ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 167I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
12 ta' Mejju 2021


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE ( 1 )

1

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2021/765 tal-10 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-perijodu 2021-2025 li jikkumplimenta Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jħassar ir-Regolament (Euratom) 2018/1563

81

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

12.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 167/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/764

tal-10 ta’ Mejju 2021

li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 182(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 182(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ('Orizzont Ewropa'), stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), irid jiġi implimentat permezz ta' programmi speċifiċi, li jiddefinixxu r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tagħhom, jiffissa d-durata tagħhom u jipprovdi għall-mezzi meqjusa neċessarji.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/695 jistabbilixxi l-għanijiet ġenerali u speċifiċi tal-Orizzont Ewropa, l-istruttura u l-linji ġenerali ta' attivitajiet li għandhom jitwettqu, filwaqt li dan il-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa (il-'Programm Speċifiku') jenħtieġ li jiddefinixxi l-għanijiet operattivi u l-attivitajiet li huma speċifiċi għal partijiet tal-Orizzont Ewropa. Il-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/695 japplikaw kompletament għall-Programm Speċifiku, inklużi dawk marbutin mal-prinċipji tal-etika.

(3)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni sabiex tadotta l-programmi ta' ħidma għall-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(4)

Il-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC, Joint Research Centre), stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/282/Euratom (6), ġie kkonsultat dwar il-kontenut xjentifiku u teknoloġiku tal-Programm Speċifiku dwar l-azzjonijiet diretti mhux nukleari tal-JRC.

(5)

Il-Programm Speċifiku jirrikonoxxi li t-tibdil fil-klima huwa wieħed fost l-akbar sfidi globali u soċjetali u jirrifletti l-importanza tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima f'konformità mal-impenn tal-Unjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (7) (il-“Ftehim ta’ Pariġi”) u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs, Sustainable Development Goals) tan-Nazzjonijiet Uniti. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Programm Speċifiku jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjonijiet klimatiċi u għall-kisba ta' mira kumplessiva ta' 30 % tal-infiq baġitarju tal-Unjoni li jappoġġa l-għanijiet klimatiċi. L-integrazzjoni tal-azzjonijiet klimatiċi jenħtieġ li ssir b’mod adegwat fil-kontenut tar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) u li tiġi applikata fl-istadji kollha taċ-ċiklu ta’ riċerka. L-azzjonijiet taħt il-Programm Speċifiku jenħtieġ li jikkontribwixxu tal-anqas 35 % tal-pakkett finanzjarju globali tal-Programm Speċifiku għall-għanijiet klimatiċi. Jenħtieġ li jiġu identifikati azzjonijiet rilevanti matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku, u li jiġu vvalutati mill-ġdid fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet rilevanti u l-proċessi ta' reviżjoni. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni għaż-żoni tal-Unjoni b'intensità ta' faħam u karbonju li jinsabu fi transizzjoni.

(6)

L-azzjonijiet tal-Programm Speċifiku jenħtieġ li jindirizzaw nuqqasijiet tas-suq jew sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali, li jistimolaw l-investimenti b'mod proporzjonat u trasparenti, mingħajr duplikazzjoni jew esklużjoni ta' finanzjament privat u li jkollhom valur miżjud Ewropew ċar u jrendu benefiċċju pubbliku mill-investimenti.

(7)

Filwaqt li jirriflettu l-kontribut importanti li r-R&I jenħtieġ li jagħmlu biex jindirizzaw l-isfidi fir-rigward tal-ikel, l-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u l-bijoekonomija, u biex jisfruttaw l-opportunitajiet korrispondenti tar-R&I b'sinerġija mill-qrib mal-Politika Agrikola Komuni, jenħtieġ li l-azzjonijiet rilevanti taħt il-Programm Speċifiku jiġu appoġġati b’EUR 8 952 000 000 fil-prezzijiet attwali għar-raggruppament "Ikel, Bijoekonomija, Riżorsi Naturali, Agrikoltura u Ambjent" għall-perijodu 2021-2027.

(8)

It-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali u l-opportunitajiet li qed jikbru mill-konverġenza tat-teknoloġiji diġitali u fiżiċi jirrikjedu żieda fl-investimenti. L-Orizzont Ewropa jenħtieġ li jikkontribwixxi għal dawk l-isforzi b'żieda sostanzjali fl-infiq fuq l-attivitajiet ewlenin tar-R&I diġitali meta mqabbel mal-programm qafas Orizzont 2020 (8) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) ("Orizzont 2020"). Dan jenħtieġ li jiżgura li l-Ewropa tibqa' minn ta' quddiem fir-R&I globali fil-qasam diġitali.

(9)

It-tipi ta' finanzjament u l-metodi ta' implimentazzjoni taħt din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jintgħażlu abbażi tal-kapaċità tagħhom li jiksbu l-għanijiet speċifiċi tal-azzjonijiet u li jagħtu riżultati, b'konsiderazzjoni, b'mod partikolari, tal-kostijiet ta' kontrolli, il-piż amministrattiv, u r-riskju mistenni tan-nuqqas ta' konformità. Dan jenħtieġ li jinkludi l-konsiderazzjoni tal-użu ta' somom f'daqqa, rati fissi u skali ta' kostijiet ta' unità.

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta' appoġġ fil-qasam ta' politika rilevanti u biex tkun tista' ssir l-implimentazzjoni tal-Programm mill-bidu tal-QFP 2021-2027, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ b'urġenza u jenħtieġ li tapplika, b'effett retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021.

(11)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu involuti kmieni fil-proċess tad-definizzjoni tal-missjonijiet.

(12)

Jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE (10) titħassar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (il-'Programm Speċifiku'), kif stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2021/695.

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-għanijiet operattivi tal-Programm Speċifiku, il-baġit għall-perijodu 2021 - 2027, ir-regoli għall-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku u l-attivitajiet li jridu jitwettqu taħt il-Programm Speċifiku.

Artikolu 2

Għanijiet operattivi

1.   Il-Programm Speċifiku għandu jikkontribwixxi għall-għanijiet ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/695.

2.   L-għanijiet operattivi tal-Programm Speċifiku huma dawn li ġejjin:

(a)

it-tisħiħ ta' riċerka bażika u fil-fruntieri tal-għarfien li tkun eċċellenti; it-tisħiħ u t-tixrid tal-eċċellenza, inkluż billi titrawwem parteċipazzjoni usa' fl-Unjoni kollha;

(b)

ir-rinforz tar-rabta bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni, u fejn xieraq, l-edukazzjoni u politiki oħra, inklużi l-komplementarjetajiet ma' politiki u attivitajiet tar-R&I fil-livelli nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni;

(c)

l-appoġġ tal-implimentazzjoni ta' prijoritajiet ta' politika tal-Unjoni inklużi, b'mod partikolari, l-SDGs u l-Ftehim ta’ Pariġi;

(d)

il-promozzjoni tar-R&I responsabbli, b'kont meħud tal-prinċipju prekawzjonali;

(e)

it-tisħiħ tad-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Programm Speċifiku kollu;

(f)

iż-żieda ta' rabtiet ta' kollaborazzjoni fil-qasam Ewropew tar-R&I u bejn setturi u dixxiplini, inklużi x-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi (SSH);

(g)

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali;

(h)

il-konnessjoni u l-iżvilupp ta' infrastrutturi tar-riċerka fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) kollha u l-għoti ta' aċċess transnazzjonali;

(i)

l-attrazzjoni tat-talent, it-taħriġ u ż-żamma tar-riċerkaturi u l-innovaturi fiż-ŻER, inkluż permezz tal-mobbiltà;

(j)

it-trawwim tax-xjenza miftuħa u l-iżgurar tal-viżibbiltà għall-pubbliku u l-aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi u data ta' riċerka, inklużi eċċezzjonijiet xierqa;

(k)

l-inkoraġġiment tal-isfruttament tar-riżultati tar-R&I u d-disseminazzjoni attiva u l-isfruttament attiv tar-riżultati, b'mod partikolari għar-rinforz finanzjarju (leveraging) tal-investimenti privati u l-iżvilupp tal-politika;

(l)

il-kisba tar-riżultati, permezz tal-missjonijiet tar-R&I, għal miri ambizzjużi fi skeda ta' żmien stabbilita;

(m)

it-titjib tar-relazzjoni u l-interazzjoni bejn ix-xjenza u s-soċjetà, inklużi l-viżibbiltà tax-xjenza fis-soċjetà u l-komunikazzjoni tax-xjenza, u l-promozzjoni tal-involviment taċ-ċittadini u tal-utenti aħħarin fil-proċessi tal-kodisinn u tal-kokreazzjoni;

(n)

l-aċċellerar tat-trasformazzjoni industrijali, inkluż permezz ta' ħiliet imtejba għall-innovazzjoni;

(o)

l-istimolar ta' attivitajiet tar-R&I fl-SMEs u l-ħolqien u l-espansjoni ta' kumpaniji innovattivi, b'mod partikolari negozji ġodda, SMEs u, f'każijiet eċċezzjonali, mid-caps żgħar;

(p)

it-titjib tal-aċċess għall-finanzjament tar-riskju, inkluż permezz ta' sinerġiji mal-Programm InvestEU stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), b'mod partikolari fejn is-suq ma jipprovdix finanzjament vijabbli.

3.   Fit-twettiq tal-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 2, jista' jittieħed kont ta' ħtiġijiet ġodda u mhux previsti li jirriżultaw matul il-perjodu ta' implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku. Jekk ikun debitament iġġustifikat, dan jista' jinkludi tweġibiet għal opportunitajiet, kriżijiet u theddid emerġenti, kif ukoll tweġibiet għal ħtiġijiet relatati mal-iżvilupp ta' politiki ġodda tal-Unjoni.

Artikolu 3

Struttura

1.   F'konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2021/695, il-Programm Speċifiku jikkonsisti mill-partijiet li ġejjin:

(a)

il-Pilastru I "Xjenza Eċċellenti", bil-komponenti li ġejjin:

(i)

il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC, European Research Council), kif deskritt fl-Anness I, il-Pilastru I, it-taqsima 1;

(ii)

l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA, Marie Skłodowska-Curie Actions), kif deskritt fl-Anness I, il-Pilastru I, it-taqsima 2;

(iii)

"Infrastrutturi tar-Riċerka", kif deskritti fl-Anness I, il-Pilastru I, it-taqsima 3;

(b)

il-Pilastru II "Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea", bil-komponenti li ġejjin:

(i)

ir-raggruppament "Saħħa", kif deskritt fl-Anness I, il-Pilastru II, it-taqsima 1;

(ii)

ir-raggruppament "Kultura, Kreattività u Soċjetà Inklużiva", kif deskritt fl-Anness I, il-Pilastru II, it-taqsima 2;

(iii)

ir-raggruppament "Sigurtà Ċivili għas-Soċjetà", kif deskritt fl-Anness I, il-Pilastru II, it-taqsima 3;

(iv)

ir-raggruppament "Diġitali, Industrija u Spazju", kif deskritt fl-Anness I, il-Pilastru II, it-taqsima 4;

(v)

ir-raggruppament "Klima, Enerġija u Mobbiltà", kif deskritt fl-Anness I, il-Pilastru II, it-taqsima 5;

(vi)

ir-raggruppament "Ikel, Bijoekonomija, Riżorsi Naturali, Agrikoltura u Ambjent", kif deskritt fl-Anness I, il-Pilastru II, it-taqsima 6;

(vii)

azzjonijiet diretti mhux nukleari tal-JRC, kif deskritt fl-Anness I, il-Pilastru II, it-taqsima 7;

(c)

il-Pilastru III "Ewropa Innovattiva", bil-komponenti li ġejjin:

(i)

il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC, European Innovation Council), kif deskritt fl-Anness I, il-Pilastru III, it-taqsima 1;

(ii)

l-ekosistemi Ewropej tal-innovazzjoni, kif deskritti fl-Anness I, il-Pilastru III, it-taqsima 2.

(d)

il-Parti "Twessigħ tal-Parteċipazzjoni u Tisħiħ taż-ŻER", bil-komponenti li ġejjin:

(i)

it-twessigħ tal-parteċipazzjoni u t-tixrid tal-eċċellenza, kif deskritt fl-Anness I, il-Parti "Tisħiħ taż-ŻER", it-taqsima 1;

(ii)

ir-riforma u t-titjib tas-sistema Ewropea tar-R&I, kif deskritt fl-Anness I, il-Parti "Tisħiħ taż-ŻER", it-taqsima 2.

2.   L-attivitajiet li jridu jitwettqu taħt il-partijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 huma deskritti fl-Anness I.

Artikolu 4

Baġit

1.   F'konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2021/695, il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun ta' EUR 83 397 000 000 fil-prezzijiet attwali.

2.   Bħala riżultat tal-aġġustament speċifiku għall-programm previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (12) u fl-Anness II tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 2020/2093, l-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiżdied b'allokazzjoni addizzjonali ta' EUR 2 790 000 000 fi prezzijiet kostanti tal-2018 għall-Programm Speċifiku.

3.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jkun distribwit fost il-komponenti stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta' din id-Deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2021/695. L-ammont imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu jkun distribwit fost il-komponenti stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta' din id-Deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) 2021/695. Għandhom japplikaw l-arranġamenti stabbiliti fl-Artikolu 12(5) sa (9) tar-Regolament (UE) 2021/695.

Artikolu 5

Riżorsi mill-Istrument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea

1.   F'konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/695, il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (13) għandhom jiġu implimentati taħt dan il-Programm Speċifiku permezz tal-ammonti msemmijin fil-punt (a)(iv) tal-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament, soġġett għall-Artikolu 3(3), (4), (7) u (9) tiegħu. Dawk l-ammonti addizzjonali għandhom jiġu allokati esklużivament għal azzjonijiet għar-R&I mmirati biex jindirizzaw il-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, b’mod partikolari l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u soċjetali tagħha. Għandha tingħata prijorità lil SMEs innovattivi u għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-integrazzjoni tagħhom fil-proġetti kollaborattivi taħt il-Pilastru II "Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea".

2.   Id-distribuzzjoni indikattiva tal-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun:

(a)

25 % għar-raggruppament "Saħħa";

(b)

25 % għar-raggruppament "Diġitali, Industrija u Spazju";

(c)

25 % għar-raggruppament "Klima, Enerġija u Mobbiltà";

(d)

25 % għall-EIC.

KAPITOLU II

Implimentazzjoni u programmar

Artikolu 6

Pjan Strateġiku

1.   Taħt l-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE) 2021/695, l-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku għandha tiġi faċilitata appoġġata permezz ta' Pjan Strateġiku pluriennali ta’ attivitajiet ta' R&I, li wkoll jippromwovi l-konsistenza bejn il-programmi ta' ħidma, il-prijoritajiet tal-UE u l-prijoritajiet nazzjonali. Ir-riżultat tal-ippjanar strateġiku għandu jiġi ppreżentat fi Pjan Strateġiku pluriennali, għat-tħejjija tal-kontenut tal-programmi ta' ħidma, kif imsemmija fl-Artikolu 13 ta' din id-Deċiżjoni. Il-Pjan Strateġiku għandu jkopri perijodu massimu ta' erba' snin, filwaqt li tinżamm biżżejjed flessibbiltà biex l-Unjoni tkun tista' tirrispondi malajr għal sfidi ġodda u emerġenti, għal opportunitajiet mhux mistennija u għal kriżijiet.

2.   L-ippjanar strateġiku għandu jiffoka b'mod partikolari fuq il-pilastru tal-"Isfidi Globali u l-Kompetittività Industrijali Ewropea" u jkopri wkoll attivitajiet rilevanti f'pilastri oħrajn u fil-parti "Twessigħ tal-Parteċipazzjoni u Tisħiħ taż-ŻER".

Il-Kummissjoni għandha tiżgura involviment bikri u skambji estensivi mal-Istati Membri, u skambji estensivi mal-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li dan ikun ikkomplementat b'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku ġenerali. Dan ser jikkontribwixxi għal involviment aktar intens maċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jappoġġaw l-ippjanar strateġiku permezz ta' deskrizzjoni ġenerali tal-konsultazzjonijiet nazzjonali u tal-kontributi taċ-ċittadini li jidħlu fil-Pjan Strateġiku.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-Pjan Strateġiku, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 14(4). Dak il-Pjan Strateġiku għandu jikkorrispondi għall-għanijiet u l-attivitajiet deskritti fl-Anness I. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jkun fih l-elementi li ġejjin, relatati mal-perijodu kopert:

(a)

orjentazzjonijiet strateġiċi ewlenin għall-appoġġ għar-R&I, inkluża deskrizzjoni tal-impatti mistennija, kwistjonijiet trasversali għar-raggruppamenti u żoni ta' intervent koperti;

(b)

identifikazzjoni ta' Sħubiji Ewropej skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2021/695;

(c)

identifikazzjoni tal-missjonijiet skont l-Artikolu 7 ta' din id-Deċiżjoni u l-Artikolu 8 u l-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/695;

(d)

oqsma għal kooperazzjoni internazzjonali, azzjonijiet li għandhom jiġu allinjati ma' attivitajiet tar-R&I ta' nazzjonijiet u reġjuni oħra tad-dinja fuq skala kbira, jew azzjonijiet li għandhom jitwettqu b'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet f'pajjiżi terzi;

(e)

kwistjonijiet speċifiċi, bħal: il-bilanċ bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni; l-integrazzjoni tal-SSH; ir-rwol ta' teknoloġiji abilitanti essenzjali u ktajjen ta' valur strateġiċi; l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluża l-integrazzjoni tad-dimensjoni tar-relazzjonijiet bejn is-sessi fil-kontenut tar-R&I; l-aderenza mal-ogħla standards tal-etika u l-integrità, u l-prijoritajiet għal disseminazzjon u sfruttament;

4.   Il-Pjan Strateġiku għandu jieħu kont ta' analiżi ta’ analiżi, imwettqa mill-Kummissjoni, li tkopri tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

il-muturi politiċi, soċjoekonomiċi u ambjentali li huma rilevanti għall-Unjoni u l-prijoritajiet ta' politika tal-Istati Membri;

(b)

il-kontribut tar-R&I għar-realizzazzjoni tal-għanijiet ta' politika tal-Unjoni, filwaqt li jiġu kapitalizzati studji, evidenza xjentifika oħra u inizjattivi rilevanti fil-livell tal-Unjoni u f'dak nazzjonali, inklużi Sħubijiet Ewropej Istituzzjonalizzati skont il-punt (c) tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2021/695;

(c)

evidenza li tirriżulta minn attivitajiet ta' prospettiva, indikatur tax-xjenza u t-teknoloġija, u indikaturi tal-innovazzjoni, żviluppi internazzjonali bħall-implimentazzjoni tal-SDGs u feedback mill-implimentazzjoni, inklużi l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' miżuri speċifiċi fir-rigward tat-twessigħ tal-parteċipazzjoni u t-tixrid tal-eċċellenza u l-parteċipazzjoni tal-SMEs;

(d)

prijoritajiet bil-potenzjal li jiġu implimentati f'sinerġija ma' programmi oħra tal-Unjoni;

(e)

deskrizzjoni tad-diversi approċċi għal konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-involviment taċ-ċittadini bħala parti mill-ħidma biex jiġu żviluppati l-programmi ta' ħidma;

(f)

komplementarjetà u sinerġiji mal-ippjanar tal-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT, European Institute of Innovation and Technology) f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

5.   L-ippjanar strateġiku għandu jkun ikkomplementat minn proċess ta' koordinazzjoni strateġika għal Sħubiji Ewropej, bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri u l-Kummissjoni fuq livell ugwali. Huwa għandu jiffunzjona bħala punt ta' dħul għal analiżi ta' prospettiva, analiżi u pariri dwar l-iżvilupp tal-portafoll, l-istruttura possibbli, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-eliminazzjoni gradwali ta' sħubijiet tar-R&I u jkun iggwidat minn qafas komprensiv ta' kriterji, ibbażat fuq l-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/695.

Artikolu 7

Missjonijiet

1.   Jistgħu jiġu stabbiliti missjonijiet ta' R&I fl-oqsma tal-missjonijiet identifikati fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/695.

2.   Għandu jiġi stabbilit bord tal-missjoni għal kull qasam ta' missjoni, sakemm ma jintużawx l-istrutturi konsultattivi eżistenti, f'liema każ il-Kumitat tal-Programm imsemmi fl-Artikolu 14 għandu jkun infurmat bil-quddiem.

Kull bord tal-missjoni għandu jkun magħmul minn massimu ta' 15-il individwu indipendenti ta' livell għoli b'għarfien espert estensiv, inklużi, fejn adatt, esperti fl-SSH, minn madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, inklużi rappreżentanti tal-utenti aħħarin rilevanti. Il-membri tal-bord tal-missjoni għandhom jinħatru mill-Kummissjoni, wara proċedura trasparenti ta’ identifikazzjoni li għandha tinkludi sejħa miftuħa għall-espressjonijiet ta' interess. Il-Kumitat tal-Programm għandu jiġi kkonsultat fi żmien opportun dwar il-proċeduri tal-identifikazzjoni u l-għażla, inklużi l-kriterji użati. It-terminu tal-kariga tal-membri tal-bord tal-missjoni għandu jkun sa ħames snin, li jista' jiġġedded darba.

3.   Il-bordijiet tal-missjonijiet ma għandhomx ikollhom setgħat deċiżjonali. Huma għandhom jagħtu pariri lill-Kummissjoni dwar dawn li ġejjin:

(a)

l-identifikazzjoni u t-tfassil ta' missjoni jew aktar fil-qasam rispettiv tal-missjoni skont id-dispożizzjonijiet u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/695;

(b)

il-kontenut tal-programmi ta' ħidma u r-reviżjoni tagħhom kif meħtieġ għall-kisba tal-għanijiet tal-missjoni, b'kontribut mill-partijiet ikkonċernati u, fejn rilevanti, mill-pubbliku ġenerali;

(c)

il-karatteristiċi ta' portafolli tal-proġett għall-missjonijiet;

(d)

azzjonijiet ta' aġġustament, jew terminazzjoni jekk xieraq, ibbażati fuq il-valutazzjonijiet ta' implimentazzjoni skont l-għanijiet iddefiniti tal-missjoni;

(e)

l-għażla ta' esperti esterni indipendenti skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2021/695, l-għoti ta' informazzjoni lil dawn l-esperti esterni indipendenti u l-kriterji ta' evalwazzjoni u l-piż tagħhom;

(f)

kondizzjonijiet qafas li jgħinu biex jinkisbu l-għanijiet tal-missjoni;

(g)

il-komunikazzjoni, inkluż dwar il-prestazzjoni u l-kisbiet tal-missjoni;

(h)

il-koordinazzjoni tal-politika bejn l-atturi rilevanti f'livelli differenti, b'mod partikolari dwar is-sinerġiji ma' politiki oħra tal-Unjoni;

(i)

indikaturi ewlenin ta’ prestazzjoni.

Il-pariri tal-bordijiet tal-missjonijiet għandhom isiru pubbliċi.

4.   Għal kull qasam ta' missjoni, il-Kumitat tal-Programm għandu jkun involut fit-tħejjija u fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-missjonijiet, filwaqt li jieħu kont ta’ kwistjonijiet rilevanti mill-kuntest nazzjonali u ta’ opportunitajiet biex jissaħħaħ l-allinjament ma' attivitajiet fuq livell nazzjonali. L-interazzjonijiet mal-bordijiet tal-missjonijiet għandhom iseħħu b’mod f'waqtu u komprensiv.

5.   Il-programm ta' ħidma previst fl-Artikolu 13 għandu, għal kull missjoni identifikata fil-Pjan Strateġiku, jinkludi d-disinn, il-karatteristiċi tal-portafolli tal-proġetti tagħhom u dispożizzjonijiet speċifiċi li jippermettu approċċ ta' portafoll effiċjenti.

Artikolu 8

Kunsill Ewropew tar-Riċerka

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Kunsill Ewropew tar-Riċerka (l-"ERC", European Research Council) għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet taħt il-Pilastru I "Xjenza Eċċellenti" li huma relatati mal-ERC. L-ERC għandu jkun is-suċċessur tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2013 (15).

2.   L-ERC għandu jkun magħmul mill-Kunsill Xjentifiku indipendenti tal-ERC previst fl-Artikolu 9 u l-istruttura ta' implimentazzjoni dedikata għall-ERC li hija prevista fl-Artikolu 10.

3.   L-ERC għandu jkollu President li għandu jintgħażel minn fost xjenzati anzjani u rrispettati fuq livell internazzjonali.

Il-President tal-ERC għandu jinħatar mill-Kummissjoni wara proċess trasparenti ta' reklutaġġ li jinvolvi kumitat dedikat indipendenti ta' tiftix. Il-proċess ta' reklutaġġ u l-kandidat magħżul għandhom jiġu approvati mill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC. Il-mandat tal-President tal-ERC għandu jkun limitat għal erba' snin, u jista' jiġġedded darba.

Il-President tal-ERC għandu jippresiedi l-Kunsill Xjentifiku tal-ERC. Il-President tal-ERC għandu jiżgura t-tmexxija tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC u l-kollegament ta' dan mal-istruttura ta' implimentazzjoni dedikata għall-ERC, u għandu jirrappreżenta lill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC fid-dinja tax-xjenza.

4.   L-ERC għandu jopera f'konformità mal-prinċipji ewlenin tiegħu li huma l-eċċellenza xjentifika, ix-xjenza miftuħa, l-awtonomija, l-effiċjenza, l-effettività, it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità tar-riċerka. Għandu jiżgura l-kontinwità mal-azzjonijiet tal-ERC imwettqa taħt id-Deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2013.

5.   Permezz tal-attivitajiet tiegħu, l-ERC għandu jappoġġa, b'mod minn isfel għal fuq, ir-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien imwettqa fl-oqsma kollha minn investigaturi prinċipali u t-timijiet tagħhom f'kompetizzjoni fil-livell Ewropew, inklużi riċerkaturi fi stadju bikri tal-karriera.

6.   Il-Kummissjoni għandha taġixxi ta' garanti tal-awtonomija u l-integrità tal-ERC u għandha tiżgura l-eżekuzzjoni kif suppost tal-kompiti fdati lilu.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-ERC tkun konformi mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu kif ukoll mal-istrateġija kumplessiva għall-ERC, imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(2), stabbilita permezz tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC.

Artikolu 9

Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC

1.   Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC għandu jkun magħmul minn xjenzati, inġiniera u akkademiċi indipendenti tal-aqwa reputazzjoni u bl-għarfien espert adatt, inklużi kemm nisa kif ukoll irġiel minn gruppi differenti ta' età, u filwaqt li jiġu żgurati d-diversità tal-oqsma tar-riċerka u varjetà fir-rigward tal-oriġini ġeografika. Huma għandhom jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom, indipendentement minn interessi estranji. Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku għandhom jinħatru mill-Kummissjoni, wara proċedura indipendenti u trasparenti għall-identifikazzjoni tagħhom maqbula mal-Kunsill Xjentifiku, inklużi konsultazzjoni miftuħa tal-komunità xjentifika u rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Il-mandat tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC għandu jkun limitat għal erba' snin, li jista' jiġġedded darba, abbażi ta' sistema ta' rotazzjoni li għandha tiżgura l-kontinwità tal-ħidma tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC.

2.   Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC għandu jistabbilixxi:

(a)

l-istrateġija kumplessiva għall-ERC;

(b)

il-programm ta' ħidma għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-ERC;

(c)

il-metodi u l-proċeduri għar-reviżjoni bejn il-pari u l-evalwazzjoni tal-proposta li abbażi tagħhom jiġi determinat liema proposti għandhom jiġu ffinanzjati;

(d)

il-pożizzjoni tiegħu dwar kwalunkwe kwistjoni li minn perspettiva xjentifika tista' ttejjeb il-kisbiet u l-impatt tal-ERC u l-kwalità tar-riċerka mwettqa;

(e)

kodiċi ta' kondotta li jindirizza, fost affarijiet oħrajn, l-evitar ta' konflitti ta' interessi.

Il-Kummissjoni għandha titbiegħed mill-pożizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC f'konformità mal-punti (a), (c), (d) u (e) tal-ewwel subparagrafu biss jekk tqis li din id-Deċiżjoni ma tkunx ġiet rispettata. F'dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri biex iżżomm il-kontinwità fl-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku u l-kisbiet tal-għanijiet tiegħu, filwaqt li tistabbilixxi, u debitament tagħti r-raġunijiet għal, il-punti tat-tbegħid mill-pożizzjonijiet tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC.

3.   Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC għandu jaġixxi f'konformità mal-mandat stabbilit fl-Anness I, il-Pilastru I, it-taqsima 1.

4.   Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC għandu jaġixxi esklużivament fl-interess tal-ERC, skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 8. Għandu jaġixxi b'integrità u onestà u jwettaq ħidmietu b'mod effiċjenti u bl-ikbar trasparenza possibbli.

Artikolu 10

Struttura ta' implimentazzjoni dedikata għall-ERC

1.   L-istruttura ta' implimentazzjoni dedikata għall-ERC għandha tkun responsabbli mill-implimentazzjoni amministrattiva u l-eżekuzzjoni ta’ dan il-komponent tal-Programm Speċifiku, kif deskritt fl-Anness I, il-Pilastru I, it-taqsima 1.3.2. Għandha tappoġġa lill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC fit-twettiq tal-kompiti kollha tiegħu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-istruttura ta' implimentazzjoni dedikata għall-ERC issegwi strettament, b'mod effiċjenti u bil-flessibbiltà meħtieġa l-għanijiet u r-rekwiżiti tal-ERC waħdu.

Artikolu 11

Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni

1.   L-EIC, kif stabbilit taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2021/695, għandu jinkludi lill-Bord ta' Livell Għoli (il-"Bord tal-EIC") imsemmi fl-Artikolu 12 ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-implimentazzjoni tal-EIC:

(a)

tkun konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2021/695, b'kont debitu meħud tal-opinjoni tal-Bord tal-EIC dwar l-istrateġija kumplessiva għall-EIC, imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 12(1);

(b)

ma twassalx għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kuntrarji għall-interess komuni.

3.   Għal fini tal-ġestjoni tal-finanzjament imħallat tal-EIC, il-Kummissjoni għandha tagħmel użu ta' ġestjoni indiretta. Jekk dan ma jkunx possibbli, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi veikolu bi skop speċjali (il-“Fond tal-EIC”), li għandu jiġi ġestit f'konformità mar-regoli ta' responsabbiltà applikabbli.

Meta l-Kummissjoni tistabbilixxi veikolu bi skop speċjali taħt l-ewwel subparagrafu, hija għandha tfittex li tiżgura l-parteċipazzjoni ta' investituri pubbliċi u privati oħrajn. Jekk dan ma jkunx possibbli meta jiġi stabbilit fil-bidu, il-Kummissjoni għandha tfassal il-veikolu bi skop speċjali tal-EIC b'tali mod li jista' jattira investituri pubbliċi jew privati oħrajn sabiex iżid l-effett ta' rinforz finanzjarju (leveraging) tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura komplementaritajiet effettivi bejn l-EIC, l-EIT u l-Programm InvestEU.

Artikolu 12

Il-Bord tal-EIC

1.   Il-Bord tal-EIC għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar:

(a)

l-istrateġija kumplessiva għall-komponent tal-EIC taħt il-Pilastru III "Ewropa Innovattiva";

(b)

il-programm ta' ħidma għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet EIC;

(c)

il-kriterji għall-valutazzjoni tal-innovattività u tal-profil ta' riskju tal-proposti u l-bilanċ adegwat ta' għotjiet, ishma u forom oħrajn ta' finanzjament għall-Aċċeleratur;

(d)

l-identifikazzjoni ta’ portafolli strateġiċi ta’ proġetti;

(e)

il-profil tal-maniġers tal-programm.

2.   Il-Bord tal-EIC jista' fuq talba jindirizza rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar:

(a)

kwalunkwe kwistjoni li minn perspettiva tal-innovazzjoni tista' ttejjeb u trawwem ekosistemi tal-innovazzjoni fl-Ewropa kollha, il-kisbiet u l-impatt tal-għanijiet tal-komponent EIC u l-kapaċità ta' kumpaniji innovattivi biex jimplimentaw is-soluzzjonijiet tagħhom;

(b)

l-identifikazzjoni, f'kooperazzjoni mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u, fejn xieraq, mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u entitajiet rilevanti oħra, bħall-Bord ta' Tmexxija tal-EIT, ostakli regolatorji possibbli li jiffaċċjaw l-imprendituri, b'mod partikolari dawk li jingħataw appoġġ taħt il-komponent EIC;

(c)

xejriet emerġenti tat-teknoloġija mill-portafolli tal-EIC, biex jipprovdu informazzjoni għall-ipprogrammar f'partijiet oħrajn tal-Programm Speċifiku;

(d)

l-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet speċifiċi fejn ikun meħtieġ il-parir tal-Bord tal-EIC.

Il-Bord tal-EIC għandu jaġixxi bl-interess li jinkisbu l-għanijiet tal-EIC. Għandu jaġixxi b'integrità u onestà u jwettaq ħidmietu b'mod effiċjenti u bit-trasparenza. Il-Bord tal-EIC għandu jaġixxi f'konformità mal-mandat tiegħu stabbilit fl-Anness I, il-Pilastru III, it-taqsima 1.

3.   Il-Bord tal-EIC għandu jkun magħmul minn 15 sa 20 individwu indipendenti ta' livell għoli magħżula minn partijiet differenti tal-ekosistema tal-innovazzjoni tal-Ewropa, inklużi imprendituri, mexxejja korporattivi, investituri, esperti tal-amministrazzjoni pubblika u riċerkaturi, inklużi esperti akkademiċi dwar l-innovazzjoni. Il-Bord tal-EIC għandu jikkontribwixxi għal azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u l-membri tiegħu għandhom jaħdmu biex itejbu l-prestiġju tal-isem EIC.

Il-membri tal-Bord tal-EIC għandhom jinħatru mill-Kummissjoni, wara sejħa miftuħa għal nominazzjonijiet jew għal espressjonijiet ta' interess, jew għat-tnejn, skont liema mod il-Kummissjoni tqis li jkun l-iktar xieraq, u b'konsiderazzjoni tal-ħtieġa ta' bilanċ fl-għarfien espert, is-sess, l-età u d-distribuzzjoni ġeografika.

Il-mandat tagħhom għandu jkun limitat għal sentejn, ikun jista' jiġġedded darbtejn, b'sistema ta' ħatriet suċċessivi sabiex il-membri jinħatru kull sentejn.

4.   Il-Bord tal-EIC għandu jkollu President li għandu jkun persuna pubblika ta' profil għoli marbuta mad-dinja tal-innovazzjoni, b'għarfien tajjeb tar-riċerka u żvilupp (R&D).

Il-President tal-Bord tal-EIC għandu jinħatar mill-Kummissjoni wara proċess trasparenti ta' reklutaġġ. Il-mandat tal-President tal-Bord tal-EIC għandu jkun limitat għal erba' snin, li jista' jiġġedded darba.

Il-President tal-Bord tal-EIC għandu jippresiedi l-Bord tal-EIC, jipprepara l-laqgħat tiegħu, jassenja l-kompiti lill-membri u jista' jistabbilixxi sottogruppi dedikati, b'mod partikolari biex jiġu identifikati xejriet emerġenti tat-teknoloġija mill-portafolli tal-EIC. Il-President tal-Bord tal-EIC għandu jirrappreżenta lill-EIC fid-dinja tal-innovazzjoni. Il-President tal-Bord tal-EIC għandu wkoll jippromwovi lill-EIC u jaġixxi ta' interlokutur mal-Kummissjoni u, permezz tal-kumitati tal-programm rilevanti, mal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi għal appoġġ amministrattiv għall-President tal-Bord tal-EIC.

5.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kodiċi ta' kondotta li jindirizza, fost affarijiet oħrajn, l-evitar tal-konflitti ta' interess u l-ksur tal-kunfidenzjalità. Il-membri tal-Bord tal-EIC għandhom jesprimu l-qbil tagħhom li jimxu f'konformità mal-kodiċi ta' kondotta mal-ħatra tagħhom.

Artikolu 13

Programmi ta' ħidma

1.   Il-Programm Speċifiku għandu jiġi implimentat permezz tal-programmi ta' ħidma msemmijin fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) (ir-"Regolament Finanzjarju"). Dawk il-programmi ta' ħidma għandhom jistabbilixxu l-impatt mistenni u għandhom jitlestew wara l-ippjanar strateġiku kif deskritt fl-Artikolu 6 u fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 14 regolarment u minn stadju bikri dwar il-progress ġenerali tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet indiretti tal-Programm Speċifiku, inklużi missjonijiet, ukoll biex dak il-Kumitat ikun jista' jipprovdi kontribut bikri adatt matul l-ippjanar strateġiku u dwar it-tħejjija tal-programmi ta' ħidma, speċjalment fuq missjonijiet.

Il-programmi ta' ħidma għandhom jistabbilixxu, fejn applikabbli, l-ammont komplessiv riżervat għall-operazzjonijiet ta' finanzjament imħallat.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' ħidma separati, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet taħt il-komponenti li ġejjin, kif stabbilit fl-Artikolu 3(1):

(a)

l-ERC, li għalih il-programm ta' ħidma għandu jiġi stabbilit mill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC taħt il-punt (b) tal-Artikolu 9(2), f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 14(3); il-Kummissjoni għandha titbiegħed mill-programm ta' ħidma stabbilit mill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC biss meta tikkunsidra li dan mhuwiex konformi ma' din id-Deċiżjoni; f'dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tadotta l-programm ta' ħidma permezz ta' att ta' implimentazzjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 14(4); il-Kummissjoni għandha debitament tagħti r-raġunijiet għal dan;

(b)

ir-raggruppamenti kollha taħt il-pilastru "Sfidi Globali u Kompetittività tal-Industrija Ewropea", l-MSCA, l-infrastrutturi tar-riċerka, l-ekosistemi tal-innovazzjoni Ewropea, it-twessigħ tal-parteċipazzjoni u t-tixrid tal-eċċellenza, u r-riforma u t-titjib tas-Sistema Ewropea tar-R&I, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 14(4);

(c)

l-EIC, li għalih il-programm ta' ħidma għandu jitħejja b'segwitu għall-parir tal-Bord tal-EIC taħt il-punt (b) tal-Artikolu 12(1), f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 14(4);

(d)

il-JRC, li għalih il-programm ta' ħidma pluriennali għandu jikkunsidra l-opinjoni mogħtija mill-Bord tal-Gvernaturi tal-JRC imsemmija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/282/Euratom.

3.   Addizzjonalment għar-rekwiżiti taħt l-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju, il-programmi ta' ħidma msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom, kif xieraq, jinkludu:

(a)

indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni u missjoni u skeda taż-żmien indikattiva tal-implimentazzjoni;

(b)

fir-rigward tal-għotjiet, il-prijoritajiet, l-għażla u l-kriterji tal-għotja, u l-piż relattiv tal-kriterji tal-għotja differenti u r-rata massima ta' finanzjament tat-total tal-kostijiet eliġibbli;

(c)

l-ammont allokat għall-finanzjament imħallat f'konformità mal-Artikoli 45 sa 48 tar-Regolament (UE) 2021/695:

(d)

kwalunkwe obbligu addizzjonali għall-benefiċjarji, f'konformità mal-Artikoli 39 u 41 tar-Regolament (UE) 2021/695.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, il-miżuri li ġejjin:

(a)

id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-finanzjament ta' azzjonijiet indiretti, fejn l-ammont stmat tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni taħt il-Programm Speċifiku jkun daqs jew aktar minn EUR 2,5 miljun, bl-eċċezzjoni ta' azzjonijiet taħt l-ERC; id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni għall-finanzjament ta' azzjonijiet indiretti fir-raggruppament "Kultura, Kreattività u Soċjetà Inklużiva", fejn l-ammont stmat tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni taħt il-Programm Speċifiku jkun daqs jew aktar minn EUR 1 miljun;

(b)

id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-finanzjament ta' azzjonijiet li jinvolvu l-użu ta' embrijuni umani u ċelloli staminali tal-embrijoni tal-bniedem u ta' azzjonijiet taħt ir-raggruppament "Sigurtà Ċivili għas-Soċjetà" msemmi fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 3(1).

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 14(4).

Artikolu 14

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat (17). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Il-kumitat għandu jiltaqa' f'konfigurazzjonijiet differenti kif stabbilit fl-Anness II, b'konsiderazzjoni tas-suġġett li jkun ser jiġi diskuss.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

5.   Fejn l-opinjoni tal-kumitat tkun trid tinkiseb permezz tal-proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tittermina mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta' żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat hekk jiddeċiedi jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat jitolbu li jsir hekk.

6.   Fil-każ tal-atti ta' implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati taħt l-Artikolu 6(3) fejn il-Kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

7.   Il-Kummissjoni għandha tinforma b'mod regolari lill-Kumitat dwar il-progress kumplessiv tal-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku u għandha tipprovdih b'informazzjoni fil-ħin dwar l-azzjonijiet u l-komponenti kollha proposti jew iffinanzjati taħt ir-Regolament (UE) 2021/695 u l-partijiet esternalizzati tiegħu, kif speċifikat fl-Anness III ta' din id-Deċiżjoni, inklużi informazzjoni u analiżi dettaljata tal-istatistika tas-sejħiet individwali.

KAPITOLU III

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali i u finali

Artikolu 15

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2013/743/UE titħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2021.

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Din id-Deċiżjoni m'għandhiex taffettwa t-tkomplija jew il-modifika tal-azzjonijiet ikkonċernati taħt id-Deċiżjoni 2013/743/UE, li għandha tibqa' tapplika għall-azzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom.

Fejn meħtieġ, kwalunkwe kompitu li jifdal tal-Kumitat stabbilit permezz tad-Deċiżjoni 2013/743/UE għandu jitwettaq mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 14 ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Il-pakkett finanzjarju għall-Programm Speċifiku jista' jkopri wkoll spejjeż ta' assistenza teknika u amministrattiva neċessarji sabiex tkun żgurata t-transizzjoni bejn il-Programm Speċifiku u l-miżuri adottati taħt il-predeċessur tagħha d-Deċiżjoni 2013/743/UE.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Opinjoni tas-17 ta' Ottubru 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 33 u ĠU C 364, 28.10.2020, p. 124.

(3)  ĠU C 461, 21.12.2018, p. 79.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/282/Euratom tal-10 ta' April 1996 dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid taċ-Ċentru ta' Riċerka Konġunt (ĠU L 107, 30.4.1996, p. 12).

(7)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(8)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Frar 2018 intitolata “Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b'mod effiċjenti wara l-2020” tidentifika EUR 13-il biljun bħala l-infiq fuq attivitajiet diġitali ewlenin taħt il-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ‘Orizzont 2020’.

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar- Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal- COVID-19 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 23).

(14)  Ir-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew ta’ l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1).

(15)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2013 li twaqqaf il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 23).

(16)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(17)  Il-Kummissjoni, bil-ħsieb li tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku, għal kull laqgħa tal-Kumitat tal-Programm kif definit fl-aġenda, għandha tirrimborża, f'konformità mal-linji gwida stabbiliti tagħha, l-ispejjeż ta' rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru, kif ukoll espert/konsulent wieħed għal kull Stat Membru għal dawk il-punti tal-aġenda fejn Stat Membru jirrikjedi għarfien espert speċifiku.


ANNESS I

IPPJANAR STRATEĠIKU U ATTIVITAJIET OĦRAJN TAL-PROGRAMM SPEĊIFIKU

IPPJANAR STRATEĠIKU

Taħt l-Artikolu 6, l-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku għandha tkun iffaċilitata permezz ta' ppjanar strateġiku pluriennali għal attivitajiet ta' R&I. Dan l-ippjanar strateġiku għandu jiffoka b'mod partikolari fuq il-pilastru "Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea", inklużi attivitajiet rilevanti f'pilastri oħrajn u fil-parti "Twessigħ tal-Parteċipazzjoni u Tisħiħ taż-ŻER", f'koordinazzjoni mill-qrib u f'sinerġija mal-ippjanar tal-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT, European Institute of Innovation and Technology) stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 294/2008.

Ir-riżultat ta' dan l-ippjanar strateġiku għandu jiġi ppreżentat fi pjan strateġiku għar-realizzazzjoni tal-kontenut fil-programm ta' ħidma.

L-ippjanar strateġiku għandu l-għan li:

jimplimenta l-għanijiet tal-Orizzont Ewropa fil-livell tal-programm b'mod integrat u jipprovdi fokus fuq l-impatt għall-Orizzont Ewropa u jipprovdi koerenza bejn il-partijiet differenti tiegħu.

jippromwovi sinerġiji bejn l-Orizzont Ewropa u programmi oħrajn tal-Unjoni, inklużi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Programm Euratom, biex b'hekk isir punt ta' referenza għar-R&I fil-programmi relatati kollha fil-baġit tal-Unjoni u fl-istrumenti mhux ta' finanzjament.

jgħin biex tiġi żviluppata u titwettaq il-politika tal-Unjoni għall-oqsma rilevanti koperti, u jikkomplementa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika fl-Istati Membri.

inaqqas il-frammentazzjoni tal-isforzi u jevita d-duplikazzjoni u s-sovrapożizzjonijiet bejn il-possibbiltajiet ta' finanzjament.

jipprovdi l-qafas biex jorbot flimkien l-azzjonijiet diretti tar-riċerka tal-JRC u azzjonijiet oħrajn appoġġati taħt l-Orizzont Ewropa, inkluż l-użu ta' riżultati u data għall-appoġġ ta' politika.

jiżgura approċċ ibbilanċjat u mifrux lejn ir-R&I, fl-istadji kollha ta' żvilupp, li mhuwiex limitat biss għat-trawwim tar-riċerka fil-fruntiera tal-għarfien, l-iżvilupp ta' proċessi ta' prodotti ġodda u servizzi abbażi ta' għarfien xjentifiku u teknoloġiku u innovazzjonijiet rivoluzzjonarji, iżda li jinkorpora wkoll l-użu ta' teknoloġiji eżistenti f'applikazzjonijiet ġodda u t-titjib kontinwu u l-innovazzjoni mhux teknoloġika u soċjali.

jiżgura approċċ sistemiku, transdixxiplinarju, transsettorjali u transpolitiku lejn ir-R&I sabiex jiġu indirizzati l-isfidi filwaqt li jinħolqu wkoll negozji u industriji kompetittivi ġodda, li titkattar il-kompetizzjoni, jiġu stimulati l-investimenti privati u ppreżervati l-kondizzjonijiet ekwi fis-suq intern.

ATTIVITAJIET OĦRAJN TAL-PROGRAMM SPEĊIFIKU

Fil-pilastru "Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea" u fil-pilastru "Ewropa Innovattiva", ir-R&I għandhom jiġu kkomplementati b'attivitajiet li joperaw qrib l-utenti aħħarin u s-suq, bħad-dimostrazzjoni, il-proġetti pilota jew il-prova tal-kunċett, bl-esklużjoni madankollu ta' attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni li jmorru lil hinn mill-fażi tar-R&I. Dawk l-attivitajiet għandhom jinkludu wkoll appoġġ għall-attivitajiet min-naħa tad-domanda li jgħinu jaċċelleraw l-implimentazzjoni u d-diffużjoni ta' firxa wiesgħa ta' innovazzjonijiet. Għandha ssir enfasi fuq sejħiet għal proposti mhux preskrittivi.

Taħt il-pilastru "Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea", filwaqt li ssir referenza għall-esperjenza miksuba taħt l-Orizzont 2020, l-SSH għandhom jiġu integrati bis-sħiħ fir-raggruppamenti kollha, inklużi l-attivitajiet speċifiċi u dedikati. Bl-istess mod, l-attivitajiet li jinvolvu r-R&I fl-oqsma relatati mal-baħar u ma' dak marittimu għandhom ikunu implimentati b'mod strateġiku u integrat f'konformità mal-Politika Marittima Integrata tal-Unjoni, mal-Politika Komuni tas-Sajd u ma' impenji internazzjonali.

L-attivitajiet imwettqa fi ħdan l-Inizjattivi Ewlenin tat-Teknoloġiji Futuri u Emerġenti (FET) dwar il-"Graphene", il-"Human Brain Project" u l-"Quantum Technology", li huma appoġġati taħt l-Orizzont 2020, ser ikomplu jiġu appoġġati taħt l-Orizzont Ewropa permezz ta' sejħiet għal proposti inklużi fil-programm ta' ħidma. L-azzjonijiet preparatorji appoġġati taħt l-Inizjattivi Ewlenin tal-FET li jagħmlu parti mill-Orizzont 2020 ser jikkontribwixxu fl-ippjanar strateġiku taħt l-Orizzont Ewropa u ser jinformaw il-ħidma fuq missjonijiet, Sħubiji Ewropej kofinanzjati u/jew koprogrammati u sejħiet regolari għal proposti.

Id-djalogi dwar il-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija mas-sħab internazzjonali tal-Unjoni u d-djalogi ta' politika mar-reġjuni prinċipali tad-dinja għandhom jagħtu kontribuzzjonijiet importanti għall-identifikazzjoni sistematika ta' opportunitajiet għall-kooperazzjoni li, meta jiġu kkombinati mad-differenzazzjoni skont il-pajjiż u/jew ir-reġjun, għandhom jappoġġaw l-istabbiliment tal-prijoritajiet. Il-pariri bikrija mill-istruttura konsultattiva relatata maż-ŻER ser jibqgħu jitfittxu.

DISSEMINAZZJONI U KOMUNIKAZZJONI

L-Orizzont Ewropa ser jipprovdi appoġġ dedikat għall-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi, għar-repożitorji tal-għarfien u sorsi oħrajn ta' data. L-azzjonijiet ta' disseminazzjoni u ta' diffużjoni tal-għarfien ser jiġu appoġġati, anke permezz ta' kooperazzjoni ma' programmi oħrajn tal-Unjoni, inklużi r-raggruppar u l-preżentazzjoni tar-riżultati u d-data b'lingwi u f'formati għal udjenzi fil-mira u networks għaċ-ċittadini, l-industrija, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, l-akkademja, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u dawk li jfasslu l-politika. Għal dan il-fini, l-Orizzont Ewropa jista' juża teknoloġiji avvanzati u għodda informatiċi.

Ser ikun hemm appoġġ adegwat għall-mekkaniżmi, bħall-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali, biex l-Orizzont Ewropa jiġi kkomunikat lil applikanti potenzjali.

Il-Kummissjoni ser timplimenta wkoll attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni relatati mal-Orizzont Ewropa, sabiex tippromwovi l-fatt li r-riżultati nkisbu bl-appoġġ ta' finanzjament mill-Unjoni. Dawn ser ukoll jimmiraw biex jissensibilizzaw lill-pubbliku dwar l-importanza tar-R&I u dwar il-firxa usa' tal-impatt u r-rilevanza tar-R&I ffinanzjati mill-Unjoni, permezz ta', pereżempju, pubblikazzjonijiet, relazzjonijiet mal-media, avvenimenti, repożitorji tal-għarfien, bażijiet ta' data, pjattaformi multikanali, siti web jew użu mmirat tal-media soċjali. L-Orizzont Ewropa ser jipprovdi appoġġ lill-benefiċjarji biex jikkomunikaw il-ħidma tagħhom u l-impatt tagħha lis-soċjetà inġenerali.

SFRUTTAMENT U UŻU FIS-SUQ

Il-Kummissjoni ser tistabbilixxi miżuri komprensivi għall-isfruttament tar-riżultati tal-Orizzont Ewropa u l-għarfien li dan jipproduċi. Dan ser jaċċellera l-isfruttament lejn użu wiesa' fis-swieq u ser jagħti spinta lill-impatt tal-Orizzont Ewropa.

Il-Kummissjoni, b'mod sistematiku, ser tidentifika u tirreġistra r-riżultati tal-attivitajiet tar-R&I li jsiru taħt l-Orizzont Ewropa u tittrasferixxi jew tiddissemina dawk ir-riżultati u l-għarfien prodotti b'mod mhux diskriminatorju lill-industrija u lil intrapriżi ta' kull daqs, lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, lill-akkademja, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lil dawk li jfasslu l-politika, sabiex jiġi massimizzat il-valur miżjud mill-Unjoni tal-Orizzont Ewropa.

KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

Ser jinkiseb impatt akbar permezz tal-allinjament tal-azzjonijiet ma' pajjiżi u reġjuni oħrajn tad-dinja fi ħdan il-qafas tal-isforzi ta' kooperazzjoni internazzjonali msaħħa. Abbażi ta' benefiċċju reċiproku, is-sħab minn madwar id-dinja ser jiġu mistiedna jissieħbu mal-isforzi tal-Unjoni bħala parti integrali tal-inizjattivi sabiex tiġi appoġġata l-azzjoni tal-Unjoni għas-sostenibbiltà, l-eċċellenza rinfurzata fir-R&I , u l-kompetittività.

L-azzjoni konġunta internazzjonali ser tiżgura li jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi globali tas-soċjetà u l-SDGs, aċċess għall-aqwa talenti tad-dinja, għall-għarfien espert u għar-riżorsi, u tisħiħ fil-provvista ta', u d-domanda għal, soluzzjonijiet innovattivi.

METODOLOĠIJI TA' ĦIDMA GĦALL-EVALWAZZJONI

L-użu ta' għarfien espert indipendenti ta' kwalità għolja fil-proċess ta' evalwazzjoni huwa l-bażi tal-involviment tal-Programm Speċifiku fir-rigward tal-partijiet ikkonċernati, il-komunitajiet u l-interessi kollha, u huwa prerekwiżit sabiex jinżammu l-eċċellenza u r-rilevanza tal-attivitajiet iffinanzjati.

Il-Kummissjoni jew il-korp ta' finanzjament ser jiżguraw li l-proċess ta' evalwazzjoni jkun imparzjali, u jevitaw konflitti ta' interess f'konformità mal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju. Għandhom ifittxu wkoll id-diversità ġeografika fil-kompożizzjoni tal-kumitati ta' evalwazzjoni kif ukoll ta’ gruppi ta' esperti u gruppi konsultattivi.

B'mod eċċezzjonali, meta jkun ġustifikat mir-rekwiżit li jinħatru l-aqwa esperti disponibbli u/jew mid-daqs limitat tal-grupp komuni ta' esperti kwalifikati, l-esperti indipendenti li jassistu jew li jkunu membri tal-kumitat ta' evalwazzjoni jistgħu jevalwaw proposti speċifiċi li fihom huma jiddikjaraw interess potenzjali. F'dak il-każ, il-Kummissjoni jew il-korp ta' finanzjament għandhom jieħdu l-miżuri korrettivi neċessarji kollha sabiex jiżguraw l-integrità tal-proċess ta' evalwazzjoni. Il-proċess ta' evalwazzjoni ser ikun ġestit b'dan il-mod, inkluż stadju li jinvolvi interazzjoni bejn esperti differenti. Il-kumitat ta' evalwazzjoni ser jikkunsidra ċ-ċirkostanzi partikolari meta jkun qed jidentifika l-proposti għall-finanzjament.

PILASTRU I

XJENZA EĊĊELLENTI

Il-progress xjentifiku, ekonomiku, soċjali u kulturali fil-forom kollha tiegħu jiddependi fuq provvista adegwata ta' riċerkaturi eċċellenti, it-tiftix għal innovazzjonijiet rivoluzzjonarji fil-fehim u l-akkwist tal-għarfien fil-livelli kollha, faċilitajiet ta' klassi dinjija, inklużi infrastrutturi fiżiċi u ta' għarfien għar-R&I, u l-mezzi sabiex jiġu disseminati u kondiviżi b'mod miftuħ (xjenza miftuħa) l-għarfien, metodoloġiji u ħiliet.

Il-kisba ta' innovazzjoni fuq livell dinji hija marbuta mal-avvanzi ta' xjenza miftuħa u eċċellenti. Il-bidliet tal-paradigmi xjentifiċi u teknoloġiċi, jistgħu jkunu muturi ewlenin għat-tkabbir tal-produttività, il-kompetittività, il-ġid, l-iżvilupp sostenibbli u l-progress soċjali. Storikament, tali bidliet tal-paradigmi kellhom it-tendenza li joriġinaw mill-bażi tax-xjenza tas-settur pubbliku qabel ma pproċedew biex jibnu l-pedamenti għal industriji u setturi kompletament ġodda u għal progress komprensiv tas-soċjetà.

L-investiment pubbliku fir-riċerka, speċjalment permezz tal-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka pubblika u l-faċilitajiet tar-riċerka, ħafna drabi jiffoka fuq riċerka għal perijodu twil, b'riskju ogħla u jikkomplementa l-attivitajiet tas-settur privat. Minbarra dan, huwa joħloq riżorsi umani b'livell għoli ta' ħiliet, għarfien u esperjenza, strumenti u metodoloġiji xjentifiċi ġodda, kif ukoll in-networks li jittrasmettu għarfien l-aktar reċenti.

Ix-xjenza Ewropea u r-riċerkaturi bbażati fl-Ewropa huma, u jkomplu jkunu, fuq quddiem nett f'ħafna oqsma. Madankollu, din mhijiex pożizzjoni li tista' tiġi kkunsidrata faċli. L-isfida tradizzjonali minn pajjiżi bħall-Istati Uniti issa qed tingħaqad ma' ġganti ekonomiċi bħaċ-Ċina u l-Indja, b'mod partikolari mill-partijiet tad-dinja li minn reċentement qed jiġu industrijalizzati u mill-pajjiżi kollha fejn il-gvernijiet jirrikonoxxu l-benefiċċji multipli u abbundanti li jirriżultaw mill-investiment fir-riċerka.

1.   KUNSILL EWROPEW TAR-RIĊERKA (ERC, EUROPEAN RESEARCH COUNCIL)

1.1.   Raġunament

Għalkemm l-Unjoni tibqa' l-akbar produttur ta' pubblikazzjonijiet xjentifiċi fid-dinja, hija għandha, relattivament għad-daqs tagħha, komparattivament ftit ċentri ta' eċċellenza li jispikkaw fuq livell globali u b'oqsma kbar fejn il-prestazzjoni hija medja u dgħajfa. Meta mqabbla mal-Istati Uniti u issa sa ċertu punt maċ-Ċina, l-Unjoni ssegwi "mudell ta' eċċellenza distribwita" li fih ir-riżorsi huma mifruxin fost għadd akbar ta' riċerkaturi u istituzzjonijiet tar-riċerka. Il-ħolqien ta' kondizzjonijiet attraenti għall-aqwa riċerkaturi ser jgħin lill-Ewropa biex iżżid l-attraenza tagħha f'termini tal-kompetizzjoni globali għat-talent xjentifiku.

Ix-xenarju tar-riċerka globali qed jevolvi b'mod drammatiku u qed isir dejjem aktar multipolari b'riżultat ta' għadd, li qed jiżdied, ta' pajjiżi emerġenti, b'mod partikolari ċ-Ċina, li qed jespandu l-produzzjoni xjentifika tagħhom. Għalhekk, filwaqt li kważi żewġ terzi tan-nefqa dinjija fuq ir-R&Ż (riċerka u żvilupp) fis-sena 2000 tista' tiġi attribwita lill-Unjoni u l-Istati Uniti, dak is-sehem niżel għal anqas min-nofs sal-2013.

L-ERC jappoġġa l-aqwa riċerkaturi, inklużi riċerkaturi bit-talent li huma fi stadju bikri tal-karriera tagħhom, b'finanzjament flessibbli u fuq terminu twil biex iwettqu riċerka rivoluzzjonarja, b'kisbiet kbar u riskju għoli primarjament fl-Ewropa. Huwa jopera b'mod awtonomu u huwa mmexxi minn Kunsill Xjentifiku indipendenti tal-ERC magħmul minn xjenzati, inġiniera u akkademiċi tal-ogħla reputazzjoni u b'għarfien espert u diversità xierqa. L-ERC jista' jagħmel użu minn ġabra komuni usa' ta' talenti u ideat disponibbli milli jkun possibbli għal kwalunkwe skema nazzjonali, filwaqt li jirrinforza l-eċċellenza permezz tal-mod kif l-aqwa riċerkaturi u l-aqwa ideat jikkompetu ma' xulxin.

Ir-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien iffinanzjata mill-ERC għandha impatt dirett sostanzjali ppruvat fl-għamla ta' avvanzi fil-fruntieri tal-għarfien, billi tiftaħ it-triq għal riżultati xjentifiċi u teknoloġiċi ġodda u spiss mhux mistennija u oqsma ġodda għar-riċerka. Min-naħa tiegħu, dan jiġġenera ideat radikalment ġodda li jimmotivaw l-innovazzjoni u l-ħila ta' invenzjonijiet fin-negozju u jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà. L-ERC għandu wkoll impatt strutturali sinifikanti, li jtejjeb il-kwalità tas-sistema tar-riċerka Ewropea lil hinn mir-riċerkaturi u l-azzjonijiet li huwa jiffinanzja b'mod dirett. L-azzjonijiet u r-riċerkaturi ffinanzjati mill-ERC jistabbilixxu mira ta' ispirazzjoni għar-riċerka fil-fruntiera tal-għarfien fl-Ewropa, filwaqt li jtejbu l-profil tagħha u jagħmluha aktar attraenti għall-aqwa riċerkaturi madwar id-dinja biex jaħdmu magħha u bħala post fejn jaħdmu. Il-prestiġju li jiggwadanjaw meta jospitaw detenturi ta' għotjiet mill-ERC joħloq kompetizzjoni bejn l-universitajiet u l-organizzazzjonijiet Ewropej tar-riċerka sabiex joffru l-aktar kondizzjonijiet attraenti għall-aqwa riċerkaturi u, b'mod indirett, dan jista' jgħinhom jivvalutaw il-ħiliet u d-dgħufijiet relattivi tagħhom u jġibu fis-seħħ ir-riformi meħtieġa.

L-ERC jiffinanzja perċentwal relattivament żgħir tar-riċerka Ewropea kollha, iżda jikseb impatt xjentifiku għoli mir-riċerka li jiffinanzja. L-impatt tal-għadd medju ta' kwotazzjonijiet tar-riċerka appoġġata mill-ERC jista' jitqabbel ma' dak tal-aqwa universitajiet tar-riċerka tal-ogħla reputazzjoni fid-dinja. Il-prestazzjoni tar-riċerka tal-ERC hija estremament għolja meta mqabbla mal-akbar finanzjaturi tar-riċerka tad-dinja. L-ERC jiffinanzja ħafna riċerka fil-fruntieri tal-għarfien f'ħafna mill-oqsma ta' riċerka li rċevew l-ogħla għadd ta' kwotazzjonijiet, inklużi dawk l-oqsma emerġenti b'mod rapidu. Għalkemm il-finanzjament tal-ERC huwa mmirat lejn ir-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien, din irriżultat f'għadd sostanzjali ta' privattivi.

Għalhekk teżisti evidenza ċara li l-ERC jattira u jiffinanzja riċerkaturi eċċellenti permezz tas-sejħiet tiegħu, u li l-azzjonijiet tal-ERC qed jipproduċu għadd sostanzjali mis-sejbiet tar-riċerka l-aktar sinifikanti u b'impatt kbir madwar id-dinja f'oqsma emerġenti li jwasslu għal innovazzjonijiet rivoluzzjonarji u avvanzi kbar. Il-ħidma tal-benefiċjarji tal-għotjiet tal-ERC hija wkoll interdixxiplinari ħafna u l-benefiċjarji tal-għotjiet tal-ERC jikkollaboraw fuq livell internazzjonali u jippubblikaw ir-riżultati tagħhom b'mod miftuħ fl-oqsma kollha tar-riċerka, inklużi x-xjenzi soċjali, l-arti u l-istudji umanistiċi.

Diġà teżisti wkoll evidenza tal-impatt fuq perijodu itwal tal-għotjiet tal-ERC fuq il-karrieri, fuq it-taħriġ ta' riċerkaturi b'livell għoli ta' ħiliet u rikonoxxuti, u detenturi ta' dottorati, fuq iż-żieda tal-viżibbiltà u l-prestiġju globali tar-riċerka Ewropea u fuq is-sistemi tar-riċerka nazzjonali permezz tal-effett sostanzjali tagħha ta' parametraġġ referenzjarju. Dan l-effett huwa ta' valur partikolari fil-mudell ta' eċċellenza distribwita tal-Unjoni, għaliex l-istatus ta' finanzjament mill-ERC jista' jissostitwixxi r-rikonoxximent ibbażat fuq l-istatus tal-istituzzjonijiet u jservi bħala indikatur aktar preċiż tal-kwalità tar-riċerka. Dan jippermetti lil individwi, istituzzjonijiet, reġjuni u pajjiżi ambizzjużi li jieħdu l-inizjattiva u jespandu l-profili tar-riċerka li fihom huma partikolarment b'saħħithom.

1.2.   Oqsma ta' intervent

1.2.1.   Xjenza fil-Fruntieri tal-Għarfien

Ir-riċerka ffinanzjata mill-ERC hija mistennija li twassal għal avvanzi fil-fruntieri tal-għarfien, b'pubblikazzjonijiet xjentifiċi tal-ogħla kwalità biex jinkisbu riżultati tar-riċerka b'impatt potenzjali soċjetali u ekonomiku għoli u bl-ERC jistabbilixxi mira ċara u ta' ispirazzjoni għar-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien madwar l-Unjoni, l-Ewropa u f'livell internazzjonali. Bil-għan li l-Unjoni ssir ambjent aktar attraenti għall-aqwa xjenzati tad-dinja, l-ERC ser jimmira li jikseb titjib li jista' jitkejjel fis-sehem tal-Unjoni tal-1 %, fil-quċċata, tal-pubblikazzjonijiet l-aktar ikkwotati globalment għall-kwalità tagħhom u li jżid l-għadd ta' riċerkaturi eċċellenti ffinanzjati minnu, anke minn barra l-Ewropa.

Il-finanzjament tal-ERC għandu jingħata skont il-prinċipji stabbiliti sew li ġejjin. L-eċċellenza xjentifika għandha tkun l-uniku kriterju li fuqu l-ERC jagħti l-għotjiet tiegħu. L-ERC għandu jopera fuq bażi minn isfel għal fuq mingħajr prijoritajiet predeterminati.

Linji Ġenerali

Finanzjament fit-tul biex jappoġġa ideat eċċellenti minn investigaturi ta' kwalunkwe età u sess, u t-timijiet tar-riċerka tagħhom, u minn kwalunkwe pajjiż fid-dinja, sabiex iwettqu riċerka rivoluzzjonarja b'kisbiet kbar u riskju għoli;

Riċerkaturi li qed jibdew il-karriera jew fi stadju bikri tal-karriera li jkollhom ideat eċċellenti jingħataw il-possibbiltà li jagħmlu t-transizzjoni biex isiru riċerkaturi indipendenti minn ta' quddiem billi jingħataw appoġġ adegwat fl-istadju kritiku meta qed jistabbilixxu jew jikkonsolidaw it-tim jew il-programm ta' riċerka tagħhom stess;

Modi ġodda ta' ħidma fid-dinja xjentifika, inkluż l-approċċ tax-xjenza miftuħa, bil-potenzjal li jiksbu riżultati rivoluzzjonarji u li jiffaċilitaw il-potenzjal tal-innovazzjoni kummerċjali u soċjali tar-riċerka ffinanzjata;

Kondiviżjoni ta' esperjenza u l-aħjar prattiki mal-aġenziji ta' finanzjament tar-riċerka reġjonali u nazzjonali u bini ta' rabtiet ma' partijiet oħra tal-Orizzont Ewropa, b'mod partikolari l-MSCA, sabiex jiġi promoss l-appoġġ ta' riċerkaturi eċċellenti;

Żieda tal-profil tar-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien fl-Ewropa u fil-viżibbiltà tal-programmi ERC għar-riċerkaturi madwar l-Ewropa u internazzjonalment.

1.3.   Implimentazzjoni

1.3.1.   Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC

Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC huwa l-garanti tal-kwalità tal-attività mill-perspettiva xjentifika u għandu awtorità sħiħa fuq id-deċiżjonijiet dwar it-tip ta' riċerka li għandha tiġi ffinanzjata.

Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Orizzont Ewropa u sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, kif inhu stipulat fl-Artikolu 9, l-attivitajiet tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC ser ikunu dawn li ġejjin:

(a)

fir-rigward tal-istrateġija xjentifika:

(i)

jistabbilixxi l-istrateġija xjentifika globali għall-ERC, fid-dawl tal-opportunitajiet xjentifiċi u l-ħtiġijiet xjentifiċi Ewropej;

(ii)

jistabbilixxi l-programm ta' ħidma u jiżviluppa t-taħlita ta' miżuri ta' appoġġ tal-ERC f'konformità mal-istrateġija xjentifika tiegħu;

(iii)

jistabbilixxi l-inizjattivi ta' kooperazzjoni internazzjonali neċessarji inklużi attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni, sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-ERC għall-aqwa riċerkaturi mill-bqija tad-dinja, f'konformità mal-istrateġija xjentifika tiegħu;

(b)

fir-rigward tal-ġestjoni, monitoraġġ u kontroll tal-kwalità xjentifiċi:

(i)

jiżgura sistema ta' reviżjoni bejn il-pari ta' livell dinji bbażata fuq eċċellenza xjentifika u fuq trattament tal-proposti li jkun kompletament trasparenti, ġust u imparzjali billi jiġu stabbiliti pożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta' sejħiet għal proposti, kriterji ta' evalwazzjoni, proċessi ta' reviżjoni bejn il-pari inklużi l-għażla tal-esperti, il-metodi għar-reviżjoni bejn il-pari u l-evalwazzjoni tal-proposti u r-regoli u l-linji gwida ta' implimentazzjoni neċessarji, li abbażi tagħhom ikun jista' jiġi determinat liema proposti jiġu ffinanzjati taħt is-superviżjoni tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC;

(ii)

jagħmel proposta li abbażi tagħha jinħatru l-esperti fil-każ ta' azzjonijiet tar-riċerka tal-ERC fil-fruntieri tal-għarfien;

(iii)

jiżgura li l-għotjiet tal-ERC jiġu implimentati skont proċeduri sempliċi u trasparenti li jżommu l-attenzjoni fuq l-eċċellenza, jinkoraġġixxu l-inizjattiva u jikkombinaw il-flessibbiltà mar-responsabbiltà billi jimmonitorjaw b'mod kontinwu l-kwalità tal-operazzjonijiet u l-implimentazzjoni;

(iv)

jirrevedi u jivvaluta l-kisbiet tal-ERC u l-kwalità u l-impatt tar-riċerka ffinanzjata mill-ERC u jagħmel rakkomandazzjonijiet u linji gwida għal azzjonijiet korrettivi jew futuri skont dan;

(v)

jistabbilixxi pożizzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni oħra li taffettwa l-kisbiet u l-impatt tal-attivitajiet tal-ERC u l-kwalità tar-riċerka mwettqa;

(c)

fir-rigward tal-komunikazzjoni u d-disseminazzjoni:

(i)

iżid il-profil u l-viżibbiltà globali tal-ERC billi jwettaq attivitajiet ta' komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni inklużi konferenzi xjentifiċi sabiex jiġu promossi l-attivitajiet u l-kisbiet tal-ERC u r-riżultati tal-proġetti ffinanzjati mill-ERC mal-komunità xjentifika, il-partijiet ikkonċernati prinċipali u l-pubbliku ġenerali;

(ii)

fejn xieraq, jikkonsulta mal-komunità xjentifika, tal-inġiniera u tal-akkademiċi, l-aġenziji ta' finanzjament tar-riċerka reġjonali u nazzjonali u partijiet ikkonċernati oħrajn.

(iii)

jirrapporta b'mod regolari lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet proprji tiegħu.

Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC għandhom jingħataw kumpens għall-kompiti li huma jwettqu permezz ta' onorarju u, fejn ikun xieraq, jingħataw rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza.

Il-President tal-ERC għandu jirrisjedi fi Brussell għad-durata tal-ħatra u jiddedika, bħala prinċipju, mill-inqas 80 % tal-ħin tax-xogħol tiegħu għall-ħidma tal-ERC. Il-President tal-ERC għandu jiġi rimunerat f'livell li jikkorrispondi għal dak tal-ogħla maniġment tal-Kummissjoni u għandu jingħata l-appoġġ neċessarju sabiex iwettaq il-funzjoni tiegħu mill-istruttura ta' implimentazzjoni dedikata għall-ERC.

Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC għandu jeleġġi minn fost il-membri tiegħu tliet Viċi Presidenti li għandhom jassistu lill-President tal-ERC fir-rappreżentanza tiegħu u fl-organizzazzjoni tal-ħidma tiegħu. Jista' jkollhom ukoll t-titlu ta' Viċi President tal-ERC.

Ser jiġi pprovdut appoġġ lit-tliet Viċi Presidenti sabiex tiġi żgurata assistenza amministrattiva lokali adegwata fl-istituti ta' oriġini tagħhom.

1.3.2.   Struttura ta' Implimentazzjoni Dedikata għall-ERC

L-istruttura ta' implimentazzjoni dedikata għall-ERC, responsabbli għall-aspetti kollha tal-implimentazzjoni amministrattiva u l-eżekuzzjoni ta’ dan il-komponent tal-Programm Speċifiku, kif previst fil-programm ta' ħidma tal-ERC. B'mod partikolari, ser jimplimenta l-proċeduri ta' evalwazzjoni, ir-reviżjoni bejn il-pari u l-proċess tal-għażla f'konformità mal-istrateġija stabbilita mill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC u ser jiżgura l-ġestjoni finanzjarja u xjentifika tal-għotjiet. L-istruttura ta' implimentazzjoni dedikata għall-ERC ser tappoġġa lill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC fit-twettiq tal-kompiti kollha tiegħu kif stabbilit fit-taqsima 1.3.1., inklużi l-iżvilupp tal-istrateġija xjentifika tiegħu, il-monitoraġġ minnu tal-operazzjonijiet u r-reviżjoni u l-valutazzjoni tiegħu tal-kisbiet tal-ERC kif ukoll l-attivitajiet tiegħu ta' sensibilizzazzjoni u komunikazzjoni. L-istruttura ta' implimentazzjoni dedikata għall-ERC ser tipprovdi wkoll aċċess għad-dokumenti neċessarji u data fil-pussess tagħha u żżomm lill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC infurmat dwar l-attivitajiet tagħha.

Sabiex tiġi żgurata kollaborazzjoni effettiva mal-istruttura ta' implimentazzjoni dedikata għall-ERC dwar kwistjonijiet ta' strateġija u operattivi, it-tmexxija tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC u d-Direttur tal-istruttura ta' implimentazzjoni dedikata għall-ERC ser jorganizzaw laqgħat ta' koordinazzjoni regolari.

Il-ġestjoni tal-ERC ser titwettaq minn persunal impjegat għal dak il-għan, inklużi, fejn meħtieġ, uffiċjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u ser tkopri biss il-ħtiġijiet amministrattivi reali sabiex jiġu żgurati l-istabbiltà u l-kontinwità neċessarji għal amministrazzjoni effettiva.

1.3.3.   Rwol tal-Kummissjoni

Sabiex twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha kif stipulati fl-Artikoli 8, 9 u 10 u fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tagħha stess għall-eżekuzzjoni tal-baġit, il-Kummissjoni ser:

tiżgura l-kontinwità u t-tiġdid tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC u tipprovdi appoġġ għal Kumitat ta' Identifikazzjoni permanenti għall-identifikazzjoni ta' membri futuri tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC;

tiżgura l-kontinwità tal-istruttura ta' implimentazzjoni dedikata għall-ERC u d-delegar lilha ta' kompiti u responsabbiltajiet, b'konsiderazzjoni tal-fehmiet tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC;

tiżgura li l-istruttura ta' implimentazzjoni dedikata għall-ERC twettaq il-firxa sħiħa tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħha;

taħtar lid-Direttur u lill-membri tal-maniġment tal-istruttura ta' implimentazzjoni dedikata għall-ERC, b'konsiderazzjoni tal-fehmiet tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC;

tiżgura l-adozzjoni f'waqtha tal-programm ta' ħidma, il-pożizzjonijiet fir-rigward tal-metodoloġija ta' implimentazzjoni u r-regoli ta' implimentazzjoni neċessarji inklużi r-regoli tal-ERC għall-preżentazzjoni u l-mudell tal-ftehim ta' għotja tal-ERC, filwaqt li jitqiesu l-veduti tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC;

b'mod regolari u f'waqtu tinforma u tikkonsulta lill-Kumitat tal-Programm dwar l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-ERC;

billi hija responsabbli għall-implimentazzjoni ġenerali tal-Orizzont Ewropa, timmonitorja l-istruttura ta' implimentazzjoni dedikata għall-ERC u tivvaluta l-prestazzjoni tagħha.

2.   AZZJONIJIET MARIE SKŁODOWSKA-CURIE

2.1.   Raġunament

L-Ewropa għandha bżonn bażi ta' kapital uman b'livell għoli ta' ħiliet u reżiljenti fir-R&I li jista' jadatta faċilment għall-isfidi futuri u attwali, u jsib soluzzjonijiet sostenibbli għalihom, bħall-bidliet demografiċi maġġuri fl-Ewropa. Sabiex tiġi żgurata l-eċċellenza, ir-riċerkaturi jeħtieġ li jkunu mobbli, jikkollaboraw u jiddisseminaw l-għarfien fil-pajjiżi, is-setturi u d-dixxiplini kollha, bit-taħlita t-tajba ta' għarfien u ħiliet sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà u sabiex tiġi appoġġata l-innovazzjoni.

L-Ewropa għandha qawwa xjentifika kbira b'madwar 1, 8 miljun riċerkatur jaħdmu f'eluf ta' universitajiet, ċentri tar-riċerka u kumpaniji. Madankollu, huwa stmat li l-Unjoni ser ikollha tħarreġ u timpjega tal-anqas miljun riċerkatur ġdid sal-2027 sabiex tilħaq il-miri li qed jiġu stabbiliti għall-investiment miżjud fir-R&I. Dik il-ħtieġa hija partikolarment akuta lil hinn mis-settur akkademiku (bħal fl-industrija u n-negozju, inklużi SMEs, il-gvern, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet kulturali, sptarijiet, eċċ.) u tirrikjedi kollaborazzjoni bejn is-setturi differenti biex jipprovdu riċerkaturi ġodda b'taħriġ adegwat. L-Unjoni trid tirrinforza l-isforzi tagħha sabiex tħajjar lil aktar żgħażagħ għal karriera fir-riċerka, trid tkun aktar inklużiva u tippromwovi bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja, tattira riċerkaturi minn pajjiżi terzi, iżżomm ir-riċerkaturi tagħha stess u tintegra mill-ġdid, lura fl-Ewropa, lil riċerkaturi Ewropej li jaħdmu bnadi oħra. Addizzjonalment, sabiex l-eċċellenza tixxerred b'mod usa', il-kondizzjonijiet li taħthom jaħdmu r-riċerkaturi għandhom ikomplu jittejbu fiż-ŻER kollha. F'dan ir-rigward, hemm bżonn ta' rabtiet aktar b'saħħithom b'mod partikolari maż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, mal-FEŻR u mal-FSE+.

Dawn l-isfidi jistgħu jiġu indirizzati bl-aħjar mod fil-livell tal-Unjoni minħabba n-natura sistemika tagħhom u l-isforz meħtieġ bejn il-pajjiżi sabiex jiġu solvuti.

L-MSCA jiffukaw fuq ir-riċerka eċċellenti li hija kompletament minn isfel għal fuq, u huma miftuħa għal kwalunkwe qasam tar-R&I mir-riċerka bażika sal-adozzjoni fis-suq u s-servizzi ta' innovazzjoni. Dan jinkludi oqsma tar-riċerka koperti taħt it-TFUE u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom). Jekk jirriżultaw ħtiġijiet speċifiċi u jsiru disponibbli sorsi ta' finanzjament addizzjonali, l-MSCA jistgħu jfittxu rabtiet ma' ċerti attivitajiet relatati ma' sfidi speċifiċi, inklużi missjonijiet identifikati, tipi ta' istituzzjonijiet tar-R&I, jew postijiet ġeografiċi sabiex jirreaġixxu għall-evoluzzjoni tar-rekwiżiti tal-Ewropa f'termini ta' ħiliet, taħriġ fir-riċerka, żvilupp tal-karriera u kondiviżjoni tal-għarfien.

L-MSCA huma l-istrument ewlieni fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu attirati r-riċerkaturi minn pajjiżi terzi lejn l-Ewropa, u għalhekk huma ta' kontribut kbir għall-kooperazzjoni globali fir-R&I. L-evidenza turi li l-MSCA mhux biss għandhom impatt pożittiv fuq l-individwi, l-organizzazzjonijiet u fil-livell ta' sistema, iżda jrendu wkoll riżultati tar-riċerka b'impatt għoli u rivoluzzjonarji filwaqt li fl-istess ħin jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-isfidi tas-soċjetà kif ukoll dawk strateġiċi. L-investiment fit-tul fil-persuni jrendi r-riżultati, kif jindika l-għadd ta' rebbieħa tal-Premju Nobel li preċedentement kienu fellows jew superviżuri tal-MSCA.

Permezz tal-kompetizzjoni fir-riċerka globali bejn ix-xjenzati u l-organizzazzjonijiet ospitanti kemm mis-settur akkademiku kif ukoll minn dak mhux akkademiku, u permezz tal-ħolqien u l-kondiviżjoni ta' għarfien ta' kwalità għolja bejn il-pajjiżi, is-setturi u d-dixxiplini, l-MSCA jikkontribwixxu b'mod partikolari għall-għanijiet tal-aġenda għall-"Impjiegi, it-tkabbir u l-investiment", għall-Istrateġija Globali tal-UE u għall-SDGs.

L-MSCA jikkontribwixxu sabiex jagħmlu ż-ŻER aktar effettiva, kompetittiva u attraenti fuq livell globali. Dan jinkiseb b'fokus fuq ġenerazzjoni ġdida ta' riċerkaturi b'livell għoli ta' ħiliet u l-forniment ta' appoġġ għal talent emerġenti minn madwar l-Unjoni u lil hinn, inkluż permezz ta':

(a)

it-trawwim tat-transizzjoni tagħhom għal komponenti oħra tal-Orizzont Ewropa, bħall-ERC u l-EIT;

(b)

it-trawwim tad-diffużjoni u l-applikazzjoni ta' għarfien u ideat ġodda għall-politiki Ewropej, l-ekonomija u s-soċjetà, inkluż permezz ta' komunikazzjoni xjentifika mtejba u miżuri ta' sensibilizzazzjoni tal-pubbliku;

(c)

l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u permezz tal-pubblikazzjoni skont il-prinċipji ta' xjenza miftuħa u data FAIR;

(d)

impatt sinifikattiv ta' strutturar fuq iż-ŻER, li jkun favur suq tax-xogħol miftuħ u li jistabbilixxi standards għal taħriġ ta' kwalità, kondizzjonijiet tax-xogħol attraenti u reklutaġġ miftuħ, trasparenti u bbażat fuq il-mertu għar-riċerkaturi kollha f'konformità mal-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi.

2.2.   Oqsma ta' Intervent

2.2.1.   Trawwim tal-Eċċellenza permezz tal-Mobbiltà tar-Riċerkaturi bejn il-Fruntieri, is-Setturi u d-Dixxiplini

L-Unjoni trid tibqa' punt ta' referenza għar-riċerka eċċellenti u għalhekk attraenti għar-riċerkaturi l-aktar promettenti, kemm Ewropej kif ukoll dawk mhux Ewropej, fl-istadji kollha tal-karrieri tagħhom. Dan jista' jinkiseb billi r-riċerkaturi u l-persunal relatat mar-riċerka jitħallew jiċċaqilqu u jikkollaboraw bejn il-pajjiżi, is-setturi u d-dixxiplini u b'hekk jibbenefikaw minn taħriġ ta' kwalità għolja u opportunitajiet għall-karriera. Dan ser jiffaċilita ċ-ċaqliq fil-karriera bejn l-akkademja u setturi oħra, kif ukoll jistimola l-attività imprenditorjali.

Linji Ġenerali

Il-mobbiltà fi ħdan l-Ewropa jew barra minnha għall-aqwa riċerkaturi jew għar-riċerkaturi l-aktar promettenti, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, sabiex iwettqu riċerka eċċellenti, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom kif ukoll il-karriera tagħhom, u jwessgħu n-network tagħhom fl-akkademja u f'setturi oħra (inklużi infrastrutturi ta' riċerka).

2.2.2.   Trawwim ta' Ħiliet ġodda permezz tat-Taħriġ Eċċellenti tar-Riċerkaturi

L-Unjoni teħtieġ bażi tar-riżorsi umani li tkun b'saħħitha, reżiljenti u kreattiva, bit-taħlita t-tajba ta' ħiliet sabiex tindirizza l-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol, tkun innovattiva u tikkonverti l-għarfien u l-ideat fi prodotti u servizzi għal benefiċċju ekonomiku u soċjali. Dan jista' jinkiseb permezz ta' taħriġ tar-riċerkaturi sabiex ikomplu jiżviluppaw il-kompetenzi tar-riċerka prinċipali tagħhom, kif ukoll itejbu l-ħiliet trasferibbli tagħhom bħall-mod ta' ħsieb kreattiv, responsabbli, miftuħ għas-soċjetà u imprenditorjali u jkunu konxji tal-iżvilupp sostenibbli. Dan ser jippermettilhom jaffaċċaw sfidi globali attwali u futuri u jtejbu l-prospetti tal-karriera tagħhom u l-potenzjal għall-innovazzjoni.

Linji Ġenerali

Programmi ta' taħriġ sabiex jarmaw lir-riċerkaturi b'varjetà ta' ħiliet rilevanti għall-isfidi globali attwali u futuri.

2.2.3.   Tisħiħ tal-Kapital Uman u l-Iżvilupp tal-Ħiliet fiż-ŻER

Sabiex titrawwem l-eċċellenza, tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u jinkiseb effett ta' strutturar pożittiv jeħtieġ li jiġu introdotti standards ta' taħriġ u mentoring ta' kwalità għolja, kondizzjonijiet tax-xogħol tajbin u żvilupp effettiv fil-karriera tar-riċerkaturi madwar iż-ŻER. Jekk ikun xieraq u ġustifikat minn studju, għandu jingħata appoġġ fil-kuntest tal-linji ġenerali eżistenti għar-riċerkaturi biex jirritornaw lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom fl-Unjoni u lejn l-Unjoni. Dan ser jgħin jimmodernizza u jtejjeb il-programmi u s-sistemi ta' taħriġ fir-riċerka, kif ukoll iżid l-attraenza tal-istituzzjonijiet mad-dinja kollha.

Linji Ġenerali

Programmi ta' taħriġ sabiex titrawwem l-eċċellenza u jinfirxu l-aqwa prattiki fl-istituzzjonijiet, fl-infrastrutturi tar-riċerka u fis-sistemi tar-R&I;

Kooperazzjoni, produzzjoni u diffużjoni tal-għarfien interdixxiplinari u transdixxiplinari fi ħdan l-Unjoni u ma' pajjiżi terzi;

2.2.4.   Titjib u Faċilitazzjoni ta' Sinerġiji

Is-sinerġiji bejn is-sistemi u l-programmi tar-R&I fil-livell reġjonali, f'dak nazzjonali jew f'dak tal-Unjoni jeħtieġu jiġu żviluppati aktar. Dan jista' jinkiseb b'mod partikolari permezz ta' komplementarjetajiet ma' partijiet oħrajn tal-Orizzont Ewropa bħall-EIT, u wkoll sinerġiji ma' programmi oħrajn tal-Unjoni, b'mod partikolari Erasmus u l-FSE+, inkluż permezz ta' Siġill ta' Eċċellenza.

Linji Ġenerali

Programmi ta' taħriġ u inizjattivi simili ta' żvilupp tal-karrieri fir-riċerka appoġġati permezz ta' sorsi ta' finanzjament pubbliċi jew privati komplementari fil-livell reġjonali, f'dak nazzjonali jew f'dak tal-Unjoni.

2.2.5.   Promozzjoni tas-Sensibilizzazzjoni tal-Pubbliku

Is-sensibilizzazzjoni dwar l-attivitajiet appoġġati mill-MSCA u r-rikonoxximent pubbliku tar-riċerkaturi jridu jittejbu mal-Unjoni kollha u lil hinn minnha, sabiex jitjieb il-profil globali tal-MSCA u jiġi żviluppat fehim aħjar tal-impatt tal-ħidma tar-riċerkaturi fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, u sabiex iż-żgħażagħ jiġu inkoraġġuti jibdew karriera fir-riċerka. Dan jista' jinkiseb billi jaħdmu skont il-prinċipju tax-xjenza miftuħa li jwassal għal disseminazzjoni, sfruttament u diffużjoni aħjar tal-għarfien u l-prattiki. Ix-xjenza relatata maċ-ċittadini tista' wkoll ikollha rwol importanti.

Linji Ġenerali

Inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni tal-pubbliku sabiex jiġi stimolat l-interess fil-karrieri tar-riċerka, speċjalment fost iż-żgħażagħ mill-ambjenti kollha;

Attivitajiet ta' promozzjoni biex jitjieb il-profil globali, il-viżibbiltà u s-sensibilizzazzjoni dwar l-MSCA;

Diffużjoni u raggruppament tal-għarfien permezz ta' kollaborazzjoni trasversali bejn il-proġetti, proġetti ta' Punti ta' Kuntatt Nazzjonali u attivitajiet ta' networking oħrajn bħal servizzi ta' alumni.

3.   INFRASTRUTTURI TAR-RIĊERKA

3.1.   Raġunament

L-infrastrutturi tar-riċerka tal-ogħla livell jipprovdu servizzi prinċipali lill-komunitajiet tar-R&I, filwaqt li jaqdu rwol essenzjali sabiex jestendu l-fruntieri tal-għarfien u jistabbilixxu l-bażi għal kontribuzzjonijiet tar-R&I fl-indirizzar tal-isfidi globali u l-kompetittività industrijali. L-appoġġ għal infrastrutturi tar-riċerka fil-livell tal-Unjoni jgħin biex jiġi mitigat it-tferrix ta' infrastrutturi nazzjonali u reġjonali tar-riċerka u ta' oqsma żgħar ta' eċċellenza xjentifika, u b'hekk isaħħaħ liż-ŻER kif ukoll iżid iċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien fost is-silos. Il-progress xjentifiku huwa dejjem iktar dipendenti fuq il-kollaborazzjonijiet tal-infrastrutturi tar-riċerka u l-industrija li jiżviluppaw l-istrumenti neċessarji bbażati fuq teknoloġiji abilitanti ewlenin ġodda u teknoloġiji ġodda oħra.

Il-mira globali hija li l-Ewropa tiġi arrikkita b'infrastrutturi tar-riċerka sostenibbli mill-aqwa li jkunu miftuħin u aċċessibbli għar-riċerkaturi kollha fl-Ewropa u lil hinn minnha, li jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom għall-avvanz xjentifiku u l-innovazzjoni. L-għanijiet prinċipali huma li titnaqqas il-frammentazzjoni tal-ekosistema tar-R&I, l-evitar tad-duplikazzjoni tal-isforzi, u koordinazzjoni aħjar tad-disinn, l-iżvilupp, l-aċċessibbiltà u l-użu tal-infrastrutturi tar-riċerka, inklużi dawk iffinanzjati mill-FEŻR. Huwa kruċjali li jiġi appoġġat l-aċċess miftuħ għall-infrastrutturi tar-riċerka għar-riċerkaturi Ewropej kollha kif ukoll li jiżdied l-aċċess għar-riżorsi tar-riċerka diġitali, inkluż permezz tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa (l-"EOSC", European Open Science Cloud), li b'mod speċifiku jistimola l-adozzjoni tax-xjenza miftuħa u l-prattiki ta' data miftuħa.

Huwa wkoll importanti li titjieb is-sostenibbiltà fit-tul ta' infrastrutturi tar-riċerka għaliex dawn huma tipikament operattivi għal bosta deċennji u għalhekk għandhom jipproduċu pjanijiet biex jiżguraw appoġġ kontinwu u stabbli.

Bl-istess mod, l-Unjoni trid tindirizza ż-żieda rapida ta' kompetizzjoni globali għat-talent billi tattira riċerkaturi minn pajjiżi terzi sabiex jaħdmu b'infrastrutturi Ewropej tar-riċerka ta' livell dinji. Iż-żieda fil-kompetittività u l-kapaċitajiet ta' innovazzjoni tal-industrija Ewropea tikkostitwixxi għan maġġuri wkoll, filwaqt li jiġu appoġġati teknoloġiji u servizzi prinċipali rilevanti għall-infrastrutturi tar-riċerka u l-utenti tagħhom, biex b'hekk jittejbu l-kondizzjonijiet għall-provvista ta' soluzzjonijiet innovattivi.

Il-programmi qafas tal-passat għamlu kontribuzzjoni sinifikanti lejn l-użu aktar effiċjenti u effettiv tal-infrastrutturi nazzjonali tar-riċerka, u żviluppaw ukoll, mal-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI, European Strategy Forum on Research Infrastructures), approċċ koerenti u mmexxi minn strateġija għat-tfassil ta' politika dwar infrastrutturi tar-riċerka pan-Ewropej. Dan l-approċċ strateġiku ġġenera vantaġġi ċari, inkluż tnaqqis fid-duplikazzjoni tal-isforz permezz ta' użu ġenerali aktar effiċjenti tar-riżorsi, kif ukoll permezz tal-istandardizzazzjoni tal-proċessi u l-proċeduri. Il-mobbiltà tar-riċerka għandha rwol importanti fil-faċilitazzjoni tal-użu ta' infrastrutturi tar-riċerka, u għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati sinerġiji ma' skemi ta' mobbiltà nazzjonali u Ewropej.

L-attività appoġġata mill-Unjoni ser tipprovdi valur miżjud permezz ta': konsolidazzjoni u ottimizzazzjoni tax-xenarju tal-infrastruttura tar-riċerka eżistenti fl-Ewropa flimkien mal-isforzi biex jiġu żviluppati infrastrutturi tar-riċerka ġodda ta' importanza u impatt pan-Ewropej; l-iżgurar ta' settijiet simili ta' infrastrutturi tar-riċerka li jaħdmu flimkien biex jindirizzaw kwistjonijiet strateġiċi li jaffettwaw lil komunitajiet tal-utenti; l-istabbiliment tal-EOSC bħala ambjent effettiv skalabbli u sostenibbli għar-riċerka motivata mid-data; l-interkonnessjoni ta' networks tar-riċerka u l-edukazzjoni nazzjonali u reġjonali, li ttejjeb u tiżgura infrastruttura tan-network ta' kapaċità għolja għal ammonti kbar ħafna ta' data u aċċess għal riżorsi diġitali minn naħa għal oħra tal-fruntieri u l-konfini tad-dominji; il-promozzjoni tal-kopertura pan-Ewropea ta' infrastrutturi distribwiti tar-riċerka, inter alia sabiex tippermetti tqabbil fost il-pajjiżi ta' data tar-riċerka, pereżempju fl-oqsma tal-SSH) u tal-ambjent; it-trawwim tal-interoperabbiltà tal-infrastrutturi tar-riċerka; it-titjib u t-tisħiħ tat-trasferiment tal-għarfien u t-taħriġ ta' riżorsi umani b'livell għoli ta' ħiliet; it-trawwim tal-użu u, fejn rilevanti, l-aġġornament ta' infrastrutturi eżistenti tar-riċerka pan-Ewropea ta' livell dinji fl-Orizzont Ewropa kollu; l-eliminazzjoni ta' ostakli li jipprevjenu lill-aqwa timijiet tar-riċerka milli jaċċessaw l-aqwa servizzi tal-infrastruttura tar-riċerka fl-Ewropa; u t-trawwim tal-potenzjal tal-innovazzjoni tal-infrastrutturi tar-riċerka, iffukati fuq l-iżvilupp tat-teknoloġija u l-koinnovazzjoni kif ukoll l-użu miżjud tal-infrastrutturi tar-riċerka mill-industrija.

Barra minn hekk, id-dimensjoni internazzjonali tal-infrastrutturi tar-riċerka Ewropea trid tissaħħaħ, filwaqt li titrawwem kooperazzjoni aktar b'saħħitha mal-kontropartijiet internazzjonali u l-parteċipazzjoni internazzjonali fl-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka għall-benefiċċju reċiproku.

L-attivitajiet ser jikkontribwixxu għal SDGs differenti bħal: SDG 3 – Saħħa Tajba u Benesseri; SDG 7 – Enerġija Affordabbli u Nadifa; SDG 9 – Industrija, Innovazzjoni u Infrastruttura; SDG 13 – Azzjoni Klimatika.

3.2.   Oqsma ta' intervent

3.2.1.   Konsolidazzjoni u Żvilupp tax-Xenarju tal-Infrastrutturi Ewropej tar-Riċerka

L-istabbiliment, l-operat u s-sostenibbiltà fit-tul tal-infrastrutturi tar-riċerka identifikati mill-ESFRI u infrastrutturi ta' riċerka oħra ta' livell dinji ta' rilevanza pan-Ewropea huma essenzjali għall-Unjoni sabiex tiżgura li jkollha pożizzjoni fuq quddiem nett fir-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien, fit-taħriġ u fit-titjib tal-ħiliet tar-riċerkaturi, il-ħolqien u l-użu tal-għarfien u l-kompetittività tal-industriji tagħha.

L-EOSC jenħtieġ li jsir kanal ta' twassil effettiv u komprensiv għas-servizzi ta' infrastrutturi tar-riċerka u għandu jipprovdi lill-komunitajiet tar-riċerka tal-Ewropa bis-servizzi ta' data tal-ġenerazzjoni li jmiss għall-ġbir, il-ħażna, l-ipproċessar (pereżempju servizzi ta' analiżi, simulazzjoni, servizzi ta' viżwalizzazzjoni) u l-kondiviżjoni ta' Big Data mix-xjenza skont il-prinċipji FAIR. L-EOSC għandu jipprovdi wkoll lir-riċerkaturi fl-Ewropa b'aċċess għall-maġġoranza tad-data ġġenerata u miġbura mill-infrastrutturi tar-riċerka, kif ukoll għall- Computing ta' Prestazzjoni Għolja (HPC, High Performance Computing) u r-riżorsi fuq skala eksa, inklużi dawk implimentati taħt l-Infrastruttura Ewropea tad-Data (EDI, European Data Infrastructure) (1).

In-network pan-Ewropew tar-riċerka u l-edukazzjoni ser jgħaqqad flimkien, u jippermetti aċċess remot għal, infrastrutturi tar-riċerka u riżorsi tar-riċerka, billi jipprovdi interkonnettività bejn l-universitajiet, l-istituti tar-riċerka u l-komunitajiet tar-R&I fil-livell tal-Unjoni kif ukoll konnessjonijiet internazzjonali ma' networks sħab oħrajn madwar id-dinja.

Linji Ġenerali

Iċ-ċiklu tal-ħajja tal-infrastrutturi tar-riċerka pan-Ewropej permezz tat-tfassil ta' infrastrutturi ġodda tar-riċerka; il-fażi ta' tħejjija u implimentazzjoni tagħhom, l-operat fil-fażi bikrija tagħhom b'komplementarjetà ma' sorsi oħrajn ta' finanzjament, fil-każ ta' infrastrutturi ta' riċerka li jkunu appoġġati minn fondi strutturali, kif ukoll il-konsolidazzjoni u l-ottimizzazzjoni tal-ekosistema tal-infrastruttura tar-riċerka permezz tas-simplifikazzjoni tal-prattika ta' monitoraġġ għall-istadji kritiċi ta' ESFRI u infrastrutturi tar-riċerka pan-Ewropej oħrajn u l-iffaċilitar ta' ftehimiet ta' servizz, evoluzzjonijiet, amalgamazzjonijiet, il-kopertura pan-Ewropea jew id-dekummissjonar ta' infrastrutturi tar-riċerka pan-Ewropej;

L-EOSC, inklużi: l-iskalabbiltà u s-sostenibbiltà tal-kanal ta' aċċess; f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati, il-federazzjoni effettiva ta' riżorsi Ewropej, nazzjonali, reġjonali u istituzzjonali; l-evoluzzjoni teknika u ta' politika tiegħu biex ikun kapaċi jlaħħaq ma' ħtiġijiet u rekwiżiti ta' riċerka ġodda (bħall-użu ta' settijiet tad-data sensittiva, il-privatezza mid-disinn); l-interoperabbiltà tad-data u l-konformità mal-prinċipji FAIR; u bażi wiesgħa ta' utenti;

In-network pan-Ewropew tar-riċerka u l-edukazzjoni li jirfed l-EOSC u l-EDI, kif ukoll jippermetti t-twassil ta' servizzi ta' HPC/data f'ambjent ibbażat fuq il-cloud li kapaċi jlaħħaq ma' settijiet ta' data u proċessi komputazzjonali kbar ħafna.

3.2.2.   Ftuħ, Integrazzjoni u Interkonnessjoni tal-Infrastrutturi tar-Riċerka

Ix-xenarju ta' riċerka ser jittejjeb b'mod sinifikanti billi jiġi żgurat l-aċċess miftuħ tal-infrastrutturi ta' riċerka internazzjonali, nazzjonali u reġjonali ewlenin għar-riċerkaturi Ewropej kollha u billi s-servizzi tagħhom jiġu integrati fejn dan ikun neċessarju sabiex jiġu armonizzati l-kondizzjonijiet ta' aċċess, jittejjeb u jitwessa' l-forniment tas-servizz u tiġi mħeġġa strateġija ta' żvilupp komuni ta' komponenti ta' livell teknoloġiku għoli u servizzi avvanzati permezz ta' azzjonijiet ta' innovazzjoni.

Linji Ġenerali

Networks li jlaqqgħu flimkien lil finanzjaturi nazzjonali u reġjonali ta' infrastrutturi ta' riċerka għall-kofinanzjament tal-aċċess transnazzjonali minn riċerkaturi;

Networks ta' infrastrutturi tar-riċerka pan-Ewropej, nazzjonali u reġjonali li jindirizzaw l-isfidi globali għall-forniment ta' aċċess għar-riċerkaturi kif ukoll għall-armonizzazzjoni u t-titjib tas-servizzi tal-infrastrutturi tar-riċerka.

3.2.3.   Il-potenzjal ta' innovazzjoni tal-Infrastrutturi tar-Riċerka Ewropej u l-attivitajiet ta' Innovazzjoni u Taħriġ

Biex tiġi stimulata l-innovazzjoni kemm fl-infrastrutturi tar-riċerka nnifishom kif ukoll fl-industriji, ser titrawwem il-kooperazzjoni fir-R&Ż mal-industrija biex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-Unjoni u d-domanda għal provvista industrijali fl-oqsma ta' teknoloġija avvanzata bħall-istrumentazzjoni xjentifika. Barra minn hekk, ser jitħeġġeġ l-użu tal-infrastrutturi tar-riċerka mill-industrija, pereżempju bħala faċilitajiet għall-ittestjar sperimentali jew ċentri bbażati fuq l-għarfien. L-iżvilupp u l-isfruttament tal-infrastrutturi tar-riċerka ser jeħtieġu li maniġers, riċerkaturi, inġiniera u tekniċi, kif ukoll l-utenti tagħhom, ikollhom ħiliet adegwati. Għal dan il-għan, il-finanzjament tal-Unjoni ser jappoġġa t-taħriġ tal-persunal responsabbli mill-ġestjoni u l-operat tal-infrastrutturi tar-riċerka ta' interess pan-Ewropew, l-iskambju ta' persunal u l-aħjar prattiki bejn il-faċilitajiet, u l-provvista adegwata ta' riżorsi umani fid-dixxiplini prinċipali, inkluż il-ħolqien ta' kurrikuli edukattivi speċifiċi. Ser jiġu mħeġġa sinerġiji mal-MSCA.

Linji Ġenerali

Networks integrati tal-infrastrutturi tar-riċerka għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' strateġija/pjan direzzjonali komuni għall-iżvilupp teknoloġiku u l-istrumentazzjoni;

Taħriġ ta' persunal responsabbli mill-ġestjoni u l-operat tal-infrastrutturi tar-riċerka ta' interess pan-Ewropew.

3.2.4.   Rinfurzar tal-politika dwar l-Infrastrutturi Ewropej tar-Riċerka u l-Kooperazzjoni Internazzjonali

Jenħtieġ appoġġ sabiex dawk li jfasslu l-politika, il-korpi ta' finanzjament jew il-gruppi konsultattivi bħall-ESFRI jiġu allinjati tajjeb fir-rigward tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġija Ewropea fuq perijodu ta' żmien twil li tkun koerenti u sostenibbli dwar l-infrastrutturi tar-riċerka.

Bl-istess mod, l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni internazzjonali strateġika ser isaħħaħ il-pożizzjoni tal-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka fil-livell internazzjonali, billi jiżgura n-networking, l-interoperabbiltà u l-portata globali tagħhom.

Linji Ġenerali

L-ispezzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-infrastrutturi tar-riċerka fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll studji ta' politika, azzjonijiet ta' komunikazzjoni u taħriġ, azzjonijiet ta' kooperazzjoni strateġiċi internazzjonali għall-infrastrutturi tar-riċerka, u attivitajiet speċifiċi tal-korpi ta' politika u konsultattivi rilevanti.

PILASTRU II

SFIDI GLOBALI U KOMPETITTIVITÀ INDUSTRIJALI EWROPEA

L-Unjoni tħabbat wiċċha ma' ħafna sfidi, li wħud minnhom huma wkoll sfidi globali. L-iskala u l-kumplessità tal-problemi huma vasti, u sabiex jinstabu s-soluzzjonijiet dawn jeħtieġu jiġu trattati b'mod konġunt fil-livell tal-Unjoni u li jiġu korrisposti b'riżorsi umani adatti, imħarrġa sew u li jkollhom ħiliet adegwati, bl-ammont adegwat ta' riżorsi finanzjarji u bi sforz proporzjonat. Huwa preċiżament f’dan il-qasam, ta’ tfittxija għal soluzzjonijiet, li fih l-Unjoni trid taħdem flimkien u tkun intelliġenti, flessibbli u konġunt għall-benefiċċju u l-benesseri taċ-ċittadini kollha tagħna.

Jista' jinkiseb impatt akbar permezz tal-allinjament tal-azzjonijiet ma' nazzjonijiet u reġjuni oħrajn tad-dinja fil-qafas tal-kooperazzjoni internazzjonali, skont il-linji indikati mill-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-SDGs u l-Ftehim ta’ Pariġi. Abbażi ta' benefiċċju reċiproku, is-sħab minn madwar id-dinja ser jiġu mistiedna jissieħbu mal-isforzi tal-Unjoni bħala parti integrali mir-R&I għall-iżvilupp sostenibbli.

Il-qasam tar-R&I huwa mutur ewlieni tat-tkabbir sostenibbli u inklużiv u tal-kompetittività teknoloġika u industrijali. Dan il-qasam ser jikkontribwixxi għas-sejbien ta' soluzzjonijiet għall-problemi tal-lum u ta' dawk ta' għada, sabiex titreġġa' lura mill-aktar fis possibbli t-tendenza negattiva u perikoluża li bħalissa torbot l-iżvilupp ekonomiku mal-użu li qed jiżdied tar-riżorsi naturali u sfidi soċjali li qed jiżdiedu. Dan konsegwentement ser idawwar l-isfidi f'opportunitajiet ġodda ta' negozju u f'benefiċċji rapidi għas-soċjetà.

L-Unjoni ser tibbenefika bħala utent u produttur ta' għarfien, teknoloġiji u industriji li juru kif soċjetà u ekonomija moderni industrijalizzati, sostenibbli, inklużivi, kreattivi, reżiljenti, miftuħin u demokratiċi jistgħu jiffunzjonaw u jiżviluppaw. L-eżempji ekonomiċi-ambjentali-soċjetali li qed jiżdiedu tal-ekonomija sostenibbli tal-futur ser jitrawmu u jingħataw spinta, sew jekk ikunu għal: saħħa u benesseri għal kulħadd; soċjetajiet reżiljenti, kreattivi u inklużivi; soċjetajiet imsaħħa mis-sigurtà ċivili; enerġija nadifa disponibbli u mobbiltà; ekonomija u soċjetà diġitalizzati; industrija transdixxiplinari u kreattiva; soluzzjonijiet relattivi għall-ispazju, marini jew ibbażati fuq l-art; bijoekonomija li tiffunzjona sew, inklużi soluzzjonijiet fl-oqsma tal-ikel u tan-nutrizzjoni; jew l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, il-protezzjoni tal-ambjent, u l-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima. Dawn l-elementi tal-ekonomija sostenibbli ser ilkoll jiġġeneraw ġid fl-Ewropa u joffru impjiegi ta' kwalità ogħla. It-trasformazzjoni industrijali ser tkun kruċjali, kif ukoll l-iżvilupp ta' ktajjen ta' valur industrijali innovattivi tal-Unjoni.

It-teknoloġiji l-ġodda jaffettwaw kważi l-oqsma ta' politika kollha. Għal kull teknoloġija separata ta' sikwit ikun hemm taħlita ta' opportunitajiet soċjali u ekonomiċi, bħal opportunitajiet għall-effiċjenza, il-kwalità u t-titjib tal-gvern u konsegwenzi għall-impjiegi u l-edukazzjoni, iżda wkoll riskji possibbli għas-sigurtà, il-privatezza u l-etika. Għaldaqstant il-politika dwar it-teknoloġija teħtieġ l-ibbilanċjar integrali tal-interessi, u kooperazzjoni transettorjali u formulazzjoni tal-istrateġija.

Ir-R&I taħt dan il-pilastru tal-Orizzont Ewropa huma miġbura f'raggruppamenti wiesgħin, nonkompartimentalizzati u integrati ta' attivitajiet. Minflok jindirizzaw is-setturi, l-investimenti huma mmirati li jiksbu bidliet sistemiċi għas-soċjetà u l-ekonomija tagħna skont vettur ta' sostenibbiltà. Tali bidliet ser jintlaħqu biss jekk l-atturi kollha, kemm privati kif ukoll pubbliċi, jinvolvu ruħhom fit-tfassil konġunt u l-ħolqien konġunt tar-R&I; b'mod li jitlaqqgħu flimkien utenti aħħarin, xjenzati, esperti tat-teknoloġija, produtturi, innovaturi, negozji, edukaturi, dawk li jfasslu l-politika, ċittadini u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Għaldaqstant, l-ebda wieħed mir-raggruppamenti mhu maħsub għal sett wieħed biss ta' atturi u l-attivitajiet kollha ser jiġu implimentati primarjament permezz ta' proġetti kollaborattivi ta' R&I magħżula abbażi ta' sejħiet kompetittivi għal proposti.

Minbarra li jindirizzaw l-isfidi globali, l-attivitajiet fir-raggruppamenti sejrin ukoll jiżviluppaw u japplikaw teknoloġiji abilitanti u emerġenti ewlenin, kemm jekk ibbażati fuq id-diġitali kif ukoll jekk le, bħala parti minn strateġija komuni biex tiġi promossa t-tmexxija industrijali u soċjali tal-Unjoni. Fejn xieraq, din ser tuża data u servizzi spazjali tal-Unjoni. Il-Livelli ta' Tħejjija Teknoloġika kollha sat-8 livell ser ikunu koperti b'dan il-pilastru tal-Orizzont Ewropa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

L-azzjonijiet ser jiġġeneraw għarfien ġdid, ser jiżviluppaw soluzzjonijiet teknoloġiċi u nonteknoloġiċi, iwasslu t-teknoloġija mil-laboratorju sas-suq, jiżviluppaw applikazzjonijiet inklużi linji pilota u dimostraturi, u jinkludu miżuri biex jiġi stimulat l-użu mis-suq u tingħata spinta lill-impenn tas-settur privat u lill-inċentivi għall-standardizzazzjoni fi ħdan l-Unjoni. It-teknoloġiji jirrikjedu massa kritika ta' riċerkaturi u industrija Ewropej biex jistabbilixxu ekosistemi ewlenin fid-dinja, li jinkludu infrastrutturi ta' teknoloġija mill-aktar avvanzata, pereżempju għall-ittestjar. Is-sinerġiji ma' partijiet oħrajn tal-Orizzont Ewropa u mal-EIT, kif ukoll ma' programmi oħrajn, ser jiġu massimizzati.

Ir-raggruppamenti ser jagħtu spinta lill-introduzzjoni rapida ta' innovazzjoni li tkun l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fl-Unjoni permezz ta' firxa wiesgħa ta' attivitajiet inkorporati, inklużi l-komunikazzjoni, id-disseminazzjoni u l-isfruttament, l-istandardizzazzjoni kif ukoll l-appoġġ għall-innovazzjoni nonteknoloġika u mekkaniżmi ta' twassil innovattivi, li jgħinu sabiex jinħolqu kondizzjonijiet soċjetali, regolatorji u tas-suq favur l-innovazzjoni bħall-ftehimiet dwar l-innovazzjoni. Ir-rotot ta' soluzzjonijiet innovattivi li joriġinaw minn azzjonijiet ta' R&I ser jiġu stabbiliti u mmirati lejn investituri pubbliċi u privati, kif ukoll programmi tal-Unjoni u nazzjonali jew reġjonali rilevanti oħrajn. Ser jiġu żviluppati sinerġiji mal-Pilastru III tal-Orizzont Ewropa f'dik il-perspettiva.

L-ugwaljanza bejn is-sessi hija fattur kruċjali sabiex jinkiseb tkabbir ekonomiku sostenibbli. Għalhekk huwa importanti li tiġi integrata perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isfidi globali kollha.

1.   RAGGRUPPAMENT "SAĦĦA"

1.1.   Raġunament

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jasserixxi li kulħadd għandu d-dritt għal aċċess f'waqtu għal kura tas-saħħa affordabbli, preventiva u kurattiva li tkun sigura u ta' kwalità tajba. Dan jissottolinja l-impenn tal-Unjoni lejn l-SDGs li jħeġġu kopertura tas-saħħa universali għal persuni kollha u ta' kull età sal-2030, li ma teskludi lil ħadd u li ġġib fi tmiemhom l-imwiet evitabbli permezz tal-prevenzjoni.

Popolazzjoni b'saħħitha hija vitali għal soċjetà stabbli, sostenibbli u inklużiva, u t-titjib fis-saħħa huwa kruċjali sabiex jitnaqqas il-faqar, tiġi indirizzata soċjetà Ewropea li qed tixjieħ, jitrawmu l-progress u l-prosperità soċjali u sabiex jiżdied it-tkabbir ekonomiku. Skont l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), titjib ta' 10 % fl-aspettattiva tal-għomor huwa assoċjat ma' żieda fit-tkabbir ekonomiku ta' bejn 0,3 % u 0,4 % fis-sena. L-aspettattiva medja tal-għomor fl-Unjoni żdiedet bi 12-il sena mill-istabbiliment tal-Unjoni, bħala riżultat ta' titjib enormi fir-rigward tal-kwalità tal-ħajja, l-ambjent, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-kura taċ-ċittadini tagħha. Fl-2015, l-aspettattiva medja tal-għomor mat-twelid kienet ta' 80,6 sena fl-Unjoni meta mqabbel ma' 71,4 sena globalment. Fl-aħħar snin, fl-Unjoni dan żdied b'medja ta' 3 xhur fis-sena. Jistgħu jiġu osservati differenzi soċjali u speċifiċi għas-sessi fl-aspettattiva tal-għomor bejn gruppi speċifiċi u fost il-pajjiżi Ewropej.

Ir-R&I fil-qasam tas-saħħa kellhom parti sinifikanti f'din il-kisba iżda wkoll fit-titjib tal-produttività u l-kwalità fl-industrija tas-saħħa u tal-kura. Madankollu, l-Unjoni tkompli tiffaċċa sfidi ġodda, emerġenti jew persistenti li qed jheddu liċ-ċittadini u s-saħħa pubblika, is-sostenibbiltà tal-kura tas-saħħa u tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali tagħha , kif ukoll il-kompetittività tal-industrija tagħha tas-saħħa u tal-kura. L-isfidi l-kbar fil-qasam tas-saħħa fl-Unjoni jinkludu: l-inugwaljanzi fl-aċċessibbiltà għas-saħħa u tal-kura u fl-affordabbiltà tagħhom; in-nuqqas ta' promozzjoni effettiva tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard; iż-żieda fil-mard li ma jitteħidx; iż-żieda fil-każijiet tal-kanċer; iż-żieda fil-mard mentali; it-tixrid ta' reżistenza għall-mediċini antimikrobiċi u t-tifqigħat ta' epidemiji ta' mard infettiv; żieda fit-tniġġis ambjentali; il-persistenza ta' inugwaljanzi fis-saħħa fost u fi ħdan il-pajjiżi li jaffettwaw b'mod sproporzjonat lill-persuni li huma żvantaġġati jew fi stadji vulnerabbli tal-ħajja; is-sejbien, il-fehim, il-kontroll, il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji tas-saħħa, inklużi aspetti relatati mal-faqar, f'ambjent soċjali, urban, rurali u naturali li qed jinbidel b'mod rapidu; il-bidla demografika, inklużi kwistjonijiet relatati mat-tixjiħ, u l-ispejjeż li qed jiżdiedu għas-sistemi tal-kura tas-saħħa Ewropej; u l-pressjoni li qed tiżdied fuq l-industrija Ewropea tas-saħħa u tal-kura biex tibqa' kompetittiva fl-innovazzjoni fil-qasam tas-saħħa u billi tiżviluppa din l-innovazzjoni fir-rigward ta' atturi globali emerġenti. Barra minn hekk, l-eżitazzjoni fir-rigward tat-tilqim tista' tnaqqas il-kopertura tal-immunizzazzjoni fost ċerti gruppi tal-popolazzjoni.

Dawn l-isfidi tas-saħħa huma kumplessi, interkonnessi u ta' natura globali u jirrikjedu kollaborazzjonijiet multidixxiplinari, tekniċi u nontekniċi, transsettorjali u transnazzjonali. L-attivitajiet ta' R&I ser jibnu rabtiet mill-qrib bejn riċerki ta' natura fundamentali, traduttiva, klinika, traduttiva, epidemjoloġika, etika, ambjentali u soċjoekonomika, kif ukoll max-xjenzi regolatorji. Huma ser jindirizzaw oqsma ta' ħtiġijiet kliniċi mhux issodisfati bħal mard rari jew diffiċli biex jiġi ttrattat (inklużi kanċers, bħal kanċer pedjatriku u tal-pulmun). Dawn l-attivitajiet ser jisfruttaw il-ħiliet ikkombinati tal-akkademiċi, il-prattikanti, il-korpi regolatorji u l-industrija u jrawmu l-kollaborazzjoni tagħhom mas-servizzi tas-saħħa, is-servizzi soċjali, il-pazjenti, dawk li jfasslu l-politika u ċ-ċittadini sabiex jiġi rinfurzat (leveraged) il-finanzjament pubbliku u jiġi żgurat l-użu tar-riżultati fil-prattika klinika kif ukoll fis-sistemi tal-kura tas-saħħa, b'kont meħud tal-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni u l-finanzjament tas-sistemi tagħhom tas-saħħa. Ser jittieħed vantaġġ sħiħ mir-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien fil-qasam tal-ġenomika u oqsma multiomiċi oħrajn, kif ukoll mill-introduzzjoni progressiva ta' approċċi ta' mediċina personalizzata, rilevanti għall-indirizzar ta' firxa ta' mard li ma jitteħidx u d-diġitalizzazzjoni fil-qasam tas-saħħa u l-kura.

Ir-R&I ser irawmu kollaborazzjoni strateġika fil-livell tal-Unjoni u dak internazzjonali għall-akkomunament tal-għarfien espert, il-kapaċitajiet u r-riżorsi meħtieġa għall-ħolqien ta' ambitu, veloċità u ekonomiji ta' skala, kif ukoll għall-isfruttament tas-sinerġiji, l-evitar tad-duplikazzjoni tal-isforzi u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji mistennija u r-riskji finanzjarji involuti. Għandhom jiġu promossi sinerġiji fir-R&I fir-rigward tas-saħħa fl-Orizzont Ewropa, b'mod partikolari mal-Programm l-UE għas-Saħħa stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

Is-soluzzjonijiet ta' saħħa diġitali ħolqu ħafna opportunitajiet biex isolvu l-problemi ta' servizzi ta' kura u biex jindirizzaw kwistjonijiet emerġenti oħra ta' soċjetà li qed tixjieħ. Jenħtieġ li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet li d-diġitalizzazzjoni fis-saħħa u l-kura tista' tipprovdi mingħajr ma jiġi kompromess id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Ġew żviluppati apparat u softwer diġitali biex jiġu ddijanjostikati, ittrattati u ffaċilitati l-awtoġestjoni tal-mard min-naħa tal-pazjenti, inkluż il-mard kroniku. It-teknoloġiji diġitali qed jintużaw dejjem aktar fit-taħriġ u l-edukazzjoni mediċi u sabiex il-pazjenti u konsumaturi oħra fil-kura tas-saħħa jkunu jistgħu jaċċessaw, jikkondividu u joħolqu informazzjoni dwar is-saħħa.

L-attivitajiet ta' R&I ta' dan ir-raggruppament ser jiżviluppaw il-bażi tal-għarfien, jisfruttaw għarfien u teknoloġiji eżistenti, jikkonsolidaw u joħolqu l-kapaċità tar-R&I u jiżviluppaw is-soluzzjonijiet meħtieġa għal promozzjoni aktar effettiva tas-saħħa u, b'mod integrat, il-prevenzjoni, id-dijanjożi, il-monitoraġġ, it-trattament, ir-riabilitazzjoni u l-fejqan tal-mard u l-kura fit-tul u palljativa. Ir-riżultati tar-riċerka ser jiġu tradotti bħala rakkomandazzjonijiet għal azzjoni u kkomunikati lill-partijiet ikkonċernati rilevanti. It-titjib tar-riżultati fil-qasam tas-saħħa konsegwentement ser iwassal għal aktar benesseri u aspettattiva tal-għomor, għal ħajjiet attivi u b'saħħithom, għal kwalità tal-ħajja u produttività mtejba, għal aktar snin ta' ħajja sana, u għas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u tal-kura. F'konformità mal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament (UE) 2021/695 u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-etika, il-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem, l-aspetti tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-aspetti etniċi, u l-bżonnijiet ta' persuni żvantaġġati u vulnerabbli ser jirċievu attenzjoni speċjali.

L-indirizzar tal-isfidi l-kbar relattivi għas-saħħa ser jappoġġa l-impenn tal-Unjoni lejn l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-impenji tagħha fil-kuntest ta' organizzazzjonijiet oħrajn tan-NU u inizjattivi internazzjonali, inklużi l-istrateġiji globali u l-pjanijiet ta' azzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). L-indirizzar ta' tali sfidi ser jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politika u l-istrateġiji tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, is-Suq Uniku Diġitali tal-Unjoni, il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali tal-Unjoni, u l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew "Saħħa Waħda" kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi, u għall-implimentazzjoni tal-oqfsa regolatorji rilevanti tal-Unjoni.

L-attivitajiet ser jikkontribwixxu direttament b'mod partikolari għall-SDGs li ġejjin: SDG 3 – Saħħa Tajba u Benesseri; SDG13 – Azzjoni Klimatika.

1.2.   Oqsma ta' Intervent

1.2.1.   Saħħa tul il-Ħajja

Persuni li jkunu fi stadji vulnerabbli tal-ħajja (l-istat perinatali, it-twelid, l-infanzja, it-tfulija, l-adoloxxenza, it-tqala, l-istat ta' adult matur u anzjan), inklużi persuni b'diżabilitajiet jew korrimenti, ikollhom ħtiġijiet speċifiċi relattivi għas-saħħa li jkunu jeħtieġu fehim aħjar u soluzzjonijiet imfasslin apposta, b'kont meħud tal-aspetti tar-relazzjonijiet bejn is-sessi u tal-etika. Dan ser jippermetti t-tnaqqis fl-inugwaljanzi relattivi għas-saħħa u t-titjib tal-eżiti tas-saħħa, li jiffaċilitaw it-tixjiħ attiv u b'saħħtu tul il-ħajja, inkluż permezz ta' bidu b'saħħtu fil-ħajja u dieta li tippromwovi s-saħħa tul il-ħajja li tnaqqas ir-riskju ta' mard mentali u fiżiku aktar tard fil-ħajja. Il-prevenzjoni u l-komunikazzjoni ser jikkunsidraw il-karatteristiċi ta' udjenzi speċifiċi.

Linji Ġenerali

Il-fehim tal-iżvilupp bikri u l-proċess tat-tixjiħ tul il-ħajja;

Is-saħħa qabel it-twelid u tat-trabi tat-twelid, dik materna, paterna, tat-trabi u tat-tfal kif ukoll ir-rwol tal-ġenituri, l-familja u l-edukaturi;

Il-bżonnijiet relattivi għas-saħħa tal-adoloxxenti, inklużi fatturi li jinfluwenzaw is-saħħa mentali;

Konsegwenzi għas-saħħa minn diżabilitajiet u korrimenti;

Riċerka dwar miżuri biex tiġi ppjanata, implimentata u mmonitorjata r-riabilitazzjoni tul il-ħajja kollha u speċjalment programmi ta' riabilitazzjoni individwali bikri (EIRP, early individual rehabilitation programmes) għal tfal affettwati minn patoloġiji diżabilitanti;

Tixjiħ b'saħħtu, ħajja indipendenti u attiva, inkluża l-parteċipazzjoni soċjali għall-persuni anzjani u persuni b'diżabbiltà;

Edukazzjoni dwar is-saħħa u l-għarfien dwar is-saħħa, inkluż dak diġitali.

1.2.2.   Determinanti tas-Saħħa Ambjentali u Soċjali

Fehim imtejjeb tal-muturi tas-saħħa u tal-fatturi tar-riskju determinati mill-ambjent soċjali, kulturali, ekonomiku u fiżiku fil-ħajja ta' kuljum tal-persuni u fuq il-post tax-xogħol, inklużi l-impatt li d-diġitalizzazzjoni, il-mobbiltà tal-bniedem (bħall-migrazzjoni u l-ivvjaġġar), it-tniġġis, in-nutrizzjoni, it-tibdil fil-klima u kwistjonijiet ambjentali oħrajn għandhom fuq is-saħħa, ser jikkontribwixxi biex: jiġu identifikati, evitati u mitigati r-riskji u t-theddid għas-saħħa; jitnaqqsu l-imwiet u l-mard minn espożizzjoni għal sustanzi kimiċi u tniġġis ambjentali; jiġu appoġġati ambjenti tal-għajxien u tax-xogħol li jkunu sikuri, ekoloġiċi, sani, reżiljenti u sostenibbli; jiġu promossi stili ta' ħajja u mġiba ta' konsum sani; u tiġi żviluppata soċjetà ekwa, inklużiva u affidabbli. Dan ser ikun ibbażat wkoll fuq gruppi bbażati fuq il-popolazzjoni, il-bijomonitoraġġ uman u studji epidemjoloġiċi.

Linji Ġenerali

Teknoloġiji u metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-perikli, l-espożizzjoni u l-impatt fuq is-saħħa ta' sustanzi kimiċi, sustanzi niġġiesa ta' ġewwa l-abitat u ta' barra u fatturi ta' stress oħrajn relatati mat-tibil fil-klima, il-post tax-xogħol, l-istil tal-ħajja jew l-ambjent u l-effetti kkumbinati ta' diversi fatturi ta' stress;

Fatturi ambjentali, okkupazzjonali, soċjoekonomiċi, kulturali, ġenetiċi u komportamentali li jħallu impatt fuq is-saħħa u l-benesseri fiżiċi u mentali tal-persuni u l-interazzjoni tagħhom, b'attenzjoni speċjali għall-persuni vulnerabbli u żvantaġġati, kwistjonijiet speċifiċi għall-età u speċifiċi għar-relazzjonijiet bejn is-sessi fejn rilevanti, u inkluż l-impatt fuq is-saħħa tad-disinn ta' bini, prodotti u servizzi;

Il-valutazzjoni, il-ġestjoni u l-komunikazzjoni tar-riskji, appoġġati minn approċċi transdixxiplinari, fejn rilevanti, u għodod mtejba għat-teħid ta' deċiżjonijiet li jkun ibbażat fuq evidenza, inklużi s-sostituzzjoni ta', u alternattivi għal, l-ittestjar fuq l-annimali;

Il-kapaċità u l-infrastrutturi biex b'mod sikur tiġi miġbura, kondiviża, użata, użata mill-ġdid u kkombinata d-data dwar id-determinanti kollha tas-saħħa, inkluża l-espożizzjoni tal-bniedem, u biex tiġi żgurata l-konnessjoni tagħhom ma' bażijiet ta' data dwar il-parametri ambjentali, l-istili ta' ħajja, l-istat tas-saħħa u l-mard, fil-livell tal-Unjoni u dak internazzjonali;

Il-promozzjoni tas-saħħa u interventi ta' prevenzjoni primarja, inklużi aspetti okkupazzjonali.

1.2.3.   Mard li ma jitteħidx u Mard Rari

Il-mard li ma jitteħidx, inklużi l-kanċer u mard rari, jippreżenta sfida kbira għas-saħħa u s-soċjetà u jitlob fehim u tassonomija mtejba, kif ukoll approċċi aktar effettivi, inklużi approċċi ta' mediċina personalizzata (msejħa wkoll "mediċina ta' preċiżjoni") fil-prevenzjoni, id-dijanjożi, il-monitoraġġ, it-trattament, ir-riabilitazzjoni u l-kura kif ukoll titjib tal-fehim tal-multimorbożità.

Linji Ġenerali

Fehim tal-mekkaniżmi sottostanti tal-iżvilupp ta' mard li ma jitteħidx, inkluż mard kardjovaskulari;

Studji lonġitudinali dwar il-popolazzjoni sabiex jiġi appoġġat il-fehim tal-parametri tas-saħħa u l-mard u jgħinu fl-istratifikazzjoni tal-popolazzjonijiet f'appoġġ għall-iżvilupp ta' mediċina preventiva;

L-għodod u t-tekniki dijanjostiċi għal dijanjożi aktar bikrija u preċiża u għal trattament adattat għall-pazjenti fil-ħin, li jippermettu dewmien jew it-treġġigħ lura tal-progressjoni tal-mard;

Programmi ta' prevenzjoni u ta' monitoraġġ, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO, tan-NU u tal-Unjoni jew lil hinn minnhom;

Soluzzjonijiet integrati għall-awtomonitoraġġ, il-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u l-ġestjoni ta' kondizzjonijiet kroniċi u multimorbiditajiet, inklużi l-mard newrodeġenerattiv u l-mard kardjovaskulari;

Trattamenti, kura jew interventi terapewtiċi oħrajn, inklużi trattamenti kemm farmakoloġiċi kif ukoll nonfarmakoloġiċi;

Kura palljativa;

Oqsma ta' ħtieġa klinika qawwija u mhux issodisfata, bħal mard rari inkluż kanċers pedjatriċi;

Evalwazzjoni ta' effettività komparattiva tal-interventi u s-soluzzjonijiet, inklużi dawk ibbażati fuq data ta' sitwazzjonijiet reali;

Riċerka dwar l-implimentazzjoni għall-espansjoni ta' interventi tas-saħħa u l-appoġġ tal-użu tagħhom fil-politiki u s-sistemi tas-saħħa;

Żvilupp tar-riċerka u titjib tal-informazzjoni, il-kura u t-trattament, inkluża mediċina personalizzata, għal mard rari.

1.2.4.   Mard infettiv, inklużi mard relatat mal-faqar u mard injorat

Il-protezzjoni tal-persuni minn theddid transfruntier għas-saħħa hija sfida kbira għas-saħħa pubblika u globali, li titlob kooperazzjoni internazzjonali effettiva fil-livell tal-Unjoni u dak globali. Dan ser jinvolvi l-fehim u l-prevenzjoni ta' mard infettiv, inklużi mard relatat mal-faqar u dak injorat, it-tħejjija għalih, is-sejbien bikri tiegħu u r-rispons tar-riċerka għat-tifqigħ, it-trattament u l-kura tiegħu, kif ukoll l-indirizzar tar-reżistenza għall-antimikrobiċi billi jiġi segwit il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew "Saħħa Waħda".

Linji Ġenerali

Fehim ta' mekkaniżmi relatati mal-infezzjoni;

Muturi għall-emerġenza jew l-emerġenza mill-ġdid ta' mard infettiv u t-tixrid tiegħu, inklużi t-trasmissjoni mill-annimali għall-bnedmin (żoonożi), jew minn partijiet oħrajn tal-ambjent (l-ilma, il-ħamrija, il-pjanti, l-ikel) għall-bnedmin, kif ukoll l-impatt tat-tibdil fil-klima u tal-evoluzzjoni tal-ekosistemi fuq id-dinamika tal-mard infettiv;

Previżjoni, sejbien bikri u rapidu, kontroll u sorveljanza ta' mard infettiv, infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u fatturi relatati mal-ambjent;

Il-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi, inklużi l-epidemjoloġija, il-prevenzjoni, id-dijanjożi, kif ukoll l-iżvilupp ta' antimikrobiċi u vaċċini ġodda;

Vaċċini, inklużi teknoloġiji tal-pjattaformi tal-vaċċini, id-dijanjożi, it-trattamenti u l-kura għall-mard infettiv, inklużi komorbiditajiet u koinfezzjonijiet;

L-indirizzar tal-użu baxx ta' vaċċini, il-fehim tal-eżitazzjoni fir-rigward tat-teħid ta' vaċċini, u l-bini tal-fiduċja fil-vaċċini;

It-tħejjija effettiva għal emerġenza fil-qasam tas-saħħa, miżuri u strateġiji ta' rispons u rkupru, li jinvolvu lill-komunitajiet, u l-koordinazzjoni tagħhom fil-livell reġjonali, nazzjonali u f'dak tal-Unjoni;

Ostakli għall-implimentazzjoni u l-użu ta' interventi mediċi fil-prattika klinika kif ukoll fis-sistema tal-kura tas-saħħa;

Aspetti transfruntiera ta' mard infettiv u sfidi speċifiċi f'pajjiżi bi dħul baxx jew medju, bħall-AIDS, it-tuberkulożi u mard tropikali, inkluża l-malarja, iżda anke sfidi relattivi għal flussi migratorji, u relattivi għaż-żieda fil-mobbiltà tal-bniedem inġenerali.

1.2.5.   Għodod, Teknoloġiji u Soluzzjonijiet Diġitali għas-Saħħa u l-Kura, inkluża mediċina personalizzata

It-teknoloġiji u l-għodod tas-saħħa huma vitali għas-saħħa pubblika u kkontribwew bil-kbir għat-titjib importanti miksub fil-kwalità tal-ħajja, is-saħħa u l-kura tal-persuni, fl-Unjoni. Hija għalhekk sfida strateġika ewlenija li jiġu mfasslin, żviluppati, fornuti, implimentati u vvalutati għodod u teknoloġiji adegwati, affidabbli, sikuri, faċli għall-utent u kosteffettivi għas-saħħa u l-kura, b'kunsiderazzjoni debita tal-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabbiltajiet u s-soċjetà li qed tixjieħ. Dawn jinkludu teknoloġiji abilitanti ewlenin minn bijomaterjali ġodda sal-bijoteknoloġija kif ukoll metodi ta' ċellola singola, multiomiċi u approċċi mediċinali abbażi tas-sistemi, intelliġenza artifiċjali (IA) u teknoloġiji diġitali oħrajn li joffru titjib sinifikanti fuq teknoloġiji eżistenti, kif ukoll jistimolaw industrija relatata mas-saħħa, kompetittiva u sostenibbli li toħloq impjiegi ta' valur għoli. L-industrija Ewropea relatata mas-saħħa hija settur ekonomiku kruċjali fl-Unjoni, li huwa responsabbli għal 3 % tal-prodott domestiku gross (PDG) u 1,5 miljun impjegat. Jeħtieġ li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu involuti kmieni kemm jista' jkun, u li tiġi kkunsidrata d-dimensjoni nonteknoloġika, sabiex tiġi żgurata l-aċċettabbiltà ta' teknoloġiji, metodoloġiji u għodod ġodda. Dawn il-partijiet interessati jinkludu ċittadini, fornituri informali tal-kura tas-saħħa u professjonisti oħrajn fil-qasam tal-kura tas-saħħa.

Linji Ġenerali

Għodod u teknoloġiji għal applikazzjonijiet tul l-ispektrum tas-saħħa u kwalunkwe indikazzjoni medika rilevanti, inkluż l-indeboliment funzjonali;

Għodod integrati, teknoloġiji, apparat mediku, teħid ta' immaġni għal skop mediku, bijoteknoloġija, nanomediċina u terapiji avvanzati (inkluża terapija ċellulari u tal-ġeni), u soluzzjonijiet diġitali għas-saħħa u l-kura tal-bniedem, inklużi l-IA, soluzzjonijiet mobbli u t-telesaħħa; filwaqt li jiġu indirizzati, fejn rilevanti, l-aspetti tal-produzzjoni rigward il-kosteffiċjenza fi stadju bikri sabiex jiġi ottimizzat l-istadju tal-industrijalizzazzjoni u l-potenzjal ta' innovazzjoni biex isir prodott mediċinali affordabbli;

Proġetti pilota, l-implimentazzjoni fuq skala kbira, l-ottimizzazzjoni u l-akkwist ta' innovazzjonijiet ta' teknoloġiji u għodod tas-saħħa u l-kura f'xenarji reali li jinkludu provi kliniċi, riċerka dwar l-implimentazzjoni inkluża dijanjożi ibbażati fuq mediċina personali;

Proċessi u servizzi innovattivi għall-iżvilupp, il-manifattura u t-twassil rapidu ta' għodod u teknoloġiji għas-saħħa u l-kura;

Is-sikurezza, l-effikaċja, il-kosteffettività, l-interoperabbiltà u l-kwalità tal-għodod u t-teknoloġiji għas-saħħa u l-kura kif ukoll l-impatt etiku, legali u soċjali tagħhom, inklużi kwistjonijiet ta' aċċettazzjoni soċjali;

Ix-xjenza u l-istandards regolatorji għal teknoloġiji u għodod tas-saħħa u l-kura;

Il-ġestjoni tad-data dwar is-saħħa, inklużi metodi relattivi għall-interoperabbiltà tad-data, ta' integrazzjoni, metodi analitiċi u ta' viżwalizzazzjoni, il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, abbażi tal-IA, l-estrazzjoni tad-data, it-teknoloġiji tal-Big Data, il-bijoinformatika u t-teknoloġiji tal-informatika ta' prestazzjoni għolja biex irawmu mediċina personalizzata, inkluża l-prevenzjoni, u biex jiġi ottimizzat il-perkors tas-saħħa.

1.2.6.   Sistemi ta' Kura tas-Saħħa

Is-sistemi tas-saħħa jikkostitwixxu assi ewlieni fis-sistemi soċjali tal-Unjoni, li fl-2017 kienu responsabbli għal 24 miljun impjegat fis-settur tas-saħħa u l-ħidma soċjali. Hija prijorità ewlenija tal-Istati Membri li s-sistemi tas-saħħa jsiru sikuri u siguri, aċċessibbli għal kulħadd, integrati, kosteffettivi, reżiljenti, sostenibbli u fdati b'servizzi fil-ħin u rilevanti, kif ukoll li jitnaqqsu l-inugwaljanzi, anke bl-isfruttament tal-potenzjal tal-innovazzjoni motivata mid-data u l-innovazzjoni diġitali għal saħħa aħjar u kura ċċentrata fuq il-persuna permezz ta' żvilupp ibbażat fuq infrastrutturi tad-data Ewropej miftuħa u sikuri. Opportunitajiet ġodda bħall-implimentazzjoni tal-5G, il-kunċett ta' "tewmin diġitali" u l-Internet tal-Oġġetti ser javvanzaw it-trasformazzjoni diġitali tas-saħħa u l-kura.

Linji Ġenerali

Appoġġ għal bażi ta' għarfien għal riformi fis-sistemi tas-saħħa u l-politiki dwar is-saħħa fl-Ewropa u lil hinn minnha;

Mudelli u approċċi ġodda għas-saħħa u l-kura, inklużi approċċi ta' mediċina personalizzata, aspetti tal-ġestjoni u dawk organizzattivi, u t-trasferibbiltà jew l-adattament tagħhom minn pajjiż jew reġjun wieħed għal ieħor;

Titjib tal-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa;

Evoluzzjoni tal-inugwaljanza fis-saħħa u r-rispons politiku effettiv;

Il-forza tax-xogħol futura fil-qasam tas-saħħa u l-ħtiġijiet tagħha, inklużi ħiliet diġitali;

Titjib tal-informazzjoni dwar is-saħħa li tkun f'waqtha, affidabbli, sikura u li wieħed jista' joqgħod fuqha u l-użu jew l-użu mill-ġdid ta' data dwar is-saħħa, inklużi rekords elettroniċi dwar is-saħħa, b'attenzjoni debita għall-protezzjoni tad-data, inkluż l-użu ħażin ta' informazzjoni personali dwar l-istil ta' ħajja u s-saħħa, is-sikurezza, l-aċċessibbiltà, l-interoperabbiltà, l-istandards, il-komparabbiltà u l-integrità;

Ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa fl-assorbiment tal-impatt tal-kriżijiet u sabiex tiġi akkomodata l-innovazzjoni interruttiva;

Soluzzjonijiet sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni taċ-ċittadini u l-pazjenti, għall-awtomonitoraġġ u l-interazzjoni ma' professjonisti tal-kura tas-saħħa u soċjali, li jiffaċilitaw kura aktar integrata u approċċ aktar iċċentrat fuq l-utent, filwaqt li jiġi kkunsidrat ukoll aċċess ugwali;

Data, informazzjoni, għarfien u l-aħjar prattika mir-riċerka dwar is-sistemi tas-saħħa fil-livell tal-Unjoni u dak globali, abbażi ta' għarfien u bażijiet tad-data eżistenti.

2.   RAGGRUPPAMENT "KULTURA, KREATTIVITÀ U SOĊJETÀ INKLUŻIVA"

2.1.   Raġunament

L-Unjoni tirrappreżenta mod uniku ta' kombinazzjoni tat-tkabbir ekonomiku mal-SDGs u mal-politiki soċjali, b'livelli għolja ta' inklużjoni soċjali u valuri kondiviżi li jħaddnu d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi u r-rikkezza tad-diversità. Dan il-mudell qed jevolvi b'mod kostanti u jeħtieġ li jittratta l-isfidi minn, fost oħrajn, il-globalizzazzjoni, it-tibdil teknoloġiku u ż-żieda fl-inugwaljanzi.

L-Unjoni għandha tippromwovi mudell ta' tkabbir inklużiv u sostenibbli, filwaqt li taħsad il-benefiċċji tal-avvanzi teknoloġiċi, ittejjeb il-fiduċja fil-governanza demokratika u tippromwovi l-innovazzjoni tagħha, trawwem l-edukazzjoni, tiġġieled kontra l-inugwaljanzi, il-qgħad, il-marġinalizzazzjoni, id-diskriminazzjoni u r-radikalizzazzjoni, tiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem, trawwem id-diversità kulturali u l-wirt kulturali Ewropew u ttejjeb il-pożizzjoni taċ-ċittadini permezz tal-innovazzjoni soċjali. Il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti wkoll ser jibqgħu kwistjonijiet ta' prijorità. Ir-rwol tar-R&I fix-xjenzi soċjali, umanistiċi, u l-arti, kif ukoll fis-setturi kulturali u kreattivi, fit-trattament ta' dawn l-isfidi u l-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni huwa fundamentali. B'mod partikolari, l-aspetti tax-xjenzi soċjali u umanistiċi huma inklużi fl-oqsma kollha ta' intervent ta' dan ir-raggruppament.

Id-daqs, il-kumplessità u l-karattru interġenerazzjonali u transnazzjonali tal-isfidi jitolbu li tittieħed azzjoni mill-Unjoni f'livelli multipli. L-indirizzar ta' tali kwistjonijiet soċjali, politiċi, kulturali u ekonomiċi kruċjali fil-livell nazzjonali biss iġorr miegħu l-periklu ta' użu ineffiċjenti tar-riżorsi, approċċi frammentati u standards differenti ta' għarfien u kapaċità.

L-attivitajiet tar-R&I f'dan ir-Raggruppament ser ikunu, b'mod ġenerali, allinjati mal-prijoritajiet tal-Unjoni dwar il-Bidla Demokratika; Impjiegi, Tkabbir u Investiment; Ġustizzja u Drittijiet Fundamentali; Migrazzjoni; Unjoni Monetarja Ewropea Aktar Profonda u Aktar Ġusta; Suq Uniku Diġitali. Huma ser jirrispondu għall-impenn tal-Aġenda ta' Ruma sabiex taħdem lejn "Ewropa soċjali" u "Unjoni li tippriserva l-wirt kulturali tagħna u tippromwovi d-diversità kulturali". Ser jappoġġaw ukoll il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Patt Globali dwar migrazzjoni sikura, ordnata u regolari. Ser jiġu sfruttati sinerġiji mal-Programm tal-Ġustizzja stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u mal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li jappoġġaw attivitajiet fil-qasam tal-aċċess għall-ġustizzja, id-drittijiet tal-vittmi, l-ugwaljanza bejn is-sessi, in-nondiskriminazzjoni, il-protezzjoni tad-data u l-promozzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea, kif ukoll mal-Programm Europa Kreattiva u l-Programm Ewropa Diġitali stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-Erasmus, l-Erasmus+ u l-FSE+.

L-attivitajiet ser jikkontribwixxu direttament b'mod partikolari għall-SDGs li ġejjin: SDG 1 – Ebda Faqar; SDG 3 – Saħħa Tajba u Benesseri għall-Persuni; SDG 4 – Edukazzjoni ta' Kwalità; SDG 5 – Ugwaljanza bejn is-sessi; SDG 8 – Xogħol Diċenti u Tkabbir Ekonomiku; SDG 9 – Industrija, Innovazzjoni u Infrastruttura; SDG 10 – Tnaqqis fl-Inugwaljanzi; SDG 11 – Bliet u Komunitajiet Sostenibbli; SDG 16 – Paċi, Ġustizzja u Istituzzjonijiet b'Saħħithom.

2.2.   Oqsma ta' Intervent

2.2.1.   Demokrazija u Governanza

Il-fiduċja fid-demokrazija u f'istituzzjonijiet politiċi stabbiliti jidher li qed tonqos. Id-diżillużjoni bil-politika qed tiġi manifestata dejjem aktar permezz ta' partiti li huma kontra l-istituzzjonijiet u partiti populisti u l-qawmien mill-ġdid tan-nativiżmu. Dan qed jiġi aggravat minn inugwaljanzi soċjoekonomiċi, flussi kbar ta' migranti u tħassib dwar is-sigurtà, fost oħrajn. L-indirizzar ta' sfidi attwali u futuri jirrikjedi sistema ta' ħsieb ġdid dwar kif l-istituzzjonijiet demokratiċi fil-livelli kollha jeħtieġ li jadattaw f'kuntest ta' diversità akbar, kompetizzjoni ekonomika globali, avvanzi teknoloġiċi u diġitalizzazzjoni rapidi, fejn l-esperjenza taċ-ċittadini ta' diskorsi, prattiki u istituzzjonijiet demokratiċi hija kruċjali.

Linji Ġenerali

L-istorja, l-evoluzzjoni u l-effikaċja tad-demokraziji, f'livelli differenti u f'forom differenti; ir-rwol ta' politiki dwar l-edukazzjoni, il-kultura u ż-żgħażagħ bħala pedamenti taċ-ċittadinanza demokratika;

Ir-rwol tal-kapital soċjali u tal-aċċess għall-kultura fit-tisħiħ tad-djalogu demokratiku, il-parteċipazzjoni ċivika, u soċjetajiet miftuħa u ta' fiduċja;

Approċċi innovattivi u responsabbli biex jingħata appoġġ lit-trasparenza, l-aċċessibbiltà, il-kapaċità ta' rispons, ir-responsabbiltà, l-affidabbiltà, ir-reżiljenza, l-effettività u l-leġittimità tal-governanza demokratika f'rispett sħiħ għall-prinċipji legali tad-drittijiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

Strateġiji biex jiġu indirizzati l-populiżmu, ir-razziżmu, il-polarizzazzjoni, il-korruzzjoni, l-estremiżmu, ir-radikalizzazzjoni, it-terroriżmu u biex iċ-ċittadini jiġu inklużi, jingħataw is-setgħa u jiġu involuti;

Analiżi u żvilupp tal-inklużjoni soċjali, ekonomika u politika u tad-dinamiċi interkulturali fl-Ewropa u lil hinn minnha;

Fehim aħjar tar-rwol tal-istandards ġurnalistiċi u l-kontenut iġġenerat mill-utenti f'soċjetà iperkonnessa u l-iżvilupp ta' għodod biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni;

Ir-rwol ta' identitajiet multikulturali inklużi dawk spiritwali, fir-rigward tad-demokrazija, iċ-ċittadinanza u l-involviment politiku, kif ukoll il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni bħar-rispett, it-tolleranza, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-kooperazzjoni u d-djalogu;

Appoġġ għar-riċerka biex tinftiehem l-identità u l-appartenenza fost il-komunitajiet, ir-reġjuni u n-nazzjonijiet;

L-impatt tal-avvanzi teknoloġiċi u xjentifiċi, inklużi l-Big Data, in-networks soċjali online u l-IA fuq id-demokrazija, il-privatezza u l-libertà tal-espressjoni;

Demokrazija u governanza deliberattivi, parteċipatorji u diretti u ċittadinanza attiva u inklużiva, inkluża d-dimensjoni diġitali;

L-impatt tal-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali fuq il-parteċipazzjoni politika u l-governanza demokratika, u r-riċerka dwar sa fejn tista' tikkontribwixxi għat-treġġigħ lura tal-inugwaljanzi u l-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni, inkluża dik bejn is-sessi, u twassal għal demokrazija aktar reżiljenti;

Dimensjonijiet umani u soċjali u politiċi tal-kriminalità, id-dommatiżmu u r-radikalizzazzjoni, b'rabta ma' dawk involuti jew potenzjalment involuti f'imġiba bħal din kif ukoll dawk milqutin jew potenzjalment milqutin minnha;

Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, l-aħbarijiet foloz u d-diskors ta' mibegħda, u l-impatt tagħhom fit-tiswir fl-isfera pubblika;

L-Unjoni bħala attur internazzjonali u reġjonali fil-governanza multilaterali, inklużi approċċi ġodda għad-diplomazija dwar ix-xjenza;

L-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji u aċċess imtejjeb għall-ġustizzja ibbażati fuq l-indipendenza ġudizzjarja u prinċipji ġudizzjarji u fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, b'metodi proċedurali ġusti, effiċjenti u trasparenti kemm f'materji ċivili kif ukoll dawk kriminali.

2.2.2.   Kultura, Wirt Kulturali u Kreattività

Is-setturi kulturali u kreattivi Ewropej joħolqu rabtiet bejn l-arti, l-kultura, it-twemmin u l-esperjenzi spiritwali u l-wirt kulturali, in-negozju u t-teknoloġija. Barra minn hekk, l-industriji kulturali u kreattivi għandhom rwol ewlieni fir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa, huma mutur għat-tkabbir u qegħdin f'pożizzjoni strateġika biex jagħtu bidu għal riperkussjonijiet innovattivi f'setturi industrijali oħrajn, bħat-turiżmu, il-bejgħ bl-imnut, it-teknoloġiji fil-qasam tal-media u dak diġitali u l-inġinerija. Il-wirt kulturali huwa parti integrali tas-setturi kulturali u kreattivi u huwa minsuġ fil-ħajjiet tagħna, u għandu tifsira għall-komunitajiet, il-gruppi u s-soċjetajiet, billi jagħti sens ta' appartenenza. Huwa l-pont bejn il-passat u l-futur tas-soċjetajiet tagħna. Fehim aħjar tal-wirt kulturali tagħna u kif dan huwa pperċepit u interpretat huwa vitali għall-ħolqien ta' soċjetà inklużiva fl-Ewropa u madwar id-dinja. Huwa wkoll forza li timmotiva l-ekonomiji Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali u sors b'saħħtu ta' ispirazzjoni għall-industriji kreattivi u kulturali. L-aċċess, il-preservazzjoni, is-salvagwardja u r-restawr, l-interpretazzjoni u l-isfruttament tal-potenzjal sħiħ tal-wirt kulturali tagħna huma sfidi kruċjali kemm fil-preżent kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-wirt kulturali, tanġibbli u intanġibbli, huwa l-kontribut u l-ispirazzjoni prinċipali għall-arti, is-snajja' tradizzjonali, is-setturi kulturali, kreattivi u dawk imprenditorjali li huma muturi tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-ħolqien ta' impjiegi ġodda u l-kummerċ estern. F'dan is-sens, kemm l-innovazzjoni kif ukoll ir-reżiljenza tal-wirt kulturali jeħtieġ li jiġu kkunsidrati f'kollaborazzjoni mal-komunitajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti. Il-wirt kulturali jista' jservi wkoll bħala aġent ta' diplomazija kulturali u bħala fattur tal-iżvilupp tal-identità u tal-koeżjoni kulturali u soċjali.

Linji Ġenerali

Studji u xjenzi tal-wirt kulturali, b'teknoloġiji mill-aktar avvanzati u metodoloġiji innovattivi, inklużi dawk diġitali;

Aċċess għall-wirt kulturali u l-kondiviżjoni tiegħu, b'xejriet u użi innovattivi u mudelli ta' ġestjoni parteċipatorji;

Riċerka għall-aċċessibbiltà tal-wirt kulturali permezz ta' teknoloġiji ġodda, bħas-servizzi tal-cloud, inkluż, iżda mhux limitat għal, spazju kollaborattiv tal-wirt kulturali Ewropew, kif ukoll l-inkoraġġiment u l-faċilitazzjoni tat-trasmissjoni ta' għarfien u ħiliet; dan ser ikun preċedut minn valutazzjoni tal-impatt;

Mudelli kummerċjali sostenibbli għat-tisħiħ tal-pedament finanzjarju tas-settur tal-wirt kulturali;

Il-konnessjoni tal-wirt kulturali ma' setturi kreattivi emerġenti, inkluża l-media interattiva, u l-innovazzjoni soċjali;

Il-kontribuzzjoni tal-wirt kulturali għall-iżvilupp sostenibbli permezz tal-konservazzjoni, is-salvagwardja u r-riġenerazzjoni ta' pajsaġġi kulturali, fejn l-Unjoni tkun laboratorju għall-innovazzjoni bbażata fuq il-wirt kulturali u t-turiżmu kulturali sostenibbli;

Il-konservazzjoni, is-salvagwardja, it-titjib, ir-restawr u l-ġestjoni sostenibbli tal-wirt kulturali u l-lingwi inkluż bl-użu ta' ħiliet u snajja' tradizzjonali jew teknoloġiji mill-aktar avvanzati inklużi dawk diġitali;

L-influwenza ta' memorji kulturali, tradizzjonijiet, tendenzi fl-imġiba, perċezzjonijiet, twemmin, valuri, sens ta' appartenenza u identitajiet; ir-rwol tal-kultura u l-wirt kulturali f'soċjetajiet multikulturali u xejriet ta' inklużjoni u esklużjoni kulturali.

2.2.3.   Trasformazzjonijiet Soċjali u Ekonomiċi

Is-soċjetajiet Ewropej għaddejjin minn trasformazzjonijiet soċjoekonomiċi u kulturali profondi, speċjalment b'riżultat tal-globalizzazzjoni u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi. Fl-istess waqt rajna żieda fl-inugwaljanza fl-introjtu fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej (6). Huma meħtieġa politiki li jħarsu 'l quddiem, bil-ħsieb tal-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli u inklużiv, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-benesseri u t-treġġigħ lura tal-inugwaljanzi, l-għoti ta' spinta lill-produttività (inklużi avvanzi fil-kejl tagħha), l-inugwaljanzi soċjospazjali u l-kapital uman, il-fehim u r-rispons fir-rigward tal-isfidi ppreżentati mill-migrazzjoni u l-integrazzjoni u l-appoġġ għas-solidarjetà interġenerazzjonali, id-djalogu interkulturali u l-mobbiltà soċjali. Huma meħtieġa sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ aċċessibbli, inklużivi u ta' kwalità għolja għal futur aktar ekwu u prosperu.

Linji Ġenerali

Bażi tal-għarfien għal pariri dwar l-investimenti u l-politiki speċjalment relattivament għall-edukazzjoni u t-taħriġ, għal ħiliet b'valur miżjud, produttività, mobbiltà soċjali, tkabbir, innovazzjoni soċjali u ħolqien tal-impjiegi; ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-indirizzar tal-inugwaljanzi u fl-irfid tal-inklużjoni, inkluża l-prevenzjoni tal-falliment akkademiku;

Is-sostenibbiltà soċjali lil hinn mill-indikaturi ta' PDG biss, speċjalment mudelli ekonomiċi u kummerċjali ġodda u teknoloġiji finanzjarji ġodda;

Għodod tal-istatistika u ekonomiċi oħrajn għal fehim aħjar tat-tkabbir u l-innovazzjoni f'kuntest ta' gwadanji ta' produttività kajmani jew bidliet ekonomiċi strutturali;

Mudelli ġodda ta' governanza fl-oqsma ekonomiċi emerġenti u l-istituzzjonijiet tas-suq;

Tipi ġodda ta' xogħol, ir-rwol tax-xogħol, it-titjib tal-ħiliet, tendenzi u bidliet fis-swieq tax-xogħol u l-introjtu fis-soċjetajiet kontemporanji, u l-impatti tagħhom fuq id-distribuzzjoni tal-introjtu, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, l-ambjent tax-xogħol, in-nondiskriminazzjoni, inkluża l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-inklużjoni soċjali;

Fehim aħjar tal-isfidi soċjetali fl-Ewropa u l-impatt tagħhom;

L-effetti ta' trasformazzjonijiet soċjali, teknoloġiċi u ekonomiċi fuq l-aċċess għal akkomodazzjoni sikura, sana, affordabbli u sostenibbli;

Sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji flimkien mal-politiki tas-sigurtà soċjali u l-investiment soċjali, bil-ħsieb li l-inugwaljanzi jitreġġgħu lura b'mod ġust u sostenibbli u jiġu indirizzati l-impatti tat-teknoloġija, id-demografika u d-diversità;

Mudelli ta' tkabbir u żvilupp inklużiv u sostenibbli għal ambjenti urbani, semiurbani u dawk rurali;

Il-fehim tal-mobbiltà umana u l-impatti tagħha fil-kuntest tat-trasformazzjonijiet soċjali u ekonomiċi, fil-dawl ta' skali globali u lokali għal governanza aħjar tal-migrazzjoni, ir-rispett tad-differenzi, l-integrazzjoni fit-tul tal-migranti inklużi r-refuġjati u l-impatt ta' interventi ta' politika relatati; ir-rispett tal-impenji internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem u kwistjonijiet ta' għajnuna għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni; aċċess akbar u mtejjeb għall-edukazzjoni ta' kwalità, it-taħriġ, is-suq tax-xogħol, il-kultura, is-servizzi ta' appoġġ, u ċ-ċittadinanza attiva u inklużiva, b'mod speċjali għal persuni vulnerabbli, inklużi l-migranti;

L-indirizzar ta' sfidi ewlenin fir-rigward tal-mudelli Ewropej għall-koeżjoni soċjali, l-immigrazzjoni, l-integrazzjoni, it-tibdil demografiku, it-tixjiħ, id-diżabbiltà, l-edukazzjoni, il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

Strateġiji avvanzati u metodi innovattivi għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma soċjali, ekonomiċi u kulturali kollha, u biex jindirizzaw preġudizzji fir-relazzjonijiet bejn is-sessi u l-vjolenza sessista;

Sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ biex titrawwem it-trasformazzjoni diġitali tal-Unjoni u jsir l-aħjar użu minnha, u biex jiġu ġestiti r-riskji li jirriżultaw mill-interkonnettività globali u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi, speċjalment riskji online emerġenti, it-tħassib etiku, inugwaljanzi soċjoekonomiċi u bidliet radikali fis-swieq;

Il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' governanza u ta' ġestjoni tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex jinvolvu liċ-ċittadini u jilħqu l-aspettattivi tagħhom fir-rigward tal-forniment ta' servizzi, it-trasparenza, l-aċċessibbiltà, attitudni miftuħa, ir-responsabbiltà u l-fokus fuq l-utenti.

3.   RAGGRUPPAMENT "SIGURTÀ ĊIVILI GĦAS-SOĊJETÀ"

3.1.   Raġunament

Il-kooperazzjoni Ewropea kkontribwiet għal era ta' paċi, stabbiltà u prosperità mingħajr preċedent fil-kontinent Ewropew. Madankollu, l-Ewropa għandha twieġeb għall-isfidi maħluqa minn theddid persistenti għas-sigurtà tas-soċjetà tagħna li kull ma jmur qed issir aktar kumplessa u diġitalizzata. L-attakki terroristiċi u r-radikalizzazzjoni, kif ukoll l-attakki ċibernetiċi u t-theddid ibridu, iqajmu tħassib kbir dwar is-sigurtà u jpoġġu pressjoni partikolari fuq is-soċjetajiet tagħna. Theddid ġdid emerġenti għas-sigurtà kkawżat minn teknoloġiji ġodda tal-futur qrib jeħtieġ li jingħata attenzjoni wkoll. Is-sigurtà u l-prosperità futuri jiddependu fuq it-titjib tal-kapaċità għall-protezzjoni tal-Ewropa minn theddid bħal dan. Dawn ma jistgħux jiġu ttrattati b'mezzi purament teknoloġiċi iżda jeħtieġu għarfien dwar in-nies, u l-istorja, il-kultura u l-imġiba tagħhom, u jinkludu konsiderazzjonijiet etiċi dwar il-bilanċ bejn is-sigurtà u l-libertà. Barra minn hekk, l-Ewropa għandha tiżgura li ma tkunx dipendenti fuq teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u għandha tappoġġa l-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' sigurtà rivoluzzjonarji.

Iċ-ċittadini Ewropej, l-istituzzjonijiet tal-istat, il-korpi tal-Unjoni u l-ekonomija jeħtieġ li jkunu protetti mit-theddid kontinwu tat-terroriżmu u tal-kriminalità organizzata, inklużi t-traffikar tal-armi tan-nar, it-traffikar tad-droga, it-traffikar ta' bnedmin u t-traffikar f'beni kulturali. Id-dimensjonijiet umani u soċjali tal-kriminalità u tar-radikalizzazzjoni vjolenti jeħtieġu li jkunu mifhuma aħjar biex ikun hemm titjib fil-politiki pubbliċi f'termini ta' sigurtà. It-tisħiħ tal-protezzjoni u s-sigurtà permezz ta' ġestjoni aħjar tal-fruntieri, inklużi l-fruntieri fuq l-art u l-baħar, huwa importanti wkoll. Iċ-ċiberkriminalità qed tiżdied u r-riskji marbuta magħha qed jiddiversifikaw hekk kif l-ekonomija u s-soċjetà jiddiġitalizzaw. L-Ewropa teħtieġ li tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb iċ-ċibersigurtà, il-privatezza diġitali, il-protezzjoni tad-data personali u tiġġieled kontra it-tixrid ta' informazzjoni falza u dannuża sabiex tissalvagwardja l-istabbiltà demokratika u ekonomika. Huma meħtieġa aktar sforzi sabiex jiġu limitati l-effetti fuq il-ħajja u fuq l-għajxien ta' avvenimenti estremi tat-temp li qed jintensifikaw minħabba t-tibdil fil-klima, bħall-għargħar, il-maltempati, il-mewġiet tas-sħana jew in-nixfa li twassal għal nirien fil-foresti u d-degradazzjoni tal-art, kif ukoll diżastri naturali oħra, bħal terremoti. Id-diżastri, kemm jekk naturali kif ukoll jekk ikkawżati mill-bniedem, jistgħu jqiegħdu f'riskju funzjonijiet tas-soċjetà u infrastrutturi kritiċi importanti, bħall-komunikazzjoni, is-saħħa, l-ikel, l-ilma tax-xorb, il-provvista tal-enerġija, it-trasport, is-sigurtà u l-gvern.

Dan ir-raggruppament jeħtieġ kemm riċerka teknika kif ukoll riċerka dwar il-fatturi umani involuti fit-titjib tar-reżiljenza għad-diżastri, inklużi, fejn xieraq, l-ittestjar ta' applikazzjonijiet, it-taħriġ u l-iġjene u l-edukazzjoni ċibernetiċi. Aktar sforzi huma meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riżultati tar-riċerka dwar is-sigurtà u għall-adozzjoni tagħhom.

Dan ir-raggruppament ser ifittex sinerġiji, b'mod partikolari mal-Programmi li ġejjin: il-Fond għas-Sigurtà Interna, il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri u l-Programm Ewropa Diġitali. Ser ifittex ukoll kooperazzjoni mtejba fir-R&I bejn l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi, inkluż permezz tal-iskambju u l-mekkaniżmi ta' konsultazzjoni, pereżempju fil-qasam ta' intervent "Protezzjoni u Sigurtà".

Ir-riċerka dwar is-sigurtà hija parti minn rispons komprensiv usa' tal-Unjoni għat-theddid tas-sigurtà. Din tikkontribwixxi għall-proċess tal-iżvilupp tal-kapaċità billi tippermetti li d-disponibbiltà futura tat-teknoloġiji, it-tekniki u l-applikazzjonijiet biex jimtlew il-lakuni tal-kapaċità identifikati minn dawk li jfasslu l-politika, il-prattikanti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-finanzjament tar-riċerka permezz tal-programm qafas preċedenti tal-Unjoni diġà rrappreżenta madwar 50 % tal-finanzjament pubbliku totali għar-riċerka dwar is-sigurtà fl-Unjoni. Ser isir użu sħiħ tal-istrumenti disponibbli, inkluż il-Programm Spazjali tal-Unjoni stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (EGNOS u Galileo, Copernicus, Għarfien tas-Sitwazzjoni fl-Ispazju u Komunikazzjonijiet Governattivi bis-Satellita). Filwaqt li l-attivitajiet ta' R&I taħt il-Programm Speċifiku ser jiffukaw esklussivament fuq applikazzjonijiet ċivili, ser titfittex il-koordinazzjoni mar-riċerka dwar id-difiża ffinanzjata mill-Unjoni sabiex jissaħħu s-sinerġiji, filwaqt li jiġi rikonoxxut li hemm oqsma ta' teknoloġija b'użu doppju. Tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-finanzjament. Il-kollaborazzjoni transfruntiera tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' suq uniku tas-sigurtà Ewropew u ttejjeb il-prestazzjoni industrijali, filwaqt li tirfed l-awtonomija tal-Unjoni. Ser tingħata l-attenzjoni dovuta lill-fehim u l-perċezzjoni tas-sigurtà min-nies.

Ir-riċerka dwar is-sigurtà tirrispondi għall-impenn tal-Aġenda ta' Ruma sabiex ikun hemm ħidma lejn "Ewropa sikura u sigura", li tikkontribwixxi għal Unjoni ta' Sigurtà ġenwina u effettiva.

L-attivitajiet ser jikkontribwixxu direttament b'mod partikolari għall-SDGs li ġejjin: SDG 16 – Paċi, Ġustizzja u Istituzzjonijiet b'Saħħithom.

3.1.1.   Soċjetajiet Reżiljenti għad-Diżastri

Id-diżastri jistgħu jirriżultaw minn diversi sorsi, kemm jekk naturali kif ukoll jekk magħmula mill-bniedem, inklużi dawk minn attakki terroristiċi, dawk marbuta mal-klima u avvenimenti estremi oħra (inkluża żieda fil-livell tal-baħar). Dawk is-sorsi jinkludu b’mod partikolari nirien fil-foresti, mewġiet tas-sħana, għargħar, terremoti, tsunamis u avvenimenti vulkaniċi, minn kriżijiet tal-ilma, minn avvenimenti tat-temp mill-ispazju, minn diżastri industrijali u tat-trasport, u minn avvenimenti Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari (CBRN, Chemical, Biological, Radiological, Nuclear), kif ukoll dawk li jirriżultaw minn riskji kaskata. L-għan huwa l-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-telf tal-ħajjiet, tal-ħsara lis-saħħa u lill-ambjent, tat-trawma u tal-ħsara ekonomika u materjali kkawżata mid-diżastri, kif ukoll li tiġi żgurata s-sigurtà fil-provvista tal-ikel, tal-mediċini, tas-servizzi u tal-ilma, u wkoll li jkun hemm għarfien aħjar u aktar tnaqqis tar-riskji ta' diżastri u jissaħħaħ l-irkupru wara diżastru. Dan jimplika l-kopertura tal-ispektrum kollu tal-immaniġġar tal-kriżijiet: mill-prevenzjoni u t-taħriġ, sal-immaniġġar ta' kriżijiet u l-immaniġġar u r-reżiljenza ta' wara kriżi.

Linji Ġenerali

It-teknoloġiji, il-kapaċitajiet u l-governanza għall-ewwel intervent f'operazzjonijiet ta' emerġenza f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, ta' diżastri u ta' wara d-diżastri u fl-ewwel fażi ta' rkupru;

Il-kapaċitajiet tas-soċjetà li, b'mod aħjar, tipprevjeni, timmaniġġa u tnaqqas ir-riskju ta' diżastri, inkluż permezz ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, bit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' prospettiva, il-prevenzjoni, l-istat ta' tħejjija u r-rispons għal riskji eżistenti u ġodda u effetti domino, il-valutazzjoni tal-impatt u l-fehim aħjar tal-fattur uman fl-immaniġġar tar-riskji u fl-istrateġiji tal-komunikazzjoni tar-riskju;

Appoġġ aktar effikaċi tal-filosofija ta' rikostruzzjoni aħjar tal-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030 permezz ta' fehim aħjar tal-irkupru wara d-diżastri u r-riċerka fil-valutazzjoni tar-riskju aktar effikaċi wara d-diżastri.

L-interoperabbiltà tat-tagħmir u l-proċeduri sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera u suq tal-Unjoni integrat;

3.1.2.   Protezzjoni u Sigurtà

Hemm bżonn li ċ-ċittadini jiġu protetti mit-theddid għas-sigurtà minn attivitajiet kriminali inklużi dawk terroristiċi u theddidiet ibridi, u li jkun hemm rispons għal dan it-theddid; li jiġu protetti l-persuni, l-ispazji pubbliċi u l-infrastruttura kritika, kemm minn attakki fiżiċi (inklużi materjali Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi, Nukleari u Esplożivi (CBRN-E)) kif ukoll dawk ċibernetiċi; li jiġu miġġielda t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni, inkluż permezz tal-fehim u l-indirizzar ta' ideat u twemmin terroristiċi; li tiġi pprevenuta u miġġielda l-kriminalità serja, inklużi ċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità organizzata (bħall-piraterija u l-falsifikazzjoni tal-prodotti); li jiġu appoġġati l-vittmi; li jiġu ntraċċati l-flussi finanzjarji kriminali; li jissaħħu l-kapaċitajiet forensiċi ġodda; li jiġi appoġġat l-użu tad-data għall-infurzar tal-liġi u biex tkun żgurata l-protezzjoni ta' data personali fl-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi; li jissaħħu l-kapaċitajiet għall-protezzjoni tal-fruntieri, li jkun appoġġat l-immaniġġar tal-fruntieri tal-Unjoni mill-ajru, fuq l-art u fuq il-baħar, għall-fluss tal-persuni u l-oġġetti u biex jiġi mifhum il-fattur uman f'dawn it-theddidiet kollha u fil-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tagħhom. Huwa essenzjali li tinżamm il-flessibbiltà biex fi żmien qasir jiġu indirizzati sfidi ġodda u imprevedibbli tas-sigurtà li jistgħu jimmaterjalizzaw.

Linji Ġenerali

Approċċi u teknoloġiji innovattivi għall-prattikanti tas-sigurtà (bħall-korpi tal-pulizija, is-servizzi tat-tifi tan-nar, is-servizzi mediċi, il-gwardji tal-fruntieri u l-kosta, l-uffiċċji tad-dwana), b'mod partikolari fil-kuntest tat-trasformazzjoni diġitali u l-interoperabbiltà tal-forzi tas-sigurtà, operaturi tal-infrastruttura, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u dawk li jiġġestixxu l-ispazji miftuħin;

Analiżi tal-fenomeni tal-kriminalità transfruntiera, metodi avvanzati ta' tqassim u ġbir tad-data li jkunu mgħaġġla, standardizzati u bi privatezza msaħħa, kif ukoll tal-aħjar prattiki;

Id-dimensjonijiet umani u soċjoekonomiċi tal-kriminalità u tar-radikalizzazzjoni vjolenti, fir-rigward ta' dawk involuti jew potenzjalment involuti f'tali imġiba kif ukoll dawk li huma affettwati jew potenzjalment affettwati, inklużi l-fehim u l-indirizzar ta' ideat u twemmin terroristiċi u ta' reati abbażi ta' sess, orjentazzjoni sesswali jew diskriminazzjoni razzjali;

L-analiżi tal-aspetti ta' sigurtà ta' teknoloġiji ġodda bħas-sekwenzi tad-DNA, l-editjar tal-ġenomi, in-nanomaterjali u l-materjali funzjonali, l-IA, is-sistemi awtonomi, id-droni, ir-robotika, il-quantum computing, il-kriptovaluti, l-istampar 3D u l-oġġetti li jintlibsu, il-blockchain, kif ukoll it-titjib fis-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini, l-awtoritajiet pubbliċi u l-industrija għall-prevenzjoni tal-ħolqien ta' riskji ġodda għas-sigurtà u biex jitnaqqsu riskji eżistenti, inklużi dawk minn teknoloġiji ġodda;

Titjib fil-kapaċitajiet ta' prospettiva u ta' analiżi għat-tfassil tal-politika u fil-livell strateġiku dwar it-theddid għas-sigurtà;

Il-protezzjoni tal-infrastrutturi kritiċi kif ukoll tal-ispazji miftuħa u pubbliċi minn theddid fiżiku, diġitali u ibridu, inklużi l-effetti tat-tibdil fil-klima;

Il-monitoraġġ u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz b'implikazzjonijiet għas-sigurtà, inkluż l-iżvilupp ta' kapaċitajiet għas-sejbien tas-sorsi ta' manipulazzjoni;

L-iżvilupp teknoloġiku għal applikazzjonijiet ċivili bl-iskop li, fejn xieraq, tissaħħaħ l-interoperabbiltà bejn il-protezzjoni ċivili u l-forzi militari;

L-interoperabbiltà tat-tagħmir u l-proċeduri għall-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera, intergovernattiva u bejn l-aġenziji, u l-iżvilupp ta' suq tal-Unjoni integrat;

L-iżvilupp ta' għodod u metodi għal ġestjoni integrata tal-fruntieri li tkun effikaċi u effiċjenti, b'mod partikolari biex tiżdied il-kapaċità tar-reazzjoni u titjieb il-kapaċità għall-monitoraġġ tal-movimenti fuq il-fruntieri esterni sabiex jissaħħu l-mezzi ta' sejbien tar-riskju, ir-reazzjoni għall-inċidenti u l-prevenzjoni tar-reati;

Is-sejbien ta' attivitajiet frodulenti fil-punti ta' qsim tal-fruntiera u tul il-katina tal-provvista, inklużi l-identifikazzjoni ta' dokumenti ffalsifikati jew manipulati mod ieħor u s-sejbien ta' traffikar ta' bnedmin u ta' kuntrabandu;

Il-protezzjoni ta' data personali fl-attivitajiet ta' infurzar tal-liġi tkun żgurata, b'mod partikolari fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi rapidi, inklużi l-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni u t-traċċabbiltà u l-ipproċessar tat-tranżazzjonijiet kollha;

L-iżvilupp ta' tekniki għall-identifikazzjoni ta' prodotti iffalsifikati, għat-titjib tal-protezzjoni ta' partijiet u oġġetti oriġinali u għall-kontroll ta' prodotti ttrasportati.

3.1.3.   Ċibersigurtà

L-attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi mhux biss jheddu l-ekonomiji tagħna, iżda jheddu wkoll il-proprju funzjonament tad-demokraziji tagħna, il-libertajiet tagħna u l-valuri tagħna. It-theddid ċibernetiku ħafna drabi jkun kriminali, motivat mill-profitt, iżda jista' jkun ukoll politiku u strateġiku. Is-sigurtà, il-libertà, id-demokrazija u l-prosperità futuri tagħna jiddependu fuq it-titjib tal-abbiltà tagħna li nipproteġu lill-Unjoni minn theddid ċibernetiku. It-trasformazzjoni diġitali tirrikjedi t-titjib sostanzjali taċ-ċibersigurtà, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-għadd enormi ta' apparat relattiv għall-Internet tal-Oġġetti mistenni li jiġi konness mal-internet, u l-operazzjoni sikura tas-sistemi tan-network u tal-informazzjoni, inkluż għall-grilji tal-elettriku, il-provvista u d-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb, il-vetturi u s-sistemi tat-trasport, l-isptarijiet, il-finanzi, l-istituzzjonijiet pubbliċi, il-fabbriki u d-djar. L-Ewropa trid tibni reżiljenza għall-attakki ċibernetiċi u toħloq deterrent ċibernetiku effikaċi, filwaqt li tkun ċerta li l-protezzjoni tad-data u l-libertà taċ-ċittadini jiġu msaħħa. Huwa fl-interess tal-Unjoni li tiżgura li tiżviluppa u żżomm il-kapaċitajiet strateġiċi taċ-ċibersigurtà essenzjali sabiex is-Suq Uniku Diġitali jkun sikur u, b'mod partikolari, sabiex tiżgura l-protezzjoni tan-networks u s-sistemi tal-informazzjoni kritiċi u tagħti s-servizzi ewlenin taċ-ċibersigurtà. L-Unjoni għandha tkun f'pożizzjoni li tiżgura b'mod awtonomu l-assi diġitali tagħha u li tikkompeti fis-suq taċ-ċibersigurtà globali.

Linji Ġenerali

It-teknoloġiji tul il-katina tal-valur diġitali (minn komponenti siguri u l-kriptografija reżistenti għall-quantum sas-software awtoriparatorju u networks);

It-teknoloġiji, il-metodi, l-istandards, u l-aħjar prattiki sabiex jiġi indirizzat it-theddid għaċ-ċibersigurtà, ikunu antiċipati l-bżonnijiet futuri, u l-industrija Ewropea tinżamm kompetittiva, inklużi l-għodod għall-identifikazzjoni elettronika, is-sejbien tat-theddid u l-iġjene ċibernetika, kif ukoll it-taħriġ u r-riżorsi tal-edukazzjoni;

Kollaborazzjoni miftuħa għal network Ewropew ta' kompetenza fiċ-ċibersigurtà u ċentru ta' kompetenza.

4.   RAGGRUPPAMENT "DIĠITALI, INDUSTRIJA U SPAZJU"

4.1.   Raġunament

Sabiex tiġi żgurata l-kompetittività industrijali u l-kapaċità li jiġu indirizzati l-isfidi globali li jiġu ffaċċati aktar 'il quddiem, l-Unjoni trid iżżid is-sovranità teknoloġika tagħha u l-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali tagħha fl-oqsma ewlenin li jirfdu t-trasformazzjoni tal-ekonomija, il-postijiet tax-xogħol u s-soċjetà tagħna.

L-industrija tal-Unjoni tipprovdi impjieg minn kull ħamsa u żewġ terzi tal-investimenti fir-R&Ż fl-Unjoni mis-settur privat u tiġġenera 80 % tal-esportazzjonijiet tal-Unjoni. Mewġa ġdida ta' innovazzjoni, li tinvolvi l-amalgamazzjoni tat-teknoloġiji fiżiċi u diġitali, ser tagħti bidu għal opportunitajiet kbar għall-industrija tal-Unjoni u ser ittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni.

Id-diġitalizzazzjoni hija mutur ewlieni. Hekk kif tkompli għaddejja b'pass mgħaġġel fis-setturi kollha, l-investiment fl-oqsma prijoritarji li jvarjaw mill-IA affidabbli sal-internet tal-ġenerazzjoni li jmiss, il-computing ta' prestazzjoni għolja, il-fotonika, it-teknoloġiji tal-quantum, il-mikroelettronika jew in-nanoelettronika u r-robotika, isir essenzjali għat-tisħiħ tal-ekonomija tagħna u s-sostenibbiltà tas-soċjetà tagħna. L-investiment, il-produzzjoni u l-użu tat-teknoloġiji diġitali jagħtu spinta qawwija lit-tkabbir ekonomiku tal-Unjoni, li bejn l-2001 u l-2011 biss ammonta għal żieda ta' 30 % fil-PDG tal-Unjoni. F'dan il-kuntest, ir-rwol tal-SMEs jibqa' fundamentali fl-Unjoni, f'termini ta' tkabbir kif ukoll ta' impjiegi. L-użu diġitali fost l-SMEs jippromwovi l-kompetittività u s-sostenibbiltà.

It-teknoloġiji abilitanti essenzjali (8) jirfdu t-tlaqqigħ tad-dinja diġitali ma' dik fiżika, li huwa ċentrali għal din il-mewġa globali ġdida ta' innovazzjoni. L-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp, id-dimostrazzjoni u l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji abilitanti essenzjali, u l-iżgurar ta' provvista ta' materja prima u avvanzata sigura, sostenibbli u affordabbli, ser jiżguraw l-awtonomija strateġika tal-Unjoni u jgħinu lill-industrija tal-Unjoni tnaqqas b'mod sinifikanti l-impronti tal-karbonju u ambjentali tagħha.

Teknoloġiji speċifiċi futuri u emerġenti jistgħu jintużaw ukoll skont kif ikun xieraq.

L-ispazju huwa ta' importanza strateġika; madwar 10 % tal-PDG tal-Unjoni jiddependi fuq l-użu ta' servizzi tal-ispazju. L-Unjoni għandha settur tal-ispazju li huwa ta' livell fost l-aqwa fid-dinja, b'industrija b'saħħitha tal-manifattura tas-satelliti u settur ta' servizzi downstream dinamiku. L-ispazju jipprovdi għodda importanti għall-monitoraġġ, il-komunikazzjoni, in-navigazzjoni u s-sorveljanza u jiftaħ ħafna opportunitajiet ta' negozju, speċjalment f'kombinazzjoni mat-teknoloġiji diġitali u sorsi oħra ta' data. L-Unjoni trid tieħu l-aħjar li tista' minn dawn l-opportunitajiet billi tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tal-programmi tal-ispazju tagħha, Copernicus, EGNOS u Galileo, u billi tipproteġi l-infrastrutturi tal-ispazju u tal-art minn theddid mill-ispazju.

L-Unjoni għandha l-possibbiltà unika li tkun mexxej globali u żżid sehemha fis-swieq dinjija, billi turi kif it-trasformazzjoni diġitali, it-tmexxija f'teknoloġiji abilitanti essenzjali u f'teknoloġiji tal-ispazju, il-bidla għal ekonomija ċirkolari b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u l-kompetittività jistgħu jsaħħu lil xulxin permezz tal-eċċellenza xjentifika u teknoloġika.

Sabiex l-ekonomija diġitalizzata, ċirkolari, ta' karbonju baxx, u b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju ssir realtà, trid tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni minħabba l-kumplessità tal-ktajjen ta' valur, in-natura sistemika u multidixxiplinari tat-teknoloġiji u l-kostijiet għoljin marbuta mal-iżvilupp tagħhom, u n-natura transsettorjali tal-problemi li jridu jiġu indirizzati. L-Unjoni trid tiżgura li l-atturi kollha tal-industrija, u s-soċjetà b'mod ġenerali, jistgħu jibbenefikaw minn teknoloġiji u diġitalizzazzjoni avvanzati u nodfa. L-iżvilupp tat-teknoloġiji waħidhom mhuwiex biżżejjed. Il-fehim mis-soċjetà ta' dawn it-teknoloġiji u l-evoluzzjonijiet huwa kruċjali għall-involviment tal-utenti aħħarin u bidliet fl-imġiba.

L-infrastrutturi orjentati lejn l-industrija, inklużi l-linji pilota, ser jgħinu lin-negozji tal-Unjoni, u b'mod partikolari lill-SMEs, jimplimentaw dawn it-teknoloġiji u jtejbu l-prestazzjoni tal-innovazzjoni tagħhom u jistgħu jiġu wkoll iffaċilitati minn programmi oħra tal-Unjoni.

Huwa essenzjali l-involviment b'saħħtu tal-industrija u tas-soċjetà ċivili fl-istabbiliment tal-prijoritajiet u l-iżvilupp ta' aġendi ta' R&I, li jżid ir-rinforz (leverage) tal-finanzjament pubbliku permezz tal-investiment privat u pubbliku, u jiżgura l-użu aħjar tar-riżultati. Il-fehim u l-aċċettazzjoni mis-soċjetà, fosthom il-konsiderazzjoni tad-disinn tal-prodotti, l-oġġetti u s-servizzi, huma ingredjenti ewlenin għas-suċċess, flimkien ma' aġenda ġdida għal ħiliet rilevanti għall-industrija u l-istandardizzazzjoni.

It-tlaqqigħ flimkien tal-attivitajiet dwar teknoloġiji diġitali, dawk abilitanti essenzjali u tal-ispazju, kif ukoll provvista sostenibbli ta' materja prima, ser jippermettu approċċ aktar sistemiku, u trasformazzjoni diġitali u industrijali aktar veloċi u aktar profonda. Dan ser jiżgura li r-R&I f'dawn l-oqsma jidħlu fil-politiki tal-Unjoni għall-industrija, id-diġitalizzazzjoni, l-ambjent, l-enerġija u l-klima, l-ekonomija ċirkolari, il-materja prima u avvanzata u l-ispazju, u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki.

Il-komplementarjetà ser tiġi żgurata permezz ta' attivitajiet taħt programmi oħra tal-Unjoni, u b'mod partikolari l-Programm Ewropa Diġitali u l-Programm Spazjali tal-Unjoni, waqt li tiġi rispettata d-delineazzjoni bejn programmi u jiġu evitati s-sovrapożizzjonijiet.

L-attivitajiet ser jikkontribwixxu direttament b'mod partikolari għall-SDGs li ġejjin: SDG 8 – Xogħol Diċenti u Tkabbir Ekonomiku; SDG 9 – Industrija, Innovazzjoni u Infrastruttura; SDG 12 – Konsum Responsabbli u Produzzjoni; SDG 13 – Azzjoni Klimatika.

4.2.   Oqsma ta' Intervent

4.2.1.   Teknoloġiji ta' Manifattura

Il-manifattura hija mutur ewlieni tal-impjiegi u l-prosperità fl-Unjoni, tipproduċi aktar minn tliet kwarti tal-esportazzjoni globali tal-Unjoni u tipprovdi aktar minn 100 miljun impjieg dirett u indirett. L-isfida ewlenija għall-manifattura tal-Unjoni hija li tibqa' kompetittiva fil-livell globali bi prodotti ta' valur miżjud għoli, li jkunu aktar intelliġenti u mfasslin b’mod speċjalizzat, immanifatturati b'kostijiet ħafna aktar baxxi għall-enerġija u għar-riżorsi materjali kif ukoll b'impronta tal-karbonju u ambjentali iżgħar. Il-kontributi kreattivi u kulturali, kif ukoll il-perspettivi mil-lat tax-xjenzi soċjali u umanistiċi dwar ir-relazzjoni bejn it-teknoloġija u n-nies fil-produzzjoni ser ikunu kruċjali biex jgħinu fil-ħolqien tal-valur miżjud. L-impatt fuq il-ħajja tax-xogħol u fuq ix-xogħol ser jiġi studjat ukoll.

Linji Ġenerali

It-teknoloġiji tal-manifattura rivoluzzjonarji, bħall-produzzjoni bijoteknoloġika, il-manifattura addittiva, ir-robotika industrijali, kollaborattiva, flessibbli u intelliġenti, sistemi tal-manifattura integrati mal-bniedem, promossi wkoll permezz ta' network tal-Unjoni ta' infrastrutturi orjentati lejn l-industrija, li jipprovdu servizzi biex jaċċelleraw it-trasformazzjoni teknoloġika u l-użu mill-industrija tal-Unjoni;

L-innovazzjonijiet rivoluzzjonarji li jużaw teknoloġiji abilitanti differenti tul il-katina tal-valur. Fost eżempji ta' dawn jinsabu t-teknoloġiji konverġenti, l-IA, ir-repliki diġitali, l-analitika tad-data, it-teknoloġiji tal-kontroll, it-teknoloġiji għal sensuri, ir-robotika industrijali, kollaborattiva u intelliġenti, is-sistemi ffukati fuq il-bniedem, il-produzzjoni bijoteknoloġika, it-teknoloġiji avvanzati tal-batteriji u taċ-ċelloli tal-idroġenu inkluż idroġenu bbażat fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u tal-karburant, it-teknoloġiji avvanzati tal-plasma u l-laser;

Il-ħiliet, il-postijiet tax-xogħol u n-negozji kompletament adattati għat-teknoloġiji l-ġodda, f'konformità mal-valuri soċjali Ewropej;

Impjanti konjittivi flessibbli, ta' preċiżjoni għolja, b'żero difetti, b'livelli baxxi ta' tniġġis u ta' skart, sostenibbli u newtrali għall-klima, konformi mal-approċċ ta' ekonomija ċirkolari, intelliġenti u sistemi ta' manifattura effiċjenti fl-użu tal-enerġija li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-konsumaturi;

Innovazzjonijiet rivoluzzjonarji fit-tekniki għall-esplorazzjoni tas-siti ta' kostruzzjoni, għal awtomazzjoni sħiħa tal-assemblaġġ fil-post u komponenti prefabrikati.

4.2.2.   Teknoloġiji Diġitali Ewlenin, inklużi Teknoloġiji tal-Kwantum

Iż-żamma u l-iżvilupp awtonomu ta' kapaċitajiet b'saħħithom ta' disinn u produzzjoni f'teknoloġiji diġitali essenzjali bħall-mikroelettronika u n-nanoelettronika, il-mikrosistemi, il-fotonika, is-software u s-sistemi ċiberfiżiċi, u l-integrazzjoni tagħhom kif ukoll il-materjali avvanzati għal dawn l-applikazzjonijiet ser ikunu essenzjali għal Unjoni kompetittiva, soċjali u ffukata fuq iċ-ċittadini.

Linji Ġenerali

Il-mikroelettronika u n-nanoelettronika, inklużi l-kunċetti tad-disinn u l-ipproċessar, il-komponenti u l-apparat għall-manifattura li jindirizzaw rekwiżiti speċifiċi tat-trasformazzjoni diġitali u l-isfidi globali, f'termini tal-funzjonalità tal-prestazzjoni, il-konsum u l-integrazzjoni tal-enerġija u l-materjal;

It-teknoloġiji effiċjenti u sikuri b'sensuri u għall-attwazzjoni u l-kointegrazzjoni tagħhom f'unitajiet komputazzjonali bħala l-faċilitaturi tal-industrija u tal-Internet tal-Oġġetti, inklużi soluzzjonijiet innovattivi dwar materjali flessibbli u konformabbli għal oġġetti faċli li jinteraġixxu mal-bniedem;

It-teknoloġiji li jikkomplementaw jew joffru alternattiva għan-nanoelettronika, bħal quantum computing integrat, trasmissjoni jew sensuri kif ukoll komponenti tal-computing newromorfiku u spintronics;

L-arkitetturi tal-computing u l-aċċeleraturi, il-proċessuri ta' potenza baxxa għal firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet inklużi computing newromorfiku li jħaddem applikazzjonijiet tal-IA, edge computing, diġitalizzazzjoni tal-industrija, Big Data u cloud computing, enerġija intelliġenti u mobilità konnessa u awtomatizzata;

Disinji tal-hardware tal-computing li jrendu garanziji sodi ta' eżekuzzjoni ta' fiduċja, b'miżuri ta' protezzjoni inkorporati tal-privatezza u tas-sigurtà għad-data tal-input u output, għall-quantum computing kif ukoll għall-istruzzjonijiet tal-ipproċessar u interfaċċi bniedem-magna adatti;

It-teknoloġiji tal-fotonika li jippermettu l-applikazzjonijiet permezz ta' avvanzi rivoluzzjonarji fil-funzjonalità, l-integrazzjoni u l-prestazzjoni;

It-teknoloġiji tal-inġinerija tas-sistemi u tal-kontroll sabiex jiġu appoġġati sistemi flessibbli, evolvabbli u kompletament awtonomi għal applikazzjonijiet affidabbli li jinteraġixxu mad-dinja fiżika u n-nies, inkluż f'dominji industrijali u kritiċi għas-sikurezza;

It-teknoloġiji tas-software li jtejbu l-kwalità, iċ-ċibersigurtà u l-affidabbiltà tas-software b'ħajja tas-servizz imtejba, li jżidu l-produttività tal-iżvilupp u li jintroduċu IA u reżiljenza inkorporati fis-software u fl-arkitettura tagħhom;

It-teknoloġiji emerġenti li jespandu t-teknoloġiji diġitali.

4.2.3.   Teknoloġiji Abilitanti Emerġenti

It-teknoloġiji abilitanti essenzjali wrew il-potenzjal tagħhom li jistimulaw l-innovazzjoni f'bosta setturi u bejn settur u ieħor (9). Sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' teknoloġiji abilitanti ġodda u jingħata kontribut lill-iżvilupp tal-innovazzjoni, iridu jiġu identifikati temi ta' riċerka trasformattivi li jkunu appoġġati minn stadju bikri ta' esplorazzjoni f'applikazzjonijiet pilota. Barra minn hekk, komunitajiet emerġenti, sikwit interdixxiplinari, jeħtieġ li jiġu megħjuna jilħqu l-massa kritika li tippermettilhom jiżviluppaw u jimmaturaw teknoloġiji promettenti b'mod sistematiku. Il-mira hija li t-teknoloġiji abilitanti emerġenti jinġabu għal livelli ta' maturità li jippermettu l-inklużjoni fi pjanijiet direzzjonali ta' R&I industrijali.

Linji Ġenerali

Appoġġ għal xejriet futuri u emerġenti f'teknoloġiji abilitanti ewlenin;

Appoġġ għal komunitajiet emerġenti li jinvolvu approċċ iffukat fuq il-bniedem mill-bidu nett;

Il-valutazzjoni tal-potenzjal ta' tfixkil tat-teknoloġiji industrijali ġodda emerġenti u l-impatt tagħhom fuq in-nies, l-industrija, is-soċjetà u l-ambjent, il-bini ta' interfaċċi ma' pjanijiet direzzjonali industrijali;

It-twessigħ tal-bażi industrijali għall-adozzjoni ta' teknoloġiji u ta' innovazzjoni b'potenzjal ta' skoperta rivoluzzjonarja, inkluż l-iżvilupp tar-riżorsi umani u fil-kuntest globali.

4.2.4.   Materjali Avvanzati

L-Unjoni hija l-mexxej globali fil-materjali avvanzata u l-proċessi assoċjati, li jagħmlu 20 % tal-bażi tal-industrija tagħha u jiffurmaw l-għerq ta' kważi l-ktajjen ta' valur kollha permezz tat-trasformazzjoni tal-materja prima. Sabiex tibqa' kompetittiva u tissodisfa l-ħtiġijiet taċ-ċittadini għal materjali sostenibbli, sikuri u avvanzati, l-Unjoni trid tinvesti fir-riċerka ta' materjali ġodda, inklużi materjali b'bażi bijoloġika, u materjali innovattivi tal-bini li jkunu effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, u trid ittejjeb id-durabilità u r-riċiklabbiltà tal-materjali, tnaqqas l-impronta tal-karbonju u ambjentali, u timmotiva l-innovazzjoni industrijali transsettorjali billi tappoġġa applikazzjonijiet ġodda fis-setturi kollha tal-industrija. Barra minn hekk, il-materjali avvanzati għandhom impatt kbir ħafna fuq il-bżonnijiet taċ-ċittadini.

Linji Ġenerali

Il-materjali (inklużi l-polimeri, il-materjali bijo, nano, bidimensjonali, intelliġenti u multi (inklużi l-linjoċellulożi), il-materjali komposti, il-metalli u l-ligi) u l-materjali avvanzati (pereżempju l-materjali quantum, responsivi, fotoniċi u superkondutturi) imfasslin b'karatteristiċi u funzjonalizzazzjoni ġodda u li jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji (filwaqt li ma jwasslux għal pressjonijiet ambjentali ikbar matul iċ-ċiklu sħiħ tagħhom mill-produzzjoni sal-użu tagħhom jew tmiemhom);

Il-proċessi u l-produzzjoni tal-materjali integrati li jsegwu approċċ orjentat lejn il-konsumaturi u etiku, inklużi attivitajiet prenormattivi u valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja, l-issorsjar u l-ġestjoni tal-materja prima, id-durabbiltà, l-użu mill-ġdid u r-riċiklabbiltà, is-sikurezza, il-valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent u l-ġestjoni tar-riskji;

Il-faċilitaturi tal-materjali avvanzati bħall-karatterizzazzjoni (pereżempju għall-iżgurar tal-kwalità), l-immudellar u s-simulazzjoni, il-pilotaġġ u l-espansjoni;

Ekosistema tal-innovazzjoni tal-Unjoni ta' infrastrutturi tat-teknoloġija (10), li jkunu f'network u aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati kollha, identifikati u prijoritizzati bi qbil mal-Istati Membri, li jipprovdu servizzi sabiex titħaffef it-trasformazzjoni teknoloġika u l-użu mill-industrija tal-Unjoni, b'mod partikolari mill-SMEs; din l-ekosistema tal-innovazzjoni ser tkopri t-teknoloġiji ewlenin kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw innovazzjonijiet fil-qasam tal-materjali;

Soluzzjonijiet ibbażati fuq materjali avvanzati għall-wirt kulturali, id-disinn, l-arkitettura u l-kreattività ġenerali, b'orjentazzjoni qawwija lejn l-utent, sabiex jiżdied il-valur fis-setturi industrijali u l-industriji kreattivi.

4.2.5.   Intelliġenza Artifiċjali u Robotika

Waħda mill-megatendenzi hija li kwalunkwe oġġett u tagħmir isiru intelliġenti u konnessi. Ir-riċerkaturi u l-innovaturi li jiżviluppaw l-IA u li joffru applikazzjonijiet fir-Robotika u f'oqsma oħra ser ikunu l-muturi ewlenin tat-tkabbir ekonomiku u tal-produttività fil-ġejjieni. Ħafna setturi fosthom is-saħħa, il-manifattura, il-bini tal-vapuri, il-kostruzzjoni, l-industriji tas-servizzi u l-biedja ser jużaw u jkomplu jiżviluppaw din it-teknoloġija abilitanti essenzjali, f'partijiet oħra tal-Programm Qafas. L-iżviluppi tal-IA jridu jitwettqu b'mod miftuħ mal-Unjoni kollha, jiżguraw is-sikurezza u l-korrettezza soċjetali u ambjentali tal-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-IA, u jqisu l-aspetti etiċi mill-bidu nett, kif ukoll jivvalutaw ir-riskji u jimmitigaw il-potenzjal tagħha għal użu malizzjuż u diskriminazzjoni mhux intenzjonata bħal preġudizzju abbażi ta' sess, razza jew diżabbiltà. L-IA tkun żviluppata f'qafas ikkoordinat tajjeb li jirrispetta l-valuri u l-prinċipji etiċi tal-Unjoni u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-Orizzont Ewropa ser ikun ikkomplementat b'attivitajiet stipulati fil-Programm Ewropa Diġitali.

Linji Ġenerali

It-teknoloġiji abilitanti tal-IA bħall-IA spjegabbli, l-IA etika, l-IA kkontrollata mill-bniedem, it-tagħlim permezz tal-magni mingħajr superviżjoni u l-effiċjenza tad-data u l-interazzjonijiet avvanzati bniedem-magna u magna-magna;

Ir-robotika sikura, intelliġenti, kollaborattiva u effiċjenti u sistemi inkorporati kumplessi u awtonomi;

It-teknoloġiji tal-IA ffukati fuq il-bniedem għal soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA;

L-iżvilupp u n-networking bejn il-kompetenzi fir-riċerka fil-qasam tal-IA mal-Ewropa kollha b'perspettiva kollaborattiva miftuħa filwaqt li tiġi żviluppata wkoll il-kapaċità għall-ittestjar magħluq;

L-użu li jsir mill-IA u r-robotika biex jgħinu lill-persuni b'diżabbiltà, u fl-inklużjoni ta' individwi emarġinati;

It-teknoloġiji għal pjattaformi tal-IA miftuħa inklużi l-algoritmi tas-software, ir-repożitorji tad-data, is-sistemi bbażati fuq aġenti, ir-robotika u l-pjattaformi ta' sistemi awtonomi.

4.2.6.   Internet tal-Ġenerazzjoni li Jmiss

L-Internet sar għodda ta' ffaċilitar prinċipali tat-trasformazzjoni diġitali tas-setturi kollha tal-ekonomija u s-soċjetà tagħna. L-Unjoni jeħtieġ tieħu l-inizjattiva sabiex twassal l-internet tal-ġenerazzjoni li jmiss lejn ekosistema ffukati fuq il-bniedem f'konformità mal-valuri soċjali u etiċi tagħna. L-investiment fit-teknoloġiji u s-software għall-internet tal-ġenerazzjoni li jmiss ser itejjeb il-kompetittività industrijali tal-Unjoni fl-ekonomija globali. L-ottimizzazzjoni tal-użu mal-Unjoni kollha ser tkun tirrikjedi kooperazzjoni fuq skala kbira bejn il-partijiet ikkonċernati kollha. Għandhom jitqiesu wkoll normi etiċi li jirregolaw l-internet tal-ġenerazzjoni li jmiss.

Linji Ġenerali

It-teknoloġiji u s-sistemi għal infrastrutturi fdati u effiċjenti fl-enerġija ta' network u servizz intelliġenti (inklużi konnettività lil hinn minn 5G, infrastrutturi definiti mis-software, Internet tal-Oġġetti, sistema ta' sistemi, infrastrutturi tal-cloud, networks ottiċi tal-ġenerazzjoni li jmiss, quantum, clouds konjittivi u internet tal-quantum, integrazzjoni ta' komunikazzjoni bis-satellita), li jippermettu kapaċitajiet f'ħin reali, il-virtwalizzazzjoni u l-ġestjoni deċentralizzata (radju ultra veloċi u flessibbli, edge computing, kuntesti u għarfien kondiviżi) sabiex tiġi żgurata prestazzjoni ta' network li tkun adattabbli skont id-daqs, effiċjenti u li tista' tistrieħ fuqha u tafdaha, adatta għall-implimentazzjoni massiva ta' servizz;

L-applikazzjonijiet u s-servizzi tal-internet tal-ġenerazzjoni li jmiss għall-konsumaturi, l-industrija u s-soċjetà mibnija fuq il-fiduċja, il-ġustizzja, l-interoperabbiltà, il-kontroll aħjar tad-data mill-utenti, l-aċċess b'lingwa trasparenti, il-kunċetti ġodda ta' interazzjoni multimodali, l-aċċess inklużiv u l-aċċess personalizzat ħafna għall-oġġetti, l-informazzjoni u l-kontenut, inklużi l-mezzi tax-xandir, il-media soċjali u n-networking soċjali kif ukoll mudelli kummerċjali għal tranżazzjonijiet u servizzi fuq infrastrutturi kondiviżi;

Middleware bbażat fuq is-software, inklużi teknoloġiji tar-reġistru distribwit bħall-blockchains, li jaħdmu f'ambjenti distribwiti ħafna, jiffaċilitaw l-immappjar tad-data u t-trasferiment tad-data bejn infrastrutturi ibridi li għandhom protezzjoni tad-data inerenti, IA inkorporata, analitika tad-data, sigurtà u kontroll fl-applikazzjonijiet u s-servizzi tal-internet ibbażati fuq il-fluss liberu ta' data u għarfien.

4.2.7.   Computing Avvanzat u Big Data

L-HPC u l-Big Data saru indispensabbli fl-ekonomija l-ġdida tad-data globali, fejn b'aktar computing tisboq lill-kompetizzjoni. L-analitika tal-HPC u tal-Big Data għandhom jiġu inkoraġġuti mal-Unjoni kollha u huma kritiċi fl-appoġġ għat-tfassil tal-politika, it-tmexxija fix-xjenza, l-innovazzjoni u l-kompetittività industrijali, u sabiex tinżamm is-sovranità nazzjonali filwaqt li jiġu rrispettati kwistjonijiet etiċi. Dawn l-attivitajiet ser ikunu kkomplementati b'attivitajiet stipulati fil-Programm Ewropa Diġitali.

Linji Ġenerali

L-HPC: il-ġenerazzjoni li jmiss ta' teknoloġiji u sistemi fuq skala eksa u posteksa (pereżempju mikroproċessuri b'konsum baxx tal-enerġija, software, integrazzjoni tas-sistema); algoritmi, kodiċijiet u applikazzjonijiet, u għodod tal-analitika u bankijiet tat-test; bankijiet tat-test għal provi industrijali u servizzi; l-appoġġ għar-R&I, u preferibbilment parteċipazzjoni mill-Istati Membri kollha, fir-rigward ta' infrastruttura HPC ta' livell dinji, inklużi l-ewwel infrastrutturi ibridi ta' HPC/Quantum computing, u l-appoġġ għar-R&I fir-rigward ta' servizzi kondiviżi fl-Unjoni;

Big Data: Analitika tad-data ta' prestazzjoni estrema; Il-"Privatezza mid-Disinn" fl-analiżi ta' Big Data personali u kunfidenzjali; teknoloġiji għal pjattaformi tad-data fuq skala sħiħa għall-użu mill-ġdid ta' data industrijali, personali u miftuħa; ġestjoni tad-data, interoperabbiltà u għodda ta' konnessjoni; applikazzjonijiet tad-data għal sfidi globali; metodi għax-xjenza tad-data;

Tnaqqis tal-impronta tal-karbonju tal-proċessi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT, information and communications technology), li jkopri l-hardware, l-arkitettura, il-protokolli ta' komunikazzjoni, is-software, is-sensuri, in-networks, iċ-ċentri tal-ħażna u tad-data, u li jinkludi valutazzjonijiet standardizzati.

4.2.8.   Industriji Ċirkolari

L-Ewropa tinsab fuq quddiem nett tat-transizzjoni globali lejn ekonomija ċirkolari. L-industrija tal-Ewropa għandha ssir industrija ċirkolari: il-valur ta' riżorsi, materjali u prodotti jenħtieġ li jinżamm għal ħafna aktar meta mqabbel mal-lum, u saħansitra jinfetħu ktajjen ta' valur ġodda. L-involviment taċ-ċittadini huwa kruċjali.

Il-materja prima primarja ser tkompli taqdi rwol importanti fl-ekonomija ċirkolari u trid tingħata attenzjoni għall-forniment, l-użu u l-produzzjoni sostenibbli tagħha. Iċ-ċikli sikuri u sostenibbli tal-materjali għandhom jiġu żgurati. Barra minn hekk, il-materjali kompletament ġodda, fosthom il-materjali b'bażi bijoloġika, il-prodotti u l-proċessi jenħtieġ li jiġu mfassla għaċ-ċirkolarità. Il-bini ta' industrija ċirkolari ser ikollu diversi vantaġġi għall-Ewropa: dan ser iwassal għal provvista sigura, sostenibbli u affordabbli ta' materja prima, li min-naħa tagħha ser tipproteġi lill-industrija mill-iskarsezza tar-riżorsi u mill-volatilità tal-prezzijiet. Dan ser joħloq ukoll opportunitajiet ġodda tan-negozju u modi ta' produzzjoni innovattivi u aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija. Ir-R&Ż iffukati fuq l-iżvilupp ta' sustanzi anqas perikolużi ser jiġu mħeġġa u stimulati.

L-għan huwa li jiġu żviluppati innovazzjonijiet rivoluzzjonarji affordabbli u li tintuża kombinazzjoni ta' teknoloġiji u proċessi avvanzati sabiex jittieħed il-valur massimu mir-riżorsi kollha.

Linji Ġenerali

Is-simbjożi industrijali bi flussi tar-riżorsi bejn l-impjanti fost is-setturi u l-komunitajiet urbani; il-proċessi u materjali, biex ir-riżorsi jinġarru, jiġu trasformati, użati mill-ġdid u maħżuna, permezz ta' kombinazzjoni tal-valorizzazzjoni tal-prodotti sekondarji, l-iskart, l-ilma mormi u s- CO2;

Il-valutazzjoni tal-valorizzazzjoni u taċ-ċiklu tal-ħajja tal-flussi tal-materjali u l-prodotti bl-użu ta' feedstock alternattiva, il-kontroll tar-riżorsi, it-traċċar u s-separazzjoni tal-materjali (inklużi metodi ta' ttestjar validati u għodod għall-valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent);

Il-prodotti, is-servizzi u l-mudelli kummerċjali ġodda b'ekodisinn għal prestazzjoni aħjar taċ-ċiklu tal-ħajja, id-durabbiltà, il-kapaċità ta' aġġornament u l-faċilità ta' tiswija, iż-żarmar, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ;

Industrija tar-riċiklaġġ effettiva, li timmassimizza l-potenzjal u s-sikurezza tal-materjali sekondarji u li timminimizza t-tniġġis (ċikli tal-materjali mhux tossiċi), it-tnaqqis tal-kwalità u t-tnaqqis fil-kwantità wara t-trattament;

L-eliminazzjoni jew, jekk m'hemmx alternattiva, l-immaniġġar sikur ta' sustanzi ta' tħassib fil-fażijiet tal-produzzjoni u ta' tmiem ħajjithom; sostituti sikuri, u teknoloġiji tal-produzzjoni sikuri u kosteffiċjenti;

Il-provvista u s-sostituzzjoni sostenibbli tal-materja prima, inkluża materja prima kritika, li jkopru l-katina tal-valur kollha.

4.2.9.   Industriji b'Emissjonijiet Baxxi tal-Karbonju u Nodfa

Is-setturi industrijali, inklużi industriji intensivi fl-enerġija bħall-azzar, jikkontribwixxu miljuni ta' impjiegi u l-kompetittività tagħhom hija kruċjali għall-prosperità tas-soċjetajiet tagħna. Madankollu, dawn huma responsabbli għal 20 % tal-emissjonijiet globali ta' gass b'effett serra u għandhom impatt ambjentali għoli (partikolarment f'termini ta' sustanzi niġġiesa fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija).

It-teknoloġiji rivoluzzjonarji għall-kisba ta' tnaqqis sinifikanti fil-gassijiet b'effett serra u t-tniġġis u l-ħtiġijiet tal-Unjoni tal-enerġija, spiss ikkombinati mat-teknoloġiji għall-industrija ċirkolari msemmija hawn fuq, ser iwasslu għal ktajjen ta' valur industrijali b'saħħithom, jirrevoluzzjonaw il-kapaċitajiet tal-manifattura u jtejbu l-kompetittività globali tal-industrija; u fl-istess ħin jagħmlu kontribuzzjonijiet ewlenin għall-miri tagħna għall-azzjoni klimatika u l-kwalità ambjentali.

Linji Ġenerali

It-teknoloġiji tal-proċess, inklużi t-tisħin u t-tkessiħ, l-għodod diġitali, l-awtomatizzazzjoni u d-dimostrazzjonijiet fuq skala kbira għall-prestazzjoni tal-proċess u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija; it-tnaqqis sostanzjali, jew l-evitar, fir-rigward tal-emissjonijiet industrijali tal-gassijiet serra u sustanzi niġġiesa, inkluża l-materja partikolata;

Il-valorizzazzjoni tas-CO2 mill-industrija u setturi oħra;

Teknoloġiji ta' konverżjoni għall-użu sostenibbli ta' sorsi tal-karbonju biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u jitnaqqsu l-emissjonijiet, inklużi sistemi tal-enerġija ibridi għall-industrija u s-settur tal-enerġija b'potenzjal ta' dekarbonizzazzjoni;

L-elettrifikazzjoni u l-użu ta' sorsi tal-enerġija mhux konvenzjonali fl-impjanti industrijali, u l-iskambji tal-enerġija u r-riżorsi bejn l-impjanti industrijali (pereżempju permezz ta' simbjożi industrijali);

Prodotti industrijali li jirrikjedu proċessi tal-produzzjoni b'emissjonijiet tal-karbonju baxxi jew żero tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

4.2.10.   L-ispazju, inkluża l-Osservazzjoni tad-Dinja

Is-sistemi u s-servizzi tal-ispazju tal-Unjoni jnaqqsu l-kostijiet u jtejbu l-effiċjenza, joffru soluzzjonijiet għall-isfidi tas-soċjetà, iżidu r-reżiljenza tas-soċjetà, jgħinu fil-monitoraġġ u fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jrawmu ekonomija kompetittiva u sostenibbli. L-appoġġ tal-Unjoni kien strumentali sabiex jiġu realizzati dawn il-benefiċċji. L-attivitajiet tar-R&I għandhom jappoġġaw ukoll l-evoluzzjoni tal-Programm Spazjali tal-Unjoni li għandu jibqa' fuq quddiem nett fl-iżvilupp tat-teknoloġija.

L-Unjoni ser tappoġġa sinerġiji bejn it-teknoloġiji spazjali u dawk abilitanti essenzjali (bħall-manifattura avvanzata, l-Internet tal-Oġġetti, il-Big Data, il-fotonika, it-teknoloġiji tal-quantum, ir-robotika u l-IA); ser trawwem settur tal-ispazju upstream u downstream li jkun ħaj, intraprenditorjali u kompetittiv, li jinkludi l-industrija u l-SMEs; ser tagħti spinta lill-applikazzjoni ta’ teknoloġiji, data u servizzi tal-ispazju f'setturi oħra u tgħin tiżgura n-nondipendenza sigura fl-aċċess u fl-użu tal-ispazju b'mod strateġiku, sikur u sigur; u ser tippromwovi miżuri għall-bini tal-kapaċità. Ġeneralment, l-attivitajiet ser ikunu bbażati fuq pjan direzzjonali, filwaqt li jqisu l-proċess ta' armonizzazzjoni tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA, European Space Agency) u inizjattivi rilevanti tal-Istati Membri, u ser jiġu implimentati mal-ESA u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali, f'konformità mar-Regolament (UE) 2021/696. Madankollu, il-parti spazjali ta' dan ir-raggruppament ser tappoġġa wkoll sejħiet minn isfel għal fuq sabiex ikunu jistgħu jiġu introdotti teknoloġiji spazjali futuri.

Hemm il-ħtieġa, fuq skala usa', ta' aktar użu, sfruttament u aġġornament ta' teknoloġiji ġodda u R&I kontinwati sabiex jiġu indirizzati l-lakuni fl-osservazzjoni tad-dinja fuq l-art u l-baħar u fl-atmosfera (bħal fir-rigward ta' oċeani u ibħra b'saħħithom, u l-ħarsien tal-ekosistemi), filwaqt li jittieħdu l-benefiċċji mill-programm Copernicus u programmi oħra rilevanti Ewropej bħala sorsi essenzjali u f'koordinazzjoni permezz tas-Sistema ta' Sistemi ta' Osservazzjoni tad-Dinja Globali (GEOSS) u l-komponent Ewropew tagħha EuroGEO.

Linji Ġenerali

Is-Sistemi Satellitari ta' Navigazzjoni Globali Ewropej (EGNOS u Galileo): applikazzjonijiet innovattivi, l-użu globali inklużi sħab internazzjonali, soluzzjonijiet li jtejbu r-robustezza, l-awtentikazzjoni, l-integrità tas-servizzi, l-iżvilupp ta' elementi fundamentali bħal settijiet ta' ċipep, riċevituri u antenni, is-sostenibbiltà tal-ktajjen ta' provvista, b'kondizzjonijiet kosteffettivi u affordabbli, teknoloġiji ġodda (pereżempju teknoloġiji quantum, kollegamenti ottiċi, tagħbiji utli riprogrammabbli), lejn l-isfruttament sostnut tas-servizzi għal impatt fuq l-isfidi tas-soċjetà; l-iżvilupp ta' sistemi tal-ġenerazzjoni li jmiss għal sfidi ġodda bħas-sigurtà jew is-sewqan awtonomu;

Is-sistema Ewropea ta' Osservazzjoni tad-Dinja (Copernicus): ir-rinforz tal-politika sħiħa u ħielsa tad-data miftuħa, l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet innovattivi, ta' użu Ewropew u globali, inklużi atturi mhux spazjali u sħubiji internazzjonali; ir-riċerka meħtieġa biex jinżammu, jittejbu u jespandu s-servizzi ewlenin u r-riċerka għall-assimilazzjoni u l-isfruttar tad-data dwar l-ispazju, ir-robustezza u l-evoluzzjoni tas-servizzi, is-sostenibbiltà tal-ktajjen tal-provvista, is-sensuri, is-sistemi u l-kunċetti ta' missjoni (bħal pjattaformi f'altitudni għolja, droni, satelliti ħfief); l-ikkalibrar u l-validazzjoni; l-isfruttament sostnut tas-servizzi u l-impatt fuq l-isfidi tas-soċjetà; it-tekniki tad-data tal-osservazzjoni tad-dinja, inkluża l-Big Data, ir-riżorsi tal-computing u l-għodod algoritmiċi; l-iżvilupp ta' sistemi tal-ġenerazzjoni li jmiss għal sfidi ġodda bħat-tibdil fil-klima u s-sigurtà; l-estensjoni tal-portafoll ta' servizzi u prodotti tal-Copernicus;

Għarfien tas-sitwazzjoni fl-ispazju: żviluppi biex jappoġġaw il-kapaċità robusta tal-Unjoni li timmonitorja u tbassar l-istat tal-ambjent tal-ispazju (bħat-temp fl-ispazju), inklużi l-perikli mir-radjazzjoni, ir-residwi spazjali u oġġetti qrib id-dinja; l-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' sensuri u kunċetti ta' servizz ġodda, bħall-ġestjoni tat-traffiku fl-ispazju, l-applikazzjonijiet u s-servizzi sabiex tiġi żgurata infrastruttura kritika fl-ispazju u fid-dinja;

Komunikazzjonijiet bis-satellita siguri għall-atturi governattivi tal-Unjoni: soluzzjonijiet li jappoġġaw l-awtonomija tal-Unjoni għall-utenti governattivi fosthom it-tagħmir tal-utenti assoċjat u s-soluzzjonijiet arkitettoniċi, teknoloġiċi u sistemiċi għall-infrastruttura tal-ispazju u fuq l-art;

Komunikazzjonijiet bis-satellita għaċ-ċittadini u n-negozji: l-integrazzjoni ta' komunikazzjonijiet bis-satellita kosteffettivi u avvanzati fin-networks terrestri għall-konnessjoni tal-assi u l-persuni f'żoni mhux milħuqa biżżejjed, bħala parti minn konnettività b'aċċess minn kullimkien li taħdem bil-5G, l-Internet tal-Oġġetti, u li jikkontribwixxu għall-infrastruttura tal-internet tal-ġenerazzjoni li jmiss; it-tisħiħ tas-segment terrestri u tat-tagħmir tal-utenti, l-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà, u t-tħejjija tal-komunikazzjoni essenzjali tal-quantum bis-satellita sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun mexxej industrijali;

In-nondipendenza u s-sostenibbiltà tal-katina tal-provvista: livelli miżjuda tal-istat ta' tħejjija teknoloġika fis-satelliti u l-lanċjaturi; is-segmenti fl-ispazju u fuq l-art assoċjati, u l-faċilitajiet ta' produzzjoni u ttestjar f'komplementarjetà mal-ESA; jiġu żgurati t-tmexxija u l-awtonomija teknoloġika tal-Unjoni, is-sostenibbiltà mtejba tal-katina ta' provvista, b'kondizzjonijiet kosteffettivi u affordabbli, id-dipendenza mnaqqsa fuq teknoloġiji ta' spazju kritiku mhux tal-Unjoni u għarfien imtejjeb dwar kif it-teknoloġiji tal-ispazju jistgħu joffru soluzzjonijiet għal setturi industrijali oħrajn u viċi versa;

Sistemi tal-ispazju: validazzjoni fl-orbita u servizzi ta' dimostrazzjoni, inklużi servizzi ta' ride-sharing għal satelliti ħfief; dimostraturi tal-ispazju f'oqsma bħal satelliti ibridi, intelliġenti jew rikonfigurabbli, il-manutenzjoni, il-manifattura u l-assemblaġġ fl-orbità, il-provvista tal-enerġija li tuża sorsi diversifikati; proċessi industrijali u għodod ta' produzzjoni ġodda; sistemi fuq l-art; innovazzjonijiet rivoluzzjonarji, u trasferiment tat-teknoloġija, f'oqsma bħar-riċiklaġġ, l-ispazju ekoloġiku, l-użu sostenibbli u paċifiku tar-riżorsi spazjali, l-IA, ir-robotika, id-diġitalizzazzjoni, il-kosteffiċjenza u l-minjaturizzazzjoni;

L-aċċess għall-ispazju: teknoloġiji innovattivi għaż-żieda fil-kompatibbiltà u l-effiċjenza ekonomika tas-sistemi Ewropej tal-lanċjaturi fl-ispazju, fir-rigward tal-lanċjar ta' satelliti tal-Unjoni: proċessi ta' produzzjoni bi spiża baxxa, teknoloġiji għall-użu mill-ġdid tal-lanċjaturi u kunċetti għat-tnaqqis tal-ispejjeż; kunċetti għal segmenti fuq l-art għal-lanċjaturi futuri u l-adattament tal-infrastrutturi eżistenti fuq l-art (bħad-diġitalizzazzjoni u l-ġestjoni avvanzata tad-data); servizzi/kunċetti innovattivi għat-trasportazzjoni fl-ispazju, inklużi sistemi ta' lanċjaturi ddedikati għas-satelliti ħfief (bħal mikrolanċjaturi), f'komplementarjetà mal-ESA;

Xjenza spazjali: sfruttament ta' data xjentifika mwassla permezz ta' missjonijiet xjentifiċi u ta' esplorazzjoni, ikkumbinat mal-iżvilupp ta' strumenti innovattivi f'ambjent internazzjonali u interdixxiplinari; il-kontribuzzjoni għal missjonijiet xjentifiċi prekursuri għall-evoluzzjoni tal-Programm Spazjali tal-Unjoni.

5.   RAGGRUPPAMENT "KLIMA, ENERĠIJA U MOBBILTÀ"

5.1.   Raġunament

L-intersezzjoni tar-R&I fir-rigward tal-klima, l-enerġija u l-mobbiltà ser tindirizza, b'mod tassew integrat u effettiv, waħda mill-aktar sfidi globali importanti għas-sostenibbiltà u l-futur tal-ambjent, l-ekonomija u l-istil ta' ħajja tagħna.

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, jeħtieġ li l-Unjoni tagħmel transizzjoni għal ekonomiji u soċjetajiet newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u reżiljenti. Din it-transizzjoni ser toħloq bidliet sinifikanti fit-teknoloġija, il-proċessi, il-prodotti u s-servizzi, u fil-mod kif iġibu ruħhom in-negozji u l-konsumaturi. It-trasformazzjoni tas-suq tal-enerġija ser isseħħ permezz tal-interazzjoni tat-teknoloġija, l-infrastruttura li torbot is-swieq ma' xulxin, il-forzi tas-swieq, kif ukoll l-oqfsa regolatorji u ta' politika, inklużi forom ġodda ta' governanza. It-tkomplija tal-isforzi sabiex iż-żieda fit-temperatura globali tiġi limitata għal 1,5 C, tirrikjedi progress rapidu biex jiġu dekarbonizzati s-setturi tal-enerġija, tat-trasport, tal-bini, dak industrijali u tal-agrikoltura. Jeħtieġ impetu ġdid biex jiġi aċċelerat il-pass tal-iżvilupp tal-avvanzi rivoluzzjonarji tal-ġenerazzjoni li jmiss kif ukoll tal-wiri u l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi u kosteffettivi, billi jintużaw ukoll l-opportunitajiet ipprovduti minn teknoloġiji diġitali, bijoloġiċi u spazjali kif ukoll minn teknoloġiji abilitanti essenzjali u materjali avvanzati. Dan ser isir permezz ta' approċċ integrat li jinkludi d-dekarbonizzazzjoni, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, irkupru mtejjeb, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, l-aċċess għall-materja prima u l-ekonomija ċirkolari fl-Orizzont Ewropa.

Il-progress f'dawn is-setturi, iżda anki fl-ispektrum kollu tal-industrija tal-Unjoni inklużi l-infrastrutturi tal-enerġija, it-trasport, l-agrikoltura u l-forestrija, it-turiżmu, il-bini, il-proċessi industrijali u l-użu tal-prodotti, il-ġestjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ (11), ser jirrikjedi sforzi kontinwi sabiex ikun hemm fehim aħjar tal-mekkaniżmi u d-dinamiċi tat-tibdil fil-klima u l-impatti assoċjati fl-ekonomija u s-soċjetà kollha, filwaqt li jiġu sfruttati s-sinerġiji ma' attivitajiet reġjonali u nazzjonali, tipi ta' azzjonijiet oħrajn tal-Unjoni u kooperazzjoni internazzjonali, inkluż permezz tal-innovazzjoni fil-missjoni.

Matul l-aħħar deċennji, saru avvanzi konsiderevoli fix-xjenza klimatika, partikolarment fl-osservazzjonijiet, fl-assimilazzjoni tad-data u fl-immudellar klimatiku. Madankollu, il-kumplessità tas-sistema tal-klima u l-ħtieġa li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, l-SDGs u l-politiki tal-Unjoni jeħtieġu sforz rinfurzat sabiex jimtlew il-lakuni li fadal fl-għarfien u sabiex tiġi msaħħa aktar il-granularità spazjali u temporali tax-xjenza klimatika filwaqt li tiġi żgurata interazzjoni adegwata maċ-ċittadini u partijiet ikkonċernati oħrajn.

L-Unjoni stabbiliet qafas ta' politika komprensiv fl-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija, b'miri vinkolanti, atti leġislattivi u attivitajiet ta' R&I mmirati li jkunu minn ta' quddiem fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' produzzjoni ta' enerġija effiċjenti bbażati fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli u alternattivi (12).

It-trasport, inklużi l-vetturi, jiżgura l-mobbiltà tal-persuni u l-oġġetti meħtieġa għal suq uniku integrat Ewropew, koeżjoni territorjali u soċjetà miftuħa u inklużiva. Fl-istess waqt, it-trasport jista' jkollu effetti sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem, il-konġestjoni, l-art, l-ilma, il-klima, il-kwalità tal-arja u l-istorbju, kif ukoll fuq is-sikurezza, li jwasslu għal għadd ta' mwiet prematuri u żieda fil-kostijiet soċjoekonomiċi. Id-domanda għal oġġetti u l-mobbiltà ser tkompli tikber. Għalhekk, l-innovazzjoni ser ikollha tnaqqas domanda dejjem akbar b'sistemi aktar nodfa u aktar effiċjenti ta' mobbiltà u ta' trasport li jeħtieġ ukoll li jkunu sikuri, intelliġenti, siguri, silenzjużi, affidabbli, aċċessibbli, inklużivi u affordabbli, filwaqt li joffru servizz bieb bieb integrat u bla xkiel lil kulħadd.

Iż-żewġ setturi huma muturi ewlenin tal-kompetittività u t-tkabbir ekonomiċi tal-Ewropa. It-trasport huwa settur fundamentali tal-ekonomija u għaliha fejn l-Unjoni hija mexxej dinji fit-tfassil u l-manifattura ta' vetturi, ferroviji, inġenji tal-ajru u bastimenti. Huwa jħaddan network kumpless ta' madwar 1.2 miljun kumpanija privata u pubblika fl-Unjoni, li jimpjegaw madwar 10,5 miljun persuna. Is-settur huwa importanti wkoll għall-kummerċ internazzjonali tal-Unjoni: fl-2016, 17,2 % tal-esportazzjonijiet totali tal-Unjoni ta' servizzi kienu relatati mat-trasport. Fl-istess waqt, l-Unjoni għandha aktar minn 2 miljun persuna li jaħdmu fil-qasam tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, filwaqt li tinsab fit-tieni post fid-dinja f'termini tal-għoti ta' privattivi għal teknoloġiji innovattivi ta' enerġija nadifa.

Il-kwistjonijiet affaċċjati mis-setturi tal-enerġija u t-trasport jmorru lil hinn mill-ħtieġa tat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Jenħtieġu soluzzjonijiet effettivi biex ikun hemm tweġiba għall-bidliet fl-imġiba tal-utenti u x-xejriet tal-mobbilità, il-globalizzazzjoni, il-kompetizzjoni internazzjonali li qed tiżdied u popolazzjoni ixjaħ, aktar urbana u dejjem aktar diversa. Fl-istess ħin, iż-żieda fil-penetrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali u bbażati fuq l-ispazju, il-vetturi awtomatizzati, l-IA, ir-robotika, l-kompetituri ġodda fis-suq, il-mudelli ta' negozju ta' tfixkil u l-ħtieġa li tiżdied ir-reżiljenza tas-sistema kontra l-perikli multidimensjonali (inkluż it-theddid ċibernetiku) iġibu trasformazzjoni sostantiva u joħolqu sfidi u opportunitajiet għall-kompetittività tas-setturi Ewropej tat-trasport u l-enerġija.

Il-kapaċità tal-ibliet li jiffunzjonaw ser issir dipendenti fuq it-teknoloġija u l-kwalità tal-ħajja tal-ibliet ser tevolvi madwar il-mobbiltà, l-enerġija u l-effiċjenza tar-riżorsi, il-ġestjoni tat-territorju u l-kompetizzjoni fl-użu tal-ispazju. L-iżviluppi ser ikunu wkoll ta' sfida għas-sostenibbiltà tal-mudelli soċjali eżistenti u għall-parteċipazzjoni soċjali, l-aspetti ta' inklużjoni u l-aċċessibbiltà kif ukoll l-affordabbiltà.

Is-sejbien ta' modi ġodda biex titħaffef l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji bbażati fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (inkluż permezz ta' trasportaturi intermedji bħall-gass bl-elettriku u l-idroġenu) u soluzzjonijiet mhux teknoloġiċi oħrajn għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea jirrikjedi domanda ikbar għall-innovazzjoni. Din tista' tiġi stimolata permezz tat-tisħiħ tal-pożizzjoni taċ-ċittadini u l-ekoloġizzazzjoni tal-akkwist pubbliku, kif ukoll permezz tal-innovazzjoni soċjoekonomika u fis-settur pubbliku u ser twassal għal approċċi usa' mill-innovazzjoni motivata mit-teknoloġija. Ir-riċerka soċjoekonomika li tkopri oqsma li jinkludu l-ħtiġijiet u t-tendenzi tal-utenti, l-attivitajiet ta' prospettiva, aspetti ambjentali, regolatorji, ekonomiċi, soċjali, kulturali u ta' mġiba, każijiet u mudelli tan-negozju u riċerka prenormattiva sabiex jiġu stabbiliti l-istandards u l-innovazzjoni tal-użu mis-suq, ser jiffaċilitaw ukoll azzjonijiet li jrawmu l-ħiliet tal-innovazzjoni regolatorja, ta' finanzjament u soċjali, kif ukoll l-involviment u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-atturi tas-suq, il-konsumaturi u ċ-ċittadini. Koordinazzjoni, komplementarjetà u sinerġija aħjar bejn sforzi ta' R&I nazzjonali u Ewropej billi jiġu promossi skambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni fost l-Istati Membri, l-industriji u l-istituzzjonijiet ta' riċerka tal-Unjoni ser jibnu fuq il-kisbiet ta', pereżempju, il-Pjan SET u l-Aġenda Strateġika ta' Riċerka u Innovazzjoni għat-Trasport (STRIA, Strategic Transport Research and Innovation Agenda). Il-komplementarjetà bejn dan ir-raggruppament u l-Fond tal-Unjoni għall-Innovazzjoni għal Sistema ta' Negozjar tal-Emissjonijiet ser tiġi żgurata.

L-attivitajiet li jaqgħu taħt dan ir-raggruppament jikkontribwixxu b'mod partikolari għall-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija, l-impenn taħt il-Ftehim ta’ Pariġi kif ukoll l-impenji fir-rigward tas-Suq Uniku Diġitali, l-aġenda dwar l-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Investiment, it-tisħiħ tal-Unjoni bħala attur globali, l-Istrateġija dwar il-Politika Industrijali l-ġdida tal-Unjoni, l-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Bijoekonomija, il-Pjan ta' Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari, l-Inizjattiva dwar Alleanza Ewropea tal-Batteriji, l-Inizjattiva tal-Materja Prima, l-Unjoni tas-Sigurtà u l-Aġenda Urbana, kif ukoll il-Politika Agrikola Komuni tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni sabiex jitnaqqsu l-istorbju u t-tniġġis tal-arja.

L-attivitajiet ser jikkontribwixxu direttament b'mod partikolari għall-SDGs li ġejjin: SDG 6 – Ilma Nadif u Sanità; SDG 7 – Enerġija Affordabbli u Nadifa; SDG 9 – Industrija, Innovazzjoni u Infrastruttura; SDG 11 – Bliet u Komunitajiet Sostenibbli; SDG 12 – Konsum u Produzzjoni Responsabbli; SDG 13 – Azzjoni Klimatika.

5.2.   Oqsma ta' Intervent

5.2.1.   Xjenza Klimatika u Soluzzjonijiet

L-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim ta’ Pariġi għandha tkun ibbażata fuq ix-xjenza, u dan jirrikjedi t-titjib kontinwu tal-għarfien tagħna dwar is-sistema klimatika tad-dinja, kif ukoll dwar l-opzjonijiet ta' mitigazzjoni u adattamenti disponibbli, li jippermettu xenarju sistemiku u komprensiv tal-isfidi u l-opportunitajiet responsabbli fir-rigward tal-klima għall-ekonomija u s-soċjetà tal-Unjoni. Abbażi ta' dan, ser jiġu żviluppati soluzzjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza għal transizzjoni kosteffettiva lejn soċjetà newtrali għall-klima, reżiljenti għat-tibdil fil-klima u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, b'kunsiderazzjoni tal-aspetti ta' mġiba, regolatorji, soċjoekonomiċi u ta' governanza.

Linji Ġenerali

Bażi ta' għarfien dwar il-funzjonament attwali u l-evoluzzjoni futura tas-sistema klimatika tad-dinja u ta' għajxien, kif ukoll l-impatti, ir-riskji u l-opportunitajiet responsabbli fir-rigward tal-klima assoċjati; effettività tas-soluzzjonijiet differenti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih;

Mogħdijiet integrati newtrali għall-klima, azzjonijiet u politiki ta' mitigazzjoni li jkopru s-setturi kollha tal-ekonomija, kompatibbli mal-analiżi tas-sistema tad-Dinja, il-Ftehim ta’ Pariġi u l-SDGs;

Mudelli, projezzjonijiet u tekniki klimatiċi li għandhom l-għan li jtejbu l-kapaċità ta' previżjoni u s-servizzi klimatiċi għan-negozji, l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadini, inklużi aspetti trasversali mat-titjib fil-kwalità tal-arja;

Mogħdijiet ta' adattament u politiki ta' appoġġ għall-ekosistemi vulnerabbli, iż-żoni urbani, is-setturi ekonomiċi u l-infrastruttura kritiċi fl-Unjoni (kemm jekk lokali, kif ukoll jekk reġjonali, jew nazzjonali), inklużi għodod mtejba għall-valutazzjoni tar-riskju; ċiklu tal-ilma u adattament għat-tibdil fil-klima, bħal għargħar u skarsezza tal-ilma

5.2.2.   Provvista tal-Enerġija

L-Unjoni timmira li tkun mexxej dinji f'teknoloġiji tal-enerġija affordabbli, siguri u sostenibbli, billi ittejjeb il-kompetittività tagħha fil-ktajjen tal-valur globali u l-pożizzjoni tagħha fis-swieq ta' tkabbir. Il-kondizzjonijiet klimatiċi, ġeografiċi, ambjentali u soċjoekonomiċi differenti fl-Unjoni kif ukoll il-ħtieġa li jiġu żgurati r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija u l-aċċess għall-materja prima, jiddettaw portafoll wiesa' ta' soluzzjonijiet tal-enerġija, inklużi dawk li mhumiex ta' natura teknika. Fir-rigward tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, jeħtieġ li l-ispejjeż jitnaqqsu aktar, il-prestazzjoni trid tittejjeb, l-integrazzjoni fis-sistema tal-enerġija trid tittejjeb, it-teknoloġiji rivoluzzjonarji jeħtieġ li jiġu żviluppati, b'mod partikolari jeħtieġ li jibbenefikaw mill-avvanzi fil-fotonika, u jeħtieġ li jiġu esplorati soluzzjonijiet ibridi (pereżempju għad-desalinizzazzjoni). Fir-rigward tal-karburanti fossili, id-dekarbonizzazzjoni tal-użu tagħhom hija essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi.

Linji Ġenerali

Teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u tal-konservazzjoni tal-enerġija u soluzzjonijiet għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ, karburanti tat-trasport sostenibbli u trasportaturi intermedji, f'diversi skali u stadji ta' żvilupp, adattati għall-kondizzjonijiet u s-swieq ġeografiċi u soċjoekonomiċi, kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll madwar id-dinja;

Teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli interruttiva kemm għal applikazzjonijiet eżistenti kif ukoll dawk ġodda u għal soluzzjonijiet rivoluzzjonarji, inkluż l-impatt ambjentali, ekonomiku u soċjali tagħhom;

Teknoloġiji u soluzzjonijiet biex jitnaqqsu emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra minn approċċi bbażati fuq karburanti fossili kif ukoll minn approċċi bijoloġiċi u dawk ibbażati fuq l-irkupru enerġetiku li jipproduċu elettriku, tisħin, tkessiħ jew bijokarburanti inkluż permezz tal-ġbir, l-użu u l-ħżin tal-karbonju u l-istudji tal-fattibbiltà soċjoekonomika u ekoloġika.

5.2.3.   Sistemi u Grilji tal-Enerġija

It-tkabbir mistenni fil-produzzjoni varjabbli tal-elettriku kif ukoll transizzjoni lejn tisħin, tkessiħ u trasport aktar elettriċi jiddettaw il-ħtieġa għal approċċi ġodda lejn il-ġestjoni tal-grilji tal-enerġija. Minbarra d-dekarbonizzazzjoni, l-għan huwa li jiġu żgurati l-affordabbiltà tal-enerġija, is-sigurtà, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, u l-istabbiltà tal-provvista, miksuba permezz ta' investimenti f'teknoloġiji innovattiva tal-infrastruttura tan-networks, flessibbiltà akbar tal-ġenerazzjoni tal-enerġija spedibbli, b'mod partikolari minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u ġestjoni innovattiva tas-sistemi kif ukoll billi jiġu ffaċilitati azzjonijiet li jrawmu l-innovazzjoni regolatorja u soċjali, il-ħiliet, u l-involviment ta', u l-għoti ta' setgħat lil, l-atturi tas-suq, lill-konsumaturi u lill-komunitajiet. Il-ħżin tal-enerġija f'forom differenti ser ikollu rwol prinċipali fil-forniment ta' servizzi lill-grilja, u jtejjeb u jirrinforza wkoll il-kapaċitajiet tan-network u l-flessibbiltà tas-sistema. L-isfruttament ta' sinerġiji bejn networks differenti (bħal grilji tal-elettriku, networks ta' tisħin u tkessiħ, networks tal-gass, l-infrastruttura għall-iċċarġjar u għar-riforniment ta' karburant lit-trasport, l-idroġenu, inkluża l-infrastruttura tiegħu, u networks tat-telekomunikazzjoni) u atturi differenti (bħal siti industrijali, operaturi tan-networks, ċentri tad-data, awtoprodutturi, konsumaturi, komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli), kif ukoll ir-rispons għad-domanda u l-iżvilupp u l-integrazzjoni ta' standards Ewropej u internazzjonali, ser ikunu kruċjali biex jiġi ffaċilitat l-operat intelliġenti u integrat tal-infrastrutturi rilevanti.

Linji Ġenerali

Teknoloġiji u għodod biex in-networks jintegraw sorsi ta' enerġija rinnovabbli, soluzzjonijiet ta' ħżin u tagħbijiet ġodda bħall-elettromobbiltà u l-pompi tas-sħana kif ukoll l-elettrifikazzjoni tal-proċessi industrija;

Approċċi multidixxiplinarji għall-impatt fuq is-sigurtà tal-enerġija relatat mat-tibdil fil-klima reġjonalment dipendenti, inkluż l-adattament ta' teknoloġiji eżistenti, kif ukoll transizzjoni għall-paradigmi l-ġodda ta' provvista tal-enerġija;

Approċċi tan-network tal-enerġija pan-Ewropej għal provvista, trażmissjoni u distribuzzjoni affidabbli tal-enerġija;

Approċċi integrati biex ikun hemm rikonċiljazzjoni bejn il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-konsum fil-livell lokali inkluż fil-gżejjer jew f'reġjuni remoti, abbażi ta' servizzi ġodda u inizjattivi fil-komunità;

Flessibbiltà tal-ġenerazzjoni u tan-network, interoperabbiltà u sinerġiji bejn is-sorsi, in-networks, l-infrastrutturi u l-atturi tal-enerġija differenti, li jisfruttaw ukoll teknoloġiji speċifiċi;

Teknoloġiji, servizzi u soluzzjonijiet li jsaħħu l-pożizzjoni tal-konsumatur biex dan ikun attur attiv fis-suq.

5.2.4.   Bini u Faċilitajiet Industrijali fit-Transizzjoni tal-Enerġija

Il-bini u l-faċilitajiet industrijali qed ikollhom rwol dejjem aktar attiv fl-interazzjoni tagħhom mas-sistema tal-enerġija. Għalhekk, huma jikkostitwixxu elementi kruċjali fit-transizzjoni lejn soċjetà newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju u bbażata fuq enerġija rinnovabbli u effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija.

Il-bini huwa fattur importanti għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. L-integrazzjoni ta' teknoloġiji, tagħmir u sistemi differenti u l-ikkollegar ta' diversi użi tal-enerġija, bini kif ukoll l-abitanti u l-utenti tiegħu jirrappreżentaw potenzjal kbir ħafna għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-ġenerazzjoni tal-enerġija, l-iffrankar tal-enerġija, il-ħżin tal-enerġija, il-flessibbiltà tas-sistema u t-titjib fl-użu effiċjenti tal-enerġija.

L-industriji, u speċjalment dawk li huma enerġetikament intensivi, jistgħu jkomplu jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, inaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom u jiffavorixxu l-integrazzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Ir-rwol tal-faċilitajiet industrijali fis-sistema tal-enerġija qed jinbidel, minħabba l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet, abbażi ta' elettrifikazzjoni diretta jew indiretta, li hija wkoll sors ta' materjali għall-proċessi tal-produzzjoni (bħall-idroġenu). Il-kumplessi industrijali u ta' manifattura fejn iseħħu ħafna proċessi differenti ħdejn xulxin jistgħu jottimizzaw l-iskambju ta' flussi ta' enerġija u ta' riżorsi oħrajn (bħal materja prima) bejniethom.

Linji Ġenerali

Titjib tal-akkoppjament tas-setturi: proċessi, sistemi u mudelli ta' negozju li jappoġġaw il-flessibilità u l-effiċjenza tal-flussi tal-elettriku u s-sħana bejn impjant industrijali jew raggruppamenti industrijali u s-sistemi tal-enerġija u tat-trasport;

Għodod u infrastruttura għall-kontroll tal-proċess tal-impjanti ta' produzzjoni biex jottimizzaw il-flussi tal-enerġija u l-materjali fl-interazzjoni mas-sistema tal-enerġija;

Proċessi, disinn u materjali rilevanti, inklużi proċessi industrijali b'emissjonijiet baxxi u żero;

Flessibbiltà u effiċjenza tal-elettriku, materja prima u sħana fil-pjanti industrijali u s-sistema tal-enerġija;

Proċessi, disinn u materjali mtejbin jew ġodda biex l-enerġija (inklużi sħana u kesħa) tintuża, tiġi prodotta jew tinħażen b'mod effiċjenti f'setturi li mhumiex koperti mir-raggruppament "Diġitali, Industrija u Spazju";

Strateġiji u teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi għar-rivitalizzazzjoni taż-żoni b'intensità ta' faħam u karbonju li jinsabu fi transizzjoni;

Bini intelliġenti u hubs kbar tal-mobbiltà (bħal portijiet, ajruporti, ċentri tal-loġistika) bħala elementi attivi ta' networks tal-enerġija usa' u ta' soluzzjonijiet innovattivi tal-mobbiltà;

It-tfassil, il-kostruzzjoni, l-operar, inklużi tisħin u tkessiħ, u ż-żarmar taċ-ċiklu tal-ħajja tal-bini, b'konsiderazzjoni taċ-ċirkolarità, l-enerġija u l-prestazzjoni ambjentali, kif ukoll il-kwalità ambjentali interna għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi, il-benesseri tal-abitanti u l-impatt fuq is-saħħa tal-abitanti, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, il-marka tal-karbonju u r-riċiklaġġ; l-iżvilupp u l-ottimizzazzjoni ta' materjali avvanzati ġodda biex tiżdied il-prestazzjoni tal-enerġija, tal-karbonju u dik ambjentali tal-bini tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

Mudelli ta' negozju, approċċi u servizzi ġodda għall-finanzjament ta' rinnovazzjoni, it-titjib tal-ħiliet tal-kostruzzjoni, l-involviment tal-persuni li jgħixu fil-bini u atturi tas-suq oħrajn, filwaqt li jiġu indirizzati l-faqar enerġetiku u l-attivitajiet pre-normattivi;

Prestazzjoni tal-enerġija tat-teknoloġiji ta' monitoraġġ u kontroll tal-bini għall-ottimizzazzjoni tal-konsum u l-produzzjoni tal-enerġija tal-bini kif ukoll l-interazzjoni tagħhom mas-sistema tal-enerġija ġenerali;

Għodod u tagħmir intelliġenti għal żidiet fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini;

Proċessi ta' rinnovazzjoni ta' bini eżistenti lejn "Bini b'użu ta' Kważi Żero Enerġija" u teknoloġiji innovattivi; inklużi aspetti soċjali, bħat-tisħiħ tal-pożizzjoni taċ-ċittadini u s-sensibilizzazzjoni u l-involviment tal-konsumaturi.

5.2.5.   Komunitajiet u Bliet

Huwa stmat li sal-2050, aktar minn 80 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni ser tkun qed tgħix f'żoni urbani, u tikkonsma l-parti l-kbira tar-riżorsi disponibbli, inkluża l-enerġija; tali żoni urbani ser ikunu partikolarment vulnerabbli għall-impatti negattivi tat-tibdil meteoroloġiku, aggravat minħabba t-tibdil fil-klima, u tad-diżastri naturali, kemm issa, kif ukoll, aktar u aktar, fil-futur. Sfida ewlenija hija li tiżdied b'mod sinifikanti l-effiċjenza ġenerali fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi, kif ukoll ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima tal-komunitajiet u l-ibliet Ewropej permezz ta' approċċ sistematiku u olistiku, li jimmira lejn l-istokk tal-bini, is-sistemi tal-enerġija, il-mobbiltà, it-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni, kif ukoll l-ilma, il-ħamrija, il-kwalità tal-arja, l-iskart u l-istorbju, b'kont meħud tal-wirt kulturali Ewropew, il-ġestjoni tat-turiżmu sostenibbli, ix-xjenzi soċjali, ix-xjenzi umanistiċi u l-aspetti artistiċi, inkluż l-istil tal-ħajja. Is-sinerġiji ma' politika u azzjonijiet urbani ffinanzjati mill-FEŻR jeħtieġ li jiġu investigati u sfruttati.

Linji Ġenerali

Sistemi ta' enerġija/mobbiltà tal-ibliet/tad-distretti lejn l-implimentazzjoni fl-Unjoni kollha ta' distretti b'enerġija pożittiva li huma newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, u mobbiltà u loġistika b'emissjonijiet żero sal-2050, li jagħtu spinta lill-kompetittività globali ta' soluzzjonijiet integrati tal-Unjoni;

Ippjanar urban sistemiku, sistemi u servizzi ta' infrastruttura inklużi interfaċċi reċiproċi u interoperabbiltà, standardizzazzjoni, soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-użu ta' teknoloġiji diġitali u data u servizzi bbażati fl-ispazju, b'kont meħud tal-effetti previsti tat-tibdil fil-klima u l-integrazzjoni tar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-influwenza fuq il-kwalità tal-arja u tal-ilma;

Kwalità ta' ħajja għaċ-ċittadini; enerġija u mobbiltà multimodali sikuri, flessibbli, aċċessibbli u affordabbli; innovazzjoni soċjali urbana u involviment taċ-ċittadini; kapaċità ċirkolari u riġenerattiva tal-ibliet; metaboliżmu urban; u impronta ambjentali iżgħar u inqas tniġġis;

Aġenda ta' riċerka dwar l-ibliet globali; żvilupp tal-istrateġija dwar il-mitigazzjoni, l-adattament u r-reżiljenza, ippjanar spazjali u proċessi tal-ippjanar rilevanti oħrajn.

5.2.6.   Kompetittività Industrijali fit-Trasport

It-transizzjoni lejn teknoloġiji, konnettività u awtomatizzazzjoni nodfa ser tiddependi fuq id-disinn u l-manifattura f'waqthom ta' inġenji tal-ajru, vetturi u bastimenti li jiżviluppaw teknoloġiji u kunċetti rivoluzzjonarji ġodda, jintegraw teknoloġiji differenti u jaċċelleraw l-introduzzjoni u l-kummerċjabbiltà tagħhom. Iktar kumdità, effiċjenza, affordabbiltà, filwaqt li jiġi minimizzat l-impatt taċ-ċiklu tal-ħajja fuq l-ambjent, is-saħħa tal-bniedem u fuq l-użu tal-enerġija, jibqgħu għanijiet ta' importanza kbira ħafna. Hija essenzjali infrastruttura tat-trasport li tkun innovattiva u b'kapaċità kbira għall-funzjonament adegwat tal-mezzi tat-trasport kollha bil-ħsieb ta' domanda akbar tal-mobbiltà u reġimi tat-teknoloġija li jinbidlu malajr. Tixraq attenzjoni partikolari lejn approċċ integrat għall-infrastruttura u l-iżvilupp ta' inġenji tal-ajru, bastimenti u vetturi sabiex jiġu pprovduti servizzi ta' mobbiltà ta' kwalità għolja u jiġi minimizzat l-impatt ambjentali, ekonomiku u soċjali tal-enerġija.

Linji Ġenerali

L-amalgamazzjoni tat-tfassil fiżiku u diġitali ta' inġenji tal-ajru, vetturi u bastimenti, l-iżvilupp u l-wiri, il-manifattura, l-operazzjonijiet, l-istandardizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u r-regolamentazzjoni u l-integrazzjoni (inkluża l-integrazzjoni tat-tfassil diġitali fil-manifattura diġitali);

Kunċetti u tfassil ta' inġenji tal-ajru, vetturi u bastimenti, inklużi l-partijiet ta' rikambju tagħhom u aġġornamenti ta' softwer u tat-teknoloġija, soluzzjonijiet tas-softwer; l-użu ta' materjali u strutturi mtejba, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-materjali; effiċjenza, ħżin u rkupru tal-enerġija, karatteristiċi ta' sikurezza u sigurtà b'kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tal-utenti, b'impatt iżgħar fuq il-klima, l-ambjent u s-saħħa, inklużi l-istorbju u l-kwalità tal-arja;

Teknoloġiji u sottosistemi abbord, inklużi funzjonijiet awtomatizzati għall-modi kollha tat-trasport, b'kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet rilevanti tal-interfaċċa ta' infrastruttura u l-esplorazzjoni; sinerġiji teknoloġiċi bejn il-modi; sistemi ta' trasport multimodali; sistemi ta' sikurezza u ta' evitar ta' aċċidenti u titjib taċ-ċibersigurtà; ir-rinforz tal-progress fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-IA; l-iżvilupp tal-interfaċċa bejn il-bniedem u l-magni;

Materjali, tekniki u metodi ta' kostruzzjoni ġodda, operazzjonijiet u manutenzjoni tal-infrastrutturi, li jiżguraw d-disponibbiltà ta' network affidabbli, interfaċċi intermodali u interoperabilità multimodali, sikurezza tal-forza tax-xogħol, u approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ;

L-indirizzar ta' kwistjonijiet ta' amalgamazzjoni tat-tfassil u l-iżvilupp ta' infrastruttura fiżika u diġitali, il-manutenzjoni tal-infrastruttura, ir-riġenerazzjoni u l-aġġornament tal-integrazzjoni tat-trasport, l-interoperabbiltà u l-intermodalità tat-trasport, reżiljenza għal avvenimenti ta' temp estrem, inkluż adattament għat-tibdil fil-klima.

5.2.7.   Trasport u Mobbiltà li jkunu Nodfa, Sikuri u Aċċessibbli

Sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-kwalità tal-arja, tal-klima u tal-enerġija tagħha, inklużi emissjonijiet netti żero sal-2050, kif ukoll titjib fit-tnaqqis fl-istorbju, jenħtieġ li ssir kunsiderazzjoni mill-ġdid tas-sistema tal-mobbiltà kollha inklużi l-ħtiġijiet u l-imġiba tal-utenti, il-vetturi, il-karburanti, l-infrastrutturi kif ukoll soluzzjonijiet ġodda ta' mobbiltà. Dan ser jirrikjedi wkoll l-implimentazzjoni ta' enerġiji alternattivi ta' emissjonijiet baxxi u l-użu mis-suq ta' inġenji tal-ajru, bastimenti u vetturi b'emissjonijiet żero. Flimkien mal-effetti tal-emissjonijiet ta' gass b'effett serra, it-trasport jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għal arja ta' kwalità baxxa u għall-istorbju fl-Ewropa, b'konsegwenzi negattivi għas-saħħa taċ-ċittadini u għall-ekosistemi. Abbażi tal-progress li sar b'rabta mal-elettrifikazzjoni u l-użu ta' batteriji u ċelloli tal-karburant għal karozzi, xarabanks u vetturi ħfief, akkumpanjati mal-istandards adegwati, huwa essenzjali li jitħaffef il-pass tar-R&I fir-rigward ta' soluzzjonijiet b'livell baxx ta' emissjonijiet għal applikazzjonijiet oħrajn tat-triq (bħal kowċijiet għal distanzi twal, vetturi tat-trasport tal-merkanzija tqal u trakkijiet) u setturi oħrajn tat-trasport bħall-avjazzjoni, it-trasport ferrovjarju, it-trasport marittimu u n-navigazzjoni fl-ilmijiet interni. Ir-riċerka dwar is-sikurezza tat-trasport għandha l-għan li tnaqqas ir-rati ta' inċidenti, fatalitajiet u mwiet għal kull mod ta' trasport u għas-sistema kollha tat-trasport billi tikkontribwixxi għall-għarfien u t-trawwim tal-kuxjenza u billi tiżviluppa teknoloġiji, prodotti, servizzi u soluzzjonijiet li jirrikonċiljaw is-sikurezza, l-effiċjenza, l-iffaċilitar tal-użu għall-utenti u t-tibdil fil-klima.

Linji Ġenerali

L-elettrifikazzjoni tal-modi tat-trasport kollha, li tinkludi teknoloġiji ġodda ta’ batteriji, ta’ ċelloli tal-karburant u teknoloġiji ibridi ġodda għall-motopropulsjoni u s-sistemi awżiljari ta' inġenji tal-ajru, vetturi u bastimenti, iċċarġjar jew riforniment tal-karburant rapidi, ħsad tal-enerġija u interfaċċi aċċessibbli faċilment u faċli biex jintużaw mill-utent mal-infrastruttura tal-iċċarġjar jew riforniment tal-karburant, u li tiżgura interoperabbiltà u forniment ta' servizzi bla xkiel; L-iżvilupp u l-użu ta' batteriji kompetittivi, sikuri, ta' prestazzjoni għolja u sostenibbli għal vetturi b'emissjonijiet baxxi jew emissjonijiet żero, b'kunsiderazzjoni tal-kondizzjonijiet kollha tal-użu u tul l-fażijiet differenti tal-ħajja tagħhom; l-iżvilupp u l-użu ta' batteriji kompetittivi, sikuri, ta' prestazzjoni għolja u sostenibbli għal vetturi b'emissjonijiet baxxi jew żero emissjonijiet;

L-użu ta' karburanti sostenibbli ġodda u alternattivi, inklużi bijokarburanti u inġenji tal-ajru, vetturi u bastimenti ġodda, sikuri u intelliġenti għal xejriet ta' mobbiltà eżistenti u futuri u infrastruttura ta' appoġġ b'impatt imnaqqas fuq l-ambjent u s-saħħa pubblika; komponenti u sistemi speċjalizzati għal soluzzjonijiet li jiffavorixxu l-ambjent (bħal sistemi avvanzati ta' ġbir tad-data), teknoloġiji u soluzzjonijiet ibbażati fuq l-utent għall-interoperabbiltà u l-forniment bla xkiel ta' servizzi;

Mobbiltà sikura, aċċessibbli, inklussiva u affordabbli, li tnaqqas l-impatt dannuż waqt li ssaħħaħ l-impatt pożittiv tal-mobbiltà fuq il-koeżjoni soċjali, l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, inkluża bidla lejn modi ta' trasport li jniġġsu inqas u lejn skemi ta' kondiviżjoni; kwalità tal-ħajja għaċ-ċittadini, innovazzjoni soċjali urbana; il-mira li jitnaqqsu jew jiġu eliminati aċċidenti u korrimenti minn inċidenti tat-traffiku fit-toroq;

Sistemi ta' mobbiltà reżiljenti għat-tibdil fil-klima, inklużi infrastruttura u loġistika, sabiex tkun żgurata konnettività aħjar għall-persuni u l-oġġetti, kemm fuq distanzi twal kif ukoll qosra;

Analiżi sistematika ta' xejriet ġodda ta' mobbiltà u l-impatt tagħhom fuq it-trasport u ċ-ċittadini.

5.2.8.   Mobbiltà Intelliġenti

Il-mobbiltà intelliġenti ser tgħin biex tiżgura l-effiċjenza, is-sikurezza u r-reżiljenza tal-mobbiltà bieb bieb u l-komponenti kollha tagħha, partikolarment bl-użu ta' teknoloġiji diġitali, in-navigazzjoni bis-satellita avvanzata (EGNOS u Galileo) u l-IA. It-teknoloġiji ġodda ser jgħinu jottimizzaw l-użu u l-effiċjenza tal-infrastruttura u n-networks tat-trasport, filwaqt li jtejbu l-multimodalità u l-konnettività u joħolqu trasport tal-merkanzija aktar effiċjenti u katina tal-provvista loġistika li ser issaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni. It-teknoloġiji ġodda ser jikkontribwixxu wkoll biex tiżdied l-affidabbiltà, tiġi ottimizzata l-ġestjoni tat-traffiku u biex ikunu possibbli soluzzjonijiet u servizzi tat-trasport innovattivi, biex b'hekk jitnaqqsu l-konġestjoni u l-impatt ambjentali negattiv, filwaqt li jkunu pprovduti mobbiltà u servizzi ta' loġistika aħjar għaċ-ċittadini u n-negozji biex b'hekk jitjiebu l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni soċjali. Il-mobbiltà konnessa u awtomatizzata flimkien mal-infrastruttura abilitanti ser ittejjeb l-effiċjenza u s-sikurezza fil-modi tat-trasport kollha.

Linji Ġenerali

Ġestjoni diġitali tan-networks u tat-traffiku: sistemi avvanzati ta' appoġġ għad-deċiżjonijiet; ġestjoni tat-traffiku tal-ġenerazzjoni li jmiss (inkluża ġestjoni multimodali tan-networks u tat-traffiku); kontribut għal mobbiltà bla xkiel, multimodali u interkonnessa għall-passiġġieri u l-merkanzija; użu u limitazzjonijiet tal-Big Data; użu ta' pożizzjonament u navigazzjoni satellitari innovattivi (EGNOS u Galileo);

Ajru Uniku Ewropew: soluzzjonijiet abbord u fuq l-art għal livelli simultanjament ogħla ta' awtomatizzazzjoni, konnettività, sikurezza, interoperabbiltà, prestazzjoni, tnaqqis tal-emissjonijiet u servizz;

Teknoloġiji u operazzjonijiet ferrovjarji għal sistema ferrovjarja ta' kapaċità għolja, silenzjuża, interoperabbli u awtomatizzata;

Soluzzjonijiet intelliġenti ta' tbaħħir għal operazzjonijiet aktar effiċjenti u sikuri fuq l-ilma;

Hubs ta' mobbiltà kbar (inklużi stazzjonijiet tal-ferrovija, portijiet, ajruporti u ċentri tal-loġistika) bħala elementi attivi ta' soluzzjonijiet innovattivi tal-mobbiltà;

Teknoloġiji u operazzjonijiet fuq l-ilma għal sistemi tat-trasport sikuri u awtomatizzati li jisfruttaw l-opportunitajiet ipprovduti mit-trasport fuq l-ilma;

Sistemi u servizzi ta' mobbiltà konnessi, kooperattivi, interoperabbli u awtomatizzati, inklużi soluzzjonijiet teknoloġiċi u kwistjonijiet mhux teknoloġiċi, bħal bidliet fl-imġiba tal-utent u fix-xejriet tal-mobbiltà.

5.2.9.   Ħżin tal-Enerġija

Soluzzjonijiet ta' ħżin massiv, intelliġenti, ikkonċentrat u deċentralizzat (li jinkludu teknoloġiji kimiċi, elettrokimiċi, elettriċi, mekkaniċi u termali u interruttivi ġodda) għas-sistema tal-enerġija ser iżidu l-effiċjenza, il-flessibbiltà, l-indipendenza teknoloġika u l-aċċessibbiltà, kif ukoll is-sigurtà tal-provvista. It-trasport b'emissjonijiet baxxi u dekarbonizzat ser jirrikjedi sehem li qed jikber ta' vetturi elettriċi jew li jaħdmu b' karburanti alternattivi, b'batteriji bi prestazzjoni aħjar u impatt ambjentali baxx li huma orħos, eħfef, riċiklabbli u li jistgħu jintużaw mill-ġdid, kif ukoll forniment lokali ta' karburanti alternattivi jew rinnovabbli bħall-idroġenu, inkluż l-idroġenu bbażat fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u soluzzjonijiet innovattivi għall-ħżin fis-sit. L-opzjonijiet għas-soluzzjonijiet ta' ħżin tal-enerġija fuq skala kbira b'mod sostenibbli u kosteffiċjenti huma essenzjali biex is-sistema tal-enerġija tiġi ottimizzata u bbilanċjata fis-setturi kollha tal-produzzjoni u l-infrastruttura sal-applikazzjonijiet tal-utent aħħari. Għandha tingħata attenzjoni fir-rigward tar-riskji tal-ħżin tal-enerġija u ta' effetti sekondarji oħrajn mhux mixtieqa.

Linji Ġenerali

Teknoloġiji li jinkludu karburanti likwidi u gassużi rinnovabbli u l-katini ta' valur assoċjati magħhom, u kif ukoll teknoloġiji interruttivi, għal ħtiġijiet ta' ħżin tal-enerġija minn kuljum sa staġjonali, inkluż l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u l-klima;

Batteriji intelliġenti, sostenibbli u durabbli u l-katina tal-valur tal-Unjoni, inklużi l-użu ta' soluzzjonijiet b'materjali avvanzati, disinn, teknoloġiji tal-produzzjoni ta' ċelluli tal-batteriji fuq skala kbira u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, metodi tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ kif ukoll operazzjoni effiċjenti f'temperaturi baxxi u ħtiġijiet ta' standardizzazzjoni;

Idroġenu, b'mod partikolari b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u rinnovabbli, inklużi ċelluli tal-karburant, u l-katina tal-valur tal-Unjoni mit-tfassil sal-użu aħħari f'diversi applikazzjonijiet.

6.   RAGGRUPPAMENT "IKEL, BIJOEKONOMIJA, RIŻORSI NATURALI, AGRIKOLTURA U AMBJENT"

6.1.   Raġunament

L-attivitajiet tal-bniedem qed jagħmlu pressjonijiet dejjem akbar fuq il-ħamrija, l-ibħra u l-oċeani, l-ilma, l-arja, il-bijodiversità u riżorsi naturali oħrajn. In-nutriment tal-popolazzjoni dejjem akbar tal-bnedmin tal-pjaneta huwa direttament dipendenti fuq is-saħħa tas-sistemi u r-riżorsi naturali. Lil hinn mill-valur intrinsiku tagħha, ekosistema prosperuża u li tiffunzjona hija l-bażi nnifisha ta' kull użu tar-riżorsi. Madankollu, ikkombinata mat-tibdil fil-klima, id-domanda dejjem akbar tal-bnedmin għar-riżorsi naturali toħloq pressjonijiet ambjentali li jmorru lil hinn sew minn livelli sostenibbli, li jaffettwaw l-ekosistemi u l-kapaċità tagħhom li jipprovdu servizzi għall-benesseri tal-bniedem. Il-kunċetti tal-ekonomija ċirkolari, il-bijoekonomija sostenibbli (13) u l-ekonomija blu (14) jipprovdu opportunità sabiex jinħoloq bilanċ bejn l-għanijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi u sabiex l-attivitajiet tal-bniedem jaqbdu l-mogħdija li twassal għas-sostenibbiltà.

Il-kisba tal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli, il-garanzija tal-produzzjoni u l-konsum ta' ikel sikur u bnin, il-promozzjoni ta' prattiki sostenibbli fl-agrikoltura, l-akkwakultura, is-sajd u l-forestrija, l-iżgurar ta' aċċess għal ilma, ħamrija u arja nodfa għal kulħadd, it-tindif tal-ibħra, l-oċeani, u l-ilmijiet interni, u l-preservazzjoni u r-restawr tas-sistemi naturali vitali tal-pjaneta u l-ambjent jirrikjedu li aħna nisfruttaw il-potenzjal tar-R&I. Madankollu għadna ma nifhmux sew il-mogħdijiet għat-transizzjoni lejn is-sostenibbiltà u l-metodi kif jiġu megħluba ostakli reżiljenti. It-transizzjoni lejn konsum u produzzjoni sostenibbli u t-tiġdid tas-saħħa planetarja jirrikjedu investiment f'riċerka u teknoloġiji, prodotti u servizzi ġodda ta' kwalità għolja, mudelli ta' negozju ġodda, u innovazzjoni soċjali, territorjali u ambjentali. Dan joħloq opportunitajiet ġodda għal bijoekonomija Ewropea sostenibbli, reżiljenti, innovattiva u responsabbli, filwaqt li jagħti spinta lill-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, il-produttività u l-kompetittività, u jiġġenera impjiegi u tkabbir ġodda u ekoloġiċi u jkabbar l-inklużjoni soċjali.

Huwa essenzjali għall-Ewropa li tuża r-riżorsi naturali tagħha b'mod aktar effiċjenti u b'mod sostenibbli.

L-attivitajiet ser jibnu bażi ta' għarfien u jipprovdu soluzzjonijiet biex: ir-riżorsi naturali mill-art, l-ilmijiet interni u l-baħar jiġu protetti kif ukoll ġestiti u użati b'mod sostenibbli, u jissaħħaħ ir-rwol tas-sistemi terrestri u akkwatiċi bħala bjar tal-karbonju; tiġi protetta l-bijodiversità, ikunu żgurati s-servizzi tal-ekosistemi u tiġi żgurata s-sigurtà alimentari u dik nutrizzjonali, filwaqt li jiġu provduti dieti sikuri, bnini u nutrittivi; tiġi aċċelerata t-transizzjoni minn ekonomija lineari bbażata fuq karburanti fossili għal ekonomija ċirkolari effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, reżiljenti, b'emissjonijiet baxxi, u b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, u jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' bijoekonomija sostenibbli u tal-ekonomija blu; u jiġu żviluppati żoni rurali, muntanjużi, kostali u urbani reżiljenti u vibranti.

Dawn l-attivitajiet ser jgħinu fiż-żamma u t-tisħiħ tal-bijodiversità u ser jiżguraw il-forniment fit-tul ta' servizzi tal-ekosistemi, bħall-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu u s-sekwestru tal-karbonju (fuq l-art, fuq ilmijiet interni u fuq il-baħar). Dawn ser jgħinu jnaqqsu l-gassijiet serra u emissjonijiet oħrajn, l-iskart u t-tniġġis mill-produzzjoni primarja (kemm dik terrestri kif ukoll dik akkwatika), l-użu ta' sustanzi perikolużi, l-ipproċessar, il-konsum u attivitajiet oħrajn tal-bniedem. Dawn ser jiskattaw investimenti, biex tiġi appoġġata t-transizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, bijoekonomija sostenibbli u ekonomija blu, filwaqt li jipproteġu s-saħħa u l-integrità ambjentali.

L-attivitajiet ser irawmu wkoll approċċi parteċipatorji lejn ir-R&I, inkluż approċċ li jinvolvi diversi atturi, u ser jiżviluppaw sistemi tal-għarfien u l-innovazzjoni fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u dak Ewropew. L-innovazzjoni soċjali bl-involviment taċ-ċittadini u l-fiduċja fl-innovazzjoni ser tkun kruċjali biex jitħeġġu xejriet u ħiliet ġodda ta' governanza, produzzjoni u konsum.

Minħabba li dawn l-isfidi huma kumplessi, interkonnessi u globali fin-natura tagħhom, l-attivitajiet ser isegwu approċċ sistemiku, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u s-sħab internazzjonali, ma' sorsi ta' finanzjament oħrajn u ma' inizjattivi ta' politika oħrajn. Dan ser jinvolvi l-isfruttament motivat mill-utenti ta' sorsi ta' Big Data ambjentali, bħal dawk mill-programmi Copernicus, EGNOS u Galileo, INSPIRE, EOSC, GEOSS, CEOS u EMODnet.

L-attivitajiet tar-R&I taħt dan ir-raggruppament jikkontribwixxu b'mod partikolari għall-implimentazzjoni tal-għanijiet ta': il-Programm ta' Azzjoni Ambjentali, il-Politika Agrikola Komuni, il-Politika Komuni tas-Sajd, il-leġislazzjoni rigward il-Liġi dwar l-Ikel, il-Politika Marittima, il-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Bijoekonomija, il-qafas ta' politika dwar għall-klima u l-enerġija għall-2030 u l-viżjoni ta' terminu twil tal-Unjoni għan-newtralità (15) f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju għall-2050, il-Politika tal-UE dwar l-Artiku kif ukoll id-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni mmirati lejn it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja. Lil hinn mis-sorsi ġenerali ta' parir estern, ser jintalbu konsultazzjonijiet speċifiċi mill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola.

L-attivitajiet ser jikkontribwixxu direttament b'mod partikolari għall-SDGs li ġejjin: SDG 2 – Mingħajr Ġuħ; SDG 3 – Saħħa Tajba u Benesseri; SDG 6 – Ilma Nadif u Sanità; SDG 8 – Xogħol Diċenti u Tkabbir Ekonomiku; SDG 9 – Industrija, Innovazzjoni u Infrastruttura; SDG 11 – Bliet u Komunitajiet Sostenibbli; SDG 12 – Konsum u Produzzjoni Responsabbli; SDG 13 – Azzjoni Klimatika; SDG 14 – Il-Ħajja Taħt l-Ilma; SDG 15 – Il-Ħajja fuq l-Art.

6.2.   Oqsma ta' intervent

6.2.1.   Osservazzjoni Ambjentali

Il-kapaċità li jiġi osservat l-ambjent (16), inklużi l-osservazzjoni mill-ispazju, l-osservazzjoni fuq il-post (ajru, baħar, art), u l-osservazzjonijiet taċ-ċittadini, tirfed ir-R&I għall-użu sostenibbli u l-monitoraġġ ta' ikel u riżorsi naturali, il-bijomonitoraġġ u l-monitoraġġ ambjentali. Il-kopertura spazjotemporali mtejba u intervalli ta' teħid tal-kampjuni bi tnaqqis fl-ispejjeż, kif ukoll l-aċċess għall-Big Data u l-integrazzjoni minn sorsi multipli jipprovdu modi ġodda ta' monitoraġġ, fehim u tbassir tas-sistema tad-Dinja. Ir-R&I huma meħtieġa biex jiġu żviluppati metodi u teknoloġiji biex tittejjeb il-kwalità kif ukoll biex jiġu ffaċilitati l-aċċess u l-użu tad-data.

Linji Ġenerali

Approċċi motivati mill-utenti u sistemiċi inkluża data miftuħa, lejn data ambjentali u informazzjoni għal immudellar kumpless u sistemi predittivi, opportunitajiet kummerċjali mill-isfruttament u l-valorizzazzjoni ta' data eżistenti u dik ġdida;

Żvilupp ulterjuri ta' portafoll ta' prodotti u servizzi għal osservazzjonijiet ambjentali;

L-istatus tal-bijodiversità, il-protezzjoni tal-ekosistema, il-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima, is-sigurtà alimentari, l-agrikoltura u l-forestrija, l-użu tal-art u l-bidla fl-użu tal-art, l-iżvilupp urban u periurban, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, il-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar u tal-oċeani, is-sigurtà marittima, tendenzi ambjentali fuq medda twila ta' żmien, bidliet fil-varjabbiltà staġjonali, tibdil fl-arja ambjentali u dak atmosferiku, u dominji rilevanti oħrajn;

Applikazzjonijiet orjentati lejn l-utent, li għandhom jitwasslu permezz tal-inizjattiva EuroGEO, inkluż l-aġġornament tagħhom, biex isir kontribut għall-preservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali Ewropej (inkluża l-esplorazzjoni ta' materja prima) u s-servizzi tal-ekosistemi u l-katina tal-valur relatata magħhom;

Implimentazzjoni tas-Sistema ta' Sistemi għall-Osservazzjoni Globali tad-Dinja tal-inizjattiva GEO (Grupp dwar l-Osservazzjonijiet tad-Dinja).

6.2.2.   Il-Bijodiversità u r-Riżorsi Naturali

Jeħtieġ fehim, preservazzjoni u ġestjoni mtejbin tal-bijodiversità u l-ekosistemi, is-servizzi multipli li dawn jipprovdu (f'kuntest tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tal-impatti tagħha) u l-"konfini" planetarji, kif ukoll soluzzjonijiet li jisfruttaw is-setgħa u l-kumplessità tan-natura, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà, tissaħħaħ is-sostenibbiltà u jinkiseb l-għan tal-Unjoni "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna" sal-2050 kif inhu stipulat fis-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni. Tul il-ktajjen tal-valur kollha, trid tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta għall-impatti upstream potenzjali. Il-kooperazzjoni u l-kontribuzzjoni internazzjonali lejn sforzi u inizjattivi internazzjonali, bħall-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi (IPBES), huma essenzjali għall-kisba tal-għanijiet f'dan il-qasam. Jeħtieġ li nifhmu aħjar il-governanza tat-transizzjoni lejn is-sostenibbiltà fis-sistema ekonomika, soċjali u naturali, mil-livell lokali għal dak globali.

Linji Ġenerali

L-istat u l-valur tal-bijodiversità, l-ekosistemi terrestri, tal-ilma ħelu u marini, il-kapital naturali u s-servizzi tal-ekosistemi, inklużi ekosistemi agrikoli u l-mikrobijoma;

Approċċi olistiċi u sistemiċi fi ħdan qafas soċjoekoloġiku għar-rabtiet bejn il-bijodiversità, l-ekosistemi u s-servizzi tal-ekosistemi u r-relazzjonijiet ta' kawżalità tagħhom mal-muturi tal-bidla, fi skali u attivitajiet ekonomiċi differenti, inklużi l-aspetti soċjo ekonomiċi u l-governanza tal-proċessi ta' transizzjoni lejn is-sostenibbiltà;

L-immudellar tat-tendenzi u x-xenarji integrati għall-bijodiversità, is-servizzi tal-ekosistemi u l-kwalità ta' ħajja tajba fi skali u orizzonti differenti; il-kontribuzzjoni potenzjali ta' bijotopi u ekosistemi bħala bjar tal-karbonju f'diversi xenarji ta' tibdil fil-klima; kunflitti potenzjali ta' interess fl-użu ta' riżorsi naturali u servizzi;

L-ekotossikoloġija ta' komposti u sustanzi niġġiesa ġodda, l-interazzjonijiet tagħhom, inklużi effetti mħallta, u l-imġiba ambjentali tagħhom, u ċ-ċrieki bijokimiċi mibdulin bit-tibdil fil-klima, ir-restawr ta' żoni degradati;

L-integrazzjoni tas-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistemi f'oqfsa ta' teħid ta' deċiżjonijiet u sistemi ta' kontabilità tal-gvernijiet u n-negozji, kif ukoll il-kwantifikazzjoni tal-benefiċċji ekoloġiċi, ekonomiċi u għas-soċjetà;

Soluzzjonijiet adattabbli u multifunzjonali bbażati fin-natura, li jindirizzaw l-isfidi f'żoni urbani, periurbani, rurali, kostali u muntanjużi relatati mat-tibdil fil-klima, id-diżastri naturali, it-telf tal-bijodiversità, id-degradazzjoni tal-ekosistemi, it-tniġġis, il-koeżjoni soċjali u s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini;

Approċċi ta' "laboratorji ħajjin" b'diversi atturi li jinvolvu lill-awtoritajiet, lill-partijiet ikkonċernati u lis-soċjetà ċivili fil-kodisinn u l-koħolqien ta' soluzzjonijiet sistemiċi għall-preservazzjoni, ir-restawr u l-użu sostenibbli tal-kapital naturali, u l-governanza tat-transizzjoni lejn is-sostenibbiltà u għażliet ta' ġestjoni sostenibbli f'attivitajiet ekonomiċi fi ċrieki tal-valur sħiħ f'kondizzjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali differenti.

6.2.3.   Agrikoltura, Forestrija u Żoni Rurali

Agrikoltura u forestrija reżiljenti u sostenibbli jipprovdu benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjali u huma prerekwiżiti għal sigurtà alimentari kontinwa. Dawn jikkontribwixxu fi ktajjen ta' valur dinamiċi, jiġġestixxu l-art u r-riżorsi naturali, u jipprovdu wkoll firxa ta' oġġetti pubbliċi vitali inklużi s-sekwestru tal-karbonju, il-preservazzjoni tal-bijodiversità, id-dakkir u s-saħħa pubblika. Huma meħtieġa approċċi integrati u bbażati fuq il-post għall-promozzjoni tal-funzjonijiet multipli tal-(eko)sistemi agrikoli u tal-foresti b'konsiderazzjoni tal-kuntest li qed jinbidel għall-produzzjoni primarja, b'mod partikolari b'rabta mat-tibdil fil-klima u l-ambjent, id-disponibbiltà tar-riżorsi, id-demografija u x-xejriet tal-konsum. Il-kwalità u s-sikurezza tal-prodotti agrikoli għandhom jiġu żgurati biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi. Is-saħħa tal-pjanti u s-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali għandhom jiġu żgurati wkoll. Huwa neċessarju wkoll li tiġi indirizzata d-dimensjoni spazjali, soċjoekonomika u kulturali tal-attivitajiet agrikoli u tal-forestrija u li jiġi mobilizzat il-potenzjal taż-żoni rurali u kostali.

Linji Ġenerali

Metodi, teknoloġiji u għodod għal agrikoltura u forestrija sostenibbli, reżiljenti u produttivi, inkluż l-adattament għat-tibdil fil-klima;

Il-ġestjoni sostenibbli u l-użu effiċjenti tar-riżorsi naturali (bħall-ħamrija, l-ilma, in-nutrijenti u l-bijodiversità, inklużi r-riżorsi ġenetiċi) fl-agrikoltura u l-forestrija; alternattivi għal riżorsi mhux rinnovabbli u l-adozzjoni tal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, inkluż permezz tar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-iskart u l-prodotti sekondarji;

L-impatt klimatiku u ambjentali tal-attivitajiet fis-settur primarju; il-potenzjal tal-agrikoltura u l-forestrija bħala bjar tal-karbonju u għall-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, inklużi l-approċċi lejn l-emissjonijiet negattivi; żieda fl-adattabbiltà tal-produzzjoni primarja għat-tibdil fil-klima;

Approċċi integrati biex jiġu ttrattati pesti u mard tal-pjanti; kontroll tal-mard kontaġġjuż u żoonotiku tal-annimali u t-trattament xieraq tal-annimali; strateġiji ta' prevenzjoni, kontroll u dijanjostiċi u alternattivi għall-użu ta' pestiċidi, antibijotiċi u sustanzi oħrajn ukoll biex tiġi trattata r-reżistenza;

Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi u t-theddid mill-perikli bijoloġiċi u agrokimiċi, inklużi l-pestiċidi, kif ukoll il-kontaminanti kimiċi li jindirizzaw ir-rabtiet bejn is-saħħa tal-pjanti, tal-annimali, tal-ekosistemi u s-saħħa pubblika minn perspettivi ta' Saħħa Waħda u Saħħa-Globali;

L-użu u t-twassil ta' servizzi tal-ekosistemi fis-sistemi tal-agrikoltura u l-forestrija li japplikaw approċċi ekoloġiċi u jittestjaw soluzzjonijiet ibbażati fin-natura mil-livelli tar-razzett sal-pajsaġġ għal agrikoltura favur l-ambjent; appoġġ għall-biedja organika;

Sistemi agrikoli u ta' forestrija minn livelli tar-razzett sal-pajsaġġ; l-użu u l-forniment ta' servizzi tal-ekosistemi fil-produzzjoni primarja, anke permezz tal-agroekoloġija jew permezz tat-tisħiħ tar-rwol tal-foresti fil-prevenzjoni tal-għargħar u l-erożjoni tal-ħamrija;

Innovazzjonijiet fil-biedja fl-interfaċċi bejn l-agrikoltura, l-akkwakultura, il-forestrija u fiż-żoni urbani u periurbani;

Metodi, teknoloġiji u għodod ġodda għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-użu sostenibbli tal-bijomassa tal-foresti;

Appoġġ għall-produzzjoni tal-Unjoni tal-proteini tal-pjanti għall-ikel, l-għalf u servizzi ambjentali;

Użu sostenibbli tal-art, żvilupp rurali u rabtiet territorjali; kapitalizzazzjoni tal-assi soċjali, kulturali, ekonomiċi u ambjentali taż-żoni rurali għal servizzi ġodda, mudelli tan-negozju, ktajjen tal-valur u oġġetti pubbliċi;

Innovazzjonijiet diġitali fil-biedja u l-forestrija u tul il-ktajjen tal-valur u ż-żoni rurali permezz tal-użu tad-data u l-iżvilupp ta' infrastrutturi, teknoloġiji (bħall-IA, ir-robotika, il-biedja bi preċiżjoni u t-telerilevament) u mudelli ta' governanza;

Għarfien agrikolu u dwar il-forestrija u sistemi ta' innovazzjoni u l-interkonnessjoni tagħhom fid-diversi skali; konsulenza, bini tal-ħiliet, approċċi parteċipattivi u kondiviżjoni tal-informazzjoni;

It-trawwim ta' sħubiji internazzjonali għal agrikoltura sostenibbli għas-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni.

6.2.4.   Ibħra, Oċeani u Ilmijiet Interni

Il-kapital naturali u s-servizzi tal-ekosistemi tal-ibħra, b'mod partikolari ta' ibħra Ewropej nofshom magħluqin, l-oċeani, l-ilmijiet interni u ż-żoni kostali usa' joffru benefiċċji sinifikanti soċjoekonomiċi u ta' benesseri. Dan il-potenzjal jinsab mhedded minħabba l-pressjoni kbira mill-fatturi ta' stress umani u naturali bħat-tniġġis, is-sajd eċċessiv, it-tibdil fil-klima, iż-żieda fil-livell tal-baħar u avvenimenti oħra tal-użu tal-ilma u ta' temp estrem. Biex jiġi evitat li l-ibħra u l-oċeani jaslu sa punt minn fejn ikun tard wisq li jerġgħu lura, u biex jiġi ristawrat l-istatus tajjeb tal-ilmijiet interni, huwa neċessarju li nsaħħu l-għarfien u l-fehma tagħna sabiex nipproteġu, nirrestawraw u nagħmlu ġestjoni sostenibbli tal-ekosistemi marini, interni u kostali u nwaqqfu t-tniġġis, f'kuntest ta' qafas ta' governanza imtejjeb u responsabbli. Dan ser jinkludi wkoll riċerka dwar kif jinfetaħ b'mod sostenibbli l-potenzjal ekonomiku enormi u mhux sfruttat tal-ibħra, l-oċeani u l-ilmijiet interni bil-għan li jiġi prodott ikel aktar sikur, ingredjenti b'bażi bijoloġika u materja prima mingħajr żieda fil-pressjonijiet fuq dawk l-ibħra, oċeani u ilmijiet interni, kif ukoll riċerka dwar il-potenzjal tal-akkwakultura li ttaffi l-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-art, l-ilma ħelu u l-oċeani. Hemm ħtieġa ta' approċċi ta' sħubija, inklużi strateġiji fir-rigward tal-baċiri marini u makroreġjonali, li jestendu lil hinn mill-Unjoni (inkluż fl-Atlantiku, il-Mediterran, il-Baltiku, il-Baħar tat-Tramuntana, il-Baħar l-Iswed, il-Baħar Karibew u l-Oċean Indjan); u għall-kontribuzzjoni għall-impenji tal-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani, inizjattivi bħad-Deċennju tal-Nazzjonijiet Uniti għax-Xjenza Miftuħa għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-impenji marbuta mal-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika tal-baħar f'żoni li huma lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali.

Linji Ġenerali

Is-sajd sostenibbli u l-akkwakultura fil-forom kollha, inklużi sorsi alternattivi ta' proteini b'sigurtà alimentari, sovranità tal-ikel u reżiljenza għall-klima ikbar; għodod ta' monitoraġġ u ta' ġestjoni;

Reżiljenza msaħħa tal-ekosistemi marini u tal-ilmijiet interni, inklużi l-iskolli tal-qroll, biex b'hekk tiġi żgurata s-saħħa tal-ibħra, tal-oċeani u tax-xmajjar, il-ġlieda u l-mitigazzjoni tal-effetti ta' pressjonijiet naturali u antropiċi bħal kontaminanti u skart tal-baħar (fost l-oħrajn plastiks), l-ewtrofikazzjoni, speċi invażivi, ħsara fiżika għall-qiegħ il-baħar, l-isfruttament żejjed inkluż sajd żejjed, storbju taħt l-ilma, l-aċidifikazzjoni, it-tisħin tal-ibħra, l-oċeani u x-xmajjar, iż-żieda fil-livell tal-baħar, b'kunsiderazzjoni tal-intersezzjoni bejn l-art, l-ilmijiet interni u l-baħar, l-impatt kumulattiv ta' dawn il-kwistjonijiet u t-trawwim ta' approċċ ċirkolari u fehim aħjar tal-interazzjonijiet bejn l-oċeani u l-bnedmin;

Il-governanza fil-livelli globali u reġjonali sabiex jiġu żgurati l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ibħra, l-oċeani u l-ilmijiet interni;;

Teknoloġiji għall-oċean diġitali (qiegħ il-baħar, kolonna tal-ilma u wiċċ tal-ilma) li jgħaqqdu s-servizzi u l-komunitajiet f'attivitajiet ibbażati fuq l-art, l-atmosfera, il-klima, l-ispazju u marbuta mat-temp, u promossi permezz tal-Blue Cloud bħala parti mill-EOSC;

Il-kapaċitajiet ta' monitoraġġ, ta' valutazzjoni bbażata fuq ir-riskju u ta' previżjoni/tbassir inklużi ż-żieda fil-livell tal-baħar u perikli naturali oħrajn, bħal għargħar mill-maltemp u tsunami, kif ukoll l-impatt kumulattiv tal-attivitajiet tal-bnedmin;

Titjib fil-fehim taċ-ċiklu idroloġiku u s-sistemi, idromorfoloġija fi skali differenti u żvilupp tal-kapaċitajiet ta' monitoraġġ u ta' previżjoni għad-disponibbiltà u d-domanda tal-ilma, l-għargħar u n-nixfiet, it-tniġġis u pressjonijiet oħrajn fuq ir-riżorsi tal-ilma u l-ambjent akwatiku. L-isfruttament ta' teknoloġiji diġitali biex jitjieb il-monitoraġġ u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma;

Żvilupp ta' soluzzjonijiet innovattivi inklużi governanza soċjetali, strumenti ekonomiċi u mudelli ta' finanzjament, għall-allokazzjoni intelliġenti tal-ilma li jindirizzaw kunflitti fl-użu tal-ilma, inklużi l-esplojtazzjoni tal-valur fl-ilma, il-kontroll ta' sustanzi niġġiesa tal-ilma inklużi l-plastik u l-mikroplastik u sustanzi niġġiesa oħra emerġenti preferibbilment fis-sors, li jittrattaw pressjonijiet oħrajn fuq ir-riżorsi tal-ilma, u kif ukoll l-użu mill-ġdid tal-ilma u l-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tal-ilma għal stat ekoloġiku tajjeb;

Ktajjen tal-valur blu sostenibbli, inklużi l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma ħelu, l-użu multiplu tal-ispazju marin u t-tkabbir tas-settur tal-enerġija rinnovabbli mill-ibħra u l-oċeani, inkluż l-użu sostenibbli ta' mikroalga u makroalga;

Approċċi integrati għall-ġestjoni sostenibbli tal-ilmijiet interni u kostali li ser jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-ambjent u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

Soluzzjonijiet b'bażi fin-natura li ġejjin mid-dinamika tal-ekosistemi marini, kostali u interni, is-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistemi multipli, li ser jiffaċilitaw approċċi sistemiċi lejn l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ibħra, b'mod partikolari ibħra Ewropej nofshom magħluqin, u oċeani u ilmijiet interni, jikkontribwixxu għall-protezzjoni u r-restawr ambjentali, il-ġestjoni kostali, u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

L-innovazzjoni blu inkluż fl-ekonomiji blu u diġitali, fiż-żoni ta' mal-kosta kollha, l-ibliet kostali u l-portijiet sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza taż-żoni kostali u jiżdiedu l-benefiċċji taċ-ċittadini;

Fehim aħjar tar-rwol tal-ibħra u l-oċeani fil-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima.

6.2.5.   Sistemi Alimentari

L-effetti kkombinati taż-żieda fil-popolazzjoni, l-evoluzzjoni ta' dieti, l-iskarsezza tar-riżorsi u l-isfruttament mhux sostenibbli, id-degradazzjoni ambjentali, it-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni joħolqu sfidi bla preċedent li jirrikjedu t-trasformazzjoni tas-sistema alimentari (FOOD 2030) (17). Il-produzzjoni u l-konsum attwali tal-ikel fil-biċċa l-kbira tagħhom mhumiex sostenibbli, u fl-istess waqt qegħdin naffaċċaw il-piż doppju tal-malnutrizzjoni, li huwa kkaratterizzat mill-koeżistenza tan-nuqqas ta' nutrizzjoni, l-obeżità u żbilanċi fid-dieta u mard metaboliku oħrajn. Is-sistemi alimentari futuri jeħtieġ li jipprovdu sigurtà tal-ikel, u jiżguraw ikel sikur, san u ta' kwalità suffiċjenti għal kulħadd, u jkunu msejsin fuq l-użu effiċjenti tar-riżorsi, is-sostenibbiltà (inkluż it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra, tat-tniġġis, tal-konsum tal-ilma u tal-enerġija kif ukoll tal-produzzjoni tal-iskart), it-trasparenza, il-konnessjoni bejn l-art, l-ilmijiet interni u l-baħar, inqas ħela ta' ikel, it-titjib tal-produzzjoni tal-ikel mill-ilmijiet interni, l-ibħra u l-oċeani u li jinkludi l-"katina tal-valur alimentari" kollha mill-produtturi sal-konsumaturi, u lura mill-ġdid, biex tiġi żgurata r-reżiljenza. Dan irid jimxi id f'id mal-iżvilupp tas-sistema tas-sikurezza alimentari tal-futur u d-disinn, l-iżvilupp u t-twassil tal-għodod, it-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet diġitali li jipprovdu benefiċċji sinifikanti għall-konsumaturi u jtejbu l-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-katina tal-valur alimentari. Barra minn hekk, hemm il-ħtieġa li jitrawmu bidliet fl-imġiba fil-konsum tal-ikel u fix-xejriet tal-produzzjoni, b'kont meħud ta' aspetti kulturali u soċjali, kif ukoll li jiġu involuti l-produtturi primarji, l-industrija (inklużi SMEs), il-bejjiegħa bl-imnut, is-setturi tas-servizzi alimentari, il-konsumaturi u s-servizzi pubbliċi.

Linji Ġenerali

Dieti sostenibbli u sani bbażati fuq evidenza għall-benesseri tal-persuni tul il-ħajja tagħhom, inklużi xejriet tad-dieta, kwalità nutrittiva mtejba tal-ikel u avvanzi fil-fehim tal-impatt tan-nutrizzjoni fuq is-saħħa u l-benesseri;

Nutrizzjoni personalizzata speċjalment għall-gruppi vulnerabbli, sabiex jiġu mitigati l-fatturi ta' riskju għal mard marbut mad-dieta u l-mard mhux komunikabbli;

L-imġiba, l-istil ta' ħajja u l-motivazzjonijiet tal-konsumaturi, inklużi aspetti soċjali u kulturali tal-ikel, il-promozzjoni tal-innovazzjoni soċjali u l-involviment tas-soċjetà għal saħħa u sostenibbiltà ambjentali aħjar tul il-katina tal-valur alimentari kollha, inklużi xejriet tal-bejgħ bl-imnut;

Sikurezza alimentari moderna u sistemi ta' awtentiċità, inklużi t-traċċabilità, it-titjib tal-kwalità tal-ikel u t-tisħiħ tal-fiduċja tal-konsumaturi fis-sistema alimentari;

Il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fuq is-sistema alimentari u l-adattament għal dan il-fenomenu, inklużi l-esplorazzjoni tal-potenzjal u l-użu tal-microbijoma, tad-diversità tal-għelejjel tal-ikel, u ta' alternattivi għall-proteini mill-annimali;

Sistemi alimentari ambjentalment sostenibbli, ċirkolari, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u reżiljenti, mill-baħar u mill-art, li jwasslu għal ilma tajjeb għax-xorb u r-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet marittimi, it-tmiem tal-ħela tal-ikel tul is-sistema alimentari kollha, permezz ta' użu mill-ġdid tal-ikel u l-bijomassa, ir-riċiklaġġ tal-iskart tal-ikel, imballaġġ ġdid tal-ikel, id-domanda għal ikel maħsub apposta u ikel lokali;

Approċċi ġodda, inklużi għodod diġitali u sistemi alimentari għal innovazzjoni bbażata fuq il-post u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-komunitajiet, it-trawwim ta' kummerċ u prezzar ġusti fil-katina tal-valur, l-inklużività u s-sostenibbiltà permezz ta' sħubiji bejn l-industrija (inklużi l-SMEs u l-bdiewa ż-żgħar), l-awtoritajiet lokali, ir-riċerkaturi u s-soċjetà.

6.2.6.   Sistemi ta' Innovazzjoni b'Bażi Bijoloġika fil-Bijoekonomija tal-Unjoni

L-innovazzjoni fil-bijoekonomija tħejji l-pedamenti għat-transizzjoni lil hinn minn ekonomija bbażata fuq il-karburanti fossili. L-innovazzjoni b'bażi bijoloġika hi parti importanti u faċilitatur tal-bijoekonomija ġenerali u tinkludi s-sorsi sostenibbli, l-ipproċessar industrijali u l-konverżjoni tal-bijomassa mill-baħar u l-art f'materjali u prodotti b'bażi bijoloġika. Is-sostenibbiltà tinkludi d-dimensjonijiet kollha tagħha: aspetti ekoloġiċi, soċjali, ekonomiċi u kulturali). Din tikkapitalizza wkoll il-potenzjal tar-riżorsi ħajjin, ix-xjenzi tal-ħajja, id-diġitalizzazzjoni u l-bijoteknoloġiji għal skoperti, prodotti, servizzi u proċessi ġodda. L-innovazzjoni b'bażi bijoloġika, inklużi proċessi (bijoloġiċi) u teknoloġiji (bijoloġiċi) , tista' ġġib attivitajiet ekonomiċi ġodda u impjiegi fir-reġjuni u l-ibliet, tikkontribwixxi għar-rivitalizzazzjoni tal-ekonomiji u l-komunitajiet rurali u kostali u ssaħħaħ iċ-ċirkolarità tal-bijoekonomija.

Linji Ġenerali

L-issorsjar tal-bijomassa, il-loġistika u sistemi tal-produzzjoni sostenibbli, li jiffukaw fuq applikazzjonijiet u użi ta' valur għoli, sostenibbiltà soċjali u ambjentali, l-impatt fuq il-klima u l-bijodiversità, iċ-ċirkolarità u effiċjenza fl-użu tar-riżorsi b'mod ġenerali, inkluż l-ilma;

Ix-xjenzi tal-ħajja u l-konverġenza tagħhom mat-teknoloġiji diġitali għall-fehim, l-ipprospettar u l-użu sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi;

Ktajjen tal-valur b'bażi bijoloġika, materjali b'bażi bijoloġika, inklużi materjali, sustanzi kimiċi, prodotti, servizzi u proċessi bijoinspirati li għandhom kwalitajiet, funzjonalitajiet u sostenibbiltà mtejba ġodda (inkluż it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra), li jrawmu l-iżvilupp ta' bijoraffineriji avvanzati (fuq skala żgħira u kbira) li jużaw firxa usa' ta' bijomassa; li jissostitwixxu l-produzzjoni attwali ta' prodotti mhux sostenibbli billi jissuperaw soluzzjonijiet b'bażi bijoloġika għal applikazzjonijiet innovattivi tas-suq;

Il-bijoteknoloġija, inkluża l-bijoteknoloġija transsettorjali mill-aktar avvanzata, għall-applikazzjoni fi proċessi industrijali, servizzi ambjentali u prodotti għall-konsumaturi kompetittivi, sostenibbli u ġodda (18);

Iċ-ċirkolarità tas-settur b'bażi bijoloġika fl-ekonomija b'bażi bijoloġika permezz tal-innovazzjoni teknoloġija, sistemika, soċjali u tal-mudell tan-negozju sabiex jiżdied b'mod radikali l-valur iġġenerat għal kull unità ta' riżorsa bijoloġika, filwaqt li jiġi ppreżervat u mtejjeb il-kapital naturali, eliminat l-iskart u t-tniġġis, il-valur ta' tali riżorsi jinżamm fl-ekonomija għal aktar żmien u jiġi appoġġat il-prinċipju tal-użu kaskata tal-bijomassa sostenibbli permezz tar-R&I u b'kont meħud tal-ġerarkija tal-iskart;

Xejriet inklużivi ta' bijoekonomija b'atturi differenti li jipparteċipaw fil-ħolqien tal-valur, filwaqt li jiġi mmassimizzat l-impatt tas-soċjetà u l-involviment pubbliku;

Fehim aktar tal-konfini, il-metriċi u l-indikaturi tal-ekonomija b'bażi bijoloġika u s-sinerġiji tagħha u l-kompromessi ma' ambjent san, u kompromessi bejn l-ikel u applikazzjonijiet oħra.

6.2.7.   Sistemi Ċirkolari

Is-sistemi ċirkolari tal-produzzjoni u l-konsum ser jipprovdu benefiċċji għall-ekonomija u l-ambjent globali Ewropea billi jnaqqsu l-użu u d-dipendenza fuq ir-riżorsi, inaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra u impatti ambjentali negattivi oħra u jżidu l-kompetittività tal-intrapriżi, u għaċ-ċittadini Ewropej billi joħolqu opportunitajiet ta' impjiegi ġodda u jnaqqsu l-pressjonijiet minn fuq l-ambjent u l-klima. Lil hinn mit-trasformazzjoni industrijali, it-transizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, b'bażi bijoloġika u ċirkolari li tevita l-użu ta' sustanzi perikolużi ser tkun teħtieġ ukoll transizzjoni tas-sistema usa' li tirrikjedi soluzzjonijiet ekoinnovattivi sistemiċi, mudelli tan-negozju, swieq u investimenti ġodda, infrastruttura abilitanti, bidliet ta' innovazzjoni soċjali fl-imġiba tal-konsumaturi, u mudelli ta' governanza li jistimolaw il-kollaborazzjoni bejn diversi partijiet ikkonċernati tul il-katina ta' valur kollha sabiex jiġi żgurat li l-bidla fis-sistema maħsuba twassal għal eżiti ekonomiċi, ambjentali u soċjali aħjar (19). Il-ftuħ għall-kooperazzjoni internazzjonali, pereżempju permezz ta' inizjattivi bħall-Panel Internazzjonali tar-Riżorsi, ser ikun importanti f'termini tal-komparabbiltà, il-ġenerazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-evitar tad-dupplikazzjoni tal-isforzi. Barra minn hekk, ser tingħata attenzjoni lill-kuntest soċjali ta' għarfien u teknoloġija ġodda f'dan il-qasam u lill-użu u l-aċċettazzjoni tagħhom fis-soċjetà.

Linji Ġenerali

It-transizzjoni sistemika lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, b'bażi bijoloġika u ċirkolari, b'paradigmi ġodda fl-interazzjoni tal-konsumaturi, mudelli ta' negozju ġodda għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u prestazzjoni ambjentali; prodotti u servizzi li jistimolaw l-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-eliminazzjoni jew is-sostituzzjoni ta' sustanzi perikolużi tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu; sistemi għall-kondiviżjoni, l-użu mill-ġdid, it-tiswija, il-manifattura mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-ikkompostjar; kondizzjonijiet u inċentivi ekonomiċi, soċjali, komportamentali, regolatorji u finanzjarji għal dawn it-transizzjonijiet;

Metriċi u indikaturi, ibbażati fuq approċċ sistemiku, għall-kejl tal-ekonomija ċirkolari u l-prestazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja u t-tisħiħ tar-responsabbiltà soċjali; sistemi ta' governanza li jaċċelleraw l-espansjoni tal-ekonomija ċirkolari, il-bijoekonomija u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi filwaqt li joħolqu s-swieq għall-materjali sekondarji; kollaborazzjoni ta' diversi partijiet ikkonċernati u tal-katina ta' oqsma tal-valur differenti; strumenti għall-investiment fl-ekonomija ċirkolari u l-bijoekonomija;

Soluzzjonijiet għall-iżvilupp sostenibbli u reġenerattiv tal-ibliet, taż-żoni u r-reġjuni periurbani, l-integrazzjoni tat-trasformazzjoni tal-ekonomija ċirkolari ma' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u innovazzjonijiet ta' governanza teknoloġika, diġitali, soċjali, kulturali u territorjali;

Ekoinnovazzjoni għall-prevenzjoni u r-rimedju tat-tniġġis ambjentali minn sustanzi perikolużi u sustanzi kimiċi ta' tħassib emerġenti u l-espożizzjoni għalihom; kunsiderazzjoni wkoll tal-interfaċċa bejn is-sustanzi kimiċi, il-prodotti u l-iskart, u ta' soluzzjonijiet sostenibbli għal produzzjoni ta' materja prima primarja u sekondarja;

L-użu ċirkolari tar-riżorsi tal-ilma, inklużi t-tnaqqis fid-domanda tal-ilma, il-prevenzjoni tat-telf tal-ilma, l-użu mill-ġdid tal-ilma, ir-riċiklaġġ u l-valorizzazzjoni tal-ilma mormi; soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi tar-rabta bejn l-ilma, l-ikel u l-enerġija li jindirizzaw l-impatti tal-użu tal-ilma agrikolu u tal-enerġija u li jippermettu soluzzjonijiet sinerġistiċi;

Ġestjoni sostenibbli tas-sottosuperfiċje li tintegra r-riżorsi ġeoloġiċi (enerġija, ilma, materja prima) u kondizzjonijiet ambjentali (perikli naturali, impatti antropoġeniċi) fir-raggruppamenti rilevanti kollha, tissimplifika l-kontribut pożittiv għal ekonomija ċirkolari permezz ta' għarfien ġeoloġiku pan-Ewropew u tikkontribwixxi għal rispons organizzat fuq bażi xjentifika għall-Ftehim ta’ Pariġi u għal diversi SDGs;

Jiġu żviluppati u mtejba soluzzjonijiet u infrastrutturi għall-iffaċilitar tal-aċċess għax-xorb, l-irrigazzjoni, u l-ilma san, inkluża d-desalinazzjoni, sabiex l-użu tal-ilma jkun aktar effiċjenti, ċirkolari, u effiċjenti fir-rigward tal-enerġija u s-CO2.

7.   AZZJONIJIET DIRETTI MHUX NUKLEARI TAĊ-ĊENTRU KONĠUNT TAR-RIĊERKA (JOINT RESEARCH CENTRE)

7.1.   Raġunament

L-evidenza xjentifika ta' kwalità għolja u fdata hija essenzjali għal politiki pubbliċi tajbin. L-inizjattivi u l-proposti ġodda għal-leġislazzjoni tal-Unjoni jridu evidenza trasparenti, komprensiva u bilanċjata, filwaqt li l-implimentazzjoni tal-politiki trid evidenza sabiex jiġu mkejla u mmonitorjati l-impatt u l-progress ta' dawk il-politiki.

Il-JRC (Joint Research Centre) jżid il-valur tal-politiki tal-Unjoni għaliex ix-xjenza tiegħu hija eċċellenti, multidixxiplinari u indipendenti minn interessi nazzjonali privati u interessi esterni oħrajn. Billi jaqdi l-oqsma kollha tal-politika tal-Unjoni, jipprovdi appoġġ transsettorjali li dawk li jfasslu l-politika jeħtieġu sabiex jindirizzaw sfidi tas-soċjetà li dejjem qed isiru aktar kumplessi. L-indipendenza tal-JRC minn interessi speċjali kkombinata mar-rwol ta' referenza xjentifika-teknika tiegħu jippermettulu li jiffaċilita l-bini ta' kunsens bejn il-partijiet ikkonċernati u atturi oħrajn bħaċ-ċittadini, u dawk li jfasslu l-politika. Permezz tal-kapaċità tiegħu li jwieġeb malajr għall-ħtiġijiet ta' politika, l-attivitajiet tal-JRC huma komplimentari għal azzjonijiet indiretti li jimmiraw li jappoġġaw l-għanijiet ta' politika aktar fit-tul.

Il-JRC iwettaq ir-riċerka tiegħu stess u huwa maniġer strateġiku tal-għarfien, l-informazzjoni, id-data u l-kompetenzi meħtieġa sabiex iwassal evidenza ta' kwalità għolja u rilevanti għal politiki aktar intelliġenti. Sabiex jikseb dan, il-JRC jaħdem flimkien mal-aqwa organizzazzjonijiet fid-dinja, u ma' esperti u partijiet ikkonċernati internazzjonali, nazzjonali u reġjonali. Ir-riċerka tiegħu tikkontribwixxi għall-għanijiet u l-prijoritajiet ġenerali tal-Orizzont Ewropa, tipprovdi għarfien xjentifiku indipendenti, parir u appoġġ tekniku għall-politika tal-Unjoni matul iċ-ċiklu politiku, u hija ffukata fuq il-prijoritajiet ta' politika Ewropej, filwaqt li tappoġġa Ewropa li toffri sigurtà u sikurezza, prosperuża u sostenibbli, li hija soċjali u aktar b'saħħitha fix-xena globali.

7.2.   Oqsma ta' intervent

7.2.1.   Tisħiħ tal-Bażi ta' Għarfien għat-Tfassil tal-Politika

L-għarfien u d-data qed jikbru b'mod esponenzjali. Sabiex dawk li jfasslu l-politika jifhmuhom u jużawhom, iridu jiġi eżaminati u ffiltrati. Hemm ukoll ħtieġa għal metodi xjentifiċi trasversali u għodod analitiċi sabiex jintużaw mis-servizzi kollha tal-Kummissjoni, partikolarment biex jiġu antiċipati sfidi tas-soċjetà ġodda u tiġi appoġġata regolamentazzjoni aħjar. Dan jinkludi proċessi innovattivi sabiex jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati u ċ-ċittadini fi kwistjonijiet ta' tfassil ta' politika u diversi għodod ta' valutazzjoni tal-impatt u ta' implimentazzjoni.

Linji Ġenerali

L-immudellar, l-evalwazzjoni mikroekonomika, il-metodoloġiji ta' valutazzjoni tar-riskju, l-għodda ta' assigurazzjoni tal-kwalità għall-kejl, id-disinn ta' skemi ta' monitoraġġ, indikaturi u tabelli ta' valutazzjoni, l-analiżi u l-awditjar ta' sensittività, il-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja, l-estrazzjoni tad-data u t-test, l-analitika u l-applikazzjonijiet tal-(big) data, il-ħsieb wara l-proġett, l-iskennjar tal-orizzont, l-istudji ta' antiċipazzjoni u ta' prospettiva, ir-riċerka dwar l-imġiba, u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u ċ-ċittadini;

Ċentri tal-għarfien u l-kompetenza;

Komunitajiet ta' pjattaformi ta' kondiviżjoni tal-prattiki u l-għarfien;

Ġestjoni tad-data, kondiviżjoni tad-data u koerenza;

Analiżi tal-politiki tal-Unjoni u ta' dawk nazzjonali dwar ir-R&I, inkluża ż-ŻER.

7.2.2.   Sfidi Globali

Il-JRC ser jikkontribwixxi għall-politiki u l-impenji speċifiċi tal-Unjoni li huma indirizzati mis-seba' raggruppamenti tal-Isfidi Globali, b'mod partikolari l-impenn tal-Unjoni lejn l-SDGs.

Linji Ġenerali

1.

Saħħa

Appoġġ xjentifiku u tekniku ta' politika għal sistemi tas-saħħa pubblika u tal-kura tas-saħħa mtejba, inklużi apparat mediku u valutazzjonijiet tat-teknoloġija tas-saħħa, bażijiet tad-data, diġitalizzazzjoni inkluż għall-aċċelerazzjoni tal-interoperabbiltà;

Metodi ta' valutazzjoni tas-sikurezza għal riskji għas-saħħa u ambjentali potenzjali ppreżentati minn sustanzi kimiċi u minn sustanzi niġġiesa;

Laboratorju ta' Referenza Ewropew għal Alternattivi għat-Testijiet fuq l-Annimali;

Għodod ta' assigurazzjoni tal-kwalità bħal materjali ta' referenza ċċertifikati għall-bijomarkaturi tas-saħħa;

Riċerka dwar kwistjonijiet tas-saħħa u theddid tas-saħħa li huma emerġenti ġodda.

2.

Kultura, Kreattività u Soċjetà Inklużiva

Riċerka dwar l-inugwaljanzi, il-faqar u l-esklużjoni, il-mobbiltà soċjali, id-diversità kulturali u l-ħiliet; migrazzjoni, valutazzjoni tat-trasformazzjonijiet soċjali, demografiċi u teknoloġiċi fuq l-ekonomija u s-soċjetà;

Riċerka dwar il-governanza tajba u d-demokrazija;

Appoġġ għas-salvagwardja, il-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-wirt kulturali;

Ċentru tal-għarfien għall-migrazzjoni u għad-demografija.

3.

Sigurtà Ċivili għas-Soċjetà

Ċentru tal-għarfien għall-ġestjoni tar-riskji ta' diżastri;

Appoġġ għall-politiki ta' sigurtà fl-oqsma tal-protezzjoni tal-infrastrutturi kritiċi u l-ispazji pubbliċi, materjali CBRN-E u theddidiet ibridi, il-protezzjoni tal-fruntieri u s-sigurtà tad-dokumenti, u l-informazzjoni u l-intelliġenza għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;

Teknoloġiji għas-sejbien ta' materjali CBRN-E, sistemi bijometriċi u tekniki ta' ġbir tal-intelliġenza;

Appoġġ għall-pożizzjoni tal-Unjoni dwar is-sigurtà globali; valutazzjoni tal-kompetittività u l-innovazzjoni tal-industrija tas-sigurtà tal-Unjoni; sfruttament tas-sinerġiji bejn is-sigurtà u d-difiża;

Riċerka għal kapaċitajiet ta' ċibersigurtà, ċiberreżiljenza u ċiberdeterrenza rinfurzati.

4.

Diġitali, Industrija u Spazju

L-implikazzjonijiet tad-diġitalizzazzjoni, b'fokus fuq teknoloġiji tal-ICT ġodda u emerġenti bħat-tagħlim permezz tal-magni u l-computing artifiċjali, ir-reġistri distribwiti, l-Internet tal-Oġġetti u l-HPC;

Id-diġitalizzazzjoni f'setturi individwali, bħall-enerġija, it-trasport, il-kostruzzjoni, l-industrija tas-servizzi, is-saħħa u l-kura u l-gvern;

Il-metroloġija industrijali u għodda ta' assigurazzjoni tal-kwalità għall-manifattura intelliġenti;

Riċerka dwar teknoloġiji abilitanti ewlenin;

Riċerka dwar l-aqwa tekniki u prattiki ta' ġestjoni ambjentali disponibbli, analiżi teknoekonomika u valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-proċessi industrijali, il-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi, il-ġestjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid tal-ilma, il-materja prima, il-materja prima kritika u l-kriterji tal-kwalità għall-materjali rkuprati, li kollha jappoġġaw l-ekonomija ċirkolari;

Analiżi tas-sigurtà tal-provvista ta' materja prima, inkluża l-materja prima kritika, relattivament għall-informazzjoni dwar riżorsi primarji u sekondarji u aġġornament tad-data tas-Sistema tal-Informazzjoni fuq il-Materja Prima;

Implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-programm Copernicus;

Appoġġ tekniku u xjentifiku għall-applikazzjonijiet tal-Programmi tal-Unjoni ta' Sistemi Satellitari ta' Navigazzjoni Globali.

5.

Klima, Enerġija u Mobbiltà

Appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni dwar il-klima, l-enerġija u t-trasport, it-transizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u strateġiji għad-dekarbonizzazzjoni lejn l-2050; analiżi ta' pjanijiet nazzjonali integrati dwar il-klima u l-enerġija; valutazzjoni tal-mogħdija tad-dekarbonizzazzjoni fis-setturi kollha, inklużi l-agrikoltura u l-użu tal-art, il-bidla fl-użu tal-art u l-forestrija;

Valutazzjoni tar-riskji fl-ekosistemi vulnerabbli u setturi ekonomiċi u infrastruttura kritiċi, b'fokus fuq l-istrateġiji ta' adattament;

Analiżi tad-dimensjoni tar-R&I tal-Unjoni tal-Enerġija; valutazzjoni tal-kompetittività tal-Unjoni fis-suq tal-enerġija nadifa globali;

Valutazzjoni tal-potenzjal tal-implimentazzjoni ta' teknoloġiji tal-enerġija intelliġenti u soluzzjonijiet ta' akkoppjament tas-setturi biex jippermettu transizzjoni bla xkiel u kosteffiċjenti tal-enerġija;

Valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u teknoloġiji ta' produzzjoni tal-enerġija nadifa;

Analiżi tal-użu tal-enerġija tal-bini, ta' bliet intelliġenti u sostenibbli u tal-industriji;

Analiżi teknika u soċjoekonomika tal-ħżin tal-enerġija, partikolarment tal-akkoppjament tas-setturi u l-batteriji;

Analiżi tal-sigurtà tal-enerġija tal-provvista tal-Unjoni, inkluża l-infrastruttura tal-enerġija, u tas-swieq tal-enerġija;

Appoġġ għat-transizzjoni tal-enerġija, inkluż il-Patt tas-Sindki, enerġija nadifa għall-Gżejjer tal-Unjoni, ir-reġjuni sensittivi, u l-Afrika;

Analiżi integrata għall-implimentazzjoni ta' mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata;

Analiżi integrata għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' sewqan elettriku, inkluża l-ġenerazzjoni li jmiss tat-teknoloġiji tal-batteriji;

Proċeduri ta' testijiet armonizzati u sorveljanza tas-suq għall-emissjonijiet tas- CO2 u s-sustanzi niġġiesa tal-ajru mill-vetturi, valutazzjoni tat-teknoloġiji innovattivi;

Valutazzjoni tat-trasport intelliġenti, is-sistemi ta' ġestjoni tat-traffiku u l-indikaturi tal-konġestjoni;

Analiżi ta' karburanti alternattivi u ħtiġijiet relatati ta' infrastruttura.

6.

Ikel, Bijoekonomija, Riżorsi Naturali, Agrikoltura u Ambjent

Riċerka dwar l-art, il-ħamrija, il-foresti, l-arja, l-ilma, ir-riżorsi marini, il-materja prima u l-bijodiversità biex tappoġġa l-preservazzjoni, ir-restawr u l-użu sostenibbli effettivi tal-kapital naturali, inkluża l-ġestjoni tar-riżorsi sostenibbli fl-Afrika;

Ċentru tal-għarfien għas-sigurtà nutrizzjonali globali tal-ikel;

Valutazzjoni tat-tibdil fil-klima u miżuri potenzjali ta' mitigazzjoni u adattament għall-politiki tal-agrikoltura u s-sajd, inkluża s-sigurtà alimentari;

Monitoraġġ u tbassir ta' riżorsi agrikoli fil-pajjiżi tal-Unjoni, dawk fit-triq tal-adeżjoni mal-Unjoni u dawk tal-viċinat;

Riċerka għal akkwakultura u sajd sostenibbli u ekonomikament vijabbli, u għat-Tkabbir Blu u l-Ekonomija Blu;

Metodi vvalidati, testijiet tal-profiċjenza tal-laboratorji u għodod analitiċi ġodda għall-implimentazzjoni tal-politiki tas-sikurezza alimentari;

Laboratorji ta' Referenza Ewropej dwar l-Addittivi tal-Ikel, l-Organiżmi Modifikati Ġenetikament u l-Materjali li jiġu f'Kuntatt mal-Ikel;

Ċentru tal-għarfien għall-frodi fl-ikel u għall-kwalità tal-ikel;

Ċentru tal-għarfien għall-bijoekonomija.

7.2.3.   Innovazzjoni, Żvilupp Ekonomiku u Kompetittività

Il-JRC ser jikkontribwixxi għall-innovazzjoni bbażata fuq l-għarfien u t-trasferiment tat-teknoloġija. Ser jappoġġa l-funzjonament tas-suq intern u l-governanza ekonomika tal-Unjoni. Ser jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-monitoraġġ ta' politiki li jimmiraw lejn Ewropa aktar soċjali u sostenibbli. Ser jappoġġa d-dimensjoni esterna tal-Unjoni u l-għanijiet internazzjonali u ser jgħin fil-promozzjoni tal-governanza tajba. Suq intern li jiffunzjona tajjeb b'governanza ekonomika b'saħħitha u sistema soċjali ġusta jrawwem l-innovazzjoni bbażata fuq l-għarfien u l-kompetittività.

Linji Ġenerali

Analiżi ekonomika, kummerċjali, finanzjarja u fiskali;

Riċerka prenormattiva u ttestjar għall-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni;

Produzzjoni ta' materjali ta' referenza ċċertifikati;

Attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq;

Ġestjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

Promozzjoni tal-kooperazzjoni tat-trasferiment tat-teknoloġija.

7.2.4.   Eċċellenza Xjentifika

Il-JRC għandu jimmira għall-eċċellenza u l-integrità fir-riċerka u l-kollaborazzjoni estensiva ma' istituzzjonijiet tal-ogħla livell madwar id-dinja. Ser iwettaq riċerka f'oqsma emerġenti tax-xjenza u t-teknoloġija u ser jippromwovi x-xjenza miftuħa u d-data miftuħa, kif ukoll it-trasferiment tal-għarfien.

Linji Ġenerali

Programmi għar-riċerka esplorattiva;

Programmi kollaborattivi u ta' skambju dedikati ma' istituzzjonijiet tar-riċerka u x-xjenzati;

Aċċess għall-infrastrutturi tar-riċerka tal-JRC;

Taħriġ ta' xjenzati u esperti nazzjonali;

Xjenza miftuħa u data miftuħa.

7.2.5.   Żvilupp Territorjali u Appoġġ għall-Istati Membri u għar-Reġjuni

Il-JRC ser jikkontribwixxi għall-politiki reġjonali u urbani, b'fokus fuq l-iżvilupp territorjali mmexxi mill-innovazzjoni u bil-ħsieb li jnaqqas id-disparitajiet bejn ir-reġjuni. Ser joffri wkoll assistenza teknika lill-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi u jappoġġa l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni u l-azzjonijiet Ewropej.

Linji Ġenerali

Implimentazzjoni ta' politiki reġjonali u urbani, strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, strateġiji għal trasformazzjoni ekonomika ta' reġjuni fi transizzjoni, strateġiji u data ta' żvilupp urban integrat;

Bini tal-kapaċità ta' atturi lokali u reġjonali għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali;

Ċentru tal-għarfien għall-politiki territorjali;

Pariri "fuq domanda" u appoġġ imfassal apposta għall-Istati Membri, għar-reġjuni jew għall-ibliet, inkluż permezz ta' network virtwali tal-Pjattaformi Science4Policy.

PILASTRU III

EWROPA INNOVATTIVA

L-innovazzjoni fil-forom kollha tagħha hi mutur ewlieni biex l-Unjoni tkompli tipprovdi prosperità liċ-ċittadini tagħha u tindirizza l-isfidi tal-futur. L-innovazzjoni tirrikjedi approċċ sistemiku, trażversali u b'diversi angoli. Il-progress ekonomiku, il-benesseri soċjali u l-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa jiddependu fuq l-abbiltà tagħha li tagħti spinta lill-produttività u t-tkabbir li, min-naħa tagħhom, jiddependu ħafna fuq l-abbiltà tagħha li tkun innovattiva. L-innovazzjoni hija wkoll ewlenija biex issib soluzzjoni għall-isfidi l-kbar li jinsabu 'l quddiem għall-Unjoni. L-innovazzjoni trid tkun responsabbli, etika u sostenibbli.

Bħal fil-każ tal-predeċessur tiegħu, l-innovazzjoni tinsab fil-qalba tal-Orizzont Ewropa. It-tfittxija biex jitħaffef it-trasferiment ta' għarfien u ideat, prodotti u proċessi ġodda qed timmotiva l-għanijiet u l-modalitajiet ta' implimentazzjoni tal-Orizzont Ewropa, mill-ippjanar strateġiku sas-sejħiet, u hija preżenti mill-bidu sal-aħħar ta' kwalunkwe proġett appoġġat, mir-riċerka bażika sal-pjanijiet direzzjonali u l-missjonijiet industrijali jew teknoloġiċi.

Madankollu, l-innovazzjoni jistħoqqilha miżuri speċifiċi, għaliex l-Unjoni trid b'mod deċiżiv ittejjeb il-kondizzjonijiet u l-ambjent biex l-innovazzjoni Ewropea tikber, biex b'hekk l-ideat ikunu jistgħu jiġu kondiviżi malajr bejn l-atturi fl-ekosistema tal-innovazzjoni, u ideat u teknoloġiji ġodda jiġu ttrasformati malajr fil-prodotti u s-servizzi li l-Unjoni għandha bżonn biex tkun tista' tagħti riżultati.

Id-deċennji reċenti raw il-ħolqien ta' swieq ġodda maġġuri u globali fil-kura tas-saħħa, il-media, id-divertiment, il-komunikazzjoni u l-bejgħ bl-imnut, ibbażati fuq innovazzjonijiet rivoluzzjonarji fl-ICT, fil-bijoteknoloġija, it-teknoloġija ekoloġika u fl-ekonomija tal-internet u tal-pjattaforma. Aktar ' l isfel fil-proċess ta' innovazzjoni, dawn l-innovazzjonijiet, li joħolqu s-swieq, li jħallu impatt fuq l-ekonomija tal-Unjoni b'mod ġenerali jiġu implimentati minn kumpaniji li qed jikbru malajr u spiss ġodda. Madankollu, dawn il-kumpaniji rarament joriġinaw u jespandu fl-Unjoni.

Ser tasal mewġa globali ġdida ta' innovazzjonijiet rivoluzzjonarji, li ser tkun ibbażata fuq teknoloġiji aktar deep-tech bħall-block-chain, l-IA, il-ġenomika/multiomika u r-robotika, kif ukoll teknoloġiji oħrajn, li wkoll jistgħu jirriżultaw minn innovaturi individwali u komunitajiet ta' ċittadini. Li għandhom komuni bejniethom huwa l-fatt li qed jissawru fl-intersezzjoni bejn dixxiplini xjentifiċi, soluzzjonijiet teknoloġiċi u setturi ekonomiċi differenti, li joffru kombinazzjonijiet radikalment ġodda ta' prodotti, proċessi, servizzi u mudelli tan-negozju u li għandhom il-potenzjal li jiftħu swieq ġodda madwar id-dinja. Ser jintlaqtu wkoll setturi kritiċi addizzjonali bħall-manifattura, is-servizzi finanzjarji, it-trasport jew l-enerġija.

L-Ewropa trid taħtaf l-opportunità li ser iġġib magħha dik il-mewġa. Hija tinsab f'pożizzjoni ideali hekk kif il-mewġa l-ġdida tolqot l-oqsma ta' teknoloġija deep-tech, li fihom l-Ewropa diġà investiet b'mod sinifikanti b'mod partikolari fit-teknoloġiji abilitanti essenzjali. L-Ewropa għalhekk għandha xi vantaġġi kompetittivi fir-rigward tax-xjenza u l-għarfien, fost l-oħrajn f'termini ta' riżorsi umani, u tista' tibni fuq kooperazzjoni pubblika-privata mill-qrib (pereżempju fil-kura tas-saħħa jew l-enerġija).

Sabiex l-Ewropa tkun tista' tmexxi dik il-mewġa ta' innovazzjoni rivoluzzjonarja, iridu jiġu indirizzati l-isfidi sottostanti li ġejjin:

Żieda fil-finanzjament ta' riskju sabiex jitneħħew il-lakuni fil-finanzjament: l-innovaturi tal-Ewropa għandhom problema ta' provvista baxxa ta' finanzjament ta' riskju. Il-kapital ta' riskju privat huwa kruċjali sabiex innovazzjonijiet rivoluzzjonarji jinbidlu f'kumpaniji ta' livell dinji, iżda fl-Ewropa dan jammonta għal inqas minn kwart tal-ammonti milħuqin fl-Istati Uniti u l-Asja; l-Ewropa trid tiffaċilita l-passaġġ minn stadju riskjuż, u tevita l-"wied tal-mewt", fejn l-ideat u l-innovazzjonijiet ma jaslux sas-suq minħabba d-distakk bejn l-appoġġ pubbliku u l-investiment privat, partikolarment fir-rigward ta' innovazzjonijiet rivoluzzjonarji b'riskju għoli li jridu jiġu appoġġati minn investimenti fit-tul;

Faċilitazzjoni tal-aċċess għar-riżultati tar-riċerka, titjib tat-trasformazzjoni tax-xjenza fl-innovazzjoni u l-aċċellerazzjoni tat-trasferiment tal-ideat, it-teknoloġiji u t-talent mill-bażi tar-riċerka għal negozji ġodda u għall-industrija;

Aktar appoġġ għall-iżvilupp ta' kull forma ta' innovazzjoni, inkluż servizz immotivat mill-utent, immotivat mill-konsumatur u innovazzjoni soċjali inklużiva;

It-tħaffif tat-trasformazzjoni kummerċjali: l-ekonomija Ewropea waqgħet lura fl-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda u fl-espansjoni: 77 % taż-żgħażagħ u l-kumpaniji kbar tar-R&I jinsabu fl-Istati Uniti jew fl-Asja u 16 % biss huma bbażati fl-Ewropa;

Jitkabbar u jiġi ssimplifikat l-ambjent Ewropew għall-finanzjament u l-appoġġ għar-R&I: il-ħafna sorsi ta' finanzjament jipprovdu ambjent kumpless għall-innovaturi. L-intervent tal-Unjoni jrid jikkoopera u jikkoordina ma' inizjattivi oħrajn fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali, pubbliku u privat, sabiex il-kapaċitajiet ta' appoġġ jittejbu u jkunu allinjati aħjar, tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-attivitajiet u jinħoloq ambjent li jista' jiġi navigat b'mod faċli għal kwalunkwe innovatur Ewropew;

Tiġi eliminata l-frammentazzjoni fl-ekosistema tal-innovazzjoni; filwaqt li l-Ewropa qed tospita għadd dejjem qed jikber ta' hotspots, dawn mhumiex konnessi tajjeb; kumpaniji b'potenzjal ta' tkabbir internazzjonali jkollhom jaffaċċaw il-frammentazzjoni tas-swieq nazzjonali bil-lingwi, il-kulturi tan-negozju u r-regolamenti differenti tagħhom; l-Unjoni għandha rwol x'taqdi fl-appoġġ għal kollaborazzjoni effettiva bejn l-ekosistemi reġjonali u nazzjonali, sabiex il-kumpaniji, u l-SMEs b'mod partikolari, ikunu jistgħu jaċċessaw l-aħjar għarfien, għarfien espert, infrastrutturi u servizzi madwar l-Ewropa; l-Unjoni teħtieġ tappoġġa l-kollaborazzjoni bejn l-ekosistemi, inkluż permezz tar-regolamentazzjoni, b'tali mod li l-interoperabbiltà bejn it-teknoloġiji differenti u soluzzjonijiet prattiċi tittejjeb.

Sabiex tiġi ġestita l-mewġa globali ġdida tal-innovazzjoni rivoluzzjonarja, l-appoġġ tal-Unjoni lill-innovaturi jirrikjedi approċċ aġli, sempliċi, bla xkiel u mfassal apposta. Il-politika għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ta' innovazzjonijiet rivoluzzjonarji u għall-espansjoni tal-kumpaniji trid tkun kuraġġuża fit-teħid tar-riskji u trid tikkunsidra l-isfidi msemmija hawn fuq u żżid il-valur mal-attivitajiet ta' innovazzjoni relatati implimentati minn kull Stat Membru jew reġjun individwali.

Il-pilastru “Ewropa Innovattiva” tal-Orizzont Ewropa, b'kooperazzjoni ma' politiki oħrajn tal-Unjoni u b'mod partikolari l-Programm InvestEU, huwa mfassal biex iwassal tali riżultati tanġibbli. Jibni fuq it-tagħlimiet meħuda u fuq l-esperjenza miksuba fil-programmi qafas preċedenti, b'mod partikolari minn attivitajiet bħall-FET), Rotta Rapida lejn l-Innovazzjoni, u l-Istrument tal-SME, iżda wkoll finanzjament privat u korporattiv (bħall-RSFF tal-FP7, l-InnovFin tal-Orizzont 2020), miġbura u integrati fl-attivitajiet tal-pilota tal-EIC varati għall-perijodu 2018-2020.

Abbażi ta' dawn l-esperjenzi, dan il-pilastru jipprevedi l-varar tal-EIC, li ser jippromwovi prinċipalment it-teknoloġiji u l-innovazzjonijiet rivoluzzjonarji u interruttivi li jimmiraw b'mod partikolari innovazzjoni li toħloq is-swieq, filwaqt li jappoġġa wkoll kull tip ta' innovazzjonijiet, inklużi dawk inkrimentali, speċjalment f'SMEs inklużi negozji ġodda, u f'każijiet eċċezzjonali mid-caps żgħar b'potenzjal ta' espansjoni rapida fil-livell tal-Unjoni u dak globali. L-EIC ser iwettaq it-tipi ta' azzjonijiet u attivitajiet li ġejjin:

L-appoġġ għall-iżvilupp ta' innovazzjonijiet rivoluzzjonarji futuri u emerġenti, inklużi innovazzjonijiet "deep-tech" kif ukoll innovazzjonijiet mhux teknoloġiċi;

Jitneħħew il-lakuni fil-finanzjament fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-espansjoni ta' innovazzjonijiet li joħolqu s-swieq;

Ir-rinforz finanzjarju (leveraging) tal-kapital privat u tal-investiment;

Żieda fl-impatt u l-viżibbiltà tal-appoġġ tal-Unjoni għall-innovazzjoni.

Dan il-pilastru għandu jipprevedi wkoll l-attivitajiet żviluppati taħt l-EIT, b'mod partikolari permezz tal-KKI tiegħu. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li jkun hemm sinerġiji sistematiċi bejn l-EIC u l-EIT. Kumpaniji innovattivi li jirriżultaw minn KKI jistgħu jiddaħħlu fl-EIC biex tinħoloq sensiela ta' innovazzjonijiet li għadhom mhux bankabbli, filwaqt li kumpaniji innovattivi b'potenzjal għoli ffinanzjati mill-EIC li mhumiex diġà involuti f'waħda mill-KKI jistgħu jiġu offruti aċċess għal dan l-appoġġ addizzjonali.

Filwaqt li l-EIC u l-KKI jistgħu jappoġġaw b'mod dirett l-innovazzjonijiet fl-Unjoni kollha, l-ambjent ġenerali li minnu l-innovazzjonijiet Ewropej jitrawmu u jinbtu jrid ikompli jiġi żviluppat u mtejjeb: is-sejbiet fir-riċerka fundamentali huma żerriegħa għal innovazzjonijiet li joħolqu s-swieq. Trid tkun ħidma komuni Ewropea biex tappoġġa l-innovazzjoni fl-Ewropa kollha, u fid-dimensjonijiet u l-forom kolla, inkluż permezz ta' politiki (inkluż permezz tal-FEŻR u strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti) u riżorsi komplementari tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali kull fejn possibbli. Għaldaqstant, dan il-pilastru jipprevedi wkoll mekkaniżmi ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni mġedda u rrinforzati mal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati, iżda anki ma' inizjattivi privati, sabiex jappoġġaw l-atturi kollha tal-ekosistemi tal-innovazzjoni Ewropej, inkluż fil-livell reġjonali u lokali.

Addizzjonalment, bħala sforz kontinwu sabiex jitjiebu l-kapaċitajiet tal-finanzjament ta' riskju għar-R&I fl-Ewropa, dan il-pilastru ser jorbot mill-qrib mal-Programm InvestEU. Filwaqt li jibni fuq is-suċċessi u l-esperjenzi miksuba taħt l-InnovFin tal-Orizzont 2020, kif ukoll taħt il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, il-Programm InvestEU ser itejjeb l-aċċess għall-finanzjament ta' riskju għal entitajiet bankabbli, kif ukoll għall-investituri.

1   IL-KUNSILL EWROPEW TAL-INNOVAZZJONI

1.1.   Oqsma ta' Intervent

L-EIC għandu jopera skont il-prinċipji li ġejjin: valur miżjud ċar mill-Unjoni, awtonomija, ħila li jittieħdu riskji, effiċjenza, effikaċja, trasparenza u responsabbiltà. L-EIC ser jaġixxi bħala l-punt uniku ta' servizz għal kull tip ta' innovatur inklużi minn individwi għal universitajiet, organizzazzjonijiet ta' riċerka u kumpaniji (SMEs, inklużi negozji ġodda, u, f'każijiet eċċezzjonali, mid-caps żgħar). Skont l-iskemi tiegħu, ser jipprovdi appoġġ għal benefiċjarji uniċi u konsorzji multidixxiplinari.

L-għanijiet tal-EIC huma:

li jidentifika, jiżviluppa u jimplimenta innovazzjonijiet ta' riskju għoli ta' kull tip, inklużi dawk inkrimentali b'enfasi qawwija fuq innovazzjonijiet rivoluzzjonarji, interruttivi u deep-tech li għandhom il-potenzjal li jsiru innovazzjonijiet li joħolqu s-swieq;

li jappoġġa l-espansjoni rapida ta' kumpaniji innovattivi (jiġifieri prinċipalment SMEs, inklużi negozji ġodda u, f'każijiet eċċezzjonali, mid-caps żgħar) fil-livelli tal-Unjoni u internazzjonali tul it-triq mill-ideat għas-suq.

Fejn rilevanti, l-EIC għandu jikkontribwixxi għall-attivitajiet appoġġati taħt partijiet oħrajn tal-Orizzont Ewropa, b'mod partikolari taħt il-Pilastru II "Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea".

L-EIC ser jiġi implimentat primarjament permezz ta' żewġ tipi ta' azzjoni komplementari, jiġifieri l-Pathfinder għal riċerka avvanzata, għall-istadji bikrija tal-iżvilupp tat-teknoloġija, u l-Aċċelleratur għal azzjonijiet ta' innovazzjoni u implimentazzjoni fis-suq, inklużi l-istadji ta' qabel il-kummerċjalizzazzjoni tal-massa u t-tkabbir tal-kumpanija. Bl-idea li jiġi offrut one-stop shop uniku u proċess uniku ta' appoġġ għal innovazzjonijiet ta' riskju għoli mwettqa minn negozji ġodda, SMEs u, f'każijiet eċċezzjonali, mid-caps żgħar, l-Aċċelleratur ser jippremja b'mod partikolari żewġ tipi ta' appoġġ: primarjament finanzjament imħallat (li jikkombina l-għotjiet mal-investimenti permezz ta' ishma) kif ukoll għotjiet, segwiti b'mod fakultattiv minn appoġġ permezz ta' ishma. Barra minn hekk, ser jagħti wkoll aċċess għal self u garanziji, b'mod partikolari dawk ipprovduti taħt il-Programm InvestEU.

Dawn iż-żewġ tipi ta' azzjonijiet komplimentari ser jikkondividu karatteristiċi komuni. Dawn ser:

Jappoġġaw innovazzjonijiet ta' riskju għoli fejn ir-riskji, sew jekk finanzjarji, teknoloġiċi/xjentifiċi, tas-suq u/jew regolatorji, ma jkunux jistgħu jiġġarbu mis-suq waħdu jew jiġu appoġġati minn strumenti finanzjarji taħt il-Programm InvestEU;

Jiffokaw primarjament fuq innovazzjonijiet rivoluzzjonarji ta' riskju għoli u/jew innovazzjonijiet deep-tech, filwaqt li jappoġġaw ukoll forom oħra ta' innovazzjoni, inklużi dawk inkrimentali, li jkollhom il-potenzjal li joħolqu swieq ġodda jew jikkontribwixxu biex isolvu sfidi globali;

Ikunu primarjament minn isfel għal fuq, miftuħa għal innovazzjonijiet mill-oqsma kollha tax-xjenza, it-teknoloġija u l-applikazzjonijiet fi kwalunkwe settur, filwaqt li jippermettu wkoll appoġġ immirat għal teknoloġiji emerġenti rivoluzzjonarji, li joħolqu swieq u/jew li jkunu deep-tech ta' sinifikat strateġiku potenzjali f'termini ta' impatt ekonomiku jew soċjali. Is-servizzi tal-Kummissjoni ser jevalwaw dan l-impatt strateġiku potenzjali fuq il-bażi ta' rakkomandazzjonijiet mill-esperti esterni indipendenti, mill-maniġers tal-programm tal-EIC u, fejn xieraq, mill-Bord Konsultattiv tal-EIC;

Iħeġġu innovazzjonijiet li jkollhom impatt f'oqsma u setturi xjentifiċi u teknoloġiċi differenti (pereżempju jikkombinaw l-oqsma fiżiċi u diġitali);

Ikunu ċċentrati fuq l-innovaturi, jissimplifikaw il-proċeduri u r-rekwiżiti amministrattivi, jagħmlu użu minn intervisti biex jgħinu biex jivvalutaw l-applikazzjonijiet, u jiżguraw teħid rapidu ta' deċiżjonijiet;

Jiġu implimentati bil-għan li tittejjeb b'mod sinifikanti l-ekosistema tal-innovazzjoni Ewropea;

Ikunu ġestiti b'mod proattiv bl-istabbiliment ta' stadji importanti jew kriterji predefiniti oħrajn biex jitkejjel il-progress u l-possibbiltà li fejn meħtieġ, wara valutazzjoni rigorużabl-użu possibbli ta' esperti esterni indipendenti, il-proġetti jiġu orjentati mill-ġdid, skedati mill-ġdid jew mitmuma.

Barra mill-appoġġ finanzjarju, l-innovaturi ser ikollhom aċċess għal servizzi ta' konsulenza dwar in-negozju tal-EIC li jipprovdu lill-proġetti b'coaching, mentoring u assistenza teknika, u jlaqqgħu l-innovaturi mal-pari, mas-sħab industrijali u mal-investituri. L-innovaturi ser ikollhom ukoll aċċess faċilitat għal għarfien espert, faċilitajiet (inklużi hubs tal-innovazzjoni (20) u "testbeds" miftuħa ta' innovazzjoni) u sħab minn attivitajiet appoġġati mill-Unjoni inklużi dawk tal-EIT, b'mod partikolari permezz tal-KICs tagħha. Il-Kummissjoni ser tiżgura kontinwità bla xkiel bejn l-EIT, l-EIC u l-Programm InvestEU, biex jinkisbu komplementarjetà u sinerġiji.

Biex ikun possibbli t-tisħiħ tal-ekosistema tal-innovazzjoni Ewropea, ser tingħata attenzjoni partikolari biex tkun żgurata l-komplementarjetà xierqa u effiċjenti mal-inizjattivi individwali jew fuq network tal-Istati Membri jew dawk interreġjonali, inkluż fil-forma ta' Sħubija Ewropea.

1.1.1.   Il-Pathfinder għar-Riċerka Avvanzata

Il-Pathfinder ser jipprovdi għotjiet għal proġetti b'riskju għoli u b'teknoloġiji mill-aktar avvanzati li jesploraw oqsma ġodda u ta' deep-tech bil-għan li jiżviluppaw teknoloġiji innovattivi potenzjalment radikali tal-futur u opportunitajiet ta' swieq ġodda. Filwaqt li jgħaqqadhom f'mudell uniku b'sett uniku ta' kriterji, il-Pathfinder ser jibni fuq l-esperjenza mill-iskemi tal-FET appoġġati taħt l-FP7 u l-Orizzont 2020, inkluż il-Launchpad għall-Innovazzjoni fil-FET tal-Orizzont 2020, kif ukoll il-Fażi 1 tal-Istrument għall-SME tal-Orizzont 2020.

L-għan kumplessiv tal-Pathfinder ser ikun li jrawwem innovazzjoni potenzjali ta' ħolqien tas-suq mill-ideat rivoluzzjonarji, u jwassalhom sal-istadju ta' dimostrazzjoni jew żvilupp tal-każijiet tan-negozju jew l-istrateġiji għal utilizzazzjoni ulterjuri mill-Aċċelleratur jew kwalunkwe soluzzjoni oħra ta' implimentazzjoni fis-suq. Għal dik il-fini, il-Pathfinder ser jappoġġa l-iktar stadji bikrija tar-R&Ż xjentifiċi u teknoloġiċi, inkluża l-evidenza tal-kunċett u l-prototipi għall-validazzjoni teknoloġika.

Sabiex ikun kompletament miftuħ għal esplorazzjonijiet estensivi, opportunitajiet ta' serendipità u ideat, kunċetti u skoperti mhux mistennija, il-Pathfinder ser jiġi implimentat primarjament permezz ta' sejħa miftuħa kontinwa u kompetittiva b'dati limitu għal proposti minn isfel għal fuq. Filwaqt li jżomm in-natura prinċipalment minn isfel għal fuq tiegħu, il-Pathfinder ser jipprevedi wkoll sfidi kompetittivi sabiex jiġu żviluppati objettivi strateġiċi ewlenin (21) li jeħtieġu ħsieb deep-tech u radikali. Is-suġġetti għal dawk l-isfidi ser jiġu determinati fil-programmi ta' ħidma. Is-suġġetti għal dawk l-isfidi ser jiġu determinati fil-programmi ta' ħidma. L-aggruppament mill-ġdid ta' proġetti magħżula f'portafolli motivati minn tema jew għan ser jippermetti l-ħolqien ta' massa kritika ta' sforzi u jiffaċilita l-istrutturar ta' komunitajiet tar-riċerka multidixxiplinari ġodda.

Dawn il-portafolli ta' proġetti magħżula ser ikomplu jiġu żviluppati u msaħħa, kull wieħed flimkien ma' viżjoni żviluppata mal-innovaturi tagħhom, iżda wkoll kondiviża mal-komunità tar-R&I inġenerali. L-attivitajiet ta' transizzjoni tal-Pathfinder ser jiġu implimentati biex jgħinu lir-riċerkaturi u l-innovaturi jiżviluppaw il-mogħdija għall-iżvilupp kummerċjali, bħall-attivitajiet ta' dimostrazzjoni u l-istudji tal-fattibbiltà biex jivvalutaw il-każijiet kummerċjali potenzjali, u jappoġġaw il-ħolqien ta' spin-offs u ta' negozji ġodda. Dawn l-attivitajiet ta' transizzjoni jistgħu jikkonsistu wkoll minn għotjiet komplementari sabiex iżidu ma' u jwessgħu l-ambitu ta' azzjonijiet preċedenti u dawk għaddejjin, sabiex jinġiebu sħab ġodda, sabiex tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni fi ħdan il-portafoll u sabiex jiġu żviluppati l-komunitajiet multidixxiplinari tiegħu.

Il-Pathfinder ser ikun miftuħ għal kull tip ta' innovatur, minn individwi għal universitajiet, organizzazzjonijiet ta' riċerka u kumpaniji, b'mod partikolari negozji ġodda u SMEs, u ser ikun qed jiffoka fuq konsorzji multidixxiplinari. Fil-każ ta' proġetti ta' benefiċjarji uniċi, mid-caps u kumpaniji akbar mhux ser ikunu permessi. Il-Pathfinder ser jiġi implimentat prinċipalment permezz ta' riċerka kollaborattiva f'koordinazzjoni mill-qrib ma' partijiet oħra tal-Orizzont Ewropa, b'mod partikolari mal-ERC, l-MSCA, il-parti tal-Pilastru III tal-Ekosistema Ewropea u l-KKI tal-attivitajiet tal-EIT biex jiġu identifikati ideat u kunċetti ġodda radikali b'potenzjal rivoluzzjonarju.

1.1.2.   L-Aċċelleratur

Il-finanzjament privat u korporattiv disponibbli jibqa' skars bejn l-istadju aħħari tal-attivitajiet tar-R&I u l-użu fis-suq ta' innovazzjonijiet b'riskju għoli (22), u li għalhekk mhumiex innovazzjonijiet rivoluzzjonarji u li joħolqu s-swieq li huma "bankabbli" jew "attraenti għall-investituri". Sabiex jiġi superat il-"wied tal-mewt" għal kwalunkwe tip ta' innovazzjoni ta' riskju għoli, b'mod partikolari innovazzjonijiet rivoluzzjonarji u "deep tech" li huma kruċjali għat-tkabbir futur tal-Ewropa, l-appoġġ pubbliku jrid jiżviluppa approċċ radikalment ġdid. Fejn is-suq ma jipprovdix soluzzjonijiet finanzjarji vijabbli, l-appoġġ pubbliku jenħtieġ li jipprevedi mekkaniżmu speċifiku ta' kondiviżjoni tar-riskji, li jġarrab aktar, jekk mhux kompletament, mir-riskju inizjali ta' innovazzjonijiet rivoluzzjonarji potenzjali li joħolqu s-swieq sabiex jiġu attirati investituri privati alternattivi fit-tieni stadju, hekk kif l-operazzjonijiet jiżvolġu u r-riskju jonqos sa meta l-kumpanija li tkun qed twettaq il-proġett innovattivi ssir bankabbli.

Konsegwentement, l-Aċċelleratur ser jipprovdi appoġġ finanzjarju lil SMEs inklużi negozji ġodda u, f'każijiet eċċezzjonali, lil mid-caps żgħar li jkollhom l-ambizzjoni li jiżviluppaw u jimplimentaw fis-swieq tal-Unjoni u dawk internazzjonali l-innovazzjonijiet rivoluzzjonarji tagħhom u li jespandu b'mod rapidu. Għal dik il-fini ser jibni fuq l-esperjenza mill-Fażijiet 2 u 3 tal-Istrument għall-SME tal-Orizzont 2020 u mill-InnovFin tal-Orizzont 2020, inkluż permezz taż-żieda ta' komponenti li mhumiex għotjiet u l-abbiltà li jappoġġa investimenti akbar u aktar fit-tul.

L-Aċċelleratur għandu jipprovdi prinċipalment appoġġ f'forma ta' finanzjament imħallat tal-EIC, kif ukoll għotjiet u ishma. Il-finanzjament imħallat tal-EIC għandu jkun taħlita ta':

Għotja jew avvanz rimborsabbli (23), sabiex jiġu koperti l-attivitajiet ta' innovazzjoni;

Appoġġ għal investiment permezz ta' ishma (24) jew forom oħra li jistgħu jitħallsu lura (bħal self jew garanziji), sabiex jitneħħa d-distakk bejn l-attivitajiet ta' innovazzjoni u l-implimentazzjoni effettiva fis-suq, inkluża l-espansjoni, b'tali mod li ma jeskludix l-investimenti privati jew ifixkel il-kompetizzjoni fis-suq intern. Jekk proġett jitqies bankabbli mill-għażla inizjali tiegħu (diliġenza dovuta), jew jekk il-livell ta' riskju tnaqqas b'mod suffiċjenti, l-EIC ser jiddirezzjona lill-kumpanija magħżula/appoġġata lejn aċċess għal finanzjament b'dejn (bħal self jew garanziji) u/jew finanzjament permezz ta' ishma fornut mill-Programm InvestEU.

L-appoġġ b'finanzjament imħallat ser jingħata permezz ta' proċess uniku u b'deċiżjoni unika, li jipprovdu lill-innovatur appoġġat b'impenn globali uniku lejn ir-riżorsi finanzjarji li jkopru diversi stadji tal-innovazzjoni sal-implimentazzjoni fis-suq inkluż l-istadju ta' qabel il-kummerċjalizzazzjoni tal-massa. L-implimentazzjoni sħiħa tal-appoġġ mogħti ser tkun soġġetta għal stadji importanti u rieżami. Il-kombinazzjoni u l-volum tal-finanzjament ser jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-kumpanija, id-daqs tagħha u l-istadju, in-natura tat-teknoloġija jew tal-innovazzjoni u t-tul taċ-ċiklu tal-innovazzjoni. L-Aċċelleratur ser ikopri ħtiġijiet ta' finanzjament sakemm jiġi sostitwit minn sorsi alternattivi ta' investiment.

L-Aċċelleratur ser jipprovdi wkoll appoġġ f'forma ta' għotjiet lill-SMEs, inklużi negozji ġodda, biex iwettqu firxa ta' tipi ta' innovazzjoni, minn innovazzjoni inkrimentali għal dik rivoluzzjonarja u interruttiva, dment li dawk l-SMEs ikollhom l-għan li sussegwentement jespandu.

L-appoġġ ser jingħata permezz tal-istess sejħa kontinwament miftuħa u minn isfel għal fuq bħal dik użata għall-appoġġ ta' finanzjament imħallat. Negozju ġdid jew SME jistgħu jibbenefikaw darba biss matul l-Orizzont Ewropa minn appoġġ ta' għotja biss mill-EIC, u dak l-appoġġ mhux ser jeċċedi EUR 2,5 miljun. Il-proposti għandhom jinkludu informazzjoni dettaljata dwar il-kapaċitajiet tal-applikant li jespandi.

Għal proġetti li bbenefikaw minn appoġġ ta' għotja biss, l-Aċċelleratur jista' sussegwentement, wara talba mill-benefiċjarji, jipprovdilhom appoġġ finanzjarju (pereżempju "appoġġ permezz ta' ishma biss"), permezz tal-veikolu bi skop speċjali tal-EIC soġġett għar-riżultati ta' diliġenza dovuta tiegħu.

Meta proġett magħżul ikun qed jirċievi komponent minn għotja ta' appoġġ għall-attivitajiet tiegħu ta' R&I; dawk l-attivitajiet jistgħu jiġu implimentati f'kollaborazzjoni ma' organizzazzjonijiet tar-riċerka pubbliċi jew privati, pereżempju permezz ta' subkuntrattar, biex jiġi żgurat li l-benefiċjarju jkollu l-aħjar aċċess għal għarfien espert tekniku u kummerċjali. Dan ser jippermetti li l-benefiċjarju jiżviluppa pedament b'saħħtu fl-għarfien, fl-għarfien espert u fl-ekosistemi li jkunu eżistenti madwar l-Ewropa.

Fejn id-diversi riskji, bħal dawk finanzjarji, xjentifiċi/teknoloġiċi, tas-suq, maniġerjali, regolatorji, jitnaqqsu, l-importanza relattiva tal-komponent ta' avvanz rimborsabbli mistennija tiżdied.

Filwaqt li l-Unjoni tista' ġġarrab waħidha r-riskju inizjali tal-azzjonijiet magħżulin ta' innovazzjoni u ta' implimentazzjoni fis-suq, l-għan ser ikun li jitneħħa r-riskju minn dawn u li jiġu stimolati, mill-bidu u matul l-iżvilupp tal-azzjoni, koinvestimenti minn sorsi alternattivi u saħansitra jiġu sostitwiti investituri. F'dak il-każ, l-objettivi u l-iskeda ta' żmien tal-koinvestiment ser jiġu miftiehma mal-koinvestitur(i) u mal-benefiċjarji/kumpaniji appoġġati.

L-Aċċelleratur ser jaħdem prinċipalment permezz ta' sejħa kontinwament miftuħa minn isfel għal fuq, b'dati ta' skadenza, immirati lejn l-SMEs inklużi negozji ġodda, u f'każijiet eċċezzjonali mid-caps żgħar, inklużi innovaturi żgħażagħ u nisa li jimmaniġġaw jew li jkollhom ħiliet ewlenin f'dawn il-kumpaniji. Din is-sejħa miftuħa u minn isfel għal fuq tista' tiġi kkomplementata minn appoġġ immirat għal innovazzjonijiet emerġenti li jkunu rivoluzzjonarji, joħolqu s-swieq u/jew deep-tech u li jkunu ta' sinifikat strateġiku potenzjali f'termini ta' impatt ekonomiku jew soċjali, filwaqt li tinżamm in-natura b'mod predominanti minn isfel għal fuq tal-Aċċelleratur. Is-suġġetti għal dan l-appoġġ immirat ser jiġu deskrittu fil-programmi ta' ħidma. L-investituri, inklużi aġenziji ta' innovazzjoni pubbliċi, jistgħu wkoll jippreżentaw proposti, iżda l-appoġġ għandu jingħata direttament lill-kumpanija li tkun qed twettaq il-proġett innovattiv li huma interessati fih.

L-Aċċelleratur ser jippermetti wkoll l-użu ta' innovazzjonijiet li jirriżultaw minn proġetti appoġġati mill-Pathfinder u minn pilastri oħrajn tal-programmi qafas tal-Unjoni (25), sabiex jiġu appoġġati biex jaslu fis-suq. Din l-identifikazzjoni tal-proġetti appoġġati f'pilastri oħrajn tal-Orizzont Ewropa u anki fil-programmi qafas preċedenti ser tkun ibbażata fuq metodoloġiji pertinenti, bħar-Radar tal-Innovazzjoni.

Barra minn hekk, għall-fini tal-espansjoni u f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 48(6) tar-Regolament (UE) 2021/695, soġġett għal eżerċizzju inizjali ta' mmappjar, il-proposti li jkollhom suċċess minn programmi nazzjonali jew reġjonali eliġibbli jista' jkollhom wkoll aċċess għall-fażi tal-evalwazzjoni tal-Aċċelleratur taħt il-kondizzjonijiet kumulattivi u sekwenzjali li ġejjin:

(a)

f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, il-Kummissjoni ser twettaq immappjar fil-fond ta' programmi nazzjonali jew reġjonali eliġibbli biex tiġi identifikata d-domanda għal tali skema; ir-riżultati ta' dan l-immappjar ser jiġu ppubblikati fuq il-Portal tal-parteċipanti u jiġu aġġornati regolarment.

(b)

ser jiġi varat programm pilota, abbażi ta' dan l-immappjar, fl-ewwel programm ta' ħidma tal-Orizzont Ewropa; taħt din l-iskema pilota, għandhom jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-proċeduri ta' evalwazzjoni nazzjonali jew reġjonali għandhom jiġu ċċertifikat mill-Kummissjoni skont kriterji inklużi fil-programm ta' ħidma tal-Orizzont Ewropa;

(ii)

il-Kummissjoni għandha tiżgura trattament ugwali għal dak ta' proposti oħra fl-evalwazzjoni ta' proposti ppreżentati taħt l-Aċċelleratur; b'mod partikolari, il-proposti eliġibbli kollha għandhom jikkonformaw ma' test ta' għażla, taħt kondizzjonijiet strettament ugwali, li jikkonsistu f'intervista wiċċ imb' wiċċ ma' ġurija magħmula minn esperti esterni indipendenti.

1.1.3.   Attivitajiet Addizzjonali tal-EIC

Addizzjonalment, l-EIC ser jimplimenta wkoll:

Servizzi tal-EIC ta' aċċellerazzjoni ta' negozji b'appoġġ għall-attivitajiet u l-azzjonijiet tal-Pathfinder u tal-Aċċelleratur. Dawn is-servizzi ser jiġu rakkomandati ħafna lin-negozji ġodda u l-SMEs magħżula kollha, u f'każijiet eċċezzjonali mid-caps żgħar, għalkemm l-użu ta' dawn is-servizzi mhuwiex se jkun obbligatorju. L-għan ser ikun li l-komunità tal-EIC ta' innovaturi finanzjati, inkluż is-Siġill ta' Eċċellenza ffinanzjat, tiġi konnessa mal-investituri, is-sħab u x-xerrejja pubbliċi. Dan ser jipprovdi firxa ta' servizzi ta' coaching u ta' mentoring relattivament għall-azzjonijiet tal-EIC. Dan ser jipprovdi lill-innovaturi b'aċċess għal networks internazzjonali ta' sħab potenzjali, inklużi dawk industrijali, sabiex jikkomplementaw katina tal-valur jew jiġu żviluppati opportunitajiet tas-suq, u jinstabu investituri u sorsi oħrajn ta' finanzjament privat jew korporattiv. L-attivitajiet ser jinkludu avvenimenti f'ħin reali bħal avvenimenti ta' senserija u sessjonijiet ta' pitching, iżda anki l-iżvilupp ta' pjattaformi li jaqblu jew l-użu ta' dawk eżistenti, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-intermedjarji finanzjarji appoġġati mill-Programm InvestEU u mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Dawn l-attivitajiet ser jinkoraġġixxu wkoll l-iskambji bejn il-pari bħala sors ta' tagħlim f'ekosistemi ta' innovazzjoni, b'użu tajjeb partikolari tal-Membri tal-Bord tal-EIC u l-Fellows tal-EIC;

Fellowships tal-EIC biex jiġu onorati l-aqwa innovaturi tal-Unjoni. Il-Fellowships tal-EIC ser jingħataw mill-Kummissjoni fuq il-parir tal-Bord Konsultattiv ta' Livell Għoli sabiex ir-riċevituri jiġu rikonoxxuti bħala ambaxxaturi tal-innovazzjoni;

Sfidi tal-EIC, fil-forma ta' premjijiet ta' inċentiv, sabiex jgħinu fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi globali, jattiraw atturi ġodda u jiżviluppaw komunitajiet ġodda. Premjijiet oħra tal-EIC ser jinkludu l-iCapital, il-premju tal-innovazzjoni dwar il-Klima, il-Premju ta' Inċentiv tal-Innovazzjoni Soċjali, u l-Premju għall-Innovaturi Nisa (26). It-tfassil ta' dawn il-premjijiet ser ikun marbut mal-EIC u ma' partijiet oħrajn tal-Orizzont Ewropa, inklużi missjonijiet, u ma' korpi rilevanti oħrajn ta' finanzjament. Ser jiġu esplorati opportunitajiet għall-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet kapaċi jipprovdu appoġġ komplementari (bħal intrapriżi, universitajiet, organizzazzjonijiet tar-riċerka, aċċelleraturi tan-negozju, karitajiet u fondazzjonijiet);

Akkwisti Innovattivi tal-EIC, sabiex jiġu akkwistati prototipi, jew sabiex jiġi żviluppat il-programm tal-ewwel xirja, sabiex jiġu ffaċilitati l-ittestjar u l-akkwist ta' teknoloġiji innovattivi qabel ma jmorru fis-suq minn entitajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali jew lokali, kollettivament kull meta jkun possibbli.

1.2.   Implimentazzjoni

Biex jiġi rifless l-approċċ tiegħu ċċentrat fuq l-innovaturi u t-tipi ġodda ta' azzjonijiet, l-implimentazzjoni tal-EIC titlob l-implimentazzjoni ta' karatteristiċi speċifiċi ta' ġestjoni.

1.2.1.   Il-Bord tal-EIC

Il-Bord tal-EIC għandu jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-EIC. Barra milli jagħti pariri dwar il-programmi ta' ħidma tal-EIC, il-Bord tal-EIC għandu jkollu rwol attiv fl-għoti ta' pariri dwar il-proċess tal-għażla tal-proġetti, kif ukoll dwar il-ġestjoni u l-azzjonijiet ta' segwitu. Ser ikollu funzjoni ta' komunikazzjoni, fejn il-membri jkollhom rwol ta' ambaxxaturi sabiex jgħinu fl-istimulazzjoni tal-innovazzjoni fl-Unjoni kollha. Il-kanali ta' komunikazzjoni ser jinkludu attendenza f'avvenimenti ta' innovazzjoni ewlenin, il-media soċjali, il-kostituzzjoni ta' komunità ta' innovaturi tal-EIC, interazzjoni mal-media ewlenija b'fokus fuq l-innovazzjoni, avvenimenti komuni mal-inkubaturi u mal-hubs ta' aċċellerazzjoni.

Il-Bord tal-EIC għandu jipprovdi pariri lill-Kummissjoni fir-rigward tax-xejriet fl-innovazzjoni jew inizjattivi meħtieġa sabiex tiġi mtejba u mrawma l-ekosistema tal-innovazzjoni tal-Unjoni, inklużi ostakli regolatorji potenzjali. Il-parir tal-Bord tal-EIC għandu jidentifika wkoll oqsma emerġenti ta' innovazzjoni li x'aktarx jiġu kkunsidrati fl-attivitajiet taħt il-pilastru "Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea" u l-missjonijiet. B'dan il-mod, u f'koordinazzjoni mal-konfigurazzjoni tal-kumitat tal-programm rilevanti, il-Bord tal-EIC huwa mistenni li jikkontribwixxi għall-koerenza ġenerali tal-Orizzont Ewropa.

Abbażi tal-parir tal-Bord tal-EIC, il-Kummissjoni ser:

tipprovdi lill-applikanti potenzjali, qabel is-sejħiet għal proposti, b'informazzjoni dettaljata li tinkludi:

(i)

ir-rekwiżiti tal-iskemi differenti ta' appoġġ;

(ii)

kif ser jiġu pprovduti u implimentati l-forom proposti ta' appoġġ finanzjarju (finanzjament imħallat, għotja, ishma, self u garanzija);

(iii)

differenzazzjoni ċara bejn il-gruppi fil-mira u l-ħtiġijiet distinti tagħhom, skont l-iskemi tal-EIC;

(iv)

definizzjoni tal-objettivi tal-innovazzjoni f'termini ta' prodotti, proċessi, kummerċjalizzazzjoni u servizzi;

tistabbilixxi monitoraġġ tajjeb tal-implimentazzjoni tal-iskemi tal-EIC bil-għan li jiġi żgurat tagħlim rapidu tal-politika u biex jiġu żviluppati mudelli ta' innovazzjoni. Għal dan il-għan, ser jintgħażlu u jiġu implimentati indikaturi biex titkejjel l-innovazzjoni mistennija u miksuba f'termini ta' prodotti, proċessi, kummerċjalizzazzjoni u servizzi;

tiżgura l-komplementarjetà u l-kooperazzjoni bejn l-EIC u l-EIT bil-għan li tiġi evitata d-duplikazzjoni;

tiddissemina informazzjoni dettaljata dwar għodod eżistenti biex jiġu attirati investituri ta' kapital ta' riskju f'każ ta' proġetti riskjużi ħafna.

1.2.2.   Maniġers tal-Programm tal-EIC

Il-Kummissjoni ser tieħu approċċ proattiv lejn il-ġestjoni ta' proġetti b'riskju għoli, permezz tal-aċċess għall-għarfien espert neċessarju.

Il-Kummissjoni ser taħtar fuq bażi temporanja, għadd ta' maniġers tal-programmi tal-EIC sabiex jassistuha b'viżjoni bbażata fuq in-negozju u t-teknoloġija u l-gwida operattiva. Il-Kumitat tal-Programm ser jiġi infurmat dwar il-ħatriet.

Il-maniġers tal-programmi ser joriġinaw minn għadd ta' sferi, inklużi kumpaniji, universitajiet, laboratorji nazzjonali u ċentri tar-riċerka. Dawn ser jikkontribwixxu għarfien espert profond mill-esperjenza personali u snin fil-qasam. Ser ikunu mexxejja rikonoxxuti, persuni li jkunu mmaniġġjaw timijiet ta' riċerka multidixxiplinari jew idderiġew programmi istituzzjonali kbar, u jafu l-importanza li l-viżjonijiet tagħhom jiġu kkomunikati bla heda, b'mod kreattiv u mifrux. Finalment, huma ser ikunu persuni ta' esperjenza fis-sorveljanza ta' baġits importanti, li jirrikjedu sens ta' responsabbiltà.

Il-maniġers tal-programmi ser ikunu mistennija jagħtu spinta lill-impatt tal-finanzjament tal-EIC billi jrawmu kultura ta' "ġestjoni attiva", li tiġbor flimkien għarfien teknoloġiku sod ma' approċċ prattiku li jinvolvi l-iżvilupp fil-livelli tal-portafoll u tal-proġett ta' baġits ibbażati fuq viżjoni, skadenzi ta' żmien u stadji importanti li jridu jintlaħqu mill-proġetti tal-EIC sabiex dawn ikomplu jirċievu l-finanzjament.

B'mod partikolari, il-maniġers tal-programmi jissorveljaw l-implimentazzjoni tas-sejħiet tal-Pathfinder u l-Aċċelleratur, u jagħtu opinjoni lill-kumitati ta' evalwazzjoni esperta, abbażi ta' kriterji ċari u ġusti u bil-ħsieb ta' portafoll strateġiku konsistenti ta' proġetti, li huwa mistenni li jagħmel kontribuzzjonijiet essenzjali għall-emerġenza ta' innovazzjonijiet potenzjali tas-soċjetà jew li joħolqu swieq ekonomiċi.

Il-maniġers tal-programmi ser ikollhom il-kompitu li jrawmu l-portafolli tal-Pathfinder billi flimkien mal-benefiċjarji jiżviluppaw viżjoni komuni u approċċ strateġiku komuni li jwasslu għal massa kritika ta' sforz. Dan ser jinvolvi t-titjib ta' oqsma ta' riċerka ġodda u li ġew żviluppat reċentement, u l-bini u l-istrutturar ta' komunitajiet ġodda, bl-objettivi li ideat rivoluzzjonarji l-aktar avvanzati jiddaħħlu f'innovazzjonijiet tal-ħolqien tas-suq ġenwini u maturi. Il-maniġers tal-programmi ser jimplimentaw attivitajiet ta' transizzjoni, filwaqt li jkomplu jiżviluppaw il-portafoll b'attivitajiet u sħab rilevanti addizzjonali, u jimmonitorjaw mill-qrib spin-offs u negozji ġodda potenzjali.

Biex tkun possibbli aktar flessibbiltà, il-maniġers tal-programmi ser jirrevedu l-proġetti tal-Pathfinder u l-Aċċelleratur, għal kull stadju importanti jew kriterji predefiniti f'intervalli rilevanti, skont l-iżvilupp tal-proġett, sabiex jiġi vvalutat jekk jenħtieġ li jkomplu, jiġu orjentati mill-ġdid jew jiġu mitmuma f'konformità ma' metodi u proċeduri definiti għall-ġestjoni tal-proġetti. Fejn rilevanti, valutazzjonijiet bħal dawn jistgħu jinvolvu esperti esterni indipendenti. Skont ir-Regolamenti tal-Persunal tagħha, il-Kummissjoni ser tiżgura li ma jkun hemm l-ebda konflitt ta' interess, u lanqas ksur ta' kunfidenzjalità, tal-maniġers tal-programmi fit-twettiq tal-kompiti kollha tagħhom.

Minħabba n-natura ta' riskju għoli tal-azzjonijiet, huwa mistenni li għadd sinifikanti ta' proġetti mhux sejrin jitlestew. Il-baġit diżimpenjat minn tali proġetti terminati ser jintuża sabiex jiġu appoġġati azzjonijiet oħrajn tal-EIC u għandu jiġi kkomunikat b'mod f'waqtu lill-Kumitat tal-Programm.

1.2.3.   Implimentazzjoni tal-finanzjament imħallat tal-EIC

Il-Kummissjoni ser tiġġestixxi l-elementi operazzjonali kollha tal-proġetti tal-Aċċelleratur, inklużi l-għotja jew forom oħrajn ta' appoġġ li ma jitħallsux lura.

Għal fini tal-ġestjoni tal-finanzjament imħallat tal-EIC, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi veikolu bi skop speċjali. Il-Kummissjoni għandha tfittex li tiżgura l-parteċipazzjoni ta' investituri pubbliċi u privati oħrajn. Fejn dan ma jkunx possibbli fl-istabbiliment tal-bidu, il-veikolu bi skop speċjali tal-EIC ser ikun strutturat b'tali mod li jista' jattira investituri pubbliċi jew privati oħrajn sabiex iżid l-effett ta' rinforz finanzjarju (leverage) tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni ser tapprova l-istrateġija ta' investiment tal-veikolu bi skop speċjali tal-EIC. Il-veikolu bi skop speċjali tal-EIC ser jiddefinixxi u jimplimenta strateġija ta' ħruġ għall-parteċipazzjonijiet tiegħu f'ishma, li ser tinkludi l-possibbiltà li jiġi propost it-trasferiment ta' (sehem minn) operazzjoni ta' investiment lis-sħab ta' implimentazzjoni appoġġati taħt il-Programm InvestEU, fejn xieraq u għal operazzjonijiet li r-riskji tagħhom tnaqqsu biżżejjed sabiex jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju. Il-Kumitat tal-Programm ser jiġi infurmat f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni.

Il-veikolu bi skop speċjali tal-EIC ser iwettaq id-diliġenza dovuta, u jinnegozja t-termini tekniċi ta' kull investiment f'konformità mal-prinċipji tal-addizzjonalità u l-prevenzjoni ta' konflitti ta' interess ma' attivitajiet oħrajn tad-destinatarji ta' investiment u ta' kontropartijiet oħra. Il-veikolu bi skop speċjali tal-EIC ser jirrinforza finanzjarment (leverage) b'mod proattiv l-investimenti pubbliċi jew privati f'operazzjonijiet individwali tal-Aċċelleratur.

2.   EKOSISTEMI EWROPEJ TAL-INNOVAZZJONI

2.1.   Raġunament

Sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-innovazzjoni li tinvolvi r-riċerkaturi, l-intraprendituri, l-industrija u s-soċjetà inġenerali, l-Unjoni, flimkien mal-Istati Membri, għandha ttejjeb l-ambjent li fih l-innovazzjoni tista' tiffjorixxi fuq kull livell. Dan ifisser li jingħata kontribut lejn l-iżvilupp ta' ekosistema effettiva tal-innovazzjoni fil-livell tal-Unjoni, u l-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni, in-networking u l-iskambju tal-ideat u tal-għarfien, l-iżvilupp ta' proċessi miftuħa ta' innovazzjoni f'organizzazzjonijiet, il-finanzjament u l-ħiliet fost ekosistemi tal-innovazzjoni nazzjonali, reġjonali u lokali, sabiex jiġu appoġġati t-tipi kollha ta' innovazzjoni, jiġu stabbiliti relazzjonijiet mal-innovaturi kollha madwar l-Unjoni u jingħatalhom appoġġ adegwat.

L-Unjoni u l-Istati Membri għandu jikollhom ukoll l-għan li jiżviluppaw ekosistemi li jappoġġaw l-innovazzjoni soċjali u l-innovazzjoni fis-settur pubbliku, barra mill-innovazzjoni fl-intrapriżi privati. Tabilħaqq, is-settur tal-gvern irid ikun innovattiv u jġedded lilu nnifsu sabiex ikun jista' jappoġġa l-bidliet fir-regolamentazzjoni u l-governanza meħtieġa sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni fuq skala kbira ta' innovazzjonijiet, inklużi teknoloġiji ġodda u domanda li qed tiżdied mill-pubbliku għal forniment aktar effiċjenti u effettiv tas-servizzi. L-innovazzjonijiet soċjali huma kruċjali sabiex jittejjeb il-benesseri tas-soċjetajiet tagħna.

Sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, ser jiġu implimentati attivitajiet biex jikkomplementaw, u biex jiġu żgurati sinerġiji ma', it-tipi ta' azzjoni tal-EIC, kif ukoll mal-attivitajiet tal-EIT, ma' attivitajiet imwettqa taħt pilastri oħrajn tal-Orizzont Ewropa u ma' attivitajiet implimentati mill-Istati Membri u pajjiżi assoċjati, iżda anki minn inizjattivi privati.

2.2.   Oqsma ta' intervent

Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni ser torganizza Forum tal-EIC tal-awtoritajiet pubbliċi u l-korpi responsabbli mill-politiki u l-programmi ta' innovazzjoni tal-Istati Membri u ta' pajjiżi assoċjati, bil-għan li jiġu promossi l-koordinazzjoni u d-djalogu dwar l-iżvilupp tal-ekosistema tal-innovazzjoni tal-Unjoni. Il-Bord tal-EIC u l-Bord tal-EIT ser ikunu assoċjati wkoll. Fi ħdan il-Forum tal-EIC, il-Kummissjoni ser:

Tiddiskuti l-iżvilupp ta' regolamentazzjoni li tippermetti l-innovazzjoni, permezz tal-applikazzjoni kontinwa tal-Prinċipju tal-Innovazzjoni (27) u l-iżvilupp ta' approċċi innovattivi għall-akkwist pubbliku, inklużi l-iżvilupp u t-titjib tal-istrument tal-Akkwist Pubbliku tal-Innovazzjoni biex tiġi motivata l-innovazzjoni. L-Osservatorju tal-Innovazzjoni fis-Settur Pubbliku ser ikompli wkoll jappoġġa l-isforzi interni ta' innovazzjoni tal-gvernijiet, flimkien mal-Faċilità aġġornata ta' Appoġġ għall-Politiki;

Tippromwovi l-allinjament tal-aġendi tar-R&I mal-isforzi tal-Unjoni sabiex jiġi kkonsolidat suq miftuħ għall-flussi kapitali u l-investiment, bħall-iżvilupp ta' kondizzjonijiet qafas ewlenin favur l-innovazzjoni taħt l-Unjoni tas-Swieq Kapitali;

Ittejjeb l-koordinazzjoni bejn il-programmi ta' innovazzjoni nazzjonali u reġjonali u l-attivitajiet ta' innovazzjoni taħt l-Orizzont Ewropa, inklużi notevolment l-EIC u l-EIT sabiex jiġu stimulati sinerġiji operazzjonali u jiġu evitati s-sovrappożizzjonijiet, permezz tal-kondiviżjoni tad-data dwar programmi u l-implimentazzjoni tagħhom, ir-riżorsi u l-għarfien espert, l-analiżi u l-monitoraġġ ta' xejriet teknoloġiċi u innovattivi, li jagħmlu interkonnessjonijiet bejn il-komunitajiet ta' innovaturi rispettivi;

Tistabbilixxi strateġija ta' komunikazzjoni konġunta dwar l-innovazzjoni fl-Unjoni. Ser ikollha l-għan li tistimula lill-innovaturi u l-imprendituri bl-aqwa talent (b'mod partikolari dawk żgħażagħ), lill-SMEs u lil negozji ġodda fl-Unjoni kollha. Ser tenfasizza l-valur miżjud għall-Unjoni li l-innovaturi tekniċi, mhux tekniċi u soċjali jistgħu jipprovdu liċ-ċittadini tal-Unjoni billi jiżviluppaw l-idea jew il-viżjoni tagħhom f'intrapriża li tirnexxi, b'mod partikolari f'termini ta' valur u impatt soċjali, impjiegi u tkabbir, u progressjoni soċjetali.

L-Unjoni ser ukoll, f'sinerġija ma' attivitajiet oħrajn tal-Orizzont Ewropa, inklużi dawk tal-EIC u tal-EIT, u mal-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti reġjonali:

Tippromwovi u tikkofinanzja programmi konġunti ta' innovazzjoni ġestiti minn awtoritajiet responsabbli minn politiki u programmi ta' innovazzjoni pubbliċi nazzjonali, reġjonali jew lokali, li magħhom jistgħu jiġu assoċjati entitajiet privati li jappoġġaw l-innovazzjoni u l-innovaturi. Tali programmi konġunti mmotivati mid-domanda jistgħu jimmiraw lejn, fost oħrajn, appoġġ fl-istadju bikri u tal-istudju ta' fattibbiltà, il-kooperazzjoni bejn l-akkademja u l-intrapriżi, l-appoġġ għar-riċerka kollaborattiva bejn l-SMEs ta' teknoloġija avvanzata, it-trasferiment tat-teknoloġija u l-għarfien, l-internalizzazzjoni tal-SMEs, l-analiżi u l-iżvilupp tas-suq, id-diġitalizzazzjoni tal-SMEs mhux teknoloġikament avvanzati, l-appoġġ għall-iżvilupp u l-interkonnessjoni ta' infrastrutturi miftuħa ta' innovazzjoni, bħal programmi piloti, dimostraturi, "maker spaces" u "testbeds", strumenti finanzjarji għall-attivitajiet jew l-implimentazzjoni fis-suq ta' innovazzjoni qrib is-suq ,u l-innovazzjoni soċjali. Dawn jistgħu jinkludu wkoll inizjattivi konġunti ta' akkwist pubbliku, li jiffaċilitaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjonijiet fis-settur pubbliku, b'mod partikolari b'appoġġ għall-iżvilupp ta' politika ġdida. Dan jista' jkun partikolarment effettiv fl-istimulazzjoni tal-innovazzjoni f'oqsma tas-servizz pubbliku u sabiex l-innovaturi Ewropej jiġu pprovduti b'opportunitajiet tas-suq;

Tappoġġa l-programmi konġunti għal mentoring, coaching, assistenza teknika u servizzi oħrajn li jitwasslu qrib l-innovaturi, permezz ta' networks bħall-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali, in-Network Enterprise Europe, ir-raggruppamenti, il-pjattaformi pan-Ewropej bħal Startup Europe, atturi tal-innovazzjoni reġjonali jew lokali, kemm pubbliċi kif ukoll privati, b'mod partikolari inkubaturi u hubs tal-innovazzjoni li, barra minn hekk, jistgħu jkunu interkonnessi sabiex jiffavorixxu s-sħubija bejn l-innovaturi. L-appoġġ jista' jingħata wkoll sabiex jiġu promossi l-ħiliet personali għall-innovazzjoni, inkluż lil networks ta' istituzzjonijiet vokazzjonali u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-EIT u l-KKI tiegħu;

Ittejjeb id-data u l-għarfien dwar l-appoġġ tal-innovazzjoni, inklużi l-immappjar tal-iskemi ta' appoġġ, l-istabbiliment ta' pjattaformi ta' kondiviżjoni tad-data, il-parametraġġ referenzjarju u l-evalwazzjoni ta' skemi ta' appoġġ.

L-Unjoni ser tvara wkoll azzjonijiet meħtieġa sabiex ikomplu jiġu mmonitorjati u nutriti l-pajsaġġ tal-innovazzjoni inġenerali u l-kapaċità tal-ġestjoni tal-innovazzjoni fl-Ewropa.

Il-Kummissjoni ser timplimenta l-attivitajiet ta' appoġġ tal-ekosistemi, b'appoġġ minn aġenzija eżekuttiva għall-proċess ta' evalwazzjoni.

PARTI - TWESSIGĦ TAL-PARTEĊIPAZZJONI U TISĦIĦ TAŻ-ŻER

Din il-parti tal-Programm Speċifiku għandha timplimenta miżuri konkreti b'appoġġ għal parteċipazzjoni li qed tikber u għat-tisħiħ taż-ŻER. Għandu jkollha l-għan li ssaħħaħ rabtiet ta' kollaborazzjoni madwar l-Ewropa kollha u tiftaħ networks Ewropej tar-R&I, tikkontribwixxi għat-titjib tal-kapaċitajiet ta' ġestjoni tar-riċerka fil-pajjiżi li jħejju għat-twessigħ tal-parteċipazzjoni, tappoġġa riformi ta' politiki nazzjonali kif ukoll tisfrutta l-potenzjal tar-riżorsa komuni ta' talenti tal-Unjoni permezz ta' azzjonijiet immirati.

L-Unjoni għandha rekord ta' kisbiet xjentifiċi u teknoloġiċi ta' livell dinji, iżda l-potenzjal tagħha tar-R&I mhux qed jiġi sfruttat għalkollox. Minkejja li sar ħafna progress fl-iżvilupp taż-ŻER, inklużi l-pjan direzzjonali taż-ŻER u l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali taż-ŻER, l-Ewropa għad għandha xenarju frammentat tar-R&I, u l-Istati Membri kollha jaffaċċaw ostakli fis-sistemi tagħhom tar-R&I li jirrikjedu riformi ta' politika. F'ċerti oqsma, il-progress jibqa' lura wisq biex ilaħħaq mal-ekosistema tar-R&I li qed issir dejjem aktar dinamika.

Il-livell tal-investiment fir-R&I fl-Ewropa għadu ferm 'il bogħod mill-għan ta' politika ta' 3 % tal-PDG u qed ikompli jonqos meta mqabbel ma' dak tal-kompetituri prinċipali tagħna bħall-Istati Uniti, il-Ġappun jew il-Korea ta' Isfel.

Sadanittant, hemm disparità li qed tikber fl-Ewropa bejn dawk il-pajjiżi u r-reġjuni li huma minn ta' quddiem fir-R&I u dawk li għadhom lura f'dan ir-rigward. Hija meħtieġa bidla, pereżempju permezz ta' aktar rabtiet u rabtiet aħjar bejn l-atturi tar-R&I madwar l-Ewropa, biex l-Ewropa kollha kemm hi tkun tista' tikkapitalizza l-eċċellenza minn madwar il-kontinent, timmassimizza l-valur tal-investimenti pubbliċi u privati, u l-impatti tagħhom fuq il-produttività, it-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-benesseri. Barra minn hekk, hemm il-ħtieġa ta' riformi strutturali ta' politika fir-R&I u kooperazzjoni aħjar fil-livelli nazzjonali, reġjonali u istituzzjonali fil-produzzjoni u d-diffużjoni ta' għarfien ta' kwalità għolja.

Barra minn hekk, xi wħud iqisu l-qasam tar-R&I bħala distanti u elitist mingħajr benefiċċji ċari għaċ-ċittadini, u dan iwassal għal attitudnijiet li jostakolaw il-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi, kif ukoll għal xettiċiżmu dwar politiki pubbliċi bbażati fuq l-evidenza. Dan jirrikjedi kemm koordinament aħjar bejn ix-xjenzati, ir-riċerkaturi, l-innovaturi, l-intraprendituri, iċ-ċittadini u dawk li jfasslu l-politika, kif ukoll approċċi aktar robusti lejn il-akkomunament tal-evidenza xjentifika nnifisha f'soċjetà li qed tinbidel.

L-Unjoni issa trid tistabbilixxi standards ogħla fir-rigward tal-kwalità u l-impatt tas-sistema tagħha tar-R&I, u dan jirrikjedi ŻER rivitalizzata madwar l-Unjoni u l-pajjiżi assoċjati kollha, appoġġata aħjar mill-programmi qafas tar-R&I tal-Unjoni u mill-programmi nazzjonali u reġjonali. B'mod speċifiku, f'konormità mal-Artikolu 181(2) TFUE, huwa meħtieġ sett integrat tajjeb iżda mfassal apposta ta' miżuri tal-Unjoni, ikkumbinat ma' riformi u titjib fil-prestazzjoni fil-livell nazzjonali (li għalihom jistgħu jikkontribwixxu l-Istrateġiji ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali kif ukoll il-Faċilità ta' Appoġġ għall-Politiki) u, konsegwentement, bidliet istituzzjonali effettivi fi ħdan organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw u jwettqu r-riċerka, inklużi l-universitajiet, li jwasslu għall-produzzjoni ta' għarfien eċċezzjonali. Bil-kombinazzjoni tal-isforzi fil-livell tal-Unjoni, is-sinerġiji jistgħu jiġu sfruttati madwar l-Ewropa u l-iskala neċessarja tista' tinstab sabiex l-appoġġ għar-riformi ta' politiki nazzjonali jkun aktar effiċjenti u b'impatt akbar.

L-attivitajiet appoġġati taħt din il-parti jindirizzaw speċifikament il-prijoritajiet ta' politika taż-ŻER, filwaqt li ġeneralment isejsu l-partijiet kollha tal-Orizzont Ewropa. Jistgħu jkunu stabbiliti wkoll attivitajiet sabiex irawmu ċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ madwar iż-ŻER kollha permezz tal-mobbiltà tar-riċerkaturi u l-innovaturi, filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ l-iżbilanċi attwali, u sabiex joħolqu u jiżviluppaw networks ta' speċjalisti akkademiċi, xjenzati, riċerkaturi u innovaturi biex ipoġġu flimkien l-assi (intanġibbli) kollha tagħhom għas-servizz taż-ŻER u billi jappoġġaw l-iżvilupp ta' pjanijiet direzzjonali ta' xjenza li jkunu speċifiċi għall-oqsma.

L-għan huwa Unjoni fejn l-għarfien u forza tax-xogħol b'livell għoli ta' ħiliet jiċċirkolaw b'mod liberu, fejn l-outputs tar-riċerka jiġu kondiviżi b'mod rapidu u effiċjenti, fejn ir-riċerkaturi jibbenefikaw minn karrieri attraenti u l-ugwaljanza bejn is-sessi hija assigurata, fejn l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati jiżviluppaw aġendi komuni ta' riċerka strateġika, li jallinjaw il-pjanijiet nazzjonali, jiddefinixxu u jimplimentaw programmi konġunti, u fejn l-eżiti tar-R&I jkunu mifhuma u fdati minn ċittadini infurmati u jkunu ta' benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi.

Din il-parti ser tikkontribwixxi de facto għall-SDGs kollha, iżda direttament għal dawn li ġejjin: SDG 4 – Edukazzjoni ta' Kwalità; SDG 5 – Ugwaljanza bejn is-sessi; SDG 9 – Industrija, Innovazzjoni u Infrastruttura; SDG 17 – Sħubijiet għall-Għanijiet.

1.   IT-TWESSIGĦ TAL-PARTEĊIPAZZJONI U T-TIXRID TAL-EĊĊELLENZA

It-tnaqqis tad-diskrepanzi u tad-diverġenza eżistenti fil-prestazzjoni tar-R&I permezz tal-kondiviżjoni tal-għarfien u l-għarfien espert fl-Unjoni kollha ser jgħin lill-pajjiżi li jħejju għat-twessigħ tal-parteċipazzjoni u lir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni sabiex jiksbu pożizzjoni kompetittiva fil-ktajjen tal-valur globali u biex l-Unjoni tgawdi bis-sħiħ mill-potenzjal tar-R&I tal-Istati Membri kollha.

Għaldaqstant hija meħtieġa azzjoni ulterjuri, pereżempju permezz tal-promozzjoni ta' trasparenza u diversità tal-konsorzji ta' proġetti, sabiex tiġi miġġielda t-tendenza ta' kollaborazzjonijiet magħluqin, li jistgħu jeskludu għadd kbir ta' istituzzjonijiet u individwi promettenti, inklużi dawk ġodda, u sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tar-riżorsa komuni ta' talenti tal-Unjoni billi jiġu massimizzati u kondiviżi l-benefiċċji tar-R&I fl-Unjoni kollha.

Fi ħdan l-oqsma ġenerali ta' attivitajiet, il-linji ta' finanzjament ser jiffaċilitaw elementi speċifiċi tar-riċerka mfasslin b’mod speċjalizzat għall-ħtiġijiet partikolari tal-azzjonijiet.

Linji Ġenerali

Il-ħolqien ta' timijiet, sabiex jinħolqu ċentri ġodda ta' eċċellenza jew jiġu aġġornati dawk eżistenti fil-pajjiżi eliġibbli, abbażi ta' sħubiji bejn istituzzjonijiet xjentifiċi mexxejja u istituzzjonijiet sħab;

Il-ġemellaġġ, sabiex universitajiet jew organizzazzjonijiety tar-riċerka minn pajjiżi eliġibbli jissaħħu b'mod sinifikattiv f'qasam definit, billi dawn jiġu konnessi mal-aqwa istituzzjonijiet internazzjonali tar-riċerka minn Stati Membri oħrajn jew pajjiżi assoċjati;

Presidenzi taż-ŻER, sabiex jappoġġaw l-universitajiet jew l-organizzazzjonijiet tar-riċerka minn pajjiżi eliġibbli biex jattiraw u jżommu riżorsi umani ta' kwalità għolja taħt id-direzzjoni ta' riċerkatur u maniġer tar-riċerka eċċezzjonali (il-"President taż-ŻER"), u sabiex jiġu implimentati bidliet strutturali sabiex tinkiseb eċċellenza fuq bażi sostenibbli;

Il-Kooperazzjoni Ewropea fix-Xjenza u t-Teknoloġija (COST, European Cooperation in Science and Technology), li tinvolvi kondizzjonijiet ambizzjużi fir-rigward tal-inklużjoni ta' pajjiżi eliġibbli, u miżuri oħrajn sabiex jiġu provduti n-networking xjentifiku, il-bini tal-kapaċitajiet u appoġġ għall-iżvilupp tal-karrieri lil riċerkaturi żgħażagħ u avvanzati minn dawn il-pajjiżi fil-mira, permezz ta' azzjonijiet ta' kwalità xjentifika u ta' rilevanza. 80 % tal-baġit totali ta' COST ser ikun iddedikat għal azzjonijiet kompletament allinjati mal-objettivi ta' dan il-qasam ta' intervent, inkluż il-finanzjament għal attivitajiet u servizzi ġodda;

Attivitajiet li għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-proposti minn entitajiet legali minn pajjiżi bi prestazzjoni baxxa fir-R&I, bħal verifiki qabel il-proposta professjonali kif ukoll konsulenza, u li jsaħħu l-attivitajiet tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali biex jiġu appoġġati networks internazzjonali, kif ukoll attivitajiet skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) 2021/695 u s-servizzi ta' tlaqqigħ ibbażati fuq l-evidenza skont l-Artikolu 51(2) ta' dak ir-Regolament;

Jistgħu jiġu stabbiliti attivitajiet sabiex titrawwem iċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ fir-rigward ta' riċerkaturi ta' kull età u fil-livelli kollha madwar iż-ŻER kollha (pereżempju għotjiet biex ir-riċerkaturi ta' kwalunkwe nazzjonalità jkunu jistgħu jakkwistaw u jittrasferixxu għarfien ġdid u biex jaħdmu fir-R&I fil-pajjiżi li jħejju għat-twessigħ tal-parteċipazzjoni) u biex ikunu sfruttati aħjar (u possibbilment amministrati b'mod konġunt) l-infrastrutturi tar-riċerka eżistenti fil-pajjiżi fil-mira permezz tal-mobbiltà tar-riċerkaturi u l-innovaturi. Jistgħu jiġu stabbiliti wkoll attivitajiet sabiex jitrawmu inizjattivi dwar l-eċċellenza.

Dan il-qasam ta' intervent ser jappoġġa l-objettivi speċifiċi tal-Orizzont Ewropa: jiffaċilita l-involviment sħiħ tar-riżorsa komuni ta' talenti tal-Ewropa f'azzjonijiet appoġġati; ixerred u jorbot l-eċċellenza madwar l-Unjoni kollha; jirrinforza l-ħolqien ta' għarfien ta' kwalità għolja; iżid il-kooperazzjoni transsettorjali, transdixxiplinari u transkonfinali.

2.   RIFORMA U TITJIB TAS-SISTEMA EWROPEA TAR-R&I

Ir-riformi ta' politika fil-livell nazzjonali ser ikunu rinfurzati u komplementati b'mod reċiproku permezz tal-iżvilupp ta' inizjattivi ta' politika, riċerka, networking, sħubija, koordinazzjoni, ġbir tad-data u monitoraġġ u evalwazzjoni fil-livell tal-Unjoni.

Linji Ġenerali

It-tisħiħ tal-bażi tal-evidenza għall-politika dwar ir-R&I, għal fehim aħjar tad-dimensjonijiet u l-komponenti differenti tas-ekosistemi nazzjonali u reġjonali tar-R&I, inklużi l-muturi, l-impatti u l-politiki assoċjati;

Attivitajiet ta' prospettiva, sabiex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet u x-xejriet emerġenti, f'koordinazzjoni u kodisinn mal-aġenziji nazzjonali u partijiet ikkonċernati orjentati lejn il-futur u ċittadini, b'mod parteċipattiv, u abbażi tal-avvanzi fil-metodoloġija tat-tbassir, biex l-eżiti jsiru aktar rilevanti għall-politika, filwaqt li jisfruttaw is-sinerġiji fl-Orizzont Ewropa kollu u lil hinn minnu;

Appoġġ għal dawk li jfasslu l-politika, il-korpi ta' finanzjament, l-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka (inklużi l-universitajiet) jew gruppi konsultattivi li jaħdmu fuq iż-ŻER u l-politiki marbuta maż-ŻER jew li jimplimentaw miżuri ta' koordinazzjoni u appoġġ li jappoġġaw liż-ŻER biex jiżguraw li dawn ikunu allinjati sewwa lejn l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' ŻER koerenti u sostenibbli fit-tul. Tali appoġġ jista' jieħu l-forma ta' azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ b'approċċ minn isfel għal fuq u kompetittiv biex tiġi appoġġata kollaborazzjoni fil-livell tal-programm bejn il-programmi ta' R&I tal-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħal fondazzjonijiet, dwar prijoritajiet tal-għażla tagħhom, b'enfasi ċara fuq l-implimentazzjoni ta' attivitajiet konġunti transnazzjonali inklużi s-sejħiet. Dan ser ikun ibbażat fuq impenji ċari minn programmi parteċipanti għall-akkomunament tar-riżorsi u biex tiġi żgurata l-komplementarjetà bejn l-attivitajiet u l-politiki ma' dawk tal-Orizzont Ewropa u ma' Inizjattivi rilevanti tal-Isħubija Ewropea.

L-aċċellarazzjoni tat-transizzjoni lejn ix-xjenza miftuħa, permezz tal-monitoraġġ, l-analiżi u l-appoġġ tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki u prattiki ta' xjenza miftuħa (28), inklużi l-prinċipji FAIR, fil-livelli ta' Stati Membri, reġjuni, istituzzjonijiet u riċerkaturi, b'tali mod li jiġu massimizzati s-sinerġiji u l-koerenza fil-livell tal-Unjoni;

Appoġġ għar-riforma ta' politika nazzjonali tar-R&I, inkluż permezz ta' sett imsaħħaħ ta' servizzi tal-Faċilità ta' Appoġġ għall-Politiki (29) (bħal reviżjonijiet bejn il-pari, attivitajiet speċifiċi ta' appoġġ, eżerċizzji ta' tagħlim reċiproku u ċ-ċentru tal-għarfien) lill-Istati Membri u lill-pajjiżi assoċjati, b'mod li joperaw f'sinerġija mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, is-Servizz ta' Appoġġ għar-Riforma Strutturali u l-Għodda għat-Twettiq ta' Riformi;

L-għoti lir-riċerkaturi ta' ambjenti, ħiliet u kompetenzi ta' karriera attraenti meħtieġa fl-ekonomija moderna tal-għarfien (30). Il-kollegament taż-ŻER maż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja bl-appoġġ tal-modernizzazzjoni tal-universitajiet u ta' organizzazzjonijiet oħrajn tar-R&I, permezz ta' mekkaniżmi ta' rikonoxximent u ppremjar sabiex jitħeġġu l-azzjonijiet fil-livell nazzjonali, kif ukoll inċentivi li jippromwovu l-adozzjoni ta' prattiki tax-xjenza miftuħa, ir-R&I responsabbli, l-imprenditorija (u rabtiet mal-ekosistemi tal-innovazzjoni), it-transdixxiplinarjetà, l-involviment taċ-ċittadini, il-mobbiltà internazzjonali u intersettorjali, il-pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, l-istrateġiji ta' diversità u inklużjoni u l-approċċi komprensivi lejn il-bidliet istituzzjonali. F'dak il-kuntest, bħala segwitu tal-azzjonijiet pilota varati taħt Erasmus+ 2014-20 dwar l-Universitajiet Ewropej, fejn ikun xieraq, l-Orizzont Ewropa ser jikkomplementa b'mod sinerġetiku l-appoġġ ipprovdut mill-programm Erasmus lill-Universitajiet Ewropej, filwaqt li jipprovdi appoġġ fir-rigward tad-dimensjoni tar-R&I tagħhom. Dan ser jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' strateġiji dwar l-edukazzjoni, ir-R&I ġodda konġunti u integrati fit-tul u sostenibbli, ibbażati fuq approċċi transdixxiplinari u transsettorjali biex it-triangolu tal-għarfien isir realtà, biex b'hekk tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku sostenibbli, filwaqt li jiġu evitati s-sovrapożizzjonijiet mal-KKI;

Ix-xjenza relatata maċ-ċittadini, li tappoġġa kull tip ta' edukazzjoni xjentifika formali, nonformali u informali, filwaqt li tiżgura l-involviment aktar effettiv u responsabbli taċ-ċittadini, irrispettivament mill-età, il-kuntest jew l-abbiltajiet, fil-kodisinn tal-istabbiliment tal-aġenda u l-politika tar-R&I, fil-kokreazzjoni ta' kontenut xjentifiku u l-innovazzjoni permezz ta' attivitajiet transdixxiplinari;

L-appoġġ għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-monitoraġġ tagħha kif ukoll forom oħra ta' diversità fil-karrieri xjentifiċi, u fit-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż fil-korpi konsultattivi, kif ukoll l-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kontenut tar-R&I;

Etika u integrità, sabiex ikompli jiġi żviluppat qafas tal-Unjoni koerenti f'konformità mal-ogħla standards etiċi u mal-Kodiċi ta' Kondotta Ewropea għall-Integrità tar-Riċerka, il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi, li jipprovdi opportunitajiet ta' taħriġ f'dawn l-oqsma;

L-appoġġ għall-kooperazzjoni internazzjonali permezz ta' djalogi politiċi bilaterali, multilaterali u bireġjonali ma' pajjiżi terzi, reġjuni u fora internazzjonali ser jiffaċilita t-tagħlim reċiproku u l-istabbiliment ta' prijoritajiet, jippromwovi aċċess reċiproku u jimmonitorja l-impatt tal-kooperazzjoni;

Input xjentifiku għal politiki oħrajn, permezz tal-ħolqien u ż-żamma ta' strutturi u proċessi konsultattivi u ta' monitoraġġ sabiex ikun żgurat li t-tfassil tal-politika tal-Unjoni jkun ibbażat fuq l-aqwa evidenza xjentifika disponibbli u konsulenza xjentifika ta' livell għoli;

L-implimentazzjoni tal-programm ta' R&I tal-Unjoni, inklużi l-ġbir u l-analiżi tal-evidenza għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, it-tfassil u l-valutazzjoni tal-impatt tal-Orizzont Ewropa u tal-programmi qafas preċedenti;

Il-Kummissjoni ser tiżgura li jingħata appoġġ lill-punti ta' kuntatt nazzjonali, inkluż permezz ta' laqgħat regolari qabel sejħiet, taħriġ, coaching, it-tisħiħ ta' strutturi ta' appoġġ dedikati u l-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni transnazzjonali fosthom (bħat-tkomplija ta' żvilupp fuq l-attivitajiet tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali fi programmi qafas preċedenti); il-Kummissjoni ser tiżviluppa standards minimi, bi qbil mar-rappreżentanti tal-Istati Membri, għat-tħaddim ta' dawn l-istrutturi ta' appoġġ, inklużi r-rwol, l-istruttura u l-modalitajiet tagħhom, il-fluss tal-informazzjoni mill-Kummissjoni qabel sejħiet għal proposti u l-evitar ta' konflitti ta' interess;

Id-disseminazzjoni u l-isfruttament tar-riżultati tar-R&I, ta' data u ta' għarfien, inkluż permezz ta' appoġġ dedikat għall-benefiċjarji; it-trawwim ta' sinerġiji ma' programmi oħrajn tal-Unjoni; attivitajiet immirati ta' komunikazzjoni sabiex ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar l-impatt usa' u r-rilevanza tar-R&I ffinanzjati mill-Unjoni, kif ukoll il-komunikazzjoni tax-xjenza.


(1)  L-Infrastruttura Ewropea tad-Data ser tipprovdi bażi għall-EOSC billi tipprovdi kapaċità ta' HPC ta' livell dinji, konnettività b'veloċità għolja u servizzi ta' data u software fuq quddiem nett tal-kompetizzjoni.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (il-“Programm l-UE għasSaħħa”) għall-perjodu 2021-2027, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 1).

(3)  Regolament (UE) 2021/693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar il-Ġustizzja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 (ĠU L 156, 5.5.2021, p. 21).

(4)  Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 (ĠU L 156, 5.5.2021, p. 1).

(5)  Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1).

(6)  Rapport tal-OECD: Il-Fehim tad-Diviżjoni Soċjoekonomika fl-Ewropa, 26 ta' Jannar 2017.

(7)  Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69).

(8)  It-teknoloġiji abilitanti essenzjali tal-futur jinkludu materjali avvanzati u n-nanoteknoloġija, il-fotonika u l-mikroelettronika u n-nanoelettronika, it-teknoloġiji tax-xjenza tal-ħajja, il-manifattura u l-ipproċessar avvanzati, l-IA u s-sigurtà diġitali u l-konnettività.

(9)  "Re-finding industry - defining innovation" Rapport tal-Grupp ta' Strateġija ta' Livell Għoli dwar it-Teknoloġiji Industrijali, Brussell, April 2018.

(10)  Dawn huma faċilitajiet pubbliċi jew privati li jipprovdi riżorsi u servizzi primarjament għall-industrija Ewropa biex tittestja, tivvalida u turi teknoloġiji u prodotti abilitanti essenzjali. Tali infrastrutturi jistgħu jinstabu f'sit wieħed, jew ikunu virtwali jew imqassma, u jridu jkunu reġistrati fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat.

(11)  It-tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra f'setturi oħrajn huwa indirizzat f'Partijiet oħrajn tal-Pilastru II u fl-Orizzont Ewropa b'mod ġenerali.

(12)  It-terminu "enerġija alternattiva" ma jinkludix enerġija prodotta minn sorsi tal-enerġija nukleari.

(13)  Il-bijoekonomija tkopri s-setturi u s-sistemi kollha li jiddependu mir-riżorsi bijoloġiċi (annimali, pjanti, mikroorganiżmi u bijomassa derivata, inkluż l-iskart organiku), u mill-funzjonijiet u l-prinċipji tagħhom. Hija tinkludi u torbot flimkien: ekosistemi tal-art u tal-baħar u s-servizzi li jipprovdu; is-setturi kollha ta' produzzjoni primarja li jużaw u jipproduċu riżorsi bijoloġiċi (l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd u l-akkwakultura); u s-setturi ekonomiċi u industrijali kollha li jużaw riżorsi u proċessi bijoloġiċi għall-produzzjoni tal-ikel, l-għalf, il-prodotti b'bażi bijoloġika, l-enerġija u s-servizzi. Il-bijomediċini u l-bijoteknoloġija tas-saħħa huma esklużi.

(14)  "Ekonomija blu sostenibbli" tfisser l-attivitajiet ekonomiċi settorjali u transsettorjali kollha fis-suq uniku kollu relatati mal-oċeani, l-ibħra, il-kosti u l-ilmijiet interni, li jkopru r-reġjuni ultraperifiċi u l-pajjiżi mingħajr kosta tal-Unjoni, inklużi s-setturi emerġenti u prodotti u servizzi mhux tas-suq u li huma konsistenti mal-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni.'

(15)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2018 intitolata “Pjaneta Nadifa għal kulħadd. Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima”.

(16)  L-osservazzjoni ambjentali aċċessibbli pereżempju permezz tal-komponent Copernicus tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u programmi Ewropej rilevanti oħrajn, kif ukoll l-inizjattiva GEO, ser tappoġġa r-R&I taħt oqsma ta' intervent oħrajn fi ħdan dan ir-raggruppament kif ukoll partijiet rilevanti oħrajn tal-Orizzont Ewropa.

(17)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Riċerka u Innovazzjoni Ewropea għas-Sigurtà Alimentari u Nutrizzjonali (SWD(2016)319 final).

(18)  L-applikazzjonijiet bijoteknoloġiċi tas-saħħa huma indirizzati mir-raggruppament "Saħħa" taħt dan il-pilastru.

(19)  L-attivitajiet fil-Qasam ta' Intervent tas-Sistemi Ċirkolari huma komplementari għal dawk tal-Industriji b'Emissjonijiet Baxxi tal-Karbonju u Nodfa fir-raggruppament "Diġitali, Industrija u Spazju".

(20)  Il-Hub tal-Innovazzjoni huwa terminu globali għal varjetà wiesgħa ta' ħiliet. Jista' jservi bħala sieħeb attiv, komunità, ċentru tal-għarfien, faċilitatur jew konnettur li joffri aċċess għall-aħħar għarfien u għarfien espert dwar teknoloġiji diġitali u abilitanti relatati neċessarji biex il-kumpaniji jsiru iktar kompetittivi fir-rigward tal-produzzjoni, tas-servizzi u tal-proċessi tan-negozju.

(21)  Jistgħu jiġu identifikati suġġetti rilevanti fil-kuntest tal-ippjanar strateġiku tal-Orizzont Ewropa.

(22)  Tipikament bħala taħlita ta' riskji xjentifiċi/teknoloġiċi, riskji ta' ġestjoni/finanzjarji, riskji tas-suq/ekonomiċi u riskji regolatorji. Riskji addizzjonali mhux previsti jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll.

(23)  Bħala alternattiva għal għotja meta r-riskju huwa meqjus inqas mill-medja, avvanz rimborsabbli għandu jitħallas lura lill-Unjoni fuq bażi ta' skeda maqbula u mbagħad isir self mingħajr imgħax. F'każ li l-benefiċjarju ma jkunx kapaċi jħallas lura, iżda jista' jkompli l-attività tiegħu, l-avvanz rimborsabbli għandu jiġi trasformat f'ishma. F'każ ta' falliment, l-avvanz rimborsabbli isir biss għotja.

(24)  Bħala prinċipju, l-Unjoni mhijiex mistennija jkollha iktar minn minoranza ta' drittijiet tal-vot f'kumpaniji appoġġati. F'każijiet eċċezzjonali, l-Unjoni tista' tiżgura l-akkwiżizzjoni ta' minorità li timblokka sabiex tipproteġi l-interessi Ewropej f'oqsma essenzjali, bħaċ-ċibersigurtà.

(25)  Bħall-Prova tal-Kunċett tal-ERC, minn proġetti appoġġati taħt il-pilastru "Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea", negozji ġodda emerġenti mill-KKI tal-EIT. L-applikazzjonijiet għandhom jirriżultaw ukoll minn attivitajiet tal-Orizzont 2020, b'mod partikolari proġetti magħżula taħt il-Fażi 2 tal-SME tal-Orizzont 2020 u s-Siġill ta' Eċċellenza relatat finanzjati mill-Istati Membri, jew mis-Sħubijiet Ewropej (eżistenti u futuri).

(26)  Sabiex tiġi żgurata kontinwità bla xkiel, il-premji tal-EIC ser jieħdu l-ġestjoni tal-premjijiet varati taħt l-Orizzont 2020. Barra minn hekk, il-Bord tal-EIC għandu jipprovdi konsulenza għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' premjijiet ġodda ta' inċentiv u premjijiet ġodda ta' rikonoxximent.

(27)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Mejju 2018 intitolata "Aġenda Ewropea mġedda għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - l-opportunità tal-Ewropa li ssawwar il-ġejjieni tagħha” u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Mejju 2016: “Regolamentazzjoni favorevoli għar-riċerka u l-innovazzjoni”.

(28)  Il-politiki u l-prattiki li għandhom jiġu indirizzati jvarjaw mill-kondiviżjoni tal-outputs tar-riċerka kemm jista' jkun kmieni u bl-iktar mod wiesa' possibbli permezz ta' formats maqbula b'mod komuni u infrastruttura kondiviża (bħall-EOSC), ix-xjenza relatata maċ-ċittadini, u l-iżvilupp u l-użu ta' approċċi u indikaturi ġodda u usa' għall-evalwazzjoni tar-riċerka u l-ippremjar tar-riċerkaturi.

(29)  Il-Faċilità tal-Appoġġ għall-Politika (PSF), varata taħt l-Orizzont 2020. Il-PSF taħdem fuq bażi ta' motivazzjoni mid-domanda u toffri, fuq bażi volontarja, għarfien espert ta' livell għoli u pariri mfasslin apposta lill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali. Permezz tas-servizzi tagħha, diġà kienet strumentali fil-provokazzjoni ta' bidla politika f'pajjiżi bħall-Polonja, il-Bulgarija, il-Moldova u l-Ukrajna u fl-avvanz ta' bidliet ta' politika, motivati minn skambji ta' prattika tajba, f'oqsma bħal inċentivi tat-taxxa għar-riċerka u l-iżvilupp, ix-xjenza miftuħa, il-finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni ta' organizzazzjonijiet ta' riċerka pubbliċi u l-interoperabbiltà tal-programmi nazzjonali ta' R&I.

(30)  Inklużi b'mod partikolari l-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi, il-Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi, l-EURAXXESS u l-Fond tal-Pensjoni RESAVER.


ANNESS II

KONFIGURAZZJONIJIET TAL-KUMITAT TAL-PROGRAMM

Lista tal-konfigurazzjonijiet tal-Kumitat tal-Programm f'konformità mal-Artikolu 14(2) ta' din id-Deċiżjoni

1.

Konfigurazzjoni strateġika: riassunt strateġiku tal-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku u tal-koerenza bejn il-programmi ta' ħidma individwali tiegħu, inklużi missjonijiet

2.

ERC

3.

MSCA

4.

Infrastrutturi tar-Riċerka

5.

Saħħa

6.

Kultura, Kreattività u Soċjetà Inklużiva

7.

Sigurtà Ċivili għas-Soċjetà

8.

Diġitali, Industrija u Spazju

9.

Klima, Enerġija u Mobbiltà

10.

Ikel, Bijoekonomija, Riżorsi Naturali, Agrikoltura u Ambjent

11.

EIC u Ekosistemi Ewropej tal-Innovazzjoni

12.

It-twessigħ tal-parteċipazzjoni u t-tisħiħ taż-ŻER

Jistgħu jiġu organizzati laqgħat ad hoc fi ħdan ir-raggruppamenti u/jew ma' konfigurazzjonijiet differenti tal-Kumitat tal-Programm u/jew ma' Kumitati stabbiliti b'atti oħra dwar kwistjonijiet orizzontali u/jew trasversali, bħall-ispazju u l-mobbiltà.


ANNESS III

INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TIĠI PPROVDUTA MILL-KUMMISSJONI F'KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 14(7) TA' DIN ID-DEĊIŻJONI

1.   

Informazzjoni dwar proġetti individwali, li tippermetti l-monitoraġġ tal-ħajja kollha ta' kull proposta, li tkopri b'mod partikolari:

il-proposti ppreżentati;

ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet għal kull proposta;

il-ftehimiet ta' għotjiet;

proġetti mitmuma skont l-Artikolu 32(2) u (3) u l-Artikolu 48(12) tar-Regolament (UE) 2021/695;

il-proġetti kompluti.

2.   

Informazzjoni dwar l-eżitu ta' kull sejħa għal proposti u l-implimentazzjoni ta' kull proġett, li tkopri b'mod partikolari:

ir-riżultati ta' kull sejħa;

il-punteġġi ta' evalwazzjoni tal-proposti u d-devjazzjonijiet minn dawk il-punteġġi fil-lista ta' klassifikazzjoni tagħhom, abbażi tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-kisba tal-objettivi speċifiċi ta' politika, inkluża l-kostituzzjoni ta' portafoll konsistenti ta' proġetti f'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) 2021/695;

aġġustamenti mitluba għall-proposti taħt l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) 2021/695;

l-eżitu tan-negozjati dwar il-ftehimiet ta' għotjiet;

l-implimentazzjoni tal-proġetti, inklużi data dwar il-pagamenti u l-eżitu tal-proġetti;

il-proposti miżmuma mill-evalwazzjonijiet esperti indipendenti, iżda rrifjutati mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 48(8) tar-Regolament (UE) 2021/695.

3.   

Informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm, inkluża informazzjoni rilevanti fil-livell tal-Orizzont Ewropa, il-Programm Speċifiku, kull objettiv speċifiku u t-temi relatati u l-JRC, bħala parti mill-monitoraġġ annwali skont id-direzzjonijiet tal-impatt definiti fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/695, kif ukoll is-sinerġiji ma' programmi oħra rilevanti tal-Unjoni.

4.   

Informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-Orizzont Ewropa, inkluża informazzjoni dwar il-COST, dwar impenji u pagamenti għas-Sħubiji Ewropej kollha, inklużi l-KKI, kif ukoll il-bilanċi finanzjarji bejn l-Unjoni u l-pajjiżi assoċjati kollha.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

12.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 167/81


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (Euratom) 2021/765

tal-10 ta’ Mejju 2021

li jistabbilixxi l-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-perijodu 2021-2025 li jikkumplimenta Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jħassar ir-Regolament (Euratom) 2018/1563

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkonsulta lill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku,

Billi:

(1)

Wieħed mill-għanijiet tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-"Komunità") huwa li tikkontribwixxi għaż-żieda fl-istandard tal-għajxien fl-Istati Membri, inkluż billi tippromwovi u tiffaċilita r-riċerka nukleari fl-Istati Membri u tikkumplimentaha billi twettaq programm ta' riċerka u taħriġ tal-Komunità.

(2)

Ir-riċerka nukleari tista' tikkontribwixxi għall-benesseri soċjali, il-prosperità ekonomika u s-sostenibbiltà ambjentali billi ttejjeb is-sikurezza u s-sigurtà nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni. Ir-riċerka dwar il-protezzjoni mir-radjazzjoni wasslet għal titjib fit-teknoloġiji mediċi li minnhom jibbenefikaw bosta ċittadini, u dik ir-riċerka tista' twassal għal titjib f'setturi oħra bħall-industrija, l-agrikoltura, l-ambjent u s-sigurtà.

(3)

B'rispett sħiħ għad-dritt tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar it-taħlita tal-enerġija tagħhom, ir-riżultati tar-riċerka tal-programm stabbilit minn dan ir-Regolament jistgħu potenzjalment jikkontribwixxu lejn sistema ta' enerġija newtrali għall-klima b'mod effiċjenti, sikur u mingħajr periklu.

(4)

Sabiex tkun żgurata l-kontinwità tar-riċerka nukleari fil-livell tal-Komunità, hemm bżonn li jiġi stabbilit il-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2025 (il-"Programm Euratom"). Il-Programm Euratom jenħtieġ li jkompli jwettaq l-attivitajiet ta' riċerka ewlenin tal-programmi preċedenti, filwaqt li jintroduċi objettivi speċifiċi ġodda u juża l-istess mod ta' implimentazzjoni.

(5)

Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni interim tal-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Euratom għall-2014-18 fih sett ta' prinċipji gwida għall-Programm Euratom. Dawn jinkludu: it-tkomplija tal-appoġġ għar-riċerka nukleari ffokata fuq is-sikurezza, is-salvagwardji u s-sigurtà nukleari, il-ġestjoni tal-iskart, il-protezzjoni mir-radjazzjoni u l-iżvilupp tal-fużjoni; flimkien mal-benefiċjarji, it-titjib ulterjuri tal-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-Programmi Konġunti Ewropej fil-qasam nukleari; it-tkomplija u t-tisħiħ tal-azzjonijiet ta' edukazzjoni u taħriġ tal-Euratom sabiex jiġu żviluppati l-kompetenzi rilevanti li fuqhom huma msejsa l-aspetti kollha tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni; l-isfruttament ulterjuri tas-sinerġiji bejn il-programmi Euratom u l-oqsma tematiċi l-oħra tal-Programm Qafas tal-Unjoni; u l-isfruttament ulterjuri tas-sinerġiji bejn l-azzjonijiet diretti u indiretti tal-Programm Euratom.

(6)

Il-Programm Euratom kien maħsub u mfassal fuq il-ħtieġa li tiġi stabbilita massa kritika ta' attivitajiet appoġġati. Din għandha tinkiseb bl-istabbiliment ta' għadd limitat ta' objettivi speċifiċi ffukati fuq l-użu sikur tal-fissjoni nukleari għal applikazzjonijiet tal-enerġija u mhux tal-enerġija, iż-żamma u l-iżvilupp tal-għarfien espert meħtieġ, il-promozzjoni tal-enerġija mill-fużjoni u l-appoġġ tal-politiki tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha dwar is-sikurezza, is-salvagwardji u s-sigurtà nukleari.

(7)

Il-Programm Euratom huwa parti kruċjali mill-isforzi tal-Unjoni biex tkompli tiżviluppa t-tmexxija teknoloġika u tippromwovi l-eċċellenza fir-riċerka u l-innovazzjoni nukleari, b'mod partikolari biex jiżgura l-ogħla standards tas-sikurezza, tas-sigurtà, tas-salvagwardji, tal-protezzjoni mir-radjazzjoni, tal-ġestjoni sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, u d-dekummissjonar fil-qasam nukleari, skont l-objettivi tal-programm stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(8)

Peress li l-Istati Membri kollha jagħmlu użu minn materjali radjuattivi, pereżempju għal finijiet mediċi, jew għandhom installazzjonijiet nukleari, huwa importanti li tiġi żgurata l-ġestjoni responsabbli u sikura ta' fjuwil użat u skart radjuattiv, kif meħtieġ mid-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom (1), sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta' piżijiet żejda fuq ġenerazzjonijiet futuri. Il-Programm Euratom jenħtieġ li jkompli jtejjeb u jappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp dwar teknoloġiji u kompetenzi fil-qasam tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv.

(9)

Fil-kuntest ta' dan ir-Regolament, ir-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni qed tiġi implimentata skont il-Pjan Direzzjonali Ewropew dwar il-Fużjoni, li jiddeskrivi r-riċerka u l-iżviluppi meħtieġa biex tingħata l-bażi għal impjant tal-enerġija mill-fużjoni li jiġġenera l-elettriku, u skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom (2). Fuq żmien qasir għal dak medju, il-pass ewlieni huwa t-tlestija tal-bini u tal-operazzjoni inizjali tal-ITER u programm ta' riċerka vigoruż dwar il-fużjoni jenħtieġ li jikkomplementa l-attivitajiet Ewropej dwar l-ITER sabiex ikunu appoġġati l-operazzjonijiet futuri tal-ITER u t-tħejjija tal-impjant dimostrattiv DEMO.

(10)

Permezz tal-appoġġ għar-riċerka nukleari, il-Programm Euratom jenħtieġ li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi ta' Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ("Orizzont Ewropa") stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u jenħtieġ li jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2030 u t-tisħiħ taż-żona Ewropea tar-riċerka.

(11)

Jenħtieġ li l-Programm Euratom ifittex sinerġiji ma' Orizzont Ewropa u programmi oħra tal-Unjoni, mid-disinn u l-ippjanar strateġiku tagħhom, għall-għażla, il-ġestjoni, il-komunikazzjoni, id-disseminazzjoni u l-isfruttament tar-riżultati tal-proġett, għall-monitoraġġ, l-awditjar u l-governanza.

(12)

L-azzjonijiet tal-Programm Euratom jenħtieġ li jkunu proporzjonati, mingħajr ma jiġu dduplikati jew esklużi l-finanzjamenti privati, u jenħtieġ li jkollhom valur miżjud Ewropew ċar. Dan jiżgura konsistenza bejn l-azzjonijiet tal-Programm Euratom u r-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, filwaqt li jiġu evitati distorsjonijiet mhux xierqa tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

(13)

Filwaqt li hija l-għażla individwali ta' kull Stat Membru jekk għandux jagħmel użu mill-enerġija nukleari jew le, huwa rikonoxxut ukoll li l-enerġija nukleari taqdi rwoli differenti fi Stati Membri differenti. Il-Programm Euratom ser jikkontribwixxi wkoll permezz tal-attivitajiet ta' riċerka tiegħu biex irawwem diskussjoni wiesgħa fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha dwar l-opportunitajiet u r-riskji tal-enerġija nukleari.

(14)

Sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ, jenħtieġ li l-Programm Euratom joffri appoġġ permezz ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji sabiex ir-riċerkaturi fil-qasam nukleari jsiru eliġibbli biex jibbenefikaw mill-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA) daqs riċerkaturi f'oqsma oħra.

(15)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għad-durata kollha tal-Programm Euratom li għandu jkun l-ammont ta' referenza primarja, fit-tifsira tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprja ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprja ġodda (4), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(16)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (ir-"Regolament Finanzjarju") japplika għall-Programm Euratom. Ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta' esperti esterni. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jinkludu wkoll reġim ġenerali ta' kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(17)

It-tipi ta' finanzjament u l-metodi ta' implimentazzjoni skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jintgħażlu abbażi tal-adegwatezza tagħhom li jilħqu l-objettivi speċifiċi tal-azzjonijiet u jrendu riżultati, filwaqt li jqisu b'mod partikolari, l-ispejjeż tal-kontrolli, il-piż amministrattiv, u r-riskju mistenni min-nuqqas ta' konformità. Għall-għotjiet, dan jenħtieġ li jinkludi konsiderazzjoni tal-użu ta' somom f'daqqa, rati fissi u l-kostijiet ta' unità.

(18)

Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex tkun żgurata l-parteċipazzjoni adegwata tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u tas-settur privat b'mod ġenerali. Jenħtieġ li jitwettqu valutazzjonijiet kwantitattivi u kwalitattivi tal-parteċipazzjoni tal-SMEs bħala parti mill-arranġamenti tal-evalwazzjoni u l-monitoraġġ.

(19)

L-attivitajiet żviluppati skont il-Programm Euratom jenħtieġ li jimmiraw lejn l-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi bejn is-sessi u jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fir-riċerka u l-innovazzjoni, f'konformità mal-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 8 tat-TFUE. Id-dimensjoni tal-ġeneru jenħtieġ li tiġi integrata fir-riċerka u l-innovazzjoni u implimentata fl-istadji kollha taċ-ċiklu tar-riċerka.

(20)

Bil-għan li tiġi approfondita r-relazzjoni bejn ix-xjenza u s-soċjetà u tissaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fix-xjenza, il-Programm Euratom jenħtieġ li jiffavorixxi involviment infurmat taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet ta' riċerka u innovazzjoni billi jippromwovi l-edukazzjoni tax-xjenza, jagħmel l-għarfien xjentifiku aktar aċċessibbli, jiżviluppa aġendi ta' riċerka u innovazzjoni responsabbli li jkopru t-tħassib u l-aspettattivi taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili, u jiffaċilita l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili fl-attivitajiet taħt il-Programm Euratom.

(21)

Jenħtieġ li l-azzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Programm Euratom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u josservaw il-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(22)

Huwa importanti li jkompli jiġi ffaċilitat l-isfruttar tal-proprjetà intellettwali żviluppata mill-parteċipanti waqt li jiġu protetti l-interessi leġittimi ta' parteċipanti oħra u tal-Komunità f'konformità mat-Titolu II, Kapitolu 2 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-"Trattat Euratom").

(23)

Sabiex jiġi żgurat l-akbar impatt possibbli tal-finanzjament Euratom, il-Komunità tista', fejn xieraq, tikkunsidra Sħubiji Ewropej ma' sħab fis-settur pubbliku jew privat dment li l-impatt mixtieq jista' jinkiseb b'mod aktar effettiv permezz ta' sħubija pjuttost milli mill-Komunità waħedha, meta mqabbla ma' forom oħra ta' appoġġ tal-Programm Euratom. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiżgura li tali sħubiji ikollhom approċċ ċar taċ-ċiklu tal-ħajja tas-Sħubiji Ewropej u jsegwu proċess trasparenti ta' għażla u teħid ta' deċiżjonijiet skont l-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/695.

(24)

Jenħtieġ li jkun possibbli li l-objettivi tal-Programm Euratom jiġu indirizzati wkoll permezz ta' strumenti finanzjarji u garanziji baġitarji taħt programmi bbażati fuq it-TFUE, dment li l-azzjonijiet jikkonformaw mal-objettivi u r-regoli ta' tali programmi.

(25)

Sabiex tiġi żgurata l-aktar implimentazzjoni effiċjenti possibbli u jinkiseb qafas koerenti, komprensiv u trasparenti għall-benefiċjarji, jenħtieġ li l-parteċipazzjoni fil-Programm Euratom u d-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka jkunu soġġetti għar-regoli rilevanti tar-Regolament (UE) 2021/695, b'ċerti adattamenti jew eċċezzjonijiet. Id-definizzjonijiet rilevanti u t-tipi ewlenin ta' azzjoni stabbiliti f'dak ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw għall-Programm Euratom.

(26)

Il-fond ta' garanzija tal-parteċipanti stabbilit taħt Orizzont 2020 stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u ġestit mill-Kummissjoni ta prova li huwa mekkaniżmu ta' salvagwardja importanti li jtaffi r-riskji assoċjati mal-ammonti dovuti u li ma jiġux rimborżati mill-parteċipanti inadempjenti. Għalhekk jenħtieġ li dan il-mekkaniżmu ta' salvagwardja jkompli. Il-mekkaniżmu ta' assigurazzjoni reċiproka stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2021/695 jenħtieġ li jkopri l-azzjonijiet taħt dan ir-Regolament.

(27)

Jenħtieġ li ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (il-"JRC", Joint Research Centre) jibqa' jipprovdi, kif xieraq, lill-Unjoni u lill-Istati Membri, b'evidenza xjentifika indipendenti mmexxija mill-klijenti u b'appoġġ tekniku matul iċ-ċiklu ta' politika kollu. Jenħtieġ li l-azzjonijiet diretti tal-JRC jiġu implimentati f'mod flessibbli, effiċjenti u trasparenti, waqt li jitqiesu l-ħtiġijiet rilevanti tal-utenti tal-JRC u l-ħtiġijiet tal-politiki tal-Unjoni, b'mod partikolari fil-qasam tas-sikurezza, is-salvagwardji u s-sigurtà nukleari, u jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' April 1994 dwar ir-rwol tal-JRC, il-JRC jenħtieġ li jkompli jiġġenera riżorsi addizzjonali permezz ta' attivitajiet kompetittivi ta' appoġġ għall-politiki tal-Unjoni jew f'isem partijiet terzi. Jenħtieġ li l-JRC ikun jista' jipparteċipa f'azzjonijiet indiretti, fejn il-programm ta' ħidma rilevanti jipprevedi hekk.

(28)

F'konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (8), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (9) u (UE) 2017/1939 (10), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod mhux korrett, u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta' penali amministrattivi. B'mod partikolari, f'konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-"UPPE") għandu s-setgħa, skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). F'konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mill-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta' fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(29)

Il-pajjiżi terzi jistgħu jieħdu sehem abbażi tal-istrumenti legali rispettivi tagħhom. F'dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi introdotta dispożizzjoni speċifika li tirrikjedi li pajjiżi terzi jagħtu d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b'mod komprensiv.

(30)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet skont il-Programm Euratom u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(31)

Skont il-paragrafu 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (13), jenħtieġ li l-Programm Euratom jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura f'konformità ma' rekwiżiti speċifiċi ta' monitoraġġ, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv, b'mod partikolari fuq l-Istati Membri, kif ukoll ir-regolamentazzjoni żejda. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Programm fuq il-post.

(32)

Il-Bord tal-Gvernaturi tal-JRC, stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/282/Euratom (14), ġie kkonsultat dwar il-kontenut xjentifiku u teknoloġiku tal-azzjonijiet diretti tal-JRC.

(33)

Il-Parlament Ewropew ġie kkonsultat fuq bażi volontarja u ta opinjoni (15). Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ġie wkoll ikkonsultat fuq bażi volontarja u ta opinjoni (16).

(34)

Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2018/1563 (17) jenħtieġ li jitħassar.

(35)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta' appoġġ fil-qasam ta' politika rilevanti u sabiex l-implimentazzjoni tkun tista’ tibda mill-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'urġenza u jenħtieġ li japplika, b'effett retroattiv, mill-1 ta' Jannar 2021,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2025 (il-"Programm Euratom") u r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni f'azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Euratom, li jikkomplementa l-Orizzont Ewropa.

Huwa jistabbilixxi l-objettivi tal-Programm Euratom, il-baġit għall-perijodu 2021-2025, il-forom ta' finanzjament u r-regoli għall-għoti ta' tali finanzjament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet rilevanti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/695. Ir-referenzi f'dawk id-definizzjonijiet għall-Unjoni u għal Orizzont Ewropa għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-"Komunità") u l-Programm Euratom, rispettivament. Madankollu, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, "programm ta' ħidma" tfisser id-dokument adottat mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Programm Euratom skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament.

Ir-referenzi kollha f'dan ir-Regolament għar-Regolament (UE) 2021/695 huma għall-verżjoni fis-seħħ fit-12 ta’ Mejju 2021.

Artikolu 3

Objettivi tal-programm

1.   L-objettiv ġenerali tal-Programm Euratom huwa li jwettaq attivitajiet ta' riċerka u taħriġ nukleari, b'enfasi fuq it-titjib kontinwu tas-sikurezza, is-sigurtà u l-protezzjoni mir-radjazzjoni nukleari, kif ukoll li jikkomplementa l-kisba tal-objettivi ta' Orizzont Ewropa, fost l-oħrajn, fil-kuntest tat-tranżizzjoni tal-enerġija.

2.   Il-Programm Euratom għandu l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

itejjeb u jappoġġa s-sikurezza, is-sigurtà u s-salvagwardji nukleari, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, il-ġestjoni sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, u d-dekummissjonar, inkluż l-użu sigur u mingħajr periklu tal-enerġija nukleari u ta' applikazzjonijiet tar-radjazzjoni jonizzanti mhux għall-produzzjoni tal-enerġija;

(b)

iżomm u jiżviluppa aktar l-għarfien espert u l-kompetenza fil-qasam nukleari fil-Komunità;

(c)

irawwem l-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni bħala sors ta' enerġija potenzjali għall-futur għall-produzzjoni tal-elettriku u jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali Ewropew dwar il-fużjoni;

(d)

jappoġġa l-politika tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha dwar it-titjib kontinwu tas-sikurezza, is-salvagwardji u s-sigurtà nukleari.

3.   L-objettivi elenkati fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu implimentati skont l-Anness I. L-implimentazzjoni ta' dawk l-objettivi tista', jekk debitament iġġustifikat, tinkludi rispons għal opportunitajiet, kriżijiet u theddid emerġenti.

Artikolu 4

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm Euratom għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2025 għandu jkun ta' EUR 1 382 000 000 bi prezzijiet attwali.

2.   Id-distribuzzjoni indikattiva tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun:

(a)

EUR 583 273 000 għall-azzjonijiet indiretti fir-riċerka u l-iżvilupp tal-fużjoni;

(b)

EUR 266 399 000 għall-azzjonijiet indiretti fil-fissjoni nukleari, is-sikurezza u l-protezzjoni mir-radjazzjoni;

(c)

EUR 532 328 000 għall-azzjonijiet diretti mwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.

Il-Kummissjoni ma tistax tiddevja mill-ammont imsemmi fil-punt (c) ta' dan il-paragrafu.

3.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jintuża wkoll biex ikopri l-ispejjeż għat-tħejjija, il-monitoraġġ, il-kontroll, l-awditu, l-evalwazzjoni u attivitajiet u nfiq ieħor neċessarji għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-Programm Euratom, inkluż in-nefqa amministrattiva kollha, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-kisba tal-objettivi tiegħu. L-ispejjeż amministrattivi relatati mal-azzjonijiet indiretti m'għandhomx jaqbżu 6 % tal-ammont distribwit lil azzjonijiet indiretti tal-Programm Euratom imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2. Barra minn hekk, l-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jkopri wkoll:

(a)

sa fejn dawn ikunu relatati mal-objettivi tal-Programm Euratom, l-ispejjeż relatati mal-istudji, il-laqgħat tal-esperti, l-azzjonijiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni;

(b)

l-ispejjeż marbuta ma' netwerks tat-teknoloġija tal-informazzjoni li jiffokaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju ta' informazzjoni, inkluż għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattiva u assistenza teknika u amministrattiva oħra meħtieġa b'rabta mal-ġestjoni tal-Programm Euratom.

4.   Jekk meħtieġ, biex tkun tista' ssir il-ġestjoni tal-azzjonijiet li ma jkunux tlestew sal-31 ta' Diċembru 2025, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit lil hinn mill-2025 biex ikopru l-ispejjeż previsti fil-paragrafu 3.

5.   L-impenji baġitarji għal azzjonijiet li jkunu ta' aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fi ħlasijiet parzjali annwali fuq diversi snin.

6.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament Finanzjarju, in-nefqa għall-azzjonijiet li jirriżultaw minn proġetti inklużi fl-ewwel programm ta' ħidma tista' tkun eliġibbli mill-1 ta' Jannar 2021.

7.   Ir-riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża jistgħu, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, jiġu ttrasferiti għall-Programm Euratom soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Politika dwar il-Viżi (ir-"Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027"). Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-riżorsi direttament skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament skont il-punt (c) ta' dak is-subparagrafu. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 5

Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm Euratom

1.   Il-Programm Euratom għandu jkun miftuħ għall-assoċjazzjoni tal-pajjiżi terzi li ġejjin:

(a)

pajjiżi fil-proċess tal-adeżjoni mal-Unjoni, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, f'konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Komunità stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jew ftehimiet simili, u skont il-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-ftehimiet bejn il-Komunità u dawk il-pajjiżi;

(b)

pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, f'konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Komunità stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jew fi ftehimiet simili, u skont il-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn il-Komunità u dawk il-pajjiżi;

(c)

pajjiżi terzi u territorji li jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:

(i)

kapaċità tajba fix-xjenza, fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni;

(ii)

impenn lejn ekonomija orjentata lejn is-suq ibbażata fuq ir-regoli, inkluż trattament ġust u ekwu fid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, appoġġat minn istituzzjonijiet demokratiċi;

(iii)

promozzjoni attiva tal-politiki sabiex tittejjeb il-benesseri ekonomika u soċjali taċ-ċittadini.

(2)   L-assoċjazzjoni mal-Programm Euratom ta' kull pajjiż terz taħt il-punt (c) tal-paragrafu 1 għandha tkun skont il-kondizzjonijiet stipulati fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fi kwalunkwe programm tal-Komunità jew tal-Unjoni, dment li dak il-ftehim:

(a)

jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tal-pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fil-programmi tal-Komunità jew tal-Unjoni;

(b)

jistabbilixxi l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Komunità jew tal-Unjoni, inkluż il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-programmi individwali u l-ispejjeż amministrattivi tagħhom;

(c)

ma jagħtix lill-pajjiż terz setgħa ta' deċiżjoni fir-rigward tal-Programm Euratom;

(d)

jiggarantixxu d-drittijiet tal-Unjoni sabiex tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

3.   L-għan tal-assoċjazzjoni ta' kull pajjiż terz fil-Programm Euratom għandu jqis l-objettiv li t-tkabbir ekonomiku fl-Unjoni jitmexxa 'l quddiem permezz tal-innovazzjoni. Għaldaqstant, għal pajjiż speċifiku, bl-eċċezzjoni tal-pajjiżi fil-proċess tal-adeżjoni mal-Unjoni, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali, partijiet tal-Programm Euratom jistgħu jiġu esklużi minn ftehim ta' assoċjazzjoni.

4.   Il-ftehim ta' assoċjazzjoni għandu, fejn xieraq, jipprevedi l-parteċipazzjoni reċiproka tal-entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni fi programmi ekwivalenti tal-pajjiżi assoċjati skont il-kondizzjonijiet stipulati f'dawk il-programmi.

5.   Fejn xieraq, il-kondizzjonijiet li jiddeterminaw il-livell tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandhom jiżguraw korrezzjoni awtomatika ta' kwalunkwe żbilanċ sinifikanti meta mqabbel mal-ammont li l-entitajiet stabbiliti fil-pajjiż assoċjat jirċievu permezz tal-parteċipazzjoni fil-Programm Euratom, b'kont meħud tal-ispejjeż fil-ġestjoni, l-eżekuzzjoni u l-operat tal-Programm Euratom.

Artikolu 6

Implimentazzjoni u forom ta' finanzjament

1.   Il-Programm Euratom għandu jiġi implimentat permezz ta' ġestjoni diretta f'konformità mar-Regolament Finanzjarju jew permezz ta' ġestjoni indiretta mill-korpi ta' finanzjament imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-finanzjament taħt il-Programm Euratom jista' jiġi pprovdut fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, iżda, l-għotjiet għandhom ikunu l-forma ewlenija ta' appoġġ għal azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Euratom. Il-finanzjament taħt il-Programm Euratom jista' jiġi wkoll ipprovdut permezz ta' premjijiet, akkwisti u strumenti finanzjarji fi ħdan operazzjonijiet ta' taħlit.

3.   It-tipi ewlenin ta' azzjoni li għandhom jintużaw skont il-Programm Euratom huma stabbiliti u definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/695, bħall-azzjonijiet ta' riċerka u innovazzjoni, l-azzjonijiet ta' innovazzjoni, l-azzjonijiet ta' innovazzjoni u tqegħid fis-suq, l-azzjonijiet ta' taħriġ u mobbiltà, l-azzjonijiet ta' kofinanzjament tal-programm, l-azzjonijiet ta' akkwist prekummerċjali, l-azzjonijiet ta' akkwist pubbliku ta' soluzzjonijiet innovattivi, l-azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ, il-premjijiet ta' inċentiv u l-premjijiet ta' rikonoxximent.

Il-forom ta' finanzjament imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jintużaw b'mod flessibbli fl-objettivi kollha tal-Programm Euratom bl-użu tagħhom jiġi ddeterminat abbażi tal-ħtiġijiet u l-karatteristiċi tal-objettivi partikolari.

4.   Il-Programm Euratom għandu jappoġġa wkoll azzjonijiet diretti mwettqa mill-JRC.

Artikolu 7

Sħubiji Ewropej

1.   Partijiet mill-Programm Euratom jistgħu jiġu implimentati permezz ta' Sħubiji Ewropej.

2.   L-involviment tal-Komunità fis-Sħubiji Ewropej jista' jkollu kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:

(a)

il-parteċipazzjoni fi sħubiji stabbiliti abbażi ta' memoranda ta' ftehim jew arranġamenti kuntrattwali bejn il-Kummissjoni u sħab pubbliċi jew privati li jispeċifikaw l-objettivi tas-Sħubija Ewropea, l-impenji relatati tan-naħat kollha involuti rigward il-kontribuzzjonijiet finanzjarji jew in natura tagħhom, l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u tal-impatt, ir-riżultati li għandhom jinkisbu u l-arranġamenti ta' rappurtar; dawn jinkludu l-identifikazzjoni tal-attivitajiet komplementari ta' riċerka u innovazzjoni li jkunu implimentati mis-sħab u mill-Programm Euratom (Sħubiji Ewropej Koprogrammati);

(b)

il-parteċipazzjoni fi programm ta' attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni, u l-kontribuzzjoni finanzjarja għalih, li tispeċifika l-objettivi, l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u tal-impatt, u r-riżultati li għandhom jinkisbu, abbażi tal-impenn tas-sħab rigward il-kontribuzzjonijiet finanzjarji jew in natura tagħhom u l-integrazzjoni tal-attivitajiet rilevanti tagħhom permezz tal-użu ta' azzjoni tal-Programm Euratom ta' kofinanzjament (Sħubiji Ewropej Kofinanzjati).

3.   Is-Sħubiji Ewropej għandhom:

(a)

jiġu stabbiliti f'każijiet fejn l-objettivi tal-Programm Euratom jinkisbu b'mod aktar effettiv milli mill-Komunità waħedha meta mqabbla ma' forom oħra ta' appoġġ taħt il-Programm Euratom; sehem xieraq mill-baġit tal-Programm Euratom għandu jiġi allokat għal dawk il-partijiet;

(b)

jaderixxu mal-prinċipji tal-valur miżjud tal-Unjoni, it-trasparenza u l-ftuħ, u li jkollhom impatt fl-Ewropa u għaliha, l-effett ta' ingranaġġ qawwi fuq skala suffiċjenti, l-impenji finanzjarji fit-tul tal-partijiet kollha involuti, il-flessibbiltà fl-implimentazzjoni, il-koerenza, il-koordinazzjoni u l-komplementarjetà mal-inizjattivi tal-Unjoni u dawk lokali, reġjonali u nazzjonali u, fejn rilevanti, ma' inizjattivi internazzjonali u Sħubijiet Ewropej oħra;

(c)

ikollhom approċċ ċar taċ-ċiklu tal-ħajja, ikunu limitati fiż-żmien u jinkludu l-kondizzjonijiet għat-tneħħija gradwali tal-finanzjament mill-Programm Euratom.

4.   Id-dispożizzjonijiet u l-kriterji għall-għażla, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u t-tneħħija gradwali tas-Sħubiji Ewropej huma stabbiliti fl-Anness III għar-Regolament (UE) 2021/695.

Artikolu 8

Xjenza Miftuħa

Id-dispożizzjonijiet dwar x-xjenza miftuħa stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/695 japplikaw għall-Programm Euratom.

Artikolu 9

Azzjonijiet tal-eliġibbiltà u regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka

1.   Huma biss l-azzjonijiet li jimplimentaw l-objettivi msemmija fl-Artikolu 3 li huma eliġibbli għall-finanzjament.

2.   Soġġett għall-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu, it-Titolu II dwar ir-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/695 japplika għal azzjonijiet appoġġati taħt il-Programm Euratom. Ir-referenzi li hemm fir-Regolament (UE) 2021/695 għall-Unjoni u għal Orizzont Ewropa għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Komunità u l-Programm Euratom, fejn adatt. Ir-referenzi fir-Regolament (UE) 2021/695 għar-"regoli tas-sigurtà" għandhom jinftiehmu li jinkludu l-interessi tad-difiża tal-Istati Membri skont it-tifsira tal-Artikolu 24 tat-Trattat Euratom.

3.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 40(4) tar-Regolament (UE) 2021/695, id-dritt għal oġġezzjoni għat-trasferimenti tas-sjieda tar-riżultati, jew ta' għotjiet ta' liċenzja esklussiva rigward ir-riżultati, jista' jiġi estiż għal għotjiet ta' liċenzji mhux esklużivi.

4.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 41(9) tar-Regolament (UE) 2021/695, benefiċjarju li jkun irċieva finanzjament tal-Komunità għandu jagħti aċċess għar-riżultati tiegħu abbażi ta' mingħajr royalty lill-istituzzjonijiet tal-Komunità, lill-korpi ta' finanzjament jew lill-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u lill-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (Fużjoni għall-Enerġija) stabbilita bid-Deċiżjoni 2007/198/Euratom ("l-Impriża Konġunta tal-Enerġija mill-Fużjoni"), għall-iskop tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki u l-programmi tal-Komunità jew l-obbligi skont il-kooperazzjoni internazzjonali ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Drittijiet ta' aċċess bħal dawn għandhom jinkludu d-dritt biex partijiet terzi jiġu awtorizzati jużaw ir-riżultati fl-akkwist pubbliku u d-dritt ta' sottoliċenzjar. Id-drittijiet ta' aċċess għandhom ikunu limitati għal użu mhux kummerċjali u mhux kompetittiv.

5.   Il-mekkaniżmu ta' assigurazzjoni reċiproka stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2021/695 għandu jkopri r-riskju assoċjat man-nuqqas ta' rkupru tas-somom dovuti mill-benefiċjarji lill-Kummissjoni jew lill-korpi ta' finanzjament taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Finanzjament kumulattiv, alternattiv u kkombinat

1.   Il-Programm Euratom għandu jiġi implimentat f'sinerġija ma' Orizzont Ewropa u ma' programmi oħra tal-Unjoni.

2.   Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Programm Euratom u jiġu indirizzati l-isfidi komuni għall-Programm Euratom u għal Orizzont Ewropa, l-attivitajiet li jolqtu aktar minn objettiv wieħed minn fost dawk stabbiliti fil-Programm Euratom jew dawk li jimplimentaw Orizzont Ewropa, jew it-tnejn, jistgħu jibbenefikaw mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, soġġetti għall-Artikolu 9. B'mod partikolari, il-Programm Euratom jista' jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja lill-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA) sabiex jappoġġa attivitajiet rilevanti għar-riċerka nukleari.

3.   Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni minn programm tal-Unjoni ieħor tista' tirċievi wkoll kontribuzzjoni taħt il-Programm Euratom, sakemm il-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess spejjeż. Ir-regoli tal-programm rilevanti għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv m'għandux jaqbeż il-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni. L-appoġġ mill-programmi differenti jista' jiġi kkalkolat fuq bażi pro rata f'konformità mad-dokumenti li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-appoġġ.

4.   L-azzjonijiet jistgħu jirċievu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew mill-Fond Soċjali Ewropew Plus f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027, fejn dawn ingħataw tabella b'Siġill ta' Eċċellenza taħt il-Programm Euratom billi kkonformaw mal-kondizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

ikunu ġew ivvalutati f'sejħa għal proposti taħt il-Programm Euratom;

(b)

ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi ta' kwalità ta' din is-sejħa għal proposti;

(c)

ma jistgħux jiġu ffinanzjati fil-qafas ta' dik is-sejħa għal proposti minħabba limitazzjonijiet baġitarji.

KAPITOLU II

Programmazzjoni, monitoraġġ, evalwazzjoni u kontroll

Artikolu 11

Programmi ta' ħidma

1.   L-azzjonijiet indiretti tal-Programm Euratom għandhom jiġu implimentati minn programmi ta' ħidma kif imsemmi fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju. Il-programmi ta' ħidma għandhom jistabbilixxu, fejn applikabbli, l-ammont globali riżervat għall-operazzjonijiet ta' taħlit. Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' ħidma permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(4).

2.   Minbarra r-rekwiżiti fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju, il-programmi ta' ħidma għandhom jinkludu dawn li ġejjin, skont kif adatt:

(a)

indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni u skeda indikattiva tal-implimentazzjoni;

(b)

għall-għotjiet, il-prijoritajiet, il-kriterji tal-għażla u tal-għotja, il-piż relattiv tal-kriterji differenti tal-għotja u r-rata massima ta' finanzjament tal-kostijiet totali eliġibbli;

(c)

kwalunkwe obbligu addizzjonali fuq il-benefiċjarji, f'konformità mal-Artikoli 39 u 41 tar-Regolament (UE) 2021/695;

(d)

approċċ pluriennali u orjentazzjonijiet strateġiċi għas-snin ta' implimentazzjoni li ġejjin.

3.   Il-Kummissjoni għandha tfassal programm ta' ħidma pluriennali dwar azzjonijiet diretti mwettqa mill-JRC skont id-Deċiżjoni 96/282/Euratom.

Artikolu 12

Monitoraġġ u rapportar

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja b'mod kontinwu l-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-Programm Euratom. Sabiex tiżdied it-trasparenza, dik id-data għandha ssir disponibbli għall-pubbliku b'mod aċċessibbli fuq il-paġna web tal-Kummissjoni f'konformità mal-aħħar aġġornament ta' dik id-data.

Indikaturi biex isir rapportar fuq bażi annwali dwar il-progress tal-Programm Euratom lejn il-kisba tal-objettivi stipulati fl-Artikolu 3 huma stabbiliti fl-Anness II fil-mogħdijiet ta' impatt.

2.   Sabiex tiżgura l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm Euratom lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, b'mod partikolari billi tistabbilixxi linji bażi u miri skont l-Anness II. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva skont l-Artikolu 16(3).

3.   Is-sistema ta' rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-Programm Euratom jinġabru b'mod effiċjenti, effettiv u f'waqtu mingħajr ma jiżdied il-piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji. Għal dak il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta' rapportar proporzjonati fuq ir-riċevituri tal-fondi tal-Komunità u, fejn ikun xieraq, fuq l-Istati Membri.

Artikolu 13

Informazzjoni, komunikazzjoni, pubbliċità u disseminazzjoni u sfruttament

1.   Dawk li jirċievu l-finanzjament tal-Programm Euratom għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta' dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibilità tal-finanzjament tal-Komunità, b'mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inklużi l-media u l-pubbliku.

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni relatati mal-Programm Euratom, ma' azzjonijiet taħt il-Programm Euratom u mar-riżultati miksuba. Barra minn hekk, għandha tipprovdi informazzjoni dettaljata u f'waqtha lill-Istati Membri u lill-benefiċjarji. Għandhom jiġu pprovduti servizzi ta' tlaqqigħ ibbażati fuq l-evidenza li jkunu informati mill-analitika u affinitajiet tan-netwerks lill-entitajiet interessati sabiex jgħaqqdu konsorzji għal proġetti kollaborattivi, b'attenzjoni partikolari għall-identifikazzjoni ta' opportunitajiet ta' netwerking għal entitajiet legali minn Stati Membri bi prestazzjoni baxxa fir-riċerka u l-iżvilupp. Fuq il-bażi ta' tali analiżi, jistgħu jiġu organizzati avvenimenti mmirati ta' tlaqqigħ li jservu ta' sejħiet speċifiċi għall-proposti.

3.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi wkoll strateġija ta' disseminazzjoni u sfruttament li żżid id-disponibbiltà u t-tixrid tar-riżultati u l-għarfien tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Programm Euratom biex jiġi aċċellerat l-isfruttament lejn l-użu mis-suq u tagħti spinta lill-impatt tal-Programm Euratom.

4.   Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm Euratom għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Komunità kif ukoll għall-attivitajiet ta' informazzjoni, komunikazzjoni, pubbliċità, disseminazzjoni u sfruttar sakemm dawn ikunu relatati mal-objettivi msemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 14

Evalwazzjoni

1.   L-evalwazzjonijiet tal-Programm Euratom għandhom jitwettqu b'mod f'waqtu sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-Programm Euratom, is-suċċessur tiegħu u inizjattivi oħrajn rilevanti għar-riċerka u l-innovazzjoni.

2.   L-evalwazzjoni interim tal-Programm Euratom għandha titwettaq, bl-assistenza ta' esperti indipendenti magħżulin abbażi ta' proċess trasparenti, ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Euratom, iżda mhux aktar tard minn tliet snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-programm. Din għandha tinkludi valutazzjoni tal-impatt fit-tul ta' Programmi ta' Riċerka u Taħriġ tal-Euratom preċedenti u għandha tifforma l-bażi għall-aġġustament tal-implimentazzjoni tal-Programm Euratom jew ir-reviżjoni tal-Programm Euratom, kif xieraq. Għandha tivvaluta l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud Komunitarju tal-Programm Euratom.

3.   Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Programm Euratom, iżda mhux aktar tard minn erba' snin wara tmiem il-perijodu speċifikat fl-Artikolu 1, għandha titwettaq evalwazzjoni finali tal-Programm Euratom mill-Kummissjoni. Din għandha tinkludi valutazzjoni tal-impatt fit-tul tal-Programmi ta' Riċerka u Taħriġ tal-Euratom preċedenti.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika u tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, akkumpanjati mill-osservazzjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 15

Awditi

1.   Is-sistema ta' kontroll għall-Programm Euratom għandha tiżgura bilanċ xieraq bejn il-fiduċja u l-kontroll, filwaqt li jitqiesu l-kostijiet amministrattivi u kostijiet oħrajn tal-kontrolli fil-livelli kollha, speċjalment għall-benefiċjarji. Ir-regoli tal-awditjar għandhom ikunu ċari, konsistenti u koerenti tul il-Programm Euratom.

2.   L-azzjonijiet li jirċievu finanzjament konġunt minn programmi differenti tal-Unjoni għandhom jiġu awditjati darba biss, u jkopru l-programmi kollha involuti u r-regoli applikabbli rispettivi tagħhom.

3.   Barra minn hekk, il-Kummissjoni jew il-korp ta' finanzjament rilevanti jistgħu joqgħodu fuq reviżjonijiet kombinati tas-sistemi fil-livell tal-benefiċjarju. Dawk ir-reviżjonijiet kombinati għandhom ikunu fakultattivi għal ċerti tipi ta' benefiċjarji u għandhom jikkonsistu f'awditu tas-sistemi u tal-proċess, ikkomplementat minn awditu tat-tranżazzjonijiet. Tali awditi tat-tranżazzjonijiet għandhom jitwettqu minn awditur indipendenti kompetenti kwalifikat sabiex iwettaq awditi statutorji tad-dokumenti kontabilistiċi f'konformità mad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). L-awditi tas-sistema u tal-proċessi jistgħu jintużaw mill-Kummissjoni jew mill-korp ta' finanzjament rilevanti sabiex jiddeterminaw l-assigurazzjoni ġenerali dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba tan-nefqa u għall-konsiderazzjoni mill-ġdid tal-livell tal-awditi u ċ-ċertifikati ex post dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji.

4.   F'konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni jew il-korp ta' finanzjament jistgħu joqogħdu fuq l-awditi dwar l-użu tal-kontribuzzjonijiet tal-Komunità mwettqa minn persuni jew entitajiet indipendenti u kompetenti oħra, inkluż minn oħrajn għajr dawk b'mandat mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni.

5.   L-awditi jistgħu jitwettqu sa sentejn wara l-pagament tal-bilanċ.

6.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika linji gwida dwar l-awditjar, bil-għan li tiżgura applikazzjoni u interpretazzjoni affidabbli u uniformi tal-proċeduri u r-regoli tal-awditjar matul il-perijodu kollu tal-Programm Euratom.

Artikolu 16

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Il-Kumitat għandu jiltaqa' f'żewġ konfigurazzjonijiet differenti, li jittrattaw rispettivament aspetti relatati mal-fissjoni u aspetti relatati mal-fużjoni tal-Programm Euratom.

Bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-Programm Euratom, għal kull laqgħa tal-Kumitat kif definit fl-aġenda, il-Kummissjoni ser tirrimborża, l-ispejjeż ta' rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru, kif ukoll għal espert jew konsulent wieħed għal kull Stat Membru għal dawk il-punti tal-aġenda fejn Stat Membru jeħtieġ għarfien espert speċifiku, f'konformità mal-linji gwida stabbiliti tal-Kummissjoni.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

5.   Fejn l-opinjoni tal-Kumitat tkun trid tinkiseb permezz ta' proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tiġi terminata mingħajr riżultat fejn jiġi deċiż hekk mill-president tal-Kumitat, jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Kumitat titlob hekk fil-limitu ta' żmien għall-għoti tal-opinjoni.

6.   Il-Kummissjoni għandha tinforma b'mod regolari lill-Kumitat dwar il-progress ġenerali tal-implimentazzjoni tal-Programm Euratom u għandha tipprovdi lill-Kumitat informazzjoni f'waqtha dwar l-azzjonijiet kollha proposti jew iffinanzjati taħt il-Programm Euratom.

Artikolu 17

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Fejn pajjiż terz jieħu sehem fil-Programm Euratom permezz ta' deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta' kwalunkwe strument ġuridiku ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni responsabbli, l-OLAF u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b'mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

KAPITOLU III

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali u finali

Artikolu 18

Tħassir

Ir-Regolament (Euratom) 2018/1563 huwa mħassar.

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika tal-azzjonijiet mibdija skont ir-Regolament (Euratom) 2018/1563 , li għandu jkompli japplika għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom.

2.   Fejn ikun meħtieġ, kwalunkwe kompitu li jifdal tal-Kumitat stabbilit permezz tar-Regolament (Euratom) 2018/1563 għandu jitwettaq mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-pakkett finanzjarju għall-Programm Euratom jista' jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm Euratom u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (Euratom) 2018/1563.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad-19 ta' Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta' fjuwil użat u skart radjuattiv (ĠU L 199, 2.8.2011, p. 48).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha l-vantaġġi (ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni fih u t-tixrid tiegħu, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(4)  ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28.

(5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (''l-UPPE'') (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(11)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(13)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/282/Euratom tal-10 ta' April 1996 dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid taċ-Ċentru ta' Riċerka Konġunt (ĠU L 107, 30.4.1996, p. 12).

(15)  Opinjoni tas-16.1.2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(16)  Opinjoni tat-12.12.2018 (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 132).

(17)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2018/1563 tal-15 ta’ Ottubru 2018 dwar il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2019–2020) li jikkumplimenta l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020, u li jħassar ir-Regolament (Euratom) Nru 1314/2013 (ĠU L 262, 19.10.2018, p. 1).

(18)  Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).


ANNESS I

ATTIVITAJIET

L-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(2) għandhom jiġu eżerċitati fil-Programm Euratom kollu, f'konformità mal-linji wiesgħa tal-attività deskritta f'dan l-Anness. Billi jimplimenta dawk l-objettivi speċifiċi, il-Programm Euratom jappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Euratom (1) u jirrinforza l-isforzi tar-riċerka tagħhom u dawk tas-settur privat. Dawk l-objettivi speċifiċi għandhom jagħtu kontribut biex tinżamm u tkompli tiġi żviluppata l-pożizzjoni ta' tmexxija teknoloġika fil-qasam nukleari.

Sabiex jinkisbu l-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(2), il-Programm Euratom ser jappoġġa attivitajiet trasversali li jiżguraw sinerġija bejn l-isforzi tar-riċerka biex jissolvew sfidi komuni. Ir-rabtiet u l-interfaċċi xierqa, bħas-sejħiet konġunti ma' Orizzont Ewropa, ser jiġu żgurati. L-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni relatati jistgħu jibbenefikaw ukoll minn appoġġ finanzjarju mogħti mill-fondi skont ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027 sa fejn ikun konformi mal-objettivi u r-regolamenti ta' dawk il-fondi.

L-attivitajiet elenkati f'dan l-Anness jinkludu kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni nukleari għal użi paċifiċi, ibbażati fuq miri kondiviżi u fiduċja reċiproka bil-għan li jiġu pprovduti benefiċċji ċari u sinifikanti għall-Unjoni, iċ-ċittadini tagħha u l-ambjent. Dan jinkludi kooperazzjoni internazzjonali permezz ta' oqfsa multilaterali. Il-JRC bħala l-Aġent Implimentattiv tal-Euratom għall-Forum Internazzjonali Ġenerazzjoni IV (GIF) (2) rikonoxxut formalment ser ikompli jiffaċilita u jikkoordina l-kontribuzzjoni u s-sehem tal-Komunità Euratom fl-attivitajiet ta' riċerka u taħriġ tal-GIF. Il-kontribuzzjoni għall-attivitajiet tal-GIF fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Programm Euratom hija ffukata fuq is-sikurezza, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, is-salvagwardji u l-attivitajiet ta' riċerka u taħriġ dwar in-nonproliferazzjoni speċifiċi għal sistemi tal-Ġenerazzjoni IV.

Kwalunkwe attività ġdida assenjata lill-JRC għandha tiġi analizzata mill-Bord tal-Gvernaturi tal-JRC biex tiġi vverifikata l-konsistenza tagħha ma' attivitajiet eżistenti fl-Istati Membri u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp nukleari fl-Unjoni.

Il-prijoritajiet tal-programmi ta' ħidma għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi ta' kontributi minn awtoritajiet pubbliċi, partijiet ikkonċernati tar-riċerka nukleari u kwalunkwe organizzazzjoni jew forum rilevanti ta' partijiet ikkonċernati nukleari.

Ir-riċerka u t-taħriġ fl-oqsma li ġejjin ser ikunu eliġibbli għall-finanzjament mill-Programm Euratom:

(a)

itejjeb u jappoġġa s-sikurezza, is-sigurtà, u s-salvagwardji nukleari, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, il-ġestjoni sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, u d-dekummissjonar, inkluż l-użu sigur u mingħajr periklu tal-enerġija nukleari u l-użu sigur u mingħajr periklu ta' applikazzjonijiet mhux għall-produzzjoni tal-enerġija tar-radjazzjoni jonizzanti (3):

(i)

sikurezza nukleari: sikurezza tas-sistemi tar-reatturi u ċ-ċikli tal-fjuwil, fl-użu fil-Komunità jew, sa fejn hu meħtieġ, sabiex jinżamm għarfien espert wiesa' dwar is-sikurezza nukleari fil-Komunità, dawk it-tipi ta' reatturi u ċ-ċikli tal-fjuwil sħaħ tagħhom bħas-separazzjoni u t-trażmutazzjoni, li jistgħu jintużaw fil-ġejjieni;

(ii)

ġestjoni sikura ta' fjuwil użat u skart radjuattiv: il-ġestjoni u b'mod partikolari attivitajiet ta' qabel ir-rimi u r-rimi ta' skart radjuattiv u fjuwil nukleari użat intermedju, ta' livell għoli u b'ħajja twila, u ta' flussi u tipi ta' skart radjuattiv ieħor li għalissa għadhom ma jeżistux proċessi ta' maturazzjoni industrijali għalihom jew li dawn jistgħu jittejbu; il-minimizzazzjoni tal-iskart radjuattiv u t-tnaqqis tar-radjutossiċità ta' dan l-iskart; il-ġestjoni u t-trasferiment tal-għarfien u tal-kompetenzi bejn il-ġenerazzjonijiet u minn programm għal ieħor tal-Istati Membri fil-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat;

(iii)

dekummissjonar: riċerka għall-iżvilupp u l-evalwazzjoni tat-teknoloġiji għad-dekummissjonar u r-rimedju ambjentali tal-faċilitajiet nukleari; appoġġ għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u tal-għarfien dwar id-dekummissjonar;

(iv)

applikazzjonijiet tax-xjenza nukleari u tar-radjazzjoni jonizzanti, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, it-tħejjija għal emerġenza:

l-applikazzjonijiet tax-xjenza nukleari u tat-teknoloġiji tar-radjazzjoni jonizzanti fl-oqsma mediċi, industrijali u tar-riċerka;

effetti u riskji minn dożi baxxi mill-esponiment industrijali, mediku jew ambjentali;

il-livell ta' tħejjija għal emerġenza għal inċidenti li jinvolvu r-radjazzjoni, u r-riċerka dwar ir-radjuekoloġija;

provvista u użu sigur u sikur ta' radjuisotopi;

il-mudelli għad-dispersjoni radjoloġika fl-ambjent, u l-appoġġ għall-iskambju tad-data, is-sistemi tal-allert u l-kooperazzjoni fuq it-tekniki tal-kejl (4) (li għandhom jiġu implimentati permezz ta' azzjonijiet diretti);

(v)

sigurtà, salvagwardji u nonproliferazzjoni nukleari (li għandhom jiġu implimentati permezz ta' azzjonijiet diretti):

metodi u teknoloġija biex jappoġġaw u jsaħħu s-salvagwardji tal-Komunità u dawk internazzjonali;

appoġġ u taħriġ operazzjonali għas-sistema ta' salvagwardja tal-Euratom;

appoġġ tekniku għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni fil-qasam tas-salvagwardji nukleari inkluż appoġġ għat-tisħiħ tar-reġim ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-Unjoni;

riċerka u appoġġ għat-tisħiħ tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari u radjoloġika fil-kuntest tal-qafas globali CBRN (Kimiku, Bijoloġiku, Radjoloġiku, Nukleari) u strateġiji relatati tal-Unjoni;

metodi u teknoloġija għad-detezzjoni ta' materjali nukleari u radjuattivi barra mill-kontroll regolatorju u l-prevenzjoni u r-risponsi għal inċidenti li jinvolvu tali materjali, inkluż forensika nukleari;

appoġġ għall-bini tal-kapaċità dwar is-sigurtà nukleari permezz tal-użu taċ-Ċentru Ewropew ta' Taħriġ dwar is-Sigurtà Nukleari;

(b)

jinżamm u jitkompla l-iżvilupp ta' għarfien espert u kompetenza fil-qasam nukleari fil-Komunità:

(i)

edukazzjoni, taħriġ u mobbiltà, inkluż l-iskemi ta' edukazzjoni u taħriġ bħall-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA);

(ii)

il-promozzjoni tal-innovazzjoni, il-ġestjoni tal-għarfien, it-tixrid u l-isfruttament tax-xjenza u t-teknoloġija nukleari, b'mod partikolari għas-sikurezza, is-sigurtà u s-salvagwardji nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni;

(iii)

appoġġ għat-trasferiment tat-teknoloġija mir-riċerka għall-industrija;

(iv)

appoġġ għat-tħejjija u l-iżvilupp ta' kapaċità industrijali tal-fużjoni Ewropea kompetittiva;

(v)

appoġġ għall-forniment, id-disponibbiltà u l-aċċess xieraq għal infrastrutturi tar-riċerka Ewropej u internazzjonali, inkluż l-infrastrutturi tal-JRC (5);

(vi)

għat-trawwim tax-xjenza nukleari bħala bażi ta' appoġġ għall-istandardizzazzjoni, l-azzjonijiet diretti ser jipprovdu data, materjali u kejl ta' referenza tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku relatati mas-sikurezza, is-salvagwardji u s-sigurtà nukleari, kif ukoll applikazzjonijiet oħrajn bħall-mediċina nukleari.

(c)

trawwim tal-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni u kontribuzzjoni għall-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali Ewropew dwar il-fużjoni:

Sħubija Ewropea Kofinanzjata fir-riċerka dwar il-fużjoni ser timplimenta l-pjan direzzjonali lejn il-mira tal-produzzjoni tal-elettriku mill-fużjoni sat-tieni nofs ta' dan is-seklu. Dan jista' jinkludi, fost l-oħrajn:

(i)

sfruttament tal-faċilitajiet tal-fużjoni eżistenti u futuri, inkluż l-allokazzjoni ta' għotjiet operattivi għal infrastrutturi tar-riċerka dwar il-fużjoni meta jkun xieraq;

(ii)

it-tħejjija għal impjanti tal-enerġija mill-fużjoni futuri permezz tal-iżvilupp tal-aspetti kollha rilevanti inkluż il-materjali, it-teknoloġiji u d-disinji;

(iii)

l-implimentazzjoni ta' programm ta' edukazzjoni u taħriġ iffokat flimkien mal-attivitajiet taħt (b)(i);

(iv)

koordinazzjoni tal-attivitajiet komuni mal-Impriża Konġunta Fużjoni għall-Enerġija;

(v)

kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni ITER;

(vi)

kollaborazzjoni xjentifika fil-qafas tal-ftehimiet internazzjonali tal-Euratom;

is-Sħubija Ewropea Kofinanzjata fil-fużjoni ser tiġi implimentata permezz ta' għotja li ser tingħata lill-entitajiet legali stabbiliti jew maħtura mill-Istati Membri u kwalunkwe pajjiż terz assoċjat mal-Programm Euratom. L-għotja tista' tinkludi riżorsi in natura mill-Komunità, jew l-issekondar ta' persunal tal-Kummissjoni;

(d)

appoġġ għall-politika tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha dwar is-sikurezza, is-salvagwardji u s-sigurtà nukleari:

l-azzjonijiet diretti ser jappoġġaw lill-politika dwar is-sikurezza, is-salvagwardji u s-sigurtà nukleari u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti billi jipprovdu evidenza u għarfien espert xjentifiċi u tekniċi indipendenti.


(1)  B'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom tal-20 ta’ Novembru 2006 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ kombustibbli nukleari eżawrit (ĠU L 337, 5.12.2006, p. 21); id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta' Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18); id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom; id-Direttiva tal-Kunsill 2013/51/Euratom tat-22 ta’ Ottubru 2013 li tistabbilixxi rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 296, 7.11.2013, p.12); id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2016/52 tal-15 ta' Jannar 2016 li jistabbilixxi l-livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni radjuattiva ta' ikel u għalf wara inċident nukleari jew kwalunkwe każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika, u li jħassar ir-Regolament (Euratom) Nru 3954/87 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 944/89 u (Euratom) Nru 770/90 (ĠU L 13, 20.1.2016, p. 2).

(2)  Skont l-Artikolu III.2 tal-Ftehim Qafas għall-Kollaborazzjoni Internazzjonali fir-Riċerka u l-Iżvilupp ta' Sistemi ta' Enerġija Nukleari tal-Ġenerazzjoni IV.

(3)  Minbarra s-sigurtà, is-salvagwardji u n-nonproliferazzjoni nukleari, dawn l-attivitajiet jistgħu jiġu implimentati permezz ta' azzjonijiet diretti u indiretti.

(4)  L-Artikoli 35, 36, 38 tat-Trattat Euratom; id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/600/Euratom tal-14 ta’ Diċembru 1987 dwar arranġamenti tal-Komunita għal skambju kmieni ta’ informazzjoni fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika (ĠU L 371, 30.12.1987, p. 76).

(5)  Abbażi tal-pjan ta' investiment rikorrenti għall-infrastrutturi tal-JRC.


ANNESS II

INDIKATURI EWLENIN TAL-MOGĦDIJIET TA' IMPATT

Il-mogħdijiet ta' impatt, u indikaturi ewlenin tal-mogħdijiet ta' impatt relatati, għandhom jirristrutturaw il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-Programm Euratom lejn l-objettivi speċifiċi tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 3(2). Il-mogħdijiet tal-impatt għandhom ikunu sensittivi għaż-żmien: dawn jiddistingwu bejn dak li hu fuq perijodu ta' żmien qasir, medju u twil. L-indikaturi tal-mogħdijiet ta' impatt iservu ta' indikaturi li jirrapportaw dwar il-progress li sar lejn il-kisba ta' objettivi speċifiċi. Il-mikro-data fl-isfond tal-indikaturi ewlenin tal-mogħdijiet ta' impatt, li hija kondiviża ma' Orizzont Ewropa, hija miġbura b'mod ġestit u armonizzat ċentralment, b'piż ta' rapportar minimu fuq il-benefiċjarji.

Indikaturi xjentifiċi tal-mogħdijiet ta' impatt

Il-Programm Euratom huwa mistenni li jagħmel progress fir-rigward tal-għarfien għar-rinforz tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari; l-applikazzjonijiet sikuri tar-radjazzjoni jonizzanti; il-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv; il-protezzjoni mir-radjazzjoni; u l-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni. Il-progress f'dan il-qasam ser jitkejjel permezz ta' indikaturi li jikkonċernaw il-pubblikazzjonijiet xjentifiċi, il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali dwar il-fużjoni, l-iżvilupp tal-għarfien espert u l-ħiliet, u l-aċċess għall-infrastrutturi tar-riċerka.

Lejn impatti xjentifiċi

Fuq perijodu ta' żmien qasir

Fuq perijodu ta' żmien medju

Fuq perijodu ta' żmien itwal

Titjib tal-użu sigur u mingħajr periklu tal-enerġija nukleari u l-applikazzjonijiet mhux ta' enerġija elettrika tar-radjazzjoni jonizzanti, inkluż is-sikurezza, is-sigurtà, u s-salvagwardji nukleari, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, il-ġestjoni sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, u d-dekummissjonar

Pubblikazzjonijiet –

għadd ta' pubblikazzjonijiet xjentifiċi ta' Euratom riveduti bejn il-pari

Kwotazzjonijiet -

Field-Weighted Citation Index tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi ta' Euratom riveduti bejn il-parti

Xjenza ta' livell dinji - Għadd u sehem ta' pubblikazzjonijiet riveduti bejn il-pari mill-Programm Euratom li huma kontribuzzjoni ewlenija għall-oqsma xjentifiċi

Għarfien kondiviż -

Sehem tar-riżultati tar-riċerka (data/pubblikazzjoni/software eċċ. miftuħa) kondiviżi permezz ta' infrastruttura tal-għarfien miftuħa

Tixrid tal-għarfien -– Sehem tar-riżultati tar-riċerka tal-aċċess miftuħ użati/ikkwotati b'mod attiv

Kollaborazzjonijiet ġodda - Sehem tal-benefiċjarji tal-Euratom li jkunu żviluppaw kollaborazzjonijiet transdixxiplinarji/transsettorjali ġodda mal-utenti tar-riżultati tar-R&I miftuħa tal-Euratom tagħhom

Trawwim tal-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni

Progress fl-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali dwar il-fużjoni –

Il-perċentwal tal-passi importanti fil-pjan direzzjonali dwar il-fużjoni stabbilit għall-perijodu 2021-2025 li ntlaħqu mill-Programm Euratom

Żamma u żvilupp ulterjuri tal-għarfien espert u l-eċċellenza fl-Unjoni

Ħiliet -

Għadd ta' riċerkaturi li bbenefikaw minn attivitajiet ta' titjib tal-ħiliet tal-Programm Euratom (permezz ta' taħriġ, mobbiltà u aċċess għall-infrastruttura)

Karrieri -

Għadd u sehem ta' riċerkaturi li tejbu ħiliethom li għandhom influwenza ikbar fil-qasam tar-R&I tagħhom

Kundizzjonijiet tax-xogħol –

Għadd u sehem ta' riċerkaturi li tejbu ħiliethom li għandhom kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba

L-għadd ta' riċerkaturi li għandhom aċċess għall-infrastruttura tar-riċerka permezz ta' appoġġ mill-Programm Euratom

Il-materjali ta' referenza mwassla u l-miżuri ta' referenza inkorporati f'librerija

Għadd ta' standards internazzjonali modifikati

Indikaturi tas-soċjetà tal-mogħdijiet ta' impatt

Il-Programm Euratom jgħin biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet ta' politika tal-Komunità li jikkonċernaw is-sikurezza u s-sigurtà nukleari, il-protezzjoni mir-radjazzjoni u l-applikazzjonijiet tar-radjazzjoni jonizzanti permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif muri mill-portafolli ta' proġetti li jiġġeneraw riżultati li jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-isfidi f'dawn l-oqsma. L-impatt tas-soċjetà jitkejjel ukoll f'termini ta' żvilupp speċifiku fil-qasam tas-sigurtà u s-salvagwardji nukleari.

Lejn impatti tas-soċjetà

Fuq perijodu ta' żmien qasir

Fuq perijodu ta' żmien medju

Fuq perijodu ta' żmien itwal

Titjib tal-użu sigur u mingħajr periklu tal-enerġija nukleari u l-applikazzjonijiet mhux ta' enerġija elettrika tar-radjazzjoni jonizzanti, inkluż is-sikurezza, is-sigurtà u s-salvagwardji nukleari, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, il-ġestjoni sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, u d-dekummissjonar

Riżultati –

Għadd u sehem ta' riżultati immirati li jindirizzaw prijoritajiet speċifiċi ta' politika

Soluzzjonijiet –

Għadd u sehem ta' innovazzjonijiet u riżultati xjentifiċi li jindirizzaw prijoritajiet speċifiċi ta' politika

Benefiċċji –

Effetti stmati aggregati mill-użu ta' riżultati ffinanzjati minn Euratom, dwar l-indirizzar ta' prijoritajiet speċifiċi ta' politika, inkluż kontribuzzjoni għaċ-ċiklu tal-politika u tat-tfassil tal-liġijiet

Għadd ta' servizzi mogħtija b'appoġġ għas-salvagwardji

Għadd ta' sistemi tekniċi fornuti u li qed jintużaw

 

Għadd ta' sessjonijiet ta' taħriġ mogħtija lill-uffiċjali l-aktar esposti

Koħolqien –

Għadd u sehem ta' proġetti Euratom fejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-utenti aħħarin jikkontribwixxu għall-koħolqien tal-kontenut tar-R&I

Involviment –

Għadd u sehem ta' entitajiet benefiċjarji ta' Euratom li għandhom mekkaniżmi ta' involviment taċ-ċittadini u l-utenti aħħarin wara proġett Euratom

Użu mis-soċjetà tar-R&I

Użu u tixrid ta' riżultati xjentifiċi u soluzzjonijiet innovattivi ta' Euratom li nħolqu flimkien

Indikaturi tal-innovazzjoni tal-mogħdijiet ta' impatt

Il-Programm Euratom huwa mistenni li jikseb impatti ta' innovazzjoni li jappoġġaw il-progress lejn l-objettivi speċifiċi tiegħu. Il-progress f'dan il-qasam ser jitkejjel minn indikaturi li jikkonċernaw id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (IPR), prodotti, metodi u proċessi innovattivi u l-użu tagħhom, flimkien mal-ħolqien tal-impjiegi.

Lejn impatt ekonomiku / tal-innovazzjoni

Fuq perijodu ta' żmien qasir

Fuq perijodu ta' żmien medju

Fuq perijodu ta' żmien itwal

Titjib tal-użu sigur u mingħajr periklu tal-enerġija nukleari u l-applikazzjonijiet mhux ta' enerġija elettrika tar-radjazzjoni jonizzanti, inkluż is-sikurezza, is-sigurtà u s-salvagwardji nukleari, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, il-ġestjoni sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, u d-dekummissjonar

Trawwim tal-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni

Żamma u żvilupp ulterjuri tal-għarfien espert u l-eċċellenza fl-Unjoni

Riżultati innovattivi -

Għadd ta' prodotti, proċessi jew metodi innovattivi mill-Programm Euratom (skont it-tip ta' innovazzjoni) u applikazzjonijiet tal-IPR

Innovazzjonijiet –

Għadd ta' innovazzjonijiet mill-proġetti Euratom (skont it-tip ta' innovazzjoni) inkluż mill-IPR mogħtija

Tkabbir ekonomiku -

Ħolqien, tkabbir u sehem mis-suq ta' kumpanniji li żviluppaw innovazzjonijiet iffinanzjati minn Euratom

Impjiegi appoġġati –

Għadd ta' impjiegi ekwivalenti għall-full time (FTE) maħluqa u impjiegi miżmuma fl-entitajiet tal-benefiċjarji għall-proġett Euratom (skont it-tip ta' impjieg)

Impjiegi sostnuti –

Żieda fl-impjiegi FTE fl-entitajiet tal-benefiċjarji wara proġett Euratom (skont it-tip ta' impjieg)

Total tal-impjiegi - Għadd ta' impjiegi diretti u indiretti maħluqa jew miżmuma minħabba t-tixrid tar-riżultati ta' Euratom (skont it-tip ta' impjieg)

Ammont ta' investiment pubbliku u privat mobilizzat permezz tal-investiment Euratom inizjali

Ammont ta' investiment pubbliku u privat mobilizzat permezz ta' sfruttament jew titjib tar-riżultati ta' Euratom

Progress tal-Unjoni lejn 3 % ta' PDG dovut għall-Programm Euratom

Indikaturi ta' politika tal-mogħdijiet ta' impatt

Il-Programm Euratom jipprovdi evidenza xjentifika għat-tfassil tal-politika. Dan jikkonċerna b'mod partikolari l-appoġġ xjentifiku għal servizzi tal-Kummissjoni oħrajn, bħall-appoġġ għas-salvagwardji Euratom, jew għall-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttivi relatati mal-qasam nukleari u dak tar-radjazzjoni jonizzanti (1).

Lejn impatt tal-politika

Fuq perijodu ta' żmien qasir

Fuq perijodu ta' żmien medju

Fuq perijodu ta' żmien itwal

Appoġġ għall-politika dwar is-sikurezza, is-salvagwardji u s-sigurtà nukleari

Għadd u sehem ta' proġetti Euratom li jipproduċu sejbiet rilevanti għall-politika

Għadd ta' riżultati li għandhom impatt li jidher fuq il-politika

Għadd u sehem ta' sejbiet ta proġetti Euratom ikkwotati f'dokumenti ta' politika/programmatiċi

Il-miri ser jiġu definiti kemm għal azzjonijiet indiretti kif ukoll diretti biex jirriflettu r-riżultati mistennija għal kull parti tal-Programm Euratom.


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 302/2005 tat-8 ta' Frar 2005 dwar l-applikazzjoni ta' salvagwardji tal-Euratom (ĠU L 54, 28.2.2005, p. 1); Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/87/Euratom tat-8 ta' Lulju 2014 li temenda d-Direttiva 2009/71/Euratom li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sikurezza nukleari ta' installazzjonijiet nukleari (ĠU L 219, 25.7.2014, p. 42).