ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2012.043.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 43

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 55
15 ta' Frar 2012


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-476 sessjoni plenarja fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011

2012/C 043/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-Tibdil industrijali għall-bini ta’ industriji sostenibbli b’użu intensiv tal-enerġija (EIIs) fid-dawl tal-objettiv ta’ effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tal-istrateġija Ewropa 2020 (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

1

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

L-476 sessjoni plenarja fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011

2012/C 043/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-konklużjoni tal-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Gwida għall-politiki nazzjonali fl-2011 u l-2012COM(2011) 400 finali

8

2012/C 043/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-kondiviżjoni tar-riskju għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b’diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhomCOM(2011) 655 finali — 2011/0283 (COD)

13

2012/C 043/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Governanza aħjar tas-Suq Uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva ikbar: Strateġija għall-espansjoni u l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI)COM(2011) 75 finali u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (ir-Regolament tal-IMI)COM(2011) 522 finali — 2011/0226 (COD)

14

2012/C 043/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadiniCOM(2011) 152 finali

20

2012/C 043/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Rapport mill-Kummissjoni — Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2010 COM(2011) 328 finali

25

2012/C 043/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personaliCOM(2011) 456 finali — 2011/0197 (COD)

30

2012/C 043/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-TfalCOM(2011) 60 finali

34

2012/C 043/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — It-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UECOM(2011) 274 finali u dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalitàCOM(2011) 275 finali — 2011/0129 (COD)

39

2012/C 043/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (l-XX Direttiva individwali skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)COM(2011) 348 finali — 2011/0152 (COD)

47

2012/C 043/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali u d-dritt ta’ komunikazzjoni mal-arrestCOM(2011) 326 finali — 2011/0154 (COD)

51

2012/C 043/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar MediterranCOM(2011) 479 finali — 2011/0218 (COD)

56

2012/C 043/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar il-miżuri ta’ promozzjoni u ta’ informazzjoni għall-prodotti agrikoli: strateġija Ewropea b’valur miżjud għoli għall-promozzjoni tal-palat tal-prodotti tal-EwropaCOM(2011) 436 finali — u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terziCOM(2011) 663 finali — 2011/0290 (COD)

59

2012/C 043/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE fir-rigward tad-databases tal-kompjuter li huma parti min-netwerks tas-sorveljanza fl-Istati MembriCOM(2011) 524 finali — 2011/0228 (COD) u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini u t-tneħħija tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar volontarju taċ-ċangaCOM(2011) 525 finali — 2011/0229 (COD)

64

2012/C 043/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar, u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzatCOM(2011) 530 finali — 2011/0231 (COD)

67

2012/C 043/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħaraCOM(2011) 555 finali — 2011/0239 (COD)

69

2012/C 043/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija — Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020COM(2010) 612 finali

73

2012/C 043/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-KunsillCOM(2011) 451 finali — 2011/0196 (COD)

79

2012/C 043/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzatiCOM(2011) 241 finali

82

2012/C 043/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoniCOM(2011) 303 finali

89

2012/C 043/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-UnjoniCOM(2011) 634 finali — 2008/0183 (COD)

94

2012/C 043/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed (Riformulazzjoni)COM(2011) 566 finali — 2011/0243 (COD)

98

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-476 sessjoni plenarja fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011

15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “it-Tibdil industrijali għall-bini ta’ industriji sostenibbli b’użu intensiv tal-enerġija (EIIs) fid-dawl tal-objettiv ta’ effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tal-istrateġija Ewropa 2020” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 43/01

Relatur: is-Sur IOZIA

Korelatur: is-Sur JARRÉ

Nhar l-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

it-Tibdil industrijali għall-bini ta’ industriji sostenibbli b'użu intensiv tal-enerġija (EIIs) fid-dawl tal-objettiv ta’ effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tal-istrateġija Ewropa 2020.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Novembru 2011. Ir-relatur kien is-Sur Iozia u l-korelatur is-Sur Jarré.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tat-8 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'143 vot favur u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-KESE

1.1   Il-KESE huwa tal-fehma li l-Ewropa se tkun tista' tindirizza l-isfida tal-kompetizzjoni intensifikata mal-ekonomiji emerġenti biss billi timplimenta sistemi innovattivi ħafna u l-livell teknoloġiku, ambjentali u tal-produzzjoni jogħla biex ilaħħaq mal-iżvilupp. Il-forza tax-xogħol għandha tiġi protetta mill-effetti tal-bidliet, permezz ta’ taħriġ adatt u f'waqtu. Il-politiki tal-UE għandhom jiffavorixxu żvilupp bħal dan.

1.2   Il-prodotti tal-Industriji b'Użu Intensiv tal-Enerġija (EIIs) huma l-bażi tal-katina ta’ valur tas-setturi kollha tal-manifattura, fejn huma stabbiliti proporzjon kbir tal-impjiegi fl-UE. L-istabilità, il-kwalità u s-sigurtà tal-provvista għal dawk is-setturi, u li ssir fil-ħin meħtieġ, huma l-garanzija tal-kompetittività tagħhom fis-suq globali kif ukoll il-garanzija ta’ impjiegi bi kwalifiki għoljin fl-UE.

1.3   Irid jinħoloq qafas Ewropew adegwat li jindirizza l-ħtiġijiet komuni tal-EIIs, bil-għan ewlieni li tissaħħaħ u tinżamm il-kompetittività fl-Ewropa f'kuntest ta’ sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali. L-oqsma inkwistjoni huma kollha tal-istess importanza u huma dipendenti fuq xulxin.

1.4   Barra minn hekk, meta wieħed iqis il-klima ekonomika diffiċli attwali, il-KESE jirrakkomanda li jsir dejjem iżjed investiment fir-riċerka, l-iżvilupp, l-iskjerament u t-taħriġ, u fl-attivitajiet xjentifiċi li huma applikati għall-industrija. Dawn l-investimenti għandhom jingħataw biżżejjed appoġġ fil-programm qafas li jmiss u għandhom jagħmlu possibbli, talinqas, l-iskambju tal-esperjenza u tar-riżultati fil-livell Ewropew. Programmi Ewropew u nazzjonali għandhom jiffokaw iżjed fuq ir-riċerka dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-innovazzjonijiet f'dan il-qasam (1).

1.5   Il-KESE jemmen li jrid ikun hemm politika industrijali integrata li żżomm il-fatturi varjabbli esterni taħt kontroll kostanti u li tgħin lin-negozji Ewropej jikkompetu ma’ oħrajn taħt kundizzjonijiet ugwali fuq livell globali u soġġetti għal kundizzjonijiet reċiproċi. Sabiex tiġi ggarantita kompetittività suffiċjenti, iridu jiġu definiti politiki komuni industrijali u fiskali, u għażliet strateġiċi li jkopru l-industrija Ewropea kollha kemm hi.

1.6   L-Ewropa ma tistax tibqa' tmexxi l-ekonomija tagħha billi timponi limiti dejjem iżjed stretti jekk ma tiħux il-passi neċessarji biex tagħmel għażliet komuni stabbli u strateġiċi fil-governanza, sabiex jitħares il-mudell ekonomiku u soċjali tagħha u jiġu żgurati riżultati ottimi, inkluż fil-qasam tal-ħarsien ambjentali.

1.7   Il-KESE jemmen b'mod qawwi li l-UE trid tagħmel kull sforz biex tistabbilixxi sistemi flessibbli sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi li huma rikonoxxuti bħala neċessarji. Dawn is-sistemi għandhom jieħdu kont tan-natura speċifika tal-industrija bażika.

1.8   Il-KESE jinsab imħasseb dwar jekk l-importaturi għandhomx ukoll ikunu soġġetti għal miżuri li huma ekwivalenti għall-ETS. L-objettiv primarju għandu jkun li tiġi assigurata sistema globali effiċjenti permezz ta’ ftehim strett u li jista' jiġi infurzat. Fin-nuqqas ta’ ftehim bħal dan, u bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet li l-UE għażlet li timponi fuqha nnifisha, għandu jkun hemm sitwazzjoni ta’ kundizzjonijiet indaqs (jiġifieri l-istess trattament u kundizzjonijiet) għal prodotti u servizzi li jitqiegħdu fis-suq ġewwa l-konfini tagħha kif ukoll għal prodotti u servizzi esportati.

1.9   Il-KESE jirrakkomanda b'mod qawwi li tiġi kkonsidrata l-possibilità li tinżamm is-sistema tal-allokazzjoni ta’ ċertifika ETS mingħajr ħlas lil kumpaniji li diġà laħqu livelli ta’ eċċellenza u li huma qrib tal-limiti fiżiċi u termodinamiċi tat-teknoloġiji speċifiċi tagħhom. Il-prattika li jsir irkant tal-permessi tal-emissjonijiet, li se titnieda fl-2013, ċertament hija waħda tajba iżda biss jekk tiġi adottata f'partijiet oħra fid-dinja. L-UE biħsiebha tiftaħ il-kummerċ ma’ operaturi oħrajn mhux fl-UE, bil-għan li jinbena suq globali tal-ETS.

1.10   Fil-każ tal-EIIs, l-ETS tista' tagħmel ħsara inkalkolabbli lill-industrija kkonċernata, jekk ma tiġix ġestita b'kawtela kbira. Ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju (“carbon leakage”) mhijiex xi ħaġa li għandha titqies biss fil-futur. Ilha tiġri mill-inqas għal dawn l-aħħar 10 snin, peress li l-investimenti ġew ridirezzjonati mill-Ewropa lejn pajjiżi oħra bħalma huma l-Istati Uniti, iċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil, eċċ. Investigazzjoni ddettaljata ta’ dan il-fenomenu għandha tkun utli ħafna.

1.11   L-enerġija miżmuma fil-materjali għandha terġa' tintuża, u b'hekk jingħataw spinta l-operazzjonijiet ta’ riċiklaġġ fejn dan huwa possibbli. Il-ħġieġ, il-ħadid u l-azzar u l-aluminju jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti. L-Ewropa tesporta l-materjali nobbli tagħha. Minflok, għandu jkun hemm inċentivi biex dawn jintużaw mill-ġdid fl-UE u tiġi ffrankata l-enerġija f'dawn il-materjali varji (2).

1.12   L-EIIs iridu jitħeġġu jagħmlu investimenti fit-tul – possibbilment billi jingħaqdu flimkien – fis-settur tal-enerġija (b'mod speċjali fl-enerġiji rinnovabbli) u jingħataw l-opportunità jixtru l-enerġija permezz ta’ kuntratti fit-tul bi prezzijiet fissi.

1.13   Il-KESE jaħseb li qafas regolatorju stabbli, effettiv u dejjiemi huwa importanti ħafna. Iċ-ċikli ekonomiċi ta’ investiment fl-EIIs idumu minn seba' sa għoxrin sena (għall-kalkara tal-funderija pereżempju) u hemm raġuni wara l-fatt li għal iktar minn tletin sena kien hemm inqas investiment minn dak li wieħed jistenna fiċ-ċiklu tal-azzar integrat.

1.14   Il-politiki adottati sal-lum il-ġurnata ġeneralment kienu mmirati lejn il-penalizzar ta’ kondotta ħażina minflok l-ippremjar ta’ imġiba responsabbli u investiment. Dan l-approċċ irid jiġi emendat u jintużaw inċentivi fiskali biex jiġu appoġġjati l-azzjonijiet ta’ kumpaniji li juru li kisbu riżultati impressjonanti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

1.15   Irridu nenfasizzaw ir-riżultati tremendi li diġà kisbu l-EIIs fil-perjodu eżatt qabel ma daħlet fis-seħħ l-ETS. Huma antiċipaw il-ħtiġijiet ġodda u ż-żminijiet li qed jinbidlu u m'hemm l-ebda raġuni għalfejn għandhom jiġu penalizzati bl-aħrax bħala riżultat u b'hekk ikunu fil-periklu li jitilfu miljun impjieg stabbli u kwalifikati ħafna (kemm dawk diretti kif ukoll indiretti).

1.16   Ċertament għandu jingħata appoġġ għat-tixrid tal-aqwa prattika bejn pajjiżi u bejn setturi, kif ukoll għal proġetti pilota u ta’ dimostrazzjoni ġodda.

1.17   Miżuri ta’ appoġġ pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni, bi programmi speċifiċi u ddedikati, taw prova li huma ta’ importanza kbira. Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-Parlament biex jirrinforzaw dawn il-programmi, iffokati fuq l-effiċjenza u d-diversifikazzjoni fl-użu tal-enerġija, u jagħmluhom parti permanenti tal-inizjattivi ta’ żvilupp.

1.18   L-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti ħafna sabiex jintlaħqu l-objettivi permezz ta’ programmi speċifiċi mfassla apposta għalihom. Il-kumpaniji li jagħmlu użu intensiv tal-enerġija jinsabu f'kull settur tas-suq. Madankollu, l-ispejjeż involuti biex jintlaħqu livelli għoljin ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija huma proporzjonalment bil-kontra tad-daqs tal-kumpanija. Fil-fatt huma l-SMEs li jistgħu jiksbu l-aqwa riżulatati u għandhom ikunu huma l-enfasi tal-isforz u r-riżorsi sostanzjali.

2.   Daħla

2.1   L-Industriji b'Użu Intensiv tal-Enerġija huma l-pedament tal-katini ta’ valur kollha tal-manifattura Ewropea, billi huma jipprovdu l-materjali bażiċi għall-produzzjoni ta’ prodotti mmanifatturati. Dawn l-industriji għandhom pożizzjoni kruċjali fl-iżvilupp ta’ ekonomija b'użu baxx tal-karbonju.

2.2   Id-dħul ta’ regolamenti mmirati biex jintlaħaq tnaqqis ta’ 20 % fil-konsum huwa sfida li trid tiġi ffaċċjata bl-iżvilupp ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ prodotti mill-EIIs. Għadd kbir ta’ miżuri u inċentivi huma meħtieġa sabiex is-suq jinfetaħ għall-prodotti l-ġodda li jiffrankaw l-enerġija.

2.3   Is-settur tal-manifattura industrijali, li jikkontribwixxi 17,6 % lill-PDG Ewropew, jirrappreżenta 27 % tad-domanda aħħarija għall-enerġija fl-UE. L-industriji ewlenin tal-materja prima (pereżempju l-kimiċi u l-petrokimiċi (18 %), il-ħadid u l-azzar (26 %) u s-siment (25 %)), jagħmlu użu intensiv tal-enerġija u jirrappreżentaw 70 % tal-użu tal-enerġija fl-industrija.

2.4   L-idea li jitnaqqsu l-ispejjeż sabiex il-kompetittività tinżamm u possibbilment tittejjeb, ħeġġet lil ħafna industriji, speċjalment dawk li jagħmlu użu intensiv tal-enerġija, biex itejbu l-effiċjenza enerġetika tagħhom, u dan ifisser li l-potenzjal ekonomiku tagħhom fl-2020 huwa inqas milli f'setturi oħrajn.

Tabella 1

Żviluppi previsti u l-potenzjal għall-iffrankar tal-enerġija fl-2020  (3)

 

2020

(PRIMES 2007)

[Mtoe]

2020

(PRIMES 2009 EE)

[Mtoe]

Progress mistenni fl-2020 mingħajr azzjoni oħra

[%]

2020

Potenzjal

ekonomiku

[%]

2020

Potenzjal tekniku

[%]

 

1

2

3

[=(2-1)/1 (4)100]

4

5

Konsum intern gross mingħajr l-użu finali mhux għall-enerġija

1 842

1 678

–9 %

–20 %

(Mira tal-UE)

mhux disponibbli

Konsum aħħari tal-enerġija, li minnu:

1 348

1 214

–10 %

–19 %

–25 %

Industrija

368

327

–11 %

–13 %

–16 %

Trasport

439

395

–10 %

–21 %

–28 %

Residenzjali

336

310

–8 %

–24 %

–32 %

Terzjarju

205

181

–12 %

–17 %

–25 %

Il-trasformazzjoni, it-trażmissjoni u t-tqassim tal-enerġija

494

464

–6 %

–35 %

mhux disponibbli

Sorsi: PRIMES għall-kolonni 1, 2 u 3 u l-Istitut Fraunhofer għall-kolonni 4 u 5.

2.5   Minkejja dan, għadhom ma ġewx sfruttati bis-sħiħ l-opportunitajiet kollha, b'mod speċjali fejn huma kkonċernati l-industriji ż-żgħar u anke wħud ta’ daqs medju (5).

3.   L-aħħar avvanzi teknoloġiċi għall-EIIs varji

L-industriji b'użu intensiv tal-enerġija jesploraw u jipproduċu għadd ta’ prodotti u teknoloġiji li huma meħtieġa sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u sfidi globali oħrajn. Wieħed mill-prerekwiżiti ewlenin għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi huwa politika industrijali attiva kif ukoll l-innovazzjoni. Ir-riċerka u l-iżvilupp iridu jkunu ffokati iżjed fuq soluzzjonijiet teknoloġiċi u organizzattivi li jkunu effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi. Barra minn hekk, il-kumpaniji flimkien mal-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom iridu jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi li jkun immirat lejn l-innovazzjoni fil-prodotti u l-proċessi.

Ħarsa ġenerali lejn l-EIIs ewlenin.

3.1   L-industrija tal-kimika u tal-petrokimika

3.1.1   L-industrija tal-kimika timpjega 1 205 000 ruħ f' 29 000 kumpanija, b'valur produttiv ta’ EUR 449 biljun (2009 Eurostat) u kważi d-doppju ta’ din iċ-ċifra fi dħul, li huwa ugwali għal 1,15 % tal-PDG tal-UE. 8 % biss taż-żejt li jintuża fl-industrija tal-kimika jintuża bħala karburant, filwaqt li l-maġġoranza tiġi pproċessata. F'termini ta’ konsum tal-enerġija, is-settur tal-ipproċessar jirrappreżenta 18 % fis-setturi industrijali.

3.1.2   L-industrija tal-kimika tikkonverti materja prima fi prodotti għal industriji oħrajn u għall-konsumatur. Materji prima bażiċi jistgħu jinqasmu fi tnejn: organiċi u inorganiċi. Il-materji prima inorganiċi jinkludu l-arja, l-ilma u l-minerali. Il-karburanti fossili u l-bijomassa jagħmlu mal-klassi ta’ materji prima organiċi.

3.1.3   Madwar 85 % tal-kimiċi huma prodotti minn madwar 20 kimika sempliċi li jissejħu kimiċi bażiċi. Il-kimiċi bażiċi jiġu prodotti l-iżjed minn għaxar materji prima u dawn il-kimiċi bażiċi huma kkonvertiti f'madwar 300 intermedjarju. Il-kimiċi bażiċi u l-intermedjarji huma kklassifikati bħala kimiċi tal-massa (bulk chemicals). Madwar 30 000 prodott tal-konsumatur jiġu prodotti mill-intermedjarji. Fejn imorru dawn il-kimiċi: 12 % tal-prezz ta’ karozza (kuxins tas-sedili; pajpijiet u ċintorini; airbags), 10 % tal-prezz ta’ dar (pajpijiet tal-insulazzjoni u wajers tal-elettriku), 10 % tal-ispiża li jkollu konsumatur medju li jixtri għal familja (prodotti tal-ikel, ħwejjeġ, żraben, prodotti tas-saħħa u tal-kura personali, eċċ.).

3.1.4   Il-faħam, iż-żejt u l-gass naturali huma l-materji prima primarji għall-produzzjoni tal-biċċa l-kbira mill-kimiċi tal-massa. Kull stadju jżid il-valur: valur relattiv żejt mhux raffinat: 1; karburant: 2; tipikament petrokemikali: 10; tipikament prodott tal-konsumatur: 50.

3.1.5   Il-karburanti fossili huma wkoll is-sorsi ewlenin tal-enerġija: iż-żejt (madwar 40 %), il-faħam (madwar 26 %) u mbagħad il-gass naturali (madwar 21 %).

3.1.6   L-industrija tal-kimika tuża ammont kbir ħafna ta’ enerġija. Madwar 8 % tad-domanda totali għaż-żejt mhux raffinat hija biex jintuża bħala materja prima: il-bilanċ jintuża għall-produzzjoni tal-karburant, prinċipalment għat-trasport.

3.2   Industriji tal-metalli li ma fihomx ħadid

3.2.1   L-industriji tal-metalli li ma fihomx il-ħadid huma differenti ħafna minn xulxin u fframmentati u jinkludu l-produzzjoni ta’ metalli varji, bħall-aluminju, iċ-ċomb, iż-żingu, ir-ramm, il-manjeżju, in-nikil, is-silikon u ħafna oħrajn. B'kollox, is-settur jimpjega b'mod dirett madwar 400 000 ruħ (Eurometaux, Lulju 2011). L-ikbar sottosettur u l-iżjed importanti tiegħu huwa l-aluminju, li fl-2010 kellu forza tax-xogħol ta’ 240 000 u dħul ta’ EUR 25 biljun. Il-produzzjoni tal-bauxite tirrappreżenta 2,3 Mt, il-produzzjoni tal-alumina tirrappreżenta 5,9 Mt, filwaqt li l-produzzjoni totali tal-aluminju (primarju u reċiklat) laħqet it-total ta’ 6 Mt (270 impjant). Il-punt ta’ riferiment definit mill-Kummissjoni Ewropea huwa 1 514 kg ta’ CO2 eq/tunnellata għall-produzzjoni tal-aluminju primarju.

3.2.2   Analiżijiet varji juru li l-materja prima u l-enerġija huma l-fatturi l-iżjed importanti tal-kompetittività għall-industrija tal-metalli li ma fihomx il-ħadid tal-UE. Skont liema sottosettur, l-ispejjeż tal-enerġija u tal-materja prima jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor bejn 50 u 90 % tal-ispejjeż totali tal-produzzjoni tal-metalli raffinati. L-ispejjeż tal-materja prima jirrappreżentaw bejn 30 u 85 % tal-ispejjeż totali, filwaqt li l-ispejjeż tal-enerġija jvarjaw bejn 2 u 37 % tal-ispejjeż totali. Fir-rigward tal-materja prima, ir-riċiklaġġ tar-ruttam huwa importanti daqs l-użu tal-minerali u l-konċentrati għall-produzzjoni tal-metall fl-UE.

3.2.3   Rigward id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet, fl-2005, l-industrija tal-metalli tal-UE sostniet li l-konċentrati tal-bauxite, il-manjeżju, is-silikon u r-rammkienu l-materji prima l-iżjed sensittivi (pereżempju 50 % tal-esportazzjoni tal-kokk fid-dinja tiġi miċ-Ċina u 40 % tal-esportazzjonijiet tal-konċentrati tar-ramm fid-dinja miċ-Ċili).

3.2.4   Skont l-industrija, jeżistu r-riskji fil-provvista għar-ruttam tal-aluminju, ir-ruttam tar-ramm u r-ramm innuffat, konċentrati taż-żingu u taċ-ċomb, u mill-perspettiva aktar fit-tul, għar-ruttam tal-aluminju tar-ramm, u l-konċentrati tar-ramm u r-ramm innuffat.

3.2.5   L-industrija tal-metalli li ma fihomx ħadid tuża l-enerġija b'mod intensiv ħafna; dan huwa partikolarment minnu għall-produtturi tal-aluminju, taċ-ċomb u taż-żingu, li jikkunsmaw ammont kbir ta’ elettriku.

3.2.6   Parti kbira tal-konsum fl-UE tal-metalli li ma fihomx il-ħadid diġà hija fornita mill-importazzjoni u, jekk ma jinstabux rimedji, dan il-perċentwal se jiżdied hekk kif il-produtturi tal-metalli li fihomx il-ħadid fl-Ewropa jibdew jagħlqu. Dan se jirriżulta fir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju (“carbon leakage”).

3.3   L-industriji tal-ħadid u l-azzar

3.3.1   L-industriji tal-ħadid u tal-azzar tal-Ewropa jimpjegaw b'mod dirett 360 000 ruħ u fl-2010 ġġeneraw dħul ta’ EUR 190 biljun. Il-konsum totali tagħhom tal-enerġija jammonta għal 3 700 GJ, li huwa madwar kwart tal-enerġija kkonsmata mill-industrija tal-manifatturi: emissjonijiet totali ta’ CO2 jilħaqu madwar 350 Mt, ekwivalenti għal 4 % tal-emissjonijiet kollha fl-UE.

3.3.2   Hemm żewġ rotot ewlenin għall-produzzjoni tal-azzar. L-ewwel rotta tissejjaħ ir-“rotta integrata”, ibbażata fuq il-produzzjoni tal-ħadid mill-minerali tal-ħadid – però, fuq medja, 14 % tal-produzzjoni f'din ir-rotta tuża r-ruttam. It-tieni rotta, imsejħa r-“rotta tar-riċiklaġġ”, tuża r-ruttam tal-ħadid bħala l-materja prima ewlenija li fiha l-ħadid f'fuklari li jaħdmu b'ark elettriku.

3.3.3   Fiż-żewġ każi, il-konsum tal-enerġija huwa relatat mal-karburant (l-iżjed il-faħam u l-kokk) u l-elettriku. Ir-rotta tar-riċiklaġġ għandha konsum tal-enerġija ħafna iktar baxxa (madwar 80 %). Ir-rotta integrata tistrieħ fuq l-użu ta’ fran tal-kokk, impjanti li jgħaqqdu t-trab, kalkari tal-funderija u “basic oxygen furnace converters”.

3.3.4   Il-konsum attwali tal-enerġija għar-rotta integrata huwa stmat li jilħaq bejn 17 u 23 GJ għal kull tunnellata ta’ prodott illaminat fis-sħana [1][SET_Plan_Workshop_2010]. Il-valur iktar baxx huwa meqjus mis-settur Ewropew bħala valur ta’ referenza tajjeb għal impjant integrat. Valur ta’ 21 GJ/t huwa meqjus bħala valur medju madwar l-UE27.

3.3.5   Parti mit-tnaqqis kbir (b'madwar 50 %) fil-konsum tal-enerġija fl-industrija Ewropea fl-aħħar erbgħin sena hija dovuta għaż-żjieda fir-rotta tar-riċklaġġ għad-detriment tar-rotta integrata (is-sehem żied minn 20 % fis-snin sebgħin għal madwar 40 % illum il-ġurnata).

3.3.6   Madankollu, bidla prospettiva lejn ir-riċklaġġ hija limitata għad-disponibbiltà tar-ruttam u l-kwalità tiegħu. Fl-Ewropa madwar 80 % tal-emissjonijiet tas-CO2 relatati mar-rotta integrata joriġinaw mill-gassijiet tal-iskart. Dawn il-gassijiet tal-iskart jintużaw ħafna fl-istess industrija biex jipproduċu madwar 80 % tal-ħtiġijiet ta’ elettriku tagħha [EUROFER_2009a].

3.3.7   Il-produzzjoni tal-azzar mhux maħdum (crude steel) fl-UE fl-2008 kienet 198 Mt, ċifra li tirrappreżenta 14,9 % tal-produzzjoni totali dinjija (1 327 Mt tal-azzar mhux maħdum) [WorldSteel_2009]. Għaxar snin qabel, bi produzzjoni ftit iktar baxxa (191 Mt ta’ azzar mhux maħdum), is-sehem tal-istess pajjiżi Ewropej kien 24,6 %.

3.4   L-industrija taċ-ċeramika

3.4.1   L-industrija taċ-ċeramika timpjega 300 000 persuna b'mod dirett u tkopri firxi wiesgħa ta’ prodotti, minn tajls tal-brikk u tas-soqfa, pajpijiet tat-tafal, tajls għall-ħajt u għall-art, għal oġġetti sanitarji, tal-mejda u dekorattivi, sa “abrasives”, prodotti li jirreżistu s-sħana (refractory products) u ċeramika teknika (6).

3.4.2   Dawn is-setturi jkopru applikazzjonijiet għall-kostruzzjoni, għal proċessi b'temperatura għolja, proċess awtomotivi, tal-enerġija, tal-ambjent, prodotti għall-konsumatur, proċess tal-minjieri, tal-bini tal-vapuri, tad-difiża, tal-aerospazju, tagħmir mediku, u ħafna oħrajn. Is-setturi taċ-ċeramika huma kkaratterizzati mid-dipendenza tagħhom kemm fuq materji prima domestiċi kif ukoll dawk importati.

3.4.3   L-industrija Ewropea taċ-ċeramika hija magħmula l-iktar mill-SMEs, li jirrappreżentaw madwar 10 % tal-installazzjonijiet taħt l-ETS, iżda inqas minn 1 % tal-emissjonijiet.

3.5   Is-siment

3.5.1   Fl-2010, l-industrija tas-siment Ewropea impjegat 48 000 ruħ b'mod dirett, u pproduċiet 250 Mt bi dħul ta’ iktar minn EUR 95 biljun. Il-punt ta’ riferiment għall-konsum tal-enerġija huwa ekwivalenti għal 110kWh/tunnellata: emissjonijiet totali ta’ CO2 kienu ekwivalenti għal 3 % tat-total tal-UE.

3.5.2   Is-siment huwa materjal essenzjali għall-kostruzzjoni tal-bini, kif ukoll għall-inġinerija ċivili u idrawlika. Il-prodott aħħari tal-industrija tas-siment huwa relatat direttament mal-istat ġenerali tas-settur tal-kostruzzjoni u jirrifletti mill-qrib is-sitwazzjoni ekonomika kollha kemm hi.

3.5.3   Fl-Unjoni Ewropea, is-siment jiġi prodott primarjament bl-użu ta’ teknoloġija moderna ta’ “metodu tat-tnixxif”. Dan il-metodu jeħtieġ madwar 50 % inqas enerġija mill-clinker li jinħaraq f'kalkari permezz tal-metodu tat-tixrib.

3.5.4   Fl-2009, il-produzzjoni tas-siment fis-27 pajjiż tal-UE laħqet madwar 250 miljun tunnellata, ammont li jirrappreżenta 8,6 % tal-produzzjoni tas-siment fid-dinja, b'total ta’ madwar 3 biljuni tunnellati (7). L-Asja tirrappreżenta l-ikbar sehem tal-produzzjoni dinjija (75 %), biċ-Ċina waħedha responsabbli għal madwar nofs is-siment prodott (54,2 %). Din id-data turi li proporzjon kbira ħafna tas-siment tad-dinja hija prodotta f'pajjiżi li ma japplikawx il-Protokoll ta’ Kyoto.

3.5.5   Il-fatturi ewlenin tal-industrija tas-siment Ewropea huma: in-natura tagħha bħala settur b'użu intensiv tal-kapital – EUR 150 miljun għal kull miljun tunnellata ta’ kapaċità produttiva, il-konsum għoli ta’ enerġija – 60-130 kg għal kull tunnellata ta’ żejt jew materjal ekwivalenti għaż-żejt flimkien ma’ 90-130 KWh addizzjonali ta’ elettriku għal kull tunnellata.

3.5.6   Karatteristika oħra importanti tal-industrija Ewropea tas-siment hija l-eżistenza ta’ swieq reġjonali tas-siment, li jkopru raġġ ta’ mhux aktar minn 200 mil.

3.5.7   L-industrija tas-siment hija wieħed mis-sorsi ewlenin tal-emissjonijiet tas-CO2. L-emissjonijiet tas-CO2 li toħloq jammontaw għal madwar 5 % tal-emissjonijiet globali kkawżati mill-attività tal-bniedem (8). Is-sorsi ewlenin tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-industrija tas-siment huma d-dekarbonizzazzjoni tal-materji prima u l-kombustjoni tal-karburant.

3.5.8   Huwa stmat li l-emissjonijiet mill-proċess tad-dekarbonizzazzjoni jammontaw għal madwar 50 % tal-emissjonijiet totali ta’ impjant tas-siment, fejn il-kombustjoni tal-kaburant tikkontribwixxi 40 % oħra. Is-CO2 li jinħareġ b'riżultat ta’ dawn iż-żewġ proċessi huwa magħruf bħala emissjoni diretta. Is-sorsi ta’ emissjonijiet indiretti (madwar 10 % tal-emissjonijiet minn impjant tas-siment) jinkludu t-trasport, il-produzzjoni tal-elettriku għall-użu f'impjanti tas-siment (9).

3.5.9   L-iżvilupp tas-settur tal-produzzjoni tas-siment fl-UE jiddependi ħafna fuq il-politiki u d-deċiżjonijiet tal-UE dwar is-CO2 u sustanzi oħra li jniġġsu.

3.5.10   Fis-settur tas-siment, l-ETS hija applikata għall-produzzjoni tas-siment (clinker) f'kalkari rotattivi li għandhom kapaċità ta’ aktar minn 500 tunnellata kuljum. Id-data minn dawn l-aħħar snin (10) turi emissjonijiet aktar baxxi milli mistennija fis-settur tas-siment. Il-prezz għoli tad-drittijiet tal-emissjonijiet tas-CO2 jista' jservi bħala tentazzjoni akbar miż-żieda fil-produzzjoni ta’ siment. Il-disinn tal-ETS jista' jillimita l-produzzjoni. Għaldaqstant, l-allokazzjoni tal-kwoti għandha tiġi ppreċeduta minn analiżi sabiex jiġu ffissati miri sostenibbli, jiġi evitat it-tħarbit fis-suq u l-imprendituri jiġu mmotivati sabiex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 fl-istess ħin.

3.6   L-industrija tal-ħġieġ

3.6.1   L-industrija tal-ħġieġ Ewropea timpjega 200 000 ruħ b'mod dirett, inklużi 1 300 produttur u proċessur, bi produzzjoni totali fl-2010 ta’ 34 Mt (30 % tat-total globali). Ir-riċiklaġġ ta’ tunnellata ta’ ħġieġ jevita 670 kg ta’ emissjonijiet ta’ CO2. L-emissjonijiet annwali ta’ CO2 jilħqu madwar 25 Mt.

3.6.2   Il-ħġieġ huwa magħmul primarjament minn formatur tal-ħġieġ: silica (ramel ta’ kwalità għolja), alkalis sabiex jinbidel l-istat tas-silica minn solidu għal likwidu (l-iżjed soda u potaxx), stabilizzaturi biex jitnaqqas l-effett taż-żmien fuq il-ħġieġ (l-ossidu tal-kalċju, il-manjeżju u l-ossidu tal-aluminju), xi aġenti għar-raffinar u kwantitajiet żgħar ta’ addittivi oħrajn sabiex tipi individwali ta’ ħġieġ jingħataw karatteristiċi differenti.

3.6.3   Il-klassifika li tintuża l-iżjed għat-tip ta’ ħġieġ huwa skont il-kompożizzjoni kimika, li twassal għal erba' gruppi ewlenin: soda lime glass, ħġieġ tal-kristall biċ-ċomb u ħġieġ tal-kristall, ħġieġ tal-borosilikat u ħġieġ speċjali.

3.6.4   Il-ħġieġ tal-kontenituri huwa l-iktar sottosettur fl-industrija tal-ħġieġ fl-UE, u jirrappreżenta itkar minn 60 % tal-produzzjoni totali tal-ħġieġ. Il-prodotti tiegħu huma kontenituri tal-ħġieġ (fliexken u vażetti). Il-ħġieġ tal-kontenituri huwa prodott fl-Istati Membri kollha tal-UE, barra mill-Irlanda u l-Lussemburgu. L-UE hija l-ikbar reġjun fid-dinja għall-produzzjoni tal-kontenituri tal-ħġieġ, b'madwar 140 installazzjoni.

3.6.5   Il-ħġieġ ċatt huwa t-tieni l-ikbar settur tal-industrija tal-ħġieġ tal-UE, u jirrappreżenta madwar 22 % tal-produzzjoni totali tal-ħġieġ. Huwa jinkludi l-produzzjoni ta’ ħġieġ “float” u ħġieġ mibrum (rolled glass). Fl-UE joperaw ħames produtturi tal-ħġieġ “float” u ħamsa tal-ħġieġ mibrum. L-emissjonijiet totali ta’ CO2 mis-settur tal-ħġieġ ċatt kienu madwar 7 Mt fl-2008, b'madwar 6,5 Mt mill-produzzjoni tal-ħġieġ “float” u madwar 0,5 Mt mill-ħġieġ mibrum (sors: CITL).

3.6.6   Il-fajberglass bil-filament kontinwu (CFGF – Continuous filament glass fibre) huwa mmanifatturat u pprovdut f'varjetà ta’ forom: “roving”, “mat”, “chopped strand”, “textile yarn”, tessut u fibra mtaħna. L-użu aħħari ewlieni (madwar 75 %) huwa l-infurzar ta’ materjali komposti, l-iżjed ir-reżina ssettjata bis-sħana (thermosetting resins), iżda wkoll it-termoplastik. Is-swieq ewlenin għal materjali komposti huma l-industrija tal-bini, is-setturi tal-karozzi u tat-trasport (50 %), u l-industrija elettrika u tal-elettronika.

3.6.7   Xi data dwar il-marka tal-karbonju:

Produzzjoni medja: 870 000 tunnellata fis-sena ta’ produzzjoni CFGF

Medja ta’ emissjonijiet diretti ta’ CO2: 640 000 tunnellata

Medja ta’ CO2/tunnellata: 735 kg CO2 / tunnellata ta’ produzzjoni CFGF.

3.6.8   Is-settur tal-ħġieġ speċjali jipproduċi madwar 6 % tal-produzzjoni tal-industrija tal-ħġieġ u f'termini ta’ tunnellati huwa r-raba' l-ikbar settur. Il-prodotti ewlenin huma: il-ħġieġ għat-televixins u l-moniters, il-ħġieġ għall-apparat tad-dawl (tubi u bozoz), il-ħġieġ ottiku, l-appartat tal-ħġieġ għal-laboratorji u għal użu tekniku, il-ħġieġ tal-borosilikat u taċ-ċeramika (għat-tisjir u l-applikazzjonijiet domestiċi b'temperatura għolja ħafna), u l-ħġieġ għall-industrija tal-elettronika (panels tal-LCD).

3.6.9   Is-settur tal-ħġieġ domestiku huwa wieħed mill-iżgħar setturi tal-industrija tal-ħġieġ, b'madwar 4 % tal-produzzjoni totali. Dan is-settur ikopri l-produzzjoni tal-affarijiet tal-mejda tal-ħġieġ, oġġetti tat-tisjir u dekorattivi tal-ħġieġ, li jinkludu tazzi għax-xorb, kikkri, skutelli, platti, oġġetti tat-tisjir, vażuni u ornamenti.

4.   Ħarsa ġenerali lejn l-emissjonijiet ta’ CO2 fl-2010 fl-Ewropa

4.1   L-ETS tal-UE tillimita l-emissjonijiet ta’ madwar 12 600 installazzjoni, inklużi l-impjanti tal-enerġija, il-fabbriki u r-raffinaturi taż-żejt. L-iskema tirrappreżenta madwar 40 % tal-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet b'effett ta’ serra fl-UE. L-analisti jestimaw, skont data dwar produzzjoni industrijali, li l-emissjonijiet żdiedu fl-2010 bi 3,2 %, meta mqabbel ma’ tnaqqis ta’ madwar 11,3 % fl-2009 (Barclays Capital, Nomisma Energia, IdeaCarbon).

4.2   Skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-emissjonijiet totali ta’ gass b'effett ta’ serra fl-UE kienu madwar 4,6 biljuni tunnellati metriki fl-2009. Jekk dawn iċ-ċifri żdiedu flimkien mal-emissjonijiet tal-karbonju mill-industrija tas-sena l-oħra, dan jissuġġerixxi li l-UE kienet madwar 300 miljun tunnellata metrika iktar mill-mira ta’ 4,5 biljun tunnellata metrika ta’ gassijiet b'effett ta’ serra fl-2020. L-uffiċjali tal-klima tal-UE jipprevedu li l-UE se tnaqqas dik il-mira jekk tilħaq l-objettivi tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza.

4.3   CO2

L-emissjonijiet tal-iskema għan-negozjar ta’ emissjonijiet żdiedu fl-2010, hekk kif żdiedu d-domanda għall-enerġija u l-produzzjoni ġenerali industrijali, li jfisser li n-negozji ħarqu aktar karburanti fossili biex joħolqu l-elettriku u s-sħana. (Sikorski).

Barra minn hekk, prezzijiet iktar għoljin għall-gass ġiegħlu l-impjanti tal-enerġija biex jaħarqu iżjed faħam, li joħloq iżjed emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju.

5.   Il-kummenti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

5.1   Il-katina tal-valur tiddipendi fuq id-disponibbiltà u l-kwalità tal-materja prima u l-industriji bażiċi Ewropej jipprovdu materji prima ta’ kwalità għolja. L-industrija tal-ipproċessar fl-Ewropa tgawdi minn din il-kwalità għolja u l-innovazzjoni kontinwa li tinħoloq mir-riċerka. Pereżempju, fl-industrija tal-azzar, 70 % tal-kwalità hija dipendenti fuq it-tip ta’ kkastjar. Din il-kwalità għandha tinżamm u, fejn possibbli, tissaħħaħ.

5.2   Mingħajr settur industrijali b'saħħtu, kompetittiv u innovattiv, l-Ewropa mhi se tkun kapaċi tilħaq l-ebda objettivi sostenibbli, bħal dawk stipulati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2.

5.3   L-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet hija sistema ta’ limitu u skambju (cap and trade) li ġiet adottata bħala strument importanti biex sal-2020 tintlaħaq il-mira tal-UE imposta minnha nnifisha li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra b'mill-inqas 20 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990 u bi 30 % jekk jintlaħaq ftehim internazzjonali. L-iskema tkopri madwar 12 500 impjant fis-setturi tal-enerġija u tal-industrija, li flimkien jirrappreżentaw kważi nofs l-emissjonijiet tas-CO2 tal-UE u 40 % tal-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet b'effett ta’ serra.

5.4   Bħalissa l-iskema ETS qed topera fi tletin pajjiż (is-27 Stat Membru flimkien mal-Islanda, Liechtenstein u n-Norveġja). Meta mqabbel ma’ setturi oħra li mhumiex parti mill-iskema, bħat-trasport, l-istallazzjonijiet tal-ETS irnexxielhom jiksbu tnaqqis sostanzjali tal-gassijiet b'effett ta’ serra. Madankollu, l-EIIs dejjem huma soġġetti għal spinta permanenti favur it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija minħabba l-ispejjeż dejjem jiżdiedu tal-enerġija. Huwa mixtieq ħafna li ssir analiżi fid-dettall ta’ xi tnaqqis tal-emissjonijiet attribwiti lill-ETS tal-UE.

6.   L-aspett soċjali u ambjentali

6.1   L-uniku mod kif jistgħu jiġu salvagwardjati s-sistema industrijali Ewropea, il-ħaddiema Ewropej u l-interessi tagħhom, l-ambjent, is-saħħa u l-konsumaturi huwa jekk l-ebda minn dawn l-interessi ma jiddomina fuq l-oħrajn, u jekk jinstab bilanċ ottimu bejn il-politiki ambjentali, soċjali u ekonomiċi.

6.2   Il-KESE jappoġġja l-objettivi ta’ sostenibbilità ambjentali u soċjali u jidentifika bosta oqsma ewlenin fejn għandha tittieħed azzjoni integrata b'approċċ olistiku.

6.3   L-ewwel u qabel kollox, għandna bżonn programmi effettivi biex nappoġġjaw it-tkabbir professjonali, permezz ta’ taħriġ sabiex jinħolqu l-ħiliet meħtieġa biex jiġu indirizzati u jingħelbu l-isfidi teknoloġiċi u jinkisbu iktar riżultati u li jkunu aqwa fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. L-EIIs huma kkaratterizzati minn proċessi ta’ produzzjoni kontinwi u livell għoli ta’ responsabbiltà, li jfisser li ma jiġbdux liż-żgħażagħ. Hemm bżonn inċentivi speċjali biex jiġu appoġġjati programmi vokazzjonali (inklużi l-boroż ta’ studju) sabiex jitħarsu l-ħiliet Ewropej f' dan il-qasam.

6.4   Jenħtieġu inċentivi sabiex titrawwem il-mobilità tal-persuni tekniċi u tal-ħaddiema speċjalizzati sabiex jinxterdu l-għarfien u l-aqwa prattika, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali.

6.5   Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-perjodi ta’ tranżizzjoni, li jiġi ggarantit appoġġ xieraq għal ħaddiema affettwati mir-ristrutturar li jirriżulta mill-bidliet meħtieġa biex jiġu allinjati l-ħtiġijiet produttivi ma’ dawk attwali. L-investiment pubbliku għandu jappoġġja dan il-proċess.

6.6   Impenn ġenwin għat-tibdil industrijali fl-EIIs għandu jkun adegwat, permezz ta’ evalwazzjonijiet adatti tal-impatt fuq is-soċjetà u fuq il-ħaddiema, sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi soċjali negattivi u jsiru preparazzjonijiet minn qabel għall-introduzzjoni ta’ mudelli ġodda ta’ produzzjoni.

6.7   Huwa essenzjali li jinbena l-għarfien, ikun hemm fehim u sensibilizzazzjoni pubblika tal-benefiċċji li jistgħu jinkisbu permezz ta’ industrija li hija effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija. Għaldaqstant, barra mill-promozzjoni tat-tikkettar tal-prodotti, il-proċessi li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jintużaw biex jipproduċu dawn il-prodotti għandhom jingħataw ttikketta wkoll. Fi kliem ieħor, għandu jkun hemm tikkettar doppju: l-identifikazzjoni mhux biss tal-prodott iżda wkoll tal-fabbrika li għenet biex jinżamm livell għoli ta’ effiċjenza.

6.8   L-EIIs iridu iżjed appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni. Is-sistema attwali ta’ fondi tal-UE għandha timplimenta strumenti ddedikati (pereżempju bħal SPIRE PPP għall-industrija sostenibbli) sabiex ikun hemm iżjed spazju għall-proġetti industrijali. Il-Pjattaformi tat-Teknoloġija ħadmu ħafna biex jippreparaw ambjent iżjed favorevoli fejn l-industriji jkunu jistgħu jindirizzaw aħjar il-Programmi Qafas tal-UE. Ir-rwol tal-Organizzazzjonijiet tar-Riċerka u t-Teknoloġija għandu jiġi enfasizzat ukoll, billi huma jagħmlu parti importanti ħafna mill-katina tal-innovazzjoni u jmexxu l-idea 'l quddiem lejn l-applikazzjoni industrijali tagħha.

7.   Id-dimensjoni internazzjonali

7.1   L-Istati Uniti, il-Ġappun, ir-Russja, il-Brażil, l-Indja u – fuq kollox – iċ-Ċina (l-ewwel post fil-lista ta’ pajjiżi li jipproduċu emissjonijiet, bi 22 % tat-total) iridu jerfgħu l-piż tar-responsabbiltà tagħhom. Dawn il-pajjiżi, flimkien mal-Ewropa, jipproduċu iktar minn 70 % tal-emissjonijiet ta’ CO2 (2007). Huwa indispensabbli ftehim għall-klima u għall-benesseri tad-dinja jekk se nindirizzaw u negħlbu l-isfidi ta’ temperaturi li qed jogħlew minħabba fatturi antropoġeniċi.

7.2   F'diversi okkażjonijiet, il-KESE esprima l-appoġġ tiegħu għal politiki Ewropej bħal dawn, u rrakkomanda li jsir kull sforz sabiex jintlaħaq ftehim internazzjonali ġust li jifrex ir-responsabbiltajiet u l-ispejjeż u jqis il-varjetà wiesgħa ta’ konsiderazzjonijiet usa' u mhux biss il-fatti u ċ-ċifri waħedhom.

7.3   Il-politiki tat-tibdil fil-klima jistgħu jirnexxu biss jekk il-konferenza li ġejja f'Durban jirnexxilha tistabbilixxi l-miri ġodda ta’ wara Kyoto għall-iktar pajjiżi li joħolqu emissjonijiet fid-dinja. L-Ewropa wegħdet li tilħaq miri dejjem iżjed ambizzjużi, jekk jintlaħaq ftehim globali. Il-KESE jappoġġja din l-inizjattiva, sakemm il-konsiderazzjonijiet espressi rigward is-sostenibbiltà għall-kumpaniji u l-ħaddiema Ewropej ikunu mdaħħla fit-test u jiġu rispettati.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 218, 23.17.2011, p. 38.

(2)  ĠU C 107, 06.04.2011, p. 1; ĠU C 218, 23.07.2011, p. 25.

(3)  SEC (2011) 779 finali.

(4)  Id-data dwar il-potenzjal ekonomiku fis-settur tat-trasformazzjoni tal-enerġija hija bbażata fuq il-kalkoli tad-DĠ ENER.

(5)  Pjan Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika 2011, COM(2011) 109 finali; Studju tal-valutazzjoni tal-impatt, Ib. n. 3., ĠU C 218, 23.7.2011, p. 38; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 76.

(6)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 7.

(7)  Rapport ta’ informazzjoni dwar “L-iżvilupp tal-industrija Ewropea tas-siment”, CCMI/040, CESE 1041/2007.

CEMBUREAU, Evolution & Energy Trends – Sit tal-internet ta’ Cembureau, Mejju 2011.

(8)  “Carbon dioxide emissions from the global cement industry” (Emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju mill-industrija globali tas-siment), Ernst Worrell, Lynn Price, Nathan Martin, Chris Hendriks u Leticia Ozawa Meida, Annual Review of Energy and the Environment, Novembru 2001, Vol. 26, pp. 303-329.

(9)  Vanderborght B., Brodmann U., 2001. The Cement CO2 Protocol: CO2 Emissions Monitoring and Reporting Protocol for the Cement Industry. Guide to the Protocol, verżjoni 1.6 (Il-Protokoll dwar is-CO2 tas-Siment: Il-Protokoll dwar il-Monitoraġġ u r-Rappurtar tal-Emissjonijiet tas-CO2 għall-Industrija tas-Siment) - www.wbcsdcement.org.

(10)  Rapport ippubblikat fil-Euronews f'Mejju 2006.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-476 sessjoni plenarja fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011

15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-konklużjoni tal-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Gwida għall-politiki nazzjonali fl-2011 u l-2012”

COM(2011) 400 finali

2012/C 43/02

Relatur Ġenerali: is-Sur SMYTH

Nhar is-7 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-konklużjoni tal-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Gwida għall-politiki nazzjonali fl-2011 u l-2012

COM(2011) 400 finali.

Nhar l-14 ta’ Ġunju 2011 il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lill-Kumitat ta’ Tmexxija Ewropa 2020 sabiex jipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-476 Sessjoni Plenarja tiegħu tas-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tat-8 ta’ Diċembru) li jaħtar lis-Sur SMYTH bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b'136 vot favur, l-ebda vot kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   L-Unjoni Ewropea u l-popolazzjoni tagħha qed jesperjenzaw l-agħar kriżi ekonomika, soċjali u politika fl-istorja tagħha, li qed tolqot b'mod sever lill-Istati Membri u l-popolazzjoni tagħhom u qed thedded kisbiet prinċipali bħall-munita unika, il-Patt ta’ Stabbiltà u s-suq intern. Fil-kriżi finanzjarja preċedenti kienet l-azzjoni konġunta, rapida u deċiżiva fost il-mexxejja tal-Ewropa li evitat reċessjoni twila. Issa l-Ewropa qiegħda tiffaċċja sfida oħra daqstant serja u għal darb'oħra hemm bżonn ta’ mġiba politika ta’ kooperazzjoni b'saħħitha ħafna. L-ebda Stat Membru ma jista' jiffaċċja l-kriżi waħdu – l-għażla politika saret ċara ħafna: jew tissaħħaħ l-integrazzjoni Ewropea biex tingħeleb il-kriżi jew il-kriżi ser iddgħajjef b'mod sever l-integrazzjoni Ewropea u tqiegħdha fil-periklu.

1.2   Hemm bżonn ta’ miżuri immedjati sabiex jitnaqqas id-dejn, jiġu kkonsolidati l-finanzi pubbliċi u jiżdied il-livell ta’ fiduċja fost in-nies u l-intrapriżi. Madanakollu, dawk li huma responsabbli għat-tfassil tal-politika għandhom iħarsu lil hinn mill-kriżijiet tal-ġurnata. L-attenzjoni m'għandhiex tkun biss fuq l-azzjonijiet fuq perjodu qasir u medju ta’ żmien. Hemm bżonn ċar ta’ riformi fit-tul. L-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni f'dan ir-rigward ser ikollhom impatt fuq il-perjodu qasir ta’ żmien u saħansitra fuq dak immedjat fuq l-ispejjeż tas-self tal-Istati Membri.

1.3   F'dan il-kuntest, il-Kumitat iqis li l-Istrateġija Ewropa 2020 hija aktar importanti minn qatt qabel peress li toffri aġenda komprensiva għal riformi bil-għan li jiżguraw tkabbir sostenibbli u jagħmlu lill-Unjoni aktar kapaċi tegħleb il-kriżijiet fil-futur.

1.4   Jinħtieġ bilanċ tajjeb bejn l-aspetti kollha tal-Istrateġija – b'mod partikolari l-aspett ekonomiku, soċjali u ambjentali: it-tliet oqsma ta’ prijorità – tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv – huma interkonnessi u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku. Għandha tingħata attenzjoni indaqs lit-tkabbir ekonomiku, l-intraprenditorija, l-SMEs, il-kompetittività, l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u l-ambjent, id-drittijiet soċjali, il-ħolqien tal-impjiegi u l-appoġġ għall-edukazzjoni.

1.5   F'kuntest ta’ sitwazzjoni ekonomika diffiċli u ta’ pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri, l-isfida issa hija aktar minn qatt qabel l-implimentazzjoni adegwata tal-Istrateġija.

1.6   Il-Kumitat jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-impenji li daħlu għalihom l-Istati Membri fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom mhumiex biżżejjed – kif juri l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (1) – biex jinkisbu l-miri stabbiliti mill-Istrateġija (miri dwar l-edukazzjoni, l-impjieg, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-tnaqqis tal-faqar, it-tnaqqis tal-emissjonijiet – l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija – l-enerġija sostenibbli).

1.7   L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom aktar u jidħlu għal aġġustamenti nazzjonali aktar ambizzjużi sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-miri sal-2020 filwaqt li jagħtu prijorità lil punti li jsaħħu t-tkabbir (edukazzjoni, innovazzjoni, enerġija, interkonnessjonijiet tat-transport, eċċ.). Huwa importanti ħafna li jimplimentaw b'mod adegwat l-impenji tagħhom.

1.8   Il-Kumitat jikkunsidra li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata u tal-imsieħba soċjali fit-twettiq ta’ riformi u strateġija ta’ tkabbir ser tiddetermina s-suċċess tagħhom u ser tħeġġeġ lill-amministrazzjonijiet nazzjonali u lill-UE biex jaslu għal riżultati konkreti. Għalhekk, ser ikompli bil-ħidma konġunta man-netwerk tal-Kumitati Ekonomiċi u Soċjali (KES) nazzjonali u ma’ organizzazzjonijiet simili fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020. Minn naħa ser jissensibilizza lill-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, ser jassigura li dawk responsabbli għat-tfassil tal-politika fil-livell tal-UE jkunu konxji taċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali fil-livell lokali.

2.   Sfond

2.1   L-ewwel semestru Ewropew, li huwa metodu ġdid ta’ governanza bil-għan li jtejjeb il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika bejn l-UE u l-Istati Membri, tnieda f'Jannar 2011, meta l-Kummissjoni ppreżentat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (2), li kien approvat u kkompletat mill-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa (3).

2.2   F'dan il-kuntest, fi tmiem April 2011, l-Istati Membri ppreżentaw Programmi ta’ Stabbiltà jew Konverġenza (PSK) dwar il-finanzi pubbliċi tagħhom u Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) li jippreżentaw miżuri ewlenin ta’ politika sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Barra minn hekk, il-parti l-kbira tal-membri tal-Patt Euro Plus ippreżentaw impenji speċifiċi li għamlu skont il-Patt (4).

2.3   Wara li vvalutat dawn il-programmi u l-impenji, il-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż kif ukoll rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro (5). Dawn iffukaw fuq iż-żoni fejn kienet meħtieġa aktar azzjoni mill-Istati Membri bil-għan li jiżdiedu r-riformi strutturali. Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju (6) approvahom, u b'hekk ikkonkluda l-ewwel semestru Ewropew u ta bidu għas-“semestru nazzjonali”.

2.4   Dan id-dokument jieħu bħala l-punt ta’ tluq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-konklużjoni tal-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika:

Gwida għall-politiki nazzjonali fl-2011 u l-2012” (7) li ġiet ippubblikata f'Ġunju 2011. Għandu l-għan li jiffoka fuq diversi kwistjonijiet importanti, pereżempju:

it-tisħiħ tal-governanza b'rabta mal-Istrateġija,

it-titjib tal-komunikazzjoni dwar l-Istrateġija u

it-titjib tal-implimentazzjoni konkreta tagħha mill-Istati Membri.

2.5   Ser jagħmel parti minn “Rapport Integrat” (8) ġdid li ser jiġi ppreżentat min-netwerk interattiv żviluppat mill-KESE flimkien mal-KES nazzjonali u organizzazzjonijiet imsieħba simili oħra.

2.6   Il-politiki speċifiċi koperti mill-Istrateġija UE 2020 ġew ittrattati aktar fil-fond fl-opinjoni preċedenti dwar “L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi” (9). Fil-fatt, wara l-konsultazzjoni dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2011, il-Kumitat ħareġ opinjoni li fiha appoġġja bi sħiħ l-Istrateġija UE 2020 u s-Semestru Ewropew filwaqt li inkoraġġixxa lill-Kummissjoni sabiex tiddefendi l-integrazzjoni Ewropea. Madankollu, il-Kumitat iddispjaċih li l-ewwel Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir kien tilef l-opportunità li jipprovdi proposti ta’ politika sabiex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Fid-dawl tad-deterjorament serju tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali, issa għandha tittieħed azzjoni fir-rigward ta’ dawn il-proposti.

2.7   L-opinjoni ressqet ukoll diversi proposti konkreti dwar l-għaxar punti mressqa mill-Kummissjoni: l-implimentazzjoni ta’ konsolidazzjoni fiskali rigoruża, il-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, l-iżgurar tal-istabbiltà fis-settur finanzjarju, sforz/ħidma biex ix-xogħol isir iktar attraenti, ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet, ir-riabilitizzazzjoni tal-persuni qiegħda fis-suq tax-xogħol, l-ibbilanċjar tas-sigurtà u l-flessibbiltà, l-isfruttament tal-potenzjal tas-suq uniku, l-attrazzjoni ta’ kapital privat biex jiffinanzja t-tkabbir u l-ħolqien ta’ aċċess kosteffikaċi għall-enerġija.

2.8   B'segwitu għall-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012 (10) u fid-dawl tal-Kunsill Ewropew li ser isir f'Marzu 2012, il-Kumitat beħsiebu jippreżenta opinjoni li tiffoka fuq ir-rapport ta’ progress dwar l-Istrateġija Ewropa 2020.

3.   Governanza

3.1   Il-proċess tal-Ewropa 2020 għandu jkun proċess għal kulħadd u appoġġjat minn kulħadd u mhux qasam riservat biss għal dawk responsabbli għat-tfassil tal-politika, għal-leġislaturi u għall-gruppi ta’ esperti:

Huwa mixtieq kontribut mill-gruppi kollha fis-soċjetà biex jittieħed benefiċċju mill-għarfien espert fil-prattika, jiġu definiti l-aħjar approċċi possibbli għall-isfidi attwali u jiġu eżaminati soluzzjonijiet kreattivi. Eżempju ta’ dan it-tip jista' jkun l-idea ta’ intraprenditorija soċjali li għandha effetti pożittivi ekonomiċi u soċjali.

L-implimentazzjoni adegwata tal-istrateġija fl-Istati Membri tiddependi ħafna mill-impenn u r-responsabbiltà tal-partijiet interessati kkonċernati. Għalhekk, is-sjieda konġunta tal-istrateġija hija kruċjali u tirrikjedi sħubijia bis-sħiħ bil-għan li r-riformi jkunu dinamiċi.

3.2   Il-Kumitat jemmen li għandu jkun hemm titjib fil-konsultazzjoni, fil-parteċipazzjoni u fil-mobilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew.

3.3   Is-soċjetà ċivili organizzata fl-Istati Membri għandha tkun involuta bħala msieħba attiva fil-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020.

3.4   L-imsieħba soċjali Ewropej u s-soċjetà ċivili organizzata għandhom jiġu kkonsultati dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull Stat Membru. F'dan il-kuntest, huwa kruċjali li l-għażla taż-żmien għandha ssir bir-reqqa sabiex is-soċjetà ċivili organizzata tkun tista' tiġi involuta fi stadju bikri fit-tħejjija tal-prospetti tal-ġejjieni għaċ-ċiklu ta’ wara l-2011. Għaldaqstant, a fortiori, għandhom jiġu rispettati l-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, li ġew irratifikati mill-Istati Membri, speċjalment il-Konvenzjoni Nru 98 li tiggarantixxi negozjar kollettiv ħieles.

3.5   Il-Kumitat jappella sabiex jissaħħu r-rwol speċjali u l-viżibbiltà tal-KES nazzjonali u tal-organizzazzjonijiet simili. Dan bl-ebda mod mhu ser jinterferixxi fil-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali fl-Istati Membri.

3.6   Għandhom jiġu adottati miżuri sabiex jissaħħaħ id-dibattitu dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020 fl-Istati Membri, u l-gvernijiet għandhom jiżviluppaw proċessi aktar effettivi fir-rigward tar-reazzjonijiet dwar ir-riżultati ta’ djalogu ċivili u soċjali usa' dwar l-Istrateġija.

3.7   Il-KESE jirrakkomanda li jinżammu konferenzi regolari dwar il-monitoraġġ tal-UE 2020 fl-Istati Membri li jinvolvu lill-partijiet interessati u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha.

3.8   Il-Kumitat jirrakkomanda li jinħolqu djalogi permanenti fl-Istati Membri bejn il-KES nazzjonali jew l-ekwivalenti tagħhom u msieħba soċjali u partijiet interessati oħra bħall-SMEs, l-atturi tal-ekonomija soċjali, il-gruppi ta’ riflessjoni (think tanks), l-universitajiet u dawk li qed jaħdmu favur il-koeżjoni soċjali u l-opportunitajiet indaqs. Għandhom jiġu kkunsidrati b'mod xieraq il-ftehimiet u l-prattiki dwar id-djalogu ċivili li jeżistu f'xi Stati Membri.

3.9   Għandhom jitneħħew l-ostakli strutturali għal djalogu ġenwin mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dan jinkludi, pereżempju, li jiġu evitati skadenzi stretti, li attwalment saru r-regola, għat-tħejjija tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

3.10   Governanza fil-livell Ewropew – il-valur miżjud ta’ dimensjoni Ewropea aktar b'saħħitha

3.10.1   Issa huwa ċar li l-politiki nazzjonali waħedhom mhumiex biżżejjed u li għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni politika fil-livell Ewropew. Politiki makroekonomikiċi, industrijali jew soċjali, asimmetriċi jew iżolati fl-Istati Membri jistgħu jdgħajfu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u s-suq uniku u jista' jkollhom effetti mifruxa negattivi fuq l-Istati Membri l-oħra.

3.10.2   Il-Kumitat jemmen li għandu jinżamm djalogu bejn il-KES nazzjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni dwar ċirkustanzi speċifiċi nazzjonali. Bl-istess mod, il-KES nazzjonali għandhom ikunu involuti aktar mill-qrib fil-konsultazzjonijiet annwali tal-Kummissjoni. Il-KESE jirrakkomanda dan l-approċċ, li huwa konformi ma’ dak adottat mill-Parlament Ewropew, li jwassal għal kooperazzjoni akbar mal-parlamenti nazzjonali, u ma’ dak adottat mill-Kumitat tar-Reġjuni fir-rigward tal-awtoritajiet reġjonali u lokali Ewropej.

3.10.3   Il-funzjonament tal-ewwel semestru Ewropew ġie kkritikat fil-livell tal-Parlament Ewropew, minħabba n-nuqqas ta’ leġittimità, ir-rwol żgħir fdat lill-Parlament Ewropew, l-involviment marġinali tal-parlamenti nazzjonali u n-nuqqas ta’ trasparenza tal-proċess. Ġie propost li tissaħħaħ l-effikaċja tas-semestru Ewropew permezz ta’ djalogu ekonomiku regolari dwar l-iżviluppi konkreti tiegħu. Il-Kumitat jappoġġja l-idea li l-Parlament joħloq sottokumitat li jittratta l-kwistjonijiet marbutin mas-semestru Ewropew u juri x-xewqa tiegħu li jkun assoċjat mill-qrib mal-ħidma tiegħu.

3.10.4   Il-Kumitat jixtieq ukoll ikompli bl-isforzi ta’ kollaborazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni sabiex tiġi promossa l-approprjazzjoni taċ-ċittadini fil-konfront tal-Istrateġija UE 2020 u l-implimentazzjoni effettiva tagħha.

3.10.5   Il-KESE jemmen li s-soċjetà ċivili organizzata għandha tiġi mistiedna tipparteċipa fil-patti territorjali (11) għall-Istrateġija UE 2020.

3.11   Strumenti disponibbli sabiex titjieb il-governanza

3.11.1   Il-Kumitat jemmen li l-firxa wiesgħa ta’ strumenti disponibbli tal-Unjoni (12) għandhom jintużaw b'mod effettiv sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020.

3.11.2   Il-KESE jwissi kontra r-riskju li s-semestru Ewropew jissostitwixxi l-linji gwida wiesgħa tal-politiki ekonomiċi u l-politiki tal-impjieg tal-Istati Membri.

3.11.3   Il-Qafas Finanzjarju Multiannwali għall-2014-2020 għandu jappoġġja l-ksib tal-miri tal-Ewropa 2020.

3.11.4   Il-Fondi Strutturali fil-perjodu 2014-2020 għandhom ikunu kompletament allinjati mal-prijoritajiet tal-Ewropa 2020 (13).

3.11.5   Koordinazzjoni aħjar tal-infiq fil-livell tal-UE u dak nazzjonali tista' ttejjeb l-effiċjenza.

3.11.6   L-investiment pubbliku – fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri – fit-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv jista' jħeġġeġ investiment privat addizzjonali u b'hekk ikollu effett ta’ lieva.

4.   Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija Ewropa 2020

4.1   Għandha tiżdied il-viżibilità politika tal-Istrateġija UE 2020 u għandha tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini, partikolarment fir-rigward tal-isfidi serji li jridu jiffaċċjaw issa s-soċjetajiet tagħna.

4.2   Għandha tissaħħaħ il-komunikazzjoni fil-livelli kollha (UE, nazzjonali, u speċjalment lokali) peress li f'ħafna Stati Membri, l-Istrateġija UE 2020 tirrappreżenta l-uniku valur miżjud ġdid fil-livell ta’ mod ta’ ħsieb u politika li jagħti lin-nies ftit tama għal futur aħjar. Il-messaġġi prinċipali tal-Istrateġija Ewropa 2020 dwar it-tkabbir, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali jridu jiġu spjegati aktar minn darba.

4.3   Il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma għandhom jiġu ppreżentati u diskussi fil-parlamenti nazzjonali.

5.   Implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020

5.1   Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jaħdmu ħalli jidentifikaw l-ostakli li jxekklu t-tkabbir fil-livell nazzjonali u internazzjonali. Dawn l-ostakli jidhru f'diversi forom, pereżempju:

il-frammentazzjoni tas-suq uniku,

l-aċċess insuffiċjenti li għandhom l-SMEs għas-suq uniku,

il-bżonn li tiġi żviluppata l-intraprenditorija,

id-dgħufija tal-kuntest intraprenditorjali (inkluż il-qafas regolatorju),

l-ostakli għad-distribuzzjoni mill-ġdid tal-impjiegi u l-forza tax-xogħol (segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol),

in-nuqqas ta’ kompetittività tal-industrija Ewropea minħabba nuqqas ta’ reċiproċità fil-kummerċ dinji u fl-akkwist pubbliku internazzjonali,

il-bżonn li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol,

il-kwalità u l-effiċjenza insuffiċjenti tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ,

il-bżonn għal settur finanzjarju li jaħdem sew, li hu stabbli u regolat u jaqdi l-bżonnijiet tal-ekonomija reali.

5.2   Ostakli potenzjali bħal dawn jistgħu jiġu identifikati permezz tad-djalogi permanenti msemmija hawn fuq. Jistgħu jiġu proposti inċentivi ġodda għall-oqsma li qegħdin lura.

