiffukaw fuq il-“kooperazzjoni bejniethom”. Għandhom jabbozzaw linji gwida u jxerrdu l-prattika t-tajba b’mod attiv, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari għall-ġestjoni tat-tibdil. Fuq barra, għandhom ukoll jimpenjaw ruħhom fi sħubija ma’ negozji privati oħra, mal-awtoritajiet pubbliċi u ma’ atturi oħrajn.

1.17

Ir-rapporti dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Kooperattiva (jiġifieri responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) b’mod kooperattiv) għandhom ikunu strument ewlieni għall-viżibbiltà u l-promozzjoni. Is-settur kooperattiv għandu jistabbilixxi wkoll regoli għall-governanza tajba u l-verifika interna stretta sabiex jiġi evitat abbuż tal-forma kooperattiva.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-għan ta’ din l-opinjoni huwa li tisħaq fuq kif l-intrapriżi kooperattivi, minħabba l-mudell ta’ negozju partikolari tagħhom, qed jantiċipaw u jiġġestixxu t-tibdil fl-industrija u s-servizzi fil-kriżi attwali, l-impatt kien partikolarment sever fuq l-impjieg, kif jindikaw rapporti reċenti tal-ILO. L-għan tagħha huwa li tinsensibilizza dwar ir-rwol tal-kooperattivi bħala forma ta’ intrapriża li ġġib magħha perspettivi ġodda ta’ innovazzjoni soċjali u tikkontribwixxi għall-ħolqien u d-distribuzzjoni sostenibbli tal-ġid.

2.2

Il-mudell ta’ negozju korporattiv huwa wieħed li jiffoka fuq il-persuni. L-intrapriża kooperattiva ġiet definita mill-Alleanza Kooperattiva Internazzjonali (ICA) u rikonoxxuta minn diversi istituzzjonijiet internazzjonali (NU, ILO, UE) bħala “assoċjazzjoni awtonoma ta’ individwi magħqudin b’mod volontarju biex jissodisfaw il-bżonnijiet u l-istennijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali komuni tagħhom permezz ta’ intrapriża b’sjieda konġunta u kkontrollata demokratikament.”

2.2.1

L-opinjoni għandha tikkontribwixxi wkoll fil-ħidma attwali tal-CCMI dwar ir-ristrutturar (1).

2.3

L-identità kooperattiva hija msaħħa permezz tal-valuri tad-demokrazija, l-ugwaljanza, l-ekwità, is-solidarjetà, it-trasparenza u r-responsabbiltà soċjali. L-ICA stabbilixxiet seba’ prinċipji għall-kooperattivi kif ġej: “l-adeżjoni volontarja u miftuħa; il-kontroll demokratiku tal-membri; il-parteċipazzjoni ekonomika tal-membri; l-awtonomija u l-indipendenza; l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-informazzjoni; il-kooperazzjoni bejn il-kooperattivi u l-attenzjoni għall-komunità”.

2.4

Il-mudell ta’ negozju kooperattiv jinsab f’konformità sħiħa mal-valuri tat-Trattat tal-UE u l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Billi jipprovaw jiksbu objettivi kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali, il-kooperattivi jiffurmaw parti indispensabbli mill-“ekonomija soċjali tas-suq”.

2.5

Il-kooperattivi għandhom objettiv fuq perjodu twil li jiksbu sostenibbiltà ekonomika u soċjali billi jagħtu l-poter lin-nies, jantiċipaw il-bidliet u jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi. Il-profitti tagħhom ma jintużawx biex jimmassimizzaw ir-remunerazzjoni tal-kapital iżda biex iqassmu l-benefiċċji lejn l-investiment sostenibbli.

2.6

Peress li tiffoka fuq il-persuni u li hija kkontrollata mill-membri, l-intrapriża kooperattiva għandha għeruq lokali b’saħħithom. Dan ma jikkontradixxix il-kapaċità tagħha li topera fi swieq nazzjonali u internazzjonali.

2.7

Il-flessibbiltà u l-kreattività (tal-metodu kooperattiv għamluha possibbli li l-kooperattivi joperaw fis-setturi kollha tal-ekonomija, kemm dawk tradizzjonali kif ukoll oħrajn ġodda.

2.8

Fl-Ewropa, hemm madwar 160 000 intrapriża kooperattiva li huma proprjetà ta’ 123 miljun membru u li jipprovdu impjiegi għal 5.4 miljun ruħ.

2.9

Il-forma ta’ intrapriża kooperattiva għadha mhijiex magħrufa sew fost iċ-ċittadini inġenerali u lanqas fis-setturi tan-negozju privat u tal-amministrazzjoni pubblika. F’xi pajjiżi, it-terminu “kooperattiva” saħansitra għandu konnotazzjoni ħażina b’mod partikolari fil-Pajjiżi Ċentrali u tal-Lvant Ewropej. Il-kooperattivi mhumiex rikonoxxuti bħala intrapriżi bi rwol sħiħ u effettiv bħalma huma l-kumpaniji konvenzjonali. F’xi Stati Membri, l-ostakli għall-iżvilupp tal-kooperattivi ggravaw matul dawn l-aħħar snin (pereżempju fil-Polonja fejn sar tentattiv ta’ leġiżlazzjoni ġdida dwar il-kooperattivi biex titnaqqas l-awtonomija u l-indipendenza tal-kooperattivi u fl-Italja fejn ġew imnaqqsa b’mod qawwi l-vantaġġi fiskali li jikkumpensaw ir-rwol tas-soċjetà kooperattiva).

2.10

Il-kooperattivi jsibuha diffiċli biex ikollhom aċċess għall-kapital ta’ riskju u l-kreditu fis-suq tal-kapital regolari.

2.11

Mhux dejjem ikun hemm kundizzjonijiet ekwi peress li l-karatteristiċi speċifiċi tal-kooperattivi ma jiġux ikkunsidrati fil-leġislazzjoni nazzjonali u Ewropea u l-programmi governattivi fl-appoġġ li jingħata lin-negozju.

3.   Sfidi għar-ristrutturar tan-negozju fl-Ewropa

3.1

Bħalissa għaddejjin minn ristrutturar fuq skala kbira bħala konsegwenza tal-kriżi fl-ekonomija Ewropea. Huwa essenzjali li jkun hemm strateġiji ta’ ristrutturar li jkunu soċjalment responsabbli sabiex nevitaw aktar għeluq u fallimenti ta’ intrapriżi, nippreżervaw u noħolqu l-impjiegi u norganizzaw il-benesseri soċjali billi nistimolaw il-kompetittività u l-iżvilupp lokali.

3.2

Il-Kummissjoni Ewropea tqis li r-ristrutturar jinvolvi kunċett usa’ ta’ innovazzjoni fl-intrapriżi li għandu jkun “parti minn viżjoni fit-tul għall-iżvilupp u d-direzzjoni tal-ekonomija Ewropea sabiex jiġi żgurat li t-tibdil li jsir ikun tassew mod kif tissaħħaħ il-kompetittività”, inklużi t-tendenzi organizzattivi u soċjali, sabiex jiġi żgurat żvilupp territorjali sostenibbli. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tqis li l-innovazzjoni “mhijiex iġġenerata biss permezz tar-riċerka u t-teknoloġija, iżda wkoll permezz ta’ soluzzjonijiet ġodda ta’ kummerċjalizzazzjoni u ġestjoni”.

3.3

Il-Kummissjoni osservat li “l-kumpaniji li huma kapaċi jieħdu ħsieb strutturar mill-ġdid b’mod soċjalment responsabbli ħafna drabi huma dawk li għandhom riżultati tajba f’termini ta’ kompetittività u fl-addattament għas-suq (2).

3.3.1

Il-Kummissjoni esprimiet ukoll ix-xewqa li r-ristrutturar responsabbli jinkludi l-involviment u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema (3). L-imsieħba soċjali fil-livell tal-UE stabbilixxew il-prinċipji ta’ ristrutturar “soċjalment responsabbli” f’dokument konġunt li jisħaq fuq l-importanza li l-impjiegi jinħolqu u jiġu ppreżervati.

3.4

Il-Kummissjoni tixtieq tiffaċilita l-kundizzjonijiet għat-trasferiment tan-negozji lill-impjegati:

L-impjegati għandhom interess partikolari fis-sostenibbiltà tal-intrapriżi tagħhom u ħafna drabi jifhmu tajjeb in-negozju li jaħdmu fih. Madankollu, ħafna drabi jonqoshom l-appoġġ u l-mezzi finanzjarji adegwati biex jieħdu t-tmexxija f’idejhom u jiġġestixxu intrapriża. It-tħejjija gradwali u bir-reqqa tat-trasferimenti lejn l-impjegati organizzati f’forma ta’ kooperattiva tal-ħaddiema tista’ ttejjeb ir-rati ta’ sopravivenza (4). “Jekk ma jkunx jista’ jinstab suċċessur mill-familja stess, trasferiment lil impjegat jista’ jiżgura livell għoli ta’ kontinwità tan-negozju”. Madankollu, “huma ftit biss l-Istati Membri li jinkoraġġixxu trasferimenti bħal dawn permezz ta’ ħelsien speċjali mit-taxxa fuq id-dħul (…) (5).

3.5

Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jiżviluppaw qafas għat-trasferimenti ta’ negozju lill-impjegati abbażi tal-aħjar prattiki sabiex jiġi evitat li n-negozji jagħlqu. Eżempji ta’ dan huma l-“pagament uniku” fi Spanja (“pago único”) u l-“Legge Marcora” fl-Italja, li jħallu l-benefiċċji tal-qgħad jiffinanzjaw start-ups kooperattivi ġodda.

4.   L-ispeċifiċità tal-ekonomija kooperattiva: reżistenza u żviluppi ġodda wkoll fi żmien ta’ kriżi

4.1

L-intrapriżi kooperattivi juru reżiljenza aktar qawwija fi żmien ta’ kriżi meta mqabblin mal-intrapriżi konvenzjonali. Dan jgħodd partikolarment għall-banek kooperattivi, il-kooperattivi tal-ħaddiema fl-industrija u s-servizzi, il-kooperattivi soċjali u l-kooperattivi magħmula minn SMEs. Barra minn hekk, il-mudell ta’ negozju kooperattiv qed jiżviluppa f’setturi ġodda (bħall-enerġija u l-professjonijiet). Ir-ristrutturar fetaħ spazju addizzjonali għall-kooperattivi biex jikkontribwixxu għal pluraliżmu ġenwin tal-ekonomija u, b’mod partikolari, tal-intrapriżi permezz tat-tfittxija ta’ mudelli aktar sostenibbli ta’ produzzjoni u konsum.

4.2

Skont ir-rapport tal-ILO “Resilience of the Cooperative Business Model in Times of Crisis” (“Reżistenza tal-Mudell tan-Negozju Kooperattiv fi Żmienijiet ta’ Kriżi”), il-kooperattivi finanzjarji baqgħu finanzjarment sodi; il-kooperattivi tal-konsumaturi qed jirrappurtaw żieda fil-fatturat; il-kooperattivi tal-ħaddiema qegħdin jikbru peress li n-nies qed jagħżlu l-forma kooperattiva tal-intrapriża biex jirreaġixxu għar-realtajiet ekonomiċi l-ġodda.

4.3

Dan jidher b’mod partikolari fis-settur bankarju. S’issa l-ebda bank kooperattiv għadu ma falla fl-UE. Id-data tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Banek Kooperattivi turi li dawn għandhom sehem fis-suq ta’ madwar 20 % tad-depożiti. Huma jiffinanzjaw madwar 29 % tal-SMEs fl-Ewropa. Matul dawn l-aħħar snin, żiedu s-suq tagħhom fis-suq b’pass sod. Fir-Renju Unit, il-Banek Kooperattivi kwadrupplikaw sehemhom fis-suq minn 1.2 % fl-2009 għal 5 % fl-2010. Fl-Italja, matul dawn l-aħħar ħames snin, is-sistema tal-“BCC – Banche di credito cooperative” żiedet id-depożiti tagħha b’49 %, is-self b’60 % u l-impjiegi bi 17 % (filwaqt li fil-bqija tas-settur bankarju Taljan, l-impjiegi naqsu b’5 %). Fiċ-Ċipru l-Istituzzjonijiet Kooperattivi tal-Kreditu, skont l-Awtorità għas-superviżjoni u l-iżvilupp tas-soċjetajiet kooperattivi, matul l-2011 żiedu sehemhom fis-suq (minn 35 għal 38 % f’termini ta’ depożiti, minn 27 għal 29 % f’termini ta’ self); dan jikkonferma li ċ-Ċiprijoti jqisu l-Istituzzjonijiet Kooperattivi tal-Kreditu bħala rifuġju sikur fi żmien ta’ kriżi.

4.4

Fin-nota tiegħu tas-16 ta’ Awwissu 2010 (staff position note SPN/10/10: “Redesigning the Contours of the Future Financial System” (“Tfassil mill-ġdid tal-qafas tas-sistema finanzjarja futura”)) il-Fond Monetarju Internazzjonali jenfasizza r-rwol essenzjali li jaqdu l-banek kooperattivi: “Il-banek kooperattivi żgħar jew l-istituzzjonijiet mutwi jistgħu wkoll jissopravivu. B’mod ġenerali, dawn il-banek, li jiddependu inqas mill-istennijiet tal-partijiet interessati, kienu kapaċi jevitaw ħafna mill-iżbalji li għamlu l-istituzzjonijiet il-kbar tas-settur privat. Għad li mhumiex dejjem meqjusa bħala l-aktar istituzzjonijiet effiċjenti, vibranti jew innovattivi, f’ħafna pajjiżi jaqdu lill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll lil ħafna familji b’mod sikur u affidabbli billi jissodisfawlhom ħtiġijiethom f’termini ta’ kreditu”.

4.5

Sa mill-2009, is-CECOP (il-konfederazzjoni Ewropea tal-kooperattivi tal-ħaddiema u dawk soċjali u tal-intrapriżi oħrajn li huma proprjetà tal-impjegati fis-setturi industrijali u fis-servizzi) osservat l-effetti tal-kriżi fuq l-intrapriżi fi ħdan in-netwerk tagħha. Il-kooperattivi fil-pajjiżi bi preżenza u esperjenza aktar qawwija ta’ kooperattivi (Franza, l-Italja, Spanja) jidhru aktar reżiljenti biex jindirizzaw il-kriżi mill-intrapriżi konvenzjonali li joperaw fl-istess setturi u fl-istess territorji.

4.6

Tipi differenti ta’ kooperattivi soċjali jaqdu rwol importanti fil-proċess ta’ ristrutturar u kienu instigaturi ewlenin tal-innovazzjoni soċjali. Il-kooperattivi li joperaw fl-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol jimpjegaw ħafna nies li tkeċċew mix-xogħol u ma setgħux jerġħu lura għas-suq tal-impjieg normali. F’xi pajjiżi, il-kooperattivi soċjali huma fost dawk li l-aktar jimpjegaw nies b’diżabbiltà (pereżempju. l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja, l-Italja, eċċ.). Il-kooperattivi li jipprovdu servizzi soċjali huma attivi fir-ristrutturar tas-settur pubbliku. Fenomenu speċifiku ġdid huma l-kooperattivi Taljani li jamministraw il-“proprjetajiet ikkonfiskati minn attivitajiet illegali”.

4.7

F’settur milqut serjament mill-kriżi, il-kooperattivi tad-djar qed jagħtu xhieda ta’ aktar reżiljenza mis-settur privat, meta wieħed ikejjel il-produzzjoni ta’ djar ġodda. Huma wkoll aktar impenjati favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra permezz ta’ żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Dan ir-rwol huwa partikolarment importanti f’uħud mill-pajjiżi tal-UE, fejn jiġu implimentati proġetti kooperattivi kbar ta’ rinnovazzjoni fejn, bħalma huwa l-każ fir-Repubblika Ċeka u l-Polonja, ħafna drabi ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

4.8

Ħarsa ta’ malajr lejn uħud mill-pajjiżi Ewropej turi l-prestazzjonijiet superjuri relattivi tal-intrapriżi kooperattivi f’termini ta’ tkabbir, impjiegi, rati ta’ sopravivenza u start-ups (ara b’mod partikolari: Zevi A., Zanotti A., Soulage F. and Zelaia A. (2011), “Beyond the crisis: Cooperatives, Work, Finance”, Cecop Publications, Brussels 2011).

4.8.1

Fl-2009, fir-Renju Unit il-fatturat tal-kooperattivi żdied b’10 % filwaqt li l-ekonomija tar-Renju Unit marret lura b’4,9 %. Fl-2010, is-settur kooperattiv kompla jikber b’4,4 % filwaqt li r-rata tat-tkabbir tal-ekonomija tar-Renju Unit inġenerali kienet ta’ 1,9 %. In-numru ta’ kooperattivi fir-Renju Unit qed jiżdied b’mod kostanti, b’żieda ta’ 9 % fl-2010. Il-kooperattivi qed jikbru fis-setturi kollha tal-ekonomija.

4.8.2

Fil-Ġermanja, is-settur kooperattiv qed jespandi, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija, l-SMEs u l-kura tas-saħħa. Matul dawn l-aħħar tliet snin, kien hemm żieda straordinarja fin-numru ta’ kooperattivi ġodda: 370 fl-2011, 289 fl-2010 u 241 fl-2009 (“Genossenschaften in Deutschland” (“Kumpaniji fil-Ġermanja”) tad-DZ-Bank). Skont ir-rapport “DGRV Geschäftsbericht 2010”, li huwa bbażat fuq ċifri pprovduti mill-Creditreform-Datenbank, fl-2010 0,1 % biss tal-insolvenzi kienu jikkonċernaw l-intrapriżi kooperattivi; din kienet l-aktar ċifra baxxa għal kull tip ta’ intrapriża. Madankollu, ġie sostnut ukoll li s-sħubija f’kooperattiva tnaqqas bil-kbir ir-riskju ta’ falliment tal-intrapriżi membri individwali.

4.8.3

Fi Franza, ir-rata ta’ sopravivenza tal-kooperattivi tal-ħaddiema wara tliet snin hija ta’ 74 % meta mqabbla mal-medja nazzjonali ta’ 66 %. 329 intrapriża ġew ikkonvertiti f’kooperattivi tal-ħaddiema bejn l-2000 u l-2009. Aktar minn 250 minnhom issopravivew. Iċ-ċifri għall-2010 kkonfermaw it-tendenza ’l fuq li wieħed seta’ josserva b’mod partikolari dawn l-aħħar tliet snin. Saret aktar minn 50 konverżjoni ġdida (Rapport annwali tas-CG SCOP 2010).

4.8.4

Fl-Italja, l-impjiegi fil-kooperattivi żdiedu bi 3 % fl-2010 f’kuntest ta’ tnaqqis ta’ 1 % fl-impjiegi privati totali. Il-kriżi fil-benesseri soċjali tfisser li n-numru ta’ kooperattivi soċjali żdied b’pass imgħaġġel. Il-biċċa l-kbira tal-kooperattivi l-ġodda huma start-ups iżda madwar waħda minn kull erbgħa huma “spin-offs” promossi minn kooperattivi oħra. Il-kooperattivi għandhom stennija tal-għomor itwal. Terz tal-kooperattivi li nħolqu bejn l-1970 u l-1989 għadhom attivi sal-ġurnata tal-lum, kontra kwart tal-intrapriżi l-oħra. Il-mortalità hija aktar baxxa; 4 % tal-kooperattivi għalqu bejn l-2006 u l-2009 meta mqabbla ma’ aktar minn 6 % tal-kumpaniji l-oħra. Il-falliment kien l-aktar kaġun drammatiku għall-għeluq u laqat 2 ‰ tal-kooperattivi fl-2009 meta mqabbel ma’ 6 ‰ għall-intrapriżi l-oħra. L-impjiegi fil-kooperattivi huma anqas prekarji, meta wieħed ikejjilhom skont it-tipi ta’ kuntratti tax-xogħol. 6 % tal-impjegati li jkunu għadhom kif ġew irreklutati għandhom kuntratti ta’ xogħol temporanju kontra 11 % fl-intrapriżi l-oħra. Fil-kooperattivi, 40 % tal-persunal ingħata taħriġ, filwaqt li l-medja nazzjonali hi ta’ 26 %.

4.8.5

Fil-każ ta’ Spanja, li ntlaqtet mill-kriżi b’mod partikolari, it-tnaqqis tal-impjiegi fl-2008 u l-2009 kien ta’ 4,5 % fis-settur kooperattiv meta mqabbel ma’ 8 % fl-intrapriżi konvenzjonali. Madankollu, fl-2010 l-kooperattivi tal-ħaddiema żiedu n-numru ta’ impjiegi tagħhom b’0.2 % filwaqt li l-impjiegi totali fl-intrapriżi konvenzjonali naqsu bi 3.2 %.

4.8.6

F’ċerti pajjiżi insibu sitwazzjoni simili għal dik deskritta hawn fuq. Pereżempju, fl-Isvezja, in-numru ta’ start-ups kooperattivi kien proporzjonalment ogħla minn dak ta’ start-ups oħra. Ir-rata ta’ mortalità tal-kooperattivi hija aktar baxxa minn dik tal-intrapriżi konvenzjonali. Barra minn hekk, il-kooperattivi f’Ċipru wkoll qed jikbru. Il-gvern jenfasizza li l-kontribut tagħhom għat-titjib ekonomiku u soċjali tas-soċjetà huwa ta’ importanza vitali.

5.   Kif il-kooperattivi jiġġestixxu t-tibdil

5.1

Il-mudell speċifiku ta’ governanza kooperattiva, li huwa msejjes fuq is-sjieda konġunta, il-parteċipazzjoni demokratika u l-kontroll tal-membri, kif ukoll il-kapaċità tal-kooperattivi li jiddependu minn riżorsi finanzjarji proprji u minn netwerks ta’ appoġġ, jispjegaw għalfejn il-kooperattivi huma aktar flessibbli u innovattivi fil-ġestjoni tar-ristrutturar matul iż-żmien, kif ukoll fil-ħolqien ta’ negozju ġdid.

5.2

Viżjoni fit-tul hija karatteristika bażika tal-intrapriżi kooperattivi. Il-kriżi saħħet l-użu ta’ approċċ fit-tul għall-kisba ta’ sostenibbiltà ekonomika u soċjali għall-membri tagħhom. Intrapriża kooperattiva lesta tissagrifika l-qligħ fuq il-kapital sabiex tippreżerva l-impjiegi u l-investimenti.

5.3

Karatteristika oħra bażika tal-governanza tagħhom hi li l-kooperattivi għandhom għeruqhom fit-territorju li joperaw fih. Bil-kontra tas-settur privat, ma jiddelokalizzawx; dan mhuwiex inkompatibbli mal-globalizzazzjoni.

5.4

Minħabba l-għeruq lokali tagħhom, ir-rwol tal-kooperattivi fiż-żoni rurali qed isir dejjem aktar importanti, peress li jippromovu l-iżvilupp sostenibbli lokali, joħolqu impjiegi ġodda u b’hekk jimmiraw li jilħqu għanijiet ta’ interess ġenerali. Billi r-ristrutturar isir fil-livell lokali, huwa importanti li wieħed iħares lejn l-esperjenza tal-kooperattivi huwa u jfittex soluzzjonijiet. Fiż-żoni rurali, il-kooperattivi jippreżervaw l-attivitajiet ekonomiċi u soċjali, u b’hekk inaqqsu wkoll il-migrazzjoni.

5.5

L-ankraġġ territorjali tagħhom u l-enfasi tagħhom fuq l-interessi tal-membri (familji jew intrapriżi żgħar) jispjegaw għaliex il-banek kooperattivi rnexxielhom ivinċu matul il-kriżi finanzjarja. Il-banek kooperattivi jiffukaw ukoll bil-kbir fuq il-finanzjament sostenibbli u soċjalment responsabbli. L-effetti tal-imġiba tagħhom ġew irrinfurzati mill-konsumaturi li qalbu d-depożiti u s-self tagħhom minn banek privati għal banek kooperattivi.

5.6

Il-kooperattivi jissalvagwardjaw l-impjiegi permezz ta’ mudell ta’ mobbiltà interna flimkien ma’ sigurtà tal-impjiegi. Il-kooperattivi tal-ħaddiema u dawk soċjali jippreferu jaġġustaw il-livelli tas-salarju tagħhom jew in-numru ta’ sigħat tax-xogħol, minflok ma jeliminaw l-impjiegi. Kull fejn huwa possibbli, internalizzaw attivitajiet li qabel kienu jesternalizzaw. Is-sigurtà tal-impjiegi ssaħħet billi l-impjiegi disponibbli tqassmu bejn l-intrapriżi li jiffurmaw parti mill-istess netwerk jew grupp kooperattiv. Il-mudell għall-ħolqien tas-sigurtà għall-ħaddiema tul il-proċess ta’ tranżizzjoni huwa appoġġjat mit-taħriġ vokazzjonali, peress li l-kooperattivi jiffukaw fuq l-iżvilupp tar-riżorsi umani.

5.7

Għal żmien twil, il-kooperattivi żviluppaw diversi tipi ta’ modalitajiet biex jikkooperaw ma’ xulxin b’mod permanenti, kemm permezz ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi fil-livelli kollha kif ukoll permezz ta’ forom intraprenditorjali bħall-gruppi, il-konsorzji u l-kooperattivi sekondarji. Matul dawn l-aħħar snin u għexieren ta’ snin, stajna nosservaw konsolidazzjoni qawwija ta’ din it-tendenza, b’korrelazzjoni pożittiva ppruvata bejn it-tkabbir tal-kooperattivi u l-iżvilupp tal-istituzzjonijiet li jorbtuhom ma’ xulxin.

5.8

Il-potenzjal tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi joħroġ ċar fl-eżempju tal-Italja. L-Italja hija kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ bosta assoċjazzjonijiet kooperattivi intersettorjali. It-tipi kollha ta’ kooperattivi (tal-ħaddiema, tal-konsumaturi, agrikoli, eċċ.) huma membri ta’ waħda minn dawn l-assoċjazzjonijiet. Din it-tendenza ffaċilitat il-ħolqien ta’ strutturi ekonomiċi komuni bejn is-setturi, li huma fatturi ta’ importanza kbira. Bis-saħħa tal-possibbiltajiet ta’ trasferiment tar-riżorsi umani u finanzjarji, kif ukoll tal-esperjenzi, minn settur għall-ieħor, ħafna intrapriżi kooperattivi u setturi huma kapaċi jkampaw anke fl-aktar żmenijiet diffiċli.

5.9

Il-gruppi, il-konsorzji u l-kooperattivi sekondarji jippermettu lill-intrapriżi individwali jibqgħu żgħar filwaqt li jibbenefikaw mill-ekonomiji ta’ skala. L-Italja hija eżempju tajjeb ta’ konsorzji fis-setturi tal-bini u tas-servizzi u fil-qasam tal-kooperattivi soċjali, li jagħtu kontribut sostanzjali għall-iżvilupp ta’ kooperattivi żgħar kif ukoll ġodda. Konsorzji żgħar ta’ kooperattivi soċjali jinsabu wkoll f’pajjiżi oħra bħall-Isvezja. Gruppi kooperattivi importanti jistgħu jinsabu wkoll f’setturi oħra bħall-agrikoltura, il-manifattura, il-banek u d-distribuzzjoni f’diversi pajjiżi oħra tal-UE bħal Franza, il-Ġermanja, Spanja u l-Pajjiżi l-Baxxi, fost l-oħrajn.

5.10

Il-grupp Spanjol Mondragon huwa eżempju ċar ta’ kif intrapriżi kooperattivi individwali jistgħu jorganizzaw lilhom infushom fuq bażi volontarja fi gruppi intraprenditorjali fuq skala kbira li jinkludu l-industrija, l-agrikoltura, id-distribuzzjoni, is-settur finanzjarju, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-edukazzjoni għolja. Aspett importanti tal-grupp Mondragon huwa l-kapaċità li jippreżerva l-impjiegi f’setturi industrijali globalizzati u li jimpenja ruħu f’ristrutturar kontinwu tal-prodotti, il-proċessi u s-servizzi ta’ wara l-bejgħ, permezz tal-pjattaformi industrijali tiegħu madwar id-dinja u trijangolu tal-innovazzjoni li jinkludi l-intrapriżi industrijali tiegħu, l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka u żvilupp.

5.11

L-SMEs jistgħu wkoll jorganizzaw lilhom infushom f’kooperattivi, filwaqt li jsegwu l-istess loġika mmirata lejn iż-żieda fil-volum kummerċjali. Pereżempju, din l-esperjenza kellha suċċess kbir il-Ġermanja, fejn il-kooperattivi ta’ intrapriżi żgħar huma importanti, f’setturi bħall-prodotti tal-forn u tal-laħam, eċċ.

5.12

Qed jidhru fenomeni ġodda bħala tweġiba għall-ħtiġijiet ta’ ċerti gruppi. Eżempju ta’ dan huwa l-kooperattivi tat-tobba fil-Ġermanja li semmejna aktar kmieni. Fl-Italja, b’mod partikolari, il-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ professjonisti b’livell għoli ta’ speċjalizzazzjoni qed tibda tuża l-mudell ta’ intrapriża kooperattiva biex tisfrutta l-opportunitajiet tas-suq. B’hekk, l-impjieg indipendenti jiġi kkombinat ma’ forma kollettiva ta’ intrapriża. Liġi Taljana li ġiet approvata dan l-aħħar, u li kienet tifforma parti mill-pakkett globali ta’ riformi ekonomiċi, tappoġġja dawn l-inizjattivi.

5.13

Fi Franza, u sa ċertu punt fil-Belġu u fl-Isvezja, inħolqu l-hekk imsejħa “Kooperattivi tal-Attività u l-Impjieg”. Dawn jippermettu lill-persuni f’sitwazzjoni ta’ qgħad isibu impjieg indipendenti, u b’hekk ikunu jistgħu jorganizzaw mhux biss l-attivitajiet kummerċjali tagħhom iżda wkoll it-taħriġ vokazzjonali u s-sigurtà soċjali tagħhom fi ħdan intrapriża kooperattiva.

5.14

Normalment, il-kooperattivi ma jistgħux jiksbu kwantitajiet kbar ta’ kapital mill-membri tagħhom u m’għandhomx aċċess faċli għas-swieq tal-kapital. Il-kooperattivi żviluppaw mekkaniżmi ta’ finanzjament proprji. L-ishma tal-kooperattivi ġeneralment mhumiex trasferibbli u l-qligħ ma jintużax biex jirrimunera l-kapital, iżda normalment jiġi investit mill-ġdid fl-intrapriża fil-forma ta’ riżervi li tirrifletti l-istrateġija fit-tul tagħhom: huwa fl-interess tal-membri li jevitaw riskju eċċessiv u li jallokaw investimenti f’attivitajiet li jaqdu direttament il-ħtiġijiet tagħhom.

5.15

F’xi pajjiżi tal-UE, bħal Franza, Spanja u l-Italja, dawn ir-riżervi huma indiviżibbli; jiġifieri ma jistgħux jiġu distribwiti fost il-membri anke f’każ ta’ likwidazzjoni, imma jridu bilfors jintużaw għall-iżvilupp tal-moviment kooperattiv. Ir-riżervi indiviżibbli wrew li għandhom effett dissważiv qawwi kontra d-demutwalizzazzjoni.

5.16

F’xi pajjiżi ġew introdotti dispożizzjonijiet legali biex jippermettu lil partijiet terzi jipprovdu kapital ta’ riskju, kemm bi drittijiet tal-vot u mingħajrhom, fil-kooperattivi (pereżempju, dan huwa l-każ tas-“socio sovventore” fil-liġi Taljana 59/1992). Għal dan il-għan twaqqfu istituzzjonijiet speċjali, pereżempju l-fondi kooperattivi għall-iżvilupp (“fondi mutualistici”) u l-Cooperazione Finanza Impresa (CFI) fl-Italja, l-IDEs fi Franza u l-istruttura ta’ investiment tal-Korporazzjoni Mondragon fi Spanja. Dan ippermetta wkoll lill-kooperattivi jtejbu d-djalogu tagħhom ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2012) 7. Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla: x’tgħallimna mill-esperjenza riċenti?

(2)  COM(2005) 120. Strutturar mill-ġdid u impjieg li tantiċipa u takkumpanja l-istrutturar mill-ġdid biex jiżviluppa l-impjieg: ir-rwol tal-Unjoni Ewropea.

(3)  COM(2001) 66. Il-promozzjoni ta’ qafas Ewropew għas-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  COM(2004) 18. Dwar il-promozzjoni tas-soċjetajiet kooperattivi fl-Ewropa (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  COM(2006) 117. L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Trasferiment tan-negozju - Kontinwità bis-saħħa ta’ bidu ġdid.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-480 sessjoni plenarja fil-25 u s-26 ta’ April 2012

29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/30


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006”

COM(2011) 615 final — 2011/0276 (COD)

2012/C 191/06

Relatur: is-Sur VARDAKASTANIS

Nhar il-25 u s-27 ta’ Ottubru 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 177 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet komuni fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Agrikolu u Rurali u l-Fond Ewropew għall-Qasam Marittimu u s-Sajd koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006

COM(2011) 615 final – 2011/0276 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'162 vot favur, 9 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE huwa tal-fehma li l-politiki ekonomiċi mħaddma bħalissa fl-UE (awsterità, restrizzjonijiet baġitarji fil-livell nazzjonali, il-limitazzjoni tal-baġit tal-UE, patt fiskali, il-limitazzjoni tal-BĊE, eċċ.) qed jagħtu bidu għal proċess ta’ reċessjoni b'konsegwenzi li ma jistgħux jitbassru, fi żmien meta fil-fatt neħtieġu l-kuntrarju, jiġifieri l-bżonn li jittieħdu passi fl-istess ħin, jekk mhux qabel, biex jiġu appoġġjati t-tkabbir u l-impjiegi permezz ta’ proposta iżjed kuraġġuża u effettiva. Kontribuzzjoni sostanzjali għal dan il-għan għandha tiġi mill-Fondi Strutturali (FS) (u parti minnha, fuq bażi temporanja, mill-fondi tal-PAK), kif ġie ssuġġerit diġà fis-Summit tat-30 ta’ Jannar 2012, għalkemm f'forma limitata.

1.2   Għandu jitnieda pjan Ewropew għat-tkabbir – “Patt Ġdid” – bi proġetti fuq skala wiesgħa u mmirati, li jinvolvu għadd żgħir ta’ setturi prinċipali li jistgħu jagħtu nifs ġdid lill-ekonomija tal-UE. Pjan ta’ din ix-xorta jista' jiġi ffinanzjat, b'effett immedjat, permezz ta’ fondi residwi mill-programm 2007-2013, li magħhom, u mill-iżjed fis possibbli, jistgħu għal żmien limitat jiżdiedu parti mill-fondi ppjanati għall-2014-2020. Fond bħal dan għandu jiġi appoġġjat u mħeġġeġ permezz ta’ intervent min-naħa tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) permezz ta’ ħruġ ta’ bonds (1) (Artikolu 87 tar-regolament il-ġdid). Dan ikollu effett multiplikatur fuq l-investimenti, għax jattira kapital minn barra u jipproduċi effett pożittiv fuq id-dejn sovran u fuq l-euro, li jissaħħaħ.

1.3   Il-KESE jemmen bil-qawwa li sħubija li tinvolvi lill-imsieħba kollha kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni (RDK) fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ex post tal-proġetti li jsiru fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE tikkontribwixxi direttament għas-suċċess tagħha. Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fl-Artikolu 5 tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea li jagħmlu mis-sħubija orizzontali element obbligatorju; ifakkar li l-parteċipazzjoni għandha tkun reali fil-fażijiet kollha tal-implimentazzjoni tal-fondi, inklużi l-imsieħba bid-dritt li jivvutaw fil-kumitati ta’ monitoraġġ. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE huwa tal-fehma li l-Artikolu 5 tar-Regolament li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni għandu jiġi rivedut u abbozzat mill-ġdid b'mod li d-dispożizzjonijiet dwar is-sħubija li fih, u b'mod partikolari l-punt 2, jiġu applikati b'mod effettiv fil-livelli amministrattivi, nazzjonali, reġjonali u lokali kollha.

1.3.1   Il-KESE huwa ħerqan li jikkontribwixxi għall-Kodiċi ta’ Kondotta msemmi fl-Artikolu 5 u jinsab imħasseb serjament minħabba s-sinjali mibgħuta mill-Kunsill li jixhdu li l-Istati Membri jridu jillimitaw l-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew jaqilbu dan l-iżvilupp. Il-Kodiċi ta’ Kondotta għandu jinkludi definizzjoni inklużiva u ċara tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, fosthom organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta’ gruppi vulnerabbli b'konformità mal-Artikoli 10 u 19 tat-TFUE, bħan-nisa, l-anzjani, iż-żgħażagħ, l-orjentazzjoni sesswali, id-diżabbiltà, ir-reliġjon u l-monoranzi etniċi. Barra minn hekk, il-Kodiċi ta’ Kondotta għandu jiddefinixxi regoli ċari għall-implimentazzjoni tal-proġetti u l-programmi; għandu jisħaq ukoll fuq proċessar f'waqtu u għandu jipprevedi proċedura ta’ lmenti, u b'hekk jiżgura implimentazzjoni u użu effettiv u mhux burokratiku tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Il-KESE huwa tal-fehma li l-kriterji addizzjonali għall-approvazzjoni użati mill-Istati Membri għandhom l-ewwel ikunu soġġetti għal skrutinju pubbliku biex tiġi evitata burokrazija żejda (u “gold-plating” fil-livell nazzjonali).

1.4   Il-KESE huwa favur żieda fl-użu tal-kundizzjonalità ex ante u ex post fil-Fondi Strutturali tal-UE bil-għan li jinkisbu riżultati sostenibbli iżjed iffukati u konkreti; iżda, jopponi bis-sħiħ il-kundizzjonalità makroekonomika biex jiġu penalizzati r-reġjuni u ċ-ċittadini li m'għandhomx x'jaħtu għad-deċiżjonijiet makroekonomiċi meħuda fil-livell nazzjonali jew Ewropew.

1.5   Il-KESE jirrikonoxxi l-isforzi li ħadet il-Kummissjoni Ewropea biex tissemplifika l-proċeduri, iżda jaħseb li mhumiex biżżejjed. Għad fadal wisq kumplessità. Permezz ta’ enfasi żejda fuq l-awditjar u l-proċeduri, kemm l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll dawk Ewropej għadhom qed joħonqu l-aċċess faċli tal-SMEs u l-NGOs għall-fondi tal-UE. Jeħtieġ li l-burokrazija titnaqqas, b'mod partikolari fil-pajjiżi fejn is-sistemi territorjali federali joħolqu safef differenti ta’ burokrazija.

1.6   Il-KESE jitlob li tiġi kkunsidrata l-idea li jiġi implimentat approċċ abbażi ta’ “one-stop shop” għall-benefiċjarji bil-għan li l-politika ta’ koeżjoni tkun iżjed orjentata lejn il-benefiċjarji (approċċ abbażi tal-klijenti). Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li jeħtieġ li l-limitu li taħtu l-proġetti jiġu vverifikati darba biss b'konformità mal-Artikolu 140 jiżdied mill-ammont attwali ta’ EUR 100 000 għal EUR 250 000. Dan l-ammont għandu japplika għall-parti ta’ dawn il-proġetti li hija ffinanzjata mill-UE, bil-għan li jkun hemm regoli iżjed semplifikati.

1.7   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għal konċentrazzjoni tematika bħala mezz biex titnaqqas il-frammentazzjoni tal-isforzi; fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE jħeġġeġ koordinazzjoni b'saħħitha tal-isforzi bejn l-FS differenti sabiex tinħoloq politika ta’ koeżjoni waħda u magħquda li tista' tikkontribwixxi bis-sħiħ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ewropa 2020. Huwa tal-fehma li (1) it-tisħiħ tal-aċċessibbiltà u (2) it-tisħiħ tal-kapaċità tal-partijiet interessati fil-politika ta’ koeżjoni (l-imsieħba kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-RDK) għandhom isiru oqsma tematiċi speċifiċi.

1.8   Il-KESE jtenni l-importanza li jiġi emendat l-Artikolu 7 tar-Regolament li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni sabiex jiġu integrati l-aċċess għall-fondi u l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabbiltà b'konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà.

1.9   Il-KESE jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-kapaċità għall-imsieħba kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-RDK u jitlob li tiddaħħal definizzjoni tat-tisħiħ tal-kapaċità fl-Artikolu 2. Id-definizzjoni tat-tisħiħ tal-kapaċità għandha tinftiehem bħala t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-imieħba kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-RDK fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-FS fl-istadji kollha.

1.10   Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tressaq il-Qafas Strateġiku Komuni (QSK) u tippermetti lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-korpi politiċi jipparteċipaw fin-negozjati u l-adozzjoni tal-QSK.

1.11   Il-KESE jirrakkomanda li tiġi ċċarata l-parteċipazzjoni tal-atturi tal-ekonomija soċjali biex jilħqu l-għanijiet tal-fondi differenti.

1.12   Il-KESE huwa tal-fehma li l-kundizzjonalità m'għandhiex iddgħajjef il-kapaċità għall-flessibbiltà fl-azzjonijiet strutturali peress li l-ebda soluzzjoni ma hi adatta għar-reġjuni kollha, filwaqt li għandhom jinżammu l-għanijiet komuni li jkun hemm iżjed koeżjoni permezz ta’ regoli komuni.

1.13   Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwa l-proposta li tal-inqas 20 % tal-approprjazzjonijiet nazzjonali kollha tal-FSE jiġu allokati għall-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar.

1.14   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-isforz li jkun hemm RDK iżjed orjentat lejn ir-riżultati, u huwa tal-fehma li huwa ċar li l-indikaturi bbażati fuq indikaturi makroekonomiċi biss, bħall-PDG, huma ineffiċjenti biex jidentifikaw il-livell ta’ koeżjoni.

1.15   Il-KESE jitlob għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-imsieħba kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-RDK fl-Artikolu 51 tar-RDK. L-inklużjoni ta’ dawn l-imsieħba f'dan il-proċess ta’ appoġġ, studji, valutazzjonijiet, u appoġġ minn esperti – flimkien ma’ miżuri oħra appoġġjati permezz ta’ assistenza teknika – twassal għal parteċipazzjoni u kapaċità għall-parteċipazzjoni iżjed sinifikattivi għall-imsieħba kollha fl-FS, u fl-aħħar mill-aħħar twassal għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-politika ta’ koeżjoni. Il-KESE jiddispjaċih li qed jiġi propost li fil-programmi operattivi l-assistenza teknika tiġi eskluża fil-każ tal-miżuri ambjentali, l-opportunitajiet indaqs u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Din l-esklużjoni għandha titneħħa mill-Artikolu 87.

1.16   Il-KESE jemmen bil-qawwa li permezz tal-inġinerija finanzjarja, għandu jsir l-aqwa użu possibbli mill-fondi limitati disponibbli, u li għandu jitfittex li jkun hemm l-ikbar impatt possibbli minn kull euro li jiġi allokat għall-finanzjament tal-koeżjoni. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu kkoordinati bir-reqqa l-attivitajiet tal-FS differenti u l-bżonn li jiġu kkunsidrati mill-ġdid ir-rati tal-kofinanzjament biex jirriflettu aħjar il-bżonnijiet tal-benefiċjarji fil-kriżi attwali.

1.17   B'konformità mal-Artikolu 174 tat-TFUE, il-politika ta’ koeżjoni qiegħda fil-qalba tal-UE, u twassal għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha. Għall-Istati Membri li l-medja tat-tkabbir tal-PDG tagħhom fil-perjodu 2007-2009 kien negattiv, u li wrew rata tajba ta’ assorbiment fil-perjodu attwali, il-limitu għandu jiġi stabbilit mill-inqas fil-livell tal-perjodu attwali. Il-limitu stabbilit għall-politika ta’ koeżjoni ma għandux japplika għas-sajd u għall-Fondi għall-Iżvilupp Rurali.

2.   L-isfida li qed tiffaċċja l-UE minħabba l-kriżi: Fondi Strutturali Ġodda għal era diffikultuża

2.1   Ir-rata tal-qgħad fl-UE għoliet għal 10,3 % minħabba l-kriżi ekonomika (iżjed minn ħames miljuni huma żgħażagħ – il-“ġenerazzjoni mitlufa”) u l-persentaġġ ta’ persuni li huma fil-periklu ta’ esklużjoni soċjali għola b'iżjed minn 4 % f'ċerti pajjiżi tal-UE u 3 % għal persuni mċaħħdin materjalment b'mod gravi.

2.2   Minkejja l-isforzi li saru s'issa fil-qafas tal-politiki tal-UE fil-qasam tal-koeżjoni, l-iżvilupp rurali u s-sajd, l-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni qed jerġgħu jiżdiedu. Skont il-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni, id-disparitajiet żdiedu b'mod ġenerali, u l-iżjed fi ħdan l-istess pajjiż (il-bliet kapitali jistagħnu/ir-reġjuni inqas żviluppati jiftaqru) – f'ċerti każijiet b'mod drammatiku. Ir-rapport juri wkoll id-disparitajiet kbar bejn il-bliet u ż-żoni rurali rigward il-livell ta’ żvilupp (2).

2.3   Fid-dawl tal-ftehim li ntlaħaq matul is-Summit tat-30 ta’ Jannar 2012, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jadottaw “proċedura speċjali” li tissospendi r-regolamenti attwali għal ħames snin sabiex ikun possibbli użu immedjat u rapidu tal-fondi u jiġu eliminati ostakli bla bżonn u diskrezzjoni amministrattiva. Dan ikun ta’ benefiċċju b'mod partikolari għall-SMEs involuti fl-innovazzjoni u t-titjib tal-produzzjoni u l-proġetti li jinvolvu ż-żgħażagħ.

2.4   Il-politika ta’ koeżjoni tinsab fil-qalba tal-UE; b'konformità mal-Artikolu 174 tat-TFUE, l-UE għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha. B'mod partikolari, l-Unjoni għandha jkollha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti.

2.5   F'dan ir-rigward, il-Kumitat jenfasizza li għal dawk l-Istati Membri li t-tkabbir medju tal-PDG fil-perjodu 2007-2009 huwa negattiv u wera rata xierqa ta’ assorbiment fil-perjodu attwali, ir-rata ta’ limitu titqiegħed tal-inqas fil-livell tal-perjodu attwali. Il-livell tal-limitu għall-politika ta’ koeżjoni ma japplikax għall-fondi għas-sajd u l-iżvilupp rurali.

2.6   Il-KESE enfasizza ħafna l-importanza li l-FS jiġu integrati mal-Istrateġija Ewropa 2020; għalhekk, l-għanijiet u l-miri tagħha għandhom ikunu allinjati bil-qawwa mal-politika ta’ koeżjoni (3) u jinkludu referenza iżjed ċara u viżibbli dwar kif l-FS futuri jikkontribwixxu għall-għanijiet stabbiliti mill-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020. Dawn iridu jiġu kkunsidrati mill-ġdid fil-futur qarib jekk l-UE trid li tipprovdihom f'kuntest ta’ kriżi profonda.

2.7   Għadd ta’ opinjonijiet tal-KESE (4) enfasizzaw il-fatt li l-għanijiet tal-FS huma usa' minn dawk tal-Istrateġija Ewropa 2020. Għalhekk, l-FS għandhom ikunu mekkaniżmu biex jiżguraw li l-ekonomija tal-UE ssaħħaħ il-politiki tagħha fil-qasam tal-impjieg u l-edukazzjoni sabiex tippreserva u ssaħħaħ il-kapital uman u l-investimenti tagħha li huma meħtieġa biex jiżguraw tkabbir, impjieg u inklużjoni soċjali. Dan il-mekkaniżmu għandu jikkontribwixxi biex jinkisbu strateġiji u politiki oħra fl-UE, fosthom l-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2010-2015, is-“Small Business Act”, l-Istrateġija tal-Enerġija għall-Ewropa, l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabbiltà 2010-2020, il-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma u l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli.

2.8   Il-KESE huwa mħasseb serjament dwar l-impatt tal-kriżi u huwa tal-fehma li l-FS jistgħu jikkontribwixxu għall-ħruġ mill-kriżi bil-kundizzjoni li r-reviżjoni tal-governanza ekonomika fl-UE li attwalment mhux qed twassal għal tkabbir, impjieg u inklużjoni soċjali tenfasizza li l-miżuri ta’ awsterità meħuda għall-istabbiltà makroekonomika ma jdgħajfux l-isforzi għall-ksib ta’ livell ogħla ta’ koeżjoni fl-UE; l-interventi strutturali għandhom jagħtu riżultati tajbin rigward tkabbir, inklużjoni soċjali u livelli aħjar ta’ impjieg.

2.9   Is-severità tal-kriżi ekonomika tenfasizza l-fatt li l-ammont (EUR 376 biljun) attwalment propost mill-Kummissjoni għall-FS 2014-2010 mhux ser ikun biżżejjed biex iwassal għal livell ogħla ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE. Għalhekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew jikkunsidraw mill-ġdid il-proposta attwali tal-FS fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM) u jistieden lill-istituzzjonijiet biex jikkonċentraw il-fondi tal-UE fuq ir-reġjuni l-inqas żviluppati u biex ma joħolqux aktar burokrazija u frammentazzjoni permezz ta’ kategorija addizzjonali għal “reġjuni fi tranżizzjoni.

2.10   Il-kriżi m'għandhiex twaqqaf lill-UE milli tirrispetta l-impenji u l-konvenzjonijiet internazzjonali tagħha bħall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet.

3.   Fondi Strutturali effiċjenti jitolbu prinċipji sodi

3.1   Programmar strateġiku

3.1.1   Il-KESE huwa tal-fehma li l-Qafas Strateġiku Komuni (QSK) huwa żvilupp prinċipali li jiżgura azzjoni kkoordinata aħjar għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni mill-FS differenti.

3.1.2   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-QSF iżda jitlob approċċ iffokat fuq il-benefiċjarji. Illum il-ġurnata, il-benefiċjarji potenzjali qed jiffaċċjaw proċeduri differenti għas-sussidji (pereżempju, id-differenzi bejn il-FEŻR u l-FAEŻR): dan qed iwassal għal piżijiet amministrattivi għall-benefiċjarji potenzjali. Il-QSK, kif qed jiġi propost attwalment, huwa biss sensiela amministrattiva ta’ kriterji iżda l-idea ta’ one-stop shop għall-benefiċjarji ma teżistix. Dan għandu jipprovdi wkoll għal dokumentazzjoni ċara u interpretazzjoni waħda tar-regoli li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri kollha. Il-one-stop shop jiżgura li l-QSK isir strument għat-tisħiħ tal-effiċjenza fl-użu tal-fondi u ma jżidx saff ieħor ta’ piż amministrattiv.

3.1.3   Il-KESE huwa tal-fehma li l-QSK għandu jipprovdi d-dettalji tal-prijoritajiet ta’ investiment li għandhom l-għeruq tagħhom fl-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u għandu jirrikonoxxi, b'mod partikolari, il-mezzi li permezz tagħhom il-persuni li huma l-iżjed 'il bogħod mis-suq tax-xogħol, fosthom in-nisa, iż-żgħażagħ, l-immigranti, il-persuni mdaħħlin fl-età u l-persuni b'diżabbiltà jistgħu jiksbu inklużjoni soċjali.

3.1.4   Huwa tal-fehma wkoll li għandu jintlaħaq ftehim dwar l-QSK bis-sehem tal-istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi tal-UE kollha sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ sjieda minn kulħadd.

3.1.5   Jilqa' b'sodisfazzjon l-inklużjoni tal-kuntratti ta’ sħubija peress li dan jiżgura li jintlaħqu miri komuni fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali.

3.1.6   Il-KESE jitlob li kull kuntratt ta’ sħubija u l-programm tiegħu jiġu assoċjati mal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR). Il-PNR għandhom jirriflettu l-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020, kif ukoll obbligi oħra marbuta ma’ impenji u konvenzjonijiet internazzjonali oħra bħall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet.

3.1.7   L-inklużjoni tal-imsieħba kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-RDK fit-tħejjija u l-adozzjoni tal-kuntratti ta’ sħubija ser ikunu element ewlieni għas-suċċess tal-FS, inklużi l-emendi li għandhom jiġu proposti għall-kuntratti ta’ sħubija (Artikolu 15); għalhekk, ir-RDK propost għandu jiġi emendat biex jirrifletti dan.

3.1.8   Il-KESE jitlob li l-Artikolu 14 tar-RDK propost jiġi emendat fid-dawl tal-Artikoli 10 u 19 tat-TFUE sabiex fil-paragrafu c) tiegħu jiddaħħlu referenzi adegwati għall-gruppi vulnerabbli bħan-nisa, il-persuni mdaħħlin fl-età, iż-żgħażagħ, l-orjentazzjoni sesswali, id-diżabbiltà, ir-reliġjon u l-minoranzi etniċi.

3.2   Konċentrazzjoni tematika u semplifikazzjoni

3.2.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon ir-RDK propost li jħaddan sensiela ta’ regoli komuni li japplikaw għall-FS; dan ser jagħti perspettiva komuni fil-livell tal-UE u iżjed koerenza u effettività lill-politika ta’ koezjoni fl-UE.

3.2.2   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-11-il qasam tematiku. Iżda, il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jiżdiedu wkoll oqsma tematiċi oħra, pereżempju (1) it-tisħiħ tal-aċċessibbiltà u (2) it-tisħiħ tal-kapaċità tal-partijiet interessati fil-politika ta’ koeżjoni (l-imsieħba kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-RDK). Il-KESE jitlob li jiġu inklużi fl-Artikolu 9 tar-RDK propost.

3.2.3   Il-KESE jenfasizza li l-pajjiżi kollha għandhom jiffukaw fuq l-oqsma definiti fir-RDK sabiex jiżguraw sinerġiji u tkabbir iżjed koeżiv u inklużiv.

3.2.4   Il-KESE jfakkar li huwa ħa pożizzjoni favur is-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u dawk marbuta mal-kontabbiltà u l-awditjar, – “Is-semplifikazzjoni għandha ssir l-għan prinċipali tal-politika ta’ koeżjoni” (5) – u għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-proposta attwali biex tinkludi dan il-prinċipju. Hemm bżonn li tiġi evitata burokrazija żejda u għandu jsir iżjed biex il-benefiċjarji aħħarin jibbenefikaw mill-miżuri. Is-semplifikazzjoni għandha twassal għal iżjed ċarezza fl-eliġibbiltà, l-awditjar, il-ħlasijiet u l-użu tal-ICT. Dan jinkludi li jiġi ssemplifikat it-test tar-regolament u li jitnaqqas in-numru ta’ artikoli.

3.2.5   Il-limitu ta’ EUR 100 000 biex jiġu applikati regoli semplifikati għandu jiżdied għal EUR 250 000 għall-parti li hija ffinanzjata mill-UE tal-proġetti vverifikati darba waħda biss b'konformità mal-Artikolu 140 tal-abbozz tar-RDK. Il-biċċa l-kbira tal-baġits tal-proġetti huma iżjed mill-ammont ta’ fondi propost fir-regolament minħabba piż amministrattiv eċċessiv. Din is-semplifikazzjoni b'dan il-limitu ġdid jista' jkollha impatt pożittiv fuq l-applikazzjoni ta’ din ir-regola għall-mekkaniżmi globali tas-sovvenzjonijiet.

3.2.6   Il-KESE jitlob li tiġi kkunsidrata l-idea li jiġi implimentat approċċ abbażi ta’ “one-stop shop” għall-benefiċjarji bil-għan li l-politika ta’ koeżjoni tkun iżjed orjentata lejn il-benefiċjarji (approċċ abbażi tal-klijenti).

3.2.7   Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon ukoll l-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ rimborżi u governanza elettronika. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-użu tal-governanza elettronika jinkludi aċċessibbiltà għal kulħadd, inklużi l-persuni mdaħħlin fl-età, il-minoranzi etniċi u l-persuni b'diżabbiltà.

3.3   Qafas ta’ prestazzjoni u kundizzjonalità

3.3.1   Il-KESE huwa tal-fehma li l-inklużjoni tal-kundizzjonalità fir-RDK hija mekkaniżmu adatt biex jiżgura li l-għanijiet komuni tal-UE jinkisbu tassew.

3.3.2   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-kundizzjonalità ex ante kif espressa f'opinjonijiet preċedenti (6) peress li dan l-approċċ huwa kkunsidrat mezz għat-titjib tal-kwalità tal-infiq fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni. Iżda, din ix-xorta ta’ kundizzjonalità m'għandhiex toħloq piżijiet amministrattivi addizzjonali, iżda tiżgura użu iżjed koerenti u effiċjenti tal-FS.

3.3.3   Iżda, il-KESE ma jaqbilx mal-użu tal-kundizzjonalità makroekonomika (7) bħala metodoloġija, għax “tikkastiga” l-partijiet il-ħżiena. Il-KESE ma jappoġġja l-ebda miżura ta’ impożizzjoni permezz tal-politika ta’ koeżjoni (inkluża s-sospensjoni tal-ħlasijiet) fis-sitt pakkett li jmiss dwar il-governanza ekonomika. Kwalunkwe miżura meħuda fil-qasam tal-kundizzjonalità makroekonomika ma għandhiex ikollha effett fuq il-benefiċjarji tal-FS.

3.3.4   Huwa essenzjali li r-reviżjoni tal-prestazzjoni tinkludi l-parteċipazzjoni u r-rikonoxximent tal-imsieħba kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-RDK bħala atturi reali fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni.

3.4   Flessibbiltà

3.4.1   Il-KESE huwa tal-fehma li l-prinċipji tal-kundizzjonalità m'għandhomx idgħajfu l-kapaċità għall-flessibbiltà fl-azzjonijiet strutturali peress li l-ebda soluzzjoni mhi perfetta għar-reġjuni kollha.

3.4.2   Il-flessibbiltà m'għandhiex iddgħajjef l-għanijiet komuni tal-koeżjoni permezz ta’ regoli komuni applikati għall-benefiċjarji kollha.

3.5   Governanza f'diversi livelli

3.5.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-approċċ imsejjes fuq governanza f'diversi livelli bħala l-mod kif tiġi żgurata s-sjieda tal-fondi u l-għanijiet tal-koeżjoni soċjali. L-imsieħba kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-RDK għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ, b'konformità mal-Artikolu 5, fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-fondi, inkluż il-livell lokali u reġjonali. Il-KESE jtenni l-importanza li kellhom il-patti territorjali fil-passat biex jinkludu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.

3.5.2   Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata sinerġija bejn l-istrumenti kollha stabbiliti mill-FS.

4.   Il-prinċipji tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE teħtieġ strumenti adegwati għall-ħolqien tal-koeżjoni

4.1   Sħubija: mas-soċjetà ċivili – il-kuntratt ta’ sħubija

4.1.1   Il-KESE appoġġja l-fatt li l-prinċipju tas-sħubija jiġi applikat għall-politika ta’ koeżjoni (8). Il-partijiet interessanti rilevanti kollha għandhom jiġu rappreżentati fil-ħidma preparatorja tal-kuntratti ta’ sħubija u l-għajnuna teknika.

4.1.2   Għalhekk, il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-Artikolu 5 tar-RDK li qed jiġi propost attwalment u l-proposta li jitfassal Kodiċi ta’ Kondotta fil-livell tal-UE dwar is-sħubija, inklużi r-responsabbiltajiet u d-drittijiet differenti għall-parteċipazzjoni fost l-imsieħba kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-RDK. It-tħejjija tal-Kodiċi ta’ Kondotta għandha tiżgura l-parteċipazzjoni sħiħa ta’ dawn l-imsieħba.

4.1.3   Il-KESE jenfasizza li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili għandha tiġi żgurata wkoll abbażi ta’ aċċess ugwali għall-finanzjament u definizzjoni inklużiva ċara. Is-soċjetà ċivili ta’ spiss tiġi eskluża mill-aċċess għall-fondi minħabba ostakli marbuta mar-regoli dwar il-kofinanzjament, il-piżijiet amministrattivi, għanijiet inadegwati tal-Programmi Operattivi fil-livell nazzjonali u n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-monitoraġġ tal-fondi.

4.1.4   Il-Kodiċi ta’ Kondotta għandu jiddefinixxi regoli ċari għall-applikazzjoni, għandu jisħaq fuq proċessar f'waqtu u għandu jipprevedi proċedura ta’ lmenti, u b'hekk jiżgura implimentazzjoni u użu effettivi u mhux burokratiċi tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Il-KESE huwa tal-fehma li l-kriterji addizzjonali għall-approvazzjoni użati mill-Istati Membri għandhom l-ewwel ikunu soġġetti għal skrutinju pubbliku biex tiġi evitata burokrazija addizzjonali (u “gold-plating” fil-livell nazzjonali).

4.1.5   Il-Kodiċi ta’ Kondotta għandu jistabbilixxi biċ-ċar ir-responsabbiltajiet u d-drittijiet differenti għall-parteċipazzjoni fost l-imsieħba kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-RDK.

4.1.6   Għal dan il-għan, il-KESE talab ukoll li jkun hemm kuntratt ta’ sħubija bejn kull Stat Membru u r-reġjuni u s-soċjetà ċivili tiegħu (9).

4.1.7   Il-KESE jenfasizza l-bżonn li tinħoloq sħubija wiesgħa li għandha tirrappreżenta firxa wiesgħa ta’ interessi differenti. Għandhom jiġu stabbiliti modi ċari għall-iffissar tar-responsabbiltajiet u l-funzjonijiet ta’ dawn l-imsieħba.

4.1.8   Il-KESE jiddispjaċih li r-RDK ma jipprovdix mekkaniżmu Ewropew ta’ sħubija mal-imsieħba Ewropej kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-RDK; għalhekk, il-KESE jitlob għall-inklużjoni ta’ din ix-xorta ta’ mekkaniżmu fir-regolament propost.

4.1.9   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea favur it-tisħiħ tal-inizjattivi mmexxija mill-Unjoni abbażi tal-esperjenza miksuba mill-approċċ Leader. Il-KESE jħeġġeġ li l-partijiet interessati rilevanti mis-soċjetà ċivili jkunu rappreżentati fil-gruppi ta’ azzjoni lokali LEADER.

4.2   Kumitati ta’ monitoraġġ

4.2.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-għoti tad-drittijiet tal-vot għall-imsieħba kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-RDK fil-kumitati ta’ monitoraġġ skont l-Artikolu 42 tar-RDK u għal darb'oħra jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-imsieħba kollha jkollhom l-istess drittijiet fi ħdanhom. Il-KESE jisħaq li huwa urġenti li l-partijiet kollha tal-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ jiġu ttrattati b'mod ugwali u jitlob għall-inklużjoni ta’ linji gwida konkreti fil-QSK.

4.2.2   Il-KESE jtenni l-importanza ta’ valutazzjoni u analiżi soda dwar l-użu tal-fondi u jenfasizza li dan jirrappreżenta element prinċipali biex jinftiehem l-impatt differenti tal-fondi fil-firxa varjata ta’ kuntesti fir-reġjuni Ewropej.

4.3   Għajnuna teknika

4.3.1   Il-KESE jitlob għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-imsieħba kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-RDK fl-Artikolu 51 tar-regolament ġenerali. L-inklużjoni ta’ dawn l-imsieħba f'dan il-proċess ta’ appoġġ, studji, valutazzjonijiet, u appoġġ minn esperti – flimkien ma’ miżuri oħra appoġġjati permezz ta’ assistenza teknika – twassal għal parteċipazzjoni u kapaċità għall-parteċipazzjoni iżjed sinifikattivi għall-imsieħba kollha fl-FS. Huwa tal-fehma li dan għandu jkun prerekwiżit għall-parteċipazzjoni.

4.3.2   Il-KESE jiddispjaċih li qed jiġi propost li l-programmi operattivi dwar l-għajnuna teknika jiġu esklużi mill-azzjonijiet ambjentali, l-opportunitajiet indaqs u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Din l-esklużjoni għandha titneħħa mill-Artikolu 87.

4.3.3   Il-KESE jfakkar li l-Fond Soċjali Ewropew huwa iżjed avvanzat dwar l-użu tal-għajnuna teknika għall-parteċipazzjoni tal-imsieħba definiti fl-Artikolu 5(1). Il-KESE jitlob għall-bżonn li jiġi applikat il-prinċipju tas-sħubija b'mod ugwali fl-FS kollha.

4.4   It-tisħiħ tal-kapaċità

4.4.1   Il-KESE jitlob li fl-Artikolu 2 tiddaħħal definizzjoni tat-tisħiħ tal-kapaċità. Din id-definizzjoni għandha tinftiehem bħala t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-imsieħba kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-RDK fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-FS fil-fażijiet kollha, fosthom it-taħriġ, il-parteċipazzjoni fl-assistenza teknika, l-inklużjoni tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-gruppi vulnerabbli u l-appoġġ fl-implimentazzjoni tal-fondi. Għandha tiġi inluża wkoll fil-QFS.

4.4.2   Il-bini tal-kapaċità tal-imsieħba kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-RDK, għandha tinkludi wkoll l-aċċess għall-fondi, kif previst fl-Artikolu 87 tar-RDK. Il-KESE jiddispjaċih li n-nondiskriminazzjoni fl-aċċess għall-fondi mhix inkluża fl-Artikolu 7 tiegħu.

4.5   In-nondiskriminazzjoni u l-aċċess għall-fondi

4.5.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-inklużjoni tan-nondiskriminazzjoni fir-RDK attwali propost. Iżda, jiddispjaċih li l-prinċipju tal-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabbiltà, preżenti fl-Artikolu 16 tar-regolament ġenerali attwali, ma nżammx fir-RDK propost għall-ġejjieni.

4.5.2   L-applikanti, il-benefiċjarji u l-imsieħba għandu jkollhom drittjiet obbligatorji vis-à-vis l-awtoritajiet fl-Istati Membri, kif ukoll id-dritt li jibbenefikaw minn mekkaniżmu ta’ lmenti sabiex ikunu jistgħu jqajmu oġġezzjonijiet.

4.5.3   Il-KESE jfakkar li l-aċċess għall-fondi ser jitlob sforzi fil-qasam tat-tisħiħ tal-kapaċità tal-imsieħba kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-RDK, kif ukoll użu wiesa' tal-mekkaniżmi globali tas-sovvenzjonijiet. Il-KESE jtenni li t-taħriġ, ikkoordinat mill-Kummissjoni Ewropea, jista' jiffaċilita dan l-aċċess sostanzjalment.

4.6   Appoġġ lill-ekonomija soċjali

4.6.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet proposti dwar l-atturi tal-ekonomija soċjali u jirrakkomanda li tiġi ċċarata l-parteċipazzjoni tagħhom fl-għanijiet tal-FS. Dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx jillimitaw lill-atturi tal-ekonomija soċjali għall-programmi ta’ inklużjoni soċjali. L-atturi tal-ekonomija soċjali għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw ukoll fi prijoritajiet importanti oħra tal-fondi kollha bħall-promozzjoni tal-impjieg, il-ġlieda kontra l-faqar, it-titjib tal-livelli ta’ edukazzjoni, il-ħolqien tal-intrapriżi, l-intraprenditorija, il-kompetittività u l-appoġġ fin-negozju, l-iżvilupp lokali, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, it-taħriġ u l-edukazzjoni.

4.7   Multifondi – Inġinerija finanzjarja

4.7.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-possibbiltà li l-fondi jiġu kkombinati sabiex jinkisbu riżultati aħjar meta jiġu implimentati l-fondi.

4.7.2   Il-KESE jemmen fl-effett ta’ lieva li l-FS għandu jkollhom, sabiex dawn tal-aħħar jitrawmu fil-livell lokali; il-KESE jirrakkomanda li persentaġġ adatt tal-fondi għandu jiġi riżervat għall-fondi mħallta, li jistgħu jimmobilizzaw ir-riżorsi endoġeniċi lokali għall-ħolqien ta’ faċilitajiet ta’ finanzjament diversi u dewwiema fil-livell lokali, li jiggarantixxu wkoll is-sostenibbiltà tal-intervent tal-UE.

4.7.3   Il-KESE jemmen bil-qawwa li permezz tal-inġinerija finanzjarja, għandu jsir l-aqwa użu possibbli mill-fondi limitati disponibbli, u li għandu jitfittex li jkun hemm l-ikbar impatt possibbli minn kull euro li jiġi allokat għall-finanzjament tal-koeżjoni. Għandu jsir użu akbar mill-bonds tal-proġetti fil-qafas tal-Ewropa 2020; il-KESE jissuġġerixxi li tiġi eżaminata bir-reqqa l-possibbiltà li jintużaw l-FS impenjati għall-futur kif ukoll il-flus li ma ntużawx mill-perjodu tal-programmazzjoni 2007-2013, bħala garanzija bil-għan li l-SMEs u l-intrapriżi jkunu jistgħu jieħdu self mill-BEI li jista' jiġi rimborżat, sabiex tingħata spinta lill-ekonomija Ewropea bħalissa. F'dan ir-rigward, għandhom jiġu eżaminati wkoll ir-revolving funds u l-mikrokrediti.

4.8   Delimitazzjoni

4.8.1   Il-Kumitat jappoġġja l-proposta li tal-inqas 20 % tal-approprjazzjonijiet nazzjonali kollha tal-FSE jiġu allokati għall-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar. Il-KESE ma jaqbilx li din il-mira titnaqqas. Fid-dawl tal-kriżi ekonomika attwali, jeħtieġ li l-Ewropa soċjali tibqa' viżibbli f'għajnejn iċ-ċittadini tagħha. B'mod partikolari, l-intrapriżi soċjali huma strumentali fl-indirizzar ta’ dawn l-għanijiet u jagħtu kontribut sostanzjali għall-inklużjoni ta’ gruppi partikolarment vulnerabbli fis-soċjetà u s-suq tax-xogħol.

4.8.2   Il-Kumitat jissuġġerixxi li tinżamm il-prattika attwali li l-proġetti tat-trasport jibqgħu jiġu ffinanzjati minn intestatura tal-baġit separata. L-allokazzjoni fil-Fondi ta’ Koeżjoni ssuġġerita mill-KE tfisser li jonqos l-ammont disponibbli għall-koeżjoni.

4.9   Rati ta’ kofinanzjament

4.9.1   Ir-regoli ta’ kofinanzjament għandhom jiġu adattati għaċ-ċirkustanzi (10). Għandha tiġi kkunsidrata l-kapaċità għall-assorbiment tal-benefiċjarji differenti.

4.9.2   Il-KESE jappoġġja ż-żieda fir-rati ta’ kofinanzjament kif propost diġà mill-Kummissjoni fl-2011 sa mhux iżjed minn 95 % għall-Istati Membri li qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji (11) u li nżammet fir-RDK. Il-KESE huwa tal-fehma li l-kofinanzjament għandu jiġi pprovdut ukoll bħala possibbiltà għall-korpi lokali li m'għandhomx aċċess għas-self peress li ma għandhomx baġit awtonomu, u għalhekk ma jistgħux jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom.

4.9.3   Il-KESE jappoġġja l-idea li l-proġetti li l-għan tagħhom huwa li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-gruppi vulnerabbli u l-gruppi fil-periklu ta’ esklużjoni għandu jkollhom rati ogħla ta’ kofinanzjament. Fid-dawl tal-periklu dejjem jikber li jitnaqqas il-baġit tal-politiki soċjali nazzjonali minħabba l-miżuri ta’ awsterità, din ir-rata għandha tilħaq il-100 % għall-Istati Membri li l-iżjed li ntlaqtu mill-kriżi ekonomika.

4.10   Sensibilizzazzjoni

4.10.1   Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġu inklużi strateġiji ta’ sensibilizzazzjoni rigward il-ħtiġijiet tar-RDK u t-tifsira tal-prinċipji ewlenin u l-mekkaniżmi stabbiliti.

4.10.2   Għandhom jintużaw l-assistenza teknika u strumenti oħra biex jiġi żgurat li l-atturi kollha li qed jipparteċipaw fil-proċess (speċjalment l-imsieħba kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-RDK) – mill-awtoritajiet ta’ ġestjoni sa dawk responsabbli għall-implimentazzjoni tal-proġetti – ikollhom biżżejjed għarfien dwar l-elementi prinċipali stabbiliti fir-regolament.

4.11   Djar soċjali

4.11.1   Il-KESE jfakkar fl-importanza li jiġu inklużi d-djar soċjali fir-RDK u f'kif dan il-qasam jista' jibbenefika minn definizzjoni iżjed ċara fil-QSF anness għar-regolament.

4.12   Politiki makroreġjonali – politika urbana

4.12.1   Il-KESE jappoġġja l-approċċ li għandu l-għan li jagħti spinta lir-rwol tal-istrateġiji tal-kooperazjoni makroreġjonali fil-politika ta’ koeżjoni. Il-kooperazzjoni bejn il-makroreġjuni għandha potenzjal kbir li tiżgura valur aħjar għall-flus investiti f'dawn ir-reġjuni.

4.12.2   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ livell ogħla ta’ sensibilità għall-ħtiġijiet taż-żoni urbani: fil-fatt, 5 % tal-fondi tal-FEŻR huma riżervati għall-iżvilupp urban u għat-twaqqif ta’ pjattaforma urbana (12).

4.12.3   Il-politiki urbani għandhom jiffukaw fuq livell ogħla ta’ ambjenti sostenibbli li jiżguraw mobbiltà aħjar għaċ-ċittadini kollha, ambjenti adatti għaċ-ċittadini kif ukoll politiki urbani li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, b'mod partikolari għall-persuni mdaħħlin fl-età, il-persuni b'mobbiltà mnaqqsa u l-persuni b'diżabbiltà.

4.12.4   Il-KESE jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp li għamel l-ESPON fil-qasam tal-iżvilupp territorjali Ewropew.

4.13   L-indikaturi

4.13.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-isforz biex ikun hemm regolament iżjed orjentat lejn ir-riżultati. Regolament ta’ dan it-tip jitlob indikaturi sodi.

4.13.2   Il-KESE jemmen bis-sħiħ li huwa ċar li indikaturi msejsa biss fuq indikaturi makroekonomiċi bħall-PDG huma ineffiċjenti biex jidentifikaw il-livell ta’ koeżjoni. Għandhom jintużaw indikaturi oħra fil-politika ta’ koeżjoni (13). Kull użu ta’ dawn it-tipi ta’ indikaturi għandu jkun soġġett għal reviżjoni ta’ nofs it-term tal-perjodu ta’ programmazzjoni.

4.13.3   Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra l-indikaturi ta’ prestazzjoni li huma definiti fil-livell lokali u dak tal-Komunità u li ttejjeb l-użu tal-indikaturi kwalitattivi minbarra l-indikaturi kwantitattivi, jiġifieri ttejjeb il-kejl tal-valur miżjud soċjali fil-livell lokali ġġenerat mill-programmi u l-operazzjonijiet.

4.13.4   L-indikaturi għandhom ikejlu l-impatt fit-tul. M'għandhomx ikunu bbażati biss fuq l-approċċ ta’ spejjeż u benefiċċji iżda għandhom jiġu kkunsidrati wkoll konsiderazzjonijiet soċjali oħra. Huwa importanti li l-atturi kollha fil-politika ta’ koeżjoni jitħarrġu fl-applikazzjoni tal-indikaturi l-ġodda.

4.14   L-ambitu ġeografiku (Artikolu 89)

4.14.1   Il-KESE jisħaq li l-miżuri fil-qasam tal-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-impjieg fi ħdan l-FS għandhom jinkludu l-gruppi vulnerabbli kollha, bħan-nisa, l-immigranti u l-persuni b'diżabbiltà, u għandhom jiġu organizzati u implimentati indipendentement mill-ambitu ġeografiku.

4.15   Progress strateġiku

4.15.1   Il-KESE jfakkar li r-rapporti ta’ progress għandhom jinkludu valutazzjoni dwar il-progress għall-miżuri fil-qasam tal-inklużjoni tal-gruppi vulnerabbli fir-reġjuni milqutin mill-miżuri.

4.15.2   Il-KESE huwa tal-fehma li l-Artikolu 49 u l-Artikolu 101 tar-RDK propost għandhom jinkludu wkoll valutazzjoni tal-prijoritajiet orizzontali flimkien mal-prijoritajiet tematiċi.

4.15.3   Il-funzjonijiet tal-awtorità ta’ ġestjoni stabbiliti fl-Artikolu 114 għandhom jinkludu informazzjoni mqassma abbażi tal-gruppi li huma fil-periklu ta’ esklużjoni.

4.16   Pjani ta’ Azzjoni Konġunta

4.16.1   Il-KESE huwa tal-fehma li l-Pjani ta’ Azzjoni Konġunta għandhom jistabbilixxu b'mod ċar il-parteċipazzjoni tal-imsieħba kollha msemmija fl-Artikolu 5(1).

4.16.2   Il-Pjani ta’ Azzjoni Konġunta għandhom jinkludu wkoll lill-imsieħba kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-RDK bħala benefiċjarji potenzjali ta’ dawn it-tipi ta’ azzjonijiet.

5.   Kooperazzjoni transnazzjonali

5.1   Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jingħata iżjed appoġġ lill-programmi operattivi li jippromovu l-kooperazzjoni transnazzjonali fil-Fondi kollha, bħala mezz għat-tisħiħ tar-rwol li taqdi l-Kummissjoni Ewropea biex tiffaċilita l-iskambju tal-esperjenza u tikkoordina l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi rilevanti.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Għal iżjed dettalji, irreferi għall-opinjoni tal-KESE dwar “It-tkabbir u d-dejn sovran fl-UE: żewġ approċċi innovattivi”, ĠU C 143, 22.05.2012, p. 10) u l-opinjoni dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006”, (Ara paġna 38 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Iż-żoni metropolitani u r-reġjuni bliet fl-Istrateġija Ewropa 2020”, ĠU C 376/02, 22.12.2011, p. 7, u l-opinjoni dwar “L-agrikoltura u l-artiġjanat – għaqda rebbieħa għaż-żoni rurali”, ĠU C 143, 22.05.2012, p. 35.

(3)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment - Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni”, ĠU C 248/12, 25.8.2011, p. 68; l-opinjoni dwar “Ir-rwol u l-prijoritajiet tal-politika ta’ koeżjoni fl-Istrateġija UE 2020”, ĠU C 248/01, 25.8.2011, p. 1 u l-opinjoni dwar “Iż-żoni metropolitani u r-reġjuni bliet fl-Istrateġija Ewropa 2020”, ĠU C 376/02, 22.12.2011, p. 7.

(4)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020”, ĠU C 318/13, 29.10.2011. p. 82, u l-opinjoni dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni”, ĠU C 248/12, 25.8.2011, p. 68.

(5)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni”, ĠU C 248/12. 25.8.2011, p. 68 u l-opinjoni dwar “Kif jistgħu jitħeġġu sħubijiet effikaċi fil-ġestjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, fuq il-bażi ta’ prattiki tajbin miċ-ċiklu 2007-2013”, ĠU C 44/01, 11.2.2011, p. 1.

(6)  Opinjoni dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni”, ĠU C 248/12, 25.8.2011, p. 68.

(7)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Il-politika reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020”, ĠU C 318/13, 29.10.2011, p. 82.

