ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 354

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 59
23 ta' Diċembru 2016


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2016/2336 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li jistabbilixxi kondizzjonijiet speċifiċi għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u dispożizzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali tal-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002

1

 

*

Regolament (UE) 2016/2337 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 tal-Kunsill dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tal-ferrovija ( 1 )

20

 

*

Regolament (UE) 2016/2338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija ( 1 )

22

 

*

Regolament (UE) 2016/2339 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fir-rigward ta' merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru

32

 

*

Regolament (UE) 2016/2340 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni għal dak li jirrigwarda d-data ta' applikazzjoni tiegħu ( 1 )

35

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORPs) ( 1 )

37

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

23.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 354/1


REGOLAMENT (UE) 2016/2336 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Diċembru 2016

li jistabbilixxi kondizzjonijiet speċifiċi għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u dispożizzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali tal-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jirrikjedi li l-attivitajiet tas-sajd ikunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u jkunu ġestiti b'tali mod li jkun konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u relatati mal-impjieg, u mal-objettivi li jingħata kontribut sabiex ikunu disponibbli l-provvisti tal-ikel. Jenħtieġ li l-politika komuni tas-sajd tkun tapplika kemm l-approċċ prekawzjonarju kif ukoll dak abbażi tal-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex tiżgura li l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar jkunu minimizzati, u tirsisti sabiex tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd jevitaw id-degradazzjoni tal-ambjent tal-baħar. F'dak il-kuntest, l-Artikolu 2(2) u l-Artikoli 7, 20 u 22 ta' dak ir-Regolament huma wkoll ta' rilevanza partikolari.

(2)

L-Unjoni hija impenjata li timplimenta r-Riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 61/105 u 64/72, li jitolbu lill-Istati u l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd biex jiżguraw il-ħarsien tal-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar fond mill-impatt tal-irkapti tas-sajd tal-qiegħ, kif ukoll l-isfruttar sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut tal-baħar fond.

(3)

Il-Kummissjoni evalwat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002 (4) u sabet, b'mod partikolari, li l-ambitu tal-flotta kkonċernata kien kbir wisq, li kien hemm nuqqas ta' gwida fir-rigward tal-kontroll f'portijiet magħżula u ta' programmi ta' kampjunar, u li l-kwalità tar-rappurtar tal-Istati Membri tal-livelli tal-isforz kien varjabbli wisq. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kkonkludiet li l-limitu massimu ta' kapaċità, applikabbli mill-2002 u li jikkonsisti mill-kapaċità aggregata tal-bastimenti kollha li qabdu aktar minn 10 tunnellati ta' kwalunkwe taħlita ta' speċijiet tal-baħar fond fi kwalunkwe waħda mis-snin bejn l-1998 u l-2000, ma kellu l-ebda effett sostanzjali pożittiv. Għaldaqstant jenħtieġ li r-reġim tal-limitu massimu tal-kapaċità jiġi aġġornat bħala parti mill-miżuri ta' rimedju għan-nuqqasijiet identifikati f'dak ir-Regolament.

(4)

Bl-għan li jinżamm it-tnaqqis meħtieġ fil-kapaċità tas-sajd fis-sajd fil-baħar fond u sabiex tinkiseb informazzjoni aktar komprensiva dwar l-attivitajiet ta' sajd fil-baħar fond u l-impatt tagħhom fuq l-ambjent tal-baħar, jenħtieġ li s-sajd għall-ispeċijiet fil-baħar fond ikun soġġett għal awtorizzazzjoni tas-sajd. Jenħtieġ li kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni dettaljata taż-żona tas-sajd maħsuba, inkluż is-subżoni, id-diviżjonijiet u s-suddiviżjonijiet tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) u l-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (CECAF), kif ukoll it-tipi ta' rkapti, il-medda ta' fond maħsuba, il-frekwenza u t-tul maħsuba tal-attività tas-sajd u l-ismijiet tal-ispeċijiet tal-baħar fond ikkonċernati.

Jenħtieġ li s-sistema ta' awtorizzazzjonijiet tas-sajd tikkontribwixxi wkoll għal-limitazzjoni tal-kapaċità tal-bastimenti eliġibbli biex jistadu għall-ispeċijiet tal-baħar fond. Bil-ħsieb li l-miżuri ta' ġestjoni jkunu ffukati fuq il-parti tal-flotta l-aktar rilevanti għas-sajd fil-baħar fond, l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd jenħtieġ li jinħarġu skont jekk humiex marbuta ma' sajd immirat jew sajd bi qbid aċċessorju. Jenħtieġ li l-applikazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013, madankollu, ma twaqqafx bastimenti li jaqbdu kwantità żgħira ta' speċijiet tal-baħar fond u li bħalissa mhumiex soġġetti għal permess tas-sajd fil-baħar fond, milli jkomplu l-attivitajiet ta' sajd tradizzjonali tagħhom.

(5)

Id-detenturi ta' awtorizzazzjoni tas-sajd li tippermetti l-qbid ta' speċijiet tal-baħar fond jenħtieġ li jikkooperaw f'attivitajiet ta' riċerka xjentifika sabiex itejbu l-valutazzjoni tal-istokkijiet tal-baħar fond u r-riċerka tal-ekosistemi tal-baħar fond.

(6)

Sabiex ikomplu jsaħħu l-ħarsien tal-ambjent tal-baħar, huwa adatt li l-attivitajiet tas-sajd immirat jkunu permessi biss f'dawk iż-żoni fejn l-attività ta' sajd fil-baħar fond tkun seħħet waqt il-perijodu ta' referenza 2009–2011. Madankollu, għall-finijiet ta' sajd esploratorju, jenħtieġ li jkun possibbli li bastimenti li għandhom fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond jistadu lil hinn miż-żona eżistenti tas-sajd dment li, skont valutazzjoni tal-impatt imwettqa f'konformità mal-linji gwida tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), l-estensjoni taż-żona tas-sajd ma toħloqx riskju sinifikanti ta' impatt negattiv fuq l-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar (EVB).

(7)

Is-sajd fil-baħar fond bi xbieki ta' tkarkir tal-qiegħ iġib miegħu riskju ogħla għall-EVB fost l-irkapti differenti użati u jirrapporta l-ogħla rati ta' qabdiet mhux intenzjonati ta' speċijiet tal-baħar fond. Sabiex jitnaqqsu l-impatti negattivi ta' tali attivitajiet ta' sajd fil-baħar fond fuq l-ekosistema tal-baħar, jenħtieġ li s-sajd bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ ikun limitat fl-ilmijiet 'il fuq minn ċertu fond u li s-sajd bl-irkapti tal-qiegħ ikun soġġett għal rekwiżiti speċifiċi għall-ħarsien tal-EVB. Jenħtieġ li l-użu tal-irkapti tal-qiegħ ikun soġġett ukoll għal evalwazzjoni wara t-13 ta' Jannar 2021. Barra minn hekk, l-użu ta' għeżula tal-qiegħ fis-sajd fil-baħar fond bħalissa huwa limitat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1288/2009 (5).

(8)

Sabiex jitnaqqsu l-impatti potenzjalment ta' ħsara tat-tkarkir tal-qiegħ, huwa adatt li s-sajd bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ ikun permess f'fond ta' 800 metru jew aktar. Dak il-limitu jibni fuq miżuri volontarji eżistenti mmexxija mill-industrija li huma applikati fl-ilmijiet tal-Unjoni u jqis l-ispeċifiċitajiet tas-sajd fil-baħar fond fl-ilmijiet tal-Unjoni.

(9)

Sabiex jitnaqqas l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd li jseħħu fil-baħar fond fuq l-EVB, huwa adatt li jiġi pprovdut sett ta' miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-inkontri ma' EVB. B'mod partikolari, regola tat-tbegħid u obbligu ta' rappurtar jenħtieġ li japplikaw fejn iseħħ inkontru ta' EVB. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita lista ta' żoni fejn EVB iseħħu jew x'aktarx iseħħu fejn is-sajd bl-irkaptu tal-qiegħ ikun ipprojbit.

(10)

Peress li l-informazzjoni bijoloġika tista' tinġabar l-aħjar permezz ta' standards armonizzati ta' ġbir tad-data, huwa adatt li l-ġbir tad-data dwar mestieri tal-baħar fond jiġi integrat fil-qafas ġenerali tal-ġbir tad-data xjentifika, filwaqt li jiġi żgurat il-provvediment tal-informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex tinftiehem id-dinamika tas-sajd. Il-finanzjament għall-ġbir tad-data skont dan ir-Regolament huwa disponibbli skont it-termini u l-prinċipji tal-qafas tal-ġbir tad-data previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (6).

(11)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (7) jistipula rekwiżiti aktar stretti ta' kontroll u infurzar li japplikaw f'ċirkostanzi speċifiċi. Sajd għall-ispeċijiet tal-baħar fond, li fin-natura tagħhom huma vulnerabbli għas-sajd, jenħtieġ għalhekk li jkunu soġġetti għal livell ogħla ta' kontroll. Jixraq ukoll li jkun hemm provvedimenti għal każijiet speċifiċi ta' ksur tar-regoli tal-PKS, li jwasslu għal irtirar ta' awtorizzazzjoni tas-sajd.

(12)

Il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura fis-sajd tal-Atlantiku tal-Grigal kienet approvata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/608/KEE (8) u daħlet fis-seħħ fis-17 ta' Marzu 1982. Dik il-Konvenzjoni tipprevedi qafas xieraq għall-kooperazzjoni multilaterali dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni razzjonali tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali tal-Atlantiku tal-Grigal. Il-miżuri ta' ġestjoni adottati mill-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC) jinkludu sistema speċifika ta' miżuri għall-ħarsien ta' EVB fiż-Żona Regolatorja tan-NEAFC. Madankollu, sabiex tkun żgurata l-kontinwità tal-modus operandi attwali mill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet NEAFC, ir-regoli applikabbli attwalment previsti fir-Regolament (KE) Nru 2347/2002 dwar permess tas-sajd fil-baħar fond, portijiet magħżulin, u l-komunikazzjoni tal-informazzjoni mill-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu japplikaw għall-attivitajiet ta' sajd fil-baħar fond fiż-Żona Regolatorja tan-NEAFC. Barra minn hekk, sabiex jitkompla jittejjeb l-għarfien xjentifiku dwar dawk l-istokkijiet, u peress li l-miżuri applikabbli tal-NEAFC ma jinkludux kopertura ta' osservatur, huwa adatt li tiġi applikata l-istess kopertura ta' osservatur fl-oqsma kollha fil-Baħar tat-Tramuntana u s-CECAF fejn iseħħ is-sajd għall-ispeċijiet tal-baħar fond.

(13)

Jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-lista ta' indikaturi EVB imniżżlin fl-Anness III għall-finijiet tal-adattament tal-lista mal-aħħar parir xjentifiku. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell espert, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016 (9). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom sistematikament aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(14)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rigward tad-determinazzjoni taż-żoni eżistenti tas-sajd u l-istabbiliment u l-adattament tal-lista ta' żoni fejn huwa magħruf li jinsabu jew li x'aktarx ikun hemm EVB, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(15)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-approvazzjoni ta' sajd esploratorju fil-baħar fond, u fir-rigward tal-aġġustament tad-determinazzjoni taż-żona eżistenti ta' sajd fil-baħar fond sabiex jiġu inklużi l-postijiet fejn jitwettqu l-attivitajiet tas-sajd skont awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa f'konformità ma' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati mingħajr ma jiġi applikat ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(16)

Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli ġodda li jirregolaw is-sajd għall-istokkijiet tal-baħar fond fl-ilmijiet tal-Unjoni fil-Grigal tal-Atlantiku u fl-ilmijiet internazzjonali fi ħdan il-qasam ta' kompetenza tas-CECAF,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Objettivi

Dan ir-Regolament għandu jikkontribwixxi għall-ksib tal-objettivi elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 f'dak li jikkonċerna speċijiet tal-baħar fond u l-abitati tagħhom. Barra minn hekk, huwa għandu jkollu l-għan li:

(a)

itejjeb l-għarfien xjentifiku dwar l-ispeċijiet tal-baħar fond u l-abitati tagħhom;

(b)

jipprevjeni impatti avversi sinifikanti fuq l-EVB fi ħdan il-qafas tas-sajd fil-baħar fond u jiżgura l-konservazzjoni fit-tul tal-istokkijiet tal-ħut tal-baħar fond;

(c)

jiżgura li l-miżuri tal-Unjoni bil-għan tal-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut tal-baħar fond ikunu konsistenti mar-Riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 61/105 u 64/72.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-attivitajiet tas-sajd jew għall-attivitajiet tas-sajd ippjanati fl-ilmijiet li ġejjin:

(a)

minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana, tal-Ilmijiet tal-Majjistral u tal-Ilmijiet tal-Lbiċ kif ukoll l-ilmijiet tal-Unjoni taż-żona IIa tal-ICES;

(b)

minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet internazzjonali taż-żoni tas-CECAF 34.1.1, 34.1.2 u 34.2.

2.   Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(5).

Artikolu 3

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-ispeċijiet tal-baħar fond li huma karatterizzati minn taħlita tal-fatturi bijoloġiċi li ġejjin: maturazzjoni f'etajiet relattivament kbar, tkabbir bil-mod, stennija tal-għomor twila, rati baxxi tal-mortalità naturali, reklutaġġ intermittenti tal-klassijiet ta' età b'suċċess u riproduzzjoni li tista' ma sseħħx kull sena (“speċijiet tal-baħar fond”).

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-ispeċijiet tal-baħar fond u, fosthom, l-ispeċijiet l-aktar vulnerabbli huma elenkati fl-Anness I.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 734/2008 (11).

2.   Barra minn hekk, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“żoni ICES” tfisser iż-żoni kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12);

(b)

“żoni CECAF” tfisser iż-żoni kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 216/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

(c)

“żona Regolatorja tan-NEAFC” tfisser l-ilmijiet soġġetti għall-Konvenzjoni dwar Kooperazzjoni Multilaterali Futura fis-sajd tal-Atlantiku tal-Grigal li jinsabu lil hinn mill-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tas-sajd tal-partijiet kontraenti għal dik il-Konvenzjoni;

(d)

“l-aktar speċijiet vulnerabbli” tfisser l-ispeċijiet tal-baħar fond li huma indikati fit-tielet kolonna “L-aktar (x) vulnerabbli” tat-tabella fl-Anness I;

(e)

“mestier” tfisser attivitajiet tas-sajd li għandhom fil-mira ċerti speċijiet minn ċertu rkaptu f'ċerta żona;

(f)

“mestier tal-baħar fond” tfisser mestier li għandu fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond f'konformità mal-indikazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5(2);

(g)

“ċentru ta' monitoraġġ tas-sajd” tfisser ċentru operattiv stabbilit minn Stat Membru tal-bandiera u mgħammar b'hardware u software tal-kompjuter li jippermettu r-reċezzjoni awtomatika ta' data, l-ipproċessar tagħha u t-trasmissjoni elettronika ta' data;

(h)

“inkontri” tfisser qabdiet ta' kwantitajiet ta' speċi indikatriċi tal-EVB li jmorru lil hinn mil-livelli ta' limitu stipulati fl-Anness IV;

(i)

“qabdiet mhux intenzjonati” tfisser qabdiet inċidentali ta' organiżmi tal-baħar li, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jridu jinħattu u jingħaddu skont il-kwoti, jew għax ikunu taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew inkella għax jaqbżu l-kwantitajiet permessi skont ir-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-qbid u l-qbid aċċessorju;

(j)

“indikaturi EVB” tfisser dawk inklużi fl-Anness III;

(k)

“żoni eżistenti tas-sajd fil-baħar fond” tfisser il-parti taż-żona imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1), fejn storikament seħħew attivitajiet ta' sajd fil-baħar fond u li hija determinata f'konformità mal-Artikolu 7.

Artikolu 5

Awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.   Attivitajiet tas-sajd li għandhom fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni tas-sajd (“awtorizzazzjoni tas-sajd immirat”). L-awtorizzazzjoni tas-sajd immirat għandha tindika l-ispeċijiet tal-baħar fond li l-bastiment huwa awtorizzat ikollu fil-mira tiegħu.

2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, bastiment tas-sajd li jwettaq attività tas-sajd għandu jitqies li għandu fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond jekk il-komunikazzjonijiet tiegħu dwar il-qabdiet (fil-ġurnal ta' abbord, id-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art, in-noti tal-bejgħ jew dokument simili) f'sena kalendarja kkonċernata jkun fihom minn tal-anqas 8 % tal-ispeċijiet tal-baħar fond għal kwalunkwe vjaġġ tas-sajd.

Madankollu, dan ma għandux japplika għall-bastimenti tas-sajd li għalihom ir-reġistrazzjoni globali tal-ispeċijiet tal-baħar fond fis-sena kalendarja kkonċernata tkun inqas minn 10 tunnellati. Dan is-subparagrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6.

3.   L-attivitajiet ta' sajd ta' bastimenti tas-sajd, li għalkemm ma għandhomx fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond bħala qbid aċċessorju, għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni tas-sajd (“awtorizzazzjoni tas-sajd għall-qbid aċċessorju”). L-awtorizzazzjoni tas-sajd għall-qbid aċċessorju għandha tindika l-ispeċijiet tal-baħar fond li l-bastiment jista' jiltaqa' miegħu bħala qbid aċċessorju waqt li jkollu fil-mira speċijiet oħra.

4.   Iż-żewġ tipi ta' awtorizzazzjonijiet tas-sajd imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 ta' dan l-Artikolu rispettivament, għandhom ikunu distinti b'mod ċar fil-bażi tad-data elettronika msemmija fl-Artiklu 116 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

5.   Il-bastimenti tas-sajd li ma jkollhom l-ebda awtorizzazzjoni għas-sajd skont dan l-Artikolu għandhom ikunu pprojbiti milli jistadu għal speċijiet tal-baħar fond li jaqbżu l-100 kg f'kull vjaġġ tas-sajd. L-ispeċijiet tal-baħar fond li jaqbżu l-100 kg maqbuda minn bastimenti bħal dawn ma għandhomx jinżammu abbord, jiġu ttrasbordati jew jinħattu l-art, ħlief għal qabdiet mhux intenzjonati ta' speċijiet tal-baħar fond soġġetti għall-obbligu tal-ħatt l-art stipulat fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, li għandhom jinħattu l-art u jingħaddu skont il-kwoti.

6.   Bastiment tas-sajd li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd għall-qbid aċċessorju u li jkollu aċċess għal kwota għall-qbid aċċessorju ta' speċijiet tal-baħar fond li ma teċċedix il-livell limitu tal-10 tunnellati stipulati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu b'aktar minn 15 %, ma għandux ikun ikkunsidrat li għandu fil-mira speċijiet tal-baħar fond. Huwa għandu jħott qabdiet bħal dawn u jgħoddhom skont il-kwota. Il-qabdiet mhux intenzjonati tal-ispeċijiet tal-baħar fond soġġetti għall-obbligu tal-ħatt stipulat fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandhom jinħattu u jingħaddu skont il-kwoti.

7.   Dan ir-Regolament għandu japplika mutatis mutandis għall-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (14).

Artikolu 6

Ġestjoni tal-kapaċità

1.   Il-kapaċità aggregata tas-sajd imkejla f'tunnellaġġ gross u f'kilowatt tal-bastimenti tas-sajd kollha tal-Unjoni li għandhom awtorizzazzjoni tas-sajd immirat maħruġa minn Stat Membru, ma għandha fl-ebda mument taqbeż il-kapaċità aggregata tas-sajd tal-bastimenti ta' dak l-Istat Membru, matul l-2009–2011, skont is-sena li tipprovdi l-ogħla ċifra, li:

(a)

qabdu 10 tunnellati jew aktar ta' speċijiet tal-baħar fond matul kwalunkwe waħda mit-tliet snin kalendarji bejn l-2009–2011, skont is-sena li tipprovdi l-ogħla ċifra; u

(b)

huma reġistrati fi kwalunkwe wieħed mir-reġjuni ultraperiferiċi, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 349 TFUE, ta' dak l-Istat Membru u fejn il-qabdiet ta' speċijiet tal-baħar fond ta' kull wieħed minn dawn il-bastimenti fi kwalunkwe sena mit-tliet snin kalendarji bejn l-2009–2011 ammontaw għal tal-anqas 10 % tal-qabdiet annwali totali tagħhom, skont is-sena li tipprovdi l-ogħla ċifra.

2.   B'deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 1, fejn Stat Membru jkun ġie allokat opportunitajiet tas-sajd għall-ispeċijiet elenkati fl-Anness I qabel it-12 ta' Jannar 2017, iżda l-bastimenti tiegħu ma jkunux qabdu 10 tunnellati jew aktar ta' speċijiet tal-baħar fond fi kwalunkwe sena ta' referenza, il-kapaċità aggregata tas-sajd ta' tali Stat Membru ma għandha fl-ebda mument teċċedi l-kapaċità aggregata tas-sajd tal-bastimenti tiegħu fi kwalunkwe waħda mill-aħħar tliet snin li fiha tal-anqas wieħed mill-bastimenti tiegħu jkun qabad 10 tunnellati jew aktar ta' speċijiet tal-baħar fond, skont is-sena li tipprovdi l-ogħla ċifra.

Artikolu 7

Żoni eżistenti ta' sajd fil-baħar fond

1.   Sat-13 ta' Lulju 2017, l-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom ikunu ngħataw permess tas-sajd fil-baħar fond f'konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 2347/2002, u sa fejn huwa jirrigwarda l-attivitajiet tas-sajd ta' bastimenti li jaqbdu aktar minn 10 tunnellati kull sena kalendarja, għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, permezz tar-reġistrazzjonijiet tal-VMS (vessel monitoring system) jew, jekk reġistrazzjonijiet tal-VMS ma jkunux disponibbli, permezz ta' mezzi ta' informazzjoni rilevanti u verifikabbli oħra, tal-postijiet tal-attivitajiet tas-sajd għall-ispeċijiet tal-baħar fond ta' tali bastimenti matul is-snin kalendarji ta' referenza 2009–2011.

2.   Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-paragrafu 1, kif ukoll abbażi tal-aħjar informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, il-Kummissjoni għandha, sat-13 ta' Jannar 2018, tiddetermina, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, iż-żoni eżistenti ta' sajd fil-baħar fond. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 18.

Artikolu 8

Rekwiżiti ġenerali għal applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.   Kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni dettaljata taż-żona fejn il-bastiment tas-sajd ikun beħsiebu jwettaq attivitajiet tas-sajd, it-tipi ta' rkapti, il-medda tal-fond li fiha ser jitwettqu l-attivitajiet, il-frekwenza u t-tul ta' żmien maħsubin tal-attività tas-sajd, kif ukoll l-ismijiet tal-ispeċijiet tal-baħar fond ikkonċernati.

2.   Awtorizzazzjonijiet tas-sajd immirat għandhom jinħarġu biss għall-attivitajiet tas-sajd fi ħdan iż-żona eżistenti ta' sajd fil-baħar fond.

3.   B'deroga għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, u sakemm jiġu determinati ż-żoni eżistenti ta' sajd fil-baħar fond f'konformità mal-Artikolu 7, l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd immirat jistgħu jinħarġu dment li l-bastiment tas-sajd ikun ppreżenta evidenza li kien qiegħed iwettaq attivitajiet tas-sajd fil-mestier tal-baħar fond għal minn tal-anqas tliet snin qabel ma tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-sajd. Awtorizzazzjoni tas-sajd bħal din tista' tinħareġ biss fir-rigward ta' postijiet fejn ikunu twettqu attivitajiet preċedenti tas-sajd bħal dawn.

4.   Ma għandha tinħareġ l-ebda awtorizzazzjoni tas-sajd għall-finijiet tas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ f'fond ta' anqas minn 800 metru.

5.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 2, Stat Membru jista' jressaq talba biex iwettaq sajd esploratorju fil-postijiet 'il barra miż-żoni eżistenti ta' sajd fil-baħar fond. Talba bħal din għandha tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt imwettqa f'konformità mal-istandards stipulati fil-Linji Gwida Internazzjonali tal-FAO tal-2008 għall-Ġestjoni tas-Sajd fl-Ibħra Fondi fil-Baħar Miftuħ. Meta titressaq talba bħal din, l-Istat Membru għandu jindika t-tul ta' żmien stmat tas-sajd esploratorju u l-għadd stmat ta' bastimenti parteċipanti u l-kapaċità tagħhom. Huwa għandu jipproponi miżuri ta' mitigazzjoni biex jiġi pprevenut inkontru mal-EVB jew biex dawn jiġu protetti b'mod effettiv.

6.   Il-Kummissjoni, wara li tkun ivvalutat l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u abbażi tal-parir minn korp konsultattiv xjentifiku, tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tagħti approvazzjoni biex jitwettaq is-sajd esploratorju mitlub. Fl-approvazzjoni, il-Kummissjoni b'mod partikolari tista' tiddefinixxi:

(a)

iż-żona għas-sajd esploratorju;

(b)

l-għadd massimu ta' bastimenti u l-kapaċità massima;

(c)

it-tul ta' żmien ta' tali sajd li ma jeċċedix sena, u li jkun jista' jiġġedded darba;

(d)

il-perċentwal massimu tal-qabda totali permissibbli tal-ispeċijiet tal-baħar fond li jista' jinqabad fis-sajd esploratorju; u

(e)

miżuri ta' mitigazzjoni li jridu jiġu rispettati sabiex jitħarsu l-EVB.

7.   Sabiex tiġi żgurata ġabra ta' data rappreżentattiva li hija adegwata għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-baħar fond u ta' inkontri ma' EVB, kwalunkwe awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa f'konformità mal-paragrafu 6 għandha tirrikjedi l-preżenza ta' osservaturi xjentifiċi jew monitoraġġ elettroniku mill-bogħod fuq il-bastiment ikkonċernat matul l-ewwel 12-il xahar tat-tul ta' żmien tal-validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd.

8.   Abbażi ta' talba u informazzjoni pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista' tadatta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, id-determinazzjoni taż-żona eżistenti ta' sajd fil-baħar fond sabiex jinkludi l-postijiet tal-attivitajiet tas-sajd imwettqa skont awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa f'konformità mal-paragrafu 5 u 6 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Rekwiżiti speċifiċi għall-ħarsien tal-EVB

1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għal operazzjonijiet tas-sajd b'irkaptu tal-qiegħ taħt fond ta' 400 metru.

2.   Fejn, matul l-operazzjonijiet tas-sajd, il-kwantità tal-indikaturi tal-EVB, kif definiti fl-Anness III, li tkun inqabdet f'dik l-operazzjoni tas-sajd teċċedi l-livell tal-limiti definiti fl-Anness IV, għandu jitqies li jkun seħħ inkontru ma' EVB. Il-bastiment tas-sajd għandu minnufih jieqaf jistad fiż-żona kkonċernata. Huwa għandu biss jerġa' jibda l-operazzjonijiet tas-sajd meta jkun laħaq żona alternattiva minn tal-anqas ħames mili nawtiċi lil hinn miż-żona li fiha jkun seħħ l-inkontru.

3.   Il-bastiment tas-sajd għandu jirrapporta minnufih kull inkontru ma' EVB lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

4.   L-Istati Membri għandhom jużaw l-aħjar informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, inkluż informazzjoni bijoġeografika u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, biex jidentifikaw fejn huwa magħruf li jinsabu jew li x'aktarx ikun hemm EVB. Barra minn hekk, il-korp konsultattiv xjentifiku kompetenti għandu jintalab mill-Kummissjoni biex iwettaq valutazzjoni annwali taż-żoni fejn huwa magħruf li jinsabu jew li x'aktarx ikun hemm EVB.

Dik il-valutazzjoni għandha titwettaq f'konformità mal-Linji Gwida Internazzjonali tal-FAO tal-2008 għall-Ġestjoni tas-Sajd fl-Ibħra Fondi fil-Baħar Miftuħ, għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd kif imsemmi fil-punt 8 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u għandha tkun disponibbli għall-pubbliku.

5.   Fejn, abbażi tal-proċedura msemmija fil-paragrafu 4, jiġu identifikati żoni fejn huwa magħruf li jinsabu jew li x'aktarx ikun hemm EVB, l-Istati Membri u l-korp konsultattiv xjentifiku kompetenti għandhom jinformaw f'waqtu lill-Kummissjoni.

6.   Sat-13 ta' Jannar 2018 abbażi tal-aħjar informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli u abbażi tal-valutazzjonijiet u l-identifikazzjonijiet magħmula mill-Istati Membri u l-korp konsultattiv xjentifiku, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni bil-għan li tiġi stabbilita lista ta' żoni fejn ikun magħruf li jinsabu jew li x'aktarx ikun hemm EVB. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-lista kull sena abbażi tal-parir li jkun ngħata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd u, fejn xieraq, temenda l-lista permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Il-Kummissjoni tista' tneħħi żona mil-lista dment li tiddetermina, abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt u wara konsultazzjoni mal-korp konsultattiv xjentifiku kompetenti, li hemm biżżejjed evidenza li tindika li l-EVB mhumiex preżenti, jew li ġew adottati miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni xierqa li jiżguraw il-prevenzjoni ta' impatti avversi sinifikanti fuq l-EVB f'dik iż-żona. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 18.

7.   Il-Kummissjoni tista' tirrieżamina, abbażi tal-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli, l-indikaturi EVB, u għandha s-setgħa li temenda l-lista inkluża fl-Anness III permezz ta' atti delegati f'konformità mal-Artikolu 17.

8.   Il-valutazzjonijiet il-ġodda tal-impatt għandhom jintalbu jekk ikun hemm bidliet sinifikanti fit-tekniki użati biex jitwettaq is-sajd bl-irkaptu tal-qiegħ, jew fejn ikun hemm informazzjoni xjentifika ġdida li tindika l-preżenza ta' EVB f'żona partikolari.

9.   Is-sajd bl-irkapti tal-qiegħ għandu jkun ipprojbit fiż-żoni kollha elenkati f'konformità mal-paragrafu 6.

Artikolu 10

Applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet ta' kontroll speċifiċi

Is-sajd u l-attivitajiet tas-sajd koperti b'dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti wkoll għad-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 7, 17, 42, 43 u 45, l-Artikolu 84(1)(a), l-Artikoli 95(3), l-Artikolu 104(1), l-Artikolu 105(3)(c), l-Artikolu 107(1), l-Artikolu 108(1) u l-Artikolu 115(c) u l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, ħlief fejn previst mod ieħor f'dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Portijiet magħżula

1.   L-Istati Membri għandhom jagħżlu l-portijiet li fihom għandu jsir kwalunkwe ħatt jew trasbord ta' speċijiet tal-baħar fond jew kwalunkwe taħlita tagħhom li taqbeż il-100 kg. Sat-13 ta' Marzu 2017, l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni l-elenku ta' dawk il-portijiet magħżula.

2.   L-ebda kwantità ta' kwalunkwe taħlita ta' speċijiet tal-baħar fond li taqbeż il-100 kg ma tista' tinħatt l-art fi kwalunkwe post għajr il-portijiet li jkunu ġew magħżula mill-Istati Membri f'konformità mal-paragrafu 1.

Artikolu 12

Notifika minn qabel

B'deroga mill-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd kollha tal-Unjoni li għandhom il-ħsieb li jħottu l-art 100 kg jew aktar ta' speċijiet tal-baħar fond, irrispettivament mit-tul tal-bastiment tas-sajd, għandhom jinħtieġu li jinnotifikaw, mill-inqas erba' sigħat qabel il-ħin stmat tal-wasla fil-port, dan il-ħsieb lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom. Il-kaptan jew kwalunkwe persuna oħra responsabbli għall-operazzjoni tal-bastimenti li jkunu 12-il metru twal jew anqas, għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti mill-anqas siegħa qabel il-ħin stmat tal-wasla fil-port.

Artikolu 13

Annotazzjonijiet fil-ġurnal ta' abbord fl-ilmijiet fondi

1.   Meta japplika l-obbligu li jinżamm ġurnal ta' abbord, il-kaptani ta' bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd f'konformità mal-Artikolu 5(1) jew (3) għandhom, meta involuti f'mestier tal-baħar fond jew meta jistadu taħt l-400 metru:

(a)

jaqtgħu linja ġdida fil-ġurnal ta' abbord bil-miktub wara kull refgħa; jew

(b)

meta jkunu soġġetti għas-sistema elettronika ta' reġistrazzjoni u rappurtar, jirreġistraw separatament wara kull refgħa.

2.   Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jirreġistraw ukoll fil-ġurnal ta' abbord tal-bastiment kwalunkwe kwantità tal-ispeċijiet tal-baħar fond elenkati fl-Anness I li jinqabdu, jinżammu abbord, jiġu ttrasbordati jew jinħattu l-art f'konformità mal-Artikolu 5(5), u kwalunkwe kwantità tal-indikaturi EVB elenkati fl-Anness III ogħla mil-livelli ta' limitu stabbiliti fl-Anness IV, inkluż kompożizzjonijiet u piż tal-ispeċijiet, u jirrappurtaw dawk il-kwantitajiet lill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 14

Irtirar ta' awtorizzazzjonijiet tas-sajd

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(4) u l-Artikolu 92 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, u f'konformità mal-Artikolu 90(1) tiegħu, l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 5(1) u (3) ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu rtirati għal tul ta' żmien mhux inqas minn xahrejn fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

nuqqas ta' konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fl-awtorizzazzjoni tas-sajd fir-rigward tal-limiti dwar l-użu ta' rkapti, żoni permessi ta' operazzjoni jew limiti ta' qbid fuq l-ispeċijiet li huma permessi li jkunu fil-mira; jew

(b)

nuqqas li jittieħed abbord osservatur xjentifiku jew li jitħalla li jsir il-kampjunar tal-qabdiet għal finijiet xjentifiċi kif speċifikat fl-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Regoli dwar il-ġbir u r-rappurtar ta' data

1.   Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar speċifiċi f'dan ir-Regolament, għandu japplika r-Regolament (KE) Nru 199/2008.

2.   Meta jkunu qegħdin jiġbru data dwar mestieri tal-baħar fond f'konformità mar-regoli ġenerali dwar il-ġbir ta' data u mal-livelli ta' preċiżjoni stipulati fil-programm pluriennali rilevanti tal-Unjoni għall-ġbir u l-ġestjoni ta' data bijoloġika, teknika, ambjentali, soċjali u ekonomika, l-Istati Membri għandhom josservaw il-ġbir ta' data speċifika u r-rekwiżiti ta' rappurtar stipulati fl-Anness II għall-mestier tal-baħar fond.

3.   L-Istati Membri għandhom jinkludu l-kondizzjonijiet meħtieġa fl-awtorizzazzjonijiet tas-sajd kollha maħruġa f'konformità mal-Artikolu 5 biex jiżguraw li l-bastiment ikkonċernat jipparteċipa, f'kooperazzjoni mal-istitut xjentifiku rilevanti, fi kwalunkwe skema ta' ġbir ta' data li l-kamp ta' applikazzjoni tagħha jkun jinkludi l-attivitajiet tas-sajd li għalihom qegħdin jinħarġu l-awtorizzazzjonijiet.

4.   Il-kaptan ta' bastiment, jew kwalunkwe persuna oħra responsabbli għall-operazzjoni tal-bastiment, għandu jkun meħtieġ jieħu abbord l-osservatur xjentifiku assenjat mill-Istat Membru għall-bastiment tiegħu, sakemm dan ma jkunx possibbli għal raġunijiet ta' sigurtà. Il-kaptan għandu jiffaċilita t-twettiq tal-kompiti tal-osservatur xjentifiku.

5.   Fuq talba mill-Kummissjoni, Stat Membru għandu jippreżenta rapporti annwali li jkun fihom data aggregata dwar l-għadd ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu li jkunu involuti f'sajd fil-baħar fond, iż-żona tas-sajd tagħhom, it-tip ta' rkaptu, id-daqs, l-għadd ta' kull tip ta' awtorizzazzjoni tas-sajd li tkun inħarġet, il-port tal-oriġini tagħhom, l-opportunitajiet kollha tas-sajd fil-baħar fond disponibbli għall-bastimenti tiegħu u l-perċentwal aggregat għall-użu ta' tali opportunitajiet tas-sajd. Dawk ir-rapporti għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 16

Preżenza ta' osservaturi

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programm ta' preżenza ta' osservaturi biex jiżguraw il-ġbir ta' data rilevanti, f'waqtha u preċiża dwar il-qabdiet u l-qabdiet aċċessorji ta' speċijiet tal-baħar fond u inkontri ma' EVB u informazzjoni rilevanti oħra għall-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament. Il-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew għeżula tal-qiegħ b'awtorizzazzjoni tas-sajd biex jaqbdu speċijiet tal-baħar fond għandhom ikunu soġġetti għal mill-anqas 20 % tal-preżenza ta' osservaturi, bl-esklużjoni ta' bastimenti li, għal raġunijiet ta' sigurtà, ma jkunux adattati biex jirċievu osservaturi. Il-bastimenti l-oħra kollha b'awtorizzazzjoni li jaqbdu speċijiet tal-baħar fond għandhom ikunu soġġetti għal mill-anqas 10 % tal-preżenza ta' osservaturi, bl-esklużjoni ta' bastimenti li, għal raġunijiet ta' sigurtà, ma jkunux adattati biex jirċievu osservatur.

2.   Meta operatur jiġi mitlub mill-Istat Membru tiegħu biex jirċievi osservatur abbord tal-bastiment tiegħu, in-nuqqas ta' osservatur għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-operatur ma għandhiex timpedixxi li l-bastiment jitlaq mill-port.

3.   Sal-1 ta' Jannar 2018, il-Kummissjoni għandha tfittex parir xjentifiku, abbażi tad-data miġbura skont dan ir-Regolament, dwar jekk il-preżenza ta' osservaturi stipulata fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu hijiex biżżejjed biex jinkisbu l-objettivi tal-Artikolu 1, b'mod partikolari biex jiġi evitat impatt negattiv sinifikanti fuq l-EVB fi ħdan il-qafas tas-sajd fil-baħar fond, u dwar jekk hi għandhiex tiġi adattata abbażi ta' metodoloġija ta' kampjunar aġġornata. Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-parir xjentifiku mfittex.

4.   Fejn, abbażi tal-parir xjentifiku msemmi fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-perċentwali tal-preżenza ta' osservaturi stipulati fil-paragrafu 1 għandhom jiġu aġġustati, il-Kummissjoni tista', bħala kwistjoni ta' urġenza, tippreżenta proposta għar-reviżjoni ta' dawn il-perċentwali.

5.   B'deroga mill-Artikolu 2, dan l-Artikolu għandu japplika mutatis mutandis għas-sajd għal speċijiet tal-baħar fond minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew għeżula tal-qiegħ fiż-Żona Regolatorja tan-NEAFC.

Artikolu 17

Eżerċitar tad-delega

1.   Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati tingħata lill-Kummissjoni skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati msemmija fl-Artikolu 9(6) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mit-12 ta' Jannar 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi ta' żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 9(6) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni għal revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li diġà jkun fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Internazzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 9(6) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk l-ebda oġġezzjoni ma tkun ġiet espressa la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dan il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 18

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat għas-sajd u l-akkwakultura. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 19

Evalwazzjoni

1.   Sat-13 ta' Jannar 2021, il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri u l-parir xjentifiku li għandha titlob għal dak il-għan, tevalwa l-impatt tal-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament u tiddetermina sa liema punt inkisbu l-objettivi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1.

2.   L-evalwazzjoni għandha tiffoka fuq xejriet fis-suġġetti li ġejjin:

(a)

l-użu tat-tipi kollha ta' rkaptu tas-sajd meta jkollhom fil-mira l-ispeċijiet tal-baħar fond, u dan b'enfasi partikolari fuq l-impatt fuq l-aktar speċijiet vulnerabbli u fuq l-EVB;

(b)

il-bastimenti li qalbu għal użu ta' rkapti b'impatt imnaqqas fuq qiegħ il-baħar, u progress fir-rigward tal-prevenzjoni, il-minimizzazzjoni u, fejn ikun possibbli, l-eliminazzjoni tal-qabdiet mhux intenzjonati;

(c)

il-medda ta' operazzjoni ta' bastimenti impenjati f'kull mestier tal-baħar fond;

(d)

il-kompletezza u l-affidabbiltà tad-data li l-Istati Membri jipprovdu lill-korpi xjentifiċi għall-fini tal-valutazzjoni tal-istokk, jew lill-Kummissjoni fil-każ ta' talbiet speċifiċi għad-data;

(e)

l-istokkijiet tal-baħar fond li għalihom tjieb il-parir xjentifiku;

(f)

l-effettività tal-miżuri ta' akkumpanjament fl-eliminazzjoni tal-qbid skartat u fit-tnaqqis tal-qbid tal-ispeċijiet l-aktar vulnerabbli;

(g)

il-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt magħmulin skont l-Artikolu 8;

(h)

l-għadd ta' bastimenti u ta' portijiet fl-Unjoni milquta direttament mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament;

(i)

l-effettività tal-miżuri stabbiliti biex tkun żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-istokkijiet ta' ħut tal-baħar fond u biex ikunu prevenuti l-qabdiet aċċessorji ta' speċijiet li ma jkunux fil-mira, b'mod partikolari l-qabdiet aċċessorji tal-ispeċijiet l-aktar vulnerabbli;

(j)

sa liema punt l-EVB ġew effettivament protetti mir-restrizzjoni ta' attivitajiet tas-sajd li huma awtorizzati għal żoni eżistenti ta' sajd fil-baħar fond, ir-regola ta' tbegħid (move-on rule) u/jew permezz ta' miżuri oħrajn;

(k)

l-applikazzjoni tal-limitazzjoni ta' fond ta' 800 metru.

3.   Abbażi tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista' tagħmel proposti għal emendi għal dan ir-Regolament, kif adattat. B'mod partikolari, jekk dik l-evalwazzjoni tindika li s-sajd b'irkaptu tal-qiegħ ma tikkonformax mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposta biex temenda dan ir-Regolament bil-għan li tiżgura li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd immirat għal bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew għeżula tal-qiegħ jiskadew jew jiġu revokati u li kwalunkwe miżura neċessarja fir-rigward tal-irkaptu tal-qiegħ, inkluż konzijiet, tiddaħħal fis-seħħ biex jiġi żgurat il-ħarsien tal-ispeċijiet l-aktar vulnerabbli u l-EVB.

Artikolu 20

Dispożizzjonijiet ta' tħassir u ta' transizzjoni

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 2347/2002 huwa mħassar.

2.   Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

3.   B'deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Artikoli 3, 7 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 2347/2002 għandhom ikomplu japplikaw għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jwettqu attivitajiet tas-sajd fiż-Żona Regolatorja tan-NEAFC.

4.   Il-permessi speċjali tas-sajd maħruġa f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 2347/2002 għandhom jibqgħu validi għal perijodu massimu ta' sena wara t-12 ta' Jannar 2017.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Diċembru 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

I. KORČOK


(1)  ĠU C 133, 9.5.2013, p. 41.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Diċembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-18 ta' Ottubru 2016 (ĠU C 433, 23.11.2016, p. 1). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002 tas-16 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi ħtiġijiet speċifiċi ta' aċċess u kundizzjonijiet relattivi għas-sajd ta' ħażniet tal-baħar fond (ĠU L 351, 28.12.2002, p. 6).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1288/2009 tas-27 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi miżuri tekniċi transitorji mill-1 ta' Jannar 2010 sat-30 ta' Ġunju 2011 (ĠU L 347, 24.12.2009, p. 6).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta' Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta' qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU L 60, 5.3.2008, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/608/KEE tat-13 ta' Lulju 1981 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Koperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (ĠU L 227, 12.8.1981, p. 21).

(9)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 734/2008 tal-15 ta' Lulju 2008 dwar il-protezzjoni ta' ekosistemi marini vulnerabbli f'ibħra internazzjonali mill-impatti ħżiena tal-irkaptu tas-sajd tal-qiegħ (ĠU L 201, 30.7.2008, p. 8).

(12)  Ir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta' statistiċi ta' qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 216/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta' statistiċi ta' qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu f'ċerti żoni li m'humiex fl-Atlantiku tat-Tramuntana (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 1).

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33).


ANNESS I

Speċijiet tal-baħar fond

Isem xjentifiku

Isem komuni

L-aktar vulnerabbli (x)

Centrophorus spp.

Żagħruni

 

Centroscyllium fabricii

Mazzola sewda

x

Centroscymnus coelolepis

Mazzola Portugiża

x

Centroscymnus crepidater

Mazzola bellusija mneħirha twil

x

Dalatias licha

Murruna sewda

x

Etmopterus princeps

Mazzola tal-fanal maġġuri

x

Apristuris spp.

Gattarell tal-Iżlanda

 

Chlamydoselachus anguineus

Kelb il-baħar tal-frilli

 

Deania calcea

Mazzola munqar l-għasfur

 

Galeus melastomus

Gattarell ħalqu iswed

 

Galeus murinus

Gattarell ġurdien

 

Hexanchus griseus

Murruna b'sitt garġi

x

Etmopterus spinax

Mazzola tal-fanal

 

Oxynotus paradoxus

Pixxiporku tal-Atlantiku

 

Scymnodon ringens

Mazzola snien tas-skieken

 

Somniosus microcephalus

Kelb il-baħar tal-Groenlandja

 

Alepocephalidae

Alepoċefali

 

Alepocephalus Bairdii

Alepoċefalu ta' Baird

 

Alepocephalus rostratus

Alepoċefalu ta' Risso

 

Aphanopus carbo

Ċinturin iswed

 

Argentina silus

Arġentina silus

 

Beryx spp.

Fonsa ħamra

 

Chaceon (Geryon) affinis

Granċ aħmar tal-fond

 

Chimaera monstrosa

Fenek tal-baħar (rattail))

 

Hydrolagus mirabilis

Fenek tal-baħar ta' għajnejh kbar (far tal-baħar)

 

Rhinochimaera atlantica

Fenek tal-baħar Atlantiku

 

Coryphaenoides rupestris

Roundnose grenadier

 

Epigonus telescopus

Ħuta tal-kardinal sewda

x

Helicolenus dactilopterus

Ċippullazza tal-għajn

 

Hoplostethus atlanticus

Mera tal-Atlantiku

x

Macrourus berglax

Roughhead grenadier (Rough rattail)

 

Molva dypterigia

Linarda

 

Mora moro

Marlozz tal-fond

 

Antimora rostrata

Antimora blu (Marlozz blu)

 

Pagellus bogaraveo

Bażuga kaħlija

 

Polyprion americanus

Ħanżir tal-fond

 

Reinhardtius hippoglossoides

Ħalibatt tal-Groenlandja

 

Cataetyx laticeps

 

 

Hoplosthetus mediterraneus

Ġurdien tal-Warda

 

Macrouridae li mhumiex il-Coryphaenoides rupestris u l-Macrourus berglax

Grenadiers (rattails) li mhumiex ir-roundnose grenadier u r-roughhead grenadier

 

Nesiarchus nasutus

Tirsite mnieħru twil

 

Notocanthus chemnitzii

Sallura bix-xewk imneħirha ċatt

 

Raja fyllae

Rebekkin tond

 

Raja hyperborea

Rebekkin tal-Artiku

 

Raja nidarosiensus

Raja tan-Norveġja

 

Trachyscorpia cristulata

Skorfna bix-xewk (tal-baħar fond)

 

Lepidopus caudatus

Xabla

 

Lycodes esmarkii

Budakkra maġġuri

 

Sebastes viviparus

Dott ħamrani (Dott tan-Norveġja)

 


ANNESS II

Rekwiżiti speċifiċi għall-ġbir u r-rappurtar tad-data msemmija fl-Artikolu 15(2)

1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data li tinġabar għal żona li fiha kemm ilmijiet tal-Unjoni kif ukoll ilmijiet internazzjonali tiġi diżaggregata aktar sabiex ikun hemm referenza b'mod separat għall-ilmijiet tal-Unjoni jew għall-ilmijiet internazzjonali.

2.

Fejn l-attività tal-mestier tal-baħar fond tikkoinċidi ma' attività ta' mestier ieħor fl-istess żona, il-ġbir tad-data dwar il-mestier tal-baħar fond għandu jitwettaq b'mod separat mill-ġbir tad-data dwar il-mestier l-ieħor.

3.

Għandu jkun hemm il-kampjunar tal-qbid skartat fil-mestieri kollha tal-baħar fond. L-istrateġija tal-kampjunar għall-ħatt l-art u l-ħut skartat għandha tkopri l-ispeċijiet kollha elenkati fl-Anness I, kif ukoll l-ispeċijiet li jagħmlu parti mill-ekosistema ta' qiegħ il-baħar bħall-qroll tal-baħar fond, l-isponoż jew organiżmi oħrajn li jagħmlu parti mill-istess ekosistema.

4.

Osservatur li jkun abbord għandu jintalab jidentifika u jiddokumenta l-piż ta' kwalunkwe qroll ġebli, qroll artab, sponża jew kwalunkwe organiżmu ieħor li jappartjeni għall-istess ekosistema u li jittella' abbord mill-irkaptu tal-bastiment.

5.

Fejn il-pjan pluriennali applikabbli ta' ġbir tad-data jirrikjedi l-ġbir tad-data dwar l-isforz tas-sajd f'termini ta' sigħat ta' sajd bi xbieki tat-tkarkir u ż-żmien ta' tixrib tal-irkaptu passiv, l-Istati Membri għandhom jiġbru u jkunu lesti li jippreżentaw, flimkien mad-data dwar l-isforz tas-sajd bħal dan, id-data addizzjonali li ġejja:

(a)

is-sit ġeografiku tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-bażi ta' refgħa b'refgħa, mid-data tal-VMS trasmessa mill-bastiment liċ-ċentru ta' monitoraġġ tas-sajd;

(b)

il-livelli ta' fond tas-sajd li fihom jintużaw l-irkapti fil-każ li l-bastiment ikun soġġett għal rappurtar permezz tal-ġurnal ta' abbord elettroniku. Il-kaptan tal-bastiment għandu jinnotifika l-fond tas-sajd skont il-format standardizzat tar-rappurtar.


ANNESS III

Speċijiet indikaturi tal-EVB

Din li ġejja hija lista ta' tipi ta' abitati EVB, bil-gruppi tassonomiċi l-aktar probabbli li jinstabu f'dawk l-abitati li għandhom jiġu kkunsidrati bħala indikaturi tal-EVB.

Tipi ta' abitati EVB

Grupp tassonomiċi rappreżentattivi

1.

Skoll tal-qroll tal-ilma kiesaħ

 

(a)

Skoll Lophelia pertusa

Lophelia pertusa

(b)

Skoll Solenosmilia variabilis

Solenosmilia variabilis

2.

Ġnien tal-qroll

 

(a)

Ġnien ta' qiegħ iebes

 

(i)

Ġonna ta' qiegħ iebes tal-qroll gorgonjan u tal-qroll iswed

Anthothelidae

Chrysogorgiidae

Isididae, Keratoisidinae

Plexauridae

Acanthogorgiidae

Coralliidae

Paragorgiidae

Primnoidae

Schizopathidae

(ii)

Scleractinia kolonjali fuq promontorji tal-blat

Lophelia pertusa

Solenosmilia variabilis

(iii)

Aggregazzjonijiet ta' Scleractinia li mhumiex skollijiet

Enallopsammia rostrata

Madrepora oculata

(b)

Ġonna tal-qroll ta' qiegħ artab

 

(i)

Ġonna ta' qiegħ artab tal-qroll gorgonjan u tal-qroll iswed

Chrysogorgiidae

(ii)

Għelieqi tal-qroll sura ta' kalċi

Caryophylliidae

(iii)

Għelieqi tal-qroll pastarda

Flabellidae

Nephtheidae

3.

Aggregazzjonijiet tal-isponża tal-baħar fond

 

(a)

Aggregazzjonijiet tal-isponża oħra

Geodiidae

Ancorinidae

Pachastrellidae

(b)

Ġonna tal-isponża ta' qiegħ iebes

Axinellidae

Mycalidae

Polymastiidae

Tetillidae

(c)

Komunitajiet tal-isponża tal-ħġieġ

Rossellidae

Pheronematidae

4.

Għelieqi tar-rixa tal-baħar

Anthoptilidae

Pennatulidae

Funiculinidae

Halipteridae

Kophobelemnidae

Protoptilidae

Umbellulidae

Vigulariidae

5.

Irqajja' ta' ceriantharia

Cerianthidae

6.

Fawna li tfeġġ mit-tajn u mir-ramel

Bourgetcrinidae

Antedontidae

Hyocrinidae

Xenophyophora

Syringamminidae

7.

Irqajja' ta' Bryozoa

 


ANNESS IV

Inkontru ma' EVB possibbli huwa definit bħala:

(a)

għal xbieki tat-tkarkir, u rkaptu tas-sajd ieħor għajr konzijiet: il-preżenza ta' aktar minn 30 kg ta' qroll ħaj u/jew 400 kg ta' sponoż ħajjin ta' indikaturi ta' EVB; u

(b)

għal kull konz: il-preżenza ta' indikaturi ta' EVB fuq 10 ganċijiet kull 1 000 segment ta' ganċ jew kull sezzjoni ta' konz ta' 1 200 m, skont liema jkun l-iqsar.


23.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 354/20


REGOLAMENT (UE) 2016/2337 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Diċembru 2016

li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 tal-Kunsill dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tal-ferrovija

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 91 u 109 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1192/69 (4) jippermetti lill-Istati Membri li jikkumpensaw 40 intrapriża ferrovjarja enumerata għall-ħlas ta' obbligi li intrapriżi ta' modi oħra ta' trasport ma għandhomx għalfejn iġarrbuhom. L-applikazzjoni korretta tar-regoli għan-normalizzazzjoni tirriżulta fl-eżenzjoni għal Stati Membri mill-obbligi ta' notifika ta' għajnuna mill-Istat.

(2)

Sensiela ta' atti legali tal-Unjoni ġew adottati li fetħu għall-kompetizzjoni s-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u dak internazzjonali tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri u stabbilixxew, fil-każ tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ċerti prinċipji fundamentali, li jinkludu li: l-intrapriżi ferrovjarji jkunu mmaniġġjati skont il-prinċipji li japplikaw għall-kumpaniji kummerċjali; li l-entitajiet responsabbli għall-allokazzjoni ta' kapaċità u l-impożizzjoni ta' tariffi għall-infrastruttura ferrovjarja jkunu separati minn entitajiet li jħaddmu servizzi ferrovjarji, u li għandu jkun hemm separazzjoni tal-kontijiet; li kull intrapriża ferrovjarja mogħtija liċenzja skont il-kriterji tal-Unjoni jrid ikollha aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja fuq bażi ġusta u nondiskriminatorja; u li l-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jibbenefikaw minn finanzjament mill-Istat.

(3)

Ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 huwa inkonsistenti u inkompatibbli ma' miżuri leġislattivi fis-seħħ attwalment. B'mod partikolari, fil-kuntest ta' suq liberalizzat, fejn l-intrapriżi ferrovjarji jikkompetu direttament mal-intrapriżi ferrovjarji enumerati, ma għadux xieraq li dawk iż-żewġ gruppi jiġu ttrattati f'mod differenti minn xulxin.

(4)

Sabiex jiġu eliminati l-inkonsistenzi fl-ordni ġuridika tal-Unjoni u bil-għan li jingħata kontribut għas-simplifikazzjoni billi jitneħħa att legali li ma għadux validu, huwa għaldaqstant xieraq li r-Regolament (KEE) Nru 1192/69 jitħassar.

(5)

L-Istati Membri jistgħu jħallsu kumpens għall-ispejjeż ta' faċilitajiet ta' qsim abbażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/34/UE. Huma jistgħu, madankollu, jeħtieġu żmien biex jemendaw il-liġi u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali tagħhom biex jitqies it-tħassir tar-Regolament (KEE) Nru 1192/69. Bħala konsegwenza, dan it-tħassir m'għandux ikollu effett immedjat għal każijiet koperti mill-Anness IV għar-Regolament (KEE) Nru 1192/69,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 huwa mħassar, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament li japplikaw għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet għall-każijiet ta' Klassi IV, koperti mill-Anness IV għal dak ir-Regolament. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jibqgħu japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2017.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Diċembru 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

I. KORČOK


(1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 122.

(2)  ĠU C 356, 5.12.2013, p. 92.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Frar 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-17 ta' Ottubru 2016 (ĠU C 430, 22.11.2016, p. 1). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 tas-26 ta' Ġunju 1969 dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tal-ferrovija (ĠU L 156, 28.6.1969, p. 8).

(5)  Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).


23.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 354/22


REGOLAMENT (UE) 2016/2338 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Diċembru 2016

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

It-trasport ferrovjarju għandu l-potenzjal li jikber u jżid is-sehem modali tiegħu u jkollu rwol ewlieni f'sistema sostenibbli tat-trasport u l-mobbiltà, u joħloq opportunitajiet ta' investiment u impjiegi ġodda. Madankollu, it-tkabbir tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija ma laħħaqx mal-evoluzzjoni ta' modi oħra ta' trasport.

(2)

Is-suq tal-Unjoni għas-servizzi tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bil-ferrovija ilu miftuħ għall-kompetizzjoni mill-2010. Barra minn hekk, uħud mill-Istati Membri fetħu għall-kompetizzjoni s-servizzi domestiċi tal-passiġġieri tagħhom, billi introduċew drittijiet ta' aċċess miftuħ, jew permezz ta' sejħiet għall-offerti ta' kuntratti għal servizz pubbliku, jew it-tnejn f'daqqa. Jenħtieġ li l-ftuħ tas-suq għas-servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri jkollu impatt pożittiv fuq il-funzjonament taż-żona ferrovjarja unika Ewropea, li jwassal għal servizzi aħjar għall-utenti.

(3)

Fil-White Paper tagħha tat-28 ta' Marzu 2011 il-Kummissjoni ħabbret li beħsiebha tlesti s-suq intern għas-servizzi ferrovjarji, bl-abolizzjoni tal-ostakoli tekniċi, amministrattivi u legali li jimpedixxu d-dħul fis-suq ferrovjarju.

(4)

Jenħtieġ li t-tlestija taż-żona ferrovjarja unika Ewropea tkompli l-iżvilupp tat-trasport ferrovjarju bħala alternattiva kredibbli għal modi oħra ta' trasport, fost l-oħrajn f'termini ta' prezz u kwalità.

(5)

Objettiv speċifiku ta' dan ir-Regolament huwa t-titjib tal-kwalità, it-trasparenza, l-effiċjenza u l-prestazzjoni tas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija.

(6)

Jenħtieġ li s-servizzi fil-livell transkonfinali mogħtija taħt kuntratti ta' servizzi pubbliċi, inklużi s-servizzi tat-trasport pubbliku li jkopru l-ħtiġijiet tat-trasport lokali u reġjonali jkunu soġġetti għall-ftehim tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fuq it-territorju tagħhom jiġu pprovduti s-servizzi.

(7)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiddefinixxu l-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi tas-servizz pubbliku fit-trasport pubbliku tal-passiġġieri. Jenħtieġ li tali speċifikazzjonijiet ikunu konsistenti mal-objettivi tal-politika kif iddikjarat fid-dokumenti ta' politika tat-trasport pubbliku fl-Istati Membri.

(8)

Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi tas-servizz pubbliku fit-trasport pubbliku tal-passiġġieri, fejn possibbli, jiġġeneraw effetti ta' netwerk pożittivi, fost oħrajn f'termini ta' kwalità mtejba tas-servizzi, il-koeżjoni soċjali u territorjali jew l-effiċjenza ġenerali tas-sistema tat-trasport pubbliku.

(9)

Jenħtieġ li l-obbligi tas-servizz pubbliku jkunu konformi mal-politika tat-trasport pubbliku. Madankollu, dan ma jintitolax lill-awtoritajiet kompetenti jirċievu ammont speċifiku ta' finanzjament.

(10)

Meta jitħejjew id-dokumenti ta' politika tat-trasport pubbliku, jenħtieġ li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu kkonsultati f'konformità mal-liġi nazzjonali. Dawk il-partijiet ikkonċernati jistgħu jinkludu l-operaturi tat-trasport, il-maniġers tal-infrastruttura, l-organizzazzjonijiet tal-impjegati u r-rappreżentanti tal-utenti tas-servizzi tat-trasport pubbliku.

(11)

Għall-kuntratti għal servizz pubbliku li ma jingħatawx abbażi ta' proċedura ta' offerti kompetittiva, jenħtieġ li t-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku mill-operaturi tas-servizz pubbliku jingħata kumpens kif xieraq sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja fit-tul tas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-politika tat-trasport pubbliku. B'mod partikolari, jenħtieġ li tali kumpens jippromwovi ż-żamma jew l-iżvilupp ta' ġestjoni effettiva mill-operatur tas-servizz pubbliku u l-forniment tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta' standard għoli biżżejjed.

(12)

Fil-qafas tal-istabbiliment taż-żona ferrovjarja unika Ewropea, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni soċjali għall-persunal tal-operaturi tas-servizz pubbliku.

(13)

Bil-ħsieb ta' integrazzjoni adatta tar-rekwiżiti soċjali u tax-xogħol fi proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku għas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, jenħtieġ li l-operaturi tas-servizz pubbliku, fit-twettiq ta' kuntratti għal servizz pubbliku, jikkonformaw mal-obbligi fil-qasam tal-liġi soċjali u tax-xogħol li japplikaw fl-Istat Membru fejn jingħata l-kuntratt għal servizz pubbliku u li jirriżultaw minn liġijiet, regolamenti u deċiżjonijiet, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-Unjoni, kif ukoll minn ftehimiet kollettivi applikabbli, bil-kondizzjoni li tali regoli nazzjonali, u l-applikazzjoni tagħhom, jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni.

(14)

Fejn l-Istati Membri jirrikjedu li l-persunal imqabbad mill-operatur preċedenti jiġi trasferit għall-operatur tas-servizz pubbliku li għadu kemm intgħażel, jenħtieġ li tali persunal jingħata d-drittijiet li kien intitolat għalihom li kieku kien hemm trasferiment skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE (4). Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jadottaw tali dispożizzjonijiet.

(15)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati kollha l-informazzjoni rilevanti għat-tħejjija tal-offerti fil-qafas ta' proċeduri ta' offerti kompetittivi, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni leġittima tal-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

(16)

Jenħtieġ li l-obbligu ta' awtorità kompetenti li tipprovdi lill-partijiet interessati kollha bl-informazzjoni essenzjali għat-tħejjija ta' offerta fil-qafas ta' proċedura ta' offerti kompetittiva ma jestendix sal-ħolqien ta' informazzjoni addizzjonali fejn tali informazzjoni ma teżistix.

(17)

Sabiex jittieħed kont tad-diversità fl-organizzazzjoni territorjali u politika tal-Istati Membri, kuntratt għal servizz pubbliku jista' jingħata minn awtorità kompetenti li tikkonsisti minn grupp ta' awtoritajiet pubbliċi. F'tali ċirkostanzi, jenħtieġ li jkun hemm regoli ċari li jistabbilixxu r-rwoli rispettivi ta' kull waħda mill-awtoritajiet pubbliċi fil-proċess tal-għoti tal-kuntratt għal servizz pubbliku.

(18)

B'kont meħud tad-diversità tal-istrutturi amministrattivi fl-Istati Membri, fil-każ tal-kuntratti għall-forniment ta' servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija li jingħataw direttament minn grupp ta' awtoritajiet lokali kompetenti, id-determinazzjoni ta' liema awtoritajiet lokali huma kompetenti fir-rigward tal-“agglomerazzjonijiet urbani” u ż-“żoni rurali” jibqgħu f'idejn l-Istati Membri.

(19)

Jenħtieġ li l-kuntratti għal servizz pubbliku għal servizzi ta' trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija jingħataw abbażi ta' proċedura ta' offerti kompetittiva, minbarra f'dawk il-każijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(20)

Jenħtieġ li l-proċeduri ta' offerti kompetittivi tal-kuntratti għal servizz pubbliku jkunu miftuħin għall-operaturi kollha, ikunu ġusti u jenħtieġ li jirrispettaw il-prinċipji tat-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni.

(21)

F'każijiet eċċezzjonali, fejn il-kuntratti għal servizz pubbliku għal servizzi ta' trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija jingħataw abbażi ta' proċedura ta' offerti kompetittiva, kuntratti ġodda jistgħu temporanjament jingħataw direttament sabiex ikun żgurat li s-servizzi jingħataw bl-aktar mod kosteffettiv. Jenħtieġ li tali kuntratti ma jiġġeddux biex ikopru l-istess obbligi tas-servizz pubbliku jew obbligi simili tas-servizz pubbliku.

(22)

Fejn operatur wieħed biss jesprimi interess wara l-pubblikazzjoni tal-intenzjoni li tiġi organizzata proċedura ta' offerti kompetittiva, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jibdew negozjati ma' dak l-operatur biex jingħata l-kuntratt mingħajr aktar pubblikazzjoni ta' proċedura miftuħa għall-għoti ta' kuntratti.

(23)

Jenħtieġ li l-limiti de minimis għall-kuntratti għal servizz pubbliku li jingħataw direttament jiġu adattati biex jirriflettu l-volumi u l-ispejjeż tal-unità ogħla fis-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija meta mqabbel ma' modi oħra ta' trasport koperti mir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Jenħtieġ li l-limiti ogħla japplikaw ukoll għas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri fejn il-ferrovija tirrappreżenta aktar min 50 % tal-valur tas-servizzi inkwistjoni.

(24)

L-istabbiliment taż-żona ferrovjarja unika Ewropea jeħtieġ regoli komuni dwar l-għoti tal-kuntratti għal servizz pubbliku f'dan is-settur, waqt li jittieħed kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull Stat Membru.

(25)

Fejn ċerti kondizzjonijiet b'rabta man-natura u l-istruttura tas-suq ferrovjarju jew in-netwerk ferrovjarju huma sodisfatti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu intitolati li jagħtu kuntratti għal servizz pubbliku għal servizzi ta' trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija direttament meta tali kuntratt jirriżulta fit-titjib tal-kwalità tas-servizzi jew il-kosteffiċjenza, jew it-tnejn li huma.

(26)

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu miżuri biex iżidu l-kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji billi jillimitaw l-għadd ta' kuntratti li jagħtu lil impriża ferrovjarja waħda.

(27)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi legali tagħhom jipprevedu l-possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-awtorità kompetenti li jingħataw kuntratti għal servizz pubbliku għal servizzi pubbliċi ta' trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija b'mod dirett jiġu vvalutati fuq approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni minn korp indipendenti. Dan jista' jsir bħala parti minn stħarriġ ġudizzjarju.

(28)

Fit-tħejjija ta' proċeduri ta' offerti kompetittivi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw jekk ikunux meħtieġa miżuri biex jiġi żgurat aċċess effettiv u nondiskriminatorju għal rolling stock (materjal ferrovjarju fuq ir-roti) adatt. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu r-rapport ta' valutazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

(29)

Jenħtieġ li ċerti fatturi ewlenin ta' proċedura ta' offerti kompetittiva li ġejja għal kuntratti għal servizz pubbliku ssir għalkollox trasparenti, biex ikun possibbli rispons aktar organizzat għas-suq.

(30)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-Artikolu 1(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Soġġetti għal ftehim tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fuq it-territorju tagħhom jiġu pprovduti s-servizzi, l-obbligi tas-servizz pubbliku jistgħu jikkonċernaw servizzi tat-trasport pubbliku fil-livell transkonfinali, inklużi dawk li jkopru l-ħtiġijiet tat-trasport lokali u reġjonali.”;

(2)

fl-Artikolu 2, jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

‘servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija’ tfisser it-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija, bl-esklużjoni tat-trasport tal-passiġġieri b'mezzi oħra fuq binarji, bħall-metro jew it-tramm;”;

(3)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 2a

Speċifikazzjoni tal-obbligi ta' servizz pubbliku

1.   L-awtorità kompetenti għandha tistipula l-ispeċifikazzjonijiet għall-obbligi ta' servizz pubbliku fl-għoti tas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri u l-ambitu tal-applikazzjoni tagħhom f'konformità mal-Artikolu 2(e). Dan jinkludi l-possibbiltà li s-servizzi li jkopru l-ispejjeż jiġu raggruppati ma' servizzi li ma jkoprux spejjeż.

Meta tistipula dawk l-ispeċifikazzjonijiet u l-ambitu tal-applikazzjoni tagħhom, l-awtorità kompetenti għandha tirrispetta kif xieraq il-prinċipju tal-proporzjonalità, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.

L-ispeċifikazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi tal-politika ddikjarat fid-dokumenti tal-politika tat-trasport pubbliku fl-Istati Membri.

Il-kontenut u l-format tad-dokumenti tal-politika tat-trasport pubbliku u l-proċeduri għall-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti għandhom jiġu determinati f'konformità mal-liġi nazzjonali.

2.   L-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi ta' servizz pubbliku u l-kumpens relatat tal-effett finanzjarju nett tal-obbligi ta' servizz pubbliku għandhom:

(a)

jilħqu l-objettivi tal-politika tat-trasport pubbliku b'mod kosteffettiv; u

(b)

isostnu finanzjarjament il-forniment tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, f'konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-politika tat-trasport pubbliku fuq perijodu twil.”;

(4)

l-Artikolu 4 hu emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(a)

jistabbilixxu biċ-ċar l-obbligi ta' servizz pubbliku, definiti f'dan ir-Regolament u speċifikati skont l-Artikolu 2a tiegħu, li l-operatur ta' servizz pubbliku għandu jikkonforma magħhom, u ż-żoni ġeografiċi kkonċernati;

(b)

jistabbilixxu minn qabel, b'mod oġġettiv u trasparenti,

(i)

il-parametri li abbażi tagħhom il-pagament ta' kumpens, jekk ikun hemm, għandu jiġi kkalkolat; u

(ii)

in-natura u l-firxa ta' kwalunkwe drittijiet esklussivi mogħtija b'mod li jevita l-kumpens żejjed.

Fil-każ ta' kuntratti għal servizz pubbliku li ma jingħatawx f'konformità mal-Artikolu 5(1), (3) jew (3b), dawn il-parametri għandhom jiġu determinati b'mod li l-ebda ħlas ta' kumpens ma jista' jeċċedi l-ammont meħtieġ biex ikopri l-effetti finanzjarji netti fuq l-infiq u d-dħul li jirriżultaw mit-twettiq tal-obbligi ta' servizz pubbliku, filwaqt li jittieħed kont tad-dħul relatat miegħu miżmum mill-operatur ta' servizz pubbliku u qligħ raġonevoli;”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“4a.   Fit-twettiq tal-kuntratti għal servizz pubbliku, l-operaturi ta' servizzi pubbliċi għandhom ikunu konformi mal-obbligi applikabbli fil-qasam tal-liġi soċjali u tax-xogħol stabbilita mid-dritt tal-Unjoni, id-dritt nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi.

4b.   Id-Direttiva 2001/23/KE għandha tapplika għal bidla ta' operatur tas-servizz pubbliku fejn tali bidla tikkostitwixxi trasferiment ta' impriża fit-tifsira ta' dik id-Direttiva.”;

(c)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti, f'konformità mal-liġi nazzjonali, jirrikjedu li l-operaturi ta' servizz pubbliku jikkonformaw ma' ċerti standards ta' kwalità u soċjali, jew jistabbilixxu kriterji soċjali u kwalitattivi, dawk l-istandards u l-kriterji għandhom jiġu inklużi fid-dokumenti tal-offerta u fil-kuntratti għal servizz pubbliku. Filwaqt li jirrispettaw id-Direttiva 2001/23/KE, tali dokumenti tal-offerta u kuntratti għal servizz pubbliku għandhom, fejn applikabbli, jinkludu wkoll informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi relatati mat-trasferiment tal-persunal imqabbad mill-operatur preċedenti.”;

(d)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8.   Il-kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jirrikjedu li l-operatur jipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni essenzjali għall-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni leġittima ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati kollha, l-informazzjoni rilevanti għat-tħejjija ta' offerta fil-qafas ta' proċedura ta' offerti kompetittiva filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni leġittima ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali. Dan għandu jinkludi informazzjoni dwar id-domanda tal-passiġġieri, it-tariffi, l-ispejjeż u d-dħul marbutin mat-trasport pubbliku tal-passiġġieri koperti mill-proċedura ta' offerti kompetittiva u dettalji tal-ispeċifikazzjonijiet tal-infrastruttura rilevanti għall-operazzjoni tal-vetturi jew rolling stock meħtieġa sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jfasslu pjani ta' negozju informati sew. Il-maniġers tal-infrastruttura ferrovjarja għandhom jappoġġaw lill-awtoritajiet kompetenti billi jipprovdu l-ispeċifikazzjonijiet infrastrutturali kollha rilevanti. In-nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati hawn fuq għandu jkun soġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 5(7).”;

(5)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Dment li ma jkunx ipprojbit mil-liġi nazzjonali, kwalunkwe awtorità lokali kompetenti, kemm jekk hija awtorità individwali jew grupp ta' awtoritajiet li jipprovdu servizzi integrati tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, tista' tiddeċiedi li tipprovdi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri hija stess jew tagħti kuntratti għal servizz pubbliku direttament lil entità legalment distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew, fil-każ ta' grupp ta' awtoritajiet tal-anqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċita kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess.

Fil-każ ta' servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija, il-grupp ta' awtoritajiet imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista' jkun magħmul biss minn awtoritajiet lokali kompetenti li ż-żona ġeografika ta' kompetenza tagħhom ma tkunx waħda nazzjonali. Il-kuntratt għal servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri jew tal-kuntratt għal servizz pubbliku msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jkopru biss il-ħtiġijiet ta' trasport ta' agglomerazzjonijiet urbani jew żoni rurali, jew it-tnejn li huma.

Fejn awtorità lokali kompetenti tieħu tali deċiżjoni, għandu japplika dan li ġej:”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Kwalunkwe awtorità kompetenti li tirrikorri għal parti terza minbarra operatur intern, għandha tagħti kuntratti għal servizz pubbliku abbażi ta' sejħa kompetittiva għal offerti, ħlief fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi 3a, 4, 4a, 4b, 5 u 6. Il-proċedura adottata għas-sejħa kompetittiva għal offerti għandha tkun miftuħa għall-operaturi kollha, għandha tkun ġusta u għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza u tan-nondiskriminazzjoni. Wara s-sottomissjoni ta' offerti u kwalunkwe preselezzjoni, il-proċedura tista' tinvolvi negozjati skont dawn il-prinċipji sabiex jiġi determinat l-aħjar mod biex jintlaħqu ħtiġiet speċifiċi jew kumplessi.”;

(c)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3a.   Dment li ma jkunx ipprojbit mil-liġi nazzjonali, fir-rigward ta' kuntratti għal servizz pubbliku għal servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija mogħtija abbażi ta' proċedura ta' offerti kompetittiva, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li temporanjament tagħti kuntratti ġodda direttament fejn l-awtorità kompetenti tikkunsidra li l-għotja diretta hija ġustifikata minn ċirkostanzi eċċezzjonali. Tali ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom jinkludu sitwazzjonijiet fejn:

diġà jkun hemm numru ta' proċeduri ta' offerti kompetittivi li diġà jkunu qed jiġu amministrati mill-awtorità kompetenti jew awtoritajiet kompetenti oħra li jistgħu jaffettwaw l-għadd jew il-kwalità tal-offerti li x'aktarx jaslu jekk il-kuntratt ikun is-soġġett ta' proċedura ta' offerti kompetittiva, jew

bidliet fl-ambitu ta' kuntratt ta' servizz pubbliku wieħed jew aktar huma meħtieġa sabiex il-forniment ta' servizzi pubbliċi tiġi ottimizzata.

L-awtorità kompetenti għandha toħroġ deċiżjoni sostanzjata u għandha tinforma lill-Kummissjoni b'dan mingħajr dewmien bla bżonn.

It-tul ta' żmien ta' kuntratti mogħtija skont dan il-paragrafu għandu jkun proporzjonali għaċ-ċirkostanza eċċezzjonali konċernata u fi kwalunkwe każ m'għandux jeċċedi 5 snin.

L-awtorità kompetenti għandha tippubblika t-tali kuntratti. Meta tagħmel dan għandha,tieħu kont tal-protezzjoni leġittima ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u interessi kummerċjali.

Il-kuntratt sussegwenti li jikkonċerna l-istess obbligi tas-servizz pubbliku m'għandux jingħata abbażi ta' din id-dispożizzjoni.

3b.   B'applikazzjoni tal-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li japplikaw il-proċedura li ġejja:

 

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippubblikaw l-intenzjonijiet tagħhom li jagħtu kuntratt għal servizz ta' trasport pubbliku bil-ferrovija billi jippubblikaw avviż ta' informazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

 

Dak l-avviż ta' informazzjoni għandu jkun fih deskrizzjoni dettaljata tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt li għandu jingħata, kif ukoll it-tip u t-tul tal-kuntratt.

 

L-operaturi jistgħu jesprimu l-interess tagħhom fi żmien perijodu stabbilit mill-awtorità kompetenti li ma għandux ikun anqas minn 60 jum wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta' informazzjoni.

Jekk wara l-iskadenza ta' dak il-perijodu:

(a)

operatur wieħed biss ikun esprima l-interess tiegħu li jipparteċipa fil-proċedura għall-għoti ta' kuntratt għal servizz pubbliku;

(b)

dak l-operatur ikun debitament ipprova li ser ikun fil-fatt kapaċi jipprovdi s-servizz tat-trasport f'konformità mal-obbligi stabbiliti fil-kuntratt għal servizz pubbliku;

(c)

in-nuqqas ta' kompetizzjoni ma tkunx ir-riżultat ta' limitazzjoni artifiċjali fil-parametri tal-akkwist; u

(d)

ma jkun hemm l-ebda alternattiva raġonevoli;

l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jibdew in-negozjati ma' dak l-operatur sabiex jagħtu l-kuntratt mingħajr pubblikazzjoni ulterjuri ta' proċedura miftuħa għall-offerti.”;

(d)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Għajr fejn ikun projbit mil-liġi nazzjonali, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li tagħti kuntratti għal servizz pubbliku direttament:

(a)

fejn il-valur annwali medju tagħhom ikun stmat għal anqas minn EUR 1 000 000 jew, fil-każ ta' kuntratt għal servizz pubbliku li jinkludi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija, anqas minn EUR 7 500 000; jew

(b)

fejn ikunu jikkonċernaw il-forniment annwali ta' anqas minn 300 000 kilometru ta' servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri jew, fil-każ ta' kuntratt għal servizz pubbliku li jinkludi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija, anqas minn 500 000 kilometru.

Fil-każ ta' kuntratt għal servizz pubbliku li jingħata direttament lil impriża żgħira jew ta' daqs medju li ma toperax aktar minn 23 vettura tat-triq, dawk il-limiti jistgħu jiżdiedu jew għal valur annwali medju stmat għal inqas minn EUR 2 000 000 jew għal forniment annwali ta' inqas minn 600 000 kilometru ta' servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri.”;

(e)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“4a.   Għajr fejn ikun projbit mil-liġi nazzjonali, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li tagħti kuntratti għal servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija direttament:

(a)

fejn hija tikkunsidra li l-għoti dirett ikun iġġustifikat mill-karatteristiċi ġeografiċi u strutturali rilevanti tas-suq u n-netwerk ikkonċernati, u b'mod partikolari d-daqs, il-karatteristiċi tad-domanda, il-kumplessità tan-netwerk, l-iżolament tekniku u ġeografiku u s-servizzi koperti mill-kuntratt, u

(b)

fejn tali kuntratt jirriżulta f'titjib fil-kwalità tas-servizzi jew il-kosteffiċjenza, jew it-tnejn li huma, meta mqabbel mal-kuntratt għal servizz pubbliku mogħti preċedentement.

Abbażi ta' dan, l-awtorità kompetenti għandha tippubblika deċiżjoni sostanzjata u għandha tinforma lill-Kummissjoni b'dan fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni tagħha. L-awtorità kompetenti tista' tipproċedi bl-għoti tal-kuntratt.

L-Istati Membri li għalihom, fl-24 ta' Diċembru 2017, il-volum tas-suq annwali massimu huwa inqas minn 23 miljun kilometru ferrovjarju u li jkollhom biss awtorità kompetenti waħda fil-livell nazzjonali u kuntratt għal servizz pubbliku wieħed li jkopri n-netwerk kollu kemm hu għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt (a). Fejn awtorità kompetenti ta' wieħed minn dawk l-Istati Membri tiddeċiedi li tagħti kuntratt għal servizz pubbliku direttament, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan. Ir-Renju Unit jista' jiddeċiedi li japplika dan is-subparagrafu lill-Irlanda ta' Fuq.

Fejn l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti kuntratt għal servizz pubbliku direttament, hija għandha tistipula rekwiżiti tal-prestazzjoni miżurabbli, trasparenti u verifikabbli. Tali rekwiżiti għandhom jiġu inklużi fil-kuntratt.

Ir-rekwiżiti ta' prestazzjoni għandhom b'mod partikolari jkopru l-puntwalità tas-servizzi, il-frekwenza tal-operazzjonijiet ferrovjarji, il-kwalità ta' rolling stock u l-kapaċità ta' trasport għall-passiġġieri.

Il-kuntratt għandu jinkludi indikaturi speċifiċi ta' prestazzjoni li jippermettu lill-awtorità kompetenti sabiex twettaq valutazzjonijiet perjodiċi. Il-kuntratt għandu wkoll jinkludi miżuri effettivi u ta' deterrent li għandhom ikunu imposti fil-każ li l-impriża ferrovjarja ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni.

L-awtorità kompetenti għandha tivvaluta perjodikament jekk l-impriża ferrovjarja tkunx laħqet jew le l-miri tagħha li tissodisfa r-rekwiżiti ta' prestazzjoni kif stipulati fil-kuntratt u għandha tippubblika r-riżultati tal-valutazzjoni. Tali valutazzjonijiet perjodiċi għandhom isiru tal-anqas kull 5 snin. L-awtorità kompetenti għandha tieħu miżuri adatti u f'waqthom, inklużi l-impożizzjoni ta' pieni kuntrattwali effettivi u ta' deterrent jekk it-titjib meħtieġ fil-kwalità tas-servizzi jew il-kosteffiċjenza, jew it-tnejn li huma, ma jintlaħaqx. L-awtorità kompetenti tista' fi kwalunkwe ħin tissospendi jew tittermina kompletament jew parzjalment il-kuntratt mogħti taħt din id-dispożizzjoni jekk l-operatur jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti tal-prestazzjoni.

4b.   Sakemm ma jkunx ipprojbit mil-liġi nazzjonali, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li tagħti l-kuntratti għal servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija direttament fejn dawn jikkonċernaw biss l-operazzjoni ta' servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri minn operatur li jamministra simultanjament l-infrastruttura ferrovjarja kollha li fiha jiġu pprovduti s-servizzi jew parti prinċipali minnha, li hija eskluża mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 7a, 7b, 7c, 7d, 8, 13 u l-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) f'konformità mal-Artikolu 2(3)(a) jew (b) ta' dik id-Direttiva.

B'deroga mill-Artikolu 4(3), it-tul ta' żmien ta' kuntratti li jingħataw direttament skont dan il-paragrafu u l-paragrafu 4a ta' dan l-Artikolu m'għandux jeċċedu 10 snin, ħlief fejn japplika l-Artikolu 4(4).

Kuntratti mogħtija skont dan il-paragrafu u l-paragrafu 4a għandhom jiġu ppubblikati, filwaqt li jittieħed kont tal-protezzjoni leġittima ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u interessi kummerċjali.

(*1)  Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).”;"

(f)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   F'każ ta' interruzzjoni fis-servizzi jew ir-riskju immedjat ta' tali sitwazzjoni, l-awtorità kompetenti tista' tieħu miżuri ta' emerġenza.

Il-miżuri ta' emerġenza għandhom jieħdu l-forma ta' għotja diretta jew ftehim formali għall-estensjoni ta' kuntratt għal servizz pubbliku jew rekwiżit biex jiġu provduti ċerti obbligi ta' servizz pubbliku. L-operatur ta' servizz pubbliku għandu jkollu d-dritt li jappella d-deċiżjoni li jiġi impost il-forniment ta' ċerti obbligi ta' servizz pubbliku. Il-perijodu li fih kuntratt għal servizz pubbliku jingħata, jiġi estiż jew jiġi impost b'miżuri ta' emerġenza m'għandux jeċċedi sentejn.”;

(g)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“6a.   Sabiex iżidu l-kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li kuntratti għal servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija li jkopru partijiet mill-istess netwerk jew pakkett ta' rotot għandhom jingħataw lil impriżi ferrovjarji differenti. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, qabel ma jniedu proċedura ta' offerti kompetittiva, jiddeċiedu li jillimitaw l-għadd ta' kuntratti li għandhom jingħataw lill-istess impriża ferrovjarja.”;

(h)

fil-paragrafu 7, is-subparagrafu li ġej jiżdied wara l-ewwel subparagrafu:

“Għall-każjiet koperti mill-paragrafi 4a u 4b, tali miżuri għandhom jinkludu l-possibbiltà li tintalab valutazzjoni tad-deċiżjoni sostanzjata meħuda mill-awtorità kompetenti minn korp indipendenti maħtur mill-Istat Membru konċernat. L-eżitu ta' tali valutazzjoni għandu jkun disponibbli għall-pubbliku f'konformità mal-liġi nazzjonali.”;

(6)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5a

Rolling stock ferrovjarju

1.   Fid-dawl tat-tnedija ta' proċedura ta' offerti kompetittiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw jekk ikunux meħtieġa miżuri biex jiġi żgurat aċċess effettiv u mingħajr diskriminazzjoni għal rolling stock adatt. Din il-valutazzjoni għandha tieħu kont tal-preżenza ta' kumpanniji ta' kiri ta' rolling stock, jew ta' atturi oħra fis-suq li jipprevedu l-kiri ta' vetturi ferrovjarji, fis-suq rilevanti. Ir-rapport ta' valutazzjoni għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

2.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu, f'konformità mal-liġi nazzjonali u f'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li jieħdu miżuri adatti biex jiġi żgurat aċċess effettiv u mingħajr diskriminazzjoni għal rolling stock adatt. Tali miżuri jistgħu jinkludu:

(a)

l-akkwist mill-awtorità kompetenti tar-rolling stock użat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt għal servizz pubbliku bil-għan li jkun disponibbli għall-operatur magħżul tas-servizz pubbliku bi prezz tas-suq, jew bħala parti mill-kuntratt ta' servizz pubbliku skont l-Artikolu 4(1)(b), l-Artikolu 6, u jekk applikabbli, l-Anness;

(b)

l-għoti mill-awtorità kompetenti ta' garanzija għall-finanzjament tar-rolling stock użat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt għal servizz pubbliku bi prezz tas-suq, jew bħala parti mill-kuntratt ta' servizz pubbliku skont l-Artikolu 4(1)(b), l-Artikolu 6, u jekk applikabbli, l-Anness, inkluża garanzija li tkopri il-valur residwali tar-riskju;

(c)

impenn mill-awtorità kompetenti fil-kuntratt għal servizz pubbliku li tieħu f'idejha r-rolling stock b'kondizzjonijiet finanzjarji definiti minn qabel fi tmiem tal-kuntratt bi prezz tas-suq; jew

(d)

kooperazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti oħra, sabiex jinħoloq aggruppament akbar ta' rolling stock.

3.   Jekk ir-rolling stock isir disponibbli għal operatur ġdid tat-trasport pubbliku, l-awtorità kompetenti għandha tinkludi fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti, kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar l-ispejjeż tal-manutenzjoni tar-rolling stock kif ukoll dwar il-kondizzjoni fiżika tiegħu.”;

(7)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-kumpens kollu marbut ma' regola ġenerali jew ma' kuntratt għal servizz pubbliku għandu jikkonforma mal-Artikolu 4, irrispettivament minn kif ikun ingħata l-kuntratt. Kull kumpens, irrispettivament min-natura tiegħu, li jkun marbut ma' kuntratt għal servizz pubbliku li ma jkunx ingħata skont l-Artikolu 5(1), (3) jew (3b) jew marbut ma' regola ġenerali, għandu jikkonforma wkoll mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness.”;

(8)

l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Kull awtorità kompetenti għandha tagħmel pubbliku darba fis-sena rapport aggregat dwar l-obbligi ta' servizz pubbliku li għalihom hija responsabbli. Dak ir-rapport għandu jinkludi d-data tal-bidu u t-tul ta' żmien tal-kuntratti għal servizz pubbliku, l-operaturi magħżula ta' servizz pubbliku u l-ħlasijiet ta' kumpens u d-drittijiet esklużivi mogħtija lil dawk l-operaturi ta' servizz pubbliku permezz ta' rimborż. Ir-rapport għandu jiddistingwi bejn trasport bix-xarabank u trasport ferrovjarju, għandu jippermetti l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni, il-kwalità u l-finanzjament tan-netwerk tat-trasport pubbliku, u fejn xieraq, għandu jipprovdi informazzjoni dwar in-natura u l-ambitu ta' kwalunkwe dritt esklużiv li jiġi mogħti. Ir-rapport għandu wkoll jieħu kont tal-objettivi ta' politika kif iddikjarati fid-dokumenti tal-politika tat-trasport pubbliku fl-Istati Membri konċernati. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-aċċess ċentrali għal dawn ir-rapporti, pereżempju permezz ta' portal komuni tal-Internet.”;

(b)

Fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

id-data tal-bidu u t-tul ta' żmien previsti tal-kuntratt għal servizz pubbliku.”;

(9)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

paragrafu 2huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3,

(i)

L-Artikolu 5 għandu japplika għall-għoti ta' kuntratti pubbliku għal servizzi għat-trasport tal-passiġġieri bit-triq u b'mezzi oħra fuq binarji minbarra l-ferrovija, bħall-metro jew il-linji tat-tramm mit-3 ta' Diċembru 2019.

(ii)

L-Artikolu 5 għandu japplika għas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija mit-3 ta' Diċembru 2019.

(iii)

L-Artikolu 5(6) u l-Artikolu 7(3) ma għandhomx jibqgħu japplikaw mill-25 ta' Diċembru 2023.

It-tul ta' żmien tal-kuntratti mogħtija skont l-Artikolu 5(6) bejn it-3 ta' Diċembru 2019 u l-24 ta' Diċembru 2023 m'għandux jeċċedi 10 snin.

Sat-2 ta' Diċembru 2019, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex gradwalment jikkonformaw mal-Artikolu 5 sabiex jevitaw problemi strutturali serji f'mod partikolari rigward il-kapaċità tat-trasport.

Fi żmien sitt xhur wara l-25 ta' Diċembru 2020, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport ta' progress, li jenfasizza l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku li jkunu konformi mal-Artikolu 5. Abbażi tar-rapporti ta' progress tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni u, jekk adatt, tippreżenta proposti leġiżlattivi.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Kuntratti għal servizz tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija mogħtija direttament abbażi ta' proċedura għajr proċedura kompetittiva ġusta sal-24 ta' Diċembru 2017 sat-2 ta' Diċembru 2019, jistgħu jkomplu sad-data tal-iskadenza tagħhom. B'deroga mill-Artikolu 4(3), it-tul ta' żmien ta' dawn il-kuntratti m'għandux jeċċedi 10 snin, ħlief fejn japplika l-Artikolu 4(4).”;

(c)

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

mis-26 ta' Lulju 2000 u qabel l-24 ta' Diċembru 2017 abbażi ta' proċedura għajr proċedura ta' offerti ġusta kompetittiva.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum fl-24 ta' Diċembru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Diċembru 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

I. KORČOK


(1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 122.

(2)  ĠU C 356, 5.12.2013, p. 92.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Frar 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-17 ta' Ottubru 2016 (ĠU C 430, 22.11.2016, p. 4). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji (ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' Ottubru 2007, dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1).


23.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 354/32


REGOLAMENT (UE) 2016/2339 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Diċembru 2016

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fir-rigward ta' merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati l-flussi tal-kummerċ, l-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jeskludi l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament għal merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni waqt li għaddiet bejn żewġ portijiet jew ajruporti tal-Unjoni mingħajr waqfien barra t-territorju doganali tal-Unjoni. Dawk id-dispożizzjonijiet jirregolaw l-obbligu li tiġi ddepożitata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, l-obbligu li tiġi nnotifikata l-wasla ta' bastiment tal-baħar jew inġenju tal-ajru, l-obbligu li l-merkanzija titwassal f'ċerti postijiet u li tiġi ppreżentata lid-dwana fil-punt fejn tinħatt jew tiġi trażbordata, u l-ħażna temporanja.

(2)

Bħala konsegwenza ta' dik l-esklużjoni, ma hemm l-ebda bażi legali għall-ħtieġa li l-merkanzija li tinħatt jew tiġi trażbordata tiġi ppreżentata fil-punt fejn tidħol mill-ġdid fit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun telqet b'mod temporanju minnu. Mingħajr tali preżentazzjoni, jista' jkun aktar diffiċli li l-awtoritajiet doganali jiżguraw is-superviżjoni tal-merkanzija kkonċernata, u hemm riskju kemm li d-dazju tal-importazzjoni u imposti oħra ma jiġux imposti korrettament kif ukoll li l-miżuri mhux fiskali bħal kontrolli veterinarji u fitosanitarji ma jiġux applikati b'mod korrett.

(3)

Jenħtieġ għalhekk li l-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jiġi emendat sabiex jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti ta' merkanzija tal-Unjoni u merkanzija mhux tal-Unjoni.

(4)

Sabiex tiġi żgurata s-superviżjoni doganali effettiva tal-merkanzija mhux tal-Unjoni, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-obbligu li l-merkanzija titwassal f'ċerti postijiet, li tiġi ppreżentata lid-dwana mal-ħatt jew it-trażbord, u li wieħed jistenna għall-awtorizzazzjoni qabel il-ħatt jew it-trażbord, kif ukoll id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħażna temporanja, ikomplu japplikaw għal merkanzija mhux tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jiġi emendat biex jistipula li fir-rigward tal-merkanzija mhux tal-Unjoni huma esklużi biss ir-regoli dwar l-obbligu li tiġi ddepożitata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul u l-obbligu li tiġi nnotifikata l-wasla ta' bastiment tal-baħar jew ta' inġenju tal-ajru.

(5)

Sabiex tkun żgurata s-superviżjoni effettiva tal-merkanzija tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jagħmel distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tal-merkanzija tal-Unjoni li l-istatus tagħha jrid jiġi ppruvat skont l-Artikolu 153(2) ta' dak ir-Regolament u l-merkanzija tal-Unjoni li tkun żammet l-istatus tagħha taħt l-Artikolu 155(2) ta' dak ir-Regolament.

(6)

Rigward il-merkanzija li l-istatus tagħha jeħtieġ li jiġi ppruvat skont l-Artikolu 153(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, jenħtieġ biss li tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-obbligu li tiġi ddepożitata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul u l-obbligu li tiġi nnotifikata l-wasla ta' bastiment tal-baħar jew ta' inġenju tal-ajru, biex b'hekk dan jippermetti s-superviżjoni doganali xierqa.

(7)

Bl-istess mod jenħtieġ li r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 139 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 dwar l-obbligu li tiġi ppreżentata l-merkanzija lid-dwana mal-ħatt jew mat-trażbord u l-obbligu taħt l-Artikolu 140 ta' dak ir-Regolament li wieħed jistenna għall-awtorizzazzjoni qabel il-ħatt jew it-trasbord tal-merkanzija ma japplikawx għal merkanzija tal-Unjoni li tkun żammet l-istatus tagħha taħt l-Artikolu 155(2) ta' dak ir-Regolament, meta jitqies il-fatt li, anke kieku l-merkanzija telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni, l-istatus tagħha ma nbidilx u ma jeħtieġx li jiġi ppruvat.

(8)

Jenħtieġ li jitħassru r-referenzi fl-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għall-Artikolu 135(1) u l-Artikolu 137 ta' dak ir-Regolament sabiex il-persuna li tkun qed iġġib il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni tiġi obbligata li twassalhom sal-post indikat mill-awtoritajiet doganali, sabiex tippermetti lil dawk l-awtoritajiet, jekk meħtieġ, jivverifikaw jekk il-merkanzija hijiex merkanzija tal-Unjoni jew merkanzija mhux tal-Unjoni.

(9)

Jenħtieġ li r-referenza fl-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għall-Artikolu 141 ta' dak ir-Regolament titħassar sabiex ikun ċar li l-Artikolu 141(1) ta' dak ir-Regolament, li jeskludi l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet għal merkanzija trasportata taħt il-proċedura ta' tranżitu, japplika ukoll meta l-merkanzija tidħol mill-ġdid fit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun telqet temporanjament minnu b'rotta diretta bil-baħar jew bl-ajru.

(10)

Jenħtieġ li tiħassar bl-istess mod ir-referenza fl-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għall-Artikoli 144 sa 149 ta' dak ir-Regolament dwar il-ħażna temporanja. Filwaqt li r-regoli stipulati f'dawk l-Artikoli ma japplikawx għall-merkanzija tal-Unjoni, jenħtieġ li huma japplikaw għall-merkanzija mhux tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jiġi emendat kif meħtieġ..

(11)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun sabiex tiġi żgurata superviżjoni effettiva tal-merkanzija mingħajr aktar dewmien,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 136

Merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru

1.   L-Artikoli 127 sa 130 u l-Artikolu 133 ma għandhomx japplikaw f'każijiet fejn tinġieb merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun telqet temporanjament minn dak it-territorju bil-baħar jew bl-ajru u tkun inġarret b'rotta diretta mingħajr waqfien barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.

2.   L-Artikoli 127 sa 130 u l-Artikolu 133 ma għandhomx japplikaw f'każijiet fejn merkanzija mhux tal-Unjoni li l-istatus doganali tagħha jeħtieġ li jiġi ppruvat skont l-Artikolu 153(2) tinġieb fit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun telqet temporanjament minn dak it-territorju bil-baħar jew bl-ajru u tkun inġarret b'rotta diretta mingħajr waqfien barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.

3.   L-Artikoli 127 sa 130 u l-Artikoli 133, 139 u 140 ma għandhomx japplikaw f'każijiet fejn merkanzija tal-Unjoni li tiġi trasportata mingħajr bidla fl-istatus doganali tagħha taħt l-Artikolu 155(2) tinġieb fit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun telqet temporanjament minn dak it-territorju bil-baħar jew bl-ajru u tkun inġarret b'rotta diretta mingħajr waqfien barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Diċembru 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

I. KORČOK


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2016.

(2)  Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


23.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 354/35


REGOLAMENT (UE) 2016/2340 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Diċembru 2016

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni għal dak li jirrigwarda d-data ta' applikazzjoni tiegħu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw il-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) introduċa sensiela ta' miżuri bil-għan li jsaħħu l-ħarsien tal-investituri u li jibnu mill-ġdid il-fiduċja tal-konsumatur fl-industrija tas-servizzi finanzjarji billi tiżdied it-trasparenza fis-suq tal-investiment fil-livell ta' konsumatur. Dan jitlob lill-manifatturi ta' prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni jipproduċu dokument bl-informazzjoni ewlenija (“KID”).

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 jagħti s-setgħa lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) biex iħejju standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-elementi tal-KID.

(3)

Fit-30 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni adottat regolament delegat li jissuplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 (6) (ir-“regolament delegat”) li jispeċifika l-preżentazzjoni u l-kontenut tal-KID u l-format standardizzat tiegħu, il-metodoloġija li tirfed il-preżentazzjoni tar-riskju u l-benefiċċju u l-kalkolu tal-kostijiet, il-kundizzjonijiet u l-frekwenza minima għall-analiżi tal-informazzjoni li tinsab fil-KID u l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li l-KID jingħata lill-investituri fil-livell tal-konsumatur.

(4)

Fl-14 ta' Settembru 2016, il-Parlament Ewropew oġġezzjona għar-regolament delegat adottat mill-Kummissjoni fit-30 ta' Ġunju 2016 u, flimkien mal-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri, talab li d-data ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tiġi differita.

(5)

Diferiment ta' tnax-il xahar jagħti biżżejjed żmien lil dawk ikkonċernati biex jikkonformaw mar-rekwiżiti l-ġodda. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, huwa xieraq u ġġustifikat li r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 jiġi emendat skont dan.

(6)

Minħabba l-perjodu ta' żmien qasir ħafna li fadal qabel li d-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 jiġu applikati, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien.

(7)

Għalhekk, f'dan il-każ huwa wkoll iġġustifikat li tiġi applikata l-eċċezzjoni għal każijiet urġenti prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 1) dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fir-Regolament (UE) Nru 1286/2014, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34 jinbidel b'dan li ġej:

“Dan għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Diċembru 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

I. KORČOK


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2016.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs), (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(6)  Ir-Regolament delegat tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-preżentazzjoni, il-kontenut, l-analiżi u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet għas-sodisfar tar-rekwiżit li jiġu pprovduti dawn id-dokumenti (C(2016)3999).


DIRETTIVI

23.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 354/37


DIRETTIVA (UE) 2016/2341 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Diċembru 2016

dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORPs)

(riformulazzjoni)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53, l-Artikolu 62 u l-Artikolu 114(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġiet emendata sostanzjalment bosta drabi (4). Billi għandhom isiru iżjed emendi, dik id-Direttiva għandha tiġi riformulata fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

Fis-suq intern, l-istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORPs) għandu jkollhom il-possibbiltà li joperaw fi Stati Membri oħra filwaqt li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni u sigurtà għall-membri u l-benefiċjarji tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali.

(3)

Din id-Direttiva għandha l-għan ta' armonizzazzjoni minima u għalhekk m'għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jżommu jew idaħħlu dispożizzjonijiet addizzjonali sabiex jipproteġu lill-membri u lill-benefiċjarji ta' skemi ta' pensjoni okkupazzjonali, sakemm dawk id-dispożizzjonijiet ikunu konsistenti mal-obbligi tal-Istati Membri taħt il-liġi tal-Unjoni. Din id-Direttiva ma tikkonċernax kwistjonijiet tal-liġi nazzjonali soċjali, tax-xogħol, tat-taxxa, jew kuntrattwali, u lanqas l-adegwatezza tal-provvista ta' pensjonijiet fl-Istati Membri.

(4)

Sabiex tiġi faċilitata aktar il-mobbiltà tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri, din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura governanza tajba, l-għoti ta' informazzjoni lill-membri tal-iskema u t-trasparenza u s-sigurtà tal-provvista ta' rtirar okkupazzjonali.

(5)

Il-mod li bih l-IORPs huma organizzati u regolati jvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. Kemm l-IORPs kif ukoll l-impriżi ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja jimmaniġġjaw skemi ta' pensjoni okkupazzjonali. Għalhekk, mhuwiex xieraq li jiġi adottat approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” għall-IORPs. Il-Kummissjoni u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (EIOPA) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għandhom iqisu t-tradizzjonijiet differenti tal-Istati Membri fl-attivitajiet tagħhom u għandhom jaġixxu mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali soċjali u tax-xogħol biex jiddeterminaw l-organizzazzjoni tal-IORPs.

(6)

Id-Direttiva 2003/41/KE rrappreżentat l-ewwel pass leġiżlattiv fit-triq lejn suq intern għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali organizzat fuq skala tal-Unjoni. Suq intern ġenwin għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali jibqa' kruċjali għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien ta' impjiegi fl-Unjoni u biex tiġi indirizzata l-isfida ta' soċjetà li qed tixjieħ. Dik id-Direttiva, li ilha mill-2003, ma ġietx emendata sostanzjalment biex tintroduċi sistema moderna ta' governanza bbażata fuq ir-riskju għall-IORPs. Ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni xierqa fil-livell tal-Unjoni u fil-livell nazzjonali jibqgħu importanti għall-iżvilupp ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali sikur u mingħajr periklu fost l-Istati Membri kollha.

(7)

Bħala prinċipju ġenerali, l-IORPs għandhom, fejn ikun rilevanti, iqisu l-objettiv li jiġi żgurat il-bilanċ interġenerazzjonali ta' skemi ta' pensjoni okkupazzjonali, billi jimmiraw li jkollhom firxa ekwitabbli ta' riskji u benefiċċji bejn il-ġenerazzjonijiet fil-provvista ta' rtirar okkupazzjonali.

(8)

Jeħtieġ li tittieħed azzjoni xierqa biex jiġi mtejjeb ulterjorment it-tfaddil privat u kumplementari għall-irtirar, bħall-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali. Dan huwa importanti billi s-sistemi ta' sigurtà soċjali qed ikunu taħt pressjoni dejjem ikbar, li jfisser li kulma jmur il- pensjonijiet għall-irtirar okkupazzjonali qed jingħataw iktar importanza biex jikkumplementaw dispożizzjonijiet ta' rtirar oħra. L-IORPs jiżvolġu rwol importanti fil-finanzjament fit-tul tal-ekonomija tal-Unjoni u fil-provvista ta' benefiċċji tal-irtirar sikuri. Huma parti vitali mill-ekonomija tal-Unjoni, billi jżommu assi li jiswew EUR 2,5 triljun f'isem madwar 75 miljun membri u benefiċjarji. Il-pensjonijiet għall-irtirar okkupazzjonali għandhom ikunu mtejba, mingħajr, iżda, ma jintefa' xi dubju fuq l-importanza kbira tas-sistemi ta' pensjonijiet tas-sigurtà soċjali f'termini ta' protezzjoni soċjali sikura, dejjiema u effikaċi, li għandhom jiggarantixxu livell deċenti ta' għajxien fix-xjuħija u għandhom għalhekk ikunu fiċ-ċentru tal-objettiv tat-tisħiħ tal-mudelli soċjali Ewropej.

(9)

Fid-dawl tal-iżviluppi demografiċi fl-Unjoni u tas-sitwazzjoni rigward il-baġits nazzjonali, il-provvista ta' rtirar okkupazzjonali hija żieda siewja għas-sistemi ta' pensjonijiet tas-sigurtà soċjali. Sistema tal-pensjonijiet reżiljenti tinkludi firxa ta' prodotti varjati, diversità ta' istituzzjonijiet kif ukoll prattiki superviżorji effikaċi u effiċjenti.

(10)

L-Istati Membri għandhom jipproteġu lill-ħaddiema mill-faqar fix-xjuħija u jippromwovu skemi ta' pensjonijiet supplimentari marbuta mal-kuntratti tal-impjieg bħala kopertura addizzjonali għall-pensjonijiet pubbliċi.

(11)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dritt tal-protezzjoni tad-dejta personali, il-libertà tal-intrapriża, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt tan-negozjar u tal-azzjoni kollettivi u d-dritt għal livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari billi tiżgura livell ogħla ta' trasparenza tal-proviżjonament ta' rtirar u ppjanar personali finanzjarju u għall-irtirar li jkun informat, kif ukoll billi tiffaċilita l-attività transfruntiera tal-IORPs u t-trasferiment transfruntier tal-iskemi ta' pensjoni. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata f'konformità ma' dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(12)

B'mod partikolari, il-faċilitazzjoni tal-attività transfruntiera tal-IORPs u t-trasferiment transfruntier tal-iskemi ta' pensjoni billi jiġu ċċarati l-proċeduri rilevanti u bit-tneħħija ta' ostakli mhux meħtieġa jista' jkollha impatt pożittiv fuq l-impriżi kkonċernati u l-impjegati tagħhom, irrispettivament milll-Istat Membru li jaħdmu fih, permezz taċ-ċentralizzazzjoni tal-ġestjoni tas-servizzi ta' rtirar ipprovduti.

(13)

L-attività transfruntiera tal-IORPs għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali soċjali u tax-xogħol, rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali tal-Istat Membru ospitanti, applikabbli għar-relazzjoni bejn l-impriża li toffri l-iskema ta' pensjoni (“l-impriża sponsor”) u l-membri u l-benefiċjarji. L-attività transfruntiera u t-trasferiment transfruntier tal-iskemi ta' pensjoni huma distinti u għandhom jiġu rregolati minn dispożizzjonijiet differenti. Jekk trasferiment transfruntier ta' skema ta' pensjoni twassal għal attività transfruntiera, għandhom konsegwentement japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar l-attività transfruntiera.

(14)

Fejn l-impriża sponsor u l-IORP ikunu jinsabu fl-istess Stat Membru, is-sempliċi fatt li l-membri jew il-benefiċjarji ta' skema ta' pensjoni għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor ma jikkostitwix, fih innifsu, attività transfruntiera.

(15)

L-Istati Membri għandhom iqisu l-ħtieġa tal-protezzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni tal-ħaddiema li jintbagħtu jaħdmu temporanjament fi Stat Membru ieħor.

(16)

Minkejja d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2003/41/KE, l-attività transfruntiera ġiet limitata minħabba d-differenzi fil-liġi nazzjonali soċjali u tax-xogħol. Barra minn hekk, għad hemm ostakli prudenzjali sinifikanti li, minħabba fihom, l-IORPs tiġihom ogħla biex joperaw l-iskemi ta' pensjoni minn fruntiera għal oħra. Jeħtieġ ukoll li jittejjeb il-livell minimu attwali tal-protezzjoni għall-membri u għall-benefiċjarji. Dan huwa saħansitra aktar importanti billi r-riskji tal-lonġevità u r-riskji tas-suq iżjed ma jmorru iżjed qed jiġu ffaċċati mill-membri u l-benefiċjarji pjuttost milli mill-IORP jew mill-impriża sponsor. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiżdied il-livell minimu attwali tal-għoti ta' informazzjoni lill-membri u lill-benefiċjarji.

(17)

Ir-regoli prudenzjali stabbiliti f'din id-Direttiva huma maħsuba kemm bħala garanzija għal grad għoli ta' sigurtà għall-pensjonanti futuri kollha permezz tal-impożizzjoni ta' standards superviżorji strinġenti u kemm biex titwitta t-triq għall-immaniġġjar sod, prudenti u effiċjenti ta' skemi ta' pensjoni okkupazzjonali.

(18)

Jinħtieġ li l-IORPs ikunu kompletament separati minn kull impriża sponsor u li joperaw fuq bażi ffinanzjata għall-iskop li jipprovdu benefiċċji għall-irtirar. L-IORPs li joperaw għal dak l-iskop uniku għandu jkollhom il-libertà li jipprovdu servizzi u libertà ta' investiment, mingħajr preġudizzju biss għar-rekwiżiti prudenzjali koordinati, irrispettivament jekk tali IORPs humiex ikkunsidrati li huma entitajiet legali.

(19)

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom iżommu responsabbiltà sħiħa għall-organizzazzjoni tas-sistemi tagħhom tal-pensjoni kif ukoll għad-deċiżjonijiet dwar ir-rwol ta' kull waħda minn dawn it-tliet pilastri tas-sistema ta' rtirar fl-Istati Membri individwali. Fil-kuntest tat-tieni pilastru, għandhom iżommu wkoll responsabbiltà sħiħa għar-rwol u l-funzjonijiet tal-istituzzjonijiet varji li jipprovdu benefiċċji għal irtirar okkupazzjonali, bħal fondi ta' pensjonijiet għal settur industrijali sħiħ, fondi ta' pensjonijiet ta' kumpaniji u impriżi ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja. Din id-Direttiva mhijiex intiża sabiex titfa' xi dubji fuq din il-prerogattiva tal-Istati Membri, iżda pjuttost biex tħeġġiġhom jibnu provvista ta' rtirar okkupazzjonali adegwata, sikura u sostenibbli u jiffaċilitaw l-attività transfruntiera.

(20)

Filwaqt li tikkunsidra l-ħtieġa li tittejjeb ulterjorment il-provvista ta' rtirar okkupazzjonali, il-Kummissjoni għandha tipprovdi valur miżjud sinifikanti fil-livell tal-Unjoni billi tieħu passi ulterjuri biex tappoġġa l-kooperazzjoni tal-Istati Membri mas-sħab soċjali fit-titjib tal-iskemi ta' pensjoni tat-tieni pilastru u billi tistabbilixxi grupp ta' livell għoli ta' esperti biex isaħħaħ it-tfaddil għall-irtirar tat-tieni pilastru fl-Istati Membri, inkluża l-promozzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari fir-rigward tal-attività transfruntiera.

(21)

Ir-regoli nazzjonali li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni ta' persuni li jaħdmu għal rashom f'IORPs ivarjaw. F'xi Stati Membri, IORPs jistgħu joperaw fuq il-bażi ta' ftehimiet ma' gruppi kummerċjali li l-membri tagħhom jaħdmu għal rashom jew li jaġixxu direttament ma' persuni li jaħdmu għal rashom u impjegati. F'xi Stati Membri persuna li taħdem għal rasha tista' wkoll issir membru ta' IORP fejn il-persuna li taħdem għal rasha taġixxi bħala impjegatur jew tipprovdi s-servizzi professjonali lil impriża. F'xi Stati Membri persuni li jaħdmu għal rashom ma jistgħux jingħaqdu f'IORP sakemm ċerti rekwiżiti, inklużi dawk imposti bil-liġi soċjali u dik tax-xogħol, ma jkunux imħarsa.

(22)

L-istituzzjonijiet li joperaw skemi tas-sigurtà soċjali li huma diġà kkoordinati fil-livell tal-Unjoni, għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Madanakollu, għandu jittieħed kont tal-ispeċifiċità tal-IORPs li, fi Stat Membru wieħed, joperaw kemm skemi tas-sigurtà soċjali kif ukoll skemi ta' pensjoni okkupazzjonali.

(23)

L-istituzzjonijiet li joperaw fuq il-prinċipju ta' finanzjament ta' kapital bħala parti minn skemi ta' sigurtà soċjali mandatorji, mhumiex koperti b'din id-Direttiva.

(24)

L-istituzzjonijiet finanzjarji li diġà jibbenefikaw minn qafas leġiżlattiv tal-Unjoni għandhom b'mod ġenerali jkunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Iżda, billi tali istituzzjonijiet jistgħu wkoll f'xi każi, joffru servizzi ta' pensjoni okkupazzjonali, huwa importanti li jiġi assigurat li din id-Direttiva ma twassalx għal tgħawwiġ fil-kompetizzjoni. Dak it-tgħawwiġ jista' jiġi evitat bl-applikazzjoni tar-rekwiżiti prudenzjali ta' din id-Direttiva għan-negozju tal-pensjonijiet okkupazzjonali ta' impriżi ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja skont il-punt (a)(i) sa (iii) tal-Artikolu 2(3) u l-punt (b)(ii) sa (iv) tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Il-Kummissjoni għandha wkoll timmonitorja s-sitwazzjoni fis-suq ta' pensjonijiet okkupazzjonali u tivvaluta l-possibbiltà li testendi l-applikazzjoni mhux obbligatorja ta' din id-Direttiva għal istituzzjonijiet finanzjarji regolati oħra.

(25)

Ladarba l-IORPs għandhom l-għan li jiżguraw is-sigurtà finanzjarja fl-irtirar, il-benefiċċji tal-irtirar mħallsa minnhom għandhom ġeneralment jieħdu l-forma ta' ħlasijiet għal matul il-ħajja, ħlasijiet magħmula għal perjodu temporanju, ħlasijiet b'somma f'daqqa, jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom.

(26)

Huwa importanti li jiġi żgurat li persuni aktar anzjani u b'diżabbiltà ma jiġux soġġetti għar-riskju tal-faqar u li jkunu jistgħu jgawdu livell deċenti ta' għajxien. Kopertura xierqa għal riskji bijometriċi f'arranġamenti ta' pensjoni okkupazzjonali hija aspett importanti fil-ġlieda kontra l-faqar u l-insigurtà fost persuni anzjani. Meta jistabbilixxu skema ta' pensjoni, l-impjegaturi u l-impjegati, jew ir-rappreżentanti rispettivi tagħhom, għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà ta' skema ta' pensjoni li tkun tinkludi dispożizzjonijiet għall-kopertura għar-riskju ta' lonġevità u riskji ta' diżabbiltà okkupazzjonali kif ukoll provvista għad-dipendenti superstiti.

(27)

L-għoti lill-Istati Membri tal-possibbiltà li jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi ta' implimentazzjoni nazzjonali lill-IORPs li joperaw skemi ta' pensjoni li flimkien ikollhom anqas minn total ta' 100 membru jista' jiffaċilita s-sorveljanza f'dawk l-Istati Membri, mingħajr ma jiddgħajjef il-funzjonament xieraq tas-suq intern f'dan il-qasam. Iżda, dan m'għandux idgħajjef id-dritt ta' IORPs bħal dawk li jaħtru maniġers tal-investiment stabbiliti u debitament awtorizzati fi Stat Membru ieħor għall-immaniġġjar tal-portafoll tal-investimenti tagħhom, u kustodji jew depożitarji stabbiliti u debitament awtorizzati fi Stat Membru ieħor għall-kustodja tal-assi tagħhom. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom japplikaw ċerti dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-regoli ta' investiment u s-sistema ta' governanza għall-IORPs li joperaw skemi ta' pensjoni li flimkien għandhom total ta' aktar minn 15-il membru.

(28)

Istituzzjonijiet bħall-“Unterstützungskassen” fil-Ġermanja, fejn il-membri m'għandhomx id-drittijiet legali għall-benefiċċji ta' ċertu ammont u fejn l-interessi tagħhom huma protetti b'assigurazzjoni obbligatorja statutorja ta' insolvenza, għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva.

(29)

Sabiex jiġu protetti l-membri u l-benefiċjarji, l-IORPs għandhom jillimitaw l-attivitajiet tagħhom għal dawk imsemmija f'din id-Direttiva u għal dawk li jirriżultaw minnha.

(30)

Fil-każ ta' falliment ta' impriża sponsor, membri jiffaċċaw ir-riskju li jitilfu kemm l-impjiegi tagħhom u kemm id-drittijiet akkwistati tal-pensjoni tagħhom. Minħabba f'dan hemm bżonn li jiġi żgurat li jkun hemm separazzjoni ċara bejn l-impriża sponsor u l-IORP u li standards minimi ta' prudenza jiġu stabbiliti biex jipproteġu l-membri. L-aċċess tal-IORPs għall-iskemi ta' protezzjoni tal-pensjoni jew għal mekkaniżmi simili li jipproteġu l-intitolamenti individwali dovuti tal-membri u l-benefiċjarji mir-riskju ta' inadempjenza tal-impriża sponsor għandu jitqies meta jiġu stabbiliti tali standards.

(31)

L-operazzjoni u s-sorveljanza tal-IORPs huma ħafna differenti bejn l-Istati Membri. F'xi Stati Membri, is-superviżjoni tista' tiġi eżerċitata mhux biss fuq l-IORP nnifisha iżda wkoll fuq l-entitajiet jew kumpaniji li huma awtorizzati li jimmaniġġjaw tali IORPs. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jieħdu kont ta' dik l-ispeċifiċità sakemm ir-rekwiżiti kollha stabbiliti f'din id-Direttiva jkunu effettivament issodisfati. L-Istati Membri għandhom ukoll ikunu jistgħu jippermettu li entitajiet ta' assigurazzjoni u entitajiet finanzjarji oħra jimmaniġġjaw l-IORPs.

(32)

L-IORPs huma istituzzjonijiet tal-pensjoni bi skop soċjali li jipprovdu servizzi finanzjarji. Huma responsabbli għall-provvista ta' benefiċċji ta' rtirar okkupazzjonali u għandhom għalhekk jikkonformaw ma' ċerti standards minimi ta' prudenza fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom u l-kondizzjonijiet ta' operazzjoni filwaqt li jitqiesu r-regoli u t-tradizzjonijiet nazzjonali. Madankollu, tali istituzzjonijiet m'għandhomx ikunu trattati bħala sempliċi fornituri ta' servizz finanzjarju. Il-funzjoni soċjali tagħhom u r-relazzjoni trijangulari bejn l-impjegat, l-impjegatur u l-IORP għandhom ikunu rikonoxxuti u appoġġati adegwatament bħala prinċipji gwida ta' din id-Direttiva.

(33)

Fejn, skont il-liġi nazzjonali, l-IORPs jimmaniġġjaw fondi ta' pensjonijiet li ma jkollhomx personalità ġuridika u li jikkonsistu fi skemi ta' pensjoni ta' membri individwali, li l-assi tagħhom ikunu separati mill-assi tal-IORPs, għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jikkunsidraw kull fond ta' pensjonijiet bħala skema ta' pensjoni unika fis-sens ta' din id-Direttiva.

(34)

In-numru kbir ta' IORPs f'ċerti Stati Membri jfisser li tinħtieġ soluzzjoni prammatika fir-rigward ta' awtorizzazzjoni minn qabel għall-IORPs. Iżda, jekk IORP tixtieq li timmaniġġja skema fi Stat Membru ieħor, awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tkun meħtieġa.

(35)

Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali soċjali u tax-xogħol dwar l-organizzazzjoni ta' sistemi ta' pensjoni, inkluża s-sħubija obbligatorja u r-riżultati ta' ftehimiet ta' negozjar kollettiv, l-IORPs għandu jkollhom il-possibbiltà li jipprovdu s-servizzi tagħhom fi Stati Membri oħra hekk kif jirċievu l-awtorizzazzjoni min-naħa tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP. L-IORPs għandhom ikunu jistgħu jaċċettaw sponsorships minn impriżi li jinsabu fi kwalunkwe Stat Membru u li joperaw skemi ta' pensjoni b'membri f'aktar minn Stat Membru wieħed. Dan potenzjalment iwassal għal ekonomiji ta' skala sinifikanti għal tali IORPs, itejjeb il-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni u jiffaċilita l-mobbiltà tax-xogħol.

(36)

L-eżerċizzju tad-dritt ta' IORP stabbilita fi Stat Membru wieħed li timmaniġġja skema ta' pensjoni okkupazzjonali kkuntrattata fi Stat Membru ieħor għandu jirrispetta għalkollox id-dispożizzjonijiet tal-liġi soċjali u tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti sal-limitu li hi relevanti għal skemi ta' pensjonijiet okkupazzjonali, pereżempju d-definizzjoni u l-ħlas ta' benefiċċji tal-irtirar u l-kundizzjonijiet għat-trasferibbiltà tad-drittijiet tal-pensjoni. Il-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli prudenzjali għandu jiġi ċċarat bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċertezza ġuridika għall-attivitajiet transfruntieri tal-IORPs.

(37)

L-IORPs għandhom ikunu jistgħu jittrasferixxu l-iskemi ta' pensjoni lil IORPs oħrajn minn fruntiera għal oħra fl-Unjoni, sabiex tiġi ffaċilitata l-organizzazzjoni tal-provvista ta' rtirar okkupazzjonali fuq skala tal-Unjoni. It-trasferiment għandu jkun soġġett għall-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi wara li dik l-awtoritá kompetenti tkun irċeviet il-kunsens tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP li qed tittrasferixxi l-iskema ta' pensjoni. It-trasferiment u l-kundizzjonijiet tiegħu għandhom ikunu soġġetti għal approvazzjoni minn qabel min-naħa ta' maġġoranza tal-membri u ta' maġġoranza l-benefiċjarji kkonċernati jew, fejn applikabbli, min-naħa ta' maġġoranza tar-rappreżentanti tagħhom, bħalma huma t-trustees ta' skema ibbażata fuq trust.

(38)

Fil-każ ta' trasferiment ta' parti minn skema ta' pensjoni, il-vijabbiltà kemm tal-parti trasferita kif ukoll tal-parti li tibqa' tal-iskema ta' pensjoni għandha tkun żgurata u d-drittijiet tal-membri u tal-benefiċjarji kollha għandhom jitħarsu adegwatament wara t-trasferiment, billi kemm l-IORPs li jittrasferixxu kif ukoll dawk riċeventi jintalbu jkollhom assi suffiċjenti u adegwati biex ikopru d-dispożizzjonijiet tekniċi għall-parti trasferita u l-parti li tibqa' tal-iskema.

(39)

Sabiex tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-prattiki superviżorji, l-EIOPA tista' titlob informazzjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti skont is-setgħat ikkonferiti lilha bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010. Barra minn hekk, f'każ ta' trasferiment transfruntier sħiħ jew parzjali ta' skema ta' pensjoni, meta jkun hemm nuqqas ta' qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, għandu jkun possibbli li l-EIOPA twettaq medjazzjoni.

(40)

Kalkolu prudenti tal-provvedimenti tekniċi huwa kundizzjoni essenzjali biex jiġi żgurat li l-obbligazzjonijiet għall-ħlas ta' benefiċċji ta' rtirar ikunu jistgħu jitħarsu kemm fuq perjodu qasir kif ukoll fit-tul. Il-provvedimenti tekniċi għandhom ikunu kkalkolati fuq il-bażi ta' metodi attwarji rrikonoxxuti u ċċertifikati minn attwarju jew minn speċjalista ieħor f'dak il-qasam. Ir-rati massimi ta' mgħax għandhom jintgħażlu b'mod prudenti skont kwalunkwe regola nazzjonali rilevanti. L-ammont minimu ta' provvedimenti tekniċi għandu kemm ikun suffiċjenti biex il-benefiċċji li jkunu diġà qed jitħallsu lill-benefiċjarji jkomplu jitħallsu, kif ukoll jirrifletti l-impenji li jirriżultaw mid-drittijiet dovuti tal-pensjoni tal-membri. Il-funzjoni attwarja għandha titwettaq minn persuni li jkollhom għarfien tal-matematika attwarja u finanzjarja, fi proporzjon mad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fl-attivitajiet tal-IORP, u li huma kapaċi juru l-esperjenza rilevanti tagħhom bi kwalifiki professjonali jew standards oħra applikabbli.

(41)

Ir-riskji koperti mill-IORPs ivarjaw b'mod sinifikanti minn Stat Membru għall-ieħor. L-Istati Membri ta' domiċilju għalhekk għandu jkollhom il-possibbiltà li jagħmlu l-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi soġġett għal regoli addizzjonali u aktar dettaljati minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.

(42)

Għandhom ikunu meħtieġa assi suffiċjenti u adegwati li jkopru l-provvedimenti tekniċi biex jipproteġu l-interessi tal-membri u l-benefiċjarji ta' skema ta' pensjoni jekk l-impriża sponsor issir insolventi.

(43)

Sabiex jippromwovu kundizzjonijiet ekwi bejn IORPs domestiċi u transfruntieri, l-Istati Membri għandhom iqisu r-rekwiżiti ta' finanzjament, kemm għall-IORPs domestiċi kif ukoll għal dawk transfruntieri.

(44)

F'ħafna każi, jista' jkun li l-impriża sponsor u mhux l-IORP nnifisha, jew tkopri kull riskju bijometriku jew tiggarantixxi ċerti benefiċċji jew rendiment ta' investiment. Iżda, f'xi każi, hija l-IORP nnifisha li tipprovdi tali kopertura jew garanziji u l-obbligazzjonijiet tal-isponsor huma ġeneralment mitmuma bil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet meħtieġa. F'dawk iċ-ċirkustanzi, l-IORP ikkonċernata għandha żomm fondi proprji abbażi tal-valur tal-provvedimenti tekniċi u l-kapital ta' riskju.

(45)

L-IORPs huma investituri fuq żmien twil ħafna. Il-fidwa tal-assi miżmuma mill-IORPs ma tistax, b'mod ġenerali, issir għal xi għan ieħor ħlief biex tipprovdi benefiċċji għall-irtirar. Barra minn hekk, sabiex jiġu protetti b'mod adegwat id-drittijiet tal-membri u l-benefiċjarji, l-IORPs għandhom ikunu kapaċi jagħżlu allokazzjoni tal-assi li tkun taqbel man-natura preċiża u t-tul ta' żmien tal-obbligazzjonijiet tagħhom. Għalhekk, superviżjoni effiċjenti hija meħtieġa kif ukoll attitudni lejn regoli ta' investiment li tippermetti lill-IORPs flessibbiltà suffiċjenti li jiddeċiedu dwar il-politika l-aktar sikura u effiċjenti ta' investiment u li tobbligahom jaġixxu b'mod prudenti. Il-konformità mar-regola tal-persuna prudenti għalhekk teħtieġ politika ta' investiment adattata għall-istruttura ta' sħubija tal-IORP individwali.

(46)

Jekk tiġi ffissata r-regola tal-persuna prudenti bħala l-prinċipju bażi għall-investiment kapitali u jekk isir possibbli li l-IORPs joperaw bejn il-fruntieri, ir-ridirezzjonar tat-tfaddil fis-settur tal-provvista ta' rtirar okkupazzjonali huwa inkoraġġut, u b'hekk jikkontribwixxi għall-progress ekonomiku u soċjali.

(47)

Il-metodi u l-prattiki ta' superviżjoni jvarjaw bejn l-Istati Membri. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jingħataw xi diskrezzjoni dwar ir-regoli preċiżi ta' investiment li jixtiequ jimponu fuq l-IORPs li jinsabu fit-territorju tagħhom. Madankollu, dawk ir-regoli m'għandhomx jirrestrinġu l-moviment liberu ta' kapital, sakemm mhux iġġustifikat fuq bażi ta' prudenza.

(48)

Din id-Direttiva għandha tiżgura livell xieraq ta' libertà ta' investiment għall-IORPs. Bħala investituri fuq żmien twil ħafna b'riskji baxxi ta' likwidità, l-IORPs huma f'pożizzjoni li jinvestu f'assi mhux likwidi bħal ishma u fi strumenti oħra li għandhom profil ekonomiku fit-tul u li mhumiex innegozjati fi swieq regolati, f'faċilitajiet multilaterali tan-negozjar (MTFs) jew f'faċilitajiet organizzati tan-negozjar (OTFs) f'limiti prudenti. Jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-vantaġġi ta' diversifikazzjoni internazzjonali. Investimenti f'ishma f'muniti oħrajn barra dawk tal-obbligazzjonijiet u fi strumenti oħrajn li għandhom profil ekonomiku fit-tul u li mhumiex innegozjati fi swieq regolati, MTFs jew OTFs m'għandhomx għalhekk ikunu ristretti, skont il-prinċipju tal-persuna prudenti sabiex jitħarsu l-interessi tal-membri u l-benefiċjarji, ħlief fuq bażi prudenzjali.

(49)

Il-fehim ta' x'jikkostitwixxi strument bi profil ekonomiku fit-tul huwa wiesa'. Tali strumenti huma titoli mhux trasferibbli u għaldaqstant m'għandhomx aċċess għal-likwidità ta' swieq sekondarji. Spiss, dawn jirrikjedu impenji b'terminu fiss li jirrestrinġu l-kummerċjabbiltà tagħhom u għandhom jinftiehmu li jinkludu strumenti ta' parteċipazzjoni u ta' dejn fi, u self ipprovdut lil, impriżi mhux elenkati. L-impriżi mhux elenkati jinkludu proġetti ta' infrastruttura, kumpaniji mhux elenkati li jfittxu li jiksbu t-tkabbir, proprjetà immobbli jew assi oħra li jistgħu jkunu adattati għal skopijiet ta' investiment fit-tul. Il-proġetti ta' infrastruttura b'livell baxx tal-karbonju u li huma reżiljenti għat-tibdil fil-klima, ġeneralment huma assi mhux elenkati u jiddependu fuq krediti fit-tul għall-finanzjament ta' proġetti.

(50)

L-IORPs għandhom jitħallew jinvestu fi Stati Membri oħrajn f'konformità mar-regoli tal-Istati Membri ta' domiċilju tagħhom sabiex inaqqsu l-kost tal-attività transfruntiera. Għalhekk, l-Istati Membri ospitanti ma għandhomx jitħallew jimponu rekwiżiti addizzjonali ta' investiment fuq l-IORPs li jkunu jinsabu fi Stati Membri oħrajn.

(51)

L-individwu jeħtieġ li jkollu idea ġenerali ċara tad-drittijiet tal-pensjoni dovuti lilu li jirriżultaw minn skemi ta' pensjoni statutorji u okkupazzjonali, partikolarment fejn tali drittijiet isiru dovuti f'aktar minn Stat membru wieħed. Dik l-idea ġenerali tista' tinkiseb bl-istabbiliment ta' servizzi ta' traċċar tal-pensjonijiet fl-Unjoni kollha, simili għal dawk li diġà ġew stabbiliti f'xi Stati Membri wara l-White Paper tal-Kummissjoni tas-16 ta' Frar 2012 bit-titolu “Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli”, li tippromwi l-iżvilupp ta' tali servizzi.

(52)

Ċerti riskji ma jistgħux jitnaqqsu permezz ta' rekwiżiti kwantitattivi riflessi fil-provvedimenti tekniċi u permezz ta' rekwiżiti ta' finanzjament, iżda jistgħu jiġu indirizzati kif xieraq biss permezz ta' rekwiżiti ta' governanza. Għaldaqstant, l-iżgurar ta' sistema effikaċi ta' governanza huwa essenzjali għall-immaniġġjar adegwat tar-riskji u biex jiġu protetti l-membri u l-benefiċjarji. Tali sistemi għandhom ikunu proporzjonati għad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORP.

(53)

Il-politiki ta' remunerazzjoni li jinkoraġġixxu mġiba ta' teħid ta' riskji eċċessivi jistgħu jdgħajfu l-immaniġġjar sod u effikaċi tar-riskji tal-IORPs. Il-prinċipji u r-rekwiżiti ta' divulgazzjoni tal-politiki ta' remunerazzjoni applikabbli għal istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn fl-Unjoni għandhom ukoll isiru applikabbli għall-IORPs, filwaqt li madankollu tiġi kkunsidrata l-istruttura ta' governanza partikolari ta' IORPs imqabbla ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħra u l-ħtieġa li jitqiesu d-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORPs.

(54)

Funzjoni ewlenija hija kapaċità għat-twettiq ta' kompiti partikolari ta' governanza. L-IORPs għandu jkollhom kapaċità suffiċjenti biex ikollhom funzjoni ta' mmaniġġjar tar-riskji, funzjoni ta' awditu intern u, fejn applikabbli, funzjoni attwarja. Ħlief meta jiġi speċifikat mod ieħor f'din id-Direttiva, l-identifikazzjoni ta' funzjoni ewlenija partikolari ma għandhiex tipprevjeni lill-IORP milli tiddeċiedi liberament dwar l-organizzazzjoni ta' din il-funzjoni ewlenija fil-prattika,. Dan ma għandux iwassal għal rekwiżiti li jikkostitwixxu piż bla bżonn għax għandhom jitqiesu d-daqs, in-natura, l-iskala, u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORP.

(55)

Il-persuni li effettivament imexxu IORP għandhom kollettivament ikunu kompetenti u idonei u l-persuni li jwettqu funzjonijiet ewlenin għandu jkollhom għarfien u esperjenza xierqa u, meta applikabbli, kwalifiki professjonali adegwati. Madankollu, huma biss id-detenturi tal-funzjonijiet ewlenin li għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' notifika lill-awtorità kompetenti.

(56)

Bl-eċċezzjoni tal-funzjoni tal-awditu intern, għandu jkun possibbli li persuna individwali jew unità organizzazzjonali waħda twettaq aktar minn funzjoni ewlenija waħda. Madankollu, il-persuna jew l-unità organizzazzjonali li twettaq funzjoni ewlenija ma għandhiex tkun l-istess persuna li twettaq funzjoni ewlenija simili fl-impriża sponsor. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jippermettu lill-IORP twettaq funzjonijiet ewlenin permezz tal-istess persuna jew unità organizzazzjonali waħda bħall-impriża sponsor, sakemm l-IORP tispjega kif tipprevjeni jew timmaniġġja kwalunkwe kunflitt ta' interess mal-impriża sponsor.

(57)

Huwa fundamentali li l-IORPs itejbu l-immaniġġjar tar-riskji tagħhom filwaqt li jieħdu kont tal-għan li jkollhom firxa ekwitabbli ta' riskji u benefiċċji bejn il-ġenerazzjonijiet fil-provvista ta' rtirar okkupazzjonali, sabiex il-vulnerabbiltajiet potenzjali b'rabta mas-sostenibbiltà tal-iskemi ta' pensjoni jkunu jistgħu jinftiehmu sew u jiġu diskussi kif xieraq mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti. Bħala parti mis-sistema tagħhom tal-immaniġġjar tar-riskji, l-IORPs għandhom jipproduċu valutazzjoni tar-riskji għall-attivitajiet tagħhom relatati mal-pensjonijiet. Dik il-valutazzjoni tar-riskji għandha tkun ukoll disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti u, meta jkun rilevanti, għandha tinkludi, fost l-oħrajn, ir-riskji relatati mat-tibdil fil-klima, l-użu tar-riżorsi, l-ambjent, ir-riskji soċjali, u r-riskji relatati mad-deprezzament tal-assi minħabba bidla regolatorja (“assi mitlufa”).

(58)

Fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza, kif hemm riferiment għalihom fil-Prinċipji li huma appoġġati min-Nazzjonijiet Uniti għall-Investiment Responsabbli, huma importanti għas-sistemi ta' politika tal-investiment u ta' mmaniġġjar tar-riskji tal-IORPs. L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs jiżvelaw b'mod espliċitu meta tali fatturi jiġu kkunsidrati f'deċiżjonijiet ta' investiment u kif dawn jagħmlu parti mis-sistema tagħhom tal-immaniġġjar tar-riskji. Ir-rilevanza u l-materjalità ta' fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza għall-investimenti ta' skema u kif tali fatturi jiġu kkunsidrati għandhom ikunu parti mill-informazzjoni pprovduta minn IORP taħt din id-Direttiva. Dan ma jipprekludix IORP milli tissodisfa r-rekwiżit billi tiddikjara f'tali informazzjoni li fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza mhumiex ikkunsidrati fil-politika ta' investiment tagħha jew li l-ispejjeż ta' sistema li timmonitorja r-rilevanza u l-importanza ta' tali fatturi u kif dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni jkunu sproporzjonati għad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħha.

(59)

Kull Stat Membru għandu jeżiġi li kull IORP li tinsab fit-territorju tiegħu tħejji kontijiet annwali u rapporti annwali waqt li tikkunsidra kull skema ta' pensjoni operata mill-IORP u, fejn japplika, il-kontijiet annwali u r-rapporti annwali għal kull skema ta' pensjoni. Il-kontijiet annwali u r-rapporti annwali, li jirriflettu l-pożizzjoni reali u ġusta tal-assi, l-obbligazzjonijiet u l-pożizzjoni finanzjarja tal-IORP, u li jikkunsidraw kull skema ta' pensjoni operata minn IORP, u debitament approvata minn persuna awtorizzata, huma sors essenzjali ta' informazzjoni għall-membri u l-benefiċjarji ta' skema u għall-awtoritajiet kompetenti. B'mod partikolari, jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li jimmonitorjaw is-sodezza finanzjarja ta' IORP u jivvalutaw jekk l-IORP hijiex kapaċi tħares l-obbligi kuntrattwali kollha tagħha. Il-kontijiet annwali u r-rapporti annwali għandhom jiġu żvelati ppubblikament fuq websajt, meta possibbli, jew b'mezzi oħra bħat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' kopji fuq talba.

(60)

Il-politika ta' investiment ta' IORP hija fattur deċiżiv kemm għas-sigurtà kif ukoll għas-sostenibbiltà ekonomika fit-tul għal skemi ta' pensjoni okkupazzjonali. L-IORPs għandhom għalhekk iħejju u, tal-anqas kull tliet snin, jeżaminaw mill-ġdid dikjarazzjoni tal-prinċipji ta' investiment. Tali dikjarazzjoni għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti u, fuq talba, anke għall-membri u l-benefiċjarji ta' kull skema ta' pensjoni.

(61)

L-IORPs għandhom jitħallew jafdaw kwalunkwe attività inklużi funzjonijiet ewlenin, kemm totalment jew parzjalment, lil fornituri ta' servizz li joperaw f'isimhom. L-IORPs għandhom jibqgħu kompletament responsabbli għall-qadi tal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva meta jesternalizzaw funzjonijiet ewlenin jew kwalunkwe attività oħra. L-IORPs għandhom jidħlu fi ftehim bil-miktub mal-fornitur ta' servizz meta jesternalizzaw xi attività. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, dan ma jinkludix ftehimiet għal servizzi tat-tip operattiv pereżempju, għall-persunal responsabbli mis-sigurtà jew mill-manutenzjoni.

(62)

Għandu jkun possibbli li l-Istati Membri jeżiġu l-ħatra ta' depożitarju b'rabta mal-kustodja tal-assi tal-IORPs.

(63)

Filwaqt li titqies in-natura tal-iskema ta' pensjoni stabbilita u tal-piż amministrattiv involut, l-IORPs għandhom jipprovdu informazzjoni ċara u adegwata lill-membri prospettivi, lill-membri u lill-benefiċjarji biex isostnu t-teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom dwar l-irtirar u biex jiżguraw livell għoli ta' trasparenza tul id-diversi fażijiet tal-iskema li tinkludi r-reġistrazzjoni minn qabel, is-sħubija (inkluża l-fażi qabel l-irtirar) u l-fażi wara l-irtirar. B'mod partikolari, għandha tingħata informazzjoni dwar l-intitolamenti dovuti tal-pensjoni, il-livelli projettati ta' benefiċċji tal-irtirar, ir-riskji u l-garanziji, u l-kostijiet. Fejn il-livelli projettati ta' benefiċċji tal-irtirar ikunu bbażati fuq xenarji ekonomiċi, dik l-informazzjoni għandha tinkludi wkoll xenarju sfavorevoli, li għandu jkun estrem iżda plawsibbli. Fejn il-membri jġorru riskju ta' investiment, informazzjoni addizzjonali dwar il-profil tal-investiment, kwalunkwe opzjoni disponibbli u r-rendiment tal-passat, huma ta' importanza kruċjali wkoll. L-informazzjoni għandha tkun adegwata għall-ħtiġiet tal-utent u għandha tqis il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċessibbiltà u l-aċċess għall-informazzjoni, kif previst fl-Artikoli 3 u 21 tagħha rispettivament. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jispeċifikaw ukoll minn min l-informazzjoni li għandha tingħata lill-membri prospettivi, lill-membri u lill-benefiċjarji tista' tiġi pprovduta, anke permezz ta' servizzi ta' traċċar tal-pensjonijiet.

(64)

Minħabba l-ispeċifiċitajiet ta' skemi li jipprovdu livell speċifiku ta' benefiċċji, tali benefiċċji, għajr f'ċirkostanzi estremi, ma jiġux affettwati mir-rendiment tal-passat u lanqas mill-istruttura tal-kostijiet. L-informazzjoni dwarhom għandha għalhekk tiġi pprovduta biss fir-rigward tal-iskemi li l-membri tagħhom iġorru r-riskju tal-investiment jew jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment.

(65)

Qabel ma jissieħbu fi skema, il-membri prospettivi għandhom jingħataw l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jagħmlu għażla informata. Meta l-membri prospettivi ma jkollhomx għażla u jiġu awtomatikament reġistrati fi skema ta' pensjoni, l-IORP għandha tipprovdihom l-informazzjoni rilevanti essenzjali dwar is-sħubija tagħhom minnufih wara r-reġistrazzjoni.

(66)

Fir-rigward tal-membri, l-IORPs għandhom ifasslu rapport tal-benefiċċji tal-pensjoni li jkun fih informazzjoni personali u ġenerika importanti dwar l-iskema ta' pensjoni. Ir-rapport tal-benefiċċji tal-pensjoni għandu jkun ċar u komprensiv u għandu jkun fih informazzjoni rilevanti u xierqa sabiex jiffaċilita l-fehim tad-drittijiet tal-pensjoni matul iż-żmien u minn skema għal oħra u biex jaqdi l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol.

(67)

L-IORPs għandhom jinformaw lill-membri fi żmien suffiċjenti qabel ma jirtiraw, dwar l-opzjonijiet tal-ħlas li jkollhom. Meta l-benefiċċju tal-irtirar ma jitħallasx bħala renta tul il-ħajja, il-membri li jkunu resqin lejn l-irtirar għandhom jirċievu informazzjoni dwar il-prodotti ta' pagament tal-benefiċċji disponibbli, sabiex jiġi ffaċilitat l-ippjanar finanzjarju għall-irtirar.

(68)

Fil-fażi li matulha jitħallsu l-benefiċċji tal-irtirar, il-benefiċjarji għandhom ikomplu jirċievu informazzjoni dwar il-benefiċċji tagħhom u dwar l-opzjonijiet ta' ħlas korrispondenti. Dan huwa partikolarment importanti meta jiġġarrab livell sinifikanti tar-riskju ta' investiment mill-benefiċjarji fil-fażi tal-ħlas. Il-benefiċjarji għandhom jiġu informati wkoll dwar kwalunkwe tnaqqis fil-livell tal-benefiċċji dovuti, qabel l-applikazzjoni ta' kwalunkwe tali tnaqqis, wara li tkun ittieħdet deċiżjoni li tirriżulta fi tnaqqis. Bħala kwistjoni tal-aħjar prassi, huwa rakkomandat li l-IORPs jikkonsultaw lill-benefiċjarji qabel ma tittieħed xi deċiżjoni bħal din.

(69)

L-awtorità kompetenti għandha teżerċita s-setgħat tagħha filwaqt li żżomm bħala l-objettivi primarju tagħha l-protezzjoni tad-drittijiet tal-membri u tal-benefiċjarji u l-istabbiltà u s-sodezza tal-IORPs.

(70)

Il-kamp ta' applikazzjoni tas-superviżjoni prudenzjali fi Stati Membri differenti mhuwiex l-istess. Dan il-fatt jista' joħloq problemi meta IORP trid tikkonforma mar-regolamentazzjoni prudenzjali tal-Istat Membru ta' domiċilju tagħha filwaqt li fl-istess ħin trid tikkonforma mal-liġi soċjali u tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti tagħha. Il-kjarifika ta' liema oqsma jitqiesu li jagħmlu parti mis-superviżjoni prudenzjali għall-iskop ta' din id-Direttiva tnaqqas l-inċertezza ġuridika u l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet assoċjati.

(71)

Suq intern għall-IORPs jirrikjedi rikonoxximent reċiproku tal-istandards prudenzjali. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP għandhom jissorveljaw ir-rispett ta' dawn l-istandards min-naħa tal-IORP. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti s-setgħat meħtieġa biex jużaw miżuri preventivi jew korrettivi f'każ li IORP tikser xi rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

(72)

Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effikaċi tal-attivitajiet esternalizzati, inklużi l-attivitajiet kollha sussegwentement riesternalizzati, huwa fundamentali li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess għad-dejta kollha rilevanti miżmuma mill-fornituri ta' servizz li l-attivitajiet tagħhom ikunu ġew esternalizzati, indipendentement minn jekk dawn tal-aħħar ikunux entità regolata jew entità mhux regolata, u jkollhom id-dritt li jwettqu spezzjonijiet fuq il-post. Sabiex jikkunsidraw l-iżviluppi tas-suq u biex jiżguraw li jkun hemm konformità kontinwa mal-kundizzjonijiet għall-esternalizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat meħtieġa biex jitolbu informazzjoni mill-IORPs u mill-fornituri ta' servizz dwar kwalunkwe attività esternalizzata.

(73)

Għandu jkun hemm dispożizzjoni għall-iskambji ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet oħra u l-korpi li l-kompitu tagħhom huwa li jsaħħu l-istabbiltà finanzjarja u t-terminazzjoni ta' skemi ta' pensjoni. Għalhekk jeħtieġ li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet li taħthom għandu jkun possibbli li jsiru dawn l-iskambji ta' informazzjoni. Barra minn hekk, meta l-informazzjoni tkun tista' tiġi ddivulgata biss bil-qbil espress tal-awtoritajiet kompetenti, dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu jistgħu, fejn xieraq, jissottomettu l-qbil tagħhom għall-konformità ma' kundizzjonijiet severi.

(74)

Kwalunkwe pproċessar ta' dejta personali li jsir skont din id-Direttiva, bħall-iskambju jew it-trażmissjoni ta' dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti, għandu jkun f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u kwalunkwe skambju jew trażmissjoni ta' informazzjoni mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej skont din id-Direttiva għandhom ikunu f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(75)

Sabiex tiżgura l-funzjonament bla intoppi tas-suq intern għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali organizzata fuq skala tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-EIOPA, tagħmel rieżami u toħroġ rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u għandha tippreżenta dan ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-13 ta' Jannar 2023.

(76)

Sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn l-istituzzjonijiet, il-perjodu tranżitorju li jippermetti lill-impriżi tal-assigurazzjoni li jaqgħu fi ħdan l-għan tad-Direttiva 2009/138/KE joperaw l-attività kummerċjali tagħhom ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali skont ir-regoli msemmija fl-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva għandu jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2022. Għalhekk, id-Direttiva 2009/138/KE għandha tiġi emendata kif xieraq.

(77)

L-iżvilupp ulterjuri ta' mudelli ta' solvibbiltà fil-livell tal-Unjoni, bħall-karta tal-bilanċ olistika (HBS), mhuwiex realistiku f'termini prattiċi u mhuwiex effikaċi f'termini ta' kostijiet u benefiċċji, b'mod partikolari minħabba d-diversità tal-IORPs fi ħdan u madwar l-Istati Membri. Għaldaqstant, l-ebda rekwiżit ta' kapital kwantitattiv, bħal Solvibbiltà II jew mudelli HBS derivati minnha, m'għandu jiġi żviluppat fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tal-IORPs, peress li dawn jistgħu potenzjalment inaqqsu r-rieda tal-impjegaturi li jipprovdu skemi ta' pensjoni okkupazzjonali.

(78)

Minħabba li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jinħoloq qafas legali tal-Unjoni li jkopri l-IORPs, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri, iżda jista', minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(79)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni, l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar, li jispjega(w) ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis it-trażmissjoni ta' tali dokumenti bħala ġustifikata.

(80)

L-obbligu li din id-Direttiva tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali għandu jiġi limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw emenda sostantiva meta mqabbla mad-Direttivi preċedenti. L-obbligu li jiġu trasposti d-dispożizzjonijiet li mhumiex mibdula, jirriżulta mid-Direttivi preċedenti.

(81)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tippreskrivi r-regoli għall-bidu u t-tkomplija ta' attivitajiet imwettqa minn istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORPs).

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-IORPs. Fejn, bi qbil mal-liġi nazzjonali, l-IORPs ma jkollhomx personalità ġuridika, l-Istati Membri għandhom japplikaw din id-Direttiva jew għal dawk l-IORPs jew, soġġetti għall-paragrafu 2, għal dawk l-entitajiet awtorizzati responsabbli biex joperawhom u li jaġixxu għan-nom tagħhom.

2.   Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal:

(a)

istituzzjonijiet li joperaw skemi ta' sigurtà soċjali li huma koperti bir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 (9) u (KE) Nru 987/2009 (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(b)

istituzzjonijiet li huma koperti bid-Direttivi 2009/65/KE (11), 2009/138/KE, 2011/61/UE (12), 2013/36/UE (13) u 2014/65/UE (14) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(c)

istituzzjonijiet li joperaw fuq il-bażi ta' pay-as-you-go;

(d)

istituzzjonijiet fejn impjegati tal-impriżi sponsor ma jkollhom ebda drittijiet legali għall-benefiċċji u fejn l-impriża sponsor tista' tifdi l-assi f'kull żmien u mhux neċessarjament tħares l-obbligi tagħha għall-ħlas ta' benefiċċji tal-irtirar;

(e)

kumpaniji li jużaw skemi ta' riżerva tal-kotba bil-ħsieb li jħallsu benefiċċji ta' rtirar lill-impjegati tagħhom.

Artikolu 3

Applikazzjoni għal IORPs li joperaw skemi ta' sigurtà soċjali

L-IORPs li joperaw ukoll skemi ta' pensjoni obbligatorji relatati mal-impjieg li huma kkunsidrati skemi tas-sigurtà soċjali koperti bir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 għandhom ikunu koperti b'din id-Direttiva fir-rigward tan-negozju tagħhom ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali mhux obbigatorju. F'dak il-każ, l-obbligazzjonijiet u l-assi korrispondenti għandhom ikunu ring-fenced u m'għandux ikun possibbli li jiġu trasferiti għall-iskemi obbligatorji ta' pensjoni li huma kkunsidrati skemi tas-sigurtà soċjali jew bil-maqlub.

Artikolu 4

Applikazzjoni mhux obbligatorja għal istituzzjonijiet koperti bid-Direttiva 2009/138/KE

L-Istati Membri ta' domiċilju jistgħu jagħżlu li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9 sa 14, l-Artikoli 19 sa 22, l-Artikolu 23(1) u (2), u l-Artikoli 24 sa 58 ta' din id-Direttiva għan-negozju ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali ta' impriżi ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja skont il-punti (a)(i) sa (iii) u l-punti (b)(ii) sa (iv) tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2009/138/KE. F'dak il-każ, l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha korrispondenti man-negozju ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali għandhom ikunu ring-fenced, immaniġġjati u organizzati separatament mill-attivitajiet l-oħra tal-impriżi ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja, mingħajr xi possibbiltà ta' trasferiment.

Fil-każ imsemmi fl-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu, u biss sa fejn huwa kkonċernat in-negozju ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali, l-impriżi ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja m'għandhomx ikunu soġġetti għall-Artikoli 76 sa 86, l-Artikolu 132, l-Artikolu 134(2), l-Artikolu 173, l-Artikolu 185(5), l-Artikolu 185(7) u (8) u l-Artikolu 209 tad-Direttiva 2009/138/KE.

L-Istat Membru ta' domiċilju għandu jiżgura li jew l-awtoritajiet kompetenti jew l-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni tal-impriżi ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja koperti bid-Direttiva 2009/138/KE, bħala parti mix-xogħol tagħhom ta' superviżjoni, jivverifikaw is-separazzjoni stretta tan-negozju rilevanti ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali.

Artikolu 5

IORPs żgħar u skemi statutorji

Bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 32 sa 35, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx din id-Direttiva, kollha kemm hi jew parti minnha, għal kwalunkwe IORP reġistrata jew awtorizzata li tinsab fit-territorju tagħhom li topera skemi ta' pensjoni li flimkien għandhom total ta' anqas minn 100 membru. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(2), tali IORPs madankollu għandhom jingħataw id-dritt li japplikaw din id-Direttiva fuq bażi volontarja. L-Artikolu 11 jista' jiġi applikat biss jekk id-dispożizzjonijiet l-oħra kollha ta' din id-Direttiva japplikaw. L-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 21(1) u (2) għal kwalunkwe IORP reġistrata jew awtorizzata fit-territorji tagħhom li topera skemi ta' pensjoni li flimkien għandhom total ta' aktar minn 15-il membru.

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw kwalunkwe wieħed mill-Artikoli 1 sa 8, l-Artikolu 19 u l-Artikoli 32 sa 35 għal istituzzjonijiet fejn il-provvista ta' rtirar okkupazzjonali ssir taħt statut, bis-saħħa tal-liġi nazzjonali, u hija garantita minn awtorità pubblika.

Artikolu 6

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(1)

“istituzzjoni għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali”, jew “IORP”, tfisser istituzzjoni, irrispettivament mill-forma legali tagħha, li topera fuq bażi ffinanzjata, stabbilita separatament minn kull impriża sponsor jew negozju bil-għan li tipprovdi benefiċċji tal-irtirar fil-kuntest ta' attività okkupazzjonali fuq il-bażi ta' ftehim jew kuntratt miftiehem:

(a)

individwalment jew kollettivament bejn l-impjegatur(i) u l-impjegat(i) jew ir-rappreżentanti rispettivi tagħhom, jew

(b)

ma' persuni li jaħdmu għal rashom, individwalment jew kollettivament, b'konformità mal-liġi tal-Istati Membri ta' domiċilju u l-Istati Membri ospitanti,

u li twettaq attivitajiet li jirriżultaw direttament minnhom;

(2)

“skema ta' pensjoni” tfisser kuntratt, ftehim, kuntratt ta' fiduċja jew regoli li jistipulaw liema benefiċċji tal-irtirar jingħataw u taħt liema kondizzjonijiet;

(3)

“impriża sponsor” tfisser kull impriża jew korp ieħor, irrispettivament minn jekk tinkludix jew tikkonsistix minn persuna waħda jew aktar fiżika jew ġuridika, li taġixxi bħala impjegatur jew f'kapaċità ta' persuna li taħdem għal rasha jew kwalunkwe kombinazzjoni ta' dawn u li toffri skema ta' pensjoni jew tħallas kontribuzzjoni lil IORP;

(4)

“benefiċċji tal-irtirar” tfisser benefiċċji mħallsa b'referenza mal-ilħuq ta', jew l-istennija li jintlaħaq, l-irtirar jew, fejn huma supplimentari għal dawk il-benefiċċji u pprovduti fuq bażi anċillari, fil-forma ta' ħlasijiet mal-mewt, diżabbiltà, jew waqfien mill-impjieg jew fil-forma ta' pagamenti għall-manteniment jew servizzi fil-każ ta' mard, indiġenza jew mewt. Sabiex tiġi ffaċilitata is-sigurtà finanzjarja fl-irtirar, dawk il-benefiċċji jistgħu jieħdu l-forma ta' ħlasijiet għal matul il-ħajja, ħlasijiet magħmula għal perjodu temporanju, somma f'daqqa, jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom;

(5)

“membru” tfisser persuna, għajr benefiċjarju jew membru prospettiv, li l-attivitajiet okkupazzjonali passati jew attwali tagħha jintitolawha jew se jintitolawha għall-benefiċċji tal-irtirar skont id-dispożizzjonijiet ta' skema ta' pensjoni;

(6)

“benefiċjarju” tfisser persuna li tirċievi benefiċċji tal-irtirar;

(7)

“membru prospettiv” tfisser persuna li hija eliġibbli li tissieħeb fi skema ta' pensjoni;

(8)

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità nazzjonali nnominata biex twettaq id-dmirijiet, hekk kif tipprevedi din id-Direttiva;

(9)

“riskji bijometriċi” tfisser riskji marbuta ma' mewt, diżabbiltà u lonġevità;

(10)

“Stat Membru ta' domiċilju” tfisser l-Istat Membru li fih l-IORP ġiet irreġistrata jew awtorizzata u li fih hija stabbilita l-amministrazzjoni ewlenija tagħha skont l-Artikolu 9;

(11)

“Stat Membru ospitanti” tfisser l-Istat Membru li l-liġi tiegħu soċjali jew tax-xogħol rilevanti għall-qasam ta' skemi ta' pensjoni okkupazzjonali hija applikabbli għar-relazzjoni bejn l-impriża sponsor u l-membri jew il-benefiċjarji;

(12)

“IORP trasferenti” tfisser IORP li tittrasferixxi l-obbligazzjonijiet, il-provvedimenti tekniċi, u obbligi u drittijiet oħra, kif ukoll assi korrispondenti jew l-ekwivalenti fi flus kontanti tagħhom, ta' skema ta' pensjoni, kollha kemm huma jew parti minnhom, lil IORP irreġistrata jew awtorizzata fi Stat Membru ieħor;

(13)

“IORP riċeventi” tfisser IORP li tirċievi l-obbligazzjonijiet, il-provvedimenti tekniċi, u obbligi u drittijiet oħra, kif ukoll assi korrispondenti jew l-ekwivalenti fi flus kontanti tagħhom, ta' skema ta' pensjoni, kollha kemm huma jew parti minnhom, minn IORP reġistrata jew awtorizzata fi Stat Membru ieħor;

(14)

“suq regolat” tfisser suq regolat kif definit fil-punt (21) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(15)

“faċilità multilaterali tan-negozjar” jew “MTF” tfisser faċilità multilaterali tan-negozjar jew MTF kif definita fil-punt (22) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(16)

“faċilità organizzata tan-negozjar” jew “OTF” tfisser faċilità organizzata tan-negozjar jew OTF kif definita fil-punt (23) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(17)

“mezz li jservi fit-tul” tfisser strument li jippermetti lil membri jew lil benefiċjarji jaħżnu informazzjoni indirizzata personalment lil dawk il-membri jew il-benefiċjarji, b'tali mod li din tkun aċċessibbli għal perjodu ta' żmien adegwat u biex issir referenza għaliha fil-futur għall-finijiet ta' informazzjoni, u li jkun jippermetti li ssir riproduzzjoni mingħajr tibdil tal-informazzjoni maħżuna;

(18)

“funzjoni ewlenija”, f'sistema ta' governanza, tfisser kapaċità li jitwettqu kompiti prattiċi li jinkludu l-funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskji, il-funzjoni tal-awditu intern, u l-funzjoni attwarja.

(19)

“attività transfruntiera” tfisser it-tħaddim ta' skema ta' pensjoni fejn ir-relazzjoni bejn l-impriża sponsor u l-membri u l-benefiċjarji kkonċernati tkun irregolata mil-liġi soċjali u tax-xogħol rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali ta' Stat Membru għajr l-Istat Membru ta' domiċilju.

Artikolu 7

Attivitajiet ta' IORP

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs irreġistrati jew awtorizzati li jinsabu fit-territorji tagħhom jillimitaw l-attivitajiet ta' operazzjonijiet relatati ma' benefiċċju tal-irtirar u attivitajiet li joħorġu minnhom.

Fejn, skont l-Artikolu 4, impriża ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja timmaniġġja n-negozju tagħha ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali permezz tar-ring-fencing tal-assi u l-obbligazzjonijiet, l-assi u l-obbligazzjonijiet ring-fenced għandhom jiġu ristretti għal operazzjonijiet relatati ma' benefiċċji tal-irtirar u attivitajiet li joħorġu direttament minnhom.

Bħala prinċipju ġenerali, l-IORPs għandhom, fejn ikun rilevanti, iqisu l-għan li jkollhom firxa ekwitabbli ta' riskji u benefiċċji bejn il-ġenerazzjonijiet fl-attivitajiet tagħhom.

Artikolu 8

Separazzjoni legali bejn impriżi sponsor u IORPs

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm separazzjoni legali bejn impriża sponsor u IORP reġistrata jew awtorizzata fit-territorji tagħhom sabiex l-assi tal-IORP jiġu salvagwardjati fl-interessi tal-membri u l-benefiċjarji fil-każ ta' falliment tal-impriża sponsor.

Artikolu 9

Reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta' kull IORP li l-amministrazzjoni ewlenija tagħha tinsab fit-territorji tagħhom, jiżguraw li l-IORP tkun irreġistrata f'reġistru nazzjonali, jew awtorizzata, mill-awtorità kompetenti.

Il-post fejn tinsab l-amministrazzjoni ewlenija jirreferi għall-post fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet strateġiċi ewlenin ta' IORP.

2.   Fil-każ tal-attivitajiet transfruntieri mwettqa skont l-Artikolu 11, ir-reġistru għandu jindika wkoll l-Istati Membri li fihom l-IORP tkun topera.

3.   L-informazzjoni mir-reġistru għandha tiġi kkomunikata lill-EIOPA li għandha tippubblikaha fuq il-websajt tagħha.

Artikolu 10

Rekwiżiti operattivi

1.   Kull Stat Membru għandu, fir-rigward ta' kull IORP reġistrata jew awtorizzata li tinsab fit-territorji tagħhom, jiżgura li:

(a)

l-IORP implimentat regoli kkostitwiti b'mod xieraq fir-rigward tal-operat ta' kwalunkwe skema ta' pensjoni;

(b)

fejn l-impriża sponsor tiggarantixxi l-ħlas tal-benefiċċji tal-irtirar, tkun impenjat ruħha favur iffinanzjar regolari.

2.   Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà u waqt li jittieħed kont debitu tal-iskala tal-benefiċċji tal-pensjoni offruti mir-reġimi tas-sigurtà soċjali, l-Istati Membri jistgħu jiddisponu li benefiċċji addizzjonali bħall-għażla tal-kopertura tal-lonġevità u tad-diżabbiltà, il-provvediment għad-dipendenti superstiti u l-garanzija ta' ħlas lura ta' kontribuzzjonijiet jiġu offruti lill-membri bil-ftehim tal-impjegaturi u l-impjegati jew ir-rappreżentanti rispettivi tagħhom.

Artikolu 11

Attivitajiet u proċeduri transfruntieri

1.   Mingħajr preġudizzju għal-liġi soċjali u tax-xogħol dwar l-organizzazzjoni ta' skemi ta' pensjoni, inklużi sħubija obbligatorja u r-riżultati ta' ftehimiet ta' negozjar kollettiv, l-Istati Membri għandhom jippermettu lil IORP reġistrata jew awtorizzata fit-territorji tagħhom twettaq attività transfruntiera. L-Istati Membri għandhom ukoll jippermettu lil impriżi li jinsabu fit-territorji tagħhom jisponsorjaw IORPs li jipproponu li jwettqu, jew li jwettqu attività transfruntiera.

2.   IORP li tipproponi li twettaq attività transfruntiera u li taċċetta sponsorship minn impriża sponsor għandha tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru ta' domiċilju tagħha.

3.   IORP għandha tinnotifika l-intenzjoni tagħha li twettaq attività transfruntiera lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju. L-Istati Membri għandhom jeżiġu lill-IORPs jipprovdu l-informazzjoni li ġejja meta jissottomettu n-notifika:

(a)

l-isem tal-Istat(i) Membru/Membri ospitanti, li għandu/għandhom, meta jkun applikabbli, jiġi/jiġu identifikat(i) mill-impriża sponsor;

(b)

l-isem u l-post tal-amministrazzjoni ewlenija tal-impriża sponsor;

(c)

il-karatteristiċi prinċipali tal-iskema ta' pensjoni li għandha tiġi operata għall-impriża sponsor.

4.   Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċiliju tiġi nnotifikata skont il-paragrafu 3, u sakemm ma tkunx ħarġet deċiżjoni motivata li l-istruttura amministrattiva jew is-sitwazzjoni finanzjarja tal-IORP jew ir-reputazzjoni tajba jew il-kwalifiki professjonali jew l-esperjenza tal-persuni li jmexxu l-IORP mhumiex kompatibbli mal-attività transfruntiera proposta, dik l-awtorità kompetenti għandha, fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 3, tikkomunika dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u tinforma lill-IORP kif xieraq.

Id-deċiżjoni motivata msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinħareġ fi żmien tliet xhur minn meta tasal l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 3.

5.   Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju ma tikkomunikax l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, għandha tagħti r-raġunijiet għal dan lill-IORP kkonċernata fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi dik l-informazzjoni kollha. Dik in-nonkomunikazzjoni tal-informazzjoni għandha tkun soġġetta għal dritt ta' appell lill-qrati fl-Istat Membru ta' domiċilju.

6.   L-IORPs li jwettqu attività transfruntiera għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' informazzjoni msemmija fit-Titolu IV imposti mill-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-membri prospettivi, il-membri u l-benefiċjarji li dik l-attività transfruntiera tikkonċernahom.

7.   Qabel ma l-IORP tibda twettaq attività transfruntiera, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha, fi żmien sitt ġimgħat minn meta tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, bir-rekwiżiti tal-liġi soċjali u dik tax-xogħol rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali li taħthom l-iskema ta' pensjoni sponsorjata mill-impriża fl-Istat Membru ospitanti trid tkun operata u bir-rekwiżiti ta' informazzjoni tal-Istat Membru ospitanti msemmija fit-Titolu IV li għandhom japplikaw għall-attività transfruntiera. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-IORP.

8.   Malli tirċievi l-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 7, jew jekk ma tirċievi ebda komunikazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju malli jiskadi l-perjodu previst fil-paragrafu 7, l-IORP tista' tibda twettaq attività transfruntiera skont ir-rekwiżiti tal-Istat Membru ospitanti tal-liġi soċjali u dik tax-xogħol rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali u skont ir-rekwiżiti ta' informazzjoni tal-Istat Membru ospitanti kif imsemmija fil-paragrafu 7.

9.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju b'kull bidla sinifikanti fir-rekwiżiti tal-liġi soċjali u tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti fil-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali li tista' taffettwa l-karatteristiċi tal-iskema ta' pensjoni sakemm tikkonċerna l-attività transfruntiera, u b'kull bidla sinifikanti fir-rekwiżiti ta' informazzjoni tal-Istat Membru ospitanti kif imsemmija fil-paragrafu 7. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tikkomunika dik l-informazzjoni lill-IORP.

10.   L-IORP għandha tkun soġġetta għal superviżjoni kontinwa mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-konformità tal-attivitajiet tagħha mar-rekwiżiti tal-liġi soċjali u tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali u mar-rekwiżiti ta' informazzjoni tal-Istat Membri ospitanti kif imsemmija fil-paragrafu 7. Jekk din is-superviżjoni tikxef xi irregolaritajiet, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju immedjatament. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha, b'koordinazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-IORP twaqqaf il-ksur mikxuf.

11.   Jekk, minkejja l-miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, jew minħabba li miżuri xierqa jkunu nieqsa fl-Istat Membru ta' domiċilju, l-IORP tippersisti fil-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-rekwiżiti tal-Istat Membru ospitanti tal-liġi soċjali u tax-xogħol rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali, jew tar-rekwiżiti ta' informazzjoni tal-Istat Membru ospitanti kif imsemmija fil-paragrafu 7, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista', wara li tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni jew tippenalizza aktar irregolaritajiet, inkluż, sal-limitu li huwa strettament meħtieġ, biex tipprevjeni lill-IORP milli topera fl-Istat Membru ospitanti għall-impriża sponsor.

Artikolu 12

Trasferimenti transfruntieri

1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu IORPs reġistrati jew awtorizzati fit-territorji tagħhom biex jittrasferixxu obbligazzjonijiet, provvedimenti tekniċi, u obbligi u drittijiet oħra, kif ukoll assi korrispondenti jew l-ekwivalenti fi flus kontanti tagħhom ta' skema ta' pensjoni, kollha kemm huma jew parti minnhom, lill-IORP riċeventi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispejjeż tat-trasferiment ma jiġux imġarrba mill-bqija tal-membri u l-benefiċjarji tal-IORP trasferenti jew mill-membri u l-benefiċjarji titulari tal-IORP riċeventi.

3.   It-trasferiment għandu jkun soġġett għal approvazzjoni minn qabel minn:

(a)

maġġoranza tal-membri u maġġoranza tal-benefiċjarji kkonċernati jew, fejn applikabbli, minn maġġoranza tar-rappreżentanti tagħhom. Il-maġġoranza għandha tiġi definita skont il-liġi nazzjonali. L-IORP trasferenti għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-membri u tal-benefiċjarji kkonċernati u, fejn applikabbli, tar-rappreżentanti tagħhom, l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tat-trasferiment b'mod f'waqtu qabel ma tiġi ppreżentata l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 4; u

(b)

l-impriża sponsor, fejn applikabbli.

4.   It-trasferiment tal-obbligazzjonijiet, il-provvedimenti tekniċi, u obbligi u drittijiet oħrajn kif ukoll assi korrispondenti jew l-ekwivalenti fi flus kontanti tagħhom, kollha kemm huma jew ta' parti minnhom, ta' skema ta' pensjoni, bejn l-IORPs trasferenti u dawk riċeventi għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi wara li jinkiseb il-kunsens minn qabel tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP trasferenti. L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tat-trasferiment għandha tiġi ppreżentata mill-IORP riċeventi. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi għandha tagħti jew tirrifjuta l-awtorizzazzjoni u tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-IORP riċeventi fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-applikazzjoni.

5.   L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tat-trasferiment imsemmija fil-paragrafu 4 għandha tinkludi l-informazzjoni segwenti:

(a)

il-ftehim bil-miktub bejn l-IORPs trasferenti u dawk riċeventi, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tat-trasferiment;

(b)

deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tal-iskema ta' pensjoni;

(c)

deskrizzjoni tal-obbligazzjonijiet jew il-provvedimenti tekniċi li jiġu ttrasferiti u obbligi u drittijiet oħrajn, kif ukoll assi korrispondenti jew l-ekwivalenti fi flus kontanti tagħhom;

(d)

l-ismijiet u l-postijiet tal-amministrazzjonijiet prinċipali tal-IORPs trasferenti u dawk riċeventi u l-Istati Membri fejn kull IORP hija rreġistrata jew awtorizzata;

(e)

il-post tal-amministrazzjoni ewlenija tal-impriża sponsor u l-isem tal-impriża sponsor;

(f)

evidenza ta' approvazzjoni minn qabel f'konformità mal-paragrafu 3;

(g)

fejn applikabbli, l-ismijiet tal-Istati Membri fejn il-liġi soċjali u tax-xogħol rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali hija applikabbli għall-iskema ta' pensjoni kkonċernata.

6.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi għandha tibgħat l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 lill-awtorità kompetenti tal-IORP trasferenti, mingħajr dewmien wara li tirċeviha.

7.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi għandha tivvaluta biss jekk:

(a)

l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 5 tkun ġiet ipprovduta mill-IORP riċeventi;

(b)

l-istruttura amministrattiva, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-IORP riċeventi u r-reputazzjoni tajba jew il-kwalifiki professjonali jew l-esperjenza tal-persuni li jkunu qegħdin imexxu l-IORP riċeventi jkunu kompatibbli mat-trasferiment propost;

(c)

l-interessi fit-tul tal-membri u l-benefiċjarji tal-IORP riċeventi u l-parti ttrasferita mill-iskema jkunu protetti b'mod adegwat matul u wara t-trasferiment;

(d)

il-provvedimenti tekniċi tal-IORP riċeventi jkunu ffinanzjati bis-sħiħ fid-data tat-trasferiment, fejn it-trasferiment jirriżulta f'attività transfruntiera; u

(e)

l-assi li jiġu ttrasferiti jkunu suffiċjenti u xierqa biex ikopru l-obbligazzjonijiet, il-provvedimenti tekniċi u obbligi u drittijiet oħra li jiġu ttrasferiti, skont ir-regoli applikabbli fl-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi.

8.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP trasferenti għandha tivvaluta biss jekk:

(a)

fil-każ ta' trasferiment parzjali tal-obbligazzjonijiet, il-provvedimenti tekniċi, u obbligi u drittijiet oħra, kif ukoll assi korrispondenti jew l-ekwivalenti fi flus kontanti tagħhom, tal-iskema ta' pensjoni, l-interessi fit-tul tal-membri u tal-benefiċjarji tal-parti li jibqa' tal-iskema jkunu protetti b'mod adegwat;

(b)

l-intitolamenti individwali tal-membri u tal-benefiċjarji jkunu għall-inqas l-istess wara t-trasferiment;

(c)

l-assi korrispondenti għall-iskema ta' pensjoni li għandha tiġi ttrasferita jkunu suffiċjenti u xierqa biex ikopru l-obbligazzjonijiet, il-provvedimenti tekniċi u obbligi u drittijiet oħra li jiġu ttrasferiti, skont ir-regoli applikabbli fl-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP trasferenti.

9.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP trasferenti fi żmien tmien ġimgħat minn meta taslilha l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 għandha tikkomunika r-riżultati tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 8 sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 4.

10.   Fejn l-awtorizzazzjoni tinċaħad, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi għandha tagħti r-raġunijiet għal tali rifjut fil-perijodu ta' tliet xhur imsemmi fil-paragrafu 4. Dik iċ-ċaħda, jew nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi għandha tkun soġġetta għal dritt ta' appell fil-qrati tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi.

11.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP trasferenti dwar id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 4, fi żmien ġimagħtejn minn meta tkun ħadet dik id-deċiżjoni.

Fejn it-trasferiment jirriżulta f'attività transfruntiera, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP trasferenti għandha tinforma wkoll lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi dwar ir-rekwiżiti tal-liġi soċjali u tax-xogħol rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali tal-Istat Membru ospitanti, li taħthom trid tiġi operata l-iskema ta' pensjoni u tar-rekwiżiti ta' informazzjoni msemmija fit-Titolu IV li għandhom japplikaw għall-attività transfruntiera. Dan għandu jiġi kkomunikat fi żmien erba' ġimgħat ulterjuri.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-IORP riċeventi fi żmien ġimgħa minn meta tirċeviha.

12.   Hekk kif tirċievi deċiżjoni li tingħata awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, jew jekk ma taslilha l-ebda informazzjoni dwar id-deċiżjoni mingħand l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi sal-iskadenza tal-perjodu msemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 11, l-IORP riċeventi tista' tibda topera l-iskema ta' pensjoni.

13.   F'każ ta' nuqqas ta' qbil dwar il-proċedura jew il-kontenut ta' azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP trasferenti jew l-IORP riċeventi, inkluża deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni jew ċaħda ta' trasferiment transfruntier, l-EIOPA tista' twettaq medjazzjoni mhux vinkolanti skont il-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, fuq talba ta' kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet kompetenti jew fuq inizjattiva tagħha stess.

14.   F'każ li l-IORP riċeventi twettaq attività transfruntiera, għandu japplika l-Artikolu 11(9), (10) u (11).

TITOLU II

REKWIŻITI KWANTITATTIVI

Artikolu 13

Provvedimenti tekniċi

1.   L-Istat Membru ta' domiċilju għandu jiżgura li l-IORPs li joperaw skemi ta' pensjonijiet okkupazzjonali jistabbilixxu f'kull żmien fir-rigward tal-firxa totali tal-iskemi tagħhom ta' pensjoni ammont adegwat ta' obbligazzjonijiet li jikkorrispondu mal-impenji finanzjarji li joħorġu mill-portafoll tagħhom ta' kuntratti eżistenti ta' pensjoni.

2.   L-Istat Membru ta' domiċilju għandu jiżgura li l-IORPs li joperaw skemi ta' pensjoni okkupazzjonali, fejn jipprovdu kopertura kontra riskji bijometriċi jew jiggarantixxu jew it-twettiq ta' investiment jew livell partikolari ta' benefiċċji, jistabbilixxu provvedimenti tekniċi suffiċjenti fir-rigward tal-firxa totali ta' tali skemi.

3.   Il-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi għandu jseħħ kull sena. Madankollu, l-Istat Membru ta' domiċilju jista' jippermetti kalkolu darba kull tliet snin jekk l-IORP tipprovdi lill-membri jew lill-awtoritajiet kompetenti b'ċertifikazzjoni jew rapport ta' aġġustamenti għas-snin ta' bejniethom. Iċ-ċertifikazzjoni jew ir-rapport għandhom jirriflettu l-iżvilupp aġġustat tal-provvedimenti tekniċi u l-bidliet fir-riskji koperti.

4.   Il-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi għandu jiġi eżegwit u ċċertifikat minn attwarju jew minn speċjalista ieħor f'dak il-qasam, inkluż awditur, fejn dan huwa permess mil-liġi nazzjonali, fuq il-bażi ta' metodi attwarji rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, skont il-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-ammont minimu ta' provvedimenti tekniċi għandu jkun ikkalkolat permezz ta' valwazzjoni attwarja suffiċjentement prudenti, li tikkunsidra l-impenji kollha għall-benefiċċji u għall-kontribuzzjonijiet skont l-arranġamenti ta' pensjoni tal-IORP. Għandu jkun suffiċjenti għall-pensjonijiet u l-benefiċċji li diġà jkunu qed jitħallsu lill-benefiċjarji kemm li jkomplu jitħallsu, kif ukoll li jirriflettu l-impenji li joħorġu mid-drittijiet ta' pensjoni dovuti tal-membri. Is-suppożizzjonijiet ekonomiċi u attwarji magħżula għall-valwazzjoni tal-obbligazzjonijiet għandhom ukoll ikunu magħżula b'mod prudenti waqt li jiġi kkunsidrat, fejn japplika, marġini addattat ta' devjazzjoni sfavorevoli;

(b)

ir-rati massimi ta' mgħax użati għandhom ikunu magħżula b'mod prudenti u stabbiliti skont kwalunkwe regola rilevanti tal-Istat Membru ta' domiċilju. Dawk ir-rati prudenti ta' mgħax għandhom ikunu stabbiliti billi jiġu kkunsidrati:

(i)

ir-rendiment mill-assi korrispondenti miżmuma mill-IORP u r-redditu previst minn investimenti futuri;

(ii)

ir-rendiment mis-suq ta' bonds ta' kwalità għolja, bonds tal-gvern, bonds tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, bonds tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jew bonds tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja, jew;

(iii)

taħlita tal-punti (i) u (ii);

(c)

it-tabelli bijometriċi użati għall-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji prudenti, wara li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi prinċipali tal-grupp tal-membri u tal-iskemi tal-pensjoni, b'mod partikolari l-bidliet mistennija fir-riskji rilevanti;

(d)

il-metodu u l-bażi tal-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi għandhom b'mod ġenerali jibqgħu kostanti minn sena finanzjarja għall-oħra. Iżda, diskontinwitajiet jistgħu jkunu ġġustifikati permezz ta' bidla taċ-ċirkostanzi legali, demografiċi jew ekonomiċi li jsostnu dawk is-suppożizzjonijiet.

5.   L-Istat Membru ta' domiċilju jista' jagħmel il-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi suġġett għal rekwiżiti addizzjonali u aktar dettaljati, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-interessi tal-membri u l-benefiċjarji jkunu adegwatament protetti.

Artikolu 14

Finanzjament ta' provvedimenti tekniċi

1.   L-Istat Membru ta' domiċilju għandu jeżiġi li kull IORP ikollha f'kull żmien assi suffiċjenti u addattati li jkopru l-provvedimenti tekniċi fir-rigward tal-firxa totali tal-iskemi ta' pensjoni operati.

2.   L-Istat Membru ta' domiċilju jista' jippermetti li IORP, għal perjodu limitat ta' żmien, ma jkollhiex biżżejjed assi biex tkopri l-provvedimenti tekniċi. F'dan il-każ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżiġu li l-IORP tadotta pjan ta' rkupru konkret u fattibbli bi skeda ta' żmien sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti tal-paragrafu 1 jerġgħu jiġu ssodisfati. Il-pjan għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-IORP għandha tistabbilixxi pjan konkret u fattibbli biex tistabbilixxi mill-ġdid l-ammont rikjest ta' assi biex tkopri bis-sħiħ il-provvedimenti tekniċi fi żmien debitu. Il-pjan għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-membri jew, fejn japplika, tar-rappreżentanti tagħhom u/jew għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju;

(b)

fit-tfassil ta' dan il-pjan, kont għandu jingħata tas-sitwazzjoni speċifika tal-IORP, b'mod partikolari l-istruttura tal-assi/obbligazzjonijiet, il-profil tar-riskju, il-pjan ta' likwidità, il-profil tal-età tal-membri intitolati li jirċievu benefiċċji tal-irtirar, skemi għall-fażi inizjali u skemi li jibdlu minn nonfinanzjament jew finanzjament parzjali għal finanzjament sħiħ;

(c)

fil-każ ta' stralċ ta' skema ta' pensjoni matul il-perjodu msemmi fl-ewwel sentenza ta' dan il-paragrafu, l-IORP għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membru ta' domiċilju. L-IORP għandha tistabbilixxi proċedura sabiex tittrasferixxi l-assi u l-obbligazzjonijiet korrispondenti ta' dik l-iskema għal IORP oħra, impriża ta' assigurazzjoni jew korp xieraq ieħor. Din il-proċedura għandha tkun iddivulgata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju u abbozz ġenerali tal-proċedura għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-membri jew, fejn japplika, tar-rappreżentanti tagħhom skont il-prinċipju tal-kunfidenzjalità.

3.   Fil-każ ta' attività transfruntiera, il-provvedimenti tekniċi għandhom f'kull żmien ikunu ffinanzjati kollha kemm huma fir-rigward tal-firxa sħiħa tal-iskemi ta' pensjoni operati. Jekk din il-kundizzjoni ma tkunx imħarsa, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tintervjeni mill-aktar fis possibbli u teżiġi li l-IORP immedjatament tfassal miżuri xierqa u timplimentahom mingħajr dewmien b'mod li l-membri u l-benefiċjarji tagħhom ikunu adegwatament protetti.

Artikolu 15

Fondi proprji regolatorji

1.   L-Istat Membru ta' domiċilju għandu jiżgura li l-IORPs li joperaw skemi ta' pensjoni, fejn l-IORP nnifisha, u mhux l-impriża sponsor, tissottoskrivi l-obbligazzjoni biex tkopri kontra riskju bijometriku, jew tiggarantixxi t-twettiq ta' investiment partikolari jew livell partikolari ta' benefiċċji, iżommu fuq bażi permanenti assi addizzjonali 'l fuq mill-provvedimenti tekniċi biex iservu ta' buffer. L-ammont ta' dan għandu jirrifletti t-tip ta' riskju u l-portafoll tal-assi fir-rigward tal-firxa totali tal-iskemi operati. Dawk l-assi għandhom ikunu ħielsa minn kull obbligazzjoni prevedibbli u jservu bħala kapital ta' sigurtà biex jassorbu d-diskrepanzi bejn l-ispejjeż u l-profitti antiċipati u attwali.

2.   Għall-finijiet ta' kalkolu tal-ammont minimu tal-assi addizzjonali, ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 16, 17 u 18 għandhom japplikaw.

3.   Il-paragrafu 1, m'għandux iżda, jipprevjeni lill-Istati Membri milli jeżiġu li l-IORPs li jinsabu fit-territorju tagħhom iżommu fondi proprji regolatorji jew milli jippreskrivu regoli aktar dettaljati sakemm ikunu prudentement iġġustifikati.

Artikolu 16

Marġini ta' solvibbiltà disponibbli

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu minn kull IORP imsemmija fl-Artikolu 15(1) li hija reġistrata jew awtorizzata fit-territorji tagħhom, li tagħti marġini ta' solvibbiltà disponibbli adegwat għal dak li għandu x'jaqsam man-negozju kollu tagħha f'kull ħin, liema marġini għandu jkun mill-anqas daqs ir-rekwiżiti f'din id-Direttiva sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà fit-tul tal-provvista ta' rtirar okkupazzjonali.

2.   Il-marġini ta' solvibbiltà disponibbli għandu jikkonsisti fl-assi ta' IORP li jkunu liberi minn kull obbligazzjoni prevedibbli, li minnhom jitneħħa dak li hu intanġibbli, inklużi:

(a)

il-kapital azzjonarju mħallas jew, fil-każ ta' IORP li tieħu l-forma ta' impriża mutwa, il-fond inizjali effettiv flimkien mal-kontijiet kollha tal-membri tal-impriża mutwa li jissodisfaw il-kriterji segwenti:

(i)

il-memorandum u statut ta' assoċjazzjoni għandhom jistipulaw li l-pagamenti jkunu jistgħu jsiru minn dawk il-kontijiet lill-membri tal-impriża mutwa biss jekk kemm-il darba dan ma jikkawżax li l-marġini tas-solvibbiltà disponibbli jaqa' taħt il-livell rikjest, jew, wara x-xoljiment tal-impriża, fejn id-djun l-oħrajn kollha tal-impriża jkunu ġew saldati;

(ii)

il-memorandum u l-istatut ta' assoċjazzjoni għandhom jistipulaw fir-rigward ta' kwalunkwe pagamenti msemmijin fil-punt (i) għal raġunijiet oħra għajr it-terminazzjoni individwali tas-sħubija fl-impriża mutwa, li jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu nnotifikati mill-anqas xahar bil-quddiem u jistgħu jipprojbixxu l-pagament f'dak il-perjodu; u

(iii)

id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-memorandum u tal-istatut ta' assoċjazzjoni jistgħu jkunu emendati biss wara li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddikjaraw illi ma għandhom l-ebda objezzjoni għall-emenda, mingħajr preġudizzju għall-kriterji msemmijin fil-punti (i) u (ii);

(b)

riżervi (statutorji u liberi) li ma jkunux jikkorrispondu għall-obbligazzjonijiet ta' sottoskrizzjoni;

(c)

il-profitt jew it-telf miġjubin 'il quddiem wara t-tnaqqis tad-dividendi pagabbli; u

(d)

sa fejn hemm l-awtorizzazzjoni skont il-liġi nazzjonali, ir-riżervi tal-profitt li jidhru fil-karta tal-bilanċ fejn jistgħu jintużaw biex ikopru xi telf li jista' jirriżulta u fejn ma kinux disponibbli għad-distribuzzjoni lill-membri u l-benefiċjarji.

Il-marġini ta' solvibbiltà disponibbli għandu jitnaqqas bl-ammont tal-azzjonijiet proprji li jkunu miżmumin direttament mill-IORP.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddisponu li l-marġini ta' solvibbiltà disponibbli jista' jinkludi wkoll:

(a)

kapital azzjonarju preferenzjali kumulattiv u kapital subordinat ta' self sa 50 % tal-iżgħar bejn il-marġini ta' solvibbiltà disponibbli u l-marġini ta' solvibbiltà meħtieġ, li mhux aktar minn 25 % minnu għandu jikkonsisti f'self subordinat b'maturazzjoni fissa, jew kapital azzjonarju preferenzjali kumulattiv b'terminu fiss, dment li jkunu jeżistu ftehimiet vinkolanti li skont it-termini tagħhom, fil-każ ta' falliment jew likwidazzjoni tal-IORP, il-kapital subordinat ta' self jew il-kapital azzjonarju preferenzjali jiġu kklassifikati wara l-pretensjonijiet tal-kredituri l-oħra kollha u ma jkollux jiġi ripagat sa ma d-djun l-oħra kollha li jkunu għadhom pendenti f'dak iż-żmien ma jkunux ġew saldati;

(b)

titoli mingħajr ebda data ta' maturazzjoni speċifikata u strumenti oħrajn, inklużi l-ishma preferenzjali kumulattivi għajr dawk imsemmijin fil-punt (a), sa massimu ta' 50 % tal-marġini ta' solvibbiltà disponibbli, jew il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għat-total ta' tali titoli, skont liema huwa l-anqas, u l-kapital subordinat ta' self imsemmi fil-punt (a), sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet segwenti:

(i)

ma jistgħux jiġu ripagati fuq l-inizjattiva tad-detentur jew mingħajr il-kunsens bil-quddiem tal-awtorità kompetenti;

(ii)

il-kuntratt tal-ħruġ irid jippermetti lill-IORP tiddiferixxi l-pagament tal-imgħax fuq is-self;

(iii)

il-pretensjonijiet tal-mutwant fuq l-IORP iridu jiġu kklassifikati għalkollox wara dawk tal-kredituri mhux subordinati;

(iv)

id-dokumenti li jirregolaw il-ħruġ tat-titoli jridu jiddisponu għall-kapaċità tal-assorbiment tat-telf tad-dejn u l-imgħax mhux imħallas, filwaqt li jippermettu lill-IORP tissokta bin-negozju tagħha; u

(v)

irid jittieħed kont biss tal-ammonti li jkunu kompletament imħallsin.

Għall-finijiet tal-punt (a), il-kapital subordinat ta' self għandu wkoll jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

għandu jittieħed kont biss tal-fondi li jkunu kompletament imħallsin;

(ii)

għal self b'maturazzjoni fissa, il-maturazzjoni oriġinalia għandha tkun ta' mill-anqas ħames snin. Mhux aktar tard minn sena qabel id-data tar-ripagament, l-IORP għandha tissottometti lill-awtoritajiet kompetenti, għall-approvazzjoni tagħhom, pjan li juri kif il-marġini ta' solvibbiltà disponibbli se jinżamm fil-livell rikjest fil-maturazzjoni, jew se jinġieb għall-istess livell, sakemm il-grad li fih is-self jiġi kklassifikat bħala komponent tal-marġini ta' solvibbiltà disponibbli jitnaqqas gradwalment matul mill-anqas l-ewwel ħames snin qabel id-data tar-ripagament. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-ripagament kmieni ta' tali self sakemm l-applikazzjoni ssir mill-IORP emittenti u l-marġini ta' solvibbiltà disponibbli tagħha ma jaqax taħt il-livell rikjest;

(iii)

is-self li l-maturazzjoni tiegħu mhijiex iffissata għandu jkun ripagabbli biss jekk ikun hemm preavviż ta' ħames snin sakemm is-self ma jkunx għadu kkunsidrat komponent tal-marġini ta' solvibbiltà disponibbli jew sakemm il-kunsens minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti ma jkunx rikjest speċifikament għal ripagament kmieni. Fil-każ tal-aħħar, l-IORP għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti mill-anqas sitt xhur qabel id-data tar-ripagament propost, waqt li tispeċifika l-marġini ta' solvibbiltà disponibbli u l-marġini ta' solvibbiltà rikjest kemm qabel kif ukoll wara r-ripagament. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jawtorizzaw ir-ripagament biss fejn il-marġini ta' solvenza disponibbli tal-IORPS ma jkunx se jaqa' taħt il-livell rikjest;

(iv)

il-ftehim dwar is-self ma għandu jkun fih ebda klawsola li tiddisponi illi f'ċirkostanzi speċifikati, għajr l-istralċ tal-IORP, id-dejn isir ripagabbli qabel id-dati tar-ripagament miftiehma; u

(v)

il-ftehim dwar is-self jista' jkun emendat biss wara li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddikjaraw illi ma għandhom l-ebda objezzjoni għall-emenda.

4.   Meta ssir applikazzjoni, bil-provi korroboranti, mill-IORP lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju u bil-qbil tal-awtorità kompetenti, il-marġini ta' solvibbiltà disponibbli jista' jinkludi wkoll:

(a)

fejn ma tiġix ipprattikata z-Zillmerizzazzjoni jew fejn, jekk inhi pprattikata, hija anqas mill-ponderazzjoni għall-ispejjeż tal-akkwist inklużi fil-primjum, id-differenza bejn il-provvediment matematiku mhux Zilmerizzat jew parzjalment Zillmerizzat u l-provvediment matematiku Zillmerizzat b'rata daqs il-ponderazzjoni għall-ispejjeż tal-akkwist inklużi fil-primjum;

(b)

kull riżerva moħbija netta li toħroġ mill-valwazzjoni tal-assi, sakemm tali riżervi netti moħbija ma jkunux ta' natura eċċezzjonali;

(c)

nofs il-kapital azzjonarju mhux imħallas jew il-fond inizjali, ladarba l-parti mħallsa tammonta għal 25 % ta' dak il-kapital azzjonarju jew fond, sa massimu ta' 50 % tal-iżgħar fost il-marġini ta' solvibbiltà disponibbli jew dak rikjest.

Iċ-ċifra msemmija fil-punt (a) ma tistax teċċedi t-3,5 % tas-somma tad-differenzi bejn is-somom kapitali rilevanti tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja u l-attivitajiet ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali u l-provvedimenti matematiċi tal-poloz kollha li għalihom iz-Zillmerizzazzjoni hija possibbli. Id-differenza għandha titnaqqas bl-ammont tal-ispejjeż tal-akkwist mhux deprezzati mdaħħla bħala assi.

Artikolu 17

Il-marġini ta' solvibbiltà rikjest

1.   Il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għandu jkun iddeterminat kif stabbilit fil-paragrafi 2 sa 6 skont l-obbligazzjonijiet sottoskritti.

2.   Il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għandu jkun daqs is-somma tar-riżultati segwenti:

(a)

l-ewwel riżultat:

frazzjoni ta' 4 % tal-provvedimenti matematiċi marbutin man-negozju dirett u l-aċċettazzjonijiet tar-riassigurazzjoni mingħajr it-tnaqqis taċ-ċessjonijiet ta' riassigurazzjoni għandha tkun immultiplikata bil-proporzjon, li m'għandux ikun anqas minn 85 %, għas-sena finanzjarja preċedenti, tal-provvedimenti matematiċi netti taċ-ċessjonijiet ta' riassigurazzjoni tal-provvedimenti matematiċi totali gross;

(b)

it-tieni riżultat:

għall-poloz li għalihom il-kapital b'riskju mhuwiex ċifra negattiva, frazzjoni ta' 0,3 % ta' tali kapital sottoskritt mill-IORP għandha tkun immultiplikata bil-proporzjon, li m'għandux ikun anqas minn 50 %, għas-sena finanzjarja preċedenti, tal-kapital totali b'riskju miżmum bħala l-obbligazzjonijiet tal-IORP wara ċ-ċessjonijiet tar-riassigurazzjoni u r-retroċessjonijiet għall-kapital totali b'riskju mingħajr it-tnaqqis tar-riassigurazzjoni.

Għall-assigurazzjonijiet temporanji fuq il-mewt, ta' durata massima ta' tliet snin, il-frazzjoni għandha tkun ta' 0,1 %. Għal tali assigurazzjoni għal durata ta' aktar minn tliet snin iżda anqas minn ħames snin, dik il-frazzjoni għandha tkun 0,15 %.

3.   Għall-assigurazzjonijiet supplementari msemmija fil-punt (a)(iii) tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2009/138/KE, il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għandu jkun daqs il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għall-IORPs skont it-termini tal-Artikolu 18.

4.   Għall-operazzjonijiet ta' għoti lura ta' kapital imsemmija fil-punt (b)(ii) tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2009/138/KE, il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għandu jkun daqs frazzjoni ta' 4 % tal-provvedimenti matematiċi kkalkolati skont it-termini tal-paragrafu 2(a).

5.   Għall-operazzjonijiet imsemmija fil-punt (b)(i) tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2009/138/KE, il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għandu jkun daqs 1 % tal-assi tagħhom.

6.   Għall-assigurazzjonijiet marbuta mal-fondi ta' investiment u koperti bil-punti (a)(i) u (ii) tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2009/138/KE u għall-operazzjonijiet imsemmijin fil-punti (b)(iii) sa (v) fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2009/138/KE, il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għandu jkun daqs is-somma tas-segwenti:

(a)

sa fejn l-IORP iġġorr riskju ta' investiment, frazzjoni ta' 4 % tal-provvedimenti tekniċi, ikkalkolati skont it-termini tal-paragrafu 2(a);

(b)

sa fejn l-IORP ma ġġorr ebda riskju ta' investiment iżda l-allokazzjoni biex tkopri l-ispejjeż tal-ġestjoni tiġi ffissata għal perjodu eċċedenti l-ħames snin, frazzjoni ta' 1 % tal-provvedimenti tekniċi, ikkalkolati skont it-termini tal-paragrafu 2(a);

(c)

sa fejn l-IORP ma ġġorr ebda riskju ta' investiment u l-allokazzjoni biex tkopri l-ispejjeż tal-ġestjoni ma tkunx iffissata għal perjodu eċċedenti l-ħames snin, ammont ekwivalenti għal 25 % tal-ispejjeż amministrattivi netti tas-sena finanzjarja preċedenti relattivi għal tali assigurazzjonijiet u operazzjonijiet;

(d)

sa fejn l-IORP tkopri riskju ta' mewt, frazzjoni ta' 0,3 % tal-kapital b'riskju, ikkalkolata f'konformità mal-paragrafu 2(b).

Artikolu 18

Il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għall-iskop tal-Artikolu 17(3)

1.   Il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi jew tal-ammont annwali ta' primjums jew kontribuzzjonijiet, jew tal-piż medju tal-klejms għall-aħħar tliet snin finanzjarji.

2.   L-ammont tal-marġini ta' solvibbiltà rikjest għandu jkun daqs l-akbar bejn iż-żewġ riżultati msemmijin fil-paragrafi 3 u 4.

3.   Il-bażi tal-primjum għandha tkun ikkalkolata bl-użu tal-akbar bejn il-primjums assigurati grossi jew il-kontribuzzjonijiet ikkalkolati kif jingħad aktar 'l isfel, u l-primjums jew kontribuzzjonijiet grossi maqlugħin.

Il-primjums jew il-kontribuzzjonijiet (li jkunu jinkludu wkoll il-ħlasijiet anċillari għall-primjums jew kontribuzzjonijiet) dovuti għan-negozju dirett fis-sena finanzjarja preċedenti għandhom jiġu aggregati.

Ma' din is-somma għandu jiżdied l-ammont ta' primjums aċċettati għar-riassigurazzjonijiet kollha fis-sena finanzjarja preċedenti.

Minn dik is-somma għandu mbagħad jitnaqqas l-ammont totali tal-primjums jew kontribuzzjonijiet ikkanċellati fis-sena finanzjarja preċedenti, kif ukoll l-ammont totali ta' taxxi u sisi marbutin mal-premjums jew kontribuzzjonijiet li jidħlu fl-aggregat.

L-ammont hekk miksub għandu jinqasam f'żewġ porzjonijiet, l-ewwel porzjon jestendi sa EUR 50 000 000, it-tieni jikkonsisti fl-eċċess; 18 % tal-ewwel porzjon u 16 % tat-tieni porzjon rispettivament għandhom jiġu magħduda flimkien.

Is-somma hekk miksuba għandha tiġi mmultiplikata bil-proporzjon eżistenti fir-rigward tas-somma tat-tliet snin finanzjarji preċedenti bejn l-ammont tal-klejms li jkun fadal x'jitħallsu mill-IORP wara t-tnaqqis tal-ammonti rekuperabbli bir-riassigurazzjoni u l-ammont gross tal-klejms. Dak il-proporzjon ma jista' fl-ebda każ ikun anqas minn 50 %.

4.   Il-bażi tal-klejms għandha tkun ikkalkolata kif ġej:

 

L-ammonti tal-klejms imħallsin għan-negozju dirett (mingħajr ebda tnaqqis ta' klejms imħallsin mir-riassiguraturi u retroċessjonarji) fil-perjodi speċifikati fil-paragrafu 1 għandhom ikunu aggregati.

 

Ma' dik is-somma għandu jingħadd l-ammont ta' klejms imħallsin għar-riassigurazzjonijiet jew ir-retroċessjonijiet aċċettati matul l-istess perjodi u l-ammont ta' provvedimenti għall-klejms li għadhom pendenti stabbiliti f'għeluq is-sena finanzjarja preċedenti, kemm għan-negozju dirett kif ukoll għall-aċċettazzjonijiet riassigurattivi.

 

Minn din is-somma għandu jitnaqqas l-ammont ta' rkupri magħmulin matul il-perjodi speċifikati fil-paragrafu 1.

 

Mis-somma rimanenti, għandu jitnaqqas l-ammont ta' provvedimenti għall-klejms pendenti stabbiliti fil-bidu tat-tieni sena finanzjarja ta' qabel l-aħħar sena li għaliha hemm il-kontijiet, kemm għan-negozju dirett kif ukoll għall-aċċettazzjonijiet riassigurattivi.

 

Terz tal-ammont hekk miksub għandu jinqasam f'żewġ porzjonijiet, l-ewwel porzjon jestendi sa EUR 35 000 000, it-tieni jikkonsisti fl-eċċess; 26 % tal-ewwel porzjon u 23 % tat-tieni porzjon għandhom jiġi kkalkolati u magħdudin flimkien.

 

Is-somma hekk miksuba għandha tiġi mmultiplikata bil-proporzjon eżistenti fir-rigward tas-somma tat-tliet snin finanzjarji preċedenti bejn l-ammont tal-klejms li jkun fadal x'jitħallsu mill-IORP wara t-tnaqqis tal-ammonti rekuperabbli bir-riassigurazzjoni u l-ammont gross tal-klejms. Dak il-proporzjon ma jista' fl-ebda każ ikun anqas minn 50 %.

5.   Fejn il-marġini ta' solvibbiltà rikjest kif ikkalkolat fil-paragrafi 2 sa 4 ikun iżgħar mill-marġini ta' solvibbiltà rikjest tas-sena preċedenti, il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għandu jkun mill-anqas daqs il-marġini ta' solvibbiltà rikjest ta-sena preċedenti mmultiplikat bil-proporzjon tal-ammont tal-provvedimenti tekniċi għall-klejms pendenti f'għeluq is-sena finanzjarja preċedenti u l-ammont ta' provvedimenti tekniċi għall-klejms pendenti fil-bidu tas-sena finanzjarja preċedenti. F'dawn il-kalkoli, il-provvedimenti tekniċi għandhom ikunu kkalkolati netti mir-riassigurazzjoni iżda l-proporzjon ma għandux jkun ogħla minn 1.

Artikolu 19

Regoli ta' investiment

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-IORPs reġistrati jew awtorizzati fit-territorji tagħhom jinvestu skont ir-regola tal-“persuna prudenti” u b'mod partikolari skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

l-assi kollha għandhom ikunu investiti fl-aħjar interessi fit-tul tal-membri u tal-benefiċjarji kollha kemm huma. Fil-każ ta' kunflitt ta' interessi potenzjali, l-IORP, jew l-entità li timmaniġġja l-portafoll tagħha, għandha tiżgura li l-investiment isir fl-interess uniku tal-membri u l-benefiċjarji;

(b)

skont ir-regola tal-persuna prudenti, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-IORPs iqisu l-impatt potenzjali fit-tul tad-deċiżjonijiet ta' investiment fuq il-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza;

(c)

l-assi għandhom ikunu investiti b'mod li jiġu żgurati s-sigurtà, il-kwalità, il-likwidità u l-profittabbiltà tal-portafoll kollu kemm hu;

(d)

l-assi għandhom predominantement ikunu investiti fi swieq regolati. Investiment f'assi li mhumiex ammessi għan-negozju f'suq finanzjarju regolat għandu f'kull każ jinżamm f'livelli prudenti;

(e)

investiment fi strumenti derivattivi għandu jkun possibbli sal-limitu li dawn l-istrumenti jikkontribwixxu għal tnaqqis tar-riskji ta' investiment jew jiffaċilita l-immaniġġjar effiċjenti tal-portafoll. Għandhom ikunu vvalutati fuq bażi prudenti, waqt li jiġu kkunsidrati l-assi sottostanti, u jiġu inklużi fil-valutazzjoni tal-assi ta' IORP. L-IORPs għandhom ukoll jevitaw li kontroparti waħda u l-operazzjonijiet oħra derivattivi jiġu esposti eċċessivament għar-riskji;

(f)

l-assi għandhom ikunu ddiversifikati kif imiss b'tali mod li tiġi evitata dipendenza eċċessiva fuq xi assi partikolari, fuq l-emittent jew fuq grupp ta' impriżi u akkumulazzjonijiet ta' riskju fil-portafolli kollha kemm huma.

Investimenti f'assi maħruġa mill-istess emittenti jew minn emittenti li jagħmlu parti mill-istess grupp m'għandhomx jesponu lill-IORP għal konċentrazzjoni eċċessiva ta' riskji;

(g)

l-investiment fl-impriża sponsor m'għandux ikun aktar minn 5 % tal-portafoll kollu kemm hu u, fejn l-impriża sponsor tagħmel parti minn grupp, l-investiment fl-impriżi li jagħmlu parti mill-istess grupp bħal dak tal-impriża sponsor m'għandux ikun aktar minn 10 % tal-portafoll.

Fejn l-IORP tkun sponsorjata minn numru ta' impriżi, l-investiment f'dawk l-impriżi sponsor għandu jsir bi prudenza, waqt li jikkunsidra l-ħtieġa għal diversifikazzjoni kif imiss.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx ir-rekwiżiti msemmija fil-punti (f) u (g) għall-investiment f'bonds tal-gvern.

2.   Filwaqt li jqisu d-daqs, in-natura, id-daqs u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORPs taħt superviżjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw l-adegwatezza tal-proċessi ta' valutazzjoni tal-kreditu tal-IORPs, jivvalutaw l-użu ta' referenzi għall-klassifikazzjoni tal-kreditu maħruġa mill-aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu kif definiti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), fil-politiki ta' investiment tagħhom u, fejn ikun xieraq, jinkoraġġixxu l-mitigazzjoni tal-impatt ta' referenzi bħal dawn, bil-ħsieb li titnaqqas id-dipendenza esklużiva u mekkanistika fuq tali klassifikazzjonijiet tal-kreditu.

3.   L-Istat Membru ta' domiċilju għandu jipprojbixxi lill-IORPs milli jissellfu jew jaġixxu bħala garanti għan-nom ta' partijiet terzi. Iżda l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-IORPs jissellfu biss għal raġunjiet ta' likwidità u fuq bażi temporanja.

4.   L-Istati Membri ma għandhomx jirrikjedu lill-IORPs reġistrati jew awtorizzati fit-territorju tagħhom jinvestu f'kategoriji partikolari ta' assi.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30, l-Istati Membri m'għandhomx jissoġġettaw id-deċiżjonijiet ta' investiment ta' IORP reġistrata jew awtorizzata fit-territorju tagħhom jew il-maniġer tagħha ta' investiment għal xi xorta ta' approvazzjoni minn qabel jew rekwiżiti ta' notifika sistematika.

6.   Skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 5, l-Istati Membri jistgħu, għall-IORPs reġistrati jew awtorizzati fit-territorji tagħhom, jippreskrivu regoli aktar dettaljati, inklużi regoli kwantitattivi, sakemm dawn ikunu prudentement iġġustifikati, biex jirriflettu l-firxa totali tal-iskemi ta' pensjoni operati minn dawk l-IORPs.

Iżda l-Istati Membri m'għandhomx jipprevjenu IORPs milli:

(a)

jinvestu s-70 % tal-assi li jkopru l-provvedimenti tekniċi jew tal-portafoll sħiħ għal skemi li fihom il-membri jġorru r-riskji ta' investiment f'ishma, titoli negozjabbli ttrattati bħala ishma u bonds korporattivi ammessi għan-negozju fi swieq regolati, jew permezz ta' MTFs jew OTFs, u jiddeċiedu dwar il-piż relattiv ta' dawk it-titoli fil-portafoll tagħhom ta' investiment. Madankollu, sakemm ikun prudentement iġġustifikat, l-Istati Membri jistgħu japplikaw limitu aktar baxx ta' mhux anqas minn 35 % għall-IORPs li joperaw skemi ta' pensjoni b'garanzija ta' rata ta' imgħax fit-tul, iġorru r-riskju tal-investiment u huma stess jipprevedu l-garanzija;

(b)

jinvestu sa 30 % tal-assi li jkopru l-provvedimenti tekniċi f'assi denominati f'muniti għajr dawk li fihom huma espressi l-obbligazzjonijiet;

(c)

jinvestu fi strumenti li għandhom orizzont tal-investiment fit-tul u li mhumiex innegozjati fi swieq regolati, f'MTFs jew f'OTFs;

(d)

jinvestu fi strumenti maħruġa jew iggarantiti mill-BEI u previsti fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, il-Fondi Ewropej tal-Investiment fuq Terminu Twil, il-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej u l-Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju.

7.   Il-paragrafu 6 m'għandux jipprekludi d-dritt li l-Istati Membri jeżiġu l-applikazzjoni għall-IORPs reġistrati jew awtorizzati fit-territorju tagħhom, ta' regoli aktar stretti ta' investiment ukoll fuq bażi individwali sakemm ikunu prudentement iġġustifikati, b'mod partikolari fid-dawl tal-obbligazzjonijiet li tidħol fihom l-IORP.

8.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ta' IORP li twettaq attività transfruntiera kif imsemmi fl-Artikolu 11 ma għandhiex tistabbilixxi regoli tal-investiment apparti dawk stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6 għall-parti tal-assi li tkopri l-provvedimenti tekniċi għall-attività transfruntiera.

TITOLU III

KUNDIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-ATTIVITAJIET

KAPITOLU 1

Sistema ta' governanza

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 20

Responsabbiltà tal-korp maniġerjali jew superviżorju

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp maniġerjali jew superviżorju ta' IORP ikollu responsabbiltà aħħarija skont il-liġi nazzjonali għall-konformità, mill-IORP ikkonċernata, mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skont din id-Direttiva.

2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-rwol tas-sħab soċjali fl-immaniġġjar tal-IORPs.

Artikolu 21

Rekwiżiti ġenerali ta' governanza

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu lill-IORPs kollha jadottaw sistema ta' governanza effikaċi li tipprevedi mmaniġġjar sod u prudenti tal-attivitajiet tagħhom. Din is-sistema għandha tinkludi struttura organizzattiva trasparenti u adegwata b'allokazzjoni ċara u segregazzjoni xierqa tar-responsabbiltajiet u b'sistema effikaċi li tiżgura t-trażmissjoni tal-informazzjoni. Is-sistema ta' governanza għandha tinkludi kunsiderazzjoni ta' fatturi ambjentali, soċjali u kif ukoll ta' governanza relatati ma' assi ta' investiment f'deċiżjonijiet ta' investiment, u għandha tkun soġġetta għal rieżami intern regolari.

2.   Is-sistema ta' governanza msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun proporzjonata għad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORP.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li IORP tistabbilixxi u tapplika politiki bil-mitkub li jirrigwardaw l-immaniġġjar tar-riskji, l-awditu intern u, fejn rilevanti, l-attivitajiet attwarji u esternalizzati. Dawn il-politiki bil-miktub għandhom jiġu soġġetti għall-approvazzjoni minn qabel min-naħa tal-korp maniġerjali jew superviżorju tal-IORP u għandhom jiġu sottomessi għal rieżami mill-inqas kull tliet snin u adattati fid-dawl ta' kwalunkwe bidla sinifikanti fis-sistema jew fil-qasam ikkonċernat(a).

4.   L-Istati Membri jiżguraw li l-IORPs jkollhom fis-seħħ sistema effikaċi ta' kontroll intern. Din is-sistema għandha tinkludi proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi, qafas ta' kontroll intern u arranġamenti xierqa ta' rapportar fil-livelli kollha tal-IORP.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-IORPs jieħdu l-passi kollha raġonevoli biex jaċċertaw il-kontinwità u r-regolarità tal-prestazzjoni tal-attivitajiet tagħhom, inkluż l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' kontinġenza. Għal dan il-għan, l-IORPs għandhom jużaw sistemi, riżorsi u proċeduri xierqa u proporzjonati.

6.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs ikollhom minn tal-inqas żewġ persuni li effettivament imexxu l-IORP. Abbażi ta' valutazzjoni motivata mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li persuna waħda biss effettivament tmexxi l-istituzzjoni. Dik il-valutazzjoni għandha tqis ir-rwol tas-sħab soċjali fil-ġestjoni globali tal-IORP, kif ukoll id-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORP.

Artikolu 22

Rekwiżiti għal immaniġġjar kompetenti u idoneu

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs jiżguraw li l-persuni li effettivament imexxu l-IORP jew persuni li jwettqu funzjonijiet ewlenin oħra u, fejn applikabbli, persuni jew entitajiet li lilhom tkun ġiet esternalizzata funzjoni ewlenija skont l-Artikolu 31, ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti segwenti meta jwettqu l-kompiti tagħhom:

(a)

ir-rekwiżit li jkunu kompetenti:

(i)

għal persuni li effettivament imexxu l-IORP, dan ifisser li l-kwalifiki, l-għarfien u l-esperjenza tagħhom ikunu kollettivament adegwati biex jippermettulhom jiżguraw li l-IORP tiġi mmaniġġjata b'mod sod u prudenti;

(ii)

għal persuni li jwettqu l-funzjonijiet ewlenin attwarji u ta' awditjar intern dan ifisser li l-kwalifiki, l-għarfien u l-esperjenza professjonali tagħhom huma xierqa biex iwettqu l-funzjonijiet ewlenin tagħhom kif xieraq;

(iii)

għal persuni li jwettqu funzjonijiet ewlenin oħra dan ifisser li l-kwalifiki, l-għarfien u l-esperjenza tagħhom huma xierqa biex iwettqu l-funzjonijiet ewlenin tagħhom kif xieraq; u

(b)

ir-rekwiżit li jkunu idonei: ikollhom reputazzjoni tajba u jkunu ta' integrità.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu kapaċi jivvalutaw jekk il-persuni li effettivament imexxu l-IORP jew li jwettqu funzjonijiet ewlenin jissodisfawx ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1.

3.   Fejn Stat Membru ta' domiċilju jeżiġi prova ta' reputazzjoni tajba, prova li qatt ma fallew qabel, jew prova tat-tnejn, mill-persuni msemmija fil-paragrafu 1, dak l-Istat Membru għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti fir-rigward ta' persuni nazzjonali ta' Stati Membri oħra, il-preżentazzjoni ta' silta mill-kondotta tal-Istat Membru l-ieħor jew, f'każ li ma jkunx hemm kondotta fl-Istat Membru l-ieħor, il-preżentazzjoni ta' dokument ekwivalenti, li juri li dawn ir-rekwiżiti ġew issodisfati, maħruġ minn awtorità kompetenti ġudizzjarja jew amministrattiva jew fl-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata hija ċittadina jew fl-Istat Membru ta' domiċilju.

4.   Fejn l-ebda awtorità kompetenti ġudizzjarja jew amministrattiva jew fl-Istat Membru ta' domiċilju li tiegħu l-persuna kkonċernata hija ċittadin jew fl-Istat Membru ta' domiċilju li joħroġ dokument ekwivalenti hekk kif imsemmi fil-paragrafu 3, dik il-persuna għandha titħalla tippreżenta dikjarazzjoni ġuramentata minfloku.

Madankollu, fl-Istati Membri ta' domiċilju fejn ma hemm l-ebda dispożizzjoni biex isiru dikjarazzjonijiet ġuramentati, iċ-ċittadini ta' Stati Membri oħrajn ikkonċernati, għandhom jitħallew jippreżentaw dikjarazzjoni solenni magħmula minnhom quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti fl-Istat Membru ta' domiċilju tagħhom jew fl-Istat Membru li tiegħu ikun ċittadin jew quddiem nutar f'wieħed minn dawk l-Istati Membri. Tali awtorità jew nutar għandhom joħorġu ċertifikat li jattesta l-awtentiċità tad-dikjarazzjoni ġuramentata jew tad-dikjarazzjoni solenni.

5.   Il-prova li tindika li persuna ma tkunx falliet qabel, kif imsemmi fil-paragrafu 3, tista' wkoll tiġi pprovduta f'forma ta' dikjarazzjoni magħmula miċ-ċittadini tal-Istat Membru l-ieħor ikkonċernat, quddiem korp ġudizzjarju, professjonali jew kummerċjali kompetenti f'dak l-Istat Membru l-ieħor.

6.   Id-dokumenti msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 għandhom jiġu ppreżentati fiż-żmien tliet xhur mid-data meta jinħarġu.

7.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet u lill-korpi kompetenti sabiex joħorġu d-dokumenti msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5, u għandhom jinformaw immedjatament lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bihom.

L-Istati Membri għandhom jinformaw ukoll lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet jew bil-korpi li quddiemhom għandhom jiġu ppreżentati d-dokumenti msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 b'sostenn għall-applikazzjoni għat-twettiq tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 11 fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

Artikolu 23

Politika ta' remunerazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs jistabbilixxu u japplikaw politika ta' remunerazzjoni soda għal dawk il-persuni kollha li effettivament imexxu l-IORP, iwettqu funzjonijiet ewlenin u kategoriji oħra ta' persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom ikollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-IORP b'tali mod li jkun proporzjonat għad-daqs u għall-organizzazzjoni interna tagħhom, kif ukoll għad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom.

2.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fir-Regolament (UE) 2016/679, l-IORPs għandhom jiddivulgaw regolarment informazzjoni rilevanti għall-pubbliku fir-rigward tal-politika ta' remunerazzjoni tagħhom.

3.   Meta tiġi stabbilita u applikata l-politika ta' remunerazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-IORPs għandhom jikkonformaw mal-prinċipji segwenti:

(a)

il-politika ta' remunerazzjoni għandha tiġi stabbilita, implimentata u miżmuma f'konformità mal-attivitajiet, mal-profil tar-riskju, mal-objettivi, u mal-interessi fit-tul, l-istabbiltà finanzjarja u l-prestazzjoni tal-IORP kollha kemm hi, u għandha tapoġġja l-immaniġġjar sod, prudenti u effikaċi tal-IORPs;

(b)

il-politika ta' remunerazzjoni għandha tkun konformi mal-interessi fit-tul tal-membri u l-benefiċjarji tal-iskemi ta' pensjoni operati mill-IORP;

(c)

il-politika ta' remunerazzjoni għandha tinkludi miżuri li l-għan tagħhom huwa li jevitaw il-kunflitti ta' interess;

(d)

il-politika ta' remunerazzjoni għandha tkun konsistenti mal-immaniġġjar tar-riskji sod u effikaċi u ma għandhiex tinkoraġġixxi it-teħid ta' riskji li hu inkonsistenti mal-profili tar-riskju u r-regoli tal-IORP;

(e)

il-politika ta' remunerazzjoni għandha tapplika għall-IORP u għall-fornituri ta' servizz imsemmija fl-Artikolu 31(1), dment li dawk il-fornituri ta' servizz ikunu koperti mid-Direttivi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(2);

(f)

l-IORP għandha tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali tal-politika ta' remunerazzjoni, għandha tirrivediha u taġġornaha tal-inqas kull tliet snin, u għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha;

(g)

il-governanza fir-rigward tar-remunerazzjoni u s-sorveljanza tagħha għandha tkun ċara, trasparenti u effikaċi.

Taqsima 2

Funzjonijiet ewlenin

Artikolu 24

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs ikollhom il-funzjonijiet ewlenin li ġejjin: funzjoni ta' mmaniġġjar tar-riskji, funzjoni ta' awditu intern u, fejn applikabbli, funzjoni attwarja. L-IORPs għandhom jippermettu lid-detenturi tal-funzjonijiet ewlenin iwettqu dmirijiethom b'effikaċja, b'mod li jkun oġġettiv, ġust u indipendenti.

2.   L-IORPs jistgħu jippermettu li persuna jew unità organizzattiva waħda twettaq aktar minn funzjoni ewlenija waħda, bl-eċċezzjoni tal-funzjoni ta' awditjar intern imsemmi fl-Artikolu 26, li għandha tkun indipendenti mill-funzjonijiet ewlenin l-oħrajn.

3.   Il-persuna unika jew l-unità organizzattiva li twettaq funzjoni ewlenija għandha tkun differenti minn dik li twettaq funzjoni ewlenija simili fl-impriża sponsor. L-Istati Membri jistgħu, waqt li jqisu d-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORP, jippermettu lill-IORP twettaq funzjonijiet ewlenin permezz tal-istess persuna jew unità organizzattiva bħal fl-impriża sponsor, sakemm l-IORP tispjega kif din tipprevjeni jew timmaniġġja kwalunkwe kunflitt ta' interess mal-impriża sponsor.

4.   Id-detenturi ta' funzjoni ewlenija għandhom jirrapportaw kwalunkwe sejba materjali jew rakkomandazzjonifil-qasam ta' responsabbiltà tagħhom lill-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-IORP li mbagħad għandu jiddetermina x'azzjonijiet għandhom jittieħdu fir-rigward.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni, id-detentur ta' funzjoni ewlenija għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-IORP jekk il-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-IORP ma jiħux azzjoni ta' rimedju fil-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn il-persuna jew l-unità organizzattiva li twettaq il-funzjoni ewlenija tidentifika riskju sinifikanti li l-IORP mhux se tikkonforma ma' rekwiżit statutorju materjalment sinifikanti u tirrapportah lill-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-IORP, u fejn din jista' jkollu impatt sinifikanti fuq l-interessi tal-membri u l-benefiċjarji; jew

(b)

fejn il-persuna jew l-unità organizzattiva li twettaq il-funzjoni ewlenija tosserva ksur materjali sinifikanti tal-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-IORP u l-attivitajiet tagħha fil-kuntest tal-funzjoni ewlenija ta' dik il-persuna jew unità organizzattiva u tirrapportah lill-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-IORP.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni legali tal-persuni li jinformaw lill-awtorità kompetenti f'konformità mal-paragrafu 5.

Artikolu 25

L-immaniġġjar tar-riskji

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs, b'mod proporzjonat għad-daqs u l-organizzazzjoni interna tagħhom kif ukoll għad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom, jadottaw funzjoni effikaċi tal-immaniġġjar tar-riskji. Dik il-funzjoni għandha tkun strutturata b'tali mod li tiffaċilita l-funzjonament ta' sistema ta' mmaniġġjar tar-riskju li għaliha l-IORPs għandhom jadottaw l-istrateġiji, il-proċessi u l-proċeduri ta' rapportar meħtieġa għall-identifikazzjoni, il-kejl, il-monitoraġġ, l-immaniġġjar u r-rapportar tar-riskji regolari lill-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-IORP f'livell individwali u f'dak aggregat, li għalih l-IORPs u l-iskemi ta' pensjoni operati minnhom ikunu esposti għalihom jew jistgħu jkunu esposti għalihom, u l-interdipendenzi tagħhom.

Is-sistema tal-immaniġġjar tar-riskji għandha tkun effikaċi u integrata tajjeb fl-istruttura organizzazzjonali u fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-IORP.

2.   Is-sistema tal-immaniġġjar tar-riskji għandha tkopri, b'mod li jkun proporzjonat għad-daqs u għall-organizzazzjoni interna tal-IORPs, kif ukoll għad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom, ir-riskji li jista' jkun hemm fl-IORPs jew fl-impriżi li għandhom ikunu ġew esternalizzati xi kompiti jew attivitajiet ta' IORP, tal-inqas fl-oqsma li ġejjin, fejn applikabbli:

(a)

is-sottoskrizzjoni u r-riżervar;

(b)

l-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet;

(c)

l-investiment, partikolarment id-derivattivi, it-titolizzazzjonijiet u impenji simili;

(d)

l-immaniġġjar tar-riskji ta' likwidità u ta' konċentrazzjoni;

(e)

l-immaniġġjar tar-riskji operattivi;

(f)

l-assigurazzjoni u tekniki oħra għall-mitigazzjoni tar-riskji;

(g)

ir-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza relatati mal-portafoll tal-investiment u l-ġestjoni tiegħu.

3.   Fejn, f'konformità mal-kundizzjonijiet tal-iskema ta' pensjoni, il-membri u l-benefiċjarji jġorru r-riskji huma, is-sistema tal-immaniġġjar tar-riskji għandha tqis ukoll dawn ir-riskji mill-perspettiva tal-membri u tal-benefiċjarji.

Artikolu 26

Il-funzjoni tal-awditu intern

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs jipprevedu, b'mod li jkun proporzjonat għad-daqs u għall-organizzazzjoni interna tagħhom, kif ukoll għad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom, funzjoni ta' awditu intern effikaċi. Il-funzjoni ta' awditu intern għandha tinkludi valutazzjoni tal-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistema ta' kontroll intern u elementi oħra tas-sistema ta' governanza, inklużi, fejn ikun applikabbli, l-attivitajiet esternalizzati.

Artikolu 27

Il-funzjoni attwarja

1.   Fejn IORP innifisha tipprevedi kopertura kontra r-riskji bijometriċi jew tiggarantixxi jew prestazzjoni tal-investiment jew livell partikolari ta' benefiċċji, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORP tipprovdi għal funzjoni attwarja effikaċi biex:

(a)

jikkoordinaw u jissorveljaw il-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi;

(b)

jivvalutaw l-adegwatezza tal-metodoloġiji u tal-mudelli sottostanti użati fil-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi u s-suppożizzjonijiet magħmula għal dan l-iskop;

(c)

jivvalutaw is-suffiċjenza u l-kwalità tad-dejta użata fil-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi;

(d)

iqabblu is-suppożizzjonijiet sottostanti għall-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi mal-esperjenza miksuba;

(e)

jinformaw lill-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-IORP bl-affidabbiltà u l-adegwatezza tal-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi;

(f)

jesprimu opinjoni dwar il-politika globali ta' sottoskrizzjoni, f'każ li l-IORP ikollha politika ta' dan it-tip;

(g)

jesprimu opinjoni dwar l-adegwatezza tal-arranġamenti ta' assigurazzjoni, f'każ li l-IORP ikollha tali arranġamenti; u

(h)

jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effikaċi tas-sistema tal-immaniġġjar tar-riskji.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs jinnominaw tal-inqas persuna waħda indipendenti, fl-IORP jew barra minnha, li tkun responsabbli mill-funzjoni attwarja.

Taqsima 3

Dokumenti li jirrigwardaw il-governanza

Artikolu 28

Valutazzjoni tar-riskju proprju

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs, b'mod li jkun proporzjonat għad-daqs u l-organizzazzjoni interna tagħhom, kif ukoll id-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom, iwettqu u jiddokumentaw il-valutazzjoni tar-riskju tagħhom stess.

Dik il-valutazzjoni tar-riskju għandha sseħħ tal-anqas kull tliet snin jew mingħajr dewmien wara li ssir kwalunkwe bidla sinifikanti fil-profil tar-riskju tal-IORP jew tal-iskemi ta' pensjoni operati mill-IORP. Meta jkun hemm bidla sinifikanti fil-profil tar-riskju ta' skema ta' pensjoni speċifika, il-valutazzjoni tar-riskju tista' tkun limitata għal dik l-iskema ta' pensjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valutazzjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 1, wara li tikkunsidra d-daqs u l-organizzazzjoni interna tal-IORP, kif ukoll id-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORP, tinkludi dan li ġej:

(a)

deskrizzjoni ta' kif il-valutazzjoni tar-riskju proprju hi integrata fil-proċess ta' mmaniġġjar u fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-IORP;

(b)

valutazzjoni tal-effikaċja tas-sistema tal-immaniġġjar tar-riskji;

(c)

deskrizzjoni ta' kif l-IORP tipprevjeni kunflitti ta' interess mal-impriża sponsor, fejn l-IORP testernalizza funzjonijiet ewlenin lill-impriża sponsor f'konformità mal-Artikolu 24(3);

(d)

valutazzjoni tal-ħtiġijiet kumplessivi ta' finanzjament tal-IORP, inkluża deskrizzjoni tal-pjan ta' rkupru, fejn applikabbli;

(e)

valutazzjoni dwar ir-riskji għall-membri u l-benefiċjarji dwar il-ħlas tal-benefiċċji ta' rtirar tagħhom u l-effikaċja ta' kwalunkwe azzjoni ta' rimedju li tqis, fejn applikabbli:

(i)

mekkaniżmi ta' indiċizzar;

(ii)

mekkaniżmi li jnaqqsu l-benefiċċji, inkluż il-limiti sa fejn il-benefiċċji ta' pensjoni dovuti jistgħu jitnaqqsu, u taħt liema kundizzjonijiet u minn min;

(f)

valutazzjoni kwalitattiva tal-mekkaniżmi li jipproteġu l-benefiċċji tal-irtirar, inklużi, kif applikabbli, garanziji, ftehimiet jew kwalunkwe tip ieħor ta' appoġġ finanzjarju mill-impriża sponsor, minn impriża tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni koperti mid-Direttiva 2009/138/KE jew kopertura minn skema ta' protezzjoni tal-pensjoni, favur l-IORP jew il-membri u l-benefiċjarji;

(g)

valutazzjoni kwalitattiva tar-riskji operattivi;

(h)

fejn fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza huma kkunsidrati f'deċiżjonijiet ta' investiment, valutazzjoni tar-riskji ġodda jew emerġenti, inklużi riskji relatati mat-tibdil fil-klima, l-użu tar-riżorsi u l-ambjent, riskji soċjali u riskji relatati mad-deprezzament tal-assi kkawżat minn tibdil regolatorju.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-IORPs għandhom jadottaw metodi biex jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji li huma jew li jistgħu jkunu esposti għalihom fuq terminu qasir u fuq terminu twil u li jista' jkollhom impatt fuq il-kapaċità tal-IORP li tissodisfa l-obbligi tagħha. Dawn il-metodi għandhom ikunu proporzjonati għad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti għall-attivitajiet tagħhom. Il-metodi għandhom jiġu deskritti fil-valutazzjoni tar-riskju proprju.

4.   Il-valutazzjoni tar-riskju proprju għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjonijiet strateġiċi tal-IORP.

Artikolu 29

Kontijiet annwali u rapporti annwali

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li kull IORP reġistrata jew awtorizzata fit-territorji tagħhom tħejji u tiddivulga pubblikament kontijiet annwali u rapporti annwali li jqisu kull skema ta' pensjoni operata mill-IORP u, fejn japplika, il-kontijiet annwali u r-rapporti annwali għal kull skema ta' pensjoni. Il-kontijiet annwali u r-rapporti annwali għandhom jagħtu stampa reali u ġusta tal-assi, tal-obbligazzjonijiet u tal-pożizzjoni finanzjarja tal-IORP u jinkludu d-divulgazzjoni ta' impriżi ta' investiment sinifikanti. Il-kontijiet annwali u l-informazzjoni fir-rapporti għandhom ikunu konsistenti, komprensivi, ippreżentati b'mod ġust u debitament approvati minn persuni awtorizzati, f'konformità mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 30

Dikjarazzjoni tal-prinċipji tal-politika ta' investiment

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull IORP reġistrata jew awtorizzata fit-territorji tagħhom tipprepara u, tal-anqas darba kull tliet snin, teżamina mill-ġdid dikjarazzjoni bil-miktub tal-prinċipji tal-politika ta' investiment. Din id-dikjarazzjoni għandha tkun riveduta mingħajr dewmien wara kull bidla sinifikanti fil-politika ta' investiment. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li din id-dikjarazzjoni jkun fiha, tal-anqas, kwistjonijiet bħalma huma l-metodi tal-kejl tar-riskju ta' investiment, il-proċessi implimentati tal-immaniġġjar tar-riskji u l-allokazzjoni strateġika tal-assi fir-rigward tan-natura u t-tul ta' żmien tal-obbligazzjonijiet tal-pensjoni u kif il-politika ta' investiment tqis fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza. Id-dikjarazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

KAPITOLU 2

Esternalizzazzjoni u mmaniġġjar tal-investiment

Artikolu 31

Esternalizzazzjoni

1.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu jew jeżiġu lill-IORPs irreġistrati jew awtorizzati fit-territorji tagħhom biex jafdaw kwalunkwe attività, inklużi l-funzjonijiet ewlenin u l-immaniġġjar ta' dawn l-IORPs, kollha kemm huma jew parti minnhom, lil fornituri ta' servizz li joperaw għan-nom ta' dawn l-IORPs.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-IORPs jibqgħu kompletament responsabbli għall-konformità mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva meta jesternalizzaw funzjonijiet ewlenin jew kwalunkwe attività oħra.

3.   L-esternalizzazzjoni ta' funzjonijiet ewlenin jew ta' kwalunkwe attività oħra m'għandhiex issir b'tali mod li tista' twassal għal xi waħda minn dawn il-konsegwenzi li ġejjin:

(a)

tiddanneġġa l-kwalità tas-sistema ta' governanza tal-IORP ikkonċernata;

(b)

iżżid ir-riskju operattiv bla bżonn;

(c)

tiddanneġġa l-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jimmonitorjaw il-konformità tal-IORP mal-obbligi tagħha;

(d)

iddgħajjef is-servizz kontinwu u sodisfaċenti maħsub għall-membri u għall-benefiċjarji.

4.   L-IORPs għandhom jiżguraw il-funzjonament xieraq tal-attivitajiet esternalizzati permezz tal-proċess tal-għażla ta' fornitur ta' servizz u tal-monitoraġġ kontinwu tal-attivitajiet ta' dak il-fornitur ta' servizz.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-IORPs li jesternalizzaw funzjonijiet ewlenin, l-immaniġġjar ta' dawk l-IORPs, jew attivitajiet oħra koperti minn din id-Direttiva jidħlu fi ftehim bil-miktub mal-fornitur ta' servizz. Ftehim ta' dan it-tip għandu jkun legalment eżegwibbli u għandu jiddefinixxi b'mod ċar id-drittijiet u l-obbligi tal-IORP u tal-fornitur ta' servizz.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-IORPs jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti fiż-żmien opportun dwar kwalunkwe esternalizzazzjoni tal-attivitajiet koperti minn din id-Direttiva. Meta l-esternalizzazzjoni tikkonċerna l-funzjonijiet ewlenin jew l-immaniġġjar tal-IORPs, din għandha tiġi nnotifikata lill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jidħol fis-seħħ il-ftehim dwar kwalunkwe esternalizzazzjoni ta' dan it-tip. L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li l-IORPs jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar kwalunkwe żvilupp importanti sussegwenti fir-rigward ta' kwalunkwe attività esternalizzata.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa biex, fi kwalunkwe ħin, jitolbu l-informazzjoni mingħand l-IORPs u l-fornituri ta' servizz dwar il-funzjonijiet ewlenin jew kwalunkwe attività oħra li jkunu ġew esternalizzati.

Artikolu 32

L-immaniġġjar tal-investiment

L-Istati Membri m'għandhomx jirrestrinġu lill-IORPs milli jaħtru, għall-immaniġġjar tal-portafoll tal-investiment, maniġers ta' investiment stabbiliti fi Stat Membru ieħor u debitament awtorizzati għal din l-attività, f'konformità mad-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE u 2014/65/UE, kif ukoll l-entitajiet awtorizzati msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' din id-Direttiva.

KAPITOLU 3

Depożitarju

Artikolu 33

Ħatra tad-depożitarju

1.   Fil-każ ta' skema ta' pensjoni okkupazzjonali fejn il-membri u l-benefiċjarji jġorru r-riskju tal-investiment kollu huma, l-Istat Membru ta' domiċilju jista' jeżiġi li l-IORP taħtar depożitarju wieħed jew aktar għall-kustodja tal-assi u għal dmirijiet ta' sorveljanza f'konformità mal-Artikoli 34 u 35. L-Istat Membru ospitanti jista' jeżiġi li tali IORPs jaħtru depożitarju wieħed jew aktar għall-kustodja tal-assi u għal dmirijiet ta' sorveljanza f'konformità mal-Artikoli 34 u 35 meta jwettqu attività transfruntiera f'konformità mal-Artikolu 11, dment li l-ħatra ta' depożitarju tkun rikjesta skont il-liġi nazzjonali tiegħu.

2.   Għall-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali li fihom il-membri u l-benefiċjarji ma jġorrux ir-riskju tal-investiment kollu huma, l-Istat Membru ta' domiċilju jista' jeżiġi li l-IORP taħtar depożitarju wieħed jew aktar għall-kustodja tal-assi jew għall-kustodja tal-assi u għal dmirijiet ta' sorveljanza f'konformità mal-Artikoli 34 u 35.

3.   L-Istati Membri m'għandhomx jirrestrinġu lill-IORPs milli jaħtru depożitarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor u debitament awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE jew id-Direttiva 2014/65/UE jew aċċettati bħala depożitarji għall-għanijiet tad-Direttiva 2009/65/KE jew id-Direttiva 2011/61/UE.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, jipprojbixxu, f'konformità mal-Artikolu 48, id-disponiment bla ħlas tal-assi miżmuma minn depożitarju jew kustodju li jinsabu fit-territorju tagħhom fuq it-talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP.

5.   Id-depożitarju għandu jinħatar permezz ta' kuntratt bil-miktub. Il-kuntratt għandu jistipula t-trażmissjoni tal-informazzjoni meħtieġa biex id-depożitarju jkun jista' jwettaq id-dmirijiet tiegħu kif stabbilit f'din id-Direttiva u f'liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti oħra.

6.   Meta jwettqu l-kompiti stipulati fl-Artikoli 34 u 35, l-IORP u d-depożitarju għandhom jaġixxu b'mod onest, ġust, professjonali, indipendenti u fl-interess tal-membri u tal-benefiċjarji tal-iskema.

7.   Depożitarju m'għandux iwettaq attivitajiet fir-rigward tal-IORP li jistgħu joħolqu kunflitti ta' interess bejn l-IORP, il-membri u l-benefiċjarji tal-iskema u d-depożitarju nnifsu, sakemm id-depożitarju ma jkunx funzjonalment u ġerarkikament issepara l-prestazzjoni tal-kompiti tiegħu bħala depożitarju mill-kompiti l-oħra tiegħu li potenzjalment joħolqu kunflitt, u sakemm il-kunflitti ta' interess potenzjali jkunu ġew identifikati, immaniġġjati, immonitorjati u ddivulgati kif xieraq lill-membri u lill-benefiċjarji tal-iskema u lill-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-IORP.

8.   Fejn ma jinħatar l-ebda depożitarju, l-IORPs għandhom jagħmlu arranġamenti biex jipprevjenu u jsolvu kwalunkwe kunflitt ta' interess li jinqala' matul il-kompiti li normalment jitwettqu minn depożitarju jew minn maniġer tal-assi.

Artikolu 34

Kustodja tal-assi u r-reponsabbiltà tad-depożitarju

1.   Fejn l-assi ta' IORP relatati ma' skema ta' pensjoni li tikkonsisti fi strumenti finanzjarji li jistgħu jinżammu f'kustodja, jiġu fdati lil depożitarju għall-kustodja tagħhom, id-depożitarju għandu jżomm f'kustodja l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jkunu rreġistrati f'kont tal-istrumenti finanzjarji li jkun infetaħ fil-kotba tad-depożitarju u l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu fiżikament jintbagħtu lid-depożitarju.

Għal dawk il-finijiet, id-depożitarju għandu jiżgura li l-istrumenti finanzjarji li jistgħu jiġu rreġistrati f'kont tal-istrumenti finanzjarji li jkun infetaħ fil-kotba tad-depożitarju, jiġu rreġistrati fil-kotba tad-depożitarju f'kontijiet segregati, f'konformità mar-regoli stipulati fid-Direttiva 2014/65/UE u jinfetħu f'isem l-IORP, sabiex f'kull ħin, ikunu jistgħu jiġu faċilment identifikati bħala li jappartjenu lill-IORP jew lill-membri u l-benefiċjarji tal-iskema ta' pensjoni.

2.   Fejn l-assi ta' IORP relatati ma' skema ta' pensjoni jikkonsistu f'assi oħra għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, id-depożitarju għandu jivverifika li l-IORP tkun is-sid tal-assi u għandu jżomm rekord ta' dawk l-assi. Il-verifika għandha titwettaq abbażi tal-informazzjoni jew tad-dokumenti pprovduti mill-IORP u, meta tkun disponibbli, abbażi ta' evidenza esterna. Id-depożitarju għandu jżomm ir-rekord tiegħu aġġornat.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li depożitarju jkun responsabbli fil-konfront tal-IORP u tal-membri u l-benefiċjarji, għal kwalunkwe telf li dawn ikunu ġarrbu minħabba nuqqas inġustifikabbli min-naħa tiegħu li jwettaq l-obbligi tiegħu jew minħabba li jkun wettaqhom b'mod mhux xieraq.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-responsabbiltà tad-depożitarju, kif imsemmi fil-paragrafu 3, m'għandhiex tiġi affettwata mill-fatt li dan ikun feda l-assi kollha li jkunu fil-kustodja tiegħu, jew xi uħud minnhom, lil xi parti terza.

5.   Fejn ma jinħatar l-ebda depożitarju għall-kustodja tal-assi, l-IORPs għandhom tal-anqas ikunu rikjesti:

(a)

jiżguraw li l-istrumenti finanzjarji jkunu soġġetti għall-attenzjoni u l-protezzjoni dovuta;

(b)

iżommu rekords li jippermettu lill-IORPs jidentifikaw l-assi kollha f'kull ħin u mingħajr dewmien;

(c)

jieħdu l-miżuri neċessarji biex jevitaw li jkun hemm kunflitti ta' interess fir-rigward tal-kustodja tal-assi;

(d)

jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba, dwar kif ikunu qed jinżammu l-assi.

Artikolu 35

Dmirijiet ta' sorveljanza

1.   Apparti l-kompiti msemmija fl-Artikolu 34(1) u (2), id-depożitarju maħtur għal dmirijiet ta' sorveljanza għandu:

(a)

iwettaq l-istruzzjonijiet tal-IORP, sakemm dawn ma joħolqux kunflitt mal-liġi nazzjonali jew mar-regoli tal-IORP;

(b)

jiżgura li, fit-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-assi ta' IORP relatati ma' skema ta' pensjoni, kwalunkwe korrispettiv jintbagħat lill-IORP fil-limiti taż-żmien tas-soltu; u

(c)

jiżgura li l-introjtu prodott mill-assi jiġi applikat f'konformità mar-regoli tal-IORP.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP jista' jistabbilixxi dmirijiet ta' sorveljanza oħrajn li għandhom jitwettqu mid-depożitarju.

3.   Fejn ma jinħatar l-ebda depożitarju għad-dmirijiet ta' sorveljanza, l-IORP għandha timplimenta proċeduri li jiżguraw li l-kompiti, li normalment ikunu soġġetti għas-sorveljanza mid-depożitarji, ikunu qed jitwettqu kif xieraq fl-IORP.

TITOLU IV

INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TINGĦATA LILL-MEMBRI PROSPETTIVI, LILL-MEMBRI U LILL-BENEFIĊJARJI

KAPITOLU 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 36

Prinċipji

1.   B'kunsiderazzjoni tan-natura tal-iskema ta' pensjoni stabbilita, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull IORP irreġistrata jew awtorizzata fit-territorji tagħhom tipprovdi:

(a)

lill-membri prospettivi: tal-anqas l-informazzjoni stipulata fl-Artikolu 41;

(b)

lill-membri: tal-anqas l-informazzjoni stipulata fl-Artikoli 37 sa 40, 42 u 44; u

(c)

lill-benefiċjarji: tal-anqas l-informazzjoni stipulata fl-Artikoli 37, 43 u 44.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha:

(a)

tiġi aġġornata fuq bażi regolari;

(b)

tinkiteb b'mod ċar, billi jintuża lingwaġġ ċar, konċiż u li jinftiehem u billi jiġi evitat l-użu ta' termini tekniċi fejn minflokhom jista' jintuża kliem ordinarju ta' kuljum;

(c)

ma tiżvijax lil dak li jkun, u għandha tinżamm konsistenza fil-vokabularju u fil-kontenut tagħha;

(d)

tiġi ppreżentata b'tali mod li tkun faċli biex tinqara;

(e)

tkun disponibbli b'lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li l-liġi soċjali u tax-xogħol tiegħu rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali tkun applikabbli għall-iskema ta' pensjoni kkonċernata; u

(f)

ssir disponibbli għall-membri prospettivi, il-membri u l-benefiċjarji mingħajr ħlas permezz ta' mezzi elettroniċi, inkluż mezz dewwiemi jew sit elettroniku, jew f'forma stampata.

3.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet ulterjuri dwar l-informazzjoni li għandha tingħata lill-membri prospettivi, lill-membri u lill-benefiċjarji.

Artikolu 37

Informazzjoni ġenerali dwar l-iskema ta' pensjoni

1.   L-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta' kull IORP irreġistrata jew awtorizzata fit-territorji tagħhom, jiżguraw li l-membri u l-benefiċjarji jkunu suffiċjentement infurmati dwar l-iskema ta' pensjoni rispettiva operata mill-IORP, b'mod partikolari dwar:

(a)

l-isem tal-IORP, l-Istat Membru fejn l-IORP hija rreġistrata jew awtorizzata u l-isem tal-awtorità kompetenti tiegħu;

(b)

id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet involuti fl-iskema ta' pensjoni;

(c)

l-informazzjoni dwar il-profil tal-investiment;

(d)

in-natura tar-riskji finanzjarji mġarrba mill-membri u l-benefiċjarji;

(e)

il-kundizzjonijiet dwar il-garanziji sħaħ jew parzjali taħt l-iskema ta' pensjoni jew ta' livell speċifikat ta' benefiċċji jew, fejn l-ebda garanzija ma tiġi pprovduta taħt l-iskema ta' pensjoni, dikjarazzjoni f'dan is-sens;

(f)

il-mekkaniżmi li jipproteġu l-intitolamenti dovuti jew il-mekkaniżmi li jnaqqsu l-benefiċċji, jekk ikun hemm;

(g)

fejn il-membri jġorru r-riskju ta' investiment jew jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-passat ta' investimenti relatati mal-iskema ta' pensjoni għal mhux inqas minn ħames snin, jew għas-snin kollha li l-iskema tkun ilha topera meta t-tul ta' żmien ikun inqas minn ħames snin;

(h)

l-istruttura tal-ispejjeż imġarrba mill-membri u l-benefiċjarji, għall-iskemi li ma jipprevedux livell partikolari ta' benefiċċji;

(i)

l-għażliet disponibbli għall-membri u l-benefiċjarji biex jirċievu l-benefiċċji tal-irtirar tagħhom;

(j)

fil-każ li membru jkollu d-dritt li jittrasferixxi d-drittijiet tal-pensjoni, informazzjoni ulterjuri dwar l-arranġamenti rigward tali trasferiment.

2.   Fir-rigward tal-iskemi li fihom il-membri jġorru riskju ta' investiment u li jipprevedu aktar minn opzjoni waħda bi profili tal-investiment differenti, il-membri għandhom jiġu informati bil-kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-firxa ta' opzjonijiet ta' investiment disponibbli, u fejn ikun applikabbli, l-opzjoni ta' investiment awtomatika u, r-regola tal-iskema ta' pensjoni li membru partikolari jiġi allokat għal opzjoni ta' investiment.

3.   Il-membri u l-benefiċjarji jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jirċievu fi żmien raġonevoli, kull informazzjoni rilevanti fir-rigward ta' bidliet għar-regoli tal-iskema ta' pensjoni. Barra minn hekk, l-IORPs għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom spjegazzjoni tal-impatt fuq il-membri u l-benefiċjarji tal-bidliet sinifikanti għall-provvedimenti tekniċi.

4.   L-IORPs għandhom jagħmlu disponibbli l-informazzjoni ġenerali dwar l-iskema ta' pensjoni stipulata f'dan l-Artikolu.

KAPITOLU 2

Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni u informazzjoni supplimentari

Artikolu 38

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs ifasslu dokument konċiż li jkun fih l-informazzjoni ewlenija għal kull membru b'kunsiderazzjoni tan-natura speċifika tas-sistemi nazzjonali ta' pensjoni u l-liġi soċjali, tax-xogħol u fiskali nazzjonali rilevanti (“Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni”). It-titolu tad-dokument għandu jkun fih il-kliem “Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni”.

2.   Id-data eżatta li għaliha tirreferi l-informazzjoni mniżżla fir-Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni għandha tiġi ddikjarata b'mod prominenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-informazzjoni inkluża fir-Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni tkun preċiża, aġġornata u titqiegħed għad-dispożizzjoni ta' kull membru mingħajr ħlas permezz ta' mezzi elettroniċi, inkluż mezz dewwiemi jew sit elettroniku, jew f'forma stampata, għall-anqas darba fis-sena. Kopja stampata għandha tiġi pprovduta lill-membri, fuq talba, flimkien ma' kwalunkwe informazzjoni permezz ta' mezzi elettroniċi.

4.   Kwalunkwe bidla materjali fl-informazzjoni inkluża fir-Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni meta mqabbla ma' dik tas-sena preċedenti, għandha tiġi indikata b'mod ċar.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli biex jiddeterminaw is-suppożizzjonijiet tal-previżjonijiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 39(1). Dawk ir-regoli għandhom jiġu applikati mill-IORPs sabiex jiddeterminaw, fejn relevanti, ir-rata annwali tar-redditi nominali tal-investiment, ir-rata annwali tal-inflazzjoni u x-xejra tas-salarji futuri.

Artikolu 39

Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni

1.   Ir-Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni għandu jinkludi mill-anqas, din l-informazzjoni essenzjali li ġejja għall-membri:

(a)

id-dettalji personali tal-membru, inkluża indikazzjoni ċara tal-età statutorja tal-irtirar, l-età tal-irtirar stabbilita fl-iskema ta' pensjoni jew stmata mill-IORP jew l-età tal-irtirar stabbilita mill-membru, kif applikabbli;

(b)

l-isem tal-IORP u l-indirizz ta' kuntatt tagħha u l-identifikazzjoni tal-iskema ta' pensjoni tal-membru;

(c)

fejn ikun applikabbli, informazzjoni dwar garanziji sħaħ jew parzjali skont l-iskema ta' pensjoni u jekk rilevanti, fejn tista' tinstab aktar informazzjoni;

(d)

informazzjoni dwar il-previżjonijiet tal-benefiċċji tal-pensjoni bbażati fuq l-età tal-irtirar kif speċifikat fil-punt (a), u dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' responsabbiltà li dawk il-previżjonijiet jistgħu jvarjaw mill-valur finali tal-benefiċċji rċevuti. Jekk il-previżjonijiet tal-benefiċċji tal-pensjoni jkunu bbażati fuq xenarji ekonomiċi, dik l-informazzjoni għandha tinkludi wkoll xenarju tal-aħjar stima u xenarju mhux favorevoli, filwaqt li titqies in-natura speċifika tal-iskema ta' pensjoni;

(e)

informazzjoni dwar l-intitolamenti dovuti jew il-kapital akkumulat, filwaqt li titqies in-natura speċifika tal-iskema ta' pensjoni;

(f)

informazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-impriża sponsor u mill-membru fl-iskema ta' pensjoni, għall-anqas matul l-aħħar tnax-il xahar, b'kunsiderazzjoni tan-natura speċifika tal-iskema ta' pensjoni;

(g)

analiżi tal-ispejjeż imnaqqsa mill-IORP għall-anqas matul l-aħħar tnax-il xahar;

(h)

informazzjoni dwar il-livell ta' finanzjament tal-iskema ta' pensjoni kollha kemm hi.

2.   F'konformità mal-Artikolu 60, l-Istati Membri għandhom jiskambjaw l-aħjar prattiki fir-rigward tal-format u l-kontenut tar-Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni.

Artikolu 40

Informazzjoni supplimentari

1.   Ir-Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni għandu jispeċifika fejn u kif tista' tinkiseb l-informazzjoni supplimentari, inklużi:

(a)

informazzjoni prattika ulterjuri dwar l-opzjonijiet tal-membru pprovduti skont l-iskema ta' pensjoni;

(b)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 29 u 30;

(c)

fejn applikabbli, informazzjoni dwar is-suppożizzjonijiet użati għall-ammonti espressi f'renti, b'mod partikolari fir-rigward tar-rata tar-renta, it-tip ta' fornitur u d-durata tar-renta;

(d)

informazzjoni dwar il-livell tal-benefiċċji f'każ li jintemm l-impjieg.

2.   Fir-rigward tal-iskemi ta' pensjoni li fihom il-membri jġorru riskju tal-investiment u fejn tiġi imposta fuqhom opzjoni ta' investiment b'regola partikolari speċifikata fl-iskema ta' pensjoni, ir-Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni għandu jindika fejn hija disponibbli informazzjoni addizzjonali.

KAPITOLU 3

Informazzjoni oħra u d-dokumenti li għandhom jingħataw

Artikolu 41

Informazzjoni li għandha tingħata lill-membri prospettivi

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs jiżguraw li l-membri prospettivi li ma jkunux awtomatikament irreġistrati fi skema ta' pensjoni jkunu infurmati, qabel ma jissieħbu ma' dik l-iskema ta' pensjoni, dwar:

(a)

kwalunkwe opzjoni rilevanti disponibbli għalihom inklużi l-opzjonijiet ta' investiment;

(b)

il-karatteristiċi rilevanti tal-iskema ta' pensjoni, inkluż it-tip ta' benefiċċji;

(c)

informazzjoni dwar jekk u kif jitqiesu l-fatturi ambjentali, klimatiċi, soċjali u tal-governanza korporattiva fl-approċċ tal-investiment; u

(d)

fejn hija disponibbli informazzjoni ulterjuri.

2.   Fejn il-membri jġorru riskju ta' investiment jew jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment, membri prospettivi għandhom jingħataw l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-passat ta' investimenti relatati mal-iskema ta' pensjoni għal mhux inqas minn ħames snin, jew għas-snin kollha li l-iskema tkun ilha topera meta t-tul ta' żmien ikun inqas minn ħames snin u informazzjoni dwar l-istruttura tal-ispejjeż imġarrba mill-membri u mill-benefiċjarji.

3.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs jiżguraw li l-membri prospettivi li huma awtomatikament rreġistrati fi skema ta' pensjoni jkunu, wara r-reġistrazzjoni tagħhom, immedjatament informati dwar:

(a)

kwalunkwe opzjoni disponibbli għalihom, inklużi l-opzjonijiet ta' investiment;

(b)

il-karatteristiċi rilevanti tal-iskema ta' pensjoni, inkluż it-tip ta' benefiċċji;

(c)

informazzjoni dwar jekk u kif jitqiesu l-fatturi ambjentali, klimatiċi, soċjali u ta' governanza korporattiva fl-approċċ ta' investiment; u

(d)

fejn hija disponibbli informazzjoni ulterjuri:

Artikolu 42

Informazzjoni li għandha tingħata lill-Membri matul il-fażi ta' qabel l-irtirar

Minbarra r-Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni, l-IORPs għandhom jipprovdu lil kull membru, fi żmien xieraq qabel l-età tal-irtirar kif speċifikat fil-punt (a) tal-Artikolu 39(1), jew fuq it-talba tal-membru, bl-informazzjoni dwar l-opzjonijiet ta' ħlas tal-benefiċċji disponibbli meta jieħdu l-benefiċċji tal-irtirar tagħhom.

Artikolu 43

Informazzjoni li għandha tingħata lill-benefiċjarji fil-fażi tal-ħlas

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs perjodikament jipprovdu lill-benefiċjarji b'informazzjoni dwar il-benefiċċji dovuti lilhom u l-opzjonijiet ta' ħlas korrispondenti.

2.   L-IORPs għandhom jinfurmaw lill-benefiċjarji mingħajr dewmien wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali li tirriżulta fi tnaqqis fil-livell tal-benefiċċji dovuti, u tliet xhur qabel ma tiġi implimentata dik id-deċiżjoni.

3.   Meta livell sinifikanti tar-riskju tal-investiment jinġarr mill-benefiċjarji fil-fażi tal-ħlas, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji jirċievu l-informazzjoni adegwata b'mod regolari.

Artikolu 44

Informazzjoni addizzjonali li għandha tingħata lill-membri u lill-benefiċjarji fuq talba

Fuq it-talba ta' membru, ta' benefiċjarju jew tar-rappreżentanti tagħhom, l-IORP għandha tipprovdi din l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

(a)

il-kontijiet annwali u r-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 29, jew meta IORP tkun responsabbli għal aktar minn skema waħda, dawk il-kontijiet u r-rapporti li jirrigwardaw l-iskema ta' pensjoni partikolari tagħhom;

(b)

id-dikjarazzjoni tal-prinċipji tal-politika ta' investiment, imsemmija fl-Artikolu 30;

(c)

kull informazzjoni addizzjonali dwar is-suppożizzjonijiet użati biex jiġu ġġenerati l-previżjonijiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 39(1);

TITOLU V

SUPERVIŻJONI PRUDENZJALI

KAPITOLU 1

Regoli ġenerali dwar is-superviżjoni prudenzjali

Artikolu 45

Objettiv ewlieni tas-superviżjoni prudenzjali

1.   L-objettiv ewlieni tas-superviżjoni prudenzjali huwa li tipproteġi d-drittijiet tal-membri u tal-benefiċjarji u tiżgura l-istabbiltà u s-sodezza tal-IORPs.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu pprovduti bil-mezzi neċessarji, u jkollhom l-esperjenza, il-kapaċità, u l-mandat rilevanti biex jiksbu l-objettiv ewlieni tas-superviżjoni msemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 46

Kamp ta' applikazzjoni tas-superviżjoni prudenzjali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-IORPs ikunu soġġetti għas-superviżjoni prudenzjali, inkluża s-superviżjoni ta' dawn li ġejjin, meta jkun applikabbli:

(a)

il-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet;

(b)

il-provvedimenti tekniċi;

(c)

il-finanzjament tal-provvedimenti tekniċi;

(d)

il-fondi proprji regolatorji;

(e)

il-marġini ta' solvenza disponibbli;

(f)

il-marġini ta' solvenza rikjest;

(g)

ir-regoli ta' investiment;

(h)

l-immaniġġjar tal-investiment;

(i)

is-sistema ta' governanza; u

(j)

l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-membri u lill-benefiċjarji.

Artikolu 47

Prinċipji ġenerali tas-superviżjoni prudenzjali

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom ikunu responsabbli għas-superviżjoni prudenzjali tal-IORPs.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżjoni tissejjes fuq approċċ li jħares 'il quddiem u bbażat fuq ir-riskju.

3.   Is-superviżjoni tal-IORPs għandha tinkludi abbinament xieraq ta' attivitajiet mhux fuq il-post u ta' spezzjonijiet fuq il-post.

4.   Is-setgħat superviżorji għandhom jiġu applikati b'mod li jkun opportun u proporzjonat għad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORP.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw b'mod xieraq l-impatt potenzjali tal-azzjonijiet tagħhom fuq l-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji fl-Unjoni, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza.

Artikolu 48

Setgħat ta' intervent u dmirijiet tal-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżiġu li kull IORP irreġistrata jew awtorizzata li tinsab fit-territorji tagħhom ikollha proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi sodi u mekkaniżmi adegwati ta' kontroll intern.

2.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti u d-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu jistgħu jimponu sanzjonijiet amministrattivi u miżuri oħra applikabbli għall-ksur kollu tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu implimentati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sanzjonijiet amministrattivi u l-miżuri l-oħra tagħhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għal sanzjonijiet amministrattivi skont din id-Direttiva għal ksur li huwa soġġett għal sanzjonijiet kriminali skont il-liġi nazzjonali tagħhom. F'dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt kriminali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw kwalunkwe sanzjoni amministrattiva jew miżura oħra li tkun ġiet imposta għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw ta' din id-Direttiva, u kontra liema ma jkun sar l-ebda appell fil-ħin, inkluża informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur, kif ukoll l-identità tal-persuni responsabbli għalih. Madankollu, fejn il-pubblikazzjoni tal-identità tal-persuni ġuridiċi, jew l-identità jew id-dejta personali tal-persuni fiżiċi, titqies bħala sproporzjonata mill-awtorità kompetenti wara li ssir valutazzjoni ta' kull każ individwali dwar il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta' tali dejta, jew fejn il-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni li tkun għaddejja, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li tipposponi l-pubblikazzjoni, li ma tippubblikax, jew li tippubblika s-sanzjonijiet b'mod anonimu.

5.   Kwalunkwe deċiżjoni li tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-attivitajiet ta' IORP għandu jkun fiha raġunijiet dettaljati u tkun notifikata lill-IORP ikkonċernata. Dik id-deċiżjoni għandha tkun notifikata wkoll lill-EIOPA, li għandha tikkomunikaha lill-awtoritajiet kompetenti kollha fil-każ ta' attività transfruntiera kif imsemmi fl-Artikolu 11.

6.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jirrestrinġu jew jipprojbixxu d-disponiment bla ħlas tal-assi tal-IORP meta, b'mod partikolari:

(a)

l-IORP tkun naqset li tistabbilixxi provvedimenti tekniċi suffiċjenti fir-rigward tan-negozju kollu kemm hu jew ma jkollhiex biżżejjed assi biex tkopri l-provvedimenti tekniċi;

(b)

l-IORP tkun naqset milli żżomm il-fondi proprji regolatorji.

7.   Sabiex jissalvagwardjaw l-interessi tal-membri u l-benefiċjarji, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jittrasferixxu s-setgħat li l-persuni li jmexxu l-IORP irreġistrata jew awtorizzata li tinsab fit-territorji tagħhom ikollhom skont il-liġi tal-Istat Membru ta' domiċilju, kollha kemm huma jew parti minnhom, lil rappreżentanti speċjali li jkunu kapaċi jeżerċitaw dawk is-setgħat.

8.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-attivitajiet ta' IORP irreġistrata jew awtorizzata li tinsab fit-territorji tagħhom b'mod partikolari jekk:

(a)

l-IORP tonqos milli tipproteġi b'mod adegwat l-interessi tal-membri u l-benefiċjarji tal-iskema;

(b)

l-IORP ma tissodisfax aktar il-kundizzjonijiet ta' operazzjoni;

(c)

l-IORP tonqos serjament fl-obbligi tagħha taħt ir-regoli li għalihom tkun soġġetta;

(d)

fil-każ ta' attività transfruntiera, l-IORP ma tirrispettax ir-rekwiżiti tal-liġi soċjali u tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti, rilevanti fil-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta' IORP taħt liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skont din id-Direttiva jkunu soġġetti għal dritt ta' appell quddiem il-qrati.

Artikolu 49

Proċess ta' rieżami superviżorju

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat meħtieġa biex jirrieżaminaw l-istrateġiji, il-proċessi u l-proċeduri ta' rappurtar li jkunu stabbiliti mill-IORPs biex jikkonformaw mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skont din id-Direttiva, b'kunsiderazzjoni tad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORP.

Dak ir-rieżami għandu jikkunsidra ċ-ċirkostanzi li fihom l-IORPs ikunu qed joperaw u, fejn rilevanti, il-partijiet li jwettqu l-funzjonijiet ewlenin esternalizzati jew attivitajiet oħrajn għalihom. Ir-rieżami għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

valutazzjoni tar-rekwiżiti kwalitattivi li jirrigwardaw is-sistema ta' governanza;

(b)

valutazzjoni tar-riskji li tħabbat wiċċha magħhom l-IORP;

(c)

valutazzjoni tal-kapaċità tal-IORP li tivvaluta u timmaniġġja dawn ir-riskji.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom l-għodod ta' monitoraġġ, inklużi t-testijiet tal-istress, li jippermettulhom jidentifikaw id-deterjorament tal-kundizzjonijiet finanzjarji f'IORP u jimmonitorjaw kif jiġi rimedjat tali deterjorament.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat meħtieġa biex jeżiġu li l-IORPs jirrimedjaw id-dgħufijiet u n-nuqqasijiet identifikati fil-proċess ta' rieżami superviżorju.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu l-frekwenza minima u l-kamp ta' applikazzjoni tar-rieżami stipulat fil-paragrafu 1 filwaqt li jikkunsidraw id-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORP ikkonċernata.

Artikolu 50

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, fir-rigward ta' kwalunkwe IORP irreġistrata jew awtorizzata li tinsab fit-territorji tagħhom, ikollhom is-setgħat u l-mezzi meħtieġa sabiex:

(a)

jeżiġu li l-IORP, il-bord amministrattiv, tal-immaniġġjar jew superviżorju tal-IORP jew il-persuni li effettivament imexxu l-IORP jew li jwettqu funzjonijiet ewlenin jipprovdu f'kull ħin informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha tan-negozju jew jibagħtu d-dokumenti kollha tan-negozju;

(b)

jissorveljaw ir-relazzjonijiet bejn l-IORP u kumpaniji oħra jew bejn l-IORPs, meta l-IORPs jesternalizzaw funzjonijiet ewlenin jew kwalunkwe attività oħra lil dawk il-kumpaniji jew l-IORPs u kull riesternalizzazzjoni sussegwenti, li jinfluwenzaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-IORP jew li jkunu b'xi mod materjalment rilevanti għas-superviżjoni effettiva;

(c)

jiksbu dawn id-dokumenti li ġejjin: il-valutazzjoni tar-riskji proprja, id-dikjarazzjoni tal-prinċipji tal-politika ta' investiment, il-kontijiet annwali u r-rapporti annwali, u d-dokumenti kollha l-oħra meħtieġa għall-għanijiet tas-superviżjoni;

(d)

jistipulaw liema dokumenti huma meħtieġa għall-finijiet tas-superviżjoni, inklużi:

(i)

rapporti interni interim;

(ii)

valwazzjonijiet attwarji u suppożizzjonijiet dettaljati;

(iii)

studji tal-assi u tal-obbligazzjonijiet;

(iv)

evidenza ta' konsistenza mal-prinċipji tal-politika ta' investiment;

(v)

evidenza li l-kontribuzzjonijiet ikunu tħallsu kif ippjanat;

(vi)

rapporti mill-persuni responsabbli għall-awditjar tal-kontijiet annwali msemmija fl-Artikolu 29;

(e)

iwettqu spezzjonijiet fuq il-post fil-bini tal-IORPs u, fejn xieraq, fuq l-attivitajiet esternalizzati u l-attivitajiet kollha sussegwentement riesternalizzati biex jivverifikaw jekk l-attivitajiet humiex jitwettqu skont ir-regoli ta' superviżjoni.

(f)

meta jridu, jitolbu li jingħataw informazzjoni mingħand l-IORPs dwar l-attivitajiet esternalizzati u l-attivitajiet kollha sussegwentement riesternalizzati.

Artikolu 51

Trasparenza u responsabbiltà

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kompiti stipulati f'din id-Direttiva b'mod trasparenti, indipendenti u responsabbli, filwaqt li jirrispettaw kif mistħoqq il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din l-informazzjoni li ġejja tiġi ddivulgata lill-pubbliku:

(a)

it-testi tal-liġijiet, tar-regolamenti, tar-regoli amministrattivi u tal-gwida ġenerali fil-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali, u l-informazzjoni dwar jekk l-Istat Membru jagħżilx li japplika din id-Direttiva f'konformità mal-Artikoli 4 u 5;

(b)

l-informazzjoni dwar il-proċess tar-rieżami superviżorju, kif stabbilit fl-Artikolu 49;

(c)

id-dejta statistika aggregata dwar aspetti ewlenin tal-applikazzjoni tal-qafas prudenzjali;

(d)

l-objettiv ewlieni tas-superviżjoni prudenzjali u l-informazzjoni dwar il-funzjonijiet u l-attivitajiet ewlenin tal-awtoritajiet kompetenti;

(e)

ir-regoli dwar is-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri oħra applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jadottaw u japplikaw proċeduri trasparenti fir-rigward tal-ħatra u s-sensja tal-membri tal-korpi governattivi u maniġerjali tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom.

KAPITOLU 2

Segretezza professjonali u skambju ta' informazzjoni

Artikolu 52

Segretezza professjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw regoli biex jiżguraw li l-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll l-awdituri u l-esperti li jaġixxu f'isem dawn l-awtoritajiet, ikunu marbutin bl-obbligu tas-segretezza professjonali. Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mid-dritt kriminali, dawn il-persuni m'għandhomx jiddivulgaw informazzjoni kunfidenzjali li jkunu rċevew matul il-qadi ta' dmirijiethom lil kwalunkwe persuna jew awtorità, ħlief f'forma sommarja jew aggregata, b'hekk l-IORPs individwali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, meta jkun qed isir l-istralċ ta' skema ta' pensjoni l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-informazzjoni kunfidenzjali tiġi ddivulgata matul proċedimenti ċivili jew kummerċjali.

Artikolu 53

Użu ta' informazzjoni kunfidenzjali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont din id-Direttiva, jużawha biss matul il-qadi ta' dmirijiethom u għal dawn l-iskopijiet li ġejjin:

(a)

biex jivverifikaw li l-kundizzjonjiet għall-eżerċizzju ta' negozju fil-qasam tal-provvista tal-irtirar okkupazzjonali jkunu ssodisfati mill-IORPs qabel ma jibdew bl-attivitajiet tagħhom;

(b)

biex jiffaċilitaw il-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-IORPs, inklużi l-monitoraġġ tal-provvedimenti tekniċi, is-solvenza, is-sistema ta' governanza, u l-informazzjoni pprovduta lill-membri u lill-benefiċjarji;

(c)

biex jimponu miżuri korrettivi, inklużi sanzjonijiet amministrattivi;

(d)

fejn huwa permess mil-liġi nazzjonali, biex jippubblikaw, indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-IORPs individwali kollha, li jistgħu jgħinu lill-membri u lill-benefiċjarji jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji fir-rigward tal-pensjonijiet tagħhom;

(e)

f'appelli kontra deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti meħuda f'konformità mad-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-Direttiva;

(f)

fil-proċedimenti tal-qorti li jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-Direttiva.

Artikolu 54

Id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew

L-Artikoli 52 u 53 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' inkjestamogħti lill-Parlament Ewropew mill-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 55

Skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet

1.   L-Artikoli 52 u 53 m'għandhom jipprekludu l-ebda element minn dawn li ġejjin:

(a)

l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-istess Stat Membru, fit-twettiq tal-funzjonijiet superviżorji tagħhom;

(b)

l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri differenti, fit-twettiq tal-funzjonijiet superviżorji tagħhom;

(c)

l-iskambju ta' informazzjoni, bejn l-awtoritajiet kompetenti fit-twettiq tal-funzjonijiet superviżorji tagħhom, u kwalunkwe waħda minn dawn il-partijiet litkun tinsab fl-istess Stat Membru:

(i)

l-awtoritajiet responsabbli mis-superviżjoni ta' entitajiet tas-settur finanzjarju u ta' organizzazzjonijiet finanzjarji oħrajn u l-awtoritajiet responsabbli mis-superviżjoni tas-swieq finanzjarji;

(ii)

l-awtoritajiet jew il-korpi inkarigati bir-responsabbiltà taż-żamma tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri permezz tal-użu tar-regoli makroprudenzjali;

(iii)

il-korpi involuti fl-istralċ ta' skema ta' pensjoni u fi proċeduri oħrajn simili;

(iv)

il-korpi jew l-awtoritajiet ta' riorganizzazzjoni li jkollhom l-għan li jipproteġu l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja;

(v)

il-persuni responsabbli mit-twettiq ta' awditi statutorji tal-kontijiet ta' IORPs, impriżi ta' assigurazzjoni u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn.

(d)

id-divulgazzjoni, lill-korpi li jamministraw l-istralċ ta' skema ta' pensjoni, tal-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq ta' dmirijiethom.

2.   L-informazzjoni rċevuta mill-awtoritajiet, il-korpi u l-persuni msemmija fil-paragrafu 1, għandha tkun soġġetta għar-regoli dwar is-segretezza professjonali stipulati fl-Artikolu 52.

3.   L-Artikoli 52 u 53 m'għandhomx jipprekludu lill-Istati Membri milli jawtorizzaw skambji ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

l-awtoritajiet responsabbli mis-sorveljanza tal-korpi involuti fl-istralċ ta' skemi ta' pensjoni u fi proċeduri oħrajn simili;

(b)

l-awtoritajiet responsabbli mis-sorveljanza ta' persuni inkarigati mit-twettiq ta' awditi statutorji tal-kontijiet tal-IORPs, tal-impriżi ta' assigurazzjoni u ta' istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn;

(c)

attwarji independenti ta' IORPs li jwettqu superviżjoni ta' dawn l-IORPs u l-korpi responsabbli mis-sorveljanza ta' dawn l-attwarji.

Artikolu 56

Trażmissjoni ta' informazzjoni lill-banek ċentrali, l-awtoritajiet monetarji, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

1.   L-Artikoli 52 u 53 m'għandhomx jipprevjenu lil xi awtorità kompetenti milli tittrażmetti informazzjoni lil dawn l-entitajiet għall-finijiet tal-eżerċitar tal-kompiti rispettivi tagħhom:

(a)

il-banek ċentrali u korpi oħrajn b'funzjoni simili fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji;

(b)

awtoritajiet pubbliċi oħrajn responsabbli mis-sorveljanza tas-sistemi ta' pagament, fejn xieraq;

(c)

il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, l-EIOPA, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) stabbiliti permezz tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

2.   L-Artikoli 55 sa 58 m'għandhomx jipprevjenu lill-awtoritajiet jew lill-korpi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu milli jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti l-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiġu bżonn, għall-finijiet tal-Artikolu 53.

3.   L-informazzjoni rċevuta skont il-paragrafi 1 u 2, għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti ta' segretezza professjonali li tal-anqas ikunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.

Artikolu 57

Divulgazzjoni ta' informazzjoni lill-amministrazzjonijiet tal-gvern responsabbli mil-leġiżlazzjoni finanzjarja

1.   L-Artikoli 52(1), 53 u 58(1) m'għandhomx jipprekludu lill-Istati Membri milli jawtorizzaw id-divulgazzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali bejn l-awtoritajiet kompetenti u dipartimenti oħrajn tal-amministrazzjonijiet tal-gvern ċentrali tagħhom responsabbli mill-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar is-superviżjoni tal-IORPs, l-istituzzjonijiet ta' kreditu, l-istituzzjonijiet finanzjarji, is-servizzi ta' investiment u l-impriżi ta' assigurazzjoni, jew lil spetturi li jaġixxu f'isem dawk id-dipartimenti.

Dik id-divulgazzjoni għandha ssir biss meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta' kontroll prudenzjali, u għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' IORPs li jkunu qed ifallu. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-artikolu, il-persuni li jkollhom aċċess għall-informazzjoni għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' segretezza professjonali li tal-anqas ikunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'din id-Direttiva. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni rċevuta skont l-Artikolu 55, u l-informazzjoni miksuba permezz ta' verifika fuq il-post, jistgħu jiġu ddivulgati biss bil-kunsens espress tal-awtorità kompetenti li minnha tkun oriġinat l-informazzjoni jew tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun saret il-verifika fuq il-post.

2.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw id-divulgazzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali relatata mas-superviżjoni prudenzjali tal-IORPs lill-kumitati ta' inkjesta parlamentari jew lill-qrati tal-awdituri fl-Istat Membru tagħhom jew lil entitajiet oħrajn inkarigati mill-inkjesti fl-Istat Membru tagħhom, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-entitajiet ikollhom il-kompetenza skont il-liġi nazzjonali biex jinvestigaw jew jgħaddu minn skrutinju l-azzjonijiet tal-awtoritajiet responsabbli mis-superviżjoni tal-IORPs jew mil-liġijiet dwar tali superviżjoni;

(b)

l-informazzjoni tkun strettament neċessarja biex tiġi ssodisfata l-kompetenza msemmija fil-punt (a);

(c)

il-persuni b'aċċess għall-informazzjoni jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' segretezza professjonali skont il-liġi nazzjonali, li tal-anqas ikunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'din id-Direttiva;

(d)

jekk l-informazzjoni toriġina minn Stat Membru ieħor, dik l-informazzjoni tiġi ddivulgata bil-ftehim espliċitu tal-awtoritajiet kompetenti ta' oriġini u għall-finijiet biss li magħhom ikunu qablu dawn l-awtoritajiet.

Artikolu 58

Kundizzjonijiet għall-iskambju ta' informazzjoni

1.   Għall-iskambji ta' informazzjoni skont l-Artikolu 55, it-trażmissjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 56 u d-divulgazzjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 57, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li tal-anqas jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

l-informazzjoni għandha tiġi skambjata, trażmessa jew iddivulgata bl-iskop li titwettaq is-sorveljanza jew is-superviżjoni;

(b)

l-informazzjoni rċevuta għandha tkun soġġetta għall-obbligu tas-segretezza professjonali stipulat fl-Artikolu 52;

(c)

fejn l-informazzjoni toriġina fi Stat Membru ieħor, m'għandhiex tiġi ddivulgata mingħajr il-ftehim espress tal-awtorità kompetenti minn fejn toriġina u, fejn xieraq, għall-finijiet biss li magħhom tkun qablet dik l-awtorità.

2.   L-Artikolu 53 m'għandux jipprekludi l-Istati Membri milli jawtorizzaw, bil-għan li jissaħħu l-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja, l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet jew il-korpi responsabbli mill-iskoperta u mill-investigazzjoni ta' ksur tal-liġi dwar il-kumpaniji, applikabbli għall-impriżi sponsor.

L-Istati Membri li japplikaw l-ewwel subparagrafu għandhom jeżiġu li tal-anqas jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni trid tkun maħsuba għall-finijiet tal-iskoperta, u l-investigazzjoni u l-iskrutinju kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 57(2);

(b)

l-informazzjoni rċevuta trid tkun soġġetta għall-obbligu tas-segretezza professjonali stipulat fl-Artikolu 52;

(c)

meta l-informazzjoni toriġina fi Stat Membru ieħor, m'għandhiex tiġi ddivulgata mingħajr il-ftehim espress tal-awtorità kompetenti minn fejn toriġina u, fejn xieraq, għall-finijiet biss li magħhom tkun qablet dik l-awtorità.

3.   Fejn, fi Stat Membru, l-awtoritajiet jew il-korpi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 iwettqu l-kompitu tagħhom ta' skoperta jew ta' investigazzjoni bil-għajnuna ta' persuni li jinħatru, minħabba l-kompetenza speċifika tagħhom, għal dak l-iskop u li ma jkunux impjegati fis-settur pubbliku, għandha tapplika l-possibbiltà ta' skambjar ta' informazzjoni, kif jipprevedi l-Artikolu 57(2).

Artikolu 59

Dispożizzjonijiet nazzjonali ta' natura prudenzjali

1.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-EIOPA d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom ta' natura prudenzjali rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali, li mhumiex koperti mil-liġi nazzjonali soċjali u tax-xogħol dwar l-organizzazzjoni tas-sistemi ta' pensjoni kif imsemmija fl-Artikolu 11(1).

2.   L-Istati Membri għandhom jaġġornaw dik l-informazzjoni fuq bażi regolari u mill-inqas kull sentejn u l-EIOPA għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli fuq is-sit elettroniku tagħha.

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 60

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-EIOPA

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, b'mod xieraq, l-applikazzjoni uniformi ta' din id-Direttiva permezz ta' skambji regolari ta' informazzjoni u esperjenza bil-ħsieb li jiżviluppaw l-aħjar prattiki f'din l-isfera u kooperazzjoni eqreb u fejn ikun applikabbli bl-involviment tas-sħab soċjali, u permezz ta' hekk, jipprevjenu distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal sħubija transfruntiera mingħajr problemi.

2.   Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkollaboraw fil-qrib bil-ħsieb li jiffaċilitaw is-superviżjoni tal-operazzjonijiet tal-IORPs.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-EIOPA għall-finijiet ta' din id-Direttiva, skont ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u għandhom mingħajr dewmien, jipprovdu lill-EIOPA l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex hi twettaq dmirijietha skont din id-Direttiva u skont ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010, skont l-Artikolu 35 ta' dak ir-Regolament.

4.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-EIOPA bi kwalunkwe diffikultajiet kbar li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Il-Kummissjoni, l-EIOPA u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jeżaminaw dawk id-diffikultajiet kemm jista' jkun malajr sabiex tinstab soluzzjoni adattata.

Artikolu 61

Ipproċessar ta' dejta personali

Fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali fil-qafas ta' din id-Direttiva, l-IORPs u l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom għall-finijiet ta' din id-Direttiva, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679. Fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-EIOPA fil-qafas ta' din id-Direttiva, l-EIOPA għandha tikkonforma mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 62

Evalwazzjoni u rieżami

1.   Sat-13 ta' Jannar 2023, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina din id-Direttiva u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni u l-effettività tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.   Ir-rieżami msemmi fil-paragrafu 1 għandu b'mod partikolari jqis:

(a)

l-adegwatezza ta' din id-Direttiva mil-lat prudenzjali u ta' governanza,

(b)

l-attività transfruntiera;

(c)

l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u l-impatt tagħha fuq l-istabbiltà tal-IORPs,

(d)

ir-Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni.

Artikolu 63

Emenda tad-Direttiva 2009/138/KE

Id-Direttiva 2009/138/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 13, il-punt (7) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(7)

‘riassigurazzjoni’ tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

l-attività li tikkonsisti fl-aċċettazzjoni ta' riskji ċeduti minn impriża ta' assigurazzjoni jew impriża ta' assigurazzjoni minn pajjiż terz jew minn impriża oħra ta' rijassigurazzjoni jew impriża ta' riassigurazzjoni minn pajjiż terz;

(b)

fil-każ tal-assoċjazzjoni ta' underwriters magħrufa bħala Lloyd's, l-attività li tikkonsisti fl-aċċettazzjoni ta' riskji ċeduti minn kwalunkwe membru ta' Lloyd's, minn impriża ta' assigurazzjoni jew ta' riassigurazzjoni minbarra l-assoċjazzjoni ta' underwriters magħrufa bħala Lloyd's; jew

(c)

il-provvista ta' kopertura minn impriża ta' riassigurazzjoni lil istituzzjoni li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(*1)  Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37)”;"

(2)

fl-Artikolu 308b, il-paragrafu 15 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“15.   Fejn, mad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri tad-domiċilju applikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2341, dawk l-Istati Membri tad-domiċilju jistgħu jkomplu japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jkunu ġew adottati minnhom, bil-ħsieb li jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 19, l-Artikoli 27 sa 30, l-Artikoli 32 sa 35 u l-Artikoli 37 sa 67 tad-Direttiva 2002/83/KE hekk kif tkun fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2015, għal perjodu tranżitorju li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2022.

Fejn Stat Membru tad-domiċilju jkompli japplika dawn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-impriżi ta' assigurazzjoni f'dak l-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jikkalkulaw ir-rekwiżit kapitali tas-solvenza tagħhom bħala s-somma ta' dan li ġej:

(a)

rekwiżit kapitali tas-solvenza nozzjonali fir-rigward tal-attività tagħhom fil-qasam tal-assigurazzjoni, ikkalkolat mingħajr in-negozju ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2341,

(b)

il-marġini ta' solvenza fir-rigward tan-negozju ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali, ikkalkolat skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jkunu ġew adottati biex ikun hemm konformità mal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2002/83/KE.

Sal-31 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar jekk il-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandux jiġi estiż, filwaqt li tikkunsidra l-bidliet fil-liġi tal-Unjoni jew f'dik nazzjonali li jirriżultaw minn din id-Direttiva.”.

Artikolu 64

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikun hemm konformità ma' din id-Direttiva sat-13 ta' Jannar 2019. Huma għandhom immedjatament jikkomunikaw it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Huma għandhom jinkludu wkoll stqarrija li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttivi mħassra minn din id-Direttiva għandhom ikunu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza u kif għandha tiġi fformulata din l-istqarrija.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 65

Tħassir

Id-Direttiva 2003/41/KE, kif emendata mid-Direttivi elenkati fl-Anness I, Parti A, titħassar b'effett mit-13 ta' Jannar 2019 mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-dati tal-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti B.

Ir-referenzi għad-Direttiva 2003/41/KE mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva u jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 66

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 67

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Diċembru 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

I. KORČOK


(1)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 109.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2016.

(3)  Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10; Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol.4, p. 350).

(4)  Ara l-Anness I, il-Parti A.

(5)  Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(6)  Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(7)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il- Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(8)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1; Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102).

(9)  Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1; ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

(10)  Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).

(11)  Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(12)  Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(13)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(14)  Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(15)  Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1).

(16)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta' Novembru 2010,li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(17)  Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta' Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


ANNESS I

PARTI A

Id-Direttiva mħassra u l-lista tal-emendi suċċessivi

(imsemmija fl-Artikolu 65)

Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10)

 

Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1)

L-Artikolu 303 biss

Id-Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 331, 15.12.2010, p. 120)

L-Artikolu 4 biss

Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1)

L-Artikolu 62 biss

Id-Direttiva 2013/14/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 145, 31.5.2013, p. 1)

L-Artikolu 1 biss

PARTI B

Lista tal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni

(imsemmija fl-Artikolu 65)

Direttiva

Limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni

Data tal-applikazzjoni

2003/41/KE

23.9.2005

23.9.2005

2009/138/KE

31.3.2015

1.1.2016

2010/78/UE

31.12.2011

31.12.2011

2011/61/UE

22.7.2013

22.7.2013

2013/14/UE

21.12.2014

21.12.2014


ANNESS II

Tabella ta' Korrelazzjoni

Direttiva 2003/41/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6(a)

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(b)

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(c)

Artikolu 6(3)

Artikolu 6(d)

Artikolu 6(4)

Artikolu 6(e)

Artikolu 6(5)

Artikolu 6(f)

Artikolu 6(6)

Artikolu 6(7)

Artikolu 6(g)

Artikolu 6(8)

Artikolu 6(h)

Artikolu 6(9)

Artikolu 6(i)

Artikolu 6(10)

Artikolu 6(j)

Artikolu 6(11)

Artikolu 6(12) sa (19)

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9(1)(a)

Artikolu 9

Artikolu 9(1)(c)

Artikolu 10(1)(a)

Artikolu 9(1)(e)

Artikolu 10(1)(b)

Artikolu 9(2)

Artikolu 10(2)

Artikoli 20, 9(5)

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 15(1) sa (5)

Artikolu 13(1) sa (5)

Artikolu 15 (6)

 

Artikolu 16

Artikolu 14

Artikolu 17

Artikolu 15

Artikolu 17a(1) sa (4)

Artikolu 16(1) sa (4)

Artikolu 17a(5)

 

Artikolu 17b

Artikolu 17

Artikolu 17c

 

Artikolu 17d

Artikolu 18

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 9(1)(b)

Artikolu 22(1)

Artikolu 22(2) sa (7)

Artikolu 23

Artikolu 24

Artikolu 25

Artikolu 26

Artikolu 27

Artikolu 28

Artikolu 10

Artikolu 29

Artikolu 12

Artikolu 30

Artikolu 9(4)

Artikolu 31(1)

Artikolu 31(2) sa (7)

Artikolu 19(1)

Artikolu 32

Artikolu 19(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 33(1)

Artikolu 33(2)

Artikolu 19(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 33(3)

Artikolu 19(3)

Artikolu 33(4)

Artikolu 33(5) sa (8)

Artikolu 34

Artikolu 35

Artikolu 36

Artikolu 9(1)(f)

Artikolu 37(1)

Artikolu 11(4)(c)

Artikolu 37(2)

Artikolu 11(2)(b)

Artikolu 37(3)

Artikolu 37(4)

Artikolu 38

Artikolu 39

Artikolu 40(1)(a) sa (c)

Artikolu 11(4)(b)

Artikolu 40(1)(d)

Artikolu 40(2)

Artikolu 41

Artikolu 42

Artikolu 11(5)

Artikolu 43

Artikolu 11(2)(a)

Artikolu 44(a)

Artikolu 11(3)

Artikolu 44(b)

Artikolu 44(c)

Artikolu 45

Artikolu 46

Artikolu 47

Artikolu 14(1)

Artikolu 48(1)

Artikolu 14(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 48(2)

Artikolu 48(3) sa (5)

Artikolu 14(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 48(6)

Artikolu 14(3) sa (5)

Artikolu 48(7) sa (9)

Artikolu 49

Artikolu 13(1)

Artikolu 50

Artikolu 13(2)

 

 

Artikolu 51

Artikolu 52

Artikolu 53

Artikolu 54

Artikolu 55

Artikolu 56

Artikolu 57

Artikolu 58

Artikolu 20(11), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 59(1)

Artikolu 20(11), it-tieni subparagrafu

Artikolu 59(2)

Artikolu 20(11), it-tielet u r-raba' subparagrafi

 

Artikolu 21

Artikolu 60

Artikolu 61

Artikolu 62

Artikolu 63

Artikolu 22

Artikolu 64

Artikolu 65

Artikolu 66

Artikolu 67