5.3   Il-Kumitat jappoġġja l-użu ta’ għodod moderni tal-amministrazzjoni pubblika sabiex tiġi assigurata implimentazzjoni tajba tal-Istrateġija UE 2020 u l-involviment sħiħ tas-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali. Dawn l-għodod jistgħu jkunu:

5.3.1    Id-definizzjoni ta’ valuri ta’ riferiment, ta’ miri u ta’ skadenzi: il-Kumitat huwa konxju li attwalment, f'ħafna każijiet hemm nuqqas ta’ objettivi konkreti u li jistgħu jitkejlu, u li l-iskadenzi huma stretti wisq. Huwa favur li jiġu definiti miri ċari u konkreti, akkumpanjati minn skadenzi realistiċi sabiex dawn jinkisbu. Valuri ta’ riferiment preċiżi huma essenzjali sabiex jiġi ffaċilitat l-kejl tal-impatt tal-Istrateġija UE 2020, u, għal dan il-għan, il-Kumitat jirrakkomanda użu akbar tal-ESPON.

5.3.1.1   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-progress u teżerċita d-dritt tagħha ta’ twissija meta l-Istati Membri ma jżommux mal-impenji miftiehma.

5.3.2   Fir-rigward tal-użu tal- punti ta’ riferiment u l-indikaturi, il-Kumitat ifakkar fl-importanza li jintużaw indikaturi tal-progress u s-suċesss – hemm bżonn ta’ indikaturi kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi orjentati lejn ir-riżultati.

5.3.2.1   Punt ta’ riferiment ta’ dan it-tip, ibbażat fuq l-objettivi tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u stabbiliti mill-partijiet interessati bil-kooperazzjoni tar-rappreżentanti tal-gvern, ikun jipprovdi informazzjoni konkreta sabiex jitkejjel il-progress li jkun sar f'kull Stat Membru fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020. Kull KES nazzjonali jew organizzazzjoni simili jkollha bżonn tanalizza u tistabbilixxi l-kriterji prijoritarji tagħha. Xi KES nazzjonali diġà bdew jużaw il-punti ta’ riferimenti f'intervalli regolari, bl-użu ta’ statistika li hija aċċessibbli b'xejn minn fuq is-sit tal-internet tal-Eurostat. KES nazzjonali oħra jistgħu jibdew bl-istess proċess.

5.3.2.2   Il-Kumitat huwa lest li jospita fuq is-sit tal-internet tiegħu (il-CESLink) (14) pjattaforma diġitali għall-iskambju tal-informazzjoni u d-data.

5.3.2.3   Il-KESE jinsab lest ukoll li jorganizza konferenza annwali li matulha jistgħu jiġu analizzati r-riżultati tal-punti ta’ riferiment.

5.3.3    Valutazzjoni regolari tal-implimentazzjoni u l-impatt tal-politika: permezz tal-punti ta’ riferiment, il-partijiet interessati jistgħu jimmonitorjaw kontinwament l-implimentazzjoni tar-riformi. Din għandha tipprovdi wkoll informazzjoni adegwata għar-reviżjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u għandha tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri.

6.   Tixrid tal-aħjar prattiki

6.1   Il-Kumitat iqis li għandu jiġi promoss b'mod attiv l-iskambju tal-prattiki t-tajba fil-livell tal-UE. Għalhekk, qiegħed jorganizza missjonijiet ta’ riċerka fl-Istati Membri sabiex jiġi diskuss u mħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-implimentazzjoni tar-riformi mal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili.

6.2   Il-KESE huwa tal-fehma li l-partijiet interessati għandhom jiżviluppaw metodi ġodda sabiex għall-iskambu ta l-aħjar prattiki: netwerking f'livelli differenti jkun jinkludi l-iskambju ta’ informazzjoni mad-diversi livelli ta’ gvern, filwaqt li kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn żoni konfinali f'żewġ Stati Membri jew aktar twassal biex jiġu stabbiliti objettivi transkonfinali. Barra minn hekk, hemm bżonn jiġu analizzati l-prattiki tajba sabiex ikunu jistgħu jintużaw fil-kuntest nazzjonali ta’ Stati Membri oħra.

6.3   Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jagħmlu sforz mill-ġdid ħalli jippromovu l-iskambji transkonfinali tal-aħjar prattika permezz tal-metodi ta’ komunikazzjoni elettroniċi (pereżempju bażijiet tad-data li jinkludu eżempji tal-aħjar prattiki, tabelli ta’ valutazzjoni, eċċ.). Il-metodu msemmi hawn fuq madankollu jiddependi mill-fatt li l-Istati Membri jadottaw qafas Ewropew adegwat li jippermetti dan. Jekk ikun hemm bżonn, għandu jitqies il-ħolqien ta’ strumenti innovattivi.

6.4   Il-Kumitat itenni li jinsab lest li jkun attiv kemm bħala pjattaforma (14) għall-iskambju tal-informazzjoni u għall-kooperazzjoni bejn il-KES nazzjonali, l-imsieħba soċjali u l-atturi tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet Ewropej u bħala pjattaforma għall-iskambju ta’ fehmiet u esperjenzi bejn il-partijiet interessati nazzjonali. Il-Kumitat jieħu din l-opportunità sabiex ifakkar li japprezza ħafna l-kontributi għad-diskussjonijiet li jsiru mill-KES nazzjonali u organizzazzjonijiet simili.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012, COM(2011) 815, 23.11.2011, (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2011: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi” – COM(2011) 11, 12.1.2011, inkluż l-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjieg.

(3)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24/25 ta’ Marzu 2011, EUCO 10/1/11 riv. 1.

(4)  Anness I għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24/25 ta’ Marzu 2011, EUCO 10/1/11 riv. 1.

(5)  Għal xi Stati Membri li jirċievu għajnuna finanzjarja mill-Istati Membri fiż-żona tal-euro u mill-FMI, il-Kummissjoni rrakkomandat biss l-implimentazzjoni tal-Memorandum ta’ Ftehim tagħhom u s-supplimenti sussegwenti tiegħu li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika li abbażi tagħhom tingħata l-għajnuna finanzjarja. Din l-għajnuna finanzjarja għandha tkun konformi mal-ksib tal-Istrateġija Ewropa 2020.

(6)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23/24 ta’ Ġunju 2011, EUCO 23/11.

(7)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lil-Kumitat tar-Reġjuni “Il-konklużjoni tal-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Gwida għall-politiki nazzjonali fl-2011 u l-2012”, COM(2011) 400 finali.

(8)  L-ewwel “Rapport Integrat dwar l-Istrateġija ta’ Lisbona għal wara l-2010” tressaq mill-Kumitat fid-dawl tat-tħejjija tal-Istrateġija Ewropea l-ġdida għall-perjodu wara l-2010. Din l-opinjoni tfasslet mill-Osservatorju tal-Istrateġija ta’ Lisbona tal-KESE u inkludiet kontributi mill-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali (KES) nazzjonali u mill-organizzazzjonijiet imsieħba kif ukoll l-Opinjoni tal-KESE dwar l-Istrateġija ta’ Lisbona għal wara l-2010 (Relatur: is-Sur Greif).

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir”, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 26-38.

(10)  Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012, COM(2011) 815.

(11)  “Patt Territorjali għall-Ewropa 2020” huwa ftehim bejn il-livelli ta’ gvern ta’ pajjiż (lokali, reġjonali, nazzjonali). Il-partijiet li jiffirmaw Patt Territorjali jimpenjaw ruħhom li jikkoordinaw u jissinkronizzaw l-aġendi politiċi tagħhom sabiex jiffokaw l-azzjonijiet u r-riżorsi finanzjarji tagħhom fuq l-għanijiet u l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 – Ara http://portal.cor.europa.eu/europe2020/news/Pages/TPUsefuldocuments.aspx.

(12)  Strumenti bħal regolamenti, direttivi, rakkomandazzjonijiet, opinjonijiet u standards għal-linji gwida, objettivi komuni, programmi komuni, fondi strutturali, koordinazzjoni tal-politiki u strumenti tal-azzjoni esterna tal-UE.

(13)  Ara b'mod partikolari l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Futur tal-Fond Soċjali Ewropew wara l-2013”, ĠU C 132/8, 3.5.2011.

(14)  Ara http://www.eesc.europa.eu/ceslink


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/13


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-kondiviżjoni tar-riskju għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b’diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom”

COM(2011) 655 finali — 2011/0283 (COD)

2012/C 43/03

Relatur Ġenerali: is-Sur SMYTH

Nhar it-8 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 177 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-istrumenti għall-kondiviżjoni tar-riskju għal Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom

COM(2011) 655 finali — 2011/0283 (COD).

Nhar il-25 ta’ Ottubru 2011, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu tas-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tat-8 ta’ Diċembru) li jaħtar lis-Sur SMYTH bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b'128 vot favur, l-ebda vot kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE josserva li l-proposta tal-Kummissjoni li temenda l-Artikoli 14 u 36 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tippermetti, minn naħa, li l-istrumenti għall-kondiviżjoni tar-riskju jiġu ġestiti permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni ċentralizzata indiretta u, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom jikkontribwixxu parti mill-allokazzjonijiet tagħhom taħt l-objettivi ta’ “Konverġenza” u “Kompetittività Reġjonali u Impjiegi” tal-politika ta’ koeżjoni għall-provvediment u l-allokazzjonijiet kapitali għal self jew garanziji maħruġa għal promoturi tal-proġetti u msieħba pubbliċi jew privati oħra direttament jew indirettament mill-BEI jew minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra. Il-bidliet proposti mhux ser jibdlu l-ammont massimu ta’ finanzjament previst fil-programmi operattivi għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013.

1.2

Il-KESE japprova l-proposta.

2.   Raġuni

2.1

Il-proposta attwali ser tiffaċilita l-approvazzjoni ta’ self mogħti skont l-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għal prijorità waħda jew aktar ta’ programm operattiv mill-BEI jew minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra, f'mument meta, minħabba tnaqqis tal-grad tad-dejn pubbliku u privat tal-Istat u tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri, self bħal dan ma jkunx disponibbli.

2.2

Il-Kumitat jaqbel li huwa vitali li jiġu appoġġjati proġetti u l-irkupru tal-ekonomija u għalhekk jappoġġja l-proposta msemmija hawn fuq.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/14


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Governanza aħjar tas-Suq Uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva ikbar: Strateġija għall-espansjoni u l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (‘IMI’)”

COM(2011) 75 finali

u “l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (‘ir-Regolament tal-IMI’)”

COM(2011) 522 finali — 2011/0226 (COD)

2012/C 43/04

Relatur: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar il-21 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Governanza aħjar tas-Suq Uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva ikbar: Strateġija għall-espansjoni u l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”)

COM(2011) 75 finali

Nhar l-14 ta’ Settembru 2011 u t-13 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċiedew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”)

COM(2011) 522 finali — 2011/0226 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’172 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjoni l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb il-governanza tas-suq uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva akbar, li twessa’ u tiżviluppa s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) u twaqqaf netwerk elettroniku serju għall-kuntatt dirett bejn l-amministrazzjonijiet varji.

1.2   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni ddikjarata fil-Proposta għal Regolament li jiġu stabbiliti regoli għall-użu tal-IMI għall-kooperazzjoni amministrattiva li jindirizzaw, fost affarijiet oħra, il-funzjonijiet tal-utenti varji tal-IMI, l-iskambju tal-informazzjoni, il-proċeduri ta’ notifika, il-mekkaniżmi ta’ twissija u l-ftehimiet ta’ assistenza reċiproka.

1.3   Barra minn hekk, iqis li huwa ta’ benefiċċju wkoll li jiġu stabbiliti miżuri għall-protezzjoni tal-privatezza rigward in-natura tad-data skambjata, li fost affarijiet oħra tindirizza l-perjodi tal-ħażna tad-data skambjata u d-dritt tan-notifika u tal-korrezzjoni.

1.4   Rigward dan il-qafas leġislattiv essenzjali, il-KESE jirrakkomanda li fost id-definizzjonijiet tal-Artikolu 5 tiddaħħal dik tad-data tal-IMI li hija data ta’ natura ekonomika u professjonali relatata mal-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi u professjonali fil-qafas tas-suq uniku li huma skambjati permezz tas-sistema tal-IMI. Din hija data prevista mid-Direttivi li jistabbilixxu l-IMI bħala strument ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali.

1.5   Il-KESE jemmen li l-IMI jista’ jkollha rwol deċiżiv biex il-kooperazzjoni amministrattiva fis-suq intern tinbidel radikalment u biex tiżgura li din tissodisfa l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-individwi, in-negozji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li fil-ġejjieni jista’ jkollhom sehem fl-iżvilupp u t-tħaddim tas-sistema.

1.6   F’dan is-sens, il-Kumitat jirrakkomanda li l-iżvilupp tas-sistema jipprevedi distinzjoni oġġettiva fost id-data f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom jiġu eżerċitati l-attivitajiet ekonomiċi u professjonali fl-Istati Membri differenti b’mod li din it-tip ta’ data jista’ jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini u l-intrapriżi.

1.7   Il-KESE huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni amministrattiva prevista fid-Direttivi, li s-sistema tal-IMI tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħha teħtieġ prinċipalment, u fost affarijiet oħra, skambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet. F’dan ir-rigward, huwa jinsisti fuq ir-rispett tal-leġislazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data. Għaldaqstant, il-Kumitat jirrifjuta għalkollox l-idea li d-data skambjata tista’ tiġi pproċessata kif huwa previst fil-Proposta għal Regolament u dan għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, għaliex id-Direttivi li l-IMI tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħhom imkien ma jsemmu l-ħtieġa li d-data tiġi pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni amministrattiva li jipprevedu. Min-naħa l-oħra, għaliex l-eżiġenzi prattiċi ta’ kontroll u ta’ segwitu ta’ kif taħdem is-sistema IMI stabbiliti mill-Kummissjoni bl-ebda mod ma jiġġustifikaw, f’għajnejn il-Kumitat, it-twessigħ tal-possibbiltajiet ta’ proċessar tad-data personali skambjata li jwassal saħansitra għall-ħolqien ta’ fajls separati.

1.8   Fl-aħħar, fid-dawl tal-qabża kwantitattiva li ġġib magħha din is-sistema, fin-numru ta’ parteċipanti u l-fluss tal-informazzjoni, il-KESE jirrakkomanda li titħejja sistema bażika li tippermetti r-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-każ tan-nonkonformità fil-livell tranżnazzjonali. Din is-sistema, anke jekk tkun sempliċi, tikkontribwixxi biex jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet f’każ ta’ tħaddim anomalu jew ġestjoni ħażina tas-sistema, u dan jagħmilha possibbli li tissaħħaħ iċ-ċertezza legali taċ-ċittadini.

2.   Sfond

2.1   Is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern hija applikazzjoni tal-IT aċċessibbli permezz tal-internet u żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri (u applikabbli fiż-Żona Ekonomika Ewropea), li l-iskop tagħha huwa li tgħin lil tal-aħħar jissodisfaw fil-prattika r-rekwiżiti għall-iskambji tal-informazzjoni mniżżla fl-atti legali tal-UE permezz ta’ sistema ta’ komunikazzjoni ċentralizzata li tippermetti l-iskambju tal-informazzjoni u l-assistenza reċiproka transkonfinali.

2.2   Is-sistema, li fil-bidu twaqqfet bħala “proġett ta’ interess komuni”, hija mfassla biex tkun sistema flessibbli u deċentralizzata li faċilment tista’ tiġi adattata biex tappoġġja oqsma differenti tal-leġislazzjoni tas-Suq Uniku li fihom dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni amministrattiva.

2.3   Il-prinċipji bażiċi tas-sistema IMI huma dawn li ġejjin:

a)

possibbiltà ta’ użu mill-ġdid;

b)

flessibbiltà organizzattiva;

c)

proċeduri sempliċi fuq qbil;

d)

multilingwiżmu;

e)

użu faċli;

f)

protezzjoni tad-data u

g)

l-ebda spiża ta’ IT għall-utenti

2.4   Bħalissa din is-sistema qed tintuża għal skopijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva b’rabta mad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali (1) u d-Direttiva dwar is-Servizzi tas-Suq Intern (2). Ser tintuża wkoll bi prova fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Impjieg tal-Ħaddiema (3).

2.5   Is-sistema tal-IMI bħalissa ma tistax tintuża mill-konsumaturi jew min-negozji. Din hi għodda intiża biss għall-użu mill-awtoritajiet kompetenti fl-oqsma speċifiċi li tkopri.

2.6   Il-KESE diġà esprima l-fehmiet tiegħu (4) dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Inwettqu l-benefiċċji tas-suq uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva mtejba  (5), waqt li appoġġja approċċ għall-kooperazzjoni amministrattiva transkonfinali li jkun aktar deċentralizzat u bbażat fuq il-bini ta’ kuntatti li jaħdem fl-interess tas-suq uniku u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern.

3.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1   Skont il-Kummissjoni, biex jiġi żgurat li s-suq uniku jaħdem bl-aħjar mod, l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri għandhom bżonn jaħdmu flimkien mill-qrib billi jipprovdu assistenza lil xulxin u jaqsmu l-informazzjoni.

3.2   Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu Lejn Att dwar is-Suq Uniku  (6), waħda mill-50 proposta li tagħmel ħabbret il-ħolqien ta’ netwerk elettroniku għall-kuntatt dirett bejn l-awtoritajiet Ewropej, ibbażat fuq l-istrateġija ta’ espansjoni tal-IMI bl-użu ta’ sistema ta’ informazzjoni b’diversi lingwi.

3.3   L-IMI huwa flessibbli fil-mod kif jiġi organizzat f’kull Stat Membru. L-istruttura deċentralizzata tan-netwerk teħtieġ li kull pajjiż parteċipanti jaħtar koordinatur nazzjonali tal-IMI (NIMIC), biex jiġġestixxi l-koordinazzjoni globali tal-proġett tal-IMI.

3.4   Il-potenzjal tal-IMI jinsab:

fiż-żjieda ta’ oqsma ta’ politika ġodda;

fl-iżvilupp ta’ funzjonijiet ġodda;

fir-rabta tal-IMI ma’ sistemi oħra tal-IT u

fl-użu ta’ funzjonijiet tal-IMI għal skopijiet ġodda.

3.5   F’qasam leġislattiv partikolari fejn m’hemm l-ebda sistema ta’ informazzjoni li tappoġġja l-kooperazzjoni amministrattiva, l-użu mill-ġdid tal-IMI flok l-iżvilupp ta’ sistema speċifika ġdida għandu għadd ta’ vantaġġi:

a)

kosteffiċjenza aħjar;

b)

użu aktar faċli;

c)

soluzzjonijiet aktar malajr u prevedibbli;

d)

sikurezza akbar; u

e)

żmien iqsar biex jibdew il-proġetti pilota.

3.5.1   M’hemm l-ebda limitu għan-numru ta’ oqsma ġodda li jistgħu jiżdiedu mal-IMI, iżda jeżistu limitazzjonijiet organizzattivi għal kemm jista’ jespandi, peress li trid tinżamm il-koerenza kunċettwali tas-sistema, fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

kull grupp ġdid ta’ utenti jrid ikun marbut jew parzjalment koprut mill-gruppi ta’ utenti attwali;

għandha tingħata prijorità liż-żjieda ta’ oqsma li jistgħu jużaw il-funzjonijiet attwali;

jekk iż-żjieda ta’ qasam legali ġdid teħtieġ l-iżvilupp ta’ funzjonijiet ġodda, dan għandu jsir b’mod ġeneriku sabiex il-modulu l-ġdid ikun jista’ jadatta faċilment għal gruppi ta’ utenti oħra;

l-ispejjeż ta’ kull żvilupp ieħor li jkun meħtieġ għandu jiġi ġġustifikat bil-valur miżjud mistenni fl-użu tal-IMI mill-grupp tal-utenti l-ġodda jew attwali u fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u fil-benefiċċji għaċ-ċittadini u n-negozji, u

oqsma u funzjonijiet ġodda jew konnessjonijiet ma’ għodod oħra m’għandhomx iżidu l-kumplessità tas-sistema għall-utenti.

3.6   Is-sistema tal-IMI ssegwi approċċ ta’ “privatezza fid-disinn”, li permezz tiegħu, il-privatezza u l-konformità mal-protezzjoni tad-data huma ddisinjati fis-sistema mill-bidu nett, bl-inklużjoni ta’ applikazzjoni stretta tal-prinċipju tal-limitazzjoni għall-iskop u kontrolli adegwati.

3.7   L-infiq għall-IMI jkopri l-iżvilupp u t-titjib tas-sistema, iż-żamma tal-IMI fiċ-ċentru tad-data tal-Kummissjoni, il-manutenzjoni, l-amministrazzjoni tas-sistema, l-appoġġ tat-tieni linja (second-line support), it-taħriġ, il-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni.

3.8   Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-espansjoni tas-sistema biex tkopri oqsma u funzjonijiet ġodda jew biex jinħolqu konnessjonijiet ma’ għodod oħra m’għandhiex iżżid il-kumplessità tas-sistema għall-utenti. Ir-rekwiżiti għall-kooperazzjoni amministrattiva għandhom ikunu ċari biżżejjed u b’mod li jistgħu jiġu mwettqa, filwaqt li għandha tiġi analizzata l-ħtieġa ta’ għodda tal-IT li tappoġġja dan il-proċess.

3.9   Il-Kummissjoni tqis li huwa essenzjali li l-proġett ikollu struttura ta’ governanza trasparenti u effettiva u li l-partijiet interessati kollha jifhmu l-proċeduri u l-fora li jridu jintużaw biex jintlaħaq ftehim dwar aspetti differenti tal-proġett. Għaldaqstant, dan jiġbor fih il-ġestjoni ta’ kuljum tas-sistema, id-deċiżjonijiet ta’ politika, il-pariri u l-gwida mill-esperti u l-iżvilupp tal-istruttura ta’ governanza.

3.10   Fl-aħħar, is-sistema hija intiża li tiżgura livell għoli fil-prestazzjoni tas-sistema u fis-sigurtà. F’dak li jirrigwarda l-prestazzjoni, hekk kif l-għadd ta’ utenti u l-volum tad-data tal-IMI jikber, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-prestazzjoni tas-sistema (pereżempju t-tul ta’ ħin għal risposta) tibqa’ sodisfaċenti. Rigward is-sigurtà, l-IMI taħżen u tipproċessa data personali u data oħra li mhijiex maħsuba li tkun aċċessibbli għall-pubbliku.

4.   Kummenti ġenerali dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

4.1   Il-KESE jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni, li jadotta strateġija ta’ espansjoni u żvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) bil-għan li jtejjeb il-kooperazzjoni amministrattiva.

4.1.1   Kooperazzjoni amministrattiva aktar koerenti fis-suq intern tal-anqas għandha tkun ibbażata fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, speċjalment fuq il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, l-aċċess għad-dokumenti, il-protezzjoni tad-data, kif ukoll fuq il-prinċipji ġenerali u kondiviżi tal-liġi li huma rikonoxxuti fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja.

4.1.2   Fi kwalunkwe każ, il-KESE jindika li l-livell ta’ prekawzjoni u protezzjoni li japplika għad-data personali ser ivarja skont jekk id-data tirreferix għall-kummerċjanti jew in-negozjanti fil-kapaċità tagħhom ta’ operaturi ekonomiċi.

4.1.3   Filwaqt li huwa minnu li l-IMI tneħħi l-inċertezza, dan tagħmlu biss għall-awtoritajiet u mhux għall-SMEs u partijiet interessati oħra fis-soċjetà. Din iċ-ċertezza għandha tiġi estiża għalihom ukoll, kif ġie ddikjarat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ April 2001.

4.2   Barra mir-regolamentazzjoni sustantiva u speċifika tiegħu, is-suġġett tal-protezzjoni tad-data jirrikjedi li dan l-aspett jitqies bħala teknika leġislattiva tajba f’regolamenti oħra. Dan japplika b’mod ġenerali għar-regolamentazzjoni tal-proċeduri li jintużaw fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Komunità u b’mod partikolari għas-sistema tal-IMI, li fiha nnifisha hija proċedura kumplessa.

4.2.1   Rigward it-tressiq ta’ appelli, din il-proċedura għandha tipprovdi għal sistema ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim għal każijiet ta’ diżgwid transnazzjonali. Għalhekk huwa importanti li jkun hemm aċċess mgħaġġel u effiċjenti għall-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim li huma faċli u ma jiswewx ħafna flus għal dawk li huma intenzjonati għalihom, kemm jekk huma individwi privati kif ukoll jekk huma negozji.

4.3   L-aċċess għas-sistema tal-provvista u l-kisba tal-informazzjoni għandu jkun irregolat b’mod attent ħafna biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu obbligati jwettqu l-konsultazzjoni fuq il-bażi ta’ talba ġustifikata tajjeb, bl-użu tal-formola standard u li l-persuna li tagħmel it-talba dejjem tista’ tipprova interess leġittimu.

4.4   Rigward is-sinerġiji ma’ strumenti ta’ informazzjoni oħra attwali u ma’ bażijiet tad-data ta’ professjonisti rregolati li fihom “listi” tal-professjonijiet li huma rregolati minn kull Stat Membru, il-KESE jqis li għandhom jiddaħħlu wkoll ir-rekwiżiti kollha għall-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari barra mil-“lista”, dan ifisser mhux biss il-kwalifiki akkademiċi, iżda wkoll is-sħubija jew le f’assoċjazzjoni professjonali, l-assigurazzjoni, il-liċenzji, eċċ. Dan jippermetti li xi konsultazzjonijiet isiru xi ftit jew wisq awtomatiċi u jkunu aċċessibbli għall-atturi tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jittama li dawn l-aspetti jiġu kkunsidrati fit-test tad-Direttiva li qed titfassal.

4.4.1   Il-ħtieġa ta’ dan l-approċċ tista’ tinftiehem mir-Rapport Annwali tal-2010 dwar is-sistema tal-IMI, li jirreferi għall-isfida li jiġu ġestiti firxa wiesgħa ta’ awtoritajiet li huma kompetenti fil-qasam tas-servizzi. Kull awtorità, bil-firxa ta’ kompetenzi tagħha (tal-anqas id-distinzjoni bażika bejn regolament, intervent u superviżjoni), għandha tiġi inkluża fil-listi ta’ professjonijiet regolati.

4.5   Ir-responsabbiltajiet ta’ kull tħaddim ħażin tas-sistema jew il-ġestjoni tagħha, f’termini ta’ żbalji, dewmien eċċessiv, korrezzjonijiet, eċċ., tal-informazzjoni li hija skambjata, għandhom jiġu ċċarati, sabiex tkun iggarantita ċ-ċertezza legali tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-operaturi f’dak li jirrigwarda d-data personali. Ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni għal ħidma mhux normali tal-awtoritajiet huwa prinċipju ġenerali fil-liġi tal-UE, rikonoxxut fl-Istati Membri kollha.

5.   Il-proposta għal Regolament

5.1   L-għanijiet tal-proposta tal-Kummissjoni huma li:

a)

tistabbilixxi qafas legali sod għall-IMI u ġabra ta’ regoli komuni li jiżguraw li taħdem b’mod effiċjenti;

b)

tipprovdi qafas komprensiv għall-protezzjoni tad-data billi tistabbilixxi r-regoli għall-ipproċessar tad-data personali fl-IMI;

c)

tiffaċilita l-espansjoni potenzjali tal-IMI fil-ġejjieni għal oqsma ġodda fil-liġi tal-UE; u

d)

tiċċara r-rwoli tal-atturi differenti li jipparteċipaw fl-IMI.

5.2   Hija tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin tal-protezzjoni tad-data permezz tal-IMI, fosthom id-drittijiet tal-persuni kkonċernati, fi strument legali uniku u b’hekk tkabbar it-trasparenza u żżid iċ-ċertezza legali. Il-proposta tiddefinixxi b’mod preċiż il-forma u l-metodi tal-kooperazzjoni amministrattiva permezz tal-IMI.

5.2.1   Il-lista tal-oqsma tal-atti tal-Unjoni li attwalment huma appoġġjati mill-IMI tinsab fl-Anness I. L-oqsma ta’ espansjoni futura possibbli jinsabu elenkati fl-Anness II.

5.3   Il-proposta ttejjeb il-kundizzjonijiet li fihom jaħdem is-suq intern billi tipprovdi għodda effiċjenti u faċli li tħaffef l-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet fl-atti tal-Unjoni li jirrikjedu li l-Istati Membri jikkooperaw flimkien u mal-Kummissjoni u li jaqsmu l-informazzjoni flimkien, filwaqt li jaċċertaw livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali.

5.3.1   Il-proposta tistabbilixxi ċerti regoli komuni marbutin mal-governanza u l-użu tal-IMI. Fosthom hemm l-obbligu li jinħatar koordinatur tal-IMI nazzjonali, wieħed għal kull Stat Membru, l-obbligu fuq l-awtoritajiet kompetenti li jipprovdu risposta adegwata u f’waqtha u d-dispożizzjoni li l-iskambju tal-informazzjoni permezz tal-IMI jista’ jintuża biex tiġi provduta evidenza bl-istess mod li bih tintuża informazzjoni simili li tinġabar fl-istess Stat Membru.

5.3.2   Il-proposta fiha wkoll mekkaniżmu biex l-IMI tespandi għal atti ġodda tal-Unjoni. L-għan huwa li tipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa għall-futur filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ ċertezza legali u trasparenza. Wara l-valutazzjoni tal-fattibbiltà teknika, il-kosteffiċjenza, il-faċilità tal-użu u l-impatt globali fuq is-sistema, kif ukoll ir-riżultati ta’ fażi ta’ prova li tista’ ssir, il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li taġġorna l-lista tal-oqsma fl-Anness I b’mod koerenti billi tadotta att delegat.

5.3.3   Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li taċċerta s-sigurtà, id-disponibbiltà, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-software tal-IMI u l-istruttura tal-IT. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tkun attiva fil-flussi tal-kompiti allokati lill-IMI, b’konformità mad-dispożizzjonijiet legali jew arranġamenti oħra li fuqhom ikun ibbażat l-użu tal-IMI f’qasam partikolari tas-suq intern.

5.3.4   Il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi għadd ta’ garanziji dwar it-trasparenza tal-ipproċessar u s-sigurtà tad-data. Id-data personali m’għandhiex tibqa’ aċċessibbli għal żmien itwal milli jkun meħtieġ, għalhekk għandhom jiġu stabbiliti perjodi massimi ta’ ħażna, li meta jiskadu, id-data tiġi blukkata u mħassra b’mod awtomatiku, ħames snin wara l-għeluq tal-proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

5.3.5   Rigward l-ambitu ġeografiku, l-istrument legali għall-IMI għandu jipprovdi biżżejjed flessibbiltà biex jakkomoda l-inklużjoni ta’ pajjiżi terzi fl-iskambji tal-informazzjoni f’ċerti oqsma, jew l-użu tas-sistema f’kuntest purament nazzjonali.

6.   Kummenti ġenerali dwar il-proposta għal regolament

6.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Proposta għal Regolament għat-twaqqif ta’ regoli li jirregolaw l-użu tal-IMI għall-kooperazzjoni amministrattiva. Madankollu, peress li dawn huma regoli li japplikaw direttament biex jiffurmaw qafas regolatorju ġenerali, il-KESE huwa mħasseb dwar żewġ kwistjonijiet:

in-nuqqas ta’ preċiżjoni f’xi kunċetti legali fundamentali u

it-twessigħ konsiderevoli tas-setgħat tal-utenti tal-IMI rigward id-data skambjata.

6.2   Essenzjalment, l-IMI hija applikazzjoni tal-IT f’diversi lingwi li tgħaqqad flimkien aktar minn 6 000 awtorità kompetenti li jiskambjaw l-informazzjoni, f’perjodi ta’ żmien relattivament qosra, dwar il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi u professjonali speċifiċi fl-Istati Membri rilevanti.

6.2.1   L-iskambju ta’ informazzjoni attwali permezz ta’ din l-applikazzjoni tal-IT hija soġġetta għal ġabra ta’ regoli proċedurali minimi mfassla għal dan l-iskop. Iżda, lil hinn ħafna minn dan l-iskop speċifiku u limitat ta’ skambju ta’ informazzjoni, il-Proposta issa tilleġittma wkoll l-ipproċessar tad-data personali skambjata fis-sens tal-Artikolu 6 tagħha. Madankollu, id-direttivi li hi tapplika u li għalihom tapplika bħala bażi, fl-ebda punt ma għandhom dispożizzjonjiet korrispondenti dwar dan l-ipproċessar. Fid-dawl tal-fatt li dawn id-direttivi ma jippreveduhx, il-KESE jirrifjuta l-idea li d-data skambjata tista’ tiġi pproċessata wkoll.

6.2.2   Għaldaqstant, hemm raġunijiet li għalihom jistgħu jitqajmu mistoqsijiet dwar l-ambitu ta’ din l-awtorità l-ġdida li issa hemm fil-Proposta għal Regolament dwar l-ipproċessar tad-data personali skont it-termini stabbiliti fl-Artikolu 2 b) tad-Direttiva 95/46/KE.

6.2.3   Apparti mill-flessibbiltà ġenerali mogħtija lill-atturi tal-IMI biex jipproċessaw id-data personali skambjata, kif stabbilit fl-Artikolu, l-ebda dispożizzjoni oħra tal-Proposta għal Regolament ma fiha referenza għall-iskopijiet li jiġġustifikaw l-ipproċessar jew kwalunkwe garanziji possibbli jew restrizzjonijiet li għalihom huma jistgħu jiġu soġġetti.

6.2.4   Huma biss ir-raġunijiet fil-Premessa 15 li jispjegaw għaliex il-Kummissjoni issa qed iddaħħal l-ipproċessar tad-data fl-għanijiet ġenerali tal-IMI. Il-KESE jemmen li fin-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet u kjarifiki oħra, dawn ir-raġunijiet mhumiex biżżejjed biex tiġi awtorizzata funzjoni b’mandat daqstant wiesgħa, partikolarment:

a)

is-superviżjoni tal-użu tas-sistema mill-koordinaturi tal-IMI u tal-Kummissjoni.

6.2.5   Il-KESE jemmen li kemm il-koordinaturi tal-IMI kif ukoll dawk tal-Kummissjoni diġà għandhom aċċess għad-data skambjata, li diġà użawha biex jagħmlu valutazzjonijiet speċifiċi tas-sistema li jippermettulhom jaraw kemm it-tul taż-żmien ta’ risposta kif ukoll l-awtoritajiet involuti skont is-settur, fost affarijiet oħra.

6.2.6   B’hekk, fin-nuqqas ta’ kjarifiki oħra, ma jidhirx li hemm bżonn li jkun hemm dispożizzjoni għall-ħolqien ta’ fajls speċifiċi għall-użu tad-data skambjata biex l-użu tas-sistema jiġi ssorveljat:

b)

il-ġabra ta’ informazzjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva jew l-assistenza reċiproka fis-suq intern.

6.2.7   Din l-informazzjoni diġà hija pubblika u disponibbli fir-rapporti tal-Kummissjoni dwar it-tħaddim tas-sistema tal-IMI u tista’ tiġi użata biex tivvaluta l-kooperazzjoni amministrattiva, li minnha tippreżenta biss l-aspett funzjonali.

c)

inizjattivi ta’ taħriġ u ta’ sensibilizzazzjoni

6.2.8   Il-KESE jħoss li inizjattivi bħal dawn ma’ jeħtiġux l-“ipproċessar” tad-data (kif tinftiehem mid-definizzjoni stabbilita mid-Direttiva 95/46/KE), iżda sempliċiment l-“użu” tad-data fis-sistema.

7.   Rigward il-ħtieġa tal-preċiżjoni, din tirreferi għall-kunċett bażiku ta’ “data personali” li hemm referenza għalih għadd ta’ drabi fil-Proposta għal Regolament. F’dan ir-rigward, ir-referenza għandha ssir għall-kunċett li hemm fir-Regolament 95/46/KE li d-definizzjoni tiegħu taqbeż b’ħafna r-rekwiżit għat-tħaddim tal-IMI li, fl-aħħar mill-aħħar, jikkonċerna biss kategorija speċifika ta’ data li għandha l-istess karatteristika li hija marbuta mal-eżerċizzju tal-attivitajiet ekonomiċi u/jew professjonali fis-suq intern.

7.1   Għalhekk, il-Kumitat iqis li l-proposta għandha tistabbilixxi l-ambitu tal-kunċett, filwaqt li tillimita l-kategorija tad-“data personali” għal dak li diġà jinstab fid-direttivi korrispondenti, li jipprevedu li l-IMI tintuża għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tal-Istat u li jirreferu għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ekonomiċi u professjonali fis-suq intern. Għaldaqstant, għandhom jissemmew id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5.

8.   Il-Premessa 12 tal-proposta tispeċifika li l-IMI hija għodda li mhijiex miftuħa għall-pubbliku ġenerali li tippermetti lill-atturi esterni jfornu l-informazzjoni u jiksbu d-data. Il-KESE ma jaqbilx ma’ dan l-approċċ u jemmen li xi informazzjoni tal-IMI għandha tkun aċċessibbli għall-atturi esterni, bħaċ-ċittadini, in-negozji jew l-organizzazzjonijiet, sakemm ma jkunx fiha data personali. Aċċess ta’ dan it-tip ikun jinkludi, fost affarijiet oħra, ir-rekwiżiti amministrattivi imposti mill-pajjiż li fih hemm interess għal relazzjoni kummerċjali jew professjonali.

8.1   Il-fatt li din l-informazzjoni tkun aċċessibbli bl-ebda mod ma twassal għal aċċess għal data oħra u żgur mhux għall-ipproċessar ta’ din id-data, kif jista’ jinftiehem mid-definizzjoni ta’ “attur estern” fl-Artikolu 5(i) tal-proposta.

8.2   Dawn l-atturi esterni għandhom jingħataw id-dritt li jitolbu informazzjoni lill-utent tal-IMI l-iktar viċin tagħhom, biex jinħoloq l-obbligu li dawn tal-aħħar isegwu t-talba tul is-sistema, sakemm l-attur estern imsemmi jista’ jagħti prova ta’ interess marbut ma’ relazzjoni kummerċjali jew professjonali mal-pajjiż li dwaru qed tintalab l-informazzjoni.

9.   L-Artikolu 4 tal-proposta jawtorizza lill-Kummissjoni tinkludi fl-IMI l-kooperazzjoni amministrattiva stabbilita fid-dispożizzjonijiet relatati mal-Anness II. Ma’ dawn hemm l-interkonnessjoni futura tar-Reġistri tan-Negozju, proposta li għadha ma ġietx approvata. Minħabba l-ambitu mifrux ta’ din il-miżura futura, il-KESE jara li hemm bżonn li jingħataw id-dettalji dwar it-tip ta’ azzjoni li trid tittieħed biex l-IMI tkun tista’ tespandi.

10.   Rigward id-definizzjoni ta’ atturi esterni, u b’konsistenza mal-kummenti li diġà saru, il-KESE jipproponi abbozzar mill-ġdid kif ġej:

li jiġu definiti bħala ċittadini, negozji jew organizzazzjonijiet li jitolbu konsultazzjoni minn utent tal-IMI rigward l-ambitu ta’ ċerti Direttivi mdaħħla fis-sistema u li l-utent irid jitrażmetti;

li jagħtihom id-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni fis-sistema li ma fihiex data personali; u

li b’mod espliċitu jeskludi l-ipproċessar tal-informazzjoni li jkunu kisbu.

11.   Biex jiġi aċċertat li s-suq intern jaħdem tajjeb, il-KESE jqis li jkun kostruttiv li l-informazzjoni li l-awtorità kompetenti tirċievi permezz tal-IMI minn Stat Membru ieħor ikollha l-istess valur ta’ prova fil-proċeduri amministrattivi.

12.   Rigward l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati, il-KESE jiddispjaċih li l-Proposta ma fihiex soluzzjoni unika, iżda tirreferi għall-obbligi tal-awtoritajiet kompetenti li huma mniżżla fil-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data fil-forom differenti. B’mod simili, rigward il-ħażna tad-data, iħoss li l-iffissar ta’ skadenzi differenti mhuwiex adatt għat-tħaddim adegwat tas-suq intern u l-eżerċizzju tad-drittijiet taċ-ċittadini.

13.   Għall-iskop tal-iskambju tal-informazzjoni ma’ pajjiżi terzi, il-KESE jqis li għandu jiġi ċċarat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22(1) tal-Proposta għandhomx jittieħdu flimkien jew separatament. Fit-tieni każ, il-KESE ma jqisx li huwa ġustifikabbli li deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar jekk il-livell tal-protezzjoni tad-data f’pajjiż terz huwiex biżżejjed jew ekwivalenti għandha titqies bħala bażi adegwata għall-estensjoni tal-IMI għal dak il-pajjiż terz, filwaqt li hemm sitwazzjonijiet oħra li għalihom id-Direttivi attwali inklużi fl-IMI jew ftehim internazzjonali jipprovdu għall-iskambju estern tad-data.

14.   Biex tiġi garantita ċertezza legali akbar, id-dispożizzjonijiet revokati u dawk li għadhom fis-seħħ rigward it-tħaddim tal-IMI għandhom ikunu fil-parti ewlenija tat-test u mhux fil-premessi tal-Proposta għal Regolament.

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Directiva 2005/36/KE (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).

(2)  Directiva 2006/123/KE (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

(3)  Direttiva 96/71/KE.

(4)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 103.

(5)  COM(2008) 703 finali.

(6)  COM(2010) 608 finali.


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini”

COM(2011) 152 finali

2012/C 43/05

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar l-4 ta’ April 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini

COM(2011) 152 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’174 vot favur u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jagħraf li l-ispazju huwa riżorsa insostitwibbli u strateġika biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-UE fil-qasam soċjali, ekonomiku u dak tas-sigurtà, bħala xprun tat-tkabbir u l-innovazzjoni, kapaċi li jiġġenera ġid kbir bis-saħħa tal-postijiet tax-xogħol li jirrikjedu kwalifiki għoljin, is-servizzi innovattivi u l-opportunitajiet tas-suq li joffri anke f’setturi industrijali oħra u minħabba l-appoġġ li jiġġenera għall-qasam tar-riċerka, li min-naħa tiegħu jipproduċi innovazzjoni għall-industrija.

1.2   Il-KESE jagħraf l-importanza ta’ industrija tal-ispazju kompetittiva, mgħammra b’katina ta’ valur sħiħa – jiġifieri li tħaddan il-bini, it-tnedija, il-parti operattiva u s-servizzi downstream.

1.3   Il-KESE jirrikonoxxi li l-politika fis-settur tal-ispazju hija kompetenza maqsuma bejn l-UE u l-Istati Membri, li, min-naħa tagħhom, jieħdu inizjattivi proprji f’dan il-qasam. Il-Kumitat iħeġġeġ sħubija msaħħa mal-Istati Membri, anke dawk li ma jagħmlux parti mill-Aġenzija Spazjali Ewropea (European Space Agency – ESA), bil-għan li jiġu kkoordinati l-politiki u l-kompetenzi rispettivi tagħhom fis-settur tal-ispazju. Għandha tiġi eżaminata wkoll il-possibbiltà li l-Istati Membri li mhumiex membri tal-ESA jipparteċipaw fi programmi ta’ kooperazzjoni bħall-Istazzjon Spazjali Internazzjonali.

1.4   Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi sabiex isaħħu s-sisien li fuqhom hi mibnija l-politika Ewropea dwar l-ispazju, biex b’hekk tiġi stabbilita rabta bejn din il-politika u d-dokumenti kostituttivi tal-UE, permezz tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona f’dan il-qasam, l-istess bħall-politika industrijali Ewropea, permezz tal-Istrateġija Ewropa 2020, u bħas-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni, permezz tal-inizjattiva Horizon 2020.

1.5   Il-programm ta’ Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) huwa l-muftieħ għaż-żamma tal-kapaċità Ewropea awtonoma ta’ ġbir ta’ data u informazzjoni dwar is-sistema Dinja, kemm fi żmien reali kif ukoll tul għexieren ta’ snin kif meħtieġ biex jiġu żgurati l-monitoraġġ u s-sikurezza tal-ambjent u tat-territorju u biex jiġu inklużi ċerti mekkaniżmi li fuqhom jissejjes it-tibdil fil-klima. Il-KESE huwa mħasseb ferm dwar il-fatt li ma hemmx intestatura għall-baġit tal-GMES fil-qafas finanzjarju multiannwali (MFF) 2014-2020 u jitlob lill-Kummissjoni tidentifika l-fondi meħtieġa biex jiġi evitat li dan il-programm ifalli.

1.6   Il-KESE jieħu nota tar-rwol ċentrali li taqdi l-ESA bħala maħżen tal-kompetenzi tal-UE fil-qasam tekniku, xjentifiku u ġestjonali, kompetenzi li huma indispensabbli biex jassiguraw ġestjoni effiċjenti tal-programmi tal-ispazju.

1.7   Korpi oħra importanti huma l-EUMETSAT, korp operattiv li jipprovda data meteoroloġika, il-European Environment Agency (1) (EEA) u l-European Centre for Medium-Range Forecasts (2)(ECMWF).

1.8   Il-KESE jenfasizza l-kontribut importanti tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża. Huwa jisħaq fuq il-bżonn li jiġu kkunsidrati l-ħtiġiet tal-politika ta’ difiża komuni, anke permezz tal-iżvilupp ta’ programmi ġodda ta’ kooperazzjoni u infrastrutturi (3).

1.9   Il-KESE jagħraf il-ħtieġa li jitħares il-valur tal-infrastruttura spazjali billi tiġi żviluppata s-sistema Space Situational Awareness (SSA).

1.10   Fil-qasam tal-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-ispazju, jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-imsieħba konsolidati tal-UE, bħall-Istati Uniti, ir-Russja u l-Ġappun u, possibbilment, jintlaħqu ftehimiet bilaterali mal-potenzi emerġenti fis-settur tal-ispazju bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil.

1.11   Il-kooperazzjoni internazzjonali fis-settur tal-ispazju hija fattur prinċipali mhux biss għall-pomozzjoni tat-teknoloġija u tas-servizzi Ewropej, iżda wkoll għat-tixrid tal-valuri soċjali u umanitarji.

1.12   Ir-riċerka, minbarra li hija valur fundamentali għall-Ewropa, hija importanti ħafna għall-iżvilupp ta’ kapaċità awtonoma tal-Ewropa fil-qasam tat-teknoloġiji ta’ appoġġ fundamentali, li huma meħtieġa biex l-industrija Ewropea ssir kompetittiva fis-suq dinji.

1.13   L-investimenti tal-UE fil-qasam tar-riċerka għandhom ikunu iżjed effikaċi permezz tat-twaqqif ta’ qafas strateġiku komuni għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1   Din il-Komunikazzjoni tiddefinixxi l-qafas ġuridiku u l-kuntest ekonomiku, soċjali u strateġiku tal-politika Ewropea dwar l-ispazju, u tistabbilixxi rabta bejn din il-politika u l-għeruq tal-Unjoni Ewropea: id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona, il-politiki industrijali u tar-riċerka Ewropej u l-politika ta’ difiża komuni.

2.2   Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-azzjonijiet prijoritarji li jiddefinixxu l-politika tal-UE dwar l-ispazju, tiddeskrivi d-dimensjoni internazzjonali tagħha u teżamina l-esiġenzi tagħha mil-lat ta’ governanza. Għalhekk, il-Komunikazzjoni twitti t-triq lejn id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ programm spazjali Ewropew.

2.3   Il-Komunikazzjoni tafferma li l-Kummissjoni ser tressaq proposta dwar programm spazjali Ewropew fl-2011 u tħejji ruħha għall-implimentazzjoni tal-istrateġija proposta (politika industrijali, organizzazzjoni tal-attivitajiet marbuta mal-ispazju).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Is-settur tal-ispazju jirrappreżenta madwar 1,1 % tal-baġit tal-Unjoni u madwar 5 % tal-volum tas-settur industrijali Ewropew tal-ajruspazju.

3.2   Minkejja d-dimensjoni żgħira tal-ispazju f’termini relattivi, illum il-ġurnata r-rilevanza ekonomika, strateġika u soċjali tiegħu hija rikonoxxuta bis-sħiħ kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Parlament Ewropew: mhux possibbli li nimmaġinaw lill-Ewropa bħala żona ta’ benesseri mingħajr l-appoġġ u l-istimolu li l-preżenza tagħha fuq quddiem nett fis-settur tal-ispazju tirrappreżenta. Minbarra li dan is-settur jiġġenera qligħ ekonomiku sostanzjali (bħala medja d-doppju tal-ammonti investiti, saħansitra 4,5 drabi iżjed, bħal fil-każ tan-Norveġja [sors: Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) 2011]), jiġġenera wkoll firxa ta’ applikazzjonijiet insostitwibbli u ta’ utilità soċjali fundamentali: il-meteoroloġija, in-navigazzjoni, il-pożizzjonament, il-kontroll tat-traffiku tal-ajru u tal-flotot, il-ġestjoni tal-agrikoltura u tal-art, l-operazzjonijiet umanitarji u l-ġestjoni tad-diżastri naturali, is-sigurtà nazzjonali u l-kontroll tal-fruntieri, fost affarijiet oħra.

3.3   F’mument ta’ diffikultà ekonomika bħal dan li ninsabu fih bħalissa, li ma nibqgħux ninvestu f’dan is-settur ser ikollu, apparti l-vantaġġi totalment marġinali mil-lat assolut ta’ ffrankar, l-effett gravissimu li jintilef il-wirt ta’ għarfien xjentifiku u ta’ kapaċitajiet industrijali li l-Ewropa bniet f’dan is-settur strateġiku fis-snin li għaddew.

3.4   L-iżvilupp ta’ kapaċità awtonoma tal-Ewropa fil-qasam tat-teknoloġiji ta’ appoġġ u l-aċċess awtonomu tagħha għall-ispazju huma għanijiet ta’ importanza fundamentali, li jitolbu appoġġ attiv.

3.5   Bid-dħul fis-settur tal-ispazju ta’ pajjiżi ġodda bħaċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u oħrajn, l-Ewropa għandha bżonn pjan strateġiku biex iżżomm il-pożizzjoni prominenti tagħha fis-settur tal-ispazju u l-kredibbiltà tagħha fil-konfront tal-imsieħba prinċipali tagħha, b’mod partikolari l-Istati Uniti u r-Russja.

3.6   Il-programmi ewlenin GMES u Galileo jirrappreżentaw għall-Ewropa l-istrument li permezz tiegħu tkompli tkun setgħa prominenti fis-setturi strateġiċi relatati mal-użu tas-sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita u tas-servizzi ġenerati mill-osservazzjoni tad-dinja.

3.7   Waħda mill-kwistjonijiet prijoritarji u li ma tistax tiġi posposta hija li tinstab soluzzjoni għall-problema tal-finanzjament tal-GMES, minħabba r-riskju konkret li l-investiment li l-Ewropa għamlet f’dan il-qasam dan l-aħar deċennju, illum il-ġurnata dejjem iżjed strateġiku, li tosserva d-dinja, ma jintilifx, u minħabba f’hekk l-Ewropa, l-industriji u r-riċerka tagħha jitilfu r-rwol ta’ tmexxija miksub.

3.8   Anke l-programmi tal-esplorazzjoni tal-ispazju, li jikkostitwixxu lok ta’ sperimentazzjoni tat-teknoloġiji tal-futur, jistgħu jkunu fil-periklu fid-dawl tal-kriżi finanzjarja attwali fl-Istati Membri tal-UE. Għalhekk, jeħtieġ li noqogħdu attenti li tiġi żgurata kontinwità f’dan is-settur.

3.9   It-Tabella 1 – sempliċement bħala eżempju u mhux b’mod eżawrjenti – turi l-investiment totali li sar fis-settur tal-ispazju minn uħud mill-Istati Membri li huma wkoll membri tal-ESA fl-2009. Bħala medja, dan l-investiment jikkorrispondi għal ammont bejn iż-0,01 % u ż-0,5 % tal-PDG (data tal-2009, sors: OECD). Il-potenzi l-kbar bħaċ-Ċina, ir-Russja u l-Istati Uniti jinvestu ammonti sostanzjalment ikbar, rispettivament 0,12 %, 0,20 % u 0,31 %. Għar-Russja u ċ-Ċina, din iċ-ċifra saħansitra rduppjat fil-perjodu 2005-2009. Fl-Ewropa, Franza tispikka minħabba investiment perċentwali ogħla, li jammonta għal 0,1 % tal-PDG tal-pajjiż (sors: OECD).

Tabella 1

Il-baġit allokat lis-settur tal-ispazju fl-2009 mill-kontributuri prinċipali tal-ESA

(f’miljuni ta’ EUR)

Pajjiż

Baġit għas-settur tal-ispazju (4)

Kontribut għall-ESA (5)

FR

1 960

(716)

DE

1 190

(648)

IT

685

(369)

UK

350

(269)

ES

190

(184)

BE

170

(161)

Baġit totali tal-ESA għall-2009

3 600

 

3.10   L-ESA għandha l-għarfien tekniku u l-kapaċità li tfassal u timplimenta programmi fil-qasam tal-ispazju u tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u applikazzjonijiet ġodda. L-ESA tħaddem hi stess ħafna mis-sistemi li tfassal, b’mod partikolari dawk ta’ natura xjentifika u ta’ riċerka. L-operazzjoni tal-infrastruttura ta’ programmi operattivi prinċipali bħall-Galileo u l-GMES hija l-inkarigu tal-Kummissjoni Ewropea.

3.11   L-EUMETSAT tirrappreżenta element importanti tal-kapaċità operattiva tal-Ewropa.

3.12   Korpi intergovernattivi oħra jinkludu l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Previżjonijiet Metereoloġiċi fuq Perjodu Medju (ECMWF), partijiet kontraenti tal-ftehim dwar l-użu tad-data u s-servizzi tal-GMES.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-politika Ewropea dwar l-ispazju tissejjes fuq sensiela ta’ pilastri li huma l-qafas leġislattiv tagħha u l-kuntest li fih hija stabbilita l-politika industrijali, id-dimensjoni internazzjonali, il-governanza tagħha, ir-relazzjoni mal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni kif ukoll sistema ta’ finanzjament adegwata u sostenibbli.

4.2   Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona jiffurmaw il-bażi legali tal-politika Ewropea dwar l-ispazju.

4.2.1   L-Artikolu 189 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jikkonferixxi lill-UE mandat wiesa’ għad-definizzjoni ta’ politika dwar l-ispazju, u jirrakkomanda wkoll li l-politiki f’dan il-qasam isiru operattivi billi jiġi stabbilit programm spazjali Ewropew.

4.2.2   Il-politika tal-UE dwar l-ispazju u l-programm Galileo huma ġestiti direttament mid-direttorat ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija (DĠ ENTR) fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.

4.2.3   Ir-regolament istituttiv tal-programm GMES (6) jiddefinixxi r-regoli għall-eżekuzzjoni tiegħu u l-baġit maħsub għall-iżvilupp tiegħu u l-fażi inizjali tal-operazzjonijiet fil-perjodu 2011-2013. Il-koordinazzjoni teknika u l-implimentazzjoni tal-komponent spazjali tal-GMES huma inkarigati lill-ESA, li, f’każ ta’ bżonn, tiġi megħjuna mill-EUMETSAT.

4.3   Il-kuntest tal-politika industrijali

4.3.1   Is-settur tal-ispazju jirrappreżenta madwar 5 % tas-settur industrijali tal-ajruspazju fl-Ewropa (iddominat mis-settur ajrunawtiku li jirrappreżenta 92 %). Il-produzzjoni tas-settur kollu tal-ajruspazju fl-Ewropa kienet ta’ madwar EUR 130 biljun, li EUR 6 biljun minnhom kienu marbuta mas-settur tal-ispazju (statistika tal-2008, sors: Ecorys Report to the EC). Il-forza tax-xogħol fis-settur tal-ajruspazju tirrappreżenta madwar 375 elf ħaddiem, u 31 000 minnhom fis-settur tal-ispazju Ewropew (sors: OECD 2011), li l-karatteristika prinċipali tiegħu hija l-kwalifiki għoljin, peress li 35 % tas-settur huwa magħmul minn lawrjati, inġiniera u maniġers.

4.3.2   Ir-rwol tal-industrija tal-ispazju fl-innovazzjoni, b’mod partikolari fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji u materjali ġodda huwa insostitwibbli.

4.3.3   Il-kuntest industrijali li fih hija stabbilita l-politika Ewropea dwar l-ispazju huwa l-Istrateġija Ewropa 2020.

4.3.4   L-inizjattiva ewlenija ta’ din l-istrateġija, indirizzata fil-Komunikazzjoni ” COM(2010) 614 finali/4, tiddefinixxi l-ispazju bħala “forza ispirattiva għall-innovazzjoni u l-kompetittività għas-servizz taċ-ċittadini”, u tagħmel referenza espliċita għall-programmi Galileo/EGNOS u GMES bħala programmi stabbiliti li l-ikkompletar u l-kontinwazzjoni tagħhom wara l-2013 għandhom jiġu indirizzati fi proposti leġislattivi fl-2011 b’konformità mal-proposti kumplessivi mressqa għall-qafas finanzjarju multiannwali. L-infrastrutturi tal-ispazju huma kkunsidrati bħala strumenti essenzjali għas-sigurtà taċ-ċittadini, u għalhekk jeħtieġ li jiġu protetti. Il-programm Space Situational Awareness (SSA) jissorvelja l-ispazju.

4.3.5   Il-komunikazzjonijiet bis-satellita huma settur ewlieni tal-ispazju; barra minn hekk, jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa minħabba l-impatt tagħhom fuq it-tixrid tal-broadband.

4.4   Kooperazzjoni internazzjonali

4.4.1   Kif stipulat fir-regolament istituttiv tiegħu, il-programm tal-GMES jirrappreżenta l-kontribut Ewropew għat-twaqqif tal-Global Earth Observation System of Systems (7) (GEOSS), żviluppata fl-ambitu tal-Group on Earth Observations (8) (GEO).

4.4.2   Is-sħubija konkluża mal-Afrika, permezz tal-EGNOS, il-GMES u l-infrastrutturi tat-telekomunikazzjoni, ser tagħmel impatt f’setturi ta’ importanza prinċipali bħall-ġestjoni tar-riżorsi, is-sigurtà, il-kartografija, il-ġeodesija, it-telekomunikazzjoni u l-informazzjoni.

4.4.3   Il-biċċa l-kbira tal-investimenti istituzzjonali fis-settur tal-ispazju jiġu mill-pajjiżi tal-G7, li fl-2009 investew USD 53 biljun (sors: OECD). Biss biss, l-Istati Uniti waħidhom investew USD 44 biljun, li 17-il biljun minnhom huma tan-NASA, filwaqt li l-pajjiżi l-oħra kollha tal-G7 (esklużi l-Istati Uniti) b’kollox investew il-bqija, jiġifieri USD 9 biljun.

4.4.4   Tidher biċ-ċar l-importanza li, flimkien mal-protagonisti tradizzjonali bħall-Istati Uniti, ir-Russja u l-Ġappun, għandhom xi potenzi emerġenti ġodda bħall-Brażil, l-Indja u ċ-Ċina fis-settur spazjali, li l-baġits kollettivi tagħhom marbuta ma’ dan is-settur jilħqu s-somma ta’ USD 7,2 biljun (9). Bħala paragun, il-baġit tal-Federazzjoni Russa huwa ta’ USD 2,5 biljun.

4.4.5   Bħala paragun, il-baġit tal-ESA għall-2009 kien ta’ EUR 3,6 biljun (ara wkoll it-Tabella 1).

4.4.6   L-Ewropa tħaddan politika “libera u miftuħa” dwar it-tixrid tad-data applikata mill-ESA u fis-seħħ fil-programm tal-GMES.

4.5   Governanza

4.5.1   Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 189 tat-TFUE, l-Unjoni “għandha tistabbilixxi relazzjonijiet xierqa mal-Aġenzija Ewropea tal-Ispazju”, minbarra li ssaħħaħ is-sħubija tagħha mal-Istati Membri u tikkoordina l-isforzi meħtieġa għall-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-ispazju.

4.5.2   L-ESA hija korp intergovernattiv li dalwaqt ikollu 19-il pajjiż membru. L-adeżjoni mhix riżervata biss għall-Istati Membri tal-UE (pereżempju, l-Isvizzera hija membru tal-ESA) jew dawk strettament Ewropej (il-Kananda kkonkludiet ftehim ta’ sħubija mal-ESA). Il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ESA tissejjes fuq il-prinċipju tar-“ritorn ġeografiku” (geographical return) li, permezz tiegħu, l-Istati Membri jingħataw il-kuntratti industrijali b’mod proporzjonat għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-ESA. S’issa, dan il-prinċipju għamilha possibbli li jiġu allokati riżorsi importanti min-naħa tal-Istati Membri. Il-ġestjoni tal-persunal issegwi prinċipju simili, dak ta’ “rendiment ġust” (fair return), għalkemm jidher li l-prerekwiżiti tiegħu huma inqas ibbażati b’mod dirett fuq dawk applikati fuq il-kuntratti industrijali, fid-dawl tal-fatt li, fil-prinċipju, il-persunal ma jirrappreżentax jew ma jissodisfax interessi nazzjonali. Fil-fatt, it-tendenza attwali tal-UE hija li teċċedi l-prinċipju tat-total tal-interessi nazzjonali favur valur miżjud Ewropew (10). Fil-każ tal-ESA, u fid-dawl ta’ pjan spazjali Ewropew, dan il-prinċipju jidher partikolarment adegwat.

4.5.3   Il-kooperazzjoni bejn l-ESA u l-UE ġiet definita minn ftehim qafas li daħal fis-seħħ f’Mejju 2004 (ĠU L 261, 6.8.2004). Il-Kummissjoni Ewropea u l-ESA jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom permezz ta’ segretarjat konġunt magħmul minn amministraturi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-eżekuttiv tal-ESA. L-Istati Membri tal-ESA u l-UE jiltaqgħu f’livell ministerjali fil-Kunsill “Spazju”, l-assemblea konġunta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Aġenzija Spazjali Ewropea. Il-Kunsill jitħejja mir-rappreżentanti tal-pajjiżi membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Politika Spazjali. L-ESA għandha uffiċċju ta’ kuntatt fi Brussell inkarigat mit-trawwim ta’ kuntatti mal-istituzzjonijiet Ewropej.

4.5.4   S’issa, il-Kunsill “Spazju” ippermetta l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet sodi bejn l-ESA u l-Kummissjoni.

4.5.5   L-EUMETSAT huwa korp intergovernattiv li attwalment huwa magħmul minn 26 pajjiż membru. Il-korp responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwaru huwa l-Kunsill, magħmul minn rappreżentanti tas-servizzi meteoroloġiċi tal-pajjiżi msieħba; dawn is-servizzi jiffinanzjaw l-attivitajiet tal-EUMETSAT, billi ssir kontribuzzjoni proporzjonata għad-Dħul Nazzjonali Gross tal-pajjiż membru msieħeb ikkonċernat. Fl-2010, il-baġit tal-korp kien ta’ madwar EUR 300 miljun.

4.5.6   Korpi intergovernattivi oħra jinkludu l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Previżjonijiet Metereoloġiċi fuq Perjodu Medju (ECMWF), partijiet kontraenti tal-ftehim dwar l-użu tad-data u s-servizzi tal-GMES.

4.6   Riċerka u innovazzjoni

4.6.1   Ir-riċerka hija valur fundamentali fil-kultura Ewropea. Ir-riċerka u l-innovazzjoni jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol, għaż-żieda fil-prosperità u t-titjib tal-kwalità tal-għajxien. In-nondipendenza tal-Ewropa fil-qasam tat-teknoloġiji ta’ appoġġ tissejjes fuq l-attività tar-riċerka. Is-settur tal-ispazju huwa settur privileġġjat li fih jinħolqu relazzjonijiet u rabtiet bejn ir-riċerka universitarja, l-innovazzjoni industrijali u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ appoġġ.

4.6.2   Il-finanzjament tar-riċerka fil-qasam tal-ispazju huwa komponent tas-sistemi Ewropej ta’ finanzjament fil-qasam tar-riċerka. Iżda, fil-qasam tal-applikazzjonijiet, il-preżenza Ewropea mhijiex suffiċjenti. U għalhekk hemm bżonn li ssir ħidma biex il-kapaċità tar-riċerka Ewropea twassal għal applikazzjonijiet ġodda u innovattivi.

4.6.3   L-attivitajiet ta’ riċerka tal-UE huma ffinanzjati l-iżjed fi ħdan is-Seba’ Programm Kwadru (2007-2013), li għandu baġit ta’ EUR 50,5 biljun, li madwar 3 % minnhom huma allokati għall-ispazju (=EUR 1,4 biljun).

4.6.4   Fl-ambitu tal-qafas finanzjarju multiannwali propost għall-perjodu 2014-2020, il-fondi ddedikati għar-riċerka u l-innovazzjoni ser jintrabtu flimkien permezz ta’ Qafas Strateġiku Komuni (QSK) għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku (imsejjaħ Horizon 2020), u fil-perjodu ta’ validità tal-QSK (2014-2020) il-fondi ser jammontaw għal EUR 80 biljun.

4.6.5   Fl-Istrateġija Ewropa 2020, l-UE tistabbilixxi l-għan ambizzjuż tat-3 % tal-PDG iddedikat għar-riċerka.

4.7   Sigurtà u difiża komuni

4.7.1   L-infrastrutturi tal-ispazju jipprovdu servizi essenzjali bħas-sigurtà u d-difiża, kif rikonoxxut fil-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni, b’mod partikolari fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet.

4.7.2   Is-sigurtà tal-infrastrutturi tal-ispazju tiġi pperikolata minħabba l-għadd dejjem jikber ta’ residwi spazjali. L-ESA, min-naħa ċivili u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (European Defence Agency – EDA), min-naħa militari, nedew programmi tal-SSA. L-UE qed taħdem fuq il-kodiċi internazzjonali ta’ kondotta b’rabta mal-attivitajiet fl-ispazju (code of conduct for outer space activities).

4.8   Programm Spazjali Ewropew – Baġit

4.8.1   Fil-Komunikazzjoni analizzata hawnhekk, il-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li tinkludi proposta dwar programm spazjali Ewropew fil-kuntest tal-qafas finanzjarju multiannwali ta’ Ġunju 2011. Il-proposta ta’ baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020, ippreżentata f’Ġunju 2011, hija orjentata lejn l-ilħiq tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 (11).

4.8.2   Il-proposta dwar programm spazjali Ewropew ma tissemmiex b’mod ċar b’dan l-isem fil-qafas finanzjarju multiannwali, iżda għall-programmi GMES u Galileo huma previsti d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

MFF INTESTATURA 1: Tkabbir intelliġenti u inklużiv – ġew allokati EUR 7 biljun għall-Galileo;

MHUX INKLUŻ FL-MFF: il-GMES huwa ffinanzjat b’baġit ta’ EUR 5,8 biljun.

Jidher li din il-proposta ta’ finanzjament tal-GMES lil hinn mill-MFF tmur deċiżament kontra r-rakkomandazzjonijiet magħmula kemm fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni SEC(2011) 868 finali tad-29.6.2011 li jakkumpanja l-Komunikazzjoni “Baġit għall-Ewropa 2020”, kif ukoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill “Kompetittività” tal-UE, adottati fil-31 ta’ Mejju 2011.

4.8.3   Huwa importanti li nifhmu kif il-baġit previst għall-GMES jista’ jkun garantit, biex jiġi evitat il-periklu li jintilef programm vitali għall-kompetittività futura tal-Ewropa fis-settur strateġiku tal-osservazzjoni tad-dinja, u li s’issa kien responsabbli għal deċennju ta’ ħidma u investiment ta’ EUR 3 biljun. Skont dawn l-istess konklużjonijiet tat-3094 Kunsill “Kompetittività” (suq intern, industrija, riċerka u spazju) tal-31 ta’ Mejju 2011, “…il-Kummissjoni ser telabora proposta għall-finanzjament ta’ dawn il-programmi ewlenin [nota tar-relatur: GMES u Galileo] bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss;” u “…peress li ż-żewġ programmi huma programmi Ewropej taħt ir-responsabbiltà tal-UE, huma għandhom ikomplu jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-UE”.