(8)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Kif jistgħu jitħeġġu sħubijiet effikaċi fil- ġestjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, fuq il-bażi ta’ prattiki tajbin miċ-ċiklu 2007-2013”, ĠU C 44/01, 11.2.2011, p. 1 u l-opinjoni dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni”, ĠU C 248/12, 25.8.2011, p. 68.

(9)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni”, ĠU C 248/12, 25.8.2011, p. 68., punti 2.1.6. 6.1 u 6.2.

(10)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni”, ĠU C 248/12, 25.8.2011, p. 68., punti 2.2.1 u 6.10.

(11)  L-opinjonijiet tal-KESE: ĠU C 24 tat-28.01.2012 minn 2012/C/24/17 sa 2012/C/24/19.

(12)  B'konformità ma’ opinjonijiet preċedenti bħal dik dwar “Iż-żoni metropolitani u r-reġjuni bliet fl-Istrateġija Ewropa 2020”, ĠU C 376/02, 22.12.2011, p. 7 u dik dwar “Ir-rwol u l-prijoritajiet tal-politika ta’ koeżjoni fl-Istrateġija UE 2020”, ĠU C 248/01, 25.8.2011, p. 1.

(13)  Ara l-koeffiċjent ta’ GINI msemmi fl-opinjoni dwar “Ir-Raba' Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali”, ĠU C 120/17, 16.5.2008, p. 73 u l-opinjoni dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni”, ĠU C 248/12, 25.8.2011. p. 68.

L-opinjoni tal-KESE dwar “Il-PDG u lil hinn minnu – l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-għażla ta’ indikaturi komplementari”, (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU): “1.5.1 F'dan il-kuntest, jidher li hu indispensabbli li l-kunċett tal-progress jieħu post dak tat-tkabbir ekonomiku, u li jiġi promoss dibattitu dwar l-istess tifsira tal-progress li, minbarra li jiddefinixxi mill-ġdid l-kunċett ta’ żvilupp, jintroduċi wkoll l-aspetti tar-responsabbiltà politika. Dan l-approċċ ġdid jitlob li jiġu identifikati d-dimensjonijiet differenti li jsawru l-progress permezz: i) tal-estensjoni tal-kontijiet nazzjonali għall-fenomeni soċjali u ambjentali, ii) tal-użu ta’ indikaturi komposti, u iii) tal-ħoqlien ta’ indikaturi ewlenin.”


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/38


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006”

COM(2011) 612 final — 2011/0274 (COD)

2012/C 191/07

Relatur: is-Sur CEDRONE

Nhar il-25 u s-27 ta’ Ottubru 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 177 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006

COM(2011) 612 final – 2011/0274 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’180 vot favur, 9 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u proposti

1.1   Il-Kumitat japprova l-approċċ tal-Kummissjoni b’mod wiesa’ fir-rigward tal-proposta l-ġdida għal Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni. Jappoġġja b’mod partikolari l-isforzi biex jiġu armonizzati l-proċeduri relatati mal-fondi varji ma’ dawk stipulati fir-regolament ġenerali, għalkemm jenfasizza wkoll għadd ta’ punti ewlenin (imfissra hawn fuq) li jridu jiġu diskussi aktar u mtejba, b’mod speċjali fid-dawl tal-qagħda attwali tal-UE minħabba l-kriżijiet finanzjarji u tad-dejn sovran.

1.2   Il-Kumitat huwa kuntent li l-fond jista’ jintuża għall-promozzjoni tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli, għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, għall-ħarsien tal-ambjent u l-promozzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima, għar-restawr tal-bijodiversità u għat-tiġdid tal-ambjent urban. Dan jista’ jħalli impatt pożittiv fuq setturi oħrajn bħat-turiżmu. Dawn huma kollha fatturi li jappoġġjaw l-iżvilupp sostenibbli.

1.3   Il-Kumitat iqis importanti t-tendenza li l-Kummissjoni tnaqqas l-għadd ta’ interventi f’dan iż-żmien ta’ kriżi billi tikkonċentra fuq oqsma tematiċi, mod ewlieni kif titnaqqas il-ħela, jiġu kkonċentrati r-riżorsi fuq attivitajiet speċifiċi u jissaħħaħ l-effett multiplikatur li jista’ jiġġenera t-tkabbir u l-impjieg.

1.4   Il-Kumitat jappoġġja l-proposta biex jiġi ffinanzjat il-proġett “Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” iżda jrid jiġi evitat li jsir fond speċifiku, billi dan jista’ jwassal għal duplikar mhux meħtieġ.

1.5   Il-Kumitat huwa mħasseb ukoll, b’mod serju, dwar il-proposti attwali dwar il-prinċipju tal-kondizzjonalità (b’mod partikolari dik makroekonomika), u qed jesprimi riżervi kbar dwarhom. Dan m’għandux ikun orjentat lejn l-ikkastigar, u minflok għandu jiffoka fuq ir-responsabbiltà u l-ippremjar, u għaldaqstant jiġi evitat li l-objettiv ta’ konverġenza jiddgħajjef u jiġi kompromess.

1.6   Il-Kumitat jaħseb li huwa vitali li titjieb il-koordinazzjoni ta’ sensiela ta’ fondi, kif ukoll bejn il-politika ta’ koeżjoni kollha kemm hi u l-politiki ekonomiċi l-oħrajn tal-UE (inkluża l-PAK) fi ħdan il-qafas imsaħħaħ ta’ politika baġitarja komuni. Dan għandu joħloq effett multiplikatur u jsaħħaħ l-effikaċja tal-investimenti. L-għan għandu jkun kooperazzjoni isħaħ fuq il-politika ekonomika (inkluża l-politika ta’ koeżjoni), sabiex tiġi stabbilita governanza ekonomika komuni, talinqas fiż-żona tal-euro; il-Kumitat ripetutament appella biex dan isir u sfortunatament, is-summit ta’ Diċembru 2011 falla li jwettqu.

1.7   Huwa kruċjali wkoll li titjieb is-sħubija istituzzjonali li bħalissa hija żbilanċjata bejn il-Kummissjoni, l-Istati u r-reġjuni, sabiex il-Kummissjoni terġa’ tibda tipprovdi appoġġ u gwida. Din is-sħubija għandha tiġi appoġġata f’kull fażi mill-imsieħba soċjali skont l-Artikolu 5(1) tal-proposta għal regolament dwar id-dispożizzjonijiet komuni, u li spiss għandhom biss rwol ta’ konsultazzjoni u informazzjoni, billi jitfassal kodiċi ta’ kondotta għall-UE kollha kemm hi u parametri għall-valutazzjoni tal-valur miżjud tas-sħubija.

1.8   Il-Kumitat jaħseb li semplifikazzjoni minn fuq għal isfel u minn isfel għal fuq hija prijorità assoluta, għall-Fonda ta’ Koeżjoni u għall-Fondi Strutturali kollha; għandhom jitnaqqsu l-pagamenti amministrattivi, possibilment tiġi stabbilita miżata b’rata fissa għal xi tipi ta’ proġetti, u jiġi applikat il-prinċipju ta’ “darba biss”.

1.9   Għall-Istati Membri li l-aktar li ntlaqtu mill-kriżi, il-politika ta’ koeżjoni hija waħda mill-aktar strumenti importanti li għandhom biex inaqqsu d-differenzi soċjali, ekonomiċi u reġjonali, kif ukoll biex jirrilanċjaw it-tkabbir u jiggarantixxu s-sostenibbiltà.

1.10   Kofinanzjament: il-kriterji għal kofinanzjament għandhom jiġu analizzati b’iktar reqqa u riveduti; għandhom jintrabtu mal-kondizzjonijiet reali baġitarji tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet l-iżjed vulnerabbli ma jkollhomx aċċess għal fondi.

1.11   Il-Kumitat jaħseb li l-isfond attwali ta’ riforma u aġġustament tad-dejn organizzat f’żewġ fażijiet (l-ewwel l-awsterità, bħala theddida, umbagħad it-tkabbir) ma jħallix spazju għal politika tal-investiment u tat-tkabbir. Jaħseb ukoll li t-tkabbir u l-awsterità jridu jimxu b’mod parallel. Għaldaqstant, il-politika ta’ koeżjoni għandha tkun immirata f’dik id-direzzjoni, pereżempju l-appoġġ ta’ negozji li għandhom dimensjoni teknoloġika qawwija u impatt qawwi fuq l-impjieg taż-żgħażagħ.

1.12   Il-KESE huwa tal-fehma li l-politiki ekonomiċi mħaddma bħalissa fl-UE (awsterità, restrizzjonijiet baġitarji fil-livell nazzjonali, il-limitazzjoni tal-baġit tal-UE, il-patt fiskali, il-limitazzjoni tal-BĊE, eċċ.) qed jagħtu bidu għal proċess ta’ reċessjoni b’konsegwenzi li ma jistgħux jitbassru, fi żmien meta fil-fatt neħtieġu l-kuntrarju, jiġifieri li hemm bżonn li jittieħdu passi fl-istess ħin, jekk mhux qabel, biex jiġu appoġġati t-tkabbir u l-impjiegi permezz ta’ proposta iżjed kuraġġuża u effettiva. Kontribuzzjoni sostanzjali għal dan il-għan tista’ tiġi mill-Fondi Strutturali (u parzjalment, fuq bażi temporanja, mill-PAK), kif ġie ssuġġerit diġà fis-summit tat-30 ta’ Jannar 2012, għalkemm f’forma limitata.

1.12.1   Fi kliem ieħor, li hemm bżonn huwa “patt ġdid” Ewropew għat-tkabbir (1), pjan li jinvolvi proġetti mmirati ewlenin f’għadd żgħir ta’ setturi li huma kapaċi jerġgħu jqajmu l-ekonomija tal-UE fuq saqajha fi żmien relattivament qasir. Dan il-pjan għandu jitqies bħala komplimentari għall-Istrateġija Ewropa 2020 li hija mmirata iktar lejn riżultati fuq medda medja ta’ żmien. Pjan ta’ din ix-xorta jista’ jiġi:

ffinanzjat b’effett immedjat, permezz ta’ fondi residwi mill-programm 2007-2013, li magħhom, u mill-iżjed fis possibbli, jistgħu għal żmien limitat jiżdiedu parti mill-fondi ppjanati għall-2014-2020;

implimentat permezz ta’ proġetti li jistgħu jitwettqu immedjatament, permezz ta’ proċedura mgħaġla abbażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà jew permezz ta’ bidla radikali “temporanja” fir-regolamenti attwali, li b’hekk jippermettu li jitħaffef il-proċess;

appoġġat u mħeġġeġ permezz ta’ intervent min-naħa tal-BEI permezz ta’ ħruġ ta’ bonds (Artikolu 87 tar-regolament il-ġdid). Dan ikollu effett multiplikatur fuq l-investiment, għax jattira kapital minn barra u jipproduċi effett pożittiv fuq id-dejn sovran fil-konfront tal-euro, li b’hekk tissaħħaħ.

1.12.2   Dan il-pjan ta’ tkabbir irid jiġi implimentati skont l-istess kriterji, talinqas għall-ewwel tliet snin tal-programmazzjoni li jmiss.

2.   Daħla

2.1   F’bosta Opinjonijiet preċedenti tiegħu, il-Kumitat enfasizza l-prinċipji u l-importanza tal-politika ekonomika u ta’ koeżjoni soċjali kif ukoll tas-solidarjetà, kif imħaddna fit-Trattat u mtennija fit-testi tal-Kummissjoni.

2.1.1   Dan il-prinċipju issa huwa iktar rilevanti u possibilment f’iktar periklu minn qatt qabel; lanqas il-politika tat-tkabbir, meta l-Istati Membri l-antiki beżgħu li jitilfu l-fondi u l-Istati Membri l-ġodda kienu mħassba dwar in-nuqqas ta’ fondi adegwati biex ilaħħqu mad-domanda tal-koeżjoni, ma ppreżentat dan il-livell ta’ riskju.

2.2   Minkejja dan, il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon it-tentattiv tal-Kummissjoni biex tqis u tinkludi fl-isfond il-bidliet għar-regolamenti, bħall-proposta dwar il-baġit tal-UE tal-ġejjieni, l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-kriżi tad-dejn sovran li segwiet u ħarġet mill-kriżi finanzjarja u li bil-mod qed thedded is-sopravivenza vera u proprja tas-suq intern u għaldaqstant tal-UE stess.

3.   Il-politika ta’ koeżjoni ġdida: sfond, mistoqsijiet, kummenti u punti strateġiċi

3.1   F’Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ proposti dwar il-qafas finanzjarju multiannwali li se jifforma l-bażi tal-finanzi tal-UE mill-2014 sal-2020. Primarjament, dan il-qafas se jappoġġa l-Istrateġija Ewropa 2020, li għandu jirrilaxxa fondi addizzjonali għall-baġit, possibilment anke permezz tal-BEI (bonds ta’ proġetti u/jew eurobonds).

3.2   Wieħed għandu jżomm f’moħħu wkoll li, bil-kriżi ekonomika li għaddejja bħalissa, ħafna Stati Membri ġew kostretti jadottaw miżuri ta’ rkupru ibsin ħafna u għaldaqstant li jiffriżaw l-investiment pubbliku u privat fl-infrastruttura, b’implikazzjonijiet serji għat-tkabbir u l-impjiegi. Barra minn hekk, meta jfasslu l-programmi tagħhom, l-Istati Membri għandhom it-tendenza li jagħtu prijorità lill-proġetti nazzjonali qabel proġetti transkonfinali b’dimensjoni Ewropea.

3.3   L-isfond għad-diskussjoni dwar regolamenti ġodda dwar il-politika ta’ koeżjoni għalhekk huwa speċifiku ħafna u eċċezzjonali, u għandu jiġi trattat b’dak il-mod. Pereżempju, hija meħtieġa analiżi dwar jekk nistgħux inkomplu b’politika ta’ koeżjoni fframmentata u jekk il-kondizzjonalità hijiex risposta suffiċjenti u utli għall-bżonn biex titjieb il-koeżjoni u jiġu megħjuna dawk l-Istati Membri li huma l-iżjed milquta mill-kriżi.

3.4   Fid-dawl tal-problemi estremi li qed tiffaċċja l-UE, b’riżorsi limitati li tista’ talloka għat-tkabbir, ma jkunx aħjar li nevitaw li nżidu mal-proliferazzjoni ta’ regolamenti u kontrolli li l-għadd tagħhom irid jitnaqqas b’mod drastiku, u minflok nikkonkludu l-proġetti li diġà huma fis-seħħ? Ir-riżorsi jridu jiġu jiġu użati bl-aħjar mod u bl-aktar mod semplifiċii permezz ta’ “patt ġdid Ewropew” (2) fil-għamla ta’ pjan Ewropew straordinarju għat-tkabbir.

3.5   Filwaqt li mhux ħa jsiru bidliet radikali lill-istrateġija attwali tal-UE, li s-summit tat-8 u d-9 ta’ Diċembru naqas milli jindirizza b’suċċess, il-politika ta’ koeżjoni tesiġi wkoll riforma mill-qiegħ. L-aspett li jqanqal l-ikbar tħassib, madankollu, huwa li mhux ħa tkun tista’ taqdi l-missjoni ewlenija tagħha li tnaqqas il-qasma ekonomika u soċjali bejn ir-reġjuni tal-UE, qasma li se tikber minħabba r-reċessjoni li nħolqot mill-politiki li kellhom l-għan li jnaqqsu d-defiċit pubbliku. B’hekk tkun meħtieġa bidla radikali u governanza ekonomika unitarja.

3.6   Il-Kumitat jixtieq jagħmel il-kummenti li ġejjin fir-rigward tal-metodoloġija ssuġġerita mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha biex tirriforma r-regolamenti dwar il-ġestjoni tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2014-2020, u b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet komuni li jirregolaw il-fondi kollha tal-Qafas Strateġiku Komuni:

3.6.1   Definizzjoni tal-Qafas Strateġiku Komuni: il-Kumitat qed jistenna li jeżamina l-proposta ġdida għal Qafas Strateġiku Komuni, li se jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni fl-2012. Madankollu, għad irid jiġi stabbilit, parzjalment abbażi tad-diskussjonijiet dwar il-politika ta’ koeżjoni li saru fil-Kunsill Ewropew fis-7 ta’ Diċembru 2011 (3), kif il-Kummissjoni se tittraduċi “l-objettivi u l-miri tal-prijoritajiet tal-Unjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv f’azzjonijiet ewlenin għall-FEŻR, il-FK, il-FSE, il-FAEŻR u l-EMFF”.

3.6.1.1   Opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat enfasizzaw il-ħtieġa li l-politika ta’ koeżjoni żżomm sħaħ il-karatteristiċi ta’ politika maħsuba biex issaħħaħ il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali tal-Istati Membri, anke jekk hija allinjata u neċessarjament konsistenti mal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-objettivi tagħha.

3.6.1.2   Ir-rabta bejn dawn l-objettivi hija fattur ewlieni fis-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020, iżda l-Kummissjoni għadha ma spjegatx eżatt kif ir-rabta bejn l-istrateġiji tal-Qafas Strateġiku Komuni u l-programmi ta’ riforma fil-livell nazzjonali jistgħu jiġu implimentati b’mod funzjonali, koordinat u finanzjarament sostenibbli.

3.6.2   Ftehimiet ta’ sħubija: il-Kumitat jaqbel mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni li l-ftehimiet l-ewwel iridu jiġu nnegozjati bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, umbagħad diskussi bejn l-Istati u l-Kummissjoni.

3.6.2.1   Fil-kuntest tan-negozjati li se jiftħu mal-Istati Membri, il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-approċċ ta’ governanza fuq diversi livelli ssuġġerit mill-Kummissjoni; madankollu, jappella wkoll għal definizzjoni iktar ċara tal-atturi istituzzjonali (kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll lokali) li se jintalbu jfasslu u jiffirmaw ftehimiet ta’ sħubija mal-Kummissjoni, u għal parteċipazzjoni wiesgħa mir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-preparazzjoni ta’ dawn id-dokumenti.

3.6.3   Konċentrazzjoni tematika: il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex jitnaqqas l-għadd ta’ interventi finanzjarji implimentati taħt il-politika ta’ koeżjoni, billi r-riżorsi finanzjarji jiġu kkonċentrati fuq proġetti strateġiċi li jitqiesu bħala vitali għas-sostenibilità tal-koeżjoni u tal-proċessi ta’ żvilupp ekonomiku li għandhom jiġu attivati f’reġjuni inqas żviluppati, ta’ tranżizzjoni u aktar żviluppati.

3.6.3.1   L-għażla ta’ oqsma tematiċi li fihom għandu jsir investiment fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss ta’ seba’ snin hija f’idejn l-Istati Membri, li huma ħielsa li jiddeċiedu huma, għalkemm id-deċiżjoni għandha ssir b’mod konġunt mal-Kummissjoni wara valutazzjoni bir-reqqa tal-konsistenza tal-proposti mal-Istrateġija Ewropa 2020.

3.7   Kondizzjonalità: il-Kumitat jirrikonoxxi li din hija waħda mill-kwistjonijiet li dwarha hemm l-ikbar nuqqas ta’ ftehim bejn l-istituzzjonijiet Ewropej (Parlament, Kunsill, Kumitat tar-Reġjuni, eċċ.) fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni, u jaħseb li t-tifsira, l-għan u l-metodi għall-applikazzjoni tal-kunċett tal-kondizzjonalità ma ġewx spjegati sew. Għalkemm xi proposti ex ante (li għandhom jinkludu l-kondizzjonalità soċjali) jistgħu jitqiesu adatti, il-Kumitat ma jistax jappoġġa l-kondizzjonalità makroekonomika, kif inhi fformulata.

3.7.1   Mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa biex il-Kummissjoni tingħata garanzija li r-riżorsi tal-Fondi Strutturali jintużaw f’konformità mal-prinċipji, l-objettivi u l-perjodi ta’ żmien stipulati fir-regolamenti Komunitarji, il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni għandha tirrevedi l-proposta tagħha fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet li ġejjin:

il-kondizzjonalità hija mekkaniżmu li għandu jitfassal u jiġi implimentat b’tali mod li jgħin ’l-Istati Membri biex jużaw ir-riżorsi bil-mod speċifikat mill-Kummissjoni, iżjed milli bħala mezz biex jiġu penalizzati l-Istati Membri;

għaldaqstant, l-enfasi fuq il-prinċipji ta’ kondizzjonalità (ex ante, makroenomiku) għandha l-ewwel nett tkun diretta lejn miżuri li jistgħu jħeġġu lill-Istati Membri jonfqu b’mod aħjar (f’termini ta’ effikaċja u effiċjenza) u iktar malajr dawk ir-riżorsi allokati lir-reġjuni li huma l-iżjed imbiegħda mill-medja tal-UE;

il-Kummissjoni għandha tiffoka iżjed fuq l-istadju ta’ ppjanar tal-programmi, jiġifieri l-istadju tal-ippjanar strateġiku meta l-prijoritajiet u r-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet nazzjonali u reġjonali fir-rigward tal-iżvilupp territorjali jkunu ġew stabbiliti. Il-Kummissjoni għandha tkun iktar attiva biex tgħin lill-pajjiżi u r-reġjuni jużaw il-fondi;

għandha tingħata l-istess attenzjoni għall-istadju meta tiġi verifikata l-kondizzjonalità ex ante. Matul dan l-istadju, għandu jiġi vverifikat li l-Istati Membri għandhom il-kapaċità li jiżguraw konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà meta jimplimentaw il-politika ta’ koeżjoni. Hawnhekk ukoll, il-Kumitat itenni li l-użu tal-prinċipju tal-kondizzjonalità huwa mod validu kif l-Istati Membri jiġu mħeġġa japplikaw b’mod korrett ir-regoli dwar il-Fondi Strutturali. Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali, meta l-Istat Membru jfittex b’mod ċar u ripetutament li jdewwem ir-riformi mitluba mill-Kummissjoni, li jkun hemm il-possibbilità li jiġu applikati sanzjonijiet.

3.7.2   Fir-rigward tal-kondizzjonalità makroekonomika, il-Kumitat jaqsam it-tħassib li esprimew il-PE u xi Stati Membri dwar il-possibilità li reġjuni u benefiċjarji tal-programmi Komunitarji jiġu penalizzata minħabba nuqqas ta’ twettiq/effiċjenza min-naħa tal-gvern ċentrali fir-rigward ta’ politiki sabiex jitnaqqas id-dejn pubbliku. Għandhom jinstabu soluzzjonijiet alternattivi sabiex jiġi evitat li r-responsabbiltà għall-politiki baġitarji nazzjonali titqiegħed fuq spallejn l-istituzzjonijiet reġjonali u l-operaturi li m’għandhom l-ebda influwenza fuq dawn id-deċiżjonijiet. Għal dan il-għan tkun adatta koordinazzjoni ikbar bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom.

3.8   Lil hinn mill-kondizzjonalità, il-politika ta’ koeżjoni għaldaqstant trid tindirizza għadd ta’ kwistjonijiet ewlenin li huma rilevanti għall-fondi kollha. Dawn il-kwistjonijiet jinkludu:

il-koordinazzjoni u l-komplimentarjetà tal-fondi, u l-koordinazzjoni bejn il-fondi u politiki ekonomiċi Ewropej oħra;

il-koordinazzjoni istituzzjonali tal-politiki ta’ koeżjoni, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa;

is-semplifikazzjoni drastika tal-proċeduri u r-regolamenti dejjem iżjed kumplessi, kemm minn fuq għal isfel kif ukoll minn isfel għal fuq;

sħubija ekonomika u soċjali reali u deċiżiva (barra mill-isħubija istituzzjonali);

it-tfassil immirat tal-kofinanzjament abbażi tal-kondizzjonijiet fl-istituzzjonijiet lokali;

rwol imġedded għall-Kummissjoni fejn tingħata prijorità lil proġetti Ewropej u makroreġjonali;

ir-riżerva għall-prestazzjoni (pagamenti ta’ premjazzjoni) tista’ toħloq spejjeż amministrattivi addizzjonali u dewmien tal-forniment ta’ riżorsi indispensabbli għall-proġetti fil-qasam tal-koeżjoni;

l-applikabbiltà tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

4.   Objettivi ewlenin tal-Fond ta’ Koeżjoni

4.1   Il-Fond ta’ Koeżjoni twaqqaf fl-1993 għall-Istati Membri bi dħul nazzjonali gross (DNG) ta’ inqas minn 90 % tal-medju tal-UE u huwa mmirat primarjament lejn l-infrastruttura fl-oqsma tat-trasport, l-ambjent, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinovabbli. Għaldaqstant, investimenti jiġu mmirati lejn it-twaqqif ta’ netwerks tat-trasport u l-enerġija trans-Ewropej, u lejn l-appoġġ tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-użu tal-enerġija rinnovabbli u t-titjib tat-trasport pubbliku.

4.2   Il-fond jirrappreżenta madwar 18 % tal-infiq kollu tal-politika ta’ koeżjoni u jgħin fl-implimentazzjoni ta’ din il-politika fl-ispirtu tat-Trattat. Madankollu, ir-riżultati marru lil hinn minn dan l-objettiv: il-Fond ta’ Koeżjoni ħoloq valur miżjud għall-investimenti, ippromova t-tkabbir u l-impjiegi fir-reġjuni fil-mira, minkejja li kienu mifruxa ħafna minħabba l-għadd wisq kbir ta’ proġetti li ngħataw fondi (1 192 fil-perjodu bejn l-2000 u l-2006).

4.3   Ir-regolament il-ġdid ftit li xejn joffri affarijiet ġodda: l-Artikolu 2 jidentifika l-ambitu tal-fond, jistabbilixxi żewġ listi li jkopru dak li huwa eliġibbli għal finanzjament, u dak li mhuwiex. Aspett stramb tar-regolament huwa li jispeċifika dak li mhuwiex kopert, bħad-diżattivazzjoni ta’ impjanti nukleari jew miżuri fil-qasam tad-djar. L-Artikolu 3 jistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ investiment, jistipola erba’ oqsma ta’ intervent b’sottokategoriji, iżda ma jispeċifikax jekk dawn humiex indikattivi jew obbligatorji, għalkemm dawn l-indikazzjonijiet għandhom jagħmlu l-fondi iżjed flessibbli u faċli għall-użu. L-Artikolu 4 u l-Anness jittrattaw l-indikaturi.

4.4   Għall-Istati Membri li l-aktar li ntlaqtu mill-kriżi, il-politika ta’ koeżjoni hija waħda mill-aktar strumenti importanti li għandhom biex inaqqsu d-differenzi soċjali, ekonomiċi u reġjonali, kif ukoll biex jirrilanċjaw it-tkabbir u jiggarantixxu s-sostenibbiltà.

5.   Il-proposta l-ġdida għal Regolament: kummenti

5.1   Il-kummenti tagħna, barra minn dawk fil-punt 3.3, jiffokaw primarjament fuq il-kriterji tal-għażla għal proġetti, ir-riżorsi attribwiti għall-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” biex jiffinanzjaw in-netwerks ewlenin tat-trasport, u l-indikaturi.

5.2   Fir-rigward tal-għażla ta’ proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati, mingħajr preġudizzju għall-konsistenza u l-konformità tagħhom mal-linji gwida adottati mill-Parlament u l-Kunsill f’dan il-qasam (netwerks tat-trasport trans-Ewropej, proġetti ambjentali u proġetti tal-enerġija), il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tindika kemm it-tipi speċifiċi ta’ attività eliġibbli biex jingħataw riżorsi mill-Fond ta’ Koeżjoni u l-kriterji li jgħinu lill-Istati Membri li jirċievu dawn il-fondi jagħżlu dawk il-proġetti l-iżjed adatti għall-objettivi (wisq numerużi) tal-Fond ta’ Koeżjoni (ħdax b’kollox).

5.3   Il-Kumitat jaħseb b’mod partikolari li r-riżorsi użati mill-Fond ta’ Koeżjoni fi stadji preċedenti ta’ ppjanar ġew mifruxa fuq wisq proġetti, u b’hekk tnaqqas l-impatt globali mixtieq għat-titjib tal-infrastruttura tat-trasport. Ikun tajjeb li titqies is-sitwazzjoni speċifika tal-Istati Membri sabiex issir għażla iżjed kawta u kkonċentrata ta’ proġetti ikbar b’impatt ikbar, fis-setturi tat-trasport, tal-ambjent jew tal-enerġija. B’hekk ikun jista’ jingħata kontribut iktar effettiv għat-tnaqqis tad-disparitajiet fl-infrastruttura li għadhom jeżistu bejn l-Istati Membri.

5.4   Fir-rigward tar-riżorsi allokati għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex jiġu ffinanzjati proġetti tat-trasport, tal-enerġija u tal-komunikazzjoni (total ta’ EUR 50 biljun, 10 biljuni minnhom mill-Fond ta’ Koeżjoni li diġà għandu din il-mira (prinċipju ta’ proporzjonalità)), il-Kumitat jaħseb li jeħtieġ li ssir iktar diskussjoni dwar din id-deċiżjoni, sabiex jiġi spjegat għalfejn il-Kummissjoni għażlet li:

toħloq fond ieħor amministrat ċentralment minn aġenzija eżekuttiva li jkollha tikkoordina mal-programmi strateġiċi l-oħrajn kollha (Ewropej u nazzjonali) fis-settur, kif ukoll mal-Qafas Strateġiku Komuni għall-politika ta’ koeżjoni u l-ftehimiet ta’ sħubija mal-Istati Membri. Dan se jirriżulta fl-irdupjar li jidher li mhuwiex neċessarju ta’ attivitajiet u kompetenzi;

talloka riżorsi sostanzjali għall-fond, anke jekk huma ammonti żgħar meta mqabbla mal-istimi tal-Kummissjoni tar-riżorsi meħtieġa sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet futuri f’termini tat-trasport ta’ oġġetti u passiġġieri (EUR 500 biljun sal-2020), tal-enerġija (EUR 1,5 triljun għall-perjodu 2010-2030) u tal-komunikazzjoni (EUR 250 biljun). Dawn ir-riżorsi ser jittieħdu jew mill-Fondi Strutturali, jew, f’ammonti iżgħar, mill-Fond ta’ Koeżjoni. L-effett ta’ dan ikun li jitnaqqsu r-riżorsi disponibbli għall-infrastruttura tat-trasport u l-ambjent, biex b’hekk jinħolqu kumplikazzjonijiet żejda. Minħabba l-għadd kbir ta’ reġjuni li jista’ jkollhom aċċess għal dawn il-fondi, l-impatt ta’ dawn ir-riżorsi ma setax ikollu l-effett multiplikatur (proġetti ġodda u fondi, parzjalment koperti mis-settur privat) li l-Kummissjoni qed tixtieq; ir-riżultat aħħari jkun aktar frammentazzjoni tal-fondi. Bil-għan li jinkiseb l-effett mixtieq, il-Kumitat jirrakomanda li jinstabu mezzi kif jiġi inkluż is-settur privat u biex tiġi evitata l-frammentazzjoni.

5.5   Il-Kumitat jivvaluta b’mod pożittiv l-introduzzjoni tal-indikaturi min-naħa tal-Kummissjoni anke jekk fil-fehma tiegħu huma ġeneriċi u mhux adegwati; pereżempju, ma jintqal xejn dwar l-impatt ambjentali, u jissemmew biss valuri kwantitattivi (indikaturi). L-istess japplika għall-iskart, kilometri ta’ toroq li jinbnew, eċċ.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “It-tkabbir u d-dejn sovran fl-UE: żewġ proposti innovattivi”, ĠU C 143, 22.05.2012, p. 10

(2)  Ibid.

(3)  COM(2011) 615 final – 2011/0276 (COD)


ANNESS

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emenda li ġejja ġiet irrifjutata fis-sessjoni plenarja għalkemm irċiviet mill-inqas kwart tal-voti mixħuta:

Emenda 1 - imressaq minn Teder

Punt 1.11

Ibdel it-test kif ġej:

1.11 Il-KESE huwa tal-fehma li jiġu appoġġati t-tkabbir u l-impjiegi permezz ta’ proposta iżjed kuraġġuża u effettiva. Kontribuzzjoni sostanzjali għal dan il-għan tista' tiġi mill-Fondi Strutturali (u parzjalment, fuq bażi temporanja, mill-PAK), kif ġie ssuġġerit diġà fis-summit tat-30 ta’ Jannar 2012, għalkemm f'forma limitata.

Raġuni

The idea that correct and proper budget management in the Member States will lead to an economic recession cannot be accepted. The Committee should not include critical comments about Member States' efforts to balance their budgets in its opinion.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

78

Kontra

:

98

Astensjonijiet

:

18


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006”

COM(2011) 614 final — 2011/0275 (COD)

2012/C 191/08

Relatur: is-Sur BARÁTH

Nhar il-25 u s-27 ta’ Ottubru 2011, rispettivament, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 178 u l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006

COM(2011) 614 final – 2011/0275 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'178 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u punti ta’ riflessjoni indirizzati fl-opinjoni

1.1   Il-proposti leġislattivi għall-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2014-2020, adottati mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Ottubru 2011 (il-“Pakkett ta’ Koeżjoni”), jintroduċu tibdil sostanzjali fil-mod kif titfassal u tiġi implimentata l-politika ta’ koeżjoni. L-għan prinċipali ta’ din il-politika u ta’ waħda mill-għodod prinċipali tagħha, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), huwa li tuża l-investiment bħala mezz kif jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Għalhekk, l-investimenti relatati mal-FEŻR għandhom jipproduċu benefiċċji għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

1.2   Iżda, huwa importanti li nżommu quddiem għajnejna r-regoli stipulati fil-Proposta għal Regolament li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi (“ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni”), li wħud minnhom huma relatati b'mod dirett mal-użu tal-FEŻR. Dawn l-aspetti ġenerali għandhom impatt importanti fuq l-użu tal-finanzjament relatat mal-FEŻR:

il-finanzjament ikun ikkonċentrat fuq għadd iżgħar ta’ prijoritajiet;

dawn il-prijoritajiet ikunu marbutin iżjed mill-qrib mal-Istrateġija Ewropa 2020;

enfasi fuq ir-riżultati;

monitoraġġ tal-progress miksub biex jintlaħqu l-għanijiet miftiehma;

żieda fl-użu tal-kundizzjonalitajiet;

u s-semplifikazzjoni tal-attwazzjoni.

Iżda, huma importanti wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi, pereżempju dawk li jippromovu l-użu ta’ approċċ iżjed integrat, jew dawk li jirregolaw b'mod iżjed espliċitu l-użu tal-istrumenti finanzjarji.

1.3   Jeħtieġ inżommu quddiem għajnejna wkoll il-fatt li fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta dwar il-qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu 2014-2020, jiġifieri l-baġit għall-Unjoni Ewropea għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss. Il-KESE ressaq ukoll għadd ta’ opinjonijiet dwar ir-riżorsi proprji tal-Unjoni.

1.4   Fl-opinjoni tiegħu dwar il-Fondi Strutturali – Dispożizzjonijiet Ġenerali (1), il-KESE fassal għadd ta’ messaġġi importanti dwar il-“Pakkett ta’ Koeżjoni” kollu kemm hu. L-opinjoni attwali tappoġġa bis-sħiħ dawn il-messaġġi u tibni fuqhom, b'mod partikolari rigward il-FEŻR.

1.4.1   Sħubija

1.4.1.1   Il-KESE jemmen bil-qawwa li sħubija ġenwina li tinvolvi l-imsieħba kif definita fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni kollha fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ex post ta’ proġetti fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE tikkontribwixxi b'mod dirett għas-suċċess tagħhom; għalhekk, jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li diversi msieħba ġew definiti fl-Artikolu 5(1) tal-proposti tal-Kummissjoni, u jilqa' wkoll il-fatt li s-sħubija ser ssir aspett obbligatorju tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE.

1.4.1.2   Il-KESE jinnota bi pjaċir li l-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona tista' tissaħħaħ, mhux biss billi tiġi promossa l-identità Ewropea, iżda wkoll permezz tas-sehem fil-proġetti tal-imsieħba kif definit fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, biex b'hekk dawn isiru iżjed effettivi.

1.4.1.3   Il-KESE huwa mħasseb serjament dwar is-sinjali li qed jaslu mingħand il-Kunsill li jagħtu xhieda tal-fatt li ċerti Stati Membri donnhom qed jillimitaw il-prinċipju tas-sħubija; jitlob lill-Kummissjoni u l-PE jagħtu l-kontribut tagħhom biex jiġġieldu kontra dan.

1.4.1.4   Il-KESE huwa tal-fehmali l-abbozz ta’ regolament, ġaladarba jiġi adottat, ser jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, fid-dawl tal-fatt li l-kompiti tal-FEŻR huma stabbiliti fit-Trattat u l-politika hija implimentata skont il-prinċipju tal-ġestjoni konġunta, filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi istituzzjonali tal-Istati Membri u r-reġjuni.

1.4.2   Kundizzjonalità

1.4.2.1   Il-KESE huwa tal-fehma li żieda ikbar fl-użu tal-kundizzjonalità fil-politika ta’ koeżjoni tal-UE tikseb riżultati sostenibbli iżjed immirati u reali. F'ħafna mill-analiżi li wettaq, il-KESE indirizza kwistjonijiet dwar il-“kundizzjonalità” tal-implimentazzjoni, li għandha timxi id f'id ma’ livell ogħla ta’ effiċjenza, titjib fil-kwalità u semplifikazzjoni essenzjali.

1.4.2.2   Il-kundizzjonalità ex ante għandha tintrabat ma’ implimentazzjoni adatta tal-prinċipju tas-sħubija.

1.4.2.3   Il-KESE ma jaqbilx ma’ kif inhi fformulata attwalment il-kundizzjonalità makroekonomika peress li tibgħat sinjali ħżiena u, fl-aħħar mill-aħħar, tippenalizza r-reġjuni u ċ-ċittadini li m'għandhomx x'jaħtu rigward l-eċċessi makroekonomiċi li jsiru fil-livelli nazzjonali.

1.4.3   Semplifikazzjoni

1.4.3.1   Il-KESE jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissemplifika l-proċeduri tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE, kemm dawk relatati b'mod dirett kif ukoll dawk li huma marbutin magħha b'xi mod. Iżda, għad hemm wisq kumplessità.

1.4.3.2   Permezz ta’ enfasi eċċessiva fuq l-awditjar u l-proċeduri, kemm l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll dawk Ewropej qed joħonqu l-aċċess għall-fondi tal-UE għall-SMEs u l-NGOs – qed tinħela wisq enerġija fuq il-piżijiet amministrattivi. Ma naċċettawx b'mod assolut il-“gold plating” fi kwalunkwe livell.

1.4.3.3   Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-isforzi li qed isiru biex jiġu kkoordinati l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-politika ta’ koeżjoni, u biex ikun hemm enfasi ikbar fuq temi prinipali u fuq il-ksib tar-riżultati.

1.4.3.4   Il-KESE jaqbel bis-sħiħ ukoll mal-bżonn li jiġu ssemplifikati r-regoli finanzjarji, amministrattivi u proċedurali u dawk relatati mal-monitoraġġ fil-qasam tal-użu tal-fondi strutturali.

1.4.4   Koordinament tal-politiki

1.4.4.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-proposti tal-Kummissjoni għal konċentrazzjoni tematika bħala mezz biex titnaqqas il-frammentazzjoni tal-isforzi.

1.4.4.2   Il-KESE madankollu jirrakkomanda li tintwera iżjed flessibbiltà rigward il-konċentrazzjoni tematika, l-iżjed biex ikun iżjed faċli li jiġi applikat l-approċċ territorjali u, b'hekk, titjieb l-effettività tal-politika.

1.4.4.3   Fil-fehma tal-KESE, il-Qafas Strateġiku Komuni (QSK) huwa għodda importanti għall-koordinazzjoni tal-interventi tal-fondi strutturali, u jiddispjaċih li, kif inhu fformulat attwalment, ma jistax jagħti l-fehma tiegħu dwaru.

1.4.5   Finanzjament, inġinerija finanzjarja

1.4.5.1   Il-KESE jemmen bis-sħiħ li kull euro li huwa disponibbli għall-finanzjament tal-koeżjoni għandu jkollu l-aqwa impatt possibbli.

1.4.5.2   Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni juru li hemm qbil ġenerali dwar il-kunċett tal-konċentrazzjoni tal-finanzjament. ll-KESE huwa tal-fehma li għadd ta’ preokkupazzjonijiet li tlissnu dwar ċerti kwistjonijiet kienu bir-raġun u jitolbu tweġiba qabel ma jidħol fis-seħħ ir-regolament ġenerali futur.

1.4.5.3   Huma meħtieġa garanziji biex jiżguraw li l-konċentrazzjoni eċċessiva, b'mod speċjali l-interpretazzjoni riġida tal-11-il għan tematiku u l-persentaġġ minimu tar-riżorsi li għandhom jintużaw biex jiffinanzjaw ċerti għanijiet tematiċi prijoritarji (eż. l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-appoġġ għall-SMEs), ma xxekkilx l-appoġġ għall-proġetti relatati mal-iżvilupp minħabba differenzi fil-livell lokali u reġjonali.

1.4.5.4   Il-KESE enfasizza kemm-il darba li l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-politika ta’ koeżjoni jikkomplementaw lil xulxin. Madankollu, biex jiġu kkoordinati l-politika tal-istabbiltà (li titlob riformi strutturali), il-politika ta’ koeżjoni (li hija orjentata lejn il-konverġenza) u l-istrateġiji tat-tkabbir, l-Unjoni teħtieġ iżjed riżorsi.

1.4.5.5   Għal dan il-għan, għandu jsir użu ikbar mill-bonds tal-proġetti Ewropa 2020, kif stabbilit f'opinjonijiet reċenti tal-KESE.

1.4.5.6   Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li tiġi eżaminata bir-reqqa l-possibbiltà li jintużaw fondi futuri impenjati fil-qasam tal-koeżjoni, kif ukoll fondi li ma ntefqux mill-perjodu attwali ta’ programmazzjoni bil-għan li jingħata nifs ġdid lit-tkabbir tal-ekonomija Ewropea ISSA!

2.   Kummenti ġenerali u rakkomandazzjonijiet

2.1   Il-KESE jirrikonoxxi t-tħejjijiet bir-reqqa u estremament dettaljati li l-Kummissjoni Ewropea wettqet fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għall-politika ta’ koeżjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020 għall-perjodu 2014-2020.

2.2   Fl-istudji u l-opinjonijiet differenti tiegħu, il-KESE għamel għadd ta’ oservazzjonijiet dwar il-kontenut tar-raba' u l-ħames rapport ta’ koeżjoni, dwar l-użu tal-Fondi Strutturali matul dawn l-aħħar għaxar snin, l-effettività tagħhom, u jekk humiex adatti għall-iskop maħsub għalih jew le. Ħafna minn dawn l-osservazzjonijiet ġew ikkunsidrati fit-tiswir tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2014-2020.

2.3   Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-użu tal-Fondi Strutturali għall-perjodu 2014-2020 ġew ippubblikati fi żmien meta l-fehmiet dwar in-natura tal-aggravament tal-kriżi Ewropea u l-kawżi tagħha jvarjaw ħafna.

2.4   Il-KESE huwa tal-fehma li l-għeruq storiċi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali fl-Ewropa jitolbu li jiġu implimentati riformi strutturali fis-sistema istituzzjonali, soċjali u politika. L-FEŻR jista' jaqdi rwol kruċjali biex jittrasforma s-sistemi tas-sigurtà soċjali b'mod li jkunu iżjed kosteffiċjenti u sostenibbli. Iżda, biex dawn is-sistemi jinbidlu, jinħtieġu riżorsi finanzjarja oħra fuq bażi temporanja. Il-KESE jirrikonoxxi li d-disponibbiltà limitata tar-riżorsi u l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-konċentrazzjoni wasslu biex issir inqas enfasi fuq il-prijoritajiet ta’ investiment li għandhom l-għan li jagħmlu tibdil strutturali fl-infrastruttura tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li mingħajr dawn l-investimenti, l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni fuq dawn is-sistemi jibqa' limitat.

2.5   Bħala konsegwenza tal-kriżi, l-iskarsezza tar-riżorsi pubbliċi u privati tista' twassal għal diffikultajiet rigward il-provvediment tal-kofinanzjament neċessarju għall-interventi li huma essenzjali biex it-tibdil mixtieq ikun jista' jsir. Il-KESE huwa tal-fehma li approċċ responsabbli u flessibbli rigward ir-rati ta’ kofinanzjament u l-klawżoli tal-kundizzjonalità jsaħħaħ il-possibbiltà li l-interventi ffinanzjati mill-Fondi jkollhom impatt dewwiemi.

2.6   L-Istrateġija Ewropa 2020, u l-abbozz ta’ regolament tal-FEŻR ispirat minnha, jirriflettu approċċ ekonomiku li jimxi id f'id mal-ħiliet u l-ħtiġijiet ta’ ekonomiji żviluppati li huma kkaratterizzati minn tkabbir bil-mod, u għandhom kapaċità sostanzjali fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp. Fil-pajjiżi żviluppati, m'hemm l-ebda dubju li r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jaqdu rwol importanti fit-tkabbir ekonomiku. Il-kompetittività, għalkemm ma tikkontradixxix il-politika ta’ koeżjoni, tagħtiha inqas importanza.

2.7   Il-politika ta’ koeżjoni għandha l-għan li tkun l-istrument ta’ investiment prinċipali biex jiġu appoġġjati l-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni kif stipulat fl-Istrateġija Ewropa 2020. Dan tagħmlu billi tiffoka fuq il-pajjiżi u r-reġjuni bl-akbar bżonnijiet. Fil-prinċipju, il-KESE jaqbel ma’ dan l-approċċ, iżda fl-istess ħin jiġbed l-attenzjoni għal ċerti elementi tal-Proposta għal Regolament li jistgħu jtellfu milli jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

2.7.1   L-FEŻR jista' jkollu impatt konsiderevoli kemm fuq li jintlaħqu l-għanijiet tal-konverġenza, kif ukoll fuq l-għanijiet fil-livell Ewropew fil-qasam tal-kompetittività. Peress li l-livell tar-riżorsi ma jistax jiżdied b'mod sostanzjali, il-KESE huwa tal-fehma li jkun utli li jiġu definiti għanijiet iżjed ċari u jiġi żgurat li l-prijoritajiet ta’ investiment proposti jintrabtu b'mod iżjed preċiż mal-għanijiet. Peress li min-natura tiegħu, l-approċċ territorjali huwa adatt għad-definizzjoni ta’ għanijiet iżjed preċiżi, il-fehma tal-KESE hija li għandha ssir iżjed enfasi fuq strateġiji abbażi tat-territorji fil-livell Ewropew, bħall-istrateġiji makroreġjonali eżistenti jew dawk futuri, bħala referenzi għal għanijiet adatti għall-ħtiġijiet ta’ żoni speċifiċi.

2.7.2   Il-kundizzjonalità makroekonomika tista' żżomm lura t-tkabbir ekonomiku u b'hekk tnaqqas l-istrumenti disponibbli, li possibbilment iwassal għat-tneħħija tal-għajnuna u t-tqassim mill-ġdid tal-istrumenti mneħħija favur reġjuni iżjed żviluppati. Huwa probabbli li jinqala' kunflitt kbir ħafna bejn li jintlaħqu l-għanijiet tal-kompetittività minn naħa, u dawk tal-politika ta’ koeżjoni min-naħa l-oħra. Iżda, il-kundizzjonijiet tematiċi u istituzzjonali ex ante, kif elenkati fl-Anness IV tar-regolament tad-“Dispożizzjonijiet Komuni”, jistgħu jtejbu l-effettività tal-FEŻR.

2.7.3   F'ċerti Stati Membri jew reġjuni inqas żviluppati, is-sehem ta’ 50 % tal-fondi tal-FEŻR li twarrab għal skopijiet speċifiċi jista' jwassal għal telf tal-effettività. Dan l-impatt jista' jkun dovut għall-fatt li jista' jkun li għanijiet “obbligatorji” relatati mal-investiment mhumiex l-aħjar mod biex niksbu l-aqwa żvilupp tar-reġjun jew l-Istat Membru inkwistjoni. F'dawn il-każi, l-effettività tal-użu riżorsi tonqos. Hemm ukoll il-periklu ta’ problemi ta’ assorbiment, filwaqt li ma tkunx tista' tintlaħaq il-massa kritika meħtieġa biex tindirizza b'mod effettiv id-diffikultajiet reali relatati mal-iżvilup. Barra minn hekk, miżuri li ma jindirizzawx problemi reali relatati mal-iżvilupp jistgħu jwasslu għal nuqqas dejjem jikber fil-fiduċja min-naħa tal-pubbliku. Dawn il-punti kollha jenfasizzaw il-bżonn li jiġi żgurat li l-għanijiet speċifiċi marbuta mal-iżvilupp u l-bżonnijiet tar-reġjuni jiġu ġestiti b'mod flessibbli fil-kuntest tal-prijoritajiet ta’ investiment tal-FEŻR.

3.   Kummenti u rakkomandazzjonijiet speċifiċi

3.1   Karatteristiċi territorjali partikolari (żvilupp urban, reġjuni ultraperiferiċi)

3.1.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ngħatat attenzjoni ikbar biex jiġu indirizzati problemi speċifiċi marbutin mal-iżvilupp urban sostenibbli u r-reġjuni ultraperiferiċi.

3.1.2   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-obbligu speċifiku li jiġi applikat approċċ integrat fil-qasam tal-iżvilupp urban. Iżda, huwa tal-fehma li l-Kuntratt ta’ Sħubija għandu jagħti biss lista indikattiva tal-bliet li jibbenefikaw mill-għajnuna u t-tqassim annwali tar-riżorsi għal dan il-għan, sabiex ikun possibbli li kull Stat Membru jiżviluppa l-proġetti b'mod iżjed flessibbli, li jista' jkollu wkoll impatt pożittiv fuq ir-riżultati fil-bliet benefiċjarji.

3.1.3   Rigward il-ġestjoni tal-azzjonijiet integrati, il-KESE jenfasizza li għal dawn il-miżuri kumplessi hemm il-periklu li jiġu implimentati proċeduri burokratiċi u riġidi żżejjed relatati mas-selezzjoni u l-amministrazzjoni. Dan jista' jnaqqas mill-possibbiltà li l-Istati Membri u l-benefiċjarji jgawdu kemm jista' jkun minn dawn l-opportunitajiet. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw dawn l-azzjonijiet integrati, u tiżgura wkoll li ftit li xejn ikollhom għalfejn jiffaċċjaw burokrazija żejda.

3.1.4   Il-KESE jaqbel mat-twaqqif ta’ pjattforma Ewropea tal-iżvilupp urban fil-kuntest tal-iżvilupp urban sostenibbli. Ma jaqbilx li teżisti l-ħtieġa li d-dritt li jiġi deċiżi liema bliet jieħdu sehem fil-pjattforma jaqa' fuq il-Kummissjoni Ewropea; għandu jkun biżżejjed li tiġi stabbilita sensiela ta’ kriterji fissi.

3.1.5   Rigward il-ħolqien tal-pjattaforma tal-iżvilupp urban, il-KESE huwa tal-fehma li t-twaqqif ta’ korp ġdid mhuwiex meħtieġ: il-kompiti jistgħu jitwettqu mill-federazzjonijiet eżistenti tal-bliet Ewropej. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea teżamina l-possibbiltajiet li kemm jista' jkun jiġu involuti organizzazzjonijiet eżistenti fl-operazzjonijiet tal-pjattaforma.

3.1.6   Il-pjattaforma tkun tappoġġja wkoll il-ħolqien ta’ netwerks bejn il-bliet kollha li jieħdu miżuri innovattivi fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Il-KESE huwa tal-fehma li, minbarra l-Kummissjoni, gruppi ta’ Stati Membri jkollhom ukoll l-opportunità li jieħdu l-inizjattiva meta jkun hemm bżonn li jittieħdu miżuri innovattivi jew li jitwaqqfu netwerks fi ħdan il-qafas tal-pjattaforma.

3.1.7   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjoni il-proposta li mill-inqas 5 % tal-fondi tal-FEŻR jintefqu fuq l-iżvilupp urban integrat. Dan jibgħat messaġġ importanti u inkoraġġanti mill-UE lill-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom. Madankollu, l-allokazzjoni ta’ dan l-ammont u r-rabta tiegħu mal-użu ta’ riżorsi oħrajn għadhom mhux ċari.

3.1.8   Fil-fehma tal-KESE, hemm ħafna vantaġġi f'li tiġi stabbilta definizzjoni tas-sistemi urbani ta’ bliet żgħar, medji u kbar fil-livell Ewropew, abbażi ta’ strateġija pan-Ewropea għall-iżvilupp territorjali. Huwa importanti wkoll li jitfasslu linji gwida għall-iżvilupp ta’ netwerk poliċentriku ta’ agglomerazzjonijiet b'konformità mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

3.2   Żvilupp territorjali

3.2.1   Kif jagħtu xhieda wkoll opinjonijiet preċedenti tal-KESE, l-aħjar mod biex ir-reġjuni jiġu megħjuna ma jibqgħux lura fil-qasam tal-iżvilupp huwa li jissaħħu r-rabtiet territorjali u jiġu appoġġjati t-tipi kollha ta’ mobbiltà. Il-kompetittività tikber jekk in-netwerks spazjali tal-agglomerazzjoni u l-produzzjoni jitħallew jiżviluppaw. Ir-rabtiet mixtieqa, però, mhumiex limitati għat-trasport u l-komunikazzjoni, u l-għanijiet relatati jvarjaw minn reġjun għal ieħor.

3.2.2   Il-KESE jirrakkomanda li jiġi identifikat qafas Ewropew ġdid għal kunċetti ta’ proġetti integrati ta’ Interess Ewropew Speċjali; dan il-qafas għandu jkollu għanijiet territorjali speċifiċi. Il-QFS għandu jiġi kkunsidrat bħala d-dokument adatt li jirreferi għal dan il-qafas Ewropew ġdid. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi kkunsidrat jekk hemmx il-bżonn ta’ “Strateġija Ewropea għall-Iżvilupp Territorjali” formalizzata. Minbarra l-prijoritajiet tal-istrateġiji makroreġjonali, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-għanijiet dwar in-netwerk urban tal-Ewropa.

3.2.3   Ta' min jeżamina jekk, fil-każ tal-istrateġiji makroreġjonali jew dawk relatati mal-iżvilupp urban integrat, hemmx il-bżonn li jitfasslu u jiġu promossi għanijiet ġodda li mingħajrhom ma jkunux jistgħu jiżviluppaw kif imiss proġetti fuq skala wiesgħa. Dokumenti mħejjija kif suppost abbażi ta’ ħidma preparatorja, pereżempju mfassla bħala parti mit-tħejjijiet għall-aġenda territorjali tal-UE jew il-programm ESPON, huma disponibbli biex jikkontribwixxu għad-definizzjoni ta’ dawn l-għanijiet, li preferibbilment għandhom ikunu fuq bażi territorjali.

3.2.4   L-istrateġija għall-iżvilupp territorjali tista' tiddefinixxi għanijiet li jinkoraġġixxu kooperazzjoni makroreġjonali ekonomika u soċjali f'oqsma bħal dawn:

it-tisħiħ tal-infrastruttura tar-riċerka u l-innovazzjoni (oqsma tar-riċerka); il-kollegament ta’ ċentri Ewropej ta’ eċċellenza u l-promozzjoni taċ-ċentri ta’ kompetenza, bil-għan li tingħata ħajja ġdida liċ-ċentri Ewropej ta’ żvilupp;

l-investiment fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-intrapriżi, l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi, eċċ., l-internalizzazzjoni tas-sistemi lokali ta’ produzzjoni (clusters), u l-appoġġ għall-ħolqien ta’ netwerks Ewropej;

sistemi tat-trasport minbarra n-netwerk tal-infrastruttura tat-TEN-T (ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, ħarsien ambjentali, enerġija, sistemi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, eċċ.);

in-netwerk istituzzjonali, għall-iżvilupp minn isfel għal fuq tal-livelli makroreġjonali u transnazzjonali tal-gvern, eċċ.

3.2.5   F'dan ir-rigward, il-KESE huwa fiduċjuż ferm fil-konfront tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-QFS. Dawn għad mhumiex disponibbli, iżda l-Kumitat jistenna li jinżamm infurmat u jiġi kkonsultat.

3.3   Nikkollegaw l-Ewropa

3.3.1   Il-KESE kemm-il darba stqarr li fid-dawl tal-konċentrazzjoni tar-riżorsi, hemm bżonn li jiġu pprovduti riżorsi u oqfsa legali distinti li jagħtu spinta lill-kooperazzjoni transnazzjonali u b'hekk jissaħħu r-rabtiet fl-Ewropa. Izda, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tikkunsidra li twessa' l-ambitu tal-interventi potenzjali li jsiru fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa billi tespandiha bil-għan li tkun tista' tiffinanzja proġetti ta’ Interess Ewropew Speċjali, minbarra dawk fil-qasam tat-trasport u l-komunikazzjoni. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġu introdotti mekkaniżmi li jiżguraw li l-proġetti ffinanzjati jaqdu l-interess ta’ livell ogħla ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Ewropa.

3.3.2   Il-KESE jemmen li l-iżvilupp tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa f'qafas finanzjarju li jiffinanzja l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ Interess Ewropew Speċjali huwa konformi mat-TFUE, kif deskritt fil-punt 3.2.2 ta’ din l-opinjoni. Il-Faċilità għandha tinkludi inizjattivi relatati mat-trasport, l-enerġija u l-ICT.

3.4   Attivitajiet ekonomiċi

3.4.1   Il-KESE huwa tal-fehma li għandha tingħata prijorità lil żewġ għanijiet li huma partikolarment importanti rigward il-kontribut tal-FEŻR għall-ġid pubbliku:

il-kontribut għall-impjiegi, ir-R&Ż u l-innovazzjoni permezz tal-appoġġ tal-intrapriżi;

l-investiment fl-infrastruttura bażika (eż: it-trasport, l-enerġija, l-ambjent, u l-infrastruttura soċjali u tas-saħħa);

il-ħolqien, u b'importanza ndaqs, it-trasferiment tal-intrapriżi; u

l-iżvilupp tal-kompetittività għall-SMEs, b'appoġġ speċjali għall-mikrointrapriżi u dawk relatati mas-snajja'.

3.4.2   Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li oqsma bħall-edukazzjoni jew l-iżvilupp tat-turiżmu huma importanti u għandhom jibqgħu l-qofol tal-interventi tal-FEŻR, b'konformità mal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ żvilupp ta’ ċerti Stati Membri jew reġjuni.

3.4.3   Il-KESE jaqbel li rigward appoġġ għall-intrapriżi jista' jiġi argumentat li dan l-appoġġ, b'mod partikolari fil-forma ta’ għotjiet, huwa meħtieġ l-aktar għall-intrapriżi ż-żgħar, għall-attivitajiet innovattivi, u f'żoni li għaddejjin minn tnaqqis industrijali jew li qed iġarrbu tibdil strutturali. Iżda, il-KESE huwa tal-fehma li l-kunċett tal-intrapriża ma għandux jirreferi biss għall-SMEs f'ċerti reġjuni li għadhom lura.

3.4.4   Fil-każ tal-ktajjen tal-innovazzjoni, magħrufin ukoll bħala “clusters”, u ta’ sistemi lokali ta’ produzzjoni, li jaħdmu perfettament, il-mistoqsija hija jekk ikunx aħjar li jkun hemm flessibbiltà ikbar għall-intrapriżi li għandhom għeruq profondi f'qasam partikolari, u għall-fornituri wkoll, u jekk għandux jiżdied is-sehem tar-riżorsi rimborżabbli fil-forma ta’ għajnuna (pereżempju sussidji fuq ir-rata tal-imgħax) f'każi ta’ finanzjament multiplu u kkombinat.

3.4.5   Dan iqajjem il-mistoqsija jekk, meta niġu għall-infrastruttura bażika, hemmx bżonn ta’ appoġġ għar-reġjuni żviluppati. Għandhom jiġu kkunsidrati l-eċċezzjonijiet u approċċ flessibbli, pereżempu f'każi fejn l-iżvilupp ta’ reġjun ċentrali u iżjed żviluppat ikun meħtieġ għall-iżvilupp tat-territorji tal-madwar.

3.4.6   Rigward il-prijoritajiet proposti dwar l-appoġġ għall-intrapriżi u l-kompetittività tal-intrapriżi, il-KESE jtenni l-kontribut importanti tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għall-iżvilupp territorjali u reġjonali, kif irrikonoxxew l-istituzzjonijiet Ewropej f'għadd ta’ dokumenti uffiċjali. Il-KESE jirrakkomanda li l-ekonomija soċjali tiġi inkluża fil-qafas tal-miżuri ddedikati għall-kompetittività tal-intrapriżi, l-intraprenditorija, il-mudelli ġodda tal-intraprenditorija, it-taħriġ, l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni, il-promozzjoni tal-impjieg, it-trawwim tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli u l-inklużjoni soċjali.

3.5   Qafas finanzjarju

3.5.1   Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni dwar in-nomenklatura l-ġdida tar-reġjuni u r-rati tal-finanzjament strutturali.

3.5.2   Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li parti mill-fondi tal-FEŻR, li bħalissa huma allokati għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, tintuża għal għanijiet ta’ kollegament transnazzjonali estiż inġenerali, eż. kif propost fil-punt 3.2.2 hawn fuq.

3.5.3   Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi ishma minimi għal kull kategorija tar-reġjuni b'relazzjoni għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE), sabiex tiżdied il-kontribuzzjoni tal-fond biex jintlaħqu l-għanijiet prinċipali tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jirrakkomanda li r-riżorsi allokati għall-FSE, li jistgħu jiġu investiti f'infrastruttura edukattiva u soċjali għandhom, bħala prijorità, jintużaw għal miżuri integrati li jippromovu t-tkabbir.

3.5.4   Il-KESE huwa tal-fehma li l-konċentrazzjoni tal-prijoritajiet ta’ investiment hija riflessjoni adatta tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, u f'dan ir-rigward jirreferi għall-punti 1.4.5.3, 2.4, 2.5, 2.6 u 2.7 ta’ din l-opinjoni.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Fondi Strutturali – Dispożizzjonijiet Ġenerali (Ara paġna 30 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/49


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea”

COM(2011) 611 final — 2011/0273 (COD)

2012/C 191/09

Relatur: is-Sur PÁLENÍK

Nhar il-25 u s-27 ta’ Ottubru 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 178 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea

COM(2011) 611 final – 2011/0273 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’162 vot favur, 5 voti kontra u 14-il astensjoni.

1.   Sommarju tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE

1.1   Fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss għall-perjodu 2014-2020: baġit għat-twettiq tal-Istrateġija Ewropa 2020. Fil-proposta tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li l-politika ta’ koeżjoni għandha tibqa’ element essenzjali tal-perspettiva finanzjarja li jmiss u għandha tappoġġja l-Istrateġija Ewropa 2020.

1.2   Il-kooperazzjoni territorjali Ewropea hija waħda mill-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni u tipprovdi qafas għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet konġunti u skambji ta’ politika bejn l-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali minn Stati Membri differenti.

1.3   Il-Kummissjoni turi diversi eżempji ta’ valur miżjud u ta’ investiment li joħloq it-tkabbir u l-impjiegi li ma setgħux isiru mingħajr l-appoġġ tal-baġit tal-UE. Madankollu, ir-riżultati tal-evalwazzjoni tagħha juru wkoll l-effetti ta’ nuqqas ta’ enfasi u prijoritizzazzjoni. L-investiment fit-tkabbir huwa dejjem aktar importanti fi żmien meta l-fondi pubbliċi huma skarsi fl-Istati Membri.

1.4   Il-kooperazzjoni territorjali Ewropea hija ta’ importanza partikolari minħabba n-natura u r-rwol tagħha bħala parti mill-politika ta’ koeżjoni. Tikkontribwixxi għall-kooperazzjoni fil-livell transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali.

1.5   Id-distribuzzjoni proposta tar-riżorsi finanzjarji bejn il-komponenti differenti tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, fi kliem ieħor il-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali, tipprovdi biżżejjed kapaċità finanzjarja għal kull wieħed minnhom.

1.6   Il-KESE jappoġġja wkoll it-tendenza li jiġu definiti prijoritajiet tematiċi ta’ intervent u investiment għal kull wieħed mill-komponenti tal-kooperazzjoni, minkejja li huwa importanti li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġiet tal-pajjiżi u r-reġjuni individiwali.

1.7   Il-KESE jilqa’ u jappoġġja t-tentattiv li jiġu ssemplifikati r-regoli fil-livelli kollha involuti: il-benefiċjarji, l-awtoritajiet tal-programm, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi parteċipanti, kif ukoll il-Kummissjoni.

1.8   B’mod partikolari l-KESE jilqa’ l-unifikazzjoni tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni u ta’ ċertifikazzjoni, is-semplifikazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż, ir-rappurtar elettroniku u l-produzzjoni tar-rapporti annwali fl-2017 u l-2019 biss.

1.9   L-istabbiliment ta’ indikaturi komuni (elenkati fl-Anness għar-Regolament) sabiex jiġu evalwati r-riżultati konkreti ta’ programmi individwali huwa wkoll element sinifikanti li jippermetti valutazzjoni aħjar tar-riżultati u l-effikaċja ta’ interventi strutturali partikolari.

1.10   Il-KESE jappoġġa l-involviment dirett tas-soċjetà ċivili fiċ-ċiklu kollu tal-ipprogrammar (programmar, implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni) abbażi ta’ sħubiija ugwali.

1.11   L-involviment tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili huwa wkoll importanti fi proġetti iżgħar, li għandhom il-potenzjal li jżidu l-valur miżjud tal-intervent, partikolarment f’rabta mal-kooperazzjoni transkonfinali.

1.12   L-assistenza teknika għandha primarjament tintuża sabiex tiżdied il-kapaċità ta’ assorbiment tal-partijiet kollha għall-kooperazzjoni territorjali Ewropea, u b’hekk tiġi appoġġjata l-effikaċja tal-kapaċitajiet amministrattivi mingħajr piżijiet amministrattivi addizzjonali.

2.   L-elementi prinċipali u l-isfond tal-Opinjoni

2.1   Il-qafas legali għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni huwa l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

2.2   Skont l-Artikolu 175 tat-TFUE, l-Istati Membri għandhom imexxu l-politiki ekonomiċi tagħhom u jikkoordinawhom b’tali mod li jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 174. Il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet tal-Unjoni u l-implimentazzjoni tas-suq intern għandhom iqisu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 174 u jikkontribwixxu sabiex dawn jinkisbu.

2.3   L-għanijiet tal-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond ta’ Koeżjoni huma definiti fl-Artikoli 162, 176 u 177 tat-TFUE.

2.4   L-Artikolu 174 tat-TFUE jistipula li għandha tingħata attenzjoni partikolari lil żoni rurali, lil żoni milquta minn tranżizzjoni industrijali u lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti, bħal pereżempju r-reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, kif ukoll il-gżejjer, ir-reġjuni transkonfinali u r-reġjuni muntanjużi.

2.5   L-Artikolu 349 tat-TFUE jiddikjara li għandhom jiġu adottati miżuri speċifiċi sabiex titqies is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tar-reġjuni ultraperiferiċi, li hija aktar ikkumplikata minħabba ċerti fatturi speċifiċi li jirrestrinġu bi kbir l-iżvilupp tagħhom.

2.6   Fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss għall-perjodu 2014-2020: baġit għat-twettiq tal-Istrateġija Ewropa 2020. Fil-proposta tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li l-politika ta’ koeżjoni għandha tibqa’ element essenzjali mill-pakkett finanzjarju li jmiss u saħqet fuq ir-rwol ċentrali tagħha sabiex titwettaq l-Istrateġija Ewropa 2020.

2.7   Il-proposta hija parti mill-pakkett leġislattiv tal-politika ta’ koeżjoni (1) għall-perjodu 2014-2020. Il-kooperazzjoni territorjali Ewropea hija waħda mill-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni u tipprovdi qafas għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet konġunti u skambji ta’ politika bejn l-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali minn Stati Membri differenti.

2.8   L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-infiq tal-imgħoddi tal-politika ta’ koeżjoni wriet ħafna eżempji ta’ valur miżjud u ta’ investiment li joħloq it-tkabbir u l-impjiegi li ma setgħux isiru mingħajr l-appoġġ tal-baġit tal-UE. Madankollu, ir-riżultati juru wkoll l-effetti ta’ dispersjoni u n-nuqqas ta’ prijoritizzazzjoni. Fi żmien meta l-fondi pubbliċi huma skarsi u meta l-investiment li joħloq it-tkabbir huwa meħtieġ iżjed minn qatt qabel, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi tibdil importanti fil-politika ta’ koeżjoni.

2.9   Il-kooperazzjoni territorjali Ewropea hija ta’ valur partikolari minħabba li:

il-problemi transkonfinali jistgħu jiġu solvuti bl-iżjed mod effikaċi bil-kooperazzjoni tar-reġjuni kollha kkonċernati sabiex jiġu evitati spejjeż sproporzjonati għal xi wħud u l-parassitiżmu min-naħa ta’ oħrajn (pereżempju t-tniġġis ambjentali transkonfinali);

il-kooperazzjoni tista’ tipprovdi mekkaniżmu effikaċi għall-kondiviżjoni tal-prattika tajba u t-tagħlim dwar it-tixrid tal-għarfien (pereżempju t-titjib tal-kompetittività);

il-kooperazzjoni tista’ tiżgura li soluzzjoni għal problema speċifika ssir iżjed effikaċi minħabba l-ekonomiji ta’ skala u l-ksib ta’ massa kritika (it-twaqqif ta’ raggruppamenti sabiex jiġu mħeġġa r-riċerka u l-innovazzjoni);

il-governanza tista’ titjieb bħala riżultat ta’ koordinazzjoni tal-politiki, l-azzjonijiet u l-investimenti tas-settur fuq skala transkonfinali u transnazzjonali;

ir-relazzjonijiet mal-ġirien tal-UE permezz ta’ programmi ta’ kooperazzjoni fil-fruntieri esterni tal-UE jistgħu jikkontribwixxu għas-sigurtà u l-istabbiltà, u relazzjonijiet li jkunu ta’ benefiċċju reċiproku;

f’ċerti kuntesti, bħall-baċini tal-baħar u r-reġjuni kostali, il-kooperazzjoni u l-azzjoni transnazzjonali huma indispensabbli għall-appoġġ tat-tkabbir, l-impjiegi u l-ġestjoni ekosistemika;

din toħloq il-kundizzjonijiet sabiex jiġu implimentati l-istrateġiji dwar l-iżvilupp makroreġjonali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tippreżenta b’mod aktar ċar l-ispeċifiċitajiet tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea f’regolament separat u b’hekk jiġu ffaċilitati kemm l-implimentazzjoni tiegħu kif ukoll id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEŻR fir-rigward tal-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (2).

3.2   Id-distribuzzjoni ċara tar-riżorsi finanzjarji bejn il-komponenti differenti tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, fi kliem ieħor il-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali, tipprovdi biżżejjed kapaċità finanzjarja għal kull wieħed minnhom. Huwa ċar minn din id-distribuzzjoni li l-akbar enfasi titpoġġa fuq il-kooperazzjoni transkonfinali (73,24 % għall-kooperazzjoni transkonfinali, 20,78 % għall-kooperazzjoni transnazzjonali u 5,98 % għall-kooperazzjoni interreġjonali). L-allokazzjoni finanzjarja għar-reġjui ultraperiferiċi hija wkoll adatta.

3.3   Fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi (pereżempju fil-każ tad-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej), ikun utli li jiġu identifikati b’mod aktar espliċitu l-ġirien u għalhekk l-imsieħba potenzjali.

3.4   Il-KESE jappoġġja wkoll it-tendenza li jiġu definiti prijoritajiet tematiċi ta’ intervent u investiment f’kull wieħed mill-komponenti tal-kooperazzjoni (3). Madankollu, il-flessibbiltà hija wkoll importanti f’dan il-qasam u għandhom jitqiesu l-bżonnijiet tal-pajjiżi partikolari skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

3.5   L-enfasi fuq il-prijoritajiet speċifiċi fi ħdan l-oqsma tematiċi u l-għażla tagħhom skont il-bżonnijiet tal-programmi individwali tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (proġetti) jistgħu jikkontribwixxu għall-għan li jiżdied il-valur miżjud tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea.

3.6   Il-KESE jilqa’ u jappoġġja t-tentattiv li jiġu ssemplifikati r-regoli fil-livelli kollha involuti: il-benefiċjarji, l-awtoritajiet tal-programm, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi parteċipanti, kif ukoll il-Kummissjoni. Is-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi tista’ żżid b’mod sinifikanti l-valur miżjud tal-politika ta’ koeżjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (4).

3.7   Madankollu, is-semplifikazzjoni tar-regoli għandha tiġi implimentata wkoll b’mod konsistenti fil-livell nazzjonali u reġjonali, sabiex jiġu evitati l-piżijiet amministrattivi eċċessivi. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea għandha, fil-limiti tas-setgħat u l-kapaċitajiet tagħha, timmonitorja u b’mod attiv tnaqqas il-ħolqien ta’ piżijiet amministrattivi eċessivi fil-livell nazzjonali u reġjonali.

3.8   Element importanti fir-rigward tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni huwa l-ħolqien ta’ qafas komuni għat-tfassil tar-rapporti annwali tal-2017 u l-2019 u l-enfasi tagħhom fuq ir-riżultati identifikati fl-Artikolu 13(3) tar-Reglament dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea.

3.9   L-istabbiliment ta’ indikaturi komuni (elenkati fl-Anness għar-Regolament) sabiex jiġu evalwati r-riżultati konkreti ta’ programmi individwali ffinanzjati taħt il-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea huwa wkoll element sinifikanti li jippermetti valutazzjoni aħjar tar-riżultati u l-effikaċja ta’ interventi strutturali partikolari.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-KESE jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex jiġu ssemplifikati r-regoli. B’mod partikolari l-KESE jilqa’ l-unifikazzjoni tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni u ta’ ċertifikazzjoni, is-semplifikazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż, ir-rappurtar elettroniku u l-produzzjoni tar-rapporti annwali fl-2017 u l-2019 biss.

4.2   L-esperjenza fil-qasam tal-kooperazzjoni territorjali fl-Istati Membri turi li huwa importanti li jkun hemm aktar involviment min-naħa tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari sabiex ir-riżorsi finanzjarji intiżi għall-intervent f’dan il-qasam ikunu diretti lejn il-proġetti tas-soċjetà ċivili.

4.3   Il-Kumitat jappoġġja l-involviment dirett tas-soċjetà ċivili, abbażi ta’ sħubija ugwali, fiċ-ċiklu kollu tal-ipprogrammar:

analiżi u programmar strateġiċi,

implimentazzjoni tal-proġetti, u

monitoraġġ u evalwazzjoni.

4.4   F’dan il-kuntest, ikun adegwat li titqies il-possibbiltà li titwarrab fil-ġenb parti mill-fondi użata għall-proġetti ddedikata għall-awtoritajiet lokali u reġjonali (fi kliem ieħor għall-bżonnijiet tal-gvernijiet reġjonali) u għall-partijiet interessati differenti tas-soċjetà ċivili. F’ċerti oqsma, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jistiednu lis-soċjetà ċivili organizzata tieħu sehem fis-sħubijiet ibbażati fuq proġett sa mill-fażi ta’ preparazzjoni tal-proġett.

4.5   B’konformità mal-prinċipju tas-sħubija (5), huwa importanti li jkun hemm enfasi fuq l-appoġġ għall-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili bi proġetti speċifiċi (pereżempju mikroproġetti), li għandhom il-potenzjal li jżidu l-valur miżjud tal-interventi fl-ambitu tal-kooperazzjoni territorjali (b’mod partikolari fil-qasam tal-kooperazzjoni transkonfinali) u għalhekk jinkludu entitajiet iżgħar tas-soċjetà ċivili fil-kooperazzjoni.

4.6   Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġu assigurati informazzjoni u pubbliċità aħjar fl-Istati Membri dwar dawn l-istrumenti u r-regolamenti. Bl-istess mod, huwa importanti li jiġu pprovduti eżempji tal-aħjar prattika li nkisbu mill-proġetti li diġà ġew implimentati.

4.7   Huwa importanti wkoll li jitqiesu l-involviment u r-rwol tal-entitajiet privati mhux bi skop ta’ qligħ bħala l-imsieħba ewlenin fil-proġetti.

4.8   L-assistenza teknika fil-kuntest tal-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea għandha tintuża sabiex tiżdied il-kapaċità ta’ assorbiment tal-benefiċjarji finali potenzjali tal-appoġġ u sabiex tiżdied l-effikaċja tal-kapaċitajiet amministrattivi tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni, b’enfasi fuq it-tneħħija tal-piżijiet amministrattivi eċċessivi.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (COM(2011) 615 final) jikkostitwixxu flimkien il-qafas leġislattiv prinċipali u l-bażi għad-diskussjonijiet tal-forma futura tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2014-2020.

(2)  Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali – Emendi” (Ara paġna 53ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Il-prinċipju tal-fokus tematiku ġie appoġġjat mill-KESE fl-Opinjoni dwar Il-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni ĠU C 248, 25.8.2011, p. 68, punti 2.2.5 u 6.14). Il-KESE ilu għal żmien twil jinsisti dwar il-bżonn li jiġu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi u ta’ kontabilità, pereżempju fl-Opinjoni tiegħu dwar Sħubijiet effikaċi fil-politika ta’ koeżjoni ĠU C 44, 11.2.2011, p. 1 u għal darb’oħra fl-Opinjoni dwar il-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni, ĠU C 248, 25.8.2011, p. 68.

(4)  Is-semplifikazzjoni tar-regoli tal-politika ta’ koeżjoni kienet is-suġġett ta’ numru ta’ Opinjonijiet tal-KESE, inklużi ĠU C 248, 25.8.2011, p. 68 u ĠUC 44, 11.2.2011, p. 1.

(5)  Dan il-prinċipju ġie appoġġjat mill-Opinjonijiet ĠU C 248, 25.8.2011, p. 68 u ĠU C 44, 11.2.2011, p. 1 u f’dikjarazzjonijiet pubbliċi mir-rappreżentanti tal-KESE f’Gödöllö f’Ġunju 2011 u f’Gdansk f’Ottubru 2011.


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward taċ-ċarezza, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-implimentazzjoni ta’ tali gruppi”

COM(2011) 610 final — 2011/0272 (COD)

2012/C 191/10

Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS

Nhar il-25 u s-27 ta’ Ottubru 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 175(3) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward taċ-ċarezza, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-implimentazzjoni ta’ tali gruppi

COM(2011) 610 final – 2011/0272 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ April 2012

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'172 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaqbel mal-impenn tal-Kummissjoni Ewropea rigward ir-raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT), u jappoġġja l-approċċ tar-Regolament il-ġdid, li ser jgħin biex ir-REKT ikun strument aktar effettiv, sempliċi u flessibbli li jikkontribwixxi għat-titjib tal-kooperazzjoni territorjali, li ssaħħet permezz tat-Trattat ta’ Lisbona. Din l-opinjoni tikkomplementa l-opinjoni dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea (1).

