KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-10 ta’ April 2014 ( 1 )

Kawża C‑19/13

Ministero dell’Interno

vs

Fastweb SpA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja)]

“Kuntratti pubbliċi — Direttiva 89/665/KEE — Proċedura ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi — Assenza tal-kundizzjonijiet mitluba għal proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt — Setgħa tal-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni li jiddikjara l-kuntratt tal-għoti bħala wieħed ineffettiv — Portata tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665/KEE, li tistabbilixxi li dan il-korp għandu jħalli fis-seħħ l-effetti tal-kuntratt — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Dritt għal rimedju effettiv”

1. 

Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi mistiedna tippreċiża l-poteri ta’ annullament u ta’ sanzjoni, konċessi lil qorti nazzjonali permezz tal-Artikolu 2d tad-Direttiva 89/665/KEE ( 2 ), meta din tiddikjara li l-kuntratt pubbliku ġie mogħti bi ksur tar-regoli ta’ reklamar u ta’ sejħa għal offerti, mitluba mid-Direttiva 2004/18/KE ( 3 ).

2. 

Id-Direttiva 89/665 għandha l-għan li taċċerta applikazzjoni effettiva tar-regoli relatati mal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, billi tiggarantixxi l-eżistenza, fl-Istati Membri kollha, ta’ proċeduri ta’ reviżjoni effikaċi u rapidi ( 4 ). Permezz tal-emenda introdotta bid-Direttiva 2007/66, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq itejjeb l-effikaċja ta’ dawn il-proċeduri billi saħħaħ il-garanziji tat-trasparenza u tan-nondiskriminazzjoni. Għal dan il-għan, dan tal-aħħar introduċa, fl-Artikolu 2d tad-Direttiva 89/665, sanzjonijiet li għandhom ikunu effikaċi u dissważivi ( 5 ) b’mod li jiggarantixxu protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-offerenti potenzjali u tal-operaturi ekonomiċi leżi u li jissieltu kontra l-ksur l-iktar gravi tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, jiġifieri l-għoti illegali ta’ kuntratti bi ftehim reċiproku.

3. 

Għalhekk, skont l-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva 89/665, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus li huwa ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti, jekk l-awtorità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea meta dan ma jkunx permissibbli skont id-Direttiva 2004/18/KE.

4. 

Teżisti madankollu eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665, li l-portata tagħha għandha tiġi hawnhekk eżaminata.

5. 

Din id-dispożizzjoni hija redatta kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu ma japplikax, fejn:

l-awtorità kontraenti tqis li l-għoti ta’ kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea huwa permess skond id-Direttiva 2004/18/[…],

l-awtorità kontraenti ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea avviż kif deskritt fl-Artikolu 3a ta’ din id-Direttiva fejn esprimiet l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi l-kuntratt, u

il-kuntratt ma ġiex konkluż qabel l-iskadenza ta’ perjodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarji mill-ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż.”

6. 

Skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/665, l-awtorità kontraenti għandha tindika, fl-avviż tagħha li juri l-intenzjoni għall-konklużjoni tal-kuntratt, isimha kif ukoll id-dettalji tagħha. Għandha wkoll tiddeskrivi l-għan tal-kuntratt u tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tagħtih mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel tal-avviż tal-kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha, barra minn hekk, tindika l-isem u d-dettalji tal-operatur ekonomiku li lilu ġie deċiż li jingħata l-kuntratt u jekk meħtieġ, għandha żżid kwalunkwe informazzjoni li hija tqis li hija utli għal dan il-għan.

7. 

L-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665 jipprova jiffaċilita r-reviżjoni prekuntrattwali, inkwantu permezz tal-pubblikazzjoni tal-avviż li jesprimi l-intenzjoni għall-konklużjoni tal-kuntratt ( 6 ) u tas-sospensjoni tal-firma tal-kuntratt għal perijodu minimu ta’ għaxart ijiem, l-imħallef jista’ jikkoreġi fil-ħin il-ksur tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 7 ).

8. 

Permezz tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tiegħu, il-Consiglio di Stato (l-Italja) qiegħed jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni u l-validità ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fil-ġurisprudenza bħala prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

9. 

Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Ministero dell’Interno (ministeru tal-intern) u Fastweb SpA (iktar ’il quddiem “Fastweb”). Din it-tilwima tikkonċerna l-għoti lil Telecom Italia SpA (iktar ’il quddiem “Telecom Italia”), ta’ kuntratt pubbliku relatat mal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għal perijodu ta’ seba’ snin u għall-valur ta’ EUR 521 500 000.

10. 

Huwa stabbilit, fil-kawża preżenti, li l-Ministero dell’Interno naqas milli josserva r-regoli relatati mal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, billi pproċeda għall-għoti ta’ dan il-kuntratt permezz tal-proċedura nnegozjata, mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż tal-kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

11. 

Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Jannar 2013, il-Consiglio di Stato ddeċieda li l-għoti inkwistjoni kien illegali u annullah.

12. 

Madankollu, il-Consiglio di Stato ddikjara li l-Ministero dell’Interno ppubblika, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, avviż li jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jikkonkludi l-kuntratt ma’ Telecom Italia, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/665. Irrikonoxxa wkoll li dan tal-aħħar osserva t-terminu tas-sospensjoni minima ta’ għaxart ijiem bejn l-għoti tal-kuntratt u l-iffirmar tiegħu. Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 2d(4) ta’ din id-direttiva, il-qorti nazzjonali hija għalhekk marbuta li żżomm fis-seħħ l-effetti ta’ dan il-kuntratt, minkejja l-illegalità ta’ dan tal-aħħar.

13. 

Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar il-firxa tal-poteri ta’ annullament u ta’ sanzjoni konċessi lil qorti nazzjonali.

14. 

Il-Consiglio di Stato, għalhekk, issospenda l-proċeduri u għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva [89/665] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità kontraenti - qabel ma tagħti l-kuntratt direttament lil operatur ekonomiku partikolari, magħżul mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt - tkun ippubblikat l-avviż minħabba trasparenza ex ante volontaire fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tkun stenniet tal-inqas għaxart’ijiem għall-konklużjoni tal-kuntratt, il-qorti nazzjonali hija awtomatikament ipprojbita — dejjem u fi kwalunkwe ipoteżi - milli tiddeċiedi li l-kuntratt ma għandux effett, anki jekk hija tikkonstata l-ksur ta’ regoli li jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-għoti tal-kuntratt mingħajr ma ssir il-proċedura ta’ sejħa għal offerti?

2)

Fil-każ li l-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 2007/66 jiġi interpretat bħala li jeskludi kull possibbiltà li tiġi deċiża l-ineffettività tal-kuntratt skont id-dritt nazzjonali (Artikolu 122 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva), minkejja l-fatt li l-qorti kkonstatat ksur tar-regoli li jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-għoti ta’ kuntratt mingħajr ma ssir il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-imsemmi Artikolu 2d(4) tad-Direttiva [89/665] huwa konformi mal-prinċipji ta’ ugwaljanza bejn il-partijiet, ta’ nondiskriminazzjoni u tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u jiżgura d-dritt għal rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta […]?”

15. 

Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet Taljani, Awstrijaċi u Pollakki kif ukoll il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

16. 

F’dawn il-konklużjonijiet, ser inqis li la l-għan aħħari tad-Direttiva 89/665 u lanqas it-termini tal-Artikolu 2d ma jipprekludu Stat Membru milli jirrikonoxxi, permezz tal-korp li huwa responsabbli mill-proċedura ta’ reviżjoni, il-libertà li tiġi evalwata l-miżura li fiha kuntratt, li ġie konkluż mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel tal-avviż tal-kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi mxejjen mill-effetti tiegħu, meta din l-istanza tiddikjara li, minkejja l-pubblikazzjoni tal-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jesprimi l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi l-kuntratt u l-osservanza tat-terminu minimu ta’ sospensjoni ta’ għaxart ijiem, bejn l-għoti ta’ dan il-kuntratt u l-iffirmar tiegħu, l-awtorità kontraenti kisret ir-regoli ta’ reklamar u ta’ sejħa għal offerti, mitluba mid-Direttiva 2004/18, b’mod deliberat u intenzjonat.

I – Il-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali

17.

Id-dipartiment tas-sigurtà pubblika tal-Ministero dell’Interno, ikkonkluda, fl-2003, ftehim ma’ Telecom Italia għall-ġestjoni u għall-iżvilupp ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, li kellu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011.

18.

Għalhekk, meta dan il-ftehim kien wasal biex jiskadi, il-Ministero dell’Interno ħatar mill-ġdid, permezz tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011, lil Telecom Italia, bħala l-fornitur u s-sieħeb teknoloġiku tiegħu għall-ġestjoni u għall-iżvilupp ta’ dawn is-servizzi.

19.

Fid-dawl tal-għoti tal-kuntratt, il-Ministero dell’Interno qies li seta’ jagħmel użu mill-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel tal-avviż tal-kuntratt, abbażi tat-termini tal-Artikolu 57(2)(b) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163, dwar il-Kodiċi ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal servizzi u għal provvisti, għall-implementazzjoni tad-Direttivi 2005/17/KE u 2004/18/KE (decreto legislativo n. 163 — Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE), tat-12 ta’ April 2006 ( 8 ), li jittrasponi, fl-ordinament ġuridiku Taljan, l-Artikolu 28(1)(e) tad-Direttiva 2009/81/KE ( 9 ).

20.

Skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-awtorità kontraenti tista’ tagħti kuntratt billi tagħmel użu mill-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt “meta, minħabba raġunijiet tekniċi jew relatati mal-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ esklussività, il-kuntratt jista’ jingħata biss lil operatur ekonomiku ddeterminat”.

21.

Fil-każ preżenti, il-Ministero dell’Interno qies li Telecom Italia kienet l-uniku operatur ekonomiku, kapaċi teżegwixxi l-kuntratt ta’ servizzi, għal raġunijiet tekniċi ta’ (ċerti) drittijiet esklużivi.

22.

Din id-deċiżjoni ġiet ippreżentata lill-Avvocatura Generale dello Stato, li, fl-20 ta’ Diċembru 2011, ta’ opinjoni favorevoli dwar il-legalità tal-proċedura prevista.

23.

Fl-istess ġurnata, il-Ministero dell’Interno ppubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, avviż li jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jagħti lil Telecom Italia l-kuntratt dwar “il-provvista, lid-dipartiment tas-sigurtà pubblika u tal-korp tal-pulizijia, ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, b’mod partikolari tat-telefonija vokali, tat-telefonija ċellulari u tat-trażmissjoni tad-data, bl-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha tal-kunfidenzjalità u tas-sigurtà tal-informazzjoni fl-interess tas-sigurtà nazzjonali”.

24.

Fit-22 ta’ Diċembru 2011, il-Ministero dell’Interno adotta d-deċiżjoni amministrattiva li kienet tistieden lil Telecom Italia tipparteċipa fin-negozjati previsti fit-23 ta’ Diċembru 2011.

25.

Il-partijiet iffirmaw il-ftehim qafas fil-31 ta’ Diċembru 2011, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxart ijiem, ikkalkolati mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għal perijodu ta’ seba’ snin u għall-ammont ta’ EUR 521 500 000.

26.

L-avviż tal-għoti tal-kuntratt ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-16 ta’ Frar 2012.

27.

Fastweb ressqet azzjoni għall-annullament quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio, il-korp li huwa responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni miġjuba kontra l-għoti ta’ kuntratt pubbliku fl-Italja. Fastweb talbet li dan l-għoti jiġi ddikjarat bħala null u ineffettiv peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 28(1)(e) tad-Direttiva 2009/81 sabiex tagħmel użu mill-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt, ma kinux jikkonkorru.

28.

It-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio laqat din l-azzjoni. Huwa qies li l-informazzjoni u ċ-ċirkustanzi invokati mill-Ministero dell’Interno ma kinux jikkostitwixxu “raġunijiet tekniċi”, fis-sens tal-Artikolu 57(2)(b) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, iżda kienu msejsa fuq raġunijiet marbuta mal-opportunità u mad-diffikultajiet li setgħu jirriżultaw mill-għoti tal-kuntratt lil operatur ekonomiku ieħor. Wara li annulla l-għoti tal-kuntratt, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio qies li l-kuntratt ma setax jixxejjen mill-effetti tiegħu, inkwantu l-Ministero dell’Interno kien issodisfa l-obbligu tat-trasparenza u kien osserva t-terminu minimu ta’ sospensjoni mitlub mill-Artikolu 121(5) tal-Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva, li jittrasponi l-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665 fl-ordinament ġuridiku Taljan.

29.

Min-naħa l-oħra, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio qies li dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux jipprekluduh milli jiddikjara l-ineffettività tal-kuntratt mill-31 ta’ Diċembru 2013, abbażi tal-Artikolu 122 tal-Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva.

30.

Il-Ministero dell’Interno kif ukoll Telecom Italia ppreżentaw appell quddiem il-Consiglio di Stato.

31.

Dan tal-aħħar ikkonferma l-annullament tal-għoti inkwistjoni. Iddeċieda wkoll li l-awtorità kontraenti ma kinitx ipprovat b’mod suffiċjenti li l-kundizzjonijiet mitluba sabiex tagħmel użu mill-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni tal-avviż kienu ġew sodisfatti. F’dan ir-rigward huwa qies li mit-totalità tal-osservazzjonijiet u tal-provi prodotti, inkluż ir-rapport tekniku, mhux li tant tirriżulta l-impossibbiltà oġġettiva li dawn is-servizzi jiġu fdati f’idejn operaturi differenti, iżda iktar in-natura inopportuna ta’ tali soluzzjoni, essenzjalment għaliex, skont il-Ministero dell’Interno, din is-soluzzjoni kienet iġġib magħha tibdil u spejjeż, u kienet teħtieġ żmien għall-adattament.

32.

Min-naħa l-oħra, il-Consiglio di Stato jistaqsi dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw minn tali annullament, għal dak li għandu x’jaqsam mal-effetti tal-kuntratt inkwistjoni, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665.

II – Id-dritt Taljan

33.

Id-Direttiva 89/665 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Taljan permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 53, tal-20 ta’ Marzu 2010, li l-kontenut tiegħu ġie sussegwentement integrat fl-Artikoli 120 et seq tal-Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva.

34.

L-Artikolu 121(1) tal-Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva jittrasponi, fl-ordinament ġuridiku Taljan, l-Artikolu 2d(1) tad-Direttiva 89/665. Huwa jipprovdi li l-qorti li tannulla l-għoti definittiv, tiddikjara l-ineffettività tal-kuntratt fil-każijiet segwenti, billi tippreċiża, skont il-konklużjonijiet tal-partijiet u tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-aġir tal-entità kontraenti u tas-sitwazzjoni fattwali, jekk id-dikjarazzjoni tal-ineffettività hijiex limitata għal benefiċċji li għad iridu jiġu eżegwiti fid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni, jew jekk hijiex retroattiva:

jekk l-għoti definittiv sar mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana, meta din il-pubblikazzjoni hija mitluba mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006;

jekk l-għoti definittiv sar permezz tal-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni ta’ avviż jew permezz ta’ għoti li għadu fis-seħħ jekk dan ma kienx awtorizzat u li dan kellu bħala konsegwenza l-ommissjoni tal-pubblikazzjoni tal-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana, meta din il-pubblikazzjoni hija mitluba mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006.

35.

L-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665 ġie traspost mill-Artikolu 121(5) tal-Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva u jipprovdi li l-ineffettività tal-kuntratt, prevista fl-Artikolu 121(1)(a) u (b) ta’ dan l-artikolu, ma japplikax meta l-entità kontraenti tkun:

iddikjarat, permezz ta’ att motivat li jsir qabel il-proċedura tal-għoti, li l-proċedura mingħajr pubblikazzjoni minn qabel tal-avviż tal-kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana hija permessa mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006;

ippubblikat avviż, għal kuntratti b’dimensjoni Komunitarja u għal dawk inferjuri għal limitu rispettivament, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana, f’każ ta’ trasparenza ex ante volontarja fis-sens tal-Artikolu 79a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, li fih turi l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi l-kuntratt; u

ikkonkludiet il-kuntratt mhux iktar kmieni minn għaxart ijiem mill-jum ta’ wara dak li fih saret il-pubblikazzjoni tal-avviż imsemmi fil-punt (b).

36.

L-Artikolu 122 tal-Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva jżid jgħid li, bl-eċċezzjoni tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 121(1) ta’ dan il-kodiċi, l-imħallef li jannulla l-għoti definittiv għandu jistabbilixxi jekk huwiex meħtieġ li l-kuntratt jiġi ddikjarat bħala ineffettiv, billi jindika mil-liema data, u b’qies, b’mod partikolari, għall-interessi tal-partijiet, għall-possibbiltà effettiva li għandu r-rikorrent li jikseb l-attribuzzjoni, fid-dawl tad-difetti ddikjarati, għall-istat tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt u tal-possibbiltà li dan jittieħed mill-ġdid, fil-każijiet fejn id-difett li jolqot l-għoti, ma jimplikax l-obbligu li tinbeda mill-ġdid il-proċedura u fejn it-talba għat-teħid mill-ġdid tal-kuntratt ġie preżentat.

37.

L-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/665 dwar il-kontenut u l-forma tal-avviż fil-każ tat-trasparenza ex ante volontarja huwa traspost mill-Artikolu 79a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006.

III – L-analiżi tiegħi

38.

Għażilt li neżamina flimkien iż-żewġ domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato.

39.

Permezz ta’ dawn id-domandi, dan tal-aħħar jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sustanza, dwar il-punt li jiġi stabbilit jekk, skont l-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ dritt għal rimedju effettiv, il-qorti nazzjonali hijiex marbuta, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi, li żżomm fis-seħħ l-effetti ta’ kuntratt li jkun ġie konkluż mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel tal-avviż tal-kuntratt, meta l-awtorità kontraenti tkun ippubblikat avviż li juri l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi l-kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tkun osservat it-terminu minimu ta’ sospensjoni ta’ għaxart ijiem, previst mill-imsemmija dispożizzjoni bejn l-għoti ta’ dan il-kuntratt u l-iffirmar tiegħu.

40.

Ma naħsibx. Fil-fatt, inqis li l-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665 ma jistax jistitwixxi tali awtomatiżmu, bir-riskju li tiġi kompromessa l-effettività tad-dispożizzjonijiet introdotti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2007/66 u li jinkisru ċerti prinċipji fundamentali li dan il-leġiżlatur jagħti lil operatur ekonomiku leż.

41.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Prinċipji ta’ assenjar ta’ kuntratti”, jeżiġi li l-awtorità kontraenti tittratta lill-operaturi ekonomiċi b’mod ugwali, nondiskriminatorju u li taġixxi bi trasparenza.

42.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti jew tal-kandidati, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi ( 10 ). L-osservanza tal-imsemmi prinċipju għandha tippermetti li tiġi aċċertata l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi fl-Unjoni Ewropea u għandha l-għan li tiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni li hija b’saħħitha u effettiva bejn l-operaturi ekonomiċi kkonċernati fl-Istati Membri kollha ( 11 ). Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, jipprekludi, għalhekk, kwalunkwe negozjati bejn l-awtorità kontraenti u wieħed mill-offerenti, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt. L-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament mhux biss jimplika assenza ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, iżda wkoll l-obbligu tat-trasparenza fil-proċedura tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 12 ). Din it-trasparenza għandha l-għan, essenzjalment, li tiggarantixxi, favur l-offerenti kollha potenzjali, livell ta’ reklamar fil-proċedura tal-aġġudikazzjoni, li huwa adegwat u li jippermetti l-ftuħ għall-kompetizzjoni u għall-verifika tal-imparzjalità tal-proċedura ( 13 ). Għandha l-għan għalhekk li tevita r-riskju tal-favoritiżmu u ta’ aġir arbitrarju min-naħa tal-awtorità kontraenti, b’mod li dawn l-offerenti jkunu jistgħu jiddisponu mill-istess possibbiltajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom ( 14 ).

43.

Tali obbligi jnisslu, favur l-operaturi ekonomiċi, drittijiet li għandu jkollhom l-possibbiltà li jkunu fil-mira ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva mill-qorti nazzjonali. Għaldaqstant, din tal-aħħar għandha tkun f’pożizzjoni li tiggarantixxi l-eżekuzzjoni sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja tagħha u għandha tkun tista’ tadotta sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex taċċerta l-effettività sħiħa tar-regoli relatati mal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

44.

Huwa sabiex jiggarantixxi l-applikazzjoni effettiva ta’ dawn il-prinċipji kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-offerenti kkonċernati kontra r-riskji tal-favoritiżmu u ta’ aġir arbitrarju min-naħa tal-awtorità kontraenti, li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jsaħħaħ, fid-Direttiva 2007/66, l-effikaċja tal-proċeduri ta’ reviżjoni introdotti fl-Istati Membri mill-persuni li għandhom interess jiksbu kuntratt partikolari u li ġew leżi minn ksur li jkun qed jiġi allegat ( 15 ).

45.

Id-Direttiva 89/665 ma tipprovdix, bħala prinċipju, ħlief il-kundizzjonijiet minimi li fuqhom għandhom jiġu stabbiliti l-proċeduri ta’ reviżjoni fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali ( 16 ) u ma teskludix, skont l-għoxrin premessa tad-Direttiva 2007/66, l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet iktar ħorox abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u dan b’osservanza tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, skont l-erbgħa u tletin premessa tagħha.

46.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jitlob għalhekk mill-Istati Membri, li jiggarantixxu lil kull operatur ekonomiku leż, il-possibbiltà li jressaq azzjoni effikaċi u malajr kemm jista’ jkun kontra d-deċiżjonijiet illegali tal-awtoritajiet kontraenti, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-direttiva ( 17 ).

47.

Għal dan il-għan u skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, dawn tal-aħħar huma marbuta jirrikonoxxu lil korp li huwa responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni, il-poteri li ġejjin:

is-setgħa li jiġu adottati miżuri provviżorji bil-għan li jiġi korrett il-ksur allegat jew li jiġi impedit il-preġudizzju ulterjuri tal-interessi kkonċernati;

is-setgħa li jiġu annullati d-deċiżjonijiet illegali; u

is-setgħa li jiġu akkordati danni u interessi lil persuni leżi.

48.

Fl-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 89/665, il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri l-libertà li jistabbilixxu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, l-effetti li għandhom ikunu marbuta ma’ dawn il-poteri għal dak li għandu x’jaqsam mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni.

49.

Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni jeskludi minn din il-libertà, il-każijiet previsti fl-Artikoli 2d u 2f ta’ din id-direttiva u b’mod partikolari l-każijiet li fihom il-qorti nazzjonali tkun annullat il-kuntratt minħabba l-ksur tar-regoli ta’ reklamar u ta’ sejħa għal offerti mitluba mid-Direttiva 2004/18. F’dan il-każ, għażel li jirregola l-poteri tal-korp responsabbli mill-proċedura ta’ reviżjoni, billi stabbilixxa espressament l-effetti li għandhom ikunu marbuta mal-annullament ta’ tali kuntratt.

50.

Għalhekk, l-Artikolu 2d tad-Direttiva 89/665, intitolat “Ineffettività”, jitlob, fil-paragrafu 1(a) tiegħu, li l-korp responsabbli mill-proċedura ta’ reviżjoni, ixejjen il-kuntratt mill-effetti tiegħu, meta l-awtorità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u dan kontra r-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/18. L-istipulazzjoni hija ċara, il-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri hija, bħala prinċipju, ineżistenti.

51.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni jiġġustifika dawn ir-regolamenti fil-premessa 13 tad-Direttiva 2007/66, għar-raġuni li l-għoti illegali ta’ kuntratt bi ftehim reċiproku jikkostitwixxi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iktar ksur serju tal-liġi Komunitarja fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi ( 18 ). Iqis għalhekk li għandu jkun hemm sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva u dan jitlob li l-kuntratt jixxejjen mill-effetti tiegħu.

52.

F’dawn il-kundizzjonijiet, meta l-korp responsabbli mill-proċedura ta’ reviżjoni jiddikjara li l-għoti ta’ kuntratt pubbliku permezz tal-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel tal-avviż, huwa illegali, dan tal-aħħar għandu jannulla l-kuntratt u jxejnu mill-effetti tiegħu b’mod li jistabbilixxi mill-ġdid il-kompetizzjoni u li joħloq perspettivi kummerċjali ġodda għall-operatur ekonomiku leż ( 19 ).

53.

Ir-rigorożità ta’ dan il-prinċipju tittaffa madankollu fl-Artikolu 2d(2) tad-Direttiva 89/665, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri l-libertà li jiġu ddeterminati l-konsegwenzi li għandhom ikunu marbuta mad-dikjarazzjoni tal-ineffettività tal-kuntratt.

54.

Barra minn hekk, hemm eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, stabbilita fl-Artikolu 2d(4) ta’ din id-direttiva — li tagħha issa, ser neżamina t-termini u l-portata.

55.

Infakkar li skont din id-dispożizzjoni, l-“Istati Membri għandhom jipprovdu li l-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu ma japplikax, fejn”:

l-awtorità kontraenti qieset li l-għoti ta’ kuntratt mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel kien permess skont id-Direttiva 2004/18;

hija ssodisfat l-obbligu tat-trasparenza qabel ma ġie ffirmat il-kuntratt, billi ppubblikat avviż f’każ tat-trasparenza ex ante volontarja f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; u

hija osservat it-terminu tas-sospensjoni minima ta’ għaxart ijiem bejn il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviż li jesprimi l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi l-kuntratt u l-konklużjoni ta’ dan tal-aħħar.

56.

Il-Parlament u l-Kummissjoni kkonfermaw matul is-seduta li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi.

57.

Jirriżulta b’mod ċar ħafna mil-premessi 13, 14 u 26 tad-Direttiva 2007/66 li, bl-introduzzjoni ta’ din l-eċċezzjoni għar-regola, il-leġiżlatur jipprova jirrikonċilja d-diversi interessi inkwistjoni, jiġifieri dawk tal-impriża leża, li s-sodisfazzjoni tagħha jimplika l-possibbiltà li tintroduċi azzjoni għal miżuri provviżorji prekuntrattwali u l-annullament tal-kuntratt konkluż illegalment, kif ukoll dawk tal-awtorità kontraenti u tal-impriża magħżula, li jimplikaw in-nuqqas tal-inċertezza legali li tista’ tirriżulta mill-ineffettività tal-kuntratt.

58.

Fl-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665, il-leġiżlatur tal-Unjoni juża termini mandatorji u sakemm it-test ma jipprovdix xort’oħra, din id-dispożizzjoni titlob, mill-korp li huwa responsabbli mill-proċedura ta’ reviżjoni, li jżomm fis-seħħ l-effetti tal-kuntratt anki jekk ikun ġie ddikjarat l-annullament tiegħu, meta kull waħda mit-tliet kundizzjonijiet tkun ġiet sodisfatta, u dan biex jinżamm l-ekwilibriju mixtieq bejn il-partijiet differenti kkonċernati.

59.

Biż-żieda, mal-verżjoni inizjali tad-Direttiva 89/665, ta’ dispożizzjoni distinta u hekk speċifika bħalma huwa l-Artikolu 2d(4), naħseb li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi regola komuni u mandatorja għall-Istati Membri kollha. Kuntrarjament għal dispożizzjonijiet oħra fejn jikkonċedi espressament lill-Istati Membri, ir-responsabbiltà li jistabbilixxu, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom, il-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw mill-annullament tal-kuntratt u mill-ineffettività tiegħu ( 20 ), l-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665 ma jidhirx li jippermetti lill-Istati Membri jadottaw sanzjoni iktar ħarxa fis-sens tal-premessa 20 tad-Direttiva 2007/66, u b’mod partikolari li tiġi ppronunċjata l-ineffettività tal-kuntratt.

60.

Dan ifisser, madankollu, kif qed tistaqsi espressament il-qorti tar-rinviju, li d-dikjarazzjoni tal-ineffettività tal-kuntratt hija “awtomatikament ipprojbita — dejjem u fi kwalunkwe ipoteżi” — lil korp responsabbli mill-proċedura ta’ reviżjoni?

61.

Naħseb li l-marġni ta’ manuvra li għandu dan il-korp jinsab fl-istħarriġ ġudizzjarju li dan tal-aħħar għandu jwettaq biex jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665, u b’mod partikolari l-ewwel kundizzjoni.

62.

Fil-fatt, jekk dan il-korp jiddikjara li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jikkonkorru, huwa jkun marbut li jżomm fis-seħħ l-effetti tal-kuntratt, skont it-termini u l-għan aħħari tal-imsemmija dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk wara l-istħarriġ ġudizzjarju tiegħu, il-korp li huwa responsabbli mir-reviżjoni jistabbilixxi li dawn il-kundizzjonijiet ma humiex sodisfatti, dan tal-aħħar għandu għalhekk jiddikjara l-ineffettività tal-kuntratt skont ir-regola tal-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva 89/665 u jiddisponi, f’dan il-kuntest, mill-marġni ta’ manuvra kkonferita lilu minn din id-direttiva fl-Artikolu 2d(2) tagħha.

63.

Il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-korp responsabbli mill-proċedura ta’ reviżjoni, tiddependi għalhekk mill-eżitu tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

64.

Ninsisti fuq il-portata ta’ dan l-istħarriġ għal żewġ raġunijiet.

65.

L-ewwel waħda hija marbuta mat-twettiq tal-għanijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni jrid jilħaq fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, u b’mod partikolari dak li jiġu stabbiliti rimedji ġudizzjarji effikaċi kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti meħuda bi ksur tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi.

66.

L-obbligu tal-istħarriġ ġudizzjarju jiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll l-obbligu tat-trasparenza li jiriżulta minnu u biex tiġi stabbilita, jekk ikun il-każ, sanzjoni effettiva u dissważiva.

67.

L-obbligu ta’ dan l-istħarriġ jiggarantixxi wkoll l-effettività tal-azzjoni mressqa mill-impriża leża skont l-Artikolu 47 tal-Karta. Infakkar li skont il-premessa 36 tad-Direttiva 2007/66, il-leġiżlatur tal-Unjoni jimpenja ruħu sabiex din id-“[d]irettiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta” u b’mod partikolari taċċerta l-osservanza sħiħa tad-dritt għal rimedju effettiv kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Irid jingħad li d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv jippresupponi s-setgħa diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali, għal dak li għandu x’jaqsam mad-dritt applikabbli u fil-każ preżenti mas-sodisfazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665.

68.

It-tieni raġuni hija marbuta mat-termini li l-leġiżlatur tal-Unjoni juża fir-redazzjoni tal-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2d(4) ta’ din id-direttiva.

69.

Infakkar, fil-fatt, li skont din id-dispożizzjoni, il-qorti nazzjonali hija marbuta li żżomm fis-seħħ l-effeti tal-kuntratt konkluż illegalment, meta “l-awtorità kontraenti tqis li l-għoti ta’ kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huwa permess skond id-Direttiva 2004/18/KE” ( 21 ).

70.

Jidhirli li huwa diffiċli ħafna li jintlaħqu l-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq, bir-rikonoxximent, favur l-awtorità kontraenti, ta’ marġni ta’ manuvra hekk sinjifikattiv li din għandha għad-dispożizzjoni tagħha fil-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni, mingħajr ma din tal-aħħar tkun suġġetta għal xi tip ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

71.

Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-kundizzjoni hija purament potestattiva u l-protezzjoni ġuridika tal-operatur ekonomiku leż hija vvizzjata ( 22 ).

72.

Fl-ewwel lok, twassal sabiex tikkonċedi lil awtorità kontraenti, kontra t-termini, il-kuntest u l-għan tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665, il-libertà li tiddeċiedi li tipproċedi jew le għal sejħa għal offerti u, konsegwentement, li tosserva jew le l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, bil-garanzija, favur tagħha, li l-kuntratt konkluż bi ksur tar-regoli ta’ reklamar mhux ser jixxejjen mill-effetti tiegħu, jekk ikun madankollu ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż li jesprimi l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi l-kuntratt u tkun osservat it-terminu minimu ta’ sospensjoni ta’ għaxart ijiem. L-operatur ekonomiku li tħalla barra mhux ser ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu, fil-fatt, ħlief il-possibbiltà li jressaq azzjoni għad-danni u l-interessi, li ma jippermettix li terġa’ ssir sejħa għal offerti għal kuntratt mogħti illegalment.

73.

Irid jingħad li jeżisti, b’mod manifest, paradoss.

74.

Fil-fatt, infakkar li d-Direttiva 89/665 għandha l-għan, espressament, li żżid il-garanziji tat-trasparenza u tan-nondiskriminazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod li tiggarantixxi lil operatur ekonomiku leż protezzjoni ġuridika kompleta ( 23 ). Barra minn hekk, infakkar ukoll li huwa sabiex jissielet kontra l-għoti illegali ta’ kuntratti bi ftehim reċiproku u sabiex jipproteġi lil offerenti potenzjali kontra l-aġir arbitrarju tal-awtorità kontraenti, li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jsaħħaħ, fid-Direttiva 2007/66, l-effikaċja tal-proċeduri ta’ reviżjoni ( 24 ).

75.

Fit-tieni lok, l-imsemmija kundizzjoni tippermetti, f’dawn iċ-ċirkustanzi, lill-awtorità kontraenti li tagħti l-kuntratt bi ftehim reċiproku, kontra r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2004/18, billi tipproċedi għal formalitajiet minimi u tesponi ruħha għal sanzjoni minima, b’mod li din tal-aħħar tkun tista’ tabbuża mid-drittijiet mogħtija lilha.

76.

Kif tosserva Fastweb fl-osservazzjonijiet tagħha, huwa iktar faċli li tikkonkludi kuntratt pubbliku mal-impriża tal-għażla tagħha milli tipproċedi għal sejħa għal offerti regolari bl-osservanza tar-regoli ta’ reklamar u ta’ sejħa għal offerti, mitluba mid-Direttiva 2004/18.

77.

L-ewwel nett, il-kalendarju tas-sejħa għal offerti jiġi effettivament evitat u l-kuntratt pubbliku jkun jista’ jingħata iktar malajr. Il-kawża preżenti turi perfettament dan il-punt, peress li l-proċedura marbuta mal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, għall-perijodu ta’ seba’ snin u għall-ammont ta’ EUR 521 500 000, infetħet fil-15 ta’ Diċembru 2011 u ingħalqet fil-31 ta’ Diċembru 2011, jiġifieri wara ħmistax-il ġurnata.

78.

Barra minn hekk, is-sistema ta’ reklamar hija differenti. Fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti regolari, l-awtorità kontraenti hija, fil-fatt, marbuta tippubblika avviż ta’ kuntratt u tinnotifika d-deċiżjonijiet meħuda lil kull wieħed mill-offerenti. Ir-reklamar minn qabel u s-sejħa għal offerti huma għalhekk formalizzati. Fl-kuntest tal-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti għandha biss l-obbligu sempliċi tar-reklamar f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bl-impriża kkonċernata jkollha għaxart ijiem sabiex tressaq reviżjoni prekuntrattwali. Huwa evidenti li dan ir-reklamar ma taċċertax l-informazzjoni lil persuna kkonċernata bħal ma tista’ tiggarantixxiha l-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew in-notifika individwali ta’ deċiżjonijiet adottati mill-awtorità kontraenti u tillimita għalhekk il-proċeduri ta’ reviżjoni.

79.

Fl-aħħar nett, meta l-għoti tal-kuntratt huwa illegali, b’mod partikolari minħabba difett li jaffettwa l-proċedura tas-sejħa għal offerti, il-kuntratt jista’ jixxejjen mill-effetti tiegħu. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665, il-korp responsabbli mill-proċedura ta’ reviżjoni huwa marbut li jżomm fis-seħħ l-effetti tal-kuntratt konkluż bi ksur tar-regoli ta’ reklamar u ta’ sejħa għal offerti jekk l-awtorità kontraenti tkun ippubblikat avviż fil-każ tat-trasparenza ex ante volontarja u tkun osservat it-terminu minimu ta’ sospensjoni ta’ għaxart ijiem bejn din il-pubblikazzjoni u l-konklużjoni tal-kuntratt. Jista’ ċertament jikkundanna lil din tal-aħħar għad-danni u l-interessi. Irid jingħad li l-għoti tad-danni u l-interessi ma jippermettix is-sejħa mill-ġdid għal offerti tal-kuntratt mogħti illegalment.

80.

Konsegwentement, jidhirli li huwa indispensabbli li, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tiegħu tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665, il-korp responsabbli mill-proċedura ta’ reviżjoni, jevalwa l-aġir tal-awtorità kontraenti. Fl-opinjoni tiegħi, għandu, b’mod partikolari, jeżamina jekk din tal-aħħar aġixxietx bil-bona fide u bid-diliġenza mitluba fil-kuntest tal-konklużjoni tal-kuntratt u jekk ir-raġunijiet mogħtija minn din tal-aħħar għall-għoti tal-kuntratt permezz tal-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni tal-avviż għal kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, humiex leġittimi.

81.

Din hija wkoll l-opinjoni espressa mill-Gvernijiet Taljani u Pollakki kif ukoll mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom ( 25 ).

82.

Fil-fatt, wieħed ma jridx jinsa li ż-żamma fis-seħħ tal-effetti tal-kuntratt, skont l-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665, hija msejsa fuq il-bona fide tal-awtorità kontraenti u għandha tendenza tippreżerva ċ-ċertezza legali tal-partijiet kontraenti. Dan huwa espressament rikonoxxut mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 26 tad-Direttiva 2007/66, fejn huwa jinsisti fuq il-ħtieġa li “tiġi evitata l-inċertezza legali li tista’ tirriżulta mill-ineffettività” tal-kuntratt. Barra minn hekk, dan ġie espressament ammess mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja ( 26 ).

83.

Irid jingħad li la jista’ jkun hemm ċertezza legali u lanqas aspettattivi leġittimi meta l-awtorità kontraenti tkun aġixxiet bil-mala fide fl-applikazzjoni tar-regola tad-dritt u tkun naqset b’mod deliberat u intenzjonat milli tosserva r-regoli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

84.

Matul is-seduta, Telecom Italia esponiet l-idea li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665 ma jimponix lill-awtorità kontraenti li taġixxi bil-bona fide u bid-diliġenza dovuta, billi temmen li l-uniku obbligu impost fuq din tal-aħħar hija obbligu ta’ motivazzjoni. Jiena niċħad din l-interpretazzjoni b’mod sħiħ, minħabba li l-bona fide tal-amministrazzjoni hija inseparabbli mill-funzjoni tagħha u tistabbilixxi l-aspettattiva leġittima ta’ dawk amministrati fir-rigward tal-azzjoni tagħha. Għalhekk dan huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-attività ta’ kuljum tagħha. Konsegwentement, jidher li huwa evidenti li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2d(4) ta’ din id-direttiva teħtieġ, għall-applikazzjoni tagħha, li l-awtorità kontraenti tkun aġixxiet bil-bona fide.

85.

Huwa għalhekk indispensabbli li l-qorti nazzjonali teżamina r-raġunijiet li b’mod loġiku u onest setgħu wasslu lil awtorità kontraenti biex tqis li hija setgħet tipproċedi għall-għoti tal-kuntratt permezz tal-proċedura nnegozjata, mingħajr il-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt, u tagħraf żball imwettaq bil-bona fide, minn ksur intenzjonat tar-regoli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Huwa wara li jsir dan l-eżami li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tistabbilixxi s-sanzjoni l-iktar xierqa.

86.

Għalhekk hemm żewġ ipoteżi.

87.

L-ewwel waħda hija dik fejn il-qorti nazzjonali tistabbilixxi li l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-awtorità kontraenti huwa skużabbli, għax irnexxielha tipprova l-bona fide. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din hija marbuta li żżomm fis-seħħ l-effetti tal-kuntratt skont l-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665, b’mod li jinżamm l-ekwilibriju mixtieq bejn l-interessi tal-partijiet differenti.

88.

F’dan ir-rigward, ma hemm ebda indikazzjoni li l-korp responsabbli għall-proċedura ta’ reviżjoni jista’ għalhekk jadotta sanzjonijiet alternattivi bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 2e(2) ta’ din id-direttiva.

89.

L-ewwel nett, il-korp responsabbli għall-proċedura ta’ reviżjoni jista’ jipproċedi għal alternattiva ta’ sanzjoni biss jekk teżisti sanzjoni li tista’ tiġi ssostitwita. Fi kliem ieħor, għandu jkun hemm bażi legali sabiex dan il-korp ikun jista’ jimponi sanzjoni. Madankollu, fil-każ fejn il-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665 huma sodisfatti, rajt li l-leġiżlatur tal-Unjoni jirrikjedi minn dan il-korp li jżomm l-effetti tal-kuntratt, sabiex b’hekk iċaħħad lil din tal-aħħar mill-possibbiltà li tissanzjona lill-awtorità kontraenti billi ċċaħħad il-kuntratt mill-effetti tiegħu. Is-“sanzjoni” għalhekk ma hijiex fis-sens miftiehem minn din id-direttiva.

90.

It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda s-sanzjonijiet alternattivi msemmija fl-Artikolu 2e tad-Direttiva 89/665, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferi espressament għal każijiet fejn il-korp responsabbli għall-proċedura ta’ reviżjoni jista’ jissostitwixxi l-assenza ta’ effetti ta’ kuntratt b’penalità finanzjarja jew bi tnaqqis tat-tul tal-kuntratt u ma ssir l-ebda menzjoni tas-sitwazzjoni koperta mill-Artikolu 2d(4) ta’ din id-direttiva ( 27 ).

91.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nista’ effettivament nistaqsi jekk il-portata materjali tal-Artikolu 2e tad-Direttiva 89/6665 għandhiex tiġi estiża. Jiena ma naħsibx li huwa hekk, għaliex tali interpretazzjoni tinjora t-termini tal-Artikolu 2(7) ta’ din id-direttiva kif ukoll l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-fatt, f’din l-aħħar dispożizzjoni, din espressament eskludiet is-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2e mill-qasam tal-libertà mogħtija lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw l-effetti li għandhom jiffokaw fuq l-eżerċizzju tas-setgħa tagħhom ta’ sanzjoni.

92.

It-tieni ipoteżi hija dik fejn il-qorti nazzjonali tqis li l-iżball mhux skużabbli, li l-awtorità kontraenti kisret deliberatament u volontarjament ir-regoli ta’ reklamar u ta’ sejħa għal offerti preliminari. F’dan il-każ, tali nuqqas għandu, mingħajr dubju, jiġi ssanzjonat. Ma teżisti, fil-fatt, l-ebda raġuni leġittima li tiġġustifika ż-żamma fis-seħħ tal-effetti ta’ kuntratt li l-konklużjoni tiegħu tikkostitwixxi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iktar ksur serju tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi.

93.

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-korp responsabbli mill-proċedura ta’ reviżjoni huwa marbut għalhekk li jxejjen il-kuntratt mill-effetti tiegħu skont il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva 89/665 u jerġa’ jpoġġi lil operatur ekonomiku li ġie leż permezz ta’ dan l-att frawdolenti, f’pożizzjoni li jeżerċita d-drittijiet tiegħu.

94.

F’tali ipoteżi, l-Istati Membri ma jistgħux jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jiddikjaraw l-ineffettività tal-kuntratt, għaliex f’dan il-każ, l-awtorità kontraenti tkun libera li tikser ir-regoli ta’ reklamar u ta’ sejħa għal offerti mitluba mil-liġi, bir-riżerva li jkollha tħallas, jekk ikun il-każ, id-danni u l-interessi lill-operatur ekonomiku leż. Irid jingħad li din l-interpretazzjoni ċertament li tikkomprometti l-għanijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jilħaq bl-adozzjoni tad-Direttiva 2007/66 ( 28 ).

95.

Infakkar li l-għan huwa dak li tiġi aċċertata l-effikaċja tas-sanzjoni. Irid jingħad li f’sitwazzjoni fejn l-awtorità kontraenti aġixxiet manifestament bl-intenzjoni li ddur mar-regoli applikabbli, hija biss l-ineffettività tal-kuntratt li tippermetti l-garanzija ta’ sanzjoni dissważiva u effikaċi.

96.

Infakkar ukoll li l-għan aħħari tad-Direttiva 89/665 huwa li tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Huwa biss l-annullament tal-kuntratt illegalment konkluż u l-ineffettività ta’ dan tal-aħħar li jippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid il-kompetizzjoni fuq is-suq u li jinħolqu perspettivi ġodda kummerċjali għal operatur ekonomiku li ġie illegalment mċaħħad mill-possibbiltà li jipparteċipa fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratt.

97.

Dan premess, għandu jiġi ppreċiżat, f’dan l-istadju, li l-korp responsabbli mill-proċedura ta’ reviżjoni jibqa’ liberu li jevalwa l-miżura li fiha l-kuntratt għandu jixxejjen mill-effetti tiegħu u dan skont l-Artikolu 2d(2) tad-Direttiva 89/665.

98.

Fil-fatt rajna li din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri l-libertà li jiddeterminaw, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-konsegwenzi li għandhom ikunu marbuta mal-ineffettività tal-kuntratt. Skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jikkonferixxu fuq il-korp li huwa responsabbli mill-proċedura ta’ reviżjoni, il-poter li jannulla, b’mod retroattiv, l-obbligi kuntrattwali jew li jillimita l-portata tal-annullament tal-kuntratt għall-obbligi li għad iridu jiġu eżegwiti. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-intenzjoni li jikkonferixxi, f’dan l-aħħar każ, marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lil korp responsabbli mill-proċedura ta’ reviżjoni. Fil-fatt, dan tal-aħħar jirreferi espressament għall-Artikolu 2e(2) tad-Direttiva 89/665. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jikkonferixxu lil dan il-korp setgħa diskrezzjonali li hija kunsiderevoli sabiex jeżamina, fir-rigward tal-fatturi kollha rilevanti, inkluża l-gravità tal-ksur, l-aġir tal-awtorità kontraenti u fil-każ previst fl-Artikolu 2d(2) ta’ din id-direttiva, il-miżura li fiha l-kuntratt għandu jkompli jkun effettiv, biex jiġi ddeterminat, jekk ikun il-każ, jekk il-perijodu tal-kuntratt għandux jitqassar jew għandhomx jiġu imposti pieni finanzjarji.

99.

Huwa għalhekk meta wieħed jaqra flimkien l-Artikolu 2d(4) u 2e(2) tad-Direttiva 89/665, li tirriżulta l-marġni ta’ manuvra li jista’ jkollha l-awtorità kontraenti meta jkollha tiddikjara l-ineffettività ta’ kuntratt konkluż illegalment.

100.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, inħoss għalhekk li la l-għan aħħari tad-Direttiva 89/665 u lanqas it-termini tal-Artikolu 2d, ma jipprekludu lil Stat Membru milli jagħti lil dan il-korp, il-libertà li jevalwa l-miżura li fiha kuntratt, li jkun ġie konkluż mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali, għandu jixxejjen mill-effetti tiegħu, meta dan jistabbilixxi li minkejja l-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali li juri l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi l-kuntratt u l-osservanza tat-terminu minimu ta’ sospensjoni ta’ għaxart ijiem bejn l-għoti ta’ dan il-kuntratt u l-iffirmar tiegħu, l-awtorità kontraenti kisret ir-regoli ta’ reklamar u ta’ sejħa għal offerti mitluba mid-Direttiva 2004/18, b’mod deliberat u intenzjonat.

101.

Min-naħa l-oħra, inħoss li tali interpretazzjoni timponi ruħha jekk irridu niggarantixxu l-effett utli tad-Direttiva 89/665 u naċċertaw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-operatur ekonomiku li ġie illegalment imċaħħad mill-possibbiltà li jipparteċipa fil-proċedura tal-għoti tal-kuntratt.

102.

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, naħseb għalhekk li ser ikun il-kompitu tal-qorti nazzjonali kompetenti li tevalwa l-leġittimità tar-raġunijiet li fuqhom ibbaża ruħu l-Ministero dell’Interno biex jagħti l-kuntratt inkwistjoni permezz tal-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali.

103.

F’dan ir-rigward nixtieq nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.

104.

Fil-kawża preżenti, infakkar li l-Ministero dell’Interno qies li seta’ jagħmel użu minn din il-proċedura abbażi tal-Artikolu 57(2)(b) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, li jittrasponi fl-ordinament ġuridiku Taljan, l-Artikolu 28(1)(e) tad-Direttiva 2009/81.

105.

Infakkar li, skont din id-dispożizzjoni, l-imsemmija proċedura hija awtorizzata “meta, minħabba raġunijiet tekniċi jew relatati mal-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ esklussività, il-kuntratt jista’ jingħata biss lil operatur ekonomiku ddeterminat”.

106.

Fil-kawża preżenti, il-Ministero dell’Interno qies li Telecom Italia kienet l-unika operatur ekonomiku li seta’ jeżegwixxi l-kuntratt ta’ servizzi, għal raġunijiet tekniċi u ta’ protezzjoni ta’ (ċerti) drittijiet esklużivi.

107.

It-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio qies li l-informazzjoni u ċ-ċirkustanzi invokati mill-Ministero dell’Interno ma kinux jikkostitwixxu “raġunijiet tekniċi” fis-sens tal-Artikolu 57(2)(b) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, iżda sejjes ruħu fuq il-motivi marbuta mal-opportunità u mad-diffikultajiet li setgħu jirriżultaw mill-għoti tal-kuntratt lil operatur ekonomiku ieħor.

108.

Bl-istess mod, il-Consiglio di Stato ddeċieda li l-awtorità kontraenti ma pprovatx b’mod suffiċjenti, kif titlob il-liġi, li l-kundizzjonijiet mitluba sabiex isir użu mill-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, kienu ġew sodisfatti. F’dan ir-rigward, qies li mit-totalità tal-osservazzjonijiet u tal-provi prodotti, inkluż ir-rapport tekniku, mhux li tant kienet tirriżulta l-impossibbiltà oġġettiva li dawn is-servizzi jiġu fdati f’idejn operaturi ekonomiċi differenti, iżda iktar in-natura inopportuna ta’ tali soluzzjoni, essenzjalment għaliex, skont il-Ministero dell’Interno, kienet iġġib magħha tibdil u spejjeż u kienet teħtieġ żmien għall-adattament.

109.

Huwa minnu li, fid-dawl tal-provi li għandna quddiemha, il-Ministero dell’Interno ma jidhirx li qed jisħaq fuq raġunijiet tekniċi partikolari, lanqas fuq rekwiżiti relatati mal-partikolarità tal-apparat inkwistjoni jew tas-sensittività tal-kuntratt.

110.

Nifhem li fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża, jista’ jkun leġittimu li ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi ma japplikawx u li minħabba s-sensittività ta’ dawn il-kuntratti, ma jkunx xieraq li wieħed jagħmel użu mir-reklamar u minn sejħa għal offerti minn qabel, tal-operaturi ekonomiċi. Dan huwa l-każ ta’ kuntratti mogħtija mis-servizzi ta’ informazzjoni jew ta’ kuntratti maħsuba għal attivitajiet ta’ kontrospjunaġġ pereżempju. Huwa l-każ tax-xiri ta’ oġġetti partikolarment sensittivi, li jeħtieġ livell għoli ta’ kunfidenzjalità, bħal dak marbut mal-ġlieda kontra t-terroriżmu jew maħsub speċifikament għal attivitajiet sensittivi, immexxija mill-forzi tal-ordni u tas-sigurtà.

111.

Irid jingħad li fil-kawża preżenti, il-Ministero dell’Interno ma jidhirx li qed jinvoka ċirkustanzi bħal dawn. Ċertament li dan tal-aħħar jippreċiża li l-kuntratt huwa relatat mal-“provvista, lid-dipartiment tas-sigurtà pubblika u lill-korp tal-pulizija, ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, b’mod partikolari tat-telefonija vokali, tat-telefonija ċellulari u tat-trażmissjoni tad-data, bl-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha tal-kunfidenzjalità u tas-sigurtà tal-informazzjoni fl-interess tas-sigurtà nazzjonali” ( 29 ). Jidher, madankollu, li fid-dawl tal-konstatazzjoni tat-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio u tal-Consiglio di Stato, il-Ministero dell’Interno ma għamilx ġustifikazzjoni abbażi tan-natura sensittiva tal-kuntratt u tal-apparat inkwistjoni, lanqas ma invoka r-rekwiżiti partikolari marbuta, pereżempju, mas-sigurtà tal-informazzjoni jew tal-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali jew klassifikata li, fl-interess tas-sigurtà nazzjonali, jistgħu effettivament jirrikjedu protezzjoni partikolari jew jimplikaw għażla partikolari ta’ kandidat.

112.

Barra minn hekk, ninsab sorpriż dwar il-kronoloġija tal-fatti, u b’mod partikolari l-għaġla li biha ngħata l-kuntratt. Għalhekk fuq dan il-punt naqblu mar-riżervi espressi mill-Kummissjoni waqt is-seduta. Fil-fatt, jirriżulta, mill-provi fil-proċess, li l-Ministero dell’Interno ddeċieda li jġedded il-kuntratt tat-telefonija konkluż fl-2003 ma’ Telecom Italia, ħmistax-il ġurnata biss qabel l-iskadenza tal-ftehim preċedenti, jiġifieri fil-15 ta’ Diċembru 2011. Barra minn hekk, jirriżulta wkoll mill-provi tal-proċess li l-kuntratt ġie ffirmat fil-31 ta’ Diċembru 2011, jiġifieri ħmistax-il ġurnata wara. Dan l-aġir jissorprendini meta wieħed iqis il-portata ta’ dan il-kuntratt għall-finijiet tal-funzjonament tal-amministrazzjoni, il-perijodu tal-imsemmi kuntratt (seba’ snin) u l-ammont tiegħu (EUR 521 500 000), sakemm ma jitqiesx li kien hemm qbil bejn il-Ministero dell’Interno u Telecom Italia li l-ftehim kien ser jiġġedded.

113.

Fl-aħħar nett, naħseb li wieħed bilfors li jrid iqis li l-Ministero dell’Interno huwa awtorità pubblika li għandha min jagħtiha parir legali li huwa tajjeb biżżejjed biex ma tikkomettix żball ta’ evalwazzjoni għal dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet li fihom kuntratt pubbliku jista’ jingħata mingħajr ir-reklamar u s-sejħa għal offerti minn qabel.

114.

Dan premess, ser ikun il-kompitu tal-qorti nazzjonali li teżamina, fid-dawl tal-provi kollha quddiemha, jekk tali żball huwiex skużabbli jew jekk dan tal-aħħar jaqax taħt ksur deliberat u intenzjonat tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

115.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, inqis, għalhekk, li l-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ dritt għal rimedju effettiv, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix Stat Membru milli jagħti lil korp li huwa responsabbli mill-proċedura ta’ reviżjoni, il-libertà li jevalwa l-miżura li fiha kuntratt, li jkun ġie konkluż mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali, għandu jixxejjen mill-effetti tiegħu, meta dan jistabbilixxi li minkejja l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ avviż li jesprimi l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi l-kuntratt u l-osservanza tat-terminu minimu ta’ sospensjoni ta’ għaxart ijiem bejn l-għoti ta’ dan il-kuntratt u l-iffirmar tiegħu, l-awtorità kontraenti tkun kisret ir-regoli ta’ reklamar u ta’ sejħa għal offerti, mitluba mid-Direttiva 2004/18 b’mod deliberat u intenzjonat.

IV – Konklużjoni

116.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato:

L-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet], kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ dritt għal rimedju effettiv, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix Stat Membru milli jagħti lil korp li huwa responsabbli mill-proċedura ta’ reviżjoni, il-libertà li jevalwa l-miżura li fiha kuntratt, li jkun ġie konkluż mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jixxejjen mill-effetti tiegħu, meta dan jistabbilixxi li minkejja l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ avviż li jesprimi l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi l-kuntratt u l-osservanza tat-terminu minimu ta’ sospensjoni ta’ għaxart ijiem bejn l-għoti ta’ dan il-kuntratt u l-iffirmar tiegħu, l-awtorità kontraenti tkun kisret ir-regoli ta’ reklamar u ta’ sejħa għal offerti, mitluba mid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, kuntratti pubbliċi għal provvisti u kuntratti pubbliċi għal servizzi], b’mod deliberat u intenzjonat.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 335, p. 31, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”).

( 3 ) Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, kuntratti pubbliċi għal provvisti u kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

( 4 ) Ara t-tielet premessa kif ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665. Ara wkoll is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑503/04, EU:C:2007:432, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 5 ) Ara l-premessi 27 u 28 tad-Direttiva 2007/66.

( 6 ) Dan l-avviż jissejjaħ ukoll “avviż f’każ ta’ trasparenza ex ante”.

( 7 ) Ara l-premessa 28 tad-Direttiva 2007/66.

( 8 ) Suppliment ordinarju tal-GURI Nru 100, tat-2 ta’ Mejju 2006. Digriet kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 152, tal-11 ta’ Settembru 2008 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 231, tat-2 ta’ Ottubru 2008, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006”).

( 9 ) Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, p. 76), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1251/2011, tat-30 ta’ Novembru 2011 (ĠU L 319, p. 43, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2009/81”). L-Artikolu 28(1)(e) tad-Direttiva 2009/81 jirriproduċi, f’termini li huma fis-sustanza identiċi, dawk tal-Artikolu 31(1)(b) tad-Direttiva 2004/18.

( 10 ) Ara l-iżviluppi tiegħi fir-rigward ta’ dan il-prinċipju fil-punti 34 et seq tal-konklużjonijiet fil-Kawża Wall (C‑91/08, EU:C:2009:659).

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Manova (C‑336/12, EU:C:2013:647, punt 28). Ara wkoll, is-sentenza Wall (C‑91/08), EU:C:2010:182), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-“[Artikoli 43 KE u 49 KE] u l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, għandhom għanijiet identiċi għal dawk tad-[Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6. Vol. 1, p. 322), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/78/KE, tat-13 ta’ Settembru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6. Vol. 4, p. 94)], b’mod partikolari fir‑rigward tal-moviment liberu tas-servizzi u l-ftuħ għal kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fl-Istati Membri” (punt 48).

( 12 ) Ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta (C‑496/99 P, EU:C:2004:236, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Parking Brixen (C‑458/03, EU:C:2005:605, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Ara s-sentenza Wall (EU:C:2010:182, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑87/94, EU:C:1996:161, punti 54 sa 56).

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 3 u 4 ta’ din id-direttiva. Ara wkoll, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑212/02, EU:C:2004:386, punti 20 sa 22).

( 16 ) Ara s-sentenza Strabag et (C‑314/09, EU:C:2010:567, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Ara wkoll, is-sentenza GAT (C‑315/01, EU:C:2003:360, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Ara s-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau (C‑26/03, EU:C:2005:5, punt 37).

( 19 ) Il-premessa 14 tad-Direttiva 2007/66.

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 2d(3) tad-Direttiva 89/665 li jtaffi l-prinċipju stabbilit fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, li jistipula li l-“Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-korp ta’ reviżjoni […] ma jistax jikkunsidra kuntratt ineffettiv, minkejja li jkun ingħata kontra l-liġi […], jekk il-korp ta’ reviżjoni jsib […] li raġunijiet superjuri relatati ma’ interess ġenerali jirrikjedu li l-effetti tal-kuntratt għandhom jinżammu”. It-termini ta’ din id-dispożizzjoni huma ċari, il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti, b’mod manifest, lil qorti nazzjonali, setgħa diskrezzjonali għal dak li għandu x’jaqsam mas-sanzjoni l-iktar xierqa, meta jeżistu raġunijiet mandatorji ta’ interess ġenerali.

( 21 ) Il-korsiv miżjud minni. Nerġgħu niltaqgħu ma’ dan it-terminu fl-Artikolu 2e(2) tal-Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE tal-Kunsill rigward it-titjib fl-effikaċja tal-proċeduri ta’ appell [reviżjoni] fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi [COM(2006) 195 finali] u terminu simili fil-punt 3 tal-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-proposta li jipprovdi li, “[m]eta xi awtorità kontraenti tqis li għandha d-dritt li tagħti kuntratt bi ftehim […], din għandha […] tissospendi l-konklużjoni tal-kuntratt għal perjodu ta’ 10t ijiem kalendarji wara li tkun ippubblikat id-deċiżjoni b’mod adegwat permezz ta’ avviż ta’ l-għoti ssimplifikat” (il-korsiv miżjud minni).

( 22 ) Kundizzjoni hija “potestattiva” meta t-tnissil jew l-eżekuzzjoni tal-obbligu jiddependi biss mir-rieda ta’ wieħed mill-kontraenti.

( 23 ) Ara l-premessa 3 ta’ din id-direttiva.

( 24 ) Is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (EU:C:2004:386, punti 20 sa 22).

( 25 ) Ara l-punti 22 u 27 tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Taljan, il-punt 12 ta’ dawk ippreżentati mill-Gvern Pollakk, il-punt 33 ta’ dawk ippreżentati mill-Kunsill u l-punt 48 ta’ dawk ippreżentati mill-Kummissjoni.

( 26 ) EU:C:2007:432, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Strabag et (EU:C:2010:567), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li t-termini jiġu imposti “sabiex jiġi evitat li l-kandidati u l-offerenti jkunu jistgħu jinvokaw, f’kull mument tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt, il-ksur tal-[…] leġiżlazzjoni [relatata mal-kuntratti pubbliċi], u b’hekk jobbligaw lill-awtorità kontraenti terġa’ tibda l-proċedura kollha sabiex tikkoreġi dan il-ksur” (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Il-każijiet huma dawn li ġejjin. L-ewwel wieħed imsemmi fl-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 89/665, huwa dak fejn il-kuntratt ġie konkluż, anki jekk l-operatur ekonomiku leż ressaq talba għal reviżjoni quddiem l-awtorità kontraenti. It-tieni wieħed imsemmi fl-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, huwa dak fejn l-awtorità kontraenti tikkonkludi l-kuntratt qabel ma l-qorti nazzjonali ma tiddeċiedi dwar t-talba għal miżuri provviżorji jew dwar ir-reviżjoni. It-tielet wieħed imsemmi fl-Artikolu 2a(2) ta’ din id-direttiva, huwa dak fejn il-konklużjoni tal-kuntratt insegwitu għad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt seħħ qabel l-iskadenza tat-terminu minimu ta’ għaxart ijiem wara n-notifika lill-offerenti u lill-kandidati kkonċernati bid-deċiżjoni ta’ għoti. Ir-raba’ wieħed, fl-aħħar nett, huwa dak li fih l-kuntratt kien ineffettiv għar-raġunijiet imsemmija espressament fl-Artikolu 2d(1) tal-istess direttiva.

( 28 ) Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li sabiex tiġi aċċertata l-uniformità fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari, li l-verżjoni tagħha f’waħda mil-lingwi tal-Unjoni hija differenti minn dik stabbilita fil-lingwi l-oħra, jeħtieġ li din tal-aħħar tiġi interpretata mhux biss fid-dawl tal-istruttura tat-test li minnu tagħmel parti, iżda wkoll tal-iskop aħħari li l-leġiżlatur tal-Unjoni jrid jilħaq [ara, b’mod partikolari, is-sentenza Endendijk (C‑187/07, EU:C:2008:197, punti 22 et seq)].

( 29 ) Il-korsiv miżjud minni.