4.8.4   L-approċċ indirizzat b’mod ġenerali fil-proposta tal-qafas finanzjarju multiannwali għandu jiġi indirizzat b’mod dettaljat qabel l-aħħar tal-2011 fil-proposti leġislattivi għall-programmi ta’ nfiq u l-istrumenti fl-oqsma ta’ politika individwali.

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

(2)  Ċentru Ewropew għall-Previżjonijiet Metereoloġiċi fuq Perjodu Medju.

(3)  “Il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni għandha tinkludi t-tfassil progressiv ta’ politika ta’ difiża komuni tal-Unjoni. Din sejra twassal għal difiża komuni, meta l-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’mod unanimu, jiddeċiedi hekk. F’dak il-każ dan għandu jirrakkomanda lill-Istati Membri li jadottaw deċiżjoni f’dan is-sens skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom. Il-politika tal-Unjoni skont din it-taqsima m’għandhiex tolqot il-karattru speċifiku tal-politika ta’ sigurtà u difiża ta’ ċerti Stati Membri, u għandha tirrispetta l-obbligazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri, li jqisu li d-difiża komuni tagħhom hija koperta mill-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku (NATO), taħt it-trattat tan-Nord Atlantiku u li tkun kompatibbli mal-politika komuni ta’ sigurtà u difiża stabbilita f’dan il-kuntest.” (Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, Titolu V, Kapitolu 2, Taqsima 2, Artikolu 42(2).

(4)  Sors: OECD;

(5)  Sors: ESA

(6)  Regolament (UE) Nru 911/2010, ĠU L 276, 20.10.2010, p. 1.

(7)  Sistema ta’ sistemi għall-osservazzjoni globali tad-dinja.

(8)  Grupp dwar l-osservazzjoni tad-dinja.

(9)  Iċ-Ċina: USD 6,1 biljun; l-Indja: USD 861 miljun; il-Brażil: USD 205 miljun.

(10)  Ara punt 166 tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar “Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva”: “…(i)l-mod kif evolviet is-sistema tar-riżorsi proprji, li gradwalment issostitwixxiet ir-riżorsi proprji ġenwini bl-hekk imsejħa ‘kontributi nazzjonali’, iqiegħed enfasi sproporzjonata fuq il-bilanċi netti bejn l-Istati Membri biex b’hekk jikkontradixxi l-prinċipju tas-solidarjetà tal-UE, ixejjen l-interess komuni Ewropew u jinjora b’mod ġenerali l-valur miżjud Ewropew; …”.

(11)  COM(2011) 500 finali/2, “Baġit għall-Ewropa 2020”, Parti I.


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/25


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Rapport mill-Kummissjoni — Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2010

COM(2011) 328 finali

2012/C 43/06

Relatur: is-Sur BARROS VALE

Nhar l-10 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Rapport mill-Kummissjoni — Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2010

COM(2011) 328 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'116-il vot favur u 7 astensjonijiet.

1.   Sommarju u konklużjonijiet

1.1   Ta' kull sena, il-KESE jivvaluta r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-politika dwar il-kompetizzjoni billi jieħu l-opportunità biex iressaq osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet; maż-żmien dawn ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet, u b'hekk huwa kkontribwixxa għal diversi aġġustamenti li wasslu għal dik l-effiċjenza ikbar li qed naraw. Qed inwettqu din l-analiżi fi żmien li fih il-proġett Ewropew qed jiffaċċja sfidi kbar minħabba r-riskju tal-frammentazzjoni jew, bħalma jgħiduha ħafna nies, peress li tinsab mhedda s-sopravvivenza nnifisha tal-integrazzjoni straordinarja li ntlaħqet f'perjodu ta’ ftit aktar minn nofs seklu. Fi żmien żewġ ġenerazzjonijiet, l-Ewropej irnexxielhom jiksbu perjodu ta’ paċi u prosperità mill-aqwa, imsejjes fuq is-solidarjetà bejn il-pajjiżi u r-reġjuni u fuq proċess twil ta’ ħolqien ta’ politiki komuni. Din il-ħtieġa mela, li nagħżlu bejn l-irġigħ lura imprevedibbli u l-progress storiku, hija l-kuntest li fih għandna nħarsu lejn id-diversi politiki Ewropej, b'mod partikolari l-politika dwar il-kompetizzjoni. Il-possibilità ta’ rinazzjonalizzazzjoni tal-politiki b'riżultat tal-kriżi u l-possibilità ta’ kunflitti bejn Stati Membri, flimkien mal-interventi tal-gvernijiet fl-ekonomiji permezz ta’ miżuri protezzjonisti, huma xenarji li jaffettwaw b'mod serju s-suq intern u l-politiki dwar il-kompetizzjoni – li għall-inqas internament urew il-valur konsiderevoli tagħhom.

1.2   Dan ir-rapport, li hu l-aktar reċenti, jimmarka għeluq l-40 sena minn mindu tnediet il-politika dwar il-kompetizzjoni, u jiddeskrivi l-iżviluppi ewlenin tagħha u l-importanza ta’ dawn rigward il-kisba tal-għanijiet tal-UE: il-bini tas-suq uniku, it-twassil tal-vantaġġi tiegħu lill-konsumaturi bħala l-grupp li jista' jgawdi l-aktar minnu, u l-ħolqien ta’ ekonomija kompetittiva tas-suq soċjali. Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni ta’ dan ir-rapport u għall-kisbiet tagħha f'dawn l-aħħar 40 sena, iżda jixtieq jinnota li r-rapport jagħti l-impressjoni ta’ dokument li jfaħħar il-ħidma tal-Kummissjoni billi – bħalma jgħid ir-rapport – iżomm lura milli jitkellem dwar kwistjonijiet attwali. Dan id-dokument huwa bla dubju pożittiv, iżda kien ikun aktar utli kieku ppreżenta analiżi u valutazzjoni tal-punti qawwija u dgħajfa tal-ħidma mwettqa, li setgħu jinkludu saħansitra analiżijiet komparattivi bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi kbar oħra, flok sempliċiment awtoeloġju. Dan l-40 anniversarju seta' jipprovdi opportunità tad-deheb lill-Kummissjoni biex, abbażi ta’ analiżi xierqa tal-istorja, tipproponi l-immodernizzar u t-tkabbir tal-politika dwar il-kompetizzjoni billi tivvaluta l-iżviluppi b'riżultat tal-globalizzazzjoni dejjem tiżdied u tanalizza l-effetti ħżiena fuq l-Ewropa tat-tibdiliet u r-rilokazzjonijiet li ġejjin mill-isfruttament bla rażan tar-riżorsi umani, materjali u ambjentali f'partijiet tad-dinja li ma japplikawx l-istess valuri bħas-soċjetajiet Ewropej, iżda li jisfruttaw il-kapaċità tal-akkwist li l-Ewropa kienet kapaċi tiggarantixxi liċ-ċittadini tagħha.

1.3   Il-kriżi ekonomika u finanzjarja baqgħet tħalli impatt qawwi matul l-2010, u warajha faqqgħet il-kriżi tad-dejn sovran. Il-KESE jixtieq jisħaq fuq it-tagħwiġ possibbli li t-tkomplija tal-kriżi u l-miżuri temporanji biex din tingħeleb jistgħu jikkawżaw f'termini ta’ kompetizzjoni u jenfasizza kemm hu importanti li din tiġi mmonitorjata b'mod rigoruż u li jsiru t-tiswijiet adegwati mill-aktar fis possibbli. Huwa essenzjali li l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru ekonomiku u l-impatt tagħhom fuq il-kompetizzjoni jkunu mmonitorjati billi jiġu vvalutati l-miżuri meħuda: dan huwa l-uniku mod ta’ kif wieħed jista' jiżgura deċiżjonijiet infurmati dwar il-futur tal-miżuri temporanji kontra l-kriżi li jibqgħu jiġu applikati.

1.4   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-iżviluppi rigward il-kooperazzjoni internazzjonali, iżda jixtieq jenfasizza għal darb'ħra li huwa kruċjali li jkun iggarantit kummerċ barrani ġust li jiżgura li pajjiżi terzi ma jibbenefikawx b'mod artifiċjali mil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ billi jipprattikaw dumping soċjali u ambjentali. Għandha tkun iggarantita l-konformità mar-regoli dwar il-kummerċ internazzjonali ġust u r-regoli fundamentali dwar il-protezzjoni ambjentali, kif ukoll il-libertà tal-istabbiliment u għall-assoċjazzjonijiet kummerċjali, u l-Ewropa għandha rwol kruċjali f'dan ir-rigward. L-Unjoni Ewropea għandha tiżgura wkoll li r-regoli tad-WTO kontra kwalunkwe azzjoni li tista' xxekkel l-aċċess tal-kumpaniji Ewropej għas-swieq differenti jkunu applikati b'mod rigoruż billi hija tfassal regoli li jippromovu opportunitajiet indaqs irrispettivament mid-daqs, il-post tal-istabbiliment jew il-qafas fiskali tagħhom. Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE għandha bżonn tidħol f'fażi ġdida, billi tistabbilixxi prijoritajiet ġodda, tiddefinixxi strumenti ġodda u tieħu miżuri aktar effettivi fil-qasam tal-kummerċ ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE. Il-KESE jixtieq jesprimi l-frustrazzjoni tiegħu bil-fatt li t-talbiet preċedenti tiegħu f'dan il-qasam ma wasslux għall-modernizzazzjoni u t-twessigħ tal-approċċ tal-UE f'dan il-qasam.

1.5   Għandha tiġi żgurata l-konformità stretta mal-aspetti kollha tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO dwar id-drittijiet u l-libertajiet tat-trejdjunjins, ix-xogħol tat-tfal, il-kundizzjonijiet tax-xogħol inumani u d-dritt għall-istrajkjar. Fil-livell intern, jeħtieġ ukoll li jiġu armonizzati l-leġislazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri fil-qasam tal-impjiegi u l-opportunitajiet indaqs, bil-għan li jiġi prevenut it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni. Is-suq tax-xogħol, li ntlaqat ħażin mill-kriżi, jitlob ħafna attenzjoni sabiex l-għan tat-tkabbir inklussiv, li jikkostitwixxi prijorità taħt l-Istrateġija “Ewropa 2020”, jintlaħaq billi jiġu promossi ż-żamma u l-ħolqien ta’ impjiegi u l-mobilità.

1.6   Għadd ta’ avvenimenti huma indikati b'rabta mal-Istrateġija “Ewropa 2020”, li l-iżviluppi u l-għodda tagħha speċifiċi għas-settur huma deskritti fir-rapport. Qed tinġibed l-attenzjoni għar-riskji tal-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija, rigward kemm il-kwalità kif ukoll il-kontinwità tal-provvista, u l-prezzijiet. Fejn tidħol l-Aġenda Diġitali, jiġi enfasizzat kemm hu importanti li l-maniġers u l-utenti tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jżidu l-livell ta’ għarfien tagħhom sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw bl-aqwa mod possibbli mill-isforzi li jsiru f'dan il-qasam.

1.7   L-ispekulazzjoni fuq il-prezzijiet tal-komoditajiet ħalliet impatt, għalkemm ir-rapport ma jgħidilna xejn dwar din il-kwistjoni. Huwa kruċjali li wieħed jappoġġja s-suq billi jfassal jew japplika strumenti li jistgħu jikkontrollaw il-volatilità tal-prezzijiet u jtaffu l-impatt fuq il-kompetizzjoni.

1.8   Il-KESE jixtieq jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCAs) ma rnexxilhomx iwettqu r-rwol tagħhom ta’ regolaturi f'ċerti setturi li fihom il-prezzijiet huma influwenzati ħafna mill-varjazzjoni fil-prezzijiet tal-materja prima, fejn iż-żidiet fl-ispejjeż tal-materja prima ħallew impatt dirett u immedjat fuq il-prezz finali, iżda fejn it-tnaqqis ta’ dawn l-ispejjeż ma kellux l-effett oppost. Peress li jinsabu daqstant qrib is-suq, l-NCAs għandhom iservu ta’ għodda ta’ intervent ewlenija għall-politika dwar il-kompetizzjoni billi jiffukaw l-azzjoni fis-swieq reġjonali.

1.9   Nixtiequ niġbdu l-attenzjoni għall-importanza tas-superviżjoni mill-NCAs fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, li fih is-setgħa ta’ negozjar tal-gruppi ekonomiċi ewlenin tista' twassal għal tagħwiġ serju tal-kompetizzjoni, b'riżultat tal-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Filwaqt li l-kumpaniji huma liberi biex jiddeċiedu dwar kif jitqassmu l-prodotti tagħhom, hemm il-biża' li fil-prattika, il-ftehimiet jistgħu jinvolvu l-istabbiliment tal-prezzijiet mix-xerrejja l-kbar; dan jikser b'mod ċar ir-regoli dwar il-bilanċ fin-negozjar, u gradwalment iwassal biex jeqred is-settur tal-produzzjoni u l-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut fuq skala żgħira.

1.10   Ma sarx progress sinifikanti fir-rigward tal-inizjattivi tal-White Paper tal-2008 dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust, u d-drittijiet tal-konsumatur issa qed jiġu mħarsa dejjem inqas f'dan il-qasam: każijiet ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet qed jiżdiedu u mhux qed jiġu kkastigati. Il-proposti Komunitarji meħtieġa għandhom jitfasslu b'mod urġenti f'dan il-qasam, sabiex jiġi ggarantit rimedju effettiv għal każijiet fejn id-dannu kkawżat huwa kollettiv jew mifrux. Il-kummerċ ġust u l-kompetizzjoni ġusta huma kruċjali għall-konsumaturi. L-informazzjoni dwar il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi għandha tkun pertinenti u l-proċeduri għall-ilmenti għandhom isiru eħfef, jekk iridu jiġu żgurati d-drittijiet tal-konsumaturi.

1.11   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma favur l-istabbiliment ta’ privattiva Ewropea bħala għodda li tiffaċilita l-aċċess għall-protezzjoni tal-proprjetà, li huwa inċentiv importanti biex isiru investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni, u jittama li se jintlaħaq qbil dwar l-adozzjoni ta’ din is-sistema l-ġdida ta’ protezzjoni tal-proprjetà.

1.12   L-awtoregolazzjoni tista' tkun mezz effettiv kif jiġi xprunat l-iżvilupp ta’ ċerti swieq li jippromovu l-kummerċ ġust. Hija diġà tat prova li hija għodda aktar effettiva u flessibbli biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-avvenimenti fuq is-swieq u l-prodotti u s-servizzi tagħhom milli ċerti regolamenti u liġijiet. Ir-rapport tal-Kummissjoni ma jsemmix din il-possibbiltà, li għandha tiġi studjata u kkunsidrata.

1.13   L-ispejjeż tat-trasport għall-aċċess għas-swieq ċentrali ta’ spiss ifixklu l-kompetizzjoni sana bejn l-operaturi mir-reġjuni mbiegħda jew insulari tal-UE u dawk li jinsabu f'post aktar vantaġġjuż. Għal dawn il-każijiet għandhom jiġu pprovduti kumpensi u strumenti li jippromovu l-opportunitajiet indaqs.

1.14   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni mistqarra tal-Kummissjoni li tippromovi tibdiliet fir-rapport dwar il-kompetizzjoni billi titbiegħed minn mudell li sempliċiment jikkonsisti fl-elenkar ta’ punti ġeneralment magħrufa u taqleb għal wieħed li jirrispondi għad-diversi talbiet tal-Kumitat. Ta' min wieħed jenfasizza kemm hu importanti li l-kontenut tar-rapport jieħu perspettiva aktar strateġika u b'hekk iwitti t-triq għal dibattitu li jkun aktar dwar il-politika dwar il-kompetizzjoni milli dwar il-liġi tal-kompetizzjoni.

1.15   Madankollu, il-KESE jistaqsi dwar in-nuqqas ta’ referenza, fir-rapport tal-Kummissjoni, għall-ħtieġa li, fl-ispirtu tat-trattati Ewropej, l-entitajiet pubbliċi li jersqu għal operazzjonijiet miftuħin għall-intrapriżi tas-settur privat jirrispettaw ir-regoli tal-kompetizzjoni.

2.   Il-kontenut tar-rapport tal-2010

2.1   Ir-rapport huwa organizzat f'sitt taqsimiet: l-istrumenti tal-politika dwar il-kompetizzjoni, l-applikazzjoni tal-politika skont is-settur, in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni u l-kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, attivitajiet internazzjonali, inizjattivi li jinvolvu l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-kooperazzjoni interistituzzjonali.

2.2   Strumenti

2.2.1   Segwitu għall-implimentazzjoni tal-qafas temporanju tal-kriżijiet għall-għajnuna mill-Istat

2.2.1.1   B'risposta għad-diffikultajiet li kien qed jiffaċċja s-settur finanzjarju b'riżultat tal-kriżi tad-dejn sovran, l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ ġiet estiża bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-banek għall-fondi. Il-ħruġ ta’ garanziji mill-istat sabiex jiġi ffaċilitat dan l-aċċess wera li kien strument effikaċi.

2.2.1.2   Ġew estiżi wkoll il-miżuri ta’ appoġġ li jiffaċilitaw l-aċċess tal-kumpaniji għall-kreditu, għalkemm l-għadd ta’ miżuri kien limitat u kienu ristretti għall-SMEs.

2.2.1.3   Hemm ħtieġa urġenti biex jiġu identifikati l-impatt u l-benefiċċji ta’ dawn il-miżuri. Dan jipprovdi bażi għall-kejl tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-għoti ta’ tali benefiċċji u l-impatt tagħhom fuq il-kompetizzjoni kif ukoll ir-rilevanza tat-tkomplija ta’ din l-assistenza matul l-2012.

2.2.2   Programmi ta’ aġġustament ekonomiku

2.2.2.1   Il-programmi ta’ aġġustament ekonomiku tal-Greċja u l-Irlanda imponew miżuri relatati mal-kompetizzjoni. Fil-Greċja involvew ir-riforma tal-NCA, il-liberalizzazzjoni tal-professjonijiet magħluqa u liġi ġdida dwar l-investiment. Fl-Irlanda involvew bidliet leġislattivi biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet għall-kummerċ u l-kompetizzjoni f'setturi li bħalissa huma protetti mil-leġislazzjoni nazzjonali.

2.2.2.2   Dejn nazzjonali qawwi ż-żejjed jikkawża fuq kollox tagħwiġ tal-kompetizzjoni peress li jħeġġeġ l-attività ta’ ċerti atturi ekonomiċi. U t-tieni, billi ċ-ċittadini jintalbu jagħmlu sforzi ikbar li huma essenzjali biex jiġu bbilanċjati l-kontijiet pubbliċi, dan iqegħidhom f'pożizzjoni aktar dgħajfa minn oħrajn. L-appoġġ lill-Greċja u lill-Irlanda, flimkien ma’ dak lill-Portugall, għandu jitkompla u jitlob attenzjoni kbira fir-rigward tal-impatt li dawn il-miżuri jista' jkollhom fejn jidħol it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni.

2.2.3   L-applikazzjoni ta’ miżuri tal-antitrust

2.2.3.1   Kienet intensiva l-applikazzjoni ta’ miżuri tal-antitrust wara li l-Kummissjoni kienet introduċiet modifiki rigward ir-regolamenti ta’ eżenzjoni ġenerali dwar ftehimiet kemm vertikali kif ukoll orizzontali.

2.2.3.2   Fil-kuntest tal-White Paper tal-2008 dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust – u bil-kontra tas-suġġeriment li sar f'diversi opinjonijiet tal-KESE biex tiġi stabbilita proċedura ta’ rimedju u kumpens kollettiv (azzjoni ta’ grupp fil-livell Komunitarju) -ġie deċiż li titnieda konsultazzjoni pubblika oħra li mhijiex mistennija sabiex tidentifika l-prinċipji komuni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt it-tfassil ta’ proposti leġislattivi dwar ir-rimedju kollettiv. F'dan ir-rigward, hemm urġenza biex jinstabu soluzzjonijiet leġislattivi għall-protezzjoni tal-konsumaturi u n-negozji.

2.2.3.3   Ta' min wieħed jinnota l-impożizzjoni ta’ multi lil 70 intrapriża (27 aktar mill-2009), b'konsegwenza tas-seba' deċiżjonijiet ta’ kartell, u l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni dwar l-antitrust fis-suq tas-servizzi tas-saħħa.

2.2.3.4   Il-ġlieda kontra l-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti rriżultat f'erba' deċiżjonijiet fis-settur tal-enerġija u fil-ftuħ ta’ diversi proċedimenti fis-settur tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni (ICT).

2.2.4   Kontroll tal-amalgamazzjonijiet

B'riżultat tal-kriżi ekonomika, l-għadd ta’ amalgamazzjonijiet matul l-2010 kien relattivament baxx. Ġew innotifikati lill-Kummissjoni 274 transazzjoni, 16-il deċiżjoni ġew suġġetti għal kundizzjonijiet, u ma ġiet deċiża l-ebda projbizzjoni.

2.2.5   Kontroll tal-għajnuna mill-Istat

2.2.5.1   Il-parti l-kbira tal-għajnuna approvata fl-2010 kienet relatata mal-objettivi orizzontali ta’ interess komuni Ewropew (il-konservazzjoni tal-kultura u l-patrimonju, il-koeżjoni reġjonali, il-protezzjoni ambjentali, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u l-kumpens għal ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali).

2.2.5.2   Qed tinġibed l-attenzjoni għall-pubblikazzjoni ta’ manwal dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE mill-qrati nazzjonali, imfassal biex jgħin lill-imħallfin nazzjonali, b'risposta għaż-żieda fl-għadd ta’ każijiet ta’ għajnuna mill-Istat li qed jitressqu quddiem il-qrati nazzjonali.

2.3   Żviluppi settorjali

2.3.1   Fis-settur tas-servizzi finanzjarji, l-attività ewlenija f'termini ta’ kompetizzjoni kienet l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju temporanju għal dan is-settur. Ġie eżaminat numru inqas ta’ każijiet ta’ amalgamazzjoni marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ ristrutturar mitluba għall-għoti ta-għajnuna mill-Istat. L-isforzi għall-istabbilizzazzjoni finanzjarja huma essenzjali u għandhom jitkomplew, għalkemm il-perikli minħabba r-riskju ta’ spekulazzjoni fis-suq m'għandhomx jiġu sottovalutati, biex b'hekk nevitaw li niġu f'sitwazzjoni bħal dik li ġew fiha l-Istati Uniti.

Wara l-ħidma mwettqa preċedentement, il-Kummissjoni għamlet l-impenji offruti mill-Visa legalment vinkolanti rigward il-Ħlas Interskambjali Multilaterali (MIF) tagħha.

2.3.2   F'Novembru 2010, ġiet ippreżentata l-istrateġija tal-enerġija fil-qafas tal-Istrateġija “Ewropa 2020”, immirata biex toħloq suq uniku fis-settur tal-enerġija. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat it-tħassib tal-konsumaturi rigward il-kwalità u l-kontinwità tal-provvista tal-enerġija, b'mod partikolari f'każijiet fejn is-servizzi jkunu pprovduti minn kumpaniji li jinsabu barra l-pajjiż inkwistjoni.

Il miżuri relatati mal-produzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli, l-iffrankar tal-enerġija u r-rimedjar ta’ siti kkontaminati, komplew jiġu inċentivati, u dan skont l-għanijiet għall-klima u l-enerġija stipulati fl-Istrateġija “Ewropa 2020”.

2.3.3   Bħala parti mill-Istrateġija “Ewropa 2020”, il-Kummissjoni nediet l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, li l-għan ewlieni tagħha huwa l-ħolqien ta’ suq uniku għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, b'enfasi partikolari fuq it-tnaqqis sa kważi xejn tad-differenza bejn it-tariffi tar-roaming u dawk nazzjonali u fuq il-kisba ta’ kopertura tal-broadband għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Sfida ewlenija li qed tfeġġ bħalissa tikkonsisti fl-ilħiq ta’ bilanċ fil-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-kummerċ elettroniku u l-intrapriżi ż-żgħar u l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra prattiki inġusti. Għandha tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fil-leġittimità tal-operaturi, is-sigurtà tal-ħlasijiet, u l-protezzjoni tad-data personali.

2.3.4   Fis-suq tal-ICT, l-azzjoni tal-Kummissjoni ffukat fuq il-provvediment ta’ linji gwida dwar il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni bħala mezz li jmexxi 'l quddiem il-kompetizzjoni fis-suq u b'hekk jikkontribwixxi lejn wieħed mill-għanijiet tal-Istrateġija “Ewropa 2020”, li jiġu pprovduti prodotti u servizzi effiċjenti. F'dan il-qasam, għandha tibqa' tingħata attenzjoni lit-taħriġ kemm għall-operaturi u kemm għall-utenti finali fil-għan li jiżdiedu l-ħiliet tagħhom.

2.3.5   Rigward il-midja, il-Kummissjoni kompliet tagħti assistenza għat-transizzjoni mix-xandir analoġiku għal dak diġitali.

2.3.6   Fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li tinħoloq privattiva Komunitarja, qed tkompli l-ħidma fuq il-ħolqien ta’ sistema unifikata tal-privattivi tal-UE għall-industrija farmaċewtika. Tħabbret ukoll reviżjoni tad-“Direttiva ta’ Trasparenza” li tistabbilixxi regoli minimi għall-proċeduri ta’ pprezzar u rimborż għal prodotti mediċinali speċjalizzati.

2.3.7   Fis-settur tal-kura tas-saħħa, ġew eżaminati diversi lmenti mressqa minn fornituri privati tas-servizzi tas-saħħa kontra trattament allegatament inġust tagħhom meta mqabbla mal-fornituri pubbliċi. Madankollu, xejn ma jintqal dwar ir-riżultati ta’ dawn l-ilmenti.

2.3.8   Għas-settur tat-trasport, l-2010 kienet sena ta’ rkupru wara li ntlaqat bil-qawwi mill-kriżi tal-2009, bil-prezzijiet fil-parti l-kbira tagħhom jerġgħu lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi.

2.3.8.1   Fis-settur tat-trasport bl-ajru, saru legalment vinkolanti l-impenji offruti mill-British Airways, l-American Airlines u l-Iberia rigward rotot trans-Atlantiċi, u ġew approvati l-amalgamazzjonijiet bejn il-British Airways u l-Iberia u bejn il-United Airlines u l-Continental Airlines.

2.3.8.2   Fit-trasport ferrovjarju u intern, ġiet adottata proposta għar-riformulazzjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju, li timmira li żżid il-kompetizzjoni billi tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea.

2.3.8.3   Fejn jidħol it-trasport marittimu, ġiet approvata l-għajnuna għall-proġett tal-“awtostradi tal-baħar” abbażi tal-linji gwida tas-settur kif ukoll tal-linji gwida ta’ għajnuna kumplementari, bil-għan li jinqabad it-traffiku tat-triq bejn Franza u Spanja. Il-Kummissjoni nediet ukoll studju dwar il-funzjonament u l-finanzjament pubbliku tal-infrastruttura tal-portijiet.

2.3.9   L-iskadenza għall-ftuħ sħiħ tas-suq tas-servizzi postali ġiet estiża għal ħdax-il Stat Membru, u l-Kummissjoni baqgħet timmonitorja l-liberalizzazzjoni billi tiżgura li l-fornituri tas-servizzi pubbliċi ma jingħatawx vantaġġ inġust.

2.3.10   Fis-settur awtomobilistiku, it-tħassib ewlieni f'termini ta’ kompetizzjoni jirrigwarda r-ristrutturar neċessarju tas-settur u t-tħeġġiġ tal-iżvilupp ta’ karozzi aktar ekoloġiċi.

Ġie adottat Regolament Vertikali ta’ Eżenzjoni Sħiħa għas-swieq ta’ wara l-bejgħ u għall-bejgħ ta’ vetturi ġodda, li jirrigwarda l-manifatturi tal-vetturi u n-negozjanti awtorizzati, dawk li jagħmlu t-tiswijiet u d-distributuri tal-ispare parts; ġew ukoll approvati 15-il amalgamazzjoni fis-settur awtomobilistiku.

2.3.11   Ġie stabbilit il-Forum ta’ Livell Għoli għall-Funzjonament Aħjar tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel, b'risposta għall-problemi ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mid-differenzi fis-setgħa ta’ negozjar bejn il-fornituri u x-xerrejja fid-distribuzzjoni tal-ikel.

Dan is-settur qed jiġi ddominat aktar u aktar minn gruppi kbar, għad-detriment ċar kemm tan-negozju fuq skala żgħira, li ma jistax jikkompeti f'termini ta’ prezz, u l-bejjiegħa bl-imnut, il-manifatturi u d-distributuri ż-żgħar, li l-marġni ta’ profitt tagħhom jingħafas mis-setgħa tal-gruppi l-kbar. Hemm nuqqas ta’ azzjoni preventiva mil-lat tal-NCAs fis-settur rigward abbużi possibbli ta’ pożizzjonijiet dominanti, li huma ta’ ħsara kbira għas-suq. Mhuwiex biżżejjed li wieħed jippreżenta eżempji iżolati tal-aħjar prattika: minflok, ikun xieraq li l-azzjoni tiffoka fuq is-superviżjoni u fuq l-ippenalizzar ta’ prattiki li jippromovu l-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti.

2.4   In-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni u l-kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali

In-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni kompla għaddej bl-attivitajiet tiegħu u wera l-importanza tiegħu fid-diskussjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki rigward l-infurzar tar-regoli tal-antitrust. Ġie stabbilit grupp ta’ ħidma dwar l-amalgamazzjonijiet, u twettqet reviżjoni tar-regolamenti ta’ eżenzjoni ġenerali u l-linji gwida ta’ akkumpanjament rigward il-ftehimiet orizzontali u r-restrizzjonijiet vertikali.

2.5   Attivitajiet internazzjonali

2.5.1   Tkompliet il-ħidma dwar il-kooperazzjoni internazzjonali rigward il-kompetizzjoni, u l-Kummissjoni baqgħet tipparteċipa fin-Netwerk Internazzjonali tal-Kompetizzjoni u fil-Kumitat tal-Kompetizzjoni tal-OECD. Il-kooperazzjoni mal-Istati Uniti kienet intensiva, u tnedew negozjati mal-Konfederazzjoni Svizzera rigward il-kompetizzjoni. Ta' min wieħed jinnota l-prijorità li qed tingħata lill-kooperazzjoni maċ-Ċina u d-diskussjonijiet dwar il-liġi kontra l-monopolju, kif ukoll l-attivitajiet tad-DĠ Kompetizzjoni mal-Indja fl-oqsma tal-ftehimiet restrittivi, l-abbuż tad-dominanza u l-kontroll tal-amalgamazzjonijiet.

2.5.2   U fl-aħħar mill-aħħar, infetħu n-negozjati ta’ adeżjoni dwar il-kapitolu tal-kompetizzjoni mal-Kroazja filwaqt li l-Parlament Tork adotta liġi ta’ għajnuna mill-Istat.

2.6   Djalogu mal-Organizzazzjonijiet tal-Konsumaturi u l-partijiet interessati

2.6.1   Saret disponibbli paġna għall-konsumaturi fuq il-websajt tad-DĠ Kompetizzjoni b'kull lingwa uffiċjali, li tispjega r-rwol tal-politika dwar il-kompetizzjoni u l-inizjattivi u l-għanijiet ewlenin tagħha.

2.6.2   Il-Grupp Konsultattiv dwar il-Konsumaturi Ewropej (ECCG) ħareġ opinjoni dwar l-azzjonijiet għad-danni u ġie kkonsultat dwar ir-restrizzjonijiet vertikali.

2.7   Kooperazzjoni internazzjonali

2.7.1   F'Ottubru daħal fis-seħħ ftehim ta’ qafas ġdid bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni.

2.7.2   Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjonijiet dwar ir-Rapport fuq il-Politika tal-Kompetizzjoni 2008, dwar ir-Regolament ta’ Eżenzjoni Ġenerali dwar Vetturi bil-Mutur, dwar Ftehimiet Orizzontali u dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar għajnuna mill-Istat għall-għeluq tal-minjieri tal-faħam mhux kompetittivi.

2.7.3   Il-Kummissjoni infurmat lill-Kunsill dwar inizjattivi fil-qasam tal-kompetizzjoni, b'enfasi partikolari fuq ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-kriżi.

2.7.4   Il-KESE ta l-kontribut tiegħu fil-qasam tal-politika dwar il-kompetizzjoni billi adotta opinjonijiet dwar ir-Rapport dwar Politika tal-Kompetizzjoni 2008, dwar minjieri tal-faħam mhux kompetittivi, dwar it-tarzna, u dwar il-BER tal-Vetturi bil-Mutur.

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/30


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali”

COM(2011) 456 finali — 2011/0197 (COD)

2012/C 43/07

Relatur: is-Sur Miklós PÁSZTOR

Nhar l-1 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill, u nhar it-13 ta’ Settembru 2011, il-Parlament, iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali

COM(2011) 456 finali — 2011/0197 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tat-8 ta’ Diċembru 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'143 vot favur, 7 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta għal direttiva dwar id-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali. Jemmen li din hija pass importanti 'l quddiem sabiex jintlaħqu l-objettivi komuni tal-UE. Filwaqt li din id-direttiva tirrigwarda qasam ta’ importanza limitata, id-dħul fis-seħħ tagħha se jikkontribwixxi biex jintlaħqu diversi objettivi trasversali. Wieħed jista' jsemmi, pereżempju, l-objettivi ta’ kompetittività u impjieg tal-Istrateġija Ewropa 2020. It-tisħiħ tar-regoli dwar il-protezzjoni ambjentali ser jgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġiji tal-bijodiversità u tal-purità tal-arja f'qasam ewlieni.

1.2   Il-KESE jaħseb li huwa speċjalment importanti li r-regoli l-ġodda għandhom isaħħu l-kompetittività tas-settur, minkejja r-rekwiżiti ambjentali iżjed stretti. Dawn jippruvaw jgħinu lis-settur jaġġusta lilu nnifsu għall-aspettattivi tas-swieq dinjija, u b'hekk jitneħħew l-iżvantaġġi kompetittivi. Il-KESE jittama li f'għadd dejjem ikbar ta’ oqsma jkunu jistgħu jinħolqu sinerġiji komparabbli bejn ir-rekwiżiti ta’ kwalità u ta’ kompetittività. Għaldaqstant jirrakkomanda li jkun hemm kooperazzjoni iżjed mill-qrib mal-imsieħba transatlantiċi bil-għan li jkun hemm trattament komparabbli tal-parametri ta’ kwalità.

1.3   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieda tal-Kummissjoni li tiżgura li l-korpi varji jaħdmu b'mod adatt u mingħajr xkiel. Fl-istess waqt, il-Kumitat jinnota li t-test tant huwa ġenerali li l-istess proċeduri għandhom jiġu applikati u l-istess korpi stabbilti għal kull tip ieħor ta’ prodott.

1.4   F'termini ġenerali, il-KESE jaqbel ukoll mad-dettalji tad-direttiva proposta. Madankollu, jirrakkomanda li l-punti li ġejjin jiġu ċċarati:

huwa importanti li jiġi stabbilit b'mod ċar li l-istandards ta’ sikurezza u tal-emissjonijiet japplikaw għall-ilmijiet kollha, u mhux biss għall-ibħra;

l-istandards ta’ sikurezza japplikaw għat-tipi rilevanti kollha ta’ dgħajjes;

għal magni iżgħar, għandha ssir dispożizzjoni għal perjodu tranżizzjonali iqsar;

fir-rigward tat-tniġġis bil-ħoss (noise pollution), għandu jissaħħaħ il-monitoraġġ Ewropew tar-regolamenti lokali.

1.5   Il-KESE jixtieq jara lill-Unjoni Ewropea tagħmel li tista' biex tkun minn ta’ quddiem fil-qasam tar-regoli u r-regolamenti ambjentali u li tkun ta’ eżempju għall-bqija tad-dinja.

1.6   Abbażi tal-esperjenza miksuba fil-proċess tal-abbozzar tad-direttiva, il-KESE jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tinvolvi firxa mill-iżjed wiesgħa ta’ gruppi fil-konsultazzjonijiet u li tiżgura li l-kwestjonarji jkunu disponibbli u jistgħu jimtlew bil-lingwi kollha tal-parteċipanti.

2.   Il-qofol tal-abbozz tad-Direttiva

2.1   It-test tal-abbozz tal-Kummissjoni għandu l-għan li jirrevedi d-direttiva tal-1994 dwar id-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali fuq il-bażi ta’ żewġ konsiderazzjonijiet: l-ewwel nett, it-tisħiħ tar-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali, u t-tieni li jinbidel il-qafas legali.

2.1.1   Hemm żewġ raġunijiet għalfejn iridu jinbidlu d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ambjentali. L-ewwel raġuni hija ż-żieda fl-għadd ta’ inġenji tal-ilma personali u l-impatt li din ġabet magħha. Filwaqt li kien hemm żieda partikolarment kbira fiż-żieda ta’ emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu, ġiet osservata wkoll żieda fl-emissjonijiet ta’ inkwinanti oħrajn fiż-żoni ġeografiċi milquta. It-tieni raġuni hija l-iżvantaġġ kompetittiv fil-konfront tal-Istati Uniti minħabba l-istandards iktar baxxi tal-emissjonijiet fl-UE; dan ipoġġi lill-esportaturi f'sitwazzjoni diffiċli.

2.1.2   Wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) 765/2008 u d-Deċiżjoni 768/2008/KE, hemm bżonn ta’ direttiva ġdida li tinkludi l-inġenji tal-ilma personali illu jintużaw għar-rikreazzjoni. Dawn ir-regolamenti jirrappreżentaw impenn min-naħa tal-Kummissjoni biex tarmonizza – fir-rigward tal-obbligi ta’ operaturi ekonomiċi, korpi li jevalwaw il-konformità u l-kompetenzi tagħhom, awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, u l-marka CE – il-leġislazzjoni settorjali, fuq kollox bil-għan li titneħħa kull inċertezza dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt. Għaldaqstant jgħinu biex jiżguraw ċertezza legali għall-partijiet interessati kollha.

2.2   Il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi definizzjonijiet iżjed preċiżi fil-qasam li għandu jiġi regolat milli kien hemm s'issa. Il-kunċetti ta’ dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni u inġenji tal-ilma personali huma definiti, flimkien mal-aspettattivi rilevanti. L-atturi varji tas-suq huma definiti wkoll.

2.3   Il-proposta mbagħad tagħti speċifikazzjonijiet dettaljati għall-istrutturi istituzzjonali li jittrattaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur, kif ukoll tiddeskrivi l-kompetenzi tagħhom u l-mod kif joperaw. B'mod ġenerali, id-direttiva tippermetti lill-awtoritajiet lokali jew nazzjonali biex jużaw id-dispożizzjonijiet tagħha biss bħala bażi, filwaqt li l-implimentazzjoni tqis il-ħtiġijiet u l-possibilitajiet lokali, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

2.4   L-annessi għad-direttiva jinkludu rekwiżiti tas-saħħa u tas-sikurezza, standards ambjentali u dokumenti proċedurali oħrajn. Dawn id-dispożizzjonijiet kollha huma adatti għall-kundizzjonijiet ta’ sikurezza speċifiċi għall-inġenji tal-ilma. L-istandards tal-emissjonijiet tal-inkwinanti saru iżjed stretti biex ikunu konformi ma’ dispożizzjonijiet simili fl-Istati Uniti.

2.4.1   Madankollu, il-proposta għal direttiva ma tirrakkomandax li jinbidlu l-limiti fuq it-tniġġis bil-ħoss. Ir-raġuni għal dan hija li tali tniġġis huwa kkawżat minn taħlita ta’ fatturi li ma jistgħux jiġu regolati daqshekk faċilment fil-livell tal-UE. F'dan ir-rigward, ir-regolazzjoni lokali għandha rwol partikolarment importanti x'taqdi.

2.5   B'konformità man-natura tas-suġġett, id-direttiva ser tagħti lill-Kummissjoni d-dritt li temenda d-dokumenti tekniċi u l-proċeduri ta’ konformità relatati mal-istandards ambjentali stipulati fl-annessi, barra mill-valuri tal-limiti, biex b'hekk ikunu jistgħu jsiru aġġustamenti flessibbli għall-iżviluppi teknoloġiċi jew xjentifiċi.

2.6   Aspett ewlieni fid-direttiva huwa li tagħti lok għal perjodu ta’ tranżizzjoni adegwat li jippermetti lill-manifatturi u lill-kummerċjanti jadattaw ruħhom. Fil-każ tal-istandards tal-emissjonijiet, ġeneralment dan għandu jkun tliet snin mid-dħul fis-seħħ tad-direttiva. Għal manifatturi żgħar u ta’ daqs medju ta’ magni li jbigħu magni inqas minn 15 kW li jitqiegħdu fuq barra ta’ dgħajsa, il-perjodu ta’ tranżizzjoni għandu jkun tliet snin itwal.

3.   Valutazzjoni ġenerali

3.1   L-abbozz attwali jintroduċi leġislazzjoni ġdida fuq settur li jipproduċi prodotti finali, spare parts u komponenti (1), b'270 000 impjegat li jaħdmu fi 37 000 kumpanija, flimkien mal-kostruzzjoni ta’ dgħajjes bħala passatemp, li hija attività speċifika ta’ rikreazzjoni. Id-dokument jinterpreta dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni bħala inġenji tal-ilma li huma bejn 2,5 u 24 metru fit-tul u li ma jtellgħux passiġġieri li jħallsu. Fil-leġislazzjoni l-ġdida hemm kategorija separata għal inġenji tal-ilma personali ta’ tul massimu ta’ erba' metri, biex b'hekk jiġu korretti n-nuqqasijiet leġislattivi preċedenti.

3.2   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tagħmel ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur iżjed stretti f'dan il-qasam, b'konformità mal-objettivi ġenerali tagħha. Hija xorti kbira li, minkejja li r-rekwiżiti ambjentali saru iżjed stretti, il-leġislazzjoni l-ġdida fil-fatt tagħmel is-settur iżjed kompetittiv billi taġġustah għall-aspettattivi fis-swieq internazzjonali, u b'hekk jingħeleb l-iżvantaġġ kompetittiv li jeżisti hawnhekk. Il-KESE jittama li dawn is-sinerġiji bejn rekwiżiti ta’ kwalità u kompetittività jinsabu f'dejjem iżjed oqsma. Għaldaqstant, jirrakkomanda kooperazzjoni iżjed mill-qrib mal-imsieħba transatlantiċi għall-iżgurar ta’ approċċ simili għall-parametri ta’ kwalità.

3.3   Għalkemm il-Kummissjoni riedet tindirizza għadd sostanzjali ta’ kwistjonijiet, u sa ċertu punt irnexxiet, wieħed jista' jistaqsi għal liema żona ġeografika tapplika l-leġislazzjoni fil-verità. Hemm bosta indikazzjonijiet li hija mmirata lejn is-settur marittimu. Ikun preferibbli li d-direttiva tiddikjara b'mod iżjed speċifiku li tapplika għad-dgħajjes li jistgħu jintużaw wkoll fil-passaġġi tal-ilma interni.

3.4   Hemm diskussjoni dettaljata ħafna fl-abbozz tad-direttiva dwar il-prinċipji li fuqhom jissejsu l-istrutturi istituzzjonali li jittrattaw il-konformità, kif ukoll dwar il-partijiet interessati tagħhom u r-responsabbiltajiet, il-kompetenzi u l-ħidmiet tagħhom. Il-KESE jaċċetta u japprezza r-rieda tal-Kummissjoni li tiżgura li l-istrutturi istituzzjonali varji jaħdmu b'mod adatt u mingħajr xkiel. Huwa tal-fehma li, f'dan ir-rigward, l-abbozz tad-direttiva jilħaq dawn l-aspettattivi.

3.4.1   Fl-istess waqt, il-Kumitat iħoss li t-test tad-dokument huwa miktub b'mod tant ġenerali li jmur lil hinn mill-finijiet ta’ għodod ta’ regolazzjoni applikabbli għad-dgħajjes għar-rikreazzjoni. Proċeduri jew istituzzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu applikati għal kwalunkwe prodott ieħor. Fir-rigward tal-inġenji tal-ilma, id-dispożizzjonijiet sostantivi huma mfissra fl-annessi. Il-KESE jaħseb li wasal iż-żmien għal leġislazzjoni unifikata dwar il-protezzjoni tal-konsumatur li tistipola approċċ komuni għall-proċeduri u l-istituzzjonijiet, u b'hekk il-leġislazzjoni settorjali tkun tista' tqis b'mod ġenwin kwistjonijiet speċifiċi għal settur partikolari. Dan il-mod ta’ ħidma għandu jagħti kontribut ewlieni għat-tisħiħ tat-trasparenza, iċ-ċarezza u l-aċċettazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea.

3.5   Il-KESE jappoġġja l-idea li s-setgħat jiġu ddelegati lill-Kummissjoni, sabiex tkun tista' temenda l-annessi; jixtieq iżomm id-dritt li jiġi kkonsultat dwar l-emendi u li jkun involut fil-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-emendi.

3.6   Il-KESE jaħseb li l-Kummissjoni ma għamlitx użu sħiħ tal-opportunitajiet kollha biex tinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha bl-iżjed mod wiesa' fil-konsultazzjoni, billi l-proċedura ta’ konsultazzjoni bil-miktub saret esklużivament bl-Ingliż. Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tagħmilha possibbli li fil-futur il-kwestjonarji jkunu disponibbli u jistgħu jimtlew bil-lingwi rilevanti kollha.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-KESE jaqbel mal-kategoriji ta’ inġenji tal-ilma u b'mod ġenerali, mal-eċċezzjonijiet ukoll.

4.1.1   Fl-istess waqt, nixtiequ nistaqsu jekk l-emissjonijiet mill-inġenji tal-ilma użati għal finijiet kompetittivi għandhomx ukoll ikunu suġġetti għal xi restrizzjonijiet; dan għandu jsaħħaħ b'mod sinifikanti l-iżvilupp teknoloġiku. Ta' min jiġi ġeneralizzat l-ambitu tal-livelli tal-emissjonijiet għal kategoriji differenti ta’ prestazzjonijiet.

4.1.2   Iqumu wkoll xi mistoqsijiet fir-rigward tal-użu kummerċjali tal-inġenji tal-ilma. Il-KESE jaħseb li l-istandards tas-sikurezza u tal-emissjonijiet mhumiex relatati mal-għan li għalih tkun qed tintuża d-dgħajsa.

4.1.3   Il-KESE jixtieq jirrakkomanda wkoll li l-inġenji tal-ilma mingħajr magna għandhom jissemmew ukoll b'mod espliċitu fil-leġislazzjoni, billi l-ħtiġijiet ta’ sikurezza jibqgħu l-istess – anke jekk is-soluzzjonijiet tekniċi huma differenti, u dan m'għandux jaffettwa l-istandards.

4.2   Il-KESE jaqbel mal-istandards tal-emissjonijiet u jappoġġja l-proposta biex dawn jogħlew. Madankollu, il-Kumitat jaħseb li għandu jiġi enfasizzat li f'konformità mal-impenji tagħha, fil-futur l-UE għandha tkun minn ta’ quddiem nett biex tgħolli l-istandards u mhux issegwi lil ħaddieħor. Dan għandu jiġi enfasizzat b'mod partikolari fir-rapporti ta’ implimentazzjoni, u waħda mill-ħidmiet tal-“proċedura fil-kumitat” tista' tkun li din id-direttiva tintrabat ma’ miżuri ta’ innovazzjoni.

4.3   Il-KESE jaqbel ukoll li huwa importanti, sabiex jiġi miġġieled it-tniġġis bil-ħoss, li jsiru iżjed stretti ir-regoli lokali filwaqt li jkun hemm il-possibilità għal monitoraġġ fil-livell Ewropew bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili.

4.4   Il-KESE jappoġġja l-perjodi ta’ tranżizzjoni għall-atturi fis-suq.

4.5   Il-KESE jappoġġja l-istituzzjonijiet proposti biex jimmonitorjaw il-konformità u jittama li dawn ma jfissrux biss iżjed burokrażija iżda li jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur. Il-Kumitat jaqbel li f'dawn il-każi, mhumiex biżżejjed l-awtoregolazzjoni u l-ħidma tal-kumitati li jirrappreżentaw lill-partijiet interessati ekonomiċi rilevanti; madankollu, għandu jissaħħaħ ir-rwol konsultattiv ta’ dawn il-korpi.

4.5.1   Għal dan il-għan, irridu nużaw l-għodod l-iżjed moderni tal-IT; il-Kummissjoni trid tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu dan.

4.6   Il-KESE jaqbel li l-inġenji tal-ilma kollha f'din il-kategorija, inklużi l-inġenji li jinbnew minn persuni individwali (self-built craft), għandhom ikunu suġġetti għall-proċeduri ta’ konformità.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Prodott indipendenti mibni fi prodotti oħrajn iżda li jista' jintuża b'mod separat ukoll.


ANNESS

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

a)   L-emenda li ġejja nċaħdet waqt id-diskussjoni fis-sessjoni plenarja iżda rċeviet aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 1.4

Ibdel kif ġej:

“F’termini ġenerali, il-KESE jaqbel ukoll mad-dettalji tad-direttiva proposta. Madankollu, jirrakkomanda li l-punti li ġejjin jiġu ċċarati:

huwa importanti li jiġi stabbilit b’mod ċar li l-istandards ta’ sikurezza u tal-emissjonijiet japplikaw għall-ilmijiet kollha;

l-istandards ta’ sikurezza japplikaw għat-tipi rilevanti kollha ta’ dgħajjes;

fir-rigward tat-tniġġis bil-ħoss (noise pollution), għandu jissaħħaħ il-monitoraġġ Ewropew tar-regolamenti lokali.”

Raġuni

Id-definizzjonijiet fil-bidu tal-proposta tal-Kummissjoni (b’mod impliċitu) kif ukoll f’partijiet oħrajn, bħal dik dwar id-dwal tan-navigazzjoni u l-Anness 1 (b’mod espliċitu), jgħidu li r-regoli għandhom japplikaw fl-ilmijiet kollha. M’hemm l-ebda predominanza għall-baħar fit-test tal-Kummissjoni; jidher li din hi perċezzjoni tar-relatur.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur

:

69

Voti kontra

:

78

Astensjonijiet

:

13

b)   It-test li ġej, li kien jagħmel parti mill-opinjoni tas-sezzjoni, tneħħa wara li l-assemblea approvat l-emendi iżda rċieva aktar minn kwart tal-voti:

Punt 1.3

Ibdel kif ġej:

“Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieda tal-Kummissjoni li tiżgura li l-korpi varji jaħdmu b’mod adatt u mingħajr xkiel. Fl-istess waqt, il-Kumitat jinnota li t-test tant huwa ġenerali li l-istess proċeduri għandhom jiġu applikati u l-istess korpi stabbilti għal kull tip ieħor ta’ prodott. Il-KESE jaħseb li wasal iż-żmien biex jiġu adottati regoli armonizzati ta’ protezzjoni tal-konsumatur sabiex jiġu koperti dawn il-proċeduri u strutturi istituzzjonali. B’hekk, ir-regolazzjoni settorjali tkun tabilħaqq tista’ tqis il-kwistjonijiet relatati mas-settur. Dan il-mod ta’ ħidma għandu jagħti kontribut ewlieni għat-tisħiħ tat-trasparenza, iċ-ċarezza u l-aċċettazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea.”

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur

:

73

Voti kontra

:

70

Astensjonijiet

:

13

Punt 4.4

Ibdel kif ġej:

“Il-KESE jappoġġja l-perjodi ta’ tranżizzjoni għall-atturi fis-suq. Għal magni żgħar, sena jew tnejn jistgħu jkunu biżżejjed minflok it-tliet snin proposti.”

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur

:

78

Voti kontra

:

49

Astensjonijiet

:

10


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal”

COM(2011) 60 finali

2012/C 43/08

Relatur: is-Sinjura JOÓ

Nhar il-15 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal

COM(2011) 60 finali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'170 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Sommarju Eżekuttiv u Rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-“Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal” (minn issa 'l quddiem imsejħa “il-Komunikazzjoni”) li l-Kummissjoni ppubblikat fil-15 ta’ Frar 2011 u jittama li din ser tkun il-punt tat-tluq għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Drittijiet tat-Tfal u għall-aktar integrazzjoni sħiħa possibbli tad-drittijiet tat-tfal. Il-Komunikazzjoni ġiet ippubblikata wara erba' snin ta’ preparazzjoni, u qabilha ġiet ippubblikata l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata Lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal f'Lulju 2006, li l-KESE kien ħareġ opinjoni dwarha (1).

1.2

It-tfal huma grupp tal-popolazzjoni tal-UE li l-interessi u l-benesseri tagħhom huma ta’ importanza fundamentali, kemm rigward is-sitwazzjoni ġenerali tagħhom u l-kwalità ta’ ħajjithom kif ukoll l-investiment għall-ġejjieni. Tfulija ta’ kwalità għolja appoġġjata mid-drittijiet tiżgura l-iżvilupp soċjoekonomiku u tagħmilha possibbli li l-UE tilħaq l-għanijiet tagħha fl-oqsma kollha. Għandu jiġi enfasizzat li l-idea li t-tfal jitqiesu bħala “ínvestiment għall-ġejjieni” għandha timxi id f'id mal-kunċett ta’ tfulija ferħana, peress li kemm għat-tfal kif ukoll għas-soċjetà l-preżent huwa importanti daqs il-ġejjieni.

1.3

Il-Kumitat jinnota li l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea introduċa l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal bħala objettiv tal-Unjoni Ewropea u li din il-protezzjoni hija mnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li hija legalment vinkolanti. Il-Karta tapplika għall-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE, u għall-Istati Membri huma u jimplimentaw il-leġislazzjoni tal-UE. Għalhekk, kwalunkwe proposta leġislattva Ewropea ġdida tiġi vvalutata skont l-impatt tagħha fuq id-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet tat-tfal.

1.4

Il-KESE jinnota l-objettivi modesti u limitati stabbiliti fil-Komunikazzjoni. L-Unjoni Ewropea ma rratifikatx il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, kif għamlet fil-każ tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà (2). L-UE għandha ssib mod unilaterali kif tikkonforma ma’ din il-Konvenzjoni tan-NU (3). L-Istati Membri għandhom jipprovdu rapporti komprensivi kull sentejn biex jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tat-tfal, billi jkopru mhux biss is-sitwazzjoni ekonomika tat-tfal iżda wkoll il-fatturi l-oħra kollha li jikkontribwixxu għall-benesseri tagħhom, abbażi ta’ ġbir sistematiku tad-data, riċerka u analiżijiet. Dan għandu jiffaċilita l-ħolqien ta’ bażi tad-data u ta’ għodda tal-UE għall-evalwazzjoni, li jikkumplementaw l-informazzjoni eżistenti disponibbli.

1.5

Il-Kumitat iħoss li għandu jsir aktar użu mid-data u l-informazzjoni bħar-rapporti li l-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jfasslu għall-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u b'hekk jippermettu li jsir tqabbil bejn l-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tat-tfal; fl-istess ħin, diversi organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Eurostat, l-OECD, il-Bank Dinji, eċċ., għandhom jitħeġġu jiġbru data relatata mad-drittijiet tat-tfal u jużaw l-indikaturi rilevanti permezz ta’ ġbir sistematiku u analiżijiet. Il-KESE jirrakkomanda li l-UE tikkoopera mill-qrib mal-Kunsill tal-Ewropea sabiex jinħolqu sinerġiji bejn il-programmi tagħhom (4).

1.6

Il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Komunikazzjoni ma tinkludix strateġija effettiva għall-implimentazzjoni jew l-applikazzjoni tagħha, avolja l-indikaturi maħruġa mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u l-lista komprensiva ta’ strumenti ta’ evalwazzjoni mfassla għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal jistgħu jservu ta’ bażi sodisfaċenti f'dan il-każ; fuq kollox, l-eżistenza ta’ din l-istrateġija ta’ implimentazzjoni toffri garanzija li l-istrateġija dwar id-drittijiet tat-tfal ser tkun applikata u infurzata.

1.7

Huwa neċessarju li jkun hemm parteċipazzjoni adatta mit-tfal fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet li jikkonċernawhom u fl-evalwazzjoni tal-programmi; barra minn hekk, ikun utli li jitkejjel is-sodisfazzjon tagħhom u li jiġu evalwati fehmiethom. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tinvolvi lit-tfal u biex tappoġġja l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kwistjonijiet kollha relatati magħhom. Huwa essenzjali wkoll li jiġu inkorporati l-fehmiet ta’ organizzazzjonijiet professjonali u ta’ professjonisti li jaħdmu mat-tfal.

1.8

Il-KESE jirrakkomanda li l-programmi stabbiliti biex jiżguraw l-infurzar u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal ikunu f'sinerġija u jinteraġixxu ma’ programmi oħra tal-UE (dwar l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, l-integrazzjoni tar-Roma, il-ġlieda kontra l-faqar, il-ġustizzja li tkun qrib il-ħtiġijiet tat-tfal, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, ir-relazzjonijiet esterni); dawn il-programmi għandhom ukoll jenfasizzaw b'mod viżibbli l-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tat-tfal u l-interessi u l-benesseri tagħhom. Għall-KESE huwa wkoll importanti li d-drittijiet tat-tfal jiġu ggarantiti permezz ta’ approċċ integrat, f'kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib bejn id-Direttorati Ġenerali differenti tal-Kummissjoni.

1.9

Il-KESE jirrakkomanda li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tiġi evalwata minn tal-inqas mill-perspettiva tad-drittijiet tat-tfal u l-benesseri tat-tfal, b'mod li jkun konsistenti mal-objettivi tal-Istrateġija, filwaqt li jitħalla lok għal evalwazzjoni separata ta’ dawn l-objettivi mill-perspettiva tal-ippjanar fit-tul (peress li t-tfal huma investiment għall-ġejjieni).

1.10

Il-KESE jirrakkomanda li l-UE tagħti attenzjoni partikolari għall-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet ta’ gruppi partikolarment vulnerabbli ta’ tfal (tfal li jgħixu fil-faqar, 'il bogħod mill-familji tagħhom jew f'istituti, tfal li jinsabu mhedda jew li jġarrbu vjolenza jew sfruttament, tfal li jgħixu b'xi diżabbiltà, tfal minn minoranzi etniċi jew bi sfond ta’ migrazzjoni, tfal mhux akkumpanjati, rifuġjati, tfal li ħarbu mid-dar, tfal ta’ ġenituri migranti li jkunu ħallewhom warajhom) kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew. Il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u d-dritt għall-integrità u d-dinjità tal-bniedem wasslu sabiex il-KESE jikkundanna kwalunkwe użu ta’ vjolenza kontra t-tfal, anke vjolenza li għandha l-għan li tiddixxiplina t-tfal fit-trobbija tagħhom id-dar. Għalhekk il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jiddikjaraw is-swat tat-tfal bħala att illegali u jtenni t-talba tiegħu għal Rappreżentant Speċjali.

1.11

Il-Kumitat iħoss li huwa partikolarment importanti li d-drittijiet tat-tfal – kif ukoll il-mezzi kif dawn id-drittijiet jistgħu jiġu protetti u infurzati – jixxerdu u jiġu mgħallma. Barra mill-fatt li l-pubbliku għandu jingħata informazzjoni ta’ kwalità għolja, għandha tingħata attenzjoni speċjali wkoll biex l-informazzjoni titwassal lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u lill-professjonisti legali u oħrajn, kif ukoll lill-ispeċjalisti u lill-politiċi nazzjonali u Ewropej; għandha ssir enfasi wkoll fuq it-taħriġ ta’ dawk li jaħdmu mat-tfal u l-familji flimkien mal-ġenituri u t-tfal infushom, mhux biss biex jiġi żgurat li dawn ikunu konxji mid-drittijiet tat-tfal iżda wkoll biex jifhmu l-ħtieġa li t-tfal ikunu detenturi ta’ drittijiet tal-bniedem – mhux biss “adulti ċkejknin bi drittijiet ċkejknin” – iżda bi protezzjoni aktar b'saħħitha minħabba l-vulnerabbiltà, l-età u s-sitwazzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw lill-familji b'kull mod possibbli billi huwa fl-interess ewlieni tat-tfal.

1.12

Filwaqt li jirrikonoxxi li d-drittijiet tat-tfal għandhom jitqiesu b'mod olistiku u kumpless, u mhux b'mod separat, il-Kumitat jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari għal ċerti kwistjonijiet, bħall-kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja, aċċessibbli u bla ħlas għall-ommijiet qabel u wara li jwelldu, bħala aspett tas-saħħa pubblika u s-saħħa tat-tfal, kif ukoll il-kwistjonijiet indirizzati fil-Komunikazzjoni, bħal ġustizzja adatta għat-tfal, inklużi d-delinkwenti minorenni (5).

1.13

Sabiex tiġi żgurata ġustizzja li ma jkollhiex effetti negattivi fuq it-tfal, il-KESE jappella biex jiġu adottati miżuri li jipprovdu seduti protetti għat-tfal li huma vittmi ta’ abbuż sesswali jew li huma involuti fil-proċedimenti ta’ divorzju tal-ġenituri tagħhom. Ix-xhieda tagħhom għandha tinstema' b'tali mod li jiġi evitat li t-tfal ikunu esposti għal iżjed trawma u għaldaqstant għandha ssir bl-għajnuna ta’ esperti professjonali mħarrġa b'mod speċifiku, possibilment f'postijiet newtrali barra mill-qorti.

1.14

Il-faqar tat-tfal, it-tiċħid, id-diskrimnazzjoni u l-esklużjoni huma wħud mill-aktar ostakli serji għall-infurzar tad-drittijiet tat-tfal; għalhekk, il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni li esprima fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu fejn qal li f'dawn l-oqsma għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi f'rabta stretta mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 rigward it-tnaqqis tal-faqar u kull forma ta’ edukazzjoni. Għal dan il-għan, għandu jkun hemm disponibbli riżorsi adegwati. Għandha dejjem tingħata prijorità lill-politiki u l-azzjonijiet relatati mat-tfal.

1.15

Fil-kuntest tal-kriżi ekonomika, ta’ restrizzjonijiet finanzjarji u ta’ riżorsi limitati, il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni speċjali biex jiġi żgurat li l-problemi eżistenti ma jiggravawx u li l-attivitajiet li għaddejjin bħalissa rigward il-protezzjoni u t-tisħiħ tad-drittijiet tat-tfal ma jisfawx vittma tal-miżuri mmirati lejn it-tnaqqis tal-ispejjeż.

2.   Sfond

2.1

L-Istati Membri kollha tal-UE rratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (6) ((United Nations Convention on the Rights of the Child – minn issa 'l quddiem imsejħa l-UNCRC) u fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi din saret parti integrali mil-liġi nazzjonali; għaldaqstant, l-applikazzjoni tagħha hija mandatorja. L-UNCRC hija l-konvenzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem l-aktar ratifikata fid-dinja; matul dawn l-aħħar għoxrin sena, ġabet magħha bidla fundamentali fil-prinċipji u l-prattiki dwar il-pożizzjoni, id-drittijiet u r-rwol tat-tfal.

2.2

Il-Kummissjoni ddefinixxiet it-tfal bħala prijorità ewlenija fost l-objettivi strateġiċi tagħha għall-perjodu 2005-2009, u f'Lulju 2006 ppubblikat Komunikazzjoni separata intitolata Lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal  (7) fejn tipprevedi qafas għal strateġija komprensiva dwar id-drittijiet tat-tfal filwaqt li tintegra l-protezzjoni u t-tisħiħ tad-drittijiet tat-tfal fl-oqsma kollha ta’ politika interna u esterna tal-UE u tappoġġja l-ħidma tal-Istati Membri f'dan il-qasam.

2.3

Il-KESE appella għal strateġija komprensiva, kumplessa u olistika tal-UE bil-għan li tiggarantixxi b'mod sħiħ u effettiv l-infurzar tad-drittijiet tat-tfal f'konformità mal-UNCRC kemm fil-politiki interni kif ukoll f'dawk esterni tal-UE, kif ukoll fil-kuntest tal-attivitajiet tal-Istati Membri mmirati lejn l-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar id-drittijiet tat-tfal (8).

2.4

L-opinjoni li l-KESE ppubblika fl-2006 sostniet li l-approċċ lejn id-drittijiet tat-tfal li jadottaw il-politiki tal-UE għandu jkun ibbażat fuq l-UNCRC u ż-żewġ protokolli fakultattivi tagħha, kif ukoll l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (9) rilevanti u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Il-KESE reċentement ħareġ bosta opinjonijiet li jindirizzaw aspetti differenti tad-drittijiet tat-tfal (10).

2.5

Il-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li fl-Artikolu 24 tagħha tistabbilixxi l-prinċipju tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, saret dokument legalment vinkolanti bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009. Għall-ewwel darba fl-istorja tal-UE, l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jirreferi b'mod espliċitu għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal (11). “Il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal huma wieħed mill-objettivi tal-Unjoni Ewropea. Il-politiki u l-azzjonijiet kollha li għandhom impatt fuq it-tfal għandhom ikunu mfassla, implimentati u mmonitorjati f'konformità mal-aħjar interessi tat-tfal” (12).

2.6

Fil-programmi tal-UE, tal-Kunsill tal-Ewropa u tan-NU dwar id-drittijet tat-tfal, sibna l-erba' temi komuni li ġejjin: il-faqar u l-esklużjoni soċjali, it-tfal bħala vittmi tal-vjolenza, il-gruppi partikolarment vulnerabbli ta’ tfal, u l-ħtieġa li t-tfal jiġu involuti, ikkonsultati u mogħtija widen b'mod attiv fil-kwistjonijiet li jikkonċernawhom. Tema komuni oħra għall-UE u għall-Kunsill tal-Ewropa hija ġustizzja adatta għat-tfal u l-politiki tal-familja.

2.7

Fl-opinjoni tiegħu (13) ta’ Ġunju 2010, il-Kumitat tar-Reġjuni enfasizza li d-drittijiet tat-tfal għandhom jiġu applikati b'mod trasversali għall-kwistjonijiet kollha; dan jirrikjedi approċċ multidimensjonali, bl-integrazzjoni tal-kwistjonijiet relatati mat-tfal fil-politiki Ewropej u nazzjonali kollha.

2.8

Il-Kummissjoni stabbiliet Forum Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; dan il-forum iltaqa' ħames darbiet u semma' leħnu dwar l-istrateġija li qed titfassal bħalissa. Barra minn hekk, twettqu żewġ stħarriġiet dwar is-sensibilizzazzjoni tat-tfal rigward id-drittijiet tagħhom u l-fehmiet li għandhom dwar dan is-suġġett; is-sejbiet ta’ dawn l-istħarriġiet taw kontribut għat-tħejjija tal-programm (14). Il-Komunikazzjoni tirreferi wkoll għad-drittijiet tat-tfal kif stipulati mill-Kunsill tal-Ewropa, b'attenzjoni partikolari għall-vjolenza fuq it-tfal, l-isforzi biex tiġi żgurata ġustizzja adatta għat-tfal kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet u l-konvenzjonijiet rilevanti.

2.9

Il-Grupp ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (Child Rights Action Group – CRAG) (15) huwa grupp importanti li jiġbor flimkien l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-CRAG huwa raggruppament informali ta’ NGOs, bil-għan li jikkoopera dwar is-segwitu u l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea intitolata Lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal.

2.10

Fir-rebbiegħa 2011, inħolqot alleanza informali bejn il-partiti tal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tat-tfal; din iddotat lilha nnifisha bil-prijorità ta’ approċċ ikkoordinat u konsistenti lejn il-kwistjonijiet relatati mat-tfal, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tat-tfal (16).

3.   Id-drittijiet tat-tfal fl-UE

3.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-ewwel Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Applikazzjoni tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-UE (17), ippubblikat fil-31 ta’ Marzu 2011, li jħares lejn is-sitt kapitoli tal-Karta (Dinjità, Libertajiet, Ugwaljanza, Solidarjetà, Drittijiet taċ-Ċittadini u Ġustizzja) b'taqsima separata dwar id-drittijiet tat-tfal taħt it-titolu “Ugwaljanza”. Il-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali timpenja bil-qawwa lill-UE sabiex tinforza d-drittijiet tat-tfal, filwaqt li tiggarantixxi lit-tfal id-dritt għall-ħajja, il-protezzjoni, l-iżvilupp u l-parteċipazzjoni attiva.

