ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 91

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
29 ta' Marzu 2019


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2019/515 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' merkanzija kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 ( 1 )

1

 

*

Regolament (UE) 2019/516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 (ir-Regolament dwar id-DNG) ( 1 )

19

 

*

Regolament (UE) 2019/517 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-isem ta' dominju tal-ogħla livell .eu u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 u jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 ( 1 )

25

 

*

Regolament (UE) 2019/518 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 fir-rigward ta' ċerti imposti fuq ħlas transkonfinali fl-Unjoni u l-imposti fuq il-kambju tal-munita ( 1 )

36

 

*

Regolament (UE) 2019/519 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 167/2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija ( 1 )

42

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2019/520 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier ta' informazzjoni dwar in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffi tat-triq fl-Unjoni ( 1 )

45

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tad-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi ( ĠU L 173, 9.7.2018 )

77

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

29.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/1


REGOLAMENT (UE) 2019/515 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' merkanzija kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 764/2008

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Is-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu tal-merkanzija huwa żgurat skont it-Trattati. Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet u kull miżura li għandha effett ekwivalenti huma pprojbiti bejn l-Istati Membri. Dik il-projbizzjoni tkopri kwalunkwe miżura nazzjonali li tista' tfixkel, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, l-iskambju intra-Unjoni ta' merkanzija. Il-moviment liberu tal-merkanzija huwa żgurat fis-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni ta' regoli fil-livell tal-Unjoni li jistabbilixxu rekwiżiti komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerta merkanzija jew, għal merkanzija jew aspetti ta' merkanzija mhux koperti b'mod eżawrjenti mir-regoli ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni, permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku kif definit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li jiffunzjona tajjeb jikkomplementa b'mod essenzjali l-armonizzazzjoni tar-regoli fil-livell tal-Unjoni, speċjalment meta jitqies li bosta merkanzija għandha aspetti kemm armonizzati kif ukoll mhux armonizzati.

(3)

Jistgħu jinħolqu illegalment ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri jekk, fin-nuqqas ta' regoli ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni li jkopru merkanzija jew ċerti aspetti tal-merkanzija, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tapplika regoli nazzjonali għal merkanzija li tkun kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor, li jirrikjedu li l-merkanzija tissodisfa ċerti rekwiżiti tekniċi, pereżempju rekwiżiti relatati mad-denominazzjoni, il-forma, id-daqs, il-piż, il-kompożizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar jew l-imballaġġ. L-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli għal merkanzija li hija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor tista' tmur kontra l-Artikoli 34 u 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), anki jekk ir-regoli japplikaw għall-merkanzija kollha mingħajr distinzjoni.

(4)

Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku joħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Skont dan il-prinċipju, l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu l-bejgħ fit-territorju tagħhom ta' merkanzija li tkun kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor, anki fejn dik il-merkanzija tkun ġiet prodotta skont regoli tekniċi differenti, inkluż merkanzija li ma tkunx ir-riżultat ta' proċess ta' manifattura. Iżda l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku mhuwiex assolut. L-Istati Membri jistgħu jirristrinġu l-kummerċjalizzazzjoni ta' merkanzija li tkun ġiet kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor, meta tali restrizzjonijiet ikunu ġustifikati għar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 36 TFUE jew abbażi ta' raġunijiet prevalenti oħra ta' interess pubbliku, rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropeafir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, u meta dawk ir-restrizzjonijiet ikunu proporzjonati mal-għan segwit. Dan ir-Regolament jimponi l-obbligu ta' ġustifikazzjoni ċara għar-raġuni wara restrizzjoni jew rifjut ta' aċċess għas-suq.

(5)

Il-kunċett ta' raġunijiet prevalenti fl-interess pubbliku huwa kunċett li qed jevolvi żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-ġurisprudenza tagħha fir-rigward tal-Artikoli 34 u 36 TFUE. Fejn ikunu jeżistu differenzi leġittimi bejn Stat Membru u ieħor, tali raġunijiet prevalenti jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta' regoli nazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, id-deċiżjonijiet amministrattivi jridu dejjem ikunu ġustifikati sewwa, ikunu leġittimi, ikunu xierqa u li jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità, u l-awtorità kompetenti għandha tieħu d-deċiżjoni l-anqas restrittiva possibbli. Sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern għall-merkanzija, jenħtieġ li r-regoli nazzjonali jkunu adatti għall-iskop tagħhom u jenħtieġ li ma joħolqux ostakli nontariffarji sproporzjonati. Barra minn hekk, deċiżjonijiet amministrattivi li jillimitaw jew jiċħdu l-aċċess għas-suq fir-rigward ta' merkanzija li tkun kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor ma jridux ikunu bbażati fuq is-sempliċi fatt li l-prodotti li jkunu qed jiġu vvalutati jissodisfaw l-objettiv pubbliku leġittimu segwit mill-Istat Membru b'mod differenti mill-mod li fihom il-merkanzija f'dak l-Istat Membru tissodisfa dak l-objettiv. Sabiex tgħin lill-Istati Membri, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi gwida mhux vinkolanti fir rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-kunċett ta' raġunijiet prevalenti ta' interess pubbliku u kif għandu jiġi applikat il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom l-opportunità li jikkontribwixxu u jagħtu feedback dwar il-gwida.

(6)

Fil-konklużjonijiet dwar il-Politika tas-Suq Uniku ta' Diċembru 2013, iil-Kunsill Kompetittività nnota li sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet qafas għan-negozji u l-konsumaturi fis-Suq Uniku, jenħtieġ li jintużaw tajjeb l-istrumenti kollha rilevanti, inkluż ir-rikonoxximent reċiproku. Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar każijiet fejn il-funzjonament tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għadu inadegwat jew problematiku. Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-Politika tas-Suq Uniku ta' Frar 2015, il-Kunsill Kompetittività ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu passi sabiex tiżgura li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jiffunzjona b'mod effettiv u biex tressaq proposti għal dak il-għan.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġie adottat sabiex jiffaċilita l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku billi jistabbilixxi proċeduri sabiex tiġi minimizzata l-possibbiltà li jinħolqu ostakli illegali għall-moviment liberu tal-merkanzija li diġà tkun kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor. Minkejja l-adozzjoni ta' dak ir-Regolament, għad hemm bosta problemi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. L-evalwazzjoni mwettqa bejn l-2014 u l-2016 uriet li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku mhux jiffunzjona kif suppost, u li r-Regolament (KE) Nru 764/2008 kellu effett limitat biex jiffaċilita l-applikazzjoni ta' dak il-prinċipju. L-għodod u l-garanziji proċedurali stabbiliti b'dak ir-Regolament fallew fl-għan tagħhom li jtejbu l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Pereżempju, in-netwerk ta' Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti li ġie stabbilit sabiex jipprovdi informazzjoni lill-operaturi ekonomiċi dwar ir-regoli nazzjonali applikabbli u l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ftit li xejn huwa magħruf jew użat mill-operaturi ekonomiċi. Fi ħdan dak in-netwerk, l-awtoritajiet nazzjonali ma jikkooperawx b'mod suffiċjenti. Ir-rekwiżit tan-notifika ta' deċiżjonijiet amministrattivi li jillimitaw jew jiċħdu l-aċċess għas-suq rarament jitħares. Minħabba f'hekk, għad hemm ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq intern.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 għandu diversi nuqqasijiet, u għalhekk jenħtieġ li jiġi rivedut u msaħħaħ. Għal raġunijiet ta' ċarezza, ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 jenħtieġ li jiġi sostitwit b'dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi proċeduri ċari li jiżguraw il-moviment liberu ta' merkanzija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor u li jiżguraw li l-moviment liberu jkun jista' jiġi limitat biss meta l-Istati Membri jkollhom raġunijiet ta' interess pubbliku leġittimi biex jagħmlu dan u li r-restrizzjoni tkun ġustifikata u proporzjonata. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżgura li d-drittijiet u l-obbligi eżistenti li joħorġu mill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jiġu osservati, kemm mill-operaturi ekonomiċi kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali.

(9)

Dan ir-Regolament ma għandux jippreġudika l-armonizzazzjoni ulterjuri tal-kondizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta' merkanzija bil-għan li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, fejn ikun xieraq.

(10)

Huwa wkoll possibbli li l-ostakli għall-kummerċ jirriżultaw ukoll minn tipi oħra ta' miżuri li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikoli 34 u 36 TFUE. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu, pereżempju, speċifikazzjonijiet tekniċi mfassla għall-proċeduri tal-akkwist pubbliku jew rekwiżiti għall-użu tal-lingwi uffiċjali fl-Istati Membri. Madankollu, miżuri bħal dawn jenħtieġ li ma jikkostitwixxux regoli tekniċi nazzjonali fis-sens ta' dan ir-Regolament u jenħtieġ li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.

(11)

Ir-regoli tekniċi nazzjonali xi drabi jingħataw effett fi Stat Membru permezz ta' proċedura ta' awtorizzazzjoni minn qabel, li biha trid tinkiseb approvazzjoni formali minn awtorità kompetenti qabel ma l-merkanzija tkun tista' titqiegħed fis-suq hemmhekk. L-eżistenza ta' proċedura ta' awtorizzazzjoni minn qabel minnha nnifisha tillimita l-moviment liberu tal-merkanzija. Għalhekk, sabiex tkun ġustifikata fir-rigward tal-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan is-suq intern, proċedura bħal din trid issegwi objettiv ta' interess pubbliku rikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni, u trid tkun proporzjonata u mhux diskriminatorja. Il-konformità ta' tali proċedura mad-dritt tal-Unjoni trid tiġi vvalutata fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, deċiżjonijiet amministrattivi li jillimitaw jew jiċħdu l-aċċess għas-suq esklużivament minħabba li l-merkanzija ma jkollhiex awtorizzazzjoni valida minn qabel jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Madankollu, meta ssir applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni obbligatorja minn qabel tal-merkanzija, jenħtieġ li kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva biex tiċħad l-applikazzjoni abbażi ta' regola teknika nazzjonali applikabbli f'dak l-Istat Membru tittieħed biss skont dan ir-Regolament, sabiex l-applikant ikun jista' jibbenefika mill-protezzjoni proċedurali li jipprovdi dan ir-Regolament. L-istess japplika għall-awtorizzazzjoni volontarja minn qabel tal-merkanzija, fejn din teżisti.

(12)

Huwa importanti li jiġi ċċarat li t-tipi ta' merkanzija koperti minn dan ir-Regolament jinkludu l-prodotti agrikoli. It-terminu “prodotti agrikoli” jinkludi l-prodotti tas-sajd, kif previst fl-Artikolu 38(1) TFUE. Sabiex tgħin biex tidentifika liema tipi ta' merkanzija huma soġġetti għal dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà u l-benefiċċji tal-iżvilupp ulterjuri ta' lista indikattiva ta' prodotti għar-rikonoxximent reċiproku.

(13)

Huwa importanti wkoll li jiġi ċċarat li t-terminu “produttur” jinkludi mhux biss manifatturi ta' merkanzija, iżda wkoll persuni li jipproduċu merkanzija li ma kinitx ir-riżultat ta' proċess ta' manifattura, inkluż prodotti agrikoli, kif ukoll persuni li jippreżentaw ruħhom bħala l-produtturi ta' merkanzija.

(14)

Id-deċiżjonijiet ta' qrati jew tribunali nazzjonali li jivvalutaw il-legalità ta' każijiet fejn, minħabba l-applikazzjoni ta' regola teknika nazzjonali, merkanzija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru partikolari ma tingħatax aċċess għas-suq fi Stat Membru ieħor, u d-deċiżjonijiet ta' qrati jew tribunali nazzjonali li japplikaw penali, jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(15)

Sabiex jibbenefikaw mill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, il- merkanzija trid tkun kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li jiġi ċċarat li, biex il- merkanzija titqies bħala kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor, il- merkanzija trid tikkonforma mar-regoli rilevanti applikabbli f'dak l-Istat Membru, u trid tkun disponibbli għall-utenti finali f'dak l-Istat Membru.

(16)

Biex issir sensibilizzazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet u l-operaturi ekonomiċi nazzjonali tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw li jipprevedu “klawżoli dwar is-suq uniku” ċari u mhux ambigwi fir-regoli tekniċi nazzjonali tagħhom bil-ħsieb li jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta' dak il-prinċipju.

(17)

L-evidenza meħtieġa sabiex jintwera li l- merkanzija tkun kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor tvarja b'mod sinifikanti minn Stat Membru għall-ieħor. Dan jikkawża piżijiet, dewmien u spejjeż addizzjonali bla bżonn għall-operaturi ekonomiċi, u jimpedixxi lill-awtoritajiet nazzjonali milli jiksbu l-informazzjoni neċessarja għall-valutazzjoni tal- merkanzija fil-ħin. Dan jista' jfixkel l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Għalhekk huwa essenzjali li jsir aktar faċli għall-operaturi ekonomiċi biex juru li l- merkanzija tagħhom hija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn awtodikjarazzjoni, li tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni neċessarja kollha dwar il- merkanzija u dwar il-konformità tagħha mar-regoli applikabbli f'dak l-Istat Membru l-ieħor. L-użu ta' dikjarazzjonijiet volontarji jenħtieġ li ma jżommx lill-awtoritajiet nazzjonali milli jieħdu deċiżjonijiet amministrattivi li jillimitaw jew jiċħdu l-aċċess għas-suq, bil-kondizzjoni li tali deċiżjonijiet ikunu proporzjonati, ġustifikati u jirrispettaw il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u jkunu f'konformità ma' dan ir-Regolament.

(18)

Jenħtieġ li jkun possibbli għall-produttur, l-importatur jew id-distributur li jfassal dikjarazzjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni legali ta' merkanzija għall-finijiet ta' rikonoxximent reċiproku (“dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku”). Il-produttur huwa fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdi l-informazzjoni fid-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku peress li l-produttur jaf il- merkanzija l-iktar u għandu fil-pussess tiegħu l-evidenza meħtieġa għall-verifika tal-informazzjoni fid-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku. Jenħtieġ li l-produttur ikun jista' jagħti mandat lil rappreżentant awtorizzat tiegħu li jfassal tali dikjarazzjonijiet f'isem il-produttur u taħt ir-responsabbiltà tal-produttur. Madankollu, fejn operatur ekonomiku jkun jista' biss jipprovdi l-informazzjoni dwar il-legalità tal-kummerċjalizzazzjoni tal- merkanzija fid-dikjarazzjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li operatur ekonomiku ieħor jipprovdi l-informazzjoni li l- merkanzija qed issir disponibbli għall-utenti finali fl-Istat Membru kkonċernat, dment li dak l-operatur ekonomiku jieħu responsabbiltà għall-informazzjoni li jkun ipprovda fid-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku u jkun jista' jipprovdi l-evidenza meħtieġa biex tiġi vverifikata din l-informazzjoni.

(19)

Jenħtieġ li d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku tinkludi dejjem fiha informazzjoni preċiża u sħiħa dwar il- merkanzija. Għalhekk jenħtieġ li d-dikjarazzjoni tinżamm aġġornata sabiex tirrifletti l-bidliet, pereżempju l-bidliet fir-regoli tekniċi nazzjonali rilevanti.

(20)

Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni mogħtija f'dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku tkun komprensiva, jenħtieġ li tiġi stabbilita struttura armonizzata għal tali dikjarazzjonijiet li tintuża mill-operaturi ekonomiċi li jkunu jixtiequ jagħmlu tali dikjarazzjonijiet.

(21)

Importanti jiġi żgurat li d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku timtela b'mod onest u preċiż. Għalhekk huwa neċessarju li l-operaturi ekonomiċi jiġu meħtieġa jkunu responsabbli għall-informazzjoni pprovduta minnhom fid-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku.

(22)

Sabiex jiżdiedu l-effiċjenza u l-kompetittività tan-negozji li joperaw fil-qasam ta' merkanzija li mhijiex koperta mil-leġislazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li wieħed jibbenefika mit-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni sabiex jiġi ffaċilitat il-forniment tad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku. Għalhekk, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jagħmlu d-dikjarazzjonijiet ta' rikonoxximent reċiproku tagħhom pubblikament disponibbli online, dment li d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku tkun faċilment aċċessibbli u tkun f'format affidabbli.

(23)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li mudell għad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku u linji gwida biex timtela jsiru disponibbli fil-Portal Diġitali Uniku bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

(24)

Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal merkanzija li xi aspetti tagħha biss huma koperti mil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni. Fejn, skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, l-operatur ekonomiku jkun meħtieġ ifassal dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE biex juri l-konformità ma' dik il-leġislazzjoni, jenħtieġ li dak l-operatur ekonomiku jitħalla jehmeż id-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku prevista f'dan ir-Regolament mad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE.

(25)

Fejn l-operaturi ekonomiċi jiddeċiedu li ma jużawx id-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku, jenħtieġ li jkunu l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni li jagħmlu talbiet definiti 'mod ċar għal informazzjoni li huma jqisu neċessarja biex issir valutazzjoni tal- merkanzija, fir-rigward tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

(26)

Jenħtieġ li l-operatur ekonomiku jingħata żmien xieraq sabiex jippreżenta dokumenti jew kwalunkwe informazzjoni oħra mitluba mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni, jew biex jippreżenta kwalunkwe argument jew kumment fir-rigward tal-valutazzjoni tal- merkanzija inkwistjoni.

(27)

Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tirrikjedi li l-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kwalunkwe abbozz ta' regolament tekniku nazzjonali dwar kwalunkwe prodott, inkluż kwalunkwe prodott agrikolu jew tas-sajd, u dikjarazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom il-promulgazzjoni ta' dak ir-regolament tkun neċessarja. Madankollu, jeħtieġ li jiġi żgurat li, wara l-adozzjoni ta' tali regolament tekniku nazzjonali, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jiġi applikat b'mod korrett għal merkanzija speċifika f'każijiet individwali. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi proċeduri għall-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku f'każijiet individwali, pereżempju, billi jirrikjedi li l-Istati Membri jindikaw ir-regoli tekniċi nazzjonali li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni amministrattiva u r-raġuniijiet leġittimi ta' interess pubbliku li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tar-regola teknika nazzjonali fir-rigward ta' prodott li jkun ġie kummerċjalizzat legalment fi Stat Membru ieħor. Il-proporzjonalità tar-regola teknika nazzjonali hija l-bażi li turi l-proporzjonalità tad-deċiżjoni amministrattiva li hija bbażata fuq dik ir-regola. Madankollu, il-mezz li bih trid tintwera l-proporzjonalità tad-deċiżjoni amministrattiva jenħtieġ li jkun stabbilit fuq il-bażi ta' każ b'każ.

(28)

Billi d-deċiżjonijiet amministrattivi li jillimitaw jew jiċħdu l-aċċess għall-merkanzija li tkun diġà kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor jenħtieġ li jkunu eċċezzjonijiet għall-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li tali deċiżjonijiet josservaw l-obbligi eżistenti li joħorġu mill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita proċedura ċara biex jiġi determinat jekk merkanzija hjiiex kummerċjalizzata legalment f'dak l-Istat Membru l-ieħor u, f'każ li iva, jekk l-interessi pubbliċi leġittimi koperti mir-regola teknika nazzjonali tal-Istat Membru destinatarju jkunux imħarsa b'mod adegwat, f'konformità mal-Artikolu 36 TFUE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li tali proċedura tiżgura li kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva li tkun meħuda tkun proporzjonata u tirrispetta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u tkun f'konformità ma' dan ir-Regolament.

(29)

Meta awtorità kompetenti tkun qiegħda tivvaluta l- merkanzija qabel ma tiddeċiedi għandhiex tillimita jew tiċħad l-aċċess għas-suq, dik l-awtorità jenħtieġ li ma tkunx tista' tieħu deċiżjonijiet li tissospendi l-aċċess għas-suq, ħlief meta jkun meħtieġ intervent rapidu sabiex jipprevjeni dannu għas-sigurtà jew is-saħħa ta' persuni, jew sabiex jipprevjeni ħsara lill-ambjent, jew biex jipprevjeni li l- merkanzija ssir disponibbli f'każjiet meta d-disponibbiltà ta' dik il- merkanzija tkun ġeneralment ipprojbita għal raġunijiet ta' moralità pubblika jew ta' sigurtà pubblika, inkluż, pereżempju l-prevenzjoni tal-kriminalità.

(30)

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistabbilixxi sistema ta' akkreditazzjoni li tiżgura l-aċċettazzjoni reċiproka tal-livell ta' kompetenza tal-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità. Jenħtieġ għalhekk li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma jirrifjutawx li jaċċettaw rapporti ta' testijiet u ċertifikati maħruġa minn korp ta' valutazzjoni tal-konformità akkreditat għal raġunijiet relatati mal-kompetenza ta' dak il-korp. Barra minn hekk, sabiex kemm jista' jkun tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' testijiet u proċeduri li diġà jkun twettqu fi Stat Membru ieħor, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jirrifjutawx li jaċċettaw rapporti ta' testijiet u ċertifikati maħruġa minn korpi oħra ta' valutazzjoni tal-konformità skont id-dritt tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu meħtieġa jieħdu kont xieraq tal-kontenut tar-rapporti tat-testijiet jew iċ-ċertifikati ppreżentati.

(31)

Id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) tispeċifika li prodotti sikuri biss jistgħu jitqiegħdu fis-suq u tistabbilixxi l-obbligi tal-produtturi u tad-distributuri fir-rigward tas-sikurezza tal-prodotti. Hija tagħti d-dritt lill-awtoritajiet kompetenti li jipprojbixxu kwalunkwe prodott perikoluż b'effett immedjat jew li jipprojbixxu prodotti li jistgħu jkunu perikolużi b'mod temporanju għall-perijodu meħtieġ għad-diversi valutazzjonijiet u kontrolli tas-sikurezza. Dik id-Direttiva tiddeskrivi wkoll il-proċedura biex l-awtoritajiet kompetenti japplikaw miżuri xierqa jekk prodotti jippreżentaw riskju, bħall-miżuri msemmija fl-Artikolu 8(1) ta' dik id-Direttiva, u timponi wkoll l-obbligu fuq l-Istati Membri li jinnotifikaw dawk il-miżuri lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jkomplu japplikaw dik id-Direttiva u, b'mod partikolari, il-punti (b) sa (f) tal-Artikolu 8(1) u fl-Artikolu 8(3) ta' dik id-Direttiva.

(32)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jistabbilixxi, fost affarijiet oħra, sistema ta' twissija rapida għan-notifika ta' riskju dirett jew indirett għas-saħħa tal-bniedem li jkun ġej mill-ikel jew l-għalf. Huwa jeħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni, permezz tas-sistema ta' twissija rapida, bi kwalunkwe miżura li jadottaw li tkun immirata li tillimita t-tqegħid fis-suq ta' ikel jew għalf, jew tirtira jew issejjaħ lura ikel jew għalf, għall-fini li titħares is-saħħa tal-bniedem, u li tkun teħtieġ azzjoni rapida. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jkomplu japplikaw dak ir-Regolament u b'mod partikolari l-Artikoli 50(3) u 54 ta' dak ir-Regolament.

(33)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jistabbilixxi qafas armonizzat tal-Unjoni għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali, u għall-organizzazzjoni ta' attivitajiet uffiċjali oħra għajr il-kontrolli uffiċjali, tul il-katina agroalimentari kollha, b'kont meħud tar-regoli dwar il-kontrolli uffiċjali stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u fil-leġislazzjoni settorjali rilevanti tal-Unjoni. Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi proċedura speċifika sabiex jiġi żgurat li l-operaturi ekonomiċi jirrimedjaw sitwazzjoni ta' nuqqas ta' konformità mal-liġi dwar l-ikel u l-għalf, mar-regoli dwar is-saħħa jew il-benessri tal-annimali. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jkomplu japplikaw ir-Regolament (UE) 2017/625 u, b'mod partikolari l-Artikolu 138 tiegħu.

(34)

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jistabbilixxi qafas tal-Unjoni armonizzat biex isiru kontrolli fir-rigward tal-obbligi stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe operatur li jkun konformi ma' dawk l-obbligi jkun intitolat li jkun kopert b'sistema ta' verifiki. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jkomplu japplikaw ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u, b'mod partikolari, l-Artikolu 90 tiegħu.

(35)

Kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont dan ir-Regolament jenħtieġ li tispeċifika r-rimedji disponibbli għall-operatur ekonomiku, sabiex operatur ekonomiku jkun jista', skont il-liġi nazzjonali, jappella kontra d-deċiżjoni jew jibda proċedimenti quddiem il-qorti jew it-tribunal nazzjonali kompetenti. Jenħtieġ li d-deċiżjoni amministrattiva tirreferi wkoll għall-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi jużaw in-Netwerk għas-Soluzzjoni ta' Problemi fis-Suq Intern (SOLVIT) u li jkollhom aċċess għall-proċedura għas-soluzzjoni ta' problemi prevista f'dan ir-Regolament.

(36)

Soluzzjonijiet effettivi għall-operaturi ekonomiċi li jkunu jixtiequ alternattiva faċli għan-negozji meta jikkontestaw deċiżjonijiet amministrattivi li jillimitaw jew jiċħdu l-aċċess għas-suq huma essenzjali sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u konsistenti tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Sabiex jiġu garantiti dawn is-soluzzjonijiet, u sabiex jiġu evitati spejjeż legali, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), jenħtieġ li tkun disponibbli għall-operaturi ekonomiċi proċedura mhux ġudizzjarja għas-soluzzjoni ta' problemi.

(37)

Is-SOLVIT huwa servizz ipprovdut mill-amministrazzjoni nazzjonali f'kull Stat Membru li għandu l-għan li jinstabu soluzzjonijiet għallindividwi u n-negozji meta d-drittijiet tagħhom ikunu nkisru mill-awtoritajiet pubbliċi fi Stat Membru ieħor. Il-prinċipji li jirregolaw il-funzjonament tas-SOLVIT huma stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/461/UE (12), li skonthom jenħtieġ li kull Stat Membru jipprevedi Ċentru SOLVIT li jkollu riżorsi umani u finanzjarji adegwati biex jiġi żgurat li ċ-Ċentru SOLVIT jieħu sehem fis-SOLVIT. Jenħtieġ li l-Kummissjoni żżid l-għarfien dwar l-eżistenza u l-benefiċċji tas-SOLVIT, speċjalment fost in-negozji.

(38)

Is-SOLVIT huwa mekkaniżmu mhux ġudizzjarju effettiv għas-soluzzjoni ta' problemi li jiġi pprovdut mingħajr ħlas. Jaħdem bi skadenzi qosra u jipprovdi soluzzjonijiet prattiċi lill-individwi u n-negozji meta jkunu qegħdin jesperjenzaw diffikultajiet biex id-drittijiet tagħhom tal-Unjoni jiġu rikonoxxuti mill-awtoritajiet pubbliċi. Fejn l-operatur ekonomiku, iċ-Ċentru SOLVIT rilevanti u l-Istati Membri involuti kollha jaqblu dwar l-eżitu xieraq, jenħtieġ li ma tkun meħtieġa l-ebda azzjoni ulterjuri.

(39)

Madankollu, meta l-approċċ informali tas-SOLVIT ifalli, u jkun għad fadal dubji rigward il-kompatibbiltà tad-deċiżjoni amministrattiva mal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li teżamina l-kwistjoni fuq talba ta' kwalunkwe wieħed miċ-ċentri SOLVIT involuti. Wara l-valutazzjoni tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni toħroġ opinjoni li tiġi kkomunikata permezz taċ-ċentru SOLVIT rilevanti lill-operatur ekonomiku kkonċernat u lill-awtoritajiet kompetenti, li jenħtieġ li jitqiesu matul il-proċedura SOLVIT. Jenħtieġ li l-intervent tal-Kummissjoni jkun soġġett għal limitu ta' żmien ta' 45 jum ta' xogħol, li jenħtieġ li ma jkunx jinkludi ż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tirċievi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali u dokumenti li tikkunsidra bħala neċessarji. Jekk il-każ jiġi solvut matul dan il-perjodu, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tkunx meħtieġa toħroġ opinjoni. Jenħtieġ li tali każijiet tas-SOLVIT ikunu soġġetti għal fluss tax-xogħol separat fil-bażi tad-data tas-SOLVIT u jenħtieġ li ma jkunux inklużi fl-istatistika regolari tas-SOLVIT.

(40)

L-opinjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta' deċiżjoni amministrattiva li tillimita jew tiċħad l-aċċess għas-suq jenħtieġ li tindirizza biss jekk id-deċiżjoni amministrattiva tkunx kompatibbli mal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Dan huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE u l-obbligu tal-Istati Membri li jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni, fl-indirizzar tal-problemi sistemiċi identifikati fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jistgħu jiġu indirizzati aktar.

(41)

Huwa importanti għas-suq intern għall-merkanzija li n-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni affidabbli u speċifika dwar il-liġi fis-seħħ fi Stat Membru partikolari. Il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti jenħtieġ li jkollhom rwol importanti sabiex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-operaturi ekonomiċi, billi jxerrdu informazzjoni dwar regoli speċifiċi għall-prodotti u dwar kif il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jiġi applikat fit-territorju tal-Istati Membri tagħhom. Għalhekk, huwa neċessarju li jissaħħaħ ir-rwol tal-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti bħala l-fornituri prinċipali ta' informazzjoni dwar ir-regoli kollha relatati mal-prodotti, inkluż ir-regoli tekniċi nazzjonali koperti mir-rikonoxximent reċiproku.

(42)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-merkanzija, jenħtieġ li l-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti jipprovdu, bla ħlas, livell raġonevoli ta' informazzjoni dwar ir-regoli tekniċi nazzjonali tagħhom u l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Jenħtieġ li l-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti jkollhom tagħmir u riżorsi adegwati. Skont ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) jenħtieġ li jipprovdu tali informazzjoni permezz ta' sit web u jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-kriterji ta' kwalità stabbiliti f'dak ir-Regolament. Il-kompiti tal-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti relatati mal-għoti ta' tali informazzjoni, inkluż kopji elettroniċi ta' jew aċċess online għar-regola teknika nazzjonali, jenħtieġ li jsiru mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li jirregolaw id-distribuzzjoni ta' regoli tekniċi nazzjonali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti ma jkunux meħtieġa jipprovdu kopji ta' jew aċċess online għal standards li huma soġġetti għad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali ta' korpi jew organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni.

(43)

Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti hija essenzjali għall-funzjonament bla xkiel tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u għall-ħolqien ta' kultura ta' rikonoxximent reċiproku. Għalhekk, jenħtieġ li l-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni u għarfien espert sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u konsistenti tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u dan ir-Regolament.

(44)

Għall-finijiet tan-notifika ta' deċiżjonijiet amministrattivi li jillimitaw jew jiċħdu l-aċċess għas-suq, li tkun tista' ssir komunikazzjoni bejn il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti u li tiġi żgurata l-kooperazzjoni amministrattiva, huwa neċessarju li l-Istati Membri jiġu pprovduti aċċess għal sistema għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

(45)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu konferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

(46)

Fejn, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, ikun meħtieġ li tiġi pproċessata data personali, tali pproċessar jenħtieġ li jitwettaq skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali. Kwalunkwe pproċessar ta' data personali skont dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) jew ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

(47)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi affidabbli u effiċjenti ta' monitoraġġ sabiex jipprovdu informazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament u dwar l-impatt tiegħu fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. Jenħtieġ li tali mekkaniżmi ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-objettivi.

(48)

Għall-finijiet ta' sensibilizzazzjoni dwar il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u sabiex ikun żgurat li dan ir-Regolament jiġi applikat b'mod korrett u konsistenti, jenħtieġ li jkun previst finanzjament tal-Unjoni ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni, taħriġ, skambju ta' uffiċjali u attivitajiet oħra relatati bil-għan li tittejjeb u tiġi sostnuta l-fiduċja u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti u l-operaturi ekonomiċi.

(49)

Sabiex tirrimedja n-nuqqas ta' data preċiża relatata mal-funzjonament tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u l-impatt tiegħu fuq is-Suq Uniku għall-merkanzija, l-Unjoni jenħtieġ li tiffinanzja l-ġbir ta' tali data.

(50)

Jenħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jitħarsu permezz ta' miżuri proporzjonati tul iċ-ċiklu sħiħ tan-nefqa, li jinkludu l-prevenzjoni, is-sejbien u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod ħażin u, fejn ikun xieraq, penali amministrattivi u finanzjarji.

(51)

Huwa xieraq li l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament tiġi differita sabiex l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi jingħataw żmien suffiċjenti sabiex jadattaw għar-rekwiżiti stabbiliti fih.

(52)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament fid-dawl tal-objettivi li jsegwi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża d-data miġbura dwar il-funzjonament tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u l-impatt tiegħu fuq is-suq uniku għall- merkanzija u l-informazzjoni disponibbli fis-sistema ta' informazzjoni u komunikazzjoni sabiex tevalwa dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' titlob lill-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni addizzjonali meħtieġa għall-evalwazzjoni tiegħu. Skont il-punt 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (17), l-evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament, li jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-effiċjenza, l-effettività, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud, jenħtieġ li tipprovdi l-bażi għall-valutazzjonijiet tal-impatt tal-għażliet għal azzjoni ulterjuri.