1.2   Il-KESE jappoġġja l-fatt li, b'dan ir-Regolament, l-istrument legali tar-REKT ser jissaħħaħ permezz ta’ soluzzjonijiet komuni fil-livell Ewropew, u jemmen li fil-futur ir-REKT ser ikunu strumenti essenzjali għall-kooperazzjoni u l-koeżjoni territorjali.

1.3   Il-kontinwità tar-REKT ser tiġi ggarantita fil-futur, u permezz tal-bidliet fir-Regolament dan l-istrument legali ser jippermetti aktar flessibbiltà fl-applikazzjoni tal-politiki territorjali u settorjali.

1.4   L-importanza politika tar-reġjuni fl-Ewropa qed tikber. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-fatt li bis-saħħa tal-politiki ta’ kooperazzjoni territorjali tal-UE, l-awtoritajiet reġjonali jistgħu jaqdu rwol ġdid. Fil-Kunsill jieħdu sehem l-Istati Membri, u l-KESE jittama li r-reġjuni Ewropej jipparteċipaw b'mod adegwat. Il-KtR u l-KESE għandhom rwol istituzzjonali importanti li l-Kunsill irid jirrispetta.

1.5   L-isfida futura ser tkun li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili jiġu involuti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Dan jirrikjedi kollaborazzjoni kbira bejn il-livell differenti ta’ governanza.

1.6   Il-KESE dejjem ikkunsidra l-valur miżjud tas-sistemi ta’ governanza f'diversi livelli, u għalhekk huwa jappoġġja l-ħolqien ta’ REKT li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-atturi kompetenti ta’ territorju makroreġjonali, Ewroreġjonali jew transkonfinali.

1.7   Però l-governanza f'diversi livelli għandha tissaħħaħ permezz tal-parteċipazzjoni tal-atturi ekonomiċi u soċjali. Għaldaqstant, il-KESE jipproponi li l-emenda tar-Regolament tagħmilha aktar faċli biex l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili jipparteċipaw b'mod adegwat fir-raggruppamenti Ewropej ta’ kooperazzjoni territorjali. Ir-rabta bejn ir-REKT u l-Aġenda tal-UE 2020 u l-politiki settorjali ser titjieb bis-saħħa tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.

1.8   It-taħriġ u l-iskambju tal-uffiċjali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali involuti fir-REKT huwa fundamentali, u għalhekk il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tippromovi l-organizzazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ konġunt bil-għan li tittejjeb il-ġestjoni politika u amministrattiva.

1.9   Il-KESE jipproponi li dan ir-Regolament, li hu speċifiku ħafna, għandu jiġi approvat malajr mill-Kunsill u l-Parlament, mingħajr ma jistennew l-adozzjoni tal-pakkett kollu tal-politika ta’ koeżjoni. B'dan il-mod ikun jista' jidħol fis-seħħ qabel.

2.   Ir-raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT)

2.1   Ir-raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali huwa forma legali li tintuża għall-istabbiliment ta’ strutturi ta’ kooperazzjoni bejn il-korpi pubbliċi tal-Unjoni Ewropea. Hu nħoloq permezz tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 fil-qafas tad-dispożizzjonijiet tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013.

2.2   Matul dan il-perjodu ta’ programmazzjoni, l-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni li qabel kienu jiġu kofinanzjati mill-inizjattiva Komunitarja Interreg, kemm dawk ta’ natura transkonfinali kif ukoll dawk transnazzjonali u interreġjonali, saru l-objettiv tal-politika ta’ koeżjoni. Huma saru t-tielet objettiv bl-isem ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea.

2.3   Il-kooperazzjoni territorjali titqies bħala strument fundamentali għall-objettivi tal-koeżjoni, u għalhekk qed tirċievi impuls ġdid u qed jiżdidulha r-riżorsi finanzjarji. Iżda hemm bżonn ukoll li jiġu adottati miżuri paralleli bil-għan li jitneħħew l-ostakli li jxekklu l-iżvilupp tagħha.

2.4   Bħalissa, biex jiżviluppaw l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni tagħhom, il-korpi pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE, speċjalment dawk reġjonali u lokali, iridu jiffaċċjaw bosta diffikultajiet legali u prattiċi minħabba d-diversità tal-leġislazzjonijiet u l-proċeduri, u dan għandu impatt negattiv fuq il-ġestjoni tal-attivitajiet.

2.5   Ir-Regolament dwar il-ħolqien tar-REKT (2) ġie adottat bil-għan li l-atturi tal-kooperazzjoni territorjali jkollhom strumenti ġodda biex jegħlbu dawn id-diffikultajiet u jtejbu l-applikazzjoni tal-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni territorjali.

2.6   Din il-forma legali tippermetti lill-gruppi ta’ korpi raggruppati abbażi ta’ proġetti u azzjonijiet komuni b'rabta mal-kooperazzjoni territorjali, b'konfinanzjament Ewropew jew le, biex ikollhom personalità legali proprja u differenti minn dik tal-korpi li jsawru l-grupp, u biex jaġixxu f'isem il-korpi tal-grupp fit-tranżazzjonijiet legali tal-Unjoni Ewropea.

2.7   Wara ħames snin mill-adozzjoni u fid-dawl tal-esperjenzi li nkisbu, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta biex jiġi emendat ir-Regolament, u fiha tressaq bidliet bil-għan li tiġi ċċarata, simplifikata u mtejba l-implimentazzjoni tar-REKT.

3.   Il-proposta għal Regolament biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) 1082/2006 dwar ir-REKT

3.1   B'konformità mal-impenn tagħha li tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament attwali u b'riżultat tal-konsultazzjonijiet li saru fil-livell istituzzjonali u mar-REKT eżistenti bil-kollaborazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li r-REKT jirrappreżentaw struttura adatta għall-kooperazzjoni territorjali fuq perjodu twil ta’ żmien (3).

3.2   Il-karatteristiċi legali tar-REKT jipprovdu lill-kooperazzjoni territorjali “qafas formali […] b'aktar ċertezza legali, b'bażi aktar uffiċjali u bi struttura istituzzjonali aktar solida”.

3.3   Il-feedback li taw ir-raggruppamenti eżistenti huwa pożittiv. S'issa nħolqu 26 REKT bil-parteċipazzjoni ta’ 15-il Stat Membru, u flimkien jirraggruppaw aktar minn 550 korp reġjonali u lokali.

3.4   Madankollu, ħarġu fid-dieher ukoll għadd ta’ nuqqasijiet u għalhekk intqal li r-REKT qed jintuża inqas milli kien mixtieq u li n-nuqqasijiet imsemmija ddisswadew il-ħolqien ta’ aktar REKT. L-emenda tar-Regolament tipprova ssolvi dawn il-problemi.

3.5   Jeżistu problemi relatati mal-ħolqien u l-operat tar-REKT kif ukoll mal-fatt li l-proċeduri tal-istabbiliment u l-modifikazzjoni tagħhom isiru bil-mod u huma kumplessi. Barra minn hekk, inħolqu sitwazzjonijiet mhux mixtieqa għaliex l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali interpretaw ir-regoli b'modi differenti u żviluppaw prattiki differenti.

3.6   Id-diversità legali u organizzattiva tal-korpi li jifformaw dawn ir-raggruppamenti u l-kompetenzi differenti li għandhom jagħmluha diffiċli biex tinsab konfigurazzjoni adatta għall-korpi kollha li jsawru r-REKT.

3.7   Jeżistu wkoll differenzi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament f'oqsma differenti. Dan jikkonċerna r-responsabbiltà limitata jew illimitata, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tar-REKT u s-sistema tal-akkwist tax-xogħlijiet u s-servizzi.

3.8   Hemm diffikultajiet ukoll għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi, f'każ li jkun utli li jinħoloq raggruppament bejn il-korpi ta’ Stat Membru wieħed u dawk ta’ pajjiż terz.

3.9   Barra minn hekk, il-kontenut tar-Regolament ukoll ġie interpretat b'modi differenti, bħal fil-każ tal-parteċipazzjoni tal-korpi privati, li jridu jkunu korpi kontraenti għall-iskop tal-akkwist pubbliku.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Kif diġà saħaq il-KESE fil-qafas tal-konsultazzjoni (4) dwar ir-Regolament (KE) 1082/2006, ir-REKT huwa strument utli u prezzjuż li jista' jikkontribwixxi għal kooperazzjoni territorjali aktar effettiva, aktar attiva u aktar viżibbli.

4.2   Minkejja d-differenzi nazzjonali, ir-reġjuni ser jaqdu rwol importanti ħafna fis-sistema futura ta’ governanza tal-Unjoni Ewropea, li l-istituzzjonijiet iridu jappoġġjaw.

4.3   Il-KESE jilqa' l-proposta l-ġdida għal Regolament li ser ittejjeb u tiffaċilita l-użu tar-REKT u ser tagħmel mir-REKT strument aktar siewi għar-reġjuni. Ir-raggruppamenti għandhom bżonn strument li jagħti lill-kooperazzjoni reġjonali Ewropea bażi stabbli, strutturata u legalment effettiva u affidabbli.

4.4   Ir-Regolament il-ġdid ser jiffaċilita l-ħolqien ta’ REKT ġodda li joperaw aħjar, billi jsaħħaħ qafas strutturat, b'kapaċità operattiva sħiħa, li bih ikunu jistgħu jingħelbu d-diffikultajiet legali u prattiċi marbutin mal-attivitajiet tal-kooperazzjoni transnazzjonali. Ser jistabbilixxi unitajiet organizzattivi ddedikati b'mod speċifiku għall-ippjanar, il-koordinazzjoni u l-ġestjoni.

4.5   Il-KESE jemmen li dan jirrappreżenta pass ġdid fl-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali.

4.6   B'hekk tiġi promossa kooperazzjoni aktar ambizzjuża. L-azzjonijiet kofinanzjati mill-fondi Ewropej fil-kuntest tal-kooperazzjoni territorjali ser jitqiegħdu f'qafas ta’ linji gwida aktar strateġiċi u ser jissejsu fuq il-valur miżjud tal-interess komuni Ewropew u fuq perspettiva fit-tul.

4.7   Huwa mixtieq li fil-ġejjieni l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni tiżviluppa fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, u li jissaħħu l-objettivi tal-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-kompetittività, is-sostenibbiltà, il-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi, inklużi l-SMEs, l-universitajiet u ċ-ċentri tat-teknoloġija, eċċ.

4.8   Il-KESE jappoġġja wkoll li l-kooperazzjoni territorjali ssaħħaħ l-azzjonijiet tematiċi u settorjali bejn ir-reġjuni u l-bliet.

4.9   Il-KESE jenfasizza li r-REKT diġà jippermetti xi forom ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali fi kwistjonijiet ekonomiċi u teknoloġiċi li huma rilevanti wkoll għall-Istrateġija Ewropa 2020. Din ix-xorta ta’ kooperazzjoni għandha ssir aktar viżibbli.

4.10   Il-KESE japprezza l-valur tal-proġetti differenti li l-istrumenti ta’ kooperazzjoni bħar-REKT jippromovu, mill-proġetti tal-INTERREG sal-istabbiliment ta’ servizzi pubbliċi transkonfinali jew ta’ pjani strateġiċi multisettorjali.

4.11   Il-KESE jappoġġja r-rwol istituzzjonali tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-monitoraġġ tar-REKT u fl-iskambju tal-prattiki tajbin. Il-pjattaforma tar-REKT tal-KtR għandha tissokta bl-attivitajiet tagħha wara li jiġi approvat ir-Regolament il-ġdid.

4.12   Il-KESE jixtieq jikkollabora mal-KtR sabiex is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jagħmlu parti mill-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-REKT. Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tħejji rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament il-ġdid u dwar il-parteċipazzjoni tal-atturi ekonomiċi u soċjali u tas-soċjetà ċivili fir-REKT (5).

4.13   Il-KESE jappoġġja wkoll li fil-futur tiġi simplifikata l-proċedura tal-ħolqien tar-REKT u li l-konvenzjonijiet jiġu approvati fi żmien sitt xhur, għalkemm il-gvernijiet ma tawx l-approvazzjoni espressa tagħhom.

4.14   Il-KESE japprezza l-fatt li r-REKT għandhom versatilità kbira biex jimmaniġġjaw l-infrastrutturi u s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali għall-benefiċċju taċ-ċittadini li jgħixu fit-territorji ta’ Stati Membri differenti.

4.15   Il-KESE jenfasizza li l-kooperazzjoni territorjali, li l-għan ewlieni tagħha huwa li ttejjeb il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, titwettaq ukoll fil-qafas ta’ inizjattivi ambizzjużi ta’ kooperazzjoni ta’ livell għoli li huma politikament kumplessi, bħall-makroreġjuni, l-Ewroreġjuni u l-istrateġiji tal-baċiri fil-politika marittima integrata.

4.16   Il-KESE jenfasizza li l-kooperazzjoni makroreġjonali u interreġjonali, bil-funzjonament adegwat tar-REKT, tista' taqdi rwol ukoll biex jintlaħqu l-objettivi settorjali tal-UE. L-Istrateġija Ewropa 2020 ser tirċievi, mingħajr dubju, impuls addizzjonali. Ir-Regolament għandu jgħin biex ir-REKT jintrabtu aħjar mal-istrumenti politiċi u finanzjarji tal-UE għall-politiki settorjali.

4.17   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-użu tar-REKT mir-reġjuni ultraperiferiċi u t-territorji extra-Ewropej, inkluż ma’ pajjiżi terzi ġirien.

4.18   Il-KESE, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju li r-REKT għandhom jintużaw fuq bażi volontarja, iħeġġeġ lill-Kummissjoni taqdi rwol aktar proattiv biex tiffaċilita, tissimplifika u tipperfezzjona r-REKT, li jridu jkunu marbutin mal-objettivi strateġiċi tal-Unjoni Ewropea.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Il-KESE jemmen li l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea fil-proposta tagħha biex jiġi emendat ir-Regolament fis-seħħ huwa adegwat. Il-KESE jixtieq jenfasizza li r-REKT għandhom ikunu strumenti sempliċi biex jintużaw, b'tali mod li kull grupp ta’ msieħba jfassal ir-raggruppament u l-funzjonijiet tiegħu bl-aktar mod adegwat għall-karatteristiċi tiegħu, għaliex kull raggruppament ta’ msieħba jinsab f'sitwazzjoni u ċirkustanzi speċifiċi, u r-REKT għandu jkun strument kapaċi jkopri l-objettivi tagħhom b'rabta mal-kooperazzjoni.

5.2   Bħalissa, ħafna reġjuni Ewropej ma jużawx l-opportunitajiet li toffri l-liġi tal-Unjoni Ewropea, permezz tal-forma legali tar-REKT, għall-kooperazzjoni bejniethom fil-qafas tal-politika reġjonali tal-UE. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel sforz akbar biex tippopolarizza u tippromovi dan l-istrument fost l-awtoritajiet reġjonali u s-soċjetà ċivili.

5.3   Il-prinċipju tas-simplifikazzjoni li l-Kummissjoni tixtieq tinkorpora fil-politika futura ta’ koeżjoni u, b'riżultat ta’ dan, fil-kooperazzjoni territorjali Ewropea, għandu jispira l-istrumenti differenti, speċjalment ir-REKT.

5.4   Il-KESE jinnota li l-kumplessitajiet legali, amministrattivi u proċedurali għandhom effett dissważiv fuq l-atturi tal-kooperazzjoni territorjali, b'mod partikolari dawk l-awtoritajiet reġjonali u lokali b'inqas strumenti amministrattivi u b'inqas riżorsi.

5.5   Il-fatt li l-proċeduri amministrattivi għall-ħolqien ta’ REKT isiru bil-mod u l-ħtieġa li l-proċedura tiġi ripetuta f'kull każ ta’ addizzjoni ġdida huma inkompatibbli mad-dinamiżmu meħtieġ għall-attivitajiet ta’ kooperazzjoni u jirrappreżentaw ostaklu ta’ veru għall-użu tar-REKT. Il-KESE huwa kuntent li dawn il-problemi għandhom jiġu solvuti permezz tar-Regolament il-ġdid.

5.6   Il-flessibbiltà hija karatteristika mixtieqa oħra li jfittxu l-atturi li jkunu jridu joħolqu struttura ta’ kooperazzjoni, għaliex hi tippermetti li l-organizzazzjoni u l-funzjonament jiġu adattati għall-ħtiġijiet u l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom.

5.7   Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea, sabiex tiffaċilita l-ħidma tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, toħloq sistema ta’ konsulenza, taħriġ u skambju tal-esperjenzi li jiffaċilitaw it-tfassil tal-konvenzjonijiet u l-istatuti.

5.8   Il-KESE jemmen li l-miżuri adottati biex jevitaw il-frammentazzjoni diġitali bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi tar-REKT mhumiex suffiċjenti. Huwa importanti li tiġi ggarantita sistema ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi territorjali interkonnessi, interattivi u aċċessibbli permezz tal-programm Komunitarju ISA (6). B'dan il-mod jiġu appoġġjati l-valur miżjud tas-sistemi ta’ governanza f'diversi livelli u l-parteċipazzjoni tal-atturi involuti kollha f'territorju makroreġjonali, Ewroreġjonali jew transkonfinali.

5.9   Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-konvenzjoni tindika r-regoli tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali li japplikaw għall-persunal tar-REKT kif ukoll ir-regoli dwar ir-reklutaġġ u l-ġestjoni tal-persunal.

5.10   Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-eżempju ta’ governanza f'diversi livelli li jirrappreżenta r-REKT, fejn l-imsieħba involuti, li jkunu ġejjin minn sfond reġjonali, lokali, nazzjonali u istituzzjonali differenti, isawru l-korpi ta’ gvern u ta’ ġestjoni tar-relazzjoni ta’ kooperazzjoni. Però l-Kumitat jipproponi li jipparteċipaw ukoll l-imsieħba soċjali u atturi oħra tas-soċjetà ċivili.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara paġna 49 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  B'konformità mal-Artikolu 159 tat-TKE, attwalment l-Artikolu 175 tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi, barra l-Fondi, sabiex jinkiseb l-objettiv tal-koeżjoni ekonomika u soċjali.

(3)  Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar Raggruppament Ewropew ta’ Koperazzjoni Territorjali (REKT). COM(2011) 462 final.

(4)  Opinjoni dwar il-“Proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-twaqqif ta’ Grupp Ewropew ta’ Kooperazzjoni bejn il-fruntieri (GECT)”, ĠU C 255/15, 14.10.2005, p. 76 (din l-opinjoni mhix disponibbli bil-Malti).

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar “Kif jistgħu jitħeġġu sħubijiet effikaċi fil-ġestjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, fuq il-bażi ta’ prattiki tajbin miċ-ċiklu 2007-2013”, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 1

(6)  Interoperability Solutions for European public administrations (Soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà fl-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej).


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li joħloq Ordni Ewropea tal-Priżervazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f’materji ċivili u kummerċjali”

COM(2011) 445 final — 2011/0204 (COD)

2012/C 191/11

Relatur: is-Sur PEGADO LIZ

Nhar l-14 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li joħloq Ordni Ewropea tal-Priżervazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f’materji ċivili u kummerċjali

COM(2011) 445 final – 2011/0204 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tas-26 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’mod unanimu.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon din il-proposta li l-uniku nuqqas tagħha huwa li waslet tard meta mqabbel mal-Green Paper tal-2006 dwar is-sekwestru ta’ kontijiet bankarji.

1.2   Madankollu, il-KESE jqis li għandha tkun akkumpanjata minn inizjattiva parallela – li loġikament kellha tiġi ppreżentata qabel – dwar it-trasparenza tal-kontijiet tad-debituri, kif stabbilit fil-Green Paper tal-2008 dwar it-trasparenza tal-assi tad-debituri.

1.3   Il-KESE jilqa’ l-fatt li, f’qasam ta’ diffikultà teknika kbira, il-Kummissjoni rnexxilha tipproponi reġim legali li jiżgura bilanċ ġust bejn l-interessi differenti kkonċernati u d-drittijiet tad-diversi partijiet ikkonċernati.

1.4   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni inkludiet parti konsiderevoli mir-rakkomandazzjonijiet li għamel fl-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper dwar it-trasparenza tal-assi tad-debituri, b’mod partikolari l-estensjoni tal-ambitu lil hinn mill-flus likwidi miżmuma fil-kontjiet bankarji biex jinkludi strumenti finanzjarji oħra, il-kwistjoni ta’ Ordni Ewropea tal-Priżervazzjoni tal-Kontijiet (EAPO) wara li jinkiseb titolu li jista’ jkun infurzat, id-definizzjoni wiesgħa tal-ġurisdizzjonijiet kompetenti, il-fatt li fit-talbiet ma ġewx inklużi ammonti oħra ħlief dawk dovuti u mhux imħallsa flimkien mal-imgħax fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, l-ispejjeż rikonoxxuti, kif ukoll id-definizzjoni ċara tar-reġim għall-ikkontestar tad-deċiżjonijiet u għall-oppożizzjoni kontra l-miżura kif ukoll rikorsi legali ammissibbli, bil-għan li tiġi garantita l-legalità tal-proċedura u jiġu salvagwardjati d-drittijiet tar-rikorrenti, il-konvenuti u partijiet terzi.

1.5   Il-KESE jilqa' b'mod partikolari l-adozzjoni ċara ta’ approċċ alternattiv jew fakultattiv, l-għażla ta’ regolament bħala l-istrument tal-UE biex tiġi żgurata bl-aħjar mod it-tkomplija tas-suq intern, l-applikazzjoni tal-miżura għal sitwazzjonijiet transkonfinali biss u, fl-aħħar, l-għażla tal-bażi legali adatta (Artikolu 81(2) tat-TFUE) – li lkoll huma rakkomandazzjonijiet li tressqu mill-KESE. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ reġim adatt, sempliċi u proporzjonat fir-rigward tal-ispejjeż/benefiċċji, kriterji meħtieġa fid-dawl tan-natura transkonfinali tal-mekkaniżmu u tal-mezzi li jirrikjedu dawk li jużaw il-mekkaniżmu jew li jkollhom jiffaċċjawh.

1.6   Il-KESE mhuwiex għalkollox konvint fir-rigward tan-natura indispensabbli tal-miżura, b'mod partikolari peress li mhux ser tiġi adottata mir-Renju Unit u minħabba l-fatt li l-inċertezza dwar l-ispiża totali tal-proċedura kif ukoll it-tfittxija għall-qorti barranija kompetenti ser jibqgħu ostakli, bla ebda dubju għall-kumpaniji żgħar. Il-KESE lanqas mhu konvint fir-rigward tal-konformità sħiħa tal-proposta mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, peress li fir-reviżjoni tar-Regolament Brussell I huwa mistenni li titneħħa l-exaquatur, u l-istimi tar-riżultati mistennija tal-valutazzjoni tal-impatt mhumiex preċiżi biżżejjed.

1.7   Fl-aħħar, il-KESE jqis li l-kontenut ta’ ċerti dispożizzjonijiet għandu jiġi rivedut u jista' jittejjeb biex ikun aktar ċar, inqas ambigwu u aktar immirat kif ukoll biex jiġu kkoreġuti xi żbalji tat-traduzzjoni u tal-istampar. Huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu nota tal-kummenti tiegħu f'dan ir-rigward.

2.   Sfond u kontenut tal-proposta

2.1   Permezz tal-Proposta attwali għal Regolament, il-Kummissjoni qed tagħti segwitu għall-Green Paper tagħha tal-2006 dwar is-sekwestru ta’ kontijiet bankarji (1). Hija tipproponi li, fis-sistema legali tal-UE u permezz ta’ regolament, jiġi stabbilit strument legali bħala alternattiva għall-proċeduri nazzjonali, jiġifieri l-Ordni Ewropea għall-Priżervazzjoni tal-Kontijiet (EAPO) bil-għan li jkun hemm priżervazzjoni rapida u bi spiża minima tal-kontijiet bankarji tad-debituri li li jkunu soġġetti għal pretensjonijiet finanzjarji fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. L-għan huwa li li jiġi evitat li d-debitur jirtira jew jittrasferixxi fondi miżmuma f'kontijiet bankarji fit-territorju tal-UE, sakemm kwalunkwe parti jew assi involuta tinsab f'aktar minn Stat Membru wieħed (implikazzjonijiet transkonfinali kif definit fl-Artikolu 3), irrispettivament min-natura tal-ġurisdizzjoni.

2.2   Ir-reġim ġie stabbilit fuq bażi fakultattiva (it-tieni reġim ġeneralment magħruf bħala t-“28 reġim”) bħala alternattiva għall-miżuri protettivi eżistenti fl-Istati Membri jew biex jintuża b'mod parallel ma’ dawn il-miżuri, bl-istess mod u għan.

2.3   Dawn li ġejjin huma esklużi mir-reġim għal diversi raġunijiet:

a)

il-kwistjonijiet fiskali, amministrattivi u dawk doganali;

b)

il-każijiet ta’ insolvenza, l-istralċ ta’ kumpaniji, il-proċeduri f'każijiet ta’ falliment u proċeduri analogi oħra;

c)

is-sigurtà soċjali;

d)

l-arbitraġġ;

e)

il-kontijiet bankarji ddikjarati eżenti mis-sekwestru mil-leġislazzjoni tal-Istati Membri fejn jinsabu tali kontijiet;

f)

il-ħlas ta’ titoli identifikati skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/26/KE (2).

2.4   Għall-kuntrarju, ir-reġim ser japplika wkoll għar-reġimi matrimonjali, is-suċċessjonijiet u l-effetti patrimonjali ta’ sħubijiet irreġistrati (3).

2.5   L-EAPO tista' tintalab u tittieħed deċiżjoni dwarha f'mumenti differenti:

a)

qabel jinfetħu proċeduri ġudizzjarji biex tinħareġ sentenza jew biex tiġi infurzata deċiżjoni kontra konvenut;

b)

fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri ġudizzjarji;

c)

wara li tkun inkisbet sentenza kontra l-konvenut jew kwalunkwe titolu li jista' jkun infurzat fl-Istat Membru tal-oriġni, iżda li ma jkunx għadu ġie ddikjarat bħala tali fl-Istat Membru fejn jinsab il-kont;

d)

wara li jinkiseb titolu li jista' jkun infurzat li diġà jista' jiġi infurzat fl-Istat Membru fejn jinsab il-kont.

2.6   Id-dispożizzjonijiet tal-ewwel Taqsima (Artikoli 6 sa 13) japplikaw fl-ewwel tliet każijiet, it-tieni Taqsima (Artikoli 14 u 15) tapplika għar-raba' każ, filwaqt li t-tielet Taqsima (Artikoli 16 sa 22) tinkludi dispożizzjonijiet proċedurali komuni għas-sitwazzjonijiet kollha.

2.7   Il-Kapitolu 3 jistabbilixxi l-prinċipju li l-exequatur mhijiex meħtieġa f'termini assoluti (Artikolu 23) u jinkludi dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-mod kif għandha tiġi garantita l-eżekuzzjoni effettiva ta’ kull EAPO. Jistabbilixxi wkoll id-drittijiet u l-obbligi tad-diversi partijiet involuti (banek, qrati, awtoritajiet nazzjonali kompetenti, konvenuti, rikorrenti, kredituri oħra u terzi pesuni involuti).

2.8   Il-Kapitolu 4 (Artikolu 34 sa 40) jirregola r-rimedji legali differenti: mir-reazzjoni għal rifjut għall-ħruġ ta’ EAPO (Artikolu 22) sar-reviżjoni ta’ EAPO biex jiġi modifikat u/jew limitat l-iskop tagħha, id-dikjarazzjoni tat-tmiem tagħha, ir-revoka jew is-sospensjoni u, fl-aħħar, l-appelli ordinarji jew straordinarji, id-drittijiet ta’ aċċess tal-partijiet għall-appelli mogħtija skont il-liġi nazzjonali applikabbli (Artikolu 37) li jibqgħu intatti. Dan il-kapitolu jirregola wkoll kif għandhom jiġu provduti depożiti ta’ garanzija tal-ammont ikkonċernat jew garanzija ekwivalenti bħala mezz biex jintemm l-infurzar ta’ EAPO.

2.9   Fl-aħħar, il-Kapitolu 5 tal-proposta jistabbilixxi għadd ta’ dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-reġim, fosthom il-fatt li r-rappreżentanza minn avukat mhijiex obbligatorja kif ukoll l-ispejjeż u l-limiti taż-żmien.

2.10   Barra minn hekk, dan il-kapitolu jistabbilixxi regoli dwar ir-relazzjoni ma’ strumenti oħra tal-UE u dispożizzjonijiet nazzjonali oħra applikabbli b'mod addizzjonali, kif ukoll l-obbligi li għandhom jiġu sodisfati mill-Istati Membri biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u adatta tal-istrument.

2.11   Mill-valutazzjoni tal-impatt ex ante li saret mill-Kummissjoni jidher li:

a)

id-dejn transkonfinali mitluf huwa stmat li jammonta bejn EUR 1,12 u EUR 2 biljun kull sena;

b)

it-talbiet għal manteniment dovuti iżda mhux imħallsa jistgħu jiġu stmati għal EUR 268 miljun kull sena;

c)

id-dejn mitluf fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet transkonfinali jammonta għal madwar EUR 55 miljun kull sena;

d)

11,6 % tal-kumpaniji biss pruvaw jirkupraw dejn lil hinn mill-fruntieri permezz ta’ proċedura ta’ ordni ta’ priżervazzjoni nazzjonali;

e)

huwa stmat li kull sena jkun hemm 34 000 każ ta’ priżervazzjoni b'rabta ma’ dejn transkonfinali, u dan jirrappreżenta EUR 640 miljun kull sena.

Skont l-istess valutazzjoni, il-proċedura ta’ ordni Ewropea ta’ priżervazzjoni tista':

a)

tiżgura l-irkupru ta’ bejn EUR 373 sa 600 miljun ta’ dejn mitluf addizzjonali kull sena;

b)

twassal għal frankar stmat tal-ispejjeż għall-kumpaniji involuti f'kummerċ transkonfinali ta’ bejn EUR 81,9 miljun sa EUR 149 miljun kull sena.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Ilna mdorrijin naqraw testi legali u tekniċi preżentati f'forma tajba, ta’ kwalità kunċettwali għolja u mfassla b'mod ċar mid-DĠ JUST, testi li taw kontribut għal “regolamentazzjoni aħjar” u għal iktar ċertezza u sigurtà legali.

3.2   Din il-proposta mhijiex eċċezzjoni u għaldaqstant il-KESE jilqa' l-preżentazzjoni tagħha, li l-uniku nuqqas tagħha huwa li waslet tard.

3.3   Barra minn hekk, f'qasam ta’ diffikultà teknika kbira, il-Kummissjoni rnexxilha tipproponi reġim legali li jiżgura bilanċ ġust bejn l-interessi varji kkonċernati u d-drittijiet tad-diversi partijiet ikkonċernati. Dawn id-drittijiet huma analizzati b'mod rigoruż fil-valutazzjoni tal-impatt dettaljata u strutturata tajjeb li takkumpanja l-proposta, li kienet intalbet b'insistenza mill-KESE.

3.4   Barra minn hekk, il-Kummissjoni inkludiet ammont konsiderevoli ta’ rakkomandazzjonijiet li saru mill-KESE fl-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper dwar it-trasparenza tal-assi tad-debituri (COM(2008) 128 final) (4), pereżempju meta tipprevedi l-ħruġ ta’ EAPO wara l-ksib ta’ titolu li jista' jkun infurzat (Taqsima 2); id-definizzjoni wiesgħa tal-ġurisdizzjonijiet kompetenti (Artikolu 6); il-fatt li fit-talbiet ma ġewx inklużi ammonti oħra ħlief dawk dovuti u mhux imħallsa flimkien mal-imgħax fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas u l-ispejjeż rikonoxxuti (bħall-miżati tal-avukati u spejjeż oħra); u d-definizzjoni ċara tar-reġim għall-ikkontestar tad-deċiżjonijiet u għall-oppożizzjoni kontra l-miżura kif ukoll rikorsi legali ammissibbli, bil-għan li tiġi garantita l-legalità tal-proċedura u jiġu salvagwardjati d-drittijiet tar-rikorrenti, il-konvenuti u partijiet terzi.

3.5   Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll parti konsiderevoli mir-rakkomandazzjonijiet li l-Parlament Ewropew adotta reċentement f'dan il-qasam (5) u li jistħoqqilhom li jintlaqgħu tajjeb ukoll.

3.6   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon: 1) il-fatt li, kif kien irrakkomanda, ingħażel b'mod ċar reġim alternattiv jew fakultattiv li jiggarantixxi l-possibbiltà li r-rikorrent jagħżel il-ġurisdizzjoni nazzjonali; 2) l-għażla ta’ regolament bħala strument tal-UE biex jiġu żgurati bl-aħjar mod possibbli l-armonizzazzjoni leġislattiva indispensabbli għat-tkomplija tas-suq intern u uniformità akbar fl-applikazzjoni fl-Istati Membri, li fl-istess ħin jiggarantixxi aktar ċertezza u sigurtà legali, kif kien irrakkomanda wkoll il-KESE; 3) il-fatt li l-miżura tapplika biss għal sitwazzjonijiet transkonfinali u, fl-aħħar, 4) l-għażla ta’ bażi legali rilevanti (Artikolu 81(2) tat-TFUE).

3.7   Il-KESE jilqa' wkoll l-estensjoni tal-ambitu lil hinn mill-flus likwidi miżmuma fil-kontijiet bankarji biex jinkludi strumenti finanzjarji oħra (6), kif kien issuġġerixxa preċedentement.

3.8   Madankollu l-KESE mhuwiex konvint fir-rigward tan-natura essenzjali tal-miżura u l-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà:

3.8.1   l-ewwel nett għax il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi li l-istess riżultat jista' teoretikament jinkiseb b'mezzi oħra.

3.8.2   it-tieni, jekk inqisu li ssir ir-reviżjoni tar-Regolament Brussell I kif irrakkomandat il-Kummissjoni u kif ġie appoġġjat mill-KESE, il-kwistjoni fundamentali tal-exequatur tiġi solvuta.

3.8.3   Fl-aħħar nett, għax fil-valutazzjoni tal-impatt li tfasslet b'mod tajjeb, imsemmija hawn fuq, ma ngħatatx garanzija li l-ispejjeż addizzjonali li ġġarrbu minħabba l-introduzzjoni ta’ proċedura ġudizzjarja ġdida fil-liġi tal-Istati Membri kollha ġew analizzati bis-sħiħ u valutati sew f'termini tal-aspetti kollha relatati mal-implimentazzjoni, l-informazzjoni għall-intrapriżi u l-konsumaturi, it-taħriġ tal-imħallfin, l-avukati u professjonisti legali oħra, u l-uffiċjali pubbliċi, partikolarment mill-amministrazzjoni legali. Hemm ukoll l-ispejjeż addizzjonali operattivi tal-korpi ġudizzjarji minħabba l-firxa wiesgħa ta’ formoli bit-23 lingwa tal-UE, spejjeż li ma jistgħux jitqabblu, f'termini ta’ kostbenefiċċju, mal-iffrankar stmat għall-intrapriżi jew l-ammont mistenni mill-irkupru addizzjonali tad-dejn, li skont l-istimi jista' jvarja bejn EUR 373 u EUR 600 miljun. Barra minn hekk, l-inċertezza dwar l-ispiża totali tal-proċedura kif ukoll l-identifikazzjoni tal-qorti kompetenti jibqgħu ostakoli. Dan jista' jkollu effett ħażin fuq il-kumpaniji, b'mod partikulari, in-negozji ż-żgħar.

3.9   Barra minn hekk, il-KESE għadu jemmen, kif ġie rrakkomandat mill-PE, li fi kwalunkwe każ l-inizjattiva attwali għandha tkun akkumpanjata minn – jew anke preċeduta minn, peress li hekk huwa loġiku – inizjattiva oħra dwar it-trasparenza tal-assi tad-debituri. Il-Kumitat għadu ma jistax jifhem għala l-Kummissjoni qed tagħti prijorità (jew esklużività) lil din il-proposta u mhux oħra.

3.10   Fl-aħħar, il-KESE jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, li hija u żżomm mad-dikjarazzjoni ta’ prinċipju magħrufa tagħha ma adottatx l-istrument, kif ukoll dwar id-deċiżjoni mħabbra tar-Renju Unit li mhux ser jadottah ukoll meta dan l-Istat Membru m'għandux strument legali komparabbli. Din il-lakuna fis-sistema legali Anglosassona hija wieħed mill-punti ta’ tħassib li qamu matul id-diskussjoni tal-Green Paper.

4.   Kummenti partikolari

4.1   Artikolu 2(2)(c)

L-esklużjoni tal-arbitraġġ għandha tiġi ċċarata biex ma tiġix ipperikolata l-pożizzjoni tat-tribunali tal-arbitraġġ li, f'għadd ta’ Stati Membri, jieħdu deċiżjonijiet li huma titoli li jistgħu jkunu infurzati daqs kemm huma s-sentenzi ta’ qrati ordinarji.

4.2   Artikoli 2(3) u 32

Ma jeżistux kontijiet li huma eżentati mill-priżervazzjoni iżda jeżistu ammonti li jikkorrispondu għad-dħul jew qligħ li jistgħu jiġu eżentati mill-priżervazzjoni.

4.3   Artikoli 4(1) u 29

Minħabba n-natura sensittiva tas-sitwazzjoni, espressjonijiet bħal “kont […] fuq l-isem ta’ parti terza għan-nom tal-konvenut” u “kontijiet […] miżmuma mill-konvenut f'isem parti terza” għandhom jiġu definiti aħjar u jiġu ċċarati biex jiġu evitati dubji dwar l-ambitu tagħhom li jista' jkun ta’ ħsara għad-drittijiet ta’ partijiet terzi.

4.4   Artikolu 7(1)(a)

It-traduzzjoni ta’ dan l-inċiż mhijiex identika fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha.

4.5   Artikolu 8(2)(f)

Ma tapplikax għall-verżjoni Maltija. It-relatur jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-referenza għall-Artikolu 7(1)(b) mhijiex korretta fil-verżjoni Portugiża li tirreferi għall-Artikolu 17(1)(b).

4.6   Artikolu 13

Fil-kuntest ta’ reġim tat-tip propost m'għandhiex tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddeċiedu perjodi ta’ żmien differenti għax inkella ma tkunx tista' tiġi garantita uniformità u jkun hemm nuqqas ta’ ċertezza legali.

4.7   Artikolu 20(1)

Ikun aħjar jekk l-espressjoni “dawk il-qrati […] jistgħu jikkoperaw” issir “għandhom jikkoperaw”.

4.8   Artikolu 25(1)

L-espressjoni “mingħajr dewmien bla bżonn” hija vaga wisq u għandha tiġi sostitwita bi skadenza minima, bħal pereżempju “fil-ġurnata ta’ ħidma li jmiss”.

4.9   Artikolu 27(3)

Il-possibbiltà li jintużaw mezzi elettroniċi siguri ta’ komunikazzjoni għandha tiġi estiża għall-istrumenti kollha, inklużi r-relazzjonijiet bejn il-qrati, fi ħdan il-programm Ġustizzja elettronika tal-Kummissjoni, biex jitħaffu l-proċeduri.

4.10   Artikolu 41

Għandu jiżdied dan li ġej fl-aħħar tal-Artikolu: “ħlief f'każijiet fejn il-liġi nazzjonali tal-ġurisdizzjoni kompetenti tistipula li l-provvediment ta’ avukat huwa obbligatorju”.

4.11   Artikolu 44

Din id-dispożizzjoni tista' tiġi interpretata b'diversi modi u toħloq inċertezza fil-proċedimenti. Din għandha titħassar.

4.12   Definizzjoni tal-limiti ta’ żmien

Il-limiti ta’ żmien jiġu definiti b'modi differenti f'diversi artikoli tal-proposta. Xi kultant huma espressi f'“jiem kalendarji” (Artikolu 21), “jiem tax-xogħol” (Artikolu 24(3)(c), Artikolu 27) jew “ġurnata” (Artikolu 35(4)). Id-definizzjoni tal-limiti ta’ żmien għandha tkun uniformi fl-interess taċ-ċertezza legali.

4.13   Annessi u Artikolu 47

Il-kontenut tal-annessi, u, b'mod partikolari, il-lingwi li bihom iridu jintużaw, flimkien mal-bżonn tat-traduzzjoni bil-għan li jiġu mifhuma għandhom jiġu valutati aħjar u ttestjati minn qabel. L-istess japplika għall-evidenza addizzjonali u x-xhieda orali (Artikolu 11).

Brussell, 26 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2006) 618 final, 24.10.2006.

(2)  ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45.

(3)  Ara r-Regolament (UE) 1259/2010 (ĠU L 343, 29.12.2010, p. 10) (Ruma III) (divorzju u separazzjoni), ir-Regolament (KE) 44/2001 (ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1) (materji ċivili u kummerċjali), ir-Regolament (KE) 2201/2003 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1) (kwistjonijiet matrimonjali); il-Proposta għal Regolament (COM(2011) 127 final, 16.3.2011 (sħubijiet reġistrati) u l-Proposta għal Regolament (COM(2011) 126 final, 16.3.2011 (reġimi matrimonjali tal-proprjetà); ara l-opinjoni tal-KESE: ĠU C 325, 20.12.2006, p. 65 (drittijiet tat-tfal)(mhux disponibbli bil-Malti), ĠU C 325, 20.12.2006, p. 71 (kwistjonijiet matrimonjali) (mhux disponibbli bil-Malti), ĠU C 44, 11.2.2011, p. 148 (kwistjonijiet ta’ suċċessjoni) u ĠU C 376, 22.12.2011, p. 87 (effetti partimonjali ta’ sħubijiet reġistrati).

(4)  Opinjoni tal-KESE: ĠU C 10, 15.1.2008, p. 2; u ĠU C 175, 28.7.2009, p. 73.

(5)  Rapport fuq inizjattiva proprja A-7 0147/2011 14.4.2011, relatur: Arlene McCarthy, Riżoluzzjoni tal-PE tal-10 ta’ Mejju 2011 (TA(2011) 0193).

(6)  Kif definit fl-Artikolu 4(1) punt 17 tad-Direttiva 2004/39/KE u Taqsima Ċ tal-Anness I (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1) (mhux disponibbli bil-Malti).


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/61


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati”

COM(2011) 778 final — 2011/0389 (COD)

u “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku”

COM(2011) 779 final — 2011/0359 (COD)

2012/C 191/12

Relatur: is-Sur MORGAN

Nhar it-13 ta’ Diċembru 2011, il-Parlament Ewropew, u nhar is-26 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati

COM(2011) 778 final – 2011/0389 (COD).

Nhar il-15 ta’ Diċembru 2011, il-Parlament Ewropew, u nhar is-26 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku

COM(2011) 779 final – 2011/0359 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tas-26 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’110 voti favur, 18-il vot kontra u 63 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Wara l-Opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper (OGP) dwar il-Politika tal-Awditjar (1), il-KESE stenna li d-Direttiva attwali 2006/43/KE dwar l-Awditjar (2) tiġi aġġornata. Issa l-Kummissjoni qed tipproponi li parti mid-Direttiva tiġi aġġornata iżda qed tipproponi wkoll li toħroġ Regolament għall-parti l-oħra.

1.2   Il-KESE jaqbel mal-abbozz ta’ Direttiva, li huwa konsistenti mal-OGP tal-Kumitat. Hemm ukoll ħafna aspetti tar-Regolament li l-KESE jaqbel magħhom.

1.3   L-iskop tal-format regolatorju jidher li hu doppju: li jintroduċi bidliet fundamentali fis-suq tal-awditjar u li jippreskrivi f’dettall konsiderevoli l-proċeduri dwar l-awditjar tal-kumpaniji u r-relazzjonijiet bejn il-bord u l-kumitat tal-awditjar.

1.4   Ma tantx ġiet ikkunsidrata r-rakkomandazzjoni tal-KESE li r-riforma tal-awditjar għandha tiġi integrata mar-rakkomandazzjonijiet dwar il-governanza korporattiva. M’hemm l-ebda diskussjoni dwar il-mod li bih kemm l-awdituri statutorji kif ukoll il-kumitati tal-awditjar għandhom itejbu l-komunikazzjoni mal-partijiet interessati u mad-detenturi ta’ ishma.

1.5   Il-Kummissjoni tipproponi bidliet fundamentali fis-suq tal-awditjar permezz ta’ rotazzjoni obbligatorja tal-awdituri statutorji wara sitt snin u permezz ta’ dispożizzjonijiet strutturali li jinvolvu s-servizzi mhux ta’ awditjar maħsuba biex irażżnu s-sehem ta’ ditti speċifiċi fis-suq f’ċerti stati Membri.

1.6   Minflok li s-sitwazzjoni tas-suq tal-awditjar tiġi indirizzata permezz ta’ Regolament, il-Kumitat ippropona li din il-kwistjoni titressaq quddiem l-awtoritajiet kompetenti. Dawn l-awtoritajiet għandhom il-kapaċità li jwettqu valutazzjonijiet ekonomiċi fuq skala sħiħa u li jifformulaw soluzzjonijiet adegwati. F’dawn l-aħħar xhur, is-sitwazzjoni fir-Renju Unit tressqet quddiem l-Awtorità Kompetenti tar-Renju Unit. Bħalma semma fl-OGP tiegħu, il-KESE jixtieq iħeġġeġ lill-Ġermanja u lil Spanja biex jaġixxu bl-istess mod. Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi li dan ir-Regolament ser jippermetti li l-verifiki tal-entitajiet ta’ interess pubbliku fl-Ewropa jkunu aktar koerenti, u jemmen li dan huwa essenzjali fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja u t-tisħiħ tas-suq intern.

1.7   Fl-OGP tiegħu, il-KESE ma appoġġjax ir-rotazzjoni obbligatorja tal-awdituri statutorji (AS). Minflok, ippropona l-obbligu li l-kuntratt ikun soġġett għal sejħa ġdida għall-offerti kull sitt jew tmien snin. Wara li qies il-proposti l-ġodda bl-attenzjoni meħtieġa, il-KESE jmantni l-pożizzjoni tiegħu, iżda jilqa’ aspetti oħra tar-Regolament. Peress li l-imsieħeb ewlieni tal-awditjar irid jinbidel kull seba’ snin fuq bażi ta’ rotazzjoni, il-KESE jipproponi li l-perjodu għall-ħruġ obbligatorju ta’ sejħiet ġodda għall-offerti jkun huwa wkoll ta’ seba’ snin.

1.8   Fl-OGP tiegħu, il-Kumitat esprima fehma ċara ħafna dwar is-servizzi mhux ta’ awditjar: l-awdituri statutorji m’għandhom jipprovdu lill-klijenti tal-awditjar statutorju tagħhom l-ebda servizz li jista’ joħloq kunflitt ta’ interessi għall-awditur statutorju, fi kliem ieħor, sitwazzjonijiet fejn l-awditur statutorju jkun qed jivverifika xogħlu stess. Fl-istess ħin, l-awdituri statutorji għandhom ikunu ħielsa biex jipprovdu l-firxa sħiħa ta’ servizzi mhux ta’ awditjar lil klijenti mhux ta’ awditjar. Il-benefiċċji mirbuħa mill-esperjenza jkunu jgħoddu kemm għall-klijenti tal-awditjar kif ukoll għall-klijenti mhux tal-awditjar.

1.9   Il-KESE ma jaqbilx mal-proposta rigward ditti li jwettqu l-awditjar biss. Il-formula li tiddetermina meta ditta tal-awditjar tiġi projbita milli toffri kwalunkwe servizz mhux ta’ awditjar għandha tiġi eliminata. Il-Kummissjoni hija kkonċernata dwar ir-riskji potenzjali relatati mad-dominanza tad-ditti fi tliet territorji. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tindirizza dawn il-ftit każijiet direttament jew permezz tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti u/jew l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

1.10   Bħal fi kwalunkwe opinjoni tal-KESE, trid tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tal-SMEs. Jekk SME jkollha ishma elenkati f’borża, tiġi definita bħala entità ta’ interess pubbliku u b’hekk tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet estensivi u preskrittivi tar-Regolament, li huwa ċar li tfasslu għall-awditjar tal-banek. Punt 4.1.1 jinkludi analiżi tad-ditti elenkati fil-Borża ta’ Londra. Il-Borża ta’ Londra hija aktar avvanzata minn boroż oħrajn fil-provvista ta’ kapital ta’ ekwità lil ditti żgħar. L-ekwità hija aktar flessibbli mis-self mill-bank. Nofs id-ditti elenkati fil-Borża ta’ Londra għandu jkollhom jew eżenzjoni jew deroga minn dan ir-Regolament, u l-istess għandu jgħodd għall-SMEs fi bnadi oħra fl-Ewropa.

1.11   Importanti li l-KESE jenfasizza li t-tieni paragrafru tal-Artikolu 14 jillimita b’mod strett dak li kieku d-detenturi ta’ ishma setgħu jistennew mill-awditjar statutorju u jqajjem mistoqsija dwar x’għandu jkun ir-rwol tal-awditjar.

1.12   Ir-Regolament imiss ukoll l-istandards tal-etika, tal-kontabilità u tal-kwalità li diġà jitħaddmu fis-settur u ma jagħmel l-ebda referenza għall-iżvilupp ta’ standards rilevanti. Il-Kummissjoni beħsiebha tqiegħed fil-ġenb il-ħidma ta’ dawn il-korpi?

1.13   Bħala konklużjoni, il-KESE jagħti appoġġ sħiħ lid-Direttiva riveduta u jsib ħafna x’jappoġġja fir-Regolament. Il-KESE huwa preokkupat ħafna dwar l-applikabbiltà tar-Regolament għall-SMEs u jirrakkommanda li jkomplu jiġu kkunsidrati l-proposti li huma aktar radikali.

2.   Introduzzjoni

2.1   Din l-opinjoni hija risposta għal żewġ proposti paralleli tal-Kummissjoni: Regolament maħsub biex iżid il-kwalità tal-awditjar tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-entitajiet ta’ interess pubbliku u Direttiva maħsuba biex issaħħaħ is-suq uniku għall-awditjar statutorju. Dawn il-proposti ġew żviluppati b’segwitu ta’ konsultazzjoni wiesgħa li saret abbażi tal-Green Paper dwar “Politika tal-Awditjar: Lezzjonijiet mill-Kriżi” (3). Il-KESE wieġeb għall-Green Paper b’mod eżawrjenti u b’hekk din l-opinjoni tibni fuq dik it-tweġiba.

2.2   Diġà hemm Direttiva dwar l-Awditjar fis-seħħ (2006/43/KE) (4). Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li din id-Direttiva tiġi emendata bid-Direttiva l-ġdida u li l-awditjar tal-entitajiet ta’ interess pubbliku (PIEs – Public-Interest Entities) jissaħħaħ permezz tar-Regolament il-ġdid. Konsegwentement, qed jiġi propost li d-dispożizzjonijiet dwar l-awditjar statutorju tal-PIEs li jinsabu fid-Direttiva 2006/43/KE (5) jitneħħew minn dik id-Direttiva u li l-awditjar statutorju tal-PIEs jiġi regolat permezz tar-Regolament il-ġdid.

2.3   Dak kollu li l-KESE jixtieq jgħid dwar ir-rwol soċjali tal-awditjar, ir-rwol tal-awditjar fil-kriżi finanzjarja, is-suq għas-servizzi tal-awditjar, eċċ., diġà qalu fit-tweġiba tiegħu għall-Green Paper. Din l-opinjoni ser tiffoka fuq il-proposti dettaljati inklużi fl-abbozzi leġislattivi l-ġodda.

3.   Perspettiva tal-KESE dwar id-Direttiva

3.1   Il-modifiki ewlenin għad-Direttiva tal-Awditjar Statutorju huma dawn:

3.1.1

Artikolazzjoni bejn id-Direttiva tal-Awditjar Statutorju u strument ġuridiku addizzjonali dwar rekwiżiti speċifiċi għall-awditjar statutorju tal-PIEs;

3.1.2

Definizzjoni ta’ “awditu statutorju” sabiex tiġi kkunsidrata d-direttiva l-ġdida dwar il-kontabilità;

3.1.3

Modifika tar-regoli dwar is-sjieda;

L-Istati Membri ma għandhomx jibqgħu jeħtieġu li ammont minimu ta’ kapital f’ditta tal-awditjar ikun tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjar, bil-kundizzjoni li l-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar involuti biss jinfluwenzaw il-ħruġ tar-rapporti tal-awditjar. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu jekk dan it-tip ta’ parteċipazzjoni esterna fl-ekwità hux adegwat fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali tagħhom.

3.1.4

Passaport għad-ditti tal-awditjar;

3.1.5

Passaport għall-awdituri statutorji u “trattib” tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ awditur statutorju fi Stat Membru differenti;

3.1.6

Rekwiżiti għall-awtoritajiet kompetenti sabiex jikkooperaw rigward ir-rekwiżiti edukattivi u t-test tal-aptitudni;

3.1.7

Standards tal-awditjar u r-rapportar tal-awditjar;

3.1.8

Regoli ġodda rigward l-awtoritajiet kompetenti;

Il-KESE jappoġġja li l-awtoritajiet kompetenti stabbiliti fl-Istati Membri jkunu r-regolaturi u s-superviżuri indipendenti nazzjonali u jkunu l-kontropartijiet nazzjonali tal-AETS. Madankollu, f’każ li jkun hemm korpi għas-superviżjoni tal-awdituri indipendenti (fosthom kmamar ta’ accountants u ta’ awdituri pubbliċi) li jkunu diġà jaħdmu sewwa fl-Istati Membri, il-KESE jixtieq li l-ekwivalenti ta’ dawn il-korpi jiġu annessi fil-qafas superviżorju l-ġdid u mhux jiġu abbandunati.

3.1.9

Projbizzjoni ta’ klawsoli kuntrattwali li jinfluwenzaw il-ħatra ta’ awdituri statutorji jew ta’ ditti tal-awditjar;

3.1.10

Dispożizzjonijiet speċjali għall-awditjar statutorju ta’ impriżi żgħar u medji.

3.2   Il-Kumitat jappoġġja dawn il-bidliet kollha. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, huma konsistenti mal-OGP tal-KESE.

4.   Perspettiva tal-KESE dwar ir-Regolament

Din is-Sezzjoni ssegwi l-istruttura tar-Regolament. Paragrafi importanti mit-test qed jiġu inklużi jew imqassra u mbagħad annotati skont il-ħtieġa fl-opinjoni tal-KESE.

TITOLU I:   SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

4.1    Artikolu 1 sa Artikolu 3 – Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

“Ir-Regolament japplika għall-awdituri li jwettqu awditu statutorju tal-entitajiet ta’ interess pubbliku (PIEs) u għall-PIEs awditjati, eż. regoli dwar il-kumitat tal-awditjar li PIE hija meħtieġ li jkollha. Hekk kif is-settur finanzjarju jiżviluppa, jinħolqu kategoriji ġodda ta’ istituzzjonijiet finanzjarji skont id-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant, huwa xieraq li d-definizzjoni tal-PIEs tinkludi wkoll ditti ta’ investiment, istituzzjonijiet ta’ pagament, impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS – Undertaking for Collective Investment in Transferable Securities), istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi u fondi ta’ investiment alternattiv.”

4.1.1   Barra l-istituzzjonijiet tal-kreditu, impriżi ta’ assigurazzjoni u d-ditti l-oħra kollha li joffru servizzi finanzjarji, il-PIEs huma definiti bħala l-kumpaniji kollha li għandhom ishma elenkati f’borża pubblika. Il-KESE jemmen li r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament huma eċċessivi għall-SMEs. L-SMEs jiġu definiti mill-impjieg, mid-dħul u/jew mill-karta ta’ bilanċ. Ir-Regolament juża l-kapitalizzazzjoni tas-suq biex jiddefinixxi l-kumpaniji l-kbar u l-KESE jipproponi li l-kapitalizzazzjoni tas-suq tintuża wkoll biex l-SMEs jiġu definiti għall-iskopijiet tal-awditjar statutorju. Għandhom jiġu permessi eżenzjonijiet jew derogi għall-kumpaniji b’kapital tas-suq li ma jaqbiżx l-EUR 120 miljun. Hawn taħt tinsab analiżi tal-kumpaniji elenkati fil-Borża ta’ Londra. Id-distribuzzjoni tal-kapitalizzazzjoni tas-suq ser tkun simili f’boroż oħra tal-UE. Għandha tingħata kunsiderazzjoni simili lill-SMEs finanzjarji li l-attivitajiet tagħhom ftit għandu mnejn ikollhom importanza sistemika.

Kapitalizzazzjoni kostitwenti tal-ekwità tal-kumpaniji

(Bir-rata ta’ £1 = EUR 1,20)

 

Suq ewlieni: 985 kumpanija

Valur tal-ekwità: EUR 2 336 055 m

Suq AIM: 1 122 kumpanija

Valur tal-ekwità: EUR 85 107 m

Skala (EURm)

Numru ta’ Kumpaniji

% ta’ kumpaniji

Valur tas-suq %

Numru ta’ Kumpaniji

% ta’ kumpaniji

Valur tas-suq %

’il fuq minn 2 400

116

11,8

86,2

1

0,1

4,2

1 200-2 400

87

8,8

6,4

6

0,5

13,1

600-1 200

91

9,2

3,4

16

1,4

16

300 – 600

106

10,6

2

34

3

15,4

120 – 300

169

17,2

1,4

92

8,2

20,4

60 – 120

101

10,3

0,4

133

11,9

13

30 – 60

79

8

0,2

200

17,4

9,9

12 – 30

88

8,9

0,1

229

20,4

5,3

6 – 12

40

4,1

0

156

13,9

1,5

0 - 6

61

6,1

0

240

21,4

0,9

Oħrajn

47

4,7

 

15

1,3

 

> 120

569

57,7

99,4

149

13,2

69,3

< 120

369

37,5

0,6

958

85,4

30,7

< 60

268

27,2

0,2

825

73,5

17,7

< 30

189

19,2

0,1

625

55,7

7,8

Sors: il-websajt tal-borża ta’ Londra (London Stock Exchange) fit-taqsima ‘Statistics

4.2    Artikolu 4 – Entitajiet ta’ interess pubbliku kbar

“(a)

L-akbar 10 emittenti ta’ ishma f’kull Stat Membru imkejla mill-kapitalizzazzjoni tas-suq u l-emittenti tal-ishma kollha li kellhom kapitalizzazzjoni tas-suq medja ta’ aktar minn EUR 1 000 000 000 għat-tliet snin kalendarji preċedenti;

(b) u (c)

Kwalunkwe entità [fl-industrija finanzjarja] li fuq il-karta bilanċjali tagħha jkollha total fuq il-karta bilanċjali ta’ iktar minn EUR 1 000 000 000.”

4.2.1   Dawn id-definizzjonijiet huma relatati mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(5).

TITOLU II:   KUNDIZZJONIJIET GĦAT-TWETTIQ TA’ AWDITU STATUTORJU TA’ ENTITAJIET TA’ INTERESS PUBBLIKU

KAPITOLU I:   Indipendenza u evitar ta’ kunflitt ta’ interess

4.3    Artikolu 5 sa Artikolu 8

4.3.1   Il-KESE jappoġġja dawn l-erba’ Artikoli fil-prinċipju.

4.4    Artikolu 9 – Tariffi tal-awditjar

“2.   Meta l-AS jipprovdi lill-entità awditjata b’servizzi ta’ awditjar finanzjarju relatati, kif imsemmi fl-Artikolu 10(2), it-tariffi għal tali servizzi jkunu limitati għal mhux aktar minn 10 % tat-tariffi mħallsa mill-entità awditjata għall-awditu statutorju.

3.   Meta t-tariffi totali riċevuti minn PIE soġġetta għall-awditu statutorju jkunu jirrappreżentaw jew aktar minn 20 % jew, għal sentejn konsekuttivi, aktar minn 15 % tat-tariffi totali annwali riċevuti mill-AS li jwettaq l-awditjar statutorju, tali awditur jiddivulga [dan] il-fatt.

Il-kumitat tal-awditjar jikkunsidra jekk l-inkarigu tal-awditjar ikunx soġġett għal reviżjoni tal-kontroll tal-kwalità minn AS ieħor qabel il-ħruġ tar-rapport tal-awditjar.

Meta t-tariffi totali riċevuti minn PIE soġġetta għall-awditu statutorju jkunu jirrappreżentaw, għal sentejn konsekuttivi, 15 % jew aktar tat-tariffi annwali totali riċevuti mill-AS li jwettaq l-awditu statutorju, l-awditur jinforma lill-awtorità kompetenti.”

4.4.1   Il-Kumitat jappoġġja l-proposti favur it-trasparenza. Madankollu, il-limitu ta’ 10 % fit-tieni paragrafu huwa arbitrarju. Il-KESE jipproponi li s-servizzi relatati mal-awditjar (ara 10.2 hawn taħt) jiffurmaw parti mill-pjan tal-awditu (ara l-punt 4.16.2 hawn taħt) u għandhom jiġu pprezzati mingħajr limiti arbitrarji fil-kuntest ġenerali tal-awditjar.

4.5    Artikolu 10 – Projbizzjoni tal-forniment ta’ servizzi mhux ta’ awditjar

“1.   AS li jwettaq awditu statutorju ta’ PIE jista’ jipprovdi lill-entità awditjata servizzi tal-awditjar u servitti tal-awditjar finanzjaru relatati.

2.   Servizzi ta’ awditjar finanzjarju relatati ifissru:

(a)

l-awditjar kumitat tal-awditjar

(b)

l-għoti ta’ garanzija dwar dikjarazzjonijiet ta’ governanza korporattiva;

(c)

l-għoti ta’ garanzija dwar kwistjonijiet ta’ responsabilità soċjali korporattiva;

(d)

l-għoti ta’ garanzija dwar jew l-attestazzjoni ta’ rapportar regolatorju lil regolaturi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji;

(e)

l-għoti ta’ ċertifikazzjoni dwar il-konformità mar-rekwiżiti tat-taxxa;

(f)

kwalunkwe dmir statutorju ieħor relatat ma’ xogħol ta’ awditjar.

3.   AS li jwettaq awditu statutorju ta’ PIEs ma jistax direttament jew indirettament jipprovdi lill-entità awditjata servizzi mhux tal-awditjar. Servizzi mhux ta’ awditjar tfisser:

(a)

servizzi li jinvolvu konflitt ta’ interess fil-każijiet kollha:

(i)

servizzi esperti mhux relatati mal-awditjar; konsulenza dwar it-taxxa, maniġment ġenerali, u servizzi oħra ta’ pariri;

(ii)

żamma tal-kotba u tħejjija tar-rekords kontabilistiċi u r-rapporti finanzjarji;

(iii)

disinn u implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ kontroll intern jew immaniġjar tar-riskju (…) u pariri dwar ir-riskju;

(iv)

servizzi ta’ evalwazzjoni, il-forniment ta’ opinjonijiet dwar ġustizzja jew rapporti dwar kontribuzzjoni in natura;

(v)

servizzi attwarjali u ġudizzjali, inkluż ir-reżoluzzjoni tat-tilwim;

(vi)

tfassil u implimentazzjoni tas-sistemi informatiċi finanzjarji għal PIEs;

(vii)

parteċipazzjoni fl-awditu intern tal-klijent tal-awditjar u l-forniment ta’ servizzi relatati mal-funzjoni ta’ awditjar intern;

(viii)

servizzi ta’ sensar jew negozjar, ta’ konsulenza dwar l-investiment, jew servizzi bankarji ta’ investiment.

(b)

servizzi li jkunu jistgħu jinvolvu konflitt ta’ interess:

(i)

servizzi ta’ riżorsi umani;

(ii)

forniment ta’ ittri ta’ garanzija (comfort letters) għal investituri fil-kuntest tal-ħruġ tat-titoli ta’ impriża;

(iii)

tfassil u implimentazzjoni tas-sistemi informatiċi finanzjarji;

(iv)

servizzi ta’ diliġenza dovuta lill-venditur jew l-akwirent f’fużjonijiet jew akkwiżizzjonijiet potenzjali.”

4.5.1   Fl-OGP tiegħu, il-KESE qal li l-awdituri statutorji ma għandhomx jipprovdu lill-klijenti tal-awditjar statutorju tagħhom kwalunkwe servizz li jista’ jinvolvi kunflitt ta’ interessi. Filwaqt li għandu jsir dibattitu dwar in-natura tas-servizzi dettaljati f’punti 3(a) u (b) hawn fuq, il-KESE jappoġġja l-intenzjoni tar-Regolament.

4.5.2   Ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li jkun hemm ċirkostanzi fejn tista’ tkun ħaġa raġunata ħafna li l-AS jipprovdu servizz imsemmi fil-punti (i) sa (v) fil-lista (a) lill-klijent tal-awditjar statutorju tagħhom. Jistgħu jiġru avvenimenti inevitabbli – force majeure – bħalma jiġru wkoll diżastri korporattivi. Servizzi mil-lista (b) jistgħu jiġu pprovduti skont id-diskrezzjoni jew tal-kumitat tal-awditjar jew tal-awtorità kompetenti. L-istess diskrezzjoni għandha tkun disponibbli għall-punti fil-lista (a) f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

“5.   Meta ditta tal-awditjar tiġġenera aktar minn terz tad-dħul annwali tagħha tal-awditjar minn PIEs kbar u tkun tappartjeni għal netwerk li l-membri tagħha għandhom dħul ikkombinat annwali mill-awditjar li jkun jaqbeż EUR 1 500 miljun fi ħdan l-Unjoni Ewropea, hija teħtieġ tikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

ma tipprovdix direttament jew indirettament lil xi PIE servizzi mhux tal-awditjar;

b)

ma tkunx tappartjeni għal netwerk li jipprovdi servizzi mhux tal-awditjar statutorju fl-Unjoni;

e)

tali ditta tal-awditjar ma jkollhiex direttament jew indirettament aktar minn 5 % tal-kapital jew tad-drittijiet ta’ votazzjoni fi kwalunkwe entità li tipprovdi s-servizzi elenkati fil-paragrafu 3.”

4.5.3   Il-KESE jifhem li l-iskop ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jindirizzaw il-pożizzjonijiet “dominanti” fis-suq ta’ waħda mill-erba’ ditti l-kbar fir-Renju Unit, il-Ġermanja u Spanja (ditta differenti f’kull każ) u li jiskoraġġixxu li jinħolqu pożizzjonijiet bħal dawn fil-futur. Fl-OGP tiegħu, il-KESE ppropona li d-dominanza fis-suq tiġi indirizzata permezz ta’ tressiq quddiem l-awtoritajiet kompetenti. Diġà qed issir investigazzjoni fir-Renju Unit. Il-KESE jipproponi li l-Ġermanja u Spanja jagħmlu l-istess sakemm jiġi adottat dan ir-Regolament.

4.5.4   Il-KESE ma jappoġġax ditti li jwettqu l-awditjar biss. Fil-fehma tiegħu, bidla bħal din aktarx ikollha effett negattiv fuq il-kwalità tal-persunal tal-awditjar u l-kwalità tal-awditi statutorji. Il-Kumitat iżomm il-pożizzjoni tiegħu li l-awdituri għandhom ikunu ħielsa li jipprovdu firxa sħiħa ta’ servizzi mhux ta’ awditjar lil entitajiet oħra barra l-klijenti tal-awditjar statutorju.

4.5.5   Fl-OGP tiegħu, il-KESE qal li jappoġġja l-provvista ta’ ċerti servizzi mhux ta’ awditjar lil klijenti tal-awditjar statutorju li jkunu SMEs. Id-ditti ż-żgħar jiksbu kwalità, servizz u valur aħjar minn konsulent uniku. Il-KESE jżomm il-pożizzjoni tiegħu.

4.6    Artikolu 11 – Tħejjija għall-awditu statutorju u valutazzjoni tat-theddid għall-indipendenza

4.6.1   Il-KESE jappoġġja dawn id-dispożizzjonijiet.

KAPITOLU II:   Kunfidenzjalità u segretezza professjonali

4.7    Artikoli 12 u 13

4.7.1   Il-KESE jappoġġja dawn id-dispożizzjonijiet.

KAPITOLU III:   Twettiq tal-awditu statutorju

4.8    Artikolu 14 – Ambitu tal-awditu statutorju

“2.   Mingħajr ħsara għar-rekwiżiti ta’ rapportar kif imsemmija fl-Artikoli 22 u 23, l-ambitu tal-awditu statutorju ma jinkludix l-garanzija dwar il-vijabilità fil-ġejjieni tal-entità awditjata u l-anqas dwar l-effiċjenza jew l-effikaċja li biha l-korp maniġerjali jew dak amministrattiv jamministra jew se jamministra l-entità.”

4.8.1   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-paragrafu ta’ hawn fuq għax dan il-paragrafu jillimita b’mod strett dak li kieku d-detenturi ta’ ishma setgħu jistennew mill-awditjar statutorju u jqajjem mistoqsija dwar x’għandu jkun ir-rwol tal-awditjar.

4.9    Artikolu 15 – Xettiċiżmu professjonali

“L-AS jibqa’ jħaddan ix-xettiċiżmu professjonali matul l-awditjar. ‘Xettiċiżmu professjonali’ tfisser attitudni li tinkludi rieda li persuna tistaqsi, tkun konxja mill-kundizzjonijiet li jistgħu jindikaw possibilità ta’ dikjarazzjoni skorretta minħabba żball jew frodi u valutazzjoni kritika tal-evidenza tal-awditjar.”

4.9.1   Bħalma diġà għamel fl-OGP tiegħu, il-KESE jappoġġja l-enfasi fuq ix-xettiċiżmu professjonali.

4.10    Artikolu 16 sa Artikolu 20

4.10.1   Il-KESE jappoġġja l-użu ta’ ISAs u d-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-Artikoli 16 sa 20.

KAPITOLU IV:   Rapportar tal-awditjar

4.11    Artikolu 21 – Riżultati tal-awditu statutorju

“L-AS jippreżenta r-riżultati tal-awditu statutorju fir-rapporti li ġejjin:

rapport tal-awditjar b’konformità mal-Artikolu 22;

rapport addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar b’konformità mal-Artikolu 23.”

4.12    Artikolu 22 – Rapport tal-awditjar

“2.   Ir-rapport tal-awditjar jsir bil-miktub. Tal-inqas:

(k)

jidentifika l-oqsma ewlenin ta’ riskju tad-dikjarazzjoni skorretta materjali tar-rapporti finanzjarji annwali jew konsolidati, inklużi stimi kontabilistiċi kritiċi jew oqsma ta’ inċertezza tal-kejl;

(l)

jipprovdi dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-entità awditjata jew, b’mod partikolari valutazzjoni tal-abilità tal-entità sabiex tilħaq l-obbligi tagħha fil-ġejjieni prevedibbli u għaldaqstant, tkompli bħala negozju avvjat;

(m)

jivvaluta s-sistema ta’ kontroll intern tal-entità inklużi nuqqasijiet sinifikanti fil-kontroll intern identifikati matul l-awditu statutorju, kif ukoll is-sistema ta’ żamma tal-kotba u s-sistema kontabilistika;

(o)

jindika u jispjega kull vjolazzjoni tar-regoli kontabilistiċi jew vjolazzjoni tal-liġijiet jew l-Artikoli ta’ inkorporazzjonijiet, deċiżjonijiet tal-politika kontabilistika u kwistjonijiet oħra li huma sinifikanti għall-governanza tal-entità;

(q)

Fejn l-awditu statutorju jkun twettaq minn ditta tal-awditjar, ir-rapport jidentifika lil kull membru tat-tim tal-inkarigu tal-awditjar u jiddikkjara li l-membri kollha baqgħu kompletament indipendenti u li ma kellhom l-ebda interess dirett jew indirett fl-entità awditjata;

(t)

jagħti opinjoni li tistabilixxi b’mod ċar l-opinjoni tal-AS dwar jekk ir-rapporti finanzjarji annwali jew konsolidati jirrappreżentawx il-qagħda vera u ġusta u jekk tħejjewx b’konformità mal-qafas tar-rapportar finanzjarju relevanti;

(u)

jirreferi għal kull kwistjoni li l-AS xeħet dawl fuqha permezz ta’ enfasi mingħajr ma kkwalifika l-opinjoni tal-awditjar;

4.   Ir-rapport tal-awditjar ma jkunx itwal minn erba’ paġni jew 10 000 karattru (mingħajr spazji).”

4.12.1   Dan ir-rapport jieħu post l-opinjoni dwar l-awditjar li bħalissa hija ppubblikata bħala parti mir-Rapport u l-Kontijiet Annwali tal-PIEs. It-tieni paragrafu jispeċifika 23 element (a) sa (w) li għandhom jiġu inklużi fl-erba’ paġni ta’ dan ir-rapport. Fl-OGP tiegħu, il-KESE kkritika l-kontenut insinifikanti u banali tal-opinjonijiet tal-awditjar, li ftit ivarjaw minn ditta għal oħra u minn industrija għal oħra. Dan ir-rapport ser jikxef aktar affarijiet, u dan jaf iqiegħed l-entitajiet awditjati f’pożizzjoni imbarazzanti.

4.12.2   Jeżisti rekwiżit li jissemmew il-membri tat-tim tal-awditjar. Għall-akbar PIEs, dan jista’ jinvolvi mijiet ta’ persuni. Rapport għal intrapriża kbira ħafna għandu bla dubju jiġi divrenzjat fl-iskala u fl-ambitu tiegħu minn rapport għal kumpanija mitt darba iċken minnha. Għadd ta’ rekwiżiti jidhru mhux konformi mal-istandards internazzjonali tal-kontabilità. Ir-Regolament ma jagħmel l-ebda referenza għal dawn l-istandards.

4.13    Artikolu 23 – Rapport addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar

“1.   Ir-rapport addizzjonali jiġi ddivulgat fil-laqgħa ġenerali tal-entità awditjata jekk il-maniġment jew il-korp ta’ amministrazzjoni tal-entità awditjata jiddeċiedi hekk.”

4.13.1   Fil-fehma tal-KESE, hu improbabbli li l-entitajiet awditjati jiddivulgaw dan ir-rapport kompletament. Il-KESE jemmen li dan għandu jiġi kkomunikat lill-imsieħba soċjali tal-kumpanija, b’konformità mas-sistemi nazzjonali differenti għall-involviment tal-ħaddiema.

“2.   Ir-rapport addizzjonali jeħtieġ jispjega fid-dettall u b’mod espliċitu r-riżultati tal-awditu statutorju mwettaq u tal-inqas:

f)

jindika u jispjega deċiżjonijiet dwar inċertezza materjali li jistgħu jixħtu dubju rigward l-abilità tal-entità sabiex tkompli bħala negozju avvjat;

g)

jiddetermina fid-dettall jekk iż-żamma tal-kotba, il-kontabilità, id-dokumenti awditjati kollha, ir-rapporti finanzjarji annwali jew konsolidati u rapporti addizzjonali possibbli jixhdux adegwatezza;

h)

jindika u jispjega fid-dettall is-sitwazzjonijiet kollha ta’ nuqqas ta’ konformità, inklużi sitwazzjonijiet mhux materjali jekk ikunu meqjusa importanti għall-kumitat tal-awditjar sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu;

i)

jeżamina l-metodi ta’ valwazzjoni applikati għad-diversi elementi fir-rapporti finanzjarji annwali jew konsolidati inkluż kull impatt ta’ bidliet fihom;

j)

jipprovdi d-dettalji sħaħ tal-garanziji, l-ittri ta’ konfort u miżuri oħra li ġie bbażat fuqhom sabiex saret valutazzjoni tan-negozju avvjat;

k)

jikkonferma l-attendenza fil-verifiki tal-inventarji kif ukoll f’mumenti oħra ta’ verifika fiżika;

(n)

jindika jekk ġewx ipprovduti l-ispjegazzjonijiet u d-dokumenti mitluba kollha.”

4.13.2   Dan ir-rapport huwa bbażat fuq ir-rapport twil użat mid-ditti tal-awditjar fil-Ġermanja. L-użu tiegħu madwar l-UE għandu jtejjeb kemm il-kwalità tal-awditjar statutorju kif ukoll it-tweġiba tal-entità awditjata għall-awditu. Il-KESE jappoġġja dan ir-rapport.

4.14    Artikolu 24 – Sorveljar tal-awditu statutorju mill-kumitat tal-awditjar u Artikolu 25 – Rapportar lis-superviżuri ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku

4.14.1   L-Artikoli 24 u 25 huma konsistenti mal-OGP tal-KESE.

KAPITOLU V:   Rapportar tat-trasparenza minn awdituri statutorji u żamma ta’ rekords

4.15    Artikolu 26 sa Artikolu 30

4.15.1   Il-Kapitolu V huwa konsistenti mal-OGP tal-KESE.

TITOLU III:   IL-ĦATRA TA’ AWDITURI STATUTORJI JEW DITTI TAL-AWDITJAR MINN ENTITAJIET TA’ INTERESS PUBBLIKU

4.16    Artikolu 31 –Kumitat tal-Awditjar

“1.   Il-kumitat tal-awditjar ikun iffurmat minn membri mhux eżekuttivi tal-korp ta’ amministrazzjoni u/jew membri tal-korp superviżorju tal-entità awditjata u/jew membri maħtura mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-entità awditjata.

Tal-inqas membru wieħed tal-kumitat tal-awditjar ikollu kompetenza fl-awditjar u membru ieħor fil-kontabilità u/jew fl-awditjar. Il-membri tal-kumitat f’daqqa jkollhom kompetenza rilevanti għas-settur li fih topera l-entità awditjata.

Il-maġġoranza tal-membri tal-kumitat tal-awditjar tkun indipendenti. Il-president tal-kumitat tal-awditjar jinħatar mill-membri tiegħu u jkun indipendenti.”

4.16.1   L-ewwel paragrafu huwa għalkollox konformi mar-rakkomandazzjonijiet li għamel il-KESE fl-OGP tiegħu, peress li “f’daqqa” ma tfssirx “kollha”.

4.16.2   Il-ħames paragrafu jiddeskrivi fid-dettall ir-responsabbiltajiet tal-kumitat tal-awditjar. Il-KESE jissuġġerixxi żewġ responsabbiltajiet addizzjonali: l-approvazzjoni tal-pjan tal-awditu, inkluża l-provvista ta’ servizzi relatati mal-awditjar, u l-approvazzjoni tal-baġits relatati.

4.17    Artikolu 32 – Ħatra tal-awdituri statutorji

“2.   Il-kumitat tal-awditjar jissottometti rakkomandazzjoni għall-ħatra tal-AS. Ir-rakkomandazzjoni jkun fiha tal-inqas żewġ għażliet għall-inkarigu tal-awditjar u l-kumitat tal-awditjar jesprimi preferenza ġustifikata kif xieraq għal waħda minnhom.