3.2

Il-KESE jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, wara konsultazzjoni wiesgħa tal-ispeċjalisti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, żviluppat indikaturi biex tkejjel l-infurzar tad-drittijiet tat-tfal (18) u fasslet studju b'tagħrif dwar il-benesseri tat-tfal li jgħixu fl-UE; madankollu, dan l-istudju jinkludi biss data dwar il-kundizzjonijiet u l-interessi materjali, u ma fih l-ebda indikatur kompost biex ikejjel il-kwalità tal-ħajja u l-protezzjoni tat-tfal f'termini ta’ arranġamenti prattiċi u ta’ firxa (19).

3.3

Il-Kumitat jenfasizza li sħubija trasversali biss jista' jirnexxilha tipproteġi u tapplika d-drittijiet tat-tfal b'mod effettiv; fi sħubija bħal din, l-Istati Membri, il-livelli differenti ta’ gvern, l-NGOs nazzjonali u internazzjonali, flimkien mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-forums li jirrappreżentaw interessi varji bħat-tfal u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom, u l-imsieħba soċjali bħal dawk li jħaddmu, it-trade unions u operaturi mid-dinja tan-negozju, jaħdmu flimkien biex jiksbu ċerti objettivi.

3.4

Filwaqt li huwa minnu li l-Kummissjoni tittratta l-faqar tat-tfal u d-diversi gruppi ta’ tfal partikolarment vulnerabbli, ma tiffukax fuq dawn il-kwistjonijiet, minkejja l-importanza konsiderevoli tagħhom għall-benesseri attwali tat-tfal u għas-suċċess tat-tranżizzjoni futura tagħhom lejn l-istat ta’ adulti u l-integrazzjoni tagħhom, mhux tal-inqas fil-kuntest tal-problemi demografiċi magħrufa tajjeb li qed tiffaċċja l-Ewropa. Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali għall-prevenzjoni ta’ kull tip ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fost it-tfal.

3.5

Il-kriżi ekonomika hija fattur ta’ riskju għall-interessi u l-benesseri tat-tfal u tolqot it-tfal b'diversi modi, speċjalment dawk li jgħixu f'kundizzjonijiet ibsin: fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, is-servizzi u l-professjonisti li jaħdmu magħhom qed jiffaċċjaw diffikultajiet huma stess, u qed ikun hemm nuqqas ta’ numru dejjem jikber ta’ servizzi bażiċi jew inkella dawn qed ikunu disponibbli b'mod tassew limitat.

3.6

Fir-relazzjonijiet esterni tagħha, l-UE tagħti importanza kbira lil kwistjonijiet speċifiċi li huma importanti fil-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tat-tfal; dawn il-kwistjonijiet jinkludu l-kustodja transkonfinali, it-tfal irrappurtati neqsin, it-tfal migranti, it-tfal mhux akkumpanjati, it-tfal li huma migranti irregolari u li jinsabu detenuti u t-tfal sfruttati, kif ukoll it-tfal li jisfaw vittmi ta’ abbuż sesswali jew tat-turiżmu sesswali (20). Madankollu, ma tittrattax il-problema dejjem aktar serja tat-tfal li l-ġenituri migranti jħallu warajhom fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Għal dawn it-tfal, in-nuqqas ta’ superviżjoni waqt li l-ġenituri jkunu qed jaħdmu fi Stat Membru tal-UE joħloq problema serja, bħalma huwa l-każ meta l-ġenituri ma jkunux f'pożizzjoni li jieħdu lil uliedhom magħhom minħabba nuqqas ta’ kundizzjonijiet stabbli; f'din is-sitwazzjoni, anke jekk ix-xogħol tal-ġenituri jkun meħtieġ f'pajjiż ieħor u dawn iħallsu t-taxxa u l-kontribuzzjonijiet tagħhom f'dan il-pajjiż, uliedhom m'għandhomx drittijiet u huma esposti għal riskji serji.

3.7

Il-KESE jħoss li huwa partikolarment importanti li saret l-ewwel rakkomandazzjoni dwar ir-rabta bejn id-drittijiet tat-tfal u n-negozju (21), meta l-UNICEF, il-Patt Globali tan-NU u Save the Children nedew proċess biex jiżviluppaw prinċipji u linji gwida maħsuba bħala għajnuna għan-negozji fil-protezzjoni u l-appoġġ tad-drittijiet tat-tfal. Dan il-proċess mhux biss joffri skop għal azzjoni pożittiva iżda jiġbed ukoll l-attenzjoni għal riperkussjonijiet negattivi potenzjali, b'mod partikolari fir-rigward tal-pubbliċità (li jħeġġu lit-tfal jikkunsmaw prodotti li huma ta’ ħsara għas-saħħa fiżika u mentali tagħhom, jew jirrikorru għal imġiba vjolenti, riskjuża jew erotika u pornografika), it-tendenzi tal-konsum, inklużi s-saħħa u n-nutrizjoni, it-turiżmu, it-tħaddim tat-tfal u d-diskriminazzjoni. Is-setturi kollha għandhom rwol ewlieni x'jaqdu f'dan il-qasam u għalhekk għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u dawk tan-negozju kif ukoll it-trade unions, sabiex dawn l-objettivi jintlaħqu kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Istati Membri.

3.8

Il-KESE jħoss li filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-programmi relatati mat-tfal jaqgħu taħt il-kompetenzi nazzjonali, hemm numru dejjem jikber ta’ rakkomandazzjonijiet u attivitajiet tal-UE f'bosta oqsma (pereżempju t-tfal żgħar, it-taħriġ vokazzjonali, it-tfal li jħallu l-iskola kmieni u t-tfal irrappurtati neqsin). Dawn jinfluwenzaw il-politiki nazzjonali, iżda ħafna drabi l-firxa ta’ din l-influwenza fuq l-implimentazzjoni nazzjonali mhijiex ċara.

3.9

F'diversi programmi tal-UE (pereżempju dwar iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, l-integrazzjoni tar-Roma, il-ġlieda kontra l-faqar, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, ir-relazzjonijiet esterni, l-edukazzjoni, eċċ.), il-possibbiltajiet għall-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tat-tfal għandhom jiġu organizzati skont il-prijoritajiet, b'enfasi fuq il-gruppi differenti ta’ tfal partikolarment vulnerabbli, inklużi t-tfal ta’ ġenituri li jaħdmu barra mill-pajjiż u li jkunu ħallewhom warajhom fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

3.10

F'opinjoni preċedenti (22), il-KESE ħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq kariga ta’ Rappreżentant Speċjali biex jiddefendi d-drittijiet tat-tfal u ħeġġeġ lill-istati jaħdmu biex jabolixxu kull forma ta’ vjolenza kontra t-tfal. Għalhekk, il-KESE jiddispaċih li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni kontra s-swat tat-tfal. Is-swat jirrappreżenta ksur tad-dritt tat-tfal li ma jissawtux. It-tfal li jissawtu jitgħallmu jużaw il-vjolenza huma stess. Il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u d-dritt għall-integrità u d-dinjità tal-bniedem ifissru li l-KESE jikkundanna kwalunkwe użu ta’ vjolenza kontra t-tfal, anke vjolenza li għandha l-għan li tiddixxiplina t-tfal fit-trobbija tagħhom id-dar, u għalhekk jitlob lill-Istati Membri jiddikjaraw is-swat tat-tfal bħala att illegali. Itenni t-talba tiegħu għal Rappreżentant Speċjali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jaħdmu biex jabolixxu s-swat tat-tfal fl-Istati Membri tal-UE kollha.

3.11

Il-Kumitat jaqbel li jekk it-tfal jingħataw widen, jiġu kkonsultati u jiġu involuti fil-kwistjonijiet kollha li jikkonċernawhom, tiġi żgurata l-possibbiltà li d-drittijiet tagħhom jiġu infurzati filwaqt li t-tfal jitħejjew għal ċittadinanza attiva. Sabiex dan iseħħ, huwa importanti wkoll li jiġi żgurat l-aċċess għal verżjonijet tad-dokumenti li jkunu adatti għat-tfal u li jinħolqu u jiġu ġestiti pamfleti u siti elettroniċi, jew sezzjonijiet speċifiċi fi ħdanhom, li jkunu aċċessibbli bl-istess mod, hekk kif ippjana d-DĠ għall-Ġustizzja (23).

3.12

Is-sistemi legali kollha tal-UE għandhom jadottaw il-miżuri li ġejjin sabiex jiżguraw ġustizzja li tirrispetta lit-tfal u tevita li jsofru minn dannu psikoloġiku:

ix-xhieda tat-tfal li sfaw vittmi ta’ abbuż sesswali għandha tinstema' b'tali mod li jiġi evitat li t-tfal ikunu esposti għal iżjed trawma u għaldaqstant għandha ssir bl-għajnuna ta’ esperti professjonali mħarrġa b'mod speċifiku, possibilment f'postijiet newtrali barra mill-qorti;

meta tfal ikunu involuti fi proċedimenti ċivili relatati mad-divorzju tal-ġenituri tagħhom, is-seduti għandhom jitmexxew bl-istess kawtela, u t-tfal għandhom ikunu mħarsa mill-isfruttament mill-ġenituri tagħhom jew mill-avukati tad-difiża.

3.13

Sabiex id-drittijiet tat-tfal jiġu kkomunikati b'mod aktar effettiv, ir-rwol pożittiv tal-mezzi tax-xandir, inklużi dawk soċjali, huwa essenzjali, billi dawn jindirizzaw lill-ġenituri, lill-professjonisti u lit-tfal stess.

3.14

Il-KESE jirrakkomanda l-użu tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni, kif ukoll ta’ mekkaniżmi oħrajn, bħala approċċ li ta xhieda tas-siwi tiegħu huwa u jiġi żgurat li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-identifikazzjoni u l-użu tal-aħjar prattiki jistgħu jgħinu jipproteġu u jinfurzaw id-drittijiet tat-tfal filwaqt li jintegraw il-kwistjonijiet relatati mat-tfal f'politiki oħrajn.

3.15

Bħala rappreżentant prominenti tas-soċjetà ċivili, il-KESE beħsiebu jikkontribwixxi billi jagħmel monitoraġġ sistematiku tar-riżultati u billi jxerrred u jsaħħaħ id-drittijiet tat-tfal permezz tal-membri tiegħu.

3.16

Sabiex il-leġislazzjoni tiġi infurzata b'mod aktar effettiv, il-KESE jqis li huwa opportun u neċessarju li jiġu stabbiliti kooperazzjoni u konsultazzjoni aktar mill-qrib milli kien il-każ s'issa bejn il-korpi differenti tan-NU, il-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Kunsill tal-Ewropa u l-organizzazzjonijiet internazzjonali dwar it-tfal u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lit-tfal, peress li l-objettivi u l-attivitajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet huma marbuta mal-infurzar estensiv u komprensiv tad-drittijiet tat-tfal.

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2006) 367 finali u ĠU C 325, 30.12.2006, pp. 65-70.(mhux disponibbli bil-Malti)

(2)  http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/11/4.

(3)  Huma biss Stati li jistgħu jiffirmaw jew jaderixxu mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, għall-kuntrarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà, li tinkludi din il-possibbiltà għall-organizzazzjonijiet reġjonali. Waħda mis-soluzzjonijiet potenzjali tista' tkun stqarrija unilaterali ta’ adeżjoni mill-UE, li fil-prattika jista' jkollha effetti simili għall-adeżjoni, mingħajr id-diffikultajiet relatati mar-ratifika.

(4)  L-Istrateġija li ġejja tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Drittijiet tat-Tfal 2012-2015 u strateġiji oħrajn f'oqsma relatati.

(5)  ĠU C 110, 09.05.2006, p. 75 (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  http://www2.ohchr.org/english/law/crc.htm.

(7)  COM(2006) 367 finali (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  ĠU C 325, 30.12.2006, pp. 65-70 (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Assemblea Ġenerali tan-NU, Dikjarazzjoni tan-NU dwar il-Millennju, 8 ta’ Settembru 2000.

(10)  ĠU C 48, 15.2.2011, pp. 138-144, ĠU C 44, 11.2.2011, pp. 34-39, ĠU C 339, 14.12.2010, pp. 1-6, ĠU C 317, 23.12.2009, pp. 43-48.

(11)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2008:115:0013:0045:MT:PDF.

(12)  http://ec.europa.eu/justice/fundamental-rights/rights-child/index_en.htm (mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  ĠU C 267, 1.10.2010, pp. 46-51.

(14)  Eurobarometer: http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_235_en.pdf

(15)  Il-membri ta’ dan il-grupp huma dawn: Terre des Hommes, World Vision, European Foundation for Street Children Worldwide, Save the Children, Euronet – European Children's Network, Eurochild, Plan International, SOS-Kinderdorf International, http://www.epha.org/a/2610.

(16)  http://www.eurochild.org/ (http://www.eurochild.org/index.php?id=208&tx_ttnews%5Btt_news%5D=1819&tx_ttnews%5BbackPid%5D=185&cHash=cc6d4444ebae436b2a844a082a0ea2a8).

(17)  http://fra.europa.eu/fraWebsite/attachments/charter-applic-report-2010_EN.pdf.

(18)  http://fra.europa.eu/fraWebsite/attachments/FRA-report-rights-child-conference2010_EN.pdf.

(19)  http://www.tarki.hu/en/research/childpoverty/tarki_chwb_mainreport_online.pdf.

(20)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Protezzjoni tat-tfal minn persuni li qed jivvjaġġaw u li huma awturi ta’ reati sesswali, ĠU C 317, 23.12.2009, pp. 43-48

(21)  Inizjattiva dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Prinċipji tan-Negozju (Children's Rights and Business Principles Initiative).

(22)  ĠU C 325, 30.12.2006, p. 65-70

(23)  Ara s-sezzjoni għat-tfal fuq http://www.europa.eu.


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — It-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE”

COM(2011) 274 finali

u dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità”

COM(2011) 275 finali — 2011/0129 (COD)

2012/C 43/09

Relatur: is-Sinjura WALKER SHAW

Nhar it-18 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni Ewropea u, nhar id-29 ta’ Ġunju, il-Kunsill iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — It-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE

COM(2011) 274 finali

u dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità

COM(2011) 275 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’142 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa iktar mill-qrib fil-forma ta’ studju l-impatt tal-kriżi fuq il-vittmi ta’ reat u tressaq miżuri ta’ akkumpanjament ibbażati fuq ir-riżultati.

1.2   Il-KESE jinsab inkwetat dwar il-livell baxx ta’ fiduċja tal-vittmi fis-sistema tal-ġustizzja kriminali u jirrikonoxxi l-bżonn li l-vittmi, b’mod partikolari l-vittmi ta’ atti kriminali ripetuti, jingħataw is-setgħa li għandhom bżonn biex jaġixxu u biex jiżviluppaw fiduċja ċivili sabiex ikissru ċ-ċiklu ta’ vittimizzazzjoni. Huwa jitlob lill-Kummissjoni sabiex tqis l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ akkumpanjament u ta’ finanzjament li jappoġġjaw dan.

1.3   Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni temenda d-definizzjoni ta’ “vittma” sabiex issaħħaħ id-drittijiet u r-rikonoxximent tal-familja jew tar-rappreżentant tal-vittma.

1.4   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex twettaq analiżi komprensiva tal-ħarsien tal-vittmi li jġarrbu danni fuq ix-xogħol permezz ta’ atti kriminali, u sabiex tressaq miżuri ta’ akkumpanjament li jappoġġjaw id-drittijiet minimi u r-rikonixximent fl-UE fis-settur privat kif ukoll dak pubbliku.

1.5   Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq analiżi fil-fond dwar il-vittmi ta’ reati tat-traffiku fit-triq, u li tressaq miżuri sabiex ikunu żgurati l-ġustizzja, l-appoġġ u l-kumpens.

1.6   Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tibni salvagwardji iktar effettivi fil-proposti tagħha sabiex tindirizza diskriminazzjoni diretta u indiretta tal-vittmi.

1.7   Il-KESE jitlob bidla kulturali kbira sabiex jiġi aċċettat ir-rwol tal-vittma u sabiex il-bidla tkun akkumpanjata minn taħriġ ta’ professjonisti u prattikanti fil-livelli kollha tas-sistema ġudizzjarja u fil-livell ta’ awtoritajiet rilevanti oħra gilwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Din għandha tinkludi t-trattament ta’ vittmi mill-mezzi tax-xandir b’mod ġenerali, u l-prevenzjoni tal-isfruttament politikament motivat tal-vittmi.

1.8   Il-KESE jaċċetta li ċerti vittmi huma partikolarment vulnerabbli u jeħtieġu trattament speċifiku, iżda jemmen li l-Kummissjoni, iktar milli tidentifika l-“vittmi vulnerabbli”, u b’hekk tista’ toħloq ġerarkija ta’ vittmi, għandha tipproponi li l-vittmi kollha ta’ reat jkollhom aċċess għal miżuri speċjali wara valutazzjoni individwali li ssir b’konformità mal-proċeduri nazzjonali sabiex tiddetermina l-vulnerabbiltà tagħhom fid-dawl tal-karatteristiċi personali tagħhom, in-natura tar-reat u r-relazzjoni mall-persuni suspettati.

1.9   Il-KESE jsejjaħ għal miżuri ta’ akkumpanjament li jsaħħu u jifformalizzaw in-netwerk ta’ servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi fl-UE u jissuġġerixxi li dan jiġi finanzjat b’mod konsistenti mill-Baġit tal-UE. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li r-rwol tas-servizzi ta’ appoġġ jiġi estiż sabiex jappoġġja lill-vittmi ta’ reat u l-familji tagħhom meta jirritornaw lura f’darhom f’każijiet fejn l-inċident sar barra minn pajjiżhom. Il-KESE jemmen ukoll li s-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi għandhom ikunu flessibbli u kapaċi li jimmiraw ir-riżorsi fir-reġjuni lejn żoni potenzjalment iktar vulnerabbli minn oħrajn.

1.10   Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol iktar mifrux tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp ta’ miżuri prattiċi ta’ appoġġ għall-vittmi ta’ reat u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tressaq miżuri ta’ akkumpanjament u finanzjament biex jiffaċilitaw dan.

1.11   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq titjib fuq firxa wiesgħa u meħtieġ tad-dispożizzjonijiet ta’ kumpens għall-vittmi fir-reviżjoni li jmiss tagħha; iħeġġiġha tikkunsidra wkoll skema fil-livell tal-UE ta’ kumpens għal danni mġarrba minħabba reat. Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni tenfasizza lill-Istati Membri li d-direttiva tipprovdi l-istandards minimi u d-drittijiet bażiċi li jippermettu li l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali tipprovdi protezzjoni akbar.

1.12   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti relatati mal-ġustizzja restorattiva, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-finanzjament ta’ proġett pilota għall-iżvilupp ta’ standards u taħriġ fil-ġustizzja restorattiva madwar l-UE.

1.13   Il-KESE jappella lill-Kummissjoni tal-UE tiżviluppa proċeduri komuni fi skadenzi limitati u definiti b’mod ċar (1) għat-trasportazzjoni u r-ripatrijazzjoni tal-fdalijiet umani tal-vittmi transkonfinali, li għandhom jieħdu l-preċedenza fuq ir-regoli nazzjonali jew provinċjali.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-pakkett ta’ proposti mniedi mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Mejju 2011 jespandi l-miżuri li jeżistu fil-qasam tad-drittijiet tal-vittmi u li huma adottati fil-livell tal-UE. Il-proposti jfittxu li jipprovdu drittijiet ċari u konkreti għall-vittmi ta’ reat u li jiżguraw ir-rikonoxximent, ir-rispett, il-ħarsien, l-appoġġ u l-aċċess għall-ġustizzja irrispettivament mill-oriġini tagħhom fl-UE jew il-post ta’ residenza tagħhom.

2.2   Il-KESE jirrikonoxxi li t-Trattat ta’ Lisbona issa jipprovdi bażi legali ċara li permezz tagħha l-UE tista’ tistabbilixxi drittijiet u protezzjoni minimi għall-vittmi ta’ reat. Il-proposti huma bbażati fuq il-Programm ta’ Stokkolma (2) u l-Pjan ta’ Azzjoni (3) tiegħu u jikkonformaw mal-pjan direzzjonali ta’ Budapest (4).

2.3   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Presidenza Pollakka tat prijorità lit-tisħiħ tas-sigurtà fl-UE u huwa sodisfatt ukoll bl-isforzi li qed isiru mill-Presidenza sabiex isir progress fil-Pakkett tal-Vittmi fil-Kunsill.

2.4   Il-KESE wettaq firxa wiesgħa ta’ ħidma rilevanti fil-qasam fil-forma ta’ opinjonijiet dwar il-kumpens tal-vittmi tal-kriminalità (5), it-traffikar (6), l-isfruttament u l-abbuż sesswali u l-pornografija tat-tfal (7) id-drittijiet tat-tfal (8), il-Politika tal-UE ta’ kontra t-terroriżmu (9), l-inklużjoni diġitali (10) u ċ-ċiberkriminalità (11).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE jenfasizza li l-Istati Membri ma jistgħux jinjoraw l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja li għadha għaddejja fuq il-kwistjoni u l-bżonn li nifhmu d-dinamika tal-kriminalità f’dan il-kuntest. Il-miżuri stretti ta’ awsterità li implimentaw bosta Stati Membri qed inaqqsu s-servizzi tal-pulizija, tas-saħħa u servizzi soċjali oħra, l-organizzazzjonijiet komunitarji, il-finanzjament għas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi u NGOs relatati oħra. Barra minn hekk, l-inugwaljanzi eżisteni qed ikomplu jinfirxu u l-livelli ta’ faqar u qgħad li qed ikomplu jiżdiedu probabbli ser jikkawżaw problemi soċjali oħra u jservu ta’ katalisti tal-kriminalità.

3.2   L-istatistika fil-livell tal-UE dwar il-vittmi ta’ reat hija allarmanti. Kull sena n-nies jisfaw vittmi diretti ta’ iktar minn 75 miljun att kriminali. Mhuwiex aċċettabbli l-fatt li l-maġġoranza tal-atti kriminali jġarrbuhom dejjem l-istess persentaġġ ta’ vittmi li jisfaw vittimizzati darba wara l-oħra. Normalment, il-vittmi jgħixu f’żoni b’livelli għolja ta’ kriminalità, b’livelli għolja ta’ biża’ mill-kriminalità u b’livell baxx ta’ kriminalità rappurtata. Madwar 90 % tal-atti kriminali f’dawn il-komunitajiet ma jiġux rappurtati.

3.3   It-tisħiħ tal-appoġġ għall-vittmi ta’ reat fl-UE huwa pilastru fundamentali tal-iżvilupp taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-UE. Dan huwa importanti ħafna fid-dawl tan-numru dejjem jiżdied ta’ nies li jivvjaġġaw jew li jmorru jgħixu u jaħdmu fl-UE, tendenza li mistennija tkompli.

3.4   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-proposti jagħmluha possibbli li ċ-ċittadini li sfaw vittmi ta’ att kriminali filwaqt li kienu barra minn pajjiżhom fi Stat Membru ieħor jirrappurtaw l-att kriminali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. Dan huwa importanti b’mod partikolari f’każijiet ta’ korrimenti jew inċidenti serji jew għall-familji f’każ ta’ mewt.

3.5   Il-KESE jappoġġja l-approċċ orizzontali tad-direttiva li tkopri d-drittijiet għall-vittmi kollha.

3.6   Importanti l-fatt li l-proposti jirrikonoxxu t-tbatija u l-isfidi li tiffaċċja l-familja tal-vittma kif ukoll il-vittmi nnifishom iżda dan għandu jiġi rifless b’mod iktar konsistenti fil-proposti.

3.7   Każijiet bħal dawn għandhom konsegwenzi fiżiċi, emozzjonali u finanzjarji koroh li jitolbu appoġġ kemm għall-vittmi kif ukoll għall-familji tagħhom li jaqdu rwol ċentrali fl-appoġġ għall-vittmi, fil-kuntatti li jagħmlu mal-awtorititajiet, l-appoġġ mediku, xibka sħiħa ta’ amministrazzjoni, it-tfittxija tal-persuna/i suspettata/i u fit-talba għall-ġustizzja u kumpens.

3.8   Il-KESE jemmen li għandhom jiġu rikonoxxuti d-diffikultajiet miżjuda u l-istress għall-vittmi u l-familji tagħhom f’sitwazzjonijiet transkonfinali fejn għandhom l-isfidi addizzjonali ta’ lingwi, proċeduri u kulturi differenti li ma jkunux familjari magħhom u li jistgħu jidhru insuperabbli.

3.9   B’mod ġenerali, 50 % tal-vittmi ta’ reat ma jirrappurtawx l-att kriminali lill-“awtorità kompetenti”. Jista’ jkun hemm bosta raġunijiet għal dan, inkluż il-fatt li l-vittmi ma jifhmux is-sistema tar-rappurtar jew ta’ tressiq ta’ lment jew m’għandhomx fiduċja fl-awtoritajiet li jipprovdu l-għajnuna, il-ħarsien u l-appoġġ sabiex il-vittma tikseb ġustizzja jew kumpens. Il-KESE jixtieq jara li l-proposti mressqa jiġu trasformati f’miżuri prattiċi li jindirizzaw in-nuqqqas ta’ fiduċja fis-sistema ġudizzjarja li jesperjenzaw il-vittmi.

3.10   Studji jikkonfermaw (12) li l-miżuri eżistenti ma jindirizzawx il-bosta problemi prattiċi u tekniċi li jiltaqgħu magħhom il-vittmi u l-familji tagħhom meta jkunu fl-iktar stat vulnerabbli u jkunu jirrikjedu l-għajnuna.

3.11   Dawn il-proposti huma pass importanti biex jiġi żgurat li l-vittmi u l-familji tagħhom jiġu l-ewwel, jiġu rikonoxxuti, trattati b’dinjità u rispett u jirċievu l-ħarsien, l-appoġġ u l-aċċess għall-ġustizzja li jistħoqqilhom bi dritt. F’ċirkustanzi vulnerabbli bħal dawn m’għandhom qatt iħossuhom waħedhom.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Attwalment, hemm ħafna inkosistenza fejn jidħlu s-saħħa u l-effettività tad-dispożizzjonijiet fl-UE u hemm bżonn ta’ bidla kbira li tiżgura standards aċċettabbli ta’ appoġġ, ħarsien u drittijiet li ċ-ċittadini tal-UE jistgħu jserrħu fuqhom kemm meta jkunu f’pajjiżhom kif ukoll fi Stat Membru ieħor. Mhuwiex aċċettabbli li l-livell ta’ appoġġ li jirċievu l-vittmi jkun lotterija li tiddependi minn fejn ikunu sfaw vittmi fl-UE.

4.2   Il-KESE jirrikonoxxi li l-membri tiegħu jinsabu f’pożizzjoni unika sabiex jagħtu kontribut biex jiżguraw li dawn il-proposti jiġu implimentati b’mod effettiv u fir-rigward tal-miżuri ta’ akkumpanjament imsemmija fil-Komunikazzjoni, jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha mal-KESE biex tħeġġeġ l-organizzazzjonijiet kostitwenti rispettivi tagħhom, fejn dan huwa rilevanti,sabiex jiżviluppaw strutturi, politiki u prattiki prattiċi li jipprovdu appoġġ iktar sistematiku u effettiv għall-vittmi ta’ reat u l-familji tagħhom.

4.3   Ir-rikonoxximent u l-protezzjoni

4.3.1   L-ambitu tad-definizzjoni ta’ “vittma” fid-direttiva jkopri biss lil “membri tal-familja ta’ persuna li tkun tilfet ħajjitha minħabba reat kriminali”. Il-KESE jemmen li din id-definizzjoni hija wisq limitata u tinjora l-fatt li bosta vittmi superstiti tant ikunu feruti li jkollhom bżonn ta’ livell għoli ta’ appoġġ biex jeżerċitaw il-kapaċità legali tagħhom biex imexxu lment jew il-proċess legali għall-ġustizzja u kumpens u għalhekk dan jaqa’ fuq il-membri tal-familja jew persuni oħra ta’ appoġġ. Dawn jeħtieġu rikonoxximent ukoll. Il-KESE jissuġġerixxi li jiġi emendat l-Artikolu 2 (Definizzjonijiet) tad-dokument tal-Kummissjoni COM(2011) 275 sabiex jiġi inkluż punt addizzjonali 2(a)iii: “Il-persuna ta’ appoġġ rikonoxxuta, kemm jekk tkun membru tal-familja jew impjegat ta’ vittma li għandha bżonn ta’ livell għoli ta’ appoġġ fl-eżerċitar tal-kapaċità legali tagħha qabel jew wara l-att kriminali.”

4.3.2   Minkejja l-isforzi li saru biex ikun hemm konformità mar-regoli dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-proposti ma jgħidu xejn dwar il-kwistjoni tal-ħarsien tal-vittmi ta’ mġiba kriminali li jġarrrbu danni fuq ix-xogħol, inklużi nies li jaħdmu fit-trasport bit-triq jew tipi oħra ta’ trasport. Madanakollu. l-Istati Membri għandhom approċċi differenti ta’ kif jiddetermimaw x’jikkostitwixxi reat kriminali f’termini ta’ ksur tad-drittijiet tal-post tax-xogħol u tal-protezzjoni u dan jista’ jhedded il-garanzija ta’ standards minimi fl-UE. Dan għandu implikazzjonijiet ukoll għall-ħaddiema sekondati. Il-KESE, għaldaqstant, jitlob analiżi komprensiva ta’ din il-kwistjoni mill-Kummissjoni u għall-miżuri ta’ akkumpanjament li jappoġġjaw id-drittijiet minimi għal dawk li jisfaw vittmi ta’ mġiba kriminali fuq il-post tax-xogħol, li jkunu japplikaw għas-settur pubbliku kif ukoll għal dak privat.

4.3.3   Il-KESE jinsab imħasseb fir-rigward tad-definizzjoni ta’ vittma bħala “persuna fiżika” għax id-definizzjoni tista’ teskludi organizzazzjonijiet jew negozji li jisfaw vittmi ta’ reat kriminiali milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont id-direttiva. Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni twettaq studju sabiex tanalizza l-bżonn ta’ azzjonijiet speċifiċi f’dan il-qasam, b’mod partikolari b’relazzjoni mal-SMEs sabiex titjieb il-protezzjoni minn vittimizzazzjoni ripetuta.

4.3.4   Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għadha ma indirizzatx b’mod adegwat il-problema prinċipali ta’ diskriminazzjoni diretta u indiretta kontra l-vittmi, inkluża d-diskriminazzjoni kulturali, u jissuġġerixxi li tibni salvagwardji iktar effettivi fil-proposti sabiex tindirizza din il-kwistjoni. Il-vittmi jistgħu jkunu suġġetti għal vittimizzazzjoni u diskriminazzjoni doppja meta jiġu mmirati għall-abbuż minħabba r-razza, ir-reliġjon, it-twemmin, l-orjentazzjoni sesswali, diżabbiltà, sess jew sfond soċjali tagħhom, u din hija l-kawża prinċipali tar-rata estremament għolja ta’ każijiet ta’ reati mhux rappurtati. Il-vittmi jistgħu jiffaċċjaw id-diskriminazzjoni permezz ta’ trattament inaċċettabbli mill-awtoritajiet jew mis-sistema ġudizzjarja billi ma jitwemmnux jew ma jiġux trattati b’dinjità, rispett u rikonoxximent.

4.3.5   Il-KESE jitlob għal bidla kulturali kbira b’mod li jiġi aċċettat ir-rwol tal-vittma fis-sistema ġudizzjarja. L-iżgurar ta’ taħriġ adegwat għall-professjonisti u l-prattikanti huwa l-ewwel pass importanti fimkien mar-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni timmira programmi ta’ finanzjament sabiex tikseb din il-bidla kulturali fl-aġenziji prinċipali.

4.3.6   Il-protezzjoni tal-vittmi ta’ reat hija ta’ importanza ċentrali għall-proposti Dan huwa partikolarment importanti meta l-vittmi u l-familji tagħhom ikunu fil-viċinanza jew fl-istess bini tal-akkużat, fl-isptar, il-qorti jew l-għassa tal-pulizija. Jeħtieġ li jiġu adottati proċeduri standard sabiex ikun żgurat (iktar milli “jistabbilixxu b’mod progressiv”, kif hemm imsemmi fil-proposti) li jiġi evitat kull kuntatt bejn il-vittmi u l-familji tagħhom u l-persuni suspettati, billi dawn jitqiegħdu fi kmamar separati, bl-użu ta’ faċilitajiet separati.

4.3.7   Huwa importanti wkoll li jiġi evitat li persuni jsiru vittmi potenzjali. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-monitoraġġ ta’ forom ġodda ta’ vittimizzazzjoni li qed jinħolqu, pereżempju ċ-ċiberkriminalità, u jitlobha tevalwa liema miżuri huma meħtieġa għall-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi. L-iżvilupp ta’ programmi li jibbażaw fuq is-suċċess ta’ programmi bħalma huwa Daphne sabiex ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar theddid potenzjali, u t-teħid ta’ azzjoni preventiva fil-każ ta’ theddida, huwa kruċjali għat-tnaqqis tan-numru tal-vittmi.

4.3.8   L-istatistika turi li persuni li kienu vittmi jsiru ħafna aktar vulnerabbli għal iktar vittimizzazzjoni. Bosta persuni li kienu ġew abbużati meta kienu tfal, id-dar jew fil-kura ta’ istituzzjonijiet finanzjati mill-istat jew istituzzjonijiet oħrajn jisfaw vittmi ħajjithom kollha. Ħafna jsibuha diffiċli jitkellmu dwar is-sitwazzjoni tagħhom, u biex jieħdu passi u jirrappurtaw il-vittimizzazzjoni. Il-KESE jixtieq li jkun hemm miżuri ta’ akkumpanjament u fondi mmirati tal-UE favur l-awtonomija tal-vittmi, u lil dawk li huma xhieda tal-vittimizzazzjoni, sabiex joħorġu miċ-ċiklu ta’ vittimizzazzjoni ripetuta, u jiżviluppaw fiduċja ċivili, b’mod partikolari f’komunitajiet b’rata għolja ta’ kriminalità.

4.3.9   Filwaqt li jaċċetta li ċerti vittmi huma partikolarment vulnerabbli, bħalma huma t-tfal u l-persuni b’diżabbiltà li jeħtieġu trattament speċifiku, il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li, meta jiġu identifikati ċerti “vittmi vulnerabbli”, il-Kummissjoni tkun qed tħeġġeġ il-ħolqien ta’ ġerarkija ta’ vittmi, li għandu l-potenzjal li jwassal għal diskriminazzjoni kontra vittmi oħra. Il-vittmi kollha huma vulnerabbli, u l-KESE jemmen li approċċ aħjar ikun dak li ssir proposta biex il-vittmi kollha ta’ reat jkollhom aċċess għall-miżuri speċjali permezz ta’ valutazzjoni individwali, skont il-proċeduri nazzjonali, biex tiġi determinata l-vulnerabbiltà tagħhom fir-rigward tal-karatteristiċi personali tagħhom, in-natura tar-reat, u r-relazzjoni mal-persuna suspettata. Huma ta’ importanza vitali l-metodoloġiji li jirrikonoxxu u jifhmu l-ambjent soċjali u l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tal-vittma, u jipprovdu wkoll approċċ imsejjes fuq l-appoġġ. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi emendat l-Artikolu 18 tal-COM(2011) 275 sabiex jitneħħew il-punti 1, 2 u 5, u li jiġu emendati r-referenzi u l-formulazzjoni tat-test li jifdal b’mod adegwat, inkluża t-tneħħija tal-kelmiet “l-oħra kollha” fl-ewwel linja tal-punt 3.

4.3.10   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Proposta għal Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili, u jagħraf li din hija leġislazzjoni komplementari meħtieġa għall-Proposta għal Direttiva CSL 00002/2010 dwar l-Ordni Ewropea ta’ Protezzjoni (fil-qasam kriminali). Il-KESE jinnota li ntlaħaq ftehim bejn il-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew dwar din il-proposta. Il-KESE jemmen li l-użu u l-format taż-żewġ miżuri għandhom jiġu standardizzati kemm jista’ jkun sabiex tiġi faċilitata l-ħidma. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet sabiex ikun żgurat li l-ordnijiet ta’ protezzjoni jiġu infurzati b’mod effettiv.

4.3.11   Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol pożittiv li għandhom il-mezzi tax-xandir fir-rigward tal-appoġġ tad-drittijiet u r-rikonoxximent tal-vittmi, u jixtieq li jkun hemm dispożizzjonijiet fil-proposti li jiżguraw bilanċ bejn ir-rikonoxximent ta’ dan ir-rwol pożittiv u l-protezzjoni tal-privatezza tal-vittmi u l-familji tagħhom waqt il-proċediment tal-qorti u protezzjoni mill-attenzjoni intrużiva u mhux mixtieqa tal-mezzi tax-xandir, inkluża vittimizzazzjoni politikament motivata mix-xandir. Wisq ta’ spiss jiġu ppubblikati immaġni, ritratti u dettalji personali mingħajr kunsens u dan huwa invażjoni mhux aċċettabbli tal-privatezza u l-ħajja tal-familja. Huwa essenzjalili jiġu garantiti r-rispett, l-integrità u d-drittijiet tal-bniedem għall-vittmi u l-familji tagħhom meta l-aktar ikunu vulnerabbli. F’dawn il-każijiet, il-mezz tax-xandir responsabbli għandu jkun obbligat jirrimedja tali vjolazzjoni billi jirrikonoxxiha pubblikament bl-istess viżibbiltà medjatika li jkun ingħata r-reat li ġarrbet il-vittma.

4.3.12   Il-KESE jixtieq ukoll li jara referenza fil-proposti għal rekwiżit biex l-aġenziji pubbliċi, u b’mod partikolari l-pulizija, jipproteġu wkoll il-privatezza tal-vittmi u l-familji tagħhom. Peress li l-pulizija huma l-akbar fornituri ta’ informazzjoni għall-mezzi tax-xandir, dan jeħtieġ li jingħata attenzjoni. Dan l-aħħar, ir-rivelazzjonijiet xokkanti fir-Renju Unit rigward l-aċċess illegali għat-telefowns tal-vittmi u tal-familji tagħhom ikkawżaw skandlu. Jeħtieġ li l-UE tiżgura protezzjoni akbar għall-vittmi u l-familji tagħhom f’dan il-qasam, kemm f’pajjiżhom kif ukoll barra minn pajjiżhom.

4.4   Id-dritt għall-informazzjoni, id-dritt li wieħed jinftiehem, u d-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni

4.4.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti biex jiġu pprovduti drittijiet ċari u estensivi lill-vittmi għal informazzjoni fil-ħin, rilevanti u speċifika għall-każ, u li jiġu aġġornati dwar kif qed jipprogressa l-każ tagħhom. Wisq ta’ spiss, tul il-każijiet jinħlew ħin, informazzjoni u evidenza prezzjużi, b’mod partikolari fejn ma jkunx ċar mill-bidu jekk kienx hemm reat jew le, pereżempju persuni neqsin, li għerqu, li waqgħu, jew mewta mhux spjegata. Id-dewmien fil-ħin jista’ jkun ikbar fil-każijiet transkonfinali, b’mod partikolari meta ma jkunx hemm xhieda tar-reat. Dan m’għandux jikkawża dewmien biex jiġu attivati miżuri għall-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi. L-istħarriġ bl-użu tal-Eurojust jew it-Trattat dwar l-Għajnuna Legali Reċiproka huwa limitata peress li dan tal-aħħar jirreferi biss għal kwistjonijiet kriminali. Il-KESE jixtieq li jkun hemm miżuri ta’ akkumpanjament sabiex jinstabu modi kif jitneħħew l-ostakli għal talbiet ta’ investigazzjoni jew stħarriġ.

4.4.2   Huwa importanti li wieħed ikun jaf minn fejn jikseb l-informazzjoni u kif għandu jirrapporta theddida jew inċidenti, u fis-sitwazzjonijiet transkonfinali, din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli aktar fil-pront mingħand l-awtoritajiet rilevanti bħalma huma l-pulizija, l-uffiċċji tal-konsulati/ambaxxati, l-isptarijiet u l-uffiċċji tal-awtoritajiet lokali u s-siti elettroniċi tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tkun inkluża wkoll mad-dokumenti tal-ivvjaġġar mingħand il-kumpaniji tal-ivvjaġġar u l-linji tal-ajru, iddupplikati biex min qed jivvjaġġa jkun jista’ jħalli kopja mal-qrabat jew il-ħbieb tiegħu.

4.4.3   Attwalment ma hemmx koordinazzjoni u kooperazzjoni biżżejjed bejn l-awtoritajiet rilevanti fil-każijiet transkonfinali, fejn ta’ spiss il-liġijiet u l-kulturi differenti jirriżultaw f’ostakli jew riluttanza mill-awtoritajiet biex jaqsmu l-informazzjoni u jikkooperaw. Il-KESE jixtieq ukoll li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin u dawk tal-Ġustizzja tal-UE sabiex jiżviluppaw Memorandum ta’ Fehim biex isir skambju ta’ informazzjoni bejn pulizija u ieħor, permezz tal-persunal Konsulari, biex jitwieġbu l-mistoqsijiet leġittimi tal-vittma jew tal-familja dwar investigazzjoni. Dan jitlob li l-awtoritajiet rilevanti jimpenjaw ruħhom li jipprovdu d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità/uffiċjal li qed jinvestiga lil kollega nominat f’ġurisdizzjoni oħra li jkun jista’ jikkomunika mal-vittmi jew mal-familji tagħhom sabiex jipprovdi informazzjoni, b’salvagwardji, fejn meħtieġ, biex ma tinxteridx informazzjoni.

4.4.4   Bosta pajjiżi m’għandhomx sistemi ta’ servizzi ta’ kollaborazzjoni għall-familja fi ħdan il-forza tal-pulizija jew il-maġistrati istruttorji, u jesiġu li familja tqabbad avukat biex jirrappreżentahom qabel ma jgħaddu xi informazzjoni, u dan jista’ jkun għali u jaqbeż il-limitu ta’ kemm jistgħu jħallsu l-familji. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra miżuri ta’ akkumpanjament għall-iżvilupp ta’ mudelli tal-aqwa prattika f’dan il-qasam sabiex dawn jiġu adottati b’mod aktar uniformi madwar l-UE.

4.4.5   L-Istati Membri għandhom jinħtieġu jippubbliċizzaw fil-wisa’ u b’mod regolari informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi u minn fejn jista’ jinkiseb appoġġ. Għandhom jinħtieġu wkoll jikkooperaw fil-livell tal-UE fil-provvediment multilingwi ta’ din l-informazzjoni sabiex l-ispejjeż jiġu minimizzati.

4.4.6   Id-dritt li wieħed jifhem u li jkun mifhum huwa essenzjali għall-kisba tal-ġustizzja. Il-KESE jissuġġerixxi li l-Istati Membri jagħmlu valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ komunikazzjoni għall-vittmi u l-familji tagħhom li jkunu qed jieħdu sehem fi proċedimenti kriminali, sabiex ikun żgurat li dawn għandhom l-appoġġ li jeħtieġu biex jifhmu u jkunu mifhuma.

4.4.7   Drittijiet fuq firxa wiesgħa għal interpretazzjoni u traduzzjoni b’xejn fi proċedimenti kriminali huma drittijiet fundamentali tal-bniedem, u huma partikolarment kritiċi għall-vittmi u l-familji tagħhom f’każijiet transkonfinali. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-fatt li dawn id-drittijiet issa qed jiġu estiżi għall-vittmi. Preokkupazzjonijiet dwar l-ispejjeż ta’ dawn is-servizzi m’għandhomx ikunu eżaġerati peress li bosta Stati Membri diġà jissodisfaw dawn id-domandi mill-vittmi.

4.4.8   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-assigurazzjoni li l-vittmi u l-familja tagħhom għandhom id-dritt jappellaw kwalunkwe deċiżjoni li tgħid li ma hemmx bżonn ta’ dawn is-servizzi, kif ukoll id-dritt li jitressaq ilment jekk il-kwalità tal-interpretazzjoni mhijiex tajba biżżejjed sabiex dawn jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tul il-proċedimenti. Kif meħtieġ fid-Direttiva 2010/64/UE dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, il-KESE jappoġġja l-adozzjoni ta’ reġistru nazzjonali ta’ interpreti u tradutturi kwalifikati u jitlob li dan ir-reġistru jkun il-ġabra rikonoxxuta li għandha tintuża mill-avukati u l-awtoritajiet rilevanti. Il-KESE huwa mħasseb li wħud mill-Istati Membri għandhom reġistri iżda qed jagħtu kuntratti lill-aġenziji għal dawn is-servizzi, u b’hekk qed jaqbżu r-reġistru u jdgħajfu l-ispirtu tad-Direttiva, u jixtieq li dawn il-prattiki jitwaqqfu.

4.5   Aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi

4.5.1   Il-proposti stabilixxew is-servizzi minimi li għandhom jiġu provduti madwar l-UE sabiex ikun żgurat li l-vittmi ta’ reat u l-familja tagħhom jafu x’għandhom jistennew mil-lat ta’ appoġġ f’waqtu u effettiv, kull fejn ikunu fl-UE meta jkollhom bżonnu l-aktar. Huwa essenzjali li s-servizzi jkunu bla ħlas, kunfidenzjali u pprovduti minn persunal imħarreġ sew, kemm jekk jingħataw minn servizzi pubbliċi u kemm minn dawk privati.

4.5.2   Il-KESE huwa mħasseb li l-livelli u l-kwalità attwali tas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi jvarjaw sew bejn l-Istati Membri tal-UE, u ġeneralment mhumiex finanzjati sew daqs kemm huma dawk għal persuni akkużati jew suspettati li wettqu reat. Il-KESE jsejjaħ għall-miżuri ta’ akkumpanjament sabiex isaħħu u jifformalizzaw l-istandards, il-kwalità u l-kopertura ġeografika ta’ aġenziji ta’ appoġġ għall-vittmi fl-UE u li dan jiġi ffinazjat fuq bażi konsistenti permezz ta’ miżuri fil-Baġit tal-UE. Dan ser jgħin biex jiġu żviluppati ekonomiji ta’ skala billi jiġu żviluppati programmi ta’ taħriġ onlajn konġunti, strutturi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, u l-iskambju tal-aqwa prattiki. Ser jiffaċilita wkoll monitoraġġ aktar strutturat tal-vittmi, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-pakkett leġislattiv u l-effettività tiegħu.

4.5.3   Id-dritt tal-vittmi għal servizzi ta’ appoġġ huwa kruċjali biex ikunu żgurati l-irkupru tagħhom u l-aċċess effettiv għall-ġustizzja. Minkejja li l-kriżi finanzjarja u ekonomika tfisser sfidi serji għall-Istati Membri, dawn m’għandhomx jabbandunaw id-dmirijiet tagħhom f’dan il-qasam. Għandhom iqabblu l-ispiża tal-implimentazzjoni ta’ dawn is-servizzi mal-ispiża li jkollhom kieku ma jimplimentawhomx, jiġifieri l-ispiża ekonomika u soċjali tal-vittmi u l-membri tal-familja li jieħdu żmien twil biex jirkupraw jew li ma jirkuprawx mill-esperjenza. Bosta pajjiżi jiffinanzjaw miżuri nazzjonali ta’ appoġġ għall-vittmi permezz ta’ multi li jinġabru minn offiżi kriminali. Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tal-UE tiffinanzja studju dwar l-effettività ta’ dawn is-sistemi biex possibbilment jiġu applikati b’mod aktar wiesa’.

4.5.4   Il-KESE jirrikonoxxi li l-għadd ta’ vittmi ta’ reat ivarja bejn l-Istati Membri u r-reġjuni differenti. Żidiet fil-popolazzjoni waqt l-eqqel staġuni tal-vaganzi, flimkien ma’ aggressjoni li tirriżulta minn konsum ta’ alkoħol, jistgħu joħolqu aktar pressjonijiet. Il-KESE jemmen li l-appoġġ għandu jkun flessibbli biżżejjed biex ikun aċċessat reġjonalment, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw li jidderieġu riżorsi u miżuri ta’ appoġġ għat-titjib tal-komunikazzjoni u s-servizzi lejn żoni potenzjalment perikolużi. Din hija kwistjoni partikolarment importanti fejn iż-żieda fir-riskju jew it-theddida ta’ reati vjolenti hija kommessa b’mod sproporzjonat minn persuni suspettati u/jew lejn vittmi minn barra r-reġjun/il-pajjiż.

4.5.5   L-obbligi legali sabiex jiġi żgurat ir-riferiment tal-vittmi għal servizzi ta’ appoġġ u biex dawn l-istess servizzi jiġu pprovduti huma kruċjali. Fl-UE, ġeneralment hija r-responsabbiltà tal-pulizija li jirreferu l-vittmi għal dawn is-servizzi. Madankollu, attwalment, il-maġġoranza kbira tal-vittmi (13) mhumiex riferuti għas-servizzi adegwati. Dan joħloq l-uniku u l-akbar ostaklu għall-provvediment ta’ appoġġ għall-vittmi madwar l-Ewropa.

4.5.6   Awtoritajiet rilevanti oħra li jiġu f’kuntatt ma’ vittmi għandu jkollhom ukoll ir-responsabbiltà, kif xieraq, biex jirreferu l-vittmi għal servizzi ta’ appoġġ, inklużi sptarijiet, ambaxxati u aġenziji konsulari, skejjel u servizzi ta’ akkomodazzjoni. Importanti li jkun mifhum li dan mhux ser jippreżenta diffikultajiet fir-rigward tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data.

4.5.7   Is-servizzi eżistenti tal-appoġġ għall-vittmi ma jagħtux għajnuna ta’ rutina lill-vittmi jew lill-familji tal-vittmi ta’ inċidenti li jseħħu barra mill-pajjiż meta dawn jirritornaw lura f’pajjiżhom. Dan in-nuqqas irid jiġi indirizzat. Il-vittmi jistgħu jieħdu żmien twil biex jirkupraw u jistgħu jiffaċċjaw problemi ta’ saħħa u sfidi legali u amministrattivi meta jirritornaw lura pajjiżhom. Il-KESE jitlob biex l-ambitu tas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi jitwessa’ biex jipprovdi dan l-appoġġ.

4.5.8   Il-KESE jixtieq li jkun hemm miżuri ta’ finanzjament tal-UE għar-riżorsi u l-kooperazzjoni ta’ appoġġ u l-bini tal-kapaċità bjen is-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi, u l-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji, l-isptarijiet, it-trejdjunjins, l-NGOs, u l-kumpaniji, sabiex jiġi żviluppat l-impenn tas-soċjetà ċivili fit-titjib tal-appoġġ għall-vittmi ta’ reat u biex jiġu promossi l-aqwa prattika u miżuri prattiċi għat-titjib tal-appoġġ għall-vittmi. Il-voluntiera li jsofru danni minħabba mġiba kriminali meta jkunu qed jipprovdu l-appoġġ u s-servizzi taħghom għandhom jiġu rikonoxxuti u appoġġjati wkoll bħala vittmi ta’ reati.

4.5.9   Filwaqt li l-KESE jikkonferma li s-sistemi ġudizzjarji u awtoritajiet pubbliċi rilevanti oħra jaqdu rwol ewlieni fil-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi, huwa jemmen li hemm lok għall-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet fis-setturi rilevanti (kumpaniji tal-ivvjaġġar, kumpaniji tal-assigurazzjoni, linji tal-ajru, lukandi, banek, kumpaniji tal-mowbajl u ta’ tipi oħra ta’ telefown, kumpaniji tal-kiri ta’ karozzi u tat-taxi, trejdjunjins u NGOs soċjali) biex, permezz ta’ kooperazzjoni kostruttiva, jiżviluppaw strateġiji pożittivi u prattiċi u strutturi biex jappoġġjaw il-vittmi u l-familji tagħhom waqt kriżi. Dawn l-inizjattivi m’għandhomx jitqiesu bħala piżijiet iżda aktar bħala opportunitajiet biex jiġu żviluppati politiki pożittivi fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali korporattiva.

4.5.10   Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni twettaq studju tal-industrija tal-assigurazzjoni tal-UE sabiex tivvaluta l-miżuri ta’ kopertura, protezzjoni u għoti ta’ kumpens għall-vittmi ta’ reat u inċidenti sabiex jiġu promossi l-aqwa prattiki, fil-provvediment ta’ appoġġ, kumpens u spejjeż legali u amministratti adegwati sabiex il-vittmi jew il-familji tagħhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-proċedimenti kriminali. Iċ-ċarezza tat-termini u l-esklużjonijiet fil-politiki għandhom jiġu valutati b’mod li jiġu kkunsidrati l-livelli differenti ta’ litteriżmu, edukazzjoni u diżabbiltajiet possibbli tal-klijenti. Klawżoli fl-assigurazzjoni tal-vaganzi fejn il-kopertura hija eskluża totalment jew parzjalemnt jekk il-persuna assigurata kienet xorbot, u taħt l-influwenza ta’ dan ikkontribwixxiet għal inċident għandhom jiġu kkomunikati immedjatament filwaqt li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni għandhom jitħeġġu japplikaw bilanċ f’dan il-qasam peress li ħafna persuni jixorbu moderatament waqt vaganza, u għandhom jikkunsidraw l-applikazzjoni ta’ miżuri stabbiliti biex jiġu ttestjati l-livelli tal-alkoħol, bħal pereżempju dawk għas-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol. L-Istati Membri jibqgħu obbligati jipprovdu kumpens skont it-termini tad-Direttiva tal-UE dwar il-kumpens. Madankollu, dan ma jnaqqasx mill-impenn tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni li jonoraw ir-responsabbiltà primarja tagħhom.

4.5.11   Il-KESE jemmen li għandu jiġi stabbilit grupp ta’ monitoraġġ fil-livell tal-UE li jinkludi lill-vittmi u l-familji tagħhom, gruppi ta’ appoġġ għall-vittmi u NGOs relatati, rappreżentanti tat-trejdjunjins u tan-negozji għall-appoġġ ta’ monitoraġġ kontinwu, l-iżvilupp tat-taħriġ, u għandu jkun ta’ xprun għal bidla kulturali fil-konfront tal-vittmi.

4.5.12   Fejn ikun rilevanti, l-appoġġ għad-drittijiet tal-vittmi għandu jiddaħħal f’politiki u proposti leġislattivi oħra tal-UE. Dan jgħin sabiex ikun żgurat il-progress f’dan il-qasam.

4.6   Ġustizzja u kumpens

4.6.1   Jeħtieġ li jkun hemm aktar bilanċ bejn id-drittijiet tal-akkużat u d-drittijiet tal-vittma. Attwalment, il-vittmi mhumiex appoġġjati sew u għandhom anqas drittijiet. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri għall-provvediment ta’ rikors effettiv għall-vittmi jekk dawn ma jirnexxilhomx jirċievu l-informazzjoni, l-appoġġ u d-drittijiet u d-dispożizzjonijiet minimi l-oħra stabbiliti fid-direttiva.

4.6.2   Id-dritt tal-vittma li tinstema’ waqt il-proċedimenti kriminali u li tagħti xhieda huwa kwistjoni ta’ drittijiet tal-bniedem u ġustizzja effettiva. Dan id-dritt diġà jeżisti f’uħud mill-Istati Membri u jeħtieġ li jkun disponibbli fl-UE kollha. F’dan il-kuntest, il-leġislazzjoni tal-UE għandha tqis u tħeġġeġ bil-qawwi it-twaqqif ta’ programmi effettivi għall-protezzjoni tax-xhieda.

4.6.3   Id-drittijiet tal-akkużat għandhom ikunu garantiti, iżda l-interessi leġittimi tal-vittma u l-familja tagħha għandhom jiġu rikonoxxuti u appoġġjati. Il-vittmi għandu jkollhom drittijiet fl-istess livell ta’ appoġġ legali u amministrattiv. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent tad-dritt tal-vittmi għal għajnuna legali jekk ikollhom l-istatus ta’ partijiet fil-proċedimenti, biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont id-direttiva. Il-KESE jemmen li dan l-appoġġ għandu jkun disponibbli wkoll għall-familja tal-vittma u għall-persuna ta’ appoġġ rikonoxxuta jekk il-vittma tkun mejta jew tkun teħtieġ livell għoli ta’ appoġġ fl-eżerċitar tal-kapaċità legali tagħha meta tkun qed tieħu sehem fil-proċedimenti legali, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel analiżi tad-dispożizzjonijiet ta’ għajnuna legali u assistenza għall-vittmi u l-familji tagħhom madwar l-UE sabiex tikkontribwixxi għall-miżuri futuri possibbli biex jiġi estiż l-appoġġ f’dan il-qasam.

4.6.4   Il-KESE huwa mħasseb dwar l-ostakli sinifikanti li jeżistu f’ċerti Stati Membri għar-ripatrijazzjoni tal-vittmi mejtin. Il-familji tal-vittmi ta’ sikwit jiġu miċħuda mid-dritt li jieħdu l-maħbubin tagħhom lura d-dar għad-dfin, jew ikollhom jistennew is-snin u jgħaddu minn proċeduri legali kkumplikati qabel ma l-ġisem jiġi rilaxxat. Dan jikkawża uġigħ u frustrazzjoni kbar li jiżdiedu mas-sogħba li diġà tkun għaddejja minna l-familja. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni tal-UE tiżviluppa proċeduri komuni fi skadenzi limitati u definiti b’mod ċar (14) għat-trasportazzjoni u r-ripatrijazzjoni tal-fdalijiet umani tal-vittmi transkonfinali, li jieħdu l-preċedenza fuq ir-regoli nazzjonali jew provinċjali.

4.6.5   Il-KESE jilqa’ d-dritt għal rimbors tal-ispejjeż tal-vvjaġġar, l-akkomodazzjoni u s-sussistenza li jkollhom iħallsu l-vittmi meta jipparteċipaw fi proċess, bħala xhieda jew vittmi. Il-KESE jifhem din id-dispożizzjoni biex tiġi inkluża l-familja ta’ vittma maqtula, iżda jistenna li din tiġi applikata b’mod aktar fil-wisa’ għall-familji u l-persuni ta’ appoġġ ta’ vittmi li jeħtieġu livell għoli ta’ appoġġ fl-eżerċitar tal-kapaċità legali tagħhom, u biex tkun responsabbiltà tal-istat.

4.6.6   Ir-rikonoxximent bil-miktub tar-rapport ta’ reat għandu jkun standard minimu bażiku. B’konformità mad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-ilmenti tal-vittmi għandhom jiġu investigati kif xieraq mill-istat.

4.6.7   Il-KESE jemmen li f’każijiet ta’ reati mwettqa minn persuna suspettata fi Stat Membru ieħor għandu jkun hemm dispożizzjonijiet sabiex ikun żgurat li l-proċedimenti ta’ estradizzjoni ma jeħlux minħabba proċedimenti kontra l-istess persuna suspettat f’pajjiżu jekk il-proċedimenti f’pajjiżu huma anqas serji minn dawk tal-każ li qed iseħħ barra mill-pajjiż. Dawn il-proċedimenti għandhom jitħaffu jew jiġu posposti sakemm jitwettqu l-proċedimenti barra mill-pajjiż.

4.6.8   Il-KESE jemmen li fil-każ ta’ deċiżjoni li ma jittiħdux passi legali, għandu jkun hemm id-dritt għal analiżi indipendenti tad-deċiżjoni. Dritt aktar effettiv ikun jekk il-vittma jkollha d-dritt tiġi konsultata dwar deċiżjonijiet ta’ prosekuzzjoni.

4.6.9   Il-KESE jagħraf li kumpens finanzjarju mhux ser iħassar id-dannu kkawżat mir-reat, u ta’ spiss ir-rikonoxximent u r-rispett għall-vittma huma importanti ħafna. Il-vittmi għandhom dritt stabbilit għal kumpens, iżda ta’ spiss mhumiex konxji dwar dak li huma intitolati għalih, jew inkella jaqtgħu qalbhom mill-proċess ikumplikat biex jiksbuh. Il-ksib ta’ kumpens għal danni minn reat kriminali fil-każijiet transkonfinali ta’ spiss huwa impossibbli sakemm il-vittma jew il-familja ma tibdiex proċediment legali fil-ġurisdizzjoni barra mill-pajjiż, proċess li huwa kumpless u jinvolvi ħafna spejjeż. Jeħtieġ li tittieħed iktar azzjoni sabiex il-vittmi jkunu jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom b’mod aktar faċli u bla ebda ħlas. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq ir-reviżjoni tad-direttiva dwar il-kumpens tal-vittmi u twettaq titjib meħtieġ u fuq firxa wiesgħa f’dan il-qasam; huwa jħeġġiġha tikkunsidra wkoll skema fil-livell tal-UE ta’ kumpens għal danni mġarrba minħabba f’reat.

4.6.10   Bħala parti mir-reviżjoni hawn fuq imsemmija, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tagħti ħarsa speċifika lejn il-kwistjoni tal-kumpens għall-vittmi ta’ reati tat-traffiku tat-triq. Il-KESE jieħu nota tal-eżempji tajbin ta’ kumpens u appoġġ għall-vittmi f’uħud mill-Istati Membri. Pereżempju, meta parti kbira mis-somma ta’ flus miġbura permezz ta’ multi għal reati tat-traffiku tat-triq tintefaq f’appoġġ u kumpens għall-vittmi. Peress li l-inċidenti tat-triq huma l-kawża prinċipali ta’ diżabbiltà, l-organizzazzjonijiet rappreżentanti ta’ persuni b’diżabbiltà għandhom ikunu involuti fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta’ dawn l-iskemi ta’ kumpens.

4.6.11   Għandu jiġi kkunsidrat l-għoti ta’ pagamenti bil-quddiem bħala appoġġ għall-vittmi u l-familji tagħhom eżatt wara inċident, meta l-ispejjeż ikunu partikolarment għoljin.

4.6.12   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti dwar il-ġustizzja restorattiva fid-Direttiva iżda jemmen li d-definizzjoni tfasslet wisq fid-djuq u jeħtieġ li tenfasizza li hemm varji għażliet sabiex tinkiseb ġustizzja restorattiva li ma jinvolvux li jitlaqqgħu persuni flimkien. Il-KESE jikkonferma li x-xewqat u l-protezzjoni tal-vittmi u l-familji tagħhom huma ta’ importanza assoluta fil-każijiet kollha. Salvagwardji b’saħħithom huma kruċjali, u jintlaqgħu tajjeb provvedimenti sabiex ikun żgurat li l-istat jiffaċilita r-riferiment għal servizzi ta’ appoġġ b’taħriġ adegwat. Il-KESE jinnota li attwalment għadd veru żgħir ta’ Stati Membri jipprovdi finanzjament għal ġustizzja restorattiva u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tappoġġja proġetti pilota għall-iżvilupp ta’ standards u taħriġ fil-ġustizzja restorattiva sabiex jinħolqu ekonomiji ta’ skala u jiġi appoġġjat l-iskambju tal-aqwa prattiki.

4.6.13   Il-KESE jinnota li kull sena ammont kbir ta’ “proprjetà misruqa” jinbigħ mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi madwar l-UE meta l-pulizija ma jkunux għaddewh lura lill-proprjetarju. Dewmien inaċċettabbli fir-restituzzjoni tal-proprjetà hija problema oħra (15). Il-KESE jixtieq li jissaħħu d-dispożizzjonijiet dwar ir-restituzzjoni tal-proprjetà b’obbligazzjonijiet għall-awtoritajiet li jipprovdu informazzjoni speċifika u dettalji ta’ kuntatt rigward min huwa responsabbli għall-proprjetà; u biex ikun żgurat li l-proprjetà tiġi restitwita fi żmien qasir u stabbilit.

4.7   L-implimentazzjoni u l-infurzar

4.7.1   Hemm għadd kbir ta’ konsegwenzi ekonomikċi u soċjali marbuta man-nonkonformità mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, mhux biss għall-vittmi u l-familja tagħhom, iżda wkoll għall-ekonomiji tal-Istati Membri fi ġranet ta’ xogħol mitlufa, pressjonijiet fuq is-saħħa, u servizzi soċjali u legali oħra. Għaldaqstant huwa vitali li dawn il-miżuri l-ġodda ta’ appoġġ għall-vittmi u l-familji tagħhom jiġu implimentati adegwatament sabiex ikun żgurat irkupru aħjar u aktar malajr.

4.7.2   Il-KESE jemmen li l-proposti għandhom jinkludu miżuri b’saħħithom sabiex ikun żgurat li l-istandards minimi jiġu sodisfati madwar l-UE. Dan ser jeħtieġ miżuri biex ikun żgurat monitoraġġ kontinwu u infurzar effettiv, flimkien ma’ pieni dissważivi għall-prevenzjoni tan-nonkonformità.

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Jissuġġerixxi fi żmien 28 ġurnata, li għandu jagħti ħin biżżejjed biex isiru l-investigazzjoni forensika u l-ittestjar tad-DNA minn 2 patoloġisti, inkluża talba għal rapport indipendenti mill-konsulat tal-pajjiż tal-vittma mejta.

(2)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/111877.pdf.

(3)  COM (2010) 171 finali.

(4)  Adottat mill-Kunsill tal-Ministri fl-10 ta’ Ġunju 2011.

(5)  ĠU C 95, 23.4.2003, p. 40–44.

(6)  ĠU C 51, 17.2.2011, p. 50–54.

(7)  ĠU C 325, 30.12.2006, p. 60–64, ĠU C 317, 23.12.2009, p. 43–48, u ĠU C 48, 15.2.2011, p. 138–144.

(8)  ĠU C 325, 30.12.2006, p. 65–70.

(9)  ĠU C 218, 23.07.2011, p. 91.

(10)  CESE 1182/2011, 13-14 ta’ Lulju 2011, għadha ma ġietx pubblikata fil-ĠU.

(11)  ĠU C 97, 28.04.2007, p. 21-26.

(12)  COM(2011)274 u SEC(2011)580.

(13)  Skont l-informazzjoni tal-Victim Support Europe.

(14)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.

(15)  Is-servizzi tal-Appoġġ tal-Vittmi madwar l-Ewropa regolarment jirċievu ilmenti minn vittmi relatati ma’ dewmien min-naħa tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fir-restituzzjoni tal-proprjetà lill-vittmi.


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/47


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (l-XX Direttiva individwali skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)”

COM(2011) 348 finali — 2011/0152 (COD)

2012/C 43/10

Relatur uniku: is-Sinjura LE NOUAIL MARLIÈRE

Nhar it-22 ta’ Lulju 2011 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u nhar it-13 ta’ Settembru 2011 il-Parlament Ewropew, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (l-XX Direttiva individwali skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

COM(2011) 348 finali — 2011/0152 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Novembru 2011. Ir-relatur uniku kienet is-Sinjura LE NOUAIL MARLIÈRE.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’144 vot favur, 45 vot kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ din id-direttiva u t-traspożizzjoni tagħha fil-liġijiet tal-Istati Membri mill-aktar fis possibbli.

1.2   Madankollu, il-Kumitat jappoġġja l-adozzjoni immedjata ta’ prinċipju tal-prekawzjoni billi jitqiesu r-riskji tal-effetti bijoloġiċi mhux termali tal-emissjonijiet ta’ kampi elettromanjetiċi. Is-saħħa tal-ħaddiema fuq tul ta’ żmien trid tiġi żgurata totalment f’livell għoli bl-introduzzjoni tal-aħjar teknoloġiji disponibbli bi spejjeż ekonomikament aċċettabbli. Il-Kumitat jistenna li tiġi inkorporata dispożizzjoni rilevanti fid-direttiva.

1.3   Sabiex dan il-prinċipju tal-prekawzjoni jsir effettiv u kredibbli, il-Kumitat jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni maħsub biex jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu. Iżda biex dan l-approċċ ikun siewi għalkollox, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu determinati limiti fissi fejn jinżammu bħala referenza l-limiti użati fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/40/KE (mill-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, il-Litwanja, il-Latvja, l-Estonja u l-Italja). Il-Kumitat jinsisti fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ l-indipendenza tal-korpi xjentifiċi involuti fl-istabbiliment tal-livelli ta’ espożizzjoni tal-ħaddiema għar-radjazzjoni elettromanjetika, tal-effetti u l-konsegwenzi tagħha fuq is-saħħa pubblika u ta’ miżuri li jridu jittieħdu għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema li huma esposti għal din ir-radjazzjoni.

1.4   Hemm bżonn li jintemmu l-kunflitti ta’ interess fost il-membri ta’ dawn il-korpi, f’dak li għandu x’jaqsam mal-finanzjament tar-riċerki tagħhom kif ukoll man-nomina tagħhom (proċeduri u sejħiet għall-offerti, rikors għal istituti ta’ riċerka pubbliċi indipendenti).