(53)

Billi l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi żgurata l-applikazzjoni bla xkiel, konsistenti u korretta tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   L-għan ta' dan ir-Regolament hu li jissaħħaħ il-funzjonament tas-suq intern billi tittejjeb l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u jitneħħew l-ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli u proċeduri dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku f'każijiet individwali b'rabta mal-merkanzija li hija soġġetta għall-Artikolu 34 TFUE u li hija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor, b'kunsiderazzjoni għall-Artikolu 36 -TFUE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3.   Dan ir-Regolament jipprevedi wkoll l-istabbiliment u ż-żamma ta' Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti fl-Istati Membri u l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni fil-kuntest tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għal merkanzija ta' kwalunkwe tip, inkluż il-prodotti agrikoli skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 38(1) TFUE, u għad-deċiżjonijiet amministrattivi li jkunu ttieħdu jew li jridu jittieħdu minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru tad-destinazzjoni fir-rigward ta' kwalunkwe merkanzija minn dawn li tkun kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor, meta d-deċiżjoni amministrattiva tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a)

il-bażi għad-deċiżjoni amministrattiva tkun regola teknika nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru tad-destinazzjoni; u

(b)

l-effett dirett jew indirett tad-deċiżjoni amministrattiva jkun li tillimita jew tiċħad l-aċċess għas-suq fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

Deċiżjoni amministrattiva tinkludi kwalunkwe pass amministrattiv li huwa bbażat fuq regola teknika nazzjonali u li jkollu l-istess jew sostanzjalment l-istess effett legali bħall-effett imsemmi fil-punt (b).

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “regola teknika nazzjonali” hija kwalunkwe dispożizzjoni ta' liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva oħra ta' Stat Membru, li jkollha l-karatteristiċi li ġejjin:

(a)

tkopri merkanzija jew aspetti tal- merkanzija li ma jkunux is-suġġett ta' armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni;

(b)

jew tipprojbixxi li merkanzija, jew merkanzija ta' dak it-tip, titqiegħed fis-suq f'dak l-Istat Membru, jew inkella tagħmel il-konformità mad-dispożizzjoni obbligatorja, de facto jew de jure, kull meta merkanzija, jew merkanzija ta' tip partikolari, titqiegħed f'dak is-suq; u

(c)

tagħmel mill-anqas waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

tistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta' merkanzija jew merkanzija ta' tip partikolari, bħal-livelli tagħhom ta' kwalità, prestazzjoni jew sikurezza, jew il-qisien tagħhom, inkluż ir-rekwiżiti applikabbli għal dik il- merkanzija fir-rigward tal-ismijiet li bih jinbiegħu, it-terminoloġija, is-simboli, l-ittestjar u l-metodi ta' ttestjar, l-imballaġġ, l-immarkar jew it-tikkettar, u l-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità;

(ii)

għall-fini ta' protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ambjent, timponi rekwiżiti oħra fuq merkanzija jew merkanzija ta' tip partikolari li jaffettwaw iċ-ċiklu tal-ħajja tal- merkanzija wara li jkunu tqiegħdu fis-suq f'dak l-Istat Membru, bħall-kondizzjonijiet tal-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, meta dawk il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b'mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura ta' dik il- merkanzija, jew it-tqiegħed tagħha fis-suq f'dak l-Istat Membru.

3.   Il-punt (c)(i) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jkopri wkoll il-metodi u l-proċessi ta' produzzjoni użati fir-rigward ta' prodotti agrikoli kif imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 38(1) TFUE, u fir-rigward ta' prodotti maħsuba għall-użu mill-bniedem jew l-annimali, kif ukoll il-metodi u l-proċessi ta' produzzjoni relatati ma' prodotti oħra, meta dawn ikollhom effett fuq il-karatteristiċi tagħhom.

4.   Proċedura ta' awtorizzazzjoni minn qabel fiha nnifisha ma tikkostitwixxix regola teknika nazzjonali għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, iżda deċiżjoni li tinċaħad l-awtorizzazzjoni minn qabel abbażi ta' regola teknika nazzjonali għandha titqies bħala deċiżjoni amministrattiva li għaliha japplika dan ir-Regolament, jekk dik id-deċiżjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

5.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)

deċiżjonijiet ta' natura ġudizzjarja meħuda minn qrati jew tribunali nazzjonali;

(b)

deċiżjonijiet ta' natura ġudizzjarja meħuda mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi waqt l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reat kriminali fir-rigward tat-terminoloġija, is-simboli jew kwalunkwe referenza materjali għal organizzazzjonijiet mhux kostituzzjonali jew kriminali jew reati ta' natura razzista, diskriminatorja jew ksenofobika.

6.   L-Artikoli 5 u 6 ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-punti (b) sa (f) tal-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/95/KE;

(b)

il-punt (a) tal-Artikolu 50(3) u l-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

(c)

l-Artikolu 90 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013; u

(d)

l-Artikolu 138 tar-Regolament (UE) 2017/625.

7.   Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-obbligu skont id-Direttiva (UE) 2015/1535 li l-abbozz tar-regolamenti tekniċi nazzjonali jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri qabel l-adozzjoni tagħhom.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor” tfisser li merkanzija jew merkanzija ta' dak it-tip tikkonforma mar-regoli rilevanti applikabbli f'dak l-Istat Membru jew ma humiex soġġetti għal ebda regola ta' dak it-tip f'dak l-Istat Membru, u jsiru disponibbli għall-utenti finali f'dak l-Istat Membru;

(2)

“tqegħid fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta' merkanzija għad-distribuzzjoni, konsum jew użu fis-'suq fi ħdan it-territorju ta' Stat Membru waqt attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas jew mingħajr ħlas;

(3)

“restrizzjoni tal-aċċess għas-suq” tfisser li jiġu imposti kondizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati qabel ma merkanzija tkun tista' titqiegħwd fis-suq fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, jew kondizzjonijiet għaż-żamma ta' merkanzija f'dak is-suq, li fiż-żewġ każijiet jirrikjedu l-modifika ta' xi waħda jew aktar mill-karatteristiċi ta' dik il-merkanzija, kif imsemmi fil-punt (c)(i) tal-Artikolu 2(2), jew jeħtieġu t-twettiq ta' ttestjar addizzjonali;

(4)

“ċaħda tal-aċċess għas-suq” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-projbizzjoni ta' merkanzija milli titqiegħed fis-suq fl-Istat Membru tad-destinazzjoni jew milli tinżamm f'dak is-suq; jew

(b)

il-ħtieġa li dik il- merkanzija tiġi rtirata jew tissejjaħ lura minn dak is-suq;

(5)

“irtirar” tfisser kwalunkwe miżura maħsuba biex merkanzija li tkun fil-katina tal-provvista tiġu impedita milli titqiegħed fis-suq;

(6)

“sejħa lura” tfisser kwalunkwe miżura mmirata biex tittieħed lura merkanzija li tkun diġà saret disponibbli għall-utent finali;

(7)

“proċedura ta' awtorizzazzjoni minn qabel” tfisser proċedura amministrattiva skont il-liġi ta' Stat Membru li biha l-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru tkun meħtieġa, fuq il-bażi ta' applikazzjoni minn operatur ekonomiku, li tagħti l-approvazzjoni formali tagħha qabel ma l- merkanzija tkun tista' titqiegħed fis-suq ta' dak l-Istat Membru;

(8)

“produttur” tfisser:

(a)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura merkanzija jew li merkanzija tiġi ddisinjata jew manifatturata għaliha, jew li tipproduċi l- merkanzija li ma kinitx miksuba permezz ta' proċess ta' manifattura, inkluż prodotti agrikoli, u tikkummerċjalizzahom taħt l-isem jew it-trademark ta' dik il-persuna,

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmodifika merkanzija diġà kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru b'mod li jista' jaffettwa l-konformità mar-regoli rilevanti applikabbli f'dak l-Istat Membru, jew

(c)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li, billi tpoġġi isimha, it-trademark jew karatteristika distintiva tagħha oħra fuq merkanzija jew fuq id-dokumenti li jakkumpanjaw dik il- merkanzija, tippreżenta ruħha bħala l-produttur ta' dik il- merkanzija;

(9)

“rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fi ħdan l-Unjoni li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand produttur sabiex taġixxi f'isem dak il-produttur fir-rigward tat-tqiegħed ta' merkanzija fis-suq inkwistjoni;

(10)

“importatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tqiegħed il- merkanzija minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni għall-ewwel darba;

(11)

“distributur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista, għajr il-produttur jew l-importatur, li tqiegħed merkanzija fis-suq fi Stat Membru;

(12)

“operatur ekonomiku” tfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin fir-rigward tal- merkanzija: il-produttur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur jew id-distributur;

(13)

“utent finali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika residenti jew li tkun stabbilita fl-Unjoni, li l- merkanzija tkun saret disponibbli jew tkun qiegħda ssir disponibbli għaliha jew bħala konsumatur barra minn kwalunkwe kummerċ, negozju, artiġjanat jew professjoni jew bħala utent finali professjonali waqt l-attivitajiet industrijali jew professjonali tagħha;

(14)

“raġunijiet ta' interess pubbliku leġittimu” tfisser kwalunkwe waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 36 TFUE jew kwalunkwe raġuni prevalenti oħra ta' interess pubbliku;

(15)

“korp ta' valutazzjoni tal-konformità” tfisser korp ta' valutazzjoni tal-konformità kif definit fil-punt 13 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

KAPITOLU II

PROĊEDURI FIR-RIGWARD TAL-APPLIKAZZJONI TAL-PRINĊIPJU TAR-RIKONOXXIMENT REĊIPROKU F'KAŻIJIET INDIVIDWALI

Artikolu 4

Dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku

1.   Il-produttur ta' merkanzija, jew ta' merkanzija ta' tip partikolari, li jkunu jew li jkunu ser jitqiegħdu fis-suq fl-Istat Membru tad-destinazzjoni jista' jfassal dikjarazzjoni volontarja ta' kummerċjalizzazzjoni legali ta' merkanzija għall-finijiet ta' rikonoxximent reċiproku (“dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku”) biex juri lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni li l- merkanzija, jew il- merkanzija ta' dak it-tip, hija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor.

Il-produttur jista' jagħti mandat lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu sabiex ifassal id-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku f'ismu.

Id-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku għandha ssegwi l-istruttura stabbilita fil-Parti I u l-Parti II tal-Anness u għandha tinkludi l-informazzjoni kollha speċifikata fih.

Il-produttur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, meta jkun ingħata l-mandat biex jagħmel dan, jista' jimla d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku bl-informazzjoni stabbilita fil-Parti I tal-Anness biss. F'dak il-każ l-informazzjoni stabbilita fil-Parti II tal-Anness għandha timtela mill-importatur jew mid-distributur.

Alternattivament, iż-żewġ partijiet tad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku jistgħu jitfasslu mill-importatur jew mid-distributur, dment li l-firmatarju jkun jista' jipprovdi l-evidenza msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 5(4).

Id-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku għandha titfassal b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Meta dik il-lingwa ma tkunx il-lingwa mitluba mill-Istat Membru tad-destinazzjoni, l-operatur ekonomiku għandu jittraduċi d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku f'lingwa meħtieġa mill-Istat Membru tad-destinazzjoni.

2.   L-operaturi ekonomiċi li jiffirmaw id-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku jew parti minnha għandhom ikunu responsabbli għall-kontenut u l-eżattezza tal-informazzjoni li huma jipprovdu fid-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku, inkluż il-korrettezza tal-informazzjoni li jittraduċu. Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu responsabbli f'konformità mal-liġi nazzjonali.

3.   L-operaturi ekonomiċi għandhom jiżguraw li d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku tinżamm aġġornata f'kull ħin, u li tirrifletti kwalunkwe tibdil fl-informazzjoni li jkunu pprovdew fid-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku.

4.   Id-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku tista' tiġi pprovduta lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għall-finijiet ta' valutazzjoni li għandha titwettaq skont l-Artikolu 5. Din tista' tiġi pprovduta jew f'forma stampata jew b'mezz elettroniku jew tkun disponibbli online f'konformità mar-rekwiżiti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni.

5.   Meta l-operaturi ekonomiċi jagħmlu d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku disponibbli online, japplikaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-tip ta' merkanzija jew is-serje li għaliha tapplika d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku għandha tkun faċilment identifikabbli; u

(b)

il-mezzi tekniċi użati għandhom jiżguraw navigazzjoni faċli u għandhom ikunu mmonitorjati sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà u l-aċċess għad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku.

6.   Fejn il- merkanzija li għaliha tkun qed tiġi pprovduta d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku tkun soġġetta wkoll għal att tal-Unjoni li jirrikjedi dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE, id-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku tista' tiġi mehmuża mad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE.

Artikolu 5

Valutazzjoni tal- merkanzija

1.   Meta awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni tkun biħsiebha tivvaluta l- merkanzija soġġetta għal dan ir-Regolamentbiex tistabbilixxi jekk il- merkanzija jew il- merkanzija ta' dak it-tip hijiex kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor, u, jekk dan ikun il-każ, jekk l-interessi pubbliċi leġittimi koperti mir-regola teknika nazzjonali applikabbli tal-Istat Membru tad-destinazzjoni humiex protetti b'mod adegwat, b'kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi tal- merkanzija inkwistjoni, din għandha tikkuntattja lill-operatur ekonomiku kkonċernat mingħajr dewmien.

2.   Meta tidħol f'kuntatt mal-operatur ekonomiku kkonċernat, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandha tgħarraf lill-operatur ekonomiku bil-valutazzjoni, filwaqt li tindika l- merkanzija li hija soġġetta għal dik il-valutazzjoni u tispeċifika r-regola teknika nazzjonali jew proċedura ta' awtorizzazzjoni ta' qabel applikabbli. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandha tgħarraf ukoll lill-operatur ekonomiku bil-possibbiltà li jipprovdi dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku f'konformità mal-Artikolu 4 għall-finijiet ta' dik il-valutazzjoni.

3.   L-operatur ekonomiku għandu jitħalla jqiegħed il- merkanzija fis-suq fl-Istat Membru tad-destinazzjoni waqt li l-awtorità kompetenti twettaq il-valutazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u jista' jibqa' jagħmel dan għajr jekk l-opertur ekonomiku jirċievi deċiżjoni amministrattiva li tillimita jew tiċħad aċċess għas-suq għal dik il- merkanzija. Dan il-paragrafu ma għandux japplika meta l-valutazzjoni titwettaq fil-qafas ta' proċedura ta' awtorizzazzjoni minn qabel, jew meta l-awtorità kompetenti tissospendi temporanjament it-tqegħid fis-suq tal- merkanzija li hija soġġetta għal dik il-valutazzjoni skont l-Artikolu 6.

4.   Jekk tiġi pprovduta dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku lil awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni skont l-Artikolu 4, f'dak il-każ, għall-finijiet tal-valutazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu:

(a)

id-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku, flimkien ma' kwalunkwe evidenza ta' sostenn neċessarja sabiex tiġi vverifikata l-informazzjoni li tinsab fiha li tkun ġiet ipprovduta bi tweġiba għal talba mill-awtorità kompetenti, għandha tiġi aċċettata mill-awtorità kompetenti bħala suffiċjenti biex turi li l- merkanzija hija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor; u

(b)

l-awtorità kompetenti ma għandha tirrikjedi l-ebda informazzjoni jew dokumentazzjoni oħra mingħand l-ebda operatur ekonomiku sabiex jintwera li l- merkanzija hija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor.

5.   Jekk dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku ma tkunx ipprovduta lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni skont l-Artikolu 4, f'dak il-każ għall-finijiet tal-valutazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tista' titlob lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati biex jipprovdu d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni li hija neċessarja għal dik il-valutazzjoni li tikkonċerna dan li ġej:

(a)

il-karatteristiċi tal- merkanzija jew tat-tip ta' merkanzija inkwistjoni; u

(b)

il-kummerċjalizzazzjoni legali tal- merkanzija fi Stat Membru ieħor.

6.   L-operatur ekonomiku kkonċernat għandu jitħalla minn tal-anqas 15-il jum ta' xogħol wara t-talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni biex jippreżenta d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 4 jew fil-paragrafu 5, jew biex jippreżenta kwalunkwe argument jew kumment li l-operatur ekonomiku jista' jkollu.

7.   Għall-fini tal-valutazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni, skont l-Artikolu 10(3), tista' tikkuntattja lill-awtoritajiet kompetenti jew il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti tal-Istat Membru li fih operatur ekonomiku jistqarr li qed jikkummerċjalizza legalment il- merkanzija tiegħu, jekk l-awtorità kompetenti jkollha bżonn tivverifika xi informazzjoni pprovduta mill-operatur ekonomiku.

8.   Meta jkunu qegħdin iwettqu valutazzjoni skont il-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-destinazzjoni għandhom iqisu b'mod debitu l-kontenut tar-rapporti tat-testijiet jew taċ-ċertifikati maħruġa minn korp ta' valutazzjoni tal-konformità li jkunu ġew ipprovduti minn kwalunkwe operatur ekonomiku bħala parti mill-valutazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-destinazzjoni ma għandhomx jirrifjutaw rapporti ta' testijiet jew ċertifikati li jkunu nħarġu minn korp ta' valutazzjoni tal-konformità akkreditat għall-qasam xieraq tal-attività ta' valutazzjoni tal-konformità skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 għal raġunijiet relatati mal-kompetenza ta' dak il-korp.

9.   Jekk, mat-tlestija ta' valutazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tad-destinazzjoni tieħu deċiżjoni amministrattiva fir-rigward tal- merkanzija li tkun ivvalutat, hija għandha tinnotifika dik id-deċiżjoni amministrattiva mingħajr dewmien lill-operatur ekonomiku msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika wkoll dik id-deċiżjoni amministrattiva lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mhux aktar tard minn 20 jum ta' xogħol wara li tkun ħadet id-deċiżjoni. Għal dan il-għan, hija għandha tuża s-sistema msemmija fl-Artikolu 11.

10.   Id-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 9 għandha tistipula r-raġunijiet għad-deċiżjoni b'mod li jkun suffiċjentement dettaljat u motivat sabiex tiffaċilita valutazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha mal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

11.   B'mod partikolari, għandha tiġi inkluża l-informazzjoni li ġejja fid-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 9:

(a)

ir-regola teknika nazzjonali li fuqha tkun ibbażata d-deċiżjoni amministrattiva;

(b)

ir-raġuni ta' interess pubbliku leġittimu li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regola teknika nazzjonali li fuqha tkun ibbażata d-deċiżjoni amministrattiva;

(c)

l-evidenza teknika jew xjentifika li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' destinazzjoni tkun ikkunsidrat, inkluż, fejn applikabbli, kwalunkwe bidla rilevanti fl-ogħla livell ta' żvilupp tekniku li tkun seħħet minn mindu daħlet fis-seħħ ir-regola teknika nazzjonali;

(d)

sommarju tal-argumenti mressqa mill-operatur ekonomiku kkonċernat li jkunu rilevanti għall-valutazzjoni skont il-paragrafu 1, jekk ikun hemm;

(e)

l-evidenza li turi li d-deċiżjoni amministrattiva hija adatta sabiex jintlaħaq l-għan segwit u li d-deċiżjoni amministrattiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

12.   Id-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu għandha tispeċifika r-rimedji disponibbli skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tad-destinazzjoni u l-limiti taż-żmien applikabbli għal dawk ir-rimedji. Hija għandha tinkludi wkoll referenza għall-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi jużaw SOLVIT u l-proċedura skont l-Artikolu 8.

13.   Id-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 9 ma għandhiex issir effettiva qabel ma tkun ġiet innotifikata lill-operatur ekonomiku kkonċernat skont dak il-paragrafu.

Artikolu 6

Sospensjoni temporanja tal-aċċess għas-suq

1.   Meta l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tkun qiegħda twettaq valutazzjoni tal- merkanzija skont l-Artikolu 5, hija tista' tissospendi temporanjament it-tqegħid ta' dik il- merkanzija fis-suq f'dak l-Istat Membru biss jekk:

(a)

f'kundizzjonijiet normali jew raġonevolment prevedibbli ta' użu, il- merkanzija joħolqu riskju serju għas-sikurezza jew is-saħħa tal-persuni jew għall-ambjent, inkluż wieħed fejn l-effetti ma jkunux immedjati, li jirrikjedi intervent rapidu mill-awtorità kompetenti; jew

(b)

it-tqegħid tal-merkanzija, jew ta' merkanzija ta' dak it-tip, fis-suq ta' dak l-Istat Membru jkun ġeneralment ipprojbit f'dak l-Istat Membru għal raġunijiet ta' moralità pubblika jew ta' sigurtà pubblika.

2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tinnotifika immedjatament lill-operatur ekonomiku kkonċernat, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe sospensjoni temporanja skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. In-notifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra għandha ssir permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 11. F'każijiet li jaqgħu taħt il-punt (a) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, in-notifika għandha tkun akkumpanjata minn ġustifikazzjoni teknika jew xjentifika dettaljata li turi għaliex il-każ jaqa' fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dak il-punt.

Artikolu 7

Notifika permezz ta' RAPEX jew RASFF

Jekk id-deċiżjoni amministrattiva msemmija fl-Artikolu 5 jew is-sospensjoni temporanja msemmija fl-Artikolu 6 tkun ukoll miżura li trid tiġi nnotifikata permezz tas-sistema ta' Skambju Rapidu ta' Informazzjoni (RAPEX) f'konformità mad-Direttiva 2001/95/KE jew permezz tas-sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 178/2002, ma għandhiex tkun meħtieġa notifika separata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra skont dan ir-Regolament, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

in-notifika bir-RAPEX jew l-RASFF tindika li n-notifika tal-miżura sservi bħala notifika skont dan ir-Regolament; u

(b)

l-evidenza ta' sostenn meħtieġa għad-deċiżjoni amministrattiva skont l-Artikolu 5 jew għas-sospensjoni temporanja skont l-Artikolu 6 tkun inkluża man-notifika bir-RAPEX jew l-RASFF.

Artikolu 8

Proċedura għas-soluzzjoni ta' problemi

1.   Meta operatur ekonomiku affettwat minn deċiżjoni amministrattiva jkun ippreżentaha lil SOLVIT u meta, matul il-proċedura tas-SOLVIT, iċ-Ċentru Domestiku jew iċ-Ċentru Ewlieni jitlob lill-Kummissjoni tagħti opinjoni sabiex tassisti fis-soluzzjoni tal-każ, iċ-Ċentru Domestiku u ċ-Ċentru Ewlieni tas-SOLVIT għandhom jagħtu lill-Kummissjoni d-dokumenti rilevanti kollha relatati mad-deċiżjoni amministrattiva kkonċernata.

2.   Wara li tirċievi t-talba msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk id-deċiżjoni amministrattiva hijiex kompatibbli mal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

3.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra d-deċiżjoni amministrattiva nnotifikata skont l-Artikolu 5(9) u d-dokumenti u l-informazzjoni pprvduta fil-proċedura tas-SOLVIT. Meta jenħtieġu informazzjoni jew dokumenti addizzjonali għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, titlob liċ-ċentru SOLVIT rilevanti biex jagħmel kuntatt mal-operatur ekonomiku kkonċernat jew mal-awtoritajiet kompetenti li jkunu ħadu d-deċiżjoni amministrattiva, bil-għan li tikseb tali informazzjoni jew dokumenti addizzjonali.

4.   Fi żmien 45 jum ta' xogħol minn meta tirċievi t-talba msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tlesti l-valutazzjoni tagħha u toħroġ opinjoni. Meta jkun xieraq, l-opinjoni tal-Kummissjoni għandha tidentifika kwalunkwe tħassib li jenħtieġ li jiġi indirizzat fil-każ SOLVIT jew għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet biex tassisti fis-soluzzjoni tal-każ. Il-perijodu ta' 45 jum ta' xogħol ma jinkludix il-ħin meħtieġ biex il-Kummissjoni tirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti addizzjonali previsti fil-paragrafu 3.

5.   Meta l-Kummissjoni tkun ġiet infurmata li l-każ huwa solvut waqt il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni ma għandhiex tkun meħtieġa toħroġ opinjoni.

6.   L-opinjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi kkomunikata permezz taċ-Ċentru SOLVIT rilevanti lill-operatur ekonomiku kkonċernat u lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti. Dik l-opinjoni għandha tiġi notifikata mill-Kummissjoni lill-Istati Membri kollha permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 11. L-opinjoni għandha tiġi kkunsidrata waqt il-proċedura tas-SOLVIT imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

KAPITOLU III

KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA, MONITORAĠĠ U KOMUNIKAZZJONI

Artikolu 9

Kompiti tal-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru u jżommu Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti fit-territorju tagħhom u għandhom jiżguraw li l-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti tagħhom ikollhom setgħat suffiċjenti u riżorsi adegwati għat-twettiq xieraq tal-kompiti tagħhom. Huma għandhom jiżguraw li l-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti jagħtu s-servizzi tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1724.

2.   Il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja online:

(a)

informazzjoni dwar il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom, inkluż informazzjoni dwar il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5;

(b)

id-dettalji ta' kuntatt, li permezz tagħhom l-awtoritajiet kompetenti f'dak l-Istat Membru ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati direttament, inkluż id-dettalji tal-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni tar-regoli tekniċi nazzjonali applikabbli fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom;

(c)

ir-rimedji u l-proċeduri disponibbli fit-territorju tal-Istat Membru tiegħu f'każ ta' tilwima bejn l-awtorità kompetenti u operatur ekonomiku, inkluż il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8.

3.   Fejn ikun meħtieġ sabiex jikkomplementaw l-informazzjoni pprovduta online skont il-paragrafu 2, il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti għandhom jipprovdu, fuq talba ta' operatur ekonomiku jew ta' awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor, kwalunkwe informazzjoni utli, bħal kopji elettroniċi ta' jew aċċess online għar-regoli tekniċi nazzjonali u l-proċeduri amministrattivi nazzjonali applikabbli għal merkanzija speċifika jew merkanzija ta' tip speċifiku fit-territorju li fih ikun stabbilit il-Punt ta' Kuntatt għall-Prodotti jew informazzjoni dwar jekk dik il- merkanzija jew merkanzija ta' dak it-tip ikunux soġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel skont il-liġi nazzjonali.

4.   Il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti għandhom iwieġbu fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu kwalunkwe talba skont il-paragrafu 3.

5.   Il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti ma għandhom jitolbu l-ebda ħlas għall-għoti tal-informazzjoni skont il-paragrafu 3.

Artikolu 10

Kooperazzjoni amministrattiva

1.   Il-Kummissjoni għandha tipprevedi u tiżgura kooperazzjoni effiċjenti bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti tal-Istati Membri differenti permezz tal-attivitajiet li ġejjin:

(a)

tal-faċilitazzjoni u l-koordinazzjoni tal-iskambju u l-ġbir ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku;

(b)

tal-appoġġ għall-funzjonament tal-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti u t-titjib tal-kooperazzjoni transfruntiera tagħhom;

(c)

tal-faċilitazzjoni u l-koordinazzjoni tal-iskambju ta' uffiċjali bejn l-Istati Membri u l-organizzazzjoni ta' programmi komuni ta' taħriġ u sensibilizzazzjoni għall-awtoritajiet u n-negozji.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti u l-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti tagħhom jipparteċipaw fl-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Fuq talba minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni skont l-Artikolu 5(7), l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn operatur ekonomiku jsostni li qiegħed jikkummerċjalizza legalment il- merkanzija tiegħu għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' destinazzjoni fi żmien 15-il jum ta' xogħol kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-verifika tad-data u d-dokumenti mogħtija mill-operatur ekonomiku waqt il-valutazzjoni skont l-Artikolu 5 relatata ma' dik il- merkanzija. Il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti jistgħu jintużaw biex jiffaċilitaw il-kuntatti bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti skont il-limitu ta' żmien għall-għoti ta' informazzjoni rikjesta stabbiliti fl-Artikolu 9(4).

Artikolu 11

Sistema ta' informazzjoni u komunikazzjoni

1.   Għall-finijiet tal-Artikoli 5, 6 u 10 ta' dan ir-Regolament, għandha tintuża s-sistema ta' informazzjoni u komunikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, ħlief kif previst fl-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw id-dettalji u l-funzjonalitajiet tas-sistema msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(2).

KAPITOLU IV

FINANZJAMENT

Artikolu 12

Finanzjament ta' attivitajiet b'appoġġ għal dan ir-Regolament

1.   L-Unjoni tista' tiffinanzja l-attivitajiet li ġejjin b'appoġġ għal dan ir-Regolament:

(a)

kampanji ta' sensibilizzazzjoni;

(b)

edukazzjoni u taħriġ;

(c)

skambju ta' uffiċjali u tal-aqwa prattiki;

(d)

kooperazzjoni bejn il-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti u l-awtoritajiet kompetenti, u l-appoġġ tekniku u loġistiku għal din il-kooperazzjoni;

(e)

il-ġbir ta' data relatata mal-funzjonament tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u l-impatt tiegħu fuq is-Suq Uniku għall-merkanzija.

2.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni fir-rigward tal-attivitajiet b'appoġġ ta' dan ir-Regolament għandha tiġi implimentata skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), jew direttament jew billi l-kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit jiġu fdati lill-entitajiet elenkati fil-punt (c) tal-Artikolu 62(1) ta' dak ir-Regolament.

3.   L-approprjazzjonijiet allokati għall-attivitajiet imsemmija f'dan ir-Regolament għandhom ikunu stabbiliti kull sena mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju fis-seħħ.

Artikolu 13

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa sabiex tiżgura li, meta jiġu implimentati attivitajiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu mħarsa permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti li ma kellhomx jitħallsu u, fejn ikun xieraq, permezz ta' penali amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta' verifika, abbażi ta' dokumenti u ta' spezzjonijiet fuq il-post, fuq il-benefiċjarji ta' għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni skont dan ir-Regolament.

3.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (20) bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe tip ta' attività irregolari oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim jew deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt iffinanzjat skont dan ir-Regolament.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, il-kuntratti, il-ftehimiet ta' għotja u d-deċiżjonijiet ta' għotja li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li b'mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditi u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

KAPITOLU V

EVALWAZZJONI U PROĊEDURA TA' KUMITAT

Artikolu 14

Evalwazzjoni

1.   Sal-20 ta' April 2025, u kull erba' snin wara dan, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament fid-dawl tal-objettivi li jsegwi u għandha tippreżenta rapport dwar dan lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tuża l-informazzjoni disponibbli fis-sistema msemmija fl-Artikolu 11 u kwalunkwe data miġbura matul l-attivitajiet imsemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 12(1). Il-Kummissjoni tista' titlob ukoll lill-Istati Membri jippreżentaw kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor għall-evalwazzjoni tal-effettività ta' dan ir-Regolament, kif ukoll valutazzjoni tal-funzjonament tal-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti.

Artikolu 15

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 16

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 huwa mħassar b'effett mid-19 ta' April 2020.

Referenzi għar-Regolament mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-19 ta' April 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 19.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Marzu 2019.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta' ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 21).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(6)  Id-Direttiva Nru 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4).

(7)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/461/UE tas-17 ta' Settembru 2013 fuq il-prinċipji li jirregolaw is-SOLVIT (ĠU L 249, 19.9.2013, p. 10).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta' assistenza u ta' soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(17)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(18)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(19)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(20)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


ANNESS

Dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku għall-finijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/515 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

Parti I

1.   Identifikatur uniku għall-merkanzija jew it-tip ta' merkanzija: … [Nota: daħħal in-numru ta' identifikazzjoni tal-prodotti jew markatur ieħor ta' referenza li jidentifika b'mod uniku l- merkanzija jew it-tip ta' merkanzija]

2.   L-isem u l-indirizz tal-operatur ekonomiku: … [Nota: daħħal l-isem u l-indirizz tal-firmatarju tal-Parti I tad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku: il-produttur u, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, jew l-importatur, jew id-distributur]

3.   Deskrizzjoni tal- merkanzija jew tat-tip ta' merkanzija soġġetta għad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku: … [Nota: id-deskrizzjoni għandha tkun suffiċjenti sabiex tippermetti li l- merkanzija tiġi identifikata għal raġunijiet ta' traċċabilità. Hija tista' tkun akkumpanjata b'ritratt, fejn ikun xieraq]

4.   Dikjarazzjoni u informazzjoni dwar il-legalità tal-kummerċjalizzazzjoni tal- merkanzija jew merkanzija ta' dak it-tip: …

4.1.   Il- merkanzija jew tip ta' merkanzija deskritta hawn fuq, inkluż il-karatteristiċi tagħha, jikkonformaw mar-regoli li ġejjin applikabbli fi ... [Nota: identifika l-Istat Membru fejn huwa sostnut li l- merkanzija jew ta' merkanzija ta' dak it-tip hija kummerċjalizzata legalment]: … [Nota: daħħal it-titolu u r-referenza uffiċjali tal-pubblikazzjoni, f'kull każ, tar-regoli rilevanti applikabbli f'dak l-Istat Membru u r-referenza tad-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni jekk il- merkanzija kienet soġġetta għal proċedura ta' awtorizzazzjoni minn qabel],

jew

il- merkanzija jew tip ta' merkanzija deskritta hawn fuq mhijiex soġġetta għal kwalunkwe regola rilevanti fi ... [Nota: identifika l-Istat Membru fejn huwa sostnut li l- merkanzija jew dak merkanzija ta' dak it-tip hija kummerċjalizzata legalment].

