ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 352

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 57
9 ta' Diċembru 2014


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) ( 1 )

1

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

9.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/1


REGOLAMENT (UE) Nru 1286/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta' Novembru 2014

dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)

L-investituri fil-livell tal-konsumatur qegħdin dejjem iżjed jiġu offruti varjetà wiesgħa prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) meta jikkunsidraw li jagħmlu investiment. Uħud minn dawn il-prodotti jipprovdu soluzzjonijiet speċifiċi ta’ investiment imfassla skont il-ħtiġijiet tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, spiss jiġu kkombinati ma’ kopertura tal-assigurazzjoni, jew jistgħu jkunu kumplessi u diffiċli biex jinftiehmu. Id-divulgazzjonijiet eżistenti għall-investituri fil-livell tal-konsumatur għal dawn il-PRIIPs mhumiex koordinati u spiss jonqsu milli jgħinu lill-investituri fil-livell tal-konsumatur biex iqabblu prodotti differenti, jew jifhmu l-karatteristiċi tagħhom. B’konsegwenza ta’ dan, l-investituri fil-livell tal-konsumatur spiss għamlu investimenti bla ma fehmu r-riskji u l-ispejjeż assoċjati, u f’xi każijiet sofrew telf mhux previst.

(2)

It-titjib tat-trasparenza tal-PRIIPs offruti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur huwa miżura importanti għall-protezzjoni tal-investituri u prekundizzjoni għall-bini mill-ġdid tal-fiduċja tal-investituri fil-livell tal-konsumatur fis-suq finanzjarju, b’mod partikolari wara l-kriżi finanzjarja. L-ewwel passi f’din id-direzzjoni diġà ttieħdu fil-livell tal-Unjoni permezz tal-iżvilupp tar-reġim tal-informazzjoni ewlenija għall-investitur stabbilit mid-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(3)

L-eżistenza ta’ regoli differenti dwar il-PRIIPs, li jvarjaw skont l-industrija li toffri l-PRIIPs u d-differenzi fir-regolamentazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam joħolqu kondizzjonijiet mhux ekwi bejn il-prodotti differenti u l-kanali tad-distribuzzjoni u joħolqu ostakli addizzjonali għas-suq intern fis-servizzi u l-prodotti finanzjarji. L-Istati Membri diġà ħadu azzjoni diverġenti u mhux koordinata biex jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-miżuri għall-protezzjoni tal-investituri u aktarx li dan l-iżvilupp ser ikompli. L-approċċi diverġenti għad-divulgazzjonijiet relatati mal-PRIIPs jimpedixxu l-iżvilupp ta’ kondizzjonijiet ekwi bejn il-manifatturi differenti tal-PRIIP u dawk li jagħtu pariri dwar dawn il-prodotti jew ibigħuhom, u għalhekk ifixklu l-kompetizzjoni u joħolqu. livelli mhux ekwi ta’ protezzjoni għall-investituri fl-Unjoni Dawn id-diverġenzi jirrappreżentaw ostaklu għall-istabbiliment u l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

(4)

Sabiex tiġi evitata d-diverġenza, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli uniformi dwar it-trasparenza fil-livell tal-Unjoni li japplikaw għall-parteċipanti kollha fis-suq tal-PRIIPs u b’hekk tiġi mtejba l-protezzjoni tal-investitur. Huwa meħtieġ regolament biex jiżgura li jiġi stabbilit standard komuni għad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija b’mod uniformi li jkun kapaċi jarmonizza l-format u l-kontenut ta’ dawk id-dokumenti. Ir-regoli direttament applikabbli ta’ regolament għandhom jiżguraw li dawk kollha li jagħtu pariri dwar il-PRIIPs jew ibigħuhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti uniformi fir-rigward tal-għoti tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija lill-investituri fil-livell tal-konsumatur. Dan ir-Regolament ma għandu l-ebda effett fuq is-superviżjoni tad-dokumenti ta’ reklamar. Barra minn hekk, ma għandu l-ebda effett fuq il-miżuri ta’ intervent tal-prodotti għajr għal dawk relatati ma’ prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni.

(5)

Filwaqt li t-titjib tad-divulgazzjonijiet relatati mal-PRIIPs huwa essenzjali għall-bini mill-ġdid tal-fiduċja tal-investituri fil-livell tal-konsumatur fis-swieq finanzjarji, il-proċessi ta’ bejgħ regolati b’mod effettiv għal dawk il-prodotti huma daqstant ieħor importanti. Dan ir-Regolament huwa komplementari għall-miżuri dwar id-distribuzzjoni fid-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Huwa wkoll komplementari għall-miżuri meħuda dwar id-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-assigurazzjoni fid-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(6)

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti kollha, irrispettivament mill-forma jew il-kostruzzjoni tagħhom, li huma mmanifatturati mill-industrija tas-servizzi finanzjarji biex jipprovdu opportunitajiet ta’ investiment għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, fejn l-ammont li jitħallas lura lill-investitur fil-livell tal-konsumatur huwa soġġett għal varjazzjoni minħabba skopertura fil-valuri referenzjarji, jew soġġett għall-prestazzjoni ta’ ass wieħed jew iżjed li ma jkunux mixtrija direttament mill-investitur fil-livell tal-konsumatur. Dawk il-prodotti għandhom ikunu magħrufin bħala PRIIPs għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinkludu, fost affarijiet oħrajn, prodotti ta’ investiment bħal pereżempju fondi ta’ investiment, polzi tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja b’element ta’ investiment, prodotti strutturati u depożiti strutturati. L-istrumenti finanzjarji maħruġin minn entitajiet bi skop speċjali li jkunu jikkonformaw mad-definizzjoni ta’ PRIIPs, għandhom jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fil-każ ta’ dawk il-prodotti kollha, l-investimenti mhumiex tat-tip dirett li jinkiseb meta l-assi nfushom jinxtraw jew tinkiseb parteċipazzjoni fihom. Minflok, dawn il-prodotti jinterċedu bejn l-investitur fil-livell tal-konsumatur u s-swieq permezz ta’ proċess ta’ "aggregazzjoni" jew ippakkettjar flimkien tal-assi sabiex jinħolqu skoperturi differenti, jiġu pprovduti karatteristiċi differenti lill-prodott, jew jinkisbu strutturi differenti tal-ispejjeż meta mqabbla ma’ parteċipazzjoni diretta. Din l-"aggregazzjoni" tista’ tippermetti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur jidħlu fi strateġiji ta’ investiment li altrimenti ma kinux ikunu aċċessibbli jew prattiċi, imma tista’ teħtieġ ukoll li ssir disponibbli informazzjoni addizzjonali, b’mod partikolari biex ikunu jistgħu jsiru paraguni bejn il-modi differenti ta’ investimenti aggregat.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li dan ir-Regolament japplika biss għal dawn il-PRIIPs, il-prodotti tal-assigurazzjoni li ma joffrux opportunitajiet ta’ investiment u d-depożiti li huma skoperti biss għal rati ta’ mgħax għandhom għalhekk ikunu esklużi mill-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament. Fil-każ ta’ prodotti tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja, it-terminu "kapital" ifisser kapital li jiġi investit fuq it-talba tal-investitur fil-livell tal-konsumatur. Barra minn hekk, kwalunkwe depożitu jew ċertifikat li jirrappreżenta depożiti tradizzjonali, minbarra depożiti strutturati kif definit fil-punt 43 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Assi b’parteċipazzjoni diretta, bħall-ishma tal-kumpanniji jew il-bonds sovrani, mhumiex PRIIPs, u għalhekk huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fondi ta’ investiment dedikati għall-investituri istituzzjonali għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament peress li mhumiex għall-bejgħ lil investituri fil-livell tal-konsumatur. Prodotti individwali u tal-pensjonijiet tax-xogħol, rikonoxxuti taħt il-liġi nazzjonali li għandhom bħala għan primarju li jipprovdu lill-investitur bi dħul wara li jirtira, għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi partikolari u l-objetttivi tagħhom, filwaqt li prodotti individwali oħrajn ta’ akkumulazzjoni tal-assigurazzjoni jew ta’ tfaddil li joffru opportunitajiet ta’ investiment għandhom jiġu koperti minn dan ir-Regolament.

(8)

Dan ir-Regolament ma jippreġudikax id-dritt tal-Istati Membri li jirregolaw l-għoti ta’ informazzjoni ewlenija rigward prodotti li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. F’konformità mal-mandat tagħhom għall-protezzjoni tal-konsumaturi skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l- Awtorità Bankarja Ewropea) (“ABE”), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (“EIOPA” u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (“AETS”) stabbiliti minn dawk ir-Regolamenti (“ASE”) għandhom jissorveljaw il-prodotti li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u, fejn adatt, għandhom joħorġu linji gwida biex jindirizzaw kwalunkwe problema li tiġi identifikata. Tali linji gwida għandhom jiġu kkunsidrati fl-analiżi, li għandha titwettaq erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, rigward l-estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-eliminazzjoni ta’ ċerti esklużjonijiet.

(9)

Sabiex tiġi pprovduta ċarezza dwar ir-relazzjoni bejn l-obbligi stabbiliti b’dan ir-Regolament u l-obbligi stabbiliti minn atti leġiżlattivi oħra li jeħtieġu l-għoti ta’ informazzjoni lill-investituri, inkluż iżda mhux limitat għad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), jeħtieġ li jiġi stabbilit li dawk l-atti leġiżlattivi jibqgħu japplikaw flimkien ma’ dan ir-Regolament.

(10)

Sabiex tiġi żgurata superviżjoni ordnata u effettiva tal-konformità tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għal dik is-superviżjoni. F’bosta każijiet, l-awtoritajiet kompetenti huma diġà maħtura biex jissuperviżjonaw obbligi oħrajn tal-manifatturi u l-bejjiegħa tal-PRIIPs jew dawk li jagħtu pariri dwarhom, li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi nazzjonali u dik tal-Unjoni.

(11)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu pprovduti, fuq talba tagħhom u anke ex ante, bl-informazzjoni neċessarja kollha biex jivverifikaw il-kontenut tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija, biex jivvalutaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament u biex jiżguraw il-protezzjoni tal-klijenti u l-investituri fis-swieq finanzjarji.

(12)

Il-manifatturi tal-PRIIP — bħall-amministraturi tal-fondi, l-impriżi tal-assigurazzjoni, l-istituzzjonijiet tal-kreditu jew id-ditti tal-investiment — għandhom ifasslu d-dokument bl-informazzjoni ewlenija għall-PRIIPs li jimmanifatturaw, peress li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex ikunu jafu l-prodott. Huma għandhom ukoll ikunu responsabbli għall-eżattezza tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija. Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jitfassal mill-manifattur tal-PRIIP qabel il-prodott ikun jista’ jinbiegħ lill-investituri fil-livell tal-konsumatur. Madankollu, fejn il-prodott ma jinbiegħx lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, ma għandux ikun hemm obbligu li jitfassal dokument bl-informazzjoni ewlenija, u fejn mhux prattiku għall-manifattur tal-PRIIP li jfassal id-dokument bl-informazzjoni ewlenija, għandu jibqa’ possibbli li dan il-kompitu jiġi ddelegat lil ħaddieħor. L-obbligi skont dan ir-Regolament li huma stipulati fid-dispożizzjonijiet dwar it-tfassil, u r-regoli dwar ir-reviżjoni tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandhom japplikaw biss għall-manifattur tal-PRIIP u għandhom jibqgħu japplikaw dment li l-PRIIP jiġi nnegozjat fi swieq sekondarji. Sabiex jiġi żgurat it-tixrid wiesa’ u d-disponibbiltà tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-pubblikazzjoni mill-manifattur tal-PRIIP ta’ dokumenti bl-informazzjoni ewlenija fuq is-sit elettroniku tiegħu.

(13)

Sabiex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar il-PRIIPs tkun preċiża, ġusta, ċara u li ma tiżgwidax lil dawk l-investituri fil-livell tal-konsumatur. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jistabbilixxi standards komuni għall-abbozzar tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija, sabiex jiżgura li dan ikun jinftiehem għall-investituri fil-livell tal-konsumatur. Minħabba d-diffikultajiet li ħafna mill-investituri fil-livell tal-konsumatur ikollhom biex jifhmu t-terminoloġija finanzjarja speċjalizzata, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-vokabolarju u l-istil tal-kitba użati fid-dokument. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll regoli dwar il-lingwa li biha għandu jitfassal id-dokument bl-informazzjoni ewlenija. Barra minn hekk, l-investituri fil-livell tal-konsumatur għandhom ikunu jistgħu jifhmu d-dokument bl-informazzjoni ewlenija fih innifsu mingħajr ma jirreferu għal informazzjoni oħra mhux ta’ kummerċjalizzazzjoni.

(14)

Meta jkunu qed jiżviluppaw l-istandards tekniċi għall-kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija sabiex ikunu jirriflettu b’mod preċiż il-politiki dwar l-investiment tal-prodott u l-objettivi tiegħu f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-ASEs għandhom jiżguraw li l-manifattur tal-PRIIP juża lingwa ċara u li tinftiehem, li hija aċċessibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur u li d-deskrizzjoni ta’ kif jinkisbu l-miri ta’ investiment, inkluża d-deskrizzjoni tal-istrumenti finanzjarji użati, tevita lingwaġġ u terminoloġija finanzjarji li ma jkunux ċari immedjatament għall-investituri fil-livell tal-konsumatur.

(15)

L-investituri fil-livell tal-konsumatur għandhom jingħataw l-informazzjoni meħtieġa biex huma jieħdu deċiżjoni infurmata dwar l-investiment u jipparagunaw il-PRIIPs differenti, imma jekk din l-informazzjoni ma tkunx qasira u konċiża jkun hemm ir-riskju li ma jużawhiex. Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu għalhekk ikun fih biss informazzjoni ewlenija, b’ mod partikolari fir-rigward tan-natura u l-karatteristiċi tal-prodott, inkluż jekk hux possibbli li jkun hemm telf tal-kapital, l-ispejjeż u l-profil tar-riskju tal-prodott, kif ukoll l-informazzjoni rilevanti dwar il-prestazzjoni, u ċerta informazzjoni speċifika oħra li tista’ tkun meħtieġa biex jinftiehmu l-karatteristiċi ta’ tipi ta’ prodott individwali.

(16)

Il-kalkolaturi tal-prodotti tal-investiment diġà qed jiġu żviluppati fil-livell nazzjonali. Madankollu, sabiex dawk il-kalkolaturi jkunu utli kemm jista’ jkun għall-konsumaturi huma għandhom ikopru l-ispejjeż u t-tariffi imposti mill-manifatturi diversi tal-PRIIP, flimkien ma’ kwalunkwe spejjeż jew miżati ulterjuri imposti minn intermedjarji jew partijiet oħrajn tal-katina tal-investiment, li ma jkunux inklużi diġà mill-manifatturi tal-PRIIPs. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar jekk dawk l-għodod humiex disponibbli online f’kull Stat Membru u jekk jipprevedux komputazzjonijiet affidabbli u preċiżi tal-ispejjeż u t-tariffi aggregati għall-prodotti kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(17)

Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jitfassal f’format standardizzat li jippermetti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur jipparagunaw il-PRIIPs differenti, peress li l-imġiba u l-kapaċitajiet tal-konsumatur huma tali li l-format, il-preżentazzjoni u l-kontenut tal-informazzjoni għandhom jiġu kkalibrati bir-reqqa sabiex jiġi mmassimizzat il-fehim u l-użu tal-informazzjoni. Għal kull dokument, għandha tiġi segwita l-istess ordni ta’ punti u intestaturi għal dawn l-elementi. Barra minn hekk, id-dettalji tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija għall-PRIIPs differenti u l-preżentazzjoni ta’ din l-informazzjoni għandhom jiġu armonizzati iżjed permezz ta’ standards tekniċi regolatorji li jikkunsidraw ir-riċerka eżistenti u kontinwa dwar l-imġiba tal-konsumaturi, inkluż ir-riżultati tal-ittestjar tal-effettività ta’ modi differenti ta’ kif tiġi ppreżentata l-informazzjoni lill-konsumaturi. Barra minn hekk, uħud mill-PRIIPs jagħtu għażla lill-investitur fil-livell tal-konsumatur bejn għadd ta’ investimenti sottostanti, bħall-fondi interni li għandhom l-impriżi ta’ assigurazzjoni. Dawk il-prodotti għandhom jitqiesu meta jitfassal il-format.

(18)

Peress li uħud mill-prodotti ta’ investiment fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mhumiex sempliċi u jistgħu jkunu diffiċli biex jifhmuhom l-investituri fil-livell tal-konsumatur, d-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jinkludi, fejn applikabbli, allert ta’ komprensjoni sabiex l-investitur fil-livell tal-konsumatur jiġi infurmat. Prodott għandu jitqies bħala mhux sempliċi u bħala diffiċli biex jinftiehem b’mod partikolari jekk jinvesti f’assi sottostanti li mhuwiex komuni li jsir investiment fihom mill-investituri fil-livell tal-konsumatur;, jekk juża għadd ta’ mekkaniżmi differenti biex jikkalkula r-redditu finali fuq l-investiment, li joħloq riskju akbar ta’ nuqqas ta’ fehim min-naħa tal-investitur fil-livell tal-konsumatur, jew jekk il-gwadanji tal-investiment jieħdu vantaġġ mill-preġudizzji fl-imġiba tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, bħal rata li tħajjar segwita minn rata kondizzjonali li tvarja u li tkun ħafna ogħla, jew formula iterattiva.

(19)

L-investituri fil-livell tal-konsumatur qegħdin ifittxu, dejjem iżjed, flimkien mar-redditi finanzjarji tal-investiment tagħhom, finijiet addizzjonali wkoll bħal għanijiet soċjali jew ambjentali. Madankollu, informazzjoni dwar ir-riżultati soċjali u ambjentali li jkun qed ifittex il-manifattur tal-PRIIP tista’ tkun diffiċli li tiġi pparagunata jew tista’ tkun nieqsa għal kollox. Għalhekk, żviluppi ambjentali u soċjali sostenibbli antiċipati fl-investimenti finanzjarji, kif ukoll l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) jistgħu jippermettu li tali aspetti deċiżivi jiġu integrati b’mod aktar adatt fil-liġi tal-Unjoni, kif ukoll jiġu imrawmin aktar minnha. Madankollu, ma hemmx kriterji stabbiliti u lanqas proċedura formali biex jiġu verifikati tali kriterji soċjali u ambjentali oġġettivament, kif jeżistu diġà fis-settur tal-ikel. Għalhekk, huwa mixtieq li fir-reviżjoni tagħha ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tikkunsidra bir-reqqa l-iżviluppi relatati mal-prodotti ta’ investiment soċjali u ambjentali u l-eżiti tar-reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 346/2013.

(20)

Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jkun distint u separat b’mod ċar minn kwalunkwe komunikazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni.

(21)

Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija tkun affidabbli, l-manifatturi tal-PRIIP għandhom jiġu rikjesti jżommu d-dokument bl-informazzjoni ewlenija aġġornat. Għal dak il-għan, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati relatati mal-kondizzjonijiet u l-frekwenza tal-analiżi tal-informazzjoni u r-reviżjoni tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija fl-istandards tekniċi regolatorji li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

(22)

Id-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija huma l-pedament tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment minn investituri fil-livell tal-konsumatur. Għal dik ir-raġuni, il-manifatturi tal-PRIIP għandhom responsabbiltà sinifikanti fir-rigward tal-investituri fil-livell tal-konsumatur li jiżguraw li huma ma jiżgwidawx u li mhumiex impreċiżi jew inkonsistenti mal-partijiet rilevanti tad-dokumenti kuntrattwali tal-PRIIP. Għaldaqstant huwa important li jiġi żgurat li l-investituri fil-livell tal-konsumatur ikollhom dritt ta’ rimedju effettiv. Għandu wkoll jiġi żgurat li l-investituri kollha fil-livell tal-konsumatur fl-Unjoni jkollhom l-istess dritt li jfittxu kumpens għal kwalunkwe dannu li sofrew minħabba li naqsu milli jirrispettaw l-obbligi f’dan ir-Regolament. Għalhekk ir-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili tal-manufatturi tal-PRIIP għandhom jiġu armonizzati. L-investituri fil-livell tal-konsumatur għandhom ikunu jistgħu jżommu lill-manufattur tal-PRIIP responsabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament fejn dannu soffrut minħabba affidabbiltà fuq dokument bl-informazzjoni ewlenija li li huwa inkonsistenti mad-dokumenti prekuntrattwali jew kuntrattwali, taħt il-kontroll tal-manifatturi tal-PRIIP jew li jiżgwida jew li mhux preċiż.

(23)

Kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltà ċivili ta’ manifattur tal-PRIIP li mhumiex koperti minn dan ir-Regolament, għandhom ikunu rregolati mil-liġi nazzjonali applikabbli. Il-qorti kompetenti biex tiddeċiedi dwar talba rigward responsabbiltà ċivili li titressaq minn investitur fil-livell tal-konsumatur għandha tkun iddeterminata mir-regoli rilevanti dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali.

(24)

Dan ir-Regolament ma jintroduċix passaport li jippermetti l-bejgħ jew il-kummerċjalizzazzjoni transkonfinali tal-PRIIPs lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, jew jibdel l-arranġamenti ta’ passaport eżistenti għall-bejgħ jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ PRIIPs b’mod transkonfinali, fejn dan ikun il-każ. Dan ir-Regolament ma jibdilx l-allokazzjoni ta’ responsabbiltajiet bejn dawn l-awtoritajiet kompetenti eżistenti taħt l-arranġamenti ta’ passaport eżistenti. L-Awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istati Membri għall-fini ta’ dan ir-Regolament għandhom għalhekk ikunu konsistenti ma’ dawk kompetenti għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ PRIIPs taħt passaport eżistenti, fejn dan ikun il-każ. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jiġi kkummerċjalizzat il-PRIIP għandha tkun responsabbli għas-superviżjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dik il-PRIIP. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jiġi kkummerċjalizzat il-prodott għandu dejjem ikollha d-dritt li tissospendi l-kummerċjalizzazzjoni tal-PRIIP fit-territorju tiegħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament.

(25)

Is-setgħat tal-EIOPA u tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jiġu komplementati b’mekkaniżmu espliċitu li jipprojbixxi jew jillimita l-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni u l-bejgħ ta’ kwalunkwe prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni li jġib miegħu tħassib serju rigward il-protezzjoni tal-investitur, il-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji, jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha, flimkien ma’ setgħat ta’ koordinazzjoni u kontinġenza xierqa għall-EIOPA. Dawk is-setgħat jirriflettu wkoll is-setgħat mogħtija lill-AETS u lill-ABE taħt ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), sabiex ikun żgurat li tali mekkaniżmi ta’ intervent ikunu jistgħu jiġu applikati għall-prodotti ta’ investiment kollha irrespettivament mill-forma legali tagħhom. L-eżerċizzju ta’ tali setgħat mill-awtoritajiet kompetenti u, f’każijiet eċċezzjonali, mill-EIOPA għandu jkun soġġett għall-ħtieġa li jiġu sodisfatti għadd ta’ kondizzjonijiet speċifiċi. Fejn dawk il-kondizzjonijiet jiġu sodisfatti, l-awtorità kompetenti jew, f’każijiet eċċezzjonali, l-EIOPA, għandha tkun tista’ timponi projbizzjoni jew restrizzjoni fuq bażi prekawzjonarja qabel ma jiġi kkummerċjalizzat, distribwit jew mibjugħ lill-investituri prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni. Dawk is-setgħat ma jimplikaw l-ebda obbligu għall-awtorità kompetenti jew għall-EIOPA, li jintroduċu jew japplikaw proċess ta’ approvazzjoni jew ta’ liċenzjar ta’ prodott, u lanqas ma jeħilsu lill-manifattur ta’ prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni mir-responsabbiltà tiegħu li jikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti kollha ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, dawk is-setgħat għandhom jintużaw esklużivament fl-interess pubbliku u m’għandhomx joħolqu responsabbiltà ċivili min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti.

(26)

Sabiex l-investitur fil-livell tal-konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-investiment, il-persuni li jagħtu pariri dwar il-PRIIPs jew ibigħuhom għandhom ikunu meħtieġa jipprovdu d-dokument bl-informazzjoni ewlenija fi żmien biżżejjed qabel ma tiġi konkluża kwalunkwe transazzjoni. Dan ir-rekwiżit għandu japplika irrispettivament minn fejn jew kif isseħħ it-transazzjoni. Madankollu, meta t-transazzjoni tkun permezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jista’ jiġi pprovdut immedjatament wara li tiġi konkluża t-transazzjoni dment li ma jkunx possibbli li d-dokument bl-informazzjoni ewlenija jiġi pprovdut minn qabel u l-investitur fil-livell tal-konsumatur jagħti l-kunsens. Il-persuni li jagħtu pariri dwar il-PRIIPs jew ibigħuhom jinkludu kemm l-entitajiet intermedjarji kif ukoll il-manifatturi tal-PRIIP innifishom fejn il-manifatturi tal-PRIIP jagħżlu li jagħtu pariri dwar il-PRIIPs jew ibigħuhom direttament lill-investituri fil-livell tal-konsumatur. Dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u għad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

(27)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli uniformi sabiex il-persuna li tagħti pariri dwar il-PRIIPs, jew tbigħhom tingħata ċerta għażla rigward il-mezz li bih id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jingħata lill-investituri fil-livell tal-konsumatur u li jippermettu l-użu ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fejn adatt meta jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi tat-transazzjoni. Madankollu, l-investituri fil-livell tal-konsumatur għandhom jingħataw l-għażla li jirċivuh stampat. Fl-interess tal-aċċess għall-informazzjoni mill-konsumatur, id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jingħata dejjem mingħajr ħlas.

(28)

Sabiex tiġi żgurata l-fiduċja tal-investituri fil-livell tal-konsumatur fil-PRIIPs u fis-swieq finanzjarji inġenerali, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti għal proċeduri interni xierqa li jiżguraw li l-investituri fil-livell tal-konsumatur jirċievu tweġiba sostantiva mingħand il-manifattur tal-PRIIP għall-ilmenti tagħhom.

(29)

Billi d-dokumentI bl-informazzjoni ewlenija għall-PRIIPS għandhom jiġu prodotti mill-entitajiet li joperaw fis-settur bankarju, tal-assigurazzjoni, tat-titoli u dak tal-fondi tas-swieq finanzjarji, huwa ta’ importanza kbira li tiġi żgurata l-kooperazzjoni bla xkiel bejn id-diversi awtoritajiet li jissorveljaw il-manifatturi tal-PRIIPs u l-persuni li jagħtu l-pariri dwar il-PRIIPs jew ibigħuhom sabiex ikollhom approċċ komuni għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(30)

F’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010 msejħa “Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji” u sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti stabbiliti ta’ dan ir-Regolament jiġu sodisfatti, huwa importanti li l-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-ksur ta’ dan ir-Regolament ikun soġġett għal penali amministrattivi u miżuri adatti. Sabiex jiġi żgurat li l-penali ikollhom effett dissważiv u tissaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri billi jiġu mwissija dwar il-PRIIPs ikkummerċjalizzati li jiksru dan ir-Regolament, is-sanzjonijiet u l-miżuri għandhom normalment jiġu ppubblikati, minbarra f’ċerti ċirkostanzi ddefiniti tajjeb.

(31)

Għalkemm l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli għal penali amministrattivi u kriminali dwar l-istess ksur, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu meħtieġa jistabbilixxu regoli għal penali amministrattivi għall-ksur ta’ dan ir-Regolament li huwa soġġett għal-liġi kriminali nazzjonali. F’konformità mal-liġi nazzjonali, l-Istati Membri mhumiex obbligati li jimponu kemm penali amministrattivi u kriminali għall-istess reat, iżda għandhom ikunu jistgħu jagħmlu dan jekk dan ikun permess mil-liġi nazzjonali tagħhom. Madankollu, iż-żamma ta’ penali kriminali minflok penali amministrattivi għall-ksur ta’ dan ir-Regolament ma għandhiex tnaqqas jew taffettwa b’xi mod ieħor il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jikkooperaw, jaċċedu u jiskambjaw informazzjoni fil-ħin mal-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, inkluż wara kwalunkwe riferiment tal-ksur rilevanti lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għal prosekuzzjoni kriminali.

(32)

Sabiex jiġu sodisfatti l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, is-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tad-dettalji tal-proċeduri użati biex jiġi stabbilit jekk PRIIP timmirax lejn objettivi ambjentali jew soċjali speċifiċi, u l-kondizzjonijiet għall-eżerċitar ta’ setgħat ta’ intervent mill-EIOPA u l-awtoritajiet kompetenti. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet opportuni matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha. Il-Kummissjoni meta twettaq u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, fil-ħin u adatta tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(33)

Il-Kummissjoni għandha tadotta abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji żviluppati minn ASE, permezz tal-Kumitat Konġunt, fir-rigward tal-preżentazzjoni u l-kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija, il-format standardizzati tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija, il-metodoloġija sottostanti l-preżentazzjoni tar-riskju u l-qligħ u l-kalkolazzjoni tal-ispejjeż, kif ukoll tal-kondizzjonijiet u l-frekwenza għar-reviżjoni tal-informazzjoni li tinsab fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija u l-kondizzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżit dwar l-għoti tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija lill-investituri fil-livell tal-konsumatur skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. Il-Kummissjoni għandha tikkumplimenta l-ħidma teknika tal-ASE billi twettaq ittestjar tal-konsumatur tal-preżentazzjoni tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija kif propost mill-ASE.

(34)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) tirregola l-ipproċessar tad-data personali mwettaq fl-Istati Membri fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) jirregola l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-AS E skont dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mwettaq fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, bħall-iskambju jew it-trasmissjoni ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għandu jitwettaq f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE u kwalunkwe skambju jew trasmissjoni ta’ informazzjoni mill-ASE għandu jitwettaq f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

(35)

Filwaqt li l-impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) tikkostitwixxi prodotti ta’ investiment fis-sens ta’ dan ir-Regolament, l-istabbiliment riċenti tar-rekwiżiti tal-informazzjoni ewlenija għall-investitur skont id-Direttiva 2009/65/KE ifisser li jkun proporzjonat li l-UCITS bħal dawn jingħataw perijodu tranżitorju ta’ ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament matul liema żmien ma jkunux soġġetti għal dan ir-Regolament. Wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu tranżitorju u fin-nuqqas ta’ estensjoni għalih, l-UCITS isiru soġġetti għal dan ir-Regolament. Dak il-perijodu tranżitorju għandu japplika għal kumpanniji amministrattivi, kumpanniji tal-investiment u persuni li jbigħu unitajiet ta’ fondi li mhumiex tal-UCITS, jew jagħtu pariri dwarhom meta Stat Membru japplika regoli dwar il-format u l-kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija, kif stabbilit fl-Artikoli 78 sa 81 tad-Direttiva 2009/65/KE, għal tali fondi.

(36)

L-analiżi ta’ dan ir-Regolament għandha titwettaq erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu sabiex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi tas-suq, bħall-ħolqien ta’ tipi ġodda ta’ PRIIPs, kif ukoll żviluppi f’oqsma oħra tal-liġi tal-Unjoni u l-esperjenzi tal-Istati Membri. Ir-reviżjoni għandha tivvaluta wkoll il-fattibbiltà, l-ispejjeż u l-benefiċċji possibbli li tiġi introdotta tikketta għal investimenti soċjali u ambjentali. Barra minn hekk, ir-reviżjoni għandha tivvaluta jekk il-miżuri introdotti tejbux il-fehim medju tal-investituri fil-livell tal-konsumatur dwar il-PRIIPs u l-paragunabbiltà tal-PRIIPs. Hija għandha tqis ukoll jekk il-perijodu tranżitorju li japplika għall-UCITS jew għal ċerti li mhumiex UCITS għandux jiġi estiż, jew jekk għandhomx jitqiesu alternattivi oħra għat-trattament ta’ dawn il-fondi. Barra minn hekk, hi għandha tivvaluta jekk l-eżenzjoni tal-prodotti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhiex tinżamm, fid-dawl tal-bżonnta’ standards tajbin għall-protezzjoni tal-konsumaturi inkluż il-paraguni bejn il-prodotti finanzjarji. Bħala parti mir-reviżjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq ukoll stħarriġ tas-suq biex tiddetermina jekk hemmx għodod ta’ kalkulaturi online disponibbli fuq is-suq li jippermettu lill-investitur fil-livell tal-konsumatur jgħodd l-ispejjeż u t-tariffi aggregati tal-PRIIPs u jekk dawk l-għodod humiex disponibbli mingħajr ħlas. Abbażi ta’ dik ir-reviżjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkompanjat, jekk ikun xieraq, bi proposti leġiżlattivi.

(37)

B’kont meħud tal-ħidma kontinwa li qed issir mill-EIOPA dwar ir-rekwiżiti dwar l-iżvelar tal-informazzjoni dwar il-prodotti għal prodotti ta’ pensjoni personali u b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet ta’ dawk il-prodotti, il-Kummissjoni, fi żmien erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandha tivvaluta jekk għandhiex tinżamm l-esklużjoni tal-prodotti tal-pensjoni li, taħt il-liġi nazzjonali, huma rikonoxxuti bħala li għandhom l-iskop ewlieni li jipprovdu lill-investitur bi dħul wara li jirtira, u li jintitolaw lill-investitur għal ċerti benefiċċji. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk dan ir-Regolament huwiex l-aħjar mekkaniżmu għall-iżvelar ta’ prodotti tal-pensjoni, jew jekk mekkaniżmi oħrajn ta’ żvelar jkunux aktar adatti.

(38)

Sabiex il-manifatturi tal-PRIIP u l-persuni li jagħtu parir dwar il-PRIIPs jew ibigħuhom jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju għall-applikazzjoni prattika tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, huwa ma għandux jibda japplika qabel sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(39)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(40)

Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-titjib fil-protezzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur u t-titjib tal-fiduċja tal-investituri fil-livell tal-konsumatur fil-PRIIPs, inkluż fejn dawn il-prodotti jinbiegħu b’mod transkonfinali, ma ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-effetti tagħhom jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(41)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta l-opinjoni tiegħu (17),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi dwar il-format u l-kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija li għandu jitfassal mill-manifatturi tal-PRIIP u dwar l-għoti tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija lill-investituri fil-livell tal-konsumatur sabiex jippermetti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur biex jifhmu u jipparagunaw il-karatteristiċi ewlenin u r-riskji tal-PRIIP.

Artikolu 2

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-manifatturi tal-PRIIP u l-persuni li jagħtu pariri dwar il-PRIIPs jew ibigħuhom.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal dawn il-prodotti li ġejjin:

(a)

il-prodotti ta’ assigurazzjoni li ma jkunux fuq il-ħajja, kif elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2009/138/KE;

(b)

il-kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja meta l-benefiċċji skont il-kuntratt ikunu jistgħu jitħallsu biss mal-mewt jew fir-rigward ta’ inkapaċità minħabba korriment, mard jew nuqqas ta’ saħħa;

(c)

depożiti għajr depożiti strutturati kif definiti fil-punt (43) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(d)

titoli kif imsemmija fil-punti (b) sa (g), (i) u (j) tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2003/71/KE;

(e)

prodotti tal-pensjoni li, skont il-liġi nazzjonali, ikun rikonoxxut li għandhom l-għan ewlieni li jipprovdu lill-investitur bi dħul wara li jirtira, u li jintitolaw lill-investitur għal ċerti benefiċċji;

(f)

l-iskemi għal pensjoni okkupazzjonali rikonoxxuti uffiċjalment li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) jew id-Direttiva 2009/138/KE;

(g)

il-prodotti tal-pensjoni individwali li għalihom, skont il-liġi nazzjonali, hija rikjesta kontribuzzjoni finanzjarja mill-impjegatur u fejn l-impjegatur jew l-impjegat ma jkollhom l-ebda għażla fir-rigward tal-prodott tal-pensjoni jew tal-fornitur.

Artikolu 3

1.   Fejn il-manifatturi tal-PRIIP soġġetti għal dan ir-Regolament huma wkoll soġġetti għad-Direttiva 2003/71/KE, dan ir-Regolament u d-Direttiva 2003/71/KE għandhom japplikaw it-tnejn.

2.   Fejn il-manifatturi tal-PRIIP soġġetti għal dan ir-Regolament huma wkoll soġġetti għad-Direttiva 2009/138/KE, dan ir-Regolament u d-Direttiva 2009/138/KE għandhom japplikaw it-tnejn.

Artikolu 4

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

"prodott aggregat ta’ investiment għall-konsumaturi" jew "PRIP" tfisser investiment, inklużi strumenti maħruġin minn strumenti ta’ għan speċjali kif definiti fil-punt (26) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE jew entitajiet ta’ titolizzazzjoni b’għan speċjali kif definiti fil-punt (an) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), fejn, minkejja l-forma legali tal-investiment, l-ammont li jitħallas lura lill-investitur fil-livell tal-konsumatur huwa soġġett għal varjazzjonijiet minħabba l-esponiment għall-valuri ta’ referenza jew għall-prestazzjoni ta’ assi wieħed jew aktar li ma jkunux direttament mixtrija mill-investitur fil-livell tal-konsumatur;

(2)

"prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni" tfisser prodott ta’ assigurazzjoni li joffri valur fil-maturità jew valur ta’ ċessjoni u meta dak il-valur fil-maturità jew dak il-valur ta’ ċessjoni ikunu kompletament jew parzjalment esposti, direttament jew indirettament, għall-varjazzjonijiet tas-suq;

(3)

"prodott aggregat ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni" jew "PRIIP" tfisser prodott li huwa wieħed minn, jew it-tnejn li ġejjin:

(a)

PRIP;

(b)

prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni;

(4)

"manifattur ta’ prodott aggregat ta’ investiment għall-konsumaturi bbażat fuq l-assigurazzjoni" jew "manifattur tal-PRIIP" tfisser:

(a)

kwalunkwe entità li timmanifattura PRIIPs;

(b)

kwalunkwe entità li tibdel PRIIP eżistenti inkluż, iżda mhux limitat għal, tibdil fil-profil tar-riskju jew tal-benefiċċji tiegħu jew l-ispejjeż assoċjati ma’ investiment fiPRIIP;

(5)

"persuna li tbiegħ PRIIP" tfisser persuna li toffri jew tikkonkludi kuntratt tal-PRIIP ma’ investitur fil-livell tal-konsumatur;

(6)

"investitur fil-livell tal-konsumatur" tfisser:

(a)

klijent fil-livell ta’ konsumatur kif definit fil-punt (11) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(b)

konsumatur fit-tifsira tad-Direttiva 2002/92/KE, fejn dak il-konsuatur ma jikkwalifikax bħala klijent professjonali kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(7)

"mezz dejjiemi" tfisser mezz dejjiemi kif definit fil-punt (m) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(8)

"awtoritajiet kompetenti" tfisser l-awtoritajiet nazzjonali maħtura minn Stat Membru biex jissorveljaw ir-rekwiżiti li dan ir-Regolament jimponi fuq il-manifatturi tal-PRIIP u l-persuni li jagħtu pariri dwar il-PRIIP, jew li jbigħuh.

KAPITOLU II

DOKUMENT BL-INFORMAZZJONI EWLENIJA

TAQSIMA I

Tfassil tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija

Artikolu 5

1.   Qabel ma PRIIP ikun disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, il-manifattur tal-PRIIP għandu jfassal dokument bl-informazzjoni ewlenija għal dak il-prodott f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u għandu jippubblika d-dokument fuq is-sit elettroniku tiegħu.

2.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ jirrikjedi n-notifika ex ante tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija mill-manifattur tal-PRIIP jew mill-persuna li tbigħ PRIIP lill-awtorità kompetenti għall-PRIIPs kummerċjalizzati f’dak l-Istat Membru.

TAQSIMA II

Forma u kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija

Artikolu 6

1.   Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jikkostitwixxi informazzjoni prekuntrattwali. Dan għandu jkun preċiż, ġust, ċar u ma jiżgwidax. Għandu jipprovdi informazzjoni ewlenija u għandu jkun konsistenti ma’ kwalunkwe dokument kuntrattwali vinkolanti, bil-partijiet rilevanti tad-dokumenti ta’ offerta u bit-termini u l-kundizzjonijiet tal-PRIIP.

2.   Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jkun dokument awtonomu, separat b’mod ċar mill-materjal tal-kummerċjalizzazzjoni. M’għandux ikun fih kontroreferenzi għal materjal ta’ kummerċjalizzazzjoni. Jista’ jkun fih kontroreferenzi għal dokumenti oħrajn inkluż prospectus fejn applikabbli, u biss fejn il-kontroreferenza hija relatata mal-informazzjoni rekwiżita li għandha tiġi inkluża fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija minn dan ir-Regolament.

3.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu fejn PRIIP joffri lill-investitur fil-livell tal-konsumatur varjetà ta’ għażliet għall-investimenti, b’tali mod li l-informazzjoni kollha rekwiżita fl-Artikolu 8(3) fir-rigward ta’ kull għażla ta’ investiment sottostanti ma tistax tiġi pprovduta ġewwa dokument waħdieni, konċiż u awtonomu, id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jipprovdi tal-anqas deskrizzjoni ġenerika tal-għażliet ta’ investiment sottostanti u jiddikjara fejn u kif tista’ tinstab dokumentazzjoni ta’ informazzjoni prekuntrattwali aktar iddettaljata relatata mal-prodotti ta’ investiment li jappoġġaw l-għażliet ta’ investiment sottostanti.

4.   Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jitfassal bħala dokument qasir li jkun miktub b’mod konċiż u li jkollu massimu ta’ tliet faċċati ta’ karta A4 meta stampat li jippromwovi l-paragunabbiltà. Huwa għandu jkun:

(a)

ippreżentat u strutturat b’mod li jkun faċli jinqara, bl-użu ta’ tipa ta’ daqs li tinqara;

(b)

iffukat fuq l-informazzjoni ewlenija li jeħtieġu l-investituri fil-livell tal-konsumatur;

(c)

espress b’mod ċar u miktub b’lingwaġġ u stil li jikkomunikaw b’mod li jiffaċilita l-fehim tal-informazzjoni, b’mod partikolari, f’lingwaġġ li jkun ċar, fil-qosor u jista’ jinftiehem.

5.   Jekk jintużaw kuluri fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija, dawn ma għandhomx inaqqsu l-komprensjonabbiltà tal-informazzjoni jekk id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jiġi stampat jew fotokopjat fl-iswed u l-abjad.

6.   Fejn il-marka korporattiva jew il-logo tal-manifattur tal-PRIIP jew tal-grupp li minnu jagħmel parti jintużaw fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija, dan ma għandux itellef lill-investitur fil-livell tal-konsumatur mill-informazzjoni li jkun hemm fid-dokument jew joskura t-test.

Artikolu 7

1.   Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jinkiteb bil-lingwi uffiċjali, jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali użati fil-parti tal-Istat Membru fejn jiġi distribwit il-PRIIP, jew b’lingwa oħra aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru, jew fejn ikun ġie miktub b’lingwa differenti, dan għandu jiġi tradott f’waħda minn dawn il-lingwi.

It-traduzzjoni għandha tirrifletti b’mod eżatt u preċiż il-kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija oriġinali.

2.   Jekk PRIIP jiġi promoss fi Stat Membru permezz ta’ dokumenti ta’ kummerċjalizzazzjoni miktubin b’lingwa uffiċjali waħda jew aktar ta’ dak l-Istat Membru, id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu tal-inqas jinkiteb bil-lingwi uffiċjali korrispondenti.

Artikolu 8

1.   It-titolu “Dokument bl-Informazzjoni Ewlenija” għandu jidher b’mod prominenti fuq in-naħa ta’ fuq tal-ewwel paġna tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija.

Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jiġi ppreżentat fis-sekwenza stipulata fil-paragrafi 2 u 3.

2.   Nota spjegattiva għandha tidher direttament taħt it-titolu tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija. Din għandha taqra:

"Dan id-dokument jipprovdilek informazzjoni ewlenija dwar dan il-prodott ta’ investiment. Dan mhuwiex materjal ta’ kummerċjalizzazzjoni. L-informazzjoni hija meħtieġa bil-liġi biex tgħinek tifhem in-natura, ir-riskji, l-ispejjeż, il-gwadanji u t-telf potenzjali ta’ dan il-prodott u biex tgħinek tipparagunah ma’ prodotti oħrajn.".

3.   Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jinkludi din l-informazzjoni li ġejja:

(a)

fil-bidu tad-dokument, l-isem tal-PRIIP, l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-manifattur tal-PRIIP, informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti tal-manifattur tal-PRIIP u d-data tad-dokument;

(b)

fejn applikabbli, allert ta’ komprensjoni li għandu jaqra: "Ser tixtri prodott li mhuwiex sempliċi u li jista’ jkun diffiċli li tifhmu.";

(c)

taħt taqsima bit-titolu "X’inhu dan il-prodott?", in-natura u l-karatteristiċi ewlenin tal-PRIIP, inkluż:

(i)

it-tip ta’ PRIIP;

(ii)

l-objettivi tiegħu u l-modi kif jinkisbu, b’mod partikolari jekk l-objettivi jinkisbux permezz ta’ esponiment dirett jew indirett għall-assi ta’ investiment sottostanti, inkluża deskrizzjoni tal-istrumenti sottostanti jew il-valuri ta’ referenza, inkluża speċifikazzjoni tas-swieq li l-PRIIP jinvesti fihom, inklużi, fejn applikabbli, l-objettivi ambjentali jew soċjali speċifiċi li l-prodott jimmira għalihom, kif ukoll kif jiġi determinat ir-redditu;

(iii)

deskrizzjoni tat-tip ta’ investituri fil-livell tal-konsumatur li lejh huwa intiż li jiġi kummerċjalizzat il-PRIIP, b’mod partikolari f’termini tal-kapaċità tiegħu li jkun jiflaħ għat-telf tal-investiment u l-orizzont tal-investiment;

(iv)

fejn il-PRIIP joffri benefiċċji tal-assigurazzjoni, id-dettalji ta’ dawk il-benefiċċji tal-assigurazzjoni, inklużi ċ-ċirkostanzi li joħolquhom;

(v)

it-terminu ta’ żmien tal-PRIIP, jekk magħruf;

(d)

taħt taqsima bit-titolu "X’inhuma r-riskji u x’nista’ niggwadanja?", deskrizzjoni fil-qasir tal-profil tar-riskji u l-gwadanji li jinkludi l-elementi li ġejjin:

(i)

indikatur sommarju tar-riskji, issupplementat minn spjegazzjoni narrattiva ta’ dak l-indikatur, il-limitazzjonijiet ewlenin tiegħu u spjegazzjoni narrattiva tar-riskji li huma materjalment rilevanti għall-PRIIP u li ma jinqabdux adegwatament mill-indikatur sommarju tar-riskji;

(ii)

it-telf massimu possibbli tal-kapital investit, inklużainformazzjoni dwar:

jekk l-investitur fil-livell tal-konsumatur jistax jitlef il-kapital investit kollu, jew

jekk l-investitur fil-livell tal-konsumatur huwiex fir-riskju li jsostni impenji jew obbligi finanzjarji addizzjonali, inkluż obbligazzjonijiet kontinġenti minbarra l-kapital investit fil-PRIIP; u

fejn applikabbli, jekk il-PRIIP jinkludix protezzjoni ta’ kapital kontra r-riskju tas-suq, u d-dettalji dwar il-kopertura u l-limitazzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward taż-żmien ta’ meta dan japplika;

(iii)

xenarji adatti tal-prestazzjoni, u l-preżunzjonijiet li saru biex dawn ġew prodotti;

(iv)

fejn applikabbli, informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet għar-redditi għall-investituri fil-livell tal-konsumatur jew limiti massimi ta’ prestazzjoni inkorporati;

(v)

dikjarazzjoni li l-leġiżlazzjoni tat-taxxa tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-investitur fil-livell tal-konsumatur jista’ jkollha impatt fuq l-iżborż innifsu;

(e)

taħt taqsima bit-titolu "X’jiġri jekk [l-isem tal-manifattur tal-PRIIP] ma jkunx jista’ jagħti żborż?", deskrizzjoni fil-qasir dwar jekk it-telf relatat ikunx kopert minn skema ta’ kumpens jew garanzija mill-investituru jekk ikun hekk, liema skema hi, l-isem tal-garanti u liema riskji huma koperti mill-iskema u liem mhumiex;

(f)

taħt it-taqsima bit-titolu "X’inhuma l-ispejjeż?", l-ispejjeż assoċjati mal-investiment fil-PRIIP, li jinkludu kemm l-ispejjeż diretti kif ukoll dawk indiretti li għandu jsostni l-investitur fil-livell tal-konsumatur, inkluż l-ispejjeż ta’ darba u dawk rikorrenti, ippreżentati permezz ta’ indikaturi sommarji ta’ dawn l-ispejjeż u, biex tkun żgurata l-paragunabbiltà, l-ispejjeż totali espressi f’termini monetarji u perċentwali, biex jintwerew l-effetti totali tal-ispejjeż fuq l-investiment.

Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jinkludi indikazzjoni ċara li dawk li jagħtu l-pariri, id-distributuri jew kwalunkwe persuna oħra li tagħti l-pariri jew tbiegħ il-PRIIP ser tipprovdi l-informazzjoni li tagħti d-dettalji dwar kwalunkwe spiża tad-distribuzzjoni li mhijiex diġà inkluża fl-ispejjeż speċifikati hawn fuq, sabiex l-investitur fil-livell tal-konsumatur ikun jista’ jifhem l-effett kumulattiv li dawn l-ispejjeż aggregati għandhom fuq ir-redditu tal-investiment.

(g)

taħt taqsima bit-titolu " Għal kemm għandi nżommu u nista’ nieħu l-flus qabel?"

(i)

fejn applikabbli, jekk hemmx żmien biex wieħed jerġa’ jaħsibha jew perijodu ta’ kanċellazzjoni għall-PRIIP;

(ii)

indikazzjoni tal-perijodu ta’ parteċipazzjoni minimu rakkomandat u, fejn applikabbli, meħtieġ;

(iii)

il-kapaċità li jsir kwalunkwe disinvestiment, u l-kondizzjonijiet għalih, qabel il-maturità, inkluż it-tariffi u l-penali applikabbli kollha, li jirrigwardjaw il-profil tar-riskji u tal-gwadanji tal-PRIIP u l-evoluzzjoni tas-suq li jimmira lejh;

(iv)

informazzjoni dwar il-konsegwenzi potenzjali jekk jittieħdu l-flus qabel tmiem it-terminu jew il-perijodu ta’ parteċipazzjoni rakkomandat, bħat-telf tal-protezzjoni tal-kapital jew miżati kontinġenti addizzjonali;

(h)

taħt it-taqsima bit-titolu "Kif nista’ nressaq ilment?", informazzjoni dwar kif u lil min l-investitur fil-livell tal-konsumatur jista’ jippreżenta lment dwar il-prodott jew l-imġiba tal-manifattur tal-PRIIP jew ta’ persuna li tagħti pariri dwar il-prodott jew tbigħu;

(i)

taħt taqsima bit-titolu "Informazzjoni rilevanti oħra", indikazzjoni fil-qasir ta’ kwalunkwe dokument ta’ informazzjoni addizzjonali li għandu jkun ipprovdut lill-investitur fil-livell tal-konsumatur fi stadju prekuntrattwali jew/u postkuntrattwali, eskluż kwalunkwe materjal ta’ kummerċjalizzazzjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati f’konformità mal-Artikolu 30, billi tispeċifika d-dettalji tal-proċeduri użati biex jiġi stabbilit jekk PRIIP ikunx jimmira lejn objettivi ambjentali jew soċjali speċifiċi.

5.   Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-ASEgħandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ("Kumitat Konġunt"), jiżviluppaw abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a)

id-dettalji tal-preżentazzjoni u l-kontenut ta’ kull wieħed mill-elementi tal-informazzjoni msemmi fil-paragrafu 3;

(b)

il-metodoloġija li hi l-bażi tal-preżentazzjoni tar-riskji u l-benefiċċji kif imsemmi fil-punt (d) (i) u (iii) tal-paragrafu 3; u

(c)

il-metodoloġija għall-kalkolu tal-ispejjeż, inkluża l-ispeċifikazzjoni tal-indikaturi sommarji, kif imsemmi fil-punt (f) tal-paragrafu 3.

Waqt li jkunu qed jiżviluppaw l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji l-ASE għandhom jikkunsidraw id-diversi tipi ta’ PRIIPs, id-differenzi bejniethom u l-kapaċitajiet tal-investituri fil-livell tal-konsumatur kif ukoll il-karatteristiċi tal-PRIIPs sabiex jippermettu li l-investitur fil-livell tal-konsumatur jagħżel bejn investimenti sottostanti differenti jew għażliet oħra li joffri l-prodott, inkluż fejn din l-għażla tista’ sseħħ f’punti taż-żmien differenti, jew fejn tista’ tinbidel fil-futur.

L-ASE għandhom jissottomettu dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 9

Il-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni li fihom informazzjoni speċifika relatata mal-PRIIP ma għandhom jinkludu l-ebda dikjarazzjoni li tikkontradixxi l-informazzjoni li tinsab fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija jew li tnaqqas is-sinifikat tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija. Il-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni għandhom jindikaw li d-dokument bl-informazzjoni ewlenija huwa disponibbli u jipprovdu informazzjoni dwar kif dan jista’ jinkiseb u minn fejn, inkluż is-sit elettroniku tal-manifattur tal-PRIIP.

Artikolu 10

1.   Il-manifattur tal-PRIIP għandu janalizza l-informazzjoni li tinsab fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija b’mod regolari u għandu jirrevedi d-dokument fejn l-analiżi tindika li hemm bżonn isir tibdil. Il-verżjoni riveduta għandha ssir disponibbli fil-pront.

2.   Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-ASE għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt, jiżviluppaw abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a)

il-kondizzjonijiet li taħtu għandu jiġi rivedut id-dokument bl-informazzjoni ewlenija;

(b)

il-kondizzjonijiet li taħthom l-informazzjoni inkluża fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandha tiġi riveduta;

(c)

il-kondizzjonijiet speċifiċi li taħthom għandha tiġi analizzata l-informazzjoni li fih id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jew għandu jiġi rivedut id-dokument bl-informazzjoni ewlenija meta PRIIP ikun disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur b’mod mhux kontinwu;

(d)

iċ-ċirkostanzi li fihom l-investituri fil-livell tal-konsumatur għandhom jiġu infurmati rigward dokument rivedut bl-informazzjoni ewlenija għal PRIIP mixtri minnhom, kif ukoll il-mezzi li bihom l-investituri fil-livell tal-konsumatur għandom jiġu infurmati.

L-ASE għandhom jippreżentaw dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2015.

Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu hija mogħtija lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 11

1.   Il-manifattur tal-PRIIP ma għandux isostni responsabbiltà ċivili abbażi tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija biss, inkluż kwalunkwe traduzzjoni tiegħu, sakemm ma joħloqx disgwid, ma jkunx preċiż jew ikun inkonsistenti mal-partijiet rilevanti tad-dokumenti prekuntrattwali jew kuntrattwali legalment vinkolanti jew mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8.

2.   Investitur fil-livell tal-konsumatur li juri telf li jirriżulta minn-dipendenza fuq dokument bl-informazzjoni ewlenija fiċ-ċirkostanzi imsemmija fil-paragrafu 1, meta jkun qed isir investiment fil-PRIIP li għalih dak id-dokument bl-informazzjoni ewlenija kien prodott, jista’ jitlob riżarċiment tad-dannu mill-manifattur tal-PRIIP għal dak it-telf f’konformità mal-liġi nazzjonali.

3.   Elementi bħal "telf" jew "dannu" kif msemmija fil-paragrafu 2 li mhumiex definiti għandhom jiġu interpretati u applikati f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli kif determinat mir-regoli rilevanti ta’ liġi internazzjonali privata.

4.   Dan l-Artikolu ma jeskludix talbiet ulterjuri għar-riżarċiment tad-dannu għal responsabbiltà ċivili f’konformità mal-liġi nazzjonali.

5.   L-obbligi taħt dan l-Artikolu ma għandhomx ikunu limitati jew revokati bi klawsoli kuntrattwali.

Artikolu 12

Fejn id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jikkonċerna kuntratt ta’ assigurazzjoni, l-obbligi tal-impriżi tal-assigurazzjoni taħt dan ir-Regolament huma biss lejn id-detentur tal-polza tal-kuntratt tal-assigurazzjoni u mhux lejn il-benefiċjarju tal-kuntratt tal-assigurazzjoni.

TAQSIMA III

Għoti tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija

Artikolu 13

1.   Persuna li tagħti pariri dwar PRIIP jew li tbigħu, għandha tipprovdi lill-investituri fil-livell tal-konsumatur bid-dokument bl-informazzjoni ewlenija fi żmien adegwat qabel ma dawk l-investituri fil-livell tal-konsumatur jintrabtu bi kwalunkwe kuntratt jew offerta relatata mal-PRIIP.

2.   Persuna li tagħti pariri dwar PRIIP jew li tbigħu tista’ tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 1 billi tipprovdi d-dokument bl-informazzjoni ewlenija lil persuna b’awtorità bil-miktub li tagħmel deċiżjonijiet ta’ investiment f’isem l-investitur fil-livell tal-konsumatur fir-rigward ta’ transazzjonijiet konklużi taħt dik l-awtorità bil-miktub.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1 u soġġett għall-Artikolu 3(1), il-punt (a) tal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/65/KE, persuna li tbigħ PRIIP tista’ tipprovdi d-dokument bl-informazzjoni ewlenija lill-investitur fil-livell tal-konsumatur wara l-konklużjoni tat-transazzjoni, mingħajr dewmien mhux dovut, fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-investitur fil-livell tal-konsumatur jagħżel, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, li jikkuntattja lill-persuna li tbigħ il-PRIIP u jikkonkludi t-transazzjoni permezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod;

(b)

l-għoti tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jkunx possibbli;

(c)

il-persuna li tagħti parir dwar PRIIP jew li tbigħu tkun informat lill-investitur fil-livell tal-konsumatur li l-għoti tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija mhux possibbli u tkun iddikjarat biċ-ċar li l-investitur fil-livell tal-konsumatur jista’ jipposponi t-transazzjoni sabiex jirċievi u jaqra d-dokument bl-informazzjoni ewlenija qabel ma jikkonkludi t-transazzjonijiet;

(d)

l-investitur fil-livell tal-konsumatur jagħti l-kunsens li jirċievi d-dokument bl-informazzjoni ewlenija mingħajr dewmien mhux dovut wara l-konklużjoni tat-transazzjoni, pjuttost milli jipposponi t-transazzjoni sabiex jirċievi d-dokument minn qabel.

4.   Fejn jitwettqu transazzjonijiet suċċessivi fir-rigward tal-istess PRIIP f’isem investitur fil-livell tal-konsumatur f’konformità mal-istruzzjonijiet mogħtija minn dak l-investitur fil-livell tal-konsumatur lill-persuna li qed tbigħ il-PRIIP qabel l-ewwel transazzjoni, l-obbligu li jiġi pprovdut dokument bl-informazzjoni ewlenija skont il-paragrafu 1 għandu japplika biss għall-ewwel transazzjoni, u għall-ewwel transazzjoni wara li d-dokument bl-informazzjoni ewlenija jkun ġie rivedut f’konformità mal-Artikolu 10.

5.   Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-ASE għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt, jiżviluppaw abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kondizzjonijiet biex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit li jiġi pprovdut id-dokument bl-informazzjoni ewlenija kif stabbilit fil-paragrafu 1.

L-ASE għandhom jippreżentaw dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2015.

Qiegħda tiġi delegata setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 14

1.   Il-persuna li tagħti pariri dwar PRIIP jew li tbigħu, għandha tipprovdi d-dokument bl-informazzjoni ewlenija lill-investituri fil-livell tal-konsumatur mingħajr ħlas.

2.   Il-persuna li tagħti pariri dwar PRIIP jew li tbigħu, għandha tipprovdi d-dokument bl-informazzjoni ewlenija lill-investitur fil-livell tal-konsumatur b’wieħed mill-mezzi li ġejjin:

(a)

stampat, li għandha tkun l-għażla awtomatika fejn il-PRIIP ikun offrut fuq bażi ta’ wiċċ imb’wiċċ, dment li l-investitur fil-livell tal-konsumatur ma jitlobx mod ieħor;

(b)

bl-użu ta’ mezz durabbli għajr dak stampat, fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4; jew

(c)

permezz ta’ sit elettroniku fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5.

3.   Fejn id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jiġi pprovdut bl-użu ta’ mezz durabbli għajr dak stampat jew permezz ta’ sit elettroniku, għandha tingħata kopja stampata lill-investituri fil-livell ta’ konsumatur fuq talba u mingħajr ħlas. L-investituri fil-livell tal-konsumatur għandhom jiġu infurmati rigward id-dritt tagħhom li jitolbu kopja stampata mingħajr ħlas.

4.   Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jista’ jiġi pprovdut bl-użu ta’ mezz durabbli għajr dak stampat jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-użu tal-mezz durabbli huwa xieraq fil-kuntest tan-negozju mwettaq bejn il-persuna li tagħti pariri dwar PRIIP jew li tbigħu u l-investitur fil-livell tal-konsumatur; u

(b)

l-investitur fil-livell tal-konsumatur ikun ingħata l-għażla bejn l-informazzjoni stampata u bil-mezz durabbli, u jkun għażel dak il-mezz l-ieħor b’mod li jista’ jingħata evidenza tiegħu.

5.   Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jista’ jiġi pprovdut permezz ta’ sit elettroniku li ma jissodisfax id-definizzjoni ta’ mezz durabbli jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-għoti tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija permezz ta’ sit elettroniku ikun xieraq fil-kuntest tan-negozju li jkun qed isir bejn il-persuna li tagħti pariri dwar PRIIP jew li tbigħu u l-investitur fil-livell tal-konsumatur;

(b)

l-investitur fil-livell tal-konsumatur ikun ingħata l-għażla bejn l-informazzjoni stampata u permezz ta’ sit elettroniku u jkun għażel dan tal-aħħar b’mod li tista’ tingħata prova tiegħu;

(c)

l-investitur fil-livell tal-konsumatur ikun ġie nnotifikat b’mod elettroniku, jew f’forma bil-miktub, bl-indirizz tas-sit elettroniku, u bil-post fis-sit elettroniku minn fejn jista’ jaċċessa d-dokument bl-informazzjoni ewlenija;

(d)

id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jibqa’ aċċessibbli fis-sit elettroniku, ikun jista’ jitniżżel u jiġi maħżun f’mezz durabbli, għal perijodu ta’ żmien li jista’ jkun meħtieg biex l-investitur fil-livell tal-konsumatur jikkonsultah.

Fejn id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jkun ġie rivedut skont l-Artikolu 10, il-verżjonijiet preċedenti għandhom ukoll jingħataw fuq it-talba tal-investitur fil-livell tal-konsumatur.

6.   Għall-finijiet tal-paragrafi 4 u 5, l-għoti tal-informazzjoni bl-użu ta’ mezz durabbli għajr dak stampat jew permezz ta’ sit elettroniku għandu jitqies xieraq fil-kuntest tan-negozju mwettaq bejn il-persuna li tagħti pariri dwar PRIIP jew li tbigħ PRIIP u l-investitur fil-livell ta’ konsumatur, jekk ikun hemm prova li l-investitur fil-livell ta’ konsumatur għandu aċċess regolari għall-internet. L-għoti ta’ indirizz elettroniku min-naħa tal-investitur fil-livell ta’ konsumatur għall-finijiet ta’ dak in-negozju għandu jitqies bħala tali prova.

KAPITOLU III

MONITORAĠĠ TAS-SUQ U SETGĦAT TA’ INTERVENT TAL-PRODOTT

Artikolu 15

1.   F’konformità mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, l-EIOPA għandha timmonitorja s-suq għall-prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni li huma kummerċjalizzati, imqassma jew mibjugħa fl-Unjoni.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jimmonitorjaw is-suq għal prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni li huma kumerċjalizzati, imqassma jew mibjugħa fl-Istat Membru tagħhom jew minnu.

Artikolu 16

1.   Skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, l-EIOPA tista’, meta l-kondizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jkunu ssodisfati, temporanjament tipprojbixxi jew tirrestrinġi fl-Unjoni:

(a)

il-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta’ ċerti prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni jew prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni b’ċerti karatteristiċi speċifikati; jew

(b)

tip ta’ attività finanzjarja jew prassi ta’ impriża ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni.

Projbizzjoni jew restrizzjoni tista’ tapplika f’ċirkostanzi, jew tkun soġġetta għal eċċezzjonijiet, speċifikati mill-EIOPA.

2.   L-EIOPA għandha tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 1 fil-każ biss li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-azzjoni proposta tindirizza tħassib sinifikanti dwar il-protezzjoni tal-investitur jew theddida għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni;

(b)

ir-rekwiżiti regolatorji skont il-liġi tal-Unjoni li huma applikabbli għall-prodott jew l-attività ta’ investiment ibbażata fuq l-assigurazzjoni rilevanti ma jindirizzawx it-theddida;

(c)

awtorità jew awtoritajiet kompetenti ma jkunux ħadu azzjoni sabiex jindirizzaw it-theddida jew l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu ma jindrizzawx it-theddida b’mod adegwat.

Meta l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu jkunu ġew issodisfati, l-EIOPA tista’ timponi l-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fuq bażi prekawzjonarja qabel prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni ma jkun ġie kkumerċjalizzat jew mibjugħ lill-investituri.

3.   Meta tieħu azzjoni skont dan l-Artikolu, l-EIOPA għandha tiżgura li l-azzjoni:

(a)

ma jkollhiex effett negattiv fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji jew fuq l-investituri li jkun sproporzjonat għall-benefiċċji tal-azzjoni; jew

(b)

ma toħloqx riskju ta’ arbitraġġ regolatorju.

Fejn awtorità jew awtoritajiet kompetenti jkunu ħadu miżura skont l-Artikolu 17, l-EIOPA tista’ tieħu kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mingħajr ma toħroġ l-opinjoni prevista fl-Artikolu 18.

4.   Qabel ma tiddeċiedi li tieħu kwalunkwe azzjoni skont dan l-Artikolu, l-EIOPA għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bl-azzjoni li qed tipproponi.

5.   L-EIOPA għandha tippubblika fis-sit elettroniku tagħha avviż dwar kwalunkwe deċiżjoni li tieħu kwalunkwe azzjoni skont dan l-Artikolu. L-avviż għandu jispeċifika d-dettalji tal-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni u jispeċifika żmien wara l-pubblikazzjoni tal-avviż minn meta ser jidħlu fis-seħħ il-miżuri. Projbizzjoni jew restrizzjoni għandha tapplika biss għal azzjoni meħuda wara li l-miżuri jidħlu fis-seħħ.

6.   L-EIOPA għandha tirrevedi projbizzjoni jew restrizzjoni imposta skont il-paragrafu 1 f’intervalli xierqa u tal-inqas kull tliet xhur. Jekk il-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni ma tiġġeddidx wara dak il-perijodu ta’ tliet xhur, din għandha tiskadi.

7.   L-azzjoni adottata mill-EIOPA skont dan l-Artikolu għandha tipprevali fuq kwalunkwe azzjoni preċedenti meħuda minn awtorità kompetenti.

8.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 30 li jispeċifikaw il-kriterji u l-fatturi li għandu jittieħed kont tagħhom mill-EIOPA meta tiddetermina meta jkun hemm tħassib sinifikanti dwar il-protezzjoni tal-investitur jew theddida għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha tal-Unjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2.

Dawk il-kriterji u l-fatturi għandhom jinkludu:

(a)

il-livell ta’ kumplessità tal-prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni u r-relazzjoni għat-tip ta’ investitur li għalih huwa kkummerċjalizzat u lilu mibjugħ;

(b)

id-daqs jew il-valur nozzjonali tal-prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni;

(c)

il-livell ta’ innovazzjoni tal- prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, attività jew prassi; u

(d)

il-lieva li prodott jew prassi jipprovdu.

Artikolu 17

1.   Awtorità kompetenti tista’ tipprojbixxi jew tirrestrinġi s-segwenti fl-Istat Membru tagħha jew minnu:

(a)

il-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta’ prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni jew prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni b’ċerti karatteristiċi speċifikati; jew

(b)

tip ta’ attività finanzjarja jew prassi ta’ impriża ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni.

2.   Awtorità kompetenti tista’ tieħu l-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jekk tkun sodisfatta fuq bażi raġonevoli li:

(a)

prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, jew attività jew prassi joħolqu tħassib sinifikanti dwar il-protezzjoni tal-investitur jew huma ta’ theddida għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha f’tal-anqas Stat Membru wieħed;

(b)

ir-rekwiżiti regolatorji eżistenti skont il-liġi tal-Unjoni applikabbli għall-prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, jew attività jew prassi ma jindirizzawx biżżejjed ir-riskji msemmija fil-punt (a) u l-kwistjoni ma tkunx indirizzata aħjar permezz ta’ superviżjoni jew infurzar imtejba tar-rekwiżiti eżistenti;

(c)

l-azzjoni hija proporzjonata b’kont meħud tan-natura tar-riskji identifikati, il-livell ta’ sofistikazzjoni tal-investituri jew tal-parteċipanti tas-suq konċernati u l-effett probabbli tal-azzjoni fuq l-investituri u l-parteċipanti tas-suq li jista’ jkollhom, jużaw jew jibbenefikaw mill-prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, jew attività jew prassi ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni;

(d)

l-awtorità kompetenti kkonsultat kif xieraq l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra li jistgħu jkunu affettwati b’mod sinifikanti mill-azzjoni; u

(e)

l-azzjoni ma għandhiex effett diskriminatorju fuq is-servizzi jew l-attivitajiet forniti minn Stat Membru ieħor.

Fejn il-kondizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu jkunu ssodisfati, l-awtorità kompetenti tista’ timponi l-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fuq bażi prekawzjonarja qabel ma prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni jkun ġie kkumerċjalizzat jew mibjugħ lill-investituri. Projbizzjoni jew restrizzjoni tista’ tapplika f’ċirkostanzi, jew tkun soġġetta għal eċċezzjonijiet, speċifikati mill-awtorità kompetenti.

3.   L-awtorità kompetenti ma għandhiex timponi projbizzjoni jew restrizzjoni skont dan l-Artikolu sakemm, sa mhux inqas minn xahar qabel ma jkun maħsub li l-miżura tidħol fis-seħħ, ma tkunx innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kollha u lill-EIOPA bil-miktub jew permezz ta’ mezz ieħor miftiehem bejn l-awtoritajiet dwar id-dettalji ta’:

(a)

il-prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, jew attività jew jew prassi ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni li l-azzjoni proposta hija relatata magħhom;

(b)

in-natura preċiża tal-projbizzjoni jew tar-restrizzjoni proposta u meta huwa maħsub li tidħol fis-seħħ; u

(c)

l-evidenza li fuqha bbażat id-deċiżjoni tagħha u li permezz tagħha hija sodisfatta li ġew issodisfati l-kondizzjonijiet kollha fil-paragrafu 2.

4.   F’każijiet eċċezzjonali fejn l-awtorità kompetenti tqis li jkun jeħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti skont dan l-Artikolu sabiex ikun evitat li jsir dannu minħabba l-prodotti, il-prassi jew l-attivitajiet ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, attivitajiet jew prassi msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tista’ tieħu azzjoni fuq bażi proviżorja b’avviż bil-miktub sa mhux anqas minn 24 siegħa qabel ma jkun maħsub li l-miżura tidħol fis-seħħ, lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kollha u lill-EIOPA, dment li l-kriterji kollha f’dan l-Artikolu jiġu ssodisfati u li, barra minn hekk, jiġi stabbilit b’mod ċar li perijodu ta’ notifika ta’ xahar ma jindirizzax it-tħassib jew theddida speċifika b’mod adegwat. L-awtorità kompetenti ma għandhiex tieħu azzjoni fuq bażi proviżorja għal perijodu li jaqbeż it-tliet xhur.

5.   L-awtorità kompetenti għandha tippubblika fuq is-sit elettroniku tagħha avviż dwar kwalunkwe deċiżjoni li timponi xi projbizzjoni jew restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Dak l-avviż għandu jispeċifika d-dettalji tal-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni, id-data wara l-pubblikazzjoni tal-avviż li minnha jidħlu fis-seħħ il-miżuri u l-evidenza li turi li hija sodisfatta li ġew issodisfati l-kondizzjonijiet kollha tal-paragrafu 2. Il-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni għandha tapplika biss fir-rigward ta’ azzjoni li tittieħed wara l-pubblikazzjoni tal-avviż.

6.   L-awtorità kompetenti għandha tirrevoka projbizzjoni jew restrizzjoni jekk il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 2 ma jibqgħux japplikaw.

7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 30 li jispeċifikaw il-kriterji u l-fatturi li għandu jittieħed kont tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti meta jiddeterminaw meta jkun hemm tħassib sinifikanti dwar il-protezzjoni tal-investitur jew theddida għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja f’tal-anqas Stat Membru wieħed imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2.

Dawk il-kriterji u l-fatturi għandhom jinkludu:

(a)

il-livell ta’ kumplessità ta’ prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni u r-relazzjoni għat-tip ta’ investitur li għalih huwa kkummerċjalizzat u lilu mibjugħ;

(b)

il-livell ta’ innovazzjoni ta’ prodott ta’ investimentbbażat fuq l-assigurazzjoni, attività jew prassi;

(c)

il-lieva li prodott jew prassi jipprovdu;

(d)

b’rabta mal-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji, id-daqs jew il-valur nozzjonali ta’ prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni.

Artikolu 18

1.   L-EIOPA għandha twettaq rwol ta’ faċilitazzjoni u koordinazzjoni fir-rigward tal-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 17. B’mod partikolari, l-EIOPA għandha tiżgura li l-azzjoni meħuda minn awtorità kompetenti tkun ġustifikata u proporzjonata u li fejn xieraq jittieħed approċċ konsistenti mill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Wara li tirċievi notifika skont l-Artikolu 17 dwar kwalunkwe azzjoni li ser tiġi imposta skont dak l-Artikolu, l-EIOPA għandha tadotta opinjoni dwar jekk il-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni hijiex ġustifikata u proporzjonata. Jekk l-EIOPA tikkunsidra li awtoritajiet kompetenti oħra jeħtieġ jieħdu miżuri sabiex jiġi indirizzat ir-riskju, għandha tiddikjara dan fl-opinjoni tagħha. L-opinjoni għandha tiġi ppubblikata fis-sit elettroniku tal-EIOPA.

3.   Fejn awtorità kompetenti tipproponi li tieħu, jew tieħu, azzjoni li tmur kontra opinjoni adottata mill-EIOPA skont il-paragrafu 2 jew ma taċċettax li tieħu azzjoni kontra tali opinjoni, għandha tippubblika minnufih fis-sit elettroniku tagħha avviż li jispjega bis-sħiħ ir-raġunijiet għaliex għamlet dan.

KAPITOLU IV

ILMENTI, RIMEDJU, KOOPERAZZJONI U SUPERVIŻJONI

Artikolu 19

Il-manifattur tal-PRIIP u l-persuna li tagħti parir dwar PRIIP, jew li tbigħu, għandhom jistabbilixxu proċeduri u arranġamenti xierqa li jiżguraw li:

(a)

l-investituri fil-livell ta’ konsumatur ikollhom mod effettiv kif jissottomettu lment kontra l-manifattur tal-PRIIP;

(b)

l-investituri fil-livell ta’ konsumatur li jkunu ssottomettew ilment fir-rigward tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija jirċievu tweġiba sostantiva fil-waqt u b’mod xieraq; u

(c)

proċeduri effettivi ta’ rimedju huma disponibbli wkoll għall-investituri fil-livell ta’ konsumatur fil-każ ta’ tilwim transkonfinali, b’mod partikolari meta l-manifattur tal-PRIIP ikun jinsab fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz.

Artikolu 20

1.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u, mingħajr dewmien mhux dovut, jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni li tkun rilevanti għall-finijiet tat-twettiq ta’ dmirijiethom skont dan ir-Regolament u filwaqt li jużaw is-setgħat tagħhom.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, ikollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament.

Artikolu 21

1.   L-Istati Membri għandhom japplikaw id-Direttiva 95/46/KE għall-ipproċessar tad-data personali mwettaq f’dak l-Istat Membru skont dan ir-Regolament.

2.   Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandu japplika għall-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill-ASE.

KAPITOLU V

PENALI AMMINISTRATTIVI U MIŻURI OĦRA

Artikolu 22

1.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti u d-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jistipulaw regoli li jistabbilixxu s-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi adatti applikabbli f’sitwazzjonijiet li jikkostitwixxu ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk is-sanzjonijiet u l-miżuri għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għal sanzjonijiet amministrattivi kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu għal ksur li jkun soġġett għal sanzjonijiet kriminali taħt il-liġi nazzjonali tagħhom.

Sal-31 ta’ Diċembru 2016 l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konġunt. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konġunt mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

2.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom fl-Artikolu 24, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li s-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi jipproduċu r-riżultati mfittxija minn dan ir-Regolament u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom sabiex jevitaw il-possibbiltà ta’ xogħol doppju u duplikazzjoni meta japplikaw s-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi f’każijiet transkonfinali.

Artikolu 23

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom li jimponu sanzjonijiet, f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-liġi nazzjonali fi kwalunkwe wieħed mill-mezzi li ġejjin:

(a)

direttament;

(b)

f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra;

(c)

taħt ir-responsabbiltà tagħhom b’delega lil tali awtoritajiet;

(d)

b’rikors lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

Artikolu 24

1.   Dan l-Artikolu japplika għall-ksur tal-Artikolu 5(1), l-Artikoli 6 u 7, l-Artikolu 8(1) sa (3), l-Artikolu 9, l-Artikolu 10(1), l-Artikolu 13(1), (3) u (4) u l-Artikoli 14 u 19.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jimponu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, mill-inqas s-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi li ġejjin:

(a)

ordni li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ PRIIP;

(b)

ordni li tissospendi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ PRIIP;

(c)

twissija pubblika li tindika l-persuna responsabbli għall-ksur u n-natura tal-ksur;

(d)

ordni li tipprojbixxi l-għoti ta’ dokument bl-informazzjoni ewlenija li ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Artikoli 6, 7, 8 jew 10 u li titlob il-pubblikazzjoni ta’ verżjoni ġdida ta’ dokument bl-informazzjoni ewlenija;

(e)

multi amministrattivi ta’ mill-inqas:

(i)

f’każ ta’ entità ġuridika:

sa EUR 5 000 000, jew, fl-IstatiMembri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-30 ta’ Diċembru 2014, jew sa 3 % tal-fatturat annwali totali ta’ dik l-entità ġuridika skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp amministrattiv, jew

sad-doppju tal-ammont tal-profitti miksuba jew it-telf evitat minħabba l-ksur, fejn dawn ikunu jistgħu jiġu determinati;

(ii)

f’każ ta’ persuna fiżika:

sa EUR 700 000 jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-Euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-30 ta’ Diċembru 2014, jew

sad-doppju tal-ammont tal-profitti miksuba jew it-telf evitat minħabba l-ksur, fejn dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati.

Fejn l-entità ġuridika msemmija fil-punt (e)(i) tal-ewwel subparagrafu hija impriża prinċipali jew sussidjarja ta’ impriża prinċipali li għandha tħejji dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati skont id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), il-fatturat totali rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali jew it-tip korrispondenti ta’ dħul f’konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni fil-qasam tal-kontabbiltà skont l-aħħar dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati disponibbli approvat mill-korp amministrattiv tal-aħħar impriża prinċipali.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu sanzjonijiet jew miżuri addizzjonali u livelli ogħla ta’ multi amministrattivi minn dawk previsti f’dan ir-Regolament.

4.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti jkunu imponew penali amministrattiva waħda jew iżjed jew miżuri skont il-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa joħorġu jew jitolbu lill-manifattur tal-PRIIP jew lill-persuna li tagħti pariri dwar il-PRIIP jew tbigħu, li joħroġ komunikazzjoni diretta lill-investitur fil-livell tal-konsumatur ikkonċernat, biex jingħataw informazzjoni dwar is-sanzjoni jew il-miżura amministrattiva, u jiġu infurmati dwar fejn jista’ jitressaq l-ilment jew jitressqu talbiet għal rimedju.

Artikolu 25

L-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw is-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi msemmija fl-Artikolu 24(2) b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha inkluż, fejn adatt:

(a)

il-gravità u t-tul taż-żmien tal-ksur;

(b)

il-livell tar-responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(c)

l-impatt tal-ksur fuq l-interessi tal-investituri fil-livell tal-konsumatur;

(d)

l-imġiba kooperattiva tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(e)

kwalunkwe ksur preċedenti mill-persuna responsabbli għall-ksur;

(f)

il-miżuri meħudin wara l-ksur mill-persuna responsabbli għall-ksur sabiex jiġi impedut li l-ksur jiġi ripetut;

Artikolu 26

Id-deċiżjonijiet li jiġu imposti sanzjonijiet u l-miżuri meħudin f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għad-dritt ta’ appell.

Artikolu 27

1.   Fejn l-awtorità kompetenti tkun żvelat sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi lill-pubbliku, hija għandha simultanjament tirrapporta dawk is-sanzjonijiet jew il-miżuri amministrattivi lill-ASEkompetenti.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-AS E kompetenti fuq bażi annwali bl-informazzjoni aggregata rigward is-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi kollha imposti skont l-Artikolu 22 u l-Artikolu 24(2).

3.   L-ASE għandhom jippubblikaw din l-informazzjoni fir-rapporti annwali tagħhom.

Artikolu 28

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex jippermettu r-rappurtar lilhom ta’ ksur attwali jew potenzjali ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu mill-inqas:

(a)

proċeduri speċifiċi għar-riċeviment ta’ rapporti ta’ ksur attwali u potenzjali u s-segwitu tagħhom;

(b)

protezzjoni adatta għall-impjegati li jirrappurtaw ksur imwettaq minn min iħaddimhom ta’ mill-anqas kontra ritaljazzjoni, diskriminazzjoni u tipi oħrajn ta’ trattament inġust;

(c)

protezzjoni tal-identità kemm tal-persuna li tirrapporta l-ksur kif ukoll tal-persuna fiżika li hija allegatament responsabbli għall-ksur, fl-istadji kollha tal-proċedura dment li tali żvelar ma jkunx mitlub mil-liġi nazzjonali fil-kuntest ta’ investigazzjoni ulterjuri jew proċedimenti ġudizzjarji sussegwenti.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu mekkaniżmi addizzjonali skont il-liġi nazzjonali.

4.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li min iħaddem li jkun involut f’attivitajiet li huma rregolati għal finijiet tas-servizzi finanzjarji, jistabbilixxi proċeduri adatti għall-impjegati tiegħu biex jirrapportaw ksur attwali jew potenzjali internament b’mezz speċifiku, indipendenti u awtonomu.

Artikolu 29

1.   Deċiżjoni, li ma tistax tiġi appellata, li timponi sanzjoni jew miżura amministrattiva għall-ksur imsemmija fl-Artikolu 24(1) għandha tiġi ppubblikata minn awtoritajiet kompetenti fuq is-siti elettroniċi uffiċjali tagħhom mingħajr dewmien mhux dovut wara li l-persuna li fuqha ġiet imposta s-sanzjoni jew miżura tkun ġiet informata b’dik id-deċiżjoni.

Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi tal-inqas informazzjoni li ġejja:

(a)

it-tip u n-natura tal-ksur;

(b)

l-identità tal-persuni responsabbli.

L-obbligu ma japplikax għal deċiżjonijiet li jimponu miżuri li huma ta’ natura investigattiva.

Fejn il-pubblikazzjoni tal-identità tal-entitajiet ġuridiċi, jew l-identità jew id-data personali tal-persuni fiżiċi titqies bħala sproporzjonata mill-awtorità kompetenti b’segwitu għal valutazzjoni ta’ kull każ individwali mwettqa dwar il-proporzjonalità tal-publikazzjoni ta’ din id-data, jew fejn tali pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni li tkun għaddejja f’dak il-mument, l-awtoritajiet kompetenti għandhom:

(a)

jipposponu l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni jew miżura sal-mument meta r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ma jibqgħux jeżistu;

(b)

jippubblikaw id-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni jew miżura fuq bażi anonima b’mod li jikkonforma mal-liġi nazzjonali, jekk tali pubblikazzjoni anonima tiżgura protezzjoni effettiva tad-data personali kkonċernata; jew

(c)

ma jippubblikawx id-deċiżjoni li timponi sanzjoni jew miżura fil-każ li l-għażliet stipulati fil-punti(a) u (b) hawn fuq jitqiesu li huma insuffiċjenti biex jiżguraw:

(i)

li ma tiġix mhedda l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji;

(ii)

il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet fir-rigward tal-miżuri meqjusa bħala ta’ natura minuri.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-ASE dwar is-sanzjonijiet amministrattivi jew il-miżuri kollha imposti iżda mhux ippubblikati f’konformità mal-punt (c) tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 inkluż dwar kwalunkwe appell relatat magħhom u r-riżultat tiegħu.

Fil-każ ta’ deċiżjoni li tiġi ppubblikata piena jew miżura fuq bażi anonima, il-pubblikazzjoni tad-data rilevanti tista’ tiġi posposta għal perijodu ta’ żmien raġonevoli jekk jiġi previst li f’dak il-perijodu r-raġunijiet għall-pubblikazzjoni anonima ma jkunux ser jibqgħu jeżistu.

3.   Fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li timponi sanzjoni jew miżura, li hija soġġetta għal appell quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet oħrajn, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom, mingħajr dewmien mhux dovut, tali informazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar l-eżitu ta’ dan l-appell. Barra minn hekk, kwalunkwe deċiżjoni li tannulla deċiżjoni preċedenti li tiġi imposta sanzjoni jew miżura li tkun ġiet ippubblikata għandha wkoll tiġi ppubblikata.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe pubblikazzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tibqa’ fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom tal-inqas għal perijodu ta’ ħames snin wara l-pubblikazzjoni tagħha. Id-data personali li tkun tinsab fil-pubblikazzjoni għandha tinżamm biss fuq is-sit elettroniku uffiċjali tal-awtorità kompetenti għal perijodu li jkun meħtieġ f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 30

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 8(4), l-Artikolu 16(8) u l-Artikolu 17(7) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ tliet snin mit-30 ta’ Diċembru 2014. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport fir-rigward ta-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tliet snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jopponu tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 8(4), l-Artikolu 16(8) u l-Artikolu 17(7) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tieħu effett fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Hija m’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 16(8) jew l-Artikolu 17(7) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 31

Fejn il-Kummissjoni tadotta standards tekniċi regolatorji skont l-Artikolu 8(5), l-Artikolu 10(2) jew l-Artikolu 13(5) li huma l-istess bħall-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ippreżentati mill-ASE, il-perijodu li matulu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji għandu, b’deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, u sabiex jittieħed kont tal-kumplessità u l-volum tal-kwistjonijiet koperti hemmhekk, ikun ta’ xahrejn mid-data ta’ notifika. Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dak il-perijodu jista’ jiġi estiż b’xahar.

Artikolu 32

1.   Il-kumpanniji amministrattivi kif definiti fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE,u l-kumpanniji tal-investiment imsemmija f l-Artikolu 27 tagħha u l-persuni li jagħtu parir dwar l-UCITS jew ibigħuhom kif iddefinit fl-Artikolu 1(2) tagħha huma eżentati mill-obbligi skont dan ir-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2019.

2.   Meta Stat Membru japplika r-regoli dwar il-format u l-kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija, kif stabbilit fl-Artikoli 78 sa 81 tad-Direttiva 2009/65/KE, għall-fondi mhux UCITS offruti lill-investituri fil-livell ta’ konsumatur, l-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tapplika għal kumpanniji amministrattivi, il-kumpanniji tal-investiment u l-persuni li jagħtu parir dwar dwar l-unitajiet ta’ fondi bħal dawn lill-investituri fil-livell tal-konsumatur jew li jbigħuhom.

Artikolu 33

1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament. Ir-reviżjoni għandha tinkludi, abbażi tal-informazzjoni li jirċievu l-ASE, stħarriġ ġenerali tal-operazzjoni ta’ twissija ta’ komprensjoni, b’kont meħud ta’ kwalunkwe gwida żviluppata mill-awtoritajiet kompetenti f’dan ir-rigward. Din għandha tinkludi wkoll stħarriġ dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament, b’kont meħud tal-iżviluppi fis-swieq għall-prodotti ta’ investiment fil-livell tal-konsumatur u l-fattibbiltà, l-ispejjeż u l-benefiċċji possibbli tal-introduzzjoni ta’ tikketta għal investimenti soċjali u ambjentali. Bħala parti mir-reviżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha twettaq ittestjar tal-konsumatur u eżami tal-għażliet mhux leġiżlattivi kif ukoll l-eżiti tar-reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar il-punti (c), (e) u (g) tal-Artikolu 27(1) tiegħu.

Fir-rigward tal-UCITS kif definit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE, l-analiżi għandha tivvaluta jekk l-arranġamenti transizzjonali skont l-Artikolu 32 ta’ dan ir-Regolament għandhomx jiġu estiżi, jew jekk, wara l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe aġġustament meħtieġ, id-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni ewlenija għall-investitur fid-Direttiva 2009/65/KE jistgħux jiġu sostitwiti minn jew meqjusa ekwivalenti għad-dokument bl-informazzjoni ewlenija għall-investitur skont dan ir-Regolament. L-analiżi għandha tirrifletti wkoll l-estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal prodotti finanzjarji oħrajn, u għandha tivvaluta jekk l-eżenzjoni ta’ prodotti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhiex tinżamm, fid-dawl ta’ standards tajbin għall-protezzjoni tal-konsumaturi inkluż il-paragun bejn il-prodotti finanzjarji. L-analiżi għandha tivvaluta wkoll l-adegwatezza tal-introduzzjoni ta’ regoli komuni dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha jipprevedu sanzjonijiet amministrattivi għal ksur ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta, sal-31 ta’ Diċembru 2018, abbażi tal-ħidma li saret mill-EIOPA dwar id-divulgazzjoni tar-rekwiżiti għall-informazzjoni dwar il-prodotti, jekk tipproponix att leġiżlattiv ġdid li jiggarantixxi d-divulgazzjoni adatta tar-rekwiżiti għall-informazzjoni dwar il-prodotti għal dawk il-prodotti jew jekk jinkludix prodotti tal-pensjoni msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 2(2) fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Fit-twettiq tal-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tiżgura li tali miżuri ma jnaqqsux l-istandards tad-divulgazzjoni fl-Istati Membri li għandhom reġimi ta’ divulgazzjoni diġà eżistenti għal tali prodotti tal-pensjoni.

3.   Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konġunt, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward il-paragrafi 1 u 2, akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

4.   Sal-31 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni għandha twettaq stħarriġ tas-suq biex tiddetermina jekk hemmx għodod ta’ kalkulaturi online disponibbli li jippermettu lill-investitur fil-livell ta’ konsumatur jgħodd l-ispejjeż u l-ħlasijiet aggregati tal-PRIIP u jekk humiex disponibbli mingħajr ħlas. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar jekk dawk l-għodod jipprevedux kalkoli affidabbli u preċiżi għall-prodotti kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

F’każ li l-istħarriġ jikkonkludi li ma jeżistu l-ebda għodod bħal dawn jew li l-għodod eżistenti ma jippermettux lill-investituri fil-livell ta’ konsumatur li jifhmu l-ammont ta’ spejjeż u ħlasijiet aggregati tal-PRIIP, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-fattibbiltà li l-ASE, permezz tal-Kumitat Konġunt, tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jistipulaw l-ispeċifikazzjonijiet applikabbli għal tali għodod ta’ livell tal-Unjoni.

Artikolu 34

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-31 ta’ Diċembru 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Novembru 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU C 70, 9.3.2013, p. 2.

(2)  ĠU C 11, 15.1.2013, p. 59.

(3)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(4)  Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar swieq fi strumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(5)  Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU L 9, 15.1.2003, p. 3).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(9)  Id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64).

(10)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1)

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar swieq fi strumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(13)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, b'mod partikolari l-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar kummerċ elettroniku”) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(14)  Id-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji ta' konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU L 271, 9.10.2002, p. 16).

(15)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(16)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(17)  ĠU C 100, 6.4.2013, p. 12.

(18)  Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-forniment ta' rtirar okkupazzjonali (ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10).

(19)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(20)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).