1.5   Il-Kumitat jirrikonoxxi l-bżonn ta’ deroga għax-xogħlijiet li jużaw immaġini b’reżonanza manjetika fil-kamp mediku (MRI - Magnetic Resonance Imaging), iżda, madankollu din id-deroga għandu jkollha limitu ta’ żmien u għandha tkun akkumpanjata minn żieda fir-riżorsi li jingħataw għar-riċerka ta’ teknoloġiji ġodda għall-protezzjoni tal-ħaddiema mill-effetti tal-kampi elettromanjetiċi u ta’ tekniki alternattivi. Ħaddiema soġġetti għad-deroga għandhom ikunu koperti minn miżuri miżjuda sabiex ikunu protetti, superviżjoni medika speċjali, assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili sabiex ikunu koperti żbalji fit-twettiq ta’ xogħolhom li ġejjin minn espożizzjoni qawwija għal kampi elettromanjetiċi. Il-Kumitat huwa tal-fehma wkoll li l-prinċipji hawn fuq imsemmija għandhom jiġu applikati mhux biss għall-ħaddiema mediċi, iżda wkoll għall-ħaddiema l-oħra kollha li jistgħu jiġu esklużi mill-prinċipji ġenerali tad-direttiva fuq il-bażi tad-deroga inkluża fl-Artikolu 3 tal-proposta.

2.   Daħla

2.1   Il-Proposta għal Direttiva li qed tiġi analizzata hawnhekk għandha l-għan li temenda d-Direttiva 2004/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’April 2004 fuq il-ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sigurtà fir-rigward tal-esposizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jiġu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi), li oriġinarjament kellha tiġi trasposta fil-leġislazzjoni tal-Istati Membri fit-30 ta’ April 2008. L-għan tagħha mhuwiex il-protezzjoni tal-pubbliku ġenerali. Minħabba l-mistoqsijiet speċifiċi li qajjem it-teħid ta’ immaġini mediċi permezz tar-reżonanza manjetika (MRI), u l-bżonn li titkompla l-analiżi tal-impatt tad-direttiva, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet u kisbet skadenza addizzjonali sat-30 ta’ April 2012 għat-traspożizzjoni tad-Direttiva.

2.2   Dan l-abbozz huwa riformulazzjoni tad-Direttiva tal-2004, b’sistema ġdida ta’ valuri ta’ limitu u valuri ta’ azzjoni għall-frekwenzi l-baxxi, u jimmira li jipproteġi mill-effetti diretti u indiretti marbutin mal-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-kampi elettromanjetiċi, iżda biss għall-effetti magħrufa fuq żmien qasir. B’mod partikolari, dan l-abbozz ma jkoprix ir-riskji li qed jiġu diskussi dwar l-effetti mhux termali tal-espożizzjoni għal ċerti kampi bi frekwenza baxxa.

2.3   Wara li tqisu użi mediċi speċifiċi, ingħatat deroga lis-setturi mediċi li jużaw l-MRI. Barra minn hekk, derogi minn uħud mill-istandards ta’ protezzjoni tad-direttiva jingħataw lill-forzi armati, u l-Istati Membri, f’każijiet oħra, jitħallew jeċċedu dawn l-istandards temporanjament “f’sitwazzjonijiet speċifiċi”.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ma ġiex ikkonsultat direttament dwar id-Direttiva tal-2004 iżda ġie kkonsultat fl-2008 dwar il-Proposta għall-postponiment tal-iskadenza għat-traspożizzjoni b’erba’ snin. F’din l-opinjoni (1), il-KESE:

tenna l-appell tiegħu tal-1993 (2) lill-Kummissjoni “sabiex tagħmel riċerka ħalli tidentifika r-riskji għas-saħħa tal-ħaddiema minħabba (…) l-espożizzjoni għall-kampi manjetiċi (…) (inkluż l-espożizzjoni fuq medda ta’ snin)”,

jinnota li l-“livelli kurrenti ta’ ħarsien għall-ħaddiema mir-riskji ta’ espożizzjoni għall-kampi elettromanjetiċi jvarjaw bejn l-Istati Membri individwali”, u li “l-preparazzjoni urġenti ta’ test imtejjeb għad-direttiva, li jipprovdi lill-ħaddiema kollha b’livell xieraq ta’ sigurtà (…) għandha tiġi trattata bħala kwistjoni prijoritarja”.

3.2   L-istudji xjentifiċi wasslu biex joħorġu fid-dieher għadd ta’ effetti ħżiena tal-kampi elettromanjetiċi fuq is-saħħa:

3.2.1   Għall-kampi manjetostatiċi: reazzjonijiet fil-ġilda, tibdil fl-elettrokardjogramma (jitreġġgħu lura sa intensità ta’ 2 Tesla (3)), ilmenti bħalma huma dardir qawwi, viżjoni ta’ tikek bojod, u vertiġini (osservati anki b’intensità tal-kamp ta’ 1.5T) (4).

3.2.1.1   Fir-rigward ta’ kampijiet ta’ frekwenza baxxa (anqas minn 10 MHz): tfixkil ta’ proċessi elettrofiżjoloġiċi fil-ġisem li jistgħu jwasslu għal sensazzjonijiet viżwali (fosfeni), stimulazzjoni tat-tessut nervuż u muskolari, disfunzjonijiet kardjoloġiċi, eċċ. (5).

3.2.2   Għall-kampi elettromanjetiċi bi frekwenza għolja (ogħla minn 100 kHz): ipertermija, minħabba li t-tessuti bijoloġiċi jkunu assorbew l-enerġija.

3.2.3   Riskji ta’ effetti indiretti, li wkoll huma ta’ ħsara għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, bħal splużjonijiet jew nirien ikkawżati minn ark elettriku, projezzjoni ta’ oġġetti ferromanjetiċi, funzjonament ħażin ta’ sistemi elettroniċi, l-effett ħażin fuq ħaddiema meqjusa partikolarment fil-periklu mill-effett tal-kampijiet elettromanjetiċi, bħalma huma l-persuni b’impjanti mediċi li jużaw tagħmir elettroniku li jinġarr fuq il-ġisem, nisa tqal, persuni li qed jiġu ttrattati għall-kanċer, eċċ.

3.3   Għadu għaddej dibattitu fundamentali dwar l-effetti psikoloġiċi, mhux termali u fuq perjodu ta’ żmien medju, tal-kampi bi frekwenza baxxa.

3.3.1   Fost ir-riskji ssuspettati nsibu: problemi fis-sistema newroendokrinali (ormoni, melatonina), problemi newrodeġenerattivi (marda ta’ Parkinson, marda tal-Alzheimer, sklerosi), effetti fuq ir-riproduzzjoni u l-iżvilupp tal-bnedmin u/jew tal-annimali (riskji ta’ korriment, malformazzjonijiet) u riskji akbar ta’ kanċer (tumuri fil-moħħ, lewkimja fit-tfal).

3.3.2   L-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC - International Agency for Research on Cancer, taħt l-awspiċi tad-WHO) ikkategorizzat il-kampi elettromanjetiċi bi frekwenza baxxa u kampijiet elettromanjetiċi ta’ frekwenza tar-radju fil-kategorija 2b, jiġifieri “li jista’ jkun li jikkawżaw il-kanċer fil-bniedem”: fl-2001, minħabba r-riskji possibbli tal-lewkimja fit-tfal, u mill-ġdid fl-2011 wara l-istudju Interphone (suspett li jiżdied ir-riskju ta’ glioma, forma malinja ta’ kanċer tal-moħħ).

3.4   Ir-rapport Huss li ħareġ dan l-aħħar (6) wissa dwar l-effetti bijoloġiċi mhux termali, li potenzjalment jagħmlu ħsara lill-pjanti, l-insetti u l-annimali kif ukoll lill-organiżmu uman, b’rabta mal-espożizzjoni għal kampi elettromanjetiċi, inkluż għal espożizzjonijiet f’livelli inqas mil-livelli rakkomandati mill-ICNIRP (7), u li parti essenzjali minnu tidher fil-Proposta attwali għal Direttiva tal-Kummissjoni Ewropea.

3.5   Dan ir-rapport, ibbażat fuq l-analiżi sintetika ta’ diversi riżultati xjentifiċi u fuq seduti mal-partijiet interessati kollha (xjentisti, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, NGOs u assoċjazzjonijiet taċ-ċittadini, intraprendituri, eċċ.) jikkonkludi li hemm bżonn li l-UE tadotta prinċipju tal-prekawzjoni tat-tip ALARA (as low as reasonably achievable - l-inqas li jista’ jintlaħaq b’mod raġonevoli), miżuri ta’ prevenzjoni effikaċi kif ukoll li ssir reviżjoni tal-valuri ta’ limitu attwali, mingħajr ma nistennew li l-provi xjentifiċi u kliniċi kollha jaqblu bejniethom, għax l-istennija tista’ twassal għal spejjeż ekonomiċi u għas-saħħa għoljin ħafna, kif ġara fil-passat pereżempju bl-asbestos, il-poliklorobifenil (PCB) u t-tabakk.

3.6   Wara dan ir-rapport, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa vvutat dwar riżoluzzjoni (8) li fiha ntqal li “għall-istandards u l-limiti tal-emissjonijiet ta’ kampi elettromanjetiċi ta’ kull tip u ta’ kull frekwenza (…), għandu jiġi applikat il-prinċipju tal-prekawzjoni ALARA, jiġifieri l-aktar livell baxx li jista’ jintlaħaq b’mod raġonevoli”. Barra minn hekk, ir-riżoluzzjoni tindika li peress li qed nitkellmu dwar is-saħħa tal-bnedmin, “għandu jiġi applikat dan il-prinċipju tal-prekawzjoni meta l-valutazzjoni xjentifika ma tippermettix li jiġi determinat ir-riskju b’biżżejjed ċertezza”. Ir-rakkomandazzjonijiet “iqisu mhux biss l-effetti msejħa termali, iżda wkoll l-effetti mhux termali jew bijoloġiċi tal-emissjonijiet jew ir-radjazzjoni tal-kampi elettromanjetiċi”. Hemm bżonn li tittieħed azzjoni għax “meta jitqies li l-espożizzjoni tan-nies qed tikber (…), l-ispejjeż ekonomiċi u umani tal-fatt li ma jsir xejn jistgħu jkunu għaljin ħafna jekk ma jingħatax widen lit-twissijiet bikrin”. Ir-riżoluzzjoni tinsisti wkoll fuq il-bżonn ta’ indipendenza u kredibbiltà assoluti tal-esperti xjentifiċi, sabiex tinkiseb “valutazzjoni trasparenti u oġġettiva tal-effetti ħżiena potenzjali fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem”. Fl-aħħar nett ir-riżoluzzjoni tistieden biex “tingħata ħarsa mill-ġdid lejn il-bażijiet xjentifiċi tal-istandards attwali tal-espożizzjoni għal kampi elettromanjetiċi stabbiliti mill-ICNIRP, li fihom lakuni serji”.

3.7   Ir-reazzjonijiet reċenti u ġustifikati tal-imsieħba soċjali għall-Proposta attwali għal Direttiva sostanzjalment enfasizzaw:

l-importanza li ma tiġi eskluża l-ebda kategorija ta’ ħaddiema, u l-ħtieġa li jimtela l-vojt leġislattiv Ewropew dwar l-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-kampi elettromanjetiċi;

in-nuqqas ta’ oppożizzjoni għal deroga rigward il-ħaddiema li jużaw l-MRI, dejjem jekk din id-deroga jkollha limitu ta’ żmien (li mhuwiex il-każ f’din id-direttiva), u li tkun akkumpanjata minn testijiet mediċi ta’ segwitu speċifiċi;

it-tħassib tagħhom dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji fuq tul ta’ żmien (li ma tqisux fil-Proposta għal Direttiva), billi pproponew il-ħolqien ta’ forums għad-djalogu bejn l-esperti tal-ICNIRP u l-esperti nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

3.8   Minkejja l-effetti possibbli fuq is-saħħa tal-bniedem, sal-lum għad m’hemm l-ebda leġislazzjoni Ewropea għall-armonizzazzjoni tal-protezzjoni tal-ħaddiema li huma esposti għal kampi elettromanjetiċi fit-territorju tal-UE.

3.9   Il-KESE jtenni l-ħtieġa għal leġislazzjoni li tħares kontra l-effetti tal-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-kampi elettromanjetiċi, f’qasam fejn għad fadal ħafna x’isir f’dak li għandu x’jaqsam mal-metodoloġiji u l-għarfien xjentifiku, fejn ir-riżultati ta’ studji xjentifiċi jikkonfermaw li l-kamp elettromanjetiku għandu effett ħażin fuq il-ħaddiema, iżda ma jaqblux fil-valutazzjoni tal-iskala tal-effett fuq il-ġisem tal-bniedem.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-Kummissjoni Ewropea għażlet li tibbaża l-Proposta tagħha għal Direttiva fuq livell ta’ prekawzjonijiet li qed jikber fir-rigward tal-valuri ta’ limitu, aktar milli fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni aktar ġenerali tat-tip ALARA; fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem, għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex il-ħaddiema ma jiġux soġġetti għar-riskji ta’ effetti fit-tul. Din il-ġabra ta’ suppożizzjonijiet dwar dawn ir-riskji bbażata fuq għadd kbir ta’ studji xjentifiċi hija rrifjutata biss minn żewġ kummissjonijiet xjentifiċi, l-ICNIRP u l-SCENIHR (9). Għandu jiġi enfasizzat li dan jirriżulta prinċipalment mill-għadd żgħir ta’ studji xjentifiċi fuq ħaddiema li twettqu tul dawn l-aħħar snin, minħabba l-fatt li x-xjentisti ffukaw l-aktar fuq il-kwistjoni tal-espożizzjoni tal-bniedem għall-effetti tas-sistemi tat-telefowns ċellulari.

4.2   Argument ieħor li qed jintuża bħalissa minn dawn il-korpi u li jwassal biex jiġu rrifjutati l-effetti kollha fuq tul ta’ żmien, huwa bbażat fuq il-fatt li mhumiex magħrufin il-mekkaniżmi bijoloġiċi li bihom l-espożizzjoni għall-kampi elettromanjetiċi jista’ jkollha konsegwenzi fuq l-organiżmi ħajjin. Dan l-argument aktar għandu jxaqleb lejn l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-prekawzjoni, jekk jiġu osservati ċerti effetti b’mod regolari, qabel ma l-komunità xjentifika tkun tista’ tagħti spjegazzjonijiet bijoloġiċi preċiżi.

4.3   F’dan il-kuntest inċert, il-Kumitat jemmen li “jekk l-espożizzjoni ambjentali tista’ titnaqqas, dan it-tnaqqis għandu jseħħ, b’mod partikolari permezz tal-applikazzjoni tal-aħjar teknoloġiji disponibbli u bi spejjeż ekonomikament aċċettabbli”.

4.3.1   Huwa importanti li l-livelli tal-espożizzjoni permessi mir-rekwiżiti tad-direttiva għal tal-inqas ma jeċċedux il-limiti stabbiliti mill-ħidma tal-esperti rikonoxxuti tal-Istati Membri, ibbażati fuq data xjentifika u ppubblikati f’konformità mal-prinċipji tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi.

4.4   Huwa utli li nirreferu għall-opinjoni tal-Aġenzija Franċiża għas-Sigurtà tas-Saħħa, l-Ambjent u x-Xogħol:

 

“B’mod partikolari nqisu:

il-lakuni metodoloġiċi marbutin mal-karatterizzazzjoni tal-espożizzjoni f’kundizzjonijiet sperimentali osservati f’għadd kbir ta’ studji;

il-possibbiltà ta’ effetti fuq tul ta’ żmien fuq kundizzjonijiet partikolari u l-ħtieġa li l-effetti ta’ espożizzjonijiet fuq tul ta’ żmien (kroniċi) jiġu dokumentati aħjar;

l-importanza li titkompla r-riċerka dwar ċerti effetti bijoloġiċi eventwali għal espożizzjonijiet f’livelli ‘mhux termali’;

 

Fl-2009 ipproponiet:

1)

li tiġi żgurata l-kwalità metodoloġika tal-istudji in vitro u in vivo dwar il-parti fiżika b’mod partikolari (karatterizzazzjoni tal-espożizzjoni u forma tas-sinjali), iżda wkoll dwar il-parti bijoloġika (esperimenti fl-għami, kontrolli adatti, identifikazzjoni tal-pożittivi foloz, repetizzjoni tal-esperimenti, validità statistika suffiċjenti, eċċ.);

2)

li jitwettqu studji b’mod partikolari dwar ir-riproduzzjoni u l-iżvilupp fuq diversi ġenerazzjonijiet ta’ annimali (pereżempju fuq annimali bi predispożizzjoni għal mard li għalih il-ġeni umani huma magħrufin li huma suxxettibli - mard newrodeġenerattiv, ċerti tipi ta’ kanċer, mard awtoimmunitarju) biex jitqabblu dejjem ma’ annimali normali u abbażi ta’ kundizzjonijiet ta’ espożizzjoni realistiċi karatterizzati perfettament;

3)

li jerġgħu jsiru xi studji li ġew analizzati f’dan ir-rapport u li juru effetti bijoloġiċi li x’aktarx huma fiżjoloġiċi (b’mod partikolari fuq il-fluss tad-demm fil-moħħ);

4)

li jiġu żviluppati studji dwar faxex ta’ frekwenzi inqas minn 400 MHz (b’mod partikolari għall-effetti kroniċi li mhumiex b’saħħithom ħafna) u lil hinn minn 2,5 GHz  (10)”.

4.5   Dwar il-prinċipju tal-prekawzjoni, tajjeb li nfakkru fl-artiklu ppubblikat fil-31 ta’ Mejju 2011 tas-Sur Olivier Godard, Direttur tar-riċerka fiċ-Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka Xjentifika Franċiż (CNRS), Laboratorju tal-ekonometrija (UMR 7176), Skola politeknika, Franza, bl-isem ta’ “Principe de précaution: un bon principe en manque d’organisation de sa mise en œuvre” (Prinċipju tal-prekawzjoni: prinċipju tajjeb b’nuqqas ta’ organizzazzjoni fl-implimentazzjoni tiegħu) (11).

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 204/110, 09.08.2008, p. 110.

(2)  Dwar il-Proposta ta’ Direttiva tal-Kunsill rigward il-preskrizzjonijiet minimi tas-sigurtà u tas-saħħa relattivi għall-espożizzjoni ta’ ħaddiema għar-riskji ġejjin minn aġenti fiżiċi – ĠU C 249, 13.09.1993 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Il-kamp elettromanjetiku jitkejjel f’teslas, li s-simbolu tagħhom huwa T. It-tesla hija għalhekk l-unità tas-sistema internazzjonali għad-densità tal-fluss manjetiku li tikkorrispondi għal Weber għal kull metru kwadru.

(4)  WILÉN J 2010 - WILÉN J, DE VOCHT F. 2010. Health complaints among nurses working near MRI scanners - A descriptive pilot study. Eur J Radiol. 2010 Ottubru 13.

(5)  ICNIRP Guidelines for limiting exposure to time-varying electric, magnetic, and electromagnetic fields (up to 300 GHz) (Linji gwida sabiex tiġi limitata l-espożizzjoni għal kampi elettriċi, manjetiċi u elettromanjetiċi li jvarjaw biż-żmien (sa 300 GHz)). Health Physics, 74, 4 April 1998, 494–522; 494–522 - http://www.icnirp.de/documents/emfgdl.pdf.

(6)  Il-periklu potenzjali tal-kampi elettromanjetiċi u l-effetti tagħhom fuq l-ambjent, 6 ta’ Mejju 2011 - Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal- Ewropa, Kummissjoni għall-Ambjent, l-Agrikoltura u l-Kwistjonijiet Territorjali. Dokument 12608, p. 3 http://assembly.coe.int/Main.asp?link=/Documents/WorkingDocs/Doc11/EDOC12608.htm.

(7)  International Commission on Non-Ionizing Radiation Protection (Kummissjoni Internazzjonali għall-ħarsien mir-radjazzjoni mhux jonizzanti).

(8)  Riżoluzzjoni 1815 (2011) - http://assembly.coe.int/Mainf.asp?link=/Documents/AdoptedText/ta11/FRES1815.htm.

(9)  Scientific Committee on Emerging and Newly Identified Risks (il-kumitat xjentifiku dwar ir-riskji tas-saħħa emerġenti u li nstabu dan l-aħħar).

(10)  Opinjoni tal-AFSSET dwar l-aġġornament tal-għarfien espert dwar ir-radjufrekwenzi http://www.afsset.fr/upload/bibliotheque/403036549994877357223432245780/09_10_ED_Radiofrequences_Avis.pdf.

(11)  http://www.gabrielperi.fr/IMG/article_PDF/article_a1246.pdf u http://www.gabrielperi.fr/IMG/pdf/PubOlivier_Godard-precaution-0411.pdf.


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/51


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali u d-dritt ta’ komunikazzjoni mal-arrest”

COM(2011) 326 finali — 2011/0154 (COD)

2012/C 43/11

Relatur uniku: is-Sur DE LAMAZE

Nhar l-1 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali u d-dritt ta’ komunikazzjoni mal-arrest

COM(2011) 326 finali — 2011/0154 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’181 vot favur, 3 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-prinċipju ta’ direttiva bħal din. L-adozzjoni ta’ test leġislattiv li jintegra l-aktar kisbiet reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) relatati mad-drittijiet tad-difiża hija sinjal ta’ pass ’il quddiem inkontestabbli kemm fir-rigward tar-rekwiżit għal sigurtà legali kif ukoll fir-rigward tal-garanzija ta’ dawn id-drittijiet fi ħdan l-Istati Membri differenti.

1.2   L-għajnuna attiva ta’ avukat magħżul b’mod ħieles mill-bidu nett tal-proċedimenti kriminali tagħti xhieda ta’ proċess ġust. Il-KESE għandu l-istess tħassib tal-Kummissjoni: li tiġi garantita l-effettività ta’ dan id-dritt.

1.3   Għal din ir-raġuni, u peress li l-prinċipji stabbiliti fil-Proposta għal Direttiva jidhru ambizzjużi, il-KESE jinsab imħasseb dwar id-diffikultajiet li ser toħloq l-implimentazzjoni tagħhom.

1.4   Il-KESE jikkundanna bis-sħiħ il-posponiment tal-miżura dwar l-għajnuna legali, li kienet marbuta mad-dritt ta’ aċċess għal avukat fil-pjan direzzjonali tal-Kunsill, peress li dan jista’ jolqot l-effettività tad-drittijiet stabbiliti.

1.5   L-ambizzjoni tal-Proposta għal Direttiva titkejjel, l-ewwel nett, permezz tal-fatt li testendi d-dritt ta’ aċċess għal avukat għall-persuni ssuspettati.

1.5.1   Għalkemm il-prinċipju għandu jkun li d-drittijiet ikunu marbuta maċ-ċaħda tal-libertà, il-KESE jirrikonoxxi li, fid-dawl tal-prinċipju tal-ġustizzja fit-tfittxija tal-verità, kwalunkwe persuna għandha tibbenefika mill-preżenza ta’ avukat hekk kif ikun hemm proċedimenti kriminali kontriha.

1.5.2   B’hekk, jidher koerenti li skont id-dritt ta’ persuna li ma tinkriminax ruħha, il-persuna li kontriha tressqu proċedimenti jkollha aċċess għal avukat u li mingħajr il-preżenza tiegħu d-dikjarazzjonijiet tagħha waħedhom ma jistgħux iservu ta’ bażi għas-sentenza.

1.5.3   F’dan ir-rigward, il-KESE jaqbel ma’ tibdil fit-terminoloġija, jiġifieri li “persuna ssuspettata” tiġi sostitwita bil-frażi “persuna li kontriha jeżistu proċedimenti”, li għandha l-vantaġġ li tnaqqas l-inċertezza u s-suġġettività.

1.6   L-ambizzjoni tal-Proposta għal Direttiva titkejjel, it-tieni nett, permezz tal-fatt li testendi d-dritt ta’ aċċess għal avukat li jkollu rwol attiv fir-rigward tal-persuna li jkun qed jgħin, b’mod partikolari matul l-interrogazzjonijiet.

1.7   Skont il-KESE, id-dritt ta’ aċċess għal avukat kif previst fil-Proposta għal Direttiva huwa kompatibbli mal-eżiġenzi tal-investigazzjoni u, billi jikkontribwixxi għall-garanzija li l-provi miġbura jkunu ammissibbli, jista’ jiffaċilita l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedimenti kriminali bil-kundizzjoni li jiġu rispettati ċerti kundizzjonijiet.

1.7.1   Minn naħa, bil-kundizzjoni li d-direttiva:

tipprevedi d-dritt għal avukat li jkun preżenti matul l-investigazzjoni u l-ġbir tal-provi li għalihom il-preżenza tal-persuna kkonċernata hija mitluba biss meta jkun hemm bżonnha għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ difiża;

tipprevedi perjodu ta’ żmien raġonevoli li wara li jgħaddi s-servizzi tal-investigazzjoni jkunu jistgħu joperaw mingħajr il-preżenza ta’ avukat u jiġi ġġustifikat li dan ikun ġie avżat kif xieraq;

tipprevedi li kull Stat Membru jistabbilixxi perjodi ta’ żmien raġonevoli għat-tul u l-frekwenza tal-laqgħat bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, tal-anqas qabel kull smigħ;

tipprevedi li kull Stat Membru jkun jista’ jimplimenta proċeduri li jidderogaw minn ċerti prinċipji stabbiliti kemm waqt l-investigazzjoni kif ukoll waqt il-proċedimenti, b’mod partikolari meta atti mhux gravi, li jkunu relatati ma’ forom mifruxa ta’ delinkwenza, ma jiġux ikkontestati jew ma jkunux kontestabbli;

tfakkar li l-avukati huma soġġetti għall-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni;

tipprevedi “d-dritt li persuna titlob li jiġu avżati” terzi persuni jew il-konsulat tagħha u mhux li “tikkomunika” magħhom.

1.7.1.1   Is-servizzi tal-investigazzjoni għandhom iżommu kontroll tat-tul u l-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet.

1.7.1.2   Fi kwalunkwe każ, il-KESE jemmen li hemm bżonn li tiġi prevista deroga f’każ ta’ ostaklu prevedibbli għall-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjoni.

1.7.2   Min-naħa l-oħra, bil-kundizzjoni li l-Istati Membri jipprevedu l-implimentazzjoni ta’ strutturi ta’ urġenza li jippermettu aċċess immedjat għal avukat f’każ li l-avukat magħżul b’mod ħieles ma jkunx disponibbli mill-ewwel.

1.8   Fl-aħħar, bil-għan li jkun hemm bilanċ, il-KESE jistieden lill-Kunsill jistabbilixxi linji gwida bil-għan li titjieb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi fid-dawl tad-drittijiet il-ġodda mogħtija lid-difiża. Fil-fatt, il-vittmi għandhom ikunu jistgħu jiġu megħjuna minn avukat meta jkunu qed jiġu interrogati mis-servizzi tal-investigazzjoni, iktar u iktar meta jiffaċċjaw il-persuni akkużati, liema persuni ser ikunu jistgħu jiġu megħjuna minn avukat.

2.   Kuntest u kontenut tal-Proposta għal Direttiva

2.1   Il-Kunsill għaraf li sal-lum il-ġurnata, mhux qed jittieħdu biżżejjed passi fil-livell Ewropew biex jitħarsu d-drittijiet fundamentali ta’ individwi fi proċedimenti kriminali. Fit-30 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill Ġustizzja adotta riżoluzzjoni dwar pjan direzzjonali biex jissaħħu dawn id-drittijiet. Dan il-pjan direzzjonali, li nhemeż mal-Programm ta’ Stokkolma, stieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti dwar il-miżuri li ġejjin:

(a)

id-dritt għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni;

(b)

informazzjoni dwar id-drittijiet u dwar l-akkużi;

(c)

id-dritt ta’ aċċess għal avukat u għal għajnuna legali;

(d)

komunikazzjoni mal-familja, ma’ min iħaddem u mal-awtoritajiet konsulari;

(e)

garanziji speċjali għal persuni ssuspettati jew akkużati li huma vulnerabbli.

2.2   L-ewwel pass jikkonsisti fl-adozzjoni tad-Direttiva 2010/64/UE dwar id-dritt għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni (miżura A).

2.3   It-tieni pass ser ikun Direttiva, li bħalissa qed tiġi diskussa, dwar id-dritt għall-informazzjoni (1), li ser tistabbilixxi regoli minimi dwar id-dritt li wieħed jirċievi informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħu u dwar l-akkużi kontrih kif ukoll dwar id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-każ (miżura B).

2.4   Din il-proposta għal direttiva tikkorrispondi għat-tielet miżura ta’ dan il-pakkett leġislattiv. Tirrifletti l-għażla tal-Kummissjoni li tindirizza flimkien id-dritt ta’ aċċess għal avukat u d-dritt ta’ komunikazzjoni (D). L-għajnuna legali, li fil-pjan direzzjonali tal-Kunsill kienet marbuta mad-dritt ta’ aċċess għal avukat, ġiet posposta għal data iktar tard (2013). Bħal fil-każ tal-miżuri preċedenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-persuni maqbuda taħt mandat ta’ arrest Ewropew għandhom jibbenefikaw minn dawn id-drittijiet.

2.5   Din il-Proposta għal Direttiva hija intiża biex tiżgura l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE – u b’mod partikolari tal-Artikoli 4, 6, 7 u 47 - abbażi tal-Artikoli 3 u 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali speċjalment fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ trattament ħażin u d-dritt ta’ aċċess għal avukat, kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

2.6   Tipprevedi li kull persuna ssuspettata jew akkużata jkollha aċċess għal avukat mill-aktar fis possibbli. Irrispettivament minn jekk tkunx miċħuda l-libertà jew le, kull persuna għandha tibbenefika mill-għajnuna ta’ avukat sa mill-bidu tal-interrogazzjoni tagħha (Artikolu 3).

2.6.1   L-avukat għandu jipparteċipa b’mod attiv (mistoqsijiet, dikjarazzjonijiet) fl-interrogazzjonijiet u fis-seduti u għandu d-dritt jgħin f’kull att tal-investigazzjoni jew tal-ġbir tal-provi li għalihom hija mitluba espliċitament jew awtorizzata l-preżenza tal-persuna ssuspettata jew akkużata, ħlief meta l-provi li jkunu jridu jinġabru jistgħu jiġu emendati, imneħħija jew meqruda minħabba ż-żmien li jkun meħtieġ sakemm jasal l-avukat. L-avukat għandu aċċess għall-post ta’ detenzjoni biex jivverifika l-kundizzjonijiet taċ-ċaħda ta’ libertà (Artikolu 4).

2.7   Il-proposta tipprevedi wkoll id-dritt ta’ komunikazzjoni ma’ terza persuna jew mal-konsulat tagħha wara l-arrest (Artikoli 5 u 6) bil-għan li dawn jiġu infurmati dwar l-arrest.

2.8   Huwa biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali li tista’ tiġi ġustifikata deroga għad-drittijiet mogħtija fil-Proposta għal Direttiva (Artikolu 8). Id-deċiżjoni, meħuda minn awtorità legali, għandha tittieħed in concreto u ma tistax tkun ibbażata esklużivament fuq il-kriterju tal-gravità tal-ksur.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riorjentazzjoni politika li jixhed il-pjan direzzjonali adottat mill-Kunsill fit-30 ta’ Novembru 2009 bil-għan li jissaħħu d-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali.

3.2   Din il-Proposta tagħmel parti mill-avvanzi ġurisprudenzjali tal-QEDB u filwaqt li tiddefinixxi regoli minimi, li l-Istati Membri huma liberi li jmorru lil hinn minnhom, fir-realtà hija intiża għall-armonizzazzjoni minn fuq għal isfel tal-proċedimenti kriminali nazzjonali.

3.3   Il-leġislazzjonijiet nazzjonali joffru firxa li s’issa għadha varjabbli ħafna ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża. Id-definizzjoni tal-liġijiet komuni applikabbli fl-Unjoni kollha hija indispensabbli biex tinħoloq żona komuni ta’ drittijiet u biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet legali nazzjonali. Il-KESE jagħti importanza partikolari lill-ksib ta’ dawn l-objettivi, li huma kemm kundizzjoni kif ukoll konsegwenza neċessarji tal-moviment liberu tal-persuni.

3.4   Il-KESE jenfasizza wkoll il-bżonn urġenti li jonqsu l-każijiet li qed ifixklu lill-QEDB u li jwasslu għal sanzjonijiet finanzjarji għall-Istati Membri.

3.5   Madankollu, il-KESE jixtieq ifakkar li tali regoli ma jistgħux jiġu applikati u implimentati bis-sħiħ jekk ma jqisux id-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali tal-Istati Membri (sistemi li jiffokaw fuq l-akkuża jew fuq l-investigazzjoni), b’konformità mal-Artikolu 82(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont il-KESE, dan l-aspett għandu jiġi analizzat aktar fid-dettall.

3.6   Dwar il-metodu u l-kalendarju leġislattiv

3.6.1   Il-KESE mhuwiex ċert mill-valur miżjud li jirrappreżenta l-fatt li d-dritt ta’ aċċess għal avukat jiġi assoċjat mad-dritt ta’ komunikazzjoni ma’ terza persuna. Dan tal-aħħar fil-verità ma jagħmilx parti mill-protezzjoni tad-drittijiet ta’ difiża.

3.6.2   Il-KESE jiddispjaċih li, għall-kuntrarju, id-dritt ta’ aċċess għal avukat:

ma ġiex assoċjat mad-dritt għall-informazzjoni fil-qafas tal-proċedimenti kriminali (B).

jiġi trattat b’mod indipendenti mill-għajnuna legali, li ġiet assoċjata miegħu fil-pjan direzzjonali tal-Kunsill.

3.6.3   Filwaqt li jifhem ir-raġunijiet tal-posponiment tal-għajnuna legali, il-KESE jikkuntesta l-għażla tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-prinċipji qabel ma taħseb fil-mezzi finanzjarji biex timplimentahom. Għalkemm l-impatt finanzjarju fih innifsu ma jistax jiġġustifika l-ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali – kif interpretat mill-QEDB – l-effettività tad-drittijiet stabbiliti tista’ tiġi affettwata.

3.6.4   Il-KESE għalhekk jinsab aktar imħasseb dwar il-fatt li l-istudju tal-impatt li jakkumpanja l-Proposta għal Direttiva jidher li jissottovaluta l-ispejjeż tal-applikazzjoni ta’ direttiva bħal din.

3.6.5   Il-KESE jistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-mezzi ta’ finanzjament, fil-qafas tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, għall-aċċess għal żewġ avukati (wieħed fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-mandat u l-ieħor fl-Istat Membru li jwettaq l-arrest), iżda ma jikkontestax il-ġustifikazzjoni.

3.7   Kuntest

3.7.1   Id-dritt ta’ aċċess għal avukat estiż għall-persuni ssuspettati (Artikoli 2 u 3)

3.7.1.1   Il-kontribut ewlieni tal-Proposta għal Direttiva huwa li testendi d-dritt ta’ aċċess għal avukat għall-persuni ssuspettati.

3.7.1.2   L-iżviluppi reċenti tal-ġurisprudenza tal-QEDB xi kultant qed jiġu interpretati b’mod kontradittorju; il-KESE jqis li l-aċċess għal avukat għandu jinftiehem li japplika mill-mument meta tiġi miċħuda l-libertà tal-persuna.

3.7.1.3   L-unika eċċezzjoni tkun f’każ li jkunu jeżistu proċedimenti kontra l-persuna kkonċernata, li għaldaqstant, b’applikazzjoni tal-prinċipju tal-ġustizzja fit-tfittxija tal-verità ma tkunx tista’ tibqa’ tiġi kkunsidrata bħala sempliċi xhud, u għandha d-dritt li tiġi megħjuna minn avukat.

3.7.1.4   Din l-orjentazzjoni tidher li hija konformi mal-aħħar żviluppi tal-ġurisprudenza.

3.7.2   Il-kontenut tad-dritt ta’ aċċess għal avukat (Artikolu 4)

3.7.2.1   Parteċipazzjoni attiva tal-avukat matul l-interrogazzjoni (Artikolu 4(2))

3.7.2.1.1   Il-KESE jirrikonoxxi l-fatt li l-Proposta għal Direttiva tenfasizza l-effettività tal-għajnuna tal-avukat, li matul l-interrogazzjoni jew is-smigħ, jista’ jsaqsi mistoqsijiet, jitlob kjarifiki u jagħmel dikjarazzjonijiet. Fir-rigward tal-ispeċifiċitajiet tas-sistemi legali differenti, il-KESE jemmen li d-dispożizzjonijiet dwar it-tħaddim ta’ dawn id-drittijiet jistgħu jiġu regolati minn kull Stat Membru.

3.7.2.1.2   Jikkunsidra li jkun utli wkoll li tiġi prevista l-possibbiltà li avukat jitlob li l-osservazzjonijiet tiegħu jinhemżu mal-minuti tal-interrogazzjoni bil-għan li tiġi evitata kwalunkwe diffikultà mas-servizzi tal-investigazzjoni.

3.7.2.1.3   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għall-persuni ssuspettati – jekk tinżamm il-kelma “ssuspettati” – ser ikun hemm diffikultajiet prattiċi fir-rigward tal-għajnuna ta’ avukat, b’mod partikolari dik tat-trażmissjoni fl-istess ħin tal-fajl tal-każ (2). Fil-fatt, fir-rigward tal-ħafna każijiet komuni, is-servizzi tal-investigazzjoni ma jkollhomx fajl tal-każ qabel l-arrest tal-persuna kkonċernata.

3.7.2.2   Id-dritt tal-avukat li jkun preżenti għal kull att ieħor ta’ investigazzjoni jew ta’ ġbir ta’ provi li jsiru fil-preżenza tal-persuna kkonċernata (Artikolu 4(3)).

3.7.2.2.1   Jekk dan id-dritt jirrappreżenta żvilupp inkontestabbli fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ difiża, fil-fehma tal-KESE jeħtieġ li minkejja kollox issir distinzjoni bejn it-tipi ta’ atti. Fil-każ ta’ perkwiżizzjoni, il-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ tibbenefika mill-għajnuna ta’ avukat.

3.7.2.2.2   Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-miżuri tekniċi u xjentifiċi (marki tas-swaba’ diġitali, teħid ta’ sustanzi minn fuq il-ġisem, eċċ.) li dwarhom l-avukat m’għandu l-ebda kompetenza partikolari, il-KESE jemmen li tali dritt ma jġib miegħu l-ebda valur miżjud. Formola ffirmata mill-persuna li tinformaha dwar il-konsegwenzi tar-rifjut tagħha tista’ tkun biżżejjed.

3.7.2.2.3   Madankollu l-KESE huwa konxju mil-limitazzjonijiet li tali dritt jista’ jġib għall-iżvolġiment tal-investigazzjoni. Fl-opinjoni tiegħu, huwa fundamentali li ma jkunx hemm tfixkil għall-iżvolġiment tal-investigazzjoni. Il-ġbir tal-provi għandu jkun jista’ jsir fl-iqsar żmien possibbli fl-interess tal-persuna ssuspettata nnifisha. Il-KESE jissuġġerixxi li d-direttiva tipprevedi skadenza li wara din id-data s-servizzi tal-investigazzjoni jkunu jistgħu joperaw minkejja l-assenza ta’ avukat, b’ġustifikazzjoni li dan ikun ġie avżat kif xieraq;

3.7.2.2.4   F’ċerti każijiet biss jew fejn ma jistax ikun hemm tfixkil għall-ġustizzja tal-proċedura, il-KESE jemmen li tista’ tkun ir-responsabbiltà tal-ġurisdizzjonijiet nazzjonali biex jiddeċiedu dwar l-ammissibbiltà ta’ provi miksuba mingħajr il-preżenza ta’ avukat.

3.7.2.3   Laqgħat bejn l-avukat u l-klijent tiegħu (5)

3.7.2.3.1   Għalkemm it-tul u l-frekwenza tal-laqgħat mal-avukat għandhom ikunu biżżejjed, in-nuqqas ta’ limitazzjoni apparti l-“ħsara għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża”, kunċett vag u suġġettiv, f’għajnejn il-KESE, ser ikun sors ta’ tilwim bejn l-avukati u l-pulizija.

3.7.2.3.2   Il-KESE jistaqsi għaldaqstant dwar il-kwistjoni tat-tul inerenti fl-eżerċitar ta’ dawn id-drittijiet (opinjoni tal-avukat, preżenza effettiva, qari tal-fajl tal-każ, laqgħa mal-klijent, għajnuna matul l-interrogazzjonijiet u f’ċerti investigazzjonijiet, eċċ.) fil-kuntest ta’ investigazzjoni limitata fi żmien qasir wisq biex tkun effettiva.

3.7.2.3.3   Il-KESE jemmen li hemm bżonn li kull Stat Membru jistabbilixxi perjodu raġonevoli għat-tul u l-frekwenza tal-laqgħat bejn l-avukat u l-klijent tiegħu bil-għan li jiġi evitat li ssir ħsara lill-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjoni filwaqt li jitħares l-eżerċizzju effettiv ta’ dawn id-drittijiet Jemmen li dawn il-laqgħat għandhom isiru, tal-anqas, qabel kull interrogazzjoni ġdida.

3.7.2.4   Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni (Artikolu 4(4))

3.7.2.4.1   L-impatt tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fuq persuna mċaħħda mil-libertà m’għandux bżonn jiġi spjegat. Għal raġunijiet evidenti relatati mad-dinjità tal-bnedmin, il-KESE jenfasizza l-bżonn urġenti li jiġu allokati r-riżorsi neċessarji għat-titjib tagħhom. Skont il-KESE mhijiex il-missjoni tal-avukat li “jikkontrolla” l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-persuna kkonċernata, madankollu jista’ jiġi stabbilit li l-avukat “jiċċekkja” (3) dawn il-kundizzjonijiet u jkun jista’ jitlob li l-kummenti tiegħu jiġu kkunsidrati. Il-KESE jipproponi li jiġi preċiżat li l-avukat għandu jkollu aċċess għall-post ta’ detenzjoni minn kmieni kemm jista’ jkun.

3.7.2.5   Prinċipju tal-għażla libera tal-avukat

3.7.2.5.1   Id-dritt ta’ aċċess għal avukat imur id f’id mal-prinċipju tal-għażla libera tal-avukat, b’konformità mal-Artikolu 6(3)(c) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem. Peress li nnota li l-Proposta għal Direttiva ma tagħmilx referenza għal dan, il-KESE jipproponi li jitfakkar dan il-prinċipju. Tista’ tiġi prevista deroga fir-rigward tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, fuq talba tal-awtorità legali; f’tali każ, l-avukat jista’ jinħatar mill-korpi dixxiplinari.

3.7.2.5.2   Bil-għan li jiġi applikat il-prinċipju tal-għażla libera tal-avukat, l-istrument futur dwar l-għajnuna legali għandu jipprevedi li l-interventi ta’ kull avukat Ewropew jiġu kkunsidrati bħala għajnuna legali.

3.7.2.5.3   Sabiex tiġi garantita l-effikaċja tad-drittijiet stabbiliti fid-direttiva, il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jirriflettu dwar l-implimentazzjoni ta’ strutturi ta’ urġenza li jippermettu aċċess immedjat għal avukat f’każ fejn l-avukat li jkun intgħażel b’mod liberu ma jkunx disponibbli mill-ewwel.

3.7.2.6   Is-segretezza tal-investigazzjoni

3.7.2.6.1   Il-KESE jixtieq ifakkar li l-avukati huma soġġetti għas-segretezza tal-investigazzjoni. Skont il-KESE, dan l-obbligu jikkontribwixxi għall-garanzija li t-tisħiħ tad-drittijiet stabbiliti fil-Proposta għal Direttiva ma jkunx ta’ ħsara għall-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjoni.

3.7.3   Id-dritt li mal-arrest ikun hemm komunikazzjoni ma’ terza persuna (Artikoli 5 u 6)

3.7.3.1   Filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza li terza persuna tiġi infurmata, u bil-għan li jiġu evitati r-riskji li d-dritt ta’ komunikazzjoni diretta ma’ terza persuna jolqtu l-investigazzjoni, il-KESE jirrakkomanda l-espressjonijiet li ġejjin: “persuna titlob li jiġu avżati” terzi persuni jew il-konsulat tagħha”.

3.7.4   Kamp ta’ applikazzjoni (Artikolu 2) u derogi (Artikolu 8)

3.7.4.1   Peress li jibża’ li formalità eċċessiva tal-proċedimenti kriminali tista’ tagħmel ħsara lill-effettività tal-investigazzjoni, il-KESE jemmen li jeħtieġ li kull Stat Membru jkun jista’ jimplimenta proċeduri li jidderogaw minn ċerti prinċipji kemm waqt l-investigazzjoni kif ukoll waqt il-proċeduri, b’mod partikolari meta atti mhux gravi, li jkunu relatati ma’ forom mifruxa ta’ delinkwenza, ma jiġux ikkontestati jew ma jkunux kontestabbli.

3.7.4.2   Peress li jqis li huwa fundamentali li ma ssirx ħsara lill-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjoni, il-KESE jissuġġerixxi li fi kwalunkwe każ tiġi prevista deroga f’każ ta’ ħsara prevedibbli għal dan l-iżvolġiment. Jipproponi li l-Artikolu 8(a) jiġi emendat skont din il-fehma (ara kummenti partikolari).

4.   Kummenti partikolari

4.1   Fit-test kollu l-frażi “persuna ssuspettata jew akkużata” għandha tinbidel għal “persuna li kontriha jeżistu proċedimenti”.

4.2   Artikolu 3 (1)(a): wara “mistoqsijiet” għandha tiżdied “jew ikun hemm smigħ”.

4.3   Artikolu 4(1): “jirrappreżentaha” għandha ssir “jgħinha”.

4.4   Artikolu 4(2): tiżdied il-preċiżjoni li ġejja: “kull interrogazzjoni jew smigħ tal-persuna li kontriha jeżistu proċedimenti” u għandha tiżdied ukoll il-frażi “u l-osservazzjonijiet tiegħu għandhom jinhemżu mal-minuti”.

4.5   Artikolu 4(4): “jiċċekkja” minflok “jivverifika” u wara “għal dan l-iskop, huwa għandu jkollu aċċess” għandu jiżdied “kmieni kemm jista’ jkun” u “biex jirreġistra l-osservazzjonijiet tiegħu”.

4.6   Artikolu 5 titolu u l-ewwel punt: “Id-dritt li mal-arrest ikun hemm komunikazzjoni ma’ terza persuna” u “dritt li tikkomunika mill-aktar fis possibbli ma’ minn tal-anqas persuna waħda nnominata minnha” għandhom isiru “Id-dritt li mal-arrest tiġi avżata terza persuna” u “dritt li tavża mill-aktar fis possibbli tal-anqas persuna waħda nnominata minnha”.

4.7   Artikolu 5(2): “tifel/tifla” għandha ssir “minorenni”.

4.8   Artikolu 6: “Id-dritt ta’ komunikazzjoni mal-awtoritajiet konsolari jew diplomatiċi” għandha ssir “Id-dritt li l-persuna kkonċernata titlob li jiġu avżati l-awtoritajiet konsolari jew diplomatiċi”.

4.9   Arikolu 8(a): fl-aħħar għandha tiżdied “u li ma ssirx ħsara għall-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjoni”.

4.10   Artikolu 8, l-aħħar sentenza wara l-inċiż e: “awtorità kompetenti” minflok “awtorità ġudizzjarja”.

4.11   Artikolu 11(2) u (3): għandha tiżdied il-frażi “u li jehmeż l-osservazzjonijiet tiegħu mal-minuti”.

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 48–50.

(2)  Skont l-Artikolu 7 tal Proposta għal Direttiva dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali kwalunkwe persuna ssuspettata jew akkużata, jew l-avukat tagħha, għandha aċċess għall-fajl tal-każ.

(3)  Terminu li jkun traduzzjoni leali għat-terminu “to check up”.


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/56


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran”

COM(2011) 479 finali — 2011/0218 (COD)

2012/C 43/12

Relatur: is-Sinjura LE NOUAIL-MARLIÈRE

Nhar is-6 u t-13 ta’ Settembru, rispettivament, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran

COM(2011) 479 finali — 2011/0218 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’166 vot favur, vot wieħed kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat japprova t-tibdil propost mill-Kummissjoni rigward ir-regolament tal-2006 bil-għan li jiġi stabbilit sajd sostenibbli fir-reġjun permezz tat-titjib tal-isfruttament tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin u permezz tal-protezzjoni tal-ħabitats sensittivi, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet tas-sajd kostali fuq skala żgħira fil-Mediterran.

1.2   Minkejja li l-impatt tat-tibdil ma ġiex ivvalutat, il-Kumitat jittama li dawn il-miżuri l-ġodda ser ikollhom biss impatt żgħir fuq ir-riżorsi globali tas-sajd fil-Mediterran.

2.   Il-proposti tal-Kummissjoni

2.1   Sommarju

L-għan tal-proposta huwa li tagħmel inventarju tas-setgħat delegati previsti fir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u tistabbilixxi l-proċeduri bil-għan li l-Kummissjoni tadotta atti delegati korrispondenti u tiddetermina min huwa awtorizzat jadotta:

atti ddelegati bil-għan li jingħataw derogi għal ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament meta din il-possibbiltà hija prevista espliċitament, u bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet stretti stabbiliti minn dan l-istess regolament jiġu ssodisfati;

il-kriterji li għandhom ikunu applikati għad-definizzjoni u l-allokazzjoni tar-rotot li għandhom jittieħdu mill-bastimenti li jkollhom apparat aggregattiv tas-sajd (FAD) għas-sajd tal-lampuki fiż-żona ta’ ġestjoni ta’ 25 mil madwar Malta;

il-proċeuri għat-twaqqif ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali dwar il-karatteristiċi tat-tagħmir tas-sajd;

atti ddelegati dwar l-emendi għall-annessi.

Bażi legali

L-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (u l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE).

—   Prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

—   Prinċipju tal-proporzjonalità

Peress li l-proposta tibdel miżuri li diġà jeżistu fir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 tal-Kunsill, il-prinċipju tal-proporzjonalità mhuwiex affettwat.

—   L-għażla tal-istrumenti

L-istrument propost: regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Mezzi oħra ma jkunux adegwati minħabba r-raġuni li ġejja: regolament irid jiġi emendat b’regolament. (Prinċipju tal-paralleliżmu tal-forom)

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Din il-miżura ma tinvolvi l-ebda nefqa addizzjonali għall-baġit tal-Unjoni.

2.1.1   Is-suġġett huwa r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 tal-Kunsill tal-21/12/2006 – Att leġislattiv definittiv – dwar ir-riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran. Il-bażi legali prinċipali għal dan l-aġġornament tar-Regolament huwa l-Artikolu 43 tat-TFUE (sors: Artikolu 37 tat-TKE) li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tippreżenta proposti dwar it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni u, speċifikament f’dan il-kuntest, il-politika komuni tas-sajd.

2.2   Iżda, il-proposta tissejjes ukoll fuq l-Artikolu 290 tat-TFUE (sors: Artikolu 202 tat-TKE) li joħloq kategorija ġdida ta’ atti, l-atti ddelegati “li jiżviluppaw fid-dettall jew jemendaw ċerti elementi ta’ att leġislattiv taħt xi forma ta’ awtorizzazzjoni definita mil-leġislatur”.

2.3   L-objettivi, il-kontenut, il-kamp tal-applikazzjoni u d-durata tad-delega ta’ setgħa għandhom jiġu definiti espressament fl-atti leġislattivi soġġetti għal din is-sistema legali (Artikolu 290(1) tat-TFUE). L-att li jiġi ddelegat b’dan il-mod lill-Kummissjoni huwa att mhux leġislattiv u ma jikkonċernax id-dispożizzjonijiet essenzjali tal-att leġislattiv, li għandu jistabbilixxi b’mod espliċitu l-kundizzjonijiet li għalihom tkun soġġetta d-delega. Id-delega lill-Kummissjoni għalhekk hija limitata ħafna, u l-Parlament Ewropew u/jew il-Kunsill jistgħu jiddeċiedu li jirtirawha taħt ċerti kundizzjonijiet ((Artikolu 290(2)(a) tat-TFUE).

2.4   Barra minn hekk, l-att iddelegat jista’ jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fiż-żmien stabbilit mill-att leġislattiv. (Artikolu 290(2)(b) tat-TFUE). Il-kelma “delega” għandha tiddaħħal fl-intestatura tal-atti delegati.

2.5   Barra minn hekk, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni jippermettulha tadotta regoli uniformi ta’ implimentazzjoni ta’ atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, kif previst fl-Artikolu 291(2) tat-TFUE (atti ta’ implimentazzjoni).

2.6   Fil-kuntest tal-allinjament tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 mar-regoli l-ġodda tat-TFUE, is-setgħat li attwalment huma mogħtija lill-Kummissjoni permezz ta’ dak ir-Regolament kienu kklassifikati mill-ġdid f’miżuri ta’ natura delegattiva u miżuri ta’ natura implimentattiva fil-Proposta għal Regolament tad-9.8.2011 (1).

3.   Kummenti ġenerali tal-Kumitat

3.1   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-leġislatur biss għandu jiddetermina jekk hux ser jawtorizza jew le r-rikors għal atti ddelegati. Dan jippermettilu jiffoka fuq id-dispożizzjonijiet prinċipali tal-leġislazzjoni u jevita li jkollu għalfejn jidħol fid-dettalji tekniċi, b’mod li jkun jista’ jagħmel tibdil ieħor ta’ ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġislattiv ikkonċernat. Huwa l-leġislatur li jiddetermina minn qabel x’inhu essenzjali u x’mhuwiex.

3.2   Id-dritt ta’ call back tal-Parlament jew tal-Kunsill jagħti s-setgħa lil-leġislatur li, f’kull mument jieħu lura s-setgħa leġislattiva (call back) kollha tiegħu; f’dan il-każ, il-Parlament jaġixxi b’maġġoranza tal-membri tiegħu, u l-Kunsill b’maġġoranza kkwalifikata. Id-delega tas-setgħa tiskadi fid-data stabbilita fl-att leġislattiv jekk tkun iddaħħlet klawżola bħal din (sunset clause). Jekk hekk ikun hemm bżonn, id-delega tas-setgħa għandha tiġġedded malli tiskadi d-delega tas-setgħa lill-Kummissjoni.

3.3   Il-bażi legali tal-Proposta għal Regolament emendat hija l-Artikolu 43(2) tat-TFUE (ġdid), li jagħti setgħa lill-UE fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd, u l-Kumitat jaqbel ukoll mal-Kummissjoni rigward il-fatt li din il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità, minħabba l-fatt li temenda biss elementi li diġà jeżistu fir-regolament tal-2006, li jagħti lill-Kummissjoni setgħat delegati għall-aġġornament ta’ ċerti dispożizzjonijiet mhux essenzjali.

3.4   Il-Kumitat josserva wkoll ir-rispett tal-prinċipju tal-paralleliżmu tal-forom rigward in-natura tal-att, regolament li jista’ jemenda biss regolament ieħor. Fl-aħħar nett, ma għandux ikun hemm infiq baġitarju ġdid biex jiġi implimentat ir-regolament emendat. L-elementi ewlenin tar-regolament li jrid jiġi emendat huma dawn:

l-introduzzjoni ta’ malji kwadri ta’ 40 mm għax-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u, f’ċerti każijiet, xbieki b’malji djamant ta’ 50 mm, b’effett mid-data attwali sa mhux iżjed tard mill-1 ta’ Lulju 2008;

ir-regola ġenerali dejjem tipprevedi l-interdizzjoni tal-użu ta’ xbieki tat-tkarkir għal inqas minn 1,5 mil nawtiku. Iżda, l-attivitajiet tat-tkarkir fl-ilmijiet kostali (bejn 0,7 u 1,5 mil nawtiku) jistgħu jkomplu jiġu awtorizzati taħt ċerti kundizzjonijiet fil-qafas tal-emendi proposti.

3.4.1   Barra minn hekk, ir-regolament li jrid jiġi emendat:

jintroduċi miżuri tekniċi, bil-għan li jtejbu l-għażla tal-malji attwali ta’ 40 mm għax-xbieki rmunkati;

isaħħaħ l-interdizzjoni attwali tal-użu ta’ tagħmir irmunkat fiż-żoni kostali;

jillimita d-dimensjonijiet globali ta’ ċertu tagħmir tas-sajd li jaffettwaw l-isforz tas-sajd;

jintroduċi proċedura biex, fuq bażi temporanja jew permanenti, jiġi stabbilit l-għeluq ta’ ċerti żoni tas-sajd għal ċerti metodi ta’ sajd, kemm fl-ilmijiet Komunitarji kif ukoll f’dawk internazzjonali.

jipprevedi l-adozzjoni ta’ pjani ta’ ġestjoni li jikkumbinaw azzjoni dwar l-isforz tas-sajd u miżuri tekniċi;

jippermetti lill-Istati Membri tal-UE li jirregolaw, fl-ilmijiet territorjali tagħhom u taħt ċerti kundizzjonijiet, l-attivitajiet tas-sajd li d-dimensjoni Komunitarja jew l-impatt ambjentali tagħhom ma jkunx sinifikanti, inkluż rigward ċertu sajd lokali attwalment awtorizzat mil-leġislazzjoni Komunitarja.

4.   Kummenti speċifiċi tal-Kumitat

4.1   Ir-regolament emendat jipprevedi żewġ kategoriji ta’ dispożizzjonijiet: minn naħa jipprevedi dispożizzjonijiet proċedurali dwar l-eżerċitar tas-setgħat delegati mill-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra miżuri tekniċi dwar l-għoti ta’ derogi lil ċerti bastimenti tas-sajd rigward id-daqs tal-bastimenti li jgawdu minn derogi, is-saħħa tagħhom, u l-mezzi tas-sajd użati minn dawn il-bastimenti, kif ukoll iż-żoni tas-sajd awtorizzati.

4.2   Il-Kumitat jieħu nota tal-konformità tad-dispożizzjonijiet proċedurali mat-Trattat il-ġdid TFUE.

4.3   Min-naħa l-oħra, jistaqsi lilu nnifsu jekk id-dispożizzjonijiet tekniċi li jippermettu deroga għad-dispożizzjonijiet tekniċi tar-regolament tal-2006 għandhomx il-karatteristiċi ta’ dispożizzjonijiet mhux essenzjali meħtieġa mill-Artikolu 290 tat-TFUE, peress li fil-fatt huma derogi għal dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jipproteġu r-riżorsi tas-sajd fil-Mediterran, li huma mhedda mis-sajd eċċessiv.

4.4   Il-Kumitat huwa tal-fehma li dawn id-dispożizzjonijiet kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet twal fi ħdan il-Kunsill, u li Stat Membru wieħed ma pparteċipax fihom. Il-fatt li l-emendi proposti “ftit li xejn huma sinifikanti” ma joħroġx fid-dieher minn valutazzjoni tal-impatt li kieku kienet tiġġustifika r-rikors għal dispożizzjonijiet ġodda tal-Artikolu 290 u tal-Artikolu 291 tat-TFUE.

4.5   Madankollu, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-proposti ta’ deroga ser jagħmluha possibbli li s-sajjieda fuq skala żgħira jkampaw aħjar fil-konfront tal-kriżi ekonomika globali u ż-żieda fl-ispejjeż operattivi, b’mod partikolari tal-karburanti.

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 479 finali.


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/59


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Green Paper dwar il-miżuri ta’ promozzjoni u ta’ informazzjoni għall-prodotti agrikoli: strateġija Ewropea b’valur miżjud għoli għall-promozzjoni tal-palat tal-prodotti tal-Ewropa”COM(2011) 436 finali — u “l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi”

COM(2011) 663 finali — 2011/0290 (COD)

2012/C 43/13

Relatur: is-Sinjura Dilyana SLAVOVA

Fl-14 ta’ Lulju 2011, is-27 ta’ Ottubru u d-29 ta’ Novembru rispettivament, il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, iddeċiedew, b’konformità mal-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper dwar il-miżuri ta’ promozzjoni u ta’ informazzjoni għall-prodotti agrikoli: strateġija Ewropea b’valur miżjud għoli għall-promozzjoni tal-palat tal-prodotti tal-Ewropa

COM(2011) 436 finali

u

l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

COM(2011) 663 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’188 voti favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-prodotti agroalimentari tal-Unjoni Ewropea huma uniċi fir-rigward tal-kwalità u d-diversità tagħhom. Madankollu, f’suq globali miftuħ, il-produzzjoni ta’ ikel u xorb eċċellenti waħedha mhijiex biżżejjed biex tiżgura pożizzjoni tajba fis-suq. Programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni jistgħu jgħinu lill-produtturi Ewropej jilqgħu l-isfidi ta’ dinja dejjem aktar kompetittiva billi jispjegaw lill-konsumaturi l-livell għoli fil-kwalità tal-prodotti agrikoli tal-UE u jistimulaw l-esportazzjonijiet.

1.2

Il-politika attwali għall-informazzjoni u l-promozzjoni tal-prodotti agrikoli tat riżultati tajbin iżda l-KESE huwa konvint li għandha tiġi semplifikata aktar u mtejba biex tirrispondi aħjar għall-eżiġenzi tas-swieq Ewropej u dawk dinjija, u tindirizza l-bżonnijiet tal-produtturi Ewropej.

1.3

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon “il-Green Paper dwar il-miżuri ta’ promozzjoni u ta’ informazzjoni għall-prodotti agrikoli: strateġija Ewropea b’valur miżjud għoli għall-promozzjoni tal-palat tal-prodotti tal-Ewropa” u jirrakkomanda li l-politika ta’ promozzjoni għall-prodotti agroalimentari ssir waħda mill-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni fis-snin li ġejjin, kemm għas-swieq interni kif ukoll dawk esterni.

1.4

Il-KESE jappoġġja żewġ għanijiet fundamentali tal-politika ġdida ta’ promozzjon li hija ffukata fuq is-suq partikolari kkonċernat: minn naħa, l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar is-suq tal-UE, b’enfasi fuq l-ogħla garanziji tat-tikkettar, it-traċċabbiltà u s-sikurezza tal-ikel, u fuq ir-rekwiżiti stretti ħafna fir-rigward tal-ambjent, il-benesseri tal-annimali u r-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema u, min-naħa l-oħra, il-promozzjoni tal-esportazzjoni fis-suq estern.

1.5

Filwaqt li jagħraf il-limiti li jirriżultaw mill-kriżi finanzjarja attwali, il-KESE jikkunsidra li huwa assolutament kruċjali li jiżdied il-baġit għat-tixrid tal-informazzjoni u l-miżuri ta’ promozzjoni tal-prodotti agrikoli fis-suq intern u l-pajjiżi terzi. Pereżempju l-fondi tal-Istati Uniti għall-Programm tal-Aċċess għas-Suq jammontaw għal 200 miljun dollaru għas-sena fiskali tal-2012.

1.6

Il-KESE jirrakkomanda li l-proċeduri amministrattivi għat-tħejjija u l-monitoraġġ tal-programmi tal-promozzjoni għandhom jiġu semplifikati, partikularment billi jonqos in-numru ta’ rapporti li titlob il-Kummissjoni. Huwa partikularment importanti li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi.

1.7

Il-KESE jikkunsidra li hija essenzjali trasparenza akbar fl-għażla tal-programmi fil-livell nazzjonali, u li l-Kummissjoni għandha tfassal linji gwida ċari għall-Istati Membri. L-evalwazzjoni tal-programmi għandha tittejjeb permezz ta’ sistema ta’ evalwazzjoni stretta b’indikaturi konkreti bħaż-żieda fis-suq. It-tul taż-żmien tal-proċess ta’ selezzjoni għandu jonqos. Barra minn hekk huwa kruċjali li l-programmi jkollhom viżjoni Ewropea, ibbażata fuq il-valur miżjud li tinkludi l-ħolqien tal-impjiegi u li tingħata prijorità, permezz ta’ skema favorevoli ta’ finanzjament (li tipprovdi sa 60 % minflok 50 %), lill-programmi li jinvolvu bosta pajjiżi u li jkopru numru ta’ prodotti.

1.8

Għandha tiddaħħal flessibbiltà akbar biex il-programmi jkunu jistgħu jiġu adattati għall-kondizzjonijiet tas-swieq li jinbidlu waqt il-fażi tal-implimentazzjoni. Għal dan il-għan, għandu jitnaqqas ukoll il-livell tad-dettall meħtieġ meta jkunu qed jiġu ppreżentati l-programmi.

1.9

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tqis id-differenzi fil-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet professjonali fl-Istati Membri l-qodma u l-ġodda. In-nuqqas ta’ esperjenza u l-kapaċitajiet baxxi jillimitaw l-abbiltà tal-assoċjazzjonijiet professjonali tal-Istati Membri l-ġodda li jipparteċipaw b’mod sħiħ fl-iskemi ta’ promozzjoni. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra li żżid il-ħlasijiet bil-quddiem lil dawn l-organizzazzjonijiet (pereżempju 30 % tal-ispiża annwali).

1.10

Il-KESE jemmen li l-leġislazzjoni tal-promozzjoni għandha tiċċara r-rwol tad-ditti u l-bilanċ bejn il-promozzjoni ġenerika u l-promozzjoni ta’ ditta, speċjalment fil-pajjiżi barra mill-UE. Bil-għan li tiġi żgurata informazzjoni kompleta u trasparenti, għandu jkun permess li jissemma’ l-oriġini tal-prodott, anke għall-prodotti li m’għandhomx denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta.

1.11

Hemm bżonn li jitjiebu l-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif ukoll bejn l-Istati Membri nfushom. Għandu jkun hemm skambju tal-aqwa prattiki u esperjenzi fil-konferenzi u fis-seminars.

1.12

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-idea li tinħoloq pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-aqwa prattiki bejn il-professjonisti, li tista’ tkun għodda prezzjuża li tappoġġja l-iżvilupp tal-kampanji promozzjonali. Servizz ta’ skambju fil-livell tal-UE (workshops, siti tal-web, eċċ.), li jkun miftuħ għal dawk kollha li għandhom xi rwol fl-informazzjoni u l-promozzjoni tal-prodotti agroalimentari, ikun partikolarment ta’ benefiċċju fit-tfassil tal-programmi strutturati u kkoordinati tajjeb bis-sehem ta’ diversi pajjiżi.

1.13

Iridu jinħolqu s-sinerġiji bejn il-programmi differenti ta’ promozzjoni li jkunu għaddejjin. Il-kontinwità hija essenzjali biex il-programmi jiksbu l-impatt mixtieq. Għandu jkun possibbli li jiġi ripetut faċilment programm ta’ promozzjoni li kellu suċċess. Hemm bżonn li jinħoloq netwerk ġenwin u attiv ta’ promozzjoni.

1.14

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni toħloq “gwida” sħiħa u sempliċi li tista’ tgħin lill-benefiċjarji jikkonformaw mar-regoli u l-proċeduri tal-iskema.

1.15

Il-politika ta’ promozzjoni għandha tappoġġja l-attivitajiet ta’ esportazzjoni tal-operaturi tal-UE, b’mod partikolari l-SMEs biex jibbenefikaw miż-żieda fil-konsum esperjenzata fis-swieq emerġenti. L-esportazzjoni ma tirrappreżentax biss swieq ġodda iżda anki stimulu essenzjali għat-titjib tal-prestazzjoni fil-kumpaniji. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tappoġġja proġetti pilota orjentati lejn it-tfassil ta’ strateġiji ta’ esportazzjoni li jistgħu jipprovdu qafas jew netwerk adatt għall-istrateġiji u l-bżonnijiet ta’ esportazzjoni individwali tal-kumpaniji u b’hekk tiġi faċilitata l-penetrazzjoni tal-prodotti agroalimentari tal-UE f’dawn is-swieq.

1.16

Il-lista ta’ prodotti li huma koperti mil-leġislazzjoni għandha tiġi estiża biex jiġu promossi l-prodotti kollha li jwasslu l-messaġġ tal-kwalità tal-produzzjoni tal-UE jew li jistgħu jsaħħuh. Soluzzjoni tista’ tinstab ukoll għal prodotti oħrajn, bħal starter cultures.