4.2.   Referenza tal-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità applikabbli għall- merkanzija jew merkanzija ta' dak it-tip, jew referenza għar-rapporti tat-test għal kwalunkwe test imwettaq minn korp ta' valutazzjoni tal-konformità, inkluż l-isem u l-indirizz ta' dak il-korp (jekk twettqet proċedura ta' dan it-tip jew saru xi testijiet ta' dan it-tip): …

5.   Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali kkunsidrata rilevanti għal valutazzjoni ta' jekk il- merkanzija jew merkanzija ta' dak it-tip hijiex kummerċjalizzata legalment fl-Istat Membru indikat fil-punt 4.1: …

6.   Din il-parti tad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku ġiet imfassla taħt ir-responsabbiltà unika tal-operatur ekonomiku identifikat skont il-punt 2.

Iffirmat għal u f'isem:

(post u data):

(isem, funzjoni) (firma):

Parti II

7.   Dikjarazzjoni u informazzjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal- merkanzija jew merkanzija ta' dak it-tip

7.1.   Il- merkanzija jew merkanzija ta' dak it-tip tqiegħed fis-suq għall-utenti finali fl-Istat Membru indikat fil-punt 4.1.

7.2.   Informazzjoni li l- merkanzija jew merkanzija ta' dak it-tip issir disponibbli għall-utenti finali fl-Istat Membru indikat fil-punt 4.1, inkluż dettalji tad-data meta l- merkanzija tqiegħdet għall-ewwel darba fis-suq għall-utenti finali f'dak l-Istat Membru: …

8.   Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali kkunsidrata rilevanti għal valutazzjoni ta' jekk il- merkanzija jew merkanzija ta' dak it-tip hijiex kummerċjalizzata legalment fl-Istat Membru indikat fil-punt 4.1: …

9.   Din il-parti tad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiprokuhija mġiet imfassla taħt ir-responsabbiltà unika ta' … [Nota: daħħal l-isem u l-indirizz tal-firmatarju tal-Parti II tad-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku: il-produttur u, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, jew l-importatur, jew id-distributur].

Iffirmat għal u f'isem:

(post u data):

(isem, funzjoni) (firma):


(1)  Ir-Regolament (UE) 2019/515 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-19 ta' Marzu 2019 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' merkanzija mqiegħda fis-suq legalment fi Stat Membru ieħor u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 (ĠU L 91, 29.3.2019, p. 1).


29.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/19


REGOLAMENT (UE) 2019/516 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 (ir-Regolament dwar id-DNG)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Id-dħul nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq (DNG) jikkostitwixxi l-bażi għall-kalkolu tal-akbar sehem ta' riżorsi proprji fil-baġit ġenerali tal-Unjoni. Għalhekk, huwa neċessarju li jissaħħu ulterjorment il-komparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza ta' dak l-aggregat.

(2)

L-integrità tal-istatistika permezz tar-rispett għall-prinċipji tal-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea kif rivedut u aġġornat mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESSC) fis-16 ta' Novembru 2017, u tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) hija ta' importanza partikolari meta l-istatistika tintuża direttament għal finijiet amministrattivi u għat-tfassil tal-politika fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali.

(3)

Dik id-data statistika hija wkoll għodda analitika importanti għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika nazzjonali u għad-diversi politiki tal-Unjoni, kif ukoll għall-attivitajiet ta' riċerka.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 2(7) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom (3), għal finijiet ta' riżorsi proprji, DNG ifisser DNG annwali bi prezzijiet tas-suq skont il-metodoloġija stipulata fl-Anness A għar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea tal-Kontijiet riveduta (ESA 2010). F'konformità mal-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, u soġġetta għall-Artikolu 10(2) tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom (5) ġiet imħassra.

(5)

Huwa essenzjali li d-data tad-DNG tkun komparabbli fost l-Istati Membri u li jkun hemm konformità mad-definizzjonijiet u r-regoli tal-kontabbiltà rilevanti tal-ESA 2010. Għal dak il-għan, il-proċeduri ta' valutazzjoni u d-data bażika użati bħalissa jenħtieġ li jippermettu l-applikazzjoni korretta tad-definizzjonijiet u tar-regoli tal-kontabbiltà tal-ESA 2010.

(6)

Huwa essenzjali li s-sorsi u l-metodi użati għall-kompilazzjoni tad-data tad-DNG ikunu affidabbli. Dan ifisser li kemm jista' jkun jenħtieġ li jiġu applikati tekniki tajba għal statistika bażika li tkun robusta, adatta u aġġornata.

(7)

Huwa essenzjali li d-data tad-DNG tkun eżawrjenti. Għaldaqstant, jenħtieġ li dik id-data tieħu kont ukoll tal-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet informali, mhux reġistrati u ta' tip ieħor li ma humiex irrappurtati fl-istħarriġ statistiku jew lill-awtoritajiet fiskali, soċjali u lil awtoritajiet amministrattivi oħra. Kopertura mtejba tad-DNG tassumi l-iżvilupp ta' bażijiet statistiċi u ta' proċeduri ta' valutazzjoni xierqa sabiex tiġi prodotta statistika affidabbli u, fejn ikun applikabbli, biex isiru l-aġġustamenti meħtieġa, billi jiġu evitati lakuni u għadd doppju.

(8)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 (6) jipprevedi spezzjonijiet fl-Istati Membri bil-għan li jiġu vverifikati r-riżorsi proprji. Għall-finijiet tal-verifika tad-DNG, il-Kummissjoni (Eurostat) jenħtieġ li tkun intitolata twettaq żjarat ta' informazzjoni relatati mad-DNG sabiex tivverifika l-kwalità tal-aggregati tad-DNG u l-komponenti tagħhom u tivverifika l-konformità tagħhom mal-ESA 2010, kif ukoll biex jiġi żgurat li d-data tad-DNG tkun komparabbli, affidabbli u eżawrjenti. Il-Kummissjoni (Eurostat) jenħtieġ li tirrispetta r-regoli dwar il-kunfidenzjalità tal-istatistika. Il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika fiż-żjarat ta' informazzjoni relatati mad-DNG fi Stati Membri oħra hija essenzjali sabiex issaħħaħ it-trasparenza u l-kwalità tal-proċess ta' verifika tad-DNG.

(9)

Sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà, il-kompletezza u l-ogħla livell possibbli ta' komparabbiltà tad-data tad-DNG, f'konformità mal-ESA 2010, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tenħtieġ li tkun iddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-lista tal-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati f'kull ċiklu ta' verifika. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016 (7). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(10)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament permezz tal-forniment tal-aggregati tad-DNG għal finijiet tar-riżorsi proprji, is-setgħat ta' implimentazzjoni jenħtieġ li jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-istruttura u l-arranġamenti dettaljati tal-inventarju tas-sorsi u l-metodi użati biex tiġi prodotta d-data tad-DNG u l-komponenti tagħha, f'konformità mal-Anness A għar-Regolament (UE) Nru 549/2013, kif ukoll l-iskeda taż-żmien għall-aġġornament u t-trażmissjoni tagħha, u l-miżuri speċifiċi li għandhom l-għan li jtejbu l-komparabbiltà, l-affidabbiltà u l-kompletezza tad-data tad-DNG tal-Istati Membri abbażi tal-lista ta' kwistjonijiet iddefiniti mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(11)

L-ESSC, stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 223/2009, intalab, f'konformità mal-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament, jipprovdi l-gwida professjonali tiegħu.

(12)

Il-Kumitat tad-DNG imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 (9) ta opinjonijiet kif ukoll ta parir u assista lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha. Bl-istrateġija għal struttura ġdida tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika biex jitjiebu l-koordinazzjoni u s-sħubija permezz ta' struttura piramida ċara fi ħdan is-Sistema, l-ESSC jenħtieġ ikollu rwol konsultattiv u jassisti lill-Kummissjoni waqt li tkun qed teżerċita s-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha. Għal dak il-għan, il-Kumitat tad-DNG jenħtieġ li jiġi sostitwit mill-ESSC għall-fini li jassisti lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha skont dan ir-Regolament. Madankollu, għall-finijiet ta' funzjonijiet oħra li qabel kienu jsiru mill-Kumitat tad-DNG skont ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003, u li mhumiex relatati ma' assistenza fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi grupp formali ta' esperti biex jassistiha f'għanijiet bħal dawn.

(13)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom (10) u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003 stabbilixxew proċedura għall-verifika u l-valutazzjoni tal-komparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza tad-data tal-Prodott Nazzjonali Gross (PNG) u tad-data tad-DNG fi ħdan il-Kumitat tal-PNG u tal-Kumitat tad-DNG li fihom l-Istati Membri u l-Kummissjoni jikkooperaw mill-qrib. Dik il-proċedura jenħtieġ tiġi aġġustata biex tqis l-użu tad-data tad-DNG skont l-ESA 2010 għall-finijiet tar-riżorsi proprji, l-iskeda taż-żmien riveduta biex isiru disponibbli r-riżorsi proprji, u l-iżviluppi reċenti fi ħdan is-Sistema Ewropea tal-Istatistika. Għalhekk id-Direttiva 89/130/KEE, Euratom u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003 jenħtieġ li jitħassru,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DEFINIZZJONI U KALKOLU TAD-DĦUL NAZZJONALI GROSS BI PREZZIJIET TAS-SUQ

Artikolu 1

1.   Id-dħul nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq (DNG) u l-prodott domestiku gross bi prezzijiet tas-suq (“PDG”) għandhom jiġu definiti skont is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet 2010 (ESA 2010), stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 549/2013.

2.   Skont il-punt 8.89 tal-Anness A għar-Regolament (UE) Nru 549/2013, il-PDG huwa r-riżultat finali tal-attività ta' produzzjoni tal-unitajiet tal-produtturi residenti. Dan jista' jiġi definit bi tliet modi:

(a)

approċċ tal-produzzjoni: Il-PDG hu s-somma tal-valur gross miżjud tad-diversi setturi istituzzjonali jew id-diversi industriji bl-addizzjoni tat-taxxi u t-tnaqqis tas-sussidji fuq il-prodotti (li mhumiex allokati għal setturi u industriji). Huwa wkoll l-entrata saldatorja fil-kont tal-produzzjoni tal-ekonomija totali;

(b)

approċċ tan-nefqa: Il-PDG hu s-somma tal-użi finali tal-oġġetti u s-servizzi minn unitajiet istituzzjonali residenti (konsum finali u formazzjoni grossa ta' kapital), bl-addizzjoni tal-esportazzjonijiet u t-tnaqqis tal-importazzjonijiet ta' oġġetti u servizzi;

(c)

approċċ tal-introjtu: Il-PDG hu s-somma tal-użi fil-kont tal-ġenerazzjoni tal-introjtu tal-ekonomija totali (kumpens tal-impjegati, taxxi fuq il-produzzjoni u importazzjonijiet nieqes is-sussidji, eċċess operattiv gross u introjtu mħallat tal-ekonomija totali).

3.   F'konformità mal-punt 8.94 tal-Anness A għar-Regolament (UE) Nru 549/2013, id-DNG jirrappreżenta d-dħul primarju totali riċevibbli mill-unitajiet istituzzjonali residenti: il-kumpens tal-impjegati, it-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjoni bit-tnaqqis tas-sussidji, id-dħul mill-proprjetà (riċevibbli nieqes pagabbli), is-surplus operatorju gross u d-dħul imħallat gross. Id-DNG huwa daqs il-PDG meta minnu jitnaqqas l-introjtu primarju pagabbli minn unitajiet istituzzjonali residenti lil unitajiet istituzzjonali mhux residenti u jiżdied l-introjtu primarju riċevibbli minn unitajiet istituzzjonali residenti mill-bqija tad-dinja.

KAPITOLU II

IT-TRAŻMISSJONI TAD-DATA TAD-DNG U INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw id-DNG kif definit fl-Artikolu 1 fil-kuntest tal-kompilazzjoni tal-kontijiet nazzjonali.

2.   Qabel l-1 ta' Ottubru ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat), fil-kuntest tal-proċeduri tal-kontijiet nazzjonali, iċ-ċifri għall-aggregati tad-DNG u l-komponenti tagħhom, f'konformità mad-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1. Is-somom totali għall-PDG u l-komponenti tiegħu għandhom jiġu ppreżentati skont it-tliet approċċi msemmija fl-Artikolu 1(2). Id-data għandha tiġi trażmessa għas-sena preċedenti u kull tibdil li jkun sar fid-data tas-snin preċedenti għandu jiġi kkomunikat fl-istess mument.

3.   It-trażmissjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi akkumpanjata b'rapport dwar il-kwalità tad-data tad-DNG. Dak ir-rapport għandu jispeċifika fid-dettall il-metodoloġija użata biex tiġi prodotta d-data, u b'mod partikolari għandu jiddeskrivi kull tibdil sinifikanti fis-sorsi u fil-metodi użati u jispjega r-reviżjonijiet li saru fl-aggregati tad-DNG u l-komponenti tagħhom meta mqabbla mal-perijodi preċedenti.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'inventarju tas-sorsi u l-metodi użati biex jipproduċu l-aggregati tad-DNG u l-komponenti tagħhom skont l-ESA 2010.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, l-istruttura u l-arranġamenti dettaljati tal-inventarju msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, f'konformità mal-Anness A għar-Regolament (UE) Nru 549/2013, kif ukoll l-iskeda taż-żmien għall-aġġornament u t-trażmissjoni tiegħu. Fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk l-atti ta' implimentazzjoni ma jimponux spejjeż addizzjonali sinifikanti li jirriżultaw f'piż sproporzjonat u mhux ġustifikat fuq l-Istati Membri. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 8(2) ta' dan ir-Regolament. L-inventarju għandu jkun konsistenti ma' ESA 2010 u għandu jevita d-duplikazzjoni u volumi eċċessivi żżejjed.

3.   Biex jiġu ffaċilitati l-analiżijiet paragunabbli tal-konformità, il-Kummissjoni għandha tfassal inventarju gwida bil-kooperazzjoni mill-qrib mal-grupp ta' esperti msemmi fl-Artikolu 4.

KAPITOLU III

PROĊEDURI U KONTROLLI FUQ IL-KALKOLU TAD-DNG

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp formali ta' esperti, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni, biex jagħti pariri lill-Kummissjoni, u biex jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar il-komparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza tal-kalkoli tad-DNG, sabiex jiġu eżaminati kwistjonijiet ta' implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u biex tinħareġ opinjoni annwali dwar l-adegwatezza tad-data tad-DNG mibgħuta mill-Istati Membri għall-finijiet tar-riżorsi proprji.

Artikolu 5

1.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika s-sorsi, l-użu tagħhom u l-metodi fl-inventarju msemmi fl-Artikolu 3(1). Għal dan il-għan għandu jintuża mudell ta' verifika mfassal mill-Kummissjoni bil-kooperazzjoni mill-qrib mal-grupp ta' esperti msemmi fl-Artikolu 4. Il-mudell għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji ta' evalwazzjoni bejn il-pari u ta' kosteffettività u għandu jieħu kont tal-atti delegati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2.   Id-data tad-DNG għandha tkun affidabbli, eżawrjenti u komparabbli.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 7 biex jissupplimenta d-dispożizzjoni stipulata fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu billi jiddefinixxu l-lista ta' kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati f'kull ċiklu ta' verifika sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà, il-kompletezza, u l-ogħla livell possibbli ta' komparabbiltà tad-data tad-DNG, f'konformità mal-ESA 2010.

3.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, miżuri speċifiċi sabiex id-data tad-DNG tkun aktar komparabbli, affidabbli u eżawrjenti, ibbażata fuq il-lista ta' kwistjonijiet iddefiniti mill-Kummissjoni fl-atti delegati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Tali atti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu debitament ġustifikati u f'konformità ma' ESA 2010. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 8(2).

Artikolu 6

1.   Mingħajr preġudizzju għall-ispezzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014, iż-żjarat ta' informazzjoni relatati mad-DNG, jistgħu, fejn jitqies opportun, isiru fl-Istati Membri mill-Kummissjoni (Eurostat).

2.   L-għanijiet taż-żjarat ta' informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu l-verifika tal-kwalità tal-aggregati tad-DNG u tal-komponenti tagħhom u l-verifika tal-konformità mal-ESA 2010. Fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha li twettaq tali żjarat ta' informazzjoni, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tirrispetta r-regoli dwar il-kunfidenzjalità statistika stabbiliti fil-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

3.   Meta twettaq żjarat ta' informazzjoni fl-Istati Membri, il-Kummissjoni (Eurostat) tista' u hija mħeġġa titlob l-assistenza ta' esperti nazzjonali tal-kontabbiltà li jirrappreżentaw l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika ta' Stati Membri oħra.

L-esperti nazzjonali tal-kontabbiltà għandhom ikunu rreġistrati fuq lista kostitwita abbażi ta' proposti volontarji mibgħuta lill-Kummissjoni (Eurostat) mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għar-rappurtar tal-kontijiet nazzjonali.Il-parteċipazzjoni ta' esperti tal-kontijiet nazzjonali ta' Stati Membri oħra f'dawk iż-żjarat ta' informazzjoni hija volontarja.

Artikolu 7

1.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati hija kkonferita fuq il-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mit-18 ta' April 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti deżinjati minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b'mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f'perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 8

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 9

Qabel l-1 ta' Jannar 2023, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Id-Direttiva 89/130/KEE, Euratom u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003 huma mħassra.

Ir-referenzi għall-atti mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabelli ta' korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 11

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Jannar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2019.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 29).

(7)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 tal-15 ta' Lulju 2003 fuq l-armonizzazzjoni tad-dħul gross nazzjonali bi prezzijiet tas-suq (Regolament GNI) (ĠU L 181, 19.7.2003, p. 1).

(10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom tat-13 ta' Frar 1989 dwar l-armonizzazzjoni u il-kumpilazzjoni tal-prodott nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq (ĠU L 49, 21.2.1989, p. 26).


ANNESS

Tabelli ta' korrelazzjoni

Id-Direttiva 89/130/KEE, Euratom

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1 (1) u (3)

Artikolu 2

Artikolu 1 (2)

Artikolu 3

Artikolu 2 (1) u(2)

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 3

Artikolu 5

Artikolu 2 (3)

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 6

Artikolu 8

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 11


Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 8

Artikolu 5(1)

Artikolu 5

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(3)

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 8

Artikolu 11


29.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/25


REGOLAMENT (UE) 2019/517 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-isem ta' dominju tal-ogħla livell .eu u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 u jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 172 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Dominju tal-Ogħla Livell .eu (TLD) kien ġie stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 733/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 (4). Minn mindu ġew adottati dawk ir-Regolamenti, il-kuntest leġiżlattiv u politiku fl-Unjoni, l-ambjent online, u s-suq inbidlu ġmielhom.

(2)

L-evoluzzjoni rapida tas-suq tat-TLDs u x-xena diġitali dinamika jirrikjedu ambjent regolatorju flessibbli u li jilqa' għall-ġejjieni. It-TLD .eu huwa wieħed mill-akbar TLDs ta' kodiċi tal-pajjiż (ccTLDs). It-TLD .eu jintuża mill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni, anke għal proġetti u inizjattivi Ewropej. L-iskop tat-TLD .eu huwa li, permezz ta' ġestjoni tajba, jgħin biex isaħħaħ l-identità tal-Unjoni u jippromwovi l-valuri tal-Unjoni online, bħall-multilingwiżmu, ir-rispett tal-privatezza u tas-sigurtà tal-utenti u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll prijoritajiet online speċifiċi.

(3)

It-TLDs huma komponent essenzjali fl-istruttura ġerarkika tas-sistema tal-ismijiet ta' dominju (DNS) li jiżguraw sistema interoperabbli ta' identifikaturi uniċi, disponibbli mad-dinja kollha, fuq kull applikazzjoni u kull netwerk.

(4)

It-TLD .eu jenħtieġ li jippromwovi l-użu tan-netwerks tal-internet, u l-aċċess għalihom, b'konformità mal-Artikoli 170 u 171 tat-TFUE billi jipprovdi reġistrazzjoni komplementari għas-ccTLDs eżistenti u għar-reġistrazzjoni globali tat-TLDs ġeneriċi.

(5)

It-TLD .eu, li huwa tikketta ċara u li tingħaraf faċilment, jenħtieġ li jipprovdi rabta li tista' tiġi identifikata b'mod ċar mal-Unjoni u mas-suq Ewropew. Permezz tiegħu, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u l-persuni fiżiċi fl-Unjoni jistgħu jirreġistraw isem ta' dominju taħt it-TLD .eu. L-eżistenza ta' isem ta' dominju bħal dan hija importanti biex issaħħaħ l-identità tal-Unjoni online. Jenħtieġ li, għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 għandu għalhekk jiġi emendat sabiex jippermetti li ċ-ċittadini tal-Unjoni jirreġistraw isem ta' TLD .eu, irrispettivament mill-post tar-residenza tagħhom, mid-19 ta' Ottubru 2019.

(6)

L-ismijiet ta' dominju fit-TLD .eu jenħtieġ li jiġu allokati lill-partijiet eliġibbli skont id-disponibbiltà.

(7)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippromwovi l-kooperazzjoni bejn ir-Reġistru, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u aġenziji oħra tal-Unjoni, bil-ħsieb li tiġġieled ir-reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi ta' ismijiet ta' dominju, inkluż cybersquatting, u tipprovdi proċeduri amministrattivi sempliċi, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs).

(8)

Biex tkun żgurata protezzjoni aħjar tad-dritt tal-partijiet li jidħlu f'kuntratt mar-Reġistru u mar-Reġistraturi rispettivament, it-tilwim dwar ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominju fit-TLD .eu jenħtieġ li jissolvew minn korpi li jkunu jinsabu fl-Unjoni u li japplikaw il-liġi nazzjonali rilevanti tal-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u għall-obbligi rikonoxxuti mill-Istati Membri jew mill-Unjoni li jirriżultaw minn strumenti internazzjonali.

(9)

Il-Kummissjoni, abbażi ta' proċedura tal-għażla miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, u filwaqt li tqis il-kosteffiċjenza u s-sempliċità amministrattiva, jenħtieġ li taħtar Reġistru għat-TLD .eu. Sabiex tappoġġja s-suq uniku diġitali, tibni identità Ewropea online u tinkoraġġixxi attivitajiet online transfruntieri, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tal-kriterji ta' eliġibbiltà u tal-għażla u l-proċedura għad-deżinjazzjoni tar-Reġistru. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(10)

Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, is-setgħat ta' implimentazzjoni jenħtieġ li jiġu konferiti lill-Kummissjoni biex tadotta listi ta' ismijiet ta' dominju riżervati u mblokkati mill-Istati Membri, tistabbilixxi l-prinċipji li jkun għandhom jiġu inklużi fil-kuntratt bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru, u li taħtar ir-Reġistru skont raġunijiet debitament iġġustifikati ta' urġenza, b'mod partikolari biex tiżgura l-kontinwità tas-servizz. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jkunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Dawn il-listi jenħtieġ li jiġu kkompilati skont l-ismijiet ta' dominju disponibbli filwaqt li jitqiesu l-ismijiet ta' dominju tat-tieni livell li diġà ġew riżervati jew irreġistrati mill-Istati Membri.

(11)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħmel kuntratt mar-Reġistru maħtur, liema kuntratt jenħtieġ li jinkludi l-prinċipji u l-proċeduri dettaljati li japplikaw għar-Reġistru għall-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tat-TLD .eu. Il-kuntratt jenħtieġ li jkun ta' durata fissa u jista' jiġġedded darba mingħajr il-ħtieġa ta' proċedura ta' selezzjoni ġdida.

(12)

Il-prinċipji u l-proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu jenħtieġ li jinhemżu mal-kuntratt bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru maħtur.

(13)

Dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE.

(14)

Ir-Reġistru jenħtieġ li jikkonforma mal-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u ta' trasparenza, u jenħtieġ li jimplimenta miżuri biex jissalvagwardja l-kompetizzjoni ġusta li għandhom jiġu awtorizzati bil-quddiem mill-Kummissjoni, b'mod partikolari meta r-Reġistru jipprovdi servizzi lil impriżi li magħhom ikun qed jikkompeti fis-swieq downstream.

(15)

Bħalissa, il-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (l-ICANN) hi responsabbli biex tikkoordina d-delega tal-kodiċi li jirrappreżentaw is-ccTLDs lir-Reġistri. Jenħtieġ li r-Reġistru jagħmel kuntratt xieraq mal-ICANN li jipprovdi għad-delega tal-kodiċi tas-ccTLD .eu, u fl-istess waqt iqis il-prinċipji rilevanti adottati mill-Kumitat Konsultattiv Governattiv (il-GAC).

(16)

Ir-Reġistru jenħtieġ li jagħmel ftehim xieraq, li jinżamm minn aġent terz, biex tkun żgurata l-kontinwità tas-servizzi, u b'mod partikolari biex ikun żgurat li jkun possibbli li jissokta s-servizz lill-komunità lokali tal-internet bl-anqas tfixkil possibbli f'każ ta' delega mill-ġdid jew xi ċirkostanzi mhux previsti. Jenħtieġ li, kull jum, ir-Reġistru jibgħat kopja elettronika tal-kontenut kurrenti tad-database tat-TLD .eu lill-aġent terz.

(17)

Jenħtieġ li l-proċeduri ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) li jridu jiġu adottati jikkonformaw mad-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u jqisu l-aqwa prattiki internazzjonali f'dan il-qasam u b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Proprjetà Intellettwali, biex ikun żgurat li r-reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi jiġu evitati kemm jista' jkun. Dawk il-proċeduri tal-ADR jenħtieġ li jirrispettaw regoli proċedurali uniformi li jkunu konformi ma' dawk stabbiliti fil-Politika Uniformi għar-Riżoluzzjoni ta' Tilwim dwar l-Isem tad-Dominji tal-ICANN.

(18)

Il-politika dwar ir-reġistrazzjonijiet abbużivi tal-ismijiet ta' dominju .eu jenħtieġ li tipprovdi għal verifika min-naħa tar-Reġistru tad-data li tasal, speċifikament data fejn jidħlu l-identità tar-reġistranti, u t-tħassir u l-imblokkar minn reġistrazzjoni futura ta' ismijiet ta' dominju li b'deċiżjoni aħħarija ta' qorti ta' Stat Membru jkunu jitqiesu malafamanti, razzisti jew b'xi mod ieħor kuntrarji għal-liġi tal-Istat Membru. Ir-Reġistru jenħtieġ jimxi bl-akbar attenzjoni biex jiżgura l-korrettezza tad-data li tasallu u li jżomm. Jenħtieġ li l-proċedura ta' revoka tippermetti lid-detentur tal-isem ta' dominju li jkollu opportunità raġonevoli biex jirrettifika kwalunkwe ksur tal-kriterji tal-eliġibbiltà, tar-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni jew djun pendenti qabel ma r-revoka ssir effettiva.

(19)

Isem ta' dominju li jkun identiku jew simili b'tali mod li jista' jiġi konfuż ma' isem li fir-rigward tiegħu dritt ikun stabbilit mil-liġi tal-Unjoni jew minn dik nazzjonali u li jkun ġie rreġistrat mingħajr drittijiet jew interess leġittimu fl-isem, jenħtieġ li, fil-prinċipju, jiġi revokat u, fejn ikun meħtieġ, jiġi ttrasferit lid-detentur leġittimu. Fejn jinstab li isem ta' dominju tali jkun intuża b'mala fede, jenħtieġ li dejjem jiġi revokat.

(20)

Ir-Reġistru jenħtieġ li jadotta politiki ċari li jkollhom l-għan li jiżguraw l-identifikazzjoni f'waqtha ta' reġistrazzjonijiet abbużivi ta' ismijiet ta' dominju u, fejn meħtieġ, jenħtieġ li jikkoopera ma' awtoritajiet kompetenti u ma' korpi pubbliċi oħra rilevanti għaċ-ċibersigurtà u għas-sigurtà tal-informazzjoni li jkunu speċifikament involuti fil-ġlieda kontra dawn ir-reġistrazzjonijiet, bħal timijiet nazzjonali ta' rispons f'emerġenza tal-kompjuter (CERTs).

(21)

Ir-Reġistru jenħtieġ li jappoġġja lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kriminalità billi jimplimenta miżuri tekniċi u organizzazzjonali bil-għan li l-awtoritajiet kompetenti jkun jista' jkollhom aċċess għad-data fir-Reġistru għal skopijiet ta' prevenzjoni, kxif, investigazzjoni u prosekuzzjoni tal-atti kriminali, kif previst bil-liġi tal-Unjoni jew b'dik nazzjonali.

(22)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi implimentat b'konformità mal-prinċipji li għandhom x'jaqsmu mal-privatezza u mal-protezzjoni tad-data personali. Jenħtieġ li r-Reġistru jikkonforma mar-regoli, il-prinċipji u l-linji gwida rilevanti tal-Unjoni b'rabta mal-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari mar-rekwiżiti tas-sigurtà rilevanti, mal-prinċipji tan-neċessità, il-proporzjonalità, il-limitazzjoni tal-iskop u l-perijodu proporzjonat għaż-żamma tad-data. Minbarra dan, jenħtieġ li s-sistemi kollha tal-ipproċessar tad-data u d-databases żviluppati u miżmuma jkunu jinkorporaw il-protezzjoni tad-data personali mid-disinn tagħhom u l-protezzjoni tad-data b'mod awtomatiku.

(23)

Biex tkun żgurata superviżjoni perjodika effettiva, ir-Reġistru jenħtieġ li jiġi awditjat, u jġarrab l-ispejjeż hu stess, mill-inqas kull sentejn minn korp indipendenti ħalli jkun konfermat, permezz ta' rapport ta' evalwazzjoni ta' konformità, li r-Reġistru hu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament. Jenħtieġ li r-Reġistru jippreżenta dak ir-rapport lill-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita fil-kuntratt tiegħu mal-Kummissjoni.

(24)

Il-kuntratt konkluż bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru jenħtieġ li jipprovdi għal proċeduri li jtejbu l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġjar tat-TLD .eu mir-Reġistru skont l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni li jirriżultaw mill-attivitajiet ta' superviżjoni tal-Kummissjoni previsti minn dan ir-Regolament.

(25)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014, intitolat “Governanza tal-Internet”, il-Kunsill afferma mill-ġdid l-impenn tal-Unjoni li tippromwovi strutturi ta' governanza li jinvolvu bosta partijiet konċernati u li jistrieħu fuq sett koerenti ta' prinċipji ta' governanza tal-internet globali. Governanza tal-internet inklużiva tfisser l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' prinċipji, normi, regoli, proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet u programmi komuni li jsawru l-evoluzzjoni u l-użu tal-internet mill-gvernijiet, mis-settur privat, mis-soċjetà ċivili, mill-organizzazzjonijiet internazzjonali u mill-komunità teknika, fejn kollha jaġixxu fir-rwoli rispettivi tagħhom.

(26)

Jenħtieġ li jitwaqqaf Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu li jkollu r-rwol li jagħti pariri lill-Kummissjoni ħalli jissaħħaħ u jitwessa' l-kontribut għall-governanza tajba tar-Reġistru. Jenħtieġ li l-Grupp ikun jirriflettu l-mudell multiparteċipattiv ta' governanza tal-internet u li l-membri tiegħu, apparti minn dawk li jkunu ġejjin mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u minn organizzazzjonijiet internazzjonali, jenħtieġ li jinħatru mill-Kummissjoni bi proċedura miftuħa, nondiskriminatorja u trasparenti. Ir-rappreżentant mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jenħtieġ li jinħatar fuq il-bażi ta' sistema ta' rotazzjoni li tiżgura kontinwità suffiċjenti tal-parteċipazzjoni fil-Grupp.

(27)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni dwar l-effettività u l-funzjonament tat-TLD .eu. Dik l-evalwazzjoni jenħtieġ li tgħarbel il-prattiki tax-xogħol tar-Reġistru maħtur u r-rilevanza tal-kompiti tar-Reġistru. Jeħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tippreżenta rapporti regolari dwar il-funzjonament tal-isem tat-TLD .eu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(28)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il- Karta”), kif minquxa fit-Trattati, b'mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, u l-protezzjoni tal-konsumaturi. Jenħtieġ li proċeduri adatti tal-Unjoni jiġu osservati meta jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali li jaffettwaw dan ir-Regolament jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni u, b'mod partikolari, mal-Karta. Jenħtieġ li r-Reġistru jfittex gwida mill-Kummissjoni f'każijiet ta' dubju rigward il-konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(29)

Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-implimentazzjoni ta' TLD pan-Ewropew minbarra s-ccTLDs nazzjonali, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(30)

Biex jiġi limitat kull riskju ta' tfixkil tas-servizzi tat-TLD .eu matul l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju l-ġdid, dan ir-Regolament jistipula dispożizzjonijiet tranżitorji.

(31)

Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (KE) Nru 733/2002 jiġi emendat u revokat, u li r-Regolament (KE) Nru 874/2004 jiġi revokat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u objettivi

1.   Dan ir-Regolament jimplimenta d-dominju tal-ogħla livell tal-kodiċi tal-pajjiż (“ccTLD”) .eu kif ukoll il-varjanti l-oħra tiegħu b'karattri oħra, sabiex jappoġġja s-suq uniku diġitali, jibni identità tal-Unjoni online u jinkoraġġixxi attivitajiet online transfruntieri. Huwa jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tiegħu, inklużi l-ħatra u l-karatteristiċi tar-Reġistru. Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll il-qafas ġuridiku u ta' politika ġenerali li fih għandu jiffunzjona r-Reġistru maħtur.

2.   Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti fl-Istati Membri fir-rigward tas-ccTLDs nazzjonali tagħhom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(1)

“Reġistru” tfisser l-entità inkarigata bl-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġjar tat-TLD .eu inkluża l-manutenzjoni tad-databases korrispondenti u s-servizzi pubbliċi tat-talbiet assoċjati, ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominju, it-tħaddim tar-Reġistru tal-ismijiet ta' dominju, it-tħaddim tas-servers tal-ismijiet tat-TLD tar-Reġistru u d-distribuzzjoni ta' faljs taż-żona tat-TLD fost is-servers tal-ismijiet;

(2)

“Reġistratur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li, skont kuntatt mar-Reġistru, tipprovdi servizzi ta' reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominju lir-reġistranti.

(3)

“protokolli tal-Ismijiet ta' Dominju Internazzjonalizzati” tfisser standards u protokolli li jippermettu l-użu ta' ismijiet ta' dominju f'karattri li mhumiex karattri tal-American Standard Code for Information Interchange (ASCII);

(4)

“database WHOIS” tfisser il-ġbir ta' data li fiha informazzjoni dwar aspetti tekniċi u amministrattivi tar-reġistrazzjonijiet tat-TLD .eu;

(5)

“prinċipji u proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu” tfisser regoli dettaljati dwar il-funzjonament u l-immaniġġjar tat-TLD .eu;

(6)

“reġistrazzjoni” tfisser is-serje ta' atti u passi proċedurali, mill-bidu sat-tlestija, li jieħdu r-Reġistraturi u/jew ir-Reġistru malli jintalbu minn persuna fiżika jew ġuridika bil-għan li tiġi implimentata r-reġistrazzjoni ta' isem ta' dominju għal tul taż-żmien speċifikat.

KAPITOLU II

IMPLIMENTAZZJONI TAT-TLD .eu

TAQSIMA 1

Prinċipji ġenerali

Artikolu 3

Kriterji ta' eliġibbiltà

Ir-reġistrazzjoni ta' isem wieħed jew aktar tad-dominju taħt it-TLD .eu tista' tintalab minn xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

ċittadin tal-Unjoni, indipendentement mill-post tar-residenza tiegħu/tagħha;

(b)

persuna fiżika li ma tkunx ċittadin tal-Unjoni u li tkun residenti fi Stat Membru;

(c)

impriża li hija stabbilita fl-Unjoni; u

(d)

organizzazzjoni li hija stabbilita fil-Unjoni mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali.

Artikolu 4

Reġistrazzjoni u tħassir ta' ismijiet ta' dominju

1.   Isem ta' dominju għandu jiġi allokat lill-parti eliġibbli li t-talba tagħha tkun wasslet l-ewwel għand r-Reġistru b'mod teknikament korrett, kif stabbilit mill-proċeduri għat-talbiet tar-reġistrazzjoni skont il-punt (b) tal-Artikolu 11.

2.   Isem ta' dominju rreġistrat ma għandux jibqa' disponibbli għal aktar reġistrazzjoni sakemm ir-reġistrazzjoni tiskadi u ma terġax tiġġedded jew sakemm jitħassar l-isem ta' dominju.

3.   Ir-Reġistru jista' jħassar isem ta' dominju minn jeddu, mingħajr ma jgħaddi t-tilwima għal ADR jew proċedura ġudizzjarja, għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

ikun hemm djun mhux imħallsa dovuti lir-Reġistru;

(b)

id-detentur tal-isem ta' dominju ma jissodisfax il-kriterji tal-eliġibbiltà skont l-Artikolu 3;

(c)

id-detentur tal-isem ta' dominju jikser ir-rekwiżiti għat-talbiet tar-reġistrazzjoni stabbiliti skont il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 11.

4.   Isem ta' dominju jista' jitħassar ukoll, u meta meħtieġ jingħadda sussegwentement lil parti oħra, wara ADR jew proċedura ġudizzjarja xierqa, skont il-prinċipji u proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu stabbiliti skont l-Artikolu 11, meta dak l-isem ikun identiku jew simili b'tali mod li joħloq konfużjoni għal isem li fir-rigward tiegħu hemm stabbilit dritt mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, u meta dan:

(a)

ikun ġie rreġistrat mid-detentur tiegħu mingħajr drittijiet jew interess leġittimu fl-isem; jew

(b)

ikun ġie rreġistrat jew ikun qed jintuża b'mala fede.

5.   Meta isem ta' dominju jitqies minn qorti ta' Stat Membru li jkun malafamanti, razzist jew kuntrarju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika skont il-liġi tal-Unjoni, jew skont liġi nazzjonali li tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni, dak l-isem ta' dominju għandu jiġi mblokkat mir-Reġistru malli dan jiġi notifikat bid-deċiżjoni tal-qorti u għandu jitħassar malli tiġi notifikata d-deċiżjoni finali tal-qorti. Ir-Reġistru għandu jimblokka minn reġistrazzjoni futura dawk l-ismijiet ta' dominju li jkunu soġġetti għal dik l-ordni tal-qorti sakemm dik l-ordni tibqa' valida.

6.   L-ismijiet ta' dominju rreġistrati taħt it-TLD .eu għandhom ikunu trasferibbli biss lil partijiet li jkunu eliġibbli għar-reġistrazzjoni ta' ismijiet tat-TLD .eu.

Artikolu 5

Lingwi, liġi applikabbli u ġurisdizzjoni

1.   Ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominju għandha ssir bil-karattri kollha tal-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni b'konformità mal-istandards internazzjonali disponibbli kif jippermettu l-protokolli rilevanti tal-Ismijiet ta' Dominju Internazzjonalizzati.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jew għad-drittijiet u l-obbligi rikonoxxuti mill-Istati Membri jew mill-Unjoni li jirriżultaw minn strumenti internazzjonali, il-kuntratti bejn ir-Reġistru u r-Reġistraturi kif ukoll il-kuntratti bejn ir-Reġistraturi u r-reġistranti tal-ismijiet ta' dominju la għandhom jagħżlu, bħala l-liġi applikabbli, xi liġi li mhix il-liġi ta' wieħed mill-Istati Membri, u lanqas ma għandhom jaħtru, bħala l-korp tar-riżoluzzjoni tat-tilwim, xi qorti, xi tribunal tal-arbitraġġ jew xi korp ieħor li jinsabu barra mill-Unjoni.

Artikolu 6

Riżervazzjoni tal-ismijiet ta' dominju

1.   Ir-Reġistru jista' jirriżerva jew jirreġistra għadd ta' ismijiet ta' dominju li jitqiesu meħtieġa għall-funzjonijiet operazzjonali tiegħu skont il-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 8(4).

2.   Il-Kummissjoni tista' titlob lir-Reġistru biex jirriżerva jew jirreġistra ismijiet ta' dominju direttament taħt it-TLD .eu biex jintużaw minn istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni.

3.   L-Istati Membri jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-ismijiet ta' dominju li diġà ġew riżervati jew irreġistrati, jgħarrfu lill-Kummissjoni b'lista ta' ismijiet ta' dominju li:

(a)

ma għandhomx jiġu rreġistrati, abbażi tal-liġi nazzjonali tagħhom; jew

(b)

jistgħu jiġu rreġistrati jew riżervati biss fit-tieni livell mill-Istati Membri.

Fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, dawn l-ismijiet ta' dominju għandhom ikunu limitati għal termini ġeografiċi jew ġeopolitiċi rikonoxxuti b'mod wiesa' li jaffettwaw l-organizzazzjoni politika jew territorjali tal-Istati Membri.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-listi notifikati mill-Istati Membri permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).

Artikolu 7

Reġistraturi

1.   Ir-Reġistru għandu jakkredita r-Reġistraturi, skont proċeduri tal-akkreditazzjoni trasparenti, raġonevoli u mhux diskriminatorji, li jkunu ġew approvati bil-quddiem mill-Kummissjoni. Ir-Reġistru għandu jagħmel il-proċeduri tal-akkreditazzjoni disponibbli għall-pubbliku b'format aċċessibbli faċilment.

2.   Ir-Reġistru għandu japplika kundizzjonijiet ekwivalenti f'ċirkostanzi ekwivalenti b'rabta mar-Reġistraturi akkreditati ta' .eu li jipprovdu servizzi ekwivalenti. Ir-Reġistru għandu jipprovdi servizzi u informazzjoni lil dawk ir-Reġistraturi bl-istess kundizzjonijiet u bl-istess kwalità bħal dawk provduti għas-servizzi ekwivalenti tiegħu stess.

TAQSIMA 2

Ir-Reġistru

Artikolu 8

Ħatra tar-Reġistru

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 18 bil-għan li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-kriterji u l-proċedura għall-ħatra tar-Reġistru.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-prinċipji li jkunu jridu jkunu inklużi fil-kuntratt bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).

3.   Il-Kummissjoni għandha taħtar entità bħala r-Reġistru wara li titlesta l-proċedura msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel kuntratt mar-Reġistru maħtur. Il-kuntratt għandu jispeċifika r-regoli, il-politiki u l-proċeduri għall-forniment ta' servizzi mir-Reġistru u l-kundizzjonijiet li skonthom il-Kummissjoni għandha tagħmel superviżjoni tal-organizzazzjoni, tal-amministrazzjoni u tal-immaniġġjar tat-TLD .eu mir-Reġistru. Il-kuntratt għandu jkun limitat fiż-żmien u għandu jkun jista' jiġġedded darba mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi organizzata proċedura ta' selezzjoni ġdida. Il-kuntratt għandu jirrifletti l-obbligi tar-Reġistru u għandu jinkludi l-prinċipji u l-proċeduri dwar l-funzjonament tat-TLD .eu stabbiliti skont l-Artikoli 10 u 11.

5.   B'deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3, il-Kummissjoni tista', għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza, taħtar ir-Reġistru permezz ta' atti ta' implimentazzjoni applikabbli minnufih b'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(3).

Artikolu 9

Karatteristiċi tar-Reġistru

1.   Ir-Reġistru għandu jkun organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ. Għandu jkollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu, l-amministrazzjoni ċentrali u l-post prinċipali tan-negozju fi ħdan it-territorju tal-Unjoni.

2.   Ir-Reġistru jista' jimponi tariffi. Dawk it-tariffi għandhom ikunu relatati direttament relatati mal-ispejjeż imġarrba.

Artikolu 10

Obbligi tar-Reġistru

Ir-reġistru għandu jkollu l-obbligu li:

(a)

jippromwovi t-TLD .eu fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi sabiex jiżgura l-kompetittività tiegħu;

(b)

josserva r-regoli, il-politiki u l-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament, il-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 8(4) u, b'mod partikolari, il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

(c)

jorganizza, jamministra u jimmaniġġja t-TLD .eu fl-interess pubbliku ġenerali u jiżgura fl-aspetti kollha tal-amministrazzjoni u l-ġestjoni tat-TLD .eu, kwalità għolja, trasparenza, sigurtà, stabbiltà, prevedibbiltà, affidabbiltà, aċċessibbiltà, effiċjenza, nondiskriminazzjoni, kundizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni u protezzjoni tal-konsumatur;

(d)

jagħmel kuntratt xieraq li jipprovdi għad-delega tal-kodiċi tat-TLD .eu, soġġett għall-kunsens bil-quddiem tal-Kummissjoni;

(e)

iwettaq ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominju fit-TLD .eu, meta mitlub minn xi parti eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 3;

(f)

jiżgura, mingħajr preġudizzju għal xi proċedimenti tal-qorti u soġġett għal garanziji proċedurali adegwati għall-partijiet konċernati, il-possibbiltà għar-Reġistraturi u għar-reġistranti li jsolvu tilwima kuntrattwali mar-Reġistru quddiem ADR;

(g)

jiżgura d-disponibbiltà u l-integrità tad-databases tal-ismijiet ta' dominju;

(h)

bil-kunsens tal-Kummissjoni, jagħmel ftehim, u jġarrab l-ispejjeż tiegħu hu stess, ma' fiduċjarju b'reputazzjoni tajba jew ma' aġent terz ieħor stabbilit fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, li jaħtar lill-Kummissjoni bħala l-benefiċjarja tal-ftehim li jkun qed jinżamm mill-fiduċjarju, u li kull jum jibgħat kopja elettronika aġġornata tal-kontenut kurrenti tad-database tat-TLD .eu lill-fiduċjarju b'reputazzjoni tajba jew lill-aġent terz;

(i)

jimplimenta l-listi msemmija fl-Artikolu 6(3);

(j)

jippromwovi l-għanijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-governanza tal-internet, inter alia billi jieħu sehem f'fora internazzjonali;

(k)

jippubblika l-prinċipji u l-proċeduri dwar l-funzjonament tat-TLD .eu stabbiliti skont l-Artikolu 11 bil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

(l)

iwettaq awditu minn korp indipendenti, u jġarrab l-ispejjeż tiegħu hu stess, mill-inqas kull sentejn biex jiċċertifika l-konformità ma' dan ir-Regolament u jibgħat l-eżitu ta' dan l-awditu lill-Kummissjoni;

(m)

jipparteċipa, meta titolbu l-Kummissjoni, fil-ħidma tal-Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu u jikkoopera mal-Kummissjoni biex jittejbu l-funzjonament u l-immaniġġjar tat-TLD .eu.

Artikolu 11

Prinċipji u proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu

Il-kuntratt konkluż bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru maħtur skont l-Artikolu 8(4) għandu jinkludi l-prinċipji u l-proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu, b'konformità ma' dan ir-Regolament, inkluż dawn li ġejjin:

(a)

politika tal-ADR;

(b)

rekwiżiti u l-proċeduri għat-talbiet tar-reġistrazzjoni, politika dwar il-verifika tal-kriterji tar-reġistrazzjoni, politika dwar il-verifika tad-data tar-reġistranti, u politika dwar ir-reġistrazzjoni spekulattiva tal-ismijiet ta' dominju;

(c)

politika dwar ir-reġistrazzjoni abbużiva tal-ismijiet ta' dominju u politika dwar l-identifikazzjoni f'waqtha tal-ismijiet ta' dominju li jkunu ġew irreġistrati u użati b'mala fede, imsemmija fl-Artikolu 4;

(d)

politika dwar it-tħassir tal-ismijiet ta' dominju;

(e)

it-trattament tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(f)

miżuri bil-għan li l-awtoritajiet kompetenti jkun jista' jkollhom aċċess għad-data fir-Reġistru għal skopijiet ta' prevenzjoni, kxif, investigazzjoni u prosekuzzjoni tal-atti kriminali, kif previst bil-liġi tal-Unjoni jew b'dik nazzjonali li tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni, soġġett għall-kontrokontrolli xierqa;

(g)

proċeduri dettaljati għall-emendar tal-kuntratt.

Artikolu 12

Id-database WHOIS

1.   Ir-Reġistru għandu jistabbilixxi u jimmaniġġja l-faċilità tad-database WHOIS bid-diliġenza dovuta bl-iskop li jiżgura s-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza tat-TLD .eu billi tingħata informazzjoni preċiża u aġġornata dwar ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominju taħt it-TLD .eu.

2.   Id-database WHOIS għandu jkun fiha informazzjoni rilevanti dwar il-punti ta' kuntatt li jamministraw l-ismijiet ta' dominju taħt it-TLD .eu u d-detenturi tal-ismijiet ta' dominju. L-informazzjoni fid-database WHOIS ma għandhiex tkun eċċessiva b'rabta mal-iskop tad-database. Ir-Reġistru għandu jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

TAQSIMA 3

Is-sorveljanza tar-Reġistru

Artikolu 13

Superviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ u superviżjoni tal-organizzazzjoni, tal-amministrazzjoni u tal-immaniġġjar tat-TLD .eu mir-Reġistru.

2.   Il-Kummissjoni għandha taċċerta s-sodezza tal-ġestjoni finanzjarja tar-Reġistru u l-konformità tiegħu ma' dan ir-Regolament u mal-prinċipji u l-proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu msemmija fl-Artikolu 11. Il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni mir-Reġistru għal dak il-għan.

3.   Skont l-attivitajiet superviżorji tagħha, il-Kummissjoni tista' tagħti struzzjonijiet speċifiċi lir-Reġistru biex jikkoreġi jew itejjeb l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġjar tat-TLD .eu.

4.   Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta, skont ma jkun xieraq, lill-Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv .eu u lil partijiet konċernati rilevanti oħra u tista' titlob pariri esperti dwar ir-riżultati tal-attivitajiet superviżorji previsti f'dan l-Artikolu u dwar modi biex jittejbu l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġjar tat-TLD .eu min-naħa tar-Reġistru.

Artikolu 14

Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu. Il-Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu għandu jkollu dawn il-kompiti li ġejjin:

(a)

jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament;

(b)

jagħti opinjonijiet lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet strateġiċi relatati mal-immaniġġjar, l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tat-TLD .eu, inklużi kwistjonijiet relatati maċ-ċibersigurtà u mal-protezzjoni tad-data;

(c)

jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-monitoraġġ u s-superviżjoni tar-Reġistru, b'mod partikolari fir-rigward tal-awditu msemmi fil-punt (l) tal-Artikolu 10;

(d)

jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiki f'dak li jirrigwarda politiki u miżuri kontra reġistrazzjonijiet abbużivi ta' ismijiet ta' dominju, b'mod partikolari reġistrazzjonijiet mingħajr drittijiet jew interessi leġittimi u reġistrazzjonijiet użati b'mala fede.

2.   Il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe parir u rakkomandazzjoni pprovduti mill-Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu fl-implimentazzjoni tal-aspetti kollha ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta' partijiet interessati li huma stabbiliti fl-Unjoni. Dawk ir-rappreżentanti għandhom jittieħdu mis-settur privat, mill-komunità teknika, mis-soċjetà ċivili u mill-komunità akkademika, kif ukoll mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u minn organizzazzjonijiet internazzjonali. Rappreżentanti minbarra dawk magħżula mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jinħatru mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' proċedura miftuħa, nondiskriminatorja u trasparenti, b'attenzjoni sħiħa għall-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

4.   Minkejja l-paragrafu 3, il-Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu jista' jinkludi rappreżentant wieħed tal-partijiet interessati stabbiliti barra l-Unjoni.

5.   Il-Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni jew minn persuna maħtura mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi segretarjali lill-Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Riżervazzjoni tad-drittijiet

L-Unjoni għandha żżomm id-drittijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mat-TLD .eu, inkluż b'mod partikolari, kwalunkwe dritt tal-proprjetà intellettwali jew dritt ieħor għad-databases tar-Reġistru li huma meħtieġa biex tkun żgurata l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, kif ukoll id-dritt li taħtar mill-ġdid ir-Reġistru.

Artikolu 16

Evalwazzjoni u rieżami

1.   Sat-13 ta' Ottubru 2027, u mbagħad kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni, l-effettività u l-funzjonament tat-TLD .eu, b'mod partikolari abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mir-Reġistru skont il-punt (l) tal-Artikolu 10.

2.   Sat-30 ta' Ġunju 2020, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, fil-qies tal-prattika kurrenti, jekk ir-Reġistru għandux jikkoopera mal-EUIPO u ma' aġenziji oħra tal-Unjoni, u kif għandu jagħmel dan, bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi tal-ismijiet ta' dominju, u jekk għandhomx jiġu previsti proċeduri amministrattivi sempliċi, u kif dan għandu jsir, b'mod partikolari fir-rigward tal-SMEs. Il-Kummissjoni tista' tipproponi miżuri ulterjuri f'dan ir-rigward, jekk ikun meħtieġ.

3.   Sat-13 ta' Ottubru 2024, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-possibbiltà li testendi l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9 u, jekk dan ikun f'loku, tista' tippreżenta proposta leġiżlattiva.

4.   Il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sejbiet tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 17

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Komunikazzjoni (COCOM) stabbiliti bid-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 18

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 8(1) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mit-18 ta' April 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa sa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 8(1) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li diġà jkun fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 8(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Id-detenturi ta' isem ta' dominju li għandhom ismijiet ta' dominju rreġistrati skont il-punt (b) tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002 għandhom iżommu d-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-ismijiet ta' dominju eżistenti rreġistrati.

2.   Sa mhux aktar tard mit-12 ta' Ottubru 2021, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex taħtar entità bħala r-Reġistru u tagħmel kuntratt mar-Reġistru skont dan ir-Regolament. Il-kuntratt għandu jkollu effett mit-13 ta' Ottubru 2022.

3.   Il-kuntratt konkluż bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru skont il-punt (c) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002 għandu jibqa' jkollu effett sat-12 ta' Ottubru 2022.

Artikolu 20

Emendar tar-Regolament (KE) Nru 733/2002

Fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

jirreġistra l-ismijiet ta' qasam fit-TLD .eu permezz ta' Reġistratur ta' .eu akkreditat li jintalbu minn:

(i)

ċittadin tal-Unjoni, indipendentement mill-post tar-residenza tiegħu jew tagħha;

(ii)

persuna fiżika li ma tkunx ċittadin tal-Unjoni u li tkun residenti fi Stat Membru;

(iii)

impriża stabbilita fl-Unjoni; jew

(iv)

organizzazzjoni stabbilita fl-Unjoni mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali.”.

Artikolu 21

Tħassir

Ir-Regolamenti (KE) Nru 733/2002 u (KE) Nru 874/2004 huma mħassra b'effett mit-13 ta' Ottubru 2022.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-13 ta' Ottubru 2022.

Madankollu l-Artikolu 20 għandu japplika mid-19 ta' Ottubru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 112.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Jannar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2019.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' April 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-Qasam tal-Ogħla Livell .eu (ĠU L 113, 30.4.2002, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 tat-28 ta' April 2004 li jippreskrivi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-funzjonijiet tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni (ĠU L 162, 30.4.2004, p. 40).

(5)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(10)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).


29.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/36


REGOLAMENT (UE) 2019/518 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 fir-rigward ta' ċerti imposti fuq ħlas transkonfinali fl-Unjoni u l-imposti fuq il-kambju tal-munita

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Minn mindu ġew adottati r-Regolamenti (KE) Nru 2560/2001 (4) u (KE) Nru 924/2009 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-imposti fuq il-pagamenti transkonfinali fl-euro bejn l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro naqsu drastikament għal livelli li huma insinifikanti fil-biċċa l-kbira tal-każijiet

(2)

Madankollu l-pagamenti transkonfinali fl-euro minn Stati Membri mhux taż-Żona tal-Euro jifformaw madwar 80 % tal-pagamenti transkonfinali kollha minn Stati Membri mhux fiż-Żona tal-Euro. L-imposti għal tali pagamenti transkonfinali għadhom għoljin b'mod eċċessiv fil-maġġoranza tal-Istati Membri mhux fiż-Żona tal-Euro, minkejja li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament li jinsabu fi Stati Membri mhux fiż-Żona tal-Euro għandhom aċċess għall-istess infrastruttura li tiffunzjona tajjeb biex jipproċessaw dawk it-tranżazzjonijiet bi spejjeż baxxi ħafna bħall-fornituri tas-servizzi ta' pagament li jinsabu fiż-Żona tal-Euro.

(3)

L-imposti għoljin għal pagamenti transkonfinali għadhom ostaklu għall-integrazzjoni sħiħa tan-negozji u ċ-ċittadini fi Stati Membri mhux fiż-Żona tal-Euro fis-suq intern, u dan jaffettwa l-kompetittività tagħhom. Dawk l-imposti għoljin jipperpetwaw l-eżistenza ta' żewġ kategoriji ta' utenti tas-servizzi ta' pagament fl-Unjoni: l-utenti ta' servizzi ta' pagament, li jibbenefikaw minn żona unika ta' pagamenti bl-euro (SEPA), u l-utenti ta' servizzi ta' pagament li jħallsu bl-għoli għall-pagamenti transkonfinali tagħhom fl-euro.

(4)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-suq intern u biex jintemmu l-inugwaljanzi bejn utenti tas-servizzi ta' pagament fiż-Żona tal-Euro u Stati Membri mhux fiż-Żona tal-Euro fir-rigward ta' pagamenti transkonfinali fl-euro, jeħtieġ li jkun żgurat li l-imposti għall-pagamenti transkonfinali fl-euro fl-Unjoni jkunu allinjati mal-imposti għall-pagamenti nazzjonali korrispondenti li jsiru fil-munita nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-utent tas-servizz ta' pagament. Fornitur ta' servizz ta' pagament jitqies li jinsab fl-Istat Membru fejn jipprovdi s-servizzi tiegħu lill-utent tas-servizz ta' pagament.

(5)

L-imposti għall-kambju tal-munita jirrappreżentaw spiża sinifikanti ta' pagamenti transkonfinali meta muniti differenti jkunu użati fl-Istat Membru tal-pagatur u fl-Istat Membru tal-benefiċjarju. L-Artikolu 45 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jeżiġi li l-imposti u r-rati tal-kambju imposti jkunu trasparenti, l-Artikolu 52(3) ta' dik id-Direttiva jispeċifika rekwiżiti ta' informazzjoni fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ta' pagamenti koperti minn kuntratt qafas u l-Artikolu 59(2) ta' dik id-Direttiva jkopri r-rekwiżiti ta' informazzjoni għal partijiet li joffru servizzi ta' kambju tal-munita f'automated teller machine (ATM) jew fil-punt ta' bejgħ. Dawk ir-rekwiżiti ta' informazzjoni s'issa għadhom ma kisbux trasparenza u komparabbiltà suffiċjenti tal-imposti fuq il-kambju tal-munita f'sitwazzjonijiet fejn jiġu offruti għażliet alternattivi ta' kambju tal-munita f'ATM jew fil-punt ta' bejgħ. Dan in-nuqqas ta' trasparenza u ta' komparabbiltà jipprevjeni l-kompetizzjoni li tnaqqas l-imposti tal-kambju tal-munita u jżid ir-riskju li pagatur jagħżel il-kambju tal-munita l-għali. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġu introdotti miżuri addizzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi kontra tariffi eċċessivi għal servizzi ta' kambju tal-munita u li jiżguraw li l-konsumaturi jingħataw l-informazzjoni li jeħtieġu biex jagħmlu l-aħjar għażla ta' kambju tal-munita.

(6)

Biex jiġi żgurat li l-atturi tas-suq ma jiġux ikkonfrontati bil-ħtieġa li jagħmlu livell sproporzjonat ta' investiment biex jadattaw il-proċessi, it-tagħmir u l-infrastruttura ta' pagament tagħhom biex jipprovdu trasparenza ikbar, il-miżuri li għandhom jiġu implimentati jenħtieġ li jkunu xierqa, adegwati u kosteffettivi. Fl-istess ħin, f'sitwazzjonijiet fejn il-pagatur ikun ikkonfrontat b'għażliet ta' kambju tal-munita differenti f'ATM jew fil-punt ta' bejgħ, l-informazzjoni pprovduta jenħtieġ li tippermetti li jsir paragun, biex il-pagatur ikun jista' jagħmel għażla infurmata.

(7)

Biex tinkiseb il-komparabbiltà, l-imposti fuq il-kambju tal-munita għall-pagamenti kollha permezz ta' kard jenħtieġ li jiġu espressi bl-istess mod, jiġifieri bħala marġni perċentwali fuq l-aktar rati ta' referenza riċenti tal-kambju tal-euro disponibbli maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Jista' jkun li marġni jkollha tiġi bbażata fuq rata derivata minn żewġ rati tal-BĊE fil-każ ta' kambju bejn żewġ muniti mhux tal-euro.

(8)

Skont ir-rekwiżiti ta' informazzjoni ġenerali dwar l-imposti tal-kambju stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/2366, il-fornituri tas-servizzi tal-kambju tal-munita jridu jiżvelaw informazzjoni dwar l-imposti tal-kambju tal-munita tagħhom qabel l-inizjazzjoni tat-tranżazzjoni ta' pagament. Jenħtieġ li l-partijiet li joffru servizzi ta' kambju tal-munita f'ATM jew fil-punt ta' bejgħ jipprovdu informazzjoni ċara u aċċessibbli dwar l-imposti tagħhom għal tali servizzi, pereżempju billi juru l-imposti tagħhom fuq il-bank jew b'mod diġitali fuq it-terminal, jew fuq l-iskrin fil-każ ta' xiri online. Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 59(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, dawk il-partijiet jenħtieġ li jipprovdu, qabel l-inizjazzjoni tal-pagament, informazzjoni espliċita dwar l-ammont li għandu jitħallas lill-benefiċjarju fil-munita użata mill-benefiċjarju u l-ammont totali li għandu jitħallas mill-pagatur fil-munita tal-kont tal-pagatur. L-ammont li għandu jitħallas fil-munita użata mill-benefiċjarju jenħtieġ li jesprimi l-prezz tal-prodotti u s-servizzi li se jinxtraw u jista' jintwera fiċ-check-out minflok fuq it-terminal tal-pagament. Il-munita użata mill-benefiċjarju inġenerali tkun il-munita lokali, iżda skont il-prinċipju tal-libertà kuntrattwali, f'ċerti każijiet tista' tkun munita oħra tal-Unjoni. L-ammont totali li għandu jitħallas mill-pagatur fil-munita tal-kont tal-pagatur jenħtieġ li jikkonsisti fil-prezz tal-prodotti jew tas-servizzi u l-imposti attwali fuq il-kambju tal-munita. Barra minn hekk, iż-żewġ ammonti jenħtieġ li jkunu dokumentati fuq l-irċevuta jew fuq mezz durabbli ieħor.

(9)

Fir-rigward tal-Artikolu 59(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, meta servizz ta' kambju tal-munita jkun offrut f'ATM jew fil-punt ta' bejgħ, jenħtieġ li jkun possibbli li l-pagatur jirrifjuta dak is-servizz u minflok iħallas fil-munita użata mill-benefiċjarju.

(10)

Sabiex il-pagaturi jkunu jistgħu jqabblu l-imposti tal-għażliet ta' kambju tal-munita f'ATM jew fil-punt ta' bejgħ, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur jinkludu informazzjoni kompletament komparabbli dwar l-imposti applikabbli għall-kambju tal-munita fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt qafas tagħhom, u jenħtieġ ukoll li jagħmlu dik l-informazzjoni pubblika fuq pjattaforma elettronika disponibbli b'mod wiesa' u faċilment aċċessibbli, b'mod partikolari fuq il-websites tal-klijenti tagħhom, fuq il-websites tagħhom dwar is-servizzi bankarji domestiċi u fuq l-applikazzjonijiet bankarji mobbli tagħhom, b'mod li jkun aċċessibbli u jinftiehem faċilment. Dan għandu jagħti lok għall-iżvilupp ta' websites tat-tqabbil biex il-konsumaturi jsibuha aktar faċli li jqabblu l-prezzijiet meta jivvjaġġaw jew jagħmlu xiri barra minn pajjiżhom. Barra minn hekk, il-fornituri tas-servizzi ta' pagament ta' pagatur jenħtieġ li jfakkru lill-pagaturi dwar l-imposti tal-kambju tal-munita applikabbli meta jsir pagament permezz ta' kard f'munita oħra, billi jużaw kanali ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli b'mod wiesa' u faċilment aċċessibbli, bħal messaġġi SMS, posta elettronika jew notifiki awtomatiċi (push notifications) permezz tal-applikazzjoni bankarja mobbli tal-pagatur. Il-fornituri tas-servizzi ta' pagament jenħtieġ li jaqblu mal-utenti tas-servizzi ta' pagament dwar il-kanal ta' komunikazzjoni elettronika li permezz tiegħu huma jipprovdu l-informazzjoni dwar l-imposti fuq il-kambju tal-munita, filwaqt li jqisu l-aktar mezz effettiv biex jintlaħaq il-pagatur. Il-fornituri tas-servizzi ta' pagament jenħtieġ li jaċċettaw ukoll it-talbiet tal-utenti tas-servizzi ta' pagament li jagħżlu li ma jirċevux messaġġi elettroniċi li jkun fihom informazzjoni dwar l-imposti fuq il-kambju tal-munita.

(11)

In-noti perjodiċi ta' tfakkir huma xierqa f'sitwazzjonijiet meta l-pagatur joqgħod barra mill-pajjiż għal perjodi itwal ta' żmien, pereżempju meta l-pagatur jiġi stazzjonat jew ikun qed jistudja barra mill-pajjiż, jew meta l-pagatur juża regolarment kard għal xiri online fil-munita lokali. L-obbligu li jiġu pprovduti tali noti ta' tfakkir ma għandux jirrikjedi investimenti sproporzjonati għall-adattament tal-proċessi operazzjonali u l-infrastrutturi tal-ipproċessar tal-pagamenti eżistenti tal-fornituri tas-servizzi ta' pagament, u għandu jiżgura li l-pagatur ikun infurmat aħjar meta jiġi biex jikkunsidra l-għażliet differenti ta' kambju tal-munita.

(12)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-BĊE u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni tar-regola rigward l-ugwalizzazzjoni tal-ispiża tal-pagamenti transkonfinali fl-euro mal-ispiża tat-tranżazzjonijiet nazzjonali f'muniti nazzjonali u dwar l-effettività tar-rekwiżiti ta' informazzjoni b'rabta mal-kambju tal-munita stabbiliti f'dan ir-Regolament. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tanalizza possibilitajiet ulterjuri – u l-fattibbiltà teknika ta' dawk il-possibbiltajiet – li r-regola tal-imposti ugwali tiġi estiża għall-muniti kollha tal-Unjoni u li tkompli ttejjeb it-trasparenza u l-komparabbiltà tal-imposti tal-kambju tal-munita, kif ukoll il-possibbiltà ta' diżattivazzjoni u attivazzjoni tal-għażla li jiġi aċċettat kambju tal-munita permezz ta' partijiet li mhumiex il-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-pagatur.

(13)

Minħabba l-objettivi ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba n-natura transkonfinali tal-pagamenti, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dan l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 924/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar il-pagamenti transkonfinali u dwar it-trasparenza tal-imposti fuq il-kambju tal-munita fl-Unjoni.”,

(b)

fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Minkejja l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-Artikoli 3a u 3b għandhom japplikaw għall-pagamenti nazzjonali u transkonfinali li jkunu denominati fl-euro jew f'munita nazzjonali ta' Stat Membru għajr l-euro u li jkunu jinvolvu servizz ta' kambju tal-munita.”;

(2)

fl-Artikolu 2, il-punt (9) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(9)

“imposta” tfisser kwalunkwe ammont impost fuq utent ta' servizz ta' pagament minn fornitur ta' servizz ta' pagament li jkun marbut direttament jew indirettament ma' tranżazzjoni ta' pagament, kwalunkwe ammont impost fuq utent ta' servizzi ta' pagament minn fornitur ta' servizzi ta' pagament jew parti li tipprovdi servizzi ta' kambju tal-munita f'konformità mal-Artikolu 59(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) għal servizz ta' kambju tal-munita, jew kombinament tagħhom;

(*1)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).”;"

(3)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-imposti li fornitur ta' servizz ta' pagament jitlob minn utent ta' servizz ta' pagament fir-rigward ta' pagamenti transkonfinali fl-euro għandhom ikunu l-istess daqs l-imposti mitluba minn dak il-fornitur tas-servizz ta' pagament għal pagamenti nazzjonali korrispondenti tal-istess valur fil-munita nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-utent tas-servizz ta' pagament.”,

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-imposti li fornitur ta' servizz ta' pagament jitlob minn utent tas-servizz ta' pagament fir-rigward ta' pagamenti transkonfinali fil-munita nazzjonali ta' Stat Membru li jkun innotifika d-deċiżjoni tiegħu li jestendi l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-munita nazzjonali tiegħu skont l-Artikolu 14 għandhom ikunu l-istess daqs l-imposti li dak il-fornitur ta' servizz ta' pagament jitlob mill-utenti tas-servizz ta' pagament għal pagamenti nazzjonali korrispondenti tal-istess valur u fl-istess munita.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa mħassar,

(d)

il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“4.   Il-paragrafi 1 u 1a ma għandhomx japplikaw għall-imposti fuq il-kambju tal-munita.”;

(4)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 3a

L-imposti fuq il-kambju tal-munita b'rabta mat-tranżazzjonijiet permezz ta' kard

1.   Fir-rigward tar-rekwiżiti ta' informazzjoni dwar l-imposti fuq il-kambju tal-munita u r-rata tal-kambju applikabbli, kif stabbilit fl-Artikoli 45(1), 52(3) u 59(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, il-fornituri tas-servizzi ta' pagament, u l-partijiet li jipprovdu servizzi ta' kambju tal-munita f'automated teller machine (ATM) jew fil-punt ta' bejgħ, kif imsemmi fl-Artikolu 59(2) ta' dik id-Direttiva, għandhom jesprimu l-imposti totali fuq il-kambju tal-munita bħala marġni perċentwali fuq l-aktar rata ta' referenza riċenti tal-kambju tal-euro disponibbli maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Dik il-marġni għandha tiġi żvelata lill-pagatur qabel l-inizjazzjoni tat-tranżazzjoni ta' pagament.

2.   Il-fornituri tas-servizzi ta' pagament għandhom ukoll jagħmlu l-marġni msemmija fil-paragrafu 1 pubblika b'mod komprensibbli u faċilment aċċessibbli fuq pjattaforma elettroniku disponibbli b'mod wiesa' u faċilment aċċessibbli.

3.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, parti li tipprovdi servizz ta' kambju tal-munita fil-punt ta' bejgħ jew f'ATM għandha tipprovdi lill-pagatur l-informazzjoni li ġejja qabel l-inizjazzjoni tat-tranżazzjoni ta' pagament:

(a)

l-ammont li għandu jitħallas lill-benefiċjarju fil-munita użata mill-benefiċjarju;

(b)

l-ammont li għandu jitħallas mill-pagatur fil-munita tal-kont tal-pagatur.

4.   Parti li tipprovdi servizzi ta' kambju tal-munita f'ATM jew fil-punt ta' bejgħ għandha turi b'mod ċar l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 f'ATM jew fil-punt ta' bejgħ. Qabel l-inizjazzjoni tat-tranżazzjoni ta' pagament, dik il-parti għandha tinforma wkoll lill-pagatur dwar il-possibbiltà li jħallas fil-munita użata mill-benefiċjarju u li l-kambju tal-munita jsir sussegwentement mill-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-pagatur. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandha wkoll tkun disponibbli għall-pagatur fuq mezz durabbli wara l-inizjazzjoni tat-tranżazzjoni ta' pagament.

5.   Il-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-pagatur għandu għal kull kard ta' pagament maħruġa lill-pagatur mill-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-pagatur u li hija marbuta mal-istess kont, jibgħat lill-pagatur messaġġ elettroniku bl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, mingħajr dewmien indebitu wara li l-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-pagatur jirċievi ordni ta' pagament għal irtirar ta' flus kontanti f'ATM jew pagament fil-punt ta' bejgħ li jkun denominat fi kwalunkwe munita tal-Unjoni li tkun differenti mill-munita tal-kont tal-pagatur.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, tali messaġġ għandu jintbagħat darba f'kull xahar li fih il-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-pagatur jirċievi mingħand il-pagatur ordni ta' ħlas denominata fl-istess munita.

6.   Il-fornitur tas-servizz ta' pagament għandu jaqbel mal-utent tas-servizz ta' pagament dwar il-kanal jew kanali ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli b'mod wiesa' u faċilment aċċessibbli li permezz tagħhom il-fornitur tas-servizz ta' pagament se jibgħat il-messaġġ imsemmi fil-paragrafu 5.

Il-fornitur tas-servizz ta' pagament għandu joffri lill-utenti tas-servizz ta' pagament il-possibbiltà li jagħżlu li ma jirċevux il-messaġġi elettroniċi msemmija fil-paragrafu 5.

Il-fornitur tas-servizz ta' pagament u l-utent tas-servizz ta' pagament jistgħu jaqblu li l-paragrafu 5 u dan il-paragrafu ma japplikawx kompletament jew parzjalment meta l-utent tas-servizz ta' pagament ma jkunx konsumatur.

7.   L-informazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu għandha tkun ipprovduta mingħajr ħlas u b'mod newtrali u komprensibbli.”;

(5)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 3b

Imposti fuq il-kambju tal-munita relatati mat-trasferimenti tal-kreditu

1.   Meta servizz tal-kambju tal-munita jkun offrut mill-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-pagatur b'rabta ma' trasferiment tal-kreditu, kif definit fil-punt (24) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366, li jkun inizjat online direttament, bl-użu tal-website jew l-applikazzjoni bankarja mobbli tal-fornitur tas-servizz ta' pagament, il-fornitur tas-servizz ta' pagament, fir-rigward tal-Artikoli 45(1) u 52(3) ta' dik id-Direttiva, għandu jinforma lill-pagatur qabel l-inizjazzjoni tat-tranżazzjoni ta' pagament, b'mod ċar, newtrali u komprensibbli, dwar l-imposti stmati għas-servizzi ta' kambju tal-munita applikabbli għat-trasferiment tal-kreditu.

2.   Qabel l-inizjazzjoni ta' tranżazzjoni ta' pagament, il-fornitur tas-servizz ta' pagament għandu jikkomunika lill-pagatur, b'mod ċar, newtrali u komprensibbli, l-ammont totali stmat tat-trasferiment tal-kreditu fil-munita tal-kont tal-pagatur, bl-inklużjoni ta' kwalunkwe tariffa ta' tranżazzjoni u kwalunkwe imposta fuq il-kambju tal-munita. Il-fornitur tas-servizz ta' pagament għandu jikkomunika wkoll l-ammont stmat li għandu jiġi ttrasferit lill-benefiċjarju fil-munita tal-kont tal-benefiċjarju”;

(6)

l-Artikolu 15 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 15

Rieżami

1.   Sad-19 ta' April 2022, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-BĊE u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-implimentazzjoni u l-impatt ta' dan ir-Regolament, li għandu jinkludi, b'mod partikolari:

(a)

evalwazzjoni tal-mod kif il-fornituri tas-servizzi ta' pagament japplikaw l-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/518 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2);

(b)

evalwazzjoni tal-iżvilupp tal-volumi u l-imposti għall-pagamenti nazzjonali u transkonfinali fil-muniti nazzjonali tal-Istati Membri u fl-euro mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/518;

(c)

evalwazzjoni tal-impatt tal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/518, dwar l-iżvilupp tal-imposti fuq il-kambju tal-munita u imposti oħra relatati ma' servizzi ta' pagament, kemm għall-pagaturi kif ukoll għall-benefiċjarji;

(d)

evalwazzjoni tal-impatt stmat tal-emendar tal-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament biex jiġu koperti l-muniti kollha tal-Istati Membri;

(e)

evalwazzjoni ta' kif il-fornituri tas-servizzi ta' kambju tal-munita japplikaw ir-rekwiżiti ta' informazzjoni stipulati fl-Artikoli 3a u 3b ta' dan ir-Regolament u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikoli 45(1), 52(3) u 59(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, u jekk dawk ir-regoli tejbux it-trasparenza tal-imposti fuq il-kambju;

(f)

evalwazzjoni ta' jekk il-fornituri tas-servizzi ta' kambju tal-munita ħabbtux wiċċhom ma' diffikultajiet, u sa liema punt, b'rabta mal-applikazzjoni fil-prattika tal-Artikoli 3a u 3b ta' dan ir-Regolament u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikoli 45(1), 52(3) u 59(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(g)

analiżi kost-benefiċċji tal-kanali u t-teknoloġiji ta' komunikazzjoni li jintużaw mill-fornituri tas-servizzi ta' kambju tal-munita jew li huma disponibbli għalihom u li jistgħu jkomplu jtejbu t-trasparenza tal-imposti fuq il-kambju tal-munita, inkluża evalwazzjoni ta' jekk hemmx ċerti kanali li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament għandhom ikunu meħtieġa joffru biex tintbagħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3a; dik l-analiżi għandha tinkludi wkoll valutazzjoni tal-fattibbiltà teknika tal-iżvelar tal-informazzjoni fl-Artikolu 3a(1) u (3) ta' dan ir-Regolament simultanjament, qabel l-inizjazzjoni ta' kull tranżazzjoni, għall-possibbiltajiet kollha ta' kambju tal-munita disponibbli fil-punt ta' bejgħ jew f'ATM;

(h)

analiżi kost-benefiċċji tal-introduzzjoni tal-possibbiltà għall-pagaturi li jimblukkaw l-għażla tal-kambju tal-munita offruta minn parti għajr il-fornitur tas-servizz tal-pagament tal-pagatur f'ATM jew fil-punt ta' bejgħ u li jbiddlu l-preferenzi tagħhom f'dan ir-rigward;

(i)

analiżi kost-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' rekwiżit għall-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-pagatur, li japplika, meta jipprovdi servizzi ta' kambju tal-munita b'rabta ma' tranżazzjoni ta' pagament individwali, ir-rata tal-kambju tal-munita li tkun applikabbli fil-mument tal-inizjazzjoni tat-tranżazzjoni fl-ikklerjar u s-saldu tat-tranżazzjoni.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jkopri mill-inqas il-perjodu mill-15 ta' Diċembru 2019 sad-19 ta' Ottubru 2021. Huwa għandu jqis l-ispeċifiċitajiet tat-tranżazzjonijiet ta' pagament varji, filwaqt li jagħmel distinzjoni b'mod partikolari bejn it-tranżazzjonijiet inizjati fil-punt ta' bejgħ u f'ATM.

Meta tkun qed tħejji r-rapport tagħha, il-Kummissjoni tista' tuża d-data miġbura mill-Istati Membri fir-rigward tal-paragrafu 1.

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2019/518 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 li jemenda Regolament (KE) Nru 924/2009 fir-rigward ta' ċerti imposti fuq ħlas transkonfinali fl-Unjoni u l-imposti fuq il-kambju tal-munita (ĠU L 91, 29.3.2019, p. 36).”."

Artikolu 2

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika mill-15 ta' Diċembru 2019, ħlief għal dan li ġej:

(a)

il-punt (6) tal-Artikolu 1 għandu japplika mid-18 ta' April 2019;

(b)

il-punti (4) u (5) tal-Artikolu 1, fir-rigward tal-Artikolu 3a(1) sa (4) u l-Artikolu 3b tar-Regolament (KE) Nru 924/2009 għandhom japplikaw mid-19 ta' April 2020;

(c)

il-punt (4) tal-Artikolu 1, fir-rigward tal-Artikolu 3a(5) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 924/2009, għandu japplika mid-19 ta' April 2021;

(d)

il-punt (4) tal-Artikolu 1, fir-rigward tal-Artikolu 3a(7) tar-Regolament (KE) Nru 924/2009 sa fejn għandu x'jaqsam mal-Artikolu 3a(1) sa (4) ta' dak ir-Regolament, għandu japplika mid-19 ta' April 2020;

(e)

il-punt (4) tal-Artikolu 1(4), fir-rigward tal-Artikolu 3a(7) tar-Regolament (KE) Nru 924/2009 sa fejn għandu x'jaqsam mal-Artikolu 3a(5) u (6) ta' dak ir-Regolament, għandu japplika mid-19 ta' April 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 382, 23.10.2018, p. 7.

(2)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 28.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Marzu 2019.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2001 dwar pagamenti transkonfini f'euro (ĠU L 344, 28.12.2001, p. 13).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 (ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).


29.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/42


REGOLAMENT (UE) 2019/519 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 167/2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-deskrizzjonijiet tal-vetturi tal-kategorija T1 u T2 previsti fir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jeħtieġu kjarifika rigward il-pożizzjoni tal-eqreb fus lejn is-sewwieq għal tratturi b'pożizzjoni ta' sewqan reversibbli u rigward il-metodu ta' kalkolu tal-għoli taċ-ċentru tal-gravità. Sabiex l-għoli taċ-ċentru tal-gravità għal vetturi tal-kategorija T2 jiġi stabbilit bi preċiżjoni u b'mod uniformi, jenħtieġ li ssir referenza għal standards applikabbli internazzjonalment li jiddeterminaw iċ-ċentru tal-gravità ta' trattur.

(2)

Definizzjoni preċiża tal-karatteristiċi differenti tat-tratturi agrikoli bbażata fuq l-analiżi tal-karatteristiċi tekniċi tagħhom hija tal-akbar importanza għall-implimentazzjoni korretta u sħiħa ta' dan ir-Regolament u tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati taħtu. Fil-qies tal-fatt li d-diskussjonijiet dwar id-definizzjonijiet tal-kategoriji jsiru fil-fora internazzjonali rilevanti, li tagħhom l-Unjoni hija parti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis dan ix-xogħol biex tipprevjeni kwalunkwe effett sproporzjonat u negattiv fuq l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi u tal-proċeduri tal-ittestjar, kif ukoll kwalunkwe impatt negattiv fuq il-manifatturi, b'mod partikolari fuq dawk ta' tratturi speċjalizzati ħafna.

(3)

Fir-Regolament (UE) Nru 167/2013, jenħtieġ li jkun ċar li t-terminu “makkinarju interkambjabbli” jfisser “tagħmir interkambjabbli”, biex b'hekk jiġi żgurat l-użu konsistenti tat-terminoloġija f'dak ir-Regolament kollu.

(4)

Fir-Regolament (UE) Nru 167/2013, l-importaturi għandhom l-obbligu li jżommu kopja taċ-ċertifikat ta' konformità fir-rigward tal-prodotti li ma jkunux konformi ma' dak ir-Regolament jew li jippreżentaw riskju serju. Jenħtieġ li jiġi ċċarat li r-riferiment huwa għal ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE. Dak ir-Regolament, għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jirreferi għad-dokument korrett.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 jirrikjedi li ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE jkun fih, bħala dokument mehmuż, ir-riżultati tat-testijiet. Jenħtieġ li jiġi ċċarat li r-riferiment huwa għall-folja tar-riżultati tat-testijiet. Dak ir-Regolament, għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jirreferi għad-dokument mehmuż korrett.

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 ta lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati għal perjodu ta' ħames snin, li skada fil-21 ta' Marzu 2018. Peress li hemm ħtieġa kontinwa li jiġu aġġornati d-diversi elementi tal-proċess tal-approvazzjoni tat-tip kif stabbilit minn dak ir-Regolament u l-atti adottati skontu, b'mod partikolari sabiex jiġu adattati għall-progress tekniku jew biex jiġu introdotti korrezzjonijiet, il-perjodu għall-eżerċizzju tad-delega ta' setgħa jenħtieġ li jiġi estiż, bil-possibilità ta' estensjonijiet taċiti ulterjuri.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 jirreferi għat-tħassir tad-Direttiva tal-Kunsill 74/347/KEE (4) meta minflok jenħtieġ li jirreferi għat-tħassir tad-Direttiva 2008/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li kkodifikat id-Direttiva ta' qabel. Jenħtieġ li, għaldaqstant, ir-referenza rilevanti fir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tiġi emendata.

(8)

Peress li dan ir-Regolament jemenda r-Regolament (UE) Nru 167/2013 mingħajr ma jespandi l-kontenut regolatorju tiegħu, u minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(9)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 167/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 167/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal tagħmir interkambjabbli li jintrefa' kompletament mill-art jew li ma jistax jartikola madwar assi vertikali meta l-vettura li jkun marbut magħha tkun qed tintuża fit-triq.”;

(2)

fl-Artikolu 4, il-punti (2) u (3) jinbidlu b'dan li ġej:

“(2)

“kategorija T1” tinkludi tratturi bir-roti, bl-eqreb fus lejn is-sewwieq li jkollu wisa' minima tat-track ta' mhux anqas minn 1 150 mm, b'massa mingħajr tagħbija, waqt il-mixi, ta' aktar minn 600 kg, u b'għoli mill-art ta' mhux aktar minn 1 000 mm; għal tratturi b'pożizzjoni reversibbli tas-sewwieq (is-sit reversibbli u r-rota tal-istering reversibbli), l-eqreb fus lejn is-sewwieq huwa dak li jkun mgħammar b'tajers bl-akbar dijametru;

(3)

“kategorija T2” tinkludi tratturi bir-roti b'wisa' minimu ta' track ta' anqas minn 1 150 mm, b'massa mingħajr tagħbija, waqt il-mixi, ta' aktar minn 600 kg u b'għoli mill-art ta' mhux aktar minn 600 mm; jekk l-għoli taċ-ċentru tal-gravità tat-trattur (iddeterminat skont l-istandard ISO 789-6:1982 u mkejjel f'relazzjoni mal-art) diviż bit-track medja minima għal kull fus jeċċedi 0,90, il-veloċità ddisinjata massima għandha tkun ristretta għall-30 km fis-siegħa;”;

(3)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.   L-importaturi għandhom, għal perjodu ta' 10 snin wara t-tqegħid fis-suq tal-vettura u tal-anqas għal perjodu ta' ħames snin wara t-tqegħid fis-suq ta' sistema, komponent jew unità teknika separata, iżommu kopja taċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni u tas-sorveljanza tas-suq, u għandhom jiżguraw li l-pakkett ta' informazzjoni li hemm referenza għalih fl-Artikolu 24(10) ikun disponibbli lil dawn l-awtoritajiet, meta jiġu mitluba.”;

(4)

fl-Artikolu 25(1), il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

il-folja tar-riżultati tat-testijiet;”;

(5)

fl-Artikolu 39(1), it-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“L-ewwel subparagrafu għandu japplika biss għal vetturi fit-territorju tal-Unjoni li kienu koperti b'approvazzjoni tat-tip tal-UE valida fil-mument tal-produzzjoni tagħhom, iżda li la kienu ġew irreġistrati u lanqas iddaħħlu fis-servizz qabel ma dik l-approvazzjoni tat-tip tal-UE tilfet il-validità tagħha.”;

(6)

fl-Artikolu 71, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 17(5), l-Artikolu 18(4), l-Artikolu 19(6), l-Artikolu 20(8), l-Artikolu 27(6), l-Artikolu 28(6), l-Artikolu 45(4), l-Artikolu 49(3), l-Artikolu 53(12), l-Artikolu 61 u l-Artikolu 70 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mit-22 ta' Marzu 2013. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard mit-22 ta' Ġunju 2022 u disa' xhur qabel tmiem kull perjodu ta' ħames snin sussegwenti.”;

(7)

fl-Artikolu 76, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 73(2) ta' dan ir-Regolament, id-Direttivi 76/432/KEE, 76/763/KEE, 77/537/KEE, 78/764/KEE, 80/720/KEE, 86/297/KEE, 86/298/KEE, 86/415/KEE, 87/402/KEE, 2000/25/KE, 2003/37/KE, 2008/2/KE, 2009/57/KE, 2009/58/KE, 2009/59/KE, 2009/60/KE, 2009/61/KE, 2009/63/KE, 2009/64/KE, 2009/66/KE, 2009/68/KE, 2009/75/KE, 2009/76/KE u 2009/144/KE huma mħassra b'effett mill-1 ta' Jannar 2016.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 104.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Marzu 2019.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 74/347/KEE tal-25 ta' Ġunju 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-firxa tal-viżjoni u l-wipers tal-windscreen għal tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija (ĠU L 191, 15.7.1974, p. 5).

(5)  Id-Direttiva 2008/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar il-firxa tal-viżjoni u l-wipers tal-windscreen għal tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija (ĠU L 24, 29.1.2008, p. 30).


DIRETTIVI

29.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/45


DIRETTIVA (UE) 2019/520 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier ta' informazzjoni dwar in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffi tat-triq fl-Unjoni

(riformulazzjoni)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ġiet emendata b'mod sostanzjali. Billi jenħtieġ li jsiru iżjed emendi, dik id-Direttiva għandha tiġi mfassla mill-ġdid fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

Hu mixtieq li tintlaħaq sitwazzjoni fejn ikun mifrux ma' kullimkien l-użu ta' sistemi elettroniċi ta' pedaġġ fl-Istati Membri u fil-pajjiżi ġirien, u li jkun hemm, safejn ikun possibbli, sistemi affidabbli, faċli għall-utent u kosteffikaċi adattati għall-iżvilupp fil-ġejjieni ta' politika dwar il-pedaġġi f'livell tal-Unjoni u għal żviluppi fit-teknoloġija tal-ġejjieni. Għalhekk, huwa neċessarju li s-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ jsiru interoperabbli biex jitnaqqas il-kost u l-piż marbut mal-ħlas tal-pedaġġi fl-Unjoni kollha.

(3)

Is-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ interoperabbli jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni dwar il-pedaġġi.

(4)

In-nuqqas ta' interoperabilità huwa problema sinifikanti fis-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ fejn it-tariffa tat-triq dovuta hija marbuta mad-distanza koperta mill-vettura (pedaġġi bbażati fuq id-distanza) jew ma' vettura li tgħaddi minn punt speċifiku (pereżempju l-ipprezzar tal-kurdun). Għalhekk jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet rigward l-interoperabilità ta' sistemi elettroniċi ta' pedaġġ japplikaw biss għal dawk is-sistemi u jenħtieġ li ma japplikawx għal sistemi fejn it-tariffa tat-triq dovuta hija marbuta mal-ħin li l-vettura tqatta' fuq l-infrastruttura tal-pedaġġ (pereżempju, sistemi bbażati fuq il-ħin bħal vignettes).

(5)

L-infurzar transfruntier tal-obbligu li jitħallsu tariffi tat-triq fl-Unjoni huwa problema sinifikanti f'kull tip ta' sistema, sew jekk ibbażati fuq id-distanza, ibbażati fuq il-kurdun jew ibbażati fuq il-ħin, elettroniċi jew manwali. Biex tiġi indirizzata l-problema tal-infurzar transfruntier wara nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq, id-dispożizzjonijiet dwar l-iskambju transfruntier ta' informazzjoni għandhom għalhekk japplikaw għal dawk is-sistemi kollha.

(6)

Fil-liġi nazzjonali, ir-reat ta' nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq jista' jiġi kklassifikat bħala reat amministrattiv jew bħala reat kriminali. Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika irrispettivament mill-klassifikazzjoni tar-reat.

(7)

Minħabba n-nuqqas tal-klassifikazzjoni konsistenti fl-Unjoni kollha, u r-rabta indiretta tagħhom mal-użu tal-infrastruttura, jenħtieġ li t-tariffi ta' parkeġġ jitħallew barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(8)

L-interoperabilità ta' sistemi elettroniċi ta' pedaġġ teħtieġ armonizzazzjoni tat-teknoloġija użata u tal-interfaċċi bejn il-kostitwenti tal-interoperabilità.

(9)

Jenħtieġ li l-armonizzazzjoni tat-teknoloġiji u l-interfaċċi tkun appoġġata mill-iżvilupp u ż-żamma ta' standards pubbliċi u miftuħa xierqa, disponibbli fuq bażi nondiskriminatorja lill-fornituri tas-sistema kollha.

(10)

Għall-fini tal-kopertura, bit-tagħmir abbord tagħhom (OBE), it-teknoloġiji ta' komunikazzjoni meħtieġa, jenħtieġ li fornituri tas-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS) jitħallew jużaw u jikkollegaw ma' sistemi ta' software u hardware oħra li diġà jinsabu fil-vettura bħal sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita jew apparati miżmuma bl-idejn.

(11)

Jenħtieġ li jittieħed kont tal-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ li qed jiġu applikati attwalment għal vetturi light duty. Peress li attwalment l-ebda tali sistema elettronika ta' pedaġġ ma tuża pożizzjonament bis-satellita jew komunikazzjoni mobbli, jenħtieġ li l-fornituri tal-EETS jitħallew, għal perijodu ta' żmien limitat, jipprovdu lill-utenti ta' vetturi light duty b'OBE adatt għall-użu mat-teknoloġija tal-microwave b'5,8 GHz biss. Din id-deroga jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jimplimentaw pedaġġ ibbażat fuq is-satellita għal vetturi light duty.

(12)

Is-sistemi ta' pedaġġ ibbażati fuq it-teknoloġija tar-rikonoxximent awtomatiku tal-pjanċi (ANPR) jeħtieġu kontrolli aktar manwali għal transazzjonijiet ta' pedaġġ fl-uffiċċju milli sistemi li jużaw OBE. Sistemi li jużaw OBE huma aktar effiċjenti għad-dominji ta' pedaġġ elettroniku kbar, u sistemi li jużaw l-it-teknoloġija tal-ANPR huma aktar adatti għad-dominji żgħar, bħall-pedaġġi fl-ibliet, fejn l-użu ta' OBE jiġġenera kostijiet sproporzjonati jew piżijiet amministrattivi. It-teknoloġija tal-ANPR jista' jkun utli b'mod partikolari meta jiġi kkombinat ma' teknoloġiji oħra.

(13)

Fid-dawl tal-iżviluppi tekniċi konnessi ma' soluzzjonijiet ibbażati fuq it-teknoloġija tal-ANPR, il-korpi ta' standardizzazzjoni jenħtieġ li jitħeġġu jiddefinixxu l-istandards tekniċi meħtieġa.

(14)

Jenħtieġ li d-drittijiet u l-obbligi speċifiċi tal-fornituri tal-EETS japplikaw għal entitajiet li jagħtu prova li ssodisfaw ċerti rekwiżiti u li kisbu reġistrazzjoni bħala fornituri tal-EETS fl-Istat Membru ta' stabbiliment tagħhom.

(15)

Jenħtieġ li d-drittijiet u l-obbligi tal-atturi tal-EETS ewlenin, jiġifieri l-fornituri tal-EETS, il-kolletturi tal-pedaġġi u l-utenti tal-EETS, jiġu definiti b'mod ċar biex jiġu żgurati b'mod ġust u effiċjenti l-funzjonijiet tas-suq.

(16)

Huwa ta' importanza partikolari li jiġu salvagwardati ċerti drittijiet tal-fornituri tal-EETS, bħad-dritt għall-protezzjoni ta' data kummerċjali sensittiva, u li dan isir mingħajr ma jkun hemm impatt negattiv fuq il-kwalità tas-servizzi pprovduti lill-kolletturi tal-pedaġġi u l-utenti tal-EETS. B'mod partikolari, il-kollettur tal-pedaġġi jenħtieġ li jkun obbligat li ma jiżvelax data kummerċjalment sensittiva lil xi wieħed mill-kompetituri tal-fornitur tal-EETS. L-ammont u t-tip ta' data li l-fornituri tal-EETS jikkomunikaw lill-kolletturi tal-pedaġġi, għall-fini tal-kalkolu u l-applikazzjoni ta' pedaġġi jew tal-verifika tal-kalkolu tal-pedaġġ applikat fuq il-vetturi tal-utenti tal-EETS mill-fornituri tal-EETS, jenħtieġ li jinżammu għal minimu strett.

(17)

Jenħtieġ li l-fornituri tal-EETS ikunu meħtieġa jikkooperaw bis-sħiħ mal-kolletturi tal-pedaġġi fl-isforzi ta' infurzar tagħhom, sabiex tiżdied l-effiċjenza ġenerali tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ. Għalhekk, il-kolletturi tal-pedaġġi jenħtieġ li jitħallew jitolbu mingħand il-fornitur tal-EETS, fejn hemm suspett ta' nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq, id-data relatata mal-vettura u mas-sid jew mad-detentur tal-vettura li hu l-klijent tal-fornitur tal-EETS, sakemm dik id-data ma tintuża għall-ebda skop ieħor għajr għall-infurzar.

(18)

Sabiex il-fornituri tal-EETS ikunu jistgħu jikkompetu, b'mod nondiskriminatorju, għall-klijenti kollha f'dominju partikolari tal-EETS, huwa importanti li tingħatalhom kmieni biżżejjed il-possibilità li jsiru akkreditati ma' dak id-dominju sabiex ikunu jistgħu joffru servizzi lill-utenti mill-ewwel jum tat-tħaddim tas-sistema ta' pedaġġ.

(19)

Il-kolletturi tal-pedaġġi jenħtieġ li jagħtu aċċess għad-dominju tal-EETS tagħhom lill-fornituri tal-EETS fuq bażi nondiskriminatorja.

(20)

Biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-aċċess nondiskriminatorju għad-dominji tal-EETS għall-fornituri kollha tal-EETS, il-kolletturi tal-pedaġġi jenħtieġ li jippubblikaw l-informazzjoni kollha meħtieġa marbuta mad-drittijiet tal-aċċess f'dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS.

(21)

Ir-ribassi jew l-iskontijiet fuq il-pedaġġi tal-utenti kollha tal-OBE offruti minn Stat Membru jew minn kollettur tal-pedaġġi jenħtieġ li jkunu trasparenti, imħabbra pubblikament u disponibbli taħt l-istess kondizzjonijiet lill-klijenti tal-fornituri tal-EETS.

(22)

Jenħtieġ li l-fornituri tal-EETS ikunu intitolati għal remunerazzjoni ġusta, ikkalkulata abbażi ta' metodoloġija trasparenti, nondikriminatorja u identika.

(23)

Il-kolletturi tal-pedaġġi jenħtieġ li jitħallew inaqqsu mir-remunerazzjoni tal-fornituri tal-EETS il-kostijiet xierqa mġarrba biex jipprovdu, joperaw u jżommu l-elementi speċifiċi għall-EETS tas-sistema elettronika ta' pedaġġ.

(24)

Jenħtieġ li l-fornituri tal-EETS iħallsu lill-kollettur tal-pedaġġi l-pedaġġi kollha dovuti mill-klijenti tagħhom. Madankollu jenħtieġ li l-fornituri tal-EETS ma jkunux responsabbli għall-pedaġġi li l-klijenti tagħhom ma jkunux ħallsu, meta dawn tal-aħħar ikunu mgħammra b'OBE li kien ġie ddikjarat lill-kolletturi tal-pedaġġi bħala invalidat.

(25)

Fejn entità legali li tkun fornitur ta' servizz ta' pedaġġ ikollha wkoll rwoli oħra f'sistema elettronika ta' pedaġġ, jew għandha attivitajiet oħra mhux direttament relatati mal-ġbir elettroniku ta' pedaġġ, jenħtieġ li tkun obbligata żżomm rekords ta' kontabilità li jagħmlu distinzjoni ċara possibbli bejn il-kostijiet u d-dħul relatati mal-forniment ta' servizz ta' pedaġġ u l-kostijiet u d-dħul relatati ma' attivitajiet oħra, u li tipprovdi, fuq talba, informazzjoni dwar dawk il-kostijiet u d-dħul relatati mal-forniment ta' servizzi ta' pedaġġ lill-Korp ta' Konċiljazzjoni jew lill-korp ġudizzjarju rilevanti. Jenħtieġ li ma jkunux permessi sussidji inkroċjati bejn l-attivitajiet imwettqa fir-rwol ta' fornitur tas-servizz ta' pedaġġ u attivitajiet oħra.

(26)

Jenħtieġ li l-utenti jkollhom il-possibilità li jabbonaw għal EETS permezz ta' kwalunkwe fornitur tal-EETS, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, l-Istat Membru ta' residenza jew l-Istat Membru ta' reġistrazzjoni tal-vettura.

(27)

Sabiex jiġu evitati pagament doppju u tingħata ċertezza legali lill-utenti, il-pagament ta' pedaġġ lil fornitur tal-EETS jenħtieġ li jitqies bħala li jissodisfa l-obbligi tal-utent lejn il-kollettur tal-pedaġġ rilevanti.

(28)

Ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-kolletturi tal-pedaġġi u l-fornituri tal-EETS jenħtieġ li jiżguraw, inter alia, li l-pedaġġi jitħallsu b'mod korrett.

(29)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura ta' medjazzjoni bil-ħsieb li jiġi riżolt it-tilwim bejn il-kolletturi tal-pedaġġi u l-fornituri tal-EETS waqt in-negozjati kuntrattwali u fir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom. Il-Korpi ta' Konċiljazzjoni Nazzjonali jenħtieġ li jiġu kkonsultati mill-kolletturi tal-pedaġġi u mill-fornituri tal-EETS li qed ifittxu riżoluzzjoni għat-tilwim relatat mad-dritt għal aċċess nondiskriminatorju għad-dominji tal-EETS.

(30)

Korpi ta' Konċiljazzjoni jenħtieġ ikollhom is-setgħa li jivverifikaw li l-kondizzjonijiet kuntrattwali imposti fuq kwalunkwe fornitur tal-EETS huma nondiskriminatorji. B'mod partikolari, jenħtieġ li jkollhom is-setgħa li jivverifikaw li r-remunerazzjoni offruta mill-kolletturi tal-pedaġġi lill-fornituri tal-EETS tirrispetta l-prinċipji stipulati f'din id-Direttiva.

(31)

Id-data dwar it-traffiku tal-utenti tal-EETS tikkostitwixxi kontribut li huwa essenzjali għat-titjib tal-politiki dwar it-trasport tal-Istati Membri. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-possibilità li jitolbu tali data mill-fornituri tas-servizz tal-pedaġġ, inkluż fornituri tal-EETS għall-fini ta' tfassil ta' politiki dwar it-traffiku u t-titjib tal-ġestjoni tat-traffiku jew għal użu mhux kummerċjali ieħor mill-Istat, f'konformità ma' regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

(32)

Huwa meħtieġ qafas li jistabbilixxi l-proċeduri għall-akkreditazzjoni tal-fornituri tal-EETS għal dominju tal-EETS u li jiżgura aċċess ġust għas-suq filwaqt li jiġi salvagwardjat il-livell adegwat ta' servizz. Id-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS jenħtieġ li tispjega fid-dettall il-proċedura sabiex jiġi akkreditat fornitur tal-EETS għad-dominju tal-EETS u b'mod partikolari l-proċedura għall-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u l-adegwatezza għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità. Il-proċedura jenħtieġ li tkun l-istess għall-fornituri kollha tal-EETS.

(33)

Sabiex jiġi żgurat aċċess faċli għall-informazzjoni mill-atturi tas-suq tal-EETS, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jikkompilaw u jippubblikaw id-data importanti kollha rigward l-EETS f'reġistri nazzjonali disponibbli pubblikament.

(34)

Għal raġunijiet ta' progress teknoloġiku, huwa importanti li kolletturi tal-pedaġġi jkollhom il-possibilità li jittestjaw teknoloġiji jew kunċetti ġodda ta' pedaġġ. Tali testijiet madankollu jenħtieġ li jkunu limitati, u jenħtieġ li l-fornituri tal-EETS ma jkunux obbligati li jieħdu sehem fihom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-possibilità li ma tawtorizzax tali testijiet jekk dawn jistgħu jippreġudikaw il-funzjonament korrett tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ regolari jew tal-EETS.

(35)

Id-differenzi kbar fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ jistgħu jxekklu l-kisba ta' interoperabilità madwar l-UE kollha tal-pedaġġi elettroniċi, u b'hekk jikkontribwixxu għall-persistenza tas-sitwazzjoni kurrenti fejn l-utenti jeħtieġu diversi biċċiet ta' OBE biex iħallsu l-pedaġġi fl-Unjoni. Din is-sitwazzjoni hija ta' detriment għall-effiċjenza tal-operazzjonijiet tat-trasport, għall-kosteffiċjenza tas-sistemi ta' pedaġġi u għall-ilħuq tal-objettivi tal-politika tat-trasport. Il-kwistjonijiet sottostanti għal din is-sitwazzjoni jenħtieġ għalhekk li jiġu indirizzati.

(36)

Filwaqt li l-interoperabilità transfruntiera qed tittejjeb fl-Unjoni kollha, l-objettiv fuq perjodu ta' żmien medju sa twil huwa li jkun possibbli li wieħed jivvjaġġa fl-Unjoni kollha b'biċċa waħda ta' OBE biss. Għalhekk, sabiex jiġu evitati l-piż amministrattiv u l-kostijiet għall-utenti tat-toroq, huwa importanti li l-Kummissjoni tistabbilixxi pjan direzzjonali biex dan l-objettiv jintlaħaq u biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-persuni u tal-merkanzija fl-Unjoni, mingħajr ma tiġi affettwata b'mod negattiv il-kompetizzjoni fis-suq.

(37)

L-EETS huwa servizz ibbażat fuq is-suq u għalhekk il-fornituri tal-EETS jenħtieġ li ma jkunux obbligati jipprovdu s-servizzi tagħhom madwar l-Unjoni kollha. Madankollu, fl-interess tal-utenti, il-fornituri tal-EETS jenħtieġ li jkopru d-dominji kollha tal-EETS fi kwalunkwe Stat Membru li fih huma jiddeċiedu li jfornu s-servizzi tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta jekk il-flessibilità mogħtija lill-fornituri tal-EETS twassalx għall-esklużjoni tad-dominji tal-EETS żgħar u periferiċi mill-EETS, u, jekk issib li hija tagħmel dan, tieħu azzjoni fejn ikun meħtieġ.

(38)

Id-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS jenħtieġ li tiddeskrivi fid-dettall il-qafas tal-kundizzjonijiet kummerċjali għall-operazzjonijiet tal-fornituri tal-EETS fid-dominju tal-EETS inkwistjoni. B'mod partikolari, hija jenħtieġ li tiddeskrivi l-metodoloġija użata għall-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-fornituri tal-EETS.

(39)

Fejn sistema elettronika ta' pedaġġ ġdida tkun qed tiġi varata jew sistema eżistenti tkun qed tiġi mmodifikata b'mod sostanzjali, il-kollettur tal-pedaġġi jenħtieġ li jippubblika d-dikjarazzjonijiet tad-dominji tal-EETS il-ġodda jew aġġornati b'avviż li jingħata kmieni biżżejjed sabiex jippermetti li l-fornituri tal-EETS jiġu akkreditati jew akkreditati mill-ġdid fis-sistema sa mhux iktar tard minn xahar qabel il-jum tal-varar operattiv tagħha. Il-kollettur tal-pedaġġi jenħtieġ li jfassal u jsegwi l-proċedura għall-akkreditazzjoni jew, rispettivament, l-akkreditazzjoni mill-ġdid tal-fornituri tal-EETS b'tali mod li l-proċedura tkun tista' tiġi konkluża sa mhux aktar tard minn xahar qabel il-varar operattiv tas-sistema l-ġdida jew tas-sistema sostanzjalment modifikata. Il-kolletturi tal-pedaġġi jenħtieġ li jirrispettaw il-parti tagħhom tal-proċedura ppjanata kif definit fid-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS.

(40)

Il-kolletturi tal-pedaġġi jenħtieġ li la jitolbu u l-anqas ma jirrikjedu mill-fornituri tal-EETS xi soluzzjoni teknika speċifika li tista' tipperikola l-interoperabilità ma' dominji oħra tal-EETS u mal-kostitwenti eżistenti tal-interoperabilità tal-fornitur tal-EETS.

(41)

L-EETS għandu l-potenzjal li jnaqqas b'mod konsiderevoli l-ispejjeż amministrattivi u l-piżijiet tal-operaturi u s-sewwieqa tat-trasport bit-triq internazzjonali.

(42)

Il-fornituri tal-EETS jenħtieġ li jitħallew joħorġu fatturi lill-utenti tal-EETS. Madankollu, il-kolletturi tal-pedaġġi jenħtieġ li jkunu permessi li jitolbu li l-fatturi jintbagħtu għan-nom tagħhom u f'isimhom, peress li l-iffatturar direttament f'isem il-fornitur tal-EETS jista', f'ċerti dominji tal-EETS, ikollu implikazzjonijiet amministrattivi u fiskali negattivi.

(43)

Kull Stat Membru li jkollu mill-inqas żewġ dominji tal-EETS jenħtieġ li jwaqqaf uffiċċju ta' kuntatt għall-fornituri tal-EETS li jkunu jixtiequ jipprovdu l-EETS fit-territorju tiegħu sabiex jiffaċilita l-kuntatti tagħhom mal-kolletturi tal-pedaġġi.

(44)

Il-pedaġġ elettroniku u servizzi oħra, bħalma huma l-ITS kooperattiv (C-ITS) jużaw teknoloġiji simili kif ukoll bandi ta' frekwenzi viċin xulxin għall-komunikazzjoni mill-qrib bejn il-vetturi u bejn il-vetturi u l-infrastruttura. Fil-futur, il-potenzjal għall-applikazzjoni ta' teknoloġiji emerġenti oħra għall-pedaġġ elettroniku jistħoqqlu li jiġi esplorat, wara valutazzjoni bir-reqqa tal-kostijiet, tal-benefiċċji, tal-ostakli tekniċi u tas-soluzzjonijiet possibbli għalihom. Huwa importanti li jiġu implimentati miżuri biex l-investimenti eżistenti fit-teknoloġija tal-microwave b'5,8 GHz jiġu protetti mill-interferenza ta' teknoloġiji oħra.

(45)

Mingħajr preġudizzju għall-għajnuna mill-Istat u l-liġi tal-kompetizzjoni, l-Istati Membri għandhom jitħallew jiżviluppaw miżuri biex jippromwovu l-ġbir u l-iffatturar elettroniku tal-pedaġġi.

(46)

Meta l-istandards rilevanti tal-EETS jiġu eżaminati mill-korpi ta' standardizzazzjoni, jenħtieġ li jkun hemm arranġamenti tranżizzjonali xierqa biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-EETS u l-kompatibilità, mas-sistemi ta' pedaġġ, tal-kostitwenti tal-interoperabilità li jkunu diġà qegħdin jintużaw fil-mument tal-eżami tal-istandards.

(47)

L-EETS jenħtieġ li tippermetti li tiġi żviluppata l-intermodalità, filwaqt li tiġi segwita l-konformità mal-prinċipji ta' “min juża jħallas” u “min iniġġes iħallas”.

(48)

Il-problemi fl-identifikazzjoni ta' trasgressuri mhux residenti tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ ifixklu l-introduzzjoni ulterjuri ta' sistemi bħal dawn u applikazzjoni aktar estiża tal-prinċipji ta' “min juża jħallas” u “min iniġġes iħallas” fit-toroq tal-Unjoni, u għalhekk jeħtieġ li jinstab mod kif jiġu identifikati persuni simili u tiġi pproċessata d-data personali tagħhom.

(49)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u l-użu effiċjenti tar-riżorsi, is-sistema għall-iskambju tal-informazzjoni dwar dawk li ma jħallsux tariffa tat-triq, u dwar il-vetturi tagħhom, jenħtieġ li tuża l-istess għodod bħas-sistema li tintuża għall-iskambju ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq stipulati fid-Direttiva (UE) 2015/413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(50)

F'ċerti Stati Membri, nuqqas li titħallas tariffa tat-triq hija stabbilita biss ladarba l-obbligu tal-ħlas ta' tariffa tat-triq ikun ġie notifikat lill-utent. Peress li din id-Direttiva ma tarmonizzax il-liġijiet nazzjonali f'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibilità li japplikaw din id-Direttiva biex jiġu identifikati utenti u vetturi għall-finijiet tan-notifika. Madankollu, tali applikazzjoni estiża jenħtieġ li tiġi permessa biss jekk jiġu sodisfatti ċerti kondizzjonijiet.

(51)

Proċedimenti ta' segwitu mibdija wara nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq mhumiex armonizzati fl-Unjoni kollha. Ħafna drabi, l-utent tat-triq identifikat jingħata l-possibilità li jħallas it-tariffa tat-triq dovuta, jew ammont fiss ta' sostituzzjoni, direttament lill-entità responsabbli mill-ġbir tat-tariffa tat-triq, qabel ma jinbdew xi proċedimenti amministrattivi jew kriminali ulterjuri mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Huwa importanti li tali proċedura effiċjenti biex jintemm in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq tkun disponibbli fuq termini simili għall-utenti kollha tat-triq. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jipprovdu lill-entità responsabbli għall-ġbir tat-tariffa tat-triq id-data neċessarja biex tidentifika l-vettura li fir-rigward tagħha kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq u biex tidentifika s-sid jew id-detentur tagħha, sakemm tiġi żgurata l-protezzjoni xierqa tad-data personali. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konformità mal-ordni ta' ħlas maħruġa mill-entità kkonċernata ttemm in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq.

(52)

F'ċerti Stati Membri, in-nuqqas tal-OBE, jew il-ħsara tiegħu, huma meqjusa bħala nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq fejn tali tariffi jistgħu jitħallsu biss bl-użu tal-OBE.

(53)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni u d-data meħtieġa sabiex jiġu evalwati l-effikaċja u l-effiċjenza tas-sistema għall-iskambju ta' informazzjoni dwar dawk li jonqsu milli jħallsu tariffa tat-triq. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta d-data u l-informazzjoni miksuba, u tipproponi, jekk meħtieġ, emendi għal din id-Direttiva.

(54)

Filwaqt li tanalizza miżuri possibbli biex tkompli tiffaċilita l-infurzar transfruntier tal-obbligu tal-ħlas tat-tariffi tat-triq fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll fir-rapport tagħha l-ħtieġa ta' assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri.

(55)

L-infurzar tal-obbligu tal-ħlas ta' tariffi tat-triq, l-identifikazzjoni tal-vettura u tas-sid jew id-detentur tal-vettura li għaliha ġie stabbilit nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq u l-ġbir tal-informazzjoni dwar l-utent għall-fini tal-iżgurar tal-konformità tal-kollettur tal-pedaġġi mal-obbligi tiegħu lejn l-awtoritajiet tat-taxxa jinvolvu l-ipproċessar ta' informazzjoni personali. Proċessar bħal dan għandu jitwettaq skont regoli tal-Unjoni, kif preskritti, inter alia, fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), fid-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u fid-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Id-dritt għall-ħarsien ta' data personali hu rikonoxxut espliċitament bl-Artikolu 8 tal-Karta dwar Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(56)

Din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri li jippreskrivu regoli dwar ħlasijiet għall-infrastruttura tat-toroq u kwistjonijiet ta' tassazzjoni.

(57)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju transfruntier ta' informazzjoni dwar il-vetturi u s-sidien jew id-detenturi tal-vetturi li fir-rigward tagħhom kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffi tat-triq, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tal-emendar tal-Anness I sabiex jirrifletti l-bidliet fil-liġi tal-Unjoni. Jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE wkoll fir-rigward tal-istabbiliment tad-dettalji għall-klassifikazzjoni tal-vetturi bl-iskop li jiġu stabbiliti l-iskemi tat-tariffi applikabbli, li jkomplu jiddefinixxu l-obbligi tal-utenti tal-EETS rigward il-forniment tad-data lill-fornitur tal-EETS u l-użu u l-immaniġġjar tal-OBE, l-istabbiliment tar-rekwiżiti għall-kostitwenti tal-interoperabilità rigward is-sikurezza u s-saħħa, l-affidabilità u d-disponibilità, il-protezzjoni tal-ambjent, il-kompatibilità teknika, is-sigurtà u l-privatezza u l-operat u l-ġestjoni, l-istabbiliment tar-rekwiżiti ġenerali tal-infrastruttura għall-kostitwenti tal-interoperabilità u l-istabbiliment tal-kriterji minimi tal-eliġibbiltà għall-korpi notifikati. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (9). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(58)

L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva teħtieġ kondizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi u amministrattivi għall-iżvilupp, fl-Istati Membri, ta' proċeduri li jinvolvu atturi tal-EETS u l-interfaċċi bejniethom, sabiex tiġi ffaċilitata l-interoperabilità u jiġi żgurat li s-swieq nazzjonali tal-ġbir tat-tariffi jkunu rregolati minn regoli ekwivalenti. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u biex jiġu definiti dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u amministrattivi, jenħtieġ li jiġu konferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jkunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(59)

Din id-Direttiva jeħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi msemmija fl-Anness III, Parti B.

(60)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali.

(61)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11),

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistipula l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finijiet li ġejjin:

(a)

li tiġi żgurata l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ, fin-network kollu tat-toroq fl-Unjoni, fl-ibliet u bejn l-ibliet, l-awtostradi, toroq prinċipali u żgħar, u strutturi diversi, bħal mini jew pontijiet, u bastimenti tat-traġitt; u

(b)

li jiġi faċilitat l-iskambju transfruntier tad-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi rigward il-vetturi u s-sidien jew id-detenturi tal-vetturi li għalihom kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffi tat-triq ta' kwalunkwe tip fl-Unjoni.

Sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet meħuda minn Stati Membri li jimponu tariffi tat-triq fuq tipi ta' vetturi partikolari, u sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta' dawk it-tariffi u l-għan li għalih jiġu imposti dawn it-tariffi.

2.   L-Artikoli 3 sa 22 ma japplikawx għal:

(a)

sistemi ta' pedaġġ li mhumiex elettroniċi fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2; u

(b)

sistemi ta' pedaġġ żgħar, strettament lokali li għalihom l-ispejjeż biex ikunu konformi mal-ħtiġijiet tal-Artikoli 3 sa 22 ma jkunux fi proporzjon mal-benefiċċji;

3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għat-tariffi għall-parking.

4.   L-għan tal-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ fl-Unjoni, għandu jinkiseb permezz tas-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS) li għandu jikkumplimenta s-servizzi elettroniċi nazzjonali ta' pedaġġ tal-Istati Membri

5.   Fejn il-liġi nazzjonali titlob notifika lill-utent tal-obbligu tiegħu li jħallas qabel ma jkun jista' jiġi stabbilit nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll din id-Direttiva biex jidentifikaw is-sid jew id-detentur tal-vettura u l-vettura nnifisha għall-finijiet tan-notifika, biss jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ma jkun hemm l-ebda mezz ieħor kif jiġi identifikat is-sid jew id-detentur tal-vettura; u

(b)

in-notifika lill-utent jew id-detentur tal-vettura dwar l-obbligu ta' ħlas hi stadju obbligatorju tal-proċedura ta' ħlas tat-tariffa tat-triq skont il-liġi nazzjonali.

6.   Fejn Stat Membru japplika l-paragrafu 5, huwa għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li kwalunkwe proċediment ta' segwitu b'rabta mal-obbligu ta' ħlas tat-tariffa tat-triq jitwettaq mill-awtoritajiet pubbliċi. Referenzi għan-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq f'din id-Direttiva għandhom jinkludu fihom il-każijiet koperti mill-paragrafu 5 jekk l-Istat Membru fejn iseħħ in-nuqqas ta' ħlas, japplika dak il-paragrafu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“servizz ta' pedaġġ” tfisser is-servizz li jippermetti li utenti jużaw vettura f'dominju wieħed jew aktar tal-EETS taħt kuntratt uniku u, fejn meħtieġ, b'biċċa waħda ta' tagħmir ta' abbord (OBE), u li jinkludi:

(a)

fejn meħtieġ, l-għoti ta' OBE apposta lill-utenti u ż-żamma tal-funzjonalità tiegħu;

(b)

garanzija li l-kollettur tal-pedaġġ jitħallas il-pedaġġ dovut mill-utent;

(c)

il-forniment lill-utent tal-mezz li bih għandu jsir il-ħlas jew l-aċċettazzjoni ta' dak attwali;

(d)

il-ġbir tal-pedaġġ mingħand l-utent;

(e)

il-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-klijent mal-utent; u

(f)

l-implimentazzjoni u l-konformità mal-politiki ta' sigurtà u privatezza għas-sistemi ta' pedaġġ tat-triq;

(2)

“fornitur tas-servizz ta' pedaġġ” tfisser entità legali li tipprovdi servizzi ta' pedaġġ f'dominju tal-EETS jew aktar għal klassi waħda jew aktar ta' vetturi;

(3)

“kollettur tal-pedaġġi” tfisser entità pubblika jew privata li tiġbor il-pedaġġi għaċ-ċirkolazzjoni ta' vetturi f'dominju tal-EETS;

(4)

“kollettur tal-pedaġġi nominat” tfisser entità pubblika jew privata li nħatret biex tkun il-kollettur tal-pedaġġi f'dominju futur tal-EETS;

(5)

“Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS)” tfisser is-servizz ta' pedaġġ mogħti b'kuntratt f'dominju wieħed jew aktar tal-EETS minn fornitur tal-EETS lil utent tal-EETS;

(6)

“fornitur tal-EETS” tfisser entità li, taħt kuntratt separat, tagħti aċċess għall-EETS lil utent tal-EETS, tittrasferixxi l-pedaġġi lill-kollettur tal-pedaġġi rilevanti, u li hija rreġistrata mill-Istat Membru fejn tkun stabbilita;

(7)

“utent tal-EETS” tfisser persuna (naturali jew ġuridika) li għandha kuntratt ma' fornitur tal-EETS sabiex ikollha aċċess għall-EETS;

(8)

“dominju tal-EETS” tfisser triq, netwerk ta' toroq, struttura, bħal pont jew mina, jew bastiment tat-traġitt, fejn il-pedaġġi jinġabru bl-użu ta' sistema elettronika ta' pedaġġ;

(9)

“Sistema konformi mal-EETS” tfisser is-sett ta' elementi ta' sistema elettronika ta' pedaġġ li huma meħtieġa b'mod speċifiku għall-integrazzjoni tal-fornituri tal-EETS fis-sistema u għat-tħaddim tal-EETS;

(10)

“sistema elettronika ta' pedaġġ” tfisser sistema ta' ġbir ta' pedaġġ li fiha l-obbligu, għall-utent, li jħallas il-pedaġġ jiġi attivat mis-sejbien awtomatiku ta' jew marbut mal-preżenza tal-vettura f'ċertu post permezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod ma' OBE fil-vettura jew rikonoxximent awtomatiku tal-pjanċi;

(11)

“tagħmir ta' abbord” (OBE), tfisser is-sett sħiħ ta' komponenti tal-hardware u tas-software li għandhom jintużaw bħala parti mis-servizz ta' pedaġġ li huwa installat, jew jinġarr, abbord vettura sabiex jiġbor, jaħżen, jipproċessa u jirċievi/jittrażmetti mill-bogħod id-data, jew bħala apparat separat jew inkorporat fil-vettura;

(12)

“fornitur ewlieni tas-servizz” tfisser fornitur tas-servizz ta' pedaġġ b'obbligi speċifiċi, bħall-obbligu li jiffirma kuntratti mal-utenti interessati kollha, jew drittijiet speċifiċi, bħal remunerazzjoni speċifika jew kuntratt garantit fit-tul, differenti mid-drittijiet u l-obbligi ta' fornituri oħra tas-servizz;

(13)

“kostitwent tal-interoperabilità” tfisser kwalunkwe komponent elementari, grupp ta' komponenti, binja parzjali jew sħiħa ta' tagħmir inkorporat jew maħsub biex jiġi inkorporat fl-EETS li fuqu tiddependi direttament jew indirettament l-interoperabilità tas-servizz, inkluż kemm oġġetti tanġibbli jew oġġetti intanġibbli bħal software;

(14)

“idoneità għall-użu” tfisser l-abbiltà ta' kostitwent li jikseb u jżomm prestazzjoni speċifikata meta jkun qed jintuża, integrata b'mod rappreżentattiv fl-EETS b'rabta ma' sistema ta' kollettur tal-pedaġġ;

(15)

data dwar il-kuntest tal-pedaġġ” tfisser l-informazzjoni definita mill-kollettur tal-pedaġġ bħala meħtieġa biex jiġi stabbilit il-pedaġġ dovut għaċ-ċirkolazzjoni ta' vettura f'dominju partikolari ta' pedaġġ u konkluża t-tranżazzjoni tal-pedaġġ;

(16)

“dikjarazzjoni tal-pedaġġ” tfisser stqarrija lil kollettur tal-pedaġġ li tikkonferma l-preżenza ta' vettura f'dominju tal-EETS f'format maqbul bejn il-fornitur tas-servizz ta' pedaġġ u l-kollettur tal-pedaġġ;

(17)

“parametri ta' klassifikazzjoni tal-vettura” tfisser l-informazzjoni marbuta mal-vettura li skontha jiġu kkalkulati l-pedaġġi abbażi tad-data dwar il-kuntest tal-pedaġġ;

(18)

“back office” tfisser is-sistema elettronika ċentrali użata mill-kollettur tal-pedaġġ, grupp ta' kolletturi tal-pedaġġ li ħolqu ċentru ta' interoperabilità, jew mill-fornitur tal-EETS biex tinġabar, tiġi proċessata u tintbagħat informazzjoni fil-qafas ta' sistema elettronika ta' pedaġġ;

(19)

“sistema modifikata sostanzjalment” tfisser sistema elettronika ta' pedaġġ eżistenti li għaddiet jew tgħaddi minn bidla li tirrikjedi li l-fornituri tal-EETS jagħmlu modifiki lill-kostitwenti tal-interoperabilità li qed jitħaddmu, bħar-riprogrammazzjoni jew l-adattament tal-interfaċċi tal-back office tagħhom, b'tali mod li tkun meħtieġa akkreditazzjoni mill-ġdid;

(20)

“akkreditazzjoni” tfisser il-proċess definit u amministrat mill-kollettur tal-pedaġġi, li minnu jrid jgħaddi fornitur tal-EETS qabel ma jiġi awtorizzat li jipprovdi l-EETS f'dominju tal-EETS.

(21)

“pedaġġ” jew “tariffa tat-triq” ifissru t-tariffa li trid titħallas minn utent tat-triq biex ikun jista' jiċċirkola fuq triq partikolari, netwerk ta' toroq, struttura, bħal pont jew mina jew bastiment tat-traġitt;

(22)

“nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq” tfisser ir-reat li jikkonsisti min-nuqqas minn utent tat-triq milli jħallas tariffa tat-triq fi Stat Membru, definita mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ta' dak l-Istat Membru;

(23)

“Stat Membru tar-reġistrazzjoni” tfisser l-Istat Membri fejn hi rreġistrata l-vettura li hi soġġetta għall- ħlas tat-tariffa tat-triq;

(24)

“punt ta' kuntatt nazzjonali” tfisser awtorità kompetenti ddeżinjata ta' Stat Membru għall-iskambju transfruntier ta' data dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi;

(25)

“tiftix awtomatizzat” tfisser proċedura ta' aċċess online għall-konsultazzjoni tal-bażijiet tad-data ta' Stat Membru wieħed, ta' diversi Stati Membri jew tal-Istati Membri kollha kemm huma;

(26)

“vettura” tfisser vettura bil-mutur, jew kombinazzjoni artikolata ta' vetturi maħsuba jew użati biex iġorru fit-triq passiġġieri jew prodotti;

(27)

“detentur tal-vettura” tfisser il-persuna li f'isimha tkun irreġistrata l-vettura, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.

(28)

“vettura heavy duty” tfisser vettura li għandha massa massima permissibbli ta' aktar minn 3,5 tunnellati;

(29)

“vettura light duty” tfisser vettura li għandha massa massima permissibbli li ma jaqbiżx it-3,5 tunnellati.

Artikolu 3

Soluzzjonijiet teknoloġiċi

1.   Is-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ ġodda kollha li jesiġu l-installazzjoni jew l-użu tal-OBE għandhom, biex jagħmlu tranżazzjonijiet elettroniċi ta' pedaġġ, jużaw waħda jew iżjed mit-teknoloġiji li ġejjin:

(a)

pożizzjonament bis-satellita;

(b)

komunikazzjoni mobbli;

(c)

teknoloġija tal-microwave b'5,8 GHz.

Is-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ eżistenti li jirrikjedu l-installazzjoni jew l-użu ta' OBE u li jużaw teknoloġiji oħra għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti spjegati fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu jekk jitwettqu progressi teknoloġiċi sostanzjali.

2.   Il-Kummissjoni għandha titlob lill-korpi rilevanti tal-istandardizzazzjoni, skont il-proċedura stipulata mid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), biex jadottaw malajr l-istandards applikabbli għas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ fir-rigward tat-teknoloġiji elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u t-teknoloġija tal-ANPR, u biex jaġġornawhom fejn meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha titlob li l-korpi ta' standardizzazzjoni jiżguraw il-kompatibilità kontinwa tal-kostitwenti tal-interoperabilità.

3.   OBE li juża t-teknoloġija tal-pożizzjonament bis-satellita u li jiġi introdott fis-suq wara d-19 ta' Ottubru 2021 għandu jkun kompatibbli mas-servizzi ta' pożizzjonament provduti minn Galileo u s-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (“EGNOS”).

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, il-fornituri tal-EETS għandhom jagħmlu OBE disponibbli lill-utenti tal-EETS li jkun xieraq għall-użu, interoperabbli u kapaċi jikkomunika mas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ rilevanti operattivi fl-Istati Membri li jużaw it-teknoloġiji elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

5.   L-OBE jista' juża l-hardware u s-software tiegħu stess, juża elementi ta' hardware u software oħra preżenti fil-vettura, jew it-tnejn li huma. Għall-fini ta' komunikazzjoni ma' sistemi oħra ta' hardware preżenti fil-vettura, l-OBE jista' juża teknoloġiji oħrajn għajr dawk elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, dejjem sakemm ikunu żgurati s-sigurtà, il-kwalità tas-servizz u l-privatezza.

L-OBE tal-EETS titħalla tiffaċilita servizzi oħrajn barra l-pedaġġ, dejjem jekk it-tħaddim ta' tali servizzi ma jxekkilx is-servizzi ta' pedaġġ fi kwalunkwe dominju tal-EETS.

6.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jintroduċu sistemi elettroniċi ta' pedaġġ għal vetturi light duty abbażi tal-pożizzjonament bis-satellita jew abbażi ta' komunikazzjonijiet mobbli, il-fornituri tal-EETS jistgħu, sal-31 ta' Diċembru 2027, jipprovdu lill-utenti ta' vetturi light duty OBE li jkun tajjeb għall-użu bit-teknoloġija tal-microwave b'5,8 GHz biss, li għandu jintuża fid-dominji tal-EETS li ma jirrikjedux teknoloġiji ta' pożizzjonament bis-satellita jew ta' komunikazzjonijiet mobbli.