3.   Ir-rakkomandazzjoni tal-kumitat tal-awditjar titħejja wara proċedura tas-selezzjoni organizzata mill-entità awditjata li tirrispetta l-kriterji li ġejjin:

a)

l-entità awditjata tkun libera li tistieden kwalunkwe AS sabiex jissottometti proposti bil-kundizzjoni li tal-inqas wieħed mill-awdituri ma huwiex wieħed li rċieva aktar minn 15 % tat-tariffi tal-awditjar totali minn PIEs kbar fl-Istat Membru konċernat fis-sena kalendarja ta’ qabel;

b)

l-entità awditjata tkun libera li tagħżel il-metodu sabiex tikkuntattja lill-awditur(i) statutorju/i mistiedna;

c)

l-entità awditjata tħejji dokumenti tal-offerta li jintużaw mill-entità awditjata sabiex jiġu evalwati l-proposti li jsiru mill-AS;

d)

l-entità awditjata tkun libera li tiddefinixxi l-proċedura tas-selezzjoni u tista’ twettaq negozjati diretti mal-offerenti interessati matul il-proċedura;

f)

l-entità awditjata tevalwa l-proposti li jsiru mill-AS skont il-kriterji tas-selezzjoni predefiniti fid-dokumenti tal-offerti;

g)

l-entità awditjata tkun tista’ turi lill-awtorità kompetenti li l-proċedura tas-selezzjoni twettqet b’mod ġust.

5.   Jekk il-proposta tal-bord amministrattiv jew superviżorju titbiegħed mir-rakkomandazzjoni tal-kumitat tal-awditjar, il-proposta tiġġustifika r-raġunijiet għalfejn ma ġiet segwita r-rakkomandazzjoni tal-kumitat tal-awditjar.

6.   Fil-każ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew impriża tal-assigurazzjoni, il-bord amministrattiv jew superviżorju jissottometti l-abbozz tal-proposta tiegħu lill-awtorità kompetenti.

10.   Sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-kompitu tal-entità awditjata fl-organizzar ta’ proċedura tas-selezzjoni għall-ħatra ta’ AS, l-ABE, l-AEAPX u l-AETS joħorġu linji gwida.”

4.17.1   Idum kemm idum l-inkarigu tal-awditjar, dawn il-linji gwida huma potenzjalment utli għall-PIEs il-kbar imma, fil-forma attwali tagħhom, huma preskrittivi żżejjed għall-SMEs. Ħafna drabi, l-SMEs ma jsegwux il-proċess imsemmi fil-punt (a) u s-soltu jużaw ditti tat-tieni jew ta-tielet livell. L-SMEs ser iħossuhom liberi fil-punti (b) u (d). L-SMEs is-soltu ma jippreparawx dokumenti formali ta’ sejħiet għall-offerti, ħafna drabi ma jfittxux offerti kompetittivi u ma jħossu l-ebda responsabbiltà biex jiġġustifikaw ruħhom quddiem l-awtoritajiet kompetenti. Il-paragrafu 5 ma japplikax għall-SMEs. Dawn ir-regoli huma mfassla għall-banek, mhux għall-SMEs. L-SMEs m’għandhomx bżonn il-kontribut tas-sensiela ta’ istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 10 biex jiffaċilitaw xogħolhom.

4.17.2   Hemm rekwiżit li tal-anqas ditta oħra tat-tieni livell tiġi mistiedna tieħu sehem fis-sejħa għall-offerti. Dan jista’ jagħti lil ditti tat-tieni livell aċċess għal klijenti akbar, iżda bla dubju hemm bosta kwistjonijiet li jridu jiġi solvuti minn dawn id-ditti kollha tat-tieni livell li flimkien għandhom ir-riżorsi li jwieġbu għal għal ftit każijiet biss.

4.18    Artikolu 33 – Durata tal-inkarigu tal-awditjar

“1.   Il-PIE taħtar awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għal inkarigu inizjali li ma jkunx iqsar minn sentejn. Il-PIE tista’ ġġedded dan l-inkarigu darba biss. Id-durata massima taż-żewġ inkarigi f’daqqa ma taqbiżx is-sitt (6) snin. Fejn matul inkarigu kontinwu ta’ 6 snin ikunu nħatru żewġ AS, id-durata massima tal-inkarigu għal kull awditur statutorju jew ditta tal-awditjar ma taqbiżx 9 snin.”

4.18.1   Fl-OGP tiegħu, il-KESE ma appoġġjax ir-rotazzjoni obbligatorja tal-AS. Minflok, ippropona l-obbligu li l-kuntratt ikun soġġett għal sejħa ġdida għall-offerti kull sitt jew tmien snin. Wara li qies il-proposti l-ġodda b’mod adatt, il-KESE jżomm il-pożizzjoni tiegħu, iżda jilqa’ aspetti oħra tar-Regolament.

4.18.2   Peress li l-imsieħeb ewlieni tal-awditjar irid jinbidel kull seba’ snin (4 hawn taħt) fuq bażi ta’ rotazzjoni, il-KESE jipproponi li l-perjodu għall-ħruġ obbligatorju ta’ sejħiet ġodda għall-offerti jkun huwa wkoll ta’ seba’ snin. Hemm kwistjoni dwar jekk l-AS responsabbli għandux ikollu mandat fiss ta’ seba’ snin. F’ħafna Stati Membri, l-AS jinħatar mill-ġdid kull sena u r-Regolament għandu jinkludi l-għażla li din l-prattika titkompla. B’mod korrispondenti, għandu jkun hemm ċerta flessibbiltà dwar il-mandat matul il-perjodu ta’ seba’ snin, iżda l-ħruġ ta’ sejħiet ġodda għandu jkun obbligatorju wara mandat ta’ seba’ snin konsekuttivi. Il-KESE jenfasizza li meta titnieda s-sejħa ġdida obbligatorja għall-offerti, il-proċedimenti għandhom ikunu trasparenti u li, fil-każ ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu, l-awtorità kompetenti għandha tapprova r-riżultat.

“4.   Is-sieħeb/is-sħab ewlieni/ewlenin tal-awditjar responsabbli mit-twettiq ta’ awditu statutorju jtemmu l-parteċipazzjoni tagħhom wara perjodu ta’ seba’ snin. L-AS jistabilixxi mekkaniżmu ta’ rotazzjoni gradwali adatt fir-rigward tal-persunal l-aktar anzjan involut.”

4.18.3   Il-KESE appoġġja din ir-rotazzjoni fl-OGP tiegħu iżda r-rotazzjoni gradwali tal-bqija tat-tim għandha ssir skont id-diskrezzjoni tal-awditur statutorju.

4.19    Artikolu 34 – Tkeċċija u riżenja tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjar

TITOLU IV:   SORVELJAR TAL-ATTIVITAJIET TAL-AWDITURI U TAD-DITTI TAL-AWDITJAR LI JWETTQU AWDITU STATUTORJU TA’ ENTITAJIET TA’ INTERESS PUBBLIKU

KAPITOLU I:   Awtoritajiet kompetenti

4.20    Artikolu 35 sa Artikolu 39

4.20.1   Il-KESE jappoġġja d-dispożizzjonijiet dwar l-awtoritajiet kompetenti.

KAPITOLU II:   Garanzija tal-kwalità, investigazzjoni, monitoraġġ tas-suq, ippjanar ta’ kontinġenza u trasparenza tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti

4.21    Artikolu 40 sa Artikolu 44

“Il-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti jinkludu:

it-twettiq ta’ eżaminazzjonijiet tal-garanzija tal-kwalità fuq l-awditu statutorju imwetta;.

investigazzjoni bil-għan li jinkixef, jiġi kkoreġut u pprevenut awditu statutorju inadegwat;

il-monitoraġġ tal-iżvilupp fis-suq għall-forniment ta’ servizzi ta’ awditjar statutorju;

monitoraġġ regolari tat-theddid possibbli għall-kontinwità tal-operazzjonijiet tad-ditti tal-awditjar il-kbar, inkluż ir-riskji li jirriżultaw minn konċentrazzjoni għolja u l-ħtieġa li ditti tal-awditjar kbar jistabbilixxu pjanijiet ta’ kontinġenza sabiex jiġi indirizzat theddid bħal dan;”

4.21.1   Il-proposta li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaħdmu mal-akbar ditti f’kull ġurisdizzjoni sabiex jiżviluppaw pjani ta’ kontinġenza huwa konsistenti mal-OGP tal-KESE.

KAPITOLU III:   Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u r-relazzjonijiet mal-awtoritajiet superviżorji Ewropej

4.22    Artikolu 45 sa Artikolu 56

“a)

Ir-regolament jeħtieġ li l-kooperazzjoni mifruxa mal-UE kollha bejn l-awtoritajiet kompetenti sseħħ fi ħdan l-AETS, b’hekk jieħu post il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni mifruxa mal-UE kollha attwali taħt il-patroċinju tal-Grupp Ewropew tal-Korpi ta’ Sorveljaturi tal-Awdituri (EGAOB - European Group of Auditors’ Oversight Bodies).

L-AETS għandha toħroġ gwida fuq bosta kwistjonijiet: eż. fuq il-kontenut u l-preżentazzjoni tar-rapport tal-awditjar u r-rapport addizzjonali lill-kumitat tal-awditjar, fuq l-attività ta’ superviżjoni tal-kumitat tal-awditjar jew għat-twettiq ta’ eżaminazzjonijiet tal-garanzija tal-kwalità.

b)

Taħt l-awspiċji tal-AETS, qiegħda tiġi introdotta ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-awditjar pan-Ewropea ‘volontarja’ sabiex iżżid il-viżibilità, ir-rikonoxximent u r-reputazzjoni tad-ditti tal-awditjar kollha li għandhom kapaċitajiet li jwettqu awditjar ta’ kwalità għolja tal-PIEs.”

4.22.1   Il-KESE jaqbel ma’ din il-proposta.

KAPITOLU IV:   Kooperazzjoni ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali

4.23    Artikolu 57 sa Artikolu 60

“L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS jistgħu jikkonkludu ftehimiet ta’ kooperazzjoni fuq l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi biss jekk l-informazzjoni żvelata tkun soġġetta għal garanziji tas-segretezza professjonali u diment li r-regoli ta’ protezzjoni tad-dejta jiġu rispettati.”

4.23.1   Il-KESE jaqbel mal-proposti inklużi fil-Kapitolu IV.

TITOLU V:   SANZJONIJIET U MIŻURI AMMINISTRATTIVI

4.24    Artikolu 61 – Sanzjonijiet u miżuri amministrattivi

4.25    Artikolu 62 – Setgħat ta’ sanzjonar

“1.   Dan l-Artikolu japplika għas-sitwazzjonijiet ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament identifikati fl-Anness.

2.   L-awtoritajiet kompetenti ikollhom is-setgħa li tal-inqas jimponu l-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi li ġejjin:

(b)

dikjarazzjoni pubblika li tindika li l-persuna responsabbli u n-natura tal-ksur, ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-awtoritajiet kompetenti;

(f)

sanzjonijiet pekunarji amministrattivi li jammontaw sad-doppju tal-ammont ta’ qligħ iggwadanjat jew telf evitat minħabba ksur;

(g)

fir-rigward ta’ persuna fiżika, sanzjonijiet pekunarji amministrattivi li jammontaw sa EUR 5 000 000;

(h)

fir-rigward ta’ persuna ġuridika, sanzjonijiet pekunarji amministrattivi li jammontaw sa 10 % tal-fatturat annwali totali tagħha fis-sena kummerċjali preċedenti tagħha;”

4.26    Artikolu 63 – Applikazzjoni effettiva tas-sanzjonijiet

“1.   Meta jiddeterminaw it-tip ta’ sanzjonijiet u miżuri amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi:

a)

il-gravità u d-durata tal-vjolazzjoni;

b)

il-grad ta’ responsabilità tal-persuna responsabbli;

c)

il-grad ta’ responsabilità tal-persuna responsabbli;

d)

l-importanza tal-qligħ iggwadanjat jew tat-telf evitat.”

4.27    Artikolu 64 – Pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet u miżuri

“Kull miżura jew sanzjoni amministrattiva imposta għal ksur ta’ dan ir-Regolament tiġi ppubblikata minnufih, u tal-inqas tinkludi l-informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli għaliha, sakemm din il-pubblikazzjoni ma tqiegħedx f’riskju serju l-istabilità tas-swieq finanzjarji.”

4.28    Artikolu 65 – Appell

4.29    Artikolu 66 – Rapportar ta’ ksur

4.29.1   Fl-OGP tiegħu, il-KESE kien ikkunsidra li jiġi stabbilit korp dixxiplinarju professjonali f’kull Stat Membru. Il-Kumitat jappoġġja dawn il-proposti. Fil-fatt, dawn il-proposti jipprevedu l-pubblikazzjoni tal-ismijiet u ċ-ċanfir pubbliku (“naming and shaming”) f’każijiet ta’ kondotta ħażina.

TITOLU VI:   ATTI DELEGATI, RAPPORTAR U DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

4.30    Artikolu 68 sa Artikolu 72

4.30.1   Ġie introdott reġim tranżizzjonali fir-rigward tad-dħul fis-seħħ tal-obbligu tar-rotazzjoni tad-ditti tal-awditjar, l-obbligu li tiġi organizzata proċedura tas-selezzjoni għall-għażla ta’ ditta tal-awditjar u l-istabbiliment ta’ ditti tal-awditjar li jipprovdu biss servizzi tal-awditjar.

4.31    ANNESS: I. Ksur minn awdituri statutorji, ditti tal-awditjar jew sħab ewlenin tal-awditjar

Il-ksur ikkunsidrat huwa essenzjalment ta’ natura proċedurali u amministrattiva u huwa relatat ma’: kunflitti ta’ interess, rekwiżiti organizzazzjonali u operazzjonali, it-twettiq tal-awditu statutorju, ir-rapportar tal-awditjar, id-dispożizzjonijiet dwar id-divulgazzjoni, il-ħatra ta’ awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar minn entitajiet ta’ interess pubbliku u l-garanzija tal-kwalità. Mhuwiex ċar kif nuqqas min-naħa ta’ awditur (bħan-nuqqas reċenti li jinqabad l-użu ħażin tal-fondi tal-klijenti minn JP Morgan) ser jiġi ttrattat taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

4.32    ANNESS: II. Ksur minn entitajiet ta’ interess pubbliku

Il-ksur ikkunsidrat huwa relatat mal-ħatra ta’ awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar.

Brussell, 26 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 248, 25.08.2011, p. 92.

(2)  ĠU L 157, 09.06.2006, p. 87.

(3)  COM(2010) 561 final.

(4)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.

(5)  Ara n-nota nru 4 f’qiegħ il-paġna.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Dan il-punt tal-opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata ġie mmodifikat biex jirrifletti l-emenda adottata mill-Assemblea, iżda rċieva aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 59(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 3.1.8

3.1.8    Regoli ġodda rigward l-awtoritajiet kompetenti;

Il-KESE jappoġġja li l-awtoritajiet kompetenti stabbiliti fl-Istati Membri jkunu r-regolaturi u s-superviżuri indipendenti nazzjonali u jkunu l-kontropartijiet nazzjonali tal-AETS. Madankollu, f’każ li jkun hemm korp għas-superviżjoni tal-awdituri indipendenti li jkun diġà jaħdem sewwa fl-Istati Membri, il-KESE jixtieq li dawn il-korpi jiddaħħlu fil-qafas superviżorju l-ġdid u mhux jiġu abbandunati.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

88

Kontra

:

60

Astensjonijiet

:

37


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Fondi Ewropej ta’ Kapital ta’ Riskju”

COM(2011) 860 final — 2011/0417 (COD)

2012/C 191/13

Relatur: is-Sinjura NIETYKSZA

Nhar l-20 u s-17 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Fondi Ewropej ta’ Kapital ta’ Riskju

COM(2011) 860 final – 2011/0417 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tas-26 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'131 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa' r-Regolament dwar il-Fondi Ewropej ta’ Kapital ta’ Riskju li jipproponi li jiġi stabbilit strument legali pan-Ewropew ta’ investiment permezz ta’ passaport uniku biex jgħin lill-fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju jiġbdu lill-investituri internazzjonali u biex jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament mill-SMEs innovattivi. Ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi dwar il-kategoriji ta’ investituri, rekwiżiti uniformi għall-maniġers tal-impriżi kollettivi li joperaw taħt l-isem “Fond Ewropew ta’ Kapital ta’ Riskju”, il-ħtiġijiet sabiex il-portafoll tal-investiment, it-tekniki ta’ investiment u l-impriżi eliġibbli jistgħu jkunu fil-mira ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikat.

1.2   Din l-inizjattiva hija reazzjoni għall-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 globali u l-Att dwar is-Suq Uniku (SMA) biex jiġi żgurat li sal-2012 il-fondi ta’ kapital ta’ riskju stabbiliti fi kwalunkwe Stat Membru jkunu jistgħu jinvestu b'mod liberu fl-UE kollha, u jiffinanzjaw kumpaniji innovattivi tal-UE u l-ħolqien tal-impjiegi b'mod sostenibbli.

1.3   Ir-Regolament dwar il-Fondi Ewropej ta’ Kapital ta’ Riskju għandu l-għan li jiġbed lill-investituri internazzjonali privati, inklużi l-individwi, biex jinvestu fil-fondi ta’ kapitali ta’ riskju bbażati fi kwalunkwe pajjiż tal-UE. Din hija ħaġa ferm importanti billi s-settur ta’ kapital ta’ riskju Ewropew jiddependi wisq fuq il-finanzjament pubbliku, b'iktar minn 50 % tal-fondi provduti mill-kontribuzzjonijiet pubbliċi. Il-KESE huwa tal-fehma li l-awtoritajiet pubbliċi minflok għandhom jiffokaw fuq il-ħolqien ta’ qafas regolatorju stabbli.

1.4   Ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi fir-rigward tal-kategoriji ta’ investituri li jitqiesu eliġibbli. Il-miżuri proposti għandhom ikunu iktar flessibbli u jindirizzaw ir-rekwiżiti tal-investituri privati internazzjonali sabiex ikunu jistgħu jagħmlu investimenti transkonfinali. Il-KESE huwa tal-fehma li l-miżuri għandhom ikunu attraenti kemm għall-investituri mhux Ewropej kif ukoll dawk Ewropej jekk nixtiequ li titwessa' l-ġabra ta’ kapital disponibbli għall-SMEs Ewropej.

1.5   Il-passaport Ewropew tal-fond ta’ kapital ta’ riskju huwa ferm importanti fil-kuntest tar-regolamenti prudenzjali bħal Basel III, CRDIV u Solvenza, għall-provvedituri privati l-kbar tal-kapital lill-industrija tal-kapital ta’ riskju: il-banek, il-fondi tal-pensjonijiet u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni li jillimitaw l-investimenti tagħhom fl-SMEs innovattivi li jkunu meqjusa bħala assi ta’ riskju għoli.

1.6   Il-KESE jilqa' b'mod partikolari r-rwol ippjanat tal-Fondi Ewropej ta’ Kapital ta’ Riskju biex jappoġġjaw il-ħolqien tal-impjiegi f'SMEs Ewropej innovattivi u ta’ livell teknoloġiku għoli. Il-fondi tal-assi ġestiti m'għandhomx jaqbżu l-limitu ta’ EUR 500 miljun, għandhom jiddedikaw mill-inqas 70 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati direttament lill-SMEs, u għandhom jipprovdu finanzjament b'ekwità jew kważi ekwità lill-SMEs.

1.7   Il-Kumitat jinsab sodisfatt ukoll bir-rekwiżiti uniformi għar-reġistrazzjoni tal-fondi fl-Ewropa kollha u l-passaport tal-kummerċjalizzazzjoni fl-UE, li għandhom jiffaċilitaw kemm l-investimenti transkonfinali, kif ukoll il-ħtiġijiet għall-konformità tal-intrapriżi, l-organizzazzjoni u l-etika għall-maniġers tal-fondi Ewropej.

1.8   Madankollu, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għal għadd ta’ limitazzjonijiet li jistgħu jdgħajfu l-impatt antiċipat bħal-limitazzjoni tal-ambitu tal-azzjoni tal-fond ta’ kapital ta’ riskju li jikkwalifika ta’ riskju, billi tillimitah esklużivament għal investimenti fi strumenti ta’ ekwità u kważi ekwità maħruġ direttament minn impriża (pereżempju ħruġ ġdid ta’ ishma jew forom oħra ta’ parteċipazzjoni). Il-KESE jipproponi li r-Regolament propost jitwessa' biex jinkludi ishma jew unitajiet ta’ EVCF (European Venture Capital Funds) kif ukoll fondi ta’ fondi, li jistgħu jżidu l-ammont globali ta’ kapital disponibbli għall-investimenti tal-SMEs.

1.9   Dawn il-limitazzjonijiet jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament il-possibbiltà li l-hekk imsejjaħ fond ta’ fondi jikseb il-passaport għall-UE kollha.

1.10   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-passaport uniku ma jsolvix il-kwistjoni tat-trasparenza fiskali tal-istrumenti ta’ investiment, li hija kruċjali biex il-kapital ta’ riskju jew l-investimenti ta’ ekwità privata jitwettqu b'mod effettiv. Il-problema tal-ostakli fiskali transkonfinali fil-kapital ta’ riskju għandha tiġi eżaminata u għandhom jiġu proposti soluzzjonijiet.

1.11   Il-KESE jenfasizza li l-essenza ta’ strument ta’ investiment effettiv hija li dan għandu jippermetti li tipi differenti ta’ investituri jwettqu investimenti konġunti, filwaqt li tiġi żgurata l-ottimizzazzjoni tat-taxxa, speċjalment f'dak li jirrigwarda li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja (hawnhekk il-kwistjoni hija dwar it-taxxa mħallsa fuq l-investiment tal-portafoll u t-taxxa fuq id-distribuzzjoni tal-fondi lura lejn l-investituri fil-fond).

1.12   Il-KESE jitlob li jkun hemm perjodu transizzjonali relatat mal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-limitu, sabiex jiġu kkunsidrati l-livelli differenti ta’ dħul fl-Istati Membri differenti tal-UE.

1.13   Il-KESE jqis li fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju għandhom ikunu struttura magħluqa li tinvesti mill-inqas 70 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati tagħha u l-kapital impenjat mhux mitlub f'assi li huma investimenti li jikkwalifikaw, sabiex jiġi żgurat li l-ishma tagħhom ma jiġux skambjati għall-flus jew titoli sakemm jiġu likwidati. Barra minn hekk, il-fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju għandhom ikunu stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi evitat li jinħolqu fondi ġestiti minn maniġer mill-UE fir-rifuġji fiskali għall-finijiet ta’ evitar tat-taxxa.

1.14   L-iskema ta’ protezzjoni tal-investituri għandha tissaħħaħ bil-ħatra ta’ depożitarju, li jkun responsabbli li jiżgura ż-żamma sigura tal-assi, il-monitoraġġ tal-fluss tal-flus u s-superviżjoni tal-funzjonijiet. Id-Direttiva dwar l-impriżi għall-investiment kollettiv fit-titoli trasferibbli (UCITS) teħtieġ il-ħatra ta’ depożitarju għall-impriżi tal-investiment kollettiv.

1.15   Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-importanza partikolari li jiġi żviluppat l-użu ta’ fondi tal-UE għas-suq ta’ kapital ta’ riskju u d-disponibbiltà ta’ finanzjament għal negozji fil-fażi tat-tfassil u tal-bidu, li ma jkunux finanzjati mill-kapital privat minħabba l-livell ta’ riskju involut.

1.16   Il-proposta tar-Regolament li jiġi introdott passaport għall-fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju huwa pass fid-direzzjoni t-tajba; din il-proposta għandha tiġi kompluta u żviluppata sabiex jiġi evitat impatt li jkun żgħir b'mod sproporzjonat meta mqabbel mal-istennijiet.

2.   Is-suq ta’ kapital ta’ riskju u ta’ ekwità privata fl-Ewropa

2.1   Ir-Regolament propost tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tfassal fil-kuntest ta’ valutazzjoni speċifika. Id-dokument jiddeskrivi s-suq ta’ kapital ta’ riskju fl-Ewropa bħala dgħajjef meta mqabbel mas-suq Amerikan. Is-suq Ewropew huwa ferm iżgħar, frammentat f'sensiela ta’ swieq nazzjonali u kkaratterizzat minn nuqqas ta’ regoli uniformi. Ftit Stati Membri biss għandhom sistemi speċjali ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju, b'regoli dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll, il-metodi ta’ investiment u mira ta’ investiment eliġibbli. Dan ifisser li għall-provvedituri tal-kapital bħall-klijenti individwali, il-fondi ta’ pensjonijiet u l-kumpaniji ta’ assigurazzjoni, l-isforz biex l-investiment jiġi gwidat lejn kapital ta’ riskju huwa diffiċli u jiswa ħafna flus.

2.2   Tradizzjonalment, il-maniġers tal-fondi Brittaniċi jiġbru u jinvestu l-akbar sehem mill-kapital Ewropew fis-settur ta’ riskju u ta’ ekwità privata. Il-Brittaniċi sistematikament rnexxielhom jiġbru madwar 30 % tal-fondi mis-suq għal investimenti ġodda, u fl-2009 rnexxielhom jiġbru 34 %. Fil-quċċata tal-fażi rebbieħa fl-2007, il-maniġers tal-fondi Brittaniċi investew EUR 34 biljun, li jammontaw għal 46 % tal-investimenti Ewropej kollha. Fis-sena ta’ kriżi tal-2009, din il-figura kienet EUR 9 biljun, li tirrappreżenta kważi 40 % tas-suq. F'termini ta’ investiment, 52 % biss tad-EUR 9 biljun investiti marru għand kumpaniji Brittaniċi, filwaqt li ħafna mill-kapital li fadal ġie esportat lejn pajjiżi oħra Ewropej.

2.3   L-atturi l-oħra ewlenin fis-suq Ewropew huma l-akbar ekonomiji fil-kontinent l-antik, jiġifieri Franza, il-Ġermanja u l-Italja. Il-pożizzjoni tagħhom fis-suq hija stabbli; fl-2009 dawn it-tliet pajjiżi ġabru madwar 31 % tal-kapital il-ġdid kollu u investew EUR 6,7 biljun, li jammontaw għal madwar 29 % tal-investimenti kollha. Fil-każ tagħhom, ħafna mill-fondi jinġabru fis-swieq nazzjonali u jibqgħu fil-pajjiż fl-għamla ta’ investiment, li, bħal fil-każ tal-Italja u l-Ġermanja fl-2009, jiġu ssupplementati mill-kapital importat.

2.4   Seħħew ukoll bidliet kbar fl-istruttura tal-provvedituri tal-kapital. Fl-2008, is-sors prinċipali tal-kapital kienu l-fondi tal-pensjonijiet (28 %), filwaqt li l-importanza tal-banek kienet qed tonqos gradwalment (22 % fl-2000 u 7 % fl-2008). Fl-2009, din it-tendenza nqalbet u sehem il-banek żdied għal 18 %. Dawn il-bidliet kienu r-riżultat ta’ sospensjoni f'daqqa tal-fluss tar-riżorsi mis-settur tal-fond tal-pensjonijiet, li kien qed jipprova jillimita l-espożizzjoni tiegħu għall-assi riskjużi.

2.5   Wieħed mill-indikaturi tal-iskala tad-diffikultà marbuta mal-ġbir tal-fondi huwa l-ħin meħtieġ mill-maniġers tal-fondi għall-għeluq finali ta’ fond (jiġifieri biex jiġbru grupp kunċettwali ta’ investituri). Bejn l-2005 u 2007, bħala medja ma kienx meħtieġ aktar minn sena għal dan. Sal-2009, dan il-proċess kien qed idum 18-il xahar, u sal-ewwel nofs tal-2010 il-figura laħqet 20 xahar.

2.6   Għal numru ta’ snin, kien hemm xejra ċara 'l isfel fl-investiment ta’ kapital ta’ riskju fl-Ewropa: fl-2009 l-investimenti ta’ riskju ammontaw għal EUR 9 biljun, iżda l-investmenti fin-negozji fil-fażi ta’ tnissil u tal-bidu kienu biss ta’ EUR 2 biljun. Fl-ewwel disa' xhur tal-2010, l-investiment ammonta għal EUR 7 biljun.

2.7   Waħda mill-konsegwenzi ewlenin ta’ investiment aktar baxx kienet it-tnaqqis fil-valur medju tal-investimenti f'intrapriża waħda minn EUR 8,8 miljun fl-2008 għal EUR 4,7 miljun sena wara. Id-data mill-ewwel nofs tal-2010 turi li dan l-ammont żdied sussegwentement għal EUR 7,9 miljun.

2.8   L-investimenti huma ffokati fuq 5 setturi: fl-2009 u l-2010, 19 % tal-investimenti marru għas-settur li jipproduċi oġġetti u servizzi għan-negozju, 13 % għall-prodotti tal-konsumatur u s-settur tal-bejgħ bl-imnut u t-telekomunikazzjonijiet u 15 % ġew investiti fis-settur tal-bijoteknoloġija. Fil-każ tal-kapital ta’ riskju, 65 % tal-investimenti marru għas-settur tax-xjenza tal-ħajja, is-settur tal-IT, is-settur tal-apparat elettroniku u s-settur tat-telekomunikazzjonijiet.

3.   Sinteżi tal-proposta tal-KE

3.1   B'konsegwenza tal-kriżi finanzjarja tal-2008 u l-2009, u r-rekwiżiti prudenzjali l-ġodda bħal Basel III, CRDIV u Solvenza, il-provvediment u l-estensjoni tal-linji tal-kreditu mill-banek lill-SMEs naqsu b'mod konsiderevoli. It-tfittxija u d-domanda tal-SMEs għal sorsi alternattivi ta’ finanzjament saru urġenti.

3.2   Għalhekk, hemm bżonn li jiġu provduti sorsi alternattivi ta’ finanzjament għall-SMEs. F'dan ir-rigward, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju jaqdu rwol kruċjali biex jingħalaq id-distakk fil-finanzjament tal-innovazzjoni fl-investimenti. Dawn jipprovdu fondi ta’ ekwità jew kważi ekwità lill-istartups u l-intrapriżi ż-żgħar b'perċezzjoni ta’ potenzjal għat-tkabbir għat-tul, tipikament biex jiffinanzjaw l-iżvilupp inizjali fis-suq. Għall-kuntrarju tal-fondi ta’ ekwità privata (li jiffokaw l-iktar fuq il-buyouts), il-fondi ta’ kapital ta’ riskju jinvestu fil-kumpaniji fuq bażi ta’ perjodu għat-tul, flimkien mal-intraprendituri.

3.3   L-industrija Ewropea tal-kapital ta’ riskju hija frammentata u mifruxa. Dan iwassal għal riluttanza statistikament sinifikanti fl-investituri biex jinvestu f'fondi ta’ kapital ta’ riskju (Venture Capital Funds – VCF). Bħala konsegwenza tal-frammentazzjoni fir-regolamenti, investituri potenzjali tal-“kapital ta’ riskju” bħalma huma l-individwi għonja, il-fondi tal-pensjonijiet jew il-kumpaniji tal-assigurazzjoni jsibuha diffiċli u għalja li jibdew jindirizzaw uħud mill-investimenti tagħhom lejn il-kapital ta’ riskju.

3.4   In-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji li attwalment huma diretti lejn il-kapital ta’ riskju huwa direttament responsabbli għall-fatt li l-VCF medju Ewropew mhuwiex ta’ daqs ideali. Il-kapital ta’ riskju, f'dan l-istadju, jaqdi rwol minuri fil-finanzjament tal-SMEs. In-nuqqas ta’ settur ta’ kapital ta’ riskju effiċjenti jwassal biex l-innovaturi u l-impriżi tan-negozju innovattivi Ewropej ma jilħqux il-potenzjal kummerċjali tagħhom. U dan huwa negattiv għall-kompetittività globali tal-Ewropa.

3.5   Dan inaqqas b'mod konsiderevoli l-potenzjal tal-investiment, jiġifieri l-fondi, u jillimita l-fluss tal-kapital lejn l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, speċjalment in-negozji innovattivi. Konsegwentement, dan “jobbliga” lill-SMEs biex jiddependu mis-settur bankarju. Din is-sitwazzjoni hija aktar diffiċli għall-SMEs peress li, fid-dawl tar-regolamenti prudenzjali l-ġodda, il-banek saru wisq inqas inklinati li jiffinanzjaw in-negozji ż-żgħar fl-istadji inizjali tal-iżvilupp tagħhom, anke dawk innovattivi.

3.6   Suq Ewropew tal-kapital ta’ riskju li jirnexxi huwa wieħed mill-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kummissjoni Ewropea ħadet impenn fl-Att dwar is-Suq Uniku (1) (SMA) biex tiżgura li sal-2012 il-fondi ta’ kapital ta’ riskju stabbiliti fi kwalunkwe Stat Membru jkunu jistgħu jżidu l-kapital u jinvestu b'mod liberu fl-UE kollha.

3.7   Fid-dokument tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-Fondi Ewropej ta’ Kapital ta’ Riskju. Il-punt prinċipali tal-proposta huwa li fiż-Żona Ekonomika Ewropea tiġi introdotta l-possibbiltà li l-fondi ta’ kapital ta’ riskju jiksbu l-hekk imsejjaħ status ta’ fond Ewropew (passaport), sakemm jissodisfaw ċerti rekwiżiti regolatorji. Il-passaport jippermettilhom jaġixxu b'mod liberu u jiġbru fondi f'pajjiżi individwali. Dan jiżgura li l-investituri jkollhom sigurtà bażika ta’ investiment, u għall-kumpaniji ta’ ġestjoni dan inaqqas l-ispejjeż regolatorji ta’ aċċess għal kategoriji individwali ta’ investituri u swieq.

3.8   Ir-Regolament propost jindirizza dawn il-problemi billi:

jintroduċi definizzjoni ta’ “Fond Ewropew ta’ Kapital ta’ Riskju”, li tinkludi l-ħtiġijiet essenzjali li ġejjin: (i) li jiddedika mill-inqas 70 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati lill-SMEs; (ii) li jkollu assi ġestiti li globalment ma jaqbżux limitu ta’ EUR 500 miljun; (iii) li jipprovdi finanzjament ta’ ekwità jew kważi ekwità (jiġifieri “kapital ġdid”); u (iv) li ma jużax lieva finanzjarja (jiġifieri l-fond ma jinvestix iktar kapital minn dak impenjat mill-investituri biex ma jiddejjinx). Is-self fuq il-perjodu l-qasir għandu jkun permess biss biex il-fond ikun jista' jkopri l-ħtiġijiet straordinarji ta’ likwidità;

jintroduċi wkoll regoli uniformi fir-rigward tal-kategoriji tal-investituri li jitqiesu bħala eliġibbli li jinvestu f'“Fondi Ewropej ta’ Kapital ta’ Riskju”. Il-fondi li jikkwalifikaw jistgħu jkunu kkummerċjalizzati biss lill-investituri rikonoxxuti bħala investituri professjonali fid-Direttiva 2004/39/KE u ċerti investituri oħra tradizzjonali tal-kapital ta’ riskju (bħall-individwi ta’ valur nett għoli jew il-business angels);

jipprovdi lil kull maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju li jikkwalifika b'rekwiżiti uniformi għar-reġistrazzjoni kif ukoll passaport għall-kummerċjalizzazzjoni fl-UE kollha, li ser jagħti aċċess lill-investituri eliġibbli madwar l-UE u jgħin biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipanti kollha fis-suq ta’ kapital ta’ riskju;

jintroduċi rekwiżiti minimi għat-trasparenza, l-organizzazzjoni u l-kondotta tal-kummerċ li jridu jiġu rispettati mill-maniġer;

4.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

4.1   Il-proposta għal Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-Fondi Ewropej ta’ Kapital ta’ Riskju tagħmel parti minn sforzi regolatorji biex jinħolqu kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-mod li bih jaħdem is-suq ta’ kapital ta’ riskju u biex ikun hemm impatt akbar fuq l-SMEs. Il-KESE jemmen li dan huwa pass inizjali tajjeb ferm biex tiġi żviluppata industrija Ewropea tat-teknoloġiji moderni innovattivi u sostenibbli, li timpjega ħaddiema kwalifikati sew b'livell għoli ta’ ħiliet, ħaġa li twassal għall-ħolqien ta’ impjiegi.

4.2   Il-KESE jenfasizza li l-essenza ta’ strument ta’ investiment effettiv hija li dan għandu jippermetti li tipi differenti ta’ investituri jwettqu investimenti konġunti, filwaqt li tiġi żgurata l-ottimizzazzjoni tat-taxxa, speċjalment f'dak li jirrigwarda li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja (hawnhekk il-kwistjoni hija dwar it-taxxa mħallsa fuq l-investiment tal-portafoll u t-taxxa fuq id-distribuzzjoni tal-fondi lura lejn l-investituri fil-fond). Jidher li n-nuqqas ta’ referenza għall-kwistjoni tat-trasparenza fiskali jfisser li ser ikun hemm interess limitat fil-passaport.

4.3   L-għajnuna lill-investituri istituzzjonali biex jiksbu aċċess għas-suq ta’ riskju tista' tingħata ferm aktar malajr u faċilment permezz tal-użu tal-mekkaniżmu ta’ fond tal-fondi, fejn jinkiseb tixrid konsiderevoli tar-riskju fil-livell tal-investimenti tal-portafoll. Il-fond tal-fondi jipprovdi mod tajjeb biex isir investiment fil-kapital ta’ riskju għall-investituri istituzzjonali b'allokazzjonijiet żgħar għall-kapital ta’ riskju jew għall-investituri istituzzjonali li ma jkunux akkumulaw kompetenza estensiva fl-investiment dirett fil-fondi. Skont id-data mill-EVCA, fl-2009 il-fondi tal-fondi kienu responsabbli għal madwar 13,5 % ta’ kapital ġdid allokat fil-fondi ta’ riskju u ta’ ekwità privata, filwaqt li matul il-perjodu 2005-2009 dan kellu medja ta’ 14,1 % (fl-istess ħin il-fondi tal-fondi kienu t-tieni l-akbar provveditur ta’ kapital wara l-fondi tal-pensjonijiet).

4.4   Il-KESE jitlob li jkun hemm perjodu transizzjonali relatat mal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-limitu, sabiex jiġu kkunsidrati l-livelli differenti ta’ dħul fl-Istati Membri differenti tal-UE.

4.5   Il-KESE jqis li fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju għandhom ikunu struttura magħluqa li tinvesti mill-inqas 70 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati tagħha u l-kapital impenjat mhux mitlub f'assi li huma investimenti li jikkwalifikaw, sabiex jiġi żgurat li l-ishma tagħhom ma jiġux skambjati għall-flus jew titoli sakemm jiġu likwidati. Barra minn hekk, il-fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju għandhom ikunu stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi evitat li jinħolqu fondi ġestiti minn maniġer mill-UE fir-rifuġji fiskali għall-finijiet ta’ evitar tat-taxxa.

4.6   L-iskema ta’ protezzjoni tal-investituri għandha tissaħħaħ bil-ħatra ta’ depożitarju, li jkun responsabbli li jiżgura ż-żamma sigura tal-assi, il-monitoraġġ tal-fluss tal-flus u s-superviżjoni tal-funzjonijiet. Id-Direttiva dwar l-impriżi għall-investiment kollettiv fit-titoli trasferibbli (UCITS) teħtieġ il-ħatra ta’ depożitarju għall-impriżi tal-investiment kollettiv. Dan il-prinċipju ġie integrat ukoll fid-Direttiva dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (AIFM). Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-qafas Komunitarju, għandu jinħatar ukoll depożitarju għall-EVCF.

4.7   Ir-Regolament il-ġdid ma jindirizzax id-dgħufija nominali tas-suq ta’ kapital ta’ riskju. Hemm żewġ fenomeni li jirregolaw l-ekonomija tal-fondi ta’ investiment: l-ewwel wieħed huwa t-tkabbir dinamiku tas-settur tal-fondi tal-pensjonijiet wassal għal tkabbir sistematiku fil-valur tal-kapital allokat għall-fondi mill-investituri (ta' riskju, ta’ ekwità privata). Madankollu, ir-regoli li jirregolaw l-analiżi tar-riskju ta’ investiment fil-portafoll ta’ investiment ifissru li l-aħjar portafoll ta’ investiment tal-fond ta’ riskju għandu jinkludi bejn 8 sa 12-il kumpanija. Numru iżgħar ta’ investimenti jżid ir-riskju tal-portafoll ġenerali, filwaqt li numru akbar jista' jgħolli l-ispejjeż tal-monitoraġġ tal-portafoll. L-effett konġunt tal-provvista dejjem ikbar tal-kapital u r-regola dwar l-ottimizzazzjoni tal-portafoll inevitabbilment iwasslu għal tendenza stabbli lejn it-tkabbir fid-daqs tal-fondi u għalhekk hija meħtieġa żieda fil-valur tal-investimenti individwali fil-kumpanija tal-portafoll. Fl-aħħar nett, it-tkabbir fit-tfaddil tal-pensjonijiet (tfaddil għat-tul) xpruna bidla fl-investiment lil hinn mis-settur ta’ riskju lejn l-ekwità privata.

4.8   It-tieni fenomenu huwa marbut mal-mod kif jitħallsu l-manigers, fi ftit kliem dawn jitħallsu persentaġġ tal-valur tal-kapital ġestit. Skema ta’ remunerazzjoni bħal din tfisser li aktar ma jkun kbir il-fond, aktar ikun kbir il-valur tar-remunerazzjoni. Dan ifisser li għal grupp ta’ ġestjoni partikolari jsir aktar profittabbli (!) li jintuża fond ta’ ekwità privata (kbir) milli fond ta’ riskju (żgħir), fejn ir-riskju ta’ investiment ikun konsiderevolment ogħla, bħalma huma l-ispejjeż ta’ ġestjoni. Dawn iż-żewġ fenomeni jfissru li s-suq ta’ riskju qed isir relattivament dejjem aktar dgħajjef (jikber aktar bil-mod), peress li hemm tendenza li l-kapital imur fil-fondi u l-investimenti l-kbar, li fl-istess ħin jista' jaqbel lill-interessi ta’ maniġers tal-fondi opportunisti.

4.9   Ir-Regolament propost mhuwiex kapaċi jtaffi dawn iż-żewġ tendenzi, u l-KESE jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti iktar fuq dan l-aspett.

4.10   L-investimenti li jsiru mill-eżekuttivi ta’ maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju meta jinvestu fil-fondi ta’ kapital ta’ riskju li jikkwalifika u li jiġġestixxu huma stess, u b'hekk jagħtu xhieda tal-involviment u r-responsabbiltà tagħhom, għandhom ikunu permessi.

4.11   Il-KESE jappoġġja l-Fondi ta’ Kapital ta’ Riskju dedikati għat-teknoloġiji tas-soċjetà tal-informazzjoni, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli li jistgħu jikkontribwixxu biex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija globali Ewropa 2020.

4.12   Il-KESE jilqa' l-inizjattiva li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, u jħeġġiġha tkompli għaddejja bil-monitoraġġ tal-iżviluppi u l-evoluzzjonijiet tas-Suq ta’ Kapital ta’ Riskju.

Brussell, 26 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  http://ec.europa.eu/internal_market/smact/docs/20110413-communication_en.pdf, 13 ta’ April 2011.


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/76


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell ta’ ħoss tal-vetturi bil-mutur”

COM(2011) 856 final — 2011/0409 (COD)

2012/C 191/14

Relatur uniku: is-Sur RANOCCHIARI

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012 u nhar il-15 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell ta’ ħoss tal-vetturi bil-mutur

COM(2011) 856 final – 2011/0409 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’106 voti favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li taġġorna, billi tnaqqashom, il-limiti tal-emissjonijiet tal-ħoss ta’ vetturi bil-mutur. Il-Kumitat jagħmel dan minkejja li l-proposta tressqet f’perjodu meta l-industrija Ewropea tal-karozzi qed tissielet ma’ kriżi fis-suq li bdiet fl-2008 u ma jidhirx li qed tbatti, liema kriżi qed turi biċ-ċar il-kapaċità produttiva żejda fl-impjanti tal-produzzjoni Ewropej.

1.2   Il-KESE jaqbel ukoll mal-objettivi ambizzjużi tal-proposta li, skont il-Kummissjoni, ser iwasslu għal tnaqqis totali ta’ madwar 25 % tat-tniġġis bil-ħsejjes tal-vetturi. Fil-fatt, iż-żieda enormi tat-traffiku reġistrata b’mod speċjali fl-aħħar għoxrin sena tirrikjedi intervent biex jiġu protetti s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini.

1.3   Madankollu, il-KESE jinnota li anke f’dan il-każ il-problema mhix indirizzata b’approċċ integrat li kien iwassal, bis-saħħa ta’ miżuri ta’ intervent f’setturi relatati oħra, għal tnaqqis tal-istorbju b’mod aktar effikaċi u, għalhekk, b’mod li ċ-ċittadini jarawh aħjar u li l-proporzjon kost-benefiċċju kien ikun, mingħajr dubju, aħjar.

1.4   Il-KESE huwa perpless ħafna wkoll dwar il-fatt li l-limiti l-ġodda ġew applikati abbażi ta’ klassifikazzjoni tal-vetturi li tmur lura għall-1985, u li għaldaqstant ma tikkunsidrax l-evoluzzjoni tas-suq fejn ġew multiplikati u diversifikati l-mudelli u l-użijiet differenti tagħhom. Għandhom jiddaħħlu klassijiet ġodda b’limiti adegwati għall-ispeċifiċitajiet tagħhom.

1.5   Fl-aħħar, il-KESE jemmen li l-proposta ma tqisx biżżejjed iż-żmien neċessarju biex isiru l-interventi meħtieġa għall-adattament tal-limiti tal-istorbju. Il-manifatturi jridu jirrevedu minn issa stess l-istruttura kollha tal-vetturi filwaqt li jipprovaw jilħqu kompromess diffiċli bejn it-tnaqqis tal-istorbju u l-konformità mar-rekwiżiti eżistenti b’rabta mas-sikurezza, il-konsum, l-emissjonijiet, eċċ.

1.6   Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-KESE jittama li l-perjodu ta’ żmien propost jiġi rivedut billi titneħħa l-ewwel fażi (sentejn wara l-approvazzjoni tar-regolament) li żżid l-ispejjeż għall-approvazzjonijiet mill-ġdid tat-tip, filwaqt li l-enfasi – bi proporzjon kost-benefiċċju aħjar – titpoġġa direttament fuq ir-riżultat finali b’“lead time” (1) adegwat li għandu jkun ta’ seba’ snin (minflok ħamsa) għall-approvazzjonijiet ġodda tat-tip u ta’ disa’ snin (minflok sebgħa) għar-reġistrazzjonijiet ġodda.

2.   Introduzzjoni u kuntest leġislattiv

2.1   L-istorbju, li jiġi identifikat b’mod komuni bħala “ħoss mhux mixtieq” jew bħala “sensazzjoni tas-smigħ mhux pjaċevoli u fastidjuża”, huwa wieħed mill-kawżi prinċipali li jwasslu biex il-kwalità tal-ħajja fil-bliet tmur għall-agħar, bil-possibbiltà li jkun ta’ ħsara, anke gravi, għal saħħet iċ-ċittadini (2).

2.2   L-istorbju ambjentali jew it-tniġġis bil-ħsejjes jitkejjel, kif inhu magħruf sew, f’decibels A (dB(A)) u l-ħsejjes li jisma’ l-bniedem ivarjaw minn 0 dB(A) sa 140 dB(A) bil-limitu tal-uġigħ stabbilit għal 120 dB(A). L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tittama li l-livell massimu ta’ storbju barra miż-“żoni magħluqin” (djar, uffiċċji) ikun ta’ 55 dB(A), iżda l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent temmen li nofs il-popolazzjoni fiż-żoni urbani hija esposta għal livelli ogħla ta’ storbju. Sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni konkreta, ta’ min ifakkar li fi triq residenzjali jiġu reġistrati 50 dB(A), il-magna ta’ ajruplan bil-ġett temetti 120 dB(A), tren b’veloċità qawwija jemetti 100 dB(A), karozza temetti massimu ta’ 74 dB(A) iżda fi triq b’ħafna traffiku l-istorbju jilħaq it-80 dB(A).

2.3   Fil-każ speċifiku tal-espożizzjoni tan-nies għall-istorbju tat-traffiku, jistgħu jsiru diversi interventi sabiex titjieb is-sitwazzjoni, iżda l-ewwel wieħed huwa ċertament li jitnaqqas l-istorbju fis-sors, jiġifieri li jiġi limitat il-livell ta’ ħoss tal-vetturi individwali.

2.4   Il-livell ta’ ħoss tal-vetturi bil-mutur b’erba’ roti huwa indirizzat fid-Direttiva 70/157/KEE li kienet stabbilixxiet, sa mill-1970, il-proċeduri tal-ittestjar u l-limiti ta’ storbju għall-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi. Matul is-snin saru diversi emendi tad-direttiva bażika li baxxew il-limiti tal-emissjonijiet tal-ħoss bil-għan li jitnaqqas l-istorbju ambjentali, sakemm fl-1996, meta sar l-aħħar intervent b’rabta ma’ dan, il-limitu għall-karozzi ġie stabbilit bħala 74 dB(A) u dak tal-vetturi itqal użati għall-ġarr tal-merkanzija ġie stabbilit bħala 80 dB(A).

2.5   Dan il-proċess twil ta riżultati sinifikattivi, bi tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ħoss ta’ 85 % għall-karozzi (– 8 dB(A)) u ta’ aktar minn 90 % għall-vetturi tqal (– 11 dB(A)) meta mqabblin mal-limiti stabbiliti fid-Direttiva tal-1970.

Madankollu, it-tniġġis bil-ħsejjes ma naqasx b’mod proporzjonat mal-limiti l-ġodda minħabba diversi raġunijiet: l-ewwel waħda fosthom hi ż-żieda tat-traffiku fit-triq li mis-snin sebgħin sal-ġurnata tal-lum ittriplika. Fil-kuntest ta’ din iż-żieda tat-traffiku ġiet iddubitata wkoll il-validità attwali tal-metodi tal-ittestjar li ntużaw s’issa biex ikejlu l-emissjonijiet tal-ħoss, l-aktar dawk tal-karozzi.

2.6   Għalhekk, il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Istorbju tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) (3) ħejja metodu ġdid tal-ittestjar li ġie ppubblikat fl-2007 u matul l-aħħar tliet snin ġie mmonitorjat b’mod simultanju mal-metodu eżistenti. Dan ippermetta li tinħoloq bażi tad-data li tinkludi r-riżultati tat-testijiet kemm bil-metodu attwali (A) kif ukoll bil-ġdid (B), u li jiġu kkwantifikati d-differenzi bejn iż-żewġ metodi.

2.7   Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea inkarigat liċ-ċentru tal-istudji Olandiż TNO biex jagħmel paragun taż-żewġ metodi tal-ittestjar u dan ġie konkluż f’Marzu 2011 meta t-TNO ppreżenta lill-Kummissjoni r-rapport tiegħu bl-isem VENOLIVA (Vehicle noise limit values), li fuqu hija bbażata parti kbira mill-proposta għal regolament analizzata f’din l-opinjoni.

2.8   Fir-rigward tal-karozzi, it-TNO wettaq il-kontrolli tiegħu fuq 653 vettura u osserva differenza medja ta’ – 2,1 dB(A) bejn it-test B u t-test A. Fil-prattika, jidher li 90 % tal-karozzi ttestjati kienu diġà taħt il-limitu previst ta’ 74 dB(A), filwaqt li l-vetturi kummerċjali tqal kellhom xi diffikultajiet biex jirrispettaw il-limiti attwali tagħhom meta ntuża t-test B.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea

3.1   Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, il-Kummissjoni beħsiebha tirrevoka d-Direttiva tal-1970 u l-emendi sussegwenti, u tipproponi regolament li jipprevedi erba’ rekwiżiti ġodda mal-leġislazzjoni eżistenti:

protokolli ġodda tat-test;

valuri ta’ limitu ġodda;

dispożizzjonijiet addizzjonali dwar l-emissjonijiet tal-ħoss;

ħoss minimu tal-vetturi elettriċi u elettriċi u ibridi.

3.1.1   Protokolli ġodda tat-test. Kif diġà ntqal fl-introduzzjoni, ir-riżultati miksuba bil-metodu l-ġdid (B) huma, skont il-kategoriji tal-vettura, sa 2 dB(A) anqas minn dawk miksuba bil-metodu l-antik (A) f’madwar 90 % tat-testijiet li saru. Dan ikkonvinċa lill-Kummissjoni tistabbilixxi valur ta’ limitu inizjali ta’ 72 dB(A) minflok dak ta’ 74 dB(A) tal-leġislazzjoni attwali.

3.1.2   Valuri ta’ limitu ġodda f’żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi (sentejn wara l-pubblikazzjoni tar-regolament), il-limiti għall-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi ħfief użati għall-ġarr tan-nies ser jitnaqqsu b’2 dB(A) u dawk tal-vetturi tqal użati għall-ġarr tal-merkanzija ser jitnaqqsu b’1 dB(A). Fit-tieni fażi (ħames snin wara l-pubblikazzjoni), huwa previst tnaqqis ieħor ta’ 2 dB(A) kemm għall-vetturi ħfief kif ukoll għal dawk tqal. Wara seba’ snin mill-pubblikazzjoni, il-vetturi kollha jridu jirrispettaw il-limiti ġodda sabiex jiġu reġistrati u mibjugħin.

3.1.3   Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar l-emissjonijiet tal-ħoss (ASEP, Additional sound emission provisions). Il-metodu ġdid tal-ittestjar (B) huwa meqjus bħala realistiku f’kundizzjonijiet tat-traffiku normali, iżda skont il-Kummissjoni hemm ir-riskju li jkun inqas affidabbli jekk jintuża meta jkun hemm ħafna traffiku. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni beħsiebha tintroduċi dispożizzjonijiet tal-ittestjar addizzjonali ma’ dawk użati fil-perjodu ta’ monitoraġġ ta’ tliet snin li ssemma aktar ’il fuq (test b’aċċelerazzjoni kostanti ta’ 2,0 m/s2). Ma’ dan ser jiżdied it-test ASEP (aċċelerazzjoni massima ta’ 3,0 m/s2) sabiex l-emissjonijiet reġistrati meta tingħata l-approvazzjoni tat-tip jitqarrbu lejn dawk reali, fit-triq, f’każ ta’ ħafna traffiku.

3.1.4   Ħoss minimu tal-vetturi elettriċi u elettriċi u ibridi. Il-fatt li dawn il-vetturi b’veloċità baxxa huma silenzjużi jista’ jirrappreżenta periklu għall-persuni b’vista baxxa u persuni oħrajn, peress li ma jagħmlux ħoss li juri li resqin viċin. Għalhekk, il-Kummissjoni tissuġġerixxi biss, mingħajr ebda obbligu legali għall-manifatturi, li f’dawn il-vetturi tiġi installata Sistema Akustika ta’ Twissija tal-Vettura (AVAS, Acoustic Vehicle Alerting System), li għaliha però tistabbilixxi r-rekwiżiti.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-KESE japprezza u jaqbel mal-inizjattiva tal-Kummissjoni maħsuba biex taġġorna, permezz ta’ regolament, il-limiti tal-emissjonijiet tal-ħoss tal-vetturi bil-mutur fid-dawl taż-żieda osservata tat-traffiku fl-Ewropa, b’mod partikolari fiċ-ċentri abitati prinċipali.

4.2   Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-problema ma ġietx eżaminata f’perspettiva ta’ approċċ integrat, prinċipju li għandu jiggwida l-interventi leġislattivi Ewropej kollha sew f’dan is-settur u sew fis-setturi l-oħra, u li f’dan il-każ kien jipproduċi riżultati aktar malajr u aktar sinifikattivi, u għalhekk aktar viżibbli għaċ-ċittadini u bi proporzjon aħjar ta’ kost-benefiċċju.

4.3   It-tnaqqis li huwa propost bħalissa għall-vetturi ġodda ser jagħti biss benefiċċji f’perjodu medju u twil ta’ żmien, wara li jinbidlu l-vetturi attwalment fit-triq. Minflok dan, jista’ jinkiseb tnaqqis ħafna aktar sinifikattiv permezz ta’ interventi fuq is-superfiċje tat-toroq u fuq l-infrastrutturi lokali, permezz ta’ ġestjoni intelliġenti tat-traffiku u permezz ta’ kontrolli aktar regolari u bir-reqqa fuq il-vetturi fit-triq. Il-manutenzjoni adegwata tat-toroq tista’ twassal għal tnaqqis ta’ aktar minn 5 dB(A), filwaqt li l-użu ta’ tipi speċjali ta’ asfalt jista’ jnaqqas l-istorbju tat-traffiku fit-triq b’sa 10 dB(A). Jista’ jinkiseb tnaqqis simili wkoll permezz tad-dekonġestjoni tat-traffiku bis-saħħa ta’ bypasses, karreġġati riservati, sistemi ta’ trasport intelliġenti, eċċ. Ma jistax jintesa aspett importanti ieħor, jiġifieri l-edukazzjoni tas-sewwieqa, li ħafna drabi jkunu r-responsabbli ewlenin għall-istorbju eċċessiv tal-vetturi tagħhom.

4.4   Fl-aħħar, ma nistgħux ninsew li jkun kemm ikun teknikament possibbli li jitnaqqas l-istorbju kkawżat mill-vetturi (magna, dħul tal-arja, egżost, eċċ.), dan l-istorbju qatt ma jista’ jkun inqas mill-istorbju kkawżat mit-tidwir tat-tajers fuq it-triq. Dan japplika wkoll għall-vetturi elettriċi u dawk elettriċi u ibridi, li ċertament huma silenzjużi meta jkunu għaddejjin b’veloċità baxxa, u tant hu hekk li l-Kummissjoni pprevediet l-installazzjoni tal-AVAS f’dawn il-vetturi. Fil-fatt, kontroll li sar fuq sitt mudelli differenti ta’ vetturi elettriċi u vetturi elettriċi u ibridi attwalment fis-suq (4) wera li b’veloċità aktar qawwija (50 km/h) il-medja tal-istorbju ta’ dawn il-vetturi kienet ta’ 68,3 dB(A), jiġifieri aktar mit-68 dB(A) mistennija mill-karozzi b’magna tal-kombustjoni interna fir-regolament il-ġdid.

4.5   Madankollu, fir-rigward tal-kontenut tar-regolament propost, il-KESE għandu xi mistoqsijiet u dubji li jistgħu jiġu solvuti matul id-dibattitu fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill.

4.6   L-ewwel kwistjoni tirrigwarda l-“kategorizzazzjoni” tal-vetturi għall-finijiet tat-tnaqqis tal-istorbju. Il-kategoriji previsti huma dawk “storiċi”, li jmorru lura għall-1985. L-evoluzzjoni tas-suq u b’hekk il-multiplikazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-mudelli u l-użijiet differenti tagħhom ma ġewx ikkunsidrati. Mingħajr ma nidħlu fid-dettalji, il-KESE jemmen li r-reviżjoni tal-kategoriji bl-introduzzjoni ta’ sottokategoriji ġodda, naturalment b’limiti adegwati għall-ispeċifiċitajiet tagħhom, tagħti stampa aħjar tar-realtà tal-vetturi fit-triq bħalissa u fil-futur qrib. Bħala eżempju, is-sottokategorija M3 għall-karozzi tal-linja urbani u l-kowċis tat-turisti ma tagħmilx differenza bejn iż-żewġ tipi.

Is-sitwazzjoni hija saħansitra iżjed kritika għall-karozzi bi prestazzjoni għolja, l-hekk imsejħa “sports cars”. Dan huwa settur speċifiku f’termini ta’ volum ta’ produzzjoni, iżda huwa wkoll qasam ta’ eċċellenza għall-industrija Ewropea tal-karozzi fid-dinja, b’effett sekondarju innovattiv fuq l-iżvilupp tal-karozzi tal-massa. Jekk ma terġax tiġi definita s-sottokategorija M1 (karozzi), ser ikun diffiċli ħafna li jkomplu jiġu prodotti u għalhekk mibjugħa dawn il-vetturi, peress li l-livell ta’ storbju tagħhom irid jonqos b’6/7 dB(A) f’ħames snin biss.

4.7   It-tieni u l-akbar perplessità tal-KESE tikkonċerna l-perjodu ta’ żmien previst mill-Kummissjoni li, sabiex tipprova tirkupra n-nuqqas ta’ aġġornamenti matul l-aħħar snin, ma tidhirx li qed tqis b’mod adegwat il-“lead time” li għandhom bżonn il-manifatturi.

4.7.1   It-tnaqqis fl-ewwel fażi ta’ 2 dB(A) għall-vetturi ħfief kollha u ta’ 1 dB(A) għall-vetturi tqal diġà jirrikjedi bidla fl-istruttura tal-vetturi bi sforz industrijali enormi, peress li fil-fatt irid jitnaqqas l-istorbju filwaqt li jiġu rispettati rekwiżiti eżistenti oħra (sikurezza, emissjonijiet, konsum, eċċ.). Pereżempju, l-interventi neċessarji ser iżidu, f’xi każijiet b’mod sinifikattiv, il-piż tal-vetturi (żieda fil-volum tal-pajp tal-egżost, żieda fil-protezzjoni u fil-materjali li jtaffu l-ħsejjes), u dan iwassal għal żieda fil-konsum u għalhekk fl-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu. Jeħtieġ nirrealizzaw li kwalunkwe intervent f’dan il-qasam ser jaffettwa l-vettura kollha fil-partijiet kollha tagħha li huma kkunsidrati bħala sors ta’ storbju estern. Fil-fatt, mhux possibbli li jinkisbu r-riżultati bis-sempliċi applikazzjoni ta’ mekkaniżmi separati.

4.7.2   Lanqas il-benefiċċji li għandhom jirriżultaw mit-tnaqqis tal-istorbju mit-tajers previst fir-Regolament 661/2009 ma jistgħu jgħinu biex jinkisbu r-riżultati mistennija fl-ewwel fażi (kif sostnew xi wħud, għall-inqas għall-M1 u l-N1). Fil-verità, fil-biċċa l-kbira dawn it-tajers diġà jinsabu fis-suq u ser isiru obbligatorji għall-vetturi l-ġodda f’Novembru 2013. Madankollu, ġie stmat li l-benefiċċju medju f’termini ta’ tnaqqis tal-istorbju hu ta’ 0,5 dB(A) biss sal-2016.

4.7.3   Għaldaqstant, il-vetturi ser ikollhom jinħasbu mill-ġdid, jiġu żviluppati mill-ġdid u jerġgħu jinħadmu mill-ġdid. Ta’ min jinnota li d-disinn mill-ġdid tal-vettura kollha jeħtieġ perjodu ta’ żmien li jvarja bejn ħamsa u seba’ snin, skont it-tipi, għall-vetturi ħfief u sa 10 snin għal dawk tqal, minbarra li jkun hemm bżonn ta’ approvazzjoni ġdida tat-tip.

4.8   Fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE jistaqsi jekk ikunx aħjar li jiġu riveduti l-perjodi ta’ żmien u l-metodi għall-ksib tat-tnaqqis mixtieq tal-istorbju. Dan jista’ jsir billi titneħħa l-parti dwar l-ewwel fażi, li żżid l-ispejjeż għall-approvazzjonijiet mill-ġdid tat-tip, filwaqt li l-enfasi (bi proporzjon aħjar ta’ kost-benefiċċju) titpoġġa direttament fuq ir-riżultat finali u li tiġi prevista reviżjoni tas-sottokategoriji, għall-inqas fl-aktar każijiet problematiċi. Jinħtieġ ukoll “lead time” aktar adegwat li għandu jkun ta’ seba’ snin għall-approvazzjonijiet ġodda tat-tip u ta’ disa’ snin għar-reġistrazzjonijiet ġodda.

4.9   Madankollu, fil-fatt dan jimplika investimenti progressivi enormi f’perjodu meta kważi l-manifatturi Ewropej kollha qed jiffaċċjaw kriżi tas-suq li bdiet fl-2008 u li milli jidher qiegħda ssir dejjem aktar gravi. Dawn l-investimenti inevitabbilment ser jispiċċaw fuq spallejn il-konsumaturi, bir-riskju li l-vetturi fit-triq idumu aktar biex jinbidlu, speċjalment fil-każ tal-vetturi tqal maħsuba għall-ġarr tal-merkanzija, u dan ikun ta’ ħsara għall-objettiv tar-regolament il-ġdid.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Lead time: il-ħin li għandha bżonn l-industrija biex timplimenta kwalunkwe rekwiżit ġdid li jġib miegħu bidliet strutturali fil-vettura.

(2)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 22.

(3)  United Nations Economic Commission for Europe (Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti, Ġinevra, www.unece.org).

(4)  Sors: Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Karozzi (ACEA).


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/80


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li tirrevoka d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill” (Riformulazzjoni)

COM(2011) 656 final — 2011/0298 (COD)

2012/C 191/15

Relatur uniku: is-Sur IOZIA

Nhar it-2 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li tirrevoka d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Tfassil mill-ġdid)

COM(2011) 656 final – 2011/0298 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'115-il vot favur, vot wieħed (1) kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) japprezza l-proposta għal tfassil mill-ġdid tad-Direttiva 2004/39/KE, magħrufa bħala l-MiFID, li tistabbilixxi qafas regolatorju għall-provvista ta’ servizzi marbutin mal-istrumenti finanzjarji bħal pereżempju s-senserija, il-konsulenza, il-ġestjoni tal-portafolli, is-sottoskrizzjoni ta’ emissjonijiet ġodda u t-tranżazzjonijiet min-naħa tal-banek ordinarji u l-banek ta’ investiment, kif ukoll għat-tranżazzjonijiet fis-swieq regolati mill-operaturi tas-suq.

1.2   L-għan ewlieni tad-Direttiva hu li żżid it-trasparenza u l-effiċjenza tal-kummerċ u li tillimita l-volatilità tas-swieq, iżda wkoll li ssaħħaħ l-integrità tal-intermedjarji u l-protezzjoni tal-investituri u li tiftaħ is-swieq Ewropej għal kompetizzjoni reali fil-provvista tas-servizzi finanzjarji. Il-KESE jappoġġja dawn l-għanijiet u jemmen li b'mod globali l-proposta tmur fid-direzzjoni t-tajba.

1.3   Fid-dawl tat-Trattat il-ġdid, il-KESE jqis li l-bażi legali magħżula mill-Kummissjoni tista' ma tkunx adegwata u ma tirriflettix b'mod sħiħ l-implikazzjonijiet tad-Direttiva. Il-ħarsien tal-konsumatur, il-konsolidazzjoni u l-iżvilupp tas-suq intern, li jsawru parti fundamentali mid-Direttiva, huma msejsa fuq bażijiet legali aktar strutturati u kumplessi, u jiggarantixxu involviment u rwol imtejba għall-korpi rappreżentattivi.

1.4   Il-proposta għal tfassil mill-ġdid tad-Direttiva tikkunsidra l-evoluzzjoni leġislattiva li saret s'issa u tipproponi soluzzjonijiet ġodda u definiti aħjar rigward ir-responsabbiltajiet tal-operaturi. Il-KESE jaqbel mal-għażla ta’ tfassil mill-ġdid, li ġie suġġerit mill-kumplessità akbar tas-suq finanzjarju, mill-evoluzzjoni tas-suq u tal-istrumenti teknoloġiċi użati, li minħabba fihom uħud mill-previżjonijiet preċedenti m'għadhomx jgħoddu, u fuq kollox mid-dgħufija tar-regolamentazzjoni fl-istrumenti aktar milli fis-suq tat-titoli, li huwa ġestit mill-operaturi finanzjarji.

1.5   Il-KESE jemmen li l-proposta għandha l-għan li ssaħħaħ is-suq finanzjarju tal-UE biex ikun aktar integrat, effiċjenti u kompetittiv, filwaqt li tinkludi t-tisħiħ tar-rekwiżiti ta’ trasparenza u ħarsien tal-konsumatur u tnaqqas l-oqsma ta’ spekulazzjoni bla rażan, li hi għan fiha nnifisha lil hinn mill-kuntest ekonomiku u soċjali, b'mod partikolari fl-istrumenti negozjati essenzjalment barra l-Borża (OTC).

1.6   Il-KESE hawnhekk jerġa' jenfasizza li huwa kontra l-użu eċċessiv u sproporzjonat tal-atti delegati, kif previst fl-Artikolu 94, li għandhom jikkonċernaw punti limitati u definiti tajjeb għal perjodu ta’ żmien limitat, u jittama li l-istituzzjonijiet leġislattivi Ewropej jiċċaraw l-użu korrett ta’ dan l-istrument, soġġett għal verifika ex post, u l-koerenza tiegħu mal-ittra u l-ispirtu tat-Trattati.

1.7   Il-KESE jappoġġja b'mod deċiżiv it-tisħiħ previst tal-prinċipju tal-konsulenza indipendenti, li jobbliga lill-operatur jiddikjara minn qabel jekk joffrix is-servizz tiegħu b'mod indipendenti jew b'rabta ma’ netwerk tal-bejgħ. Min ifaddal ser ikollu l-possibbiltà li jagħżel, skont il-ħtiġijiet tiegħu, it-tip ta’ konsulenza li jixtieq.

1.8   Fil-passat il-KESE diġà talab li jkun hemm regolamentazzjoni ċara għall-“bejgħ kontra l-konsulenza”, jiġifieri l-projbizzjoni tal-pressjonijiet kummerċjali għall-bejgħ ta’ prodotti mill-intrapriżi finanzjarji fir-rigward tal-operaturi u n-netwerks tal-bejgħ. Il-proposta analizzata f'din l-opinjoni hija l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba u l-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qablet li huwa tajjeb li tiżdied il-protezzjoni tal-investituri u tal-operaturi, li għandhom joperaw “esklużivament” fl-interess tal-klijent u jagħtuh parir adegwat u mingħajr ebda kundizzjoni.

1.9   Il-KESE jirrakkomanda li fil-lista ta’ informazzjoni l-Kummissjoni tinkludi dispożizzjoni oħra li tirregola l-kwalità tad-data skambjata bejn il-provvedituri tad-data. Minħabba s-sensittività u l-importanza ta’ din l-informazzjoni, huwa rakkomandat li anke l-preżentazzjoni ta’ din l-informazzjoni ssir obbligatorja, billi dan ikollu impatt pożittiv ċar fuq it-trasparenza tas-suq.

1.10   Il-KESE jaqbel mar-responsabbiltajiet ġodda mogħtija lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS), li fost affarijiet oħra għandha tħejji sensiela ta’ standards tekniċi obbligatorji, tfassal opinjonijiet, tipprojbixxi prodotti u prattiki f'sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, tikkoordina l-attività tal-awtoritajiet nazzjonali, tidentifika linji gwida dwar il-miżuri amministrattivi u dwar is-sanzjonijiet li jridu jiġu adottati f'każijiet speċifiċi.

2.   Il-punti ġodda ewlenin tal-proposta

2.1   Għalkemm ma tibdlilhiex l-istruttura tagħha, il-proposta taġġorna d-Direttiva MiFID fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-direttivi introdotti sussegwentement, u tinkludi fiha kontenut ġdid biex tistabbilixxi l-għanijiet prinċipali li ġejjin:

il-promozzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi u s-swieq;

il-promozzjoni tat-trasparenza u l-effiċjenza tas-swieq;

it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-investituri.

2.2   Il-mezzi użati biex jintlaħqu dawn l-għanijiet jikkonċernaw ir-riskji li jridu jittaffew permezz ta’ diversi mekkaniżmi. Fil-fatt, fil-passat xi riskji, li kienu ġew previsti, saru realtà u b'hekk ħarġu fid-dieher id-dgħufija tal-mekkaniżmi ta’ mitigazzjoni li kienu previsti qabel.

2.3   Il-punti ġodda ewlenin introdotti mill-MiFID II jikkonċernaw b'mod speċifiku:

il-kamp ta’ applikazzjoni u s-sistema ta’ eżenzjonijiet;

il-pjattaformi ġodda ta’ negozjar;

ir-regolamentazzjoni tal-attività tal-intrapriżi ta’ investiment u tal-operaturi Komunitarji tas-suq;

ir-regoli applikabbli għall-intrapriżi ta’ investiment ta’ pajjiżi terzi;

is-setgħat ġodda tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

l-atti delegati.

3.   Kummenti

3.1   Ir-riforma hija magħmula minn żewġ partijiet: l-ewwel waħda tirrigwarda l-istruttura tas-suq, filwaqt li t-tieni waħda tiffoka fuq il-kwistjonijiet marbutin mat-trasparenza. Kif jintqal b'mod espliċitu, l-għan prinċipali tal-proposta huwa li tiggarantixxi li l-kummerċ kollu jsir b'mod regolamentat u jkun kompletament trasparenti.

3.2   Punt kruċjali tad-Direttiva jikkonċerna l-introduzzjoni tal-konsulenza indipendenti. Il-KESE jemmen li l-parti dwar il-konsulenza indipendenti hija miktuba tajjeb. Bir-regoli l-ġodda l-intermedjarji jridu jispeċifikaw x'tip ta’ konsulenza joffru, jekk hux fuq bażi indipendenti jew le, x'inhuma l-karatteristiċi tal-konsulenza u xi informazzjoni oħra.

3.3   Dan jippermetti lill-investituri kollha, irrispettivament mir-riżorsi ekonomiċi tagħhom, li jirċievu konsulenza adegwata għall-profil tagħhom. Il-KESE huwa għalkollox favur din id-dispożizzjoni.

3.4   Fil-fatt, il-prinċipju tat-trasparenza adottat jippermetti li l-klijent ikun jaf għal min jaħdem il-konsulent, filwaqt li jiġu armonizzati d-differenzi li jeżistu llum il-ġurnata fl-Istati Membri, tiżdied it-trasparenza, tittejjeb l-integrità fl-imġiba tal-operaturi involuti u b'hekk, fl-aħħar mill-aħħar, tissaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri.

3.5   Barra minn hekk, id-Direttiva, għajr għall-attività speċifika tal-ġestjoni tal-portafolli, tippermetti l-koeżistenza tan-netwerks attwali ta’ konsulenti (dipendenti u indipendenti), iżda tobbligahom jiddikjaraw in-natura tagħhom. Il-KESE jemmen li dan hu pożittiv mill-perspettiva tal-protezzjoni kemm tal-kompetizzjoni kif ukoll tal-investituri, għaliex id-Direttiva tagħti lill-klijenti l-possibbiltà li jagħżlu x'tip ta’ servizz jippreferu fil-qasam tal-konsulenza.

3.6   B'mod ġenerali, id-dokument tal-Kummissjoni jipproteġi lill-klijent u jiftaħ it-triq għall-koeżistenza armonjuża tal-atturi fil-qasam tal-konsulenza finanzjarja, inklużi l-banek, in-netwerks tal-promozzjoni finanzjarja u l-konsulenti “fee only”.

3.7   Il-KESE jissuġġerixxi li tingħata definizzjoni preċiża ta’ konsulenza u li din tiġi inkluża f'kull servizz ta’ investiment (anke ġenerali). Il-KESE jemmen li jekk jiġi stabbilit li l-konsulenza għandha tingħata biss mill-professjonisti tas-settur, dan jista' jiggarantixxi li jissaħħaħ aktar il-prinċipju tal-protezzjoni tal-investituri.

3.8   Għandu jiġi ppreċiżat li l-konsulenza hija rakkomandazzjoni ta’ prodott adegwat għall-profil ta’ klijent u li l-integrità tal-imġiba tinsab fl-għoti ta’ rakkomandazzjoni adegwata. Għaldaqstant, il-KESE jemmen li din id-dispożizzjoni għandha wkoll impatt “edukattiv”, irrispettivament mill-mudell organizzativ. L-integrità ma tiddependix, jew għall-inqas ma tiddependix għalkollox mill-fatt li r-rakkomandazzjoni ssir fil-forma ta’ integrazzjoni vertikali jew ta’ diversi marki (brands), jew inkella bil-mod ta’ “fee only” jew ta’ senserija. Il-fatt li jkun hemm prodott wieħed, għaxra jew tletin ma jiggarantixxix li r-rakkomandazzjoni mogħtija lill-klijent hija adegwata.

3.9   Il-proposta ma tagħmel kważi l-ebda bidla fil-kriterju tal-awtoklassifikazzjoni tal-klijent, introdott mid-Direttiva MiFID preċedenti (l-intermedjarji jikklassifikaw il-klijenti tax-xiri bl-imnut [retail clients] tagħhom abbażi tal-għarfien u l-esperjenzi marbutin mal-investimenti li dawn tal-aħħar jgħidu li għandhom). L-AETS tipprovdi lista ta’ linji gwida biex jimtela l-kwestjonarju li jingħata lill-klijenti. B'mod speċifiku, jiġu identifikati kategoriji differenti ta’ klijenti maqsumin fis-sottodiviżjonijiet: bl-imnut, professjonali u kontropartijiet eliġibbli.

3.10   Il-KESE japprezza t-titjib li jsir għaliex jemmen li issa l-intermedjarji jistgħu jissegmentaw b'mod effikaċi l-klijenti tagħhom, iżda fl-istess ħin jenfasizza li d-Direttiva ma tagħtix lis-suq l-istrumenti adegwati biex il-klijenti jiġu protetti f'kull livell.

3.11   Is-sistema ser tagħmilha possibbli li l-klijent jitgħallem fuq il-post permezz ta’ persunal imħarreġ b'mod adegwat. Madankollu, il-KESE jqis li huwa pjuttost ambizzjuż li wieħed jaħseb li klijent tax-xiri bl-imnut jista' jagħti rappreżentazzjoni veraċi u korretta tal-kompetenzi fnanzjarji tiegħu, minħabba n-nuqqas ta’ edukazzjoni finanzjarja u d-dewmien fit-tfassil tal-programmi dwar l-edukazzjoni finanzjarja fil-livell Ewropew. Għalhekk, il-Kumitat jissuġġerixxi li tiġi riveduta l-proċedura stabbilita fid-Direttiva u li eventwalment tiġi prevista l-introduzzjoni ta’ appoġġ estern rigward l-edukazzjoni tal-klijent.

3.12   Id-Direttiva tintroduċi mudell ġdid ta’ remunerazzjoni għall-konsulenti indipendenti. Il-konsulenza indipendenti tingħata bi ħlas, filwaqt li dik mhux indipendenti mhux ser titħallas mill-klijent.

3.13   Il-Kumitat jemmen li din is-sistema ġdida ta’ remunerazzjoni ser ittejjeb il-kwalità tas-servizz offrut u ser iżżid il-protezzjoni, u tista' tiggarantixxi l-onestà tal-professjonisti. F'dan ir-rigward, il-KESE jissuġġerixxi li ssir distinzjoni bejn “parir” u “bejgħ”.

3.14   Barra minn dan, jekk il-konsulenza fil-veru sens tal-kelma tqum il-flus, huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li l-konsulenza dwar prodotti aktar kumplessi tqum aktar flus. Il-KESE, għalhekk, jagħti bidu għal riflessjoni dwar il-fatt li prodotti inqas kumplessi jistgħu jiġu favoriti u mxerrda aktar minħabba li jkunu aktar ekonomiċi.

3.15   Ħafna mid-dispożizzjonijiet il-ġodda huma maħsubin biex jiggarantixxu l-onestà u l-integrità fl-imġiba tal-banek, li ser ikunu obbligati wkoll jirrevedu fil-fond il-prattiki kummerċjali tagħhom. Il-KESE huwa favur dawn id-dispożizzjonijiet għaliex jippermettu li l-investituri jiġu protetti aktar. Fl-istess ħin, il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tapplika politika ta’ responsabbilizzazzjoni tal-intrapriżi finanzjarji minflok tal-klijenti.

3.16   Wieħed mill-punti ġodda importanti huwa l-proposta li fil-Borża jkun hemm segment speċifiku għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, b'piż regolamentarju aktar ħafif. Il-Kumitat huwa favur din l-inklużjoni speċifika għaliex tippermetti li segment speċifiku jingħata aktar viżibbiltà.

3.17   Madankollu, il-KESE jqajjem dubju dwar il-kapaċità li tiġi implimentata din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din mhix proposta ġdida. It-tentattiv li jiġi żviluppat suq usa' għall-SMEs ilu jsir aktar minn 20 sena u ħadd qatt ma rnexxielu jagħmlu operattiv b'mod effiċjenti. Għaldaqstant, il-Kumitat jissuġġerixxi li jiġu previsti miżuri u dispożizzjonijiet speċifiċi li jippermettu t-twettiq tiegħu b'mod effikaċi u effiċjenti.

3.18   B'mod ġenerali, id-Direttiva tistabbilixxi regoli ta’ funzjonament aktar ċari għall-attivitajiet kollha ta’ negozjar. Il-pjattaformi ta’ negozjar għandhom jiggarantixxu li, fil-qafas tal-kummerċ, id-data kollha tkun tista' tintuża b'mod ħieles f'temp ta’ 15-il minuta u tixxerred f'ħin reali bi prezz stabbilit mill-Kummissjoni fuq “bażi kummerċjali raġonevoli”. Din il-miżura tkun pass 'il quddiem rigward it-trasparenza fl-iffissar tal-prezzijiet.

3.19   Il-Kumitat jaqbel mal-proċess li jipprevedi l-obbligu li kull pjattaforma tuża ċerti intermedjarji sabiex tibgħat id-data dwar in-negozjar. Però l-KESE jemmen li din id-dispożizzjoni tenfasizza l-fiduċja eċċessiva fl-iskambju spontanju ta’ informazzjoni bejn l-operaturi u tissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tipprevedi punt speċifiku li jirregola l-kwalità tad-data skambjata bejn il-provvedituri tad-data.

3.20   Rigward id-derivattivi tal-komoditajiet, l-għan tal-MiFID II huwa li tipprevjeni l-ispekulazzjoni bla rażan, li hi għan fiha nnifisha. Il-Kummissjoni beħsiebha tilħaq dan l-għan billi tillimita wkoll l-ammont ta’ kuntratti li investitur jista' jikkonkludi f'perjodu determinat ta’ żmien. Il-KESE, kif diġà saħaq kemm-il darba, jemmen li l-ispekulazzjoni mhux bilfors tkun fattur negattiv għas-swieq finanzjarji, peress li żżid il-likwidità u l-iżvilupp tagħhom. Mingħajr dubju ta’ xejn, jinħtieġu miżuri li jaħdmu kontra t-tranżazzjonijiet spekulattivi ħafna li jkollhom impatt fuq il-prezzijiet finali tal-konsumaturi, però, fl-istess ħin, il-KESE jirrakkomanda li ssir analiżi tal-miżuri b'mod attent u bilanċjat sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi fuq is-suq.

3.21   Barra minn hekk, il-KESE jaħseb li r-regolamentazzjoni l-ġdida, għalkemm hija bbażata fuq il-prinċipju tal-armonizzazzjoni bejn il-pajjiżi, ma tidhirx li tipproponi koordinazzjoni speċifika bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti. Il-KESE huwa favur il-prinċipju tal-armonizzazzjoni, iżda fl-istess ħin jissuġġerixxi li tingħata attenzjoni lill-ispejjeż addizzjonali li l-parteċipanti fis-swieq differenti jista' jkollhom minħabba d-diversi regoli preżenti, pereżempju fis-swieq tad-derivattivi.

3.22   Il-KESE huwa favur l-estensjoni tal-prinċipju tat-trasparenza għall-fażijiet ta’ qabel in-negozjar ta’ titoli u prodotti strutturati. Madankollu, il-Kumitat jissuġġerixxi li jiġu kkunsidrati d-differenzi sostanzjali bejn is-suq tal-ekwità u s-suq li mhux tal-ekwità. It-trasparenza ta’ qabel in-negozjar hija aktar importanti għas-swieq ibbażati fuq l-ordnijiet, jew “order driven” (bħas-suq tal-ishma), filwaqt li t-trasparenza wara n-negozjar hija aktar adatta għas-swieq ibbażati fuq il-kwotazzjonijiet, jew “quote driven” (bħas-swieq tal-bonds). Għalhekk, il-KESE jemmen li huwa rakkomandabbli li ssir distinzjoni bejn is-swieq fl-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trasparenza qabel u wara n-negozjar.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekononomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali”

COM(2011) 895 final — 2011/0439 (COD),

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku”

COM(2011) 896 final — 2011/0438 (COD),

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni”

COM(2011) 897 final — 2011/0437 (COD)

2012/C 191/16

Relatur: is-Sur CABRA DE LUNA

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012 u nhar l-10 ta’ Frar 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 53(1), l-Artikolu 62 u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali

COM(2011) 895 final – 2011/0439 (COD).

Nhar is-17 ta’ Jannar 2012 u nhar l-10 ta’ Frar 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 53(1), l-Artikolu 62 u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku

COM(2011) 896 final – 2011/0438 (COD).

Nhar is-17 ta’ Jannar 2012 u nhar l-10 ta’ Frar 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 53(1), l-Artikolu 62 u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni

COM(2011) 897 final – 2011/0437 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġetti, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tas-26 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’179 vot favur, 33 vot kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Ir-reviżjoni tad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku hija parti minn programm ġenerali li għandu l-għan li jimmodernizza b’mod estensiv is-sistema tal-akkwist fl-Unjoni Ewropea, kemm f’dak li jirrigwarda l-akkwist pubbliku b’mod ġenerali kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u dawk postali. Ġiet inkluża wkoll proposta ġdida għal Direttiva dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, li s’issa kienu regolati parzjalment biss fuq livell Ewropew.

1.2   L-appoġġ għall-adozzjoni tal-Opinjoni INT/570 dwar il-“Green Paper dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku – Lejn Suq Ewropew tal-Akkwist iżjed effiċjenti” kien kważi assolut, kif jidher fir-riżultat tal-votazzjoni. Għalhekk, il-Kumitat irid iżomm l-istess prinċipji u fehmiet f’din l-Opinjoni. Dan ma żammx milli din l-Opinjoni tieħu dan il-kunsens wiesa’ bħala bażi sabiex dawn il-prinċipji u l-fehmiet ippreżentati jiġu żviluppati, billi issa għandna quddiemna proposti leġislattivi speċifiċi u konkreti.

1.3   Il-KESE jenfasizza l-importanza li jitqiesu l-aspetti innovattivi, ambjentali u soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020 għall-akkwist pubbliku.

1.4   B’mod speċifiku ġew proposti l-promozzjoni tal-kwalità u l-innovazzjoni fl-akkwist pubbliku, it-tnaqqis tal-burokrazija bla bżonn, l-inklużjoni ta’ aspetti ambjentali u soċjali (favur il-protezzjoni tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll favur il-persuni b’diżabbiltà u gruppi żvantaġġati oħra) u l-promozzjoni tal-użu tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża meta mqabbla mal-aktar prezz baxx, li għandu jkun l-eċċezzjoni u mhux ir-regola. Dan kollu sabiex, fost diversi għanijiet, tingħata preferenza lil akkwist pubbliku iktar intelliġenti u effiċjenti, tiġi enfasizzata l-ħtieġa għall-professjonaliżmu akbar, tiżdied il-parteċipazzjoni tal-SMEs, inklużi l-impriżi soċjali, jiġu miġġielda l-favoritiżmu, il-frodi u l-korruzzjoni, u jiġu promossi kuntratti pubbliċi transkonfinali Ewropej. Il-KESE huwa favur l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja, fid-dawl tal-bżonn li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli.

1.5   Il-KESE jemmen li l-użu ta’ proċeduri tal-akkwist komuni fuq livell Ewropew jiżgura aktar trasparenza u oġġettività. Fi kwalunkwe każ, il-proposti jippermettu lil kull Stat Membru flessibilità amministrattiva konsiderevoli biex jadatta l-proċeduri u l-għodod għas-sitwazzjonijiet speċifiċi tiegħu. Dawn il-fatturi kollha, flimkien mal-kwalità u l-professjonaliżmu, mingħajr dubju huma ta’ benefiċċju għall-istess ċittadini u għall-interess ġenerali tagħhom.

1.6   Minn diskussjonijiet fit-tul dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali (SIĠ) ħarġet il-konklużjoni li dawn mhumiex akkwisti per se, iżda servizzi pprovduti minn awtoritajiet jew f’isimhom. Il-KESE jikkonferma għal darb’oħra li l-awtoritajiet kontraenti huma ħielsa għalkollox li jwettqu l-funzjonijiet kollha tagħhom jew parti minnhom huma stess jew inkella li jesternalizzaw dawk il-kompiti li jqisu xierqa.

1.7   Il-KESE jerġa’ jikkonferma l-appoġġ tiegħu għall-għoti tal-kuntratti riżervati lill-workshops protetti għall-persuni b’diżabbiltà u lill-impriżi soċjali li jimpjegaw gruppi żvantaġġati oħra, bil-għan li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għall-ġid ta’ kulħadd u fl-interess tal-inklużjoni soċjali.

1.8   Ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tinsab fl-offerti tal-impriżi għandhom jiġu msaħħa.

1.9   L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fejn huwa meħtieġ, għandhom jitwessgħu sabiex jinkludu l-karatteristiċi ta’ produzzjoni u tal-proċess. Dan għandu jissemplifika u jagħmel iżjed trasparenti l-ambitu li għandhom l-awtoritajiet kontraenti sabiex ikunu jieħdu deċiżjonijiet importanti rigward il-promozzjoni ta’ objettivi sostenibbli, inklużi s-sostenibilità ambjentali, l-infurzar tal-ftehimiet kollettivi, l-istandards tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-prinċipju ta’ paga indaqs għall-istess xogħol.

1.10   Anke fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-KESE jqis pożittiv ħafna l-obbligu li dawn jitfasslu b’mod li jikkunsidraw, ħlief għal każijiet ġustifikati kif dovut, il-kriterji ta’ aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà kif ukoll id-disinn għall-utenti kollha.

1.11   Fir-rigward tar-raġunijiet għall-esklużjoni tal-Artikolu 55(3) tal-proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku, huwa pożittiv li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu mill-kuntratti lil dawk l-offerenti li ma jikkonformawx mal-obbligi skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-liġi soċjali, tax-xogħol jew ambjentali, jew mad-dispożizzjonijiet internazzjonali tal-liġi soċjali u ambjentali elenkati fl-Anness XI tagħha. Iżda huwa wkoll evidenti li għandu jiġi ddikjarat espliċitament li jistgħu jiġu esklużi wkoll meta dawn ma jikkonformawx mal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru, skont il-każ, fil-qasam soċjali, tax-xogħol jew ambjentali, u l-ftehimiet kollettivi fis-seħħ fil-post fejn jitwettaq ix-xogħol, jingħata s-servizz jew issir il-provvista. Fi kwalunkwe każ, il-KESE jemmen li dawn l-esklużjonijiet għal dawn ir-raġunijiet għandhom ikunu obbligatorji.

1.12   Kif diġà ntqal fl-Opinjoni preċedenti INT/570 tal-KESE, huwa meħtieġ li l-Artikolu 57 tal-proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku jitlob b’mod espliċitu li l-offerenti jiddikjaraw li huma jissodisfaw “il-leġislazzjoni applikabbli f’kull Stat individwali fejn tidħol l-integrazzjoni fid-dinja tax-xogħol tal-persuni b’diżabbiltà, pereżempju fis-sens tal-obbligu li jiġi rreklutat għadd jew perċentwali speċifiku ta’ persuni b’diżabbiltà fil-pajjiżi fejn il-liġi tistabbilixxi tali obbligu”. Loġikament dan ma jkunx meħtieġ fil-pajjiżi fejn ma jkunx jeżisti dan l-obbligu.

1.13   Kif indikat ukoll fl-Opinjoni INT/570, il-Konvenzjoni tal-ILO C94 dwar il-Klawżoli tax-Xogħol (kuntratti konklużi mal-awtoritajiet pubbliċi) tal-1949 issa hija vinkolanti f’għaxar Stati Membri, għad li xi Stati Membri oħra, inkluża l-Irlanda japplikaw fuq bażi volontarja l-Konvenzjoni fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi. Il-KESE jieħu nota tal-prinċipji inklużi fil-Konvenzjoni u jissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jirratifikaw il-Konvenzjoni u japplikaw il-prinċipji tagħha.

1.14   Il-KESE jemmen li qed jibqgħu jinżammu l-prominenza u l-użu eċċessiv tal-kriterju tal-għoti ta’ kuntratt għall-“aktar prezz baxx” jew “l-aktar spiża baxxa”. L-użu eċċessiv ta’ dan il-kriterju jxekkel l-innovazzjoni u t-tfittxija ta’ kwalità ogħla u relazzjoni aħjar bejn il-kwalità u l-prezz, skont kif mitlub mill-Istrateġija Ewropa 2020, u mhux bilfors ifisser aktar valur. Għaldaqstant, l-użu tal-kriterju tal-iktar prezz baxx għandu dejjem ikun l-eċċezzjoni aktar milli r-regola.

1.15   Il-KESE jemmen li d-dispożizzjonijiet dwar is-sottokuntrattar iridu jissaħħu. Livelli multipli ta’ sottokuntrattar joħolqu diffikultajiet fl-infurzar tal-ftehimiet kollettivi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-proċeduri tas-saħħa u s-sigurtà. L-awtoritajiet pubbliċi jridu jingħataw iżjed flessibbiltà biex jużaw l-influwenza tagħhom sabiex il-kuntratt jilħaq l-objettivi soċjali, ambjentali u ta’ kwalità. Id-dettalji relatati mas-sottokuntratturi prinċipali għandhom jiġu ddikjarati qabel ma jingħata l-kuntratt, u l-awtorità pubblika għandha tkun ċara dwar ir-responsabbiltajiet u l-obbligi sabiex tkun tista’ tissorvelja u tikkontrolla b’mod effettiv il-kuntratt. Iridu jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi meħtieġa sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jevalwaw u jirrifjutaw sottokuntratturi speċifiċi meta jkollhom xi tħassib dwarhom.

1.16   Il-KESE huwa favur li tinżamm id-differenza bejn is-servizzi-A u s-servizzi-B sakemm ikun hemm ċertezza legali u l-possibbiltà li jiġu estiżi l-kuntratti transkonfinali tas-servizzi-B. Fl-Opinjoni INT/570 diġà kienet ġiet irrakkomandata valutazzjoni perjodika tal-lista tas-servizzi-B mill-Kummissjoni, sabiex jiġi stabbilit jekk xi servizzi-B jistgħux, b’mod vantaġġuż, jiġu mibdula f’servizzi-A. Fi kwalunkwe każ, il-KESE jinsab imħasseb fir-rigward tad-diversi kuntratti ta’ servizz pubbliku li qabel kienu inklużi fil-lista tas-servizzi-B u li issa tneħħew mill-Anness XVI u mill-Anness XVII, skont il-każ, tal-proposti. Dawn l-Annessi jelenkaw is-servizzi li tapplika għalihom il-proċedura regolata fl-Artikoli 74 sa 76 jew 84 sa 86 taż-żewġ proposti. Min-naħa l-oħra, il-KESE jħoss li għandha titneħħa r-referenza għas-servizzi reliġjużi u għal dawk ipprovduti minn trejdjunjins li bħalissa huma inklużi fl-Anness XVI u fl-Anness XVII tal-proposti.

1.17   Il-KESE josserva li għad hemm dubji konsiderevoli dwar il-bżonn ta’ Direttiva tal-UE dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni u jfakkar fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-modernizzazzjoni tal-akkwist pubbliku (2011/2048(INI)) fejn ġie meqjus li “kull proposta għall-att leġiżlattiv dwar konċessjonijiet tas-servizzi tkun ġustifikata biss f’każ li tintuża biex issewwi d-distorsjonijiet fil-funzjonament tas-suq intern; jindika li t-tali distorsjonijiet għadhom ma ġewx identifikati”. Il-KESE jappella biex titwettaq valutazzjoni tal-impatt sħiħa addizzjonali qabel ma dawn il-proposti jitħallew javvanzaw.

1.18   Il-KESE jqis li s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ta’ spiss ikunu soġġetti għal regolamenti speċifiċi, nazzjonali u tal-UE li għandhom l-għan li jassiguraw li dawn ikunu aċċessibbli, jintlaħqu mill-but ta’ kulħadd u ta’ kwalità, jassiguraw it-trattament indaqs u l-aċċess universali, is-sigurtà u d-drittijiet tal-utenti, regoli li għandhom jitfakkru u jiġu garantti mill-proposta. B’konformità mal-Protokoll dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali tat-Trattat ta’ Lisbona, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom iżommu d-diskrezzjoni wiesgħa tagħhom sabiex jiddeċiedu dwar il-mod kif għandhom jorganizzaw u jipprovdu dawn is-servizzi u jiddefinixxu l-karatteristiċi tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-objettivi tagħhom ta’ interess ġenerali.

1.19   L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu ġustament jagħżlu li jwettqu ċerti kuntratti pubbliċi in house (bil-mezzi proprji tagħhom) jew li jikkooperaw ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra kif jirrikonoxxu t-Trattati Ewropej u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u b’rispett tal-prinċipji tat-trasparenza.

1.20   Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti mekkaniżmi nazzjonali ta’ superviżjoni fl-Istati Membri għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-akkwist pubbliku.

2.   Ħarsa ġenerali lejn il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea

2.1   L-awtoritajiet pubbliċi kull sena jonfqu madwar 18 % tal-PDG fuq prodotti, servizzi u xogħlijiet. F’dawn iż-żminijiet ta’ limitazzjonijiet baġitarji, il-politika tal-akkwist pubbliku għandha tiżgura l-użu ottimu ta’ dawn il-fondi sabiex jiġu appoġġjati t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u għalhekk tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

2.2   Il-ġenerazzjoni attwali ta’ Direttivi dwar l-akkwist pubbliku hija l-prodott ta’ evoluzzjoni twila li bdiet fl-1971 bl-adozzjoni tad-Direttiva 71/305/KEE (1). Evalwazzjoni ekonomika komprensiva wriet li d-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku laħqu l-għanijiet tagħhom b’mod konsiderevoli. Madankollu, għad hemm bżonn ta’ avvanzi konsiderevoli sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sostenibbiltà soċjali u ambjentali. Huwa veru li dawn wasslu għal aktar trasparenza, livelli ogħla ta’ kompetizzjoni u prezzijiet aktar baxxi, iżda għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-impjiegi u l-kundizzjonijiet tal-pagi u tax-xogħol, sabiex dan ma jikkompromettix l-għanijiet ta’ tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u r-rekwiżiti soċjali u ambjentali orizzontali stabbiliti fit-Trattat ta’ Lisbona.

2.3   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-possibbiltà li f’dan il-qasam tiġi analizzata l-virtwalità jew l-importanza li jista’ jkollhom il-persuni li jaħdmu għal rashom li huma ekonomikament dipendenti (2).

2.4   Il-partijiet interessati talbu li jiġu riveduti d-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku sabiex jiġu ssemplifikati r-regoli, tiżdied l-effiċjenza u l-effikaċja tagħhom u jsiru aktar adatti biex jindirizzaw il-kuntest politiku, soċjali u ekonomiku li qed jevolvi.

2.5   Ir-reviżjoni tad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku hija parti minn programm ġenerali li għandu l-għan li jimmodernizza b’mod estensiv is-sistema tal-akkwist fl-Unjoni Ewropea, kemm f’dak li jirrigwarda l-akkwist pubbliku b’mod ġenerali kif ukoll f’dak li jirriggwarda l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u dawk postali. Ir-riforma tal-leġislazzjoni dwar l-akkwist pubbliku hija waħda mit-tnax-il azzjoni stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar L-Att dwar is-Suq Uniku: tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja, adottata f’April 2011.

2.6   Ġiet inkluża wkoll proposta ġdida għal Direttiva dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, li s’issa kienu regolati parzjalment biss mil-liġi sekondarja fuq livell Ewropew. Madankollu, diversi organizzazzjonijiet, kemm tan-negozju kif ukoll tat-trejdjunjins, u ta’ diversi partijiet politiċi bħall-awtoritajiet pubbliċi, diġà esprimew oppożizzjoni ċara għal din il-proposta, minħabba li għandhom dubju dwar kemm din il-proposta tista’ tagħti aktar ċertezza legali u tirrispetta kif xieraq ir-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiddeċiedu skont il-prerogattivi tagħhom mogħtija mit-Trattati Ewropej.

2.7   Bħala regola ġenerali kemm għall-akkwist pubbliku kif ukoll għall-kuntratti ta’ konċessjoni, il-KESE huwa sodisfatt li l-Kummissjoni qieset in-natura speċifika tas-servizzi soċjali u qed tipproponi proċedura semplifikata. Madankollu jiddispjaċih li għad m’hemmx demarkazzjoni preċiża bejn “għoti ta’ kuntratti” u “konċessjoni”, minn naħa, u t-tipi l-oħra ta’ kif jiġu perċeputi l-kompiti pubbliċi u partikolarment dawk soċjali, min-naħa l-oħra. Il-KESE għaldaqstant jipproponi li fiż-żewġ Direttivi jiddaħħal il-kontenut li ġej: “Il-proċeduri tal-Istati Membri, li abbażi tagħhom il-fornituri tas-servizzi kollha li jissodisfaw kundizzjonijiet legali determinati minn qabel, irrispettivament mill-forma legali tagħhom u b’konformità mal-prinċipji tat-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni, huma awtorizzati jipprovdu s-servizz tagħhom, m’għandhomx jitqiesu bħala konċessjonijiet ta’ servizzi jew għoti tal-akkwist pubbliku.”

3.   Opinjoni INT/570 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “Lejn Suq Ewropew tal-Akkwist iżjed effiċjenti”

3.1   Nhar is-27 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku – Lejn Suq Ewropew tal-Akkwist iżjed effiċjenti, COM(2011) 15 final.

3.2   Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ġunju 2011.

3.3   Matul is-sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-Opinjoni tiegħu INT/570 dwar il-Green Paper imsemmija b’164 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

3.4   L-appoġġ għall-adozzjoni ta’ din l-Opinjoni kien kważi assolut, kif jidher fir-riżultati tal-votazzjoni.Għalhekk, fl-opinjoni l-ġdida l-Kumitat irid iżomm l-istess prinċipji u fehmiet, l-ewwel nett peress li ma kien hemm xejn ġdid li jwassal li dawn jinbidlu, u t-tieni nett, peress li għandhom jinżammu l-istess maġġoranza u spirtu ta’ kooperazzjoni lejn il-ġid komuni li wasslu biex il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kollu jaqbel mal-Opinjoni preċedenti. Dan ma jimpedixxix li, fuq il-bażi ta’ dan il-kunsens kbir, dawn il-prinċipji u fehmiet ippreżentati jiġu żviluppati, billi issa għandna quddiema proposti leġislattivi speċifiċi u konkreti.

3.5   F’din l-Opinjoni INT/570, il-KESE diġà wera li jilqa’ b’mod favorevoli d-dibattitu mibdi mill-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha bil-għan li tiġi modernizzata l-politika tal-akkwist pubbliku tal-UE, sabiex tkun aktar effiċjenti fil-kuntest ta’ suq uniku iktar operattiv, innovattiv, ekoloġiku u soċjali.

3.6   F’din l-Opinjoni, fost diversi għanijiet oħra, ġew proposti wkoll il-promozzjoni tal-kwalità u l-innovazzjoni fl-akkwist pubbliku, it-tnaqqis tal-burokrazija bla bżonn, l-inklużjoni ta’ aspetti ambjentali u soċjali (favur il-protezzjoni tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll favur il-persuni b’diżabbiltà u gruppi żvantaġġati oħra), il-promozzjoni tal-użu tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża meta mqabbla mal-aktar prezz baxx, sabiex tingħata preferenza lil akkwist pubbliku iktar intelliġenti u effiċjenti, il-ħtieġa għall-professjonaliżmu akbar, iż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-SMEs, inklużi l-impriżi soċjali, il-ġlieda kontra l-favoritiżmu, il-frodi u l-korruzzjoni, jew il-promozzjoni ta’ kuntratti transkonfinali Ewropej fl-akkwist pubbliku.

4.   Proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku, COM(2011) 896 final u Proposta għal Direttiva dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali, COM(2011) 895 final

4.1   Ir-riforma proposta għandha l-għan li timmodernizza fil-fond l-għodod u l-istrumenti eżistenti sabiex dawn jiġu aktar adatti għall-evoluzzjoni tal-kuntest politiku, soċjali u ekonomiku. Għal din ir-raġuni ġie meqjus li huwa neċessarju, abbażi tal-istess Trattati tal-Unjoni Ewropea, li jkun hemm distinzjoni bejn Direttiva għall-akkwist pubbliku u oħra indipendenti għall-akkwist għall-entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali.

4.2   Ir-riforma tal-Kummissjoni Ewropea għandha żewġ għanijiet komplementari:

iżżid l-effiċjenza tan-nefqa pubblika sabiex ikunu żgurati l-aħjar riżultati possibbli tal-akkwist f’termini ta’ rabta bejn il-kwalità u l-prezz. Dan jimplika, b’mod partikolari, is-semplifikazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku eżistenti. Proċeduri semplifikati u aktar effiċjenti ser ikunu ta’ benefiċċju għall-operaturi ekonomiċi kollha u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-SMEs u l-offerenti transkonfinali;

tippermetti lix-xerrejja jagħmlu użu aħjar mill-akkwist pubbliku b’appoġġ għall-miri soċjali komuni bħall-protezzjoni tal-ambjent, effiċjenza ogħla fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-promozzjoni tal-innovazzjoni, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali u l-iżgurar tal-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-għoti ta’ servizzi soċjali ta’ kwalità għolja.

4.3   Il-KESE jemmen li l-użu ta’ proċeduri tal-akkwist komuni fuq livell Ewropew jiżgura aktar trasparenza u oġġettività, u jagħmilha diffiċli li jsiru favoritiżmi fl-għotjiet. Fi kwalunkwe każ, il-proposti jippermettu lil kull Stat Membru flessibilità amministrattiva konsiderevoli biex jadatta l-proċeduri u l-għodod għas-sitwazzjonijiet speċifiċi tiegħu. Dawn il-fatturi kollha, flimkien ma’ dawk tal-kwalità u l-professjonaliżmu, mingħajr dubju huma ta’ benefiċċju għall-istess ċittadini u għall-interess ġenerali tagħhom.

4.4   Il-kunċett ta’ korp regolat mil-liġi pubblika mhuwiex ċar. Għandu jiġi ċċarat iktar il-kunċett ta’ korp pubbliku li jinsab fl-Artikolu 2 taż-żewġ proposti għal Direttivi (akkwist pubbliku u akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali).

4.5   Il-KESE jikkunsidra li l-livelli limiti stabbiliti fl-Artikoli 4 u 12 tal-proposti għall-implimentazzjoni taż-żewġ Direttivi huma adatti.

4.6   Minn diskussjonijiet fit-tul dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali (SIĠ) ħarġet il-konklużjoni li dawn mhumiex kuntratti pubbliċi per se, iżda servizzi pprovduti minn awtoritajiet jew f’isimhom. Il-KESE jikkonferma għal darba oħra li l-awtoritajiet kontraenti huma ħielsa għalkollox li jwettqu l-funzjonijiet kollha tagħhom jew parti minnhom huma stess jew inkella li jesternalizzaw dawk il-kompiti li jqisu xierqa. Bl-istess mod jeħtieġ li jitqiesu s-sistemi tal-Istati Membri li jirrispettaw il-prinċipji tal-opportunitajiet indaqs, in-nondiskriminazzjoni u t-trasparenza stabbiliti fil-leġislazzjoni primarja tal-UE u li jinkludu dritt ġenerali ta’ aċċess għall-prestazzjoni tas-servizzi. Is-SIĠ (3) stess m’għandux jaqa’, għalhekk, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, iżda kwalunkwe esternalizzazzjoni jew kuntratt relatat magħha, mogħti minn awtorità kontraenti jew f’isimha, għandha tkun b’mod ċar soġġetta għad-Direttiva.

L-Artikolu 14 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 26 dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali jirrikonoxxu n-natura speċifika u l-importanza tas-servizzi pubbliċi u l-poter ta’ diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jiddeċiedu kif jiġu pprovduti, ikkummissjonati u organizzati dawn is-servizzi. Dan jinkludi l-provvista ta’ servizzi mill-awtorità stess jew permezz ta’ kooperazzjoni pubblika-pubblika. Huwa essenzjali li jiġu żgurati livell għoli ta’ kwalità, sigurtà u aċċessibbiltà ekonomika, it-trattament ugwali u l-promozzjoni tal-aċċess universali u d-drittijiet tal-utenti. Dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati fil-proposti għal Direttivi kollha relatati mal-akkwist pubbliku.

4.7   Id-Direttivi m’għandhomx jistipulaw dak li awtorità kontraenti għandha jew m’għandhiex takkwista jew testernalizza, iżda għandhom ikunu limitati li jistabbilixxu l-proċeduri applikabbli għal dan l-akkwist jew l-esternalizzazzjoni. Il-KESE jemmen li din il-libertà ta’ azzjoni m’għandhiex tiġi limitata. Fi kwalunkwe każ dan għandu jsir b’mod trasparenti u proporzjonat, mingħajr ma jsiru abbużi jew attivitajiet qarrieqa.

4.8   L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu ġustament jagħżlu li jwettqu ċerti kuntratti pubbliċi in house (bil-mezzi proprji tagħhom) jew li jikkooperaw ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra kif jirrikonoxxu t-Trattati Ewropej u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u b’rispett tal-prinċipji tat-trasparenza.

4.9   Ir-regoli ġenerali dwar l-operaturi ekonomiċi msemmija fl-Artikoli 16 u 30 taż-żewġ proposti għal Direttivi huma korretti għaliex jiffavorixxu l-parteċipazzjoni tal-SMEs, li dejjem għandhom jirrispettaw l-istandards soċjali u ambjentali.

4.10   Il-KESE jerġa’ jikkonferma l-appoġġ tiegħu indikat fl-Opinjoni tiegħu INT/570 għall-għoti tal-kuntratti riżervati lill-workshops protetti għall-persuni b’diżabbiltà u lill-impriżi soċjali li jimpjegaw gruppi żvantaġġati oħra, bil-għan li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għall-ġid taċ-ċittadini kollha u fl-interess tal-inklużjoni soċjali. Il-KESE josserva li l-Artikoli 17 u 31 tal-proposti wessgħu l-iskop previst fil-Premessa 28 u fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/18/KE sabiex issa jkunu jinkludu l-persuni żvantaġġati. F’dan il-kuntest, il-KESE jissuġġerixxi li l-proposti jisseparaw iż-żewġ aspetti b’dan il-mod:

“L-Istati Membri jistgħu jirriżervaw id-dritt li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal:

a)

workshops protetti jew jipprovdu li l-kuntratti jitwettqu fil-kuntest ta’ programmi ta’ xogħol protett, sakemm il-maġġoranza tal-impjegati kkonċernati huma persuni b’diżabbiltà li, minħabba n-natura jew is-serjetà tad-diżabbiltajiet tagħhom, ma jistgħux iwettqu attività professjonali taħt kundizzjonijiet normali jew li mhux faċli għalihom li jsibu impjieg fis-suq normali;

b)

impriżi soċjali jew programmi li l-għan ewlieni tagħhom huwa l-integrazzjoni soċjali u professjonali tal-ħaddiema żvantaġġati, b’kundizzjoni li aktar minn 30 % tal-impjegati ta’ dawk l-atturi ekonomiċi jew programmi huma ħaddiema żvantaġġati. Is-sejħa għall-offerti għandha tagħmel referenza għal din id-dispożizzjoni.”

Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-proposti għandhom jipprovdu b’mod espliċitu għall-għoti obbligatorju ta’ numru jew perċentwali speċifiku ta’ dawn il-kuntratti f’dawk l-Istati Membri fejn dan ikun iġġustifikat, pereżempju jekk ikun hemm numru sostanzjali ta’ persuni b’diżabbiltà li huma kapaċi jaħdmu iżda li jibqgħu inattivi.

4.11   Fi kwalunkwe każ, il-KESE jikkunsidra li l-proposti għandhom jinkludu dispożizzjoni, fir-rigward tal-kuntratti riżervati, li tgħid li dawn il-workshops protetti u l-operaturi ekonomiċi li l-għan prinċipali tagħhom huwa l-integrazzjoni soċjali u professjonali tal-ħaddiema b’diżabbiltà jew żvantaġġati “għandhom ikunu promossi u kkontrollati primarjament minn entitajiet mhux għal profitt”, li jkompli jiġġustifika iktar dan l-aċċess preferenzjali u privileġġjat għall-appoġġi mill-gvern.

4.12   Ir-regoli tal-Artikoli 18 u 32 taż-żewġ proposti dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tinsab fl-offerti tal-impriżi għandhom jiġu msaħħa, speċjalment fil-każijiet fejn tintuża l-proċedura ta’ djalogu kompetittiv. Il-KESE jikkunsidra li huwa essenzjali li l-awtoritajiet kontraenti ma jiżvelawx l-informazzjoni ddikjarata kunfidenzjali pprovduta mill-operaturi ekonomiċi, iżda lanqas ma għandhom jiżvelaw informazzjoni oħra pprovduta sakemm ma jkunx hemm raġuni tajba għal dan. Bl-istess mod, l-awtoritajiet kontraenti m’għandhomx jużaw din l-informazzjoni tal-operaturi ekonomiċi fi proċeduri kompetittivi differenti.

4.13   Ir-regoli dwar il-proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar fl-Artikolu 27 tal-proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku mhumiex ċari; hemm ir-riskju li taħt il-kopertura ta’ dawn in-negozjati jistgħu jiġu invokati prattiki oħra mhux mixtieqa. Għalhekk jista’ jkun aħjar kieku din il-proċedura titneħħa mill-proposta għal Direttiva, jew jekk dan mhuwiex possibbli, għall-inqas għandhom jiġu stabbiliti kriterji ċari għall-użu ristrett ta’ din il-proċedura bil-għan li tiġi evitata kull forma ta’ abbuż f’dan it-tip ta’ użu.

4.14   Fl-offerti kollha, iżda speċjalment fil-proċedura ta’ djalogu kompetittiv, għandha tiġi protetta l-proprjetà intellettwali tal-offerenti taħt iċ-ċirkostanzi kollha.

4.15   Il-KESE jqis li minħabba l-kumplessità u t-tul li normalment huma assoċjati mal-proċedura ta’ djalogu kompetittiv koperta mill-Artikolu 28 tal-proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku, l-użu potenzjali tagħha għandu jiġi limitat aktar għall-każijiet fejn huwa verament xieraq. Kif jindika l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2004/18/KE attwali, dan huwa fil-każ ta’ kuntratti partikolarment kumplessi fejn l-awtorità kontraenti tqis li l-użu tal-proċeduri miftuħa jew ristretti ma jippermettix l-għoti tal-kuntratt; tista’ tiġi eżaminata wkoll il-possibbiltà li jiġi stabbilit żmien massimu għall-għoti ta’ kuntratt.

4.16   Il-KESE jaqbel mar-regolazzjoni tal-proċedura ta’ sħubija għall-innovazzjoni permezz tal-Artikoli 29 u 43 taż-żewġ proposti, peress li regolament strett wisq fil-prattika jipprojbixxi l-użu tiegħu. Għall-istess raġuni, din il-proċedura għandha tkun flessibbli fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

4.17   L-użu ta’ ftehimiet qafas (l-Artikoli 31 u 45 taż-żewġ proposti) m’għandux iwassal għal tnaqqis fil-prezz bla bżonn li jista’ jfixkel il-kwalità tax-xogħlijiet, prodotti u servizzi. Fi kwalunkwe każ, huwa rikonoxxut ukoll li regolamentazzjoni xierqa tal-ftehimiet qafas tista’ wkoll tippromovi l-kunsiderazzjoni tal-għanijiet ta’ sostenibbiltà u ta’ titjib tal-kwalità permezz ta’ dispożizzjonijiet li jiggarantixxu s-sigurtà tal-investiment.

4.18   Ir-regoli dwar l-irkantijiet elettroniċi tal-Artikoli 33 u 47 tal-proposti jiffavorixxu l-iktar prezz baxx b’mod esaġerat. L-użu ġeneralizzat tagħhom imur kontra l-proposti rilevanti f’dan ir-rigward magħmula mill-KESE kemm f’din l-Opinjoni kif ukoll fl-Opinjoni preċedenti INT/570. Dan jista’ wkoll jikkawża ħsara serja lill-impriżi Ewropej meta mqabbla ma’ oħrajn f’pajjiżi terzi bi spejjeż ferm irħas. Għalhekk l-użu tagħhom għandu jsir bil-kawtela li hemm bżonn.

4.19   Bħalma diġà huwa indikat fl-Opinjoni INT/570, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fejn huwa meħtieġ, għandhom jitwessgħu sabiex jinkludu l-karatteristiċi ta’ produzzjoni u dawk tal-proċess. Dan għandu jissemplifika u jagħmel iżjed trasparenti l-ambitu li għandhom l-awtoritajiet kontraenti sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet importanti rigward il-promozzjoni ta’ objettivi sostenibbli, inklużi s-sostenibilità ambjentali, l-infurzar tal-ftehimiet kollettivi, l-standards tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-prinċipju ta’ paga indaqs għall-istess xogħol. Il-każ tal-elettriku ekoloġiku huwa eżempju ċar ta’ kif u għalfejn il-karatteristiċi tal-produzzjoni għandhom jiġu inklużi bħala speċifikazzjonijiet tekniċi u mhux jiġu ddegradati għal kundizzjonijiet ta’ prestazzjoni biss (ara s-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2003, EVN u Wienstrom, C-448/01, Rec. P. I-14527).

4.20   Anke fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-KESE jqis pożittiv ħafna li, fl-Artikoli 40(1) u 54(1) taż-żewġ proposti, hemm l-obbligu li jitqiesu, għajr f’każijiet ġustifikati sew, il-kriterji ta’ aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà kif ukoll id-disinn għall-utenti kollha. L-espressjoni “għajr f’każijiet ġustifikati sew” tissostitwixxi t-terminu użat mid-Direttiva 2004/18/KE fejn tintuża l-espressjoni “fejn hu possibbli”, u b’dan il-KESE jqis li issa, b’mod ċar, qiegħda titpoġġa enfasi akbar fuq in-natura obbligatorja tal-bżonn li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jqisu l-kriterji ta’ aċċessibilità u ta’ disinn għal kulħadd. Minkejja dan, il-KESE jemmen li sabiex dan l-obbligu jissaħħaħ b’mod ċar, għandu jiġi indikat li anke dawn il-każijiet ġustifikati jridu jkunu eċċezzjonali, u għalhekk jipproponi li t-terminoloġija li għandha tintuża fl-Artikoli 40 u 54 tal-proposti tkun “għajr, eċċezzjonalment, f’każijiet ġustifikati sew”.

4.21   F’dak li jirrigwarda t-tikketti msemmija fl-Artikoli 41 u 55 taż-żewġ proposti u l-Premessi 28 u 36 rispettivament, ir-regoli mhumiex kompletament konsistenti peress li fil-Premessi 28 u 36 hu speċifikat li “l-awtoritajiet kontraenti li jixtiequ jixtru xogħlijiet, provvisti jew servizzi b’karatteristiċi ambjentali, soċjali jew karatteristiċi oħrajn (…)” iżda mbagħad, fost il-partijiet interessati jiġu kkwotati biss l-organizzazzjonijiet ambjentali iżda mhux l-organizzazzjonijiet soċjali, u għalhekk għandha ssir korrezzjoni sabiex dawn jiġu inklużi. Din l-inklużjoni għandha ssir ukoll fit-test tal-Artikoli 41(1)(c) u 55(1)(c), fejn l-organizzazzjonijiet soċjali tħallew barra wkoll.

4.22   Jista’ jiġi inkluż ukoll paragrafu ġdid fl-Artikoli 41 u 55 tal-proposti, fejn minħabba l-karatteristiċi speċjali tat-tikketti u l-għan iddikjarat tagħhom, għandu jiġi nnotat li “l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jirrikjedu jew jevalwaw b’mod pożittiv it-tikketti li jiċċertifikaw il-konformità mal-kriterji trasversali tal-għoti ta’ natura soċjali u ambjentali, għalkemm mhux neċessarjament marbuta direttament mal-għan tal-kuntratt”.

4.23   Fir-rigward tal-varjanti koperti fl-Artikoli 43 u 58 taż-żewġ proposti, il-KESE jemmen li minflok ma jitħallew biss meta jkun ipprovdut espliċitament, ikun aktar xieraq li s-sottomissjoni ta’ dawn il-varjanti fl-offerti tkun dejjem awtorizzata ħlief meta tkun espressament ipprojbita, peress li dan iwassal għal aktar promozzjoni u titjib fl-innovazzjoni tal-offerti.

4.24   Kif ġie indikat fl-Opinjoni INT/570, il-KESE huwa favur akkwist pubbliku b’kundizzjonijiet indaqs, li jippermetti lill-SMEs li “jiżguraw ‘sehem ġust’ tal-kuntratti pubbliċi”, iżda mhuwiex favur li jiġu introdotti miżuri ta’ diskriminazzjoni pożittiva b’rabta mal-SMEs, peress li fost affarijiet oħra jistgħu jwasslu għal kostruzzjoni artifiċjali u, għalhekk, każijiet possibbli ta’ korruzzjoni. Madankollu, il-qsim possibbli tal-kuntratti f’lottijiet, dejjem jekk ikun prattiku, kif ipprovdut fl-Artikoli 44 u 59 taż-żewġ proposti huwa pożittiv, għaliex dan iwassal għal opportunitajiet aktar ċari u aċċessibbli għall-SMEs.

4.25   Madankollu, għandhom jiġu stabbiliti regoli ċari rigward id-diviżjoni tal-kuntratti f’lottijiet sabiex ikun garantit li l-offerenti kollha magħżula tad-diversi lottijiet jirrispettaw ir-regoli soċjali u ambjentali u tiġi evitata kompetizzjoni inġusta bejn l-impriżi. Min-naħa tiegħu, il-KESE jikkunsidra li r-rekwiżit li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħhom li ma jaqsmux il-kuntratti f’lottijiet mhuwiex prattiku u lanqas mhuwa konsistenti mas-semplifikazzjoni tal-proċeduri tal-akkwist. Bl-istess mod, il-KESE jemmen li r-regola li tillimita n-numru ta’ lottijiet li jistgħu jiġu offruti jew mogħtija hija kkumplikata mingħajr bżonn u li preferibbilment titneħħa mill-proposta.

4.26   Fir-rigward tar-raġunijiet għall-esklużjoni tal-Artikolu 55(3) tal-proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku, huwa pozittiv li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu mill-kuntratti lil dawk l-offerenti li ma jikkonformawx mal-obbligi skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-liġi soċjali, tax-xogħol jew ambjentali, jew mad-dispożizzjonijiet internazzjonali tal-liġi soċjali u ambjentali elenkati fl-Anness XI tagħha. Iżda huwa wkoll evidenti li għandu jiġi ddikjarat espliċitament li jistgħu jiġu esklużi wkoll meta dawn ma jikkonformawx mal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru, skont il-każ, fil-qasam soċjali, tax-xogħol jew ambjentali u l-ftehimiet kollettivi fis-seħħ fil-post fejn jitwettaq ix-xogħol, jingħata s-servizz jew issir il-provvista. Fi kwalunkwe każ, il-KESE jemmen li dawn l-esklużjonijiet għal dawn ir-raġunijiet għandhom ikunu obbligatorji.

4.27   Inkella, dawn l-obbligi li l-ksur tagħhom jista’ jwassal għall-esklużjoni, ikunu limitati għal ċerti parametri ġeneriċi wisq u mhux konkreti ħafna, bħal dawk li jinsabu fid-dispożizzjonijiet tal-Anness XI tal-proposta jew fil-leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni.

4.28   Kif indikat ukoll mill-KESE fl-Opinjoni INT/570, il-Konvenzjoni tal-ILO C94 dwar il-Klawżoli tax-Xogħol (kuntratti konklużi mal-awtoritajiet pubbliċi) tal-1949 issa hija vinkolanti f’għaxar Stati Membri, għad li xi Stati Membri oħra, inkluża l-Irlanda, japplikaw fuq bażi volontarja l-Konvenzjoni fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi. Il-KESE jieħu nota tal-prinċipji inklużi fil-Konvenzjoni u jissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom jitħeġġu sabiex jirratifikaw il-Konvenzjoni u japplikaw il-prinċipji tagħha.

4.29   Sabiex tiġi vverifikata il-konformità tal-obbligi soċjali u ambjentali, ikun meħtieġ li fl-Artikolu 57(1) tal-proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku jkun hemm ir-rekwiżit għal dikjarazzjoni mill-partijiet interessati li dawn jissodisfaw dawn l-obbligi soċjali u ambjentali, bħala evidenza preliminari tal-konformità. L-għan ikun li jgħinu lill-impriżi (u b’mod aktar konkret lill-SMEs) jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti mingħajr ma jżidu l-piż burokratiku tagħhom.

4.30   Għal dawn il-finijiet, u kif diġà ntqal fl-Opinjoni preċedenti INT/570 tal-KESE, huwa meħtieġ li l-Artikolu 57 tal-proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku jitlob b’mod espliċitu li l-offerenti jiddikjaraw li huma jissodisfaw “il-leġislazzjoni applikabbli f’kull Stat individwali fejn tidħol l-integrazzjoni fid-dinja tax-xogħol tal-persuni b’diżabbiltà, pereżempju fis-sens tal-obbligu li jiġi rreklutat għadd jew perċentwali speċifiku ta’ persuni b’diżabbiltà fil-pajjiżi fejn il-liġi tistabbilixxi tali obbligu”. Loġikament dan ma jkunx meħtieġ fil-pajjiżi fejn ma jkunx jeżisti dan l-obbligu.

4.31   Kif intqal ukoll f’din l-Opinjoni, ikun kuntrarju għal-leġislazzjoni Ewropea u nazzjonali li l-awtoritajiet pubbliċi jidħlu f’kuntratti ma’ entitajiet li ma jirrispettawx il-leġislazzjoni fis-seħħ. Barra minn hekk, jekk isir mod ieħor, ikunu qed jikkostitwixxu trattament diskriminatorju u inġust mal-impriżi li jissodisfaw dan l-obbligu legali filwaqt li jkun qed jingħata vantaġġ arbitrarju lil dawk li ma jagħmlux dan, u jista’ saħansitra joħloq kompetizzjoni inġusta mill-kumpaniji li ma jissodisfawx dan fir-rigward ta’ dawk li jikkonformaw.

4.32   Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-kriterji għall-għażla tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża jibqgħu marbuta mal-għan tal-kuntratt, għalkemm din ir-rabta għandha tkun aktar flessibbli sabiex ikunu jistgħu jiġu inklużi kriterji soċjali u ambjentali aktar effettivi promossi mill-Istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll l-impenji ta’ tkabbir aktar sostenibbli.

4.33   Il-KESE jqis li ż-żewġ proposti għal Direttiva (l-Artikoli 66 u 76) ikomplu jagħmlu użu eċċessiv mill-kriterji tal-għoti ta’ kuntratt għall-“aktar prezz baxx” jew “l-aktar spiża baxxa”. Fl-Opinjoni preċedenti tiegħu, il-KESE diġà ddikjara li dan l-użu eċċessiv jimpedixxi l-innovazzjoni u l-insegwiment ta’ kwalità ogħla u relazzjoni aħjar bejn il-kwalità u l-prezz, skont kif mitlub mill-Istrateġija Ewropa 2020, u mhux bilfors ifisser aktar valur. Għalhekk, l-użu tal-kriterju tal-aktar prezz baxx għandu dejjem ikun l-eċċezzjoni u mhux ir-regola.

4.34   F’dan il-kuntest għandu jiżdied l-użu tal-kriterju tal-“aktar offerta ekonomikament vantaġġuża”, sabiex tiġi evalwata s-sostenibbiltà tal-aktar offerta vantaġġuża kemm mil-lat ekonomiku kif ukoll f’termini ambjentali u soċjali. B’hekk il-kriterji tal-għoti jkunu jistgħu jikkunsidraw ukoll dawn l-aspetti b’mod wiesa’, immaġinattiv u mhux restrittiv permezz ta’ aċċettazzjoni usa’ tar-rabta tagħhom mal-għan tal-kuntratt u b’valutazzjoni bbilanċjata b’rabta mal-kriterji l-oħra.

4.35   B’mod konkret, fost il-kriterji relatati mal-għan tal-kuntratt li jistgħu jintużaw biex jiddeterminaw l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża għandhom jiġu inklużi espliċitament (l-Artikoli 66(2) u 76(2) taż-żewġ proposti) “karatteristiċi relatati mal-kundizzjonijiet ta’ impjieg li għandhom l-għan li jipproteġu s-saħħa tal-ħaddiema jew li jippromovu l-integrazzjoni soċjali tal-persuni żvantaġġati jew b’diżabbiltà fost il-persuni assenjati biex iwettqu l-kuntratt”, peress li dan jinsab fil-Premessi (41 u 47 rispettivament) tal-proposti għal Direttivi tal-akkwist, iżda li mhux miżjud fit-test tagħhom.

4.36   Huwa xieraq ukoll il-kunċett tal-ispiża taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott, servizz jew xogħol stabbilit fid-Direttiva. Fi kwalunkwe każ, f’dawn l-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja definiti fl-Artikoli 67 u 77 tal-proposti għandhom jiġu inklużi wkoll l-ispejjeż soċjali relatati. Il-metodu għall-kalkolu tal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja jrid jingħata mill-awtorità kontraenti u jrid ikun kumpatibbli mal-SMEs.

4.37   L-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-offerti li jkunu baxxi wisq fir-rigward tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi, u għandhom jiġu investigati kif xieraq. Il-KESE diġà wissa li meta l-prezzijiet ta’ offerta jkunu ferm inqas minn dawk mitluba minn offerenti oħra, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jitolbu spjegazzjoni dwar il-prezzijiet mitluba. Jekk l-offerent ma jkunx jista’ jagħti spjegazzjoni suffiċjenti, l-awtorità kontraenti għandha tkun tista’ tirrifjuta l-offerta. Il-KESE jqis li huwa pożittiv li skont l-Artikoli 69(4) u 79(4) tal-proposti, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jirrifjutaw l-offerta meta din ma tissodisfax l-obbligi stabbiliti mil-leġislazzjoni fil-qasam soċjali, tax-xogħol jew ambjentali, iżda jqis li din il-leġislazzjoni m’għandhiex tkun limitata għal dik tal-Unjoni jew il-lista fl-Annessi XI u XIV, skont kull proposta, iżda għandhom jinkludu l-leġislazzjoni nazzjonali f’dawn l-oqsma.

4.38   Il-KESE jemmen li d-dispożizzjonijiet dwar is-sottokuntrattar iridu jissaħħu. Livelli multipli ta’ sottokuntrattar joħolqu diffikultajiet fl-infurzar tal-ftehimiet kollettivi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-proċeduri ta’ saħħa u sikurezza. L-awtoritajiet pubbliċi jridu jingħataw iżjed flessibbiltà biex jużaw l-influwenza tagħhom sabiex il-kuntratt jilħaq l-objettivi soċjali, ambjentali u ta’ kwalità. Id-dettalji relatati mas-sottokuntratturi prinċipali għandhom jiġu ddikjarati qabel ma jingħata l-kuntratt, u l-awtorità pubblika għandha tkun ċara dwar ir-responsabbiltajiet u l-obbligi sabiex tkun tista’ tissorvelja u tikkontrolla b’mod effettiv il-kuntratt. Iridu jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi meħtieġa sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jevalwaw u jirrifjutaw sottokuntratturi speċifiċi meta jkollhom xi tħassib dwarhom. Min-naħa l-oħra, għandha tingħata attenzjoni lir-regoli dwar is-sottokuntrattar peress li l-possibbiltà li l-awtorità kontraenti tittrasferixxi direttament l-ammonti dovuti lis-sottokuntratturi tista’ twassal għal aktar problemi bejn l-impriżi u bejn l-awtoritajiet kontraenti stess.

4.39   Il-KESE huwa favur li tinżamm id-differenza bejn is-servizzi-A u s-servizzi-B sakemm ikun hemm ċertezza legali u l-possibbiltà li jiġu estiżi l-kuntratti transkonfinali tas-servizzi-B. Fl-Opinjoni INT/570 diġà kienet ġiet irrakkomandata valutazzjoni perjodika tal-lista tas-servizzi-B mill-Kummissjoni, sabiex jiġi stabbilit jekk xi servizzi-B jistgħux, b’mod vantaġġuż, jiġu mibdula f’servizzi A. Fi kwalunkwe każ, il-KESE jinsab imħasseb fir-rigward tad-diversi kuntratti ta’ servizz pubbliku li qabel kienu inklużi fil-lista tas-servizzi-B u li issa tneħħew mill-Anness XVI u mill-Anness XVII, skont il-każ, tal-proposti. Dawn l-Annessi jelenkaw is-servizzi li tapplika għalihom il-proċedura regolata fl-Artikoli 74 sa 76 jew 84 sa 86 taż-żewġ proposti.

4.40   Għandha titneħħa r-referenza għas-servizzi reliġjużi u għal dawk ipprovduti minn trejdjunjins li bħalissa huma inklużi fl-Anness XVI u fl-Anness XVII tal-proposti.

4.41   Indipendentement minn dan, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-applikazzjoni ta’ proċedura semplifikata għas-servizzi soċjali u servizzi speċjali oħra, iż-żieda fil-limiti u d-diskrezzjoni wiesgħa li ngħatat lill-Istati Membri għall-introduzzjoni tal-proċeduri rilevanti, peress li huwa primarjament fil-qasam tas-servizzi personali li l-liġi proċedurali applikabbli għandha tipprova tikseb bilanċ bejn il-prinċipji tal-kompetizzjoni mnaqqxa fil-liġi primarja u r-rekwiżiti tal-liġi soċjali.

4.42   Fir-rigward tar-regoli dwar il-governanza stabbiliti fid-Direttiva, il-KESE jemmen li huma previsti wisq miżuri li diffiċli jiġu applikati fil-prattika, li jistgħu jwasslu biex l-intenzjonijiet tajba li jinsabu fiha fl-aħħar mill-aħħar ma jiġux applikati.

4.43   Fi kwalunkwe każ, f’dak li jirrigwarda s-sorveljanza pubblika msemmija fl-Artikoli 84 u 93 taż-żewġ proposti u fir-rigward tar-rapport annwali relatat, huwa meqjus importanti li dan ir-rapport annwali jinkludi wkoll paragun annwali bejn il-prezzijiet offruti u l-ispiża reali tal-kuntratti li diġà twettqu, kif ukoll indikazzjoni dwar id-dħul tal-fornituri barranin fiż-żona Ewropea fil-qasam tal-kuntratti tal-akkwist annwali li jingħataw kull sena mill-awtoritajiet kontraenti.

4.44   Il-KESE juri t-tħassib tiegħu li l-Kummissjoni Ewropea neħħiet l-Artikolu 27 mid-Direttiva attwali dwar id-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tal-impjieg, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ambjent. Fl-Artikoli 87 u 96 taż-żewġ proposti hemm dispożizzjoni ħafna iktar dgħajfa dwar dan il-punt importanti. It-test tal-Artikolu 27 attwali għandu jerġa’ jiġi inkluż totalment. Għandu japplika wkoll għas-sottokuntratturi u l-katina tal-provvista kollha.

5.   Proposta għal Direttiva dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, COM(2011) 897 final

5.1   Il-proposta għal Direttiva dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni tirregola l-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni bejn entità li normalment tkun pubblika u impriża li ta’ spiss tkun privata, fejn din tal-aħħar tassumi r-riskju ta’ funzjonament fir-rigward tal-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-infrastruttura (portijiet, distribuzzjoni tal-ilma, parkeġġi, toroq bil-pedaġġ, eċċ.) jew il-provvista ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (enerġija, saħħa, distribuzzjoni u trattament tal-ilma, rimi ta’ skart, eċċ.). Il-proposta tkopri l-kuntratti ta’ konċessjoni kollha, kemm għax-xogħlijiet kif ukoll għas-servizzi, iżda tonqos milli tiddistingwixxi biżżejjed il-karatteristiċi tagħhom; tindirizza biss il-konċessjonijiet ta’ xogħlijiet u servizzi pubbliċi inġenerali, iżda ma tirriflettix in-natura speċifika tal-konċessjonijiet ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li la huma “swieq” u lanqas “akkwisti” iżda mod kif il-ġestjoni tas-servizzi ta’ interess ġenerali tiġi delegata u, frekwentement, mezz addizzjonali biex jiġu ffinanzjati attivitajiet ġodda tas-servizzi ta’ interess ġenerali deċiżi mill-awtoritajiet pubbliċi.

5.2   Il-KESE josserva li għad hemm dubji konsiderevoli dwar il-bżonn ta’ Direttiva tal-UE dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni u jfakkar fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-modernizzazzjoni tal-akkwist pubbliku (2011/2048(INI)) fejn ġie meqjus li “kull proposta għall-att leġiżlattiv dwar konċessjonijiet tas-servizzi tkun ġustifikata biss f’każ li tintuża biex issewwi d-distorsjonijiet fil-funzjonament tas-suq intern; jindika li t-tali distorsjonijiet għadhom ma ġewx identifikati”. Il-KESE jappella li titwettaq valutazzjoni tal-impatt sħiħa addizzjonali qabel ma dawn il-proposti jitħallew javvanzaw. Il-KESE huwa tal-fehma li, fil-maġġorparti, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ċċarat l-applikazzjoni tal-prinċipji tat-Trattat relatati mat-trattament ugwali, in-nondiskriminazzjoni u t-trasparenza fl-għoti tal-kuntratti ta’ konċessjoni. Kif ġie ċċarat mill-Qorti, dawn il-prinċipji japplikaw għall-għoti ta’ konċessjoni għat-tipi kollha ta’ servizzi b’interess transkonfinali inklużi s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

5.3   Minkejja li l-konċessjonijiet huma definiti fid-Direttiva 2004/18/KE bħala kuntratt bl-istess karatteristiċi ta’ kuntratt pubbliku, ħlief għall-fatt li l-kunsiderazzjoni għax-xogħlijiet jew is-servizzi li għandhom jitwettqu tikkonsisti jew fid-dritt li jiġi sfruttat ix-xogħol jew is-servizz biss jew f’dan id-dritt flimkien mal-pagament, il-KESE jinnota li l-konċessjonijiet huma sostanzjalment differenti mill-kuntratti pubbliċi peress li l-konċessjonarju huwa meqjus bħala dak li jassumi riskju konsiderevoli ta’ operat tas-servizz li għandu jiġi pprovdut u li jkun espost għall-inċertezzi tas-suq. Dan huwa wkoll il-każ għal ċerti konċessjonijiet li japplikaw soluzzjonijiet imsejħa “peaġġi fittizji” (shadow tolls) fejn il-konċessjonarju huwa mħallas mill-awtorità kontraenti abbażi tal-użu tas-servizzi mill-konsumaturi. Għalhekk, regoli mfassla speċifikament għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi mhumiex adatti għall-għoti tal-konċessjonijiet u jistgħu wkoll jiddiswadu lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-operaturi ekonomiċi milli jipparteċipaw f’dawn l-arranġamenti.

5.4   Il-KESE jfakkar fl-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jistabbilixxi li “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 93, 106 u 107 ta’ dan it-Trattat, u meta tikkonsidra l-post okkupat mis-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fil-valuri komuni tal-Unjoni kif ukoll tar-rwol tagħhom li jippromwovu l-koeżjoni soċjali u territorjali, l-Unjoni u l-Istati Membri, skond il-poteri rispettivi tagħhom u fl-ambitu tal-applikazzjoni tat-Trattati, għandhom jieħdu ħsieb li dawk is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kondizzjonijiet, b’mod partikolari ekonomiċi u finanzjarji, li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom”.

5.5   Il-KESE jqis li s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali normalment ikunu soġġetti għal regolamenti speċifiċi, nazzjonali u tal-UE li għandhom l-għan li jassiguraw li dawn ikunu aċċessibbli, jintlaħqu mill-but ta’ kulħadd u ta’ kwalità, jassiguraw it-trattament indaqs u l-aċċess universali, is-sigurtà u d-drittijiet tal-utenti, regoli li għandhom jitfakkru u jiġu garantti minn din il-proposta. B’konformità mal-Protokoll dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, introdott mit-Trattat ta’ Lisbona, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom iżommu d-diskrezzjoni wiesgħa tagħhom sabiex jiddeċiedu dwar il-mod kif għandhom jorganizzaw u jipprovdu dawn is-servizzi u jiddefinixxu l-karatteristiċi tagħhom, inklużi l-kundizzjonijiet relatati mal-kwalità jew il-prezz tas-servizzi, sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-objettivi tagħhom ta’ interess ġenerali. Dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu b’mod ħieles il-kriterji ta’ għoti – soċjali, ambjentali u ta’ kwalità – li skonthom huma l-aktar adegwati fir-rigward tal-għan tal-kuntratt. Fl-ebda każ m’għandhom l-awtoritajiet pubbliċi jkunu obbligati li jilliberalizzaw jew jesternalizzaw il-provvista tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kontra r-rieda tagħhom jew l-aħjar ġudizzju. Il-KESE jappella li jitfakkar b’mod ċar li r-regoli ta’ kompetizzjoni u s-suq intern jiġu applikati għall-impriżi responsabbli mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ġenerali, b’konformità mal-Artikolu 106 tat-TFUE, jiġifieri fil-limitu li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma timpedixxix, bil-fatt jew bil-liġi, l-infurzar tal-kompiti speċifiċi assenjati lilhom.

5.6   L-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu kapaċi jikkooperaw sabiex iwettqu l-kompiti ta’ interess pubbliku li jingħatawlhom billi jużaw ir-riżorsi amministrattivi, tekniċi jew oħrajn, mingħajr ma jkunu obbligati li jirrikorru għall-entitajiet esterni li ma jiffurmawx parti mill-istruttura tagħhom. Arranġamenti bħal dawn ma jikkwalifikawx bħala konċessjonijiet u għalhekk, il-proposta għal Direttiva dwar il-konċessjonijiet għandha teskludihom b’mod ċar mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti. Bl-istess mod, ċerti konċessjonijiet mogħtija lill-intrapriżi affiljati mal-entitajiet kontraenti u li l-attività prinċipali tagħhom hija l-provvista tas-servizzi lill-grupp li huma parti minnu jew il-konċessjonijiet li jingħataw mill-entità kontraenti lil intrapriża komuni magħmula minn numru ta’ entitajiet kontraenti bil-għan li jwettqu l-attivitajiet koperti minn din id-Direttiva (bħas-servizzi relatati mal-baħar u mal-port) u li tagħha hija parti dik l-entità, m’għandhomx ikunu koperti mir-regoli proposti.

5.7   L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu ġustament jagħżlu li jwettqu ċerti kuntratti pubbliċi in house (bil-mezzi proprji tagħhom) jew li jikkooperaw ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra kif jirrikonoxxu t-Trattati Ewropej u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u b’rispett tal-prinċipji tat-trasparenza.

5.8   Għal dan kollu, f’dak li jirrigwarda l-konċessjonijiet mogħtija lil impriża assoċjata, għandu jkun hemm regoli stretti sabiex din is-sistema ma tiġix abbużata u sabiex il-proċedura tal-għoti tkun trasparenti.

5.9   B’konformità mal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, ir-rekwiżiti mandatorji relatati mal-interess ġenerali fis-settur tal-attivitajiet tal-logħob tal-azzard, li jwasslu għall-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku u l-konsumaturi min-naħa tal-Istati Membri, jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet għall-prinċipji tat-Trattat li jirregolaw l-għoti ta’ konċessjonijiet. Għalhekk huwa xieraq li mill-ambitu ta’ din id-Direttiva jiġu esklużi l-konċessjonijiet ta’ attivitajiet ta’ logħob tal-azzard li jingħataw lil operatur fuq il-bażi ta’ dritt esklużiv li jgawdi dan l-operatur skont il-liġi nazzjonali fis-seħħ jew att amministrattiv li ngħata skont it-Trattat u l-verdetti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, peress li dritt esklużiv bħal dan jagħmilha impossibbli li jiġi segwit proċess kompetittiv għal konċessjoni bħal din. Għal din ir-raġuni, il-KESE jqis li jkun tajjeb li l-Artikolu 8(5) tal-proposta, li jirreferi għall-eklużjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għal ċerti konċessjonijiet ta’ servizzi, ikun jinkludi “attivitajiet ta’ logħob tal-azzard li jimplikaw ammont ta’ riskju permezz ta’ sehem ta’ valur monetarju fil-logħob tal-azzard, inklużi l-lotteriji u l-imħatri”.

5.10   Fil-proposta għal Direttiva, aspetti bħad-definizzjoni tal-konċessjonijiet, it-trasferiment tar-riskji għall-operatur privat jew il-modifika tal-konċessjonijiet matul il-perjodu tagħhom u t-tmiem tagħhom, iridu jiġu definiti b’tali mod li ma jinbidlux f’ostakli għall-finanzjament jew l-iżvilupp ta’ dawn it-tipi ta’ kuntratti, minħabba li, fid-dawl tal-pjani attwali ta’ aġġustament u r-restrizzjoni tal-investiment pubbliku li hemm fl-ekonomiji tal-Istati Membri, għandhom jaqdu rwol kbir bħala mod kif iqajmu l-attività u joħolqu l-impjiegi.

5.11   Il-metodi stabbiliti għall-kalkolu tal-valur tal-kuntratti ta’ konċessjoni għandhom ikunu ssemplifikati u razzjonalizzati aktar sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali. Minkejja l-fatt li l-metodu għall-kalkolu tal-valur tax-xogħlijiet huwa wieħed stabbilit sew u familjari, il-KESE jqis li għandu jiġi applikat biss metodu wieħed sabiex jiġi stmat il-valur tat-tipi kollha ta’ konċessjonijiet. F’dan il-kuntest, il-KESE jappella għal metodu bbażat fuq l-introjtu stmat tal-konċessjonarju (ħieles mit-taxxi) għall-perjodu kollu ta’ dik il-konċessjoni speċifika waqt li jitqies kemm l-ammont tax-xogħlijiet kif ukoll il-valur stmat tal-provvista meħtieġa sabiex jitwettaq ix-xogħol fil-ħin tal-offerta.

5.12   Huwa propost li, sabiex tissaħħaħ il-kunfidenzjalità tal-impriżi offerenti, id-Direttiva għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kontraenti jkunu responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità ma’ dawn l-obbligi.

Brussell, 26 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU L 185, 16.8.1971, p. 5, Opinjoni tal-KESE: ĠU 63, 13.4.1965, p. 929 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  ĠU C 18, 19.1.2011, p. 44-52.

(3)  Ara l-Artikoli 14 u 106 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 26.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

I.   L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 39(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):

a)   Punt 4.21

Ħassar il-punt u ibdel bit-test li ġej:

“4.21

Raġuni

Evidenti.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

77

Kontra

99

Astensjonijiet

20

b)   Punt 4.26

Ibdel it-test kif ġej:

“4.26

Fir-rigward tar-raġunijiet għall-esklużjoni tal-Artikolu 55(3) tal-proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku, huwa pozittiv li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu mill-kuntratti lil dawk l-offerenti li ma jikkonformawx mal-obbligi skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-liġi soċjali, tax-xogħol jew ambjentali, jew mad-dispożizzjonijiet internazzjonali tal-liġi soċjali u ambjentali elenkati fl-Anness XI tagħha. Iżda huwa wkoll evidenti li għandu jiġi ddikjarat espliċitament li jistgħu jiġu esklużi wkoll meta dawn ma jikkonformawx mal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru, skont il-każ, fil-qasam soċjali, tax-xogħol jew ambjentali . Fi kwalunkwe każ, il-KESE jemmen li dawn l-esklużjonijiet għal dawn ir-raġunijiet għandhom ikunu obbligatorji.”

Raġuni

Il-konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti fl-oqsma soċjali, ambjentali u tal-impjieg hija biżżejjed sabiex tiggarantixxi proċedura korretta, peress li tinkludi l-ftehimiet kollettivi ġenerali li jkunu validi. Il-frażi “(i)l-ftehimiet kollettivi fis-seħħ fil-post fejn jitwettaq ix-xogħol, jingħata s-servizz jew issir il-provvista” hija ambigwa u tista’ tiġi interpretata f’sens estensiv ħafna. Il-ftehimiet kollettivi konklużi bejn dawk li jħaddmu u l-impjegati f’intrapriża partikolari jikkonċernaw lil dawn iż-żewġ partijiet u mhumiex applikabbli għal terzi persuni.

Barra minn hekk, l-opinjoni mhix konsistenti f’dan il-punt. Fis-Sezzjoni Speċjalizzata INT, ġie propost li jiġi inkluż il-kunċett tal-ftehmiet kollettivi f’diversi emendi, però dan inċaħad għall-punt 4.38 filwaqt li ġie aċċettat għall-punt 4.26 u, konsegwentement, għall-punt 1.11.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

78

Kontra

110

Astensjonijiet

16

c)   Punt 4.32

Ibdel it-test kif ġej:

“4.32

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-kriterji għall-għażla tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża jibqgħu marbuta mal-għan tal-kuntratt. ”

Raġuni

Huwa essenzjali li tinżamm ir-rabta diretta bejn il-kriterji tal-għażla tal-offerta u s-suġġett tal-kuntratt, sabiex tiġi assigurata t-trasparenza u jiġu evitati deċiżjonijiet arbitrarji.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

78

Kontra

116

Astensjonijiet

13

d)   Punt 4.35

Ħassar it-test kif ġej:

Raġuni

Peress li l-leġislazzjoni attwali dwar is-saħħa u s-sigurtà u l-integrazzjoni soċjali tal-persuni b’diżabbiltà hija applikabbli b’mod vinkolanti għall-kumpaniji, m’hemm l-ebda bżonn li dawn il-fatturi jiġu inklużi bħala kriterji għall-għoti tal-kuntratt.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

81

Kontra

119

Astensjonijiet

7

e)   Punt 4.38

Ibdel it-test kif ġej:

“4.38

Raġuni

Il-leġislazzjoni tal-UE fil-qasam tal-akkwist pubbliku m’għandhiex tintuża għar-regolazzjoni ta’ kwistjonijiet marbutin mat-twettiq tal-kuntratti, peress li dawn għandhom jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, mhuwiex xieraq li d-dispożizzjonijiet dwar is-sottokuntrattar jiġu stabbiliti abbażi tal-leġislazzjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

80

Kontra

114

Astensjonijiet

21

f)   Punt 1.15

Ibdel it-test kif ġej:

“1.15

Raġuni

Il-leġislazzjoni tal-UE fil-qasam tal-akkwist pubbliku m’għandhiex tintuża għar-regolazzjoni ta’ kwistjonijiet marbutin mat-twettiq tal-kuntratti, peress li dawn għandhom jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, mhuwiex xieraq li d-dispożizzjonijiet dwar is-sottokuntrattar jiġu stabbiliti abbażi tal-leġislazzjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

80

Kontra

114

Astensjonijiet

21

II.   Dan il-punt tal-opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata ġie mmodifikat biex jirrifletti l-emenda adottata mill-Assemblea, iżda rċieva aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

a)   Punt 5.8

“5.8

Għal dan kollu, f’dak li jirrigwarda l-konċessjonijiet mogħtija lil impriża assoċjata, għandu jkun hemm regoli stretti sabiex din is-sistema ma tiġix abbużata, u b’hekk jiġu esklużi mis-suq il-kuntratti ta’ konċessjoni li għandhom jingħataw taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni totali.”

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

126

Kontra

71

Astensjonijiet

22


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/97


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Politika Kriminali tal-UE: L-iżgurar ta’ implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali”

COM(2011) 573 final

2012/C 191/17

Relatur: is-Sur DE LAMAZE

Nhar l-20 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Politika Kriminali tal-UE: L-iżgurar ta’ implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali

COM(2011) 573 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Marzu 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar il-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 131 vot favur, l-ebda voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jappoġġja l-għan tal-Komunikazzjoni li tipprevedi l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-UE fil-qasam tal-politika kriminali li ngħatatilha skont l-Artikolu 83(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fis-setturi armonizzati l-ġodda. B'hekk, l-UE jista' jkollha għodda effikaċi biex ittejjeb u iżżid l-applikazzjoni tal-politiki tagħha, sabiex jitkomplew l-avvanzi ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tal-2005 u taż-żewġ Direttivi tal-2008 u l-2009 li kellhom l-għan li jistabbilixxu leġislazzjoni kriminali ambjentali.

1.2   Bla dubju, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija pass 'il quddiem għax għall-ewwel darba l-UE qed tipproponi li tiddefinixxi politika li tagħti direzzjoni lill-azzjoni tagħha fil-materji kriminali. Il-KESE jemmen li dan għandu jingħata appoġġ politiku kbir.

1.3   B'referenza għall-avvanzi legali msemmijin hawn fuq, il-KESE jixtieq qabel kollox ifakkar li x-xewqa li jiġi żgurat li l-politiki tal-Unjoni jitwettqu mhijiex biżżejjed biex tiġġustifika rikors għal-liġi kriminali, peress li t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni legali Ewropew huwa soġġett għar-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

1.4   Minħabba n-natura punittiva u li tinfama tas-sanzjonijiet kriminali, il-kriminalizzazzjoni ta’ Stat Membru imposta mill-Unjoni għal ċerta mġiba għandha tkun l-aħħar mezz (“ultima ratio”). Id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ politika tal-UE, li jikkompromettu l-effikaċja tal-politika m'għandhomx ikunu biżżejjed biex jiġġustifikaw ir-rikors għal-liġi kriminali. L-imġiba inkwistjoni għandha tkun ta’ ksur serju ta’ interess meqjus bħala fundamentali.

1.5   Il-KESE jqis li l-proġett tal-Kummissjoni jirrikjedi l-ewwel identifikazzjoni ċara ta’ x'jista' jkopri l-kunċett ta’ interess ġenerali definit fil-livell Ewropew. Attwalment dan il-kunċett ma jeżistix fil-liġi iżda huwa neċessarju biex jiġġustifika li jiġu imponuti sanzjonijiet kriminali definiti fil-livell tal-UE fuq iċ-ċittadini tal-UE. L-interess tal-konsumaturi waħdu mhuwiex biżżejjed biex jiġġustifika r-rikors għal miżuri bħal dawn.

1.6   B'mod iktar ġenerali, il-KESE jappella biex jiġi eżaminat kif id-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet soċjali, fil-futur jistgħu jiġu mħarsa mis-sanzjonijiet kriminali definiti fil-livell tal-UE u għandha tingħata kunsiderazzjoni ta’ kif dawn jistgħu jiġu armonizzati fl-Istati Membri differenti. Billi d-definizzjoni tal-inkriminazzjonijiet u tas-sanzjonijiet tista' tvarja minn Stati Membru għal ieħor sal-punt li tippreġudika d-drittijiet fundamentali billi tikser il-prinċipji tal-proporzjonalità u ċ-ċertezza legali, il-KESE jemmen li f'dawn il-każijiet l-armonizzazzjoni tal-kwistjonijiet kriminali tkun neċessarja.

1.7   Id-deċiżjoni li jiġu adottati dispożizzjonijiet kriminali Ewropea ġodda fil-livell Ewropew għandha qabel kollox tkun ġustifikata permezz ta’ valutazzjoni tal-impatt li ssir f'kooperazzjoni mal-esperti fl-Istati Membri differenti li tqis b'mod partikolari studju komparattiv ibbażat fuq il-liġi tas-sistemi responsabbli għall-implimentazzjoni tar-regolamentazzjoni inkwistjoni fil-livell tal-Istati Membri u valutazzjoni tal-ħtieġa li jittejjeb l-istat tad-dritt li turi l-bżonn li din id-dispożizzjoni l-ġdida tiġi applikata fil-livell Ewropew.

1.8   Fi kliem ieħor, il-valutazzjoni għandha tagħti xhieda tal-bżonn ta’ standard Ewropew fil-qasam tal-pieni b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (rekwiżit tal-ultima ratio) tas-sanzjoni kriminali fir-rigward tan-nuqqas inkwistjoni. Il-KESE huwa sodisfatt li huwa f'dan l-ispirtu li l-Kummissjoni qed tippjana li twessa' l-azzjoni tal-UE fil-materji kriminali.

1.9   Il-KESE jqis li l-effikaċja u l-impatt tal-liġi kriminali stabbilita fil-livell Ewropew fuq id-drittijiet fundamentali għandha tiġi soġġetta għal valutazzjoni xjentifika u indipendenti li hija komponent indispensabbli tal-valutazzjoni minn qabel tal-impatt.

1.10   Il-KESE jqis li huwa kruċjali li jiġi definit il-kontenut ta’ politika ta’ armonizzazzjoni f'materji kriminali b'mod partikolari b'relazzjoni ma’ jekk din hix intenzjonata li tarmonizza d-definizzjonijiet u s-sanzjonijiet u r-reati.

1.11   Il-KESE jqis li r-regoli minimi implimentati fil-livell tal-UE m'għandhomx jinterferixxu fid-definizzjoni tal-kategoriji ta’ ksur mill-awtoritajiet nazzjonali, li barra minn hekk hija marbuta mas-sistema ġudizzjarja tagħhom, u li għandu jitħalla f'idejhom li jiddefinixxu l-istrateġija tagħhom tal-infurzar f'konformità stretta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

1.12   Il-KESE jenfasizza li, fi kwalunkwe każ, l-armonizzazzjoni progressiva tar-regoli sostanzjali tal-liġi kriminali ser tkun tista' sseħħ biss b'mod organiku abbażi ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-infurzar (ministeri tal-ġustizzja u prosekuturi) u l-awtoritajiet ġudizzjarji. Din il-kooperazzjoni għandha tiġi garantita permezz ta’ baġit speċifiku. Din l-armonizzazzjoni madanakollu mhux ser tneħħi l-eteroġeneità tar-regoli nazzjonali dwar il-proċeduri kriminali, b'mod partikolari fil-qasam tal-garanzija speċifika tad-drittijiet tad-difiża (pereżempju l-appelli). Barra minn hekk, il-kwistjonijiet proċedurali ma jaqgħux taħt din il-komunikazzjoni. Għaldaqstant, il-proċedimenti kriminali u l-prattiki tas-sistemi ta’ infurzar differenti jwasslu għal varjazzjonijiet li l-leġislatur Ewropew mhuwiex qed jipprevedi. F'dawn il-kundizzjonijiet, il-KESE jemmen li hu partikolarment importanti li l-prosekutur Ewropew futur ikun responsabbli li jsegwi fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu l-armonizzazzjoni progressiva tal-leġislazzjonijiet kriminali nazzjonali li abbażi tagħhom ser isiru proċeduri ġudizzjarji.

1.13   Barra minn hekk, il-KESE jqis li għandha ssir riflessjoni dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni legali li bħalissa għadha ma ġietx aċċettata mill-Istati Membri kollha. Din l-inugwaljanza quddiem il-liġi titlob diskussjoni b'mod prijoritarju, peress li għadd kbir ta’ ksur fil-qasam ekonomiku, soċjali u ambjentali jsir mill-intrapriżi industrijali u kummerċjali.

1.14   It-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni kriminali Ewropew jitlob qabel kollox li ssir diskussjoni fuq is-suġġetti li ġejjin:

il-preferenza tal-liġi kriminali fuq sistemi oħra kollha ta’ prevenzjoni u rimedju, bħar-reġimi ta’ sanzjonijiet amministrattivi, inklużi dawk fiskali, u t-triq tal-azzjonijiet kollettivi (class action) kif ukoll il-medjazzjoni;

l-identifikazzjoni tal-livell adegwat għas-sanzjoni, li jrid jiġi definit fil-livell Ewropew, li mingħajrha f'ħafna leġislazzjonijiet fejn tapplika, il-liġi kriminali tkun inqas dissważiva;

ir-rwol tal-Eurojust u r-rwol tal-prosekutur Ewropew futur.

1.15   Fl-aħħar nett, il-KESE jemmen li d-diskussjoni dwar il-prinċipju tat-twessigħ tal-liġi kriminali Ewropea tmur id f'id ma’ oħra dwar ir-rispett tad-drittijiet għad-difiża li huma inqas protetti barra mill-qafas legali li joffri l-proċess kriminali. Sabiex it-twessigħ taż-żona kriminali Ewropea jkun effettiv, irid ikun hemm tisħiħ tad-drittijiet tad-difiża, speċjalment fil-qafas tal-Eurojust u l-Europol. Dawn id-drittijiet għandhom jiġu garantiti b'mod effettiv fil-prattika u għal kull ċittadin tal-UE. Huwa biss b'dan il-mod li l-liġi kriminali Ewropea ser tissodisfa r-rekwiżit tar-rispett tad-drittijiet fundamentali mnaqqax fit-Trattati (l-Artikolu 67(1) u l-Artikolu 83(3) tat-TFUE).

2.   Kontenut tal-Komunikazzjoni

2.1   Il-Kummissjoni temmen li fis-settur finanzjarju kif ukoll fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-protezzjoni tal-euro u l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, l-azzjoni tal-UE f'materji kriminali hija rikonoxxuta bħala waħda meħtieġa biex tissaħħaħ l-applikazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE.

2.2   Hija tappella biex issir valutazzjoni tan-neċessità li l-azzjonijiet jiġu estiżi għall-oqsma li ġejjin: it-trasport bit-triq, il-protezzjoni tad-data, ir-regoli tad-dwana, il-protezzjoni tal-ambjent, il-politika tas-sajd u l-politiki marbutin mas-suq intern (falsifikazzjoni, korruzzjoni, akkwist pubbliku). Din il-lista ma tinkludix kollox.

2.3   Il-bażi legali għal din l-azzjoni tal-UE hija l-Artikolu 83(2) tat-TFUE li jipprevedi li “jekk l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri f'materji kriminali tkun indispensabbli sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni effiċjenti ta’ politika tal-Unjoni f'qasam li kien suġġett għall-miżuri ta’ armonizzazzjoni”, titqies il-possibbiltà li jiġu stabbiliti “regoli minimi fir-rigward tad-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam ikkonċernat”.

2.4   Filwaqt li t-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi bażi legali li tiffaċilita l-adozzjoni ta’ direttivi fil-materji ta’ liġi kriminali, minbarra d-drittijiet fundamentali garantiti mill-Karta u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali dawn id-direttivi għandhom jirrispettaw b'mod strett il-prinċipji fundamentali tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u r-rikors għal-liġi kriminali għandu jsir, kif tgħid il-Komunikazzjoni, bħala l-aħħar mezz (“ultima ratio”).

2.5   Fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u kif tispjega l-Komunikazzjoni, huwa biss jekk l-Istati Membri ma jkunux kapaċi jinfurzaw il-liġi tal-UE jew jekk ifeġġu diverġenzi sinifikanti fil-qasam bejn l-Istati Membri li jwasslu għal inkonsistenzi fl-implimentazzjoni tagħha, li l-UE tista' tintervjeni.

2.6   B'konformità mar-rekwiżiti tal-ultima ratio, il-Kummissjoni tistqarr li l-għażla bejn is-sanzjonijiet kriminali u dawk amministrattivi ser tkun abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt dettaljata. F'dan il-kompitu jgħinuha grupp ta’ esperti u dawn jipprovdu wkoll interpretazzjoni ta’ ċerti kunċetti bażiċi tal-liġi kriminali (“sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi”, “każijiet minuri” jew “għajnuna u kompliċità”).

2.7   Il-Kummissjoni tevalwa l-valur miżjud ta’ azzjoni mill-UE fil-qasam tal-liġi kriminali rigward l-erba' għanijiet li ġejjin:

li jiġi mħeġġeġ il-moviment ħieles tal-persuni u tax-xiri transkonfinali (permezz ta’ standards minimi marbutin mad-drittijiet proċedurali).

li tiġi evitata l-eżistenza ta’ “żoni ta’ kenn”.

li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-kooperazzjoni bejn is-servizzi ta’ infurzar.

il-prevenzjoni u s-sanzjonar tal-ksur serju ta’ liġijiet tal-Unjoni (ambjent, ġlieda kontra x-xogħol illegali, eċċ.).

2.8   Il-Komunikazzjoni ma tmissx mal-miżuri li, skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE jistgħu jiġu adottati biex jingħelbu r-reati mniżżlin fil-lista limitata msejħin “ewroreati” minħabba l-gravità partikolari u l-aspett transkonfinali tagħhom (1).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa partikolarment sensittiv għax, sa mill-bidu tal-eżistenza tal-Istati, il-politika kriminali kienet f'idejn is-setgħa sovrana, u r-regoli ta’ infurzar jaffettwaw direttament il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet ta’ kull ċittadin.

3.2   Filwaqt li ċerti oqsma, speċjalment dak tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni u l-esplojtazzjoni sesswali tat-tfal u tan-nisa, koperti mill-Artikolu 83(1) tat-TFUE, bla dubju jitolbu azzjoni mill-UE f'materji kriminali, il-KESE mhuwiex ċert jekk oqsma oħra li jaqgħu taħt l-Artikolu 83(2) tat-TFUE jitolbux din l-azzjoni.

3.3   Il-bażi ta’ leġislazzjoni Ewropea f'materji kriminali

3.3.1   Il-ħtieġa ta’ interess leġittimu suffiċjenti

3.3.1.1   L-elementi ġodda introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona huma riżultat li l-KESE jilqa' bi pjaċir. Permezz ta’ dawn, l-adozzjoni tad-direttivi fil-qasam kriminali hija faċilitata u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali hija żgurata aħjar.

3.3.1.2   Madankollu, il-KESE jixtieq li mill-bidu jiċċara ħaġa li tista' twassal għal konfużjoni: l-Artikolu 83(2) tat-TFUE ma jistax jagħti x'jifhem li x-xewqa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni tista' fiha nnifisha tkun biżżejjed biex rikors għal-liġi kriminali jkun leġittimu.

3.3.1.3   L-“irkupru ekonomiku”, li l-Kummissjoni tirreferi għalih biex tasal għat-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-azzjoni tal-UE f'materji kriminali (paġna 10), u li huwa rikonoxxut universalment bħala għan essenzjali u prijorità, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi interess leġittimu suffiċjenti biex jiġġustifika r-rikors għal-liġi kriminali. Barra minn hekk, dan l-għan jiddependi minn ħafna aktar mill-ġlieda kontra l-“ekonomija illegali u l-kriminalità finanzjarja”, li kif temmen il-Kummissjoni, l-azzjoni tal-UE f'materji kriminali dwar dan ma tistax tiġi ristretta.

3.3.1.4   Il-KESE jqis li l-proġett tal-Kummissjoni jirrikjedi l-ewwel identifikazzjoni ċara ta’ x'jista' jkopri l-kunċett ta’ interess ġenerali definit fil-livell Ewropew. Attwalment dan il-kunċett ma jeżistix fil-liġi iżda huwa neċessarju biex jiġġustifika li jiġu imponuti sanzjonijiet kriminali definiti fil-livell tal-UE fuq iċ-ċittadini tal-UE. L-interess tal-konsumaturi waħdu mhux biżżejjed biex jiġġustifika r-rikors għal miżuri bħal dawn.

3.3.1.5   B'mod iktar ġenerali, il-KESE jappella biex jiġi eżaminat kif id-drittijiet fundamentali u soċjali fil-futur jistgħu jiġu mħarsa mis-sanzjonijiet kriminali definiti fil-livell tal-UE u għandha tingħata kunsiderazzjoni ta’ kif dawn jistgħu jiġu armonizzati fl-Istati Membri differenti. Billi d-definizzjoni tal-inkriminazzjonijiet u s-sanzjonijiet tista' tvarja minn Stat Membru għal ieħor sal-punt li tippreġudika d-drittijiet fundamentali billi tikser il-prinċipji tal-proporzjonalità u ċ-ċertezza legali, il-KESE jemmen li l-armonizzazzjoni tal-kwistjonijiet kriminali tkun neċessarja f'dawn il-każijiet.

3.3.2   Il-“metaprinċipju” tas-sussidjarjetà u r-rekwiżit tal-“ultima ratio”

3.3.2.1   Fil-qafas ta’ leġislazzjoni Ewropea f'materji kriminali, il-KESE jagħti importanza partikolari għar-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà: dan huwa ta’ importanza partikolari minħabba li l-valuri soċjali protetti mil-liġi kriminali huma marbutin mill-qrib mal-istruttura soċjali u mal-identità nnifisha tas-soċjetajiet tal-Istati Membri. Din l-identità hija mnaqqxa fit-TFUE li jgħid li l-Istati Membri m'għandhomx iżommu lura milli jużaw il-prerogattivi tagħhom u jiġbdu l-“brejk ta’ emerġenza” jekk jikkunsidraw li l-leġislazzjoni proposta tolqot aspetti fundamentali tas-sistema tal-liġi kriminali nazzjonali tagħhom (Artikolu 83(3)).

3.3.2.2   Il-KESE jqis li r-regoli minimi stabbiliti fil-livell Ewropew f'materji kriminali m'għandhomx jinterferixxu fid-definizzjoni tal-kategoriji ta’ ksur mill-awtoritajiet nazzjonali, li barra minn hekk hija marbuta mas-sistema ġudizzjarja tagħhom, u li għandu jitħalla f'idejhom li jiddefinixxu l-istrateġija tagħhom tal-infurzar f'konformità stretta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

3.3.2.3   Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni tindika li, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-azzjoni tal-UE f'materji kriminali tkun ġustifikata biss jekk għadd kbir ta’ Stati Membri jew l-Istati Membri kollha ma jirnexxilhomx jiżguraw ir-rispett tal-liġi tal-Unjoni bil-mezzi leġislattivi tagħhom. Il-kwistjoni ta’ azzjoni tal-UE jistħoqqilha titqajjem jekk Stat Membru wieħed jew xi ftit minnhom jaslu għal din is-sitwazzjoni.

3.3.2.4   Minħabba li għandha t-tendenza tipperikola d-drittijiet tal-persuni, il-leġislazzjoni kriminali Ewropea għandha tistrieħ ukoll fuq il-prinċipju tal-proporzjonalità u, b'mod partikolari, fuq ir-rekwiżit tal-ultima ratio li jippresupponi li tingħata prova minn qabel li ma jeżistix mezz ieħor inqas aħrax biex jintlaħaq l-għan mixtieq.

3.3.2.5   Il-Komunikazzjoni tinsisti fuq l-importanza li dawn il-prinċipji jiġu implimentati, u dan ifisser li jridu jsiru valutazzjonijiet li jqisu kull miżuri alternattiva possibbli.

3.3.2.6   Il-KESE huwa konxju tar-rieda soda tal-Kummissjoni li twettaq dawn l-istudji. Il-Kummissjoni tħabbar li “se tiżviluppa pjanijiet biex tiġbor aktar dejta u evidenza statistika biex tindirizza l-oqsma koperti mill-Artikolu 325(4) u l-Artikolu 83(2)” (punt 2.2.2).

3.3.2.7   Rigward l-applikazzjoni tar-rekwiżit tal-ultima ratio, hija tgħid li l-leġislatur għandu jibbaża fuq studji tal-impatt li jinkludu “valutazzjoni ta’ jekk is-sistemi tas-sanzjonijiet tal-Istati Membri jiksbux ir-riżultat mixtieq u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-awtoritajiet nazzjonali li jimplimentaw il-liġi tal-UE fil-prattika” (punt 2.2.1).

3.3.2.8   Irid jingħaraf li sal-lum ftit għad hemm valutazzjonijiet tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea mill-Istati Membri, u lanqas m'hemm xogħlijiet ta’ riċerka li jqabblu s-sistemi legali differenti. L-ewwel biċċa xogħol ser tikkonsisti fl-iżvilupp ta’ dawn l-istudji. Fil-fehma tal-KESE, huwa biss fid-dawl tas-sejbiet tagħhom li jkun jista' jiġi stabbilit verament kemm hija “essenzjali” l-armonizzazzjoni.

3.3.2.9   Il-KESE jinsisti fuq il-fatt li hemm bżonn li jintwerew kemm in-nuqqasijiet tas-sistemi legali tal-Istati Membri kif ukoll in-natura tad-diffikultajiet imqajmin fil-livell tal-Unjoni mid-differenzi fl-ideat dwar il-kriminalizzazzjoni, is-sanzjonijiet u l-effettività tal-infurzar tal-liġi.

3.3.2.10   Il-KESE jqis li l-istrument tal-liġi kriminali Ewropea għandu jkun soġġett għal valutazzjoni xjentifika indipendenti ta’ kemm huwa effikaċi u l-impatt tiegħu fuq id-drittijiet fundamentali. Hija biss evalwazzjoni bħal din li tista' tippermetti li l-miżuri verament effettivi jiġu mtejba u l-oħrajn abbandunati. Għalhekk l-Istati Membri għandu jkollhom strument finanzjarju speċifiku sabiex ir-riżorsi finanzjarji neċessarji jiġu allokati fi ħdan il-baġit tagħhom. Dan ifisser ukoll li titfassal metodoloġija komuni Ewropea li tistipula l-indikaturi prinċipali u l-istrumenti tal-kejl.

3.3.2.11   Il-KESE huwa konxju li d-diskussjoni dwar il-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-qasam tal-liġi kriminali għadha biss fil-bidu tagħha. Il-ġurisprudenza għadha qed tinħoloq. F'dan ir-rigward, huwa jenfasizza l-bżonn li titkompla d-diskussjoni biex il-kunċett ikompli jiżviluppa. B'mod aktar ġenerali, huwa jappella biex id-diskussjoni tkompli tidħol aktar fid-dettall dwar il-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-leġislazzjoni Ewropea kollha f'materji kriminali.

3.3.2.12   Fil-fehma tal-KESE, ir-raġunijiet imsemmijin fil-Komunikazzjoni biex jenfasizzaw il-valur miżjud ta’ azzjoni tal-Unjoni f'materji kriminali (paġna 4) jistħoqqilhom li jiġu mixtarra aktar.

3.3.2.12.1   Il-KESE jemmen li, b'mod partikolari, jekk l-argument tad-differenzi bejn is-sanzjonijiet fi ħdan l-UE jqajjem b'mod speċjali l-kwistjoni tad-diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE rigward id-drittijiet fundamentali, dan għandu jiġi kkwalifikat: l-ewwel nett minħabba s-setgħa diskrezzjonali tal-maġistrati f'għadd kbir ta’ Stati, u t-tieni għax l-effett ta’ dissważjoni jiddependi qabel kollox fuq l-effikaċja tas-servizzi ta’ infurzar.

3.3.2.12.2   Il-KESE jenfasizza li, fi kwalunkwe każ, l-armonizzazzjoni progressiva tar-regoli sostanzjali tal-liġi kriminali ser tkun tista' sseħħ biss mod organiku abbażi ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u din il-kooperzzjoni għandha tiġi garantita permezz ta’ baġit speċifiku. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-armonizzazzjoni mixtieqa mhux ser tneħħi għal kollox id-differenzi fil-proċeduri kriminali, b'mod partikolari, rigward il-kunċett tal-proċess tal-akkuża u tad-drittijiet tad-difiża.

3.3.2.12.3   Peress li azzjoni fil-qasam tal-liġi kriminali tidher li hija essenzjali, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi mfittxija armonizzazzjoni fil-qasam tal-ġbir tal-provi.

3.3.2.13   Fl-aħħar, il-KESE jixtieq ifakkar li, minħabba r-rekwiżit tal-ultima ratio, it-triq tal-mezzi ta’ prevenzjoni, speċjalment permezz ta’ azzjonijiet fil-qasam soċjali, għandha tiġi esplorata. Dan jista' jiġi kkombinat b'mod effikaċi ma’ sanzjonijiet kriminali.

3.3.3   Prinċipji oħra

3.3.3.1   Il-KESE jfakkar li, b'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-leġislatur għandu l-obbligu li jippreżenta l-inkriminazzjonijiet b'mod ċar u preċiż, u dan jirrifletti sempliċiment l-obbligu ġenerali li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali. Skont il-KESE, dan l-obbligu għandu jinfirex għar-reati sekondarji bħall-attentati ta’ reati u l-kompliċità li għandhom definizzjonijiet differenti minn Stat għall-ieħor.

3.3.3.2   Kif tinnota l-Kummissjoni, il-proġett tal-armonizzazzjoni tal-leġislazzjonijiet ma jistax iwassal biex jogħlew il-livelli tas-sanzjonijiet applikabbli fl-Istati Membri. Il-KESE jfakkar li, fid-dawl tal-prinċipju tal-koerenza (vertikali), il-pieni minimi previsti mill-UE ma jistgħux iwasslu biex jiżdiedu l-ogħla pieni fi ħdan Stat Membru, għax dan imur kontra s-sistema legali ta’ dan l-Istat (Artikolu 67(1) tat-TFUE). Huwa jappella biex issir distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ severità u ta’ effikaċja meta tiġi valutata sanzjoni.

3.3.3.3   Peress li dawn huma sanzjonijiet approvati diġà mill-UE, il-KESE jemmen li, sabiex ikun hemm koerenza orizzontali, iridu jitqiesu wkoll il-livelli ta’ sanzjoni li diġà huma stabbiliti fil-leġislazzjoni Ewropea.

3.4   Kunċetti legali li jridu jiġu ċċarati

3.4.1   B'mod ċar, il-Kummissjoni riedet li tniedi dibattitu saħansitra qabel ma jiġu definiti ċerti kunċetti essenzjali u huwa għalhekk li hemm nuqqas ta’ ċarezza fil-Komunikazzjoni. Minkejja li l-KESE huwa konxju tal-kamp ta’ applikazzjoni politiku tad-dokument, huwa jiddispjaċih li d-diskussjoni ma tistax issir fuq bażi stabbli, kif kien jixtieq. Huwa jenfasizza b'mod partikolari l-kumplessità tad-distinzjoni neċessarja bejn il-kunċetti ta’ sanzjoni kriminali u sanzjoni amministrattiva u jistaqsi x'wieħed irid jifhem bi “ksur serju” tal-liġi tal-Unjoni.

3.4.2   Il-ħidma tal-grupp ta’ esperti għandha tgħin biex jitneħħew ċerti ambigwitajiet. Il-KESE ser jiżgura li, kif kien tħabbar, dawn l-esperti jintgħażlu minn fost ġuristi, avukati, maġistrati, kriminologi, eċċ.

3.5   Għal liema setturi għandha titwessa' l-azzjoni tal-UE f'materji kriminali?

3.5.1   Il-Komunikazzjoni ġustament issemmi alternattivi għal-liġi kriminali mingħajr ma, fil-fehma tal-KESE, issemmi l-implikazzjonijiet kollha: f'għajnejn il-Kumitat, ir-reazzjoni tal-UE għal reati kriminali finanzjarji, soċjali u ekonomiċi għandha tintegra l-alternattiva ekonomika nnifisha, jiġifieri s-sanzjonijiet amministrattivi jew ċivili (il-projbizzjoni li wieħed jeżerċita professjoni, pereżempju).

3.5.2   In-nuqqas ta’ strateġija ġenerali fil-qasam tal-politika kriminali fil-livell Ewropew ifisser li m'hemmx ġustifikazzjoni rigoruża tal-lista tas-setturi li dwarhom il-Kummissjoni tista' tippjana li timplimenta inizjattivi.

3.5.3   Il-KESE jemmen li l-azzjoni tal-UE għandha tibbaża fuq tliet kriterji: il-livell ta’ serjetà (li jrid jiġi definit) u d-dimensjoni transkonfinali tal-ksur, iżda anke l-kriterju komuni dwar sa liema livell jiksru l-liġi skont l-iskala tal-interessi milquta.

3.6   Liema livell ta’ armonizzazzjoni?

3.6.1   Il-KESE jinnota l-għan tal-Kummissjoni li tistabbilixxi standards minimi. It-Trattat ma jippermettix li mmorru lil hinn minn dan u jeskludi l-armonizzazzjoni totali. Madanakollu, ir-regoli minimi jistgħu jirriflettu xewqa għal livell li jkun inqas jew aktar ambizzjuż. Il-KESE jqis li huwa importanti li jiġi definit preċiżament il-livell ta’ armonizzazzjoni mixtieq skont is-settur ikkonċernat. Filwaqt li l-Parlament Ewropew ser jipprovdi l-impetus politiku neċessarju u jipprovdi garanzija ta’ leġittimità demokratika, huwa essenzjali li fil-livell nazzjonali l-parlamenti jindirizzaw il-kwistjoni u jesprimu l-fehma tagħhom dwar is-suġġett, b'konformità mar-responsabbiltajiet il-ġodda tagħhom, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja fil-liġi kriminali Ewropea.

3.6.2   U dan peress li l-biċċa xogħol kbira u li ma tispiċċa qatt tal-armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet tal-ksur u tas-sanzjonijiet - anke jekk dan isir fuq bażi minima - fil-fehma tal-KESE mhux ser taffettwa l-identità ta’ kull sistema legali nazzjonali.

3.7   Drittijiet ta’ difiża

3.7.1   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sanzjoni, amministrattiva jew kriminali, tinfluwenza l-garanzija korrispondenti għall-persuna soġġetta għal proċedimenti legali (applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali), mentri fir-realtà, jista' jkun hemm xi differenzi fil-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża skont it-tip ta’ sanzjoni magħżula. Din is-sitwazzjoni de facto, f'għajnejn il-KESE, titlob definizzjoni ċara u minn qabel ta’ x'inhu kopert mis-sanzjonijiet amministrattivi u x'inhu kopert minn dawk kriminali.

3.7.2   Sabiex nipproteġu aħjar id-drittijiet tad-difiża fil-każ ta’ sanzjonijiet amministrattivi, il-KESE jappoġġja t-twaqqif tal-prinċipji mmirati li jiġbru tali sanzjonijiet taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti.

3.7.3   Il-KESE jixtieq jisħaq li l-kwistjoni tad-drittijiet ta’ difiża hija rilevanti wkoll għall-kooperazzjoni bejn is-servizzi ġudizzjarji u ta’ infurzar (Eurojust u Europol b'mod partikolari).

3.8   Kwistjonijiet sussidjarji

3.8.1   Il-kwistjoni tas-sistema ta’ responsabbiltà (kriminali jew ċivili) li trid tiġi applikata għall-persuni legali

3.8.1.1   Il-fatt li ċerti Stati Membri għadhom ma jirrikonoxxux ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni legali, joħloq vojt bejn l-effettività tal-metodi ta’ infurzar possibbli u l-assenjazzjoni tal-maġistrati kompetenti (kriminali jew ċivili, skont ir-regoli tal-assenjazzjoni tal-liġi internazzjonali privata, minn fejn jinħoloq ir-riskju ta’ “forum shopping”). Pereżempju, fil-każ ta’ tniġġis transkonfinali fuq skala kbira, m'hemmx għalfejn insemmu li l-aktar mogħdija effettiva hija dik kriminali kontra dawk responsabbli, li ġeneralment huma l-intrapriżi, minflok ma jinfetħu kawżi esklużivament kontra diretturi ta’ kumpaniji jew il-persunal tagħhom. Dan huwa suġġett li jistħoqqlu aktar riflessjoni, b'mod partikolari l-kwistjoni tas-setgħa li tiġi delegata r-responsabbiltà fil-kumpanija, inkella ma jkunx hemm ekwivalenza fl-infurzar u għaldaqstant, fl-effett ta’ deterrent tal-miżuri ta’ prevenzjoni.

3.8.1.2   Billi l-armonizzazzjoni tal-liġi kriminali tal-kumpaniji qed tiffaċċja diffikultajiet f'termini ta’ differenzi kunċettwali bejn l-Istati Membri, l-azzjoni kontra l-ksur tad-drittijiet fundamentali li tiżgura t-twaqqif ta’ standards Ewropej tiqba' ta’ natura esklużivament amministrattiva kemm jekk instigata mill-Kummissjoni u kemm jekk mill-Istati Membri u/jew l-awtoritajiet indipendenti tagħhom. Importanti li d-dritt tad-difiża tal-persuni legali mressqa quddiem dawn il-korpi bis-setgħa li jimponu sanzjonijiet jiġu garantiti hekk kif inhuma quddiem qorti kriminali.

3.8.2   Kwistjonijiet oħra mqajmin mill-Komunikazzjoni:

3.8.2.1   Il-leġislazzjoni tal-Unjoni għandha tiddefinixxi n-negliġenza serja?

3.8.2.2   B'konformità mal-prinċipju tan-“nulla poena sine culpa” (ebda liġi mingħajr penali), il-KESE jemmen li kieku l-leġislazzjoni tal-UE f'materji kriminali legali tiddefinixxi l-imġiba intenzjonata, l-Istati Membri jkunu huma biss kompetenti li jistabbilixxu sanzjonijiet li jippenalizzaw in-negliġenza serja (għad trid tiġi diskussa).

3.8.3   Il-leġislazzjoni tal-Unjoni għandha tinkludi miżuri ta’ konfiska?

3.8.3.1   Filwaqt li jidher li fil-prinċipju m'hemm xejn kontra l-istabbiliment ta’ piena għall-konfiska (b'distinzjoni mis-sekwestru tal-assi) fil-leġislazzjoni Ewropea, speċjalment rigward it-traffiku tad-drogi, il-kwistjoni tista' tistħoqqilha diskussjoni dettaljata dwar jekk hemmx pjani għal miżuri dwar il-konfiska ġenerali tal-assi, li mhijiex indirizzata f'bosta sistemi legali u li tista' tqajjem il-kwistjoni tal-proporzjonalità u l-inċertezzi dwar il-piena.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  It-terroriżmu, it-traffikar tal-persuni u l-esplojtazzjoni sesswali tan-nisa u t-tfal, it-traffiku illeċtu tad-drogi u tal-armi, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ ħlas u l-kriminalità organizzata.


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/103


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali u r-Regolament […] dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern”

COM(2011) 883 final — 2011/0435 (COD)

2012/C 191/18

Relatur Ġenerali: is-Sur METZLER

Nhar id-19 ta’ Jannar u nhar is-27 ta’ Jannar 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 46 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali u r-Regolament […] dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern

COM(2011) 883 final – 2011/0435 (COD).

Nhar is-17 ta’ Jannar 2012, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu tal-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tas-26 ta’ April) li jaħtar lis-Sur Arno METZLER bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’164 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali minn Stati Membri oħra huwa strument ewlieni għall-promozzjoni tal-mobbiltà taċ-ċittadini tal-UE u għall-implimentazzjoni tas-suq intern. Dan ser isaħħaħ il-kompetittività tal-Istati Membri, jappoġġja tkabbir sostenibbli u jnaqqas il-qgħad. L-ekonomiji nazzjonali ser jibbenefikaw minn esperjenzi professjonali varjati miksuba miċ-ċittadini tagħhom huma u jaħdmu fi Stati Membri differenti.

1.2   Il-potenzjal taċ-ċittadini tal-UE li huma interessati jaħdmu fi Stat Membru ieħor għadu ma ġiex sfruttat. Dan huwa r-riżultat ta’ bosta ostakli għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali miksuba minn Stati Membri oħra. Iċ-ċittadini tal-UE jqisu li l-proċeduri eżistenti jieħdu fit-tul wisq u mhumiex trasparenti biżżejjed.

1.3   Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ fil-prinċipju l-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva 2005/36/KE li għandha telimina dawn il-problemi ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali permezz tas-semplifikazzjoni tal-proċeduri u ta’ aktar trasparenza għaċ-ċittadini tal-UE. L-għanijiet tal-Aġenda 2020 dwar iż-żieda tal-mobbiltà taċ-ċittadini tal-UE huma appoġġjati b’mod effettiv fil-proposta għal Direttiva.

1.4   Il-KESE jilqa’ l-Karta Professjonali Ewropea bħala semplifikazzjoni ċara tal-proċeduri. Madankollu, fil-fehma tal-KESE ċerti dispożizzjonijiet jistgħu jipperikolaw is-sigurtà u s-saħħa tal-utenti u tal-pazjenti. Għalhekk ir-regoli proposti dwar il-Karta Professjonali Ewropea għandhom jiġu riveduti:

Il-kriterji ġeneriċi u ewlenin u r-regoli proċedurali li jirregolaw l-introduzzjoni tal-Karta Professjonali Ewropea għandhom jiġu determinati fid-Direttiva stess.

L-abbuż ta’ kopji stampati tal-Karta Professjonali Ewropea għandu jiġi regolat billi tiġi limitata l-validità tagħha u billi jittieħdu passi kontra l-falsifikazzjoni.

Il-KESE għandu riżervazzjonijiet serji dwar kwalunkwe dispożizzjoni li tqis il-Karta Professjonali Ewropea bħala valida meta pajjiż ospitanti jonqos milli jieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward. Għandhom jintgħażlu forom oħra ta’ rikors legali kontra n-nuqqas ta’ rispett ta’ skadenzi, bħad-dritt għal deċiżjoni uffiċjali jew kumpens.

1.5   Fir-rigward tad-diversi sistemi Ewropej fil-qasam tal-kwalifiki, il-KESE jinsab imħasseb dwar id-dupplikazzjoni, il-kunflitt bejn ir-regolament jew saħansitra l-kontradizzjoni. Id-Direttiva għaldaqstant tirrikjedi li jiġi ċċarat l-ordni ta’ prijorità tad-Direttiva dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fir-rigward tal-istrumenti tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u tal-Istandards Ewropej. Barra minn hekk, għandha titkompla l-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS).

1.6   Il-KESE jilqa’ l-estensjoni tal-possibbiltajiet għal rikonoxximent awtomatiku permezz ta’ bażi ta’ prinċipji komuni tat-taħriġ. Ir-rekwiżiti proċedurali, il-proċeduri u l-kriterji li bihom il-Kummissjoni stabbilixxiet prinċipji komuni ta’ taħriġ għandhom jiġu stipulati fid-Direttiva. Il-kworum minimu għandu jiżdied għal 50 % + 1 tal-Istati Membri.

2.   Ġist tal-kontenut tad-dokument tal-Kummissjoni

2.1   Il-mobbiltà ta’ professjonisti kkwalifikati hija baxxa wisq fl-Unjoni Ewropea. Hemm potenzjal kbir mhux sfruttat għall-mobbiltà. Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali jaqdi rwol ċentrali biex il-libertajiet bażiċi tas-suq intern jaħdmu b’mod effettiv għaċ-ċittadini tal-UE. Fl-istess waqt, il-mobbiltà m’għandhiex tkun ta’ żvantaġġ għall-konsumaturi, pereżempju għas-spejjeż tal-pazjenti li jistennew li l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa jkollhom ħiliet lingwistiċi adatti.

2.2   L-aġġornament tad-Direttiva jindirizza wkoll il-ħtiġijiet tal-Istati Membri li qed jiffaċċjaw nuqqas dejjem akbar ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet għoljin. Il-mobbiltà taċ-ċittadini tal-UE fi ħdan is-suq uniku hija kwistjoni importanti f’dan ir-rigward. In-nuqqas ta’ forza tax-xogħol mhux biss ser jippersisti fil-ġejjieni iżda huwa mistenni li jiżdied, b’mod partikolari fis-settur tas-saħħa, fis-settur tal-edukazzjoni, u anke fis-setturi tat-tkabbir, bħas-servizzi ta’ kostruzzjoni u dawk kummerċjali.

2.3   L-aġġornament propost tad-dispożizzjonijiet eżistenti huwa bbażat fuq l-għanijiet li ġejjin:

it-tnaqqis tal-kumplessità tal-proċeduri permezz ta’ Karta Professjonali Ewropea li tisfrutta aktar il-benefiċċji tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI – Internal Market Information System) li diġà hija ta’ suċċess;

ir-riforma tar-regoli ġenerali għall-istabbiliment fi Stat Membru ieħor jew għat-trasferiment fuq bażi temporanja għal raġunijiet ta’ impjieg;

l-aġġornament tas-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku, l-aktar għall-infermiera, il-qwiebel, l-ispiżjara u l-periti;

li jiġi pprovdut qafas legali fid-Direttiva għal professjonisti parzjalment kwalifikati u għan-nutara;

il-kjarifika tas-salvagwardji għal pazjenti li l-preokkupazzjonijiet tagħhom dwar il-ħiliet lingwistiċi u r-riskji ta’ mġiba ħażina għandu jiġi rifless aħjar fil-qafas legali;

il-ħolqien tar-rekwiżit legali għall-forniment ta’ informazzjoni faċli għall-utent u xprunata mill-kontenut dwar ir-regoli li jirregolaw ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki sostnuti minn faċilitajiet tal-gvern elettroniku komprensivi għall-proċess sħiħ ta’ rikonoxximent;

it-tnedija ta’ skrinjar sistematiku u eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproka għall-professjonijiet irregolati kollha fl-Istati Membri.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   L-Aġenda 2020 (1) tistabbilixxi l-għan li tiġi ffaċilitata u appoġġjata l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol madwar l-Unjoni Ewropea. Fl-“Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi” (2) il-Kummissjoni Ewropea identifikat in-nuqqas ta’ ħiliet bħala ostaklu għal tkabbir sostenibbli. Hemm nuqqas ta’ ħaddiema kkwalifikati, minn naħa, f’oqsma b’rati għoljin ta’ tkabbir persisteni, u mill-oħra, f’oqsma b’rati għoljin kostanti ta’ qgħad. Il-mobbiltà ġeografika għalhekk hija kruċjali biex jonqos il-qgħad reġjonali. Fl-“Att dwar is-Suq Uniku, Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja” (3), il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet il-mobbiltà taċ-ċittadini bħala wieħed minn dawn it-tnax-il xprun. Aktar mobbiltà fost forza tax-xogħol ikkwalifikata tista’ tagħmel l-ekonomija Ewropea aktar kompetittiva. Barra minn hekk, fi żminijiet ta’ nuqqas ta’ ħiliet, għandhom jiżdiedu l-opportunitajiet biex ilaqqgħu lil min iħaddem u l-forza tax-xogħol ikkwalifikata minn Stati Membri differenti. Il-KESE għalhekk jistenna li d-Direttiva tikkontribwixxi għat-tkabbir.

3.2   Id-Direttiva attwali dwar il-Kwalifiki Professjonali għad għandha għadd ta’ nuqqasijiet. Hemm diversi modi ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE. Madankollu, iċ-ċittadini tal-UE jsibuha diffiċli biex isiru jafu liema proċeduri jistgħu jużaw, liema awtoritajiet jistgħu jikkonsultaw u liema dokumenti jridu jipprovdu. Dawn in-nuqqasijiet fid-Direttiva attwali dwar il-Kwalifiki Professjonali huma ta’ ostaklu għall-mobbiltà taċ-ċittadini tal-UE u b’hekk għall-implimentazzjoni tas-suq intern (4). Minħabba proċeduri ta’ rikonoxximent twal iċ-ċittadini tal-UE sikwit ma jkunux jistgħu jirrispondu malajr għal offerti ta’ impjieg għaliex ikollhom jistennew biex il-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti. Għaldaqstant, jeħtieġ riforma proċedurali u aktar trasparenza fir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. Fl-aħħar, il-pjattaformi komuni wrew li mhumiex prattiċi u mhux effettivi. Minn mindu ġew introdotti ma ġiet deċiża l-ebda pjattaforma komuni.

3.3   Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-proposta li tiġi emendata d-Direttiva 2005/36/KE. Is-semplifikazzjoni tal-proċeduri għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali u ż-żieda fit-trasparenza ser ikomplu jippromovu l-libertà tal-istabbiliment, il-libertà li jiġu provduti servizzi u s-suq intern. Il-proposta għal Direttiva ser tikkontribwixxi biex jiġu appoġġjati l-għanijiet stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea fl-Aġenda 2020 u fid-dokumenti ta’ segwitu.

3.4   B’mod ġenerali, il-KES jqis li s-semplifikazzjoni tal-proċeduri permezz ta’ riforma hija strument adatt biex tiġi promossa l-mobbiltà taċ-ċittadini tal-UE madwar l-Unjoni Ewropea. B’hekk tista’ titnieda dinamika ġdida li, wara l-kriżijiet reċenti, toffri opportunità għal aktar tkabbir u mobbiltà kif ukoll il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda fl-Istati Membri.

3.5   Il-ħaddiema żgħażagħ huma partikolarment interessati li jiksbu esperjenza professjonali fi Stati Membri differenti. Huma u jagħmlu dan iġibu magħhom sensiela varjata ta’ esperjenzi professjonali fi Stati Membri oħra u jinfluwenzaw il-prattika professjonali kemm fil-pajjiż ospitanti kif ukoll fil-pajjiż tal-oriġni tagħhom, ladarba jmorru lura.

3.6   Hemm aktar vantaġġi tal-mobbiltà milli żvantaġġi fil-forma ta’ eżodu ta’ mħuħ. Anke jekk ir-riskju ta’ eżodu ta’ mħuħ ma jistax jiġi eliminat, minn esperjenza passata joħroġ fid-dieher li dan il-fenomenu jseħħ fuq skala ħafna iżgħar milli mistenni u li ċ-ċittadini tal-UE sikwit jirritornaw lejn il-pajjiżi tal-oriġni tagħhom wara perjodu ta’ mobbiltà professjonali minħabba rabtiet kulturali u relatati mal-familja.

3.7   Il-mobbiltà professjonali bejn l-Istati Membri m’għandhiex iddgħajjef l-istandards tas-sigurtà soċjali. B’mod partikolari, kwalunkwe pressjoni temporanja migratorja fi Stat Membru wieħed m’għandhiex twassal biex issir pressjoni fuq l-istandards tas-sigurtà soċjali fi Stat Membru ieħor.

3.8   Il-Karta Professjonali Ewropea twassal għal semplikazzjoni mixtieqa tal-proċeduri. L-applikanti jistgħu jirreferu għall-awtoritajiet tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom, li b’mod ġenerali jinsabu f’pożizzjoni aħjar mill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra biex jiċċekkjaw id-dokumenti provduti. Ladarba jiġu ċċekkjati u jiddaħħlu fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern, id-dokumenti jkunu disponibbli għal proċeduri ta’ verifika oħra. Madankollu, is-sigurtà tal-konsumaturi u tal-pazjenti għandha tibqa’ tiġi salvagwardjata permezz tar-rikonoxximent tal-Karta Professjonali Ewropea mill-pajjiżi ospitanti.

3.9   Il-KESE jilqa’ l-enfasi li ssir fid-Dirtettiva fuq is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern. Madankollu, diġà hemm strutturi nazzjonali ta’ karti professjonali fl-Istati Membri. Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv u spejjeż u burokrazija mhux meħtieġa, dawn l-istrutturi għandhom jiġu inklużi fil-proċess tal-ħruġ ta’ Karti Professjonali Ewropej. B’mod partikolari, għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jintużaw il-karti professjonali nazzjonali biex tinħareġ kopja stampata tal-Karta Professjonali Ewropea. B’mod partikolari, id-Direttiva għandha tispeċifika l-kriterji b’konformità mal-Artikolu 58 (Artikolu 4(a)(vi)) kif ukoll il-proċeduri li segwiet il-Kummissjoni biex tiddetermina liema professjonijiet huma eliġibbli li jiġu koperti mill-Karta Porfessjonali Ewropea. Dan jgħodd ukoll għar-responsabbiltà għat-traduzzjoni tal-proċeduri u d-dokumenti meħtieġa.

3.10   Il-Proċess ta’ Bologna u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki jippromovu t-trasparenza u t-tqabbil tal-kwalifiki edukattivi nazzjonali, b’mod partikolari tal-lawrji. Madankollu, dawn m’għandhomx joħolqu dupplikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali. Għaldaqstant, fid-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali għandu jiġi ċċarat li professjoni tista’ biss tiġi rikonoxxuta b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew ma’ dawk ta’ direttivi speċjali. Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki m’għandux jagħmel ir-rikonoxximent ta’ professjoni aktar faċli jew aktar diffiċli. L-istess jgħodd għar-relazzjoni bejn id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali u l-istandards Ewropej.

3.11   Id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali tirreferi b’mod esklużiv għall-kwalifiki professjonali li jkunu nkisbu fi Stat Membru. Fl-“Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi” (5), il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet l-integrazzjoni aħjar tal-immigranti fis-suq tax-xogħol bħala għan. Dan l-għan għandu jinkiseb fost l-oħrajn billi jiġu eliminati l-ostakli għall-impjieg fil-forma ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ ħiliet u kwalifiki. Il-Kummissjoni Ewropea hija mitluba tieħu passi biex tissemplifika r-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali miksuba f’pajjjiżi terzi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-Karta Professjonali Ewropea

4.1.1   Il-KESE jilqa’ l-ħolqien ta’ Karta Professjonali Ewropea kif propost fl-Artikolu 4 (a) sa (e). F’ħafna każijiet, il-ħolqien ta’ Karta Professjonali Ewropea marbuta mas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern ser tissemplifika ħafna u tħaffef il-proċedura għar-rikonoxximent reċiproku.

4.1.2   L-Artikolu 4(a)(7) jippermetti li jiġu imponuti tariffi għall-ħruġ tal-Karta Professjonali Ewropea. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tistabbilixxi kriterji għal-kalkolazzjoni u t-tqassim tat-tariffi fi proċedura stabbilita fl-Artikolu 58(a). Però, l-ispejjez m’għandhomx ikunu daqshekk għoljin li jaġixxu ta’ diżinċentiv għall-użu tal-proċedura ta’ applikazzjoni.

4.1.3   Il-KESE għandu riżervazzjonijiet qawwija kontra r-regola proposta fl-Artikolu 4(d)(5) li l-Karta Professjonali Ewropea titqies bħala valida jekk ma tittieħed l-ebda deċiżjoni mill-awtorità responsabbli fiż-żmien stabbilit fl-Artikolu 4(d)(2) u (3). Dan il-limitu ta’ żmien fil-biċċa l-kbira tal-każijiet huwa ta’ xahar jew xahrejn jekk ikun hemm bżonn ta’ miżuri ta’ kumpens. Dan jista’ jwassal lill-awtoritajiet responsabbli biex jirrifjutaw ir-rikonoxximent jekk ma jkunux f’pożizzjoni li jieħdu deċiżjoni adatta minħabba l-ammont ta’ applikazzjonijiet b’lura jew nuqqas ta’ informazzjoni. Dan ma jwassalx biex jitħaffef il-proċess ta’ approvazzjoni iżda pjuttost biex jitwal il-proċess minħabba r-rimedju legali li huwa disponibbli biex tiġi kkontesta tali deċiżjoni.

4.1.4   Jekk ikun hemm għadd kbir ta’ każijiet fejn il-Karti Professjonali Ewropej jiġu rikonoxxuti bħala validi abbażi tal-Artikolu 4(d)(5), is-sigurtà u s-saħħa tal-konsumaturi u tal-pazjenti ser jiġu pperikolati peress li ma jistax jiġi eliminat ir-riskju li b’dan il-mod ikunu ħarġu xi karti lill-applikanti b’mod mhux adatt. Ikun diffiċli wkoll li karta tiġi invalidata f’każ li d-deċiżjoni biex din tiġi vvalidata tkun żbaljata.

4.1.5   Biex jiġu sodisfati l-interessi tal-applikanti u l-konsumaturi, il-Kumitat jipproponi li jiġi introdott id-dritt ta’ appell fil-liġi nazzjonali. Id-Direttiva għandha tobbliga lill-Istati Membri jadottaw proċedura ta’ appell ta’ dan it-tip. Fost l-istrumenti possibbli hemm id-dritt għal deċiżjoni uffiċjali kif ukoll id-dritt għal kumpens. Dawn id-drittijiet għandhom japplikaw biss meta l-awtorità responsabbli tkun naqset milli tieħu deċiżjoni jew miżura ta’ kumpens fiż-żmien stabbilit.

4.1.6   Barra minn hekk, il-limiti ta’ żmien għandhom jiġu stabbiliti b’tali mod li jiżguraw li l-proċess kollu (l-iċċekkjar tal-applikazzjoni fil-pajjiż tal-oriġni u r-rikonoxximent fil-pajjiż ospitanti) ma jieħux aktar minn erba’ xhur. Jekk l-awtorità responsabbli fil-pajjiż tal-oriġni tibgħat talba għal informazzjoni lill-pajjiż tal-oriġni il-limitu ta’ żmien għandu jitneħħa, għall-kuntrarju tal-Artikolu 4(d)(3)(3).

4.1.7   Skont l-Artikolu 4(e)(5) id-detentur ta’ Karta Professjonali Ewropea għandu jirċievi tfakkira tad-drittijiet tiegħu skont l-Artikolu 4(e)(5) kull sentejn wara li tinħareġ il-karta. Din it-tfakkira ser toħloq aktar piż amministrattiv mingħajr ma tkun ta’ benefiċċju għad-detentur. Li d-detentur jiġi infurmat darba biss huwa biżżejjed.

4.1.8   Biex dawn il-proċeduri u limiti ta’ żmien jiġu rispettati, is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern trid taħdem bla xkiel. Peress li l-għadd ta’ applikanti huwa mistenni jkun kbir, din il-kapaċità għandha tkun iggarantita meta d-Direttiva tidħol fis-seħħ. Nuqqas fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern jista’ jiġi indirizzat aħjar fil-qafas tas-sistema ta’ protezzjoni legali proposta hawnhekk milli fis-sistema ta’ validazzjoni, li għandha tiġi rifjutata għax mhijiex kompatibbli mal-iskema globali.

4.1.9   Il-Karta Professjonali Ewropea m’għandhiex tkun disponibbli biss bħala fajl fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern. L-applikanti għandhom jirċievu karta stampata wara r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. Din il-kopja stampata tista’ tintuża bħala prova tar-rikonoxximent fi proċedimenti legali. Għalhekk għandha tirrispetta standards minimi għall-protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni.

4.1.10   Barra minn hekk, il-kopja stampata tal-Karta Professjonali Ewropea m’għandux ikollha validità indefinita. Inkella jista’ jkun hemm abbuż anke meta l-attivitajiet professjonali jkunu ġew projbiti abbażi tal-informazzjoni kondiviża bejn l-Istati Membri taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56(2) jew permezz tal-mekkaniżmu ta’ twissija deskritt fl-Artikolu 56(a). Il-kopja stampata tal-Karta Professjonali Ewropea għandha tibqa’ valida għal għaxar snin biss, u fil-każ tal-professjonijiet fil-qasam tas-saħħa għal ħames snin biss, u l-applikanti jkollhom jerġgħu japplikaw għaliha. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet m’għandhomx jolqtu l-kopja elettronika tal-Karta Professjonali Ewropea fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern, li hija valida għal perjodu indefinit. Jekk detentur jiġi projbit milli jipprattika professjoni partikolari l-kopja stampata tal-karta għandha tiġi rtirata wkoll.

4.2   Aċċess parzjali

4.2.1   Il-kodifikazzjoni tal-aċċess parzjali fl-Artikolu 4(f) tadotta l-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-każ C-330/03. Kwalunkwe restrizzjoni ta’ dan ifisser il-ksur tal-Artikoli 45 u 49 tat-TFUE.

4.2.2   Il-kamp ta’ applikazzjoni prattiku tal-aċċess parzjali huwa limitat. Il-kodifikazzjoni m’għandhiex twassal għal dumping soċjali.

4.3   Anke fil-każ tal-Artikolu 5(1)(b) għandhom jittieħdu miżuri effettivi għall-prevenzjoni tal-abbuż. Għal dan il-għan, il-KESE jipproponi mekkaniżmu ta’ kontroll aktar rigoruż.

4.4   Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 7(4) iżomm id-dispożizzjoni tad-Direttiva preċedenti, li skontha servizz jista’ jiġi provdut jekk l-awtorità kompetenti tonqos milli tirrispondi. Bħal fil-każ tal-Artikolu 4(d)(5) huma preferuti rimedji legali oħra bħala mod kif l-awtoritajiet jitħeġġu jieħdu deċiżjoni (ara punt 4.1.3 u l-bqija hawn fuq).

4.5   L-Artikolu 11 jiddefinixxi ħames livelli ta’ kwalifiki soġġetti għad-Direttiva tal-Kwalifiki Professjonali. Dawn il-livelli ta’ kwalifiki mhumiex relatati mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQR) jew mas-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET). Id-definizzjoni tar-rekwiżiti minimi fil-Kapitolu III tat-Titolu III jagħmlu referenza għall-punti tal-ECTS. Bil-għan li tiġi żgurata aktar trasparenza għall-applikanti u l-awtoritajiet responsabbli, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi proċedura għall-integrazzjoni tal-ħames livelli ta’ kwalifiki fis-sistemi tal-EQF, l-ECVET, il-Qafas Ewroew ta’ Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET, li qabel kien l-EQARF) kif ukoll fil-Proċess ta’ Bologna u l-Proċess ta’ Kopenħagen u biex jiġu eliminati d-diverġenzi u d-dupplikazzjonijiet.

4.6   Fir-rigward tat-testijiet tal-aptitudni skont l-Artikolu 14(1), l-Artikolu 14(7) jistipula li l-Istati Membri għandhom iwettqu t-test tal-anqas darbtejn f’sena. Dan l-obbligu jista’ jitfa’ piż b’mod partikolari fuq l-Istati Membri ż-żgħar u b’mod ġenerali fuq il-professjonijiet bi ftit applikanti. Ikun aħjar li jkun hemm dispożizzjoni li tobbliga lill-Istati Membri jiggarantixxu li l-ebda applikant ma jkollu jistenna aktar minn sitt xhur biex jieħu sehem f’test tal-aptitudni wara li jkunu ngħatawlu struzzjonijiet biex jagħmel dan.

4.7   L-emenda għall-Artikolu 31(1) tistipula li hija obbligatorja edukazzjoni ġenerali ta’ 12-il sena għat-taħriġ tal-infermiera fil-qasam tal-kura ġenerali. L-istess jgħodd għat-taħriġ tal-qwiebel, taħt l-Artikolu 40(2). Il-KESE jinnota li dan m’għandux iwassal biex persuni iżgħar u inqas kwalifikati jiġu esklużi mill-aċċess għat-taħriġ. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li r-rekwiżiti ta’ kwalità għolja jkunu proporzjonati mat-talbiet tal-professjoni kkonċernata.

4.8   L-Artikolu 24(2) inaqqas il-perjodu minimu għat-taħriġ mediku bażiku b’sena, minn sitt snin għal ħamsa, filwaqt li jħalli n-numru minimu ta’ sigħat ta’ taħriġ għal 5 500 siegħa. Għalkemm in-numru minimu ta’ sigħat ta’ taħriġ ma jinbidilx, it-tnaqqis tal-perjodu minimu għal ħames snin ser iwassal biex it-taħriġ jiġi armonizzat, li jfisser li l-istudenti ser jiksbu anqas għarfien teoretiku u prattiku. Għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-pazjenti, il-perjodu minimu ta’ taħriġ għandu jibqa’ ta’ sitt snin. Id-dentisti jqisu li ħames snin u 5 000 siegħa huma biżżejjed.

4.9   Kapitolu IIIA – Rikonoxximent awtomatiku abbażi ta’ prinċipji ta’ taħriġ komuni

4.9.1   Ir-rikonoxximent abbażi ta’ qafas komuni tat-taħriġ jew eżami finali komuni għandu jintlaqa’ għaliex jippromovi l-mobbiltà tal-provvedituri tas-servizzi filwaqt li jiggarantixxi l-kwalità tas-servizzi permezz ta’ livell uniformi ta’ taħriġ.

4.9.2   B’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 58(a), il-Kummissjoni ser tispeċifika sett komuni ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi kif ukoll il-kwalifiki li jistgħu jinkisbu taħt qafas komuni ta’ taħriġ (Artikoli 49(a)(3) u 49(b)(3)). Madankollu dan m’għandux ifisser it-tnaqqis tal-livell tal-kwalifiki għall-inqas livell komuni fl-Unjoni. Ir-rekwiżiti proċedurali, il-proċeduri u l-kriterji li bihom il-Kummissjoni stabbilixxiet sett komuni ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi għandhom jiġu stipulati fid-Direttiva.

4.9.3   Il-kworum ta’ terz tal-Istati Membri, li miegħu jrid jikkorrispondi s-sett komuni ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi (Artikolu 49(a)(2)(c)) huwa baxx wisq. Hemm riskju li l-istandard minimu għall-perjodu u l-kwalità tat-taħriġ jonqos għall-inqas livell komuni. Il-kworum minimu għandu jiżdied għal tal-anqas 50 % + 1 tal-Istati Membri. Dan jelimina r-riskju li jkun hemm minoranza ta’ Stati Membri li tifforma maġġoranza relattiva u jiżgura li l-prinċipji komuni ta’ taħriġ jiġu aċċettati.

4.9.4   B’kuntrast mas-sistema preċedenti ta’ pjattaformi komuni, il-Kummissjoni għandha dritt esklużiv ta’ inizjattiva fil-proċess speċifikat fl-Artikolu 58a. Id-dritt ta’ inizjattiva għall-prinċipji komuni ta’ taħriġ għandu jibqa’ mal-Istati Membri jew mal-assoċjazzjonijiet professjonali jew organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-membri tagħhom fil-livell nazzjonali jew Ewropew.

4.9.5   L-Artikolu 55a jiffaċilita r-rikonoxximent fil-pajjiż tal-oriġni tal-apprentista ta’ apprendistat bi ħlas li jkun sar barra mill-pajjiż. Il-KESE jilqa’ din id-dispożizzjoni li ser tippromovi l-mobbiltà ta’ gradwati bejn l-Istati Membri.

4.10   Skont l-Artikolu 57a(4), il-limiti ta’ żmien kollha jibdew meta l-applikazzjoni titressaq lill-punt uniku ta’ kuntatt. Minħabba l-iskadenzi qosra stabbiliti fid-Direttiva (ara punt 4.1.3 hawn fuq) jidher li ser tkun diffiċli ħafna għall-awtoritajiet responsabbli li jipproċessaw l-applikazzjonijiet b’mod xieraq. Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi l-konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi.

Brussell, 26 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “L-Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” tat-3 ta’ Marzu 2010, COM (2010)2020 final.

(2)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2010, COM(2010) 682 final, punt 2.

(3)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Att dwar is-Suq Uniku, Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja “Flimkien għal tkabbir ġdid”, COM(2011) 206 final.

(4)  Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE “Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE”, COM(2010) 603 final, 27.10.2010.

(5)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2010, COM(2010) 682 final, punt 2.5.


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/108


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għall-perjodu 2014 sa 2020 il-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza”

COM(2011) 758 final — 2011/0344 (COD)

2012/C 191/19

Relatur ġenerali: is-Sur BOLAND

Nhar id-9 ta’ Frar 2012, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għall-perjodu 2014-2020 il-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza

COM(2011) 758 final – 2011/0344 (COD).

Nhar id-29 ta’ Frar 2012, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu tal-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tas-26 ta’ April) li jaħtar lis-Sur BOLAND bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’127 voti favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ l-proposta li jitkompla l-programm tad-drittijiet u ċ-ċittadinanza u jirrakkomanda li dan jirċievi l-ikbar appoġġ mill-partijiet interessati kollha involuti fl-implimentazzjoni tiegħu.

1.2   Huwa jirrakkomanda li t-titolu tal-programm għandu jinkludi t-terminu “ugwaljanza”. Dan jiżgura li l-programm jipproteġi d-drittijiet tal-persuni affettwati mid-diskriminazzjoni minħabba l-inugwlajanza. Huwa rakkomandat ukoll li l-għanijiet tal-programm jinkludu l-ġlieda kontra l-vjolenza, partikolarment dik domestika.

1.3   Il-Kumitat jirrakkomanda li l-programm jinkludi fl-għanijiet tiegħu referenza msaħħa u speċifika tal-kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-ġlieda kontra l-vjolenza u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabiltà.

1.4   Il-KESE jilqa’ l-fatt li ġie propost baġit għal dan il-programm. Madankollu, jirrakkomanda bis-sħiħ żieda realistika f’dak il-baġit għal ammont li jirrifletti l-aspetti addizzjonali miżjuda fil-programm.

1.5   Il-Kumitat jirrakkomanda li d-DĠ Ġustizzja jiżgura li għandu l-informazzjoni neċessarja sabiex jeżamina l-impatti b’mod preċiż u li jiżviluppa settijiet ta’ indikaturi li huma ġusti u objettivi li jippermettu analiżi xierqa tal-programm.

1.6   Il-Kumitat jinnota l-bidla fil-ġestjoni tal-programm mid-DĠ tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni għad-DĠ Ġustizzja. Għalkemm dan sar abbażi ta’ raġunijiet ġusti, wieħed għandu jifhem li jista’ jkun hemm riskji relatati mal-ġestjoni globali minħabba din il-bidla. Il-Kumitat jirrakkomanda li titwettaq analiżi xierqa tar-riskju sabiex jitnaqqsu d-diffikultajiet li jinħolqu mill-bidla mid-DĠ tal-Impjiegi għad-DĠ Ġustizzja.

1.7   Il-Kumitat jirrakkomanda li l-programm jiġi implimentat fl-Unjoni Ewropea kollha b’tali mod li huwa konsistenti mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

1.8   Il-Kumitat hu tal-fehma li kull wieħed mill-programmi implimentati għandu jiġi appoġġat b’mod xieraq f’kull wieħed mill-pjani annwali. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jirrakkomanda li l-fondi jiġu allokati sabiex l-ebda programm ma’ jkun żvataġġat. Il-Kumitat jirrakkomanda li tiżdied sentenza mal-proposta tal-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li kull programm ta’ ħidma annwali jipprovdi distribuzzjoni xierqa u ġusta ta’ fondi bejn l-oqsma u li jinżammu livelli ta’ finanzjar biżżejjed għall-oqsma kollha.

1.9   Iż-żieda tal-punt dwar il-konsumatur fil-programm toħloq tħassib kbir għall-partijiet interessati. It-tħassib jikkonċerna l-iktar il-fatt li din tista’ tneħħi l-programmi eżistenti u/jew iddgħajjef l-appoġġ finanzjarju tagħhom. Filwaqt li l-Kumitat jifhem il-ħtieġa li jiġi inkluż punt dwar il-konsumatur abbażi tal-fatt li hi r-responsabbiltà tad-DĠ Ġustizzja, jirrakkomanda bis-sħiħ li l-baġit allokat għall-programm ma jitnaqqasx minħabba l-inklużjoni ta’ dan il-punt addizzjonali.

1.10   F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li programmi li jridu jtejbu s-sitwazzjoni tal-persuni affetwati mid-diskriminazzjoni fir-rigward tal-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem bosta drabi qed jittrattaw sitwazzjonijiet ta’ faqar. Il-Kumitat jifhem li hemm programmi oħra stabbiliti biex jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni, iżda jemmen bis-sħiħ li dan il-programm għandu jqis kompletament ir-rwol li għandu l-faqar fil-ħolqien tad-diskriminazzjoni.

1.11   Hemm tħassib li l-konformità ma’ definizzjoni stretta ta’ ċittadinanza tista’ teskludi wħud minn dawn il-“persuni” msemmija fl-għanijiet tal-programm. Il-KESE jemmen li dan it-tħassib jonqos jekk il-programmi ta’ implimentazzjoni jitħeġġu jappoġġaw il-prinċipji ta’ inklużjoni fil-pjanitagħhom. Huwa rakkomandat li l-applikanti jkunilhom ċar li l-użu tat-terminu “persuni” fl-għanijiet ġenerali huwa maħsub sabiex jiżgura inklużjoni sħiħa.

1.12   Il-KESE jappoġġa bis-sħiħ il-ħidma li saret min-netwerks eżistenti li tappoġġa u tmexxi l-programmi ta’ informazzjoni li jgħinu lil dawk li jirċievu l-għotjiet u dawk li jfasslu l-politiki fil-livell nazzjonali u dak tal-UE. Huwa ta’ importanza assoluta li n-netwerks li japplikaw għall-iffinanzjar taħt il-programm il-ġdid ma jkunux żvantaġġati billi ma titqisx l-esperjenza tagħhom fil-ħidma dwar id-drittijiet tal-bniedem u x-xogħol. Il-Kumitat jemmen ukoll li qed issir valutazzjoni xierqa ta’ din il-ħidma, sabiex l-esperjenza mill-programm tkun disponibbli għal ħidma futura dwar l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem.

1.13   Hemm tħassib mifrux li kwalunkwe lakuna bejn it-tmiem tal-programm attwali għall-2007-2013 u l-programm il-ġdid għall-2014-2020 tkun ta’ detriment għall-programm sħiħ u twassal għal telf ta’ esperjenzi vitali. Il-Kumitat jesprimi b’mod ċar li tali lakuni għandhom jiġu evitati.

2.   Kuntest

2.1   Il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għall-perjodu 2014-2020 il-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza (1) ġiet adottata fil-15 ta’ Novembru 2011. Il-proposta tippreżenta l-bidliet proposti għall-programm ġdid ibbażat fuq l-eżiti mill-esperjenzi tal-programm attwali għall-perjodu 2007-2013.

2.2   Wara l-adozzjoni tal-proposta, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew intalab ifassal opinjoni biex tiġi adottata fl-480 sessjoni plenarja tiegħu, li ser issir fil-25 u s-26 ta’ April 2012.

2.3   Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 19(2), 21(2), 114, 168, 169 u 197 tat-TFUE.

2.4   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 għandu jammonta għal EUR 439 miljun (prezzijiet attwali).

2.5   Huwa disponibbli fil-pajjiżi kollha tal-UE.

2.6   Il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi hija limitata għall-pajjiżi taż-ŻEE, għall-pajjiżi ta’ adeżjoni, għall-pajjiżi kandidati u għall-kandidati potenzjali. Pajjiżi terzi oħra, partikolarment pajjiżi fejn tapplika l-Politika Ewropea tal-Viċinat, jistgħu jibbenefikaw ukoll.

2.7   Il-partijiet interessati kollha huma tal-fehma li l-programm il-ġdid m’għandux jiddewwem u għandu jkun operattiv b’mod sħiħ fil-bidu tal-2014.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1   Il-proposta tal-Kummissjoni tagħti tifsira dettaljata tal-programm propost għall-perjodu 2014-2020.

3.2   Hija tistabbilixxi qafas bil-għan li jissimplifika u jirrazzjonalizza l-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza, li se jkun is-suċċessur tat-tliet programmi attwali.

3.3   Dawn it-tliet programmi huma: (a) id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza (b) Daphne III (c) is-Sezzjonijiet “Antidiskriminazzjoni u Diversità” u “Ugwaljanza bejn is-Sessi” tal-Programm għall-Impjiegi u s-Solidarjetà Soċjali (PROGRESS).

3.4   Wara valutazzjoni tal-impatt tal-programm attwali għall-perjodu 2007-2013, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinkorpora s-sitt programmi attwali fi tnejn. Dan jippermetti approċċ komprensiv ta’ finanzjament u programm ġestit b’mod iktar effiċjenti.

3.4.1   L-objettiv tal-Programm huwa li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ żona, fejn id-drittijiet tal-persuni, kif stabbilit fit-TFUE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ikunu promossi u protetti.

3.4.2   Huwa għandu ħames għanijiet speċifiċi, li huma:

li jtejjeb id-drittijiet li jirriżultaw minn ċittadinanza fl-Unjoni Ewropea;

li jippromovi l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali inkluża l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u l-anzjani;

li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni ta’ data personali;

li jtejjeb ir-rispett tad-drittijiet tat-tfal;

li jagħti s-setgħa lill-konsumaturi u n-negozji li jinnegozjaw u jixtru b’kunfidenza fi ħdan is-suq intern.

3.5   Il-proposta tagħti dettalji tal-valutazzjoni ta’ nofs it-terminu u tissuġġerixxi titjib.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-iżvilupp ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jibqa’ prijorità għall-Unjoni Ewropea. Madankollu huwa mħasseb li mhemmx implimentazzjoni konsistenti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-Unjoni Ewropea kollha.

4.2   Il-programm il-ġdid jikkonċerna essenzjalment il-forniment ta’ finanzjament ta’ EUR 439 miljun matul il-perjodu 2014-2020. Dan jirrappreżenta tnaqqis żgħir fil-baġit preċedenti u hi l-fehma tal-KESE li dan jirrappreżenta dgħufija fl-impenn tal-Unjoni Ewropea li ttejjeb is-sitwazzjoni tan-nies li jesperjenzaw diskriminazzjoni.

4.3   Il-Kumitat hu mħasseb li l-iżvilupp ta’ “tendenzi estremisti” jista’ jkun ta’ ħsara għall-implimentazzjoni tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem (2) u għaldaqstant huwa importanti li jkunu disponibbli riżorsi adegwati għall-gruppi li qed jaħdmu sabiex itejbu din is-sitwazzjoni. Filwaqt li hu minnu li huwa disponibbli baġit sabiex titkompla din il-ħidma, il-Kumitat huwa ċar ħafna li l-baġit propost huwa inqas mil-livell ta’ appoġġ meħtieġ sabiex tinżamm il-kontinwità tal-ħidma stabbilita fil-programm preċedenti.

4.4   Il-Kumitat hu mħasseb li l-prijoritizzazzjoni tal-programmi annwali adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8 tal-proposta tal-Kummissjoni tista’ tpoġġi xi elementi jew punti tal-proġett fi żvantaġġ. Dan jista’ jitranġa billi jiġi żgurat li l-programmi ta’ ħidma kollha jiġu ffinanzjati sal-livell meħtieġ sabiex tkompli għaddejja l-ħidma attwali.

4.5   Hemm bżonn li tinżamm viżibbiltà għolja tal-programmi, sabiex jitqiesu li huma effettivi fil-promozzjoni kontra d-diskriminazzjoni fl-oqsma kollha koperti.

4.6   Il-Kumitat hu mħasseb li l-kapaċità tad-DĠ Ġustizzja li jeżamina l-impatti hi mxekkla mid-dikjarazzjoni tiegħu stess li m’għandux biżżejjed informazzjoni.

4.7   Il-Kumitat hu mħasseb li l-punt addizzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-konsumatur jista’ jqiegħed pressjonijiet żejda fuq il-programm. Dawn jinkludu ċ-ċaqliq ta’ programmi li jittrattaw b’mod dirett id-drittijiet bażiċi tal-bniedem u l-periklu li jitneħħa finanzjament prezzjuż mill-programmi għad-drittijiet tal-bniedem u l-ġustizzja.

4.8   Il-Kumitat hu mħasseb li t-titolu tal-programm ma jirrappreżentax il-kontenut sħiħ tal-programm. Huwa jqis, b’mod partikolari, li n-nuqqas tat-terminu “ugwaljanza” fit-titolu jdgħajjef il-programmi dwar id-drittijiet tal-ugwaljanza.

4.9   Il-KESE mħasseb fir-rigward tal-fatt li l-għanijiet tal-programm għandhom jinkludu l-ġlieda kontra l-vjolenza, partikolarment dik domestika.

4.10   Il-Kumitat imħasseb fir-rigward tal-fatt li d-definizzjoni taċ-ċittadinanza kif stabbilita f’wieħed mill-ħames għanijiet tal-programm se teskludi n-nies li jgħixu fl-UE iżda mhux bilfors għandhom iċ-ċittadinanza. Huwa jilqa’ l-fatt li l-għanijiet ġenerali tal-programm jagħmlu referenza għal “persuni”. Madankollu l-KESE jitlob li l-għanijiet jissaħħu sabiex il-programm ikun kompletament inklużiv.

4.11   Hemm tħassib mifrux li n-netwerks preżenti involuti fl-appoġġ u l-forniment ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-programm m’għandhomx ikunu żvantaġġati meta japplikaw għall-parteċipazzjoni fil-programm il-ġdid. Il-Kumitat jifhem li għandhom livell għoli ta’ esperjenza f’ħidma dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza. Jifhem ukoll li r-rwol tan-netwerks għandu jiġi valutat b’mod xieraq, l-istess bħall-partijiet kollha tal-programm.

4.12   Il-ħtieġa li l-programmi jiġu adattati abbażi ta’ tagħlim minn esperjenza oħra, bħall-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, fir-rigward tal-valutazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet bil-għan li jittejbu f’ċirkustanzi li jinbidlu, għandha jkollha parti essenzjali fl-iżvilupp tal-programm.

4.13   Il-KESE jinnota li sabiex id-drittijiet tal-komunità kollha jiġu rikonoxxuti dejjem irid jitfittex li jintlaħaq bilanċ sabiex jiġu segwiti d-drittijiet u l-ugwaljanza. Huwa ċar ukoll li kulħadd għandu jkollu aċċess għal proċessi li jiżguraw li ma sseħħx diskriminazzjoni.

Brussell, 26 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 758 final – 2011/0344 (COD).

(2)  Staffan Nilsson, “Europe’s snail syndrome”, 10 ta’ Mejju 2011; http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.news.18276.


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/111


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE)”

COM(2011) 874 final

2012/C 191/20

Relatur: is-Sur NARRO

Nhar il-15 ta’ Diċembru 2011 u nhar it-23 ta’ Jannar 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 192 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE)

COM(2011) 874 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’127 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Programm LIFE huwa programm Komunitarju ta’ suċċess li fl-aħħar 20 sena, flimkien ma’ fondi u inizjattivi oħra, wassal għal riżultati pożittivi ħafna. Għaldaqstant, għandu jinżamm u jittejjeb bil-għan li jsir progress b’mod strateġiku u koerenti fil-protezzjoni tal-ambjent u l-klima tal-Unjoni Ewropea.

1.2   Iż-żieda tal-baġit propost għall-Programm LIFE (2014-2020) huwa sinjal tajjeb, madankollu fadal ħafna xi jsir sabiex l-ambjent jiġi integrat b’mod effikaċi fil-politiki Ewropej. Il-KESE jitlob lill-Istati Membri biex, hekk jif jinsabu fi kriżi ekonomika profonda, jimpenjaw ruħhom b’mod deċiżiv fl-investiment ambjentali u klimatiku sabiex inaqqsu l-effetti tagħhom.

1.3   Il-ħolqien ta’ sottoprogramm għall-Azzjoni Klimatika jista’ jkun strument pożittiv li jagħti viżibbiltà ikbar lil dawk l-inizjattivi indirizzati lejn l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Min-naħa tiegħu, is-sottoprogramm għall-Ambjent għandu jkompli jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-bijodiversità u b’mod prijoritarju għall-finanzjament tan-Netwerk Natura 2000 mingħajr ma jnaqqas il-parteċipazzjoni ta’ fondi oħra bħal dawk relatati mal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

1.4   It-tip ġdid ta’ proġetti fuq skala kbira, il-“proġetti integrati”, għandu jitnieda bil-garanzija tal-parteċipazzjoni tal-NGOs u l-SMEs, filwaqt li jitkomplew il-“proġetti tradizzjonali” u tiġi mtejba l-koordinazzjoni bejn il-korpi nazzjonali u dawk Komunitarji. F’dan ir-rigward, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni, fil-proposta għal Regolament, tintegra tqassim baġitarju ċar bejn iż-żewġ proġetti, tispeċifika liema kriterji se jintużaw għall-iżvilupp tat-tqassim ġeografiku tal-proġetti integrati u tiċċara kif se jitfasslu l-programmi multiannwali mingħajr ma titnaqqas il-flessibbiltà tal-Programm.

1.5   Il-KESE huwa favur li t-tqassim tal-proġetti jsir skont il-kriterji ta’ mertu u mhux dawk ġeografiċi. Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi l-parteċipazzjoni limitata fil-Programm LIFE ta’ ħafna pajjiżi li la għandhom l-esperjenza u lanqas biżżejjed mezzi biex jinvolvu ruħhom b’mod attiv. F’dan ir-rigward huwa essenzjali li l-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess tiegħu permezz ta’ aktar konsulenza u koordinazzjoni istituzzjonali aħjar.

1.6   Iż-żieda fir-rata ta’ kofinanzjament għall-proġetti tradizzjonali u integrati ma tista’ bl-ebda mod tiġġustifika li l-VAT u l-persunal permanenti ma jibqgħux jiġu meqjusa bħala spejjeż eliġibbli. Il-fatt li dawn l-ispejjeż ma jiġux inklużi jagħmel ħsara l-iktar lill-organizzazzjonijiet iż-żgħar tas-soċjetà ċivili li l-kontribut tagħhom huwa siewi ħafna iżda li l-parteċipazzjoni tagħhom tista’ tiġi eskluża jew limitata.

1.7   L-introduzzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa hija miżura tajba ta’ semplifikazzjoni. Il-KESE jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha ssaħħaħ it-titjib tas-servizzi ta’ konsulenza, is-semplifikazzjoni tal-formoli finanzjarji u l-introduzzjoni ta’ fażi ta’ valutazzjoni minn qabel tal-proġetti tradizzjonali.

1.8   Il-KESE jqis li l-preservazzjoni tal-karattru Komunitarju u tal-valur miżjud Ewropew tal-Programm LIFE hija indispensabbli. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tiċċara minn qabel liema miżuri għandhom jittieħdu permezz ta’ atti delegati, ir-rwol tal-Istati Membri fil-Kumitat għall-Programm LIFE u s-setgħat ġodda tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni.

1.9   Minkejja s-suċċess sinifikanti tal-Programm LIFE, il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmel aktar sforzi biex tippromovi t-tagħrif dwar il-Programm u l-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. F’dan ir-rigward huwa fundamentali li jittejbu l-mezzi tat-tixrid ta’ informazzjoni, it-trasparenza fl-għażla tal-proġetti u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej dwar l-importanza u l-valur miżjud li strument Komunitarju bħall-Programm LIFE jipprovdi lis-soċjetà.

2.   Kuntest

2.1   Fit-12 ta’ Diċembru 2011 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE). L-allokazzjoni finanzjarja kollha tal-Programm LIFE għall-perjodu 2014-2020 espressa fi prezzijiet attwali hija ta’ EUR 3 618 miljun.

2.2   Il-Programm LIFE huwa parti mill-proposta tal-Kummissjoni dwar il-qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu 2014-2020, li tistabbilixxi l-qafas baġitarju u l-linji gwida prinċipali fl-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tqis l-ambjent u l-azzjoni klimatika bħala partijiet integrali mill-istrumenti u l-interventi ewlenin kollha.

2.3   Sa mill-bidu tiegħu fl-1992, il-Programm LIFE kien wieħed mill-oqsma ewlenin ta’ finanzjament ambjentali tal-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament il-ġdid propost mill-Kummissjoni għandu l-għan li jissostitwixxi r-Regolament fis-seħħ Nru 614/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE+).

2.4   Il-proposta għal Regolament LIFE ġdid hija mfassla fil-għamla ta’ Programm LIFE b’żewġ sottoprogrammi: wieħed għall-Ambjent u ieħor għall-Azzjoni Klimatika. Is-sottoprogramm għall-Ambjent huwa magħmul minn tliet oqsma prijoritarji: 1. “Bijodiversità”; 2. “Ambjent u Effiċjenza fir-Riżorsi”, u finalment 3. il-qasam prijoritarju “Governanza u Informazzjoni”.

2.5   Is-sottoprogramm għall-Ambjent se jkollu EUR 2 713,5 miljun. Nofs ir-riżorsi allokati għall-appoġġ ta’ proġetti permezz ta’ azzjonijiet konkreti ser jiġu ddedikati għall-appoġġ tan-natura u l-bijodiversità. Is-sottoprogramm għall-Azzjoni Klimatika se jkollu baġit ta’ EUR 904,5 miljun, u se jkun magħmul minn tliet oqsma prijoritarji speċifiċi: “Mitigazzjoni tal-Bidla Klimatika”, “Adattament għall-Bidla Klimatika” u “Governanza Klimatika u Informazzjoni”.

2.6   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dejjem wera l-importanza kbira tal-Programm LIFE għall-iżvilupp u l-konfigurazzjoni tal-politika ambjentali tal-UE. Fl-aħħar tliet opinjonijiet maħruġa mill-KESE fil-qasam tal-proġett LIFE, huwa tenna l-kontribut siewi iżda limitat tiegħu għall-protezzjoni tal-ambjent Ewropew (1).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Baġit

3.1.1   Il-baġit allokat għall-Programm LIFE fil-proposta tal-qafas finanzjarju multiannwali jirrappreżenta żieda sinifikanti meta mqabbel mal-fondi allokati fil-perjodu 2007-2013. Il-baġit tal-Programm LIFE se jiżdied minn EUR 2 143 miljun għal EUR 3 200 miljun fi prezzijiet tal-2011 (EUR 3 618-il miljun fi prezzijiet attwali). Is-sottoprogramm għall-Ambjent se jirċievi EUR 2 713,5 miljun (nofshom għal azzjonijiet fil-qasam tal-bijodiversità u n-natura) u dak għall-Azzjoni Klimatika rċieva EUR 904,5 miljuni.