1.17

Il-KESE jixtieq jara enfasi qawwija fuq il-benefiċċji nutrittivi tal-prodotti u dwar in-nutrizzjoni u l-ikel tajjeb għas-saħħa, billi l-prodotti agroalimentari tal-UE jitpoġġew f’perspettiva ta’ nutrizzjoni/saħħa. Għandhom jiddaħħlu inizjattivi li jippromovu dieti aktar bilanċjati. F’dan ir-rigward, l-enfasi għandha titqiegħed fuq il-promozzjoni ta’ messaġġi importanti dwar is-saħħa u fuq il-kwalità tal-prodotti.

1.18

Il-Kumitat jemmen li l-poteri tal-adozzjoni ta’ atti delegati u implimentati, hekk kif stabbiliti fil-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (COM(2011) 663 finali) ser itejbu l-konsistenza tal-miżuri ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli u ser jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni uniformi tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni żżomm kuntatti regolari mal-partijiet interessati u l-organizzazzjonijiet u li tirrispondi b’mod adegwat għall-proposti tagħhom.

2.   Daħla

2.1

L-iskema tal-promozzjoni tal-UE għall-prodotti agroalimentari hija politika orizzontali li tkopri kważi s-setturi agroalimentari kollha u tenfasizza l-karatteristiċi ġenerali u l-valur miżjud tal-PAK. Hija tikkomplementa l-isforzi promozzjonali privati u pubbliċi fil-livell tal-Istati Membri.

2.2

Il-Kummissjoni Ewropea talloka madwar Euro 50 miljun fis-sena biex tappoġġja l-kampanji li jippromovu l-prodotti agroalimentari u l-metodi ta’ produzzjoni tal-UE. Din l-assistenza normalment tingħata lill-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi professjonali li jippromovu approċċi agroalimentari Ewropej ta’ kwalità għolja.

2.3

Il-kampanji ta’ promozzjoni jenfasizzaw il-kwalità, il-valur nutrittiv u s-sigurtà tal-prodotti tal-biedja tal-UE, u jiġbdu l-attenzjoni għall-valur miżjud kbir li ġej mill-metodi ta’ produzzjoni, it-tikkettar, il-benesseri tal-annimali u r-rispett għall-ambjent, fost aspetti oħra.

2.4

Il-kampanji jistgħu jiġu implimentati ġewwa l-UE jew lil hinn mill-fruntieri tagħha bil-għan li jinfetħu swieq ġodda. Bejn l-2000 u l-2010, 458 programm promozzjonali rċevew il-kofinanzjament tal-UE u l-Istat Membri kollha gawdew mill-miżura. Attivitajiet promozzjonali jistgħu jinkludu kampanji ta’ reklamar fil-mezzi tax-xandir, promozzjoni fil-punt tal-bejgħ, parteċipazzjoni f’esibizzjonijiet u fieri u firxa ta’ attivitajiet oħra.

2.5

Il-finanzi tal-UE jkopru sa nofs l-ispejjeż kollha tal-kampanja. Tal-anqas 20 % għandhom jiġu kkontribwiti mingħand l-organizzazzjoni li tkun qed tipproponi u l-bqija jistgħu jiġu pprovduti mill-awtoritajiet nazzjonali u minn sorsi oħra.

2.6

Preferribbilment il-programmi għandhom itulu diversi snin u jkunu mifruxin biżżejjed biex ikollhom impatt sinifikanti fuq is-swieq fil-mira. Tingħata prijorità lill-programmi proposti mill-organizzazzjonijiet li ġejjin minn diversi Stati Membri jew li jkopru diversi Stati Membri jew pajjiżi terzi.

2.7

Aktar minn żewġ terzi tal-informazzjoni kollha agroalimentari tal-UE u l-kampanji promozzjonali approvati f’dawn l-aħħar 5 snin kienu mmirati lejn is-suq intern. 8 % biss tal-programmi approvati jkopru diversi pajjiżi u nċaħdu aktar minn nofs l-applikazzjonijiet kollha fil-perjodu 2006-2010.

2.8

Mill-bidu tagħha, l-iskema promozzjonali kienet taħt monitoraġġ regolari permezz ta’ rapporti tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Il-Qorti tal-Awdituri Ewropea wkoll għamlet xi rakkomandazzjonijiet għal titjib fir-rapport speċjali ppublikat fl-2009.

3.   L-essenza tal-Komunikazzjoni

3.1

Minkejja s-suċċess kbir tiegħu, is-settur Ewropew tal-agrikoltura u dak agroalimentari għandhom quddiemhom sfidi konsiderevoli. Il-passi’l quddiem li saru mill-produtturi tal-UE fl-oqsma tad-dranaġġ, l-ambjent u l-benesseri tal-annimali mhux dejjem jiġu rikonoxxuti. Waslu kompetituri ġodda kemm fis-swieq tradizzjonali kif ukoll f’dawk emerġenti fl-UE. Fl-aħħar, l-UE għandha patrimonju kulinari ta’ diversità kbira li għandu jiġi sfruttat kemm jista’ jkun.

3.2

Ir-riforma li għaddejja fil-Politika Agrikola Komuni (PAK) lil hinn mill-2013 timmira li tiżgura li l-PAK tidħol b’mod dirett fl-Istrateġija Ewropea 2020 billi tippromovi settur agrikolu li joffri sigurtà tal-ikel, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u żoni rurali aktar dinamiċi. Flimkien mar-riforma tal-PAK, il-Kummissjoni nediet proċess mifrux ta’ konsultazzjoni tal-partijiet interessati bil-għan li tiddefinixxi kif għandha tkun strateġija ta’ promozzjoni aktar ambizzjuża u mmirata għas-settur tal-agrikultura u tal-ikel fl-Ewropa.

3.3

L-għanijiet speċifiċi għas-swieq lokali, Ewropej u globali ser jiġu definiti fi stadju aktar tard biex il-miżuri li jridu jittieħdu f’kull każ ikunu ffukati b’mod aktar effikaċi. L-għanijiet globali tal-politika riformata ta’ informazzjoni u promozzjoni ser jinkludu:

sfruttar aktar effikaċi tal-produzzjoni agrikola Ewropea u tisħiħ tal-pożizzjoni tagħha fis-swieq varji;

promozzjoni tal-livelli għoljin ħafna tal-UE fis-sigurtà tal-ikel, l-ambjent u l-benesseri tal-annimali tal-UE u l-għoti ta’ informazzjoni aħjar lill-konsumaturi dwar il-mudell ta’ produzzjoni Ewropea;

l-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda fost il-konsumaturi u l-isfruttar tad-diversità tal-prodotti Ewropej;

żieda fis-sensibilizzazzjoni tas-sistemi u l-prodotti ta’ kwalità b’valur miżjud għoli.

3.4

Il-Green Paper hija maqsuma f’erba’ partijiet, li jiddiskutu u jqajmu mistoqsijiet dwar diversi aspetti dwar il-politika ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni: il-valur miżjud tagħha għall-Ewropa, miri u miżuri għas-swieq interni (fosthom dawk lokali u reġjonali) u esterni; kif ukoll aspetti aktar ġenerali ta’ aproċċi ta’ kontenut u ta’ ġestjoni.

3.5

Il-Green Paper tenfasizza l-potenzjal li mhuwiex sfruttat biżżejjed tas-swieq reġjonali u lokali. Għandu jkun hemm miżuri mmirati lejn l-iffinanzjar ta’ servizzi bażiċi, bħall-ħolqien ta’ ċentri kummerċjali, ħwienet jew swieq. Jekk l-għodda LEADER tkun integrata aħjar wara l-2013, din jista’ jkollha rwol importanti fil-promozzjoni ta’ katini ta’ distribuzzjoni qosra.

3.6

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tiġi appoġġjata biex tinħoloq il-komplementarjetà bejn il-kampanji ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni li jsiru fl-Istati Membri u/jew fis-settur privat u biex jitħeġġu s-sinerġiji.

3.7

Bħalissa l-proposti jistgħu jitressqu mill-organizzazzjonijiet professjonali jew interprofessjonali li jirrappreżentaw is-setturi rilevanti fi Stat Membru wieħed jew aktar jew fil-livell Ewropew. Il-Green Paper tipproponi l-possibbiltà li testendi l-aċċess għall-fondi għal strutturi oħra barra l-organizzazzjonijiet professjonali, bħall-kumpaniji jew kmamar tal-kummerċ, biex jiġu inklużi setturi li mhumiex strutturati neċessarjament permezz ta’ organizzazzjonijiet professjonali fl-Istati Membri kollha.

3.8

Attwalment, il-programmi jirrelataw ma’ prodotti jew sistemi ta’ kwalità speċifiċi (pereżempju informazzjoni dwar il-ħalib u l-kwalitajiet nutrittivi tiegħu). Il-Green Paper tipproponi aproċċ ġdid, aktar flessibbli u forsi aktar inċisiv, li fil-bidu jiffoka fuq il-messaġġi ewlenin fil-livell Ewropew u mbagħad jidħol aktar fid-dettall u jagħti eżempji bi prodotti li juru d-diversità, ir-rikkezza u l-komplementarjetà tal-prodotti Ewropej.

3.9

Il-Green Paper tenfasizza li l-miżuri għandhom jiġu implimentati permezz ta’ proċeduri sempliċi. Il-proċess tal-għażla huwa doppju (Stati Membri u Kummissjoni Ewropea) u twil (seba’ xhur bejn l-iskadenza għat-tressiq u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni), li jillimita l-possibbiltajiet li jiġu żviluppati kampanji pragmatiċi u reattivi.

3.10

Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 sabiex tallinjaha mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-proposta telenka s-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta atti delegati u implimentati taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 u tistabbilixxi l-proċedura xierqa għall-adozzjoni ta’ dawn l-atti. Hija tinkorpora wkoll fir-Regolament (KE) Nru 3/2008 wħud mill-poteri li ġew eżerċitati s’issa mill-Kummissjoni.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

L-isfidi ewlenin li għandha quddiemha l-politika agrikola Ewropea huma marbutin mat-tibdil fil-klima, il-kriżi finanzjarja u ekonomika, l-inugwaljanza bejn l-Istati Membri l-qodma u l-ġodda u t-tensjonijiet li jqumu minn kompetizzjoni inġusta bejniethom; il-kondizzjonijiet għal prezzijiet baxxi wisq li toħloq l-applikazzjoni tal-PAK; l-insigurtà tal-impjiegi u swieq instabbli b’ċaqliq kbir. Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi, huwa dejjem aktar importanti li l-prodotti agrikoli tal-UE jiġu promossi biex jiġu stabbiliti bħala prodotti ta’ valur miżjud għoli u tinżamm il-pożizzjoni mexxejja tal-UE bħala fornitur tal-ikel.

4.2

Il-politika tal-promozzjoni tal-UE tenfasizza l-vantaġġi tal-produzzjoni Ewropea, speċjalment f’termini ta’ kwalità, iġene u sikurezza tal-ikel, permezz ta’ sistema avvanzata ta’ tikkettar u ta’ traċċabbiltà, kif ukoll tar-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema, tal-benesseri tal-annimali u tal-ambjent. Dan jeħtieġ appoġġ finanzjarju konsistenti.

4.3

Il-katina tal-ikel agroalimentari tikkonforma ma’ livelli għoljin fis-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-pjanti u l-annimali, il-benesseri tal-annimali u l-ħarsien tal-ambjent. Il-kampanji tal-komunikazzjoni u tal-promozzjoni huma mezz effiċjenti u effikaċi biex jiġu rikonoxxuti l-isforzi tal-bdiewa, il-produtturi u l-kummerċjanti. Il-politika ta’ promozzjoni għalhekk għandu jkollha żewġ għanijiet bażiċi f’dan ir-rigward:

il-promozzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti agroalimentari Ewropej fis-swieq esterni (il-promozzjoni tal-esportazzjoni, b’mod partikolari għall-SMEs, għax dawn jipprovdu l-istimulu li hemm bżonn għall-irkupru Ewropew fis-settur);

it-tixrid tal-informazzjoni fost il-konsumaturi tas-suq tal-UE b’mod partikolari dwar reġimi speċifiċi ta’ kwalità, sigurtà, traċċabiltà, valuri nutrittivi, rispett lejn l-ambjent, benesseri tal-annimali, kundizzjonijiet tax-xogħol eċċ. B’mod partikolari, il-politika għandu jkollha l-għan li żżid l-għarfien tal-konsumatur sa mill-iskola permezz ta’ approċċ ibbażżat fuq konsum responsabbli, u xxerred ir-rikonoxximent tal-isforzi tal-produtturi fis-settur agroalimentari (bdiewa u industrija) sabiex jilħqu l-istandards għoljin tal-UE (1).

4.4

Il-politika ta’ promozzjoni għandha tinkludi forom ġodda ta’ mezzi tax-xandir, bħal pereżempju paġni tal-internet, biex il-konsumaturi jiġu informati dwar l-inizjattivi tal-produtturi lokali u dwar aċċess għall-prodotti li jinbigħu direttament. L-iżvilupp ta’ “ktajjen qosra” żgur li jissodisfa waħda mill-istennijiet ġodda tas-soċjetà.

4.5

Il-Qorti tal-Awdituri rrakkomandaw li jiġi pprovdut appoġġ tekniku mmirat lill-produtturi permezz ta’:

sinerġiji akbar bejn il-produtturi u l-programmi. Il-miżuri tal-UE għandhom jinkoraġġixxu l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju biex jingħaqdu flimkien ħalli jkunu jistgħu jilħqu massa kritika għall-kummerċ fis-suq estern. L-iżvilupp tan-netwerks jista’ jgħin biex dan l-għan jinkiseb u jappoġġja l-ħolqien tas-sinerġiji bejn il-produtturi fil-livell tal-UE;

assistenza lill-Istati Membri l-ġodda billi l-miżuri eliġibbli jiġu estiżi biex jinkludu ħidma esploratorja (pereżempju kampanji bi prova ta’ sena jew studji dwar is-swieq).

4.6

Fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni li żżid mal-lista ta’ benefiċjari tal-programmi promozzjonali, il-KESE jqis li l-prijorità għandha tingħata lill-organizzazzjonijiet professjonali għax huma dawn li jġibu n-negozji flimkien u jikkofinanzjaw it-tħaddim.

4.7

Il-KESE jqis li ċerti prodotti tradizzjonali, ditti jew indikazzjonijiet tal-oriġini jistgħu jiftħu s-swieq għal prodotti oħra Ewropej, speċjalment fis-suq estern. In-natura Ewropea tal-prodotti fil-programmi promozzjonali mressqa mill-organizzazzjonijiet professjonali jew/u interprofessjonali tista’ tiġi enfasizzata mingħajr ma jintalbu jneħħu l-indikazzjonijiet tal-oriġini jew id-ditti, filwaqt li jkun żgurat li l-messaġġ Ewropew huwa aktar prominenti mid-ditta b’mod ċar. Bil-għan li tiżgura informazzjoni kompleta u trasparenti, għandu jkun permess li jissemma’ l-oriġini tal-prodott, anke għall-prodotti li m’għandhomx denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta.

4.8

B’konformità mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kummissjoni ser ikollha responsabbiltajiet ikbar. Il-Kumitat jemmen li l-poteri tal-adozzjoni ta’ atti delegati u implimentati, hekk kif stabbiliti fil-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (COM(2011) 663 finali), ser itejbu l-konsistenza tal-miżuri ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli u ser jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni uniformi tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni żżomm kuntatti regolari mal-partijiet interessati u l-organizzazzjonijiet li qed jipproponu u li tirrispondi b’mod adegwat għall-proposti tagħhom bil-għan li jkun hemm proċessar issemplifikat u mingħajr xkiel ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agroalimentari fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tagħraf l-organizzazzjonijiet settorjali tal-UE bħala organizzazzjonijiet proponenti.

5.2

Il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli tal-UE fil-pajjiżi terzi tgħin lill-bdiewa u l-proċessuri fl-UE biex jaċċedu swieq kbar bħal dawk tal-Brażil, ir-Russja, iċ-Ċina, l-Indja, l-Amerika ta’ Fuq, l-Awstralja u l-Lvant Nofsani. Politika ta’ promozzjoni tal-UE mmirata tajjeb f’pajjiżi terzi tista’ twassal għal żieda qawwija fil-bejgħ tal-prodotti agroalimentari barra mill-UE.

5.3

Il-prosperità tas-swieq barranin fl-2010 hija fattur ewlieni fil-ħolqien tal-opportunitajiet għan-negozji tal-UE.

5.4

Biex tissaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni:

tappoġġja l-ftuħ u l-iżvilupp tas-swieq – speċjalment dawk marbuta man-negozjar ta’ ftehimiet internazzjonali – ħalli l-produtturi Ewropej jkollhom aktar opportunitajiet biex jesportaw il-prodotti tagħhom;

tiffaċilita r-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet marbutin mal-esportazzjoni u tgħin lill-esportaturi permezz tal-għoti tal-informazzjoni u possibbilment attività li “tingloba” jew li jkollha t-tema ġenerali tal-UE.

5.5

Biex l-intervent tal-Unjoni Ewropea fis-suq estern ikollu l-aħjar riżultati, il-KESE jirrakkomanda li:

tiġi pprovduta data rilevanti dwar l-esportazzjoni, informazzjoni dwar il-pajjiżi u l-kuntatti, u gwida għall-esportazzjoni eċċ. lill-kummerċjanti bl-imnut u bl-ingrossa;

titħeġġeġ il-promozzjoni tal-esportazzjoni ta’ prodotti kumplimentari u l-kooperazzjoni bejn is-setturi għal piż u effiċjenza akbar;

l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jitħeġġeu jingħaqdu flimkien ħalli jkunu jistgħu jilħqu massa kritika għall-kummerċ fis-suq estern;

jiġu appoġġjati proġetti pilota f’pajjiżi terzi mmirati li jippenetraw swieq ġodda.

5.6

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni jipprovdi appoġġ waqt u wara l-kriżijiet sanitarji lis-setturi f’diffikultà biex jerġgħu jiksbu l-kunfidenza u jissaħħaħ il-konsum. Kampanji ta’ informazzjoni ad hoc u komunikazzjoni dinamiċi u immedjati jistgħu jkunu utli ħafna biex jerġgħu joħolqu sens ta’ kunfidenza fost il-konsumaturi.

5.7

Il-KESE jikkunsidra li l-organizzazzjonijiet settorjali li implimentaw b’suċċess programmi promozzjonali għandhom jingħataw l-opportunità li japplikaw bħala organizzazzjonijiet benefiċjarji u korpi ta’ implimentazzjoni skont proċedura faċilitata.

5.8

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tniedi avvenimenti/kampanji li jkomplu jħeġġu l-organizzazzjonijiet settorjali mill-Istati Membri tal-UE biex japplikaw b’mod aktar attiv għall-programmi promozzjonali barra l-UE, biex jippreżentaw l-aqwa mit-togħmiet, it-tradizzjonijiet u l-kwalità tal-prodotti agroalimentari tal-UE. F’dan ir-rigward, il-prijorità għandha tingħata lill-programmi li jinvolvu bosta pajjiżi u li jkopru numru ta’ prodotti permezz ta’ skema aktar favorevoli ta’ finanzjament (sa 60 % minflok 50 %), għaliex dawn il-prodotti ser jipprovdu dimensjoni Ewropea ġenwina lill-programm u ser jeħtieġu wkoll l-appoġġ tal-UE. Barra minn hekk il-prijorità għandha tingħata lill-pajjiż skont il-potenzjal tas-suq tagħhom. Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni żżid il-kontribut tagħha fil-każ tal-programmi fl-ekonomiji emerġenti.

5.9

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni taqdi rwol ewlieni bħala faċilitatur u sostenitur tal-produtturi u l-proċessuri ż-żgħar tal-UE fir-rigward tal-aċċess li jkollhom għas-swieq fil-pajjiżi terzi.

5.10

Il-programmi tas-suq intern għandu jkollhom viżjoni Ewropea u orjentata fuq il-valur miżjud li tmur lil hinn mil-livell nazzjonali: iktar ma jkun kbir il-kamp ta’ applikazzjoni f’termini ta’ prodotti u swieq, aħjar ikun il-programm. Barra minn hekk il-programmi għandhom ikunu komplementari jew joħolqu sinerġiji ma’ programmi nazzjonali jew reġjonali oħrajn sabiex jiġi evitat ix-xogħol doppju jew messaġġi kontradittorji. Il-potenzjal tal-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa jista’ u għandu jiġi sfruttat sabiex tiżdied l-effikaċja tal-miżuri ta’ informazzjoni. Fl-aħħarnett, l-impatt fuq il-livell ta’ impjieg għandu jitqies fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-promozzjoni futura u l-politika tal-informazzjoni għall-prodotti agroalimentari.

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 114 u CESE 812/2011, ĠU C 218, 23.7.2011, p. 118.


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/64


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE fir-rigward tad-databases tal-kompjuter li huma parti min-netwerks tas-sorveljanza fl-Istati Membri”

COM(2011) 524 finali — 2011/0228 (COD)

u “l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini u t-tneħħija tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar volontarju taċ-ċanga”

COM(2011) 525 finali — 2011/0229 (COD)

2012/C 43/14

Relatur: is-Sur BRICHART

Il-Kunsill, nhar l-14 u l-20 ta’ Settembru 2011 rispettivament, u l-Parlament, nhar it-13 ta’ Settembru 2011, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE fir-rigward tad-databases tal-kompjuter li huma parti min-netwerks ta’ sorveljanza fl-Istati Membri

COM(2011) 0524 finali — 2011/0228 (COD)

u

l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini u t-tneħħija tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar volontarju taċ-ċanga

COM(2011) 0525 finali — 2011/0229 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’180 vot favur, 3 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jieħu nota tal-ammont kbir ta’ xogħol li għamel is-settur tal-annimali bovini biex irodd lura l-fiduċja fost il-konsumatur wara l-kriżi tal-Enċefalopatija Sponġiformi Bovina (BSE).

1.2

Is-sistema attwali għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini tiżgura trasparenza u traċċabbiltà b’livell għoli ta’ preċiżjoni u ta’ kapaċità ta’ reazzjoni.

1.3

Barra minn hekk, din il-kapaċità li jiġu identifikati u lokalizzati l-annimali tikkontribwixxi bil-bosta għall-ġlieda kontra l-mard li jittieħed.

1.4

Iżda, l-implimentazzjoni tat-tekniki differenti użati tirrappreżenta piż finanzjarju sostanzjali għas-setturi kkonċernati.

1.5

L-avvanzi teknoloġiċi mill-1997 ’l hawn jistgħu jgħinu bis-sħiħ lill-operaturi f’dan il-qasam, b’mod partikolari fir-rigward tal-identifikazzjoni elettronika.

1.6

Iżda, huwa evidenti li l-ispejjeż u l-benefiċċji diretti ġġenerati minn dawn it-tekniki mhumiex mifruxa b’mod indaqs tul il-katina ta’ produzzjoni alimentari; essenzjalment, l-ispejjeż iġarrbuhom il-bdiewa, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-benefiċċji finanzjarji jgawduha l-atturi fil-bidu nett tal-katina alimentari (downstream).

1.7

Għal din ir-raġuni, il-KESE huwa tal-fehma li jkun aħjar li s-sistema għall-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini ma ssirx obbligatorja fil-livell Ewropew, għaliex ftit li xejn huwa probabbli li s-suq ipatti għall-ispiża tant għolja ta’ din it-teknika. Barra minn hekk, ma jġib l-ebda benefiċċju konkret ieħor għall-konsumatur.

1.8

Iżda, jekk l-atturi fil-katina ta’ produzzjoni alimentari ta’ Stat Membru speċifiku jaċċettaw li tiġi applikata, dak l-Istat Membru għandu jkollu l-għażla li jagħmilha obbligatorja fi ħdan it-territorju tiegħu.

1.9

Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li l-bdiewa li jrabbu l-annimali jistgħu, jekk iridu, jitħallew jużaw l-identifikazzjoni elettronika.

1.10

Għalhekk, sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni fil-kompetizzjoni li tista’ thedded is-suq komuni, pajjiż li jkun għamel l-identifikazzjoni obbligatorja għandu jġarrab l-ispejjeż tat-tikkettjar elettroniku ta’ widnejn l-annimali introdotti fit-territorju tiegħu.

1.11

Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li bil-għan li jiġu armonizzati l-prattiki, it-tikketti elettroniċi jadottaw l-istess teknoloġiji. Għalhekk, huwa indispensabbli li dawn ikunu armonizzati billi ssir referenza għall-istandards nazzjonali.

1.12

Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-argument prinċipali tal-proposta tal-Kummissjoni, bil-kundizzjoni li tingħata attenzjoni partikolari lill-funzjonament tajjeb tas-suq komuni, u lill-impatt fuq il-ħoloq differenti tal-katina.

1.13

Rigward it-tikkettjar volontarju taċ-ċanga, il-KESE ma jopponix it-tneħħija tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, bil-kundizzjoni li l-operaturi jkunu jistgħu jinkludu informazzjoni addizzjonali li jikkunsidraw li hija importanti fuq it-tikketti.

2.   Kuntest

2.1

Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jipprevedi li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini bil-għan li ssir identifikazzjoni individwali ta’ kull annimal permezz ta’ tikketti tal-widnejn, reġistru li jinżamm f’kull razzett, passaport individwali għal kull annimal li jiġbor fih data dwar il-movimenti kollha tiegħu u bażi tad-data kompjuterizzata li fiha tinħażen din id-data bil-għan li l-annimali jkunu jistgħu jiġu ntraċċatti malajr u jiġu identifikati l-koorti f’każ ta’ mard. Permezz ta’ din is-sistema, jistgħu jintlaħqu l-għanijiet li tintradd lura lill-konsumaturi l-fiduċja fiċ-ċanga billi jiġu żgurati trasparenza u t-traċċabbiltà kompleta tal-annimali bovini u l-prodotti taċ-ċanga, kif ukoll li jkunu jistgħu jiġu lokalizzati u ntraċċati l-annimali għal finijiet veterinarji, li huwa ta’ importanza kruċjali fil-ġlieda kontra l-mard li jittieħed.

2.2

Ir-Regolament tniżżel fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar “Programm ta’ Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-UE” bħala wieħed mill-“obbligi ta’ informazzjoni b’importanza speċjali f’termini tal-piżijiet li jimponu fuq in-negozji”. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Istrateġija l-ġdida tal-UE għas-Saħħa tal-Annimali tipprevedi li l-Kummissjoni tissemplifika l-obbligi ta’ informazzjoni matul l-introduzzjoni tal-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini.

2.3

Meta ġew adottati r-regoli attwali għall-identifikazzjoni tal-annimali bovini fl-1997, l-identifikazzjoni elettronika ma kenitx żviluppata biżżejjed mill-aspett tekniku biex tiġi applikata għall-annimali bovini. L-identifikazzjoni elettronika bbażata fuq l-identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju (RFID) żviluppat b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar għaxar snin u tagħmilha possibbli li jinqraw b’mod iżjed rapidu u korrett il-kodiċijiet dwar kull annimal direttament fis-sistemi kompjuterizzati. L-użu ta’ sistemi ta’ identifikazzjoni elettronika jista’ jgħin fit-tnaqqis tal-piżijiet u l-formalitajiet amministrattivi, speċjalment meta r-reġistru tar-razzett jinżamm f’format kompjuterizzat (li huwa l-każ għal numru dejjem ikbar ta’ rziezet). Barra minn hekk, sistema aktar veloċi u aktar affidabbli tippermetti, fost l-oħrajn, qari aktar preċiż u aktar veloċi mit-tikketti konvenzjonali mal-widnejn, li jħaffef il-proċedura biex jiġu rrapportati l-movimenti tal-annimali fil-bażi tad-data ċentrali u għalhekk tipprovdi traċċabbiltà aħjar u aktar veloċi tal-annimali infettati u/jew tal-ikel infettat.

2.4

L-identifikazzjoni elettronika diġà ġiet introdotta fl-UE għal għadd ta’ speċijiet ta’ annimali. Għadd ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea bdew jużaw l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini fuq bażi volontarja. Fin-nuqqas ta’ standards tekniċi armonizzati fil-livell tal-UE, hemm il-periklu li l-Istati Membri individwali jużaw tipi differenti ta’ sistemi ta’ identifikazzjoni elettronika u readers differenti, bi frekwenzi RFID differenti. Dan il-proċess jista’ jwassal għal nuqqas ta’ armonizzazzjoni li jipperikola l-iskambju elettroniku tad-data, u minħabba f’hekk jintilfu l-benefiċċji tas-sistemi ta’ identifikazzjoni elettronika.

2.5

Valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li l-introduzzjoni tal-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini fuq bażi volontarja bħala għodda għall-identifikazzjoni uffiċjali tagħti lill-atturi ż-żmien meħtieġ biex jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ sistema bħal din. Għall-kuntrarju, l-implimentazzjoni obbligatorja tal-identifikazzjoni elettronika jista’ jkollha riperkussjonijiet ekonomiċi negattivi għal ċerti operaturi.

2.6

Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jipprevedi wkoll sistema ta’ tikkettjar volontarju taċ-ċanga. Il-Kummissjoni identifikat in-nuqqasijiet ta’ din is-sistema marbuta mal-piż u l-ispejjeż amministrattivi sproporzjonati, u n-nuqqas ta’ applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha.

3.   Il-proposti tal-Kummissjoni

3.1

Il-proposta tal-Kummissjoni (COM(2011) 525 finali) tqis ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet li saru mal-partijiet interessati u r-riżultat tal-valutazzjoni tal-impatt. Il-Kummissjoni tipproponi l-introduzzjoni tal-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini fuq bażi volontarja. F’din is-sistema volontarja:

L-annimali bovini jistgħu jiġu identifkati permezz ta’ żewġ tikketti konvenzjonali mal-widnejn (is-sistema attwali), jew minn tikketta konvenzjonali viżibbli mal-widna u identifikatur elettroniku li jikkonforma mal-istandards armonizzati fil-livell tal-UE.

Huwa previst ukoll li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu sistema obbligatorja fit-territorju tagħhom.

3.2

Il-proposta tirrevoka wkoll ir-rekwiżit ta’ notifika fir-rigward tal-użu tal-indikazzjonijiet tat-tikkettjar volontarju addizzjonali minħabba l-ispejjeż u l-piż amministrattiv eċċessiv.

3.3

Il-proposta tadatta r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 b’mod li jsir konformi mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

3.4

Is-sistema proposta għall-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini tinvolvi li tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE fir-rigward tal-bażijiet tad-data kompjuterizzati li huma parti min-netwerk ta’ sorveljanza fl-Istati Membri. L-elementi tal-bażijiet tad-data kompjuterizzati stipulati fid-Direttiva 64/432/KEE s’issa ma jinkludu l-ebda referenza għall-mezzi elettroniċi tal-identifikazzjoni. Abbażi ta’ dan, iż-żewġ proposti COM(2011) 524 u COM(2011) 525 huma ppreżentati fl-istess pakkett leġislattiv.

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/67


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar, u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat”

COM(2011) 530 finali — 2011/0231 (COD)

2012/C 43/15

Relatur: is-Sur ESPUNY MOYANO

Nhar l-14 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill, u nhar il-15 ta’ Settembru 2011, il-Parlament Ewropew, iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar, u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat

COM(2011) 530 finali — 2011/0231 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'186 vot favur, 4 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta għal Regolament dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat, li tissemplifika, taġġorna u tissostitwixxi r-regoli speċifiċi tal-UE għal dawn il-prodotti (Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta’ nbejjed aromatizzati, xorb ibbażat fuq inbid aromatizzat u cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti tal-inbid (1) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 122/94 dwar regoli relatati mal-aromatizzazzjoni u ż-żieda tal-alkoħol f'ċertu prodotti (2)).

1.2

Il-KESE jinnota li din il-proposta għal Regolament hija essenzjalment limitata li tissemplifika u timmodernizza din is-sistema, li ppermettiet li s-suq intern ta’ dawn il-prodotti jiffunzjona tajjeb waqt li assigurat li l-konsumaturi jingħataw l-informazzjoni korretta u l-protezzjoni, bil-għan li tiġi konformi mal-iżviluppi leġislattivi fil-qasam tal-politika dwar il-kwalità tal-inbid, ir-regoli tad-WTO u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”). It-tibdil ta’ natura tekniku introdott ippermetta dan it-titjib li ġej:

it-titjib tal-applikabbiltà, il-leġibbiltà u ċ-ċarezza tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-prodotti tal-inbid aromatizzat;

it-tisħiħ u l-aġġornament tal-politika ta’ kwalità għal dawn il-prodotti billi tiżdied ir-reputazzjoni u l-kwalità miksuba minnhom fis-suq intern u fis-suq globali fuq il-bażi tad-definizzjonijiet attwalment fis-seħħ, billi jiġu aġġornati ċerti denominazzjonijiet tal-bejgħ u titħalla ż-żieda fil-livell tal-inbid minflok ma jiżdied direttament l-alkoħol agrikolu, u b'hekk jiġi assigurat li l-konsumatur ikun infurmat tajjeb;

l-addattament tar-regoli għall-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti għar-rekwiżiti u l-possibbiltajiet tekniċi ġodda;

l-adattament tar-regoli tal-Unjoni għar-rekwiżiti tad-WTO, inkluż il-Ftehim TRIPS;

l-aġġornament tal-kriterji li jiggwidaw l-għarfien tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li jiġu aġġornati r-regoli applikabbli għad-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat, sabiex jissaħħu r-reputazzjoni u l-kwalità li kisbu dawn il-prodotti fis-suq intern u fis-suq globali, bil-għan li jitqiesu l-innovazzjonijiet teknoloġiċi, l-iżvilupp tas-swieq u l-istennijiet tal-konsumaturi filwaqt li jinżammu l-metodi tradizzjonali ta’ produzzjoni.

2.2

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li dan ir-Regolament jiġi applikat għall-prodotti kollha tal-inbid aromatizzat ikkummerċjalizzati fis-suq tal-UE, irrispettivament minn jekk ġewx prodotti fl-Istati Membri jew f'pajjiżi terzi bil-għan li tiġi garantita l-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, kif ukoll għall-prodotti ta’ dan it-tip li jiġu prodotti fl-Unjoni għall-esportazzjoni bil-għan li tissaħħaħ ir-reputazzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzat fis-suq globali.

2.3

Il-proposta bażikament iżżomm id-definizzjonijiet tradizzjonali tal-prodotti tal-inbid aromatizzat skont il-prattiki tradizzjonali tal-kwalità, iżda ġew aġġornati u mtejba fid-dawl tal-iżvilupp teknoloġiku, waqt li b'mod partikolari titħalla ż-żieda fil-livell tal-inbid minflok ma jiżdied direttament l-alkoħol agrikolu. Għal ċerti prodotti fil-kategorija ta’ xorb aromatizzat ibbażat fuq inbid, huwa propost li jitnaqqas sostanzjalment il-livell alkoħoliku minimu meħtieġ sabiex tintlaħaq domanda dejjem tikber mill-konsumaturi għal prodotti b'livell inqas, u fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi li jippermettu li tiġi pprovduta kwalità li qabel setgħet tiġi garantita biss b'livelli minimi ta’ alkoħol ogħla. Huma stabbiliti wkoll miżuri speċifiċi dwar id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta’ dawn il-prodotti, li jikkomplementaw il-leġislazzjoni orizzontali tal-Unjoni fir-rigward tat-tikkettar tal-prodotti tal-ikel bil-għan li jiġi evitat li prodotti oħra li ma jilħqux ir-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament jużaw ħażin id-denominazzjonijiet tal-bejgħ tal-prodotti tal-inbid aromatizzat.

2.4

Il-proposta tistabbilixxi li l-prodotti tal-inbid aromatizzat għandhom jiġu prodotti skont regoli ta’ produzzjoni li jiggarantixxu li jintlaħqu l-aspettattivi tal-konsumatur fir-rigward tal-kwalità u l-metodi ta’ produzzjoni. Sabiex jiġu ssodisfati l-istandards internazzjonali f'dan il-qasam, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-prodotti tal-inbid, dawn ir-regoli għandhom jiġu bbażati, bħala regola ġenerali, fuq ir-rakkomandazzjonijiet ippubblikati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (l-OIV).

2.5

Il-proposta tqis regoli speċifiċi fir-rigward tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ dawn il-prodotti, li mhumiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru XXXX/20SS tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [COM(2010) 733 finali] dwar l-iskemi tal-kwalità tal-prodotti agrikoli, tar-Regolament Nru XXXX/20SS tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [COM(2010) 799 finali] li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS unika) u tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89. Il-proposta tistabbilixxi wkoll proċedura Komunitarja għar-reġistrazzjoni, il-konformità, il-modifika u t-tħassir possibbli tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-pajjiżi terzi u tal-Unjoni b'konformità mal-iskema prevista għall-prodotti tas-settur tal-inbid.

2.6

Il-proposta tipprevedi wkoll l-aġġustamenti neċessarji sabiex il-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KEE) Nru 1601/91 u r-Regolament (KE) Nru 122/94 jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat.

2.7

Il-proposta m'għandhiex implikazzjoni finanzjarja fuq il-baġit tal-UE.

3.   Kummenti

3.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-Proposta għal Regolament dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar, u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat.

3.2

Il-prodotti tal-inbid aromatizzat huma importanti għall-konsumaturi, il-produtturi u s-settur agrikolu tal-Unjoni. L-UE tirrappreżenta madwar 90 % tal-produzzjoni globali ta’ dawn il-prodotti (madwar tliet miljun ettolitru fis-sena) u tikkonsma madwar żewġ miljun ettolitru fis-sena. Il-pajjiżi produtturi prinċipali fl-UE huma l-Italja, Franza, Spanja u l-Ġermanja minkejja li jeżistu prodotti tradizzjonali li għandhom l-għeruq tagħhom fil-kulturi ta’ ħafna Stati Membri oħra, kemm fit-Tramuntana kif ukoll fiċ-Ċentru u fil-Lvant. Dawn il-prodotti, barra minn hekk, jirrappreżentaw suq importanti ħafna f'termini kwantitattivi u kwalitattivi għall-katina ta’ valur tas-settur tal-inbid Ewropew, li joffru ħruġ stabbli għall-produzzjoni Ewropea tal-inbid, b'mod partikolari l-inbid abjad, u li jikkontribwixxu għall-bilanċ tas-suq tal-inbid u għat-tisħiħ tal-kompetittività tiegħu, li huwa wieħed mill-objettivi essenzjali tal-Politika Agrikola Komuni għal dan is-settur.

3.3

Il-miżuri proposti jikkontribwixxu sabiex tissaħħaħ ir-reputazzjoni li kisbu dawn il-prodotti fis-suq intern u fis-suq globali, billi jżommu l-metodi tradizzjonali tagħhom ta’ produzzjoni u jippermettu l-adattament għad-domanda tal-konsumaturi u għall-innovazzjoni teknoloġika meta din tgħin sabiex titjieb il-kwalità, waqt li jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, it-trasparenza tas-suq u l-kundizzjonijiet għal kompetizzjoni leali bejn l-operaturi.

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU L 149, 14.6.1991, p. 1

(2)  ĠU L 21, 26.1.1994, p. 7


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/69


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara”

COM(2011) 555 finali — 2011/0239 (COD)

2012/C 43/16

Relatur: Dr BREDIMA

Nhar it-30 u t-28 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew rispettivament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 100(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara

COM(2011) 555 finali — 2011/0239 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’176 vot favur, 3 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Taħriġ marittimu aġġornat huwa kruċjali sabiex il-professjonijiet marittimi fl-UE jkunu attraenti u biex iwitti t-triq għal sikurezza u sigurtà marittima akbar. L-għarfien marittimu huwa ta’ importanza strateġika sabiex l-UE żżomm il-pożizzjoni mexxejja marittima tagħha mad-dinja kollha.

1.2   Il-KESE jappoġġja l-abbozz ta’ Direttiva li jallinja d-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara bl-emendi ta’ Manila (2010) għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (il-Konvenzjoni STCW) tal-1978.

1.3   Huwa vitali li l-Istati Membri tal-UE jadottaw id-Direttiva proposta peress li sal-2012 it-taħriġ tal-baħħara ser ikun soġġett għal regoli ġodda fir-rigward tal-kapaċitajiet, il-profil professjonali, is-sikurezza u ċ-ċertifikazzjoni fuq bażi globali bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-Emendi ta’ Manila għall-Konvenzjoni STCW.

1.4   Il-KESE ma jaqbilx mal-formulazzjoni proposta tal-Artikolu 15 (11) li “l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw jew jirreġistraw ftehimiet kollettivi li jippermettu eċċezzjonijiet għas-sigħat meħtieġa ta’ mistrieħ [tal-baħħara]”. Id-Direttiva tal-UE m’għandhiex tiddevja mill-formulazzjoni tat-test tal-leġislazzjoni internazzjonali u tal-UE eżistenti, b’mod speċjali l-Konvenzjoni ILO 180, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-ILO 2006 u d-Direttiva 1999/63/KE. Din id-Direttiva tal-aħħar li tikkonċerna l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol tal-baħħara ġiet konkluża wara negozjati twal u diffiċli fost l-imsieħba soċjali u r-riżultat tad-djalogu soċjali għandu jiġi rispettat mill-istituzzjonijiet tal-UE.

1.5   Il-KESE jipproponi li fid-Direttiva proposta jiġi speċifikat il-format standardizzat għar-reġistrazzjoni tas-sigħat ta’ mistrieħ u s-sigħat tax-xogħol. Il-format standardizzat jista’ jirreferi għal-Linji Gwida IMO/ILO għall-iżvilupp ta’ tabelli tal-arranġamenti tax-xogħol tal-baħħara fuq il-bastimenti u l-formati tar-reġistrazzjonijiet tas-sigħat ta’ xogħol u s-sigħat ta’ mistrieħ.

1.6   Filwaqt li l-Konvenzjoni STCW ser tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012, il-KESE jinnota li d-Direttiva proposta mhux ser tidħol fis-seħħ qabel Lulju 2012 minħabba l-proċeduri leġislattivi preparatorji fil-Kunsill tal-UE u l-Parlament. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ser ikun hemm problemi mal-kontroll mill-Istat tal-port barra mill-UE fir-rigward tas-sigħat il-ġodda ta’ mistrieħ għall-baħħara u l-baħħara tal-UE mhux ser ikollhom iċ-ċertifikazzjoni STCW 2010 f’fażi bikrija. Tinħtieġ kjarifika legali.

1.7   Fir-rigward tal-valutazzjoni ta’ pajjiżi terzi sabiex jiġu rikonoxxuti l-istituti u ċ-ċertifikati ta’ taħriġ tagħhom, il-KESE jemmen li l-estensjoni attwali ta’ tliet xhur għal tmintax-il xahar hija realistika sabiex jitqies l-ammont kbri ta’ xogħol għall-pajjiżi marittimi u n-nuqqas ta’ riżorsi fil-pajjiżi mhux marittimi.

1.8   Il-KESE jqis bħala pożittiv li l-Istati Membri tal-UE ser ikunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni standardizzata lill-Kummissjoni Ewropea dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara għal analiżi statistika.

1.9   Il-KESE jipproponi li fid-Direttiva proposta tiġi inkluża d-definizzjoni tal-baħħara ordinarji elettrotekniċi skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni STCW.

1.10   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw bħala kwistjoni urġenti t-taħriġ tal-baħħara kontra l-piraterija minħabba ż-żieda fl-attakki ta’ piraterija fuq bażi dinjija. Dan it-taħriġ għandu jibbaża fuq l-Aqwa Prattiki ta’ Ġestjoni tan-NU u l-Kodiċi Internazzjonali ta’ Sigurtà għall-Bastimenti u Portijiet (ISPS).

2.   Daħla

2.1   Is-soluzzjoni għal tbaħħir bi profitt tinsab fil-kwalità tat-taħriġ provdut lill-baħħara. Anki fi żmien ta’ taqlib ekonomiku dinji, it-taħriġ marittimu m’għandux jitqies bħala spiża iżda bħala investiment. It-taħriġ marittimu huwa mezz li jwassal għal sikurezza u sigurtà marittima ikbar.

2.2   Il-Konvenzjoni dwar l-Istandards tat-Taħriġ, iċ-Ċertifikazzjoni u s-Sorveljanza tal-Baħħara (STCW) (1978) adottata mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) tikkonċerna primarjament ir-rekwiżiti għat-taħriġ tal-uffiċjali. L-STCW oriġinarjament ġiet emendata fl-1995 u f’Ġunju 2010 mill-emendi ta’ Manila.

2.3   F’opinjonijiet preċedenti (1), il-KESE enfasizza l-importanza tal-għarfien marittimu Ewropew, il-konformità mad-Direttivi tal-UE mal-Konvenzjoni STCW u t-titjib fl-edukazzjoni marittima bħala waħda mill-azzjonijiet ewlenin sabiex iż-żgħażagħ jiġu attirati lejn karrieri marittimi (il-Konferenza dwar “Nagħmlu l-Professjonijiet Marittimi aktar attraenti fl-UE” organizzata mill-KESE fil-11 ta’ Marzu 2010). Huwa vitali li l-UE żżomm il-ġabra ta’ 250 000 baħħar peress li jekk titlifhom, iż-żewġ miljun persuna u aktar li jaħdmu fir-raggruppament marittimu tal-UE jistgħu jitilqu wkoll. Għaldaqstant, taħriġ marittimu mtejjeb huwa ta’ importanza strateġika għaż-żamma tal-pożizzjoni marittima ta’ tmexxija tal-UE mad-dinja kollha.

2.4   L-iskop doppju tal-abbozz tad-Direttiva li temenda d-Direttiva 2008/106/KE huwa: l-ewwel nett li l-liġi tal-UE titfassal b’regoli internazzjonali billi tiġi trasposta l-Konvenzjoni STCW (1978) tal-IMO adottata fil-Konferenza ta’ Manila (2010), u t-tieni nett li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti biex l-Istati Membri tal-UE jipprovdu informazzjoni rigward iċ-ċertifikati u jestendu l-perjodu għar-rikonoxximent ta’ sistemi edukattivi ta’ pajjiżi terzi. L-istandards internazzjonali l-ġodda ser ikunu applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2012. L-iskadenza proposta għall-implimentazzjoni fil-livell tal-UE hija l-31 ta’ Diċembru 2012. Ir-riżultat finali ser ikun li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-STCW mtejba mill-Istati Membri tal-UE u jiġi żgurat li l-baħħara li jaħdmu fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE u li għandhom ċertifikati li nħarġu minn pajjiżi mhux tal-UE jkunu mħarrġin tajjeb.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Sal-2012, it-taħriġ tal-baħħara ser ikun suġġett għal regoli ġodda fir-rigward tal-ħiliet, il-profil professjonali, is-sikurezza u ċ-ċertifikazzjoni. It-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni huma ta’ importanza assoluta għas-sikurezza marittima peress li l-inċidenti iktar faċli jiġri fil-każ ta’ nuqqas ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni tajba. Il-Konvenzjoni STCW tal-IMO hija waħda mill-erba’ Konvenzjonijiet marittimi minn ta’ quddiem fuq bażi dinjija. It-tlieta l-oħra huma: il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar (SOLAS), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġis Marittimu (MARPOL) u l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu (MLC). Peress li l-Istati Membri tal-UE huma wkoll firmatarji tal-Konvenzjoni, huwa importanti li l-leġislazzjoni internazzjonali u dik Ewropea jkunu allinjati flimkien. Dawn l-emendi jwasslu għal standards ogħla fir-rigward ta’: saħħa medika, saħħa għax-xogħol, u abbuż tal-alkoħol, u l-introduzzjoni ta’ profili professjonali ġodda bħalma huma “baħħara kapaċi” u “uffiċjali elettrotekniċi”, taħriġ relatat mas-sikurezza għall-baħħara kollha, u tipi ta’ ċertifikati aktar sempliċi u ċari. L-abbozz tad-Direttiva jinkludi titjib fir-rigward tal-proċeduri (eż. komitoloġija u r-rikonoxximent ta’ skejjel statali terzi) u r-rekwiżit li l-Istati Membri għandhom jipprovdu statistika dwar it-taħriġ tal-baħħara.

3.2   Il-KESE jappoġġja l-proposta li għandha l-għan tallinja d-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara bl-emendi ta’ Manila għall-Konvenzjoni STCW. Din tipproponi li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura sew it-twettiq tad-Direttiva STCW mill-Istati Membri u tinsisti fuq ir-rispett għall-Konvenzjoni STCW meta jiġu valutati pajjiżi terzi għall-iskop tar-rikonoxximent tal-istituti u ċ-ċertifikati ta’ taħriġ tagħhom. Minkejja li b’mod estensiv il-proposta hija traspożizzjoni kelma b’kelma tal-Emendi ta’ Manila fil-liġi tal-UE, din tissuġġerixxi wkoll tibdiliet moderati għad-dispożizzjonijiet Ewropej eżistenti fir-rigward tar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-baħħara.

3.3   Il-KESE jinnota li t-Task Force dwar l-Impjiegi u l-Kompetittività Marittima tal-Kummissjoni Ewropea (DĠ MOVE) (Lulju 2011) irrakkomandat proposti sabiex il-Ftehim ta’ Manila għall-Konvenzjoni STCW jiddaħħal fil-liġi tal-UE. L-istandardizzazzjoni tat-taħriġ fil-livell globali tippermetti li l-bastimenti Ewropej ikollhom baħħara mħarrġin sew irrispettivament minn fejn l-ekwipaġġ jiġi mħarreġ. Kif stqarr il-Kummissarju għat-trasport, is-Sur Kallas, “peress li t-trasport marittimu huwa industrija globali, huwa vitali wkoll li jiġu stabbiliti standards minimi għat-taħriġ fuq skala internazzjonali”.

3.4   Fl-opinjoni riċenti tiegħu dwar il-White Paper dwar it-Trasport (opinjoni dwar il-White Paper: Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti – CESE 1607/2011 tas-26 ta’ Ottubru 2011 – relatur: is-Sur Coulon, korelatur: is-Sur Back), il-KESE tenna li “il-leġislazzjoni tal-UE għandha tikkonforma bis-sħiħ mal-leġislazzjoni internazzjonali, b’mod partikolari (…) l-Istandards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (STCW) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO)”.

3.5   Ir-riċerka li saret dan l-aħħar tagħti evidenza li hemm problema inkwetanti ta’ ċertifikazzjoni frodulenti, b’mod partikolari fost il-baħħara ordinarji, fis-suq tax-xogħol internazzjonali, li jagħmlu ċ-ċertifikazzjoni tagħhom dubjuża. Barra minn hekk, ħafna mill-baħħara ordinarji minn pajjiżi mhux tal-UE mhumiex disponibbli biex ipattu għal kwalunkwe nuqqas ta’ baħħara ordinarji tal-UE mis-swieq tax-xogħol minħabba differenzi kulturali, problemi tal-lingwa u restrizzjonijiet tal-impjieg (2).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Artikolu 15(9) (Format standardizzat għar-reġistrazzjonijiet ta’ sigħat kuljum ta’ mistrieħ)

4.1.1   L-Artikolu 15(9) ma jispeċifikax format standardizzat għar-reġistrazzjoni tas-sigħat ta’ mistrieħ u s-sigħat ta’ xogħol, li l-amministrazzjonijiet huma meħtieġa jżommu. It-taqsima A-VIII/I, paragrafu 7, tal-Konvenzjoni STCW, kif emendata mill-Ftehim ta’ Manila, tirreferi għal-Linji Gwida tal-IMO/ILO għall-iżvilupp ta’ tabelli tal-arranġamenti tax-xogħol tal-baħħara fuq il-bastimenti u l-formati tar-reġistrazzjonijiet tas-sigħat ta’ xogħol u s-sigħat ta’ mistrieħ. Barra minn hekk, hemm inkluża wkoll referenza għal format standardizzat fir-rigward tas-sigħat ta’ xogħol u s-sigħat ta’ mistrieħ fir-Regolament 2.3 – Standard A2.3 paragrafi 10 u 11, tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-ILO.

4.1.2   Il-KESE jipproponi li fl-abbozz tad-Direttiva jiġi speċifikat il-format standardizzat għar-reġistrazzjoni tas-sigħat ta’ mistrieħ u s-sigħat tax-xogħol. Il-format standardizzat għandu jirreferi għal-Linji Gwida IMO/ILO għall-iżvilupp ta’ tabelli tal-arranġamenti tax-xogħol tal-baħħara fuq il-bastimenti u l-formati tar-reġistrazzjonijiet tas-sigħat ta’ xogħol u s-sigħat ta’ mistrieħ.

4.2   Artikolu 15(11) (sigħat ta’ mistrieħ)

4.2.1   Il-formulazzjoni riveduta tat-test tal-Artikolu 15(11) tgħid li “l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw jew jirreġistraw ftehimiet kollettivi li jippermettu eċċezzjonijiet għas-sigħat meħtieġa ta’ mistrieħ”. Din tirrappreżenta tnaqqis importanti mill-formulazzjoni stabbilita fil-leġislazzjoni internazzjonali u Ewropea eżistenti, b’mod speċjali l-Konvenzjoni STCW riveduta u l-Konvenzjoni tal-ILO nru 180 (u għaldaqstant il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-ILO).

4.2.2   Il-formulazzjoni tat-test fl-Artikolu 15, paragrafu 11, hija differenti minn dik li tinsab fid-Direttiva 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 li tikkonċerna l-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol tal-baħħara finalizzati mill-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Vapuri tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF). Dawn il-ftehimiet huma r-riżultati ta’ negozjati twal u diffiċli fost l-imsieħba soċjali u r-riżultat aħħari ta’ dawn in-negozjati jirrappreżenta bilanċ delikat. Kwalunkwe emenda jew modifika fil-formulazzjoni ta’ Ftehima tal-imsieħba soċjali għandha sseħħ permezz ta’ diskussjonijiet u negozjati fost l-imsieħba soċjali. Il-formulazzjoni – dejqa – il-ġdida tal-Artikolu 15, paragrafu 11, mhijiex riflessjoni ta’ diskussjoni jew negozjati fost l-imsieħba soċjali. Din ġiet introdotta mill-Kummissjoni Ewropea mingħajr l-ebda konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali minn qabel. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrispetta l-formulazzjoni stabbilita fid-Direttiva 1999/63/KE li tikkonċerna l-Ftehim tal-imsieħba soċjali dwar l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol tal-baħħara

4.3   Dħul fis-seħħ tad-Direttiva l-ġdida

4.3.1   L-emendi ta’ Manila għall-Konvenzjoni STCW għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012. Madankollu, filwaqt li kkunsidrat il-proċedura leġislattiva ordinarja fil-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea antiċipat li “minħabba li f’dak iż-żmien din il-proposta tkun għadha ma ġietx adottata, huwa previst li d-direttiva proposta għandha tidħol fis-seħħ malli tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali”.

4.3.2   Minħabba dewmien fl-adozzjoni tad-Direttiva, ser ikun hemm paradoss legali, jiġifieri kunflitt bejn il-Ftehim ta’ Manila dwar l-STCW u d-Direttiva STCW riveduta, b’mod partikolari fir-rigward tad-data tad-dħul fis-seħħ. Jew l-Istati Membri ma jħarsux l-obbligi internazzjonali tagħhom fl-ewwel ta’ Jannar 2012 jew jekk jirratifikaw il-Konvenzjoni ma jħarsux id-Direttiva STCW eżistenti. L-Istati Membri x’aktarx ser jistennew ir-riżultat finali tad-Direttiva qabel jirratifikaw il-Ftehim ta’ Manila. Matul dak iż-żmien, il-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE ser ikomplu jagħmlu kummerċ lejn u minn pajjiżi terzi li jista’ jkun li jkunu diġà rratifikaw il-Ftehim ta’ Manila. Dan ser joħloq problema serja għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE peress li l-istati tal-bandiera tal-UE ma jkunux għadhom bdew isegwu r-regoli tal-Ftehim ta’ Manila.

4.3.3   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ser ikun hemm problemi mal-kontroll mill-Istat tal-port barra mill-UE, b’mod partikolari dwar id-dispożizzjonijiet dwar is-sigħat ta’ mistrieħ il-ġodda. Dan it-tħassib jirrelata mal-applikazzjoni tar-rekwiżiti l-ġodda dwar is-sigħat ta’ mistrieħ il-ġodda. Għandu jiġi rikonoxxut li wħud mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE jista’ jkollhom problemi bil-kontroll mill-Istat tal-port fil-portijiet mhux tal-UE. Hemm il-possibbiltà li l-baħħara tal-UE ma jibqgħux kompetittivi peress li ma jkollhomx iċ-ċertifikazzjoni STCW 2010 f’fażi bikrija. Barra minn hekk, ser ikun hemm problemi bil-validità taċ-ċertifikazzjoni u l-effett fuq il-perjodi ta’ validità għall-approvazzjonijiet maħruġa lill-baħħara tal-UE minn pajjiżi mhux tal-UE. Fid-dawl ta’ dan kollu, tinħtieġ kjarifika legali.

4.4   Ir-rikonoxximent tas-Sistemi Edukattivi/ta’ Ċertifikazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi

4.4.1   Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-pajjiżi terzi għall-iskop ta’ rikonoxximent tal-istituti u ċ-ċertifikati tat-taħriġ tagħhom, il-proposta testendi l-iskadenza attwali ta’ tliet xhur għal tmintax-il xahar. Uħud mill-Istati Membri jridu skadenza itwal minħabba l-ammont kbir ta’ xogħol li dan jimplika għan-nazzjonijiet marittimi (eż. Malta) jew minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi fil-pajjiżi mhux marittimi. Il-KESE jinnota li l-estensjoni hija realistika sabiex jitqies l-ammont kbir ta’ xogħol għan-nazzjonijiet marittimi.

4.5   Sistema ta’ Informazzjoni tal-STCW

4.5.1   Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li teżisti data mhux preċiża dwar iċ-ċertifikati. Hija tipproponi li jsir ġbir armonizzat u konsistenti ta’ informazzjoni eżistenti fir-reġistri nazzjonali. Il-KESE jqis pożittiv li l-Istati Membri tal-UE ser ikunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni standardizzata lill-Kummissjoni Ewropea dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara għal analiżi statistika. L-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-STCW tal-EMSA bħala pjattaforma għall-ġbir tal-informazzjoni mitluba ser jgħin lill-industrija tikkalkula u tagħmel stima tal-provvista u d-domanda futura tal-baħħara.

4.6   Baħħara ordinarji elettrotekniċi

4.6.1   Filwaqt li l-abbozz tad-Direttiva jirreferi għar-Regolament III/7, id-definizzjoni tal-baħħara ordinarji elettrotekniċi, hekk kif stipulata fir-Regolament I/1 (36), għadha ma ġietx miżjuda fil-proposta l-ġdida għal Direttiva.

4.6.2   Il-KESE jipproponi li l-abbozz tad-Direttiva għandu jinkludi d-definizzjoni ta’ baħħara ordinarji elettrotekniċi mir-Regolament I/1 (36) tal-Konvenzjoni STCW li tgħid hekk: “Baħħar ordinarju elettrotekniku tfisser baħħar ordinarju kwalifikat skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament III/7 tal-Konvenzjoni”.

4.7   Taħriġ kontra l-piraterija

4.7.1   Il-KESE jantiċipa li t-taħriġ tal-baħħara kontra l-piraterija ser ikun meħtieġ bħala kwistjoni ta’ urġenza minħabba ż-żieda tal-fenomenu tal-piraterija u r-riperkussjonijiet ta’ dan fuq il-baħħara. Għaldaqstant, huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina din il-kwistjoni mal-Istati Membri filwaqt li tqis id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Aqwa Prattiki ta’ Ġestjoni tan-NU (għall-Piraterija) u l-Kodiċi Internazzjonali ta’ Sigurtà għall-Bastimenti u Portijiet (ISPS).

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 50-56

ĠU C 211, 19.8.2008, p. 31-36

ĠU C 255, 22.9.2010, p. 103-109

ĠU C 248, 25.8.2011, p. 22-30

ĠU C 14, 16.1.2001, p. 41

ĠU C 80, 3.4.2002, p. 9-14

ĠU C 133, 6.6.2003, p. 23-25

ĠU C 157, 28.6.2005, p. 42-47

ĠU C 157, 28.6.2005, p. 53-55

ĠU C 97, 28.4.2007, p. 33-34

ĠU C 151, 17.6.2008, p. 35

(2)  ĠU C 80, 3.4.2002, p. 9-14


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/73


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija — Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020”

COM(2010) 612 finali

2012/C 43/17

Relatur: is-Sinjura PICHENOT

Nhar id-9 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Kummerċ, tkabbir u affarijiet dinjija — Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020

COM(2010) 612 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru (seduta tas-7 ta’ Diċembru 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'185 voti favur, vot wieħed kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Fl-aħħar tal-2010, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat komunikazzjoni ġdida fi żmien meta l-kummerċ internazzjonali għaddej minn bidliet profondi li jiddistingwu l-proċess attwali mill-fażi preċedenti tal-globalizzazzjoni. Politika tal-kummerċ tal-UE, li hija wkoll dimensjoni esterna tal-Istrateġija UE 2020 (1), għandha tiżgura li l-iskambji jikkontribwixxu tajjeb għal tkabbir fit-tul - li bħalissa huwa element nieqes biex noħorġu mill-kriżi - filwaqt li tiġi ggarantita s-sostenibbiltà tal-ekonomija soċjali tas-suq u billi jingħata appoġġ għal tranżizzjoni lejn ekonomija li ftit tuża karbonju.

1.2   Il-Kumitat jinnota b'interess li din il-“politika kummerċjali riveduta” ppreżentata fil-Komunikazzjoni “Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija” (2) tikkostitwixxi pass 'il quddiem u tiċċara b'mod utli l-prijoritajiet kummerċjali li ġejjin b'rabta mal-Istrateġija UE 2020 tal-Unjoni:

il-ftuħ tal-kummerċ adattat għat-tibdil ġeografiku tal-iskambji lejn l-Asja,

ir-rabta kruċjali mas-sigurtà tal-provvista tal-materja prima u l-enerġija,

l-importanza kbira tal-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment (nontariffarji jew regolatorji), inkluż fl-aċċess għall-akkwist pubbliku,

l-esiġenza tar-reċiproċità fin-negozjati multilaterali u bilaterali mal-imsieħba ekonomiċi strateġiċi tal-Unjoni, inkluż fl-aspetti marbutin mal-proprjetà intelletwali,

ir-rikors għal mekkaniżmi ta’ difiża kummerċjali.

1.3   Dwar ċerti suġġetti, il-Kumitat iqis li hemm bżonn tiġi ċċarata l-leġislazzjoni attwali, b'mod partikolari fil-qasam tas-sussidji u tal-għajnuna mill-Istat, u li jiġu promossi l-valuri u l-istandards tiegħu billi f'każ ta’ ħtieġa jirrikorri għall-mekkaniżmi tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO biex jikkontribwixxi għat-tisħiħ ta’ ġurisprudenza aktar konformi mal-viżjoni tiegħu ta’ kompetizzjoni ġusta, l-aktar fil-kuntest tal-pajjiżi emerġenti.

1.4   Il-multiplikazzjoni tan-negozjati bilaterali u d-diffikultà tagħhom m'għandhomx iwasslu lill-UE biex tnaqqas l-esiġenzi tagħha fil-qasam soċjali u ambjentali. Dawn iż-żewġ dimensjonijiet iridu jitqiesu tajjeb fuq l-istess livell bħad-dimensjoni ekonomika tan-negozjati. Dwar dan, il-Kumitat jiddedika monitoraġġ partikolari tal-kontenut u s-segwitu tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli. Huwa jenfasizza li t-tħejjija ta’ dan il-kapitlu hija marbuta mill-qrib mal-kwalità tal-istudji tal-impatt u mal-pertinenza tal-miżuri ta’ akkumpanjament.

1.5   Il-KESE jirrakkomanda li n-Nazzjonijiet Uniti tfassal karta dinjija li tistabbilixxi ammont minimu ta’ drittijiet b'rabta mal-protezzjoni soċjali bażika tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u li tista' tiġi annessa mar-reviżjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju prevista għall-2015. Din il-karta għandha sservi ta’ referenza koerenti flimkien mal-impenji fil-qasam tal-kummerċ u tal-iżvilupp. Qabel xejn, l-ILO trid tiġi rikonoxxuta bħala osservatur fi ħdan id-WTO u bil-mod il-mod għandha tiġi involuta fil-Mekkaniżmu ta’ Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali (TPRM).

1.6   Il-KESE jitlob li tingħata aktar attenzjoni lit-tema tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, lis-solidarjetà dinjija u lid-dibatittu dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju Jipproponi li s-sena 2015 tiġi ddedikata lill-“kooperazzjoni u l-iżvilupp” (titolu proviżorju). Peress li l-UE u l-Istati Membri għamlu wkoll riżoluzzjoni li jilħqu dawn l-għanijiet sal-2015, il-Kumitat jipproponi li l-okkażjoni tas-Sena Ewropea tintuża sabiex jitħeġġu s-sensibilizzazzjoni u s-sens ta’ responsabbiltà kondiviża f'kull ċittadin, fis-soċjetà ċivili, fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew rigward it-twettiq tal-għanijiet stabbiliti u dawk ġodda li ser jiġu stabbiliti wara l-2015.

1.7   Il-kummerċ internazzjonali huwa parti mill-problema u parti mis-soluzzjoni għall-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel fil-livell dinji. Ir-regoli tal-kummerċ internazzjonali għandhom jaħdmu favur is-sigurtà tal-ikel, b'mod partikolari fil-pajjiżi l-inqas avvanzati, u jiżguraw li dawn ikollhom aċċess bla dazji għas-swieq tal-pajjiżi żviluppati iżda wkoll tal-pajjiżi emerġenti, b'konformità mal-prinċipju tat-trattament speċjali u differenzjat.

1.8   Sabiex tiżviluppa ekonomija ekoloġika f'kuntest ta’ kompetizzjoni dinjija u żżomm ir-rwol ta’ tmexxija tagħha fil-qasam, fl-interess tagħha stess u tal-klima, l-Ewropa għandha tibqa' ambizzjuża ħafna fil-qasam tat-tnaqqis progressiv tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra. Il-Kumitat jipproponi li jiġu żviluppati valutazzjonijiet tal-impatt (kompetittività, impjieg u ambjent) u li jiġu organizzati dibattiti pubbliċi sabiex jiġu antiċipati t-tranżizzjonijiet bejn l-2020 u l-2050 u biex il-proġettazzjonijiet tal-atturi ekonomiċi u dawk taċ-ċittadini jiġu stabbilizzati.

1.9   Fuq perjodu twil, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għar-riforma tad-WTO mifhuma bħala governanza multilaterali tal-globalizzazzjoni fis-sens tal-proġett oriġinali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummerċ (ITO) kif definita fil-Karta ta’ Ħavana tal-1948, u b'hekk tinkludi b'mod espliċitu l-kwistjonijiet tal-impjiegi u tal-investiment.

1.10   Il-Kumitat jenfasizza l-importanza dejjem tikber tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-twettiq u s-segwitu tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE, b'mod partikolari dwar il-kapitoli tal-iżvilupp sostenibbli, bħall-ftehim reċenti dwar l-iskambju ħieles mal-Korea t'Isfel. Il-KESE huwa lest li jikkontribwixxi attivament għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim, kif ukoll tal-ftehimiet kummerċjali li jmiss. Huwa jipproponi li għar-rapport annwali jikkontribwixxi għall-mekkaniżmu ta’ segwitu billi jiġbor l-osservazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea mwessa' għall-partijiet interessati kollha. Qed jipproponi wkoll li jagħti sehmu bħala faċilitatur tal-ħidmiet konġunti mas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi msieħba bħala għajnuna fil-kunsiderazzjoni tal-konsegwenzi konkreti ta’ dawn il-ftehimiet. Għall-KESE, għandhom jinbdew mill-aktar fis possibbli l-mekkaniżmi ta’ segwitu tal-ewwel ftehimiet għax dan jagħti kredibilità lill-iżvilupp tal-politika kummerċjali riveduta. Dan għandu jikkontribwixxi biex tiġi stabbilita atmosfera ta’ fiduċja bejn il-pajjiżi msieħba u għalhekk jiffaċilita l-impenn tas-soċjetà ċivili fin-negozjati kummerċjali li għaddejjin bħalissa.

2.   L-antiċipazzjoni tal-bidliet il-kbar tal-globalizzazzjoni

2.1   Kummerċ internazzjonali ġust u miftuħ huwa ġid pubbliku dinji li jrid jiġi ppreżervat u msaħħaħ. Hemm bżonn li kull pajjiż jew għaqda ta’ pajjiżi tikkontribwixxi għar-regolazzjoni sostenibbli ta’ dan il-ġid, abbażi tal-benefiċċji reċiproċi skont il-konċessjonijiet ta’ kull wieħed. Dan huwa l-pedament tal-impenn tal-UE għal-liberalizzazzjoni tal-iskambji f'qafas multilaterali, li bħalissa qed jiġi promoss mid-WTO. Fuq dawn il-linji, sa mill-2006 il-KESE appoġġja l-politika kummerċjali tal-Unjoni (3).

2.2   Fl-aħħar tas-sena 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat komunikazzjoni ġdida f'perjodu meta l-kummerċ internazzjonali għaddej minn bidliet profondi li jiddistingwu l-proċess attwali mill-fażi preċedenti tal-globalizzazzjoni. L-isfida għall-politika tal-kummerċ tal-UE bħala dimensjoni tal-Istrateġija UE 2020, hija li tiżgura li l-kummerċ jikkontribwixxi għal tkabbir fit-tul u għas-sostenibbiltà tal-ekonomija soċjali tas-suq u billi jingħata appoġġ għal tranżizzjoni lejn ekonomija li ftit tuża karbonju.

2.3   Biex janalizza l-bidliet attwali tal-globalizzazzjoni, il-Kumitat jenfasizza l-ħames tendenzi l-kbar tad-deċennju li għandhom jorjentaw id-diskussjonijiet fi ħdan il-forum tas-soċjetà ċivili kemm fid-WTO kif ukoll fid-DĠ Kummerċ, u jqis li l-politika tal-kummerċ tal-UE għandha tkun aktar strateġika u aktar fuq tul ta’ żmien.

L-espansjoni tal-isfera tal-kompetizzjoni. It-teknoloġiji l-ġodda – minn dawk li jolqtu l-informazzjoni jew it-trasport sat-teknoloġiji ekoloġiċi tal-ġejjieni – ibiddlu l-mod kif tiġi prodotta r-rikkezza u kif jinqasam il-valur miżjud filwaqt li jkabbru l-kompetizzjoni bejn il-pajjiżi. Huma jżidu l-mobbiltà tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-fatturi tal-produzzjoni, speċjalment tal-kapital (4), u għalhekk iżidu l-għadd tas-setturi ekonomiċi u soċjali miftuħa għall-kompetizzjoni internazzjonali.

L-għarfien u l-innovazzjoni għadhom il-fatturi li jwasslu għat-tkabbir, iżda bħalissa qed jeqilbu ta’ taħt fuq l-idea tal-kummerċ internazzjonali li ntirtet mit-teoriji klassiċi. Il-pajjiżi m'għadhomx ipartu l-inbid mal-għażel kif kien jiġri fi żmien Ricardo. Minn xi għaxar snin ilu 'l hawn, il-pajjiżi qed jispeċjalizzaw, fil-livell tal-ħaddiema, f'dawk l-impjiegi li fihom huma għandhom vantaġġ komparattiv meta mqabbel mal-kompetituri tagħhom, anke jekk dan xi drabi wassal għal dumping soċjali u fiskali. Il-“kummerċ tal-kompiti” b'mod gradwali qed jieħu post il-kummerċ tal-merkanzija industrijali, li għadu predominanti. Is-sehem tas-servizzi fil-kummerċ (20 %) qed isir dejjem aktar importanti, u qed jirrifletti aktar l-importanza tar-rikkezza nazzjonali tal-pajjiżi (70 % tal-PDG Ewropew).

Il-kompetizzjoni ta’ għadd akbar ta’ impjiegi u ta’ atturi ekonomiċi għandha l-effett li tistimola l-innovazzjoni u tkabbar l-opportunitajiet ekonomiċi u b'hekk l-effikaċja globali. Madankollu, twassal ukoll għal żieda fl-inugwaljanzi fi ħdan il-pajjiżi: inugwaljanzi fl-opportunitajiet u fir-remunerazzjoni bejn il-ħaddiema mobbli u dawk fissi, ikkwalifikati u mhux ikkwalifikati, dawk li għandhom il-kapital u dawk li għandhom biss il-forza li jaħdmu, bejn l-impjegati fis-settur tal-merkanzija u s-servizzi kummerċjabbli u dawk f'setturi oħra.

Peress li l-kummerċ internazzjonali jċaqlaq l-attivitajiet u r-riżorsi skont l-ispejjeż u l-prezzijiet, huwa qed iservi ta’ lenti: qed joħroġ aktar fid-dieher il-kwalitajiet tal-pajjiżi u fl-istess waqt qed jiġbed l-attenzjoni għal-limitazzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, il-politika kummerċjali ma tistax titfassal indipendentement mill-politiki l-oħra tal-Unjoni – il-politiki ta’ tranżizzjoni u ta’ aġġustament fis-suq tax-xogħol, il-politika ta’ tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta’ serra, il-politika ta’ koeżjoni soċjali u territorjali, il-politika tas-suq uniku b'mod partikolari, u l-politika ta’ żvilupp u kooperazzjoni.

F'dinja li qed terġa' tiskopri r-rarità, l-isfida tas-sigurtà tal-provvista  (5) qed tiżdied ma’ dik aktar tradizzjonali tal-istabbiltà tal-aċċess għas-swieq esterni. Il-pressjoni kontinwa fuq ir-riżorsi tal-enerġija u tal-ikel u l-kompetizzjoni akbar rigward l-aċċess għar-riżorsi naturali qed isiru fatturi ewlenin determinanti fil-politika kummerċjali u dik tas-sigurtà.

3.   Punti ewlenin għat-twaqqif ta’ sistema kummerċjali miftuħa u kompatibbli ma’ tranżizzjoni ġusta

3.1   Biex l-UE tkun tista' tifluwenza r-riforma futura tad-WTO

3.1.1   Il-bidliet il-kbar marbuta mal-globalizzazzjoni u l-konsegwenzi tagħhom għall-Unjoni mhumiex ristretti għall-politika kummerċjali, iżda huma sfidi għall-UE kollha kemm hi. B'konsegwenza, l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi studji ta’ prospettiva u tiftaħ dibattitu pubbliku dwar il-kundizzjonijiet għal tranżizzjoni ġusta. F'dan ir-rigward, il-KESE jagħraf il-kontribut tal-grupp ta’ riflessjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-ġejjieni tal-UE minn issa sal-2030 (6), li ddefinixxa u rreveda l-“kunċett strateġiku” u l-prijoritajiet ta’ azzjoni esterna tal-Unjoni fit-tul.

3.1.2   L-Ewropa għandha tħares lejn il-politika kummerċjali tagħha bħala lieva fir-riforma futura tad-WTO. Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni maħsuba biex toħloq “grupp ta’ persuni eminenti minn pajjiżi żviluppati u oħrajn li għadhom qed jiżviluppaw biex niksbu rakkomandazzjonijiet indipendenti biex inkunu nistgħu nfasslu l-opinjoni Ewropea tagħna dwar l-aġenda futura u l-operat tad-WTO wara r-Rawnd ta’ Doha”. Il-Kumitat jixtieq jagħti sehmu u qed jitlob opinjoni esploratorja dwar is-suġġett.

3.1.3   Fil-fehma tal-KESE, l-Unjoni trid tadotta bħala mira fit-tul li tikkontribwixxi biex id-WTO tieħu xejra ġdida, u biex il-multilateraliżmu jitfassal mill-ġdid skont il-proġett oriġinali tiegħu. L-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummerċ (ITO), kif definita fil-Karta ta’ Ħavana tal-1948, kellha tkun organizzazzjoni multilaterali li tittratta l-aspetti kollha marbuta mal-kummerċ internazzjonali mingħajr eċċezzjoni, jiġifieri inklużi l-kwistjonijiet tal-impjiegi u tal-investiment.

3.1.4   L-imblukkar taċ-Ċiklu ta’ Doha u d-dewmien fin-negozjati tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika jġiegħlu lill-Ewropa tikkunsidra mill-ġdid ir-rabta bejn l-iżvilupp u l-kummerċ. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-valutazzjoni tal-inizjattiva “Kollox ħlief armi” u tal-EPAs għat-twaqqif tal-istrateġija tagħna fil-qasam tal-kummerċ u l-iżvilupp. Il-politika tal-kummerċ għandha titqies b'mod olistiku u l-Kumitat huwa sodisfatt bil-ħidma komplementari li saret fil-qafas tal-Komunikazzjoni attwali dwar ir-riforma tas-sistema ta’ preferenzi ġeneralizzati (SPĠ) u ta’ Komunikazzjoni futura dwar il-kummerċ u l-iżvilupp.

3.2   Prijorità għas-sigurtà tal-provvista tal-ikel

3.2.1   Il-Kumitat, f'diversi opinjonijiet (7), ippropona xi ideat li jikkontribwixxu lejn it-tiswir ta’ viżjoni aktar strateġika tal-politika kummerċjali. Barra minn hekk, wara tmiem il-konferenza dwar is-sigurtà tal-provvista tal-ikel li ġiet organizzata f'Mejju 2011, il-KESE ppreżenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu biex jagħti kontribut għall-ħidma tal-G20. Huwa jqis li l-kummerċ internazzjonali jikkostitwixxi wieħed mill-fatturi determinanti biex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista tal-ikel u biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dritt għall-ikel. Il-konklużjonijiet ta’ din il-konferenza (8) jispeċifikaw l-impatt tal-kummerċ fuq is-sigurtà tal-provvista tal-ikel u fuq l-iżvilupp:

3.2.2   Għandu jiġi ggarantit li r-regoli tal-kummerċ internazzjonali jiffaċilitaw is-sigurtà tal-provvista tal-ikel

3.2.3   Għandu jiġi żgurat li fir-riformi relatati mal-kummerċ u fin-negozjati kummerċjali, jitqies b'mod adatt il-bżonn ta’ kontribut għat-tnaqqis tan-nuqqas ta’ sigurtà tal-provvista tal-ikel u n-nutriment fl-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

3.2.4   Titnaqqas b'mod sostanzjali l-għajnuna mill-Istat li toħloq distorsjonijiet kummerċjali u jiġu eliminati s-sussidji għall-esportazzjoni:

Tingħata definizzjoni aħjar ta’ meta u kif jistgħu jintużaw miżuri ta’ restrizzjoni għall-esportazzjonijiet, u fl-istess ħin jissaħħu l-proċessi ta’ konsultazzjoni u ta’ notifika. B'mod partikolari, issir valutazzjoni tar-riperkussjonijiet negattivi ta’ tali miżuri fuq is-sigurtà tal-provvista tal-ikel ta’ pajjiżi oħra.

Jiġu eliminati l-ostakli għall-esportazzjonijiet, għat-trasport u għall-importazzjoni tal-għajnuna umanitarja relatata mal-provvista tal-ikel fil-pajjiżi benefiċjarji u l-pajjiżi li jinsabu fil-madwar.

3.2.5   Isir sforz biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiksbu aktar benefiċċji mir-regolamenti dwar il-kummerċ:

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu awtorizzati u mħeġġa jagħmlu użu effiċjenti mid-dispożizzjonijiet dwar trattament speċjali u differenzjat biex jiġu megħjuna jipproteġu s-swieq tal-ikel tagħhom. Huwa partikolarment neċessarju li, f'oqfsa multilaterali, reġjonali u bilaterali, isir aktar faċli għalihom li jużaw miżuri ta’ salvagwardja li jippermettulhom jaġixxu f'każ ta’ żieda kbira fl-importazzjonijiet li taf tipperikola l-produzzjoni lokali tal-prodotti tal-ikel.

Jiġi żgurat li l-prodotti agrikoli li jkunu ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw ikollhom aċċess aħjar għas-swieq tal-pajjiżi żviluppati. Il-pajjiżi żviluppati l-oħra għandhom isegwu l-eżempju tal-Unjoni Ewropea billi jadottaw sistema simili għall-inizjattiva “Kollox ħlief armi” u jkun tajjeb li t-tariffi doganali li japplikaw għall-prodotti pproċessati minn pajjiżi li qed jiżviluppaw jitnaqqsu b'mod sostanzjali, b'mod li jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ infrastruttura lokali tal-ipproċessar.

Jiġi żgurat li jitqiegħdu riżorsi addizzjonali għad-dispożizzjoni tal-inizjattiva “Għajnuna għall-kummerċ”, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jieħdu sehem fil-kummerċ internazzjonali tal-prodotti tal-ikel u biex jiksbu benefiċċji minnu. Jeħtieġ ukoll li tissaħħaħ l-assistenza teknika biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu megħjuna jikkonformaw mar-regolamentazzjonijiet u l-istandards eżistenti fil-qasam tal-agrikoltura u tal-ikel.

Titħeġġeġ l-integrazzjoni reġjonali, kif ukoll il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni tan-Nofsinhar permezz tal-promozzjoni tar-raggruppamenti ekonomiċi reġjonali. Il-komunità internazzjonali kif ukoll l-UE, bis-saħħa tal-esperjenza prezzjuża li għandha din tal-aħħar, għandhom jappoġġjaw dan il-proċess.

3.2.6   Il-Kumitat jixtieq li dawn il-proposti jitqiesu mill-Kummissjoni fit-tħejjija tal-Komunikazzjoni dwar il-kummerċ u l-iżvilupp.

3.2.7   Sabiex dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu enfasizzati u biex tiġi żgurata attenzjoni akbar lit-tema tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, lis-solidarjetà dinjija u lid-dibatittu dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, il-Kumitat jipproponi li s-sena 2015 tiġi ddedikata lill-“kooperazzjoni u l-iżvilupp” (titolu proviżorju). Peress li l-UE u l-Istati Membri għamlu wkoll riżoluzzjoni li jilħqu dawn l-għanijiet sal-2015, il-Kumitat jipproponi li l-okkażjoni tas-Sena Ewropea tintuża sabiex jitħeġġu s-sensibilizzazzjoni u s-sens ta’ responsabbiltà kondiviża f'kull ċittadin, fis-soċjetà ċivili, fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew rigward it-twettiq tal-għanijiet stabbiliti u tal-għanijiet il-ġodda li ser jiġu stabbiliti wara l-2015.

4.   Il-ħolqien ta’ strumenti effikaċi għal kompetizzjoni aktar ġusta

4.1   Il-governanza dinjija fil-qasam tal-kompetizzjoni qed tbati minn nuqqasijiet serji. Il-kompetizzjoni għadha tiġi ttrattata b'mod parzjali u insodisfaċenti mid-WTO. B'mod partikolari, il-problemi tal-monopolju privat, l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti u l-ostakli nontariffarji li jiġu minn inizjattivi privati (regoli u standards) ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tagħha. Il-leġislazzjoni kummerċjali dwar id-dumping, is-sussidji u l-għajnuna mill-Istat għadha miftuħa għall-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim.

4.2   La l-Unjoni ma tistax tpatti waħedha għan-nuqqasijiet fil-governanza dinjija, trid tfittex li tiċċara l-leġislazzjoni eżistenti u tippromovi l-valuri u r-regoli tagħha fl-istrumenti li jipproteġu u jassiguraw il-kompetizzjoni ġusta:

billi taħdem mas-segretarjat tad-WTO fit-tisħiħ tal-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni għall-esportazzjoni fil-qafas ta’ Mekkaniżmu ta’ Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali (TPRM);

billi tħeġġeġ it-tfassil ta’ rapport annwali dwar l-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment;

billi tappoġġja l-inizjattivi differenti li għandhom l-għan li jinkludu 'l hekk imsejħa kwistjonijiet ta’ Singapor (investiment, akkwist pubbliku, kompetizzjoni) u tippersisti bil-faċilitazzjoni tal-kummerċ f'aġenda multilaterali ġdida. B'mod partikolari, trid tiġi affermata mill-ġdid il-ħtieġa ta’ ftehim multilaterali dwar l-akkwist pubbliku, appoġġjata f'każ ta’ bżonn b'politika tal-“karrotta” (pereżempju trasferimenti teknoloġiċi) jew tal-“bastun” (restrizzjoni fl-aċċess għall-akkwist pubbliku Komunitarju);

billi tillimita d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn il-pajjiżi membri Ewropej fil-kisba tas-swieq barranin mill-intrapriżi nazzjonali rispettivi tagħhom, permezz tal-armonizzazzjoni tal-politiki u l-miżuri ta’ promozzjoni, ta’ assigurazzjoni u ta’ kreditu għall-esportazzjoni, u l-integrazzjoni progressiva tal-kmamar tal-kummerċ u tar-rappreżentazzjonijiet tagħhom fil-pajjiżi terzi. L-Ewropa tiġi mogħnija bi strumenti effikaċi f'dan ir-rigward bit-tisħiħ u l-iżvilupp ta’ ċentri Ewropej ta’ appoġġ għall-SMEs fil-pajjiżi terzi (“European Business Centres” (9)) u bil-fatt li l-gruppi għall-aċċess tas-suq jibdew jaħdmu b'mod sħiħ (“Market access teams” (10));

billi tiggarantixxi r-rispett tal-proprjetà intellettwali fil-qafas tal-ftehim dwar il-proprjetà intellettwali tad-WTO (TRIPS), tal-ftehim kontra l-falsifikazzjoni (ACTA) u l-ftehimiet bilaterali;

billi tirrikorri għall-mekkaniżmi tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO malli jkun hemm bżonn, sabiex tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta’ ġurisprudenza aktar konformi mal-viżjoni u l-valuri tal-Unjoni.

5.   Appoġġ effettiv min-naħa tal-kummerċ għal strateġija tal-inklużjoni u l-promozzjoni tad-dimensjoni soċjali fil-kummerċ

5.1   Id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni tibqa' kwistjoni inevitabbli u fuq perjodu twil għandha tinstab soluzzjoni negozjata fi ħdan il-pjattaformi multilaterali u b'mod partikolari fid-WTO. Fl-immedjat, huwa essenzjali li l-ILO tingħata status ta’ osservatur fi ħdan id-WTO u l-UE għandha tkompli bl-isforzi tagħha biex tipperswadi lill-pajjiżi li qed jibqgħu jopponu għal dan. Barra minn hekk, bil-mod il-mod l-ILO tista' tiġi involuta fil-ħidmiet tal-Mekkaniżmu ta’ Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali tal-membri tad-WTO billi din tista' tkun ta’ kontribut għall-politiki soċjali tal-pajjiżi kkonċernati.

5.2   Il-KESE jsostni li l-Ewropa toffri esperjenza kostruttiva ta’ konsiderazzjoni tad-dimensjoni soċjali fil-kummerċ li tista' sservi ta’ punt ta’ riferiment konkret fil-livell internazzjonali mingħajr ma tkun soġġetta għall-kritika ta’ protezzjoniżmu moħbi. Għaldaqstant, il-preokkupazzjoni dejjiema tal-Kumitat hi li jibni fuq l-aspett tal-iżvilupp sostenibbli billi jinkludi d-dimensjoni soċjali f'kull ftehim kummerċjali, il-kunsiderazzjoni tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO fil-kapitolu soċjali, l-esperjenza tal-kundizzjonalità fil-mekkaniżmu tal-SPĠ, u l-eżistenza ta’ Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni.

5.3   Ma' din id-dinamika reċenti, ta’ min isemmi wkoll l-użu ta’ valutazzjonijiet tal-impatt li permezz ta’ metodoloġija riveduta jistgħu jippermettu li l-konsegwenzi fuq l-impjieg jiġu antiċipati aħjar u li l-miżuri ta’ akkumpanjament jitħejjew aħjar (11). Il-KESE jagħti attenzjoni partikolari għall-ħolqien ta’ kumitati ta’ segwitu previsti fil-ftehimiet kummerċjali ffirmati mill-UE, li jkunu jistgħu jiżguraw sorveljanza tad-dimensjoni soċjali u ambjentali ta’ dawn il-ftehimiet.

5.4   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jissoktaw bl-impenn finanzjarju tagħhom favur il-promozzjoni u l-implimentazzjoni tat-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, filwaqt li jżommu quddiem għajnejhom li dan il-mekkaniżmu mhuwiex maħsub biex jelimina minnufih il-problemi tal-kompetittività u tal-impjieg fl-Ewropa. Barra minn hekk, il-monitoraġġ bir-reqqa tal-inizjattiva meħuda mill-ILO li tistabbilixxi protezzjoni soċjali bażika u tappoġġja programmi favur ix-xogħol deċenti joffri opportunitajiet ġodda biex jikbru r-rabtiet bejn il-kummerċ u l-impjiegi. Il-KESE qed jistenna li l-G20, f'rabta mal-IMF u l-Bank dinji, jeżamina l-metodi ta’ finanzjament possibbli għal din il-protezzjoni soċjali universali.

5.5   Fil-valutazzjonijiet tal-impatt, l-Unjoni għandha tagħti importanza lid-djalogu soċjali settorjali fid-definizzjoni ta’ miżuri ta’ aġġustament b'rispons għall-effetti tal-għażliet kummerċjali tagħha. Trid ukoll iddaħħal b'mod espliċitu l-konsegwenzi tal-klawsola soċjali orizzontali (12) tat-Trattat ta’ Lisbona fil-politika kummerċjali tagħha. Waqt in-negozjati dwar il-perspettivi finanzjarji li jmiss, il-Fond Soċjali Ewropew irid jinżamm u jiġi orjentat lejn il-kwistjonijiet tat-tibdil industrijali marbutin mat-tranżizzjonijiet u r-ristrutturazzjonijiet. Il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jridu jsiru aktar flessibbli sabiex l-akbar għadd possibbli ta’ vittmi tat-tibdil kemm fl-industrija kif ukoll fis-settur agrikolu jsiru eliġibbli. Dan il-fond jista' jiffaċilita wkoll l-esperimentazzjoni soċjali.

5.6   Il-KESE jirrakkomanda li fil-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet tiddaħħal id-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem u li l-miżuri ta’ akkumpanjament tal-ftehim jiġu allinjati mal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR). Applikazzjoni aħjar tal-prinċipji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti tikkontribwixxi għat-twettiq tal-objettivi tal-Unjoni rigward il-kwistjonijiet speċifiċi dwar id-drittijiet tal-bniedem. B'konformità mal-komunikazzjoni dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (Ottubru 2011) (13), dawn il-prinċipji jippreżentaw sfida essenzjali għall-kummerċ u l-iżvilupp.

6.   L-impenji favur l-ambjent għandhom jitqiegħdu fil-prattika fil-politika kummerċjali

6.1   In-negozjati dwar il-merkanzija u s-servizzi relatati mal-ambjent fil-qafas ta’ Doha jistgħu jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Unjoni li jittejjeb l-aċċess għall-merkanzija u t-teknoloġija li jirrispettaw l-ambjent. Madankollu, għal firxa wiesgħa ta’ prodotti, u dan huwa l-każ b'mod partikolari għall-enerġiji rinnovabbli, l-ostakli tariffarji huma dgħajfa u moderati, filwaqt li dawk nontariffarji għadhom ixekklu t-tixrid tagħhom serjament. L-iżgurar ta’ ftehim prekoċi u iżolat fil-qasam tal-iskambju ta’ prodotti u servizzi ambjentali fid-WTO li jintegra l-aspetti tariffarji u nontariffarji tal-protezzjoni jikkostitwixxi proposta ġdida tal-Kummissjoni li għandha l-appoġġ tal-KESE.

6.2   Biex tiżviluppa ekonomija ekoloġika f'kuntest kompetittiv globalizzat u żżomm il-leadership tagħha f'dan il-qasam, l-Ewropa, kemm fl-interess tagħha u f'dak tal-klima, għandha żżomm l-ambizzjoni li tnaqqas bi 80 % l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra minn hawn u l-2050, pereżempju b'objettiv intermedju ta’ 40 % bejn l-2020 u l-2030. Il-Kumitat jipproponi li jiġu żviluppati valutazzjonijiet tal-impatt (kompetittività, impjieg u ambjent) u li jiġu organizzati dibattiti pubbliċi sabiex jiġu antiċipati t-tranżizzjonijiet bejn l-2020 u l-2050 u biex il-proġettazzjonijiet tal-atturi ekonomiċi u dawk taċ-ċittadini jiġu stabbilizzati.

6.3   L-iffissar ta’ dan l-objettiv intermedju għandu jkun akkumpanjat minn miżuri regolatorji u fiskali li jiffavorixxu ż-żieda tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji nodfa. L-użu ta’ miżuri dwar l-aġġustament għall-karbonju fil-fruntieri għandu jiġi limitat b'mod strett għall-ftit każijiet ta’ telf tal-kompetittività u ta’ delokalizzazzjoni tal-emissjoninjiet tal-karbonju li jkunu seħħu tabilħaqq, u b'konformità mar-regoli tad-WTO, skont l-analiżi tal-Kummissjoni (14).

6.4   Meta wieħed iqis li l-proġetti ta’ ħolqien ta’ suq ta’ skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tas-CO2 fid-dinja qed jiżviluppaw bil-mod u b'mod inċert, l-Istati Membri tal-UE għal ammont ta’ snin ser ikunu fost l-uniċi pajjiżi li jistabbilixxu prezz għas-CO2. Fil-kuntest tar-riskju futur ta’ delokalizzazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju ta’ wħud mis-setturi Ewropej soġġetti għall-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS), il-Kumitat jirrakkomanda li, minbarra l-allokazzjonijiet b'xejn attwali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li ġew stabbiliti mill-Kummissjoni, jkun hemm żieda sinifikattiva fl-investiment fuq perjodu twil favur id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija u l-ħolqien ta’ qafas ta’ inċentiv prevedibbli u stabbli li jiffaċilita l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tat-teknoloġija nadifa li għadha mhijiex kkumerċjalizzata.

6.5   Fil-qasam tat-trasport, il-KESE jappoġġja l-adozzjoni ta’ objettivi dinjin stabbiliti mill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima ta’ anqas minn 10 % tal-emissjonijiet għat-trasport bl-ajru u ta’ anqas minn 20 % għat-trasport marittimu. Id-deċiżjoni li l-isforzi tat-tnaqqis jinqasmu hija mmirata wkoll lejn is-settur tat-trasport, peress li t-trasport bl-ajru ser jiġi integrat progressivament fl-EU ETS mill-2012 'il quddiem. Inizjattiva Ewropea maħsuba biex tistabbilixxi objettivi ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija fit-trasport fl-ibħra fondi taf tikkontribwixxi għal dan l-isforz.

6.6   Fil-qasam tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-iżvilupp sostenibbli, il-KESE jtenni r-rakkomandazzjonijiet tiegħu li ssir reviżjoni tal-mekkaniżmu attwali, bħalma semma f'opinjoni preċedenti (15). B'mod partikolari jkun tajjeb li tittejjeb l-informazzjoni dwar l-impatt ambjentali tal-politiki kummerċjali billi jkun hemm ħidma aktar mill-qrib mas-segretarjati tal-ftehimiet internazzjonali dwar l-ambjent.

6.7   Filwaqt li inizjattiva dwar l-istandards u t-tikkettar “ambjentali” jew ta’ “żvilupp sostenibbli” għandha tibqa' privata u deċentralizzata ġewwa l-UE, huwa indispensabbli li jkun hemm qafas komuni ta’ kejl u ta’ valutazzjoni li jaqa' taħt il-Kummissjoni jew aġenzija speċifika.

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-punt 3.3: L-użu tal-istrumenti ta’ politika esterna tagħna f'“Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”, COM(2010) 2020 tat-3.3.2010

(2)  Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija, COM(2010) 612 finali.

(3)  Opinjonijiet tal-KESE.: ĠU C 211, 19/08/2008, pġ. 82; ĠU C 318, 29/10/2011. pġ. 150; ĠU C 255, 22/09/2010, pġ. 1.

(4)  ĠU C 318, 29/10/2011, pġ. 150.

(5)  ĠU C 132, 3/05/2011, pġ. 15. ĠU C 54, 19/02/2011, pġ. 20.

(6)  “Proġett għall-Ewropa 2030, Sfidi u Opportunitajiet”, rapport imressaq quddiem is-Sur Herman Van Rompuy fid-9 ta’ Mejju 2010: http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cmsUpload/mt_web.pdf

(7)  ĠU C 318, 29/10/2011, pġ. 150; ĠU C 248, 25/08/2011, pġ. 55; ĠU C 218, 23/07/2011, pġ. 25; ĠU C 21, 21/01/2011, pġ. 15; ĠU C 255, 22/09/2010, pġ. 1; ĠU C 128, 18/05/2010, pġ. 41; ĠU C 211, 19/08/2008, pġ. 82.

(8)  http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/food-for-everyone-conclusions-en.pdf

(9)  Fiċ-Ċina, it-Tajlandja, l-Indja u l-Vjetnam.

(10)  ĠU C 218, 23/07/2011, pġ. 25;

(11)  ĠU C 218, 23/07/2011, pġ. 19

(12)  Opinjoni CESE, relatur: is-Sur Lechner: It-tisħiħ tal-koeżjoni tal-UE u tal-koordinazzjoni tal-politika soċjali tal-UE (Għada mhux ippubblikata fil-ĠU).

(13)  Com(2011) 681finali. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva.

(14)  Il-kummerċ bħala vettur ta’ prosperità (disponibbli biss bl-Ingliż), SEC(2010)269 http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2010/november/tradoc_146940.pdf

(15)  ĠU C 218, 23/07/2011, pġ. 19.


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/79


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”

COM(2011) 451 finali — 2011/0196 (COD)

2012/C 43/18

Relatur: is-Sur Jan SIMONS

Nhar l-1 ta’ Settembru 2011 il-Kunsill, u nhar id-29 ta’ Settembru 2011, il-Parlament Ewropew iddeċiedew, b’konformità mal-Artikoli 91 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

COM(2011) 451 finali — 2011/0196 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’136 vot favur, vot wieħed kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat b’mod ġenerali jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward tat-tul ta’ ħin tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ, primarjament minħabba li żżid is-sigurtà fit-toroq, ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u toħloq kompetizzjoni aktar ġusta bejn il-kumpaniji tat-trasport fit-triq.

1.2   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li l-funzjonijiet tal-karti tax-xufiera (driver cards) jiġu amalgamati ma’ dawk tal-liċenzji tas-sewqan. Din ittejjeb is-sigurtà u tnaqqas il-piż amministrattiv sakemm dan ikun possibbli fil-prattika. L-istess japplika għall-possibbiltà prevista fl-Artikolu 6, li t-takografu diġitali jiġi integrat mas-sistemi intelliġenti tat-trasport (ITS) li toffri lill-applikazzjonijiet l-oħra tal-ITS aċċess aktar faċli għad-data rreġistrata u prodotta mit-takografu.

1.3   Bl-istess mod il-Kumitat jaqbel mal-għażla pprovduta fil-proposta li jkun hemm komunikazzjoni remota mit-takografu għal skopijiet ta’ kontroll, biex ix-xufiera li jikkonformaw mar-regoli jevitaw il-verifiki mmirati.

1.4   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-Artikoli proposti 7 sa 16 dwar l-approvazzjoni tat-tip; dawn l-Artikoli huma eżempju eċċellenti ta’ kwistjonijiet li jridu jiġu trattati mill-Istati Membri fuq il-bażi ta’ regolamenti Ewropej li huma mfassla b’mod ċar u komprensiv.

1.5   Fl-Artikolu 19(4), il-Kummissjoni tipproponi li l-aċċess għas-swieq tal-ħwienet tax-xogħol tat-takografi diġitali tal-kumpaniji tat-trasport stess madwar l-Ewropa għandu jkun limitat għall-vetturi ta’ kumpaniji oħra, biex jiġi evitat il-kunflitt ta’ interess, għalkemm ma tagħtix prova li dan il-kunflitt jeżisti. B’mod partikolari fid-dawl taż-żjieda fl-ispejjeż li dan jista’ joħloq, din id-deċiżjoni trid tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat jekk tkun adatta skont l-indikazzjoni fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(4) u tinħareġ garanzija ta’ konformità tat-tiswijiet u l-kalibrazzjoni minn korp indipendenti u approvat.

1.6   Il-Kummissjoni tipproponi li r-responsabbiltà għall-ksur tar-Regolament għandha tkun tal-kumpaniji tat-trasport, iżda li dawn għandhom ikollhom l-opportunità li juru li ma jistgħux jinżammu responsabbli b’mod raġonevoli għall-ksur li sar. Fl-opinjoni tal-Kumitat din hi regola ġusta.

1.7   Fil-fehma tal-Kumitat, il-kumitat li jissemma fl-Artikolu 40 tar-Regolament propost u l-imsieħba soċjali għandhom jipparteċipaw f’emendi futuri tar-Regolament u l-annessi tiegħu.

1.8   Il-Kumitat jemmen lifil-futur il-komunikazzjonijiet satellitari Ewropej jistgħu jiftħu t-triq għal sistemi oħra ta’ reġistrazzjoni li jistgħu, fuq tul ta’ żmien, ikunu orħos u aktar affidabbli filwaqt li jieħdu inqas spazju fil-kabina u jħaffu l-monitoraġġ. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tanaliżża pereżempju jekk softwer speċjalizzat fuq il-kompjuter abbord, li bħalissa diversi trakkijiet għandhom, jistax joffri l-istess kwalità – jew preferibbilment kwalità aħjar – rigward it-twettiq tal-għanijiet tat-takografu diġitali.

2.   Daħla

2.1   Fid-19 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ppubblikat il-proposta tagħha għal Regolament li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2011) 451 finali). Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill talbu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew joħroġ opinjoni dwar din il-proposta taħt l-Artikolu 304 tat-TFUE.

2.2   Il-Kumitat huwa kuntent li jagħmel dan peress li jaqbel mal-Kummissjoni li huwa importanti li s-sistema tat-takografu u l-monitoraġġ tagħha jridu jittejbu għar-raġunijiet li ġejjin.

2.3   Is-sistema ittejjeb is-sigurtà fit-toroq billi tipprovdi informazzjoni aħjar dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ tax-xufiera tat-trasport fit-triq.

2.4   Tikkontribwixxi lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera.

2.5   Għandha toħloq kompetizzjoni ġusta bejn il-kumpaniji tat-trasport fit-triq.

2.6   Li t-takografi jsiru aktar kosteffiċjenti jaqbel mal-istrateġija tal-Kummissjoni li tkompli tintegra s-suq tat-trasport Ewropew u, kif hemm fil-White Paper dwar it-Trasport tat-28 ta’ Marzu 2011, li t-trasport fit-triq isir aktar sigur, effiċjenti u kompetittiv.

2.7   Fil-prattika, għadhom jintużaw żewġ tipi ta’ takografi minn madwar 6 miljun xufier: vetturi li bdew jiċċirkulaw qabel l-1 ta’ Mejju 2006 għad għandhom it-takografu analogu li ilu jintuża mill-1985, filwaqt li vetturi li bdew jiċċirkulaw mill-1 ta’ Mejju 2006 għandhom takografu diġitali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   B’mod ġenerali l-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 rigward il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ tax-xufiera. B’mod partikolari japprova l-għanijiet, mhux l-anqas peress li l-emendi proposti għar-regolamenti jżidu s-sigurtà fit-toroq, itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u joħolqu kompetizzjoni aktar ġusta bejn il-kumpaniji tat-trasport fit-triq.

3.2   Fl-Artikolu 27 tal-emenda proposta lir-Regolament, il-Kummissjoni tipproponi li l-funzjonijiet tal-karti tax-xufiera jiġu amalgamati ma’ dawk tal-liċenzji tas-sewqan, sabiex ittejjeb is-sigurtà tas-sistema u tnaqqas b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv. Ix-xufiera jkunu anqas imħajra li jużaw il-liċenzji tas-sewqan tagħhom bi frodi. Il-pjan hu li dawn l-aġġustamenti żgħar lid-Direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan (Direttiva 2006/126/KE) jiġu adotatti fl-istess żmien ta’ din il-proposta għal Regolament. Il-Kumitat jaqbel ma’ din il-proposta bil-kundizzjoni li tista’ titwettaq fil-prattika.

3.3   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-Artikoli proposti 7 sa 16 dwar l-approvazzjoni tat-tip; huma eżempju eċċellenti ta’ kwistjonijiet li jridu jiġu trattati mill-Istati Membri fuq il-bażi ta’ regolamenti Ewropej li huma mfassla b’mod ċar u komprensiv.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Fir-rigward tal-ambitu (Artikolu 3), il-proposta ma tirreferix biss għall-leġislazzjoni soċjali fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, iżda, fl-Artikolu 3(4), tagħti wkolllill-Istati Membri l-għażla li jirrikjedu l-istallazzjoni ta’ apparat ta’ reġistrazzjoni fil-vetturi kollha anke dawk li huma taħt 3.5 tunnellati. Il-Kumitat jaqbel ma’ din il-proposta.

4.2   Ir-Regolament propost ser jippermetti l-komunikazzjoni remota mit-takografu għal skopijiet ta’ kontroll, li jagħti lill-awtoritajiet tal-kontroll indikazzjoni tal-konformità qabel ma jwaqqfu l-vettura għal-verifika mat-triq. Din l-għażla twassal biex xufiera li jobdu r-regoli jevitaw il-kontrolli mmirati. Il-Kumitat jaqbel ma’ dan l-approċċ li huwa stabbilit fl-Artikolu 5.

4.2.1   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni ewlenija tal-protezzjoni tad-data li ġiet enfasizzata mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS/11/9) fis-6 ta’ Ottubru 2011 biex jiġi evitat li l-industrija tiżviluppa miżuri li ma jirrispettawx il-privatezza fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ċari li jirregolaw l-użu u l-ħżin ta’ data tax-xufiera sakemm ikun għadu pendenti l-aġġornament tal-ispeċifiċitajiet tekniċi.

4.3   Ir-reġistrazzjoni awtomatizzata tal-lokalità preċiża tal-vetturi permezz ta’ sistema ta’ navigazzjoni globali satellitari (GNSS) isseħħ 48 xahar wara li r-Regolament jidħol fis-seħħ. Skont il-Kummissjoni, din ser tagħti lill-awtoritajiet tal-kontroll aktar informazzjoni biex ikunu jistgħu jivverifikaw il-konformità mal-leġislazzjoni soċjali. Din l-għażla hi prevista fl-Artikolu 4. Il-Kumitat jimmaġina li l-kumitat imsemmi fl-Artikolu 40 (kumitat skont id-definizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011)ser ikollu sehem f’dan ir-rigward b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

4.4   Il-Kumitat japprova l-għażla pprovduta fl-Artikolu 6 li t-takografu diġitali jiġi integrat mas-sistemi intelliġenti tat-trasport (ITS), li ser tagħti lill-applikazzjonijiet l-oħra tal-ITS aċċess aktar faċli għad-data rreġistrata u prodotta mit-takografu.

4.5   Fl-Artikolu 19(4), il-Kummissjoni tfittex li ttejjeb l-affidabbiltà tal-ħwienet tax-xogħol billi ssaħħaħ il-qafas legali għall-approvazzjoni tagħhom. Waħda mill-proposti twassal biex kumpaniji kbar tat-trasport li għandhom il-ħwienet tax-xogħol tagħhom fejn isewwu u jikkalibraw it-takografi diġitali fil-futur jinżammu milli jagħmlu dan ix-xogħol fuq il-vetturi tagħhom stess. Dan għandu l-għan li jevita kunflitti ta’ interess possibbli. B’mod partikolari fid-dawl taż-żjieda fl-ispejjeż li dan jista’ joħloq, din id-deċiżjoni trid tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat jekk tkun adatta skont l-indikazzjonijiet fl-ewwwel sentenza tal-Artikolu 19(4), u tinħareġ garanzija ta’ konformità ta’ dawn it-tiswijiet u l-kalibrazzjoni minn korp indipendenti u approvat.

4.6   Fl-Artikolu 29 il-kumpaniji tat-trasport huma responsabbi għall-ksur tar-Regolament mix-xufiera, iżda dawn għandhom l-opportunità li juru li ma jistgħux jinżammu responsabbli b’mod raġonevoli għall-ksur li sar. Il-KESE jaqbel ma’ din id-dispożizzjoni ta’ responsabbiltà.

4.7   Il-Kumitat jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni għall-Artikoli 30 u 36, li jistabbilixxu r-regoli għall-użu tal-karti tax-xufiera, l-iskedi ta’ reġistrazzjoni (record sheets) u dokumentazzjoni oħra li x-xufiera jridu jġorru magħhom, u għat-taħriġ tal-uffiċjali ta’ kontroll; b’mod partikolari huwa jilqa’ b’sodisfazzjon dan l-aħħar element, li jippermetti infurzar aktar konsistenti u effettiv tal-leġislazzjoni tal-UE.

4.8   Fl-Artikolu 37 il-Kummissjoni tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għas-sanzjonijiet. Fl-Artikolu 37(3), tiddikjara li s-sanzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri għal ksur serju ħafna kif definit fid-Direttiva 2009/5/KE jridu jkunu tal-ogħla kategoriji applikabbli fl-Istati Membri għall-ksur tal-leġislazzjoni dwar it-trasport fit-triq. Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni f’dan il-każ.

4.9   Fl-Artikolu 38 u 40, il-Kummissjoni tiddikjara li għandha l-poter li tadatta l-Annessi I, IB u II skont il-progress teknoloġiku. Il-Kumitat jixtieq jara li dan l-adattar propost mill-kumitat jissemma fl-Artikolu 40 u li l-imsieħba soċjali jiġu mistiedna għal-laqgħat tiegħu.

4.10   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni fl-Artikolu 41 li jitwaqqaf forum dwar it-takografu li jipparteċipaw fih l-esperti kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-pajjiżi tal-AETR, biex il-leġislazzjoni rilevanti u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jiġu armonizzati fil-pajjiżi tal-UE u tal-AETR.

4.11   F’din il-proposa, il-Kummissjoni qed tkompli ssegwi l-approċċ tagħha fejn tipproponi titjib tekniku li jrid isir lit-takografu diġitali. Il-Kumitat jistaqsi jekk fil-futur il-komunikazzjonijiet satellitari Ewropej jistgħux jiftħu t-triq għal sistemi oħra ta’ reġistrazzjoni li jistgħu, fuq tul ta’ żmien, ikunu orħos u aktar affidabbli filwaqt li jieħdu inqas spazju fil-kabina u jħaffu l-monitoraġġ. Jipproponi li l-Kummissjoni tanalizza pereżempju jekk softwer speċjalizzat fuq il-kompjuter abbord, li bħalissa diversi trakkijiet għandhom, jistax joffri l-istess kwalità – jew preferibbilment kwalità ogħla – rigward it-twettiq tal-għanijiet tat-takografu diġitali. B’hekk il-Kumitat qed jipprevedi apparat wieħed installat fil-kabina tax-xufier li jaqdi l-funzjonijiet kollha meħtieġa mil-liġi jew mit-twettiq tal-attività.

4.12   Jidher li r-Regolament Nru 561/2006 – li huwa direttament applikabbli b’mod uniformi fl-Istati Membri bħala tali – u n-nofs tużżana noti ta’ gwida mhux obbligatorji li ħarġu dwar il-punti varji ta’ interpretazzjoni mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet tal-kontroll u għall-benefiċċju tagħhom għadhom ma’ ċċarawx id-differenzi kollha ta’ interpretazzjoni fl-implimentazzjoni tar-regolament minn dawn l-awtoritajiet. Il-Kumitat jirrakkomanda li dawn id-diskrepanzi jiġu eliminati, preferibbilment qabel mar-Regolament emendat jidħol fis-seħħ – probabbilment mhux qabel sentejn oħra – biex jiġi żgurat li l-verifiki jkunu verament implimentati b’mod uniformi.

4.13   Il-Kumitat għandu tliet kummenti oħra xi jżid li mhumiex direttament relatati maż-żewġ Regolamenti li jridu jiġu emendati u li aktar tard ser isiru tlieta, iżda li fil-fehma tiegħu mhumiex barra minn posthom f’din l-opinjoni.

4.13.1   L-installazzjoni ta’ sensuri tal-piż tista’ tagħmilha possibbli li jiġi indikat piż żejjed, dan ikun ta’ benefiċċju kemm għat-trasportaturi kif ukoll għall-awtoritajiet tal-kontroll.

4.13.2   Xi membri tal-Kumitat issuġġerew li l-apparat ta’ reġistrazzjoni diġitali għandu jniżżel ukoll il-lokalità minn fejn jibda l-vjaġġ u fejn jispiċċa bil-GNSS, peress li dan itejjeb il-monitoraġġ tal-kabotaġġ mill-Istati Membri. Madankollu għandu jitfakkar li, skont il-White Paper dwar it-Trasport tal-2011, ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-kabotaġġ għandhom jitneħħew mill-2014, jekk mhux qabel – pożizzjoni li l-Kumitat jaqbel magħha.

4.13.3   B’mod konsistenti l-Kumitat tkellem favur l-applikazzjoni uniformi u l-infurzar tar-regoli fit-trasport transkonfinali. Dawn il-fatturi għandhom rwol importanti, peress li l-kompetizzjoni ġusta bejn il-kumpaniji tat-trasport fit-triq hija possibbli biss jekk ikunu japplikaw l-istess regoli madwar l-UE, u jekk dawk ir-regoli jiġu ssorveljati bl-istess mod. Minkejja l-ftit kritika li hawn f’din l-opinjoni, dawn il-proposti huma eżempju tajjeb ta’ kif tintlaħaq dik l-uniformità Il-Kumitat jappella li tingħata l-istess attenzjoni lil dan l-aspett meta titfassal jew tiġi emendat xi leġislazzjoni fil-futur.

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/82


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati”

COM(2011) 241 finali

2012/C 43/19

Relatur: is-Sur PEEL

Nhar l-14 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati

COM(2011) 241 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tat-8 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’120 vot favur, 7 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-impenn sod tal-Kummissjoni fir-reviżjoni tagħha tal-Iskema ta’ Preferenzi Tariffarji Ġeneralizzati (SPĠ) sabiex tpoġġi saħansitra iktar enfasi fuq li tappoġġja l-pajjiżi l-iktar fil-bżonn billi tħeġġeġ żidiet fid-dħul tagħhom mill-esportazzjoni sabiex jiksbu tnaqqis reali fil-faqar. Ninsabu mħassba rigward il-fatt li l-iżvantaġġi kompetittivi għal ħafna pajjiżi iktar foqra marru għall-agħar matul dawn l-aħħar snin minħabba l-emerġenza ta’ numru speċifiku ta’ pajjiżi avvanzati fost dawk fil-fażi tal-iżvilupp; nappoġġjaw bis-sħiħ l-għan li l-użu tal-preferenzi tal-UE jiġi kkonċentrat fuq fejn hemm l-iktar bżonnhom billi t-tariffi qed ikomplu jonqsu b’mod ġenerali.

1.1.1   Għalhekk, il-Kumitat jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tnaqqas in-numru ta’ pajjiżi eliġibbli għall-SPĠ, iżda mhux li jitwessa’ b’mod sinifikanti n-numru ta’ linji tariffarji jew prodotti milquta, sabiex dawk li għandhom bżonnhom l-iktar ikunu l-benefiċjarji prinċipali. Għaldaqstant, nosservaw li anke fl-SPĠ+ ċerti prodotti “sensittivi”, l-iżjed prodotti agrikoli u tessuti, xorta waħda mhux ser ikunu disponibbli kompletament ħielsa mit-tariffi, u għalhekk il-pajjiżi l-inqas żviluppati jkunu jistgħu jżommu dawk il-benefiċċji partikolari skont l-iskema “Kollox ħlief Armi”.

1.1.2   Il-Kumitat jinnota li l-SPĠ, u b’mod partikolari l-SPĠ+, bħala għodda għall-iżvilupp ibbażata fuq l-inċentivi (pjuttost milli sanzjonijiet), għandha tibqa’ attraenti biżżejjed għall-pajjiżi eliġibbli kollha.

1.2   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon kbir ukoll il-fatt li ttieħdet din l-opportunità sabiex titħeġġeġ konformità ikbar mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tax-xogħol kif ukoll mal-prinċipji fundamentali tal-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba, filwaqt li jitħeġġu iktar ċertezza legali u stabbiltà.

1.3   Il-Kumitat jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li, bħala l-bażi tal-SPĠ+, ma tespandix in-numru totali ta’ konvenzjonijiet magħżula, mhux l-inqas għax dawk magħżula jippermettu lill-pajjiżi ċans realistiku li jiffukaw fuq l-essenzjali (1), għalkemm nilqgħu b’sodisfazzjon partikolari l-inklużjoni għall-ewwel darba hawnhekk tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (1992). Jeħtieġ li jinkiseb bilanċ bejn il-ksib ta’ drittijiet tal-bniedem, titjib soċjali, ambjentali u politiku u l-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji ta’ pajjiżi iktar fqar sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti addizzjonali, anke fejn dawn huma appoġġjati minn assistenza teknika: fl-aħħar mill-aħħar l-għażla trid issir mill-pajjiż benefiċjarju b’konformità mal-kundizzjonijiet kulturali u politiċi tiegħu.

1.4   Il-Kumitat għalhekk jenfasizza li dawn il-proposti għandhom jiġu akkumpanjati minn miżuri tal-bini tal-kapaċità immirati b’mod iżjed ċar bil-għan li jingħata appoġġ ikbar lill-pajjiżi sabiex jikkonformaw mal-konvenzjonijiet u jilħqu l-istandards etiċi meħtieġa. Inħeġġu l-inklużjoni bikrija ta’ programm speċifiku tal-KE li jikkomplementa dan ir-Regolament u li jelenka l-appoġġ disponibbli għal bini tal-kapaċità bħal dan għal dawk li jirċievu l-SPĠ li jitolbu dan.

1.4.1   Nirakkomandaw ukoll li dan il-bini tal-kapaċità għandu jkun ibbażat ukoll fuq djalogu li juża l-esperjenza tas-soċjetà ċivili sabiex jidentifika u jimmira l-bżonnijiet reali. Anke r-rapport CARIS (2), li wettaq valutazzjoni uffiċjali tal-SPĠ f’isem il-Kummissjoni, b’aċċess għal analiżi sofistikata u għal analisti speċjalizzati, sabha diffiċli jasal għal konklużjonijiet fl-analiżi tal-iżviluppi kummerċjali fl-SPĠ; minkejja dan, il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp bi ftit riżorsi huma mistennija jieħdu deċiżjonijiet ta’ politika meta ftit għandhom kapaċità għal previżjonijiet korretti.

1.5   Min-naħa tiegħu, il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon partikolari l-għan tal-Kummissjoni li tinvolvi s-soċjetà ċivili u, b’mod partikolari, il-Kumitat stess, minħabba l-kapaċità tagħna li nadottaw perspettiva globali f’isem is-soċjetà ċivili organzzata, billi tinkludi kwalunkwe informazzjoni li tikkunsidra adatta b’konformità mal-Artikolu 14 fir-rigward tal-konformità mal-konvenzjonijiet bażiċi elenkati fl-Anness VIII. F’dan ir-rigward, nistennew bil-ħerqa li l-Kummissjoni tressaq, eventwalment, regolament separat li jimplimenta proċeduri li għandhom jiġu adottati bil-għan li jiġu koperti applikazzjonijiet għall-SPĠ+ u, b’mod partikolari, it-tneħħija u l-inklużjoni mill-ġdid tal-SPĠ, l-SPĠ+, u l-iskema “Kollox ħlief Armi”, b’konformità mal-Artikoli 10(8), 15(2) u 19(12) tal-Proposta għal Regolament, flimkien mal-miżuri ta’ salvagwardja previsti fl-Artikolu 22(4).

1.5.1   Għalkemm ma jixtieqx jagħmel ħsara lid-drittijiet jew lill-kapaċità ta’ kwalunkwe parti interessata li tagħti kontribut rigward il-kwistjonijiet ta’ konformità, il-Kumitat madankollu jirrakkomanda lill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament li jitwaqqaf mekkaniżmu ta’ “monitoraġġ” jew konsultazzjoni li permezz tiegħu s-soċjetà ċivili tista’ tagħti kontribut rigward ksur suspettat min-naħa tal-benefiċjarji tal-SPĠ ta’ kwalunkwe waħda mill-Konvenzjonijiet magħżula u li l-Kumitat innifsu, fid-dawl tal-għarfien espert tiegħu, għandu jaġixxi ta’ faċilitatur jew koordinatur għal dan, u jservi ta’ punt ta’ kuntatt biex jiġu reġistrati l-ilmenti.

1.5.2   F’każ ta’ bżonn, nirrakkomandaw li dan jissejjes fuq il-preċedenti antiċipati li ser jiġu stabbiliti għall-monitoraġġ min-naħa tas-soċjetà ċivili tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Korea t’Isfel u ftehimiet oħra li ġew innegozjati reċentement, b’mod partikolari arranġamenti biex jiġi żgurat kontribut speċifiku min-naħa tal-UE u/jew biex jitwaqqfu gruppi konsultattivi fil-livell tal-UE biex il-kwistjonijiet ikunu riferuti lill-korpi konġunti formali previsti f’dawn il-ftehimiet ta’ kummmerċ ħieles.

1.6   Għal dan il-għan, inħeġġu lill-Kummissjoni twaqqaf mill-iktar fis possibbli grupp ta’ ħidma konġunt mal-Kumitat bil-kompetenza li jagħmel rakkomandazzjonijiet sodi.

2.   Kuntest/il-proposta l-ġdida

2.1   Ir-Regolament propost ser jieħu post l-Iskema ta’ Preferenzi Tariffarji Ġeneralizzati (SPĠ), li ser tiskadi fl-aħħar tal-2011 iżda li ġiet estiża għal sentejn sabiex il-bidla tkun mingħajr intoppi. Ir-Regolament ser jaġġorna l-SPĠ sabiex tikkonforma mat-Trattat ta’ Lisbona, b’bidliet meħtieġa li jinkludu parteċipazzjoni ikbar min-naħa tal-PE. Qed tittieħed din l-opportunità sabiex jiġu proposti bidliet radikali, b’mod partikolari sabiex il-mira tal-iskema tkun iżjed konkreta u sabiex l-SPĠ tikkonċentra fuq il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn, iżda anke sabiex issir iktar sempliċi, prevedibbli u stabbli, kollha elementi essenzjali jekk nixtiequ nħeġġu lill-importaturi jużaw is-sistema. Għalhekk, l-SPĠ ikun imissha tiġi riveduta biss, u mhux sostitwita minn skema oħra, fi żmien ħames snin.

2.2   Bħala parti mill-Politika Kummerċjali Komuni (PKK), l-UE ilha tagħti preferenzi kummerċjali, b’konformità mar-regoli tad-WTO, lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp mill-1971 ’l hawn meta l-iskema twaqqfet b’segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-UNCTAD. L-SPĠ hija waħda mill-istrumenti kummerċjali ewlenin tal-UE li tgħin lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp inaqqsu l-faqar billi jiġġeneraw dħul minn żieda fil-kummerċ, u fl-istess waqt tħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi jagħmlu iktar sforzi biex jiżguraw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tax-xogħol, it-tnaqqis tal-faqar u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba.

2.3   Kif juru l-Annessi V u IX tal-Proposta għal Regolament, l-iskema SPĠ taħdem billi tistabbilixxi dawk il-kodiċijiet ta’ nomenklatura magħquda (NM) fejn it-tariffi fuq l-importazzjoni fil-livell tal-UE għall-kummerċ ta’ merkanzija għandhom jitnaqqsu jew jiġu eliminati. Għalhekk, mhijiex strument primarju bil-għan li tagħti kontribut fil-qasam tat-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-provvista tal-ikel jew tikseb materja prima. Il-kodiċijiet NM fihom tmien ċifri (li għal ċittadin mhux intiż fil-qasam jistgħu jidhru inkomprensibbli) li jiddistingwu pereżempju bejn kafè inkaljat mingħajr ma titneħħielu l-kaffeina (0901 21 00) u bil-kafeina mneħħija (0901 22 00). L-SPĠ topera billi tintuża mill-importaturi li jixtiequ jibbenefikaw mit-tnaqqis fit-tariffi jew mill-fatt li ma jkun hemm l-ebda tariffa: sabiex is-sistema tintuża trid tkun diretta, stabbli u prevedibbli biżżejjed. Nosservaw li mhux l-importaturi kollha li għandhom il-possibbiltà jagħmlu dan jimportaw minn pajjiżi benefiċjarji tal-SPĠ: xi 69 % biss tar-riduzzjonijiet potenzjali fit-tariffi disponibbli għall-pajjiżi l-inqas żviluppati permezz tal-iskema “Kollox ħlief Armi” jintużaw; din iċ-ċifra togħla għal 85 % għall-SPĠ+.

2.4   Hekk kif it-tariffi dinjija qed jonqsu, l-opportunitajiet globali għall-użu tal-SPĠ qed jonqsu. L-importazzjonijiet fi ħdan l-iskema SPĠ jammontaw għal 4 % tal-importazzjonijiet totali tal-UE (9,3 % tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi fil-fażi tal-żvilupp) u fl-2009 it-telf nett mid-dħul doganali fl-UE b’riżultat tal-SPĠ kien biss EUR 2,97 biljun (telf nett ta’ EUR 2,23 biljun wara tnaqqis tal-ispejjeż ta’ ġbir). Dan issa ser jitnaqqas għal madwar EUR 1,77 biljun. Għalhekk, ċerti Stati Membri jinsabu mħassba dwar jekk ir-riduzzjonijiet tekniċi proposti humiex eċċessivi fi żmien ta’ kriżi ekonomika, inċertezza kummerċjali u t-theddida kontinwa ta’ rikors għall-protezzjoniżmu bħala mod attraenti ta’ kif jiġu indirizzati l-problemi ekonomiċi. Il-Kumitat, wara li analizza dawn it-teknikalitajiet, madankollu huwa tal-fehma li kwalunkwe tidgħjif tat-tibdil propost, kemm fil-gradwazzjoni u fil-kriterji stretti ta’ eleiġibbiltà għal ċerti pajjiżi, igawdu minnhom dawk li jinsabu f’pożizzjoni vantaġġjuża. L-għan prinċipali tal-SPĠ huwa li jgħin lil dawk li l-iktar għandhom bżonn.

2.5   Mill-2004 ’l hawn, meta l-Kumitat l-aħħar eżamina l-SPĠ (3) u meta din ġiet riveduta l-aħħar, huma disponibbli tliet tipi ta’ ftehmiet preferenzjali, li huma:

L-SPĠ ġenerali, miftuħa għall-pajjiżi eliġibbli kollha (attwalment 176), li toffrilhom preferenzi permezz ta’ dazji mnaqqsa jew saħansitra l-ebda għal madwar 6 200 linja tariffarja minn fost xi 7 100 fejn it-tariffi huma ’l fuq miż-żero (4). Ħafna minn dawn il-linji tariffarji (3 800) huma meqjusa “sensittivi”, fejn jiġu offruti riduzzjonijiet b’rata fissa, l-iktar għall-agrikoltura iżda wkoll it-tessutti u l-ħwejjeġ. Fl-2009, l-ammont ta’ prodotti importati fl-UE permezz tal-SPĠ (miftuħa għal xi 111-il pajjiż) kien jammonta għal EUR 48 biljun – 81 % tal-SPĠ totali.

SPĠ+: mekkaniżmu ta’ inċentiv għal pajjiżi iżgħar, “vulnerabbli” u ifqar b’bażi fiskali limitata, li madanakollu ma humiex ikklassifikati fost il-pajjiżi l-inqas żviluppati, u li l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE huma kkonċentrati fuq ftit prodotti (l-ikbar 5 sezzjonijiet ta’ importazzjonijiet li jirrappreżentaw iktar minn 75 % tat-total), fejn huma offerti preferenzi addizzjonali, l-iktar mingħajr dazju, għal ċerti prodotti “sensittivi”, iżda li jinkludi biss 70 linja tariffarja minbarra s-6 200 koperti mill-SPĠ. L-SPĠ+ tinkludi wkoll inċentivi speċjali li jħeġġu l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba għall-pajjiżi parteċipanti li jridu jimpenjaw ruħhom li jħaddnu firxa iktar wiesgħa ta valuri universali fundamentali rigward id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-ambjent u l-governanza tajba – ara 4 hawn taħt. Fl-2009, 15-il pajjiż esportaw EUR 5 biljun f’merkanzija lejn l-UE permezz tal-SPĠ+ (9 % tal-SPĠ totali).

“Kollox ħlief Armi” jew l-aċċess għall-UE permezz tal-iskema tal-ebda dazju/l-ebda kwota għall-importazzjonijiet kollha mid-49 pajjiż li jinsabu fil-klassifikazzjoni tan-NU tal-pajjiżi l-inqas żviluppati bl-eċċezzjoni tal-armi u l-ammunizzjon (u oriġinarjament iz-zokkor, ir-ross u l-banana wkoll). Din l-inizjattiva żdiedet mal-iskema SPĠ fl-2004 u oriġinarjament kienet inizjattiva tal-KE relatata man-negozjati ta’ Doha. Minkejja l-ftehim ministerjali tal-2005 fi ħdan id-WTO li jiġu inklużi miżuri simili – jiġifieri “l-ebda dazju/l-ebda kwota – fi ħdan id-Doha, l-UE għadha l-uniku reġjun kummerċjali li implimenta termini daqstant ġenerużi. Fl-2009, l-iskema “Kollox ħlief Armi” kienet responsabbli għal EUR 6 biljun ta’ importazzjonijiet tal-UE (10 % tal-SPĠ totali).

2.6   9 % tal-linji tariffarji biss jinsabu totalment barra mill-SPĠ u mill-SPĠ+ (iżda dawn huma inklużi fl-iskema “Kollox ħlief Armi”) – b’mod partikolari l-prodotti agrikoli. Sabiex dawn jiġu inklużi fl-SPĠ jew saħansitra l-SPĠ+ ifisser li wħud mill-vantaġġi tal-iskema “Kollox ħlief Armi” (u, allura, anke tal-SPĠ+) jisparixxu u li l-ifqar pajjiżi joħorġu telliefa minħabba f’hekk (5). Madanakollu, dawn jinvolvu oqsma, fejn jidħlu prodotti agrikoli, fejn qamu l-iktar problemi intrattabbli fin-negozjati ta’ Doha. Il-prodotti taz-zokkor huma possibbilment l-iktar eżempju sensittiv. Wara iktar minn żewġ sekli ta’ distorsjonijiet (6), iz-zokkor huwa importazzjoni sensittiva ħafna għall-UE, prodott li l-Możambik (li jingħadd fost il-pajjiżi l-inqas żviluppati) jista’ jipproduċih f’rata tas-suq iżda li mbagħad ikun vulnerabbli ħafna għal kompetizzjoni miftuħa sħiħa minn pajjiż bi dħul medju ta’ livell superjuri (upper-middle income countries – UMI) bħall-Brażil. Konsiderazzjonijiet bħal dawn japplikaw ukoll għat-tessuti u l-ħwejjeġ, qasam sensittiv ieħor għall-importazzjonijiet fl-UE kif ukoll għall-kompetizzjoni bejn il-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-ġirien tagħhom.

2.7   L-effett prinċipali tat-tibdil propost ser ikun id-distribuzzjoni mill-ġdid tal-oriġini ta’ ċerti importazzjonijiet fl-UE. Il-Proposta għal Regolament tipproponi li l-għadd ta’ pajjiżi li bħalissa huma eliġibbli għall-SPĠ jitnaqqas bin-nofs sabiex l-SPĠ ikun iżjed iffukat u mmirat lejn il-pajjiżi li huma l-iktar fil-bżonn, li fil-prinċipju hija idea li nilqgħu tajjeb. Kif tispjega l-Kummissjoni fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tagħha: “Bis-saħħa taż-żieda fil-kummerċ, ħafna pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u setturi ta’ esportazzjoni integraw b’suċċess fi ħdan is-suq globali … (u) jistgħu jkomplu jespandu mingħajr għajnuna”. Dawn il-pajjiżi iktar żviluppati “qed jagħmlu pressjoni fuq … pajjiżi ħafna ifqar li ġenwinament jeħtiġilhom għajnuna”.

2.7.1   Iżda, nixtiequ nagħmlu referenza każwali għal waħda mill-preokkupazzjonijiet prinċipali tal-importaturi tal-UE li t-tibdil li diġà għaddej attwalment għar-regoli tal-oriġini jista’ jwassal għal tnaqqis sostanzjali fl-użu tal-iskema sal-2017, meta l-ħtiġiet għaċ-ċertifikazzjoni tal-prova tal-oriġini mill-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiġu sostitwiti bi stqarrijiet minn esportaturi reġistrati. Fil-fehma ta’ ħafna SMEs, dan huwa meqjus bħala riskjuż. Hawnhekk, fil-fehma tal-Kumitat, is-sistema proposta taċ-ċertifikazzjoni awtonoma għandha tiġi ssorveljata, ivverifikata u akkreditata minn istituzzjonijiet professjonali indipendenti li jaġixxu fuq bażi internazzjonali. Fil-passat qarib kien hemm wisq eżempji ta’ frodi jew modi kif taħrab mis-sistema għall-importazzjonijiet fl-UE, b’mod partikolari fil-każ taz-zokkor.

2.8   Il-pajjiżi bi dħul għoli (kif inhuma klassifikati mill-Bank Dinji) ser ikomplu jiġu esklużi iżda mingħajr l-eżenzjonijiet ta’ qabel. Issa qed jiġi propost ukoll li jiġu eliminati t-33 pajjiż u territorju ekstra-Ewropej, jiġifieri dawk konnessi mal-UE, l-Istati Uniti, l-Awstralja u n-New Zealand, fejn l-SPĠ tintuża biss b’mod marġinali. Dawn jinkludu wkoll il-Groenlandja, il-Bermuda u s-Samoa Amerikana.

2.8.1   Ser jiġu esklużi wkoll:

L-imsieħba kollha fi ħdan il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u oħrajn li jibbenefikaw minn arranġament ta’ aċċess preferenzjali għas-suq mal-UE taħt l-istess termini tariffarji jew aħjar (għalkemm dawn il-pajjiżi ser jibqgħu eliġibbli f’każ li jfallu l-arranġamenti) – f’dan il-każ ser tingħata notifika ta’ sentejn. Qabel, id-distinzjoni kienet imħarbta iżda issa jeħtieġ li titqies ukoll iż-żieda potenzjalment kbira fin-numru tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles ratifikati tal-UE fis-snin li ġejjin, għax maż-żmien dan jista’ jwassal għal tnaqqis sostanzjali fil-pajjiżi eliġibbli.

Il-pajjiżi klassifikati mill-Bank Dinji bħala pajjiżi bi dħul medju ta’ livell superjuri (UMI) (abbażi tad-Dħul Nazzjonali Gross per capita) matul il-perjodu preċedenti ta’ tliet snin – hawnhekk tingħata notifika ta’ sena. Dan il-punt huwa indirizzat f’aktar dettall f’kapitlu 3 hawn taħt.

2.9   Is-sistema attwali ta’ gradwazzjoni, bil-għan li tiżgura li l-preferenzi jitneħħew mis-setturi li m’għadx għandhom bżonnhom, ser tiġi emendata. Il-limiti preċedenti, li ma kenux jibqgħu jgħoddu jekk l-esportazzjonijiet ta’ pajjiż kwalunkwe lejn l-UE jaqbżu l-15 % tal-importazzjonijiet totali koperti mill-SPĠ matul tliet snin konsekuttivi (sakemm din is-sezzjoni jew dan il-grupp ta’ prodotti ma jammontax għal iktar minn 50 % tal-esportazzjonijiet totali ta’ dak il-pajjiż fi ħdan l-SPĠ). ser ikunu ta’ 17,5 % minħabba l-mira iżjed konkreta tal-SPĠ, għalkemm fil-prattika tirrappreżenta biss kontroll kemxejn iżjed strett. Għall-ħwejjeġ u t-tessuti l-limitu ser jogħla minn 12,5 % għal 14,5 %.

2.10   Bl-istess mod, in-numru tas-sezzjonijiet ta’ prodotti magħżula ser jitwessa’ minn 21 għal 32 għal raġunijiet ta’ iktar oġġettività u sensittività iżda mhux ser ikun mira tant stretta li tneħħi s-sempliċità, l-istabbilità u l-prevedibbiltà kruċjali. Din hija konsiderazzjoni prinċipali minkejja l-fatt li dan l-istrument ftit li xejn jintuża – attwalment japplika biss għal seba’ pajjiżi, partikolarment iċ-Ċina, iżda jinkludi wkoll lill-Brażil, l-Indja u pajjiżi Asjatiċi oħra. Fil-passat dan intuża iżda mbagħad ma baqax, u minn dan ibbenefikaw ir-Russja u l-Indja.

2.10.1   Il-gradwazzjoni issa mhux sa tibqa’ tapplika għall-pajjiżi tal-SPĠ+ – qatt ma applikat għall-iskema “Kollox ħlief Armi”.

2.10.2   Fir-rigward tal-SPĠ+, ir-rekwiżit li l-pajjiżi parteċipanti flimkien jgħoddu għal inqas minn 1 % tat-total tal-importazzjonijiet fl-UE koperti mill-SPĠ ser jiżdied għal 2 % minħabba l-ambitu iktar immirat u ristrett tal-SPĠ, minkejja li, effettivament, dan jagħmel lill-SPĠ+ disponibbli għall-Pakistan (fejn il-livelli ta’ importazzjonijiet tat-tessuti fl-UE huma problema, anke minħabba l-fatt li l-Pakistan huwa meqjus minn xi wħud li għandu xi jgawdi aspiża tal-pajjiżi l-inqas żviluppati ġirien) u l-Filippini biss, bil-kundizzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet u jkunu jixtiequ jibbenefikaw minnha.

3.   L-eleġibbiltà futura tal-SPĠ/SPĠ+

3.1   Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-SPĠ qed jonqos minħabba t-tnaqqis globali fit-tariffi f’livell dinji (ħlief l-iktar fil-qasam tal-agrikoltura u t-tessuti) u minħabba l-fatt li ser tidħol fis-seħħ iż-żieda probabbli fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles fl-UE. Wara l-bidliet previsti u l-omissjonijiet elenkati hawn fuq, huwa stmat li:

B’mod ġenerali, madwar 80 pajjiż ser jibqgħu eliġibbli għall-SPĠ+, skont min ser jissodisfa l-kriterji dik il-ħabta.

Fost dawn il-pajjiżi, 49 huma fost il-pajjiżi l-inqas żviluppati u eliġibbli għall-iskema “Kollox ħlief Armi”.

Minn fost il-madwar 30 pajjiż li huma eliġibbli għall-SPĠ jew l-SPĠ+ iżda mhux għall-iskema “Kollox ħlief Armi”, huma biss seba’ jew tmien pajjiżi li mhux ser ikunu eliġibbli għall-SPĠ+. Madanakollu, xejn mhuwa ċar jekk l-SPĠ+ hux ser tkun attraenti biżżejjed biex il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-pajjiżi jużawha. Attwalment, ħafna jagħżlu li ma jużawhiex. Għalhekk, l-SPĠ+ tista’ tkun limitata għal tliet jew ħames pajjiżi biss (7), anke jekk nassumu li tiġi stabbilta ċifra ogħla ta’ 2 % (ara l-punt 2.10.2), l-iżjed jekk jiġu stabbiliti bis-sħiħġ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE mal-Amerika Ċentrali (għad iridu jiġu ratifikati) u l-pajjiżi rilevanti fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant.

Min-naħa l-oħra, ħafna minn dawk eliġibbli biss għall-SPĠ jistgħu dalwaqt ma jibqgħux. Dawn jinkludu l-Indja, iċ-Ċina, l-Ukraina u tliet pajjiżi mill-ASEAN, li lkoll qed jiżviluppaw malajr, u li wħud minnhom qed jinnegozjaw ftehimiet ta’ kummerċ ħieles mal-UE wkoll.

Dan it-tnaqqis addizzjonali potenzjali fl-għadd ta’ pajjiżi li probabbilment jistgħu jkunu eliġibbli iqajjem mistoqsijiet dwar jekk fil-futur l-UE għandhiex iżżomm kemmm l-SPĠ kif ukoll l-SPĠ+.

3.2   Il-Kumitat jirrikonoxxi li, wara kontroversja mal-Indja fi ħdan id-WTO fl-2004 dwar l-SPĠ b’relazzjoni għad-drogi, il-Kummissjoni qed toqgħod lura ħafna milli twessa’ l-eliġibbiltà għall-SPĠ+. Jekk l-UE jkollha tiffaċċja kontroversji oħra fi ħdan id-WTO tista’ titlifhom, peress li d-diskriminazzjoni legali bejn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp tista’ ssir biss taħt kundizzjonijiet speċifiċi ħafna.

3.3   Il-Kumitat jifhem li, min-naħa l-oħra, bil-għan li jiżdied l-għadd ta’ pajjiżi eliġibbli għall-SPĠ biss, allura jkollhom jiġu inklużi dawk il-pajjiżi kollha kklassifikati mill-Bank Dinji bħala pajjiżi bi dħul medju ta’ livell superjuri (UMI, jew ’il fuq minn USD 3,976 fis-sena), għalkemm l-għadd tagħhom huwa żgħir. Dawn jinkludu r-Russja, il-Brażil, l-Arġentina u l-Malasja (ilkoll bi dħul per capita annwali iżjed minn dak tar-Rumanija u l-Bulgarija). L-argument prinċipali jibqa’ li l-SĠP qiegħda hemm biex tgħin li dawk li l-iktar għandhom bżonnha.

3.4   Għalhekk, fil-fehma tal-Kumitat jidher li d-differenza prinċipali f’ħafna każijiet għall-użu tal-SPĠ jew l-SPĠ+ tiddependi mill-għażla tal-pajjiżi eliġibbli. Il-kwistjoni allura hi jekk l-iskema tal-SPĠ+ hijiex jew tistax issir attraenti biżżejjed biex tinkludi kemm jista’ jkun possibbli minn dawn il-pajjiżi, li probabbilment jinkludu l-Asja Ċentrali u n-Niġerja (li diġà jagħżlu li ma jużawx l-SPĠ+), is-Sirja, l-Iran u għadd ta’ stati gżejjer. Jekk iżjed minn dawn il-pajjiżi jitħeġġu jużaw l-SPĠ+ u għalhekk ikun hemm livell ogħla ta’ konformità mal-prinċipji stabbiliti fis-27 Konvenzjoni magħżula, kulħadd joħroġ iżjed rebbieħ.

4.   Konvenzjonijiet Fundamentali – drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-ambjent u governanza tajba

4.1   Fil-fehma tal-Kumitat, l-element prinċipali tal-SPĠ+ huwa l-impenji abbażi tad-drittijiet universali li jidħlu għalihom il-pajjiżi benefiċjarji. Biex ikunu eliġibbli għal SPĠ jew l-iskema “Kollox ħlief Armi”, l-applikant ma jistax ikun ikkommetta ksur serju u sistematiku tal-prinċipji stabbiliti fil-Konvenzjonijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness VIII tal-Proposta għal Regolament, li jinkludu l-konvenzjonijiet fundamentali tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol – u t-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO. L-unika bidla proposta fil-Proposta għal Regolament hija t-tneħħija tal-konvenzjoni dwar l-apartheid.

4.2   Iżda, biex ikunu eliġibbli għall-SPĠ+, il-pajjiżi kollha jridu jkunu rratifikaw, żammew u aderixxew mal-konvenzjonijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness VIII, kif ukoll 12-il konvenzjoni oħra (elenkati fil-Parti B). Hawnhekk qed jiġi propost li tiżdied il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (1992), proposta li nilqgħuha b’sodisfazzjon kbir.

4.2.1   Fil-każ tal-SPĠ+, qed jiġi propost li l-benefiċjarji issa ser ikollhom jimpenjaw ruħhom b’mod iżjed profond, jagħtu enfasi ikbar lill-konformità mal-konvenzjonijiet u jsaħħu l-mekkaniżmi biex jiżguraw implimentazzjoni. Għal dan il-għan:

Issa, il-benefiċjarji għandhom jimpenjaw ruħhom li jżommu r-ratifika tal-konvenzjonijiet, il-leġislazzjoni assoċjata u metodi oħra ta’ implimentazzjoni, li ma jikkommettux in-nuqqasijiet serji identifikati mill-korpi rilevanti għall-monitoraġġ u li jaċċettaw monitoraġġ u reviżjonijiet regolari,

Fid-dawl tal-fatt li l-SPĠ+ hija sistema abbażi tal-inċentivi (pjuttost milli sanzjonijiet), ser ikun hemm djalogu regolari bejn il-Kummissjoni u kull benefiċjarju, mill-inqas biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni titjieb maż-żmien u ma tmurx għall-agħar,

Il-monitoraġġ ser jissaħħaħ, b’mod li jsiru rapporti kull sentejn (minflok kull tliet snin) kemm lill-Kunsill kif ukoll lill-PE,

In-nuqqas ta’ kooperazzjoni ser iwassal għal esklużjoni rapida, mingħajr investigazzjoni,

Il-piż tal-prova ser ikun bil-maqlub – il-piż issa jitgħabba bih il-pajjiż benefiċjarju,

Issa, il-Kummissjoni ser tkun tista’ tuża sorsi oħra ta’ informazzjoni affidabbli, b’mod partikolari l-kontribut tas-soċjetà ċivili.

4.3   Għal bosta benefiċjarji tal-SPĠ+, dan ser ikun rekwiżit kbir kemm mil-lat tekniku kif ukoll dak finanzjarju, u għalhekk l-appoġġ tal-UE ser ikun essenzjali. Il-Proposta għal Regolament ma tgħid xejn dwar dan. Il-Kumitat iħeġġeġ l-inklużjoni bikrija ta’ programm tal-KE flimkien ma’ dan ir-Regolament li jiddeskrivi l-appoġġ u s-sostenn finanzjarju disponibbli għal din ix-xorta ta’ bini tal-kapaċità għal kull benefiċjarju tal-SPĠ li jitolbuh. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għażla ssir mill-pajjiż benefiċjarju b’konformità mal-kundizzjonijiet tiegħu stess.

4.4   Il-Kumitat jappoġġja ż-żamma tas-27 konvenzjoni biż-żewġ tibdiliet kif propost. Il-Kummissjoni tenfasizza li dawk magħżula jagħmluha possibbli li l-pajjiżi jingħataw opportunità realistika li jiffokaw fuq l-aspetti essenzjali” (8). L-SPĠ+, bħala għodda ta’ żvilupp ibbażata fuq l-inċentivi, għandha tkun attraenti biżżejjed biex il-pajjiżi rilevanti jfittxuha u jsegwuha. Għandu jinstab bilanċ bejn il-kisba tad-drittijiet tal-bniedem, u titjib soċjali, ambjentali u politiku u l-kapaċitajiet tal-pajjiżi iżjed foqra li jissodisfaw il-ħtiġiet addizzjonali, anke meta jkollhom l-appoġġ ta’ għajnuna teknika relatata mal-kummerċ (trade related technical assistance – TRTA). Kif jgħid ir-rapport CARIS, il-vantaġġi sa issa għadhom marġinali.

4.4.1   Mhux kull pajjiż eliġibbli jixtieq juża l-SPĠ+, għal waħda minn fost tliet raġunijiet:

l-esportazzjonijiet prinċipali mhumiex “sensittivi”, u allura ftit hemm vantaġġi,

il-gvernijiet ma jridux li jkollhom għalfejn jissodisfaw ir-rekwiżiti,

problemi interni, inklużi gwerer, kunflitti u/jew nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva li jagħmluha impossibbli li pajjiż jikkonforma mar-rekwiżiti.

4.4.2   Qabel, l-UE sempliċement għamlet enfasi fuq ir-ratifika tal-konvenzjonijiet u fuq fehim ċar li l-pajjiċi jiżguraw implimentazzjoni effettiva. Jekk dan jintalab mill-bidu nett, ikun ifisser li, abbażi ta’ dawn il-kriterji, probabbilment in-Norveġja u l-Isvizzera biss ikunu eliġibbli. Skont ir-rapport CARIS, l-SPĠ+ tidher effettiva għall-promozzjoni tar-ratifikar tas-27 konvenzjoni, iżda huwa iżjed diffiċli li jiġu identifikati l-effetti de facto. Iżda, l-SPĠ tinvolvi inċentivi interni favur implimentazzjoni effettiva li, f’każ li jiġu rtirati iżjed tard, il-partijiet interessati joħorġu telliefa b’mod sostanzjali.

4.5   Kwalunkwe wieħed mill-arranġamenti tal-SPĠ jista’ jiġi rtirat temporanjament minħabba ksur serju u sistematiku tal-prinċipji fundamentali rilevanti, kif ukoll minħabba għadd ta’ raġunijiet oħra bħall-prattiki kummerċjali inġusti, il-frodi jew nuqqasijiet serji fil-kontrolli doganali.

4.5.1   Sa issa, il-benefiċċji relatati mal-SPĠ kienu rtirati għal finijiet ta’ ksur tad-drittijiet tax-xogħol fil-Mjanmar (9) u l-Bjelorussja (2006), u għadhom ma ġewx riintrodotti. Il-benefiċċji relatati mal-SPĠ ġew irtirati fil-każ tas-Sri Lanka (2010) minħabba l-implimentazzjoni mhux effettiva tal-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Izda, għal ċerti pajjiżi, bħal El Salvador, il-bidu nnifsu tal-investigazzjonijiet kien inċentiv biżżejjed għal bidla.

4.5.2   Il-mistoqsija prinċipali għall-Kumitat, b’mod partikolari fil-konfront tas-sistema riveduta iżjed stretta, hija jekk it-tnedija tal-proċedura sħiħa ta’ investigazzjoni – u bosta pajjiżi għad għandhom ammont ta’ xogħol sostanzjali li għad iridu jagħmlu – inevitabbilment twassalx għat-tneħħija tat-trattament preferenzjali, jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni pożittiva. Dan ma jibbenefika lil ħadd. Irid jinstab bilanċ bejn is-sanzjonijiet u l-vantaġġi. Għal ċerti pajjiżi fqar ħafna, li jiffaċċjaw il-possibbiltà tal-ġuħ u diffikultajiet oħra, dawn il-miri jistgħu ma jintlaħqux fil-futur qarib. Għalkemm il-Kummissjoni għandha tressaq rapport quddiem il-Parlament kull sentejn, il-Kumitat jifhem li jsir djalogu intermedju u li l-Kummisjoni tissorvelja s-sitwazzjoni fil-pajjiżi benefiċjarji fuq bażi kontinwa, fost l-oħrajn permezz tal-użu ta’ materjal prodott mill-korpi internazzjonali rilevanti għall-monitoraġġ. Il-Kumitat jittama li l-Kummissjoni tkun kemm jista’ jkun trasparenti f’dan l-istadju, meta jiġu identifikati oqsma problematiċi konkreti.

4.5.3   Tqum mistoqsija speċifika fil-każ tal-Uzbekistan (li normalment huwa eliġibbli għall-SPĠ+ iżda jagħżel li ma jużahiex), li dwaru hemm tħassib serju relatat mal-użu tat-tħaddim tat-tfal fil-ħsad tal-qoton. L-għan iddikjarat tal-SPĠ+ huwa li jħeġġeġ lill-pajjiżi benefiċjarji jkomplu jtejbu l-imġiba tagħhom. Għalhekk, irid jinstab bilanċ bejn it-tħeġġiġ ta’ bidla pożittiva u l-periklu li pajjiż jintefa’ f’iżolament ikbar, li b’hekk idewwem jew saħansitra iwaqqaf il-progress, forsi għal għadd ta’ snin.

5.   Rwol għas-soċjetà ċivili

5.1   Fir-rigward tal-bini addizzjonali tal-kapaċità msemmi fil-punt 4.3 hawn fuq, il-Kumitat jirrakkomanda li dan ikun ibbażat fuq djalogu li juża l-esperjenza tas-soċjetà ċivili biex jiddentifika u jindirizza l-ħtiġijiet reali. Kif issemma, anke fir-rapport CARIS, li wettaq valutazzjoni uffiċjali tal-SPĠ, b’aċċess għal analiżi sofistikata u għal analisti speċjalizzati, sabha diffiċli jasal għal konklużjonijiet fl-analiżi tal-iżviluppi kummerċjali fl-SPĠ; minkejja dan, il-pajjiżi f’fażi tal-iżvilupp bi ftit riżorsi mistennija jieħdu deċiżjonijiet ta’ politika meta ftit għandhom kapaċità għal previżjonijiet korretti.

5.2   L-Artikolu 14 tal-Proposta għal-Regolament jħid li, fir-rigward tal-konformità mal-konvenzjonijiet fundamentali elenkati fl-Anness VIII, il-Kummissjoni tista’ tinkludi “kull informazzjoni li (…) tqis xierqa”. Fid-dokument “INFO PACK Regarding the European Commission’s proposal on a new GSP” il-Kummissjoni tagħmilha ċara li minbarra r-rapporti tal-korpi internazzjonali għall-monitoraġġ, ser ikunu jistgħu jużaw sorsi oħra ta’ informazzjoni korretta (10), u din l-informazzjoni għandha tkun affidabbli u tingħata prova tagħha.

5.3   Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-Kumitat huwa wieħed minn dawn is-sorsi li huwa partikolarment adatt minħabba li huwa “iżjed bilanċjat” fid-dawl tal-kapaċità li jadotta perspettiva globali f’isem is-soċjetà ċivili organizzata. Sorsi potenzjali oħra jinkludu l-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet intraprenditorjali, it-trejdjunjins u organizzazzjonijiet oħra li jistgħu jagħtu xhieda ta’ sehem attiv.

5.4   Il-Kumitat josserva wkoll li l-Kummissjoni beħsiebha eventwalment tressaq Regolament separat dwar il-proċeduri li għandhom jiġu adottati bil-għan li jiġu koperti applikazzjonijiet għall-SPĠ+ u t-tneħħija u l-inklużjoni mill-ġdid tal-SPĠ, l-SPĠ+, u l-iskema “Kollox ħlief Armi”, b’konformità mal-Artikoli 10(8), 15(2) u 19(12) tal-Proposta għal Regolament, flimkien mal-miżuri ta’ salvagwardja previsti fl-Artikolu 22(4). Nistennew bil-ħerqa li nressqu l-osservazzjonijiet tagħna dwar dan meta dan ir-regolament ikun qed jiġi kkunsidrat u jkun is-suġġett ta’ konsultazzjonijiet.

5.4.1   Għalkemm ma jixtieqx jagħmel ħsara lid-drittijiet jew lill-kapaċità ta’ kwalunkwe parti interessata li tagħti kontribut rigward il-kwistjonijiet ta’ konformità, il-Kumitat madankollu jirrakkomanda lill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament li jitwaqqaf mekkaniżmu ta’ “monitoraġġ” jew konsultazzjoni li permezz tiegħu s-soċjetà ċivili tista’ tagħti kontribut rigward kwalunkwe suspett ta’ ksur min-naħa tal-benefiċjarji tal-SPĠ ta’ kwalunkwe waħda mill-konvenzjonijiet magħżula. Nitolbu wkoll li l-Kumitat innifsu għandu jaġixxi ta’ faċilitatur jew koordinatur għal dan, u jservi ta’ punt ta’ kuntatt biex jiġu reġistrati l-ilmenti, u dan għandu jissejjes fuq il-preċedenti antiċipati li ser jiġu stabbiliti għall-monitoraġġ min-naħa tas-soċjetà ċivili tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Korea t’Isfel u ftehimiet oħra, b’mod partikolari dawk l-arranġamenti dwar kontribut speċifiku min-naħa tal-UE u/jew gruppi konsultattivi fil-livell tal-UE biex il-kwistjonijiet ikunu riferuti lill-korpi konġunti formali previsti f’dawn il-ftehimiet ta’ kummmerċ ħieles.

5.4.2   Għal dan il-għan, inħeġġu lill-Kummissjoni twaqqaf mill-iktar fis possibbli grupp ta’ ħidma konġunt mal-Kumitat bil-kompetenza li jagħmel rakkomandazzjonijiet sodi.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  “INFO PACK Regarding the European Commission’s proposal on a new GSP” (Info Pack dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar SPĠ ġdida), DĠ għall-Kummerċ, p. 8. (mhux disponibbli bil-Malti)

(2)  Ċentru għall-Analiżi tal-Integrazzjoni Reġjonali fl-(Università) ta’ Sussex: Rapport ta’ nofs it-terminu dwar il-valutazzjoni tal-SPĠ, 2009.

(3)  ĠU C 110, 30.4.2004, p. 34.

(4)  2 300 linja tariffarja oħra diġà għandhom it-tariffa stabbilita għal żero.

(5)  Ir-rapport CARIS.

(6)  Immorru lura sal-gwerrer Napoleoniċi u t-twaaqif tal-importazzjonijiet tal-kannamiela fl-Ewropa kontinentali.

(7)  Il-Bolivja, l-Ekwador u l-Mongolja, u possibbilment l-inklużjoni tal-Pakistan u l-Filippini.

(8)  “INFO PACK Regarding the European Commission’s proposal on a new GSP”, DĠ għall-Kummerċ, p. 8, punt 5 (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Inkella, attwalment, dan il-pajjiż ikun eliġibbli għall-iskema “Kollox ħlief Armi”.

(10)  “INFO PACK Regarding the European Commission’s proposal on a new GSP”, DĠ għall-Kummerċ, p. 8 (mhux disponibbli bil-Malti).


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/89


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni”

COM(2011) 303 finali

2012/C 43/20

Relatur: is-Sinjura BUTAUD-STUBBS

Nhar id-19 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà ddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni

COM(2011) 303 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’119 voti favur u 3 voti kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni Konġunta tas-SEAE u l-Kummissjoni Ewropea bħala aġġustament f’waqtu u urġenti tal-politika tal-UE. Huwa jilqa’ bis-sħiħ l-għan tal-Komunikazzjoni li tiżviluppa approċċ ġdid għall-viċinat tal-UE sabiex issaħħaħ is-sħubija bejn l-UE u l-pajjiżi sħab.

1.2   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Komunikazzjoni tista’ biss tkun punt tat-tluq għal sħubija futura u jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jiżviluppaw strateġija iktar fit-tul li tiġi implimentata taħt il-perspettivi finanzjarji 2014-2020 fejn jiġu integrati l-prijoritajiet identifikati u l-baġit rilevanti għal sħubijiet imtejba u diversi elementi mill-politika tal-UE.

1.3   Il-KESE jittama li l-UE ser tkun tista’ tirreaġixxi b’mod xieraq, jiġifieri b’mod deċiż u b’leħen wieħed, skont l-approċċ deskritt fil-Komunikazzjoni dwar il-pajjiżi tal-Euromed (1), għall-avvenimenti reċenti f’ċerti pajjiżi ġirien fejn għadha ma ġietx stabbilita demokrazija ġenwina u sostenibbli.

1.4   Il-KESE jaqbel mal-prinċipji tad-differenzjazzjoni u l-kundizzjonalità u mal-bżonn ta’ flessibbiltà ikbar fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi sħab. Fl-istess waqt, madanakollu, huwa jitlob lill-UE sabiex tiżgura li l-applikazzjoni tal-prinċipju “less for less” ma tkunx ta’ dannu għall-potenzjal ta’ pajjiż sħab li jagħmel progress fil-proċess ta’ riforma skont il-pass u l-kapaċità ta’ assorbiment tiegħu.

1.5   Il-Kumitat jinnota b’sodisfazzjon l-enfasi l-ġdida tal-Komunikazzjoni fuq ir-rwol prinċipali tas-soċjetà ċivili fit-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi u li l-appoġġ għal firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi msieħba soċjali, huwa meqjus bħala prijorità.

1.6   Il-KESE jinsisti li l-ambjent għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-libertà tar-reliġjon huwa kriterju essenzjali fil-valutazzjoni tal-gvernanza ta’ pajjiż.

1.7   Il-Kumitat jemmen li l-appoġġ tal-UE taħt id-Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija (DED) għandu jkun aċċessibbli u kapaċi jirrispondi għall-bżonnijiet għal għarrieda ta’ firxa iktar wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-gruppi tal-oppożizzjoni li mhumiex reġistrati. L-istrument tad-DED għandu jikkumplementa l-għodod li jeżistu bħall-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (SEDDB) u l-Istrument għall-Istabbiltà (SgħS).

1.8   F’dan il-kuntest, il-KESE jinsisti li għandu jingħata appoġġ ikbar u iktar immirat lill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, it-trade unions u gruppi soċjoprofessjonali oħra peress li dawn huma aspetti importanti tal-ħajja soċjali, ekonomika u politika u garanti potenzjali tal-istabbiltà. Uħud minnhom fil-fatt jaqdu rwol prinċipali fil-mobilizzazzjoni tad-demokrazija. Huwa jilqa’ l-fatt li d-DED tipprevedi appoġġ għal dawn l-atturi iżda jispera li l-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili tintuża wkoll għal dan il-għan.

1.9   Il-KESE jitlob li tittejjeb l-effettività tal-proġetti finanzjati mill-UE. Il-kumplessità tal-proċeduri ta’ finanzjament tal-UE tħalli bosta atturi mhux statali barra. Wieħed mill-għanijiet tal-inizjattiva għandu jkun li l-organizzazzjonijiet jingħataw l-għajnuna biex jiksbu l-fondi, pereżempju permezz ta’ taħriġ dwar il-bini tal-kapaċità mogħti mid-delegazzjonijiet tal-UE.

1.10   Barra minn hekk, il-Kumitat jappella lill-UE biex tistabbilixxi xi miżuri ta’ prekawzjoni u prinċipji bażiċi ta’ governanza tajba għall-gvernijiet tal-pajjiżi sħab li jixtiequ jibbenefikaw mill-komponent 3 tal-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili li jipprovdilhom il-possibbiltà li jistabbilixxu proġetti għall-bini tal-kapaċità bil-għan li jissaħħu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-involviment tagħhom f’politiki domestiċi u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

1.11   Fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali, għan aħħari tal-Ftehim dwar Żona ta’ Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva (ŻKĦPK) huwa li jikseb livell għoli ta’ integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-pajjiżi sħab. Il-KESE jitlob lill-UE tirrifletti dwar il-pakketti differenzjati tal-acquis taż-ŻKĦPK li jkun jirrifletti livelli differenti ta’ interess fl-integrazzjoni ekonomika Ewropea u aġendi differenti fil-pajjiżi sħab. Matul il-proċessi ta’ negozjar u ta’ implimentazzjoni taż-ŻKĦPK u ftehimiet oħra, huwa importanti li, bħala kundizzjoni obbligatorja, tiġi prevista l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u li jiġi stabbilit mekkaniżmu għad-djalogu permanenti magħha. Hemm bżonn ukoll li s-soċjetà ċivili tiġi kkonsultata fil-qafas tal-valutazzjonijiet tal-impatt dwar is-sostenibbiltà.

1.12   Il-promozzjoni tal-libertà tal-espressjoni, ir-reliġjon u l-mezzi tax-xandir fil-qafas tal-libertajiet pubbliċi u l-aċċess ħieles għall-internet u għan-netwerks soċjali huma importanti ħafna wkoll għax jikkontribwixxu għal żieda fit-trasparenza u jħeġġu l-proċess ta’ demokratizzazzjoni. Dan jirrikjedi għalhekk attenzjoni partikolari u azzjoni mmirata.

1.13   Minkejja li s-suċċess kien relattiv ħafna, il-KESE jilqa’ l-impenn tal-UE favur il-prevenzjoni tal-kunflitt fil-viċinat l-iktar qrib tagħha u jitlob lill-UE tiżviluppa strateġiji komprensivi fil-qasam.

1.14   Il-KESE jsejjaħ biex tiġi faċilitata l-mobbiltà tan-nies mill-pajjiżi tal-viċinat, b’mod partikolari ta’ żgħażagħ u studenti, artisti, riċerkaturi, xjentisti u dawk involuti fil-kummerċ, sabiex jiżdiedu l-kuntatti bejn in-nies għall-benefiċċju tal-pajjiżi sħab u tal-UE.

1.15   Il-KESE, li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE, lest jaqdi rwol attiv u jaqsam l-għarfien tiegħu bil-għan li jibni qafas Ewropew iktar effiċjenti għal kooperazzjoni mas-soċjetajiet tal-pajjiżi tal-viċinat (2), b’mod partikolari billi:

jassisti fit-tfassil ta’ “mappa” tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-dokumentazzjoni tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet tas-soċjetà ċivili fl-attivitajiet tar-reġjun permezz ta’ djalogu miftuħ u inklużiv ma’ firxa wiesgħa ta’ atturi;

jaqsam l-għarfien espert tiegħu, inkluż dak mislut mill-kooperazzjoni mal-ġirien tal-Lvant tal-UE, fit-tfassil ta’ kriterji speċifiċi u proċessi ta’ twaqqif ta’ istituzzjonijiet tassew rappreżentattivi għall-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika fil-pajjiżi sħab;

jappoġġja l-organizzazzjonijiet indipendenti u rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili, b’mod speċjali dawk li kellhom rwol attiv fl-oppożizzjoni għall-iskemi mhux demokratiċi, permezz ta’ sforzi ta’ bini tal-kapaċità u l-iskambju tal-għarfien f’firxa wiesgħa ta’ oqsma bħad-djalogu soċjali (inkluż fil-livell settorjali) u drittijiet ekonomiċi u soċjali;

l-iskambju tal-aqwa prattika f’oqsma bħad-djalogu soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-intraprenditorija u r-responsabbiltà soċjali korporattiva;

jipparteċipa fil-ħolqien ta’ strumenti, pjani ta’ azzjoni u programmi tal-UE li jsaħħu l-organizzazzjonijiet soċjoekonomiċi u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom;

jinvolvi ruħu b’mod attiv fid-definizzjoni ta’ modalitajiet operattivi tal-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili u d-Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija.

2.   Nitgħallmu mill-passat

2.1   Analiżi kritika tal-attivitajiet preċedenti tal-Unjoni Ewropea

2.1.1   In-nuqqas totali, bi ftit eċċezzjonijiet, ta’ ambjent demokratiku ġiegħel lill-UE tadatta l-politiki tagħha fuq sisien prammatiċi u taċċetta bħala interlokuturi persuni li bl-ebda mod ma setgħu jiġu deskritti bħala rappreżentanti demokratiċi tal-popli tagħhom.

2.1.2   Matul il-Proċess ta’ Barċellona kollu, ma kienx hemm komunikazzjoni u kooperazzjoni biżżejjed bejn l-UE, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li ma ġewx approvati mill-gvernijiet u b’hekk l-UE tilfet l-opportunità li tinfluwenza l-iżviluppi politiċi u soċjali.

2.1.3   L-esperjenza turi li b’mod partikolari fir-reġjun tal-Euromed, hemm tendenza li l-fondi disponibbli ma jintużawx biżżejjed u dan minħabba li l-organizzazzjonijiet f’pajjiżi mhux demokratiċi mhux b’saħħithom biżżejjed.

2.1.4   Jeżistu prattiki tajba ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, bħall-ħolqien ta’ pjattaformi tematiċi, gruppi ta’ ħidma u panels żviluppati fil-qafas tal-Sħubija tal-Lvant, u dawn jistgħu jiġu adattati u applikati b’mod utli wkoll fin-Nofsinhar.

3.   Elementi prinċipali ta’ approċċ ġdid

3.1   L-applikazzjoni tal-prinċipji tad-differenzjazzjoni u l-kundizzjonalità

3.1.1   Il-KESE jilqa’ bis-sħiħ l-enfasi tal-Komunikazzjoni fuq dawn iż-żewġ prinċipji u jinsab hu stess fil-proċess tat-tisħiħ tal-applikazzjoni tagħhom fil-ħidma tiegħu, pereżempju fil-kriterji tal-parteċipazzjoni fis-Summit tal-Euromed tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u Istituzzjonijiet Simili u fl-organizzazzjoni ta’ missjonijiet barra mill-pajjiż.

3.1.2   Fl-approċċ tagħha “more for more” l-UE għandha tikkunsidra l-istejjer differenti tar-reġjuni u l-pajjiżi, il-livelli ta’ żvilupp tagħhom, l-istadji differenti fir-relazzjonijiet mal-UE u l-bżonnijiet u l-problemi speċifiċi. Dan l-approċċ jikkontribwixxi wkoll fl-użu iktar effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji tal-UE li huwa dmir ewlieni tal-Unjoni Ewropea lejn il-kontribwenti Ewropej.

3.1.3   Fl-istess waqt nemmnu li huwa importanti li jiġi żgurat li l-prinċipju “less for less” ma jiġix applikat b’mod li jkun ta’ dannu għall-potenzjal ta’ pajjiż sieħeb fejn il-livell ta’ progress huwa inqas.

3.2   Il-ħidma favur demokrazija “profonda” u sostenibbli

3.2.1   L-UE enfasizzat tajjeb il-bżonn ta’ demokrazija profonda permezz tat-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u billi żżid ir-rwol tagħha fil-proċess ta’ demokratizzazzjoni u toħloq standards ta’ gvernanza tajba fir-reġjun tal-PEV.

3.2.2   Huwa jilqa’ l-introduzzjoni ta’ strumenti ġodda u delikati li jsaħħu l-kisbiet fil-qasam tad-demokrazija. F’dan il-kuntest il-KESE huwa lest jipparteċipa fid-definizzjoni ta’ modalitajiet operattivi b’mod partikolari tad-Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija u tal-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili. Dawn l-istrumenti għandhom ikunu flessibbli, jirrispondu għall-bżonnijiet li dejjem jinbidlu u jinkludu miżuri mmirati li jappoġġjaw il-proċessi demokratiċi fil-viċinat tal-UE inkluż permezz tal-promozzjoni tal-ħolqien ta’ partiti politiċi u mezzi tax-xandir ħielsa u t-tisħiħ tal-involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċessi demokratiċi.

3.2.3   Minkejja li l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (SEDDB), l-Istrument għall-Istabbiltà, id-Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija u l-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili jvarjaw fil-modalitajiet finanzjarji, operattivi u ta’ ġestjoni tagħhom, hemm bżonn li jkun hemm koerenza u sinerġiji bejniethom li jridu jiġu żgurati u msaħħa.

3.2.4   Sabiex l-organizzazzjonijiet ikunu iktar konxji u iktar kapaċi jużaw dawn l-istrumenti finanzjarji, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tfassal dokumenti ta’ spjegazzjoni sempliċi u faċli jintużaw.

3.2.5   Il-KESE jqis li r-rispett lejn il-libertajiet reliġjużi u ċivili huwa dritt bażiku tal-bniedem li għandu jitħares bis-sħiħ f’reġjun ikkaratterizzat mid-diversità reliġjuża u politika. Huwa jitlob lill-pajjiżi li għadhom ma rratifikawx il-konvenzjonijiet universali u reġjonali li jeżistu u l-ftehimiet dwar il-libertajiet politiċi, ċivili u kulturali u dwar id-drittijiet ekonomiċi u soċjali li huma bbażati fuq id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, biex jagħmlu dan mingħajr dewmien.

3.2.6   Il-mezzi tax-xandir fir-reġjun tal-Euromed jaqdu rwol ċentrali fit-twassil u t-tbassir tar-riżultati tal-bidliet li qed iseħħu. L-appoġġ tal-UE għandu bżonn jiffoka fuq inizjattivi li jtejbu l-professjonalità u l-indipendenza tal-mezzi tax-xandir eżistenti u jrawmu kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiffjorixxu d-diversità u l-libertà tal-mezzi tax-xandir.

3.3   It-tisħiħ tar-rwol tal-UE fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti

3.3.1   Il-persistenza ta’ kunflitti mtawla fil-viċinat tal-UE – fin-Nofsinhar u fil-Lvant – hija sfida kbira kemm għall-pajjiżi tal-UE kif ukoll għall-pajjiżi sħab. L-UE ammettiet li l-azzjonijiet tagħha s’issa kellhom effiċjenza limitata. Permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, l-UE issa għandha l-mandat ġdid li tibni l-paċi u għandha wkoll struttura ġdida li tappoġġjaha. Din hija opportunità reali sabiex tingħata attenzjoni ġdida lil din il-kwistjoni.

3.3.2   Il-KESE jitlob lill-UE sabiex tiżviluppa strateġiji komprensivi għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-paċi b’mod partikolari għall-pajjiżi l-iktar qrib tagħha u tiffoka fuq li tiżgura iktar koerenza bejn bosta programmi tal-UE u politiki fil-qasam.

3.3.3   Il-Kumitat isejjaħ għal proġetti tal-bini tal-paċi li jippromovu u jinkludu prinċipji demokratiċi u li s-sistemi ta’ monitoraġġ li jinvolvu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jevalwaw il-progress tar-riformi. Għandha titpoġġa iktar enfasi fuq dawk il-gruppi li l-influwenza tagħhom fil-bini tal-paċi hija sostanzjali iżda li l-vuċi tagħhom rari tissemma. Dawn jinkludu għaqdiet tan-nisa u taż-żgħażagħ, trade unions u negozji lokali. Enfasi fuq il-kontinwazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali f’żoni ta’ kunflitt bħala sinjal ta’ reżistenza wkoll jistħoqqilha appoġġ kif jistħoqqilhom appoġġ ukoll l-attivitajiet tat-trade unions bħad-dimostrazzjonijiet favur il-paċi u s-solidarjetà. Bosta gruppi vulnerabbli bħal tan-nisa, tfal u vittmi tal-kunflitti jistħoqqilhom attenzjoni speċjali u programmi mmirati.

4.   Rabtiet kummerċjali msaħħa

4.1   Apparti l-għan li tagħti spinta lir-relazzjonijiet kummerċjali, għan aħħari taż-ŻKĦPK huwa li tikseb livell għoli ta’ integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-pajjiżi sħab. L-implimentazzjoni taż-ŻKĦPK u l-konformità magħha tirrikjedi ristrutturar tal-qafas legali u ekonomiku tal-pajjiżi sħab. Sabiex dan ikun jista’ jseħħ, ikun hemm bżonn ta’ għajnuna addizzjonali min-naħa tal-UE sabiex jiksbu l-livell neċessarju ta’ żvilupp biex ikunu jistgħu jilħqu r-rekwiżiti.

4.2   Il-Kumitat jitlob li jiġi inkluż kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet ta’ kummerċ li qed tinnegozja l-UE mal-pajjiżi sħab tagħha u jqis li s-soċjetà ċivili għandha tiġi kkonsultata wkoll matul il-Valutazzjonijiet tal-Impatt dwar is-Sostenibbiltà (SIA) qabel it-tnedija tan-negozjati. Dan l-involviment jikkontribwixxi sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-benefiċċju fuq perjodu twil u qasir li ż-ŻKĦPK jista’ jġib miegħu u ser jgħin sabiex tiġi żgurata l-appartenenza tal-pubbliku fil-proċess (3).

4.3   Għal dan il-għan il-ftehimiet taż-ŻKĦPK u ftehimiet oħrajn għandhom jipprovdu mekkaniżmi għall-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili bħal kumitati konsultattivi konġunti, għal monitoraġġ effettiv ta’ kif qed jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet relatati mal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli.

4.4   Fir-rigward tal-istandards soċjali u r-relazzjonijiet industrijali, il-Kumitat jinsisti li l-Konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO jiġu ratifikati u implimentati.

5.   Lejn sħubijiet reġjonali effettivi

5.1   L-UE jeħtieġ li tikseb il-bilanċ adatt u tfittex sinerġiji bejn id-dimensjonijiet bilaterali u reġjonali tar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi sħab.

5.2   Huwa magħruf li s-sħubijiet reġjonali mal-Lvant u n-Nofsinhar taw kontribut għal iktar titjib fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien tagħha. Madanakollu, is-Sħubija tal-Lvant u l-Unjoni għall-Mediterran li kkomplementaw il-kooperazzjoni tal-Euromed urew numru ta’ nuqqasijiet.

5.3   L-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) li tikkomplementa r-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha s’issa għada ma wasslitx għar-riżultati mistennija. Ir-rwol u l-għanijiet tagħha għalhekk għandhom jerġgħu jiġu definiti b’mod radikali. Hija għandha tipprovdi mekkaniżmi permanenti għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-inizjattiva tagħha. Il-KESE jappella sabiex jittieħdu deċiżjonijiet minnufih dwar ir-rwol, il-missjoni, l-organizzazzjoni u l-finanzjament tal-UgħM. Barra minn hekk huwa jemmen li hemm bżonn li l-operazzjonijiet tal-UgħM jikkonformaw iktar mal-istrateġija ġenerali tal-UE għar-reġjun (4).

5.4   B’mod ġenerali, ħafna mill-pajjiżi sħab tejbu u intensifikaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE, permezz ta’ djalogu dwar il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni (FA), u Oqsma ta’ Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi, dwar il-liberalizzazzjoni tal-visa u sħubijiet bbażati fuq il-mobbilità, kooperazzjoni dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u kwistjonijiet oħra. Sfortunatament il-Bjelorussja ħadet pass kbir lura fir-relazzjonijiet mal-UE u s-sitwazzjoni tal-libertajiet demokratiċi u l-ambjent tal-attivitajiet tas-soċjetà ċivili ggravat f’pajjiżi sħab oħra inkluż l-Ukraina.

5.5   L-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni politika fil-pajjiżi ġirien tal-UE għandha tiġi osservata mill-qrib u l-livel ta’ integrazzjoni ekonomika u r-relazzjonijiet kummerċjali għandhom jirriflettu l-livell ta’ impenn tagħhom favur il-bini ta’ demokrazija sostenibbli u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem.

5.6   Il-KESE jinsab konvint li l-promozzjoni ta’ iktar mobbiltà, b’mod partikolari ta’ żgħażagħ u studenti mill-pajjiżi ġirien se tkun ta’ benefiċċju għall-pajjiżi sħab inkluż żieda fil-kuntatti bejn il-persuni. Dan jgħodd ukoll għal artisti, riċerkaturi, xjentisti u dawk li jivvjaġġaw għal raġunijiet ta’ kummerċ. Dan għandu jmur ma’ skemi ta’ faċilitazzjoni tal-visa, konċessjonijiet tariffarji u l-possibbiltajiet ta’ viżi għal dħul multiplu kif ukoll sforzi kontinwi favur l-iżvilupp ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri, ġestjoni tajba tal-migrazzjoni, il-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali, liġijiet tal-asil u għajnuna umanitarja għar-refuġjati.

6.   Appoġġ għas-soċjetà ċivili permezz tal-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili u d-Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija

6.1   L-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jkun komprensiv, kredibbli, multidimensjonali u bbażat fuq il-bżonnijiet tagħhom. Il-KESE issa ilu bosta snin jargumenta favur ir-rwol tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-PEV u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha, għal programmi speċifiċi għall-bini tal-kapaċità tas-soċjetà ċivili u għal titjib fid-djalogu bejn il-gvernijiet u s-soċjetà ċivili fil-pajjiżi ġirien tal-UE (5). Huwa għalhekk li jilqa’ t-tliet komponenti tal-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili.

6.2   L-implimentazzjoni ta’ dawn il-komponenti teħtieġ definizzjoni miftuħa u inklużiva tal-“organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili” hekk kif suġġerit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar standards minimi ta’ konsultazzjoni (6). Konsegwentement, it-tfassil ta’ “mappa” tas-soċjetà ċivili huwa importanti ħafna għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-komponenti. Permezz tad-diversi netwerks tiegħu, il-KESE lest ikompli jassisti t-tfassil ta’ “mappa” tal-atturi mhux statali emerġenti kif ukoll in-netwerking mal-NGOs fil-livell reġjonali. Jistgħu faċilment jinstabu sinerġiji mal-ħidma tal-Kummissjoni, is-Servizz tal-Azzjoni Esterna u d-delegazzjonijiet tal-UE f’dawn l-oqsma.

6.3   Barra minn hekk, l-esperjenza tal-organizzazzjonijiet Ewropej tas-soċjetà ċivili tista’ tintuża fid-definizzjoni ta’ programmi tal-bini tal-kapaċità. Barra mill-firxa wiesgħa ta’ netwerks ta’ NGOs tal-UE għandhom jiġu involuti wkoll l-atturi ekonomiċi u soċjali Ewropej prinċipali. Huma jistgħu jaqsmu l-għarfien tagħhom mal-kontropartijiet tagħhom fil-pajjiżi sħab sabiex jitrasferixxu l-għarfien tal-politiki Ewropej u jappoġġjaw is-soċjetà ċivili fil-pajjiżi ġirien fl-analiżi tal-politika, il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-konverġenza mal-politiki tal-UE.

6.4   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-proposta li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fid-djalogi dwar il-politika settorjali bejn l-UE u l-pajjiżi sħab għaliex dan huwa qasam li ħafna drabi ġie injorat fil-passat. Fir-rigward tal-atturi ekonomiċi u soċjali, għandha titpoġġa enfasi partikolari fuq il-programmi li jappoġġjaw id-djalogu dwar il-politika settorjali fil-pajjiżi benefiċjarji. Il-KESE lest jikkontribwixxi fit-tisħiħ tad-djalogu soċjali u f’dan il-kuntest jitlob ukoll għall-parteċipazzjoni tal-ILO li huwa jqis kruċjali u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ li tista’ toffri taħriġ dwar id-djalogu settorjali lill-imsieħba soċjali fil-pajjiżi ġirien.

6.5   It-tielet komponent tal-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili jipprevedi appoġġ għal proġetti bilaterali bbażati fuq il-pajjiż li jħeġġu lill-gvernijiet sħab isaħħu l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-parteċipazzjoni tagħhom f’politiki domestiċi u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-Kumitat jinsab konvint li hemm bżonn kbir ta’ mekkaniżmu istituzzjonalizzat għall-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili u li l-kunsilli ekonomiċi u soċjali huma wieħed mill-aqwa għodod li jippermettu li jinħoloq dan id-djalogu. Jeħtieġ madanakollu li jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni u li jinħolqu xi prinċipji bażiċi ta’ gvernanza tajba għall-gvernijiet li jixtiequ jibbenefikaw minn dan l-appoġġ. Il-KESE lest jistabbilixxi sett ta’ prinċipji li jridu jiġu rispettati sabiex ikunu jistgħu jitwaqqfu kunsilli ekonomiċi u soċjali rappreżentattivi u istituzzjonijiet simili.

6.6   Diġà jeżistu pjattaformi reġjonali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi ġirien: Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant u l-Assemblea tal-Euromed tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u Istituzzjonijiet Simili li twaqqfet b’riżultat ta’ inizjattiva mmexxija mill-KESE. Il-KESE qeda rwol prinċipali fit-twaqqif tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali (KES) f’bosta pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran. Matul dan il-proċess il-Kumitat ippromova l-iktar rappreżentazzjoni mifruxa possibbli ta’ bosta atturi mhux statali f’dawn il-kunsilli. L-għarfien tal-KESE u l-appoġġ tiegħu fit-twaqqif tal-KES bħala istituzzjonijiet għall-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika jistgħu jingħaqdu mal-possibbiltajiet ta’ kooperazzjoni fil-qafas tal-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili.

6.7   Il-kumplessità tal-proċeduri ta’ finanzjament tal-UE ħafna drabi tħalli bosta atturi mhux statali barra. Dawn għandhom potenzjal kbir iżda ftit esperjenza dwar kif japplikaw il-fondi tal-UE. Din problema rikorrenti fil-pajjiżi u r-reġjuni kollha li jibbenefikaw mill-kooperazzjoni tal-fondi tal-UE. Wieħed mill-għanijiet ta’ dan l-istrument jista’ jkun li l-organizzazzjonijiet jingħataw l-għajnuna biex jiksbu l-fondi, pereżempju permezz ta’ taħriġ mogħti mid-delegazzjonijiet tal-UE.

6.8   Il-KESE lest jipparteċipa fid-definizzjoni ta’ modalitajiet operattivi tad-Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija. Huwa jemmen li dan l-istrument għandu jkun flessibbli u jirrispondi għal bżonnijiet li jinqalgħu għal għarrieda. Huwa għandu juża miżuri mmirati li jappoġġjaw il-proċessi demokratiċi fil-viċinat tal-UE permezz tal-promozzjoni tal-ħolqien ta’ partiti politiċi u mezzi tax-xandir ħielsa u t-tisħiħ tal-involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċessi demokratiċi.

6.9   Il-KESE jemmen li d-DED għandu jkun strument ibbażat fuq id-domanda, orjentat mhux fuq proġett iżda fuq il-bini tal-kapaċità, flessibbli u trasparenti. L-għajnuna għandha tingħata primarjament lill-organizzazzjonijiet li m’għandhomx aċċess għal fondi oħra tal-UE bħall-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili, l-EIDHR jew il-Programm Atturi mhux tal-Istat u l-Awtoritajiet Lokali. Dan l-istrument jeħtieġ li jitmexxa fil-livell tal-pajjiż b’rekwiżiti burokratiċi u ta’ rappurtar minimi iżda għandu jiġi appoġġjat minn mekkaniżmu effiċjenti għall-evelawazzjoni tar-riżultati. Jeħtieġ li tiġi kkunsidrata wkoll il-possibbiltà ta’azzjoni konġunta ma’ donaturi oħra.

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Komunikazzjoni dwar “Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran”, COM (2011) 200 finali.

(2)  Jekk jogħġbok ara r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-KESE li jinsabu fl-opinjonijiet reċenti: Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għas-Sħubija tal-Lvant, ĠU C 248, 25.8.2011, p. 37-42; Il-promozzjoni ta’ soċjetajiet ċivili rappreżentattivi fir-reġjun Ewro-Mediterranju, ĠU C 376, 22.12.2011, pp. 32-37 u Il-politika estera u ta’ sigurtà l-ġdida tal-UE u r-rwol tas-soċjetà ċivili, li ġiet adottata fis-27 ta’ Ottubru 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  KESE, Opinjoni dwar il-Valutazzjonijiet tal-Impatt dwar is-Sostenibbiltà (SIA) u l-Politika tal-Kummerċ tal-UE, ĠU C 218, 23.7.2011, p. 14-18.

(4)  COM (2011) 200 finali.

(5)  KESE, Opinjoni dwar il-Parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fis-Sħubija tal-Lvant, ĠU C 277, 17.11.2009. pp. 30-36; Opinjoni tal-KESE dwar Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-PEV fil-pajjiżi tal-Kawkasu tan-Nofsinhar: l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja, ĠU C 277, 17.11.2009, pp. 37-41.

(6)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn kultura aktar b’saħħitha ta’ konsultazzjoni u djalogu - Prinċipji ġenerali u standards minimi għal konsultazzjoni ta’ partijiet interessati mill-Kummissjoni”, COM(2002) 704 finali, 11.12.2002, p.6.


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/94


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni”

COM(2011) 634 finali — 2008/0183 (COD)

2012/C 43/21

Relatur: is-Sur SOMVILLE

Nhar is-17 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni

COM(2011) 634 finali — 2008/0183 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tat-8 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’139 vot favur, vot wieħed kontra (1) kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat bi pjaċir jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-espansjoni tal-bażi legali proposta għall-applikazzjoni tal-Pjan Ewropew għall-għajnuna lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-2012 u l-2013. L-għan ta’ dan il-programm huwa li jintlaħqu l-għanijiet tal-PAK filwaqt li tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali tal-Unjoni. B’hekk, din il-bidla hija saħansitra iktar importanti għax hija stabbilita fl-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

1.2

Il-KESE jagħraf li hemm bżonn li tiġi segwita l-implimentazzjoni tal-programm u li l-finanzjament tiegħu mill-baġit tal-PAK għas-snin 2012 u 2013 jinżamm fil-livell attwali. Is-solidarjetà fir-rigward tal-gruppi żvantaġġati minn dejjem kienet valur imħares mill-Unjoni fid-diversi politiki tagħha u hekk għandu jibqa’ jkun.

1.3

Fil-fehma tal-KESE din l-għajnuna hija verament fundamentali billi wara l-kriżi ekonomika u dik finanzjarja, l-għadd ta’ ċittadini marġinati fil-programm dejjem qed jiżdied.

1.4

Mil-lat tas-soċjetà ċivili, il-KESE jappoġġja din il-proposta iktar u iktar għax l-implimentazzjoni tagħha fl-Istati Membri ssir minn għadd ta’ volontarji, membri ta’ organizzazzjonijiet umanitarji, li ma jifilħux għal tnaqqis ta’ 75 % tal-mezzi disponibbli għall-Pjan Ewropew bejn l-2011 u l-2012, u saħansitra li jiġi eliminat minħabba nuqqas ta’ ħażniet tal-intervent fl-2013. Il-Kumitat iqis li dan il-programm iffinanzjat mill-fondi Ewropej jippermetti li tingħata immaġni pożittiva tal-Unjoni f’għajnejn iċ-ċittadini Ewropej.

1.5

Barra minn hekk, il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat għadd ta’ rakkomandazzjonijiet mill-opinjoni preċedenti ta’ Jannar 2011 (1), bħal dawk relatati maż-żamma tal-finanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-PAK għall-2012 u l-2013, u l-possibbiltà tar-rimborż ta’ ċerti spejjeż amministrattivi, tat-trasport u tal-ħażniet appoġġjati mill-organizzazzjonijiet umanitarji.

1.6

Il-KESE jirrikonoxxi l-possibbiltà li jitħalla f’idejn l-Istati Membri biex jagħżlu l-prodotti manifatturati fl-Unjoni. F’dan il-kuntest, is-sistema mhux biss ser taqdi r-rwol tagħha li tistabbilizza s-suq intern iżda fl-istess ħin toffri wkoll il-garanzija sħiħa li l-prodotti li jiġu distribwiti jkunu tal-istandard għoli impost fuq il-produtturi Ewropej.

2.   Sfond

2.1

Il-Kumitat ifakkar li t-tqassim b’xejn tal-ikel lill-persuni l-iktar fil-bżonn fil-Komunità tnieda fl-1986-87, wara xitwa partikolarment ħarxa. Il-prodotti tal-ikel, distribwiti mill-assoċjazzjonijiet umanitarji fid-diversi Stati Membri, ġew mill-ħażniet tal-intervent.

2.2

Billi saret ħaġa uffiċjali, il-fatt li ntużaw il-ħażniet tal-intervent wassal għal ħidma lejn żewġ għanijiet: l-għajnuna għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni u fl-istess ħin kontribut biex terġa’ tinkiseb ċerta stabbiltà fis-swieq tal-agrikoltura.

2.3

Ir-riformi suċċessivi tal-PAK li nbdew fl-1992 wasslu għal tnaqqis konsiderevoli tal-ħażniet tal-intervent. Għad li darba dawn il-ħażniet kienu strutturali, żviluppaw b’mod gradwali u saru relatati mal-klima ekonomika attwali. U l-livell tal-ħażniet attwali ma jippermettix iktar li tiġi ssodisfata biss id-domanda għall-għajnuna alimentari.

2.4

Fl-1995, kienu diġà saru bidliet fil-programm biex in-nuqqas ta’ prodotti mill-ħażniet tal-intervent jiġi kumpensat bix-xiri mis-suq.

2.5

It-tkabbir tal-Unjoni Ewropea wassal lill-Kummissjoni biex fl-2009 tadatta l-programm, l-iktar billi żżid il-baġit relatat.

2.6

Fl-2008, fil-konfront tal-iżvilupp osservat, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni dwar il-programm tal-prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn. Minn din il-konsultazzjoni ħarġet proposta għal regolament lill-Kunsill bil-għan li titkompla s-sistema tal-għajnuna għall-persuni l-aktar fil-bżonn.

2.7

Din il-proposta ġabet magħha sensiela ta’ bidliet għar-regoli eżistenti: sorsi ta’ provvisti; żieda fil-varjetà tal-prodotti disponibbli; pjan ta’ distribuzzjoni tliet darbiet fis-sena; it-twaqqif ta’ prijoritajiet għall-azzjoni mill-Istati Membri; l-introduzzjoni progressiva tal-kofinanzjament; l-adattar għaż-żieda fil-baġit disponibbli. Fil-Kunsill, din il-proposta ġiet imblokkata minn minoranza.

2.8

Nhar is-17 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni adottat proposta emendata, li kkunsidrat parzjalment l-opinjoni tal-PE dwar il-proposta inizjali (opinjoni tas-26 ta’ Marzu 2009): żieda fir-rata ta’ kofinanzjament; limitu għall-għajnuna mill-UE għal EUR 500 miljun fis-sena; il-possibbiltà li l-Istati Membri jkollhom l-għażla preferenzjali għall-prodotti tal-ikel b’oriġini Ewropea.

2.9

Fil-Kunsill Agrikoltura u Sajd tas-27 ta’ Settembru 2010, id-diskussjoni ntemmet bill-konferma tal-minoranza li timblokka.

2.10

Il-KESE ħareġ opinjoni dwar din il-proposta emendata fl-20 ta’ Jannar 2011 (2).

2.11

Fit-13 ta’ April 2011, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ħarġet sentenza (Każ T-576/08) dwar il-każ tal-Ġermanja kontra l-Pjan tal-2009 dwar il-provvista tal-prodotti tal-ikel rilaxxati mill-ħażniet tal-intervent għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni. Il-kanċellazzjoni tapplika għall-prodotti kollha fis-suq, il-kwantitajiet li jinħarġu mill-ħażniet tal-intervent ma ġewx affettwati.

2.12

B’hekk, għall-2012, il-Kummissjoni pprevediet baġit ferm imnaqqas fejn ġiet ikkunsidrata biss l-oriġni “tal-ħażniet tal-intervent”.

2.13

Fil-Kunsill Agrikoltura u Sajd tal-20 ta’ Settembru 2011, ma ntlaħqet l-ebda maġġoranza suffiċjenti rigward il-proposta tas-17 ta’ Settembru 2010.

2.14

Proposta ġdida emendata li saret fit-3 ta’ Ottubru 2011 tressqet quddiem il-Kunsill Agrikoltura u Sajd tal-20 ta’ Ottubru 2011 fejn minkejja l-bidliet għall-proposta inizjali xorta kien hemm minoranza li mblokkatha. Fil-fatt kien dwar din il-proposta l-ġdida li l-KESE ntalab joħroġ opinjoni b’urġenza.

3.   Il-Proposta tal-Kummissjoni

3.1

Għal iktar minn għoxrin sena, l-għajnuna alimentari għall-persuni l-aktar fil-bżonn ġiet rilaxxata mill-ħażniet tal-intervent. Għad li fil-bidu dawn il-ħażniet kienu importanti, ir-riformi suċċessivi tal-PAK wasslu biex din l-importanza titnaqqas b’mod konsiderevoli. Minn natura strutturali reġgħu saru marbuta mal-klima ekonomika attwali.

3.2

L-għan prinċipali tal-PAK oriġinali, li kien iż-żieda fil-produttività, tnaqqas b’mod progressiv favur l-idea tas-sostenibbiltà tal-biedja, inkluż adattar aħjar bejn il-provvista u d-domanda. Din l-orjentazzjoni l-ġdida teħtieġ bidla fil-qafas legali tal-Pjan Ewropew għall-Persuni l-aktar fil-bżonn.

3.3

It-tkabbir suċċessiv, iż-żieda fil-prezz tal-prodotti tal-ikel, u aktar reċentement, il-kriżi ekonomika wasslu għal żieda importanti fil-bżonnijiet. Fil-fatt, l-għadd ta’ persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni ma waqafx jiżdied. Barra minn hekk, fl-2008 l-għadd ta’ persuni f’din is-sistema ta’ għajnuna żdied għal iktar minn 13-il miljun. Fl-2010, kien hemm aktar minn 18-il miljun persuna li bbenefikaw mill-pjan Ewropew tal-għajnuna alimentari f’20 Stat Membru.

3.4

B’segwitu ta’ dawn id-diversi żviluppi, jekk il-Pjan Ewropew attwali jibqa’ bbażat fuq id-distribuzzjoni ta’ prodotti rilaxxati mill-ħażniet Ewropej tal-intervent, qed jiġi previst li, temporanjament, il-prodotti jinxtraw mis-suq sabiex jiġi kumpensat in-nuqqas fil-ħażniet.

3.5

F’April 2011, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkanċellat id-dispożizzjonijiet tal-pjan ta’ distribuzzjoni tal-2009 li kienu jipprevedu x-xiri tal-prodotti mis-suq billi l-ħażniet tal-intervent kienu bin-nieqes dak iż-żmien.

3.6

Wara din id-deċiżjoni, fir-regolament ta’ implimentazzjoni tagħha l-Kummissjoni ħadet ħsieb li fil-Pjan Ewropew tal-2012 issir distribuzzjoni biss mill-ħażniet tal-intervent. B’mod konkret, b’ammont ta’ EUR 113-il miljun, il-Pjan 2012 ser ikollu kwart tal-baġit li kellhom il-pjani annwali preċedenti.

3.7

Fil-proposta li qed niddiskutu f’din l-opinjoni, il-Kummissjoni tqis ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Lulju 2011 fejn huwa appella lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżviluppaw soluzzjoni tranżizzjonali għas-snin li fadal tal-qafas finanzjarju multiannwali b’tali mod li jiġi evitat tnaqqis qawwi fl-għajnuna alimentari u li jiġi żgurat li l-persuni dipendenti mill-għajnuna alimentari ma jbatux mill-faqar tal-ikel.

3.8

Din il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni hija bbażata fuq bażi legali doppja, li ma tirreferix biss għall-artikoli tat-Trattat relatati mal-PAK iżda anke għall-artikolu relatat mal-koeżjoni ekonomika u soċjali.

3.9

Il-proposta tiġbor diversi elementi li kienu ssemmew fil-proposta tal-2010, bħall-għoti tal-permess lill-Istati Membri biex jiddeċiedu jagħtu preferenza għall-prodotti rilaxxati mill-Unjoni jew anke li l-Istati Membri jitħallew jiddeċiedu dwar ir-rimborż ta’ ċerti spejjeż amministrattivi u spejjeż tat-trasport u ta’ ħażna li bħalissa qed jinġarrbu mill-korpi maħtura. Dan kollu qed isir fil-limitu tar-riżorsi disponibbli.

3.10

L-introduzzjoni tal-kofinanzjament, li kienet issemmiet fil-proposta inizjali tal-2008, u ġiet konfermata fil-proposta tal-2010, tħalliet barra f’din il-proposta l-ġdida. Fil-proposta l-ġdida jiġi suġġerit li tinżamm ir-rata ta’ finanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni, li bħalissa japplika għall-Pjan Ewropew. Il-limitu annwali ta’ EUR 500 miljun fir-rigward tal-kontribut finanzjarju mill-Unjoni nżamm f’din il-proposta.

4.   Konklużjonijiet ġenerali

4.1

Kif fakkar il-KESE fl-opinjoni preċedenti “L-iskema tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni hija implimentata f’20 Stat Membru. (…) id-distribuzzjoni tal-ikel issir fi sħubija mal-NGOs”.

4.2

L-NGOs jaħdmu b’għadd kbir ta’ volontarji. Dawn ma jistgħux jemmnu li hemm ir-riskju li l-attività umanitarja tagħhom ser tonqos għal 25 % meta mqabbla mas-snin ta’ qabel, sakemm ma jintlaħaqx ftehim malajr fil-livell Ewropew. Madankollu, il-ħtieġa għall-azzjoni f’dan il-qasam qatt ma kienet daqshekk kbira.

4.3

Ir-riformi suċċessivi tal-PAK li nbdew fl-1992 wasslu biex b’mod progressiv, il-ħażniet tal-intervent reġgħu nagħtaw rwol ta’ azzjoni relatata mal-klima ekonomika. Fil-futur, ir-riżultat ta’ dawn ir-riformi relatat mas-swieq ser ikollu jitwettaq b’ħażniet limitati, u saħansitra bl-ebda ħażniet ta’ xi prodotti f’ċerti perjodi.

4.4

F’dan il-kuntest, sabiex jiġi kumpensat in-nuqqas fil-ħażniet, il-KESE jqis li huwa kruċjali li tinħareġ proposta mill-iktar fis biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jixtru l-prodotti mis-suq, bħala komplement għall-ħażniet tal-intervent. Fil-fehma tagħna, din l-għażla hija iktar u iktar importanti għax l-għadd ta’ persuni li qed japplikaw għal din l-għajnuna alimentari qed jiżdied.

4.5

Il-KESE jqis li sabiex jiġi evitat it-tnaqqis drastiku tal-ikel disponibbli fil-Pjan Ewropew sal-2014, meta suppost ikun hemm dispożizzjonijiet dwar il-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020, hemm bżonn urġenti li r-rakkomandazzjoni fil-punt 4.4 titwettaq mill-iktar fis.

4.6

Il-KESE, bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili Ewropea fid-diversità kollha tagħha, ma jistax jifhem kif l-UE qed tnaqqas l-għajnuna tagħha għall-persuni l-iktar fil-bżonn preċiżament f’dan il-perjodu ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja. Infakkru li fl-2008, l-għadd ta’ persuni li kienu qed jibbenefikaw minn dan il-Pjan Ewropew kien 13-il miljun fi 18-il Stat Membri tal-UE u li n-numru issa laħaq iktar minn 18-il miljun persuna fl-2010.

4.7

F’dan il-kuntest, il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Presidenza Pollakka, minkejja n-nuqqas ta’ qbil dwar dan il-punt fil-Kunsill Agrikoltura u Sajd tal-20 ta’ Ottubru 2011, tixtieq tkompli bl-isforzi tagħha sabiex tinstab soluzzjoni biex jiġi evitat it-tnaqqis ta’ 75 % tal-fondi allokati lill-Pjan Ewropew għall-2012 u r-riskju ta’ nuqqas ta’ pjan għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-2013, minħabba ħażniet tal-intervent attwali insuffiċjenti.

4.8

Il-KESE japprova bis-sħiħ il-fatt li din il-proposta, li tapplika biss għall-2012 u l-2013, minn issa tiddependi minn bażi legali doppja, li tistabbilixxi li l-programm huwa intiż mhux biss biex jindirizza l-għanijiet tal-PAK fejn jiżgura s-sigurtà alimentari tal-popolazzjoni, iżda anke biex isaħħaħ il-koeżjoni soċjali tal-Unjoni.

4.9

Dawn l-elementi huma parti integrali tal-Istrateġija “Ewropa 2020”. Fir-rigward tal-koeżjoni soċjali, il-KESE jfakkar dwar il-kapitolu dwar din l-istrateġija dedikata għall-ġlieda kontra l-faqar. Id-dritt għal biżżejjed ikel u dieta bilanċjata huwa s-sisien ta’ kull programm tal-ġlieda kontra l-esklużjoni.

4.10

Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni għadha qed tipproponi li jiġu kkunsidrati ċerti spejjeż amministrattivi, tat-trasport u tal-ħażniet li qed jitħallsu mill-korpi maħtura. Madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din il-kunsiderazzjoni ser tnaqqas mill-pakkett finanzjarju disponibbli għall-implimentazzjoni tal-Pjan.

4.11

L-istess bħall-Parlament Ewropew, il-KESE japprova l-għażla li tħalliet f’idejn l-Istati Membri biex fis-sejħiet għall-offerti tagħhom jagħtu preferenza lill-prodotti mill-Unjoni. F’din is-sistema ta’ għajnuna, billi hija bbażata fuq għan soċjali u ekonomiku filwaqt li tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tas-suq intern, ma tkunx ħaġa sewwa li l-prodotti destinati għall-Pjan Ewropew ma jkunux joffru l-garanziji neċessarji tar-rispett tal-istandards għoljin imposti fuq il-produtturi Ewropej.

4.12

Fir-rigward tal-kofinanzjament, għall-kuntrarju tal-proposta emendata preċedenti, il-KESE bi pjaċir josserva li l-finanzjament sħiħ (100 %) tal-Pjan Ewropew inżamm, allokat mill-baġit tal-Unjoni. Dan ifisser li ġiet aċċettata waħda mir-rakkomandazzjonijiet li saru fl-opinjoni preċedenti tal-KESE. Dan l-element huwa iktar u iktar importanti meta jitqies li hemm ir-riskju li l-kriżi ekonomika u dik finanzjarja attwali tista’ twassal biex ċerti Stati Membri jkollhom inqas fondi għax ikun impossibbli li jikkofinanzjaw il-programm li kieku l-persentaġġi proposti fil-verżjoni preċedenti ġew aċċettati.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 84, 17.03.2011, p. 49.

(2)  ĠU C 84, 17.03.2011, p. 49.


15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/98


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed (Riformulazzjoni)”

COM(2011) 566 finali — 2011/0243 (COD)

2012/C 43/22

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, nhar id-29 ta’ Settembru u t-18 ta’ Ottubru 2011 rispettivament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed (Riformulazzjoni)

COM(2011) 566 finali — 2011/0243 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu tas-7 u tat-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), b’177 vot favur, l-ebda vot kontra u 11-il astensjoni, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON