Brussell, 27.3.2024

COM(2024) 149 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar it-9a Rapport ta’ Koeżjoni

{SWD(2024) 79 final}


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar it-9a Rapport ta’ Koeżjoni

“Sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha in ġenerali, l-Unjoni għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha.”

(It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 174)

I. Introduzzjoni

Il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hija ġid pubbliku Ewropew

L-UE kienet imsejsa fuq il-valuri tas-solidarjetà, l-opportunitajiet indaqs u l-koeżjoni. Mill-bidu nett, it-Trattat ta’ Ruma stabbilixxa l-għan li “jitnaqqsu d-differenzi li jeżistu bejn id-diversi reġjuni u r-ritard tar-reġjuni żvantaġġati”. Din il-koeżjoni ekonomika u soċjali, it-tnaqqis tad-disparitajiet interni, ġustament tqieset li hija ta’ benefiċċju għall-Ewropa kollha u għadha valida bl-istess mod illum.

Minn dak iż-żmien, il-Politika ta’ Koeżjoni kienet waħda mill-pilastri ewlenin tal-proġett Ewropew. Mill-ħolqien tas-Suq Uniku, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, għal diversi tkabbir, il-Politika ta’ Koeżjoni appoġġat kull pass tal-integrazzjoni Ewropea – inkluż, f’dawn l-aħħar snin, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Il-forzi tas-suq waħedhom ma jistgħux jiżguraw li l-benefiċċji minn dawn il-passi ewlenin ta’ integrazzjoni jkunu mifruxa b’mod ugwali madwar l-Ewropa, għalhekk il-Politika ta’ Koeżjoni hija meħtieġa biex tgħin lill-Istati Membri u lir-reġjuni jikkontribwixxu, jibbenefikaw u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Maż-żmien, il-Politika ta’ Koeżjoni aġixxiet ukoll bħala stabbilizzatur ekonomiku, sors affidabbli ta’ appoġġ u investiment matul il-kriżi finanzjarja, u, aktar reċentement, matul il-pandemija u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, flimkien ma’ strumenti oħra bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Bil-fokus reġjonali u l-approċċ ibbażat fuq il-post, il-Politika ta’ Koeżjoni hija waħda mill-aktar espressjonijiet viżibbli ta’ solidarjetà Ewropea, parti integrali tal-mudell Ewropew tat-tkabbir, u pedament tad-dar Ewropea tagħna.

Il-partijiet ikkonċernati jikkonfermaw ir-rwol ewlieni u l-importanza tal-Politika ta’ Koeżjoni. Huma għamluha ċara fid-diskussjonijiet dwar il-futur tal-Politika. Matul is-sena li għaddiet, l-awtoritajiet reġjonali u partijiet ikkonċernati oħra għamlu kontributi u 20 Stat Membru organizzaw dibattiti. Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Speċjalisti ppubblika orjentazzjonijiet ewlenin għall-politika futura 1 fi Frar. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni kollha adottaw opinjonijiet u konklużjonijiet dwar elementi ewlenin għall-futur tal-Politika ta’ Koeżjoni. Meħuda flimkien, dawn l-inputs jikkonfermaw ir-rwol ewlieni tal-politika, jagħtu stampa tal-isfidi emerġenti, flimkien mat-tagħlimiet meħuda u r-reazzjonijiet possibbli.

Tletin sena wara t-tnedija parallela tas-Suq Uniku Ewropew u ta’ Politika ta’ Koeżjoni msaħħa, u għoxrin sena wara t-tkabbir tal-2004, ix-xejra fit-tul hija ċara: ħafna partijiet tal-Ewropa esperjenzaw konverġenza ekonomika u soċjali ’l fuq notevoli. Madankollu, għad hemm disparitajiet soċjoekonomiċi u għadd dejjem jikber ta’ reġjuni jirriskjaw li jitħabtu ma’ sfidi ġodda. F’dan il-kuntest, huwa meħtieġ li jittieħed kont ta’: mhux biss tal-kisbiet tal-Politika ta’ Koeżjoni, iżda wkoll kif tista’ tadatta. L-objettiv tat-Trattat ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali jibqa’ rilevanti daqs qatt qabel, iżda l-metodi għandhom jevolvu.

Mappa 1. Indiċi tal-Iżvilupp Ekonomiku fil-livell NUTS 3, 2001-2021



II. Il-Politika ta’ Koeżjoni: tkabbir u kompetittività fit-tul, impjiegi ta’ kwalità

It-tkabbir storiku tal-UE fl-2004 huwa eżempju ċar tal-impatt pożittiv tal-Politika ta’ Koeżjoni. Għoxrin sena wara, il-PDG medju per capita fl-Istati Membri li ssieħbu żdied minn madwar 52 % tal-medja tal-UE fl-2004 għal kważi 80 % fl-2023. Ir-rati tal-qgħad f’dawn l-Istati Membri naqsu minn medja ta’ 13 % għal 4 % matul dan il-perjodu.

Din il-konverġenza ’l fuq kienet xprunata minn żieda fil-produttività (PDG għal kull persuna impjegata) f’reġjuni inqas żviluppati. Dan jixhed it-titjib fit-tul tal-kompetittività u l-ambjent tan-negozju ta’ dawn ir-reġjuni. Dan l-irkupru ppermetta wkoll progress soċjali tanġibbli, pereżempju f’termini ta’ eżiti tas-saħħa aħjar, u tnaqqis fir-rati tal-qgħad u tal-faqar kważi fir-reġjuni kollha matul dawn l-aħħar għaxar snin.

Madankollu, il-konverġenza ma kinitx uniformi madwar l-UE. Dan jirrifletti d-differenzi fil-produttività u l-kompetittività. Filwaqt li diversi reġjuni tal-Lvant esperjenzaw irkupru impressjonanti mill-2004, u bbenefikaw minn spinta ekonomika ta’ wara t-tkabbir, ħafna reġjuni oħra esperjenzaw diverġenza gradwali, li jfisser li jonqsu milli jlaħħqu mal-medja tal-UE. Dan huwa partikolarment il-każ tar-reġjuni fl-Istati Membri tan-Nofsinhar, u speċjalment mill-kriżi finanzjarja tal-2008, iżda wkoll ta’ grupp ta’ reġjuni fi tranżizzjoni fi Stati Membri aktar żviluppati. Fil-fatt, madwar terz tar-reġjuni tal-UE għad iridu jaraw ritorn għal-livelli tal-PDG per capita tal-2008. Dawn ir-reġjuni jkopru l-istadji kollha tal-iżvilupp, u jistgħu jinstabu anke fi Stati Membri aktar żviluppati.

Il-PDG reali per capita saħansitra naqas f’diversi reġjuni fl-Istati Membri tan-Nofsinhar mill-bidu tas-seklu li jirrifletti l-impatt tax-xokkijiet ekonomiċi u l-isfidi strutturali persistenti: it-tkabbir tal-produttività, il-kwalità tal-istituzzjonijiet u l-funzjonament bla xkiel tas-swieq tax-xogħol. Fl-istess ħin, il-biċċa l-kbira tar-reġjuni tal-Lvant għandhom iżommu l-momentum ta’ konverġenza u jestendu l-muturi tagħhom tat-tkabbir lil hinn miż-żoni metropolitani biex itaffu d-disparitajiet interreġjonali li qed jikbru.

 

Mappa 2. PDG per capita (PPS), 2022

Mappa 3. It-tkabbir reġjonali tal-PDG per capita meta mqabbel mal-medja tal-UE u dik nazzjonali, 2001-2021

Nota: Il-mappa 3 turi t-tkabbir reġjonali tal-PDG per capita mill-2001. Ir-reġjuni kollha bl-aħdar (ċar u skur) esperjenzaw tkabbir ogħla mill-medja tal-UE, filwaqt li t-tkabbir tar-reġjuni bl-isfar u bl-oranġjo kien taħt il-medja tal-UE. Id-dell tal-kulur (aħdar ċar u skur, isfar u oranġjo) juri tkabbir reġjonali vis-à-vis il-medja nazzjonali.

Il-politika ta’ Koeżjoni kkontribwiet għal funzjonament aħjar tas-Suq Uniku billi stimulat it-tkabbir u l-kompetittività fit-tul. Tejbet l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi permezz ta’ infrastruttura fiżika u diġitali, u żiedet il-konnettività. Barra minn hekk, il-Politika ta’ Koeżjoni tat spinta lill-ekonomiji lokali u l-attraenza billi tejbet l-innovazzjoni u l-intraprenditorija permezz ta’ appoġġ għall-SMEs, kif ukoll saħħet il-kapital uman bit-taħriġ u l-edukazzjoni. Il-politika ta’ Koeżjoni appoġġat ukoll il-governanza tajba, il-kooperazzjoni u l-effiċjenza amministrattiva.

Il-politika ta’ Koeżjoni kellha rwol ewlieni fl-appoġġ tal-investiment pubbliku. Pereżempju, Il-Politika ta’ Koeżjoni tirrappreżenta kważi 13 % tal-investiment totali tal-gvern 2 fl-UE b’mod globali, u 51 % fl-Istati Membri inqas żviluppati 3 . Dawn l-investimenti saħħew il-mudell ta’ tkabbir Ewropew, u xprunaw it-tkabbir ekonomiku f’konformità mal-prijoritajiet ta’ politika ewlenin mit-tranżizzjoni doppja, għall-innovazzjoni, in-negozju u l-ħiliet, mill-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni u s-saħħa għall-protezzjoni mid-diżastri naturali.

Illustrazzjoni 1. Kisbiet tal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020

Lil hinn mill-impatti soċjali u ekonomiċi diretti tagħha, il-Politika ta’ Koeżjoni kkontribwiet ukoll għat-titjib tal-kapaċità amministrattiva u l-kwalità tal-governanza fl-Istati Membri. L-investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni għandhom prerekwiżiti, imsejħa “kundizzjonijiet abilitanti”. Dawn jappoġġaw il-prijoritajiet ewlenin tal-UE, kif ukoll il-kwalità u s-sostenibbiltà tal-investimenti. L-impatt orizzontali tal-kundizzjonijiet abilitanti huwa komplementari mal-implimentazzjoni tar-riformi speċifiċi għall-pajjiż promossi permezz tas-Semestru Ewropew.

Barra minn hekk, il-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni, permezz ta’ rekwiżiti ta’ evalwazzjoni, sħubija, trasparenza jew awditjar u kontroll, għandhom effetti konsegwenzjali pożittivi fuq il-prattiki nazzjonali.

Il-politika ta’ Koeżjoni ssaħħaħ is-Suq Uniku u toħloq kundizzjonijiet ekwi

Il-konverġenza tippermetti lil kull reġjun jipparteċipa bis-sħiħ fis-Suq Uniku. It-tneħħija tal-ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-kapital u tal-ħaddiema ppromwoviet allokazzjoni aħjar tar-riżorsi madwar l-UE u rawmet l-iskambju tal-ideat u l-innovazzjoni. Id-diversità dejjem tikber tar-reġjuni tal-UE pprovdiet lill-Unjoni u lill-kumpaniji tagħha b’ġabra akbar ta’ vantaġġi kompetittivi. Billi tinvesti fl-infrastruttura, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, u oqsma ewlenin oħra, il-Politika ta’ Koeżjoni tgħin lir-reġjuni kollha jipparteċipaw u jaħsdu l-benefiċċji tal-ekonomiji ta’ skala maħluqa mis-Suq Uniku u mill-kompetizzjoni internazzjonali. Suq Uniku akbar, żviluppat sew, innovattiv u konness huwa kruċjali għall-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur intra-UE b’saħħithom li huma importanti għall-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE.

Il-politika ta’ Koeżjoni għandha effetti sinifikanti u pożittivi għall-Ewropa kollha kemm hi. L-immudellar makroekonomiku 4 jissuġġerixxi li l-programmi 2014-2020 u 2021-2027, meħuda flimkien, jistgħu jżidu l-PDG tal-UE b’ 0.9 % sa tmiem l-2030. Dan l-impatt huwa dejjiemi: li jibqa’ 0.6 % sal-2043. L-impatt huwa, naturalment, ħafna aktar b’saħħtu fil-pajjiżi ta’ Koeżjoni 5 fejn l-appoġġ huwa kkonċentrat: Il-PDG tal-Kroazja se jkun sa 8 % ogħla fl-2030, 6 % ogħla fil-Polonja u fis-Slovakkja u 5 % ogħla fil-Litwanja milli fin-nuqqas tal-appoġġ ta’ Koeżjoni. Reġjuni aktar żviluppati, li jirċievu appoġġ per capita aktar baxx mill-Politika ta’ Koeżjoni, jibbenefikaw ukoll minn effetti konsegwenzjali pożittivi qawwija ġġenerati minn programmi fi bnadi oħra. Ir-reġjuni żviluppati jiksbu sħab fil-ktajjen tal-provvista tagħhom, u s-swieq għall-esportazzjonijiet u l-investimenti tagħhom.

Ir-redditu pożittiv fuq l-investiment tal-Politika ta’ Koeżjoni għas-Suq Uniku jista’ jintwera bil-multiplikatur. Kull euro investit fil-programmi 2014-2020 u 2021-2027 se jkun iġġenera EUR 1.3 ta’ PDG addizzjonali fl-Unjoni sal-2030 u kważi se jittriplika fl-2043, li huwa ekwivalenti għal rata annwali ta’ redditu ta’ madwar 4 %. L-immudellar jistma wkoll madwar 1.3 miljun impjieg addizzjonali għall-UE kollha kemm hi sal-2027, b’sehem kbir fis-setturi marbuta mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

In-natura mmirata tal-appoġġ tal-Politika ta’ Koeżjoni fil-biċċa l-kbira ttaffi r-riskju ta’ esklużjoni tal-investiment privat. Il-politika ta’ Koeżjoni tiffoka l-aktar fuq oqsma fejn l-investiment privat mhuwiex biżżejjed, jew minħabba l-eżistenza ta’ fallimenti tas-suq (eż. l-aċċess għall-finanzjament għal negozji ġodda, mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar) jew sabiex jiġu appoġġati l-beni pubbliċi (eż. l-edukazzjoni, il-kura tat-tfal). L-analiżijiet kwantitattivi li jirfdu d-9a Rapport ta’ Koeżjoni 6 juru b’mod konsistenti effetti netti pożittivi — li jikkonfermaw li l-politika tħeġġeġ investiment privat sinifikanti matul u lil hinn mill-ħajja tal-programmi. Iż-żieda fl-użu ta’ strumenti finanzjarji tista’ tgħin biex ikun hemm aktar investiment privat.

It-tkabbir futur se jirrikjedi l-integrazzjoni fis-Suq Uniku tal-Istati Membri l-ġodda. L-objettivi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE jibqgħu validi f’Unjoni usa’, kemm fl-Istati Membri attwali kif ukoll futuri 7 . Madankollu, il-konverġenza soċjoekonomika mal-UE għandha diġà tibda fil-fażi ta’ qabel l-adeżjoni. Il-Faċilità l-Ġdida għall-Ukrajna, il-Pjan ta’ Tkabbir għall-Balkani tal-Punent u l-Faċilità ta’ Riforma u Tkabbir għall-Balkani tal-Punent għandhom l-objettiv triplu ta’ aċċess akbar għas-Suq Uniku tal-UE, żieda fl-assistenza finanzjarja u aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tar-riformi.

Il-politika ta’ Koeżjoni għenet biex jittaffew l-impatti asimmetriċi tal-kriżijiet reċenti

Is-sensiela ta’ kriżijiet bla preċedent kellha impatt mhux uniformi madwar l-Unjoni. Mill-pandemija tal-COVID-19 sal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, reġjuni u gruppi soċjali differenti ġew affettwati b’mod differenti ħafna. Għall-pandemija, l-effetti kienu aktar severi fir-reġjuni dipendenti fuq it-turiżmu, l-industriji kulturali jew servizzi oħra li jirrikjedu ħafna ħaddiema, kif ukoll f’industriji integrati fil-fond fil-ktajjen tal-valur globali. Fir-rigward tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-impatti negattivi nħassu b’mod partikolari fir-reġjuni tal-fruntiera, kif ukoll fir-reġjuni fejn l-industrija hija vulnerabbli għal prezzijiet għoljin tal-enerġija, jew għal tfixkil fil-katina tal-provvista. B’mod ġenerali, għall-kriżijiet kollha, ir-reġjuni periferiċi u inqas żviluppati kienu esposti aktar ta’ spiss. U l-impatti asimmetriċi ġew imkabbra mill-kapaċità istituzzjonali mhux uniformi fid-diversi livelli meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi.

L-UE rreaġixxiet fil-pront biex ittaffi l-impatti tal-kriżijiet u twitti t-triq għal irkupru robust. Il-politika ta’ Koeżjoni kienet rapida fil-mobilizzazzjoni tal-appoġġ għar-reġjuni vulnerabbli, u naqqset ir-riskju li jkomplu jikbru d-disparitajiet. L-azzjonijiet kienu jinkludu l-injezzjoni ta’ likwidità ġdida biex jiġi appoġġat l-investiment, flessibbiltà biex tiġi appoġġata l-kontinwazzjoni tal-proġetti, skemi għaż-żamma tal-impjiegi, u flessibbiltajiet immirati ulterjuri fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni. B’mod partikolari permezz tal-pakketti tal-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII). Barra minn hekk, taħt NextGenerationEU, ingħata appoġġ komprensiv lill-Istati Membri biex irawmu l-proċess ta’ rkupru ekonomiku u r-reżiljenza fit-tul tagħhom, permezz tal-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), kif ukoll l-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU). Flimkien mar-REPowerEU, imnedija wara l-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, il-flessibbiltajiet ipprovduti taħt il-Politika ta’ Koeżjoni bl-inizjattiva Appoġġ għall-Enerġija Affordabbli (SAFE), kienu strumentali biex jappoġġaw lil dawk l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari, il-persuni f’riskju ta’ faqar enerġetiku u l-SMEs vulnerabbli għal prezzijiet għoljin tal-enerġija. B’mod parallel, l-Azzjonijiet ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) ipprovdew appoġġ finanzjarju lill-awtoritajiet lokali u lill-NGOs li jilqgħu lin-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna, bħala riżultat tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja.

Flimkien mal-Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE) u NextGenerationEU, b’mod partikolari l-RRF, l-interventi tal-Politika ta’ Koeżjoni kkontribwew għal irkupru ekonomiku rapidu fl-2021 u fl-2022, speċjalment għar-reġjuni inqas żviluppati, u għal rati baxxi ta’ qgħad. Filwaqt li l-kriżi tal-COVID-19 kienet ikkawżat tnaqqis fil-PDG ta’ 5.7 %, l-introjtu kien prattikament reġa’ lura għal-livell tal-2019 f’sentejn fil-kategoriji kollha tar-reġjuni. B’kuntrast ma’ dan, wara l-kriżi tal-2008, it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kien inqas qawwi (4.3 % tal-PDG), iżda sentejn wara, fl-2010, ir-reġjuni inqas żviluppati kienu naqsu saħansitra aktar u t-tranżizzjoni u r-reġjuni aktar żviluppati bilkemm bdew jirkupraw. Appoġġati mill-miżuri ta’ mitigazzjoni msemmija hawn fuq u l-azzjonijiet ta’ appoġġ nazzjonali, is-swieq tax-xogħol tal-UE wrew reżiljenza. Għaddiet biss sena biex nerġgħu lura għal, jew jinqabżu, il-livelli ta’ impjieg tal-2019 fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni tal-UE. B’kuntrast ma’ dan, matul il-kriżi finanzjarja tal-2008, it-tnaqqis fl-impjiegi dam sal-2013, u reġa’ lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi sal-2016 u sat-2 019 biss fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-UE.

Madankollu, il-kriżijiet reċenti enfasizzaw il-vulnerabbiltà ta’ ħafna reġjuni – u l-ħtieġa għal aktar reżiljenza fl-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tagħhom. Għal dan l-għan, għandha tiġi mħeġġa l-promozzjoni ta’ ktajjen tal-valur Ewropej li jibqgħu validi fil-futur — b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni u l-espansjoni ta’ teknoloġiji kritiċi u emerġenti f’setturi strateġiċi, kif appoġġat permezz tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) 8 .

Il-konverġenza soċjali mxiet ’il quddiem, għalkemm għad fadal ħafna sfidi

Il-konverġenza soċjali hija mmexxija ‘l quddiem mill-impenn qawwi meħud mill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u s-sħab soċjali matul is-Summit Soċjali ta’ Porto biex jintlaħqu l-miri tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali:

-Jeħtieġ li mill-inqas 78 % tan-nies ta’ bejn l-20 u l-64 sena jkollhom impjieg,

-Mill-inqas 60 % tal-adulti għandhom jipparteċipaw f’xi taħriġ kull sena,

-L-għadd ta’ nies fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali jrid jonqos b’mill-inqas 15-il miljun, inklużi mill-inqas 5 miljun tifel u tifla.

Mappa 4. Rata tal-impjieg (20-64 sena), 2022

-

Il-politika ta’ Koeżjoni tal-UE kellha rwol ċentrali fit-titjib ġenerali tal-indikaturi tal-impjiegi u soċjali fl-UE f’dawn l-aħħar għaxar snin. Il-pajjiżi tal-Lvant tal-UE għamlu progress sinifikanti fl-inklużjoni soċjali u fit-tnaqqis tal-faqar, b’konverġenza mal-medja tal-UE (rati ta’ faqar ta’ 21 %). Madankollu, il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-UE staġnaw mill-2019 (madwar 25 %). Id-distakk bejn ir-reġjuni aktar żviluppati u dawk inqas żviluppati naqas ukoll minn madwar 14 pp fl-2016 għal 9 pp fl-2022.

Madankollu, xejriet pożittivi fl-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar jistgħu jiġu pperikolati mill-inflazzjoni u l-prezzijiet għoljin tal-enerġija, u progress mhux uniformi fost il-gruppi tal-popolazzjoni. Iż-żoni rurali fil-Lvant u fin-Nofsinhar tal-UE huma l-aktar affettwati direttament mill-faqar enerġetiku. Madankollu, jistgħu jinstabu żoni ta’ faqar f’kull reġjun – inklużi żoni urbani żviluppati. Xi gruppi tal-popolazzjoni, bħall-komunitajiet emarġinati, jgħixu f’faqar persistenti, ikkaratterizzat minn segregazzjoni tal-akkomodazzjoni, edukazzjoni insuffiċjenti u opportunitajiet ta’ impjieg, u aċċess limitat għas-servizzi bażiċi.

Id-differenzi fl-impjiegi bejn ir-reġjuni naqsu, bl-appoġġ attiv tal-Politika ta’ Koeżjoni. Għalkemm ir-rati ta’ impjieg għadhom aktar dgħajfa f’reġjuni inqas żviluppati b’ 68 % fl-2022, meta mqabbla ma’ 78 % f’reġjuni aktar żviluppati, id-distakk naqas b’ 5 pp mill-2013.

Ir-rati tal-qgħad ikkonverġew ukoll. It-titjib huwa impressjonanti fir-reġjuni inqas żviluppati, fejn ir-rata naqset kważi bin-nofs, minn 15.8 % fl-2013 għal 8 % fl-2022, filwaqt li t-tnaqqis fir-reġjuni aktar żviluppati minn 8.3 % għal 5 % juri wkoll progress sinifikanti.

Madankollu, minkejja l-progress f’dawn l-aħħar snin, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u r-rata ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (ir-rata tan-NEETs) fl-UE għadhom sfida sinifikanti, kif ukoll ir-rati ta’ impjieg aktar baxxi persistenti tal-persuni b’diżabilità. It-tnaqqis fil-qgħad fost iż-żgħażagħ u n-NEET osservat mill-2014 reġa’ beda fl-2021 u fl-2022 wara żieda temporanja fl-2020 matul il-pandemija tal-COVID-19. Ir-rata tal-qgħad ta’ persuni ta’ bejn il-15 u l-24 sena naqset drastikament b’aktar minn 10 pp mill-2013, u laħqet 14 % fl-2022. Madankollu, il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa aktar mid-doppju tal-qgħad ġenerali, li naqas għal 6.2 %. Ir-rata tan-NEETs naqset mill-2013 b’aktar minn 4 pp, għal 12 % fl-2022. Huwa meħtieġ aktar progress biex tintlaħaq il-mira tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ta’ 9 %.

Id-disparitajiet fil-qgħad fost iż-żgħażagħ bejn ir-reġjuni inqas żviluppati u reġjuni oħra naqsu bejn l-2013 u l-2022, bis-saħħa ta’ tnaqqis ogħla fir-reġjuni inqas żviluppati u fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-UE. Madankollu, dawn għadhom għoljin, bir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ta’ 22 % fir-reġjuni inqas żviluppati hija kważi d-doppju ta’ dik tar-reġjuni aktar żviluppati. Id-disparitajiet fir-rata tan-NEETs bejn ir-reġjuni inqas żviluppati u reġjuni oħra naqsu wkoll bejn l-2013 u l-2022. Madankollu, ir-rata tan-NEETs fir-reġjuni inqas żviluppati għadha ta’ 16 %, jiġifieri kważi d-doppju ta’ dik f’reġjuni aktar żviluppati.

Dejjem aktar, il-qgħad baxx u d-domanda għolja għax-xogħol ipoġġu pressjoni fuq is-swieq tax-xogħol. In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet qed jiżdied u sar sfida ewlenija f’varjetà ta’ okkupazzjonijiet u setturi fil-livelli kollha tal-ħiliet, u b’mod partikolari f’xi reġjuni. Dawn in-nuqqasijiet huma aggravati mill-isfidi konkomitanti tad-domanda għal ħiliet speċifiċi biex jirrispondu għat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, it-tranżizzjonijiet industrijali strutturali u t-tnaqqis qawwi tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, li huwa mistenni li jonqos b’ 50 miljun sal-2050. F’dan ir-rigward, il-parteċipazzjoni inklużiva fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi sottorappreżentati għandha rwol ewlieni fil-kisba tal-konverġenza u fl-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħaddiema fl-UE, flimkien mat-tisħiħ tal-politiki dwar it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni, kif ukoll fir-riformi tas-suq tax-xogħol. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol qed tkompli tiżdied, bis-saħħa ta’ livell għoli ta’ edukazzjoni, aċċess imtejjeb għas-servizzi tal-kura tat-tfal u arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli, filwaqt li r-rata ta’ impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi reġgħet żdiedet wara tnaqqis fl-2020.

Minkejja tnaqqis viżibbli fid-disparitajiet fil-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol, xi reġjuni mhumiex sejrin tajjeb – ir-reġjuni ċentrali tat-Tramuntana tal-UE għandhom swieq tax-xogħol aktar b’saħħithom (u b’mod ġenerali sitwazzjoni soċjali aħjar) mir-reġjuni tan-Nofsinhar u tax-Xlokk. Il-progress fit-tnaqqis tad-disparità bejn il-ġeneri fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol naqas jew staġna f’dawn l-aħħar snin: għall-UE kollha kemm hi, id-differenza bejn is-sessi għadha ta’ 11 pp, li tibqa’ fattur li jikkontribwixxi għad-disparitajiet fis-suq tax-xogħol.

Kien hemm żieda ġenerali fil-kisba edukattiva. Is-sehem ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola naqas madwar l-UE, b’mod partikolari fir-reġjuni inqas żviluppati. Ix-xejra pożittiva fil-kisba tal-edukazzjoni terzjarja kompliet fir-reġjuni kollha, bir-rata ġenerali laħqet l-34 % fl-2022. B’kuntrast ma’ dan, il-parteċipazzjoni tal-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ naqset meta faqqgħet il-COVID-19, iżda reġgħet marret lura speċjalment fir-reġjuni inqas żviluppati u fl-Istati Membri tal-Lvant tal-UE.

Il-livelli tal-ħiliet u l-innovazzjoni għandhom rwol ċentrali biex jixprunaw it-tkabbir tal-produttività u l-kompetittività fit-tul. Aktar ħaddiema b’ħiliet u kreattivi huma kruċjali għall-innovazzjoni u l-ħolqien ta’ prodotti u servizzi ġodda u kompetittivi. Fl-2022 kien hemm żieda qawwija fil-parteċipazzjoni tal-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, li qabżet il-pass ta’ qabel il-Covid. Madankollu, huwa meħtieġ progress sostanzjali biex tintlaħaq il-mira tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ta’ 60 % tal-adulti li jipparteċipaw fl-edukazzjoni u t-taħriġ kull sena. L-esperjenza f’xi Stati Membri b’Kontijiet Individwali tal-Apprendiment 9 turi triq ċara għall-progress.

Id-disparitajiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ għadhom jippersistu, b’mod partikolari minħabba konċentrazzjoni qawwija ta’ gradwati terzjarji fil-bliet (fejn huma kkonċentrati l-biċċa l-kbira tal-possibbiltajiet biex tinkiseb edukazzjoni terzjarja). Dawn iwasslu għal żbilanċi, xi drabi miżjuda aktar minħabba l-emigrazzjoni ta’ persuni b’edukazzjoni terzjarja mir-reġjuni fejn kienu ggradwaw. Dan l-“eżodu ta’ mħuħ” jikkostitwixxi sfida serja għas-sostenibbiltà futura tal-ekonomiji reġjonali u l-fergħat soċjali. Dawn l-iżbilanċi fid-disponibbiltà tat-talent fir-reġjuni kollha huma dovuti għal opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità insuffiċjenti u fatturi oħra bħal livell aktar baxx ta’ dotazzjoni tal-infrastruttura, aċċess għall-indukrar tat-tfal, edukazzjoni u taħriġ, servizzi u faċilitajiet tas-saħħa u servizzi oħra.

It-tibdil demografiku huwa mistenni li jkompli jaggrava n-nuqqas ta’ ħaddiema u jżid il-pressjoni fuq il-baġits pubbliċi. Wara għexieren ta’ snin ta’ tkabbir, il-popolazzjoni tal-UE ilha tonqos mill-2020, peress li l-migrazzjoni netta ma għadhiex tikkumpensa għat-tkabbir naturali negattiv. Fil-livell tal-EU-27, il-bidla naturali fil-popolazzjoni u l-migrazzjoni netta huma l-ogħla fir-reġjuni urbani, u l-aktar baxxi (u spiss negattivi) f’dawk rurali. Barra minn hekk, ir-reġjuni remoti jesperjenzaw migrazzjoni netta negattiva ġenerali, marbuta ma’ nuqqas ta’ opportunitajiet ekonomiċi u ta’ impjieg, kif ukoll nuqqas ta’ aċċess għal servizzi ewlenin (inklużi l-edukazzjoni, l-indukrar tat-tfal u l-kura tas-saħħa), li jagħmilhom inqas attraenti u jistgħu jwasslu biex in-nies jitbiegħdu.

Mappa 5. Bidla totali fil-popolazzjoni, tkabbir naturali u migrazzjoni netta, 2010-2021

It-tnaqqis tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol se jirrikjedi żidiet aċċellerati fil-produttività biex jinżammu l-istandards tal-għajxien u rati ogħla ta’ impjieg, b’mod partikolari għal persuni li għadhom mhumiex attivi fis-suq tax-xogħol. F’dan ir-rigward, ir-reġjuni mhumiex mgħammra b’mod uniformi. Ir-reġjuni li jikkombinaw sehem baxx ta’ persuni b’ħiliet għolja u migrazzjoni ’l barra taż-żgħażagħ u dawk edukati jistgħu jaqgħu f’nassa tal-iżvilupp tat-talenti, li tillimita l-kapaċità tagħhom li jibnu ekonomiji sostenibbli, kompetittivi u bbażati fuq l-għarfien. Kif spjegat fid-dettall fil-Komunikazzjonijiet “L-isfruttar tat-talent fir-reġjuni tal-UE 10 ” u “It-tibdil demografiku fl-Ewropa: sett ta’ għodod għall-azzjoni” 11 , hija meħtieġa taħlita ta’ politika strateġika li tikkombina r-riformi u l-investimenti biex terġa’ lura jew tadatta għal din ir-realtà.

It-tibdil demografiku jeħtieġ adattament fil-livell tar-reġjuni u l-bliet. Pereżempju, l-integrazzjoni tal-projezzjonijiet demografiċi fit-tfassil tal-politika spazjali, l-aġġustament tal-forniment tas-servizzi pubbliċi, l-adattament tal-governanza pubblika, iż-żieda fir-rati tal-impjiegi u t-trawwim tal-ixprunaturi tal-produttività. L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għandhom kapaċità qawwija biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema u jwettqu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u għandhom rwol ewlieni fl-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti: għajnuna biex jinżamm u jiġi attirat it-talent, tiġi ġġenerata kapaċità ta’ assorbiment fis-soċjetajiet u fl-ekonomiji li jinsabu fihom, u biex tgħin fil-bini ta’ komunitajiet sostenibbli (u aktar ekwi).

Mappa 6. Reġjuni (f’riskju li jaqgħu) f’nassa tal-iżvilupp tat-talenti

…u mhux ir-reġjuni kollha jibbenefikaw mill-istess dinamika tat-tkabbir

Id-disparitajiet ekonomiċi għadhom kbar madwar il-kontinent. Aktar minn persuna waħda minn kull erbgħa fl-UE (28 %) jgħixu f’reġjun bi PDG per capita taħt is75 % tal-medja tal-UE. Il-biċċa l-kbira tagħhom jgħixu fl-Istati Membri tal-Lvant, iżda wkoll fil-Greċja, fil-Portugall, fi Spanja, fin-Nofsinhar tal-Italja u fir-reġjuni ultraperiferiċi. Mill-2001, it-tkabbir tal-PDG reali per capita kien negattiv f’diversi reġjuni, b’mod partikolari fil-Greċja u fl-Italja, għalkemm dan l-aħħar kien qed jiżdied.

Il-bidliet fid-disparitajiet sottonazzjonali juru xejriet differenti madwar l-Istati Membri. F’ħafna Stati Membri tal-Lvant (bħas-Slovakkja, il-Bulgarija u r-Rumanija), iż-żidiet fid-disparitajiet kienu xprunati minn rati għoljin ħafna ta’ tkabbir fl-aktar reġjuni żviluppati (tipikament ir-reġjun tal-belt kapitali). Fi Franza u l-Greċja, id-disparitajiet interni żdiedu minħabba li t-tkabbir tal-PDG per capita f’reġjuni ifqar kien partikolarment baxx. F’xi Stati Membri oħra, bħall-Portugall, it-tnaqqis fid-disparitajiet reġjonali huwa dovut għall-prestazzjoni relattivament fqira ta’ xi reġjuni żviluppati u li qabel kienu dinamiċi.

F’ħafna Stati Membri l-iżvilupp ekonomiku huwa xprunat mill-kompetittività tar-reġjuni kapitali u l-agglomerazzjonijiet ewlenin. Flimkien ma’ nuqqas ta’ rkupru ta’ oqsma oħra, dan iwassal għal diverġenza interna. Din il-polarizzazzjoni spazjali tista’ tkun sors ta’ esternalitajiet negattivi (tensjonijiet fis-swieq tax-xogħol u tad-djar, konġestjoni, tniġġis) u n-nuqqas ta’ utilizzazzjoni tal-potenzjal ekonomiku tal-pajjiż kollu. Dan jista’ jimmina l-kompetittività tal-Istati Membri u min-naħa tiegħu s-sostenibbiltà tax-xejra tat-tkabbir tagħhom fit-tul.

Iż-żoni rurali, muntanjużi, insulari u skarsament popolati għadhom qed jiffaċċjaw sfidi speċifiċi li jimpedixxu t-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku, li jirriżultaw minn konnettività fiżika u diġitali aktar baxxa jew opportunitajiet limitati ta’ edukazzjoni u taħriġ. L-introjtu medju fiż-żoni rurali huwa ta’ 87.5 % tal-introjtu medju fiż-żoni urbani 12 . Madankollu, matul il-perjodu 2001–2021, ir-reġjuni mhux urbani (bħala medja) esperjenzaw tkabbir tal-PDG per capita ferm ogħla mir-reġjuni urbani: 1.5 % meta mqabbel ma’ 0.8 %. Madankollu, ix-xejra hija differenti fl-Istati Membri tal-Lvant, fejn it-tkabbir huwa xprunat b’mod aktar prominenti minn agglomerazzjonijiet kbar u bliet kapitali. Ir-rapport pubbliku dwar "Il-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE: kisbiet ewlenin u t-triq ’il quddiem” tipprovdi l-kuntest għal dibattitu dwar il-futur taż-żoni rurali.

Dawn id-disparitajiet territorjali jaggravaw sitwazzjoni li fiha għadd ta’ reġjuni jiffaċċjaw staġnar jew tnaqqis ekonomiku, bir-riskju li jaqgħu f’nassa tal-iżvilupp (jiġifieri jaqgħu lura meta mqabbla mar-rati medji ta’ tkabbir tal-UE u nazzjonali, kif ukoll il-prestazzjoni tagħhom fil-passat). Dawn jinkludu xi poli industrijali akbar f’reġjuni aktar żviluppati. Dawk li jfasslu l-politika fir-reġjuni maqbuda spiss isibuha diffiċli biex isibu soluzzjonijiet biex jerġgħu jiksbu d-dinamiżmu ekonomiku tal-passat. Din is-sitwazzjoni żżid il-frustrazzjoni, li qed tinbidel dejjem aktar fi skuntentizza politika.

Il-kawżi ewlenin tan-nases tal-iżvilupp ivarjaw bejn ir-reġjuni. Dan jirrikjedi dijanjożi individwali, u jista’ jinvolvi diversi fatturi interkonnessi, bħal speċjalizzazzjoni insuffiċjenti, governanza pubblika dgħajfa, ekosistema tal-innovazzjoni ineffiċjenti, diskrepanza fis-servizzi jew spariġġ fil-ħiliet. Dawn il-fatturi jistħoqqilhom analiżi ddedikata għal kull reġjun u reazzjonijiet ta’ politika sussegwenti mfassla apposta, permezz ta’ sett immirat ta’ investimenti u riformi.

III. Jekk ma jiġux indirizzati, l-isfidi strutturali u emerġenti jistgħu jwessgħu d-disparitajiet territorjali

It-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jġibu opportunitajiet ġodda, huma meħtieġa biex tinżamm il-kompetittività tal-UE fil-futur, biex tiġi żgurata kwalità ta’ ħajja tajba għaċ-ċittadini. Iżda jeħtieġu wkoll bidliet strutturali, li jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn politiki ta’ appoġġ – b’mod partikolari għan-nies, il-kumpaniji u r-reġjuni li huma l-aktar vulnerabbli u esposti, bir-riskju li jiżdiedu d-disparitajiet reġjonali u soċjali. Il-politika tal-UE dwar il-klima tfittex li tiżgura l-ġustizzja, b’mod partikolari bil-miri għat-tnaqqis tal-gassijiet serra jkunu aktar stretti għall-Istati Membri aktar sinjuri, filwaqt li dawk bi PDG per capita aktar baxx jirċievu sehem akbar mid-dħul mill-irkantar mill-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet. Minbarra l-fondi trasversali tal-UE, bħall-Politika ta’ Koeżjoni u l-RRF, ġie użat ukoll sett ta’ strumenti ta’ finanzjament iddedikati biex jittaffew l-impatti soċjali u ekonomiċi tat-tranżizzjoni klimatika, b’mod partikolari permezz tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Soċjali għall-Klima li jmiss.

It-tibdil fil-klima jirriskja li jżid l-inugwaljanzi reġjonali. Il-frekwenza u s-severità ta’ diżastri relatati mat-temp bħal temperaturi estremi, maltempati, għargħar intern u kostali, nixfiet u nirien fil-foresti, qed jiżdiedu. Pereżempju, l-għargħar fir-reġjuni fil-fruntiera bejn il-Belġju u l-Ġermanja fl-2021 ikkawża ħsara diretta stmata għal EUR 34.5 biljun. Il-mortalità relatata mas-sħana żdiedet, speċjalment fir-rigward ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ. Dawn l-avvenimenti u l-impatt tagħhom fuq in-nies u l-ekonomija, kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jlaħħqu magħhom, mhumiex imqassma b’mod uniformi madwar l-Ewropa. Ir-reġjuni kostali, tal-Mediterran u tal-Lvant, li diġà huma ifqar mill-medja tal-UE, huma aktar vulnerabbli u affettwati b’mod sproporzjonat, u jiffaċċjaw telf ekonomiku annwali stmat ta’ mill-inqas 1 % tal-PDG u esponiment akbar tal-bniedem għal ħsarat relatati mal-klima.

Mappa 7. Impatt tat-tibdil fil-klima f’xenarju ta’ tisħin globali ta’ 2 °C sal-2050

It-tniġġis tal-arja fl-UE għadu kkaratterizzat minn differenzi soċjoekonomiċi. It-tniġġis tal-arja huwa ġeneralment ogħla fil-bliet milli fiż-żoni rurali, b’mod partikolari minħabba l-impatt tat-traffiku. Għalkemm il-kwalità tal-arja tjiebet kemm fl-aktar reġjuni sinjuri kif ukoll fl-ifqar reġjuni tal-UE matul il-perjodu 2007–2020, l-inugwaljanzi jippersistu peress li l-konċentrazzjoni ta’ partikoli inalabbli fini hija konsistentement madwar terz ogħla fl-ifqar reġjuni aktar dipendenti fuq il-fjuwils solidi għat-tisħin.

Il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent jitolbu tnaqqis rapidu tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja fis-setturi kollha, inkluż permezz tal-ekonomija ċirkolari u r-restawr tal-ekosistemi. Dan jeħtieġ azzjoni fil-livelli kollha tal-gvern, peress li dawn l-isfidi għandhom it-tendenza li jkollhom impatti territorjali u soċjali qawwija. Id-differenzi naturali, ġeografiċi u soċjoekonomiċi bejn ir-reġjuni jwasslu wkoll għal kapaċitajiet differenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet.

It-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima jeħtieġ li tiġi ġestita b’mod ġust u ekwu. Il-kapaċità mhux uniformi tar-reġjuni li jaħsdu l-benefiċċji ta’ din it-tranżizzjoni tista’ taggrava d-disparitajiet territorjali. Il-bidla ekonomika assoċjata ma’ din it-tranżizzjoni għandha t-tendenza li tkun ta’ benefiċċju għar-reġjuni li huma aktar kapaċi jattiraw l-investiment u jimmobilizzaw ħaddiema tas-sengħa. Fl-istess ħin, ħafna reġjuni rurali u inqas żviluppati għandhom potenzjal għoli li jipproduċu enerġija rinnovabbli mir-riħ u mix-xemx jew għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju f’ekosistemi naturali. L-iżvilupp ta’ dan il-potenzjal iservi mhux biss lir-reġjuni nfushom iżda għas-sigurtà tal-enerġija madwar l-Ewropa kollha kemm hi.

Mappa 8. Potenzjal mhux sfruttat għall-enerġija solari, mir-riħ u mill-ilma

It-tranżizzjoni klimatika ġġib magħha wkoll kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi għall-impjiegi u għall-unitajiet domestiċi. Ċerti setturi li jiddependu ħafna fuq il-fjuwils fossili x’aktarx li jiġu affettwati mit-telf ta’ impjiegi jew mir-ristrutturar. Fl-istess ħin, it-tibdil fil-klima jirrappreżenta sfida għal setturi tradizzjonali bħall-agrikoltura, it-turiżmu, l-industrija jew saħansitra l-produzzjoni tal-enerġija, speċjalment f’żoni fejn l-iskarsezza tal-ilma ssir in-norma. Il-ħaddiema f’setturi fejn l-impatt tat-tibdil fil-klima huwa aktar b’saħħtu — speċjalment dawk b’ħiliet speċifiċi jew opportunitajiet limitati biex jidħlu f’industriji oħra — jistgħu jsibuha diffiċli biex isibu impjiegi ġodda, u dan iwassal għal qgħad u pressjonijiet fuq l-introjtu tal-familji. Fil-każ ta’ setturi li huma dominanti fl-ekonomiji reġjonali u lokali, l-impatti se jkunu ta’ skala usa’, li tirrikjedi li l-ekonomiji f’dawn ir-reġjuni jadattaw biex jibqgħu kompetittivi. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji u miżuri li ma jagħmlux ħsara lill-klima tirrikjedi investimenti addizzjonali, li joħolqu diffikultajiet għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx.

Huwa meħtieġ approċċ komprensiv biex jitrawmu l-impjiegi u l-opportunitajiet fir-reġjuni kollha, jiġu indirizzati l-kostijiet asimmetriċi tat-tibdil fil-klima u tiġi implimentata t-tranżizzjoni klimatika u ekoloġika, inkluż l-aċċellerazzjoni tal-mitigazzjoni tal-gassijiet serra u tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja, l-investimenti meħtieġa fir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, it-titjib tal-ġestjoni tar-riżorsi naturali u r-restawr tan-natura, il-ħolqien ta’ ekosistemi b’saħħithom u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, l-appoġġ għall-adattament għat-tibdil fil-klima u l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, l-investiment fl-effiċjenza fl-użu tal-ilma u t-trattament tal-ilma mormi (fejn meħtieġ), fl-ekonomija ċirkolari, fl-effiċjenza enerġetika tal-abitazzjonijiet u l-bidla għal modi ta’ trasport li ma jagħmlux ħsara lill-klima.

It-tranżizzjoni diġitali tipprovdi opportunitajiet għar-reġjuni kollha f’termini ta’ żieda fil-produttività tan-negozji, l-innovazzjoni, ir-reżiljenza u l-aċċess għas-servizzi u opportunità speċjalment għal territorji rurali u aktar remoti. Madankollu, it-tranżizzjoni diġitali tista’ tinvolvi wkoll riskji għall-koeżjoni, minħabba l-kapaċità mhux uniformi tat-territorji u tan-nies li jadottaw u jagħmlu użu mit-teknoloġiji diġitali — inkluż għal dawk f’sitwazzjonijiet żvantaġġati u komunitajiet emarġinati. Fin-nuqqas ta’ politiki pubbliċi adegwati, id-diskrepanzi fil-ħiliet diġitali jistgħu jikbru, u potenzjalment japprofondixxu d-distakki soċjali u reġjonali fl-Ewropa. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ investimenti fl-infrastruttura tal-konnettività diġitali u l-użu ta’ teknoloġiji diġitali jistgħu jfixklu t-tkabbir fit-tul u l-kompetittività tar-reġjuni affettwati. Dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-attraenza soċjoekonomika ta’ tali reġjuni, li jagħmilha aktar diffiċli biex tinżamm forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati u negozji innovattivi.

Huwa meħtieġ appoġġ kontinwu għar-reġjuni, speċjalment dawk l-inqas ippreparati, u b’mod partikolari f’żoni rurali u remoti, biex jiġi żgurat li dawn ikunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tat-trasformazzjoni diġitali. Tali appoġġ huwa meħtieġ b’mod partikolari fir-rigward tal-investimenti fit-tnedija ta’ infrastrutturi u servizzi avvanzati tan-network diġitali, l-akkwist ta’ ħiliet diġitali bażiċi u avvanzati kif ukoll l-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali min-negozji, miċ-ċittadini u mill-amministrazzjonijiet pubbliċi.

Ix-xenarju ġeopolitiku l-ġdid jista’ jkollu impatt qawwi wkoll fuq bosta reġjuni tal-UE. Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna wasslet biex xi reġjuni esperjenzaw tnaqqis qawwi ta’ investiment, flussi kummerċjali u attivitajiet ekonomiċi (inkluż it-turiżmu), kif ukoll ostakli ekonomiċi ġodda u telf ta’ impjiegi. Il-gwerra rriżultat ukoll f’għadd bla preċedent ta’ persuni li jeħtieġu kenn fl-UE. Permezz ta’ kombinazzjoni ta’ appoġġ legali, operazzjonali u finanzjarju, l-UE għenet biex tiżgura li kemm dawk li qed jaħarbu lejn l-UE kif ukoll l-Istati Membri li jkunu qed jilqugħom ikollhom sostenn tajjeb. Madankollu, xi reġjuni raw għadd partikolarment għoli ta’ wasliet, u dan poġġa pressjoni fuq is-sistemi ta’ integrazzjoni lokali. Ir-reġjuni li jmissu mar-Russja u l-Belarussja qed jiffaċċjaw ukoll sfidi għas-sigurtà u t-theddida jew l-użu tal-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni.

Huwa meħtieġ ukoll appoġġ kontinwu għal xi reġjuni periferiċi tan-Nofsinhar u reġjuni ultraperiferiċi esposti għal pressjoni migratorja partikolari fil-fruntiera esterna jew li qed jesperjenzaw żieda fil-wasliet irregolari.

It-tensjonijiet li qed jiżdiedu u kompetizzjoni internazzjonali akbar jitolbu ktajjen tal-valur aktar diversifikati. Fil-kuntest ta’ awtonomija strateġika miftuħa, id-diversità tar-reġjuni tal-UE u l-vantaġġi kompetittivi eżistenti u potenzjali tagħhom hija ta’ vantaġġ. Id-diversità reġjonali tista’ ssaħħaħ is-suq uniku u l-ktajjen tal-valur madwar l-Ewropa. Iżda biex jinkiseb dan, ir-reġjuni jridu jkunu mgħammra bir-riżorsi fiżiċi, umani u innovattivi t-tajba — u jkunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal u l-valur miżjud tagħhom.

Kwistjonijiet ta’ governanza

In-nuqqasijiet fil-governanza pubblika u l-kapaċità amministrattiva jfixklu l-potenzjal tal-iżvilupp u jibqgħu sfida strutturali f’diversi reġjuni u Stati Membri. Il-kwalità tal-istituzzjonijiet — inkluż ir-rispett għall-istat tad-dritt, u l-kapaċità amministrattiva — hija kruċjali għar-redditu fuq l-investiment pubbliku u privat. Hemm korrelazzjoni qawwija bejn il-kwalità tal-governanza u l-impatt tal-investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni. Dan jitlob għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fir-reġjuni Ewropej, inkluż fid-dawl tat-tkabbir futur tal-UE, peress li t-titjib tal-kwalità tal-governanza fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali jista’ jżid l-effettività tal-politiki u l-investimenti nazzjonali u Ewropej.

Mappa 9. Indiċi Ewropew tal-Kwalità tal-Gvern 2024

Il-potenzjal ta’ żvilupp ta’ ħafna reġjuni jista’ jiġi affettwat ukoll min-nuqqas ta’ diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament fil-livelli reġjonali u lokali, meta jiddependu l-aktar fuq trasferimenti mill-baġits nazzjonali. L-entitajiet sottonazzjonali huma inkarigati, bħala medja, minn aktar minn nofs l-investimenti pubbliċi. Dan il-proporzjon huwa aktar baxx, iżda qed jiżdied, fl-Istati Membri inqas żviluppati. Din it-tip ta’ dipendenza timmina r-reżiljenza tal-pajjiżi kkonċernati għax-xokkijiet. Kapaċità ta’ finanzjament ogħla u diversifikata tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, b’mod partikolari l-possibbiltà li jiġi mobilizzat l-investiment privat, flimkien mat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u l-kompetenzi amministrattivi tagħhom, għalhekk isaħħu s-sostenibbiltà tal-istrateġiji ta’ żvilupp tagħhom.

IV. Nagħtu rendikont tal-kisbiet tal-Politika ta’ Koeżjoni u nisiltu tagħlimiet għall-futur

Kif enfasizzat hawn fuq, filwaqt li l-Politika ta’ Koeżjoni kkontribwiet b’suċċess għall-konverġenza bejn l-Istati Membri, l-istampa fil-livell sottonazzjonali hija aktar sfumata. Tabilħaqq, dan il-proċess ta’ konverġenza nazzjonali xi drabi huwa mxekkel minn żieda fid-disparitajiet sottonazzjonali, b’mod partikolari bejn żoni metropolitani kbar u reġjuni oħra, kif ukoll minn reġjuni li għadhom lura, spiss maqbuda f’“nassa tal-iżvilupp”.

Il-programmi 2021–2027 bdew b’xi dewmien minħabba l-impatt tal-pandemija u, f’xi Stati Membri, minħabba fatturi oħra bħall-ħtieġa li jitħejjew Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-istess ħin. L-awtoritajiet maniġerjali fl-Istati Membri u r-reġjuni kellhom jittrattaw b’mod parallel ma’ sistemi ta’ governanza u perjodi ta’ żmien differenti. Stati Membri u reġjuni inqas żviluppati, li l-aktar jeħtieġu investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni, spiss jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fit-tfassil u fl-implimentazzjoni - u għandhom riżorsi amministrattivi aktar limitati. Minkejja l-miżuri biex tiġi ssimplifikata l-Politika ta’ Koeżjoni introdotti permezz tal-qafas leġiżlattiv 2021-2027 u l-appoġġ għall-kapaċità amministrattiva pprovdut matul l-aħħar deċennji, hija meħtieġa aktar simplifikazzjoni tal-politika.

Sabiex tissaħħaħ l-effettività tagħha fit-twettiq tal-objettivi tat-Trattat tagħha, b’mod partikolari fid-dawl tal-isfidi futuri, hemm bżonn li ssir riflessjoni dwar kif it-tfassil tal-Politika ta’ Koeżjoni jista’ jittejjeb aktar.

It-twettiq tal-objettiv tat-Trattat: it-tnaqqis tad-disparitajiet fl-iżvilupp ekonomiku

Il-politika ta’ Koeżjoni evolviet b’mod kostanti matul il-perjodi li għaddew, biex tadatta għal ċirkostanzi ġodda u biex tappoġġa l-prijoritajiet tal-UE. Dan involva bidliet fl-investimenti appoġġati, il-kopertura ġeografika, il-mod ta’ twassil, l-użu ta’ kundizzjonalitajiet u r-rabta mal-proċess tas-Semestru Ewropew. Fl-istess ħin, il-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-politika nżammu u saħansitra ssaħħew maż-żmien: qafas fit-tul għall-programmazzjoni, is-sħubija mal-partijiet ikkonċernati u s-soċjetà ċivili, il-governanza f’diversi livelli, l-evalwazzjoni u l-ġbir tad-data, u fuq kollox, l-approċċ ibbażat fuq il-post – fejn l-appoġġ huwa mfassal għall-ħtiġijiet u l-opportunitajiet speċifiċi reġjonali.

F’konformità mal-objettivi tat-Trattat tagħha, ir-riżorsi tal-Politika ta’ Koeżjoni kienu kkonċentrati fuq ir-reġjuni inqas żviluppati u l-Istati Membri tal-UE: 70 % kemm tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali kif ukoll tal-Fond Soċjali Ewropew Plus huma allokati għal dawn ir-reġjuni taħt il-programmi 2021-2027. Il-Fond ta’ Koeżjoni huwa allokat kollu kemm hu lill-Istati Membri b’ING per capita taħt id-90 % tal-medja tal-UE. Għalkemm ir-reġjuni kollha jirċievu finanzjament mill-Politika ta’ Koeżjoni, l-intensità tal-għajnuna fl-2014-2020 hija ogħla fir-reġjuni inqas żviluppati, b’madwar EUR 297 jiġu allokati għal kull abitant u kull sena bħala medja, meta mqabbla ma’ EUR 117 għall-medja tal-UE.

Filwaqt li tinżamm enfasi qawwija fuq ir-reġjuni inqas żviluppati, għandha tingħata attenzjoni wkoll lid-dinamika tal-iżvilupp u x-xejriet fit-tul, filwaqt li jiġu indirizzati l-problemi qabel ma jinġemgħu u tingħata għajnuna lir-reġjuni maqbuda (jew f’riskju li jinqabdu) fin-nases tal-iżvilupp. Fil-qosor, it-teħid ta’ approċċ aktar proattiv biex jintlaħaq l-objettiv tat-Trattat li jiġi promoss żvilupp armonjuż.

Reġjuni differenti għandhom punti ta’ tluq differenti – u perkorsi ta’ żvilupp differenti

Ir-reġjuni għandhom punti tat-tluq, ħtiġijiet u kapaċitajiet differenti għall-iżvilupp. Huma wkoll mgħammra b’mod mhux uniformi biex ilaħħqu mal-isfidi emerġenti, minħabba l-kapaċitajiet amministrattivi u finanzjarji differenti tagħhom. Għalhekk se jieħdu toroq ta’ żvilupp differenti biex jimmaniġġjaw it-trasformazzjonijiet li għaddejjin bħalissa u dawk futuri.

L-UE, permezz tal-Politika ta’ Koeżjoni (iżda mhux biss), għandha tidderieġi appoġġ immirat u bbażat fuq il-post li jiffoka fuq il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull reġjun, konsistenti mal-prijoritajiet tal-UE u b’attenzjoni xierqa għall-isfidi, l-oqfsa u l-politiki f’kull Stat Membru.

Il-programmi ta’ żvilupp reġjonali ilhom il-pedament tal-Politika ta’ Koeżjoni, iżda l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta wera kif l-appoġġ jista’ jitfassal aktar għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-iżvilupp ta’ territorji, bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-isfidi identifikati minn qabel tat-tranżizzjoni klimatika. Bl-istess mod, l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti wrew li huma ta’ għajnuna fit-tisħiħ tal-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali: abbażi tal-kapaċitajiet u l-assi lokali, id-dipendenza fuq network ta’ partijiet ikkonċernati lokali u reġjonali, u l-indirizzar tad-distakk fl-innovazzjoni.

It-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, it-trasformazzjoni demografika, ix-xejriet ekonomiċi globali li qed jinbidlu u t-tibdil fil-klima se jaffettwaw l-ekonomiji reġjonali kollha. Iżda l-iskala u n-natura ta’ dawn l-isfidi se jvarjaw bejn ir-reġjuni – kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jaffaċċjawhom.

Għalhekk, hija meħtieġa riflessjoni bir-reqqa dwar kif l-aħjar titfassal aktar il-politika għall-profili ekonomiċi u l-karatteristiċi ġeografiċi differenti tar-reġjuni biex l-investimenti jiġu mmirati b’mod strateġiku. Hemm ħtieġa dejjem akbar li jiġu riflessi sfidi ta’ żvilupp multipli aħjar, ħtiġijiet ta’ riforma u ċirkostanzi soċjali u ta’ impjieg differenti sabiex tiġi ffaċilitata programmazzjoni aktar effiċjenti tal-fondi tal-UE f’reġjuni ultraperiferiċi, skarsament popolati, gżejjer, muntanjużi, reġjuni tal-fruntiera, żoni rurali u żoni affettwati minn tranżizzjoni industrijali u lil hinn minnha.

Il-promozzjoni ta’ żvilupp territorjali aktar ibbilanċjat

L-iżvilupp ekonomiku sottonazzjonali spiss huwa kkaratterizzat minn polarizzazzjoni qawwija bejn ir-reġjuni kapitali u ċ-ċentri metropolitani kbar minn naħa waħda, u reġjuni b’densità tal-popolazzjoni aktar baxxa min-naħa l-oħra. Id-distribuzzjoni mhux uniformi tal-ixpruni tat-tkabbir twassal biex ir-reġjuni aktar żviluppati jkollhom prestazzjoni aħjar minn oħrajn f’termini ta’ innovazzjoni u kompetittività, il-kwalità tal-governanza u l-amministrazzjoni pubblika, u l-kisba tal-edukazzjoni. Dan jista’ jfisser ukoll li potenzjal sinifikanti ta’ ħolqien ta’ impjiegi ekonomiċi u ta’ kwalità għad irid jiġi sfruttat f’reġjuni rurali u intermedji inqas żviluppati.

Iż-żoni metropolitani, il-bliet u l-inħawi tagħhom għandhom rwol ċentrali fl-iżvilupp reġjonali. Huma jikkonċentraw il-kapital uman (inklużi universitajiet, ċentri ta’ taħriġ vokazzjonali u ċentri ta’ R &D) u jiżguraw konnettività għolja u servizzi ta’ kwalità għolja. Minħabba dan, naturalment jattiraw l-investiment. Iżda l-attrazzjoni tagħhom tiġi bi prezz: konġestjoni ogħla, sfidi soċjali, u spejjeż tal-akkomodazzjoni – li, flimkien ma’ spejjeż ogħla tal-pagi, jistgħu jimminaw il-kompetittività tagħhom.

Il-bliet żgħar u ta’ daqs medju jaqdu wkoll rwol ċentrali fl-iżvilupp territorjali, billi jrawmu t-tkabbir taż-żoni ta’ madwarhom. Dawn huma kruċjali fil-provvista ta’ servizzi pubbliċi u privati u joffru opportunitajiet ta’ impjieg u edukazzjoni liż-żoni tal-madwar.

Kooperazzjoni aħjar madwar ir-reġjuni tal-UE tista’ tikkontribwixxi wkoll għall-kisba ta’ żvilupp territorjali aktar ibbilanċjat. Il-politika ta’ Koeżjoni, speċjalment permezz tal-programmi Interreg, għenet biex tappoġġa l-kollaborazzjoni interreġjonali permezz ta’ kooperazzjoni transfruntiera u transnazzjonali, inkluż permezz ta’ strateġiji makroreġjonali. Dawn irawmu l-innovazzjoni, l-iżvilupp u governanza aħjar. Madankollu, hemm lok għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali f’livelli differenti — b’mod partikolari fit-twassil ta’ beni pubbliċi komuni bejn il-fruntieri, minħabba l-valur miżjud tal-appoġġ għall-investimenti transfruntiera bil-baġit Ewropew.

L-iżbilanċi territorjali jistgħu jittaffew permezz ta’ mudell ta’ żvilupp aktar poliċentriku: il-bini fuq bliet żgħar u ta’ daqs medju, u l-promozzjoni tat-twassil ta’ servizzi pubbliċi f’inħawi ’il bogħod minn ċentri urbani kbar. Il-kooperazzjoni reġjonali tista’ tissaħħaħ billi tinbena l-kapaċità tal-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Is-sħubija, il-governanza f’diversi livelli u l-għoti tas-setgħa lill-partijiet ikkonċernati

In-nies fuq il-post għandhom aktar għarfien tal-ħtiġijiet eżatti tat-territorju tagħhom. Bħala tali għandhom ikunu involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fit-tfassil tal-politika. Din l-inklużjoni u l-għoti tas-setgħa jservu wkoll biex jikkontrobattu l-iskuntentizza politika 13 dejjem akbar u n-nuqqas ta’ fiduċja tal-awtoritajiet pubbliċi.

Il-qafas 2021–2027 saħħaħ is-sħubija u l-involviment tal-atturi reġjonali u lokali, is-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali. L-azzjonijiet kienu jinkludu l-promozzjoni ta’ mudelli ta’ twassil territorjali, bħall-iżvilupp lokali mmexxi mill-Komunità (CCLD) jew investimenti territorjali integrati. Dawn jikkombinaw finanzjament minn diversi sorsi biex iservu l-implimentazzjoni ta’ strateġija bbażata fuq it-territorju, li tinvolvi sħubija lokali, approċċi minn isfel għal fuq u governanza territorjali. Hija meħtieġa aktar riflessjoni dwar kif l-aħjar jiġu involuti l-awtoritajiet sottonazzjonali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u kif jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ governanza territorjali f’diversi livelli. L-għan huwa li jkun hemm rispons aħjar għall-ħtiġijiet tas-sħab ekonomiċi u soċjali u taċ-ċittadini, f’konformità mal-prijoritajiet tal-UE. Dan ir-rwol imsaħħaħ għall-imsieħba lokali jeħtieġ titjib fil-kapaċità amministrattiva tagħhom — kif l-aħjar li jsir dan għandu jkun parti mid-dibattitu.

Il-promozzjoni tal-konverġenza istituzzjonali billi jiġu indirizzati n-nuqqasijiet eżistenti fil-governanza pubblika u fil-kapaċità amministrattiva

Governanza tajba, stituzzjonijiet tajbin, ir-rispett għall-istat tad-dritt, u kapaċità amministrattiva b’saħħitha huma prekundizzjoni għat-tfassil u l-implimentazzjoni effettivi u effiċjenti ta’ kwalunkwe strateġija ta’ żvilupp, u b’mod aktar ġenerali għall-progress ekonomiku u soċjali. Dgħufijiet amministrattivi u ta’ governanza jimpedixxu lil xi Stati Membri u reġjuni milli jaħsdu l-benefiċċji sħaħ tal-Politika ta’ Koeżjoni – b’mod partikolari minħabba d-diffikultajiet tagħhom fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-investimenti.

Id-dgħufijiet fil-governanza u fil-kapaċità għadhom mifruxa. L-appoġġ attwali mill-Politika ta’ Koeżjoni, permezz ta’ assistenza teknika, fil-biċċa l-kbira jimla l-lakuni fil-kapaċità fil-ġestjoni tal-fondi u l-arranġamenti ta’ twassil, inkluż meta dawn ikunu relatati mal-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni.

Strumenti oħra tal-UE kkontribwew ukoll għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, l-aktar l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, li qed jappoġġa dejjem aktar lill-awtoritajiet reġjonali u lokali. Ir-riformi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi appoġġati mill-RRF (pereżempju fil-proċeduri tal-permessi jew fl-akkwist pubbliku) ibbenefikaw l-investimenti ffinanzjati kemm mill-RRF kif ukoll mill-Politika ta’ Koeżjoni.

Approċċ aktar ambizzjuż u komprensiv huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet fl-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali, kif ukoll fost il-benefiċjarji u s-sħab. Approċċ strateġiku bħal dan jista’ jikkombina appoġġ tekniku mfassal apposta ma’ rekwiżiti ta’ riforma f’ċerti oqsma.

L-indirizzar tan-nuqqasijiet amministrattivi mhux biss itejjeb l-effettività tal-Politika ta’ Koeżjoni, iżda jikkontribwixxi wkoll biex jistimula l-investimenti u l-iskambji fis-Suq Uniku, iżid l-attraenza tar-reġjuni u l-Istati Membri kkonċernati u jtejjeb il-kapaċità tagħhom li jimplimentaw l-acquis tal-UE.

It-tisħiħ tal-effettività tal-investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-promozzjoni tar-riformi

L-investimenti huma kundizzjoni meħtieġa, iżda mhux suffiċjenti, biex jiġi żgurat l-iżvilupp ekonomiku. Xi reġjuni, minkejja li rċevew appoġġ tal-Politika ta’ Koeżjoni għal ħafna snin, għadhom jesperjenzaw prestazzjoni ekonomika dgħajfa. Huma meħtieġa riformi biex jitneħħew l-ostakli għall-iżvilupp reġjonali – kemm jekk ikunu ostakli speċifiċi għall-investiment, ostakli regolatorji jew miżuri li jtejbu l-funzjonament tas-suq tax-xogħol u l-ambjent tan-negozju.

Il-politika ta’ Koeżjoni, taħt il-qafas 2021-2027, ippromwoviet rabtiet aktar b’saħħithom bejn l-investimenti u r-riformi permezz ta’ kundizzjonijiet abilitanti, u allinjament mas-Semestru Ewropew. Bit-tneħħija tal-ostakli għat-tkabbir u l-iżvilupp reġjonali, tali rabtiet jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq is-Suq Uniku.

Il-kundizzjonijiet abilitanti jistabbilixxu qafas uniformi biex tiżdied l-effettività tal-investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni, filwaqt li jiżguraw pereżempju r-rilevanza ekonomika u s-sostenibbiltà finanzjarja tal-ippjanar tal-investiment fit-trasport jew il-koerenza tal-ġestjoni tal-ilma mal-prijoritajiet u r-rekwiżiti tal-UE. Madankollu, l-applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-kundizzjonijiet, permezz ta’ sett komuni ta’ rekwiżiti stabbiliti fil-qafas regolatorju, tista’ tillimita l-kapaċità tagħhom li jqisu d-diffikultajiet, il-ħtiġijiet u l-isfidi speċifiċi tal-Istati Membri hekk kif jevolvu maż-żmien.

Ġiet stabbilita wkoll koordinazzjoni aktar b’saħħitha bejn is-Semestru Ewropew u l-investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni. Filwaqt li s-Semestru Ewropew jiffoka fuq ir-riformi nazzjonali, id-dimensjoni territorjali u soċjali msaħħa fis-Semestru mill-2018 żiedet ir-rwol tagħha li tiggwida lill-Istati Membri biex jisfruttaw il-potenzjal ekonomiku tat-territorju kollu tagħhom u jnaqqsu l-inugwaljanzi. Tabilħaqq, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-investiment mexxew il-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni 2021-2027 u l-użu tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-2024 se jkollhom rwol ewlieni fir-rieżami ta’ nofs it-terminu u l-aġġustamenti tal-programmi fl-2025 b’enfasi akbar fuq l-ispeċifiċitajiet u l-isfidi reġjonali. 

Sabiex jiġu stimulati aktar it-tkabbir u l-konverġenza reġjonali, hemm bżonn li jiġi esplorat kif ir-rabta bejn l-investimenti u r-riformi tista’ tissaħħaħ aktar biex jiġi massimizzat l-impatt tal-Politika ta’ Koeżjoni. Din ir-riflessjoni għandha tqis l-esperjenza ta’ strumenti oħra tal-UE – b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li introduċiet komplementarjetà aktar b’saħħitha tal-politika ta’ investiment u r-riformi fl-Istati Membri. Ir-riflessjonijiet għandhom ikopru l-ambitu tar-riformi meħtieġa, ir-rwol tas-Semestru Ewropew, u l-koordinazzjoni bejn il-politiki Ewropej u dawk nazzjonali u reġjonali.

Koordinazzjoni u koerenza aħjar mal-politiki nazzjonali

Il-promozzjoni tal-koeżjoni mhijiex ir-responsabbiltà tal-Politika ta’ Koeżjoni biss. L-ingranaġġ tal-potenzjal ekonomiku tar-reġjuni kollha tal-UE, filwaqt li jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi, jeħtieġ sforz komuni — u għandu jkun objettiv kondiviż tal-politiki ta’ investiment, fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Dan mhux dejjem kien il-każ biżżejjed. Għalhekk, hemm bżonn li ssir riflessjoni ulterjuri dwar kif l-azzjoni tal-UE u dik nazzjonali biex jiġu indirizzati d-disparitajiet u biex jiġi promoss l-objettiv tat-Trattat ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għandhom jaħdmu flimkien, filwaqt li jsaħħu lil xulxin u jfasslu l-appoġġ għal tipi differenti ta’ territorju.

Pereżempju, l-integrazzjoni, fejn rilevanti, tad-dimensjoni territorjali fit-tfassil tal-politika tista’ ssaħħaħ koerenza akbar bejn il-ħtiġijiet speċifiċi reġjonali u l-politiki orizzontali (Ewropej u nazzjonali).

Nagħmlu t-twassil aktar effettiv

Id-dewmien fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni (li parzjalment għandhom l-għeruq tagħhom fil-posponiment tal-implimentazzjoni finanzjarja, flimkien ma’ nuqqasijiet amministrattivi f’xi Stati Membri u reġjuni) jissuġġerixxu li l-mod ta’ kif titwettaq il-politika jista’ jittejjeb. Dan jista’ jsir b’mod partikolari billi tiġi żgurata aktar simplifikazzjoni għall-amministrazzjonijiet u l-benefiċjarji.

Il-qafas 2021–2027 ressaq miżuri importanti ta’ simplifikazzjoni – inkluża lista mnaqqsa ta’ objettivi ta’ politika, loġika ta’ intervent aktar ċara permezz ta’ indikaturi, rappurtar eħfef, u arranġamenti ta’ awditjar uniku. Estenda wkoll il-possibbiltajiet li jintużaw għażliet alternattivi ta’ pagament lil hinn mill-kostijiet ibbażati fuq il-fatturi, jiġifieri finanzjament mhux marbut mal-kostijiet, jew għażliet ta’ kostijiet simplifikati. Dan witta t-triq għal implimentazzjoni aktar sempliċi, b’possibbiltajiet ta’ pagament aktar rapidi. Madankollu, l-Istati Membri għadhom ma għamlux użu sħiħ minn dawn l-għażliet.

L-esperjenzi pożittivi li nkisbu permezz tal-implimentazzjoni tal-FSE u tal-FSE +, li jimxu lejn mudell ta’ implimentazzjoni bbażat fuq il-prestazzjoni, jistgħu jgħinu biex jipprovdu tagħlimiet għall-futur. Huwa importanti li jiġi vvalutat jekk dan il-mudell ta’ implimentazzjoni, b’pagamenti marbuta mal-kisba tal-outputs (minflok ir-rimborż tal-kostijiet imġarrba), jistax iġib tnaqqis fil-piż amministrattiv għall-awtoritajiet u għall-benefiċjarji tal-programm, jaċċellera l-implimentazzjoni finanzjarja, u jżid l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati tal-politika.

L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-RRF 14 ipprovdiet ukoll xi riflessjoni importanti li għandha tiġi kkunsidrata għat-tfassil futur tal-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE. Il-konsultazzjonijiet assoċjati juru li hemm appoġġ wiesa’ għal strumenti ta’ finanzjament ibbażati fuq il-prestazzjoni fil-livell tal-UE. Il-fondi taħt l-RRF jiġu żborżati mal-kisba tal-istadji importanti u l-miri, li jirrappreżentaw passi konkreti fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti mill-Istati Membri, u b’hekk jiġi ppremjat il-progress tul it-triq.

L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ssib ukoll li l-kombinazzjoni tar-riformi u l-investimenti b’mod integrat tipprovdi inċentivi effettivi biex jitwettqu l-ħtiġijiet ta’ riforma li ilhom jeżistu — u tista’ twassal għal implimentazzjoni aktar effiċjenti. Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jrawmu tfassil ta’ politika olistiku billi jinċentivaw lill-Istati Membri biex ifasslu sett koerenti ta’ riformi u investimenti, b’riżultati tanġibbli ċari, li jindirizzaw kemm il-prijoritajiet ta’ politika tal-UE kif ukoll l-isfidi speċifiċi għall-pajjiż. Fl-istess ħin, l-evalwazzjoni turi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-partijiet interessati, u l-imsieħba soċjali, kienu qed jindikaw l-involviment insuffiċjenti tagħhom, u tfakkar fl-importanza tal-involviment effettiv tagħhom — mhux biss fit-tfassil, iżda wkoll fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-miżuri li jaffettwawhom. Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni tenfasizza wkoll oqsma potenzjali għal simplifikazzjoni futura biex tiġi żgurata biżżejjed flessibbiltà fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċedura ta’ reviżjoni tagħhom, il-formulazzjoni ta’ stadji importanti u miri kif ukoll il-qafas attwali tal-awditjar u l-kontroll.

Kwalunkwe bidla futura għall-Politika ta’ Koeżjoni jew kwalunkwe mudell ta’ implimentazzjoni ġdid jeħtieġ li tiġi allinjata mal-objettiv tat-Trattat ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u tqis l-esperjenza mill-programmazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-approċċ reġjonali u bbażat fuq il-post tagħha, kif ukoll it-tagħlimiet meħuda mill-RRF. Hemm ukoll kwistjonijiet prattiċi li jridu jiġu kkunsidrati — pereżempju, l-implikazzjonijiet għas-sistema ta’ verifika u kontroll.

L-ilħuq tal-objettivi fit-tul — iżda bi flessibbiltà integrata, għal ċirkostanzi mhux previsti

Il-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni jsegwu objettivi ta’ żvilupp fit-tul b’perjodu ta’ implimentazzjoni li jkopri għaxar snin.

Il-possibbiltà eżistenti li jiġu emendati l-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni diġà tippermetti aġġustament flessibbli biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu. Din il-flessibbiltà żdiedet maż-żmien. Dan intuża b’effett kbir b’reazzjoni għal kriżijiet ekonomiċi u xokkijiet mhux mistennija, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ġestjoni tal-emerġenzi, l-irkupru u l-prevenzjoni. Il-qafas leġiżlattiv jinkludi għażliet għal riallokazzjoni rapida tal-fondi bejn u fi ħdan il-programmi, l-eżerċizzju ta’ rieżami ta’ nofs it-terminu, u dispożizzjonijiet speċifiċi għal derogi temporanji b’reazzjoni għal ċirkostanzi eċċezzjonali jew mhux tas-soltu.

Filwaqt li kien kruċjali għall-Politika ta’ Koeżjoni li tikkontribwixxi għar-rispons tal-UE għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 u tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-enfasi ewlenija tagħha trid tibqa’ fuq il-kisba tal-objettivi strutturali fit-tul. Ir-reżiljenza ekonomika tista’ tinkiseb biss permezz ta’ investimenti fit-tul, b’mod partikolari fid-diversifikazzjoni tal-ekonomiji reġjonali, fil-bini tal-adattabbiltà għat-tibdil teknoloġiku u demografiku u fit-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol.



KONKLUŻJONI

Id-9a Rapport dwar il-Koeżjoni jenfasizza kisbiet sinifikanti tal-Politika ta’ Koeżjoni f’termini tat-trawwim ta’ konverġenza ekonomika u soċjali ’l fuq fl-Unjoni. L-isfidi jibqgħu speċjalment fil-livell reġjonali, u dawn se jiġu affettwati aktar mit-trasformazzjonijiet strutturali. It-tagħlimiet meħuda mill-perjodi ta’ implimentazzjoni tal-passat, u mill-interazzjoni ma’ strumenti oħra, jenfasizzaw il-ħtieġa għal aktar titjib fit-tfassil tal-Politika ta’ Koeżjoni. Politika aktar b’saħħitha u modernizzata hija essenzjali biex jissaħħaħ il-mudell tat-tkabbir tal-Ewropa, biex tinbena Unjoni inklużiva, u biex jintlaħaq l-objettiv tat-Trattat ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

(1)

  Insawru futur sostenibbli flimkien - Koeżjoni għal Ewropa kompetittiva u inklużiva:rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Futur tal-Politika ta’ Koeżjoni  

(2)

Formazzjoni gross tal-kapital fiss tal-gvern ġenerali.

(3)

L-Istati Membri b’Introjtu Nazzjonali Gross per capita taħt id-90 % tal-medja tal-UE.

(4)

L-impatt tal-programmi 2014–2020 u 2021–2027 ġie vvalutat bl-użu ta’ RHOMOLO, mudell ta’ ekwilibriju ġenerali komputabbli tal-Kummissjoni Ewropea. Ara Kapitolu 9 tad-9a Rapport ta’ Koeżjoni għal analiżi iktar dettaljata.

(5)

iċ-Ċekja, il-Polonja, is-Slovakkja, il-Kroazja, il-Bulgarija, ir-Rumanija, l-Estonja, il-Greċja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta u s-Slovenja.

(6)

Ara Kapitolu 9 tad-9a Rapport ta’ Koeżjoni.

(7)

COM(2024) 146 final, 20.3.2024.

(8)

  Ir-Regolament (UE) 2024/795 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP)

(9)

Il-kontijiet individwali tal-apprendiment jagħtu baġit lill-persuni fl-età tax-xogħol biex jintefaq fuq it-taħriġ, sabiex itejbu l-ħiliet u l-impjegabbiltà tagħhom.

(10)

COM(2023) 32 final, 17.1.2023.

(11)

COM(2023) 577 final, 11.10.2023.

(12)

  Ewropa urbana-rurali - introjtu u kundizzjonijiet tal-għajxien - Statistics Explained (europa.eu)

(13)

A. Rodriguez-Posé, L. Dijkstra and H. Poelman: Il-ġeografija tal-Iskuntentizza tal-UE u t-Traċċar tal-Iżvilupp Reġjonali,  Dokumenti ta’ Ħidma dwar il-Politika Reġjonali 03/2023  

(14)

COM(2024) 82 final, 21.2.2024.