KAPITOLU II

PRINĊIPJI ĠENERALI TAL-EETS

Artikolu 4

Reġistrazzjoni tal-fornituri tal-EETS

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi proċedura għar-reġistrazzjoni ta' fornituri tal-EETS. Għandu jagħti reġistrazzjoni lil entitajiet li huma stabbiliti fit-territorju tiegħu, li jitolbu reġistrazzjoni u li jistgħu juru li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikollhom ċertifikazzjoni EN ISO 9001 jew ekwivalenti;

(b)

ikollhom it-tagħmir tekniku u d-dikjarazzjoni tal-KE jew iċ-ċertifikat li jiddikjara l-konformità tal-kostitwenti tal-interoperabilità mal-ispeċifikazzjonijiet;

(c)

ikollhom kompetenza fl-għoti ta' servizzi elettroniċi ta' pedaġġ jew f'dominji rilevanti oħra;

(d)

ikollhom riżorsi finanzjarji xierqa;

(e)

iżommu ma' pjan globali ta' ġestjoni tar-riskju, li jiġi awditjat kull sentejn mill-inqas; u

(f)

għandhom reputazzjoni tajba.

Artikolu 5

Drittijiet u obbligi tal-fornituri tal-EETS

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-fornituri tal-EETS li huma jkunu rreġistraw jikkonkludu kuntratti tal-EETS li jkopru d-dominji tal-EETS kollha fit-territorji ta' mill-inqas erba' Stati Membri fi żmien it-36 xahar wara r-reġistrazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 4. Huma għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk il-fornituri tal-EETS jikkonkludu kuntratti li jkopru d-dominji kollha tal-EETS fi Stat Membru partikolari fi żmien l-24 xahar wara l-konklużjoni tal-ewwel kuntratt f'dak l-Istat Membru, ħlief għal dawk id-dominji tal-EETS li fihom il-kolletturi tal-pedaġġ responsabbli ma jikkonformawx mal-Artikolu 6(3).

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fornituri tal-EETS li huma jkunu rreġistraw jibqgħu f'kull ħin ikopru d-dominji kollha tal-EETS ladarba jkunu kkonkludew kuntratti għalihom. Huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn fornitur tal-EETS ma jkunx jista' jkompli jkopri dominju tal-EETS għax il-kollettur tal-pedaġġi ma jikkonformax ma' din id-Direttiva, jerġa' jibda jkopri d-dominju kkonċernat mill-aktar fis possibbli.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-fornituri tal-EETS li huma jkunu rreġistraw jippubblikaw informazzjoni dwar il-kopertura tad-dominji tal-EETS tagħhom u kwalunkwe bidla fiha kif ukoll, fi żmien xahar mir-reġistrazzjoni, pjanijiet dettaljati rigward kwalunkwe estensjoni tas-servizz tagħhom għal aktar dominji tal-EETS, b'aġġornamenti annwali.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn meħtieġ, il-fornituri tal-EETS li huma jkunu rreġistraw, jew li jfornu l-EETS fit-territorju tagħhom, jipprovdu lill-utenti tal-EETS OBE li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Direttiva, kif ukoll fid-Direttivi 2014/53/UE (13) u 2014/30/UE (14) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Huma jistgħu jitolbu mill-fornituri tal-EETS ikkonċernati li dawk ir-rekwiżiti jiġu sodisfatti.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-fornituri tal-EETS li jipprovdu l-EETS fit-territorju tagħhom iżommu listi ta' OBE invalidat marbuta mal-kuntratti tal-EETS tagħhom mal-utenti tal-EETS. Għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li dawn il-listi jinżammu f'konformità stretta mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali kif stipulat, fost l-oħrajn, fir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE.

6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fornituri tal-EETS li huma rreġistraw jagħmlu pubblika l-politika tagħhom ta' kkuntrattar mal-utenti tal-EETS.

7.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fornituri tal-EETS li jfornu l-EETS fit-territorju tagħhom jagħtu lill-kolletturi tal-pedaġġi l-informazzjoni li huma jeħtieġu biex jikkalkulaw u japplikaw il-pedaġġ fuq il-vetturi tal-utenti tal-EETS jew jagħtu lill-kolletturi tal-pedaġġi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex dawn ikunu jistgħu jivverifikaw il-kalkolu tal-pedaġġ applikat fuq il-vetturi tal-utenti tal-EETS mill-fornituri tal-EETS.

8.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fornituri tal-EETS li jipprovdu l-EETS fit-territorju tagħhom jikkooperaw mal-kolletturi tal-pedaġġ fl-isforzi tagħhom biex jidentifikaw awturi suspettati ta' reati. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn ikun suspettat nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq, il-kollettur tal-pedaġġ ikun jista' jikseb mill-fornitur tal-EETS id-data marbuta mal-vettura involuta fin-nuqqas suspettat ta' ħlas ta' tariffa tat-triq u lis-sid jew lid-detentur ta' dik il-vettura li hu klijent tal-fornitur tal-EETS. Din id-data għandha tingħata minnufih mill-fornitur tal-EETS.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kollettur tal-pedaġġ ma jiżvelax din id-data lil ebda fornitur ieħor tas-servizz ta' pedaġġ. Huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn il-kollettur tal-pedaġġ ikun integrat ma' fornitur tas-servizz ta' pedaġġ f'entità waħda, id-data tintuża biss biex tidentifika awturi suspettati ta' reati, jew skont l-Artikolu 27(3).

9.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kollettur tal-pedaġġ responsabbli minn dominju tal-EETS fit-territorju tagħhom ikun jista' jikseb minn fornitur tal-EETS data marbuta mal-vetturi kollha li s-sid jew id-detenturi tagħhom ikunu klijenti tal-fornitur tal-EETS, li, f'perijodu partikolari ta' żmien, ikunu saqu fid-dominju tal-EETS li għalih ikun responsabbli l-kollettur tal-pedaġġ, kif ukoll id-data marbuta mas-sidien jew id-detenturi ta' dawn il-vetturi, dment li l-kollettur tad-data jkun jeħtieġ din id-data biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu lejn l-awtoritajiet tat-taxxa. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-fornitur tal-EETS jipprovdi d-data mitluba mhux aktar tard minn jumejn wara li jirċievi t-talba. Għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kollettur tal-pedaġġ ma jiżvelax din id-data lil ebda fornitur ieħor tas-servizz ta' pedaġġ. Għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn il-kollettur tad-data hu integrat ma' fornitur tas-servizz ta' pedaġġ f'entità waħda, id-data tintuża biss għall-konformità mill-kollettur tal-pedaġġ mal-obbligi tiegħu lejn l-awtoritajiet tat-taxxa.

10.   Id-data mogħtija mill-fornituri tal-EETS lill-kolletturi tal-pedaġġi għandha tiġi pproċessata f'konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali kif jinsabu spjegati fir-Regolament (UE) 2016/679, kif ukoll mal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jittrasponu d-Direttivi 2002/58/KE u (UE) 2016/680.

11.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni, mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex ikomplu jiddefinixxu l-obbligi tal-fornituri tal-EETS dwar:

(a)

il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-livell tas-servizz tagħhom, u kooperazzjoni mal-kolletturi tal-pedaġġ fil-verifika tal-awditi;

(b)

kooperazzjoni mal-Kolletturi tal-Pedaġġ fil-prestazzjoni tat-testijiet tas-sistemi tal-kolletturi tal-pedaġġ;

(c)

appoġġ tekniku u tas-servizz lil utenti tal-EETS u personalizzazzjoni ta' OBE;

(d)

kontijiet mibgħuta lil utenti tal-EETS;

(e)

l-informazzjoni li fornituri tal-EETS iridu jipprovdu lill-kolletturi tal-pedaġġi u li tissemma fil-paragrafu 7; u

(f)

li utent tal-EETS jiġi mgħarraf b'sitwazzjoni identifikata ta' pedaġġ mhux iddikjarat;

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

Artikolu 6

Drittijiet u obbligi tal-kolletturi tal-pedaġġ

1.   Fejn dominju tal-EETS ma jikkonformax mal-kondizzjonijiet ta' interoperabilità teknika u proċedurali tal-EETS ipprovduti f'din id-Direttiva, l-Istat Membru li t-territorju tiegħu jinsab fid-dominju tal-EETS jeħtieġ li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kollettur tal-pedaġġ responsabbli jivvaluta l-problema mal-partijiet interessati kkonċernati u, jekk ikun jaqa' taħt ir-responsabbiltajiet tiegħu, jieħu azzjonijiet ta' rimedju bil-ħsieb li jiżgura l-interoperabilità tas-sistema ta' pedaġġ. Fejn meħtieġ, l-Istat Membru jeħtieġ li jaġġorna r-reġistru msemmi fil-punt (a) l-Artikolu 21(1) fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tiegħu.

2.   Kull Stat Membru jeħtieġ li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li kwalunkwe kollettur tal-pedaġġi responsabbli minn dominju tal-EETS fit-territorju ta' dak l-Istat Membru jiżviluppa u jżomm dikjarazzjoni dwar id-dominju tal-EETS li tistipula l-kondizzjonijiet ġenerali biex il-fornituri tal-EETS jaċċessaw id-dominji tal-EETS tagħhom, skont l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 9.

Fejn tinħoloq sistema elettronika ta' pedaġġ fit-territorju ta' Stat Membru dak l-Istat Membru jeħtieġ li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kollettur tal-pedaġġ nominat responsabbli mis-sistema jippubblika d-dikjarazzjoni dwar id-dominju tal-EETS billi javża biżżejjed minn qabel biex tkun tista' ssir akkreditazzjoni tal-fornituri tal-EETS interessati mhux aktar tard minn xahar qabel il-varar operazzjonali tas-sistema l-ġdida, filwaqt li jitqies kif dovut it-tul tal-proċess tal-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u tal-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità msemmi fl-Artikolu 15(1).

Fejn sistema elettronika ta' pedaġġ fit-territorju ta' Stat Membru tiġi modifikata sostanzjalment, dak l-Istat Membru jeħtieġ li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kollettur tal-pedaġġ responsabbli mis-sistema jippubblika d-dikjarazzjoni aġġornata dwar id-dominju tal-EETS biżżejjed minn qabel biex fornituri tal-EETS diġà akkreditati jkunu jistgħu jadattaw il-kostitwenti tal-interoperabilità tagħhom għar-rekwiżiti l-ġodda u jiksbu akkreditazzjoni mill-ġdid mhux aktar tard minn xahar qabel il-varar operazzjonali tas-sistema modifikata, b'kunsiderazzjoni dovuta għat-tul tal-proċess tal-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u tal-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità msemmija fl-Artikolu 15(1).

3.   L-Istati Membri jeħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kolletturi tal-pedaġġ responsabbli minn dominji tal-EETS fit-territorju tagħhom jaċċettaw fuq bażi nondiskriminatorja kwalunkwe fornitur tal-EETS li jitlob li jipprovdi l-EETS fid-dominji tal-EETS imsemmija.

Aċċettazzjoni ta' fornitur tal-EETS f'dominju tal-EETS għandha tkun soġġetta għall-konformità tal-fornitur mal-obbligi u l-kundizzjonijiet ġenerali stipulati fid-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kolletturi tal-pedaġġi ma jirrikjedux li l-fornituri tal-EETS jużaw soluzzjonijiet jew proċessi tekniċi speċifiċi li jxekklu l-interoperabilità tal-kostitwenti tal-interoperabilità ta' fornitur tal-EETS b'sistemi elettroniċi ta' pedaġġ f'dominji oħra tal-EETS.

Jekk kollettur tal-pedaġġ u fornitur tal-EETS ma jkunux jistgħu jilħqu qbil, il-kwistjoni tista' tiġi referuta lill-Korp Konċiljatorju responsabbli mid-dominju rilevanti tal-pedaġġ.

4.   Kull Stat Membru jeħtieġ li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kuntratti bejn il-kollettur tal-pedaġġi u l-fornitur tal-EETS dwar il-forniment tal-EETS fit-territorju ta' dak l-Istat Membru, jippermettu li l-kontijiet għall-pedaġġ jinħarġu lill-utent tal-EETS direttament mill-fornitur tal-EETS.

Il-kollettur tal-pedaġġi jista' jirrikjedi li l-fornitur tal-EETS joħroġ fatturi għall-utent f'isem u għan-nom tal-kollettur tal-pedaġġi, u l-fornitur tal-EETS għandu jikkonforma ma' dik it-talba.

5.   Il-pedaġġ mitlub mill-kolletturi tal-pedaġġi lill-utenti tal-EETS ma għandux jaqbeż il-pedaġġ nazzjonali jew lokali korrispondenti. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jintroduċu ribassi jew skontijiet biex jippromwovu l-użu ta' pagamenti elettroniċi tal-pedaġġ. Ir-ribassi jew skontijiet kollha tal-utenti tal-OBE fuq il-pedaġġi offruti minn Stat Membru jew minn kollettur tal-pedaġġ għandhom ikunu trasparenti, imħabbra pubblikament u disponibbli bl-istess kondizzjonijiet lill-klijenti tal-fornituri tal-EETS.

6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kolletturi tal-pedaġġ jaċċettaw fuq id-dominji tal-EETS tagħhom kwalunkwe OBE operazzjonali minn fornituri tal-EETS li magħhom għandhom relazzjonijiet kuntrattwali li ġew iċċertifikati skont il-proċedura definita fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(7) u li ma jidhrux fuq lista ta' OBE invalidat imsemmi fl-Artikolu 5(5).

7.   Fil-każ ta' ħsara fl-EETS attribwibbli għall-kollettur tal-pedaġġi, il-kollettur tal-pedaġġi għandu jforni mod ta' servizz imnaqqas li jippermetti lill-vetturi bit-tagħmir imsemmi fil-paragrafu 6 jiċċirkolaw fis-sikurezza b'dewmien minimu u mingħajr ma jiġu suspettati b'nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq.

8.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kolletturi tal-pedaġġ jikkollaboraw b'mod nondiskriminatorju mal-fornituri tal-EETS jew il-manifatturi jew l-entitajiet notifikati bil-ħsieb li tiġi vvalutata l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità fid-dominji tal-EETS tagħhom.

9.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, li jistabbilixxu l-kontenut minimu tad-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS, inkluż:

(a)

ir-rekwiżiti għall-fornituri tal-EETS;

(b)

il-kondizzjonijiet proċedurali inklużi l-kondizzjonijiet kummerċjali;

(c)

il-proċedura tal-akkreditazzjoni tal-fornituri tal-EETS; u

(d)

id-data dwar il-kuntest tal-pedaġġ.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

Artikolu 7

Remunerazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-fornituri tal-EETS ikunu intitolati li jiġu remunerati mill-kollettur tal-pedaġġ.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-metodoloġija għad-definizzjoni tar-remunerazzjoni tal-fornituri tal-EETS tkun trasparenti, nondiskriminatorja u identika għall-fornituri kollha tal-EETS akkreditati għal dominju tal-EETS partikolari. Għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-metodoloġija tiġi ppubblikata bħala parti mill-kondizzjonijiet kummerċjali fid-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fid-dominji tal-EETS b'fornitur ewlieni tas-servizz, il-metodoloġija għall-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-fornituri tal-EETS issegwi l-istess struttura tar-remunerazzjoni ta' servizzi komparabbli pprovduti mill-fornitur ewlieni tas-servizz. L-ammont ta' remunerazzjoni tal-fornituri tal-EETS jista' jkun differenti mir-remunerazzjoni tal-fornitur ewlieni tas-servizz sakemm ikun ġustifikat minn:

(a)

l-ispiża tar-rekwiżiti u l-obbligi speċifiċi tal-fornitur ewlieni tas-servizz u mhux tal-fornituri tal-EETS; u

(b)

il-ħtieġa li jitnaqqsu, mir-remunerazzjoni tal-fornituri tal-EETS, il-ħlasijiet fissi imposti mill-kollettur tal-pedaġġ abbażi tal-ispejjeż, għall-kollettur tal-pedaġġ, li jipprovdi, jopera u jżomm sistema konformi mal-EETS fid-dominju tal-pedaġġ tiegħu, inklużi l-kostijiet tal-akkreditazzjoni, fejn dawn il-kostijiet mhumiex inklużi fil-pedaġġ.

Artikolu 8

Pedaġġi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fejn, bil-għan li tiġi stabbilita t-tariffa tal-pedaġġ applikabbli għal vettura partikolari, ikun hemm diskrepanza bejn il-klassifikazzjoni tal-vettura użata mill-fornitur tal-EETS u l-kollettur tal-pedaġġ, il-klassifikazzjoni tal-kollettur tal-pedaġġ tipprevali, sakemm ma tingħatax prova ta' żball.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kollettur tal-pedaġġ ikun intitolat li jirrikjedi ħlas mingħand fornitur tal-EETS għal kwalunkwe dikjarazzjoni tal-pedaġġ sostanzjata u kwalunkwe nondikjarazzjoni tal-pedaġġ sostanzjata relatata ma' kwalunkwe kont ta' utent tal-EETS ġestit minn dak il-fornitur tal-EETS.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fejn fornitur tal-EETS ikun bagħat lil kollettur tal-pedaġġi lista ta' OBE invalidat imsemmi fl-Artikolu 5(5), il-fornitur tal-EETS ma għandux jinżamm responsabbli għal kwalunkwe pedaġġ ieħor imġarrab permezz tal-użu ta' tali OBE invalidat. L-għadd ta' entrati fil-lista tal-OBE invalidat, il-format tal-lista u l-frekwenza tal-aġġornament tagħha għandhom jiġu maqbula bejn il-kolletturi tal-pedaġġi u l-fornituri tal-EETS.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, f'sistemi tal-pedaġġ li jużaw il-microwave, il-kolletturi tal-pedaġġ jikkomunikaw lill-fornituri tal-EETS dikjarazzjonijiet tal-pedaġġ sostanzjati għal pedaġġi mġarrba mill-utenti tal-EETS rispettivi tagħhom.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex tistabbilixxi d-dettalji għall-klassifikazzjoni tal-vetturi bil-għan li jiġu stabbiliti l-iskemi tariffarji applikabbli, inkluża kwalunkwe proċedura meħtieġa biex jiġu stabbiliti tali skemi. Is-sett tal-parametri tal-klassifikazzjoni tal-vetturi li għandu jiġi aċċettat mill-EETS ma għandux jirrestrinġi l-għażla tal-iskemi tariffarji mill-kolletturi tal-pedaġġ. Il-Kummissjoni għandha tiżgura biżżejjed flessibilità biex tippermetti li s-sett tal-parametri ta' klassifikazzjoni jkun aċċettat mill-EETS biex jevolvi skont il-ħtiġijiet futuri prevedibbli. Dawk l-atti għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-definizzjoni, fid-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), tal-parametri li skonthom għandhom ivarjaw il-pedaġġi.

Artikolu 9

Kontabilità

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-entitajiet legali li jipprovdu servizzi ta' pedaġġ iżommu rekords tal-kontabilità li jagħmlu distinzjoni ċara possibbli bejn l-ispejjeż u d-dħul relatati mal-forniment tas-servizz ta' pedaġġ u l-ispejjeż u d-dħul relatati ma' attivitajiet oħra. L-informazzjoni dwar l-ispejjeż u d-dħul relatati mal-forniment tas-servizz ta' pedaġġ għandha tiġi pprovduta, fuq talba, lill-Korp ta' Konċiljazzjoni jew il-korp ġudizzjarju rilevanti. L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li s-sussidji inkroċjati bejn l-attivitajiet imwettqa fir-rwol ta' fornitur tas-servizz ta' pedaġġ u attivitajiet oħra ma jkunux permessi.

Artikolu 10

Drittijiet u obbligi tal-utenti tal-EETS

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lill-utenti tal-EETS jabbonaw mal-EETS permezz ta' kwalunkwe fornitur tal-EETS, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, l-Istat Membru ta' residenza jew l-Istat Membru li fih tkun irreġistrata l-vettura. Meta jkunu deħlin f'kuntratt, l-utenti tal-EETS għandhom jiġu infurmati kif xieraq dwar il-mezzi validi ta' ħlas, skont ir-Regolament (UE) 2016/679, dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u d-drittijiet li jirriżultaw mil-leġislazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali.

2.   Il-ħlas ta' pedaġġ minn utent tal-EETS lill-fornitur tal-EETS tiegħu għandu jitqies li jissodisfa l-obbligi tal-ħlas li l-utent tal-EETS ikollu lejn il-kollettur tal-pedaġġ rilevanti.

Jekk jiġu installati jew jinġarru abbord vettura żewġ OBA jew aktar, hija r-responsabilità tal-utent tal-EETS li juża jew jattiva l-OBE rilevanti għad-dominju speċifiku tal-EETS.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex tkompli tiddefinixxi aktar l-obbligi tal-utenti tal-EETS rigward:

(a)

il-forniment tad-data lill-fornitur tal-EETS; u

(b)

l-użu u l-immaniġġjar tal-OBE.

KAPITOLU III

KORP TA' KONĊILJAZZJONI

Artikolu 11

Stabbiliment u funzjonijiet

1.   Kull Stat Membru li jkollu minn tal-anqas dominju tal-EETS wieħed għandu jaħtar jew jistabbilixxi Korp ta' Konċiljazzjoni sabiex jiffaċilita l-medjazzjoni bejn il-kolletturi tal-pedaġġi b'dominju tal-EETS li jkun jinsab fit-territorju tiegħu u l-fornituri tal-EETS li jkollhom kuntratti jew ikunu jinsabu f'negozjati kuntrattwali ma' dawk il-kolletturi tal-pedaġġi.

2.   Il-Korp ta' Konċiljazzjoni għandu jkollu s-setgħa li, b'mod partikolari, jivverifika li l-kondizzjonijiet kuntrattwali imposti minn kollettur tal-pedaġġ fuq il-fornituri tal-EETS ikunu nondiskriminatorji. Huwa għandu jkollu s-setgħa li jivverifika li l-fornituri tal-EETS jiġu remunerati f'konformità mal-prinċipji previsti fl-Artikolu 7.

3.   L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-Korp ta' Konċiljazzjoni tagħhom fl-istruttura organizzattiva u legali jkun indipendenti mill-interessi kummerċjali tal-kolletturi tal-pedaġġi u tal-fornituri tas-servizz tal-pedaġġ.

Artikolu 12

Proċedura ta' medjazzjoni

1.   Kull Stat Membru b'minn tal-inqas dominju EETS wieħed għandu jistabbilixxi proċedura ta' medjazzjoni sabiex jippermetti lil kollettur tal-pedaġġ jew fornitur tal-EETS li jitlob lill-Korp ta' Konċiljazzjoni rilevanti biex jintervjeni fi kwalunkwe tilwim relatat mar-relazzjonijiet jew in-negozjati kuntrattwali tagħhom.

2.   Il-proċedura ta' medjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tirrikjedi li l-Korp ta' Konċiljazzjoni jiddikjara, fi żmien xahar wara li jkun irċieva talba biex jintervjeni, jekk id-dokumenti kollha neċessarji għall-medjazzjoni humiex fil-pussess tiegħu.

3.   Il-proċedura ta' medjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tirrikjedi li l-Korp ta' Konċiljazzjoni joħroġ l-opinjoni tiegħu dwar tilwim mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jkun irċieva t-talba biex jintervjeni.

4.   Sabiex jiffaċilitaw il-kompiti tiegħu, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Korp ta' Konċiljazzjoni s-setgħa biex jitlob informazzjoni rilevanti mingħand il-kolletturi tal-pedaġġ, il-fornituri tal-EETS u kwalunkwe parti terza attiva fil-forniment tal-EETS fl-Istat Membru kkonċernat.

5.   L-Istati Membri b'minn tal-inqas dominju EETS wieħed u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-Korpi ta' Konċiljazzjoni rigward ix-xogħol, il-prinċipji ta' gwida u l-prattiki tagħhom.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TEKNIĊI

Artikolu 13

Servizz uniku kontinwu

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-EETS jiġi fornut lill-utenti tal-EETS bħala servizz uniku kontinwu.

Dan ifisser li:

(a)

ladarba l-parametri tal-klassifikazzjoni tal-vettura, inklużi dawk varjabbli, ikunu nħażnu jew ġew iddikjarati, jew it-tnejn, ma jkunx hemm bżonn ta' aktar intervent uman fil-vettura waqt vjaġġ sakemm ma jkunx hemm modifika fil-karatteristiċi tal-vettura; u

(b)

l-interazzjoni umana ma' biċċa tagħmir partikolari ta' OBE tibqa' l-istess ikun xi jkun id-dominju tal-EETS.

Artikolu 14

Elementi addizzjonali rigward l-EETS

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-interazzjoni tal-utenti tal-EETS mal-kolletturi tal-pedaġġ bħala parti mill-EETS tkun limitata, fejn applikabbli, għall-proċess ta' fatturazzjoni skont l-Artikolu 6(4) u għall-proċessi ta' infurzar. L-interazzjonijiet bejn l-utenti tal-EETS u l-fornituri tal-EETS, jew l-OBE tagħhom, jistgħu jkunu speċifiċi għal kull fornitur tal-EETS, mingħajr ma jikkompromettu l-interoperabilità tal-EETS.

2.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-fornituri tas-servizz tal-pedaġġ, inkluż il-fornituri tal-EETS, fuq it-talba tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, jipprovdu data tat-traffiku fir-rigward tal-klijenti tagħhom, soġġett għal konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. Tali data għandha tintuża biss mill-Istati Membri għall-fini ta' politiki tat-traffiku u t-titjib tal-ġestjoni tat-traffiku u d-data ma tistax tintuża biex jiġu identifikati l-klijenti.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tal-interfaċċi elettroniċi bejn il-kostitwenti tal-interoperabilità tal-kolletturi tal-pedaġġi, il-fornituri tal-EETS u l-utenti tal-EETS, inkluż, fejn applikabbli, il-kontenut tal-messaġġi skambjati bejn l-atturi permezz ta' dawk l-interfaċċi. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

Artikolu 15

Kostitwenti tal-interoperabilità

1.   Fejn tinħoloq sistema elettronika ta' pedaġġ ġdida fit-territorju ta' Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kollettur tal-pedaġġ nominat responsabbli għas-sistema jistabbilixxi u jippubblika fid-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS l-ippjanar dettaljat tal-proċess ta' valutazzjoni ta' konformità ma' speċifikazzjonijiet u tal-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità, li jippermetti l-akkreditazzjoni tal-fornituri tal-EETS interessati mhux aktar tard minn xahar qabel il-varar operazzjonali tas-sistema l-ġdida.

Fejn sistema elettronika ta' pedaġġ ġdida fit-territorju ta' Stat Membru tkun modifikata sostanzjalment, dak l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kollettur tal-pedaġġi responsabbli għas-sistema jistabbilixxi u jippubblika fid-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS, flimkien mal-elementi msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-ippjanar dettaljat tal-valutazzjoni mill-ġdid tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u tal-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità tal-fornituri tal-EETS diġà akkreditati fis-sistema qabel il-modifika sostanzjali tagħha. L-ippjanar għandu jippermetti akkreditazzjoni mill-ġdid tal-fornituri tal-EETS ikkonċernati mhux aktar tard minn xahar qabel il-varar operazzjonali tas-sistema modifikata.

Il-kollettur tal-pedaġġi għandu jirrispetta dak l-ippjanar.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull kollettur tal-pedaġġi responsabbli għal dominju tal-EETS fit-territorju ta' dak l-Istat Membru jistabbilixxi ambjent ta' test li fih il-fornitur tal-EETS jew ir-rappreżentanti awtorizzati tiegħu jistgħu jivverifikaw li l-OBE tiegħu huwa adattat għall-użu fid-dominju tal-EETS tal-kollettur tal-pedaġġi u jikseb ċertifikazzjoni tat-tlestija b'suċċess tat-testijiet rispettivi. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lill-kolletturi tal-pedaġġi jistabbilixxu ambjent ta' test uniku għal aktar minn dominju tal-EETS wieħed, u biex jippermettu lil rappreżentant awtorizzat wieħed jivverifika jekk huwiex adattat l-użu ta' tip wieħed ta' OBE f'isem aktar minn fornitur tal-EETS wieħed.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lill-kolletturi tal-pedaġġi jitolbu lill-fornituri tal-EETS jew lir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom biex ikopru l-ispiża tat-testijiet rispettivi.

3.   L-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jostakolaw it-tqegħid fis-suq ta' kostitwenti tal-interoperabilità għall-użu fl-EETS meta dawn ikollhom il-marka KE jew inkella dikjarazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew dikjarazzjoni tal-idoneità għall-użu, jew it-tnejn. Partikolarment, l-Istati Membri ma għandhomx jitolbu verifiki li diġà jkunu twettqu bħala parti mill-proċedura għall-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew l-idoneità għall-użu, jew it-tnejn.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kostitwenti tal-interoperabilità rigward is-sikurezza u s-saħħa, l-affidabilità u d-disponibilità, il-protezzjoni ambjentali, il-kompatibilità teknika, is-sigurtà u l-privatezza u l-operat u l-ġestjoni.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali għall-infrastruttura rigward:

(a)

l-eżattezza tad-data tad-dikjarazzjoni tal-pedaġġ bil-ħsieb li tiggarantixxi trattament ugwali bejn l-utenti tal-EETS fir-rigward tal-pedaġġi u l-ħlasijiet;

(b)

l-identifikazzjoni, permezz tal-OBE tal-fornitur tal-EETS responsabbli;

(c)

l-użu ta' standards miftuħa għall-kostitwenti tal-interoperabilità tat-tagħmir tal-EETS;

(d)

l-integrazzjoni tal-OBE fil-vettura; u

(e)

is-sinjalazzjoni lis-sewwieq tar-rekwiżit li titħallas tariffa tat-triq.

6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex tistabbilixxi r-rekwiżiti speċifiċi għall-infrastruttura li ġejjin:

(a)

rekwiżiti dwar protokolli komuni ta' komunikazzjoni bejn it-tagħmir tal-Kolletturi tal-Pedaġġi u t-tagħmir tal-fornituri tal-EETS;

(b)

rekwiżiti dwar mekkaniżmi biex il-kolletturi tal-pedaġġi jidentifikaw jekk vettura li qed tiċċirkola fid-dominju tal-EETS tagħhom tkunx mgħammra b'OBE validu u li jiffunzjona;

(c)

rekwiżiti dwar l-interfaċċa bejn il-bniedem u l-magna fl-OBE;

(d)

rekwiżiti li japplikaw speċifikament għall-kostitwenti tal-interoperabilità fis-sistemi ta' pedaġġ ibbażati fuq teknoloġiji tal-microwave; u

(e)

rekwiżiti li japplikaw b'mod speċifiku f'sistemi ta' pedaġġ ibbażati fuq Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS).

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, sabiex tistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi applikata mill-Istati Membri għall-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità, inklużi l-kontenut u l-format tad-dikjarazzjonijiet tal-KE. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

KAPITOLU V

KLAWSOLI TA' SALVAGWARDJA

Artikolu 16

Proċedura ta' salvagwardja

1.   Meta Stat Membru jkollu raġuni biex jemmen li kostitwenti tal-interoperabilità li jkollhom il-marka KE u li tqiegħdu fis-suq x'aktarx li meta jintużaw kif suppost ma jissodisfawx ir-rekwiżiti rilevanti, huwa għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jirrestrinġi l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, jipprojbixxi l-użu tagħhom jew jirtirahom mis-suq. L-Istat Membru għandu immedjatament jinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu, u jiddikjara partikolarment jekk in-nuqqas fil-konformità huwiex dovut għal:

(a)

applikazzjoni mhux korretta tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi; jew

(b)

inadegwatezza tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istat Membru kkonċernat, il-manifattur, il-fornitur tal-EETS jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom stabbiliti fl-Unjoni kemm jista' jkun malajr. Fejn, wara dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi li il-miżura hija ġustifikata, hija għandha immedjatament tinforma lill-Istat Membru kkonċernat kif ukoll lill-Istati Membri l-oħra. Madankollu, fejn, wara dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi li l-miżura mhix ġustifikata, hija għandha immedjatament tinforma lill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll lill-manifattur jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fl-Unjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

3.   Fejn kostitwenti tal-interoperabilità li jkollhom il-marka KE ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-interoperabilità, l-Istat Membru kompetenti għandu jitlob lill-manifattur jew lir-rappreżentat awtorizzat tiegħu stabbilit fl-Unjoni sabiex jistabbilixxi mill-ġdid il-kostitwenti tal-interoperabilità għal stat ta' konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew l-idoneità għall-użu, jew it-tnejn, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dak l-Istat Membru u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istat Membri l-oħra dwar dan.

Artikolu 17

Trasparenza tal-valutazzjonijiet

Kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn Stat Membru jew kollettur tal-pedaġġi dwar il-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità u kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 16 għandha tistabbilixxi fid-dettall ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata. Din għandha tkun innotifikata kemm jista' jkun malajr lill-manifattur, il-fornitur tal-EETS jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom li jkunu kkonċernati, flimkien ma' indikazzjoni tar-rimedji disponibbli skont il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat u tal-limiti ta' żmien permessi għall-eżerċizzju ta' tali rimedji.