3.1.2   Il-fondi previsti jirrappreżentaw 0,3 % tal-baġit totali Ewropew. Iż-żieda fil-baġit hija sinjal pożittiv rigward it-tħassib ambjentali, għalkemm għandu jiġi evalwat kif il-kriżi ekonomika se taffettwa l-possibbiltajiet ta’ finanzjament mill-korpi privati u l-amministrazzjonijiet lokali, l-aktar fil-proġetti kbar fejn ikun hemm bżonn aktar fondi. Fi kwalunkwe każ, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ impenn għall-protezzjoni tal-ambjent u l-klima sabiex jitnaqqsu l-effetti tal-kriżi u jsostni li l-finanzjament tal-Programm LIFE m’għandux jaffettwa b’mod negattiv lil fondi oħra li potenzjalment jistgħu jkunu involuti wkoll fl-istess qasam bħall-FAEŻR jew il-Fondi Strutturali.

3.1.3   Il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-ħtieġa ta’ finanzjament addizzjonali sabiex jitwettqu l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni, tixrid u trasferiment tal-għarfien. Il-finanzjament speċifiku ta’ miżuri ta’ konsulenza u taħriġ jikkontribwixxi mhux biss biex jissemplifika l-ġestjoni tal-Programm iżda wkoll, u b’mod prinċipali, biex iżid l-effettività tiegħu u biex ir-riżorsi jintużaw bl-aħjar mod possibbli.

3.2   Novitajiet ewlenin tal-proposta

3.2.1   Wara l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjonijiet tal-impatt, il-Kummissjoni ddeċidiet li tintroduċi tliet bidliet importanti fir-Regolament fis-seħħ sabiex ittejjeb l-istruttura tiegħu, tissemplifika l-funzjonament tiegħu, iżżid il-flessibbiltà tiegħu u tistabbilixxi b’mod aktar ċar l-għanijiet u l-istrateġiji. Dawn il-bidliet huma:

1)

Prijoritajiet aktar speċifiċi.

2)

Żewġ sottoprogrammi: Ambjent u Azzjoni Klimatika.

3)

Tip ġdid ta’ proġetti: “proġetti integrati”

3.3   L-istabbiliment tal-prijoritajiet

3.3.1   Waħda mill-kwistjonijiet l-aktar diskussi fil-konsultazzjoni mwettqa minn qabel mill-Kummissjoni Ewropea kienet dwar kemm huwa tajjeb li jiġu stabbiliti prijoritajiet ċari għall-Programm il-ġdid. Il-Kummissjoni rrifjutat, ġustament, l-istabbiliment ta’ prijoritajiet annwali fissi li jistgħu jimpedixxu lill-applikanti milli jippjanaw, jippreparaw u jippreżentaw b’mod korrett il-proposti tagħhom. Finalment, il-Kummissjoni ddeċidiet, għalkemm mingħajr ma tat informazzjoni preċiża, favur it-tfassil, flimkien mal-Istati Membri, ta’ programmi ta’ ħidma ta’ mill-inqas sentejn. Il-KESE bħalissa mhuwiex fil-kundizzjoni li jindirizza l-kwistjoni tal-pjani ta’ ħidma minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni preċiża f’dan ir-rigward fil-proposta għal Regolament diskussa f’din l-opinjoni. Minkejja n-nuqqas ta’ tagħrif, it-tfassil tal-programmi ta’ ħidma għandu jirrispetta l-essenza tal-Programm LIFE f’dak li jirrigwarda l-flessibbiltà tiegħu u l-adattament tiegħu għall-bidla.

3.3.2   Il-KESE jappoġġja l-konċentrazzjoni ta’ sforzi fuq prijoritajiet politiċi partikolari u oqsma ta’ attivitajiet relatati mal-ambjent u l-klima. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi aktar informazzjoni dwar il-funzjonament tal-Kumitat għall-Programm LIFE, ir-riforma tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali u l-użu tal-atti delegati sabiex jiġu stabbiliti kriterji ta’ ammissibilità tal-proġetti u ta’ bilanċ ġeografiku fil-każ tal-proġetti integrati.

3.4   Sottoprogramm għall-Azzjoni Klimatika

3.4.1   Il-ħolqien ta’ sottoprogramm speċifiku li jindirizza l-kwisjonijiet relatati mal-klima u t-tliet prijoritajiet tiegħu (mitigazzjoni, adattament u governanza) għandu jagħti spinta sabiex itejjeb l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE dwar il-klima, isaħħaħ il-governanza u jikkonsolida netwerks u pjattaformi ġodda. Is-sottoprogramm il-ġdid huwa essenzjali sabiex jipprova jikseb l-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 (2) u l-Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 (3).

3.4.2   Is-sottoprogramm il-ġdid, minkejja l-allokazzjoni finanzjarja limitata tiegħu, għandu jiffoka fuq sensiela ta’ objettivi speċifiċi li jippermettu t-titjib tal-għarfien dirett dwar il-kwistjonijiet relatati mal-klima u l-konverżjoni ta’ din il-prijorità f’parti integrali mill-istrumenti u l-miżuri Komunitarji kollha. Is-sinerġiji bejn l-objettivi ambjentali u klimatiċi huma ċari. Kif tindika l-Kummissjoni Ewropea fil-proposta għal Regolament, il-proġetti fil-qasam tal-klima jistgħu jilħqu diversi objettivi.

3.4.3   Il-KESE jemmen li d-deċiżjoni li tingħata aktar importanza lill-qasam tat-“tibdil fil-klima” fil-komponent “Politika Ambjentali u Governanza” tal-Programm LIFE+ hija waħda adatta u korretta. Din mhix biss kwistjoni li tittejjeb il-viżibbiltà tiegħu, iżda wkoll li jinfiehem il-valur strateġiku u multidixxiplinari tiegħu.

3.5   Proġetti integrati

3.5.1   Proġett integrat huwa proġett tradizzjonali LIFE li jkopri żona usa’ mit-territorju ta’ reġjun li fih l-applikant beħsiebu jibni l-kapaċità meħtieġa għall-ġestjoni ta’ settur speċifiku permezz tal-mobilizzazzjoni tal-finanzjament tal-Programm LIFE iżda wkoll ta’ fondi oħra tal-UE u fondi nazzjonali, reġjonali jew tas-settur privat.

3.5.2   B’mod ġenerali, se jkunu proġetti fuq skala kbira (EUR 5-10 miljuni ta’ kofinanzjament Komunitarju) bil-għan li jsolvu problemi ambjentali u jtejbu l-implimentazzjoni u l-integrazzjoni tal-ambjent f’politiki oħra. L-oqsma ta’ azzjoni prijoritarji huma adegwati (Netwerk Natura 2000, ilma, arja, skart, eċċ.) għalkemm il-Kummissjoni m’għandhiex timmarġinalizza r-rwol ta’ xi proġetti tradizzjonali li ġġeneraw ħafna benefiċċji bi spiża minima. Il-proġetti integrati se jipprovdu mekkaniżmu ġdid ta’ eżekuzzjoni polivalenti fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali u klimatika, iżda jqajmu dubji raġonevoli dwar jekk fil-prattika jiġġenerawx kumplessità akbar fil-ġestjoni u diffikultajiet ta’ koordinazzjoni bejn il-fondi differenti li jintervjenu fl-istess ħin.

3.5.3   Il-proġetti integrati ser ikunu soġġetti għal distribuzzjoni ġeografika li għad trid tiġi definita. Il-Kummissjoni se tipproċedi permezz ta’ atti delegati sabiex tistabbilixxi kriterji ġeografiċi, iżda jkun tajjeb li r-Regolament bażiku jinkludi xi linji gwida bażiċi dwar kif jistgħu jiġu inċentivati l-pajjiżi tradizzjonalment inqas attivi fil-qasam LIFE sabiex itejbu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-Programm. Għal dan il-għan huwa meħtieġ li tingħata konsulenza msaħħa lil dawn il-pajjiżi u li tittejjeb il-koordinazzjoni mal-korpi nazzjonali kompetenti. Il-Kumitat jemmen li meta jintgħażel proġett integrat għandhom jieħdu preċedenza l-kriterji ta’ mertu fuq il-kriterji ġeografiċi jew oħrajn simili. Il-kofinanzjament estiż sa 80 % tal-ispejjeż eliġibbli jista’ ma jkunx biżżejjed biex jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-operaturi pubbliċi u privati f’kuntest ta’ kriżi fejn huwa ferm diffiċli li l-fondi adegwati jiġu mobilizzati għal proġetti tant ambizzjużi.

3.5.4   Il-proġetti integrati għandhom jinkludu b’mod aktar deċiżiv lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jiffaċilitaw l-iżvilupp tagħhom u l-applikazzjoni fil-livell lokali, filwaqt li jiġi evitat li dawn isiru esklużivament strumenti f’idejn l-amministrazzjonijiet. Huwa essenzjali li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jiġi inkoraġġut il-ħolqien ta’ netwerks li jippermettu l-iskambju ta’ prattiki tajba u t-trasferiment tal-għarfien bejn il-membri tagħhom.

4.   Kummenti partikolari

4.1   Semplifikazzjoni

4.1.1   Il-Kummissjoni tisħaq fuq semplifikazzjoni akbar permezz tal-ġeneralizzazzjoni tal-ammonti fissi u l-ħlasijiet f’somma f’daqqa. Din il-miżura hija pożittiva u tista’ telimina l-piżijiet burokratiċi mhux meħtieġa.

4.1.2   Madankollu, il-Kumitat ma jistax jaċċetta l-proposta li l-ispejjeż eliġibbli jiġu riveduti biex ma jinkludux il-VAT jew l-ispejjeż permanenti tal-persunal (ġeneralment dawn l-ispejjeż ikunu ta’ madwar 30 %). Jekk ma jiġux ikkunsidrati l-ispejjeż imsemmija, jiżdiedu d-diffikultajiet għall-proġetti primarjament żviluppati mill-atturi tas-soċjetà ċivili aktar modesti jew ta’ livell lokali. Is-semplifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq bidla sostanzjali tal-formoli, konsulenza aħjar fil-fażi tal-abbozzar, flessibbiltà fil-modifikazzjonijiet baġitarji ex-post u fażi ta’ evalwazzjoni minn qabel (screening). Fil-fehma tal-Kumitat, xi miżuri ta’ semplifikazzjoni mfassla speċifikament għall-proġetti integrati għandhom jiġu estiżi għal dawk tradizzjonali, bħal pereżempju fil-każ tal-istabbiliment taż-żewġ fażijiet fl-għażla tal-proġetti.

4.1.3   Il-proposta għal Regolament ittejjeb b’mod sinifikanti l-komplementarjetà bejn l-istrumenti finanzjarji rigward il-formulazzjoni konfuża tal-Artikolu 9 attwali. Il-KESE jaqbel mal-prinċipju li l-Programm LIFE għandu jikkomplementa programmi oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, Orizzont 2020, eċċ.) filwaqt li jtejjeb il-koordinazzjoni bejniethom bil-għan li jimpedixxi l-finanzjament doppju.

4.1.4   Flimkien mal-miżuri l-ġodda għas-semplifikazzjoni tal-funzjonament u l-ġestjoni tal-Programm, għandha tiżdied it-trasparenza tal-kriterji tal-għażla tal-proġetti u għandhom jissaħħu l-istrumenti eżistenti sabiex il-benefiċjarji potenzjali jingħataw konsulenza u linji gwida.

4.2   Approċċ Komunitarju/attivitajiet barra mill-Unjoni

4.2.1   It-tneħħija tal-allokazzjonijiet nazzjonali indikattivi (l-Artikolu 6 tar-Regolament attwali) se twassal biss għal kriterji ta’ bilanċ ġeografiku mhux determinati għall-proġetti integrati msemmija. L-allokazzjonijiet nazzjonali ma tawx ir-riżultat mistenni u ma inċentivawx lill-Istati ż-żgħar jew lil dawk b’inqas esperjenza fil-ġestjoni ta’ dawn il-fondi. It-tneħħija tagħhom tidher loġika u hija kkumpensata mill-Kummissjoni permezz ta’ kriterji ġeografiċi għall-proġetti ta’ ambitu akbar (proġetti integrati). Attwalment l-Italja, il-Ġermanja u Spanja huma l-aktar li jibbenefikaw, iżda l-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi b’inqas esperjenza jew taħriġ tekniku għandha tiġi inkoraġġuta.

4.2.2   L-espansjoni tal-ambitu ġeografiku tal-Programm LIFE tidher adegwata iżda m’għandhiex tibdel in-natura Komunitarja tal-Programm LIFE. L-eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali għandhom jitnaqqsu għal każijiet partikolari ħafna f’oqsma speċifiċi, bħall-ispeċijiet tal-baħar jew migratorji jew il-kooperazzjoni internazzjonali bejn l-organizzazzjonijiet. Il-KESE jappoġġja li mill-inqas 15 % tal-baġit tal-Programm jingħata permezz ta’ proġetti ta’ natura transnazzjonali.

4.2.3   Il-Kummissjoni s’issa ħadet responsabbiltà sħiħa għall-ġestjoni tal-Programm LIFE; iżda mhuwiex ċar fil-proposta l-ġdida r-rwol li se jingħata lill-Aġenziji Eżekuttivi u b’mod partikolari lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni fil-qafas tal-proġetti tradizzjonali. F’dan ir-rigward huwa pertinenti li l-Kummissjoni Ewropea tintalab tagħrif dwar liema se jkunu s-setgħat tal-Aġenzija Eżekuttiva fl-għażla tal-proġetti u liema għodod se jintużaw sabiex jissaħħu l-punti ta’ kuntatt nazzjonali.

4.3   Netwerk Natura 2000

4.3.1   Il-kontribuzzjoni tal-Programm LIFE għall-finanzjament tal-iżvilupp tan-Netwerk Natura 2000 hija prijorità li tat riżultati notevoli. Fil-perjodu li ġej, il-Programm LIFE għandu jkompli bil-kontribut tiegħu għat-titjib tal-aċċettazzjoni tan-Netwerk Natura 2000 min-naħa tal-aġenti lokali u dawk tal-amministrazzjonijiet. Għalhekk hija prijorità li l-Programm LIFE jikkontribwixxi sabiex jikkonsolida kriterji komuni għall-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-ispazji Natura 2000. Dan il-kompitu għandu jiġi kkoordinat mill-Kummissjoni Ewropea u jiffoka fuq dawk il-pajjiżi li l-istabbiliment tagħhom hija aktar reċenti.

4.4   Kofinanzjament

4.4.1   Il-perċentwal massimu ta’ finanzjament għall-proġetti LIFE għandu jkun ta’ 70 % tal-ispejjeż eliġibbli, fejn qabel kien 50 %. Fil-każ tal-proġetti integrati dan jista’ jasal sa 80 %, u dan il-perċentwal japplika wkoll għall-proġetti speċifiċi ta’ appoġġ għall-bżonnijiet speċjali għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta’ politiki jew leġislazzjoni tal-UE, b’kunsiderazzjoni tal-valur strateġiku tagħhom. Din iż-żieda tal-kofinanzjament issir bil-għan li tiġi kkumpensata n-noneliġibbiltà ta’ spejjeż partikolari sinifikanti ħafna li s’issa kienu eliġibbli, bħall-VAT u l-ispejjeż ta’ persunal permanenti. Madankollu, fil-perjodu attwali xi proġetti fil-qasam tal-bijodiversità diġà jibbenefikaw minn kofinanzjament ta’ 75 %. Għalhekk, huwa xieraq li Kummissjoni tanalizza jekk dan il-kofinanzjament huwiex biżżejjed bħala kumpens jew jekk, għall-kuntrarju ta’ dan, għandhiex tiġi stabbilita rata ta’ kofinanzjament fissa minflok massimu.

4.5   Ekoinnovazzjoni

4.5.1   Fil-perjodu attwali, il-parti l-kbira tal-proġetti tal-politika u l-governanza ambjentali kellhom bħala għan l-applikazzjoni ta’ metodi innovattivi ta’ negozju jew ta’ ġestjoni. Il-valutazzjoni tal-impatt tqis l-avvanzi fl-ekoinnovazzjoni bħala pożittivi ħafna. Minkejja dan, il-Kummissjoni tipproponi limitazzjonijiet fuq l-innovazzjoni privata peress li, a priori, strumenti speċifiċi oħra bħall-Orizzont 2020 ser jieħdu ħsieb dan.

4.6   L-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni tal-SMEs u l-NGOs

4.6.1   Id-disinn il-ġdid tal-Programm LIFE jabbanduna l-approċċ purament axxendenti tiegħu (minn isfel għal fuq) u jimponi approċċ flessibbli minn fuq għal isfel. Ir-riżultat ta’ din il-filosofija huwa l-ħolqien tal-proġetti integrati. Il-KESE ma jiċħadx il-viżjoni l-ġdida tal-Kummissjoni, iżda jixtieq jenfasizza l-importanza li jiġu promossi dawk il-proġetti żviluppati f’livell lokali jew reġjonali, li jinvolvu negozji żgħar u NGOs iżda li jistgħu jipproduċu riżultati kbar bi spejjeż minimi.

4.6.2   Il-KESE huwa favur li l-proġetti ffinanzjati mill-Programm LIFE effettivament jippromovu l-użu tal-akkwist pubbliku ekoloġiku.

4.7   Finanzjament tal-NGOs ambjentali

4.7.1   Il-Kummissjoni Ewropea tuża l-istrument LIFE biex tiffinanzja lill-NGOs ambjentali li jipparteċipaw fil-proċess Ewropew tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Tradizzjonalment, madwar tletin organizzazzjoni bbenefikaw minn dawn il-fondi b’riżultat pożittiv ħafna skont l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-Kumitat ifaħħar il-ħidma ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, iżda huwa xieraq li dawn il-kriterji tal-għażla għall-għoti tal-fondi jinbidlu b’tali mod li organizzazzjonijiet oħrajn b’kontribut importanti għall-ambjent u l-klima jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  CESE (ĠU C 80, 30.3.2004, p. 57 – mhux disponibbli bil-Malti), CESE (ĠU C 255, 14.10.2005– mhux disponibbli bil-Malti), CESE (ĠU C 132, 3.5.2011, p. 75).

(2)  COM(2010) 2020 final.

(3)  COM(2011) 112 final.


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/116


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-pagamenti diretti lill-bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni”

COM(2011) 625 final — 2011/0280 (COD),

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS Unika)”

COM(2011) 626 final — 2011/0281 (COD) (A-21),

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)”

COM(2011) 627 final — 2011/0282 (COD),

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, l-immaniġġjar u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni”

COM(2011) 628 final — 2011/0288 (COD),

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 dwar l-applikazzjoni ta’ pagamenti diretti lill-bdiewa fir-rigward tas-sena 2013”

COM(2011) 630 final — 2011/0286 (COD) u

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-reġim tal-iskema ta’ pagament uniku u ta’ appoġġ għal min ikabbar id-dwieli”

COM (2011) 631 final — 2011/0285 (COD)

2012/C 191/21

Relatur: is-Sinjura Dilyana SLAVOVA

Korelatur: is-Sur Franco CHIRIACO

Nhar l-14 ta’ Novembru u l-25 ta’ Ottubru 2011 rispettivament, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

 

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-pagamenti diretti lill-bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni

COM (2011) 625 final – 2011/0280 (COD)

 

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS Unika)

COM(2011) 626 final – 2011/0281 (COD) (A-21)

 

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

COM (2011) 627 final – 2011/0282 (COD)

 

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, l-immaniġġjar u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni

COM (2011) 628 final – 2011/0288 (COD)

 

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 dwar l-applikazzjoni ta’ pagamenti diretti lill-bdiewa fir-rigward tas-sena 2013

COM (2011) 630 final – 2011/0286 (COD)

 

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-reġim tal-iskema ta’ pagament uniku u ta’ appoġġ għal min ikabbar id-dwieli

COM(2011) 631 final – 2011/0285 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 132 vot favur, 14-il vot kontra u 21 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Bidla għall-mudell agrikolu tal-UE

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ b’interess il-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni u jinnota li xi rakkomandazzjonijiet – għalkemm żgur li mhux kollha – li għamel il-Kumitat f’opinjonijiet passati ġew ikkunsidrati. L-aktar importanti, il-Kumitat iddikjara b’mod repetut, fl-opinjonijiet tiegħu NAT/449 u NAT/481, li l-PAK futura trid tkun ispirata mid-determinazzjoni li tiddefendi l-mudell agrikolu Ewropew, li huwa bbażat fuq il-prinċipji tas-sovranità fuq l-ikel, is-sostenibbiltà u r-risposta għall-ħtiġijiet reali tal-bdiewa u tal-konsumaturi.

1.2   Il-KESE jinnota l-isforzi kbar li saru mill-Kummissjoni dwar il-futur tal-PAK biex tipproponi proġett profondament Ewropew abbażi tal-kunċett tad-diversità inklużiva. B’risposta għall-isforzi tal-Kummissjoni biex tibni sħubija ġdida bejn l-Ewropa u l-bdiewa tagħha, il-KESE jqis li minkejja li l-proposti huma ffukati sew, għad hemm bżonn ta’ aġġustamenti sinifikanti f’għadd ta’ oqsma.

1.3   Il-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali u t-tibdil estrem fil-klima jirrikjedu bidla fundamentali fil-mod kif jonqos id-divarju bejn il-wegħdiet u r-realtà ta’ kuljum fil-biedja. Il-bdiewa jinsabu taħt pressjoni li qed tiżdied mis-swieq li qed twassal biex reġjuni sħaħ qed jiġu abbandunati. Il-mudell Ewropew tal-biedja huwa indispensabbli iktar minn qatt qabel. Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-PAK 2014-2020 tikkontribwixxi biex jingħelbu l-ostakoli għall-iżvilupp f’dan is-settur. Madankollu, il-Kumitat jiddidspjaċih bin-nuqqas ta’ impenn aktar ċar min-naħa tal-Kummissjoni favur il-mudell agrikolu Ewropew.

1.4   Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb il-kompetittività tal-agrikoltura multifunzjonali fl-Ewropa, konformi mal-mudell agrikolu Ewropew permezz ta’ diversi attivitajiet bħar-riċerka, l-iżvilupp u l-konsultazzjoni kif ukoll il-ħlas għal servizzi provduti lis-soċjetà li s’issa għadhom mhux riflessi fil-prezzijiet tal-konsumaturi. Il-KESE jqis madanakollu li l-approċċ propost mhuwiex biżżejjed biex jiżgura tkabbir kontinwu fil-produzzjoni u l-impjieg u biex jagħti kontribut sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet globali dejjem jiżdiedu fil-qasam tal-provvista tal-ikel. Il-KESE jirrimarka li l-PAK tal-futur trid tqis il-fatt li wieħed minn kull sitt impjiegi fl-Ewropa huwa direttament jew indirettament relatat mal-produzzjoni agrikola, din iċ-ċifra hija ħafna ogħla f’xi Stati Membri. Il-PAK għandha taqdi rwol biex tiggarantixxi l-impjiegi fl-UE, speċjalment fiż-żoni rurali, għalkemm bħalissa qed tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-postijiet tax-xogħol minflok. Meta l-produzzjoni tal-agrikoltura u l-forestrija tisparixxi f’reġjun, l-impjiegi relatati fis-setturi li jinsabu qabel jew wara fil-proċess – inklużi l-industrija tal-ikel u tal-ipproċessar tal-injam – jogħsfru wkoll. Il-PAK futura għandha tiffoka fuq it-titjib tal-prestazzjoni ekonomika tal-familji fil-biedja u l-kooperattivi bil-għan li huma jingħataw l-għajnuna sabiex ikun jista’ jkollhom aċċess aħjar għas-suq u jippromovu l-prodotti tagħhom.

1.5   Il-PAK il-ġdida għandha tikkontribwixxi biex jitjiebu l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u s-sikurezza tal-ħaddiema fis-settur agrikolu billi fl-allokazzjoni tal-għajnuna tiġi żgurata konformità sħiħa mal-klawsoli soċjali, il-liġijiet u l-kuntratti tal-impjiegi. Dan għandu jseħħ f’kuntest li jqiegħed lill-intrapriżi agrikoli u agroalimentari fil-qalba tas-sistema, sabiex tiġi ppremjata l-ekonomija reali, jiġu promossi r-riċerka, l-innovazzjoni u t-tibdil tal-ġenerazzjonijiet, u titħeġġeġ il-produzzjoni alimentari, b’enfasi b’mod partikolari fuq il-valur miżjud tar-reġjuni.

1.6   Il-KESE jġedded it-talba tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinżamm baġit b’saħħtu għall-PAK li jammonta tal-anqas għal dak tal-perjodu baġitarju attwali. Bħalissa hemm problemi partikolari b’rabta mal-iżvilupp tat-tieni Pilastru peress li jidher li ħafna Stati Membri m’għadhomx iridu jew m’għadhomx jistgħu jipprovdu l-kofinanzjament korrispondenti meħtieġ. Dan ser iwassal biex tiddgħajjef b’mod inaċċettabbli l-politika dwar l-iżvilupp rurali, inklużi l-miżuri tal-politika ambjentali li huma ffinanzjati mit-tieni Pilastru.

1.7   Il-KESE jqis li waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin matul il-proċess kollu tar-riforma tal-PAK għandha tkun is-semplifikazzjoni tal-proċeduri u l-implimentazzjoni flessibbli li tirrifletti l-kundizzjonijiet varji għall-agrikoltura fl-Istati Membri u tonqos il-burokrazija għall-bdiewa u d-diffikultajiet għall-korpi li jamministraw il-pagamenti.

Pagamenti diretti

1.8   Il-KESE jappoġġja t-tbegħid mill-perjodi ta’ referenza storika bħala bażi biex jiġi deċiż l-ammont ta’ appoġġ għall-bdiewa f’kull pajjiż u reġjun. Madankollu, il-KESE jemmen li pagament fiss għal kull ettaru mhuwiex dejjem l-aktar għodda ta’ politika effiċjenti, speċjalment meta jitqies l-argument tal-appoġġ għad-dħul (ara punt 4.3.2). Għaldaqstant, il-konverġenza interna f’kull pajjiż jew reġjun għandha tippermetti l-flessibilità, perjodu tranżitorju itwal u tibdil progressiv tul il-perjodu kollu.

1.9   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforz biex jiġu eliminati d-differenzi bejn il-livell ta’ appoġġ li l-bdiewa jirċievu mill-Istati Membri differenti. Il-karatteristiċi ewlenin għall-PAK futura f’termini ta’ redistribuzzjoni tar-riżorsi finanzjarji fost l-Istati Membri għandhom ikunu l-bilanċ, il-ġustizzja u l-pragmatiżmu, filwaqt li titqies id-diversità agrikola madwar l-UE. Għalhekk, għandha titqies l-istruttura tal-infiq u d-dħul tal-attivitajiet agrikoli fid-diversi Stati Membri. Huwa importanti li l-proċess ta’ distribuzzjoni mill-ġdid jirrifletti b’mod sensittiv il-problemi tal-bdiewa, kemm mill-Istati Membri l-qodma kif ukoll minn dawk ġodda. Huwa għalhekk li l-KESE jirrakkomanda d-distribuzzjoni mill-ġdid tal-allokazzjonijiet nazzjonali tal-pagamenti diretti abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji u perjodu ta’ tranżizzjoni bbilanċjat u adegwat għal konverġenza ppjanata u ġusta li titbiegħed mill-prinċipji ta’ referenza storika. Dan l-għan għandu jassigura li l-pagamenti diretti tal-ebda pajjiż ma jkunu taħt id-90 % tal-medja tas-27 Stat Membru tal-UE fl-aħħar tal-qafas finanzjarju għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020.

1.10   Il-KESE japprova d-deċiżjoni li tiġi introdotta skema semplifikata ta’ appoġġ għall-bdiewa ż-żgħar iżda jiddubita madanakollu kemm ir-rati ta’ għajnuna li qed tipproponi l-Kummissjoni huma għoljin biżżejjed għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-irziezet żgħar. Fl-istess waqt jitlob lill-Kummissjoni tiċċara r-rekwiżiti għall-identifikazzjoni tal-bdiewa ż-żgħar. L-iskema tista’ tkun volontarja, skont il-kondizzjonijiet tal-Istati Membri.

1.11   Il-KESE japprova l-prinċipju li fuqu huma msejsa l-proposti tal-Kummissjoni, li l-pagamenti tal-PAK fil-qafas tal-ewwel Pilastru għandhom ikunu mmirati lejn il-bdiewa attivi. Għandhom jiġu stabbiliti definizzjonijiet ċari ta’ x’inhuma attività agrikola, art eleġibbli u bidwi attiv, kif ukoll rabtiet aħjar bejn il-pagamenti u l-attività sabiex jiġi evitat li l-baġit limitat jintefaq fuq art mhux agrikola u attivitajiet mhux agrikoli (sakemm din l-art ma tkunx irreġistrata bħala art imwarrba). Għandu jiġi ċċarat mal-Istati Membri jekk tistax tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn il-prinċipji. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-bidwi attiv m’għandhiex teskludi l-benefiċjarji ta’ anqas minn EUR 5 000.

1.12   Il-KESE jappoġġja tnaqqis gradwali permezz ta’ limiti massimi għall-pagamenti diretti, u, kif stqarr f’opinjonijiet preċedenti, il-KESE jkompli jħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta metodu ta’ implimentazzjoni li jikkunsidra l-ispeċifiċitajiet tan-negozji ffurmati minn kooperattivi u assoċjazzjonijiet tal-produtturi agrikoli (1). Il-pagamenti diretti mhux użati jibqgħu għand l-Istat Membru u jintużaw biex jappoġġjaw setturi agrikoli aktar dgħajfa fil-livell nazzjonali permezz tal-ewwel Pilastru jew tat-tieni Pilastru, li jiġi deċiż mill-Istat Membru. Il-KESE jipproponi li l-fondi trasferiti b’dan il-mod m’għandhomx jiġu kofinanzjati.

1.13   Il-KESE jqis li għandu jinħoloq aċċess għall-iskema ta’ pagament bażiku b’żewġ filtri bbażat fuq attività agrikola eżistenti fl-2011 u l-okkupazzjoni ta’ art eleġibbli fid-data tal-bidu fl-2014. Fil-fehma tal-KESE, il-kriterju tal-għoti tad-dritt ta’ pagament wieħed taħt l-iskema għall-pagament uniku fl-2011 mhuwiex ġust.

1.14   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-flessibilità bejn il-pilastri li ġiet proposta mill-Kummissjoni. Hija ta’ importanza ewlenija li l-Istati Membri li fihom il-livell ta’ appoġġ dirett għadu inqas minn 90 % tal-medja tal-UE jingħataw l-opportunità li jittrasferixxu fondi li jkunu allokaw għall-iżvilupp rurali lejn il-pakkett tal-ewwel Pilastru wkoll. Din il-possibbiltà għandha tkun disponibbli wkoll għall-Istati Membri bl-ewwel Pilastru żgħir b’mod sproporzjonat jew li jsofru minn żvantaġġi naturali. Il-KESE jipproponi li dawn l-għażliet ikunu suġġetti għal limitu ta’ 10 %.

1.15   Il-KESE ġibed l-attenzjoni b’mod konsistenti għar-rwol li l-bdiewa għandhom u jistgħu jaqdu fil-preservazzjoni tal-ħamrija, il-bijodiversità, il-pajsaġġi naturali u l-ambjent iżda minħabba ċ-ċirkostanzi attwali mhumiex f’pożizzjoni li jagħmlu dan b’mod sodisfaċenti. Għaldaqstant, appoġġja l-“pagamenti diretti mmirati” (ara NAT/449); l-aspetti ekoloġiċi huma eżattament pass f’din id-direzzjoni. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-konsegwenzi tal-miżuri l-ġodda bil-għan li jiġi żgurat li tiġi kkumpensata kwalunkwe ħsara li jagħmlu lill-bilanċ ekonomiku tal-irziezet. Meta jkun possibbli, il-miżuri ekoloġiċi għandhom ikunu bbażati fuq soluzzjonijiet li permezz tagħhom jirbħu kemm l-ambjent kif ukoll it-tkabbir. Il-KESE jirrifjuta li jaċċetta s-sitwazzjoni li l-UE żżid l-ispejjeż tal-konformità għall-bdiewa Ewropej minn naħa, filwaqt li min-naħa l-oħra taċċetta importazzjonijiet irħas permezz ta’ ftehimiet kummerċjali li m’għandhomx għalfejn jirrispettaw l-istess regoli.

1.16   Il-komponent ta’ titjib ekoloġiku tal-ewwel Pilastru huwa mod kif wieħed jista’ joħloq rabta aktar b’saħħitha u viżibbli bejn il-pagamenti diretti u l-beni pubbliċi ambjentali prodotti mill-biedja. Il-KESE jemmen li din is-sistema għandha tinżamm sempliċi u għandha tiżgura riżultati ambjentali mill-bdiewa kollha madwar l-UE. Għandu jkun possibbli li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi taż-Żoni Żvantaġġati meta jiġu determinati l-pagamenti. Il-miżura għal “żona ta’ attenzjoni ekoloġika” għandha tiġi implimentata b’mod li jevita li l-art agrikola titneħħa mill-produzzjoni. Il-miżuri agroambjentali li diġà ġew implimentati għandhom jiġu rikonoxxuti fl-obbligi ambjentali ġodda (l-ewwel Pilastru) kif previst b’mod ġenerali anke għall-biedja ekoloġika.

1.17   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-opportunità offruta lill-Istati Membri li jużaw skema ta’ appoġġ akkoppjat u voluntarju bil-għan li jirrispondu għal sitwazzjonijiet speċifiċi. Madankollu, bil-għan li jkun hemm aktar flessibbiltà u sussidjarjetà, jipproponi li titħassar il-lista magħluqa ta’ setturi u produzzjonijiet li jistgħu jiġu allokati l-appoġġ akkoppjat u b’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar liema setturi u produzzjonijiet huma eliġibbli.

Strumenti tas-suq

1.18   Il-KESE jqis li l-proposti tal-Kummissjoni mhumiex suffiċjenti biex tiġi indirizzata l-isfida taż-żieda fil-volatilità tas-suq u l-problemi li jirriżultaw minnha. L-objettiv tal-PAK li tistabbilizza s-swieq agrikoli, kif previst fit-Trattat ta’ Lisbona, mhuwiex indirizzat fil-proposti leġislattivi.

1.19   Il-KESE huwa konvint li anke l-għodod tal-ġestjoni tal-provvista jistgħu jkunu effikaċi f’xi setturi agrikoli. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda analiżi bir-reqqa tal-iżviluppi tas-suq meta tiġi eżaminata l-possibbiltà li tiġi posposta t-tneħħija tas-sistema tad-drittijiet tal-koltivazzjoni tad-dwieli, u l-possibbiltà li l-kwoti taz-zokkor jinżammu għal perjodu itwal.

1.20   Huwa kruċjali li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa u l-organizzazzjonijiet tagħhom fil-katina tal-provvista alimentari bil-għan li jiġi żgurat profit aħjar fis-swieq. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-estensjoni tal-kopertura tal-prodotti għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-assoċjazzjonijiet tagħhom u tal-fergħat konnessi tal-organizzazzjonijiet. Fid-dawl tal-istrutturi u t-tradizzjonijiet differenti fl-Istati Membri, l-arranġamenti l-ġodda għandhom ikunu biss fakultattivi. Il-KESE jappoġġja wkoll il-proposti tal-Kummissjoni għas-settur tal-ħalib, iżda jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipprovdi definizzjoni ċara tat-terminu “organizzazzjoni tal-produtturi”. Huwa importanti ferm li r-regoli tal-UE għall-kompetizzjoni jiġu aġġustati sabiex jippermettu lill-organizzazzjonijiet u l-kooperattivi tal-produtturi li jsaħħu l-pożizzjonijiet tagħhom fis-suq. Bil-għan li jissaħħaħ il-poter ta’ negozjar tal-bdiewa fi ħdan il-katina tal-produzzjoni, il-KESE jqis ukoll neċessarju li jinħolqu kundizzjonijiet għall-iżvilupp ta’ katini ta’ provvista qosra li huma direttament ġestiti mill-bdiewa.

Żvilupp rurali

1.21   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta dwar allinjament aktar mill-qrib tal-PAK mal-Istrateġija 2020 u mal-istrateġija dwar is-sostenibbiltà għall-iżvilupp rurali tal-UE, b’enfasi partikolari fuq ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-taħriġ. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-taħriġ tal-gruppi l-aktar vulnerabbli (immigranti u ħaddiema fl-agrikoltura mingħajr kwalifiki), kif ukoll taż-żgħażagħ u tan-nisa, elementi prinċipali għall-professjonaliżmu u ż-żieda fil-kompetittività fis-settur agrikolu. Għalhekk, huwa importanti li jiżdiedu l-kwalità, l-aċċessibbiltà u l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fiż-żoni rurali. Il-politiki tal-iżvilupp rurali għandhom primarjament ikunu mmirati lejn l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-intrapriżi agrikoli b’konformità mal-mudell agrikolu Ewropew, b’mod partikolari sabiex jiġu sostnuti l-investimenti tan-negozji, jiġi promoss it-tibdil tal-ġenerazzjonijiet, jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ miżuri li jintegraw il-katini u l-proġetti reġjonali integrati, jittejbu r-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi agrikoli u l-industrija tal-produzzjoni alimentari, jiġu appoġġjati miżuri u proċeduri li jirrispettaw l-ambjent u l-klima u jiġi kkonsolidat il-proċess billi jiġu promossi u aġġornati l-kwalifiki tal-impjiegi fl-agrikoltura.

1.22   Element pożittiv ħafna fil-proposta tal-Kummissjoni huwa l-introduzzjoni tas-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni sabiex ikunu ta’ għajnuna għat-titjib tar-rabtiet bejn ir-riċerkaturi, il-bdiewa, il-forestiera u l-konsulenti, bil-għan li tiġi garantita agrikoltura u forestrija bbażata fuq l-għarfien li tagħmel użu minn servizzi ta’ estensjoni professjonali. Tali riċerka għandha tinkludi wkoll it-titjib tal-attivitajiet ekonomiċi rurali, fosthom it-turiżmu, is-snajja’ u attivitajiet oħra li jistgħu joħolqu impjiegi fl-oqsma rurali.

1.23   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon it-tranżizzjoni minn approċċ ta’ assi għal approċċ tematiku b’konformità mal-proposti għall-Politika ta’ Żvilupp Rurali. Naħsbu li dan ser jipprovdi flessibbiltà akbar għall-Istati Membri u r-reġjuni biex iqisu l-kundizzjonijiet speċifiċi tagħhom. Madankollu, jeħtieġ li jiġi żgurat li ma jiġux injorati kompletament aspetti importanti tat-tieni Pilastru. Għalhekk, il-prinċipju li 25 % tal-fondi jiġu allokati għal miżuri ta’ protezzjoni tal-klima u tal-ambjent huwa importanti. Għandu jiġi stabbilit ukoll ammont minimu tal-anqas għall-approċċ LEADER.

1.24   Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri jiggarantixxu l-konfinanzjament mitlub mit-tieni Pilastru fil-ħin. Il-Kumitat ma jaqbilx li l-miżuri tal-ġestjoni tar-riskju jidħlu fit-tieni Pilastru. L-Istati Membri għandhom jiżguraw kofinanzjament nazzjonali suffiċjenti (2).

1.25   Il-KESE jqis li tinħtieġ miżura ġdida u separata li tgħolli l-profil tal-biedja organika, li għaliha r-rata ta’ kofinanzjament għandha tkun daqs dik proposta għaż-żoni inqas żviluppati (85 %). Il-KESE jħeġġeġ ukoll il-promozzjoni tal-produzzjoni integrata u l-agrikoltura tal-konservazzjoni, filwaqt li jenfasizza l-impatt ambjentali pożittiv tagħhom.

1.26   Filwaqt li jikkunsidra l-kundizzjonijiet serji li qed jiffaċċjaw l-attivitajiet agrikoli fir-reġjuni muntanjużi u fil-gżejjer, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni testendi r-rata ta’ kofinanzjament ta’ 85 % mhux biss għaż-żoni inqas żviluppati, iżda wkoll għar-reġjuni muntanjużi u għall-gżejjer. Dan huwa impliċitu fil-filosofija tal-proposta, iżda mhux speċifikat b’mod dirett. Fir-rigward taż-żoni żvantaġġati, jeħtieġ li tiġi riveduta d-definizzjoni ġdida proposta ta’ “żoni oħra”.

1.27   Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill li l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfiet diġà huma problema serja f’ħafna reġjuni Ewropej u li s-sitwazzjoni hija mistennija li tmur għall-agħar bħala konsegwenza tat-tibdil fil-klima. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-ippjanar integrat u l-iżvilupp sostenibbli biex jiġi trattat l-użu tal-ilma, l-iskarezza tiegħu u n-nixfa fuq il-bażi ta’ politiki settorjali integrati u l-importanza tal-ippjanar territorjali fl-oqsma tradizzjonalment milquta mill-iskarezza tal-ilma u min-nixfa. Fl-istess waqt jeħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll l-ispejjeż addizzjonali li jġarrbu l-Istati Membri fil-Punent tal-UE sabiex ineħħu l-ilma żejjed mill-art li tintuża għall-agrikoltura.

1.28   Il-KESE jappella għal PAK futur li tkun bilanċjata, prevedibbli, vijabbli, inqas burokratika u trasparenti biex tiġbed lill-ġenerazzjonijiet żgħażugħa lejn is-settur.

2.   Daħla

2.1   Il-politika agrikola għandha rwol ċentrali fl-UE – mhux biss għax l-art tal-biedja u l-foresti tkopri aktar minn 90 % tal-użu tal-art u għandha rwol importanti fl-użu sostenibbli tar-riżorsi u l-konservazzjoni tal-ħabitats naturali, iżda b’mod partikolari għaliex l-agrikoltura permezz tal-PAK tista’ tgħin lill-Ewropa tilqa’ sfidi kbar bħall-kriżi ekonomika u finanzjarja, it-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-ambjent, iż-żamma ta’ żoni rurali vitali kif ukoll il-provvista ta’ ikel sikur bi prezz raġonevoli u ta’ kwalità għolja għall-konsumaturi.

2.2   Is-snin li ġejjin se jkunu kruċjali biex jitqiegħdu s-sisien għal settur agrikolu u tal-forestrija b’saħħtu li jkun f’pożizzjoni li jindirizza l-bidla fil-klima u l-kompetizzjoni internazzjonali filwaqt li jissodisfa l-aspettattivi tal-pubbliku. L-Ewropa teħtieġ lill-bdiewa u lill-forestiera tagħha, u l-bdiewa u l-forestiera tagħha jeħtieġu l-appoġġ mill-Ewropa. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ kriżi ekonomika, il-kwistjoni tal-impjiegi qed issir aktar kruċjali minn qabel. Din hija r-raġuni li għaliha l-Kummissjoni pproponiet sħubija ġdida bejn iċ-ċittadini tal-Ewropa u l-bdiewa u l-forestiera tagħha sabiex jintlaqgħu l-isfidi tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, it-tkabbir u l-impjiegi.

2.3   F’opinjonijiet preċedenti, il-KESE esprima l-fehmiet tiegħu dwar l-isfidi li probabbilment ser tiffaċċja l-agrikoltura Ewropea, dwar x’għandhom ikunu l-objettivi tal-PAK u għaldaqstant x’riformi għandhom isirulha. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, ippubblikata fl-2010, irriflettiet il-parti l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet li kienu saru fl-opinjonijiet preċedenti tal-KESE dwar is-suġġett – NAT/449 (3). Wara din il-Komunikazzjoni saru aktar proposti fl-opinjoni tal-KESE NAT/481 (4). B’żieda ma’ dan, il-KESE m’ilux indirizza xi kwistjonijiet speċifiċi fil-qafas tal-PAK, bħalma huma l-isfidi ffaċċjati mill-bdiewa żgħażagħ (5), u ż-żoni bi żvantaġġi naturali (6). Il-KESE jenfasizza l-fatt li hija u tħejji l-proposti tagħha, il-Kummissjoni għażlet approċċ kompletament differenti minn dak propost mill-KESE. Il-Kumitat kien talab li l-ewwel jiġu definiti b’mod ċar l-objettivi tal-PAK, imbagħad jiġu identifikati l-istrumenti għall-implimentazzjoni tal-objettivi u fl-aħħar jiġu stabbiliti l-bżonnijiet ta’ finanzjament. Fil-fehma tal-Kumitat mhijiex idea tajba li l-ewwel jiġi stabbilit qafas finanzjarju, u mbagħad b’xi mod jitqassmu l-fondi. Iżda l-Kummissjoni eżatt hekk għamlet, u issa dan qed joħloq id-diffikultajiet.

2.4   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza tas-settur agrikolu għall-impjiegi. L-agrikoltura tal-UE u s-settur agroalimentari jimpjegaw madwar 40 miljun persuna fl-Ewropa rurali, li jiffurmaw is-sinsla ta’ dawn iż-żoni u jiżguraw ikel ta’ kwalità għolja għal 500 miljun konsumatur. Madankollu, id-dħul tal-bdiewa Ewropej ġeneralment jammonta biss għal madwar nofs id-dħul medju fl-UE. Skont id-data tal-Eurostat ta’ Settembru 2011, il-forza tax-xogħol totali fil-biedja fl-UE-27 hija ekwivalenti għal 11,7 miljun ħaddiem li jaħdem ġurnata sħiħa, li minnu 10,8 miljun (92 %) huma ħaddiema permanenti. L-agrikoltura għada attività orjentata ħafna lejn il-familja fil-part l-kbira tal-Istati Membri; erbgħa minn kull tmienja (80 %) tal-ħaddiema kollha fl-agrikoltura għandhom ir-razzett tagħhom jew huma membri tal-istess familja. Ftit aktar minn terz (34 %) tal-ħaddiema agrikoli permanenti fl-UE-27 huma nisa. Fost is-sidien agrikoli fl-UE-27, relattivament ftit (6 %) għandhom inqas minn 35 sena, filwaqt li proporzjon relattivament għoli (34 %) għandhom 65 % jew aktar. Barra minn hekk, parti kbira mit-30 miljun ħaddiem migrant fl-UE huma ħaddiema staġjonali fl-agrikoltura (7).

3.   Sfond

3.1   Il-proposti leġislattivi huma bbażati fuq il-qafas baġitarju għall-PAK kif ippreżentat fil-proposta tal-Kummissjoni għal Qafas Finanzjarju Multiannwali għall-perjodu 2014-2020. Din il-proposta żammet il-baġit globali disponibbli għall-PAK fl-istess livell bħal fl-2013 bil-prezzijiet attwali, li f’termini reali tfisser tnaqqis fil-baġit tal-PAK.

3.2   Il-proposta għal Qafas Finanzjarju Multiannwali tissuġġerixxi li parti sinifikati mill-baġit tal-UE tibqa’ tiġi ddedikata għall-agrikoltura, li tikkostitwixxi politika komuni ta’ importanza strateġika. B’hekk, bil-prezzijiet attwali, qed jiġi propost li l-PAK tiffoka fuq l-attivitajiet ewlenin tagħha, b’EUR 317,2 biljun allokat għall-ewwel Pilastru (76 %) u EUR 101,2 biljun għat-tieni Pilastru (24 %), jiġifieri total ta’ EUR 418,4 biljun tul il-perjodu 2014-2020.

3.3   Il-KESE jinnota li l-qbil fi ħdan il-Kummissjoni dwar din l-allokazzjoni baġitarja għall-agrikoltura kien possibbli biss billi jiġu inklużi referenzi għall-bżonn li l-agrikoltura ssir aktar ekoloġika. Dan issa għandu jiġi rifless fil-politika attwali.

3.4   Il-proposti leġislattivi jipprevedu li l-fondi għall-ewwel Pilastru u t-tieni Pilastru jiġu kkumplimentati b’fondi addizzjonali ta’ EUR 17,1 biljun li minnhom EUR 5,1 biljun huma għar-riċerka u l-innovazzjoni, EUR 2,5 biljuni għas-sigurtà tal-provvista tal-ikel u EUR 2,8 biljuni għall-appoġġ f’ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn f’intestaturi oħra tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali, kif ukoll ta’ EUR 3,9 biljuni f’riżerva ġdida għall-kriżijiet fis-settur agrikolu, biex b’hekk it-total tal-baġit jinġieb għal EUR 432,8 biljuni tul il-perjodu 2014-2020.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ b’sodisfazzjon l-għanijiet tar-riforma tal-Kummissjoni li tissaħħaħ il-kompetitività, tittejjeb is-sostenibilità, u tiżdied l-effikaċja.

4.2   Il-baġit tal-UE u r-riżorsi finanzjarji għall-PAK

4.2.1   Il-KESE jġedded it-talba tiegħu lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinżamm il-baġit tal-UE allokat lill-PAK (8). Dan huwa meħtieġ biex jiġi appoġġjat il-mudell agrikolu Ewropew u s-servizzi differenti mwassla lis-soċjetà permezz tal-attivitajiet tal-biedja u tal-forestrija, bħas-salvagwardja ta’ komunitajiet rurali vijabbli u l-infrastruttura, żvilupp reġjonali bbilanċjat u impjiegi rurali, iż-żamma ta’ pajsaġġ tradizzjonali, il-patrimonju nazzjonali u t-tradizzjonijiet, il-bijodiversità, il-ħarsien tal-ambjent, u livelli għoljin fil-benesseri tal-annimali u s-sigurtà tal-ikel. Dawn is-servizzi jirriflettu l-preokkupazzjonijiet tal-konsumaturi Ewropej u dawk li jħallsu t-taxxa. Peress li l-bdiewa u l-forestiera Ewropej jipprovdu dawn is-servizzi multifunzjonali għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha, spiss bi spejjeż addizzjonali mingħajr ma jkun hemm ritorn mis-suq li jikkumpensahom, huwa meħtieġ u ġustifikat li dawn jiġu ppremjati permezz ta’ intervent pubbliku. L-għan tal-komponent ekoloġiku huwa li jiġu definiti dawn is-servizzi biex jiġu ġġustifikati u leġittimizzati d-drittijiet il-ġodda għall-pagamenti li l-agrikoltura tista’ titlob lis-soċjetà.

4.2.2   L-implikazzjonijiet u l-impatti futuri tal-kriżi finanzjarja u ekonomika li qed issawwar l-ekonomija Ewropea u dik dinjija u d-deċiżjonijiet dwar patt ta’ stabbiltà ġdid qed iwasslu biex l-aspetti kollha tal-baġits pubbliċi jiġu skrutinizzati. Il-KESE jtenni li l-mudell agrikolu Ewropew ma jistax jaħdem bil-prezzijiet u l-kundizzjonijiet tas-suq dinji, u mhuwiex mingħajr ħlas lanqas. Għaldaqstant, kwalunkwe politika li tippromovi dan il-mudell agrikolu teħtieġ biżżejjed riżorsi finanzjarji u għalhekk huwa partikolarment importanti li kull strument li jiswa l-flus (bħal pereżempju l-pagamenti diretti) jiġi ġġustifikat b’mod ċar. Madankollu, fil-proposti attwali dwar il-baġit tal-Unjoni għall-perjodu 2014-2020 (9), ir-riżorsi allokati għall-PAK ikunu mnaqqsa b’mod ovvju f’termini ta’ prezzijiet kostanti. Minkejja li l-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni fid-dawl tal-għan ta’ tkabbir sostenibbli tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-infiq għall-PAK f’termini ta’ proporzjon mill-baġit tal-Unjoni ser jitnaqqas minn 39,2 % fl-2014 għal 33,3 % fl-2020. Din l-għażla mil-lat tal-Kummissjoni tinjora t-talba tal-KESE biex mill-inqas tkun iggarantita l-konferma tal-kwota tal-baġit allokata mill-UE għall-PAK s’issa.

4.3   Pagamenti diretti

4.3.1   Il-KESE kien diġà qabel mal-Kummissjoni li f’kull Stat Membru jkollna nabbandunaw ir-referenza storika bħala bażi biex niddeterminaw l-ammont ta’ għajnuna għal kull bidwi peress li d-differenzi individwali sinifikanti fil-livell tal-appoġġ ma jistgħux jiġu ġġustifikati iżjed (10) anke għaliex dawn iwasslu għal distorjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

4.3.2   Madankollu, il-KESE jemmen li hemm tliet argumenti tajbin favur l-għoti ta’ pagamenti diretti fil-futur: il-provvista ta’ servizzi biex jiġi stabbilit il-mudell agrikolu Ewropew (pereżempju permezz tal-komponent ekoloġiku), il-possibbiltà li jsiru trasferimenti parzjali tal-pagamenti u l-kumpens għal standards Ewropej ogħla. Il-pagamenti b’rata fissa għal kull ettaru mhumiex dejjem l-aktar għodda ta’ politika effiċjenti għal dan il-għan: pereżempju, għalfejn razzett ta’ 1 000 ettaru għandu jirċievi trasferiment ta’ pagament għal 1 000 darba filwaqt li razzett ta’ 25 ettaru jirċivih biss għal 25 darba? It-trasferimenti ta’ pagamenti għandhom ikunu relatati mal-impjiegi jew mal-individwi u mhux mal-erja tal-art. L-iżvantaġġi li jiffaċċjaw il-bdiewa Ewropej li jrabbu l-bhejjem ma jistgħux jiġu kkumpensati permezz ta’ primjum għal kull ettaru li jirċevuh ukoll dawk il-bdiewa li ma jrabbux bhejjem. Għaldaqstant fil-livell nazzjonali jistgħu jiġu studjati u permessi metodi li permezz tagħhom il-pagamenti jiġu differenzjati fuq il-bażi ta’ kriterji addizzjonali. Barra minn hekk, f’xi Stati Membri, fejn għadhom qed jintużaw pagamenti storiċi, il-konverġenza bejn il-pakketti nazzjonali b’żieda mal-konverġenza interna se toħloq diffikultajiet. F’dawn il-każijiet, il-konverġenza interna ser titlob flessibilità, perjodu tranżitorju itwal u tibdil progressiv tul il-perjodu kollu  (11).

4.3.3   Wieħed mill-kompiti importanti ta’ din ir-riforma huwa li tipproponi tranżizzjoni lejn tqassim aktar ġust tal-pakketti bejn l-Istati Membri. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi biex jiġu eliminati d-differenzi bejn il-livell ta’ appoġġ li l-bdiewa jirċievu fl-Istati Membri differenti. rigward il-pakketti nazzjonali għall-pagamenti diretti. Jixtieq jara reviżjoni tal-pakketti tal-iżvilupp rurali abbażi ta’ kriterji iktar objettivi lejn l-immirar aħjar tal-għanijiet tal-politika u jilqa’ b’sodisfazzjon il-flessibbiltà tat-trasferiment tal-fondi bejn il-Pilastri.

4.3.4   Il-KESE jirrikonoxxi s-sitwazzjoni inugwali li teżisti f’termini ta’ distribuzzjoni tal-pagamenti diretti bejn l-Istati membri l-qodma u dawk ġodda. Fil-fehma tal-KESE, fil-fatt hemm bżonn li l-kompetittività tas-settur agroalimentari tiġi appoġġjata bl-istess mod fl-Istati Membri kollha sabiex tippreżerva l-koerenza tal-mudell agrikolu Ewropew. Fil-każ li jsir tqassim mill-ġdid tal-pagamenti diretti, għandha tiġi kkunsidrata l-istruttura tal-infiq u d-dħul tal-agrikoltura fl-Istati Membri.

4.3.5   Il-KESE jixtieq jevita aktar distorsjoni fil-kompetizzjoni li għandha implikazzjonijiet soċjali għal għadd ta’ Stati Membri, speċjalment l-Istati Baltiċi, filwaqt li wieħed iqis mhux biss l-interessi tal-bdiewa, iżda wkoll il-ħtiġijiet tal-konsumaturi u tal-pubbliku ġenerali. Il-KESE jirrakkomanda d-distribuzzjoni mill-ġdid tal-pagamenti diretti tal-ewwel Pilastru fost l-Istati Membri b’mod li jiġi żgurat li l-ebda pajjiż ma’ jiġi taħt id-90 % tal-medja tal-UE fl-aħħar tal-perjodu baġitarju.

4.3.6   Il-komponent ta’ titjib ekoloġiku tal-ewwel Pilastru huwa mod kif wieħed jista’ joħloq rabta ikbar u aktar viżibbli bejn il-pagamenti diretti u l-beni pubbliċi ambjentali pprovduti mill-bdiewa. Huwa wkoll pass importanti għas-soluzzjoni tal-problemi fil-qasam tal-bijodiversità li jirriżultaw mill-biedja. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon dan l-approċċ, iżda jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

Sar sforz mill-Kummissjoni biex din is-sistema tinżamm sempliċi: tliet miżuri biss, li faċli jiġu ssorveljati permezz ta’ satellita. Madankollu, ir-regoli ta’ implimentazzjoni għandhom jassiguraw li dawn il-miżuri ma’ jżidux piżijiet amministrattivi oħra fuq il-bdiewa.

Huwa importanti li l-miżuri għat-titjib ekoloġiku jkunu applikabbli għall-bdiewa kollha madwar l-UE b’mod simili, biex jiġi assigurat impatt ambjentali wiesa’ u biex jiġu evitati d-distorsjonijiet bejn il-bdiewa ta’ reġjuni differenti. Madankollu tista’ tkun meħtieġa xi flessibbiltà fl-applikazzjoni fil-livell nazzjonali jew reġjonali. B’mod ġenerali, għandhom jiġu kkunsidrati miżuri agroambjentali li jikkorrispondu mal-komponent ta’ titjib ekoloġiku.

Hemm tħassib dwar ir-riskju ta’ repetizzjoni bejn il-miżuri ta’ titjib ekoloġiku u l-miżuri agroambjentali tat-tieni Pilastru (12). Trid issir distinzjoni ċara biex jiġi assigurat li l-bdiewa li diġà huma impenjati fi programmi agroambjentali jkunu jistgħu jkomplu jgawdu b’mod effiċjenti minn din l-għodda ta’ politika, mingħajr ma jġarrbu telf ta’ introjtu. Il-bdiewa li jimplimentaw miżuri tal-programm agroambjentali, li jsegwu l-għanijiet ewlenin tal-komponent ta’ titjib ekoloġiku, jistgħu jitqiesu li qed jikkontribwixxu għall-komponent ta’ titjib ekoloġiku. Il-miżuri agroambjentali li ġew implimentati s’issa (it-tieni Pilastru) għandhom jiġu rikonoxxuti fl-obbligi ambjentali ġodda (l-ewwel Pilastru) kif previst b’mod ġenerali anke għall-biedja ekoloġika.

4.3.7   Il-miżuri ta’ titjib ekoloġiku għandhom jiġu adattati u implimentati kif ġej:

Il-proposta dwar l-użu ta’ 7 % tal-art għaż-“żoni b’fokus ekoloġiku” ma tkunx aċċettabbli jekk ammonti kbar ta’ wċuħ jitneħħew mill-produzzjoni. Dan ikun ukoll kontraproduttiv fid-dawl tad-domanda għall-ikel li globalment qiegħda dejjem tikber. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta abbozz ta’ lista ta’ karatteristiċi li huma rikonoxxuti bħala “art bi prijorità ekoloġika” kemm jista’ jkun malajr. B’hekk, għandha tiċċara li prinċipalment tkopri karatteristiċi li huma importanti għaż-żamma u t-titjib tal-bijodiversità li b’mod ċar tinkludi siġar eżistenti, terrazzi, żoni max-xtut, mergħat iffjuriti eċċ. Dawn l-elementi għandhom jitqiesu bħala żoni eliġibbli, anke f’pajjiżi fejn ir-regolamenti nazzjonali eskludewhom mid-definizzjoni ta’ art agrikola. Lista adatta tiċċara malajr ukoll li m’għandhomx bażi l-biżgħat li spiss jissemmew li l-Kummissjoni tixtieq twarrab għal kollox 7 % tal-art. Fl-aħħar, għandha wkoll tiġi introdotta l-possibilità ta’ kalkolu effettiv tal-uċuħ permanenti ewlenin bħala “żoni b’fokus ekoloġiku” bil-għan li jitmexxa ’l quddiem il-valur ambjentali u ekoloġiku konsiderevoli tagħhom.

Il-Kummissjoni trid tiċċara li l-miżura tad-diversifikazzjoni tal-uċuħ mhux ser tippenalizza b’mod partikolari l-bdiewa bi ftit uċuħ, l-irziezet għat-trobbija tal-annimali mingħajr mergħat, u bdiewa b’kundizzjonijiet agroklimatiċi u tal-ħamrija li ma jippermettu l-ebda tkabbir ieħor tal-uċuħ. F’dawn il-każijiet il-KESE jirrakkomanda element ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni, li għandha tiġi proposta mill-Istati Membri u aċċettata mill-Kummissjoni.

4.3.8   Il-KESE jinnota li s-sitwazzjoni fir-rigward tal-bijodiversità tidher li qed tvarja ħafna mhux biss bejn l-Istati Membri iżda wkoll minn reġjun għal reġjun. Għalhekk, fil-bidu, perċentwali fiss ta’ art prijoritarja ta’ 7 % fir-reġjuni kollha tal-UE tidher pjuttost burokratika u mhux adatta. Iżda jekk il-miżuri jintgħażlu b’mod li l-istrutturi kollha fl-intrapriżi agrikoli li jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-iżvilupp tal-ispeċi jistgħu jitqiesu, il-bdiewa fir-reġjuni fejn hemm diversi strutturi (b’livell għoli ta’ bijodiversità) jkollhom ħafna anqas diffikultà biex jadattaw u jimplimentawhom minn bdiewa f’reġjuni għera (baxxi fil-bijodiversità). Hija eżattament għal din ir-raġuni li l-approċċ it-tajjeb għall-Kummissjoni fil-promozzjoni tal-mudell agrikolu Ewropew għandu jikkonsisti fl-introduzzjoni ta’ tali miżuri fil-livell tar-razzett biss (ħlief għall-irziezet iż-żgħar).

4.3.9   Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li tisseddaq l-għażla tal-Istati Membri li jagħtu pagamenti lill-bdiewa fiż-żoni muntanjużi jew żoni oħra li qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet speċifiċi jew naturali oħra koperti mill-miżuri tat-tieni Pilastru. B’mod simili, il-KESE jilqa’ l-possibilità li għandha tingħata wkoll lill-Istati Membri li jagħtu pagamenti addizzjonali lil żoni li qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali fil-qafas tal-arranġamenti tal-pagamenti diretti tal-ewwel Pilastru. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura proċeduri semplifikati li jippermettu lill-benefiċjarji potenzjali kollha jagħmlu użu minn dawn l-opportunitajiet il-ġodda kollha. Il-proposti sabiex iż-żoni żvantaġġati (l-hekk imsejħa “żoni oħra”) jerġgħu jiġu definiti għadhom mhux lesti u jeħtieġu reviżjoni. Madankollu, il-KESE jikkritika l-proposti ppreżentati mill-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid taż-“żoni żvantaġġati l-oħra” permezz ta’ tmien kriterji bijofiżiċi u ta’ minimu previst ta’ 66 % tal-uċuħ agrikoli. Fil-forma attwali tagħhom, dawn ir-regolamenti ser iwasslu għal trattament sfavorevoli mhux ġustifikat ta’ ċerti reġjuni li l-iżvantaġġ tagħhom jirriżulta mill-effett ta’ diversi fatturi flimkien. Il-qafas regolatorju l-ġdid għandu jitfassal b’tali mod li jikkunsidra b’mod adegwat l-effett ta’ dawn il-fatturi flimkien.

4.3.10   Il-KESE jaqbel li jiġi adottat limitu massimu tal-pagamenti li għandu jiġi applikat filwaqt li tiġi kkunsidrata l-istruttura agrikola tal-pajjiż jew tar-reġjun speċifiku. Il-KESE jaqbel li l-limitu massimu għall-pagamenti għandu jiġi applikat b’mod flessibbli filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-iskema proposta ta’ limiti massimi progressivi tintlaqa’ b’sodisfazzjon bil-kundizzjoni li l-ammont imnaqqas ikun indirizzat direttament lejn l-aktar setturi agrikoli dgħajfa f’kull pajjiż. L-ammont li għalih tirreferi l-proposta għandu jiġi kkalkolat bi tnaqqis sa massimu ta’ 50 % tas-salarji li fil-fatt jitħallsu u ddikjarati mill-bidwi fis-sena ta’ qabel, inkluż it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali mħallsa relatati mal-impjieg. Barra minn hekk, għandu jitqies ukoll ix-xogħol li jsir mill-membri tal-familja.

4.3.11   Il-KESE, konxju sew tad-diffikultajiet li tinvolvi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ bidwi attiv, jipproponi li definizzjoni bħal din għandha tinkludi, fost ir-rekwiżiti tagħha, il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli, inkluż permezz tal-bejgħ dirett fis-swieq lokali, u l-ħolqien ta’ beni pubbliċi u servizzi ta’ interess soċjali (13). Din għandha tqis ukoll l-istat żvantaġġat tar-reġjun u l-ħtieġa ta’ biedja part-time sabiex jinżamm dħul medju tal- familja. Il-KESE jqis li tinħtieġ aktar flessibilità biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet dwar id-definizzjoni ta’ bidwi attiv bil-għan li jiddeterminaw min għandu jirċievi pagamenti diretti. Hawnhekk għandhom jiġu kkunsidrati wkoll l-artijiet eliġibbli. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-bidwi attiv m’għandhiex teskludi l-benefiċjarji ta’ anqas minn EUR 5 000.

4.3.12   Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tqis l-istabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ bħala waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali, parzjalment permezz tal-implimentazzjoni ta’ sottoprogrammi tematiċi fil-qafas ta’ programmi tal-żvilupp rurali. Il-KESE jilqa’ b’mod pożittiv il-proposta li jiġi introdott appoġġ għad-dħul għall-bdiewa ż-żgħażagħ li jibdew attività agrikola fil-qafas tal-ewwel Pilastru. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura proċeduri semplifikati li jippermettu lill-benefiċjarji potenzjali kollha jagħmlu użu minn dawn l-opportunitajiet il-ġodda.

4.3.13   Bil-għan li tissaħħaħ il-politika tagħhom dwar l-iżvilupp rurali, l-Istati Membri jingħataw il-possibilità li jittrasferixxu fondi mill-pakkett tagħhom tal-pagamenti diretti għal dak tal-iżvilupp rurali. Fl-istess ħin, l-Istati Membri li fihom il-livell ta’ appoġġ dirett għadu aktar baxx minn 90 % tal-medja Ewropea jingħataw il-possibilità li jittrasferixxu fondi mill-pakkett tagħhom tal-iżvilupp rurali għal dak tal-pagamenti diretti. B’ċerti limitazzjonijiet, dawn l-għażliet għandhom isiru darba u għall-perjodu ta’ applikazzjoni kollu ta’ dan ir-Regolament. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni żżid il-flessibilità mit-tieni Pilastru għall-ewwel Pilastru I minn 5 % għal 10 %.

4.3.14   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-estensjoni prevista tal-ekokundizzjonalità. Jekk fl-ekokundizzjonalità jiġu inklużi l-obbligi u r-restrizzjonijiet kollha marbutin maż-żoni Natura 2000 u mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, ikun hemm riskju li jinħolqu inugwaljanzi flagranti u mhux ġustifikabbli fost il-bdiewa. Jekk fl-ekokundizzjonalità jistgħu jiġu inklużi ċerti obbligi bażiċi, dan ma jgħoddx għall-obbligi fuq il-bdiewa fiż-żoni ta’ protezzjoni tal-ilma jew żoni oħra speċifiċi ta’ protezzjoni. Dawn l-obbligi għandhom ikunu koperti minn pagament speċifiku taħt it-tieni Pilastru.

4.4   Strumenti tas-suq

4.4.1   Il-proposta ewlenija dwar il-politika tas-suq hija waħda baġitarja (il-ħolqien tar-riżerva għall-kriżijiet) kif ukoll relatata mal-governanza (il-Kummissjoni ser ikollha aktar poter). Ma tantx hemm innovazzjoni fejn jidħlu l-istrumenti nnifishom. L-UE għandha tiffoka r-riċerka ekonomika tagħha fuq dan is-suġġett bil-għan li ssib strumenti moderni għall-ġlieda kontra l-volatilità tal-prezzijiet. Dawn l-istrumenti għandhom jiġu applikati fis-suq tal-UE, kif ukoll għar-regolamentazzjoni tas-swieq interni, li hija sfida ewlenija, kif ġie enfasizzat fil-konklużjonijiet ta’ Ġunju 2011 tal-G20.

4.4.2   Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill li l-instabbiltà estrema fil-prezzijiet li kien hemm fi snin reċenti tindika l-ħtieġa għal strumenti ta’ ġestjoni tas-suq aktar effettivi. Il-KESE jqis li l-istrumenti tas-suq proposti mhumiex biżżejjed u jappella għal koordinazzjoni aħjar bejn il-provvista u d-domanda u bilanċ mill-ġdid tas-saħħa tas-suq tul il-katina tal-provvista tal-ikel. Skont it-Trattati, wieħed mill-għanijiet tal-PAK huwa l-istabbilizzar tas-suq. Is-swieq stabbli huma importanti. Għal din ir-raġuni, il-KESE jemmen li l-pakkett ta’ għodod tal-istrumenti tas-suq għandu jkun ħafna aktar ambizzjuż sabiex jevita ċaqliq kbir fil-prezzijiet.

4.4.3   Il-Kummissjoni qed tipproponi li tkompli bil-proċess tat-tneħħija progressiva tal-għodod tal-ġestjoni tal-offerta, li nbeda fl-2009. Madankollu, il-KESE jqis li jkun żball li dawn l-għodod ma’ jinżammux. Filfatt, dawn l-istrumenti jfittxu li jassiguraw l-akbar stabbiltà fil-prezzijiet u fid-dħul mill-biedja, b’mod li l-offerta tadatta għad-domanda bl-aħjar mod. Dawn urew l-effikaċja tagħhom f’għadd kbir ta’ każijiet. Teżisti varjetà kbira ta’ għodod għall-ġestjoni tal-offerta: kontroll ex-ante (eż.: l-għoti tad-drittijiet tal-produzzjoni), kontrolli ex-post (eż.: il-qerda tal-ħsad), kontrolli fuq il-fatturi tal-produzzjoni (eż.: id-drittijiet għaż-żrigħ), l-oqsfa tad-drittijiet għall-premiums (eż.: limiti massimi nazzjonali), eċċ.

4.4.4   Il-KESE jirrakkomanda li ssir analiżi xierqa tal-implikazzjonijiet tal-posponiment tat-tneħħija tal-kwoti taz-zokkor skedat għall-2015. Rigward id-drittijiet ta’ kultivazzjoni tad-dwieli li jiskadu mhux aktar tard mill-2018, il-KESE, filwaqt li huwa favur iż-żamma tad-drittijiet tal-kultivazzjoni, japprezza d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li waqqfet grupp ta’ livell għoli (HLG) bil-għan li jiddiskuti l-miżuri meħtieġa fis-settur tal-inbid u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mħarsa d-drittijiet ta’ kultivazzjoni mill-2018 ’il quddiem biex is-suq ikun jista’ jiġi ġestit aħjar. Ir-rakkomandazzjonijiet minn dan il-HLG huma mistennija qabel l-aħħar tal-2012.

4.4.5   Billi 77 % tas-suq tal-ikel fl-UE-27 diġà huwa kkontrollat minn ħmistax-il katina kummerċjali biss, il-KESE jħoss li hemm bżonn ta’ sforzi sabiex il-provvista kummerċjali tiġi bbilanċjata kontra s-saħħa tas-suq tad-distribuzzjoni u li għandu jiġi kkunsidrat jekk il-liġi tal-kompetizzjoni hix biżżejjed biex tevita d-dominanza fuq is-suq u l-prattiki kuntrattwali dubjużi. Huwa importanti li l-gruppi tal-partijiet ikkonċernati kollha jkunu involuti f’dan l-eżerċizzju (14). Dan għandu jwassal għal bidliet fil-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-UE għas-settur agroalimentari b’tali mod li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, u jadattawhom għal-liġijiet tal-kompetizzjoni fil-pajjiżi li jikkompetu mal-UE fis-swieq dinjija, bħalma kkonkluda l-Grupp ta’ Livell Għoli tal-Ħalib.

4.4.6   L-instabbiltà kbira fil-prezzijiet f’dawn l-aħħar snin waslet għal mistoqsijiet dwar il-futur tal-PAK rigward il-benefiċċji ta’ aktar għodod ta’ ġestjoni tar-riskju u aproċċ aktar globali għat-tħaddim tal-katina kollha tal-ikel.

4.4.7   Biex tagħti aktar setgħa lill-produtturi fil-katina alimentari, il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll l-għodda u l-finanzjament għal għarfien aħjar, aktar trasparenti u aġġornat tas-swieq u l-marġni fis-setturi kollha. Fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu, il-KESE enfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi l-kuntratti bil-miktub, adattati r-regoli tal-kompetizzjoni, projbiti l-prattiki żlejali u li jmorru kontra l-kompetizzjoni u li titjieb il-kapaċità tal-kummerċjalizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u dawk interprofessjonali (15). Għandu jsir sforz ħafna akbar minn qatt qabel biex jiġu promossi l-inizjattivi lokali u reġjonali, is-swieq tal-bdiewa, katini tal-kummerċjalizzazzjoni iqsar (inkluż fir-rigward tal-kantini, il-catering għall-massa, eċċ.) u l-bejgħ dirett.

4.4.8   Bil-għan li tiżgura l-flessibilità neċessarja biex wieħed jirrispondi għal emerġenzi mhux mistennija, il-Kumissjoni tipproponi l-ħolqien ta’ riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu b’baġit ta’ madwar EUR 500 miljun. Ikun xieraq li l-Kummissjoni tintegra dan l-istrument fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali u tikkjarifika aħjar kif taħdem din l-għodda l-ġdida filwaqt li tispeċifika l-proċeduri ħalli jiġu attivati miżuri kontra t-tfixkil tas-suq. Huwa neċessarju li din l-għodda hi flessibbli biżżejjed li twieġeb b’mod rapidu u f’waqtu.

4.4.9   Il-Kummissjoni tippromovi r-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-operaturi u tal-kummerċ billi testendi l-operat tagħhom għall-prodotti kollha koperti mill-OKS. Il-KESE – li jżomm f’moħħu wkoll il-kummenti tal-passat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (16) – iqis neċessarju li wieħed jikkjarifika fid-dettall il-gwida tal-Kummissjoni rigward ir-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ dawn il-korpi kif ukoll il-miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tagħhom. Għaldaqstant, għandu jiġi analizzat kemm il-proposta biex jiġu awtorizzati ftehimiet kollettivi ġenerali iddgħajjef il-libertà tal-bdiewa individwali li jieħdu deċiżjonijiet għalihom innifishom.

4.4.10   Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li jsir użu minn kuntratti bil-miktub bejn il-partijiet. Madankollu, kooperattivi u strutturi simili jistgħu jiġu eżentati. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan il-pass huwa neċessarju biss għall-produtturi tal-prodotti tal-ħalib filwaqt li għal tipi oħra ta’ prodotti jista’ jiġi attivat fuq bażi volontarja. Il-KESE huwa tal-fehma li jkun xieraq li l-Kummissjoni testendi dan ir-rekwiżit għall-prodotti agrikoli l-oħra koperti mill-OKS, b’mod partikolari l-prodotti li jiskadu.

4.4.11   Il-KESE għandu riżervi dwar il-possibilità li jintuża l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni (FEG) biex jingħata appoġġ lill-bdiewa li qed ibatu mill-effetti tal-ftehimiet kummerċjali internazzjonali. Il-KESE jfakkar li l-FEG għandu jintuża primarjament biex jingħataw appoġġ il-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom b’riżultat ta’ tibdiliet strutturali ewlenin fil-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, meta dawn is-sensji jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija reġjonali jew lokali (17). Sabiex ikun żgurat li l-azzjoni tal-FEG tħalli l-ikbar impatt possibbli, il-KESE huwa tal-fehma li l-fond m’għandux jintuża biex jappoġġja l-agrikoltura Ewropea.

4.4.12   Skont l-aktar estimi reċenti, madwar 16,3 % taċ-ċittadini tal-UE jgħixu fil-limitu tal-faqar jew taħtu. Il-KESE jfakkar il-kontribut tal-programm Ewropew għad-distribuzzjoni tal-ikel lil dawk fil-bżonn, li fil-qafas tiegħu għexieren ta’ miljuni ta’ ikliet jitqassmu kull sena lill-aktar persuni fil-bżonn (fl-2009, aktar minn 18-il miljun persuna bbenefikaw minn dan il-programm). Il-KESE bi pjaċir jinnota li fil-proposti baġitarji 2014-2020, il-programm Ewropew tal-għajnuna għall-persuni l-iktar fil-bżonn ġie identifikat b’mod ċar barra l-ewwel u t-tieni Pilastri. Madankollu, għandhom jittejbu l-mekkaniżmi għat-tħaddim tiegħu fid-dawl tal-kummenti li saru mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (18). Għall-Kumitat, is-solidarjetà mal-gruppi żvantaġġati hija valur li l-UE dejjem żamm miegħu, fil-politiki varji tiegħu u għandu jkompli jagħmel hekk.

4.5   Żvilupp rurali

4.5.1   Il-KESE jqis it-tieni Pilastru bħala l-għodda prinċipali għaż-żamma tal-mudell agrikolu Ewropew. Is-sitwazzjoni finanzjarja drammatika ta’ ħafna Stati Membri ser twassal biex ħafna miżuri ma jkunux jistgħu jibqgħu jiġu kofinanzjati jew inkella ma jkunux jistgħu jibqgħu jiġu kofinanzjati b’mod suffiċjenti, sitwazzjoni li twassal għal dgħufijiet serji. Din hija problema fundamentali li għandha tiġi indirizzata fin-negozjati dwar l-ipprogrammar finanzjarju 2014-2020.

4.5.2   It-tranżizzjoni mill-prinċipju li s’issa applika t-tieni Pilastru, dak li jkun hemm 3 assijiet (flimkien mal-LEADER) appoġġjati b’sehem minimu ta’ finanzjament, lejn 6 oqsma ta’ prijorità, essenzjalment tfisser (aktar) libertà tal-għażla għall-Istati Membri. Madankollu, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-miżuri favur l-ambjent u l-protezzjoni tal-klima fil-ġejjieni ser ikomplu jirrappreżentaw tal-anqas 25 % tal-pakkett finanzjarju u jipproponi li jkun hemm sehem minimu għal-LEADER. Għandu jiġi evitat li l-Istati Membri, pereżempju, jieħdu biss miżuri li jippromovu l-investiment u b’hekk ma jappoġġjawx pereżempju miżuri agroambjentali, il-biedja ekoloġika jew inizjattivi li jittieħdu permezz ta’ approċċ minn isfel għal fuq bħal-LEADER.

4.5.3   Sabiex il-biedja ssir aktar kompetittiva, il-Kummissjoni tipproponi l-irbit tal-PAK mal-Istrateġija tal-UE għall-impjiegi u t-tkabbir, b’attenzjoni fuq it-taħriġ, l-innovazzjoni u r-riċerka. Il-KESE jinkoraġġixxi dan l-approċċ.

4.5.4   Il-KESE jaqbel mal-introduzzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni fil-kuntest tal-politiki dwar l-iżvilupp rurali. Il-KESE huwa tal-fehma li din l-għodda se tippromovi u tappoġġja fuq kollox attivitajiet imfassla biex isaħħu l-produttività u s-sostenibilità tal-agrikoltura u l-forestrija, jiżguraw l-użu effiċjenti tar-riżorsi ambjentali, iżidu l-kontribut tal-agrikoltura u l-forestrija lejn il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, itejbu l-kwalità u s-sikurezza tax-xogħol fl-agrikoltura u fil-forestrija, jiżguraw is-sikurezza u s-saħħa tal-konsumaturi, jinkoraġġixxu l-prova ta’ tekniki tal-biedja u tal-forestrija innovattivi, itejbu t-trasport u l-loġistika tal-prodotti tal-ikel u jagħżlu prodotti u imballaġġ li ma jkunux ta’ ħsara mil-lat ekoloġiku. Fil-fehma tal-KESE, is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni fl-agrikoltura u l-forestrija ser tiżgura s-sinerġija transkonfinali u l-kooperazzjoni fl-Ewropa bejn id-diversi entitajiet pubbliċi u privati impenjati għaliha, bit-titjib tal-effiċjenza fir-riċerka u l-innovazzjoni.

4.5.5   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-proposti rigward miżuri ta’ żvilupp rurali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri l-opportunità u l-libertà li joħolqu miżuri speċjali għas-setturi li jkunu ta’ importanza primarja għalihom billi joffru alternattiva lil dawn ir-reġjuni. Dan huwa indispensabbli għaż-żamma u l-konservazzjoni tan-natura tagħna u t-tiswir tal-pajsaġġi kulturali tagħna. Il-KESE ħa nota li l-Kummissjoni għandha tendenza li tapplika kriterji ta’ għażla aktar stretti fir-rigward tal-aċċess għal ċerti miżuri. Jixtieq jenfasizza li dawn il-kriterji ta’ għażla m’għandhomx ixekklu l-iżvilupp tal-irziezet li jkunu diġà laħqu ċertu livell ta’ kompetittività.

4.5.6   Il-KESE jaqbel li jissaħħu l-istrumenti għall-ġestjoni tar-riskji implimentati fil-qafas tal-PAK. Il-Kumitat jemmen li dawn l-għodod għandhom jikkontribwixxu biex tonqos il-varjazzjoni fid-dħul u l-istabbiltà tas-suq. It-tisħiħ tal-prodotti tal-assigurazzjoni u l-ħolqien ta’ fondi mutwi għandu jgħin lill-bdiewa li jiffaċċjaw volatilità ogħla fis-suq, dawk li huma aktar esposti għal mard ġdid tal-annimali u tal-pjanti kif ukoll għal kundizzjonijiet aktar ħżiena tat-temp. Il-KESE jaqbel mal-inklużjoni tal-ġestjoni tar-riskju fit-tieni Pilastru, iżda huwa tal-fehma li l-Istati Membri l-ewwel għandhom jirregolarizzaw il-kofinanzjament nazzjonali.

4.5.7   Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni li tinżamm il-politika mmirata lejn iż-żoni bi żvantaġġi naturali. Madankollu, jiddispjaċih li r-rakkomandazzjonijiet li għamel dwar id-delimitazzjoni ta’ dawn iż-żoni fl-Opinjoni tiegħuí (19) dwar il-Komunikazzjoni COM(2009) 161 “Lejn mira aħjar tal-għajnuna lill-bdiewa f’żoni bi żvantaġġi naturali” ma ntlaqgħux. It-tmien kriterji bijofiżiċi proposti mill-Kummissjoni m’humiex biżżejjed fid-dawl tad-definizzjoni mill-ġdid pertinenti, leġittima u aċċettabbli fl-UE kollha.

4.5.8   Il-KESE diġà ddikjara li ż-żamma tal-bijodiversità hija ħidma essenzjali u ewlenija li mhux biss tirrappreżenta obbligu etiku u morali iżda wkoll għandha importanza strateġika fit-tul. Jeżistu biżżejjed raġunijiet ekonomiċi biex tittieħed azzjoni aktar malajr u b’mod aktar effettiv.

4.5.9   Il-KESE jenfasizza l-fatt li r-reviżjonijiet tal-2012 jiffurmaw opportunità unika biex l-iskarsezza tal-ilma u l-avvenimenti estremi bħan-nixfa jiġu integrati flimkien f’qafas ta’ politika komuni għall-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma.

4.5.10   Il-KESE jqis li t-tieni Pilastru għandu jirrifletti l-problemi enormi tan-nuqqas ta’ ilma, l-erożjoni tal-ħamrija u d-deżertifikazzjoni fir-reġjuni tan-Nofsinhar u tal-Mediterran tal-UE u jirrakkomanda li titfassal miżura speċjali għall-indirizzar ta’ din il-kwistjoni. Fl-istess waqt jeħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll l-ispejjeż addizzjonali li jġarrbu l-Istati Membri fil-Puntent tal-UE sabiex ineħħu l-ilma żejjed mill-art li tintuża għall-agrikoltura.

4.5.11   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, il-Parlament u lill-Kunsill jikkunsidraw li jfasslu strateġija integrata tal-UE dwar il-proteini biex tiġi ssalvagwardjata l-provvista tal-ġwież tal-annimali u titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-proteini.

4.5.12   Il-ħela tal-ikel qed issir kwistjoni dejjem aktar importanti għas-sigurtà tal-ikel u l-effiċjenza tar-riżorsi. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tirrevedi l-aħjar prattiki ta’ tnaqqis tal-ħela tal-ikel fil-pajjiżi bħall-Ġermanja u tappoġġjahom b’miżuri leġislattivi fil-livell tal-UE.

4.5.13   Ir-rilokazzjoni tal-ekonomija hija kwistjoni ewlenija fis-sena li ġejja, u fl-agrikoltura l-valur miżjud għandu jinżamm fit-territorji sa fejn ikun possibbli. Barra minn hekk, skont il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, gruppi ta’ azzjoni lokali taħt il-programmi LEADER mhumiex iffukati biżżejjed biex jilħqu l-miri tal-istrateġiji lokali tagħhom stess (20). Għalhekk ikun utli li l-PAK għall-2014-2020 tadotta miżuri korrettivi permezz ta’ għodda ta’ politika ġdida li tippermetti l-akkumpanjament tal-bidu ta’ proġetti fit-territorji fi skala akbar minn dawk possibbli bl-approċċ Leader.

4.5.14   Il-KESE jemmen li l-PAK għandha tkun strument ewlieni li jiġġenera sħubijiet mal-konsumaturi, waqt li tiġi promossa l-informazzjoni rilevanti fir-rigward ta’ kif l-ikel ġie prodott tul il-katina ta’ valur jew iċ-ċiklu ta’ ħajja tiegħu. Il-prodotti għandhom ikunu jistgħu jiġu traċċati b’mod trasparenti mill-konsumatur, li jista’ jkun l-aħjar alleat sabiex tinkiseb produzzjoni agrikola Ewropea aktar sostenibbli, li tirrispetta l-ambjent u li tiġġenera impjiegi aħjar.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  CESE, ĠU C 132, 3.5.2011.

(2)  CESE, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63, punt 4.2.

(3)  CESE, ĠU C 354, 28.12.2010.

(4)  CESE, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63.

(5)  CESE, ĠU C 376, 22.12.2011 p. 19-24.

(6)  CESE, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 87.

(7)  Eurostat – Farm Structure Survey.

(8)  CESE, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63, punt 1.10.

(9)  COM(2011) 500 finali dwar il-Baġit għall-Ewropa 2020.

(10)  CESE, ĠU C 354, 28.12.2010, p. 35, punt 5.6.11.

(11)  CESE, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63, punt 1.4.

(12)  CESE, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63, punt 3.4.3.

(13)  CESE, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63, punt 1.5.

(14)  CESE, ĠU C 354, 28.12.2010, p. 35.

(15)  CESE, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 145.

(16)  Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Suċċess jiżdied? L-effettività tas-sostenn tal-Unjoni Ewropea għall-programmi operattivi tal-produtturi tal-frott u tal-ħaxix, Rapport Speċjali Nru 8.

(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi Fond Ewropew ta’ aġġustament għall-globalizzazzjoni.

(18)  Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, L-għajnuna alimentari tal-Unjoni Ewropea għal persuni fil-bżonn: evalwazzjoni tal-objettivi, il-mezzi u l-metodi użati, Rapport Speċjali Nru 6, 2009.

(19)  CESE, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 87-91.

(20)  Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Speċjali Nru 5/2011.


APPENDIĊI I

għall-Opinjoni tal-Kumitat

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti.

Punt 1.25

Ibdel it-test kif ġej:

Il-KESE jqis li tinħtieġ miżura ġdida u separata li tgħolli l-profil tal-biedja organika, li għaliha r-rata ta’ kofinanzjament għandha tkun daqs dik proposta għaż-żoni inqas żviluppati (85 %).

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

75

Kontra

81

Astensjonijiet

8

Punt 4.3.6

Ibdel it-test kif ġej:

Il-komponent ta’ titjib ekoloġiku tal-ewwel Pilastru huwa mod kif wieħed jista' joħloq rabta ikbar u aktar viżibbli bejn il-pagamenti diretti u l-beni pubbliċi ambjentali pprovduti mill-bdiewa. Huwa wkoll pass importanti għas-soluzzjoni tal-problemi fil-qasam tal-bijodiversità li jirriżultaw mill-biedja. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon dan l-approċċ, iżda jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

Sar sforz mill-Kummissjoni biex din is-sistema tinżamm sempliċi: tliet miżuri biss, li faċli jiġu ssorveljati permezz ta’ satellita. Madankollu, ir-regoli ta’ implimentazzjoni għandhom jassiguraw li dawn il-miżuri ma’ jżidux piżijiet amministrattivi oħra fuq il-bdiewa.

Huwa importanti li l-miżuri għat-titjib ekoloġiku jkunu applikabbli għall-bdiewa kollha madwar l-UE b'mod simili, biex jiġi assigurat impatt ambjentali wiesa' u biex jiġu evitati d-distorsjonijiet bejn il-bdiewa ta’ reġjuni differenti. Madankollu tista' tkun meħtieġa xi flessibbiltà fl-applikazzjoni fil-livell nazzjonali jew reġjonali. miżuri agroambjentali li .

Hemm tħassib dwar ir-riskju ta’ repetizzjoni bejn il-miżuri ta’ titjib ekoloġiku u l-miżuri agroambjentali tat-tieni Pilastru  (1) . Trid issir distinzjoni ċara biex jiġi assigurat li l-bdiewa li diġà huma impenjati fi programmi agroambjentali jkunu jistgħu jkomplu jgawdu b'mod effiċjenti minn din l-għodda ta’ politika, mingħajr ma jġarrbu telf ta’ introjtu.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

71

Kontra

90

Astensjonijiet

11

Punt 4.3.7

Ibdel it-test kif ġej:

Il-miżuri ta’ titjib ekoloġiku għandhom jiġu adattati u implimentati kif ġej:

Il-proposta dwar l-użu ta’ 7 % tal-art għaż-‘żoni b'fokus ekoloġiku’ ma tkunx aċċettabbli jekk ammonti kbar ta’ wċuħ jitneħħew mill-produzzjoni. Dan ikun ukoll kontraproduttiv fid-dawl tad-domanda għall-ikel li globalment qiegħda dejjem tikber. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta abbozz ta’ lista ta’ karatteristiċi li huma rikonoxxuti bħala ‘art bi prijorità ekoloġika’ kemm jista' jkun malajr. B'hekk, għandha tiċċara li prinċipalment tkopri karatteristiċi li huma importanti għaż-żamma u t-titjib tal-bijodiversità li b'mod ċar tinkludi siġar eżistenti, terrazzi, żoni max-xtut, mergħat iffjuriti eċċ. Dawn l-elementi għandhom jitqiesu bħala żoni eliġibbli, anke f'pajjiżi fejn ir-regolamenti nazzjonali eskludewhom mid-definizzjoni ta’ art agrikola. Lista adatta tiċċara malajr ukoll li m'għandhomx bażi l-biżgħat li spiss jissemmew li l-Kummissjoni tixtieq twarrab għal kollox 7 % tal-art. Fl-aħħar, għandha wkoll tiġi introdotta l-possibilità tal-uċuħ permanenti bħala ‘żoni b'fokus ekoloġiku’.

Il-Kummissjoni trid tiċċara li l-miżura tad-diversifikazzjoni tal-uċuħ mhux ser tippenalizza b'mod partikolari l-bdiewa bi ftit uċuħ, l-irziezet għat-trobbija tal-annimali mingħajr mergħat, u bdiewa b'kundizzjonijiet agroklimatiċi u tal-ħamrija li ma jippermettu l-ebda tkabbir ieħor tal-uċuħ. F'dawn il-każijiet il-KESE jirrakkomanda element ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni, li għandha tiġi proposta mill-Istati Membri u aċċettata mill-Kummissjoni.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

64

Kontra

88

Astensjonijiet

14


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-Futur tal-PAK (ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63, punt 3.4.3).


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/129


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku”

COM(2011) 877 final — 2011/0430 (COD)

2012/C 191/22

Relatur: is-Sinjura CAÑO AGUILAR

Nhar is-17 ta’ Jannar 2012 u nhar it-18 ta’ Jannar 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku

COM(2011) 877 final – 2011/0430 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'133 vot favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa' r-reviżjoni tad-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (1) (Direttiva PSI), billi din issaħħaħ b'mod konsiderevoli l-possibbiltà li d-data pubblika tintuża b'mod aktar effiċjenti u hija waħda mill-bosta azzjonijiet maħsuba biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020.

1.2   Il-Kumitat jenfasizza li l-emenda tad-Direttiva PSI hija meħtieġa minħabba r-rivoluzzjoni diġitali, l-ammont dejjem jikber ta’ informazzjoni li jkollhom l-awtoritajiet u l-importanza ekonomika ta’ din il-kwistjoni, li globalment hija stmata għal EUR 140 biljun. Barra minn hekk, l-emenda tipprova ssolvi xi nuqqasijiet li ġew innotati fir-regolamentazzjoni attwali u tinkorpora l-prinċipji approvati mill-OECD fl-2008.

1.3   Ir-regolamentazzjoni l-ġdida, li tinkludi aspetti proposti mill-KESE f'opinjoni preċedenti, tagħmel parti minn pakkett ta’ miżuri tal-Aġenda Diġitali, li hija waħda mill-istrateġiji fundametnali tal-UE.

1.4   Filwaqt li d-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni pubblika jibqa' kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, ir-regolamentazzjoni l-ġdida tinkludi bidla importanti għaliex permezz tagħha l-użu mill-ġdid isir obbligu tal-Istati Membri.

1.5   Il-Kumitat jikkunsidra li l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni pubblika għandu jiġi rregolat permezz ta’ Regolament bil-għan li tinkiseb l-omoġeneità fil-leġislazzjoni tal-Istati Membri u jingħelbu d-disparitajiet osservati fit-traspożizzjoni tad-Direttiva PSI.

1.6   Ir-riforma testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-użu mill-ġdid billi tinkludi l-mużewijiet, il-libreriji u l-arkivji, minbarra li ttejjeb l-arranġamenti prattiċi li jiffaċilitaw it-tiftix tal-informazzjoni.

1.7   Fil-fehma tal-KESE, ir-riforma tad-Direttiva PSI hija ġġustifikata wkoll mill-potenzjal kbir, li mhux sfruttat biżżejjed, li l-informazzjoni pubblika għandha fi tliet oqsma fundamentali għaliex tikkontribwixxi:

għall-promozzjoni tas-suq intern, it-tisħiħ tal-intrapriżi Ewropej u l-ħolqien tal-impjiegi;

għall-koerenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni;

għall-promozzjoni tat-trasparenza, l-effikaċja u r-responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi.

1.8   Ir-regoli l-ġodda dwar it-tariffi jeskludu l-idea li l-aċċess għall-informazzjoni jkun b'mod obbligatorju mingħajr ħlas. Kull Stat Membru ser jiddeċiedi jekk japplikax tariffa jew le. Jekk jiddeċiedi li japplika tariffa, din trid tkun limitata għall-ispejjeż marġinali, għalkemm jeżistu każijiet eċċezzjonali meta tista' tiġi applikata tariffa ogħla. Il-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż attwalment fis-seħħ jinżamm b'mod residwu. Il-KESE jemmen li l-bidla f'dan ir-rigward hija waħda pożittiva.

1.9   Rigward l-awtorità indipendenti stabbilita biex issolvi r-rikorsi kontra r-rifjuti, il-KESE jemmen li dan mhux bilfors jimplika l-ħolqien ta’ korp ġdid għaliex tista' tinħatar awtorità li teżisti diġà, dejjem jekk jiġu garantiti l-imparzjalità u l-indipendenza tad-deċiżjonijiet

1.10   Ir-regolamentazzjoni l-ġdida ssemmi d-drittijiet ekonomiċi jew morali tal-impjegati tal-korpi pubbliċi sabiex jiġu kkunsidrati sitwazzjonijiet partikolari li jinħolqu f'ċerti Stati Membri tal-Unjoni.

1.11   Il-Kumitat jiddefendi l-ħtieġa li jissaħħaħ it-test tal-proposta fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali billi tintalab evalwazzjoni dettaljata, abbażi ta’ każ b'każ, li tippermetti li jinsab bilanċ bejn id-dritt tal-privatezza u d-dritt tal-aċċess pubbliku.

2.   Sfond

2.1   Id-Direttiva 2003/98/KE (Direttiva PSI) kienet pass importanti biex jiġi promoss l-użu mill-ġdid tal-kwantità enormi ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku, għaliex hi poġġiet is-sisien għal qafas legali Ewropew bil-għan li jarmonizza l-kundizzjonijiet bażiċi u li jelimina l-ostakli li jistgħu joħolqu xi diffikultajiet għall-użu mill-ġdid.

2.2   L-Artikolu 13 tad-Direttiva PSI jirrikjedi li l-Kummissjoni Ewropea twettaq reviżjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva qabel l-1 ta’ Lulju 2008 u fiha “b'mod partikolari tindirizza l-kamp tal-applikazzjoni u l-impatt ta’ din id-Direttiva, inkluż il-limitu taż-żieda fl-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tas-settur pubbliku, l-effetti tal-prinċipji applikati għall-ħlas u l-użu mill-ġdid ta’ testi uffiċjali ta’ natura leġislattiva u amministrattiva, kif ukoll possibbiltajiet oħra għat-titjib tal-iffunzjonar kif imiss tas-suq intern u l-iżvilupp tal-industrija tal-kontenut Ewropew”. Din ir-reviżjoni hija riflessa fil-Komunikazzjoni COM(2009) 212 fejn jingħad li, minkejja l-progress li sar, għad baqa' ostakli kbar, fosthom it-tentattivi min-naħa tal-korpi tas-settur pubbliku li jżidu kemm jista' jkun l-irkupru tal-ispejjeż, minflok ma jagħtu preċedenza lill-benefiċċji għall-ekonomija b'mod ġenerali; il-kompetizzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat; kwistjonijiet prattiċi li jxekklu l-użu mill-ġdid, bħalma hu n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-PSI disponibbli; u l-attitudni ta’ ċerti korpi tas-settur pubbliku, li ftit li xejn huma konxji tal-potenzjal ekonomiku.

2.3   Xi fatturi oħra li skont il-Kummissjoni jiġġustifikaw ir-reviżjoni tad-Direttiva huma:

iż-żieda enormi fl-ammont ta’ data;

ir-rivoluzzjoni diġitali kontinwa, li żżid il-valur tal-patrimonju tas-settur pubbliku fil-qasam tal-informazzjoni u l-kontenut;

l-importanza ekonomika dejjem tikber tal-informazzjoni tas-settur pubbliku – huwa stmat li l-qligħ ekonomiku totali, dirett u indirett, mill-applikazzjonijiet u l-użu tal-informazzjoni tas-settur pubbliku fl-ekonomija tal-UE-27 huwa ta’ EUR 140 biljun fis-sena (2);

il-fatt li għadu jeżisti potenzjal kbir f'dak li hu użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku. Għalkemm uħud mill-Istati Membri wettqu progress kbir, għad baqa' ħafna xi jsir fid-dawl tal-iżvilupp tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku f'ċerti esperjenzi internazzjonali, fost affarijiet oħra.

2.4   L-aktar aspetti rilevanti li qed jiġi propost li jinbidlu b'dan l-abbozz ta’ Direttiva jikkonċernaw: il-kamp ta’ applikazzjoni, il-prinċipju ġenerali applikabbli għall-użu mill-ġdid, id-drittijiet morali jew ekonomiċi tal-impjegati tal-korpi pubbliċi, il-prinċipji applikati għall-ħlas u l-arranġamenti prattiċi li jiffaċilitaw it-tiftix.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   PSI u l-Aġenda Diġitali

3.1.1   Il-KESE jemmen li, b'mod ġenerali, ir-riforma proposta hija adatta peress li tipprova ssolvi xi nuqqasijiet magħrufin tad-Direttiva PSI. Minbarra li tirrispondi għad-domandi tal-partijiet interessati tal-UE li indikaw problemi serji fil-leġislazzjoni attwali, l-emenda tinkludi l-prinċipji tar-Rakkomandazzjoni tal-OECD (Seoul, 17-18 ta’ Ġunju 2008 (3)) sabiex l-informazzjoni tas-settur pubbliku tintuża b'mod aħjar u aktar effettiv.

3.1.2   Il-KESE jenfasizza wkoll li r-reviżjoni tagħmel parti minn pakkett ta’ miżuri tal-Aġenda Diġitali, li tikkonsisti minn tliet linji ta’ azzjoni: l-adattament tal-qafas legali għall-użu mill-ġdid tad-data pubblika, il-mobilizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji u l-aħjar koordinazzjoni tal-Istati Membri (4).

3.2   Id-dritt tal-użu mill-ġdid

3.2.1   L-istabbiliment tal-użu mill-ġdid bħala dritt hija bidla kbira. Fis-sistema attwalment fis-seħħ, id-deċiżjoni dwar jekk jiġix awtorizzat jew le l-użu mill-ġdid hija f'idejn kull Stat Membru. Billi r-rabta bejn id-dritt tal-aċċess u d-dritt tal-użu mill-ġdid hija preżenti f'ċerti leġislazzjonijiet nazzjonali iżda mhix ċara biżżejjed f'oħrajn, teżisti sitwazzjoni ta’ inċertezza legali.

3.2.2   Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza b'mod partikolari u jappoġġja t-tibdil propost f'dan ir-rigward, jiġifieri li:

id-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni pubblika jibqa' l-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri u mhux inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva PSI (5);

meta l-informazzjoni tkun pubblika u aċċessibbli skont il-leġislazzjoni nazzjonali, l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni pubblika għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali jsir – bl-eċċezzjonijiet imsemmijin – obbligu tal-Istati Membri b'konformità mal-formolazzjoni l-ġdida tal-Artikolu 3 li tistabbilixxi li dawn “għandhom jiżguraw li d-dokumenti […] ikunu jistgħu jintużaw mill-ġdid”. Dan huwa pass 'il quddiem indispensabbli sabiex jinħoloq qafas Ewropew omoġenju.

3.2.3   Id-dritt tal-użu mill-ġdid huwa pass 'il quddiem fl-approċċ li esprima l-KESE fl-opinjoni (6) preċedenti tiegħu fis-sens li l-obbligu li d-data terġa' tintuża ma jfissirx sempliċement li titpoġġa għad-dispożizzjoni b'mod passiv, iżda d-dmir li tiġi promossa b'mod attiv.

3.2.4   Fid-dawl tad-disparitajiet li nħolqu bit-traspożizzjoni tad-Direttiva PSI, il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ armonizzazzjoni aktar stretta permezz ta’ proposta għal Regolament.

3.3   Estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni

3.3.1   Kif il-KESE kien diġà ppropona fl-opinjoni tiegħu dwar id-Direttiva PSI, ir-regolamentazzjoni l-ġdida ser tinkludi d-dokumenti li jeżistu fil-mużewijiet, il-libreriji u l-arkivji. Dan japplika wkoll għal-libreriji universitarji, għajr fil-każ ta’ dokumenti protetti minn drittijiet tal-proprjetà intellettwali (formolazzjoni ġdida tal-Artikolu (1)(2)(e)). B'hekk ser tiġi inkluża kwantità kbira ta’ informazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, u għalhekk tiżdied l-effettività tagħha.

3.4   Titjib tal-arranġamenti tat-tiftix

3.4.1   Il-KESE jemmen li r-regolamentazzjoni proposta tal-arranġamenti prattiċi li jiffaċilitaw it-tiftix tal-informazzjoni (Artikolu 9) hija adegwata, billi tinkludi l-metadata u l-provvista tal-informazzjoni “f'format li jinqara elettronikament” u “portali li jkollhom ħolqa għal listi deċentralizzati ta’ assi”.

3.5   Il-ħtieġa tar-riforma minħabba l-potenzjal tal-informazzjoni pubblika

3.5.1   Id-dokumenti li jkollhom il-korpi pubbliċi jistgħu jintużaw f'bosta oqsma relatati mal-għarfien, il-kundizzjonijiet soċjali, ix-xjenza, l-ekonomija u l-kultura, fost oħrajn. Bħala eżempju nistgħu nsemmu l-informazzjoni ġeografika, meteoroloġika, ambjentali u ekonomika, l-informazzjoni dwar it-traffiku u t-trasport, it-turiżmu, il-biedja, il-pubblikazzjonijiet legali u ġuridiċi, l-istatistika, il-kundizzjonijiet soċjali, eċċ (7). Għaldaqstant, l-użu tagħhom jikkontribwixxi għat-tkabbir tal-ekonomija, l-iżvilupp tas-suq intern, it-tisħiħ tal-intrapriżi u l-ħolqien tal-impjiegi.

3.5.2   Il-parti l-kbira tal-użu tal-informazzjoni pubblika hija koerenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni, kif inhu l-każ tal-politika tal-kompetizzjoni, il-politika marittima integrata, il-politika komuni tat-trasport, il-ħtieġa li jiġi promoss l-aċċess miftuħ għall-informazzjoni xjentifika u l-politika dwar id-diġitizzazzjoni u l-wirt kulturali.

3.5.3   Il-promozzjoni tal-użu mill-ġdid ser tikkontribwixxi wkoll biex jiġu promossi t-trasparenza, l-effikaċja u r-responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Tariffi  (8)

4.1.1   L-aktar aspett kontroversjali tar-regolamentazzjoni fis-seħħ bħalissa huwa l-prezz li jridu jħallsu dawk li jkunu jridu jaċċessaw l-informazzjoni. It-tariffi eċċessivi u n-nuqqas ta’ trasparenza fil-mod kif jiġu stabbiliti wasslu għal ilmenti min-naħa tal-utenti u joħolqu ostaklu serju għall-promozzjoni tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni pubblika.

4.1.2   Il-proposta għal riforma teskludi l-idea li l-aċċess għall-informazzjoni jkun b'mod obbligatorju mingħajr ħlas (ħlas żero) li ressqu ċerti partijiet interessati. Minflok, il-proposta tagħżel prinċipji ġodda tal-ħlas, li huma:

kull Stat Membru ser jiddeċiedi jekk tiġix applikata tariffa jew le;

jekk jiddeċiedi li japplika tariffa, din trid tkun limitata għall-ispejjeż marġinali mġarrba bir-riproduzzjoni u t-tixrid;

il-prinċipju tal-ispiża marġinali jista' ma jiġix applikat u b'hekk jiġu imposti tariffi ogħla fil-każijiet eċċezzjonali previsti fl-Artikolu l-ġdid 6(2), b'mod partikolari fil-każ tal-korpi tas-settur pubbliku li jkopru parti sostanzjali mill-ispejjeż tal-operat tagħhom mill-użu tad-drittijiet tagħhom tal-proprjetà intellettwali. Din l-eċċezzjoni hija soġġetta għal esiġenzi stretti: it-tariffi jridu jiġu stabbiliti “skont l-għan, it-trasparenza u kriterji verifikabbli, sakemm dan ikun fl-interess pubbliku u soġġett għall-approvazzjoni tal-awtorità indipendenti” kif inhu previst fir-riforma tad-Direttiva;

jistgħu jiġu stabbiliti tariffi 'l fuq mill-ispejjeż marġinali wkoll għal-“libreriji (inklużi l-libreriji universitarji), il-mużewijiet u l-arkivji”;

il-piż biex tingħata prova li t-tariffi huma konformi mal-esiġenzi tad-Direttiva jintrefa' mill-korp tas-settur pubbliku li jipprovdi l-informazzjoni lill-utent.

4.1.3   B'dan il-mod, il-proposta ddaħħal il-prinċipju tal-ispiża marġinali bħala prinċipju ġenerali u l-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż tal-Artikolu 6 attwali jinżamm b'mod residwu, minkejja li “jitqies li mhux adegwat għat-tħeġġiġ tal-attivitajiet ibbażati fuq l-użu mill-ġdid tad-dejta pubblika” (3. L-elementi legali tal-proposta. 3.2. Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, il-ħames paragrafu).

4.1.4   Il-KESE, li jilqa' bi pjaċir din il-bidla, jemmen li hemm bżonn tiġi ċċarata l-formolazzjoni tat-tibdil propost fil-prinċipji tal-ħlas tal-Artikolu 6, billi jingħad b'mod ċar li l-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż huwa ta’ natura eċċezzjonali.

4.1.5   Fil-fehma tal-KESE, il-prinċipju tal-aċċess għall-informazzjoni kompletament mingħajr ħlas jista' jiġi stabbilit, għall-inqas, f'ċerti każijiet ta’ użu mill-ġdid mingħajr skop ta’ qligħ.

4.2   Awtorità indipendenti

4.2.1   F'każ ta’ risposta negattiva għal talba ta’ użu mill-ġdid, ir-regolamentazzjoni l-ġdida tistabbilixxi li “l-miżuri ta’ rikors għandhom jinkludu l-possibbiltà ta’ reviżjoni minn awtorità indipendenti li tingħata setgħat regolatorji speċifiċi fir-rigward tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, u li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu vinkolanti għall-entità tas-settur pubbliku kkonċernata” (żieda fl-Artikolu 4(4)).

4.2.2   Il-proposta ma tispeċifikax il-karatteristiċi u l-kompożizzjoni ta’ din l-“awtorità indipendenti”, aspetti li ġustament jitħallew f'idejn kull Stat Membru individwali. Il-KESE jemmen li dan mhux bilfors jimplika l-ħolqien ta’ korp ġdid għaliex tista' tinħatar awtorità li teżisti diġà, dejjem jekk jiġu garantiti l-imparzjalità u l-indipendenza tad-deċiżjonijiet. Madankollu, abbażi tal-esperjenza mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva PSI 'l hawn – f'xi każijiet l-interpretazzjoni tas-sistema ta’ aċċess u tixrid tal-informazzjoni pubbliku kienet restrittiva – il-paragrafu l-ġdid għandu jżid dan li ġej wara “informazzjoni tas-settur pubbliku”: “, u li d-deċiżjonijiet tagħha”.

4.2.3   Fi kwalunkwe każ, il-KESE jenfasizza li għandu jiġi kkunsidrat dak li nnotat il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar il-kunċett tal-indipendenza, li jeskludi mhux biss kull influwenza li jista' jkollhom il-korpi soġġetti għall-kontroll iżda wkoll kull ordni jew influwenza esterna, diretta jew indiretta, li tista' tipperikola t-twettiq tal-kompitu li jkollhom l-awtoritajiet indipendenti (9).

4.3   Proprjetà intellettwali u drittijiet ekonomiċi jew morali tal-impjegati

4.3.1   B'konformità mar-regoli nazzjonali u internazzjonali li jirregolaw il-proprjetà intellettwali, il-proposta għal reviżjoni żżomm id-“drittijiet ekonomiċi jew morali li jgawdu l-impjegati tal-entitajiet tas-settur pubbliku skont ir-regoli nazzjonali” (paragrafu miżjud fl-Artikolu 1(5)). Dan l-aspett mhux indirizzat fid-Direttiva PSI u ġie inkluż bħala risposta għal sitwazzjonijiet partikolari li jinħolqu f'ċerti Stati Membri b'rabta mas-sjieda tad-drittijiet rigward id-data li jkollu s-settur pubbliku.

4.3.2   Il-kumplessità tal-kwistjonijiet relatati mal-proprjetà intellettwali u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-intervent minimu jissuġġerixxu li l-kunflitti li jistgħu jinqalgħu għandhom jiġu solvuti mis-sistemi legali u ġudizzjarji ta’ kull pajjiż, kif inhu ġustament propost fit-test indirizzat f'din l-opinjoni.

4.4   Protezzjoni tad-data personali

4.4.1   Id-Direttiva PSI tinkludi l-ipproċessar tad-data personali (Artikolu 1(4)) u tgħid li din “tħalli intatt u bl-ebda mod ma taffettwa l-livell ta’ protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali taħt id-dispożizzjonijiet tal-Komunità u l-liġi nazzjonali, u b'mod partikolari ma tibdilx l-obbligi u d-drittijiet stipulati fid-Direttiva 95/46/KE” (10).

4.4.2   Din hi dispożizzjoni tajba, però l-importanza tal-kwistjoni u l-innovazzjoni teknoloġika kostanti jirrikjedu enfasi akbar peress li jitqajmu diversi kwistjonijiet bħal-leġittimità tat-tixrid pubbliku, il-protezzjoni speċjali ta’ data sensittiva, it-trasferiment lejn pajjiżi terzi u l-prinċipju tal-iskop. Il-KESE jemmen li, kif jindika l-Grupp ta’ Ħidma għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar ta’ Data Personali, it-test għandu jinkludi l-esiġenza li l-korpi pubbliċi jwettqu evalwazzjoni fil-fond u każ b'każ sabiex jinsab bilanċ bejn id-dritt tal-privatezza u d-dritt tal-aċċess pubbliku (11).

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Volum 32, p. 701).

(2)  Ir-“Rapport Vickery” fih analiżi fil-fond dwar dan is-suġġett. Ara: Vickery, Graham (2010) Review of Recent Studies on PSI Re-Use and Related Market Developments – Final Version. http://ec.europa.eu/information_society/policy/psi/docs/pdfs/report/final_version_study_psi.docx.

(3)  Adottata f'Seoul, 17-18 ta’ Ġunju 2008.

(4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Dejta miftuħa – Mezz għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-governanza trasparenti, COM(2011) 882 final, Brussell, 12.12.2011.

(5)  Artikolu 1(3).

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar L-isfruttament kummerċjali tad-dokumenti tas-settur pubbliku, ĠU C 85, 8.4.2003, p. 25 (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Ir-Rapport Vickery jidentifika 13-il qasam li kull wieħed minnhom fih diversi oqsma oħra.

(8)  Ara: Deloitte Pricing of PSI Study, Lussemburgu, 2011. http://ec.europa.eu/information_society/policy/psi/docs/pdfs/minutes_psi_group_meetings/presentations/15th/03_01_study_economic_deloitte.pdf.

(9)  Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010 (C-518/07).

(10)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data. ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Volum 015, p. 355).

(11)  http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/docs/wpdocs/2003/wp83_en.pdf.


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/134


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità”

COM(2011) 743 final

2012/C 191/23

Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS

Korelatur: is-Sinjura KING

Nhar it-18 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità

COM(2011) 743 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'125 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-KESE jappoġġja l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM), li jorbot mill-qrib il-politiki dwar l-immigrazzjoni u l-asil mal-politika esterna tal-UE.

1.2   Il-KESE jixtieq li l-politika esterna tal-UE tieħu l-impenn sħiħ li tħeġġeġ governanza dinjija tal-migrazzjoni internazzjonali fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) abbażi, fost strumenti legali internazzjonali applikabbli oħra, tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom (il-Kumitat ippropona (1) li l-UE tirratifika din il-Konvenzjoni), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-konvenzjonijiet tal-ILO.

1.3   Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tħejji rapport dwar is-sitwazzjoni tad-dibattiti fl-UE b'rabta mal-Konvenzjoni tan-NU. Il-Kummissjoni għandha tipprepara l-kundizzjonijiet tar-ratifika tagħha, u l-KESE jista' jikkollabora billi jħejji opinjoni ġdida fuq inizjattiva proprja.

1.4   Il-Kumitat jipproponi li l-UE taqdi rwol attiv ħafna fl-iżvilupp tad-Djalogu ta’ Livell Għoli tan-NU dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp.

1.5   L-għan prinċipali tad-djalogi dwar il-migrazzjoni u l-mobilità tal-UE ma’ pajjiżi terzi għandu jkun li tiġi ffaċilitata l-migrazzjoni legali u ordnata, li tiġi żgurata l-liġi internazzjonali dwar l-asil, li titnaqqas l-immigrazzjoni irregolari u li jiġu miġġielda n-netwerks kriminali tat-traffikar tal-bnedmin.

1.6   Is-sħubijiet għall-mobilità, li huma dikjarazzjonijiet politiċi konġunti, għandhom isiru ftehimiet internazzjonali. Il-KESE jemmen li l-UE tista' tipprovdi valur miżjud kbir fin-negozjati ma’ pajjiżi terzi.

1.7   Il-Kumitat jenfasizza l-importanza li tingħata spinta lid-djalogu mal-istituzzjonijiet reġjonali, filwaqt li l-kontenut tal-ftehimiet attwali jiġi estiż għall-mobilità u l-migrazzjoni.

1.8   Il-Kumitat jemmen li s-sħubijiet għall-mobilità għandhom jinkludu l-erba' pilastri tal-Approċċ Globali: l-organizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni legali u l-mobilità; il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin; il-promozzjoni tal-protezzjoni internazzjonali u t-titjib tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-asil; u l-massimizzazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp fuq il-migrazzjoni u l-mobilità.

1.9   L-akbar sfida tinsab fil-ftehimiet dwar il-migrazzjoni għax-xogħol, li fihom għandhom jipparteċipaw l-imsieħba soċjali, kemm Ewropej kif ukoll tal-pajjiżi terzi. Il-Kumitat jappoġġja l-prinċipji u l-linji gwida mhux vinkolanti tal-ILO rigward l-approċċ għall-migrazzjoni tax-xogħol (2), u jipproponi li dawn jiġu kkunsidrati fis-sħubijiet għall-mobilità.

1.10   Il-Kumitat jipproponi li s-sħubijiet għall-mobilità jinkludu l-perspettiva tas-sess, għaliex kultant is-sitwazzjoni tan-nisa migranti tkun aktar vulnerabbli, u ħafna drabi n-nisa jġarrbu abbużi u sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni u sfruttament estrem. Huwa importanti wkoll ir-rwol tan-nisa migranti fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi ta’ oriġini (3).

1.11   Sabiex jiġi evitat li l-migrazzjoni jkollha impatt negattiv fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi ta’ oriġini, l-Unjoni Ewropea għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-effetti negattivi tal-eżodu ta’ mħuħ u tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ kumpens.

1.12   L-UE għandha tappoġġja lill-organizzazzjonijiet ta’ dijaspora, u l-KESE jipproponi li jinħoloq servizz ta’ appoġġ għall-organizzazzjonijiet ta’ dijaspora.

1.13   Il-kontroll tal-fruntieri u l-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari għandhom jirrispettaw il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Frontex għandu jkollha aktar riżorsi, u l-attivitajiet tagħha għandhom jiġu evalwati mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u għandhom jiġu kkontrollati b'mod demokratiku mill-Parlament Ewropew.

1.14   L-UE għandha jkollha politika miftuħa rigward l-ammissjoni tal-immigranti, b'approċċ fuq perjodu medju ta’ żmien li jmur lil hinn mill-kriżi ekonomika attwali u li jikkunsidra s-sitwazzjoni demografika. Il-proċeduri tal-immigrazzjoni għax-xogħol għandhom ikunu legali u trasparenti, u għandha tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tal-imsieħba soċjali fl-UE u fil-pajjiżi ta’ oriġini.

1.15   Il-KESE jqis li l-leġislazzjonijiet Ewropej u nazzjonali dwar l-immigrazzjoni għandhom jiggarantixxu l-prinċipju tat-trattament ugwali rigward id-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali. Is-sistemi tal-immigrazzjoni ċirkolari ma jistgħux jintużaw b'mod diskriminatorju sabiex jillimitaw it-trattament ugwali.

1.16   Fis-sħubijiet għall-mobilità ser jitfakkar li l-proċeduri ta’ ritorn jagħtu prijorità lir-ritorn volontarju flimkien ma’ sistemi ta’ appoġġ (4). Meta b'mod eċċezzjonali jintużaw il-proċeduri ta’ ritorn sfurzat, għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa (5).

1.17   Il-KESE jixtieq li l-UE jkollha sistema komuni tal-asil li tinkludi livell għoli ta’ armonizzazzjoni leġislattiva. Hu jappoġġja wkoll li l-UE tikkollabora ma’ pajjiżi terzi sabiex jitjiebu s-sistemi tal-asil tagħhom u l-konformità mal-istandards internazzjonali. Il-ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi terzi għandhom jinkludu proċeduri li jiggarantixxu d-dritt effettiv għall-protezzjoni internazzjonali tal-persuni li jitolbu dan.

1.18   Il-pajjiżi terzi li magħhom jiġu ffirmati s-sħubijiet għall-mobilità jridu jkunu firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar ir-Refuġjati, irid ikollhom strutturi adegwati tal-asil u jridu jkunu pajjiżi sikuri f'termini ta’ drittijiet tal-bniedem. Dan ifisser li jridu jkunu rratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokolli tagħha dwar it-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-migranti (6).

1.19   L-UE għandha ssaħħaħ il-politiki ta’ integrazzjoni kif ukoll il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-immigranti u l-minoranzi. Il-Kumitat jipproponi li l-istituzzjonijiet tal-UE jkunu attivi ħafna fil-ġlieda kontra l-ksenofobija, ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni, speċjalment meta dawn ikunu promossi mill-mexxejja jew il-leġislaturi tal-Istati Membri (7).

1.20   Il-KESE, bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, ser ikompli jħeġġeġ l-attivitajiet tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni, għaliex jemmen li matul is-snin li ġejjin l-integrazzjoni ser tkun sfida strateġika fl-interess tal-Ewropa, tal-persuni li jkunu ġejjin mill-immigrazzjoni u ċ-ċittadini kollha.

2.   Kummenti ġenerali

2.1   Il-Komunikazzjoni tirrappreżenta inizjattiva ġdida tal-Kummissjoni Ewropea maħsuba biex il-politika dwar il-migrazzjoni jkollha approċċ aktar globali u aktar koerenti ma’ politiki oħra tal-UE, speċjalment mal-politika esterna.

2.2   Il-KESE jemmen li dan l-approċċ, li jqis il-proposti li l-Kumitat ressaq matul l-aħħar snin, huwa wieħed pożittiv. Diversi opinjonijiet huma marbutin direttament ma’ din il-Komunikazzjoni (8).

2.3   Il-Kumitat ippropona li l-UE għandha jkollha politika komuni dwar l-asil b'leġislazzjoni armonizzata, u politika komuni dwar l-immigrazzjoni b'leġislazzjoni li tippermetti l-immigrazzjoni legali permezz ta’ proċeduri komuni u trasparenti u li tikkunsidra l-interess tal-Ewropa u tal-pajjiżi ta’ oriġini kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali.

2.4   Mill-2006 'l hawn qed jiġi żviluppat approċċ internazzjonali ġdid rigward kif tiġi indirizzata l-migrazzjoni, speċjalment bis-saħħa tad-Djalogu ta’ Livell Għoli tan-NU dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (9). Il-KESE pparteċipa fil-konferenzi intergovernattivi tal-Forum Globali dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp, li fihom jieħdu sehem ukoll organizzazzjonijiet differenti tas-soċjetà ċivili (10). Il-Kumitat jipproponi li l-UE taqdi rwol attiv ħafna fl-iżvilupp tad-Djalogu ta’ Livell Għoli tan-NU.

2.5   Huwa sorprendenti li l-Istati Membri tal-UE għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-Riżoluzzjoni tagħha 45/158 tat-18 ta’ Diċembru 1990, li ilha fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2003. Il-KESE diġà ppropona f'opinjoni (11) fuq inizjattiva proprja li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jirratifikaw din il-Konvenzjoni. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tħejji rapport dwar is-sitwazzjoni tad-dibattiti u l-pożizzjoni tal-Istati Membri sabiex tipprepara l-kundizzjonijiet tar-ratifika tagħha.

2.6   Il-KESE jipproponi li, fil-qasam tal-politika esterna, il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill tal-UE jippromovu qafas legali internazzjonali għall-migrazzjoni abbażi tal-leġislazzjoni applikabbli, speċjalment id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali. Dan il-qafas legali internazzjonali għandu jinkludi wkoll:

il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Razzjali;

il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

il-konvenzjonijiet tal-ILO dwar il-ħaddiema migranti (C 97 u C 143);

il-Konvezjoni C 100 dwar l-ugwaljanza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa;

il-Konvezjoni C 189 dwar il-ħaddiema domestiċi;

id-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol;

il-Qafas Multilaterali tal-ILO dwar il-migrazzjoni għax-xogħol;

id-Dikjarazzjoni ta’ Durban u l-Programm ta’ Azzjoni tal-Konferenza Dinjija tan-NU kontra r-Razziżmu li saret fl-2001.

2.7   Il-politika komuni tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-asil kienet qed tiżviluppa matul l-aħħar snin, però l-istrumenti leġislattivi u politiċi għadhom insuffiċjenti. L-Istati Membri għandhom il-politiki individwali tagħhom, li kultant jikkontradixxu l-approċċi u l-ftehimiet Komunitarji. Il-KESE jappella biex l-Istati Membri kollha jintrabtu bil-politika komuni hekk kif inhi definita fit-Trattat u fil-Programm ta’ Stokkolma.

2.8   Hemm bżonn ta’ approċċ fuq perjodu medju ta’ żmien għaliex, minkejja l-kriżi ekonomika attwali u ż-żieda fil-qgħad, l-UE teħtieġ politika aktar miftuħa rigward l-ammissjoni ta’ ħaddiema immigranti ġodda, hekk kif il-KESE nnota fl-opinjoni esploratorja tiegħu (12)“Ir-rwol tal-immigrazzjoni legali fil-kuntest tal-isfida demografika”, li ntalbet mill-Presidenza Belġjana tal-UE. Fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tqis ukoll li ser ikun hemm bżonn li jiġu inklużi immigranti ġodda minħabba s-sitwazzjoni demografika u s-swieq tax-xogħol.

2.9   Il-KESE jaħseb li l-UE ma tistax tiffaċċja din il-fażi l-ġdida bil-politiki restrittivi u inkoerenti dwar il-migrazzjoni bħal dawk li l-Istati Membri żviluppaw fil-passat. Il-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni għandha tegħleb ir-restrizzjonijiet qodma u tiġi adattata għall-ħtiġijiet attwali.

2.10   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tipproponi Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM) li jkun adegwat għal politika aktar miftuħa u koerenti, liema politika trid tiġi żviluppata bil-kooperazzjoni tal-pajjiżi minn fejn ikunu ġejjin l-immigranti kif ukoll mal-pajjiżi ta’ tranżitu.

2.11   L-element ċentrali u l-valur miżjud ta’ din il-Komunikazzjoni huma s-sħubijiet għall-mobilità bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi jew il-gruppi ta’ pajjiżi f'ċerti reġjuni, bħan-Nofsinhar tal-Mediterran, il-Lvant tal-Ewropa, il-pajjiżi tal-AKP, l-Amerika Latina, eċċ., li magħhom l-UE għandha relazzjonijiet ta’ viċinat u ta’ sħubija.

2.12   F'opinjoni (13) oħra, il-Kumitat diġà ressaq xi proposti li għandhom jiġu kkunsidrati fis-sħubijiet għall-mobilità b'rabta ma’ kwistjonijiet bħall-flessibbiltà tal-viżi, leġislazzjoni aktar miftuħa għall-ammissjoni, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, il-prevenzjoni tal-eżodu ta’ mħuħ u d-drittijiet tas-sigurtà soċjali.

2.13   Il-KESE jappoġġja l-Approċċ Globali għaliex jemmen li hemm bżonn tinħoloq rabta aktar mill-qrib bejn id-dimensjoni interna u dik esterna tal-politika dwar il-migrazzjoni u l-mobilità. Barra minn hekk, fost il-prijoritajiet operattivi tal-Approċċ Globali hemm il-koerenza tal-politiki dwar l-immigrazzjoni u l-asil tal-Unjoni u tal-politiki dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

2.14   Il-migrazzjoni u l-mobilità huma kunċetti differenti. Fir-rigward tal-qsim tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, il-mobilità taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mhux dejjem tfisser immigrazzjoni għall-finijiet ta’ xogħol. Il-parti l-kbira ta’ dawk li jaqsmu dawn il-fruntieri jagħmlu dan bħala viżitaturi, turisti u għan-negozju, jiġifieri għal perjodi qosra ta’ żmien li ma jinvolvu l-ebda pjan ta’ migrazzjoni. L-immigrazzjoni għal raġunijiet ekonomiċi timplika l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

2.15   Il-Kumitat jaqbel li jiżdiedu d-djalogi dwar il-viżi fil-qafas tal-GAMM. Id-djalogu dwar il-viżi li l-UE twettaq mal-pajjiżi terzi kif ukoll il-politika komuni dwar il-viżi tal-UE jikkonċernaw sew is-soġġorni qosra u sew il-migrazzjoni.

2.16   S'issa kien aktar faċli li jintlaħaq ftehim dwar il-viżi għas-soġġorni qosra, filwaqt li hu diffiċli jintlaħaq ftehim dwar il-viżi għall-migrazzjoni (residenza u xogħol), li r-responsabbiltà għalihom għadha f'idejn l-Istati Membri. Dan l-aħħar intlaħaq ftehim fil-Kunsill u fil-Parlament rigward id-Direttiva dwar il-“Permess Uniku” li ser twassal għal ċerta armonizzazzjoni leġislattiva tal-proċeduri tal-ammissjoni. Qed titħejja leġislazzjoni wkoll dwar kategoriji speċifiċi ta’ migranti (staġjonali, sekondati).

2.17   Jekk is-sitwazzjoni tibqa' bħal qabel, ser ikun diffiċli li jsir progress fl-Approċċ Globali. Ir-riskju hu li s-sħubijiet għall-mobilità jservu biss biex itejbu l-ġestjoni tas-soġġorni qosra, filwaqt li ftit li xejn ikollhom impatt fuq it-titjib tal-proċeduri tal-migrazzjoni għax-xogħol.

2.18   Il-ftehimiet bilaterali li jeżistu diġà ma’ pajjiżi terzi b'rabta mal-migrazzjoni (li jinkludu l-ammissjoni tal-ħaddiema, il-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari, ir-riammissjoni, eċċ.) huma ftehimiet iffirmati bejn il-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-pajjiżi ta’ oriġini. L-UE nediet ukoll xi proġetti pilota. Il-KESE jittama li l-iżvilupp tal-Approċċ Globali jwassal għall-progress lejn oqfsa bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi terzi.

2.19   Il-KESE jikkunsidra li d-dimensjoni reġjonali hija fundamentali, u għalhekk jipproponi li fil-GAMM jipparteċipaw ukoll l-istituzzjonijiet reġjonali eżistenti, speċjalment dawk li magħhom l-UE għandha ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u kooperazzjoni. Xi istituzzjonijiet reġjonali tal-Amerika t'Isfel, tal-Asja u tal-Afrika qed jiżviluppaw internament ftehimiet dwar il-libertà ta’ moviment, l-immigrazzjoni u l-mobilità li jistgħu jiffaċilitaw ukoll il-migrazzjoni ordnata fl-Ewropa.

2.20   Il-Kumitat jappoġġja l-prijoritajiet ġeografiċi tal-Kummissjoni, u jaqbel li d-djalogi reġjonali jkunu bbażati fuq il-politika tal-viċinat tal-UE, b'mod partikolari s-Sħubija tan-Nofsinhar tal-Mediterran u s-Sħubija tal-Lvant. Għandha tingħata prijorità wkoll lis-Sħubija UE-Afrika u dik mad-19-il pajjiż tal-Proċess ta’ Praga. Hija ta’ prijorità wkoll ir-relazzjoni mas-27 pajjiż tal-Proċess ta’ Rabat kif ukoll mal-Qarn tal-Afrika (Horn of Africa).

2.21   Il-KESE jipproponi li jissaħħaħ id-djalogu mal-pajjiżi tal-AKP dwar il-migrazzjoni u l-mobilità, u li jinfetħu djalogi wkoll mal-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali u tan-Nofsinhar.

Għandhom jissaħħu wkoll id-djalogi bilaterali mal-pajjiżi kandidati tat-Turkija u l-Balkani kif ukoll dawk mar-Russja, l-Indja u ċ-Ċina.

Id-djalogu mal-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja huwa wieħed speċjali.

2.22   L-erba' pilastri li fuqhom huwa bbażat l-Approċċ Globali fil-proposta tal-Kummissjoni huma:

l-organizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni legali u l-mobilità;

il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin;

il-promozzjoni tal-protezzjoni internazzjonali u t-titjib tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-asil;

il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp fuq il-migrazzjoni u l-mobilità.

2.23   Il-KESE jaqbel li dawn huma l-pilastri li fuqhom għandu jiġi żviluppat Approċċ Globali li jkun koerenti ma’ politiki oħrajn: il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, il-politika dwar l-asil, il-politika dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-ġlieda kontra t-traffikar u l-kuntrabandu tal-bnedmin, eċċ.

3.   L-organizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni legali u l-mobilità

3.1   L-għan prinċipali tas-sħubijiet għall-mobilità mal-pajjiżi terzi għandu jkun li jagħmluha aktar faċli biex il-migrazzjoni ssir b'mod legali u ordnat. L-immigrazzjoni li toffri l-UE għandha tkun kredibbli u l-proċeduri għandhom ikunu trasparenti, bil-għan li fil-pajjiżi ta’ oriġini tikber il-fehma li l-migrazzjoni legali hija possibbli u li għandhom jiġu rifjutati l-proċeduri irregolari.

3.2   Bħalissa d-djalogi ma’ pajjiżi terzi għandhom bosta limitazzjonijiet, peress li r-responsabbiltà għall-ammissjoni ta’ immigranti ġodda hija f'idejn l-Istati Membri. Il-Kumitat jipproponi li l-Istati Membri u l-Kunsill jagħtu lill-Kummissjoni Ewropea kapaċità akbar f'din il-kwistjoni, billi l-UE tipprovdi valur miżjud kbir.

3.3   Bħalissa l-ammissjoni ta’ ħaddiema ta’ pajjiżi terzi hija ristretta ħafna mil-leġislazzjonijiet nazzjonali. Fit-tfassil tal-leġislazzjoni Ewropea qed ikun hemm ħafna diffikultajiet politiċi, id-direttivi adottati jridu jiġu trasposti fil-leġislazzjonijiet nazzjonali, filwaqt li oħrajn għadhom qed jiġu nnegozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament.

3.4   F'opinjoni oħra (14), il-KESE kkonkluda li, fid-dawl ta’ xi differenzi nazzjonali, l-UE għandu jkollha leġislazzjoni miftuħa li tippermetti l-immigrazzjoni għall-finijiet ta’ xogħol b'mezzi legali u trasparenti, kemm għall-ħaddiema bi kwalifiki għolja kif ukoll għall-attivitajiet li jirrikjedu inqas kwalifiki. Ħafna immigranti ser ikollhom permessi għal perjodu twil ta’ żmien u oħrajn ser ikunu temporanji. Is-sħubijiet għall-mobilità għandhom jikkunsidraw din is-sitwazzjoni.

3.5   Għandhom jiġu introdotti sistemi li jappoġġjaw lill-immigranti minn meta joħorġu mill-pajjiż ta’ oriġini sakemm jiġu integrati fil-pajjiż ospitanti, kemm f'dak li hu impjieg kif ukoll fis-soċjetà. Dawn is-sistemi ta’ appoġġ ser jiġu applikati kemm mill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll mit-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet intraprenditorjali, id-dijaspori u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili; u ser jinkludu sew l-informazzjoni u l-pariri matul il-proċess tal-migrazzjoni u sew it-tagħlim tal-lingwa, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u dawk soċjali, il-liġijiet u d-drawwiet.

3.6   Il-KESE jtenni l-proposta li ressaq f'opinjonijiet oħra biex jittejbu s-sistemi ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki tal-ħaddiema immigranti u l-validazzjoni tad-diplomi u l-ħiliet tagħhom, u dawn għandhom jiġu inklużi fis-sħubijiet għall-mobilità.

3.7   Kif ippropona l-Kumitat f'opinjonijiet preċedenti, għandha tiġi ggarantita b'mod effikaċi t-trasferibbiltà tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali tal-immigranti fi ħdan l-UE u fil-pajjiżi ta’ oriġini, u għalhekk is-sħubijiet għall-mobilità għandhom jinkludu l-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà soċjali. Minkejja li l-leġislazzjonijiet Ewropej dwar l-immigrazzjoni jillimitaw id-drittijiet tas-sigurtà soċjali, permezz ta’ dawn il-ftehimiet jistgħu jissolvew ħafna mill-problemi. Din hija raġuni oħra għaliex is-sħubijiet għall-mobilità għandhom ikunu strumenti legali vinkolanti.

3.8   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza li għandhom il-politiki ta’ integrazzjoni. Il-Kumitat huwa impenjat li jagħti spinta lill-integrazzjoni u r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni, li jiltaqa' kull sitt xhur fil-KESE, huwa strument importanti ħafna għall-istituzzjonijiet tal-UE. Il-Fond għall-Integrazzjoni huwa strument finanzjarju fundamentali li għandu jiġi estiż.

3.9   Il-politiki ta’ integrazzjoni jinvolvu kemm lill-immigranti kif ukoll lis-soċjetajiet ta’ akkoljenza, jippromovu l-ugwaljanza tad-drittijiet u l-obbligi kif ukoll id-djalogu interkulturali, interetniku u interreliġjuż u huma marbutin mal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u mal-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni. Il-Kumitat jixtieq jenfasizza li l-leġislazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni għandha tiggarantixxi li l-ħaddiema immigranti jiġu ttrattati b'mod ugwali fil-qasam tax-xogħol u f'dak soċjali (15).

3.10   Permezz tal-opinjonijiet tiegħu, il-KESE ppropona li l-leġislazzjoni Ewropea tinkludi d-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali tal-ħaddiema immigranti, sabiex tiggarantixxi li l-kundizzjonijiet tax-xogħol ikunu deċenti u timpedixxi l-isfruttament b'rabta max-xogħol.

3.11   Il-kundizzjonijiet huma partikolarment diffiċli għall-immigranti “mingħajr dokumenti”. L-ispezzjoni tax-xogħol għandha tissorvelja l-konformità mal-istandards tax-xogħol, bil-kollaborazzjoni tal-imsieħba soċjali. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-rapport li l-Aġenzija ta’ Vjenna (FRA) ħejjiet dwar is-sitwazzjoni tal-ħaddiema immigranti f'sitwazzjoni irregolari fl-UE (16).

3.12   Il-Kumitat ippropona li tiġi emendata d-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, li mhix adegwata. Il-Kummissjoni ppubblikat Green Paper li dwarha l-Kumitat qed iħejji opinjoni (17).

3.13   Matul l-aħħar snin kien hemm avvenimenti, dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet politiċi li dwarhom il-Kumitat huwa mħasseb ħafna, għaliex fl-Ewropa qed terġa' tinfirex marda antika u magħrufa sew tal-Ewropej: il-ksenofobija u n-nazzjonaliżmu li jeskludi lill-oħrajn. Il-minoranzi u l-immigranti qed jisfaw vittmi ta’ disprezz, tgħajjir u politiki aggressivi u diskriminatorji.

3.14   Snin ilu l-ksenofobija u l-populiżmu kienu promossi biss minn xi setturi politiċi estremisti u minoritarji. Però llum dawn il-politiki jagħmlu parti mill-aġenda u mill-programmi ta’ xi gvernijiet li jużaw il-politiki kontra l-immigranti u kontra l-minoranzi bħala arma elettorali. Il-KESE jipproponi li l-istituzzjonijiet tal-UE jevitaw li l-aġenda Ewropea tkun imniġġsa bil-ksenofobija u l-populiżmu.

4.   Il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin

4.1   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni fuq l-importanza li għandha l-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari.

4.2   Hemm bżonn li jiġi miġġieled l-impjieg mhux dikjarat u li fil-leġislazzjonijiet nazzjonali tiġi applikata b'mod effikaċi d-direttiva li timponi sanzjonijiet fuq min iħaddem f'każ li dan jisfrutta lill-immigranti f'sitwazzjoni irregolari (18). L-immigranti li jinsabu f'sitwazzjoni irregolari huma vulnerabbli ħafna għall-isfruttament b'rabta max-xogħol, u għandhom jitqiesu bħala vittmi. L-imsieħba soċjali għandhom jaħdmu flimkien biex inaqqsu l-impjieg irregolari u l-isfruttament b'rabta max-xogħol, bil-kollaborazzjoni tal-ispezzjoni tax-xogħol.

4.3   Il-Kumitat wera (19) li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn politika tal-fruntieri esterni li tkun kredibbli, effikaċi, leġittima u soġġetta għal kontrolli demokratiċi u evalwazzjonijiet indipendenti. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Frontex aktar kompetenzi operattivi u awtonomija fl-attivitajiet u r-riżorsi (tagħmir tekniku) tagħha.

4.4   Madankollu, l-operazzjonijiet konġunti koordinati mill-Aġenzija u r-riperkussjonijiet tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali u l-garanziji amministrattivi previsti fil-Kodiċi tal-Fruntieri għandu jsirilhom kontroll demokratiku min-naħa tal-Parlament u tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA). Flimkien ma’ dan għandha ssir evalwazzjoni kostanti, speċjalment tal-attivitajiet u l-ftehimiet tal-Frontex ma’ pajjiżi terzi, tal-effikaċja tal-operazzjonijiet konġunti u tal-kwalità tal-analiżijiet tar-riskju li twettaq il-Frontex.

4.5   Il-KESE jemmen li hu essenzjali li l-Frontex tissodisfa l-obbligi tagħha rigward l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali ta’ dawk li jfittxu asil u għall-prinċipju ta’ non-refoulement.

4.6   Il-Kummissjoni tinnota fil-Komunikazzjoni tagħha li “mingħajr kontrolli li jaħdmu tajjeb fuq il-fruntieri u livelli mnaqqsa ta’ migrazzjoni irregolari u politika ta’ ritorn effettiv, ma jkunx possibbli għall-UE li toffri iżjed opportunitajiet għal migrazzjoni u mobilità legali” (20). Però l-KESE jindika li dawn is-sitwazzjonijiet huma relatati mill-qrib.

4.7   Il-KESE diġà qal f'diversi opinjonijiet (21) li teżisti rabta ċara bejn l-immigrazzjoni legali u l-immigrazzjoni irregolari, għaliex meta ma jkunx hemm mezzi adegwati, trasparenti u flessibbli għall-immigrazzjoni legali, tikber l-immigrazzjoni irregolari.

4.8   Għalkemm il-parti l-kbira tal-persuni li jinsabu f'sitwazzjoni irregolari fl-Ewropa daħlu b'mod legali, persuni oħrajn jisfaw vittmi tan-netwerks kriminali. Fis-sħubijiet għall-mobilità, l-UE għandha tinkludi l-ġlieda kontra n-netwerks kriminali tat-traffikar u l-kuntrabandu tal-bnedmin. Għandu jiġi ggarantit li l-vittmi jkunu protetti.

4.9   Id-djalogi għandhom ikopru wkoll il-proċeduri ta’ ritorn u ta’ riammissjoni, li għandhom ikunu dejjem ibbażati fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Kumitat jixtieq li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tħejji kodiċi etiku tal-kondotta f'każijiet ta’ ritorn sfurzat abbażi tal-20 prinċipju għar-ritorn sfurzat imħejjija mill-Kumitat tal-Ministri fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa (22).

4.10   Fir-rigward tad-detenzjoni tal-immigranti f'sitwazzjoni irregolari, il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li “għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ ħajja deċenti għall-migranti fiċ-ċentri tal-ilqugħ u sabiex tiġi evitata d-detenzjoni arbitrarja jew indefinita” (23). Il-KESE jemmen li l-persuni li jkunu f'sitwazzjoni amministrattiva irregolari mhumiex kriminali, u jiddispjaċih li xi azzjonijiet nazzjonali jużaw b'mod abbużiv id-Direttiva dwar ir-ritorn, li skont il-Kumitat għandha tiġi emendata biex tipproteġi b'mod adegwat id-drittijiet fundamentali.

4.11   Il-KESE jirrifjuta b'mod speċjali li l-minorenni jitpoġġew fl-istess ċentri ta’ detenzjoni mal-adulti, għaliex il-minorenni għandhom jgħixu f'ambjent soċjali miftuħ, u jekk ikun possibbli mal-familji tagħhom.

4.12   Għandha tingħata prijorità lill-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u dan għandu jiġi inkluż fid-djalogi kollha. Qabel ma tiġi ffirmata sħubija għall-mobilità mal-UE, il-pajjiżi għandhom jintalbu jirratifikaw u japplikaw fil-leġislazzjoni tagħhom il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokolli tagħha dwar it-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-migranti.

4.13   Il-KESE jesiġi li l-awtoritajiet jiġġieldu aktar bil-qawwa kontra l-organizzazzjonijiet kriminali li jagħmlu profitt mit-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu illegali tal-immigranti. Dawk li jaqgħu f'dawn in-nases għandhom jitqiesu bħala vittmi li għandhom jiġu protetti.

5.   Il-promozzjoni tal-protezzjoni internazzjonali u t-titjib tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-asil

5.1   Ħafna drabi dawk li jfittxu asil ma jirnexxilhomx jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom f'territorju Ewropew għaliex il-kontrolli stabbiliti għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari ma jippermettulhomx li jidħlu fl-Ewropa. B'hekk qed tinħoloq kontradizzjoni enormi bejn il-miżuri adottati għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari u d-dritt għall-asil.

5.2   Għandu jiġi ggarantit il-prinċipju ta’ non-refoulement fil-fruntiera u għandu jiġi żgurat li dawk kollha li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali jkunu jistgħu jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom fl-UE u li dawn l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

5.3   Il-Kumitat jappoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-leġislazzjoni Ewropea dwar l-asil (24), li għandha tilħaq livell għoli ta’ armonizzazzjoni leġislattiva, bi status uniformi u proċeduri trasparenti u effikaċi. Il-persuni li jinsabu fl-UE f'kundizzjonijiet ta’ protezzjoni jew dawk li jkunu qed ifittxu asil għandhom ikunu jistgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol bi trattament ugwali.

5.4   Il-KESE jappoġġja wkoll il-kollaborazzjoni mal-pajjiżi terzi sabiex jissaħħew is-sistemi tal-asil tagħhom u l-konformità mal-istandards internazzjonali.

5.5   Mill-banda l-oħra, il-pajjiżi terzi li magħhom jiġu ffirmati s-sħubijiet għall-mobilità jridu jkunu firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar ir-Refuġjati, irid ikollhom strutturi tal-asil u jridu jkunu pajjiżi sikuri f'termini ta’ drittijiet tal-bniedem. L-UE għandha tikkoopera magħhom sabiex itejbu s-sistemi tal-asil tagħhom.

5.6   Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp tal-Programmi Reġjonali ta’ Protezzjoni, u jemmen li t-titjib tal-istrutturi tal-asil tal-pajjiżi terzi m'għandux jimpedixxi lil dawk li jfittxu asil li jkollhom bżonn jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom f'pajjiż Ewropew milli jagħmlu dan.

5.7   Is-sħubijiet għall-mobilità m'għandhomx iwasslu biex il-pajjiżi msieħba jħallsu l-ispejjeż kollha tal-proċeduri tal-asil tal-persuni li jgħaddu mit-territorju tagħhom. L-UE għandha tikkollabora permezz tal-fondi għall-asil.

5.8   L-UE għandha tkompli tkun art li toffri akkoljenza u asil u għandha ssaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u żżid il-programmi ta’ risistemazzjoni.

6.   Il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp fuq il-migrazzjoni u l-mobilità

6.1   L-UE għandha tikkollabora sabiex il-pajjiżi ta’ oriġini tal-migrazzjoni jkollhom opportunitajiet ta’ xogħol deċenti għal kulħadd, u b'hekk tkun tista' tiġi ffaċilitata l-migrazzjoni volontarja għaliex bħalissa l-migrazzjoni, għall-parti l-kbira tan-nies, mhix għażla volontarja. Il-Kumitat jappoġġja l-ħidma tal-ILO biex tippromovi x-xogħol deċenti.

6.2   Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni stabbilixxiet rabta ċara bejn il-politika dwar l-ammissjoni tal-professjonisti bi kwalifiki għoljin u l-politika dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp bil-għan li, fost affarijiet oħra, ma jkunx hemm eżodu ta’ mħuħ u ma jintilifx il-kapital uman tal-pajjiżi ta’ oriġini.

6.3   Però l-Kumitat jixtieq li jsir impenn akbar. Il-Kummissjoni tindika l-ħtieġa li jsiru “sforzi sabiex jitnaqqas l-eżodu tal-imħuħ”, iżda fil-politika dwar l-ammissjoni beħsiebha tagħmel “sforzi speċjali sabiex tattira migranti tas-sengħa fil-kompetizzjoni globali għal talent”. Ħafna drabi dawn iż-żewġ objettivi jikkontradixxu lil xulxin. Madankollu, il-Komunikazzjoni ma tiddefinixxix il-limiti fuq l-azzjonijiet biex tattira t-“talent” sabiex tilħaq l-objettiv li tnaqqas l-eżodu ta’ mħuħ. Issir referenza biss għal din id-dilemma meta jissemma l-persunal tas-saħħa: il-Komunikazzjoni tappoġġja l-Kondiċi ta’ prattiki tal-WHO u hija favur il-migrazzjoni ċirkolari tal-persunal tas-saħħa.

6.4   Però, l-eżodu ta’ mħuħ ma jolqotx biss il-qasam tas-saħħa, u għalhekk hemm bżonn ta’ kodiċi ta’ prattiki tajbin usa' li jillimita d-dħul ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin f'ċerti pajjiżi u f'ċerti professjonijiet. Il-KESE jipproponi li l-eżodu ta’ mħuħ jiġi limitat fis-sħubijiet għall-mobilità, u b'hekk il-proċessi migratorji jkunu pożittivi għaż-żewġ partijiet.

6.5   L-UE għandha toħloq sistemi ta’ kumpens għall-pajjiżi li, minħabba l-migrazzjoni lejn l-Ewropa, jitilfu l-kapital uman. Dan il-kumpens għandu jinkludi, fost miżuri oħrajn, l-appoġġ tas-sistemi edukattivi tagħhom u għall-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tax-xogħol sabiex jinħoloq l-impjieg u jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

6.6   Il-Kumitat ippropona li d-Direttiva dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul issir aktar flessibbli biex tippermetti l-mobilità ċirkolari ta’ ħafna professjonisti bejn l-UE u l-pajjiżi ta’ oriġini, mingħajr ma jitilfu d-dritt għar-residenza permanenti, u b'hekk jinżammu u jittejbu r-rabtiet li jistgħu jkunu utli ħafna għall-iżvilupp.

6.7   Bħalissa s-sistemi tal-migrazzjoni ċirkolari jimplikaw it-telf tal-kapital uman fil-pajjiżi ta’ oriġini, billi l-parti l-kbira tal-proċessi tal-immigrazzjoni qed isiru b'mod mhux organizzat. Il-KESE jemmen li l-kapital uman jista' jittejjeb permezz ta’ proċeduri strutturati tajjeb li jikkombinaw it-taħriġ, il-kwalifiki, id-drittijiet soċjali u x-xogħol.

6.8   Il-Kumitat jifhem il-preokkupazzjonijiet tal-ILO rigward ir-riskju li l-immigrazzjoni ċirkolari tintuża biex tillimita d-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali u biex timpedixxi r-residenza permanenti. Għaldaqstant, il-KESE jipproponi li l-prinċipju tat-trattament ugwali rigward il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol jiġi ggarantit għall-immigranti staġjonali.

6.9   F'opinjonijiet preċedenti (25), il-KESE diġà ġibed l-attenzjoni għall-importanza li għandhom l-organizzazzjonijiet ta’ dijaspora u r-rwol tagħhom fl-iżvilupp. L-UE għandha tappoġġja l-attivitajiet tad-dijaspora.

6.10   Bl-istess mod, għandhom jitkomplew l-inizjattivi maħsubin biex inaqqsu l-ispejjeż tat-trasferimenti tar-rimessi u l-użu tagħhom għall-iżvilupp. Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ forum annwali dwar ir-rimessi u l-ħolqien ta’ portal komuni.

6.11   Il-KESE jipproponi li jinħoloq servizz ta’ appoġġ għall-organizzazzjonijiet ta’ dijaspora li jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-organizzazzjonijiet kollha li jaħdmu favur l-iżvilupp f'pajjiż jew reġjun partikolari, kif ukoll il-koordinazzjoni tagħhom mal-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Dan is-servizz għandu jidderieġi r-riżorsi lejn il-proġetti li jinbdew. L-UE għandha tappoġġja lill-organizzazzjonijiet ta’ dijaspora u tiffaċilita l-ħolqien ta’ pjattaformi rappreżentattivi.

7.   Il-finanzjament u l-evalwazzjoni

7.1   Il-programmazzjoni futura tal-istrumenti finanzjarji għandha tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Approċċ Globali. Il-Kumitat qed iħejji l-opinjoni mitluba mill-Kummissjoni.

7.2   Il-KESE jipproponi li jsir studju indipendenti dwar l-effikaċja u l-impatt tas-sħubijiet għall-mobilità li jeżistu bħalissa. Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex jiġi żgurat li s-sħubijiet għall-mobilità jkollhom mekkaniżmu effiċjenti ta’ evalwazzjoni.

7.3   Il-ftehimiet bilaterali li saru s'issa jindikaw li s-sħubijiet għall-mobilità jintużaw biex jiffaċilitaw il-viżi għas-soġġorni qosra u l-ftehimiet ta’ riammissjoni, filwaqt li l-aspetti l-oħra li jagħmlu parti mill-Approċċ Globali jibqgħu fil-ġenb. L-evalwazzjoni tas-sħubijiet għall-mobilità għandha tikkunsidra l-erba' pilastri tal-Approċċ Globali.

7.4   Mill-banda l-oħra, is-sħubijiet għall-mobilità, li huma dikjarazzjonijiet politiċi konġunti, mhumiex legalment vinkolanti għall-Istati parteċipanti, u għalhekk il-KESE jipproponi li dawn għandhom isiru ftehimiet internazzjonali legalment vinkolanti.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE tat-30 ta’ Ġunju 2004 dwar il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħaddiema Immigrati (relatur: is-Sur Pariza Castaños), ĠU C 302, 7.12.2004.

(2)  Qafas Multilaterali tal-ILO dwar il-migrazzjoni għax-xogħol (2007).

(3)  Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar is-saħħa u l-migrazzjonijiet, ĠU C 256, 27.10.2007.

(4)  Bil-kollaborazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni.

(5)  “Għoxrin linja gwida dwar ir-ritorn sfurzat” CM(2005)40.

(6)  Protokolli ta’ Palermo tal-2000.

(7)  Fuq il-bażi tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

(8)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 135-137, 15 ta’ Ġunju 2011, Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Komunikazzjoni dwar il-migrazzjoni” COM(2011) 248 final. Relatur: is-Sur Pariza Castaños.

ĠU C 120, 16.5.2008, p. 82-88, 12 ta’ Diċembru 2007, Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Migrazzjoni u żvilupp: opportunitajiet u sfidi” (opinjoni fuq inizjattiva proprja). Relatur: is-Sur Sharma.

ĠU C 48, 15.2.2011, p. 6-13, 15 ta’ Settembru 2010, Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-immigrazzjoni legali fil-kuntest tal-isfida demografika” (opinjoni esploratorja). Relatur: is-Sur Pariza Castaños.

ĠU C 44, 16.2.2008, p. 91-102, 25 ta’ Ottubru 2007, Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Immigrazzjoni fl-UE u l-politika ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini għall-promozzjoni tal-iżvilupp” (opinjoni fuq inizjattiva proprja). Relatur: is-Sur Pariza Castaños.

ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29-35, 4 ta’ Novembru 2009, Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-leġiżlazzjoni u l-politiki Ewropej dwar l-immigrazzjoni” (opinjoni fuq inizjattiva proprja). Relatur: is-Sur Pariza Castaños.

(9)  14 u 15 ta’ Settembru 2006.

(10)  Konferenzi fi Brussell, Manila u Ateni.

(11)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE tat-30 ta’ Ġunju 2004 dwar “il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħaddiema Immigrati” (relatur: is-Sur Pariza Castaños), ĠU C 302, 7.12.2004.

(12)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 6-13.

(13)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 82-88.

(14)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 6-13.

(15)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill relatata mas-Sena Ewropea tad-djalogu interkulturali (2008)”, ĠU C 185, 8.8.2006(din l-opinjoni mhix disponibbli bil-Malti).

(16)  Rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), “Migrants in an irregular situation employed in domestic work: Fundamental rights challenges for the European Union and its Member States” (Il-migranti f'sitwazzjoni irregolari impjegati fix-xogħol domestiku: sfidi relatati mad-drittijiet fundamentali għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha), Lulju 2011, www.fra.europa.eu.

(17)  Green Paper dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea (Id-Direttiva 2003/86/KE) u l-opinjoni tal-KESE dwar il-Green Paper dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea (Id-Direttiva 2003/86/KE) – għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU.

(18)  Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali, ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24.

(19)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 135-137.

(20)  Paġna 5 tal-verżjoni Maltija tal-Komunikazzjoni COM(2011) 743 final.

(21)  ĠU C 157, 28.6.2005, p. 86-91 (mhux disponibbli bil-Malti).

(22)  “Għoxrin linja gwida dwar ir-ritorn sfurzat” CM(2005)40.

(23)  Paġna 16 tal-verżjoni Maltija tal-Komunikazzjoni COM(2011) 743 final.

(24)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper dwar is-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni”, ĠU C 204, 9.8.2008.

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-valur miżjud ta’ sistema Ewropea komuni tal-asil kemm għall-persuni li jfittxu l-asil kif ukoll għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 44, 11.2.2011.

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-asil (riformulazzjoni)”, ĠU C 24, 28.1.2012.

(25)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 82-88 u ĠU C 44, 16.2.2008, p. 91-102.


29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/142


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm ta’ tikkettar tal-effiċjenza tal-enerġija għat-tagħmir fl-uffiċini li jemenda r-Regolament (KE) Nru 106/2008 dwar programm Komunitarju ta’ tikkettar tal-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju”

COM(2012) 109 final

2012/C 191/24

Nhar is-26 ta’ April 2012, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm ta’ tikkettar tal-effiċjenza tal-enerġija għat-tagħmir fl-uffiċini li jemenda r-Regolament (KE) Nru 106/2008 dwar programm Komunitarju ta’ tikkettar tal-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju

COM(2012) 109 final.

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m'hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu tal-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), b'144 vot favur u 4 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON