SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Settembru 2008 ( *1 )

“Ambjent — Direttiva 2000/76/KE — Inċinerazzjoni ta’ skart — Klassifikazzjoni ta’ impjant għall-produzzjoni tas-sħana u enerġija elettrika — Kunċetti ta’ ‘impjant ta’ inċinerazzjoni’ u ‘impjant ta’ koinċinerazzjoni’”

Fil-Kawża C-251/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Högsta domstolen (Qorti Suprema tal-Iżvezja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Mejju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Mejju 2007, fil-proċedura

Gävle Kraftvärme AB

vs

Länsstyrelsen i Gävleborgs län,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur), J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ April 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Żvediż, minn A. Falk, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijakk, minn E. Riedl, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J.-B. Laignelot u P. Dejmek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Mejju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni prelimari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Diċembru 2000, dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart (ĠU L 332, p. 91).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Gävle Kraftvärme AB (iktar ’il quddiem “Gävle Kraftvärme”) u l-Länsstyrelsen i Gävleborgs län (l-amministrazzjoni pubblika reġjonali ta’ Gävleborg, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni pubblika reġjonali”) fir-rigward ta’ talba ta’ awtorizzazzjoni relattiva għall-użu ta’ impjant għall-produzzjoni ta’ sħana u enerġija elettrika.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [75/442/KEE] tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE, tal-24 ta’ Mejju 1996 (ĠU L 135, p. 32, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 75/442”) jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jinkoraġġixxu:

a)

l-ewwelnett il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-produzzjoni ta’ l-iskart u tal-ħsara tiegħu […]

[…]

b)

it-tieni:

l-irkupru ta' l-iskart permezz tar-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-reklamazzjoni jew kwalunkwe proċess ieħor maħsub għall-estrazzjoni ta' materja prima sekondarja;

jew

l-użu ta' l-iskart bħala sors ta’ enerġija”.

4

Id-Direttiva 75/442 ġiet abrogata u kkodifikata b’effett mis-17 ta’ Mejju 2006 mid-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9). Il-kliem tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 75/442, ġew inklużi, fi kliem essenzjalment identiċi, fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/12.

5

Is-sebgħa, it-tlettax u l-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 2000/76 jistabbilixxu:

“(7)

[…] livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jeħtieġ l-istabbiliment u ż-żamma ta’ kondizzjonijiet severi fl-operat, ta’ ħtiġiet tekniċi u ta’ valuri tal-limitu għall-emissjonijiet ta’ l-impjanti ta’ inċinerazzjoni u koinċinerazzjoni. Il-valuri tal-limiti stabbiliti għandhom jipprevjienu jew jillimitaw sa fejn prattiku l-effetti negattivi fuq l-ambjent u r-riskji li jirriżultaw għas-saħħa tal-bniedem.

[…]

(13)

Konformità mal-valuri tal-limitu għall-emissjoni preskritti f’din id-Direttiva għandhom jitqiesu bħala meħtieġa imma mhumiex kondizzjonijiet biżżejjed għall-konformità mal-ħtiġiet tad-Direttiva 96/61/KE [tal-Kunsill 96/61/KE ta’ l-24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU L 257, p. 26)]. Din il-konformità tista’ tinvolvi valuri tal-limitu iżjed severi għall-emissjonijiet ta’ kontaminanti previsti f’din id-Direttiva, valuri tal-limitu għall-emissjonijiet ta’ sustanzi oħra u mezzi oħra, u kondizzjonijiet xierqa oħra.

[…]

(24)

Il-ħtiġiet biex tiġi rkuprata s-sħana ġenerata minħabba l-proċess ta’ inċinerazzjoni jew koinċinerazzjoni u biex jitnaqqas u jiġi reċiklat l-iskart li jirriżulta mill-operazzjoni ta’ impjanti ta’ inċinerazzjoni jew koinċinerazzjoni għandhom jgħinu sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ l-Artikolu 3 dwar l-iskart gradat tad-Direttiva 75/442/KEE”.

6

Kif jirriżulta wkoll mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/76, din hija intiża sabiex tipprevjieni jew tillimita sa fejn hu prattikabbli l-effetti negattivi fuq l-ambjent mill-inċinerazzjoni u koinċinerazzjoni tal-iskart, partikolarment ta’ tniġġis bl-emissjonijiet fl-arja, fil-ħamrija, fl-ilma tal-wiċċ u fl-ilma tal-art, u r-riskju li jirriżulta għas-saħħa tal-bniedem.

7

It-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu jippreċiża li dan l-għan għandu jintlaħaq permezz ta’ kundizzjonijiet tal-operat u ħtiġijiet tekniċi stretti, bit-twaqqif ta’ valuri limitu ta’ emissjonijiet għall-impjanti ta’ inċinerazzjoni u koinċinerazzjoni tal-iskart.

8

It-termini “impjant ta’ inċinerazzjoni” u “impjant ta’ koinċinerazzjoni” huma ddefiniti fl-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2000/76 bil-mod li ġej:

“4)

“Impjant ta’ inċinerazzjoni”

tfisser kull apparat u tagħmir tekniku stazzjonarju jew mobbli dedikat għat-trattament ta’ sħana ta’ l-iskart bi jew mingħajr l-irkupru tas-sħana ġenerata mill-kombustjoni. Dan jinkludi l-inċinerazzjoni bl-ossidazzjoni ta’ l-iskart kif ukoll proċessi ta’ trattamenti oħra tas-sħana bħal pirolisi, gassifikazzjoni jew il-proċessi tal-plasma sakemm s-sustanzi li jirriżultaw mit-trattament jiġu sussegwentement inċinerati.

Din id-definizzjoni tkopri s-sit u l-impjant kollu ta’ l-inċinerazzjoni inklużi l-linji kollha ta’ l-inċinerazzjoni, il-post fejn jintefa’ l-iskart, il-ħżin, il-faċilitajiet ta’ trattament minn qabel fuq is-sit, sistemi ta’ skart tal-kombustibbli u sistemi ta’ provista ta’ l-arja, boiler, faċilitajiet għat-trattamenti tal-gassijiet ta’ l-exhaust, faċilitajiet fuq is-sit għat-trattament jew ħżin tar-residwi u ta’ ilma mormi, munzell, apparat u sistemi għall-kontroll ta’ operazzjonijiet ta’ l-inċinerazzjoni, ir-reġistrazzjoni u s-sorveljar tal-kondizzjonijiet ta’ l-inċinerazzjoni;

5)

‘impjant ta’ koinċinerazzjoni’

tfisser kull impjant stazzjonarju jew mobbli li l-iskop ewlieni tiegħu hu l-ġenerazzjoni ta’ enerġija jew produzzjoni ta’ prodotti materjali:

li juża skart bħala kombustibbli regolari jew addizzjonali; jew

li fih l-iskart huwa ttrattat permezz tas-sħana għall-iskop ta’ tneħħija.

Jekk il-koinċinerazzjoni sseħħ b’tali mod li l-iskop ewlieni ta’ l-impjant m’huwiex il-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija jew produzzjoni ta’ prodotti materjali, imma jikkonċerna trattament ta’ sħana ta’ skart, l-impjant għandu jiġi meqjus bħala impjant ta’ inċinerazzjoni fil-kuntest tal-punt 4.

Din id-definizzjoni tkopri s-sit u l-impjant kollu inklużi l-linji tal-koinċinerazzjoni kollha, il-post fejn jintefa’ l-iskart, il-ħżin, il-faċilitajiet ta’ trattament minn qabel fuq is-sit, is-sistemi ta’ provvista ta’ l-iskart, il-kombustibbli u l-arja, boiler, faċilitajiet għat-trattamenti tal-gassijiet ta’ l-exhaust, faċilitajiet fuq is-sit għat-trattament jew ħżin tar-residwi u ta’ ilma mormi, munzelli, apparat u sistemi għall-kontroll ta’ operazzjonijiet ta’ inċinerazzjoni, ir-reġistrazzjoni u s-sorveljar tal-kondizzjonijiet ta’ l-inċinerazzjoni”.

9

L-Artikolu 3(12) tad-Direttiva 2000/76 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “permess” kif ġej:

“deċiżjoni miktuba (jew deċiżjonijiet varji bħal dawn) mibgħuta mill-awtorità kompetenti li tagħti l-awtorità biex impjant jitħaddem, li tkun soġġetta għal ċertu kondizzjonijiet li jiggarantixxu li l-impjant iħares il-ħtiġiet kollha ta’ din id-Direttiva. Permess jista' jkopri impjant wieħed jew iżjed jew partijiet ta’ impjant fl-istess sit imħaddma mill-istess operatur”.

10

L-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 96/61/KE, l-applikazzjoni għal permess għall-impjant ta’ l-inċinerazzjoni jew koinċinerazzjoni lill-awtorità kompetenti għandu jinkludi deskrizzjoni tal-miżuri li huma maħsuba li jiggarantixxu illi:

[…]

b)

is-sħana ġġenerata waqt il-proċess ta’ l-inċinerazzjoni u koinċinerazzjoni tiġi miġbura kemm-il darba jkun prattikabbli, per eżempju mis-sħana u mill-qawwa flimkien, mill-ġenerazzjoni tal-fwar ipproċessat jew tas-sħana tad-distrett;

[…]”

11

L-Artikolu 6(1) sa (3) u (6) tal-istess direttiva jiddisponi:

“1.   L-impjanti ta’ l-inċinerazzjoni għandhom ikunu maħduma biex jinkiseb livell ta’ l-inċinerazzjoni sabiex il-kontenut tal-gagazza u ta’ l-irmied ta’ taħt Karbonju Organiku Totali (TOC) huwa inqas mit-3 % jew it-telf tagħhom meta jitqabbdu bin-nar huwa inqas mill-5 % ta’ l-użin tal-materjal niexef. Jekk huwa neċessarju metodi ta’ teknika xierqa ta’ trattamenti bil-quddiem ta’ l-iskart għandhom jiġu użati.

Impjanti ta’ l-inċinerazzjoni għandhom ikunu mfassla, mgħammra, mibnija u mħaddma b’tali mod li l-gass li jirriżulta mill-proċess jiġi mtella’, wara l-aħħar injezzjoni ta’ arja tal-kombustjoni, f’mod kontrollat u omoġenju u anke taħt kondizzjonijiet l-iżjed sfavorevoli, għal temperatura ta’ 850°C, kif miżurat ħdejn il-ħajt ta’ ġewwa jew f’punt ieħor rappreżentattiv tal-kamra tal-kombustjoni kif awtorizzat mill-awtorità kompetenti, għal żewġ sekondi. Jekk skart perikoluż b’kontenut ta’ iżjed minn 1 % ta’ sustanzi aloġenati organiċi, espressi bħala klorin, huma inċinerati, it-temperatura għandha tilħaq 1100 °C għal żewġ sekondi mill-inqas.

Kull linja ta’ l-impjant ta’ l-inċinerazzjoni għandha tkun mgħammra mill-inqas b’burner awżiljarju wieħed. Dan il-burner għandu jixgħel waħdu meta t-temperatura tal-gassijiet kombustibbli, wara l-aħħar injezzjoni ta’ arja kombustibbli, taqa’ taħt 850 °C jew 1100 °C kif ikun il-każ. Dan jiġi użat ukoll waqt l-operazzjonijiet li jixegħlu u li jitfu l-impjant sabiex jiġi żgurat li t-temperatura ta’ 850 °C jew ta’ 1100 °C, kif ikun il-każ, tinżamm il-ħin kollu matul dawn l-operazzjonijiet u sakemm hemm skart mhux maħruq fil-kamra tal-kombustjoni.

Meta jiġi mixgħul u mitfi jew meta it-temperatura tal-gass tal-kombustjoni taqa’ taħt it-850 °C jew l-1100 °C kif ikun il-każ, m’għandhomx jingħataw karburanti lill-burner awżiljarju, li jistgħu jikkawżaw emissjonijiet għola minn dawk li jirriżultaw mill-ħruq taż-żejt tal-gass kif imniżżel fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/716/KEE, [tal-24 ta’ Novembru 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-kontenut tal-kubrit ta’ ċerti karburanti likwidi (ĠU L 307, p. 22)], gass likwidu jew gass naturali.

2.   L-impjanti ta’ koinċinerazzjoni għandhom ikunu mfassla, mgħammra, mibnija u mħaddma b’tali mod li l-gass li jirriżulta mill-koinċinerazzjoni ta’ l-iskart huwa, f'mod kontrollat u omoġenju u anke taħt kondizzjonijiet l-iżjed sfavorevoli, imsaħħan sat-temperatura ta’ 850 °C għal żewġ sekondi. Jekk skart perikoluż b’kontenut ta’ iżjed minn 1 % ta’ sustanzi aloġenati organiċi, espressi bħala kloru, huwa ko-inċinerat, it-temperatura għandha tilħaq l-1100 °C.

3.   L-impjanti ta' l-inċinerazzjoni u koinċinerazzjoni għandhom ikollhom u għandhom joperaw sistema awtomatika li tipprevjeni l-iskart li jidħol:

(a)

fil-bidu, sakemm jilħqu t-temperatura ta’ 850 °C jew 1100 °C, kif ikun il-każ jew it-temperatura mniżżla skond il-paragrafu 4;

(b)

kull meta ma tinżammx it-temperatura ta’ 850 °C jew 1100 °C, kif ikun il-każ jew it-temperatura mniżżla skond il-paragrafu 4;

(ċ)

kull meta l-miżuri kontinwi meħtieġa minn din id-Direttiva juru li xi valur ta’ limitu ta’ l-emissjonijiet inqabeż minħabba disturbi jew nuqqasijiet tal-mezzi ta’ purifikazzjoni.

[…]

6.   Kull tip ta’ sħana ġġenerata waqt il-proċess ta’ l-inċinerazzjoni jew koinċinerazzjoni għandha tiġi rkuprata sa fejn huwa prattikabbli”.

12

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/76 flimkien mal-Annessi II u V tagħha, jistabbilixxi l-valuri limitu ta’ emissjonijiet għall-impjanti ta’ inċinerazzjoni u koinċinerazzjoni. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2), il-valuri limitu ta’ emissjonijiet japplikaw ukoll f’impjant ta’ koinċinerazzjoni li fih jirriżulta li iżjed mill-40 % tal-ħelsien tas-sħana jiġi minn skart perikoluż.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Gävle Kraftvärme AB hija kumpannija tal-grupp Gävle Energi, li huwa l-proprjetà ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata li tappartjeni lill-komun ta’ Gävle. Hija topera l-impjant ta’ koġenerazzjoni ta’ Johannes li jikkostitwixxi l-impjant ta’ produzzjoni bażiku tal-kumpannija fi ħdan in-netwerk ta’ tisħin urban u jiżgura l-produzzjoni ta’ sħana u elettriku.

14

Billi pprevediet l-estensjoni ta’ dan l-impjant, Gävle Kraftvärme ressqet quddiem il-Östersunds tingsrätt, miljödomstolen (kulleġġ ġudikanti tal-qorti fl-ewwel istanza ta’ Östersund li għandu ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet dwar l-ambjent) talba għal awtorizzazzjoni sabiex twettaq attività li timplika kapaċità kalorifika totali ta’ kombustjoni ta’ mhux iktar minn 170 MW fl-imsemmi impjant. Din it-talba tirrigwarda b’mod partikolari l-punti li ġejjin:

awtorizzazzjoni biex tkompli tħaddem il-boiler solidu attwali li jaħdem bil-fjuwil (boiler nru 1) li għandu kapaċità kalorifika totali ta’ kombustjoni ta’ 85 MW;

awtorizzazzjoni biex tinstalla u tħaddem boiler ġdid li jaħdem bl-iskart b’kapaċità kalorifika totali ta’ kombustjoni ta’ mhux iktar minn 50 MW (boiler nru 2), u

awtorizzazzjoni biex tinstalla u t-tħaddem boiler ġdid li jaħdem bil-biofjuwil b’kapaċità kalorifika totali ta’ kombustjoni ta’ mhux iktar minn 85 MW (il-boiler nru 3),

15

It-talba kienet tirrigwarda wkoll l-awtorizzazzjoni biex isiru l-bidliet meħtieġa għal żieda fl-attività maż-żmien.

16

Meta ġiet ippreżentata din it-talba, il-modalitajiet preċiżi ta’ din iż-żieda kienu għadhom ma ġewx stabbiliti b’mod definittiv. Gävle Kraftvärme setgħat kemm tipproċedi għall-installazzjoni tal-boiler nru 2 u tinstalla l-boiler nru 3 biss fil-każ ta’ bżonn, u kemm ma tipproċedix għall-installazzjoni tal-boiler nru 2 u pjuttost tinstalla l-boiler nru 3. F’kull każ, il-kapaċità massima ma setgħatx tkun iktar minn 85MW.

17

Fit-talba għal awtorizzazzjoni tagħha, Gävle Kraftvärme kienet affermat li kemm il-boiler nru 1 kif ukoll il-boiler nru 2 setgħu jiġu kklassifikati bħala impjanti ta’ koinċinerazzjoni. L-amministrazzjoni pubblika reġjonali, li ddikjarat li kienet favorevoli għal din it-talba, madankollu kkunsidrat li l-attività inkwistjoni kienet pjuttost tikkorispondi għal impjant ta’ inċinerazzjoni tal-iskart. Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħat il-klassifikazzjoni proposta minn Gävle Kraftvärme, billi kkunsidrat li l-iskop ewlieni tal-impjant kien il-produzzjoni ta’ enerġija.

18

L-amministrazzjoni pubblika reġjonali kkontestat din id-deċiżjoni quddiem is-Svea Hovrätt, Miljööverdomstolen (kulleġġ ġudikanti tal-qorti tal-appell ta’ Svea li għandu ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet dwar l-ambjent), għax qieset li l-boiler Nru 1 kellu jiġi kklassifikat bħala “impjant ta’ koinċinerazzjoni”, filwaqt li l-boiler nru 2 kellu jiġi kklassifikat bħala “impjant ta’ inċinerazzjoni”, klassifikazzjonijiet li l-imsemmija qorti laqgħat.

19

Gävle Kraftvärme ppreżentat appell minn din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-Högsta domstolen (Qorti Suprema), billi sostniet li l-qorti tal-appell kienet inġustament ikklassifikat il-boilers b’mod separat.

20

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-klassifikazzjoni ta’ impjant hija importanti, fil-każ fejn il-ħtiġijiet fir-rigward tal-użu huma differenti skont it-tip ta’ impjant inkwistjoni. Konsegwentement, billi qieset li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi fuq interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-direttiva 2000/76 […], meta impjant ta’ koġenerazzjoni jkun jikkonsisti f’diversi unitajiet (boilers), kull waħda minn dawk l-unitajiet għandha titqies bħala impjant, jew l-evalwazzjoni għandha ssir fir-rigward tal-impjant ta’ koġenerazzjoni bħala ħaġa sħiħa?

2)

Fl-interpretazzjoni tad-direttiva [2000/76], impjant mibni għall-inċinerazzjoni tal-iskart iżda li hu intiż prinċipalment għall-produzzjoni tal-enerġija, għandu jiġi kklassifikat bħala impjant ta’ inċinerazzjoni jew inkella bħala impjant ta’ koinċinerazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Il-kunċetti ta’ “impjant ta’ inċinerazzjoni” u “impjant ta’ koinċinerazzjoni” huma ddefiniti fl-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2000/76.

22

Fil-kuntest tal-imsemmi Artikolu 3(4), impjant huwa ddefinit bħala “kull apparat u tagħmir tekniku”.

23

It-terminu “impjant” mhuwiex spjegat fil-kuntest tad-definizzjoni ta’ “impjant ta’ koinċinerazzjoni” fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/76, iżda huwa manifest li din id-dispożizzjoni tirriferi b’mod impliċitu għall-punt preċedenti tal-istess Artikolu. Fil-fatt, jirriżulta mill-kliem tal-imsemmi Artikolu 3(5) li d-definizzjoni ta’ “impjant ta’ koinċinerazzjoni” hija parti mill-kunċett ta’ “impjant ta’ inċinerazzjoni” fl-imsemmi Artikolu 3(4) u li m’hemmx differenza bejn dawn id-dispożizzjonijiet f’dak li jirrigwarda t-totalità tal-elementi tekniċi li għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni ta’ entità ta’ inċinerazzjoni.

24

L-elementi tekniċi li jikkostitwixxu impjant ta’ inċinerazzjoni u impjant ta’ koinċinerazzjoni huma elekanti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(4) u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/76. Fost dawn l-elementi jidher il-“boiler”. Kif jirrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 20 tal-konklużjonijiet tiegħu, b’differenza mill-elementi l-oħra elenkati fil-plural, it-terminu “boiler” (kif wkoll it-terminu “munzell”), huma msemmija fis-singular.

25

Għaldaqstant, il-kliem tal-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2000/76 jiġbed favur interpretazzjoni li tgħid li kull boiler individwali jikkostitwixxi, flimkien mat-tagħmir assoċjat miegħu, impjant distint fis-sens ta’ din id-direttiva.

26

Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-istruttura u l-għan tad-Direttiva 2000/76.

27

Minn naħa, fir-rigward tal-istruttura tagħha, huwa kostanti li l-impjanti ta’ inċinerazzjoni u l-impjanti ta’ koinċinerazzjoni huma suġġetti għal regoli differenti f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ użu kif ukoll tal-valuri limitu ta’ emissjonijiet li japplikaw għalihom. B’mod ġenerali, l-impjanti ta’ koinċinerazzjoni huma suġġetti għal regoli li huma inqas restrittivi.

28

F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-kundizzjonijiet ta’ użu, dawk li japplikaw għall-impjanti ta’ inċinerazzjoni fihom rekwiżiti li jirrelataw għall-kontenut ta’ karbonju organiku totali ta’ rmied tal-qiegħ jew gagazza kif ukoll it-telf tagħhom meta jitqabbdu bin-nar, li mhumiex previsti għall-impjanti ta’ koinċinerazzjoni. Barra minn hekk, jekk, għaż-żewġ tipi ta’ impjanti, l-imsemmija kundizzjonijiet fihom ċerti rekwiżiti fir-rigward tat-temperatura tal-gass tal-kombustjoni waqt provvista tal-iskart, huma biss l-impjanti ta’ inċinerazzjoni li għandhom ikunu mgħammra mill-inqas b’burner awżiljarju wieħed.

29

Kif jirrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tiegħu, ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-impjanti ta’ inċinerazzjoni jistgħu jiġu applikati biss għal kull boiler individwali. Minn dan jirriżulta li l-interpretazzjoni li tgħid li f’impjant ta’ koġenerazzjoni, kull boiler għandu jiġi kkunsidrat bħala impjant distint, timxi mal-istruttura tad-Direttiva 2000/76.

30

Tali konklużjoni hija barra minn hekk sostnuta mir-regoli li jirrigwardaw l-għotja ta’ awtorizzazzjoni ta’ użu ta’ impjant ta’ inċinerazzjoni jew ta’ impjant ta’ koinċinerazzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 3(12) tad-Direttiva 2000/76 jipprovdi b’mod espress l-ipoteżi li fiha permess jingħata għal diversi impjanti distinti li jinsabu fl-istess sit maħdum mill-istess operatur.

31

Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-għan tad-Direttiva 2000/76, jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha li din hija intiża sabiex tipprevjeni jew tillimita sa fejn hu prattikabbli l-effetti negattivi fuq l-ambjent mill-inċinerazzjoni u koinċinerazzjoni tal-iskart fuq l-ambjent billi timponi kundizzjonijiet ta’ użu u eżiġenzi tekniċi stretti kif ukoll billi tistabbilixxi valuri limitu għall-emissjonijiet.

32

Kif ukoll irrilevaw il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-osservazzjonijiet tagħhom, interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/76 li teskludi klassifikazzjoni separata ta’ kull boiler tista’ twassal biex tikser dan il-għan. B’hekk, fil-każ fejn impjant ta’ koġenerazzjoni fih entitajiet ta’ inċinerazzjoni u ta’ koinċinerazzjoni jiġi kklassifikat, fit-totalità tiegħu bħala impjant ta’ koinċinerazzjoni, tali impjant ikun f’pożizzjoni li jevita l-obbligi iktar stretti li japplikaw għal impjant ta’ inċinerazzjoni.

33

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/76, meta impjant ta’ koġenerazzjoni jikkonsisti f’diversi boilers, kull wieħed minn dawn il-boilers kif ukoll it-tagħmir assoċjat miegħu għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu impjant distint.

Fuq it-tieni domanda

34

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/76, impjant intiż għat-trattament tal-iskart bis-sħana jikkostitwixxi impjant ta’ inċinerazzjoni.

35

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5), impjant li għandu bħala skop ewlieni l-produzzjoni ta’ enerġija jew ta’ prodotti materjali, u li juża skart bħala kombustibbli regolari jew addizzjonali, u fih l-iskart huwa ttrattat permezz tas-sħana għall-iskop ta’ tneħħija, dan l-impjant għandu jiġi kkunsidrat bħala impjant ta’ koinċinerazzjoni.

36

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) jippreċiża li, jekk il-koinċinerazzjoni sseħħ b’tali mod li l-iskop ewlieni tal-impjant m’huwiex il-produzzjoni tal-enerġija jew ta’ prodotti materjali, imma jikkonċerna trattament ta’ sħana ta’ skart, l-impjant għandu jitqies li huwa “impjant ta’ inċinerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(4).

37

Jirriżulta b’mod ċar mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li impjant ta’ koinċinerazzjoni jikkostitwixxi forma partikolari ta’ impjant ta’ inċinerazzjoni u li huwa fid-dawl tal-iskop ewlieni ta’ impjant li hemm lok li jiġi evalwat jekk dan jikkostitwixxix impjant ta’ inċinerazzjoni jew impjant ta’ koinċinerazzjoni.

38

Għandu jiġi ppreċiżat li l-evalwazzjoni fir-rigward tal-iskop ewlieni ta’ impjant tirrigwarda l-elementi fattwali li jeżistu fil-mument li fih isseħħ tali evalwazzjoni, jiġifieri, fuq il-kapaċità u l-funzjonament ta’ dan l-impjant, jew, jekk l-impjant ikkonċernat għadu ma ġiex installat, fuq il-bażi tal-pjan li għalih l-awtorizzazzjoni ta’ użu intalbet.

39

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Żvediż isostni li approċċ ta’ klassifikazzjoni ta’ impjant li tibbaża ruħha biss fuq l-iskop ewlieni ta’ dan tal-aħħar tirriskja d-distorsjoni tal-għan tad-Direttiva 2000/76. Fil-fatt, diversi impjanti ta’ inċinerazzjoni mfassla u installati għall-inċinerazzjoni tal-iskart jistgħu jiġu riklassifikati bħala impjanti ta’ koinċinerazzjoni peress li s-sħana li tinġabar minnhom tintuża bi skop ta’ produzzjoni ta’ enerġija. Dawn l-impjanti jevitaw b’hekk il-kundizzjonijiet iktar stretti applikabbli għall-impjanti ta’ inċinerazzjoni. Skont dan il-gvern, sabiex issir distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ impjant, hemm bżonn li l-evalwazzjoni tiġi bbażata pjuttost fuq il-għan li għalih l-impjant inkwistjoni jkun ġie installat.

40

Madankollu, tali interpretazzjoni ma tistax tintlaqa’. Fl-ewwel lok, tmur kontra l-kliem ċar tad-Direttiva 2000/76. Kif ukoll irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta mill-kliem espliċiti tal-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva li huwa fid-dawl tal-iskop ewlieni tagħhom li l-impjanti tal-koinċinerazzjoni huma distinti mill-impjanti ta’ inċinerazzjoni. B’mod kuntrarju, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxi l-ebda kriterju f’dak li jirrigwarda l-iskop li għalih l-impjant jiġi installat.

41

Fit-tieni lok, kif jirriżulta wkoll mill-erbgħa u għoxrin premessa ta’ din id-direttiva, u kif ukoll mill-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttivi 75/442 u 2006/12, il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-iskart hija intiża sabiex tippromwovi, safejn huwa possibbli, l-irkupru tal-iskart, u b’mod partikolari, l-użu tiegħu bħala sors ta’ enerġija. Interpretazzjoni stretta wisq tal-kunċett “impjant ta’ koinċinerazzjoni” tista’ tippreġudika dan il-għan. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ regoli iktar stretti għall-impjanti li għandhom bħala skop ewlieni l-produzzjoni ta’ enerġija jew ta’ prodotti materjali tiddiswadi l-operaturi ta’ tali impjanti milli jibdew jew milli jsegwu tali attività.

42

Fit-tielet lok, huwa importanti li jiġi enfasizzat il-fatt li impjant użat fil-produzzjoni tal-enerġija bl-inċinerazzjoni tal-iskart ta’ volum limitat ma jistax jitqies li waħdu jikkostitwixxi impjant li l-iskop ewlieni tiegħu huwa l-produzzjoni tal-enerġija jew ta’ prodotti materjali. Fil-fatt, l-imsemmija erbgħa u għoxrin premessa kif ukoll l-Artikolu 4(2)(b) u l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2000/76 jipprovdu espressament, meta dan huwa possibbli, l-irkupru tas-sħana prodotta mhux biss waqt il-proċess ta’ koinċinerazzjoni, iżda wkoll waqt il-proċess ta’ inċinerazzjoni.

43

Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 2000/76 timponi kundizzjonijiet stretti fuq iż-żewġ tipi ta’ impjanti u tipprovdi salvagwardji speċifiċi għall-impjanti ta’ koinċinerazzjoni. Pereżempju, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2), il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti għall-impjanti ta’ inċinerazzjoni japplikaw ukoll għall-impjanti ta’ koinċinerazzjoni fejn iktar minn 40 % tal-ħelsien tas-sħana jiġi minn skart perikoluż. Barra minn hekk, kif ukoll jirriżulta mit-tlettax-il premessa ta’ din id-direttiva, jekk, minħabba l-kapaċità tagħhom, l-impjanti previsti minnha jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/61, dawn għandhom jirrispettaw ukoll id-dispożizzjonijiet ta’ din l-aħħar direttiva, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-valuri limitu għall-emissjoni.

44

Kif jirrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 sa 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-iskop ewlieni ta’ impjant ta’ inċinerazzjoni għandu jirriżulta b’mod oġġettiv minn diversi elementi fattwali.

45

Fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jeżaminaw iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull impjant. B’mod partikolari, hemm lok li jiġi kkunsidrat il-volum ta’ produzzjoni ta’ enerġija jew ta’ prodotti materjali fil-konfront tal-kwantità ta’ skart inċinerat fl-impjant inkwistjoni kif ukoll l-istabbiltà jew in-natura kontinwa ta’ din il-produzzjoni.

46

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li huwa minħabba l-iskop ewlieni tiegħu li impjant għandu jiġi kklassifikat bħala “impjant ta’ inċinerazzjoni” jew “impjant ta’ koinċinerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2000/76. Huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jidentifikaw dan l-iskop fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-elementi fattwali eżistenti fil-mument ta’ meta titwettaq din l-evalwazzjoni. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, il-volum ta’ produzzjoni ta’ enerġija jew ta’ prodotti materjali ġġenerati mill-impjant ikkonċernat fil-konfront tal-kwantità ta’ skart inċinerat fl-impjant inkwistjoni kif ukoll l-istabbiltà jew in-natura kontinwa ta’ din il-produzzjoni.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Diċembru 2000, dwar l-inċinerazzjoni tal-iskart, meta impjant ta’ koġenerazzjoni jikkonsisti f’diversi boilers, kull wieħed minn dawn il-boilers kif ukoll it-tagħmir assoċjat miegħu għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu impjant distint.

 

2)

Huwa minħabba l-iskop ewlieni tiegħu li impjant għandu jiġi kklassifikat bħala impjant ta’ inċinerazzjoni jew impjant ta’ koinċinerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2000/76. Huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jidentifikaw dan l-iskop fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-elementi fattwali eżistenti fil-mument meta titwettaq din l-evalwazzjoni. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, il-volum ta’ produzzjoni ta’ enerġija jew ta’ prodotti materjali ġġenerati mill-impjant ikkonċernat fil-konfront tal-kwantità ta’ skart inċinerat fl-impjant inkwistjoni kif ukoll l-istabbiltà jew in-natura kontinwa ta’ din il-produzzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.