KAPITOLU VI

ARRANĠAMENTI AMMINISTRATTIVI

Artikolu 18

Uffiċċju ta' kuntatt uniku

Kull Stat Membru b'mill-inqas żewġ dominji tal-EETS fit-territorju tiegħu għandu jinnomina uffiċċju ta' kuntatt uniku għall-fornituri tal-EETS. L-Istat Membru għandu jagħmel pubbliċi d-dettalji ta' kuntatt ta' dak l-uffiċċju, u jipprovdihom, fuq talba, lill-fornituri interessati tal-EETS. L-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li, fuq talba tal-fornitur tal-EETS, l-uffiċċju ta' kuntatt jiffaċilita u jikkoordina kuntatti amministrattivi bikrija bejn il-fornitur tal-EETS u l-kolletturi tal-pedaġġ responsabbli għad-dominji tal-EETS fit-territorju tal-Istat Membru. L-uffiċċju ta' kuntatt jista' jkun persuna fiżika jew korp pubbliku jew privat.

Artikolu 19

Korpi nnotifikati

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kull korp intitolat biex iwettaq jew jissorvelja l-proċedura għall-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew l-idoneità għall-użu msemmija fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(7), filwaqt li jindikaw il-qasam tal-kompetenza ta' kull entità, u n-numri tal-identifikazzjoni miksuba minn qabel mingħand il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-lista tal-korpi, in-numru tal-identifikazzjoni u l-oqsma tal-kompetenza tagħhom, u għandha żżomm il-lista aġġornata

2.   L-Istati Membri għandhom japplikaw il-kriterji previsti fl-atti delegati msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu għall-valutazzjoni tal-korpi li għandhom jiġu notifikati. Il-korpi li jissodisfaw il-kriterji tal-valutazzjoni previsti fl-istandards rilevanti Ewropej għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-kriterji msemmija.

3.   Stat Membru għandu jirtira l-approvazzjoni minn korp li ma jibqax jissodisfa l-kriterji previsti fl-atti delegati msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu. Huwa għandu jinforma immedjatament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan.

4.   Jekk Stat Membru jew il-Kummissjoni jidhrilhom li korp notifikat minn Stat Membru ieħor ma jissodisfax il-kriterji previsti fl-atti delegati msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, il-kwistjoni għandha titressaq quddiem il-Kumitat tal-Pedaġġ Elettroniku msemmi fl-Artikolu 31(1), li għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien tliet xhur. Fid-dawl tal-opinjoni ta' dak il-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru li nnotifika lill-korp inkwistjoni bi kwalunkwe tibdila meħtieġa biex il-korp notifikat ikun jista' jżomm l-istatus li jkun ingħatalu.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex tistabbilixxi l-kriterji minimi ta' eliġibbiltà għall-korpi notifikati.

Artikolu 20

Grupp ta' Koordinazzjoni

Grupp ta' Koordinazzjoni tal-korpi notifikati skont l-Artikolu 19(1) (il-“Grupp ta' Koordinazzjoni”) għandu jiġi stabbilit bħala grupp ta' ħidma tal-Kumitat tal-Pedaġġ Elettroniku msemmi fl-Artikolu 31(1), skont ir-Regoli ta' Proċedura ta' dak il-Kumitat.

Artikolu 21

Reġistri

1.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta' din d-Direttiva, kull Stat Membru għandu jżomm reġistru elettroniku nazzjonali ta' dan li ġej:

(a)

id-dominji tal-EETS fit-territorju tiegħu, inkluż informazzjoni li tirrigwarda:

(i)

il-kolletturi tal-pedaġġ korrispondenti;

(ii)

it-teknoloġiji tal-pedaġġ użati;

(iii)

id-data dwar il-kuntest tal-pedaġġ;

(iv)

id-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS; u

(v)

il-fornituri tal-EETS li għandhom kuntratti tal-EETS mal-kolletturi tal-pedaġġ attivi fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

(b)

il-fornituri tal-EETS li lilhom ikun ippermetta r-reġistrazzjoni f'konformità mal-Artikolu 4; u

(c)

id-dettalji ta' uffiċċju ta' kuntatt uniku msemmi fl-Artikolu 18 għall-EETS, inkluż l-indirizz tal-posta elettronika ta' kuntatt u n-numru tat-telefon.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw tal-inqas darba fis-sena li r-rekwiżiti stabbiliti f'punti (a), (d), (e) u (f) tal-Artikolu 4 jkunu għadhom sodisfatti, u għandhom jaġġornaw ir-reġistri kif xieraq. Ir-reġistru għandu jkun fih ukoll il-konklużjonijiet tal-awditu previst fil-punt (e) tal-Artikolu 4. Stat Membru ma għandux jinżamm responsabbli għall-azzjonijiet tal-Fornituri tal-EETS msemmija fir-reġistru tiegħu.

2.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-data kollha li tinsab fir-reġistru elettroniku nazzjonali tinżamm aġġornata u hija preċiża.

3.   Ir-reġistri għandhom ikunu elettronikament aċċessibbli għall-pubbliku.

4.   Dawn ir-reġistri għandhom ikunu disponibbli mid-19 ta' Ottubru 2021.

5.   Fit-tmiem kull sena kalendarja, l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mir-reġistri għandhom jikkomunikaw, lill-Kummissjoni, b'mezzi elettroniċi, ir-reġistri tad-dominji tal-EETS u tal-fornituri tal-EETS. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri oħra. Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni u tal-Kummissjoni dwar kwalunkwe inkonsistenza fis-sitwazzjoni fi Stat Membru.

KAPITOLU VII

SISTEMI PILOTA

Artikolu 22

Sistemi pilota tal-pedaġġ

1.   Sabiex jippermettu l-iżvilupp tekniku tal-EETS, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw b'mod temporanju, f'partijiet limitati tad-dominju tal-pedaġġ tagħhom u b'mod parallel mas-sistema tal-ilmenti tal-EETS, sistemi tal-pedaġġ pilota li jinkorporaw teknoloġiji jew kunċetti ġodda li ma jikkonformawx ma' dispożizzjoni waħda jew aktar ta' din id-Direttiva.

2.   Il-fornituri tal-EETS ma għandhomx ikunu obbligati jipparteċipaw f'sistemi tal-pedaġġ pilota.

3.   Qabel ma tibda sistema pilota ta' pedaġġ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jitlob l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha toħroġ l-awtorizzazzjoni jew tirrifjutaha, f'forma ta' Deċiżjoni, fi żmien sitt xhur mill-mument li tkun irċeviet it-talba. Il-Kummissjoni tista' tirrifjuta l-awtorizzazzjoni jekk is-sistema pilota ta' pedaġġ tista' tippreġudika l-funzjonament korrett tas-sistema elettronika ta' pedaġġ regolari jew tal-EETS. Il-perijodu inizjali ta' dawn l-awtorizzazzjonijiet ma għandux jaqbeż it-tliet snin.

KAPITOLU VIII

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI DWAR IN-NUQQAS TA' ĦLAS TA' TARIFFI TAT-TRIQ

Artikolu 23

Proċedura għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri

1.   Sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-vettura u s-sid jew id-detentur ta' dik il-vettura, li għaliha ġie stabbilit li ma sarx il-ħlas ta' tariffa tat-triq, kull Stat Membru għandu jagħti aċċess biss lill-punti ta' kuntatt nazzjonali ta' Stati Membri oħra għad-data nazzjonali li ġejja dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, bis-setgħa li jwettqu tiftix awtomatizzat dwarhom:

(a)

data relatata mal-vetturi; u

(b)

data relatata mas-sidien jew mad-detenturi tal-vettura.

L-elementi tad-data msemmija fil-punti (a) u (b) u li huma meħtieġa biex isir tiftix awtomattizat għandhom jikkonformaw mal-Anness I.

2.   Għall-finijiet tal-iskambju ta' data msemmi fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta' kuntatt nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri jsir biss bejn il-punti ta' kuntatt nazzjonali. Is-setgħat tal-punti ta' kuntatt nazzjonali għandhom ikunu rregolati bil-liġi applikabbli tal-Istat Membru kkonċernat. F'dak il-proċess ta' skambju ta' data, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-protezzjoni xierqa tad-data personali.

3.   Meta jsir tiftix awtomatizzat fil-forma ta' talba maħruġa, il-punt ta' kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq għandu juża n-numru ta' reġistrazzjoni kollu kemm hu.

Dan it-tiftix awtomatizzat għandu jsir f'konformità mal-proċeduri msemmija fil-punti 2 u 3 tal-Kapitolu 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI (16) u mar-rekwiżiti tal-Anness I ta' din id-Direttiva.

L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas tal-ħlas ta' tariffa tat-triq għandu juża d-data miksuba sabiex jiġi stabbilit min hu responsabbli għan-nuqqas ta' ħlas ta' din it-tariffa.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikun żgurat li l-iskambju ta' informazzjoni jsir bl-użu tal-applikazzjoni tas-software tas-Sistema ta' Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (Eucaris) u l-verżjonijiet emendati ta' dan is-software, f'konformità mal-Anness I ta' din id-Direttiva u mal-punti 2 u 3 tal-Kapitolu 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI.

5.   Kull Stat Membru għandu jħallas l-ispejjeż tiegħu stess li jirriżultaw mill-amministrazzjoni, l-użu u l-manutenzjoni tal-applikazzjonijiet tas-software imsemmija fil-paragrafu 4.

Artikolu 24

Ittra ta' informazzjoni dwar nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq

1.   L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq għandu jiddeċiedi jekk għandux jibda proċedimenti ta' segwitu f'dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq.

F'każ li l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq jiddeċiedi li jibda tali proċedimenti, f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, dak l-Istat Membru għandu jinforma lis-sid, lid-detentur tal-vettura jew alternattivament lill-persuna identifikata ssuspettata li naqset milli tħallas it-tariffa tat-triq.

Din l-informazzjoni għandha, skont kif ikun applikabbli taħt il-liġi nazzjonali, tinkludi l-konsegwenzi legali tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru fejn kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq skont il-liġi ta' dak l-Istat Membru.

2.   Meta jkun qed jibgħat l-ittra ta' informazzjoni lis-sid, lid-detentur tal-vettura jew alternattivament lill-persuna identifikata ssuspettata li naqset milli tħallas it-tariffa tat-triq, l-Istat Membru fejn seħħ in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq għandu, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, jinkludi kwalunkwe informazzjoni rilevanti, partikolarment dwar in-natura ta' dan in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq, il-post, id-data u l-ħin tan-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq, it-titolu tat-testi tal-liġi nazzjonali miksura, id-dritt għall-appell u ta' aċċess għall-informazzjoni, u s-sanzjoni u, fejn xieraq, id-data li tikkonċerna t-tagħmir li ntuża biex jiġi identifikat in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq. Għal dak l-għan, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq għandu jibbaża l-ittra ta' informazzjoni fuq il-mudell stabbilit fl-Anness II.

3.   F'każ li l-Istat Membru fejn li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq jiddeċiedi li jibda proċedimenti ta' segwitu fir-rigward tan-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq, dan għandu, bil-għan li jiżgura li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati, jibgħat l-ittra ta' informazzjoni bil-lingwa tad-dokument ta' reġistrazzjoni tal-vettura, fejn disponibbli, jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.

Artikolu 25

Il-proċedimenti ta' segwitu mill-entitajiet tal-ġbir

1.   L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq jista' jipprovdi lill-entità responsabbli mill-ġbir tat-tariffa tat-triq id-data miksuba permezz tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 23(1) biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

id-data trasferita tkun limitata għal dak li jkun meħtieġ minn dik l-entità biex tikseb it-tariffa tat-triq dovuta;

(b)

il-proċedura biex tinkiseb it-tariffa tat-triq dovuta tkun konformi mal-proċedura prevista fl-Artikolu 24;

(c)

l-entità kkonċernata tkun responsabbli għat-twettiq ta' din il-proċedura; u

(d)

il-konformità mal-ordni ta' ħlas maħruġa mill-entità li tirċievi d-data ġġib fi tmiemu n-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data pprovduta lill-entità responsabbli tintuża biss għall-għan li tinkiseb it-tariffa tat-triq dovuta u titħassar immedjatament ladarba t-tariffa tat-triq titħallas jew, jekk in-nuqqas ta' ħlas jippersisti, fi żmien raġonevoli wara t-trasferiment tad-data, li għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru.

Artikolu 26

Rappurtar mill-Istati Membri lill-Kummissjoni

Kull Stat Membru għandu jibgħat rapport komprensiv lill-Kummissjoni sad-19 ta' April 2023 u sussegwentement kull tliet snin.

Ir-rapport komprensiv għandu jindika n-numru ta' każijiet ta' tiftix awtomatizzat li jkunu saru mill-Istat Membru li fih seħħ nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq indirizzat lill-punt ta' kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni, wara l-każijiet ta' nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq li jkunu seħħew fit-territorju tiegħu, flimkien ma' n-numru ta' talbiet li ma rnexxewx.

Ir-rapport komprensiv għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tas-sitwazzjoni fil-livell nazzjonali b'rabta mas-segwitu li jikkonċerna nuqqasijiet ta' ħlas tat-tariffi tat-triq, abbażi tal-proporzjon ta' tali nuqqasijiet ta' ħlas tat-tariffi tat-triq li ngħataw segwitu b'ittri ta' informazzjoni.

Artikolu 27

Protezzjoni tad-data

1.   Ir-Regolament (UE) 2016/679 u l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jittrasponu d-Direttivi 2002/58/KE u (UE) 2016/680 għandhom japplikaw għad-data personali pproċessata skont din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, jieħdu l-miżuri meħtieġa, sabiex jiżguraw li:

(a)

l-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tal-Artikoli 23, 24 u 25 ikun limitat għat-tipi ta' data elenkati fl-Anness I għal din id-Direttiva;

(b)

id-data personali tkun preċiża, tinżamm aġġornata u li t-talbiet għar-rettifika jew għat-tħassir jiġu ttrattati mingħajr dewmien żejjed; u

(c)

jiġi stabbilit limitu ta' żmien għall-ħżin tad-data personali.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li d-data personali proċessata taħt din id-Direttiva tintuża biss għall-finijiet ta':

(a)

identifikazzjoni ta' awturi suspettati ta' reati fid-dawl tal-obbligu li jitħallsu t-tariffi tat-triq fl-ambitu tal-Artikolu 5(8);

(b)

żgurar tal-konformità tal-kollettur tal-pedaġġi fir-rigward tal-obbligi tiegħu lejn l-awtoritajiet tat-taxxa fl-ambitu tal-Artikolu 5(9); u

(c)

identifikazzjoni tal-vettura u s-sid jew id-detentur tal-vettura li għaliha ġie stabbilit nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq fl-ambitu tal-Artikoli 23 u 24.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li s-suġġetti tad-data jkollhom l-istess drittijiet ta' informazzjoni, aċċess, rettifika, tħassir u restrizzjoni tal-ipproċessar u li jressqu lment quddiem awtorità superviżorja tal-protezzjoni tad-data, kumpens u rimedju ġudizzjarju effettiv kif previst fir-Regolament (UE) 2016/679 jew, fejn applikabbli, id-Direttiva (UE) 2016/680.

3.   Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa l-possibilità li l-Istati Membri jirrestrinġu l-ambitu tal-obbligi u d-drittijiet previsti f'ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 skont l-Artikolu 23 ta' dak ir-Regolament għall-finijiet elenkati fl-ewwel paragrafu ta' dak l-Artikolu.

4.   Kwalunkwe persuna kkonċernata għandu jkollha d-dritt li tikseb, mingħajr dewmien mhux dovut, informazzjoni dwar liema data personali rreġistrata fl-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tkun ġiet trażmessa lill-Istat Membru fejn kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq, inkluża d-data tat-talba u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih sar nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq.

KAPITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 28

Rapport

1.   Sad-19 ta' April 2023, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-effetti ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-avvanzi u l-użu tal-EETS u l-effikaċja u l-effiċjenza tal-mekkaniżmu għall-iskambju tad-data fil-qafas tal-investigazzjoni ta' każijiet ta' nuqqas ta' ħlas tat-tariffi tat-triq.

Ir-rapport għandu janalizza b'mod partikolari dan li ġej:

(a)

l-effett tal-Artikolu 5(1) u (2) fuq l-użu tal-EETS, b'attenzjoni partikolari għad-disponibilità tas-servizz f'dominji żgħar jew periferiċi tal-EETS;

(b)

l-effettività tal-Artikoli 23, 24 u 25 dwar it-tnaqqis fin-numru ta' nuqqasijiet ta' ħlas ta' tariffi tat-triq fl-Unjoni; u

(c)

il-progress li jkun sar fir-rigward tal-aspetti tal-interoperabilità bejn is-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ li jużaw il-pożizzjonament bis-satellita u t-teknoloġija tal-microwave b'5,8 GHz.

2.   Ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex din id-Direttiva tkompli tiġi riveduta, partikolarment b'rabta mal-elementi li ġejjin:

(a)

miżuri addizzjonali biex jiġi żgurat li l-EETS ikun disponibbli fid-dominji kollha tal-EETS, inkluż dawk żgħar u periferiċi.

(b)

miżuri biex ikompli jiġi ffaċilitat l-infurzar transfruntier tal-obbligu tal-ħlas tat-tariffi tat-triq fl-Unjoni, inklużi l-arranġamenti ta' assistenza reċiproka; u

(c)

l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-infurzar transfruntier għal żoni b'emissjonijiet baxxi, għal żoni ta' aċċess ristrett jew għal skemi ta' regolamentazzjoni tal-aċċess urban għall-vetturi.

Artikolu 29

Atti delegati

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 30, li jaġġornaw l-Anness I biex titqies kwalunkwe emenda rilevanti li għandhom isiru lid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI (17) u 2008/616/ĠAI jew fejn dan ikun rikjest minn xi att legali rilevanti ieħor tal-Unjoni.

Artikolu 30

Eżerċitar tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 8(5), l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 15(4) u (5), l-Artikolu 19(5) u l-Artikolu 29 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mit-18 ta' April 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 8(5), l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 15(4) u (5), l-Artikolu 19(5) u l-Artikolu 29 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 8(5), l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 15(4) u (5), l-Artikolu 19(5) u l-Artikolu 29 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jagħlaq dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 31

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni ser tiġi assistita mill-Kumitat tal-Pedaġġ Elettroniku.

Dan il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 32

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sad-19 ta' Ottubru 2021, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi mal-Artikoli 1 sa 27 u l-Annessi I u II. Għandhom mill-ewwel jikkomunikaw it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mid-19 ta' Ottubru 2021.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttiva mħassra b'din id-Direttiva għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif din ir-referenza għandha ssir u kif it-tali dikjarazzjoni għandha tiġi mfassla.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 33

Tħassir

Id-Direttiva 2004/52/KE hija mħassra bis-seħħ mill-20 ta' Ottubru 2021, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-limitu -ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva mniżżla fl-Anness III, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni li tinsab fl-Anness IV.

Artikolu 34

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 35

Destinatarji

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 181.

(2)  ĠU C 176, 23.5.2018, p. 66.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Marzu 2019.

(4)  Id-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-interoperabilità ta' sistemi elettroniċi dwar taxxi tat-toroq fil-Komunità (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 124).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2015/413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq (ĠU L 68, 13.3.2015, p. 9).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(8)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(9)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(12)  Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(13)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).

(14)  Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibilità elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79).

(15)  Id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (ĠU L 187, 20.7.1999, p. 42).

(16)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).


ANNESS I

Elementi tad-data meħtieġa biex iseħħ it-tiftix awtomatizzat imsemmi fl-Artikolu 23(1)

Entrata

M/F (1)

Rimarki

Data relatata mal-vettura

M

 

Stat Membru tar-reġistrazzjoni

M

 

Numru tar-reġistrazzjoni

M

(A (2))

Data relatata man-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq

M

 

Stat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq

M

 

Data ta' referenza tal-każ

M

 

Ħin ta' referenza tal-każ

M

 

Elementi tad-data pprovduti bħala riżultat tat-tiftix awtomatizzat magħmul skont l-artikolu 23(1)

Parti I.   Data relatata mal-vetturi

Entrata

M/F (3)

Rimarki

Numru tar-reġistrazzjoni

M

 

Numru tax-chassis/VIN

M

 

Stat Membru tar-reġistrazzjoni

M

 

Il-Marka

M

(D.1 (4)) eż. Ford, Opel, Renault

Deskrizzjoni kummerċjali tal-vettura

M

(D.3) eż. Focus, Astra, Megane

Kodiċi tal-Kategorija tal-UE

M

(J) eż. motorini, muturi, karozzi

Klassi ta' emissjonijiet EURO

M

eż. Euro 4, EURO 6

Parti II.   Data relatata mas-sidien jew detenturi tal-vetturi

Entrata

M/F (5)

Rimarki

Data relatata mad-detenturi tal-vettura

 

(C.1 2 (6))

Id-data tirreferi għad-detentur taċ-ċertifikat speċifiku tar-reġistrazzjoni.

Isem id-detenturi (il-kumpanija) tar-reġistrazzjoni

M

(C.1.1)

Għandhom jintużaw taqsimiet separati għall-kunjom, l-infissi, it-titli, eċċ., u għandu jiġi komunikat l-isem f'format li jista' jiġi stampat.

Isem

M

(C.1.2)

Għandhom jintużaw taqsimiet separati għall-ewwel isem (ismijiet) u l-inizjali, u għandu jiġi komunikat l-isem f'format li jista' jiġi stampat.

Indirizz

M

(C.1.3)

Għandhom jintużaw taqsimiet separati għat-Triq, in-Numru tad-dar u l-Anness, il-Kodiċi postali, il-Post ta' residenza, il-Pajjiż ta' residenza, eċċ., u għandu jiġi komunikat l-indirizz f'format li jista' jiġi stampat.

Sess

F

Raġel, mara

Data tat-twelid

M

 

Entità legali

M

Individwu, assoċjazzjoni, kumpanija, ditta, eċċ.

Post tat-twelid

F

 

Numru tal-karta tal-identità

F

Identifikatur li jidentifika b'mod uniku lill-persuna jew lill-kumpanija.

Data relatata mas-sidien tal-vettura

 

(C.2) Id-data tirreferi għas-sid tal-vettura.

L-isem tas-sid (tal-kumpanija)

M

(C.2.1)

Isem

M

(C.2.2)

Indirizz

M

(C.2.3)

Sess

F

Raġel, mara

Data tat-twelid

M

 

Entità legali

M

Individwu, assoċjazzjoni, kumpanija, ditta, eċċ.

Post tat-twelid

F

 

Numru tal-karta tal-identità

F

Identifikatur li jidentifika b'mod uniku lill-persuna jew lill-kumpanija.

 

 

Fil-każ ta' vetturi għall-iskrapp, vetturi jew pjanċi tar-reġistrazzjoni misruqin, jew numru tar-reġistrazzjoni tal-karozza skadut, ma għandu jiġi pprovdut l-ebda tagħrif dwar is-sid jew id-detentur. Minflok, għandu jintbagħat lura l-messaġġ “Tagħrif mhux żvelat”.


(1)  M = mandatorju meta jkun disponibbli fir-reġistru nazzjonali, F = fakultattiv.

(2)  Kodiċi armonizzat tal-Unjoni, ara d-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta' April 1999 dwar id-dokumenti ta' reġistrazzjoni għall-vetturi (ĠU L 138, 1.6.1999, p. 57).

(3)  M = mandatorju meta jkun disponibbli fir-reġistru nazzjonali, F = fakultattiv.

(4)  Kodiċi armonizzat tal-Unjoni, ara d-Direttiva 1999/37/KE.

(5)  M = mandatorju meta jkun disponibbli fir-reġistru nazzjonali, F = fakultattiv.

(6)  Kodiċi armonizzat tal-Unjoni, ara d-Direttiva 1999/37/KE.


ANNESS II

MUDELL GĦALL-ITTRA TA' INFORMAZZJONI

imsemmija fl-Artikolu 24

[Paġna ta' quddiem]

[Isem, indirizz u numru tat-telefon ta' min qed jibgħat l-ittra]

[Isem u indirizz tad-destinatarju]

ITTRA TA' INFORMAZZJONI

rigward in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq li seħħ fi …

[isem l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq]

Paġna 2

Fil-… nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq bil-vettura bin-numru tar-reġistrazzjoni

[data]

numru …marka …mudell …

ġie osservat minn …

[isem l-entità responsabbli]

[Għażla 1] (1)

Inti rreġistrat/a bħala d-detentur taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vettura msemmija hawn fuq.

[Għażla 2] (1)

Id-detentur taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vettura msemmija hawn fuq indika li int kont qed issuq dik il-vettura meta seħħ in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq.

Id-dettalji rilevanti tan-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq huma deskritti fil-paġna 3 hawn taħt.

L-ammont tal-penali finanzjarja dovut għan-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq huwa ta'… EUR/munita nazzjonali. (1)

L-ammont tat-tariffa tat-triq li jrid jitħallas hu ta' …EUR/munita nazzjonali. (1)

L-iskadenza għall-ħlas hi …

Jekk ma tħallasx din il-penali finanzjarja (1)/tariffa tat-triq, int imħeġġeġ timla' l-formola tat-tweġiba mehmuża (paġna 4) u tibgħatha fl-indirizz indikat. (1).

Din l-ittra għandha tiġi pproċessata skont il-liġi nazzjonali ta' …

[isem l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq].

Paġna 3:

Dettalji rilevanti dwar in-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq

(a)

Data dwar il-vettura li ntużat meta seħħ in-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq:

 

Numru tar-reġistrazzjoni: …

 

Stat Membru tar-reġistrazzjoni: ….

 

Marka u mudell: …

(b)

Data dwar in-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq:

 

Il-post, id-data u l-ħin fejn seħħ in-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq:

 

In-natura u l-klassifikazzjoni ġuridika tan-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq:

 

Deskrizzjoni dettaljata tan-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq

 

Referenza għad-dispożizzjoni jew id-dispożizzjonijiet legali rilevanti:

 

Deskrizzjoni ta' jew referenza għall-evidenza dwar in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq:

(c)

Data dwar l-apparat li ntuża għall-identifikazzjoni tan-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq (2):

 

Speċifikazzjoni tat-tagħmir:

 

Numru tal-identifikazzjoni tat-tagħmir:

 

Skadenza tal-aħħar kalibrazzjoni tat-tagħmir:

(1)

Ħassar jekk mhux applikabbli.

(2)

Mhux applikabbli jekk ma jkun intuża l-ebda tagħmir.

Paġna 4

Formola tar-risposta

(jekk jogħġbok imla l-formola b'ittri kapitali)

A.

Identità tas-sewwieq:

Isem sħiħ:

Post u data tat-twelid:

Numru tal-liċenzja tas-sewqan: … mogħtija (data): …u fi (post): …

Indirizz …

B.

Lista ta' mistoqsijiet:

1.

Il-vettura, tal-marka …, numru ta' reġistrazzjoni …, hija rreġistrata f'ismek? … iva/le (1)

Jekk le, id-detentur taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni huwa/hija: …

(kunjom, isem, indirizz)

2.

Tammetti li ma ħallastx tariffa tat-triq? iva/le (1)

3.

Jekk dan ma tammettihx, jekk jogħġbok agħti r-raġunijiet tiegħek:

Jekk jogħġbok, il-formola li mlejt ibagħtha fi żmien 60 jum mid-data ta' din l-ittra ta' informazzjoni lill-awtorità jew entità li ġejja: …

fl-indirizz li ġej: …

INFORMAZZJONI

(Fejn l-ittra ta' informazzjoni tintbagħat mill-entità responsabbli li tiġbor it-tariffi tat-triq skont l-Artikolu 25):

 

Jekk it-tariffa tat-triq dovuta ma titħallasx sad-data ta' skadenza stipulata f'din l-ittra ta' informazzjoni, dan il-każ jiġi mgħoddi lill-awtorità kompetenti ta' …

[isem tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq] u eżaminat minn din l-istess awtorità kompetenti.

 

Jekk ma jingħatax segwitu għal dan il-każ, int tiġi infurmat/a fi żmien 60 jum mid-data tar-riċezzjoni tal-formola tat-tweġiba jew tal-prova tal-ħlas. (1)

/

(Fejn l-ittra ta' informazzjoni tintbagħat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru):

 

Dan il-każ ser jiġi eżaminat mill-awtorità kompetenti ta'…

[isem l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq].

 

Jekk ma jingħatax segwitu għal dan il-każ, int tiġi infurmat/a fi żmien 60 jum mid-data tar-riċezzjoni tal-formola ta' tweġiba jew tal-prova tal-ħlas. (1)

(1)

Ħassar jekk mhux applikabbli.

Jekk jingħata segwitu għal dan il-każ, tapplika l-proċedura li ġejja:

[għandha timtela mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq — x'se tkun il-proċedura ulterjuri, inklużi d-dettalji dwar il-possibilità u l-proċedura ta' appell kontra d-deċiżjoni li jiġi segwit il-każ. F'kull każ, dawn id-dettalji għandhom jinkludu: l-isem u l-indirizz tal-awtorità jew tal-entità inkarigata li ssegwi l-każ; l-iskadenza għall-ħlas; l-isem u l-indirizz tal-organu ta' appell ikkonċernat; l-iskadenza għall-appell].

Din l-ittra bħala tali ma twassalx għal konsegwenzi legali.

Ċaħda ta' responsabilità dwar il-protezzjoni tad-data:

 

[Fejn huwa applikabbli r-Regolament (UE) 2016/679:

Skont ir-Regolament (UE) 2016/679, inti għandek id-dritt li titlob aċċess għad-data personali, u r-rettifika jew it-tħassir tagħha jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek jew li toġġezzjona għall-ipproċessar, kif ukoll id-dritt għall-portabilità tad-data; Inti għandek ukoll id-dritt li tressaq ilment quddiem [isem u indirizz tal-awtorità superviżorja rilevanti].

 

[Fejn hija applikabbli d-Direttiva (UE) 2016/680:

Skont [isem il-liġi nazzjonali li tapplika d-Direttiva (UE) 2016/680], inti għandek id-dritt li titlob mingħand il-kontrollur l-aċċess għad-data personali u r-rettifika jew it-tħassir tagħha u r-restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Inti għandek ukoll id-dritt li tressaq ilment quddiem [isem u indirizz tal-awtorità superviżorja rilevanti].]


ANNESS III

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien mal-emenda tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 33)

Id-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ĠU L 166, 30.4.2004, p. 124

Regolament (KE) Nru 219/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ĠU L 87, 31.3.2009, p. 109

PARTI B

Skadenza għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 33)

Direttiva

Il-limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni

Direttiva 2004/52/KE:

fl-20 ta' Novembru 2005.


ANNESS IV

Tabella ta' Korrelazzjoni

Direttiva 2004/52/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1)

L-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1)

L-ewwel subparagrafu (b) tal-Artikolu 1(1)

Artikolu 3(2), l-ewwel sentenza

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1)

Artikolu 1(2), il-kliem introduttorju

Artikolu 1(2), il-kliem introduttorju

Artikolu 1(2)(a)

Artikolu 1(2)(a)

Artikolu 1(2)(b)

Artikolu 1(2)(c)

Artikolu 1(2)(b)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(4)

Artikolu 1(5)

Artikolu 1(6)

Artikolu 2

Artikolu 2(1)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1)

Artiklu 2(2), l-ewwel sentenza

–Artikolu 4(7)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(3)

Artikolu 2(2), it-tieni u t-tielet sentenzi

Artikolu 3(4)

Artikolu 2(2), ir-raba' sentenza

Artikolu 3(5)

Artikolu 3(6)

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(4)

Artikolu 2(5)

Artikolu 2(6)

Artikolu 2(7)

Artikolu 27

Artikolu 3(1)

Artiklu 3(2), l-ewwel sentenza

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1)

Artikolu 3(2), it-tieni sentenza

Artikolu 3(2), it-tielet sentenza

 

Artikolu 3(3)

 

Artikolu 3(4)

Artikolu 4(1)

 

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(3)

 

Artikolu 4(4)

Artikolu 4(5)

Artikolu 4(7)

Artikolu 3(2)

Artikolu 4(8)

Artikolu 5(4)

Artikolu 23

Artikolu 24

Artikolu 26

Artikolu 2(7)

Artikolu 27

Artikolu 28

Artikolu 29

Artikolu 30

Artikolu 5

Artikolu 31

Artikolu 6

Artikolu 32(1)

Artikolu 32(2)

Artikolu 33

Artikolu 7

Artikolu 34

Artikolu 8

Artikolu 35

Anness

Anness I

Anness II

Anness III

Anness IV


Rettifika

29.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/77


Rettifika tad-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 173 tad-9 ta' Lulju 2018 )

F'paġna 22, l-Artikolu 1, il-punt (2)(c), it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza,

minflok:

“Min iħaddem jenħtieġ li, mingħajr preġudizzju għall-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, jirrimborża lill-ħaddiema stazzjonat għal tali spejjeż f'konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali applikabbli għar-relazzjoni ta' impjieg.”,

aqra:

“Min iħaddem jenħtieġ li, mingħajr preġudizzju għall-punt (i) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, jirrimborża lill-ħaddiema stazzjonat għal tali spejjeż f'konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali applikabbli għar-relazzjoni ta' impjieg.”.