ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 242

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 58
23 ta' Lulju 2015


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

504 Sessjoni Plenarja tal-KESE fil-21 u t-22 ta' Jannar 2015

2015/C 242/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għar-reviżjoni tal-Istrateġija UE-Asja-Ċentrali (opinjoni esploratorja)

1

2015/C 242/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-inklużjoni tan-nisa migranti fis-suq tax-xogħol (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

9

2015/C 242/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-ħtif tal-art – sinjal ta’ twissija għall-Ewropa u theddida għall-biedja mill-familji (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

15

2015/C 242/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-sitwazzjoni wara l-iskadenza tas-sistema tal-kwota tal-ħalib fl-2015 (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

24

2015/C 242/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-ipersensittività elettromanjetika (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

31

2015/C 242/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-qagħda tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-Turkija

34


 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

504 Sessjoni Plenarja tal-KESE fil-21 u t-22 ta' Jannar 2015

2015/C 242/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini(COM(2014) 557 final – 2014/0256 (COD))

39

2015/C 242/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: investiment għat-tkabbir u l-impjiegi(COM(2014) 473 final)

43

2015/C 242/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar sistemi tas-saħħa effettivi, aċċessibbli u reżiljenti(COM(2014) 215 final)

48

2015/C 242/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ għalf medikat u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/167/KEE(COM(2014) 556 final – 2014/0255 (COD)) u dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prodotti mediċinali veterinarji(COM(2014) 558 final – 2014/0257 (COD))

54

2015/C 242/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn ekonomija ta’ suċċess immexxija mid-dejta(COM(2014) 442 final)

61

2015/C 242/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-miżuri li l-Unjoni tista’ tadotta relatati mal-effett ikkombinat ta’ miżuri kontra d-dumping u kontra s-sussidji b’miżuri ta’ salvagwardjar (kodifikazzjoni)COM(2014) 318 final – 2014/0164 (COD)

66


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

504 Sessjoni Plenarja tal-KESE fil-21 u t-22 ta' Jannar 2015

23.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 242/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għar-reviżjoni tal-Istrateġija UE-Asja-Ċentrali”

(opinjoni esploratorja)

(2015/C 242/01)

Relatur:

Jonathan PEEL

Korelatur:

Dumitru FORNEA

F’ittra datata l-25 ta’ Settembru 2014, is-Sur Rihards Kozloviskis, Aġent Ministru għall-Affarijiet Barranin-Ministru għall-Intern tar-Repubblika tal-Latvja, talab bil-miktub lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar:

“Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għar-reviżjoni tal-Istrateġija UE-Asja Ċentrali”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Diċembru 2014.

Matul il-504 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Jannar 2015 (seduta tal-21 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’180 vot favur, 2 voti kontra u 18-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat bi pjaċir kbir jilqa’ t-talba tal-Presidenza Latvjana li jmiss għal opinjoni esploratorja dwar ir-reviżjoni biennali li ġejja dwar l-Istrateġija tal-UE għal Sħubija Ġdida mal-Asja Ċentrali (1) u, b’mod aprtikolari, il-proposta tagħha li r-relazzjonijiet tal-UE mal-ħames pajjiżi (2) tal-Asja Ċentrali jsiru iktar profondi biex isiru sħubija effettiva bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin ta’ politika barranija.

1.1.1.

Bis-saħħa t’hekk, il-Kumitat mill-ġdid jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Opinjoni tiegħu tal-2011 dwar l-Asja Ċentrali (3), li għadhom validi.

1.2.

Il-Kumitat jinnota l-konklużjoni adottata mill-Kunsill matul ir-reviżjoni preċedenti li l-Istrateġija tal-UE tat prova tagħha nnifisha u għadha valida (4). Kwalunkwe tentattiv mill-UE biex tapprofondixxi r-relazzjonijiet tagħha mal-ħames pajjiżi tal-Asja Ċentrali għandu jibqa’ fuq bażi prammatika u adattat skont ir-realtajiet politiċi, ekonomiċi u soċjali tar-reġjun li jinbidlu, filwaqt li ma jintesewx il-valuri u l-prinċipji ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem, u, fejn possibbli, bi flessibbiltà suffiċjenti biex jiġi faċilitat l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet b’benefiċċju reċiproku.

1.2.1.

Fuq kollox, l-UE m’għandhiex bżonn min ifakkarha, li għall-kuntrarju tal-Ewropa, m’hemm l-ebda sens ta’ affinità reġjonali bejn dawn il-pajjiżi, li jridu jiġu ttrattati b’mod individwali, u li kwalunkwe approfondiment jew twessigħ tal-involviment tagħha hawnhekk bilfors ser jolqot ir-relazzjonijiet ġenerali tal-UE mar-Russja. L-UE trid tqis l-istrutturi eżistenti tal-poter fir-reġjun, filwaqt li tirriserva d-dritt li taġixxi b’mod indipendenti. Billi dawn il-ħames pajjiżi kienu parti mill-eks Unjoni Sovjetika, ir-Russja tqis, bħalma tqis fil-każ tal-Ukraina, li jaqgħu taħt l-isfera ta’ influwenza tagħha. B’hekk, huwa essenzjali li din ir-reviżjoni tkun informata b’mod reċiproku dwar l-approċċ globali tal-UE lejn ir-Russja u r-relazzjonijiet tagħha mar-Russja.

1.3.

Il-Kumitat jinnota li l-importanza tal-pożizzjoni ġeografika strateġika tal-Asja Ċentrali kibret mill-2011 ’l hawn, speċjalment fid-dawl tal-kriżi tal-Ukraina. Huwa jinnota wkoll li l-involviment taċ-Ċiniżi fir-reġjun qed jikber b’mod esponenzjali. Għalhekk, ir-reġjun huwa importanti għar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina u jirrappreżenta opportunità ewlenija biex tissaħħaħ is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina, speċjalment bis-saħħa ta’ kooperazzjoni ikbar fl-oqsma tal-enerġija u t-trasport. Aħna nirrakkomandaw li dan jiġi investigat bis-sħiħ.

1.3.1.

L-Istrateġija tas-Sħubija tirrikonoxxi l-enerġija u t-trasport bħala qasam ta’ prijorità. Il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjoni li għamel fl-2011 li l-vijabbiltà tar-rabtiet tal-UE mar-riservi ta’ enerġija potenzjali u konsiderevoli tal-Asja Ċentrali għandhom ikunu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet prattiċi u ekonomiċi. L-UE għandha raġun li tieħu sehem fl-iżvilupp tas-settur tal-enerġija f’dawn il-pajjiżi, mhux l-inqas għax ir-riservi tagħhom joffru lill-Ewropa sorsi ta’ enerġija addizzjonali u komplementari (bil-kontra ta’ alternattiva), għad li dawn huma kumplikati minħabba kwistjonijiet ta’ transitu u trasport. Madankollu, ser ikun importanti li jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim potenzjali maċ-Ċina fil-kuntest tal-interess reċiproku tagħna li nżidu l-provvisti tal-enerġija mill-Asja Ċentrali.

1.3.2.

Nirrakkomandaw bil-qawwa li jiġi sfruttat l-għarfien konsiderevoli tal-UE fit-titjib tal-kooperazzjoni biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u biex isir użu mis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, peress li hemm potenzjal kbir mhux użat fir-reġjun; kooperazzjoni reġjonali iktar mifruxa mal-EITI (5) hija wkoll għan ewlieni.

1.3.3.

Il-Kumitat itenni wkoll ir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-2011 li l-kurituri ta’ trasport proposti miċ-Ċina u l-UE jiġu allinjati kompletament, mhux l-inqas fl-infrastruttura ferrovjarja fejn dan hu possibbli. Nirrakkomandaw ukoll li jsir sforz ikbar biex jinkisbu riżultati mill-IGC TRACECA (6) (Kummissjoni Intergovernattiva għall-kuritur tat-trasport tal-Ewropa-Kawkasu-Asja) biex jitħaffef l-iżvilupp ta’ katina ta’ infrastruttura sostenibbli li tiżgura trasport multimodali (l-iktar fl-infrastruttura ferrovjarja u bit-triq) permezz ta’ rabta bejn il-kuritur u n-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport (TENs).

1.4.

Madankollu, l-UE mhux ser tikkonvinċi lin-nies fl-Asja Ċentrali billi taħdem biss għal għanijiet ekonomiċi. L-istrateġija tas-sħubija tenfasizza wkoll id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, governanza tajba u d-demokratizzazzjoni. Hija għandha tħeġġeġ ukoll it-trawwim tal-fiduċja fi ħdan l-istrutturi tal-poter eżistenti. Hawnhekk, ir-reġjun għadu qed jiffaċċja sfidi diffiċli minħabba t-tranżizzjoni problematika minn ekonomiji ppjanati għal ekonomiji nazzjonali orjentati lejn is-suq, imxekkla minn perjodi endemiċi ta’ taqlib etniku, ambjentali u ekonomiku.

1.4.1.

L-istrateġija tas-sħubija tenfasizza b’mod partikolari l-kapaċità tal-UE biex toffri esperjenza fl-integrazzjoni reġjonali li twassal għal stabbiltà politika u prosperità, b’referenza speċifika għall-Istati Membri li ssieħbu mal-UE fl-2004 jew wara. Il-Kumitat għalhekk iħeġġeġ bil-qawwa lill-Presidenza Latvjana biex tħeġġeġ lill-Istati Membri l-oħra biex jaqsmu l-esperjenzi li kellhom fit-tranżizzjoni minn ekonomiji ppjanati, fl-iżvilupp tal-governanza elettronika (u b’mod partikolari l-“e-silk-highway”) u oqsma oħra ta’ appoġġ li jistgħu joffru valur miżjud, speċjalment jekk ikunu marbuta ma’ sforzi biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt.

1.4.2.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni tal-Kumitat dwar “Il-bidla sostenibbli f’soċjetajiet fi tranżizzjoni” (7) huma importanti wkoll hawnhekk. B’żieda ma’ dan ninnotaw li anke l-intrapriżi u l-unions, kemm separatament kif ukoll bħala msieħba soċjali, għandhom rwol ewlieni x’jaqdu, billi jużaw ir-rabtiet eżistenti tagħhom u mhux l-inqas billi jħeġġu lill-gvernijiet tal-Asja Ċentrali biex jirrikonoxxu iktar bis-sħiħ ir-rwol pożittiv li taqdi s-soċjetà ċivili. Sabiex dan jiġi promoss u biex jiġi promoss l-investiment nirrakkomandaw li tiġi organizzata delegazzjoni tal-KESE biex iżżur l-Asja Ċentrali mill-iktar fis.

1.4.3.

Il-Kumitat huwa mħasseb b’mod partikolari dwar ir-rapporti li juru li r-rwol tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE ma ġġeddidx u jirrakkomanda bil-qawwa li din il-pożizzjoni tingħata mill-ġdid mill-iktar fis possibbli.

1.5.

Iż-żgħażagħ u l-edukazzjoni huma partikolarment importanti. Hawnhekk il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir il-programm rivedut u ferm imfittex UE Erasmus+, li jgħin jiżviluppa rabtiet edukattivi iktar fil-fond u l-mobbiltà fil-livell terzjarju, li għandu jkun akkumpanjat bl-iffaċilitar tal-viżi u r-rinunzji ta’ tariffi għall-iktar studenti bravi tar-reġjun.

1.5.1.

Nofs il-popolazzjoni tal-Asja Ċentrali għandha età taħt il-25 sena. Għalhekk l-edukazzjoni tal-livell sekondarju hija tal-inqas daqstant importanti daqs il-livell terzjarju. Il-Kumitat iħeġġeġ iktar attività u appoġġ mill-UE hawnhekk, mhux l-inqas billi tipprovdi kotba tal-iskola (fejn hemm nuqqas fil-livell sekondarju) u informazzjoni dwar l-UE iktar mifruxa fil-lingwi lokali. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll appoġġ ikbar għall-għalliema, forsi anke bħala parti mill-programm ġenerali għall-iżvilupp rurali, u komunikazzjoni iktar estensiva li tinvolvi lill-ġenituri. It-titjib tal-livell ġenerali tal-edukazzjoni għandu jgħin ukoll biex jitnaqqas ir-radikaliżmu potenzjali fost iż-żgħażagħ lokali.

1.5.2.

Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll kemm enfasi ikbar fuq l-għoti tal-appoġġ għat-tagħlim tax-xjenzi fl-Asja Ċentrali, fejn tradizzjonalment kien importanti ħafna u fejn kien hemm rabtiet mal-pajjiżi Baltiċi b’mod partikolari, kif ukoll il-provvista ta’ preżenza mtejba tal-mezzi tax-xandir fir-reġjun permezz ta’ netwerks Ewropej tat-televiżjoni u r-radju, bħall-Euronews jew l-Euranet, bi programmi fil-lingwi lokali.

1.6.

Madankollu, il-Kumitat jemmen bil-qawwa li d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jiġu promossi l-aħjar billi jiġi żviluppat u promoss il-kuntatt mas-soċjetà ċivili lokali u billi tittejjeb il-kapaċità tagħha biex tiżviluppa f’imsieħeb u interlokutur effettiv mal-gvernijiet, u li b’hekk jissaħħaħ ukoll l-istat tad-dritt biswit ġudikatura indipendenti.

1.6.1.

It-tħeġġiġ ta’ servizz ċivili mhux partiġġjan u rwol ikbar għas-soċjetà ċivili lokali għadhom kruċjali, speċjalment peress li m’hemm l-ebda tradizzjoni tal-ebda wieħed minnhom. L-impenn tal-UE nnifisha mas-soċjetà ċivili lokali f’livelli usa’ u iktar profondi bħala parti mid-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem huwa essenzjali u jrid jissaħħaħ, mhux l-inqas permezz ta’ użu ikbar tal-Internet u s-siti rilevanti.

1.6.2.

Wieħed mill-ewwel riżultati tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali fl-2007 kien it-twaqqif tal-Proċess ta’ Djalogu tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Twettqu medja ta’ sitt sensiliet ta’ tali djalogi ma’ kull pajjiż. Filwaqt li l-Kumitat bi pjaċir jilqa’ t-tgħarrif tas-SEAE għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fi Brussell, aħna madankollu nħeġġu li jkun hemm żieda sinifikanti fil-laqgħat mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Asja Ċentrali fil-livell lokali. Dawn jidhru li saru biss fuq bażi ad hoc, u, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, biss qabel id-djalogu, u mhux dejjem koprew il-kwistjonijiet li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qiesu importanti.

1.6.3.

Il-Kumitat jiddispjaċih li r-rwol tal-forom iktar rurali tal-ashar/hashar ta’ assoċjazzjonijiet ta’ komunità/awtoassistenza, li huma ankrati fir-reġjuni nomadiċi u abitati tal-Asja Ċentrali, s’issa ma ġewx ikkunsidrati mill-UE, li tidher li qed tipprovdi fondi biss għall-NGOs professjonali stabbiliti sew. Dan is-sitwazzjoni għandha tiġi indirizzata wkoll.

1.7.

F’din l-Opinjoni m’hemmx biżżejjed spazju biex il-Kumitat jikkummenta fuq ħafna oqsma speċifiċi koperti mill-istrateġija ta’ sħubija, imma anke s-sostenibbiltà ambjentali u l-ilma għadhom ta’ importanza fundamentali. Il-Kumitat iħeġġeġ enfasi ikbar fuq l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, is-sigurtà u s-sikurezza tal-provvista ikel, iżda qabel kollox għandu jsir sforz konċentrat biex titnaqqas ir-rata estremament għolja tal-ħela tal-ilma. L-ilma huwa komodità vitali fir-reġjun u għandu jifforma l-bażi għal kwalunkwe appoġġ li l-UE tista’ toffri lill-agrikoltura lokali.

1.7.1.

Il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-2011, li tkopri l-kwistjonijiet relatati iżda diffiċli tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel, is-sigurtà tal-ilma u l-provvista tal-enerġija. Mill-ġdid iħeġġeġ lill-UE biex taqdi rwol ikbar sabiex tħeġġeġ lill-ħames pajjiżi biex jaħdmu flimkien biex jindirizzaw dawn il-problemi b’mod olistiku, mhux l-inqas minħabba l-esperjenza li l-UE diġà għandha fl-għajnuna lil oħrajn f’dan il-qasam, u biex tħeġġeġ kummerċ reċiproku iktar b’saħħtu fil-prodotti agroalimentari.

2.   Kuntest

2.1.

Il-Presidenza Latvjana li jmiss għamlet lit-tisħiħ tar-relazzjonijiet tal-UE mal-ħames pajjiżi tal-Asja Ċentrali waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-politika barranija tagħha. Fil-bidu tal-2015 ser jiġu adottati konklużjonijiet tal-Kunsill b’segwitu għar-reviżjoni biennali tal-EEAS dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali. Il-Kumitat intalab b’mod partikolari biex ikopri kwistjonijiet ewlenin li jinbtu mis-sitwazzjoni ġeopolitika u strateġika attwali, speċjalment fejn hemm potenzjal ċar biex tiġi żviluppata sħubija ġenwina bejn l-UE u fost il-pajjiiżi tal-Asja Ċentrali.

2.1.1.

Dawn il-kwistjonijiet jinkludu s-sigurtà; l-edukazzjoni; l-enerġija; it-trasport; kwistjonijiet ambjentali, inkluż l-iżvilupp rurali; l-aspetti usa’ tal-iżvilupp sostenibbli; u l-ambjent tal-intrapriżi, inklużi l-SMEs, il-kummerċ u l-investiment.

2.1.2.

M’hemmx għalfejn nirrepetu ħafna mid-dettalji tal-kuntest tal-Opinjoni tal-2011 hawnhekk. Madankollu, huwa importanti li niftakru li għalkemm il-ħames pajjiżi jkopru reġjun kbir ħafna, il-popolazzjoni (2013) hija biss ta’ 66 miljun. Dawn l-Istati relattivament ġodda għadhom qed jifformaw. Indipendenti mill-1991 ’l hawn, wara l-kollass tal-Unjoni Sovjetika, l-ebda wieħed minnhom ma kellu qabel xi moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali. Ħafna minnhom għandhom relazzjonijiet ta’ tensjoni mal-pajjiżi ġirien tagħhom, mhux l-inqas minħabba l-fruntieri li ħafna drabi ftit li xejn ikollhom x’jaqsmu mal-fruntieri etniċi u dan jista’ jiżviluppa fi vjolenza. Madankollu, il-ftit sens ta’ koeżjoni li jibqa’ jista’ jkun ukoll fattur negattiv peress li huwa tfakkira tal-era Sovjetika. Għad hemm ukoll sfidi diffiċli minħabba t-tranżizzjoni problematika lejn ekonomiji nazzjonali orjentati lejn is-suq. Il-mentalità tal-klassi politika ma tantx inbidlet lanqas: l-istruttura amministrattiva antika tan-nomenklatura Sovjetika ġiet trasformata f’burokraziji ta’ oligarki, klanns jew familji.

2.1.3.

U l-ħames pajjiżi jinsabu fi stadji ta’ żvilupp ferm differenti. Il-Każakistan qed jiżviluppa f’attur ewlieni fir-reġjun, pajjiż fejn ir-relazzjonijiet mal-UE qed javvanzaw sew. Il-Kirgiżistan u t-Taġikistan huma ħafna ifqar, imma huma relattivament miftuħa b’xi involviment mis-soċjetà ċivili. Ir-relazzjoni tal-UE mal-Użbekistan qed tiżviluppa wkoll, iżda t-Turkmenistan għadu l-iktar pajjiż magħluq fir-reġjun, bl-ebda soċjetà ċivili indipendenti effettiva.

3.   Salib it-toroq strateġiku

3.1.

Minkejja t-terren inospitabbli tagħha, l-importanza tal-Asja Ċentrali bħala salib it-toroq strateġiku żdiedet mill-2011 ’l hawn. Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha hija wkoll reġjun li jiddependi sew mill-pajjiżi ġirien għar-rotot ta’ aċċess għat-trasport għas-swieq internazzjonali.

3.1.1.

L-influwenza Russa hija waħda qawwija u bdiet tingħata saħansitra iktar attenzjoni reġjonali u internazzjonali wara l-kriżi fl-Ukraina u r-ripudju tar-Russja tat-trattati internazzjonali. Huwa meqjus b’mod ġenerali li l-president tar-Russja jixtieq li pajjiżu jerġa’ jkollu l-isferi ta’ influwenza li kellu qabel. Min-naħa tiegħu dan qed iwassal għal tħassib akut dwar il-possibbiltà ta’ ritorn għal żminijiet il-Gwerra Bierda u li t-theddida potenzjali mhux biss tiżdied għall-pajjiżi li kienu Sovjetiċi, iżda anke għal interessi iktar mifruxa. Barra minn hekk, huwa importanti li ma jiġix sottostmat ir-rwol prominenti tas-“setgħa ta’ persważjoni” tar-Russja permezz tar-radju u t-televiżjoni, megħjuna mill-fatt li r-Russu huwa l-mezz ta’ komunikazzjoni ewlieni fir-reġjun u l-proporzjon kbir ta’ migranti mir-reġjun li issa qed jaħdmu fir-Russja.

3.1.2.

B’mod partikolari, il-fokus u l-attenzjoni internazzjonali fuq l-enerġija (u r-riżorsi naturali) żdiedu, għad li l-involviment taċ-Ċiniżi fir-reġjun diġà kien sostanzjali. Barra dan, il-prospett tat-tmiem tal-gwerra fl-Afganistan u l-involviment dejjem inqas tal-Istati Uniti jistgħu jħeġġu l-Islamiżmu militanti, u l-iżvilupp tal-hekk imsejjaħ Stat Islamiku.

3.2.

Ħafna nies iqisu l-Asja Ċentrali bħala l-pjattaforma ewlenija għal pika bejn iċ-Ċina u r-Russja, fejn l-UE hija spettatur. Il-kriżi finanzjarja tal-2008 tat spinta liċ-Ċina askapitu tar-Russja. F’termini ta’ enerġija, iż-żewġ pajjiżi ma kellhomx sħubija faċli u, billi kellha rwol iktar attiv fl-Asja Ċentrali, iċ-Ċina effettivament sfidat id-dominanza Russa hawnhekk, Maż-żmien dan jista’ jkun biżżejjed biex ir-Russja tfittex rabtiet eqreb mal-UE, minkejja t-tensjonijiet attwali. Min-naħa tagħha ċ-Ċina (bħall-Indja) kienet notevolment siekta dwar il-kriżi tal-Ukraina, u ħafna kienu dawk li m’aċċettawx it-tħassib Ewropew.

3.2.1.

Iċ-Ċina hija wkoll l-isforz mexxej wara l-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shanghai, li tinkludi l-Asja Ċentrali, ir-Russja u l-Iran. Oriġinarjament din l-organizzazzjoni nħolqot biex jiġu riżolti kwistjonijiet tal-fruntiera, u b’hekk kienet ta’ għajnuna għaċ-Ċina biex tippromovi lilha nnifisha fost l-Istati l-ġodda u biex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha f’Xinjiang, fuq in-naħa tagħha tal-fruntiera. Għar-Russja, l-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shanghai kienet importanti biex iżżomm l-influwenza tagħha kontra dik taċ-Ċina, iżda hija toffri wkoll bażi komuni biex jiġu diskussi kwistjonijiet ta’ sigurtà, inkluż it-terroriżmu, l-estremiżmu u s-separatiżmu (“it-tliet forzi tal-ħażen”).

3.2.2.

Ir-rwol dejjem iktar importanti taċ-Ċina fir-reġjun ħareġ fid-dieher fl-2013, meta l-President Xi nieda l-inizjattiva tiegħu tar-“Reġjun ekonomiku tar-Rotta tal-Ħarir” (Silk Road Economic Belt), appoġġjata minn fond ta’ USD 16,3 biljun u intiża biex trawwem rabtiet eqreb mal-Ewropa iżda li tinvolvi wkoll il-pajjiżi fir-rotta. L-attività ekonomika taċ-Ċina fir-reġjun ġiet xprunata mill-għatx tagħha għall-enerġija; hija ilha tibni kemm toroq kif ukoll pipelines, b’investiment qawwi b’mod partikolari fil-gass tat-Turkmenistan, possibbilment iktar milli dan il-pajjiż kapaċi jestratta fil-preżent iżda b’konformità mar-riżervi vasti tiegħu. Filwaqt li l-aġenzija tal-aħbarijiet Russa “Novosti” rrappurtat (8) li r-Russja offriet lit-Taġikistan USD 6,7 miljun f’għajnuna għar-ristrutturar rurali, Ministru mit-Taġikistan qal lill-Financial Times li ċ-Ċina ser tkun qed tinvesti mill-inqas USD 6 biljun hemmhekk sal-2017 (kważi 70 % tal-PDG tat-Taġikistan għall-2013, u iktar minn 40 darba ogħla mill-Investiment Dirett Barrani annwali tiegħu (9)).

3.2.3.

Madankollu, l-istess bħalma ċ-Ċina għamlet fl-Afrika, il-kontribut tagħha jinkludi l-importazzjoni qawwija ta’ ħiliet ta’ ħaddiema u ta’ inġiniera ċivili Ċiniżi, ħaġa li wasslet għal ċertu nuqqas ta’ popolarità, forsi iktar u iktar fit-Taġikistan minħabba n-nuqqas kbir ta’ rġiel lokali li jaħdmu r-Russja.

3.3.

Fl-1 ta’ Jannar 2015, immexxija mir-Russja, ser tidħol fis-seħħ l-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika, unjoni li ħarġet mill-Unjoni Doganali preċedenti. Il-Każakistan ser ikun parti minn din l-Unjoni, u probabbilment il-Kirgiżistan ukoll, għad li dan jista’ jwassal għal problemi minħabba l-kummerċ tiegħu li qed jiffjorixxi bħala intermedjarju għall-esportazzjonijiet miċ-Ċina. It-Taġikistan jista’ wkoll ma jkollux għażla ħlief li jidħol magħhom, mhux l-inqas għax 52 % mill-PDG tiegħu huwa magħmul minn ċekkijiet li jintbagħtu d-dar mill-ħaddiema Taġikistani li jaħdmu r-Russja. Madankollu, kif diġà ġara, kemm l-Użbekistan kif ukoll it-Turkmenistan għadhom iktar kawti biex jibnu relazzjonijiet mill-ġdid mar-Russja.

3.3.1.

Madankollu, il-Każakistan iqis din l-Unjoni bħala waħda essenzjalment ekonomika iktar milli waħda politika. Huwa għadu ħerqan li jżomm bilanċ bejn id-diversi interessi barranin internazzjonali. Il-Każakistan jinsab entużjast li jiffirma mill-iktar fis il-Ftehim li ġie konkluż dan l-aħħar għas-Sħubija u l-Kooperazzjoni Mtejba mal-UE u ssieħeb mal-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM) (10), l-ewwel pajjiż tal-Asja Ċentrali li għamel dan. B’xorti ħażina l-applikazzjoni tal-Każakistan biex jissieħeb mad-WTO ma ġietx iffinalizzata fil-laqgħa ministerjali tad-WTO fl-2013, ħaġa li ħafna jagħtu tort lill-pajjiż kbir ġar tiegħu fl-Eurasja għal dan in-nuqqas.

3.4.

Għad li l-militanza islamista hija fenomenu tal-minoranzi (il-ħerqa reliġjuża kienet fattur ewlieni fil-gwerra ċivili tat-Taġikistan fis-snin disgħin), kull reġim isegwi politiki sekularisti aggressivi, ħaġa kontroproduttiva fid-dawl tad-domanda dejjem ikbar għall-edukazzjoni musulmana, inkluż min-nisa. Il-maġġoranza tal-popolazzjoni hija Sunni, u fis-Sirja nstabu ġellieda mir-reġjun. L-Iran huwa interessat li jsaħħaħ ir-rabtiet tiegħu fir-reġjun, mhux biss f’termini ta’ infrastruttura tat-trasport u l-enerġija (u rabtiet maċ-Ċina), iżda anke fil-qasam tal-kultura u l-lingwa. Iċ-ċittadini tat-Taġikistan u f’partijiet kbar tal-Użbekistan (pereżempju s-Samarkand, il-Bokhara) jitkellmu bil-Farsi. Peress li t-Turkic huwa l-lingwa l-oħra prinċipali, it-Turkija għandha interessi ewlenin ukoll fir-reġjun.

4.   Il-potenzjal għall-iżvilupp ta’ sħubija iktar b’saħħitha bejn l-Asja Ċentrali u l-UE

4.1.

L-opinjoni tal-Kumitat tal-2011 tirrikonoxxi r-rwol relattivament dgħajjef tal-UE fir-reġjun. L-UE niedet l-Istrateġija tagħha għall-Asja Ċentrali f’Lulju 2007, li issa reġgħet waslet għar-reviżjoni regolari. Għalkemm ma tantx isir kummerċ bejniethom, l-UE hija msieħba kummerċjali ewlenija ta’ kull pajjiż, speċjalment il-Każakistan. Fl-2013, l-UE rrappreżentat 38 % tal-kummerċ globali tal-Każakistan, b’żewġ terzi mill-esportazzjonijiet tiegħu (l-iktar l-enerġija). Madankollu, l-importazzjonijiet fl-UE mir-reġjun laħqu biss EUR 24,9 biljun u l-esportazzjonijiet EUR 10,6 biljun, 1 % tal-kummerċ kollu tal-UE.

4.1.1.

Għandha tittieħed kull opportunità biex jiżdied il-kummerċ u l-investiment ma’ kull pajjiż, u biex jiġu żviluppati r-rwol u l-attività tal-imsieħba soċjali bħala atturi ewlenin tas-soċjetà ċivili.

4.1.2.

Il-Kirgiżistan huwa eliġibbli għas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (GSP) (11), iżda l-Użbekistan u t-Taġikistan għadhom ma applikawx għall-GSP+, bla dubju minħabba l-kundizzjonijiet mehmuża. Fl-2016, it-Turkmenistan ser jitlef l-eliġibbiltà tiegħu għall-GSP minħabba r-riklassifika tiegħu bħala pajjiż “ta’ dħul medju”. Billi l-Kirgiżistan u t-Taġikistan biss huma membri tad-WTO, mhuwiex mistenni li jsiru ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, b’mod partikolari dawk li jimxu fuq il-linji ta’ ftehimiet li l-UE kkonkludiet mal-Ukraina, il-Ġeorġja jew il-Moldova. Madankollu, kull fejn possibbli, l-UE trid tħares lejn l-Asja Ċentrali ħafna iktar mill-qrib b’rabta mal-Istrateġiji tagħha għas-Sħubija tal-Lvant u l-Baħar l-Iswed.

4.2.

L-Asja Ċentrali tirrappreżenta opportunità ewlenija biex tissaħħaħ is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina, bis-saħħa ta’ kooperazzjoni ikbar, speċjalment fl-oqsma tal-enerġija u t-trasport. Dan jeħtieġ li jiġi investigat fil-fond peress li ż-żewġ partijiet qed jimmiraw li jżidu l-provvista tal-enerġija tagħhom mir-reġjun.

4.2.1.

Fid-dawl tar-riżorsi vasti tal-idrokarbur tal-Asja Ċentrali, l-iktar fil-gass naturali, bħalissa mhuwiex meqjus li hemm kompetizzjoni qawwija bejn dawn l-għanijiet. It-tkabbir tal-popolazzjoni u dak ekonomiku fir-reġjun naturalment ser iżid il-bżonnijiet interni tal-enerġija, iżda anke hawnhekk hemm potenzjal sinifikanti li mhux qed jintuża biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u biex jibdew jintużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Hemm każ qawwi ħafna favur it-titjib tal-kooperazzjoni f’dawn l-oqsma peress li l-UE żviluppat għarfien ta’ politika konsiderevoli u industrija tal-enerġija sostenibbli b’saħħitha, kif ukoll biex tiġi estiża l-kooperazzjoni fir-reġjun mal-EITI (12), li tinkludi trasparenza ikbar dwar id-dħul tal-gvern mis-sorsi tal-enerġija u ssaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili.

4.3.

Għall-UE, it-TRACECA għadha inizjattiva importanti. Din hija programm internazzjonali biex jissaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi, il-kummerċ, it-trasport u l-komunikazzjoni mill-baċir tal-Baħar l-Iswed sal-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Asja Ċentrali abbażi ta’ sistemi tat-trasport eżistenti, permezz tar-rieda politika u l-aspirazzjonijiet komuni tat-13-il Stat Membru tagħha, inkluż il-pajjiżi rilevanti minn dik li kienet l-Unjoni Sovjetika u mill-Asja Ċentrali (ħlief għat-Turkmenistan), it-Turkija, il-Bulgarija u r-Rumanija.

4.3.1.

Il-bini ta’ triq moderna u interoperabbli u l-bini ta’ infrastruttura ferrovjarja strateġika fir-Rotta tal-Ħarir huwa interess ewlieni għaċ-Ċina, l-UE u r-Russja wkoll. L-integrazzjoni b’suċċess ta’ dan ir-reġjun permezz ta’ infrastruttura moderna u affidabbli għandha toffra opportunità maġġuri mhux biss għal integrazzjoni ekonomika reġjonali ikbar iżda anke biex tiġi promossal-mobbiltà tal-persuni u l-iskambju multikulturali, li min-naħa tagħhom iwasslu għal ambjent aħjar għal-avvanz tal-istat tad-dritt u d-demokrazija. Il-Kumitat għalhekk ifaħħar l-enfasi speċjali li għamlet il-Presidenza Latvjana fuq l-iżvilupp ta’ rabtiet ta’ trasport multimodali fl-Eurasja.

4.4.

Il-Każakistan għandu riżervi vasti ta’ riżorsi naturali u karburanti fossili, li ħafna minnhom għadhom ma ġewx sfruttati; għad li f’termini ta’ produzzjoni l-industrija tal-minjieri għadha ’l bogħod milli tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha (13). Il-Każakistan u l-Użbekistan għandhom riżorsi kbar taż-żejt u l-gass filwaqt li t-Turkmenistan waħdu għandu 9 % tar-riżervi tal-gass naturali dinjija (14). Min-naħa l-oħra l-Kirgiżistan u t-Taġikistan għad iridu jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom tal-idroelettriku u r-riżorsi tal-minerali prezzjużi (15). L-Użbekistan u t-Turkmenistan huma fost l-għaxar pajjiżi fid-dinja li l-aktar jipproduċu l-qoton, għalkemm m’għandhomx biżżejjed riżorsi tal-ilma għal dawn l-uċuh li għandhom bżonn ħafna ilma.

4.5.

Madankollu, l-UE mhux ser tikkonvinċi lin-nies fl-Asja Ċentrali billi taħdem biss għal għanijiet ekonomiċi. Terz tal-popolazzjoni tal-Kirgiżistan u t-Taġikistan jgħixu taħt il-linja tal-faqar. Fil-Kirgiżistan iktar minn żewġ terzi tal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol huma impjegati fis-settur informali. Iktar minn miljun persuna mit-Taġikistan u nofs l-ammont persuni mill-Kirgiżistan jaħdmu barra pajjiżhom, l-iktar fir-Russja jew il-Każakistan, mhux l-inqas minħabba l-qgħad fost iż-żgħażagħ f’pajjiżhom. Minkejja l-ugwaljanza legali għan-nisal-iżbilanċi persistenti bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta’ ħlas huma relatati l-iktar mal-livell baxx ta’ impjieg tan-nisa, u terġa’ fi professjonijiet b’salarji baxxi. In-nisa qed jiffaċċjaw ukoll opportunitajiet edukattivi dejjem inqas.

4.6.

Għalhekk, din l-Opinjoni tagħmel sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet li jkopru l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ilma, flimkien mas-sigrutà fil-provvista tal-ikel (li għadha kwistjoni ewlenija fit-Taġikistan), is-sigurtà tal-ilma u l-provvista tal-enerġija, li jirriflettu dawk li saru fl-Opinjoni tal-2011.

5.   Ir-rwol tas-soċjetà ċivili

5.1.

Wieħed mit-twemminiet fundamentali tal-KESE hu li l-iżvilupp tal-kuntatt mas-soċjetà ċivili lokali huwa wieħed mill-aħjar modi biex l-UE tkun l-iżjed effettiva. Huwa importanti wkoll li dan isir b’mod pożittiv, mhux l-inqas biex isir sforz biex jiġi indirizzat it-tħassib governattiv fir-reġjun dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili (16). It-trawwim ta’ kuntatt iktar estensiv u skambji bejn iż-żgħażagħ għandu jgħin biex dan jiġi faċilitat. Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-livell għoli ta’ appoġġ imfittex mill-Asja Ċentrali taħt il-programm estiż UE Erasmus+, li jgħin jiżviluppa rabtiet edukattivi iktar fil-fond u l-mobbiltà fil-livell terzjarju, li idealment ikun akkumpanjat bl-iffaċilitar tal-viżi u r-rinunzji ta’ tariffi għall-iktar studenti bravi tar-reġjun.

5.1.1.

L-edukazzjoni sekondarja toffri qasam ieħor ewlieni għal attività u appoġġ msaħħa tal-UE, mhux l-inqas bl-għoti ta’ informazzjoni iktar mifruxa dwar l-UE fil-lingwi lokali, u sforz ikbar biex jiġu involuti l-ġenituri. F’ċerti Stati s-sistema edukattiva sejra għall-agħar; hemm nuqqas ta’ kotba tal-iskola fil-livell sekondarju u edukazzjoni tajba hija ġeneralment meqjusa bħala elitista, mhux l-inqas minħabba l-ispejjeż kbar għall-universitajiet. L-investiment fil-promozzjoni tal-għalliema fil-livell prattiku jista’ jkun benefiċjali wkoll bħala parti mill-iżvilupp rurali ġenerali. Għandu jitqies b’mod serju l-forniment ta’ preżenza mtejba tal-mezzi tax-xandir permezz tan-netwerks Ewropej tat-televiżjoni u r-radju, bħall-Euronews jew l-Euranet, bi programmi bil-lingwi lokali.

5.2.

Fl-Opinjoni tiegħu tal-2011, il-Kumitat ta ħarsa lejn ir-rwol u l-attività tas-soċjetà ċivili organizzata indipendenti usa’ fl-Asja Ċentrali. Minn dak iż-żmien ’l hawn, b’xorti ħażina din is-sitwazzjoni tidher li ma tantx marret għall-aħjar fl-ebda wieħed mill-ħames pajjiżi. Il-preokkupazzjonijiet governattivi ikbar rriżultaw fi pressjoni miżjuda fuq l-NGOs, il-mezzi tax-xandir u persuni mill-oppożizzjoni. Fi tmiem l-2011 fil-Każakistan, protesti mill-ħaddiema tas-settur taż-żejt ħallew 14-il persuna mejta u ħafna feriti. Dan wassal biex il-gvern jissuspetta iktar fit-trade unions indipendenti, il-ħabs għall-mexxej ewlieni tal-oppożizzjoni u l-projbizzjoni ta’ bosta aġenziji tal-mezzi tax-xandir.

5.2.1.

Il-Kirgiżistan u l-Każakistan, pajjiżi b’soċjetà ċivili iktar vibranti, ippruvaw iżidu l-ħakma tagħhom fuq l-NGOs internazzjonali. Il-Każakistan ikkummissjona studju dwar l-esperjenza ta’ “pajjiżi oħra” (jiġifieri r-Russja) filwaqt li l-membri parlamentari tal-pajjiż inizjaw mill-ġdid abbozz ta’ liġi ispirat minn dik il-leġislazzjoni.

5.3.

L-Opinjoni tal-2011 tat attenzjoni speċifika wkoll lill-forom tradizzjonali, iktar rurali tal-ashar/hashar ta’ assoċjazzjonijiet ta’ komunità/awtoassistenza (pereżempju biex tittejjeb l-infrastruttura komunitarja), ankrati sew kemm fir-reġjuni nomadiċi kif ukoll dawk abitati fl-Asja Ċentrali. Ir-rilanċ tagħhom fis-snin disgħin wara l-kollass tas-sistema soċjalista, l-iktar fis-settur soċjali. Filwaqt li l-ashar normalment ma kellhomx strutturi formali, uħud minnhom ġew istituzzjonalizzati u reġistrati bħala NGOs. Għad-donaturi internazzjonali, dawn il-gruppi offrew il-bażi għall-proġetti li jagħtu s-setgħa lill-komunitajiet rurali.

5.3.1.

Jiddispjaċina li l-UE għandha tendenza li tiffinanzja biss l-NGOs stabbiliti sew, iżda ninnotaw li l-ashar/hashar jiddependu minn tradizzjonijiet pre-Sovjetiċi li ħafna drabi ma jkunux kompatibbli mal-valuri tad-donaturi, mhux l-inqas meta d-deċiżjonijiet isiru mill-“aksakals” (anzjani għorrief). Meta jqisu li proġett m’hemmx bżonnu, dan jiġi segwit strettament mill-komunità, li tirriżulta fi xkiel għall-implimentazzjoni.

5.4.

L-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali fl-2007 ġiet segwita bit-twaqqif tal-Proċess tad-Djalogu tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. S’issa saru sitt ċikli ta’ djalogi mal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi (tmienja mal-Użbekistan, ħamsa mal-Kirgiżistan).

5.4.1.

Qabel u wara kull ċiklu ta’ djalogu, l-SEAE torganizza sessjonijiet ta’ tgħarrif għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fi Brussell. Madankollu, il-laqgħat mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Asja Ċentrali fil-livell lokali saru biss fuq bażi ad hoc, ħafna drabi qabel id-djalogu. Dawn is-seminars lokali jservu bħala forum għas-soċjetà ċivili tal-Asja Ċentrali u l-Ewropa biex jiddiskutu kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem speċifiċi għall-pajjiżi mar-rappreżentanti tal-UE u l-uffiċjali tal-gvern, li jiddeċiedu l-aġenda bejniethom. Ir-rakkomandazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jitfasslu f’dawn is-seminars iridu jiġu inkorporati bis-sħiħ fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem.

5.4.2.

Ir-rilevanza u l-impatt tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-seminars tas-soċjetà ċivili li jakkumpanjawhom ivarjaw. Kien biss fil-Kirgiżistan u t-Taġikistan li s-seminars kellhom xi rilevanza għas-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem u għad-djalogu mal-gvernijiet, segwiti minn xi bidliet leġislattivi konkreti (17), notevolment dwar l-użu tat-tortura. Madankollu, fiż-żewġ każijiet id-djalogi inizjati mill-UE qdew rwol kumplementari u ta’ faċilitar peress li l-kwistjonijiet kienu tqajmu qabel fi ħdan il-fora tan-Nazzjonijiet Uniti. B’xorti ħażina, l-impatt fi bnadi oħra kien ferm limitat: sar biss seminar wieħed tas-soċjetà ċivili fl-Użbekistan, fl-2008, u l-ebda wieħed fit-Turkmenistan.

5.4.3.

Madankollu, is-soċjetà ċivili fil-Każakistan tħalliet barra mill-għażla ta’ suġġetti għas-seminar tas-soċjetà ċivili tal-2011, li kopra d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u kwistjonijiet tal-ġeneru, iżda mhux l-istrajk kontinwu tal-ħaddiema tas-settur taż-żejt fil-Każakistan tal-Punent. Is-seminar tal-2012 iffoka fuq “Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għar-riformi ġudizzjarji fil-Każakistan”, iżda l-gvern tal-Każakistan ma ħa l-ebda interess fl-avveniment, u lanqas mhuwa ċar jekk ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġewx inklużi fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem.

5.5.

Il-ħames pajjiżi għandhom ħafna punti komuni fir-rigward tax-xogħol minkejja sitwazzjonijiet ekonomiċi li jvarjaw: hemm nuqqas ta’ xogħol deċenti, l-ekonomija informali taqdi rwol konsiderevoi, hemm livelli għoljin ta’ korruzzjoni – ambjent li mhuwiex favorevoli għal-libertà tal-assoċjazzjoni.

5.5.1.

F’kull pajjiż hemm dispożizzjonijiet legali restrittivi li jolqtu l-kunflitti industrijali u b’mod partikolari d-dritt li wieħed jistrajkja. Il-gvernijiet ħafna drabi jindaħlu, b’mod partikolari permezz ta’ kandidati preferuti għal pożizzjoni fit-trade union u restrizzjonijiet legali fuq strutturi, proċeduri u attivitajiet tat-trade unions. Fil-Każakistan liġi ġdida tista’ twassal għall-monopoliżmu tat-trade unions, kif inhu diġà l-każ fit-Taġikistan u l-Użbekistan. Is-sistemi ta’ djalogu soċjali (tripartitiku) fil-livell nazzjonali huma dominati sew mill-gvern: ir-rwol tal-imsieħba soċjali huwa l-iktar konsultattiv u t-trejdjunjonisti ewlenin huma qrib l-awtoritajiet.

5.5.2.

L-Opinjoni tal-2011 tat ħarsa mill-qrib lejn is-sitwazzjoni fir-rigward tal-Konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO. Għal ħafna snin, il-Każakistan, il-Kirgiżistan u t-Taġikistan ikkooperaw mal-ILO, b’mod partikolari fil-Programmi tal-Pajjiżi għax-Xogħol Deċenti, li l-Użbekistan iffirma f’April 2014. Il-Programm internazzjonali tal-ILO għall-Eliminazzjoni tal-Impjieg tat-Tfal jidher li qed jaħdem b’mod partikolari fil-Kirgiżistan u t-Taġikistan, filwaqt li l-UE rrikonoxxiet ukoll il-passi pożittivi li l-Użbekistan ħa dwar din il-kwistjoni (18). L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn il-Konvenzjonijiet għadha għan essenzjali.

Brussell, il-21 ta’ Jannar 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  European Union and Central Asia: A Strategy for a New Partnership, Kunsill QC-79.07.222.29C, Ottubru 2007.

(2)  Il-Każakistan, il-Kirgiżistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan.

(3)  CESE 1010/2011 (ĠU C 248, 25.8.2011, p. 49).

(4)  Ara l-istqarrija għall-istampa dwar il-Konklużjoni tal-Kunsill dwar l-Asja Ċentrali, Ġunju 2012.

(5)  Extractive Industries Transparency Initiative – Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi.

(6)  http://www.traceca-org.org/en/traceca/

(7)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 6.

(8)  7 ta’ Frar 2014.

(9)  22 ta’ Ottubru 2014, ikkwotat f’“The Diplomat”, 11 ta’ Novembru 2014.

(10)  Forum ewlieni għad-djalogu u l-kooperazzjoni li għalih attendew Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern – 53 f’Ottubru 2014.

(11)  Is-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi tal-UE.

(12)  L-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi.

(13)  http://www.gecf.org/gecfmembers/kazakhstan(observer)

(14)  BP Statistical Review of World Energy, Ġunju 2014.

(15)  Id-depożiti tal-minerali tal-ħadid huma stmati għal 5 biljun tunnellata, li l-biċċa l-kbira minnhom għandhom mat-30 % ħadid. Barra minn hekk, il-Kirgiżistan għandu waħda mill-ikbar riżervi tad-deheb aċċertati fid-dinja.

(16)  Mhux l-inqas minħabba r-“Rebbiegħa Għarbija”, il-liġi reċenti fir-Russja tal-“aġenti barranin” u l-moviment tal-Euromaidan fl-Ukrajna.

(17)  Il-Parlament tal-Kirgiżistan adotta liġi kontra t-tortura f’Ġunju 2012 b’segwitu tar-rakkomandazzjoni tas-seminar tas-soċjetà ċivili li kien sar erba’ xhur qabel, filwaqt li fit-Taġikistan fl-istess sena ġiet adottata liġi li kklassifikat it-tortura bħala reat kriminali.

(18)  Stqarrija għall-Istampa tas-SEAE, 19 ta’ Novembru 2014.


23.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 242/9


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-inklużjoni tan-nisa migranti fis-suq tax-xogħol”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 242/02)

Relatur:

Béatrice OUIN

Nhar l-10 ta’ Lulju 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

“L-inklużjoni tan-nisa migranti fis-suq tax-xogħol”

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ Diċembru 2014.

Matul il-504 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Jannar 2015 (seduta tal-21 ta’ Jannar 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’212-il vot favur, vot (1) wieħed kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1.

Sabiex jimplimenta l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta’ Persuni bin-Nazzjonalità ta’ Pajjiżi Terzi kemm fir-rigward tal-aċċess tan-nisa għall-impjieg, kif ukoll fir-rigward tal-integrazzjoni tal-immigranti, u peress li l-Ewropa teħtieġ il-migranti, minkejja d-diskorsi ostili li l-propaganda tagħhom hija ta’ tħassib u tmur kontra l-interess fit-tul tal-popolazzjonijiet li jgħixu fl-Ewropa, il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej sabiex:

jużaw aħjar il-potenzjal tas-Semestru Ewropew u joħorġu rakkomondazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar l-integrazzjoni tan-nisa migranti fis-suq tax-xogħol,

iqisu n-natura speċifika tan-nisa migranti waqt it-tħejjija tal-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015,

ikomplu jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għar-riunfikazzjoni tal-familja, sabiex ma jiddewwimx l-aċċess għall-impjieg tan-nisa li għandhom dritt għar-riunifikazzjoni u sabiex iqisu reviżjoni ta’ din id-Direttiva sabiex il-miżżewġin tagħhom ikollhom aċċess immedjat għall-impjieg,

jevalwaw sehem in-nisa fost il-benefiċjarji tal-Karta Blu Ewropea (1) u tad-Direttiva relatata mal-ħaddiema staġonali (2), kif ukoll in-natura tal-impjiegi li għandhom, sabiex jiġi assigurat li n-nisa migranti ma jkunux vittmi ta’ diskriminazzjoni,

jassiguraw li r-regoli futuri relatati mar-riċerkaturi, studenti, voluntiera u ħaddiema au pair (3) ikunu ta’ benefiċċju kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel,

jaċċertaw li l-istrumenti finanzjarji dedikati għall-integrazzjoni tal-immigranti jkunu nofshom iddedikati mill-inqas għan-nisa.

1.2.

Apparti l-miżuri li għandhom jiġu applikati għall-immigranti kollha, nisa u irġiel, il-KESE jitlob lill-Istati Membri sabiex:

jimplimentaw għanijiet ċari u ambizzjużi relatati mal-integrazzjoni tan-nisa migranti,

jadottaw politiki li jqisu s-sitwazzjoni speċifika tan-nisa, il-livell tagħhom ta’ kwalifiki, l-għarfien tagħhom tal-lingwa tal-pajjiż ta’ akkoljenza, jekk jagħmlux parti mill-ewwel ġenerazzjoni ta’ immigrazzjoni jew mill-ġenerazzjonijiet ta’ wara,

jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, bil-miżuri implimentati favur l-integrazzjoni tan-nisa migranti fis-suq tax-xogħol,

fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja, m’għandux ikun hemm dewmien fl-aċċess għall-impjieg għas-sieħeb/sieħba tagħhom sabiex tiġi promossal-integrazzjoni tal-familji u jiġu evitati l-faqar u t-telf tal-kompetenzi,

f’kull stadju tal-proċess tal-migrazzjoni, in-nisa jiġu garantiti d-drittijiet individwali, u mhux sempliċiment id-drittijiet bħala membri tal-familja,

jiżguraw informazzjoni aħjar lin-nisa migranti dwar l-aċċess għas-servizzi implimentati sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għat-taħriġ lingwistiku u professjonali u għall-impjiegi ta’ kwalità,

jorganizzaw taħriġ lingwistiku li jindirizza l-bżonnijiet speċifiċi tan-nisa immigranti, li jkun orjentat lejn it-tiftix ta’ impjieg u li jkun aċċessibbli għalihom,

jaċċelleraw il-proċess tar-rikonoxximent tal-kwalifiki u tal-esperjenza miksuba barra l-pajjiż sabiex in-nisa jkunu jistgħu jsibu impjieg li jikkorrispondi mal-kompetenzi u l-aspirazzjonijiet tagħhom,

jevitaw it-telf ta’ ħiliet, li jirrappreżenta telf tal-kapital uman,

jikkunsidraw li x-xogħol f’xi setturi (it-tindif, il-kura tat-tfal u l-anzjani, il-lukandi u ristoranti, l-agrikoltura, eċċ.) jistgħu joffru opportunitajiet lin-nisa immigranti inqas kwalifikati, sakemm jittieħdu passi sabiex ix-xogħol mhux iddikjarat jiġi legalizzat, isir professjonali u jiġi vvalutat, biex in-nisa jingħataw taħriġ f’dawn l-impjiegi u jkunu jistgħu jipprogressaw fil-karriera tagħhom,

jappoġġjaw lin-nisa intraprendituri u jħeġġu l-edukazzjoni intraprenditorjali tan-nisa migranti,

jinvolvu lill-imsieħba soċjali u lis-soċjetà ċivili fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-politiki,

jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali (Nazzjonijiet Uniti) dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom tat-18 ta’ Diċembru 1990,

jirregolarizzaw id-dritt għas-soġġorn tal-immigranti li ilhom snin twal jgħixu fl-Ewropa; ir-regolarizzazzjoni mifruxa li twettqet minn ċerti Stati Membri ħalliet il-benefiċċji.

1.3.

Fl-aħħar, il-KESE jitlob lill-imsieħba soċjali sabiex:

jinkludu aħjar il-karatteristiċi speċifiċi tan-nisa migranti fil-programm ta’ ħidma dwar id-djalogu soċjali Ewropew,

jiffaċilitaw, fil-ftehimiet kollettivi, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tan-nisa migranti.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Għal dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, l-immigrazzjoni qed tkun magħmula minn iktar nisa. In-nisa jimmigraw lejn l-Ewropa biex jingħaqdu ma’ familthom, jew inkella huma refuġjati u qegħdin jitolbu l-asil. Ħafna huma dawk li jiġu biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom, filwaqt li jħallu familthom f’pajjiżhom, u jsiru l-appoġġ prinċipali tal-familja.

2.2.

Jistgħu jaslu fl-Ewropa b’permess ta’ residenza jew mingħajru, b’livelli għoljin ta’ kwalifiki jew mingħajrhom. Jitilqu minn pajjiżhom b’mod volontarju jew huma kostretti li jagħmlu dan, u xi wħud huma vittmi tat-traffikar tal-persuni. Għalhekk din il-popolazzjoni hija importanti daqs kemm hija diversifikata.

2.3.

Min-naħa tagħha, minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni, it-tnaqqis fir-rata tat-twelid u l-bżonnijiet tal-forza tax-xogħol kwalifikata f’diversi setturi, l-Ewropa qed tiffaċċja sfida kbira fis-suq tax-xogħol.

2.4.

F’dan il-kuntest, in-nisa migranti jirrappreżentaw sors ta’ kompetenzi u kreattività li llum m’humiex sfruttati biżżejjed. L-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol hija bżonn. Din tikkontribwixxi sabiex jitwettaq il-potenzjal sħiħ tal-migrazzjoni, kemm għall-migranti nisa kif ukoll għall-Unjoni Ewropea. Hija ssaħħaħ l-integrazzjoni u tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali.

2.5.

Il-KESE diġà esprima l-fehmiet tiegħu dwar il-kwistjonijiet tal-immigrazzjoni u l-integrazzjoni u ħareġ diversi rakkomandazzjonijiet fir-rigward kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa (4). Din l-Opinjoni ser tevita li tirrepeti dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

2.6.

Min-naħa l-oħra, s’issal-KESE ma kienx ħareġ proposti li huma speċifiċi għan-nisa migranti. Peress li mkien fid-dinja ma titwettaq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u peress li jeżistu kwistjonijiet speċifiċi għan-nisa li ma jistgħux jiġu osservati b’approċċ globali, din l-Opinjoni hija dedikata għall-inklużjoni tan-nisa migranti fis-suq tax-xogħol.

3.   Kuntest Ewropew

3.1.

Iż-żieda fir-rata tal-impjieg tan-nisa, bħal dik tal-migranti, hija waħda mill-prijoritajiet tal-UE, imħabbra fl-Istrateġija Ewropa 2020, l-Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta’ Persuni bin-Nazzjonalità ta’ Pajjiżi Terzi (5) kif ukoll fil-programmi pluriannwali tal-Kunsill Ewropew (6).

3.2.

L-Istrateġija Ewropea tipprevedi li r-rata tal-impjieg titla’ għal 75 % sal-2020 u biex dan l-għan jinkiseb hemm bżonn li n-nisa migranti jiġu inklużi aħjar fis-suq tax-xogħol. F’dan il-kuntest, is-Semestru Ewropew jista’ jkun għodda prezzjuża. L-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri għall-integrazzjoni tan-nisa migranti u l-Kummissjoni għandha tipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward.

3.3.

In-natura speċifika tan-nisa migranti għandha wkoll titqies aħjar waqt it-tħejjija tal-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015. Din l-Istrateġija għandha tikkontribwixxi sabiex ittejjeb post in-nisa migranti fis-suq tax-xogħol, inkluż billi titħeġġeġ l-intraprenditorija.

3.4.

Fil-livell tal-UE, is-sitwazzjoni tan-nisa migranti tvarja ħafna skont liema Direttiva tkun qed tiġi applikata.

3.5.

Id-detentriċi tal-Karta Blu (7) għandha aċċess aktar faċli għal impjiegi bi kwalifiki għoljin; bl-istess mod, il-mara tad-detentur ta’ Karta Blu għandha dritt ġenerali, awtomatiku u immedjat ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol tal-pajjiż ospitanti.

3.6.

Min-naħa l-oħra, il-mara miżżewġa li tibbenefika mir-riunifikazzjoni tal-familja (8) xi kultant ikollha tistenna sena qabel ikollha aċċess għal impjieg b’paga jew biex tkun tista’ taħdem għal rasha, dewmien li jista’ jiġi impost mill-Istati Membri. Dan iż-żmien ta’ stennija jagħmel lill-mara dipendenti fuq ir-raġel tagħha, ibiegħda mis-suq tax-xogħol u jġiegħlha titlef parti mill-ħiliet tagħha. Sabiex tirrimedja dan, il-Kummissjoni Ewropea m’għandhiex tkun limitata li tikkontrolla l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja fl-Istati Membri u għandha tqis ir-reviżjoni tagħha.

3.7.

Fir-rigward ta’ dawk li japplikaw għall-asil, meta jiġu pprojbiti li jaħdmu, dawn jiġu inċitati jagħmlu xogħol mhux iddikjarat. Għalhekk għandhom jitneħħew l-ostakli legali għall-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, il-fatt li jkollhom xogħol għandu jippermettilhom jirregolarizzaw l-istatut ta’ residenza tagħhom. Ir-regolarizzazzjoni fuq skala mifruxa li għaddew minnha ċertu Stati Membri ħalliet riżultati tajbin.

3.8.

F’konklużjoni, l-armonizzazzjoni tal-istrumenti Ewropej hija meħtieġa sabiex kull persuna li tkun tgħix legalment fit-territorju Ewropew ikollha aċċess immedjat għall-impjieg u għad-drittijiet personali għar-residenza, indipendentement mill-istatus taż-żwieġ.

4.

Miżuri speċifiċi għall-integrazzjoni tan-nisa migranti fis-suq tax-xogħol tal-Istati Membri

4.1.   Osservazzjoni preokkupanti: diffikultajiet minħabba li mara u minħabba li immigranta

4.1.1.

Is-suq tax-xogħol huwa żvantaġġjuż għan-nisa, humiex Ewropej jew immigranti. Minkejja l-qafas leġislattiv tal-UE, il-bilanċ bejn il-ħajja privata u dik professjonali, l-aċċess għad-drittijiet soċjali u għall-pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà jew il-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika jibqgħu aktar diffiċli għan-nisa milli għall-irġiel.

4.1.2.

In-nisa huma kkonċentrati f’xi setturi (9) (is-saħħa, l-edukazzjoni, l-amministrazzjoni pubblika, il-lukandi u r-restoranti, is-servizzi lill-familja, ix-xogħol domestiku, eċċ.). Ta’ spiss jaħdmu part time u huma wkoll l-aktar li jaħdmu b’kuntratti qosra, ta’ natura prekarja. Fl-2014, id-distakk fis-salarju medju tan-nisa u tal-irġiel fl-UE għadu ta’ 16,4 % (10), filwaqt li dak fil-pensjonijiet huwa ikbar.

4.1.3.

Is-sitwazzjoni hija aktar ta’ tħassib għan-nisa migranti, ir-rata tagħhom ta’ attività professjonali hija inqas minn dik tan-nisa mill-pajjiż. Il-maġġoranza tagħhom huma kkonċentrati fi ftit setturi u jintlaqtu aktar mill-impjieg prekarju u part time, il-pagi baxxi u l-kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol. L-ostakli kulturali fil-familja jew il-komunità tagħhom jistgħu jżommuhom milli jkollhom aċċess għall-impjieg. Barra minn hekk, jistgħu jiġu diskriminati fir-rigward tal-aċċess għas-suq tax-xogħol.

4.2.   Hemm bżonn ta’ miżuri speċifiċi

4.2.1.

Din is-sitwazzjoni teħtieġ azzjoni pożittiva li qabel kollox għandha tqis is-sitwazzjoni speċifika tan-nisa, il-livell tagħhom ta’ kwalifiki, l-għarfien tagħhom tal-lingwa tal-pajjiż ta’ akkoljenza, jekk jagħmlux parti mill-ewwel ġenerazzjoni ta’ immigrazzjoni jew mill-ġenerazzjonijiet ta’ wara.

4.2.2.

Ċerti miżuri, marbutin mal-konċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u familjali, huma l-istess bħal dawk għan-nisa mill-pajjiż. Għall-familji immigranti huwa importanti li jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ kwalità għall-kura tat-tfal, aċċessibbli kemm mil-lat finanzjarju kif ukoll ġeografiku, peress li b’mod ġenerali, il-familja tagħhom ma tkunx qrib biex tgħinhom.

4.2.3.

Azzjonijiet oħra huma aktar speċifiċi għan-nisa migranti: il-ġlieda kontra r-razziżmu, it-titjib fl-aċċess għar-residenza, għall-kura tas-saħħa, għas-servizzi soċjali, il-ġlieda kontra ż-żwiġijiet furzati, il-poligamija eċċ. It-tgawdija mir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-Ewropa, il-ħrib mill-vjolenza fuq in-nisa u mis-sitwazzjonijiet ta’ inugwaljanza huma raġunijiet li jimbuttaw lin-nisa biex jitilqu pajjiżhom. M’għandhomx isibu l-istess problemi fl-Ewropa, iżda minkejja dan, dawn id-diffikultajiet jeżistu wkoll, u jolqtu saħansitra lit-tieni ġenerazzjonijiet ta’ immigranti, fejn jiġi ostakolat l-aċċess tagħhom għall-impjieg.

4.2.4.

Fl-UE, is-soċjetà ċivili, l-assoċjazzjonijiet tan-nisa immigranti u l-universitajiet ħadu bosta inizjattivi fil-livell lokali li ħallew il-frott, relatati mal-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Dawn l-inizjattivi għandhom jiġu appoġġjati u t-tixrid ta’ dawn il-prattiki tajba għandu jitħeġġeġ fil-livell nazzjonali u bejn l-Istati Membri.

4.3.   Il-ġbir ta’ data neċessarja għal politiki infurmati

4.3.1.

Sabiex ikun hemm għarfien aktar fil-fond tal-bżonnijiet tan-nisa immigranti u sabiex jitħejjew politiki adattati, huwa indispensabbli li jkun hemm disponibbli l-aħjar statistika, diżaggregata skont is-sess u skont in-nazzjonalità jew l-oriġini, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll Ewropew.

4.4.   Informazzjoni aħjar lin-nisa migranti

4.4.1.

Sabiex jitjieb l-għarfien tas-soċjetà ta’ akkoljenza u tas-suq tax-xogħol tagħha, jeħtieġ li n-nisa migranti jingħataw aċċess għall-informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u s-servizzi eżistenti, f’diversi lingwi u f’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u n-netwerks tal-migranti, li l-kontribut tagħhom għandhom jiġu rikonoxxut u appoġġjat.

4.5.   It-tagħlim tal-lingwi tal-pajjiż ta’ akkoljenza għandu jiġi ffaċilitat

4.5.1.

L-integrazzjoni u l-aċċess għall-impjieg jiddependu mill-għarfien tal-lingwa tal-pajjiż ta’ akkoljenza. Il-ħakma insuffiċjenti tal-lingwa tkompli l-iżolament tan-nisa, twaqqafhom milli jkunu jafu drittijiethom u li jkollhom aċċess għas-servizzi pubbliċi u tolqot l-integrazzjoni ta’ uliedhom. Fil-fatt, ir-riżultati tal-iskola tal-maġġoranza taż-żgħażagħ li ġejjin mill-immigranti huma inferjuri għal dawk tan-nattivi.

4.5.2.

L-awtoritajiet pubbliċi għalhekk iridu jagħmlu korsijiet tal-lingwi disponibbli għan-nisa migranti, li jkunu aċċessibbli mil-lat ta’ flus, lok u ħinijiet (konċiljabbli mal-preżenza tat-tfal żgħar fid-dar). Mil-lat tal-kontenut, il-korsijiet għandhom ikunu utli fit-tiftix ta’ impjieg u l-kuntatti mas-servizzi pubbliċi.

4.6.   Nirrikonoxxu l-kwalifiki u nipprevjenu t-telf ta’ ħiliet

4.6.1.

Il-profili tan-nisa immigranti huma diversi u l-politiki għandhom jiġu adattati għal dawn id-differenzi. Xi wħud għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni u esperjenza, filwaqt li oħrajn għandhom kwalifiki universitarji jew professjonali importanti.

4.6.2.

L-akbar diffikultà għal numru kbir fosthom hija kif il-kwalifiki u l-esperjenza miksuba barra l-pajjiż jistgħu jiġu rikonoxxuti, u dan huwa paradossali peress li l-Ewropa għandha bżonn ta’ persunal kwalifikat f’numru ta’ oqsma. Il-perjodu ta’ stennija li xi kultant ikun twil sabiex id-diplomi tagħhom jiġu rikonoxxuti jista’ jwassal għal skoraġġiment, telf ta’ għarfien u jista’ jimbutta lil dawn in-nisa sabiex jaċċettaw impjieg li għalih ikunu kwalifikati ħafna. In-nisa migranti qiegħda jew li jagħmlu xogħlijiet li jirrikjedu kwalifiki iktar baxxi minn dawk li għandhom huma riżorsa mhux użata tajjeb biżżejjed li tirrappreżenta ħela ta’ kapital uman.

4.6.3.

Għandhom jinħolqu servizzi bil-għan li jkunu jistgħu jiġu rikonoxxuti l-kwalifiki miksuba fil-pajjiż ta’ oriġini. L-imsieħba soċjali wkoll għandhom rwol importanti x’jaqdu sabiex jiffaċilitaw, fil-ftehimiet kollettivi, ir-rikonoxximent ta’ dawn il-kwalifiki.

4.6.4.

Ċerti setturi, bħat-tindif, il-kura tat-tfal u l-anzjani, il-lukandi u ristoranti, l-agrikoltura u l-ekonomija soċjali, jistgħu joffru opportunitajiet għan-nisa immigranti inqas kwalifikati kemm bħala impjegati kif ukoll bħala intraprendituri indipendenti. Madankollu jeħtieġ li dawn is-setturi jiġu professjonalizzati u valutati, ikun hemm taħriġ għan-nisa f’dawn l-impjiegi u jiġi rikonoxxut il-kontribut importanti tal-ħaddiema f’dawn l-oqsma, sabiex ix-xogħol f’dawn is-setturi jkun ta’ benefiċċju kemm għan-nattivi kif ukoll għan-nisa immigranti.

4.6.5.

Xogħol bħal dan jista’ wkoll ikun temporanju, minn fejn tinbet l-importanza li jiġi offrut taħriġ meta n-nisa jkunu qegħdin jaħdmu f’dawn l-oqsma, sabiex ikunu jistgħu jipprogressaw il-karriera tagħhom jew jersqu lejn impjiegi oħra.

4.6.6.   Il-każ speċifiku tax-xogħol fid-djar privati

4.6.6.1.

Minkejja li mhux in-nisa immigranti kollha jaħdmu f’dan is-settur, ta’ spiss dan huwa s-settur li jiġbidhom għall-bidu, minn naħa minħabba li hemm domanda qawwija, u min-naħa l-oħra minħabba li jistgħu jaħdmu mingħajr dokumenti.

4.6.6.2.

Dawn in-nisa jsibu ruħhom maqbudin: ma jistgħux jaħdmu ħlief impjieg mhux iddikjarat, mingħajr ħarsien. Peress li ma jistgħux juru li jaħdmu, dawn ma jistgħux jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom jew jiksbu permess ta’ residenza. Għalhekk jinsabu f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà kbira, waħedhom quddiem ħafna impjegaturi jew ikunu jgħixu fid-dar tal-impjegatur tagħhom.

4.6.6.3.

Xi Stati Membri ħadu miżuri li wasslu għal-legalizzazzjoni ta’ dan ix-xogħol mhux iddikjarat (għajnuna fiskali fl-Isvezja, skemi ta’ kupuni għas-servizzi domestiċi (it-titres services fil-Belġju, iċ-chèque emploi service fi Franza), eċċ.), liema miżuri jiffaċilitaw il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni għall-impjegaturi u jippermettu lill-impjegati jkollhom aċċess għad-drittijiet soċjali u juru l-attività professjonali tagħhom, u b’hekk titwitta t-triq għar-regolarizzazzjoni tal-istatut tar-residenza tagħhom.

4.6.6.4.

L-Istati Membri għandhom jirratifikaw l-Konvenzjoni Nru 189 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) (11), li tippermetti li l-ħaddiema domestiċi jingħataw drittijiet ekwivalenti għal dawn ta’ ħaddiema oħra, u li dan is-settur jiġi strutturat, bħalma jirrakkomanda l-KESE fl-Opinjoni tiegħu “L-iżvilupp tas-servizzi għall-familja biex ir-rata tal-impjiegi tiżdied u tiġi promossal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fix-xogħol” (12).

4.7.   Appoġġ għall-impjieg indipendenti u l-intraprenditorjat

4.7.1.

Ir-riċerki juru li l-ispirtu tal-innovazzjoni u l-intraprenditorjat tal-immigranti huwa superjuri għal dak tan-nattivi. F’ħafna pajjiżi huma jadottaw l-istatut ta’ intraprenditur indipendenti jew joħolqu intrapriżi ġodda, fejn ta’ spiss jimpjegaw immigranti oħra. Il-Kumitat iddedika Opinjoni (13) għall-kontribut tal-intraprendituri migranti fl-ekonomija tal-UE.

4.7.2.

Sabiex jirnexxu aħjar, dawn l-intrapriżi għandhom bżonn li jiġu appoġġjati sabiex ikollhom aċċess għall-finanzjament, jitgħallmu jfasslu pjan ta’ negozju, jifhmu l-ambjent ekonomiku tal-pajjiż ta’ akkoljenza. Għandhom jiġu żviluppati inizjattivi speċifiċi sabiex jgħinu lin-nisa intraprendituri u għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-intraprenditorjat soċjali.

4.7.3.

In-nisa immigranti għandhom ukoll ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-isponsorjar minn intraprendituri oħra b’aktar esperjenza, filwaqt li għandhom jiġu megħjuna n-netwerks tan-nisa migranti intraprendituri. L-edukazzjoni intraprenditorjali għandha tiġi offerta wkoll lin-nisa immigranti u għandha tiġi organizzata f’kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata.

4.8.   Titjib tar-reputazzjoni tan-nisa immigranti

4.8.1.

Filwaqt li l-immigrazzjoni tan-nisa awtonomi, ta’ nisa ta’ spiss kwalifikati, qed tiżdied, ir-rappreżentanza soċjali tal-mara immigranta bħala vittma ta’ kultura li ftit tħalli lok għad-drittijiet tan-nisa qiegħda timxi ’l quddiem bil-mod il-mod. Hemm bżonn ta’ reputazzjoni iktar pożittiva tan-nisa migranti u din għandha sservi ta’ mudell fil-komunitajiet tal-immigranti. Il-kampanji ta’ informazzjoni għandhom jagħtu kontribut għal dan.

4.9.   Titjib tal-kooperazzjoni f’aktar minn livell wieħed

4.9.1.

L-integrazzjoni effettiva tista’ sseħħ biss jekk ikun hemm sħubija bejn il-firxa kollha ta’ dawk li għandhom interess, bħall-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u l-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali.

4.9.2.

L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata – u b’mod partikolari tal-assoċjazzjonijiet tan-nisa migranti – għandu jseħħ fl-istadji kollha tal-politiki relatati mal-integrazzjoni tan-nisa migranti fis-suq tax-xogħol. Dawn il-partijiet interessati fil-fatt jistgħu jagħtu valur miżjud ġenwin permezz tal-għarfien tagħhom tar-realtajiet li jgħixu n-nisa immigranti. Dan jista’ jgħin ukoll biex jinħoloq sens ta’ sjieda konġunta, li jikkontribwixxi għall-aċċettazzjoni soċjali u l-implimentazzjoni tal-politika.

5.   Konklużjoni

5.1.

Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol hija waħda mill-modi l-aktar effiċjenti u konkreti sabiex persuna tintegra fis-soċjetà. In-nisa immigranti għandhom bżonn li jiġu appoġġjati u akkumpanjati fil-mixja tagħhom lejn l-integrazzjoni. Għandhom jiġu infurmati dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom fis-soċjetà ta’ akkoljenza, jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom, ikollhom aċċess għat-taħriġ, jivvalutaw il-ħiliet tagħhom u jiġu rikonoxxuti għall-kontribut li jagħtu għall-ekonomija u s-soċjetà Ewropea.

Brussell, il-21 ta’ Jannar 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal-25 ta’ Mejju 2009.

(2)  Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014.

(3)  Proposta għal Direttiva COM(2013) 151 final.

(4)  L-Opinjonijiet tal-KESE l-aktar reċenti: ĠU C 451 tas-16.12.2014, p. 96, ĠU C 67 tas-6.3.2014, p. 16, ĠU C 351 tal-15.11.2012, p. 16, ĠU C 181 tal-21.6.2012, p. 131, ĠU C 48 tal-15.2.2011, p. 6, ĠU C 354 tat-28.12.2010, p. 16, ĠU C 347 tat-18.12.2010, p. 19, ĠU C 128 tat-18.5.2010, p. 29, ĠU C 27 tat-3.2.2009, p. 95, kif ukoll ir-Rapport ta’ Informazzjoni dwar L-isfidi l-ġodda tal-integrazzjoni, SOC/376.

(5)  COM(2011) 455 final.

(6)  Kunsill Ewropew ta’ Tampere (1999), tal-Aja (2004) u ta’ Stokkolma (2009).

(7)  Id-Direttiva 2009/50/KE (ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17).

(8)  Id-Direttiva 2003/86/KE (ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12).

(9)  Gender Equality Index Report (Rapport dwar l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi) tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE, 2013) paġna 21.

(10)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/statistics_explained/index.php/Gender_pay_gap_statistics

(11)  Konvenzjoni Nru 189 tal-ILO li daħlet fis-seħħ fil-5 ta’ Settembru 2013.

(12)  ĠU C 12, 15.1.2015, p. 16.

(13)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 16.


23.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 242/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-ħtif tal-art – sinjal ta’ twissija għall-Ewropa u theddida għall-biedja mill-familji”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 242/03)

Relatur:

is-Sur NURM

Nhar l-20 ta’ Jannar 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

“Il-ħtif tal-art – sinjal ta’ twissija għall-Ewropa u theddida għall-biedja mill-familji” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Jannar 2015.

Matul il-504 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Jannar 2015 (seduta tal-21 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’209 voti favur, 5 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Din l-Opinjoni tittratta l-problema rikorrenti madwar id-dinja u fl-UE tal-ħtif tal-art (land grabbing), kif ukoll il-kwistjoni tal-konċentrazzjoni tal-art, li jikkostitwixxu theddida għall-biedja mill-familji.

1.2.

L-art agrikola tipprovdi l-bażi għall-produzzjoni tal-ikel u għalhekk hija l-prerekwiżit għall-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel f’konformità mal-Artikolu 11 tal-Patt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mal-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

1.3.

Il-fatturi li ġejjin jinkoraġġixxu l-ħtif tal-art: il-globalizzazzjoni li qed tiżdied u l-prinċipji tal-moviment liberu tal-kapital assoċjati magħha, it-tkabbir fil-popolazzjoni u l-urbanizzazzjoni, id-domanda ikbar għall-prodotti tal-ikel u l-bijoenerġija, id-domanda ikbar għal riżorsi naturali, l-aspett negattiv tal-politika agrikola u dik ambjentali kif ukoll il-possibbiltà li ssir spekulazzjoni dwar il-valur dejjem ogħla tal-art agrikola.

1.4.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iqis li l-aktar theddida serja ġejja mill-fatt li hemm konċentrazzjoni kbira ta’ art f’idejn investituri kbar u mhux agrikoli u ta’ azjendi agrikoli kbar, anke f’xi partijiet tal-Unjoni Ewropea. Din is-sitwazzjoni tmur kontra l-mudell Ewropew ta’ agrikoltura sostenibbli, multifunzjonali u magħmula minn azjendi agrikoli mmexxija mill-familji u thedded l-implimentazzjoni tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 39 u 191 tat-TFUE. Tmur kontra l-għan agrostrutturali ta’ sjieda mifruxa tal-art, toħloq dannu irriversibbli għall-istrutturi ekonomiċi fiż-żoni rurali u twassal għal tip ta’ agrikoltura industrijalizzata mhux mixtieqa fis-soċjetà.

1.5.

L-agrikoltura industrijalizzata tista’ taggrava r-riskji assoċjati mas-sikurezza tal-ikel u d-degradazzjoni tal-art, u dan inaqqas is-sigurtà tal-ikel.

1.6.

Barra mill-produzzjoni tal-ikel, il-biedja mill-familji taqdi funzjonijiet soċjali u ekoloġiċi importanti oħra li ma jistgħux jiġu moqdija minn mudell agrikolu industrijali ddominat minn kumpaniji kbar. Sabiex il-biedja mill-familji tkun tista’ tikkostitwixxi alternattiva vijabbli għall-agrikoltura industrijali u għall-ħtif tal-art għandhom jittieħdu miżuri attivi li jipproteġuha.

1.7.

L-art mhijiex komodità kwalunkwe li tista’ tiġi manifatturata kif ġieb u laħaq fi kwantitajiet kbar. L-art hija riżorsa limitata, u għaldaqstant m’għandhomx japplikaw ir-regoli normali tas-suq. Is-sjieda tal-art u l-użu tal-art iridu jiġu regolati b’mod iktar strett milli ġew s’issa. Fid-dawl tad-distorsjonijiet osservati, il-KESE jqis li jeħtieġ li jiġi żviluppat mudell ċar għall-istrutturi agrikoli kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll dak tal-UE, li ser ikollu implikazzjonijiet għall-użu tal-art u d-drittijiet dwar l-art.

1.8.

Ir-regolazzjoni tas-suq għall-art għall-biedja tvarja ħafna bejn l-Istati Membri tal-UE. Billi jeżistu restrizzjonijiet f’xi pajjiżi u mhux f’oħrajn hemm disparitajiet bejn l-Istati Membri.

1.9.

Għalkemm il-politika tal-art taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, hija soġġetta għal ċerti restrizzjonijiet abbażi tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital u tal-merkanzija mħaddan fit-Trattati. Għaldaqstant, il-KESE jappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiddiskutu jekk il-moviment liberu tal-kapital fir-rigward tat-trasferiment tal-proprjetà u l-akkwist ta’ art agrikola u negozji agrikoli għandux ikun garantit, b’mod partikolari fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, iżda wkoll fi ħdan l-UE.

1.10.

Il-KESE jappella lill-Istati Membri biex jorganizzaw l-użu tal-art b’tali mod li jiġu sfruttati bis-sħiħ il-possibbiltajiet offruti mit-taxxi, l-għajnuna u l-finanzjament tal-PAK. L-idea hija li jitħares il-mudell agrikolu abbażi tal-biedja mill-familji madwar l-UE.

1.11.

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu l-limiti massimi għall-akkwist tal-art agrikola u joħolqu sistema ta’ jeddijiet ta’ prelazzjoni sabiex jiġu megħjuna dawk li l-proprjetà tagħhom taqa’ taħt il-limitu.

1.12.

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament biex iwettqu analiżijiet tal-impatt komprensivi tal-miżuri politiċi (ta’ għajnuna u restrizzjonijiet) li jintużaw fir-rigward tal-konċentrazzjoni tal-art agrikola u l-produzzjoni agrikola f’pajjiżi differenti, abbażi ta’ metodu uniformi. Ir-riċerka għandha tinvestiga wkoll ir-riskji tal-konċentrazzjoni tal-art għas-sigurtà tal-ikel, l-impjieg, l-ambjent, il-kwalità tal-ħamrija u l-iżvilupp rurali.

1.13.

Il-KESE jitlob lill-Istati Membri kollha tal-UE jimplimentaw il-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Forestrija (VGGT); u jitlobhom ukoll jagħtu rapport lill-Kummissjoni tal-UE u lill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) dwar l-użu u l-applikazzjoni tal-VGGT fil-politiki tagħhom dwar il-governanza tal-art.

1.14.

Minflok il-konċentrazzjoni tal-art, il-politiki għandhom iħeġġu tranżizzjoni minn produzzjoni fuq skala industrijali għal unitajiet ta’ produzzjoni iżgħar, billi jissaħħaħ il-mudell tal-biedja mill-familji, tranżizzjoni li tkun vantaġġjuża wkoll għall-produzzjoni awtosuffiċjenti tal-ikel.

1.15.

Il-KESE se jkompli jagħti attenzjoni mill-qrib lejn xejriet fil-konċentrazzjoni tal-art, jistudja l-impatt tagħha u jikkontribwixxi għat-tfassil ta’ proposti biex din titrażżan.

2.   Il-ħtif tal-art madwar id-dinja – il-kuntest ġenerali

2.1.

Din l-Opinjoni tittratta l-kwistjonijiet tal-ħtif tal-art (land grabbing), u tal-konċentrazzjoni tal-art, li l-konsegwenzi tagħhom jikkostitwixxu theddida għall-biedja mill-familji.

2.2.

M’hemmx definizzjoni waħda rikonoxxuta fuq livell internazzjonali għall-ħtif tal-art. Il-ħtif tal-art ġeneralment jinfiehem li jfisser il-proċess tal-akkwist fuq skala kbira ta’ art agrikola mingħajr ma ssir konsultazzjoni man-nies lokali minn qabel jew mingħajr ma jingħata l-kunsens tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, dan inaqqas l-opportunitajiet tan-nies lokali biex jiġġestixxu azjenda agrikola b’mod indipendenti u biex jipproduċu l-ikel. Is-sid għandu wkoll id-dritt li juża r-riżorsi (l-art, l-ilma u l-foresti) u l-profitti mill-użu tagħhom. Dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn jitwarrab l-użu stabbilit ta’ art agrikola u jiġu favoriti attivitajiet oħra minflok.

2.3.

L-art agrikola u l-aċċess għall-ilma huma l-bażi tal-produzzjoni tal-ikel. Il-kapaċità li l-pajjiżi jkunu awtosuffiċjenti f’termini ta’ ikel tiddependi minn diversi fatturi; madankollu l-prerekwiżiti bażiċi huma d-disponibbiltà ta’ biżżejjed art agrikola u d-dritt tal-pajjiżi li jirregolaw is-sistemi tas-sjieda u l-użu tal-art.

2.4.

Bħala medja, hemm madwar 2  000 m2 ta’ art agrikola għal kull persuna fuq il-pjaneta. L-ammont ta’ art għall-agrikoltura disponibbli għal kull persuna jvarja b’mod konsiderevoli minn pajjiż għal ieħor, u xi pajjiżi għalhekk jippruvaw iżidu dan l-ammont ta’ art disponibbli għalihom għall-produzzjoni agrikola billi jixtru art f’pajjiżi oħra.

2.5.

Il-fatturi li ġejjin jinkoraġġixxu l-ħtif tal-art:

2.5.1.

il-globalizzazzjoni li qed tiżdied u l-prinċipji assoċjati tal-moviment liberu tal-kapital;

2.5.2.

iż-żieda fil-popolazzjoni u l-urbanizzazzjoni;

2.5.3.

id-domanda dejjem ikbar għall-ikel;

2.5.4.

id-domanda ikbar għall-bijoenerġija;

2.5.5.

id-domanda ikbar għal riżorsi naturali (fibri u prodotti oħra tal-injam);

2.5.6.

il-lat negattiv tal-politika agrikola u dik ambjentali;

2.5.7.

il-possibbiltà li jkun hemm spekulazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel fis-suq internazzjonali jew tal-anqas dak Ewropew;

2.5.8.

il-potenzjal ta’ spekulazzjoni assoċjat maż-żieda fil-valur tal-art agrikola u l-għajnuna futura;

2.5.9.

l-isforzi ta’ investituri kbar biex jinvestu l-kapital meħlus wara l-kriżi finanzjarja tal-2008 f’art agrikola bħala investiment aktar sikur.

2.6.

Dan il-ħtif tal-art agrikola huwa ffokat l-iżjed fl-Afrika, l-Amerika t’Isfel u reġjuni oħra, inklużi xi reġjuni tal-Ewropa, fejn l-art hija relattivament irħisa meta mqabbla ma’ pajjiżi industrijalizzati u l-medja internazzjonali.

2.7.

Huwa diffiċli li wieħed jikseb data affidabbli dwar l-estent tal-ħtif tal-art peress li ma jinżammx rekord tat-tranżazzjonijiet tal-art kollha, u ta’ sikwit ikun hemm nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet tal-art bejn il-kumpaniji, pereżempju fil-każ ta’ xiri minn sussidjarji u kumpaniji msieħba. Madankollu, xi NGOs u istituzzjonijiet tar-riċerka wettqu xi riċerka dwar is-suġġett. Skont l-estimi tal-Bank Dinji, il-ħtif tal-art bejn l-2008 u l-2009 kien jammonta għal 45 miljun ettaru tal-art madwar id-dinja. Rapport tal-Land Matrix (1) jiddeskrivi kif 83,2 miljun ettaru ta’ art agrikola fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jammonta għal 1,7 % tat-total globali, bidlu s-sjieda tagħhom f’1  217-il tranżazzjoni kummerċjali ewlenija.

2.8.

Il-ħtif tal-art kien l-iżjed frekwenti fl-Afrika (56,2 miljun ettaru, jiġifieri 4,8 % tal-art agrikola fil-kontinent), segwit mill-Asja (17,7 miljun ettaru) u l-Amerika Latina (7 miljun ettaru). L-investituri juru preferenza konsistenti għal art f’pożizzjoni ġeografika tajba u li hija aċċessibbli faċilment, bi provvista tal-ilma, u tajba għall-koltivazzjoni tal-ħxejjex u ċ-ċereali, u li toffri rendiment għoli. Huma interessati wkoll f’żoni ta’ foresti. Il-biċċa l-kbira tal-investituri jiġu miċ-Ċina, l-Indja, il-Korea, l-Eġittu, l-Istati tal-Golf, il-Brażil u l-Afrika t’Isfel; madankollu, uħud minnhom jiġu mill-Istati Uniti u mill-Istati Membri tal-UE. Ix-xerrejja mhumiex interessati f’pajjiżi fejn il-prezz tal-art huwa għoli. F’dawn il-pajjiżi l-konċentrazzjoni tal-art is-soltu tieħu l-għamla ta’ azjendi agrikoli kbar li jixtru l-art mill-bdiewa iżgħar.

2.9.

Skont ir-rapport tal-Fondazzjoni Madariaga (2) tal-10 ta’ Lulju 2013, xi politiki tal-UE – bħall-politiki tal-bijoekonomija, tal-kummerċ u tal-agrikoltura – għandhom impatt dirett jew indirett fuq il-ħtif tal-art fl-UE u madwar id-dinja. Anke l-politika tal-art liberali u l-prinċipju rikonoxxut b’mod ġenerali tal-moviment liberu tal-kapital u tal-merkanzija jaqdu rwol hawnhekk.

2.10.

B’mod partikolari, l-isforz biex jiżdied is-sehem tal-bijokarburanti u l-possibbiltà li jinħoloq kummerċ taz-zokkor mingħajr dazju u kwoti, li għandhom sehem f’diversi proġetti Afrikani u Asjatiċi assoċjati mal-ħtif tal-art, ġew identifikati bħala fatturi sinifikanti.

3.   Il-ħtif tal-art u l-konċentrazzjoni tal-art fl-Ewropa

3.1.

L-Ewropa tagħmel parti fundamentali mill-proċess globali, u għaldaqstant dawn il-proċessi jseħħu fl-Ewropa wkoll: f’xi żoni huma viżibbli, f’oħrajn jgħaddu mingħajr ma jiġu nnotati. Il-ħtif tal-art qed iseħħ l-iżjed fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

3.2.

Barra mix-xiri konvenzjonali, mod wieħed kif jista’ jinkiseb il-kontroll tal-art agrikola huwa li jiġu akkwistati kumpaniji li huma fil-pussess ta’ żoni ta’ art agrikola jew jikruhom, jew li wieħed jipprova jixtri ishma f’dawn il-kumpaniji. B’hekk, hemm konċentrazzjoni li qed tiżdied ta’ sjieda tal-art minn kumpaniji kbar, b’agrikoltura industrijalizzata li qed tiżviluppa f’xi pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

3.3.

Filwaqt li l-art agrikola qed tonqos madwar l-Ewropa, qed tkun ikkonċentrata dejjem iktar f’idejn ċerti negozji kbar. Wieħed fil-mija tal-azjendi agrikoli jikkontrollaw 20 % tal-art agrikola fl-Unjoni Ewropea u tlieta fil-mija jikkontrollaw 50 % tal-art. Bil-kontra, 80 % tal-azjendi agrikoli jikkontrollaw biss 14,5 % tal-art agrikola.

3.4.

Fl-Ewropa, hemm korrelazzjoni bejn l-għadd dejjem jonqos ta’ unitajiet ta’ produzzjoni agrikola u l-għadd ta’ nies dejjem inqas impjegati fl-agrikoltura. Pereżempju, bejn l-2005 u l-2010, l-għadd ta’ unitajiet tal-produzzjoni naqas l-iżjed fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, b’mod speċjali l-Istati Baltiċi (l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja), u fl-istess waqt ir-reġjun esperjenza l-ikbar tnaqqis fid-domanda għax-xogħol (8,9 % fil-Bulgarija u r-Rumanija u 8,3 % fl-Istati Baltiċi annwalment). Madankollu, fl-Irlanda u Malta, l-għadd ta’ azjendi agrikoli żdied, u miegħu żdiedet ukoll id-domanda għal ħaddiema agrikoli.

3.5.

Tliet kategoriji ta’ investituri – dawk domestiċi, mill-UE u minn pajjiżi terzi – huma responsabbli l-iżjed għax-xiri tal-art u l-konċentrazzjoni tal-art.

3.6.

L-iktar stħarriġ dettaljat dwar il-konċentrazzjoni tal-art fl-Ewropa, inkluża l-Unjoni Ewropea, huwa r-rapport bit-titolu “Concentration, land grabbing and people’s struggles in Europe” (3) (Il-konċentrazzjoni tal-art, il-ħtif tal-art u t-taqbidiet tal-popli fl-Ewropa), ippubblikat minn Via Campesina u n-netwerk “Hands off the Land” f’April 2013. Skont dan ir-rapport, qed iseħħ proċess bil-mod iżda kontinwu ta’ ħtif tal-art u konċentrazzjoni tal-art fl-Unjoni Ewropea, li qed ikollu impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem, u b’mod partikolari d-dritt għal ikel adegwat. Il-ħtif tal-art huwa l-aktar estensiv fl-Ungerija u r-Rumanija. Madankollu, l-istess proċess jista’ jiġi osservat f’pajjiżi oħra tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

3.6.1.

Skont id-data minn sorsi varji, fir-Rumanija sa 10 % tal-art agrikola issa hija f’idejn investituri minn pajjiżi terzi u 20-30 % oħra huma kkontrollati minn investituri mill-UE. Fl-Ungerija miljun ettaru ta’ art ġie akkwistat permezz ta’ kuntratti sigrieti bl-użu ta’ kapital li primarjament kien mill-Istati Membri tal-UE. Għalkemm il-barranin mhumiex permessi jixtru art fil-Polonja sa Mejju 2016, huwa magħruf sew li 2 00  000 ettaru diġà nxtraw minn investituri barranin, l-iżjed minn pajjiżi tal-UE. Fir-reġjun Franċiż ta’ Bordeaux, iċ-Ċiniżi xtraw madwar 100 vinja. Wara r-riunifikazzjon tal-Ġermanja, il-kooperattivi agrikoli f’dik li qabel kienet ir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja ma baqgħux jeżistu u nħolqu kemm azjendi privati tal-familji kif ukoll persuni ġuridiċi. Sadattant hemm indikazzjonijiet li l-persuni ġuridiċi huma partikolarment vulnerabbli għal investituri u mutwanti li mhumiex relatati mal-agrikoltura.

3.7.

L-eżempji li ġejjin jagħtu idea tal-iskala ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet fil-kummerċ: fir-Rumanija, l-ikbar azjendi agrikoli jikkultivaw madwar 65  000 ettaru ta’ art u fil-Ġermanja 38  000 ettaru. L-ikbar impriża tal-ħalib fl-Estonja għandha 2  200 baqra u l-ammont ta’ bhejjem għandu jiżdied għal 3  300.

3.8.

Waħda mir-raġunijiet għall-konċentrazzjoni tal-art fl-Ewropa hija l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja taħt l-ewwel pilastru tal-PAK, peress li tagħti effett ta’ lieva akbar lill-produtturi fuq skala kbira u b’hekk toħloq vantaġġi u jkun hemm aktar kapital disponibbli għall-akkwist tal-art. L-iskema ta’ pagament uniku tal-azjendi agrikoli tapplika l-aktar fil-pajjiżi tal-UE-15 u l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja tapplika fl-UE-12. Barra minn hekk, il-konċentrazzjoni tal-art qed tiżviluppa ħafna iktar bil-mod fl-UE-15 milli fl-UE-12.

3.9.

Min-naħa tagħha, il-konċentrazzjoni tal-art agrikola twassal għal konċentrazzjoni tas-sussidji tal-PAK. Fl-2009, 2 % tal-azjendi mmexxija mill-familji ngħataw 32 % tal-fondi tal-PAK. Hemm differenza bejn il-pajjiżi tal-Punent tal-Ewropa u dawk tal-Lvant tal-Ewropa. Pereżempju, fl-2009, l-azjendi kbar, li jirrappreżentaw 2,8 % tal-azjendi agrikoli kollha fil-Bulgarija, irċevew 66,6 % tal-għajnuna. Iċ-ċifri korrispondenti għall-Estonja huma ta’ 3 % u 53 %, għad-Danimarka huma ta’ 3 % u 25 % u għall-Awstrija huma ta’ 5,5 % u 25 %.

4.   Il-konsegwenzi tal-ħtif tal-art agrikola

4.1.

F’dawk il-pajjiżi fejn iseħħu l-konċentrazzjoni tal-art u l-ħtif tal-art, il-mudell agrikolu multifunzjonali Ewropew, li huwa kkaratterizzat mill-biedja mill-familji, qed jitlef postu għall-produzzjoni agrikola industrijali fuq skala kbira.

4.2.

Ir-riċerka eżistenti tissuġġerixxi li l-għelejjel ta’ ikel u mhux ta’ ikel ikkoltivati fuq art mixtrija fil-biċċa l-kbira minnhom jiġu esportati lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tal-investituri, u parti żgħira biss minn dawn l-għelejjel tkun maħsuba għas-swieq domestiċi. Minħabba f’hekk, is-sigurtà tal-ikel domestiku hija inversament proporzjonali mal-estent tal-ħtif tal-art.

4.3.

Il-ħtif tal-art u l-konċentrazzjoni tal-art wasslu għall-ispostiment tal-azjendi agrikoli li kienu qed jużaw l-art. Dan iwassal għat-telf ta’ impjiegi u inqas spazju fejn tista’ tgħix il-popolazzjoni fiż-żoni rurali. Is-soltu dan il-proċess mhuwiex riversibbli, peress li huwa diffiċli ħafna għall-produtturi ż-żgħar u saħansitra għall-bdiewa l-ġodda (u ż-żgħażagħ) biex jixtru art u jsibu posthom f’dan is-settur ekonomiku fin-nuqqas ta’ biżżejjed kapital.

4.4.

Għalkemm il-Bank Dinji pprova jenfasizza l-aspetti pożittivi tal-ħtif tal-art – bħal żieda fl-effiċjenza, l-innovazzjoni u l-iżvilupp – ħafna organizzazzjonijiet u movimenti tas-soċjetà ċivili kkritikaw il-fenomenu. Fil-fehma tagħhom, dan iwassal għal ħsara ambjentali, degradazzjoni tal-art u għal telf ta’ opportunitajiet fiż-żoni rurali, u minflok biedja sostenibbli, tiġi żviluppata industrija agrikola enormi bbażata fuq il-monokultura.

4.5.

Il-ħtif tal-art iħalli impatt negattiv fuq l-iżvilupp tal-komunità rurali. L-iżvantaġġ tal-koltivazzjoni fuq skala kbira huwa iktar qgħad fiż-żoni rurali, li għandu effetti soċjali.

4.6.

Willis Peterson, riċerkatur fl-Università ta’ Minnesota, isostni li l-azjendi ż-żgħar immexxija mill-familji huma effiċjenti mill-inqas daqs l-azjendi l-kbar. Anke l-affermazzjoni li l-konċentrazzjoni tal-art twassal għal rendiment ikbar tikkontradixxi l-fatti (4). Id-data tal-FAO turi l-oppost, peress li 90 % tal-azjendi agrikoli fid-dinja huma azjendi agrikoli mmexxija mill-familji, jikkoltivaw 75 % tal-art agrikola u jipproduċu 80 % tal-ikel tad-dinja.

4.7.

L-Iskozja tipprovdi eżempju ta’ tal-konsegwenzi fir-rigward tal-ħtif tal-art. 200 sena ilu, żona d-daqs tal-Pajjiżi l-Baxxi inqasmet f’unitajiet ta’ madwar 8  000 u 20  000 ettaru u nbiegħet lill-investituri. F’din iż-żona kienu jgħixu bejn 1,5 miljun u 2 miljun individwu u sal-lum il-ġurnata ħadd m’għadu jgħix f’din iż-żona minħabba l-agrikoltura fuq skala industrijali. Il-Parlament Skoċċiż bħalissa qiegħed jaħdem fuq proġett biex jattira n-nies imorru jgħixu mill-ġdid fiż-żona, iżda dan huwa konsiderevolment ogħla milli kieku kien inżamm il-mudell tal-biedja fuq skala żgħira.

5.   Ir-rwol tal-azjendi agrikoli mmexxija mill-familji fis-soċjetà u s-sigurtà tal-ikel

5.1.

Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li n-Nazzjonijiet Uniti ddikjarat l-2014 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Biedja mill-Familji. Il-KESE kien involut f’diversi modi biex jenfasizza l-importanza strateġika tal-biedja mill-familji għas-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp taż-żoni rurali u fit-tħeġġiġ ta’ dibattitu pubbliku dwar il-kwistjoni.

5.2.

Għalkemm ma teżistix definizzjoni rikonoxxuta ġeneralment ta’ x’inhi biedja mill-familji fl-UE jew fil-livell internazzjonali, il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament u lill-Kunsill biex jiddefinixxu dan it-terminu. Il-KESE jissuġġerixxi li azjenda għandha tissodisfa dawn il-kriterji li ġejjin sabiex tikkwalifika bħala azjenda agrikola mmexxija mill-familji:

5.2.1.

id-deċiżjonijiet operattivi jittieħdu mill-membri tal-familja;

5.2.2.

il-biċċa l-kbira tax-xogħol fl-azjenda jsir mill-membri tal-familja;

5.2.3.

il-familja hija s-sid kemm tal-proprjetà kif ukoll ta’ ħafna mill-kapital jew l-art tinsab f’idejn komunità lokali;

5.2.4.

il-familja tikkontrolla wkoll l-operazzjoni tal-azjenda;

5.2.5.

l-azjenda tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra tal-familja;

5.2.6.

il-familja tgħix fuq l-art li hija parti mill-azjenda jew fil-qrib.

5.3.

F’ħafna partijiet tad-dinja, il-ħajja u x-xogħol fl-agrikoltura u ż-żoni rurali, imsejsa fuq il-biedja mill-familji u b’rispett għall-aspetti soċjali u ambjentali, għandhom tradizzjoni li tmur lura eluf ta’ snin. Fejn ikun hemm ċertezza legali u stabbiltà politika l-azjendi agrikoli mmexxija mill-familji madwar id-dinja wrew li huma stabbli jew saħansitra superjuri għal sistemi agrikoli oħra.

5.4.

Barra mill-produzzjoni tal-ikel, il-biedja mill-familji taqdi wkoll funzjonijiet soċjali utli oħra li ma jistgħux jiġu pprovduti mill-mudell agrikolu industrijali ddominat minn kumpaniji kbar u li jistrieħ fuq l-impjegati.

5.4.1.

Il-biedja mill-familji kif ukoll il-kooperattivi agrikoli jaqdu rwol attiv fl-għamla ekonomika ta’ żoni rurali. Is-sħubija fil-kooperattivi u l-organizzazzjonijiet professjonali hija ta’ importanza konsiderevoli minħabba l-istabbilità u l-flessibbiltà li jipprovdu. L-irziezet jippreżervaw il-wirt kulturali u l-mod ta’ għajxien rurali, issaħħu l-ħajja soċjali fil-kampanja, jiġġeneraw prodotti ta’ valur għoli, jadottaw approċċ sostenibbli għal riżorsi naturali u jiżguraw li s-sjieda fiż-żoni rurali tkun mifruxa sew.

5.4.2.

L-azjendi agrikoli mmexxija mill-familj ma jilmentawx dwar in-nuqqas ta’ impjiegi, anzi joħolquhom huma stess, u huma miftuħa għall-innovazzjoni.

5.4.3.

L-azjendi agrikoli joffru ambjent ideali għat-tfal, fejn għarfien u ħiliet importanti jistgħu jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra, u b’hekk tiġi żgurata l-kontinwità ta’ dawn in-negozji.

5.4.4.

Karatteristika waħda tal-biedja mill-familji hija li tkun varjata u deċentralizzata. Dan jiżgura swieq kompetittivi u jillimita r-riskji assoċjati mal-konċentrazzjoni tal-art.

5.4.5.

L-għadd kbir ta’ azjendi huwa valur fih innifsu mil-lat tas-sopravivenza tal-bniedem peress li jiżgura li aktar nies ikollhom il-ħiliet u l-għarfien meħtieġa għall-produzzjoni tal-ikel u għalhekk joħloq il-kundizzjonijiet bażiċi meħtieġa biex dawn il-ħiliet u l-għarfien meħtieġa għas-sopravivenza jkunu disponibbli anke fi żminijiet ta’ kriżi. Sabiex il-biedja mill-familji tkun tista’ tikkostitwixxi alternattiva vijabbli għall-agrikoltura industrijali u għall-ħtif tal-art għandhom jittieħdu miżuri attivi li jipproteġuha, fost l-oħrajn miżuri ta’ għajnuna għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u miżuri kontra l-prattiki ta’ kummerċ żleali. Il-miżuri ta’ politika fil-livell tal-UE u dak nazzjonali jistgħu jgħinu biex il-biedja mill-familji ssir aktar sostenibbli u aktar reżiljenti (5).

6.   Possibbiltajiet għar-regolazzjoni tas-suq għall-art agrikola u l-prevenzjoni tal-ħtif tal-art u l-konċentrazzjoni tal-art

6.1.

L-art hija l-bażi tal-produzzjoni tal-ikel. L-Artikolu 11 tal-Patt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (6) u l-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (7) jobbligaw lill-pajjiżi biex jirrikonoxxu d-dritt ta’ kull individwu li jgħix fit-territorju tiegħu għal ikel adegwat u sikur u għandhom rabta diretta mal-aċċess għall-art.

6.2.

Peress li l-UE ftit li xejn tipproduċi żejt jew gass, is-sigurtà tal-ikel tagħha hija mhedda. Għaldaqstant għandhom jinżammu l-agrikoltura sostenibbli u l-biedja mill-familji.

6.3.

L-art mhijiex komodità kwalunkwe li tista’ tiġi manifatturata kif ġieb u laħaq fi kwantitajiet kbar. L-art hija riżorsa limitata, u għaldaqstant m’għandhomx japplikaw ir-regoli normali tas-suq. Il-KESE jemmen li fl-Istati Membri u fl-UE għandu jkun hemm diskussjoni fil-fond dwar mudell agrikolu strutturali ċar. Il-konsegwenzi u l-miżuri marbutin mal-politika jistgħu u għandhom jinsiltu biss fuq din il-bażi. Eżempju ta’ dan huwa l-valutazzjoni legali tal-akkwist ta’ ishma f’kumpaniji agrikoli (l-hekk imsejħa share deals). Is-sjieda tal-art u l-użu tal-art iridu jkunu soġġetti għal aktar regolazzjoni.

6.4.

Organizzazzjonijiet minn diversi naħat tal-ispettru politiku ddiskutew ir-regolazzjoni dwar is-sjieda tal-art u t-tfassil ta’ miżuri ta’ politika adatti, u jenfasizzaw li l-governanza tajba hija essenzjali għal dan il-qasam. Il-FAO (Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti) fasslet id-dokument tagħha “Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Forestrija” (8). L-għan ta’ dawn il-linji gwida huwa li jinkisbu drittijiet regolati u sikuri dwar l-użu tal-art, u jiġi żgurat aċċess ugwali għar-riżorsi (art, sajd, foresti) u b’hekk jitnaqqsu l-ġuħ u l-faqar filwaqt li jiġu promossi l-iżvilupp sostenibbli u ambjent iktar san. L-UNCTAD, il-FAO, l-IFAD u l-Bank Dinji żviluppaw flimkien prinċipji għal investiment agrikolu responsabbli (9) li jirrispetta d-drittijiet, il-mezzi ta’ għajxien u r-riżorsi. L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) fasslet Qafas ta’ Politika għall-Investiment fl-Agrikoltura (PFIA) (10). L-għan huwa li l-Istati jiġu ggwidati fit-tfassil ta’ miżuri ta’ politika li jinkoraġġixxu investimenti agrikoli privati.

6.5.

Il-KESE jemmen li l-linji gwida tal-FAO/tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-użu tal-art huma pass importanti u jitlob li jiġu implimentati b’mod sod u preċiż fil-pajjiżi kollha. Drittijiet tas-sjieda mhux ċari għall-bdiewa huma indikazzjoni ta’ governanza ħażina u, min-naħa l-oħra, inċentiv għall-ħtif tal-art.

6.6.

Il-Karta tal-Factor Markets, ippubblikata fl-2012 (11), teżamina r-regolamentazzjoni tal-bejgħ tal-art fl-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi kandidati. Jidher li diversi Stati Membri għandhom regolamentazzjoni nazzjonali li twaqqaf il-konċentrazzjoni tal-art furzata u x-xiri tal-art minn barranin, pereżempju permezz tal-għoti ta’ jeddijiet ta’ prelazzjoni. F’xi pajjiżi, ix-xiri kollu ta’ art agrikola jesiġi awtorizzazzjoni uffiċjali, ikun xi jkun il-pajjiż ta’ oriġini tax-xerrej. Dawn il-pajjiżi jinkludu Franza, il-Ġermanja u l-Isvezja. Fl-istess waqt, hemm pajjiżi bħall-Ungerija u l-Litwanja fejn ġie stabbilit limitu massimu fuq l-ammont ta’ art agrikola li jista’ jkun fil-pussess ta’ sid wieħed.

6.6.1.

Fi Franza, it-tranżazzjonijiet tal-art huma monitorjati mill-awtoritajiet tal-art reġjonali (Sociétés d’Aménagement Foncier et d’Etablissement Rural, SAFER). Is-SAFER huwa korp reġjonali li għandu l-kompitu li jappoġġja lill-bdiewa, speċjalment lill-bdiewa żgħażagħ, fil-proċess tar-ristrutturar tas-sjieda tal-art, u l-iżgurar ta’ swieq trasparenti ta’ art agrikola.

6.6.2.

Fl-Isvezja, ix-xiri tal-art f’żoni b’popolazzjoni skarsa jesiġi permessi speċjali. Meta jingħataw dawn il-permessi, l-awtoritajiet iqisu t-taħriġ jew l-esperjenza preċedenti tax-xerrej; xi kultant hemm ukoll l-esiġenza għal residenza fuq l-art mixtrija. Fl-Isvezja persuna fiżika biss tista’ takkwista art agrikola.

6.6.3.

Fil-Litwanja persuna ġuridika li tieħu mill-inqas 50 % tad-dħul totali tagħha mill-attività agrikola għandha l-permess li tixtri l-art. Persuni fiżiċi u ġuridiċi lokali jistgħu jkunu sidien ta’ massimu ta’ 500 ettaru ta’ art.

6.6.4.

Fil-Belġju, l-Italja u Franza, lokatarji ta’ art agrikola għandhom jeddijiet ta’ prelazzjoni fil-każ tat-trasferiment tal-proprjetà.

6.7.

Kif turi s-sinteżi ta’ hawn fuq, ir-regolamentazzjoni tas-swieq tal-art agrikola tvarja b’mod konsiderevoli minn Stat Membru u ieħor tal-UE. Il-fatt li jeżistu restrizzjonijiet f’xi pajjiżi u mhux f’oħrajn iwassal għal disparitajiet bejn l-Istati Membri. Dan jista’ jispjega d-deċiżjoni tal-Parlament tal-Bulgarija biex jantiċipa theddid dirett għall-art agrikola tal-Bulgarija u jestendi l-moratorju fuq akkwisti ta’ art agrikola, li kellu jiskadi fit-22 ta’ Ottubru 2013, sal-2020, kontra twissija tal-UE, peress li fil-Bulgarija l-prezz tal-art – iżda wkoll il-poter tax-xiri tal-bdiewa – huwa ħafna inqas minn dak f’pajjiżi iktar għonja.

6.8.

L-analiżi li saret mill-Factor Markets fl-2012 (12) tinnota li d-dominanza mill-korporazzjonijiet il-kbar tas-suq tal-art agrikola xxekkel it-tħaddim normali tas-suq. Il-korporazzjonijiet li jaħtfu l-art jużaw is-saħħa tagħhom kemm fuq is-swieq tal-art agrikola lokali kif ukoll reġjonali biex jinfluwenzaw il-prezzijiet tal-art u l-kundizzjonijiet tal-kiri.

6.9.

Il-politika dwar l-art hija kompetenza tal-Istati Membri. Dawn jistgħu jistabbilixxu restrizzjonijiet fuq tranżazzjonijiet jekk l-enerġija nazzjonali jew is-sigurtà tal-ikel ikunu mhedda, u jekk dawn ir-restrizzjonijiet ikunu fl-ogħla interess pubbliku. Ir-restrizzjonijiet huma permessi biex jevitaw l-ispekulazzjoni, jippreservaw it-tradizzjonijiet lokali u biex jiġi żgurat l-użu xieraq tal-art. Fl-istess ħin, dawn ir-restrizzjonijiet jillimitaw il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-kapital stabbilit fit-Trattati. Għaldaqstant, il-KESE jappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiddiskutu jekk il-moviment liberu tal-kapital fir-rigward tal-iżvestiment u l-akkwist ta’ art agrikola u negozji agrikoli għandux ikun garantit, b’mod partikolari fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, iżda wkoll fi ħdan l-UE. B’rabta ma’ dan wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-prezzijiet tal-art agrikola u d-dħul individwali jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor. Irridu nwieġbu l-mistoqsija dwar jekk il-moviment liberu tal-kapital u s-swieq ħielsa humiex kompatibbli mal-aċċess ugwali għall-akkwist tal-art għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha.

6.10.

Fil-fehma tal-KESE, l-Istati Membri jridu jingħataw aktar opportunitajiet biex, abbażi ta’ mudell tal-biedja sostenibbli, jirregolaw u jillimitaw is-swieq rispettivi tagħhom għall-art agrikola minħabba s-sigurtà tal-ikel u għanijiet leġittimi oħra. Fl-istess ħin, il-KESE jappella lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jisfruttaw l-opportunitajiet kollha disponibbli għalihom biex ifasslu l-leġislazzjoni. Huwa ċar li f’xi pajjiżi hemm nuqqas ta’ għanijiet ta’ politika ċari, jew li l-għanijiet għandhom tendenza jkunu diskriminatorji.

6.11.

Jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jikkonkludu li restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital huma ġustifikati fl-interess tas-sigurtà tal-ikel, se jkunu meħtieġa diskussjonijiet fil-livell internazzjonali peress li l-moviment liberu tal-kapital huwa salvagwardjat taħt diversi ftehimiet internazzjonali.

6.12.

L-għażliet legali u politiċi disponibbli għall-UE u l-Istati Membri jippermettulhom jinfluwenzaw l-użu tal-art permezz ta’ sussidji jew taxxi. L-użu adatt tal-istrumenti tal-PAK u l-politika tal-art jista’ jiżgura li l-biedja tibqa’ fattibbli u ekonomikament vijabbli, anke għal negozji iżgħar, u b’hekk tiġi evitata l-konċentrazzjoni tal-art.

6.13.

Taħt il-PAK riformata ċertament li jkun possibbli li jiġu introdotti limiti u jiġu aġġustati l-pagamenti diretti, b’koeffiċjent ta’ korrezzjoni isħaħ għall-ewwel ftit ettari. Fl-istess waqt, jistgħu jiġu semplifikati l-għotjiet għal investiment u l-pagamenti diretti għal azjendi żgħar. Madankollu, il-KESE jiddubita li r-restrizzjonijiet eżistenti ser ikollhom effett kbir għall-prevenzjoni tal-konċentrazzjoni tal-art u jekk l-Istati Membri b’differenzi strutturali kbar bejn l-azjendi u l-ogħla livelli ta’ konċentrazzjoni tal-art se jużaw din l-għażla biżżejjed. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ minn dawn il-possibbiltajiet, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jintroduċu mekkaniżmu msaħħaħ għat-tqassim mill-ġdid tal-għajnuna.

6.14.

L-art agrikola hija riżorsa naturali limitata u huwa għalhekk li l-ħtif tal-art jhedded l-implimentazzjoni tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 39 u 191 tat-TFUE. Għaldaqstant, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew biex jindirizzaw b’mod attiv il-kwistjoni tal-governanza dwar l-użu tal-art.

6.15.

Il-KESE jirrakkomanda li fl-Istati Membri kollha tal-UE jiġi introdott limitu massimu fuq l-akkwist ta’ art agrikola minn persuni kemm fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, u dawk li jinsabu taħt dan il-limitu massimu għandu jkollhom jedd ta’ prelazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżerċitaw il-jedd ta’ prelazzjoni biss fil-każ ta’ dawk il-bdiewa li jinsabu taħt dan il-limitu massimu.

6.16.

Il-komunitajiet lokali għandhom ikunu involuti fil-proċess tad-deċiżjonijiet tal-użu tal-art; dan għandu jfisser li jingħataw iktar drittijiet u opportunitajiet.

6.17.

Il-produzzjoni tal-ikel għandha tingħata prijorità ogħla mill-bijokarburanti fl-użu tal-art agrikola.

6.18.

Minflok il-konċentrazzjoni tal-art, il-politiki għandhom iħeġġu tranżizzjoni minn produzzjoni fuq skala industrijali għal unitajiet ta’ produzzjoni iżgħar, li jkun vantaġġjuż ukoll għall-produzzjoni tal-ikel awtosuffiċjenti. Fl-Istati Membri tal-UE għandu jkun hemm istituzzjonijiet tal-Istat li jissorveljaw b’mod ġenerali l-istrutturi tas-sjieda u l-użu tal-art agrikola. Għal dan il-għan għandhom jinħolqu bażijiet tad-data statali fil-livell nazzjonali li apparti informazzjoni dwar is-sidien tal-art jinkludu wkoll informazzjoni dwar l-utenti tal-art. B’din id-data jkun possibbli li titwettaq riċerka importanti ħafna u jitmexxew reazzjonijiet f’waqthom għall-bidliet.

6.19.

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament biex iwettqu analiżijiet tal-impatt komprensivi dwar kif il-politiki u r-restrizzjonijiet prevalenti jaffettwaw il-konċentrazzjoni tal-art f’pajjiżi differenti, abbażi ta’ metodu uniformi. Ir-riċerka għandha tinvestiga wkoll ir-riskji tal-konċentrazzjoni tal-art għas-sigurtà tal-ikel, l-impjieg, l-ambjent u l-iżvilupp rurali.

6.20.

Il-KESE jitlob lill-Istati Membri kollha tal-UE jagħtu rapport lill-Kummissjoni tal-UE u lill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) dwar l-użu u l-applikazzjoni tal-VGGT fil-politiki tagħhom dwar il-governanza tal-art. Il-VGGT għandhom kamp ta’ applikazzjoni globali (Artikolu 2.4), li jinkludi l-Ewropa. Il-VGGT jitolbu lill-Istati jwaqqfu pjattaformi b’diversi partijiet interessati, bil-kontribut u l-parteċipazzjoni ta’ dawk l-iżjed milqutin, bil-għan li jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida u jagħmlu mod li l-politiki tagħhom jikkonformaw magħhom (13).

6.21.

Il-KESE se jkompli jagħti attenzjoni mill-qrib lejn xejriet fil-konċentrazzjoni tal-art, jistudja l-impatt tagħha u jikkontribwixxi għat-tfassil ta’ proposti biex din titrażżan. Barra minn hekk, il-WFAL (World Forum on Access to Land and Natural Resources – Forum Dinji dwar l-aċċess għall-art u r-riżorsi naturali) jappoġġja wkoll l-inizjattiva u qed jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew biex jappoġġjaw din l-attività.

Brussell, il-21 ta’ Jannar 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  http://www.landmatrix.org/en

(2)  www.madariaga.org

(3)  http://www.eurovia.org/IMG/pdf/Land_in_Europe.pdf

(4)  http://familyfarmingahap.weebly.com/family-vs-corporate-farming.html

(5)  http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/note/join/2014/529047/IPOL-AGRI_NT(2014)529047_EN.pdf

(6)  http://www.ohchr.org/en/professionalinterest/pages/cescr.aspx

(7)  http://www.un.org/en/documents/udhr/index.shtml#a25

(8)  http://www.fao.org/docrep/016/i2801e/i2801e.pdf

(9)  http://unctad.org/en/Pages/DIAE/G-20/PRAI.aspx

(10)  http://www.oecd.org/daf/inv/investment-policy/PFIA_April2013.pdf

(11)  http://ageconsearch.umn.edu/bitstream/120249/2/FM_WP14CEPSonSalesMarketRegulations_D15.1_Final.pdf

(12)  http://ageconsearch.umn.edu/bitstream/120249/2/FM_WP14CEPSonSalesMarketRegulations_D15.1_Final.pdf

(13)  Ara l-Artikolu 26.2 tal-VGGT: http://www.fao.org/docrep/016/i2801e/i2801e.pdf


23.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 242/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sitwazzjoni wara l-iskadenza tas-sistema tal-kwota tal-ħalib fl-2015”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 242/04)

Relatur:

M. Padraig WALSHE

Nhar l-10 ta’ Lulju 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

“Is-sitwazzjoni wara l-iskadenza tas-sistema tal-kwota tal-ħalib fl-2015” (opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Jannar 2015.

Matul il-504 sessjoni plenarja tiegħu fil-21 u t-22 ta’ Jannar 2015 (seduta tal-21 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’219-il vot favur, vot wieħed (1) kontra u 14-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE iqis l-abolizzjoni tas-sistema tal-kwota tal-ħalib mill-31 ta’ Marzu 2015, kif ġie deċiż fl- 2008, bħala bidla fundamentali. Mill-introduzzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu komprensiv ta’ kontroll tal-produzzjoni fl-1 ta’ April 1984, maż-żmien sar dejjem aktar ċar li l-prezzijiet tal-ħalib u d-dħul tal-bdiewa ma ġewx appoġġjati u stabilizzati b’mod biżżejjed effikaċi u li l-produzzjoni tal-ħalib fl-UE naqset, filwaqt li l-produzzjoni tal-ħalib fid-dinja żdiedet b’mod qawwi.

1.2.

Il-KESE jsostni li l-politika tal-prodotti tal-ħalib tal-UE wara l-iskadenza tas-sistema tal-kwota tal-ħalib, jiġifieri wara l-2015, mhux biss għandha tippermetti li jkun hemm tkabbir u espansjoni, iżda għandha wkoll tkun obbligata li tevita l-abbandun ta’ bhejjem tal-ħalib u tipprovdi appoġġ għal bdiewa iżgħar speċjalment f’żoni żvantaġġati u reġjuni muntanjużi. Hija għandha tippermetti li l-bdiewa tal-UE, u fl-aħħarnett l-ekonomija tal-UE, jibbenefikaw mis-swieq globali tal-ħalib li qed jikbru, filwaqt li tagħraf u trawwem il-kontribut ekonomiku u soċjali ugwalment importanti li sar mill-irziezet tal-ħalib żvantaġġati fuq skala żgħira f’ħafna reġjuni Ewropej

1.3.

Il-KESE jemmen li dan għandu jsir billi jintużaw b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Pilastru II tal-PAK 2014-2020 u l-Pakkett tal-Ħalib, biex jiġi żgurat li l-familji tal-irziezet tal-ħalib jistgħu jkunu sostnuti fit-territorju kollu. Għandha titiħeġġeġ il-parteċipazzjoni f’organizzazzjonijiet tal-produtturi li jistgħu jgħinu lill-bdiewa jtejbu l-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-provvista, u l-miżuri ta’ trasferiment tal-għarfien għandhom ikunu mmirati biex jgħinu lill-bdiewa jtejbu l-effiċjenzi tekniċi u ekonomiċi.

1.4.

Madankollu, il-KESE jqis li l-baġits u l-miżuri tal-Pilastru II, jew il-miżuri fil-Pakkett tal-Ħalib li issa jifforma parti mill-PAK 2014-2020, żgur mhux se jkunu biżżejjed biex jipproteġu lill-bdiewa tal-ħalib vulnerabbli ġewwa jew barra miż-żoni żvantaġġati jew muntanjużi. Jistgħu jkunu meħtieġa miżuri addizzjonali biex jiġi żgurat li dawk il-bdiewa jirċievu dħul vijabbli u sehem ġust tar-redditi tas-suq. Huma għandhom jibbenefikaw ukoll minn servizzi ta’ konsulenza dwar l-effiċjenza tal-produzzjoni, id-diversifikazzjoni u l-orjentazzjoni mill-ġdid biex jgħinuhom jagħmlu l-aħjar deċiżjonijiet għall-futur tagħhom u dak tas-suċċessuri tagħhom, meta wieħed iżomm f’moħħu l-limitazzjonijiet ta’ intrapriżi żvantaġġati f’termini ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni tad-dħul.

1.5.

Il-KESE jqis bħala kritiku wkoll il-bżonn li jiġi żgurat li l-bdiewa tal-ħalib kummerċjali u kompetittivi fl-oqsma kollha, inklużi dawk aktar adatti għall-produzzjoni tal-ħalib sostenibbli u kompetittiva għall-esportazzjoni, jitħallew ikabbru l-intrapriżi tagħhom biex jirrispondu għad-domanda globali li dejjem qed tikber b’rata mgħaġġla, u b’hekk jiġġeneraw żieda fl-impjiegi u d-dħul għall-ekonomija fiż-żoni rurali tal-UE. Madankollu, l-isfida ewlenija għal dawn il-bdiewa se tkun il-varjazzjonijiet massivi tad-dħul relatati mal-volatilità kemm tal-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib (u għalhekk il-prezzijiet tal-ħalib tal-produtturi) kif ukoll spejjeż tal-input. Huwa essenzjali li l-UE tiffaċilita l-iżvilupp mill-Istati Membri u l-industrija ta’ soluzzjonijiet ta’ tassazzjoni u strumenti tal-hedging sempliċi, bħalma huma l-kuntratti ta’ marġini fissa, faċilment aċċessibbli mill-bdiewa.

1.6.

Il-KESE jħeġġeġ biex il-livell inadegwat tad-dispożizzjonijiet tax-“xibka ta’ sigurtà” imdaħħla fil-PAK il-ġdida jiġi rivedut, u jibqa’ jiġi rivedut kontinwament, sabiex jiġi żgurat li dawn għandhom relazzjoni eqreb tal-ispejjeż ta’ produzzjoni reali.

1.6.1.

Għandha titrawwem aktar ukoll il-promozzjoni tal-prodotti tal-ħalib kemm fis-swieq domestiċi tal-UE kif ukoll għall-esportazzjonijiet tal-UE. L-UE għandha tappoġġja l-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ swieq ġodda, u tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali internazzjonali huma bilanċjati u jagħtu lill-esportaturi tal-UE aċċess ġust.

1.6.2.

Fis-suq domestiku, l-UE għandha tappoġġja l-promozzjoni tal-benefiċċji għas-saħħa mill-konsum tal-ħalib, li ġew affermati mill-ġdid mir-riċerka xjentifika riċenti.

1.6.3.

L-UE trid issaħħaħ ukoll ir-regolamentazzjoni tagħha tas-suq bl-imnut biex tirregola l-profitti tal-bejjiegħa bl-imnut u ttejjeb il-kapaċità tal-bdiewa biex jirkupraw l-ispejjeż tagħhom.

1.7.

Fl-aħħarnett, għandu jiġi rikonoxxut u promoss ir-rwol kruċjali li jaqdu l-kooperattivi fis-settur tal-ħalib. Il-koperattivi għandhom rwol ewlieni fl-industrija globali tal-ħalib, b’erba’ koperattivi fl-aqwa 10 kumpaniji tal-ħalib fid-dinja skont l-istħarriġ ta’ Lulju 2014 ta’ Rabobank (1). Il-koperattivi jista’ jkollhom parti ferm aktar b’saħħitha fl-appoġġ lill-bdiewa tal-ħalib fiż-żmien tal-instabbiltà ta’ volatilità milli jistgħu x-xerrejja/il-proċessuri tal-ħalib privati, peress li l-fornituri tal-ħalib tagħhom huma, b’mod ġenerali, l-azzjonisti tagħhom stess. Barra minn hekk, dawn joffru impenji ferm aktar sostenibbli fit-tul biex jixtru l-ħalib minn bdiewa membri bi prezzijiet vijabbli tal-ħalib.

2.   Sfond – nitgħallmu mill-esperjenza tal-passat

2.1.

Il-prezz medju tal-ħalib tal-UE f’Settembru 2014 kien ta’ 37,47 c/kg (Sors: reviżjoni tal-ħalib tal-LTO) (2), li huwa 8,2 % inqas mill-prezz medju ta’ Frar 2014 irrappurtat mill-istess sors.

2.2.

Sa tard fir-rebbiegħa, id-domanda globali qawwija kienet appoġġjat prezzijiet sodi. Madankollu, bdiet korrezzjoni fil-prezzijiet hekk kif it-tkabbir tal-produzzjoni madwar l-esportaturi prinċipali (+ 4,3 % fis-sena għall-perjodu minn Jannar sa Settembru 2014) qed jeċċedi t-tkabbir tad-domanda sana (+ 2-2,5 % fis-sena), l-aktar minn swieq emerġenti. Aktar reċentement, il-ħruġ temporanju taċ-Ċina mis-suq, wara li xtrat iż-żejjed fix-xhur ta’ qabel, u l-projbizzjoni Russa fuq l-esportazzjonijiet tal-ħalib tal-UE – ir-Russja tirrappreżenta 33 % tal-esportazzjonijiet tal-ħalib tal-UE – komplew jaffettwaw il-komoditajiet, u għaldaqstant il-prezzijiet tal-produtturi, fit-tieni nofs tal-2014.

2.2.1.

Minħabba t-tnaqqis mgħaġġel fil-prezzijiet tal-ħalib tard fl-2014, il-bdiewa tal-ħalib tal-UE jinsabu inkwetati bir-raġun dwar l-impatt probabbli fuq l-għajxien tagħhom għax-xhur li jmiss, hekk kif l-UE ħierġa mill-iskema tal-kwota, u l-produzzjoni minn reġjuni oħra globali tkompli tikber – għallinqas fuq medda qasira ta’ żmien. Huma leġittimament jiddubitaw il-prontezza u l-kapaċità tal-UE biex tgħinhom jamministraw fi żminijiet inevitabbli ta’ prezzijiet/pagi baxxi tal-ħalib, ikkawżati minn kriżijiet futuri.

2.3.

Il-prospetti għal żmien medju u fit-tul għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib jibqgħu favorevoli bis-sħiħ kemm fis-swieq dinjija kif ukoll f’dawk domestiċi. Id-domanda dinjija tibqa’ dinamika, speċjalment fl-ekonomiji emerġenti, u tibbaża fuq tendenzi demografiċi solidi. Prodotti artiġjanali tradizzjonali u ta’ kwalità għolja, li ħafna minnhom huma manifatturati f’żoni żvantaġġati minn ħalib prodott fi rziezet vulnerabbli u huma ferm apprezzati mill-konsumaturi, qed jesperjenzaw domanda dejjem tiżdied anki fi swieq domestiċi Ewropej maturi. Prodotti tal-ħalib innovattivi bħal sports, nutrizzjoni medika u għat-trabi bbażati fuq ix-xorrox u komponenti oħra tal-ħalib huma kategoriji ta’ prodotti ta’ valur għoli li qed jiżdied b’rata mgħaġġla kemm fis-swieq domestiċi kif ukoll dawk internazzjonali.

2.4.

Jistgħu jkunu mistennija xi żidiet fil-produzzjoni wara t-tneħħija tal-kwoti speċjalment f’dawk l-Istati Membri li attwalment huma ristretti mill-kwoti, bħall-Irlanda, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, id-Danimarka, l-Awstrija u l-Polonja, kif ukoll Franza.

2.5.

Madankollu, għad hemm xi dubji dwar il-kapaċità tal-qafas regolatorju tal-UE biex jittrattaw episodji ta’ volatilità estrema tas-suq jew ma’ sitwazzjoni ta’ kriżi, speċjalment bl-għan li l-bdiewa jiġu megħjuna fil-ġestjoni tagħhom fi żmien ta’ marġini u dħul volatili, u jiġi żgurat l-iżvilupp bilanċjat tal-produzzjoni tal-ħalib madwar l-Unjoni Ewropea.

2.6.

Il-projbizzjoni tar-Russja u l-effetti tagħha li nfirxu fuq is-swieq kollha tal-UE tal-prodotti tal-ħalib kienet l-ewwel test tar-reġim il-ġdid tal-ġestjoni ta’ kriżi tal-UE; b’effetti limitati fuq is-swieq mill-ftuħ mill-ġdid tal-għajnuna għall-ħażna privata tal-ġobon (qabel l-għeluq ħesrem tagħha), kif ukoll l-għajnuna għall-ħżin privat tal-butir u t-trab tal-ħalib xkumat (SMP), flimkien mal-intervent estiż tal-perjodu ta’ xiri sfurzat u b’nefqa akbar fuq il-promozzjoni, jidher biċ-ċar li d-dubji huma fondati. Għandhom jiġu żviluppati miżuri addizzjonali biex jittrattaw kriżijiet fis-suq, iżda fuq kollox l-UE trid tkun ippreparata biex twettaqhom malajr u b’mod deċiżiv.

2.6.1.

L-esperjenza tal-UE li tirrispondi għal tnaqqis kbir fid-domanda tal-ħalib u l-prezzijiet marbuta mal-kriżi finanzjarja tal-2008/09 ipprovdiet opportunità biex nitgħallmu minnha. Dak iż-żmien, azzjoni bil-mod mill-Kummissjoni tal-UE fissret li, fl-2009, din swiet il-valur ta’ sitt xhur ta’ xiri ta’ intervent ta’ butir, u l-valur ta’ tmien xhur ta’ xiri tal-SMP, qabel ma l-prezzijiet tas-suq bdew jogħlew aktar mill-ekwivalenti tal-buy-in ta’ intervent sħiħ. Ix-xiri ta’ butir għall-ħażna privata baqa’ għaddej ‘il fuq minn sena (minn Marzu sa Diċembru) u kompla fl-2010, u temm biss f’Awwissu 2010. Fl-2009, b’kollox intefqu EUR 370 miljun fuq il-miżuri kollha ta’ intervent biex jappoġġjaw is-swieq, li minnhom EUR 181 miljun intefqu fuq rimborżijiet tal-esportazzjoni. Fl-2010, b’kollox intefqu EUR 529 miljun fuq il-miżuri kollha ta’ intervent biex jappoġġjaw is-swieq, li minnhom EUR 186 miljun intefqu fuq rimborżijiet tal-esportazzjoni. Fl-2010, il-Kummissjoni tal-UE għamlet EUR 31 miljun mill-bejgħ tal-SMP u l-istokk ta’ intervent tal-butir, u EUR 73 miljun oħra mill-bejgħ tal-SMP fl-2011. Kwantitajiet sinifikanti tal-prodott maħżuna ntużaw ukoll fil-qafas tal-Iskema tal-Persuni fil-Bżonn, li kienu ser jeħtieġu kontribuzzjoni finanzjarja mill-baġit tal-UE (3).

2.6.2.

Fl 2009/10 ukoll, il-Parlament Ewropew ivvota biex EUR 300 miljun jitħallsu direttament lill-bdiewa tal-ħalib tal-UE. Dan kien jiswa ftit anqas minn EUR 600 għal kull bidwi (fuq il-bażi ta’ kif sar it-tqassim fl-Irlanda), u tħallas kmieni fl-2010 b’ħafna dewmien, fi żmien meta l-prezzijiet kienu diġà bdew jirkupraw. Mhux ċar kemm ġiet tiswa l-ġestjoni ta’ dil-miżura. Għandna bżonn nitgħallmu minn din l-esperjenza fejn tali pagamenti ftit li xejn ikollhom impatt fuq is-swieq, u allokazzjoni żgħira għal kull bidwi tispiċċa tiswa ammont kbir.

2.6.3.

Waqt il-kriżi tal-ħalib tal-2009, l-ispejjeż tal-produzzjoni kienu sinifikament aktar baxxi milli huma llum. L-ispejjeż tal-produzzjoni tal-Irlanda kienu 19c/l dik is-sena, u kienu telgħu għal 25,6 c/l sal-2014. L-intervent ta’ “xibka ta’ sikurezza” rappreżentat mil-livelli attwali ta’ intervent tal-prezzijiet buy-in għall-SMP u l-butir jiswa l-ekwivalenti ta’ prezz tal-produttur ta’ madwar 20c/l, u għalhekk tilef kompletament kwalunkwe rilevanza għall-ispejjeż tal-bdiewa tal-produzzjoni.

2.7.

Ġew ippreżentati ideat dwar kif l-UE jista’ jkollha l-mezzi biex tippreserva produzzjoni tal-ħalib vijabbli f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, u biex tiġġestjona aħjar il-konsegwenzi dannużi għall-produzzjoni tal-ħalib fir-reġjuni żvantaġġjati. Huwa importanti li l-miżuri mressqa huma tajbin għall-iskop, u konsistenti ma’ suq tal-ħalib Ewropew fejn il-prezzijiet tal-ħalib, anke fil-pajjiżi li ma esportawx, ikunu influwenzati sostanzjalment mit-tendenzi globali. Kwalunkwe forma ta’ ġestjoni tal-produzzjoni tal-ħalib unilaterali tal-UE, anki dik volontarja, mhux se tbiddel dan il-fatt.

3.   Prospetti għas-swieq tal-ħalib wara l-2015

3.1.

It-tbassir tan-NU dwar it-tendenzi demografiċi u soċjoekonomiċi globali jissuġġerixxi li l-popolazzjoni dinjija se tiżdied minn 7 biljuni llum għal 8,4 biljun sal-2030 u għal 9,6 biljuni sal-2050 (4). Ħafna minn dan it-tkabbir, jekk mhux kollu, huwa maħsub li ser iseħħ f’pajjiżi emerġenti, u ser ikun akkumpanjat minn tkabbir ekwivalenti tal-“klassijiet tan-nofs”. F’dokument tal-2012, analisti tal-HSBC Global (5) ikkonkludew li mill-2050, is-sehem tal-popolazzjoni li jaqla’ mill-inqas livelli ta’ dħul medju ser ikun ta’ 2,6 biljun – aktar minn terz tal-popolazzjoni dinjija tal-lum. Dan il-grupp ser ikun mhux biss aktar numeruż, iżda aktar affluwenti u jaspira għal aktar fid-drawwiet tal-konsum tiegħu. Dawn dejjem qed ifittxu li jiżguraw il-konsum tal-proteini tagħhom mill-annimali, aktar milli mill-forma veġetali.

3.2.

F’dan ix-xenarju, il-prodotti tal-ħalib huma partikolarment preżenti peress li huwa ġeneralment meqjus, mill-gvernijiet kif ukoll min-nies, bħala kontribut san għad-dieta tal-popolazzjoni, mixtieq u ta’ spiss appoġġjat mill-politika uffiċjali (eż. l-iskema tal-ħalib tal-iskola fiċ-Ċina).

3.3.

L-OECD u l-FAO, fir-rapport l-aktar riċenti tagħhom dwar il-prospettiva agrikola (6), ibassru li d-domanda globali tal-ħalib ser tikber b’madwar 2 % fis-sena sal-2023, speċjalment għall-SMP, ix-xorrox u l-ġobon, u l-prestazzjoni tal-butir ser tkun ftit inqas, madwar 1 %. Fis-7 Indiċi tal-Ħalib tagħha, ippubblikat f’Ottubru 2014, il-kumpanija internazzjonali tal-ippakkjar tal-ħalib Tetra Pak issuġġeriet li t-tkabbir annwali tad-domanda għall-perjodu ser ikun ta’ 3,6 %. Huma u esperti oħra bħal GIRA, IFCN, CNIEL (7) eċċ., qalu li prinċipalment, it-tkabbir tal-produzzjoni ser ikun qed jipprova jlaħħaq mat-tkabbir tad-domanda fuq medda twila ta’ żmien, minħabba li r-reġjuni l-aktar adegwati għal produzzjoni ambjentalment sostenibbli u ekonomikament kompetittiva huma relattivament ftit – u dawn jinkludu xi wħud mir-reġjuni tal-UE, speċjalment it-tarf tat-Tramuntana u l-Punent.

4.   Il-volatilità tal-marġnijiet – l-isfida ewlenija għall-bdiewa tal-ħalib

4.1.

Filwaqt li, b’mod ġenerali, il-prospetti huma estremament pożittivi, żbilanċi okkażjonali bejn id-domanda u l-provvista, bħal dak li qed ngħixu bħalissa, se jikkawżaw pressjoni temporanja fuq il-prezz u għalhekk anki fuq l-introjtu tal-irziezet. Xejriet globali volatili simili għall-qamħ u ingredjenti oħra tal-għalf ser ikomplu jżidu ma’ din il-pressjoni. Probabbilment, dawn l-avvenimenti ser ikollhom ħajja qasira fid-dawl tat-tendenzi demografiċi sottostanti, iżda dawn se jkunu potenzjalment problematiċi ħafna fin-nuqqas ta’ strateġiji ġodda li qed jippruvaw ilaħħqu.

4.2.

Il-volatilità tal-prezzijiet tal-ħalib, u għalhekk tad-dħulijiet, hija esperjenza relattivament ġdida għall-bdiewa kollha tal-ħalib Ewropej, u segwiet it-tneħħija sostanzjali ta’ appoġġi tas-suq u t-tnaqqis fit-tariffi ta’ importazzjoni mill-2005 sal-2007, fil-bidu tar-Riforma tal-PAK preċedenti.

4.3.

Filwaqt li s-sostituzzjoni tal-appoġġi tas-suq b’pagamenti diretti għall-bdiewa ser ikollha xi rwol fl-għajnuna għall-bdiewa biex jindirizzaw il-volatilità tad-dħul, il-livell tad-distribuzzjoni mill-ġdid tal-pagament u l-estremitajiet tal-varjazzjonijiet fl-introjti abbażi tas-suq ser jeħtieġu strateġiji addizzjonali.

5.   Il-ġestjoni tal-produzzjoni – strateġija ineffiċjenti

5.1.

Il-ftehim tar-Rawnd ta’ Urugwaj tal-GATT (issa WTO), fis-seħħ mill-1986 sal-1994, kien l-ewwel darba li l-agrikoltura ddaħħlet fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali. Dan irriżulta f’tibdiliet fundamentali fid-direzzjoni tal-politika tal-UE. Kienu żdiedu l-opportunitajiet ta’ importazzjoni billi tbaxxew b’mod ġenerali t-tariffi u bil-provvediment ta’ kwoti ta’ importazzjoni mingħajr tariffi. Il-ftehim il-ġdid GATT kien ra wkoll il-bidu ta’ tibdil fl-appoġġ ‘il bogħod mis-swieq fid-direzzjoni lejn pagamenti diretti għall-bdiewa, li iktar tard bdew jiġu diżakkoppjati dejjem iktar mill-attività produttiva. Ir-reġim Ewropew tal-kwoti tal-ħalib, introdott sentejn qabel biss, ma kienx affettwat, u ġġedded diversi drabi.

5.2.

Fl-2003, bir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Term tal-PAK ta’ dak iż-żmien, l-Istati Membri tal-UE kienu qablu li jtemmu r-reġim tal-kwota mill-31 ta’ Marzu 2015. Wara li kienet ittieħdet din id-deċiżjoni, miżuri ulterjuri li jwittu t-triq kienu segwew fl-2008 sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tat-tneħħija tal-kwoti. Din il-bidla fid-direzzjoni ta’ politika, li b’mod ċar titlaq ‘il bogħod mir-restrizzjonijiet jew ġestjoni ta’ produzzjoni, waslet fi żmien meta s-swieq globali qed jikbru malajr. Għaldaqstant jagħmel sens li l-bdiewa Ewropej tal-ħalib u l-industrija Ewropea tal-ħalib – u finalment l-ekonomija tal-UE – jingħataw l-opportunità biex ifornu dawk is-swieq, u b’hekk jirkupraw parti mit-telf tas-sehem enormi tas-suq li sofrew tul it-30 sena ta’ staġnar tal-kwota.

5.3.

Madankollu, bil-volatilità l-ġdida tal-prezzijiet li segwiet l-implimentazzjoni tal-PAK preċedenti li kkawżat kriżi kbira fid-dħul tal-ħalib fl-2009, il-merti tar-restrizzjoni ta’ produzzjoni reġgħu ġew diskussi, b’varjetà ta’ proposti abbażi tal-ġestjoni ta’ produzzjoni f’diversi sferi fi Brussell dawn l-aħħar ftit snin.

5.4.

Eżempju ta’ dan huwa l-“Proposta Dantin” adottata mill-PE waqt in-negozjati tal-PAK 2014-2020 matul is-sajf tal-2013. Din issuġġeriet li, f’każijiet ta’ disturbi fis-suq, il-bdiewa jistgħu jiġu inċentivati biex inaqqsu l-produzzjoni volontarjament (“buy out”), filwaqt li dawk li jżidu l-produzzjoni jistgħu jiġu penalizzati. Din il-proposta kienet ġiet soġġetta għal analiżi minn Dr Michael Keane u Dr Declan O’Connor, ikkummissjonati mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Prodotti tal-Ħalib (EDA) (8).

5.5.

Għażliet futuri tal-politika tal-ħalib taħt l-intestaturi “Bilanċ tas-suq u l-kompetittività” u “Il-produzzjoni tal-ħalib sostenibbli inkluża d-dimensjoni territorjali tagħha” kienu ġew eżaminati wkoll għall-Kummissjoni tal-UE minn bord ta’ esperti minn Ernst and Young (9).

5.6.

Iż-żewġ studji wrew li l-ġestjoni/kwoti ta’ produzzjoni ma kinux aktar effettivi fis-sostenn u l-istabbilizzar tal-prezzijiet tal-ħalib u d-dħul. Iż-żewġ studji wrew ukoll li l-“buy out” propost, jew miżuri oħra simili ta’ ġestjoni tal-produzzjoni, ikunu diffiċli biex jiġu implimentati madwar l-UE kollha, peress li l-livell tal-prezz li jista’ jikkawża kriżi tad-dħul ivarja ferm minn pajjiż għall-ieħor; dan ikun ukoll ineffettiv minħabba li jdum ħafna ma jkun effettiv; u huwa għali minħabba l-livell ta’ kumpens – il-produtturi jkollhom iħeġġuhom biex inaqqsu l-produzzjoni volontarjament. Dr Keane u Dr O’Connor jenfasizzaw ukoll li, kieku kellha tiġi implimentata, hija jkollha firxa ta’ konsegwenzi negattivi prevedibbli u mhux intenzjonati fuq il-funzjonament normali tas-swieq tal-ħalib, u dan jagħmel l-investiment u l-ippjanar fil-livelli tar-razzett u l-ipproċessar kważi impossibbli.

5.7.

Fuq kollox, madankollu, l-istudju ta’ Dr Keane u Dr O’Connor jenfasizza bis-sħiħ il-punt li l-miżura proposta tista’ tkun b’xi mod effettiva biss jekk titħaddem f’ekonomija magħluqa, jew jekk il-politika tiġi introdotta mill-fornituri internazzjonali ewlenin kollha flimkien f’ekonomija miftuħa. Introdotta unilateralment kif issuġġerit, ir-rebbieħa prinċipali ta’ din il-politika ser ikunu l-kompetituri internazzjonali tagħna, filwaqt li produtturi tal-ħalib tal-UE ser jitilfu l-kompetittività, iżda ser ikomplu jġarrbu l-konsegwenzi, fuq il-prezz tal-ħalib tagħhom, tad-deċiżjonijiet tal-produzzjoni meħuda mill-kompetituri tagħna fl-Istati Uniti jew fi New Zealand.

5.8.

Meta l-UE kienet limitata mill-kwoti, il-produzzjoni dinjija tal-ħalib żdiedet b’mod esponenzjali – bi 22 % fl-aħħar 10 snin biss. Matul l-istess perjodu, il-kompetituri tagħna, speċjalment New Zealand u l-Istati Uniti, li t-tnejn għandhom impenn b’saħħitu fl-esportazzjoni, żiedu l-produzzjoni tagħhom b’mod sostanzjali ħafna filwaqt li tal-UE kienet qed tonqos – u l-limitazzjonijiet tal-kwota ma pproteġux lill-bdiewa tal-ħalib tal-UE mix-xokkijiet fil-prezzijiet ewlenin tal-2007-2009.

5.9.

Huwa wkoll ġust li wieħed jassumi li l-istrateġiji ta’ tkabbir ta’ esportazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi, mirfuda minn pjani ta’ investiment ippubbliċizzati tajjeb ħafna fi New Zealand u l-Istati Uniti b’mod partikolari, ser ikomplu wara l-2015. Jekk l-UE mhux se timpenja ruħha f’dil-logħba, ser insibu ruħna mbuttati ‘l barra mill-opportunitajiet ta’ esportazzjoni globali ewlenin, bi spiża mdaqqsa għall-bdiewa tal-ħalib tal-UE, iżda wkoll b’mod aktar ġenerali fl-impjiegi u d-dħul għall-ekonomija rurali tal-UE.

6.   Għodod għall-ġestjoni tar-riskju u “xibka ta’ sikurezza” aħjar

6.1.

L-istudju ta’ Ernst and Young irrakkomanda wkoll bil-qawwa t-tisħiħ tax-xibka ta’ sikurezza f’każijiet ta’ kriżi fis-suq. Enfasizza l-importanza li l-bdiewa tal-ħalib jiġu megħjuna jlaħħqu mal-volatilità ġdida tad-dħul ikkawżata mill-prezzijiet varjabbli ħafna tal-ħalib u l-ispejjeż ta’ input, u għamel referenza għall-għodod ta’ ġestjoni tar-riskju, mill-hedging, bl-użu tas-swieq tal-futuri, eċċ.

6.2.

L-UE għandha tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu soluzzjonijiet ibbażati fuq it-taxxa li jgħinu lill-bdiewa jwarrbu fondi fi snin tajba li jinġiebu biss lura fin-negozju u jiġu ntaxxati fi snin agħar, u dawn jistgħu jintużaw ukoll biex jippermettu investimenti bejn dawn il-perjodi għal dawk li għandhom l-intenzjoni jespandu.

6.3.

L-UE għandha wkoll tinkoraġġixxi, tippromovi u possibilment tirregola l-offerti mill-industrija tal-għażla tal-prezz u l-hedging tal-marġni li jippermettu lill-bdiewa biex japprofittaw bl-aktar mod sempliċi possibbli minn għażliet biex jiffissaw il-prezz/marġini tal-ħalib tagħhom għal perċentwali tal-ħalib tagħhom u għal perjodu ta’ żmien stabbilit – mingħajr ma jkollhom jimpenjaw ruħhom mal-kumplessitajiet tat-tranżazzjonijiet tas-swieq tal-futuri. Il-bdiewa fl-Istati Uniti diġà jistgħu jaċċedu għal dan it-tip ta’ strumenti permezz tal-kooperattivi tal-ħalib, u wħud mix-xerrejja tal-ħalib (Glanbia fl-Irlanda u Fonterra fi New Zealand) diġà qed joffru skemi ta’ prezz/marġini fissi ta’ valur lill-bdiewa. Disponibbiltà akbar ta’ għażliet bħal dawn madwar l-Ewropa ser tkun vitali.

6.3.1.

L-iskema tal-prezz tal-ħalib marbut mal-indiċi Glanbia tippermetti lill-bdiewa biex volontarjament jorbtu persentaġġ tal-ħalib tagħhom għal prezz fiss għal tliet snin. Il-prezz huwa kkoreġut għal grad ta’ inflazzjoni tal-ispiża tal-input kull sena, b’tali mod li l-bdiewa jorbtu wkoll porzjon tajba tal-marġini tagħhom. Kien hemm erba’ skemi bħal din ta’ tliet snin mill-2010, u għal kollha kien hemm eċċess ta’ applikazzjonijiet, minħabba li huma joffru lill-bdiewa livell qawwi ta’ ċertezza dwar id-dħul li jkunu ser jirċievu għal porzjon tal-ħalib tagħhom. Huwa stmat li 22 % tal-ħalib kollu mixtri minn Glanbia huwa mixtri taħt din l-iskema, u ħafna mill-bdiewa li pparteċipaw fl-ewwel skema ġew lura għal aktar.

6.4.

Minn perspettiva ekonomika, huwa kruċjali wkoll li l-UE tirrevedi l-bażi għad-dispożizzjonijiet tagħha ta’ “xibka tas-sigurtà”. Il-prezzijiet ta’ intervent tal-ħalib, li baqgħu ma nbidlux minn nofs l-2008, joffru livell ta’ “appoġġ” ekwivalenti għal madwar 19c/l nett ta’ spejjeż ta’ pproċessar – li m’għad għandu l-ebda relazzjoni la mal-faxxa issa ferm ogħla li fi ħdanha joperaw il-prezzijiet tal-ħalib globali u tal-UE, u lanqas mal-ispejjeż primarji ta’ produzzjoni sinifikament ogħla. L-UE trid tirrevedi, billi tgħolli, il-livelli ta’ sikurezza nett tagħha billi żżid il-prezz ta’ intervent għall-SMP u l-butir għallinqas b’konformità maż-żidiet fl-ispejjeż tal-produzzjoni, u għandha tissorvelja r-rilevanza tax-xibka tas-sikurezza tagħha b’relazzjoni mal-ispejjeż tal-produzzjoni fuq bażi kontinwa.

6.5.

Is-settur ser jeħtieġ li jeżamina jekk jistax jiġi żviluppat strument ta’ kriżi addizzjonali, b’mod partikolari fil-każ ta’ volatilità sinifikanti tal-prezzijiet li thedded l-għajxien tal-bdiewa.

6.6.

Il-kooperattivi, mill-perspettiva tal-bdiewa, huma l-istruttura legali l-aktar ta’ suċċess biex imexxu n-negozju tal-ħalib. Il-kooperattivi jipprijoritizzaw ir-redditi għall-azzjonisti tagħhom (il-bdiewa stess), kemm permezz ta’ dividend kif ukoll permezz tal-prezzijiet tal-ħalib. Il-benesseri u l-aħjar interess tan-negozju tal-membri tagħhom huma l-pedament tal-attività tagħhom.

6.7.

Il-kooperattivi huma f’pożizzjoni unika biex jaġixxu bħala vejikoli għall-forniment lill-bdiewa ta’ għażliet ta’ ġestjoni ta’ volatilità, bħalma huma l-kuntratti ta’ prezzijiet fissi jew l-opportunitajiet biex “jintrabat” prezz tal-ħalib u/jew marġini għal perjodu stipulat ta’ żmien.

6.8.

Kull politika futura tal-ħalib għandha tinkludi fiha b’mod xieraq l-importanza kruċjali tal-kooperattivi, u m’għandha toħloq l-ebda diffikultà għal dik li hija l-istruttura ideali mill-perspettiva ta’ bidwi.

6.9.

Għandha tiġi indirizzata l-inkapaċità tal-bdiewa li jirkupraw l-ispejjeż mill-katina tal-bejgħ bl-imnut. Il-konsumaturi ftit jibbenefikaw minn tnaqqis estrem fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib, iżda l-bejjiegħa bl-imnut dejjem ifittxu li jiżguraw l-aqwa benefiċċju billi jagħmlu pressjoni fuq il-fornituri meta jkunu qed jaqgħu l-prezzijiet globali tal-ħalib – kif qed jiġri bħalissa. Il-prezzijiet bl-ingrossa aktar baxxi miksubin bil-pressjoni tal-bejjiegħa bl-imnut – mill-inqas parti minnha hija moralment, jekk mhux legalment, dubjuża – huma ekwivalenti għal żieda fil-marġini tal-bejjiegħa bl-imnut u l-kisba ta’ profitt akkost tal-bqija tal-katina u l-konsumaturi. Il-bdiewa jinsabu fl-aħħar nett ta’ dik il-katina, u ma jkollhom l-ebda mod kif jipproteġu l-marġini tagħhom biex isostnu d-dħul tal-familja tagħhom. Intervent tas-suq aktar f’waqtu mill-Kummissjoni tal-UE jista’ jgħin biex il-kriżijiet tas-suq jiġu indirizzati aktar malajr, u din għandha timminimizza l-pressjoni tal-bejjiegħ bl-imnut kif enfasizzat f’dan il-punt.

7.   Produzzjoni tal-ħalib sostenibbli f’żoni żvantaġġati

7.1.

Il-biedja tal-ħalib tagħti kontribut soċjoekonomiku u ambjentali vitali fir-reġjuni kollha tal-UE. Ir-rikonoxximent u l-appoġġ ta’ dan il-kontribut, li f’ħafna reġjuni jiddependi fuq, rziezet zgħar u vulnerabbli, ilhom jagħmlu parti mill-impenn tal-PAK. Il-Pilastru II tal-PAK jinkludi ħafna miżuri li huma rilevanti f’dan il-kuntest, kif inhuma wkoll id-dispożizzjonijiet ġodda, li issa huma inklużi fl PAK/OKS, li l-ewwel ġew introdotti bħala “Il-Pakkett tal-Ħalib”.

7.1.1.

Madankollu, it-tmiem tal-kwoti jista’, b’mod konċepibbli, jaċċellera l-bidla fil-produzzjoni tal-ħalib fl-UE lejn iż-żoni fit-Tramuntana/il-Punent fejn il-produzzjoni tista’ ssir b’mod aktar effiċjenti. Dan jista’ jwassal biex il-produzzjoni titnaqqas jew tiġi abbandunata fiż-żoni fejn l-ispiża hija ogħla (żoni aktar foqra) tal-Ewropa, li jispiċċa jwessa’ id-distakk ekonomiku bejn dawk ir-reġjuni.

7.1.2.

Il-maġġoranza kbira ta’ rziezet fl-Istati Membri tal-UE għandhom għadd żgħir ħafna ta’ baqar, b’75 % tal-irziezet b’inqas minn disa’ baqriet (10). Filwaqt li ħafna, bla dubju, jipproduċu l-ħalib għall-konsum tal-familji tal-irziezet stess, il-vulnerabbiltà ekonomika ta’ dawk l-irziezet hija ovvja, aktar u aktar minħabba li ħafna minnhom jinsabu f’żoni muntanjużi jew inkella żvantaġġati.

7.1.3.

Il-Kummissjoni tal-UE għandha tibda proġett koerenti għall-iżvilupp rurali u tal-ħalib għal żoni muntanjużi, żoni żvantaġġjati tal-produzzjoni tal-ħalib u għall-Istati Membri fejn il-produzzjoni tal-ħalib tiddependi fuq merħliet żgħar ħafna.

7.1.4.

Minbarra l-pakkett tat-trasferiment tal-għarfien, jew forsi bħala parti minnha, ikun kruċjali li dawn l-irziezet jingħataw aċċess għal servizzi ta’ konsulenza u ta’ edukazzjoni biex jgħinhom jagħmlu deċiżjonijiet ta’ negozju sodi għall-futur tagħhom stess u dak tas-suċċessur(i) tagħhom. Huma jistgħu jingħataw parir dwar kif jiddiversifikaw, isiru aktar effiċjenti, jikbru fid-daqs tagħhom jekk dan ikun ekonomikament fattibbli, kif ukoll – fejn rilevanti – jingħataw parir dwar liema professjonijiet alternattivi għandhom jikkunsidraw għall-bidwi eżistenti jew is-suċċessur (orjentazzjoni mill-ġdid tal-karriera).

7.2.

Fir-reġjuni li qegħdin f’riskju ta’ abbandun tal-art, fejn il-merħliet ma jibqgħux jirgħu biżżejjed jew fir-riskju ta’ impatt ambjentali negattiv ieħor, il-pagamenti ambjentali tal-Pilastru II jistgħux jixxaqilbu speċifikament lejn il-bdiewa tal-ħalib skont ċerti kundizzjonijiet.

7.3.

Bdiewa vulnerabbli tal-ħalib fir-reġjuni kollha għandhom jitħeġġu biex jinvolvu ruħhom mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u organizzazzjonijiet interprofessjonali biex jippromovu produzzjonijiet ta’ kwalità u jżidu l-piż u l-influwenza tagħhom fil-katina tal-provvista.

7.4.

Pagamenti ta’ bdiewa żgħar jistgħu jintużaw ukoll biex jitħeġġeġ it-tiġdid ġenerazzjonali meta l-abbandun tal-art huwa ta’ tħassib minħabba l-kapaċità limitata tal-art fil-ġenerazzjoni tad-dħul. Għal dawn il-bdiewa, l-investiment jista’ jitħeġġeġ permezz ta’ self favorevoli jew skemi oħra bħal dawn.

Brussell, il-21 ta’ Jannar 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  https://www.rabobank.com/en/press/search/2014/dairy_top20.html

(2)  http://www.milkprices.nl/

(3)  Rapporti tal-Kummissjoni tal-UE dwar Miżuri ta’ Intervent fis-Settur tal-Ħalib 2008, 2009, 2010, 2011 (UE MMO).

(4)  World Population Prospects: ir-reviżjoni tal-2012, NU, Ġunju 2013.

(5)  Consumer in 2050 – The Rise of the Emerging Market Middle Class – HSBC Global, Ottubru 2012.

(6)  http://www.oecd.org/fr/sites/perspectivesagricolesdelocdeetdelafao/produits-laitiers.htm

(7)  GIRA Food Consultancy, the International Farm Comparison Network u s-Centre National Interprofessionnel de l’Industrie Laitiere Franċiż.

(8)  Analiżi tal-Crisis Dairy Supply Management Proposal fir-Rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (COMAGRI) dwar ir-riforma tal-PAK 2012/2013 (verżjoni finali) – Settembru 2013 minn Michael Keane PhD, Cork, l-Irlanda u Declan O’Connor PhD, Cork Institute of Technology, l-Irlanda.

(9)  AGRI-2012-C4-04 – Analysis on future developments in the milk sector imħejji għall-Kummissjoni Ewropea – DĠ Żvilupp Agrikolu u Rurali, Rapport finali 19 Settembru 2013, Ernst and Young.

(10)  Sors: Eurostat, 1 ta’ Jannar 2011.


23.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 242/31


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ipersensittività elettromanjetika”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 242/05)

Nhar l-10 ta’ Lulju 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

“L-ipersensittività elettromanjetika”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Jannar 2015.

Matul il-540 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Jannar 2015 (seduta tal-21 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew irrifjuta l-abbozz ta’ opinjoni mħejji mis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni u adotta l-kontroopinjoni li ġejja b’138 vot favur, 110 voti kontra u 19-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jirrikonoxxi u jinsab imħasseb dwar il-prevalenza tas-sindromu ta’ ipersensittività elettromanjetika (EHS). Huwa inkoraġġanti josserva li bħalissa għaddejja aktar riċerka sostanzjali biex nifhmu din il-problema u l-kawżi tagħha. Huwa jinnota wkoll li l-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti għas-Saħħa u dawk Identifikati Reċentement (SCENIHR) (Opinjoni preliminari tas-SCENIHR dwar l-effetti potenzjali għas-saħħa minħabba esponiment għall-kampijiet elettromanjetiċi, 29.11.2013: – http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/emerging/docs/scenihr_o_041.pdf) (mhux disponibbli bil-Malti) kien qed janalizza bir-reqqa din il-kwistjoni f’dawn l-aħħar snin u dalwaqt ser ilesti l-iżjed opinjoni reċenti tiegħu, wara li pparteċipa b’mod estensiv fil-konsultazzjoni pubblika.

1.2.

Il-KESE jifhem li l-konklużjonijiet ewlenin ta’ dan ir-rapport mhux ser ivarjaw sostanzjalment mill-Opinjoni preliminari tal-2013, fejn ġie ddikjarat li ġeneralment hemm evidenza li l-esponiment għall-kampijiet tal-frekwenza tar-radju ma jikkawżax sintomi jew jaffettwa l-funzjoni konoxxittiva tal-bnedmin. L-Opinjoni preċedenti tal-Kumitat Xjentifiku kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda effett ħażin fuq ir-riproduzzjoni u l-iżvilupp minn kampijiet tal-frekwenza tar-radju f’livelli ta’ esponiment li huma taħt il-limiti eżistenti. L-inklużjoni ta’ data iżjed reċenti dwar il-bnedmin u l-annimali ma tibdilx din l-evalwazzjoni. (Opinjoni preliminari dwar l-effetti potenzjali għas-saħħa minħabba esponiment għal kampijiet elettromanjetiċi SCENIHR 29.11.2013 – http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/emerging/docs/scenihr_o_041.pdf) (mhux disponibbli bil-Malti).

1.3.

Din l-Opinjoni preliminari tas-SCENIHR osservat ukoll li provi ġodda, meta mqabbla mal-Opinjoni preċedenti tiegħu tal-2009, isaħħu l-konklużjoni li l-esponiment għall-frekwenzi tar-radju mhijiex marbuta b’mod kawżali mas-sintomi. Hija tinnota li ħafna drabi t-twemmin li s-suġġett qed jiġi espost (meta ma jkunx) huwa suffiċjenti biex jikkawża sintomi.

1.4.

Madankollu, biex inaqqas it-tħassib pubbliku kontinwu u biex jappoġġja l-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli l-ħidma tagħha f’dan il-qasam, b’mod partikolari minħabba li għadha meħtieġa aktar riċerka biex tiġi akkumulata evidenza dwar kwalunkwe impatt potenzjali għas-saħħa minn esponiment fit-tul, pereżempju l-użu tal-mowbajl għal aktar minn 20 sena.

1.5.

Tibqa’ l-kwistjoni ta’ perċezzjoni pubblika. Għal xi individwi l-prevalenza tal-kampijiet elettromanjetiċi hija meqjusa bħala theddida – fuq il-post tax-xogħol, għall-familji tagħhom u fl-ispazji pubbliċi. Gruppi simili huma kkonċernati bl-istess mod dwar l-esponiment kimiku multiplu, l-intolleranza estensiva għall-ikel jew l-esponiment għall-partiċelli, il-fibri jew il-batterji fl-ambjent. Tali individwi għandhom bżonn ta’ appoġġ, mhux biss fil-kura tas-sintomi attwali ta’ mard iżda fit-tħassib tagħhom dwar is-soċjetà moderna.

1.6.

Il-Kumitat jinnota li dawk li jsofru mill-ipersensittività elettromanjetika jbatu minn sintomi veri. Għandhom isiru sforzi biex jittejbu l-kundizzjonijiet tas-saħħa tagħhom b’attenzjoni fuq it-tnaqqis tad-diżabbiltà, kif dettaljat fl-attività ta’ riċerka “Biomedicine and Molecular Biosciences COST Action BM0704” (BMBS Cost Action BM0704 Emerging EMF Technologies and Health Risk Management (teknoloġiji emerġenti fil-qasam tal-kampijiet elettromanjetiċi u l-ġestjoni tar-riskji għas-saħħa).

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tesplora t-tħassib espress minn gruppi fis-soċjetà ċivili dwar l-użu u l-impatt ta’ apparat li jarmi frekwenzi tar-radju użat f’tagħmir industrijali u domestiku u f’servizzi li jiddependu mill-komunikazzjoni mingħajr fili. Dan l-għan huwa kkunsidrat bħala rilevanti minn dawk li jbatu minn firxa mhux speċifika ta’ problemi tas-saħħa u li adottaw ukoll it-terminu “sindromu ta’ ipersensittività elettromanjetika” bħala definizzjoni u kawża impliċita tas-sintomi tagħhom.

3.   L-ipersensittività elettromanjetika bħala dijanjożi sintomatika tas-sindromu

3.1.

Sfortunatament, fil-fehma tagħhom, l-opinjoni tal-maġġoranza kbira fil-qasam mediku u xjentifiku hija li m’hemm l-ebda evidenza konklużiva li tistabbilixxi rabta bejn il-firxa wiesgħa ta’ sintomi attribwiti għall-ipersensittività elettromanjetika u l-esponiment għall-kampijiet elettromanjetiċi jew tal-frekwenza tar-radju. Għaldaqstant, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat li kull studju li sar s’issa kkonkluda li kull esponiment taħt il-limiti rakkomandati fil-linji gwida tal-ICNIRP (1998) dwar il-kampijiet elettromanjetiċi, li jkopru l-firxa sħiħa ta’ frekwenzi minn 0-300 GHz, ma jipproduċi l-ebda effett negattiv fuq is-saħħa. (WHO: http://www.who.int/peh-emf/research/en/) Minkejja dan, kampanji minn korpi attivisti f’diversi pajjiżi jkomplu jitolbu għal aktar rikonoxximent tal-problema perċepita u aktar azzjoni preventiva u korrettiva dwar l-intensità u l-prevalenza tas-sorsi tal-esponiment għall-kampijiet elettromanjetiċi. Tali korpi jikkunsidraw in-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet bħala tal-inqas kompjaċenti jew agħar minn hekk, parti minn konfoffa usa’ influwenzata minn interessi tal-gvern, kummerċjali jew barranin, li mhumiex lesti li jiffaċċjaw li l-aġġustamenti estensivi meħtieġa li kieku l-“WiFi” (jew apparat ieħor li jaħdem bl-elettriku) kellu jiġi moderat jew limitat.

3.2.

L-UE, kemm qabel kif ukoll wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni tal-esponiment tal-pubbliku ġenerali għall-kampijiet elettromanjetiċi (0 Hz–300 GHz) (ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE) tal-1999, ikkontribwixxiet b’mod attiv għal dan is-suġġett u fittxet l-aħjar parir xjentifiku u mediku – ippreżentat permezz ta’ serje ta’ gruppi ta’ ħidma u l-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti għas-Saħħa u dawk Identifikati Reċentement (SCENIHR) tal-Kummissjoni Ewropea. Dan wassal għal fluss kontinwu ta’ analiżi, dokumenti ta’ pożizzjoni u opinjonijiet li jirriflettu s-serjetà li biha dan jitqies mill-awtoritajiet, u l-komunitajiet mediċi, ta’ riċerka, u xjentifiċi.

3.3.

Din mhijiex biss kwistjoni Ewropea. F’Novembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea ospitat it-18-il Konferenza Annwali dwar Koordinazzjoni Globali ta’ Komunikazzjonijiet fuq Frekwenzi tar-Radju dwar il-Politika tar-Riċerka u tas-Saħħa, li rrevediet ir-riċerka globali estensiva dwar dan is-suġġett. Sal-lum dawn l-opinjonijiet xjentifiċi ma wasslux għal raġunament xjentifiku li jiġġustifika reviżjoni tal-limiti ta’ esponiment (restrizzjonijiet bażiċi u livelli ta’ referenza) tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-data bażika għall-valutazzjoni ta’ ċerti riskji għadha limitata, b’mod speċjali l-esponiment ta’ livell baxx fuq perjodu ta’ żmien twil, u għalhekk hemm bżonn iktar riċerka.

3.4.

Il-persuni li jbatu mis-sindromu tal-ipersensittività elettromanjetika jkomplu jsostnu li l-azzjoni dwar il-problema tagħhom, kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-UE, hija ferm inqas min dak li jaħsbu li tkun meħtieġa. Il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet tas-saħħa, madankollu, ma jaqblux. (Pereżempju l-NHS tar-Renju Unit – ara: http://www.nhs.uk/Conditions/Mobile-phone-safety/Pages/QA.aspx#biological-reasons). Il-maġġoranza l-kbira ta’ provi indipendenti sal-lum sabu li dawk il-persuni li jgħidu li jbatu minn dan is-sindromu ma jistgħux jiddistingwu bejn l-esponiment għal kampijiet elettromanjetiċi reali jew foloz (jiġifieri żero). Esperimenti hekk imsejħa “double-blind” jissuġġerixxu li persuni li jirrappurtaw l-ipersensittività elettromanjetika mhumiex kapaċi jipperċepixxu l-preżenza ta’ kampijiet elettromanjetiċi u x’aktarx jirrappurtaw problemi ta’ saħħa wara esponiment ta’ żero, bl-istess mod bħal wara l-esponiment għal kampijiet elettromanjetiċi ġenwini (British Medical Journal 332 (7546): 886–889).

3.5.

Madankollu, dan ma jfissirx li tiġi negata r-realtà ta’ sintomi attribwiti għall-ipersensittività elettromanjetika; huwa ċar li ħafna nies joħorġu b’awtodijanjożi li qed ibatu minn firxa ta’ problemi ta’ saħħa li mhumiex marbuta ma’ xulxin, u li huma jorbtu mal-kampijiet elettromanjetiċi. Il-proporzjon tal-popolazzjoni li tallega din id-dijanjożi jvarja konsiderevolment bejn l-Istati Membri. Id-WHO tinnota li l-ipersensittività elettromanjetika ma għandhiex kriterji dijanjostiċi ċari u m’hemm l-ebda bażi xjentifika biex is-sintomi tagħha jintrabtu mal-esponiment għall-kampijiet elettromanjetiċi. Barra minn hekk, l-ipersensittività elettromanjetika mhijiex dijanjożi medika, u lanqas m’huwa ċar li tirrappreżenta problema medika unika. (WHO: Kampijiet elettromanjetiċi u s-saħħa pubblika http://www.who.int/peh-emf/publications/facts/fs296/en/).

3.6.

Għall-kuntrarju, l-impatt termali tal-kampijiet elettromanjetiċi fuq il-ġisem tal-bniedem ilu stabbilit għal aktar minn 100 sena, u, kif ġie nnutat, huma stabbiliti u taħt reviżjoni regolari rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-UE għal kampijiet elettromanjetiċi u standards internazzjonali ta’ sigurtà dwar ir-radjazzjoni. Fil-livell tal-UE, ġew adottati l-istrumenti legali li ġejjin fil-qasam tal-kampijiet elettromanjetiċi:

Ir-Rakkomandazzjoni 1999/519/KE tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 1999 dwar l-esponiment tal-pubbliku inġenerali għall-kampijiet elettromanjetiċi (1) għandha l-għan li tikkomplementa l-politiki nazzjonali għat-titjib tas-saħħa. L-għan tagħha huwa li toħloq qafas biex jiġi limitat l-esponiment tal-pubbliku inġenerali għall-kampijiet elettromanjetiċi, abbażi tal-aqwa evidenza xjentifika disponibbli u biex tipprovdi bażi għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni,

Id-Direttiva 1999/5/KE (2),

Id-Direttiva 2013/35/UE (3),

Id-Direttiva 2006/95/KE (4) tiżgura li l-pubbliku, inklużi l-ħaddiema, ma jkunux esposti għal livelli lil hinn minn dawk stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-1999,

Deċiżjoni Nru 243/2012/UE (5) li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (RSPP).

3.7.

Fir-rigward tar-riċerka, il-Kumitat jinnota li mis-sena 2000 ‘l hawn il-Kummissjoni Ewropea, minbarra l-impenn attiv tagħha dwar dan is-suġġett, ipprovdiet finanzjament ta’ EUR 37 miljun għar-riċerka dwar il-kampijiet elettromanjetiċi u l-mowbajls.

3.8.

Il-KESE esprima l-preokkupazzjoni tiegħu dwar dawn il-kwistjonijiet fl-Opinjonijiet li ħareġ dwar dawn ir-regoli waqt li kienu qed jitħejjew, u ta xhieda tal-appoġġ tiegħu għat-tnaqqis tal-esponiment għar-radjazzjoni mhux jonizzanti. Madankollu, dawk li jbatu mill-ipersensittività elettromanjetika huma kkaratterizzati billi jattribwixxu s-sintomi tagħhom għall-kampijiet elettromanjetiċi f’intensitajiet ħafna iktar baxxi mil-limiti permessi.

Brussell, il-21 ta’ Jannar 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU L 199, 30.7.1999, p. 59 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10) (Edizzjoni speċjali bil-Malti).

(3)  Direttiva 2013/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 179, 29.6.2013, p. 1).

(4)  Direttiva 2006//95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 374, 27.12.2006, p. 10).

(5)  Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7).


23.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 242/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-qagħda tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-Turkija”

(2015/C 242/06)

Relatur:

is-Sur METZLER

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar is-26 u s-27 ta’ Frar 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-qagħda tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-Turkija

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Diċembru 2014.

Matul il-504 sessjoni plenarja tiegħu tal-21 u t-22 ta’ Jannar 2015 (seduta tal-21 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’205 voti favur, u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jħeġġeġ lill-gvern u l-amministrazzjoni tat-Turkija li jagħrfu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala parti importanti tas-soċjetà u tal-proċess tal-konverġenza tat-Turkija mal-valuri tal-UE u mal-acquis. L-għan għandu jkun il-ħolqien ta’ soċjetà li fiha l-gruppi soċjali kollha jkollhom sehem vitali. It-Turkija għandha bżonn taħdem bħala parti minn sforz konġunt biex jinħoloq qafas istituzzjonali u leġislattiv għal kultura pluralistika u parteċipattiva ta’ rikonoxximent reċiproku u skambju.

1.2.

Bħala prerekwiżit bażiku għall-operazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, trid tinżamm is-separazzjoni tas-setgħat taħt l-istat tad-dritt fl-oqsma kollha. Indħil żejjed mill-Istat li jfixkel l-operat tagħhom, bħal pereżempju fil-każ tal-awditjar speċjali, mhuwiex kompatibbli ma’ dan il-prinċipju. L-aċċess tagħhom għal rimedju jrid jinżamm. Il-korruzzjoni għandha tiġi indirizzata b’mod partikolari.

1.3.

Trid tingħata attenzjoni partikolari lid-djalogu UE-Turkija għall-implimentazzjoni effettiva tad-drittijiet bażiċi u l-libertajiet, fosthom:

il-libertà tal-espressjoni mingħajr biża ta’ diskriminazzjoni individwali jew kastig;

il-libertà tal-istampa li tippromovi d-diversità;

il-libertà tal-assoċjazzjoni u assemblea, fosthom u b’mod speċjali f’dibattiti u avvenimenti konfliġġenti;

id-drittijiet tan-nisa;

id-drittijiet tat-Trade Unions;

id-drittijiet tal-minoranzi, fosthom reliġjużi, kulturali jew sesswali;

id-drittijiet tal-konsumatur.

1.4.

Is-separazzjoni tas-setgħat bejn leġislattivi, ġudizzjarji u eżekuttivi b’mod partikolari distinzjoni ċara u distintività bejn azzjoni tal-gvern u azzjoni tal-amministrazzjoni – din tal-aħħar trid tiġi appoġġjata minn leġislazzjoni – huwa rekwiżit ewlieni li jiżgura t-tħaddim tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. B’mod partikolari ġudikatura indipendenti hija l-bażi tal-istat tad-dritt.

1.5.

Il-KESE jappella lill-Kunsill tal-UE biex jaħdem għall-ftuħ tal-Kapitolu 23 (Ġudikatura u Drittijiet Fundamentali) u Kapitolu 24 (Ġustizzja, Libertà, Sigurtà) tan-negozjati tal-adeżjoni tat-Turkija mal-UE sabiex ikomplu jakkumpanjaw il-proċess fit-Turkija.

1.6.

Fl-istess waqt, għandu jinżamm il-prinċipju tal-qsim vertikali tas-setgħat – pereżempju l-awtonomija lokali.

1.7.

Ikun vantaġġ jekk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-Turkija jingħataw aċċess għall-informazzjoni dwar il-proċessi (tat-teħid tad-deċiżjonijiet) tal-gvern. Għalhekk għandu jkun hemm seduti u konsultazzjonijiet regolari, f’konformità ma’ regoli trasparenti, li jippermettu li l-għarfien li jinkiseb mill-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-interessi tal-gruppi soċjali li jirrappreżentaw, jirriflettu fuq id-deċiżjonijiet politiċi u amministrattivi. Il-gvern u l-amministrazzjoni Torok huma mħeġġa jimpenjaw lis-soċjetà ċivili fi proċess ta’ diskussjoni formali (Kunsill Ekonomiku u Soċjali), u li dan jinkluduh fil-kostituzzjoni permezz ta’ proċess ta’ riforma kostituzzjonali.

1.8.

Fil-fehma tal-KESE, ċerti professjonijiet b’mod partikolari l-professjonijiet liberi għandhom rwol partikolarment importanti x’jaqdu fil-ħolqien ta’ soċjetà ħielsa taħt l-istat tad-dritt. L-aċċess għall-ġustizzja u l-kura medika jistgħu jiġu garantiti biss minn professjonisti kwalifikati u indipendenti li l-pubbliku jista’ jkollu fiduċja fihom fuq il-bażi ta’ relazzjoni ta’ fiduċja li hija mħarsa mill-interferenza jew il-vjolenza minn barra. Servizzi bbażati fuq il-fiduċja bħal dawk li joffru l-avukati, it-tobba, dawk li jagħtu pariri dwar it-taxxa u oħrajn jeħtieġu ħarsien komprensiv tas-sigriet professjonali.

1.9.

Dawn il-professjonijiet jitolbu għalhekk awtonomija effettiva pereżempju f’assoċjazzjonijiet tal-professjonisti li jiżguraw li dawn jaqdu r-responsabbiltajiet professjonali tagħhom lejn is-soċjetà u l-individwi mingħajr indħil politiku. Il-vjaġġ biex tinkiseb l-informazzjoni tal-KESE indika ksur ta’ dan il-prinċipju.

1.10.

Id-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali, tas-settur u tal-intrapriża huwa mixtieq fit-Turkija ħalli l-ħaddiema u min iħaddem isiru msieħba fuq l-istess livell. L-għan għandu jkun li jitjiebu l-kundizzjonijiet u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol permezz ta’ drittijiet komprensivi għall-ħaddiema (1).

2.   Introduzzjoni u sfond

2.1.

Iż-żjara tal-KESE f’Istanbul u f’Ankara fid-9 u l-10 ta’ Settembru 2013 żvelat il-kundizzjonijiet li fihom jaħdmu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-Turkija li xi drabi kien ċar li kienu żvantaġġjati. F’ċertu każijiet, xi rappreżentanti u persunal ta’ dawn l-organizzazzjonijiet esperjenzaw restrizzjonijiet personali severi jew saħansitra vjolenza fiżika mill-istituzzjonijiet tal-Istat.

2.2.

Żjara ta’ segwitu f’Ankara u Diyarbakir mill-1 sat-3 ta’ Lulju 2014 kienet intiża li tinvestiga s-sitwazzjoni attwali u l-iżvilupp tal-kundizzjonijiet għall-ħidma tas-soċjetà ċivili fit-Turkija. Saru diskussjonijiet mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tat-Turkija sabiex jiġi mistoqsi jekk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rawx tibdil fil-kundizzjonijiet tal-ħidma tagħhom minn Settembru 2013 ‘l hawn.

2.3.

Dawk iż-żjarat kienu addizzjonali għal laqgħat regolari tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Turkija, li qed jissorvelja l-proċess tal-adeżjoni tat-Turkija mal-UE. Il-membri tal-KESE setgħu jitkellmu mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li ma kinux ġew proposti bħala msieħba fid-diskussjoni għall-Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Turkija.

2.4.

Permezz ta’ dawn id-diskussjonijiet ma’ rappreżentanti ta’ firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-gvern inkluż awtorità lokali wasslu biex stajna nifhmu l-kundizzjonijiet tal-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-Turkija u kwalunkwe tibdil f’dawn il-kundizzjonijiet. L-għan kien li jintużaw l-esperjenzi u l-interpretazzjonijiet individwali tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili għal ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni. L-għan mhuwiex il-qafas legali iżda s-sitwazzjoni fil-prattika li hija kruċjali għall-involviment personali tal-persuni fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

2.5.

Qed inqisu li qatt mhu possibbli li l-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili jkunu kompletament sodisfatti bil-kundizzjonijiet li fihom joperaw anki fl-aħjar ċirkustanzi possibbli. L-għan għandu jkun minflok ħidma kontinwa li tottimizza l-ambjent tal-involviment tas-soċjetà ċivili permezz ta’ bilanċ tal-interessi differenti bil-għan tal-iżvilupp kontinwu ta’ soċjetà demokratika u pluralistika, kif inhi iffurmata fl-Istati Membri kollha tal-UE permezz ta’ proċess attiv.

2.6.

Il-KESE jappella lit-Turkija u lill-Unjoni Ewropea ħalli titratta d-djalogu tas-soċjetà ċivili bħala prerekwiżit assolut ħalli s-soċjetajiet tagħhom joqorbu u biex jagħmlu ħilithom kollha ħalli jippromovu dan. Dan il-proċess jista’ jkollu suċċess biss jekk ikun proċess ta’ tagħlim reċiproku fi ħdan djalogu kontinwu u miftuħ.

3.   Qafas istituzzjonali legali għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

3.1.

It-Turkija għamlet progress ċar fir-rigward ta’ prinċipji bażiċi ta’ separazzjoni tas-setgħat u governanza awtonoma u indipendenti, għalkemm għad iridu jsiru sforzi konsiderevoli ħalli japplikaw dawn il-prinċipji. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jkollhom qafas legali affidabbli bħala bażi tal-ħidma tagħhom. Dan jinkludi fost affarijiet oħra li l-liġi applikabbli għandha tipprovdilhom biżżejjed flessibbiltà f’xogħolhom u għandha titħares u tiġi applikata mill-istat u l-amministrazzjoni. Din iċ-ċertezza legali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-persunal għandha tkun trasparenti u garantita.

3.2.

L-enfasi tal-kritika kienet ir-realtà kostituzzjonali f’termini ta’ fiduċja fir-rispett lejn id-drittijiet individwali min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi. Irrispettivament minn jekk azzjonijiet amministrattivi speċifiċi kinux teknikament legali jew kisrux id-dispożizzjonijiet legali, f’ċertu każijiet kien hemm nuqqas ta’ ċertezza u trasparenza fir-rigward tal-bażi jew ġustifikazzjoni tal-azzjoni tal-gvern, bir-riżultat li miżuri li ttieħdu mill-istat kienu jidhru arbitrarji.

3.3.

Il-bażi legali ta’ miżura, il-parti li ressqitha u r-raġuni għad-deċiżjoni jew miżuri għandhom dejjem jaslu għand il-parti kkonċernata b’mod ċar. Aċċess immedjat għar-rimedju legali għandu jiġi garantit dejjem u jkun dokumentat sew.

4.   Is-separazzjoni tas-setgħat, l-istat tad-dritt u l-libertà tal-azzjoni tal-individwi

4.1.

Il-persunal tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa responsabbli mill-azzjonijiet tagħhom, kif inhu kull ċittadin ieħor. Madanakollu dawn m’għandhomx ikunu suġġetti għal żvantaġġi personali inġusti jew restrizzjonijiet minħabba l-involviment tagħhom. B’mod partikolari l-ħajja privata tagħhom u ta’ familthom jixirqilhom ħarsien sħiħ.

4.2.

Il-KESE huwa konxju li xi rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sfaw bosta drabi mhedda verbalment jew permezz ta’ prosekuzzjoni legali, xi drabi anki personalment, u esperjenzaw restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili tagħhom. Uħud mir-restrizzjonijiet deskritti ġew imposti fil-kuntest tal-protesti tal-Park ta’ Geżi f’Mejju u Ġunju 2013 u l-passi legali assoċjati magħhom.

4.3.

Id-delegazzjoni tal-KESE kienet allarmata meta semgħet li wara l-protesti tal-Park ta’ Geżi, it-tobba ma tħallewx jikkuraw l-feruti u li d-dokumenti tal-pazjenti ntalbu għall-investigazzjoni. Ġie allegat ukoll li xi tobba ġew investigati għal atti kriminali bħad-diżubbidjenza tar-regolamenti tal-gvern peress li ma żammewx mal-istruzzjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi. Kura medika kunfidenzjali u indipendenti hija dritt tal-bniedem irrispettivament minn avvenimenti politiċi u mill-persuna u għandha tingħata skont il-Ġurament Ipokratiku. Il-kura medika, bħar-rappreżentazzjoni legali, ir-rispett lejn il-partijiet involuti kollha lejn is-sigriet professjonali, hijaa pilastru tal-attivitajiet ibbażati fuq il-fiduċja u karatteristika tal-istat tad-dritt. L-importanza ta’ konformità ma’ dawn il-prinċipji mill-uffiċjali kollha testendi lil hinn mill-każijiet individwali għad-demokrazija u l-istat tad-dritt u l-fiduċja tal-pubbliku li d-drittijiet tagħhom ser jiġu rispettati.

4.4.

Il-KESE jagħti parir lill-awtoritajiet Torok li jfittxu li jerġgħu jiksbu l-fiduċja li tilfu mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili billi jiżguraw li d-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-livelli kollha tal-gvern ikunu trasparenti u konformi mal-istat tad-dritt, u li d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-korpi leġislattivi, ġudizzjarji u eżekuttivi huma indipendenti għal kollox.

4.5.

Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet demokratiku tista’ tiġi appoġġjata fil-proċess tal-adeżjoni tal-UE billi jinfetħu l-Kapitolu 23 (Ġudikatura u d-Drittijiet Fundamentali) u 24 (Ġustizzja, Libertà, Sigurtà) bl-implimentazzjoni proattiva tad-drittijiet bażiċi u l-libertajiet li fihom.

4.6.

Il-KESE jenfasizza li l-indipendenza tal-ġudikatura, bl-mħallfin inklużi, hi element fundamentali tas-soċjetà ċivili ħielsa f’demokrazija. L-imħallfin b’mod partikolari għandhom jamministraw il-ġustizzja b’mod indipendenti u skont il-liġi mingħajr istruzzjonijiet indiretti minn korpi oħra u mingħajr pressjoni individwali u mingħajr theddid ta’ żvantaġġi personali.

5.   It-trasparenza u l-komunikazzjoni għall-involviment tas-soċjetà ċivili

5.1.

Il-KESE jkun sodisfatt jekk il-gvern u l-amministrazzjoni fit-Turkija jużaw aktar il-potenzjal tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil u l-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ politika billi jikkonsultawhom regolarment qabel ma jieħdu d-deċiżjonijiet u billi jipprovdulhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-gvern bil-ħsieb ta’ djalogu. Ħafna organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Torok ilmentaw dwar in-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ aċċess għall-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-gvern. Fl-Istati Membri tal-UE, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu konsultati fuq bażi regolari qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet sabiex jiġbru fihom il-fehmiet kollettivi u l-interessi tal-membri ta’ dawn l-organizzazzjonijiet fil-proċess u jtejbu l-kwalità u l-vijabbiltà soċjali tad-deċiżjonijiet li jittieħdu. Permezz ta’ konsultazzjoni tal-gruppi soċjali involuti jew milquta, bħala parti mill-proċess leġislattiv u regolatorju, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jantiċipaw oqsma possibbli ta’ titjib u jużaw l-organizzazzjonijiet konċernati biex iwasslu d-deċizjoni fl-oqsma ta’ influwenza tagħhom.

5.2.

Il-gvern u l-amministrazzjoni Torok huma mħeġġa jimpenjaw lis-soċjetà ċivili, inklużi l-minoranzi, fi proċess strutturat ta’ formazzjoni ta’ opinjoni politika permezz tal-ħolqien ta’ Kunsill Ekonomiku u Soċjali, u biex dan jinkluduh fil-kostituzzjoni permezz ta’ proċess ta’ riforma kostituzzjonali.

5.3.

Ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qisu lilhom infushom bħala ristretti ħafna fil-komunikazzjoni tagħhom mal-membri u l-pubbliku meta saret iż-żjara ta’ ġbir ta’ informazzjoni. Huma jsibu l-aċċess għall-istampa diffiċli jew saħansitra impossibbli minħabba l-istruttura spiss oligopolistika tal-mezzi tax-xandir u pożizzjonijiet editorjali fundamentali u unilaterali. Huma rrappurtaw ukoll bosta dipendenzi ekonomiċi sinifikanti u influwenza diretta fuq il-mezzi tax-xandir. Dan qalu li joħloq restrizzjonijiet kemm fuq ir-rappurtar tal-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll opportunitajiet għal dibattiti politiċi miftuħa fejn tista’ tiġi komunikata kritika diretta lejn il-gvern.

5.4.

Madanakollu jemmen li għad hemm passi li għadhom ma ttiħdux fir-rigward tat-twaqqif ta’ ambjent liberu u varjat tal-mezzi tax-xandir. Ir-ripressjoni, inkluża d-detenzjoni, tal-ġurnalisti b’riżultat ta’ ħidma ta’ kritika għandha tieqaf minnufih.

5.5.

Il-KESE hu kritiku tar-restrizzjoni temporanja fuq is-servizz tal-mikroblogging Twitter. Il-gvern tat-Turkija għandu jappoġġja l-libertà tal-opinjoni inkluż tal-mezzi soċjali u dan għandu jsir permess bħala element tal-iskambju vivaċi tal-fehmiet li jagħmel parti mid-demokrazija.

6.   Esperjenzi tal-ħarsien tal-minoranzi bħala pilastru tat-tħaddim tad-demokrazija

6.1.

Il-ħarsien soċjali tal-minoranzi għandu jittieħed bis-serjetà, bħala pilastru tat-tħaddim tad-demokrazija. Id-diskriminazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi għandha tiġi abolita b’mod sistematiku u d-diskriminazzjoni minn partijiet terzi għandha tkun solvuta b’mod legali u evitata permezz ta’ kampanji ta’ edukazzjoni pubblika. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet demokratiku tista’ tiġi faċilitata fil-proċess tal-adeżjoni tal-UE billi jinfetħu l-Kapitolu 23 (Ġudikatura u d-Drittijiet Fundamentali) u 24 (Ġustizzja, Libertà, Sigurtà) u bl-implimentazzjoni tad-drittijiet bażiċi u l-libertajiet li fihom mingħajr dewmien.

6.2.

Minkejja li deskrizzjoni tan-nisa bħala minoranza ma tagħmilx sens, il-KESE jħeġġeġ lit-Turkija tuża strumenti tal-protezzjoni tal-minoranzi sabiex tippromovi l-ugwaljanza bejn is-sessi. It-Turkija għandha timplimenta għalhekk il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tan-nisa. L-avvanz tan-nisa u l-bniet fl-oqsma kollha tas-soċjetà b’mod partikolari fejn jidħol aċċess għas-suq tax-xogħol u inkluż is-servizz ċivili, għandu jkun għan politiku tat-Turkija u wieħed li taħdem fuqu b’mod attiv. L-istat Tork għandu jappoġġja lill-ommijiet f’ċirkostanzi diffiċli billi jipprovdi konsultazzjonijiet speċjalizzati indipendenti, ħalli jitnaqqas l-għadd ta’ aborti illegali. Forom ta’ kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u l-istat tat-Turkija li ħadmu qabel għandhom ikomplu u jissaħħu.

6.3.

It-Turkija għandha tkompli taħdem biex tintegra l-minoranza Kurda bħala parti mis-soċjetà tat-Turkija u tippromovi l-kultura u l-lingwa tal-Kurdi.

6.4.

Il-KESE jitlob lit-Turkija tħares il-persuni b’orjentazzjoni jew identità sesswali differenti mid-diskriminazzjoni u li jiġu integrati fis-soċjetà.

6.5.

Il-KESE kellu rapporti li l-prinċipju tas-sekulariżmu tal-istat fil-kostituzzjoni Torka f’ċerti każijiet qed jinkiser. Waslitlu b’mod partikolari informazzjoni li xi dokumenti uffiċjali ta’ identità qed jitolbu r-reliġjon tal-individwu. Membri tal-minoranzi reliġjużi, inklużi l-Alevis, milli jidher jesperjenzaw żvantaġġi fil-ħajja komunitarja tagħhom u fil-prospetti tax-xogħol. It-Turkija qed tintalab li tagħmel iktar sforzi sabiex tintegra l-minoranzi reliġjużi fis-soċjetà mingħajr diskriminazzjoni.

7.   Id-djalogu soċjali bħala strument u espressjoni tad-demokrazija fil-post tax-xogħol

7.1.

Il-KESE identifika nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-inklużjoni sistematika tal-impjegati fid-deċiżjonijiet rilevanti. It-trade unions irrappurtaw restrizzjonijiet dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni u għaqda li huma kundizzjonijiet fundamentali għas-sħubija tat-trade unions. Barra minn hekk, b’mod partikolari, membri tal-kunsilli tax-xogħol tqiegħdu personalment taħt pressjoni li tikser il-prinċipju tal-libertà ta’ assoċjazzjoni.

7.2.

Il-KESE nnota b’dispjaċir in-nuqqasijiet fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol li rriżultat f’inċidenti qabel iż-żjara għall-ġbir tal-informazzjoni f’Soma f’Mejju 2014. Il-Kumitat jitlob lill-gvern u l-amministrazzjoni tat-Turkija jaħdmu mal-impjegati sabiex jiżviluppaw miżuri ta’ prekawzjoni li jħarsu l-ħajja u s-sigurtà tal-ħaddiema u jiżguraw li dawn jiġu implimentati b’mod konsistenti.

8.   L-awtonomija lokali bħala strument tad-demokrazija parteċipattiva

8.1.

Fit-Turkija, il-prinċipji tal-awtonomija lokali f’xi postijiet għadu proċess ta’ tagħlim reċiproku fejn ir-rwoli u s-setgħat tal-awtoritajiet differenti għandhom ikomplu jiġu definiti u żviluppati b’mod gradwali. Il-KESE jinnota li s-separazzjoni vertikali tas-setgħat tintuża wkoll fit-Turkija bħala strument tal-iżvilupp ta’ netwerk ta’ konnessjonijiet bejn l-Istat u l-gruppi soċjali u b’hekk tankra l-proċessi demokratiċi b’mod iktar sħiħ fil-livell reġjonali u lokali. Din tista’ tkun opportunità oħra ta’ involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b’rabtiet lokali diretti fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, pereżempju bħala ċittadini informati u konsulenti indipendenti.

9.   Kundizzjonijiet soċjali ġenerali għall-organizazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

9.1.

L-istat u l-mezzi tax-xandir jistgħu jagħmlu aktar biex jgħinu lill-pubbliku jifhem id-diversità tal-gruppi soċjali u l-bżonn tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentazzjoni tal-interessi sabiex il-minoranzi jibdew jitqiesu bħala parti leġittima u rikka tas-soċjetà tat-Turkija.

9.2.

Sabiex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiżviluppaw u joperaw b’mod professjonali jeħtieġu struttura soċjali li tkun pluralistika u parteċipattiva fil-prattika. Dan ma jiddependix biss mill-mekkaniżmi istituzzjonali li jippermettu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili joperaw b’mod legali iżda wkoll mill-manutenzjoni tal-qafas prattiku għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. Il-ħidma volontarja tiddependi mill-impenn individwali lejn l-interessi u l-valuri mfittxa iżda anki mir-rikonoxximent li jirċievu l-persuni tal-involviment tagħhom.

9.3.

Xi diskussjonijiet mal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili wrew li dawn iqisu l-ħidma tagħhom bħala ġlieda inugwali kontra l-awtorità iktar milli rappreżentazzoni leġittima tal-interessi tagħhom. L-użu f’xi każi ta’ lingwaġġ ta’ oppożizzjoni, nuqqas ta’ fiduċja u reżistenza lejn forzi soċjali jew governattivi kien inkwetanti. Dan ma jwassalx għal fehim reċiproku jew progress sostanzjali permezz ta’ tibdil fuq iż-żewġ naħat u jista’ jwassal għal kunflitti bejn gruppi tas-soċjetà tat-Turkija.

9.4.

Biex tingħeleb din il-klima ta’ nuqqas ta’ fiduċja u ta’ biża’, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma mistiedna li jibdew djalogu u trilogu mal-organizzazzjonijiet imsieħba tagħhom Ewropej ħalli jippromovu klima ta’ rispett reċiproku u fiduċja.

Brussell, il-21 ta’ Jannar 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Ara Joint Report on Trade Union Rights Situation in Turkey (korelaturi s-Sinjura Annie Van Wezel u s-Sur Rucan Isik), adottat waqt it-32 laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Turkija, 7-8 ta’ Novembru 2013 (CES6717-2013_00_00_TRA_TCD), http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-32-eu-turkey-jcc-jointreport.30035


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

504 Sessjoni Plenarja tal-KESE fil-21 u t-22 ta' Jannar 2015

23.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 242/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini”

(COM(2014) 557 final – 2014/0256 (COD))

(2015/C 242/07)

Relatur:

is-Sinjura HEINISCH

Nhar l-20 ta’ Ottubru 2014 u nhar it-23 ta’ Ottubru 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 114 u 168(4)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini”

COM(2014) 557 final – 2014/0256 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Diċembru 2014.

Matul il-504 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Jannar 2015 (seduta tal-21 ta’ Jannar 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’223 vot favur u astensjoni waħda (1).

1.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-emenda għar-Regolament (KE) Nru 726/2004 (1) tagħmel parti minn pakkett regolatorju li jintroduċi regoli Ewropej ġodda dwar il-prodotti mediċinali veterinarji. Fir-Regolament imsemmi hawn fuq tħassru r-referenzi għall-prodotti mediċinali veterinarji u b’hekk kien hemm diżakkoppjar totali bejn ir-regoli dwar il-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u dawk veterinarji. Dan id-diżakkoppjar jagħmel sens fid-dawl tal-kundizzjonijiet qafas differenti taż-żewġ oqsma u huwa appoġġjat mill-Kumitat. Fil-fehma tal-Kumitat, l-emendi proposti għar-Regolament huma konsistenti. Għaldaqstant, ma tressqu l-ebda proposti konkreti għal emendi għar-Regolament u ma jidhirx li hemm bżonn. Il-KESE jirrakkomanda li l-proposta għal Regolament tiġi approvata kif inhi.

1.2.

Madankollu, ir-regoli l-ġodda dwar il-prodotti mediċinali veterinarji li ġew proposti fl-istess ħin, fil-proposta għal Regolament COM(2014) 558 final – 2014/0257 (COD), huma ħafna iktar importanti mill-eliminazzjoni ta’ referenzi għall-prodotti mediċinali veterinarji fir-Regolament imsemmi hawn fuq.

1.3.

B’segwitu tal-ewwel analiżi tad-dokumenti kkonċernati, il-Kumitat jilqa’ l-proposta għal Regolament dwar il-prodotti mediċinali veterinarji, il-proposta li temenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 li tistabbilixxi proċeduri Komunitarji u l-proposta għal Regolament dwar il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ għalf medikat. Mandakollu, il-Kumitat jemmen li jista’ jsir avvanz fir-rigward ta’ għadd ta’ punti sabiex jiġi żgurat li l-objettivi tat-titjib tad-disponibbiltà tal-prodotti mediċinali veterinarji, it-tnaqqis tal-burokrazija, il-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-kompetittività, kif ukoll it-titjib tal-funzjonament tas-suq intern jinkisbu b’mod effettiv.

1.4.

L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom iqisu l-fatt li kwalunkwe awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ mediċini għall-annimali għandha impatt fuq il-katina alimentari u s-saħħa tal-bniedem, partikolarment minħabba diversi infiltrazzjonijiet u rilaxxi fl-ilma minħabba n-nanoteknoloġiji, ir-riċiklaġġ tal-ilma mormi, il-permeabilità ġdida ta’ ċerti tipi ta’ ilma ta’ taħt l-art, eċċ. Kif diġà indika fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu, il-KESE jinsab imħasseb dwar dan.

1.5.

Però l-mandat tal-Kumitat ma jinkludix l-għoti ta’ kummenti iktar dettaljati dwar dawn il-proposti.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fl-2001 ġew ikkodifikati r-regoli dwar il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-użu tal-prodotti mediċinali veterinarji (Direttiva 2001/82/KE (2)). Fl-istess ħin saret riformulazzjoni tar-Regolament li jirregola l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ċentrali kif ukoll l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (Regolament (KE) Nru 726/2004). Dawn id-dokumenti jirregolaw l-awtorizzazzjoni, il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq, il-farmakoviġilanza u l-użu tal-prodotti mediċinali veterinarji tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom. L-annessi għad-Direttiva 2001/82/KE jispeċifikaw ukoll l-informazzjoni li għandha titressaq mal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni. Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 jistabbilixxi wkoll fost l-oħrajn regoli dwar il-prodotti mediċinali veterinarji (flimkien ma’ dawk għall-użu mill-bniedem) u dwar il-kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

2.2.

Ir-regoli dwar l-għoti u ż-żamma ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prodotti mediċinali veterinarji issa għandhom jitħassru mir-Regolament (KE) Nru 726/2004 u jiġu trasferiti f’regolament ġdid dwar il-prodotti mediċinali veterinarji. Ir-regolament il-ġdid għandu jinkludi l-forom kollha ta’ awtorizzazzjoni għall-prodotti mediċinali veterinarji fl-Unjoni, dawk ċentrali kif ukoll dawk nazzjonali.

2.3.

L-ispejjeż tal-proċeduri u s-servizzi relatati ma’ dan ir-Regolament għandhom jiġu allokati lill-manifatturi u lid-distributuri tal-prodotti kkonċernati, jew saħansitra lil dawk li japplikaw għall-awtorizzazzjoni. Il-prinċipji applikabbli għat-tariffi li jitħallsu lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini huma stabbiliti għal dan il-għan. Dawn jinkludu wkoll ir-regoli li jipprovdu għall-ħtiġijiet partikolari tal-SMEs, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona.

2.4.

It-Trattat ta’ Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, stabbilixxa distinzjoni bejn is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti mhux leġislattivi ta’ natura ġenerali li jikkomplementaw jew li jimmodifikaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġislattiv, prevista fl-Artikolu 290 tat-TFUE (proċedura ta’ delega), u s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni prevista fl-Artikolu 291 tat-TFUE (proċedura ta’ implimentazzjoni).

2.5.

Dawn is-setgħat huma soġġetti għal oqfsa legali differenti.

2.5.1.

L-implimentazzjoni tas-setgħa ta’ delega hija prevista minn strumenti li mhumiex vinkolanti:

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (3);

il-Ftehim Komuni dwar l-Atti Delegati miftiehem bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni;

l-Artikoli 87 u 88 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew, emendat mid-Deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2012 (4).

2.5.1.1.

Il-Kumitat dan l-aħħar adotta rapport ta’ informazzjoni dettaljat dwar il-proċedura ta’ delega, u jirrakkomanda bis-sħiħ li jinqara biex l-Opinjoni tinfiehem b’mod sħiħ (5).

2.5.2.

L-implimentazzjoni tas-setgħa ta’ implimentazzjoni prevista fl-Artikolu 291 tat-TFUE taqa’ taħt il-qafas tal-istrumenti legali vinkolanti:

ir-Regolament UE Nru 182/2011 (6) (minn issa ‘l quddiem ir-Regolament dwar il-komitoloġija) li jipprevedi żewġ proċeduri: il-proċedura konsultattiva u l-proċedura ta’ eżami;

id-Deċiżjoni 1999/468/KE (7) (minn issa ‘l quddiem id-Deċiżjoni dwar il-komitoloġija) kif ġiet modifikata fl-2006 sabiex tissaħħaħ is-setgħa tal-iskrutinju tal-Parlament u l-Kunsill, li tipprevedi l-proċedura regolatorja bi skrutinju (minn issa ‘l quddiem PRS).

2.5.3.

Il-PRS tintuża għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni li jemendaw l-elementi mhux essenzjali tal-atti leġislattivi bażiċi. Il-kliem previst fl-Artikolu 5(a) tad-Deċiżjoni dwar il-komitoloġija (8) huwa simili ħafna tad-definizzjoni tal-atti delegati. Att delegat bħal dak definit fl-Artikolu 290 tat-TFUE huwa att kważi leġislattiv adottat mill-Kummissjoni biex tikkompleta jew timmodifika l-elementi mhux essenzjali tal-att leġislattiv.

2.5.4.

Huwa minħabba din is-similarità li bejn l-2009 u l-2014 l-Artikolu 5(a) tad-Deċiżjoni dwar il-komitoloġija u l-PRS ser jibqgħu provviżorjament fis-seħħ, peress li l-għan tal-Kummissjoni huwa li tuża dan il-perjodu limitat biex tadatta d-dispożizzjonijiet eżistenti li jipprevedu PRS għar-reġim tal-atti delegati.

2.5.5.

Wara li saret “talba” mill-Parlament Ewropew (9), il-Kummissjoni nediet eżerċizzju ta’ allinjament ta’ xi regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet, bl-appoġġ tal-Kunsill (10).

3.   Proposti tal-Kummissjoni

3.1.

Il-Kummissjoni ppubblikat tliet proposti għal Regolament:

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (COM(2014) 557 final),

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prodotti mediċinali veterinarji (COM(2014) 558 final),

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ għalf medikat u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/167/KEE (11) (COM(2014) 556 final).

3.2.

B’dan il-pakkett ta’ regolamenti għandu jkun hemm diżakkoppjar totali tad-dispożizzjonijiet għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u dawk veterinarji.

3.3.

Sabiex dan jinkiseb l-ewwel proposti msemmija hawn fuq għandhom ineħħu r-referenzi għall-prodotti mediċinali għall-użu veterinarju mir-Regolament (KE) Nru 726/2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

3.4.

Id-dispożizzjonijiet dwar il-prodotti mediċinali veterinarji ġew riveduti fil-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prodotti mediċinali veterinarji (COM(2014) 558 final). Fost affarijiet oħra, il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ċentrali għandha tinfetaħ ukoll għall-prodotti mediċinali veterinarji, filwaqt li proċeduri ta’ awtorizzazzjoni oħra (proċeduri nazzjonali, proċeduri deċentralizzati u proċeduri ta’ rikonoxximent reċiproku) għadhom disponibbli għall-prodotti mediċinali veterinarji. Għan ieħor tar-regoli l-ġodda huwa li titnaqqas il-burokrazija assoċjata mal-bidliet fl-awtorizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali veterinarji.

3.5.

L-għan bażiku ta’ dan ir-regolament huwa sod u l-Kumitat jappoġġjah. Però l-mandat tal-Kumitat ma jinkludix l-għoti ta’ kummenti dettaljati dwar din il-proposta għal regolament.

3.6.

It-tielet proposta għal Regolament dwar il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ għalf medikat u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/167/KEE (COM(2014) 556 final) hija intiża biex tistabbilixxi kundizzjonijiet madwar l-UE kollha dwar il-produzzjoni u l-użu tal-għalf medikat. Id-dispożizzjonijiet ġenerali preċedenti tad-Direttiva 90/167/KEE, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-għalf medikat jista’ jiġi manifatturat, imqiegħed fis-suq u użat fi ħdan l-UE saru ħafna aktar speċifiċi u vinkolanti. L-għan hawnhekk huwa li jiġi żgurat li s-suq intern għall-għalf medikat ikun kompetittiv u innovattiv u li jopera bla xkiel, filwaqt li jiġi garantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali.

3.7.

L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom iqisu l-fatt li kwalunkwe awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ mediċini għall-annimali għandha impatt fuq il-katina alimentari u s-saħħa tal-bniedem, partikolarment minħabba diversi infiltrazzjonijiet u rilaxxi fl-ilma minħabba n-nanoteknoloġiji, ir-riċiklaġġ tal-ilma mormi, il-permeabilità ġdida ta’ ċerti tipi ta’ ilma ta’ taħt l-art, eċċ. Kif diġà indika fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu, il-KESE jinsab imħasseb dwar dan.

3.8.

Fil-qosor, il-KESE fil-prinċipju jilqa’ d-diżakkoppjar tar-regoli għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u dak veterinarju kif ukoll ir-regoli proposti l-ġodda dwar il-prodotti mediċinali veterinarji. Il-ftuħ tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ċentrali u l-proposti dwar is-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-applikazzjoni u ż-żamma tal-prodotti mediċinali veterinarji huma kkunsidrati b’mod partikolarment pożittiv.

Brussell, il-21 ta’ Jannar 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1.

(3)  COM(2009) 673 final tad-9.12.2009.

(4)  Dok. A7-0072/2012.

(5)  Rapport ta’ Informazzjoni dwar “Regolamentazzjoni aħjar: atti ta’ implimentazzjoni u atti ddelegati” (INT/656).

(6)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2006 (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(9)  Riżoluzzjoni tal-PE tal-5 ta’ Mejju 2010 (P7-TA (2010) 0127) punt 18.

(10)  Stqarrijiet tal-Kummissjoni (ĠU L 55, 28.2.2011 p. 19).

(11)  ĠU L 92, 7.4.1990, p. 42.


23.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 242/43


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: investiment għat-tkabbir u l-impjiegi”

(COM(2014) 473 final)

(2015/C 242/08)

Relatur:

Paulo BARROS VALE

Nhar it-23 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: investiment għat-tkabbir u l-impjiegi”

COM(2014) 473 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Diċembru 2014.

Matul il-504 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Jannar 2015 (seduta tal-21 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’211-il vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”, iżda jixtieq jesprimi ċerti riżervi u preokkupazzjonijiet dwar suġġett daqstant importanti.

1.2.

Il-politika ta’ koeżjoni għandha tissokta bit-tilħiq tal-għan oriġinali tagħha, li jinsab fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tippromovi l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, billi tpoġġi l-kooperazzjoni u s-solidarjetà għas-servizz tal-iżvilupp armonjuż u l-ħolqien ta’ komunitajiet prosperużi. L-enfasi fuq l-Istrateġija Ewropa 2020 hija importanti, iżda mhux biżżejjed fil-konfront tal-isfidi attwali.

1.3.

Ir-rapport huwa xhieda tal-isforzi Ewropej biex l-Ewropa ssir aħjar, iżda jindika wkoll id-diffikultà li dan jinkiseb. Il-kriżi żiedet id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali, billi aggravat id-differenzi bejn l-Istati Membri (u anke fi ħdanhom) u kkonċentrat it-tkabbir u l-iżvilupp. Mhux biss il-kriżi interrompiet il-konverġenza li nkisbet, iżda f’ċerti każi, fil-fatt is-sitwazzjoni marret għall-agħar, u r-reċessjoni hija realtà fi kważi ż-żona tal-euro kollha.

1.4.

Fi żminijiet ta’ kriżi bħal dawn, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, b’mod partikolari dawk taż-żona tal-euro, mhumiex f’pożizzjoni li jippromovu l-investiment, u d-differenzi bejn ir-reġjuni periferiċi u dawk ċentrali (kemm bejn kif ukoll fi ħdan l-Istati Membri) qed jiżdiedu. Dan għandu l-effett pervers li jikkawża l-migrazzjoni u jiffoka l-investiment fuq żoni iżjed żviluppati, u żoni oħra jitħallew imorru lura u jiġu abbandunati.

1.5.

B’mod ġenerali, il-politiki ta’ awsterità adottati ma tawx ir-riżultati mixtieqa. Għalkemm jeħtieġ li niksbu bilanċ baġitarju, ma jistax jinkiseb ikun xi jkun ir-riskju, għax dan ikollu l-effett kontroproduttiv li jġib fix-xejn l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni.

1.6.

F’ħafna każi, il-politika ta’ koeżjoni ser tkun is-sors ewlieni tal-investiment; jeħtieġ li tkun iżjed ambizzjuża, jew saħansitra kkunsidrata mill-ġdid b’mod radikali, sakemm jirkupraw it-tkabbir u l-impjieg. Ir-riżultati miksuba s’issa jindikaw biċ-ċar li r-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni mhumiex biżżejjed biex isolvu l-problemi reali. Għalhekk, jeħtieġ li jinstabu forom alternattivi ta’ finanzjament ta’ konverġenza sabiex il-politika ta’ koeżjoni titressaq lejn stadju ġdid, mhux biss abbażi tas-solidarjetà Ewropa – kwistjoni sensittiva ħafna bħalissa. L-Ewropa qed tagħmel sforzi kbar rigward is-solidarjetà, iżda r-riżorsi li dan l-isforz jimmobilizza mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet reali ta’ konverġenza, fil-konfront tal-iskala tan-nuqqasijiet li jbatu minnhom ir-reġjuni li għadhom lura fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

1.7.

F’ekonomija globali, ir-reġjuni differenti qed ikollhom isofru l-konsegwenzi tal-effetti differenti tal-globalizzazzjoni. Ir-reġjuni jirreaġixxu b’mod differenti għall-investiment, u hemm bżonn ta’ analiżi għala ċerti reġjuni qed jikkonverġu mentri oħrajn le. Huwa kruċjali li, permezz tal-politika ta’ koeżjoni, jiġu stabbiliti forom ġodda ta’ governanza li jiżguraw li r-reġjuni jkunu jistgħu jilqgħu l-isfidi li jiffaċċjaw. Ir-rwol tal-Istat għandu jgħin biex jisfrutta l-attributi speċifiċi tar-reġjuni, jassigura l-prinċipji ta’ regolamentazzjoni intelliġenti, jiggarantixxi d-dinamika intraprenditorjali u jappoġġja l-iżvilupp, b’mod partikolari tal-SMEs, u jsaħħaħ il-kapaċità għall-innovazzjoni, jippromovi l-benesseri, il-kwalità tal-ħajja, il-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà ambjentali.

1.8.

Il-politika ta’ koeżjoni għandha tkompli tħabrek biex tippromovi t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività, filwaqt li ma tinsiex l-għanijiet soċjali li jappoġġjaw it-tkabbir intelliġenti u inklużiv. Il-KESE jappoġġja l-motto tas-sitt rapport “investiment għat-tkabbir u l-impjiegi”.

2.   Proposti

2.1.

Il-politika ta’ koeżjoni għandha tikkanalizza u tinvesti l-fondi tagħha bil-għan fundamentali tal-promozzjoni ta’ pjan speċjali ta’ investiment għat-tkabbir u l-impjiegi. Flimkien mal-pjan tas-Sur Juncker, li issa ġie adottat, għandha tagħti prijorità lill-finanzjament tal-proġetti strutturali Ewropej ta’ natura transnazzjonali (pereżempju, netwerks differenti tat-trasport u l-broadband) u tipprovdi finanzjament dirett għall-intrapriżi (b’mod partikolari l-SMEs) f’setturi li huma kruċjali għall-iżvilupp soċjali u l-attivitajiet marbutin mal-ekonomija soċjali.

2.2.

Il-pjan ta’ Juncker, li għadu kif ġie adottat, joħloq Fond Ewropew ġdid għall-Investiment Strateġiku, iffinanzjat mill-fondi eżistenti tal-UE u mill-BEI. L-għan, li huwa ambizzjuż ħafna, huwa li jkun hemm l-aqwa użu possibbli tal-fondi privati u pubbliċi ta’ investiment, billi jintgħażlu proġetti li jistgħu jiġu implimentati malajr. Il-pjan jissupponi li teżisti domanda enormi li mhijiex sfruttata minn dan it-tip ta’ investiment. Iż-żmien biss jurina jekk il-pjan hux ser jirnexxi.

2.3.

Bil-ħsieb li jiġu kkunsidrati għanijiet usa’, il-politika ta’ koeżjoni tista’, flimkien mal-fondi disponibbli, issib forom awtonomi ta’ finanzjament bħas-sehem tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jew il-eurobonds, mingħajr ma jintlaqtu l-isforzi marbutin mal-konsolidazzjoni fiskali jew il-ksib tal-miri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

2.4.

Sabiex jiġi żgurat li l-investiment ikollu effett multiplikatur, proporzjon sostanzjali tal-Fondi Strutturali li jkun għad fadal mill-perjodu preċedenti (2007-2013), flimkien ma’ fondi mill-perjodu l-ġdid, għandhom jiġu allokati lill-BEI, sabiex jipprovdu injezzjoni ġdida ta’ kapital li jista’ jattira kapital ta’ riskju disponibbli fis-suq li jista’ jipprovdi ingranaġġ finanzjarju għall-politika ta’ koeżjoni (1).

2.5.

Jeħtieġ li l-politika ta’ koeżjoni tiġi kkoordinata mill-qrib flimkien ma’ inizjattivi oħra tal-UE, u l-iżjed mal-promozzjoni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja sabiex il-11-il għan stabbiliti jkunu jistgħu jintlaħqu u jkun jista’ jseħħ “l-investiment għat-tkabbir u l-impjiegi”.

2.6.

Il-politika ta’ koeżjoni ma għandhiex tixħet dubju fuq l-għanijiet tal-konsolidazzjoni baġitarja. Attwalment, l-ifqar pajjiżi ma għandhomx ir-riżorsi biex jippromovu l-investiment pubbliku, u għalhekk ma joffrux kundizzjonijiet attraenti għall-investituri privati. Il-prinċipju tal-addizzjonalità għandu jiġi applikat bil-galbu u adattat fl-Istati Membri li qed jagħmlu sforzi f’dan il-qasam, għax jekk dan il-prinċipju ma jiġix rispettat, tiġi affettwata l-allokazzjoni tal-fondi li, f’ċerti każi, huma l-uniku sors ta’ finanzjament għall-investiment. Il-KESE jappoġġja l-applikazzjoni tar-regoli tad-deheb biex jiġu esklużi b’mod provviżorju mill-patt fiskali (u/jew il-patt ta’ stabbiltà) il-kofinanzjament mill-Fondi Strutturali fir-reġjuni u l-Istati Membri li l-iżjed li ntlaqtu ħażin mir-reċessjoni (2).

2.7.

Huwa kruċjali li jsir monitoraġġ tar-riżultati miksubin. Il-KESE jtenni l-konvinzjoni ferma tiegħu li r-riżultati ta’ nofs it-term u dawk finali għandhom jiġu kkontrollati minn timijiet dinamiċi li jistgħu jressqu l-konklużjonijiet tagħhom f’summit Ewropew annwali (3) li jippromovi d-dibattitu u l-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura korrettiva meħtieġa.

2.8.

Il-politika ta’ koeżjoni għandha tiġi implimentata bis-sehem qawwi tal-imsieħba soċjali. Il-mudell ta’ governanza għall-programmi marbutin mal-politika ta’ koeżjoni għandhom jikkunsidraw l-allokazjoni ta’ għotjiet globali lis-soċjetà ċivili organizzata sabiex jipprovdu appoġġ li jkun qrib tal-komunitajiet u jimmira b’mod dirett lejn soluzzjoni għal problemi speċifiċi. Il-KESE ilu jirrakkomanda dan għal żmien twil iżda, sfortunatament, il-proposta tiegħu ma ntlaqgħetx mill-awtoritajiet tal-UE.

2.9.

Sabiex l-imsieħba soċjali jkunu jistgħu jsegwu l-progress miksub, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi adatti ta’ segwitu biex jiġi żgurat li ma jkunux biss sempliċement spettaturi, kif spiss jiġri, iżda jkunu jistgħu jaqdu rwol ġenwinament attiv. Il-kontribut tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata huwa kruċjali, mhux biss matul it-tfassil tal-programmi operattivi iżda wkoll waqt il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tar-riżultati. Is-sehem tal-imsieħba jinkoraġġixxi diskussjoni dwar id-diffikultajiet li jiffaċċjaw u l-proposti għat-titjib u s-semplifikazzjoni bil-għan li jtejbu l-aċċess għall-finanzjament Ewropew u għall-użu iżjed effiċjenti tal-fondi.

2.10.

Is-semplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-regoli marbutin mal-programmi, u l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri u l-formoli, huma kruċjali għat-titjib tar-riżultati. Il-Kummissjoni tista’ tissemplifika xi wħud mill-proċeduri, iżda r-rwol ewlieni huwa tal-Istati Membri, peress li r-regolamenti tal-UE jistabbilixxu possibbiltajiet u mhux obbligi. L-Istati Membri għandhom jiġu appoġġjati u inkoraġġiti jissemplifikaw il-proċeduri b’mod radikali u mhux iżidu dettalji bla bżonn; dawn l-isforzi jistgħu jiġu ssorveljati mill-Kummissjoni, preferebbilment permezz ta’ kontrolli rigorużi tar-riżultati pjuttost milli sempliċement kontrolli amministrattivi, fejn possibbli. Is-semplifikazzjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ miżura straordinarja (regolament ġdid) mill-Kunsill (4).

2.11.

Hemm diversi sitwazzjonijiet fejn wieħed jista’ japplika l-prinċipju tal-għoti ta’ investiment u l-valutazzjoni tal-eleġibbiltà tal-infiq bl-għażla li l-ħlas mill-ġdid isir abbażi ta’ spejjeż semplifikati (il-prinċipju tar-rata fissa), pereżempju rigward l-ispejjeż operattivi globali; l-infiq eliġibbli mbagħad jiddependi mir-riżultat, u mhux mill-allokazzjonijiet ta’ dokumenti abbazi tal-kriterji tal-allokazzjoni. L-Istati Membri għandhom jitħeġġew japplikaw din is-sistema fejn possibbli, u jiġu ssemplifikati l-proċeduri.

2.12.

Flimkien mas-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi li ma jżidu xejn mar-riżultati, għandu jiġi pprovdut taħriġ għall-intraprendituri (l-iżjed fi ħdan l-SMEs), l-impjegati tagħhom u l-uffiċjali pubbliċi. It-taħriġ huwa għodda fundamentali għall-komprensjoni tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament u għall-użu kif imiss tal-fondi disponibbli. B’mod partikolari, it-taħriġ tal-uffiċjali pubbliċi huwa kruċjali biex jintlaħaq l-għan tematiku ta’ amministrazzjoni pubblika aħjar.

2.13.

Ir-riżorsi li jiġu ffrankati bit-tnaqqis tal-burokrazija jistgħu jintużaw billi jitwaqqaf grupp fi ħdan il-Kummissjoni biex jgħin u jappoġġja l-pajjiżi u r-reġjuni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proġetti fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni. Dan il-grupp ta’ appoġġ lill-pajjiżi u r-reġjuni jista’, fl-aħħar istanza u f’każijiet ta’ inadempjenza, jieħu post l-awtoritajiet nazzjonali għall-ġestjoni tal-fondi Ewropej, fir-rigward kemm tal-ippjanar kif ukoll tal-implimentazzjoni tal-pjani u tal-iskedi.

2.14.

L-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni ma jistgħux jitkejlu biss minn indikaturi kwantitattivi. Il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali – l-aspett ċentrali tal-politika ta’ koeżjoni – tinkludi għanijiet li għandhom ikunu jistgħu jitkejlu wkoll permezz ta’ indikaturi kwalitattivi, li għandhom jitfasslu b’mod li jkejlu l-iżvilupp u mhux biss it-tkabbir. Pereżempju, mhuwiex biżżejjed li jitkejjel in-numru ta’ persuni qiegħda li kisbu taħriġ u impjieg; għandu jitkejjel ukoll l-impatt ta’ dan it-taħriġ fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien.

2.15.

Il-kundizzjonalità ex ante, li tintroduċi għadd ta’ kundizzjonijiet li għandhom ikunu fis-seħħ qabel ma l-fondi jkunu jistgħu jiġu lliberati, ma tistax tintuża biex jiġu esklużi wħud mill-iżjed reġjuni midjuna li ċ-ċirkustanzi ekonomiċi tagħhom jeskluduhom milli jinvestu jew jattiraw investiment sabiex joħolqu dawn il-kundizzjonijiet. Il-kundizzjonalità ex ante għandha tiġi applikata bl-akbar reqqa, jew anke tiġi sospiża għal ċertu perjodu, meta jkun hemm riskji ta’ kriżi u ta’ deflazzjoni, sabiex ma taggravax il-qagħda vulnerabbli ta’ ċerti reġjuni billi tinċaħdilhom il-possibbiltà li jiksbu finanzjament li jippromovi t-tkabbir, għax dan jaggrava l-problemi tagħhom.

2.16.

Il-kundizzjonalità makroekonomika ma għandhiex tintuża biex tippenalizza r-reġjuni u l-abitanti tagħhom għal deċiżjonijiet makroekonomiċi ħżiena meħudin fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-UE (5).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

L-introduzzjoni ta’ riformi għall-politika ta’ koeżjoni diġà ġiet indirizzata fil-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u l-KESE kellu l-opportunità japprova l-approċċ ġenerali.

3.2.

Il-politika ta’ koeżjoni tiġi ppreżentata bħala l-ixprun prinċipali tat-tkabbir. Madankollu, ma għandniex ninsew li tirnexxi f’dan biss jekk timxi id f’id ma’ politiki oħra tal-UE. Għalkemm huwa importanti li l-politika ta’ koeżjoni tiffoka fuq il-miri tal-Ewropa 2020, dan mhuwiex biżżejjed: jeħtieġ li jiġu stabbiliti strateġiji konġunti ta’ implimentazzjoni mal-istrumenti u l-politiki ekonomiċi, soċjali u territorjali l-oħra.

3.3.

Tinħtieġ attenzjoni speċjali meta tkun qed tiġi implimentata l-politika ta’ koeżjoni fil-pajjiżi li l-iżjed li ntlaqtu ħażin mill-kriżi, li qegħdin jissieltu ma’ sforzi fil-qasam tal-koordinazzjoni fiskali li qed jaffettwaw l-investiment pubbliku. Il-bilanċ bejn l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-addizzjonalità u l-bżonn tal-konsolidazzjoni fiskali huwa fraġli; in-nuqqas li jiġu kkoordinati l-għanijiet u l-mezzi biex jintlaħqu jistgħu jaffettwaw il-konsolidazzjoni fiskali u/jew iġibu fix-xejn l-effetti potenzjali tal-politika ta’ koeżjoni.

3.4.

Għalkemm tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-politika ta’ koeżjoni fl-iżvilupp tal-iżjed reġjuni żvantaġġati, f’ċerti reġjuni dan it-tkabbir seta’ ssaħħaħ iżjed kieku kien hemm kundizzjonijiet orjentati iżjed lejn l-iżvilupp. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon u jappoġġja l-introduzzjoni tal-preokkupazzjoni f’dak li jirrigwarda l-governanza tajba, b’konformità mal-linji gwida maħruġin mill-OECD.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Għad fadal ħafna xi jsir qabel ma l-Ewropa terġa’ lura għal-livelli li kienet laħqet qabel il-kriżi f’dak li jirrigwarda l-iżvilupp, l-impjieg u l-ġid. It-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv – prijorità tal-Istrateġija Ewropa 2020 – issa qed jiġi appoġġjat mill-allinjament mill-ġdid tal-politika ta’ koeżjoni.

4.2.

Is-sitt rapport għadu ma jivvalutax l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2007-2013, peress li l-valutazzjoni ex post mhux ser tibda qabel l-2015. Madankollu, skont id-data mressqa, huwa ċar li l-kriżi kellha impatt kbir ħafna u li l-politika ta’ koeżjoni ma kenitx kapaċi tiġġieled l-effetti tagħha b’mod adegwat; għalhekk, id-differenzi baqgħu hemm u f’xi każi saħansitra marru għall-agħar.

4.3.

Hija essenzjali definizzjoni ċara tal-istrateġiji għal kull qasam ta’ investiment, li tikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull reġjun. Kif tgħid il-Kummissjoni: “il-proġetti għandhom isegwu l-istrateġiji u mhux bil-maqlub”. Iżda, mhux biżżejjed li jiġu definiti l-istrateġiji. Jeħtieġ li jinħoloq qafas regolatorju adatt; dan irid ikun strett, mingħajr ma jimponi proċeduri burokratiċi bla bżonn u mingħajr l-ebda inċentiv. Kif tgħid il-Komunikazzjoni, huwa essenzjali li l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni joperaw f’ambjent favorevoli. Jeħtieġ li l-Kummissjoni tkun stretta mal-pajjiżi li jonqsu milli jikkonformaw, sabiex jiġi evitat li jinħlew il-fondi, peress li l-Istati Membri li huma l-kontributuri netti mhux ser jaċċettaw dan.

4.4.

Prinċipju ġdid tal-politika ta’ koeżjoni jikkonċerna l-benefiċċji li jiġi appoġġjat għadd limitat ta’ prijoritajiet, peress li ma hemmx riżorsi biżżejjed biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet kollha tar-reġjuni l-inqas żviluppati. Meta r-riżorsi jiġu ffukati fuq l-appoġġ għal proġetti li għandhom impatt qawwi u b’effetti soċjoekonomiċi dewwiema, hemm ċerti vantaġġi, fis-sens li jissolvew problemi speċifiċi. Madankollu, dan it-tip ta’ approċċ jista’ jkun kontroproduttiv f’ċerti każi: f’pajjiżi li r-reġjuni tagħhom għandhom livelli differenti ta’ żvilupp, fejn l-investiment privat huwa dgħajjef, il-konċentrazzjoni esaġerata tar-riżorsi tnaqqas it-tkabbir u l-iżvilupp f’żoni u setturi li kieku kienu jibbenefikaw mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, li jgħinuhom jikkonverġu u jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-iżvilupp integrat.

4.5.

Filwaqt li jiġi pprovduti ċifri differenti dwar l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni, l-impatt ġenwin tal-investiment għadu diffiċli biex jiġi kkwantifikat, u dan juri li l-għażla tal-indikaturi probabbli ma kenitx l-iżjed waħda adatta. Il-KESE bi pjaċir jinnota li dan donnu qed jinbidel, kif tixhed l-intenzjoni li jiġu definiti għanijiet u riżultati li jridu jinkisbu ċari u miżurabbli. Jeħtieġ li l-prijoritajiet, l-indikaturi u l-miri stabbiliti fil-ftehimiet ta’ sħubija jiġu ssorveljati matul iż-żmien sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri korrettivi fejn meħtieġ, għall-obbligu ġenwin ta’ rendikont min-naħa tal-Istati Membri dwar ir-riżultati u l-affidabbiltà tal-monitoraġġ tal-miżuri.

4.6.

Madankollu, l-għażla tal-indikaturi ma għandhiex tkun limitata għal dawk kwantitattivi biss. Għalkemm il-kwantità hija l-aspett ideali għall-kejl tat-tkabbir, l-iżvilupp jitlob l-użu ta’ indikaturi kwalitattivi u dawn ma għandhomx jingħataw il-ġenb.

4.7.

Il-Komunikazzjoni ssemmi l-bliet bħala xprun għat-tkabbir. Il-bliet ser jirċievu madwar nofs il-fondi disponibbli fil-qafas tal-FEŻR. L-investiment fil-bliet u fil-potenzjal tagħhom bħala xprun għandu jintlaqa’ tajjeb, iżda b’ċerti riżervi. Il-KESE josserva li dan l-investiment jitlob attenzjoni sabiex jiġi żgurat li ma jinkoraġġixxix tendenzi mhux mixtieqa ta’ ċentralizzazzjoni. Filwaqt li huwa minnu li l-ġibda tan-nies lejn il-bliet tista’ tħeġġeġ l-iżvilupp, huwa minnu wkoll li l-popolazzjoni eċċessiva taggrava l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ investiment f’reġjuni li ma humiex daqstant ċentrali jhedded il-kwalità ta’ ħajjet ir-residenti, li jwassal lil iżjed minnhom biex imorru jgħixu fil-bliet il-kbar u ma jibqgħux jaħdmu fl-agrikoltura, is-sajd jew is-setturi industrijali li huma essenzjali għall-iżvilupp tal-UE.

4.8.

L-inklużjoni aħjar tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili hija enfasizzata bħala prinċipju fundamentali tal-politika ta’ koeżjoni. F’Jannar 2014 il-Kummissjoni ppubblikat regolament ta’ delega dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (6). L-analiżi tad-dokument twassal għall-konklużjoni li ma fih l-ebda innovazzjoni maġġuri għall-prattika attwali. Huwa jelenka prinċipji fundamentali għall-għażla u s-sehem tal-imsieħba, flimkien ma’ xi prattiki tajbin, iżda ma jiddeskrivi l-ebda mekkaniżmu vinkolanti għal segwitu mill-imsieħba soċjali. Fil-fatt, f’ħafna Stati Membri l-atturi soċjali għadhom jaqdu biss rwol simboliku fid-deċiżjonijiet: il-konsultazzjoni ssir, iżda ma tiġix ikkunsidrata l-fehma ta’ dawk li jkunu l-eqreb tas-sitwazzjoni fil-post u l-iżjed midħla tal-problemi. Minkejja dawn id-diffikultajiet, il-KESE jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għat-tixrid tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi tal-Kondotta Ewropea.

4.9.

Il-KESE diġà stqarr il-konvinzjoni ferma tiegħu li l-parteċipazzjoni tal-imsieħba u l-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili organizzata kollha fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ex post tal-programmi u l-proġetti tgħin biex ittejjeb il-kwalità u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom (7).

4.10.

Jeħtieġ li titnaqqas il-burokrazija. Billi jużaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar, il-programmi għandhom jiffukaw fuq il-monitoraġġ tar-riżultati miksubin, bl-użu ta’ proċeduri amministrattivi kollhom xkiel li jitolbu strutturi kbar immens u għaljin, pubbliċi u privati. Il-burokrazija hija ostaklu ġenwin għall-parteċipazzjoni għal bosta intraprendituri, kif ukoll għal amministrazzjoni pubblika effiċjenti. Is-semplifikazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri, ir-regoli u l-formoli huma possibbli u mixtieqa.

5.   Governanza tajba: sfida ġdida għall-perjodu 2014–20

5.1.

Għalkemm hemm żewġ modi ta’ ħsieb dwar l-importanza u l-influwenza tal-governanza tajba għat-tkabbir ekonomiku, iżjed u iżjed nies qed isiru tal-fehma li governanza tajba u istituzzjonijiet pubbliċi effiċjenti huma prerekwiżit għal tkabbir ekonomiku b’saħħtu. Il-KESE jaqbel ma’ din il-fehma.

5.2.

L-iżgurar taċ-ċertezza legali u ta’ sistema ġudizzjarja indipendenti u r-regolazzjoni b’mod adatt u stabbli inaqqsu l-ħela amministrattiva u joħolqu sens ta’ stabbiltà li jkun propizju għall-investiment, li jaffettwa b’mod dirett il-politika ta’ koeżjoni.

5.3.

Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni tal-preokkupazzjoni għall-governanza tajba fil-politika ta’ koeżjoni, kif minqux fil-prinċipji għal investiment pubbliku effettiv stabbiliti mill-OECD, peress li dan huwa bżonn trasversali. L-implimentazzjoni ta’ proġetti u negozji ġodda hija iżjed faċli għal ċerti Stati Membri milli għal oħrajn. Dawn id-diskrepanzi għandhom jispiċċaw, peress li l-governanza dgħajfa għandha impatt mhux biss fuq is-suq domestiku iżda wkoll fuq is-suq uniku tal-UE, u toħloq ostakli għall-operaturi minn Stati Membri oħra.

5.4.

F’ċerti Stati Membri hemm bżonn li tittejjeb il-koordinazzjoni fil-livell reġjonali, jiġifieri governanza reġjonali effettiva li taġixxi bħala pont bejn il-gvern nazzjonali u lokali, li tkun kapaċi tiddelinja strateġiji reġjonali li huma importanti għall-iżvilupp u l-konverġenza reġjonali. Ta’ spiss, il-gvern ċentrali ma jkunx jista’ jinterpreta l-bżonnijiet u l-prijoritajiet tar-reġjuni, iżda f’ċerti każi ma jagħtix is-setgħat meħtieġa lill-awtoritajiet reġjonali, li jaġixxu biss bħala mezz għat-tixrid tal-ideat tal-awtorità politika fil-livell nazzjonali, mingħajr l-ebda valur miżjud għar-reġjun.

5.5.

Fil-kuntest tal-preokkupazzjonijiet il-ġodda għall-governanza tajba, ma għandux jintesa li amministrazzjoni pubblika iżjed effiċjenti tinkiseb biss jekk it-taħriġ għall-uffiċjali pubbliċi jimxi id f’id mal-impenn politiku li jitwettaq it-tibdil regolatorju meħtieġ.

Brussell, il-21 ta’ Jannar 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 10.

(2)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10.

(3)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 68.

(4)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 23.

(5)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 30.

(6)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014 (ĠU L 74, 14.3.2014, p. 1).

(7)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 23.


23.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 242/48


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar sistemi tas-saħħa effettivi, aċċessibbli u reżiljenti”

(COM(2014) 215 final)

(2015/C 242/09)

Relatur:

is-Sur José Isaías RODRIGUEZ GARCÍA CARO

Nhar l-4 ta’ April 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar sistemi tas-saħħa effettivi, aċċessibbli u reżiljenti”

COM(2014) 215 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ Diċembru 2014.

Matul il-504 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Jannar 2015 (seduta tal-21 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’206 voti favur u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni, filwaqt li jressaq il-kummenti tiegħu f’dan id-dokument, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jaħdmu b’mod ikkoordinat u fl-iqsar żmien possibbli dwar il-linji strateġiċi li huma proposti fil-Komunikazzjoni, li hija s-suġġett ta’ din l-Opinjoni.

1.2.

Għall-aħjar interess taċ-ċittadini tal-Unjoni, il-KESE jqis li s-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji u valuri bħall-universalità, l-aċċessibbiltà, is-sens ta’ ġustizzja u s-solidarjetà. Mingħajr dawn il-prinċipji bażiċi ma jistax ikun hemm progress fir-rigward tad-dimensjoni soċjali fl-Ewropa, għalhekk dawn iridu jiġu salvagwardjati u protetti fil-politiki kollha tal-UE relatati mas-saħħa taċ-ċittadini.

1.3.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-kriżi ekonomika li qed tolqot lill-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali u xi Stati Membri b’mod partikolari ma tistax tissolva b’miżuri li jispiċċaw idgħajfu d-dritt għall-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej. Is-saħħa, minkejja l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-kura tas-saħħa, mhijiex merkanzija, u għalhekk m’għandhiex tiddependi mill-poter tal-akkwist taċ-ċittadini.

1.4.

Sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza tas-sistemi tas-saħħa jeħtieġ li jiġi żgurat il-valur tar-riżorsi billi jintużaw bl-aktar mod effiċjenti u effettiv possibbli, waqt li l-kunċett tal-kwalità xjentifiku-tekniku jintrabat mal-kunċett tal-effiċjenza u s-sostenibbiltà bħala perspettiva essenzjali fl-organizzazzjoni tal-kura tas-saħħa u l-prattika tal-professjonisti fil-qasam, u dejjem bl-akbar rispett lejn il-pazjent.

1.5.

Il-Kumitat iqis li fil-bidu tas-seklu 21, huwa inaċċettabbli li jkollna nammettu li aħna neqsin minn data paragunabbli. Mingħajr data valida u rilevanti, mhuwiex possibbli li jsir progress u li jkollna għad-dispożizzjoni tagħna indikaturi omoġeni li jappoġġjaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-analiżi xjentifika. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iħaffu l-adozzjoni ta’ sistema ta’ indikaturi affidabbli li tippermetti li jiġu analizzati u adottati miżuri fil-livell tal-UE.

1.6.

Huwa jqis bħala prijorità l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa. Id-differenzi eżistenti fl-oqsma soċjali, ekonomiċi u politiċi jiddeterminaw kif jinfirex il-mard. Għalhekk hemm bżonn l-impenn tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li s-servizzi tas-saħħa jingħataw b’mod ugwali, indipendentement mil-lokazzjoni ġeografika, is-sess, id-diżabbiltà, il-livell ta’ dħul u s-solvenza ekonomika, l-età, ir-razza jew kwalunkwe aspett ieħor waqt li jiżguraw li l-għoti tas-servizzi tas-saħħa jkun iffinanzjat minn fondi pubbliċi (it-taxxi u l-assigurazzjoni tas-saħħa) bħala element ta’ solidarjetà fid-distribuzzjoni mill-ġdid tar-riżorsi. Il-Kumitat iqis neċessarju li jkun hemm l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ servizzi bi spiża raġonevoli, filwaqt li jiġi evitat li l-ħlas konġunt jirrappreżenta ostaklu ta’ aċċess għal dawk l-aktar żvantaġġati.

1.7.

Il-KESE jqis li l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa huma element essenzjali tas-sistemi tas-saħħa. Taħriġ tekniku u xjentifiku ta’ kwalità għolja huwa indispensabbli sabiex ikun hemm professjonisti mħarrġa ħafna li jistgħu jirrispondu b’mod effiċjenti għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni fir-rigward tas-saħħa. Fl-istess ħin il-KESE jemmen li l-aspetti etiċi tat-taħriġ tagħhom għandhom jingħataw attenzjoni u jiġu promossi.

1.8.

Huwa jqis li l-promozzjoni tal-kura primarja, bħala element bażiku fil-kura tas-saħħa li joffru s-sistemi tas-saħħa, tista’ tkun għodda sabiex titjieb il-prestazzjoni tagħhom fil-qasam u element sabiex jiġi korrett l-infiq li jwassal għal żieda fis-sostenibbiltà finanzjarja tagħhom. Il-Kummissjoni għandha taqdi rwol ta’ koordinatur fil-komunikazzjoni tal-esperjenzi nazzjonali bejn l-Istati Membri.

1.9.

Il-Kumitat iqis neċessarju li jitwettaq sforz ta’ trażżin fl-infiq farmaċewtiku u fit-teknoloġija peress li dawn huma elementi li jinfluwenzaw b’mod deċiżiv kemm huma sostenibbli s-sistemi tas-saħħa. L-aġenziji nazzjonali u tal-UE jeħtieġ li jaqdu rwol determinanti fil-valutazzjoni tal-effiċjenza u s-sigurtà li, mil-lat ta’ saħħa, jistgħu jagħtu l-mediċina u t-teknolooġija li jiġu introdotti fis-suq.

1.10.

L-ICT għandha tkompli taqdi rwol dejjem aktar ewlieni fis-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri mingħajr ma jintesal-fatt li d-dimensjoni umana għandha tibqa’ fil-qalba tas-saħħa elettronika.

1.11.

Sabiex tiġi promossal-governanza tajba tas-sistemi tas-saħħa madwar l-UE u sabiex jiġi żgurat li l-fehmiet tal-pazjenti jitqiesu b’mod adatt, il-ġbir tad-data, il-monitoraġġ u l- evalwazzjoni dwar l-aċċessibilità, il-prestazzjoni u r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa għandhom jużaw bis-sħiħ il-kummenti tal-pazjenti u jinvolvu parteċipazzjoni attiva u sħiħa tal-assoċjazzjonijiet tal-pazjenti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika tirrispetta r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni tal-politika ta’ saħħa tagħhom kif ukoll l-organizzazzjoni u l-prestazzjoni ta’ servizzi fil-qasam tas-saħħa u l-kura medika. Fl-istess waqt, il-paragrafu 7 tal-istess Artikolu jistabbilixxi li dawn ir-responsabbiltajiet jinkludu l-ġestjoni tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika u l-allokazzjoni tar-riżorsi li għandhom jintużaw f’dawn is-servizzi.

2.2.

B’dan il-marġni ta’ manuvra, l-azzjoni tal-Unjoni dwar is-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri hija limitata għall-kwistjonijiet indikati f’dan l-Artikolu tat-Trattat. Madankollu, fir-rwol tagħha li tappoġġja, tiffinanzja u tikkoordina l-isforzi, il-Kummissjoni tista’ tagħti valur miżjud b’saħħtu għal aspetti oħra relatati mal-kura tas-saħħa, li jippermetti li l-Istati Membri javvanzaw fil-konsolidazzjoni u t-tijib tas-sistemi nazzjonali tagħhom tas-saħħa, li huma bbażati f’għadd ta’ valuri kondiviżi fl-Ewropa, bħalma huma l-universalità, l-aċċess għal kura ta’ kwalità tajba, is-sens ta’ ġustizzja u s-solidarjetà bħalma kienu espressi mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’Ġunju 2006 (1). Fid-Dikjarazzjoni tagħhom, il-Ministri tas-Saħħa tal-Istati Membri kienu kkonkludew li s-sistemi tas-saħħa jiffurmaw parti essenzjali mill-infrastruttura soċjali Ewropea.

2.3.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tidentifika għadd ta’ diffikultajiet, li ġew aggravati bil-kriżi ekonomika, li kellhom jiffaċċjaw is-sistemi tas-saħħa fl-Ewropa. Fil-qosor, dawn id-diffikultajiet huma żieda fl-ispejjeż relatati mas-saħħa, it-tixjiħ gradwali tas-soċjetajiet tagħna li twassal għal żieda fil-mard kroniku, kif ukoll żieda fit-talba għas-servizzi tas-saħħa, distribuzzjoni inġusta tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa bi skarsezzi f’xi Stati Membri u aċċess inugwali għall-kura tas-saħħa.

2.4.

Minn din il-perspettiva u abbażi tal-Konklużjonijiet tal-Kunsilli tal-Unjoni Ewropea ta’ Ġunju 2011 (2) u Diċembru 2013 (3), il-Kummissjoni fasslet Komunikazzjoni li dwarha l-KESE ntalab ifassal Opinjoni. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ta’ Ġunju 2014 kien laqa’ b’mod favorevoli din il-Komunikazzjoni fil-Konklużjonijiet adottati dwar il-kriżi ekonomika u l-kura tas-saħħa (4).

2.5.

Il-Komunikazzjoni tipproponi aġenda tal-Unjoni Ewropea għal sistemi ta’ saħħa effettivi, aċċessibbli u reżistenti li jirrispettaw il-kompetenzi tal-Istati Membri u li jagħti lill-Unjoni Ewropea linji gwida u għodod għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni. L-aġenda tinkludi dawn l-elementi:

2.5.1.

appoġġ għat-tisħiħ tal-effettività tas-sistemi tas-saħħa, fi tliet livelli: valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa; il-kwalità tal-kura u s-sigurtà tal-pazjenti; u l-integrazzjoni tal-prestazzjonijiet. żieda fl-aċċess għall-kura tas-saħħa permezz ta’ miżuri relatati mal-persunal fil-qasam tas-saħħa, l-użu kosteffiċjenti tal-mediċini u l-aqwa applikazzjoni possibbli tad-Direttiva 2011/24/UE. titjib fir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa bl-approċċi li ġejjin: valutazzjoni tat-teknoloġiji fil-qasam tas-saħħa, sistemi ta’ informazzjoni dwar is-saħħa; u s-saħħa onlajn.

3.   Kummenti dwar il-kuntest tal-Komunikazzjoni

3.1.

Iż-żieda fl-ispejjeż tas-saħħa, it-tixjiħ dejjem jiżdied tal-popolazzjoni u ż-żieda ta’ ċertu mard kroniku, li jolqot prinċipalment lill-anzjani, mhumiex diffikultajiet li żdiedu fl-aħħar għaxar snin iżda huma sitwazzjonijiet li ilhom jidhru għal għexieren ta’ snin u li l-kriżi attwali aggravathom peress li llimitat l-allokazzjoni ta’ riżorsi għal dawn it-tipi ta’ politiki. Għalhekk, l-approċċ strateġiku jeħtieġ li jkun orjentat lejn kif għandha tiġi solvuta, mil-lat ta’ effiċjenza u effettività, id-domanda kontinwa ta’ riżorsi li s-sistemi tas-saħħa ser ikollhom bżonn fis-snin li ġejjin sabiex jaħsbu għal popolazzjoni dejjem aktar tixjiħ u bi bżonnijiet ta’ kura kbar, minħabba ż-żieda fit-tul tal-ħajja.

3.1.1.

Il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, bħala miżuri fundamentali għall- protezzjoni tas-saħħa, għandu jkollhom rwol importanti fis-sistemi tas-saħħa nazzjonali tagħna. L-ispejjeż tal-kura tas-saħħa jistgħu jonqsu b’mod sinifikanti permezz ta’ investiment fl-edukazzjoni dwar is-saħħa kif ukoll billi jitħeġġu stili ta’ ħajja aktar attivi u tajbin għas- saħħa biex jitnaqqsu l-obeżità, it-tipjip u l-konsum tal-alkoħol. Skrining regolari għall-kanċer u kontrolli tas-saħħa oħra jistgħu jippermettu li l-persuni akbar fl-età jgawdu minn irtirar twil u b’saħħtu.

3.2.

Il-KESE jaqbel li s-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji u valuri bħall-universalità, l-aċċessibbiltà għal kulħadd, is-sens ta’ ġustizzja u s-solidarjetà. Dawn huma prinċipji li jiggarantixxu li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea jkollhom dritt għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-kura tas-saħħa. Jiggarantixxu wkoll l-użu adegwat u f’waqtu tas-servizzi tas-saħħa sabiex jinsiltu l-aħjar riżultati tas-saħħa u jipprovdu s-servizzi tas-saħħa b’mod ugwali, indipendentement mil-lokazzjoni ġeografika, is-sess, id-diżabbiltà, il-livell ta’ dħul, l-età, ir-razza jew kwalunkwe aspett ieħor waqt li jiżguraw li l-għoti tas-servizzi tas-saħħa jkun iffinanzjat minn fondi pubbliċi (it-taxxi u/jew l-assigurazzjoni tas-saħħa) bħala element ta’ solidarjetà fid-distribuzzjoni mill-ġdid tar-riżorsi.

3.3.

Il-KESE jemmen li s-sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika li għaddejja minnha l-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali u xi Stati Membri b’mod partikolari m’għandhiex tkun skuża li twassal għal distakk bejn iċ-ċittadini tal-ewwel u t-tieni klassi għax ilkoll għandna l-istess dritt għall-protezzjoni ta’ saħħitna. F’dan ir-rigward, il-Kumitat għandu jiżgura wkoll li l-kapaċità u l-kwalità differenti tas-servizzi tas-saħħa fl-Istati Membri differenti jkunu jinkludu wkoll ċittadini tal-UE li ma jaħdmux fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, iżda jaħdmu b’mod tranżitorju barra l-pajjiż. L-effiċjenza u s-sostenibbiltà tas-sistemi m’għandhomx jinkisbu għad-detriment tal-benefiċjarji tas-sistemi. Is-saħħa, minkejja l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-kura tas-saħħa, mhijiex merkanzija, u għalhekk m’għandhiex tiddependi mill-poter tal-akkwist taċ-ċittadini.

3.4.

Fl-Opinjoni tiegħu (5) dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE” (6), il-KESE kiteb biċ-ċar li “l-Kummissjoni għandha tuża l-għodod disponibbli bl-aħjar mod (eżempju l-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, l-istimi tal-impatt, il-programmi ta’ riċerka, l-indikaturi, il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali) u flimkien mal-Istati Membri tikkunsidra metodi ġodda biex tiżgura li l-politiki u l-azzjonijiet tal-UE jindirizzaw il-fatturi li joħolqu jew jikkontribwixxu għall-inugwaljanzi tas-saħħa madwar l-UE.” Il-Kumitat jerġa’ jafferma l-kontenut tal-Opinjoni u jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet kollha mressqa minnu sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa.

3.5.

Fl-Opinjoni (7) tiegħu dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Programm Is-Saħħa għat-Tkabbir, it-tielet programm multiannwali ta’ azzjoni tal-UE fil-qasam tas-saħħa għall-perjodu 2014-2020” (8), il-Kumitat ħa l-opportunità sabiex jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar xi aspetti tal-Komunikazzjoni. F’dan ir-rigward, il-KESE jerġa’ jafferma l-kummenti li saru b’rabta mal-valutazzjoni tat-teknoloġiji tas-saħħa, mat-taħriġ tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, mal-użu tal-mediċina bbażata fuq l-evidenza u mal-iskambju tal-aħjar prattiki.

3.6.

Il-Kumitat iqis importanti ħafna li s-settur tas-saħħa ġie inkluż fis-Semestru Ewropew. Is-sehem tas-settur fil-Prodott Gross Domestiku tal-Istati Membri, id-daqs importanti tal-forza tax-xogħol u l-kapaċità għall-innovazzjoni huma raġunijiet biżżejjed sabiex dan jiġi inkluż. Madankollu, ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-valutazzjonijiet tas-Semestru Ewropew għandhom jiġu bbażati fuq il-premessa li bl-ebda mod mhuma ser inaqqsu l-prinċipji u l-valuri li jsostnu s-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

3.7.

It-tisħiħ tal-effiċjenza tas-sistemi tas-saħħa purament sabiex jinkisbu riżultati tajba jfisser li jitwarrbu aspetti oħra li, f’kuntest ta’ skarsezza ta’ riżorsi u limiti finanzjarji, għandhom jiġu kkunsidrati. Għalhekk, sistema tas-saħħa effiċjenti u ta’ valur għoli tippermetti li jiġu massimizzati l-kwalità tal-kura u r-riżultati miskuba bir-riżorsi disponibbli. Dan ifisser li ma nistgħux nippruvaw insaħħu l-effettività ta’ sistema tas-saħħa mingħajr ma nqisu l-effiċjenza. Li jiġi żgurat il-valur tar-riżorsi jfisser li jintużaw bl-aktar mod effiċjenti u effettiv possibbli, waqt li l-kunċett tal-kwalità xjentifiku-tekniku jintrabat mal-kunċett tal-effiċjenza u s-sostenibbiltà bħala perspettiva essenzjali fl-organizzazzjoni tal-kura tas-saħħa u l-prattika tal-professjonisti fil-qasam.

3.8.

Il-Kumitat jappoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ indikaturi fil-livell tal-UE li jistgħu jkejlu kemm hi effettiva l-azzjoni fil-qasam tas-saħħa. Għalhekk, l-Istati Membri kollha għandhom jistabbilixxu u jkollhom sistemi validi għall-ġbir tal-informazzjoni, li jkunu trasparenti u oġġettivi, sabiex tkun tista’ ssir l-analiżi globali. Dan għandu jiffaċilita l-miżuri ta’ kooperazzjoni sabiex jonqsu l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa li jeżistu bejn l-Istati Membri u fil-pajjiżi nfushom. Fil-bidu tas-seklu 21, huwa inaċċettabbli li qed jkollna nammettu li aħna neqsin minn data paragunabbli. Mingħajr data valida, rilevanti u adegwata, mhuwiex possibbli li jsir progress u li jkollna għad-dispożizzjoni tagħna indikaturi omoġeni li jappoġġjaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-analiżi xjentifika.

3.9.

L-utilità tal-indikaturi tas-saħħa tiddependi minn kemm ikunu affidabbli, u l-kwalità hija prerekwiżit sabiex isiru l-paraguni. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li hemm nuqqas ta’ affidabbiltà u għalhekk huwa diffiċli li jitqabblu r-riżultati miksuba. Għalhekk, il-Kumitat jappoġġja s-sistema ta’ Indikaturi tas-Saħħa Ewropej Ewlenin (ECHI – European Core Health Indicators), peress li dawn jipprovdu data paragunabbli dwar is-saħħa u l-imġiba li tinfluwenza s-saħħa, kif ukoll dwar il-mard u s-sistemi tas-saħħa. Dan jippermetti lil ċerti Stati Membri jtejbu s-sistemi tagħhom ta’ informazzjoni u jimplimentaw indikaturi ineżistenti u b’hekk jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ prattiki tajbin b’mod ġenerali. Bl-istess mod il-Kumitat jilqa’ l-qafas konġunt ta’ valutazzjoni dwar is-saħħa, maħluq mis-Sottogrupp tal-Indikaturi tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali.

3.10.

Il-Kumitat iqis li r-rikonoxximent effettiv tal-universalità tal-kura jista’ jkun inqas effettiv minħabba l-problemi ta’ aċċess għas-sistemi tas-saħħa. Meta jkun hemm problemi ta’ aċċess, dejjem jintlaqtu l-iżjed il-gruppi tal-popolazzjoni li l-inqas għandhom riżorsi. Jekk nixtiequ nnaqqsu l-inugwaljanzi fis-saħħa, l-ewwel pass huwa li tiġi indirizzata l-aċċessibbiltà. L-implimentazzjoni effettiva tal-kura tas-saħħa primarja fiż-żoni rurali, l-eżistenza tas-servizzi ta’ emerġenza fil-qrib, infrastruttura adegwata għat-trasport u l-komunikazzjoni, l-aċċess għall-għoti tal-kura speċjalizzata u t-trażżin fl-implimentazzjoni tal-metodi ta’ kopagament (copayment) (waqt li jitqies il-livell ta’ dħul finanzjarju), huma wħud mill-komponenti essenzjali biex ikun żgurat l-aċċess taċ-ċittadini għas-servizzi tas-saħħa u dawk li għandhom jiġu implimentati fl-Istati Membri.

3.11.

L-istess bħall-Kummissjoni, il-Kumitat jibża’ u jirrikonoxxi li, għalkemm ġiet iffirmata l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, jeħtieġ ukoll li jittieħdu l-miżuri adegwati kollha biex ikun żgurat l-aċċess tal-persuni b’diżabbiltà għas-servizzi tas-saħħa – inkluż l-iżgurar li l-faċilitajiet ikunu aċċessibbli għal dawk li huma limitati minħabba diżabbiltà.

3.12.

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li hemm bżonn li jinżammu mekkaniżmi stabbli ta’ finanzjament tas-servizzi tas-saħħa. F’dan ir-rigward, il-finanzjament konġunt li jinvolvi kontribuzzjonijiet u taxxi jista’ joffri qafas ta’ stabbiltà finanzjarja għas-sistemi tas-saħħa. Aħna nemmnu li t-titjib fir-reżiljenza jew ir-robustezza ta’ dawn is-sistemi huwa marbut ukoll ma’ ġestjoni professjonali ħafna bbażata fuq sistemi effiċjenti ta’ informazzjoni, li jippermettu l-kalkolu preċiż tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa. Dan kollu, flimkien ma’ persunal tas-saħħa kwalifikat ħafna u motivat, jista’ jipprovdi bażi soda u stabbli għal sistema sostenibbli tas-saħħa.

3.13.

Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li waħda mid-diffikultajiet prinċipali li jiffaċċjaw xi sistemi tas-saħħa fl-Istati Membri hija n-nuqqas kbir ta’ professjonisti f’dan il-qasam. Dan in-nuqqas jiggrava wkoll minħabba migrazzjoni għolja ta’ dawn il-ħaddiema lejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll barra l-UE. Peress li r-raġunijiet huma diversi u kumplessi, il-KESE jemmen li l-aġenda proposta mill-Kummissjoni għandha tinkludi miżuri li jiġbdu liż-żgħażagħ iżjed lejn il-professjonijiet fil-qasam tas-saħħa, b’tali mod li mhux biss dejjem ikun hemm aktar kandidati li jitħarrġu f’dawn il-professjonijiet, iżda li l-attività tkun attraenti kemm mil-lat professjonali kif ukoll mil-lat ta’ xogħol.

4.   Kummenti dwar l-aġenda tal-Unjoni Ewropea għal sistemi tas-saħħa effettivi, aċċessibbli u reżiljenti

4.1.

Illum il-ġurnata, fis-soċjetajiet l-aktar avvanzati, il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa sservi, fost affarijiet oħra, bħala strument sabiex il-provvedituri tas-servizzi tas-saħħa jagħtu rendikont lill-utenti u bħala għodda ta’ ppjanar għall-futur. Sabiex jibni fuq l-impenji li saru fil-Karta ta’ Talinn, il-Kumitat jappoġġja l-idea li l-Istati Membri jingħataw għodod u metodoloġiji li jippermettu li s-sistemi tas-saħħa jitqarrbu lejn xulxin u jitnaqqsu l-inugwaljanzi interni u esterni f’dawn is-sistemi.

4.2.

Is-sigurtà tal-pazjenti tinvolvi li jitnaqqas ir-riskju bla bżonn ta’ dannu għall-pazjent u dan ifisser nuqqas ta’ leżjonijiet aċċidentali minħabba l-għoti tal-kura jew żbalji mediċi. Il-promozzjoni tas-sigurtà tal-pazjent tfisser ġestjoni tar-riskju, rappurtar, investigazzjoni u segwitu tal-aċċidenti u approċċ orjentat lejn is-soluzzjonijiet sabiex jitnaqqas ir-riskju li jerġgħu jseħħu. Il-KESE jirratifika r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fl-Opinjoni (9) dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-ħarsien minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (10), u jestendihom għal dawk ir-riskji kollha mhux relatati mal-infezzjonijiet, b’enfasi speċjali fuq il-bżonn li jiġu rrappurtati effetti negattivi u t-teħid ta’ miżuri sabiex dawn jiġu rimedjati. Għandhom jiġu enfasizzati l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu.

4.3.

Il-Kumitat iqis li l-kura tas-saħħa tal-pazjent għandha tkun ikkoordinata fost il-livelli kollha tal-kura, b’tali mod li r-rwol tal-kura primarja jkun aktar rilevanti fid-dijanjożi u l-kura tal-problemi tas-saħħa. Netwerk tajjeb tal-kura primarja, żviluppat u professjonali ħafna, jippermetti qrubija akbar għall-problemi tas-saħħa, jevita interventi bla bżonn minn speċjalisti u jnaqqas l-ispejjeż tal-kura billi s-sistemi jkunu inqas dipendenti mill-kura fl-isptar. Il-Kummissjoni għandha taqdi rwol ta’ koordinatur fil-komunikazzjoni tal-esperjenzi nazzjonali bejn l-Istati Membri.

4.4.

In-numru tal-persunal fil-qasam tas-saħħa bħala proporzjon tal-forza tax-xogħol fl-Istati Membri huwa rilevanti biżżejjed li jista’ jitqies bħala problema tas-saħħa jekk ikun hemm nuqqas kbir ta’ dawn il-professjonisti. Bil-għan li jiġu evitati dawn it-tipi ta’ sitwazzjonijiet, l-ippjanar fit-taħriġ fil-qasam tas-saħħa, minkejja li hija kompetenza tal-Istati Membri, għandu jiġi ssorveljat u u analizzat mill-Unjoni Ewropea sabiex ikun hemm kollaborazzjoni mal-Istati Membri biex tinżamm massa kritika ta’ professjonisti li tippermetti l-għajnuna lil popolazzjoni li dejjem aktar qed ikollha bżonn il-kura tas-saħħa. Sabiex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet edukattivi u universitarji li hemm bżonn, il-Kumitat iqis neċessarju wkoll li jingħata appoġġ finanzjarju.

4.5.

Il-KESE jqis li taħriġ tekniku u xjentifiku ta’ kwalità għolja huwa indispensabbli sabiex il-pajjiż ikollu professjonisti kwalifikati ħafna li jistgħu jirrispondu b’mod effiċjenti għall-ħtijiġiet taċ-ċittadini tal-Unjoni fir-rigward tas-saħħa. Fl-istess ħin il-KESE jemmen li l-aspetti etiċi tat-taħriġ tagħhom għandhom jingħataw attenzjoni u jiġu promossi.

4.6.

L-infiq fuq il-prodotti farmaċewtiċi huwa wieħed mill-elementi prinċipali li jinfluwenzaw l-ispiża fis-servizzi tas-saħħa u jolqtu s-sostenibbiltà tagħhom. Il-preskrizzjoni skont is-sustanza attiva (Denominazzjoni Komuni Internazzjonali tal-WHO) hija għażla li tista’ twassal għal tnaqqis fl-infiq fuq il-farmaċewtiċi, għax dan ifisser li l-preskrizzjoni ssir skont dan il-prinċipju minflok skont l-isem kummerċjali. Fl-Unjoni Ewropea jeżistu eżempji ta’ dan it-tip ta’ preskrizzjoni, f’ċerti organizzazzjonijiet tas-saħħa, li jistgħu jservu bħala esperjenza li tista’ tiġi applikata fi Stati Membri oħra. Madankollu, kwalunkwe miżura li tiġi adottata għandha tinkludi l-ħtiġijiet tar-riċerka f’mediċina ġdida u l-finanzjament ta’ dawn l-attivitajiet.

4.7.

Il-Kumitat jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni li qed tiġi analizzata fir-rigward tal-aqwa implimentazzjoni possibbli tad-Direttiva 2011/24/UE (11), iżda jqis li din mhijiex il-problema prinċipali relatata mal-aċċess taċ-ċittadini għas-sistemi nazzjonali tas-saħħa f’pajjiżhom, u l-aqwa implimentazzjoni possibbli tad-Direttiva mhux ser iżżid l-aċċess taċ-ċittadini għas-sistemi nazzjonali. Nifhmu li fil-kuntest tal-Komunikazzjoni aċċess akbar għandu jiċċentra prijoritarjament fuq iż-żieda tal-kopertura tal-popolazzjoni sakemm isir universali, billi jkun hemm l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ servizzi bi spiża raġonevoli u filwaqt li jiġi evitat li l-kopagament jirrappreżenta ostaklu ta’ aċċess għal dawk l-aktar żvantaġġati. Il-garanzija ta’ kura tas-saħħa transkonfinali sigura u ta’ kwalità mhijiex garanzija li ċ-ċittadin ser jirċievi servizzi tas-saħħa bażiċi fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

4.8.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni medika joħorġu fid-dieher teknoloġiji ġodda tas-saħħa bħala reazzjoni għall-isfidi dijanjostiċi u terapewtiċi li trid tiffaċċja l-mediċina. L-ispiża għolja ta’ dawn it-teknoloġiji u l-effiċjenza li suppost jipprovdu jeħtieġu sistema robusta ta’ valutazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji. Il-Kumitat iqis ta’ interess kbir li n-Netwerk Ewropew għall-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa (EUnetHTA) jagħti valur miżjud lill-aġenziji nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri, waqt li jiffaċilita s-sinerġiji u t-tixrid tal-valutazzjonijiet tiegħu.

4.9.

Il-progress tat-teknoloġija tal-informazzjon fl-użu tar-rekords kliniċi tal-pazjenti għandu jkun applikat f’kuntesti oħra, u mhux biss fiċ-ċentri tas-saħħa. Ir-rekord kliniku kompjuterizzat tal-pazjent, aċċessibbli minn kwlaunkwe professjonist mediku li jkun qiegħed jikkurah, għandu jitqies bħala għan li tajjeb li jintlaħaq, minkejja li r-riżultat jidher tant ‘il bogħod. L-Unjoni Ewropea għandha tappoġġja sistemi ta’ informazzjoni tas-saħħa u tas-saħħa onlajn li jippermettu li r-rekords kliniċi taċ-ċittadini jakkumpanjawhom ikunu fejn ikunu. Ir-rekord kliniku elettroniku huwa għodda ta’ użu kbir għall-pazjent, iżda fl-istess ħin huwa sfida għall-amministrazzjonijiet fir-rigward tal-koordinazzjoni fis-sistemi tagħhom tas-saħħa ta’ applikazzjonijiet li jkunu kompatibbli u li jippermettu lill-professjonisti fil-qasam tal-mediċina li jkunu jafu bil-problemi tas-saħħa li jolqtu lil ċittadin partikolari, indipendentement mill-post fejn jinsab. Din hija sfida enormi, iżda nemmnu li jekk din tiġi indirizzata, għandha twassal għal titjib fis-saħħa taċ-ċittadini Ewropej.

4.10.

Il-KESE jqis tal-istess importanza li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għas-sistemi kompjuterizzati ta’ informazzjoni tas-saħħa. Bħala eżempju jista’ jissemma l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-prodotti tas-saħħa għall-użu mill-bniedem approvati mill-awtoritajiet regolatorji. Din l-informazzjoni għandha tkun tinftiehem, eżatta, aġġornata u sigura sabiex iċ-ċittadini li jixtiequ jaċċessawha jkunu jistgħu jikkomplementaw l-informazzjoni li jirċievu mill-professjonist tas-saħħa li jikkurahom.

4.11.

Fl-Opinjoni tiegħu (12) dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 – Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21” (13), il-Kumitat ħa l-opportunità sabiex jagħti l-fehma tiegħu dwar “is-saħħa elettronika”. Din l-Opinjoni tiddikjara li “Is-saħħa elettronika għandha tippromovi l-fiduċja reċiproka bejn il-pazjenti u l-professjonisti, waqt li jiġu evitati r-riskju ta’ ‘impersonalità’ u n-nuqqas ta’ attenzjoni lill-fatturi psikoloġiċi. Id-dimensjoni umana għandha tibqa’ fil-qalba tas-saħħa elettronika.” F’dan il-kuntest nikkonkludu billi ntennu li ċ-ċittadini huwa fiċ-ċentru tas-sistema tas-saħħa.

Brussell, il-21 ta’ Jannar 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 146, 22.6.2006, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  ĠU C 202, 8.7.2011, p. 10.

(3)  ĠU C 376, 21.12.2013, p. 3.

(4)  ĠU C 217, 10.7.2014, p. 2.

(5)  ĠU C 18, 19.1.2011, p. 74.

(6)  COM(2009) 567 final.

(7)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 102.

(8)  COM(2011) 709 final.

(9)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 113.

(10)  COM(2008) 837 final.

(11)  ĠU C 175, 28.7.2009, p. 116.

(12)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 122.

(13)  COM(2012) 736 final.


23.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 242/54


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ għalf medikat u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/167/KEE”

(COM(2014) 556 final – 2014/0255 (COD))

u dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prodotti mediċinali veterinarji”

(COM(2014) 558 final – 2014/0257 (COD))

(2015/C 242/10)

Relatur:

is-Sur ESPUNY MOYANO

Nhar l-24 ta’ Settembru 2014, nhar l-20 ta’ Ottubru 2014 u nhar it-23 ta’ Ottubru 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43, 114, 168(4)(b) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ għalf medikat u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/167/KEE

COM(2014) 556 final – 2014/0255 (COD),

u dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prodotti mediċinali veterinarji

COM(2014) 558 final – 2014/0257 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Jannar 2015.

Matul il-504 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Jannar 2015 (seduta tal-21 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’208 voti favur, 4 voti kontra u 16-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Għalf medikat

1.1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jemmen li hemm bżonn u li jkun utli li tiġi aġġornata l-leġislazzjoni Ewropea dwar l-għalf medikat bil-għan li jiġu assigurati kundizzjonijiet uniformi tal-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-għalf medikat, filwaqt li fl-istess ħin ikunu protetti s-saħħa u l-benesseri tal-annimali u l-istennijiet tal-konsumaturi.

1.1.2.

Il-KESE jappoġġja l-użu ta’ għalf medikat bħala strument ieħor sabiex ikun hemm produzzjoni ta’ annimali b’saħħithom u titjieb ukoll is-saħħa pubblika.

1.1.3.

Il-KESE jaqbel li jiġu inklużi l-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-għalf medikat għall-annimali li mhumiex ser jintużaw għall-produzzjoni tal-ikel, għax dan jirrappreżenta mod ta’ amministrazzjoni alternattiva għall-kura, b’mod partikolari, ta’ mard kroniku.

1.1.4.

Il-KESE jappella li fejn teżisti problema ta’ disponibbiltà ta’ prodotti mediċinali veterinarji, l-ispeċijiet minuri u l-akkwakultura għandu jkollhom aċċess għall-għalf medikat u għandhom jitnaqqsu l-ostakli għall-manifattura u d-distribuzzjoni bla problemi. Il-KESE jilqa’ wkoll il-produzzjoni bikrija sabiex tkun tista’ tiġi ppjanata aħjar il-manifattura u jiġu minimizzati t-trasferimenti potenzjali. B’dan il-mod, fl-ebda każ mhu ser ikun hemm stokk inadegwat minħabba d-dati ta’ skadenza tal-prodotti mediċinali.

1.1.5.

Il-KESE jappella sabiex ir-Regolament jagħti valur akbar lir-rwol tal-veterinarju jew tal-professjonist kwalifikat b’ħiliet speċjalizzati li huwa familjari mar-regoli eżistenti u li għandu l-kapaċità kollha li jagħmel id-dijanjożi u jippreskrivi l-kura l-aktar adegwata li tassigura s-saħħa, il-benesseri u s-saħħa pubblika.

1.1.6.

Il-KESE jqis li l-veterinarju jew il-professjonist kwalifikat b’ħiliet speċjalizzati, fi ħdan il-qadi tal-professjoni tiegħu, huwa l-unika persuna li tista’ tistabbilixxi ż-żmien meħtieġ għall-kura li ma jistax jiġi stabbilit minn regoli stretti biss, minħabba d-differenza li teżisti bejn l-ispeċijiet, is-sitwazzjoni fiżjoloġika tagħhom, il-kundizzjonijiet tagħhom ta’ amministrazzjoni, il-livell ta’ mard, eċċ.

1.1.7.

Il-KESE huwa konxju li ser ikun hemm trasferiment tas-sustanza attiva li tinsab fl-għalf medikat għall-għalf mhux destinatarju, għalkemm dan it-trasferiment għandu jseħħ skont il-prinċipju ALARA (l-aktar baxx li jista ’ raġonevolment jintlaħaq).

1.1.8.

Il-KESE jenfasizza s-sistemi differenti ta’ produzzjoni u jemmen li huwa essenzjali li t-trasferimenti li jseħħu jqisu t-teknoloġiji eżistenti f’din l-industrija u li dawn jiġu stabbiliti b’tali mod li ma jkunx hemm ir-riskju li jiġġeneraw reżistenza għall-mikrobi.

1.1.9.

Il-KESE jqis li hemm bżonn li tiġi stabbilita sistema għall-ġestjoni integrali ta’ prodotti mhux użati jew skaduti biex jiġi kkontrollat kwalunkwe riskju li dawn il-prodotti jistgħu joħolqu fir-rigward tal-ħarsien tal-annimali, is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent.

1.1.10.

Il-KESE jenfasizza wkoll il-bżonn li jiġu stabbiliti kriterji, bħal valuri ta’ mira, għall-omoġeneità adegwata tal-għalf medikat.

1.1.11.

Il-KESE jqis li l-kummerċ intra-Komunitarju jista’ jixxekkel minn din il-leġislazzjoni proposta u jqis opportun li dan għandu jkun flessibbli sabiex is-settur isir aktar kompetittiv.

1.1.12.

Il-KESE jinnota li l-veterinarji jew il-professjonisti kwalifikati b’ħiliet speċjalizzati għandhom jikkonformaw mar-responsabbiltà tagħhom li ma jwettqux kura preventiva ta’ rutina bl-użu tal-antimikrobiċi, għalkemm jeżistu każijiet fejn tkun meħtieġa kura preventiva bl-użu tal-antimikrobiċi (bħal fil-każ tal-mediċina għall-bniedem) sabiex jiġu żgurati s-saħħa u l-benesseri tal-annimali u fl-aħħar, is-saħħa pubblika.

1.1.13.

Il-KESE jqis li l-identifikazzjoni tal-kura preventiva bl-użu tal-antimikrobiċi għandha tiġi eżaminata f’kull Stat Membru, waqt li jitqiesu n-natura speċifika u l-karatteristiċi tas-sistemi tal-produzzjoni, l-ispeċijiet tal-annimali, is-sitwazzjoni tas-saħħa, id-disponibbiltà tal-prodotti mediċinali, eċċ., f’kull pajjiż.

1.1.14.

Il-KESE jqis neċessarju li din il-proposta leġislattiva telenka t-tagħmir ta’ protezzjoni individwali meħtieġ mill-ħaddiema sabiex jiġi evitat li jkunu esposti għall-prodotti kimiċi permezz tat-trab iġġenerat matul il-proċess tal-manifattura u r-riskju konsegwenti li jibilgħuh.

1.1.15.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jintroduċu programmi speċifiċi ta’ taħriġ għall-ħaddiema esposti għall-prodotti kimiċi.

1.1.16.

Il-KESE jemmen li r-Regolament għandu jħalli l-possibbiltà lill-Istati Membri li jfasslu atti ta’ implimentazzjoni bil-għan li jiġu evitati l-piżijiet amministrattivi u l-burokrazija għall-bdiewa ż-żgħar li jipproduċu l-ikel għalihom stess, mingħajr ma jiġu kompromessi r-regolamenti speċifiċi dwar is-sigurtà u l-iġjene tal-għalf medikat.

1.2.   Prodotti mediċinali veterinarji

1.2.1.

Is-saħħa tal-annimali hija ta’ importanza strateġika minħabba l-impatt tagħha fuq is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, is-saħħa pubblika u s-sigurtà alimentari, l-ambjent u l-ekonomija rurali. Għalhekk, id-disponibbiltà ta’ prodotti mediċinali veterinarji awtorizzati hija kruċjali sabiex il-veterinarji jew il-professjonisti kwalifikati b’ħiliet speċjalizzati jkollhom biżżejjed għodda disponibbli biex jikkontrollaw, jipprevenu u jikkuraw il-mard fl-annimali.

1.2.2.

Bħal prodotti mediċinali veterinarji oħra, l-antibijotiċi huma meħtieġa sabiex jiġu miġġielda l-infezzjonijiet mill-mikrobi fl-annimali. Il-KESE jqis li l-aċċess għal antibijotiċi siguri u effettivi huwa element prinċipali tal-għodda li fuqhom jistrieħu l-veterinarji sabiex iżommu u jerġgħu jroddu s-saħħa u l-benesseri tal-annimiali kif ukoll is-saħħa pubblika.

1.2.3.

Għalhekk il-KESE jilqa’ l-għan ta’ din il-proposta leġislattiva li jiġi żviluppat korp leġislattiv aġġornat u proporzjonat, u li jkun hemm disponibbli prodotti mediċinali veterinarji bil-għan li jiġu salvagwardjati s-saħħa tal-annimali, is-saħħa pubblika, is-sigurtà alimentari u l-ambjent, prinċipju li għandu jiġi segwit ukoll sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-antibijotiċi fil-mediċina veterinarja.

1.2.4.

Is-suq għall-prodotti mediċinali veterinarji għandu xi partikularitajiet u speċifiċitajiet li jvarjaw minn dawk tas-suq tal-mediċini għall-bniedem u għalhekk, il-KESE jqis li huwa adegwat ħafna li din il-proposta leġislattiva tiffoka purament fuq il-prodotti mediċinali veterinarji. F’dan ir-rigward, filwaqt li l-prinċipji jridu jkunu konsistenti, il-mod kif dawn il-prinċipji jiġu applikati għandu jkun adattat totalment għall-kundizzjonijiet tas-settur.

1.2.5.

Il-KESE jqis li l-leġislazzjoni attwali ġġib magħha burokrazija sinifikanti għall-industrija, li tħalli impatt negattiv fuq l-innovazzjoni meħtieġa; għalhekk jilqa’ l-introduzzjoni tar-regoli semplifikati matul il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni kif ukoll matul is-sorveljanza ta’ wara, it-tibdil għall-awtorizzazzjonijiet tat-tqegħid fis-suq eċċ., li għandhom l-għan li jnaqqsu din il-burokrazija, minkejja li għad hemm lok għal titjib fil-proposta.

2.   Sinteżi tal-proposti

2.1.   Għalf medikat

2.1.1.

Il-proposta tistabbilixxi r-rekwiżiti fir-rigward tal-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-għalf medikat fl-Unjoni Ewropea.

2.1.2.

Għal dan il-għan, il-proposta tipprovdi d-definizzjonijiet li għandhom jintużaw u għandhom jiġu enfasizzati dawn li ġejjin:

“għalf medikat”: taħlita ta’ prodott mediċinali veterinarju wieħed jew aktar jew prodotti intermedji ma’ għalf wieħed jew aktar li huwa lest biex jiġi magħluf lill-annimali mingħajr aktar proċessar;

“prodott intermedju”: taħlita ta ’ prodott mediċinali veterinarju wieħed jew aktar ma’ għalf wieħed jew aktar, maħsub għall-użu tal-manifattura ta’ għalf medikat;

“operatur tan-negozju tal-għalf”: kwalunkwe persuna fiżika jew legali responsabbli biex tiżgura li r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jintlaħqu fin-negozju tal-għalf taħt il-kontroll tiegħu;

“mikser mobbli”: operatur tan-negozju tal-għalf bi stabbiliment tal-għalf li huwa magħmul minn trakk mgħammar apposta għall-manifattura ta’ għalf medikat.

2.1.3.

Il-Kumitat jilqa’ b’mod pożittiv il-klassifikazzjoni tal-għalf medikat bħala għalf kompost skont ir-Regolament Nru 767/2009 u r-Regolament Nru 183/2006 dwar l-għalf kompost.

2.1.4.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-għalf medikat twessa’ sabiex jinkludi dawk l-ispeċijiet ta’ annimali li mhumiex destinati għall-produzzjoni tal-ikel kif ukoll l-annimali domestiċi.

2.1.5.

Il-leġislazzjoni proposta tapprova l-użu tal-għalf medikat bħala għodda valida u utli ħafna sabiex jiġu indirizzati s-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika. Skont il-proposta, huwa ta’ valur ukoll għas-sistemi ta’ produzzjoni li huma kompetittivi ħafna fi ħdan l-Ewropa.

2.1.6.

It-trobbija tal-annimali fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll is-sistemi differenti ta’ produzzjoni fl-Istati Membri differenti, għandhom rwol rilevanti x’jaqdu u għalhekk huwa neċessarju li jkunu attrezzati b’għodod, bħall-għalf medikat, sabiex dan is-settur isir aktar kompetittiv.

2.1.7.

Fl-Annessi ta’ dan ir-Regolament hemm ir-rekwiżiti kollha neċessarji sabiex il-fabbriki jipproduċu għalf medikat sigur, omoġenju u li jiggarantixxi li l-kontaminazzjoni kroċjata tinżamm fl-iżjed livell baxx possibbli.

2.1.8.

Din il-proposta leġislattiva tqis li l-għalf medikat importat mill-Unjoni Ewropea għandu jikkonforma mal-istess rekwiżiti leġislattivi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.1.9.

Ir-Regolament tal-futur jindika l-bżonn li l-għalf medikat għandu jiġi manifatturat minn prodotti mediċinali veterinarji awtorizzati u l-kompatibbiltà tal-komposti kollha użati għandha tkun żgurata għall-iskop tas-sikurezza u l-effikaċja tal-prodott.

2.2.   Prodotti mediċinali veterinarji

2.2.1.

Din il-proposta leġislattiva tkopri kemm ir-rekwiżiti ta’ data kif ukoll il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti mediċinali veterinarji. Tkopri wkoll l-ippakkjar u l-ittikkettar, id-distribuzzjoni u s-superviżjoni tas-sigurtà fis-suq (farmakoviġilanza) u l-kwistjonijiet relatati mal-kontroll u l-użu tal-prodotti mediċinali veterinarji.

2.2.2.

Il-proposta tintroduċi karatteristika ġdida sabiex titwessa’ l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ċentralizzata b’tali mod li jistgħu jsiru talbiet għal awtorizzazzjoni għal kwalunkwe prodott mediċinali veterinarju. Fl-istess ħin, sabiex jiġu evitati piżijiet amministrattivi u finanzjarji żejda, ikun biżżejjed li t-talba għal awtorizzazzjoni tiġi valutata darba biss.

2.2.3.

Il-proposta tintroduċi semplifikazzjoni kbira fir-Regolament, billi tnaqqas l-informazzjoni obbligatorja fl-ittikkettar u l-imballaġġ u toffri l-possibbiltà li jintużaw pittogrammi u taqsiriet armonizzati.

2.2.4.

Tirregola wkoll il-perjodu ta’ protezzjoni li japplika għad-dokumentazzjoni teknika mressqa sabiex tinkiseb jew tiġi emendata awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq u testendi l-perjodu ta’ protezzjoni fil-każ ta’ swieq limitati u antibijotiċi ġodda.

2.2.5.

Il-Kummissjoni Ewropea hija awtorizzata li tistabbilixxi rekwiżiti għall-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni ta’ ċerti antibijotiċi fil-mediċina veterinarja.

2.2.6.

Il-prodotti mediċinali veterinarji għandhom jiġu awtorizzati qabel ikunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq, l-istess bħalma jsir għall-mediċina għall-użu mill-bniedem. Għal dan il-għan, trid tiġi pprovduta l-informazzjoni sabiex tiġi ttestjata l-kwalità tal-produzzjoni, is-sigurtà (għall-annimali, l-utenti u l-ambjent) kif ukoll l-effikaċja klinika. Barra minn hekk, għall-kura tal-annimali li jintużaw għall-produzzjoni għandha tiġi pprovduta informazzjoni li tiggarantixxi s-sigurtà tal-konsumatur.

2.2.7.

Ser jinżammu l-erba’ proċeduri għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodott mediċinali veterinarju (proċedura ċentralizzata, proċedura deċentralizzata, proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku u proċedura nazzjonali) b’xi tibdil. Barra minn hekk, qed tiġi stabbilita sistema għall-varjazzjoni tat-termini tal-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq li jikkunsidraw il-livell ta’ riskju involut. Fl-istess ħin qiegħed jiġi introdott approċċ tal-farmakoviġilanza abbażi tar-riskju, filwaqt li qiegħda tiġi stabbilita proċedura għall-armonizzazzjoni tas-sommarji tal-karatteristiċi tal-prodotti.

2.2.8.

Ir-Regolament ikopri rekwiżiti għall-prodotti mediċinali veterinarji omeopatiċi kif ukoll mistoqsijiet relatati mal-manifattura, id-distribuzzjoni u l-użu, fost affarijiet oħra.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Għalf medikat

3.1.1.

Il-KESE jappoġġa l-Proposta għal Regolament, kif ukoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni li jiġu armonizzati r-rekwiżiti relatati mal-għalf medikat fl-Istati Membri kollha.

3.1.2.

Il-KESE jfakkar li huwa neċessarju li ma jiġux stabbiliti rekwiżiti ta’ manifattura tant għoljin li jkunu diffiċli li jintlaħqu mill-industrija tal-għalf. Il-kontaminazzjoni kroċjata hija realtà fis-settur u ma nistgħux nillimitaw ruħna għal ftit standards tekniċi li ma jistgħux jintlaħqu u li ma jikkorrispondux mar-riskju li jeżisti fis-saħħa tal-annimali.

3.1.3.

Il-KESE jemmen li t-trobbija tal-annimali għandha post importanti fl-agrikoltura tal-Unjoni Ewropea u għalhekk huwa essenzjali li jkun hemm għodod adegwati għall-bdiewa u l-manifatturi tal-għalf bil-għan li s-suq isir kompetittiv ħafna. Ir-Regolament dwar l-użu u l-manifattura tal-għalf medikat huwa meħtieġ iżda, fl-istess ħin, għandu jkun adattat għat-teknoloġija eżistenti fis-settur tal-lum.

3.1.4.

Skont l-analiżi tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni, il-leġislazzjoni dwar l-għalf medikat għandu jkollha impatt sinifikanti fuq il-kosteffiċjenza u t-tkabbir ekonomiku tal-għalf medikat fis-settur tal-manifattura, filwaqt li jitqiesu wkoll l-applikazzjonijiet innovattivi tal-prodotti mediċinali veterinarji.

Is-saħħa pubblika u tal-annimali hija mistennija li se titjieb kemm fl-Istati Membri li bħalissa għandhom standards laxki għall-għalf medikat u kemm f’dawk bi standards projbittivi.

3.1.5.

Huwa importanti li jiġu stabbiliti livelli ta’ trasferiment għall-għalf medikat abbażi tan-know-how tal-Kummissjoni u skont il-prinċipju ALARA, kif ukoll abbażi tat-titjib teknoloġiku fil-manifattura eżistenti fis-settur.

3.1.6.

Il-KESE jqis li ċerti forom ta’ produzzjoni inklużi fil-leġislazzjoni, bħall-miksers mobbli, għandhom jikkonformaw mal-prinċipji tas-sigurtà tal-ikel u l-omoġeneità tal-għalf medikat sabiex jiġu evitati livelli għoljin ta’ trasferiment u b’hekk ikun hemm kontroll akbar fuq dawn il-livelli.

3.1.7.

Il-KESE jqis opportun li l-kummerċ intra-Komunitarju ma jixxekkilx bir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, dan it-tip ta’ kummerċ għandu jkun aktar flessibbli.

3.1.8.

Il-KESE ifakkar li jeżistu speċijiet minuri fl-Istati Membri differenti li għalihom attwalment jeżistu ftit għażliet terapewtiċi u għalhekk m’għandhomx jiżdiedu piżijiet addizzjonali ma’ din il-problema relatati mal-produzzjoni antiċipata tal-għalf medikat għal dawn l-ispeċijiet.

3.2.   Prodotti mediċinali veterinarji

3.2.1.

Il-KESE jqis li l-proċeduri għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti mediċinali veterinarji għandhom jiġu stabbiliti b’tali mod li jiġi evitat dewmien bla bżonn fit-tqegħid effettiv fis-suq fid-diversi Stati Membri li jixtiequ jawtorizzaw dawn il-prodotti mediċinali, kif ukoll tinstab soluzzjonimalajr għan-nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti.

3.2.2.

Il-KESE jemmen li l-qafas leġislattiv għandu jippromovi r-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni fil-qasam tal-prodotti mediċinali veterinarji sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet u l-isfidi tas-saħħa li jiffaċċaw id-diversi speċijiet u mudelli ta’ produzzjoni fl-Ewropa.

3.2.3.

Storikament kien hemm problema ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà tal-prodotti mediċinali veterinarji għal xi speċijiet ta’ annimali, magħrufa bħala speċijiet minuri, u ta’ indikazzjonijiet speċifiċi fi speċijiet oħra (użijiet minuri) li huma ta’ importanza soċjoekonomika speċjali għall-Ewropa.

3.2.4.

Fid-dawl ta’ dan, hemm bżonn ta’ politika fil-livell Ewropew sabiex tiġi promossa d-disponibbiltà ġenwina tal-prodotti mediċinali veterinarji għall-ispeċijiet minuri u użijiet minuri, u b’hekk tiġi garantita l-kwalità, is-sigurtà u l-effikaċja tagħhom waqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li l-iżvilupp tagħhom ikun ekonomikament vijabbli għall-intrapriżi fil-qasam tas-saħħa tal-annimali.

3.2.5.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni ta’ tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi billi ġew semplifikati r-rekwiżiti tat-tikkettar, il-farmakoviġilanza veterinarja, u permezz ta’ tibdil fil-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u l-għoti tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq għal perjodu illimitat.

3.2.6.

Il-KESE jaqbel mal-introduzzjoni ta’ sistema elettronika għat-tressiq tat-talbiet, kif ukoll mal-kunċett ta’ bażi tad-data ċentrali Ewropea, li għandha tippromovi l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-industrija u l-aġenziji u li għandu jkollha impatt pożittiv fit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi.

3.2.7.

Bl-istess mod, il-miżuri inklużi sabiex jitjieb il-mod kif taħdem is-sistema tal-farmakoviġilanza veterinarja ser ikollhom impatt pożittiv fit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, u b’hekk tiġi garantita s-sigurtà tal-prodotti mediċinali. Għal dan il-għan, l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju huwa kkunsidrat adegwat ħafna.

3.2.8.

Wieħed mill-għanijiet tar-reviżjoni tal-leġislazzjoni huwa li jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku. Dan għandu jinkiseb mingħajr ma jiġu kompromessi għanijiet oħra bħat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u ż-żieda fid-disponibbiltà tal-prodotti mediċinali. Bil-għan li jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-proċedura għall-armonizzazzjoni tas-sommarji tal-karatteristiċi tal-prodotti għandha tkun effiċjenti u ssegwi l-prinċipji tal-proporzjonalità u r-rikonoxximent reċiproku.

3.2.9.

Il-qafas regolatorju l-ġdid għandu jħeġġeġ l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti mediċinali ġodda, speċjalment l-antibijotiċi, li għalihom hemm bżonn ta’ qafas leġislattiv li jassigura l-kwalità tat-tbassir u jkun ibbażat fuq ix-xjenza filwaqt li jitqies il-“prinċipju tal-prekawzjoni”.

3.2.10.

Il-proposta leġislattiva għandha tippromovi l-użu tal-prodotti mediċinali veterinarji reġistrati fl-UE meta jkun hemm lakuna terapewtika, minflok dawk li jkunu awtorizzati għall-użu mill-bniedem. Fil-prattika l-prodotti mediċinali veterinarji wrew li huma siguri u effettivi. Din l-għażla tirrappreżenta vantaġġ konsiderevoli meta mqabbla mal-użu tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, li ma wrewx li huma siguri u effettivi biex jintużaw mill-annimali. Barra minn hekk, dan l-aspett huwa ta’ importanza speċjali fil-kuntest tar-reżistenza bl-użu tal-antimikrobiċi, peress li l-proposta attwali tippermetti l-użu tal-antibijotiċi għall-użu mill-bniedem bħala l-ewwel għażla meta jkun hemm lakuna terapewtika.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Għalf medikat

4.1.1.

L-Artikolu 2 – “Definizzjonijiet” – għandu jiċċara t-termini li ġejjin li jintużaw fid-dokument: “sustanza attiva”, “għalf mhux destinatarju”, “mikser mobbli” u “mikser fl-azjenda”; dawn it-termini huma rilevanti għall-iżvilupp tal-leġislazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni wkoll li t-terminoloġija tkun preċiża biżżejjed sabiex ma tidħolx f’kunflitt mal-ismijiet eżistenti u li huma rikonoxxuti fil-leġislazzjonijiet nazzjonali.

4.1.2.

Għandha tiġi stabbilita skadenza iktar raġonevoli għar-riċetti tal-veterinarju bil-għan li l-kura titwettaq mingħajr ma tiġi kompromessa s-sigurtà tal-annimal. Għal dan il-għan tkun idea tajba li l-iskadenza tiġi estiża minn tliet ġimgħat għal perjodu ta’ żmien adatt.

4.1.3.

Il-veterinarju jew il-professjonist kwalifikat b’ħiliet speċjalizzati għandu, waqt li jwettaq il-professjoni tiegħu, jindika kemm ser ittul il-kura li ser tiġi pprovduta, il-kwantità adegwata tagħha, il-perjodu ta’ stennija, eċċ., waqt li bħala bażi juża l-informazzjoni indikata fil-lista tal-karatteristiċi tal-prodott. Dawn l-istruzzjonijiet għandhom ikunu parti mir-riċetta li tinħareġ mill-veterinarju uffiċjali għall-għalf medikat. Il-bidwi għandu jsegwi din ir-riċetta u jivverifika l-konsistenza ta’ dawn l-istruzzjonijiet mal-informazzjoni mniżżla fil-lista tal-karatteristiċi tal-prodott. F’każ ta’ diskrepanza, il-produttur ikun eżenti mir-responsabbiltà. Il-kura tal-annimali hija r-responsabbiltà tal-veterinarju, li jaf u huwa responsabbli mis-sitwazzjoni tal-boton. Meta l-bidwi jkun obbligat jirrispetta b’mod strett l-informazzjoni fil-lista tal-karatteristiċi tal-prodott tal-lista, dan ikun jimplika, fil-fatt, li l-istess bidwi ser jassumi l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-veterinarju.

4.1.4.

Huwa adegwat li jiġi permess l-użu preventiv tal-antimikrobiċi, anke jekk dan huwa limitat għal każijiet strettament neċessarji u meta dawn ikunu ġustifikati. Taħt l-ebda ċirkostanza m’għandu jiġi permess l-użu preventiv ta’ rutina tal-antimikrobiċi, u għandhom jiġu promossi l-prattiki tajba ta’ iġjene u ġestjoni.

4.1.5.

Il-KESE jappella sabiex ir-regolament jindika liema leġislazzjoni qed issir referenza għaliha meta jiġu inklużi r-rekwiżiti dwar il-kwalità tal-ilma u l-materjal tal-katusi. Fir-rigward tat-tolleranzi permessi fit-tikkettar, m’għandha ssir l-ebda distinzjoni fil-prodotti peress li l-prodotti kollha jridu jgħaddu mill-istess proċess ta’ awtorizzazzjoni bl-istess rekwiżiti mingħajr l-ebda differenza.

4.1.6.

Il-fatt li jkun hemm devjazzjoni fit-tikkettar jista’ jkun riżultat ta’ żball tekniku jew analitiku (inċertezza fil-kejl minħabba l-metodu analitiku u t-tip u l-kontenut tas-sustanza attiva) u dan jiġri kemm jekk huwa għalf bl-antimikrobiċi jew mingħajr. Barra minn hekk, l-iżball fil-metodi analitiċi li jiddeterminaw l-antimikrobiċi f’għalf huwa akbar minn sustanzi oħra u dan jindika li r-riproduzzjoni hija inqas u għalhekk tolleranza daqshekk ristretta mhiex ġustifikata.

4.1.7.

Il-KESE japprezza wkoll li l-omoġeneità tal-prodott diġà hija garantita fit-testijiet imwettqa sabiex il-prodott jiġi awtorizzat.

4.1.8.

Ir-rekwiżit li l-għalf medikat li jinkludi d-doża ta’ kuljum ta’ prodott mediċinali veterinarju jitħallat ma’ mill-inqas 50 % tal-għalf li jingħata kuljum joħloq kumplikazzjonijiet fil-prattika u għandu jiġi estiż kif ġej: “L-għalf medikat li jinkludi d-doża ta’ kuljum ta’ prodott mediċinali veterinarju jrid ikun fih mill-inqas 50 % tar-razzjon ta’ kuljum ta’ għalf komplut jew ta’ għalf supplimentari (materja niexfa).

4.2.   Prodotti mediċinali veterinarji

4.2.1.

Il-bżonn li jkun hemm stennija ta’ sitt xhur bejn proċedura nazzjonali u t-tressiq ta’ talba għal rikonoxximent reċiproku jista’ joħloq problemi jekk tinqala’ sitwazzjoni serja fis-saħħa tal-annimal jew fis-saħħa pubblika. Għalhekk, għandu jkun hemm eżenzjoni għal dan il-perjodu ta’ sitt xhur minimu f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Fl-istess ħin, u sabiex jiġi evitat id-dewmien fil-proċeduri, għandha tiġi stabbilita data għall-konklużjoni tal-proċeduri deċentralizzati u r-rikonoxximent reċiproku għall-Istat Membru ta’ referenza.

4.2.2.

Għandu jiġi promoss l-iżvilupp ta’ prodotti mediċinali veterinarji għall-ispeċijiet kollha tal-annimali billi tiġi estiża l-protezzjoni tal-investiment u l-innovazzjoni mhux biss fil-każ tal-ispeċijiet minuri iżda għall-ispeċijiet kollha. Għalhekk tkun idea tajba li jiġi estiż il-perjodu ta’ protezzjoni tad-data għall-ispeċijiet kollha, inkluż għall-każijiet fejn l-awtorizzazzjoni tiġi estiża biex tkopri aktar minn speċi waħda.

4.2.3.

L-ispeċijiet differenti tal-annimali u l-mard differenti jeħtieġu forom differenti ta’ amministrazzjoni, u dan jeħtieġ għamliet farmaċewtiċi differenti (pereżempju likwidi, solidi, ġell, injezzjonijiet, eċċ.). Bidla fl-għamla farmaċewtika teħtieġ li l-prodott ikun kważi żviluppat kollu, u għalhekk għandu jkun hemm protezzjoni ta’ dan l-investiment.

4.2.4.

Ir-rekwiżiti tat-tikkettar għall-ippakkjar immedjat u estern għandhom ikunu iktar flessibbli sabiex, apparti l-informazzjoni obbligatorja, tiġi inkluża informazzjoni oħra addizzjonali li tista’ tkun ta’ interess għall-utenti.

4.2.5.

Il-benefiċċji mill-użu tal-midja elettronika jistgħu jinkisbu biss meta tkun teżisti proċedura armonizzata unika fl-Istati Membri kollha, li tuża l-istess format u tapplika għall-proċeduri kollha.

4.2.6.

Il-proċedura sabiex jiġi armonizzat is-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott għandha tkun proċedura purament amministrattiva, waqt li tiġi evitata l-valutazzjoni mill-ġdid tal-prodotti li wrew li huma siguri u effettivi fis-suq għal diversi snin, u b’hekk jiġi evitat ammont żejjed ta’ xogħol.

4.2.7.

Il-leġislazzjoni proposta jista’ jkollha impatt negattiv fuq l-iżvilupp ta’ antibijotiċi ġodda fil-mediċina veterinarja jekk ma tiġix żgurata l-eżistenza ta’ suq prevedibbli, stabbli u trasparenti li jipprovdi inċentiv għall-kumpaniji.

4.2.8.

Ikun rakkomandabbli li tiġi stabbilita sistema ta’ klassifikazzjoni meta jintużaw il-prodotti mediċinali minħabba lakuna terapewtika, waqt li tingħata prijorità lill-użu tal-prodotti mediċinali veterinarji reġistrati fl-UE u jiġi limitat l-użu tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem għal każijiet fejn m’hemmx alternattivi fil-mediċina veterinarja.

Brussell, 21 ta’ Jannar 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


23.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 242/61


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn ekonomija ta’ suċċess immexxija mid-dejta”

(COM(2014) 442 final)

(2015/C 242/11)

Relatur:

is-Sinjura Anna NIETYKSZA

Nhar is-16 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn ekonomija ta’ suċċess immexxija mid-dejta”

COM(2014) 442 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Jannar 2015.

Matul il-504 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Jannar 2015 (seduta tal-21 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’213-il vot favur, vot wieħed (1) kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jqis bir-reqqa l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni biex l-Unjoni Ewropea tiżviluppa f’ekonomija ta’ suċċess immexxija mid-data, jiġifieri ekonomija diġitali li tuża t-teknoloġija tal-informazzjoni. Il-pjan ta’ azzjoni koordinat għal dan il-għan għandu jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jitfassal pjan ta’ azzjoni dettaljat.

1.2.

Il-programm tal-Unjoni “Orizzont 2020” u l-programmi nazzjonali ta’ finanzjament tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll il-miżuri li jħeġġu l-intraprenditorija u l-innovazzjoni settorjali ser jaqdu rwol importanti fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-għanijiet.

1.3.

Il-KESE jenfasizza li t-tifrix wiesa’ tat-teknoloġija tal-informazzjoni f’kull aspett tal-ħajja soċjali u ekonomika, kulturali u edukattiva jwassal għal opportunitajiet kbar. L-opportunitajiet għall-iżvilupp provduti mill-ICT ma jikkonċernawx biss lill-korporazzjonijiet u l-kumpaniji l-kbar Ewropej, iżda anke l-intrapriżi innovattivi: l-SMEs u l-mikrointrapriżi.

1.4.

Sabiex dawn il-possibbiltajiet jiġu sfruttati kompletament, jeħtieġ li jiġu appoġġjati r-riċerka u l-iżvilupp relatati mal-IT fl-oqsma tax-xjenzi tekniċi, u anke fix-xjenzi soċjali kif ukoll ekonomiċi. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE għandhom bżonn jiżviluppaw mekkaniżmi effettivi ta’ finanzjament pubbliku ta’ riċerka u inċentivi għall-finanzjament ta’ din ir-riċerka mis-settur privat. Il-KESE jiddispjaċih dwar it-tnaqqis konsiderevoli fl-approprjazzjonijiet għall-finanzjament tal-infrastruttura diġitali fil-qafas tal-kollegament tal-Ewropa u jirrakkomanda bil-qawwa li jinsiltu l-konklużjonijiet adatti. Il-pjan ta’ investiment ġdid ippreżentat mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker f’Diċembru 2014, bil-għan li jimmobilizza mill-inqas EUR 315 biljun fil-forma ta’ investimenti pubbliċi u privati addizzjonali f’oqsma ewlenin bħalma huma l-infrastruttura diġitali, f’dan il-kuntest huwa reazzjoni politika partikolarment milqugħa.

1.5.

Bil-għan li jiġi żgurat li l-ekonomija mmexxija mid-data tiżviluppa mingħajr xkiel, għandhom jiġu previsti qafas legali adatt u strateġiji kif ukoll miżuri għall-protezzjoni tad-data personali u s-sigurtà tal-informazzjoni u anke biex tiġi implimentata strateġija Ewropea għaċ-ċibersigurtà. Il-protezzjoni u s-sigurtà tal-informazzjoni ser isaħħu l-fiduċja tal-konsumaturi kif ukoll iċ-ċertezza ekonomika għall-intraprendituri.

1.6.

Il-KESE jenfasizza li sabiex jiġu protetti d-data u s-sigurtà tal-informazzjoni jeħtieġ li jkun hemm kooperazzjoni bejn il-livell nazzjonali u dak Ewropew tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-korpi regolatorji tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-korpi tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetizzjoni.

1.7.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja kull miżura intiża biex jitwettqu l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa bħala mod biex jinbnew il-pedamenti tal-ekonomija mmexxija mid-data u għall-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-broadband veloċi disponibbli b’mod wiesa’ u aċċess għal servizzi tal-cloud interoperabbli u affidabbli, l-ipproċessar ta’ settijiet kbar ta’ data (big data), l-Internet tal-Oġġetti (IoT) u netwerks ġodda tal-komunikazzjoni elettronika (NGN), inkluż dawk ippreparati bl-użu ta’ 5G u teknoloġiji sussegwenti.

1.8.

Qed ifeġġu teknoloġiji diġitali li qed joħolqu valuri ġodda mhux biss fl-ekonomija iżda fl-oqsma kollha tal-ħajja soċjali u kulturali. Għalhekk huwa importanti ħafna li jiġu żviluppati l-kompetenzi diġitali fis-soċjetà kollha kemm hi, inklużi għall-anzjani u dawk l-individwi f’riskju ta’ esklużjoni soċjali, ekonomika u kulturali, għal raġunijiet ta’ saħħa, raġunijiet ekonomiċi jew raġunijiet edukattivi. Għandhom jiddaħħlu fuq bażi mifruxa programmi u metodi ta’ tagħlim ġodda, speċjalment għat-tħejjija tal-ħaddiema biex jitħarrġu mill-ġdid u jiksbu ħiliet ġodda.

1.9.

Fis-snin li ġejjin, l-amministrazzjonijiet pubbliċi ser ikollhom jottimizzaw l-użu tad-data diġitali u l-kanali ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex tiżdied l-effiċjenza u tiġi żviluppata kooperazzjoni mifruxa maċ-ċittadini billi jagħmlu użu mill-parteċipazzjoni attiva tagħhom. Il-prekundizzjoni għal din il-parteċipazzjoni hija servizzi pubbliċi pjanati sew u data miftuħa f’formati li jinqraw mill-magni f’kull qasam tal-ekonomija u tal-amministrazzjoni. Il-KESE jirrakkomanda li jsir taħriġ tal-persunal tal-amministrazzjoni fuq skala mifruxa għat-titjib tal-ħiliet diġitali, inklużi l-ħiliet li jippermettu d-definizzjoni ta’ servizzi moderni kif ukoll ħiliet biex jiġu ordnati u użati s-servizzi ta’ esperti u speċjalisti.

1.10.

Il-KESE jirrakkomanda lill-amministrazzjonijiet pubbliċi biex jiżguraw li l-informazzjoni pubblika tkun tista’ tintuża mill-ġdid billi jipprovdu informazzjoni pubblika f’formati ta’ data miftuħa u li tista’ tinqara mill-magni bil-kundizzjoni li jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa. L-aċċess għal informazzjoni pubblika li tista’ terġa’ tintuża huwa partikolarment rilevanti għall-SMEs Ewropej.

2.   Sommarju u kuntest tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1.

L-ekonomija mmexxija mid-data u, b’mod ġenerali, l-ekonomija diġitali, hija qasam strateġiku ekonomiku importanti għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Illum il-ġurnata d-data diġitali hija l-bażi għall-attività ta’ kull qasam tal-ekonomija, tal-amministrazzjoni pubblika, tal-kultura u tas-servizzi soċjali u dawk tas-saħħa. L-użu innovattiv ta’ din id-data huwa s-sors prinċipali ta’ produttività msaħħa għall-ekonomija tal-Unjoni.

2.2.

Bis-saħħa tal-użu mifrux ta’ data diġitali u diġitalizzata flimkien mat-trażmissjoni u l-ipproċessar faċli, din id-data ssir riżorsa ġdida u ta’ valur partikolari għas-soċjetà u l-ekonomija.

2.3.

Id-data diġitali llum tiġi ġenerata, miġbura u proċessata f’kull qasam tal-ħajja ekonomika u soċjali. Kulma jmur qed jiżdiedu iktar il-kumpaniji innovattivi bbażati fuq id-data diġitali u li din hija l-fokus prinċipali tal-kummerċ tagħhom. Id-data spazjali u tal-ġeolokazzjoni huma element ta’ valur partikolari tal-ekonomija mmexxija mid-data.

2.4.

Is-settur tas-suq tal-IT li qed jikber l-iżjed malajr huwa l-big data. Skont analiżi tal-IDC, bejn l-2012 u l-2017 dan is-settur ser jikber b’rata annwali medja ta’ madwar 27 % (rata sitt darbiet iktar mgħaġġla mis-suq tal-ICT kollu kemm hu) u bis-saħħa t’hekk sal-2017 il-valur tas-suq globali fit-teknoloġiji u s-servizzi tal-big data għandu jilħaq it-EUR 23,7 biljun. Anke s-servizzi tal-cloud huma mistennija jikbru b’rata mgħaġġla ħafna.

2.5.

Minħabba l-iżvilupp osservat għas-soluzzjonijiet u l-applikazzjonijiet tal-Internet tal-Oġġetti, li jinkludi l-infrastruttura tal-belt intelliġenti, fis-snin li ġejjin probabbilment ser naraw żieda enormi fil-volum ta’ data li toriġina mill-iżvilupp tal-Internet tal-Oġġetti. Skont il-previżjoni tal-kumpaniji tar-riċerka sal-2020 l-għadd ta’ għodod tat-tip “smart object” tal-Internet tal-Oġġetti madwar id-dinja ser jiżdied għal 26 biljun, ħafna darbiet iktar mill-għadd ta’ kompjuters konnessi mal-internet. Kemm il-kumpaniji kif ukoll il-gvernijiet ser ikollhom jitgħallmu jaħdmu b’din iż-żieda kbira fil-volumi tad-data u jisfruttawha b’mod kreattiv.

2.6.

Huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-ekonomija tal-Istati Membri tal-UE tkun tista’ tirrilaxxa l-potenzjal ekonomiku enormi tal-big data u l-Internet tal-Oġġetti, inklużi l-kumpaniji innovattivi li jipprovdu soluzzjonijiet f’dawn l-oqsma u l-intrapriżi mis-setturi kollha l-oħra tal-ekonomija tal-UE, li japplikawhom fl-oqsma ta’ attività tagħhom.

2.7.

Fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jinħolqu kundizzjonijiet li jiffaċilitaw il-cloud computing, l-infrastruttura tas-sistemi tal-computing bi prestazzjoni għolja (high performace computing – HPC) u l-pjattaformi u s-servizzi li jagħmlu użu minn dawn is-soluzzjonijiet. Skont l-istimi tal-Kummissjoni (1), is-servizzi tal-cloud jistgħu jikkontribwixxu għal żieda ta’ 2,5 miljun impjieg fl-Ewropa u biex il-PDG tal-Istati Membri tal-UE jiżdied b’EUR 160 biljun sal-2020.

2.8.

Fil-fehma tal-Kummissjoni element kruċjali ieħor huwa l-innovazzjoni mmexxija mid-data (Data Driven Innovation – DDI), jiġifieri l-kapaċità tal-intrapriżi u l-gvernijiet li jużaw b’mod kreattiv l-informazzjoni derivata minn analiżi profonda tad-data, inkluż l-informazzjoni pubblika disponibbli għall-użu mill-ġdid. Il-proċess tal-ftuħ tad-data u li din issir disponibbli għall-użu mill-ġdid jista’ jwassal għal benefiċċji ekonomiċi għall-Istati Membri tal-UE ta’ kważi EUR 40 biljun fis-sena, filwaqt li l-benefiċċji ekonomiċi totali diretti u indiretti mill-applikazzjoni u l-użu tal-informazzjoni tas-settur pubbliku fl-ekonomija tal-UE-27 huma stmati għal EUR 140 biljun fis-sena (2).

2.9.

Il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li dan ser jirrikjedi speċjalisti kwalifikati ħafna, applikazzjoni wiesgħa tad-data miftuħa u l-ħolqien ta’ qafas legali adatt dwar is-sjieda tad-data, il-protezzjoni tagħha u l-mezzi biex issir disponibbli.

2.10.

Il-programm tal-Unjoni “Orizzont 2020” u l-programmi ta’ finanzjament nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll il-miżuri li jħeġġu l-intraprenditorija u l-innovazzjoni settorjali ser jaqdu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjani.

2.11.

Il-Kummissjoni Ewropea ser tuża diversi mezzi biex tappoġġja l-intraprenditorija diġitali fl-Ewropa, l-iktar billi tippromovi l-aċċess miftuħ għad-data, tiffaċilita l-aċċess għall-cloud computing, tiżviluppa rabtiet u kooperazzjoni bejn l-inkubaturi lokali tad-data u tiżviluppa l-ħiliet u l-kompetenzi diġitali, anke abbażi tal-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali

3.1.

B’mod ġenerali, il-KESE jaċċetta u japprova l-karatteristiċi ta’ ekonomija ta’ suċċess immexxija mid-data kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Kif diġà ġie enfasizzat f’din il-Komunikazzjoni, l-analiżi tad-data tfisser riżultati, proċeduri u deċiżjonijiet aħjar, li jistimolaw l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ġodda filwaqt li jkun possibbli li jiġu previsti t-tendenzi u jitħejjew avveniment futuri. Madankollu, il-Kumitat jinnota li l-Komunikazzjoni ma ssemmix b’mod ċar l-istrateġija ta’ azzjoni tal-Kummissjoni sabiex din l-ekonomija tiġi żviluppata fl-UE.

3.2.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta’ wħud mill-attivitajiet proposti fil-Komunikazzjoni għall-iżvilupp tal-infrastruttura fis-sens wiesa’ meħtieġa għal ekonomija mmexxija mid-data, b’mod partikolari:

id-disponibbiltà ta’ infrastruttura neċessarja, affidabbli li tippermetti l-interoperabbiltà tas-sistemi għall-ġbir, l-ipproċessar u l-użu tad-data – inkluża l-infrastruttura li tagħmel użu mifrux mis-soluzzjonijiet u s-servizzi effettivi u siguri tal-cloud,

id-disponibbiltà ta’ ġabriet ta’ data affidabbli u ta’ kwalità għolja,

kundizzjonijiet u oqfsa legali, organizzattivi u edukattivi adatti għall-kooperazzjoni, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol biex tiġi faċilitata l-kooperazzjoni bejn korpi differenti biex jiġi żgurat livell adatt ta’ ħiliet u li jiġu żviluppati soluzzjonijiet ibbażati fuq użu innovattiv tad-data,

appoġġ għall-politiki u l-ħolqien ta’ qafas legali li jistimolaw l-użu innovattiv tad-data miftuħa u li tista’ tinqara minn magna f’kull qasam tal-ekonomija u l-gvern.

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi

4.1.

Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp u l-użu ta’ mekkaniżmi u riżorsi provduti fil-programm Orizzont 2020, speċjalment dawk intiżi biex jagħtu aċċess għal soluzzjonijiet tal-pjattaformi ta’ servizz bħal PaaS (Platform as a Service), SaaS (Software as a Service), IaaS (Infrastructure as a Service) u oħrajn, ibbażati fuq soluzzjonijiet tal-cloud pubbliċi, privati u ibridi.

4.2.

Il-KESE jappoġġja l-miżuri mmirati lejn l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropea tal-cloud, u biex tiġi stabbilita s-Sħubija Ewropea dwar il-Cloud Computing, b’konformità mal-Opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

4.3.

Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ sħubijiet pubbliċi-privati kuntrattwali (cPPP), kif propost mill-Kummissjoni, iżda jemmen li huwa fundamentali li jitfasslu b’mod ċar strateġiji fit-tul u politiki simili fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u f’dak finanzjarju.

4.4.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jkun hemm finanzjament xieraq tar-riċerka u l-implimentazzjoni f’oqsma fejn fis-snin li ġejjin ser ikun hemm żvilupp mgħaġġel ħafna u li huma essenzjali biex tinżamm il-kompetittività globali tal-ekonomija tal-UE. Fuq kollox dawn jinkludu: l-ipproċessar ta’ ġabriet kbar ta’ big data, l-Internet tal-Oġġetti (IoT) u netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss għall-komunikazzjoni elettronika (NGN), inkluż dawk li jużaw teknoloġiji 5G – li diġà lesta – u teknoloġiji sussegwenti, u anke kwistjonijiet relatati maċ-ċibersigurtà.

4.5.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-preċiżjoni u l-affidabbiltà tar-riżultati tal-ipproċessar tal-big data u s-sistemi ta’ analiżi tad-data u r-riċerka. Għalhekk, għandhom jiġu appoġġjati s-sistemi ta’ riċerka u implimentazzjoni, inkluż dawk fil-qasam tar-riċerka semantika, l-analiżi tad-data ġeospazjali u l-ipproċessar mgħaġġel tal-big data. Huwa kruċjali li jiġu żgurati riżorsi adatti għall-ħidma ta’ riċerka fid-dawl tat-tendenzi ta’ qtugħ fil-baġits tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-Kunsill – bejn EUR 9 biljun u EUR 1,4 biljun.

4.6.

Il-finanzjament tal-ħidma tal-iżvilupp u l-innovazzjoni tal-istart-ups fl-ekonomija diġitali huwa ferm importanti peress li għad m’hemmx mekkaniżmi finanzjarji adattati għall-ħtiġiet tagħhom. Il-finanzjament tas-setturi ta’ teknoloġija l-ġodda għandu jinvolvi l-kollaborazzjoni adatta tal-finanzjament mill-Orizzont 2020 u programmi ewlenin ta’ riċerka oħra tal-UE, ir-riżorsi baġitarji tal-Istati Membri u tal-kumpaniji privati u jħeġġeġ ukoll il-kooperazzjoni strateġika permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati bbażati fuq kuntratti (PKF).

4.7.

Biex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-ekonomija mmexxija mid-data huwa importanti ħafna li l-ħaddiema jitħarrġu mill-ġdid sabiex ikollhom il-ħiliet meħtieġa biex jaħdmu f’impjiegi u setturi ġodda emerġenti tal-ekonomija. Dan huwa partikolarment importanti peress li huwa previst li sal-2020 80 % tal-impjiegi ser jirrikjedu għarfien u ħiliet diġitali.

4.8.

Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li jkun hemm aktar enfasi fuq l-edukazzjoni li tista’ tgħammar lil kulħadd bil-kompetenzi u l-ħiliet diġitali meħtieġa biex jintużaw l-istrumenti u servizzi diġitali li qed jaqdu rwol dejjem ikbar fil-ħajja ekonomika u soċjali tagħna, fl-amministrazzjoni pubblika u fil-kultura. Dan l-approċċ għandu jkopri kull stadju u forma tal-edukazzjoni: mill-edukazzjoni primarja sa dik tal-adulti.

4.9.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati oqfsa u mezzi regolatorji ġodda adatti għall-bidliet antiċipati u l-ħtieġa tal-iżvilupp ta’ ekonomija mmexxija mid-data.

4.10.

Fil-qafas tal-politiki regolatorji, u b’konformità mal-Opinjoni tiegħu dwar “Niddefinixxu l-futur tal-governanza tal-Internet” (TEN/549), il-KESE huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ġestjoni tal-katina tal-valur tal-internet, biex jiġi żgurat li l-fornituri kollha tal-kontenut u s-servizzi involuti fil-katina jirċievu sehem mill-qligħ tas-servizzi u prodotti diġitali li jirrifletti l-investiment tagħhom.

4.11.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu implimentati b’mod effettiv mekkaniżmi bħal dawk deskritti u provduti fir-Regolament eIDAS, li jkollhom l-għan li jsaħħu l-fiduċja fl-ekonomija diġitali billi jiżguraw bażi legali konsistenti fl-Unjoni għall-interazzjoni elettronika bejn il-kumpaniji, iċ-ċittadini u l-korpi pubbliċi.

4.12.

F’dan il-kuntest, qed isir dejjem iżjed importanti li jiġi ddenunzjat il-falliment ovvju tan-negozjati interistituzzjonali dwar ir-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data, li ilu xhur għand il-Kunsill mingħajr l-ebda ħjiel ta’ soluzzjoni. Din is-sitwazzjoni tagħmel ħsara ċara lill-partijiet interessati kollha, b’mod speċjali f’oqsma daqstant importanti biex jiġi lliberat bis-sħiħ il-potenzjal tal-ekonomija mmexxija mid-data.

4.13.

Il-qafas regolatorju ġdid irid, minn naħa, jagħmilha possibbli biex il-kumpaniji fis-suq jiżviluppaw u jappoġġjaw l-innovazzjoni u l-kompetittività, filwaqt li, minn naħa oħra, jissalvagwardja l-kummerċ u d-drittijiet u l-privatezza tal-konsumaturi. Il-kwistjonijiet relatati maċ-ċibersigurtà huma ta’ importanza kbira peress li fin-netwerk tal-informazzjoni u l-cloud computing ser ikun hemm dejjem iktar data importanti ħafna mill-perspettiva ekonomika u dik soċjali, inkluża data sensittiva, pereżempju informazzjoni medika.

4.14.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li l-Komunikazzjoni ftit li xejn tirreferi għall-kwistjoni tad-drittijiet tal-proprjetà tad-data, jew għall-importanza li jiġu żviluppati soluzzjonijiet għall-protezzjoni adegwata tal-proprjetà intellettwali skont il-ħtiġiet tal-ekonomija diġitali, inkluż fl-industriji kreattivi li fis-snin li ġejjin ser ikunu wieħed mis-setturi bl-iktar tkabbir dinamiku.

4.15.

Il-KESE jinsab lest li jikkoopera ma’ organizzazzjonijiet oħra, fost oħrajn bil-għan li jsaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur fis-servizzi tal-ekonomija diġitali, fit-tfassil ta’ programmi u strateġiji fit-tul u anke l-programmi edukattivi li jiffavorixxu t-twettiq tagħhom.

Brussell, il-21 ta’ Jannar 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Il-Komunikazzjoni dwar L-Isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa (COM(2012)529 final).

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Dejta miftuħa – Mezz għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-governanza trasparenti, COM(2011) 882 final.


23.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 242/66


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-miżuri li l-Unjoni tista’ tadotta relatati mal-effett ikkombinat ta’ miżuri kontra d-dumping u kontra s-sussidji b’miżuri ta’ salvagwardjar (kodifikazzjoni)”

COM(2014) 318 final – 2014/0164 (COD)

(2015/C 242/12)

Nhar l-20 ta’ Ottubru 2014, il-Parlament Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-miżuri li l-Unjoni tista’ tadotta relatati mal-effett ikkombinat ta’ miżuri kontra d-dumping u kontra s-sussidji b’miżuri ta’ salvagwardjar (kodifikazzjoni)”

COM(2014) 318 final – 2014/0164 (COD)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul il-504 sessjoni plenarja tiegħu tal-21 u t-22 ta’ Jannar 2015 (seduta tal-21 ta’ Jannar), b’219-il vot favur, vot wieħed (1) kontra u 10 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, il-21 ta’ Jannar 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE